Il-kontrolli tas-sajd tal-UE: jenħtieġu sforzi addizzjonali
Dwar ir-rapport:Dan ir-rapport jeżamina l-effettività tas-sistema tal-UE ta’ kontroll tas-sajd – element ewlieni għas-salvagwardja tas-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet ta’ ħut u tas-settur tas-sajd. Aħna sibna li l-Istati Membri kienu għadhom mhumiex qed iwettqu l-kontrolli kollha meħtieġa, u li kien jeħtieġ li s-sistema ta’ kontroll infisha tiġi aġġornata. Kien hemm dgħufijiet relatati mal-verifikazzjoni ta’ kemm l-informazzjoni dwar il-kapaċità tal-flotot tagħhom kienet preċiża, mal-kontroll ta’ bastimenti żgħar, mal-affidabbiltà tad-data dwar il-qabdiet li ġiet irrappurtata u mat-trattament indaqs tal-operaturi tas-sajd fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet kemm lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lill-Istati Membri biex isir titjib fil-kontrolli tas-sajd.
Sommarju eżekuttiv
IIl-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) għandha l-għan li tiżgura li l-istokkijiet ta’ ħut u s-settur tas-sajd ikunu sostenibbli fuq terminu twil. Ħafna stokkijiet għadhom mistada b’mod eċċessiv, allura sforzi kontinwi huma meħtieġa għall-ġestjoni effettiva tas-sajd. Għalhekk, il-PKS tinkludi miżuri biex il-kapaċità tal-flotta tas-sajd tiġi ristretta u biex s-sajd jiġi mmaniġġjat, billi jiġu imposti limiti fuq il-qabdiet (bħal kwoti) u l-attività tas-sajd (bħal restrizzjonijiet fuq l-isforz tas-sajd jew regoli tekniċi għal ċertu sajd). Is-suċċess tal-PKS jirrikjedi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ sistema effettiva ta’ kontroll. Is-sistema ta’ kontroll tal-PKS ġiet irriformata l-aħħar fl-2009, biex tikkoreġi d-dgħufijiet serji li kienu preżenti f’dak iż-żmien u li ġew identifikati bir-Rapport Speċjali Nru 7/2007 tal-Qorti.
IIL-objettiv tal-awditu tagħna kien li titwieġeb il-mistoqsija “L-UE għandha sistema effettiva ta’ kontroll tas-sajd stabbilita?”
IIIMinn meta wettaqna l-awditu tagħna fl-2007, u minn meta saret ir-riforma tar-Regolament dwar il-Kontroll, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għamlu progress f’bosta oqsma. Madankollu, aħna sibna li minħabba dgħufijiet sinifikanti fil-biċċa l-kbira mill-oqsma awditjati, l-Unjoni Ewropea għad ma kellhiex sistema effettiva biżżejjed stabbilita għall-kontrolli tas-sajd, biex tappoġġa s-suċċess tal-PKS. L-Istati Membri kienu għadhom ma implimentawx bis-sħiħ ir-regolament tal-UE dwar il-kontroll tas-sajd, u ċerti dispożizzjonijiet tar-regolament ikunu jeħtieġu modifikazzjoni biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd b’mod effettiv.
IVL-Istati Membri li żorna ma vverifikawx biżżejjed il-preċiżjoni tal-kapaċità tal-flotot tagħhom u l-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar il-bastimenti fir-reġistru tal-flotta. Filwaqt li r-Regolament dwar il-Kontroll jipprovdi, b’mod speċifiku, regoli għall-verifikazzjonijiet dokumentarji u fiżiċi tal-qawwa tal-magna, huwa ma jagħmilx dan għall-verifikazzjonijiet tat-tunnellaġġ gross. Aħna osservajna l-fatt li l-erba’ Stati Membri li żorna ma vverifikawx it-tunnellaġġ tal-bastimenti tas-sajd tagħhom, u li tnejn minnhom kienu għadhom ma wettqux il-verifikazzjonijiet meħtieġa tal-qawwa tal-magna. Barra minn hekk, sibna għadd sinifikanti ta’ diskrepanzi bejn id-dettalji, tal-bastimenti, li ġew irreġistrati fir-reġistru tal-flotta u dawk li kienu jinsabu fid-dokumenti ta’ sostenn.
VAħna sibna li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri eżaminati kienu qed jimplimentaw il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd b’mod adegwat. Is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), tal-Istati Membri, li kienu qed jużaw teknoloġija ta’ traċċar abbażi ta’ satellita pprovdew informazzjoni utli għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd. Madankollu, b’riżultat tal-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament dwar il-Kontroll, 89 % tal-flotta tal-UE ma kinux immonitorjati mill-VMS, u dan fixkel il-ġestjoni effettiva tas-sajd f’xi sajdiet u għal xi speċijiet.
VIL-Istati Membri li żorna mmaniġġjaw tajjeb l-użu tal-kwoti tas-sajd li ġew allokati lilhom. Madankollu, meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri ppermettew lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jimmaniġġjaw id-distribuzzjoni tal-kwoti, mhux dejjem kienu jafu liema kriterji kienu ntużaw biex il-kwoti jiġu ddistribwiti lil kull wieħed mill-benefiċjarji. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex ikunu jafu l-benefiċjarji reali tal-opportunitajiet tas-sajd, u għalhekk biex jivvalutaw kwalunkwe impatt avvers potenzjali fuq l-ambjent u fuq l-ekonomiji lokali, kif ukoll biex jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa fejn ikun xieraq. Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ trasparenza jżid ir-riskju li l-interessi speċifiċi ta’ ċerti operaturi ekonomiċi jiġu ffavoriti bi ħsara ta’ oħrajn. Kien diffiċli li tiġi mmonitorjata l-konformità mal-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, speċjalment għal bastimenti li ma kinux konnessi ma’ sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti abbażi ta’ satellita. Madankollu, aħna fil-fatt rajna eżempji ta’ prattika tajba fejn organizzazzjonijiet professjonali tas-sajd kienu jirrikjedu mill-membri tagħhom li dawn jikkonformaw mal-miżuri addizzjonali, iżda aktar iffukati, ta’ konservazzjoni minbarra dawk meħtieġa bil-Politika Komuni tas-Sajd.
VIIId-data dwar l-attivitajiet tas-sajd li nġabret fil-qafas tar-Regolament dwar il-Kontroll ma kinitx kompleta u affidabbli biżżejjed. Id-data dwar il-qabdiet għal bastimenti li jagħmlu dikjarazzjonijiet bil-miktub, li jirrappreżentaw porzjon sinifikanti tal-flotta tal-UE, kienet inkompleta, u ta’ spiss ġiet irreġistrata b’mod skorrett fid-databases tal-Istati Membri. Kien hemm diskrepanzi sinifikanti bejn il-ħatt l-art iddikjarat u r-reġistri sussegwenti tal-ewwel bejgħ. Tnejn mill-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara ma kkondividewx u ma traċċawx b’mod suffiċjenti l-informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet tal-bastimenti minn Stat Membru wieħed tal-bandiera f’ieħor. Il-proċessi ta’ validazzjoni tad-data tal-Istati Membri kienu insuffiċjenti. Minbarra dan, kien hemm differenzi sinifikanti bejn id-data kumplessiva dwar il-qabdiet li ġiet irreġistrata mill-Istati Membri, u dik disponibbli għall-Kummissjoni. Ir-Regolament dwar il-Kontroll jirrikjedi mill-Istati Membri li dawn jibagħtu data aggregata dwar il-qabdiet, skont l-istokk. Madankollu, il-fatt li huwa ma jirrikjedix rappurtar b’dettalji dwar iż-żoni tas-sajd, id-daqs tal-bastimenti, u t-tagħmir tas-sajd, jillimita l-possibbiltà li ssir analiżi dettaljata tal-attività tal-flotta Ewropea.
VIIIInġenerali, l-Istati Membri li żorna ppjanaw u wettqu tajjeb l-ispezzjonijiet tas-sajd. Madankollu, il-fatt li l-ispetturi ma kellhomx aċċess f’ħin reali għall-informazzjoni dwar il-bastimenti naqqas l-effettività tal-ispezzjonijiet. L-Istati Membri kienu stabbilew proċeduri standardizzati ta’ spezzjoni, iżda aħna sibna każijiet fejn il-mudelli disponibbli tar-rapporti ma kinux intużaw mill-ispetturi. Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet mhux dejjem ġew irrappurtati b’mod korrett fid-databases nazzjonali. Aħna sibna wkoll li s-sanzjonijiet li ġew applikati mhux dejjem kienu dissważivi. Is-sistema ta’ punti, li hija waħda mill-innovazzjonijiet prinċipali tar-regolament attwali dwar il-kontroll li l-intenzjoni tiegħu hija li jiżgura trattament indaqs tal-operaturi tas-sajd, ġiet applikata f’livelli differenti ħafna fl-Istati Membri kollha li żorna u saħansitra fl-istess Stat Membru. Fl-aħħar nett, attwalment ma hemm l-ebda reġistru Ewropew tal-infrazzjonijiet u s-sanzjoniiet, li jkun jippermetti segwitu aħjar tal-punti applikati, analiżi tar-riskju aktar effettiva u trasparenza akbar fost l-Istati Membri.
IXAħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, li għandhom l-għan li jittejbu l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-flotot tas-sajd, il-monitoraġġ tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, l-affidabbiltà tad-data dwar is-sajd, kif ukoll l-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet.
Introduzzjoni
Il-Politika Komuni tas-Sajd
01L-għan primarju tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), kif riveduta dan l-aħħar fl-2013, huwa li tiżgura li s-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu sostenibbli ambjentalment, ekonomikament u soċjalment fuq terminu twil. Din kienet ta’ sfida billi storikament naqsu xi stokkijiet ta’ ħut fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea minħabba sajd eċċessiv. Għalhekk, il-PKS għandha l-għan li tnaqqas il-pressjoni fuq l-istokkijiet ta’ ħut billi tieħu approċċ prekawzjonarju2 u billi tissettja limiti ta’ qbid ibbażati fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika li hemm disponibbli dwar ir-riżorsi; hija għandha wkoll l-għan li tibbilanċja l-kapaċità tal-flotta mar-riżorsi disponibbli tas-sajd. Għal din ir-raġuni, l-UE stabbiliet limitu massimu għall-kapaċità tal-flotta Ewropea li jenħtieġ li tiġi bbilanċjata mal-opportunitajiet disponibbli tas-sajd matul iż-żmien (ara l-Kaxxa 1) kif ukoll mal-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, biex tiżgura li s-settur tas-sajd ikun sostenibbli.
Kaxxa 1
Bilanċjar tal-kapaċità tal-flotta mal-opportunitajiet tas-sajd
L-UE għandha l-għan li tikseb bilanċ dejjiemi bejn il-kapaċità tal-flotta tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd. Il-PKS tissettja limitu massimu fuq il-kapaċità tal-flotta tas-sajd għal kull Stat Membru, kemm fil-qawwa tal-magna (kilowatts (kW) kif ukoll fit-tunnellaġġ gross (TG)). Bastimenti ġodda tas-sajd jistgħu biss jidħlu fil-flotta wara li l-istess kapaċità tal-flotta (f’kW u TG) titneħħa mill-flotta. L-Istati Membri jżommu l-informazzjoni dwar il-flotot fir-reġistri tal-flotot tagħhom.
L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu miżuri biex jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom skont l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom matul iż-żmien. Il-liċenzji tas-sajd, b’informazzjoni dwar il-kapaċità u t-tagħmir tas-sajd, huma waħda mill-għodod prinċipali li jintużaw għall-ġestjoni tal-kapaċità. Fil-każ ta’ segmenti tal-flotot b’kapaċità eċċessiva, l-Istati Membri jridu jimplimentaw pjan ta’ azzjoni biex inaqqsu l-kapaċità sa livell xieraq.
L-Istati Membri jirrappurtaw dwar l-isforzi tagħhom biex jibbilanċjaw il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd kull sena. Dawn ir-rapporti jużaw sensiela ta’ indikaturi bijoloġiċi, ekonomiċi u bbażati fuq il-bastimenti, li jkunu ġew stabbiliti mill-Kummissjoni. Huma jintbagħtu lill-Kummissjoni u jiġu analizzati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd. Il-Kummissjoni tfassal rapport ta’ sinteżi għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill kull sena, wara li tkun qieset ir-rapporti tal-Istati Membri u l-analiżi tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.
Minkejja dan, il-parir xjentifiku l-aktar reċenti juri li, minkejja xi titjib, ħafna stokkijiet ikomplu jiġu mistada b’mod eċċessiv, partikolarment dawk fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Il-Figura 1 turi s-sitwazzjoni tal-istokkijiet differenti ta’ ħut skont il-baċiri tal-baħar.
Figura 1
Status tal-istokkijiet differenti ta’ ħut ivvalutati li joriġinaw minn ibħra reġjonali madwar l-Ewropa, fir-rigward tal-Istatus Ambjentali Tajjeb1
1 Status Ambjentali Tajjeb (GES) ifisser li l-użi differenti li jsiru mill-istess riżorsi tal-baħar jitwettqu f’livell sostenibbli, u b’hekk tiġi żgurata l-kontinwità tagħhom għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Sors: Is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (data pprovduta mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar għall-Atlantiku tal-Grigal u mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd għall-Mediterran u l-Baħar l-Iswed), aġġornament tal-2016.
Il-miżuri ta’ ġestjoni adottati mill-Unjoni Ewropea jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji prinċipali (ara l-Kaxxa 2):
- Miżuri ta’ kontroll tal-output, li prinċipalment jikkonsistu fil-limitar tal-ammont ta’ qabdiet minn sajda partikolari, partikolarment permezz tal-qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti.
- Miżuri ta’ kontroll tal-input, li jikkonċernaw il-mezzi tas-sajd li jintużaw u jinkludu regoli dwar l-attività tal-flotta, bħal restrizzjonijiet fuq l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd għal ċerti ilmijiet; kontrolli fuq l-isforz tas-sajd biex tiġi rregolata l-kapaċità tas-sajd u l-użu tal-bastimenti; u miżuri tekniċi li jirregolaw l-użu tat-tagħmir tas-sajd kif ukoll il-perjodi ta’ żmien u ż-żoni ġeografiċi li fihom huwa permess is-sajd.
Kaxxa 2
Miżuri prinċipali ta’ ġestjoni tas-sajd, tal-UE
1. Miżuri ta’ kontroll tal-Output
TACs u kwoti
TACs jew opportunitajiet tas-sajd (espressi f’tunnellati jew f’għedud) huma l-kwantitajiet massimi ta’ ħut li jista’ jittieħed minn sajda partikolari, minn żona partikolari matul perjodu partikolari. Fl-UE, jiġu ssettjati TACsgħall-biċċa l-kbira mill-istokkijiet ta’ ħut kummerċjali. Il-Kummissjoni tfassal il-proposti kull sena (kull sentejn għal stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond), ibbażati fuq parir xjentifiku minn korpi konsultattivi. Dawn jistgħu jinkludu istituti nazzjonali tar-riċerka, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar. Għall-istokkijiet li jiġu kondiviżi u mmaniġġjat b’mod konġunt mal-pajjiżi mhux tal-UE, isir qbil dwar it-TACs ma’ dawk il-pajjiżi mhux tal-UE.
Il-proposti tal-Kummissjoni dwar it-TACs jiġu diskussi minn bosta kumitati u mbagħad jiġu diskussi mill-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd fil-Kunsill tas-Sajd kull Diċembru. Il-Kunsill tal-Ministri, mhux dejjem skont il-proposti tal-Kummissjoni, jadotta t-TAC għas-sena ta’ wara għal kull speċi u żona.
It-TACs jinqasmu fi kwoti nazzjonali skont skala li ġiet stabbilita fl-1983 u aġġornata matul iż-żmien waqt li Stati Membri ġodda ssieħbu fl-Unjoni Ewropea. Iżda l-kwoti jistgħu jiġu skambjati fost l-Istati Membri matul is-sena. Il-kwoti jistgħu jkunu akkumpanjati minn miżuri addizzjonali biex jiġu ristretti l-perjodi tas-sajd, l-użu ta’ ċertu tagħmir tas-sajd jew l-aċċess ta’ ċerti żoni tas-sajd.
2. Miżuri ta’ kontroll tal-Input
Verifikazzjoni tad-daqsijiet tal-malji tax-xbieki tas-sajd
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Sforz tas-sajd
Il-ġestjoni tal-isforz tas-sajd hija kombinament tar-restrizzjoni fuq il-kapaċità tal-flotta u l-ammont ta’ żmien li l-flotta tista’ tqatta’ fuq il-baħar. L-UE tiddefinixxi l-isforz tas-sajd bħala l-kapaċità tal-flotta [tunnellaġġ (TG) u l-qawwa tal-magna (kw)] immultiplikata bil-ġranet fuq il-baħar. L-approċċi jiġu adattati għal kull sajda, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ tagħmir tas-sajd li jintuża u l-ispeċijiet prinċipali li jinqabdu. Normalment, ir-restrizzjonijiet fuq l-isforz tas-sajd jiġu applikati flimkien mat-TACs. Eżempji ta’ restrizzjonijiet fuq l-isforz tas-sajd jistgħu jinstabu fil-pjan għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-lingwati u l-barbuni tat-tbajja’ fil-Baħar tat-Tramuntana, fir-regoli dwar is-sajd fl-ilmijiet tal-Punent jew fil-pjanijiet ta’ ġestjoni għall-Mediterran.
Miżuri Tekniċi
Miżuri tekniċi huma sett ta’ regoli li jirregolaw l-użu tat-tagħmir kif ukoll fejn u meta s-sajjieda jistgħu jistadu. Huma jinkludu d-disinn tat-tagħmir tas-sajd u l-ispeċifikazzjonijiet tal-użu; daqsijiet minimi tal-malji għax-xbieki; rekwiżiti għal tagħmir selettiv tas-sajd biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji (fejn jinqabdu speċijiet mhux mixtieqa jew speċijiet mhux fil-mira); kif ukoll żoni u staġuni magħluqa tas-sajd.
Biex jimplimentaw, jimmonitorjaw u jinfurzaw dawn il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, l-Istati Membri jistgħu jużaw għodod bħal liċenzji tas-sajd u awtorizzazzjonijiet tas-sajd, reġistri tal-flotot, sistemi ta’ identifikazzjoni tal-bastimenti (VMS) u ċentri tal-monitoraġġ tas-sajd (ĊMS) (ara l-glossarju), informazzjoni dwar il-qabdiet u l-ħatt l-art għal bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, attivitajiet ta’ spezzjoni u, fejn ikun meħtieġ, sanzjonijiet.
Is-sistema ta’ kontroll tal-PKS
04Jekk il-PKS trid li l-istokkijiet ta’ ħut u s-settur tas-sajd ikunu sostenibbli, huwa essenzjali li jkun hemm sistema effettiva ta’ kontroll fuq il-flotta tal-PKS u fuq il-miżuri tagħha ta’ ġestjoni tas-sajd. Din tinkludi kontrolli fuq il-kapaċità u l-attività tal-flotta, fuq il-konformità mal-miżuri ta’ ġestjoni, u miżuri ta’ infurzar fejn jinqabdu infrazzjonijiet, u meta jkunu meħtieġa, sanzjonijiet. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jkun hemm qafas biex jiżgura li d-data dwar il-flotot u l-qabdiet tkun affidabbli, kemm biex miżuri xierqa ta’ ġestjoni tas-sajd ikunu jistgħu jittieħdu kif ukoll biex ir-rapporti xjentifiċi jiġu sostnuti.
05Filwaqt li l-PKS ilha topera mis-snin 70, l-ewwel sistemi ta’ kontroll ilhom jeżistu mis-snin 90. Madankollu, huma ma kinux biżżejjed biex jiżguraw il-konformità mal-PKS. Il-Qorti rrappurtat dwar dawn il-problemi fl-20073. Wara r-rapport tagħna, riformi kbar għas-sistema ta’ kontroll tal-PKS ġew adottati fl-20094 permezz tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-Kontroll, u fl-2011 permezz tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.
