Daħla
Nittama li l-2021 tibqa’ mfakkra bħala s-sena li fiha l-Ewropa bdiet tħares lil hinn mill-pandemija lejn futur aħjar. Is-sena meta l-Unjoni tagħna akkwistat il-vaċċini għaċ-ċittadini kollha tagħha. Is-sena meta l-irkupru ekonomiku ħa spinta. Is-sena meta n-NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru tagħna, beda jagħmel lill-Ewropa kontinent aktar ekoloġiku u aktar diġitali. Għamilna progress sinifikanti fl-2021, u dan kien possibbli biss minħabba li l-Ewropa għażlet li naħdmu flimkien.
It-tilqim kien pass essenzjali. Bis-saħħa tat-tħejjija li seħħet kmieni fil-kriżi, mhux biss żgurajna li kellna biżżejjed dożi tal-vaċċini għall-Istati Membri kollha tagħna iżda esportajna jew qsamna wkoll aktar minn 1.7 biljun doża lill-pajjiżi madwar id-dinja. Fi tmiem l-2021, l-UE kienet l-akbar donatur tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fid-dinja. Se nkomplu naqsmu u nesportaw il-vaċċini tagħna, għax nafu li se jirnexxielna negħlbu l-COVID-19 biss jekk niġġilduha kullimkien.
Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali li introduċejna fil-ħin għas-sajf ippermetta lin-nies jivvjaġġaw madwar l-UE, u ġie adottat minn aktar minn 60 pajjiż u territorju. Dan għen lis-settur tat-turiżmu, kif ukoll lin-negozji u l-attivitajiet kulturali li jiddependu fuqu biex jikkumbattu l-effetti tal-pandemija.
Fl-2021, ħejjejna l-pedament ukoll biex nevitaw li l-pandemiji tal-ġejjieni jaħsdu lid-dinja mill-ġdid. Fis-Summit Globali dwar is-Saħħa f’Ruma, li jiena ospitajt b’mod konġunt f’Mejju, il-mexxejja dinjija qablu dwar il-prinċipji komuni biex tingħeleb il-pandemija tal-COVID-19 u għall-prevenzjoni u t-tħejjija għall-pandemiji tal-ġejjieni. Diġà qed naġixxu fuq it-tagħlimiet mill-pandemija. L-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) il-ġdida tagħna se tiżgura li jkollna t-trattamenti u t-tagħmir mediku li neħtieġu meta jitfaċċa t-theddid għas-saħħa.
Waqt li konna qed nindirizzaw il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, ma nsejniex l-għanijiet li konna stabbilejna fil-bidu tal-mandat tagħna: bqajna naħdmu biex nagħmlu l-Ewropa aktar ekoloġika u aktar diġitali, u post ta’ ugwaljanza u ta’ opportunità għal kulħadd. In-NextGenerationEU poġġa dawn l-għanijiet fil-qalba tal-irkupru ekonomiku. Diġà bdew deħlin biljuni ta’ ewro fl-Istati Membri tagħna, li ressqu wkoll programmi ambizzjużi ta’ riforma biex jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom. In-NextGenerationEU qiegħed jinvesti mhux biss fl-irkupru tal-Ewropa, iżda anke fil-prosperità fit-tul tagħha — mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna u l-iżgurar li l-Ewropej ikollhom il-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi tal-ġejjieni, sal-istabbiliment tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tagħna tan-newtralità klimatika sal-2050.
Il-liġi l-ġdida tagħna dwar il-klima, li tibdel il-miri tagħna f’obbligi legali, se tiżgura li naslu hemm. Fl-2021, stabbilejna l-azzjoni li qed nippjanaw li nieħdu f’dan id-deċennju deċiżiv għall-pjaneta tagħna. Iżda l-Ewropa ma tistax issolvi l-kriżi klimatika waħedha. Minkejja li rajna progress fis-COP26 ta’ Glasgow, ix-xogħol għall-pajjiżi kollha baqagħlu ħafna biex jintemm. Għandna obbligu lejn uliedna u wlied uliedna li nagħmlu kulma nistgħu biex nevitaw it-tibdil perikoluż fil-klima.
Huwa għalhekk li poġġejna liż-żgħażagħ fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu — min-NextGenerationEU sal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għal din ir-raġuni, fid-diskors tiegħi dwar l-Istat tal-Unjoni, ipproponejt li nagħmlu l-2022 is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, b’attivitajiet u inizjattivi biex nappoġġaw lil din il-ġenerazzjoni qalbiena li għamlet ħafna sagrifiċċji matul il-pandemija.
Ma nistgħux nagħtuhom lura ż-żmien li tilfu, iżda nistgħu ngħinuhom isawru futur aħjar għall-UE. Iż-żgħażagħ diġà huma parti importanti mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, imnedija f’Mejju — l-akbar eżerċizzju li qatt għamilna fid-demokrazija parteċipattiva. Nies ta’ kull età u minn kull rokna tal-Unjoni involvew ruħhom f’dan id-dibattitu importanti.
Qabel ma nikkonkludi, ma nistax ma nsemmix li fl-ewwel jiem tal-2022, l-Ewropa tilfet raġel twajjeb u Ewropew kbir: il-ħabib tiegħi David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew. David ried li l-Ewropa dejjem tirsisti għal aktar: aktar demokrazija, aktar drittijiet, aktar solidarjetà, aktar responsabbiltà, aktar dinjità għan-nies kollha tal-Ewropa. Il-memorja tiegħu se tiggwidana fis-sena li ġejja, u l-Unjoni tagħna dejjem se tibqa’ tgħożż il-wirt ta’ David Sassoli.
Viva l-Ewropa!
Ursula von der Leyen
Ir-rispons tal-UE għall-COVID-19
Introduzzjoni
Fl-2021, wara waħda mill-iktar snin diffiċli fl-istorja tagħha, l-Unjoni Ewropea bdiet tħares lejn il-ġejjieni bit-tnedija tal-irkupru tagħha mill-pandemija tal-COVID-19.
L-UE rduppjat l-isforzi tagħha biex iżżid il-produzzjoni tal-vaċċini u biex tappoġġa lill-Istati Membri u lill-pajjiżi sħab meta dawn ħadmu biex iħaffu t-tilqim. L-azzjoni meħuda kmieni fl-2020 permezz tal-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini — fejn sar investiment f’bosta vaċċini differenti — kienet suċċess. Dan irriżulta fid-disponibbiltà mifruxa tal-vaċċini fl-2021, minkejja bidu aktar bil-mod milli mistenni minħabba problemi inizjali bil-produzzjoni u l-provvista ta’ wieħed minnhom.
Wara t-tilqim fuq skala kbira fl-Istati Membri, fil-31 ta’ Awwissu 2021 l-UE laħqet l-istadju kruċjali fejn mill-inqas 70 % tal-popolazzjoni adulta tal-UE kienet tlaqqmet. Sa tmiem is-sena s-sehem kien tela’ għal 79.8 %. Fil-mument meta qawmien mill-ġdid tal-pandemija ħakem lill-Ewropa u lid-dinja lejn tmiem is-sena, it-trażżin tat-tixrid tal-virus baqa’ prijorità ewlenija. Il-Kummissjoni ressqet approċċ komuni u kkoordinat tal-UE biex tindirizza l-isfida fl-Istati Membri kollha — li bosta minnhom introduċew ir-restrizzjonijiet mill-ġdid — filwaqt li kompliet bl-isforz biex iżżid il-kopertura tat-tilqim u filwaqt li bdiet tvara d-doża booster.
Matul is-sena, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet mal-Istati Membri biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħhom tal-ittestjar u tat-traċċar u biex timplimenta s-sekwenzjar tal-ġenoma komplut (li kien kruċjali fid-dawl tat-tixrid tal-varjant Omicron). Il-Kummissjoni kompliet tinvesti wkoll fir-riċerka u fl-innovazzjoni għal vaċċini u trattamenti ġodda u mtejba għall-COVID-19. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, imniedi f’Lulju, għamilha aktar faċli għall-persuni biex jivvjaġġaw b’mod sikur madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Sa tmiem l-2021 kienu nħarġu biljun ċertifikat.
Sadanittant, l-UE mmobilizzat biex twettaq il-pjan ta’ rkupru mingħajr preċedent tal-Ewropa. Il-baġit fit-tul tal-UE (€1,211-il biljun), flimkien man-NextGenerationEU, l-istrument temporanju mfassal biex jagħti spinta lill-irkupru (€800 biljun), huwa l-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat mill-baġit tal-UE, b’ammont totali ta’ aktar minn €2 triljun. Bħala rispons, l-Istati Membri fasslu pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, li jistabbilixxu l-investimenti u r-riformi biex jiġi indirizzat l-impatt tal-pandemija u jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-qalba tan-NextGenerationEU se tipprovdi €723.8 biljun f’għotjiet u self biex tappoġġa r-riformi u l-investimenti tal-Istati Membri. Sa tmiem is-sena, il-Kummissjoni kienet ivvalutat b’mod pożittiv 22 pjan nazzjonali, b’valur ta’ aktar minn €445 biljun f’finanzjament, li ġew approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni żborżat €54.3 biljun fi prefinanzjament fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza lil 20 Stat Membru, u għamlet l-ewwel pagament ta’ €10 biljun lil Spanja. Filwaqt li l-ħeffa tal-irkupru tista’ tvarja madwar l-UE, fl-Istati Membri kollha l-ekonomiji għandhom jerġgħu lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi sal-bidu tal-2023.
Abbażi tat-tagħlimiet bikrija meħuda mill-pandemija, l-ewwel proposti tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa ffokaw fuq it-tħejjija għall-kriżijiet. Meta jiġu adottati, dawn se jattrezzaw lill-UE bil-mezzi biex tipprevjeni u tindirizza aħjar il-pandemiji tal-ġejjieni u t-theddidiet transfruntiera oħra għas-saħħa u biex ittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa. It-tnedija f’Settembru tal-Awtorità l-ġdida għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) kienet pass kbir ’il quddiem biex tiġi protetta s-saħħa tan-nies fl-UE, u b’hekk tlestiet l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa. (Ara l-Kapitolu 4 għal aktar informazzjoni.)
L-UE ħadmet ukoll biex issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali kontra l-pandemija, inkluż permezz tas-Summit Globali dwar is-Saħħa tal-G20+, li sar f’Ruma, l-Italja, f’Mejju, u l-inizjattiva tal-Aċċelleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT-A), li għandha l-għan li tħaffef l-iżvilupp u l-produzzjoni tat-testijiet, tat-trattamenti u tal-vaċċini għall-COVID-19 u l-aċċess ekwu għalihom. Is-Summit Globali dwar is-Saħħa adotta id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, li tistabbilixxi l-prinċipji komuni biex tingħeleb il-pandemija tal-COVID-19 u għall-prevenzjoni u t-tħejjija għall-pandemiji tal-ġejjieni. Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, li jaġixxu bħala Tim Ewropa, żiedu l-finanzjament għal kontinenti oħra u l-azzjoni fuqhom. Sal-4 ta’ Jannar 2022, Tim Ewropa kien qasam 380 miljun doża tal-vaċċini mal-pajjiżi sħab, u 255.4 miljun minnhom kienu diġà twasslu, l-aktar permezz ta’ COVAX (il-pilastru tal-vaċċini tal-ACT-A). Il-mira ġenerali hija li sa nofs l-2022 jinqasmu 700 miljun doża.
L-estensjoni tar-rispons għall-kriżijiet
Fl-2021, l-Unjoni Ewropea kompliet u estendiet l-isforzi tagħha biex tittratta l-impatt tal-kriżi, bl-adozzjoni ta’ aktar minn 2,326 miżura ta’ appoġġ meħuda b’kollox, mill-bidu tal-pandemija.
L-attivazzjoni mingħajr preċedent tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw temporarjament mir-regoli baġitarji stretti, kompliet tapplika fl-2021, u b’hekk ippermettitilhom jipprovdu appoġġ fiskali b’saħħtu. Matul is-sena, il-Kummissjoni kompliet tuża l-flessibbiltà sħiħa tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat bħala parti mir-rispons ta’ politika b’appoġġ għal ekonomija milquta b’mod sever mill-effetti tal-pandemija. Bejn il-bidu tal-pandemija u tmiem l-2021, adottat aktar minn 730 deċiżjoni, u approvat kważi 900 miżura nazzjonali nnotifikati mill-Istati Membri, għal ammont ta’ finanzjament totali ta’ €3.17 triljun. Matul l-2021, l-enfasi mexiet gradwalment mill-ħtieġa urġenti li n-negozji li jinsabu f’diffikultà jinżammu attivi għall-iffaċilitar ta’ rkupru rapidu, robust u sostnut. Is-sitt emenda għall-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat, adottata f’Novembru 2021, tirrifletti din il-bidla, li tippermetti tneħħija gradwali kkoordinata tal-appoġġ fl-UE kollha filwaqt li tipprevedi l-miżuri biex jitħaffef l-irkupru. Bis-saħħa ta’ dawn ir-regoli aktar flessibbli, u l-irfinar kontinwu tagħhom sakemm il-kriżi inbidlet f’irkupru, il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri jrażżnu l-impatt tar-reċessjoni ekonomika tal-pandemija, jippreservaw Suq Uniku kompetittiv u li jaħdem sew u jwittu t-triq għall-irkupru.
Appoġġ ta’ emerġenza u assistenza
L-Istati Membri setgħu jiddependu fuq il-baġit tal-UE biex jgħinhom jindirizzaw il-ħafna konsegwenzi tal-pandemija fuq is-saħħa. Fl-2021, ġiet iffinanzjata firxa wiesgħa ta’ inizjattivi tas-saħħa permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, li huwa ffinanzjat permezz tal-baġit tal-UE, inkluż l-iżgurar tal-vaċċini permezz tal-ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem mal-manifatturi tal-vaċċini.
F’Jannar, il-Kummissjoni ħabbret l-24 proġett magħżula biex joħolqu programmi ġodda, jew biex jespandu dawk eżistenti, biex tinġabar il-plażma mid-donaturi li rkupraw mill-COVID-19. L-UE għamlet disponibbli wkoll €65 miljun addizzjonali mill-baġit tagħha fl-2021 għax-xiri ta’ tagħmir protettiv personali u mediċini, it-tħarriġ tal-professjonisti fil-kura tas-saħħa fil-ħiliet tal-kura intensiva u l-ittestjar tan-nies f’żoni diffiċli li jintlaħqu. Immobilizzat ukoll €100 miljun addizzjonali biex tixtri direttament aktar minn 20 miljun test rapidu tal-antiġeni, li twasslu lil 25 Stat Membru minn Frar ’il quddiem.
B’mod ġenerali, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili għen biex jiġu jitwasslu aktar minn 30 miljun doża tal-vaċċini u aktar minn 200 miljun oġġett ta’ tagħmir mediku lill-Istati Membri u lil pajjiżi oħra mill-bidu tal-pandemija. Fl-2021, l-UE mmobilizzat ukoll timijiet mediċi ta’ emerġenza lejn ir-Rumanija u s-Slovakkja fl-UE, u lil hinn minnha lejn il-Guinea, Papua New Guinea u t-Tuneżija. L-UE kompliet tiżviluppa r-riżerva medika strateġika tar-rescEU f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, u ffinanzjat ix-xiri ta’ tagħmir protettiv personali, unitajiet tal-kura intensiva u konċentraturi tal-ossiġenu addizzjonali. Permezz tar-rescEU, l-UE setgħet timla l-vojt ta’ sitt miljun oġġett mediku ta’ emerġenza relatat mal-COVID-19 fil-Latvja u fir-Rumanija fl-UE u, fil-Montenegro, fil-Maċedonja ta’ Fuq u fis-Serbja fil-Balkani tal-Punent. Wasslet aktar minn 3.4 miljun maskra protettiva, 2.5 miljun par ingwanti, 150,000 ġagaga u oġġetti oħra ta’ tagħmir protettiv personali, bħat-tarki tal-wiċċ, nuċċalijiet protettivi u tagħmir ta’ protezzjoni tas-saqajn. Matul is-sena, l-Pont Umanitarju bl-Ajru kompla jipprovdi l-appoġġ, inkluż provvisti mediċi essenzjali, lil uħud mill-aktar komunitajiet vulnerabbli fid-dinja.
Twasslu madwar 305 robots tad-diżinfezzjoni lill-isptarijiet fl-Istati Membri kollha. Tqiegħdu għad-dispożizzjoni sa €12-il miljun għax-xiri tar-robots, li jistgħu jiddiżinfettaw il-kmamar standard tal-pazjenti bl-użu tad-dawl ultravjola fi kwarta biss.
L-UE pprovdiet €43 miljun lill-Istati Membri għall-produzzjoni taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE, u €7 miljun addizzjonali għar-revoka ta’ ċertifikati foloz. Ġew immobilizzati €2.5 miljun għall-iżvilupp tal-applikazzjoni tal-Formola Diġitali Ewropea tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri biex jiġi ffaċilitat it-traċċar tal-kuntatti meta l-vjaġġaturi jiġu esposti għal marda infettiva matul il-vjaġġi tagħhom. Total ta’ €220 miljun sar disponibbli fl-2020 u fl-2021 biex jiġi ffinanzjat it-trasport tat-tagħmir u tat-trattamenti relatati mat-tilqim kontra l-COVID-19, u biex jiġi appoġġat it-trasferiment tal-pazjenti u l-iskjerament tat-timijiet mediċi.
L-ittestjar u t-traċċar għall-COVID-19
F’Jannar, il-Kummissjoni stabbiliet l-elementi ewlenin tal-istrateġiji ta’ ttestjar komprensivi li għandhom jitqiesu għall-approċċi tal-ittestjar nazzjonali, reġjonali jew lokali, bħall-kamp ta’ applikazzjoni, il-gruppi ta’ prijorità, il-kapaċitajiet u r-riżorsi tal-ittestjar tagħhom, u indikazzjonijiet dwar meta l-aħjar li jsir l-ittestjar rapidu tal-antiġeni. Il-Kummissjoni appellat lill-Istati Membri biex iżidu s-sekwenzjar tal-ġenoma, u pprovdiet €110 miljun f’appoġġ permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Sabiex jiġi ttardjat t-tixrid tal-varjanti ta’ tħassib emerġenti, iċ-ċentru rrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kapaċitajiet meħtieġa li jippermettulhom jissekwenzjaw numru totali ta’ kampjuni li jidentifikaw varjant ta’ tħassib f’livell ta’ prevalenza ta’ 1 %.
F’Marzu, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni għat-traċċar tal-COVID-19 permezz tal-monitoraġġ tal-ilma mormi. Din titlob lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ sorveljanza tal-ilma mormi u jiżguraw li d-data rilevanti tiġi pprovduta fil-pront lill-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti.
Appoġġ għall-impjiegi u protezzjoni tal-għajxien
L-inizjattiva ta’ Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE), stabbilita fl-2020 biex jiġu protetti l-impjiegi u jiġu appoġġati l-familji affettwati mill-pandemija, kienet parti importanti mir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19. Fil-qafas tal-inizjattiva, il-Kummissjoni ssellfet €89.64 biljun bejn Ottubru 2020 u Mejju 2021, li pprovdiet bħala self lil 19-il Stat Membru. Fl-2022, għandhom jinġabru u jiġu żborżati €4.62 biljun oħra f’appoġġ diġà approvat. Stati Membri oħra jistgħu jippreżentaw talbiet biex jirċievu appoġġ fil-qafas ta’ SURE, li għadu jista’ jipprovdi kważi €6 biljun f’assistenza finanzjarja.
Bejn 1.5 miljun u 2.5 miljun kumpanija bbenefikaw mill-istrument SURE, li ppermettielhom iżommu l-ħaddiema.
Huwa stmat li l-Istati Membri ffrankaw aktar minn €8 biljun f’pagamenti tal-imgħax billi użaw l-istrument SURE minflok ma ħarġu d-dejn sovran huma stess.
Rapport ippubblikat mill-Kummissjoni f’Settembru dwar l-impatt tal-iskema jikkonferma s-suċċess tagħha biex jittaffa l-impatt tal-kriżi permezz ta’ assistenza finanzjarja għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri għall-ħaddiema għal rashom. Fl-2020, SURE appoġġa 31 miljun persuna — 22.5 miljun impjegat u 8.5 miljun persuni li jaħdmu għal rashom. Dan jirrappreżenta aktar minn kwart tan-numru totali ta’ persuni impjegati fid-19-il Stat Membru benefiċjarju.
L-UE hija impenjata li tgħin lill-Istati Membri jżommu u joħolqu l-impjiegi għal irkupru ġust, inklużiv u reżiljenti mill-kriżi tal-COVID-19. F’Marzu, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi pprovda gwida lill-Istati Membri dwar il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Din għandha l-għan li tindirizza l-isfidi li rriżultaw mill-pandemija, telimina n-nuqqasijiet ta’ ħiliet li qed ixekklu t-tkabbir ekonomiku waqt l-irkupru u tgħin lil kull individwu jinnaviga b’suċċess it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-għan huwa li jkun hemm bidla gradwali mill-miżuri ta’ emerġenza meħuda biex jiġu ppreservati l-impjiegi waqt il-pandemija għal miżuri ġodda għal irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi.
F’Awwissu, il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tappoġġa lill-bdiewa affettwati mill-pandemija u mill-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, u b’hekk tippermettilhom jirċievu pagamenti bil-quddiem ogħla fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll is-settur agroalimentari permezz ta’ flessibbiltà akbar u l-miżuri speċifiċi tas-suq li kienu mmirati lejn is-setturi tal-inbid, tal-frott u tal-ħaxix.
Sabiex tiżgura t-tkomplija sikura tal-attivitajiet fis-setturi kulturali u kreattivi, f’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida tal-UE biex tipprovdi approċċ ikkoordinat f’konformità mal-kundizzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali speċifiċi. F’Novembru, il-Kummissjoni ppubblikat gwida online dwar il-finanzjament tal-UE għall-kultura, li tkopri madwar 20 programm tal-UE eżistenti li l-Istati Membri u s-settur jistgħu jaċċessaw biex japplikaw għall-finanzjament.
Strateġija tal-UE għall-Vaċċini
L-Unjoni Ewropea rnexxielha tibni, flimkien mal-Istati Membri, portafoll wiesa’ u diversifikat ta’ biljuni ta’ dożi ta’ vaċċini sikuri u effettivi kontra l-COVID-19, minn diversi manifatturi. Sa tmiem l-2021, ħamsa mit-tmien kuntratti tal-vaċċini kienu wasslu vaċċini sikuri u effettivi, filwaqt li tnejn oħra għadhom fiċ-ċans li jagħmlu dan u kuntratt minnhom ġie abbandunat. L-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini rriżultat f’konsenji ta’ kważi biljun doża lill-Istati Membri sa dakinhar, bl-istess ammont ta’ dożi esportat lejn partijiet oħra tad-dinja.
It-tħejjija fil-ġranet bikrin tal-pandemija wasslet għat-twassil ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ dożi tal-vaċċini kontra l-COVID-19 wara l-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-ewwel vaċċin, żviluppat minn BioNTech/Pfizer, fi tmiem l-2020.
Fl-2021, il-Kummissjoni tat erba’ awtorizzazzjonijiet kondizzjonali oħra għat-tqegħid fis-suq għall-vaċċini żviluppati minn Moderna, AstraZeneca, Janssen Pharmaceutica NV u Novavax, wara l-valutazzjoni pożittiva tas-sikurezza u l-effikaċja tagħhom mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA). Bosta vaċċini oħra jinsabu fi stadji differenti ta’ valutazzjoni mill-aġenzija. Wara l-irtirar tal-vaċċin ta’ CureVac mill-proċess ta’ rieżami kontinwu tal-EMA fil-11 ta’ Ottubru, il-kuntratt ma’ CureVac ġie abbandunat, u dan il-vaċċin m’għadux parti mill-portafoll tal-vaċċini tal-UE.
L-evalwazzjoni xjentifika mill-EMA tal-vaċċini li qed jiġu prodotti minn Valneva u Sanofi kienet għadha għaddejja fi tmiem l-2021. Jekk l-EMA tagħti opinjoni xjentifika pożittiva biex tinħareġ awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq tal-vaċċini mill-Kummissjoni, dawk il-vaċċini jkunu disponibbli wkoll għall-Istati Membri.
Minn nofs l-2020, il-Kummissjoni għalhekk żgurat id-dritt li tixtri sa 4.2 biljun doża tal-vaċċini permezz ta’ ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem u ftehimiet ta’ xiri. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ffinanzjat parti mill-kostijiet bil-quddiem bl-użu tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza. Dan il-finanzjament, li wasal wara stedina miftuħa għall-iżviluppaturi tal-vaċċini, tqies bħala depożitu fuq il-vaċċini mixtrija mill-Istat Membri fil-qafas tal-ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem. Il-portafoll jikkonsisti f’vaċċini promettenti magħżula mill-Kummissjoni, fejn il-manifatturi rċevew finanzjament bil-quddiem għall-iżvilupp peress li l-Kummissjoni biħsiebha tixtri d-dożi ladarba l-vaċċin jiġi approvat mill-EMA.
Filwaqt li kien mistenni li l-produzzjoni u t-twassil fl-ewwel kwart tas-sena jkunu relattivament baxxi, din is-sitwazzjoni ġiet aggravata minħabba li kumpanija minnhom naqset milli twassal il-vaċċini kif stipulat fil-kuntratt tagħha. Fi Frar, il-Kummissjoni stabbiliet task force biex tgħin fiż-żieda tal-kapaċità tal-produzzjoni għall-vaċċini fl-UE — li taġixxi bħala punt uniku ta’ servizz għall-kuntratturi li jkunu jeħtieġu l-appoġġ — u biex tidentifika u tindirizza l-ostakli fil-kapaċità tal-produzzjoni u fil-ktajjen tal-provvista. Il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri wkoll fid-distribuzzjoni tal-vaċċini billi ħejjiethom għat-tilqim fuq skala kbira — mill-infrastruttura tal-katina tat-tkessiħ li tiżgura li l-vaċċini jinħażnu fit-temperatura t-tajba sad-definizzjoni tal-gruppi ta’ prijorità għall-isforzi tat-tilqim u ta’ komunikazzjoni.
Is-sitwazzjoni attwali tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 fil-bidu tal-2022
981 miljun
doża mogħtija
79.8 %
tal-popolazzjoni adulta tal-UE kompletament imlaqqma
Sors: Data mill-produtturi tal-vaċċin u miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.
Minn April 2021 ’il quddiem, il-konsenji lejn l-UE żdiedu b’mod konsiderevoli, kif mistenni. Sa nofs Lulju, kienet ġiet prodotta aktar minn biljun doża tal-vaċċini fl-UE, b’aktar minn 500 miljun vaċċin imwassla lill-Istati Membri — biżżejjed biex jintlaħaq l-għan li sa tmiem is-sajf jitlaqqmu 70 % tal-adulti. Din il-mira ntlaħqet sal-31 ta’ Awwissu 2021.
Wara żieda mill-ġdid fit-tixrid tal-virus fil-ħarifa 2021, u bil-varjant Omicron li kien qed jiċċirkola fi tmiem is-sena, l-Istati Membri rduppjaw l-isforzi tagħhom biex jillimitaw it-trażmissjoni, inkluż bl-introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri bħat-tbegħid soċjali u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar internazzjonali u permezz tal-programmi nazzjonali ta’ tilqim tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea ħadmet flimkien mal-Istati Membri u maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard biex issib approċċ ikkoordinat għal dawn il-kwistjonijiet. Il-Kummissjoni ħadmet ukoll mal-Istati Membri biex iżżid it-teħid tat-tilqima billi indirizzat l-eżitazzjoni għat-tilqim, il-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni.
Ir-rata tat-tilqim kompliet tiżdied matul l-2021, bl-EMA tirrakkomanda numru ta’ vaċċini għall-adoloxxenti u għat-tfal li għandhom iktar minn 5 snin. Sa tmiem is-sena, l-Istati Membri kollha kienu bdew joffru dożi addizzjonali għall-gruppi medikament vulnerabbli, u dożi booster għall-popolazzjoni ġenerali.
L-iżvilupp tat-trattamenti għall-COVID-19
Sabiex tingħeleb il-pandemija, il-vaċċini mhumiex se jkunu biżżejjed. Anke b’żieda fir-rati tat-tilqim, il-miżuri bħall-ilbies tal-maskri tal-wiċċ u t-tbegħid soċjali spiss baqgħu meħtieġa fl-2021. It-trattamenti għall-COVID-19 huma meħtieġa biex jiġi evitat jew jitnaqqas l-ammont ta’ nies rikoverati l-isptar, jitħaffef l-irkupru u jiġu salvati l-ħajjiet. F’Mejju, il-Kummissjoni pproponiet Strateġija tal-UE dwar il-Prodotti Terapewtiċi kontra l-COVID-19 li għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ trattamenti meħtieġa ferm, inkluż għall-“COVID fit-tul”. Din tikkomplementa l-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini u tibni kemm fuq l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa kif ukoll fuq il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-EMA biex tappoġġa r-riċerka, l-iżvilupp, il-manifattura u l-varar tat-trattamenti.
F’Ottubru, il-Kummissjoni stabbiliet portafoll tal-aktar 10 prodotti terapewtiċi promettenti kontra l-COVID-19. Il-lista kienet ibbażata fuq l-iskrinjar ta’ 82 prodott terapewtiku kandidat fl-aħħar stadju tal-iżvilupp kliniku minn grupp ta’ esperti xjentifiċi indipendenti. Dawn il-prodotti terapewtiċi jkopru kategoriji ta’ prodotti differenti li jindirizzaw stadji u severitajiet differenti tal-marda, u se jaslu għand il-pazjenti madwar l-UE malajr kemm jista’ jkun, diment li s-sikurezza u l-effettività tagħhom tiġi kkonfermata mill-EMA.
Sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni kienet awtorizzat ħames trattamenti mil-lista għall-użu fl-UE, wara l-evalwazzjoni tagħhom lill-EMA. L-antikorpi monoklonali Ronapreve, Xevudy u Regkirona ġew awtorizzati għal dawk il-persuni fl-istadju bikri tal-marda, filwaqt li żewġ mediċini li diġà kienu fis-suq — l-immunomodulaturi RoActerma u Kineret — ġew awtorizzati għall-pazjenti tal-COVID-19 rikoverati fl-isptar.
Il-Kummissjoni qed tappoġġa lill-Istati Membri biex ikollhom aċċess għall-prodotti terapewtiċi, u kkonkludiet żewġ kuntratti ta’ akkwist konġunti għax-xiri tal-antikorpi monoklonali. In-negozjati għadhom għaddejjin ukoll għal xi prodotti oħra li qed jiġu vvalutati mill-EMA.
Il-Kummissjoni investiet €119-il miljun fil-qafas ta’ Orizzont 2020 biex tappoġġa 45 proġett tar-riċerka u tal-innovazzjoni dwar il-prodotti terapewtiċi u l-għażliet għat-trattament għall-COVID-19, inkluż permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi. Il-Kummissjoni attwalment qed tappoġġa tliet provi kliniċi — il-provi REMAP-CAP, Discovery u EU-SolidAct — li taw riżultati sinifikanti dwar it-trattamenti li qed jiġu żviluppati.
L-indirizzar ta’ varjanti ġodda
Il-varjanti ġodda, li wħud minnhom huma aktar trażmissibbli minn oħrajn, żiedu l-kumplessità u l-isfidi tal-pandemija. Il-HERA laqqgħet flimkien lir-riċerkaturi, lill-kumpaniji tal-bijoteknoloġija, lill-manifatturi u lill-awtoritajiet pubbliċi fl-UE u globalment biex iħejju għall-varjanti ġodda. Filwaqt li l-ewwel ġenerazzjoni ta’ vaċċini approvati fl-UE kienu effettivi ħafna kontra l-varjanti bikrin, il-varjanti li jistgħu jfeġġu fil-ġejjieni jistgħu jkunu aktar reżistenti għall-vaċċini. Dan jirrikjedi viġilanza u monitoraġġ kostanti tal-mutazzjonijiet tal-COVID-19. Il-HERA tipprovdi din il-protezzjoni minn tali varjanti potenzjali li jistgħu jfeġġu fil-ġejjieni, flimkien ma’ inċentivi biex jiġu żviluppati vaċċini ġodda u adattati, jitħaffef il-proċess ta’ approvazzjoni għal tali vaċċini u jiġi żgurat li l-kapaċitajiet tal-manifattura jiżdiedu.
F’Ġunju, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex jiġi stabbilit grupp ta’ esperti Ewropew dwar il-varjanti tas-SARS-CoV-2, li jlaqqa’ flimkien lix-xjentisti ewlenin fil-qasam tal-COVID-19. Dan il-grupp kien strumentali fir-rieżami tad-data dwar il-varjanti emerġenti u fl-għoti ta’ parir dwar il-ħtieġa għal vaċċini adattati fid-dawl tad-data xjentifika disponibbli. Il-grupp ta’ esperti ġie mmobilizzat malajr fil-bidu tal-kriżi tal-varjant Omicron, u ġew imfittxija soluzzjonijiet biex jaqsmu l-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-kampjuni tal-virus, jorganizzaw il-kapaċitajiet xjentifiċi u jaqsmu r-riżultati b’mod mifrux, bl-appoġġ finanzjarju tal-HERA.
Fl-2021, il-Kummissjoni żiedet il-finanzjament għar-riċerka dwar il-varjanti billi pprovdiet €30 miljun addizzjonali għal diversi proġetti mwettqa fil-qafas ta’ Orizzont 2020, u nediet in-network ta’ provi tal-vaċċini Vaccelerate fl-UE kollha. In-network huwa s-sinsla tal-aċċellerazzjoni tal-fażijiet tnejn u tlieta tal-provi tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fl-UE, billi jgħaqqad lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fl-iżvilupp tal-vaċċini u jipprovdi pjattaforma pan-Ewropea għat-tfassil u għat-twettiq tal-provi kliniċi.
Fil-qafas tal-programm ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ Orizzont Ewropa, ġew immobilizzati €120 miljun għal 11-il proġett ġdid tar-riċerka. Il-maġġoranza ta’ dan l-ammont se tappoġġa l-provi kliniċi għal trattamenti u għal vaċċini ġodda, flimkien mal-iżvilupp tal-koorti u n-networks tal-COVID-19 fuq skala kbira, inkluż il-ħidma lil hinn mill-UE. Proġetti oħra se jsaħħu u jwessgħu l-aċċess għall-infrastruttura ta’ riċerka, inkluż il-Pjattaforma ta’ Data dwar il-COVID-19.
Il-ftuħ mill-ġdid tal-Ewropa b’mod sikur
F’Mejju, hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa tjiebet u l-proċess tat-tilqim beda jitħaffef madwar l-UE, il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri għandhom gradwalment itaffu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. F’Ġunju, il-Parlament u l-Kunsill approvaw proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar sikur ġol-UE. F’Ġunju, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni aġġornata dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu. L-Istati Membri, flimkien mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, implimentaw iċ-ċertifikat fl-2021. Bl-użu tas-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kunsill aġġorna ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Ir-rakkomandazzjonijiet ipprevedew ukoll azzjoni biex jiġi llimitat ir-riskju tad-dħul ta’ varjanti ġodda fl-UE: ġie introdott mekkaniżmu ta’ brejk ta’ emerġenza biex jippermetti lill-Istati Membri jaġixxu malajr u jistabbilixxu limiti temporanji fuq il-vjaġġaturi mill-pajjiżi affettwati.
Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien suċċess kbir. Bis-saħħa tal-adozzjoni rapida tiegħu mill-Parlament u l-Kunsill, iċ-ċertifikat kien operattiv fi 3 xhur biss, u fil-ħin għall-bidu tal-vaganzi tas-sajf f’Lulju. L-UE stabbiliet qafas komuni għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati. Ħafna Stati Membri adottaw liġijiet nazzjonali biex jintroduċu użu akbar taċ-ċertifikati b’mod domestiku. Is-sistema għenet biex il-ħwienet, is-servizzi u n-negozji jibqgħu miftuħin u ppermettiet lin-nies jipparteċipaw f’avvenimenti kulturali, sportivi u ta’ divertiment. Din għenet lis-settur tat-turiżmu billi għamlitha iżjed faċli għall-awtoritajiet u għal-linji tal-ajru biex jivverifikaw id-dokumentazzjoni pprovduta mill-vjaġġaturi, u b’hekk tat fiduċja lin-nies li d-dokumentazzjoni tagħhom se tiġi aċċettata meta jivvjaġġaw fl-UE.
Sa tmiem is-sena, kienu nħarġu aktar minn biljun ċertifikat mill-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa wkoll suċċess madwar id-dinja: 33 pajjiż mhux tal-UE (u territorju) kienu ngħaqdu mas-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sal-aħħar tal-2021, abbażi ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-UE. Is-sit web Re-open EU jaġixxi, flimkien mal-app tiegħu, bħala ċentru għall-informazzjoni dwar il-miżuri tas-saħħa u tal-ivvjaġġar fost l-Istati Membri, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
NextGenerationEU: il-pjan ta’ rkupru tal-UE fis-seħħ
Fl-2021 il-pjan ta’ rkupru storiku tal-UE tan-NextGenerationEU ħa l-ħajja, il-fondi bdew deħlin fl-ekonomiji tal-UE mis-sajf ’il quddiem, u dan immarka l-bidu tal-irkupru mill-pandemija. In-NextGenerationEU mhux biss se tgħin biex tissewwa l-ħsara kkawżata mill-pandemija, iżda se tippermetti wkoll lill-Istati Membri jinvestu fil-futur u fir-reżiljenza fit-tul tal-UE, b’enfasi qawwija fuq l-aċċellerar tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Din tipprovdi opportunità ta’ darba biex noħorġu mill-pandemija aktar b’saħħitna, nittrasformaw l-ekonomiji tal-UE u noħolqu opportunitajiet u impjiegi.
Il-qofol tan-NextGenerationEU huwa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Imnedija fi Frar 2021, din toffri sa €723.8 biljun (fi prezzijiet kurrenti) f’għotjiet u self biex tappoġġa r-riformi u l-investimenti fl-Istati Membri. Il-faċilità hija strument ibbażat fuq il-prestazzjoni, u l-iżborż tal-fondi jiddependi fuq il-kisba sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri miftiehma. Sabiex jibbenefikaw minnu, l-Istati Membri jridu jippreżentaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet nazzjonali li jistabbilixxu r-riformi u l-investimenti li biħsiebhom iwettqu sa tmiem l-2026, li mbagħad iridu jiġu approvati mill-Kunsill.
Il-pjanijiet kollha jridu jissodisfaw l-għanijiet klimatiċi u diġitali vinkolanti, inkluż nefqa minima ta’ 37 % ddedikata għall-investiment u għar-riformi klimatiċi u nefqa minima ta’ 20 % ddedikata għat-tranżizzjoni diġitali. Fil-prattika, l-Istati Membri qed jimpenjaw ruħhom li jmorru lil hinn minn dawn il-miri, peress li kważi 40 % tan-nefqa għandha tintefaq fuq l-investimenti u r-riformi klimatiċi filwaqt li 26.4 % għandha tintefaq fuq it-tranżizzjoni diġitali. Dan se jgħin lill-UE tilħaq l-għan tagħha ta’ newtralità klimatika sal-2050 u se tpoġġiha fit-triq lejn tranżizzjoni diġitali, u fl-istess ħin se toħloq l-impjiegi u se tixpruna t-tkabbir inklużiv.
Fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, sa tmiem l-2021, il-Kummissjoni kienet ivvalutat b’mod pożittiv 22 mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, b’valur ta’ iktar minn €445 biljun (mis-€723.8 biljun disponibbli). Dawn il-pjanijiet ġew approvati sussegwentement mill-Kunsill. Il-pjanijiet nazzjonali ġew ivvalutati skont 11-il kriterju, inkluż kemm jindirizzaw sew l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew. Fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi inklużivi u li jtejbu t-tkabbir meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jistrieħu fuq l-appoġġ mill-Kummissjoni permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku. L-appoġġ huwa pprovdut f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħat-tranżizzjoni ekoloġika, il-kura tas-saħħa, il-finanzi pubbliċi, id-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni u tas-servizzi pubbliċi, l-ambjent tan-negozju u s-settur finanzjarju.
Sa issa, il-Kummissjoni żborżat €54.3 biljun lil 20 Stat Membru fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kemm fil-prefinanzjament kif ukoll fir-rispons għall-ewwel talba għall-pagament minn Stat Membru. F’Diċembru, wara valutazzjoni u konferma mill-Kummissjoni li l-pajjiż laħaq l-istadji importanti u l-miri rilevanti, Spanja rċeviet €10 biljun.
Il-pagamenti segwew il-prestazzjoni ta’ suċċess tal-Kummissjoni fis-swieq kapitali. Sabiex tiffinanzja n-NextGenerationEU, l-istituzzjoni, f’isem l-UE, se tissellef madwar €800 biljun fis-swieq finanzjarji sa tmiem l-2026. Bis-saħħa tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu għolja tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tissellef b’rati aktar favorevoli minn ħafna mill-Istati Membri tagħha, għall-benefiċċju ta’ dawk l-Istati Membri u tal-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni se tara li tiġbor 30 % tal-fondi billi toħroġ bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU, u se tuża r-rikavat biex tiffinanzja l-politiki ekoloġiċi.
F’April 2021, il-Kummissjoni ħabbret li se tuża strateġija ta’ finanzjament diversifikata biex jinġabar il-finanzjament meħtieġ. Wara l-approvazzjoni mill-Istati Membri kollha tal-UE tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji — l-għodda legali li tippermettilha ssellef — il-Kummissjoni pproċediet bl-ewwel ħruġ f'Ġunju 2021. Sa tmiem is-sena, kienet ġabret total ta’ €71 biljun f’Bonds tal-UE, u f’fondi addizzjonali f’Kambjali tal-UE fuq żmien qasir. Dan kien jinkludi l-ewwel bond ekoloġiku tan-NextGenerationEU, ta’ €12-il biljun — l-akbar bond ekoloġiku li qatt inħareġ fid-dinja. Dan inħareġ wara l-adozzjoni ta’ qafas dwar il-bonds ekoloġiċi tal-ogħla livell tan-NextGenerationEU f’Settembru 2021, li jiggarantixxi lill-investituri f’dawn il-bonds li l-fondi mmobilizzati se jiġu allokati għall-proġetti ekoloġiċi.
Is-self kollu li jsir fil-qafas tan-NextGenerationEU se jitħallas lura sal-2058. Sabiex tgħin fil-ħlas lura tal-fondi miġbura — u biex tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika tal-UE fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit ukoll — il-Kummissjoni pproponiet l-introduzzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġit tal-UE. F’Jannar 2021, ġiet introdotta imposta bbażata fuq l-iskart mhux irriċiklat mill-imballaġġ tal-plastik, li se tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet li jiġu stabbiliti tliet riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE, abbażi ta’:
- dħul mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet;
- ir-riżorsi ġġenerati mill-Mekkaniżmu tal-UE ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri; kif ukoll
- is-sehem tal-profitti residwi ta’ kumpaniji multinazzjonali riallokati fl-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva li jmiss dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riallokazzjoni tad-drittijiet ta’ intaxxar.
Dan id-dħul se jikkontribwixxi wkoll għall-finanzjament tal-Fond Soċjali għall-Klima, imfassal biex jiżgura li t-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata taħdem għal kulħadd. Il-Kummissjoni se tipproponi riżorsi proprji addizzjonali ġodda sa tmiem l-2023.
REACT-EU
€7.7 biljun
biex jgħinu lill-isptarijiet jiksbu apparat mediku, tagħmir ta’ protezzjoni personali, ventilaturi u ttestjar.
€11.5-il biljun
biex jappoġġaw lin-negozji fis-setturi kollha tal-ekonomija, inklużi dawk li ntlaqtu l-agħar bħall-kultura, it-turiżmu u s-servizz tal-ikel.
€4.1 biljun
biex jingħata appoġġ dirett lill-persuni, inklużi l-ħaddiema, permezz tal-implimentazzjoni u l-appoġġ ta’ skemi taż-żamma tal-impjiegi.
Bħala parti min-NextGenerationEU, ir-REACT-EU (Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa) tkompli u testendi l-miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet u l-miżuri ta’ tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżijiet, imwettqa permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus, u tipprovdi pont għall-pjan ta’ rkupru fit-tul. B’hekk, REACT-EU se tikkontribwixxi għal irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija.
Dan il-finanzjament ta’ €50.6 biljun huwa kompletament ġdid. Dan huwa pagament supplimentari għall-finanzjament li għadu disponibbli fil-qafas tal-programmi 2014–2020, li għandu jiżdied mal-allokazzjonijiet tal-finanzjament ta’ koeżjoni 2021–2027. Il-flus se jsiru disponibbli għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għall-Fond Soċjali Ewropew u għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn.
Żoni rurali tal-UE ġew appoġġati wkoll fil-qafas tal-istrument ta’ rkupru tan-NextGenerationEU, bl-ammont ta’ €8 biljun, imqassma permezz tal-programmi ta’ żvilupp rurali ffinanzjati fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni. Dan il-finanzjament ippermetta lill-Istati Membri jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fiż-żoni rurali.
Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
Il-fond appoġġa x-xiri ta’ vaċċini għal aktar minn nofs il-popolazzjoni fil-Portugall u ħallas għall-installazzjoni ta’ sistemi ġodda tal-IT fis-settur tas-saħħa fis-Slovenja. Qed jiffinanzja x-xiri ta’ tagħmir mediku ġdid biex jgħin lir-reġjuni jsiru aktar reżiljenti kontra kriżijiet tas-saħħa futuri fiċ-Ċekja u qed jappoġġa lill-kumpaniji żgħar fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni diġitali fl-Iżvezja.
