Rapport Speċjali
Nru14 2019

“Semma’ leħnek!”: il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni jinvolvu liċ-ċittadini, iżda l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mhumiex biżżejjed

Dwar ir-rapport: F’dan ir-rapport speċjali, aħna nivvalutaw jekk il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni humiex effettivi biex jilħqu liċ-ċittadini u biex jagħmlu użu mill-kontributi tagħhom. Aħna eżaminajna t-tfassil tal-qafas tal-Kummissjoni; il-mod kif il-Kummissjoni ħejjiet u wettqet għażla ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi; u kif hija infurmat u għamlet użu mix-xogħol ta’ konsultazzjoni. Aħna analizzajna dokumenti ewlenin, irrieżaminajna kampjun ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni u wettaqna stħarriġ dwar il-perċezzjoni biex insiru nafu kemm fil-fatt il-parteċipanti kienu sodisfatti bil-konsultazzjonijiet pubbliċi.
Sibna li kemm il-prestazzjoni tal-kampjun tagħna ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni, kif ukoll il-perċezzjoni tal-parteċipanti fir-rigward ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, b’mod ġenerali, kienu sodisfaċenti. Aħna kkonkludejna li l-qafas tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi huwa ta’ standard għoli, iżda li jeħtieġ isir titjib fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Skont l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tikkonsulta liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi fl-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-Unjoni. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati – b’mod partikolari konsultazzjonijiet pubbliċi – jiġbru informazzjoni u fehmiet mingħand iċ-ċittadini u mingħand partijiet ikkonċernati oħra meta l-Kummissjoni tkun qed tħejji inizjattiva ta’ politika jew tevalwa interventi eżistenti.

II

Mill-White Paper tagħha dwar “European Governance” (Governanza Ewropea) tal-2001 ’il hawn, il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tinvolvi ruħha mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini matul iċ-ċiklu tal-politika sabiex tiżdied il-leġittimità demokratika u l-obbligu ta’ rendikont tal-UE fil-proċess ta’ tfassil tal-liġijiet tal-UE. Fuq medja, il-Kummissjoni twettaq aktar minn 100 konsultazzjoni pubblika fis-sena.

III

L-awditu tagħna vvaluta jekk il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni kinux effettivi biex jilħqu liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati u biex jagħmlu użu mill-kontributi tagħhom. Aħna eżaminajna t-tfassil tal-qafas tal-Kummissjoni; il-mod kif il-Kummissjoni ħejjiet u wettqet għażla ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi; u kif hija pprovdiet informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ konsultazzjoni u għamlet użu minnu. Aħna rrieżaminajna kampjun ta’ 26 konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni li kienu twettqu bejn l-2016 u l-2018 minn 5 Direttorati Ġenerali. Aħna wettaqna stħarriġ dwar il-perċezzjoni biex insiru nafu kemm fil-fatt il-parteċipanti kienu sodisfatti bil-konsultazzjonijiet pubbliċi. Aħna stabbilejna wkoll grupp ta’ esperti biex isaħħu l-analiżi tagħna, u biex jgħinuna niffukaw fuq oqsma partikolarment rilevanti li jistgħu jittejbu.

IV

Sibna li kemm il-prestazzjoni tal-kampjun tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni, kif ukoll il-perċezzjoni tal-parteċipanti fir-rigward ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, b’mod ġenerali, kienu sodisfaċenti. Aħna kkonkludejna li l-qafas tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi huwa ta’ standard għoli, iżda li jeħtieġ isir titjib fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

V

L-awditu tagħna identifika oqsma ulterjuri li jistgħu jittejbu fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika: il-fokus fuq il-monitoraġġ u l-valutazzjoni; il-kontenut tal-istrateġiji tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-pubbliċità tagħhom; l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni; il-kriterji għall-kategorizzazzjoni tal-inizjattivi; il-lingwi li fihom id-dokumenti ta’ konsultazzjoni jkunu disponibbli; il-kwalità tal-kwestjonarji; l-ipproċessar u s-sigurtà tad-data; u l-feedback għar-rispondenti dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet.

VI

Aħna rrakkomandajna li jenħtieġ li l-Kummissjoni: timmonitorja aħjar il-konsultazzjonijiet pubbliċi; ittejjeb l-istrateġiji għall-konsultazzjonijiet pubbliċi; tittraduċi fil-lingwi uffiċjali kollha d-dokumenti ta’ konsultazzjoni ewlenin relatati ma’ inizjattivi ta’ prijorità u ma’ inizjattivi li jkunu ta’ interess pubbliku ġenerali; tħejji kwestjonarji ġenerali għall-pubbliku u mistoqsijiet speċifiċi għall-ispeċjalisti; tapplika standards għoljin għall-ipproċessar u s-sigurtà tad-data; u tipprovdi feedback f’waqtu lill-parteċipanti dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet.

Introduzzjoni

01

Ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika jistgħu jsawru t-tfassil tal-politika tal-UE. Bħala eżempju prominenti, fit-12 ta’ Settembru 2018, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2018 intitolat “Inwettqu dak li wegħedna”, il-President tal-Kummissjoni Juncker iddikjara li “l-Ewropej mhux se jifirħu, jekk minħabba regolamentazzjoni Ewropea nkomplu mmexxu l-arloġġ darbtejn fis-sena. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi biex dan jinbidel. Il-bidla fil-ħin trid titneħħa”1. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet biex il-bidliet staġonali fil-ħin jitneħħew fl-2019, u tagħti lill-Istati Membri l-libertà li jiddeċiedu jekk iridux japplikaw il-ħin tas-sajf jew il-ħin tax-xitwa b’mod permanenti.

02

Ftit xhur qabel, bejn l-4 ta’ Lulju u s-16 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni ospitat konsultazzjoni pubblika li rriżultat f’4.6 miljun risposta, l-ogħla ammont li qatt irċeviet fi kwalunkwe konsultazzjoni pubblika li hija kienet organizzat.

L-impenn tal-Kummissjoni li tinvolvi liċ-ċittadini

03

L-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet ġenerali, biex tagħti liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati oħra opportunità biex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika2. Fil-25 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat il-White Paper dwar “European Governance” (Governanza Ewropea)3, li l-għan tagħha kien li tiftaħ il-proċess tat-tfassil tal-politiki sabiex jiġu involuti aktar nies u organizzazzjonijiet fit-tiswir u fit-twettiq tal-politiki tal-UE, u b’hekk jiżdiedu l-leġittimità demokratika u l-obbligu ta’ rendikont tal-UE. Sabiex tissodisfa dawn l-impenji, il-Kummissjoni ħejjiet dokument dwar il-konsultazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati4, li kkontribwixxa wkoll għall-Pjan ta’ Azzjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar5.

04

Il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jiddefinixxu l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi ċ-ċittadini bħala “partijiet ikkonċernati”, bħala proċess formali li permezz tiegħu il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni u fehmiet mill-partijiet ikkonċernati dwar il-politiki tagħha6. Din hija parti ewlenija mill-politika tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. “Regolamentazzjoni Aħjar” mhijiex dwar ir-regolamentazzjoni jew id-deregolamentazzjoni: hija mod ta’ ħidma biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet politiċi jitħejjew b’mod miftuħ u trasparenti, infurmat mill-aħjar evidenza disponibbli u appoġġat mill-involviment komprensiv taċ-ċittadini u ta’ partijiet ikkonċernati oħra, bħal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u assoċjazzjonijiet rappreżentattivi7. Fir-rapport tagħna, meta nirreferu għal “ċittadini”, dan il-kunċett jinkludi wkoll “partijiet ikkonċernati oħra”.

05

L-aġenda attwali tal-UE għal Regolamentazzjoni Aħjar, tal-Kummissjoni Juncker, ġiet ippubblikata fl-20158 u kienet akkumpanjata minn linji gwida, inkluż sett ta’ għodod. Fl-2017, il-Kummissjoni kkompletat aġġornament importanti tal-linji gwida u l-għodod interni tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar, bil-ħsieb li żżid il-leġittimità ta’ dak li tagħmel9.

06

F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni enfasizzat li hija kienet impenjata bis-sħiħ li tinvolvi liċ-ċittadini10. Hija nediet is-sit web “Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet”, li huwa intenzjonat biex jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fix-xogħol tagħha matul iċ-ċiklu tal-politika11. Iċ-ċittadini jistgħu jikkondividu l-fehmiet tagħhom mill-inizjazzjoni sal-evalwazzjoni tal-politiki tal-UE, permezz tal-portal tas-sit web “Semma’ Leħnek”12 (l-Istampa 1).

Stampa 1

Opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jipparteċipaw fiċ-ċiklu tal-politika tal-UE

Sors: Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, COM(2019) 178.

07

Fl-2018, il-Kummissjoni aġġornat is-sit web “Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet” u għamlet ħafna titjib fil-portal tas-sit web “Semma’ Leħnek”. It-titjib prinċipali kien: viżwalizzazzjoni kronoloġika tal-opportunitajiet ta’ feedback; inkorporazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u magħluqa kollha; pubblikazzjoni ta’ inizjattivi li ġejjin; u traduzzjoni ta’ informazzjoni ġenerali rilevanti għall-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha fil-lingwi kollha tal-UE.

08

L-impenn tal-Kummissjoni li tinvolvi aktar liċ-ċittadini ġie rrikonoxxut internazzjonalment. Fir-rapport tagħha dwar il-Prospettiva għall-Politika Regolatorja 2018, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ikklassifikat lill-Kummissjoni fl-ewwel post fost il-pajjiżi kollha tal-OECD għall-“involviment tal-partijiet ikkonċernati”, li jinkludi liċ-ċittadini bħala “l-pubbliku”, fl-iżvilupp ta’ liġijiet kemm primarji kif ukoll subordinati13. Skont ir-rapport, il-pajjiżi jkomplu jagħmlu użu minn varjetà ta’ għodod biex jikkonsultaw kemm mal-pubbliku kif ukoll – b’mod aktar immirat – ma’ partijiet ikkonċernati magħżula14. Din il-varjetà ta’ għodod ta’ konsultazzjoni hija diskussa f’għadd ta’ rapporti oħra dwar is-suġġett. Pereżempju, studju mwettaq għall-Kunsill tal-Ewropa u għal oħrajn janalizza r-relazzjoni bejn il-parteċipanti u l-intensità tal-parteċipazzjoni (l-Istampa 2). Huwa maħsub li l-konsultazzjonijiet (pubbliċi) online, li fuqhom jiffoka r-rapport tagħna, jiġġeneraw għadd kbir ta’ parteċipanti.

Stampa 2

Spettru ta’ proċeduri ta’ informazzjoni u ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku

Sors: https://rm.coe.int/public-participation-and-democratic-innovations-assessing-democratic-i/168075f47b, b’“Konsultazzjoni online” enfasizzata mill-QEA.

09

Min-natura tiegħu stess, il-proċess elettorali ta’ votazzjoni għal rappreżentanti tan-nies huwa l-għodda demokratika l-aktar fundamentali li permezz tagħha ċ-ċittadini jipparteċipaw fit-tfassil tal-liġijiet. Minbarra l-elezzjonijiet demokratiċi, l-għodod demokratiċi parteċipattivi li jikkontribwixxu għat-tfassil tal-liġijiet matul iċ-ċiklu tal-politika jvarjaw minn plebixxiti u referenda, sa forom oħra ta’ konsultazzjoni (eż. stħarriġ tal-Ewrobarometru, gruppi fokus u seduti pubbliċi), sa Djalogi maċ-Ċittadini15 u assembleji taċ-ċittadini magħżula b’mod aleatorju16. Il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi online biex tiġbor informazzjoni u fehmiet mill-partijiet ikkonċernati tagħha dwar il-politiki tagħha. Skont ir-rapport tal-OECD, il-forom l-aktar popolari ta’ involviment mill-partijiet ikkonċernati huma l-konsultazzjonijiet pubbliċi bbażati fuq l-internet (il-“konsultazzjoni online” li tidher fl-Istampa 2), fejn iċ-ċittadini jkollhom opportunità li jikkummentaw, u l-gruppi konsultattivi jew il-kumitati ta’ tħejjija fejn il-partijiet ikkonċernati jintgħażlu minn qabel17.