06Skont ir-Regolament tal-Kunsill, l-Istati Membri huma responsabbli għall-kontrolli u jridu jallokaw riżorsi xierqa u jistabbilixxu l-istrutturi meħtieġa biex iwettqu l-kontrolli tagħhom matul il-katina tal-produzzjoni. Hemm rekwiżiti speċifiċi għall-kontroll tal-flotot tas-sajd, konformità mal-miżuri ta’ ġestjoni, rekwiżiti ta’ rappurtar, spezzjonijiet u sanzjonijiet. Għodod ewlenin għall-ġestjoni tal-flotot jinkludu r-reġistru tal-flotta (li fih il-karatteristiċi kollha tal-bastimenti tas-sajd, il-liċenzji tas-sajd, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, eċċ.) u sistemi abbażi ta’ satellita biex jimmonitorjaw il-pożizzjoni tal-bastimenti.
07Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar dwar il-bastimenti jiddependu mid-daqs tal-bastimenti, b’medda minn l-ebda rekwiżit ta’ rappurtar għal bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal, sa rekwiżiti ta’ rappurtar elettroniku għal bastimenti akbar (ara l-Anness I għal aktar informazzjoni). Il-Figura 2 turi l-kompożizzjoni tal-flotta tal-UE.
- Bastimenti li huma inqas minn 10 metri twal mhumiex meħtieġa jirreġistraw l-attivitajiet tas-sajd tagħhom;
- Bastimenti li huma bejn 10 metri u 12-il metru twal huma meħtieġa jippreżentaw informazzjoni bil-miktub dwar il-qabdiet u l-ħatt l-art;
- Bastimenti li huma itwal minn 12-il metru huma meħtieġa jippreżentaw informazzjoni elettronika dwar il-qabdiet u l-ħatt l-art tagħhom. Madankollu, bastimenti li huma bejn 12 u 15-il metru twal jistgħu jiġu eżentati mir-rappurtar elettroniku.
Figura 2
Kompożizzjoni tal-flotta tal-UE skont il-kategorija ta’ tul
Sors: Ir-Reġistru tal-Flotta Ewropea (84.280 bastiment tas-sajd fil-31.12.2015).
Jenħtieġ li s-sistema ta’ kontroll tiġi infurzata permezz ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza u spezzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, ir-Regolament dwar il-Kontroll jipprovdi li l-Istati Membri għandhom japplikaw penali effettivi, proporzjonali u dissważivi. Kull Stat Membru jiddeċiedi liema penali għandu japplika, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Mill-2012 ‘il hawn, sabiex jiżguraw li l-penali jiġu applikati b’mod ġust, l-Istati Membri kienu meħtieġa jimplimentaw sistema tal-punti ta’ penalità għad-detenturi ta’ liċenzji tas-sajd u għall-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd. Dawn il-punti jiġu applikati f’każ ta’ infrazzjonijiet serji fis-seħħ għall-applikazzjoni tal-PKS. Fejn jiġu osservati bosta reati serji, il-punti akkumulati jistgħu jwasslu għas-sospenzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, l-irtirar tal-liċenzja tas-sajd, kif ukoll għall-ineliġibbiltà għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd
09Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni kumplessiva tal-PKS mill-Istati Membri. Hija tirċievi data rilevanti mingħand l-Istati Membri, notevolment dwar il-qabdiet, l-użu tal-kwoti, l-isforz tas-sajd u l-kapaċità tal-flotta tas-sajd. Il-Kummissjoni tista’ twettaq ukoll awditi u spezzjonijiet, u tista’ tipparteċipa fi spezzjonijiet nazzjonali.
10Meta l-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux qed jinfurzaw ir-regoli tas-sajd b’mod xieraq, hija l-ewwel tipprova ssib tarf tal-problemi permezz ta’ konsultazzjoni. Hija tista’ tagħlaq sajda sakemm il-problema jinstabilha tarfha. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi wkoll pjan ta’ azzjoni, li jsir qbil dwaru mal-awtoritajiet nazzjonali, biex is-sitwazzjoni tittejjeb. Meta l-Istat Membru ma jiħux azzjoni adegwata, il-Kummissjoni tista’ tniedi proċedura ta’ infrazzjoni kontra l-Istat Membru kkonċernat.
11L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) tgħin biex jiġi żgurat li r-regoli tal-PKS jiġu applikati b’mod effettiv u uniformi permezz tal-koordinazzjoni operazzjonali tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni tal-Istati Membri. L-EFCA hija wkoll responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ kontrolli u spezzjonijiet konġunti mwettqa mill-Istati Membri5. Madankollu, dawn l-aspetti speċifiċi ma ġewx analizzati matul l-awditu.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
12Aħna ffukajna fuq l-adegwatezza tar-rekwiżiti prinċipali tar-regolament dwar il-kontroll tas-sajd u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri li żorna. Aħna fittixna li nwieġbu l-mistoqsija kumplessiva tal-awditjar: “L-UE għandha sistema effettiva ta’ kontroll tas-sajd stabbilita?” Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kompliet tinqasam fis-sottomistoqsijiet li ġejjin:
- L-Istati Membri għandhom informazzjoni affidabbli dwar il-karatteristiċi tal-flotot tagħhom? Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna kif l-Istati Membri ċċekkjaw il-komponenti tal-kapaċità tal-flotta (f’termini ta’ kW u ta’ TG), u jekk żammewx aġġornat ir-reġistru tal-flotta.
- Il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd jiġu implimentati tajjeb? Taħt din is-sottomistoqsija, aħna analizzajna kif l-Istati Membri użaw is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti u kif immaniġġjaw il-kwoti tas-sajd, ir-reġimi tal-isforzi tas-sajd u l-miżuri tekniċi. L-analiżi tagħna eżaminat kwistjonijiet ġenerali milli ffukat fuq sajd speċifiku.
- Id-data meħtieġa għall-ġestjoni tas-sajd hija kompleta u affidabbli? Sabiex inwieġbu din is-sottomistoqsija, aħna eżaminajna kif l-Istati Membri żguraw li d-data dwar il-qabdiet u d-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art kienu komprensivi, konsistenti u vvalidati. Aħna analizzajna kif l-informazzjoni dwar il-ġestjoni kondiviża tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta l-bastimenti minn Stat Membru wieħed tal-bandiera6 jkunu stadu fl-ilmijiet ta’ Stat Membru ieħor. Aħna eżaminajna wkoll kif il-Kummissjoni kkonsolidat id-data tal-Istati Membri.
- L-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet jiġu ppjanati, imwettqa u applikati b’mod xieraq? Aħna eżaminajna kif l-Istati Membri ppjanaw, wettqu u rrappurtaw dwar l-ispezzjonijiet tas-sajd tagħhom. Aħna eżaminajna wkoll jekk l-Istati Membri wettqux, jew le, segwitu tal-ispezzjonijiet b’sanzjonijiet effettivi. Biex għamilna dan, aħna qiesna b’mod partikolari jekk is-sanzjonijiet kinux dissważivi jew le, u kif is-sistema tal-punti ta’ penalità ġiet implimentata fil-prattika.
Aħna wettaqna l-awditu bejn April u Ottubru 2016. Dan kien jinkludi żjarat lill-Kummissjoni Ewropea u lil erba’ Stati Membri (Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit (b’fokus fuq l-Iskozja7)). Dawn l-Istati Membri ntgħażlu billi kienu jirrappreżentaw aktar minn nofs il-kapaċità tal-flotta tal-UE u kważi nofs il-qabdiet tal-ħut tal-UE, u billi l-flotot tagħhom kienu attivi fl-Atlantiku u fil-Mediterran, żewġ żoni ġeografiċi li kellhom differenzi sinifikanti fir-rigward tal-miżuri tas-sajd u l-miżuri ta’ ġestjoni tal-flotot.
Osservazzjonijiet
L-informazzjoni li kienet isponibbli fir-reġistru, dwar il-karattersitiċi tal-flotta, mhux dejjem kienet preċiża u vverifikata
14Biex tnaqqas il-pressjoni fuq l-istokkijiet, il-PKS tissettja limiti massimi obbligatorji għall-kapaċità tal-flotta tal-Istati Membri, u miżuri ta’ ġestjoni għal stokkijiet speċifiċi tas-sajd jew sajd speċifiku. Biex jiżguraw li jkun hemm konformità kemm mal-limitu massimu tagħhom fuq il-kapaċità kif ukoll mal-miżuri ta’ ġestjoni applikabbli, l-Istati Membri jirrikjedu informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar il-karatteristiċi tal-kapaċità u tekniċi tal-bastimenti tas-sajd tagħhom. Għalhekk, aħna eżaminajna kif l-Istati Membri vverifikaw il-kilowatts (kW) u t-tunnellaġġ gross (TG) tal-bastimenti tagħhom, u mmonitorjajna l-affidabbiltà tar-reġistri tal-flotot tagħhom.
Il-kontrolli fuq il-kapaċità tas-sajd kienu inkompleti
15Skont ir-Regolament dwar il-Kontroll, l-Istati Membri jridu jivverifikaw il-konformità mal-limitu massimu tagħhom fuq il-kapaċità awtorizzata f’kilowatts (kW) u f’tunnellaġġ gross (TG), żewġ unitajiet użati mill-PKS bħala indikaturi tal-abbiltà ta’ bastiment biex jaqbad il-ħut. Il-kapaċità awtorizzata tal-bastimenti tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-flotta.
16Madankollu, għalkemm previst fir-Regolament dwar il-Kontroll, sa issa għadhom ma ġewx adottati regoli dettaljati għat-tunnellaġġ gross tal-flotot. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri ma wettqux kejl sħiħ tal-bastimenti tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, ir-Regolament dwar il-Kontroll jipprovdi proċeduri għall-iċċekkjar tal-qawwa tal-magna. Huwa jirrikjedi mill-Istati Membri li dawn iwettqu, minn Jannar 2012 ‘il quddiem, analiżi tar-riskju u jagħżlu kampjun rappreżentattiv, li fuqu mbagħad iridu jwettqu kontroll dokumentarju approfondit; għalkemm huwa ma jistabbilix il-frekwenza meħtieġa tal-kontrolli. Jekk il-kontroll jindika li jista’ jkun li d-dettalji ta’ bastiment huma impreċiżi, il-qawwa tal-magna trid tiġi ċċekkjata fiżikament8. Għalkemm il-kontrolli fiżiċi jirrikjedu riżorsi sinfikanti, huma jagħtu l-possibbiltà li tiġi identifikata kwalunkwe bidla fil-qawwa tal-magna wara li bastiment u l-magna tiegħu jiġu kkummissjonati. Skont ir-Rapport 2016 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2014 biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd9, 17 mit-23 pajjiż kostali Ewropew kienu adottaw pjanijiet tal-kampjunar biex jiċċekkjaw il-qawwa tal-magna sa tmiem l-2015.
17Fl-erba’ pajjiżi li żorna, Spanja u r-Renju Unit (l-Iskozja) biss kienu wettqu dan il-kontroll ibbażat fuq pjan tal-kampjunar kif meħtieġ. Id-dettalji huma ppreżentati fil-Kaxxa 3.
Kaxxa 3
Verfikazzjoni tal-qawwa tal-magna li twettqet fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Kontroll
Fl-Iskozja, il-kontrolli fiżiċi twettqu fl-2013 u fl-2015. L-analiżi tar-riskju użata u d-daqs tal-kampjun għal kontrolli dokumentarji ġew stabbiliti fil-livell nazzjonali. Mill-24 bastiment li ġew ispezzjonati fiżikament, 1 biss kellu l-qawwa tal-magna ogħla minn dik li kienet tidher fir-reġistru.
Fi Spanja, il-kontrolli dokumentarji twettqu fuq kampjun aleatorju ta’ 97 bastiment, u l-kontrolli fiżiċi twettqu fl-2015 fuq 15-il bastiment minn dan il-kampjun. F’7każijiet minn 15-il każ, jiġifieri 7 % tal-kampjun oriġinali u 47 % tal-bastimenti spezzjonati, il-kontrolli fiżiċi żvelaw li l-qawwa reali tal-magna tal-bastimenti kienet ogħla minn dik li kienet tidher fir-reġistru.
Fiż-żewġ pajjiżi, l-awtoritajiet ħadu l-passi meħtieġa biex jirrikjedu mill-bastimenti li dawn jirregolarizzaw il-kapaċità eċċessiva tagħhom u, fejn kien meħtieġ, ipprojbielhom ikomplu jistadu.
Franza kienet ikkompletat l-analiżi tar-riskju u kienet bdiet il-kontrolli dokumentarji fuq il-qawwa tal-magna. Ir-riżultati ma kinux disponibbli fiż-żmien meta twettaq l-awditu. Skont l-informazzjoni li waslet matul l-awditu, l-Italja kienet għadha ma bdietx il-proċess.
19Skont ir-Rapport 2016 tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità tal-flotta, l-Istati Membri kostali kollha kkonformaw mal-limiti massimi għall-kapaċità tal-flotta tagħhom (ara l-Figura 3). Madankollu, sitt Stati (il-Bulgarija, il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja, ir-Rumanija u s-Slovenja) kienu qed joperaw bi kważi 95 % tal-limitu massimu fuq il-kapaċità tagħhom f’termini ta’ kW, u għalhekk kellhom riskju ogħla li jaqbżu l-limiti massimi. Fi tmiem l-2015, il-Kroazja u l-Bulgarija biss kienu adottaw pjanijiet tal-kampjunar biex jiċċekkjaw il-qawwa tal-magna.
20Filwaqt li l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli (ara l-Kaxxa 3) ma jistgħux jiġu estrapolati għall-bqija tal-flotta, huma juru l-importanza ta’ approċċ sistematiku għall-verifikazzjoni fiżika tal-qawwa tal-magna, b’mod partikolari għall-Istati Membri li jkunu qed joqorbu l-limiti massimi tagħhom għall-kapaċità tal-flotta.
Figura 3
Konformità mal-limiti massimi f’kW f’Novembru 2015, skont l-Istat Membru (esklużi r-reġjuni ultraperiferiċi)
Sors: COM(2016) 380 final.
L-informazzjoni tar-reġistri nazzjonali tal-flotot mhux dejjem kienet preċiża
21Kull Stat Membru jżomm reġistru nazzjonali, jiġifieri database li fiha l-bastimenti tas-sajd kollha li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru għandhom ikunu rreġistrati skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea żżomm reġistru tal-flotta tal-UE li jkun fih l-informazzjoni rilevanti dwar il-bastimenti, li l-Istati Membri jipprovdu regolarment mir-reġistri nazzjonali tagħhom. Din tinkludi informazzjoni bħall-isem u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti, it-tagħmir prinċipali u sussidjarju tas-sajd, it-tul totali kumplessiv, it-tunnellaġġ gross (TG) u l-qawwa tal-magna (kW).
22Ir-reġistru tal-flotta tas-sajd huwa għodda essenzjali għall-PKS. Huwa jippermetti li l-limiti massimi għall-kapaċità tal-flotta tas-sajd jiġu mmonitorjati għall-konformita u jipprovdi data bażika għall-miżuri ta’ ġestjoni bħal restrizzjonijiet fuq it-tagħmir tas-sajd, obbligi ta’ rappurtar tal-bastimenti u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti.
23Aħna ċċekkjajna l-preċiżjoni tar-reġistri nazzjonali u identifikajna għadd sinifikanti ta’ diskrepanzi bejn ir-reġistru u d-dokumenti sors għal kampjun10 ta’ bastimenti fi tlieta mill-erba’ Stati Membri (ara l-Kaxxa 4). Informazzjoni inaffidabbli fir-reġistri tnaqqas id-dipendenza li jista’ jkun hemm fir-reġistru tal-UE bħala għodda essenzjali għall-ġestjoni tal-PKS.
Kaxxa 4
Diskrepanzi osservati fir-reġistru tal-flotta
Għal Franza, aħna sibna diskrepanzi f’tipi differenti ta’ data fir-reġistru tal-flotta f’45 % tal-każijiet ittestjati. Kien hemm diskrepanzi fil-qawwa tal-magna f’26 % tal-każijiet u diskrepanzi fit-tul f’16 % tal-każijiet.
Għall-Italja, aħna sibna li l-proċeduri għall-ġestjoni tar-reġistri nazzjonali u tal-UE tant kienu kumplessi li għaddew bosta xhur biex il-bidliet fil-karatteristiċi tal-bastimenti jiddaħħlu fir-reġistru, u dan wassal għal differenzi bejn iż-żewġ reġistri. Aħna sibna 19-il bastiment nieqsa mir-reġistru tal-UE iżda inklużi fir-reġistru nazzjonali, u 9 bastimenti neqsin fir-reġistru nazzjonali iżda inklużi fir-reġistru tal-UE. Barra minn hekk, fil-każ ta’ 46 bastiment, aħna osservajna differenzi bejn iż-żewġ reġistri.
Għall-Iskozja, aħna sibna li f’60 % tal-każijiet ittestjati, il-kapaċità tal-bastimenti fir-reġistru tal-flotta ma kinitx tikkorrispondi għall-kapaċità li kienet tidher fid-dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti; fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-kapaċità li ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-flotta kienet taqbeż dik li kienet tidher fid-dokumenti ta’ bażi, b’medja ta’ 30 %.
L-Istati Membri huma meħtieġa jaġġornaw ir-reġistru tal-UE kull tliet xhur, b’aġġornamenti addizzjonali kull meta jkun hemm bidla sinifikanti. Abbażi tat-tqabbil ta’ data minn reġistri nazzjonali mar-reġistru tal-UE fi tmiem l-2015, aħna sibna li r-reġistru tal-UE kien b’mod ġenerali aġġornat u kien jirrifletti l-informazzjoni fir-reġistri nazzjonali, fejn l-Italja kienet l-unika eċċezzjoni mill-Istati Membri li saritilhom żjara.
Il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd ġew implimentati b’mod korrett, iżda kien hemm lakuni sinifikanti fir-rekwiżiti ta’ kontroll għal bastimenti żgħar
25Il-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd huwa parti essenzjali tal-politika dwar is-sostenibbiltà ta’ kwalunkwe sajda, u jippermetti l-ġbir ta’ informazzjoni li tintuża biex tassisti fl-iżvilupp u fil-valutazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ ġestjoni tas-sajd11. Il-kwalità ta’ dan il-monitoraġġ se jkollha impatt fuq l-effettività tal-miżuri ta’ ġestjoni.
26Il-PKS fiha pakkett ta’ miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd (ara l-paragrafu 3 u l-Kaxxa 2) li jinkludu kwoti, restrizzjonijiet fuq l-isforz tas-sajd, u miżuri tekniċi għal sajd speċifiku. L-Istati Membri huma wkoll meħtieġa jimplimentaw u jimmonitorjaw il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd li huma stipulati fil-liġi nazzjonali u internazzjonali (inklużi riżoluzzjonijiet tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd), kif ukoll jiżguraw li kemm il-bastimenti tal-UE kif ukoll dawk barranin li jistadu fl-ilmijiet tal-UE jkunu jikkonformaw mar-regoli u r-restrizzjonijiet stabbiliti.
Is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti jipprovdu informazjoni effettiva għall-monitoraġġ, iżda jeskludu parti kbira mill-flotta tas-sajd
27Ir-Regolament dwar il-Kontroll jirrikjedi mill-Istati Membri li dawn ikollhom ċentru tal-monitoraġġ tas-sajd (ĊMS) għall-ipproċessar awtomatiku tad-data tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) li tintbagħat mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-nbandiera tagħhom. Dettalji dwar l-identifikazzjoni, il-pożizzjoni, id-data, il-ħin, ir-rotta u l-veloċità tal-bastimenti jiġu trażmessi permezz ta’ apparati ta’ lokalizzazzjoni bis-satellita li jitwaħħlu abbord il-bastimenti (ara l-Figura 4). B’dan il-mod, tiġi pprovduta informazzjoni utli ħafna u f’ħin reali għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd u l-ippjanar ta’ spezzjonijiet. Pereżempju, bl-użu tal-informazzjoni li tiġi trażmessa minn bastiment dwar il-veloċità u l-pożizzjoni, iċ-ĊMS jista’ jinduna jekk bastiment tas-sajd ikun qed jistad f’żona ristretta. Imbagħad, ikun jista’ jiċċekkja jekk il-bastiment għandux, jew le, l-awtorizzazzjoni meħtieġa jew il-karatterstiċi permessi għal attivitajiet tas-sajd f’dik iż-żona.
