Durabbiltà fl-iżvilupp rurali: il-biċċa l-kbira mill-proġetti jibqgħu operazzjonali għall-perjodu meħtieġ, iżda hemm opportunitajiet biex jinkisbu riżultati aktar dejjiema
Dwar ir-rapport:Mill-2007 ’l hawn, l-UE nefqet aktar minn EUR 25 biljun mill-fondi għall-iżvilupp rurali biex tiddiversifika l-ekonomija rurali tagħha u biex ittejjeb l-infrastruttura. Il-proġetti ffinanzjati kienu meħtieġa jibqgħu operazzjonali għal mill-inqas ħames snin.
Aħna eżaminajna jekk dawn l-investimenti wasslux benefiċċji durabbli. Sibna li r-rekwiżiti legali ta’ durabbiltà fil-parti l-kbira jiġu ssodisfati. Id-durabbiltà ta’ proġetti ta’ diversifikazzjoni kienet tvarja fost is-setturi u fost l-Istati Membri. Il-prestazzjoni ekonomika dgħajfa u l-użu privat illeġittimu jaffettwaw id-durabbiltà ta’ proġetti bħalma huma dawk ta’ akkomodazzjoni turistika.
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tikkondividi l-aħjar prattiki biex ikun hemm immirar aħjar tal-fondi fuq proġetti vijabbli, timmitiga r-riskju ta’ devjazzjoni ta’ proġetti għall-użu privat, u tisfrutta l-potenzjal ta’ bażijiet kbar ta’ data.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I Mill-2007 ’l hawn, l-UE nefqet bejn wieħed u ieħor EUR 10 biljun biex tiddiversifika l-ekonomija rurali tagħha u EUR 15-il biljun biex ittejjeb l-infrastruttura fiż-żoni rurali permezz tal-programmi tal-iżvilupp rurali. Bejn l-2007 u l-2020, l-investimenti fid-diversifikazzjoni u fl-infrastruttura appoġġati permezz ta’ dawk il-programmi kienu, b’mod ġenerali, meħtieġa jibqgħu operazzjonali għal ħames snin.
II Wettaqna dan l-awditu minħabba l-materjalità għolja involuta u l-problemi relatati mad-durabbiltà żvelati f’awditi preċedenti. Nistennew li xogħolna jgħin lill-Kummissjoni meta din tikkondividi l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u meta twettaq l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni. Eżaminajna jekk l-investimenti għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali u għat-titjib tal-infrastruttura rurali wasslux benefiċċji durabbli. L-ewwel nett, ivvalutajna jekk il-proġetti kinux issodisfaw ir-rekwiżiti legali ta’ durabbiltà. It-tieni nett, eżaminajna l-fatturi li jaffettwaw id-durabbiltà tal-proġett, lil hinn mir-rekwiżiti legali. It-tielet, eżaminajna l-punt sa fejn seta’ jintwera li l-finanzjament mill-UE jġib opportunitajiet ta’ diversifikazzjoni fuq terminu twil fiż-żoni rurali.
III Sibna li r-rekwiżiti legali ta’ durabbiltà fil-parti l-kbira jiġu ssodisfati. Il-maġġoranza tal-proġetti eżaminati kienu għadhom operazzjonali. Kif mistenni, dan il-livell kien partikolarment għoli għall-proġetti ta’ infrastruttura. Għall-proġetti ta’ diversifikazzjoni, sibna li żewġ terzi tal-proġetti ta’ diversifikazzjoni kienu għadhom operazzjonali. Identifikajna varjazzjoni sinifikanti bejn setturi u Stati Membri differenti. Sibna wkoll li l-attivitajiet spiss waqfu ftit taż-żmien wara l-perjodu legali ta’ durabbiltà, anki f’każijiet ta’ investimenti għoljin ħafna.
IV Sibna li l-prestazzjoni ekonomika dgħajfa u l-użu privat illeġittimu jaffettwaw id-durabbiltà ta’ xi proġetti ta’ diversifikazzjoni. Il-kwalità tal-proċeduri tal-għażla tjiebet għall-perjodu 2014-2020 meta mqabbla mal-perjodu 2007-2013. Madankollu, il-proċeduri tal-għażla ma kellhomx impatt sinifikanti fuq il-kwalità kumplessiva tal-proġetti. Fil-Polonja, il-proġetti ta’ servizzi għall-agrikoltura jew il-forestrija kienu inqas durabbli minn tipi oħra ta’ proġetti. F’diversi Stati Membri xi akkomodazzjonijiet turistiċi ma kinux ekonomikament vijabbli, u din kienet sitwazzjoni li kienet milquta mill-użu residenzjali privat illeġittimu.
V Fl-aħħar nett, sibna evidenza limitata li l-miżuri ta’ diversifikazzjoni awditjati jġibu diversifikazzjoni fuq terminu twil fiż-żoni rurali. Sibna li s-servizzi għall-agrikoltura għandhom potenzjal baxx ta’ diversifikazzjoni u li filwaqt li l-akkomodazzjoni turistika tista’ tiddiversifika s-sorsi ta’ introjtu għal xi benefiċjarji, dawn ftit li xejn għandhom impatt fuq id-diversifikazzjoni ta’ ħafna reġjuni. L-evalwazzjonijiet ex post għall-perjodu 2007-2013 ikkonkludew li sar kontribut limitat jew medju għad-diversifikazzjoni.
VI Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Kummissjoni jkopru mmirar aħjar tal-fondi fuq proġetti vijabbli, regoli aktar stretti għal proġetti li l-benefiċjarji jistgħu faċilment idawru għal użu personali, u sfruttar tal-potenzjal ta’ bażijiet kbar ta’ data.
Introduzzjoni
Sitwazzjoni ekonomika taż-żoni rurali
01 Fl-2018, iż-żoni rurali kienu jirrappreżentaw 83 % tat-territorju tal-UE u fihom kien hemm 31 % tal-popolazzjoni tal-UE li kellhom djarhom1. Ċerti żoni rurali jaffaċċjaw depopolazzjoni, qgħad, kwalità inferjuri tas-servizzi bażiċi, u riskju ogħla ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Żoni rurali oħra huma fost l-aktar dinamiċi ekonomikament fl-Istati Membri2.
02 Bejn l-2000 u l-2018, il-Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita fir-reġjuni rurali żdied aktar malajr milli fir-reġjuni urbani u għen biex jitnaqqas id-distakk miż-żoni urbani. Fl-2018, laħaq il-75 % tal-medja fl-UE tal-PDG per capita. Ir-rata ta’ impjieg fiż-żoni rurali żdiedet bejn l-2012 u l-2019 għall-Istati Membri kollha. Madwar l-UE, hija laħqet il-livell tar-rata totali ta’ impjieg. Kid jidher fil-Figura 1, ir-rata ta’ impjieg rurali bħalissa qiegħda qrib ir-rata kumplessiva ta’ impjieg fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri.
03 Fl-2018 madwar l-UE, is-settur tas-servizzi fiż-żoni rurali kien jirrappreżenta aktar minn 60 % tal-impjieg. L-industrija u l-kostruzzjoni jirrappreżentaw 27 %, u l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd 12 %, jiġifieri niżla minn 21 % fl-20003. L-impjieg fis-settur agrikolu baqa’ jirrappreżenta 30 % tal-impjieg fiż-żoni rurali tal-Bulgarija u r-Rumanija.
Il-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE u l-kunċett ta’ durabbiltà
04 Il-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE tinkludi objettivi fuq terminu twil bħalma huma d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali (billi kemm iż-żoni rurali kif ukoll l-unitajiet domestiċi individwali jsiru inqas dipendenti fuq l-agrikoltura u l-forestrija), iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi (ara l-paragrafu 05) u t-titjib tal-infrastruttura fiż-żoni rurali (ara l-paragrafu 08)4. Biex jagħtu appoġġ għal dawn l-objettivi, jenħtieġ li l-proġetti ffinanzjati mill-UE f’dawn iż-żoni jkunu durabbli (ara l-paragrafi 12-13).
Politika tad-diversifikazzjoni rurali tal-UE
05 L-infiq tal-UE għall-promozzjoni tad-diversifikazzjoni jkopri appoġġ għall-promozzjoni ta’ attivitajiet mhux agrikoli għall-bdiewa u l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda għan-negozju, inkluż it-turiżmu. It-Tabella 1 telenka l-miżuri varji marbuta mad-diversifikazzjoni taż-żoni rurali u l-Figura 2 turi eżempji ta’ proġetti ffinanzjati.
