Rapport Speċjali
Nru13 2017

Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà?

Dwar ir-rapport: Aħna eżaminajna jekk is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) ġietx ippjanata, imħaddma u mmaniġġjata sew. L-ERTMS hija maħsuba biex tissostitwixxi d-diversi sistemi ferrovjarji ta’ sinjalar madwar l-Ewropa b’sistema unika li tippermetti li l-ferroviji jivvjaġġaw mingħajr interruzzjonijiet f’pajjiżi differenti u li tiffaċilita l-kompetittività tas-settur ferrovjarju. Aħna sibna li sa issa, it-tħaddim tas-sistema għadu jinsab f’livell baxx u huwa frammentat, minkejja l-fatt li, b’mod ġenerali, is-settur ferrovjarju ma għandu l-ebda dubju dwar il-validità tal-kunċett tal-ERTMS, sistema li għandha l-għan li ssaħħaħ l-interoperabbiltà. Il-maniġers tal-infrastruttura, kif ukoll l-impriżi ferrovjarji mhumiex ħerqana li jinvestu minħabba l-ispejjeż involuti u n-nuqqas ta’ argument għall-vijabbiltà ekonomika ekonomika individwali (pereżempju fl-Istati Membri li għandhom sistemi nazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb u li fadlilhom tul ta’ ħajja sinifikanti). Il-finanzjament mill-UE jista’ jkopri biss ammont limitat mill-investimenti. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji biex ngħinu jinkiseb titjib fit-tħaddim u l-iffinanzjar tas-sistema.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli wkoll f’23 lingwa u fil-formati li ġejjin:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

Dwar l-ERTMS

I

Biex il-ferroviji jkunu jistgħu joperaw fuq netwerk ferrovjarju, hija meħtieġa sistema ta’ sinjalar ferrovjarja biex it-traffiku jiġi mmaniġġjat b’mod sikur u l-ferroviji jinżammu ’l bogħod minn xulxin il-ħin kollu. Madankollu, kull pajjiż Ewropew żviluppa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi proprji tiegħu għal dawn is-sistemi ta’ sinjalar, għall-wisa’ bejn il-linji, u għall-istandards tas-sikurezza u tal-elettriku. Attwalment, jeżistu madwar 30 sistema differenti ta’ sinjalar madwar l-UE li jimmaniġġjaw it-traffiku ferrovjarju, li mhumiex interoperabbli.

II

Biex din il-problema tingħeleb u biex tgħin fil-ħolqien ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea, l-industrija ferrovjarja Ewropea bdiet tiżviluppa sistema Ewropea ta’ kontroll-kmand, sinjalar u komunikazzjoni - l-ERTMS, fl-aħħar snin tat-tmeninijiet/fl-ewwel snin tad-disgħinijiet, u l-Kummissjoni Ewropea appoġġat l-istabbiliment tagħha bħala s-sistema unika fl-Ewropa. L-objettiv tal-ERTMS huwa li tissostitwixxi s-sistemi ta’ sinjalar eżistenti kollha fl-Ewropa b’sistema unika biex titrawwem l-interoperabbiltà tan-netwerks ferrovjarji nazzjonali u tat-trasport ferrovjarju transkonfinali. L-ERTMS hija maħsuba biex tiggarantixxi standard komuni li jippermetti li l-ferroviji jivvjaġġaw mingħajr interruzzjonijiet f’pajjiżi differenti u biex tiffaċilita l-kompetittività tas-settur ferrovjarju.

III

Biex l-Istati Membri jingħataw għajnuna għat-tħaddim tal-ERTMS, bejn wieħed u ieħor EUR 1.2 biljun ġew allokati mill-baġit tal-UE bejn l-2007 u l-2013. EUR 645 miljun ġew mill-Programm tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u EUR 570 miljun ġew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni. Matul il-perjodu 2014-2020, it-total stmat huwa ta’ EUR 2.7 biljun, EUR 850 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li ssostitwiet il-programm TEN-T, u bejn wieħed u ieħor EUR 1.9 biljun mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Kif wettaqna l-awditu tagħna

IV

Biex neżaminaw jekk l-ERTMS ġietx ippjanata, imħaddma u mmaniġġjata sew, u jekk kienx hemm argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali, aħna eżaminajna:

  • jekk l-ERTMS ġietx imħaddma f’waqtha u b’mod effettiv, ibbażat fuq ippjanar xieraq u stimi xierqa tal-ispejjeż;
  • jekk kienx hemm argument għall-vijabbiltà ekonomika għal maniġers individwali tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji individwali;
  • jekk il-finanzjament mill-UE kien ġie mmaniġġjat b’mod effettiv biex jikkontribwixxi għat-tħaddim tal-ERTMS.
V

Aħna żorna sitt Stati Membri: id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, in-Netherlands u l-Polonja. Meħudin flimkien, dawn l-Istati Membri jkopru parzjalment id-disa’ kurituri kollha tan-netwerk ewlieni fejn l-ERTMS trid tkun qed titħaddem bis-sħiħ sal-2030. L-awditu kopra wkoll ir-rwol tal-Kummissjoni fl-ippjanar, fil-ġestjoni, fit-tħaddim u fl-iffinanzjar tal-ERTMS.

X’sibna

VI

Sa issa, it-tħaddim tas-sistema fl-UE għadu jinsab f’livell baxx u huwa frammentat, minkejja l-fatt li, b’mod ġenerali, is-settur ferrovjarju ma għandu l-ebda dubju dwar il-validità tal-kunċett u l-viżjoni tal-ERTMS, sistema li għandha l-għan li ssaħħaħ l-interoperabbiltà. L-istatus baxx attwali tat-tħaddim tal-ERTMS jista’ jiġi spjegat prinċipalment mill-fatt li ħafna maniġers tal-infrastruttura, kif ukoll impriżi ferrovjarji mhumiex ħerqana li jinvestu fit-tagħmir tal-ERTMS, minħabba l-ispiża involuta u n-nuqqas ta’ argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali għal ħafna minnhom. Il-finanzjament mill-UE, anke jekk jiġi mmaniġġjat u mmirat aħjar, jista’ jkopri biss ammont limitat mill-ispiża kumplessiva tat-tħaddim.

VII

Dan iqiegħed f’riskju mhux biss l-ilħuq tal-miri tat-tħaddim li ġew stabbiliti għall-2030 u l-investimenti li saru sa issa, iżda wkoll ir-realizzazzjoni ta’ żona ferrovjarja unika bħala wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ politika tal-Kummissjoni. Dan jista’ jaffettwa b’mod avvers ukoll il-kompetittività tat-trasport bil-ferrovija meta mqabbel mat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

VIII

Minkejja d-deċiżjoni politika strateġika li titħaddem sistema unika ta’ sinjalar fl-UE kollha, ma twettqet l-ebda stima kumplessiva tal-ispejjeż biex jiġi stabbilit il-finanzjament meħtieġ u s-sorsi tiegħu. L-obbligi ġuridiċi introdotti ma kinux jimplikaw id-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali, u lanqas ma huma dejjem allinjati mad-dati ta’ skadenza u l-prijoritajiet inklużi fil-politika tal-UE dwar it-trasport. Sal-lum, il-livell tat-tħaddim tal-ERTMS madwar l-UE huwa baxx.

IX

L-ERTMS hija sistema unika għal ħafna maniġers tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji bi ħtiġijiet differenti. Madankollu, hija tinvolvi investimenti li jqumu l-flus u li ma għandhom l-ebda benefiċċju immedjat, inġenerali, għal dawk li jkollhom iġarrbu l-ispiża. Il-problemi bil-kompatibbiltà tal-verżjonijiet differenti installati kif ukoll il-proċeduri twal ta’ ċertifikazzjoni jaffettwaw ukoll b’mod avvers l-argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali għall-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji. Minkejja l-Pjan Ewropew il-ġdid għall-Mobilitazzjoni, xorta waħda jifdal sfidi kbar għat-tħaddim b’suċċess.

X

L-appoġġ finanzjarju mill-UE huwa disponibbli għal investimenti fl-ERTMS kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord, iżda jista’ jkopri biss ammont limitat mill-ispiża kumplessiva tat-tħaddim. Huwa jħalli l-biċċa l-kbira mill-investiment f’idejn il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji individwali li mhux dejjem jibbenefikaw, tal-inqas immedjatament, mit-tħaddim tal-ERTMS. Barra minn hekk, fl-aħħar nett mhux il-finanzjament kollu mill-UE li kien disponibbli għall-ERTMS ġie allokat għall-proġetti tal-ERTMS, u dan ma kienx dejjem immirat tajjeb.

X’nirrakkomandaw

XI

Il-Qorti tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw: il-valutazzjoni tal-ispejjeż tat-tħaddim tal-ERTMS; id-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar; argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali għall-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji; il-kompatibbiltà u l-istabbiltà tas-sistema; ir-rwol u r-riżorsi tal-ERA; l-allinjament tal-pjanijiet nazzjonali għall-mobilitazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar; l-assorbiment tal-fondi tal-UE għal proġetti tal-ERTMS u l-immirar aħjar tal-finanzjament mill-UE.

Introduzzjoni

Sfond

01

Il-mobbiltà ta’ merkanzija u persuni hija komponent essenzjali tas-suq intern tal-UE u tal-kompetittività tal-industrija u s-servizzi Ewropej, u għandha impatt sinifikanti fuq it-tkabbir ekonomiku. Il-ferroviji jitqiesu bħala wieħed mill-mezzi ta’ trasport l-aktar ekoloġiċi u ġew promossi mill-UE bħala wieħed mill-pilastri tal-politika Ewropea dwar it-trasport matul dawn l-aħħar deċennji.

02

Biex il-ferroviji jkunu jistgħu joperaw fuq netwerk ferrovjarju, hija meħtieġa sistema ta’ sinjalar ferrovjarja sabiex it-traffiku ferrovjarju jkun jista’ jiġi mmaniġġjat b’mod sikur u l-ferroviji jinżammu ’l bogħod minn xulxin il-ħin kollu. Dawn is-sistemi normalment jikkonsistu minn tagħmir li jitqiegħed kemm fuq il-binarji kif ukoll fuq il-lokomottivi jew ferroviji sħaħ b’formazzjoni fissa (trainsets).

03

Matul iż-żmien, kull pajjiż Ewropew żviluppa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi proprji tiegħu għas-sistemi ta’ sinjalar, għall-wisa’ bejn il-linji, u għall-istandards tas-sikurezza u tal-elettriku tiegħu. Dan jirrappreżenta ostakolu sinifikanti għall-interoperabbiltà trans-Ewropea u jirriżulta fi spejjeż addizzjonali u restrizzjonijiet tekniċi. B’mod partikolari, jeżistu madwar 30 sistema ferrovjarja ta’ sinjalar madwar l-Unjoni Ewropea, li mhumiex interoperabbli (ara l-Anness I). B’riżultat ta’ dan, jeħtieġ li lokomottivi jew ferroviji b’formazzjoni fissa li joperaw f’bosta pajjiżi jew anke fi ħdan pajjiż wieħed ikunu mgħammra b’ħafna sistemi nazzjonali ta’ sinjalar differenti.

04

Fir-rapport preċedenti tagħna dwar it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija1, aħna diġà enfasizzajna l-fatt li, fost ostakoli operazzjonali oħra, is-sistemi differenti ta’ sinjalar stabbiliti fin-netwerk ferrovjarju tal-Unjoni Ewropea jfixklu l-interoperabbiltà. Aħna osservajna wkoll li s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) kienet qed tiġi implimentata bil-mod. Barra minn hekk, irrappurtajna dwar il-problemi relatati mal-implimentazzjoni tal-proġetti fuq sezzjonijiet transkonfinali f’żewġ rapporti oħra tagħna li ġew ippubblikati fl-20052 u fl-20103.

X’inhi l-ERTMS?

05

Fl-aħħar snin tat-tmeninijiet/fl-ewwel snin tad-disgħinijiet, sabiex tegħleb din is-sitwazzjoni kkawżata minn sistemi nazzjonali ta’ sinjalar differenti u biex tikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea, l-industrija ferrovjarja Ewropea bdiet tiżviluppa sistema Ewropea ta’ kontroll-kmand, sinjalar u komunikazzjoni – l-ERTMS, u l-Kummissjoni appoġġat l-istabbiliment tagħha bħala s-sistema unika fl-Ewropa. L-objettiv aħħari ta’ dan kien li s-sistemi ta’ sinjalar eżistenti kollha fl-Ewropa jiġu ssostitwiti b’sistema unika mfassla biex trawwem l-interoperabbiltà fost in-netwerks ferrovjarji nazzjonali u t-trasport ferrovjarju transkonfinali. L-ERTMS hija maħsuba biex tiggarantixxi standard komuni li jippermetti li l-ferroviji jivvjaġġaw mingħajr interruzzjonijiet f’pajjiżi differenti u b’hekk tiffaċilita l-kompetittività tas-settur ferrovjarju.

06

L-ERTMS hija magħmula minn żewġ subsistemi bbażati fuq is-softwer: maġenb il-binarji u abbord, u kemm l-infrastruttura kif ukoll il-ferrovija jridu jkunu mgħammra4 biex is-sistema taħdem. Is-sistema maġenb il-binarji u s-sistema installata fuq il-vetturi jiskambjaw l-informazzjoni (ara l- Figura 1 u l-Kaxxa 1) li tippermetti s-superviżjoni kontinwa tal-veloċità massima permessa għall-operat, u jagħtu lis-sewwieq l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jopera permezz tas-sinjalar mill-kabina. Deskrizzjoni dettaljata tas-sistema tal-ERTMS tingħata fl-Anness II.

Figura 1

Funzjonament tal-ERTMS (livelli 1 u 2)

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Kaxxa 1

Il-komponenti tal-ERTMS ta’ maġenb il-binarji u abbord

Maġenb il-binarji: Eurobalise huwa apparat passiv li jkun jinsab fuq il-binarji, biex jaħżen data relatata mal-infrastruttura, bħal-limiti tal-veloċità, ir-referenzi tal-pożizzjoni u l-gradjenti.

Abbord: L-Interfaċċa Sewwieq-Magna, li hija l-interfaċċa bejn is-sewwieq u l-ERTMS, u Kompjuter Euro Vital – unità li l-funzjonijiet l-oħra kollha tal-ferrovija jinteraġixxu magħha.

©Société nationale des chemins de fer luxembourgeois - CFL.

07

It-tħaddim b’suċċess tal-ERTMS jiddependi fuq diversi partijiet interessati. Filwaqt li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-politika, li hija teżegwixxi flimkien mal-Koordinatur Ewropew u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA), il-prodott innifsu jitwassal mill-industrija tal-manifattura ferrovjarja skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-akkwist u r-rekwiżiti kuntrattwali. Qabel jibda jopera, it-tagħmir kollu jrid jiġi ttestjat u ċċertifikat minn korpi nnotifikati u jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jew mill-ERA.

08

It-tħaddim fiżiku jeħtieġ li kemm il-maniġers tal-infrastruttura kif ukoll l-impriżi ferrovjarji jinvestu fl-ERTMS. Il-maniġers tal-infrastruttura, li normalment jaħdmu taħt l-umbrella tal-ministeru responsabbli għat-trasport u l-infrastruttura f’kull Stat Membru, iridu jniedu l-infrastruttura tal-ERTMS maġenb il-binarji. L-impriżi ferrovjarji (inklużi s-sidien tal-flotot), li wara l-liberalizzazzjoni tas-suq ferrovjarju fl-UE jistgħu jkunu kemm kumpaniji pubbliċi kif ukoll privati, iridu jinvestu fl-ERTMS abbord.

L-istorja tal-ERTMS

09

Il-kunċett ta’ sistema unika ta’ sinjalar għall-UE għat-tisħiħ tal-interoperabbiltà jmur lura għall-1989, meta l-industrija ferrovjarja u l-Kummissjoni niedu analiżi tal-kwistjonijiet relatati mas-sinjalar ferrovjarju madwar l-Istati Membri tal-UE, u, minn dak iż-żmien ’l hawn, dan kompla jevolvi b’mod kostanti kif jingħata fil-qosor fil-Figura 2.

Figura 2

Kronoloġija tal-istorja tal-ERTMS

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

10

L-ewwel atti leġiżlattivi li jaqdu dan l-objettiv inħarġu fl-1996, bid-“direttiva dwar l-interoperabbiltà” li tirrigwarda sistema ferrovjarja ta’ veloċità għolja5 u fl-2001, bid-direttiva dwar l-interoperabbiltà li tirrigwarda s-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea6. Fl-2004, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA)7 ġiet stabbilita bl-objettiv li tiżviluppa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (“TSIs”). F’Lulju 2005, inħatar Koordinatur Ewropew għall-ERTMS8. Bejn l-2005 u l-2016, il-Kummissjoni (u l-ERA mill-2008 ’l quddiem) ffirmaw erba’ Memoranda ta’ Qbil mal-partijiet interessati tal-ferroviji, bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jitħaffef it-tħaddim tal-ERTMS.

11

Fl-2009, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri9, il-Kummissjoni adottat Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni (EDP) tal-ERTMS10. Din id-deċiżjoni stipulat ir-regoli dettaljati għat-tħaddim tal-ERTMS u identifikat sitt kurituri tal-ERTMS u għadd ta’ portijiet prinċipali, ċentri tat-tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija, terminals tal-merkanzija u żoni tat-trasport tal-merkanzija Ewropej li, bejn l-2015 u l-2020, għandhom ikunu koperti minn konnessjonijiet tal-ERTMS, flimkien mal-iskedi taż-żmien rispettivi tagħhom.