Figura 4
Funzjonament taċ-ĊMS
Sors: Id-DĠ MARE.
B’mod ġenerali, fl-Istati Membri li saritilhom żjara, is-sistemi tal-VMS kienu qed jintużaw b’mod korrett għall-ippjanar ta’ spezzjonijiet u għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti konnessi mas-sistemi. Madankollu fl-Italja, għall-kuntrarju tal-pajjiżi l-oħra li saritilhom żjara, is-sistema ma pproduċietx twissijiet awtomatiċi meta l-bastimenti tas-sajd daħlu f’żoni ristretti tas-sajd, biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiċċekkjaw jekk il-bastiment kienx awtorizzat jistad. Xi drabi, l-Istati Membri ssettjaw kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk meħtieġa bir-Regolament dwar il-Kontroll. Pereżempju, sabiex tiċċekkja aħjar l-attività tal-bastimenti skont il-pjan nazzjonali ta’ ġestjoni għall-Mediterran12, Spanja kienet tirrikjedi li l-bastimenti tas-sajd kollha bit-tartarun tal-borża13 u l-bastimenti tat-tkarkir14 kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, ikunu konnessi mal-VMS. Barra minn hekk, xi wħud mill-awtoritajiet reġjonali fi Spanja kienu jirrikjedu mill-bastimenti kollha li jistadu f’ċerti żoni protetti li dawn ikunu mgħammra b’sistemi aktar sempliċi ta’ lokalizzazzjoni (mhux tal-VMS).
29Ir-Regolament dwar il-Kontroll jirrikjedi li t-tagħmir tal-VMS jitwaħħal fuq il-bastimenti tas-sajd kollha li għandhom tul ta’ mill-inqas 12-il metru. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw bastimenti li jkunu inqas minn 15-il metru twal jekk jistadu biss fl-ilmijiet tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, jew jekk qatt ma jqattgħu aktar minn 24 siegħa fuq il-baħar minn meta jitilqu sa ma jirritornaw fil-port.
30Meta analizzajna l-informazzjoni fir-reġistru tal-flotta tal-UE, aħna sibna li, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Kontroll, 2 % tal-bastimenti li kienu aktar minn 15-il metru twal u li kienu awtorizzati biex jistadu ma kellhom l-ebda VMS. Il-Kummissjoni kienet qabdet din l-irregolarità iżda din ma kinitx ġiet ikkoreġuta fiż-żmien meta sar l-awditu.
31Minħabba r-rekwiżiti limitati tar-Regolament dwar il-Kontroll, fil-31 ta’ Diċembru 2015, 89 % tal-bastimenti tas-sajd tal-UE inklużi fir-reġistru tal-UE ma kellhomx tagħmir tal-VMS abbord (ara l-Figura 5). Minn dawn, 95 % tal-bastimenti kienu inqas minn 12-il metru twal, li mhumiex meħtieġa jkollhom VMS skont ir-Regolament dwar il-Kontroll. L-Istati Membri eżentaw il-biċċa l-kbira mill-bastimenti li kienu bejn 12 u 15-il metru twal (79 %) mill-obbligu tal-VMS. Aħna nirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġi evitat it-tfigħ ta’ piż eċċessiv fuq l-operaturi ta’ bastimenti żgħar ikkawżat minn sistemi għaljin u kumplessi ta’ lokalizzazzjoni. Madankollu, il-fatt li parti importanti mill-flotta tas-sajd mhijiex mgħammra b’VMS jirrappreżenta lakuna sinifikanti fis-sistema ta’ ġestjoni tas-sajd, bħal:
- meta ma jkunux mgħammra b’VMS, (jew sistemi mbiegħda oħra għad-detezzjoni tal-lok, ir-rotta u l-veloċità tal-bastimenti), bastimenti li jidħlu f’żoni li fihom is-sajd huwa ristrett, jew li jkunu qed jistadu f’perjodi ta’ żmien mhux awtorizzati, jistgħu jinqabdu biss permezz ta’ sorveljanza mill-ajru jew minn fuq il-baħar (bastimenti tal-pattulji). Żoni ristretti u staġuni magħluqa huma miżuri tekniċi importanti għall-irkupru tal-istokkijiet;
- bastimenti li jkunu bejn 12 u 15-il metru twal jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit biex tiġi installata VMS, u mill-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet elettroniċi, jekk iqattgħu inqas minn 24 siegħa fuq il-baħar jew jistadu biss fl-ilmijiet territorjali. Madankollu, mingħajr l-ebda VMS, huwa biss b’ċerta diffikultà li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ċċekkjati, dment li l-awtoritajiet tal-portijiet ma jkunux jirrikjedu mill-bastimenti li dawn jinfurmawhom meta jkunu deħlin u ħirġin mill-port, bħalma huwa l-każ fl-Italja;
- bastimenti li jkunu awtorizzati jistadu taħt reġim tal-isforz tas-sajd jistgħu jiġu ċċekkjati biss b’mod effettiv jekk ikunu mgħammra b’VMS, dment li ma jipproduċux informazzjoni oħra (ġurnali ta’ abbord elettroniċi jew bil-miktub dwar is-sajd15 jew noti tal-bejgħ b’referenza għall-ħin u ż-żona) malajr biżżejjed, li madankollu ta’ spiss ma jkunx il-każ (ara l-Kaxxa 5);
- id-data dwar l-attivitajiet ma tistax tiġi kontroverifikata (l-ispeċijiet u l-kwantitajiet li jinqabdu bi tqabbil maż-żona tal-qbid li jiġu kkomunikati permezz tal-VMS). Dan ifixkel ukoll il-kontroll awtomatiku tal-użu tal-kwoti.
Port fil-Mediterran
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Figura 5
Proporzjon tal-bastimenti fil-flotta tal-UE bi u mingħajr VMS, skont il-kategorija tat-tul
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mir-reġistru tal-flotta Ewropea.
Ġeneralment, il-bastimenti mingħajr VMS ikunu inqas minn 15-il metru twal. Għalkemm individwalment għandhom mnejn ma jaqbdux ammonti kbar ta’ ħut, il-volum totali ta’ qabdiet tagħhom f’xi sajdiet u b’mod partikolari l-impatt tagħhom fuq xi speċijiet jistgħu jkunu sinifikanti. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fil-baċir tal-Mediterran, fejn il-maġġoranza tal-bastimenti kienu inqas minn 15-il metru twal u ħafna stokkijiet kienu f’kundizzjoni serja (ara l-Figura 1).
B’mod ġenerali, il-Qabdiet Totali Permissibbli, il-kwoti u r-reġimi tal-isforzi tas-sajd kienu mmaniġġjati tajjeb, iżda xi drabi kien diffiċli biex il-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni jiġu mmonitorjati
33Kif deskritt fl-introduzzjoni (il-paragrafu 3 u l-Kaxxa 2), il-ġestjoni tal-UE ta’ riżorsi tas-sajd hija prinċipalment ibbażata fuq il-qabdiet totali permissibbli (TAC) jew l-opportunitajiet tas-sajd issettjati għall-istess stokkijiet, li mbagħad jiġu kondiviżi fost il-pajjiżi tal-UE fil-forma ta’ kwoti nazzjonali, reġimi tal-isforzi tas-sajd u miżuri tekniċi. L-Anness II jipprovdi aktar informazzjoni dwar kif l-Istati Membri li żorna implimentaw il-kwoti u r-reġimi tal-isforzi. Il-PKS tirrikjedi li l-kwota nazzjonali tiġi ddistribwita mill-Istati Membri abbażi ta’ kriterji trasparenti u oġġettivi. Dawn il-kriterji jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent (eż. it-tip ta’ tagħmir tas-sajd jew it-teknika użata mill-bastimenti), l-istorja tal-konformità, il-kontribut għall-ekonomija lokali u l-livelli ta’ qbid storiku.
34L-Istati Membri użaw prattiki differenti li ma ġewx ikkomunikati bis-sħiħ lill-Kummissjoni. Xi wħud allokaw kwoti direttament lilll-bastimenti tas-sajd, u xi wħud ippermettew lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jimmaniġġjaw il-kwoti. F’dan il-każ tal-aħħar, l-Istat Membru mhux dejjem kien jaf liema kriterji kienu ntużaw biex jiġu ddistribwiti l-kwoti jew l-ammonti allokati lil kull wieħed mill-benefiċjarji. Dan kien il-każ fl-Iskozja u fi Franza għall-biċċa l-kbira mill-ispeċijiet. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex ikunu jafu l-benefiċjarji veri tal-opportunitajiet tas-sajd, it-tagħmir tas-sajd tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom, u għalhekk biex jivvalutaw kwalunkwe impatt avvers potenzjali fuq l-ambjent u fuq l-ekonomiji lokali, pereżempju, kif ukoll biex jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa fejn ikun xieraq. In-nuqqas ta’ distribuzzjoni trasparenti tal-kwoti jżid ir-riskju li interessi speċifiċi ta’ ċerti operaturi ekonomiċi jiġu ffavoriti bi ħsara ta’ oħrajn.
35L-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-kwoti ma jinqabżux. Meta l-kwota disponibbli għal speċijiet partikolari tiġi eżawrita, l-Istat Membru jrid jagħlaq is-sajda u jinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tipprovdi sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni biex tintuża mill-Istati Membri, li tippermettilhom ukoll jimmaniġġjaw il-kwoti u jittrasferixxu l-limiti fosthom stess. Fi tmiem is-sena, il-Kummissjoni tqabbel l-allokazzjoni (inklużi t-trasferimenti riċevuti migħand Stati Membri oħra) u l-konsum tal-kwoti skont l-Istat Membru. Jekk il-konsum għal speċi waħda jew aktar kienet ogħla mill-allokazzjoni, il-kwota għal dawn l-ispeċijiet titnaqqas mill-allokazzjoni tas-sena ta’ wara għall-Istat Membru kkonċernat.
36Aħna eżaminajna s-sistema stabbilita għall-monitoraġġ tal-użu tal-kwoti fl-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara. Aħna sibna li l-użu ġie mmonitorjat mill-qrib permezz ta’ proċeduri speċifiċi li kienu jirrikjedu sforz amministrattiv sinifikanti mill-Istati Membri (ara l-Anness II). Għall-ispeċijiet li kienu suġġetti għal kwoti, dawn il-proċeduri jkunu jpattu għad-dgħufijiet misjuba fil-ġestjoni ġenerali tad-data dwar il-qabdiet (ara l-paragrafi 42 sa 71). Aħna qabbilna d-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri li saru lill-Kummissjoni rigward l-użu tal-kwoti għall-2005, mad-data dwar il-qabdiet ipprovduta mill-Istati Membri (għal Spanja, l-Italja u r-Renju Unit minn data relatata ma’ bastimenti individwali). Aħna ma identifikajniex differenzi sinifikanti.
37L-Istati Membri mmaniġġjaw il-limiti stabbilti għar-reġimi tal-isforzi tas-sajd (ara l-Kaxxa 2) billi taw awtorizzazzjonijiet tas-sajd lill-bastimenti li kienu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet meħtieġa (eż. għal karatteristiċi tal-bastimenti jew tagħmir tas-sajd). L-għadd massimu ta’ ġranet tal-attivitajiet tas-sajd ġie ssettjat billi tqieset il-kapaċità totali tal-bastimenti awtorizzati. Biex jimmonitorjaw l-użu ta’ dan l-isforz tas-sajd, ġeneralment l-Istati Membri ikkalkulaw manwalment l-għadd ta’ ġranet li l-bastimenti kienu qattgħu fuq il-baħar. Xi drabi, kien diffiċli biex din l-informazzjoni terġa’ tiġi rkuprata jekk il-bastimenti ma kinux mgħammra b’VMS, u mbagħad l-Istati Membri kellhom jirreferu għal informazzjoni oħra li kienet tippermettilhom jidentifikaw jew jistmaw din id-durata (ġurnali ta’ abbord, noti tal-bejgħ). L-Istati Membri użaw approċċi differenti biex jikkalkulaw il-ġranet fuq il-baħar16. Meta r-reġim japplika għal Stati Membri differenti, dan jista’ jwassal għal disparitajiet fiż-żmien reali li jkun ġie allokat minn kull Stat Membru lill-bastimenti għas-sajd, kif ukoll għal impreċiżjonijiet fil-kalkolu tal-użu konsolidat tal-isforz.
38Attwalment, hemm aktar minn 30 regolament li fihom miżuri tekniċi tas-sajd (ara l-Kaxxa 2) li huma applikabbli kemm għall-ilmijiet tal-UE kif ukoll għal dawk mhux tal-UE li fihom joperaw il-bastimenti tal-UE. F’Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament dwar il-miżuri tekniċi b’enfasi fuq ir-reġjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni17.
39Il-miżuri tekniċi huma partikolarment importanti fil-Mediterran fejn, għall-kuntrarju tal-Atlantiku, is-sistema ta’ ġestjoni tas-sajd mhijiex ibbażata fuq il-kwoti u l-istokkijiet tal-ħut mhumiex fi status ambjentali tajjeb (ara l-Figura 1). Skont il-Kummissjoni18, ammont stmat ta’ 95 % tal-istokkijiet tal-ħut tal-Mediterran li ġew ivvalutati, jinstadu b’mod eċċessiv.
40Aħna sibna li dan kien ikkumplikat għas-sajjieda biex japplikaw il-miżuri tekniċi, u kkumplikat għall-ispetturi biex jikkontrollawhom, billi tant minnhom kienu applikabbli fil-Mediterran19. Dan ġie appoġġat mill-partijiet interessati20 li tkellimna magħhom. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira mill-bastimenti tas-sajd li joperaw fil-Mediterran kienu żgħar21 u konsegwentement eżenti mis-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti u mis-sistemi elettroniċi ta’ komunikazzjoni. Dan huwa fattur ieħor li jfixkel il-ġestjoni tas-sajd billi jillimita l-possibbiltajiet li l-attivitajiet u l-qabdiet mill-flotot jiġu kkontrollati.
41Aħna osservajna li, b’mod partikolari fi Spanja u fi Franza, l-organizzazzjonijiet professjonali tas-sajd kienu jirrikjedu mill-membri tagħhom li dawn jikkonformaw mal-miżuri addizzjonali tekniċi u ta’ kontroll minbarra dawk meħtieġa bil-qafas regolatorju tal-UE (eż. perjodi addizzjonali ta’ waqfien li jsir barra ż-żminijiet li jkunu ġew imposti mill-awtoritajiet, daqsijiet minimi akbar ta’ qabdiet, obbligi tal-VMS għal bastimenti iżgħar, kontrolli addizzjonali bejn il-pari). Dawn il-miżuri kienu aktar adattati għall-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni kkonċernati u għalhekk aktar faċli għas-sajjieda biex jifhmuhom u japplikawhom. Hemm lok biex isir kapital minn din is-sensibilizzazzjoni u dan l-impenn fil-livell reġjonali, b’mod partikolari fil-qafas tal-proċess deċiżjonali reġjonali futur (ara l-paragrafu 38).
Id-data dwar is-sajd miġbura skont ir-Regolament dwar il-Kontroll kienet inkompleta u inaffidabbli
42Biex jintlaħaq l-objettiv tal-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, irid jinstab bilanċ bejn il-livelli eżistenti tal-istokkijiet u l-intensità tas-sajd. Data affidabbli u komprensiva dwar il-qabdiet tal-ħut hija importanti ħafna kemm sabiex l-istokkijiet jiġu vvalutati b’mod xjentifiku, kif ukoll sabiex jittieħdu miżuri xierqa ta’ ġestjoni għall-konservazzjoni jew l-irkupru tal-istokkijiet. Ladarba l-miżuri jkunu ġew approvati, dawn iridu jiġu applikati b’mod korrett u l-attivita tal-flotot trid tiġi kkontrollata.
43Ir-Regolament dwar il-Kontroll jirrikjedi li l-bastimenti kollha b’tul kumplessiv ta’ 10 metri jew aktar jippreżentaw sett ta’ dokumenti, elettronikament (permezz tas-Sistema Elettronika ta’ Rappurtar (ERS22)) jew bil-miktub. Dan jinkludi ġurnali ta’ abbord, dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art, u noti tal-bejgħ għal kwantitajiet li jkunu jaqbżu s-soll issettjat. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Kontroll u l-proċeduri użati minn kull wieħed mill-Istati Membri awditjati huma stipulati fl-Anness I.
44Ir-Regolament dwar il-Kontroll jirrikjedi mill-Istati Membri li dawn iwettqu kontroverifiki biex jiżguraw li d-data tagħhom tkun ta’ kwalità suffiċjenti. Il-kontroverifiki jkopru data tal-VMS, data dwar l-attivitajiet tas-sajd, informazzjoni dwar il-bejgħ, dettalji tal-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji tas-sajd, u data dwar ir-rapporti ta’ spezzjoni.
45L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-attivitajiet tas-sajd f’konformità mar-Regolament dwar il-Kontroll (il-ħatt l-art, il-qabdiet u l-isforzi) tintuża wkoll għal skopijiet oħra. Hija s-sors prinċipali ta’ informazzjoni għall-issodisfar tal-obbligi tal-Istati Membri biex jipprovdu data statistika dwar il-ħatt l-art f’konformità mal-leġiżlazzjoni23. Hija tikkostitwixxi wkoll sors skont il-Qafas għall-Ġbir ta’ Data (ara l-Anness III), li ġie stabbilit biex jappoġġa l-parir xjentifiku fil-kuntest tal-PKS.
46Aħna analizzajna l-affidabbiltà tad-data rilevanti dwar il-qabdiet li kient disponibbli għall-Kummissjoni, li nkisbet mis-sorsi li ġejjin:
- ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd jew dokumenti ekwivalenti li jintużaw għar-reġistrazzjoni tal-qabdiet;
- dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art li jirreġistraw il-kwantitajiet reali li nħattu l-art; u
- noti tal-bejgħ li jirreġistraw il-kwantitajiet li nbiegħu lill-ewwel xerrej.
Bejgħ dirett lill-konsumatur mill-bastimenti tas-sajd
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Id-data tal-Istati Membri dwar il-qabdiet għal bastimenti żgħar mingħajr dikjarazzjonijiet elettroniċi kienet inkompleta u xi drabi skorretta
47Data affidabbli u komprensiva dwar l-attivitajiet tas-sajd hija essenzjali biex is-sajd jiġi mmaniġġjat b’mod effettiv. Biex id-data tkun tista’ tiġi kkonsolidata u użata fil-livell tal-UE, jeħtieġ li din tkun kumparabbli fl-Istati Membri kollha u tiġi pprovduta fuq bażi f’waqtha.
48Ir-Regolament dwar il-Kontroll ma jobbligax lill-bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal jirrappurtaw il-qabdiet u l-ħatt l-art. L-Istati Membri jridu jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ dawn il-bastimenti sabiex jiżguraw il-konformità tagħhom mar-regoli tal-PKS fuq il-bażi ta’ pjanijiet tal-kampjunar jew fuq il-bażi ta’ rekwiżit li dawn il-bastimenti jippreżentaw noti tal-bejgħ jew dikjarazzjoni ta’ kull xahar tal-qabdiet tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-kaptani ta’ dawn il-bastimenti li jżommu ġurnal ta’ abbord.
49Aħna osservajna li Franza u l-Iskozja kienu jirrikjedu li, għall-bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal, tiġi kkompletata forma ssimplifikata tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd. Fi Spanja l-bejgħ kollu kellu jsir permezz ta’ ċentru tal-irkant, u n-noti tal-bejgħ kienu disponibbli.
50L-Italja ma ġabritx data dwar il-qabdiet jew dwar il-ħatt l-art, għal bastimenti li kienu inqas minn 10 metri twal. Barra minn hekk, dawn il-bastimenti kellhom il-permess, skont ir-Regolament dwar il-Kontroll (ara l-Anness I), ibigħu direttament lill-konsumatur mingħajr l-ebda obbligu biex jiddikjaraw il-bejgħ. Madankollu, għall-kuntrarju tar-Regolament dwar il-Kontroll, l-Italja ma kinitx implimentat pjan tal-kampjunar biex tiġbor data dwar l-attività tas-sajd għal din il-kategorija ta’ bastimenti. Minflok, l-Italja użat l-informazzjoni li kienet inġabret għal skopijiet oħra24, b’metodu ta’ ġbir u objettivi differenti minn dawk tar-Regolament dwar il-Kontroll, li ma kinitx ibbażata fuq analiżi tar-riskju u li nkisbet bosta xhur wara li kienet twettqet l-attività tas-sajd.