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni

10

Il-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni huma intenzjonati biex jikkomplementaw l-interazzjoni usa’ tagħha maċ-ċittadini u ma’ partijiet ikkonċernati oħra18. Il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jispjegaw iż-żewġ modi li bihom il-Kummissjoni twettaq dawn il-konsultazzjonijiet19:

  • konsultazzjoni pubblika tagħti aċċess lil kull min ikun jixtieq jikkontribwixxi. Il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi permezz ta’ kwestjonarji online. Iċ-ċittadini jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar suġġett partikolari billi jwieġbu għal kwestjonarju f’EU Survey20, l-għodda uffiċjali tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-istħarriġiet; u
  • konsultazzjoni mmirata tindirizza gruppi speċifiċi ta’ partijiet ikkonċernati ddefiniti tajjeb. F’konsultazzjoni mmirata, il-partijiet ikkonċernati jintgħażlu minn qabel, u gruppi ta’ partijiet ikkonċernati jew individwi li jiġu mistiedna espliċitament biss jistgħu jipparteċipaw fil-konsultazzjoni.
11

Mill-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kollha li hija twettaq21, il-Kummissjoni temmen li l-konsultazzjonijiet pubbliċi għandhom l-ogħla livell ta’ trasparenza u aċċessibbiltà22. Barra minn hekk, skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-għoti ta’ rendikont għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, il-mod l-aktar magħruf u l-aktar apprezzat għat-tfassil tal-politika huwa permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi23.

12

Konsultazzjoni pubblika tista’ tilħaq spettru wiesgħa ta’ rispondenti li jagħtu feedback fuq bażi volontarja. Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jagħmluha ċara li d-data miġbura permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi ma tipprovdix fehma rappreżentattiva tal-popolazzjoni tal-UE24. Dan huwa dovut għall-fatt li r-rispondenti jagħżlu lilhom infushom, li jfisser li r-risposti ma jinsiltux għal kampjun rappreżentattiv25.

13

Skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-konsultazzjonijiet pubbliċi huma obbligatorji għal: inizjattivi b’valutazzjonijiet tal-impatt; evalwazzjonijiet; kontrolli tal-idoneità; komunikazzjonijiet konsultattivi tal-Kummissjoni; u Green Papers26. Xi wħud mill-inizjattivi l-ġodda se jirriżultaw fi proposti leġiżlattivi iżda oħrajn (prinċipalment evalwazzjonijiet) se jkunu inizjattivi mhux leġiżlattivi (eż. rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u rakkomandazzjonijiet għal negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali).

14

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jaqsmu l-proċess ta’ konsultazzjoni fi tliet fażijiet ta’ interazzjoni: (1) l-istabbiliment tal-istrateġija ta’ konsultazzjoni; (2) it-twettiq ta’ xogħol ta’ konsultazzjoni; u (3) l-infurmar tat-tfassil tal-politiki. Kull fażi tikkonsisti minn bosta passi konsekuttivi, li għandhom jipprovdu l-qafas għal konsultazzjoni ta’ kwalità għolja u trasparenti mal-partijiet ikkonċernati27 (l-Istampa 3).

Stampa 3

Il-proċess ta’ konsultazzjoni

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar.

15

Mill-2015 sa tmiem l-2018, fuq medja, il-Kummissjoni wettqet aktar minn 100 konsultazzjoni pubblika fis-sena (total ta’ 417)28. Il-livelli ta’ parteċipazzjoni varjaw b’mod konsiderevoli. L-ogħla wieħed għal kull sena kien:

  • fl-2018, il-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf irriżultat f’4.6 miljun risposta, l-ogħla ammont qatt riċevut fi kwalunkwe konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni;
  • fl-2017, il-konsultazzjoni pubblika dwar il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-politika agrikola komuni, li kisbet 63 000 risposta (mhux inklużi l-260 000 risposta li nkisbu minn kampanja kbira);
  • fl-2016, il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kisbet 16 500 risposta; u
  • fl-2015, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura (id-Direttiva dwar l-Għasafar, id-Direttiva dwar il-Ħabitats) kisbet 550 000 risposta.
16

L-għadd annwali medju ta’ parteċipanti fil-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha, mhux inkluża l-konsultazzjoni l-aktar popolari għas-sena inkwistjoni, kien ta’ madwar 500 parteċipant fl-2015 u fl-2016, u madwar 2 000 parteċipant fl-2017 u fl-2018.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

17

L-istrateġija tagħna għall-2018-202029 identifikat id-distanza pperċepita bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE bħala theddida għall-UE. Fi Frar 2018, il-Parlament Ewropew talabna nevalwaw kif iċ-ċittadini jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu direttament fil-proċess kollu tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE, u biex nivvalutaw l-effettività, l-adegwatezza, it-trasparenza u l-aċċess miftuħ tal-għodod użati. L-awditu tagħna ffoka fuq il-konsultazzjonijiet pubbliċi minħabba li l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika huwa kruċjali biex titrawwem il-fiduċja fl-UE u tinkiseb leġiżlazzjoni ta’ kwalità għolja.

18

Aħna vvalutajna jekk il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni kinux effettivi biex jilħqu liċ-ċittadini u biex jagħmlu użu mill-kontributi tagħhom. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:

  1. it-tfassil tal-qafas tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi jirriflettix prattiki tajbin;
  2. il-Kummissjoni kinitx ħejjiet u wettqet il-konsultazzjonijiet pubbliċi magħżula b’mod li ċ-ċittadini setgħu jipparteċipaw b’mod faċli u effettiv (il-fażijiet 1 u 2 tal-proċess ta’ konsultazzjoni fl-Istampa 3);
  3. il-Kummissjoni kinitx analizzat l-input tad-data mill-kwestjonarji b’mod raġonevoli u jekk kinitx ippreżentat informazzjoni trasparenti u komprensiva dwar ix-xogħol ta’ konsultazzjoni u l-eżitu tagħha (il-fażi 3 fl-Istampa 3).
19

Aħna eżaminajna kampjun ta’ 26 konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-Kummissjoni bejn l-2016 u l-2018. Aħna kkampjunajna ħames Direttorati Ġenerali (DĠ) ibbażat fuq l-għadd ta’ konsultazzjonijiet imwettqa, il-firxa tal-inizjattivi, il-livell ta’ parteċipazzjoni u r-rilevanza tas-suġġetti għaċ-ċittadini. Il-kampjun kien jinkludi 2 konsultazzjonijiet imwettqa mis-Segretarjat Ġenerali, 2 mid-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali (AGRI), 5 mid-DĠ Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport u Kultura (EAC), 7 mid-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni (HOME), u 10 mid-DĠ Mobbiltà u Trasport (MOVE) (l-Anness I)30.

20

Ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien jinvolvi:

  1. intervisti mal-persunal mid-DĠ kollha li kkampjunajna u kuntatt ma’ għadd ta’ DĠ, istituzzjonijiet u korpi tal-UE rilevanti oħra31;
  2. żjara lil żewġ Stati Membri32 u lill-OECD, sabiex niksbu fehim aħjar tal-qafas tal-Kummissjoni f’kuntest internazzjonali;
  3. eżaminar u analiżi min-naħa tagħna tad-dokumenti ewlenin dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, il-qafas ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni u l-prestazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi li għażilna;
  4. konsulenza ma’ grupp ta’ esperti biex insaħħu l-analiżi tagħna, biex b’hekk jgħinuna niffukaw fuq oqsma partikolarment rilevanti li jistgħu jittejbu (l-Anness II).
21

Aħna wettaqna wkoll stħarriġ dwar il-perċezzjoni ta’ 16 007 ċittadini li kienu pparteċipaw fil-kampjun tagħna ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi, u rċevejna 2 224 risposta. Analizzajna r-risposti u użajnihom biex nikkomplementaw is-sejbiet tal-awditjar proprji tagħna. Il-parteċipanti kklassifikaw il-livell ta’ sodisfazzjon tagħhom fir-rigward ta’ kull waħda mill-fażijiet tal-proċess ta’ konsultazzjoni u l-livell ta’ qbil tagħhom mad-dikjarazzjonijiet ġenerali tal-Kummissjoni (l-Anness III). Huma pprovdewlna wkoll il-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika (il-Kaxxa 1 sal-Kaxxa 8)33. It-taqsimiet tar-rapport tagħna li jippreżentaw il-fehmiet tar-rispondenti huma indikati b’dan is-simbolu:

22

Il-kriterji tal-awditjar tagħna kienu bbażati fuq:

  1. il-Prinċipji Gwida tal-OECD għal Tfassil ta’ Politika Miftuħa u Inklużiva34;
  2. ir-rakkomandazzjoni tal-OECD dwar il-Politika regolatorja35;
  3. il-linji gwida proprji tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u s-sett ta’ għodod tagħha.
23

Għalkemm il-QEA mhijiex meħtieġa titlob il-kunsens jew l-approvazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tipproċessa data personali36, il-Kummissjoni ma pprovdietx ċertu data li aħna tlabna matul l-awditu, u kkwotat l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Sabiex nilħqu l-objettivi tal-awditjar tagħna, aħna sibna soluzzjonijiet alternattivi f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, li kienu jirrikjedu ammont sinifikanti ta’ ħin u riżorsi, u dan naqqas ir-ritmu tal-proċess ta’ rappurtar.

Osservazzjonijiet

Il-qafas tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi

Sodisfazzjoni ġenerali tal-parteċipanti fir-rigward tal-proċess ta’ konsultazzjoni

24

L-istħarriġ dwar il-perċezzjoni tagħna wera li, b’mod ġenerali, 65.5 % tal-parteċipanti li kkonfermaw li kienu pparteċipaw f’waħda mill-konsultazzjonijiet pubbliċi fil-kampjun tagħna qiesu li l-proċess ta’ konsultazzjoni kienu sodisfaċenti jew pjuttost sodisfaċenti (l-Istampa 4).

Stampa 4

Sodisfazzjoni ġenerali fir-rigward tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

25

Ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna juru li l-parteċipanti rrikonoxxew l-objettiv kumplessiv tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, jiġifieri li ċ-ċittadini jingħataw opportunità biex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politiki (il-paragrafu 03). Rigward il-mistoqsija tagħna dwar għalfejn kienu pparteċipaw f’konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, ir-rispondenti ddikjaraw li t-tliet raġunijiet l-aktar importanti kienu li:

  • riedu jinfluwenzaw l-eżitu leġiżlattiv (58 %);
  • kienu interessati fis-suġġett (56 %); u
  • qiesu l-parteċipazzjoni tagħhom bħala responsabbiltà ċivika (49 %).

Ir-rispondenti apprezzaw l-opportunità li jipparteċipaw fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE u fi proċess demokratiku li jippromwovi ċittadinanza attiva tal-UE

26

It-tliet aspetti li r-rispondenti apprezzaw l-aktar dwar il-konsultazzjoni pubblika li kienu pparteċipaw fiha kienu li (il-Kaxxa 1):

  • tat opportunità liċ-ċittadini biex jipparteċipaw fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE;
  • għenet fit-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-UE; u
  • ikkontribwiet għall-iżvilupp taċ-ċittadinanza Ewropea.