Tabella 1 – Miżuri ta’ diversifikazzjoni fiż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni
2007-2013 | 2014-2020 |
---|---|
M311 – Diversifikazzjoni f’attivitajiet mhux agrikoli M312 – Appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozju M313 – Inkoraġġiment ta’ attivitajiet turistiċi |
M6.2 – Għajnuna ta’ bidu ta’ negozju għal attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali M6.4 – Investimenti fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ attivitajiet mhux agrikoli |
Sors: ir-Regolamenti (KE) Nru 1698/2005 u Nru 1305/2013.
06 Kważi terz tal-bdiewa tal-UE għandhom attività oħra bi qligħ5. Dawn jinkludu attivitajiet:
- mhux marbuta direttament mal-azjenda agrikola bħal tagħlim jew xogħol għal impjegatur ieħor; u
- marbuta direttament mal-azjenda agrikola, bħall-ospitar tat-turisti jew l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli.
07 Studju ta’ evalwazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-20136 ivvaluta li l-kontribut tal-miżuri eżaminati f’dan ir-rapport għad-diversifikazzjoni ekonomika kien limitat (għall-attivitajiet tat-turiżmu) u medju għad-diversifikazzjoni f’attivitajiet mhux agrikoli u l-ħolqien tan-negozju (ara l-paragrafu 61).
Appoġġ mill-UE għall-infrastruttura fiż-żoni rurali
08 Il-finanzjament mill-UE għal investimenti fl-infrastruttura fiż-żoni rurali għandu l-għan li jtejjeb is-servizzi bażiċi li jingħataw lill-popolazzjoni rurali u li jgħin fit-tiġdid ta’ rħula7. It-Tabella 2 telenka miżuri varji ta’ investiment fl-infrastruttura pubblika fiż-żoni rurali, u l-Kaxxa 1 turi eżempji ta’ dawn it-tipi ta’ investimenti li l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) tipikament jappoġġa.
Tabella 2 – Miżuri ta’ infrastruttura fiż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni
2007-2013 | 2014-2020 |
---|---|
M321 – Servizzi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali M322 – Tiġdid u żvilupp ta’ rħula |
M07 – Servizzi bażiċi u tiġdid ta’ rħula fiż-żoni rurali |
Sors: ir-Regolamenti (KE) Nru 1698/2005 u Nru 1305/2013.
Eżempji ta’ investimenti fl-infrastruttura ffinanzjati mill-FAEŻR
Impjant lokali tat-tisħin fl-Awstrija
(Miżura 321, benefiċjarju privat)
Spejjeż eliġibbli: EUR 5 300 087
Finanzjament pubbliku: 50 %
Triq rurali fil-Bulgarija
(Miżura 321, benefiċjarju pubbliku)
Spejjeż eliġibbli: EUR 1 210 052
Finanzjament pubbliku: 100 %
Kostruzzjoni ta’ provvista tal-ilma u sistema tad-dranaġġ fil-Polonja
(Miżura 321, benefiċjarju pubbliku)
Spejjeż eliġibbli: EUR 936 289
Finanzjament pubbliku: 68 %
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet nazzjonali.
Finanzjament u governanza, mill-UE, tal-politika ta’ żvilupp rurali
09 L-UE se tkun nefqet bejn wieħed u ieħor EUR 10 biljun għal miżuri ta’ diversifikazzjoni u EUR 15-il biljun għal investimenti fl-infrastruttura fiż-żoni rurali permezz ta’ programmi tal-iżvilupp rurali matul il-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020 (ara l-Figura 3).
10 Il-fondi tal-UE u dawk nazzjonali/reġjonali jiffinanzjaw b’mod konġunt il-proġetti tal-iżvilupp rurali taħt ġestjoni kondiviża. L-UE u l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-finanzjament. L-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali:
- ifasslu programmi tal-iżvilupp rurali (PŻR);
- jallokaw fondi għall-miżuri; u
- jimmaniġġjaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-PŻR tagħhom u jevalwaw ir-riżultati.
Il-Figura 4 turi kif il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali jikkondividu r-responsabbiltajiet.
11 Għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid 2023-2027, ir-Regolament dwar il-PAK jirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu pjanijiet strateġiċi tal-PAK li jikkombinaw il-finanzjament għall-appoġġ għall-introjtu, il-miżuri tas-suq u l-iżvilupp rurali. F’dawn il-pjanijiet, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif biħsiebhom jilħqu l-miri tagħhom fi ħdan id-disa’ objettivi speċifiċi tal-PAK. Proġetti futuri ta’ diversifikazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal żewġ objettivi speċifiċi; […] li jiffaċilitaw l-iżvilupp tan-negozju f’żoni rurali u jippromwovu l-impjieg, it-tkabbir, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri […] fiż-żoni rurali […]8. Il-Kummissjoni se tapprova dawn il-pjanijiet u ssegwi l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ rapporti dwar il-prestazzjoni nazzjonali regolari mħejjija mill-Istati Membri9. Il-Kummissjoni tista’ tippromwovi wkoll l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.
Durabbiltà tal-proġetti tal-iżvilupp rurali
12 F’dan l-awditu, eżaminajna jekk il-proġetti ffinanzjati mill-UE humiex “durabbli”. Il-Figura 5 tippreżenta r-rekwiżiti legali ta’ durabbiltà tal-UE għall-proġetti appoġġati. Ir-rekwiżit legali sar aktar esiġenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 (estiż sal-2022)10. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2023-2027, ir-Regolament dwar il-PAK ma jistipulax rekwiżiti legali ta’ durabbiltà. L-Istati Membri, permezz tar-regoli nazzjonali tagħhom, jistgħu jintroduċu mill-ġdid dawn ir-rekwiżiti.
13 Fil-kuntest ta’ dan l-awditu tal-prestazzjoni, aħna u nqisu l-prestazzjoni ta’ dawn il-programmi u dawn il-flussi ta’ nfiq, ħarisna lejn jekk il-proġetti ffinanzjati:
- Issodisfawx il-perjodu ta’ durabbiltà stipulat fil-leġiżlazzjoni (jiġifieri komplewx joperaw matul il-perjodu ta’ durabbiltà stabbilit mil-leġiżlazzjoni),
- Komplewx joperaw wara l-perjodu ta’ durabbiltà, u
- Ġabux bidliet dejjiema għaż-żoni rurali.
14 Fi tliet rapporti preċedenti (wieħed dwar l-iżvilupp rurali u tnejn dwar il-finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni)11, aħna osservajna problemi bid-durabbiltà ta’ investimenti ffinanzjati mill-UE:
- l-awtoritajiet lokali ffukaw b’mod insuffiċjenti fuq id-durabbiltà fi stadji differenti fil-ġestjoni tal-finanzjament mogħti mill-UE;
- ir-riċevituri jew l-awtoritajiet lokali ma rnexxilhomx iżommu l-infrastruttura;
- il-maġġoranza tal-proġetti analizzati ma kinux finanzjarjament vijabbli.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
15 Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu minħabba li:
- Mill-2007 ’l hawn, l-UE nefqet aktar minn EUR 25 biljun fuq proġetti ta’ diversifikazzjoni u investiment fl-infrastruttura permezz ta’ programmi tal-iżvilupp rurali;
- Ħafna mill-awditi tal-prestazzjoni li wettaqna żvelaw problemi relatati mad-durabbiltà (ara l-paragrafu 14) u identifikajna riskji speċifiċi għall-miżuri ta’ diversifikazzjoni.
16 Nistennew li xogħolna jgħin lill-Kummissjoni tikkondividi l-aħjar prattiki dwar l-inklużjoni potenzjali ta’ salvagwardji dwar id-durabbiltà ta’ proġetti, u tevalwa l-proġetti ta’ diversifikazzjoni u infrastruttura rurali appoġġati mill-Politika Agrikola Komuni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2023-2027.
17 Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna kienet jekk l-investimenti għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali u fl-infrastruttura rurali wasslux benefiċċji durabbli. Fl-ewwel parti ta’ dan ir-rapport, ivvalutajna l-aspett ta’ konformità tad-durabbiltà, jiġifieri jekk ir-rekwiżiti legali ta’ durabbiltà ġewx issodisfati. Fit-tieni parti, ivvalutajna jekk hemmx fatturi li jaffettwaw id-durabbiltà tal-proġetti, anki lil hinn mir-rekwiżiti legali. Fit-tielet parti, eżaminajna jekk kienx hemm biżżejjed evidenza li l-finanzjament mill-UE ġab opportunitajiet ta’ diversifikazzjoni fuq terminu twil fiż-żoni rurali.
18 Biex nivvalutaw jekk il-benefiċċji mistennija baqgħux hemm maż-żmien, eżaminajna proġetti ffinanzjati fil-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020. Eżaminajna żewġ tipi ta’ proġetti:
- proġetti għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali (ara t-Tabella 1 u l-Figura 2);
- investimenti fl-infrastruttura pubblika bħalma huma t-toroq, l-ilma u l-assi tal-ilma mormi (ara t-Tabella 2 u l-Kaxxa 1).
19 Ġbarna evidenza għall-awditjar permezz ta’ (ara l-Figura 6):
- Rieżaminar tal-leġiżlazzjoni u tal-istatistika;
- Analiżi tar-reġistri kummerċjali u kontroll tal-istatus operazzjonali ta’ xi akkomodazzjonijiet turistiċi;
- Intervisti mal-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali;
- Eżaminar tal-qafas nazzjonali/reġjonali u proġetti magħżula minn 11-il Stat Membru/reġjun.
Osservazzjonijiet
Il-proġetti normalment jiksbu l-perjodu legali ta’ durabbiltà iżda xi proġetti ta’ diversifikazzjoni ma jitkomplewx ftit taż-żmien wara
20 F’din it-taqsima, eżaminajna proġetti mil-lenti tar-rekwiżiti legali ta’ durabbiltà tal-UE u vvalutajna jekk dawk ir-rekwiżiti legali ġewx adattati għat-tip ta’ investimenti appoġġati.
- Għall-proġetti ta’ diversifikazzjoni, aħna:
- ivvalutajna jekk it-879 proġett magħżul ta’ akkomodazzjoni turistika (wieħed mill-aktar tipi komuni ta’ proġetti ta’ diversifikazzjoni), kinux għadhom joperaw;
- ivvalutajna, għat-88 proġett magħżul ta’ diversifikazzjoni, jekk kinux għadhom operazzjonali u jilħqu l-miri tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tagħhom (ara l-paragrafi 44, 45 u 59). Għażilna l-proġetti biex ninkludu t-tipi prinċipali ta’ proġetti appoġġati matul iż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni (ara l-Figura 2).
- Għall-proġetti ta’ infrastruttura, eżaminajna jekk it-48 proġett fil-kampjun tagħna kinux għadhom operazzjonali u kinux qed iwasslu l-benefiċċji mistennija. Iffukajna fuq it-tipi ta’ proġetti li rċevew l-aktar finanzjament matul iż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni (toroq, impjanti tat-tisħin, u sistemi ta’ provvista u sanità tal-ilma (ara l-Kaxxa 1).
Il-maġġoranza tal-proġetti eżaminati kienu għadhom operazzjonali
80 % tal-proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika kienu għadhom operazzjonali
21 L-investimenti fl-akkomodazzjoni turistika kienu fost il-proġetti ta’ diversifikazzjoni li l-aktar li ġew appoġġati komunement. Il-11-il Stat Membru li eżaminajna nefqu kważi EUR 500 miljun mill-fondi għall-iżvilupp rurali biex jagħtu appoġġ għal madwar 8 000 investiment fl-akkomodazzjoni turistika fil-perjodu 2014-2015 (jiġifieri proġetti mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013).
22 Ivverifikajna jekk it-879 proġett ta’ akkomodazzjoni turistika li kkampjunajna f’dawn il-11-il Stat Membru kinux għadhom joffru akkomodazzjoni. L-istabbilimenti kollha rċevew finanzjament fil-perjodu 2007-2013, u bosta minnhom irċevew pagament finali fl-2014 jew fl-2015. Għalhekk, dawk li kienu għadhom attivi kienu ilhom aktar minn ħames snin jeżistu. Il-biċċa l-kbira mill-kontrolli li wettaqna saru bejn Ġunju u Ottubru 2020. Sibna 21 akkomodazzjoni turistika mill-kampjun tagħna ta’ 879 magħluqa minħabba l-kriżi tas-saħħa (jiġifieri 2 % tal-kampjun tagħna).
23 Il-Figura 7 u l-Figura 8 juru li kumplessivament 80 % tal-istabbilimenti kienu għadhom joffru akkomodazzjoni. Iċ-ċifri għall-Istati Membri individwali kienu jvarjaw minn 98 % fl-Awstrija sa 67 % fl-Ungerija u 60 % fl-Italja (Sqallija). Sibna 24 stabbiliment fiċ-Ċekja, Franza, l-Ungerija, l-Italja (Sqallija), ir-Rumanija u s-Slovakkja li kienu, skont l-analiżi inizjali li wettaqna tas-sorsi online, miftuħin, iżda fil-prattika qatt ma kienu disponibbli għall-prenotazzjoni. Tajna segwitu għal dawn il-każijiet permezz tat-telefon jew kuntatt bl-email. Fejn il-maniġers iddikjaraw dawn l-istabbilimenti bħala “miftuħa” (20 każ), aħna kklassifikajniehom bħala tali fl-analiżi li wettaqna. Fl-erba’ każijiet li kien jifdal, stabbilejna biċ-ċar li l-akkomodazzjoni ma kinitx disponibbli għat-turisti.
Żewġ terzi tal-proġetti ta’ diversifikazzjoni kienu għadhom operazzjonali
24 Eżaminajna 88 proġett ta’ diversifikazzjoni fil-Bulgarija, l-Awstrija, u l-Polonja. Il-proġetti magħżula kienu relatati prinċipalment mal-faċilitajiet turistiċi (akkomodazzjonijiet turistiċi u mogħdijiet għar-roti u għall-mixi), is-servizzi agrikoli u l-enerġija rinnovabbli (ara l-Figura 9).
25 Minn dawn it-88 proġett (67 mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 21 mill-perjodu 2014-2020), sibna li 59 proġett (67 %) kienu għadhom operazzjonali; u
- mit-30 proġett li kienu għadhom fil-perjodu ta’ durabbiltà tagħhom, 29 (97 %) kienu għadhom operazzjonali; iżda
- mit-58 proġett wara l-perjodu ta’ durabbiltà tagħhom, 30 (52 %) kienu għadhom operazzjonali;
- kumplessivament, 7 mit-88 proġett waqfu joperaw matul il-perjodu ta’ durabbiltà.
26 Żewġ terzi tal-35 proġett ta’ akkomodazzjoni turistika f’dan il-kampjun ta’ 88 proġett ta’ diversifikazzjoni kienu għadhom miftuħa. Fl-Awstrija, l-10 proġetti kollha ta’ akkomodazzjoni turistika kienu għadhom miftuħa. Fil-Bulgarija u l-Polonja rispettivament, 11 minn 17 u 3 minn 8 kienu għadhom operazzjonali.
Il-proġetti ta’ infrastruttura awditjati kollha għajr wieħed kienu għadhom jintużaw
27 Fil-Bulgarija, l-Awstrija u l-Polonja, eżaminajna 48 proġett ta’ infrastruttura li prinċipalment jikkonsistu fil-kostruzzjoni jew l-aġġornament tal-impjanti tat-tisħin, it-toroq, u s-sistemi tal-ilma u s-sanità. Fiż-żmien meta twettaq l-awditu, għal 38 proġett kienu għaddew aktar minn 5 snin minn fuqhom (wara l-perjodu ta’ durabbiltà) u l-10 l-oħra kien għadda inqas żmien minn fuqhom, u kienu għadhom fil-perjodu legali ta’ durabbiltà.
28 Ivverifikajna jekk l-infrastruttura ffinanzjata mill-UE kinitx għadha qed tintuża. Aħna eżaminajna:
- Għall-impjanti tat-tisħin: l-istatus operazzjonali tal-impjant, il-produzzjoni tal-enerġija, l-għadd ta’ klijenti, id-data finanzjarja u l-impjieg;
- Għat-toroq: il-bidla fl-għadd ta’ utenti (residenti lokali, turisti, kumpaniji lokalizzati fiż-żona, fejn disponibbli);
- Għas-sistemi ta’ provvista u sanità tal-ilma: l-istatus operazzjonali tal-infrastruttura, l-għadd ta’ konnessjonijiet man-networks (fejn disponibbli), it-titjib fil-kwalità tal-ilma.
29 It-48 proġett (ara l-Figura 10) kollha wasslu l-eżiti fiżiċi mistennija (pereżempju, il-kostruzzjoni ta’ impjant lokali tat-tisħin, ir-rinnovazzjoni ta’ triq, il-kostruzzjoni ta’ sistema tal-provvista u/jew sanitazzjoni tal-ilma). Għajr impjant wieħed tal-ilma mormi, (ara l-Kaxxa 4), l-investimenti xorta bbenefikaw mill-komunità lokali fiż-żmien meta twettaq l-awditu.
L-attivitajiet ta’ diversifikazzjoni spiss waqfu ftit taż-żmien wara l-iskadenza tal-perjodu legali ta’ durabbiltà
30 Eżaminajna jekk l-attivitajiet tal-proġetti komplewx għal mill-inqas sentejn wara l-perjodu legali ta’ durabbiltà stabbilit bil-liġi tal-UE. Ivvalutajna jekk il-perjodu ta’ operazzjoni kienx influwenzat mis-settur jew daqs tal-proġett.
31 Mir-reġistri kummerċjali li ġew eżaminati, dak tal-Polonja biss kien jinkludi data dwar l-istatus tad-diversi attivitajiet tal-benefiċjarji. Użajna din l-informazzjoni aktar dettaljata biex inwettqu analiżi addizzjonali. Għall-benefiċjarji li stabbilew l-attività mhux agrikola tagħhom taħt il-miżuri 311 u 312 (rispettivament 9 221 u 3 429 benefiċjarju), ivverifikajna kemm-il sena kienet damet l-attività.
32 Il-Figura 11 turi li l-benefiċjarji li waqfu mill-attività għamlu dan tipikament fis-sitt jew seba’ sena tal-operat, jiġifieri f’qasir żmien mit-tmiem tal-perjodu ta’ durabbiltà ta’ ħames snin.
33 Il-Kaxxa 2 tagħti eżempji ta’ stabbilimenti turistiċi (li ngħataw appoġġ matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013) li fihom l-UE kienet investiet aktar minn EUR 150 000 u li waqfu joperaw wara l-perjodu ta’ durabbiltà ta’ ħames snin. Tnejn minnhom operaw għal inqas minn ħames snin minħabba li l-perjodu legali ta’ durabbiltà beda mid-deċiżjoni ta’ finanzjament (ara l-paragrafu 12). Dawn id-durati qosra ta’ attività jfissru li s-sussidji Ewropej kienu jammontaw għal bejn EUR 2 667 u EUR 9 125 għal kull xahar ta’ attività.
Eżempji ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi għaljin li ma għadhomx attivi
Pajjiż/reġjun | Akkomodazzjoni turistika waħda | Durata tal-attività ta’ akkomodazzjoni fi snin* | Finanzjament ekwivalenti mill-UE mogħti għal kull xahar għal din l-attività turistika (EUR) | |
---|---|---|---|---|
Spejjeż totali (EUR) | Kontribuzzjoni mill-UE (EUR) | |||
Is-Slovakkja | 991 822 | 371 933 | 6 | 5 165 |
Il-Greċja | 555 411 | 299 717 | 4 | 6 244 |
L-Italja (Sqallija) | 452 497 | 273 761 | 2,5 | 9 125 |
Ir-Rumanija | 235 294 | 177 058 | 5 | 2 951 |
Il-Bulgarija | 200 000 | 160 000 | 5 | 2 667 |
*Li tibda mill-ikkompletar tal-proġett, jiġifieri pagamenti finali.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.
34 Fil-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri setgħu jnaqqsu l-perjodu ta’ durabbiltà għal tliet snin għall-intrapriżi żgħar u medji. Madankollu r-rekwiżiti ta’ durabbiltà huma l-istess, sew jekk il-livell ta’ finanzjament mill-UE jilħaq EUR 9 000 jew EUR 500 000 u sew jekk il-benefiċjarji jiffinanzjaw 10 % jew 90 % tal-investimenti tagħhom.
Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri applikaw perjodu ta’ durabbiltà ta’ ħames snin għall-investimenti fl-infrastruttura
35 Il-perjodu ta’ durabbiltà huwa rekwiżit legali li ma għandux l-għan li jirrifletti l-ħajja operazzjonali tal-investiment. Hija ħaġa ta’ min jistennieha li l-proġetti jkollhom ħajja operazzjonali sinifikattivament itwal (15-25 sena għall-proġetti ta’ impjanti tal-enerġija, 25-30 sena għat-toroq, u 30 sena għall-infrastruttura tal-ilma u l-ilma mormi) mir-rekwiżiti ta’ durabbiltà. L-Awstrija u r-reġjun tal-Pjemonte fl-Italja estendew ir-rekwiżit ta’ durabbiltà għal ċerti tipi ta’ investiment (ara l-Kaxxa 3) biex jieħdu inkunsiderazzjoni aħjar il-ħajja operazzjonali mistennija tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri l-oħra fil-kampjun tagħna applikaw ir-rekwiżit ta’ durabbiltà ta’ ħames snin.
Prattiki tajba: perjodu ta’ durabbiltà adattat fil-livell tal-Istat Membri/tar-Reġjuni
Fl-Awstrija, biex jirċievu finanzjament pubbliku, l-impjanti lokali tat-tisħin iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti bil-għan li jiżguraw id-durabbiltà tal-proġetti:
- l-applikanti jridu jagħtu prova li diġà ffirmaw kuntratti li jkopru mill-inqas 75 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom; u
- il-klijenti jridu jiffirmaw kuntratt vinkolanti għal bejn 10 snin u 15-il sena.
L-Awstrija estendiet il-perjodu ta’ durabbiltà għal investimenti ta’ dan it-tip, għal 10 snin.
Fil-perjodu 2014-2020, ir-reġjun tal-Pjemonte (l-Italja) adatta l-perjodu ta’ durabbiltà għat-tip ta’ investiment. Proġetti bħal dawk ta’ akkomodazzjoni turistika jridu joperaw matul mill-inqas 10 snin12.
Sors: id-dokumenti tal-Istati Membri.
36 Il-proġetti kollha ta’ infrastruttura li eżaminajna kienu għadhom operazzjonali (ara l-paragrafu 29), għajr wieħed: fil-Bulgarija, proġett wieħed ta’ infrastruttura falla minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni (ara l-Kaxxa 4).
Impjant ta’ trattament tal-ilma mormi waqaf jopera wara sentejn minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni
Fil-Bulgarija, fl-2009 awtorità lokali ffirmat ftehim ta’ għotja (spejjeż eliġibbli ta’ EUR 1.5 miljun) għar-riabilitazzjoni tat-toroq, tan-networks tal-ilma u d-dranaġġ u għall-kostruzzjoni ta’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi. Il-kostruzzjoni ntemmet fl-2015, sena wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ durabbiltà għal dan il-proġett li beda mid-deċiżjoni ta’ finanzjament fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 (ara l-Figura 5).
L-impjant ta’ trattament tal-ilma mormi waqaf jopera fl-2017, sentejn wara l-pagament finali, minħabba li l-awtorità lokali ma wettaqx xogħol ta’ manutenzjoni fuqu. L-ebda mekkaniżmu ma ta lok għall-irkupru tal-fondi tal-UE li ntefqu fuq dan il-proġett minħabba li r-“rekwiżit legali ta’ durabbiltà” kien għadda.
Terz tal-proġetti ta’ diversifikazzjoni kienu waqfu joperaw, saż-żmien meta wettaqna l-awditu
37 F’din it-taqsima, ivvalutajna jekk hemmx fatturi li jaffettwaw il-lonġevità tal-proġetti, anki lil hinn mir-rekwiżiti legali ta’ durabbiltà. Żewġ terzi tal-proġetti ta’ diversifikazzjoni kienu għadhom operazzjonali fiż-żmien meta wettaqna l-awditu. It-terz li kien jifdal ma kinux għadhom operazzjonali. Ivvalutajna jekk l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali analizzawx il-vijabbiltà ekonomika mistennija tal-proġetti ta’ diversifikazzjoni li għażlu u liema tipi ta’ proġetti kienu inqas durabbli.
Il-proċeduri tal-għażla ma kellhomx impatt sinifikanti fuq il-kwalità kumplessiva tal-proġetti
38 Jenħtieġ li l-proċeduri tal-għażla jikkontribwixxu għall-kwalità tal-proġetti appoġġati u għad-durata tagħhom. Dan jinvolvi prijoritizzazzjoni permezz ta’ kriterji tal-għażla rilevanti u valutazzjoni xierqa tal-proġetti. Ir-regoli tal-UE jirrikjedu li l-Istati Membri jiddefinixxu u japplikaw kriterji tal-għażla meta jiddeċiedu liema operazzjonijiet se jipprijoritizzaw. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, sibna li:
- Il-Polonja (sal-2009) u Franza ma użawx dawn il-kriterji.
- Il-Litwanja użat kriterji tal-għażla biss meta l-volum ta’ talbiet kien akbar mill-fondi disponibbli.
- L-Awstrija kellha dawn il-kriterji iżda ma użathomx biex tikklassifika l-proġetti.
- Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, il-Polonja (wara l-2009) u s-Slovakkja użaw kriterji tal-għażla mingħajr ma stabbilew punteġġ minimu li jrid jinkiseb. Huma kklassifikaw il-proġetti iżda tawhom appoġġ sakemm il-baġit kien disponibbli, anki jekk kienu ngħataw punteġġ baxx13.
- L-Ungerija, l-Italja (Sqallija) u r-Rumanija stabbilew punteġġ minimu li l-applikazzjonijiet kellhom jiksbu biex jikkwalifikaw għall-għajnuna. Madankollu, wara li ffirmaw kuntratt ta’ għotja, 46 % tal-benefiċjarji Rumeni tal-miżura 313 u 10 % tal-benefiċjarji Sqallin tal-miżura 311 ma ffinalizzawx il-proġett tagħhom. Għalhekk ma rċevewx pagament finali.
39 Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri kollha użaw kriterji tal-għażla u sollijiet tal-punti. Normalment, dawn is-sollijiet ma kinux jaqbżu l-50 % tal-punteġġ massimu. Pereżempju, għall-miżura 6.4 (ara t-Tabella 1), il-punteġġi minimi fir-Rumanija u l-Awstrija kienu, rispettivament, 10 punti minn 100 u 5 minn 24. B’punteġġi minimi baxxi, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jirriskjaw li jagħżlu proġetti b’potenzjal baxx.
40 Lil hinn mill-applikazzjoni ta’ kriterji tal-għażla, l-Istati Membri jridu jivvalutaw il-proġett. Il-Kaxxa 5 tipprovdi eżempju ta’ proġetti fil-Polonja li aħna nqisu li ma kellhomx jirċievu appoġġ kieku ġew ivvalutati b’mod xieraq.
Il-Polonja għażlet proġetti li kienu l-proprjetà ta’ familjarji li għalqu l-kumpaniji tagħhom fi tmiem il-perjodu ta’ durabbiltà
Kumpanija Pollakka li tieħu ħsieb is-servizzi ta’ trasport u ħżin ma kinitx eligibbli għall-appoġġ taħt il-miżura 312. Tlett ibniet u żewġt iħtien ta’ sid il-kumpanija fetħu ħames kumpaniji ġodda eżatt qabel jew f’qasir żmien wara li ppreżentaw applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-miżura 312.
Dawn il-ħames kumpaniji ġodda ddikjaraw l-istess attivitajiet jew attivitajiet simili u operaw taħt l-istess indirizz bħal dak tal-kumpanija oriġinali. Xtraw vetturi u rrinnovaw spazji u tagħmir, u għal dan irċevew sa 50 % sussidji.
It-total tal-finanzjament pubbliku kien jammonta għal EUR 265 000 (inkluż 75 % tal-kontribuzzjoni li ngħatat mill-UE), ferm ogħla mill-għajnuna massima stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal entità eleġibbli unika (EUR 72 000).
Erbgħa minn dawn il-ħames benefiċjarji għalqu l-kumpanija rispettiva tagħhom fi tmiem il-perjodu ta’ durabbiltà.
41 Sabiex jivvalutaw id-durabbiltà tal-operazzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha li eżaminajna (għajr Franza) kienu jirrikjedu li l-applikanti jippreżentaw pjan ta’ direzzjoni tan-negozju.
42 Minn dawn l-10 Stati Membri, 514 qiesu li l-previżjonijiet tan-negozju inklużi fil-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju kienu bażi għal valutazzjoni futura. Pereżempju, il-benefiċjarji kellhom jilħqu mill-inqas 50 % (il-Bulgarija u l-Ungerija) jew 70 % (il-Litwanja) tal-previżjonijiet tan-negozju tagħhom. Meta twettaq kontroll ex post, in-nuqqas ta’ lħuq ta’ dawn il-perċentwali rriżulta f’sanzjonijiet (ara l-paragrafu 55).
43 Seba’ Stati Membri15 ddefinew l-għadd ta’ impjiegi maħluqa bħala wieħed mill-kriterji tagħhom ta’ eliġibbiltà jew tal-għażla. Meta l-ħolqien tal-impjiegi kien kriterju tal-għażla, il-benefiċjarji kellhom joħolqu impjiegi u jżommuhom għall-inqas sa tmiem il-perjodu tad-durabbiltà. Il-Litwanja u l-Polonja taw finanzjament ogħla lill-benefiċjarji li kellhom l-istennija li joħolqu aktar impjiegi.
44 Għall-benefiċjarji fil-kampjun tagħna li għalihom stajna nġibu biżżejjed informazzjoni, 90 % (9/10) tal-benefiċjarji Bulgari u 63 % (17/27) tal-benefiċjarji Pollakki rispettivament ma rnexxilhomx jilħqu l-previżjonijiet ekonomiċi stabbiliti fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tagħhom (inklużi 4 minn kull 10 għall-benefiċjarji mill-perjodu 2014-2020). Ma sibniex din il-problema fl-Awstrija (ara l-paragrafu 59).
45 It-Tabella 3 turi li l-maġġoranza tal-benefiċjarji naqsu sinifikattivament milli jilħqu l-previżjonijiet tagħhom.
Tabella 3 – Proġetti li ma laħqux il-previżjonijiet tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju
Proġetti li ma laħqux il-previżjonijiet tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju | ||||
---|---|---|---|---|
Total | Perċentwal ta’ previżjonijiet milħuqa | |||
inqas minn 10 % | bejn 10 u 50 % | aktar minn 50 % | ||
Il-Polonja | 17 | 7 | 8 | 2 |
Il-Bulgarija | 9 | 3 | 4 | 2 |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq analiżi tal-fajls tal-proġetti.
46 Il-previżjonijiet tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju kienu vinkolanti fil-Bulgarija. Tliet kwarti tal-kontrolli ex post wasslu għal proċedimenti ta’ rkupru minħabba li l-benefiċjarji ma kinux laħqu l-previżjonijiet (ara l-paragrafu 55).
Ċerti tipi ta’ proġetti ta’ diversifikazzjoni kellhom ħajja relattivament qasira
47 Fil-Polonja, kważi tliet kwarti tat-13 000 benefiċjarju tal-miżura 311 (9 221 benefiċjarju li stabbilew attività mhux agrikola analizzati fil-paragrafu 31 u bejn wieħed u ieħor 3 800 oħra li żviluppaw attivitajiet li diġà kienu jeżistu taħt l-istess miżura) iddiversifikaw l-attivajiet tagħhom f’“servizzi għall-azjendi agrikoli u l-forestrija”, jiġifieri fi ħdan is-settur agrikolu. Is-servizzi għall-azjendi agrikoli u l-forestrija jinkludu, pereżempju, il-kiri ta’ makkinarju jew xogħol li jsir għal bidwi ieħor (bħal xiri ta’ magna tal-ħrit minn bdiewa bil-finanzjament mill-UE biex jaħartu l-ħamrija ta’ bdiewa oħra jew biex jikrulhom il-makkinarju). Aktar minn nofs il-benefiċjarji li vverifikajna fir-reġistru kummerċjali Pollakk (5 114 minn 9 419) kienu waqfu mill-attività sa Frar 2020. Il-Figura 12 turi li dan is-sehem huwa ħafna ogħla milli għal attivitajiet oħra ta’ diversifikazzjoni.
48 Ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali ma kinux jipprojbixxu b’mod espliċitu l-użu tat-tagħmir mixtri fl-art tal-benefiċjarju stess. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-gwida tal-Kummissjoni tgħid li għas-servizzi agrikoli jenħtieġ li l-investiment appoġġat jintuża prinċipalment għall-forniment ta’ servizzi lil partijiet terzi. Iżda ma sibna l-ebda mekkaniżmu li jipprevieni l-makkinarju agrikolu ffinanzjat taħt din il-miżura milli jintuża prinċipalment fl-azjenda agrikola tal-benefiċjarju stess.
49 Minħabba r-riskji speċifiċi identifikati b’rabta mal-proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika, qisna jekk ir-riżultati ta’ durabbiltà għal din il-klassi ta’ proġetti rriflettewx jew għattewx problemi ta’ vijabbiltà ekonomika. Għalhekk, wettaqna analiżi addizzjonali tal-proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika fil-Bulgarija, il-Greċja u l-Polonja. Fil-Greċja, il-monitoraġġ nazzjonali tal-proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika pprovda informazzjoni dwar id-dħul iġġenerat matul l-ewwel tliet snin. Analizzajna din l-informazzjoni bi tqabbil mal-ispejjeż tal-investiment għal 20 proġett ta’ akkomodazzjoni turistika li kienu għadhom attivi.
50 L-analiżi li wettaqna qajmet mistoqsijiet rigward il-vijabbiltà ekonomika tagħhom. Għal kull euro ta’ spiża totali tal-investiment, bħala medja, id-dħul globali fuq tliet snin ammonta għal EUR 0.4. Kif jidher fil-Figura 13, din il-medja taħbi varjazzjoni konsiderevoli tal-kapaċità li jiġi ġġenerat id-dħul. Fuq tliet snin, il-proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika ġġeneraw bejn EUR 0.02 u EUR 1.41 għal kull euro investit. Erbgħa (20 %) minnhom iġġeneraw inqas minn EUR 0.1 għal kull euro investit.
51 Min-naħa l-oħra, sibna wkoll proġetti li kellhom redditu għoli ħafna fuq l-investiment (ara l-Figura 13): tlieta ġġeneraw dħul li kien ogħla mill-investiment li sar fil-perjodu ta’ tliet snin.
52 Fir-Rapport Speċjali 02/2022 tal-QEA dwar l-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi, sibna li għal proġetti bi żminijiet qosra ħafna ta’ rkupru tal-ispejjeż, strumenti finanzjarji bħal self jew għotjiet ripagabbli jkunu normalment għażliet kosteffettivi għall-baġit tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprevedi li s-self jintuża għal proġetti vijabbli16. Il-Kummissjoni tqis li l-istrumenti finanzjarji huma xierqa għall-għoti ta’ appoġġ ta’ proġetti vijabbli tal-iżvilupp rurali17. Il-ħlas lura tas-self jinċentiva lill-benefiċjarji tal-proġetti (inklużi akkomodazzjonijiet turistiċi jew servizzi agrikoli) li jiġġeneraw qligħ mill-investiment tagħhom u għalhekk jillimita r-riskju li jitolbu l-appoġġ għal proġetti mhux vijabbli jew li jużawh biss għal skopijiet privati.
53 It-Tabella 4 turi li fil-Bulgarija u l-Polonja, 29 % u 38 % rispettivament tal-proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika vverifikati (ara l-paragrafu 26) jew għalqu malajr jew inkella ġġeneraw fatturat baxx ħafna.
Tabella 4 – Proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika li ma kinux iwasslu benefiċċji durabbli
Stati Membri | Għadd ta’ akkomodazzjonijiet ivverifikati | Għadd ta’ akkomodazzjonijiet li ma kinux iwasslu benefiċċji | Kummenti |
---|---|---|---|
Il-Bulgarija | 17 | 6 | Tlieta għalqu wara l-perjodu ta’ durabbiltà. Tlieta oħra kellhom inqas minn 10 % tal-fatturat previst (waħda minnhom irrappurtat fatturat ta’ EUR 188 għal sena waħda) u kellhom jirrimborżaw l-għotja tagħhom wara l-kontroll ex post. |
Il-Polonja | 8 | 3 | Tlieta għalqu, waħda minnhom fil-perjodu ta’ durabbiltà. Waħda kellha fatturat ta’ EUR 250/sena – inqas minn 10 % tal-previżjonijiet u għalqet wara tmiem il-perjodu ta’ durabbiltà. |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni li ngħaddiet mill-Istati Membri.
Użu residenzjali ta’ bini ffinanzjat bħala akkomodazzjoni turistika
54 Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma kinitx tipprojbixxi b’mod espliċitu l-użu residenzjali ta’ bini ffinanzjat biex jipprovdi akkomodazzjoni turistika matul il-perjodu ta’ durabbiltà. Madankollu, din kienet tgħid li jenħtieġ li l-investiment ma jkunx suġġett għal bidla sostanzjali li ddgħajjef l-objettivi oriġinali tiegħu18. Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka kienet tipprojbixxi b’mod espliċitu l-użu privat permanenti tal-investiment19. Dan ma kienx il-każ għal-leġiżlazzjoni nazzjonali Pollakka u lanqas dik Bulgara.
55 Sibna l-problemi li ġejjin rigward l-użu privat ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi:
- Fi Stat Membru wieħed sibna użu privat u potenzjalment frawdolenti ta’ dar tal-alloġġ matul il-perjodu ta’ durabbiltà. Dan il-każ ġie riferut lill-OLAF u jinsab taħt investigazzjoni.
- Fil-Bulgarija u r-Rumanija, identifikajna azzjonijiet amministrattivi wara l-identifikazzjoni tal-użu privat ta’ akkomodazzjoni turistika li kienu ngħataw appoġġ. Il-Kummissjoni għamlet rakkomandazzjonijiet lil dawn l-Istati Membri u applikat korrezzjoni finanzjarja għall-Bulgarija. Ir-Rumanija ddeċidiet li tillimita l-finanzjament tal-akkomodazzjoni turistika fl-2021 u fl-2022. L-awtoritajiet Bulgari niedu azzjoni amministrattiva billi wettqu kontrolli ex post addizzjonali b’fokus fuq l-ilħuq tal-previżjonijiet tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju. Il-maġġoranza (76 %) tal-288 dar tal-alloġġ iffinanzjata mill-UE ma laħqux dawn il-previżjonijiet. L-awtoritajiet Bulgari talbu ħlas lura li jammonta għal EUR 21 miljun. Dan il-proċess ta’ rkupru għaddej bil-mod minħabba sfidi legali fil-Qorti nazzjonali. Il-Bulgarija waqfet tappoġġa l-akkomodazzjoni turistika fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.
- Mill-11-il Stat Membru li eżaminajna, identifikajna artikli tal-istampa li rrappurtaw każijiet koperti ta’ użu residenzjali privat fi 8 Stati Membri (f’mill-inqas 3 minnhom, l-artikli tal-istampa rrappurtaw investigazzjonijet u każijiet tal-Qorti dwar talbiet frawdolenti għal sussidju fuq akkomodazzjonijiet turistiċi użati privatament). F’xi każijiet, il-bini kien irreklamat bħala disponibbli għat-turisti, iżda ma setax jiġi pprenotat fil-prattika (ara l-paragrafu 23). Il-kostruzzjoni jew ir-rinnovazzjoni ta’ dar bl-appoġġ tal-UE jista’ jkun attraenti billi, wara perjodu ta’ bejn tlieta u ħames snin, il-benefiċjarju jista’ uffiċjalment jużaha bħala dar privata jew ibigħha.
Hemm evidenza limitata li l-finanzjament mill-UE jġib diversifikazzjoni fuq terminu twil fiż-żoni rurali
56 Huwa mistenni li l-finanzjament mill-UE jġib diversifikazzjoni fuq terminu twil fiż-żoni rurali (ara l-paragrafu 04). Ivvalutajna jekk il-proġetti ġabux diversifikazzjoni kontinwa għall-ekonomiji rurali. Eżaminajna wkoll jekk l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ kinux jipprovdu għarfien suffiċjenti dwar ir-riżultati tal-infiq tal-UE.