12

Pass importanti ieħor kien l-adozzjoni tal-linji gwida tat-TEN-T f’Diċembru 201311. Dawn il-linji gwida jiddikjaraw li jenħtieġ li n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport jiġi żviluppat permezz ta’ struttura b’żewġ saffi li tikkonsisti minn netwerk komprensiv (123 000 km), li jinkludi netwerk ewlieni (66 700 km), li jinkludi fih innifsu disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni (51 000 km, li kienu ġew allinjati mal-kurituri tal-ERTMS inklużi fil-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni). Dawn il-linji gwida pprevedew li jenħtieġ li n-netwerk ewlieni u n-netwerk komprensiv ikunu mgħammra bl-ERTMS sal-2030 u l-2050 rispettivament. Il-Figura 3 turi d-disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni.

Figura 3

Mappa tad-disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

13

Fit-30 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju għall-ikkompletar taż-żona ferrovjarja unika Ewropea. Il-pilastru tekniku li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2016 ikopri elementi li huma marbuta direttament mal-ERTMS, bħal kwistjonijiet ta’ governanza ferrovjarja u r-rinfurzar tar-rwol tal-ERA, li se ssir l-awtorità tas-sistema għall-ERTMS12 minn nofs l-2019. Fl-aħħar nett, f’Jannar 2017, ġie adottat Pjan Ewropew ġdid għall-Mobilitazzjoni tal-ERTMS13 (ara wkoll il-paragrafu 63 u 67).

Appoġġ finanzjarju mill-UE għall-ERTMS

14

Appoġġ finanzjarju mill-UE huwa disponibbli għal investimenti kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord, sabiex jgħin lill-Istati Membri jniedu l-ERTMS fuq in-netwerks ferrovjarji tagħhom. Bejn wieħed u ieħor EUR 4 biljun ġew assenjati mill-baġit tal-UE għal dan l-iskop bejn l-2007 u l-2020 minn żewġ sorsi prinċipali: il-Programm tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)14, li ġie ssostitwit mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-perjodu 2014-202015, u l-Politika ta’ Koeżjoni (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)16, il-Fond ta’ Koeżjoni17 u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE)18) (ara t-Tabella 1).

Tabella 1

Appoġġ finanzjarju prinċipali mill-UE fl-2007-2020 (f’EUR miljun)

Sors ta’ finanzjament 2007-2013 2014-2020 Rata ta’ kofinanzjament
TEN-T/CEF 645 850 Sa 50 %
FEŻR/Fond ta’ Koeżjoni/FSIE 570 1 900 Sa 85 %
Total 1 215 2 750  

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq id-data mill-Kummissjoni Ewropea.

15

Iż-żewġ sorsi prinċipali ta’ finanzjament mill-UE għall-proġetti tal-ERTMS huma mmaniġġjati taħt ġestjoni diretta jew kondiviża:

  1. Taħt il-ġestjoni diretta (it-TEN-T u s-CEF), il-Kummissjoni hija responsabbli biex tapprova kull proġett individwali ppreżentat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-implimentazzjoni teknika u finanzjarja ta’ proġetti kkofinanzjati hija r-responsabbiltà tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA), taħt is-superviżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Mobbiltà u t-Trasport.
  2. Taħt il-ġestjoni kondiviża (il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni), il-proġetti ġeneralment jintgħażlu mill-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali. Il-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana) teżamina u tapprova l-kontribuzzjoni finanzjarja għal proġetti ewlenin, jiġifieri proġetti li l-ispiża eliġibbli totali tagħhom taqbeż EUR 50 miljun għall-perjodu 2007-2013 u EUR 75 miljun għall-perjodu 2014-2020.
16

Fil-biċċa l-kbira, il-baġit tal-UE jikkofinanzja żewġ tipi ta’ proġetti relatati mal-ERTMS: maġenb il-binarji (tgħammir tal-binarji ferrovjarji bit-tagħmir meħtieġ), u abbord (tgħammir tal-lokomottivi b’unitajiet tal-ERTMS). Proġetti kkofinanzjati oħra li jikkonsistu minn ittestjar, żvilupp ta’ speċifikazzjonijiet jew proġetti ta’ approċċ għall-kurituri jistgħu ikunu eliġibbli għal appoġġ ukoll.

17

Barra minn hekk, minbarra s-sorsi msemmija qabel, jista’ jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali mill-Impriża Konġunta Shift2Rail19 li ġiet stabbilita fl-2014 (ara l-paragrafu 65). Din għandha l-għan li tinvesti kważi EUR 1 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-2014-2020 (EUR 450 miljun mill-baġit tal-UE, issupplementati minn EUR 470 miljun mill-industrija). Proġetti ta’ riċerka relatati mal-ERTMS huma eliġibbli fi ħdan l-ambitu tal-attivitajiet tagħha. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jipprovdi self u skemi ta’ garanzija għat-tħaddim tal-ERTMS maġenb il-binarji u għax-xiri ta’ vetturi ferrovjarji ġodda mgħammra bl-ERTMS.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

18

F’dan l-awditu aħna eżaminajna jekk l-ERTMS kinitx ġiet ippjanata, imħaddma u mmaniġġjata sew, u jekk kienx hemm argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali. Biex nagħmlu dan, aħna eżaminajna:

  • jekk l-ERTMS ġietx imħaddma f’waqtha u b’mod effettiv, ibbażat fuq ippjanar xieraq u stimi xierqa tal-ispejjeż;
  • jekk kienx hemm argument għall-vijabbiltà ekonomika għal maniġers individwali tal-infrastruttura, kif ukoll għal impriżi ferrovjarji individwali;
  • jekk il-finanzjament mill-UE kien ġie mmaniġġjat b’mod effettiv biex jikkontribwixxi għat-tħaddim tal-ERTMS.
19

Matul l-awditu tagħna, aħna żorna sitt Stati Membri: id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, in-Netherlands u l-Polonja. Meħudin flimkien, dawn l-Istati Membri jkopru parzjalment id-disa’ kurituri kollha tan-netwerk ewlieni fejn l-ERTMS trid tkun qed titħaddem bis-sħiħ sal-2030. Aħna wettaqna intervisti mal-awtoritajiet tal-Istati Membri (ministeri inkarigati mill-investimenti fit-trasport u fl-infrastruttura, maniġers tal-infrastruttura u awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza), mal-operaturi ferrovjarji tal-passiġieri u tal-merkanzija, mas-sidien tal-flotot u ma’ partijiet interessati oħra (korpi nnotifikati, diversi assoċjazzjonijiet ferrovjarji nazzjonali u Ewropej).

20

Aħna eżaminajna wkoll ir-rwol tal-Kummissjoni u l-ERA fl-ippjanar, il-ġestjoni, it-tħaddim u l-iffinanzjar tal-ERTMS. Wettaqna intervisti mal-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana u l-INEA), mal-Koordinatur Ewropew għall-ERTMS u mal-ERA. Barra minn hekk, ġiet eżaminata wkoll informazzjoni pubblika dwar it-tħaddim tal-ERTMS barra mit-territorju tal-UE (eż. fl-Iżvizzera).

21

Il-valutazzjoni tagħna tal-ippjanar, it-tħaddim u l-ġestjoni tal-ERTMS fl-UE u, b’mod partikolari, fis-sitt Stati Membri miżjura, hija bbażata wkoll fuq analiżi ta’ kampjun ta’ 51 proġett ikkofinanzjat mill-UE mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, li huma relatati mal-ERTMS. Il-kofinanzjament totali tal-UE li ġie allokat għall-komponent tal-ERTMS ta’ dawn il-proġetti jammonta għal bejn wieħed u ieħor EUR 540 miljun, li huwa madwar 14 % tal-finanzjament kollu għall-ERTMS stmat għas-snin 2007-2020. Minn 51 proġett, 31 proġett kienu relatati ma’ investimenti maġenb il-binarji u 20 proġett kienu relatati mat-tagħmir abbord. L-Anness III fih il-lista ta’ proġetti eżaminati.

Osservazzjonijiet

L-ERTMS kienet għażla politika strateġika u tniedet mingħajr stima kumplessiva tal-ispejjeż jew ippjanar xieraq għat-tħaddim tagħha

B’mod ġenerali, il-kunċett tal-ERTMS mhuwiex ikkontestat mis-settur ferrovjarju

22

Minkejja l-isfidi kbar ippreżentati f’dan ir-rapport, matul l-awditu aħna sibna li b’mod ġenerali, is-settur ferrovjarju (il-maniġers tal-infrastruttura, l-impriżi ferrovjarji, l-awtoritajiet tas-sikurezza nazzjonali, il-fornituri u partijiet interessati oħra) ma jikkontestax l-idea ta’ sistema unika ta’ sinjalar biex titrawwem l-interoperabbiltà ferrovjarja, bħala s-sinsla taż-żona ferrovjarja unika Ewropea. Skont il-prestazzjoni u l-obsolexxenza tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar eżistenti, l-ERTMS għandha l-potenzjal li ttejjeb il-kapaċità u l-veloċità tat-trasport ferrovjarju. Jekk titħaddem bis-sħiħ, l-ERTMS tikkontribwixxi biex tagħmel il-ferroviji aktar kompetittivi meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta’ trasport, skont l-objettivi tal-White Paper tal-201120, u tgħin biex jintlaħqu l-miri ambjentali tal-UE.

23

Minbarra l-interoperabbiltà msaħħa, u skont il-prestazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar eżistenti u d-diversi gradi ta’ obsolexxenza tagħhom, xi vantaġġi potenzjali oħra huma dawn li ġejjin:

  • żieda fil-kapaċità: l-ERTMS tista’ tnaqqas id-distanza minima jew il-ħin bejn il-vetturi fis-servizz kummerċjali, li jippermetti l-operat ta’ aktar ferroviji fuq linji ferrovjarji b’konġestjoni kbira;
  • żieda fil-veloċità kummerċjali;
  • superviżjoni kontinwa tal-veloċità tal-ferroviji, b’benefiċċji għas-sikurezza;
  • spejjeż ta’ manutenzjoni aktar baxxi għall-maniġers tal-infrastruttura u
  • armonizzazzjoni akbar tal-prodotti u aktar kompetizzjoni fost il-fornituri
24

Aħna sibna li fl-Istati Membri miżjura, l-ERTMS diġà qed tirriżulta f’xi benefiċċji għall-maniġer tal-infrastruttura u/jew għall-impriżi ferrovjarji. Pereżempju, fi Spanja, l-ERTMS għandha prestazzjoni aħjar mis-sistema nazzjonali ta’ sinjalar f’termini ta’ veloċità (300-350 km/h meta mqabbel ma’ 200 km/h) u ta’ kapaċità, b’mod speċjali fuq linji tal-vjaġġaturi suburbani f’Madrid u f’Barċellona.

25

Barra minn hekk, l-ERTMS qed titnieda f’pajjiżi Ewropej oħra barra mit-territorju tal-UE, bħall-Iżvizzera (ara l-Kaxxa 2), kif ukoll f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja, normalment mingħajr finanzjament mill-UE. Investimenti fl-ERTMS barra mill-Ewropa jirrappreżentaw 59 % tal-investiment kumplessiv fl-ERTMS f’termini ta’ linji ferrovjarji, u 33 % f’termini ta’ unitajiet abbord. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsir fl-UE, il-progetti ta’ tħaddim tal-ERTMS barra mill-UE huma ġeneralment investimenti f’żoni ġodda (jiġifieri ma kienx hemm stabbilita sistema ta’ sinjalar preċedenti) li jsiru f’pajjiż wieħed u minn kumpanija ferrovjarja waħda. Dan jiffaċilita t-tħaddim tagħha b’mod sinifikanti.

Kaxxa 2

It-tħaddim tal-ERTMS fl-Iżvizzera

L-Iżvizzera nediet pjan ambizzjuż ta’ investiment fl-ERTMS biex iżżid il-kapaċità u l-veloċità tal-ferroviji fuq is-segmenti l-aktar traffikużi tan-netwerk ferrovjarju nazzjonali. Pereżempju, il-linja ta’ 45 km Mattstetten-Rothrist hija ostaklu strateġiku għat-traffiku minn Bern sa Basel, Zurich, u Lucerne. It-tgħammir ta’ din is-sezzjoni bl-ERTMS livell 2 naqqas il-ħin tal-vjaġġ bejn Zurich u Bern bi 15-il minuta (minn 70 minuta għal inqas minn siegħa), l-intervalli bejn il-ferroviji tnaqqsu għal 110 sekondi u l-veloċitajiet tal-ferroviji żdiedu għal 200 km/h.

It-tħaddim tal-ERTMS kien għażla politika strateġika mingħajr stima kumplessiva tal-ispejjeż

26

Il-kunċett tal-ERTMS bħala sistema unika ta’ sinjalar fl-Ewropa jirriżulta mill-għażla politika strateġika, li saret fid-disgħinijiet, li tinħoloq żona ferrovjarja unika Ewropea. L-ewwel obbligu ġuridiku ġie inkluż fl-1996 u dan ġie segwit minn ħafna atti leġiżlattivi li jagħmlu t-tħaddim tal-ERTMS obbligatorju kemm għall-ferroviji ta’ veloċità għolja kif ukoll għal dawk konvenzjonali. Madankollu, dawn l-obbligi ġuridiċi ma kinux ibbażati fuq stima kumplessiva tal-ispejjeż li tistabbilixxi l-finanzjament meħtieġ u s-sorsi tiegħu21.

27

Kien biss fl-2015 li l-Kummissjoni bdiet teżamina l-ispiża tat-tħaddim tal-ERTMS (ara l-paragrafu 47). Dan l-eżerċizzju kien limitat għall-valutazzjoni tat-tagħmir u l-ispiża tal-installazzjoni tiegħu, u kien ristrett għall-kurituri tan-netwerk ewlieni. Il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda valutazzjoni għan-netwerk ewlieni u komprensiv kollu kemm hu, fejn l-ERTMS għandha titnieda sal-2030 u l-2050 rispettivament.

28

Aħna sibna li t-tħaddim tal-ERTMS (f’kombinament max-xogħlijiet assoċjati meħtieġa22) kemm fuq il-binarji kif ukoll abbord irriżulta f’eżerċizzju li jqum il-flus. L-estrapolazzjoni tal-ispiża ta’ żewġ Stati Membri miżjura (id-Danimarka u n-Netherlands), li għażlu l-ERTMS fuq skala ta’ netwerk, turi li l-ispiża kumplessiva tat-tħaddim tal-ERTMS tista’ tasal sa EUR 80 biljun sal-2030 għall-kurituri tan-netwerk ewlieni, jew sa EUR 190 biljun sal-2050 meta huwa mistenni li n-netwerk komprensiv jiġi mgħammar bl-ERTMS (ara l-paragrafu 55). Madankollu, dawn ix-xogħlijiet jistgħu jkunu meħtieġa wkoll jekk sistemi oħra għajr l-ERTMS jissostitwixxu tagħmir tas-sinjalar skadut jew inkella biex tiġi indirizzata manutenzjoni pendenti. L-ispiża kumplessiva tista’ tonqos maż-żmien minħabba l-iżvilupp teknoloġiku fil-futur, l-ekonomija ta’ skala u aktar kompetizzjoni fost il-fornituri tal-ERTMS.

Ġabra kumplessa ta’ obbligi ġuridiċi, prijoritajiet u dati ta’ skadenza

29

Matul dawn l-aħħar 20 sena, bosta dokumenti ġuridiċi stabbilew obbligi relatati mat-tħaddim tal-ERTMS. Kien hemm ukoll tentattivi biex jiġu pprijoritizzati linji speċifiċi u biex jiġu stabbiliti dati ta’ skadenza ddifferenzjati. Madankollu, kien hemm ftit li xejn koordinazzjoni bejn dawn l-obbligi, prijoritajiet u dati ta’ skadenza, u dan fixkel it-tħaddim koerenti tal-ERTMS (ara wkoll il-paragrafi 36 u 40).

30

L-obbligu li titħaddem l-ERTMS jibda bid-Direttiva 96/48/KE, li jagħmlu wieħed mill-prinċipji bażiċi għall-interoperabbiltà ta’ linji ta’ veloċità għolja. L-istess prinċipju huwa inkluż għall-ferroviji konvenzjonali fid-Direttiva 2001/16/KE, li tgħid li “l-infrastruttura l-ġdida kollha u r-rolling stock ġdid fabbrikat jew żviluppat wara l-adozzjoni tas-sistemi kompatibbli tal-kontroll u l-iggwidar u s-sinjaletika għandhom jiġu adattati apposta għall-użu f’dawk is-sistemi”. L-ewwel speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà li jikkonċernaw l-ERTMS, li huma obbligatorji kemm għall-ferroviji ta’ veloċità għolja kif ukoll għal dawk konvenzjonali, saru legalment vinkolanti fl-2002; dawn ġew segwiti minn emendi tekniċi sussegwenti. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2012/88/UE23 tirrikjedi l-installazzjoni tal-ERTMS għall-proġetti ferrovjarji kollha ffinanzjati bi flus tal-UE, irrispettivament mill-post fejn jinsabu. Linji ġodda jew rinnovati jridu jkunu mgħammra bl-ERTMS anke fejn id-data ta’ skadenza għat-tħaddim ta’ dawn il-linji tkun l-2050 jew saħansitra aktar tard, skont ir-Regolament TEN-T (ara l-paragrafu 75).

31

Sa fejn jikkonċerna t-tħaddim abbord, id-deċiżjoni tirrikjedi li lokomottivi ġodda u vetturi ġodda oħra tal-ferroviji li ġew ordnati wara l-1 ta’ Jannar 2012 jew daħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2015 ikunu mgħammra bl-ERTMS, bl-eċċezzjoni tat-traffiku reġjonali.