Kaxxa 1

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma apprezzaw li kellhom l-opportunità li jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet pubbliċi

Ċittadin 1: “L-opportunità li nikkondividi l-opinjoni tiegħi barra mill-elezzjonijiet u b’hekk ngħin għat-tiswir tal-Ewropa.” (oriġinali bil-Ġermaniż)

Ċittadin 2: “L-opportunità li nesprimi opinjoni b’mod dirett, mingħajr intermedjarji.” (oriġinali bit-Taljan)

Ċittadin 3: “L-opportunità li tesprimi l-ideat u x-xewqat tiegħek bħala bidwi.” (oriġinali bil-Latvjan)

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma apprezzaw il-fatt li l-konsultazzjonijiet pubbliċi huma demokratiċi

Ċittadin 4: “Minbarra li nivvutaw għall-Parlament Ewropew, ftit li xejn jeżistu opportunitajiet biex insemmgħu leħinna dwar kif l-UE tittratta l-kwistjonijiet, għaldaqstant, li nagħtu kontribut f’konsultazzjoni pubblika tal-UE jgħin biex tiġi eliminata d-diskrepanza demokratika.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 5: “…Li saħansitra dan qed iseħħ. Stadju importanti fit-triq lejn id-demokratizzazzjoni tal-UE.” (oriġinali bil-Ġermaniż)

Ċittadin 6: “Jien insib li dan it-tip ta’ konsultazzjoni huwa interessanti, dment li r-riżultati tagħha jintużaw biex jittieħdu deċiżjonijiet u li ċ-ċittadini ma jiġux ikkonsultati biss fil-mument tal-elezzjonijiet. Jeħtieġ li aħna nimxu lejn forom ta’ demokrazija diretta. Id-demokrazija rappreżentattiva qed twassal biex aħna nitilfu l-interess: kull darba li nintalbu biex nivvutaw, l-astensjoni qed tiżdied. Naħseb li din hija sitwazzjoni serja.” (oriġinali bl-Ispanjol)

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma apprezzaw il-fatt li l-konsultazzjonijiet pubbliċi jippromwovu ċittadinanza Ewropea attiva

Ċittadin 7: “L-opportunità li ninstema’, bħala ċittadin Ewropew.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 8: “Li fl-aħħar ħassejtni bħala ċittadin Ewropew.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 9: “Li ċ-ċittadini ‘ordinarji’ u n-negozji ż-żgħar jintalbu biex jagħtu l-fehmiet tagħhom.” (oriġinali bil-Kroat)

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

Il-qafas tal-Kummissjoni huwa ta’ standard għoli, iżda l-fokus fuq il-monitoraġġ u l-valutazzjoni mhuwiex suffiċjenti

27

Il-qafas tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet huwa ddefinit fil-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar u fis-sett ta’ għodod tagħha. Dawn ġew adottati f’Mejju 2015. F’Lulju 2017, il-Kummissjoni approvat sett aġġornat ta’ linji gwida li kkonfermaw u kkjarifikaw ir-regoli ġenerali dwar kif il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ċ-ċittadini tagħha.

28

F’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-konsultazzjonijiet għandhom ikunu rregolati minn erba’ prinċipji ġenerali37:

  1. Parteċipazzjoni: Jiġi adottat approċċ inklużiv permezz ta’ konsultazzjoni b’mod kemm jista’ jkun estensiv;
  2. Aċċess Miftuħ u Obbligu ta’ Rendikont: Il-proċess ta’ konsultazzjoni u l-mod kif dan affettwa t-tfassil tal-politiki jsir aktar trasparenti għal dawk involuti u għall-pubbliku;
  3. Effettività: Iċ-ċittadini jiġu kkonsultati meta l-fehmiet tagħhom ikunu għadhom jistgħu jagħmlu differenza, u jiġu rrispettati l-proporzjonalità u l-limitazzjonijiet speċifiċi;
  4. Koerenza: Tiġi żgurata konsistenza fil-proċessi ta’ konsultazzjoni fis-servizzi kollha, kif ukoll fl-evalwazzjoni, fl-eżaminar u fil-kontroll tal-kwalità.
29

Dawn l-erba’ prinċipji ġenerali huma kkomplementati minn standards38, li huma applikabbli għat-tliet fażijiet tal-proċess ta’ konsultazzjoni (l-Istampa 3). Ibbażat fuq dawn il-prinċipji u l-istandards, il-Kummissjoni ġiet ikklassifikata fl-ewwel post mill-OECD għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati (il-paragrafu 08).

30

Aħna qabbilna l-qafas tal-Kummissjoni mal-Prinċipji Gwida tal-OECD għal Tfassil ta’ Politika Miftuħa u Inklużiva u mar-rakkomandazzjoni tal-OECD dwar il-politika regolatorja. Aħna sibna li, b’mod ġenerali, it-tfassil tal-qafas tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi jikkontribwixxi għal proċess leġiżlattiv inklużiv u għal konsultazzjonijiet pubbliċi trasparenti, għal involviment bikri taċ-ċittadini u għal konsistenza fil-proċessi ta’ konsultazzjoni tagħha. Madankollu, hemm lok għal titjib fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni. Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar ma jipprevedux:

  1. indikaturi speċifiċi li jridu jiġu mmonitorjati u rrappurtati għal konsultazzjonijiet pubbliċi individwali fil-livell tad-DĠ u fil-livell tal-Kummissjoni, b’mod ġenerali;
  2. metodoloġija għall-valutazzjoni tal-ispejjeż relatati ma’ konsultazzjonijiet pubbliċi; u
  3. valutazzjoni sistematika ta’ jekk il-konsultazzjonijiet pubbliċi humiex qed jiksbu l-objettivi kollha tagħhom.
31

Skont il-linji gwida tal-Kummissjoni, hija prassi tajba li titwettaq valutazzjoni tal-kwalità interna proporzjonali tal-proċess ta’ konsultazzjoni39. Il-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-kwalità tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jikkontribwixxi biex tinkiseb informazzjoni dwar it-twettiq tal-istrateġija ta’ konsultazzjoni u l-ilħuq tal-objettivi tagħha. Barra minn hekk, valutazzjonijiet sistematiċi, li jiffukaw fuq l-ilħuq tal-objettivi, jgħinu biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u biex jittieħdu tagħlimiet mill-esperjenzi tal-passat bil-ħsieb li jittejbu l-konsultazzjonijiet futuri.

32

Aħna sibna li, mis-26 każ li eżaminajna, f’2 każijiet biss kienet saret evalwazzjoni interna biex jinsiltu konklużjonijiet mit-tagħlimiet meħuda, li għaliha ntużaw xi indikaturi. Xi eżempji ta’ prassi tajba għall-indikaturi li ntużaw f’wieħed mill-Istati Membri li żorna jvarjaw mill-għadd ta’ kontributi, id-diversità tal-parteċipanti (eż. kategoriji ta’ partijiet ikkonċernati, post ta’ oriġini jew ta’ residenza, lingwi użati), sal-ħin meħtieġ biex titħejja u titwettaq il-konsultazzjoni u biex isir rappurtar dwarha, u l-livell ta’ sodisfazzjon tal-parteċipanti.

Tħejjija u parteċipazzjoni f’konsultazzjonijiet pubbliċi magħżula

33

Aħna eżaminajna l-aspetti li ġejjin tat-tħejjija tal-Kummissjoni, inkluża l-istrateġija ta’ konsultazzjoni tagħha, u l-implimentazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi magħżula (il-fażijiet 1 u 2 fl-Istampa 3):

  1. l-informazzjoni li ċ-ċittadini jingħataw dwar ir-raġuni fundamentali wara l-konsultazzjoni;
  2. l-attivitajiet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni użati biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu konxji mill-konsultazzjoni;
  3. il-lingwi użati għall-konsultazzjoni u kemm il-kwestjonarji jkunu faċli għall-qarrejja;
  4. it-twaqqit u t-tul tal-konsultazzjoni.
34

B’mod ġenerali, aħna sibna li t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni li eżaminajna kienu sodisfaċenti, iżda identifikajna xi oqsma fejn jista’ jsir titjib sabiex niżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod faċli u effettiv.

L-istrateġiji ta’ konsultazzjoni mhux dejjem jitħejjew u jiġu ppubblikati b’mod adegwat

Informazzjoni minn qabel u feedback dwar l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni li jmiss

35

Dokument magħruf bħala pjan direzzjonali jew valutazzjoni tal-impatt tal-bidu (IIA) huwa l-ewwel pass biex iċ-ċittadini jingħataw spjegazzjoni dwar għalfejn il-Kummissjoni qed tħejji inizjattiva partikolari u l-għan li trid tikseb. Skont il-linji gwida tal-Kummissjoni, il-pjan direzzjonali jew il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu għandhom jistipulaw l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni previsti u jiġu ppubblikati fi stadju bikri fuq il-portal tas-sit web “Semma’ Leħnek” tal-Kummissjoni40.

36

Il-pubblikazzjoni tal-pjan direzzjonali jew tal-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu għandha l-għan li tinforma liċ-ċittadini dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni ppjanati mill-Kummissjoni, u li tħejji l-parteċipazzjoni tagħhom minn qabel41.

37

Skont is-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar ta’ Lulju 2017, l-ebda konsultazzjoni pubblika ma għandha titnieda qabel ma jiġu ppubblikati l-pjan direzzjonali jew il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu relatati42. Il-linji gwida u s-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni ma jispeċifikawx il-perjodu ta’ żmien qabel it-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika li fih dawn għandhom jiġu ppubblikati. Huma jiddikjaraw biss li l-pjanijiet direzzjonali jew il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu jridu jiġu ffinalizzati u ppubblikati mill-aktar fis possibbli, u jinkludu deskrizzjoni fil-qosor tal-istrateġija ta’ konsultazzjoni ppjanata43.

38

Ir-rekwiżit li l-pjan direzzjonali għandu jiġi ppubblikat minn qabel ma kienx fis-seħħ fil-mument tat-tħejjija u t-tnedija ta’ bosta mill-konsultazzjonijiet pubbliċi kkampjunati. Il-Kummissjoni ħejjiet il-pjanijiet direzzjonali jew il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu, inkluża deskrizzjoni fil-qosor tal-istrateġija ta’ konsultazzjoni, fi 22 mis-26 konsultazzjoni pubblika fil-kampjun tagħna, u ppubblikat biss 16 mill-inqas 4 ġimgħat qabel bdiet il-konsultazzjoni pubblika sabiex tevita trikkib bejn il-perjodu tal-feedback (il-paragrafu 39) u t-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika. Bħala medja, meta l-pjanijiet direzzjonali jew il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu kienu disponibbli qabel it-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika, dawn ġew ippubblikati sitt xhur minn qabel (l-Istampa 5).

Stampa 5

Informazzjoni li kienet disponibbli minn qabel relatata mal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni futuri kienet tvarja b’mod notevoli

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

39

Meta l-pjanijiet direzzjonali jew il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu jiġu ppubblikati, iċ-ċittadini jistgħu jipprovdu feedback matul perjodu ta’ erba’ ġimgħat44. Aħna sibna li mis-6 pjanijiet direzzjonali jew valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu li ġew ippubblikati fl-201745, 4 kienu rċevew feedback (medja ta’ 22 kontribut ta’ feedback).

40

Fi tlieta mill-erba’ każijiet, l-għadd ta’ kontributi ta’ feedback riċevuti kien baxx ħafna meta mqabbel mal-għadd ta’ kontributi riċevuti matul il-konsultazzjoni pubblika. Pereżempju, il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu rigward il-konsultazzjoni dwar il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-politika agrikola komuni rċeviet 10 kontributi ta’ feedback, filwaqt li l-konsultazzjoni pubblika rċeviet 63 000 risposta46. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-għadd limitat ta’ kontributi ta’ feedback juri b’mod ċar li hemm lok għal titjib fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni dwar l-għodod tal-UE u tal-kopertura ulterjuri tagħhom47.

Elementi ewlenin tal-istrateġija ta’ konsultazzjoni

41

Strateġija ta’ konsultazzjoni tiġi żviluppata wara l-pjanijiet direzzjonali jew il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu. L-għan tal-istrateġija huwa li jitfassal approċċ ta’ konsultazzjoni li jkun effettiv u effiċjenti.

42

L-istrateġija ta’ konsultazzjoni trid tiġi ffinalizzata u aġġornata abbażi tal-kummenti riċevuti matul il-perjodu tal-feedback. Aħna ma sibniex evidenza li l-kontributi ta’ feedback kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-istrateġiji ta’ konsultazzjoni (eż. fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni jew fit-tfassil tal-kwestjonarji).