Ċerti tipi ta’ proġetti ta’ diversifikazzjoni jġibu opportunitajiet limitati ta’ diversifikazzjoni
57 Matul il-perjodu 2007-2013, il-Polonja nefqet EUR 252 miljun biex tagħti appoġġ lis-servizzi għall-agrikoltura jew il-forestrija. Dan il-finanzjament kompla matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Sibna li s-servizzi lill-agrikoltura għamlu kontribut limitat għad-diversifikazzjoni fuq terminu twil f’attivitajiet mhux agrikoli. Dawn il-proġetti ma jgħinux lill-benefiċjarji jiddiversifikaw l-introjtu tagħhom mis-settur agrikolu. Il-Kummissjoni tqis li dawn is-servizzi (bħall-ħrit/ħsad) jibbenefikaw lid-diversifikazzjoni indirettament billi jippermettu lill-bdiewa jużaw dawn is-servizzi biex jiffrankaw il-ħin sabiex jibdew attività mhux agrikola b’mod parallel. Barra minn hekk, l-attività “servizzi għall-agrikoltura jew il-forestrija” kienet l-inqas attività durabbli billi l-maġġoranza tal-benefiċjarji waqfu minnha (ara l-paragrafu 47).
58 Fl-evalwazzjonijiet ex post tagħhom, l-Istati Membri semmew l-aktar spiss lit-turiżmu bħala s-settur li fih kien hemm possibbiltà ta’ diversifikazzjoni20. Fil-fatt, 23 minnhom implimentaw il-miżura 313 “Inkoraġġiment tal-attivitajiet turistiċi”. Il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni turistika setgħu jiġu ffinanzjati taħt il-miżuri kollha ta’ diversifikazzjoni (il-miżura 311, il-miżura 312, il-miżura 313), skont x’kienet l-għażla tal-Istat Membru/tar-reġjun. Bħalma ġie ddikjarat fil-paragrafu 21, aktar minn EUR 500 miljun mill-fondi pubbliċi taw appoġġ lil proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika fil-perjodu 2014-2015 fil-11-il Stat Membru li għażilna.
59 Fil-livell tal-benefiċjarji, l-akkomodazzjoni turistika tista’ tiddiversifika u tikkomplementa d-dħul tal-benefiċjarji, suġġett għal domanda potenzjali suffiċjenti. Fl-Awstrija, l-10 proġetti kollha ta’ akkomodazzjoni turistika li ġew analizzati kienu għadhom operazzjonali. Sebgħa minnhom kienu laħqu l-previżjonijiet tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tagħhom, u pprovdew bejn 10 % u 90 % tad-dħul tal-benefiċjarji. F’seba’ każijiet, il-finanzjament ġie pprovdut biex jespandi negozju li diġà kien jeżisti. Fit-tlieta li baqa’, it-turiżmu kien jirrappreżenta sors ġdid ta’ introjtu.
60 Fil-livell territorjali, madankollu, hemm każijiet ta’ investimenti fit-turiżmu li ma jirrappreżentawx diversifikazzjoni fiż-żoni turistiċi. Fl-UE kollha, it-turiżmu huwa settur ekonomiku akbar milli hija l-agrikoltura u jaqdi rwol akbar fl-ekonomija taż-żoni rurali milli f’dawk urbani. L-għadd ta’ ljieli turistiċi għal kull resident fiż-żoni rurali huwa tliet darbiet ogħla milli fir-reġjuni urbani, u n-nefqa turistika għal kull resident hija ġeneralment ogħla fiż-żoni rurali21. F’żoni rurali bħal Kreta (il-Greċja) jew Korsika (Franza), l-industrija tat-turiżmu tiddomina l-ekonomiji lokali, u tirrappreżenta 47 % u 31 % rispettivament tal-PDG (imqabbla ma’ 7.5 % u 2 % għall-agrikoltura22).
L-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ma jurux suffiċjentement il-benefiċċji tad-diversifikazzjoni
61 Fl-2018, il-Kummissjoni ppubblikat taqsira tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ex post tal-Istati Membri tal-perjodu 2007-201323, li kkonkludiet li:
- Il-miżura 311 ”Diversifikazzjoni f’attivitajiet mhux agrikoli” u l-miżura 312 “Appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozju” kkontribwew għat-titjib tad-diversifikazzjoni ekonomika tal-benefiċjarji “sa punt medju”;
- Il-miżura 313 “Inkoraġġiment ta’ attivitajiet turistiċi” kkontribwiet għat-titjib tad-diversifikazzjoni ekonomika “sa punt limitat”. Inqas minn nofs l-evalwazzjonijiet ex post tal-PŻR irrappurtaw kontribut pożittiv ta’ din il-miżura għat-titjib tad-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali.
62 L-evalwazzjoni sabet li ħafna proġetti ta’ diversifikazzjoni kienu “transsettorjali” (jiġifieri wisq iċċentrati fuq l-agrikoltura) b’mod insuffiċjenti. Niddiskutu din il-problema fil-paragrafu 57.
63 Sibna li l-monitoraġġ kien jipprovdi informazzjoni limitata dwar id-durabbiltà tal-proġetti u l-impatt fuq terminu twil li kellhom fuq id-diversifikazzjoni taż-żoni rurali. Filwaqt li l-Istati Membri jimmonitorjaw il-proġetti b’mod adegwat sal-pagament finali, il-monitoraġġ huwa limitat matul il-perjodu kollu ta’ durabbiltà u bilkemm jeżisti wara dan. Għaldaqstant, meta l-Istati Membri u l-Kummissjoni jħejju evalwazzjonijiet ex post, l-evalwaturi jkollhom ftit li xejn informazzjoni dwar kemm-il proġett tat-tipi differenti komplew joperaw wara l-perjodu li fih tħallsu l-għotjiet. Il-monitoraġġ ta’ proġetti wara l-perjodu ta’ durabbiltà mhuwiex rekwiżit legali. Madankollu, il-ġbir ta’ informazzjoni wara l-perjodu ta’ durabbiltà jkun jippermetti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jivvalutaw ir-riżultati dejjiema u jidentifikaw it-tipi ta’ proġetti li jagħtu appoġġ għall-objettivi tal-politika fuq terminu twil.
64 L-awditu li wettaqna wera li xi għodod, bħal reġistri kummerċjali u bażijiet oħra rilevanti ta’ data, jistgħu jagħtu għarfien addizzjonali dwar id-durabbiltà tal-proġetti. L-informazzjoni disponibbli bażika tikkonċerna biss l-istatus tal-benefiċjarju, iżda fil-Polonja sibna wkoll eżempju ta’ bażi ta’ data li kien fiha informazzjoni aktar dettaljata dwar l-istatus tal-attivitajiet iffinanzjati mill-UE (ara l-paragrafi 31 u 47). Il-Bulgarija, il-Polonja u r-Rumanija ġabru informazzjoni mingħand reġistri kummerċjali.
65 Bażijiet kbar ta’ data, bħal reġistri kummerċjali, jeżistu u jistgħu jipprovdu għarfien dwar benefiċjarji li jkunu saru inattivi jew li waqfu mill-attivitajiet appoġġati (ara l-paragrafi 31-32). Attwalment, il-Kummissjoni ma tuża informazzjoni la mingħand reġistri kummerċjali nazzjonali u lanqas mingħand sorsi oħra tal-big data biex tivvaluta d-durabbiltà ta’ proġetti ta’ diversifikazzjoni u l-benefiċċju tagħhom fuq terminu twil għaż-żoni rurali.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
66 Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-investimenti fl-infrastruttura u proġetti ta’ diversifikazzjoni operaw matul il-perjodu legali ta’ durabbiltà (ara l-paragrafi 21-29). Madankollu, sibna li l-proġetti ta’ diversifikazzjoni spiss intemmew f’qasir żmien wara (ara l-paragrafi 31-34). Fil-Polonja, il-proġetti ta’ servizzi għall-agrikoltura jew il-forestrija kienu inqas durabbli minn oħrajn (ara l-paragrafi 47-48).
67 Sibna li l-kwalità kumplessiva tal-proċeduri tal-għażla tjiebet għall-perjodu 2014-2020 meta mqabbla mal-perjodu 2007-2013. Madankollu, il-proċeduri tal-għażla ma kellhomx impatt sinifikanti fuq il-kwalità kumplessiva tal-proġetti (ara l-paragrafi 38-46).
68 Sibna li ċerti tipi ta’ proġetti, bħas-servizzi għall-agrikoltura u l-forestrija, għandhom potenzjal baxx ta’ diversifikazzjoni (ara l-paragrafu 57). L-akkomodazzjoni turistika tista’ tiddiversifika l-attivitajiet tal-benefiċjarji iżda l-kapaċità addizzjonali ta’ akkomodazzjoni ma tiddiversifikax iż-żoni turistiċi tal-ekonomiji (il-paragrafi 58-60).