Fond Soċjali Ewropew
Fl-Istati Membri, in-nies irċevew taħriġ, coaching u gwida għall-karriera biex iżidu l-probabbiltà tagħhom li jżommu l-impjiegi tagħhom jew biex isibu impjiegi ġodda. Fl-Italja, in-negozji rċevew sussidji għat-tfittix tal-ħaddiema biex jiġi appoġġat l-impjieg tan-nisa u taż-żgħażagħ. Il-fond appoġġa wkoll is-servizzi ta’ konsulenza finanzjarji u l-akkomodazzjoni għal persuni mingħajr dar.
Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn
Fl-Awstrija u fir-Rumanija, it-tfal fil-bżonn irċevew provvisti tal-iskola. Fl-Estonja, fi Franza, fil-Lussemburgu u fi Stati Membri oħra, ingħataw għajnuna alimentari (bħal ikliet sħan) u assistenza materjali bażika (bħal prodotti tal-iġjene) lil dawk in-nies l-aktar fil-bżonn.
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19
Fl-2021, l-UE kompliet tiġġieled l-informazzjoni falza u d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 li kienet ġejja kemm minn ġol-UE kif ukoll barra minnha. Dan kien jinvolvi l-monitoraġġ tal-informazzjoni minn firxa wiesgħa ta’ sorsi u ċ-ċaħda tan-narrattivi ta’ konfoffa, inkluż dwar l-effetti tal-vaċċini jew li kienu qed idgħajfu l-fiduċja fit-tilqim. L-azzjonijiet kollha ttieħdu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EMA, mal-Istati Membri u mas-sħab internazzjonali bħall-G7 u n-NATO. Dawn is-sejbiet ġew ippubblikati regolarment mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mill-Kummissjoni.
Fid-dawl ta’ żieda fid-diżinformazzjoni dwar il-pandemija ġol-UE, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar it-tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni biex tagħmilha għodda aktar effettiva għall-ġlieda kontra l-informazzjoni falza jew qarrieqa, u biex tissuġġerixxi parteċipazzjoni akbar. F’Lulju, il-Kummissjoni u l-firmatarji attwali tal-Kodiċi ħarġu sejħa biex aktar kumpaniji u organizzazzjonijiet jsiru firmatarji tal-Kodiċi biex isaħħu aktar il-pożizzjoni tal-UE fil-konfront ta’ dan il-fenomenu ta’ ħsara. Minn dak iż-żmien, 26 firmatarju prospettiv ingħaqdu mal-proċess għall-abbozzar ta’ kodiċi tal-prattika msaħħaħ, li hu mistenni fir-rebbiegħa tal-2022.
L-azzjoni esterna kienet tinkludi ħidma biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tat-tilqim, inkluż permezz ta’ kampanji tal-media soċjali bħall-kampanja #VaccToNormal, li tippreżenta l-istejjer personali ta’ persuni mlaqqma minn madwar id-dinja. L-isforzi ffukaw fuq l-inizjattivi tad-diplomazija pubblika fil-pajjiżi fil-viċinat tal-UE — b’mod partikolari fil-Balkani tal-Punent — u madwar id-dinja biex jiġi żgurat l-aċċess għal informazzjoni awtorevoli. L-UE pprovdiet l-appoġġ ukoll għall-media indipendenti u għall-ġurnalisti fl-Istati Membri u barra minnhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ffinanzjat proġetti ta’ riċerka li jindirizzaw il-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar il-media soċjali u media oħra, flimkien ma’ diżinformazzjoni marbuta mal-coronavirus.
F’Ottubru, il-Kummissjoni nediet Grupp ta’ Esperti dwar l-Indirizzar tad-Diżinformazzjoni u l-Promozzjoni tal-Litteriżmu Diġitali permezz tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Il-missjoni ġenerali tal-grupp hija li jgħin fil-preparazzjoni ta’ linji gwida prattiċi għall-għalliema u għall-edukaturi. Dan se jservi biex jissaħħaħ l-objettiv tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li tiżgura li kull student f’kull skola madwar l-UE jirċievi l-aħjar edukazzjoni diġitali possibbli.
L-azzjoni fil-livell dinji
Vaċċini
Mill-bidu tal-pandemija, l-UE kienet fuq quddiem nett tas-solidarjetà globali. Din kompliet iżżomm mal-impenji tagħha li tiżgura li l-vaċċini sikuri jaslu f’kull rokna tad-dinja, flimkien mat-tagħmir protettiv personali, il-ventilaturi u tagħmir ieħor, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Sa tmiem l-2021, l-UE esportat jew qasmet aktar minn 1.7 biljun doża tal-vaċċini f’165 pajjiż, li jirrappreżenta żewġ terzi tan-numru totali ta’ dożi prodotti fl-UE. Dan jagħmel lill-UE, sa mill-ewwel jum tal-produzzjoni tal-vaċċini, l-akbar esportatur tal-vaċċini fid-dinja.
Fi Frar 2021, COVAX, il-Faċilità għal Aċċess Globali għall-Vaċċini Kontra l-COVID-19, bdiet twassal il-vaċċini kontra l-COVID-19 madwar id-dinja, bl-għan li jiġi ggarantit aċċess ġust u ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19 għal kull pajjiż. Tim Ewropa — magħmul mill-istituzzjonijiet tal-UE, mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej — huwa kontributur ewlieni, li mmobilizza aktar minn €3 biljun biex jgħin lil COVAX tixtri 1.4 biljun doża sa tmiem l-2021, li minnhom aktar minn 981 miljun doża twasslu għand 144 pajjiż u territorju.
B’żieda mal-akkwist dirett tad-dożi min-naħa ta’ COVAX, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Mekkaniżmu tal-UE għall-Kondiviżjoni tal-Vaċċini biex tgħin lill-Istati Membri jaqsmu l-vaċċini tagħhom ma’ pajjiżi mhux tal-UE kemm direttament kif ukoll permezz ta’ COVAX. L-UE tappoġġa lis-sħab tagħha fl-istrateġiji ta’ tilqim tagħhom u fid-distribuzzjoni tal-provvisti, u biex iżidu l-manifattura lokali tal-vaċċini. L-Istati Membri kienu impenjaw ruħhom li jaqsmu aktar minn 200 miljun doża sa tmiem l-2021, mira li nqabżet bil-kbir billi nqasmu 380 miljun doża mal-pajjiżi barra mill-UE, li 255.4 miljun minnhom kienu twasslu sa tmiem is-sena (87 % permezz ta’ COVAX). Fis-Summit Globali dwar is-Saħħa tal-G20+ is-sħab industrijali impenjaw ruħhom ukoll li jagħmlu 1.5 biljun doża tal-vaċċini disponibbli għall-pajjiżi b’introjtu baxx mingħajr profitt u għall-pajjiżi b’introjtu medju bi prezz baxx sa tmiem l-2021. Bl-għajnuna umanitarja tagħha, l-UE rrispondiet ukoll għall-ħtiġijiet urġenti li rriżultaw mill-COVID-19 fost l-aktar pajjiżi vulnerabbli billi stabbiliet il-Buffer Umanitarju ta’ COVAX.
Barra minn hekk, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret f’Novembru li l-UE se taqsam 700 miljun doża tal-vaċċini mal-aktar pajjiżi vulnerabbli sa nofs l-2022, li minnhom 200 miljun se jitħallsu mill-baġit tal-UE.
Dawn l-isforzi huma kkomplementati mill-inizjattiva ta’ Tim Ewropa biex jiġu appoġġati l-manifattura lokali u l-aċċess għall-vaċċini, għall-mediċini u għat-teknoloġiji tas-saħħa fl-Afrika. Dan huwa sostnut minn €1 biljun mill-baġit tal-UE u mill-istituzzjonijiet Ewropej tal-finanzjament għall-iżvilupp, u f’kooperazzjoni bejn iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard u ċ-Ċentri tal-Afrika għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard.
Summit Globali dwar is-Saħħa
F’Mejju, il-President von der Leyen flimkien mal-Prim Ministru Taljan Mario Draghi ospitaw is-Summit Globali dwar is-Saħħa tal-G20+ f’Ruma, fejn il-mexxejja appoġġaw ir-rwol ta’ tmexxija u ta’ koordinazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa b’rispons għall-COVID-19, u l-aġenda globali usa’ dwar is-saħħa. Il-mexxejja ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma dwar it-tħejjija u l-prevenzjoni ta’ pandemiji fil-ġejjieni.
Is-16-il prinċipju tad-dikjarazzjoni jikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tal-mexxejja favur is-solidarjetà globali, l-ekwità u l-kooperazzjoni multilaterali; il-governanza effettiva; l-approċċ iċċentrat fuq in-nies; il-bini fuq politiki bbażati fuq ix-xjenza u fuq l-evidenza u fuq l-fiduċja; u l-promozzjoni tal-finanzjament sostnut għas-saħħa globali. Id-dikjarazzjoni tirrifjuta l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, u twiegħed li żżomm il-ktajjen tal-provvista globali miftuħa u operattivi biex il-kapaċità globali tal-manifattura tal-vaċċini tiġi ddiversifikata.
Il-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Ruma jinfurmaw dwar il-ħidma li għaddejja fil-G7 u fil-G20, inkluż dwar il-formazzjoni reċenti ta’ Task Force Konġunt tal-Finanzi–tas-Saħħa tal-G20 biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-prevenzjoni, għat-tħejjija u għar-rispons. L-UE kienet fuq quddiem nett fl-isforzi li rriżultaw fid-deċiżjoni meħuda fis-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Novembru u f’Diċembru biex jiġi stabbilit korp intergovernattiv għan-negozjar sabiex jissaħħu l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemija.
F’Settembru, l-UE u l-Istati Uniti għamlu impenji konġunti b’rabta mal-kondiviżjoni tal-vaċċini, it-tħejjija, il-provvista (inkluż tal-prodotti terapewtiċi), il-finanzjament sostenibbli u l-produzzjoni reġjonali tal-vaċċini fl-aġenda tagħhom għall-ġlieda kontra l-pandemija globali.
Il-mitigazzjoni tal-effetti tal-pandemija
L-approċċ ta’ Tim Ewropa appoġġa aktar minn 130 pajjiż sieħeb madwar id-dinja b’appoġġ finanzjarju flessibbli. Mill-bidu tal-pandemija sa tmiem l-2021, Tim Ewropa mmobilizza aktar minn €46 biljun biex jgħin fl-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji, itejjeb is-sistemi tas-saħħa, tal-ilma u tas-sanità u jimmitiga l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija.
Fl-2021, l-UE żiedet il-ħidma tagħha biex tagħti spinta lill-irkupru globali. Il-Kummissjoni ħadmet biex tlaqqa’ flimkien lill-atturi internazzjonali, filwaqt li tibni koalizzjonijiet u inizjattivi ta’ kooperazzjoni ġodda biex tiġġieled il-COVID-19 u tniedi rkupru globali sostenibbli. Fi Frar, il-President von der Leyen ingħaqdet mal-kampanja ta’ Global Citizen, “A Recovery Plan for the World” (Pjan ta’ Rkupru għad-Dinja). Din il-kampanja mifruxa fuq sena nbniet fuq ħames prijoritajiet: li tgħin biex tintemm il-pandemija tal-COVID-19; li titrażżan il-kriżi tal-ġuħ; li jerġa’ jibda t-tagħlim kullimkien; li l-pjaneta tiġi protetta; u li tittejjeb l-ekwità għal kulħadd.
Mill-bidu tal-pandemija sa Lulju 2021, l-UE pprovdiet aktar minn €4.35 biljun lill-Balkani tal-Punent u lit-Turkija, u aktar minn €3.41 biljun lir-reġjuni tal-Viċinat Ewropew biex jindirizzaw il-ħtiġijiet immedjati tas-saħħa u jnaqqsu l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi. Dan kien jinkludi programmi u għotjiet biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati mill-UE u l-appoġġ biex jitħaffu l-kampanji ta’ tilqim. Sal-aħħar ta’ Diċembru, kienu ġew ipprovduti aktar minn 77 miljun doża tal-vaċċini permezz tal-Faċilità COVAX lill-Balkani tal-Punent u lir-reġjuni tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, u kważi 32 miljun doża nqasmu mill-Istati Membri mal-pajjiżi sħab (jew direttament jew permezz ta’ COVAX) bl-appoġġ tal-UE.
Noħolqu Ewropa aktar ekoloġika u newtrali għall-klima
Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew
Fl-2021, l-UE kompliet tiġġieled it-tibdil fil-klima permezz ta’ politiki ambizzjużi fl-UE stess u ta’ kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali. Fi Frar, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, li tistabbilixxi kif l-Unjoni Ewropea tista’ taddatta għall-impatti inevitabbli tat-tibdil fil-klima u kif tista’ issir reżiljenti għat-tibdil fil-klima sal-2050. L-ewwel Liġi Ewropea dwar il-Klima li ġiet adottata f’Ġunju mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri, kitbet fil-liġi l-miri għall-ekonomija kollha li jinkludu li sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’tal-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u li tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050.
Imbagħad, f’Lulju u f’Diċembru, il-Kummissjoni ressqet serje ta’ proposti biex l-UE tkun adatta li tilħaq l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħha billi tirrevedi politiki eżistenti u tressaq miżuri ġodda. Il-proposti leġiżlattivi biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew ikopru firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inkluż il-klima, l-enerġija, it-trasport u t-tassazzjoni. Jistabbilixxu kif l-UE se tilħaq il-mira tagħha tal-2030, li issa hija legalment vinkolanti. Il-proposti ġew ikkomunikati lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima bħala l-kontribut tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Il-benefiċċji tal-azzjoni klimatika huma ċari: il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-emerġenza klimatika; pjaneta aktar f’saħħitha biex tingħadda lill-ġenerazzjonijiet futuri; arja aktar nadifa; irħula u bliet aktar kesħin u aktar ekoloġiċi; ċittadini aktar f’saħħithom; tnaqqis fl-użu tal-enerġija u fil-kontijiet; aktar indipendenza enerġetika; teknoloġiji ġodda u opportunitajiet industrijali; u aktar spazju għan-natura. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, it-tranżizzjoni ekoloġika se toħloq tipi ta’ impjiegi ġodda. Jekk tkun akkumpanjata minn politiki xierqa, sal-2030 tista’ toħloq madwar miljun impjieg fl-UE u żewġ miljuni sal-2050, u ssaħħaħ il-kompetittività globali tal-UE ma’ ħafna pajjiżi oħra li qed ifittxu soluzzjonijiet klimatiċi.
Filwaqt li fuq terminu medju sa twil il-benefiċċji tal-politiki tal-UE dwar il-klima jegħlbu b’mod ċar il-kostijiet ta’ din it-tranżizzjoni, fuq terminu qasir, dawn jirriskjaw li jagħmlu pressjoni żejda fuq l-unitajiet domestiċi, il-mikrointrapriżi u l-utenti tat-trasport vulnerabbli. Għalhekk, il-politiki huma mfassla biex jaqsmu l-kost tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih b’mod ġust, biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għal kulħadd. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-proposta tal-Kummissjoni għal Sistema ġdida għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għat-trasport bit-triq u għall-binjiet, hija akkumpanjata minn Fond Soċjali għall-Klima. L-impatti soċjali potenzjalment sinifikanti huma indirizzati f’aktar dettall fir-rakkomandazzjoni proposta dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ara hawn taħt).
Reviżjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet
Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet hija l-ewwel suq ewlieni tal-karbonju fid-dinja. Tistabbilixxi limitu, jew limitu massimu, fuq l-ammont totali ta’ ċerti gassijiet serra li jistgħu jiġu emessi mis-setturi koperti. Il-limitu massimu jitnaqqas biż-żmien sabiex l-emissjonijiet totali jonqsu. Il-kumpaniji koperti mis-sistema jixtru kwoti tal-emissjonijiet fl-irkanti jew jirċevuhom permezz ta’ allokazzjoni bla ħlas. Jistgħu wkoll jiskambjaw il-kwoti bejniethom kif ikun meħtieġ. Kull sena, kull kumpanija trid iċċedi biżżejjed kwoti biex tkopri l-emissjonijiet kollha tagħha, inkella jiġu imposti multi kbar.
Minn mindu tnediet is-sistema, fl-2005, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tnaqqsu b’madwar 43 % fis-setturi koperti (il-ġenerazzjoni tal-enerġija, l-industrija intensiva fl-enerġija u l-avjazzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea). Flimkien, dawn is-setturi jirrappreżentaw 41 % tal-emissjonijiet totali tal-UE. Bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, f’Lulju 2021, il-Kummissjoni pproponiet mira ġdida biex sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-setturi tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet b’61 %, meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Biex jinkiseb dan, il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi tnaqqis ta’ darba fil-kwoti totali tal-emissjonijiet u żieda fir-rata tat-tnaqqis għal 4.2 % fis-sena, minn 2.2 % skont is-sistema attwali.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri. B’kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, dan il-mekkaniżmu se jiżgura li l-azzjoni klimatika ambizzjuża tal-Ewropa ma twassalx għal “rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”, fejn in-negozji jittrasferixxu l-produzzjoni lejn pajjiżi b’regoli aktar dgħajfa dwar l-emissjonijiet. L-introduzzjoni gradwali tiegħu, b’mod parallel mal-eliminazzjoni gradwali tal-kwoti bla ħlas skont is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, se tiżgura li ċerti prodotti b’intensità qawwija ta’ karbonju importati fl-UE — bħas-siment, il-ħadid u l-azzar, l-aluminju, il-fertilizzant u l-elettriku — jkunu jiswew daqs l-istess prodotti magħmula fl-UE.
Il-Kummissjoni ressqet proposta biex issaħħaħ ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq. Din ir-riżerva ttejjeb ir-reżiljenza tas-sistema għal xokkijiet ekonomiċi kbar billi twarrab għadd ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li jistgħu jintużaw biex tiġi aġġustata l-provvista tal-kwoti fl-irkant. Fis-settur tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet li telimina gradwalment l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti lil-linji tal-ajru li joperaw titjiriet fiż-Żona Ekonomika Ewropea, u minflok jiġi organizzat biss irkant tal-kwoti għas-settur. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tapplika l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali għal titjiriet lejn iż-Żona Ekonomika Ewropea u minnha.
Biex l-UE tilħaq il-mira tagħha ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030, jeħtieġ li s-setturi li bħalissa mhumiex koperti mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, iżidu l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport marittimu u li tintroduċi sistema separata għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tat-trasport bit-triq u tal-binjiet.
F’Lulju, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li żżid il-finanzjament għall-innovazzjoni fil-qasam tal-klima billi żżid b’mod sinifikanti d-daqs tal-Fondi għall-Modernizzazzjoni u għall-Innovazzjoni tagħha. Iffinanzjati minn kwoti rkantati taħt is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, il-fondi jappoġġaw rispettivament lill-Istati Membri b’introjtu aktar baxx fit-tranżizzjoni tagħhom lejn in-newtralità klimatika u jiffinanzjaw teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li huma meħtieġa biex jixprunaw it-tranżizzjoni ekoloġika.
Tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika
Fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew hemm l-impenn li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima ssir b’mod ġust, filwaqt li ħadd ma jitħalla l-art.
F’Lulju ġie propost Fond Soċjali għall-Klima ġdid biex jgħin lill-Istati Membri jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika għaċ-ċittadini vulnerabbli li jiddependu l-aktar fuq il-fjuwils fossili. Il-Kummissjoni tipproponi li tiffinanzja l-fond permezz tal-baġit tal-UE b’ammont li fil-prinċipju jkun ekwivalenti għal 25 % tad-dħul mistenni mis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tat-trasport bit-triq u tal-binjiet, filwaqt li timmobilizza €72.2 biljun għall-perjodu 2025–2032. Dawn se jintużaw biex l-Istati Membri jiġu assistiti fl-appoġġ għall-unitajiet domestiċi u għall-mikrointrapriżi vulnerabbli, biex isir investiment fl-effiċjenza enerġetika u fir-rinnovazzjoni tal-binjiet u biex tingħata għajnuna għall-finanzjament tal-mobbiltà b’emissjonijiet żero u baxxi. Sakemm jibda jinħass l-impatt ta’ dawn l-investimenti fuq it-tnaqqis tal-kostijiet u tal-emissjonijiet, il-fond se jkun jista’ jiffinanzja wkoll appoġġ dirett temporanju għall-introjtu tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli.
F’Diċembru, il-Kummissjoni ħarġet gwida politika biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni għal tranżizzjoni ġusta u inklużiva lejn in-newtralità klimatika. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta tindirizza l-aspetti soċjali u tal-impjiegi rilevanti tat-tranżizzjoni. Tagħti attenzjoni partikolari lill-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ dawk in-nies u tal-unitajiet domestiċi li huma dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili u li jistgħu jiġu l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Tistieden ukoll lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament pubbliku u privat kif ukoll jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali. Il-proposta tinkludi miżuri u gwida li:
- jappoġġaw l-impjiegi ta’ kwalità u jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor;
- jippromwovu l-aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità;
- jiżguraw sistemi ta’ taxxa u ta’ benefiċċji u ta’ protezzjoni soċjali ġusti;
- jiffaċilitaw l-aċċess affordabbli għas-servizzi essenzjali;
- jikkoordinaw l-azzjoni politika u jsegwu l-approċċ tal-ekonomija kollha; kif ukoll
- jagħmlu l-aħjar użu tal-finanzjament pubbliku u privat.
Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni għas-setturi mhux koperti mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet
Għas-setturi li mhumiex koperti mis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, ir-Regolament tal-UE dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi jistabbilixxi miri vinkolanti għat-tnaqqis annwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030, għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. L-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet huma distribwiti fost l-Istati Membri skont il-ġid relattiv tagħhom li jitkejjel skont il-prodott domestiku gross per capita, filwaqt li titqies ukoll il-kosteffiċjenza.
F’Lulju, il-Kummissjoni għamlet proposta biex iżżid il-mira tal-UE mit-tnaqqis fl-emissjonijiet attwali ta’ 29 % għal 40 %, meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Il-miri nazzjonali proposti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ivarjaw minn 10 % għal 50 %, meta mqabbla wkoll mal-2005.
Il-foresti u l-art agrikola flimkien ikopru aktar minn tliet kwarti tal-massa tal-art tal-UE. Biex tinkiseb in-newtralità klimatika, huwa kruċjali li l-foresti jkunu mmaniġġjati tajjeb u reżiljenti, peress li dawn jassorbu d-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-atmosfera. F’Lulju, il-Kummissjoni għamlet proposta biex sal-2030 jiżdied l-assorbiment tal-karbonju li jkun ekwivalenti għal 310 miljun tunnellata ta’ CO2 u biex sal-2035 tinkiseb in-newtralità klimatika fis-settur ikkombinat tal-użu tal-art, tal-forestrija u tal-agrikoltura fil-livell tal-UE.
F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar iċ-ċikli tal-karbonju sostenibbli. Din tistabbilixxi kif l-UE tista’ żżid l-assorbiment tal-karbonju mill-atmosfera billi tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-karbonju fossili, iżżid is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola biex taħżen aktar karbonju fin-natura u tippromwovi soluzzjonijiet industrijali biex il-karbonju jiġi assorbit u riċiklat b’mod sostenibbli u verifikabbli.
Strateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima
Filwaqt li l-UE qed tagħmel dak kollu li tista’ biex ittaffi t-tibdil fil-klima, kemm domestikament kif ukoll internazzjonalment, hija trid tħejji ruħha wkoll biex tiffaċċja l-konsegwenzi inevitabbli tiegħu. Minn mewġiet ta’ sħana fatali u għargħar devastanti għal foresti degradati u kosti meqrudin minn livelli tal-baħar li qed jogħlew, it-tibdil fil-klima diġà qed ikollu impatt negattiv.
Għaldaqstant, fi Frar, il-Kummissjoni adottat Strateġija ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, li tistabbilixxi kif l-UE tista’ ssir reżiljenti għall-klima sal-2050. L-objettivi tagħha huma li jsiru adattamenti b’mod aktar intelliġenti, aktar rapidu u aktar sistematiku, kif ukoll li tiġi intensifikata l-azzjoni internazzjonali. Għandha l-għan li ċċaqlaq l-enfasi minn fuq l-ippjanar għall-implimentazzjoni billi jiġu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet fuq skala kbira.
Pereżempju, Climate-ADAPT, il-pjattaforma Ewropea għall-għarfien dwar l-adattament, se ssir aktar aċċessibbli għal kulħadd, u issa għandha osservatorju apposta biex jimmonitorja u jipprevjeni t-theddid għas-saħħa marbut mat-tibdil fil-klima. Eżempju ieħor huwa t-tnedija tal-Missjoni ta’ Orizzont Ewropa dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima. Din l-inizjattiva ewlenija se ġġib lejn ir-reġjuni tal-UE l-aktar teknoloġija ta’ adattament riċenti, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-aħjar prattiċi sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
Intejbu s-sostenibbiltà tal-binjiet tagħna
Wara l-Istrateġija Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-2020, l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tirdoppja r-rata ta’ rinnovazzjoni tal-bini madwar l-UE ġiet riflessa f’għadd ta’ inizjattivi ġodda. B’mod partikolari, ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija li ġiet ippreżentata f’Diċembru, għandha l-għan li tiżgura li l-UE tkun fit-triq it-tajba biex tiddekarbonizza l-istokk tal-bini tagħha. Ir-reviżjoni tiżgura li l-konsum tal-enerġija tal-binjiet fl-UE jonqos billi titjieb l-effiċjenza enerġetika permezz ta’ rinnovazzjoni profonda. Il-proposta tistabbilixxi standards minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija u tirrikjedi li sal-2030, 15 % tal-istokk tal-bini ta’ kull Stat Membru jitjieb mit-tikketta G għal mill-inqas F. Bħala parti mir-reviżjoni, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-binjiet il-ġodda jridu jkunu kollha b’emissjonijiet żero mill-2030 u hekk ukoll iridu jkunu l-binjiet pubbliċi l-ġodda mill-2027.
Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika tinkludi mira aktar ambizzjuża għall-iffrankar tal-enerġija fl-ekonomija kollha sal-2030, anke permezz tar-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi. Il-proposta għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tistabbilixxi wkoll parametru referenzjarju ġdid li jikkonsisti fl-użu ta’ 49 % tal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet sal-2030, u tirrikjedi żidiet annwali fl-ammont ta’ enerġija rinnovabbli użata għat-tisħin u għat-tkessiħ. Is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-binjiet proposta tinkludi fjuwils għat-tisħin. Il-Fond Soċjali għall-Klima ffinanzjat mis-sistema l-ġdida se jipprovdi appoġġ finanzjarju għar-rinnovazzjoni lill-unitajiet domestiċi u lill-mikrointrapriżi vulnerabbli.
Fl-aħħar, minħabba l-potenzjal li għandha r-rinnovazzjoni biex tixpruna l-irkupru ekonomiku, il-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza qiegħda tpoġġi enfasi partikolari fuq is-settur tal-bini, u ħafna Stati Membri inkludew l-investiment fir-rinnovazzjoni u fl-effiċjenza enerġetika fil-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru tagħhom.
Bauhaus Ewropea l-Ġdida
Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, li ġiet imnedija fl-2020, għandha l-għan li tħaffef it-trasformazzjoni tas-soċjetà u tas-setturi tal-ekonomija tagħna bħall-industriji tal-kostruzzjoni u tal-istil ta’ ħajja u b’hekk tipprovdi liċ-ċittadini aċċess għal oġġetti u servizzi li huma ċirkolari, affordabbli u inqas intensivi fil-karbonju. B’dan il-mod, tgħin biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew jissarraf f’bidla tanġibbli fil-prattika li ttejjeb il-ħajja ta’ kuljum, fil-binjiet u fl-ispazji pubbliċi, kif ukoll fil-moda u fl-għamara. Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tagħti dimensjoni kulturali lill-Patt Ekoloġiku u tinvolvi gruppi bħal periti, disinjaturi u artisti biex il-kontribut tagħhom jiġi sfruttat għal din it-trasformazzjoni.
L-ispirazzjoni minn proġetti lokali minn madwar l-Ewropa kollha u lil hinn minnha, għenet biex il-Kummissjoni tifforma l-kunċett tal-inizjattiva “Bauhaus Ewropea l-Ġdida” li ġiet ippubblikata f’Settembru 2021. Il-fażi ta’ kodisinn tal-proġett, li damet minn Jannar sa Lulju, attirat aktar minn 2,000 kontribuzzjoni. Il-programmi tal-UE — inkluż Orizzont Ewropa, LIFE, il-Programm tas-Suq Uniku u l-Programm Ewropa Diġitali — se jipprovdu madwar €85 miljun għal proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-ġdida fl-2021–2022. Barra minn hekk, l-inizjattiva se tiġi integrata f’ħafna programmi oħra tal-UE, bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għall-kokreazzjoni, għall-produzzjoni ta’ prototipi u għall-ittestjar ta’ għodod ġodda, ta’ soluzzjonijiet u ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika flimkien mal-komunità.
Minn ġnien selvaġġ “jifflowtja” fil-qalba ta’ Barċellona għal dar ta’ “skart żero” fis-Slovenja, ir-rebbieħa tal-ewwel premijiet tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida wrew li s-sostenibbiltà tista’ tkun ukoll sabiħa u inklużiva. L-20 rebbieħ tħabbru f’Settembru.
Nixprunaw ekonomija newtrali għall-klima
Biex tkompli tibni fuq id-diversi strateġiji ppreżentati fl-2020, fosthom dwar l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli mill-oċeani, l-emissjonijiet mill-idroġenu u mill-metan, il-Kummissjoni ħadet numru ta’ passi fl-2021 biex dawn l-ideat jinbidlu f’leġiżlazzjoni tal-UE. Hija ppreżentat proposti f’Lulju u f’Diċembru biex jerġgħu jinkitbu r-regoli tal-UE dwar il-politika tal-enerġija u biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
Il-Kummissjoni pproponiet li s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandu jilħaq l-40 % tat-taħlita enerġetika tal-UE sal-2030. Dan huwa d-doppju taċ-ċifra tal-2020, u żieda sinifikanti fuq il-mira preċedenti ta’ 32 %. Iċ-ċifri tal-Eurostat ikkonfermaw li l-UE laħqet il-miri tagħha għall-2020 b’mod komdu.
Il-proposta ta’ Lulju li għandha l-għan li tirrevedi d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, tinkludi miżuri biex jiġu indirizzati oqsma (bħat-trasport u l-binjiet) fejn il-progress kien aktar kajman milli mistenni. Bl-istess mod, il-proposta biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika għandha l-għan li b’mod kollettiv, il-konsum tal-enerġija jitnaqqas b’9 % aktar milli l-Istati Membri diġà wiegħdu fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima tal-2021–2030, u biħsiebha kważi tirdoppja l-obbligu annwali tal-effiċjenza enerġetika.
F’Diċembru, segwew elementi oħra mill-pakkett ta’ miżuri biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, flimkien ma’ proposti biex jiġi dekarbonizzat is-settur tal-gass u jiġi stabbilit suq tal-idroġenu. Dawn il-proposti għas-suq tal-gass tal-UE jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-fjuwils ibbażati fuq il-fossili lejn gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Jiffukaw ukoll li fuq terminu medju joħolqu suq għall-idroġenu li jiffunzjona, filwaqt li jippromwovu wkoll teknoloġiji oħra li jużaw gass nadif.
Bħala l-mutur wara l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan, li flimkien ma’ 110 pajjiż ieħor, l-UE ffirmat għaliha waqt il-Konferenza COP26 dwar it-Tibdil fil-Klima, fi Glasgow, l-UE għenet ukoll biex jiġi stabbilit Osservatorju Internazzjonali tal-Emissjonijiet tal-Metan biex jitkejlu l-emissjonijiet u jiġi mmonitorjat il-progress. F’Diċembru, tressqet l-ewwel proposta leġiżlattiva li qatt saret biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tal-metan tal-UE.
Fl-2021, saret ukoll riklassifikazzjoni tat-tikketti tal-enerġija tal-UE għal ċerti prodotti domestiċi (minn magni tal-ħasil għal bozoz tad-dawl). Dan juri li t-tikketta tgħin biex tixpruna l-innovazzjoni fl-effiċjenza enerġetika peress li l-manifatturi jridu jagħmlu parti mill-ogħla klassi disponibbli fis-suq, u l-konsumaturi huma influwenzati minn dawn it-tikketti meta jixtru l-prodotti.
F’Lulju, il-pakkett tal-Patt Ekoloġiku Ewropew inkluda wkoll proposta biex tiġi riveduta d-Direttiva tal-UE dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Din għandha l-għan li tiżgura li t-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija tirrifletti aħjar l-impatt li dawn iħallu fuq l-ambjent u tappoġġa l-għanijiet tal-UE dwar it-tibdil fil-klima. Ir-reviżjoni se tneħħi l-iżvantaġġi attwali għall-prodotti u għat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa u tintroduċi livelli ogħla ta’ tassazzjoni għal fjuwils li jniġġsu aktar. Dan se jgħin biex jiġu stabbiliti s-sinjali t-tajba tal-prezzijiet għall-prodotti tal-enerġija, u b’hekk jissaħħu l-innovazzjoni ekoloġika u l-investiment fl-enerġija sostenibbli u nadifa.
Bħala rispons immedjat għall-fenomenu globali ta’ prezzijiet tal-enerġija għoljin b’mod eċċezzjonali, f’Ottubru, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni li tinkludi “sett ta’ għodod” f’forma ta’ miżuri li jindikaw inizjattivi fuq terminu qasir, medju u twil li l-Istati Membri u l-UE jistgħu jwettqu biex itaffu s-sitwazzjoni kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għan-negozji. Sa Jannar 2022, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu introduċew miżuri stabbiliti fis-sett ta’ għodod, biex itaffu l-impatt taż-żieda qawwija fil-prezzijiet. F’Diċembru, il-Kummissjoni segwiet din il-komunikazzjoni bi proposti leġiżlattivi bil-għan li jtejbu l-użu tal-ħżin. Imbagħad stabbiliet qafas ta’ abilitazzjoni għax-xiri konġunt ta’ riżervi tal-gass u għad-dispożizzjonijiet biex tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.
Mobbiltà sostenibbli u intelliġenti
Bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv ta’ Lulju biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex tinċentiva u żżid l-użu ta’ fjuwils nodfa fis-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu (ReFuelEU Aviation u FuelEU Maritime). Dan mhux biss se jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dawn iż-żewġ setturi, iżda se jrawwem ukoll l-innovazzjoni u l-attività ekonomika fl-UE permezz tal-adattament teknoloġiku meħtieġ u tal-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi.
Biex jintlaħqu l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni fil-qasam tat-trasport, il-bażi industrijali tal-UE trid tiżviluppa abbiltajiet ta’ provvista, kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ ħżin kif ukoll networks ta’ distribuzzjoni ġodda — kollha kemm huma f’perjodu qasir ħafna. Biex tikkumplimenta l-proposti leġiżlattivi ppreżentati fl-2021, il-Kummissjoni nediet ukoll l-Alleanza tal-Katina tal-Valur ta’ Fjuwils Rinnovabbli u B’Livell Baxx ta’ Emissjonijiet tal-Karbonju, li għandha l-għan li tagħti spinta lill-provvista u lill-affordabbiltà tal-fjuwils likwidi u gassużi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport, b’enfasi fuq is-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu.
Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji fl-2021 enfasizzat ir-rwol kruċjali li jaqdu l-ferroviji fis-soċjetà tagħna, dak li jgħaqqdu lin-nies u lin-negozji madwar l-UE b’wieħed mill-aktar modi sostenibbli u sikuri disponibbli. Is-Sena tal-Ferroviji xeħtet dawl ukoll fuq l-isfidi relatati mal-ħtieġa biex aktar nies jivvjaġġaw bil-ferrovija, aktar negozji jittrasportaw il-merkanzija tagħhom bil-ferrovija u aktar nies jaħdmu fl-industrija ferrovjarja.
Wieħed mill-avvenimenti ewlenin ta’ din is-sena kien il-vjaġġ madwar il-kontinent li għamlet il-Connecting Europe Express u li wera il-qawwa u l-potenzjal tas-settur ferrovjarju tal-Ewropa. Il-vjaġġ kien opportunità biex jiġi kkonfermat li biex il-ferrovija taqdi r-rwol leġittimu tagħha fit-tranżizzjoni ekoloġika, jeħtieġ li jsir aktar. F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni biex tagħti spinta lill-ferrovija tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera, u qed tħejji regoli ġodda dwar il-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija (ara wkoll “Mistoqsija u Tweġiba: Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti”). Dan se jgħin biex il-merkanzija bil-ferrovija transfruntiera ssir aktar kompetittiva billi jittejjeb l-immaniġġjar tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u jiġi massimizzat l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja eżistenti, filwaqt li jikkomplementa l-isforzi kontinwi tal-industrija ferrovjarja biex tittejjeb il-veloċità, il-puntwalità u l-affidabbiltà tal-merkanzija bil-ferrovija.
F’Diċembru, il-Kummissjoni ppreżentat proposti għar-reviżjoni tal-linji gwida tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport , għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u għal Qafas ġdid tal-UE dwar il-Mobbiltà Urbana.
In-Network Trans-Ewropew tat-Trasport huwa network ta’ ferroviji, ta’ passaġġi fuq l-ilma intern, ta’ rotot ta’ trasport marittimu fuq distanzi qosra u ta’ toroq madwar l-UE kollha. Huwa jgħaqqad f’daqqa il-bliet, il-portijiet, l-ajruporti u t-terminals il-kbar. Huwa kruċjali għall-funzjonament tas-suq intern peress li jiżgura t-trasport effiċjenti tal-merkanzija u tal-passiġġieri. Permezz tal-miżuri proposti, in-network se jsir aktar ekoloġiku, aktar effiċjenti u aktar reżiljenti.
Il-mobbiltà intelliġenti tagħmel it-trasport aktar sikur u aktar sostenibbli. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti se tindirizza l-emerġenza ta’ għażliet ġodda ta’ mobbiltà fit-toroq, ta’ apps tal-mobbiltà u ta’ mobbiltà konnessa u awtomatizzata. Se tistimula l-implimentazzjoni aktar rapida ta’ servizzi intelliġenti ġodda billi tipproponi li ċerta data kruċjali dwar it-toroq, l-ivvjaġġar u t-traffiku — bħal-limiti tal-veloċità, il-pjanijiet ta’ ċirkolazzjoni tat-traffiku jew ta’ xogħlijiet fit-toroq — għandha tkun disponibbli f’formati diġitali.
Il-proposta l-ġdida dwar il-Qafas għall-Mobbiltà Urbana tindirizza wħud mill-isfidi tal-mobbiltà li jirriżultaw mill-attività intensa fil-bliet — fosthom il-konġestjoni, l-emissjonijiet u l-istorbju — għall-benefiċċju tal-utenti tat-trasport u tal-persuni kollha madwarhom.
Vetturi li jniġġsu inqas u li huma aktar sikuri
Il-karozzi u l-vannijiet tal-passiġġieri huma flimkien responsabbli għal madwar 15 % tal-emissjonijiet totali tas-CO2 fl-UE, għalhekk il-kooperazzjoni ta’ dawn is-setturi hija kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Jeħtieġ standards tal-emissjonijiet tas-CO2 aktar ambizzjużi għall-karozzi u l-vannijiet il-ġodda biex jgħinu biex jiżdied l-għadd ta’ vetturi b’emissjonijiet ta’ livell żero jew baxxi fit-toroq tal-UE. F’Lulju, bħala parti mill-pakkett biex jitwassal il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi miri tal-emissjonijiet tas-CO2 aktar ambizzjużi għall-karozzi u għall-vannijiet il-ġodda mill-2030 ’il quddiem:
- tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet mill-karozzi sal-2030,
- tnaqqis ta’ 50 % fl-emissjonijiet mill-vannijiet sal-2030,
- emissjonijiet żero mill-karozzi l-ġodda sal-2035.
Biex tappoġġa l-ekoloġizzazzjoni tal-flotta tat-trasport tal-Ewropa, il-Kummissjoni pproponiet Regolament dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi biex tagħti garanzija li f’kull Stat Membru jkun hemm kapaċità pubblika għall-iċċarġjar u għar-riforniment tal-fjuwil li tkun suffiċjenti biżżejjed biex tissodisfa d-domanda ta’ flotta li dejjem qiegħda tikber ta’ karozzi u trakkijiet b’emissjonijiet żero . Ir-Regolament se jiżgura wkoll li l-infrastruttura tal-iċċarġjar tkun tkopri l-UE kollha f’intervalli fissi tul il-kurituri tat-trasport ewlenin, sabiex is-sewwieqa jkunu jistgħu faċilment jiċċarġjaw jew jirrifornu l-vetturi elettriċi jew il-vetturi b’ċellola tal-idroġenu tagħhom madwar l-UE kollha. Skont ir-regoli proposti, l-inġenji tal-ajru, il-vapuri u l-barkuni se jkollhom aċċess għall-provvista tal-elettriku fil-portijiet u fl-ajruporti ewlenin.
Naġixxu b’mod globali
Il-Konferenza COP26 dwar it-Tibdil fil-Klima seħħet fi Glasgow bejn l-1 u t-13 ta’ Novembru. Fil-bidu tal-konferenza l-UE stabbiliet tliet objettivi.
- L-ewwel nett, biex jinkisbu impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet matul dan id-deċennju, ħalli tinżamm il-mira li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 °C;
- It-tieni, biex tintlaħaq il-mira li jiġu pprovduti $100 biljun fis-sena f’finanzjament għall-klima lill-pajjiżi vulnerabbli u li qed jiżviluppaw;
- It-tielet, li jintlaħaq ftehim dwar il-ġabra ta’ regoli tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Sar progress f’kull wieħed mill-objettivi.
Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, 195 pajjiż stabbilew il-mira li ż-żieda medja fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 °C u qrib kemm jista’ jkun tal-1.5 °C. Qabel il-COP26, il-pjaneta kienet fit-triq li tilħaq il-punt perikoluż ta’ 2.7 °C ta’ tisħin globali. Abbażi ta’ tħabbiriet ġodda li saru matul il-konferenza, l-esperti jistmaw li issa x-xenarji probabbli qed ipoġġu lid-dinja fit-triq it-tajba b’tisħin ta’ bejn 1.8 °C u 2.4 °C. Fil-konklużjonijiet tal-konferenza, il-partijiet issa qablu li sa tmiem l-2022 jirrevedu l-impenji tagħhom, kif meħtieġ, biex sa tmiem is-seklu jillimitaw it-tisħin globali għal 1.5 °C, filwaqt li jibqgħu jżommu l-ogħla livell ta’ ambizzjoni skont il-Ftehim ta’ Pariġi.
Sabiex iwettqu dawn il-wegħdiet, għall-ewwel darba l-parteċipanti tal-COP26 qablu wkoll li jħaffu l-isforzi lejn it-tnaqqis gradwali tal-użu bla waqfien tal-enerġija mill-faħam u tas-sussidji ineffiċjenti għall-fjuwils fossili, u għarfu l-ħtieġa li jingħata appoġġ fl-immaniġġjar ta’ tranżizzjoni ġusta.
Fil-COP26, il-parteċipanti lestew ukoll in-negozjati tekniċi dwar il-ġabra ta’ regoli tal-Ftehim ta’ Pariġi, li jelenkaw ir-rekwiżiti għall-partijiet kollha biex jimmonitorjaw il-progress tal-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-ġabra ta’ regoli tistabbilixxi wkoll kif is-swieq internazzjonali tal-karbonju se jiffunzjonaw biex jappoġġaw aktar kooperazzjoni globali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Dwar il-finanzjament għall-klima u fil-kuntest tal-mira annwali ta’ $100 biljun għall-2021–2025, il-pajjiżi żviluppati qablu li jirduppjaw is-sehem kollettiv ta’ appoġġ biex jgħinu lil pajjiżi oħra jadattaw għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u biex jilħqu l-għan eżistenti li jipprovdu lil dawn il-pajjiżi $100 biljun fis-sena malajr kemm jista’ jkun. Il-partijiet impenjaw ruħhom ukoll li jaqblu fuq proċess dwar il-finanzjament għall-klima fuq terminu twil, lil hinn mill-2025. Il-konferenza ddeċidiet ukoll li tistabbilixxi djalogu bejn il-partijiet, il-partijiet ikkonċernati u l-organizzazzjonijiet rilevanti biex jiġu appoġġati l-isforzi biex tiġi evitata, minimizzata u indirizzata l-ħsara assoċjata mat-tibdil fil-klima.
Waqt il-COP26, l-UE kienet involuta wkoll fit-tħabbiriet li ġejjin.
- Il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan, li tnediet mill-UE u mill-Istati Uniti. Aktar minn 100 pajjiż, li jirrappreżentaw 70 % tal-ekonomija globali u kważi nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan, issa impenjaw ruħhom għall-għan kollettiv li sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-metan b’mill-inqas 30 %, meta mqabbla mal-livelli tal-2020.
- L-UE wiegħdet €1 biljun fuq 5 snin biex tappoġġa l-Wegħda Globali għall-Finanzjament tal-Foresti. L-UE se tgħin lill-pajjiżi sħab jipproteġu, jirrestawraw u jimmaniġġjaw b’mod sostenibbli l-foresti madwar id-dinja. Aktar minn 100 mexxej dinji, li jirrappreżentaw madwar 85 % tal-foresti tad-dinja, wiegħdu li jtemmu u jreġġgħu lura d-deforestazzjoni sal-2030.
- L-UE flimkien ma’ Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, nediet Sħubija għal Tranżizzjoni Enerġetika Ġusta mal-Afrika t’isfel biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-Afrika t’Isfel, b’enfasi fuq is-sistema tal-elettriku. B’impenn inizjali ta’ $8.5 biljun (madwar €7.4 biljun) għall-ewwel fażi ta’ finanzjament, is-sħubija se tgħin lill-Afrika t’Isfel tilħaq l-għanijiet ambizzjużi tal-emissjonijiet stabbiliti fil-kontribut aġġornat tagħha stabbilit fil-livell nazzjonali.