43

Huwa mistenni li l-istrateġija ta’ konsultazzjoni tiġi ppubblikata jew deskritta fuq is-sit web tal-konsultazzjoni għall-inizjattiva relatata mmexxija mid-DĠ responsabbli48. Hija għandha tkopri l-elementi ewlenin li ġejjin49:

  • l-ambitu u l-objettivi tal-konsultazzjoni;
  • l-identifikazzjoni tal-partijiet ikkonċernati;
  • l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni previsti; u
  • it-twaqqit u l-arranġamenti lingwistiċi.
44

Aħna sibna li 12 biss mit-22 strateġija ta’ konsultazzjoni li tħejjew kienu ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni għall-inizjattiva relatata. Fil-fehma tagħna, il-provvediment ta’ informazzjoni f’waqtha fil-fażi ta’ tħejjija dwar l-objettiv tal-konsultazzjoni pubblika u l-użu intenzjonat tar-riżultati tagħha jżid il-probabbiltà li ċ-ċittadini jħossuhom involuti, u huwa wkoll ta’ benefiċċju għall-kwalità tar-risposti.

45

Pereżempju, ħlief għal segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ma għamlet disponibbli l-ebda strateġija ta’ konsultazzjoni jew xi informazzjoni oħra qabel ma niedet il-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf. B’kont meħud tal-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu infurmati fil-fażi ta’ tħejjija dwar l-objettiv u l-użu intenzjonat tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, in-nuqqas ta’ din l-informazzjoni huwa probabbli ħafna li jkollu impatt fuq l-eżitu, mhux biss f’termini ta’ rati ta’ parteċipazzjoni globali u reġjonali, iżda wkoll f’termini ta’ sustanza. Aħna nosservaw li huwa biss fit-tnedija ta’ din il-konsultazzjoni pubblika li l-Kummissjoni għamlet disponibbli l-informazzjoni dwar l-objettivi tal-konsultazzjoni.

46

It-22 strateġija kollha disponibbli kienu jinkludu taqsimiet iddedikati għall-“ambitu u l-objettivi”. Madankollu, il-Kummissjoni stabbiliet biss objettivi ġenerali għall-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kollha tagħha. Għall-konsultazzjonijiet pubbliċi, l-objettivi użati l-aktar frekwentement kienu li l-pubbliku ġenerali u l-partijiet ikkonċernati jingħataw opportunità biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-elementi kollha rilevanti għall-valutazzjoni tal-qasam suġġett għal konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, li jinġabru l-fehmiet u l-opinjonijiet, u li jinġabru l-fehmiet tal-gruppi akbar u mhux speċjalisti ta’ partijiet ikkonċernati. F’każijiet oħra, l-objettiv ġie deskritt f’termini ġenerali: il-konsultazzjonijiet pubbliċi u mmirati se jkunu sors fundamentali ta’ input.

47

Il-linji gwida tal-Kummissjoni jiddikjaraw li l-identifikazzjoni tal-partijiet ikkonċernati hija prerekwiżit biex l-informazzjoni tinġabar b’suċċess u biex il-partijiet ikkonċernati jingħataw opportunitajiet xierqa biex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politiki tal-UE. Sussegwentement, dawn għandhom jiġu magħżula (jew jingħataw prijorità) skont il-livell ta’ interess u influwenza tagħhom permezz ta’ matriċi ta’ mmappjar tal-partijiet ikkonċernati50. Il-Kummissjoni ħejjiet matriċi ta’ mmappjar għall-partijiet ikkonċernati fi 18 minn 26 KP. Mit-8 każijiet li jifdal, kien hemm 5 li kien fihom informazzjoni mhux strutturata dwar il-partijiet ikkonċernati u 3 każijiet li ma kienx fihom din l-informazzjoni importanti (la strutturata u lanqas mhux strutturata) li kienet meħtieġa għall-pass li jmiss, jiġifieri l-għażla ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni xierqa51.

48

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi jistgħu jiġu kkomplementati, fejn ikun xieraq, minn attivitajiet ta’ konsultazzjoni oħra sabiex jiġu involuti dawk il-partijiet ikkonċernati kollha li huma rilevanti u biex jiġu mmirati diskrepanzi potenzjali fl-informazzjoni52. Dan huwa importanti sabiex il-mezzi ta’ komunikazzjoni jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-udjenzi fil-mira kollha u biex jiġi żgurat li l-partijiet rilevanti kollha jkollhom opportunità jesprimu l-opinjonijiet tagħhom53. Fi tmiem il-proċess ta’ konsultazzjoni, huwa importanti wkoll li jitqabblu r-riżultati tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni differenti sabiex jiġu identifikati l-interdipendenzi, il-konsistenzi jew il-kontradizzjonijiet fil-kontributi u fil-kategoriji prinċipali tal-partijiet ikkonċernati. L-ebda waħda mill-istrateġiji ta’ konsultazzjoni li eżaminajna ma spjegat kif il-konsultazzjoni pubblika tkun tikkomplementa attivitajiet ta’ konsultazzjoni oħra.

49

Fir-rigward tal-lingwa, erba’ strateġiji ta’ konsultazzjoni ma kien fihom l-ebda indikazzjoni tal-arranġamenti ppjanati. F’dawn l-erba’ każijiet, it-traduzzjonijiet waslu tard u ma kinux disponibbli għall-pubbliku meta tnediet il-konsultazzjoni. Fi tliet każijiet oħra, l-istrateġiji rriflettew l-arranġamenti lingwistiċi b’mod parzjali biss, u rreferew sempliċiment għal-lingwi użati għall-kwestjonarji jew għall-feedback.

Ir-rispondenti sabu li l-objettivi tal-konsultazzjonijiet pubbliċi ma kinux ċari

50

Ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna kkonferma li hemm lok għal titjib meta l-Kummissjoni tippreżenta u tikkomunika l-objettivi tagħha u tidentifika l-partijiet ikkonċernati għall-konsultazzjonijiet pubbliċi. L-impressjoni ġenerali tar-rispondenti kienet li l-objettivi tal-konsultazzjonijiet pubbliċi ma kinux ċari (il-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma ħassew li l-iskop tal-konsultazzjonijiet pubbliċi ma kienx ċar

Ċittadin 10: “Huwa diffiċli li wieħed ikun jaf kif dawn se jintużaw F’TERMINI KONKRETI.” (oriġinali bil-Franċiż)

Ċittadin 11: “L-istħarriġ jagħti l-impressjoni li huwa wieħed superfiċjali.” (oriġinali bil-Ġermaniż)

Ċittadin 12: “... hija SEMPLIĊIMENT konsultazzjoni superfiċjali li tidher pro forma u li sfortunatament għadha mhix eżerċizzju ġenwin ta’ demokrazija parteċipattiva... . Madankollu, din żgur hija opportunità biex terġa’ tiġi rivitalizzata l-ħolma u l-proġett Ewropew, mhux hekk? Inkella, il-lakuna bejn iċ-ċittadini u l-Ewrokrati se tkompli tiżdied, u din hija xi ħaġa li l-Ewroxettiċi u l-populisti biss jistgħu jibbenefikaw minnha.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 13: “…F’din is-sitwazzjoni, x’inhu l-punt li naħlu l-ħin tagħna billi nipparteċipaw f’dawn il-konsultazzjonijiet?” (oriġinali bil-Bulgaru)

Ċittadin 14: “… [Jien] ma ħassejtx li l-parteċipazzjoni tiegħi hija ta’ valur.” (oriġinali bil-Portugiż)

Ċittadin 15: “Mhuwiex dejjem ċar jekk iċ-ċittadini “regolari” humiex permessi/imħeġġa jipparteċipaw. Il-komunikazzjoni għandha tiġi adattata f’dan ir-rigward.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 16: “In-nies ordinarji jiddubitaw ferm li dawn il-konsultazzjonijiet għandhom xi valur, minħabba li la jifhmu b’mod xieraq u lanqas jemmnu li l-kontribut tagħhom se jinqara, aħseb u ara li jiġi apprezzat. Huma kompletament persważi wkoll li jinstemgħu biss ix-xewqat tan-negozji internazzjonali.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 17: “…L-UE mhijiex qiegħda hemm għaċ-ċittadini Ewropej ordinarji.” (oriġinali bin-Netherlandiż)

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

Konsultazzjonijiet pubbliċi b’diversi livelli ta’ parteċipazzjoni

51

Il-konsultazzjonijiet ibbażati fuq l-internet huma adatti għal konsultazzjoni ġenerali. Il-linji gwida tal-Kummissjoni jiddikjaraw li taħlita ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni differenti hija l-aħjar soluzzjoni. Biex jiġu kkuntattjati ċ-ċittadini f’żoni mbiegħda u rurali li għandhom rati aktar baxxi ta’ aċċess għall-internet, il-linji gwida tal-Kummissjoni jirrakkomandaw biss l-involviment mar-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni u ma’ Europe Direct54 biex jiġu identifikati l-għodod u l-mezzi xierqa55.

52

Id-Direttorati Ġenerali li eżaminajna qiesu varjetà ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni f’aktar minn nofs (16) mis-26 każ ikkampjunat. B’mod ġenerali, l-għażla u l-firxa tal-metodi u l-mezzi ta’ komunikazzjoni użati (inkluża l-midja soċjali) varjaw b’mod konsiderevoli fost id-Direttorati Ġenerali u l-konsultazzjonijiet pubbliċi. Aħna osservajna li l-livell ta’ parteċipazzjoni varja b’mod notevoli.

53

L-10 konsultazzjonijiet bl-ogħla għadd ta’ risposti kollha użaw varjetà ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni. Madankollu, 2 każijiet oħra (evalwazzjoni u inizjattiva ġdida dwar suġġett tekniku ħafna) irċevew biss 24 u 17-il risposta, rispettivament, minkejja l-varjetà ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni użati. It-3 każijiet bl-għadd l-aktar baxx ta’ risposti kienu 3 evalwazzjonijiet li għalihom id-DĠ ma użawx mezzi ta’ komunikazzjoni differenti. L-Istampa 6 turi l-għadd ta’ rispondenti għas-26 konsultazzjoni pubblika li eżaminajna.

Stampa 6

Għadd ta’ risposti riċevuti għall-konsultazzjonijiet pubbliċi magħżula

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

54

Għalkemm hemm għadd ta’ għodod disponibbli għall-involviment maċ-ċittadini, il-Kummissjoni ħasset li l-livell ta’ parteċipazzjoni ma kienx laħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Hija osservat ukoll li xi partijiet ikkonċernati għadhom ma jridux jew ma jistgħux jiġu involuti, u rrikonoxxiet il-livell baxx ta’ parteċipazzjoni bħala problema56. Il-persistenza ta’ din il-problema ġiet ikkonfermata fid-dokument tal-Kummissjoni dwar l-għoti ta’ rendikont għal Regolamentazzjoni Aħjar 57.

55

Aħna analizzajna d-distribuzzjoni tal-parteċipanti għal kull pajjiż kemm f’termini assoluti kif ukoll bi tqabbil mal-popolazzjoni nazzjonali fil-kampjun tagħna ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi (l-Anness V). F’termini assoluti, il-maġġoranza tar-risposti kienu mill-Ġermanja. Meta mqabbla mal-popolazzjoni nazzjonali, l-Awstrija kienet fl-ewwel post u l-Ġermanja fit-tieni. Meta titqies il-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf, li ġabret 4.6 miljun risposta, id-distribuzzjoni kienet simili (70 % tar-risposti mill-Ġermanja u 6 % mill-Awstrija), b’dawn iż-żewġ pajjiżi jkunu wkoll l-ewwel u t-tieni meta mqabbla mal-popolazzjoni nazzjonali (3.8 % u 2.9 % rispettivament) (l-Istampa 7).

Stampa 7

Parteċipazzjoni għolja minn residenti fl-Awstrija u fil-Ġermanja

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

56

Fil-każ tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf, il-miżuri ta’ komunikazzjoni u r-reklamar fuq il-midja soċjali tal-Kummissjoni ħolqu livell għoli ta’ attenzjoni f’mezzi u f’pajjiżi differenti. Meta l-konsultazzjoni kienet għaddejja, il-Kummissjoni ppruvat tħeġġeġ il-parteċipazzjoni minn pajjiżi oħra minbarra l-Ġermanja u nediet promozzjonijiet bi ħlas fl-EU-26 (ħlief fil-Ġermanja u fir-Renju Unit), b’fokus fuq id-9 pajjiżi li b’mod partikolari ma kinux irrappreżentati b’mod suffiċjenti (inklużi reklami bil-lingwi lokali). Barra minn hekk, ir-Rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri kkontribwew b’mod attiv b’messaġġi fuq Facebook u fuq Twitter. F'termini ta’ perċentwali, il-preżentazzjonijiet mill-EU-26 żdiedu b’madwar 30 %. Madankollu, id-distribuzzjoni ġeografika tar-risposti baqgħet żbilanċjata matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni. Ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni pubblika kkjarifika d-differenza fid-distribuzzjoni tar-risposti fl-Istati Membri.