69 Estendejna l-analiżi li wettaqna tal-proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika u identifikajna problemi ta’ vijabbiltà ekonomika fi tliet Stati Membri (ara l-paragrafi 49-53 u t-Tabella 4). L-użu residenzjali privat ta’ akkomodazzjoni jaffettwa l-prestazzjoni ekonomika ta’ dawn il-proġetti. Osservajna eżempji ta’ tnedija ta’ investigazzjonijiet mill-Istati Membri fl-użu privat ta’ bini ffinanzjat bħala akkomodazzjoni turistika u/jew ta’ restrizzjoni tal-aċċess għall-għotjiet għal proġetti ta’ akkomodazzjoni turistika (ara l-paragrafu 55). Sibna li s-self huwa alternattiva rilevanti għall-appoġġ ta’ proġetti vijabbli (inklużi proġetti għall-appoġġ ta’ akkomodazzjoni turistika jew servizzi għall-agrikoltura – ara l-paragrafu 52).
Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi mmirat aħjar l-infiq fuq proġetti vijabbli
Fil-kapaċità konsultattiva tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkondividi l-aħjar prattiki biex tippromwovi l-applikazzjoni ta’ proċeduri tal-għażla b’mod li jillimita r-riskju li jintgħażlu proġetti mhux vijabbli.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: mill-2023 ’il quddiem
Rakkomandazzjoni 2 – Jiġu mmitigati r-riskji ta’ devjazzjoni tal-assi ffinanzjati għall-użu personali
Biex tippromwovi benefiċċji dejjiema tal-proġetti u valur għall-flus mill-appoġġ li jingħata mill-UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
-
Tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki biex tippromwovi salvagwardji dwar id-durabbiltà tal-proġetti u kontra d-devjazzjoni tal-assi ffinanzjati mill-UE għall-użu personali. Jenħtieġ li dawn l-iskambji jinkludu l-użu xieraq ta’:
- kundizzjonijiet nazzjonali għad-durabbiltà, b’kont meħud tat-tipi differenti ta’ investimenti li jirċievu appoġġ;
- self għall-finanzjament ta’ assi fuq terminu twil;
- evidenza tal-operat kontinwu tal-attivitajiet iffinanzjati; u
- dispożizzjonijiet fi ftehimiet ta’ għotja dwar l-użu tal-investimenti għall-iskop intenzjonat tagħhom.
- Tanalizza l-użu ta’ dawn l-aħjar prattiki li jsir mill-Istati Membri u xxerred ir-riżultati.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2023
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2027
70 Kumplessivament, l-evalwazzjonijiet ex post tal-perjodu 2007-2013 ikkonkludew li sar kontribut limitat sa medju għad-diversifikazzjoni (il-paragrafi 61-62). Il-monitoraġġ kien jipprovdi għarfien limitat dwar il-benefiċċji tal-proġetti matul iż-żmien, b’mod partikolari wara tmiem il-perjodu legali ta’ durabbiltà, minkejja l-potenzjal tal-big data li tipprovdi għarfien addizzjonali dwar id-durabbiltà tal-proġetti ffinanzjati b’mod kosteffettiv (ara l-paragrafi 63-65).
Rakkomandazzjoni 3 – Jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ bażijiet kbar ta’ data għall-evalwazzjoni
Għal skopijiet ta’ evalwazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri:
- tidentifika sorsi rilevanti ta’ informazzjoni dwar l-operat kontinwu tal-proġetti ffinanzjati mill-UE u tikkondividi l-aħjar prattiki mal-Istati Membri;
- tuża din l-informazzjoni biex tfassal lista ta’ fatturi tar-riskji abbażi ta’ eżempji ta’ proġetti li huma inqas durabbli.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2024
Data mmirata għall-implimentazzjoni: mill-2026 ’il quddiem
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sinjura Joëlle Elvinger, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fis-27 ta’ April 2022.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
FAEŻR: Fond agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali
PAK: politika agrikola komuni
PDG: prodott domestiku gross
PŻR: programm tal-iżvilupp rurali
Glossarju
Big data: L-ipproċessar, il-ġbir, il-ħżin u l-analiżi ta’ ammonti kbar ta’ data, fejn jiġu żvelati xejriet, tendenzi u assoċjazzjonijiet u jiġi offrut il-potenzjal li tintuża l-informazzjoni riżultanti għal għarfien ġdid.
Kontrollex post: Fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, kontroll imwettaq wara l-pagament finali fuq investiment biex ikun żgurat li għadu qed jintuża għall-għan maħsub għalih.
Perjodu ta’ programmazzjoni: Il-perjodu li fih ħdanu programm ta’ finanzjament tal-UE jkun ippjanat u li matulu jista’ jiġi żborżat il-finanzjament. Għall-perjodu 2007-2013, il-finanzjament seta’ jiġi żborżat sal-2015. Bl-istess mod, il-finanzjament għall-perjodu 2014-2020 jista’ jigi żborżat sal-2022.
Pjan ta’ direzzjoni tan-negozju: Dokument li jiġbor fil-qosor il-previżjonijiet operazzjonali u finanzjarji ta’ kumpanija u li jistabbilixxi l-mod kif din se tilħaq il-miri tagħha.
Programm tal-iżvilupp rurali: Sett ta’ objettivi u azzjonijiet pluriennali nazzjonali jew reġjonali, approvati mill-Kummissjoni, għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE.
Risposti tal-Kummissjoni
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Viorel Ștefan, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Roxana Banica, Kap tal-Kabinett, u Olivier Prigent, Attaché tal-Kabinett; Michael Bain, Maniġer Prinċipali; Eric Braucourt, Assistent tad-Direttur; Céline Ollier, Kap tal-Kompitu; Maciej Szymura, Deputat Kap tal-Kompitu; Milan Smid, Jan Huth, Dimitrios Maniopoulos, Awdituri. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku.
Mix-xellug għal-lemin: Viorel Ștefan, Roxana Banica, Olivier Prigent, Eric Braucourt, Céline Ollier, Maciej Szymura, Milan Šmid, Jan Huth, Thomas Everett.
Noti finali
1 EU rural areas in numbers – il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu).
2 A better future for Europe’s rural areas – Report CG33(2017)16 final, il-Kunsill tal-Ewropa, 2017.
3 A long-term Vision for the EU’s Rural Areas – Commission Staff Working Document part 2/3.
4 Ara billi 11 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1698/2005 tal-Kunsill u l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
5 Data pprovduta mill-Eurostat EF_OGAAA u European farming (copa-cogeca.eu).
6 Synthesis of Rural Development Programmes (RDP) ex-post evaluation of 2007-2013 – Evaluation Study.
7 L-Artikolu 52 b) tar-Regolament Nru 1698/2005 u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1305/2013.
8 Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2115/2021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
9 Ara l-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) 2115/2021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikoli 13 u 40 tar-Regolament (UE) 2116/2021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
10 Ara l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
11 Ir-Rapport Speċjali 25/2015; ir-Rapport Speċjali 08/2018; ir-Rapport Speċjali 06/2011.
12 PŻR tal-Pjemonte għall-perjodu 2014-2020, p. 378.
13 Ara wkoll ir-Rapport Speċjali 06/2013.
14 Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija u l-Litwanja.
15 Iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja.
16 L-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
17 The European Agricultural Fund for Rural Development – Financial instruments.
18 Operazzjoni għandha trodd lura l-kontribuzzjoni tal-UE jekk fi żmien ħames snin mill-pagament finali tkun suġġetta għal “bidla sostanzjali li taffettwa n-natura [...] tagħha” (l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).
19 Sonderrichtlinie im Rahmen des Österreichischen Programms für die Entwicklung des ländlichen Raums 2007 – 2013 „Sonstige Maßnahmen“– il-Punt 10.4.3.5.
20 Synthesis of Rural Development programmes ex-post evaluation period 2007-2013, p. 58.
21 Commission Staff Working document part 2/3 – A long-term Vision for the EU’s Rural Areas – p. 51, Ġunju 2021.
22 The nexus between agriculture and tourism in the Island of Crete, John Vourdoubas, 2020 – INSEE Corse, 2015-2017.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
ISBN 978-92-847-7918-5 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/390468 | QJ-AB-22-009-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-7899-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/864711 | QJ-AB-22-009-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), kontenut tal-QEA li huwa proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux jgħawġu t-tifsira jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Il-logo tal-QEA ma jridx jintuża mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Data Miftuħa mill-UE
Il-portal Data Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.