Finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni: ambizzjonijiet siewja, iżda kien għad hemm ostakli fil-perjodu 2014-2020
Dwar ir-rapport:
Aħna vvalutajna l-użu tal-istrumenti għal finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu 2014-2020. Analizzajna r-rekwiżit li jiġu ssodisfati kundizzjonalitajiet ex ante speċifiċi; ir-riżerva obbligatorja ta’ prestazzjoni; u l-mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni. L-awditu li wettaqna kkonferma li t-tliet strumenti kollha wasslu għal approċċi ġodda għall-implimentazzjoni. Madankollu, ma għamlux differenza notevoli fil-mod kif il-finanzjament tal-UE ġie allokat u żborżat. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mill-kundizzjonijiet abilitanti fil-perjodu 2021-2027; twitti t-triq għal rieżami effettiv ta’ nofs it-terminu fl-2025 minn kmieni; tikkjarifika r-regoli sottostanti għall-mudell ta’ “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”; u tikkjarifika l-approċċ għall-għoti ta’ aċċertament rigward il-finanzjament tal-UE permezz tal-mudell ta’ “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I It-twassil tar-riżultati hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika tal-UE u biex b’hekk anki tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni. Li l-politika ta’ Koeżjoni ssir aktar ibbażata fuq il-prestazzjoni huwa objettiv kondiviż tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.
II Ir-regolament dwar dispożizzjonijiet komuni għall-perjodu 2014-2020 ippreveda “qafas tal-prestazzjoni” espliċitu għall-programmi operazzjonali tal-Istati Membri, inklużi l-objettivi intermedji u l-miri li għandhom jinkisbu bl-investimenti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Barra minn hekk, tliet strumenti taw inċentivi finanzjarji lill-Istati Membri biex jiksbu r-riżultati u jottimizzaw l-użu li jagħmlu mill-finanzjament:
- Ir-rekwiżit li jiġu ssodisfati prerekwiżiti speċifiċi (kundizzjonalitajiet ex ante) biex jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment mill-bidu tal-programmi. Dawn kellhom ukoll l-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-użu effettiv u effiċjenti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kienu fis-seħħ, biex l-infiq tal-Istati Membri jkun jista’ jiġi rrimborżat mill-baġit tal-UE;
- Riżerva obbligatorja ta’ prestazzjoni ta’ madwar EUR 20 biljun (jew 6 % tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni), li setgħet tiġi rilaxxata għal assi prijoritarji ta’ suċċess, jew kellha tiġi riallokata għal assi prijoritarji oħra tal-istess programm jew għal programmi oħra fl-istess Stat Membru; u
- Mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni li kienu jorbtu l-appoġġ finanzjarju tal-UE direttament ma’ outputs jew riżultati predefiniti.
III L-awditu li wettaqna vvaluta l-użu ta’ dawn l-istrumenti fil-perjodu 2014-2020. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:
- dawn l-istrumenti kinux imfassla tajjeb biex jinċentivaw il-prestazzjoni u biex ibiddlu l-fokus lejn il-kisba tar-riżultati;
- il-Kummissjoni u l-Istati Membri użawhomx b’mod effettiv; u
- l-użu tagħhom għamilx differenza fil-mod kif ġie allokat u żborżat il-finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni.
IV It-tliet strumenti kollha kellhom il-potenzjal li jinċentivaw il-prestazzjoni u li jbiddlu l-fokus lejn il-kisba tar-riżultati. Barra minn hekk, l-istrumenti huma komplementari peress li huma applikabbli fi stadji differenti u għal aspetti differenti tal-implimentazzjoni tal-programmi, iżda kollha jorbtu l-finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni mal-prestazzjoni u mar-riżultati.
V Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kellhom suċċess parzjali biss fl-użu tat-tliet strumenti biex jagħmlu l-finanzjament tal-politika ta’ Koeżjoni bbażat aktar fuq il-prestazzjoni. Il-valutazzjoni tagħna hija aktar pożittiva għall-kundizzjonalitajiet ex ante milli għar-riżerva ta’ prestazzjoni, u l-inqas pożittiva għall-mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni (ħlief għażliet ta’ spejjeż simplifikati, li diġà kienu jeżistu qabel l-2014).
VI L-Istati Membri ssodisfaw il-biċċa l-kbira mill-kundizzjonalitajiet ex ante imma mhux kollha, qabel ma l-programmi ngħataw bidu. Il-pjanijiet ta’ azzjoni rigward il-kundizzjonalitajiet ex ante pendenti ġew maqbula u fil-biċċa l-kbira ġew ikkompletati, iżda f’xi każijiet ikkompletati biss tard fil-perjodu. Il-valutazzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante mill-Kummissjoni tfasslet bħala eżerċizzju ta’ darba minflok ma sar monitoraġġ tal-issodisfar tagħhom matul il-perjodu. Il-“kundizzjonijiet abilitanti” (is-suċċessur tagħhom għall-perjodu 2021-2027) jirrikjedu ssodisfar matul il-perjodu. Madankollu, l-arranġamenti ta’ monitoraġġ u rappurtar għall-kundizzjonijiet abilitanti jeħtieġu kjarifika ulterjuri.
VII Fl-2019, il-Kummissjoni rrilaxxat 82 % tar-riżerva ta’ prestazzjoni ta’ EUR 20 biljun għall-perjodu 2014-2020. L-ammonti rilaxxati kienu bbażati prinċipalment fuq l-ilħuq mill-Istati Membri tal-miri tal-infiq u tal-outputs, billi l-indikaturi tar-riżultati bilkemm intużaw biex tiġi allokata r-riżerva ta’ prestazzjoni. B’mod kumplessiv, l-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni kellha biss impatt limitat fuq il-baġits tal-programmi. L-użu ta’ riżerva obbligatorja ta’ prestazzjoni ma tkomplietx għall-perjodu 2021-2027 u ġiet sostitwita b’rieżami ta’ nofs it-terminu. Madankollu, id-dispożizzjonijiet huma vagi u ma jistabbilixxux kif il-prestazzjoni reali tal-programmi se taffettwa l-allokazzjoni tal-fondi.
VIII L-Istati Membri wrew interess limitat ħafna fl-użu taż-żewġ mudelli l-ġodda ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni, jiġifieri “pjanijiet ta’ azzjoni konġunti” u “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”. Il-Kummissjoni kellha aktar suċċess fil-promozzjoni tal-użu tal-għażliet ta’ spejjeż simplifikati aktar tradizzjonali, għalkemm mhux dawn kollha huma bbażati fuq il-prestazzjoni. Il-“finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż” se jsir il-mudell dominanti ta’ finanzjament tal-UE fis-snin li ġejjin, prinċipalment minħabba l-użu obbligatorju tiegħu taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Madankollu, aħna nqisu li hemm il-ħtieġa li r-regoli applikabbli dwar l-użu tiegħu fil-politika ta’ Koeżjoni jiġu kkjarifikati aktar, biex b’hekk tiżdied il-probabbiltà li l-Istati Membri jużaw dan il-mudell ta’ finanzjament innovattiv.
IX B’mod kumplessiv, l-awditu li wettaqna kkonferma li l-introduzzjoni tal-qafas tal-prestazzjoni fil-perjodu 2014-2020 ikkontribwiet għal bidla kulturali fil-ġestjoni finanzjarja tal-politika ta’ Koeżjoni Madankollu, l-awditu li wettaqna wera wkoll li l-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni għadu mhuwiex realtà fil-politika ta’ Koeżjoni. B’mod partikolari, filwaqt li t-tliet strumenti l-ġodda wasslu għal approċċi ġodda għall-implimentazzjoni, ma għamlu l-ebda differenza notevoli fil-mod kif il-finanzjament tal-UE ġie allokat u żborżat.
X Aħna nindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kummissjoni:
- Tagħmel l-aħjar użu mill-kundizzjonijiet abilitanti fil-perjodu 2021-2027;
- Twitti t-triq minn kmieni għal rieżami effettiv ta’ nofs it-terminu għall-perjodu 2021-2027;
- Tikkjarifika r-regoli sottostanti għall-mudell ta’ “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”; u
- Tikkjarifika l-approċċ għall-għoti ta’ aċċertament rigward il-finanzjament tal-UE permezz tal-mudell ta’ “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”.
XI Matul il-perjodu 2021-2027, il-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni se jitmexxew simultanjament mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Uħud mit-tagħlimiet mill-użu ta’ strumenti għal finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni bbażat fuq il-prestazzjoni fil-perjodu 2014-2020 jistgħu jkunu applikabbli wkoll għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fejn il-finanzjament se jkun ibbażat ukoll fuq il-prestazzjoni.
Introduzzjoni
Il-fokus tal-baġit tal-UE fuq ir-riżultati kien prijorità għall-perjodu 2014-2020
01 Ir-riżultati mill-infiq tal-UE jagħtu kontribut essenzjali lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE. Ir-Regolament Finanzjarju tal-UE jirrikjedi li l-infiq kollu tal-UE jissodisfa l-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba[1] sabiex jiġi mmassimizzat il-valur għall-flus. Fl-2015, il-Kummissjoni nediet inizjattiva msejħa “Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati”[2], li kellha l-għan li żżid it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont fl-infiq tal-UE u li tpoġġi r-riżultati fil-qofol tal-baġit tal-UE.
02 Li l-politika ta’ Koeżjoni ssir aktar ibbażata fuq il-prestazzjoni kien objettiv espliċitu tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill meta ġie adottat il-pakkett leġiżlattiv għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) tal-perjodu 2014-2020 f’Diċembru 2013[3].
03 Il-politika ta’ Koeżjoni hija implimentata mill-awtoritajiet maniġerjali fl-Istati Membri permezz ta’ madwar 390 programm operazzjonali (PO), taħt is-superviżjoni u l-gwida tal-Kummissjoni. Għall-perjodu 2014-2020, il-baġit kumplessiv għall-politika ta’ Koeżjoni ammonta għal madwar EUR 357 biljun, madwar terz tal-baġit kumplessiv tal-UE. Għall-perjodu 2021-2027, il-baġit se jkun ta’ madwar EUR 373 biljun (fi prezzijiet attwali). Il-Kaxxa 1 tipprovdi xi informazzjoni ġenerali dwar il-politika ta’ Koeżjoni fiż-żewġ perjodi.
Il-politika ta’ Koeżjoni fi ftit kliem
L-objettiv prinċipali tal-politika ta’ Koeżjoni tal-UE stabbilit mit-Trattat huwa li tissaħħaħ il-Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livell ta’ żvilupp tar-reġjuni[4]. Fi snin reċenti, il-politika ta’ Koeżjoni saret gradwalment ukoll waħda mill-għodod ta’ investiment prinċipali tal-UE għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-istrateġiji ġenerali tagħha, li bdiet bl-istrateġija ta’ Lisbona fil-perjodu 2007-2013 u kompliet bl-istrateġija Ewropa 2020 għall-perjodu 2014-2020.
Fil-perjodu 2021-2027, il-politika ta’ Koeżjoni se tappoġġa ħames objettivi ta’ politika, b’fokus fuq “Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti”, “Ewropa aktar ekoloġika u ħielsa mill-karbonju fi tranżizzjoni għal ekonomija b’emissjonijiet tal-karbonju żero”, “Ewropa aktar konnessa billi tittejjeb il-mobbiltà”, “Ewropa aktar soċjali u inklużiva li timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” u “Ewropa eqreb taċ-ċittadini”. Il-politika ta’ Koeżjoni se tappoġġa wkoll l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Fil-perjodu 2014-2020, il-politika ta’ Koeżjoni twettqet permezz ta’ tlieta mill-ħames Fondi SIE: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), biż-żewġ fondi l-oħra jittrattaw l-iżvilupp rurali u s-sajd.
04 Fl-24 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar ir-regolament dwar dispożizzjonijiet komuni (RDK)[5] li jistabbilixxi r-regoli għall-perjodu 2021-2027. Għall-biċċa l-kbira mill-perjodu 2021-2027, il-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni se jiġu implimentati simultanjament mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) b’baġit ta’ EUR 672.5 biljun (inklużi EUR 312.5 biljun f’għotjiet). L-RRF għandha l-għan li timmitiga l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 billi tiffinanzja lill-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi intermedji u l-miri maqbula[6].
L-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni: x’jinvolvi?
05 L-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni huwa l-użu sistemiku ta’ informazzjoni dwar l-outputs, ir-riżultati u/jew l-impatti biex tiġi infurmata, influwenzata u/jew iddeterminata l-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi[7]. L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tiddefinixxi tliet[8] kategoriji wesgħin ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni: ibbaġitjar ta’ preżentazzjoni, ibbaġitjar infurmat fuq il-prestazzjoni u bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni. F’dan ir-rapport, aħna nużaw it-terminu “finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni” b’mod analogu għal dan tal-aħħar, iżda li jinkludi wkoll il-finanzjament ta’ programmi u operazzjonijiet.
Il-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu 2014-2020
06 L-RDK għall-perjodu 2014-2020 introduċa żewġ komponenti prinċipali li kellhom l-għan li jagħmlu l-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni aktar iffukat fuq ir-riżultati. L-ewwel nett, kien hemm “qafas tal-prestazzjoni” espliċitu, li jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi speċifiċi li għandhom jintlaħqu b’investimenti mill-Fondi SIE. It-tieni, ġew introdotti strumenti speċifiċi għall-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni biex jagħtu inċentivi finanzjarji lill-Istati Membri u biex jottimizzaw l-użu tagħhom tal-appoġġ finanzjarju tal-UE:
- Ir-rekwiżit li jiġu ssodisfati kundizzjonalitajiet ex ante speċifiċi (EACs) meħtieġa biex jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment mill-bidu tal-programmi u biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet meħtieġa kienu fis-seħħ sabiex l-infiq tal-Istati Membri jkun jista’ jiġi rrimborżat mill-baġit tal-UE;
- Riżerva obbligatorja ta’ prestazzjoni ta’ 6 % tal-allokazzjoni totali ta’ kull Stat Membru, li setgħet tiġi riallokata għal assi prijoritarji oħra tal-istess programm jew għal programmi oħra fl-istess Stat Membru, abbażi tar-rieżami tal-prestazzjoni 2019; u
- It-twessigħ tal-użu ta’ mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni. B’mod partikolari, ġew introdotti żewġ mudelli ta’ finanzjament (“pjanijiet ta’ azzjoni konġunti” (PAK) u “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż” (FNLTC)), tal-aħħar fl-2019. Dawn rabtu l-finanzjament tal-UE direttament mal-kisba ta’ outputs, riżultati jew kundizzjonijiet predefiniti. Fl-istess ħin, l-Istati Membri ġew imħeġġa japplikaw “għażliet ta’ spejjeż simplifikati” (SCOs) li kienu diġà ġew ippilotati fil-perjodu 2007-2013.
07 Fil-perjodu 2014-2020, il-Fondi SIE kienu suġġetti wkoll għal “kundizzjonalità makroekonomika” fejn il-finanzjament tal-UE seta’ jiġi riprogrammat jew sospiż jekk Stat Membru jkun naqas milli jikkonforma mar-regoli ta’ governanza ekonomika tajba. Madankollu, din ir-regola qatt ma ġiet applikata.
Restrizzjonijiet fuq l-orjentazzjoni tal-prestazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni
08 Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tagħmel użu tajjeb mill-appoġġ finanzjarju tal-UE, inkluż meta tikkondividi l-ġestjoni ta’ dawn il-fondi mal-Istati Membri[9]. Madankollu, hemm għadd ta’ restrizzjonijiet partikolari għal politika ta’ Koeżjoni bbażata aktar fuq il-prestazzjoni[10]:
- L-allokazzjonijiet totali lill-Istati Membri (magħrufa bħala l-“pakketti finanzjarji” tagħhom) jiġu maqbula mill-bidu nett matul in-negozjati tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP). B’riżultat ta’ dan, ma hemm l-ebda flessibbiltà biex jiġu riallokati l-fondi bejn l-Istati Membri matul il-perjodu;
- Il-QFP ta’ seba’ snin jistabbilixxi ammonti massimi (“limiti massimi”) għal kull kategorija ta’ nfiq, li jenħtieġ li ma jiġux aġġustati ħlief in extremis.
09 Diffikultà addizzjonali tinsab fil-fatt li l-prestazzjoni, inkluża l-kisba tar-riżultati, tiddependi minn ħafna atturi differenti: il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u dawk lokali fl-Istati Membri, u l-parteċipanti fis-settur pubbliku u privat. Dawn huma kollha involuti fl-ilħuq tal-objettivi, tal-objettivi intermedji u tal-miri, u jridu jiżguraw li l-fondi tal-UE u dawk nazzjonali jintefqu b’mod effiċjenti, effettiv u f’konformità mar-regoli. Jeħtieġ li jittieħed kont ukoll tad-differenzi territorjali li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni ta’ programm. Fatturi esterni, kif intwera reċentement mill-pandemija tal-COVID-19, għandhom ukoll impatt potenzjali sinifikanti fuq l-implimentazzjoni tal-programmi.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
10 L-awditu li wettaqna vvaluta l-użu ta’ strumenti għall-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fil-qasam tal-Koeżjoni fil-perjodu 2014-2020. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:
- dawn l-istrumenti kinux imfassla tajjeb biex jinċentivaw il-prestazzjoni u biex ibiddlu l-fokus lejn il-kisba tar-riżultati;
- il-Kummissjoni u l-Istati Membri użawhomx b’mod effettiv; u
- l-użu tagħhom għamilx differenza fil-mod kif ġie allokat u żborżat il-finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni.