51Il-proporzjon tal-bastimenti fl-Istati Membri li saritilhom żjara25 li jużaw dikjarazzjonijiet bil-miktub u elettroniċi tad-data jintwera fil-Figura 6. Din turi li relattivament ftit li xejn bastimenti użaw dikjarazzjonijiet elettroniċi. Fi Spanja u fl-Italja, il-biċċa l-kbira mill-bastimenti li kienu bejn 12 u 15-il metru twal (85 % u 90 % tal-bastimenti rispettivament) ġew eżentati milli jippreżentaw dikjarazzjoni elettronika.
Figura 6
Proporzjoni tal-bastimenti li jirreġistraw data dwar il-qabdiet u l-ħatt l-art, u l-format tad-data
Sors: Informazzjoni mir-reġistru tal-flotta tal-UE u mingħand l-Istati Membri.
Min-natura tagħhom, id-dikjarazzjonijiet bil-miktub iżidu r-riskju li jiġu rreġistrati żbalji fid-databases dwar il-qabdiet tal-Istati Membri. Għalhekk, aħna ċċekkjajna kampjun ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub tal-qabdiet u l-ħatt l-art bi tqabbil mal-entrati fid-databases dwar il-qabdiet tal-Istati Membri. Aħna ċċekkjajna wkoll li l-bastimenti kienu jidhru bħala attivi fir-reġistru tal-flotta.
53Ix-xogħol tal-awditjar żvela li l-informazzjoni kienet inkompleta, kien hemm żbalji fit-traskrizzjoni tad-data, u f’xi każijiet il-qabdiet kienu qed jiġu rreġistrati għal bastimenti li kienu jidhru bħala inattivi fir-reġistri tal-flotot. Il-Kaxxa 5 turi d-dgħufijiet prinċipali li sibna.
Kaxxa 5
Żbalji u dgħufijiet fis-sistemi, li jikkonċernaw id-dikjarazzjonijiet bil-miktub
Fi Franza, is-sistema ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub tintuża għal 87 % tal-flotta, li tirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 16 % tal-qabdiet. Il-kuntrattur responsabbli biex idaħħal l-informazzjoni mid-dikjarazzjonijiet bil-miktub għal ġod-database rċieva informazzjoni sħiħa dwar il-qabdiet għal 45 % biss tal-bastimenti li jużaw dikjarazzjonijiet ta’ dan it-tip. It-traskrizzjoni ta’ din id-data għal ġod-database ddewmet b’ammont ta’ żmien li jilħaq is-sitt xhur. L-analiżi tagħna ta’ kampjun ta’ dikjarazzjonijiet żvelat differenzi sinifikanti (aktar minn 50 kg jew 10 %) bejn id-dikjarazzjonijiet fiżiċi tal-qabdiet u tal-bejgħ, u dawk maħżuna fid-database. Bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni li kien ġie stabbilit mal-Kummissjoni26, Franza kienet issettjat indikaturi kwantitattivi li kienu jippermettu segwitu faċli, skont ir-reġjun, tar-rati tal-preżentazzjoni għal dikjarazzjonijiet bil-miktub.
Fl-Italja, meta wettaqna l-kontroverifiki ta’ bastimenti li kienu juru l-qabdiet għall-2015 fis-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni tal-qabdiet bi tqabbil mal-bastimenti attivi fir-reġistru tal-flotta, aħna sibna li 30 bastiment li kienu ddikjaraw qabdiet fis-sistema elettronika ma baqgħux attivi fir-reġistru matul dik is-sena. Is-sistema ma mblukkatx dan it-tip ta’ żball.
Fi Spanja, aħna rċevejna informazzjoni għal 60 % biss tal-kampjun tagħna. Għall-bastimenti li għalihom kien hemm informazzjoni disponibbli, l-informazzjoni dwar il-qabdiet kient ġiet traskritta b’mod korrett mid-dikjarazzjonijiet bil-miktub.
Fl-Iskozja, fejn il-bastimenti kollha kienu meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjoni tal-qabdiet, 2 % biss tad-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art kienu neqsin. B’mod ġenerali, il-kwalità tat-traskrizzjoni kienet tajba, għalkemm 10 % tad-dokumenti analizzati wrew data skorretta tal-ħatt l-art.
Id-data dwar il-qabdiet hija sors importanti ta’ informazzjoni għall-analiżijiet xjentifiċi u għall-parir xjentifiku27, kif ukoll biex il-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut tiġi stmata. L-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni hija mminata mil-lakuni fid-data dwar il-qabdiet għal bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal u mid-dgħufijiet identifikati fit-trattament ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub tal-qabdiet. Il-Kummissjoni nfisha ssottolinjat28 il-ħtieġa għal data preċiża dwar il-qabdiet u enfasizzat l-importanza tan-nuqqas ta’ informazzjoni bħal din mingħand bastimenti żgħar li mhumiex suġġetti għal rekwiżiti ta’ rappurtar tad-data dwar il-qabdiet.
Id-data dwar il-bejgħ ma kinitx komprensiva jew konsistenti biżżejjed mad-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art
55Ir-Regolament dwar il-Kontroll jobbliga lill-Istati Membri jwettqu kontroverifiki tal-informazzjoni rigward l-attivitajiet tas-sajd (bħal informazzjoni dwar il-qabdiet, il-ħatt l-art u n-noti tal-bejgħ). Huwa mistenni li dawn il-miżuri jtejbu l-affidabbiltà tad-data dwar il-qabdiet.
56Aħna wettaqna kontroverifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u tan-noti tal-bejgħ għal kampjun ta’ bastimenti (ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna). Aħna sibna li n-noti tal-bejgħ mhux dejjem kienu disponibbli, u li kien hemm differenzi sinifikanti li ma kinux spjegati bejn id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u l-kwantitajiet irreġistrati bħala mibjugħin. Meta jitqies il-fatt li l-Istati Membri sussegwentement jużaw dawn is-sorsi ta’ informazzjoni għall-validazzjoni tad-data, il-kobor tad-differenzi li sibna fil-kampjun tagħna wera li kien hemm lok sostanzjali għal titjib. Id-dettalji huma ppreżentati fil-Kaxxa 6.
Kaxxa 6
Żbalji u dgħufijiet fis-sistemi, li jikkonċernaw il-kontroverifiki bejn id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-atrt u n-noti tal-bejgħ
Fi Franza, in-noti tal-bejgħ intbagħtu bis-sħiħ minn 67 % biss tal-bastimenti li ġew inklużi fil-kampjun tagħna. Għal 15 % tal-bastimenti, ma kienx hemm nota tal-bejgħ li kienet disponibbli. Meta qabbilna d-data dwar il-ħatt l-art u n-noti tal-bejgħ relatati mal-bastimenti li għalihom l-informazzjoni kollha kienet disponibbli, aħna sibna żbalji fi 2.6 % tal-każijiet.
Fl-Italja, in-noti tal-bejgħ kienu neqsin għal 17. % tal-bastimenti, filwaqt li d-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art kienu neqsin għal bastiment wieħed biss. Meta qabbilna d-data dwar il-ħatt l-art u n-noti tal-bejgħ relatati mal-bastimenti li għalihom l-informazzjoni kollha kienet disponibbli, aħna sibna żbalji f’29 % tal-każijiet (bastimenti li kienu aktar minn 15-il metru twal li kellhom kemm noti tal-bejgħ kif ukoll dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art).
Fi Spanja, aħna osservajna li, għal 39 % tal-ħatt l-art fil-kampjun tagħna, in-noti tal-bejgħ kienu neqsin. Dan kien minħabba l-fatt li l-komunità awtonoma responsabbli biex tibgħat in-noti tal-bejgħ ma kellhiex sistema għal dan l-iskop. Spanja kienet qed taħdem biex tindirizza din il-problema. Aħna ma sibniex differenzi sinifikanti meta qabbilna n-noti tal-bejgħ u d-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art għal kampjun ta’ bastimenti.
Fl-Iskozja, aħna sibna diskrepanzi bejn id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u n-noti tal-bejgħ fi 62.5 % tal-bastimenti kkampjunati.
Is-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri kienet ineffettiva
57Ir-Regolament dwar il-Kontroll jipprevedi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri, li hija importanti sabiex jiġu ttrattati l-każijiet frekwenti fejn il-bastimenti jaqbdu, iħottu l-art jew ibigħu l-qabdiet tagħhom fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess. Il-Kummissjoni għamlet disponibbli, għall-Istati Membri, pjattaforma online għal dawn l-iskambji iżda ma timmonitorjax dan it-tip ta’ skambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri.
58Għall-Istati Membri li awditjana, aħna wettaqna kontroverifiki tad-data dwar il-ħatt l-art għall-bastimenti ta’ Stat Membru wieħed bi tqabbil mad-data fl-Istati Membri l-oħra li kienu involuti fl-awditu. Aħna sibna li Franza kienet iddikjarat bi żball li qabdiet minn bastimenti Spanjoli li kienu nħattu l-art fir-Renju Unit u nbiegħu fi Franza kienu “nħattu l-art fi Franza”. Osservajna wkoll li l-Italja ma kienet iddikjarat l-ebda qabda li nħattet mill-bastimenti Spanjoli fil-portijiet tagħha fl-2015 bħala li “nħattet l-art fl-Italja”. Madankollu, Spanja kienet għaddiet in-notifiki dwar il-ħatt l-art rigward il-bastimenti tas-sajd tagħha lill-awtoritajiet Taljani, li għalhekk kien imisshom kienu jafu bil-qabdiet li nħattu l-art mill-bastimenti Spanjoli.
59Il-Kummissjoni hija konxja tal-fatt li s-sistemi ta’ skambju tal-Istati Membri mhumiex affidabbli u jirriżultaw f’dan it-tip ta’ żbalji ta’ trażmissjoni. Hija osservat li l-organizzazzjoni interna tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi ta’ ħżin u trażmissjoni tad-data hija ta’ spiss kumplessa wisq, u is-sistemi tal-IT huma ta’ spiss inkompatibbli fost u fi ħdan l-Istati Membri.
60L-ispetturi Skoċċiżi użaw sistema online oħra ta’ kondiviżjoni tad-dokumenti biex jagħmlu disponibbli d-dokumenti tat-trasport għall-qabdiet li kienu nħattu l-art fil-portijiet tagħhom minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri oħra. Meta l-qabdiet jiġu ttrasportati barra mill-Iskozja, dan kien jippermetti lill-Istat Membru tad-destinazzjoni jispezzjona t-trakkijiet li qed jittrasportaw il-merkanzija, jekk huwa jkun qies li dan kien meħtieġ, u jwettaq kontroverifiki tal-informazzjoni bi tqabbil ma’ data oħra. Minkejja li dan kien eżempju pożittiv ta’ kooperazzjoni, kien jindika wkoll li l-iskambju ta’ data u ta’ informazzjoni fuq il-pjattaformi eżistenti seta’ jaħdem b’mod aktar effettiv.
Kien hemm dgħufijiet fis-sistemi u l-proċessi ta’ validazzjoni tad-data
61Wara li jiżguraw li d-data meħtieġa tkun ġiet irreġistrata f’konformità mar-Regolament dwar il-Kontroll, kull Stat Membru jrid iwaqqaf is-sistema proprja tiegħ ta’ validazzjoni tad-data, biex jaqbad l-inkonsistenzi, l-iżbalji u d-data nieqsa.
62Aħna eżaminajna jekk l-Istati Membri li saritilhom żjara kinux implimentaw, jew le, sistemi xierqa ta’ validazzjoni. Id-dgħufijiet prinċipali tal-validazzjoni kienu jikkonċernaw algoritmi inaffidabbli tal-validazzjoni u nuqqas ta’ kontroverifiki bejn is-sorsi ta’ informazzjoni u d-databases differenti. Dawn jintwerew fil-Kaxxa 7.
63Barra mir-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Kontroll, xi wħud mill-Istati Membri li saritilhom żjara kienu wettqu kontrolli addizzjonali fuq id-data biex itejbu aktar il-kwalità tagħha. Huma:
- wettqu kontroverifika tal-identità tal-bastiment bi tqabbil mar-reġistru biex jiġi żgurat li l-bastiment kien attiv. Fl-Italja, l-uniku pajjiż fejn aħna identifikajna li dan il-kontroll ma kienx twettaq, il-bastimenti li ma baqgħux fir-reġistru tal-flotta kienu qed jiddikjaraw qabdiet (ara l-Kaxxa 5).
- iċċekkjaw li d-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet u tal-ħatt l-art kienu jispeċifikaw il-postijiet għas-sajd. Fl-Italja, l-uniku pajjiż fejn aħna identifkajna n-nuqqas ta’ dan il-kontroll sibna li fl-2015 total ta’ 50 576 tunnellata ta’ ħut ġew iddikjarati bħala li nħattu l-art mingħajr ma ġie speċifikat il-post għas-sajd, filwaqt li 2 774 tunnellata ta’ ħut ġew iddikjarati bħala qabdiet mingħajr ma ġie speċifikat il-post għas-sajd.
- iċċekkjaw li t-tolleranza ta’ 10 %29 għal kull speċi bejn id-dikjarazzjoni tal-qabdiet u d-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art ġiet osservata. Mill-erba’ pajjiżi li saritilhom żjara matul l-awditu, l-Iskozja biss kienet waqqfet din is-sistema awtomatika ta’ tqabbil.
Kaxxa 7
Dgħufijiet fil-validazzjoni tad-data fl-Istati Membri
Fi Franza, id-data dwar il-qabdiet, il-ħatt l-art u l-bejgħ ġiet ipproċessata awtomatikament bl-użu ta’ applikazzjoni elettronika biex jitwettqu kontroverifiki u korrezzjonijiet ibbażati fuq sensiela ta’ algoritmi. Aħna sibna li l-algoritmi li ntużaw kienu inaffidabbli. Huma pproduċew għadd kbir ta’ każijiet ta’ duplikazzjoni, żbalji fl-ispeċijiet, u żbalji oħra. Meta d-data dwar il-qabdiet u l-ħatt l-art kienet differenti, jew meta d-dati tal-qabdiet, tal-ħatt l-art jew tal-bejgħ kienu mbegħdin wisq minn xulxin, is-sistema kienet tagħżel valur wieħed, li seta’ kien żbaljat, u ma kinitx iżżomm l-istorja tad-data oriġinali. L-awtoritajiet kienu stabbilew sistema biex jidentifikaw u jikkoreġu anomaliji fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni, iżda kien meħtieġ aktar titjib.
Fl-Italja kien hemm bosta databases indipendenti li kien fihom informazzjoni dwar il-flotta tas-sajd u l-attività tagħha (reġistru tal-flotta, liċenzji, data dwar il-qabdiet, eċċ.) iżda l-kontroverifiki meħtieġa bir-Regolament dwar il-Kontroll ma kinux twettqu. Minħabba dewmien fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku u nuqqas ta’ riżorsi, l-ebda sistema ta’ validazzjoni ma kienet għadha ġiet implimentata.
Fi Spanja is-sistema ta’ validazzjoni ppermettiet biss it-twettiq ta’ kontroverifiki fuq id-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet u tal-ħatt l-art. Is-sorsi l-oħra ta’ informazzjoni stipulati fir-Regolament dwar il-Kontroll (notevolment il-VMS) kienu għadhom ma jintużawx.
L-awtoritajiet Skoċċiżi użaw il-kontroverifiki meħtieġa bir-Regolament dwar il-Kontroll, kif ukoll kontrolli oħra li huma kienu jemmnu li kienu jipprovdu valur miżjud (l-informazzjoni mis-satellita tal-VMS tqabblet ma’ osservazzjonijiet mill-ajru u mill-baħar li saru minn bastimenti, u inġenji tal-ajru ta’ spezzjoni rreġistrati fis-Sistema ta’ Monitoraġġ, Kontroll u Sorveljanza; il-ġurnal ta’ abbord u d-data dwar ir-rappurtar mill-bastimenti tqabblu biex jiġi żgurat li l-bastimenti kienu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ rappurtar mill-bastimenti, u biex jiġu żvelati żbalji relatati mal-qabdiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord).
Minkejja l-isforzi li saru mill-Istati Membri, fiż-żmien meta sar l-awditu tlieta mill-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara ma kinux jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha. Franza u l-Italja, b’mod partikolari, għad kellhom progress sinifikanti x’jiksbu.
Il-Kummissjoni ma rċevietx settijiet komprensivi ta’ data vvalidata mngħand l-Istati Membri
65Ir-Regolament dwar il-Kontroll jirrkjedi li kull Stat Membru tal-bandiera jinnotifika d-data aggregata dwar il-qabdiet fir-rigward tal-istokkijiet kollha jew il-gruppi kollha tal-istokkijiet li jkunu suġġetti għal TAC jew kwoti lill-Kummissjoni elettronikament qabel il-15 tax-xahar ta’ wara. L-Istati Membri jridu jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni, fuq bażi ta’ kull tliet xhur, dwar il-kwantitajiet aggregati tal-istokkijiet li ma jkunux dawk li ntbagħtu fuq bażi ta’ kull xahar. Din l-informazzjoni tikkostitwixxi s-sors prinċipali tad-data tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-użu tal-kwoti u l-attività tas-sajd tal-flotta tal-UE. Il-Kummissjoni tgħaddi din id-data lill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd. Għalhekk, huwa importanti li d-data tkun affidabbli biex b’hekk id-deċiżjoni t-tajba dwar il-ġestjoni tas-sajd tkun tista’ tittieħed.
66L-Istati Membri jikkomunikaw ukoll l-informazzjoni dwar il-qabdiet lill-Eurostat, li jiġbor flimkien l-istatistika tas-sajd għall-UE.
67Aħna wettaqna kontroverifiki tad-data aggregata dwar il-qabdiet li kienet disponibbli għall-Kummissjoni (id-DĠ MARE u l-Eurostat) għall-erba’ pajjiżi li saritilhom żjara, bi tqabbil mad-data pprovduta direttament mill-awtoritajiet nazzjonali. Aħna identifikajna diskrepanzi sinifikanti li huma deskritti fid-dettall fit-Tabella 1.
| Qabdiet skont l-Istat Membru (1000 tunnellata) | Sors tad-data | 2013 | 2014 | 2015 |
|---|---|---|---|---|
| Spanja | Data tal-Istat Membru | 878 | 910 | 870 |
| Id-DĠ MARE | 483 | 942 | 926 | |
| L-Eurostat | 904 | 1 237 | 902 | |
| MARE meta mqabbel mal-Istat Membru | -45 % | 3 % | 6 % | |
| MARE meta mqabbel mal-Eurostat | -47 % | -24 % | 3 % | |
| Franza | Data tal-Istat Membru | 542 | 537 | 477 |
| Id-DĠ MARE | 574 | 536 | 436 | |
| L-Eurostat | 529 | 544 | 497 | |
| MARE meta mqabbel mal-Istat Membru | 6 % | 0 % | -8 % | |
| MARE meta mqabbel mal-Eurostat | 9 % | -1 % | -12 % | |
| L-Italja | Data tal-Istat Membru | 76 | 76 | 80 |
| Id-DĠ MARE | 38 | 28 | 23 | |
| L-Eurostat | 173 | 177 | 191 | |
| MARE meta mqabbel mal-Istat Membru | -50 % | -63 % | -72 % | |
| MARE meta mqabbel mal-Eurostat | -78 % | -84 % | -88 % | |
| Ir-Renju Unit | Data tal-Istat Membru | 628 | 759 | 708 |
| Id-DĠ MARE | 911 | 752 | 707 | |
| L-Eurostat | 618 | 752 | 702 | |
| MARE meta mqabbel mal-Istat Membru | 45 % | -1 % | 0 % | |
| MARE meta mqabbel mal-Eurostat | 47 % | 0 % | 1 % |
Sors: L-Istati Membri, id-DĠ MARE u l-Eurostat.