32

L-ewwel dati ta’ skadenza uffiċjali għat-tħaddim tal-ERTMS huma stipulati fil-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni (EDP) tal-2009, li kien illimitat għal sitt kurituri tal-ERTMS, u li kien jindika t-tagħmir tal-ERTMS maġenb 10 000 km ta’ binarji sal-31 ta’ Diċembru 2015, u 25 000 km ta’ binarji sal-31 ta’ Diċembru 2020. Sal-aħħar xhur tal-2016, madwar 4 100 km biss kienu mgħammra bl-ERTMS (ara l-paragrafu 36). Fl-ewwel xhur tal-2017, il-Kummissjoni rrevediet dawn il-miri fil-Pjan Ewropew il-ġdid għall-Mobilitazzjoni (EDP) u pposponiet id-dati ta’ skadenza wara l-2015, sal-2023, filwaqt li s-sezzjonijiet li jifdal jibdew jitħaddmu biss wara l-2023, mingħajr dati ta’ skadenza fissi u kkoordinati (bl-eċċezzjoni tad-data ta’ skadenza ġenerali tal-2030).

33

Barra minn hekk, ir-Regolament TEN-T stabbilixxa l-31 ta’ Diċembru 2030 bħala d-data ta’ skadenza biex in-netwerk ewlieni ta’ 66 700 km kollu kemm hu jiġi mgħammar bl-ERTMS (inklużi disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 51 000 km) u l-31 ta’ Diċembru 2050 bħala d-data ta’ skadenza biex isir l-istess għall-123 000 km kollha tan-netwerk komprensiv (ara t-Tabella 2). Aħna sibna li ma ġew stabbiliti l-ebda miri interim għall-monitoraġġ tat-tħaddim ġenerali tal-ERTMS sal-2050. Dawn id-dati ta’ skadenza u sezzjonijiet speċifiċi ta’ linji li se jiġu mgħammra bl-ERTMS jistgħu jkunu suġġetti għal tibdil u miri li jinbidlu, minħabba li huwa previst li l-Pjan Ewropew il-ġdid għall-Mobilitazzjoni li għadu kemm ġie adottat u r-Regolament TEN-T se jiġu riveduti sal-2023.

Tabella 2

Dati ta’ skadenza għat-tħaddim tal-ERTMS

  Kurituri tan-netwerk ewlieni Netwerk ewlieni Netwerk komprensiv1 Netwerk ferrovjarju kollu tal-UE
Tul (km) 51 000 66 700 123 000 217 000
Data ta’ skadenza 2030 2030 2050 L-ebda data ta’ skadenza

1In-netwerk komprensiv jinkludi n-netwerk ewlieni u l-kurituri tan-netwerk ewlieni (ara l-paragrafu 12).

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq id-data tal-Kummissjoni Ewropea u r-Regolament TEN-T (UE) Nru 1315/2013.

L-ebda data ta’ skadenza ma hija stabbilita għad-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar attwali

34

L-Istati Membri tal-UE adottaw strateġiji differenti għat-tħaddim tal-ERTMS fuq in-netwerk ferrovjarju tagħhom. Fost l-Istati Membri miżjura, id-Danimarka biss għażlet li żżarma s-sistema nazzjonali tagħha u tniedi l-ERTMS bħala sistema unika ta’ sinjalar fuq il-biċċa l-kbira min-netwerk ferrovjarju nazzjonali tagħha, filwaqt li ħadet kont tan-nuqqasijiet u l-obsolexxenza tas-sistema nazzjonali ta’ sinjalar attwali tagħha. L-Istati Membri l-oħra kollha miżjura għażlu l-ERTMS bħala sistema addizzjonali bbażata fuq is-softwer għas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar tagħhom, b’mod partikolari fejn fadlilhom tul ta’ ħajja ta’ 15-20 sena (pereżempju, fil-Ġermanja).

35

Biex l-ERTMS tkun sistema unika ta’ sinjalar fl-UE, iridu jiġu ddekummissjonati s-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar. La l-EDP tal-2009 u lanqas l-EDP il-ġdid ma jinkludu strateġija għad-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar. Fiż-żmien l-awditu, ma kienet ġiet stabbilita l-ebda data ta’ skadenza għad-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar fl-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar id-dati ta’ skadenza tagħhom għad-dekummissjonar permezz ta’ pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali, li jridu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni f’Lulju 201724. Minkejja l-isfidi involuti fl-introduzzjoni ta’ obbligu kkoordinat li jkun vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha, in-nuqqas ta’ din l-informazzjoni huwa ostakolu sinifikanti li jfixkel l-ippjanar ta’ investiment fit-tul mill-impriżi ferrovjarji, u lanqas ma jgħin biex it-tħaddim tal-ERTMS madwar l-UE jiġi aċċellerat.

Sa issa sar tħaddim limitata u frammentat tal-ERTMS

36

Meta mqabbel mal-miri stabbiliti (ara l-paragrafu 32), mill-51 000 km ta’ kurituri tan-netwerk ewlieni li għandhom jiġu mgħammra sal-2030, sa tmiem l-2016 qed joperaw biss 4 121 km ta’ ERTMS. Dan jirrappreżenta madwar 8 % biss tal-kurituri tan-netwerk ewlieni. Mid-disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni, dak l-aktar avvanzat huwa l-kuritur Ir-Renu - Alpin bi 13 % tal-linji diġà mgħammra. It-tħaddim tal-ERTMS f’kurituri oħra jvarja bejn 5 % u 12 % (ara l-Figura 4).

Figura 4

It-tħaddim tal-ERTMS fil-kurituri tan-netwerk ewlieni sa tmiem l-2016 (f’km)

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq id-data tal-Kummissjoni Ewropea.

37

Aħna nqisu li dan il-livell baxx ta’ tħaddim tal-ERTMS iqiegħed f’riskju l-ilħuq tal-miri stabbiliti għall-2030, billi huwa probabbli li dawn il-miri ma jintlaħqux, u dan jimmina b’mod sinifikanti l-benefiċċji potenzjali tal-interoperabbiltà. Jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq segwitu mill-qrib tal-EDP li għadu kif ġie adottat, billi dan huwa prerekwiżit għat-tħaddim b’suċċess.

38

L-istatus tat-tħaddim tal-ERTMS fil-kurituri tan-netwerk ewlieni jvarja b’mod sinifikanti fl-Istati Membri tal-UE (ara l-Anness IV). Mis-sitt Stati Membri miżjura, in-Netherlands u Spanja kienu l-uniċi tnejn li ssodisfaw il-miri stabbiliti għall-2015 fl-EDP tal-2009.

39

It-tħaddim tal-ERTMS fil-vetturi ferrovjarji fl-UE huwa baxx ukoll, u jammonta għal madwar 2 700 unità, jiġifieri 10 % tal-flotta totali tal-UE. Il-biċċa l-kbira mill-vetturi diġà mgħammra jappartjenu għall-flotta ta’ ferroviji tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja, li prinċipalment joperaw fis-swieq domestiċi.

40

Attwalment, l-ERTMS titħaddem b’mod frammentat, b’ħafna sezzjonijiet mhux konnessi ma’ xulxin (ara l-Figura 5). Barra minn hekk, għalkemm skont il-politika tal-UE, jenħtieġ li l-kurituri tan-netwerk ewlieni jkunu l-fokus prinċipali tal-investimenti, aħna sibna każijiet ta’ linji uniċi barra min-netwerk ewlieni bl-ebda konnessjoni mal-bqija tan-netwerk rispettiv jew mas-sezzjoni transkonfinali. Minkejja li l-Kummissjoni hija l-inizjatur tal-kunċett tal-ERTMS, hija ma għandhiex stampa ġenerali preċiża tat-tħaddim ġenerali fuq il-livell Ewropew minħabba li l-monitoraġġ tagħha huwa limitat għan-netwerk ewlieni.

Figura 5

It-tħaddim frammentat tal-ERTMS fil-kurituri tan-netwerk ewlieni

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

41

F’xi każijiet sibna nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn it-tħaddim tal-ERTMS maġenb il-binarji u abbord. Pereżempju, fil-Polonja, il-vetturi ferrovjarji mgħammra bl-ERTMS inxtraw, iżda fir-realtà, dawn joperaw biss fuq 218-il km (mit-3 763 km ta’ kurituri tan-netwerk ewlieni tagħha), u l-ferroviji jistgħu jivvjaġġaw b’veloċità ta’ 200 km/h fuq biss 89 km minnhom. Fil-każijiet l-oħra, il-ferroviji jaħdmu bl-ERTMS mitfija, billi l-kumplament tal-infrastruttura maġenb il-binarji mhijiex mgħammra bl-ERTMS. Fil-prattika, l-użu tal-ERTMS huwa baxx saħansitra sa 6.5 % kuljum. Fl-Italja l-użu effettiv tal-ferroviji mgħammra bl-ERTMS ivarja bejn 19 % u 63 % f’termini ta’ ferroviji/km u huwa limitat għal linji ta’ veloċità għolja biss.

Ħafna maniġers tal-infrastruttura, kif ukoll impriżi ferrovjarji ma kinux ħerqana li jinvestu fl-ERTMS minħabba n-nuqqas ta’ argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali

Eżitu ġenerali pożittiv għall-ERTMS fil-livell tal-UE, iżda fuq terminu twil biss
42

Il-benefiċċji possibbli tal-ERTMS ġeneralment jikkonċernaw is-soċjetà jew is-settur ferrovjarju fl-intier tiegħu, aktar milli l-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji li jridu jieħdu d-deċiżjoni ta’ investiment dwar jekk jinstallawx l-ERTMS jew le, u jġarrbu l-ispiża tagħha.

43

Fl-2016, f’rapport dwar l-argument għall-vijabbiltà ekonomika dwar id-disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni, il-Kummissjoni żviluppat argument pożittiv aggregat għall-vijabbiltà ekonomika tat-tħaddim tal-ERTMS fil-livell ta’ kull kuritur25. Madankollu, dan l-argument għall-vijabbiltà ekonomika juri li l-benefiċċji potenzjali se jimmaterjalizzaw biss, b’mod ġenerali, fuq terminu twil. Barra minn hekk, din l-analiżi ma tindikax jekk il-benefiċċji tat-tħaddim tal-ERTMS humiex se jpattu għall-ispiża tagħha għall-maniġers tal-infrastruttura jew l-impriżi ferrovjarji, meta jitqiesu individwalment jew anke bħala kategorija.

Ħafna maniġers tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji bi ħtiġijiet differenti huma mistennija jinvestu f’sistema waħda
44

Abbażi tal-leġiżlazzjoni attwali (ara l-paragrafi 30 u 31), l-ERTMS hija investiment obbligatorju għal partijiet interessati ferrovjarji differenti bi ħtiġijiet differenti ħafna: maniġers tal-infrastruttura b’sistemi ta’ sinjalar skaduti bi prestazzjoni baxxa, maniġers tal-infrastruttura b’sistemi ta’ sinjalar relattivament ġodda bi prestazzjoni tajba, operaturi ferrovjarji tal-merkanzija, operaturi ferrovjarji tal-passiġġieri, operaturi ferrovjarji ta’ veloċità għolja, operaturi ferrovjarji internazzjonali u domestiċi, u oħrajn. Kollha huma mistennija jinvestu fl-ERTMS bħala sistema unika ta’ sinjalar skont l-istess dati ta’ skadenza statutorji, filwaqt li l-investimenti fl-infrastruttura ferrovjarja u fil-vetturi ferrovjarji normalment isiru fuq bażi fit-tul, billi t-tul ta’ ħajja utli medju tagħhom hija madwar 30 sena.

45

Ir-rieda tal-maniġers tal-infrastruttura li jinvestu fl-ERTMS tiddependi fuq il-punt tat-tluq tagħhom. Xi maniġers tal-infrastruttura diġà għandhom sistemi ta’ sinjalar relattivament ġodda li jiffunzjonaw tajjeb, fatt li ma għamilhomx ħerqana li jinvestu fl-ERTMS (pereżempju fil-Ġermanja), filwaqt li fi Stati Membri oħra, is-sistemi ta’ sinjalar kienu qed jaslu fit-tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom jew il-prestazzjoni tagħhom f’termini ta’ sikurezza jew veloċità ma kinitx għadha suffiċjenti (pereżempju fid-Danimarka, ara wkoll il-Kaxxa 3). Skont il-partijiet interessati intervistati, eventwalment, l-obsolexxenza tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar se tiskatta t-tħaddim ġenerali tal-ERTMS; madankollu, it-twaqqit ikkoordinat huwa fattur deċiżiv biex l-ERTMS titħaddem b’suċċess (ara l-paragrafu 70).

Kaxxa 3

Żewġ eżempji ta’ fatturi li jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-maniġers tal-infrastruttura dwar jekk iħaddmux l-ERTMS jew le

Fid-Danimarka, twettqet analiżi fl-2006 biex teżamina l-mod l-aktar effettiv biex isir investiment mill-ġdid fis-sistema ta’ sinjalar għall-ferroviji tal-Istat. Din ikkonkludiet li s-sistema nazzjonali kienet skaduta u li setgħet tibqa’ topera biss sa mhux aktar tard mill-2020. Għalhekk id-Danimarka kienet l-ewwel pajjiż fl-UE li ddeċida li jniedi l-ERTMS fin-netwerk ferrovjarju kollu tal-Istat mingħajr ma jerġa’ lura għas-sistema nazzjonali ta’ sinjalar.

Fil-Ġermanja, huwa diffiċli għall-maniġer tal-infrastruttura biex jibni argument għall-vijabbiltà ekonomika tat-tħaddim tal-ERTMS minħabba li diġà hemm żewġ sistemi li jiffunzjonaw tajjeb, l-LZB u l-PZB. Is-sistema LZB, li hija installata fuq 2 600 km ta’ binarji, diġà tippermetti li l-ferroviji joperaw b’veloċità ta’ madwar 300 km/h jew fuq linji b’densità għolja ta’ traffiku, anke jekk progressivament qed tersaq lejn tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha, li huwa mistenni madwar l-2030. Is-sistema PZB, li tkopri 32 000 km ta’ binarji konvenzjonali, ukoll titqies mill-maniġer Ġermaniż tal-infrastruttura li qed tiffunzjona tajjeb f’termini ta’ sikurezza, kapaċità u indikaturi tal-prestazzjoni oħra, u se tkun disponibbli għal perjodu itwal ta’ żmien minkejja li tippermetti veloċità aktar baxxa.

46

Fir-rigward tal-impriżi ferrovjarji, il-ħtieġa li jkollhom l-ERTMS tiddependi fuq it-tipi ta’ operazzjonijiet u negozju li għandhom. Pereżempju, ġew osservati differenzi sinifikanti bejn il-ħtiġijiet tal-ERTMS għal traffiku ta’ veloċità għolja u dak konvenzjonali (speċjalment għall-merkanzija li għaliha hija meħtieġa veloċità massima ta’ madwar 100 km/h), u bejn l-impriżi ferrovjarji li joperaw kważi esklussivament f’pajjiż wieħed u dawk li joperaw it-traffiku internazzjonali tal-merkanzija u tal-passiġġieri.

L-investimenti fl-ERTMS iqumu l-flus

47

Kien biss fl-2015 u fl-2016 li l-Kummissjoni bdiet teżamina l-ispiża tat-tħaddim tal-ERTMS f’żewġ studji26. Din il-valutazzjoni kienet limitata għall-ispiża tat-tagħmir u l-installazzjoni tal-ERTMS u ristretta għall-kurituri tan-netwerk ewlieni. Abbażi ta’ din il-kategorija tal-ispejjeż, l-ispiża tat-tħaddim maġenb il-binarji tista’ tvarja bejn EUR 100 000 u EUR 350 000 għal kull kilometru, jiġifieri bejn EUR 5 biljun u EUR 18-il biljun rispettivament.

48

Madankollu, sabiex l-ERTMS topera kompletament maġenb il-binarji, l-ispiża totali li jridu jġarrbu l-maniġers tal-infrastruttura mhijiex limitata għall-ispiża tat-tagħmir u l-installazzjoni, iżda tinkludi wkoll xogħlijiet assoċjati oħra meħtieġa biex issir il-migrazzjoni minn sistema nazzjonali ta’ sinjalar li tiffunzjona bis-sħiħ għal sistema tal-ERTMS li tiffunzjona bis-sħiħ. Skont il-Kummissjoni, dawn ix-xogħlijiet huma prerekwiżit għat-tħaddim, minkejja li mhumiex formalment parti mill-ERTMS.

49

Iż-żewġ Stati Membri miżjura (id-Danimarka u n-Netherlands) li għażlu li jħaddmu l-ERTMS fuq skala kbira fuq in-netwerk ferrovjarju tagħhom fasslu l-programmi nazzjonali tagħhom għat-tħaddim tal-ERTMS u abbozzaw il-baġits stmati tagħhom. Abbażi tal-istimi tagħhom, aħna eżaminajna l-kobor tal-investimenti li jistgħu jkunu meħtieġa għal ERTMS maġenb il-binarji li tiffunzjona bis-sħiħ madwar l-UE kollha. L-ispiża totali stmata tinkludi l-komponenti meħtieġa kollha: ir-rinnovazzjoni tas-sistema tal-lokkjatura, it-tfassil, l-ittestjar u l-awtorizzazzjoni tas-sistema, il-ġestjoni tal-proġett, l-investimenti relatati mat-telekomunikazzjoni u l-blokki tar-radju, it-taħriġ u l-iskjerament mill-ġdid tal-persunal, jew il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Barra minn hekk, l-ERTMS li titħaddem maġenb il-binarji bħala sistema addizzjonali tista’ tinvolvi aktar spejjeż ta’ manutenzjoni sakemm is-sistema nazzjonali ma tkunx meħtieġa aktar u tiġi ddekummissjonata.