11 Bħala parti mix-xogħol tal-awditjar tagħna, aħna rrieżaminajna l-qafas regolatorju, il-proċeduri u l-gwida tal-Kummissjoni, u d-dokumentazzjoni u l-letteratura rilevanti dwar il-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fil-kuntest tal-politika tal-UE u l-politika ta’ Koeżjoni.
12 Aħna analizzajna wkoll id-data pprovduta mill-Kummissjoni dwar l-ikkompletar tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-EACs u dwar ir-rieżami tal-prestazzjoni. Għall-analiżi li wettaqna, għażilna 14-il PO minn 4 Stati Membri (il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja u r-Rumanija) li jkopru kemm il-finanzjament tal-FEŻR/FK kif ukoll tal-FSE taħt 5 objettivi tematiċi marbuta mill-qrib ma’ Ewropa 2020 u 8 pjanijiet ta’ azzjoni relatati għall-EACs (ara l-Anness I). Aħna stħarriġna wkoll lill-awtoritajiet maniġerjali ta’ dawn l-14-il PO rigward l-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-EACs, rigward il-verifiki tal-Istati Membri biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni, u rigward l-ostakli għall-adozzjoni ta’ mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni.
13 Barra minn hekk, intervistajna lill-persunal tal-Kummissjoni kif ukoll lill-esperti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), il-Bank Dinji, iċ-Ċentru ta’ Riċerka fil-qasam tal-Politiki Ewropej (EPRC), iċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) u f’erba’ Stati Membri (l-Awstrija, in-Netherlands, il-Portugall u l-Ġermanja).
14 Fl-aħħar nett, għal dan l-awditu, aħna nużaw ukoll bħala bażi r-rapporti preċedenti tagħna dwar l-orjentazzjoni tal-prestazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni u l-opinjonijiet tagħna dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni (ara l-Anness II).
15 Ix-xogħol tal-awditjar tagħna kopra l-perjodu sa Diċembru 2020. Aħna rrieżaminajna wkoll l-iżviluppi l-aktar reċenti u identifikajna xi riskji u opportunitajiet għall-perjodu 2021-2027. Madankollu, dan l-awditu ma jindirizzax ir-riallokazzjonijiet tal-baġit li saru fl-2020 b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19[11].
Osservazzjonijiet
Kundizzjonalitajiet ex ante
Għodda innovattiva biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal infiq effettiv
16 L-EACs huma waħda mill-innovazzjonijiet prinċipali għall-perjodu 2014-2020. L-EACs jikkonċernaw, pereżempju, l-eżistenza ta’ qafas legali sottostanti, il-kapaċità amministrattiva għall-immaniġġjar tal-fondi u l-eżistenza ta’ qafas strateġiku biex jiggwida l-investimenti mill-Fondi SIE[12].
17 Qabel ma setgħu jiġu adottati l-PO, l-Istati Membri kellhom jew jagħtu prova li huma kienu ssodisfaw l-EACs, jew inkella jipproponu pjanijiet ta’ azzjoni li jispjegaw kif dawn kienu se jwettquhom sal-31 ta’ Diċembru 2016. L-Istati Membri kellhom jirrappurtaw dwar l-ikkompletar ta’ dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom, li kellhom jiġu ppreżentati sat-30 ta’ Ġunju 2017, jew fir-rapporti ta’ progress li kellhom isiru f’Awwissu 2017[13].
18 L-Istati Membri kellhom jissodisfaw 29 EAC tematiku marbuta ma’ ċerti tipi ta’ investimenti u 7 EACs ġenerali (ara l-Kaxxa 2 u l-Figura 1).
Eżempji ta’ EACs tematiċi fil-perjodu 2014-2020
EAC 1.1 “Riċerka u innovazzjoni: L-eżistenza ta’ strateġija nazzjonali jew reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti” kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu strateġija għall-investiment fir-riċerka biex jgħinu jimmiraw il-finanzjament tal-UE aħjar lejn investimenti b’potenzjal għoli ta’ tkabbir.
EAC 2.2 “Infrastruttura tan-Network tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGN): L-eżistenza ta’ Pjanijiet nazzjonali jew reġjonali NGN” kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet għall-investimenti fl-infrastruttura tal-broadband, filwaqt li jidentifikaw żoni kummerċjalment vijabbli fejn l-investimenti jenħtieġ li jiġu primarjament mis-settur privat u oħrajn bi profittabbiltà baxxa li jkunu jirrikjedu kontribuzzjonijiet pubbliċi, inkluż il-finanzjament tal-UE.
L-EAC 4.1 tirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovu t-titjib kosteffettiv tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u investiment kosteffettiv fl-użu tal-enerġija waqt il-kostruzzjoni jew ir-rinnovazzjoni ta’ bini, kif meħtieġ mid-Direttivi tal-UE. Huwa mistenni li dan jaġixxi bħala inċentiv għall-atturi tas-suq biex jipproduċu u jixtru servizzi tal-enerġija effiċjenti u jieħdu miżuri biex itejbu l-effiċjenza enerġetika.
19 Xi wħud mill-EACs ġenerali indirizzaw aspetti speċifiċi relatati mal-istat tad-dritt u l-valuri tal-UE, bħall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jew id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku jew tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda ma kien hemm l-ebda kundizzjoni ġenerali fir-rigward tal-istat tad-dritt.
20 F’awditu preċedenti, diġà sibna li l-EACs ipprovdew qafas konsistenti għall-valutazzjoni tat-tħejjija tal-Istati Membri li jimplimentaw il-fondi tal-UE u li huma pperċepewhom bħala element pożittiv[14]. Fl-istess ħin, osservajna wkoll għadd ta’ dgħufijiet fit-tfassil tal-EACs. Dawn kienu wkoll l-oqsma li fuqhom aħna ffukajna f’dan l-awditu.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ma indirizzawx l-EACs b’mod f’waqtu
Il-valutazzjoni tal-EACs kienet ibbażata fuq kriterji wesgħin
21 Mill-2014, l-Istati Membri kellhom jivvalutaw huma stess jekk kinux jissodisfaw l-EACs. Din l-awtovalutazzjoni kienet ibbażata fuq il-kriterji speċifikati fl-RDK[15] u kellha tiġi vvalidata mill-Kummissjoni. Il-kriterji tal-RDK kienu ta’ spiss wesgħin, ħallew lok konsiderevoli għall-interpretazzjoni, u ta’ spiss ma kinux jirreferu għal miri kwantifikabbli speċifiċi anki fejn tali miri setgħu jiġu derivati mil-leġiżlazzjoni tal-UE.
22 Fl-2014, il-Kummissjoni ħarġet gwida addizzjonali dwar kif jenħtieġ li l-Istati Membri u s-servizzi proprji tagħha jivvalutaw il-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-EACs. Minkejja dan, aħna identifikajna inkonsistenzi fil-mod kif il-Kummissjoni vvalutat u vvalidat il-progress li sar mill-Istati Membri fl-ikkompletar tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom għall-EACs. Kif jidher fil-Kaxxa 3, dan baqa’ kien l-każ sa tmiem il-perjodu 2014-2020.
Inkonsistenzi fil-valutazzjoni li l-Kummissjoni wettqet tal-EACs
Erba’ Stati Membri (l-Italja, Franza, ir-Rumanija u Ċipru) naqsu milli jikkompletaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom għall-EAC 6.2 fis-settur tal-iskart sad-data ta’ skadenza għar-rappurtar fi tmiem Awwissu 2017. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet maniġerjali tal-PO Taljan u dak Rumen li kienet biħsiebha tissospendi l-pagamenti. Fi Frar 2019, il-Kummissjoni issospendiet fil-fatt il-pagamenti għall-PO Taljan, iżda mhux għall-PO Rumen. Għaż-żewġ PO l-oħra (Franza u Ċipru), il-Kummissjoni kompliet tinnegozja l-ikkompletar tal-pjanijiet ta’ azzjoni. Fil-każ ta’ Ċipru, il-pjan ta’ azzjoni kien għadu ma ġiex ikkompletat sa Diċembru 2020.
Valutazzjoni tal-EACs imfassla bħala eżerċizzju ta’ darba fil-bidu tal-perjodu 2014-2020
23 Fl-istadju tal-adozzjoni tal-PO, madwar terz tal-EACs tematiċi baqgħu ma ġewx issodisfati. Il-Kummissjoni identifikat problemi b’mill-inqas uħud mill-EACs għal 26 mit-28 Stat Membru ta’ dak iż-żmien. Fiż-żmien tal-adozzjoni tal-PO tagħhom, l-Awstrija u d-Danimarka biss issodisfaw l-EACs rilevanti kollha. Is-26 Stat Membru li jifdal adottaw total ta’ 761 pjan ta’ azzjoni rigward il-mod kif ippjanaw li jissodisfaw l-EACs wara l-adozzjoni tal-PO.
24 Dawn iċ-ċifri ma jagħtu l-ebda indikazzjoni tal-impatt potenzjali li l-EACs mhux issodisfati kellhom fuq il-prestazzjoni. Minkejja dan, dawn juru li n-nuqqas ta’ ssodisfar tal-EACs ma kienx każ iżolat, iżda kien jikkonċerna diversi oqsma u ħafna Stati Membri.
25 Mis-761 pjan ta’ azzjoni, l-Istati Membri kienu rrappurtaw 746 (98 %)[16] bħala kkompletati sa tmiem Awwissu 2017. Il-15-il pjan ta’ azzjoni pendenti kienu jikkonċernaw 8 Stati Membri: Ċipru, Spanja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu u r-Rumanija. Sal-2018, il-biċċa l-kbira minn dawn l-Istati Membri kienu kkompletaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom. Madankollu, il-pjanijiet ta’ azzjoni għal PO Taljan wieħed u PO Ċiprijott wieħed baqgħu mhux ikkompletati sa Diċembru 2020.
26 Fil-perjodu 2014-2020, il-valutazzjoni tal-EACs kienet imfassla bħala eżerċizzju ta’ darba. L-RDK kien jirrikjedi li l-Istati Membri jivvalutaw jekk jissodisfawx l-EACs fiż-żmien tal-adozzjoni tal-PO (jew, f’ċerti ċirkostanzi, sa Diċembru 2016), u li l-Kummissjoni tivvalida din il-valutazzjoni. Madankollu, l-RDK ma kienx jirrikjedi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jimmonitorjaw jekk l-EACs baqgħux issodisfati matul il-ħajja tal-programm. Għalhekk mhuwiex ċar jekk il-kisbiet irrappurtati f’dan il-proċess kinux sostnuti matul il-perjodu 2014-2020 kollu kemm hu.
Evidenza limitata dwar l-impatt tal-EACs fuq l-effettività tal-infiq
27 L-aspettattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-impatt tal-EACs kienu jvarjaw. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet ma qisux li l-issodisfar tagħhom ikun awtomatikament jagħmel l-implimentazzjoni tal-politika ta’ Koeżjoni aktar effettiva; ipperċepew l-EACs pjuttost bħala għodda utli għall-awtovalutazzjoni[17]. Ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna fi snin reċenti jikkonferma li anki jekk Stat Membru jissodisfa formalment EAC, dan fih innifsu mhux bilfors ifisser li s-sitwazzjoni fil-prattika tjiebet u li ħoloq il-kundizzjonijiet biex jinkisbu r-riżultati (ara l-eżempji fil-Kaxxa 4).
EACs issodisfati, iżda mhux dejjem marbuta ma’ titjib fil-prattika
Fl-awditu li wettaqna dwar il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, aħna stabbilejna li l-Istati Membri eżaminati lkoll kienu adottaw l-istrateġiji kontra l-faqar f’konformità mal-EAC 9.1 “L-eżistenza u l-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ politika strateġika nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar”[18]. Madankollu, sibna bosta dgħufijiet fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji. Għall-Polonja u għar-Rumanija, pereżempju, aħna kkonkludejna li l-awtoritajiet nazzjonali ma kinux immonitorjaw l-implimentazzjoni b’mod effettiv, u li l-miri stabbiliti fl-istrateġiji kienu diġà ntlaħqu fiż-żmien tal-adozzjoni.
Fl-awditu li wettaqna dwar l-għajnuna mill-Istat, sibna li l-issodisfar tal-EACs ġenerali rilevanti mill-Istati Membri mhux neċessarjament irriżulta f’konformità aħjar fil-prattika għall-proġetti taħt il-politika ta’ Koeżjoni[19]. L-awditi li wettaqna b’rabta mad-“dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni” urew ukoll li n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kompla jkun sors frekwenti ta’ żbalji fl-infiq fil-qasam ta’ Koeżjoni wara l-2017[20].
28 Fl-istess ħin, l-introduzzjoni tal-EACs setgħet għamlet kontribuzzjoni indiretta - mingħajrhom, il-kundizzjonijiet għall-infiq tal-fondi tal-UE fil-prattika kienu jkunu saħansitra aktar diffikultużi. Studju tal-Kummissjoni fl-2017 ikkonkluda li l-EACs għamlu l-użu tal-Fondi SIE aktar effettiv u strutturat[21]. Madankollu, irrikonoxxa li l-evidenza kienet limitata u li l-konklużjonijiet jistgħu jkunu prematuri. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni ulterjuri tal-impatt tal-EACs fuq l-effettività tal-infiq fil-prattika.
In-nuqqas ta’ ssodisfar tal-EACs rari kellu konsegwenzi finanzjarji
29 Fil-perjodu 2014-2020, kien hemm rabta diretta bejn in-nuqqas ta’ ssodisfar tal-EACs u l-iżborż tal-fondi tal-UE għall-prijoritajiet ikkonċernati f’żewġ stadji, billi l-Kummissjoni kellha s-setgħa li tissospendi l-pagamenti jekk l-Istati Membri ma jissodisfawx l-EACs rilevanti[22]:
- l-ewwel nett, fl-istadju tal-adozzjoni tal-PO, il-Kummissjoni setgħet tissospendi l-pagamenti interim sakemm jiġu kkompletati l-pjanijiet ta’ azzjoni fejn setgħet turi preġudizzju sinifikanti għall-ilħuq ta’ objettivi speċifiċi;
- it-tieni, hija setgħet tissospendi l-pagamenti fejn il-pjanijiet ta’ azzjoni ma kinux ġew ikkompletati sal-31 ta’ Diċembru 2016.
Madankollu, in-nuqqas ta’ ssodisfar tal-EACs ma kienx, fih innifsu, raġuni suffiċjenti għas-sospensjoni tal-pagamenti.
Il-Kummissjoni ma ssospendiet l-ebda pagament għan-nuqqas ta’ ssodisfar tal-EACs fl-istadju tal-adozzjoni tal-PO
30 Fir-rigward tal-ewwel stadju, sibna li l-Kummissjoni ma kienet imponiet l-ebda sospensjoni tal-pagamenti fiż-żmien tal-adozzjoni tal-PO, minkejja li madwar terz tal-EACs tematiċi baqgħu ma ġewx issodisfati (ara l-paragrafu 23). Madankollu, sibna wkoll li l-Istati Membri imponew l-awtosospensjonijiet tagħhom li jammontaw għal madwar 2 % tal-finanzjament taħt l-FEŻR/FK u 3.5 % tal-finanzjament taħt l-FSE[23]. Dan seta’ ppreviena lill-Kummissjoni nnifisha milli timponi sospensjonijiet. Dan juri wkoll li l-EACs, tal-inqas fil-bidu tal-perjodu 2014-2020, kellhom effett fuq l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE.
31 Fir-rigward tat-tieni stadju, il-Kummissjoni żviluppat proċeduri għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri[24] u ddefiniet kriterji għal sospensjonijiet possibbli ta’ pagamenti[25]. Skont il-Kummissjoni, sospensjoni kienet possibbli biss jekk kien hemm informazzjoni suffiċjenti u bażi ġuridika biex tipproċedi. In-nuqqas ta’ kkompletar ta’ pjan ta’ azzjoni ma kienx, fih innifsu, suffiċjenti biex jiskatta sospensjoni. Skont l-RDK, kwalunkwe sospensjoni diskrezzjonarja tal-pagamenti imposta mill-Kummissjoni kellha tkun proporzjonata, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu u l-fondi f’riskju”[26].
32 Sadanittant, l-Istati Membri ma kinux obbligati jirrappurtaw b’mod sistematiku dwar il-progress intermedju tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom sad-data ta’ skadenza għar-rappurtar fl-2017, u lanqas li jipprovdu informazzjoni li tippermetti valutazzjoni sistematika u konsistenti ta’ jekk il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-pagamenti kinux jeżistu. Mingħajr rabta ċara u li tista’ titkejjel fl-RDK bejn l-EACs u l-ilħuq tal-objettivi speċifiċi tal-PO, kien kważi impossibbli għall-Kummissjoni li tiġġustifika d-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni. Konsegwentement, għalkemm l-oneru tal-provi biex jiġu ġġustifikati s-sospensjonijiet kien fuq il-Kummissjoni, ma kellhiex aċċess għall-informazzjoni li kienet teħtieġ biex tagħmel dan.