68Kien hemm diversi spjegazzjonijiet għal dawn id-differenzi: informazzjoni nieqsa rigward ċerti segmenti tal-flotta jew rigward ċerti stokkijiet, reviżjoni tad-data mill-Istati Membri, jew duplikazzjoni tad-data (ara l-Kaxxa 8).
Kaxxa 8
Problemi li wasslu għal inkonsistenzi bejn is-sorsi tad-data
Ċerti stokkijiet u segmenti tal-flotta ma kinux inklużi fid-data li ntbagħtet lid-DĠ MARE
Għal Franza, id-dfferenza bejn id-data tal-Istati Membri u l-informazzjoni li ntbagħtet lid-DĠ MARE fl-2015 kienet dovuta għall-fatt li d-data li tikkonċerna l-qabdiet li kienu koperti mill-ftehimiet ta’ sħubija mal-pajjiżi mhux tal-UE ntbagħtet separatament, f’format elettroniku differenti minn dak mitlub mill-Kummissjoni, u ma ttellgħetx fis-sistema tal-Kummissjoni. Billi Franza użat l-istess format fl-2014, bilfors li d-differenza minuri fit-totali grossi kienet dovuta għal dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ data oħra.
L-Italja ma bagħtitx informazzjoni rigward il-qabdiet minn bastimenti li kienu inqas minn 10 metri twal jew bastimenti li kienu meħtieġa jippreżentaw ġurnali ta’ abbord bil-miktub dwar is-sajd. Flimkien, dawn il-bastimenti rrappreżentaw 85 % tal-bastimenti totali u mill-inqas 23 % tal-qabdiet totali.
L-Istati Membri mhux dejjem bagħtu l-korrezzjonijiet sussegwenti lid-DĠ MARE
Fi Spanja, id-data tal-Kummissjoni għall-2014 u l-2015 ma kinitx tinkludi korrezzjonijiet wara d-data ta’ skadenza li kienet ġiet stabbilita mid-DĠ MARE. Fl-2013, l-Istat Membru ma bagħat l-ebda data rigward l-ispeċijiet li ma kinux suġġetti għal TAC u kwoti.
Duplikazzjoni tad-data fid-database tal-Kummissjoni rigward dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar u ta’ kull tliet xhur sal-2013
Fl-2013, dan kien il-każ għar-Renju Unit għal xi data dwar l-ispeċijiet tal-ħut.
Filwaqt li d-differenzi bejn iċ-ċifri aggregati tad-DĠ MARE u dawk tal-Eurostat kienu naqsu kemxejn, testijiet li d-DĠ MARE wettaq fuq kampjun ta’ speċijiet urew li kien għad hemm diskrepanzi sostanzjali għal ċerti speċijiet. Billi ċ-ċifri jistgħu jkunu ogħla jew aktar baxxi għal speċijiet differenti, dan jista’ jagħti impressjoni skorretta ta’ titjib fit-data aggregata. Iż-żewġ servizzi kienu waqqfu grupp ta’ ħidma biex itejbu l-kwalità tad-data u jsibu tarf tad-diskrepanzi.
70L-estent tad-differenzi kumplessivi jqajmu dubji dwar l-affidabbiltà, il-komprensività u l-kumparabbiltà tad-data dwar il-qabdiet li kienet disponibbli għall-Kummissjoni. Din id-data tintuża wkoll fil-Qafas għall-Ġbir ta’ Data, fejn tipprovdi informazzjoni li tikkontribwixxi għal opinjonijiet xjentifiċi u deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd. Għalhekk, l-inaffidabbiltà tad-data tagħmel il-ġestjoni tas-sajd diffiċli u toħloq riskju li l-għażliet it-tajbin (eż. dwar it-TACs, il-kwoti, l-isforz tas-sajd jew il-miżuri tekniċi) għandhom mnejn mhux dejjem isiru.
71Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-Kontroll jirrikjedi mill-Istati Membri li dawn jibagħtu data aggregata dwar il-qabdiet, skont l-istokk. Madankollu, il-fatt li huwa ma jirrikjedix rappurtar b’dettalji dwar iż-żoni tas-sajd, id-daqs tal-bastimenti, u t-tagħmir tas-sajd, jillimita l-possibbiltà li ssir analiżi approfondita tad-data dwar il-qabdiet (eż. l-impatt li s-segment tal-flotta jħalli fuq stokk speċifiku).
Is-sistema ta’ spezzjoni kienet funzjonali, iżda dgħufijiet fl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għamlu l-infurzar inqas effettiv
72Sistema effettiva ta’ spezzjoni hija waħda mill-fatturi ewlenin biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd jibqgħu sostenibbli u li jiġi aċċertat il-futur, fuq terminu twil, tas-settur. Is-sistema trid tivverifika l-konformità mar-regoli dwar il-ġestjoni tas-sajd (pereżempju l-funzjonament tal-VMS, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet, il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tat-tagħmir, id-daqs tal-ħut, eċċ.) li jkunu applikabbli għall-operaturi kollha fis-settur tas-sajd u tistabbilixxi sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. L-Istati Membri huma responsabbli għat-twaqqif tal-istrutturi meħtieġa u għall-provvediment tal-finanzjament, it-tagħmir u l-persunal meħtieġ għall-ispezzjonijiet u għas-sanzjonijiet. Meta jkunu qed jitwettqu dawn il-kompiti, irid jittieħed kont tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u nondistorsjoni tal-kompetizzjoni bejn is-setturi, il-bastimenti u n-nies, kif rikonoxxut bir-Regolament dwar il-Kontroll. Dawn il-prinċipji huma partikolarment importanti minħabba n-natura transkonfinali inerenti tal-attivitajiet tas-sajd, fejn il-bastimenti jistgħu jkunu attivi fl-ilmijiet ta’ Stati Membri oħra.
B’mod ġenerali, l-Istati Membri ppjanaw l-ispezzjonijiet tajjeb, iżda kien jeħtieġ li r-rapporti ta’ spezzjoni jkomplu jiġu standardizzati u li jiġu rreġistrati aħjar
73Biex is-sistema ta’ spezzjoni tiffunzjona tajjeb30, l-Istati Membri jrid ikollhom strutturi xierqa stabbiliti, u jwettqu analiżijiet tar-riskju biex jidentifikaw il-livelli ta’ riskju għal flotot, attivitajiet u operaturi differenti. Abbażi tar-riskju identifikat, jenħtieġ li huma jfasslu pjan annwali ta’ spezzjoni u jallokaw il-finanzjament, it-tagħmir u l-persunal meħtieġ. Jenħtieġ li l-Istati Membri joħolqu database elettronika biex ikunu jistgħu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet, imbagħad janalizzaw u jużaw ir-riżultati tal-ispezzjonijiet. Id-database għandha tinżamm aġġornata u għandu jkun fiha r-rapporti kollha ta’ spezzjoni u sorveljanza li jkunu nħolqu mill-persunal tagħhom. Meta l-bastiment tas-sajd spezzjonat ikun qed itajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor, kopja tar-rapport ta’ spezzjoni trid tintbagħat immedjatament lill-pajjiż ikkonċernat jekk kwalunkwe infrazzjoni tiġi osservata matul l-ispezzjoni.
B’mod ġenerali, l-attivitajiet ta’ spezzjoni ġew ippjanati tajjeb
74Aħna analizzajna l-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni fl-Istati Membri awditjati31, u l-proċeduri stabbiliti għat-twettiq ta’ analiżijiet tar-riskju u għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ spezzjoni. L-Anness IV jispjega kif l-ispezzjonijiet jiġu organizzati fl-Istati Membri li saritilhom żjara.
75Matul l-awditu, aħna osservajna li l-analiżi tar-riskju twettqet fl-erba’ Stati Membri li żorna u, bl-eċċezzjoni ta’ Franza, ġiet ikkoordinata fil-livell nazzjonali filwaqt li kemm ir-riskji nazzjonali kif ukoll dawk lokali ttieħdu inkunsiderazzjoni. Wara dawn l-analiżijiet tar-riskju, tfasslu pjanijiet ta’ segwitu. Fi Franza, il-koordinazzjoni bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kienet imminata mill-kumplessità tal-organizzazzjoni amministrattiva.
76Aħna sibna li l-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, tal-pjanijiet ta’ spezzjoni tagħhom kienet xi drabi mxekkla. Fi Franza u fi Spanja, il-prijoritajiet ta’ spezzjoni ma ġewx iddeterminati mill-awtorità li kienet tipprovdi r-riżorsi. Fi Franza, xi drabi kien hemm diskrepanza bejn il-kompiti assenjati u r-riżorsi allokati, allura konsegwentement it-timijiet ta’ kontroll ma setgħux ikopru l-ħatt l-art immirat kollu u kien naqas l-għadd ta’ spezzjonijiet fis-snin reċenti. Skont l-awtoritajiet tal-Istati Membri, fatturi esterni jistgħu jnaqqsu l-livell ta’ prijorità tal-ispezzjonijiet tas-sajd (eż. il-kriżi tal-migranti fil-Mediterran kienet tirrikjedi l-użu ta’ riżorsi navali).
77L-Istati Membri pprovdew l-ispetturi b’firxa ta’ għodod tal-IT u databases biex jgħinuhom iwettqu u jirrappurtaw dwar xogħolhom. Madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ Spanja u ta’ Dipartiment wieħed Franċiż, l-ispetturi ma kellhomx aċċess għall-informazzjoni meta kienu fuq il-post (eż. permezz ta’ terminals mobbli). Minflok, huma kellhom jikkuntattjaw liċ-ĊMS għall-informazzjoni. Dan jirrappreżenta problema speċjalment f’dawk il-każijiet fejn l-ispezzjoni ma tistax tiġi ppjanata minn qabel, iżda jeħtieġ li titwettaq fuq bażi ad hoc mal-wasla fil-port. F’dawn il-każijiet, aċċess rapidu għall-informazzjoni jkun jagħmilha possibbli li l-bastimenti jiġu mmirati għal spezzjoni b’mod aktar effettiv. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ aċċess f’ħin reali matul l-ispezzjonijiet, l-ispetturi ma jistgħux iwettqu kontroverifiki fuq l-identità, il-permessi u l-karatteristiċi tal-bastiment bi tqabbil mad-dokumenti abbord. Dan jagħmilha aktar diffiċli biex jinqabdu żbalji fid-databases bħal dawk li nqabdu matul l-awditu (ara l-Kaxxa 4), u bidliet mhux awtorizzati fil-karatteristiċi tal-bastiment. F’xi wħud mill-uffiċċji tal-portijiet fi Franza, kien saħansitra diffiċli ħafna għall-ispetturi biex jaċċessaww l-applikazzjonijiet tal-IT mill-uffiċċju tagħhom, u dan għamilha impossibbli li jsiru tħejjijiet effiċjenti għall-ispezzjonijiet.
Il-prattiki ta’ spezzjoni kienu jeħtieġu standardizzazzjoni ulterjuri
78Sabiex l-ispezzjonijiet tas-sajd jiċċekkjaw il-konformità b’mod effiċjenti u jittrattaw lill-operaturi tas-sajd b’mod ġust, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu spezzjonijiet simili b’mod standardizzat, u jiżviluppaw protokolli u manwali xierqa ta’ spezzjoni. Aħna eżaminajna kif l-ispezzjonijiet fuq il-ħatt l-art twettqu fl-Istati Membri li saritilhom żjara. L-ispezzjonijiet użaw mudell uniku nazzjonali ta’ rapport (l-Italja u Franza) jew manwali u mudelli ta’ spezzjoni (Spanja u l-Iskozja), minbarra ż-żona Mediterranja ta’ Franza, fejn l-ispetturi użaw listi ta’ kontroll differenti jew l-ebda lista ta’ kontroll matul l-ispezzjoni. L-għodod ta’ standardizzazzjoni li nħolqu pprovdew qafas tajjeb għall-iżgurar tal-konformità mal-prinċipju nondiskriminatorju għall-attivitajiet ta’ kontroll, iżda mhux dejjem intużaw.
79L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) hija responsabbli għall-organizzazzjoni tal-koordinazzjoni operazzjonali tal-attivitajiet ta’ kontroll fost l-Istati Membri. Hija tipprovdi assistenza lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, prinċipalment permezz ta’ Pjanijiet ta’ Użu Konġunt (JDPs)32. Aħna osservajna li fil-kuntest tal-JDP tal-Mediterran għat-tonn u l-pixxispad, listi ta’ kontroll komprensivi ħafna kienu disponibbli għall-ispezzjonijiet tal-ħatt l-art. Madankollu, dawn mhumiex obbligatorji u jirrappreżentaw appoġġ pedagoġiku biss, u fil-prattika ma jintużawx għall-ispezzjonijiet nazzjonali fl-Italja u fi Franza minkejja li kienu għodda tajba għall-istandardizzazzjoni tal-approċċi għall-ispezzjonijiet.
Mhux l-attivitajiet kollha ta’ spezzjoni ġew irrappurtati fid-database nazzjonali
80Ir-Regolament dwar il-Kontroll jirrikjedi mill-Istati Membri li jżommu database elettronika tal-attivitajiet kollha ta’ spezzjoni u sorveljanza relatati mas-sajd (inklużi l-ispezzjonijiet tat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni)33. Meta miżmuma tajjeb, dawn id-databases huma għodda effettiva biex tingħata għajnuna fl-ippjanar, it-twettiq u r-rappurtar aħjar tal-ispezzjonijiet. Aħna sibna li d-databases tal-ispezzjonijiet mhux dejjem kienu operazzjonali bis-sħiħ u ma kinux jinkludu b’mod sistematiku r-rapporti dwar l-ispezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kollha involuti fl-attivitajiet tas-sajd (eż. it-trasport, l-operaturi tal-ewwel bejgħ, fil-livell nazzjonali jew reġjonali) kif jintwera fil-Kaxxa 9.
Kaxxa 9
Eżempji ta’ dgħufijiet fir-rigward tad-database tal-ispezzjonijiet u tas-sorveljanza
Fi Franza, id-database elettronika tal-ispezzjonijiet ma kinitx funzjonali bis-sħiħ fl-2015 (bil-mod u mhux faċli għall-utent). Għalhekk, l-għadd ta’ rapporti mdaħħla kien baxx, u s-sistema ma setgħetx tintuża biex b’mod effiċjenti l-ispezzjonijiet jiġu ppjanati, jingħatalhom segwitu u jiġu kkoordinati.
Fi Spanja, l-awtoritajiet reġjonali setgħu jispezzjonaw bastimenti li ġew ispezzjonati wkoll mill-Awtoritajiet ċentrali. Sabiex xogħolhom jiġi kkoordinat, twaqqaf grupp ta’ ħidma fl-2012. Saż-żmien meta sar l-awditu tagħna, ma kien hemm l-ebda database elettronika ċentrali li kienet turi l-ispezzjonijiet kollha skont il-bastiment, li kien ikun sors prezzjuż ta’ informazzjoni għad-diversi awtoritajiet ta’ spezzjoni.
Is-sanzjonijiet applikati mhux dejjem kienu dissważivi, proporzjonali u effettivi
81Sabiex l-ispezzjonijiet ikunu effettivi u jnaqqsu l-infrazzjonijiet tal-PKS, jeħtieġ li jiġu segwiti minn sanzjonijiet fejn ikun meħtieġ. Dawn is-sanzjonijiet issettjati mill-Istati Membri jridu jkunu dissważivi, proporzjonali u effettivi34. Huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-serjetà u l-benefiċċju ekonomiku potenzjali tal-infrazzjoni.
82Sabiex jiżgurat it-trattament indaqs tal-operaturi irrispettivament mill-ilmijiet li fihom tkun twettqet l-infrazzjoni, filwaqt li jinżamm id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet proprja tagħhom f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-Regolament dwar il-Kontroll stabbilixxa sistema ta’ punti għal infrazzjonijiet serji rigward il-liċenzja jew il-kaptan ta’ bastiment. Is-sistema ta’ punti bdiet tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012. Jekk l-għadd totali ta’ punti jkun ekwivalenti għal jew jaqbeż ċertu livell, il-liċenzja tas-sajd trid tiġi sospiża jew irtirata b’mod permanenti.
Is-sanzjonijiet li ġew applikati mhux dejjem ipprevienu l-infrazzjonijiet milli jerġgħu jseħħu
83L-Istati Membri użaw diversi sistemi ta’ sanzjonijiet għall-infrazzjonijiet tal-PKS, kif jintwera fit-Tabella 2.
| Stat Membru | Tip ta’ sanzjoni |
|---|---|
| Spanja | Intużat il-proċedura amministrattiva. L-ammont tal-multa imposta kien jikkorrispondi għal kategorija ta’ infrazzjonijiet u kien jiddependi mill-impatt ambjentali, mir-rikorrenza u mis-serjetà tal-infrazzjoni. Il-valur tal-qabda seta’ jinżdied mal-ammont totali tas-sanzjoni. Is-sistema ta’ punti ntużat parzjalment biss. |
| Franza | Intużaw proċeduri amministrattivi u kriminali, għad-diskrezzjoni tal-awtorità tal-ispezzjoni. L-ebda informazzjoni dwar is-sanzjonijiet kriminali applikati ma kienet disponibbli fil-livell nazzjonali. Għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali pprevediet ammonti fissi jew sanzjonijiet li kienu proporzjonali għall-benefiċċji ekonomiċi, fil-prattika kull awtorità pubblika ddeterminat is-sanzjonijiet mingħajr ma qieset dawn il-kunsiderazzjonijiet. Ma ntużat l-ebda sistema ta’ punti. |
| L-Italja | L-awtoritajiet ta’ spezzjoni użaw proċeduri amministrattivi u kriminali. L-ammont tal-multa ġie deċiż mill-awtorità pubblika fi ħdan l-intervall issettjat bil-leġiżlazzjoni. Ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni bejn is-sanzjonijiet u l-benefiċċju ekonomiku ħlief fi ftit każijiet. Għal raġunijiet ta’ veloċità, l-awtoritajiet offrew għażla bejn ħlas id-doppju tal-ammont minimu tal-multa, jew terz tal-multa massima li tkun tikkorrispondi għal kategorija partikolari ta’ infrazzjonijiet u ammont li jiġi deċiż mill-imħallef. Intużat sistema ta’ punti għall-infrazzjonijiet. |
| Ir-Renju Unit (l-Iskozja) | Intużaw proċeduri amministrattivi u kriminali. Rarament ġew applikati multi, u miżuri preventivi ġew implimentati aktar ta’ spiss milli sanzjonijiet reali. Meta penali finanzjarji ġew applikati, l-awtoritajiet pubbliċi ddeċidew dwarhom fi ħdan l-intervall isettjat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li ħadu l-benefiċċju ekonomiku inkunsiderazzjoni. Użu limitat tas-sistema ta’ punti (mhux applikata b’mod konsistenti, u mhux fil-każijiet kollha ta’ infrazzjonijiet). |
Sors: Il-leġiżlazzjoni, informazzjoni fuq il-post, kif ukoll databases tal-infrazzjonijiet u s-sanzjonijiet.
84Aħna sibna li r-rekwiżit li s-sanzjoni tintrabat mal-benefiċċju ekonomiku relatat mal-infrazzjoni ġie applikat b’mod sistematiku fi Spanja. Fl-Iskozja, dan ġie applikat b’mod sistematiku fil-ftit każijiet fejn ġew deċiżi multi. Filwaqt li dan ġie previst f’ċerti każijiet bil-leġiżlazzjoni fl-Italja35 u fi Franza, ġeneralment ma ġiex applikat fil-prattika.
85Sabiex nistmaw l-effett dissważiv tas-sanzjoni, aħna analizzajna l-lista ta’ sanzjonijiet fl-Istati Membri li saritilhom żjara, biex nidentifikaw il-bastimenti li kienu ġew sanzjonati bosta drabi. L-għadd ta’ bastimenti b’aktar minn ħames infrazzjonijiet jidher fit-Tabella 3.
| Stat Membru | Total tal-flotta fil-31.12.2015 | Total tal-ispezzjonijiet fuq il-baħar u fuq il-ħatt l-art | Total tal-ispezzjonijiet li rriżultaw f'infrazzjonijiet | % tal-infrazzjonijiet tal-ispezzjonijiet | Total tal-bastimenti b'aktar minn ħames infrazzjonijiet fit-tliet snin | % tal-flotta b'aktar minn ħames infrazzjonijiet |
|---|---|---|---|---|---|---|
| Spanja | 9 396 | 23 146 | 4 703 | 20 % | 25 | 0 % |
| Franza1 | 6 910 | 39 515 | 1 585 | 4 % | 43 | 1 % |
| L-Italja2 | 12 316 | 18 038 | 3 536 | 20 % | 72 | 1 % |
| Ir-Renju Unit (l-Iskozja)3 | 2 015 | 16 990 | 5 150 | 30 % | 169 | 8 % |
1 Id-data ta' Franza tinkludi l-ispezzjonijiet imwettqa mill-għadd kbir ta' awtoritajiet involuti u l-katina tal-kummerċjalizzazzjoni. Għall-2014-2015 aħna kellna data parzjali biss (ara l Kaxxa 9).