Spiss ir-rispondenti saru jafu dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi permezz ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili

57

L-istħarriġ tagħna staqsa lill-parteċipanti dwar kif ġew infurmati dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni. Ħafna rispondenti saħqu li kienu saru jafu dwar il-konsultazzjonijiet permezz ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) jew organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), u li kieku ma kinux jipparteċipaw (il-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Xi ċittadini ma kinux jipparteċipaw kieku ma rċevewx informazzjoni mingħand OSĊ jew NGOs

Ċittadin 18: “Smajt biha permezz ta’ grupp tas-soċjetà ċivili li jiena membru fih; imkien ma rajt xi informazzjoni dwarha jew dwar il-konsultazzjonijiet l-oħra elenkati. Ma jiswa xejn li ssir konsultazzjoni jekk in-nies ma jkunux jafu biha.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 19: “Il-konsultazzjonijiet jistgħu forsi jiġu rreklamati b’mod aktar mifrux biex jilħqu lill-pubbliku ġenerali. Jekk inti ma tkunx membru ta’ NGO jew organizzazzjoni oħra, ħafna drabi ma tkunx taf bihom.” (oriġinali bin-Netherlandiż)

Ċittadin 20: “…li kieku ma jkunx għall-organizzazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, jien qatt ma nkun nista’ nikkummenta dwar xi suġġett minħabba li ma nirċievi xejn, eż. kwestjonarji.” (oriġinali bil-Pollakk)

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

58

Aħna staqsejna lir-rispondenti minn fejn kienu kisbu l-informazzjoni dwar it-tnedija tal-konsultazzjonijiet pubbliċi (setgħu jingħataw aktar minn risposta waħda). Mill-partijiet ikkonċernati u l-midja kollha possibbli, 48 %, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kellhom l-akbar kapaċità f’dak li jirrigwarda s-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini. Sorsi ta’ informazzjoni importanti oħra kienu l-aħbarijiet u l-artikli (29 %), is-sit web tal-Kummissjoni (17 %) u l-midja soċjali tal-Kummissjoni (13 %).

Ir-rispondenti jixtiequ aktar pubbliċità biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi

59

Aħna tlabna lir-rispondenti kif huma kieku jtejbu l-approċċ tal-Kummissjoni biex b’hekk jilħaq liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati. Mill-2 224 rispondent, 1 184 (53 %) tawna suġġerimenti dwar kif is-sensibilizzazzjoni tista’ tiżdied b’mod aktar effettiv.

60

Il-parteċipanti fl-istħarriġ ħassew li jkun tajjeb li l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni jiġu rriklamati b’mod estensiv sabiex jiksbu aktar viżibbiltà u pubbliċità għall-proċess, u b’hekk ikunu jistgħu jipparteċipaw aktar nies. Huma ħassew ukoll li għandu jkun hemm aktar reklamar permezz tal-midja soċjali, it-televiżjoni, l-istampa (eż. gazzetti) u anke l-email. Ir-rispondenti enfasizzaw ukoll li l-gvernijiet nazzjonali jew reġjonali għandhom ikunu aktar involuti fil-pubbliċità tal-konsultazzjonijiet pubbliċi li jitwettqu mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, kien mistenni li jkun hemm komunikazzjoni u kollaborazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-UE fl-oqsma kollha (il-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma jridu aktar viżibbiltà u pubbliċità

Ċittadin 21: “Jien nixtieq li fil-gazzetta ta’ kuljum inkun nista’ naqra artikli dwar suġġetti attwali mill-Kummissjoni Ewropea. Nixtieq ukoll li l-istħarriġiet attwali jiġu rappurtati wkoll mir-radju, mit-televiżjoni u mill-istampa.” (oriġinali bil-Ġermaniż)

Ċittadin 22: “Jien skoprejt il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-UE fuq Facebook minkejja li għandi 31 sena. Naħseb li hija ħasra li ma jgħidulniex dwarhom la fl-iskola u lanqas f’postijiet oħra. Jeħtieġ li jkun hemm aktar komunikazzjoni dwar l-UE u dwar il-liġijiet futuri tagħha.” (oriġinali bil-Franċiż)

Ċittadin 23: “Ibagħtulna bullettini permezz tal-email dwar politiki li aħna nkunu ddikjarajna interess fihom.” (oriġinali bil-Grieg)

Ċittadin 24: “Ċertament, minbarra li jintlaħqu ċ-ċittadini b’mezzi elettroniċi, huwa importanti wkoll li ssir kampanja pubblika sabiex jiġu involuti dawk iċ-ċittadini li jkunu l-aktar interessati.” (oriġinali biċ-Ċek)

Ċittadin 25: “Aktar informazzjoni dwar dawn l-istħarriġiet f’postijiet differenti! Pereżempju, ikun tajjeb jekk dawn l-istħarriġiet – u l-inizjattivi għaċ-ċittadini kollha tal-UE – ikunu jidhru fuq l-istess sit web flimkien mal-inizjattivi ċiviċi u muniċipali Finlandiżi.” (oriġinali bil-Finlandiż)

Ċittadin 26: “Jien naħseb li l-UE trid taħdem (saħansitra aktar) mill-qrib mal-gvern ta’ kull Stat Membru biex tiżgura li dan l-istħarriġ jilħaq popolazzjoni aktar wiesgħa. Attwalment, inħoss li huma biss in-nies li diġà għandhom interess attiv fil-politika tal-UE li jkunu konxji mill-konsultazzjonijiet. Jeħtieġ sforz akbar biex tiġi involuta l-popolazzjoni ġenerali.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 27: “Ma tantx hemm entużjażmu u involviment f’dawn il-proċessi min-naħa tal-gvernijiet.” (oriġinali bl-Ispanjol)

Ċittadin 28: “Jien naħseb li l-involviment mal-parlamenti nazzjonali huwa ftit wisq.” (oriġinali bin-Netherlandiż)

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

Jeħtieġ li jkun hemm kopertura lingwistika wiesgħa u kwestjonarji li jkunu aktar faċli għall-qarrejja

Kopertura lingwistika

61

Il-lingwi li jintużaw għall-konsultazzjoni huma aspett ewlieni tal-aċċessibbiltà. Il-linji gwida tal-Kummissjoni tal-2015 għal Regolamentazzjoni Aħjar irrakkomandaw li r-rekwiżiti tat-traduzzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-ambitu u s-sensibilizzazzjoni tal-metodu ta’ konsultazzjoni kkonċernat58. F’April 2017, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni ppubblika struzzjonijiet ulterjuri,59 inklużi l-miżuri li ġejjin:

  • il-konsultazzjonijiet pubbliċi (kwestjonarji u kull dokument ta’ akkumpanjament) dwar l-inizjattivi ta’ prijorità inklużi fil-Programm ta’ Ħidma annwali tal-Kummissjoni (l-Anness I) iridu jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;
  • il-kwestjonarji u kull dokument ta’ akkumpanjament għall-konsultazzjonijiet pubbliċi l-oħra kollha jridu jsiru disponibbli mill-inqas bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż.
62

Il-linji gwida aġġornati tal-2017 irrakkomandaw li, inġenerali, id-dokumenti ta’ konsultazzjoni għandhom jiġu tradotti fil-lingwi kollha li fihom it-traduzzjoni tkun fattibbli u xierqa, skont l-ambitu u l-udjenza fil-mira ta’ konsultazzjoni60. Il-linji gwida kkjarifikaw li d-dokumenti ta’ konsultazzjoni pubblika għall-inizjattivi inklużi fl-Anness I tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jridu jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE61. Barra minn hekk, is-Segretarjat Ġenerali għandu jeżamina l-istrateġiji ta’ konsultazzjoni b’mod konsistenti biex jidentifika l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni - b’mod partikolari dawk li jkunu ta’ interess pubbliku ġenerali - li għandhom jiġu tradotti fil-lingwi kollha jew f’bosta lingwi. Fl-aħħar nett, il-linji gwida jirrikjedu li l-arranġamenti lingwistiċi għall-attivitajiet ta’ konsultazzjoni jiġu spjegati u ġġustifikati fl-istrateġija ta’ konsultazzjoni.

63

Aħna sibna li ma kien hemm l-ebda kriterju ċar għall-klassifikazzjoni tal-inizjattivi taħt il-kategoriji ta’ “interess pubbliku ġenerali” jew “oħrajn”, li għandhom iservu bħala bażi biex jiġi stabbilit jekk inizjattiva għandhiex tiġi tradotta u, jekk iva, f’liema lingwi. Aħna sibna li dan kien jiddependi ħafna fuq l-approċċ meħud mid-DĠ responsabbli jew mill-unità ta’ politika tiegħu, jew inkella fuq restrizzjonijiet relatati maż-żmien. Aħna osservajna wkoll li l-Kummissjoni tikklassifika l-inizjattivi bħala “kbar” u “oħrajn” għall-finijiet ta’ validazzjoni. In-nuqqas ta’ kriterji preċiżi għall-klassifikazzjoni tal-inizjattivi jxekkel iċ-ċarezza tal-arranġamenti lingwistiċi li jintużaw matul il-proċess ta’ konsultazzjoni.

64

Fil-kampjun tagħna, tnedew seba’ konsultazzjonijiet pubbliċi wara li l-politika l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-lingwi kienet daħlet fis-seħħ f’April 2017. Minn dawn is-sebgħa inizjattivi, sitt kwestjonarji ġew tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, filwaqt li tlieta biss ġew inklużi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni62. Il-kwestjonarju li jifdal ġie tradott fi tliet lingwi.

65

Mid-19-il konsultazzjoni pubblika li tnedew qabel ma daħlet fis-seħħ il-politika l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-lingwi, aħna sibna sitt każijiet ta’ inizjattivi kklassifikati bħala “kbar” mill-Kummissjoni, li għalihom il-kwestjonarji, il-paġni web tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u d-dokumenti ta’ sfond kienu disponibbli bl-Ingliż biss. Mit-13-il każ li jifdal, 7 ġew tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, wieħed f’6 lingwi u 5 kienu disponibbli bl-Ingliż biss.

66

Aħna sibna li meta l-kwestjonarji kienu ġew tradotti fil-lingwi kollha tal-UE, l-għadd medju ta’ kontributi riċevuti kien ogħla milli fil-każijiet fejn il-kwestjonarju kien disponibbli bl-Ingliż biss. Mill-kampjun tagħna ta’ 26 konsultazzjoni pubblika, il-kwestjonarji għal 11 mit-12-il konsultazzjoni pubblika bl-ogħla għadd ta’ kontributi kienu ġew tradotti fil-lingwi kollha tal-UE. Mill-14-il każ li jifdal bl-għadd l-aktar baxx ta’ kontributi, 2 biss kienu ġew tradotti fil-lingwi kollha tal-UE.

Tfassil tal-kwestjonarji u tad-dokumenti ta’ akkumpanjament

67

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jirrikjedu li l-mistoqsijiet fi kwestjonarji jkunu rilevanti, qosra u sempliċi, jitfasslu b’mod newtrali, u jkollhom bilanċ tajjeb bejn mistoqsijiet miftuħa u magħluqa63. Il-Kummissjoni pprovditilna evidenza li l-kwestjonarji kienu ġew suġġetti għall-ittestjar qabel intużaw fi 22 mis-26 konsultazzjoni pubblika li eżaminajna. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-kwestjonarji li eżaminajna kienu tħejjew tajjeb, u segwejna l-gwida pprovduta mill-Kummissjoni.