- L-UE ħabbret donazzjoni ta’ €100 miljun għall-Fond ta’ Adattament, tan-NU u dan jagħmilha l-akbar kontributur għat-total rekord ta’ $351.6 miljun.
- Is-sħubija bejn il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Breakthrough Energy Catalyst — is-Sħubija Catalyst tal-UE — se timmobilizza sa €820 miljun ($1 biljun) bejn l-2022 u l-2026 biex taċċellera l-implimentazzjoni u tħaffef il-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji innovattivi li se jgħinu biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-għanijiet tal-klima tal-UE għall-2030. Kull euro ta’ fondi pubbliċi huwa mistenni li jwassal għal investiment ta’ €3 ta’ fondi privati. L-investimenti se jkunu mmirati lejn proġetti bbażati fl-UE b’potenzjal għoli f’erba’ setturi: l-idroġenu nadif; il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli; il-qbid mill-arja; u l-ħżin tal-enerġija fit-tul.
Għad hemm ħafna xogħol xi jsir biex it-tisħin globali jinżamm għal 1.5 °C. L-UE issa se tfittex li timplimenta l-wegħdiet tal-konferenza ta’ Glasgow malajr kemm jista’ jkun, u se tkompli taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha biex twettaq il-Ftehim ta’ Pariġi.
Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità
Parteċipazzjoni virtwali fis-26 ta’ Jannar 2021 fl-Aġenda ta’ Davos — avveniment online li jiġbor flimkien il-mexxejja min-negozji, il-gvern, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-akkademja — il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet li s-Summit tan-NU dwar il-Bijodiversità f’Kunming, iċ-Ċina, “se jkollu jkun bħalma l-COP21 kien għall-klima. Għax għall-bijodiversità neħtieġu ftehim li jixbah l-istil tal-Ftehim ta’ Pariġi ”. L-UE qed tmexxi l-isforzi u taħdem ma’ sħab tal-istess fehma biex fil-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP 15) f’Kunming, tasal għal ftehim, dwar qafas globali ambizzjuż tal-bijodiversità għal wara l-2020 biex jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-telf tal-pjanti, tal-annimali u tal-ekosistemi tal-pjaneta. L-ewwel parti ta’ dan is-summit saret f’Ottubru 2021 u matulu deher li b’mod ġenerali kien hemm impenn sod minn madwar id-dinja, li jirrifletti sensibilizzazzjoni li dejjem qiegħda tikber tal-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kriżi ekoloġika. Jeħtieġ li d-Dikjarazzjoni ta’ Kunming tissarraf fi ftehim konkret li huwa skedat li jiġi adottat fir-rebbiegħa tal-2022, matul it-tieni fażi tal-konferenza.
Alleanza Ekoloġika UE-Ġappun
F’Ġunju, l-UE u l-Ġappun ħabbru l-intenzjoni tagħhom li joħolqu Alleanza Ekoloġika biex iħaffu t-tranżizzjoni tal-ekonomiji tagħhom lejn li jsiru newtrali għall-klima, ċirkolari u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Kemm il-Ġappun kif ukoll l-UE jikkondividu l-għan li jsiru newtrali għall-klima sal-2050. Din hija l-ewwel Alleanza Ekoloġika għall-UE, u ż-żieda fil-kooperazzjoni mal-Ġappun se tgħin lill-UE toħloq koalizzjoni globali għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti.
Produzzjoni u konsum sostenibbli
Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari, adottat fl-2020, huwa pilastru ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Biex jibdel il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw, huwa jindirizza ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti, mill-fażi ta’ disinn u l-manifattura sal-konsum, kif ukoll it-tiswija, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, u l-għoti tar-riżorsi lura lill-ekonomija.
Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tiżgura li l-UE ma tesportax l-isfidi tal-iskart tagħha lejn pajjiżi mhux tal-UE. Il-proposta ta’ Novembru biex isir rieżami bir-reqqa tar-regoli tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart se tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija ċirkolari b’diversi modi, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.
- L-ewwel nett, il-proposta se ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-UE għall-iskart għar-riċiklaġġ u għall-użu mill-ġdid, biex tingħata spinta lis-suq għal materjali sekondarji u lill-ekonomija ċirkolari (vjeġġi fl-UE).
- It-tieni, din se tnaqqas l-esportazzjonijiet tal-iskart u tagħti garanzija li l-iskart jiġi ttrasportat barra mill-UE biss jekk dan ikun se jiġi mmaniġġjat b’mod ambjentalment korrett fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni.
- It-tielet, il-proposta se tindirizza l-vjeġġi illegali billi ttejjeb is-sistema ta’ infurzar u ta’ sanzjonijiet u billi żżid it-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-iskart.
Il-Kummissjoni pproponiet valuri ta’ limitu għall-preżenza ta’ pollutanti organiċi persistenti fl-iskart biex telimina jew timminimizza l-emissjonijiet tagħhom. Dan se jiżgura ċikli ta’ materjali nodfa u tisħiħ tal-fiduċja fis-swieq tal-materja prima sekondarja u fil-prodotti li jużawha. Se jiżgura wkoll l-ogħla livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.
Sistemi tal-ikel sostenibbli
F’Lulju, flimkien ma 65 parti kkonċernata tal-industrija, il-Kummissjoni, nediet il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar in-Negozju Responsabbli tal-Ikel u l-Prattiki ta’ Kummerċjalizzazzjoni, wieħed mir-riżultati tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Il-kodiċi għandu żewġ għanijiet: li l-assoċjazzjonijiet tal-UE jispiraw lill-membri tagħhom lejn għanijiet, miri u azzjonijiet speċifiċi, ilkoll immirati biex jgħinu t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà taħdem tajjeb; u li l-kumpaniji minn ta’ quddiem nett jieħdu impenji ambizzjużi li jkopru oqsma bħall-benessri tal-annimali, it-tnaqqis tal-kontenut taz-zokkor u tal-melħ kif ukoll it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
L-UE kienet kontributur importanti għall-ewwel Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel, imlaqqa’ minn António Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, f’Settembru. L-eżiti jinkludu dikjarazzjoni ta’ azzjoni, perkorsi ta’ trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel u aktar minn 30 koalizzjoni għall-azzjoni. Il-Kummissjoni tikkontribwixxi fir-rigward tal-perkorsi u se tinvolvi ruħha b’mod attiv f’diversi koalizzjonijiet. Ser tiġi organizzata laqgħa globali kull sentejn biex jiġi rieżaminat il-progress.
Agrikoltura, sajd u żoni rurali
Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida għall-2023–2027 ġiet adottata fit-2 ta’ Diċembru 2021. Il-leġiżlazzjoni sekondarja li tagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida se tiġi adottata kmieni fl-2022. Il-PAK il-ġdida se tkun aktar ekoloġika, aktar ġusta u aktar flessibbli, b’enfasi aktar qawwija fuq l-innovazzjoni, filwaqt li tiżgura s-sigurtà alimentari għan-nies fl-UE. Din se tkun essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Istrateġija għall-Bijodiversità tiegħu. Sa tmiem l-2021, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu ppreżentaw il-pjanijiet strateġiċi tagħhom biex jimplimentaw il-PAK il-ġdid fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-pjanijiet, filwaqt li tqis kif dawn jikkontribwixxu għall-miri tal-2030 stabbiliti fiż-żewġ strateġiji. Wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-pjanijiet se japplikaw mill-2023.
Iż-żoni rurali jkopru 83 % tat-territorju tal-UE u fihom jgħixu 30 % tal-popolazzjoni. Il-Viżjoni tal-UE għaż-Żoni Rurali fuq terminu twil, imnedija f’Ġunju, teżamina l-isfidi soċjoekonomiċi assoċjati mal-kisba ta’ żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperi sal-2040. Tali oqsma huma essenzjali għall-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE, peress li jipprovdu sigurtà alimentari u materja prima sostenibbli, itejbu l-kwalità tal-ilma u tal-bijodiversità u jaġixxu bħala bjar tal-karbonju. Il-viżjoni għandha l-għan li terġa’ tagħti l-ħajja liż-żoni rurali u li tikkunsidra mill-ġdid l-iżvilupp li jkun f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-politiki settorjali tal-UE, mal-pakkett ta’ rkupru NextGenerationEU, mal-Aġenda Territorjali 2030 u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, filwaqt li tiġġieled ix-xejriet demografiċi negattivi.
F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, il-viżjoni se tappoġġja, fost affarijiet oħra, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, il-ħarsien tal-ambjent, il-kompetittività mtejba tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, id-diġitalizzazzjoni u l-inklużjoni soċjali.
F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar ċikli tal-karbonju sostenibbli, li tistabbilixxi kif jista’ jiġi assorbit aktar karbonju mill-atmosfera. Biex tibbilanċja l-impatt tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħha, l-UE se tkun teħtieġ tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-karbonju fossili drastikament, iżżid is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola biex taħżen aktar karbonju fin-natura u tippromwovi soluzzjonijiet industrijali biex il-karbonju jiġi assorbit u riċiklat b’mod sostenibbli u verifikabbli. Il-komunikazzjoni tistabbilixxi inizjattivi fuq terminu qasir sa twil dwar is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola biex il-maniġers tal-art jiġu ppremjati aħjar għas-sekwestru tal-karbonju u għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Sa tmiem l-2022, il-Kummissjoni se tipproponi qafas regolatorju tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbiment tal-karbonju.
F’Marzu, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika fl-UE. Dan għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-mira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li sal-2030, 25 % tal-art agrikola tkun iddedikata għall-biedja organika u jkun hemm ukoll żieda sinifikanti fl-akkwakultura organika. Se jagħmel dan billi jistimula d-domanda tal-konsumaturi, jespandi l-produzzjoni u l-provvista tal-prodotti organiċi u jżid is-sostenibbiltà tas-settur.
L-Istati Membri huma mistiedna biex jistabbilixxu miri u jappoġġaw il-miżuri għall-produzzjoni organika skont il-PAK il-ġdida u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jinkludu ż-żieda fil-produzzjoni tal-akkwakultura organika fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tagħhom għall-akkwakultura, li bħalissa qed jiġu rieżaminati mill-Istati Membri. L-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iskambju tal-aħjar prattika se jirċievu spinta sinifikanti madwar l-UE biex tiġi appoġġata aktar l-espansjoni sostenibbli fil-prodotti organiċi. L-appoġġ għall-akkwakultura organika se jkun disponibbli wkoll fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għall-2021–2027.
Il-kriżi tal-COVID-19 uriet ir-reżiljenza tas-settur agroalimentari tal-UE. L-azzjoni tal-UE żgurat li l-linji tal-provvista tal-ikel komplew jiffunzjonaw u b’hekk evitat li l-kriżi tas-saħħa tiġi aggravata minħabba n-nuqqasijiet tal-ikel. Konxja tal-impatt li dejjem qiegħed jikber tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali fuq il-produzzjoni tal-ikel u ż-żieda tar-riskji relatati mas-saħħa pubblika, mat-theddid ċibernetiku jew mal-bidliet ġeopolitiċi li jheddu l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel — f’Novembru, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista u s-sigurtà tal-ikel fi żminijiet ta’ kriżi, kif previst fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”. Dan il-pjan huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn dawk kollha involuti fil-katina alimentari, biex tiġi żgurata t-tħejjija fi żminijiet ta’ kriżi.
Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura
Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura li ġie mwaqqaf fl-2021, jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd , tal-politika marittima u tal-Aġenda dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani tal-UE. Il-Fond jippromwovi l-użu u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u l-iżvilupp ta’ ekonomija blu reżiljenti. Bħala attur globali tal-oċeani u produttur ewlieni tal-frott tal-baħar, l-UE għandha l-għan li tipproteġi u tuża b’mod sostenibbli l-oċeani u r-riżorsi tagħhom, filwaqt li tiggarantixxi d-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel, il-kompetittività tal-ekonomija marittima u l-għajxien tal-komunitajiet kostali. Il-Fond qed jgħin ukoll biex jintlaħaq l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 14 tan-NU (“Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar”) u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
L-appoġġ mill-fond huwa mmirat b’mod speċjali lejn proġetti innovattivi li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn sajd sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar; il-provvista ta’ frott tal-baħar ta’ kwalità u tajjeb għas-saħħa; il-vitalità ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali; it-titjib tal-ħiliet u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura; u l-kooperazzjoni internazzjonali dwar oċeani f’saħħithom, sikuri u mmaniġġjati b’mod sostenibbli. Il-baġit totali għall-perjodu 2021–2027 huwa ta’ €6.1 biljun.
L-ekonomija blu
L-ekonomija blu tal-UE, li tinkludi l-industriji u s-setturi kollha relatati mal-oċeani, mal-ibħra u mal-kosti, hija fundamentali għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u għall-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa. L-approċċ il-ġdid tal-UE għal ekonomija blu sostenibbli huwa fattur indispensabbli biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-UE. Tagħmel dan billi tippromwovi l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli mill-oċeani, id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu u l-ekoloġizzazzjoni tal-portijiet; tintroduċi linji gwida għal akkwakultura sostenibbli; u ġġedded l-istandards għad-disinn tal-irkaptu tas-sajd, għar-riċiklaġġ tal-bastimenti u għad-dekummissjonar tal-pjattaformi lil hinn mill-kosta.
Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ħadra ġdida fiż-żoni kostali se jgħin biex jiġu ppreservati l-bijodiversità u l-pajsaġġi, filwaqt li jkun ta’ benefiċċju għat-turiżmu u għall-ekonomija kostali. L-approċċ il-ġdid se jġib koerenza fid-diversi setturi tal-ekonomija blu, jiffaċilita l-koeżistenza tagħhom u jfittex sinerġiji fl-ispazju marittimu. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal investiment fir-riċerka, fil-ħiliet u fl-innovazzjoni.
Kooperazzjoni internazzjonali
L-Unjoni Ewropea għandha l-ambizzjoni u l-għarfien espert biex tmexxi d-dinja fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Hija ngħaqdet mal-Programm tan-NU għall-Ambjent u mal-Organizzazzjoni tan-NU għall-Iżvilupp Industrijali biex fil-21 ta’ Frar tniedi l-Alleanza Globali dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi. L-għan tal-alleanza huwa li tappoġġa tranżizzjoni globali u ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari, biex tuża r-riżorsi b’mod aktar ekwu u biex tikseb konsum u produzzjoni sostenibbli. Dan jibni fuq l-isforzi internazzjonali u jpoġġi lill-UE fuq quddiem nett tat-tranżizzjoni ekoloġika.
Metodi tal-impronta ambjentali
It-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet huwa parti essenzjali mit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, u huwa meħtieġ biex jintlaħqu objettivi oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar l-użu ta’ metodi komuni tal-impronta ambjentali biex titkejjel u tiġi kkomunikata l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet. Din se tgħin lil ħafna nies u organizzazzjonijiet involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali.
Nipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità
Il-viżjoni ta’ tniġġis żero għall-2050
Tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija għal livelli li ma jkunux aktar ta’ ħsara għas-saħħa u għall-ekosistemi naturali u b’hekk jinħoloq ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi.
Għaliex għandna bżonn Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero?
- Fl-UE, kull sena, it-tniġġis jikkawża mewta minn kull tmienja.
- It-tniġġis jista’ jikkawża kanċer, mard koronarju tal-qalb, mard pulmonari ostruttiv, kundizzjonijiet mentali u newroloġiċi, dijabete u aktar.
- L-aktar gruppi vulnerabbli huma dawk li jintlaqtu l-agħar, u b’hekk jinħolqu aktar inugwaljanzi.
- It-tniġġis huwa wieħed mill-ħames xprunaturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità.
- It-tniġġis qed jhedded is-sopravivenza ta’ aktar minn miljun speċi ta’ pjanti u annimali tal-pjaneta li huma stmati li jlaħħqu t-8 miljuni.
© GettyImages/Mario De moya F
Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero — miri għall-2030
© GettyImages/hirun • © GettyImages/oticki
- Arja. Tnaqqis tal-imwiet prematuri kkawżati mit-tniġġis tal-arja b’aktar minn 55 %.
- Ilma. Tnaqqis tal-iskart u l-iskart tal-plastik fil-baħar b’50 % u l-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent bi 30 %.
- Ħamrija. Tnaqqis tat-telf tan-nutrijenti u l-użu tal-pestiċidi kimiċi b’50 %.
- Bijodiversità. Tnaqqis tal-għadd ta’ ekosistemi tal-UE li fihom it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità b’25 %.
- Storbju. Tnaqqis tal-porzjon tan-nies li jbatu minn mard kroniku minħabba l-istorbju tat-trasport bi 30 %.
- Skart. Tnaqqis b’mod sinifikanti tal-ġenerazzjoni tal-iskart totali u l-iskart residwu muniċipali b’50 %.
F’Mejju, l-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, biex sal-2050 jintlaħaq it-tniġġis żero. Dan ifisser li t-tniġġis se jitnaqqas għal livelli li ma jkunux għadhom ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-ekosistemi naturali. Il-pjan ta’ azzjoni jikkombina l-politiki rilevanti kollha tal-UE biex jindirizza u jipprevjeni t-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, it-tniġġis tal-baħar u t-tniġġis akustiku kif ukoll it-tniġġis ikkawżat mill-prodotti għall-konsumatur. Flimkien mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, fis-16 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni nediet il-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero biex tlaqqa’ flimkien persuni minn komunitajiet u oqsma ta’ għarfien espert differenti biex jindirizzaw dawn l-isfidi interrelatati.
Matul l-2021, il-Kummissjoni implimentat bosta miżuri mit-80 li ġew imħabbra fl-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà tal-2020. Stabbiliet konferenza ta’ livell għoli madwar mejda biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija permezz ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Sabiex jiġi żgurat li l-aktar sustanzi kimiċi ta’ ħsara ma jibqgħux jintużaw fil-prodotti għall-konsumatur, ħlief meta dan ikun essenzjali għas-soċjetà, il-Kummissjoni qed tirrevedi l-leġiżlazzjoni u qed tistabbilixxi kriterji għall-“użu essenzjali” ta’ sustanza kimika. Ġew stabbiliti opportunitajiet ta’ finanzjament għar-riċerka dwar l-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa u għat-tranżizzjoni ekoloġika lejn sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli permezz ta’ Orizzont Ewropa, tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, tal-fondi ta’ koeżjoni u tal-Programmi LIFE u InvestEU.
L-aħħar rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar il-“Kwalità tal-Arja fl-Ewropa fl-2021”, ippubblikat f’Diċembru, sab li minkejja li sar titjib, it-tniġġis tal-arja għadu ta’ tħassib kbir għas-saħħa tan-nies fl-Ewropa. Bl-istess mod, it-“Tieni rapport ta’ perspettiva dwar l-arja nadifa” enfasizza li l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha dwar l-arja nadifa u l-klima tista’ tnaqqas l-imwiet prematuri dovuti għat-tniġġis tal-arja b’55 % fl-2030 meta mqabbel mal-2005. Ir-rapport saħaq ukoll li hemm aktar x’jista’ jsir, peress li għad hemm ħafna aktar miżuri mmirati għat-tnaqqis tat-tniġġis fl-arja, li jġibu aktar benefiċċji milli kostijiet għas-soċjetà.
IL-PROBLEMA TAL-PLASTIK F’NUMRI
80–85 % tal-iskart fil-baħar li jinstab fix-xtajtiet tal-UE huwa plastik.
50 % tal-iskart fil-baħar tal-UE jikkonsisti fi prodotti tal-plastik li jintuża darba biss.
27 % huwa rkaptu tas-sajd li fih il-plastik.
Il-plastik jikkawża ħsara ta’ € 13-il biljun kull sena lill-ekosistemi globali tal-baħar.
Huwa stmat li kull sena jintilfu € 630 miljun mit-turiżmu u l-komunitajiet kostali fl-UE minħabba t-tniġġis tal-plastik.
Il-plastik jiswa lill-industrija tas-sajd tal-UE madwar € 300 miljun fis-sena.
Impatt mistenni
Tnaqqis tal-iskart tal-aktar 10 prodotti użati magħmula minn plastik li jintuża darba biss b’aktar minn 50 %.
Prevenzjoni ta’ emissjonijiet tas-CO2 ta’ 3.4 miljun tunnellata kull sena.
Prevenzjoni ta’ € 22 biljun ta’ ħsara ambjentali sal-2030.
Frankar ta’ € 6.5 biljun fis-sena lill-konsumaturi minħabba inqas infiq fuq prodotti li jintremew.
Daqshekk …
Il-prodotti tal-plastik li jintuża darba biss għandhom jiġu pprojbiti sal-2021:
pożati
platti
straws
ħawwada tax-xorb
tazzi u kontenituri tal-ikel u tax-xorb magħmula mill-polistiren (inklużi l-għotjien)
cotton buds u stikek tal-bżieżaq
prodotti magħmula minn plastik ossodegradabbli (użat ħafna għall-basktijiet tax-xiri).
Miri …
- 2021 Tikkettar ċar ta’ tazzi, wet wipes, pads sanitarji, tampuni u applikaturi u prodotti tat-tabakk b’filtri li jenfasizzaw il-kontenut tal-plastik, il-metodi ta’ rimi rakkomandati u r-riskji ambjentali.
- 2024 Għotjien u tappijiet magħmula biex jibqgħu fuq kontenituri u fliexken tax-xorb b’kapaċità sa 3 litri.
-
2025 Fliexken tal-plastik magħmula mill-inqas minn 25 % ta’ plastik riċiklat.
Ġbir separat ta’ 77 % tal-fliexken tal-plastik b’kapaċità sa 3 litri.
- 2026 L-Istati Membri tal-UE jiksbu tnaqqis ambizzjuż u sostnut fil-konsum ta’ tazzi tal-plastik li jintużaw darba biss (inklużi għotjien) u kontenituri tal-ikel, meta mqabbel mal-2022.
- 2029 Ġbir separat ta’ 90 % tal-fliexken tal-plastik b’kapaċità sa 3 litri.
- 2030 Fliexken tal-plastik magħmula mill-inqas minn 30 % ta’ plastik riċiklat.
L-iskart tal-plastik jakkumula fl-ibħra, fl-oċeani u fil-bajjiet fl-UE u madwar id-dinja. L-UE qed tieħu azzjoni kontra t-tniġġis tal-plastik. Ir-regoli tal-UE dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss għandhom l-għan li jipprevjenu u jnaqqsu l-impatt ambjentali ta’ ċerti prodotti tal-plastik billi jipprojbixxu mis-suq tal-UE pjanċi tal-plastik, pożati, straws, stikek tal-bżieżaq u stikek tal-cotton bud li jintużaw darba biss, flimkien ma’ tazez, kontenituri tal-ikel u tax-xorb magħmulin mill-ġablow u l-prodotti kollha magħmulin minn plastik ossodegradabbli. Biex tnaqqas it-tniġġis u l-iskart tal-plastik, l-UE qed tippromwovi r-riċiklaġġ. L-Alleanza għall-Plastiks Ċirkolari tlaqqa’ flimkien 300 parti kkonċernata rilevanti u impenjat ruħha li tiżgura li mill-inqas 10 miljun tunnellata ta’ plastik riċiklat isibu ruħhom fi prodotti ġodda fl-UE sal-2025.
Nipproteġu l-ambjent permezz tad-dritt kriminali
F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat proposta biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent permezz tad-dritt kriminali, u b’hekk issodisfat impenn ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-proposta għandha l-għan li żżid l-effettività tal-protezzjoni tal-ambjent billi tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri tad-dritt kriminali. Hija tiddefinixxi reati ambjentali ġodda, tistabbilixxi livell minimu ta’ sanzjonijiet u ssaħħaħ l-effettività tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi. Tobbliga wkoll lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jassistu lill-persuni li jirrapportaw reati ambjentali u li jikkooperaw mal-infurzar. Din il-proposta se tgħin biex tipproteġi n-natura u r-riżorsi naturali, flimkien mas-saħħa pubblika u l-benesseri.
Inizjattiva Internazzjonali dwar l-Iskollijiet tal-Qroll
Fi Frar 2021, l-UE ngħaqdet mal-Inizjattiva Internazzjonali dwar l-Iskollijiet tal-Qroll. Din se tgħin lill-UE tirrispetta l-prinċipji tal-Aġenda dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani filwaqt li tappoġġa l-azzjoni klimatika u ssaħħaħ l-impenn tagħha għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Bħala parti mill-attivitajiet tagħha fil-qafas ta’ din l-inizjattiva, l-UE qed tippromwovi l-għan tagħha li tipproteġi l-ekosistemi tal-baħar vulnerabbli f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u ma’ pajjiżi oħra tal-istess fehma. Dan jinkludi l-adozzjoni ta’ prattiki tajbin fir-rigward tal-immaniġġjar sostenibbli tal-iskollijiet tal-qroll u tal-ekosistemi assoċjati, tal-bini tal-kapaċitajiet u tas-sensibilizzazzjoni.
Foresti
Il-foresti tad-dinja qed issirilhom il-ħsara u qed jinqerdu b’rata allarmanti. Madwar 80 % tad-deforestazzjoni globali hija xprunata mill-espansjoni agrikola, u l-UE hija wkoll konsumatur ta’ komoditajiet marbuta mad-deforestazzjoni globali, bħas-sojja, iż-żejt tal-palm, l-injam, il-kawkaw u l-kafè. Permezz tal-proposta leġiżlattiva li ġiet adottata f’Novembru biex jiġi pprojbit l-aċċess għas-suq tal-UE tal-prodotti bażiċi li joriġinaw mid-deforestazzjoni, il-Kummissjoni qed tfittex li timminimizza l-kontribut tal-UE għad-deforestazzjoni u għad-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja u li tippromwovi l-konsum ta’ prodotti li joriġina minn ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni fl-UE.
Il-konsum taċ-ċanga, taż-żejt tal-palm, tal-fażola tas-sojja, tal-injam, tal-kawkaw u tal-kafè fl-UE jixpruna d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja. L-UE għandha l-għan li twaqqaf dan billi ma tippermettix aktar il-komoditajiet u l-prodotti, relatati mad-deforestazzjoni, fis-suq.
© Avigator Fortuner/Shutterstock.com
Iċ-ċittadini appoġġaw l-azzjoni tal-UE biex tindirizza d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti b’1.2 miljun risposta għall-konsultazzjoni pubblika.
Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma xprunaturi importanti tat-tisħin globali u tat-telf tal-bijodiversità. 23 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ġejjin mill-agrikoltura, mill-forestrija u minn użi oħra tal-art.
Ir-Regolament il-ġdid dwar id-deforestazzjoni se:
jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-UE li l-prodotti elenkati li jixtru, jużaw u jikkunsmaw ma jikkontribwux għad-deforestazzjoni u għad-degradazzjoni tal-foresti globali;
inaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju fl-atmosfera dovuti mill-konsum u l-produzzjoni tal-UE tal-komoditajiet rilevanti b’mill-inqas 32 miljun tunnellata fis-sena, filwaqt li jiġu ffrankati mill-inqas € 3.2 biljun kull sena u jissaħħaħ il-kontribut tal-foresti biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;
jindirizza d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti illegali, flimkien ma’ kwalunkwe deforestazzjoni dovuta mill-espansjoni agrikola kkawżata mill-produzzjoni tal-komoditajiet.
L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030 li ġiet adottata f’Lulju, se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar il-bijodiversità u l-klima. Hija tirrikonoxxi r-rwol ċentrali u multifunzjonali tal-foresti, u r-rwol tal-forestiera u l-katina tal-valuri bbażata fuq il-foresti għall-kisba ta’ ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima sal-2050 kif ukoll il-preservazzjoni ta’ żoni rurali vibranti u prosperi. L-istrateġija tistabbilixxi viżjoni u inizjattivi konkreti biex jittejbu l-kwantità u l-kwalità tal-foresti tal-UE u biex isir investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni bħala l-muturi għall-bidla, kif ukoll tinkludi wegħda li jitħawlu tliet biljun siġra addizzjonali sal-2030.
Huwa wkoll kruċjali li l-foresti jkunu f’saħħithom u bijodiversi biex jitnaqqas ir-riskju ta’ nirien fil-foresti, li matul is-sajf ikkawżaw għal darba oħra ħerba f’diversi reġjuni fl-Ewropa. L-isforzi ta’ prevenzjoni, ta’ tħejjija u ta’ rispons fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili għall-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti, huma element integrali tal-azzjoni tal-UE biex tipproteġi lin-nies u lin-natura. Il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-UE għat-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru biex tindirizza n-nuqqasijiet nazzjonali fir-rispons għan-nirien fil-foresti. F’Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll linji gwida ġodda dwar il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti mill-art u r-risponsi effettivi.
Strateġija għall-ħamrija
Il-ħamrija tospita kwart tal-bijodiversità kollha fuq il-pjaneta, u sal-2050 se tkun meħtieġa titma’ popolazzjoni dinjija ta’ kważi 10 biljun ruħ. Madankollu, hawnhekk fl-UE, din qed tkompli tiddegrada. F’Novembru, il-Kummissjoni adottat Strateġija tal-UE dwar il-Ħamrija għall-2030, flimkien ma’ missjoni fil-qasam tas-saħħa tal-ħamrija u l-ikel fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa biex tirrestawra l-ħamrija tagħna u tikseb l-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-bijodiversità, u b’hekk tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-bdiewa u tal-forestiera.
Il-ħamrija f’saħħitha hija essenzjali għall-ksib tan-newtralità klimatika, għall-istabbiliment ta’ ekonomija ċirkulari u nadifa, għat-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, għall-forniment ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, għas-salvagwardja tas-saħħa tal-bniedem u għat-twaqqif tad-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art.
© LeQuangNhut/Shutterstock.com
© Photo by Becca Lavin on Unsplash
© design36/Shutterstock.com
L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Ħamrija:
tistabbilixxi qafas u miżuri konkreti għall-protezzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-ħamrija, f’sinerġija ma’ politiki oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
tistabbilixxi viżjoni biex tinkiseb ħamrija b’saħħitha sal-2050 u l-objettivi assoċjati tagħha, b’azzjoni konkreta sal-2030;
tħabbar li sal-2023 se tiproponi Liġi ġdida dwar is-Saħħa tal-Ħamrija biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti u livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u tas-saħħa, li tikkumplimenta l-Liġi li jmiss dwar ir-Restawr tan-Natura.
Ilma nadif
Bosta nies li jgħixu fl-UE diġà jibbenefikaw minn aċċess tajjeb ħafna għal ilma tax-xorb sikur, fost oħrajn bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb li ilha teżisti għal aktar minn 30 sena. F’Jannar daħlet fis-seħħ id-Direttiva riveduta dwar l-Ilma tax-Xorb. Bħala segwitu dirett għall-“Right2Water”, l-ewwel Inizjattiva ta’ suċċess taċ-Ċittadini Ewropej tinkludi miżuri biex jittejjeb u jinżamm l-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur għal kulħadd fl-UE, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli u emarġinati. Tkopri wkoll l-aħħar żviluppi xjentifiċi u kontaminanti ta’ tħassib emerġenti, f’konformità mal-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero.
L-istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima tenfasizza l-importanza li jkun hemm miżuri bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, it-tnaqqis tal-użu tal-ilma tagħna u l-provvista stabbli ta’ ilma nadif. F’dan il-qafas, f’Diċembru, il-Kummissjoni ppubblikat rapport li jivvaluta l-programmi ta’miżuri aġġornati tal-Istati Membri skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-valutazzjonijiet preliminari tar-riskji tal-għargħar fuq livell nazzjonali aġġornati skont id-Direttiva dwar l-Għargħar.
Il-kummerċ tal-avorju
Minkejja projbizzjoni internazzjonali fuq il-kummerċ tal-avorju skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet fil-Periklu, il-kaċċa illegali tal-iljunfanti u t-traffikar tal-avorju dan l-aħħar laħqu livelli rekord. F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat miżuri addizzjonali mmirati biex jipprojbixxu b’mod effettiv il-biċċa l-kbira tal-forom ta’ kummerċ tal-avorju tal-UE. Filwaqt li l-UE mhijiex identifikata bħala reġjun ta’ tħassib rigward il-kummerċ illegali tal-avorju, din ir-reviżjoni tar-regoli eżistenti tal-UE tafferma mill-ġdid u twettaq l-impenn tal-UE li tieħu azzjoni ulterjuri kontra l-kaċċa illegali tal-iljunfanti u t-traffikar tal-avorju globalment. Issegwi wkoll l-impenn li sar fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità biex ir-regoli tal-UE dwar il-kummerċ tal-avorju jsiru aktar stretti. Il-gwida riveduta tal-Kummissjoni dwar ir-reġim tal-UE li jirregola l-kummerċ tal-avorju tissospendi b’mod partikolari l-kummerċ tal-avorju mhux maħdum fis-suq tal-UE, filwaqt li l-emendi għal Regolament eżistenti tal-Kummissjoni jiżguraw li kwalunkwe kummerċ li jkun fadal ta’ oġġetti tal-avorju antiki, ikun dejjem soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel.
It-tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali
L-enfasi tat-tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali huwa fuq l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-livelli kollha ta’ governanza, u fuq il-monitoraġġ tal-progress. Il-programm jibni fuq il-viżjoni fuq terminu twil għall-2050 ta’ “ngħixu tajjeb, fi ħdan il-limiti tal-pjaneta” u jistabbilixxi sitt objettivi prijoritarji minn issa sal-2030: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari, it-tniġġis żero, il-bijodiversità u l-indirizzar tal-pressjonijiet ambjentali u klimatiċi ewlenin.
Il-programm jitlob il-governanza tajba; finanzi sostenibbli; l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fl-oqsma kollha ta’ politika; għadd ta’ passi li jippermettu l-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent; u l-iżvilupp tal-għarfien u tal-innovazzjoni biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tippromwovi l-benesseri. Il-programm propost ġie approvat mill-Istati Membri fi ftehim politiku proviżorju f’Diċembru.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni jgħinu biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew
Aktar minn 35 % tal-baġit ta’ €95.5 biljun tal-programm Orizzont Ewropa għall-2021–2027 se jiġu investiti fir-riċerka u fl-innovazzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u jagħtu kontribut għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F’Ġunju, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ sħubijiet Ewropej ġodda fl-oqsma tal-klima, tal-enerġija u tat-trasport. Dawn is-sħubijiet se jiġġeneraw aktar minn €22 biljun f’kontribuzzjonijiet finanzjarji u in natura privati, u se jippromwovu l-iżvilupp u t-twassil ta’ teknoloġiji, materjali u prodotti ġodda b’emissjonijiet ta’ gassijiet serra aktar baxxi u bi prestazzjoni ambjentali ġenerali aħjar.
F’Settembru, il-Kummissjoni nediet ħames Missjonijiet ġodda tal-UE — mod ġdid ta’ kif naħdmu flimkien biex jiġu indirizzati sfidi kbar fis-saħħa, fil-klima u fl-ambjent. Filwaqt li huma novità ta’ Orizzont Ewropa u kunċett oriġinali tal-politika tal-UE, u filwaqt li jlaqqgħu flimkien diversi servizzi tal-Kummissjoni skont l-awtorità ta’ disa’ membri tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, il-missjonijiet se jappoġġaw ir-riċerka biex din twassal ir-riżultati fuq il-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni kif ukoll biex jinstabu tweġibiet għall-akbar sfidi li s-soċjetà qed taffaċċja llum. Il-missjonijiet tal-proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, il-miżuri ta’ politika u l-inizjattivi leġiżlattivi mistennija jwasslu soluzzjonijiet għall-isfidi globali ewlenin sal-2030. Il-Kummissjoni qed tagħmel disponibbli kważi €2 biljun mill-programm Orizzont Ewropa bejn l-2021 u l-2023 biex tniedi l-ħames missjonijiet, b’aktar finanzjament mistenni minn programmi oħra. Erbgħa mill-ħames missjonijiet imnedija f’Settembru 2021 għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew:
- L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (li se jappoġġa mill-inqas 150 reġjun u komunità Ewropej biex isiru reżiljenti għall-klima);
- 100 Belt Newtrali għall-Klima u Intelliġenti;
- Nirrestawraw l-Oċeani u l-Ilmijiet tagħna;
- Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa (100 laboratorju ħaj u sinjali tad-dawl u tan-nar biex imexxu t-tranżizzjoni lejn ħamrija f’saħħitha).
F’Settembru u f’Ottubru, il-Kummissjoni approvat €1 biljun f’finanzjament għal 73 proġett ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni biex jiġi appoġġat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Minbarra l-investiment f’teknoloġiji ewlenin fuq firxa wiesgħa — minn sorsi tal-enerġija u tal-bijomassa għal teknoloġiji u infrastruttura tat-trasport — is-sejħa għall-proġetti kellha wkoll żewġ oqsma ċċentrati fuq il-bniedem: it-tisħiħ tal-għarfien u l-awtonomizzar taċ-ċittadini.
Finanzi sostenibbli
F’April, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ inizjattivi biex tgħin fit-titjib tal-fluss ta’ finanzjament lejn attivitajiet sostenibbli madwar l-UE. L-Att Delegat dwar it-Tassonomija tal-UE dwar il-Klima jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi li jagħtu kontribut sostanzjali għall-objettivi klimatiċi skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija, mingħajr ebda ħsara sinifikanti għal objettivi ambjentali oħra tal-UE. Il-Proposta għal Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà rrappurtata mill-kumpaniji. Din se tagħmel ir-rappurtar tagħhom dwar is-sostenibbiltà aktar konsistenti, sabiex id-ditti finanzjarji, l-investituri u l-pubbliku jkollhom aċċess għal informazzjoni komparabbli u affidabbli dwar ir-riskji u l-impatti tal-kumpaniji fir-rigward tas-sostenibbiltà. Ġew adottati sitt atti delegati emendatorji dwar id-dmirijiet fiduċjarji u l-pariri dwar l-investiment u dwar l-assigurazzjoni biex jiġi żgurat li d-ditti finanzjarji jinkludu informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fil-proċeduri tagħhom u fil-pariri li jagħtu lill-klijenti tagħhom dwar l-investiment.
L-Istrateġija għall-Finanzi Sostenibbli adottata f’Lulju 2021 għandha l-għan li tappoġġa l-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli permezz ta’ azzjoni f’erba’ oqsma: l-iffaċilitar għall-finanzjament tat-tranżizzjoni; l-appoġġ għall-qafas tal-finanzi sostenibbli aktar inklużiv; it-tisħiħ tal-ħidma dwar ir-reżiljenza u l-impatti tas-settur finanzjarju; u l-adattament għal ambizzjoni globali mġedda.
Finanzjament tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà
Din l-istrateġija tipprovdi l-għodod u l-politiki li jippermettu lil dawk involuti fl-ekonomija kollha jiffinanzjaw il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni tagħhom u jilħqu għanijiet klimatiċi u ambjentali usa’, ikun xi jkun il-punt tat-tluq tagħhom.
Inklużività
Din l-istrateġija taqdi l-ħtiġijiet ta’, u tipprovdi opportunitajiet lil, individwi u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex ikollhom aċċess akbar għal finanzjament sostenibbli.
Reżiljenza u kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju
Din l-istrateġija tistabbilixxi kif is-settur finanzjarju nnifsu jista’ jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku, filwaqt li jsir ukoll aktar reżiljenti u jiġġieled il-greenwashing.
Ambizzjoni globali
Din l-istrateġija tistabbilixxi kif tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali għal aġenda globali ambizzjuża dwar il-finanzjament sostenibbli.
F’Lulju, il-Kummissjoni pproponiet regolament dwar Standard Ewropew għall-Bonds Ekoloġiċi. Din il-proposta għandha l-għan li toħloq standard volontarju ta’ kwalità għolja, disponibbli għall-emittenti tal-bonds kollha, biex tgħin tiffinanzja investimenti sostenibbli.
Il-bonds ekoloġiċi diġà jintużaw biex jinġabar finanzjament f’setturi bħall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, l-akkomodazzjoni effiċjenti fir-riżorsi, u l-infrastruttura tat-trasport b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Minħabba li l-investituri għandhom domanda kbira għall-bonds ekoloġiċi, hemm potenzjal li s-suq jiġi estiż. L-Istandard Ewropew għall-Bonds Ekoloġiċi se jistabbilixxi punt ta’ riferiment dwar kif il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jużaw bonds ekoloġiċi biex jiġbru fondi fis-swieq kapitali sabiex jiffinanzjaw investimenti ambizzjużi, filwaqt li jissodisfaw rekwiżiti stretti ta’ sostenibbiltà u jipproteġu lill-investituri mill-greenwashing. B’mod partikolari, l-emittenti ta’ bonds ekoloġiċi se jkollhom għodda b’saħħitha għad-dispożizzjoni tagħhom biex juru li qed jiffinanzjaw proġetti ekoloġiċi allinjati mat-tassonomija tal-UE. Barra minn hekk, l-investituri li jixtru l-bonds se jkunu jistgħu jaraw b’mod aktar faċli li l-investimenti tagħhom huma sostenibbli, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ greenwashing.
Ewropa lesta għall-era diġitali
© Unsplash/Laura Ockel
Il-pandemija tal-COVID-19 biddlet ir-rwol u l-perċezzjoni tad-diġitalizzazzjoni fis-soċjetà u fl-ekonomija tagħna, u ħaffet il-pass tagħha. It-teknoloġiji diġitali, li kienu kritiċi biex tinżamm il-ħajja ekonomika u soċjali u biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni kompliet matul il-kriżi, se jkunu l-fattur ewlieni ta’ divrenzjar fi tranżizzjoni effikaċi lejn ekonomija u soċjetà postpandemiċi sostenibbli.
L-Unjoni Ewropea għandha l-viżjoni u r-riżorsi biex it-tranżizzjoni diġitali tirnexxi. Il-livell ta’ finanzjament li jinsab taħt il-pjan ta’ rkupru tan-NextGenerationEU se jippermetti l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fuq l-iskala u l-intensità bla preċedent meħtieġa biex tinkiseb it-trasformazzjoni diġitali sal-2030.
Deċennju Diġitali tal-Ewropa
L-UE qed taħtaf din l-opportunità biex tagħmel l-10 snin li jmiss id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa, bl-ambizzjoni li ssir mudell globali għall-ekonomija diġitali, li tistabbilixxi u tippromwovi l-istandards diġitali u ssegwi politiki diġitali li jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozji.
Dawn il-politiki se jiffukaw fuq l-appoġġ għan-negozji ż-żgħar biex jibdew jużaw it-teknoloġija; fuq l-iżgurar li t-teknoloġija taħdem għan-nies billi tagħtihom ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati; u fuq l-iżgurar li kulħadd ikollu aċċess għall-internet u għas-servizzi pubbliċi online. Fl-istess ħin, l-UE se tkompli ssegwi wkoll l-eċċellenza fit-teknoloġiji avvanzati bħall-kwantum u l-cloud computing u l-intelliġenza artifiċjali (IA), li jistgħu jindirizzaw ħafna mill-isfidi li qed taffaċċa s-soċjetà tagħna llum.
Il-kisba tal-ambizzjonijiet tal-UE se tinvolvi l-indirizzar tal-kwistjonijiet enfasizzati mill-pandemija, minn lakuni fil-konnettività u fil-ħiliet diġitali sad-distakk bejn negozji adattati diġitalment u dawk li għad iridu jadottaw soluzzjonijiet diġitali. Id-diġitalizzazzjoni toffri ħafna opportunitajiet ġodda ta’ xogħol. Pereżempju, aktar minn 500,000 post vakanti għal esperti fiċ-ċibersigurtà u fid-data fl-UE baqgħu ma mtlewx fl-2020.
Il-Kumpass Diġitali tal-Ewropa jittraduċi l-ambizzjonijiet diġitali tal-UE għall-2030 f’azzjonijiet u riżultati. Dawn jiffukaw fuq:
- il-kisba ta’ popolazzjoni midħla tat-teknoloġija diġitali u professjonisti tat-teknoloġija diġitali b’livell għoli ta’ ħiliet;
- infrastruttura diġitali affidabbli u sigura;
- perċentwali għolja ta’ negozji diġitalizzati;
- servizzi pubbliċi modernizzati li jwieġbu l-ħtiġijiet tas-soċjetà.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinalizza l-proposta li trid issir sal-2022, għal Dikjarazzjoni konġunta dwar il-Prinċipji Diġitali mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni biex tiżgura li l-valuri u d-drittijiet Ewropej jiġu riflessi fl-ambjent diġitali. Dan se jiżgura li kulħadd ikun jista’ jgawdi l-benefiċċji tal-opportunitajiet diġitali, bħall-aċċess universali għall-internet, algoritmi li jirrispettaw lin-nies u ambjent online sigur u affidabbli. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru speċjali li sar f’Settembru u Ottubru 2021, il-maġġoranza vasta taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-internet u l-għodod diġitali se jkollhom rwol importanti fil-futur. Barra minn hekk, maġġoranza kbira tan-nies temmen li jkun utli li l-UE tiddefinixxi u tippromwovi d-drittijiet u l-prinċipji Ewropej biex jiġi żgurat li t-trasformazzjoni diġitali tirnexxi. Qabel dan, il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-prinċipji diġitali, li wriet appoġġ wiesa’ għall-inizjattiva.
F’Settembru, il-Kummissjoni pproponiet pjan biex twettaq it-trasformazzjoni diġitali tal-UE sal-2030. Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali għandu l-għan li jistabbilixxi qafas ta’ governanza robust sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħdmu b’mod kollettiv lejn l-objettivi miftiehma filwaqt li jirrikonoxxu l-punti tat-tluq differenti tagħhom. Dan jinkludi sistema ta’ monitoraġġ biex jitkejjel il-progress lejn kull waħda mill-miri tal-2030 u l-pjanijiet direzzjonali pluriennali għal kull Stat Membru, li fihom jiddeskrivu l-politiki u l-miżuri adottati jew ippjanati tagħhom. Il-proġetti plurinazzjonali se jiġbru f’daqqa r-riżorsi nazzjonali, privati u tal-UE, biex isir progress f’oqsma kritiċi li l-ebda Stat Membru ma jista’ jilħaq waħdu.