Il-Kummissjoni ssospendiet il-pagamenti għal żewġ PO biss fil-perjodu 2014-2020
33 Matul l-ewwel 3 snin tal-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni eżaminat il-ħtieġa li jiġu sospiżi l-pagamenti fir-rigward ta’ 15 mis-761 pjan ta’ azzjoni li kienu jkopru 8 Stati Membri (ara l-paragrafu 25). Madankollu, ittri ta’ presospensjoni setgħu jinħarġu biss wara li l-Istati Membri kienu rrappurtaw, sa tmiem Awwissu 2017, dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom. Fi tmiem l-2017, u b’segwitu għall-analiżi tal-progress li sar mill-Istati Membri fl-issodisfar tal-EACs, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ presospensjoni għal ħames pjanijiet ta’ azzjoni rigward ħames PO differenti (fi Spanja, fl-Italja u fir-Rumanija).
34 F’April 2018 u fi Frar 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi l-pagamenti lil tnejn minn dawn il-ħames PO (Spanja u l-Italja). Is-sospensjoni għall-PO Spanjol tneħħiet f’Marzu 2019, filwaqt li l-pagamenti lill-PO Taljan baqgħu sospiżi.
Prospetti għall-perjodu 2021-2027: “kundizzjonijiet abilitanti” applikabbli matul il-perjodu u introduzzjoni ta’ kundizzjonalità ġdida tal-“istat tad-dritt”
35 Għall-perjodu 2021-2027, l-EACs se jiġu sostitwiti b’“kundizzjonijiet abilitanti”[27]. B’mod kumplessiv, hemm 20 kundizzjoni abilitanti meta mqabbla ma’ 36 EAC. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-kundizzjonijiet abilitanti huma ġeneralment konsistenti mal-EACs preċedenti. Barra minn hekk, l-EACs ġenerali ġew sostitwiti b’kundizzjonijiet abilitanti orizzontali. Dawn il-kundizzjonijiet orizzontali jikkonċernaw aspetti relatati mal-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll il-karta tad-drittijiet fundamentali tal-UE u l-konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Il-Figura 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-EACs tal-perjodu 2014-2020 u l-kundizzjonijiet abilitanti tal-perjodu 2021-2027.
36 Għall-kuntrarju tal-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri huma meħtieġa japplikaw kundizzjonijiet abilitanti matul il-perjodu 2021-2027. Barra minn hekk, sa tmiem dan il-perjodu, il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti jekk l-Istati Membri ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet abilitanti[28]. Dan jirrappreżenta tisħiħ sinifikanti tar-rwol li l-Kummissjoni jista’ jkollha fil-mod kif l-Istati Membri jimplimentaw il-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni.
37 Madankollu, b’mod simili għas-sitwazzjoni fil-perjodu 2014-2020, l-RDK ma jirrikjedix mill-Kummissjoni li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-kundizzjonijiet abilitanti fil-perjodu 2021-2027. Dan ir-rappurtar jista’ jgħin biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet abilitanti biex jiġi żgurat l-infiq effettiv u effiċjenti tal-fondi tal-UE.
38 Fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament 2020/2092 li jistabbilixxi regoli għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE f’każijiet fejn l-Istati Membri jiksru l-prinċipji tal-istat tad-dritt[29]. Il-kundizzjonalità l-ġdida tal-“istat tad-dritt” tissupplimenta l-kundizzjonijiet abilitanti stabbiliti skont l-RDK għall-perjodu 2021-2027 u strumenti u proċessi oħra li jippromwovu l-istat tad-dritt u l-applikazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, għall-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri biss f’każijiet fejn il-proċeduri speċifiċi skont l-RDK ma jiżgurawx b’mod adegwat il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew ma jipproteġux l-interessi finanzjarji tal-UE.
Figura 1 – EACs tal-perjodu 2014-2020 u kundizzjonijiet abilitanti tal-perjodu 2021-2027
Nota: Il-kundizzjonalitajiet ex ante jitqassru u jiġu ssimplifikati meta mqabbla mal-bażi ġuridika.
Sors: ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Anness III Kundizzjonijiet abilitanti orizzontali u l-Anness IV Kundizzjonijiet abilitanti tematiċi; ir-Regolament (UE) 1303/2013, l-Anness XI Kundizzjonalitajietex ante.
Riżerva u rieżami tal-prestazzjoni
Tneħħija ta’ parti mill-finanzjament għal miżuri bi prestazzjoni aħjar
Rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni abbażi tar-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019
39 Ir-riżerva ta’ prestazzjoni kienet tentattiv biex id-deċiżjonijiet baġitarji jintrabtu mal-prestazzjoni, u partikolarment mal-outputs. Ir-rilaxx tar-riżerva kien kundizzjonali fuq l-ilħuq tal-objettivi intermedji rilevanti għal kull assi prijoritarju sa tmiem l-2018, kif iddeterminat minn rieżami tal-prestazzjoni[30]. Dan ir-rieżami tal-prestazzjoni kellu jitwettaq fl-2019, filwaqt li titqies id-data dwar il-prestazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri għall-perjodu 2014-2018.
40 Fil-programmi operazzjonali tal-perjodu 2014-2020, riżerva ta’ prestazzjoni ta’ madwar 6 % tal-finanzjament tal-UE (madwar EUR 20 biljun) ġiet inkorporata fl-allokazzjonijiet taħt l-għan “investiment għat-tkabbir u l-impjiegi” (bl-esklużjoni tal-għan “Kooperazzjoni territorjali Ewropea” (KTE)), kif jidher fil-Figura 2.
Figura 2 – Baġit ta’ koeżjoni (għall-aħħar tliet perjodi) u r-riżerva ta’ prestazzjoni tal-perjodu 2014-2020
Noti: L-allokazzjoni tal-FEŻR tirreferi biss għall-għan Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi (l-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE) huwa eskluż). Il-Kroazja ssieħbet fl-UE fl-2013 u r-Renju Unit ħareġ minnha fl-2020. Iċ-ċifri għall-perjodu 2021-2027 juru l-allokazzjonijiet tal-politika ta’ Koeżjoni (fi prezzijiet attwali).
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
41 Riżerva ta’ prestazzjoni diġà kienet teżisti qabel il-perjodu 2014-2020. Fil-perjodu 2000-2006, kienet obbligatorja, għalkemm il-kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ma kellhomx għalfejn jiġu stabbiliti fil-programmi operazzjonali. Fil-perjodu 2007-2013, l-Istati Membri setgħu japplikawha b’mod volontarju. Meta mqabbla ma’ perjodi preċedenti, l-innovazzjonijiet ewlenin għall-perjodu 2014-2020 kienu: l-użu obbligatorju ta’ qafas tal-prestazzjoni derivat mil-loġika ta’ intervent tal-PO, ir-ripartizzjoni tar-riżerva fil-livell ta’ prijoritajiet, u l-irbit espliċitu tar-rilaxx tar-riżerva (għal kull assi prijoritarju) ma’ prestazzjoni sodisfaċenti, imkejla abbażi tal-objettivi intermedji stabbiliti fil-programmi operazzjonali meta sar ir-rieżami tal-prestazzjoni.
Rieżami tal-prestazzjoni bbażat fuq għadd kbir ta’ indikaturi u ta’ objettivi intermedji
42 Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet ir-rieżami tal-prestazzjoni tagħha għal 300 PO tal-FEŻR/FK u tal-FSE b’riżerva ta’ prestazzjoni. Dawn l-oqfsa tal-prestazzjoni kienu jinkludu sett ta’ indikaturi, objettivi intermedji u miri għal kull assi prijoritarju ta’ dawn il-PO tal-FEŻR/FK u tal-FSE[31]. B’mod kumplessiv, ir-rieżami kien jikkonċerna 1 917-il assi prijoritarju differenti fi ħdan dawn il-PO u 5 802 indikaturi. Kien hemm erba’ tipi ta’ indikaturi:
- Indikaturi finanzjarji (tal-input) biex jitkejjel l-infiq. Kull prijorità kellu jkollha tali indikatur;
- Passi ewlenin tal-implimentazzjoni biex jiġu kkomplementati l-indikaturi tal-output fejn ma kien mistenni l-ebda output sa tmiem l-2018;
- Indikaturi tal-output (komuni jew speċifiċi għall-programm) biex titkejjel l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet; u
- Indikaturi tar-riżultati (komuni jew speċifiċi għall-programm għall-PO tal-FSE u speċifiċi għall-programm għal fondi oħra) biex jitkejjel l-ilħuq tal-objettivi speċifiċi tal-PO, fejn xieraq, u marbuta mill-qrib ma’ interventi ta’ politika appoġġati.
L-użu ta’ indikaturi komuni jippermetti lill-Kummissjoni li tagħmel tqabbil bejn il-programmi u li taggrega l-valuri tal-indikaturi.
Kundizzjonijiet għar-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni
43 Il-qafas tal-prestazzjoni għal kull assi prijoritarju kellu jinkludi mill-inqas indikatur wieħed finanzjarju (tal-input) u indikatur wieħed tal-output; l-użu ta’ indikaturi tar-riżultati u ta’ passi ewlenin tal-implimentazzjoni kien fakultattiv. Biex jikkwalifikaw għar-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni, l-indikaturi kellhom jiksbu mill-inqas 85 % tal-valur tal-objettivi intermedji tagħhom; fejn intużaw aktar minn żewġ indikaturi, is-soll ta’ 85 % tnaqqas għal 75 % għal wieħed mill-indikaturi[32]. Għall-prijoritajiet li ma kinux kisbu l-valuri tal-objettivi intermedji, l-Istati Membri kellhom tliet xhur biex jipproponu emenda tal-PO biex jirriallokaw ir-riżerva għal dawk il-prijoritajiet li kienu laħqu l-objettivi intermedji.
44 Ir-regoli inizjali għall-operazzjonijiet taħt l-FEŻR/FK kienu jistipulaw li l-indikaturi jenħtieġ li jiġu rrappurtati biss ladarba l-operazzjonijiet jkunu ġew implimentati bis-sħiħ[33]. L-infiq għall-proġett, użat biex jiġu kkalkulati l-indikaturi finanzjarji, ikun jikkwalifika biss għar-rappurtar fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni jekk ikun iġġarrab u ġie ċċertifikat lill-Kummissjoni sa tmiem l-2018[34].
45 Għall-PO oriġinali l-Istati Membri tħallew jirrevedu l-valuri tal-objettivi intermedji u l-indikaturi qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni f’“każijiet debitament ġustifikati”, bħal bidla sinifikanti fil-kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u tas-suq tax-xogħol[35]. Fl-2014, il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni sekondarja li ppermettiet li jintużaw suppożizzjonijiet skorretti li jwasslu għal stimi insuffiċjenti jew eċċessivi bħala ġustifikazzjoni għar-reviżjoni tal-objettivi intermedji[36].
46 Fil-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni setgħet tissospendi l-pagamenti interim f’każ ta’ “nuqqas serju” ta’ lħuq tal-objettivi intermedji[37]. Biex tuża din l-għażla, il-Kummissjoni kellha bżonn tikkomunika d-dgħufijiet sottostanti fl-implimentazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tagħtih l-opportunità li jieħu azzjoni korrettiva.
47 Preċedentement, aħna ddikjarajna li r-rieżami tal-prestazzjoni ma kienx probabbli li jwassal għal riallokazzjoni sinifikanti tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni għal programmi u prijoritajiet bi prestazzjoni aħjar[38]. Iddikjarajna wkoll riżervi dwar l-idoneità ta’ kważi nofs l-objettivi intermedji speċifikati bħala kriterji għar-rilaxx tar-riżerva tal-prestazzjoni u għas-sospensjoni tal-pagamenti għal prestazzjoni insuffiċjenti[39]. Fl-2017, l-OECD ivvalutat ir-riżerva ta’ prestazzjoni bħala limitata fl-ambitu tagħha u esprimiet dubju dwar ir-rigorożità tar-rabta tagħha mal-prestazzjoni[40].
48 Aħna rrappurtajna wkoll dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ miri għall-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati[41]. Dan ġie kkonfermat mill-valutazzjoni tal-impatt proprja tal-Kummissjoni fl-2018[42].
Bidliet fir-regoli qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019 wasslu għal flessibbiltà addizzjonali għall-Istati Membri
Kundizzjonijiet u kriterji aġġustati mill-2014 ’il quddiem
49 Il-perjodu 2014-2020 beda b’dewmien: il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw il-qafas legali biss f’Diċembru 2013 u ħadu sa Diċembru 2015[43] biex jadottaw il-biċċa l-kbira mill-PO. Dan u aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti fil-prattika kienu jfissru li l-assorbiment tal-finanzjament kien aktar bil-mod milli kien ippjanat inizjalment. Sa tmiem l-2017, jiġifieri tliet snin wara l-bidu tal-perjodu ta’ seba’ snin, l-infiq mitlub mill-Istati Membri kien jirrappreżenta biss 16 % tal-allokazzjonijiet baġitarji disponibbli għall-perjodu 2014-2020[44].
50 Mill-2014 ’il quddiem, il-Kummissjoni introduċiet bosta bidliet fir-regoli għar-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019 (ara l-Figura 3). Dawn il-bidliet wasslu għal flessibbiltà addizzjonali għall-Istati Membri fir-rappurtar tagħhom dwar il-prestazzjoni. B’mod partikolari, dawn għamluha possibbli biex l-awtoritajiet maniġerjali jirrappurtaw dwar:
- l-outputs miksuba għall-operazzjonijiet taħt l-FEŻR/FK li kienu għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ (fl-2018)[45]; u
- l-infiq imġarrab fl-2018, iżda ċċertifikat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2019 għall-iskopijiet tar-rieżami tal-prestazzjoni[46].
51 Barra minn hekk, fl-2017, il-Kummissjoni kkjarifikat li, biex jitkejjel l-ilħuq tal-miri annwali tal-infiq tal-Istati Membri, hija tkun tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-infiq mġarrab u ddikjarat mill-Istati Membri, iżda wkoll il-pagamenti annwali ta’ prefinanzjament magħmula mill-Kummissjoni[47]. Dan kien ifisser li l-Istati Membri li stabbilew l-objettivi intermedji tagħhom abbażi tar-regola ta’ diżimpenn n+3 setgħu jiddikjaraw inqas infiq biex jilħqu l-miri tal-infiq tagħhom.
Figura 3 – Bidliet fil-leġiżlazzjoni u gwida dwar il-kundizzjonijiet u l-kriterji għar-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019
Nota: Il-bidliet u l-kjarifiki għall-bażi ġuridika adottati fil-bidu tal-perjodu 2014-2020 jidhru bl-aħmar.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Fondi SIE fil-perjodu 2014-2020.
L-Istati Membri jistgħu jirrappurtaw prestazzjoni aħjar milli skont il-leġiżlazzjoni inizjali b’konsegwenza ta’ dawn il-bidliet u l-kjarifiki
52 Dawn il-bidliet ippermettew lill-Istati Membri jirrappurtaw prestazzjoni aħjar milli seta’ jkollhom skont il-leġiżlazzjoni inizjali. L-Istati Membri malajr ħadu dawn il-bidliet inkunsiderazzjoni meta rrappurtaw dwar il-prestazzjoni. Fi tmiem l-2018, l-awtoritajiet maniġerjali għas-seba’ PO kollha tal-FEŻR/FK fil-kampjun tagħna rrappurtaw outputs għal operazzjonijiet mhux ikkompletati u/jew infiq mġarrab u ddikjarat iżda li kien għadu mhux iċċertifikat sa tmiem l-2018. Għall-14-il PO kollha minbarra wieħed li ġew eżaminati (li jinkludu wkoll l-FSE), l-outputs kienu ġew irrappurtati saħansitra qabel ma ġie ddikjarat kwalunkwe nfiq relatat lill-Kummissjoni. Sibna wkoll li 38 mis-57 operazzjoni fil-kampjun tagħna ma kinux ġew ikkompletati sa tmiem l-2018. Madankollu, għal 32 minn dawn l-operazzjonijiet li kienu għaddejjin, l-awtoritajiet maniġerjali kienu diġà rrappurtaw dwar l-indikaturi tal-output fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni 2018 tagħhom. Mingħajr il-bidliet introdotti mill-Kummissjoni qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019, dawn l-operazzjonijiet ma kinux ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni.
Aktar minn nofs l-indikaturi/l-objettivi intermedji ġew emendati qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni
53 Inizjalment, il-possibbiltà ta’ emendar tal-objettivi intermedji u l-miri kienet limitata għal-lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ każijiet debitament ġustifikati stabbiliti fl-RDK. B’mod partikolari, dawn l-eżempji ma kinux jinkludu x-xenarju li l-miri u l-objettivi intermedji inizjali stabbiliti fil-programmi setgħu ġew ikkalkulati abbażi ta’ suppożizzjonijiet żbaljati. Fl-2014, biex tindirizza tali sitwazzjonijiet, il-Kummissjoni tat lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirrevedu l-objettivi intermedji u l-miri jekk dawn kienu ġew ibbażati fuq suppożizzjonijiet inizjali skorretti[48]. Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri jitolbu kwalunkwe modifika fil-qafas tal-prestazzjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2018[49].
54 Bejn l-2014 u l-2018, l-Istati Membri għamlu użu estensiv mill-possibbiltà li jimmodifikaw l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-valuri tagħhom L-analiżi li wettaqna turi li aktar minn nofs (55 %) il-5 802 indikaturi u/jew objettivi intermedji kienu ġew immodifikati bejn l-adozzjoni tal-PO u r-rieżami tal-prestazzjoni (ara l-Figura 4). B’mod partikolari, l-Istati Membri:
- żiedu l-valur tal-objettivi intermedji għal madwar 7 % tal-indikaturi kollha fil-qafas tal-prestazzjoni, prinċipalment għall-indikaturi finanzjarji (tal-input) u l-indikaturi tal-output speċifiċi għall-programm;
- naqqsu l-valur tal-objettivi intermedji għal madwar terz tal-indikaturi kollha fil-qafas tal-prestazzjoni, prinċipalment għall-indikaturi finanzjarji (tal-input); u
- introduċew 916-il indikatur ġdid bl-objettivi intermedji korrispondenti, li parzjalment issostitwew l-indikaturi inizjali maqbula meta l-PO ġew adottati.