68

Madankollu, aħna sibna li xi ftit mill-kwestjonarji kienu twal wisq jew kumplessi żżejjed. Pereżempju, 3 kwestjonarji kellhom aktar minn 50 mistoqsija b’kollox jew għal xi wħud mill-kategoriji ta’ rispondenti. B’riżultat ta’ dan, f’wieħed minn dawn il-każijiet, mill-4 786 rispondent li ppruvaw jipparteċipaw, 1 800 risposta biss setgħu jiġu sfruttati għall-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni minħabba li mhux ir-rispondenti kollha kienu kkompletaw il-kwestjonarju. F’każ wieħed partikolari, is-suġġett kien tekniku u relatat mal-IT, iżda l-kwestjonarju ma kienx immirat b’mod separat lejn l-ispeċjalisti u dawk mhux speċjalisti. Settijiet differenti ta’ mistoqsijiet għal dawn iż-żewġ tipi ta’ rispondenti setgħu għamluha possibbli li jinġabru aktar risposti (b’kollox, waslu biss 17-il kontribut).

69

Aħna sibna li, fi 15-il każ, id-DĠ li żorna ma kinux ikkunsidraw li jfasslu kwestjonarji differenti għal persuni mhux speċjalisti u għal dawk speċjalisti. Għalkemm dan mhuwiex meħtieġ mil-linji gwida tal-Kummissjoni, aħna qisna li l-11-il każ fejn kellhom kwestjonarji għal persuni mhux speċjalisti, li kienu inqas speċifiċi, bħala eżempji ta’ prassi tajba.

70

Il-kwestjonarju u d-dokumentazzjoni li kienu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf ma enfasizzawx il-konsegwenzi tal-għażla individwali tal-Istat Membru rispettiv (b’mod partikolari jekk pajjiżi ġirien jieħdu deċiżjonijiet differenti). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma speċifikatx li r-riżultati tal-konsultazzjoni jkunu jservu bħala bażi importanti għat-twettiq tal-proposta leġiżlattiva tagħha immedjatament wara.64 Fil-fehma tagħna huwa importanti li l-parteċipanti potenzjali jiġu infurmati b’mod preċiż dwar dawn l-implikazzjonijiet. In-nuqqas ta’ tali informazzjoni jista’ jkollu impatt fuq l-eżitu ta’ konsultazzjoni pubblika.

Ir-rispondenti japprezzaw kwestjonarji li jkunu fil-lingwi kollha tal-UE, u li jkunu adattati għaċ-ċittadini u jinkludu mistoqsijiet miftuħa

71

Fl-istħarriġ tagħna, il-biċċa l-kbira mir-rispondenti (82 %) kienu sodisfatti bil-lingwa użata matul il-proċess ta’ konsultazzjoni. Kien hemm ukoll livell qawwi ta’ qbil (92 %) dwar il-fatt li huwa importanti li l-konsultazzjonijiet pubbliċi jsiru fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE biex tittejjeb is-sensibilizzazzjoni.

72

Rigward kemm il-kwestjonarji jkunu faċli għall-qarrejja, 31 % mir-rispondenti tagħna ma kinux sodisfatti minħabba li l-kwestjonarji ma kinux ċari jew kienu tekniċi żżejjed. Ħafna mir-rispondenti (76 %) apprezzaw b’mod partikolari l-opportunità li jwieġbu mistoqsijiet miftuħa (il-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma jridu konsultazzjonijiet pubbliċi fil-lingwi kollha tal-UE, iżda ma jridux lingwaġġ tekniku

Ċittadin 29: “Ikun tajjeb li l-konsultazzjonijiet pubbliċi jkunu disponibbli minnufih, hekk kif jiġu ppubblikati, fl-24 lingwa kollha tal-UE, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom l-opportunità li jagħtu kontribut bil-lingwa tagħhom stess.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 30: “Id-dokumenti ta’ hawn fuq, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, kienu disponibbli biss f’lingwi barranin. Dan it-tip ta’ lingwaġġ burokratiku huwa diġà kkumplikat ħafna bil-Ġermaniż, għaldaqstant dawn mhumiex effettivi!” (oriġinali bil-Ġermaniż)

Ċittadin 31: “Lingwaġġ tqil u lingwaġġ tekniku amministrattiv: dawn id-dokumenti għandhom ikunu aktar ċari u għandhom jiġu tradotti fi stil li n-nies b’edukazzjoni ordinarja jkunu jistgħu jifhmu.” (oriġinali bir-Rumen)

Ċittadin 32: “Fi stħarriġ ġdid, li jien irrid inwieġeb, il-mistoqsijiet għandhom ikunu fil-lingwa materna tiegħi: jiġifieri d-Daniż. Il-formulazzjoni għandha tkun aktar faċli biex tinftiehem, billi mhux kulħadd għandu edukazzjoni ta’ livell universitarju.” (oriġinali bid-Daniż)

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Il-kwestjonarji jridu jkunu aktar adattati għaċ-ċittadini

Ċittadin 33: “Xi wħud mill-għażliet tal-mistoqsijiet ma kinux jirriflettu l-fehmiet tiegħi, kellhom tendenza li jissimplifikaw b’mod eċċessiv il-kwistjonijiet kumplessi, jew kienu mistoqsijiet li jissuġġerixxu risposta partikolari”. (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 34: “Ċerti mistoqsijiet huma diffiċli għal dawk li mhumiex speċjalisti fil-qasam ta’ politika inkwistjoni – il-mistoqsijiet mhux dejjem ikunu aċċessibbli.” (oriġinali bil-Franċiż)

Ċittadin 35: “…Jeħtieġ li l-miżuri jiġu aġġustati skont il-persuni li għalihom dawn huma intenzjonati.” (oriġinali bil-Portugiż)

Ċittadin 36: “Huma aċċessibbli għaż-żgħażagħ, iżda mhux għall-persuni aktar imdaħħlin fiż-żmien, li huma inqas familjari mat-teknoloġija.” (oriġinali bis-Sloven)

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma japprezzaw l-opportunità li jesprimu lilhom infushom b’mod liberu

Ċittadin 37: “Mistoqsijiet miftuħa huma mod utli kif tista’ tesprimi opinjoni aktar dettaljata.”(oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 38: “Jien ħassejt li l-iskop tal-mistoqsijiet mhux dejjem kien ċar, għaldaqstant, kien estremament importanti li jkun hemm spazju addizzjonali għall-kummenti fejn inkun nista’ nispjega t-tweġiba f’aktar dettall.” (oriġinali bil-Ġermaniż)

Ċittadin 39: “…l-opportunità li nesprimi kummenti b’mod liberu u li nehmeż xi materjal.” (oriġinali biż-Żvediż)

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

Il-perjodu ta’ żmien għall-konsultazzjoni ssodisfa l-istandards rekwiżiti

73

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jiddikjaraw li l-perjodu minimu għal konsultazzjoni pubblika huwa ta’ 12-il ġimgħa u jirrakkomandaw bil-qawwa li dan il-perjodu jiġi estiż jekk jaħbat ma’ perjodi ta’ vaganzi65.

74

Mis-26 konsultazzjoni pubblika fil-kampjun tagħna, 24 irrispettaw il-perjodu minimu rrakkomandat ta’ 12-il ġimgħa għar-risposti. Għat-tmien każijiet fejn il-perjodu tar-risposti kopra (xi wħud) mill-vaganzi tas-sajf, dan il-fattur ma ttiħidx inkunsiderazzjoni. Aħna osservajna li fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf, il-Kummissjoni rċeviet għadd eċċezzjonalment għoli ta’ kontributi, minkejja li l-konsultazzjoni seħħet matul perjodu qasir ħafna (sitt ġimgħat) fis-sajf.

Ir-rispondenti jħossu li huma għandhom biżżejjed żmien biex jipparteċipaw

75

Minn dawk li rrispondew għall-istħarriġ tagħna, 79 % kienu sodisfatti bl-għadd ta’ ġimgħat li fihom il-kwestjonarji kienu aċċessibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Provvediment ta’ informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ konsultazzjoni u l-eżiti

76

Aħna eżaminajna l-aspetti li ġejjin mill-analiżi li l-Kummissjoni wettqet tad-data u l-mod kif hija ppreżentat l-informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ konsultazzjoni tagħha u dwar l-eżiti (il-fażi 3 fl-Istampa 3):

  1. is-sikurezza fil-ġbir u l-ipproċessar tad-data;
  2. l-analiżi xierqa tar-risposti miġbura, b’mod partikolari fejn ir-rati tar-risposti kienu baxxi jew fejn il-kampanji kienu kbar;
  3. l-informazzjoni trasparenti u komprensiva dwar ix-xogħol ta’ konsultazzjoni u dwar l-eżiti.
77

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-analiżi u l-informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni li eżaminajna kienu sodisfaċenti, iżda identifikajna xi oqsma li jistgħu jittejbu f’termini ta’ trasparenza u ta’ obbligu ta’ rendikont.

Dgħufijiet fl-ipproċessar tad-data

Informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data

78

Skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, stqarrija ta’ privatezza għandha tinforma b’mod ċar lir-rispondenti dwar kif id-data tinġabar u tiġi pproċessata66. Fil-prattika, sakemm ġiet introdotta stqarrija ta’ privatezza unika f’Mejju 2018, kellha titħejja stqarrija ta’ privatezza speċifika għal kull konsultazzjoni pubblika li kienet tinvolvi l-ġbir ta’ data personali, u din kellha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-konsultazzjoni għall-inizjattiva.

79

Għal 22 mis-26 konsultazzjoni li eżaminajna, il-paġna web tal-konsultazzjoni kien fiha ċaħda ta’ responsabbiltà b’referenzi għall-paġna tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tad-data u għar-Regolament Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, il-paġni web ma kienx fihom stqarrijiet ta’ privatezza li jinfurmaw lir-rispondenti kif id-data personali tinġabar u tiġi pproċessata, u lanqas ma kienu jiddikjaraw il-perjodu taż-żamma tad-data. Għall-erba’ konsultazzjonijiet li jifdal, ma kien hemm l-ebda stqarrija ta’ privatezza jew ċaħda ta’ responsabbiltà fuq il-paġni web.

Riskji relatati mat-teknoloġija

80

Rigward il-konsultazzjonijiet ibbażati fuq l-internet, il-kontrolli relatati mal-informazzjoni u mat-teknoloġija huma partikolarment importanti, sabiex jiżguraw li l-proċess ikun sikur u li r-risposti riċevuti jkunu validi. Aħna eżaminajna l-kontrolli mwettqa mid-Direttorati Ġenerali sabiex nivvalutaw jekk kinux ittieħdu prekawzjonijiet xierqa biex jiġu mmitigati r-riskji relatati mat-teknoloġija.

81

Il-Kummissjoni pprovditilna informazzjoni fl-għamla ta’ kronogramma li wriet meta l-parteċipanti kienu ppreżentaw il-kontributi tagħhom. F’6 minn dawn l-24 każ, l-għadd ta’ risposti riċevuti matul l-aħħar jiem tal-perjodu ta’ konsultazzjoni kien għoli ħafna, b’ċifri li jvarjaw minn 40 % sa 95 %. Għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf, 1.3 miljun kontribut (40 %) ġew ppreżentati fl-aħħar jum (l-Istampa 8).

Stampa 8

Xi każijiet b’għadd kbir ta’ risposti fl-aħħar minuta

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

82

Fil-fehma tagħna, volum għoli ta’ traffiku jinvolvi livell konsiderevoli ta’ riskju (eż. attakk ċibernetiku kkoordinat). Għalhekk aħna tlabna informazzjoni rigward il-kontrolli li twettqu mill-Kummissjoni dwar il-ġeolokalizzazzjoni tal-indirizzi IP tas-sors, il-kwistjonijiet ta’ bażi marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-server (tagħbija eċċessiva tas-server), l-użu potenzjali ta’ kwalunkwe mezz ta’ aċċess tas-servizzi tal-internet b’mod anonimu (in-netwerk TOR67), il-protezzjoni kontra bots tal-internet (robots fuq l-internet), u kwalunkwe kontroll ieħor biex jiġu vvalidati r-risposti tar-rispondenti.