2 L-awtoritajiet responsabbli għall-ispezzjonijiet fl-Italja huma wkoll responsabbli għall-ispezzjonijiet wara l-ewwel bejgħ, u kellhom ukoll responsabbiltajiet oħra barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll.
3 It-total tal-flotta tar-Renju Unit kien ta' 6 232 bastiment; skont l-istatistika ta' Marine Scotland, 2 015 kien l-għadd ta' bastimenti fl-Iskozja fi tmiem l-2015.
Sors: Data riċevuta mill-Istati Membri.
86Fi Spanja, l-għadd ta’ bastimenti b’aktar minn ħames infrazzjonijiet bejn l-2013 u l-2015 kien negliġibbli bħala proporzjon tat-total tal-flotta. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-multi jistgħu legalment jirdoppjaw jekk il-kaptan ikun wettaq l-istess infrazzjoni fi żmien 18-il xahar, jew jekk kwalunkwe infrazzjoni tkun twettqet fi żmien 3 snin minn meta tkun twettqet l-infrazzjoni preċedenti.
87L-Iskozja kellha, bil-bosta, l-ogħla proporzjon ta’ bastimenti b’aktar minn 5 infrazzjonijiet, b’169 operatur uniku li wettqu aktar minn 5 infrazzjonijiet bejn l-2013 u l-2015. Għalkemm il-multa tirdoppja fejn tiġi ripetuta infrazzjoni li tkun ġiet sanzjonata qabel permezz ta’ multa, l-għadd ta’ multi li ġew applikati kien żgħir ħafna. Fil-prattika, il-biċċa l-kbira mill-azzjoni li ttieħdet wara l-infrazzjonijiet kienet tinvolvi ittri ta’ konsulenza u twissijiet bil-fomm u bil-miktub. Dawn il-miżuri mhux vinkolanti ġew applikati saħansitra f’każijiet ta’ infrazzjonijiet serji (eż. qbid tal-ħut wara l-għeluq tas-sajda rispettiva), u l-miżuri ma kinux dehru li qed jipprevienu r-rikorrenza. Għalkemm l-isforzi u l-kopertura tal-ispezzjonijiet kienu ogħla minn dawk fi Stati Membri oħra, ir-rikorrenza kienet akbar, u dan jindika li s-sanzjonijiet huma inqas dissważivi.
88Fl-Italja l-ogħla proporzjon ta’ rikorrenzi kien għall-Kodiċi tan-Navigazzjoni (l-immarkar ta’ bastimenti, regoli li jikkonċernaw l-ekwipaġġ), li mhijiex parti mill-PKS. Fi Franza, l-awdituri ma setgħux jiksbu stampa ġenerali tas-sanzjonijiet kollha billi l-uffiċċji tal-affarijiet marittimi (id-Direttorat Dipartimentali tal-Art u l-Baħar, id-Direttorat Interreġjonali tal-Baħar u d-Direttorat tas-Sajd fil-Baħar u l-Akkwakultura) ma rċevew l-ebda informazzjoni li kienet tikkonċerna s-sanzjonijiet li ġew applikati fil-qorti permezz tal-proċedura kriminali. Għalhekk, l-analiżi hija inkompleta.
Is-sistema ta’ punti ma ġietx applikata b’mod konsistenti
89Aħna sibna li s-sistema ta’ punti għal infrazzjonijiet serji, meħtieġa bir-Regolament dwar il-Kontroll36, kienet stabbilita fl-Italja u kienet qed tiffunzjona tajjeb. Hija ġiet applikata parzjalment fi Spanja, ġiet applikata b’mod inkonsistenti fl-Iskozja u ma ġietx implimentata fi Franza. Aktar dettalji jingħataw fil-Kaxxa 10.
Kaxxa 10
Sistemi ta’ punti ta’ penalità tal-Istati Membri
Fi Spanja, is-sistema tal-punti ta’ penalità tal-UE ġiet applikata għal għadd limitat ta’ każijiet (49 każ bejn l-2013 u l-2015). Is-sistema ġiet applikata b’attenzjoni fid-dawl tal-impatt soċjoekonomiku li l-irtirar ta’ liċenzji tas-sajd iġib miegħu. Anke mingħajr ma ngħataw punti, fil-fatt liċenzji ġew temporanjament sospiżi għal infrazzjonijiet li tqiesu li kienu partikolarment serji, u s-sidien u l-kaptani ġew temporanjament skwalifikati milli joperaw.
Fl-Iskozja, is-sistema ta’ punti ta’ penalità tal-UE ma ġietx applikata b’mod konsistenti. Għall-kuntrarju tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jinsab fir-Regolament dwar il-Kontroll, l-awtoritajiet adottaw approċċi differenti għal infrazzjonijiet simili, skont l-azzjonijiet u s-sanzjonijiet li ġew wara. Punti ġew applikati biss għal infrazzjonijiet serji wara kundanna fil-qorti. Ma nżdidux punti għal infrazzjonijiet serji, li ġew riferuti lill-qorti, biex jiġu nfurzati l-multi ddeterminati skont il-proċedura amministrattiva, jew fejn inħarġet biss twissija jew ittra ta’ konsulenza. Ġew applikati punti biss f’seba’ każijiet biss bejn l-2013 u l-2015.
Fi Franza, Is-sistema ta’ punti ta’ penalità tal-UE ma ġietx applikata. Kien hemm nuqqas ta’ regoli u proċeduri nazzjonali ċari dwar ir-responsabbiltà għal sanzjonijiet u punti. Il-Kummissjoni stabbiliet pjan ta’ azzjoni ma’ Franza biex tindirizza n-nuqqasijiet relatati mal-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ spezzjonijiet u sanzjonijiet. Il-pjan ta’ azzjoni ma ġiex ikkompletat saż-żmien meta twettaq l-awditu.
Ma kienx hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tas-sajd billi l-Istati Membri ma applikawx is-sistema ta’ punti b’mod konsistenti. Operaturi tal-UE li kienu impenjaw infrazzjoni serja partikolari fi Stati Membri differenti jew f’reġjuni differenti fi ħdan l-istess Stat Membru għandhom mnejn ma rċevewx punti.
91Fejn l-infrazzjoni sseħħ fl-ilmijiet ta’ Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-bandiera huwa responsabbli għall-applikazzjoni tal-punti. L-Istati Membri jiskambjaw data fir-rigward tal-infrazzjoni. Madankollu, attwalment ma hemm l-ebda reġistru Ewropew tal-infrazzjonijiet u s-sanzjonijiet, li jkun jippermetti segwitu aħjar tal-punti applikati, analiżi tar-riskju aktar effettiva u trasparenza akbar fost l-Istati Membri.
92L-EFCA żviluppat Sistema Elettronika tar-Rapporti ta’ Spezzjoni (EIR) li ġiet offruta lill-Istati Membri biex tintuża bħala d-database nazzjonali tagħhom għar-rapporti ta’ spezzjoni. Din l-għodda tista’ tintuża mill-Istati Membri biex jikkondividu l-informazzjoni dwar l-ispezzjonijiet u l-punti.
Knklużjonijiet
93Il-Politika Komuni tas-Sajd tirrikjedi sistema effettiva ta’ kontroll stabbilita sabiex jirnexxilha tiżgura li l-istokkijiet ta’ ħut u s-settur tas-sajd ikunu sostenibbli fuq terminu twil. Il-qafas tal-kontrolli tas-sajd, tal-UE, ġie rivedut l-aħħar fl-2009 b’regolament tal-Kunsill, biex jiġu indirizzati dgħufijiet magħrufa f’dak iż-żmien u li ġew identifikati bir-Rapport Speċjali Nru 7/2007 tal-Qorti. Huwa jipprovdi l-prinċipji u r-regoli għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd, miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, rekwiżiti tad-data, kif ukoll spezzjonijiet u sanzjonijiet.
94Aħna vvalutajna jekk l-UE kellhiex, jew le, sistema effettiva stabbilita għall-kontrolli tas-sajd, billi eżaminajna r-rekwiżiti prinċipali tar-regolament tal-UE dwar il-kontroll tas-sajd u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri. Aħna analizzajna kif l-Istati Membri ċċekkjaw il-komponenti tal-kapaċità tal-flotta (tunnellaġġ gross u qawwa tal-magna) u jekk żammewx aġġornat, jew le, ir-reġistru tal-flotta; jekk il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd ġewx implimentati tajjeb; jekk id-data meħtieġa għall-ġestjoni tas-sajd kinitx kompleta u affidabbli; u jekk l-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet ġewx ippjanati, imwettqa u applikati b’mod xieraq jew le.
95Minn meta wettaqna l-awditu tagħna fl-2007, u minn meta saret ir-riforma tar-Regolament dwar il-Kontroll, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għamlu progress f’bosta oqsma. Madankollu, aħna sibna li minħabba dgħufijiet sinifikanti fil-biċċa l-kbira mill-oqsma awditjati, l-UE għad ma għandhiex sistema effettiva biżżejjed stabbilita għall-kontrolli tas-sajd, biex tappoġġa s-suċċess tal-PKS. L-Istati Membri kienu għadhom ma implimentawx bis-sħiħ ir-regolament tal-UE dwar il-kontroll tas-sajd, u ċerti dispożizzjonijiet tar-regolament ikunu jeħtieġu modifikazzjoni biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd b’mod effettiv.
96L-Istati Membri li żorna ma vverifikawx biżżejjed il-preċiżjoni tal-kapaċità tal-flotta tagħhom f’termini ta’ tunnellaġġ gross u qawwa tal-magna. Filwaqt li r-Regolament dwar il-Kontroll jipprovdi, b’mod speċifiku, proċedura għall-verifikazzjonijiet dokumentarji u fiżiċi tal-qawwa tal-magna, huwa ma jagħmilx dan għall-verifikazzjonijiet tat-tunnellaġġ gross. Aħna osservajna l-fatt li l-Istati Membri li żorna ma vverifikawx it-tunnellaġġ tal-bastimenti tas-sajd tagħhom, u li tnejn minnhom kienu għadhom ma wettqux il-verifikazzjonijiet meħtieġa tal-qawwa tal-magna. Fejn kontrolli bħal dawn kienu twettqu, dawn fil-fatt identifikaw differenzi bejn il-qawwa reali tal-magna u dik iddokumentata. Dan juri l-ħtieġa li jitwettqu kontrolli bħal dawn, b’mod partikolari billi xi Stati Membri huma qrib il-limiti massimi tagħhom għall-kapaċità tal-flotta (il-paragrafi 14 sa 20). Matul l-awditu, aħna identifikajna wkoll għadd sinifikanti ta’ diskrepanzi bejn id-dettalji, tal-bastimenti, li ġew irreġistrati fir-reġistru tal-flotta u dawk li kienu jinsabu fid-dokumenti ta’ sostenn (il-paragrafi 21 sa 24).
Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-flotot tas-sajd
Sabiex itejbu l-preċiżjoni tal-informazzjoni tal-kapaċità tas-sajd, jenħtieġ li l-Istati Membri, sal-2018
- (a) jistabbilixxu proċeduri biex jivverifikaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni rreġistrata fir-reġistri nazzjonali tal-flotot tagħhom;
Fil-kuntest ta’ kwalunkwe emenda futura għar-Regolament dwar il-Kontroll, u sabiex intejbu l-preċiżjoni tal-informazzjoni tal-kapaċità tas-sajd, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha
- regoli dettaljati għall-verifikazzjonijiet regolari dokumentarji u dawk fuq il-post, kemm tal-indikaturi tat-tunnelleġġ gross (TG) kif ukoll dawk tal-qawwa tal-magna (kW) li jintużaw għall-kalkolu tal-kapaċità tas-sajd.
L-Istati Membri huma meħtieġa jimplimentaw il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd li huma stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, Ewropea u internazzjonali (il-paragrafi 25 u 26). Il-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd huma essenzjali biex is-sostenibbiltà tas-sajd tiġi żgurata. Aħna sibna li s-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), tal-Istati Membri, li kienu qed jużaw teknoloġija ta’ traċċar abbażi ta’ satellita pprovdew informazzjoni utli għal attivitajiet bħal dawn, u li kumplessivament l-Istati Membri kienu qed jimplimentaw il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd b’mod adegwat. Madankollu, b’riżultat tal-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament dwar il-Kontroll, 89 % tal-flotta tal-UE ma kinux immonitorjati mill-VMS. Dan fixkel il-ġestjoni effettiva tas-sajd (il-paragrafi 25 sa 32).
98L-Istati Membri li żorna investew riżorsi konsiderevoli flil-ġestjoni tal-użu tal-kwoti li ġew allokati lilhom, u dan għamluh tajjeb. Madankollu, meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri ppermettew lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jimmaniġġjaw id-distribuzzjoni tal-kwoti, mhux dejjem kienu jafu liema kriterji kienu ntużaw biex il-kwoti jiġu ddistribwiti lil kull wieħed mill-benefiċjarji. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex ikunu jafu l-benefiċjarji reali tal-opportunitajiet tas-sajd, u għalhekk biex jivvalutaw l-impatt avvers potenzjali tagħhom fuq l-ambjent u fuq l-ekonomiji lokali, kif ukoll biex jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa fejn ikun xieraq. Barra minn hekk, dan in-nuqqas ta’ trasparenza jżid ir-riskju li l-interessi speċifiċi ta’ ċerti operaturi ekonomiċi jiġu ffavoriti bi ħsara ta’ oħrajn (il-paragrafi 33 sa 36). Ir-reġimi tal-isforzi tas-sajd kienu diffiċli li jiġu mmonitorjati, speċjalment għal bastimenti li ma kinux konnessi mal-VMS, u l-Istati Membri użaw approċċi differenti meta kkalkulaw il-ġranet fuq il-baħar, li huwa wieħed mill-elementi prinċipali ta’ dawn ir-reġimi (il-paragrafu 37). Kien hemm wisq miżuri tekniċi, li xi drabi kienu kkumplikati wisq biex jiġu applikati mis-sajjieda u kkontrollati mill-ispetturi. Madankollu, aħna fil-fatt rajna eżempji ta’ prattika tajba fejn organizzazzjonijiet professjonali tas-sajd kienu jirrikjedu mill-membri tagħhom li dawn jikkonformaw mal-miżuri addizzjonali, iżda aktar iffukati, ta’ konservazzjoni minbarra dawk meħtieġa bil-Politika Komuni tas-Sajd (il-paragrafi 38 sa 41).
Rakkomandazzjoni 2 – Titjib tal-monitoraġġ tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd
Fil-kuntest ta’ kwalunkwe emenda futura għar-Regolament dwar il-Kontroll, u sabiex intejbu l-monitoraġġ tal-attivitajiet ta’ bastimenti tas-sajd żgħar, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha
- (a) it-tneħħija tal-eżenzjonijiet tal-VMS għal bastimenti li jkunu bejn 12 u 15-il metru twal;
- (b) ir-rekwiżit għall-installazzjoni ta’ sistemi iżgħar u orħos ta’ lokalizzazjoni għal bastimenti li jkunu inqas minn 12-il metru twal.
Sabiex jiżguraw it-trasparenza tad-distribuzzjoni tal-kwoti tas-sajd, jenħtieġ li l-Istati Membri, sal-2019
- jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar is-sistema ta’ allokazzjoni tal-kwoti tagħhom f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament dwar il-PKS, inkluż il-mod kif il-kriterji trasparenti u oġġettivi jkunu ġew inkorporati fid-distribuzzjoni tal-kwoti tas-sajd fost il-partijiet interessati.
Id-data dwar l-attivitajiet tas-sajd li nġabret fil-qafas tar-Regolament dwar il-Kontroll ma kinitx kompleta u affidabbli biżżejjed. Id-data dwar il-qabdiet għal bastimenti li jagħmlu dikjarazzjonijiet bil-miktub, li jirrappreżentaw porzjon sinifikanti tal-flotta tal-UE, kienet inkompleta. Barra minn hekk, aħna sibna livell sinifikanti ta’ żball u dgħufijiet fis-sistemi meta kienu qed jiġu rreġistrati dikjarazzjonijiet bil-miktub fid-databases tal-Istati Membri (il-paragrafi 47 sa 54). Aħna identifikajna diskrepanzi sinifikanti bejn il-ħatt l-art iddikjarat u r-reġistri sussegwenti tal-ewwel bejgħ (il-paragrafi 55 sa 56). Tnejn mill-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara ma kkondividewx u ma traċċawx b’mod suffiċjenti l-informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet tal-bastimenti minn Stat Membru wieħed tal-bandiera f’ieħor (il-paragrafi 57 sa 60). Aħna qbadna dgħufijiet fil-proċessi ta’ validazzjoni u ta’ kontroverifikazzjoni tad-data, tal-Istati Membri, li jipprevienu d-detezzjoni ta’ inkonsistenzi, żbalji u informazzjoni nieqsa (il-paragrafi 61 sa 64). Barra minn hekk, kien hemm differenzi sinifikanti bejn id-data kumplessiva dwar il-qabdiet li ġiet irreġistrata mill-Istati Membri, u dik disponibbli għad-diversi servizzi tal-Kummissjoni (il-paragrafi 65 sa 70). Fl-aħħar nett, ir-Regolament dwar il-Kontroll ma jirrikjedix li l-Istati Membri jibagħtu d-data dwar il-qabdiet b’dettalji taż-żona tas-sajd, id-daqs tal-bastimenti u t-tagħmir tas-sajd, u dan jillimita l-possibbiltà li ssir analiżi dettaljata tal-attività tal-flotta Ewropea (il-paragrafu 71).
Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal-affidabbiltà tad-data dwar is-sajd
1. Sabiex itejbu l-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data dwar is-sajd,
Jenħtieġ li l-Istati Membri, sal-2019
- janalizzaw u jtejbu l-proċess għar-reġistrazzjoni u l-verifikazzjoni tad-data bil-miktub tal-attivitajiet tas-sajd;;
- jiżguraw li jkollhom data affidabbli dwar l-attività tal-bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal, u li huma japplikaw ir-regoli stabbiliti bir-Regolament dwar il-Kontroll biex jiġbruha;
- jikkompletaw il-validazzjoni u l-kontroverifikar tad-data dwar l-attivitajiet tas-sajd.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni, sal-2020
- tistabbilixxi pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni li għandha tintuża mill-Istati Membri biex jibagħtu d-data vvalidata f’formats u f’kontenuti standard, biex b’hekk l-informazzjoni disponibbli għas-servizzi differenti tal-Kummissjoni tkun taqbel mad-data tal-Istati Membri;
- tippromwovi l-iżvilupp ta’ sistema orħos, aktar sempliċi u li hija faċli għall-utent biex tiffaċilita l-komunikazzjoni elettronika tal-attivitajiet tas-sajd għal bastimenti li jkunu inqas minn 12-il metru twal;
- tanalizza l-problemi li jkun fadal fil-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data fil-livell tal-Istati Membri, u tiddeċiedi dwar azzjonijiet xierqa mal-Istati Membri fejn ikun meħtieġ.
2. Fil-kuntest ta’ kwalunkwe emenda futura għar-Regolament dwar il-Kontroll, u sabiex intejbu l-kompletezza tal-affidabbiltà tad-data dwar is-sajd, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha
- it-tneħħija tal-eżenzjonijiet tas-Sistema Elettronika ta’ Rappurtar u tad-dikjarazzjonijiet elettroniċi għal bastimenti li jkunu bejn 12 u 15-il metru twal, jew il-kunsiderazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi;
- analiżi tal-obbligi ta’ rappurtar tad-data dwar il-qabdiet tal-Istati Membri, taħt ir-Regolament dwar il-Kontroll, sabiex jiġu inklużi d-dettalji taż-żona tas-sajd, tad-daqs tal-bastimenti, u tat-tagħmir tas-sajd.