Il-proġetti multinazzjonali se jiffaċilitaw l-investiment f’oqsma bħal dawn li ġejjin:
Infrastruttura u servizzi komuni tad-data
Blockchain
Proċessur b’konsum baxx tal-enerġija
Introduzzjoni pan-Ewropea tal-kurituri 5G
Computing ta’ prestazzjoni għolja
Infrastruttura kwantistika sigura u network ta’ ċentri taċ-ċibersigurtà
Amministrazzjoni pubblika diġitali
Hubs tal-Innovazzjoni Diġitali
Sħubijiet ta’ teknoloġija avvanzata għall-ħiliet diġitali
Id-dimensjoni internazzjonali tal-Kumpass Diġitali qed tiġi żviluppata permezz ta’ għadd ta’ sħubijiet diġitali. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija ġie varat fis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Ġunju 2021. Minn dak iż-żmien ’l hawn, 10 gruppi ta’ ħidma bdew jidentifikaw ir-riżultati possibbli fuq terminu qasir, medju u twil. Qed tiġi diskussa wkoll sħubija diġitali mal-Ġappun, u l-UE qed taħdem biex tistabbilixxi sħubija diġitali mal-Afrika u alleanza diġitali mal-Amerka Latina u l-Karibew.
Edukazzjoni diġitali
F’Awwissu, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tagħlim imħallat biex tiġi appoġġata l-edukazzjoni primarja u sekondarja inklużiva u ta’ kwalità għolja. Il-Kunsill adotta din ir-rakkomandazzjoni f’4 xhur biss.
It-tagħlim imħallat jista’ jgħin biex l-edukazzjoni ssir aktar inklużiva, b’mod partikolari minħabba l-flessibbiltà tagħha. It-terminu jiddeskrivi meta skola, edukatur jew student jieħdu aktar minn approċċ wieħed għall-proċess tat-tagħlim. Jista’ jkun taħlita ta’ sit tal-iskola u ambjenti fiżiċi oħrajn (bħal kumpaniji, ċentri għat-taħriġ jew apprendiment mill-bogħod), jew taħlita ta’ diversi għodod ta’ apprendiment diġitali u mhux diġitali. It-tagħlim imħallat jista’, pereżempju, ifisser aċċess aħjar għall-edukazzjoni f’żoni remoti u rurali, jew għal persuni li huma parti minn komunitajiet ta’ vjaġġaturi, jew għal dawk fl-isptar. Ir-rapporti ta’ progress regolari taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021–2027, se jiffokaw fuq l-iżvilupp ta’ approċċ ta’ tagħlim imħallat fl-edukazzjoni primarja u sekondarja.
Programm Ewropa Diġitali
B’baġit ta’ €7.5 biljun matul is-7 snin li ġejjin, il-Programm Ewropa Diġitali l-ġdid huwa l-ewwel programm ta’ finanzjament tal-UE ffukat biex iġib it-teknoloġija diġitali lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, lin-negozji u liċ-ċittadini. L-ewwel programmi ta’ ħidma, b’valur ta’ €1.98 biljun, jiffukaw fuq l-investiment fl-oqsma tal-IA, il-cloud u l-ispazji tad-data, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni kwantistika, il-ħiliet diġitali avvanzati, iċ-ċibersigurtà u l-użu usa’ tat-teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u s-soċjetà kollha. L-ewwel sejħiet għall-Programm Ewropa Diġitali ġew ippubblikati fl-aħħar ta’ Novembru u se jinħarġu oħrajn fl-2022.
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, proposti mill-Kummissjoni f’Diċembru 2020, għandhom l-għan li joħolqu spazju diġitali aktar sikur u aktar miftuħ għall-utenti kollha, fejn id-drittijiet fundamentali tagħhom ikunu protetti u fejn ikollhom aċċess għal servizzi diġitali ta’ kwalità bi prezzijiet aktar baxxi. Il-Ftehim dwar dawn il-proposti mistenni fl-2022.
Iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u s-sikurezza online
Hekk kif il-ħajja soċjali u ekonomika qed taqleb dejjem aktar lejn l-online, l-attakki ċibernetiċi qed isiru okkorrenza regolari, u qed isiru dejjem aktar ta’ ħsara. Fl-2021, l-attakki mir-ransomware ntużaw globalment biex jiddestabbilizzaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-faċilitajiet għall-produzzjoni tal-enerġija u infrastrutturi kritiċi oħrajn. L-UE mhijiex immuni għal dawn it-tipi ta’ attakki.
Protezzjoni tajba minn attakki ċibernetiċi teħtieġ azzjoni unifikata lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Għalhekk, bħala parti mill-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà, fl-2021 il-Kummissjoni bdiet tistabbilixxi ċ-Ċiberunità Konġunta, pjattaforma ġdida li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri. L-unità l-ġdida se tibbenefika wkoll mill-għarfien espert tal-industrija taċ-ċibersigurtà, u b’hekk tgħin lill-Unjoni Ewropea kollha tirreaġixxi għat-theddid ċibernetiku. Ix-xogħol biex iċ-Ċiberunità Konġunta tkun tista’ tibda taħdem għadu għaddej.
Wara l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, il-Kummissjoni bdiet taħdem flimkien mal-awtoritajiet Rumeni biex tistabbilixxi ċ-ċentru f’Bukarest. Dan se jgħin biex jissaħħu l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tal-UE, jagħti spinta lill-eċċellenza fir-riċerka u jtejjeb il-kompetittività tal-industrija Ewropea taċ-ċibersigurtà.
Għanijiet taċ-Ċiberunità Konġunta
Tiżgura rispons koordinat tal-UE għal theddid, inċidenti u kriżijiet taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.
Ittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati taċ-ċibersigurtà u l-komunikazzjoni mal-pubbliku ġenerali.
Tiggarantixxi tħejjija konġunta.
Protezzjoni tad-Data
L-iżgurar tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza huwa prerekwiżit għall-individwi biex ikunu jistgħu jafdaw teknoloġiji ġodda u innovattivi. F’dan is-sens, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza huma parti mis-soluzzjoni għal ħafna problemi, u faċilitaturi għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi doppji.
It-tmexxija tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data turi li r-regoli tagħha f’dan il-qasam jistgħu jaġixxu bħala l-istandard tad-deheb għar-regolamentazzjoni tal-ekonomija diġitali. B’mod partikolari, meta pajjiżi mhux tal-UE jiżguraw livell ta’ protezzjoni tad-data ekwivalenti għall-UE, l-UE tista’ tagħmel użu mill-aktar strument komprensiv tagħha għat-trasferimenti tad-data, magħruf bħala konstatazzjoni tal-adegwatezza. Fuq il-bażi ta’ dan, id-data tista’ tiċċirkola liberament u b’mod sikur bejn l-UE u l-pajjiż rispettiv, filwaqt li tiffaċilita l-kummerċ u ttejjeb l-effettività tal-kooperazzjoni regolatorja u tal-infurzar tal-liġi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji.
Wara l-ħolqien tal-akbar żona ta’ flussi ta’ data ħielsa u sikuri fid-dinja mal-Ġappun fl-2019, l-UE kompliet taħdem mas-sħab internazzjonali għall-konverġenza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tad-data, u dan kollu filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali trasferita barra mill-pajjiż.
Fl-2021, l-UE adottat żewġ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza għar-Renju Unit, inkluża waħda li tkopri, għall-ewwel darba, skambji ta’ data bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kriminali. Hija kkonkludiet pożittivament ukoll it-taħditiet tagħha mal-Korea t’Isfel, li rriżultaw fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza għat-trasferimenti kemm fil-qasam ta’ kooperazzjoni kummerċjali u kemm f’dak ta’ kooperazzjoni regolatorja. Barra minn hekk, matul l-2021, saru negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar arranġament suċċessur possibbli għall-qafas tal-Ħarsien tal-Privatezza, wara l-invalidazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Fl-2021, il-Kummissjoni adottat ukoll klawżoli kuntrattwali standard ġodda għall-ipproċessar ta’ data personali. Dawn il-klawżoli jgħinu lill-organizzazzjonijiet jikkonformaw mar-regoli tal-protezzjoni tad-data kemm meta jesternalizzaw operazzjonijiet ta’ pproċessar lil proċessuri fl-UE/fiż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll meta jittrasferixxu data fl-esteru.
Il-Kummissjoni ħadet ukoll passi biex tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Fi Frar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Spanja kienet naqset milli tittrasponi fil-ħin id-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. Il-Qorti imponiet sanzjonijiet finanzjarji fuq Spanja. Wara s-sentenza, Spanja ħadet il-passi meħtieġa biex ittemm dan il-ksur.
Identità Diġitali Ewropea
Ħafna nies diġà qed jużaw kartieri diġitali fuq l-ismartphones tagħhom biex jaħżnu l-karti tal-imbarkazzjoni tagħhom meta jivvjaġġaw jew għal kards bankarji virtwali, u 63 % taċ-ċittadini tal-UE jridu ID diġitali unika sigura għas-servizzi online kollha. Skont ir-regoli l-ġodda proposti, ippreżentati mill-Kummissjoni f’Ġunju, se jkun hemm kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali disponibbli għal kwalunkwe ċittadin, resident jew negozju fl-UE li jixtieq jużaha. Dawn huma kartieri diġitali personali li jippermettu li n-nies jaħżnu u jużaw data għal kull tip ta’ servizz, mill-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa sal-kiri ta’ karozza.
Iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jagħtu prova tal-identità tagħhom b’mod sikur u jikkondividu dokumenti elettroniċi mill-kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali tagħhom fuq l-ismartphone tagħhom. Se jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi online bl-identifikazzjoni diġitali nazzjonali tagħhom, li se jkunu rikonoxxuti madwar l-UE kollha. L-identità Diġitali Ewropea se tgħin biex jintlaħqu wħud mill-miri tal-Kumpass Diġitali. Pereżempju, sal-2030, is-servizzi pubbliċi ewlenin kollha għandhom ikunu disponibbli online, iċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess għal rekords mediċi elettroniċi u 80 % taċ-ċittadini għandhom ikunu qed jużaw l-ID diġitali.
Konnettività avvanzata
Il-Kummissjoni adottat l-ewwel programm ta’ ħidma għall-parti diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE Diġitali), li jiddefinixxi l-objettivi tal-miżuri appoġġati mill-UE meħtieġa biex tittejjeb l-infrastruttura tal-konnettività diġitali tal-Ewropa f’perjodu ta’ 3 snin. Dawn il-miżuri se jirċievu aktar minn €1 biljun f’finanzjament mill-2021 sal-2023. Is-CEF Diġitali se tikkontribwixxi biex tiġi varata infrastruttura tal-gigabits u tal-5G bit-trawwim ta’ investiment pubbliku u privat, biex ir-rotot u l-komunitajiet ewlenin tat-trasport tal-UE jiġu mgħammra b’networks 5G, jiġu interkonnessi t-teknoloġiji avvanzati bħas-servizzi tal-cloud u tal-kwantum u, fl-aħħar nett, jinħolqu pjattaformi diġitali operazzjonali għall-ħżin, il-kondiviżjoni u l-ipproċessar tad-data tas-settur tal-enerġija u tat-trasport.
L-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti, li qed taħdem għas-6G, ġiet stabbilita fl-2021, u adottat l-ewwel programm ta’ ħidma tagħha b’finanzjament pubbliku allokat ta’ madwar €240 miljun. Il-missjoni tal-impriża konġunta hija li tibni l-kapaċità tal-UE għas-sistemi 6G.
Kundizzjonijiet aħjar għall-konsumaturi
Wara r-rakkomandazzjoni tal-2020 li tappella għal aktar investiment fil-broadband, f’Marzu l-Istati Membri qablu dwar sett ta’ għodod komuni tal-UE tal-aħjar prattiki. Din għandha l-għan li tnaqqas il-kost tal-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna u li tiżgura aċċess f’waqtu, effiċjenti u favorevoli għall-investiment għall-ispettru tar-radju tal-5G.
It-tariffi tar-roaming ġew aboliti fl-2017, minn dak iż-żmien in-nies setgħu jużaw it-telefown tagħhom mingħajr tariffi addizzjonali meta jivvjaġġaw fl-UE. Biex tiżgura li jkunu jistgħu jkomplu jgawdu roaming mingħajr ħlas, fi Frar il-Kummissjoni pproponiet li testendi r-regoli attwali, li għandhom jiskadu fl-2022, għal 10 snin oħra. Il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-regolament f’Diċembru, u se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2022. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw servizzi tar-roaming saħansitra aħjar għall-vjaġġaturi. Il-benefiċċji l-ġodda jinkludu l-istess veloċitajiet ta’ data mobbli barra mill-pajjiż bħal f’pajjiżhom, aċċess effiċjenti għal servizzi ta’ emerġenza barra mill-pajjiż u trasparenza akbar tal-ispejjeż tat-telefonati lejn hotlines u n-numri tas-servizzi tal-klijenti meta jkunu barra minn pajjiżhom.
Protezzjoni tal-konsumatur online
Il-bejgħ online żdied b’mod kostanti matul dawn l-aħħar 20 sena, u fl-2020 madwar 71 % tal-konsumaturi xtraw online, u spiss xtraw prodotti teknoloġiċi ġodda. F’Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tirrevedi żewġ settijiet ta’ regoli tal-UE biex jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur fid-dawl ta’ dawn il-bidliet.
Ir-Regolament il-ġdid dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, jekk jiġi adottat, jindirizza r-riskji relatati ma’ dawn il-prodotti teknoloġiċi ġodda, bħal kull riskju possibbli għall-konnettività jew għaċ-ċibersigurtà. Dan jindirizza wkoll ir-riskji possibbli relatati max-xiri online, pereżempju billi jintroduċi obbligi relatati mas-sikurezza tal-prodotti għas-swieq online. Ir-regolament il-ġdid jiżgura li s-swieq jissodisfaw dawn id-dmirijiet sabiex il-konsumaturi ma jiġux offruti prodotti perikolużi jew ma jispiċċawx bihom. Il-proposta għandha l-għan b’mod aktar ġenerali li tiżgura li l-prodotti kollha li jaslu għand il-konsumaturi tal-UE, kemm jekk mixtrija online kif ukoll minn ħanut lokali, ikunu sikuri, kemm jekk jiġu minn ġewwa l-UE kif ukoll jekk minn barra. F’każ li l-prodotti perikolużi jaslu għand il-konsumaturi, ir-regoli l-ġodda jkollhom l-għan li jiżguraw li jitneħħew malajr mis-swieq tal-UE.
Il-proposta għal Direttiva riveduta dwar il-Kreditu għall-Konsumatur għandha l-għan li tiżgura li l-konsumaturi jirċievu l-informazzjoni t-tajba fil-ħin it-tajjeb, adattata għall-apparati diġitali, sabiex jifhmu eżattament għal xiex qed jiffirmaw. Id-direttiva, jekk tiġi adottata, tkun tkopri prodotti ġodda ta’ kreditu riskjużi u atturi ġodda fis-suq, u ttejjeb ir-regoli għall-valutazzjoni ta’ jekk konsumatur ikunx jista’ jħallas lura s-self, inkluż meta tali valutazzjonijiet isiru permezz ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat. Id-direttiva riveduta titlob lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni finanzjarja u tiżgura li l-pariri dwar id-dejn ikunu disponibbli għall-konsumaturi.
F’Diċembru, il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ tliet direttivi tal-UE dwar il-liġi tal-konsumatur: id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u d-Direttiva dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet. Dawn se jgħinu lill-Istati Membri, lill-konsumaturi, lill-kummerċjanti, lill-imħallfin, lill-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u lil partijiet ikkonċernati oħrajn jifhmu aħjar kemm kif japplikaw il-liġi tal-konsumatur eżistenti tal-UE għal prattiki ġodda, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, kif ukoll il-bidliet reċenti li saru f’dawn id-direttivi mid-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni.
Inwaqqfu l-frustrazzjoni tal-konsumatur u l-iskart elettroniku
KONSUMATURI
EUR 2.4 biljun
jintefqu kull sena mill-konsumaturi fuq ċarġers awtonomi.
38 % tal-konsumaturi
jilmentaw dwar problemi kkawżati minn ċarġers inkompatibbli.
AMBJENT
11,000 tunnellata
ta’ skart elettroniku jiġi prodott kull sena minn ċarġers mormija u mhux użati.
Il-konsumaturi jużaw biss żewġ ċarġers minn tlieta
li huma proprjetà tagħhom.
Wara snin ta’ ħidma mal-industrija tal-elettronika fuq approċċ volontarju, li diġà għen biex jitnaqqas l-għadd ta’ tipi differenti ta’ ċarġers tal-mobiles minn 30 għal tlieta, f’Settembru l-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni għal ċarġer komuni għall-apparat elettroniku kollu. Il-USB-C se jsir il-port standard għall-iċċarġjar il-ġdid għall-ismartphones, it-tablets, il-kameras, il-kuffji, l-ispeakers portabbli u l-consoles tal-logħob vidjo li jinżammu fl-idejn kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li jkun hemm is-separazzjoni tal-bejgħ taċ-ċarġers mill-bejgħ tal-apparat elettroniku. Soluzzjoni unika ta’ ċċarġjar se tkun aktar konvenjenti għan-nies u se tnaqqas l-iskart elettroniku — kontribut importanti kemm għat-tranżizzjoni diġitali kif ukoll għat-tranżizzjoni ekoloġika.
KONSUMATURI
Għajnuna biex il-konsumaturi jiffrankaw
€ 250 miljun fis-sena
f’xiri bla bżonn taċ-ċarġers.
AMBJENT
Tnaqqis tal-iskart elettroniku bi kważi
1,000 tunnellata
fis-sena.
Ħiliet għall-era diġitali
F’Mejju, il-Kummissjoni, flimkien ma’ diversi sħab fl-Istati Membri, nediet il-Pjattaforma għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, punt uniku ta’ servizz għal informazzjoni, inizjattivi u riżorsi ta’ kwalità għolja dwar il-ħiliet diġitali. Fi żmien meta 44 % tan-nies fl-UE ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi, il-pjattaforma l-ġdida se tgħin biex tnaqqas id-distakk fil-ħiliet u ssaħħaħ il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali u l-25 koalizzjoni nazzjonali tagħha. F’Novembru, il-Kummissjoni ppubblikat għodda ta’ awtovalutazzjoni għall-ħiliet diġitali f’29 lingwa, li tintuża bla ħlas.
Diġitali għall-industrija
F’Lulju, il-Kummissjoni nediet l-Alleanza Industrijali għat-Teknoloġiji tal-Proċessuri u s-Semikondutturi biex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fil-bini tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mikroċipep. L-Alleanza għandha l-għan li tistabbilixxi l-kapaċità ta’ proġettazzjoni u ta’ manifatturazzjoni meħtieġa għall-produzzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ proċessuri u komponenti elettroniċi. Hija se tidentifika u tindirizza l-ostakli, il-ħtiġijiet u d-dipendenzi attwali li jeżistu madwar l-industrija kollha. Hija tibni fuq l-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni li ttejjeb s-sovranità teknoloġika tal-UE billi żżid is-sehem tagħha tal-produzzjoni globali tas-semikondutturi minn 10 % għal 20 % sal-2030. Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret Att Ewropej dwar iċ-Ċipep biex tinħoloq ekosistema tal-UE tal-ogħla livell għaċ-ċipep, li tinkludi l-produzzjoni. Il-proposta ġiet adottata fil-bidu tal-2022.
Trasformazzjoni diġitali
Intelliġenza artifiċjali
L-IA, inklużi l-aħħar tekniki ta’ tagħlim awtomatiku, tintuża biex jinħolqu innovazzjonijiet f’varjetà wiesgħa ta’ oqsma, li jwasslu għal servizzi aħjar, kura medika u prodotti għall-konsumatur. Madankollu, in-nies fl-UE jeħtieġ li jkunu jafu li jistgħu jafdaw li s-sistemi tal-IA qed jintużaw b’mod sikur u legalment konformi. Filwaqt li sistemi bħal dawn jistgħu jintużaw biex isolvu ħafna sfidi li qed taffaċċa s-soċjetà llum, xi wħud minnhom joħolqu riskji li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex jiġu evitati eżiti mhux mixtieqa. Pereżempju, spiss ma jkunx possibbli li ssir taf għaliex jew kif sistema tal-IA tkun iġġenerat ċertu riżultat, bħal deċiżjoni awtomatizzata jew tbassir. Għalhekk jista’ jkun diffiċli li jiġi vvalutat jekk xi ħadd kienx żvantaġġat inġustament, bħal f’deċiżjoni ta’ reklutaġġ jew fid-distribuzzjoni ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali.
Biex tindirizza dawn l-isfidi u sfidi oħrajn, f’April il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għall-ewwel qafas legali dinji dwar l-IA, akkumpanjata minn Pjan Ikkoordinat aġġornat mal-Istati Membri. Iż-żewġ inizjattivi għandhom l-għan li jbiddlu l-Unjoni Ewropea f’ċentru globali għal IA eċċellenti u affidabbli. Ir-regoli l-ġodda dwar il-makkinarju u l-prodotti relatati se jikkomplementaw l-approċċ tal-UE billi jadattaw ir-regoli tas-sigurtà ħalli tiżdied il-fiduċja tal-utenti fil-ġenerazzjoni l-ġdida u versatili tal-prodotti. Ir-Regolament il-ġdid dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, jekk jiġi adottat, jikkomplementa dawn ir-regoli bħala xibka ta’ sikurezza.
Ir-Regolament il-ġdid dwar l-IA se jgħin biex jiggarantixxi s-sigurtà u d-drittijiet fundamentali tan-nies u tan-negozji, filwaqt li jsaħħaħ l-użu tat-teknoloġiji, l-investiment fihom u l-innovazzjoni relatata magħhom madwar l-UE. Il-proposta tistabbilixxi approċċ ibbażat fuq ir-riskju, filwaqt li tirrakkomanda rekwiżiti aktar stretti għal sistemi tal-IA aktar riskjużi.
Il-Pjan Ikkoordinat jiddeskrivi l-bidliet fil-politika u l-investiment meħtieġa fl-Istati Membri biex tissaħħaħ il-pożizzjoni ewlenija tal-UE fl-iżvilupp ta’ IA ċċentrata fuq il-bniedem, sostenibbli, sigura, inklużiva u affidabbli. Il-pjan jipproponi azzjonijiet konġunti għall-kollaborazzjoni biex jiġi żgurat li l-isforzi kollha jkunu allinjati mal-Istrateġija dwar l-IA u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-isfidi l-ġodda li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.
L-UE diġà ffinanzjat varjetà ta’ proġetti tal-IA li joffru soluzzjonijiet f’ħafna oqsma tas-soċjetà, inklużi l-agrikoltura, il-kura tas-saħħa u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.
L-Alleanza Ewropea għad-Data Industrijali, għall-Edge u għall-Cloud
Id-data hija riżorsa importanti fl-ekonomija industrijali, u qed tinħażen dejjem aktar fil-cloud. In-negozji jistgħu jaċċessaw riżorsi tal-informatika ospitati minn terzi fuq l-internet minflok ma jibnu l-infrastruttura tal-IT tagħhom stess. Din il-ġabra ta’ riżorsi hija magħrufa l-aktar bħala cloud computing. Fl-2021, 42 % tan-negozji tal-UE użaw il-cloud computing (meta mqabbla ma’ 36 % fl-2020 u 19 % fl-2016). Huwa mbassar li sal-2025, 80 % tad-data kollha se tiġi pproċessata f’apparati intelliġenti eqreb tal-utent – magħruf bħala edge computing – minflok f’ċentri tad-data kbar bħal-lum.
Għal dawn ir-raġunijiet, l-Alleanza Ewropea l-ġdida għad-Data Industrijali, għall-Edge u għall-Cloud għandha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija tal-UE fit-teknoloġiji cloud u edge, filwaqt li tlaqqa’ flimkien in-negozji, l-Istati Membri u l-esperti fil-qasam. L-alleanza se tgħin biex tiġi rilaxxata l-qawwa tal-cloud u tal-edge computing u tappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali, l-internet tal-oġġetti u l-5G. Dan se tiksbu filwaqt li tipprovdi infrastruttura tal-cloud sostenibbli u tiżgura li n-nies fl-UE jkollhom aktar kontroll fuq id-data tagħhom.
Supercomputers
Bl-ammonti dejjem akbar ta’ data li qed jiġu ġġenerati b’mod kostanti, in-natura tal-computing qed tinbidel. Illum, is-supercomputers jistgħu jwettqu miljuni ta’ biljuni — u dalwaqt biljuni ta’ biljuni — ta’ operazzjonijiet kull sekonda u qed jgħinu biex jissolvew problemi kumplessi. Dawn ivarjaw mill-analiżi u l-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u t-tisħiħ tal-għarfien f’diversi oqsma xjentifiċi għall-iżvilupp ta’ trattamenti għall-COVID-19.
Biex l-UE tkun tista’ tkun minn ta’ quddiem fid-dinja fis-supercomputing, fl-2018 inħolqot l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew biex tiġbor flimkien ir-riżorsi Ewropej u nazzjonali biex takkwista u tuża supercomputers u teknoloġiji tal-ogħla livell. L-inizjattiva tlaqqa’ flimkien l-UE, is-27 Stat Membru, tliet pajjiżi oħrajn u żewġ membri tas-settur privat: il-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u DAIRO/l-Assoċjazzjoni tal-Valur tal-Big Data.
F’Lulju 2021, l-UE adottat regolament ġdid li jwitti t-triq għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ supercomputers fl-Ewropa. Barra minn hekk, dan se jiskatta l-kapaċità tal-impriża konġunta li tiġbed fondi minn Orizzont Ewropa, mill-Programm Ewropa Diġitali u mill-FNE Diġitali biex tkompli tinvesti fis-supercomputing u fil-computing kwantistiku, u biex tappoġġa l-aġenda ambizzjuża tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Flimkien mal-investiment mill-pajjiżi parteċipanti u l-membri tas-settur privat, dan l-investiment se jiswa madwar €7 biljun.
L-UE akkwistat seba’ supercomputers ta’ klassi dinjija. Discoverer fil-Bulgarija, MeluXina fil-Lussemburgu u Vega fis-Slovenja bdew joperaw kompletament fl-2021, bl-inawgurazzjoni ta’ Karolina fiċ-Ċekja, Leonardo fl-Italja, Deucalion fil-Portugall u LUMI fil-Finlandja mistennija fl-2022.
Finanzi diġitali
Fl-2021, il-Kummissjoni għamlet progress mal-koleġiżlaturi dwar is-Swieq fil-Kriptoassi u l-fajls tal-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali, li kienet ipproponiet f’Settembru 2020 bħala parti mill-pakkett dwar il-finanzi diġitali tagħha. Barra minn hekk, f’Diċembru, l-Istati Membri approvaw il-ftehim milħuq mal-Parlament dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta' reġistru distribwit (distributed ledger technology, DLT). Il-kriptoassi huma wħud mill-applikazzjonijiet ewlenin tad-DLT għall-finanzi. Ir-reġim pilota jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-akkwist ta’ permess biex titħaddem infrastruttura tas-suq tad-DLT, jiddefinixxi liema strumenti finanzjarji tad-DLT jistgħu jiġu nnegozjati u jagħti dettalji dwar il-kooperazzjoni bejn l-operaturi tal-infrastruttura tas-suq DLT u l-awtoritajiet. Dan se jippermetti lir-regolaturi tal-UE u lill-parteċipanti fis-suq jiksbu esperjenza bl-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (jiġifieri t-teknoloġija użata għan-negozjar u s-saldu ta’ strumenti finanzjarji “tokenised”), filwaqt li jiżgura li jkunu jistgħu jittrattaw ir-riskji għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja.
Konnettività internazzjonali
Il-cable transatlantiku ta’ EllaLink, li jikkonnettja lil Sines fil-Portugall ma’ Fortaleza fil-Brażil, jirrappreżenta l-ewwel konnessjoni diretta u ta’ kapaċità għolja tad-data bejn l-Ewropa u l-Amerka Latina. L-UE għenet biex tinħoloq awtostrada diġitali ta’ 34,000 km biex tappoġġa l-iskambju ta’ data dwar ir-riċerka u l-edukazzjoni, filwaqt li tnaqqas il-ħin tad-dewmien bin-nofs. Dan l-istadju importanti se jgħin biex jitrawmu aktar kollaborazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti tul il-25 sena li ġejjin. Kumplessivament, l-inizjattiva “Building the Europe Link with Latin America”, inkluża l-kondiviżjoni ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja u data ta’ osservazzjoni tad-dinja, se tilħaq il-65 miljun utent f’aktar minn 12,000 istituzzjoni tal-edukazzjoni u r-riċerka fl-Ewropa, l-Amerka Latina u l-Karibew.
Nipproteġu n-nies u l-libertajiet
Unjoni Ewropea aktar f’saħħitha
Il-pandemija tal-COVID-19 qiegħdet is-saħħa pubblika fil-quċċata tal-aġenda tal-UE. Mindu l-President Ursula von der Leyen ħabbret, f’Settembru 2020, l-intenzjoni li tinbena Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet il-pedamenti għaliha, bl-għajnuna ta’ dak li tgħallmet mill-pandemija.
Inħejju u nirrispondu għall-kriżijiet tas-saħħa
L-ewwel pilastru tal-Unjoni tas-Saħħa huwa t-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-theddid transfruntier għas-saħħa qed tiġi riveduta biex jitqiesu t-tagħlimiet meħuda mill-COVID-19. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li kienu linji ta’ difiża importanti fil-ġlieda kontra l-COVID-19, qed jirċievu mandat aktar b'saħħtu biex jindirizzaw emerġenzi tas-saħħa futuri. Huwa maħsub li dawn l-aġenziji tas-saħħa ewlenin tal-UE se jipprovdu aktar gwida xjentifika u koordinazzjoni akbar fl-emerġenzi. Ir-riskju ta’ skarsezzi ta’ mediċini se jitnaqqas bis-saħħa ta’ monitoraġġ aħjar u tħejjija mtejba. Jekk jintlaħaq qbil dwar il-proposti tal-Kummissjoni, meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, se jkun possibbli li tiġi ddikjarata emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni Ewropea, li tippermetti l-introduzzjoni ta’ ċerti miżuri għal rispons aktar b’saħħtu.
Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 għadha ma ntemmitx, l-UE trid tkun imħejjija għal theddid transfruntier għas-saħħa fil-futur. F’Ġunju, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar l-ewwel tagħlimiet meħuda mill-pandemija, u dwar kif tibni fuqhom biex ittejjeb l-azzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan se jgħin biex jiġu antiċipati aħjar ir-riskji għas-saħħa pubblika u jissaħħaħ l-ippjanar ta’ kontinġenza, li jwassal għal risponsi konġunti aktar rapidi u aktar effettivi fil-livelli kollha. Il-Komunikazzjoni tiffoka fuq it-tħejjija u r-rispons fil-qasam tas-saħħa, u tislet minn 10 tagħlimiet bikrija mill-kriżi tas-saħħa dwar fejn hemm bżonn li l-UE taġixxi.
Bħala parti mir-rispons tagħha, il-Kummissjoni waqqfet l-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (Health Emergency Preparedness and Response Authority, HERA). Il-HERA, li hija element ċentrali tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, għandha topera b’żewġ modalitajiet differenti: modalità ta’ tħejjija u modalità ta’ emerġenza. Ġeneralment, l-awtorità se ttejjeb l-iżvilupp, il-manifattura, l-akkwist u d-distribuzzjoni tal-UE ta’ kontromiżuri mediċi ewlenin (pereżempju tilqim, antibijotiċi, tagħmir mediku, testijiet dijanjostiċi jew tagħmir protettiv personali) fl-UE.
Il-pakkett li jistabbilixxi l-HERA ġie adottat fis-16 ta’ Settembru. L-awtorità bdiet taħdem fl-1 ta’ Ottubru, u bniet fuq is-sisien li ħalla l-Inkubatur HERA, li beda jaħdem fi Frar 2021 biex iħejji lill-UE għat-theddida akbar ta’ varjanti tal-coronavirus. Il-HERA ilha taħdem mill-1 ta’ Jannar 2022, b’baġit indikattiv totali ta’ €6 biljun għall-2022–2027.
Matul il-modalità ta’ tħejjija tagħha, il-HERA se taħdem fuq li tivvaluta t-theddid u tiġbor l-intelligence; li tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp; li tindirizza l-isfidi tas-suq; li tiżgura l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi; u li ssaħħaħ l-għarfien u l-ħiliet.
Il-miżuri ta’ emerġenza tal-HERA jinkludu l-monitoraġġ, l-akkwist, ix-xiri u l-manifattura ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi, l-attivazzjoni tal-faċilitajiet EU FAB (network ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni għall-manifattura tat-tilqim u l-mediċini li huma dejjem lesti li jibdew jitħaddmu), l-attivazzjoni ta’ pjanijiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni f’każ ta’ emerġenza, l-istabbiliment ta’ inventarju għal faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi u l-faċilitazzjoni tal-finanzjament ta’ emerġenza.
L-awtorità se jkollha f’idejha bosta attivitajiet fil-livell internazzjonali. Dawn jinkludu kollaborazzjoni mas-sħab globali biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet fil-katina tal-provvista internazzjonali; l-espansjoni tal-produzzjoni globali; it-tisħiħ tas-sorveljanza globali; u l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati globali u tal-appoġġ għalihom, biex tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ kontromiżuri mediċi għall-Istati Membri tal-UE u għall-pajjiżi mhux tal-UE. Dawn jinkludu wkoll il-bini ta’ għarfien espert biex jiġu żviluppati kapaċitajiet ta’ manifattura u distribuzzjoni lokali, u l-appoġġ għall-aċċess għal kontromiżuri mediċi ffinanzjati mill-UE jew akkwistati mill-UE.
Il-HERA qed taħdem mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, mal-aġenziji tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati bħar-riċerkaturi, il-kumpaniji tal-bijoteknoloġija, il-manifatturi u r-regolaturi — biex taqbad u tikkaratterizza varjanti ġodda malajr, tadatta l-vaċċini kif meħtieġ u tespandi l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għall-kontromiżuri mediċi. Pereżempju, hija mmobilizzat il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Varjanti tas-SARS-CoV-2 biex jagħti pariri dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati vaċċini ġodda jew adattati, u dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri addizzjonali tas-saħħa pubblika fil-livell tal-UE minħabba varjanti emerġenti ġodda. L-awtorità qiegħda wkoll taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-produtturi tal-vaċċini li bdew janalizzaw il-varjant Omicron u jittestjaw l-effettività tal-vaċċini tagħhom kontrih. Lil hinn minn dan, il-HERA qiegħda wkoll f’kuntatt ma’ pajjiżi mhux tal-UE biex tesplora oqsma għall-kooperazzjoni u l-iskambju.
Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer
It-tieni pilastru tal-Unjoni tas-Saħħa jindirizza t-tieni l-akbar qattiel fl-UE. Fl-2020, 2.7 miljun persuna fl-UE ġew dijanjostikati bil-kanċer, li wassal għal piż fiżiku u mentali sinifikanti fuq il-pazjenti, fuq dawk li għaddew minnu, u l-maħbubin tagħhom. Il-kanċer joħloq ukoll piż sinifikanti fuq is-sistemi tas-saħħa u soċjali, u jipperikola t-tkabbir u l-kompetittività tal-ekonomija, u s-saħħa tal-forza tax-xogħol. Madankollu, 40 % tal-kanċers huma forom li jistgħu jiġu evitati, jiġifieri huma marbutin mal-istil ta’ ħajja (dieta, attività fiżika, użu tat-tabakk, konsum tal-alkoħol, eċċ.) jew it-tniġġis ambjentali, jew li teżisti tilqima kontrihom.
Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, li ġie adottat fi Frar 2021, għandu l-għan li jindirizza l-marda f’kull stadju premzz ta’ approċċ integrat, li jinkludi s-saħħa fil-politiki kollha u li jinvolvi bosta partijiet ikkonċernati. Huwa mibni madwar 10 inizjattivi ewlenin biex iwasslu għat-titjib — mill-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija, id-dijanjożi u t-trattament, għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-pazjenti tal-kanċer u dawk li jkunu għaddew minnu, filwaqt li jiżgura li l-pazjenti jirċievu aċċess ugwali għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja.
Il-Missjoni dwar il-Kanċer ta’ Orizzont Ewropa — waħda minn ħames Missjonijiet tal-UE mħabbra f’Settembru 2021 — se taħdem mal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer biex ittejjeb il-ħajjiet ta’ aktar minn 3 miljun persuna sal-2030 permezz ta’ prevenzjoni aħjar, trattamenti aktar effettivi u kwalità tal-ħajja aħjar. Ġeneralment, il-programm l-UE għas-Saħħa u strumenti oħra tal-UE se jipprovdu appoġġ li jammonta għal madwar €4 biljun lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu s-sistemi tal-kura tas-saħħa aktar robusti u aktar kapaċi jindirizzaw il-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer.
Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa
It-tielet pilastru huwa l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa, varata fl-2020. Tirrappreżenta riforma sħiħa tas-sistemi tal-UE għall-mediċini. Se tindirizza sfidi persistenti għas-sistema farmaċewtika tal-UE, se trawwem l-innovazzjoni (inkluż għal ħtiġijiet mediċi li mhumiex indirizzati) u tissalvagwardja d-disponibbiltà tal-mediċini, mhux biss f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, iżda wkoll fi żminijiet normali. L-azzjonijiet emblematiċi tagħha jinkludu reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-mediċina u d-djalogu strutturat dwar is-sigurtà tal-provvista tal-mediċini. Dan tal-aħħar huwa proċess li beda fi Frar 2021 u għandu l-għan li jidentifika l-miżuri politiċi li jsaħħu r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tal-mediċini u jiżguraw provvisti siguri tal-mediċini.
Il-Kummissjoni qed tinvesti aktar minn qatt qabel f’dawn il-prijoritajiet urġenti tas-saħħa. Il-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa, li tnieda f’Marzu, huwa r-risposta ambizzjuża tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19. Imur lil hinn minn reazzjoni għall-kriżijiet, u se jara kif itejjeb u jrawwem is-saħħa fl-UE, isaħħaħ is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa u jtejjeb l-aċċess għall-mediċini, għall-apparat mediku, u għal prodotti rilevanti għall-kriżijiet.
Bl-EU4Health, l-UE se tinvesti EUR 5.3 biljun, fi prezzijiet kurrenti, f’inizjattivi fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE tipprovdi valur miżjud, filwaqt li tikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri u ssegwi wieħed jew aktar mill-objettivi tal-EU4Health.
Itejjeb u jrawwem is-saħħa fl-UE.
Jipproteġi lin-nies fl-UE minn theddidiet transfruntieri serji għas-saħħa.
Itejjeb il-prodotti mediċinali, l-apparat mediku u l-prodotti rilevanti għall-kriżijiet.
Isaħħaħ is-sistemi tas-saħħa.
Insaħħu d-demokrazija tagħna
Id-dibattitu demokratiku u l-modi kif in-nies jaċċessaw l-informazzjoni ttrasformaw ruħhom fi snin reċenti, u kulma jmur imxew online. Fl-istess ħin, aktar ċittadini tal-UE minn qatt qabel qegħdin jeżerċitaw id-dritt demokratiku tagħhom li jivvutaw u li joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Barra minn hekk, ir-reklamar politiku kiber fl-importanza fir-rigward tal-kampanji fl-UE. Biex tiġi riflessa din il-klima li qed tinbidel, u biex issaħħaħ id-demokrazija u l-integrità tal-elezzjonijiet, f’Novembru l-Kummissjoni ppreżentat proposti ġodda dwar ir-reklamar politiku, dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej.
Il-proposti jibnu fuq l-esperjenza miksuba matul l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 u jwettqu l-prijoritajiet imħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u r-Rapport tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE. Biex jiġi żgurat li l-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew isiru skont l-ogħla standards demokratiċi, l-għan huwa li r-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ u li l-Istati Membri jimplimentawhom kollha kemm huma sar-rebbiegħa tal-2023.
Reklamar politiku
Il-komunikazzjoni diġitali u l-internet jipprovdu ħafna opportunitajiet biex il-politiċi jilħqu liċ-ċittadini u biex iċ-ċittadini jieħdu sehem fid-dibattitu demokratiku. Madankollu, l-esperjenza f’xi elezzjonijiet reċenti turi li d-diġitalizzazzjoni u r-reklamar online jistgħu jintużaw għall-manipulazzjoni u d-diżinformazzjoni (ara wkoll il-Kapitolu 1 dwar l-azzjoni kontra d-diżinformazzjoni).
F’Novembru, il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni biex tiżgura aktar trasparenza fir-reklamar politiku. Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza armonizzati se jinkludu li tingħata informazzjoni rilevanti biex tippermetti liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex ċarament jidentifikaw reklam politiku u biex jivverifikaw l-oriġini tal-messaġġ politiku, u min ħallas għalih. It-tekniki ta’ mmirar u amplifikazzjoni se jkunu permessi biss jekk jissodisfaw rekwiżiti ta’ trasparenza sinifikanti. Dan se jagħti aktar setgħa lill-individwi biex jiddeterminaw jekk u kif jiġu mmirati mir-reklamar politiku u biex jiddeċiedu jekk iriduhx jew le.
Il-proposta se tikkomplementa r-regoli stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Servizzi Diġitali, bl-għan li jkun hemm regoli dedikati qabel ma jsiru l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Mejju 2024.
Libertà tal-media
908 ġurnalist u ħaddiem tal-media ġew attakkati fit-23 Stat Membru fl-2020.
175 ġurnalist u ħaddiem tal-media kienu vittmi ta’ attakki jew inċidenti, waqt protesti fl-UE fl-2020.
73 % tal-ġurnalisti nisa esperjenzaw vjolenza online fl-2020.
23 ġurnalist inqatlu fl-UE mill-1992 ’l hawn, u l-maġġoranza tal-qtil seħħet f’dawn l-aħħar 6 snin.
Il-libertà tal-media hija essenzjali għal demokrazija li taħdem. L-UE, hija u twettaq il-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, qed tieħu azzjoni biex tippreserva l-libertà tal-media u tiġġieled it-theddid li qed taffaċċja. F’Settembru, il-Kummissjoni għamlet rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti. Din tagħti gwida lill-Istati Membri dwar kif itejbu s-sikurezza fiżika u online tal-ġurnalisti u l-professjonisti tal-media, b’enfasi fuq theddid online ġdid, b’mod partikolari kontra ġurnalisti nisa jew dawk li jirrappreżentaw lill-minoranzi jew jirrapportaw dwarhom.
Pass ulterjuri huwa li l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet jiġu mħarsa minn kawżi legali abbużivi li għandhom l-għan li jnaffruhom milli jkunu involuti fi kwistjonijiet fl-interess pubbliku. F’Ottubru, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni pubblika biex tidentifika l-problemi f’dan il-qasam u biex titlob veduti dwar x’jeħtieġ li jsir. Proposta tal-Kummissjoni għal inizjattiva tal-UE dwar din il-kwistjoni hija mistennija fl-2022. L-UE tiffinanzja wkoll proġetti fuq il-libertà tal-media u l-pluraliżmu. Wieħed minn dawn il-proġetti huwa l-Euromedia Ownership Monitor, li ġie varat f’Settembru 2021 biex jipprovdi bażi ta’ data ta’ informazzjoni dwar is-sjieda tal-media, biex jivvaluta l-oqfsa legali rilevanti u jidentifika r-riskji possibbli għat-trasparenza tas-sjieda tal-media.
Il-Kummissjoni varat ukoll miżuri indikati fil-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv. Pereżempju, matul is-sajf, il-Kummissjoni varat sejħa għal sħubijiet ġurnalistiċi Ewropej taħt il-programm Ewropa Kreattiva. Il-Kummissjoni ħejjiet ukoll il-passi li jmiss bit-tħabbira tal-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021 dwar l-Att dwar il-Libertà tal-Media li għandu jiġi adottat fl-2022.
B’mod parallel, il-Kummissjoni kompliet timmonitorja s-sitwazzjoni tal-libertà tal-media u l-pluraliżmu fl-Istati Membri kollha bħala parti mir-rapport annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt.
Nissalvagwardjaw l-istat tad-dritt
F’Lulju, il-Kummissjoni ppubblikat it-tieni rapport annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt fl-UE, b’kapitlu separat dwar kull Stat Membru. Ir-rapport dwar l-istat tad-dritt huwa mfassal bħala ċiklu annwali biex jippromwovi l-istat tad-dritt, sabiex jipprevjeni li joħorġu l-problemi jew li jmorru għall-agħar, u sabiex jindirizzahom. Ir-rapport ikopri erba’ pilastri: sistemi nazzjonali ta’ ġustizzja; oqfsa kontra l-korruzzjoni; pluraliżmu u libertà tal-media; u kwistjonijiet istituzzjonali oħra marbutin mas-sistema ta’ kontrokontrolli meħtieġa għal demokrazija li tiffunzjona.
L-edizzjoni tal-2021 tirrapporta dwar l-iżviluppi mill-aħħar rapport u tqis l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Kollox ma’ kollox, ir-rapport sab ħafna żviluppi pożittivi fl-Istati Membri tal-UE, inkluż fejn l-isfidi identifikati fir-rapport tal-2020 qegħdin jiġu indirizzati.
Madankollu, fadal xi tħassib f’xi Stati Membri, pereżempju rigward l-indipendenza tal-ġudikatura u s-sitwazzjoni tal-media. Il-pandemija wriet ukoll l-importanza tal-kapaċità li tinżamm sistema ta’ kontrokontrolli għall-ħarsien tal-istat tad-dritt.
Il-Kummissjoni kompliet ukoll teżerċita r-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati tal-UE billi nediet proċeduri ta’ ksur. F’April, il-Kummissjoni rreferiet lill-Polonja lill-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-liġi dwar il-ġudikatura tal-2019 u t-tkomplija tal-attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema fir-rigward tal-każijiet li jikkonċernaw lill-imħallfin. Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti wkoll biex tordna miżuri interim, li l-Qorti tat fl-14 ta’ Lulju.