83

Rigward l-analiżi u t-trattament tad-data, il-Kummissjoni normalment tiddefinixxi d-duplikati bħala aktar minn risposta waħda bl-istess indirizz tal-email. Pereżempju, dan kien il-każ għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf68. Madankollu, parteċipant wieħed jista’ jipparteċipa bosta drabi billi juża indirizzi tal-email differenti. F’dan il-każ, il-kontributi differenti jistgħu jkollhom l-istess indirizz IP tas-sors, li jista’ jkun sinjal ta’ allarm ta’ duplikazzjoni. Fil-fehma tagħna, dawn il-kontributi għandhom jiġu ċċekkjati biex jiġi vvalutat jekk ikunux uniċi jew le u/jew li ma jkunux maħluqa b’mod artifiċjali.

84

Aħna tlabna l-indirizzi IP tas-sors għal konsultazzjoni pubblika waħda. Il-Kummissjoni kkwotat l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data biex ma tagħtix aċċess għal din l-informazzjoni. Minflok, id-DĠ DIGIT ikkonferma li kien hemm ħames indirizzi IP li kienu dduplikati. Għall-konsultazzjonijiet pubbliċi li jifdal, la d-DĠ DIGIT u lanqas id-Direttorati Ġenerali l-oħra ma wettqu kontrolli simili qabel ma ġew ippubblikati r-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi.

85

Il-Kummissjoni ma pprovdietx informazzjoni dwar il-mod kif ġiet ittrattata l-ġeolokalizzazzjoni tal-indirizzi IP tas-sors, jew dwar l-aċċess potenzjalment anonimu permezz tan-netwerk TOR.

86

CAPTCHA huwa programm li jintuża biex jiġi vverifikat li d-data tkun qed tiddaħħal minn bniedem u mhux minn robot. Il-Kummissjoni użat il-CAPTCHA bħala miżura kontra l-bots biex tipproteġi l-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet pubbliċi kontra użu skorrett, billi l-programm jipprevjeni li d-data tiddaħħal awtomatikament. Madankollu, matul il-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf, CAPTCHA kellu jiġi sostitwit minn mekkaniżmu ieħor minħabba tħassib dwar l-użu li Google jagħmel mid-data privata.

Nuqqasijiet fl-analiżi tad-data

Interpretazzjoni tad-data

87

Konsultazzjoni pubblika tista’ tilħaq firxa wiesgħa ta’ rispondenti, li jipprovdu feedback fuq bażi volontarja; prinċipalment huma ċ-ċittadini tal-UE li jkun attivi u interessati li se jikkontribwixxu. Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jagħmluha ċara li d-data miġbura permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi ma tipprovdix fehma rappreżentattiva tal-popolazzjoni tal-UE69. Dan għaliex ir-rispondenti jagħżlu lilhom infushom, li jfisser li r-risposti ma jinsiltux minn kampjun rappreżentattiv70.

88

Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf saret bejn l-4 ta’ Lulju u s-16 ta’ Awwissu 2018, u rċeviet 4.6 miljun risposta mit-28 Stat Membru kollha. Il-Kummissjoni ttrattat dawn ir-riżultati bħala bażi importanti għall-formulazzjoni ta’ proposta leġiżlattiva. Fil-31 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissarju Bulc iddikjarat: “Miljuni ta’ Ewropej semmgħu leħinhom permezz tal-konsultazzjoni pubblika tagħna. Il-messaġġ huwa ċar għall-aħħar: 84 % ta’ dawk li wieġbu jixtiequ li ma tibqax tiddawwar is-siegħa. Aħna issa se naġixxu kif meħtieġ u nħejju proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li mbagħad jiddeċiedu flimkien”71.

89

Fil-fehma tagħna, il-Kummissjoni kien imissha kkuntestwalizzat il-fatt li l-84 % tar-rispondenti għall-konsultazzjoni dwar il-ħin tas-sajf kienu favur li jintemm it-tibdil fil-ħin darbtejn fis-sena. B’kollox ipparteċipaw inqas minn 1 % taċ-ċittadini tal-UE, u - f’termini assoluti - 70 % tar-risposti waslu minn Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni abbozzat il-proposta tagħha li tiġi abolita l-bidla fil-ħin fl-Ewropa mingħajr ma l-ewwel wettqet valutazzjoni xierqa tal-aspetti pożittivi u negattivi tad-diversi possibbiltajiet.

Risposti tal-“kampanja”

90

F’każijiet fejn bosta rispondenti jagħtu l-istess risposta għal konsultazzjoni pubblika, din jew tkun kumbinazzjoni jew inkella parti minn kampanja kkoordinata. Il-kampanji jistgħu jkunu effettivi ħafna biex jiġġeneraw interess fost iċ-ċittadini u biex jiġu enfasizzati messaġġi ewlenin għal dawk li jfasslu l-politika. Madankollu, huma jippreżentaw ukoll sfida għal dawk li janalizzaw ir-risposti. Skont il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, huwa għalhekk essenzjali li l-kampanji jiġu identifikati b’mod korrett, jiġu analizzati separatament u li r-riżultati jiġu ppreżentati kif xieraq. Jekk jiġu identifikati kampanji, ir-rapport fil-qosor għandu jirreferi għalihom b’mod espliċitu72.

91

Mis-26 każ li eżaminajna, 5 rrappurtaw dwar kampanji speċifiċi. Madankollu, aħna sibna li waħda mill-kampanji ma kinitx spjegata b’mod adegwat fir-rapport fil-qosor. Barra minn hekk, aħna identifikajna 2 każijiet addizzjonali fejn il-kampanji ma ġewx irrappurtati.

Organizzazzjonijiet irreġistrati fir-Reġistru ta’ Trasparenza

92

L-organizzazzjonijiet u n-negozji li jixtiequ jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni jridu jipprovdu informazzjoni, dwar l-interessi li jirrappreżentaw u l-livell ta’ inklużività tar-rappreżentanza tagħhom, billi jabbonaw mar-Reġistru ta’ Trasparenza. Il-kontributi minn organizzazzjonijiet u negozji rreġistrati għandhom jiġu pproċessati f’kategorija ta’ partijiet ikkonċernati differenti minn dawk mhux irreġistrati: dawk li ma jirreġistrawx jiġu pproċessati bħala kategorija separata ta’ “organizzazzjonijiet/negozji mhux irreġistrati”73.

93

Meta jiġu analizzati u ppreżentati r-riżultati tal-konsultazzjonijiet, ikun tajjeb li ssir distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ partijiet ikkonċernati li jkunu kkontribwew għall-konsultazzjoni74. Mis-26 każ li eżaminajna, 8 biss kien fihom informazzjoni dwar organizzazzjonijiet/negozji rreġistrati u mhux irreġistrati.

Ir-rispondenti jqajmu tħassib dwar l-użu li jsir mill-kontributi tagħhom

94

Ir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna kienu mħassba dwar jekk u kif il-Kummissjoni tiħux inkunsiderazzjoni r-risposti tagħhom. (Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma mħassba dwar kif il-Kummissjoni tanalizza l-kontributi

Ċittadin 40: “Ovvjament waħda mill-problemi l-kbar għall-Kummissjoni hija li taċċetta fehmiet differenti espressi f’mistoqsijiet miftuħa - dawn ma jitqisux f’diskussjonijiet ulterjuri u fl-abbozzar - sempliċiment jiġu injorati.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 41: “Għal konsultazzjoni waħda partikolari b’rata ta’ parteċipazzjoni għolja (living land u sindakati agrikoli), il-Kummissjoni Ewropea ftit li xejn tat informazzjoni dwar il-metodi użati biex din id-data tiġi pproċessata separatament.” (oriġinali bil-Franċiż)

Ċittadin 42: “Ma hemmx biżżejjed spazju biex in-nies iqajmu dubju dwar il-validità ta’ intervent mill-Kummissjoni; il-kaxxi tat-test huma utli iżda ta’ spiss ma jittiħdux inkunsiderazzjoni meta l-Kummissjoni tagħmel sommarju tal-feedback.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 43: “Aħna ma nafux kif ir-riżultati se jintużaw: ir-risposti kif jiġu analizzati u ponderati? Ir-riżultati kif jintużaw imbagħad għat-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi (jekk dan huwa realment l-iskop li jservu)?” (oriġinali bil-Franċiż)

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

95

Għar-rispondenti kollha fl-istħarriġ tagħna, aħna inkludejna sensiela ta’ dikjarazzjonijiet li huma inklużi fil-komunikazzjonijiet uffiċjali maħruġa mill-Kummissjoni. Ir-rispondenti tagħna esprimew livelli baxxi ta’ qbil mad-dikjarazzjonijiet li, “Il-Kummissjoni Ewropea tieħu kont tal-opinjoni taċ-ċittadini” u li “Il-politiki u l-liġijiet tal-UE jitħejjew abbażi ta’ evidenza u huma appoġġati mill-fehmiet taċ-ċittadini” (it-tnejn li huma 33 %). Id-dikjarazzjonijiet “Il-politiki u l-liġijiet tal-UE jitfasslu b’mod trasparenti” (37 %) u “iċ-ċittadini jistgħu jikkontribwixxu matul il-proċess tat-tfassil tal-politiki u tal-liġijiet” (40 %) ġew ikklassifikati aħjar, iżda l-livell ta’ qbil kien baxx ukoll.

Feedback insuffiċjenti għar-rispondenti u pubbliċità limitata għar-riżultati

96

Il-Kummissjoni tirrapporta r-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi f’rapporti ta’ sinteżi fattwali u f’rapporti fil-qosor. Għall-proposti leġiżlattivi, il-memorandum ta’ spjegazzjoni għandu jispjega kif il-kontributi ttieħdu inkunsiderazzjoni jew jispjega r-raġunijiet għalfejn ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Rapporti ta’ sinteżi fattwali

97

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jirrakkomandaw li r-rapporti ta’ sinteżi fattwali dwar il-kontribut riċevut miċ-ċittadini għandhom jiġu ppubblikati, bħala prassi tajba biex tiġi żgurata t-trasparenza. Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati ftit wara li tingħalaq il-konsultazzjoni pubblika, u huwa mistenni li jipprovdu informazzjoni statistika bażika lill-pubbliku (eż. it-tipi ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, l-għadd ta’ parteċipanti, id-distribuzzjoni ġeografika, u ċifri bażiċi rilevanti oħra)75.

98

F’konformità ma’ din ir-rakkomandazzjoni fil-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni ppubblikat rapporti ta’ sinteżi fattwali għal 20 mis-26 konsultazzjoni li eżaminajna. Xi wħud minn dawn ir-rapporti waslu biss ħafna wara li kienet ingħalqet il-konsultazzjoni. L-20 każ ġew ippubblikati f’medja ta’ sitt xhur wara li l-konsultazzjonijiet pubbliċi kienu ntemmu (l-Istampa 9).

99

Mill-20 rapport ta’ sinteżi fattwali li ġew ippubblikati, 2 kienu ġew tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. It-18-il rapport li jifdal kienu disponibbli bl-Ingliż biss.

100

L-20 rapport li ġew ippubblikati adottaw approċċ mingħajr preġudizzju u newtrali, u pprovdew informazzjoni fattwali, kif meħtieġ fil-linji gwida tal-Kummissjoni. Madankollu, aħna nemmnu li kien hemm lok għal titjib fuq l-elementi viżwali (eż. ċarts, ċifri u graffs). Mill-20 rapport, 5 ma użaw assolutament l-ebda element viżwali u, jekk dawn kienu inklużi, ta’ spiss ma setgħux jinqraw faċilment.

Rapporti fil-qosor

101

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jirrikjedu li r-rapport fil-qosor - kemm jekk ikun awtonomu kif ukoll jekk ikun mehmuż mal-valutazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-impatt - jipprovdi stampa ġenerali aktar dettaljata tal-feedback u tal-kontributi kollha riċevuti. Huwa għandu jinforma liċ-ċittadini dwar kif il-kontributi tagħhom ikunu ttieħdu inkunsiderazzjoni u jispjega għalfejn ċerti suġġerimenti ma setgħux jingħataw segwitu76. Barra minn hekk, il-linji gwida tal-Kummissjoni tal-2015 iddikjaraw li r-rapport fil-qosor ma għandux ikun aktar minn 10 paġni u għandu jkun disponibbli fil-lingwi kollha li fih tkun ġiet ippubblikata l-konsultazzjoni fuq is-sit web tal-konsultazzjoni77. Ir-regoli riveduti ta’ Lulju 2017 ma jirrikjedux it-traduzzjoni tar-rapport fil-qosor. Madankollu, din hija l-aħjar prattika għall-inizjattivi l-kbar li jinsabu fl-Anness I tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jew għal dawk li jippreżentaw interess pubbliku ġenerali.