50

F’dawn iż-żewġ Stati Membri, l-ispiża totali tat-tħaddim tal-ERTMS maġenb il-binarji tammonta għal EUR 2.52 biljun u EUR 4.9 biljun għal 2 132 km u 2 886 km ta’ linji rispettivament, jew spiża medja ta’ EUR 1.44 miljun għal kull kilometru ta’ linji (ara aktar dettalji fl-Anness V). L-estrapolazzjoni lineari ta’ dawn l-istimi tindika li l-ispiża totali tat-tħaddim tal-ERTMS maġenb il-binarji tul il-kurituri kollha tan-netwerk ewlieni jew in-netwerk komprensiv tista’ tvarja bejn EUR 73 biljun u EUR 177 biljun, skont il-firxa tat-tħaddim (ara t-Tabella 3). Jista’ jkun li l-iżvilupp teknoloġiku u l-ekonomija ta’ skala jnaqqsu, fil-futur, l-ispiża kumplessiva tat-tħaddim tal-ERTMS.

51

Flimkien mal-ispiża tat-tħaddim tal-ERTMS maġenb il-binarji, li tiġġarrab mill-maniġers tal-infrastruttura, l-ERTMS trid tiġi installata wkoll fuq il-lokomottivi, bl-ispejjeż jiġġarrbu mill-impriżi ferrovjarji. Is-sitwazzjoni għal-lokomottivi eżistenti, li jridu jiġu mmodifikati biex ikunu jistgħu joperaw fuq il-linji mgħammra bl-ERTMS, hija differenti minn dik għal lokomottivi ġodda, li jinxtraw bl-ERTMS diġà installata abbord.

52

Fil-każ tal-lokomottivi eżistenti, iż-żewġ studji tal-Kummissjoni li ssemmew hawn fuq jirreferu għal spiża ta’ bejn EUR 375 000 u EUR 550 000 għal kull lokomottiv, inkluż it-tagħmir u l-installazzjoni tal-ERTMS, l-ittestjar u l-awtorizzazzjoni u n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-vettura. Barra minn hekk, l-ispejjeż assoċjati tat-taħriġ huma stmati f’ammont ta’ EUR 20 000 għal kull lokomottiv. Meta jitqies li l-għadd ta’ unitajiet abbord li jridu jiġu mmodifikati huwa stmat f’ammont ta’ 22 000 unità (ara l-paragrafu 39), dawn iċ-ċifri jistgħu jsarrfu fi spiża medja ta’ EUR 11-il biljun għall-flotta kollha kemm hi (ara d-dettalji fl-Anness V). Barra minn hekk, it-tagħmir addizzjonali tal-ERTMS abbord jista’ jirriżulta f’aktar spejjeż ta’ manutenzjoni għal kull lokomottiv sakemm is-sistema nazzjonali ta’ sinjalar tiġi ddekummissjonata.

53

Matul l-awditu, aħna sibna li l-ispiża tal-modifikazzjoni tvarja ħafna, skont l-għadd ta’ lokomottivi li għandhom jiġu mmodifikati u l-għadd ta’ pajjiżi li joperaw fihom. Barra minn hekk, ammeljoramenti statutorji sussegwenti fl-ERTMS, li jirriżultaw mill-evoluzzjoni kontinwa tas-sistema u mill-korrezzjoni ta’ żbalji fis-softwer, jinvolvu aktar spejjeż sinifikanti. F’xi każijiet, aħna sibna li l-ispiża totali tammonta għal kważi EUR 1 miljun għal kull unità abbord, u dan jeskludi l-ispiża tan-nuqqas ta’ disponibbiltà, kif jidher fil-Kaxxa 4.

Kaxxa 4

Eżempju tal-ispiża totali tal-modifikazzjoni ta’ bosta sensieli ta’ lokomottivi

Fin-Netherlands, wieħed mill-proġetti analizzati kien jikkonċerna l-modifikazzjoni ta’ bosta lokomottivi tal-merkanzija, li għandhom ħafna sistemi, bl-ERTMS, il-linja bażi 2.3.0d. L-ispiża tal-modifikazzjoni, inklużi l-ammeljoramenti obbligatorji, kienet tvarja bejn EUR 663 000 u EUR 970 000 għal kull lokomottiv. Hekk kif il-maniġers tal-infrastruttura jibdew iħaddmu l-linja bażi 3, ikun mistenni ammeljorament obbligatorju ieħor.

Fil-Ġermanja, proġett ieħor li ntgħażel kien jikkonsisti fil-modifikazzjoni ta’ bosta lokomottivi tal-merkanzija bil-linja bażi 2.3.0d tal-ERTMS. L-ispiża kienet tvarja bejn EUR 420 000 u EUR 630 000 għal kull lokomottiv. Ammeljorament għal-linja bażi 3, li hija meħtieġa għall-operat fil-Ġermanja, tkun tirriżulta fi spiża addizzjonali medja ta’ EUR 270 000 għal kull lokomottiv.

54

Lokomottivi ġodda jew ferroviji ġodda b’formazzjoni fissa jridu jkunu mgħammra bl-ERTMS irrispettivament minn jekk joperawx fuq linji mgħammra bl-ERTMS jew le. L-ispiża medja ta’ unità abbord hija stmata mill-impriżi ferrovjarji fl-Istati Membri miżjura f’ammont ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 300 000 (madwar 15 % tal-ispiża tal-lokomottiv kollu). Din l-ispiża tal-investiment mhijiex inkluża fl-istima tal-ispejjeż kumplessivi għat-tħaddim abbord, li hija inkluża fl-istudji msemmija hawn fuq.

55

Għalhekk, flimkien max-xogħlijiet assoċjati meħtieġa, l-ERTMS tinvolvi investimenti li jqumu l-flus li jridu jiġu koperti mill-maniġers tal-infrastruttura u mill-impriżi ferrovjarji. L-ispiża kumplessiva tat-tħaddim tal-ERTMS, kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord, tista’ tasal sa EUR 80 biljun għall-kurituri tan-netwerk ewlieni, jew EUR 190 biljun għan-netwerk komprensiv (ara t-Tabella 3). Madankollu, dawn ix-xogħlijiet jistgħu jkunu meħtieġa wkoll jekk sistemi oħra għajr l-ERTMS jissostitwixxu tagħmir tas-sinjalar skadut jew inkella biex tiġi indirizzata manutenzjoni pendenti. Billi l-maniġers tal-infrastruttura jippjanaw l-investimenti tagħhom fuq medda ta’ żmien ta’ bejn 30-50 sena, u filwaqt li jiġu rikonoxxuti d-diffikultajiet fl-antiċipazzjoni tal-evoluzzjoni teknoloġika futura fuq perjodu daqstant twil, huwa ta’ importanza kritika li jkun hemm kemm stima tal-ispejjeż għat-tħaddim kif ukoll ippjanar affidabbli, inkluża l-kopertura tal-finanzjament, billi ma jistax ikun mistenni li l-finanzjament mill-UE jkopri l-ispejjeż tat-tħaddim u jridu jinstabu sorsi oħra ta’ finanzjament (ara l-paragrafu 73).

Tabella 3

Estrapolazzjoni tal-ispiża tat-tħaddim tal-ERTMS maġenb il-binarji abbażi tal-każ Daniż u l-każ Netherlandiż

  Kurituri tan-netwerk ewlieni Netwerk ewlieni Netwerk komprensiv
Tul (km) 51 000 66 700 123 000
Estrapolazzjoni tal-ispiża tat-tħaddim maġenb il-binarji (biljun EUR) 73 96 177
Modifikazzjoni abbord (biljun EUR) 11
Total (biljun EUR) 84 107 188

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq estrapolazzjoni lineari tal-istimi nazzjonali eżistenti fid-Danimarka u fin-Netherlands.

Problemi ta’ kompatibbiltà u ta’ stabbiltà jaffettwaw b’mod avvers l-argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali

Problemi ta’ kompatibbiltà bejn verżjonijiet differenti tal-ERTMS
56

Problemi ta’ kompatibbiltà jistgħu jirriżultaw, prinċipalment, minn żewġ fatturi ewlenin: l-integrazzjoni tal-ERTMS mas-sistema nazzjonali ta’ sinjalar li teżisti f’kull Stat Membru, u t-tħaddim differit tal-ERTMS fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri.

57

Fl-UE, l-ERTMS hija integrata fin-netwerks ferrovjarji nazzjonali u fis-sistemi ta’ sinjalar tagħhom (jiġifieri proġetti eżistenti). Minħabba s-soluzzjonijiet tal-ERTMS imfassla apposta fin-netwerks ferrovjarji nazzjonali, attwalment fl-UE ma teżisti l-ebda unità abbord tal-ERTMS li hija kapaċi topera fuq is-sezzjonijiet ferrovjarji kollha mgħammra b’verżjonijiet differenti tal-ERTMS. Problemi ta’ interoperabbiltà ma jseħħux biss fis-sezzjonijiet transkonfinali bejn l-Istati Membri, iżda wkoll fi ħdan pajjiż wieħed (pereżempju, in-Netherlands). Barra minn hekk, aħna osservajna li, sa issa, it-tħaddim tal-ERTMS kien limitat għal-linji filwaqt li l-istazzjonijiet u l-hubs ferrovjarji għadhom ma ġewx mgħammra bl-ERTMS.

58

L-Istati Membri għażlu t-tħaddim tas-sistema tal-ERTMS fi stadji differenti tal-iżvilupp tagħha u fuq diversi linji ferrovjarji fi ħdan in-netwerks nazzjonali tagħhom. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà evolvew b’pass rapidu ħafna, fatt li xekkel l-istabbiltà generali tas-sistema (bħala medja, dawn inbidlu kull sentejn) u li rriżulta fil-ħtieġa għal ammeljoramenti sussegwenti. Pereżempju, minkejja li l-linja bażi 2.3.0d inħarġet fl-2008, u għadha valida sal-lum, sadanittant il-linja bażi 3 kienet qed tiġi żviluppata u pprijoritizzata għat-tħaddim27. Il-lokomottivi mgħammra bil-linja bażi 2 tal-ERTMS mhux se jkunu jistgħu joperaw fuq binarji li huma mgħammra bil-linja bażi 3. Il-partijiet interessati jistennew li din il-problema se tiġi mmitigata fil-futur, billi l-unitajiet abbord li huma mgħammra bil-linja bażi 3 suppost jistgħu joperaw fuq sistemi maġenb il-binarji li huma mgħammra bil-linja bażi 2 (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Eżempji ta’ problemi ta’ kompatibbiltà

Fl-Italja, 366 km ta’ linji ta’ veloċità għolja huma mgħammra b’linji bażi ta’ qabel il-linja bażi 2.3.0d u se jkollhom jiġu ammeljorati fil-futur qarib biex il-ferroviji l-ġodda jkunu jistgħu joperaw fuqhom. Barra minn hekk, il-linji konvenzjonali suppost li joperaw bil-linja bażi 3. Il-lokomottivi li huma mgħammra bil-linja bażi 2.3.0d mhux se jkunu jistgħu joperaw fuq dawn il-linji. Xi wħud minnhom diġà ġew ammeljorati bl-appoġġ ta’ kofinanzjament tal-UE.

Fi Spanja, l-ewwel linji ġew mgħammra bil-linja bażi 2.2.2+. Spanja diġà ammeljorat xi wħud minnhom iżda jridu jsiru aktar sforzi biex dawn il-linji jaqilbu għal 2.3.0d. Fi żmien l-awditu, 1 049 km minn 1 902 km ta’ linji kienu għadhom jeħtieġu ammeljorament (55 %). B’mod simili, 158 mit-362 vettura diġà mgħammra issa jeħtieġu ammeljorament biex jibqgħu operazzjonali.

Il-ħtieġa li l-industrija twassal verżjoni armonizzata
59

In-nuqqas ta’ kompatibbiltà tat-tagħmir tal-ERTMS huwa wkoll ir-riżultat tal-fatt li l-industrija tħejji soluzzjonijiet imfassla apposta li jkunu adattati għar-rekwiżiti speċifiċi ta’ kull Stat Membru, li mhux dejjem ikunu kompatibbli. Normalment, problemi u żbalji potenzjali ma jiġux ikkomunikati pubblikament, u dan jaffettwa l-proċess ta’ tagħlim u jagħmilha diffiċli biex jinstabu soluzzjonijiet komuni.

60

Barra minn hekk, meta titqies l-iskala kbira tal-investimenti li huma ppjanati fil-futur qarib taħt l-EDP il-ġdid, hemm ir-riskju li l-industrija tista’ ma tkunx lesta biex twassal verżjoni armonizzata u stabbli tat-tagħmir. Il-kapaċità tal-industrija li twassal il-prodott se tiddependi fuq il-livell ta’ adattament tal-offerti speċifiċi li jitniedu mill-maniġers tal-infrastruttura u mill-impriżi ferrovjarji. Il-varjazzjonijiet nazzjonali jistgħu jkomplu jżidu kemm l-ispejjeż kif ukoll ir-riskji għall-interoperabbiltà.

Proċeduri ta’ ċertifikazzjoni twal biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà
61

Iċ-ċertifikazzjoni tal-ERTMS tinvolvi korpi nnotifikati, li huma responsabbli għall-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni, u awtoritajiet nazzjonali ta’ sikurezza, li joħorġu l-awtorizzazzjonijiet. Sabiex jiksbu ċertifikat għal linja jew għal unità abbord, normalment il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji jikkooperaw mill-qrib mal-aġenzija nazzjonali tas-sikurezza mill-bidu nett tal-proġett, qabel ma tiġi ppreżentata applikazzjoni formali (dik li tissejjaħ proċedura ta’ qabel l-ingaġġ).

62

Matul l-awditu, aħna sibna li l-proċessi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni kienu relattivament twal u kienu jeħtieġu medja ta’ bejn sena u sentejn, skont it-tul ta’ dawn il-proċeduri tekniċi mhux uffiċjali ta’ qabel l-ingaġġ. Fil-każ ta’ operazzjonijiet transkonfinali, aħna sibna li ċ-ċertifikazzjoni ta’ unitajiet abbord kienet partikolarment kumplessa u tqum il-flus minħabba l-varjazzjonijiet nazzjonali li fixklu wkoll l-aċċettazzjoni transnazzjonali tax-xogħol li twettaq mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fi Stati Membri oħra (ara l-Figura 6).

Figura 6

Aċċettazzjoni transnazzjonali tal-vettura

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Ir-rwol imsaħħaħ tal-ERA huwa pass pożittiv lejn iż-żona ferrovjarja unika Ewropea
63

L-iżviluppi leġiżlattivi reċenti, li jirriżultaw fi rwol aktar b’saħħtu għall-ERA, huma pass pożittiv lejn żona ferrovjarja unika Ewropea. Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju jafda lill-ERA, bħala awtorità formali tas-sistema għall-ERTMS, kemm bil-kompitu tal-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ sikurezza għall-impriżi ferrovjarji fl-UE kollha, u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għal vetturi u subsistemi tal-ERTMS li jintużaw f’aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll bil-kompitu tal-verifikazzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi maġenb il-binarji li jkunu inklużi fl-offerti ppreżentati mill-maniġers tal-infrastruttura minn nofs l-2019 ’il quddiem. Barra minn hekk, l-ERA se jkollha rwol superviżorju akbar fuq il-korpi nnotifikati u fuq l-aġenziji nazzjonali tas-sikurezza, u se teżamina d-dokumentazzjoni tal-offerti għat-tħaddim tal-ERTMS maġenb il-binarji fl-UE.

64

Madankollu, għad hemm sfidi sinifikanti li jqiegħdu f’riskju t-tħaddim tal-ERTMS. Dawn jikkonċernaw, b’mod partikolari:

  • il-kapaċità amministrattiva tal-ERA bħala l-awtorità tas-sistema għall-ERTMS għal proġett ġenerali li jammonta għal mijiet ta’ miljuni ta’ euro, u r-rwol imsaħħaħ tagħha taħt ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju;
  • il-ħtieġa għal linji gwida u taħriġ prattiċi, li jnaqqsu l-proċess ta’ tagħlim diffiċli u li jqum il-flus fir-rigward tat-tfassil prattiku u t-tħaddim tal-ERTMS fl-Istati Membri;
  • ir-rwol akbar tal-ERA fis-superviżjoni tal-korpi nnotifikati u tal-aġenziji nazzjonali ta’ sikurezza, u l-abbiltà tagħha li tivverifikazzjoni s-soluzzjonijiet tekniċi tal-ERTMS maġenb il-binarji billi jista’ ma jkunx possibbli li l-ERA tantiċipa kull problema ta’ kompatibbiltà mat-TSIs applikabbli mid-dokumenti tal-offerti;
  • il-mekkaniżmu għall-appelli u r-rappurtar dwar ċertifikati ta’ kwalità baxxa, li jeħtieġ li jiġi standardizzat bħalma jridu jiġu standardizzati wkoll it-testijiet tal-ERTMS li għandhom jitwettqu fuq il-binarji fil-livell tal-UE, kif inhu diġà l-każ għall-vetturi ferrovjarji.
65

Fl-2014, ġiet stabbilita l-Impriża Konġunta Shift2Rail bħala sħubija pubblika-privata biex tikkontribwixxi lejn il-kisba ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea. Aħna osservajna li l-ERA għandha rwol limitat ta’ osservatur fil-bord ta’ tmexxija tagħha u li hemm ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn Shift2Rail u l-ERA. Għalhekk, hemm ir-riskju li l-ERA tista’ titlef l-opportunità li taġixxi kmieni meta timmonitorja u tikkonsulta ma’ Shift2Rail dwar ir-riżultati tanġibbli tagħha, b’mod partikolari meta jitqies li, minbarra r-riċerka primarja, l-impriża konġunta hija involuta wkoll fl-iżvilupp ta’ prodotti, bħal operazzjoni awtomatika tal-ferroviji għal linji bażi futuri tal-ERTMS. Il-kompatibbiltà tal-iżvilupp ta’ funzjonijiet ġodda tal-ERTMS mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi attwali għall-interoperabbiltà hija vitali biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà fil-futur.