Sistema effettiva ta’ spezzjoni tas-sajd hija essenzjali biex tiżgura li r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd jiġu osservati u li l-attivitajiet tas-sajd jibqgħu sostenibbli (ara l-paragrafu 72). Aħna sibna li, inġenerali, l-ispezzjonijiet ġew ippjanati tajjeb. Madankollu, il-fatt li l-ispetturi ma kellhomx aċċess f’ħin reali għall-informazzjoni dwar il-bastimenti naqqas l-effettività tal-ispezzjonijiet (il-paragrafi 73 sa 77). L-Istati Membri li saritilhom żjara kienu stabbilew proċeduri standardizzati ta’ spezzjoni, iżda aħna sibna każijiet fejn il-mudelli disponibbli tar-rapporti ma kinux intużaw mill-ispetturi (il-paragrafi 78 sa 79). Barra minn hekk, ir-riżultati tal-ispezzjonijiet mhux dejjem ġew irrappurtati b’mod korrett fid-databases nazzjonali (il-paragrafu 80).
101Sabiex l-ispezzjonijiet ikunu effettivi, iridu jkunu appoġġati minn sanzjonijiet dissważivi, proporzjonali u effettivi, inkluża sistema ta’ punti għal każijiet serji biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tas-sajd jiġu ttrattati b’mod indaqs (il-paragrafi 81 sa 82). Aħna sibna li s-sanzjonijiet li ġew applikati mhux dejjem kienu dissważivi (il-paragrafi 83 sa 88). Is-sistema ta’ punti ġiet applikata sa livelli differenti ħafna fl-Istati Membri kollha li żorna u saħansitra fi ħdan l-istess Stat Membru, u għalhekk it-trattament indaqs tal-operaturi ma kienx garantit. Fl-aħħar nett, attwalment ma hemm l-ebda reġistru Ewropew tal-infrazzjonijiet u s-sanzjoniiet, li jkun jippermetti segwitu aħjar tal-punti applikati, analiżi tar-riskju aktar effettiva u trasparenza akbar fost l-Istati Membri (il-paragrafi 89 sa 92).
Rakkomandazzjoni 4 – Titjib tal-ispezzjonijiet u tas-sanzjonijiet
1. Sabiex itejbu l-ispezzjonijiet
Jenħtieġ li l-Istati Membri, sal-2019
- (a) meta r-Regolament il-ġdid dwar il-miżuri tekniċi jidħol fis-seħħ, jiżviluppaw, f’konsultazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), u jużaw protokolli u rapporti standard ta’ spezzjoni li jkunu aktar adattati għall-kundizzjonijiet reġjonali u tekniċi speċifiċi tas-sajd milli dawk ipprovduti skont l-Anness XXVII tar-Regolament Nru 404/2011;
Fil-kuntest ta’ kwalunkwe emenda futura għar-Regolament dwar il-Kontroll, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha
- l-użu obbligatorju mill-Istati Membri tas-Sistema Elettronika tar-Rapporti ta’ Spezzjoni sabiex jiżguraw l-eżawrjenza u l-aġġornar tar-riżultati tal-ispezzjonijiet nazzjonali tagħhom u sabiex jikkondividu r-riżultati tal-ispezzjonijiet mal-Istati Membri l-oħra kkonċernati.
2. Sabiex jiżguraw l-effettività tas-sistema tas-sanzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri, sal-2019
- (c) jieħdu kont dovut tal-infrazzjonijiet rikorrenti jew ta’ trasgressuri persistenti meta jissettjaw is-sanzjonijiet;
- (d) sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi, jimplimentaw bis-sħiħ is-sistemi ta’ punti u jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tagħhom fit-territorji rispettivi tagħhom.
Fil-kuntest ta’ kwalunkwe emenda futura għar-Regolament dwar il-Kontroll, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fil-proposta leġiżlattiva tagħha
- dispożizzjoni li tipprevedi sistema għall-iskambju ta’ data dwar l-infrazzjoniiet u s-sanzjonijiet f’kooperazzzjoni mal-EFCA u mal-Istati Membri.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Phil WYNN OWEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ April 2017.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Data dwar is-sajd - tip ta’ dokumenti meħtieġa fl-istati membri li saritilhom żjara
| Rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Kontroll | Spanja | Franza | L-Italja | L-Iskozja |
|---|---|---|---|---|
Ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd L-ebda obbligu għal bastimenti b’tul kumplessiv ta’ inqas minn 10 metri. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li dawn il-bastimenti jippreżentaw ġurnali ta’ abbord, noti tal-bejgħ, jew dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar tal-qabdiet tagħhom. L-Istati Membri jridu jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal, li ma jkunux suġġetti għal dak ir-rekwiżit, fuq il-bażi ta’ pjanijiet tal-kampjunar sabiex jiżguraw il-konformità tagħhom mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Bastimenti li jkollhom tul kumplessiv ta’ mill-inqas 10 metri u ta’ inqas minn 12-il metru jridu jippreżentaw data dwar is-sajd permezz ta’ ġurnali ta’ abbord bil-miktub. Normalment jenħtieġ li bastimenti li jkollhom tul kumplessiv ta’ mill-inqas 12-il metru u ta’ inqas minn 15-il metru jibagħtu d-data elettronikament, iżda jistgħu jiġu eżentati. Il-bastimenti kollha li jkollhom tul kumplessiv ta’ 15-il metru jew aktar huma obbligati jibagħtu d-data dwar il-qabdiet elettronikament. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri aktar stretti għall-bastimenti tagħhom. | L-ebda ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd għal bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal. Kien hemm 85 % tal-bastimenti li kienu bejn 12 u 15-il metru twal (6 % tal-flotta totali) u li ġew eżentati mir-rekwiżit ta’ ġurnal elettroniku ta’ abbord. | Id-dokument “fiche de pêche” ta’ kull xahar għal bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal. Fl-2016, kienu biss 42 bastiment li kellhom tul ta’ bejn it-12 u l-15-il metru (1 % tal-flotta totali) li ġew eżentati mir-rekwiżit ta’ ġurnal elettroniku ta’ abbord. | L-ebda ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd għal bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal. Kien hemm 90 % tal-bastimenti Taljani li kienu bejn 12 u 15-il metru twal (15 % tal-flotta totali) u li ġew eżentati mir-rekwiżit ta’ ġurnal elettroniku ta’ abbord. | Ġurnali ssimplifikati ta’ abbord dwar is-sajd, ta’ kull ġimgħa għal bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal. L-ebda deroga minn rekwiżiti ta’ ġurnali elettroniċi ta’ abbord għal bastimenti li jkunu bejn 12 u 15-il metru twal. |
Noti tal-bejgħ Dawn iridu jintbagħtu: - elettronikament minn xerrejja rreġistrati li jkollhom fatturat ta’ aktar minn EUR 200 000 kull sena. - bil-miktub jew preferibbilment minn xerrejja li jkollhom fatturat ta’ inqas minn EUR 200 000 kull sena. Il-Kummissjoni tista tagħmel eċċezzjoni għal Stati Membri li jkollhom sistema aċċettabbli ta’ kampjunar: - għall-prodotti ta’ bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal; - għal kwantitajiet ta’ prodotti tas-sajd li nħattu l-art u li ma jaqbżux il-50 kg ta’ ekwivalenti ta’ piż ħaj għal kull speċi. In-noti tal-bejgħ mhumiex obbligatorji għal xerrejja privati ta’ kwantitajiet ta’ inqas minn 30 kg. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw kwantitajiet żgħar li jinbiegħu direttament lill-konsumatur mill-bastiment tas-sajd, mir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà, sa valur ta’ EUR 50 għal kull konsumatur kuljum. | Il-ħut frisk kollu jrid jinbiegħ fi rkant. L-irkantatur jibgħat in-noti tal-bejgħ lill-komunitajiet awtonomi, li jibagħtuhom lill-awtoritajiet nazzjonali. | Bejgħ bl-irkant jew b’mod ieħor. Ix-xerrej irid jiġi rreġistrat. In-noti tal-bejgħ jintbagħtu elettronikament bl-użu ta’ sistema ddedikata jew dikjarazzjoni elettronika. In-noti tal-bejgħ mhumiex obbligatorji għal xerrejja privati ta’ kwantitajiet ta’ inqas minn 30 kg. Kwantitajiet żgħar li jinbiegħu direttament lill-konsumatur mill-bastiment tas-sajd huma eżenti min-noti tal-bejgħ (sa valur ta’ EUR 50 għal kull konsumatur kuljum). | Għall-ewwel bejgħ, il-prodotti tas-sajd iridu jiġu ttrasferiti għal ċentru rreġistrat tal-irkant, xerrej irreġistrat jew organizzazzjoni tal-produtturi. Mhumiex obbligatorji għal xerrejja privati ta’ kwantitajiet ta’ inqas minn 30 kg. Kwantitajiet żgħar li jinbiegħu direttament lill-konsumatur mill-bastiment tas-sajd huma eżenti min-noti tal-bejgħ (sa valur ta’ EUR 50 għal kull konsumatur kuljum). | Ħut li jinbiegħ fi rkant jew lil xerejja rreġistrati. |
Użin ta’ prodotti tas-sajd Il-prodotti kollha tas-sajd iridu jintiżnu bl-użu ta’ sistemi li jkunu ġew approvati mill-awtoritajiet kompetenti, dment li l-Istat Membru ma jkunx adotta pjan tal-kampjunar. L-użin irid jitwettaq mal-ħatt l-art, qabel ma l-prodotti jinħażnu, jiġu ttrasportati jew jinbiegħu. Permezz ta’ deroga (eżenzjoni) minn din ir-regola, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-prodotti tas-sajd jintiżnu wara t-trasport. Id-derogi dwar l-użin jistgħu jingħataw biss fejn l-Istat Membru jkun adotta pjan ta’ kontroll, ibbażat fuq ir-riskju, li jkun ġie approvat mill-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-użin jintużaw għat-tfassil ta’ dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art, noti tal-bejgħ, eċċ. | Iċ-ċentri kollha tal-irkant għandhom it-tagħmir meħtieġ għall-użin u t-tikkettar. L-użin huwa obbligatorju mal-ħatt l-art. Pjan tal-kampjunar għall-użin huwa disponibbli, għalkemm jeskludi ċerti speċijiet li jridu jintiżnu 100 %. Iċ-ċentri tal-irkant iridu jibagħtu n-noti tal-bejgħ lill-komunitajiet awtonomi, li mbagħad jibagħtuhom elettronikament f’format standard sal-15 tax-xahar ta’ wara (aktar ta’ spiss għal speċijiet suġġetti għal kwoti). L-użin wara t-trasport u qabel l-ewwel bejgħ mhuwiex awtorizzat. | Ġeneralment il-qabdiet jintiżnu mal-ħatt l-art, meta l-portijiet ikollhom il-pussess tat-tagħmir meħtieġ tal-użin. L-użin wara t-trasport huwa awtorizzat. Id-Direttorati Interreġjonali tal-Baħar huma responsabbli għad-derogi, iżda ma jużawx kriterji standard għall-għoti u l-immaniġġjar tad-derogi. | Ladarba l-kaptan, jew rappreżentant, tal-bastiment tas-sajd ikun ħatt l-art il-qabda għal sensiela ta’ operazzjonijiet tal-użin mal-ħatt l-art, jintużaw sistemi tal-użin li jkunu ġew iċċertifikati iżda mhux approvati mill-UE. L-użin wara t-trasport qabel l-ewwel bejgħ mhuwiex awtorizzat. | Il-ħut li jinbiegħ fi rkant jintiżen fuq il-bażi ta’ pjan tal-kampjunar li jkun ġie approvat mill-Kummissjoni. Jintiżen il-ħut kollu li jinbiegħ lil xerrejja rreġistrati. Normalment, il-qabdiet jintiżnu malli jinħattu l-art. L-użin wara t-trasport huwa awtorizzat. Ix-xerrejja u l-bejjiegħa rreġistrati huma responsabbli għall-preċiżjoni tal-operazzjoni tal-użin. |
Sors: Informazzjoni li waslet matul iż-żjarat tal-awditjar u l-leġiżlazzjoni.
Anness II
Ġestjoni tal-kwoti u l-isforzi tas-sajd fl-istati membri li saritilhom żjara
| KWOTI | SFORZ TAS-SAJD | |
|---|---|---|
| Spanja | Ġeneralment, il-kwoti jiġu alokati lil bastimenti individwali. Il-monitoraġġ huwa sistematiku u jitwettaq darbtejn kuljum fil-każ ta’ speċijiet li għalihom il-kwoti jistgħu jintużaw rapidament. Il-kwoti jiġu mmonitorjati bl-użu ta’ data minn ġurnali ta’ abbord elettroniċi u noti tal-bejgħ. Fil-każ ta’ diskrepanzi bejn it-tnejn li huma, l-awtoritajiet jużaw l-ogħla ċifra. | Il-monitoraġġ huwa bbażat fuq data tal-VMS; kull jum li fih il-veloċità tal-bastimenti tkun inqas minn ħames mili tal-baħar jitqies bħala jum ta’ sajd. L-isforz tas-sajd għal bastimenti mingħajr VMS jiġi kkalkulat abbażi tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd (bil-miktub jew elettroniċi). In-noti tal-bejgħ jintużaw għal bastimenti li jkunu inqas minn 10 metri twal, u kull nota tal-bejgħ titqies bħala li tirrappreżenta jum ta’ sajd. |
| Franza | Il-kwoti tas-sajd jiġu prinċipalment allokati lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jimmonitorjaw l-użu tal-kwoti li ġew allokati lilhom skont il-pjanijiet ta’ ġestjoni tagħhom, li jiġu approvati fil-livell nazzjonali. L-uffiċċju għall-ġestjoni tar-riżorsi (BGR) tad-Direttorat tas-Sajd fil-Baħar u l-Akkwakultura jimmonitorja l-użu tal-kwoti fil-pajjiż kollu. Il-BGR jibbaża l-kalkoli tiegħu fuq data vvalidata dwar il-qabdiet, meħuda mis-sistema tiegħu (SACROIS), u jwettaq kontroveriifki tad-data bi tqabbil mal-informazzjoni li waslet mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Id-Direttorati Interreġjonali tal-Baħar ma jwettqux kontrolli reġjonali biex jimmonitorjaw il-monitoraġġ tal-użu tal-kwoti mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. | L-awtoritajiet jużaw tabelli manwali biex jimmonitorjaw l-isforzi tas-sajd. Id-data tal-VMS u d-data dwar l-obbligi ta’ dikjarazzjoni mhumiex dejjem disponibbli. L-awtoritajiet jistmaw l-attività abbażi tal-istorja tal-bastimenti iżda dikjarazzjonijiet skorretti jistgħu ma jinqabdux. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd huma f’forma elettronika u l-ispetturi mhux dejjem jistgħu jikkonsultaw online id-data dwar il-bastiment u l-informazzjoni dwar l-attivitajiet matul l-ispezzjonijiet, għalhekk huwa diffiċli għalihom biex jiċċekkjaw jekk il-bastiment huwiex awtorizzat jaqbad l-ispeċijiet abbord. |
| L-Italja | L-unika speċi li hija suġġetta għal kwota hija t-tonn. Il-kwoti jiġu ddistribwiti fil-livell nazzjonali fost il-kategoriji li ġejjin: bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, bastiment tas-sajd bil-konz, nases, sajd rikreattiv u kwota tar-riżervi miżmuma bħala marġni għal qabda aċċessorja. Il-MIPAAF jagħmlu segwitu għall-użu tal-kwota. Il-bastimenti awtorizzati jridu jippreżentaw dikjarazzjonijiet tal-qabdiet ta’ kuljum matul il-vjaġġi tas-sajd, anke meta ma jinqabad xejn. Id-data dwar l-użu tal-kwoti riċevuta mill-Italja u d-data disponibbli lill-Kummissjoni kienu l-istess. | M/A |
| L-Iskozja | Il-biċċa l-kbira mill-kwoti jiġu allokati lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi (madwar 97 %) u sehem żgħir jinżamm għal bastimenti żgħar li jkunu inqas minn 10 metri twal u għal bastimenti mhux settorjali akbar. L-awtoritajiet ċentrali jagħmlu segwitu għall-qabdiet ta’ speċijiet suġġeti għal kwota. Abbażi tad-data dwar il-bastimenti u l-qabdiet, is-sistema tikkalkula awtomatikament l-użu tal-kwoti mill-bastimenti tas-sajd f’organizzazzjoni tal-produtturi. Dawn ir-rapporti jintbagħtu kull ġimgħa lill-organizzazzjonijiet kollha tal-produtturi li jkunu ġew allokati kwoti. Meta kwota speċifika allokata lil organizzazzjoni tal-produtturi tiġi eżawrita, l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku fuq paġna web tal-Gvern. | L-isforzi jiġu alokati lil bastimenti individwali. Parti mill-isforz allokat titwarrab mill-awtoritajiet, iżda 95 % biss tiġi ddistribwita lill-bastimenti tas-sajd biex jitħalla marġni ta’ sigurtà f’każ li jinqabżu l-isforzi allokati. L-awtoritajiet jużaw informazzjoni mill-ġurnali ta’ abbord biex jimmonitorjaw l-użu tal-isforzi tas-sajd u l-konformità mal-kundizzjonijiet għall-isforzi tas-sajd, u jinkludu element tal-isforzi tas-sajd fl-ispezzjonijiet tagħhom. L-għadd ta’ ġranet jiġi kkalkulat abbażi tat-tul ta’ żmien tal-vjaġġ tas-sajd għat-tipi kollha ta’ dikjarazzjoni (elettronika, bil-miktub u kull ġimgħa). L-informazzjoni dwar l-użu tal-isforzi tiġi ġġenerata awtomatikament mis-sistema, u tittieħed inkunsiderazzjoni d-durata tal-vjaġġi tas-sajd li jkunu suġġetti għal reġimi tal-isforzi u għall-qawwa tal-magna tal-bastimenti kkonċernati. L-effiċjenza tas-sistema awtomatizzata għal bastimenti li jkollhom ġurnali ta’ abbord bil-miktub dwar is-sajd (madwar 23.6 % tal-bastimenti li kellhom awtorizzazzjonijiet matul it-tliet snin li għaddew) tiddependi mill-kwalità tad-data li tkun iddaħħlet fis-sistema. L-awditu tagħna wera rata ta’ żball ta’ 10 % fid-dati tal-ħatt l-art. |
Anness III
Qafas għall-ġbir ta’ data
L-UE stabbiliet qafas1 għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data standardizzata dwar is-sajd għall-iskop ta’ analiżi xjentifika fil-kuntest tal-Politika Komuni dwar is-Sajd. Skont dan il-qafas, l-Istati Membri huma meħtieġa jiġbru data bijoloġika, ambjentali teknika u soċjoekonomika dwar is-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar. Parti minn din id-data hija data li hija relatata mal-attivitajiet tas-sajd li tkun inkisbet skont ir-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Kontroll: informazzjoni tal-VMS, ġurnali ta’ abbord, dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u noti tal-bejgħ. Din id-data tintbagħat lill-istituti xjentifiċi, u jużawha bħala parti integrali mill-istimi li jikkostitwixxu valutazzjonijiet tal-istokkijiet (flimkien mad-data bijoloġika li tinġabar skont il-qafas għall-ġbir ta’ data). Hija wkoll essenzjali għall-miżuri ta’ ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza u għall-evalwazzjoni tal-objettivi ta’ ġestjoni. Pereżempju, id-data dwar il-kapaċità, l-isforzi u l-ħatt l-art hija meħtieġa għall-kalkolu tal-qabda għal kull sforz unitarju, biex ix-xjentisti jkunu jistgħu jidentifikaw l-aħjar mestieri biex jikkampjunawhom għad-data bijoloġika, u biex jiddiżaggregaw id-data dwar il-flotot ekonomiċi biex din tkun tista’ tiġi kkombinata mad-data bijoloġika2.