Figura 4 – Bidliet fl-objettivi intermedji u fl-indikaturi qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni minn Launchpad/Infoview (verżjoni inizjali tal-PO adottati vs. verżjoni applikata fir-rieżami tal-prestazzjoni).
55 L-Istati Membri naqqsu l-valuri tal-objettivi intermedji għal madwar 30 % tal-indikaturi kollha fil-qafas tal-prestazzjoni. Il-Figura 5 tipprovdi ripartizzjoni skont l-Istat Membru tat-tipi ta’ bidliet magħmula lill-indikaturi u/jew l-objettivi intermedji tagħhom.
Figura 5 – Bidliet fl-objettivi intermedji u fl-indikaturi qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019 – skont l-Istat Membru
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni minn Launchpad/Infoview.
Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri ġġustifikaw l-aġġustamenti tagħhom abbażi li s-suppożizzjonijiet inizjali kienu skorretti
56 Fl-2018, sena qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni rreġistrat 148 talba għal tibdil minn 24 Stat Membru dwar indikaturi/objettivi intermedji fil-qafas tal-prestazzjoni għall-PO tal-FSE. Għal 16 minn dawn l-Istati Membri, ir-raġunijiet użati biex dawn it-talbiet jiġu ġġustifikati kienu jinkludu suppożizzjonijiet inizjali skorretti li kienu saru meta kienu ġew stabbiliti l-objettivi intermedji. Ma rċevejniex data simili dwar l-emendi għall-PO tal-FEŻR/FK.
57 Madankollu, l-analiżi li wettaqna aħna stess twassal għal sejba simili. Irrieżaminajna l-bidliet relatati ma’ 120 indikatur u objettiv intermedju inklużi fl-14-il PO tal-FEŻR/FK u tal-FSE eżaminati (ara l-Anness I). Aħna sibna li 66 jew kienu tnaqqsu, jew ġew immodifikati jew inkella kienu għadhom kif ġew introdotti. L-Istati Membri ġġustifikaw nofs dawn il-bidliet abbażi li s-suppożizzjonijiet skorretti kienu saru meta l-objettivi intermedji inizjali ġew stabbiliti. L-RDK ma stabbiliex data ta’ skadenza għall-emendar tal-qafas tal-prestazzjoni qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni u l-Kummissjoni aċċettat tali talbiet mill-Istati Membri sa tmiem l-2018, sitt xhur wara d-data ta’ skadenza li hi stess kienet irrakkomandat (ara l-paragrafu 53). Għal PO Rumen wieħed, hija saħansitra approvat ukoll ħames indikaturi tal-output ġodda f’Ġunju 2019.
L-aġġustamenti għall-objettivi intermedji rriżultaw fir-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni għal għadd sinifikattivament akbar ta’ prijoritajiet
58 B’riżultat ta’ dawn l-aġġustamenti għall-qafas tal-prestazzjoni, l-Istati Membri rrappurtaw aktar suċċess fl-ilħuq tal-objettivi intermedji għall-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni. B’mod kumplessiv, ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni kkonkluda li tliet kwarti tal-assi prijoritarji kienu laħqu l-objettivi intermedji tagħhom u, b’konsegwenza ta’ dan, madwar 82 % tar-riżerva tal-prestazzjoni ġiet rilaxxata għal dawn il-prijoritajiet ta’ suċċess (ara l-Figura 6).
Figura 6 – Eżitu tar-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019 - skont l-Istat Membru u l-fond
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni minn Launchpad/Infoview.
Figura 7 – Tqabbil tal-eżitu tar-rieżami tal-prestazzjoni f’termini ta’ prijoritajiet produttivi bi/mingħajr emendi mill-Istat Membru
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni minn Launchpad/Infoview.
Figura 8 – Tqabbil tal-eżitu tar-rieżami tal-prestazzjoni f’termini ta’ finanzjament rilaxxat mir-riżerva bi/mingħajr emendi mill-Istat Membru
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni minn Launchpad/Infoview.
59 L-analiżi li wettaqna wriet ukoll li, mingħajr l-aġġustament għall-indikaturi u/jew l-objettivi intermedji qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni, is-sehem tar-riżerva ta’ prestazzjoni li jikkorrispondi għall-assi prijoritarji li għalihom ma ntlaħqux l-objettivi intermedji kien ikun aktar mid-doppju, minn 18 % (EUR 3.7 biljun) għal 44 % (EUR 8.9 biljun), li jfisser li 56 % biss tar-riżerva setgħet tiġi rilaxxata. Mingħajr l-emendi, 11-il Stat Membru kien ikollhom mill-inqas nofs ir-riżerva ta’ prestazzjoni tagħhom marbuta ma’ prijoritajiet improduttivi (ara l-Figura 7). F’termini finanzjarji, l-akbar impatt kien għall-Polonja, għal Spanja u għall-Italja. Dawn it-tliet Stati Membri flimkien ammontaw għal terz tar-riżerva totali li ma kinitx tiġi rilaxxata mingħajr l-emendi. Kien hemm biss żewġ Stati Membri (il-Lussemburgu u l-Finlandja) fejn l-emendi ma kellhom l-ebda impatt (ara l-Figura 8).
60 Konsegwenza oħra tal-emendi għall-indikaturi/l-objettivi intermedji, li l-Kummissjoni vvalutat bħala debitament iġġustifikati, kienet li l-għadd ta’ prijoritajiet li kienu “qed jonqsu b’mod serju” milli jilħqu l-objettivi intermedji (288) kien anqas minn nofs dak li kien ikun oriġinarjament (605, jew madwar terz tal-prijoritajiet kollha li għalihom kienet prevista riżerva ta’ prestazzjoni). Għall-Kroazja, l-Irlanda u d-Danimarka, il-Kummissjoni kien ikollha bżonn tqis li tissospendi l-pagamenti għal aktar minn nofs il-finanzjament allokat taħt dawn il-prijoritajiet.
Il-Kummissjoni ma ddeterminatx l-affidabbiltà tad-data kollha dwar il-prestazzjoni użata għar-rieżami tal-prestazzjoni
Data dwar il-prestazzjoni rrappurtata, mhux ivvalidata bis-sħiħ
61 Rieżami tal-prestazzjoni ta’ sinifikat huwa dipendenti b’mod kritiku fuq ir-rappurtar ta’ data affidabbli dwar il-prestazzjoni. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom jagħtu aċċertament dwar l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri:
- l-awtoritajiet maniġerjali kellhom jattestaw, fid-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni tagħhom, għall-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni rrappurtata fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni; u
- l-awtoritajiet tal-awditjar taw aċċertament addizzjonali bbażata fuq ix-xogħol tal-awditjar tagħhom fir-rapport annwali ta’ kontroll inkluża l-opinjoni tal-awditjar.
62 Fis-sistema ta’ aċċertament tal-Kummissjoni għall-politika ta’ Koeżjoni, l-awtoritajiet maniġerjali jirrappurtaw dwar data dwar il-prestazzjoni fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom għas-sena kalendarja[50] (mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru). Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni tagħhom[51] u r-rapporti annwali ta’ kontroll tal-awtoritajiet tal-awditjar (inklużi l-opinjonijiet tal-awditjar tagħhom) ikopru, minflok, is-sena kontabilistika[52] (mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju). B’riżultat ta’ dan, id-data dwar il-prestazzjoni għat-tieni nofs tal-2018 kienet koperta mid-Dikjarazzjoni ta’ Ġestjoni u r-Rapport Annwali ta’ Kontroll 2018-2019 ippreżentati mill-awtoritajiet tal-awditjar fi Frar 2020. Għar-rieżami tal-prestazzjoni fl-2019, il-Kummissjoni kellha tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq informazzjoni intermedja, irrappurtata mill-awtoritajiet maniġerjali, iżda li kienet għadha ma ġietx eżaminata mill-awtoritajiet tal-awditjar (ara l-Figura 9).
Figura 9 – Rappurtar u validazzjoni tad-data dwar il-prestazzjoni mill-awtoritajiet maniġerjali u l-awtoritajiet tal-awditjar
Sors: il-QEA.
L-ambitu tal-verifiki fuq id-data dwar il-prestazzjoni mill-awtoritajiet maniġerjali kien ivarja
63 L-analiżi li wettaqna wriet li l-verifiki tal-awtoritajiet maniġerjali fuq l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni kienu jvarjaw sinifikattivament. Fl-14-il PO li eżaminajna, l-awtoritajiet maniġerjali fil-biċċa l-kbira vverifikaw id-data dwar il-prestazzjoni rrappurtata fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni mqabbla mar-rekords sottostanti mill-benefiċjarji. Madankollu, l-ambitu ta’ dawn il-verifiki kien sinifikattivament differenti (ara l-Kaxxa 5) u ma sarux b’mod konsistenti għall-indikaturi kollha. B’mod kumplessiv, sibna evidenza ta’ tali verifiki għal 116 (90 %) mill-129 valur tal-indikaturi li rrieżaminajna.
Verifiki mill-awtoritajiet maniġerjali fuq l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni
Għall-“Fond għall-Kompetittività tal-Fondi” immaniġġjat mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) għall-PO Rumen “Kompetittività”, l-awtorità maniġerjali ma vverifikatx id-data ta’ monitoraġġ annwali pprovduta mill-FEI qabel ma ppreżentatha lill-Kummissjoni fir-Rapport Annwali ta’ Implimentazzjoni 2018.
Għall-PO Taljan “Intrapriżi u Kompetittività” u għall-PO “L-FSE fil-Ġermanja Federali”, l-awtoritajiet maniġerjali prinċipalment kienu jiddependu fuq verifiki awtomatiċi mis-sistemi tal-IT meta aggregaw id-data għar-rapport annwali ta’ implimentazzjoni.
Għall-PO Pollakk “Tkabbir Intelliġenti”, verifiki simili ġew ikkomplementati minn verifikazzjoni tal-awtorità maniġerjali tal-kwalità tad-data ppreżentata fir-Rapport Annwali ta’ Implimentazzjoni 2018.
Għall-PO Rumen “Kompetittività” u dak “Reġjonali”, il-kisba tal-indikaturi tal-output ġiet ikkontrollata mal-ikkompletar tal-proġett permezz ta’ żjarat fuq il-post.
Ix-xogħol tal-awditjar fuq id-data dwar il-prestazzjoni kienet fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet tal-awditjar
64 F’Ottubru 2018, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tal-awditjar jirrappurtaw fir-Rapporti Annwali ta’ Kontroll 2017-2018 tagħhom dwar it-tħejjija tas-sistemi ta’ monitoraġġ biex jipprovdu data affidabbli għar-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019. Il-Kummissjoni kienet iddiskutiet approċċi possibbli għall-awditjar ta’ data dwar il-prestazzjoni f’laqgħat u sessjonijiet ta’ ħidma li saru mal-awtoritajiet tal-awditjar matul is-snin. Fil-gwida tagħha dwar l-istrateġija tal-awditjar, il-Kummissjoni issuġġeriet ukoll li l-awtoritajiet tal-awditjar jkopru l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni fl-awditi tal-operazzjonijiet, l-awditi tematiċi jew l-awditi tas-sistemi, imwettqa minnhom.
65 Madankollu, sal-2018, it-tip, l-ambitu u t-twaqqit tal-awditi tad-data dwar il-prestazzjoni kienu fil-biċċa l-kbira fid-diskrezzjoni ta’ kull awtorità tal-awditjar. Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni li jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-awditjar ikopru b’mod sistematiku l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni fl-awditi li huma jwettqu tal-operazzjonijiet daħal fis-seħħ biss f’Mejju 2019[53]. Dan kien tard wisq biex ikollu xi effett fuq ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019.
66 B’mod kumplessiv, skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-awditjar wettqu xi forma ta’ xogħol tal-awditjar dwar l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni għal 81 % tal-PO kollha tal-FEŻR/FK u 90 % tal-PO kollha tal-FSE qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019. Huma għamlu dan jew permezz ta’ awditi tal-operazzjonijiet, awditi tematiċi jew inkella awditi tas-sistemi. B’mod kumplessiv l-awtoritajiet tal-awditjar wettqu, l-aktar, awditi tas-sistemi u awditi tematiċi, segwiti minn awditi tal-operazzjonijiet (ara l-Figura 10).
Figura 10 – Verifiki mill-awtoritajiet tal-awditjar fuq id-data dwar il-prestazzjoni
Nota: Il-PO meqjusa jeskludu l-PO tal-assistenza teknika, il-PO ta’ inizjattiva tal-SMEs, il-PO tal-KTE u l-PO mingħajr l-ebda nefqa ddikjarata fil-kontijiet.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
67 L-analiżi li wettaqna aħna stess għall-erba’ Stati Membri eżaminati f’dan l-awditu turi li l-awtoritajiet tal-awditjar għal 12 mill-14-il PO rrappurtaw lill-Kummissjoni dwar ix-xogħol tal-awditjar tagħhom rigward l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni. Madankollu, sibna wkoll li l-verifiki tagħhom koprew biss 6 mis-57 operazzjoni irrieżaminati għal dan l-awditu.
Il-Kummissjoni ddeterminat l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni għal aktar minn 7 minn 10 PO
68 Fl-2019, qabel ma wettqet ir-rieżami tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni vvalutat il-kompletezza, il-konsistenza u l-plawżibbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni, ipprovduta mill-Istati Membri, fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni 2018 tagħhom. Il-Kummissjoni wettqet ukoll awditi tematiċi ad hoc f’14-il Stat Membru dwar il-31 programm li qieset l-aktar riskjużi. Dawn identifikaw dgħufijiet fl-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni u l-valuri rrappurtati għall-indikaturi fil-qafas tal-prestazzjoni għal tmien programmi fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl-Ungerija, fl-Italja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja.
69 B’mod kumplessiv, abbażi tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar u x-xogħol addizzjonali proprju tagħha, il-Kummissjoni ddeterminat l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni għal 71 % tal-PO tal-FEŻR/FK[54] u 81 % tal-PO tal-FSE qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni.
70 Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti interim jekk issir taf b’defiċjenzi serji fil-kwalità u fl-affidabbiltà tas-sistema ta’ monitoraġġ jew tad-data dwar l-indikaturi[55]. B’mod kumplessiv, il-Kummissjoni vvalutat 15-il PO f’dan il-kuntest, u nediet proċeduri ta’ presospensjoni għal 6 PO fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl-Ungerija, fil-Litwanja, fir-Rumanija u fis-Slovenja qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni fl-2019. Fl-aħħar nett, madankollu, il-Kummissjoni neħħiet il-presospensjonijiet kollha u ma ssospendiet l-ebda pagament. Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri kkonċernati pprovdew informazzjoni addizzjonali jew indirizzaw id-defiċjenzi.
Il-biċċa l-kbira mid-data dwar il-prestazzjoni, iżda mhux id-data kollha, kienet taqbel mal-evidenza sottostanti
71 Sabiex niffurmaw opinjoni indipendenti dwar il-kwalità tad-data dwar il-prestazzjoni, eżaminajna l-valuri rrappurtati għall-120 indikatur kollha fl-oqfsa tal-prestazzjoni ta’ 20 assi prijoritarju għall-14-il PO kopert mill-awditu tagħna. Aħna eżaminajna wkoll 57 proġett b’129 indikatur fi ħdan dawn l-20 assi prijoritarju (ara l-Anness I).
72 B’mod kumplessiv, l-analiżi li wettaqna wriet li l-biċċa l-kbira mid-data dwar il-prestazzjoni, irrappurtata lill-Kummissjoni, kienet taqbel mal-evidenza sottostanti, iżda mhux kollha:
- L-ewwel nett, qabbilna d-data rrappurtata lill-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni 2018 mad-data tal-proġett miżmuma mill-awtoritajiet maniġerjali. L-analiżi li wettaqna wriet li l-valuri għal 110 mill-120 indikatur fl-oqfsa tal-prestazzjoni (92 %) kienu jaqblu bis-sħiħ;
- It-tieni, ivverifikajna jekk id-data miżmuma mill-awtoritajiet maniġerjali kinitx taqbel mal-evidenza sottostanti mill-benefiċjarji. B’mod kumplessiv, stajna nirrikonċiljaw il-valuri għal 115 mill-129 indikatur (89 %), relatati ma’ 46 mis-57 proġett (81 %) fil-kampjun tagħna.
73 L-erba’ Stati Membri kollha kellhom mill-inqas PO wieħed li għalih stajna nirrikonċiljaw id-data kollha tal-prestazzjoni fil-livell tal-proġetti (ara l-Figura 11).
Figura 11 – Kwalità tad-data dwar il-prestazzjoni: sehem tal-valuri tal-indikaturi eżaminati fil-livell tal-proġetti li kien jaqbel mad-data sottostanti
Sors: il-QEA.