Il-Pjan Ewropew il-ġdid għall-Mobilitazzjoni huwa pass ’il quddiem iżda għad fadal sfidi kbar

66

Minkejja li rriżulta li probabbilment id-dati ta’ skadenza stabbiliti fil-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni tal-2009 għat-tħaddim tal-ERTMS ma kinux se jintlaħqu, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tinfurzax proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri li ma kinux issodisfaw l-obbligi tagħhom f’termini tat-tħaddim tal-ERTMS fuq is-sezzjonijiet tal-kurituri. Minflok, f’Diċembru 2014, il-Kummissjoni u l-Koordinatur Ewropew għall-ERTMS nedew il-Programm ta’ Skoperti Ġodda28 biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-ERTMS madwar l-UE, bil-ħsieb li jiġi adottat pjan ġdid ta’ mobilitazzjoni.

67

Dan il-programm ġie nnegozjat mal-Istati Membri f’livell għoli. Id-diskussjonijiet saru bejn il-Koordinatur Ewropew, il-ministeri nazzjonali u l-maniġers tal-infrastruttura. Abbażi tal-Programm ta’ Skoperti Ġodda u wara n-negozjati, il-Kummissjoni abbozzat il-Pjan Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp fil-forma ta’ att leġiżlattiv li huwa applikabbli direttament għall-Istati Membri tal-UE. Huwa ġie ppubblikat uffiċjalment fil-5 ta’ Jannar 201729.

68

Il-Pjan Ewropew il-ġdid għall-Mobilitazzjoni, li huwa appoġġat mill-Istati Membri, huwa pass lejn tħaddim aktar realistiku, iżda għad fadal sfidi ewlenin. L-ewwel nett, bħal fil-passat, huwa ma jinkludi l-ebda valutazzjoni tal-ispiża kumplessiva għat-tħaddim tal-ERTMS. It-tieni nett, ma huwa marbut bl-ebda mod ma’ xi finanzjament iddedikat, u lanqas ma huwa ddefinit is-sors ta’ dan il-finanzjament; għalhekk, iridu jinstabu inċentivi oħra biex is-settur jilħaq l-miri tiegħu. Barra minn hekk, għad ma hemm l-ebda data ta’ skadenza legalment vinkolanti għad-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali attwali, bil-ħsieb li l-ERTMS issir sistema unika (u mhux addizzjonali) ta’ sinjalar.

69

Fir-rigward tal-prevedibbiltà fit-tul meħtieġa biex l-impriżi ferrovjarji jippjanaw l-investimenti tagħhom, l-EDP il-ġdid jirreferi biss għal miri speċifiċi għat-tħaddim maġenb il-binarji bejn l-2017 u l-2023, filwaqt li s-sezzjonijiet li jifdal li għandhom jiġu mgħammra jidhru biss bħala “wara l-2023”, mingħajr l-ebda data ta’ skadenza fissa (għajr l-iskadenza ġenerali tal-2030). Dan jaffettwa l-koordinazzjoni tat-tħaddim fost l-Istati Membri u jiskoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji milli jippjanaw l-investimenti tagħhom abbord kif meħtieġ. Aħna sibna wkoll li, matul il-ħames snin li ġejjin, ir-reviżjonijiet mistennija tal-atti leġiżlattivi (ara l-paragrafu 33) jagħmluha partikolarment diffiċli biex l-impriżi ferrovjarji jagħmlu deċiżjoni ta’ investiment fit-tul.

70

Barra minn hekk, it-tħaddim ippjanat li huwa stipulat fl-EDP li għadu kemm ġie adottat huwa affettwat minn nuqqas ta’ allinjament taż-żmien bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ sezzjonijiet transkonfinali. Dan juri li l-Istati Membri jippjanaw it-tħaddim tagħhom skont il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom, irrispettivament minn kwalunkwe impenn li jkun sar fir-rigward tal-prijoritajiet tal-UE. Pereżempju, skont il-pjanijiet attwali, sal-2030 il-Ġermanja biħsiebha tgħammar biss 60 % tal-linji ferrovjarji tagħha fuq il-kurituri tan-netwerk ewlieni, mingħajr ma tilħaq kompletezza ta’ 100 % fuq l-ebda linja minnhom.

Il-finanzjament mill-UE jista’ jkopri biss ammont limitat mill-investiment li jqum il-flus, u mhux dejjem kien immaniġġjat u mmirat sew

Il-finanzjament mill-UE li huwa disponibbli għat-tħaddim tal-ERTMS jista’ jkopri biss ammont limitat mill-investimenti

71

Bejn wieħed u ieħor EUR 1.2 biljun ġew allokati mill-baġit tal-UE għal investimenti fl-ERTMS maġenb il-binarji u abbord bejn l-2007 u l-2013, minn żewġ sorsi prinċipali: il-Programm TEN-T, li kien jammonta għal EUR 645 miljun, u l-Fondi Strutturali (il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni), stmati f’ammont ta’ EUR 574 miljun (il-komponent tal-ERTMS huwa stmat f’rata ta’ 10 % tal-investimenti ferrovjarji l-kbar).

72

Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-baġit tal-UE jkompli jappoġġa t-tħaddim tal-ERTMS b’baġit totali stmat ta’ EUR 2.7 miljun. Fir-rigward tas-CEF, kien hemm tliet sejħiet iddedikati għal applikazzjonijiet għal proġetti, b’ammont kumplessiv ta’ EUR 850 miljun mis-CEF għal proġetti tal-ERTMS sal-202030. Il-proġetti tal-ERTMS jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-appoġġ tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) sa ammont ta’ EUR 1.9 biljun, fir-reġjuni eliġibbli31.

73

Il-finanzjament mill-UE li huwa disponibbli għall-ERTMS jirrappreżenta biss perċentwal limitat mill-ispiża kumplessiva tat-tħaddim, bil-biċċa l-kbira mill-finanzjament ikollu jinstab minn sorsi oħra. Kif inhu deskritt fil-paragrafu 55, l-ispiża tat-tħaddim tal-ERTMS fil-kurituri tan-netwerk ewlieni (kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord) tlaħħaq EUR 90 biljun. L-appoġġ finanzjarju mill-UE għall-proġetti tal-ERTMS matul il-perjodu 2007-2020 jammonta għal EUR 4 biljun, jew inqas minn 5 % tal-ispiża totali tat-tħaddim tal-ERTMS fil-kurituri tan-netwerk ewlieni.

74

Fl-aħħar żewġ sejħiet tas-CEF għal applikazzjonijiet għal proġetti, il-valur tal-proposti għal proġetti ppreżentati qabeż il-finanzjament disponibbli b’5.6 darba u b’4 darbiet rispettivament (it-tielet sejħa għal applikazzjonijiet kienet għadha ma ġietx evalwata fi żmien l-awditu). Għalhekk, anke jekk 100 % tal-finanzjament mill-UE jintuża b’suċċess, il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji xorta waħda jkunu jridu jkopru l-biċċa l-kbira minn sorsi oħra ta’ finanzjament sabiex iħaddmu l-ERTMS madwar l-UE kollha.

Kwistjonijiet differenti ta’ proġetti tal-ERTMS li huma relatati mal-mod ta’ ġestjoni

Nuqqas ta’ monitoraġġ u użu limitat tal-finanzjament mill-UE fil-ġestjoni kondiviża
75

Aħna sibna li, għall-kuntrarju ta’ dak li tagħmel l-INEA għal proġetti taħt it-TEN-T u s-CEF, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana ma jinvolvix lill-ERA jew lil esperti esterni fl-eżaminar tal-konformità tal-proġetti implimentati mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà. Għalhekk, hemm riskju ta’ problemi potenzjali li jinvolvu l-kompatibbiltà tal-verżjonijiet differenti tal-ERTMS installata.

76

Fil-każ tal-proġetti taħt il-politika ta’ Koeżjoni, normalment l-investiment fl-ERTMS ikun parti mir-rinnovazzjoni jew il-kostruzzjoni ta’ sezzjoni ferrovjarja. It-tagħmir tas-sinjalar jiġi installat biss fl-istadju finali tal-proċess. Dawn il-proġetti jistgħu jesperjenzaw dewmien, li f’xi każijiet iwassal sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà. B’riżultat ta’ dan, jeħtieġ li l-proġetti jiġu ffinanzjati mill-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, kif seħħ fil-Polonja. Għalhekk, fil-prattika, l-użu tal-finanzjament mill-UE għall-investimenti fl-ERTMS fil-perjodu 2007-2013 kien limitat (ara l-Anness III).

Livelli sinifikanti ta’ diżimpenji fil-ġestjoni diretta
77

Minkejja li l-valur tal-applikazzjonijiet għal proġetti ppreżentati qabżu l-finanzjament disponibbli (ara l-paragrafu 74), l-allokazzjonijiet oriġinali tat-TEN-T32 għall-proġetti tal-ERTMS kienu suġġetti għal diżimpenji sinifikanti matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. B’mod ġenerali fl-UE, 50 % tal-fondi taħt it-TEN-T li oriġinarjament kienu allokati għal proġetti tal-ERTMS ġew diżimpenjati (ara t-Tabella 4), u fi żmien l-awditu kienu diġà tħallsu EUR 218-il miljun biss minn EUR 645 miljun (34 %). Ir-rata tad-diżimpenji titla’ għal 86 % għas-sitt Stati Membri li ntgħażlu għall-awditu33.

Tabella 4

Diżimpenji proviżorji relatati mal-appoġġ taħt it-TEN-T għal proġetti tal-ERTMS (il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013)

Stat Membru Id-Danimarka L-Italja Il-Ġermanja Spanja Il-Polonja In-Netherlands Sitt Stati Membri magħżula Total tal-UE
Proporzjon ta’ diżimpenn 100 % 94 % 92 % 83 % 75 % 38 % 86 % 50 %

Sors: Kalkoli tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq id-data tal-INEA ta’ Jannar 2017.

78

Ir-raġuni prinċipali għal dawn id-diżimpenji hija l-fatt li d-dispożizzjonijiet finanzjarji tal-UE mhumiex allinjati maċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti tal-ERTMS, li jistgħu jiġu affettwati, fost l-oħrajn, minn proċeduri twal ta’ ttestjar u ta’ ċertifikazzjoni jew minn tibdil fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u fl-istrateġiji nazzjonali ta’ implimentazzjoni. Dewmien fl-implimentazzjoni jew tnaqqis fl-ambitu oriġinali tal-proġett irriżultaw fid-diżimpenn sħiħ jew parzjali tal-finanzjament, billi ma kienx possibbli għall-benefiċjarji li jikkompletaw il-proġett fi ħdan il-perjodi ta’ eliġibbiltà stabbiliti fis-sejħiet għal proposti.

79

Hemm riskju li l-fondi tas-CEF jistgħu jiġu diżimpenjati wkoll matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Fi żmien l-awditu, il-pagamenti li saru kienu jammontaw għal EUR 50 miljun minn EUR 689 miljun li ġew allokati (7.3 %). Erba’ proġetti, li jirrappreżentaw appoġġ totali tal-UE ta’ EUR 30.7 miljun, ġew ikkanċellati saħansitra qabel kienu kisbu xi prefinanzjamenti u qabel ma ġie ffirmat il-ftehim ta’ għotja, minħabba f’tibdil tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni jew minħabba spejjeż għoljin wisq li ntalbu mill-fornituri.

80

Il-fondi tal-UE li ġew diżimpenjati fi stadju bikri tal-perjodu ta’ programmazzjoni jistgħu jerġgħu jintużaw biex jiffinanzjaw proġetti oħra tal-ERTMS. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex stampa ċara ta’ kemm, mill-ammonti rkuprati mill-azzjonijiet tal-ERTMS, ġew verament allokati mill-ġdid għall-ERTMS. Il-fondi kollha tal-UE li diġà ġew diżimpenjati jew li se jiġu ddiżimpenjati fi stadju aktar tard fil-perjodu ta’ programmazzjoni (jiġifieri wara l-2013), jiġu trasferiti lura għall-baġit ġenerali tal-UE, u b’hekk tonqos id-disponibbiltà tal-fondi tal-UE għat-tħaddim tal-ERTMS.

Il-finanzjament mill-UE mhux dejjem kien immirat tajjeb

Rigward is-sistemi maġenb il-binarji, kien hemm fokus limitat fuq is-sezzjonijiet transkonfinali u l-kurituri tan-netwerk ewlieni, b’mod speċjali fil-politika ta’ Koeżjoni
81

Il-finanzjament mill-UE mhux dejjem kien ikkonċentrat fil-kurituri tan-netwerk ewlieni, kif jidher fl-analiżi tagħna tal-proġetti li ntgħażlu għall-awditu (ara l-paragrafu 86). Dan huwa partikolarment il-każ għall-appoġġ taħt il-politika ta’ Koeżjoni, billi l-installazzjoni tal-ERTMS hija obbligatorja kull meta jkun hemm rinnovazzjoni jew bini ta’ linja ferrovjarja ġdida, irrispettivament mill-post fejn ikun jinsab il-proġett. Dan ma jikkonformax mal-prijoritizzazzjoni tal-kurituri (jiġifieri l-kurituri tal-ERTMS jew il-kurituri tan-netwerk ewlieni) li ġew promossi mid-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport (ara l-paragrafu 30) u jista’ jwassal għall-użu ineffettiv tal-fondi tal-UE, hekk kif jista’ jkun li fil-prattika, linja li jkun jenħtieġ li tiġi mgħammra skont il-politika ta’ Koeżjoni ma tużax l-ERTMS għal żmien twil, u mbagħad tkun teħtieġ ammeljorament sussegwenti tas-sistema ta’ sinjalar.

82

Fir-rigward tal-qsim tal-fruntieri, ġie allokat biss appoġġ limitat tal-UE għal sezzjonijiet transkonfinali maġenb il-binarji, minkejja l-politika tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet li l-Qorti għamlet fl-2005 u fl-2010: fis-6 Stati Membri miżjura, minn 31 proġett maġenb il-binarji li ntgħażlu għall-analiżi, 6 biss kienu jikkonċernaw sezzjonijiet transkonfinali, madankollu, 2 minn dawn il-proġetti ġew ikkanċellati (il-Ġermanja).

83

Sa fejn jikkonċerna l-Istati Membri li ntgħażlu għal dan l-awditu, fil-Ġermanja l-ERTMS ma bdietx titħaddem b’mod kummerċjali fl-ebda sezzjoni transkonfinali, filwaqt li l-Awstrija, il-Belġju u n-Netherlands diġà għammru xi sezzjonijiet fil-fruntieri tagħhom mal-Ġermanja. In-Netherlands ukoll għammru s-sezzjoni transkonfinali mal-Belġju, u Spanja għandha sezzjoni transkonfinali waħda ma’ Franza, filwaqt li fi żmien l-awditu, id-Danimarka, l-Italja u l-Polonja kienu għadhom ma għammru l-ebda sezzjoni transkonfinali minn tagħhom fuq il-kurituri tan-netwerk ewlieni.

Il-finanzjament mill-UE li huwa disponibbli għall-unitajiet abbord jintuża, fil-biċċa l-kbira, mit-traffiku domestiku
84

L-appoġġ finanzjarju mill-UE allokat għall-unitajiet abbord jintuża, fil-biċċa l-kbira, mill-impriżi ferrovjarji li joperaw kważi esklussivament fuq linji domestiċi għat-traffiku tal-passiġġieri. Fil-każ tas-sitt Stati Membri miżjura, 70 % tal-appoġġ taħt it-TEN-T u s-CEF għall-unitajiet abbord matul il-perjodu 2007-2015 ġie allokat għall-impriżi ferrovjarji li joperaw it-traffiku domestiku tal-passiġġieri. It-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija, li huwa dak l-aktar probabbli li jkun involut fit-traffiku internazzjonali, kien jirrappreżenta l-kumplament tat-30 % tal-appoġġ disponibbli.

85

Barra minn hekk, lokomottivi tal-merkanzija mhumiex appoġġati minn finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni biex jiġu mmodifikati. Huma biss il-vetturi tal-passiġġieri, li jintużaw għat-traffiku domestiku taħt l-iskema ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku u li ġeneralment ikunu jappartjenu għall-operatur ferrovjarju preeżistenti, li jistgħu potenzjalment jibbenefikaw minn dan is-sors ta’ appoġġ tal-UE għax-xiri ta’ vetturi ferrovjarji ġodda jew għall-ammeljorament tal-vetturi ferrovjarji eżistenti.

L-istatus tal-proġetti kkofinanzjati mill-UE eżaminati matul l-awditu: dewmien, diżimpenji u mmirar impreċiż
86

Fi żmien l-awditu, 14 mill-31 proġett maġenb il-binarji li ntgħażlu kienu ġew ikkompletati, għalkemm 5 kienu tardivi u wieħed kien tlesta bi tnaqqis fl-ambitu. Kienu għadhom għaddejjin 13-il proġett, inklużi tlieta li kienu suġġetti għal dewmien li, f’każ wieħed, kien wassal għad-diżimpenn sħiħ tal-finanzjament mill-UE. Erba’ proġetti ġew ikkanċellati u konsegwentement, il-finanzjament mill-UE ġie diżimpenjat. Mill-31 proġett maġenb il-binarji, 6 ma ġewx implimentati jew ġew implimentati parzjalment biss fuq kurituri tat-TEN-T. Dan kien partikolarment il-każ għal proġetti taħt il-politika ta’ Koeżjoni (4 mill-11-il proġett).

87

Fir-rigward tat-tagħmir abbord, 16 mill-20 proġett kienu ġew ikkompletati, inklużi 9 b’dewmien u 3 bi tnaqqis fl-ambitu. Żewġ proġetti kienu għadhom għaddejjin, iżda f’każ wieħed id-dewmien irriżulta fid-diżimpenn tal-finanzjament mill-UE, u f’każ ieħor il-proġett iddewwem u tnaqqaslu l-ambitu tiegħu. Żewġ proġetti ġew ikkanċellati u l-finanzjament mill-UE ġie diżimpenjat bis-sħiħ. Għal informazzjoni dettaljata ara l-Anness III.

Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

88

B’mod ġenerali, il-Qorti sabet li t-tħaddim tal-ERTMS kien ġie bbażat fuq għażla politika strateġika, u li kien tnieda mingħajr stima kumplessiva tal-ispejjeż jew ippjanar xieraq għal proġett li sal-2050 jista’ jiswa sa EUR 190 biljun. Minkejja l-fatt li, b’mod ġenerali, is-settur ferrovjarju ma għandu l-ebda dubju dwar il-validità tal-kunċett u l-viżjoni tal-ERTMS, sistema li għandha l-għan li ssaħħaħ l-interoperabbiltà, sa issa t-tħaddim tal-ERTMS kien għadu jinsab f’livell baxx u huwa frammentat. L-istatus attwali tat-tħaddim tal-ERTMS jista’ jiġi spjegat prinċipalment mill-fatt li ħafna maniġers tal-infrastruttura, kif ukoll impriżi ferrovjarji mhumiex ħerqana li jinvestu fit-tagħmir tal-ERTMS, minħabba l-investiment involut li jqum il-flus u n-nuqqas ta’ argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali għal ħafna minnhom (pereżempju fl-Istati Membri li għandhom sistemi nazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb u li fadlilhom tul ta’ ħajja sinifikanti). Anke jekk il-finanzjament mill-UE jista’ jiġi mmaniġġjat u mmirat aħjar, jista’ jkopri biss ammont limitat mill-investiment li jqum il-flus.

89

Dan joħloq riskji mhux biss għall-ilħuq tal-miri tat-tħaddim tal-ERTMS li ġew stabbiliti għall-2030 u għall-investimenti li saru issa, iżda wkoll għar-realizzazzjoni ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea li hija wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ politika tal-Kummissjoni Ewropea. Dan jista’ jaffettwa b’mod avvers ukoll il-kompetittività tat-trasport bil-ferrovija meta mqabbel mat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

L-ERTMS kien għażla politika strateġika u tniedet mingħajr stima kumplessiva tal-ispejjeż jew ippjanar xieraq għat-tħaddim tagħha

90

Minkejja d-deċiżjoni politika li titħaddem sistema unika ta’ sinjalar fl-UE kollha, ma twettqet l-ebda stima kumplessiva tal-ispejjeż biex jiġi stabbilit il-finanzjament meħtieġ u s-sorsi tiegħu, minkejja li l-proġett iqum il-flus. L-obbligi ġuridiċi introdotti ma kinux jirrikjedu d-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar, u dawn l-obbligi mhumiex allinjati mad-dati ta’ skadenza u l-prijoritajiet inklużi fil-politika tal-UE dwar it-trasport. Fi żmien l-awditu, il-livell tat-tħaddim tal-ERTMS madwar l-UE kien baxx.

Rakkomandazzjoni 1 – Valutazzjoni tal-ispejjeż tat-tħaddim tal-ERTMS

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri janalizzaw l-ispiża totali tat-tħaddim tal-ERTMS (kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord) għal kull Stat Membru, filwaqt li jieħdu kont tan-netwerk ewlieni u n-netwerk komprensiv sabiex tiġi introdotta sistema unika ta’ sinjalar madwar l-UE, billi l-medda ta’ żmien għal dan it-tip ta’ investiment hija minn 30-50 sena. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tkun tinkludi mhux biss l-ispiża tat-tagħmir tal-ERTMS u tal-installazzjoni tagħha, iżda wkoll l-ispejjeż assoċjati kollha l-oħra, abbażi tal-esperjenza miksuba fl-Istati Membri li jinsabu fuq quddiem nett fit-tħaddim tal-ERTMS fuq skala kbira.

Data ta’ skadenza: sa tmiem l-2018.

Rakkomandazzjoni 2 – Dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfittex li tilħaq ftehim mal-Istati Membri dwar miri realistiċi, ikkoordinati u legalment vinkolanti għad-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar, sabiex jiġi evitat li l-ERTMS issir biss sistema addizzjonali li se tiġi installata.

Data ta’ skadenza: sa tmiem l-2018.

Ħafna maniġers tal-infrastruttura, kif ukoll impriżi ferrovjarji ma kinux ħerqana li jinvestu fl-ERTMS minħabba n-nuqqas ta’ argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali

91

Minkejja li l-ERTMS tista’ tirriżulta f’eżitu ġenerali pożittiv fil-livell tal-UE fuq medda twila ta’ żmien, ħafna maniġers tal-infrastruttura, kif ukoll impriżi ferrovjarji ma kinux ħerqana li jinvestu fiha minħabba n-nuqqas ta’ argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali. L-ERTMS hija sistema unika għal ħafna maniġers tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji bi ħtiġijiet differenti, iżda tinvolvi investimenti li jqumu l-flus u li, ġeneralment, ma għandhom l-ebda benefiċċju immedjat għal dawk li jkollhom iġarrbu l-ispiża. Il-problemi bil-kompatibbiltà tal-verżjonijiet differenti tal-ERTMS installati u l-proċeduri twal ta’ ċertifikazzjoni jaffettwaw ukoll b’mod avvers l-argument għall-vijabbiltà ekonomika individwali għal maniġers tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji. Minkejja l-Pjan Ewropew il-ġdid għall-Mobilitazzjoni, xorta għad fadal sfidi kbar għat-tħaddim b’suċċess tal-ERTMS. Huwa importanti li l-ERA jkollha l-kapaċità amministrattiva biex taġixxi bħala l-awtorità tas-sistema għall-ERTMS, meta jittieħed kont tar-rwol u r-responsabbiltajiet imsaħħa tagħha taħt ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju.

Rakkomandazzjoni 3 – Argument għall-vijabbiltà individwali għall-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mal-partijiet interessati ferrovjarji u l-industrija tal-provvista tal-ERTMS, jeżaminaw diversi mekkaniżmi finanzjarji biex jappoġġaw l-argumenti individwali għall-vijabbiltà tat-tħaddim tal-ERTMS mingħajr aktar dipendenza eċċessiva fuq il-baġit tal-UE.

Data ta’ skadenza: sa nofs l-2018.

Rakkomandazzjoni 4 – Kompatibbiltà u stabbiltà tas-sistema

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-ERA, bl-appoġġ tal-industrija tal-provvista, iżommu l-ispeċifikazzjonijiet tal-ERTMS stabbli, jikkoreġu l-iżbalji li fadal, jeliminaw l-inkompatibbiltajiet bejn il-verżjonijiet differenti tal-ERTMS ta’ maġenb il-binarji li diġà qed jitħaddmu, u jiżguraw il-kompatibbiltà futura għal-linji kollha tal-ERTMS. Sabiex tagħmel dan, jenħtieġ li b’mod proattiv l-ERA tinvolvi lilha nfisha f’kooperazzjoni mal-maniġers tal-infrastruttura u mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza qabel id-data ta’ skadenza legali f’Ġunju 2019.

    Data ta’ skadenza: b’effett immedjat.

  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-ERA, f’koordinazzjoni b’saħħitha mal-industrija tal-provvista, jistabbilixxu pjan direzzjonali għall-iżvilupp ta’ unità abbord standardizzata li tkun kapaċi taħdem fuq il-linji kollha mgħammra bl-ERTMS.

    Data ta’ skadenza: sa nofs l-2018.

  3. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-ERA jaħdmu flimkien mal-industrija biex jinizjaw u jmexxu l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-użu ta’ mudelli standard għal offerti għall-proġetti tal-ERTMS, li jkunu disponibbli għall-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji kollha biex jiġi żgurat li l-industrija twassal biss tagħmir tal-ERTMS li jkun kompatibbli.

    Data ta’ skadenza: sa nofs l-2018.

  4. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-ERA jiffaċilitaw il-proċess ta’ tagħlim għall-persuni li huma involuti fit-tħaddim u l-operat tal-ERTMS f’kull Stat Membru, sabiex titnaqqas id-diffikultà tal-proċess ta’ tagħlim billi jiġu esplorati soluzzjonijiet differenti, bħal taħriġ ikkoordinat jew skambju ta’ informazzjoni u linji gwida.

Data ta’ skadenza: sa nofs l-2018.

Rakkomandazzjoni 5 – Rwol u riżorsi tal-ERA

Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina jekk l-ERA għandhiex ir-riżorsi meħtieġa biex taġixxi bħala awtorità effiċjenti u effettiva tas-sistema u tissodisfa r-rwol u r-responsabbiltajiet imsaħħa tagħha fir-rigward tal-ERTMS taħt ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju.

Data ta’ skadenza: sa nofs l-2018.

Rakkomandazzjoni 6 – Allinjament tal-pjanijiet nazzjonali għall-mobilitazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar

  1. Jenħtieġ li l-Istati Membri jallinjaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-mobilitazzjoni, b’mod partikolari meta xi data ta’ skadenza li tidher fil-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni tkun wara l-2023. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u tinfurza l-implimentazzjoni tal-EDP il-ġdid. Kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jissinkronizzaw id-dati ta’ skadenza għat-tħaddim għal proġetti transkonfinali aktar bikrin, sabiex jiġi evitat tħaddim frammentat tal-ERTMS.

    Data ta’ skadenza: b’effett immedjat.

  2. Minħabba l-meded twal ta’ żmien għall-ippjanar fis-settur tal-ERTMS (li jwasslu sal-2050), jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, tistabbilixxi objettivi intermedjarji biex tippermetti li jsir monitoraġġ xieraq tal-progress.

Data ta’ skadenza: għan-netwerk ewlieni, sa tmiem l-2020. Għan-netwerk komprensiv, sal-2023.

Il-finanzjament mill-UE jista’ jkopri biss ammont limitat mill-investiment li jqum il-flus, u mhux dejjem kien immaniġġjat u mmirat sew

92

L-appoġġ finanzjarju mill-UE huwa disponibbli għal investimenti fl-ERTMS kemm maġenb il-binarji kif ukoll abbord, iżda jista’ jkopri biss ammont limitat mill-ispiża kumplessiva tat-tħaddim. Huwa jħalli l-biċċa l-kbira mill-investiment f’idejn il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji individwali li mhux dejjem jibbenefikaw, tal-inqas immedjatament, mit-tħaddim tal-ERTMS. Barra minn hekk, fl-aħħar nett mhux il-finanzjament kollu mill-UE li kien disponibbli għall-ERTMS ġie allokat għall-proġetti tal-ERTMS, u dan ma kienx dejjem immirat tajjeb.

Rakkomandazzjoni 7 – Assorbiment tal-fondi tal-UE għal proġetti tal-ERTMS

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadatta l-proċeduri ta’ finanzjament taħt is-CEF biex jirriflettu aħjar iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ proġetti tal-ERTMS, sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-livell ta’ diżimpenji u jiġi mmassimizzat l-użu tal-finanzjament mill-UE li huwa disponibbli għall-investimenti fl-ERTMS.

Data ta’ skadenza: tibda mill-2020.

Rakkomandazzjoni 8 – Immirar aħjar tal-finanzjament mill-UE

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmiraw aħjar il-finanzjament mill-UE li huwa disponibbli għal proġetti tal-ERTMS, kemm f’każijiet ta’ ġestjoni diretta kif f’dawk ta’ ġestjoni kondiviża:

  1. meta jiġi allokat għal tagħmir maġenb il-binarji, jenħtieġ li jkun limitat għal sezzjonijiet transkonfinali jew għal kurituri tan-netwerk ewlieni, f’konformità mal-prijoritajiet tal-politika tal-UE dwar it-trasport;
  2. meta jiġi allokat għal tagħmir abbord, jenħtieġ li tingħata prijorità lill-operaturi ferrovjarji li jkunu l-aktar involuti fit-traffiku internazzjonali, sabiex titħeġġeġ il-kompetizzjoni intramodali u intermodali.

Data ta’ skadenza: b’effett immedjat għal applikazzjonijiet għal proġetti ġodda.

Dan ir-Rapport ġiet adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Lulju 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Lista ta’ sistemi nazzjonali ta’ sinjalar fl-Istati Membri tal-UE

Sors: L-ERA.

Anness II

Deskrizzjoni teknika tal-ERTMS

L-ERTMS hija bbażata fuq l-Ispeċifikazzjoni Teknika għall-Interoperabbiltà għal “Kontroll-Kmand u Sinjalar” (TSI CCS), li ġiet żviluppata mill-ERA. Hija tista’ tiġi installata kemm bħala komponent addizzjonali għal sistema ta’ sinjalar eżistenti, jew bħala sistema unika li għandha tiġi installata għal infrastruttura ġdida bbażata fuq ir-radju.

Sabiex l-ERTMS tiffunzjona, hija trid tkun mgħammra kemm maġenb il-binarji kif ukoll fuq il-ferrovija. Is-sistema installata maġenb il-binarji u s-sistema installata fuq il-vetturi jiskambjaw informazzjoni li tippermetti s-superviżjoni kontinwa tal-veloċità massima permessa għall-operat, u jagħtu lis-sewwieq l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jopera permezz tas-sinjalar mill-kabina. Iż-żewġ komponenti prinċipali tal-ERTMS huma s-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (ETCS), li titħaddem maġenb il-binarji fil-forma ta’ balise, u s-Sistema Globali għall-Komunikazzjonijiet Mobbli-Ferroviji (GSM-R), sistema tar-radju li tipprovdi komunikazzjoni bil-vuċi u bid-data bejn il-binarji u l-ferrovija.

Attwalment hemm tliet livelli ta’ ERTMS, li jiddependu fuq it-tagħmir maġenb il-binarji u fuq il-mod li bih l-informazzjoni tiġi trażmessa lejn il-ferrovija, u bosta verżjonijiet, magħrufa bħala “linji bażi”, billi s-sistema tevolvi b’mod kostanti minħabba l-iżvilupp teknoloġiku.

Il-livelli tal-ETCS huma kif ġej:

  • Il-livell 1 jinvolvi superviżjoni kontinwa tal-moviment tal-ferrovija iżda komunikazzjoni mhux kontinwa bejn il-ferrovija u s-sistema maġenb il-binarji (normalment permezz ta’ Eurobalises). Sinjali maġenb il-linji huma neċessarji.
  • Il-livell 2 jinvolvi superviżjoni kontinwa tal-moviment tal-ferrovija u komunikazzjoni kontinwa bejn il-ferrovija u s-sistema maġenb il-binarji, ipprovduta mill-GSM-R. Sinjali maġenb il-linji huma fakultattivi.
  • Il-livell 3 jipprovdi superviżjoni kontinwa tal-ferrovija b’komunikazzjoni kontinwa bejn il-ferrovija u s-sistema maġenb il-binarji, u ma jinħtiġux sinjali maġenb il-linji jew sistemi ta’ detezzjoni tal-ferroviji maġenb il-binarji għajr il-Eurobalises. Dan il-livell kien għadu mhuwiex operazzjonali fi żmien l-awditu.

Linja bażi hija sett ta’ dokumenti b’verżjoni konkreta elenkata fit-TSI CCS, jiġifieri l-ispeċifikazzjonijiet għal ħafna aspetti, komponenti, interfaċċji, eċċ. li jikkonċernaw l-ERTMS. Il-Linja bażi 2 kienet l-ewwel sett komplet ta’ rekwiżiti li ġie adottat fil-livell Ewropew li kien meqjus bħala interoperabbli. Il-Linja bażi 3 hija evoluzzjoni kkontrollata tal-Linja bażi 2 li tinkludi funzjonijiet addizzjonali ġodda u li ġiet imfassla biex tipprovdi retrokompatibbiltà mal-Linja bażi 2.

Anness III

Lista ta’ proġetti eżaminati

 

Anness IV

Tħaddim tal-ERTMS mill-Istati Membri f’kurituri tan-netwerk ewlieni sa tmiem l-2016

 

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

Anness V

Metodoloġija għall-estrapolazzjoni lineari tal-ispiża tat-tħaddim tal-ERTMS

 

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq estrapolazzjoni lineari tal-istimi nazzjonali eżistenti fid-Danimarka u fin-Netherlands.

Risposta tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

II

Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) hija rikonoxxuta u konfermata mill-Istati Membri u mis-settur ferrovjarju bħala is-sistema universali ta’ sinjalar fl-Ewropa.

Il-ferroviji Ewropej bdew jiżviluppaw sistema ta’ kmand/kontroll u sinjalar Ewropea (ETCS) u sistema ta’ komunikazzjoni Ewropea (GSM-R) fl-aħħar tat-tmeninijiet/fil-bidu tad-disgħinijiet. Din l-attività, sussegwentement, ingħaqdet flimkien (f’nofs id-disgħinijiet) ma’ xogħol ta’ riċerka ieħor relatat immexxi mill-industrija bl-appoġġ tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-programm tal-ERTMS, li jinsab taħt il-patronaġġ tal-Kummissjoni.

L-objettiv finali tal-ERTMS kien li s-sistemi ferrovjarji ta’ sinjalar u ta’ telekomunikazzjoni antiki fl-Ewropa jiġu sostitwiti bi standard uniku biex titrawwem kwalità aktar għolja u servizzi ferrovjarji kosteffettivi, speċjalment transkonfinali, permezz ta’ żieda fl-interoperabbiltà u tnaqqis fil-frammentazzjoni tal-kapaċitajiet operazzjonali fin-netwerk ferrovjarju Ewropew kollu.