Anness IV
Organizzazzjoni ta’ spezzjonijiet fl-istati membri li saritilhom żjara
1. Spanja
Fi Spanja, is-Segretarjat Ġenerali għas-Sajd (SGP), taħt l-awtorità tal-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Ambjent, huwa responsabbli għall-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni sal-ewwel bejgħ, taħt il-ġurisdizzjoni tal-gvern ċentrali.
L-SGP ifassal pjan annwali ta’ spezzjoni (Plan de actuación general de control e inspección pesquera) li fih il-prijoritajiet huma bbażati fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-flotta, il-postijiet għas-sajd u s-sajd. L-uffiċċji lokali jfasslu l-analiżi tar-riskju u l-pjan ta’ spezzjoni proprji tagħhom f’konformità mal-qafas u l-prijoritajiet ġenerali. Ir-riżorsi lokali jsiru disponibbli mill-Ministeru għall-Amministrazzjoni Pubblika, taħt l-awtorità tal-SGP.
Awtoritajiet oħra (il-Komunitajiet Awtonomi, l-armata, il-pulizija militari tal-Guardia Civil) iwettqu spezzjonijiet fl-oqsma tas-sajd marittimu, it-trasport, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar. Dawn jistgħu jkunu indipendenti jew f’kooperazzjoni mal-SGP. Il-Komunitajiet Awtonomi huma responsabbli għall-ispezzjonijiet fl-ilmijiet interni, il-frott tal-baħar bil-qoxra u l-akkwakultura, l-aspetti tas-saħħa u t-traċċabbiltà tal-prodotti kollha mill-ewwel bejgħ.
2. Franza
Fi Franza, diversi awtoritajiet huma responsabbli għall-kontroll u l-ispezzjonijiet tas-sajd:
- Fil-livell ċentrali, id-Direttorat tas-Sajd fil-Baħar u l-Akkwakultura tal-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Baħar, u s-Centre National de Surveillance de la Pêche (CNSP), li huwa ċ-ċentru nazzjonali ta’ monitoraġġ tas-sajd.
- Fil-livell reġjonali, id-Direttorat Interreġjonali tal-Baħar, li huwa mmaniġġjat mill-prefett marittimu interreġjonali u li jopera taħt l-awtorità tad-Direttorat tas-Sajd fil-Baħar u l-Akkwakultura.
- Fil-livell lokali, id-Direttorat Dipartimentali tal-Art u l-Baħar, li huwa mmaniġġjat mill-prefett dipartimentali taħt il-prefett reġjonali.
- Fid-Dipartimenti u t-territorji extra-Ewropej, id-Direttorati tal-Baħar (DM) iwettqu l-kompiti kollha koperti mid-Direttorati Interreġjonali tal-Baħar u mid-Direttorati Dipartimentali tal-Art u l-Baħar fi Franza metropolitana.
Id-Direttorat tas-Sajd fil-Baħar u l-Akkwakultura jfassal pjanijiet nazzjonali ta’ darbtejn fis-sena bbażati fuq analiżi tar-riskju. Huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-informazzjoni, disponibbli mis-servizzi ta’ kontroll, li kienet relatata mal-oqsma ta’ riskju, is-segwitu tal-infrazzjonijiet, eċċ. Il-pjan ikopri l-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport skont ir-Regolament dwar il-Kontroll (traċċabbiltà), u jirreferi għal korpi pubbliċi oħra li jwettqu l-ispezzjonijiet tas-sajd marittimu, bħall-Affarijiet Marittimi, il-Forza Navali, id-Dwana, il-Gwardja tal-Kosta, is-servizzi tal-pulizija nazzjonali u l-prevenzjoni tal-frodi.
Is-CNSP jikkoordina l-ispezzjonijiet fuq il-baħar u jipprovdi appoġġ għall-ispezzjonijiet tal-ħatt l-art.
Id-Direttorati Interreġjonali tal-Baħar ifasslu l-pjanijiet reġjonali proprji tagħhom f’konformità mal-pjanijiet nazzjonali. Jenħtieġ li l-pjanijiet reġjonali jkunu bbażati fuq analiżi tar-riskju dettaljata u fuq il-prijoritajiet ta’ spezzjoni tagħhom. Filwaqt li d-Direttorat Interreġjonali Breton tal-Baħar wettaq analiżi tar-riskju dettaljata ħafna (inklużi l-operaturi li kienu qed jagħmlu l-ewwel bejgħ u t-trasport tagħhom), l-analiżi tar-riskju tad-Direttorat Interreġjonali Mediterranju tal-Baħar kienet superfiċjali u ddefiniet ir-riskji sistemiċi fuq il-bażi tal-infrazzjonijiet li kienu ġew osservati.
Il-pjanijiet lokali (id-Direttorat Dipartimentali tal-Art u l-Baħar) mhumiex ibbażati fuq il-pjanijiet reġjonali. Huma bbażati fuq analiżi tar-riskju jew immirar ikkoordinat mis-CNSP, u bl-eċċezzjoni tar-reġjun tal-Mediterran, fuq riskji li jkunu nqabdu mill-unitajiet ta’ kontroll. Din il-valutazzjoni tar-riskju għadha trid tiġi riflessa fil-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali u reġjonali permezz ta’ pjan ta’ ġestjoni tar-riskju, u marbuta mal-inizjattivi lokali.
Id-Direttorat Dipartimentali tal-Art u l-Baħar u awtoritajiet lokali oħra ta’ spezzjoni jipprovdu r-riżorsi għall-ispezzjonijiet tal-ħatt l-art u ta’ wara l-ħatt l-art.
3. L-Italja
Fl-Italja, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (id-”DĠ MFA”) tal-Ministeru Taljan tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (l-”MIPAAF”) huwa l-awtorità kompetenti unika fis-sens tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (ir-Regolament dwar il-Kontroll).
Biex iwettaq dmirijietu, jista’ juża s-servizzi tal-Uffiċċju tal-Kap tal-Port/is-Servizz ta’ Gwardja Kostali, bħala ċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Kontroll tas-Sajd (NFCC). Ir-responsabbiltà għall-monitoraġġ tas-sajd, in-negozjar u l-amministrazzjoni ta’ prodotti tas-sajd, kif ukoll l-investigazzjoni ta’ infrazzjonijiet, qiegħda f’idejn il-persunal militari u ċivili li huwa impjegat mill-Awtoritajiet Marittimi ċentrali u deċentralizzati, kif ukoll korpi oħra inkarigati bl-infurzar tal-liġi (Guardia di Finanza, Carabinieri, eċċ.).
4. L-Iskozja
Fl-Iskozja, il-Marine Scotland huwa responsabbli għall-kontroll u l-ispezzjoni tas-sajd sal-ewwel bejgħ. Il-valutazzjoni tar-riskju hija eżerċizzju kontinwu, organizzat kull ġimagħtejn fil-livell reġjonali għal żoni u portijiet differenti kif ukoll għal segmenti differenti tal-attivita. Hija ma twassalx għal pjan dettaljat ta’ spezzjoni iżda tidentifika l-prijoritajiet prinċipali li jeħtieġ li jitqiesu mill-uffiċċji tas-sajd meta dawn ikunu qed jippjanaw l-attivitajiet tagħhom. L-ispetturi lokali jagħmlu parti mill-Marine Scotland.
F’xi wħud mill-operazzjonijiet ta’ konformità, il-Marine Scotland jaħdem ma’ organizzazzjonijiet oħra tal-Gvern u tas-settur pubbliku bħall-Police Scotland, l-Aġenzija Marittima u Kostali, l-Eżekuttiv tas-Saħħa u tas-Sigurtà u Her Majesty’s Revenue and Customs.
Abbrevjazzjonijiet
ĊMS: Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd
EFCA: Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd
ERS: Sistema Elettronika ta’ Rappurtar għall-attivitajiet tas-sajd
FAO: Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti
FIDES: Sistema ta’ Skambju ta’ Data rigward l-Informazzjoni dwar is-Sajd
GFCM: Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran
kW: Kilowatts tal-qawwa tal-magna
PKS: Politika Komuni tas-Sajd
RFMO: Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd
TAC: Qabda Totali Permissibbli
TG: Tunnellaġġ Gross
UE: Unjoni Ewropea
VMS: Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti
Glossarju
Awtorizzazzjoni tas-sajd: Dokument uffiċjali flimkien mal-liċenzja tas-sajd, li jintitola bastiment tas-sajd tal-Unjoni jwettaq attivitajiet speċifiċi tas-sajd matul perjodu speċifikat, f’żona partikolari jew għal sajda partikolari taħt kundizzjonijiet speċifiċi.
Bastimenti żgħar: Għall-iskop uniku ta’ dan ir-rapport, dawn huma bastimenti inqas minn 15-il metru twal.
Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd: Ċentru operattiv stabbilit minn Stat Membru tal-bandiera u mgħammar b’ħardwer u softwer tal-kompjuter li jippermetti reċezzjoni awtomatika ta’ data, ipproċessar u trażmissjoni elettronika ta’ data;
DĠ MARE: Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Eurostat: Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea.
Kapaċità tas-Sajd: Kapaċità tas-sajd hija l-ammont ta’ ħut li jista’ jinqabad matul perjodu ta’ żmien minn bastiment jew flotta jekk dawn jintużaw kompletament u għal kundizzjoni partikolari relatata mar-riżorsi. Fil-qafas tal-PKS din titkejjel bħala t-tunnellaġġ ta’ bastiment f’TG (tunnellaġġ gross) u l-qawwa tiegħu f’kW (kilowatt) kif iddefinit fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/861.
Liċenzja tas-sajd: Dokument uffiċjali li jikkonferixxi lid-detentur tiegħu d-dritt, kif determinat mir-regoli nazzjonali, li juża ċerta kapaċità tas-sajd għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin. Din fiha rekwiżiti minimi dwar l-identifikazzjoni, il-karatteristiċi tekniċi u l-armar ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni.
Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd: Organizzazzjoni subreġjonali, reġjonali jew simili b’kompetenza, skont il-liġi internazzjonali, li tistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi marittimi ħajjin imqiegħda taħt ir-responsabbiltà tagħha permezz tal-konvenzjoni jew il-ftehim li bihom kienet stabbilita.
Reġistru nazzjonali tal-flotta: Ir-reġistru li kull Stat Membru jżomm tal-bastimenti tas-sajd kollha li jtajru l-bandiera tiegħu.
Reġistru tal-flotta tal-UE: Reġistru miżmum mill-Kummissjoni, li fih informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni.
Sforz tas-sajd: Prodott tal-kapaċità u l-attività ta’ bastiment tas-sajd; għal grupp ta’ bastimenti tas-sajd huwa t-total tal-isforz tas-sajd tal-bastimenti kollha fil-grupp.
Sistema Elettronika tar-Rapporti ta’ Spezzjoni: Sistema żviluppata mill-EFCA biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkondividu data dwar ir-rapporti ta’ spezzjoni.
Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti: Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti tas-sajd abbażi ta’ satellita, li tipprovdi data f’intervalli regolari lill-awtoritajiet tas-sajd (Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd) dwar il-lok, ir-rotta u l-veloċità tal-bastimenti.
Stat tal-Bandiera: Stat li fih jiġi rreġistrat bastiment partikolari.
Noti finali
Glossarju
1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 tat-22 ta’ Settembru 1986 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd (ĠU L 274, 25.9.1986, p. 1).
Introduzzjoni
2 L-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil ltal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22): “approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd”, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tal-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut, ifisser approċċ li skontu n-nuqqas ta’ parir xjentifiku adegwat ma għandux jiġġustifika l-posponiment jew in-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri ta’ ġestjoni sabiex jiġu kkonservati l-ispeċijiet fil-mira, speċijiet assoċjati jew dipendenti u speċijiet mhux fil-mira u l-ambjent tagħhom.
3 Ir-Rapport Speċjali Nru 7/2007 dwar is-sistemi ta’ kontroll, spezzjoni u sanzjoni relatati mar-regoli dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Komunità (ĠU C 317, 28.12.2007, p. 1).
4 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).
5 Kontrolli konġunti jiġu organizzati fi ħdan il-Pjanijiet ta’ Użu Konġunt (JDPs) għal Programmi Speċifiċi ta’ Kontroll u Spezzjoni.
6 Stat Membru li fih jiġi rreġistrat bastiment.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
7 Kull pajjiż fir-Renju Unit waqqaf is-sistemi proprji tiegħu biex l-obbligi stabbiliti fil-PKS jiġu ssodisfati. L-awditu twettaq fl-Iskozja u l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet tagħna jirreferu għas-sistemi u l-proċeduri tal-Iskozja. Madankollu, id-data dwar il-qabdiet ġiet iċċekkjata għar-Renju Unit, peress li l-erba’ pajjiżi ma jikkomunikawx informazzjoni individwali lill-Kummissjoni.
Osservazzjonijiet
8 L-Artikolu 41 tar-Regolament dwar il-Kontroll u l-Artikoli 62 u 63 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu.
9 COM(2016) 380 final tal-10 ta’ Ġunju 2016 “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-isforzi tal-Istati Membri matul l-2014 biex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd”.
10 Għalkemm aħna tlabna informazzjoni għal kampjun ta’ 20 bastiment għal kull port li saritlu żjara fl-Istati Membri, mhux dejjem ksibna l-informazzjoni kollha mitluba. B’riżultat ta’ dan, id-daqs tal-kampjun li tassew ġie analizzat kien ivarja fost l-Istati Membri.
11 A Fishery Manager’s Guidebook (Ktieb ta’ gwida għall-Maniġer tas-Sajd). Il-FAO 2009.
12 L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11) jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw Pjanijiet ta’ ġestjoni fl-ilmijiet territorjali tagħhom għal ċertu sajd.
13 Bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża huwa bastiment li juża ħajt kbir ta’ xbieki użati madwar żona jew ġliba ħut sħiħa.
14 Bastiment tat-tkarkir huwa bastiment li juża, bħala tagħmir tas-sajd, xibka kbira msejħa “xibka tat-tkarkir”.
15 Il-ġurnal ta’ abbord jirreġistra l-attività tas-sajd ta’ bastiment.
16 Pereżempju, fi Spanja, l-isforz tas-sajd jiġi kkalkulat f’multipli ta’ ġranet filwaqt li fl-Iskozja l-għadd ta’ ġranet sħaħ jiġi kkalkulat abbażi tat-tul ta’ żmien tal-vjaġġ tas-sajd.
17 COM(2016) 134 final tal-11 ta’ Marzu 2016.
18 COM(2016) 380 final.
19 Il-bażi għall-ġestjoni Ewropea tal-miżuri tekniċi tas-sajd hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006. Żewġ regolamenti jikkompletaw il-qafas regolatorju ġenerali għall-Mediterran: ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p 44), u r-Regolament (UE) Nru 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/20099 (ĠU L 252, 16.9.2007, p. 1). Sitt regolamenti oħra tal-UE u leġiżlazzjoni nazzjonali oħra japplikaw.
20 Sajjieda, spetturi, awtoritajiet, eċċ.
21 Bastimenti ta’ skala żgħira, identifikati bħala bastimenti polivalenti ta’ skala żgħira b’tul kumplessiv sa 12-il metru, […] jirrappreżentaw 80 % tal-għadd totali ta’ bastimenti [fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed]. The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries 2016 (L-Istat tas-Sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed fl-2016), il-GFCM.
22 Is-Sistema elettronika ta’ rappurtar (ERS) tintuża biex lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tintbagħtilha informazzjoni dwar il-bastimenti, il-vjaġġi u l-qabdiet (l-isem, id-data tal-qabdiet, id-data tat-tluq mill-post u tal-wasla fih, id-durata tal-vjaġġ, it-tip ta’ tagħmir u d-daqs tal-malji, il-kwantitajiet stmati ta’ kull speċi, l-iskartar tal-ħut, eċċ., tal-bastimenti).
23 Ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91 (ĠU L 403, 30.12.2006, p 1).
24 Fil-kuntest tar-Regolament dwar il-Qafas għall-Ġbir ta’ Data.
25 Aħna ma għandniex din l-informazzjoni għall-bqija tal-UE.
26 Commission implementing decision establishing an Action Plan in order to correct deficiencies of the French fisheries control system (Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni sabiex jiġu kkoreġuti defiċjenzi tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd ta’ Franza) (C(2014) 3594 final).
27 Pereżempju biex tappoġġa lill-Kummissjoni fit-tfassil tal-proposta għal opportunitajiet annwali tas-sajd għal ċerti speċijiet u r-rapport annwali dwar il-kapaċità tal-flotta Ewropea.
28 Ir-Rapport dwar il-kapaċità tal-flotta għall-2016 (ara l-Kaxxa 1).
29 Ir-Regolament dwar il-Kontroll jippermetti marġni ta’ differenza (tolleranza) bejn il-piż stmat u dak reali tal-qabdiet.
30 Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Kontroll.
31 Fil-każ tar-Renju Unit aħna analizzajna biss is-sistema Skoċċiża.
32 Il-JDPs jiġu stabbiliti għal sajd jew żoni li jitqiesu prijorità mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri kkonċernati. Huma jistgħu jikkonċernaw jew l-ilmijiet Ewropej li għalihom il-Kummissjoni tadotta Programm Speċifiku ta’ Kontroll u Spezzjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, jew inkella l-ilmijiet internazzjonali taħt il-kompetenza ta’ Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO).
33 L-Artikolu 78 tar-Regolament dwar il-Kontroll.
34 L-Artikolu 89(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
35 Reċentement, l-awtoritajiet introduċew dispożizzjonijiet biex ċerti infrazzjonijiet serji jintrabtu mal-valur ekonomiku tal-ħut, iżda dawn il-każijiet huma limitati (obbligu ta’ ħatt l-art u daqsijiet minimi tal-ħut). Billi l-leġiżlazzjoni ġiet adottata wara l-awditu, l-applikazzjoni tagħha ma setgħetx tiġi vverifikata.
36 L-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Annessi
1 Il-qafas tal-UE għall-ġbir u l-ġestjoni ta’ data dwar is-sajd ġie stabbilit fl-2000 u rriformat fl-2008, u dan irriżulta fil-Qafas għall-Ġbir ta’ Data. Fl-2015, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal reviżjoni (COM(2015) 294 final).
2 SWD(2015) 118 final tat-18 ta’ Ġunju 2015 “Towards a new Union Framework for collection, management and use of data in the fisheries sector and support for scientific advice regarding the Common Fisheries Policy” accompanying the document “Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council concerning the establishment of a Union framework for the collection, management and the use of data in the fisheries sector and support for the scientific advice regarding the Common Fisheries Policy” (“Lejn Qafas tal-Unjoni ġdid għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għal parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd” li jakkumpanja d-dokument “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd”).
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 24.2.2016 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 17.2.2017 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 5.4.2017 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 3.5.2017 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tal-prestazzjoni u tal-konformità tagħha f’dak li jirrigwarda oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla I tal-Awditjar — immexxija minn Phil Wynn Owen, Membru tal-QEA — li tispeċjalizza fl-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Janusz Wojciechowski; b’appoġġ minn Kinga Wiśniewska-Danek, Kap tal-kabinett; Katarzyna Radecka-Moroz, Attaché tal-kabinett; Colm Friel, Maniġer Prinċipali; Maria Luisa Gómez-Valcárcel, Kap tal-kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Oana Dumitrescu, Armando do Jogo, Aris Konstantinidis, Bernard Moya, Mihaela Pavel u Frédéric Soblet.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-kontrolli tas-sajd tal-UE: jenħtieġu sforzi addizzjonali
(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017
| 978-92-872-7406-9 | 1977-5741 | 10.2865/29538 | QJAB17008MTN | |
| HTML | 978-92-872-7412-0 | 1977-5741 | 10.2865/674767 | QJAB17008MTQ |
© L-Unjoni Ewropea, 2017
KIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE
Pubblikazzjonijiet bla ħlas:
- kopja waħda:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu);
- iżjed minn kopja waħda jew posters/mapep:
- mir-rappreżentanzi tal-Unjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/represent_mt.htm),
- mid-delegazzjonijiet f'pajjiżi li mhumiex fl-UE (http://eeas.europa.eu/delegations/index_mt.htm),
- billi tikkuntatja s-servizz Europe Direct (http://europa.eu/europedirect/index_mt.htm)
- jew ċempel 00 800 6 7 8 9 10 11 (numru tat-telefown bla ħlas minn kullimkien fl-UE) (*).
Pubblikazzjonijiet bi ħlas:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu).