Ir-rieżami tal-prestazzjoni kellu biss impatt limitat fuq l-allokazzjoni tal-finanzjament tal-UE
Is-suċċess fil-kisba ta’ passi ewlenin tal-implimentazzjoni jew ta’ outputs, u l-infiq tal-flus, iddetermina r-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni
74 L-analiżi li wettaqna wriet li r-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni ġie ddeterminat l-aktar mill-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni, kif rifless bil-kisba ta’ passi ewlenin tal-implimentazzjoni jew ta’ outputs u s-suċċess tagħhom fl-infiq tal-flus (madwar terz tal-indikaturi kollha kienu indikaturi finanzjarji, kif jidher fil-Figura 12). Pereżempju, ġew rilaxxati riżervi ta’ prestazzjoni ta’ EUR 195 miljun u EUR 52 miljun lill-PO Pollakk “Tkabbir Intelliġenti” u lill-PO Taljan “Intrapriżi u Kompetittività”, rispettivament, minħabba li l-prijoritajiet tal-programmi operazzjonali kienu laħqu l-objettivi intermedji tagħhom għall-għadd ta’ intrapriżi li kienu jirċievu għotjiet jew ta’ kumpaniji appoġġati, l-għadd ta’ operazzjonijiet mibdija u l-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni.
75 Mill-5 802 indikaturi, 13 biss (jew inqas minn 1 %) kejlu l-prestazzjoni tal-programmi f’termini ta’ riżultati (ara l-Figura 12). Waħda mir-raġunijiet li jikkontribwixxu għall-għadd baxx ta’ indikaturi tar-riżultati kienet li l-perjodu ta’ żmien għall-ilħuq tal-objettivi intermedji għar-rieżami tal-prestazzjoni kien relattivament qasir (massimu ta’ erba’ snin) u għalhekk insuffiċjenti għall-investimenti, fejn ir-riżultati jieħdu aktar żmien biex jimmaterjalizzaw.
Figura 12 – Indikaturi użati fir-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019 għal kull fond
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni minn Launchpad/Infoview.
76 Ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni identifika 288 assi ta’ prijorità f’121 PO li “naqsu b’mod serju” milli jilħqu l-objettivi intermedji għall-indikaturi finanzjarji (tal-input) u tal-output. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li tissospendi l-pagamenti. Madankollu, sibna li l-Kummissjoni ma kienet imponiet l-ebda sospensjoni tal-pagamenti. Skont il-Kummissjoni, ir-raġunijiet prinċipali kienu li 80 % tal-programmi kienu indirizzaw b’mod suffiċjenti d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni tagħhom u madwar terz tal-prijoritajiet kienu ġew riprogrammati jew kienu fil-proċess li jiġu riprogrammati. Meta ffaċċjaw ir-riskju ta’ sospensjoni għal prestazzjoni insuffiċjenti serja, l-Istati Membri kienu pproponew – u l-Kummissjoni aċċettat – emendi tal-PO li jimmodifikaw l-objettivi intermedji (ara l-paragrafu 58).
Ir-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni ġie kkumpensat mill-impatt finanzjarju ta’ bidliet baġitarji oħra
77 Aħna eżaminajna l-1 624 prijorità kollha li jikkorrispondu għal 267 mit-300 PO, li għalihom ir-rieżami tal-prestazzjoni kien ġie kkompletat sa Diċembru 2020 biex nivvalutaw kif l-allokazzjoni tal-fondi kienet inbidlet b’mod kumplessiv mill-ewwel verżjoni tal-PO approvati. Analizzajna l-allokazzjoni totali tal-UE, jiġifieri l-allokazzjoni prinċipali u r-riżerva ta’ prestazzjoni.
78 Fejn il-prijoritajiet ma jkunux laħqu l-objettivi intermedji tagħhom, ir-riżerva ta’ prestazzjoni korrispondenti tiġi riallokata għal dawk il-prijoritajiet li jkunu laħquhom. Dawn ir-riallokazzjonijiet kienu fil-biċċa l-kbira akkumpanjati minn modifiki oħra tal-PO.
79 Aħna eżaminajna wkoll jekk id-data kumplessiva dwar il-bidliet li saru fl-allokazzjonijiet tal-baġit bejn il-bidu tal-perjodu 2014-2020 u r-rieżami tal-prestazzjoni setgħux jiġu ttraċċati lura għas-suċċess fl-ilħuq tal-objettivi intermedji u l-miri mill-Istati Membri. L-analiżi li wettaqna wriet li l-allokazzjoni kumplessiva tal-finanzjament tal-UE ma żdiditx jew ma naqsitx awtomatikament skont jekk il-prijoritajiet laħqux l-objettivi intermedji tagħhom fir-rieżami tal-prestazzjoni. B’mod partikolari, sibna li 17 % (62 minn 357) tal-prijoritajiet li ma kinux laħqu l-objettivi intermedji tagħhom kienu fil-fatt irċevew aktar finanzjament tal-UE. Bl-istess mod, għal 24 % (304 minn 1 267) tal-prijoritajiet li laħqu l-objettivi intermedji tagħhom, il-finanzjament kumplessiv tal-UE kien fil-fatt naqas (ara l-Figura 13).
Figura 13 – Bidliet fl-allokazzjoni tal-finanzjament tal-UE fil-livell tal-assi prijoritarju b’segwitu għar-rieżami tal-prestazzjoni u r-riprogrammazzjoni tal-PO (minn April 2020)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni minn Launchpad/Infoview.
80 Dan juri li kien hemm biss rabta dgħajfa bejn l-ilħuq tal-miri għall-prijoritajiet tal-programm sal-2018 u r-riallokazzjoni tar-riżorsi għal dawn il-prijoritajiet (bejn il-bidu tal-perjodu u s-sena 2018). Bosta fatturi setgħu kkontribwew għal din is-sitwazzjoni, inklużi l-ammonti limitati tar-riżerva ta’ prestazzjoni (li jirrappreżentaw 6 % biss tal-allokazzjonijiet kumplessivi), u l-bidliet li saru fl-allokazzjonijiet tal-baġit b’segwitu għall-adozzjoni tal-programmi operazzjonali għal raġunijiet oħrajn, bħaż-żieda awtomatika fil-finanzjament minħabba aġġustamenti tekniċi (kif ġara fl-2017) jew l-introduzzjoni ta’ prijoritajiet ġodda.
Prospetti għall-perjodu 2021-2027: allokazzjoni aktar flessibbli tal-fondi, iżda r-riżerva obbligatorja ta’ prestazzjoni ma tkomplietx
Ir-riżerva ta’ prestazzjoni obbligatorja ma tkomplietx
81 Fl-2025, kull programm se jkun suġġett għal rieżami ta’ nofs it-terminu biex tiġi ddeterminata l-allokazzjoni ta’ nofs il-finanzjament għall-aħħar sentejn. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu se jkun ibbażat, fost l-oħrajn, fuq il-progress fl-ilħuq tal-objettivi intermedji, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet ewlenin iffaċċjati fl-implimentazzjoni tal-programm[56]. Madankollu, ir-rieżami tal-prestazzjoni u r-riżerva obbligatorja ta’ prestazzjoni ma tkomplewx. Sa issa, il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx aktar dettalji dwar kif se jitwettqu r-rieżami ta’ nofs it-terminu u eżerċizzju sussegwenti ta’ riprogrammazzjoni.
Allokazzjoni aktar flessibbli tal-fondi matul il-perjodu 2021-2027 u l-introduzzjoni tal-RRF bħala sors alternattiv għall-finanzjament tal-investimenti
82 Il-kuntest għar-rieżami ta’ nofs it-terminu għall-perjodu 2021-2027 se jvarja meta mqabbel ma’ dak f’perjodi preċedenti. L-Istati Membri se jkollhom flessibbiltà akbar biex jirripprogrammaw u jirriallokaw il-fondi fi kwalunkwe punt matul iċ-ċiklu tal-programm. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fi ħdan ċerti limiti, li jittrasferixxu fondi bejn il-prijoritajiet taħt l-istess Fond, programm jew fl-istess kategorija ta’ reġjun, mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni. L-RDK għall-perjodu 2021-2027 jipprovdi wkoll il-possibbiltà li jiġu ttrasferiti sa 5 % tal-allokazzjoni ta’ kull Fond għal kwalunkwe strument ieħor taħt ġestjoni diretta jew indiretta[57].
83 Barra minn hekk, fis-snin li ġejjin, il-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni se jiġu implimentati simultanjament mal-RRF. Fl-2021, l-Istati Membri ffukaw fuq it-tħejjija u n-negozjar tal-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza tagħhom taħt l-RRF. Diġà hemm indikazzjonijiet li t-tnedija tal-programmi għall-perjodu 2021-2027 se tkun saħansitra aktar tard minn seba’ snin ilu. Barra minn hekk, billi ma hemm l-ebda kofinanzjament nazzjonali taħt l-RRF, ħafna proġetti ta’ investiment li kienu jiġu implimentati, kieku, permezz tal-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni f’ċirkostanzi normali issa jistgħu jiġu ffinanzjati mill-RRF. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri x’aktarx jassorbu inqas mill-allokazzjonijiet finanzjarji ipprogrammati inizjalment milli antiċipat. Dan, min-naħa tiegħu, probabbilment ifisser li se jinkisbu inqas outputs u riżultati saż-żmien tar-rieżami ta’ nofs it-terminu.
Mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni
L-użu ta’ mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni twessa’ fil-perjodu 2014-2020
Żewġ mudelli ġodda ta’ finanzjament: “pjanijiet ta’ azzjoni konġunti” u “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”
84 Il-perjodu 2014-2020 introduċa żewġ mudelli ġodda ta’ finanzjament. Dawn ibbażaw il-finanzjament taħt l-FEŻR/FK u l-FSE fuq il-prestazzjoni vverifikata, kif imkejjel minn indikaturi b’objettivi intermedji għall-outputs u/jew ir-riżultati, jew l-issodisfar tal-kundizzjonijiet, aktar milli l-ispejjeż eliġibbli effettivament imġarrba, kif kien il-każ tradizzjonalment.
85 L-ewwel wieħed minn dawn il-mudelli ta’ finanzjament kien il-“pjan ta’ azzjoni konġunt” (PAK)[58], li kien disponibbli mill-bidu tal-perjodu 2014-2020. Il-pagamenti lill-pjanijiet ta’ azzjoni konġunti jieħdu l-forma ta’ somom f’daqqa jew skali standard ta’ spejjeż għal kull unità marbuta mal-objettivi intermedji u l-miri (ara l-Kaxxa 6).
Pjan ta’ azzjoni konġunt
Il-PAK huwa forma ta’ finanzjament li huwa bbażat fuq outputs u/jew riżultati marbuta ma’ objettivi speċifiċi tal-PO. Il-PAK jistgħu jinkludu proġett jew grupp ta’ proġetti fi kwalunkwe qasam ta’ investiment (minbarra l-infrastruttura) li jirċievu appoġġ minn PO wieħed jew aktar u minn fond wieħed jew aktar taħt il-politika ta’ Koeżjoni.
L-użu tal-pjanijiet ta’ azzjoni konġunti kien ristrett għal operazzjonijiet akbar b’soll ta’ nefqa pubblika ta’ EUR 10 miljun, jew 20 % tal-appoġġ pubbliku mill-PO kontribwenti. L-operazzjonijiet appoġġati taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jew l-ewwel PAK ippreżentat minn Stat Membru[59] kienu eżentati minn din ir-restrizzjoni. Fl-2018, dan is-soll tnaqqas għal EUR 5 miljun.
86 Ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju fl-2018 introduċiet it-tieni strument, il-mudell “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż” (FNLTC)[60]. Dan huwa metodu fundamentalment ġdid ta’ finanzjament tal-UE, ibbażat fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet jew fuq ir-riżultati miksuba. Għall-Fondi SIE speċifikament, il-finanzjament huwa marbut mal-progress fl-implimentazzjoni jew mal-ilħuq tal-objettivi tal-programm[61]. L-FNLTC jista’ jintuża mill-2019 ’il quddiem għall-investimenti taħt l-FEŻR/FK fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija minn sorsi rinnovabbli[62] (ara l-Kaxxa 7).
Finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż
Fl-2019, il-Kummissjoni adottat regolament delegat[63] li jirregola l-użu tal-mudell FNLTC għall-investimenti taħt l-FEŻR/FK fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-finanzjament jiġi pprovdut għal kull kWh iffrankar ta’ enerġija jew tunnellata ta’ riduzzjonijiet tal-emissjonijiet tas-CO2.
Dan juri li l-finanzjament huwa bbażat fuq parametri mhux finanzjarji aktar milli fuq l-infiq imġarrab. Ir-regolament iħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali biex jiddeterminaw l-ammont ta’ finanzjament għal kull unità ta’ enerġija ffrankata.
87 Iż-żewġ mudelli joffru arranġamenti simplifikati ta’ ġestjoni u kontroll, bil-ġestjoni finanzjarja, il-kontroll u l-awditjar immirati biex jivverifikaw li l-miri tal-prestazzjoni jew il-kundizzjonijiet għall-pagamenti jkunu ġew issodisfati[64]. L-użu tagħhom huwa fakultattiv, iżda l-PAK huma suġġetti għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Istati Membri li biħsiebhom jużaw l-FNLTC kellhom jinfurmaw lill-Kummissjoni biss.
Għażliet ta’ spejjeż simplifikati: il-metodu tradizzjonali ta’ rbit tal-finanzjament mal-prestazzjoni
88 Barra minn hekk, l-RDK jipprevedi tliet tipi ta’ għażliet ta’ spejjeż simplifikati (SCOs) għar-rimborż tal-infiq ikkalkulat bl-użu ta’ metodi predefiniti jew rati kummerċjalment disponibbli[65] aktar milli spejjeż reali mġarrba:
- skali standard ta’ spejjeż għal kull unità;
- somom f’daqqa;
- finanzjament b’rata fissa.
89 L-SCOs ġew introdotti għall-ewwel darba fir-Regolament tal-FSE għall-perjodu 2007-2013 u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ġie estiż kontinwament minn dak iż-żmien ’il hawn, l-aktar reċentement fl-2018 bl-estensjoni ta’ użu obbligatorju tal-SCOs għal operazzjonijiet żgħar, iffinanzjati mill-FEŻR, filwaqt li preċedentement kienu ġew introdotti għal operazzjonijiet iffinanzjati mill-FSE[66]. Mill-2015 ’il hawn, il-Kummissjoni adottat rati speċifiċi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri skont ir-Regolament tal-FSE[67].
90 Skali standard ta’ spejjeż għal kull unità u somom f’daqqa jwasslu għall-prestazzjoni sa fejn jorbtu l-pagamenti mal-outputs, iżda mhux neċessarjament mar-riżultati. Il-finanzjament b’rata fissa, madankollu, huwa kollu kemm hu bbażat fuq l-input. Minkejja dan, skont il-Kummissjoni, l-SCOs jistgħu jgħinu biex il-fokus tal-awtoritajiet maniġerjali u tal-benefiċjarji jinbidel mill-inputs għall-kisba tal-outputs (u r-riżultati)[68].
91 Aħna appoġġajna b’mod konsistenti l-introduzzjoni ta’ finanzjament ibbażat aktar fuq il-prestazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni fi snin preċedenti. Aħna rrakkomandajna:
- mill-2012 ’il hawn, l-użu tal-għażliet ta’ spejjeż simplifikati biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u r-riskju ta’ żbalji[69]; u
- diġà mill-2017, l-introduzzjoni ta’ mudell ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni, li jorbot il-pagamenti mal-issodisfar tal-kundizzjonijiet jew mal-kisba tar-riżultati stabbiliti minn qabel[70].
L-inċertezza dwar kif għandhom jintużaw il-mudelli l-ġodda ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fixklet l-adozzjoni tagħhom mill-Istati Membri
Ftit li xejn interess fl-użu tal-mudelli l-ġodda ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni
92 Fil-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri wrew ftit li xejn interess fl-użu taż-żewġ mudelli l-ġodda ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni. Sa Jannar 2018, il-Polonja biss kienet ippreżentat proposta ta’ PAK. Madankollu, f’Lulju 2019, b’segwitu għal skambji mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki ddeċidew li jirtiraw il-proposta tagħhom. F’April 2018, il-Kummissjoni nediet sejħa speċifika biex tiġbor l-esperjenza u tistimula l-interess fil-pjanijiet ta’ azzjoni konġunti u għażlet żewġ proġetti pilota: il-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv billi jiġi attivat it-talent moħbi ta’ NEETs u Migranti fin-Netherlands u Training2Work fil-Portugall. Attwalment, iż-żewġ proġetti qed joperaw taħt ġestjoni diretta mill-Kummissjoni, b’kontribuzzjoni kkombinata tal-UE ta’ madwar EUR 1.1 miljun.
93 Fil-perjodu 2014-2020, l-Awstrija biss ippilotat il-mudell FNLTC għal proġett wieħed taħt l-FEŻR b’kontribuzzjoni tal-UE ta’ madwar EUR 36 miljun (ara l-Kaxxa 8).
Proġett pilota bl-użu tal-FNLTC fl-Awstrija
“Pagamenti mhux marbuta mal-ispejjeż”, li huwa proġett fl-Awstrija fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, ġie stabbilit fl-2019 u jkopri madwar 5.4 % tal-PO tal-Awstrija għall-perjodu 2014-2020 fil-kuntest ta’ “Investiment fit-Tkabbir u l-Impjiegi” taħt l-FEŻR. Il-proġett jappoġġa l-investimenti eliġibbli skont l-Iskema ta’ Sussidju Ambjentali Awstrijaka.