Bħala standard komuni, l-ERTMS għandha tiffaċilita wkoll il-kompetittività fis-suq ferrovjarju, b’mod partikolari billi tnaqqas id-diversità tal-prodotti u tħeġġeġ ekonomiji ta’ skala, li finalment iwasslu għal tnaqqis ta’ spejjeż. Barra minn hekk, flimkien ma’ żieda fl-istandardizzazzjoni għal prodotti ferrovjarji oħra b’riżultat ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, hija se tippermetti l-produzzjoni ta’ ferroviji bi speċifikazzjoni unika adatti biex jintużaw f’diversi netwerks (anki jekk ma jaqsmux il-fruntieri), u b’hekk tnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż tal-impriżi ferrovjarji u tal-maniġers tal-infrastruttura, filwaqt li tippermetti lill-manifatturi l-benefiċċju ta’ tiraturi ferm itwal.

L-ERTMS mhux biss tipprovdi l-interoperabbiltà, li hija l-objettiv prinċipali li jrid jinkiseb fl-Ewropa, billi tissostitwixxi s-sistemi nazzjonali, iżda tiggarantixxi s-sikurezza u għandha wkoll benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali billi tiffranka l-ħin, grazzi għaż-żieda fil-puntwalità u l-affidabbiltà tagħha. Hija tappoġġa wkoll it-tranżizzjoni minn sistema “analoga” għal waħda “diġitali”.

VI

Ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-ETCS ġiet fil-fatt ikkundizzjonata mill-piż tas-sistemi antiki eżistenti. Waħda mir-raġunijiet għall-implimentazzjoni anqas rapida milli mistenni hija l-kumplessità tat-tranżizzjoni u l-interfaċċjar ma’ sistemi nazzjonali eżistenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni u ftehim mill-qrib ma’ bosta partijiet ikkonċernati (pereżempju Stati Membri, fornituri, impriżi ferrovjarji, maniġers tal-infrastruttura, awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza) sabiex jinkiseb kunsens u tiġi preservata l-interoperabbiltà.

Il-benefiċċji għall-argument għall-vijabbiltà jokkorru mhux biss fil-livell tas-sistema, iżda wkoll għal partijiet ikkonċernati individwali. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li f’każ ta’ ċerti partijiet ikkonċernati, il-każ finanzjarju individwali jista’ jkun ta’ sfida. Dan, aktar minn każ ġenerali, ivarja fuq il-bażi ta’ xenarji ta’ implimentazzjoni partikolari.

Il-Kummissjoni tinnota li, fil-livell ta’ sistema, il-qafas ta’ żmien għall-eżitu tal-benefiċċji huwa komparabbli ma’ proġetti infrastrutturali oħrajn.

VIII

L-implimentazzjoni tal-ERTMS bħala sistema unika ta’ sinjalar fl-UE kollha kienet deċiżjoni politika strateġika, fuq il-bażi ta’ xogħlijiet imwettqa mill-industrija, inkluż l-AEIF (Association européenne pour l’interopérabilité ferrovaire: assoċjazzjoni ta’ maniġers tal-infrastruttura, impriżi u fornituri ferrovjarji).

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kienx hemm bżonn li ssir stima tal-ispiża ġenerali fl-istadji inizjali peress li l-ERTMS kienet ġiet speċifikata bħala s-sistema obbligatorja għal-linji l-ġodda jew, f’każ ta’ sostituzzjoni tas-sinjalar, għal-linji eżistenti, u f’dan il-każ l-ispiża tal-ERTMS ma kinitx ogħla minn dik tal-ispiża għal soluzzjonijiet alternattivi.

Fis-snin riċenti, ittieħdu passi sinifikanti biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-implimentazzjoni tal-ETCS u l-kisba ta’ sistema ferrovjarja interoperabbli, bħall-istabilizzazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-ERTMS (Linja Bażi 3), l-adozzjoni tal-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, Pjan realistiku Ewropew għall-Mobilitazzjoni, u l-iffirmar ta’ diversi Memoranda ta’ Qbil (MtQ) mal-partijiet ikkonċernati kollha. Dawn il-kisbiet jipprovdu elementi kostitwenti solidi għal implimentazzjoni rapida tal-ERTMS fl-Ewropa u l-implimentazzjoni fil-ħin tar-rieżami tal-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni (EDP).

IX

L-ispejjeż, li xi drabi jiġu msemmija b’rabta mal-ERTMS, jinkludu l-ispejjeż assoċjati (li jistgħu jirrappreżentaw sa 2/3 tal-ispejjeż imsemmija), li jmorru lil hinn minn dawk relatati direttament mal-ERTMS, pereżempju l-provvista tal-enerġija, l-apparat u l-lokkjaturi. L-investimenti jirriflettu aġġornament ġenerali tal-infrastruttura tas-sinjalar, li jinkludi l-indirizzar ta’ xogħol ta’ manutenzjoni pendenti fil-passat, li ma jaqgħux taħt “investiment fl-ERTMS” fis-sens ristrett. Xogħlijiet bħal dawn jistgħu jkunu meħtieġa fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ sistemi ta’ sinjalar obsoleti apparti l-ERTMS jew biex jindirizzaw xogħol ta’ manutenzjoni pendenti. Finalment, l-ispiża ġenerali tista’ tonqos matul iż-żmien minħabba żvilupp teknoloġiku fil-futur, l-ekonomiji ta’ skala u żieda fil-kompetizzjoni fost il-fornituri tal-ERTMS.

Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu IV.

XI

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA sakemm ikunu fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, minbarra r-rakkomandazzjoni 8, li hija parzjalment aċċettata.

Introduzzjoni

05

L-ERTMS tirrigwarda l-interoperabbiltà iżda tkopri wkoll aspetti oħrajn bħall-ogħla standards ta’ sikurezza u użu effettiv tal-infrastruttura, u tnaqqas l-ispejjeż tas-sistema billi tippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti standardizzati.

Osservazzjonijiet

26

L-ERTMS ilha disponibbli fuq is-suq Ewropew għal aktar minn 20 sena u għaddiet minn proċess ta’ żvilupp kontinwu mill-aspett teknoloġiku u dak istituzzjonali.

Il-ferroviji Ewropej bdew jiżviluppaw sistema ta’ kmand/kontroll u sinjalar Ewropea (ECTS) u sistema ta’ komunikazzjoni Ewropea (GSM-R) fl-aħħar tat-tmeninijiet/bidu tad-disgħinijiet.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan l-istadju ma hemmx bżonn li ssir stima ġenerali tal-ispejjeż peress li l-ERTMS ġiet speċifikata bħala s-sistema obbligatorja għal-linji l-ġodda jew, fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ sinjalar, għal-linji eżistenti, u f’dan il-każ l-ispiża tal-ERTMS ma kinitx ogħla mill-ispejjeż tas-soluzzjonijiet alternattivi.

35

Pjan komprensiv għad-dekummissjonar tas-sistemi tal-Klassi B jista’ jaċċellera l-proċedura ta’ migrazzjoni b’mod sinifikanti; madankollu, fil-preżent l-ebda leġiżlazzjoni rilevanti ma tista’ tisforza d-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali. Barra minn hekk, probabbilment Stati Membri li huma akbar ikollhom proċess ta’ dekommissjonar aktar kumpless, minħabba d-daqs tan-netwerks eżistenti, u għalhekk jistgħu ikunu anqas inklinati li jaċċettaw dati fil-mira ambizzjużi.

Ara t-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 42 u 43:

Rigward il-kwistjoni ta’ benefiċċji li jimmaterjalizzaw fit-tul, fil-livell tas-sistema, il-benefiċċji huma kumparabbli ma’ proġetti ta’ infrastruttura oħrajn.

Il-benefiċċji tal-argument għall-vijabbiltà jokkorru mhux biss fil-livell tas-sistema iżda wkoll għal partijiet ikkonċernati individwali. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li għal ċerti partijiet ikkonċernati, il-każ finanzjarju individwali jista’ jkun ta’ sfida. Dan, aktar milli huwa każ ġenerali, ivarja fuq il-bażi ta’ xenarji ta’ implimentazzjoni partikolari.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni rigward il-paragrafi 47 sa 55:

Iċ-ċifri msemmija jinkludu l-ispejjeż assoċjati li huma neċessarji (li jistgħu jirrappreżentaw sa 2/3 tal-ispejjeż imsemmija), li jmorru lil hinn minn dawk relatati direttament mal-investiment fl-ERTMS, pereżempju l-provvista tal-enerġija, l-apparat u l-lokkjaturi. L-investimenti jirriflettu aġġornament ġenerali tal-infrastruttura tas-sinjalar, li jinkludu l-indirizzar ta’ xogħlijiet pendenti ta’ manutenzjoni fil-passat, li jmorru lil hinn minn “investiment fl-ERTMS” fis-sens ristrett.

50

Il-Kummissjoni tinnota li l-ispejjeż tad-Danimarka u tan-Netherlands huma ogħla minn dawk ta’ Stati Membri oħra – dawn forsi parzjalment jirriflettu l-ispejjeż kbar tal-pagi lokali.

54

L-istrateġija li l-vetturi jiġu mgħammra l-ewwel hija koerenti mal-objettiv li tinħoloq sistema li jkollha biss linji ERTMS, u li tiffaċilita d-dekommissjonar ta’ sistemi tal-klassi B.

Din l-istrateġija intgħażlet b’mod konsistenti mill-Istati Membri li mmigraw għall-ERTMS.

Rigward il-lokomottivi l-ġodda kollha, id-dispożizzjonijiet standard tad-direttiva dwar l-interoperabbiltà (IOP) japplikaw (derogi meta jkun hemm raġunijiet ekonomiċi ġustifikati), u t-TSI teskludi b’mod speċifiku vetturi off-TEN purament domestiċi.

68

Il-Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni huwa Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni bbażat fuq ir-Regolament TEN-T, li huwa konness mar-Regolament CEF, li jipprevedi, fost l-oħrajn, appoġġ ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-ERTMS fuq in-Netwerk Ewlieni u jinsab konness indirettament mar-Regolament dwar il-Fond ta’ Koeżjoni. Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ispejjeż, it-Tim tal-Ġestjoni tal-Implimentazzjoni qed iwettaq analiżi tal-argument għall-vijabbiltà għall-implimentazzjoni tal-ERTMS fuq il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni li jinkludi analiżi ta’ dan it-tip.

70

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-ERTMS fuq is-sezzjonijiet transkonfinali b’dati ta’ implimentazzjoni differenti, se jiġu ffirmati ftehimiet mill-maniġers tal-infrastruttura li jiċċaraw l-aspetti tekniċi u operattivi minn qabel.

75

Fil-każ tal-politika ta’ koeżjoni, il-karatteristiċi tekniċi ta’ proġetti huma żgurati u vverifikati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża.

Minkejja dan, wieħed jinnota li d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana fil-fatt juża esperti għall-valutazzjoni ta’ proġetti ewlenin. Dawn jistgħu ikunu esperti indipendenti mis-suq jew esperti minn Jaspers. Minn Ġunju 2019, l-ERA se ssir responsabbli għall-approvazzjoni ta’ kull ERTMS maġenb il-binarji u għalhekk, minn dan il-punt, din il-kwistjoni se tkun indirizzata bis-sħiħ.

80

Il-mezzi finanzjarji tal-proġetti diżimpenjati normalment imorru lura għas-Sejħa li jkun imissha tiġi ppubblikata wkoll għal prijoritajiet oħra apparti l-ERTMS. Minkejja dan, l-ERTMS - bħala objettiv orizzontali bi prijorità għolja - hija dejjem parti mis-Sejħiet.

81

Kif stipulat fil-paragrafu 30, ir-rekwiżit li “l-infrastruttura l-ġdida kollha u r-rolling stock ġdid fabbrikat jew żviluppat wara l-adozzjoni tas-sistemi kompatibbli tal-kontroll u l-iggwidar u s-senjaletika għandhom jiġu adattati apposta għall-użu f’dawk is-sistemi” jirriżulta mid-Direttiva 2001/16/KE u mhux mill-politika ta’ koeżjoni.

82

Fl-ambitu tas-CEF, il-kriterji użati mill-Kummissjoni għas-selezzjoni tal-applikanti jqisu prijoritajiet differenti, b’mod partikolari l-kontribut għas-sezzjonijiet transkonfinali, it-traffiku internazzjonali tal-merkanzija, eċċ.

Fit-Titolu XVIII TFUE rigward il-"koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, l-Artikolu 176 TFUE jistabbilixxi li l-FEŻR “huwa intiż sabiex jitnaqqsu l-iskwilibriji reġjonali prinċipali fi ħdan l-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni fl-iżvilupp u t-tibdil strutturali” tar-reġjuni li jkunu għadhom lura. L-Artikolu 177 jistabbilixxi li l-Fond ta’ Koeżjoni għandu “jipprovdi kontribut finanzjarju għall-proġetti fl-oqsma tal-ambjent u ta’ networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport.”

Sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, l-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni huwa neċessarju anki lil hinn mis-sezzjonijiet transkonfinali.

84

Ta’ min jiġi nnutat li speċjalment fil-fażijiet bikrin tal-implimentazzjoni, it-tagħmir ta’ flotot domestiċi huwa investiment importanti b’mod partikolari f’pajjiżi b’użu infrastrutturali sinfikanti, anki fejn il-pajjiżi ġirien għadhom ma pprovdewx għat-tagħmir.

86

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġiba tagħha għall-paragrafu 81.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni rigward il-paragrafi 88 sa 91.

L-implimentazzjoni tal-ERTMS bħala sistema ta’ sinjalar fl-UE kollha kienet deċiżjoni politika strateġika fuq il-bażi ta’ xogħlijiet imwettqa mill-industrija, inkluż l-AEIF (Association européenne pour l’interopérabilité ferrovaire: l-assoċjazzjoni tal-maniġers tal-infrastruttura, l-impriżi ferrovjarji u l-fornituri).

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kienx hemm bżonn li ssir stima tal-ispiża ġenerali fl-istadji inizjali peress li l-ERTMS kienet qed tiġi speċifikata bħala s-sistema obbligatorja għal-linji l-ġodda jew, fil-każ ta’ sostituzzjoni tas-sinjalar, għal-linji eżistenti, u f’dan il-każ l-ispiża tal-ERTMS ma kinitx ogħla mill-ispejjeż tas-soluzzjonijiet alternattivi.

Iċ-ċifri msemmija jinkludu l-ispejjeż assoċjati li huma neċessarji (li jistgħu jirrappreżentaw sa 2/3 tal-ispejjeż imsemmija), li jmorru lil hinn minn dawk relatati direttament mal-investiment fl-ERTMS, pereżempju l-provvista tal-enerġija, l-apparat u l-lokkjaturi. L-investimenti jirriflettu aġġornament ġenerali tal-infrastruttura tas-sinjalar, li jinkludi l-indirizzar ta’ xogħol ta’ manutenzjoni pendenti fil-passat, li ma jaqgħux taħt “investiment fl-ERTMS” fis-sens ristrett. Xogħlijiet bħal dawn jistgħu ikunu meħtieġa wkoll fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ sistemi ta’ sinjalar obsoleti apparti l-ERTMS jew biex jindirizzaw xogħol ta’ manutenzjoni pendenti. Fl-aħħar nett, l-ispiża ġenerali tista’ tonqos matul iż-żmien minħabba l-iżvilupp teknoloġiku fil-futur, l-ekonomija ta’ skala u ż-żieda fil-kompetizzjoni fost il-fornituri tal-ERTMS.

Il-benefiċċji tal-argumenti għall-vijabbiltà jokkorru mhux biss fil-livell tas-sistema iżda wkoll għal partijiet ikkonċernati individwali. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li għal ċerti partijiet ikkonċernati, il-każ finanzjarju individwali jista’ jkun ta’ sfida. Dan, aktar milli każ ġenerali, ivarja fuq il-bażi ta’ xenarji ta’ implimentazzjoni partikolari.

Il-Kummissjoni tinnota li, fil-livell tas-sistema, il-qafas ta’ żmien għall-eżitu tal-benefiċċji huwa komparabbli ma’ proġetti tal-infrastruttura oħrajn.

Rakkomandazzjoni 1 – Valutazzjoni tal-ispejjeż tat-tħaddim tal-ERTMS

Sakemm taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni kif deskritta hawn taħt.

Filwaqt li tibni fuq il-preżentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni, tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u tal-analiżi tal-argumenti għall-vijabbiltà tal-ERTMS pprovduta minn DMT, il-Kummissjoni se tipprovdi stima tal-ispejjeż fuq il-bażi ta’ din id-dokumentazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2 – Dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ta’ sinjalar

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Bħala l-ewwel pass, hija se taħdem mal-Istati Membri biex tistabbilixxi dati fil-mira għad-dekummissjonar fuq il-bażi tal-pjanijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni mressqa bħala l-ewwel pass sabiex jinħoloq kunsens dwar miri legalment vinkolanti. Jekk dawn il-miri jsirux legalment vinkolanti jew le jiddependi fuq l-eżitu tal-passi meħtieġa qabel il-proposta leġislattiva (b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-impatt) kif ukoll fuq jekk il-leġiżlatur jaqbilx jew le.

Rakkomandazzjoni 3 – Argument individwali għall-vijabbiltà għall-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji

Safejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummisssjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 4 – Kompatibbiltà u stabbiltà tas-sistema
  1. Sa fejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.
  2. Sa fejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.
  3. Sa fejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u se taħdem mal-industrija biex tiffaċilita l-użu ta’ mudell komuni għal offerti żviluppat mill-Komunità ta’ Kumpaniji Ewropej tal-Ferroviji u tal-Infrastruttura (CER) bl-enfasi fuq unità abbord.
  4. Sa fejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.
Rakkomandazzjoni 5 – Rwol u riżorsi tal-ERA

Sa fejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 6 – Allinjament tal-pjanijiet nazzjonali għall-mobilitazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar
  1. Sa fejn tkun tikkonċernaha, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni b’mod partikolari fl-ambitu tal-ħidma tal-Koordinatur Ewropew; madankollu, negozjati formali dwar it-tħaddim tal-EDP wara l-2023 mhux se jseħħu qabel l-2021.
  2. Sa fejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u timplimentaha kif deskritt hawn taħt.