F’Settembru, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi penali finanzjarji kuljum fuq il-Polonja sakemm l-ordni dwar il-miżuri interim tal-Qorti tal-14 ta’ Lulju ma jkunx implimentat għalkollox. Fis-27 ta’ Ottubru l-Qorti ordnat li titħallas penali ta’ kuljum ta’ €1 miljun għan-nuqqas ta’ konformità.
Fil-kuntest ta’ proċedura ta' ksur oħra, il-Kummissjoni bagħtet ukoll ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja skont l-Artikolu 260(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea talli ma ħaditx il-miżuri neċessarja biex timxi għalkollox mas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, li sabet li l-liġi Pollakka dwar ir-reġim dixxiplinari kontra l-imħallfin kien inkompatibbli mad-dritt tal-UE. It-tweġiba qed tiġi analizzata fid-dettall qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-passi li jmiss.
F’Lulju, il-Kummissjoni varat proċeduri ta’ ksur kontra l-Ungerija b’rabta mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni. (Ara wkoll il-Kapitolu 7.)
Minbarra proċedimenti ta’ ksur, li għandhom l-għan li jindirizzaw ksur speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi l-proċedura aktar ġenerali għad-difiża tal-valuri komuni tal-Unjoni, inkluż l-istat tad-dritt. Hemm żewġ proċeduri pendenti fil-Kunsill, waħda miġjuba mill-Kummissjoni kontra l-Polonja fl-2017 u l-oħra mill-Parlament Ewropew kontra l-Ungerija fl-2018, bl-għan li jiddeterminaw jekk kienx hemm riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri tal-Unjoni. Il-Kummissjoni aġġornat lill-Kunsill dwar l-aħħar żviluppi fl-oqsma koperti mill-proposti motivati kemm fl-2020 kif ukoll fl-2021.
Nipproteġu l-baġit tal-UE
Ir-Regolament tal-2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni jiżgura li l-UE hija aktar kapaċi tindirizza l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwaw il-baġit tal-UE. Flimkien mal-istrumenti l-oħra li diġà hemm, dan jiżgura li kull euro jmur fejn huwa meħtieġ, u joħloq valur miżjud għaċ-ċittadini.
Mindu r-regolament daħal fis-seħħ f’Jannar 2021, il-Kummissjoni mmonitorjat is-sitwazzjoni madwar l-Istati Membri u ġabret l-informazzjoni rilevanti. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt huwa wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tuża biex tidentifika u tivvaluta ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt skont ir-regolament. Barra minn hekk, deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, rapporti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-konklużjonijiet mill-organizzazzjoni internazzjonali rilevanti kollha kemm huma jikkontribwixxu għall-analiżi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qed tħejji sett ta’ linji gwida biex tiċċara għadd ta’ elementi marbutin mal-funzjonament tar-regolament.
Involviment maċ-ċittadini
F’Ottubru, il-Parlament u l-Kunsill adottaw emenda għar-Regolament ta’ Aarhus li se ssaħħaħ il-kapaċità tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-pubbliku usa’ li jiġu skrutinizzati d-deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-ambjent. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jitolbu li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrieżaminaw l-azzjonijiet tagħhom biex jiżguraw protezzjoni ambjentali aħjar u azzjoni klimatika aktar effettiva.
Fl-2021, il-Kummissjoni wieġbet għal żewġ Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, it-tnejn li huma appoġġati minn aktar minn miljun ċittadin tal-UE. Għal Minority SafePack, rigward id-diversità kulturali u lingwistika, il-Kummissjoni indikat azzjoni ta’ segwitu mhux leġiżlattiva, filwaqt li għal End the Cage Age ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi qabel l-2024 it-tneħħija gradwali tal-gaġeġ għal ċerti annimali tar-razzett. Bħala segwitu għall-inizjattiva Right2Water tal-2014, id-Direttiva riveduta dwar l-Ilma tax-Xorb daħlet fis-seħħ f’Jannar u, bħala segwitu għall-inizjattiva Ban Glyphosate tal-2017, ir-Regolament dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari saru japplikaw f’Marzu. Ġew irreġistrati 11-il inizjattiva ġdida fl-2021.
Il-Kummissjoni varat 116-il konsultazzjoni pubblika fl-2021 u rċeviet 757,315-il kontribut, flimkien ma’ 104,771 risposta għal opportunitajiet oħra ta’ feedback (pereżempju pjanijiet direzzjonali u abbozzi ta’ atti). Il-Kummissjoni wieġbet ukoll għall-283 suġġeriment li rċeviet sa issa fuq il-portal Have Your Say: Simplify! Is-suġġerimenti rilevanti huma kkunsidrati mill-Pjattaforma Fit for Future, grupp ta' esperti ta' livell għoli, meta jkun qed ifassal il-programm ta' ħidma annwali tiegħu. Il-grupp huwa magħmul minn rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lin-negozji u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi. L-SME Envoy Network jikkontribwixxi, u huwa rrappreżentat fil-laqgħat plenarji tal-grupp.
Il-migrazzjoni u l-ażil
F’Settembru, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport ta’ progress dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, sena wara li ġie adottat f’Settembru 2020. Innutat li sakemm ikun hemm riforma komprensiva tas-sistema tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni, l-UE se tibqa’ aktar vulnerabbli u anqas imħejjija biex tirreaġixxi għal ċirkostanzi li qed jinbidlu.
Fi Frar, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-ewwel valutazzjoni fattwali tagħha lill-Kunsill dwar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab dwar ir-riammissjoni skont il-Kodiċi dwar il-Viżi rivedut u bħala parti mill-approċċ komprensiv għall-politika dwar il-migrazzjoni deskritta fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Din l-ewwel valutazzjoni kienet akkumpanjata minn komunikazzjoni li tindika kif l-UE beħsiebha ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni.
F’April 2021, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Strateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, li għandha l-għan li żżid il-proporzjon tar-ritorni li huma volontarji, li jikkontribwixxu għal ritorni umani u dinjitużi u li jgħinu biex tittejjeb il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab dwar ir-riammissjoni. Fl-istess ħin, ir-riintegrazzjoni tgħin lill-persuni rimpatrijati, kemm minn Stati Membri tal-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi, biex jaħtfu opportunitajiet fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunità, u jibnu l-fiduċja fis-sistema tal-migrazzjoni.
Din l-istrateġija tipprovdi għodda u gwida biex ittejjeb is-sostenibbiltà tar-ritorni billi żżid il-kooperazzjoni fil-pajjiżi sħab. Flimkien mal-istrateġija, il-Kummissjoni ppubblikat il-Qafas tal-UE dwar il-Konsulenza Dwar ir-Ritorn u Għodda ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni li tistabbilixxi (għall-Istati Membri) ir-rekwiżiti biex jitwaqqfu strutturi għall-konsulenza dwar ir-ritorn. Dawn jinkludu ħtiġijiet u finanzjament għar-riżorsi umani, flimkien mal-użu tal-għodda ta’ riferiment, li tippermetti l-fluss sigur ta’ informazzjoni bejn konsulenti tar-ritorn u fornituri tar-riintegrazzjoni.
Wara tentattivi mill-Belarussja biex tiddestabbilizza l-UE u l-Istati Membri tagħha billi tiffaċilita l-migrazzjoni irregolari u d-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-Ftehim ta’ Riammissjoni UE-Belarus, f’Settembru l-Kummissjoni pproponiet li tissospendi ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża mal-Belarussja, bil-mira li tolqot biss lill-uffiċjali tal-gvern u mhux liċ-ċittadini ordinarji tal-Belarussja. Il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni f’Novembru.
Il-Kummissjoni eżaminat il-ħtiġijiet finanzjarji u operattivi tal-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, u qed tagħmel €200 miljun oħra disponibbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, speċifikament b’rispons għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti min-naħa tal-istat fil-fruntieri esterni tal-UE. Fl-istess ħin, intensifikat id-djalogu ma’ pajjiżi mhux membri tal-UE rilevanti biex tallertahom dwar is-sitwazzjoni u biex tiżgura li jaġixxu biex jipprejvenu liċ-ċittadini tagħhom milli jidħlu fin-nassa mħejjija mill-awtoritajiet Belarussi.
L-attivitajiet tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, ġew ippreżentati f’komunikazzjoni konġunta bl-isem “Responding to state-sponsored instrumentalisation of migrants at the EU external border”, adottata fit-23 ta’ Novembru.
Fl-1 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tippermetti lill-Istati Membri l-aktar milquta biex temporanjament jadattaw is-sistemi tal-ażil tagħhom għar-realtajiet il-ġodda. Biex tgħin lin-nies vulnerabbli maqbuda fil-Belarus, il-Kummissjoni kienet immobilizzat €700,000 f’finanzjament umanitarju sa tmiem is-sena, u lesta li tagħti fondi addizzjonali. L-UE se tipprovdi wkoll sa €3.5 miljun biex tappoġġa l-persuni rimpatrijati volontarji mill-Belarussja. Barra minn hekk, il-persunal minn aġenziji tal-UE bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (dik li qabel kienet l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi lest li jiġi skjerat fil-fruntieri esterni biex jassisti lill-Istati Membri tal-UE fejn meħtieġ, u diġà qiegħed attiv fl-Istati Membri. Bil-ħsieb li jiġi adottat qafas permanenti, fl-14 ta’ Diċembru l-Kummissjoni adottat proposta biex jiġi emendat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, flimkien ma’ proposta għal regolament li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni.
Il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin
F’April, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar ta’ Bnedmin, li tieħu approċċ komprensiv li jkopri kollox, mill-prevenzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi sal-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti. Tinkludi inizjattivi legali, ta’ politika, u operazzjonali f'erba’ oqsma: it-tnaqqis tad-domanda li trawwem it-traffikar għal kull forma ta’ sfruttament; it-tkissir tal-mudell kummerċjali tat-traffikanti; il-protezzjoni, l-appoġġ u l-għoti ta’ setgħa lill-vittmi, b’enfasi speċifika fuq in-nisa u t-tfal; u d-dimensjoni internazzjonali. Il-Koordinatur ta' Kontra t-Traffikar, li għadha kemm inħatret, bdiet il-ħidma tagħha fl-1 ta’ Lulju 2021.
F’Settembru, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni mġedded tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti (2021–2025). Jistabbilixxi miżuri biex jiġġieldu u jipprevjenu t-traffikar, u biex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-migranti jiġu mħarsa bis-sħiħ. Jipproponi wkoll li jestendi l-miżuri restrittivi u li jsaħħaħ is-sanzjonijiet kriminali kontra t-traffikanti, u jippreżenta miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament tal-migranti u żżid l-għarfien dwar it-traffikar. Il-pjan ta’ azzjoni jqis ir-rwol ikbar tal-atturi statali li jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari u tuża n-nies biex jeżerċitaw pressjoni fil-fruntieri esterni għal skopijiet politiċi, kif ġie osservat fl-2021 fil-fruntiera esterna tal-UE mal-Belarussja. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll miżuri biex ittejjeb l-effettività tad-Direttiva tas-Sanzjonijiet għall-Impjegaturi. Dawn għandhom l-għan li jagħtu sanzjonijiet lill-impjegaturi li jħaddmu nies mingħajr id-dritt li jgħixu fl-UE, jipproteġu d-drittijiet tal-migranti irregolari u jipprevdu l-ispezzjonijiet. Il-miżuri se jiġu implimentati fl-2022.
F’Novembru, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli pproponew miżuri biex jipprevjenu u jirrestrinġu l-attivitajiet tal-operaturi tat-trasport li jieħdu sehem fit-traffikar tal-bnedmin fl-UE jew jiffaċilitawh. Dan se jżid strument ġdid mal-għodda tal-UE biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar ta' bnedmin.
Il-protezzjoni ta’ dawk li huma fil-bżonn
Il-Kummissjoni kompliet taħdem biex ittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u tal-għajxien tal-migranti, b'mod partikolari fil-Greċja. Żiedet l-appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali permezz tat-Task Force għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, li ġiet stabbilita fl-2020 biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u tal-għajxien tal-migranti f’Lesbos u fil-gżejjer tat-tramuntana tal-Eġew. L-ewwel ċentru ta’ akkoljenza u tal-identifikazzjoni f’Samos fetaħ f’Settembru, segwit minn ċentri ġodda f’Kos u Leros f’Novembru. Se jiftħu ċentri ġodda f’Chios u Lesbos fl-2022. Il-Kummissjoni tat €276 miljun lill-Greċja biex tibni dawn il-ħames ċentri.
Il-Kummissjoni tiffaċilita u tikkoordina wkoll ir-rilokazzjoni ta’ gruppi differenti ta’ migranti mill-Greċja, mill-Italja u minn Malta lill-Istati Membri tal-UE li jkunu offrew li jilqgħuhom. Wara l-isforzi estensivi tal-organizzazzjonijiet involuti, u s-solidarjetà tal-Istati Membri bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, aktar minn 4,600 persuna ġew rilokati mill-Greċja lejn Stati Membri oħra fl-2020 u fl-2021, u kważi 3,000 ġew rilokati mill-Italja u Malta bejn l-2018 u tmiem l-2021.
F’Lulju, il-Kummissjoni varat eżerċizzju ta’ wegħdiet għar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja fl-2021–2022. B’kollox, l-Istati Membri wegħdu 60,000 post ta’ risistemazzjoni u ta’ ammissjoni umanitarja lil pajjiżi u reġjuni ta’ prijorità u għall-Afgani f’riskju. L-appoġġ finanzjarju u s-sostenn operazzjonali tal-UE mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil huma disponibbli għall-Istati Membri biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom.
F’Ġunju, intlaħaq ftehim dwar il-mandat il-ġdid tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, li daħal fis-seħħ fil-bidu tal-2022, meta sar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil. L-għan ta’ dan il-mandat il-ġdid huwa li l-aġenzija tingħata qafas legali, operazzjonali u prattiku sod sabiex ikollha l-mezzi biex tassisti lill-Istati Membri u tgħinhom isaħħu s-sistemi ta’ ażil u ta’ akkoljenza tagħhom. Fl-2021, l-uffiċċju espanda l-assistenza tiegħu biex tinkludi lil Spanja, lil-Latvja u l-Litwanja (li ngħaqdu mal-Greċja, l-Italja, Ċipru, u Malta).
Il-migrazzjoni irregolari f’ċifri
Kien hemm madwar 182,600 migrant irregolari fir-rotot kollha bejn Jannar u Novembru 2021, meta mqabbel ma’ 114,400 fl-istess perjodu fl-2020 (u 125,100 tul is-sena sħiħa) u ftit inqas minn 127,000 fl-istess perjodu fl-2019 (141,700 matul is-sena sħiħa).
Insaħħu s-sistema Griega ta' akkoljenza għall-applikanti għall-ażil
L-appoġġ mill-Kummissjoni Ewropea għen lill-Greċja tibni akkommodazzjoni mmexxija mill-istat għall-applikanti għall-ażil vulnerabbli, fuq il-bażi tal-Iskema ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza għall-Integrazzjoni u l-Akkomodazzjoni tan-NU. Fl-2019, il-Greċja qablet li tieħu f’idejha l-ġestjoni tan-network ta’ appartamenti ta’ din l-iskema. Din kienet biċċa xogħol kbira, li kienet teħtieġ pariri tekniċi fuq il-post ta’ kuljum. Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ tekniku, iffinanzjat mill-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali/Strument ta' Appoġġ Tekniku tal-UE. Il-persunal mill-Ministeru tal-Migrazzjoni u tal-Ażil ibbenefika minn pariri biex jibni l-kapaċità, u issa jista’ joqgħod fuq proċeduri interni rapidi u qafas ta’ liġijiet u regoli effiċjenti biex imexxi s-sistema ta' akkoljenza u jimmonitorja l-kundizzjonijiet.
Skont id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, minn Novembru 2021, wara li ġew illaxkati l-miżuri tal-COVID-19, il-qsim illegali tal-fruntieri fil-fruntieri esterni kollha tal-UE wrew xejra ta’ żieda (+ 60 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2020), bi qċaċet sinifikanti fir-rotot tal-Mediterran ċentrali u tal-Balkani tal-Punent.
Fl-2021 kien hemm ukoll żieda ta’ qsim irregolari tal-Kanal Ingliż. L-Istati Membri kostali tal-UE u r-Renju Unit diġà għandhom fis-seħħ kooperazzjoni prattika, operazzjonali biex jiġġieldu n-networks tat-traffikar b’mod partikolari, kif previst mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni UE-Renju Unit (ara d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta dwar l-Azil u r-Ritorn). Barra minn hekk, l-Istati Membri huma appoġġati minn Aġenziji tal-UE, inkluż l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi. Speċifikament fir-rigward tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, din varat l-Operazzjoni Konġunta Opal Coast biex tappoġġa lil Franza bis-sorveljanza bl-ajru, bl-għan li jiġu miġġielda l-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta’ bnedmin u jiġu prevenuti l-imwiet fil-baħar.
Il-Mediterran ċentrali għadu r-rotta migratorja l-aktar letali magħrufa fid-dinja, b’aktar minn 20,000 mewt u għajbien irreġistrati mill-2014 ’l hawn. Fl-2021, 2,819-il migrant ġew irrapportati mejtin jew neqsin huma u jaqsmu permezz tar-rotta tal-Mediterran u tal-Afrika tal-Punent, meta mqabbla ma’ 2,325 fl-2020.
Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta
L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tal-2019 u l-mandat il-ġdid tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (magħrufa wkoll bħala Frontex) avvanzat b’suċċess bl-ewwel skjerament tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta mill-1 ta’ Jannar 2021, inkluż l-ewwel persunal b’uniformi tal-UE.
L-iskjerament tal-korp permanenti huwa mistenni li jżid l-abbiltà tal-aġenzija li tappoġġa lill-Istati Membri fl-oqsma operazzjonali kollha, inklużi l-attivitajiet relatati mar-ritorn.
Bħala medja, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tiskjera 2,000 uffiċjal tal-fruntiera u tal-gwardja tal-kosta fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-aġenzija saħħet ukoll il-qafas tagħha tad-drittijiet fundamentali b’mod sinifikanti, kif previst mir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, billi saħħet uffiċjal ġdid għad-drittijiet fundamentali u billi qabbdet l-ewwel monitors tad-drittijiet fundamentali.
Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni
Fl-2021, l-UE kompliet timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021–2027, li jiffoka fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjieg u l-ħiliet, is-servizzi tas-saħħa, u l-akkomodazzjoni. Miżuri ġodda fl-2021 jinkludu s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex tiżdied il-kooperazzjoni ma’, u l-appoġġ għal, bliet, reġjuni u żoni rurali fl-UE fil-ħidma tagħhom biex jgħinu lill-migranti jintegraw ruħhom, li ġiet varata f’Marzu.
Pakkett dwar il-Ħiliet u t-Talenti
Bħala parti mill-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tal-2020, l-inizjattiva tas-Sħubijiet ta’ Talent ġiet imnedija f’Ġunju 2021 biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi sħab ewlenin dwar il-migrazzjoni billi tqabbel il-ħtiġijiet għas-suq tax-xogħol fl-UE mal-ħiliet tal-ħaddiema minn dawn il-pajjiżi. Bħala mod biex jiġu pprovduti perkorsi legali u siguri għall-migrazzjoni, is-sħubijiet se jkunu miftuħin għall-istudenti, il-gradwati u l-ħaddiema ta’ kull livell ta’ ħiliet. Dawn se jipprovdu wkoll opportunitajiet għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u appoġġ biex il-migranti li jirritornaw jintegraw ruħhom
Iż-żona Schengen
F’Ġunju, il-Kummissjoni adottat Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ, akkumpanjata minn proposta biex jiġi rivedut il-Mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ ta' Schengen. Hija pproponiet azzjoni fi tliet oqsma: il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE; miżuri li jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni; u governanza robusta (evalwazzjoni, monitoraġġ u tħejjija).
L-istrateġija tinkludi inizjattivi għal żona Schengen aktar b’saħħitha u aktar sħiħa, li tibni fuq it-tagħlimiet meħuda matul l-aħħar 5 snin, inkluż matul il-pandemija tal-COVID-19. Din tqis il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ waħda mis-sistemi tal-ġestjoni tal-fruntieri teknoloġikament avvanzati fid-dinja fil-fruntieri esterni tal-UE u tantiċipa inizjattivi ulterjuri f’dan il-qasam. Tenfasizza wkoll miżuri għat-tisħiħ intern ta’ Schengen, pereżempju billi tiġi intensifikata l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja. Finalment, tipproponi li ż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni tiġi estiża billi tinkludi lill-Bulgarija, lill-Kroazja u lir-Rumanija, li qegħdin jimplimentaw il-biċċa l-kbira tar-regoli ta’ Schengen mingħajr il-benefiċċji sħaħ tas-sħubija fiż-żona Schengen (flimkien ma’ Ċipru ladarba jlesti l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen li għaddej bħalissa).
Il-proposta li l-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta' Schengen jiġi riformat għandha l-għan li jiġi aktar effettiv, effiċjenti u aktar rapidu, biex jiżdied il-fokus politiku tiegħu u biex ikun adattat għall-iskop tiegħu. Bħalissa qiegħed jiġi nnegozjat fil-Kunsill, fejn il-Kummissjoni qed tagħmel l-almu tagħha biex tiffaċilita l-progress bla xkiel tal-proċess.
Fl-14 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni adottat proposta biex temenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Din għandha l-għan li tiżgura li l-kontrolli fil-fruntieri interni jiġu introdotti biss bħala l-aħħar għażla, filwaqt li jitqies id-dritt tal-Istati Membri li jagħmlu dan f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni. Il-proposta tindirizza wkoll l-isfidi li jirriżultaw mill-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni irregolari. Ġiet adottata proposta oħra dwar l-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil fl-istess ħin.
Kompla l-progress lejn l-istabbiliment ta’ arkitettura tal-IT komuni għall-UE, b’sistemi interkonnessi ġodda għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-infurzar tal-liġi. Ladarba tiġi implimentata, l-interoperabbiltà se tiżgura li s-sistemi tal-IT kollha jitkellmu bejniethom u li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom informazzjoni kompluta u preċiża, filwaqt li jiġu rrispettati għalkollox ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.
Kwistjonijiet ta’ sigurtà
Qed ikompli jitfaċċa theddid transfruntier u transsettorjali ġdid u dejjem aktar kumpless, u l-UE trid tintensifika l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-qasam usa’ tas-sigurtà. Il-pandemija tal-COVID-19 ġarrbet ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tal-Ewropa u s-sistemi tagħha ta’ tħejjija għall-kriżijiet u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet. Fl-2021, l-UE kompliet timplimenta l-Istrateġija tal-2020 dwar l-Unjoni tas-Sigurtà biex tipproteġi lil kulħadd fl-UE u tippromwovi l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna, b’inizjattivi ġodda dwar it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, il-kriminalità organizzata, iċ-ċibersigurtà u t-theddid ibridu.
Nipprevjenu u nindirizzaw it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni
Ir-Regolament biex jiġi indirizzat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku online daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ġunju 2021 u se jkun kompletament infurzabbli sena wara. Ir-Regolament se jippermetti lill-Istati Membri jibagħtu ordnijiet ta’ tneħħija lill-fornituri ta’ servizzi ospitanti li joffru servizzi fl-UE. Huma se jkunu jistgħu wkoll ineħħu fi żmien siegħa materjal li jinċita jew jippromwovi reati terroristiċi, jippromwovi l-attivitajiet ta’ gruppi terroristiċi jew jipprovdi struzzjonijiet jew tekniki għat-twettiq ta’ reati terroristiċi.
Barra minn hekk, ir-regolament jipprovdi salvagwardji li ser iżidu r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-miżuri biex jitneħħa l-kontenut terroristiku u jagħtu protezzjoni kontra t-tneħħija żbaljata ta’ diskors leġittimu. Jistabbilixxi miżuri biex jiġi żgurat li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jiġu protetti, inkluż l-eżenzjoni ta’ materjal imxerred għal skopijiet edukattivi, ġurnalistiċi, artistiċi jew ta’ riċerka.
Fl-2021, il-Forum tal-UE dwar l-Internet — pjattaforma ppreseduta mill-Kummissjoni li tlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri u lill-kumpaniji tat-teknoloġija biex jiddiskutu l-użu tal-internet mit-terroristi u biex jindirizzaw l-abbuż sesswali tat-tfal online — ippreżenta pakkett ta’ għarfien dwar gruppi, simboli u manifesti ta’ gruppi vjolenti estremisti tal-lemin ipprojbiti biex jgħin lill-pjattaformi online jimmoderaw il-kontenut.
F’Lulju, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ambizzjuż ta’ proposti leġiżlattivi biex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-pakkett jinkludi proposta biex tiġi stabbilita awtorità ġdida tal-UE għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-għan huwa li tittejjeb l-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet u ta’ attivitajiet suspettużi, u jiġu eliminati l-lakuni użati mill-kriminali biex isir ħasil ta’ rikavati illeċiti jew jiġu ffinanzjati attivitajiet terroristiċi permezz tas-sistema finanzjarja.
Il-miżuri jsaħħu bil-kbir il-qafas eżistenti tal-UE billi jqisu sfidi ġodda u emerġenti marbuta mal-innovazzjoni teknoloġika. Dawn jinkludu l-muniti virtwali, flussi finanzjarji aktar integrati fis-Suq Uniku u n-natura globali tal-organizzazzjonijiet terroristiċi. Il-proposti se jgħinu wkoll biex jinħoloq qafas ħafna aktar konsistenti madwar l-UE kollha, b’regoli applikabbli direttament bħal limitu għall-UE kollha ta’ €10,000 fuq pagamenti kbar fi flus kontanti. Dan se jiffaċilita l-konformità għall-operaturi soġġetti għar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, partikolarment għal dawk li huma attivi bejn il-fruntieri.
Fid-dawl tal-iżviluppi fl-Afganistan, ġie żviluppat Pjan ta’ Azzjoni Kontra t-Terroriżmu dwar l-Afganistan mill-Koordinatur tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu mal-presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-aġenziji rilevanti tal-UE.
Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u transfruntiera
F’April, il-Kummissjoni ppubblikat l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata, li tistabbilixxi azzjonijiet biex jagħtu spinta lill-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja; jiżguraw l-investigazzjoni effettiva biex ifixklu l-istrutturi tal-kriminalità organizzata; jeliminaw il-profitti ġġenerati mill-kriminalità organizzata; u jagħmlu l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura adattati għall-era diġitali. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri li jippermettu lill-Istati Membri jużaw il-potenzjal sħiħ tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali.
Matul l-2021, il-Kummissjoni intensifikat l-azzjoni biex tiżgura kontroll aħjar tal-armi tan-nar fl-UE u fil-pajjiżi ġirien. Il-Kummissjoni adottat miżuri li se jagħtu lill-Istati Membri aċċess imtejjeb għall-informazzjoni meħtieġa għall-approvazzjoni ta’ talbiet għall-akkwist jew il-pussess ta’ ċerti armi tan-nar (bħalissa, l-Istati Membri mhumiex infurmati sistematikament b’ċaħdiet ta’ liċenzja tal-armi tan-nar li jkunu saru xi mkien ieħor fl-UE). Ir-rapport tal-applikazzjoni ppubblikat f’Ottubru enfasizza l-effetti pożittivi tal-liġijiet eżistenti tal-UE, b’mod partikolari bil-projbizzjoni tal-armi tan-nar l-aktar perikolużi u bil-prevenzjoni tal-konverżjoni illeċita tal-armi f’armi tan-nar letali. Huwa identifika wkoll in-nuqqasijiet li kien fadal, li jeħtieġu l-bidu ta’ 76 proċediment ta’ ksur, flimkien ma’ oqsma għal aktar titjib, bħad-diġitalizzazzjoni tal-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar u kontroll aktar strett tal-akkwist u l-pussess ta’ blueprints għall-istampar 3D tal-armi.
Wara l-komunikazzjoni tagħha tal-2020 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, f’Diċembru l-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ inizjattivi biex timmodernizza s-sistemi ġudizzjarji fl-UE u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali. Il-pakkett jinkludi tliet proposti:
- regolament biex itejjeb il-komunikazzjoni diġitali transfruntiera bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u biex jiżgura l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali;
- emenda għar-Regolament tal-Eurojust biex tinħoloq bażi ġuridika biex isiru seduti orali permezz ta’ vidjokonferenzi u biex jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni dwar reati terroristiċi bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni;
- regolament biex titwaqqaf pjattaforma ta’ kollaborazzjoni biex tiżdied l-effiċjenza u l-effettività tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet imwettqa minn skwadri ta’ investigazzjoni konġunta f’każijiet transfruntiera.
Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jwettqu l-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni biex tinħoloq żona Ewropea verament effikaċi u reżiljenti ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.
Fl-2021, il-Kummissjoni kompliet in-negozjati ma’ diversi pajjiżi, inkluż Iżrael, New Zealand u t-Turkija, dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew beda jaħdem fl-1 ta’ Ġunju 2021. Sa tmiem is-sena, kien beda aktar minn 500 investigazzjoni dwar il-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, b’dannu totali stmat għall-baġit tal-UE ta’ €5 biljun.
Fl-2021, taskforce tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi magħmula minn rappreżentanti mill-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, il-Kroazja u n-Netherlands kissret grupp kriminali li jittraffika l-armi tan-nar li kien mela l-Ewropa b’armi tan-nar ikkonvertiti illegalment. Ġew arrestati 18-il persuna u ġew ikkonfiskati 350 arma. L-azzjoni twettqet fil-qafas tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali.
Wara l-proposti tal-2020 biex jiġi rivedut il-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, f’Diċembru l-Kummissjoni pproponiet Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE biex tittejjeb il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri u tagħti lill-uffiċjali tal-pulizija fl-UE għodod aktar moderni għall-iskambju ta’ informazzjoni. Il-kodiċi — li jinkludi rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija u regoli ġodda dwar l-iskambju tal-informazzjoni — se jgħin biex isaħħaħ l-operazzjonijiet transfruntieri, jipprovdi mezzi u skedi ta’ żmien ċari għall-iskambju tal-informazzjoni, u jagħti rwol aktar b’saħħtu lill-aġenzija.
Barra minn hekk, ir-regoli riveduti dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ ċerti kategoriji ta’ data se jgħinu biex tiġi stabbilita rabta bejn ir-reati fl-UE b’mod ħafna aktar effettiv. Dawn se jgħinu biex jimtlew il-lakuni fl-informazzjoni, isaħħu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni tar-reati kriminali fl-UE, u jippromwovu s-sigurtà għal kulħadd fl-Ewropa. Il-pakkett ta’ kooperazzjoni tal-pulizija jinkludi tliet proposti leġiżlattivi: proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operattiva tal-pulizija: direttiva dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri: u regolament dwar mekkaniżmu awtomatizzat ta’ skambju ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”).
Flimkien mal-pakkett kontra l-ħasil tal-flus, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tagħti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi l-aċċess għar-reġistri tal-kontijiet bankarji interkonnessi futuri. Dan se jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jidentifikaw malajr jekk persuna suspettata għandhiex kontijiet bankarji fi Stati Membri oħra, u b’hekk tgħin fl-investigazzjonijiet finanzjarji u l-irkupru tal-assi f’każijiet transfruntiera.
Ġestjoni ta' kriżijiet
Protezzjoni ċivili
Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa għal Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili aktar b’saħħtu li jippermetti rispons aktar rapidu u aktar effettiv għal emerġenzi kbar. F’Mejju 2021, daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni ġdida li tagħti lill-UE għodod aħjar biex tittratta diżastri li jaffettwaw diversi pajjiżi fl-istess ħin. L-UE żiedet ukoll il-fondi ddedikati għall-appoġġ tal-protezzjoni ċivili għall-isforzi ta’ rispons tal-Istati Membri tal-UE stess.
Flimkien mal-Istati Membri tagħha, l-UE kompliet tiżviluppa r-riżerva medika ta’ rescEU ta’ tagħmir protettiv u mediku. Hija kompliet ukoll issaħħaħ il-flotta ta’ ajruplani u ħelikopters tat-tifi tan-nar ta’ rescEU biex tikkomplementa l-kapaċitajiet nazzjonali. Kapaċitajiet addizzjonali tar-rescEU se jkunu disponibbli fil-futur biex jirrispondu għal inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari. Fl-istess ħin, l-UE se toffri appoġġ finanzjarju sinifikanti biex issaħħaħ il-miżuri ta’ prevenzjoni u tħejjija li jnaqqsu r-riskju ta’ diżastri u jgħinu lill-komunitajiet isiru aktar reżiljenti għal kriżijiet differenti.
Fl-2021, il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili rċieva numru rekord ta’ talbiet għall-assistenza. Mill-114-il talba, 61 % kienu relatati mal-pandemija tal-COVID-19.
Issa li t-tibdil fil-klima qed jaffettwa kull parti tad-dinja, is-sajf tal-2021 tana ħarsa ta’ kif jistgħu jkunu s-sjuf Ewropej fil-futur. L-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-2021 ra wieħed mill-akbar skjeramenti tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili fl-Ewropa f’dawn l-aħħar 10 snin, kif ukoll wieħed mill-akbar għadd ta’ attivazzjonijiet simultanji tal-mekkaniżmu biex jiġu miġġielda n-nirien fil-foresti.
B’reazzjoni għan-nirien li kienu qegħdin iħeġġu fil-foresti fil-Mediterran u fil-Balkani tal-Punent, l-UE skjerat flotta ta’ 16-il ajruplan u 4 ħelikopters, aktar minn 290 vettura u aktar minn 1,300 persuna tal-ewwel rispons fl-Albanija, l-Alġerija, Ċipru, il-Greċja, l-Italja, il-Maċedonja ta' Fuq u t-Turkija permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. L-operazzjonijiet ta’ emerġenza ġew imsaħħa mill-ispazju mis-Servizz ta’ Ġestjoni ta’ Emerġenzi ta’ Copernicus tal-UE, li pproduċa mapep aġġornati taż-żoni affettwati. Fl-2021 biss, is-servizz tal-Immappjar Rapidu tas-satellita Copernicus ipproduċa aktar minn 580 mappa ta’ żoni madwar id-dinja.
Meta f’Lulju għargħar devastanti laqat bosta żoni fl-UE, l-UE kkoordinat l-iskjerament ta’ dgħajsa tas-salvataġġ, ħelikopters, u aktar minn 150 ħaddiem tas-salvataġġ minn Franza, l-Italja u l-Awstrija għall-Belġju. Is-Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar ta’ Copernicus wissiet lill-awtoritajiet dwar ir-riskji ta’ għargħar minn qabel l-emerġenza, u s-servizz ta’ Mmappjar Rapidu ġie attivat mill-Belġju, mill-Ġermanja, min-Netherlands u mill-Iżvizzera biex jappoġġaw lill-persuni tal-ewwel rispons.
Matul l-2021, l-UE pprovdiet ukoll għajnuna li salvat il-ħajjiet lil dawk affettwati minn diżastri madwar id-dinja, inkluż lin-nies f’Haiti wara t-terremot, fil-Guinea wara tifqigħa tal-Ebola u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara li żbroffa vulkan. B’rispons għall-iżviluppi fl-Afganistan, l-UE, permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tagħha, ikkoordinat ir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE u ta’ persuni vulnerabbli oħra.
Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sfruttament sesswali tat-tfal
F’Lulju, l-UE adottat Regolament dwar deroga temporanja mid-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni u d-data dwar it-traffiku fir-regoli li jirregolaw il-privatezza tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan jifforma parti mit-tmien miżuri fl-Istrateġija tal-UE għal Ġlieda Aktar Effettiva kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal biex jistabbilixxu rispons komprensiv għal dawn ir-reati. L-istrateġija tiffoka fuq l-appoġġ ta’ inizjattivi ta’ prevenzjoni bħala mezz biex it-tfal ma jitħallewx isiru vittmi fl-ewwel lok, tingħata assistenza lill-vittmi u jiġi appoġġat l-infurzar tal-liġi biex jiġi żgurat li l-vittmi jiġu salvati malajr mill-abbuż kontinwu u li t-trasgressuri jiġu arrestati.
Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa
Fl-2021, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa poġġiet lin-nies fil-qalba tad-diskussjoni, biex jaqsmu l-ideat tagħhom u jgħinu fit-tiswir tal-futur komuni tagħna.
F’Marzu, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea qablu dwar Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Bord Eżekuttiv magħmul minn rappreżentanti tat-tliet istituzzjonijiet u osservaturi, inkluż mill-parlamenti nazzjonali, issorvelja l-konferenza, megħjun mis-Segretarjat Komuni. Il-Parlament ospita l-avveniment inawgurali fi Strasburgu fid-9 ta’ Mejju (Jum l-Ewropa).
Bis-saħħa tal-pjattaforma online u l-avvenimenti diretti tiegħu, li għalihom wieħed jista’ jattendi kemm mill-bogħod kif ukoll personalment, iċ-ċittadini, il-politiċi, l-awtoritajiet lokali, dawk reġjonali u nazzjonali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kif ukoll is-sħab soċjali minn madwar l-UE jiltaqgħu u jiskambjaw ideat dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti. Id-diskussjonijiet huma organizzati madwar disa’ temi u jinkludu t-tibdil fil-klima u l-ambjent, is-saħħa, il-migrazzjoni u l-edukazzjoni, fost l-oħrajn, għalkemm is-sottomissjonijiet huma possibbli wkoll dwar kull suġġett ieħor li huwa importanti għaċ-ċittadini. In-nies jinteraġixxu permezz tal-pjattaforma, li hija disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Hawnhekk jikkondividu informazzjoni dwar konferenzi, jagħmlu proposti, u japprovaw u jikkummentaw dwar l-ideat tal-oħrajn.
F’Ġunju, flimkien mal-plenarja inawgurali (il-korp responsabbli għad-dibattitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet mingħajr eżitu predeterminat u mingħajr ma jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni għal oqsma ta’ politika predefiniti) ġie organizzat Avveniment taċ-Ċittadini Ewropej f’Lisbona u online, li ta bidu għall-involviment taċ-ċittadini. Dan laqqa’ flimkien is-27 rappreżentant minn panels nazzjonali taċ-ċittadini jew avvenimenti nazzjonali (wieħed għal kull Stat Membru), il-President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, aktar minn 50 ċittadin magħżula biex jipparteċipaw fil-Panels taċ-Ċittadini Ewropej tal-konferenza u grupp ta’ studenti tal-Erasmus. Huma ddiskutew l-aspettattivi tagħhom għall-konferenza flimkien mat-tliet kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv: il-Membru tal-Parlament Ewropew Guy Verhofstadt, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Portugall Ana Paula Zacarias u l-Viċi President tal-Kummissjoni Dubravka Šuica.
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha erba’ Panels taċ-Ċittadini Ewropej, li jkopru s-suġġetti tal-pjattaforma online, b’kull wieħed minnhom b’madwar 200 ċittadin tal-UE mill-Istati Membri kollha, ta’ etajiet differenti u minn sfondi differenti. Iż-żgħażagħ għandhom rwol ċentrali fit-tfassil tal-futur tal-proġett Ewropew, u huma involuti mill-qrib fil-konferenza: terz ta’ kull Panel taċ-Ċittadini Ewropej huwa magħmul minn persuni bejn is-16 u l-25 sena. Il-panels għandhom rwol importanti x’jaqdu: huma jiddiskutu ideat miksuba minn avvenimenti madwar l-UE u proposti ppreżentati permezz tal-pjattaforma tal-konferenza, u jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex dawn jiġu diskussi fil-plenarja tal-konferenza.
Il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej bdew id-deliberazzjonijiet tagħhom fi Strasburgu bejn is-17 u d-19 ta’ Settembru, bl-ewwel laqgħa tal-panel tiffoka fuq ekonomija aktar b’saħħitha, il-ġustizzja soċjali, l-impjiegi, it-trasformazzjoni diġitali, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-isport. Id-diskussjonijiet kienu bbażati fuq il-kontributi taċ-ċittadini minn madwar l-UE fuq il-pjattaforma online. Il-panel dwar id-demokrazija/il-valuri, id-drittijiet, l-istat tad-dritt u s-sigurtà Ewropej temm il-ħidma tiegħu u fassal abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet għall-plenarja tal-konferenza f’ambjent ibridu (personalment u mill-bogħod) f’Firenze, l-Italja bejn l-10 u t-12 ta’ Diċembru. Fl-2021, ġew organizzati seba’ sessjonijiet oħra tal-panel dwar it-temi kollha tal-konferenza, fi Strasburgu u online.
Fit-23 ta’ Ottubru saret plenarja tal-konferenza dwar il-ħidma tal-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, il-kontributi għall-pjattaforma diġitali multilingwi, il-panels nazzjonali taċ-ċittadini u avvenimenti oħra.
Fl-2021, ġew organizzati total ta’ 4,639 avveniment fl-Istati Membri kollha b’aktar minn 340,000 persuna li pparteċipaw. Aktar minn 41,000 persuna rreġistraw fuq il-pjattaforma diġitali multilingwi. Huma qasmu aktar minn 12,500 idea, kitbu aktar minn 18,000 kumment u approvaw il-fehmiet ta’ persuni oħra aktar minn 52,000 darba. Aktar minn 4.1 miljun persuna żaru l-pjattaforma fl-2021. Tliet Panels taċ-Ċittadini Ewropej huma ppjanati li jtemmu xogħolhom matul Jannar u Frar 2022. Il-plenarji tal-konferenzi kienu skedati li jsiru f’Jannar, Marzu u April. Il-Bord Eżekuttiv tal-konferenza għandu jfassal ir-rapport finali fir-rebbiegħa 2022.
Tisħiħ tal-ekonomija
L-irkupru ekonomiku tal-Ewropa
Fost inċertezza għolja, l-2021 rat l-ekonomija tal-UE tirpilja sew wara r-riċessjoni severa kkawżata mill-pandemija fl-2020. Il-kisbiet tal-Ewropa fit-tnedija tal-kampanja ta’ tilqim kontra l-COVID-19 u l-mitigazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija, wittew it-triq għal irkupru sostnut. Hekk kif il-kampanji ta’ tilqim avvanzaw u r-restrizzjonijiet bdew jitneħħew, it-tkabbir irkupra fir-rebbiegħa u kompla matul is-sajf, sostnut mill-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija. Sal-ħarifa, l-ekonomija tal-UE kienet reġgħet kisbet il-livell ta’ produzzjoni tagħha ta’ qabel il-pandemija.
B’mod ġenerali, it-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Ħarifa 2021 ipproġetta li l-prodott domestiku gross jikber b’5.0 % fl-2021 u b’4.3 % fl-2022 kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro. Filwaqt li l-veloċità tal-irkupru tista’ tvarja madwar l-UE, sal-bidu tal-2023 l-Istati Membri kollha kemm huma mistennija li tal-anqas jilħqu l-livell ekonomiku tagħhom ta’ qabel il-kriżi. Hekk kif l-ekonomija tespandi fl-2022, is-suq tax-xogħol huwa previst li jtemm l-irkupru tiegħu. Huwa stmat li fl-2022 u l-2023 inħolqu 3.4 miljun impjieg, li baxxew ir-rata tal-qgħad fl-UE għal 6.5 % fl-2023.
Il-miżuri ta’ stimolu ekonomiku mingħajr preċedent li ddaħħlu fis-seħħ fil-bidu tal-kriżi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali — inkluż l-Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE), l-ewwel inizjattiva tal-UE għall-finanzjament ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar (ara l-Kapitolu 1) — ikkontribwew għall-bidla. Sadanittant, il-ħidma aċċellerat fuq l-irkupru fit-tul bit-tnedija fis-sajf tal-pjan ta’ rkupru ta’ €800 biljun tal-UE, NextGenerationEU (ara wkoll il-Kapitolu 1). L-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkollha rwol importanti biex tingħata spinta lill-investiment privat u pubbliku matul ix-xhur u s-snin li ġejjin. Filwaqt li din tappoġġa r-riformi u l-investimenti tal-Istati Membri, għandha l-għan li ttaffi l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus u li tagħmel l-ekonomiji u s-soċjetajiet fl-UE aktar sostenibbli, aktar reżiljenti u mħejjija aħjar għall-isfidi u għall-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Barra minn hekk, il-Programm InvestEU se jipprovdi lill-UE b’finanzjament kruċjali fit-tul, li jġib miegħu investiment privat b’appoġġ għall-irkupru.
Is-Semestru Ewropew, il-qafas għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi madwar l-UE, ġie adattat temporanjament fl-2021 biex jiġi kkoordinat mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli nediet iċ-ċiklu tal-2021 tas-Semestru, u kompliet l-istrateġija tat-tkabbir tal-2020 ibbażata fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-kunċett ta’ sostenibbiltà kompetittiva. Il-pjanijiet nazzjonali kollha għall-irkupru u r-reżiljenza fihom investimenti u riformi biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż identifikati fis-Semestru Ewropew, pereżempju dwar is-swieq tax-xogħol, l-edukazzjoni, il-kultura, il-kura tas-saħħa, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
Għalkemm l-impatt tal-pandemija fuq l-attività ekonomika ddgħajjef b’mod konsiderevoli, il-COVID-19 għadha ma ġietx megħluba. L-irkupru jiddependi ħafna mill-evoluzzjoni tal-pandemija, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Dan se jiddependi wkoll fuq il-pass li bih il-provvista taġġusta għall-bidla rapida fid-domanda wara l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija. Il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, b’mod partikolari mill-gass u mill-elettriku, huma kwistjoni oħra li l-ekonomija tal-UE qed tiffaċċja fit-terminu l-qasir.