L-għan huwa li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b’total ta’ 143 700 tunnellata kull sena sal-2023. Il-finanzjament tal-UE jammonta għal EUR 35.9 miljun u ġie ddeterminat bl-użu ta’ prezz unitarju ta’ EUR 250 għal kull tunnellata ta’ CO2, li kien ibbażat fuq metodu ta’ kalkolu propost mill-awtoritajiet Awstrijaċi u maqbul mal-Kummissjoni.
Il-finanzjament jiġi żborżat fi stadji marbuta mal-kisba ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament intermedju, il-passi proċedurali (eż. l-għażla tal-proġetti) u r-riduzzjonijiet tas-CO2 miksuba.
Il-fattibbiltà u d-domanda potenzjali għall-pjanijiet ta’ azzjoni konġunti u l-FNLTC ma ġewx ivvalutati bil-quddiem
94 Skont il-Kummissjoni, ir-raġunijiet prinċipali għalfejn l-Istati Membri sabuha bi tqila li jużaw il-pjanijiet ta’ azzjoni konġunti kienu l-fatt li l-proċedura ta’ adozzjoni kienet ikkumplikata żżejjed u li kien hemm diffikultà biex jiġu ddeterminati l-indikaturi tal-output u tar-riżultati, iżda wkoll il-fatt li qiesu l-SCOs aktar effiċjenti[71]. B’rispons għal stħarriġ tal-Kummissjoni dwar l-FNLTC, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri osservaw li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ użu tal-FNLTC kienu: l-istruttura oneruża, in-nuqqas ta’ ċarezza tat-tfassil u tal-użu potenzjali tagħhom, u l-inċertezza dwar l-arranġamenti tal-awditjar applikabbli. B’mod ġenerali, l-esperti tal-Istati Membri qiesu li l-mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni huma onerużi, ikkumplikati u li jieħdu ħafna ħin, aktar riskjużi għall-benefiċjarji u anqas flessibbli[72]. Fl-aħħar nett, l-adozzjoni tal-mudell FNLTC ġiet imfixkla wkoll minħabba l-fatt li dan seta’ jintuża biss mill-2019 ’il quddiem, li sa dak iż-żmien il-PO tal-perjodu 2014-2020 kienu diġà ġew adottati u impenjaw il-biċċa l-kbira mill-fondi tagħhom.
95 L-analiżi li wettaqna wriet ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx ivvalutat il-fattibbiltà ta’ tali mudelli ta’ finanzjament u d-domanda potenzjali għalihom permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt ex ante. Sibna wkoll evidenza limitata ta’ konsultazzjoni mifruxa fi ħdan il-Kummissjoni (pereżempju, mad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, li jissorvelja l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika) jew mal-Istati Membri qabel il-proposta leġiżlattiva.
96 Aħna identifikajna tliet ostakli prinċipali għall-użu ta’ dawn il-mudelli ta’ finanzjament innovattivi:
- l-introduzzjoni tardiva tal-FNLTC matul il-perjodu 2014-2020;
- l-awtoritajiet maniġerjali jsibuha diffiċli biex jidentifikaw l-operazzjonijiet adatti; u
- it-tħassib tal-Istati Membri dwar iċ-ċertezza legali tagħhom f’termini ta’ verifiki u kontrolli sussegwenti, partikolarment fir-rigward tal-obbligu ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u dawk dwar l-akkwist.
Ir-riluttanza tal-Istati Membri li jużaw mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fil-perjodu 2014-2020 hija wkoll attribwibbli għal diskrepanzi fir-regoli applikabbli
97 Minn snin ta’ esperjenza fl-awditjar nafu li l-awtoritajiet maniġerjali jixtiequ ċertezza legali u finanzjarja, billi jibżgħu li l-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti jew saħansitra timponi korrezzjonijiet finanzjarji jekk jinqalgħu problemi. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-valutazzjonijiet tal-impatt proprja tal-Kummissjoni[73].
98 Għall-SCOs, il-Kummissjoni kienet ħarġet gwida fil-bidu tal-perjodu 2014-2020[74]. F’Mejju 2021, il-Kummissjoni rrevediet dawn il-linji gwida biex tikkjarifika li l-verifikazzjonijiet tal-ġestjoni u l-awditi tal-operazzjonijiet li jinvolvu l-SCOs iridu jkomplu jivverifikaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda mhux proċeduri speċifiċi ta’ akkwist pubbliku[75].
99 Problemi simili tfaċċaw meta ġie introdott il-mudell FNLTC fl-2018, billi r-regoli applikabbli dwar il-kontroll finanzjarju u l-awditjar kienu ambigwi. Dawn id-diskrepanzi fir-regoli applikabbli kkontribwew għar-riluttanza tal-Istati Membri li jużaw dan il-mudell ġdid ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni matul il-perjodu 2014-2020. Fi Frar 2019, il-Kummissjoni adottat regolament delegat biex tipprovdi kjarifika. Minkejja dan, aħna nqisu li dan ma indirizzax il-problema sottostanti ta’ kif l-awditjar u l-kontroll tal-Istati Membri jkunu jiżguraw il-konformità mar-regoli bażiċi tas-suq intern (ara l-Kaxxa 9)
Dispożizzjonijiet legali ambigwi għall-kontroll finanzjarju u l-awditjar għall-FNLTC fil-perjodu 2014-2020
Fir-rigward tal-mudell FNLTC, l-RDK u r-regolament delegat tal-2019 iddikjaraw li l-awditi jenħtieġ li jkunu limitati għall-verifika tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għar-rimborż[76]. Ir-regolarità tal-infiq mhijiex waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.
Fl-istess ħin, u f’kontradizzjoni ma’ dak indikat hawn fuq, l-RDK jirrikjedi li l-awtoritajiet maniġerjali jivverifikaw li l-operazzjonijiet kollha jiġu implimentati f’konformità mal-liġi applikabbli, inklużi r-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat.[77]
Ir-regolament delegat jirrikjedi wkoll metodu ġust, ekwu u verifikabbli għall-kalkolu tal-ammont ta’ finanzjament. Dan il-metodu ta’ kalkolu huwa stabbilit mill-awtoritajiet li jużaw l-FNLTC, mingħajr ma jkunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.[78]
Il-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fil-perjodu 2014-2020 ġie żborżat kważi esklussivament permezz tal-SCOs tradizzjonali
L-SCOs mistennija jkopru madwar terz tal-infiq tal-FSE, iżda l-fokus għadu mhuwiex fuq ir-riżultati
100 L-SCOs kienu l-uniku mudell ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni li ntuża b’mod mifrux fil-perjodu 2014-2020. Matul il-perjodu, il-Kummissjoni ħeġġet u ppromoviet b’mod attiv l-użu tal-SCOs biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet maniġerjali u r-riskju ta’ żball. Dan ikkontribwixxa għal adozzjoni sinifikanti ta’ CSOs meta mqabbla mal-perjodu preċedenti. Kważi l-PO kollha tal-FSE jużaw mill-inqas sa ċertu punt l-SCOs (l-aktar skali standard ta’ spejjeż għal kull unità) u xi PO tal-FEŻR bdew jużaw ukoll l-SCOs (l-aktar, rati fissi bbażati fuq l-input). Il-Kummissjoni tistma li l-SCOs se jkunu koprew 33 % tal-infiq taħt l-FSE u 4 % tal-infiq taħt l-FEŻR/FK sa tmiem il-perjodu 2014-2020[79].
101 B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li madwar EUR 22.5 biljun, jew 8.5 % tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 ibbażat fuq l-għotjiet se jkunu ġew rimborżati bl-użu ta’ mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni, kważi kollha kemm huma SCOs.
Prospetti għall-perjodu 2021-2027: l-introduzzjoni b’suċċess tal-FNLTC tirrikjedi kjarifika ulterjuri
L-użu tal-FNLTC twessa’ għall-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027 u sar obbligatorju għall-RRF
102 Fis-snin li ġejjin, il-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni se jsir il-forma dominanti ta’ finanzjament tal-UE f’termini ta’ nfiq kopert. Dan huwa prinċipalment minħabba li l-FNLTC, kif iddefinit fir-Regolament Finanzjarju[80] se jkun l-uniku mudell ta’ finanzjament li jipprovdi għotjiet lill-Istati Membri taħt l-RRF[81]. Din hija bidla notevoli fil-ġestjoni finanzjarja tal-UE.
103 Għall-perjodu 2021-2027, fir-rigward tal-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni rregolati mill-RDK, l-użu tal-mudell FNLTC se jsir għażla f’żewġ livelli: i) għall-għoti tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-prijoritajiet kollha (jew partijiet minnhom) u ii) għal proġetti mwettqa taħt tali programmi jew prijoritajiet, għall-għotjiet ipprovduti lill-benefiċjarju[82]. Dan se jagħmilha aktar faċli biex l-Istati Membri jikkombinaw il-finanzjament tal-UE ma’ skemi ta’ finanzjament nazzjonali jew reġjonali li r-regoli tagħhom jistgħu inkella jkunu diffiċli li jiġu rrikonċiljati mar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-UE. Il-mudell FNLTC se jsir obbligatorju wkoll għal ċerti azzjonijiet imfassla biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri[83]. Madankollu, il-PAK ma tkomplewx.
104 Fil-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat biex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet fl-RDK[84]. Dan jista’ jkun mod ta’ għajnuna biex jiġu offruti mudelli kummerċjalment disponibbli għall-FNLTC li jikkjarifikaw, pereżempju, l-oqsma ta’ investiment, it-tipi ta’ attivitajiet, il-miżuri u l-operazzjonijiet u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati jew l-outputs/ir-riżultati li għandhom jinkisbu meta jintuża dan il-mudell ta’ finanzjament.
L-arranġamenti għall-verifikazzjoni tal-konformità mar-regoli tas-suq intern taħt il-mudell FNLTC għadhom mhumiex suffiċjentement ċari
105 Il-konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat hija essenzjali biex is-suq intern tal-UE jiffunzjona b’mod effettiv. L-Istati Membri xorta se jkollhom jiżguraw li l-infiq kollu tal-UE jikkonforma mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat[85]. Fl-aħħar nett, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura li r-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u dawk dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu applikati b’mod korrett u konsistenti mill-Istati Membri. Dan l-obbligu jkopri l-infiq pubbliku kollu u t-tipi kollha ta’ appoġġ finanzjarju. Għaldaqstant, inqisu li huwa importanti li jiġi kkjarifikat mill-bidu nett kif jenħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali u l-awtoritajiet tal-awditjar jittrattaw l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-istat meta jużaw mudelli FNLTC matul il-perjodu 2021-2027, mhux tal-inqas biex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, bħal dik osservata matul il-perjodu preċedenti.
106 L-RDK għall-perjodu 2021-2027 jipprevedi li l-verifikazzjonijiet tal-ġestjoni u l-awditi għall-partijiet ta’ programm fejn jintuża l-mudell FNLTC jenħtieġ li jivverifikaw li l-kundizzjonijiet għar-rimborż ikunu ġew issodisfati jew li jkunu nkisbu riżultati. Madankollu, ma jenħtieġx li jivverifikaw l-ispejjeż sottostanti, billi l-Kummissjoni tipprovdi ftehim ex ante dwar tali ammonti[86]. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku jew ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-istat. L-awtoritajiet maniġerjali u l-awtoritajiet tal-awditjar għad iridu jagħtu aċċertament lill-Kummissjoni li l-infiq kollu inkluż fil-kontijiet huwa regolari u konformi mar-regoli applikabbli kollha[87].
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni: ambizzjonijiet siewja, iżda kien għad hemm ostakli fil-perjodu 2014-2020
107 Matul il-perjodu 2014-2020, sar ħafna biex tissaħħaħ l-orjentazzjoni tal-prestazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni u l-introduzzjoni tal-qafas tal-prestazzjoni kkontribwixxa għal bidla kulturali fil-ġestjoni finanzjarja tal-politika ta’ Koeżjoni. Madankollu, l-awditu li wettaqna wera li l-finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni għadu ma sarx realtà. B’mod partikolari, filwaqt li t-tliet strumenti l-ġodda wasslu għal approċċi ġodda għall-implimentazzjoni, ma għamlu l-ebda differenza notevoli fil-mod kif il-finanzjament tal-UE ġie allokat u żborżat.
108 Il-proċess tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) jestendi fuq ħafna snin, xi drabi lil hinn mill-perjodu ta’ qafas finanzjarju pluriennali ta’ seba’ snin, u hemm perjodu latenti konsiderevoli qabel ma l-investiment tal-UE jagħti r-riżultati, u xi drabi saħansitra outputs. Tħassib ieħor huwa l-affidabbiltà u l-utilità tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni li abbażi tagħha jenħtieġ li jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji. Waħda mit-tagħlimiet ewlenin meħuda mill-inizjattivi, bi ħsieb tajjeb, tal-perjodu 2014-2020 hija li l-irbit tal-allokazzjoni tar-riżorsi mal-prestazzjoni mhuwa bl-ebda mod kompitu sempliċi.
L-istrumenti kienu mfassla tajjeb biex jinċentivaw il-prestazzjoni u biex ibiddlu l-fokus sabiex jinkisbu r-riżultati?
109 L-awditu li wettaqna kkonferma li t-tliet strumenti kollha kellhom il-potenzjal li jinċentivaw il-prestazzjoni u li jbiddlu l-fokus lejn il-kisba tar-riżultati. L-istrumenti kienu komplementari, peress li kienu applikabbli fi stadji differenti u għal aspetti differenti tal-implimentazzjoni tal-programm. Madankollu, kollha pprovdew mod kif il-finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni jintrabat mal-prestazzjoni u mar-riżultati.
110 Il-kundizzjonalitajietex ante (EACs) kienu waħda mill-innovazzjonijiet prinċipali tal-perjodu 2014-2020. Dawn tfasslu biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet it-tajbin għal infiq effettiv mill-bidu tal-programmi, skont il-prinċipju bażiku li jkun aħjar li tiġi indirizzata kmieni, qabel ma jiġi żborżat il-finanzjament tal-UE, kwalunkwe problema li tista’ tillimita l-potenzjal tal-Istati Membri u tar-reġjuni biex jiksbu r-riżultati intenzjonati (il-paragrafi 16-20).
111 It-twarrib obbligatorju ta’ parti mill-finanzjament għal miżuri bi prestazzjoni tajba fil-forma ta’ “riżerva ta’ prestazzjoni” ma kienx, fih innifsu, aspett innovattiv, billi kien diġà ntuża f’forma differenti fil-perjodu 2000-2006. L-element innovattiv kien il-valutazzjoni tal-prestazzjoni fi ħdan qafas maqbul li jinkludi sett ta’ objettivi intermedji għal kull assi prijoritarju u l-allokazzjoni tar-riżerva għal prijoritajiet ta’ suċċess. Ir-riżerva ta’ prestazzjoni introduċiet strument trasparenti u bbażat fuq ir-regoli biex il-finanzjament tal-politika ta’ Koeżjoni jsir aktar ibbażat fuq il-prestazzjoni, dment li d-data dwar il-prestazzjoni rrappurtata mill-awtoritajiet maniġerjali kienet affidabbli u l-qafas kien stabbli u infurzat kif xieraq. L-iżvantaġġ ta’ dan l-istrument kien l-ammonti limitati involuti, billi kien jirrappreżenta biss 6 % tal-allokazzjonijiet tal-Fondi SIE tal-Istati Membri (il-paragrafi 39-41).
112 Iż-żewġ mudelli l-ġodda ta’ finanzjament, jiġifieri l-“pjanijiet ta’ azzjoni konġunti” u l-“finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”, għamluha possibbli li l-finanzjament tal-operazzjonijiet jiġi bbażat jew fuq prestazzjoni vverifikata kif imkejla minn indikaturi tal-output jew tar-riżultati jew inkella fuq l-issodisfar tal-kundizzjonijiet. Dan kien pass ċar lejn it-tfassil tal-politika ta’ Koeżjoni aktar ibbażata fuq il-prestazzjoni, għalkemm l-użu tagħhom kien fakultattiv u limitat għal oqsma speċifiċi. Barra minn hekk, saru disponibbli għażliet ta’ spejjeż simplifikati fil-Fondi SIE kollha. Tnejn minnhom (skali standard ta’ spejjeż għal kull unità u somom f’daqqa) jorbtu b’mod espliċitu l-pagamenti mal-outputs (il-paragrafi 84-91).
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu effettivi fl-użu tal-istrumenti biex il-finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni jsir aktar ibbażat fuq il-prestazzjoni?
113 L-awditu li wettaqna sab li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu biss parzjalment effettivi fl-użu tat-tliet strumenti biex il-finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni jsir aktar ibbażat fuq il-prestazzjoni. B’mod kumplessiv, il-valutazzjoni li wettaqna hija aktar pożittiva għall-EACs milli għar-riżerva ta’ prestazzjoni, u l-inqas pożittiva għall-mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni (ħlief l-għażliet ta’ spejjeż simplifikati).
Kundizzjonalitajiet ex ante
114 Il-valutazzjoni tal-EACS (u l-ikkompletar tal-pjanijiet ta’ azzjoni relatati) kienet ta’ spiss ibbażata fuq kriterji wesgħin stabbiliti fir-regolament dwar dispożizzjonijiet komuni, li ħallew lok konsiderevoli għall-interpretazzjoni, u ta’ spiss ma kinux jirreferu għal miri kwantifikabbli speċifiċi anki fejn tali miri setgħu jiġu derivati mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Fl-2014, il-Kummissjoni ħarġet gwida addizzjonali dwar il-mod kif jenħtieġ li l-Istati Membri u s-servizzi proprji tagħha jivvalutaw il-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-EACs. Minkejja dan, l-awditu li wettaqna wera li l-Kummissjoni ffaċċjat diffikultajiet biex tiżgura valutazzjoni armonizzata tal-EACs fl-Istati Membri kollha sa tmiem il-perjodu (il-paragrafu 21-22).