Għan-Netwerk Ewlieni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi stadji importanti biex tippermetti monitoraġġ dettaljat tas-sezzjonijiet individwali sal-2023 f’konformità mal-EDP. Huwa previst li sal-2030, jiġi adottat EDP ġdid għall-implimentazzjoni tal-bqija tan-Netwerk Ewlieni għas-sezzjonijiet li fadal.

Il-Kummissjoni se tikkonsidra l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni li ġew stabbiliti fil-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni fuq il-bażi ta’ tħaddim fit-tul u f’ambitu aktar wiesa’.

92

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-finanzjament huwa mmirat f’konformità mal-objettivi u mal-prijoritajiet tal-istrumenti u l-programmi differenti.

Il-Kummissjoni ressqet EDP u Pjan ta’ Azzjoni dettaljat tal-ERTMS sabiex tiżgura fluss ta’ appoġġ kontinwu (f’termini ta’ għotjiet, finanzjament imħallat u finanzjament fit-tul) għall-implimentazzjoni tal-ERTMS, speċjalment għall-komponenti b’valur miżjud ogħla tal-UE (sezzjonijiet transkonfinali u unitajiet abbord) u għall-pajjiżi ta’ koeżjoni, biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni u biex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-vantaġġi tal-implimentazzjoni tal-ERTMS filwaqt li jiġu minimizzati l-ispejjeż tagħha.

Rakkomandazzjoni 7 – Assorbiment tal-fondi tal-UE għal proġetti tal-ERTMS

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tinnota li qiegħda tadatta l-proċeduri ta’ finanzjament tas-CEF tagħha, kemm jista’ jkun, fl-ambitu tal-qafas legali attwali, inklużi r-regolamenti finanzjarji.

Rakkomandazzjoni 8 – Immirar aħjar tal-finanzjament mill-UE
  1. Sa fejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni.

    Għall-finanzjament tas-CEF, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u tinnota li l-kriterji tas-selezzjoni tal-applikanti li jiġu applikati mill-Kummissjoni jqisu prijoritajiet differenti, b’mod partikolari l-kontribut għas-sezzjonijiet transkonfinali, it-traffiku tal-merkanzija internazzjonali, eċċ.

    Fejn tidħol il-Politika ta’ Koeżjoni, fit-Titolu XVIII TFUE rigward il-"koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, l-Artikolu 176 TFUE jistabbilixxi li l-FEŻR “huwa intiż sabiex jitnaqqsu l-iskwilibriji reġjonali prinċipali fi ħdan l-Unjoni permezz tal-parteċipazzjoni fl-iżvilupp u t-tibdil strutturali” tar-reġjuni li jkunu għadhom lura. L-Artikolu 177 jistabbilixxi li l-Fond ta’ Koeżjoni għandu “jipprovdi kontribut finanzjarju għall-proġetti fl-oqsma tal-ambjent u ta’ networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport.”

    Sabiex jiġu mwettqa d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, l-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni huwa meħtieġ ukoll barra s-sezzjonijiet transkonfinali u n-netwerk TEN-T ewlieni. Il-Kummissjoni, għalhekk, ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni għal politika ta’ koeżjoni.

  2. Sa fejn taqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni parzjalment taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

    Għall-finanzjament tas-CEF, il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u tinnota li l-kriterji għas-selezzjoni tal-applikazzjonijiet applikati mill-Kummissjoni jqisu l-prijoritajiet differenti, b’mod partikolari l-kontribut għas-sezzjonijiet transkonfinali, it-traffiku internazzjonali tal-merkanzija, eċċ.

    Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni u tirreferi għat-tweġiba tagħha għar-rakkomandazzjoni 8(a).

Glossarju

Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA): L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA) hija s-suċċessur tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T EA), li nħolqot mill-Kummissjoni Ewropea fl-2006 biex timmaniġġja l-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-programm TEN-T tagħha. L-INEA, bil-kwartieri ġenerali tagħha fi Brussell, bdiet l-attivitajiet tagħha uffiċjalment fl-1 ta’ Jannar 2014 sabiex timplimenta partijiet tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), Orizzont 2020, u programmi oħra ta’ legat (TEN-T u Marco Polo 2007-2013).

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA): Dik li qabel kienet l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, stabbilita fl-2004 bl-objettiv li tiżviluppa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà, inkluża l-ERTMS, u li tikkontribwixxi lejn il-funzjonament effettiv ta’ Żona Ferrovjarja Unika Ewropea mingħajr fruntieri. Il-kompitu prinċipali tal-ERA huwa li tarmonizza, tirreġistra u timmonitorja l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ interoperabbiltà (TSIs) madwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew kollu kemm hu u li tissettja standards komuni ta’ sikurezza għall-ferroviji Ewropej. L-ERA nfisha ma għandhiex setgħat deċiżjonali, iżda tgħin lill-Kummissjoni biex tfassal proposti għal deċiżjonijiet.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF): Mill-2014 ’il hawn, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) ipprovdiet għajnuna finanzjarja lil tliet setturi: l-enerġija, it-trasport u t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). F’dawn it-tliet oqsma, is-CEF tidentifika prijoritajiet ta’ investiment li jenħtieġ li jiġu implimentati fid-deċennju li ġej, bħal kurituri tal-elettriku u tal-gass, l-użu ta’ enerġija rinnovabbli, kurituri interkonnessi tat-trasport, mezzi ta’ trasport aktar nodfa, konnessjonijiet broadband b’veloċità għolja u netwerks diġitali.

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR): Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandu l-għan li jirrinforza l-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jirrimedja l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz ta’ appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta’ infrastruttura u permezz ta’ investimenti produttivi li joħolqu l-impjiegi, prinċipalment għan-negozji.

Fond ta’ Koeżjoni: Il-Fond ta’ Koeżjoni għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jiffinanzja proġetti ambjentali u tat-trasport fl-Istati Membri li għandhom PNG per capita ta’ inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE): Dawn huma ħames fondi separati li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali madwar l-Unjoni, b’oqfsa ta’ politika ssettjati għall-perjodu baġitarju ta’ seba’ snin. Il-fondi huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Impriża ferrovjarja: Operatur ferrovjarju pubbliku jew privat liċenzjat skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE, li n-negozju prinċipali tiegħu huwa li jipprovdi servizzi għat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija u/jew ta’ passiġġieri. F’dan ir-rapport, din tkopri wkoll is-sidien tal-flotot bħall-kumpaniji tal-kiri ta’ assi ferrovjarji.

Interoperabbiltà: Interoperabbiltà hija ddefinita bħala l-kapaċità ta’ operat fuq kwalunkwe medda tan-netwerk ferrovjarju mingħajr l-ebda differenza. Fi kliem ieħor, il-fokus qiegħed fuq li s-sistemi tekniċi differenti li jeżistu fuq il-linji ferrovjarji tal-UE jkunu jistgħu jaħdmu flimkien.

Korp Innotifikat: Korp innominat minn Stat Membru li huwa involut fil-verifikazzjoni tal-konformità tas-sottosistemi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà u li joħroġ iċ-ċertifikat ta’ verifikazzjoni tal-KE. Ix-xogħol tal-korp innotifikat jibda fl-istadju tat-tfassil u jkopri l-perjodu tal-manifattura kollu kemm hu sa l-istadju tal-aċċetazzjoni, qabel is-sottosistema tiddaħħal fis-servizz.

Linja bażi: Nukleu stabbli f’termini tal-funzjonalità tas-sistema, tal-prestazzjoni u ta’ karatteristiċi mhux funzjonali oħra.

Maniġer tal-infrastruttura: Korp jew impriża responsabbli b’mod partikolari għall-istabbiliment, il-ġestjoni u ż-żamma tal-infrastruttura ferrovjarja.

Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T): Sett ippjanat ta’ netwerks tat-trasport bit-triq, ferrovjarji, bl-ajru u fuq l-ilma fl-Ewropa. In-netwerks TEN-T huma parti minn sistema usa’ ta’ Netwerks Trans-Ewropej (TENs), inklużi netwerk tat-telekomunikazzjoni (eTEN) u netwerk tal-enerġija (TEN-E) li ġie propost. L-iżvilupp tal-infrastruttura għat-TEN-T huwa marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni u l-avvanz ulterjuri tal-politika tal-UE dwar it-trasport.

Operatur preeżistenti: L-operatur ferrovjarju b’pożizzjoni storikament dominanti fis-suq nazzjonali, idderivat minn kumpanija integrata unika li kienet responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u l-forniment ta’ servizzi tat-trasport.

Pjan Ewropew għall-Mobilitazzjoni (EDP): Dokument li finalment kien hemm qbil dwaru fl-2009 u li ġie inkluż fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/561/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà. L-għan tal-EDP huwa “li jiġi żgurat li, gradwalment, lokomottivi, vaguni u vetturi oħra tal-ferroviji, mgħammra b’ERTMS ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal iktar linji, portijiet, terminals u ċentri ta’ tqassim ta’ ferroviji tal-merkanzija mingħajr ma jkollhom bżonn tagħmir ieħor nazzjonali apparti l-ERTMS”.

Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS): Proġett industrijali Ewropew kbir li għandu l-għan li jissostitwixxi s-sistemi nazzjonali differenti ta’ kontroll u kmand tal-ferroviji. Dan għandu żewġ komponenti bażiċi, sistema ta’ protezzjoni awtomatika tal-ferrovija (ATP) biex tissostitwixxi s-sistemi ATP nazzjonali eżistenti, is-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (ETCS); u sistema tar-radju għall-forniment ta’ komunikazzjoni bil-vuċi u bid-data bejn il-binarji u l-ferrovija, ibbażata fuq teknoloġija GSM standard, iżda li tuża frekwenzi li huma riżervati speċifikament għall-ferroviji (GSM-R).

Sistema ta’ sinjalar ferrovjarja: Sistema li tintuża għall-ġestjoni sikura tat-traffiku ferrovjarju u biex il-ferroviji jinżammu ’l bogħod minn xulxin il-ħin kollu.

Noti finali

1 Ir-Rapport Speċjali Nru 8/2016 “It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba” (http://eca.europa.eu).

2 Ir-Rapport Speċjali Nru 6/2005 dwar in-netwerk trans-Ewropew għat-trasport (TEN-T) (http://eca.europa.eu).

3 Ir-Rapport Speċjali Nru 8/2010 “It-titjib tal-prestazzjoni tat-trasport fuq l-assi ferrovjarji trans-Ewropej: L-investiment tal-UE fl-infrastruttura ferrovjarja kien effettiv?” (http://eca.europa.eu).

4 Iż-żewġ komponenti prinċipali tal-ERTMS huma s-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (ETCS), li titħaddem maġenb il-binarji fil-forma ta’ balise, u s-Sistema Globali għall-Komunikazzjonijiet Mobbli-Ferroviji (GSM-R), sistema tar-radju li tipprovdi komunikazzjoni bil-vuċi u bid-data bejn il-binarji u l-ferrovija. F’dan ir-rapport, nużaw il-kelma “ERTMS” anke jekk, f’xi każijiet, inkunu qed nirreferu esklussivament għat-tagħmir tal-ETCS.

5 Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6).

6 Id-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1).

7 L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji sa mill-15 ta’ Ġunju 2016 (ir-Regolament (UE) Nru 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1)).

8 Id-Deċiżjoni C(2005) 2754 tal-20 ta’ Lulju 2005 li tinnomina sitt Koordinaturi Ewropej għal ċerti proġetti tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

9 Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE tat-28 ta’ Marzu 2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema ta’ kontroll u ta’ sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (ĠU L 284, 16.10.2006, p. 1), l-Istati Membri stabbilew pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali għat-TSI tal-Kmand-Kontroll u s-Sinjalar u bagħtu dan il-pjan ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

10 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/561/KE tat-22 ta’ Lulju 2009 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-sottosistema tal-kontroll-kmand u tas-sinjalar tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (ĠU L 194, 25.7.2009, p. 60).

11 Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

12 It-tliet testi li jiffurmaw il-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-26 ta’ Mejju 2016. Dawn jinkludu: Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (riformulazzjoni) (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44); id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (riformulazzjoni), (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102) u r-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).

13 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6 tal-5 ta’ Jannar 2017 dwar il-pjan Ewropew ta’ mobilitazzjoni għas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ĠU L 3, 6.1.2017, p. 6).

14 Id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, 5.8.2010, p. 1).

15 Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

16 Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1).

17 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79).

18 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

19 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9).

20 KUMM/2011/0144 finali tat-28 ta’ Marzu 2011 “White Paper – Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”.

21 Fis-sena 2000, saru biss analiżijiet limitati mill-Association Européenne pour l’Intéroperabilité Ferroviaire (AEIF) għal linji ta’ veloċità għolja.

22 Sabiex l-ERTMS topera kompletament maġenb il-binarji, l-ispiża totali li l-maniġers tal-infrastruttura jridu jġarrbu mhijiex neċessarjament limitata għall-ispiża tat-tagħmir u l-installazzjoni, iżda tista’ tinkludi wkoll xogħlijiet assoċjati oħra li jkunu meħtieġa biex issir il-migrazzjoni minn sistema nazzjonali ta’ sinjalar li tiffunzjona bis-sħiħ għal sistema tal-ERTMS li tiffunzjona bis-sħiħ.

23 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/88/UE tal-25 ta’ Jannar 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistemi tal-kontroll-kmand u s-sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea (ĠU L 51, 23.2.2012, p. 1).

24 Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkludu d-dati indikattivi tad-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali fuq il-linji differenti tan-netwerk. Jekk id-dekummissjonar tas-sistemi nazzjonali ma jkunx previst f’perjodu ta’ 15-il sena, dawn id-dati indikattivi mhumiex meħtieġa (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1)).

25 L-argument għall-vijabbiltà ekonomika dwar id-disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni, Lulju 2016, imħejji minn EY u INECO għall-Kummissjoni Ewropea.

26 “Study to develop tailor-made solutions for use of innovative financing to support deployment of ETMS, in particular along nine core network corridors” (Studju biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet imfassla apposta għall-użu ta’ ffinanzjar innovattiv biex jappoġġja t-tħaddim tal-ERTMS, b’mod partikolari tul id-disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni) (Novembru 2015) u “Business case report on the 9 core network corridors” (Rapport dwar l-argument għall-vijabbiltà ekonomika dwar id-disa’ kurituri tan-netwerk ewlieni), Lulju 2016.

27 It-TSI riveduta għas-subsistemi ta’ kontroll-kmand u sinjalar abbord u maġenb il-binarji ġiet adottata mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/919, li ġie ppubblikat fil-15 ta’ Ġunju 2016, u li jistabbilixxi l-linja bażi 3, il-verżjoni 2 bħala l-istandard attwali. Madankollu, din għadha mhijiex ħielsa minn problemi u żbalji li jridu jiġu rimedjati.

28 Dan kien ibbażat fuq erba’ prinċipji: (1) “L-utent l-ewwel” u mhux “id-disinjaturi l-ewwel”; (2) tagħmir standardizzat abbord; (3) prijorità u fokus sħaħ fuq it-tħaddim u (4) tnaqqis fl-ispejjeż tas-sistema tal-ERTMS.

29 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/6.

30 Minbarra proġetti li huma ddedikati speċifikament għall-ERTMS, komponenti tal-ERTMS jistgħu jiġu kkofinanzjati mis-CEF bħala parti minn proġetti ferrovjarji akbar. Dawn l-allokazzjonijiet għall-ERTMS kienu jammontaw għal EUR 56.5 miljun fl-2014 u EUR 37.8 miljun fl-2015.

31 Matul il-perjodu 2014-2020, l-appoġġ taħt il-FSIE għas-settur ferrovjarju jammonta għal EUR 18.7 biljun, li t-tħaddim tal-ERTMS jibbenefika minn madwar 10 % jew EUR 1.9 biljun minnhom.

32 Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, kien hemm ħames sejħiet iddedikati għall-ERTMS, b’baġit kumplessiv ta’ madwar EUR 770 miljun. Madankollu, ġew allokati biss EUR 645 miljun billi xi azzjonijiet ġew itterminati mill-benefiċjarji saħansitra qabel kienet ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

33 Iċ-ċifri jistgħu jinbidlu, bil-kundizzjoni li l-proċeduri pendenti ta’ pagament finali rigward azzjonijiet taħt it-TEN-T li nżammu għal finanzjament matul il-qafas finanzjarju 2007 – 2013 jiġu kkompletati..

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 20.4.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 29.5.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 12.7.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 2.8.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tagħha f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-programmi tal-UE jew suġġetti ta’ ġestjoni relatati ma’ oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar – immexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA – li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni. L-awditu tmexxa minn Ladislav Balko, Membru tal-QEA, b’appoġġ minn Branislav Urbanič, Kap tal-Kabinett; Pietro Puricella, Maniġer Prinċipali; Fernando Pascual Gil, Kap tal-Kompitu; Aleksandra Klis-Lemieszonek, Nils Odins, Christian Wieser, Valeria Rota u Guido Fara, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Aleksandra Klis-Lemieszonek, Fernando Pascual Gil, Ladislav Balko, Branislav Urbanič, Pietro Puricella, Nils Odins.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

PDFISBN 978-92-872-8045-9ISSN 1977-5741doi:10.2865/6756QJ-AB-17-013-MT-N
HTMLISBN 978-92-872-8014-5ISSN 1977-5741doi:10.2865/93514QJ-AB-17-013-MT-Q

©Unjoni Ewropea, 2017.

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE

Pubblikazzjonijiet bla ħlas:

(*) L-informazzjoni mogħtija hija b’xejn, kif ukoll it-telefonati ġeneralment huma b’xejn (għalkemm xi operaturi, kabini tat-telefown jew lukandi jistgħu jitolbu ħlas).

Pubblikazzjonijiet bi ħlas: