Rapport Speċjali
18 2020

Is-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet: l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti kienet teħtieġ immirar aħjar

Dwar ir-rapport: It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra huwa waħda mill-isfidi prinċipali ta’ żminijietna. Skont is-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tal-UE, il-kumpaniji jridu jiksbu kwoti ta’ emissjonijiet li jkopru l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom. L-allokazzjoni bla ħlas hija stabbilita bħala metodu tranżizzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti b’kuntrast mal-metodu prestabbilit (l-irkantar). Madankollu, kemm għall-fażi 3 kif ukoll għall-fażi 4 tal-EU ETS, il-kwoti allokati jkomplu jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-għadd totali ta’ kwoti disponibbli. Aħna sibna li hemm immirar limitat tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar immirar u kif ukoll indirizzar aħjar tal-isfidi tekniċi meta tkun qiegħda tirrevedi l-metodoloġija għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra huwa waħda mill-isfidi prinċipali ta’ żminijietna. L-UE stabbiliet serje ta’ miri għat-tibdil fil-klima li jridu jintlaħqu fl-2020, l-2030 u l-2050. Filwaqt li l-UE tinsab ferm fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-2020, dan mhux il-każ għall-miri – aktar ambizzjużi – tagħha tal-2030 u l-2050. Il-“Patt Ekoloġiku” tal-Kummissjoni, imressaq fl-2019, ippropona li jkun hemm mira ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet b'bejn 50 u 55 % sal-2030 u l-ilħuq ta’ mira “fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti” tal-gassijiet serra sal-2050. Dan jimplika żieda sinifikanti fl-isforzi.

II

Is-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet hija waħda mill-politiki ta’ mitigazzjoni ewlenin tat-tibdil fil-klima tal-UE u hija l-ewwel suq dinji tal-karbonju. L-għan tagħha huwa li tipprovdi mekkaniżmu effiċjenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Skont l-EU ETS il-kumpaniji jridu jiksbu kwoti ta’ emissjonijiet li jkopru l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom. L-għażla prestabbilita hija li dawn jinxtraw fi rkant; jistgħu jiġu allokati wkoll bla ħlas.

III

Dan l-awditu ffoka fuq l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti. Fil-fażijiet 3 u 4 tal-EU ETS (is-snin 2013-2020 u 2021-2030 rispettivament), il-kwoti bla ħlas għandhom l-għan li jimmitigaw ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li l-prezz tal-karbonju huwa intenzjonat li jipprovdi inċentiv progressiv għad-dekarbonizzazzjoni. Dan huwa appoġġat mill-użu ta’ parametri referenzjarji dderivati mingħand dawk li jkunu taw l-aqwa prestazzjoni f’settur partikolari. Is-settur tal-enerġija fi tmien Stati Membri wkoll irċieva kwoti bla ħlas marbuta mal-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku.

IV

Il-mistoqsija tal-awditjar tagħna kienet “Id-deċiżjonijiet dwar il-kwoti bla ħlas tas-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet servew bħala bażi raġonevoli biex jiġi stimulat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra?” Aħna eżaminajna jekk l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti kinitx intużat b’suċċess biex tiġi mmodernizzata l-ġenerazzjoni tal-elettriku, jekk kinitx ġiet immirata u allokata b'mod suffiċjenti biex tipprovdi inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u jekk kinitx tat kontribut biex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet. Aħna sibna li, filwaqt li l-użu tal-allokazzjoni bla ħlas kien iġġustifikat, immirar aħjar tal-kwoti bla ħlas kien ikollu bosta benefiċċji għad-dekarbonizzazzjoni, għall-finanzi pubbliċi u għall-operat tas-suq uniku.

V

B’mod partikolari, aħna sibna li:

  1. Ittejbu r-regoli speċifiċi għall-allokazzjoni bla ħlas għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li japplikaw għall-fażi 4 tal-EU ETS. Madankollu, aħna nqisu li l-allokazzjoni bla ħlas lis-settur tal-enerġija ma ppromwovietx id-dekarbonizzazzjoni fil-fażi 3.
  2. Il-kwoti bla ħlas kienu maħsuba biex jipprovdu metodu eċċezzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti b'kuntrast mal-metodu prestabbilit (l-irkantar). Madankollu, matul il-fażi 3 u fl-istadji bikrija tal-fażi 4, huma jkomplu jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-għadd totali ta’ kwoti disponibbli. Aħna sibna li l-għadd ta’ kwoti bla ħlas allokati lis-setturi tal-industrija u tal-avjazzjoni fil-fażi 3 ma kienx ibbażat fuq il-kapaċità tagħhom li jittrasferixxu l-ispejjeż u li, filwaqt li r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandha l-potenzjal li taffettwa s-suq tal-karbonju tal-UE u l-evoluzzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mad-dinja kollha, kien hemm immirar limitat tal-allokazzjoni bla ħlas ta' kwoti.
  3. L-approċċ tal-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti fuq il-bażi ta’ parametri referenzjarji kien jipprovdi inċentivi sinifikanti għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, iżda hemm lok għal titjib fl-applikazzjoni ta’ dawn il-parametri referenzjarji. Il-Kummissjoni ma kkwantifikatx l-impatt tal-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti fuq it-tibdil fl-effiċjenza fl-enerġija.
VI

Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet bl-għan ta’ mmirar aħjar tal-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti kif ukoll titjib tal-metodoloġija għat-twaqqif ta’ parametri referenzjarji.

Introduzzjoni

01

L-Unjoni Ewropea stabbiliet serje ta’ miri għat-tibdil fil-klima li jridu jintlaħqu fl-2020 u fl-2030, u attwalment qiegħda tirrevedi l-miri tagħha għall-2030 u l-2050. Fil-proposta tagħha tal-2020 ta' Liġi Ewropea dwar il-Klima1, f’konformità mal-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni pproponiet mira “fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti” ta’ gassijiet serra sal-20502. Dawn il-miri huma miġbura fil-qosor fil-Figura 1.

Figura 1

Sommarju tal-objettivi tal-UE relatati mal-klima

Sors: il-QEA, ibbażat fuq leġiżlazzjoni tal-UE (test bl-abjad), u fuq leġiżlazzjoni proposta u impenji tal-UE (test bil-griż).

02

Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), l-UE tinsab ferm fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha għall-2020, iżda mhux dawk tal-20303. L-UE pproduċiet madwar 8.5 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra fl-2018, sehem li kull ma jmur dejjem qiegħed jonqos4; l-emissjonijiet per capita fl-UE għadhom ogħla mill-medja dinjija, għalkemm dan id-distakk qiegħed jonqos. Mill-2005 'l hawn u mill-ħolqien tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS), l-emissjonijiet per capita fl-UE naqsu. Fi tmiem l-2018 kienu aktar baxxi minn dawk fl-Istati Uniti tal-Amerka, fiċ-Ċina u fil-Ġappun5.

03

Il-Kummissjoni tqis li l-UE fl-intier tagħha tat prestazzjoni aqwa f’termini ta’ dekarbonizzazzjoni milli taw bosta ġuriżdizzjonijiet oħra, u ddiżakkoppjat it-tkabbir ekonomiku miż-żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Bejn l-1990 u l-2016, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE naqsu bi 22 % filwaqt li t-tkabbir ekonomiku kien ta’ 54 %. Dan kien ir-riżultat ta’ ħafna fatturi, inklużi l-effiċjenza fl-enerġija, il-politiki dwar il-bdil tal-fjuwil, iż-żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u t-tibdil teknoloġiku6.

04

L-EU ETS hija wieħed miż-żewġ pilastri ewlenin tal-politika tal-UE għall-klima li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (it-tieni wieħed huwa d-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u r-Regolament7). L-EU ETS tkopri, b’mod ġenerali, l-industriji peżanti u l-installazzjonijiet tal-elettriku (flimkien magħrufa bħala “installazzjonijiet stazzjonarji”) kif ukoll l-avjazzjoni8, u tinkludi l-Istati Membri kollha tal-UE flimkien man-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżlanda. Attwalment qiegħda fit-tielet fażi tagħha (2013-2020). L-ewwel żewġ fażijiet tagħha kienu damu, rispettivament, mill-2005 sal-2007, u mill-2008 sal-2012. Il-fażi 4 se tkopri s-snin mill-2021 sal-2030.

05

L-EU ETS taħdem bħala programm ta’ limitu u skambju. Il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-għadd massimu annwali ta’ kwoti disponibbli (il-limitu) u jinħoloq suq fejn dawn il-kwoti jinbiegħu u jinxtraw. L-operaturi għandhom bżonn kwota għal kull tunnellata ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju emessa. Il-kwoti jinkisbu jew bl-irkant – fejn l-installazzjonijiet iridu jagħmlu l-offerti tagħhom għalihom – jew inkella bla ħlas. L-operaturi jistgħu jixtru l-kwoti wkoll minn swieq speċjalizzati, u mingħand xulxin. Is-sistema hija spjegata fil-Figura 2.

Figura 2

L-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet

F’dan l-eżempju, il-fabbrika A tirċievi kwoti bla ħlas aktar milli għandha bżonn biex tkopri l-emissjonijiet tagħha. Hija tista’ tiddeċiedi li żżomm is-surplus jew tbigħhom. Il-fabbrika B ma tirċevix biżżejjed kwoti bla ħlas biex tkopri l-emissjonijiet tagħha u trid takkwista dawk li jonqsuha fl-irkant, jew mingħand operaturi oħra (jekk ma għandhiex stokk ta’ kwoti minn snin preċedenti).

Sors: il-QEA, b’adattament mill-EU ETS Handbook, 2015 tal-Kummissjoni Ewropea.

06

L-EU ETS hija regolata minn Direttiva tal-20039 (id-Direttiva dwar l-EU ETS), emendata l-aħħar fl-2018, flimkien ma’ bosta Deċiżjonijiet u Regolamenti tal-Kummissjoni (ara l-Anness I).

07

L-obbligu fuq l-operaturi biex iħallsu għall-kwoti tagħhom permezz ta’ rkanti jħares il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u jipprovdilhom inċentiv aktar b'saħħtu biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassiijiet serra, milli jekk jingħataw kwoti bla ħlas10. Il-kwoti bla ħlas kellhom jiġu allokati b’mod li:

  1. Kien inaqqas ir-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (delokalizzazzjoni tal-produzzjoni b’mod li jwassal għal żieda fl-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra);
  2. Kien jipprovdi inċentiv għad-dekarbonizzazzjoni (l-evitar ta’ żidiet fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra11), bl-applikazzjoni ta’ parametri referenzjarji għall-allokazzjoni bla ħlas dderivati mingħand dawk li jkunu taw l-aqwa prestazzjoni f’settur partikolari. Dan għandu jħeġġeġ lill-operaturi inqas effiċjenti biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom, filwaqt li jippremja lil dawk li jagħtu prestazzjoni tajba.
08

Il-Figura 3 turi t-tqabbil bejn l-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra koperti mill-EU ETS u l-kwoti allokati bl-irkant jew bla ħlas. Sal-2012, is-setturi kollha rċevew il-maġġoranza tal-kwoti tagħhom bla ħlas.

Figura 3

Il-maġġoranza tal-kwoti maħruġa skont l-EU ETS ingħataw bla ħlas

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-viżwal tad-data tal-EU ETS tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

09

Mill-2013 'il hawn, is-setturi industrijali u tal-avjazzjoni rċevew allokazzjoni bla ħlas. Bejn l-2013 u l-2019, l-industrija rċeviet 'il fuq minn 5 miljun kwota bla ħlas, u l-avjazzjoni rċeviet aktar minn 200 miljun kwota bla ħlas12. Għas-setturi industrijali, l-ammont ta’ kwoti allokati bla ħlas jonqos kull sena. Is-setturi klassifikati bħala li jinsabu f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jibbenefikaw minn allokazzjoni addizzjonali bla ħlas u, indipendentement mill-prestazzjoni tal-installazzjonijiet f'dawk is-setturi, jirċievu l-istess għadd ta’ kwoti bla ħlas daqs l-aktar installazzjoni effiċjenti f'konformità mal-parametri referenzjarji stabbiliti. Is-settur tal-enerġija jibbenefika mill-allokazzjoni bla ħlas biex jgħin biss fil-modernizzazzjoni tas-settur fi Stati Membri speċifiċi taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Il-Figura 4 turi kif jiġu allokati l-kwoti bla ħlas.

Figura 4

Proporzjon tal-kwoti bla ħlas skont is-settur u skont il-fażi

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-ETS.

10

L-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti, fil-fażijiet 1 u 2, kienet ibbażata fuq emissjonijiet storiċi. Dan wassal13 għal allokazzjoni eċċessiva tal-kwoti lil ħafna operaturi, b’mod partikolari fid-dawl tat-tnaqqis fil-produzzjoni kkawżat mir-riċessjoni tal-2008. Skont il-fażi 3 (2013-2020), l-allokazzjoni bla ħlas ħadet kont tal-parametri referenzjarji tal-prodott, u bbażat l-allokazzjoni fuq il-prestazzjoni tal-aktar operaturi effiċjenti. Din kellha l-għan li tipprovdi inċentiv għat-titjib fl-effiċjenza (jiġifieri inqas emissjonijiet għal kull unità prodotta) fil-livell tal-operatur, iżda xorta tista' tippermetti żieda fl-emissjonijiet fis-settur industrijali jekk joktru l-livelli tal-produzzjoni. L-għażla tas-setturi li għandhom dritt jirċievu allokazzjonijiet bla ħlas hija marbuta, fil-prinċipju, mal-inkapaċità ta’ ċerti setturi li jagħmlu pass-through tal-ispejjeż lill-konsumaturi tagħhom (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

“X’inhu l-"pass-through tal-ispejjeż” għall-EU ETS?

Pass-through tal-ispejjeż ifisser rikonoxximent tal-ispiża tal-EU ETS fil-prezz ta’ prodott.

Il-lok biex isir pass-through tal-ispejjeż tal-karbonju fil-prezzijiet finali tal-prodotti huwa fattur fl-impatt tal-EU ETS fuq il-kompetittività tal-kumpaniji.

Jekk settur jista’ jagħmel pass-through tal-ispejjeż tal-EU ETS, allura hemm inqas ġustifikazzjoni li jirċievi allokazzjoni bla ħlas. Dan jispjega għalfejn is-settur tal-enerġija jikseb il-kwoti tiegħu l-aktar permezz tal-irkanti, u mhux bla ħlas.

Anke meta l-installazzjonijiet jirċievu l-kwoti tagħhom bla ħlas, xorta jistgħu jgħaddu l-ispiża nozzjonali tal-karbonju tagħhom lill-konsumaturi. L-introduzzjoni tal-EU ETS ħolqot, speċjalment fl-ewwel żewġ fażijiet tagħha, qligħ kbir mhux mistenni għal ħafna operaturi14.

11

Il-Figura 5 turi li, wara l-introduzzjoni ta' parametri referenzjarji fl-2013, is-setturi industrijali kollha baqgħu jirċievu l-maġġoranza tal-kwoti li kellhom bżonn biex ikopru l-emissjonijiet tagħhom bla ħlas, kif ukoll li l-emissjonijiet industrijali baqgħu relattivament stabbli. Għal xi setturi, il-kwoti bla ħlas allokati qabżu l-livell ta' emissjonijiet. Dan kien dovut għall-kwalità fqira tad-data użata għall-ewwel parametri referenzjarji stabbiliti u għall-allinjament limitat mal-volumi ta’ produzzjoni tal-operatur (ara l-paragrafu 48).

Figura 5

Emissjonijiet industrijali stabbli koperti fil-biċċa l-kbira tal-kwoti bla ħlas fil-fażi 3 tal-EU ETS

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-viżwal tad-data tal-EU ETS tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

12

L-operaturi u l-investituri jinnegozjaw il-kwoti kemm fis-swieq primarji kif ukoll f’dawk sekondarji, fejn il-prezz huwa influwenzat mid-dinamika tal-provvista (limitata mil-limitu massimu tal-EU ETS) u d-domanda. Is-sinjal tal-prezz għandu jaġixxi bħala inċentiv biex jonqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fl-2019, l-aktar prezz baxx irreġistrat ta’ Kwota tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUA) kien ta’ EUR 19.59, u l-ogħla kien ta’ EUR 29.03 15 (ara l-Figura 6). Ħafna esperti kkonkludew li jkunu jenħtieġu prezzijiet tal-karbonju sinifikattivament ogħla biex jingħataw l-inċentivi t-tajba għall-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi16.

Figura 6

Prezz (f’EUR) tal-Kwota tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUA) għall-fażijiet 2 u 3 tal-EU ETS (sat-30 ta’ Diċembru 2019)

Nota: Iż-żieda fil-prezz tal-EUA, osservata mill-2017 'il hawn, hija attribwita mir-rapport tal-Carbon Tracker “Carbon Countdown: Prices and Politics in the EU-ETS”, għall-antiċipazzjoni tas-suq tan-negozju ġdid minn Jannar 2019 tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, maqbula fl-2017.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta minn Sandbag.

13

Id-Direttiva dwar l-EU ETS tipprovdi li tal-inqas nofs id-dħul mill-irkantar ta’ kwoti jrid jintuża mill-Istati Membri għal miżuri dwar il-klima u l-enerġija. Skont id-data pprovduta mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), bejn l-2013 u l-2020 ' il fuq minn 6.66 biljun kwoti ġew allokati bla ħlas taħt il-fażi 3 (2013-2020) tal-EU ETS. Matul dan il-perjodu, il-prezzijiet tal-kwoti kienu jvarjaw iżda żdiedu minn inqas minn EUR 3 għal madwar EUR 25. Kieku ġew irkantati aktar kwoti għall-industrija, l-Istati Membri kienu jirċievu dħul addizzjonali sinifikanti. Il-Kummissjoni identifikat li l-Istati Membri rċevew EUR 42 biljun f’riċevuti mill-irkanti bejn l-2012 u Ġunju 201917.

14

Ir-rwoli tal-atturi ewlenin fl-EU ETS jinkludu li:

  1. Il-Kummissjoni tissorvelja l-azzjoni mwettqa mill-Istati Membri skont id-Direttiva dwar l-EU ETS; tfassal regoli għall-irkantar u għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti; tipprovdi linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva lill-Istati Membri, lill-operaturi u lill-verifikaturi terzi; u tagħmel proposti leġiżlattivi dwar l-EU ETS lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
  2. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tal-UE jiċċekkjaw u japprovaw il-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-operaturi; jispezzjonaw lill-operaturi; u jaċċettaw ir-rapporti tal-emissjonijiet verifikati tal-operaturi, ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-gwida tal-Kummissjoni.
  3. L-operaturi suġġetti għal-limitu massimu tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE jirċievu u jċedu, kull sena, għadd ta’ kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tagħhom. Jekk ma jċedux biżżejjed kwoti, il-konsegwenza hija ta’ penali ta’ EUR 100 għal kull ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju misjub (CO2e), flimkien ma’ penali addizzjonali stabbiliti fil-livell tal-Istat Membru (skont id-dispożizzjonijiet armonizzati fid-Direttiva dwar l-EU ETS).
  4. Il-verifikaturi terzi (approvati minn korpi ta’ akkreditament fl-Istati Membri) jiċċekkjaw u jiċċertifikaw id-data tal-emissjonijiet tal-operaturi.
15

Mill-2005 sal-2012 (l-ewwel żewġ fażijiet tal-EU ETS), kważi l-kwoti kollha ġew allokati bla ħlas. Kull sena l-għadd ta’ kwoti allokati kien akbar mill-għadd meħtieġ biex ikopri l-emissjonijiet attwali, partikolarment meta skatta t-tnaqqis fit-ritmu ekonomiku wara l-2008, li wassal għal bilanċi akbar ta’ kwoti (ara l-Figura 7) f’idejn l-operaturi. Minħabba f’hekk il-prezz tal-kwoti naqas ħafna (ara l-Figura 6), u dan dgħajjef l-inċentiv għall-operaturi biex inaqqsu l-emissjonijiet. Ħafna operaturi setgħu jserrħu fuq il-kwoti li kienu rċevew preċedentement bla ħlas biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ta’ ċediment tagħhom. It-tibdil fis-sistema fit-tielet fażi tagħha kważi eliminat bil-kbir dan is-surplus annwali fis-sistema kollha.

Figura 7

Kwoti eċċessivi akkumulati fl-EU ETS

Sors: il-QEA, b’data pprovduta minn Sandbag.

16

Id-Direttiva konsolidata dwar l-EU ETS tipprevedi r-reviżjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-fażi 4 (2021-2030) fid-dawl taċ-ċirkustanzi li ġejjin:

  1. Ir-rendikont globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi, skedat għall-2023, fejn il-partijiet għall-ftehim se jivvalutaw l-impenji attwali tagħhom u jagħtu spinta lill-isforzi tagħhom biex jilħqu l-miri tal-ftehim18.
  2. L-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, programm maħsub għat-tpaċija globali tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni ċivili (ara l-Kaxxa 4)19.
  3. L-adozzjoni potenzjali ta’ aġġustamenti tal-karbonju fil-fruntiera fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (ara l-paragrafu 40).

Fl-2020, il-Kummissjoni pproponiet Liġi Ewropea ġdida dwar il-Klima20 u ppjanat li tniedi konsultazzjoni pubblika dwar mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Patt Ekoloġiku Ewropew indirizzat il-potenzjal għal emendi fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-EU ETS.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

17

Aħna eżaminajna jekk id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwoti bla ħlas tal-EU ETS servewx bħala bażi raġonevoli biex jiġi stimulat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk l-allokazzjoni bla ħlas:

  • intużatx b’suċċess bħala strument ta’ modernizzazzjoni għas-settur tal-enerġija;
  • immiratx is-setturi bl-ogħla riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;
  • intużatx b’mod li pprovda inċentiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li ma kkontribwiex għal żieda f’dawn l-emissjonijiet.
18

Bħala parti mix-xogħol tal-awditjar tagħna, aħna:

  • eżaminajna l-proposti, il-linji gwida u rapporti rilevanti oħra tal-Kummissjoni;
  • ikkonsultajna awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri fiċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Polonja u l-Iżvezja, kif ukoll rappreżentanti mis-setturi tal-industrija, l-enerġija u l-avjazzjoni, u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi;
  • ivvalutajna r-rekords u r-rapporti disponibbli dwar l-operat tal-EU ETS u tal-mekkaniżmu tal-kwoti bla ħlas;
  • ikkonsultajna bord ta’ esperti. L-għarfien espert tagħhom intuża biex jiġu vvalutati s-sejbiet preliminari dwar l-effetti tas-sistema ta’ kwoti bla ħlas;
  • wettaqna stħarriġ tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-monitoraġġ tal-EU ETS fl-Istati Membri kollha tal-EU, biex tinġabar informazzjoni rilevanti dwar il-parametri referenzjarji u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.
19

Il-perjodu kopert mill-awditu huwa 2013-2019, u b’hekk kopra l-fażi 3 tal-EU ETS u l-leġiżlazzjoni proposta għall-fażi 4. Għalhekk, dan l-awditu ma kopriex l-impatt tal-epidemija tal-coronavirus fuq il-prezzijiet tal-EU ETS, u lanqas l-impatt probabbli tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li rriżulta.

20

Dan ir-rapport jipprovdi materjal li jista’ jkun ta’ kontribut fir-rieżaminar ippjanat tal-leġiżlazzjoni, li huwa meħtieġ għar-rendikont globali skedat għall-2023 skont il-Ftehim ta’ Pariġi (ara l-paragrafu 16).

Osservazzjonijiet

Il-kwoti bla ħlas ġabu magħhom riżultati inċerti meta ntużaw bħala strument ta’ modernizzazzjoni għas-settur tal-enerġija

21

Il-kwoti bla ħlas għas-settur tal-elettriku kienu awtorizzati matul il-fażi 3 bħala deroga mir-regola ġenerali li tgħid li dan is-settur kellu jakkwista l-kwoti tiegħu mill-irkanti jew minn fuq is-suq. Dawn il-kwoti bla ħlas huma mistennija li jkunu ta’ appoġġ għall-investimenti biex jiġi modernizzat is-settur tal-enerġija fit-tmien Stati Membri li japplikaw id-deroga. Aħna ħarisna lejn it-tibdil fl-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti bejn il-fażijiet 3 u 4 u eżaminajna jekk is-setturi tal-enerġija f’dawn l-Istati Membri naqqsux l-impronta tal-karbonju tagħhom.

Kundizzjonijiet aktar stretti fuq l-użu tal-kwoti bla ħlas fis-settur tal-enerġija japplikaw mill-2021 'il quddiem

22

Mill-2013 'il hawn, is-settur tal-elettriku mhuwiex intitolat li jirċievi allokazzjoni bla ħlas, minħabba li jista’ jagħmel pass-through tal-ispejjeż lill-konsumaturi tiegħu. Ingħatat deroga21 minn dan il-prinċipju ġenerali lil 10 Stati Membri li fl-2013 kellhom PDG per capita ta’ inqas minn 60 % tal-medja tal-Unjoni. Tmienja minnhom użaw din id-deroga matul il-fażi 3 (ara l-Figura 8). Mill-2013 sal-2018, 'il fuq minn 479 miljun kwota ngħataw bla ħlas skont din id-dispożizzjoni (il-Figura 6 tindika l-prezz jinbidel tal-kwoti). L-għan ta’ din l-allokazzjoni bla ħlas kien li din tikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f'dawn il-pajjiżi, li wħud minnhom kienu jiddependu ħafna mill-faħam.

Figura 8

Kwoti allokati bla ħlas għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija (fuq il-bażi tal-Artikolu 10c)

Nota: Il-linja bit-tikek turi l-ammont massimu ta’ kwoti bla ħlas li kienu disponibbli.

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

23

L-Istati Membri li kellhom l-intenzjoni li jużaw id-deroga kellhom jibagħtu applikazzjoni lill-Kummissjoni li tissodisfa għadd ta’ rekwiżiti stipulati fid-Direttiva u fid-dokumenti ta’ gwida sussegwenti tal-Kummissjoni22 (ara l-Kaxxa 2). Il-Kummissjoni approvat l-applikazzjonijiet tal-Istati Membri wara bosta sessjonijiet ta' diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u t-tmien Stati Membri applikanti.

Kaxxa 2

Kundizzjonijiet dwar l-użu tal-kwoti bla ħlas għall-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-fażi 3

L-Istati Membri li kellhom l-intenzjoni li jallokaw kwoti bla ħlas fuq il-bażi tal-Artikolu 10c tad-Direttiva dwar l-EU ETS kellhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-metodoloġija għall-allokazzjoni proposta tagħhom u juru li l-allokazzjonijiet ma kinux se joħolqu distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni.

Il-valur tal-kwoti bla ħlas ma setax jintuża biex tiżdied il-kapaċità tal-provvista biex tiġi ssodisfata domanda tas-suq li kienet qiegħda tikber. Fejn il-kwoti bla ħlas iffinanzjaw kapaċità ġdida, ammont ekwivalenti ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku inqas effiċjenti kellu jiġi dekummissjonat.

L-investimenti proposti kellhom jiffurmaw parti mill-Pjanijiet ta’ Investiment Nazzjonali. Dawn il-pjanijiet kellhom juru li l-installazzjonijiet li rċevew l-investimenti kienu diġà operazzjonali fi tmiem l-2008, u jipprevedu d-diversifikazzjoni tat-taħlita ta’ enerġija tal-pajjiżi permezz ta’ investimenti ta’ mill-inqas il-valur fis-suq tal-kwoti allokati bla ħlas.

24

Fil-konklużjonijiet tal-2014 tiegħu dwar il-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-203023, il-Kunsill irrikonoxxa illi l-allokazzjonijiet bla ħlas lis-settur tal-enerġija jenħtieġ li jittejbu, biex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw biex jiġu promossi investimenti reali li jimmodernizzaw is-settur tal-enerġija. Id-Direttiva riveduta għall-fazi 4 tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jagħżlu l-investimenti wara proċedura obbligatorja ta’ offerti (minflok il-pjanijiet ta’ investiment nazzjonali fissi użati għall-fażi 3). Għall-fażi 4, mill-10 Stati Membri eliġibbli, il-Bulgarija, l-Ungerija u r-Rumanija biss se jipprovdu kwoti bla ħlas lis-setturi tal-enerġija tagħhom.

Id-data disponibbli tindika riżultati ineffettivi tal-allokazzjoni bla ħlas bħala għodda għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija fil-fażi 3

25

L-investimenti mill-użu ta’ kwoti bla ħlas skont l-Artikolu 10c kienu mistennija jwasslu għal nuqqas fl-intensità tal-emissjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku kif ukoll tnaqqis fl-emissjonijiet assoluti. Studju li twettaq għall-Kummissjoni fl-2015 ikkonkluda li l-effettività u l-effiċjenza tat-tnaqqis tal-gassijiet serra mrawma minn dawn l-investimenti ma setgħux jiġu evalwati24.

26

Il-Figura 9 turi li l-biċċa l-kbira tad-dħul li ġie minn dawn il-kwoti allokati bla ħlas intuża biex jiġu rikostrutti l-impjanti tal-enerġija tal-linjite u tal-faħam, prinċipalment fil-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Polonja u r-Rumanija.

Figura 9

Kwoti bla ħlas għall-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, skont it-tip ta’ fjuwil tal-impjant tal-enerġija riċeventi u skont l-Istat Membru, 2013-2017

Sors: l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Trends and projections in the EU ETS in 2018.

27

Aħna vvalutajna t-tnaqqis tal-intensità ta' karbonju għas-settur tal-enerġija għal pajjiżi eliġibbli għal allokazzjoni bla ħlas skont l-Artikolu 10c, u qabbilnieh mal-istess data għal pajjiżi li ma jibbenefikawx mill-allokazzjoni bla ħlas (ara l-Figura 10). Ir-riżultati juru tnaqqis ħafna aktar baxx f’termini ta’ intensità ta' karbonju għall-Istati Membri li kienu jirċievu kwoti bla ħlas għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija. Riċerka reċenti25 dwar it-tnaqqis tal-faħam bħala bażi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-2019 tikkonferma din ix-xejra.

Figura 10

Bidla fl-intensità ta' karbonju tas-settur tal-enerġija fir-rigward tal-2008 (f’%)

Sors: kalkolu tal-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat u minn Sandbag.

L-allokazzjoni bla ħlas lill-industrija u lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru ħadet kont limitat tal-kapaċità li jiġu mgħoddija l-ispejjeż, u kellha t-tendenza li tnaqqas id-dekarbonizzazzjoni

28

Id-Direttiva dwar l-EU ETS tipprovdi li l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti hija deroga “tranżizzjonali u eċċezzjonali” mill-26għażla prestabbilita tal-irkantar (ara l-Figura 4). Jenħtieġ li l-allokazzjoni bla ħlas tkun immirata lejn is-setturi l-aktar esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali u l-inqas kapaċi li jagħmlu pass-through tal-ispejjeż tal-karbonju lill-konsumaturi.

L-allokazzjoni bħal ħlas lill-industrija u lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma kinitx tirrifletti kapaċità settorjali li jsir pass-through tal-ispejjeż

29

Kif ġie osservat hawn fuq, bl-eċċezzjoni ta’ 10 Stati Membri b’introjtu aktar baxx (ara l-paragrafu 21), l-EU ETS eskludiet is-settur tal-elettriku mill-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti għaliex dan is-settur seta’ jagħmel pass-through tal-ispejjeż lill-konsumaturi tiegħu u b’hekk ma kienx jinsab f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Aħna sibna li l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti lil setturi oħra mhux dejjem kienet konsistenti mal-kapaċità tagħhom li jgħaddu l-ispejjeż:

  • Is-settur tal-avjazzjoni jirċievi kwoti bla ħlas. Madankollu, dan is-settur jista’ jagħmel pass-through tal-ispejjeż tal-EU ETS lill-konsumaturi. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-2006 li saret qabel l-inklużjoni tal-avjazzjoni fi ħdan l-EU ETS27 ikkonfermatu, dan.
  • Il-valutazzjoni tal-impatt li l-Kummissjoni wettqet għar-reviżjoni tal-EU ETS għall-fażi 4 tipprovdi28 informazzjoni dwar il-pass-through tal-ispejjeż permezz ta’ rati għal setturi industrijali differenti. Il-Kummissjoni ma pproponietx li timmodula l-ammont ta’ kwoti bla ħlas allokati lil kwalunkwe settur.
30

Meta l-allokazzjoni bla ħlas ma tiġix immirata tajjeb, dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn is-setturi jistgħu jagħmlu pass-through tal-ispejjeż tal-karbonju anke meta jirċievu kwoti bla ħlas. B’riżultat ta’ dan, “kwoti bla ħlas” ifissru trasferiment finanzjarju mill-konsumaturi (jew klijenti industrijali) lill-industriji intensivi fl-enerġija, li jista’ jirriżulta f’dak li ħafna drabi jissejjaħ “qligħ kbir mhux mistenni”29. Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 tirrikonoxxi30,31 li l-allokazzjoni bla ħlas tista’ tnaqqas l-inċentivi għall-installazzjonijiet biex jaqtgħu l-emissjonijiet u li s-setturi li jirċievu l-kwoti bla ħlas jistgħu jagħmlu pass-through ta' wħud mill-ispejjeż tagħhom.

31

Fil-konklużjonijiet tiegħu għall-201432, il-Kunsill Ewropew qabel li s-sehem ta’ kwoti għall-irkantar skont l-EU ETS għal wara l-2020 jenħtieġ li ma jitnaqqasx. Il-Kummissjoni pproponiet li, fil-fażi 4, jiġi rkantat l-istess sehem ta’ kwoti li ġie rkantat fil-fażi 333 (57 %). Il-leġiżlatur imbagħad introduċa34 l-possibbiltà li jiżdied l-ammont ta’ kwoti disponibbli bla ħlas sa massimu ta’ 3 % jekk meħtieġ (ara l-"bafer ta’ allokazzjoni bla ħlas” fil-Figura 11). Il-leġiżlatur għandu s-setgħa li jiddeċiedi meta japplika din iż-żieda. Din il-klawżola ma kienet tifforma parti la mill-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u lanqas mill-proposta tal-Kummissjoni. Ir-riżultat ta’ dan huwa li madwar 40 % tal-kwoti xorta se jiġu allokati bla ħlas fil-fażi 4.

Figura 11

Madwar 40 % tal-kwoti xorta se jiġu allokati bla ħlas fil-fażi 4

Sors: COM(2018) 842 final: ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju.

Is-setturi li jipproduċu aktar minn 90 % tal-emissjonijiet industrijali rċevew il-kwoti kollha tagħhom jew il-biċċa l-kbira tagħhom bla ħlas

32

L-EU ETS tuża l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti biex timmitiga r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (ara l-paragrafu 07). Ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju “tirreferi għaż-żieda potenzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra globali li kieku, minħabba l-ispejjeż relatati mal-politiki klimatiċi fl-UE, in-negozji kellhom jittrasferixxu l-produzzjoni lejn pajjiżi oħra fejn l-industrija mhix suġġetta għal politiki klimatiċi komparabbli”35. Ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jeżisti minħabba differenzi fl-ispiża tal-karbonju fl-UE, kif ukoll bejn l-UE u pajjiżi terzi.

33

Skont l-OECD (ara l-Figura 12) l-ispejjeż tal-karbonju jvarjaw sinifikattivament bejn l-Istati. Pereżempju, l-ispejjeż kumplessivi tal-karbonju fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE kienu aktar baxxi minn dawk fl-Iżvizzera u fin-Norveġja, iżda ogħla minn dawk fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina. Studju li ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea ma sab l-ebda evidenza ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju36, għalkemm studji oħra jsostnu li r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ma seħħitx preċiżament minħabba l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti37. Peress li r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tista’ tiġi konkretizzata f'inqas impjiegi u investimenti fl-UE, hija għandha implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali.

Figura 12

Distakk fl-ipprezzar tal-karbonju għall-OECD u l-pajjiżi tal-G20, 2015

Nota: Id-distakk fl-ipprezzar tal-karbonju jkejjel il-livell ta’ kemm il-pajjiżi ma jirnexxilhomx jipprezzaw l-emissjonijiet tal-karbonju f'konformità ma' valur ta' parametru referenzjarju ta’ EUR 30/t (stima ta’ livell baxx tal-ispiża tal-karbonju stmata mill-OECD fl-2018).

Id-differenza bejn il-valur ta' parametru referenzjarju u r-rata reali ta’ karbonju effettiva (effective carbon rate - ECR) hija ppreżentata bħal perċentwal: jekk l-ECR fuq l-emissjonijiet kollha hija tal-inqas għolja daqs il-parametru referenzjarju, id-distakk huwa żero, u jekk l-ECR hija żero kullimkien, id-distakk huwa ta’ 100 % (pereżempju r-Russja).

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-OECD fl-Effective Carbon Rates 2018.

34

L-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tindirizza r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju billi tnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità li l-operaturi koperti mill-EU ETS iridu jiffaċċjaw. Għalhekk dawn il-kwoti jgħinuhom biex jibqgħu kompetittivi meta mqabbla ma’ produtturi bbażati f’pajjiżi terzi.

35

L-operaturi industrijali minn setturi meqjusa li jinsabu f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jibbenefikaw minn allokazzjoni bla ħlas ibbażata fuq il-parametri referenzjarji tal-prodott imsemmija fil-paragrafu 42 kull sena – għall-kuntrarju ta' setturi oħra (mhux meqjusa li jinsabu f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju), li jġarrbu tnaqqis tal-kwoti bla ħlas tagħhom (ara l-Figura 4) progressivament sa żero. Għall-fażi 4, u b'segwitu għall-proposti tal-Kummissjoni, is-sehem tas-setturi industrijali meqjusa li jinsabu f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tnaqqas b’mod sostanzjali. Iżda dawn is-setturi għadhom jirrappreżentaw 94 % tal-emissjonijiet industrijali fl-UE (ara l-Figura 13). Il-lista dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ma tistabbilix gradi differenti ta’ riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għad-diversi setturi inklużi fiha, għaliex tittrattahom b’mod indaqs (ara l-Kaxxa 3 għal tqabbil ma’ sistemi oħra tal-ETS).

Figura 13

Informazzjoni ġenerali dwar il-listi tal-EU ETS ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju

* Il-perċentwal indikat jirreferi għall-għadd ta’ setturi industrijali fil-Klassifikazzjoni Statistika tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE), u ma jipprovdix informazzjoni dwar il-produzzjoni industrijali jew id-daqs tal-industrija.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE u fuq id-data tal-Kummissjoni Ewropea.

Kaxxa 3

Riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f’Sistemi oħra għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet

L-EU ETS tittratta b’mod indaqs lis-setturi kollha meqjusa li jinsabu f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dan ifisser li s-setturi kollha inklużi fil-lista tal-EU ETS dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jibbenefikaw minn allokazzjoni bla ħlas ibbażata fuq 100 % tal-parametru referenzjarju rilevanti.

Bi tqabbil ma’ dan, is-sistemi tal-ETS fis-seħħ fl-Istat Amerikan ta’ Kalifornja u fil-provinċja Kanadiża ta’ Québec adottaw lista dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fejn is-setturi huma kklassifikati skont jekk humiex f’riskju għoli, medju jew baxx ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju38.

36

Il-leġiżlazzjoni tal-EU ETS tuża l-intensità tal-emissjonijiet u l-intensità tal-kummerċ bħala kriterji għal valutazzjoni tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Il-valutazzjoni tal-impatt għar-reviżjoni tal-EU ETS għall-fażi 4 li jmiss ħarset ukoll lejn ir-rati tal-pass-through tal-ispejjeż (ara l-Kaxxa 1) għal setturi differenti39, iżda din ma ġietx inkluża mill-Kummissjoni fost il-kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju40, fil-proposti tagħha għall-fażi 4.

37

In-nuqqas ta’ mmirar ta’ kwoti bla ħlas għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jfisser li, skont l-arranġamenti attwali, il-biċċa l-kbira tal-allokazzjonijiet bla ħlas tal-kwoti mhumiex se jitnaqqsu sa żero qabel l-2030 – li hija l-mira prestabbilita għall-allokazzjonijiet bla ħlas (ara l-Figura 4).

38

Studju mill-OECD dwar l-ewwel 10 snin tal-EU ETS ippubblikat fl-2018 sab li setturi meqjusa li jinsabu f’riskju mill-Kummissjoni Ewropea “tassew joperaw fi swieq kompetittivi għall-aħħar u jiffaċċjaw żminijiet ekonomiċi diffiċli”. Iżda l-istudju sab ukoll li “kumpaniji regolati mill-EU ETS taw prestazzjoni relattivament aħjar mill-kontroparti mhux ETS tagħhom (….) (li) jindika li d-distribuzzjoni tal-kwoti bla ħlas seta’ kkumpensa żżejjed lill-kumpaniji EU ETS li kienu f’riskju għall-ispejjeż tat-tnaqqis tal-karbonju indotti tar-regolament41. Għalhekk, kieku, distribuzzjoni mmirata aħjar tal-kwoti bla ħlas kienet tindirizza r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, tnaqqas il-qligħ kbir mhux mistenni, u (b’żieda fis-sehem tal-kwoti rkantati) ittejjeb il-finanzi pubbliċi.

Il-Kummissjoni eżaminat iżda ma pproponietx approċċi oħra biex timmitiga r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kkawżat mill-EU ETS

39

Il-Kummissjoni għarblet alternattivi għall-allokazzjoni bla ħlas biex tindirizza r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2008 għar-reviżjoni tal-fażi 342, u f’komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 dwar modi kif jiżdied it-tnaqqis fl-emissjonijiet u ssir valutazzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju43, iżda ma għamlitx proposti speċifiċi. B’mod partikolari, fl-2014, meta kienet qiegħda tivvaluta l-qafas tal-politika potenzjali għall-klima u l-enerġija fil-perjodu mill-2020 sal-2030, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fl-UE u pproponiet perkorsi biex tindirizzahom, u kollha kemm huma kienu jserrħu esklussivament fuq l-allokazzjoni bla ħlas44. Alternattiva ewlenija għall-allokazzjoni bla ħlas, li attwalment qiegħda tiġi diskussa mill-Kummissjoni, hija l-użu tal-aġġustamenti tal-karbonju fil-fruntiera biex jiġu ugwalizzati l-ispejjeż tal-gassijiet serra tal-importazzjonijiet ma’ dawk tal-produzzjoni domestika45.

40

L-aġġustamenti tal-karbonju fil-fruntiera jkunu jinkludu l-ispiża tal-mitigazzjoni tal-karbonju f’importazzjonijiet li joriġinaw minn postijiet mingħajr politiki dwar il-klima li huma komparabbli mal-EU ETS, u b’hekk jiġi mmitigat ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (għalkemm ma jkunux jindirizzaw l-ispejjeż inkorporati fl-esportazzjonijiet tal-UE lejn pajjiżi terzi). Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2015 li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva oriġinali tal-Kummissjoni għall-fażi 4 tal-EU ETS sabet li ma kienx hemm alternattivi plawżibbli għas-sistema ta’ parametraġġ referenzjarju biex tiġi indirizzata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Hija osservat li taxxa mal-fruntiera hija għodda ħafna inqas xierqa, u indikat kunflitti potenzjali ma’ regoli multilaterali dwar il-kummerċ u reazzjonijiet negattivi minn pajjiżi terzi46. Madankollu, id-Direttiva għall-fażi 4 ssemmi li l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tista’ tiġi sostitwita, adattata, jew ikkomplementata b’aġġustamenti tal-karbonju fil-fruntiera47. Il-komunikazzjoni dwar il-“Patt Ekoloġiku Ewropew” tipproponi li ssir proposta għal “Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera” jekk jippersistu differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-karbonju48.

Il-parametraġġ komparattiv użat biex jiġu allokati l-kwoti bla ħlas qiegħed progressivament joffri inċentivi biex jonqsu l-emissjonijiet

41

F’konformità mad-Direttiva dwar l-EU ETS, il-kwoti bla ħlas taħt il-fażi 3 kellhom jiġu allokati b’mod li jipprovdi inċentiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Ir-regoli li jirregolaw din l-allokazzjoni ma għandhomx jikkontribwixxu għal żieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

L-approċċ ibbażat fuq il-parametri referenzjarji kien jipprovdi inċentiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra

42

Mill-fażi 3 'l quddiem, l-għadd ta’ kwoti bla ħlas li jirċievi kull operatur jiġi kkalkulat bl-użu ta’ parametri referenzjarji speċifiċi għall-prodott (jew fejn dan ma jkunx possibbli, b’approċċ ta’ riżerva relatat mal-użu tat-tisħin u l-fjuwil). F’konformità mad-Direttiva dwar l-EU ETS49, il-Kummissjoni użat parametri referenzjarji biex tiżgura li “l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, (...) u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet”.

43

Il-parametri referenzjarji tal-prodott huma stabbiliti bħala l-livell ta’ emissjonijiet medju tal-10 % tal-aktar installazzjonijiet effiċjenti fi ħdan kull settur. B’dan il-mod, installazzjonijiet li huma effiċjenti ħafna għandhom jirċievu l-kwoti kollha jew kważi kollha li jeħtieġu biex jikkonformaw mal-obbligi tal-EU ETS. L-installazzjonijiet ineffiċjenti jridu jagħmlu sforz akbar biex ikopru l-emissjonijiet tagħhom bil-kwoti, jew billi jnaqqsu l-emissjonijiet jew inkella bix-xiri ta’ aktar kwoti (...)”50.

44

L-użu tal-parametri referenzjarji huwa aċċettat b’mod ġenerali bħala titjib fuq is-sistema li ntużat f’fażijiet preċedenti tal-EU ETS, meta l-allokazzjoni kienet ibbażata fuq emissjonijiet storiċi ta’ gassijiet serra51. L-approċċ ibbażat fuq parametri referenzjarji jipprovdi inċentivi aktar b’saħħithom biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fil-proċess ta’ produzzjoni.

L-użu effettiv tal-parametri referenzjarji qiegħed jiffaċċja xi sfidi tekniċi

45

Attwalment il-parametri referenzjarji għall-allokazzjoni bla ħlas ma jirrappreżentawx għalkollox l-emissjonijiet indiretti fil-konnessjonijiet tal-katina ta’ provvista. Dan jista’ jkun problematiku f’xi setturi jekk xi installazzjonijiet jistgħu jnaqqsu l-intensità apparenti tal-emissjonijiet tagħhom (iżda jżommu l-livelli ta' allokazzjonijiet bla ħlas) billi jissostitwixxu l-emissjonijiet diretti (fuq il-post) b’emissjonijiet indiretti52.

46

L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kkawżati mill-ħruq tal-bijomassa ma jiġux inklużi meta jiġu kkalkulati l-kwoti li operatur jiġi mitlub iċedi (ara l-paragrafu 05). L-installazzjonijiet industrijali li jużaw il-bijomassa għalhekk tipikament jirċievu iktar kwoti bla ħlas milli jkollhom bżonn iċedu. Barra minn hekk, l-operaturi li jipproduċu l-elettriku bil-bijomassa ma għandhomx għalfejn iċedu l-kwoti għall-emissjonijiet iġġenerati minn dan il-fjuwil. Is-sistema EU ETS ma timponi l-ebda kriterju ta’ sostenibbiltà għal dan it-tip ta’ fjuwil. Id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) kienet tinkludi kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa53, bir-raġunament li hija l-bijoenerġija sostenibbli li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-fjuwils fossili biss li hija eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju. Il-Kummissjoni ma pproponietx bidliet fir-regoli tal-EU ETS biex tillimita l-allokazzjoni bla ħlas għall-operaturi li jużaw il-bijomassa u li jissodisfaw il-kriterji tar-RED II.

47

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u dak ta’ min juża jħallas, għall-ispejjeż tal-karbonju, tista’ tipprovdi inċentivi għall-produtturi u l-konsumaturi biex ibiddlu l-imġiba tagħhom u jnaqqsu l-emissjonijiet. Il-valutazzjoni tal-impatt għall-fażi 4 tal-ETS irrikonoxxiet li l-allokazzjoni bla ħlas ma taqbilx ħafna mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas54: l-inċentiv li jagħti dan il-prinċipju biex jonqsu l-emissjonijiet jitnaqqas meta l-kwoti jingħataw bla ħlas.

48

Għall-fażi 4, fl-2014 il-Kunsill qabel55 li, sabiex jiġi evitat qligħ kbir mhux mistenni, il-livell ta’ allokazzjoni kellu jiġi allinjat aħjar mal-volumi ta’ produzzjoni tal-operaturi. Fl-2015 il-Kummissjoni pproponiet metodu għall-aġġornament tal-parametri referenzjarji, li jkun jippermetti din l-allokazzjoni dinamika f’konformità mal-volumi ta’ produzzjoni tal-operaturi. Billi għamlet dan, il-proposta tal-Kummissjoni qieset bosta kriterji (pereżempju allinjament aħjar mal-livelli ta’ produzzjoni, l-ebda żieda fil-kumplessità amministrattiva).

Il-fażi 4 tal-EU ETS hija mistennija li tipprovdi informazzjoni aħjar dwar l-inċentivi għad-dekarbonizzazzjoni

49

Il-leġiżlazzjoni tal-EU ETS tistabbilixxi obbligi fuq l-installazzjonijiet, il-verifikaturi u l-Istati Membri biex b’mod affidabbli jikkalkulaw il-kwoti bla ħlas u jirrappurtaw data tal-emissjonijiet56. Il-Kummissjoni tista’ sserraħ ukoll fuq ir-rieżaminar ta’ konformità tal-EU ETS u fuq il-forum ta’ konformità tal-EU ETS biex tiżgura li l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet hija korretta. Il-leġiżlazzjoni attwali ma tipprevedix il-ġbir ta’ informazzjoni għal valutazzjoni ta' jekk l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti wasslitx għal effiċjenza fl-enerġija akbar mingħand l-installazzjonijiet. Għalhekk il-Kummissjoni għadha ma wettqitx din il-valutazzjoni. Id-Direttiva riveduta dwar l-EU ETS tistabbilixxi57 li l-installazzjonijiet li jirċievu allokazzjoni bla ħlas fil-fażi 4 se jkollhom bżonn jippreżentaw data dwar l-attività ta’ produzzjoni bħala parti mill-Miżuri Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni (NIMs). Skont il-Kummissjoni, din id-data se tippermettilha li tivvaluta r-riżultati ta’ kwoti bla ħlas li jipprovdu inċentivi lis-setturi industrijali għad-dekarbonizzazzjoni.

L-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti kienet tagħti preferenza lill-ivvjaġġar bl-ajru minflok l-ivvjaġġar bil-ferrovija

50

L-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti għandha l-għan li tipprevieni r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tevita żieda fl-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra minħabba trasferiment tal-attività mill-UE lejn pajjiżi terzi. Fi ħdan l-UE, aħna osservajna li l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tista’ tappoġġa l-ivvjaġġar bl-ajru b’intensità qawwija ta’ karbonju, għad-detriment tat-trasport bil-ferrovija.

51

L-operaturi fil-qasam tal-avjazzjoni jirċievu kwoti bla ħlas, u jridu jċedu kwoti biex ikopru l-emissjonijiet tagħhom li jkunu ġejjin minn titjiriet fi ħdan l-UE (inklużi n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein). Bil-prezzijiet prevalenti tal-kwoti EU ETS matul il-fażi 3, l-ispiża addizzjonali għal kull passiġġier hija limitata: bejn EUR 0.30 u EUR 2 għal kull passiġġier għall-biċċa l-kbira tat-titjiriet ippreżentati fit-Tabella 1. It-trasport bil-ferrovija mhuwiex inkluż fl-EU ETS iżda s-settur ferrovjarju b’linji elettriċizzati jħallas għall-ispejjeż tal-EU ETS li jkunu ġew mgħoddija mis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija (u 54 % tan-network ferrovjaru tal-UE kien ġie elettriċizzat sal-201658).

Tabella 1

Stimi ta’ emissjonijiet medji għal kull passiġġier bl-ajruplan u bil-ferrovija għall-10 rotot tal-ajru l-aktar bieżla li huma koperti mill-EU ETS

Rotta
(ikklassifikati skont l-għadd ta’ titjiriet skedati)
Għadd ta’ titjiriet skedati
(3/2018 – 2/2019)
Stimi ta’ emissjonijiet medji bl-ajruplan
(kg għal kull passiġġier)
Stimi ta’ emissjonijiet medji bil-ferrovija
(kg għal kull passiġġier)
Barċellona – Madrid 18 812 115.40 17.00
Frankfurt – Berlin Tegel 17 591 104.50 15.00
Pariġi Orly – Toulouse 17 081 120.50 5.70
Oslo – Trondheim 16 940 131.90 0.50
Bergen – Oslo 16 451 119.70 0.44
Amsterdam – Londra Heathrow 13 115 124.70 13.30
Stokkolma – Oslo 12 841 139.60 1.30
Stokkolma – Copenhagen 12 679 108.90 2.70
Copenhagen – Oslo 12 383 110.50 2.90
Lisbona – Madrid 11 843 109.30 21.70

Nota: Il-kalkolu tal-emissjonijiet tal-ferrovija jieħu inkunsiderazzjoni s-sorsi tal-enerġija matul ir-rotot tal-ferrovija. L-emissjonijiet tal-ajruplan huma bbażati fuq fatturi medji ta’ piż bejn 71 % u 80 %, skont ir-rotta. L-emissjonijiet tal-ferrovija huma kkalkulati abbażi ta’ fattur ta’ piz prestabbilit ta’ 35 % ħlief meta jkun hemm informazzjoni speċifika dwar il-fattur ta’ piż għal rotta speċifika. Iċ-ċifri reali tal-emissjonjiet jistgħu jvarjaw skont fatturi bħall-mudell tal-ajruplan, l-għadd reali ta’ passiġġieri fit-titjira, u t-trajettorja tat-titjira użata.

Sors: elaborat mill-QEA b’data pprovduta minn Ecopassenger (għaċ-ċifri tal-emissjonijiet) u mill-OAG (għall-għadd ta’ titjiriet).

52

Fl-2019 l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija rrappurtat li l-ferrovija hija wieħed mill-aktar mezzi ta' trasport effiċjenti u b’rata baxxa ta’ emissjonijiet59. Il-biċċa l-kbira tat-titjiriet intra-UE jkopru distanza ta’ inqas minn 1 000 km60, li għal ħafna minnhom il-ferroviji jistgħu jkunu alternattiva b’intensità inqas qawwija tal-karbonju meta tkun teżisti diġà infrastruttura tal-ferrovija (ara t-Tabella 1). Madankollu, l-emissjonijiet mill-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-ferroviji jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll meta ssir il-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni potenzjali tat-trasport bil-ferrovija għad-dekarbonizzazzjoni61.

53

Biex tindirizza l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-avjazzjoni globali, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fasslet l-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) li se tirrikjedi t-tpaċija għal emissjonijiet tal-karbonju mill-operaturi tal-avjazzjoni mad-dinja kollha permezz ta’ tnaqqis f’setturi oħra (ara l-Kaxxa 4). It-tpaċija tinvolvi investiment fit-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi oħra, minflok fis-settur tal-avjazzjoni nnifsu.

Kaxxa 4

Il-CORSIA u l-isfida tad-dekarbonizzazzjoni globali tal-avjazzjoni ċivili

L-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-ICAO se tkun fuq bażi volontarja mill-2021 sal-2026, u obbligatorja mill-2027 f’ħafna Stati b’setturi tal-avjazzjoni ċivili sinifikanti62. L-Iskema se sserraħ fuq it-tpaċija tal-emissjonijiet minflok fuq il-kwoti, u l-emissjonijiet se jiġu kkumpensati bi tnaqqis minn bnadi oħra.

Figura 14

Kopertura tal-Programm CORSIA

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Air Transport Action Group (ATAG).

It-twettiq tad-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni ċivili huwa diffikultuż. Il-fjuwils alternattivi li jissodisfaw l-istandards attwali, iżda li huma magħmulin mill-pjanti jew mill-alga, jew sintetizzati minn materjali oħra mhux fossili, jistgħu jintużaw fl-ajruplani attwali, iżda bħalissa l-provvista hija limitata u jiswew aktar mill-fjuwils tradizzjonali. L-elettrifikazzjoni tista’ tnaqqas l-ispejjeż operazzjonali, iżda t-teknoloġija attwali tal-batteriji tagħti lok biss għal titjiriet fuq distanza qasira ħafna. L-idroġenu huwa opzjoni (fl-1988, manifattur Sovjetiku rnexxielu jsuq ajruplan kummerċjali li jaħdem bl-idroġenu63), iżda dan ikun jirrikjedi infrastruttura ġdida, adattament kbir tal-ajruplani li hemm bħalissa, u bidliet fid-disinni futuri tal-ajruplani.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

54

Dan l-awditu kkonċentra fuq ir-rwol tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti fi ħdan l-EU ETS. Il-mistoqsija tal-awditjar tagħna kienet “Id-deċiżjonijiet dwar il-kwoti bla ħlas tas-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet servew bħala bażi raġonevoli biex jiġi stimulat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra?” Aħna sibna li, minkejja li kien hemm raġunijiet tajba għall-użu tagħhom, immirar aħjar tal-allokazzjoni bla ħlas kien ikollu bosta benefiċċji għad-dekarbonizzazzjoni, għall-finanzi pubbliċi u għall-operat tas-suq uniku.

55

Id-Direttiva tiddeskrivi l-kwoti bla ħlas bħala metodu tranżizzjonali ta’ allokazjoni ta’ kwoti b’kuntrast mal-metodu prestabbilit (l-irkantar). Madankollu, kemm għall-fażi 3 kif ukoll għall-fażi 4 tal-EU ETS, huma jkomplu jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-għadd totali ta’ kwoti disponibbli.

56

L-allokazzjoni bla ħlas ingħatat lil tmien Stati Membri fejn il-PDG per capita kien inqas mis-60 % tal-medja tal-UE, biex tappoġġa l-modernizzazzjoni tas-setturi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħhom. Aħna nosservaw li l-awtoritajiet leġiżlattivi tejbu r-regoli għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti biex jippromwovu aħjar l-investiment reali fis-settur tal-enerġija (ara l-paragrafi 22 sa 24) għall-fażi 4 tal-EU ETS. Aħna nqisu li, kollettivament, is-setturi tal-enerġija tal-Istati Membri li jipprovdu dawn il-kwoti bla ħlas għamlu progress sinifikattivament aktar bil-mod fid-dekarbonizzazzjoni. L-investimenti li saru ffukaw fuq it-titjib fil-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-faħam (ara l-paragrafi 25 sa 27).

57

Aħna sibna li l-għadd ta’ kwoti bla ħlas allokati lis-setturi tal-industrija u tal-avjazzjoni fil-fażi 3 ma kienx ibbażat fuq il-kapaċità tagħhom li jagħmlu pass-through tal-ispejjeż (ara l-paragrafi 29 sa 31) u li, filwaqt li r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandha l-potenzjali li taffettwa s-swieq tal-karbonju tal-UE, u għalhekk l-evoluzzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mad-dinja kollha, hemm immirar limitat tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti (ara l-paragrafi 32 sa 38).

Rakkomandazzjoni 1 – Immirar aħjar tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża r-rieżaminar tat-tħaddim tad-Direttiva (meħtieġ skont l-Artikolu 30) biex tirrieżamina r-rwol tal-kwoti bla ħlas u, b’mod partikolari, biex tivvaluta kemm għandha lok biex tapplika approċċ konsistenti għall-allokazzjoni tagħhom, filwaqt li timmira setturi abbażi tal-esponiment tagħhom għal riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, pereżempju billi tikklassifika s-setturi li attwalment qegħdin jirċievu kwoti bla ħlas bħala esposti ħafna, esposti b’mod moderat, jew kemxejn esposti.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2021.

58

Aħna sibna li l-approċċ tal-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti fuq il-bażi ta’ parametri referenzjarji kien jipprovdi inċentivi sinifikanti għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija (ara l-paragrafi 42 sa 44) iżda hemm lok għal titjib fl-applikazzjoni ta’ dawn il-parametri referenzjarji (ara l-paragrafi 45 sa 48). Fl-istess ħin, sibna li l-Kummissjoni għadha ma kkwantifikatx l-impatt tal-kwoti bla ħlas fuq it-titjib fl-effiċjenza iżda biħsiebha tagħmlu, dan (ara l-paragrafu 49) u li l-kwoti bla ħlas kellhom tendenza li jagħtu preferenza lill-ivvjaġġar bl-ajru minflok l-ivvjaġġar bil-ferrovija (ara l-paragrafi 50 sa 53), li potenzjalment jista’ jikkontribwixxi għal żieda fl-emissjonijiet totali.

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib fil-metodoloġija għall-parametri referenzjarji

B’kont meħud tal-obbligi tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi, u l-aspirazzjonijiet tal-“Patt Ekoloġiku” propost tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-metodoloġija għall-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti biex tindirizza aħjar l-isfidi tekniċi bħal dawk identifikati f’dan ir-rapport, pereżempju:

  1. biex jitjiebu s-sinjali tal-prezzijiet fl-istadji kollha tal-produzzjoni u tal-konsum,
  2. biex issir distinzjoni bejn sorsi tal-bijomassa li huma konformi mar-RED II u dawk li mhumiex.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2022.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Samo Jereb, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Lulju 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Anness

Anness I – Ħarsa ġenerali lejn il-qafas legali tal-EU ETS għall-fażi 4

Termini u abbrevjazzjonijiet

Aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera: Tariffa imposta fuq prodotti li joriġinaw minn pajjiż jew ġuriżdizzjoni mingħajr politika dwar it-tibdil fil-klima li tagħti prezz tal-karbonju.

Approċċ ta’ riżerva: L-użu ta’ parametru referenzjarju alternattiv għall-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-EU ETS. Dawn il-parametri referenzjarji ta’ riżerva, minflok ibbażati fuq prodotti speċifiċi, huma bbażati fuq il-konsum tas-sħana jew tal-fjuwil.

Bijomassa: Materjal mill-pjanti jew mill-annimali użat fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, bħall-injam, ir-residwu tal-injam, u l-iskart mill-għelejjel tal-ikel.

CO2: Diossidu tal-karbonju.

CO2e: Ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju: Unità kontabilistika li tintuża biex tikkonsolida l-emissjonijiet ta’ tipi differenti ta’ gassijiet serra. L-emissjonijiet jiġu stabbiliti abbażi ta’ Potenzjal ta’ Tisħin Globali (GWP) ikkalkulat skont il-kontribut tagħhom għat-tisħin globali b’relazzjoni mad-diossidu tal-karbonju, u espressi f’CO2e. Pereżempju, il-metan (CH4) għandu GWP ta’ 25 fuq 100 sena, jiġifieri tunnellata ta' CH4 (metan) emess tiġi espressa bħala 25 tunnellata ta’ CO2e.

CORSIA: L-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali, sistema żviluppata mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li għandha l-għan li timmitiga l-impatt tal-avjazzjoni ċivili globali fuq it-tibdil fil-klima.

Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi: Din tistabbilixxi l-miri annwali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-Istati Membri għall-perjodu 2013-2020, espressi bħala tibdil perċentwali mil-livelli tal-2005. Dawn il-miri jikkonċernaw l-emissjonijiet mill-biċċa l-kbira ta' setturi li mhumiex inklużi fis-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tal-UE (EU ETS), bħat-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart. L-emissjonijiet mill-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-foresterija (LULUCF) u t-trasport marittimu internazzjonali mhumiex inklużi.

Dekarbonizzazzjoni: Il-proċess ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw minn attività ekonomika jew mill-ekonomija globali.

EU ETS: Is-Sistema tal-Unjoni Ewropea għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS).

Fattur ta' korrezzjoni transsettorjali: Fattur li jintuża biex jiġi żgurat li l-allokazzjoni totali tibqa’ taħt l-ammont massimu skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE (id-Direttiva dwar l-EU ETS).

Gassijiet serra: Gassijiet li jaġixxu bħala kutra fl-atmosfera tad-dinja, ma jħallux lis-sħana taħrab u b'hekk isaħħnu s-superfiċje tad-dinja f'dak li huwa magħruf bħala l-"effett serra". Il-gassijiet serra prinċipali huma d-diossidu tal-karbonju (CO2), il-metan (CH4), l-ossidu nitruż (N2O) u l-gassijiet fluworurati (HFCs, PFCs, SF6 u NF3).

Intensità ta' karbonju: Miżura/livell ta’ kemm jiġu prodotti emissjonijiet tas-CO2 matul attività ekonomika speċifika, jew produzzjoni industrijali.

Intensità tal-emissjonijiet: Proporzjon ta’ emissjonijet ta’ gassijiet serra għal kull unità ta’ prodott.

Intensità tal-kummerċ: Kejl ta’ intensità tal-kummerċ bejn l-UE u pajjiżi terzi. Hija tikkorrispondi għall-proporzjon bejn it-total tal-valur tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi b'żieda mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u t-total tad-daqs tas-suq għaż-Żona Ekonomika Ewropea (fatturat annwali b'żieda mal-importazzjonijiet totali).

Kwota: Skont is-Sistema tal-Unjoni Ewropea għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS), Kwota tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUA) waħda tikkorrispondi għad-dritt ta’ emissjoni tal-ekwivalenti ta’ tunnellata diossidu tal-karbonju matul perjodu speċifiku (CO2e). Il-Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintużaw mill-operaturi fi ħdan l-EU ETS biex ikopru l-emissjonijiet verifikati tagħhom jew jistgħu jiġu nnegozjati ma’ operaturi oħra.

Limitu massimu tal-emissjonijiet: L-ammont kumplessiv ta’ emissjonijiet permessi taħt is-sistema ta’ limitu u skambju.

Limitu u skambju: L-EU ETS hija meqjusa bħala sistema ta’ limitu u skambju. Dan ifisser li hemm limitu massimu fuq l-ammont totali ta’ emissjonijiet li l-installazzjonijiet koperti fis-sistema għandhom il-permess jipproduċu. L-operaturi li jaqgħu taħt is-sistema jistgħu jirċievu kwoti bla ħlas jew iridu jixtruhom fl-irkanti. In-negozjanti volontarji wkoll jistgħu jidħlu fis-suq biex jixtru u jbigħu l-kwoti. Il-limitu fuq l-għadd totali ta’ kwoti tal-emissjonijiet disponibbli jiżgura li jkollhom valur.

Mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: Politiki u azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u b’hekk inaqqsu r-ritmu tat-tibdil fil-klima jew iwaqqfuh.

Negozjar ta' emissjonijiet: Approċċ, ibbażat fuq is-suq, għall-kontroll tat-tniġġis. Huwa bbażat fuq il-ħolqien ta’ drittijiet (kwoti) ta’ emissjonijiet li jistgħu jiġu nnegozjati fost l-operaturi koperti mis-sistema. Jista’ wkoll jagħmel użu mit-tpaċija, jiġifieri ċertifikati ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet miksuba minn bnadi oħra.

Operaturi (fl-EU ETS): Installazzjonijiet u negozji fis-setturi koperti mill-EU ETS.

Pajjiżi terzi: Pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Parametru referenzjarju: Il-valur referenzjarju f’tCO2, stabbilit fil-livell ta’ emissjonijiet medju tal-10 % tal-aktar installazzjonijiet effiċjenti fi ħdan kull settur. B’dan il-mod, jenħtieġ li installazzjonijiet li huma effiċjenti ħafna jirċievu l-kwoti kollha jew kważi kollha li għandhom bżonn biex jikkonformaw mal-obbligi tal-EU ETS.

Patt Ekoloġiku Ewropew: Pakkett ta’ miżuri, ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea, li għandu l-għan li jippermetti lill-Ewropa ssir l-ewwel kontinent b'impatt newtrali fuq il-klima sal-2050. Dan il-pakkett jinvolvi investiment fl-innovazzjoni u r-riċerka, tfassil mill-ġdid tal-ekonomija, aġġornament tal-politika industrijali u dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija.

Politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni: Politiki u miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u b’hekk jimmitigaw it-tibdil fil-klima.

Prinċipju ta' min iniġġes iħallas: Prinċipju tal-liġi ambjentali li jiddikjara li dawk li jipproduċu t-tniġġis jenħtieġ li jġarrbu l-ispejjeż tal-immaniġġjar tiegħu. Fl-UE, dan huwa stabbilit fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jiddikjara li l-ispiża tal-prevenzjoni, it-tnaqqis jew it-tiswija tal-ħsara ambjentali jenħtieġ li tiġġarrab minn dak li jniġġes.

Qligħ kbir mhux mistenni: dħul addizzjonali li operaturi suġġetti għall-EU ETS ikunu qalgħu meta l-ispiża tas-CO2 li tgħaddi għand il-konsumaturi taqbeż il-livell ta’ spejjeż ta’ konformità mġarrba mill-operatur taħt l-EU ETS.

Rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju: Żieda fil-gassijiet serra emessi meta n-negozji jittrasferixxu l-produzzjoni minn ġuriżdizzjoni b’politika stretta għall-klima lejn pajjiżi oħra b’restrizzjonijiet inqas stretti fuq l-emissjonijiet.

Riżerva tal-istabbiltà tas-suq: Mekkaniżmu bbażat fuq ir-regoli li permezz tiegħu l-provvista ta’ kwoti tista’ tirrispondi għat-tibdil fid-domanda, u b'hekk jinżamm il-bilanċ fis-suq tal-karbonju tal-EU ETS. Ir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq taġġusta l-għadd ta’ kwoti li jkunu disponibbli fl-irkanti b’rispons għal tibdil fil-provvista u fid-domanda.

Tibdil fil-klima: Tibdil fis-sistema klimatika tad-Dinja li jirriżulta f’xejriet tat-temp ġodda li jibqgħu fis-seħħ għal perjodu estiż. Ir-riċerka xjentifika tindika li l-proċess attwali ta’ tibdil fil-klima qiegħed jiġi kkawżat minn emissjonijiet antropoġeniċi (magħmula mill-bniedem) ta’ gassijiet serra.

Tpaċija: It-tpaċija għal emissjonijiet tal-karbonju hija tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ssir biex tikkumpensa għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra emessi xi mkien ieħor.

Trasferiment tal-ispejjeż: Żieda fil-prezz li jħallas il-konsumatur għall-prodotti minħabba żieda fl-ispejjeż ta' kumpanija.

Tunnellata-kilometru: Unità ta’ kejl użata fil-kalkolu tal-emissjonijiet mill-operaturi koperti mill-EU ETS. Din tirrappreżenta tunnellata trasportata minn ajruplan fuq distanza ta’ kilometru.

Verifikaturi (fl-EU ETS): Verifikaturi terzi jivverifikaw ir-rapporti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-operaturi tal-EU ETS, kif ukoll ir-rapporti tunnellata-kilometru mill-operaturi fl-avjazzjoni koperti mill-EU ETS.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Is-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (EU ETS) hija l-pedament tal-politika tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-għodda ewlenija tagħha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod kosteffettiv. Hija l-ewwel suq ewlieni tal-karbonju fid-dinja u għadha l-akbar wieħed.

Fl-2018, id-Direttiva tal-EU ETS ġiet riveduta64 biex tirriforma l-EU ETS għar-raba’ perjodu ta’ negozjar tagħha (2021–2030). Ir-riforma kellha l-għan li tiffaċilita t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ GHG b’43 % mis-setturi tal-EU ETS sal-2030 meta mqabbel mal-2005 (f’konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE 2030 u l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi), tissalvagwardja l-kompetittività industrijali, u trawwem modernizzazzjoni u innovazzjoni b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

F’konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (European Green Deal, EGD) adottata fl-201965, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ivvalutat għall-impatt biex iżżid il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE għall-2030 għal mill-inqas 50 % u lejn 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 b’mod responsabbli.

Sabiex twettaq dan it-tnaqqis addizzjonali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-Kummissjoni, sa Ġunju 2021, se tirrieżamina u tipproponi li tirrevedi fejn meħtieġ, il-politika kollha rilevanti relatata mal-klima. Dan se jinkludi l-EU ETS, inkluża l-possibbiltà ta’ estensjoni tas-sistema għal setturi ġodda.

III

L-għan ewlieni tal-kwoti bla ħlas huwa li jiġi evitat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li tinżamm il-kompatibbiltà mal-objettiv tad-dekarbonizzazzjoni tal-EU ETS. Għalhekk, il-parametri referenzjarji jintużaw biex jiġu ppremjati dawk bl-aqwa prestazzjoni u biex jiġi evitat li l-kwoti bla ħlas iwasslu għal qligħ kbir mhux mistenni. Għas-setturi industrijali, il-kwoti bla ħlas ibbażati fuq l-użu ta’ parametri referenzjarji li jirriflettu l-livelli tal-emissjonijiet tal-aħjar installazzjonijiet għal kull settur irriżultaw fi tnaqqis sinifikanti tal-kwoti allokati bla ħlas. Mill-2013, ma hija pprovduta l-ebda kwota bla ħlas għall-produzzjoni tal-elettriku.

V

a) Skont il-Kummissjoni, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-regoli li jiddeterminaw il-kwoti bla ħlas għas-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-fażi 3 tal-EU ETS (2013–2020), u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni tad-deroga tal-Artikolu 10c fil-fażi 3 tal-EU ETS għamlet promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra, kif muri fir-rapporti ta’ verifika dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet minn investimenti kompluti sottomessi mill-Istati Membri li implimentaw id-deroga tal-Artikolu 10c.

b) Il-Kummissjoni tqis li kien hemm titjib progressiv fl-immirar tal-allokazzjoni b’xejn tal-kwoti permezz ta’ fażijiet suċċessivi tal-ETS, b’mod partikolari billi tintemm l-allokazzjoni bla ħlas tal-produzzjoni tal-enerġija u l-introduzzjoni ta’ parametri referenzjarji bbażati fuq il-prestazzjoni għall-industrija.

VI

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni biex jiġu mmirati aħjar kwoti allokati bla ħlas u taċċetta parzjalment li tittejjeb il-metodoloġija għall-istabbiliment ta’ parametri referenzjarji.

Introduzzjoni

04

Sal-2020, iż-żewġ pilastri tal-monitoraġġ tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma d-Direttiva dwar l-ETS u d-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi.

Wara l-2020, hemm tliet “pilastri” fil-forma tad-Direttiva dwar l-ETS, ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u r-Regolament dwar il-LULUCF (l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija).

08

Mill-2013, bħala regola ġenerali, il-ġeneraturi tal-elettriku ma jirċevux kwoti allokati bla ħlas, bl-unika eċċezzjoni tkun l-allokazzjoni tranżizzjonali bla ħlas ta’ kwoti lis-settur tal-enerġija fi tmien Stati Membri bi dħul baxx, li huma soġġetti għal investimenti fil-modernizzazzjoni.

Għal installazzjonijiet industrijali, l-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti hija bbażata fuq l-użu ta’ parametri referenzjarji li jirriflettu l-livelli ta’ emissjonijiet ta’ 10 % tal-iżjed installazzjonijiet effiċjenti f’termini ta’ emissjonijiet għal kull settur. Dan irriżulta fi tnaqqis sinifikanti tal-kwoti allokati bla ħlas. Mill-2021, ir-regoli se jirriflettu l-progress teknoloġiku minn meta ġew stabbiliti l-ewwel parametri referenzjarji.

14

(1) Il-koleġiżlaturi jistabbilixxu l-qafas legali għall-irkant u l-allokazzjoni bla ħlas. Il-Kummissjoni tfassal regoli ta’ implimentazzjoni. Dawn, is-superviżjoni tal-azzjonijiet tal-Istati Membri, u l-gwida li tipprovdi l-Kummissjoni qed japplikaw ir-regoli miftiehma mill-koleġiżlaturi.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma responsabbli għal aspetti importanti tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti. Id-deċiżjonijiet dwar il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali li jagħtu l-kwoti allokati bla ħlas jittieħdu mill-awtorità nazzjonali kompetenti responsabbli għall-installazzjoni rispettiva, f’konformità mar-regoli tal-UE, u mhux mill-Kummissjoni.

Osservazzjonijiet

25

Jenħtieġ li jitqies li l-istudju tal-2015 kien ibbażat biss fuq sena ta’ rappurtar 10c (2014), dwar il-progress tal-implimentazzjoni fl-2013. Barra minn hekk, l-istudju kien jinkludi tlieta minn tmien Stati Membri li applikaw id-deroga: Il-Polonja, iċ-Ċekja u r-Rumanija. Minn dak iż-żmien ’l hawn, aktar pajjiżi ppreżentaw rapporti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet minn proġetti ta’ 10c, b’livelli differenti ta’ dettall, wara t-tlestija tal-investimenti rispettivi.

27

Il-Kummissjoni tqis li t-tqabbil ippreżentat ma jistabbilixxix kawżalità bejn l-eliġibbiltà għal allokazzjoni tranżitorja bla ħlas skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva tal-ETS u x-xejriet osservati ta’ intensità tal-karbonju fl-Istati Membri eżaminati. Ir-raġuni għaliex dawk il-pajjiżi kienu meqjusa eliġibbli kienet li l-isfidi ta’ investiment tagħhom kienu stmati li kienu akbar u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis fl-intensità tal-karbonju tagħhom inqas minn dik fil-pajjiżi l-oħra. Valutazzjoni aktar xierqa tkun il-paragun mal-kontrofattwali tat-tnaqqis mistenni f’dawk il-pajjiżi li kieku ma rċevewx allokazzjoni bla ħlas biex jappoġġawha. Naturalment dan huwa diffiċli biex isir.

33

L-istudju tal-OECD imsemmi jkopri l-forom kollha ta’ pprezzar u tassazzjoni tal-karbonju, mhux biss l-EU ETS. Dan jenħtieġ li jitqies fil-kuntest tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju meta ssir referenza għan-Norveġja, li tipparteċipa fl-EU ETS. Bl-istess mod, l-Iżvizzera għandha ETS, li mill-2020 hija marbuta mal-EU ETS, bi prezzijiet tal-karbonju simili u miżuri ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju bħall-EU ETS.

Barra minn hekk, hemm differenzi kbar fil-kostijiet tal-karbonju bejn il-pajjiżi minħabba pereżempju t-tassazzjoni tal-fjuwils għat-trasport bit-triq u t-tisħin tal-bini, u dawn id-differenzi għandhom impatt limitat fuq ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju marbuta mal-EU ETS.

L-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea eżamina jekk hemmx evidenza fattwali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju matul il-fażijiet 1 u 2 tal-EU ETS (2005–2012).

Kaxxa 3 - Riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fi Skemi oħra għan-Negozjar tal-Emissjonijiet

Dawk is-setturi meqjusa f’riskju limitat ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom ammont progressivament imnaqqas ta’ allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti. Dan huwa komparabbli mat-trattament ta’ setturi meqjusa f’riskju baxx ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f’ġurisdizzjonijiet oħra.

38

Il-Kummissjoni tenfasizza l-perjodu ta’ żmien u l-kuntest tal-ETS tal-valutazzjonijiet. L-istudju li sar mill-OECD jeżamina l-impatt tal-EU ETS fuq l-emissjonijiet tal-karbonju u l-prestazzjoni ekonomika tal-kumpaniji regolati matul l-ewwel żewġ fażijiet tal-eżistenza tas-Sistema, mill-2005 sal-2012. L-istudju jikkonkludi wkoll li jistgħu jiġu osservati impatti differenti fil-futur, hekk kif il-limitu massimu tal-EU ETS isir dejjem aktar strett — il-fażi 3 (mill-2013 sal-2020) għandha regoli differenti ta’ allokazzjoni bla ħlas u limitu aktar strett.

Filwaqt li l-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju hija fil-forma ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni, hija purament implimentazzjoni tar-regoli fid-Direttiva kif stabbiliti mill-koleġiżlaturi. Il-Kummissjoni ma kellha l-ebda diskrezzjoni biex tiddeċiedi jekk is-setturi humiex meqjusa f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew le, minkejja li valutazzjoni kwalitattiva, ibbażata fuq kriterji ċari, kienet possibbli abbażi tar-regoli fid-Direttiva.

Ir-rapport ikopri l-perjodu sal-2012, filwaqt li s-sistema b’irkant bħala r-regola ġenerali u l-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti abbażi ta’ parametri referenzjarji li tapplika mill-2013, flimkien ma’ tnaqqis ġenerali fl-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti (bħala sehem mill-għadd totali ta’ kwoti disponibbli f’sena partikolari) minħabba l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali, ifisser li definittivament ma hemmx allokazzjoni ġenerali żejda fuq l-allokazzjonijiet għall-ETS. Għall-fażi 4, l-allokazzjoni bla ħlas se tkun saħansitra aktar stretta.

40

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kif iddikjarata fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew hija dik li tirrifletti l-aħjar l-intenzjonijiet tagħha fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt, kif indikat fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, “jekk id-differenzi fil-livelli ta’ ambizzjoni jippersistu, hekk kif l-UE żżid l-ambizzjoni tagħha dwar il-klima, il-Kummissjoni se tipproponi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, għas-setturi magħżula, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Dan jiżgura li l-prezz tal-importazzjonijiet jirrifletti b’mod aktar preċiż il-kontenut tal-karbonju tagħhom. Din il-miżura se tkun imfassla biex tikkonforma mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u ma’ obbligi internazzjonali oħra tal-UE. Tkun alternattiva għall-miżuri li jindirizzaw ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fis-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet”

45

Għal setturi fejn hemm għażla bejn l-użu tal-elettriku jew tas-sħana, huwa kkunsidrat fattur ta’ skambjabbiltà ta’ sħana u elettriku. Il-valuri tal-parametri referenzjarji jirriflettu l-emissjonijiet kollha mis-settur, iżda l-allokazzjoni finali mogħtija lill-istallazzjonijiet tkopri biss l-emissjonijiet diretti tagħhom.

46

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (l-hekk imsejħa “RED-I”) iddefinixxiet il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa likwida, li kellhom jiġu ssodisfati għal klassifikazzjoni żero tal-bijomassa likwida bħal din matul il-fażi 3 tal-EU ETS. Id-Direttiva l-ġdida dwar l-Enerġija Rinnovabbli (l-hekk imsejħa “RED-II”) żiedet kriterji ġodda ta’ sostenibbiltà u kriterji ta’ ffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal bijomassa solida u bijogass, li min-naħa tagħhom jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għal klassifikazzjoni żero tal-EU ETS mill-2022.

Il-Kummissjoni tipproponi li timplimenta l-kriterji l-ġodda tas-sostenibbiltà RED-II u l-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-EU ETS għall-emissjonijiet tal-bijomassa bi klassifikazzjoni żero fl-abbozz tal-emenda tar-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar tal-ETS.

Barra minn hekk, l-installazzjonijiet industrijali li jużaw il-bijomassa biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom se jiġġeneraw tnaqqis tal-valur tal-parametru referenzjarju u dan se jkun jidher fil-fażi 4.

50

Madankollu, l-allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti lill-operaturi ta’ inġenji tal-ajru kienet tkopri inqas minn 50 % tal-emissjonijiet tal-2019 (jiġifieri qabel il-Covid-19) u f’konformità mal-Ftehim Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni tipprevedi t-tnaqqis tas-sehem tal-kwoti allokati bla ħlas permezz tar-rieżami li jmiss tal-ETS.

Kaxxa 4 - CORSIA u l-isfida tad-dekarbonizzazzjoni globali tal-avjazzjoni ċivili

CORSIA se tiġi implimentata fil-liġi tal-UE permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva tal-ETS.

Matul il-Fażi 3, l-inklużjoni tal-avjazzjoni fl-ETS hija mistennija li tirriżulta f’mitigazzjoni totali ta’ madwar 200 miljun tunnellata metrika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fiż-Żona Ekonomika Ewropea miksuba billi jiġi inċentivat it-tnaqqis fl-emissjonijiet fis-setturi kollha koperti mill-EU ETS.

Permezz tal-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni qed tħares lejn għażliet ta’ politika differenti biex jiżdied l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli. Il-proposta tal-Kummissjoni se ssir fi żmien xieraq, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Investimenti sinifikanti li saru permezz ta’ Clean Sky, kif ukoll Orizzont 2020, għandhom l-għan ta’ żviluppi teknoloġiċi fixkiela mill-2035, bħall-elettrifikazzjoni u l-avjazzjoni ibrida. Tali investimenti se jiġu segwiti taħt il-programm dwar l-Avjazzjoni Nadifa li jmiss kif ukoll taħt il-qafas ta’ Orizzont Ewropa.

L-użu ta’ SESAR fil-livell tan-netwerk, fir-rigward tat-titjib fl-ajruport u en-route, se jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

57

Il-Kummissjoni tqis li kien hemm titjib progressiv fl-immirar permezz tal-fażijiet suċċessivi tal-ETS.

Rakkomandazzjoni 1— Immirar aħjar tal-allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib tal-metodoloġija għall-parametri referenzjarji

(a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni u se tibda bl-allinjament tal-qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar, biex tiżgura li l-bijomassa li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà tar-RED II u l-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra biss tiġi kklassifikata żero. Madankollu, il-Kummissjoni ma tqisx li se jkun possibbli li l-parametri referenzjarji jiġu allinjati qabel l-2022.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta' politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, li hija mmexxija minn Samo Jereb, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Samo Jereb, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Kathrine Henderson, Kap tal-Kabinett u Jerneja Vrabič, Attaché tal-Kabinett; Colm Friel, Maniġer Prinċipali; Maria Eulàlia Reverté i Casas, Kap tal-Kompitu; Ernesto Roessing, Deputat Kap tal-Kompitu; Kurt Bungartz u Oana Cristina Dumitrescu, Awdituri. Lars Markström, Marek Říha u Anna Zalega pprovdew appoġġ lingwistiku; Marika Meisenzahl, appoġġ grafiku u Terje Teppan-Niesen appoġġ amministrattiv.

B’konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kundizzjonijiet stretti ta’ konfinament, ma seta’ jittieħed l-ebda ritratt tat-tim tal-awditjar.

Noti finali

1 COM(2020) 80 final – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”).

2 COM(2019) 640 final – Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

3 L-EEA, Trends and Projections in Europe 2019: Tracking progress towards Europe’s climate and energy targets, 2019, p. 7.

4 UNEP, Emissions Gap Report 2019, 2019, p. 5.

5 Idem, p. XVI.

6 COM(2018) 773 final – “Pjaneta Nadif għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”.

7 Regolata mid-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020, u mir-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013.

8 Kategoriji ta’ attivitajiet kif iddefiniti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE.

9 Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni.

10 SWD(2015) 135 final – Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Valutazzjoni tal-Impatt - li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju.

11 L-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni.

12 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju, Jannar 2020.

13 Ara, pereżempju, “Post-2020 reform of the EU Emissions Trading System, European Parliament Research Service 2018; “Last Chance Saloon for the EU ETS”, Sandbag, 2016; jew “The EU ETS phase IV reform; implications for system functioning and for the carbon price signal”, Oxford University for energy studies, 2018.

14 EU ETS Handbook, p. 42.

15 Ara Sandbag Carbon Price Viewer.

16 Ara “Report of the High-Level Commission on Carbon Prices”, mill-koalizzjoni ta' tmexxija dwar l-ipprezzar tal-karbonju, 2017, li identifika prezzijiet sa massimu ta’ USD 80 sal-2020, u USD 100 sal-2030.

17 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju, COM(2019) 557 final tal-31.10.2019.

18 L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni.

19 L-Artikolu 28b tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni.

20 Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament: Liġi Ewropea dwar il-Klima.

21 L-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni.

22 Stipulati fi: Id-Direttiva 2003/87/KE, l-Artikolu 10c; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, “Dokument ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni mhux obbligatorja tal-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE” (2011/C 99/03) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Marzu 2011, C(2011)1983 final.

23 EUCO 169/14 – Il-Kunsill Ewropew (it-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014) – Konklużjonijiet.

24 L-Aġenzija għall-Ambjent tal-Awstrija (Umweltbundesamt). Evaluation of the EU ETS Directive Carried out within the project “Support for the Review of the EU Emissions Trading System”. Il-Kummissjoni Ewropea, 2015.

25 Sandbag. The Great Coal Collapse of 2019 – Mid-year analysis of the EU power sector.

26 L-Artikoli 10a, 10b u 10c tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE. Ara wkoll https://ec.europa.eu/clima/policies/ets/allowances_mt.

27 (SEC)2006 1684 – Commission Staff Working Document Accompanying document to the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending Directive 2003/87/EC so as to include aviation activities in the scheme for greenhouse gas emission allowance trading within the Community - Impact Assessment of the inclusion of aviation activities in the scheme for greenhouse gas emission allowance trading within the Community {COM(2006) 818 final} {SEC(2006) 1685}.

28 P. 199, it-Tabella 32 ta' SWD(2015) 135 final –Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li Jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju.

29 Ex-post investigation of cost pass-through in the EU ETS. CE Delft u Oeko-Institut. Novembru 2015.

30 Memo/8/35 – Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi s-Sistema Komunitarja għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet.

31 Pp. 83-90 ta' SWD(2014) 15 final – Commission Staff Working Document – Impact Assessment Accompanying the document “Communication of the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions – A policy framework for climate and energy in the period from 2020 up to 2030.

32 EUCO 169/14 – Il-Kunsill Ewropew (it-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014) – Konklużjonijiet.

33 COM(2015) 337 final – Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju.

34 L-Artikolu 1(14)(e) tad-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

35 Il-paġna 4 ta' SWD(2019) 22 final, Commission Staff Working Document – Impact Assessment Accompanying the document “Commission Delegated Decision supplementing Directive 2003/87/EC of the European Parliament and of the Council concerning the determination of sectors and subsectors deemed at risk of carbon leakage for the period 2021 to 2030”.

36 Bolscher, Hans; Graichen, Verena; Hay, Graham; Healy, Sean; Lenstra, Jip; Meindert, Lars; Regeczi, David; Von Schickfus, Marie-Theres; Schumacher, Katja; Timmons-Smakman, Floor. Carbon Leakage Evidence Project: Factsheet for selected sectors. Ecorys. Rotterdam, p. 11. Settembru 2013.

37 Montenegro, Roland; Fahl, Ulrich; Zabel, Claudia; Lekavičius, Vidas; Bobinaité, Viktorija; Brajković, Jurica. D3.2 - Case study on carbon leakage and competitiveness. REEEM Project 2018.

38 Aktar informazzjoni dwar il-Kalifornja u l-Québec hija disponibbli, rispettivament, fuq: https://ww3.arb.ca.gov/cc/capandtrade/allowanceallocation/allowanceallocation.htm; http://www.environnement.gouv.qc.ca/changements/carbone/mecanismes-proteger.htm.

39 Pp. 193- 202 ta' SWD(2015) 135 final – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Valutazzjoni tal-Impatt li Takkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

40 COM(2015) 337 final – Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju.

41 The joint impact of the European Union Emissions Trading System on carbon emissions and economic performance. ECO/WKP(2018)63; Economics department working papers No. 1515. Minn Antoine Dechezleprêtre, Daniel Nachtigall u Frank Venmans.

42 It-Taqsima 5. 6. 3 ta’ SEC(2008) 52 – Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta’ akkumpanjament għall-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u testendi l-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – il-Valutazzjoni tal-Impatt.

43 COM(2010) 265 final – Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju.

44 It-Taqsima 5.5 ta' SWD(2014) 15 final – Commission Staff Working Document – Impact Assessment accompanying the document “Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions ‘A policy framework for climate and energy in the period from 2020 up to 2030’”.

45 Claeys, Grégory; Tagliapietra, Simone; Zachmann, Georg; How to make the European Green Deal work. Policy Contribution. n. 13. Novembru 2019. Bruegel, Brussell, p. 6.

46 P. 139 ta’ SWD(2015) 135 final – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Valutazzjoni tal-Impatt li Takkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

47 Il-Premessa 24 tad-Direttiva 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018.

48 It-Taqsima 2.1.1 ta' COM(2019) 640 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

49 L-Artikoli 10a(1), it-tieni paragrafu tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE.

50 Manwal EU ETS, p. 41.

51 Ara pereżempju Position paper on benchmarking and allocation rules in phase III of the EU Emissions Trading System, CAN Europe, Frar 2010.

52 Zipperer, V., Sato, M., u Neuhoff, K. (2017) Benchmarks for emissions trading – general principles for emissions scope. GRI working paper.

53 Kif stabbilit fl-Artikolu 29(2) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

54 SWD(2015) 135 final – Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Valutazzjoni tal-Impatt - li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju.

55 EUCO 169/14 – Il-Kunsill Ewropew (it-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014) – Konklużjonijiet.

56 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

57 L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE.

58 Il-paġna 2 ta' COM(2019) 51 final, ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Is-sitt rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp ferrovjarju.

59 L-IEA (2019), “The Future of Rail”, l-IEA, Pariġi.

60 Alonso, G.; Benito, A.; Lonza, L.; Kousoulidou, M. Investigations on the distribution of air transport traffic and CO2 emissions within the European Union. Journal of Air Transport Management. v. 36, pp. 85-93, April 2014, p. 92.

61 Timperley, Jocelyn. Eight charts show how ‘aggressive’ railway expansion could cut emissions. Carbon Brief, 2019.

62 ICAO Assembly Resolution A40-19.

63 Van Zon, N., Analysis of the technical feasibility of sustainable liquid hydrogen powered commercial aircraft in 2040, 2018, TU Delft, p. 1. Ara wkoll Browne, M. W., “Clean Hydrogen Beckons Aviation Engineers”, The New York Times, l-24 ta' Mejju 1988.

64 Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, ĠU L 76, 19.03.2018, p. 3

65 COM(2019) 640 final – Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 15.5.2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni
(jew lill-entità l-oħra awditjata)
7.5.2020
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 8.7.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 29.7.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-5039-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/2802 QJ-AB-20-016-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-5028-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/924635 QJ-AB-20-016-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.