Strateġija Industrijali għall-Ewropa
F’Mejju, il-Kummissjoni aġġornat l-Istrateġija Industrijali Ewropea biex tiżgura li l-ambizzjonijiet industrijali tal-UE jqisu t-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19 filwaqt li tafferma mill-ġdid il-prijoritajiet politiċi tagħha. L-aġġornament jiffoka fuq it-tħejjija tas-Suq Uniku biex ilaħħaq ma’ kriżijiet futuri; fuq l-indirizzar tad-dipendenzi u l-vulnerabbiltajiet strateġiċi tal-UE fi ktajjen tal-provvista sensittivi u ekosistemi industrijali; u fuq l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-industrija tal-UE.
L-istrateġija aġġornata tiffoka fuq azzjonijiet fi tliet oqsma ewlenin. L-ewwel nett, biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-Suq Uniku, l-istrateġija ppreżentat analiżi tal-14-il ekosistema industrijali tal-UE u ssuġġeriet il-ħolqien ta’ Strument ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku biex jindirizza l-impatt possibbli ta’ kriżijiet futuri fuq il-moviment liberu tal-persuni, l-oġġetti u s-servizzi.
It-tieni, l-istrateġija ppreżentat analiżi fil-fond tad-dipendenzi strateġiċi tal-UE. Din kienet tinkludi l-identifikazzjoni ta’ 137 prodott f’ekosistemi sensittivi fejn l-UE hija dipendenti ħafna fuq provvisti barranin, flimkien ma’ sitt rieżamijiet fil-fond dwar il-materja prima, il-batteriji, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi, l-idroġenu, is-semikondutturi, u t-teknoloġiji cloud u edge. Biex jiġu indirizzati d-dipendenzi strateġiċi tal-UE, l-aġġornament jipproponi l-bini ta’ sħubijiet internazzjonali diversifikati, flimkien ma’ miżuri biex tinbena l-kapaċità tal-UE. Dan jinkludi l-istabbiliment ta’ alleanzi industrijali ġodda f’oqsma ewlenin biex jgħinu jattiraw l-investiment privat f’konformità sħiħa mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. F’Lulju, tnedew żewġ alleanzi industrijali ġodda fl-oqsma tat-teknoloġija tad-data u tal-cloud, u l-proċessuri u s-semikondutturi.
It-tielet, l-istrateġija ħabbret azzjoni biex tappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE. L-istrateġija fiha miżuri ġodda biex jinħolqu b’mod konġunt perkorsi ta’ tranżizzjoni fi sħubija mal-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati. Dan beda bit-turiżmu u l-ekosistemi tal-industrija intensiva fl-enerġija, segwiti mill-kostruzzjoni u l-ekonomija soċjali. L-istrateġija tappoġġa wkoll qafas regolatorju koerenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pakkett għat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku u d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa, inkluż billi jiġu introdotti sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jiġi żgurat aċċess għal elettriku abbundanti, affordabbli u dekarbonizzat. L-istrateġija tiffoka wkoll fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju billi tistabbilixxi konsulenti dwar is-sostenibbiltà taħt in-Network Enterprise Europe imġedded u msaħħaħ (ara hawn taħt) u mudelli ta’ negozju xprunati mid-data. Fl-aħħar nett, tappella għal investiment għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol sabiex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Nagħtu spinta lis-Suq Uniku
F’April, il-Kummissjoni adottat il-Programm tas-Suq Uniku, pakkett ta’ €4.2 biljun biex tappoġġa u ssaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku sal-2027, b’enfasi fuq l-irkupru ekonomiku. Il-programm jikkonsolida l-miżuri f’oqsma bħas-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-istatistika, l-istandardizzazzjoni u l-kompetittività. Dan se jiżgura effiċjenza akbar fis-Suq Uniku, filwaqt li jipprovdi valur aħjar għall-flus għall-konsumaturi u l-kumpaniji. Bħala parti minn dan, il-Kummissjoni nediet sejħiet għan-Network Enterprise Europe imġedded u msaħħaħ (li beda jaħdem fl-1 ta’ Jannar 2022) u għall-proġetti Euroclusters, b’enfasi fuq l-għajnuna lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, id-diġitalizzazzjoni u r-reżiljenza u t-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jikbru kemm fis-Suq Uniku kif ukoll internazzjonalment.
Suq Uniku effettiv
- Implimentazzjoni, infurzar u żvilupp ulterjuri tar-regoli dwar il-liġi tan-negozju, il-kompetizzjoni, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-moviment liberu tal-kapital, il-prodotti u s-servizzi.
- Żgurar li s-servizzi finanzjarji jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, tas-soċjetà ċivili u tal-utenti finali.
- Titjib tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-ekonomija diġitali u kooperazzjoni aktar b’saħħitha mal-Istati Membri.
- Għajnuna lix-xerrejja pubbliċi sabiex jiksbu valur aħjar għall-flus taċ-ċittadini.
Statistika Ewropea
- Għoti ta’ finanzjament għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja biex tappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza u tkejjel l-impatt.
Standards effettivi
- Għoti ta’ appoġġ finanzjarju biex jiġu żviluppati standards ta’ kwalità u sikurezza għall-prodotti u s-servizzi fl-UE kollha.
Sikurezza alimentari
- Prevenzjoni, kontroll u qerda tal-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti filwaqt li jiġu appoġġati l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u t-trattament xieraq tal-annimali.
Protezzjoni tal-konsumaturi
- Garanzija li l-prodotti fis-suq ikunu sikuri u li l-konsumaturi jkunu jafu r-regoli.
- Għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali jaħdmu flimkien b’mod effiċjenti.
Kompetittività
Appoġġ għan-negozji:
- għoti ta’ appoġġ finanzjarju, bħal għotjiet u garanziji għal self lill-SMEs permezz tal-Fond InvestEU;
- faċilitar tal-aċċess għas-swieq u tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi;
- appoġġ għall-adozzjoni tal-innovazzjoni u indirizzar tal-isfidi globali u tas-soċjetà;
- trawwim ta’ ambjent tan-negozju favorevoli u kultura intraprenditorjali.
Politika spazjali
Il-Programm Spazjali tal-UE, adottat f’April 2021 b’baġit ta’ €14.9 biljun, l-akbar li qatt kien hemm għal inizjattiva spazjali tal-UE, jimmodernizza u jgħaqqad fi programm uniku tliet programmi ewlenin tal-UE: Galileo, EGNOS (is-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja) u Copernicus. Dan jipprovdi l-pedament għall-appoġġ tal-industrija spazjali u jrawwem it-tmexxija u r-reżiljenza teknoloġika spazjali tal-Ewropa.
Bl-importanza dejjem tikber tal-ispazju fl-avvanz tal-għanijiet tal-UE bħall-iżvilupp, il-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà, l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea stabbilita fl-2010 ġiet sostitwita f’Ġunju 2021 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali, li għandha missjoni usa’. Il-Kummissjoni ffirmat ukoll ftehim ta’ sħubija finanzjarja ma’ din l-aġenzija l-ġdida u l-Aġenzija Spazjali Ewropea.
Uħud mill-oqsma ta’ applikazzjoni
Agrikoltura
Il-Programm Spazjali tal-UE jippermetti agrikoltura ta’ preċiżjoni u soluzzjonijiet tal-biedja integrata. Jgħin lill-bdiewa jżidu r-rendimenti b’aktar minn 10 % u jiffrankaw aktar minn 20 % fuq fertilizzanti, fjuwil u pestiċidi, u jippermetti l-funzjonament ta’ magni awtonomi.
Rispons għad-diżastri natural
Il-Programm Spazjali tal-UE jappoġġa operazzjonijiet ta’ salvataġġ matul l-għargħar, in-nirien, it-terremoti u l-uragani flimkien ma’ diżastri kkawżati mill-bniedem.
Bliet Intelliġenti
Il-Programm Spazjali tal-UE huwa kruċjali għall-immappjar urban, l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-infrastruttura, b’mod partikolari billi jippermetti trasport urban aħjar u immaniġġjar intelliġenti tal-iskart.
Enerġija rinnovabbli
Il-Programm Spazjali tal-UE jappoġġa l-istallazzjoni tal-faċilitajiet tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jivvaluta l-ġenerazzjoni potenzjali tal-enerġija u l-impatti ambjentali.
Saħħa
Il-Programm Spazjali tal-UE jgħin fit-tbassir tal-kwalità tal-arja u r-radjazzjoni ultravjola, li għandhom impatt fuq saħħitna.
Il-programm Spazjali tal-UE jipprovdi infrastruttura kritika għat-trasformazzjoni diġitali. Id-data spazjali hija faċilitatur ewlieni tal-innovazzjonijiet diġitali bħal vetturi awtonomi, soluzzjonijiet intelliġenti u networks tat-telekomunikazzjoni mingħajr fili 5G.
Biex tkompli tiżviluppa l-industrija spazjali tagħha stess, jeħtieġ li l-Ewropa tirrimedja n-nuqqas attwali ta’ kapital ta’ riskju u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni f’ċerti swieq spazjali. Fis-snin li ġejjin, dan se jtejjeb il-provvista tat-teknoloġija għall-programm spazjali u jsaħħaħ l-awtonomija tal-UE fl-ispazju. Dan jista’ wkoll joħloq ħafna impjiegi b’ħiliet għolja f’setturi oħra, bħal prodotti u servizzi ffaċilitati permezz tad-data spazjali. Il-Fond il-ġdid ta’ €1 biljun f’Cassini se jgħin lin-negozji innovattivi jespandu fi swieq ġodda relatati mal-ispazju billi jattira aktar investiment privat. Se jsaħħaħ ukoll it-tkabbir tal-industrija spazjali usa’ tal-UE billi jgħin lin-negozji l-ġodda jagħmlu użu aħjar mid-data spazjali ġġenerata mill-infrastruttura tal-UE.
Il-Programm Spazjali tal-UE għal ekosistema spazjali kompetittiva
Galileo
Il-Programm Spazjali tal-UE se jaċċellera l-iskjerament tat-tieni ġenerazzjoni ta’ Galileo biex jitjieb il-prestazzjoni u r-robustezza tiegħu.
Copernicus
Il-Programm Spazjali tal-UE se jaċċellera l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura u s-servizzi ta’ Copernicus biex jappoġġa r-rwol ta’ klassi dinjija tal-UE fl-osservazzjoni tad-dinja.
Cassini
L-UE se tistabbilixxi Fond ta’ Investiment Spazjali ta’ €1 biljun biex taċċellera l-espansjoni ta’ SMEs u negozji ġodda innovattivi li jaħdmu fil-qasam tal-ispazju u fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u proċessi rivoluzzjonarji.
Industrija tad-difiża
Fi Frar 2021, bil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar is-Sinerġiji bejn l-Industriji Ċivili, tad-Difiża u tal-Ispazju, l-UE ħadet azzjoni biex issaħħaħ il-vantaġġ teknoloġiku u industrijali tagħha. Il-Pjan stabbilixxa inizjattivi ambizzjużi biex issaħħaħ l-innovazzjoni billi jesplora u jisfrutta l-potenzjal rivoluzzjonarju tat-teknoloġiji fl-interfaċċa tal-applikazzjonijiet tad-difiża, tal-ispazju u ċivili, bħall-mikroproċessuri, it-teknoloġiji ċibernetiċi, it-teknoloġiji kwantistiċi u l-intelliġenza artifiċjali.
L-għanijiet ewlenin tal-pjan huma li tittejjeb il-komplementarjetà bejn il-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-UE; li jkun żgurat li l-finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tad-difiża jkollu dividendi ekonomiċi u teknoloġiċi għas-soċjetà kollha kemm hi; u li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mill-industriji tad-difiża tal-kisbiet tar-riċerka tal-industrija ċivili u tal-innovazzjoni xprunata miċ-ċivil. Ħdax-il inizjattiva huma maħsuba biex jirrispondu għall-kompetizzjoni ġeopolitika u jsaħħu s-sovranità teknoloġika tal-UE. Il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi Osservatorju għat-Teknoloġiji Kritiċi. Huwa jwitti wkoll it-triq għat-tnedija ta’ tliet proġetti ewlenin (li għandhom jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni fl-2022) bil-potenzjal li jsiru bidliet radikali:
- it-teknoloġiji tad-droni għall-kompetittività tal-industrija tal-UE f’dan il-qasam kritiku;
- il-konnettività sigura bbażata fl-ispazju biex tipprovdi konnettività b’veloċità għolja u reżiljenti għal kulħadd fl-UE fuq il-bażi ta’ kriptaġġ kwantistiku; kif ukoll
- il-ġestjoni tat-traffiku spazjali biex jiġu evitati avvenimenti ta’ kolliżjoni li jistgħu jirriżultaw mill-proliferazzjoni ta’ satelliti u ta’ residwi spazjali.
Il-Fond Ewropew għad-Difiża, adottat f’April 2021, se jappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp kollaborattivi fil-qasam tad-difiża u jrawwem bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża innovattiva u kompetittiva. L-adozzjoni tal-ewwel programm ta’ ħidma annwali f’Ġunju wittiet it-triq għal sejħiet għal proposti għal €1.2 biljun ta’ finanzjament tal-UE.
In-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża huwa stmat li jiswa bejn €25 biljun u €100 biljun kull sena.
Bħalissa, l-ippjanar tal-kapaċità tad-difiża u madwar 80 % tal-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża jseħħu fuq bażi purament nazzjonali, u dan iwassal għal duplikazzjoni għalja tal-kapaċitajiet tad-difiża.
9 % biss tar-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża jitwettqu fuq il-bażi tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
Il-Fond iżid il-vantaġġ teknoloġiku tal-UE u jiżviluppa l-kapaċitajiet li huma essenzjali għall-awtonomija strateġika miftuħa u r-reżiljenza tagħha, filwaqt li jaġixxi bħala faċilitatur ewlieni għal Unjoni Ewropea aktar sigura u kompetittiva. Il-programm ta’ ħidma għandu l-għan li jiġbor flimkien ir-riżorsi u jiddeframmenta s-suq tad-difiża tal-UE, u b’hekk jiżgura valur aħjar għall-flus filwaqt li jiżviluppa teknoloġiji u tagħmir tal-ogħla livell li ma jkunux jistgħu jintlaħqu permezz ta’ ħidma indipendenti.
Il-Fond il-ġdid kien preċedut minn żewġ programmi prekursuri: l-Azzjoni Preparatorja fir-rigward tar-Riċerka dwar id-Difiża u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża. F’Ġunju, dan tal-aħħar ta €158 miljun f’finanzjament lil 26 proġett ġdid ta’ kapaċitajiet ta’ difiża f’oqsma differenti u komplementari bħas-sigurtà marittima, l-għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika, u l-ġlied fuq l-art u fl-ajru.
Is-sistemi finanzjarji, l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali
Sistemi ekonomiċi u finanzjarji miftuħa u reżiljenti
L-UE hija impenjata favur ekonomija globali aktar reżiljenti u miftuħa, swieq finanzjarji internazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb u sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli.
F’Jannar, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija ġdida biex tappoġġa l-ftuħ, is-saħħa u r-reżiljenza tas-sistema ekonomika u finanzjarja tal-UE għas-snin li ġejjin. Din hija bbażata fuq tliet pilastri li jsaħħu lil xulxin: it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro; it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju tal-UE; u t-titjib tal-effettività tar-reġim tas-sanzjonijiet tal-UE. L-istrateġija għandha l-għan li tippermetti lill-UE jkollha rwol ewlieni fil-governanza ekonomika globali, filwaqt li tipproteġiha minn prattiki inġusti u abbużivi bħal miżuri ta’ pajjiżi mhux tal-UE b’impatt extraterritorjali jew influwenza politika mhux xierqa fuq l-operaturi tal-UE.
Minbarra t-tlestija tal-Unjoni Bankarja u l-avvanz ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni qed tippjana li ssaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro billi tilħaq sħab mhux tal-UE biex tippromwovi l-użu tagħha, u billi tappoġġa l-iżvilupp ta’ strumenti u parametri referenzjarji ddenominati f’euro. Il-ħruġ ta’ bonds denominati f’euro ta’ kwalità għolja taħt NextGenerationEU — proposti f’Lulju — se jżidu profondità u likwidità sinifikanti lis-swieq kapitali tal-UE fis-snin li ġejjin u dan se jrendihom,flimkien mal-euro, aktar attraenti għall-investituri. Rwol internazzjonali akbar għall-euro mhux biss se jkun ta’ benefiċċju għall-UE, iżda se jgħin ukoll biex tissaħħaħ l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ġenerali billi joffri aktar opportunitajiet biex jiġu ddiversifikati r-riżervi ta’ muniti barranin, u b’hekk jitnaqqas l-ammont ta’ vulnerabbiltà għal xokkijiet monetarji esterni.
F’Jannar 2021, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew qablu li jaħdmu flimkien biex janalizzaw diversi għażliet ta’ tfassil u l-implikazzjonijiet regolatorji relatati tal-euro diġitali, forma diġitali ta’ flus tal-bank ċentrali li toffri għażla akbar lill-konsumaturi u lin-negozji. L-euro diġitali jkun komplement għall-flus kontanti, li għandhom jibqgħu disponibbli u utilizzabbli b’mod wiesa’. Dan jista’ jappoġġa l-istrateġiji tal-UE dwar il-finanzi diġitali u l-pagamenti bl-imnut, minħabba l-potenzjal tiegħu bħala mezz ta’ pagament addizzjonali, innovattiv u sikur. L-euro diġitali jista’ wkoll iżid ir-rwol internazzjonali tal-euro u jappoġġa l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. F’Lulju, il-Kummissjoni laqgħet id-deċiżjoni tal-Bank li jniedi l-fażi ta’ investigazzjoni tal-euro diġitali. Din il-fażi, li se ddum sentejn, se teżamina l-għażliet possibbli tat-tfassil u r-rekwiżiti tal-utenti, u kif is-servizzi finanzjarji jistgħu jiġu pprovduti bl-użu tal-euro diġitali. Il-Kummissjoni qed tikkoopera mal-Bank dwar id-diversi għażliet u kif dawn jinteraġixxu mal-objettivi ta’ politika tal-UE.
Approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali
Il-pakkett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, adottat f’Novembru, huwa għodda importanti għall-promozzjoni tat-tkabbir sostnut u biex jiġi żgurat li l-kumpaniji fl-UE jkollhom aċċess suffiċjenti għall-finanzjament. Il-proposti tal-lum se jiżguraw li l-investituri jkollhom aċċess aħjar għad-data dwar il-kumpaniji u l-kummerċ. Il-miżuri se jinkoraġġixxu wkoll l-investiment fit-tul biex il-bejgħ tal-fondi ta’ investiment minn naħa għal oħra tal-fruntieri, ikun iktar faċli u sikur. Kollox ma’ kollox, il-proposti għandhom l-għan li jgħaqqdu lill-kumpaniji tal-UE b’mod aktar effettiv mal-investituri, itejbu l-aċċess għall-finanzjament tal-kumpaniji, iwessgħu l-opportunitajiet ta’ investiment għall-investituri aħħarija, u jintegraw aktar is-swieq kapitali tal-UE.
Il-pakkett huwa magħmul minn erba’ pilastri: il-proposta għal Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew; ir-rieżami tal-Fond Ewropew tal-Investiment fuq Terminu Twil; ir-rieżami tad-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi; u r-rieżami tar-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, li jintroduċi t-tape konsolidat tal-UE.
Il-proposta għal Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew iżżid il-viżibilità u l-aċċessibilità tal-informazzjoni dwar il-kumpaniji tal-UE u l-prodotti ta’ investiment tal-UE. Din tkun tindirizza l-frammentazzjoni tad-data fuq linji nazzjonali billi tiżgura aċċess għal din l-informazzjoni fil-livell tal-UE, u b’hekk ittejjeb l-opportunitajiet ta’ investiment istituzzjonali u tal-investituri aħħarija. Din trendi l-finanzjament disponibbli b’mod aktar faċli għall-kumpaniji tal-UE, speċjalment dawk iżgħar fi swieq iżgħar. Il-Punt ta’ Aċċess Uniku jkollu wkoll informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà ppubblikata mill-kumpaniji. Dan se jappoġġa t-tranżizzjoni lejn investiment sostenibbli — wieħed mill-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Bħala spazju komuni tad-data, dan se jkun il-pedament tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Finanzi Diġitali.
Ir-rieżami tal-Fond Ewropew tal-Investiment fuq Terminu Twil se jagħmilha aktar faċli biex l-investiment minn investituri professjonali u aħħarija jiġi dirett fi proġetti diġitali jew sostenibbli jew fl-ekwità fit-tul tal-SMEs, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-investituri aħħarija.
Ir-rieżami tad-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza u l-integrazzjoni tas-suq tal-Fondi ta’ Investiment Alternattivi. Il-proposta tarmonizza r-regoli relatati mal-fondi li jagħtu self lill-kumpaniji. Din se iiffaċilita s-self lill-ekonomija reali, filwaqt li tipproteġi aħjar lill-investituri u tiżgura l-istabbiltà finanzjarja. Ir-rieżami jiċċara wkoll ir-regoli dwar id-delega li jippermettu lill-maniġers tal-fondi jesternalizzaw l-għarfien espert minn pajjiżi mhux tal-UE, mingħajr ma jfixklu prattika kummerċjali li kkontribwiet għas-suċċess globali tal-fondi tal-UE. Ir-rieżami se jiżgura li jkun hemm informazzjoni u koordinazzjoni adegwati fost is-superviżuri tal-UE.
L-aġġustamenti għar-regoli kummerċjali tal-UE se jiżguraw aktar trasparenza fis-swieq kapitali. Dawn se jtejbu l-kundizzjonijiet ekwi bejn il-boroż u l-banek tal-investiment. Ir-rieżami se jintroduċi wkoll tape konsolidat tal-UE, li se jagħti lill-investituri aċċess għal data tan-negozjar kważi f’ħin reali għall-istokks, il-bonds u d-derivati fil-postijiet kollha ta’ negozjar fl-UE. Sa issa, dan l-aċċess kien limitat għal għadd żgħir ta’ investituri professjonali. Il-tape se jagħmel is-swieq pubbliċi aktar faċli biex jinnavigaw għall-investituri, u jippermetti ekwitajiet, bonds u derivattivi aktar trasparenti u aktar effiċjenti. Il-boroż, b’mod partikolari dawk iżgħar, se jirċievu sehem ġust mid-dħul iġġenerat għad-data li jipprovdu għat-tape.
Assigurazzjoni
L-assiguraturi huma kritiċi għal ħafna aspetti tal-ekonomija tal-UE: huma jipprovdu lin-negozji b’finanzjament fit-tul, jgħinu biex it-tfaddil jiġi dirett lejn is-swieq finanzjarji u l-ekonomija reali u joffru protezzjoni vitali għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, inklużi soluzzjonijiet għall-introjtu tal-irtirar.
F’Settembru, il-Kummissjoni adottat rieżami komprensiv tar-regoli tal-assigurazzjoni tal-UE (magħrufa bħala Solvenza II). L-għanijiet ġenerali huma li jiġi żgurat li l-assiguraturi u r-riassiguraturi fl-UE jkomplu jinvestu u jappoġġaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, b’mod partikolari l-finanzjament tal-irkupru ta’ wara l-COVID, it-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-allokazzjoni ta’ fondi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Ir-rieżami jimla wkoll il-lakuni fir-regoli attwali u jagħmel is-settur tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni aktar reżiljenti sabiex ikun jista’ jegħleb kriżijiet futuri u jipproteġi aħjar lid-detenturi tal-poloz.
Pakkett bankarju
F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat rieżami tar-regoli bankarji tal-UE, li ffinalizza l-implimentazzjoni tal-ftehim Basel III fl-UE. Dan ir-rieżami kien jikkonsisti fi proposta leġiżlattiva biex tiġi emendata d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital, proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u proposta leġiżlattiva separata biex jiġi emendat ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital fil-qasam tar-riżoluzzjoni.
Dawn ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li l-banek fl-Unjoni Ewropea jsiru aktar reżiljenti għal xokkijiet ekonomiċi futuri potenzjali, filwaqt li jikkontribwixxu għall-irkupru tal-UE mill-pandemija tal-COVID-19 u għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.
Basel III: regoli ġodda dwar il-mudelli interni
Se jiġi introdott limitu ġdid biex jiġi żgurat li r-riskji ma jiġux sottovalutati meta l-banek jużaw il-mudelli ta’ kalkolu tagħhom stess.
Superviżjoni aħjar
Is-superviżuri se jkollhom għodod aktar b’saħħithom biex jissorveljaw il-banek tal-UE, inklużi gruppi bankarji kumplessi. Se jiġu introdotti standards minimi biex jissorveljaw il-fergħat ta’ banek ta’ pajjiżi mhux tal-UE fl-UE.
Sostenibbiltà
Il-banek se jkunu meħtieġa jqisu r-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza meta jiġġestixxu n-negozju tagħhom.
Tassazzjoni u dwana ġusti, sempliċi u moderni
F’Mejju, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi fis-Seklu 21. Din ħabbret sensiela ta’ miżuri biex jittejbu l-ġustizzja u t-trasparenza tat-taxxa u biex tiġi pprovduta viżjoni fit-tul għal sistema tat-taxxa tan-negozju tal-UE. L-għan huwa li jinħoloq ambjent tat-taxxa tan-negozju li jappoġġa l-irkupru, it-tkabbir sostenibbli u l-investiment. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni impenjat ruħha ħafna fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar ir-riforma tat-taxxa korporattiva, li fl-aħħar mill-aħħar għandhom jiżguraw li l-kumpaniji kollha jiġu intaxxati b’mod ġust, irrispettivament minn fejn jagħmlu n-negozju. Dawn it-taħditiet laħqu l-qofol tagħhom fil-ftehim storiku dwar ir-riforma tat-taxxa internazzjonali minn 136 ġurisdizzjoni li l-ministri tal-finanzi tal-G20 approvaw f’Lulju.
Proposta leġiżlattiva adottata mill-Kummissjoni f’Diċembru 2021 timmira b’mod partikolari għat-traspożizzjoni rapida fl-UE tal-ftehim internazzjonali dwar it-tassazzjoni minima effettiva tal-kumpaniji multinazzjonali, magħruf bħala t-Tieni Pilastru tal-ftehim internazzjonali. Il-proposta tistabbilixxi kif il-prinċipji tar-rata tat-taxxa effettiva ta’ 15 % se jiġu applikati b’mod xieraq u konsistenti fil-prattika fl-UE.
Il-Kummissjoni adottat ukoll inizjattiva ġdida f’Diċembru biex tiġġieled kontra l-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji għal finijiet ta’ taxxa mhux xierqa. Il-proposta għandha tiżgura li l-entitajiet fl-Unjoni Ewropea li ma għandhom l-ebda attività ekonomika jew li għandhom attività ekonomika minima ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn xi vantaġġ ta’ taxxa u ma jkunux ta’ piż finanzjarju fuq il-kontribwenti.
Fl-2020, il-kummerċ elettroniku totali fl-UE kiber għal €757 biljun, żieda ta’ 10 % minn €690 biljun is-sena ta’ qabel. L-2020 kienet sena eċċezzjonali, ikkaratterizzata mill-pandemija tal-COVID-19 u r-rwol importanti konsegwenti tal-kummerċ elettroniku kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-ekonomija. F’Lulju 2021, daħlu fis-seħħ regoli ġodda tal-VAT għax-xiri online. Ir-regoli jfittxu li jissimplifikaw il-proċeduri għall-kummerċ elettroniku transfruntier u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji u l-pjattaformi tal-UE u mhux tal-UE. Dawn iġibu wkoll aktar trasparenza għax-xerrejja online fl-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-ipprezzar u l-għażla tal-konsumatur.
L-2021 rat tisħiħ kbir tal-Unjoni Doganali kontra t-theddid għas-sigurtà u s-sikurezza, bis-Sistema l-ġdida ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2. Din is-sistema tippermetti lis-servizzi doganali jindirizzaw it-traffiku illeċitu ta’ merkanzija bejn il-fruntieri esterni tal-UE b’mod aktar effettiv, u jimmaniġġaw ir-riskju dejjem jikber ta’ oġġetti mhux sikuri li jidħlu fl-UE permezz tal-kummerċ elettroniku.
Kompetizzjoni ġusta
Kompetizzjoni vibranti tagħmel l-ekonomija tal-UE aktar reżiljenti, billi tagħti lill-atturi tas-suq l-inċentiv li jinnovaw, jinvestu u jżidu l-kompetittività tagħhom. Bid-deċiżjonijiet tagħha dwar l-antitrust, il-fużjonijiet u l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tipproteġi lill-konsumaturi minn prattiki kummerċjali inġusti u tiżgura l-aċċess tagħhom għall-għażla l-aktar wiesgħa ta’ prodotti ta’ kwalità u innovattivi, bi prezzijiet ġusti. Bħala eżempju, stimi konservattivi mill-Kummissjoni Ewropea poġġew l-iffrankar annwali tal-klijenti minn projbizzjonijiet ta’ kartelli u interventi ta’ fużjonijiet fl-UE bejn €14-il biljun u €23.3 biljun.
Infurzar robust u imparzjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jippromwovi l-koeżjoni fl-Unjoni Ewropea u t-trattament ugwali fost l-atturi tas-suq, u jiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi. Fl-2021, il-Kummissjoni kompliet tinforza r-regoli tal-kompetizzjoni fis-swieq kollha. Biex tantiċipa l-bidla, intensifikat ukoll ir-rieżami kontinwu tagħha tal-għodod tal-politika tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, l-enerġija u l-ambjent kienu riżultat notevoli ta’ dan il-proċess fl-2021, u kkontribwew saħansitra aktar għall-ekonomija ekoloġika, f’konformità mal-objettivi ta’ politika tal-Kummissjoni.
Il-ħidma li għaddejja, kif imfassla mill-komunikazzjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni adattata għal sfidi ġodda, għandha l-għan li tkompli tappoġġa l-ekonomija fil-kuntest tal-pandemija (ara wkoll il-Kapitolu 1); taċċellera l-irkupru; u twitti t-triq għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u għal Suq Uniku aktar reżiljenti.
Bini ta’ Ewropa ġusta u soċjali
Ekonomija inklużiva
Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
F’Marzu, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi inizjattivi konkreti biex l-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jinbidlu f’realtà. Fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni pubblika fuq skala kbira b’aktar minn 1,000 kontribuzzjoni bil-miktub, il-Kummissjoni pproponiet tliet miri ewlenin li l-UE għandha tilħaq sal-2030. Dawn huma impjiegi għal mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena; taħriġ annwali għal mill-inqas 60 % tal-adulti kollha; u mill-inqas 15-il miljun persuna inqas f’riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, inklużi ħames miljun tifel u tifla. Il-mexxejja tal-UE approvaw is-sett il-ġdid ta’ miri fis-Summit Soċjali ta’ Porto fis-7 u fit-8 ta’ Mejju. Hawnhekk, il-mexxejja tal-UE, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ngħaqdu flimkien u impenjaw ruħhom li jkomplu jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, filwaqt li ddikjaraw li wasal iż-żmien li naġixxu.
Postijiet tax-xogħol aktar sikuri u aktar tajbin għas-saħħa
Biex miljuni ta’ ħaddiema jiġu protetti aħjar minn inċidenti u mard relatati max-xogħol, f’Ġunju l-UE adottat il-Qafas strateġiku dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fil-Post tax-Xogħol 2021–2027. Dan il-qafas jidentifika l-isfidi ewlenin, jistabbilixxi objettivi u jippreżenta miżuri biex jittejbu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fis-snin li ġejjin. Dan iwieġeb ukoll għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fil-protezzjoni tal-ħaddiema li nħolqu mit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, minn forom ġodda ta’ xogħol u mill-pandemija tal-COVID-19. Fl-istess ħin, il-qafas se jkompli jiġġieled kontra r-riskji tradizzjonali tas-saħħa u tas-sikurezza okkupazzjonali, bħall-inċidenti fil-post tax-xogħol jew l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi. Jippromwovi approċċ ta’ “viżjoni żero” biex jiġu eliminati l-imwiet relatati max-xogħol fl-UE.
Protezzjoni tal-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi
Il-pjattaformi diġitali tax-xogħol jipprovdu impjiegi u introjtu għal madwar 28 miljun persuna fl-UE. F’dawn l-aħħar 5 snin, l-ekonomija tal-pjattaformi kibret b’ħames darbiet. F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet miżuri biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persuni li jaħdmu permezz tal-pjattaformi. Bħala riżultat tad-direttiva proposta, huwa stmat li bejn 1.7 miljun u 4.1 miljun persuna jistgħu jiġu rikklassifikati bħala ħaddiema u jiksbu d-drittijiet u l-protezzjoni soċjali li huma intitolati għalihom. Oħrajn jibqgħu jiġu kklassifikati bħala persuni li jaħdmu għal rashom, u jingħataw l-awtonomija sħiħa u l-protezzjonijiet ipprovduti fil-livell nazzjonali relatati mal-impjieg indipendenti. Id-direttiva tiżgura wkoll li l-algoritmi użati fix-xogħol tal-pjattaformi jinftiehmu aħjar minn kull min jaħdem permezz tal-pjattaformi u mir-rappreżentanti tagħhom, u jkunu dejjem soġġetti għal kontrolli umani.
X’se jiggwadanjaw dawn in-nies jekk jiġu kklassifikati bħala ħaddiema?
Ħin ta’ mistrieħ garantit u vaganzi mħallsa.
Mill-inqas il-paga minima nazzjonali jew settorjali (fejn applikabbli).
Protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa.
Benefiċċji tal-qgħad, tal-mard u tal-kura tas-saħħa.
Liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri.
Dritt għall-pensjoni.
Benefiċċji relatati ma’ inċidenti fuq ix-xogħol u ma’ mard ikkaġunat mix-xogħol.
L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol
F’Mejju 2021, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol bdiet taħdem b’mod indipendenti mill-Kummissjoni. Il-mandat tal-awtorità huwa li tgħin biex jiġi żgurat li r-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiġu infurzati b’mod ġust, sempliċi u effettiv, u biex tagħmilha aktar faċli għall-individwi u għan-negozji biex igawdu mill-benefiċċji tas-Suq Uniku.
Il-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr saqaf
L-UE, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ewwel darba impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien biex jiġġieldu l-problema ta’ persuni mingħajr saqaf fuq rashom fl-UE. F’Ġunju, huma nedew b’mod konġunt il-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr saqaf fuq rashom biex jingħata bidu għal djalogu, jiġi ffaċilitat it-tagħlim reċiproku, jittejbu l-evidenza u l-monitoraġġ u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jiġġieldu l-problema ta’ persuni mingħajr saqaf fuq rashom. Id-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona ta’ Ġunju dwar il-pjattaforma l-ġdida tistabbilixxi objettivi ambizzjużi: akkomodazzjoni ta’ emerġenza aċċessibbli, sikura u xierqa għal dawk kollha fil-bżonn; offerta ta’ akkomodazzjoni xierqa għal persuni li jiġu rilaxxati minn istituzzjonijiet bħall-ħabs jew l-isptar; akkomodazzjoni ta’ emerġenza jew tranżizzjonali użata biss skont il-ħtieġa; u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-fatt li dak li jkun ma jkollux saqaf. Mill-2022, l-attivitajiet tal-pjattaforma se jinkludu t-tnedija ta’ proġett biex jingħaddu l-persuni mingħajr saqaf f’diversi bliet madwar l-UE; u avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku biex jiġu identifikati u promossi kemm il-prattiċi tajbin ibbażati fuq l-evidenza kif ukoll l-użu tal-finanzjament tal-UE.
Ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ
F’Diċembru 2021, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE kienet ta’ 14.9 %, li tirrappreżenta 2.75 miljun persuna taħt l-età ta’ 25 sena. F’Settembru, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ħabbret inizjattiva ġdida msejħa ALMA (Aim, Learn, Master, Achieve) biex jiżdied l-appoġġ tal-UE għaż-żgħażagħ li mhumiex f’xi tip ta’ impjieg, edukazzjoni jew taħriġ u li huma żvantaġġati, pereżempju minħabba nuqqas ta’ kwalifiki jew diżabilità, jew minħabba li jkollhom sfond ta’ migrazzjoni. ALMA se tgħinhom isibu triqthom fis-suq tax-xogħol billi tgħaqqad l-ikkowċjar personalizzat u t-taħriġ fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom ma’ kollokament ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor. L-objettivi huma li jittejbu l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza taż-żgħażagħ; li tingħatalhom l-opportunità joħolqu konnessjonijiet ġodda madwar l-Ewropa li, li kieku ma kinux ikunu possibbli; u, fl-aħħar mill-aħħar, biex tgħinhom jidħlu fis-suq tax-xogħol. ALMA se tiġi implimentata permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, b’baġit annwali stmat ta’ €15-il miljun.
F’April, il-Kummissjoni nediet il-programm il-ġdid tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-2021–2027. B’baġit ta’ aktar minn €1 biljun, dan se joffri opportunitajiet lil madwar 275,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jgħinhom jindirizzaw sfidi soċjetali u umanitarji permezz tal-volontarjat jew billi jistabbilixxu proġetti ta’ solidarjetà tagħhom stess. Bis-saħħa tal-fokus tematiku tal-proġetti tal-korpi, il-programm jappoġġa prijoritajiet politiċi wiesa’ tal-UE bħat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi u l-involviment ċiviku tagħhom.
F’Settembru, il-Kummissjoni nediet l-applikazzjoni online l-ġdida tal-Erasmus+, punt uniku ta’ servizz għall-istudenti mobbli tal-Erasmus+ bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex jistudjaw u jgħixu barra minn pajjiżhom. Dan jipprovdi Kard Diġitali Ewropea tal-Istudenti lill-istudenti mobbli. Il-kard se tkun valida madwar l-UE kollha għal identifikazzjoni sikura u faċli fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u għall-aċċess għas-servizzi. Il-kard hija pass importanti lejn il-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Il-programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ espanda għall-Kanada, għall-Korea t’Isfel u għat-Tajwan fl-2021, u pprovda aktar opportunitajiet biex tinkiseb esperjenza ma’ intraprenditur barra mill-pajjiż.
F'Settembru, il-President von der Leyen ħabbret ukoll, proposta tal-Kummissjoni biex l-2022 issir is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. L-objettiv huwa li jiġu mħeġġa l-isforzi tal-UE, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jonoraw, jappoġġaw u jinvolvu ruħhom maż-żgħażagħ fl-ambjent ta’ wara l-pandemija. B’mod partikolari, is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ se tħeġġeġ il-parteċipazzjoni u l-involviment taż-żgħażagħ fil-politiki kollha tal-UE; tippromwovi l-iżvilupp personali, soċjali u professjonali tagħhom; u tenfasizza kif it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jistgħu joffrulhom perspettivi ġodda.
F’Ottubru, il-Kummissjoni bdiet il-proċess biex tqassam 60,000 biljett tal-ferrovija b’xejn bid-DiscoverEU. Din l-inizjattiva tagħti liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena u minn kull sfond l-opportunità li jivvjaġġaw madwar l-UE, jitgħallmu minn kulturi oħra, jagħmlu ħbiberiji ġodda u jesploraw l-identità Ewropea tagħhom. Billi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 ma tqassmux l-biljetti, iż-żgħażagħ ta’ 19-il sena tħallew jipparteċipaw ukoll fl-2021.
Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali
F’Diċembru, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni biex tgħin l-ekonomija soċjali Ewropea tipprospera, billi tisfrutta l-potenzjal ekonomiku u tal-ħolqien tal-impjiegi tagħha. Dan se jgħin ukoll biex jikkontribwixxi kemm għal irkupru ġust u inklużiv kif ukoll għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali huma entitajiet li jpoġġu l-ewwel l-iskopijiet soċjali u ambjentali u li jinvestu mill-ġdid il-biċċa l-kbira tal-profitti tagħhom fl-organizzazzjoni. Hemm 2.8 miljun entità soċjoekonomika fl-UE, li jimpjegaw 13.6-il miljun persuna u li joffru soluzzjonijiet għall-isfidi fis-soċjetà. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiżviluppaw u jespandu l-attivitajiet tagħhom minħabba li mhumiex mifhuma u rikonoxxuti biżżejjed. Jeħtieġu aktar appoġġ u appoġġ aħjar biex jikbru u jirnexxu, u biex ikollhom impatt saħansitra akbar fuq is-soċjetà. Il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan li jwitti t-triq biex l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jkunu jistgħu jibdew kif ukoll jespandu.
Niżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet tan-nies
Għadd dejjem jikber ta’ persuni fl-UE qed jenħtiġilhom jaġġornaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom biex jimlew il-lakuni bejn l-edukazzjoni formali tagħhom u l-ħtiġijiet ta’ soċjetà u ta’ suq tax-xogħol li qed jinbidlu malajr. F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontijiet u l-mikrokredenzjali individwali tal-apprendiment, kif imħabbar fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u fil-komunikazzjoni tal-2020 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.
Il-kontijiet individwali tal-apprendiment jikkonsistu minn intitolamenti individwali ta’ taħriġ. Il-proposta għandha l-għan li tittratta l-livell baxx ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ, biex tnaqqas id-diskrepanzi fil-ħiliet u tikkontribwixxi għall-ekonomija kompetittiva u għall-ġustizzja soċjali. Għal dan il-għan, ir-rakkomandazzjoni proposta tittratta l-ostakli ewlenin li jiffaċċjaw in-nies li jixtiequ jibdew taħriġ — il-motivazzjoni, il-ħin u l-finanzjament — billi titlob lill-Istati Membri flimkien mas-sħab soċjali biex:
- jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment u jipprovdu intitolamenti għat-taħriġ għall-adulti kollha fl-età tax-xogħol;
- joħolqu lista ta’ korsijiet ta’ taħriġ li huma eliġibbli għal finanzjament mill-kontijiet individwali tal-apprendiment u jagħmluha aċċessibbli permezz ta’ reġistru diġitali;
- joffru gwida għall-karriera u validazzjoni tal-ħiliet miksuba qabel, flimkien ma’ liv imħallas għat-taħriġ.
Il-mikrokredenzjali jiċċertifikaw l-eżiti tal-apprendament ta’ esperjenza qasira ta’ tagħlim bħal kors qasir jew sessjoni ta’ taħriġ. Dawn joffru mod flessibbli u mmirat biex jgħinu lin-nies jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom. Il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li tagħmel il-mikrokredenzjali funzjonali bejn l-istituzzjonijiet, in-negozji, is-setturi u l-fruntieri. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-mikrokredenzjali jkunu ta’ kwalità għolja u li jinħarġu b’mod trasparenti biex tinbena l-fiduċja f’dak li jiċċertifikaw.
Għadd ta’ fondi tal-UE huma disponibbli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-iżvilupp tal-ħiliet tan-nies, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ara l-Kapitolu 1). Il-Fond Soċjali Ewropew Plus huwa l-istrument ewlieni tal-UE għall-investiment fin-nies. B’baġit totali ta’ madwar €99 biljun għall-2021–2027, dan il-Fond jippromwovi livell għoli ta’ impjiegi, edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u sostenibbli.
Il-Fond għandu l-għan ukoll li jiggarantixxi protezzjoni soċjali adegwata u deċenti, jiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għall-2021–2027, il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn se jiġu integrati fil-Fond Soċjali Ewropew Plus.
Il-programm Erasmus+ il-ġdid għall-2021–2027 tnieda f’Marzu. B’baġit ta’ €26.2 biljun, ikkomplementat b’madwar €2.2 biljun mill-istrumenti esterni tal-UE, il-programm imġedded se jiffinanzja proġetti ta’ mobilità għat-tagħlim u ta’ kooperazzjoni transfruntiera għal 10 miljun Ewropew ta’ kull età u sfond. Għandu l-għan li jkun saħansitra aktar inklużiva u li jappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif stabbilit fil-prijoritajiet għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.
Riċerka, innovazzjoni u Żona Ewropea tar-Riċerka
F’Novembru, l-Istati Membri kollha qablu dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa u dwar il-governanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka , u b’hekk stabbilew il-prijoritajiet u qafas ta’ governanza simplifikat għal dan il-qasam, inkluża aġenda ta’ politika għall-2022–2024. Dan se jgħin biex jippromwovi allinjament aħjar tal-istrateġiji u tal-investiment reġjonali, nazzjonali u tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, se jiddefinixxu u jimmonitorjaw il-progress skont aġenda ta’ politika komuni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka. L-oqsma koperti jvarjaw minn valuri u prinċipji ta’ riċerka u innovazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi għall-investiment, bħal fl-infrastruttura tar-riċerka. Il-Kummissjoni se tappoġġa azzjonijiet komuni biex tiżgura investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fit-tul u riformi ta’ politika.
Unjoni ta’ ugwaljanza
L-istess paga għall-istess xogħol
Miżuri ġodda dwar it-trasparenza fil-pagi għandhom l-għan li jiżguraw li n-nisa u l-irġiel fl-UE jaqilgħu l-istess paga ugwali għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur. Il-proposta tal-Kummissjoni, adottata f’Marzu, tistabbilixxi miżuri, bħal informazzjoni dwar il-pagi għal dawk li qed ifittxu impjieg, id-dritt li wieħed ikun jaf il-livelli tal-paga għall-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur u obbligi ta’ rappurtar u valutazzjoni tad-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi għal kumpaniji kbar. Barra minn hekk, min iħaddem mhux se jitħalla jitlob lil dawk li qed ifittxu impjieg għall-istorja tal-pagi tagħhom ħalli jiġi impedit li titkompla d-differenza fil-pagi meta jinbidlu l-impjiegi. Il-proposta għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ l-għodod għall-ħaddiema biex jitolbu d-drittijiet tagħhom u tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, pereżempju billi ssaħħaħ id-dritt għal kumpens għal diskriminazzjoni fil-pagi.