115 Madwar terz tal-EACs tematiċi baqgħu ma ġewx issodisfati fl-istadju tal-adozzjoni tal-programm. Din iċ-ċifra ma tagħti l-ebda indikazzjoni tal-impatt potenzjali li l-EACs mhux issodisfati kellhom fuq il-kapaċità tal-Istati Membri li jiksbu r-riżultati. Minkejja dan, dan juri li l-problema ta’ EACs mhux issodisfati ma kinitx waħda iżolata, iżda pjuttost kienet tikkonċerna diversi aspetti u ħafna Stati Membri. Fuq nota pożittiva, l-Istati Membri kkompletaw 98 % tal-pjanijiet ta’ azzjoni sad-data ta’ skadenza għar-rappurtar sa tmiem Awwissu 2017 (il-paragrafi 23-25).
116 Fil-perjodu 2014-2020, il-valutazzjoni tal-EACs kienet imfassla bħala eżerċizzju ta’ darba. Dan għamilha mhux ċar jekk il-kisbiet irrappurtati f’dan il-proċess kinux sostnuti matul il-perjodu 2014-2020 kollu kemm hu. Barra minn hekk, l-issodisfar formali ta’ EAC mhux bilfors ifisser, fih innifsu, li s-sitwazzjoni fil-prattika tjiebet u li ħolqot il-kundizzjonijiet biex jinkisbu r-riżultati. In-nuqqas li jiġu ssodisfati l-EACs (jew li jiġu kkompletati l-pjanijiet ta’ azzjoni) rari kellu konsegwenzi finanzjarji għall-Istati Membri. Fl-istess ħin, l-introduzzjoni tal-EACs setgħet għamlet kontribuzzjoni indiretta billi mingħajrha l-kundizzjonijiet għall-infiq tal-fondi tal-UE fil-prattika kienu jkunu saħansitra aktar diffikultużi (il-paragrafi 26-34).
117 Il-“kundizzjonijiet abilitanti” (is-suċċessur għall-EACs) se japplikaw matul il-perjodu 2021-2027. Madankollu, kif kien il-każ fil-perjodu preċedenti, il-Kummissjoni mhijiex meħtieġa li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-kundizzjonijiet abilitanti. Fl-aħħar nett, aħna nosservaw li l-kundizzjonijiet abilitanti għall-perjodu 2021-2027 huma ssupplimentati minn kundizzjonalità ġdida tal-“istat tad-dritt”. Madankollu, għall-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri biss f’każijiet fejn il-proċeduri speċifiċi skont ir-regolament dwar dispożizzjonijiet komuni ma jiżgurawx b’mod adegwat il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew ma jipproteġux l-interessi finanzjarji tal-UE (il-paragrafi 35-38).
Riżerva ta’ prestazzjoni
118 Preċedentement, aħna rrappurtajna dwar id-diffikultajiet li l-Istati Membri kellhom fl-istabbiliment ta’ miri għall-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati, li sussegwentement intużaw biex tiġi allokata r-riżerva ta’ prestazzjoni (il-paragrafi 42-48).
119 Mill-2014 ’il quddiem, il-Kummissjoni aġġustat u kkjarifikat il-kundizzjonijiet u l-kriterji tar-rieżami tal-prestazzjoni. Wara dawn il-bidliet, l-Istati Membri rrappurtaw prestazzjoni aħjar milli seta’ jkollhom skont il-leġiżlazzjoni inizjali (il-paragrafi 49-52).
120 L-Istati Membri emendaw ħafna mill-objettivi intermedji qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni. B’segwitu għal dawn l-emendi għall-qafas tal-prestazzjoni, fl-2018 u fl-2019 il-Kummissjoni rrilaxxat madwar 82 % tar-riżerva ta’ prestazzjoni. Mingħajr dawn l-emendi, 56 % tar-riżerva ta’ prestazzjoni kienu jiġu rilaxxati, kieku, u madwar terz tal-prijoritajiet kollha b’riżerva ta’ prestazzjoni kienu jitqiesu bħala li “qed jonqsu b’mod serju” milli jilħqu l-objettivi intermedji (il-paragrafi 53-60).
121 Sibna wkoll li l-Kummissjoni ma ddeterminatx l-affidabbiltà tad-data kollha dwar il-prestazzjoni użata għar-rieżami tal-prestazzjoni. Il-verifikazzjonijiet tal-awtoritajiet maniġerjali tal-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni kienu jvarjaw. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tal-awditjar wettqu xogħol tal-awditjar rigward l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni għall-biċċa l-kbira mill-programmi, iżda mhux kollha, qabel ir-rieżami tal-prestazzjoni tal-2019. Fattur ta’ limitazzjoni ieħor kien l-allinjament ħażin tal-iskedi ta’ żmien għar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri u d-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u r-rapport annwali ta’ kontroll tagħhom. Il-Kummissjoni setgħet biss tikkumpensa parzjalment għal dawn id-defiċjenzi permezz ta’ verifiki addizzjonali fuq id-data dwar il-prestazzjoni, irrappurtata mill-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma ssospendiet l-ebda pagament għall-programmi minħabba defiċjenzi serji fil-kwalità u l-affidabbiltà tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni jew tad-data dwar l-indikaturi (il-paragrafi 61-73).
122 L-analiżi li wettaqna wriet li r-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni ġie ddeterminat l-aktar mill-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni, kif rifless bil-kisba ta’ passi ewlenin tal-implimentazzjoni jew ta’ outputs u s-suċċess tagħhom fl-infiq tal-flus (madwar terz tal-indikaturi kollha kienu indikaturi finanzjarji). Inqas minn 1 % tal-indikaturi kien għar-riżultati. Il-Kummissjoni ma imponiet l-ebda sospensjoni tal-pagamenti għal prestazzjoni insuffiċjenti (il-paragrafi 74-76).
123 Sibna wkoll rabta dgħajfa biss bejn l-ilħuq tal-miri għall-prijoritajiet sal-2018 u r-riallokazzjoni tar-riżorsi għal dawn il-prijoritajiet (bejn il-bidu tal-perjodu u s-sena2018). B’mod kumplessiv, l-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni kellha biss impatt limitat fuq il-baġits tal-programmi (il-paragrafi 77-80).
124 Ir-rieżami tal-prestazzjoni u r-riżerva ta’ prestazzjoni ma tkomplewx għall-perjodu 2021-2027. Se jkun hemm rieżami ta’ nofs it-terminu fl-2025 li għalih il-Kummissjoni għadha ma kkjarifikatx kif se titqies il-prestazzjoni. Madankollu, il-kuntest għal dan ir-rieżami ta’ nofs it-terminu se jkun differenti minn dak f’perjodi preċedenti. Raġuni waħda għal dan hija li l-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni se jiġu implimentati simultanjament mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Diġà hemm indikazzjonijiet li t-tnedija tal-programmi għall-perjodu 2021-2027 se tkun saħansitra aktar tard minn seba’ snin ilu. Barra minn hekk, billi ma hemm l-ebda kofinanzjament nazzjonali taħt l-RRF, ħafna proġetti ta’ investiment li kienu jiġu implimentati, kieku, permezz tal-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni f’ċirkostanzi normali issa jistgħu jiġu ffinanzjati mill-RRF. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri x’aktarx jassorbu inqas mill-allokazzjonijiet finanzjarji pprogrammati inizjalment milli antiċipat. Dan, min-naħa tiegħu, probabbilment ifisser li se jinkisbu inqas outputs u riżultati permezz tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni saż-żmien tar-rieżami ta’ nofs it-terminu (il-paragrafi 81-83).
Mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni
125 Fil-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri wrew ftit li xejn interess fl-użu taż-żewġ mudelli l-ġodda ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni. L-Awstrija biss ippilotat il-mudell ta’ “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż” (FNLTC) għal proġett wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tippilota l-mudell tal-“pjan ta’ azzjoni konġunt” (li ma tkompliex għall-perjodu 2021-2027) taħt ir-responsabbiltà tagħha stess għal żewġ proġetti. Il-finanzjament tal-UE għal dawn it-tliet proġetti pilota huwa ta’ madwar EUR 37 miljun (il-paragrafi 92-93).
126 L-analiżi li wettaqna wriet li l-valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-Kummissjoni għall-perjodu 2014-2020 ma kinitx indirizzat il-fattibbiltà u d-domanda potenzjali għall-mudelli l-ġodda ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni. Aħna identifikajna tliet ostakli prinċipali għall-adozzjoni aħjar:
- l-introduzzjoni tardiva tal-mudell FNLTC matul il-perjodu 2014-2020;
- l-awtoritajiet maniġerjali jsibuha diffiċli biex jidentifikaw l-operazzjonijiet adatti; u
- it-tħassib tal-Istati Membri dwar iċ-ċertezza legali, f’termini ta’ verifiki u kontrolli sussegwenti, partikolarment fir-rigward tal-obbligu ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku jew ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (il-paragrafi 94-99).
127 Fuq nota pożittiva, kien hemm żieda sinifikanti fl-adozzjoni ta’ għażliet ta’ spejjeż simplifikati meta mqabbla mal-perjodu preċedenti, parzjalment b’riżultat tal-fatt li l-Kummissjoni ħeġġet b’mod attiv lill-awtoritajiet maniġerjali biex inaqqsu l-piż amministrattiv u r-riskju ta’ żball. Kważi l-programmi kollha tal-Fond Soċjali Ewropew jużaw għażliet ta’ spejjeż simplifikati tal-anqas sa ċertu punt u xi programmi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bdew jużawhom ukoll. Madankollu, dan jikkonċerna biss parti żgħira min-nefqa: aħna nistmaw li madwar 8.5 % tan-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 se tkun ġiet rimborżata bl-użu ta’ mudelli ta’ finanzjament ibbażat fuq il-prestazzjoni, kważi kollha kemm huma għażliet ta’ spejjeż simplifikati (il-paragrafi 100-101).
128 Il-mudell FNLTC se jsir il-mudell dominanti ta’ finanzjament tal-UE fis-snin li ġejjin, prinċipalment minħabba l-użu obbligatorju tiegħu taħt l-RRF. Fl-istess ħin, dan se jiġi implimentat bħala mudell ta’ finanzjament fakultattiv fl-oqsma kollha tal-politika ta’ Koeżjoni u se jkun l-uniku mudell disponibbli għal ċerti azzjonijiet biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. Fil-perjodu 2021-2027, il-mudell FNLTC jista’ jintuża f’żewġ livelli: i) għall-kontribuzzjoni tal-UE għall-prijoritajiet kollha (jew partijiet minnhom) ta’ programm fl-Istat Membru u ii) għal proġetti mwettqa taħt tali programmi jew prijoritajiet, għall-għotjiet ipprovduti lill-benefiċjarju. Dan se jagħmilha aktar faċli biex l-Istati Membri jikkombinaw il-finanzjament tal-UE ma’ skemi ta’ finanzjament nazzjonali jew reġjonali li r-regoli mar-regoli li jistgħu inkella jkunu diffiċli li jiġu rrikonċiljati mar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-UE. Il-Kummissjoni għad trid tikkjarifika r-rekwiżiti speċifiċi ta’ eliġibbiltà u l-arranġamenti kummerċjalment disponibbli (bħall-istabbiliment ta’ oqsma ta’ investiment rilevanti, oqsma ta’ attivitajiet, miżuri jew operazzjonijiet u kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati jew outputs/riżultati li għandhom jinkisbu) għall-mudell FNLTC. Hemm ukoll ħtieġa għal kjarifika ulterjuri fir-rigward tal-arranġamenti għall-għoti ta’ aċċertament lill-Kummissjoni dwar il-konformità mar-regoli tas-suq intern (l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat) meta jiġi applikat il-mudell FNLTC (il-paragrafi 102-106).
Rakkomandazzjoni 1 – Isir l-aħjar użu mill-kundizzjonijiet abilitanti fil-perjodu 2021-2027
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- timmonitorja sistematikament l-issodisfar mill-Istati Membri tal-kundizzjonijiet abilitanti matul il-perjodu ta’ programmazzjoni permezz tar-rappreżentant tagħha fil-kumitat ta’ monitoraġġ għall-programmi tal-politika ta’ Koeżjoni; u
- tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-issodisfar mill-Istati Membri tal-kundizzjonijiet abilitanti u l-attivitajiet ta’ infurzar tagħha stess.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: matul il-perjodu 2021-2027
Rakkomandazzjoni 2 – Titwitta t-triq minn kmieni għal rieżami effettiv ta’ nofs it-terminu għall-perjodu 2021-2027
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tinforma lill-Istati Membri fi stadju bikri dwar l-approċċ li għandu jiġi applikat għar-rieżami ta’ nofs it-terminu, inkluż fir-rigward tal-allokazzjoni tal-finanzjament għall-kumplament tal-perjodu; u
- tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe sejba rilevanti ppreżentata b’segwitu għall-evalwazzjoni tal-2024 rigward l-użu tal-RRF mill-Istati Membri, għar-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha tal-2025 fir-rigward tal-investimenti ffinanzjati mill-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni f’dawk l-Istati Membri.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: fl-2025
Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu kkjarifikati r-regoli sottostanti għall-mudell ta’ finanzjament “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tidentifika, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-oqsma ta’ investiment rilevanti fejn il-finanzjament jista’ jkun ibbażat fuq l-FNLTC u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati jew l-outputs/ir-riżultati li għandhom jinkisbu għat-tipi ta’ attivitajiet, miżuri u operazzjonijiet li jistgħu jużaw l-FNLTC; u
- tistabbilixxi kriterji għall-valutazzjoni tagħha tat-talbiet motivati ppreżentati mill-Istati Membri għall-emendar tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati jew l-outputs/ir-riżultati li għandhom jinkisbu.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa nofs l-2023
Rakkomandazzjoni 4 – Jiġi kkjarifikat l-approċċ għall-għoti ta’ aċċertament rigward il-finanzjament tal-UE permezz tal-mudell ta’ “finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż”
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkjarifika kif l-awtoritajiet maniġerjali u l-awtoritajiet tal-awditjar jenħtieġ li:
- jeżaminaw l-affidabbiltà tas-sistemi tal-Istati Membri għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati jew l-outputs/ir-riżultati li għandhom jinkisbu; u
- jagħtu aċċertament dwar l-applikazzjoni effettiva tar-regoli li jirregolaw is-suq intern (l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-istat).
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa nofs l-2022
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-30 ta’ Settembru 2021.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Annessi
Anness I – Programmi Operazzjonali koperti mill-awditu
L-analiżi li wettaqna kopriet 20 assi prijoritarju b’120 indikatur fil-qafas tal-prestazzjoni. Fi ħdan dawn l-20 assi prijoritarju, eżaminajna kampjun ta’ 57 proġett; dawn il-proġetti flimkien kien fihom 129 valur relatati mal-120 indikatur fil-livell tal-assi prijoritarji.
Sors: il-QEA.
Anness II – Rapporti u opinjonijiet preċedenti
Rapporti Speċjali
- Ir-Rapport Speċjali Nru 24/2016 - Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni
- Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017 - In-negozjar, li sar mill-Kummissjoni, tal-Ftehimiet ta’ Sħubija 2014-2020 u l-programmi fil-qasam tal-Koeżjoni, għall-perjodu 2014-2020: l-infiq qed ikun aktar immirat fuq il-prijoritajiet ta’ Ewropa 2020, iżda l-arranġamenti għall-kejl tal-prestazzjoni qed ikunu dejjem aktar kumplessi
- Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2017 - Il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-riżerva ta’ prestazzjoni fil-qasam ta’ Koeżjoni: strumenti innovattivi iżda għadhom mhumiex effettivi
- Ir-Rapport Speċjali Nru 21/2018 - L-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti taħt il-FEŻR u l-FSE fil-perjodu 2014–2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l-outputs
- Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2020 - Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal – Jinħtieġ immirar aħjar tal-appoġġ tal-Kummissjoni
Rapporti Analitiċi
- Ir-Rapport Analitiku Nru 5/2018 - Simplifikazzjoni fit-twettiq tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020
- Ir-Rapport Analitiku Nru 5/2019 - Impenji pendenti fil-baġit tal-UE - Ħarsa aktar mill-qrib (Analiżi Rapida dwar Każ Speċifiku)
- Ir-Rapport Analitiku Nru 8/2019 - Prestazzjoni fil-qasam tal-Koeżjoni (Dokument Informattiv u Analitiku)
Rapporti Annwali
- Ir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2011, Il-Ġurnal Uffiċjali 2012/C 344/1, il-Kapitolu 6
- Ir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2012, Il-Ġurnal Uffiċjali 2013/C 331/1, il-Kapitolu 6
- Ir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2013, Il-Ġurnal Uffiċjali 2014/C 398/1, il-Kapitolu 10
- Ir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2014, Il-Ġurnal Uffiċjali 2015/C 373/01, il-Kapitolu 6
- Ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, Il-Ġurnal Uffiċjali 2018/C 357/1, il-Kapitolu 3
- Ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, Il-Ġurnal Uffiċjali 2019/C 340/01, il-Kapitolu 1
Opinjonijiet
- L-Opinjoni Nru 1/2017 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni
- L-Opinjoni Nru 6/2018 rigward il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni
- L-Opinjoni Nru 6/2020 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
EAC: Kundizzjonalità ex ante
FAEŻR: Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali
FEI: Fond Ewropew tal-Investiment
FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
FK: Fond ta’ Koeżjoni
FNLTC: Finanzjament mhux marbut mal-ispejjeż
Fondi SIE: Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej
FSE: Fond Soċjali Ewropew
KTE: Kooperazzjoni territorjali Ewropea
NEET: Barra mill-Edukazzjoni, Impjieg jew Taħriġ
OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi
PAK: Pjan ta’ azzjoni konġunt
PO: Programm operazzjonali
QFP: Qafas finanzjarju pluriennali
RDK: Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni
RRF: Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
SCOs: Għażliet ta’ spejjeż simplifikati
SME: Intrapriżi żgħar u medji
Glossarju
Awtorità maniġerjali: L-awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (pubblika jew privata) deżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġja programm iffinanzjat mill-UE.