Mill-
1957,
l-irġiel u n-nisa fl-UE kellhom id-dritt għal paga ugwali
Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fl-UE hija ta’
14 %
Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet hija ta’
30 %
Id-drittijiet tat-tfal
Biex l-UE tkun adattata għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej, fl-2021 il-Kummissjoni pproponiet Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal komprensiva ġdida u Garanzija Ewropea għat-Tfal. Dawn l-inizjattivi ewlenin ta’ politika se jgħinu biex jipproteġu lit-tfal kollha u se jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Iż-żewġ inizjattivi ġabru informazzjoni permezz ta’ konsultazzjonijiet estensivi maċ-ċittadini, mal-partijiet ikkonċernati u l-aktar importanti ma’ aktar minn 10,000 tifel u tifla, fi sforz determinat biex jitqiegħdu fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika tal-UE. L-istrateġija dehret ukoll f’verżjonijiet faċli biex jinqraw għal tfal ta’ etajiet u ħiliet fil-qari differenti.
L-istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija mibnija fuq il-prinċipju ewlieni li kull tifel u tifla fl-Unjoni Ewropea, u tabilħaqq madwar id-dinja, għandhom igawdu l-istess drittijiet u jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni. L-istrateġija għandha l-għan li tintegra d-drittijiet tat-tfal fil-politiki rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali. Tinvolvi azzjonijiet ta’ segwitu f’sitt oqsma tematiċi:
- it-tħeġġiġ tat-tfal biex ikunu ċittadini attivi u membri ta’ soċjetajiet demokratiċi;
- il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjoekonomika, tas-saħħa u tal-edukazzjoni;
- il-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal u l-iżgurar tal-protezzjoni tat-tfal;
- it-tisħiħ tal-ġustizzja adatta għat-tfal;
- l-appoġġ u l-protezzjoni tat-tfal permezz tat-tranżizzjoni diġitali; kif ukoll
- it-tisħiħ tal-ħidma tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna tagħha.
Tabilħaqq, din l-istrateġija tgħin ukoll biex l-UE tieħu rwol ta’ promotur u protettur ewlieni tad-drittijiet tat-tfal mad-dinja kollha.
L-istrateġija tiġbor flimkien, f’qafas komprensiv u koerenti, l-istrumenti leġiżlattivi, ta’ politika u ta’ finanzjament ġodda u eżistenti kollha tal-UE li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu azzjoni, billi fl-2021 adottat Garanzija Ewropea għat-Tfal u fl-2022 strateġija aġġornata għal Internet Aħjar għat-Tfal.
Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal, li ġiet proposta f’Marzu, għandha l-għan li tiżgura li kull tifel u tifla fl-UE f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali jkollhom aċċess għal servizzi ewlenin essenzjali għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs. Dawn jinkludu edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, edukazzjoni u attivitajiet extrakurrikulari, mill-inqas ikla waħda tajba għas-saħħa kuljum tal-iskola, kura tas-saħħa u aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa u akkomodazzjoni adegwata. Il-Kunsill adotta din ir-rakkomandazzjoni fi żmien 3 xhur biss, u l-Istati Membri nnominaw koordinaturi nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal li se jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-garanzija. L-Istati Membri jridu jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom sa Marzu 2022.
Ġlieda kontra r-razziżmu
F’Mejju, il-Kummissjoni Ewropea ħatret l-ewwel Koordinatur Kontra r-Razziżmu tagħha, u b’hekk wettqet impenn importanti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu tal-2020. Il-koordinatur jinteraġixxi mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-akkademja biex isaħħaħ ir-reazzjonijiet ta’ politika fil-qasam tal-ġlieda kontra r-razziżmu. Huma jikkollaboraw ukoll mill-qrib ma’ persuni bi sfond razzjali u etniku minoritarju u jgħaddu t-tħassib tagħhom lill-Kummissjoni. Il-koordinatur se jingħaqad ma’ dipartimenti fil-Kummissjoni biex jiġġieled ir-razziżmu permezz tal-politiki tal-impjiegi, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni jew bis-saħħa ta’ programmi ta’ finanzjament bħall-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.
Biex tiġġieled ir-razziżmu b’mod komprensiv, fl-2021 il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-korpi tal-ugwaljanza biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali, u biex issaħħaħ l-impatt tal-azzjonijiet tal-koordinatur fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu.
F’dan il-kuntest, twaqqaf sottogrupp biex jaħdem mal-Istati Membri biex jiffoka fuq l-implimentazzjoni nazzjonali tal-pjan ta’ azzjoni. Fid-19 ta' Marzu l-Kummissjoni organizzat is-Summit Ewropew Kontra r-Razziżmu. Dan kien koospitat mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Anti-Racism and Diversity Intergroup tal-Parlament Ewropew.
Ugwaljanza, inklużjoni u parteċipazzjoni tar-Rom
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, adottata f’Marzu, fiha lista komprensiva ta’ miżuri biex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-antiżingariżmu; biex tiġi avvanzata l-inklużjoni soċjali; biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva; u biex jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità, impjiegi, saħħa u akkomodazzjoni. Dawn il-miżuri jvarjaw mill-ġlieda kontra diversi forom ta’ diskriminazzjoni strutturali kontra r-Rom sal-iżgurar tal-aċċess għall-impjiegi għar-Rom fl-istituzzjonijiet pubbliċi lokali u reġjonali.
Ir-rakkomandazzjoni hija parti mill-qafas strateġiku ta’ 10 snin biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza tar-Rom fl-UE kollha, u tinkludi enfasi aktar qawwija fuq is-sħubijiet u l-kapaċità istituzzjonali, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp tal-komunità, użu aħjar tal-fondi u aktar monitoraġġ. Il-ġlieda kontra l-antiżingariżmu, bħala forma speċifika ta’ razziżmu, ġiet diskussa fis-Summit tal-UE Kontra r-Razziżmu u matul l-14-il Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom f’Settembru.
Ugwaljanza tal-LGBTIQ
F’Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025, li tistabbilixxi l-objettivi u l-inizjattivi ewlenin biex tiġi avvanzata l-ugwaljanza tal-leżbjani, il-gay, il-bisesswali, it-trans, l-intersesswali u l-queer. Minn dakinhar, il-Kummissjoni waqqfet sottogrupp għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ taħt il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar in-Nondiskriminazzjoni, l-Ugwaljanza u d-Diversità biex jappoġġa u jimmonitorja l-progress fl-Istati Membri, inkluż l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ.
F’Lulju, il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur kontra l-Ungerija u l-Polonja relatati mal-ugwaljanza u mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-każijiet fl-Ungerija jikkonċernaw liġi adottata reċentement li, b’mod partikolari, tipprojbixxi jew tillimita l-aċċess għal kontenut li jippromwovi jew juri “diverġenza mill-identità personali li tikkorrispondi għas-sess mat-twelid, bidla fis-sess jew omosesswalità” għal individwi taħt l-età ta’ 18-il sena, u dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà imposta fuq ktieb tat-tfal b’kontenut LGBTIQ. Billi t-tħassib tal-Kummissjoni ma ġiex indirizzat, fit-2 ta’ Diċembru hija ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija, li ngħatat xahrejn biex twieġeb u tirrimedja s-sitwazzjoni. Inkella, il-Kummissjoni kienet tkun tista’ tiddeċiedi li tieħu lill-Istat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Fir-rigward tal-Polonja, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Pollakki naqsu milli jwieġbu bis-sħiħ u b’mod xieraq għall-inkjesta tagħha dwar in-natura u l-impatt tar-riżoluzzjonijiet dwar “żona ħielsa mill-ideoloġija LGBT” adottati minn diversi reġjuni u muniċipalitajiet Pollakki. Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba mill-Polonja għall-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, u fi tmiem l-2021 kienet qed tanalizza t-tweġiba qabel ma tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss.
Il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu
F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Strateġija tal-UE li qatt saret dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u s-Sostenn tal-Ħajja Lhudija (2021–2030). Bl-antisemitiżmu li qed jiżdied b’mod inkwetanti, l-istrateġija tistabbilixxi sensiela ta’ miżuri madwar tliet pilastri: il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ antisemitiżmu; il-protezzjoni u s-sostenn tal-ħajja Lhudija fl-UE; u t-trawwim tal-edukazzjoni, ir-riċerka dwar l-Olokawst u t-tfakkir tiegħu. L-Istati Membri diġà impenjaw ruħhom li jipprevjenu u jiġġieldu l-forom kollha ta’ antisemitiżmu permezz ta’ strateġiji nazzjonali u pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-prevenzjoni tar-razziżmu, il-ksenofobija, ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti.
L-antisemitiżmu kontemporanju jseħħ f’ħafna forom, qodma u ġodda, minn diskors ta’ mibegħda online, reati ta’ mibegħda u attakki fuq persuni Lhud, il-proprjetajiet u l-istituzzjonijiet tagħhom sal-profanazzjoni ta’ ċimiterji u monumenti.
- Nofs in-nies kollha fl-UE jqisu l-antisemitiżmu bħala problema.
- 9 minn 10 (89 %) tal-Lhud fl-UE jqisu li l-antisemitiżmu żdied fl-Istat Membru tagħhom.
- 79 % tal-Lhud ma rrappurtaw, lill-ebda organizzazzjoni, l-aktar inċident antisemitiku serju li għaddew minnu.
- Il-Lhud huma waħda mill-miri ewlenin tal-lingwa tossika online. Skont liema pjattaforma tiġi riċerkata, il-lingwa tossika tkun, f’6.3 % sa 27 % tal-każijiet, kontra l-Lhud.
Ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda
F’Diċembru, il-Kummissjoni talbet formalment lill-Kunsill jestendi l-lista ta’ “reati tal-UE” stabbilita fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tinkludi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda. Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Ġlieda kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija permezz tal-Liġi Kriminali tirrikjedi biss il-kriminalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda razzista u ksenofobiku u tar-reati ta’ mibegħda għal ċerti raġunijiet, bħar-razza, il-kulur, ir-reliġjon, id-dixxendenza jew l-oriġini nazzjonali jew etnika. Il-kriminalizzazzjoni ta’ forom oħra ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda — pereżempju għal raġunijiet ta’ sess, orjentazzjoni sesswali, età u diżabilità — tvarja bejn l-Istati Membri. Deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-lista tar-“reati tal-UE” se tippermetti lill-Kummissjoni tipproponi, fil-futur, regoli minimi biex tikkriminalizza d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għal raġunijiet oħra apparti r-razziżmu u l-ksenofobija.
Il-Kummissjoni qed tkompli l-ħidma tagħha biex tiżgura t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tad-deċiżjoni qafas permezz ta’ djalogu mal-awtoritajiet nazzjonali u, fejn meħtieġ, permezz ta’ proċeduri ta’ ksur. Fl-2020 u l-2021, il-Kummissjoni nediet proċedimenti kontra 13-il Stat Membru.
Il-Kummissjoni kompliet il-ħidma ta’ politika tagħha dwar il-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda razzisti u ksenofobiċi billi pprovdiet gwida u skambju ta’ prattiki tajbin mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kuntest tal-Grupp ta’ Livell Għoli biex jiġu Miġġielda r-Razziżmu, il-Ksenofobija u Forom Oħra ta’ Intolleranza. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Ġlieda Kontra d-Diskors ta’ Mibegħda Online Illegali, f’Ġunju l-Kummissjoni ħabbret il-parteċipazzjoni ta’ sit ġdid ta’ networking, LinkedIn. F’Ottubru, l-istituzzjoni ppubblikat ir-riżultati tal-evalwazzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta, li juru li, filwaqt li r-riżultati għadhom pożittivi, il-progress naqas.
Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità
Mas-87 miljun persuna fl-UE għandhom xi forma ta’ diżabilità. Kulħadd għandu dritt inerenti għal ħajja mingħajr ostakli, u l-persuni b’diżabilità għandhom id-dritt għal opportunitajiet indaqs, li jipparteċipaw fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor u li jkunu ħielsa mid-diskriminazzjoni u mill-vjolenza.
50.8 % tal-persuni b’diżabilità jaħdmu, meta mqabbel ma’ 75 % tal-persuni mingħajr diżabilità.
28.4 % tal-persuni b’diżabilità jinsabu f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, meta mqabbel ma’ 17.8 % tal-persuni mingħajr diżabilità.
29.4 % tal-persuni b’diżabilità biss jiksbu lawrja terzjarja, meta mqabbel ma’ 43.8 % tal-persuni mingħajr diżabilità.
52 % tal-persuni b’diżabilità jħossuhom diskriminati.
L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2021–2030 — adottata f’Marzu u ppubblikata wkoll f’verżjoni faċli biex tinqara — għandha l-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà. L-istrateġija ta’ 10 snin tittratta l-isfidi differenti li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità. Hija tistabbilixxi azzjonijiet biex tissaħħaħ l-ugwaljanza fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum, bħal kwalità ta’ ħajja deċenti, ħajja indipendenti u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-UE bħall-moviment liberu u d-dritt tal-vot. L-istrateġija tippromwovi wkoll aċċess ugwali għax-xogħol, għall-ġustizzja, għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa, għall-kultura, għall-isport u għat-turiżmu, flimkien mal-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.
Protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet fundamentali skont il-Karta
F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat ir-“Rapport Annwali tal-2021 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE”, li ffoka fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-era diġitali. Il-Kummissjoni nediet ukoll kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nies skont il-Karta u dwar fejn wieħed għandu jirrikorri f’każ li d-drittijiet tiegħu jkunu nkisru. Il-Kummissjoni fetħet sejħa għal proposti biex tippromwovi u tipproteġi l-valuri tal-UE bil-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri. Din is-sejħa ta’ €51 miljun se tappoġġa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE fil-ħidma tagħhom biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet u l-valuri fundamentali. Ir-rapport u s-sejħa għall-proposti huma riżultati tanġibbli tal-Istrateġija biex Tissaħħaħ l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE tal-Kummissjoni tal-2020.
It-tixjiħ u d-demografija
L-Ewropa għaddiet minn, u għadha qed tiffaċċja, tibdil demografiku profond. Fl-UE, l-istennija tal-għomor mat-twelid żdiedet b’10 snin kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel matul dawn l-aħħar ħames deċennji. Il-politiki jeħtieġ li jantiċipaw u jittrattaw din ix-xejra, li qed tittrasforma s-soċjetajiet u l-istili ta’ ħajja. F’Jannar, il-Kummissjoni ppubblikat il-Green Paper dwar it-Tixjiħ, li nediet dibattitu pubbliku dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tat-tixjiħ. L-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja adottat mill-Green Paper jirrifletti l-impatt universali tat-tixjiħ fuq il-ġenerazzjonijiet kollha u għandu l-għan li jsib bilanċ tajjeb bejn soluzzjonijiet sostenibbli għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħna u l-ġustizzja u s-solidarjetà interġenerazzjonali.
F’April, il-Kummissjoni nediet l-Atlas tad-Demografija, għodda interattiva għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tax-xejriet demografiċi fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali. Fih statistika u projezzjonijiet uffiċjali mill-Eurostat u data ġdida prodotta miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, flimkien mal-istejjer tad-data dwar kwistjonijiet speċifiċi li jipprovdu firxa wiesgħa ta’ evidenza demografika, li jgħinu biex l-analiżi demografika titqiegħed fil-qalba tat-tfassil tal-politika tal-UE. F’Ġunju, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppubblikaw rapporti dwar il-kura fit-tul u l-adegwatezza tal-pensjonijiet, li jiddeskrivu l-benesseri tal-persuni akbar fl-età fl-UE fid-deċennji li jmiss. L-għadd ta’ persuni potenzjalment fil-bżonn ta’ kura fit-tul fl-EU-27 huwa pproġettat li jiżdied minn 30.8 miljun fl-2019 għal 38.1 miljun fl-2050, filwaqt li n-nefqa fuq il-kura fit-tul fl-UE hija mistennija li tiżdied minn 1.7 % tal-PDG fl-2019 għal 2.5 % tal-PDG fl-2050.
Promozzjoni tal-interessi u tal-valuri Ewropej fid-dinja
L-UE bħala sieħba multilaterali
Il-pandemija tal-COVID-19 reġgħet uriet li l-approċċ “pajjiżi l-ewwel” ma jaħdimx. Din hija r-raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea temmen f’approċċ multilaterali biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-problemi komuni ffaċċjati mill-umanità. L-UE taħdem ma’ sħab globali f’organizzazzjonijiet multilaterali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u koalizzjonijiet biex il-ħajja ssir aħjar, aktar b’saħħitha u aktar sigura għan-nies fl-Ewropa u madwar id-dinja. L-appoġġ għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli mhuwiex biss kwistjoni ta’ fidi għall-UE: il-multilateraliżmu ppermetta l-itwal perjodu ta’ paċi globali, stabbiltà u progress lejn żvilupp sostenibbli.
L-organizzazzjonijiet multilaterali ewlenin jaraw tendenza dejjem akbar lejn il-veto u l-punteġġ tal-punti nazzjonali minflok ma jfittxu bażi komuni. B’riżultat ta’ dan, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU huwa mwaħħal, u kemm l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kif ukoll l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (World Trade Organization, WTO) qed jaraw il-politiki tagħhom jiġu kkontestati.
L-UE trid u teħtieġ li dawn l-organizzazzjonijiet jirnexxu. Fl-isfond ta’ xettiċiżmu pubbliku dejjem jikber dwar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni multilaterali, huwa kruċjali li jintwera għaliex għadu rilevanti u meħtieġ li ssir ħidma flimkien ma’ sħab internazzjonali bħan-NU. Għalhekk, fl-2021 l-UE kompliet tappoġġa l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jirriforma s-sistema multilaterali u jagħmilha adatta għall-iskop tagħha, u b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Fl-2021, l-UE u n-NU ħadmu flimkien f’aktar minn 170 pajjiż
Prevenzjoni u tegħlib ta’ kriżijiet
Protezzjoni ta’ dawk f’riskju minn gwerra, mard u diżastri naturali
Appoġġ għan-nonproliferazzjoni u d-diżarmament
Indirizzar tal-ġuħ u l-malnutrizzjoni
Bini ta’ soċjetajiet demokratiċi u inklużivi
Għoti ta’ servizzi essenzjali
Għajnuna għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u impjiegi diċenti
Ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
Ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19
Fi Frar, l-UE stabbiliet l-aspettattivi u l-ambizzjonijiet tagħha għas-sistema multilaterali f’komunikazzjoni konġunta li tippromwovi l-modernizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ewlenin u tappoġġa l-iżvilupp ta’ normi globali ġodda u l-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni f’oqsma bħat-tassazzjoni, l-isfera diġitali u l-intelliġenza artifiċjali.
Nieħdu rwol ta’ tmexxija f’fora multilaterali
L-UE hija mutur ewlieni tal-kooperazzjoni internazzjonali. Fl-2021, hija kompliet tmexxi miri ambizzjużi dwar is-sostenibbiltà qabel il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima COP26 fi Glasgow, ir-Renju Unit (ara l-Kapitolu 2) u l-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità f’Kunming, iċ-Ċina u biex tmexxi globalment fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
F’Mejju, l-UE, flimkien mal-Presidenza Taljana tal-G20, ospitat b’mod konġunt Summit Globali dwar is-Saħħa li laħaq il-qofol tiegħu f’dikjarazzjoni ta’ prinċipji li se jiggwidaw azzjonijiet globali dwar kwistjonijiet tas-saħħa fis-snin li ġejjin. Fis-Summit tal-Mexxejja tal-G7 ta’ Ġunju f’Cornwall, ir-Renju Unit, l-irkupru globali mill-pandemija kien fuq quddiem tal-aġenda, u l-UE ħadet pożizzjoni ta’ tmexxija. Il-mexxejja tal-G7 wiegħdu 1 biljun doża ta’ vaċċin għal pajjiżi bi dħul baxx u medju, u li se jaċċelleraw il-produzzjoni u t-twassil dinji tal-vaċċini.
Fis-Summit tal-G20 ta’ Ottubru f’Ruma, il-mexxejja tal-G20 approvaw proposta mill-ministri tal-finanzi tagħhom biex tiġi stabbilita rata tat-taxxa minima globali ta’ mill-inqas 15 % għall-korporazzjonijiet multinazzjonali. Dan kien ftehim rivoluzzjonarju sinifikanti minn 136 ġurisdizzjoni wara ħafna snin ta’ negozjati. Il-ftehim se jiżgura wkoll li l-kumpaniji multinazzjonali l-aktar profittabbli fid-dinja jħallsu t-taxxi fil-pajjiżi fejn jiġġeneraw id-dħul tagħhom, u mhux biss fejn ikollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom.
Fit-28 u d-29 ta’ Ġunju, Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli, ipparteċipa fl-ewwel laqgħat ministerjali personali taħt il-Presidenza Taljana tal-G20 f’Matera, l-Italja. Din kienet segwita minn Laqgħa Konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Iżvilupp, li għaliha attendiet Jutta Urpilainen, Kummissarju għas-Sħubijiet Internazzjonali. Il-ministri għall-affarijiet barranin iddiskutew il-multilateraliżmu u l-governanza globali, u kif nistgħu niġġieldu l-pandemija flimkien u nibnu mill-ġdid aħjar. Huma ddiskutew ukoll kif jista’ jiġġedded il-momentum tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, speċjalment fl-Afrika.
Paċi u sigurtà
F’ambjent globali diffiċli, jeħtieġ li l-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tipprevjeni l-kunflitti u li ssaħħaħ il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Bil-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) il-ġdida, l-UE qed tieħu aktar responsabbiltà bħala fornitur tas-sigurtà globali. Il-Faċilità se tiffinanzja l-kostijiet komuni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, flimkien ma’ miżuri ta’ assistenza biex jiġu appoġġati s-sħab fi kwistjonijiet militari u ta’ difiża. L-assistenza mogħtija tista’ tkun ta’ benefiċċju għal sħab madwar id-dinja li jiffaċċjaw sfidi kbar ta’ sigurtà u li l-Istati Membri tal-UE jiddeċiedu li jappoġġaw.
Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi se timmassimizza l-impatt, l-effettività u s-sostenibbiltà tal-azzjoni esterna ġenerali tal-UE dwar il-paċi u s-sigurtà:
billi tiżgura d-disponibbiltà tal-finanzjament tal-UE fuq bażi affidabbli u prevedibbli;
billi tippermetti rispons rapidu għall-kriżijiet u l-għoti ta’ assistenza urġenti;
billi tagħti appoġġ fit-tul għall-bini tal-kapaċità lis-sħab tal-UE.
Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi hija fond ġdid b’valur ta’ €5 biljun, iffinanzjata lil hinn mill-baġit tal-UE għal perjodu ta’ seba’ snin (2021–2027), li:
toħloq strument uniku għall-finanzjament tal-azzjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni fl-oqsma militari u tad-difiża;
tissostitwixxi l-mekkaniżmu Athena u l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, filwaqt li tieħu f’idejha l-aspetti relatati mal-militar u d-difiża li qabel kienu koperti minn dawn l-istrumenti.
Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli, flimkien mal-Istati Membri, mexxa ‘l quddiem il-ħidma fuq l-iżvilupp tal-Boxxla Strateġika. Hija tistabbilixxi viżjoni għas-sigurtà u d-difiża għall-5–10 snin li ġejjin u tippreżenta proposti konkreti għal azzjoni tal-UE f’diversi dimensjonijiet ta’ sigurtà u difiża, mill-ġestjoni tal-kriżijiet u r-reżiljenza sal-kapaċitajiet u s-sħubijiet. L-ewwel abbozz tal-Boxxla Strateġika ġie ppreżentat mir-Rappreżentant Għoli lill-Istati Membri f’Novembru 2021, u huwa mistenni li jiġi adottat f’Marzu 2022.
Għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp
L-UE u s-27 Stat Membru tagħha żiedu b’mod sinifikanti l-assistenza tagħhom lill-pajjiżi sħab fl-2020, għal €66.8 biljun. L-UE hija l-akbar donatur ta’ għajnuna fid-dinja, u tipprovdi 46 % tal-assistenza globali.
L-UE allokat aktar minn €2.1 biljun f’għajnuna umanitarja fl-2021, inkluż biex twieġeb għall-ħtiġijiet urġenti li jirriżultaw mill-COVID-19. Titjiriet tal-Pont Umanitarju bl-Ajru organizzat mill-UE wasslu aktar minn 20 tunnellata ta’ għajnuna umanitarja lill-Mozambique, u aktar minn 177 tunnellata lil Ħaiti wara t-terremot devastanti f’dak il-pajjiż.
L-UE appoġġat persuni vulnerabbli billi pprovdiet assistenza li ssalva l-ħajjiet f’pajjiżi megħluba permezz ta’ konflitt, bħall-Afganistan, l-Etjopja u l-Jemen. L-UE kompliet tappoġġa persuni vulnerabbli fis-Sirja, flimkien mar-refuġjati Sirjani fit-Turkija u pajjiżi oħra fir-reġjun.
Biex tindirizza sett bla preċedent ta’ sfidi li qed jiffaċċjaw l-isforzi umanitarji, f’Marzu l-Kummissjoni adottat perspettiva strateġika mġedda biex issaħħaħ l-impatt umanitarju globali tal-UE u tkompli tipprovdi tmexxija. Il-Komunikazzjoni dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE pproponiet azzjonijiet ewlenin għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi; twassil aktar mgħaġġel tal-għajnuna umanitarja billi jingħata appoġġ lis-sħab umanitarji — inkluż bl-istabbiliment ta’ Kapaċità Ewropea ta’ Rispons Umanitarju bl-użu ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa; l-espansjoni tal-bażi tad-donaturi ġewwa u barra l-Ewropa; u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-kriżijiet billi titwassal l-għajnuna umanitarja f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-iżvilupp u tal-konsolidazzjoni tal-paċi. Hija pproponiet passi konkreti biex il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali titqiegħed b’mod konsistenti fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE, u tistabbilixxi pjanijiet biex jiġi indirizzat l-impatt umanitarju drammatiku tat-tibdil fil-klima.
Bejn l-2021 u l-2027, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, b’finanzjament ta’ €79.5 biljun — li minnhom €60.39 biljun għall-programmi ġeografiċi — se jiffinanzja l-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE (ħlief għall-benefiċjarji ta’ qabel l-adeżjoni u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej).
L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali se jkun l-għodda ta’ finanzjament ewlenija tal-UE biex tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u għall-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli, prosperità u stabilità.
Aktar finanzjament għall-azzjoni esterna tal-UE
Simplifikat: inqas strumenti, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp isir parti mill-baġit
Flessibbiltà fuq bażi pluriennali biex ikun hemm rispons għal ċirkostanzi li qed jinbidlu
Żieda fit-trasparenza u l-iskrutinju demokratiku
Promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fid-dinja kollha
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat f’Novembru 2020 jiffoka fuq li l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet isiru prijorità tal-azzjoni esterna tal-UE. Sal-2025, jenħtieġ li 85 % tal-inizjattivi l-ġodda tal-UE jikkontribwixxu biex jintlaħaq dan l-objettiv.
Fis-Summit dwar l-Edukazzjoni Globali tal-lum f'Londra, ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-Tim Ewropa, wiegħdu €1.7 biljun lis-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni (Global Partnership for Education, GPE) biex jgħinu fit-trasformazzjoni tas-sistemi edukattivi għal aktar minn 1 biljun tifla u tifel f’madwar 90 pajjiż u territorju. Dan jirrappreżenta l-akbar kontribuzzjoni li saret lill-GPE.
F’Diċembru, il-President von der Leyen irrappreżentat lill-Kummissjoni Ewropea fis-Summit għad-Demokrazija ospitat mill-President tal-Istati Uniti, Joe Biden. Is-Summit laqqa’ flimkien mexxejja mill-gvern, is-soċjetà ċivili u s-settur privat fi sforz biex jippreżentaw aġenda affermattiva għat-tiġdid demokratiku u biex jindirizzaw l-akbar theddidiet li qed jiffaċċjaw id-demokraziji llum permezz ta’ azzjoni kollettiva. F’Diċembru wkoll, il-President von der Leyen ħabbret il-programm il-ġdid Ewropa Globali għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, b’valur ta’ €1.5 biljun.
Fl-2021, għall-ewwel darba, l-UE użat ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem li kienet adottat f’Diċembru 2020. Inħarġu sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet miċ-Ċina, l-Eritrea, il-Libja, il-Korea ta’ Fuq, ir-Russja u s-Sudan t’Isfel. Dawn huma responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw minn tortura, eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u qtil għal għajbien sfurzat ta’ persuni, arresti arbitrarji jew detenzjonijiet u l-użu sistematiku ta’ xogħol furzat.
L-osservazzjoni elettorali għadha turija viżibbli ħafna tal-impenn tal-UE li tappoġġa l-proċessi demokratiċi. Fl-2021, minkejja r-restrizzjonijiet ikkawżati mill-COVID-19, l-UE bagħtet sitt missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali, fil-Honduras, fl-Iraq, fil-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), il-Gambja, il-Venezwela u ż-Żambja. Missjonijiet iżgħar ta’ esperti elettorali, flimkien ma’ missjonijiet ta’ segwitu, ġew skjerati f’aktar minn 10 pajjiżi biex janalizzaw l-elezzjonijiet, jivvalutaw il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-UE u jgħinu biex jittejbu l-kundizzjonijiet għal proċessi elettorali futuri. B’kont meħud tal-isfidi l-ġodda għad-demokrazija li jirriżultaw mit-teknoloġiji diġitali, ġew introdotti elementi innovattivi fl-osservazzjoni elettorali tal-UE biex tiġi analizzata d-dimensjoni online tal-proċessi elettorali kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni approvat, u qed tippromwovi internazzjonalment, linji gwida komuni dwar l-osservazzjoni ta’ kampanji online u dwar l-aħjar prattiki għat-teknoloġiji elettorali.
Id-dimensjoni Artika
F’Ottubru, l-UE aġġornat il-politika tagħha dwar l-Artiku biex tiffoka fuq l-azzjoni klimatika u l-protezzjoni ambjentali, flimkien ma’ impjiegi ekoloġiċi u żieda fil-kooperazzjoni internazzjonali madwar ir-reġjun tal-Artiku, inklużi inizjattivi xjentifiċi mmexxija mill-Ewropa. F’Novembru, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna organizzaw Forum tal-Artiku u Djalogu tal-Popli Indiġeni biex jisimgħu l-ħtiġijiet u l-perspettivi tal-abitanti tar-reġjun. Dan iżid l-impenn tal-UE fl-Artiku u jġibu konformi mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-rwol ġeopolitiku tal-UE fid-dinja. L-UE se tkompli taħdem mas-sħab tagħha biex tiżgura li l-Artiku jibqa’ reġjun paċifiku li fih ikun hemm kooperazzjoni internazzjonali effettiva.
L-oċeani
Matul il-Forum Internazzjonali dwar il-Governanza tal-Oċeani tal-2021, l-UE ppreżentat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar is-sostenibbiltà tal-oċeani. Il-governanza internazzjonali tal-oċeani għandha rwol kruċjali fit-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se taġġorna l-Aġenda Internazzjonali tal-UE dwar il-Governanza tal-Oċeani fl-2022 biex tiżgura li tibqa’ adattata għall-iskop tagħha.
F’April u Settembru, Virginijus Sinkevičius, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, ospita laqgħat ministerjali biex jinbena appoġġ għad-deżinjazzjoni ta’ żoni tal-baħar protetti ġodda fin-Nofsinhar tal-Oċean. Il-laqgħat saru qabel l-40 Laqgħa Annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku f’Ottubru, u servew biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tal-kosponsors.
Il-Portal Globali
F’Diċembru, l-UE nediet il-Portal Globali, inizjattiva ġdida biex jiġu żviluppati konnessjonijiet intelliġenti, nodfa u siguri fis-setturi diġitali, tal-enerġija u tat-trasport u biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja. Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet lakuni fl-infrastruttura globali, u dan ikkontribwixxa għat-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u l-iskarsezza sussegwenti ta’ oġġetti mediċi u oħrajn, b’konsegwenzi umani u ekonomiċi sinifikanti. It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali qed joħolqu wkoll ħtiġijiet addizzjonali ta’ infrastruttura. Il-Portal Globali se jiżviluppa infrastruttura sostenibbli u ta’ kwalità għolja filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja, b’finanzjament mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE (Tim Ewropa), u l-parteċipazzjoni tas-settur privat. Għandha l-għan li timmobilizza investimenti li jammontaw għal €300 biljun bejn l-2021 u l-2027.
It-titjib fl-infrastruttura fiżika (bħal aktar kejbils tal-fibra ottika) se jkun ikkumplimentat minn kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli għan-negozju u konverġenza regolatorja biex jitnaqqsu l-bumps fis-sistema ta’ konsenja globali. Il-valuri demokratiċi, is-sħubijiet ugwali, il-governanza tajba, in-newtralità klimatika u s-sigurtà se jiggwidaw l-infiq kollu taħt il-Gateway Globali, f’konformità mal-prinċipji ta’ azzjoni esterna tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Kummerċ
Ir-rapport tal-2021 tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ u l-impjiegi sab li aktar minn 38 miljun impjieg fl-UE huma appoġġati mill-esportazzjonijiet tal-UE, li huwa 11-il miljun aktar minn 10 snin ilu. Dawn l-impjiegi huma mħallsa, bħala medja, 12 % aktar minn dawk tal-ekonomija b’mod ġenerali.
Il-Kummissjoni ppreżentat strateġija dwar politika kummerċjali miftuħa, sostenibbli u assertiva fi Frar. Hija tagħti prijorità lil riforma ewlenija tad-WTO biex tinkludi impenji globali dwar il-kummerċ u l-klima; regoli ġodda għall-kummerċ diġitali; regoli msaħħa biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni; u r-restawr tas-sistema tagħha għal soluzzjoni vinkolanti tat-tilwim.
L-istrateġija l-ġdida tiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tal-kummerċ biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet diġitali u klimatiċi. Dan se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi jippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ ftehimiet kummerċjali, l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi u impenji fid-WTO. It-tieni, billi tneħħi l-ostakli inġustifikati għall-kummerċ fl-ekonomija diġitali biex jitgawdew il-benefiċċji tat-teknoloġiji diġitali fil-kummerċ. Billi ssaħħaħ l-alleanzi tagħha, bħas-sħubija trans-Atlantika, flimkien ma’ enfasi aktar qawwija fuq il-pajjiżi ġirien u l-Afrika, l-UE se tkun f’qagħda aħjar biex issawwar il-bidla globali.
Flimkien ma’ dan, l-UE adottat approċċ aktar assertiv biex timplimenta u tinforza l-ftehimiet kummerċjali tagħha, tiġġieled kontra prattiki kummerċjali inġusti, tiddefendi l-valuri u l-istandards tal-UE barra mill-pajjiż, tgħin lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jagħmlu użu mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE u tindirizza t-tħassib dwar is-sostenibbiltà.
Fl-2021, l-UE ħadet sehem f’għadd ta’ negozjati prijoritarji tad-WTO. In-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd huma l-uniċi negozjati li għaddejjin bħalissa li jinkludu l-membri kollha tad-WTO, u għalhekk huma estremament sinifikanti. B’mod parallel, l-UE pproponiet inizjattiva biex il-ktajjen tal-provvista għall-oġġetti u l-vaċċini relatati mal-COVID-19 jinżammu miftuħa, billi jiġu limitati r-restrizzjonijiet bla bżonn fuq l-esportazzjoni u tingħata spinta lill-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini. Fl-aħħar nett, l-UE pproponiet li tagħti prijorità lill-impenn biex jiġi identifikat kif ir-regoli tad-WTO jistgħu jkomplu jagħtu spinta lis-sostenibbiltà ambjentali u jtaffu t-tibdil fil-klima.
Filwaqt li t-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO sfortunatament ġiet posposta, il-progress ma ntilifx kompletament. Fl-2021, l-UE, flimkien ma’ 67 membru ieħor tad-WTO, ikkonkludew ftehim biex jissimplifikaw il-kummerċ fis-servizzi, l-Inizjattiva Konġunta dwar ir-Regolamentazzjoni Domestika tas-Servizzi. Dan huwa l-ewwel riżultat tad-WTO fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi fi żmien twil ħafna, u stimi bikrija juru li dan il-ftehim se jnaqqas l-kostijiet tal-kummerċ globali tas-servizzi b’aktar minn USD 150 biljun kull sena. L-UE ffirmat ukoll tliet inizjattivi ġodda fl-oqsma tal-kummerċ u l-ambjent u l-kummerċ u l-klima.
L-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi
F’Settembru, il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva biex tirriforma l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE għall-2024–2034. L-iskema tappoġġa l-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi tnaqqas jew tneħħi t-tariffi fuq l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE, u tippermetti l-parteċipazzjoni u l-involviment akbar tagħhom fil-ktajjen tal-valur globali. Il-proposta għal regolament ġdid tagħmel l-iskema aktar iffukata fuq it-tnaqqis tal-faqar u fuq iż-żieda tal-opportunitajiet ta’ esportazzjoni għal dawk il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn. Huwa jespandi wkoll il-lista ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba li magħhom iridu jikkonformaw il-pajjiżi benefiċjarji, u jiffaċilita l-possibbiltà li jiġu rtirati l-preferenzi tal-UE b’reazzjoni għal ksur serju u sistematiku ta’ dawk il-konvenzjonijiet.
Negozjati kummerċjali li għaddejjin/ġodda
It-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-Asja u l-Afrika baqa’ prijorità fl-2021. L-UE qed tapprofondixxi l-ftehimiet eżistenti tagħha mal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar u qed tinnegozja ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-investiment mal-Angola. Fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku, komplew in-negozjati mal-Awstralja, iċ-Ċilì, l-Indoneżja u New Zealand.
F’Mejju, l-UE u l-Indja qablu li jerġgħu jibdew in-negozjati dwar ftehim kummerċjali bbilanċjat, ambizzjuż, komprensiv u ta’ benefiċċju reċiproku, u li jniedu negozjati kemm dwar ftehim awtonomu dwar il-protezzjoni tal-investiment kif ukoll dwar ftehim dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi.
Strument li jxekkel u jirreaġixxi għal azzjonijiet koerċittivi minn pajjiżi terzi
Koerċizzjoni ekonomika tirreferi għal sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom pajjiż mhux tal-UE jfittex li jagħmel pressjoni fuq l-UE jew l-Istati Membri tagħha biex jagħmlu għażla ta’ politika partikolari permezz ta’ miżuri formali jew informali bħall-impożizzjoni ta’ tariffi jew it-twaqqif ta’ vjeġġi. F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet strument ġdid biex tiskoraġġixxi jew, jekk ikun meħtieġ, tiġġieled il-koerċizzjoni ekonomika. L-Istrument Kontra l-Koerċizzjoni huwa mfassal biex inaqqas l-eskalazzjoni u jinduċi t-twaqqif ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni speċifiċi permezz tad-djalogu bħala l-ewwel pass. Madankollu, meta ma jkunx hemm mod ieħor kif tiġi indirizzata l-intimidazzjoni ekonomika, ir-rispons tal-UE jista’ jikkonsisti f’miżuri mhux vinkolanti (negozjati, determinazzjoni tal-att tal-pajjiż mhux tal-UE bħala koerċiv) jew, bħala l-aħħar alternattiva, kontromiżuri fil-forma ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ, l-investiment jew restrizzjonijiet oħra.
Kontroll tal-esportazzjoni b’użu doppju
Fl-2021, l-UE saħħet il-kapaċità tagħha li tirrispondi għal riskji ġodda għas-sigurtà maħluqa minn teknoloġiji emerġenti. Ir-Regolament dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni il-ġdid jidħol fis-seħħ illum u jissikka l-kontrolli fuq il-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju — oġġetti ċivili u teknoloġiji b’użi militari jew ta’ sigurtà possibbli — filwaqt li jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u tappoġġa ktajjen ta’ provvista siguri għal oġġetti strateġiċi.
Il-qafas il-ġdid jippermetti lill-UE tieħu għadd ta’ azzjonijiet importanti biex tiġbor flimkien l-għarfien espert u tindirizza sfidi partikolari, b’mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza ċibernetika — fejn il-linji gwida dwar id-diliġenza dovuta qed jitħejjew — iżda wkoll teknoloġiji emerġenti b’użu doppju bħall-informatika avvanzata.
Investiment dirett barrani — stokks
Illum, aktar minn qatt qabel, il-ftuħ tal-UE għall-investiment dirett barrani (IDB) jeħtieġ li jkun ibbilanċjat minn għodod xierqa ta’ skrinjar biex jiġu ssalvagwardjati s-sigurtà u l-ordni pubbliku tagħna. L-Istati Membri u l-Kummissjoni qed jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw li kwalunkwe investiment bħal dan li jista’ jkun ta’ riskju għas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE jew l-assi kritiċi tal-UE jiġi skrinjat b’mod effettiv. L-ewwel rapport annwali dwar l-iskrinjar tal-investiment dirett barrani ġie ppubblikat f’Novembru 2021.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni
F’Mejju, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-Approċċ Globali tagħha għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-istrateġija l-ġdida tibni fuq żewġ objettivi ewlenin. L-ewwel nett, din għandha l-għan li toħloq ambjent tar-riċerka u l-innovazzjoni abbażi tar-regoli u l-valuri, u li b’mod awtomatiku jkun miftuħ, biex ir-riċerkaturi u l-innovaturi madwar id-dinja jkunu jistgħu jaħdmu flimkien fi sħubijiet multilaterali u jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi dinjin. It-tieni, din għandha l-għan li tiżgura reċiproċità u kundizzjonijiet ekwi fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-azzjoni tinkludi appoġġ għar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom biex jgħinu jaċċelleraw l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv f’pajjiżi bi dħul baxx u medju, inkluż permezz ta’ Inizjattiva tal-Afrika ambizzjuża taħt Orizzont Ewropa biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi Afrikani. Il-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa għall-2021 u l-2022 jinkludi madwar 40 suġġett b’baġit ta’ madwar €350 miljun taħt sejħiet għal proposti li huma partikolarment rilevanti għall-kooperazzjoni mal-Afrika.
L-Afrika
Matul l-2021, l-UE kompliet taħdem mill-qrib mas-sħab tagħha fl-Afrika abbażi tal-kommunikazzjoni konġunta dwar strateġija komprensiva mal-Afrika tal-2020. Il-ministri għall-affarijiet barranin Afrikani u tal-UE ltaqgħu f’Kigali, ir-Rwanda, f’Ottubru biex jieħdu kont tas-sħubija Afrika-UE u jiddefinixxu prijoritajiet konġunti qabel is-Summit li jmiss bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana fi Frar 2022. Huma qablu li jkomplu l-kooperazzjoni dwar ir-rispons għall-COVID-19 inkluż l-aċċess għall-vaċċini, l-irkupru ekonomiku, l-investiment fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-paċi, is-sigurtà u l-governanza, u l-migrazzjoni u l-mobbiltà.
Il-Forum tan-Negozju UE-Afrika f’April laqqa’ flimkien aktar minn 3,000 parteċipant — inklużi rappreżentanti tal-gvern, mexxejja tan-negozju u investituri — mill-Afrika u l-Ewropa. Huma ddiskutew kif jistgħu jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika fl-Afrika, iwessgħu l-aċċess għall-enerġija u, b’hekk, joħolqu l-impjiegi u l-irkupru ekonomiku sostenibbli mill-COVID-19. Permezz tas-sensiela ta’ Dibattitu online bejn l-Afrika u l-UE, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ miż-żewġ kontinenti kellhom l-opportunità li jwasslu l-fehmiet tagħhom dwar il-prijoritajiet li ġejjin.
Tim Ewropa qed jappoġġa l-manifattura lokali u l-aċċess għall-vaċċini, għall-mediċini u għat-teknoloġiji tas-saħħa fl-Afrika. Dan qed jagħmlu bl-appoġġ ta’ €1 biljun mill-baġit tal-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għall-iżvilupp, u permezz ta’ kooperazzjoni bejn iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard u ċ-Ċentri Afrikani għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard.
Ftehim ta’ sħubija ġdid bejn l-UE u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku ġie inizjalat fil-15 ta’ April 2021. Huwa jistabbilixxi qafas ta’ 20 sena għar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi u l-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni. Fih ukoll Protokoll sostantiv u estensiv dwar l-Afrika — wieħed mit-tliet protokolli reġjonali — b’enfasi fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kontinent.
Il-pilastru ġeografiku tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali jrawwem id-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi barra mill-UE. Il-baġit ta’ €60.39 biljun għal dan il-pilastru tal-istrument jinkludi mill-inqas €29.18 biljun għall-Afrika sub-Saħarjana (għall-2021–2027).
L-Etjopja
Matul l-2021, l-UE kompliet issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Etjopja. Il-kunflitt fir-reġjun ta’ Tigray wassal għal kriżi umanitarja devastanti, li dgħajfet l-integrità territorjali u l-istabbiltà tal-pajjiż u ħalliet impatt fuq ir-reġjun kollu. Il-vjolenza ġiegħlet lil kważi 3 miljun persuna jaħarbu minn djarhom u ħalliet aktar minn 5 miljun persuna fi bżonn ta’ assistenza umanitarja urġenti. F’Diċembru, l-UE appellat għal waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjonijiet u ħeġġet lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu nazzjonali inklużiv u trasparenti. L-iżgurar tal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-għoti ta’ aċċess umanitarju mingħajr xkiel jibqgħu prijoritajiet ewlenin. L-UE tappoġġa l-isforzi ta’ medjazzjoni reġjonali u tal-Unjoni Afrikana, immexxija minn Olusegun Obasanjo, Rappreżentant Għoli għall-Qarn tal-Afrika. L-UE tibqa’ lesta li tuża l-għodod kollha tal-politika barranija tagħha, inklużi miżuri restrittivi, biex tippromwovi l-paċi u l-aderenza mal-liġi umanitarja internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u tgħin biex jintemm il-konflitt. Fl-2021, l-UE allokat aktar minn €85.2 miljun għal proġetti umanitarji fl-Etjopja, inklużi €48 miljun speċifikament għan-nies affettwati mill-kunflitt fit-Tramuntana tal-Etjopja.
Is-Saħel
L-Unjoni Ewropea hija waħda mill-akbar fornituri ta’ għajnuna umanitarja lill-pajjiżi tas-Saħel fl-Afrika. F’Diċembru, hija allokat €15 miljun f’finanzjament umanitarju addizzjonali għar-reġjun, b’reazzjoni għall-kriżi tal-ikel mingħajr preċedent li affettwat aktar minn 8.7 miljun persuna fil-Burkina Faso, il-Mali, in-Niġer u l-Mawritanja. Matul is-sena, l-UE allokat total ta’ €237.4 miljun għas-Saħel. Parti minn dan il-finanzjament intuża biex jgħin biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-ikel fir-reġjun, li issa tinsab fir-raba’ sena konsekuttiva tiegħu u taffettwa prinċipalment lin-nies f’żoni milquta minn kunflitti. F’Ġunju, l-UE affermat mill-ġdid l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel (il-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mawritanja, u n-Niġer) biex isaħħu l-governanza, l-istat tad-dritt u l-forniment ta’ servizzi pubbliċi fit-territorji tagħhom.
Il-mexxejja tal-UE kkundannaw bil-qawwa l-kolp ta’ stat li sar f’Mali fit-24 ta’ Mejju 2021, u ddikjaraw li l-UE kienet lesta tikkunsidra miżuri restrittivi mmirati. F’Diċembru, il-Kunsill stabbilixxa qafas awtonomu għal sanzjonijiet kontra dawk responsabbli li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà ta’ Mali, jew li jostakolaw l-implimentazzjoni tat-transizzjoni politika tiegħu.
Il-Balkani tal-Punent u t-tkabbir
L-impenn tal-UE għall-perspettiva Ewropea tar-reġjun u għall-proċess ta’ tkabbir ġie kkonfermat mill-ġdid fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent fi Brdo pri Kranju, is-Slovenja, f’Ottubru 2021. Il-Kummissjoni bdiet timplimenta l-metodoloġija riveduta tat-tkabbir, li hija riflessa wkoll fil-Pakkett tat-Tkabbir tal-2021 tal-Kummissjoni, adottat fid-19 ta’ Ottubru, il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għar-reġjun u l-qafas legali tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.
Il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent jirrappreżenta pakkett ta’ investiment sostanzjali, li jimmobilizza sa €30 biljun f’investimenti matul is-7 snin li ġejjin, li jammonta għal terz tal-prodott domestiku gross tar-reġjun. L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni se jkun is-sors ewlieni ta’ finanzjament għal dan il-pjan, li jikkontribwixxi għall-irkupru fit-tul wara l-pandemija, jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-konverġenza u jappoġġa r-riformi meħtieġa biex nimxu ‘l quddiem fit-triq lejn l-UE.
Fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, il-mexxejja nedew l-Aġenda tal-Balkani tal-Punent dwar l-Innovazzjoni, ir-Riċerka, l-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport. Dan se jippromwovi l-eċċellenza xjentifika u r-riforma tas-sistemi edukattivi tar-reġjun, joħloq aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jgħin fil-prevenzjoni tal-eżodu ta’ mħuħ. Il-mexxejja approvaw ukoll it-tħejjija tal-pjan direzzjonali dwar ir-roaming bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li jibni fuq “Roam like at Home” — roaming mingħajr ħlas fir-reġjun — li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju.
L-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq komplew jissodisfaw il-kundizzjonijiet għat-tnedija uffiċjali tan-negozjati tal-adeżjoni. L-UE laqgħet il-ftuħ tar-raggruppament 4 dwar l-“Aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli” mas-Serbja f’Diċembru u organizzat żewġ konferenzi intergovernattivi politiċi mal-Montenegro.
Politika tal-viċinat
Viċinat tan-Nofsinhar
Fi Frar, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli adottaw l-Aġenda l-ġdida għall-Mediterran biex iġeddu s-sħubija mal-Viċinat tan-Nofsinhar tiegħu. L-aġenda ttenni l-importanza ta’ djalogu politiku aġġornat u intensifikat madwar il-Mediterran biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-paċi u s-sigurtà, l-istat tad-dritt, ir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, is-saħħa, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni diġitali. Jinkludi wkoll Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment iddedikat, b’inizjattivi f’setturi strateġiċi biex jixpruna l-irkupru soċjoekonomiku sostenibbli u inklużiv fit-tul — inkluż fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 — jibni l-prosperità, iżid il-kummerċ u jappoġġa l-kompetittività.
Temi Ewlenin
- Żvilupp tal-bniedem, governanza tajba u l-istat tad-dritt
- Reżiljenza, prosperità u t-tranżizzjoni diġitali
- Paċi u sigurtà
- Migrazzjoni u mobilità
- It-tranżizzjoni ekoloġika: ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-ambjent
Finanzjament
L-aġenda l-ġdida se tiggwida l-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u transreġjonali tal-UE permezz tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali.
Għall-2021–2027, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li timmobilizza sa EUR 7 biljun permezz tal-istrument, b’għodod speċifiċi pprovduti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus u l-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat. Dan jgħin biex jiġi mobilizzat investiment privat u pubbliku sa EUR 30 biljun fil-Viċinat tan-Nofsinhar.
Is-Sirja
Il-Ħames Konferenza ta’ Brussell dwar “Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun” immarkat anniversarju traġiku: fl-10 snin sa mill-bidu tal-kunflitt mietu aktar minn 400,000 persuna, l-ekonomija qed tbatti bil-kbir u 90 % tas-Sirjani qed jgħixu fil-faqar. Il-pandemija tal-COVID-19 aggravat sitwazzjoni diġà mwiegħra. Il-konferenza ġġenerat €5.3 biljun f’wegħdiet globali ġodda, inklużi €3.7 biljun mill-UE u l-Istati Membri tagħha, b’appoġġ għal attivitajiet umanitarji, ta’ reżiljenza, ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ żvilupp fis-Sirja u fir-reġjun. L-UE se tkompli tappoġġa l-isforzi mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti u l-Mibgħut Speċjali tan-NU, Geir Pedersen, u timpenja ruħha diplomatikament biex tibni kunsens li jista’ jtemm il-gwerra.
Il-Libja
L-UE tfittex li tgħin lil-Libja u lill-poplu Libjan biex jirrestawraw il-paċi u jerġgħu jibdew it-tranżizzjoni għad-demokrazija. F’Ġunju, l-UE kkonfermat l-impenn tagħha għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni tal-Libja taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti. Wara l-posponiment tal-elezzjonijiet li kellhom isiru f’Diċembru 2021, l-UE appellat lil-Libja biex tfassal pjan u kalendarju ċar għall-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet presidenzjali u leġislattivi inklużivi, ħielsa, ġusti u kredibbli malajr kemm jista’ jkun, u f’konformità sħiħa mal-pjan direzzjonali politiku maqbul. L-UE offriet li tappoġġa lill-awtoritajiet Libjani fit-tħejjija tal-proċess elettorali.
Is-Sħubija tal-Lvant
F’Diċembru, fis-sitt Summit tas-Sħubija tal-Lvant, il-mexxejja tal-UE, l-Istati Membri u l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia, l-Ukrajna u l-Moldova stabbilixxew il-viżjoni kondiviża tagħhom għall-futur tas-Sħubija tal-Lvant. L-ewwel summit fiżiku tal-mexxejja f’4 snin, li sar f’ambjent ġeopolitiku diffiċli fir-reġjun u fost l-impatt soċjoekonomiku sever kontinwu tal-pandemija tal-COVID-19, serva bħala opportunità biex jintbagħat messaġġ ta’ solidarjetà bejn l-UE u s-sħab tagħha. Il-Belarussja kellha siġġu vojt waqt il-laqgħa bħala sinjal tal-appoġġ tal-UE għall-poplu Belarussu fid-dawl tar-repressjoni mir-reġim.
Is-Summit approva l-aġenda ta’ kooperazzjoni mġedda għas-Sħubija tal-Lvant deskritta fil-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli f’Lulju. L-għan huwa li jiżdiedu l-kummerċ, it-tkabbir u l-impjiegi, tittejjeb il-konnettività, jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jiġu promossi soċjetajiet ġusti, ugwali għall-ġeneru u inklużivi. Huwa sostnut minn Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għar-reġjun bil-potenzjal li jimmobilizza sa €17-il biljun f’investiment pubbliku u privat biex jaċċellera l-irkupru sostenibbli wara l-pandemija u jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sħab tal-lvant.
F’Mejju, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan Komprensiv ta’ Appoġġ Ekonomiku għal Belarussja Demokratika Futura. Il-pjan, b’valur sa €3 biljun, jirrifletti l-impenn tal-UE li tappoġġa x-xewqat tal-poplu Belarussu għal tranżizzjoni demokratika paċifika. F’Diċembru, il-Kummissjoni ħabbret ukoll aktar appoġġ immedjat ta’ €30 miljun għall-poplu Belarussu, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u l-media indipendenti.
F’Ġunju, il-Kummissjoni ħabbret Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku għar-Repubblika tal-Moldova li se jimmobilizza sa €600 miljun biex jippromwovi l-investiment li se jirfed irkupru sostenibbli u inklużiv mill-kriżi tal-COVID-19 fil-pajjiż. F’Novembru, l-UE ħabbret €60 miljun f’appoġġ straordinarju għall-Moldova biex tgħin biex tlaħħaq maż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u ssaħħaħ it-tranżizzjoni ekoloġika u s-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż.
F’Ottubru, it-23 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna sar fi Kiev. Il-mexxejja ddiskutew il-progress f’għadd ta’ oqsma ta’ kooperazzjoni, flimkien ma’ modi kif dawn jistgħu jiżdiedu. Huma affermaw mill-ġdid l-impenn kontinwu għat-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukraina mal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni u ż-żona ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva tagħha. Oqsma li fihom il-mexxejja qablu li jkomplu jsaħħu l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni ekonomika jinkludu l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija u s-sistemi tal-enerġija tal-Ukrajna mas-suq tal-enerġija tal-UE, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi, it-tkomplija tat-tranżitu tal-gass mill-Ukrajna lil hinn mill-2024, l-immodernizzar tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass tal-Ukrajna u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija fl-UE.
L-UE u l-Ukrajna qed jimplimentaw il-ftehim ta’ assoċjazzjoni u qed jesploraw possibbiltajiet għal aktar kooperazzjoni settorjali. Il-kooperazzjoni ssaħħet f’għadd ta’ oqsma, pereżempju fl-isfera diġitali, fejn l-Ukrajna hija avvanzata ħafna, u d-djalogu ta’ livell għoli dwar il-Patt Ekoloġiku biex jgħin lill-Ukrajna fit-tranżizzjoni ekoloġika tagħha. L-UE tipprovdi appoġġ sostanzjali għar-riformi fl-Ukraina, inklużi l-artijiet, id-deċentralizzazzjoni u r-riforma tal-ġustizzja.
Fil-kuntest tal-isfidi għas-sigurtà Ewropea imposti mir-Russja, l-UE żiedet l-appoġġ biex tiżgura r-reżiljenza tal-Ukrajna. Dan kien jinkludi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ assistenza — b’valur ta’ €31 miljun — bil-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet tal-forzi armati Ukreni, inklużi l-unitajiet mediċi militari, il-loġistika u ċ-ċiberdifiża. Fl-2021, l-UE nediet ukoll djalogu dwar iċ-ċibersigurtà mal-Ukrajna.
F’Ottubru, l-Ukrajna ffirmat ftehim mal-UE dwar il-parteċipazzjoni tagħha f’Orizzont Ewropa (il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni) u l-Programmi ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom.
L-UE kompliet il-kooperazzjoni b’saħħitha tagħha mal-Georgia fl-2021. L-UE żiedet ukoll l-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-reżiljenza, ir-rikonċiljazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-paċi fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, b’mod partikolari billi pprovdiet aktar minn €17 miljun f’assistenza umanitarja u ta’ rkupru bikri lil dawk il-persuni l-aktar milquta mill-ostilitajiet reċenti fir-rigward ta’ Nagorno-Karabakh.
Il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-UE u l-Armenja daħal fis-seħħ f’Marzu 2021, bil-għan li japprofondixxi u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet.
It-Turkija
Fl-2021, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija baqgħu fokus tal-attenzjoni politika. Iż-żewġ naħat impenjaw ruħhom fi sforzi għat-tnedija mill-ġdid tal-kooperazzjoni, sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet permezz ta’ żieda fid-djalogu u l-iskambji dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku. F’Marzu, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli adottaw komunikazzjoni konġunta dwar is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u t-Turkija, li ntlaqgħet tajjeb mill-Kunsill Ewropew fit-25 ta’ Marzu 2021. L-UE qablet li timpenja ruħha mat-Turkija b’mod gradwali, proporzjonat u riversibbli biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’għadd ta’ oqsma ta’ interess komuni, dment li t-tnaqqis tat-tensjoni jiġi sostnut u li t-Turkija timpenja ruħha b’mod kostruttiv u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti. Filwaqt li d-differenzi u t-tensjonijiet komplew jippersistu fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-lvant tal-Mediterran, u kienu kkaratterizzati l-aktar minn żviluppi inkwetanti f’Varosha, is-sitwazzjoni ġenerali naqset meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
Wara li ngħatat il-kompitu mill-Kunsill Ewropew (dikjarazzjoni tat-25 ta’ Marzu 2021 u konklużjonijiet tal-24 u l-25 ta’ Ġunju 2021) biex tniedi ħidma f’oqsma ta’ interess reċiproku, l-UE kellha djalogi ta’ livell għoli mat-Turkija dwar il-klima, il-migrazzjoni u s-sigurtà, u s-saħħa. Id-djalogu fuq livell uffiċjali għoli reġa’ beda dwar kwistjonijiet ta’ kontra t-terroriżmu. Fil-qasam tal-migrazzjoni, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016 kompliet tagħti riżultati, u baqgħet il-qafas ewlieni għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni. It-Turkija sostniet l-isforzi ta’ min ifaħħarha ħafna tagħha biex tospita madwar 4 miljun refuġjat mis-Sirja u minn pajjiżi oħra, u l-UE kompliet tipprovdi appoġġ finanzjarju sinifikanti għal dan il-għan. Kemm l-UE kif ukoll it-Turkija komplew jibbenefikaw mir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, għalkemm l-ostakoli kummerċjali komplew ixekklu l-kooperazzjoni u l-progress bla xkiel minkejja t-tentattivi ripetuti tal-UE biex tqajjem is-suġġett mat-Turkija.
Fir-rigward tas-sitwazzjoni interna u b’mod partikolari s-sitwazzjoni attwali fil-qasam tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-Turkija ma reġgħetx lura x-xejra negattiva li titbiegħed aktar mill-Unjoni Ewropea. Kwistjonijiet tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fit-Turkija, bħall-immirar tal-partiti politiċi u l-media, jibqgħu ta’ tħassib ewlieni għall-UE, u jmorru kontra l-obbligu tagħha li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tan-nisa. L-irtirar tat-Turkija mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kif ukoll ir-rifjut tagħha li timplimenta s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qajmu tħassib serju. L-UE kompliet tqajjem dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet Torok fil-livelli kollha billi huma parti integrali mill-obbligi tat-Turkija bħala pajjiż kandidat, u n-nuqqas ta’ progress f’dan ir-rigward ixekkel serjament il-prospetti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. In-negozjati tal-adeżjoni tat-Turkija baqgħu wieqfa.
L-Istati Uniti
L-inawgurazzjoni tal-President Joe Biden u l-amministrazzjoni l-ġdida tiegħu fetħu kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti. Is-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-15 ta’ Ġunju fi Brussell immarka l-bidu ta’ sħubija transatlantika mġedda u stabbilixxa aġenda konġunta għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-era ta’ wara l-pandemija. Is-summit iffoka fuq il-kooperazzjoni f’erba’ oqsma ewlenin: ir-rispons għall-COVID-19 u s-saħħa globali, il-klima u l-bijodiversità, il-kummerċ u t-teknoloġija, u l-azzjoni u s-sigurtà globali. Ir-riżultati tanġibbli ewlenin tas-summit jinkludu tliet inizjattivi kummerċjali ġodda ewlenin. Il-mexxejja qablu li joħolqu Qafas Kooperattiv għal Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar biex jindirizzaw it-tilwima tad-WTO Airbus-Boeing, fost affarijiet oħra; isolvi d-differenzi dwar il-miżuri li jirrigwardaw l-azzar u l-aluminju sa tmiem is-sena; u tistabbilixxi Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan kien l-ewwel Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti mill-2014, u l-ewwel żjara minn president tal-Istati Uniti fl-istituzzjonijiet tal-UE mill-2017.
Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti mniedi mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Istati Uniti Joe Biden huwa maħsub biex iservi bħala forum għall-koordinazzjoni ta’ approċċi għal kwistjonijiet kummerċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi globali ewlenin u biex japprofondixxi r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi transatlantiċi bbażati fuq valuri demokratiċi kondiviżi. L-ewwel laqgħa tal-Kunsill saret fid-29 ta’ Settembru f’Pittsburgh, l-Istati Uniti, li matulha ż-żewġ naħat adottaw dikjarazzjoni konġunta li tiddeskrivi aktar l-ambitu u l-programm ta’ ħidma tiegħu.
F’Ottubru, l-UE u l-Istati Uniti laħqu ftehim dwar miżuri rigward l-azzar u l-aluminju li wasslu għar-restawr ta’ importazzjonijiet mingħajr dazju tal-azzar u l-aluminju fl-Istati Uniti mill-UE f’volum ibbażat fuq l-istorja, filwaqt li l-UE ssospendiet it-tariffi relatati fuq il-prodotti tal-Istati Uniti. Bħala parti minn dan il-ftehim, iż-żewġ naħat beħsiebhom jinnegozjaw, għall-ewwel darba arranġament globali dwar id-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni tal-azzar.
Fit-23 ta’ Ottubru 2021, il-Kroazja ngħaqdet mal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti. Il-kisba ta’ reċiproċità sħiħa tal-eżenzjoni mill-viża mal-Istati Uniti tibqa’ prijorità tal-UE, b’ħidma li tkompli tinkludi t-tliet Stati Membri pendenti (il-Bulgarija, Ċipru u r-Rumanija) fil-programm.
Il-Kanada
Fis-Summit bejn l-UE u l-Kanada fi Brussell f’Ġunju, il-mexxejja ddiskutew kif jaħdmu flimkien biex tintemm il-pandemija tal-COVID-19 u jsegwu rkupru sostenibbli, iffukat fuq in-nies u inklużiv. Huma affermaw mill-ġdid l-impenji ambizzjużi tagħhom biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ambjent, u d-determinazzjoni tagħhom li jippromwovu l-valuri demokratiċi, il-paċi u s-sigurtà. Huma nedew ukoll djalogu ġdid bejn il-Kanada u l-UE dwar is-saħħa, Forum ta’ Sħubija dwar l-Oċeani u Sħubija Strateġika dwar il-Materja Prima.
L-Amerika Latina
Il-Laqgħa tal-Mexxejja bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew fit-2 ta’ Diċembru 2021 immarkat it-tkomplija tad-djalogu bireġjonali fl-ogħla livell, 6 snin wara l-aħħar summit. Il-mexxejja miż-żewġ reġjuni identifikaw toroq għall-kooperazzjoni dwar l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, l-inklużjoni soċjali u l-indirizzar tal-inugwaljanzi. Il-ħidma konġunta futura se tkun appoġġata mill-pilastru ġeografiku tal-Istrument Ewropew Globali l-ġdid, li rriżerva mill-inqas €3.395 biljun għall-Ameriki u l-Karibew għall-2021–2027.
Bħala parti mill-impenn ta’ livell għoli mġedded tal-UE mar-reġjun, ir-Rappreżentant Għoli, Josep Borrell, għamel l-ewwel vjaġġ tiegħu fl-Amerika Latina f’Novembru, li kien jinkludi żjarat fil-Brażil u l-Perù. Fil-każ tal-Perù, il-pajjiż fid-dinja l-aktar affettwat mill-COVID-19, iż-żjara wriet l-appoġġ sħiħ tal-UE matul dan iż-żmien diffiċli. Fil-Brażil, iż-żjara mir-Rappreżentant Għoli wriet l-impenn tal-UE għal impenn mill-ġdid ma’ dan is-sieħeb strateġiku ewlieni, inkluż impenn kritiku dwar kwistjonijiet ambjentali. Iż-żjara segwiet il-parteċipazzjoni ta’ Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, fis-Summit tal-Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew fil-Messiku f’Settembru.
Il-ħidma lejn il-konklużjoni u l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tal-UE mal-Mercosur, iċ-Ċilì u l-Messiku kompliet matul l-2021, biex terġa’ tingħata l-ħajja lir-relazzjoni tal-UE mal-Amerika Latina u biex jiġu promossi l-valuri komuni u l-irkupru ekonomiku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.
F’konformità mal-isforzi tal-UE biex tappoġġa soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kriżi fil-Venezwela, intbagħtet missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fl-elezzjonijiet reġjonali u lokali li saru fil-21 ta’ Novembru. L-UE bagħtet ukoll missjoni ta’ esperti elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali fil-Perù. Fil-Kolombja, l-appoġġ għall-proċess ta’ paċi, li mmarka l-ħames anniversarju tiegħu fl-2021, baqa’ kruċjali fis-sħubija msaħħa tal-UE mal-Kolombja.
Ir-Russja
Fis-16 ta’ Ġunju, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw komunikazzjoni konġunta dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, li ddeskriviet punti ewlenin fil-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja. Il-Komunikazzjoni pproponiet li tkompli b’approċċ bilanċjat, li permezz tiegħu l-UE se timbotta lura, tillimita u timpenja ruħha mar-Russja. Fl-istess ħin, huwa ssottolinja li impenn kostruttiv mit-tmexxija Russa huwa indispensabbli għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Ġunju enfasizzaw, fost kwistjonijiet oħra, li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta’ Minsk, li suppost iwasslu għal soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna, għadha l-kundizzjoni ewlenija għal kwalunkwe bidla sostanzjali fir-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja.
L-UE kompliet tagħti attenzjoni lill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż ripressjoni fuq media indipendenti. L-UE kkritikat dawn l-iżviluppi u tkellmet dwar il-valuri demokratiċi fil-komunikazzjoni pubblika u d-démarches tagħha, u permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. L-UE se tkompli tqajjem kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali mal-awtoritajiet Russi u f’fora internazzjonali.
Wara t-tkattir militari tar-Russja fl-Ukrajna u madwarha u r-retorika aggressiva tagħha, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Diċembru enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li r-Russja tnaqqas it-tensjonijiet, tennew l-appoġġ sħiħ tal-UE għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u enfasizzaw li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri kontra l-Ukrajna ser ikollha konsegwenzi enormi u kostijiet kbar b’rispons, inklużi miżuri restrittivi kkoordinati mas-sħab. L-Unjoni Ewropea qed tikkoordina u tikkoopera mill-qrib mas-sħab transatlantiċi tagħha, kemm bilateralment kif ukoll f’fora multilaterali, bħall-G7 u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.
Indo-Paċifiku
Il-piż ekonomiku, demografiku u politiku dejjem jikber tar-reġjun Indo-Paċifiku — li jestendi mill-kosta tal-Lvant tal-Afrika għall-istati Gżejjer tal-Paċifiku — jagħmilha attur ewlieni fit-tiswir tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u fl-indirizzar tal-isfidi globali. Ir-reġjun jinkludi seba’ membri tal-G20 (l-Awstralja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indoneżja, il-Ġappun, l-Afrika t’Isfel u l-Korea t’Isfel), flimkien mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN). F’Settembru 2021, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli adottaw komunikazzjoni konġunta li tistabbilixxi l-Istrateġija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku. Wara l-kriżi tal-COVID-19, l-UE se tiffoka fuq il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal irkupru soċjoekonomiku sostenibbli u inklużiv u se taħdem b’mod attiv mas-sħab tagħha fis-seba’ oqsma li ġejjin:
- il-prosperità sostenibbli u inklużiva;
- it-tranżizzjoni ekoloġika;
- il-governanza tal-oċeani;
- il-governanza u s-sħubijiet diġitali;
- il-konnettività;
- is-sigurtà u d-difiża;
- is-sigurtà tal-bniedem.
F’Ġunju, ir-Rappreżentant Għoli, Josep Borrell, żar l-Indoneżja u l-kwartieri ġenerali tal-ASEAN, filwaqt li afferma mill-ġdid ix-xewqa tal-UE li tapprofondixxi r-relazzjonijiet mal-Indoneżja — waħda mill-akbar demokraziji u ekonomiji tad-dinja, li se jkollha l-presidenza tal-G20 fl-2022 u l-presidenza tal-ASEAN fl-2023 — u li tkompli tiżviluppa s-sħubija strateġika tal-UE mal-ASEAN. F’Diċembru 2020 l-UE u l-ASEAN fetħu kapitolu ġdid fir-relazzjoni fit-tul tagħhom billi saru sħab strateġiċi, b’impenn li jorganizzaw summits regolari.
Iċ-Ċina
Ir-relazzjoni tal-UE maċ-Ċina hija waħda mill-aktar importanti u waħda mill-aktar sfidi tagħha. Fl-2021, l-UE kompliet timplimenta l-approċċ multidimensjonali tagħha lejn iċ-Ċina, li huwa bbażat fuq il-komunikazzjoni konġunta “Perspettiva strateġika” ta’ Marzu 2019. Skont dan l-approċċ, l-UE tittratta maċ-Ċina simultanjament bħala sieħba għall-kooperazzjoni, kompetitur ekonomiku u rivali sistemiku.
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tkun sors ta’ tħassib għall-UE fl-2021. Fit-22 ta’ Marzu, l-UE imponiet sanzjonijiet skont ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem fuq erba’ individwi u entità waħda miċ-Ċina, li jirriflettu l-gravità tat-tħassib tagħha dwar abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang. L-UE ddispjaċiha dwar il-kontromiżuri sproporzjonati meħuda miċ-Ċina wara s-sanzjonijiet tal-UE. Fid-19 ta’ Lulju, ir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell, f’isem l-UE, ħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jieħdu azzjoni kontra attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi mwettqa mit-territorju tagħha. Fir-rigward ta’ djalogu ddedikat bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-UE insistiet kontinwament biex dan isir.
L-UE kompliet tikkoopera maċ-Ċina bil-ħsieb li tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha, u biex taħdem maċ-Ċina fuq l-isfidi globali, bħat-tibdil fil-klima. Id-Djalogu ta’ Livell Għoli dwar l-Ambjent u l-Klima bejn l-UE u ċ-Ċina ltaqa’ darbtejn fl-2021, fl-1 ta’ Frar u fis-27 ta’ Settembru. Din il-laqgħa tal-aħħar irriżultat fl-adozzjoni ta’ komunikat konġunt. Kooperazzjoni possibbli dwar il-politika ta’ sigurtà u barranija ġiet diskussa fid-Djalogu Strateġiku bejn l-UE u ċ-Ċina fit-28 ta’ Settembru. Saru diversi laqgħat oħra ta’ livell għoli u ta’ ħidma, li jirriflettu l-istruttura wiesgħa ta’ djalogu li għadha fis-seħħ bejn l-UE u ċ-Ċina.
Fl-1 ta’ Marzu 2021, daħal fis-seħħ il-ftehim bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina li jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi fiċ-Ċina u fl-UE. Il-Ftehim jipproteġi madwar 200 isem agroalimentari tal-UE u taċ-Ċina kontra l-imitazzjoni, iġib benefiċċji kummerċjali reċiproċi u jintroduċi konsumaturi għal prodotti awtentiċi miż-żewġ reġjuni. Matul l-4 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-ftehim se jespandi biex ikopri 350 isem addizzjonali miż-żewġ naħat. Is-suq Ċiniż għandu potenzjal li jikber sew fir-rigward tal-ikel u x-xorb tal-Ewropa. Fl-2020, iċ-Ċina kienet it-tielet destinazzjoni għall-prodotti agroalimentari tal-UE, u laħqet is-€17.7 biljun.
Il-Ġappun
L-2021 kienet il-20 anniversarju tas-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun. Fis-27 summit bejn l-UE u l-Ġappun, li sar permezz ta’ vidjokonferenza fis-27 ta’ Mejju, il-mexxejja qablu li jistabbilixxu Alleanza Ekoloġika, l-ewwel inizjattiva bilaterali bħal din bejn l-UE u pajjiż sieħeb (ara wkoll il-kapitolu 2). Il-mexxejja adottaw ukoll dikjarazzjoni konġunta b’firxa wiesgħa, li kopriet it-tliet pilastri wesgħin tad-diskussjonijiet tas-summit: kwistjonijiet globali, relazzjonijiet bilaterali u politika barranija u ta’ sigurtà.
L-Indja
L-UE u l-Indja kellhom Laqgħa tal-Mexxejja f’Porto, il-Portugall, fit-8 ta’ Mejju f’format ibridu (personalment u mill-bogħod) bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha tal-UE. Il-laqgħa mmarkat tisħiħ ulterjuri tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja, li kompliet tibni fuq il-momentum ipprovdut mill-aħħar summit f’Ġunju 2020. Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat qablu dwar Sħubija għall-Konnettività komprensiva li tkopri l-kooperazzjoni fis-setturi diġitali, tal-enerġija, tat-trasport u bejn il-persuni. Għandha l-għeruq tagħha fl-appoġġ għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi doppji. L-UE u l-Indja llum jirrappreżentaw suq ikkombinat ta’ 1.8 biljun persuna, bi prodott domestiku gross ikkombinat ta’ €16.5 triljun fis-sena. Għalhekk, is-Sħubija għall-Konnettività l-ġdida għandha l-għan li tiġbor flimkien ir-riżorsi, in-normi u l-għarfien espert biex taqdi l-ħtiġijiet għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ infrastruttura sostenibbli u ta’ kwalità. Tinkludi ħidma konġunta dwar l-istandards u l-ambjent regolatorju, kif ukoll fuq proġetti konkreti tal-infrastruttura. Is-Sħubija għall-Konnettività bejn l-UE u l-Indja hija t-tieni sħubija ta’ din ix-xorta, wara li ġiet iffirmata waħda mal-Ġappun f’Settembru tal-2019. (Ara t-taqsima “Kummerċ” hawn fuq għal informazzjoni dwar ir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Indja.)
Bi tħejjija għal-Laqgħa tal-Mexxejja, l-ewwel laqgħa tad-Djalogu ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Indja dwar it-Tibdil fil-Klima saret fit-28 ta’ April 2021.
Il-Myanmar/Burma
Il-proċess ta’ demokratizzazzjoni fil-Myanmar/Burma ntemm f’kolp ta’ stat militari vjolenti fl-1 ta’ Frar 2021, il-jum li fih il-parlament il-ġdid taħt Aung San Suu Kyi kellu jieħu l-ġurament. L-UE appellat għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri kollha u għar-restawr tal-awtoritajiet eletti demokratikament. Filwaqt li tirdoppja l-għajnuna umanitarja diretta tagħha lill-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli, f’konformità mal-prinċipji umanitarji internazzjonali, l-UE minnufih tissospendi l-programmi u l-pagamenti kollha ta’ assistenza għall-iżvilupp lill-gvern u adottat sanzjonijiet kontra individwi ewlenin responsabbli għall-kolp ta’ stat, inklużi l-kap kmandant u d-deputat tiegħu. Il-miżuri huma sinjal lill-junta li l-azzjonijiet tagħhom għandhom konsegwenzi. B’mod parallel, l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, qed issegwi inizjattiva diplomatika robusta, li tilħaq lill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha (ASEAN, iċ-Ċina, l-Indja u l-Ġappun), f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab tagħha tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti. L-UE żiedet ukoll l-assistenza umanitarja tagħha b’reazzjoni għar-riperkussjonijiet reġjonali tal-kriżi tal-Myanmar/Burma, b’appoġġ b’mod partikolari għar-refuġjati Rohingya fil-Bangladexx u bnadi oħra fir-reġjun usa’.
L-Afganistan
Wara l-iżviluppi fl-Afganistan matul is-sajf, matul il-laqgħa tal-G20 dwar l-Afganistan f’Ottubru, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta’ appoġġ umanitarju b’valur ta’ €1 biljun għall-poplu Afgan u l-pajjiżi ġirien biex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti filwaqt li l-assistenza għall-iżvilupp ġiet sospiża. L-UE ma rrikonoxxietx ir-reġim Taliban u rabtet il-livell tal-impenn tagħha mal-issodisfar tal-punti ta’ riferiment ewlenin.
Meta t-Talibani ħadu l-poter fl-Afganistan, il-biċċa l-kbira tal-attenzjoni ffukat fuq l-evakwazzjoni mhux biss taċ-ċittadini tal-UE, iżda wkoll tat-800 Afgan affiljati mal-UE li ħassewhom mhedda u xtaqu jitilqu mill-pajjiż. S’issa, permezz tal-isforzi konsolidati tal-UE u l-Istati Membri tagħha, madwar 29,000 persuna nġiebu għas-sigurtà, inkluż persunal lokali, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u persuni li l-UE tħarrġet, bħal imħallfin nisa.
Biex twieġeb għall-ħtiġijiet ta’ protezzjoni taċ-ċittadini Afgani, il-Kummissjoni ħabbret skema ta’ appoġġ għall-Afgani f’riskju. L-iskema tikkombina miżuri għal żmien qasir (evakwazzjonijiet u passaġġ sikur) ma’ miżuri fuq terminu medju u twil, b’mod partikolari r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u mogħdijiet komplementari oħra, flimkien mal-integrazzjoni. L-Istati Membri tal-UE għamlu wegħdiet speċifiċi għar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja, li se jimplimentaw sa tmiem l-2022 bl-appoġġ finanzjarju tal-UE u l-appoġġ operazzjonali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil.
Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit
L-2021 immarkat il-bidu ta’ relazzjoni ġdida mar-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-UE fil-31 ta’ Jannar 2020 u tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020. L-objettiv tal-UE huwa li tistabbilixxi relazzjoni pożittiva u stabbli mar-Renju Unit. L-UE u r-Renju Unit jibqgħu sħab b’valuri kondiviżi, u se jkollhom jindirizzaw għadd ta’ sfidi globali maġenb xulxin.
Erba’ trattati issa jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea ffukat fuq l-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom u l-operat tal-istrutturi ta’ governanza tagħhom.
L-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ avvanzat permezz ta’ bosta laqgħat tal-korpi tiegħu, b’mod partikolari l-Kumitat Konġunt u l-kumitati tematiċi speċjalizzati. Ġew iddedikati sforzi sinifikanti għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u attenzjoni partikolari ddedikata għall-ħidma mar-Renju Unit dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq. Bi tweġiba għat-tħassib tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni ressqet soluzzjonijiet prattiċi fl-oqsma tal-ikel, is-saħħa tal-pjanti u tal-annimali, id-dwana, il-provvista ta’ mediċini u l-involviment mal-awtoritajiet tal-Irlanda ta’ Fuq u mal-partijiet ikkonċernati.
L-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bdiet fl-1 ta’ Mejju 2021 u mxiet ’il quddiem primarjament permezz ta’ laqgħat inawgurali tal-korpi konġunti stabbiliti mill-ftehim, inkluż il-Kunsill ta’ Sħubija, il-Kumitat ta’ Sħubija Kummerċjali, il-kumitati speċjalizzati u l-kumitati speċjalizzati fil-kummerċ. Kwistjonijiet relatati mas-sajd u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi jeħtieġu attenzjoni partikolari.
F’Ottubru 2021, il-Kummissjoni bdiet ukoll negozjati għal ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit dwar Ġibiltà biex jitneħħew il-verifiki u l-kontrolli fiżiċi kollha fuq persuni u oġġetti li jiċċirkolaw bejn Spanja u Ġibiltà, filwaqt li jiġu ppreservati ż-żona Schengen u s-Suq Uniku tal-UE.
B’mod parallel, ir-regolament dwar ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 2021 biex jittaffew l-effetti tal-Brexit fl-UE. Se tara aktar minn €5 biljun żborżati lill-Istati Membri biex jappoġġaw lil dawk ir-reġjuni, is-setturi u l-komunitajiet fl-UE l-aktar milquta mill-ħruġ tar-Renju Unit.
L-iżviluppi istituzzjonali
Regolamentazzjoni Aħjar
Filwaqt li kompliet bl-isforzi biex ittejjeb it-tfassil tal-liġijiet tal-UE, f’April il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar tal-2021. Il-Komunikazzjoni ppreżentat għadd ta’ azzjonijiet, inklużi:
- is-simplifikazzjoni tal-opportunitajiet ta’ feedback billi jiġu kkonsolidati l-konsultazzjonijiet pubbliċi f’sejħa waħda għall-evidenza permezz tal-portal Semma’ Leħnek;
- tingħata spinta lit-trasparenza billi jittejjeb l-aċċess għall-evidenza wara kull proposta leġiżlattiva, inkluż billi jittejbu r-rabtiet bejn id-diversi reġistri ta’ evidenza u billi jiġi stabbilit reġistru ta’ evidenza komuni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;
- l-implimentazzjoni tal-approċċ “one in one out” biex jiġi żgurat li kwalunkwe piż ġdid jiġi kkumpensat billi jitneħħew piżijiet ekwivalenti fl-istess qasam ta’ politika;
- l-inkorporazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU fil-qafas ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u t-titjib tal-valutazzjonijiet tal-impatt permezz ta’ analiżi u rappurtar aħjar tal-impatti ewlenin, b’mod partikolari dawk relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u d-dimensjoni soċjalment ġusta u ġusta tagħhom;
- l-integrazzjoni tal-prospettiva strateġika fl-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar.
L-Istħarriġ Annwali dwar il-Piżijiet tal-2020, ippubblikat f’Ġunju, wera kif il-leġiżlazzjoni tal-UE ġiet issimplifikata f’oqsma ta’ politika bħas-servizzi finanzjarji, it-trasport, it-tassazzjoni, id-dwana u l-ambjent. F’Novembru 2021, il-Kummissjoni segwiet il-komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar bil-pubblikazzjoni ta’ linji gwida ġodda għal Regolamentazzjoni Aħjar u sett ta’ għodod ġdid, li joffru gwida komprensiva, mistoqsijiet ewlenin u eżempji konkreti, b’sett ta’ 69 għodda.
Prospettiva strateġika
Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021, ippreżentat f’Settembru, jidentifika megatendenzi globali ewlenin li se jkomplu jaffettwaw lill-UE lejn l-2050: it-tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħra; l-iperkonnettività u t-trasformazzjonijiet teknoloġiċi; il-pressjoni fuq id-demokrazija u fuq il-valuri; u t-tibdil fl-ordni globali u d-demografija. Jidentifika wkoll 10 oqsma li fihom l-UE tista’ ssaħħaħ il-kapaċità u l-libertà tagħha li taġixxi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħejjiet għadd ta’ rapporti ta’ prospettiva aktar iffukati ħafna, inkluż dwar l-industriji tad-difiża u tal-ispazju, it-territorji Ewropej u dwar il-futur tal-impjiegi huma impjiegi “ekoloġiċi”.
Biex tiġi żviluppata kooperazzjoni ta’ prospettiva mal-Istati Membri, in-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha tnieda f’April, u l-ewwel laqgħa ministerjali saret f’Mejju. Fl-aħħar nett, is-sett ta’ għodod aġġornat għal Regolamentazzjoni Aħjar jinkludi għodda ta’ prospettiva ddedikata għall-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet. Il-Konferenza tal-2021 tas-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġija u l-Politika saret f’Novembru, ospitata b’mod konġunt mill-Parlament u l-Kummissjoni. F'jumejn, id-diskussjoni ffukat fuq xejriet globali fit-tul li x’aktarx jaffettwaw l-Ewropa, u r-rwol tal-previżjoni f’dan l-isforz biex tkun ippreparata aħjar biex tgħaddi minn tranżizzjonijiet u tiffaċċja xokkijiet futuri.
Affarijiet istituzzjonali
Il-Ftehim bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar reġistru ta’ trasparenza obbligatorju daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju. Il-Ftehim jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġistru ta’ trasparenza għall-Kunsill għall-ewwel darba. Barra minn hekk, din tagħmel ir-reġistrazzjoni obbligatorja, u l-istituzzjonijiet firmatarji issa jridu jagħmlu r-reġistrazzjoni tar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess prekundizzjoni għal-lobbying.
Ir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u l-ħidma relatata ta’ koordinazzjoni tal-UE baqgħu prijorità ewlenija kemm għall-Presidenza tal-Kunsill Portugiża kif ukoll għal dik Slovena. Il-Presidenza Portugiża żgurat l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet riveduti għall-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea u lejha. Innegozjat ukoll il-leġiżlazzjoni dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u żgurat li din ġiet adottata fil-ħin għas-sajf. Il-Presidenza Slovena segwiet b’rieżami tat-tagħlimiet meħuda mill-COVID-19, b’enfasi fuq l-impatt transfruntier tal-miżuri implimentati f’oqsma ewlenin, bħas-Suq Uniku.
Il-Parlament adotta ħafna miżuri skont il-proċedura ta’ emerġenza tiegħu b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, fuq talba tal-Kummissjoni, huwa indirizza emendi possibbli dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE direttament fil-plenarja, li jippermettu lill-Parlament iwettaq u jikkonkludi n-negozjati interistituzzjonali fil-ħin għas-sajf, mingħajr ma jikkomprometti l-iskrutinju demokratiku u r-rwol leġiżlattiv tiegħu.
Il-Parlament kompla jiltaqa’ b’mod ibridu (personalment u mill-bogħod), kemm fil-kumitati kif ukoll fil-plenarja, għall-biċċa l-kbira tas-sena. F’Ġunju reġa’ beda s-sessjonijiet plenarji tiegħu fi Strasburgu. F’Novembru introduċiet l-użu obbligatorju taċ-ċertifikat tal-COVID biex taċċessa l-bini tagħha, u reġgħet bdiet l-attivitajiet bi preżenza fiżika sħiħa, qabel ma reġgħet lura għal laqgħat ibridi għall-aħħar sessjonijiet tas-sena. Il-Kummissjoni kienet fiżikament preżenti fil-plenarji kollha.
F’Settembru, il-Parlament ospita d-diskors annwali dwar l-Istat tal-Unjoni minn Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni.
Il-Presidenza Portugiża poġġiet l-irkupru fil-quċċata tal-aġenda tagħha. B’mod parallel, hija żgurat il-finalizzazzjoni u l-approvazzjoni formali tal-proposti dwar diversi atti settorjali taħt il-baġit fit-tul attwali. Dan iffaċilita l-approvazzjoni tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, li kienet essenzjali biex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tibda tissellef għall-irkupru taħt in-NextGenerationEU. L-ewwel bond tan-NextGenerationEU nħareġ ukoll matul il-Presidenza Portugiża, f’Ġunju 2021.
Il-Ftehim dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima kien punt ċentrali ieħor tal-mandat tiegħu. Il-Presidenza Portugiża kienet strumentali wkoll biex tavvanza l-ħidma fuq proposti ewlenin tal-aġenda diġitali, bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar il-Governanza tad-Data. Barra minn hekk, il-Portugall kellu rwol ewlieni fit-tnedija tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, u organizza Summit Soċjali ta’ suċċess f’Porto.
Il-Presidenza tal-Kunsill għaddiet mill-Portugall għas-Slovenja f’Lulju. Is-Slovenja tat prijorità lill-adozzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza — essenzjali sabiex jiġi sfruttat il-finanzjament taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — u żgurat l-adozzjoni ta’ konklużjonijiet iddedikati dwar ir-reżiljenza kontra kriżijiet futuri. Is-Slovenja ffukat ukoll fuq il-pakkett ta’ proposti biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li ħejjiet il-Konferenza tan-NU dwar il-Klima COP26 fi Glasgow u l-Konferenza dwar il-Bijodiversità tal-COP15. Kienet strumentali biex tavvanza l-ħidma fuq il-prezzijiet tal-enerġija f’kuntest ta’ kriżi.
Is-Slovenja kompliet il-ħidma fuq il-pakkett dwar il-finanzi diġitali, l-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, u laħqet qbil politiku dwar l-Att dwar il-Governanza tad-Data. Is-saħħa kienet aspett ewlieni ieħor ta’ din il-presidenza, bil-qbil dwar ir-rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u t-tiġdid tal-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Matul il-Presidenza Slovena, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa daħlet f’fażi ewlenija ta’ diskussjonijiet maċ-ċittadini.
Fl-aħħar nett, is-Slovenja mexxiet id-diskussjonijiet dwar l-Afganistan, il-Belarussja u l-aspetti esterni tal-migrazzjoni, inkluż il-finanzjament. Ingħatat ukoll importanza kbira lill-involviment tal-UE mas-sħab permezz tat-tħejjija ta’ diversi summits, inkluż is-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent.
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Iż-żewġ kumitati pprovdew kontributi importanti u rilevanti lill-Kummissjoni billi ħejjew opinjonijiet, fost mezzi oħra.
B’mod partikolari, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ppreżenta l-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tal-UE. Iż-żewġ kumitati kkontribwixxew b’mod attiv għat-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2022 u l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
— bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
— fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
— bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Data Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
Dwar
IDENTIFIKATURI
L-UE fl-2021 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
Print ISBN 978-92-76-38944-6 ISSN 1725-6941 doi:10.2775/718 NA-AD-22-001-MT-C
PDF ISBN 978-92-76-38927-9 ISSN 1977-3501 doi:10.2775/242128 NA-AD-22-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-76-38899-9 ISSN 1977-3501 doi:10.2775/093059 NA-AD-22-001-MT-Q
Verżjoni interattiva ta’ din il-pubblikazzjoni, li fiha links għal kontenut online, hija disponibbli f’format PDF u HTML:
http://europa.eu/general-report/mt
L-UE fl-2021 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
1049 Brussell
IL-BELGJU
L-UE fl-2021 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta’ Frar 2022 bir-referenza C(2022) 959.
Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minħabba l-użu mill-ġdid ta’ din il-pubblikazzjoni.
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
© L-Unjoni Ewropea, 2022
Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).
Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0)
(https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.
KREDITI
Ir-ritratti kollha huma © L-Unjoni Ewropea, ħlief jekk jingħad mod ieħor.