Awtorità tal-awditjar: Entità nazzjonali indipendenti responsabbli għall-awditjar tas-sistemi u l-operazzjonijiet ta’ programm ta’ nfiq tal-UE.
Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: Il-ħames fondi prinċipali tal-UE li flimkien jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fl-UE kollha fil-perjodu 2014-2020: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni: L-erba’ fondi tal-UE li jappoġġaw il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE kollha fil-perjodu 2021-2027: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.
Għażliet ta’ spejjeż simplifikati Approċċ li jintuża biex jiġi ddeterminat ammont ta’ għotja bl-użu ta’ metodi bħal spejjeż standard għal kull unità, finanzjament b’rata fissa jew somom f’daqqa minflok l-ispejjeż li verament ikunu ġġarrbu mill-benefiċjarju. Dan l-approċċ huwa intenzjonat li jnaqqas il-piż amministrattiv.
Impatt: Il-konsegwenzi usa’ fit-tul ta’ proġett jew programm ikkompletat, bħall-benefiċċji soċjoekonomiċi għall-popolazzjoni fl-intier tagħha.
Input: Il-mezzi finanzjarji, umani, materjali, amministrattivi jew regolatorji li jintużaw għall-implimentazzjoni ta’ proġett jew ta’ programm.
Loġika ta’ intervent: Ir-rabtiet bejn l-objettivi ta’ proposta, l-inputs u l-attivitajiet ippjanati, u r-riżultati u l-impatt intenzjonati.
Mira: Għall-iskopijiet ta’ dan ir-rapport, output jew riżultat li għandu jitwettaq, jew l-infiq li għandu jiġi ċċertifikat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023.
Objettiv intermedju: Mira intermedja lejn objettiv speċifiku, li għandha tintlaħaq sa data predeterminata.
Objettiv tematiku: Ir-riżultat kumplessiv intenzjonat ta’ prijorità ta’ investiment, ripartit f’objettivi speċifiċi għal skopijiet ta’ implimentazzjoni.
Output: Dak li jiġi prodott jew li jinkiseb minn proġett, bħat-twassil ta’ kors ta’ taħriġ jew il-kostruzzjoni ta’ triq.
Pass ewlieni ta’ implimentazzjoni: Stadju intermedju, biex jikkomplementa l-objettivi intermedji, fil-progress lejn l-ilħuq tal-miri tal-output.
Politika ta’ Koeżjoni: Il-politika tal-UE li għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri billi tippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, u l-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali.
Programm operazzjonali: Il-qafas bażiku għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ koeżjoni ffinanzjati mill-UE f’perjodu stabbilit, li jirrifletti l-prijoritajiet u l-objettivi stabbiliti fil-ftehimiet ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u Stati Membri individwali.
Qafas tal-prestazzjoni: L-objettivi intermedji u l-miri ddefiniti għal sett ta’ indikaturi għal kull assi prijoritarju ta’ programm operazzjonali (ħlief għall-assistenza teknika).
Rapport annwali ta’ implimentazzjoni: Dokument imħejji mill-awtorità maniġerjali ta’ Stat Membru u ppreżentat lill-Kummissjoni, dwar il-progress tiegħu fl-implimentazzjoni ta’ programm operazzjonali matul is-sena finanzjarja preċedenti.
Rapport annwali ta’ kontroll: Dokument imħejji minn awtorità tal-awditjar ta’ Stat Membru u ppreżentat lill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett ta’ aċċertament annwali ta’ dak il-pajjiż.
Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni: Regolament li jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kollha fil-perjodu 2014-2020.
Riżerva ta’ prestazzjoni: Ammont tal-baġit allokat għall-infiq taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej li jinżamm sakemm jintlaħqu ċerti objettivi intermedji.
Riżultat: L-effett immedjat ta’ proġett jew programm malli dan jiġi kkompletat, bħat-titjib fl-impjegabbiltà tal-parteċipanti f’kors jew it-titjib fl-aċċessibbiltà wara l-kostruzzjoni ta’ triq ġdida.
Skali standard ta’ spejjeż għal kull unità: Għażla ta’ spiża simplifikata użata biex jiġi kkalkulat l-infiq eliġibbli ta’ operazzjoni billi jiġu mmultiplikati l-attivitajiet, l-inputs, l-outputs u r-riżultati bl-ispiża stabbilita minn qabel ta’ twassil ta’ unità waħda.
Somma f’daqqa: Tip ta’ għażla ta’ spiża simplifikata fejn il-pagamenti jsiru bis-sħiħ, għall-kuntrarju ta’ pagamenti parzjali, pereżempju biex jiġu rrimborżati l-ispejjeż eliġibbli ta’ operazzjoni jekk l-attivitajiet u/jew l-outputs predefiniti jkunu kkompletati.
Strateġija Ewropa 2020: L-istrateġija fuq 10 snin, tal-UE, li tnediet fl-2010 biex tagħti spinta lit-tkabbir u toħloq l-impjiegi.
Risposti tal-Kummissjoni
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u ta’ programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Ladislav Balko, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Branislav Urbanic, Kap tal-Kabinett u Zuzana Frankova, Attaché tal-Kabinett; Friedemann Zippel, Maniġer Prinċipali; Bernard Witkos, Kap tal-Kompitu; Cristina Jianu, Deputat Kap tal-Kompitu; Ana Popescu, Annekatrin Langer u Sabine Maur-Helmes, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku. Alexandra Mazilu pprovdiet appoġġ fid-disinn grafiku.
Noti finali
[1] Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-Artikolu 33.
[2] Il-Kummissjoni Ewropea, Rieżami/Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 - Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati, COM(2016) 603 final, l-14 ta’ Settembru 2016; il-Kummissjoni Ewropea, EU Budget Focused on Results (BFOR).
[3] Ir-Regolament (UE) 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni, il-premessi (3), (16) u (23).
[4] It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 174.
[5] Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni, u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi.
[6] Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
[7] L-OECD, Budgeting and performance in the European Union: A review by the OECD in the context of EU budget focused on results, OECD Journal on Budgeting, il-Volum 2017/1, it-Taqsima 1.2.1.
[8] L-OECD, Incentivising performance in public investment policies delivered at national and subnational levels: Managing across temporal and institutional horizons, il-31 ta’ Marzu 2017, pp. 8-9.
[9] It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 317; ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-Artikolu 62(3).
[10] Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Rieżami/Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, COM(2016) 603 final, p. 14; ir-Rapport Annwali 2017 tal-QEA, il-paragrafi 3.6-3.7; ir-Rapport Analitiku Nru 8/2019 tal-QEA “Prestazzjoni fil-qasam tal-Koeżjoni” (Dokument informattiv u analitiku), il-paragrafu 26.
[11] Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus); ir-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19.
[12] Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2017 tal-QEA “Il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-riżerva ta’ prestazzjoni fil-qasam ta’ Koeżjoni: strumenti innovattivi iżda għadhom mhumiex effettivi”, l-Annessi I u II.
[13] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19(2).
[14] Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2017 tal-QEA, il-paragrafi 38 u 94.
[15] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19 u l-Anness XI.
[16] Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2017 tal-QEA, il-paragrafu 34.
[17] Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2017 tal-QEA, il-paragrafi 38-39.
[18] Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2020 tal-QEA “Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal – Jenħtieġ immirar aħjar tal-appoġġ tal-Kummissjoni”, il-paragrafu 65.
[19] Ir-Rapport Speċjali Nru 24/2016 tal-QEA “Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni”, il-paragrafu 105.
[20]Ir-Rapport Annwali 2018 tal-QEA, il-paragrafu 1.30.
[21] Il-Kummissjoni Ewropea, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal: The Value Added of Ex ante Conditionalities in the European Structural and Investment Funds, il-31 ta’ Marzu 2017, SWD(2017) 127 final, il-Partijiet C u D.
[22] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19(5).
[23] Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2017 tal-QEA, il-paragrafi 61 u 62.
[24] Il-Kummissjoni Ewropea, “Procedure for monitoring and assessing the implementation of action plans to fulfil applicable ex ante conditionalities by DG EMPL”, il-verżjoni aġġornata għar-Rapport Annwali ta’ Implimentazzjoni 2017, it-28 ta’ Lulju 2017.
[25] Il-Kummissjoni Ewropea, “ESI funds procedure on suspension of payments due to the failure to complete action plans to fulfil ex ante conditionalities”, il-verżjoni 3.0 – is-26 ta’ Ġunju 2017. RegiDDG.02.
[26] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19(5).
[27] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Annessi III u IV.
[28] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikolu 15(6).
[29] Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.
[30] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 20.
[31] Il-Kummissjoni Ewropea, Guidance for Member States on performance framework, review and reserve, EGESIF_18-0021-01, id-19 ta’ Ġunju 2018, il-verżjoni 2.0.
[32] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014 tas-7 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 6.
[33] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014, l-Artikolu 5(3).
[34] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/207 tal-20 ta’ Jannar 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Anness V.
[35] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Anness II, l-Artikolu 5.
[36] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014, l-Artikolu 5(6).
[37] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 22(6); ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014, l-Artikolu 6.
[38] Ir-Rapport Annwali 2013 tal-QEA, il-paragrafu 10.56.
[39] Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2017 tal-QEA, il-paragrafi 102-106, 108 u 109.
[40] L-OECD, Budgeting and performance in the European Union, it-Taqsimiet 1.2.2 u 1.2.3.
[41] Ir-Rapport Speċjali Nru 21/2018 tal-QEA “L-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti taħt il-FEŻR u l-FSE fil-perjodu 2014-2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l-outputs”, il-paragrafi 61-62; ir-Rapport Analitiku Nru 5/2018 tal-QEA “Simplifikazzjoni fit-twettiq tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020”, il-paragrafi 41 u 59; ir-Rapport Speċjali Nru 15/2017 tal-QEA, il-paragrafi 78-79.
[42] Il-Kummissjoni Ewropea, Impact assessment accompanying the document “Proposal for a Regulation of the European Parliament and the Council on the European Social Fund Plus”, SWD(2018) 289 final, it-30 ta’ Mejju 2018, l-Anness 3.
[43] Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017 tal-QEA “In-negozjar, li sar mill-Kummissjoni, tal-Ftehimiet ta’ Sħubija 2014-2020 u l-programmi fil-qasam tal-Koeżjoni, għall-perjodu 2014-2020: l-infiq qed ikun aktar immirat fuq il-prijoritajiet ta’ Ewropa 2000, iżda l-arranġamenti għall-kejl tal-prestazzjoni qed ikunu dejjem aktar kumplessi”, il-paragrafu 47.
[44] Ir-Rapport Analitiku Nru 05/2019 tal-QEA “Impenji pendenti fil-baġit tal-UE - Ħarsa aktar mill-qrib” (analiżi rapida dwar każ speċifiku), il-paragrafu 82.
[45] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/276 tat-23 ta’ Frar 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 215/2014, l-Artikolu 1(1).
[46] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/256 tat-13 ta’ Frar 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/207, l-Annessi V u VI.
[47] Il-Kummissjoni Ewropea, Decommitment methodology (n+3) and process in 2014 – 2020 – Update, EGESIF_17-0012-2, it-23 ta’ Novembru 2017.
[48] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014, l-Artikolu 5(6).
[49] Il-Kummissjoni Ewropea, Guidance for Member States on Performance framework, review and reserve, p. 15; il-Kummissjoni Ewropea, Gwida dwar l-Approċċ komuni għar-reviżjoni tal-objettivi intermedji u l-miri fl-oqfsa ta’ prestazzjoni, l-14 ta’ Ġunju 2018, il-verżjoni 3.0, pp. 3, 8 u 9.
[50] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikoli 2(30) u 50(1).
[51] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 125(4); ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/207, l-Anness VI.
[52] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikoli 2(29) u 138(b) u (c).
[53] Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/886 tat-12 ta’ Frar 2019 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-istrumenti finanzjarji, l-għażliet tal-ispejjeż issimplifikati, ir-rekord tal-awditu, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-awditi tal-operazzjonijiet u l-metodoloġija għall-għażla tal-kampjun tal-operazzjonijiet u l-Anness III, l-Artikolu 1, il-punt (11)(a).
[54] Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Rapport Annwali tal-Attività 2019, DĠ REGIO, p. 39.
[55] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 142(1)(d).
[56] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikolu 18(1)(f).
[57] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikoli 24(5) u 26(1).
[58] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 104.
[59] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 104(2).
[60] Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-Artikolu 125(1)(a).
[61] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 67(1)(e).
[62] Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/694 tal-15 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma ta’ finanzjament li mhijiex marbuta mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti.
[63] Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/694.
[64] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikoli 67(1) u 109(2); ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/694, l-Anness.
[65] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikoli 67(1)(b)-(d), 67(5), 67(5)(a), 68, 68a u 68b.
[66] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 67(2)(a).
[67] Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2195 tad-9 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward tad-definizzjoni tal-iskali standard ta’ spejjeż għal kull unità u s-somom f’daqqa għal rimborż tan-nefqa mill-Kummissjoni lill-Istati Membri.
[68] Il-Kummissjoni Ewropea, Gwida dwar l-Għażliet ta’ Spejjeż Issimplifikati – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE), EGESIF_14-0017, Settembru 2014, p. 8.
[69] Ir-Rapport Annwali 2011 tal-QEA, il-paragrafu 6.30; ir-Rapport Annwali 2012 tal-QEA, il-paragrafu 6.42; ir-Rapport 2014 Annwali tal-QEA, il-paragrafu 6.79.
[70] Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017 tal-QEA, ir-Rakkomandazzjoni 6; l-Opinjoni Nru 1/2017 tal-QEA dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, il-paragrafi 82 u 84.
[71] Il-Kummissjoni Ewropea, Impact assessment accompanying the document “Proposal for a Regulation of the European Parliament and the Council on the European Social Fund Plus”, SWD(2018) 289, it-30 ta’ Mejju 2018, p. 22.
[72] In-Network Transnazzjonali tal-prattikanti tal-SCO tal-FEŻR/FK, is-6 Laqgħa, il-preżentazzjoni intitolata, Result-based approaches, it-2 ta’ Lulju 2020; il-Kummissjoni Ewropea (t33 u SWECO), Use and intended use of simplified cost options in ESF, ERDF, CF and EAFRD, is-27 ta’ Marzu 2018, pp. 13 u 16.
[73] Il-Kummissjoni Ewropea, Impact assessment accompanying the document “Proposal for a Regulation of the European Parliament and the Council on the European Social Fund Plus”, SWD(2018) 289, it-30 ta’ Mejju 2018, p. 21, il-Kummissjoni Ewropea, Impact assessment accompanying the document “Proposal for a Regulation of the European Parliament and the Council on the European Regional Development Fund and on the Cohesion Fund”, SWD(2018) 282, id-29 ta’ Mejju 2018, p. 64.
[74] Il-Kummissjoni Ewropea, Gwida dwar l-Għażliet ta’ Spejjeż Issimplifikati, EGESIF_14-0017, Settembru 2014.
[75] Il-Linji gwida ta’ avviż tal-Kummissjoni dwar l-użu ta’ Għażliet ta’ Spejjeż Simplifikati fi ħdan il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) – verżjoni riveduta (2021/C 200/01), is-27 ta’ Mejju 2021, pp. 15 u 41.
[76] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 67(1); ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/694 tal-15 ta’ Frar 2019, il-premessa 6 u l-Anness, il-punt 4(f).
[77] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 125(4)(a); ir-Regolament (UE) 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern.
[78] Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/694 tal-15 ta’ Frar 2019, l-Artikolu 3(2) u l-Anness, il-punti 3(1) u 5.
[79] Il-Kummissjoni Ewropea, Use and intended use of simplified cost options in ESF, ERDF, CF, EARD and EAFRD, is-27 ta’ Marzu 2018, pp. 42 u 53.
[80] Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-Artikolu 125(1)(a).
[81] Ir-Regolament (UE) 2021/241, il-premessa (18), l-Artikoli 4(2) u 24(2); l-Opinjoni Nru 6/2020 tal-QEA dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-paragrafi 47, 53-56.
[82] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikoli 53(1)(f) u 95(1).
[83] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikoli 37 u 95.
[84] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikolu 95(4).
[85] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 125(4)(a); ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikolu 74(1)(a).
[86] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikolu 95(3) u l-premessa 34.
[87] Ir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Artikoli 69(2) u 74(1)(a).
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021
| ISBN 978-92-847-6875-2 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/767 | QJ-AB-21-024-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-6846-2 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/90893 | QJ-AB-21-024-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2021.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
- il-Figuri 9, 13: ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