102

Il-Kummissjoni pproduċiet rapport fil-qosor għal 25 mis-26 konsultazzjoni pubblika li eżaminajna. Dawn ir-rapporti ġew ippubblikati f’medja ta’ disa’ xhur wara li kien intemm il-perjodu ta’ konsultazzjoni (l-Istampa 9).

Stampa 9

Għadd ta’ jiem meħtieġa biex il-konsultazzjonijiet pubbliċi jirrappurtaw ir-riżultati tagħhom f’rapport fil-qosor

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

103

Mit-23 rapport fil-qosor li ġew ippubblikati, 19 kienu disponibbli biss bl-Ingliż, minkejja li f’5 minn dawn id-19-il każ, il-konsultazzjonijiet pubbliċi relatati kienu ġew ippubblikati fil-lingwi kollha tal-UE fuq is-sit web tal-konsultazzjoni, u f’każ wieħed f’6 lingwi tal-UE. F’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni tal-2015, dawn is-6 rapporti fil-qosor kellhom jiġu tradotti fil-lingwi tal-UE li fihom il-konsultazzjoni ġiet ippubblikata fuq is-sit web relatat magħha.

104

Rigward il-kontenut tat-23 rapport fil-qosor, kienu biss 7 li pprovdew dettalji dwar il-metodoloġija u l-għodod użati għall-ipproċessar tad-data. Kollha kemm huma pprovdew informazzjoni dwar id-distribuzzjoni tar-rispondenti skont il-pajjiż ta’ residenza jew ta’ oriġini.

105

Għalkemm ir-rapporti fil-qosor mhumiex meħtieġa li jikkjarifikaw il-kwistjoni tar-rappreżentattività tar-riżultati, 9 mit-23 rapport fil-qosor kien fihom informazzjoni dwar il-fatt li l-konsultazzjonijiet pubbliċi mhumiex statistikament rappreżentattivi. Wieħed minn dawn id-disa’ każijiet kien il-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf, fejn ir-rapport tal-Kummissjoni ddikjara li l-konsultazzjonijiet pubbliċi ma kinux rappreżentattivi78. Fil-fehma tagħna, informazzjoni bħal din tista’ timmaniġġja l-aspettattivi tal-parteċipanti.

Memorandum ta’ spjegazzjoni

106

Il-proposti u l-atti delegati kollha tal-Kummissjoni għandhom jinkludu memorandum ta’ spjegazzjoni, bl-għan li jispjega r-raġunijiet għal - u l-kuntest - tal-proposta tal-Kummissjoni abbażi tal-istadji differenti tal-proċess ta’ tħejjija. Il-memorandum iservi wkoll bħala bażi biex il-Parlamenti nazzjonali jeżaminaw il-proposta taħt il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà (il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati).

107

Għall-inizjattivi li jirriżultaw fi proposti leġiżlattivi, memorandum ta’ spjegazzjoni għandu jispjega sa liema punt il-kontributi prinċipali minn konsultazzjoni pubblika jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-abbozz ta’ inizjattiva ta’ politika, jew għalfejn ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (kollha)79.

108

Is-17-il każ kollha fil-kampjun tagħna li kienu jinvolvu proposti leġiżlattivi pproduċew memorandum ta’ spjegazzjoni. Aħna osservajna nuqqasijiet fi 3 mis-17-il każ: huma kien fihom biss ftit paragrafi ta’ deskrizzjoni u ma kinux jispjegaw ir-rabta bejn il-kontributi tar-rispondenti u l-alternattivi proposti. B’kuntrast ma’ dan, sibna 4 każijiet li elenkaw it-tipi kollha ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni mwettqa, inkluża rabta ċara bejn il-kontributi tar-rispondenti u l-proposta leġiżlattiva, spjegazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati differenti għal kull għażla, kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn ċerti għażliet ma ġewx ikkunsidrati.

Ir-rispondenti jħossu li huma għandhom jiġu infurmati aħjar dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet pubbliċi

109

Ir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna ma kinux sodisfatti jew pjuttost ma kinux sodisfatti bir-rapport ta’ sinteżi fattwali (livell ta’ sodisfazzjon ta’ 41 %) u bir-rapport fil-qosor (livell ta’ sodisfazzjon ta’ 38 %). Fil-kummenti tagħhom, huma ta’ spiss iddikjaraw li ma kinux irċevew feedback dwar l-istħarriġ, ma kinux jafu fejn ifittxu r-riżultati, jew ma setgħux jaqraw ir-rapport minħabba li kien ġie ppubblikat f’lingwa waħda biss jew fi ftit oħrajn biss. Ir-rispondenti indikaw li kieku kienu japprezzaw kieku rċevew email mill-Kummissjoni li tipprovdi link għar-riżultati tal-istudju jew aktar informazzjoni dwarhom (il-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

Eżempji ta’ risposti li ngħataw miċ-ċittadini: Huma ma għandhomx idea ta’ dak li jiġri wara li jkunu pparteċipaw

Ċittadin 44: “Ma rċevejtx informazzjoni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika”. (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 45: “L-UE hija influwenzata minn lobbies korporattivi. L-għan tagħha mhuwiex il-benesseri tal-persuni ordinarji.” (oriġinali bl-Ispanjol)

Ċittadin 46: “Il-mod kif l-UE qed topera attwalment assolutament mhuwiex demokratiku u l-gruppi ta’ lobbjar jidhru li għandhom setgħa akbar mill-poplu, u din is-sitwazzjoni hija negattiva għal kulħadd. Il-Kummissjoni li ma ġietx eletta tieħu d-deċiżjonijiet kollha, u wieħed jistaqsi lilu nnifsu x’inhuma jagħmlu l-uffiċjali eletti, minbarra li qed jiswewlna ħafna flus. Il-politika soċjali hija l-akbar telliefa, billi l-UE qiegħda hemm biss biex isservi l-interessi tal-korporazzjonijiet u tal-banek il-kbar għad-detriment tal-poplu.” (oriġinali bit-Taljan)

Ċittadin 47: “Jien ma nafx x’inhu r-riżultat, ma nafx xejn dwaru.” (oriġinali bil-Pollakk)

Ċittadin 48: “Jien ma nirċevix sommarju tal-opinjonijiet. Ma nafx x’inhu l-eżitu tal-konsultazzjoni.” (oriġinali bl-Ungeriż)

Ċittadin 49: “Jien kont qed nistenna li nirċievi aġġornament bl-email, biex inkun nista’ nsegwi l-messaġġi u r-riżultati.” (oriġinali bil-Ġermaniż)

Ċittadin 50: “Email li tindika li r-riżultati ġew ipproċessati u li jistgħu jiġu aċċessati tista’ tgħin biex ir-rispondenti jħossu li r-riċerkaturi apprezzaw tassew il-kontributi li rċevew.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 51: “…In-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ segwitu wara l-parteċipazzjoni fl-istħarriġ: ma kienx hemm gruppi pubbliċi biex jiddiskutu r-rilevanza tal-ideat u l-proposti tagħna jew biex jippreżentaw u jispjegaw l-ideat u l-proposti tagħna.” (oriġinali bil-Franċiż)

Ċittadin 52: “Ma kienx hemm segwitu dirett. Wieħed għandu bżonn ħafna ħin biex ifittex l-aħbarijiet li jinteressawh. Ikun tajjeb li wieħed jinżamm infurmat permezz ta’ email wara li jkun ipparteċipa, u li jkollu l-possibbiltà li jagħżel li ma jibqax jirċievi din l-informazzjoni.” (oriġinali bit-Taljan)

Ċittadin 53: “Jien ma rċevejt l-ebda feedback dwar il-proċedura tal-istħarriġ.” (oriġinali biċ-Ċek)

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

Ir-rispondenti jħossu li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu ta’ rendikont u mhijiex qrib iċ-ċittadini

110

Ir-rispondenti jaħsbu li l-Kummissjoni għandu jkollha aktar obbligu ta’ rendikont, u li dan jista’ jinkiseb permezz ta’ komunikazzjoni aħjar, aktar trasparenza u aktar pubbliċità dwar is-suġġetti li jaffettwaw liċ-ċittadini tal-UE (il-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

Eżempji ta’ risposti taċ-ċittadini: Huma jridu li l-Kummissjoni jkollha obbligu ta’ rendikont u li tkun eqreb iċ-ċittadini

Ċittadin 54: “Impronti leġiżlattivi li jagħmlu kontroreferenza għad-data tar-Reġistru ta’ Trasparenza u l-aġendi pubbliċi tal-Kummissjoni, permezz ta’ mmappjar viżwalment effettiv u ċar tal-influwenzi u tal-pożizzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, b’rapporti ta’ obbligu ta’ rendikont li jispjegaw ir-raġuni fundamentali wara d-deċiżjonijiet finali.” (oriġinal bl-Ingliż)

Ċittadin 55: “Billi jiżdied l-għadd ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi sabiex tonqos id-distanza bejn l-‘esperti’ ta’ Brussell u ċ-ċittadini komuni, kif ukoll billi r-riżultati jiġu rrappurtati b’mod sempliċi u mingħajr distorsjoni. F’dan ir-rigward, li kieku x-xjenzjati u universitajiet jingħataw permess jużaw settijiet ta’ data tal-konsultazzjonijiet pubbliċi kieku jtejjeb ħafna l-affidabbiltà u t-trasparenza ta’ din l-għodda demokratika. Inkella, in-nies se jkomplu ma jafdawx il-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-użu li l-Kummissjoni tagħmel mir-riżultati finali.” (oriġinal bl-Ingliż)

Ċittadin 56: “Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tkun ibbilanċjata meta tindirizza l-kwistjonijiet, filwaqt li tipprova tikseb mingħand iċ-ċittadini mhux biss rispons pożittiv u ottimistiku għall-mistoqsijiet tagħha, iżda anki preokkupazzjonijiet u kritika.” (oriġinali bir-Rumen)

Ċittadin 57: “Jien naħseb li l-UE għandha tkun aktar viżibbli fit-toroq tal-bliet u tal-bliet żgħar biex issaqsi l-opinjonijiet taċ-ċittadini u biex tagħtihom opportunità jipparteċipaw fit-tfassil tal-Unjoni. Mingħajr dan, ma hemmx mod reali kif jiġu involuti dawk li mhumiex neċessarjament interessati fil-konsultazzjonijiet. Il-benefiċċju ta’ dan ikun li aħna nkunu nistgħu niġġieldu l-Ewroxettiċiżmu direttament, li issa huwa promoss minn diversi midja nazzjonali (jiġifieri l-Polonja/l-Ungerija) li għandhom aċċess aħjar għaċ-ċittadini mill-UE, li jfisser li l-influwenza tagħhom hija wkoll ħafna akbar.” (oriġinali bl-Ingliż)

Ċittadin 58: “Stediniet għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet għandhom jintbagħtu bl-email direttament lil assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi, u l-kampanji tal-midja għandhom jitniedu fl-istess ħin. Sfortunatament, billi attwalment l-UE hija perċepita bħala li qed titbiegħed dejjem aktar minn qatt qabel miċ-ċittadini Taljani, l-immaġni tagħha u dik tal-istituzzjonijiet tagħha jeħtieġ li jiġu rivitalizzati.” (oriġinali bit-Taljan)

Ċittadin 59: “Li wieħed ikun jaf dak li l-Kummissjoni qed twettaq, liema ftehimiet qed tadotta u kif dawn jaffettwaw liċ-ċittadini eċċ., hija kwistjoni ewlenija li għall-maġġoranza tal-persuni għadha ’l bogħod.” (oriġinali bl-Ispanjol)

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

111

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-qafas tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi huwa ta’ standard għoli, u r-rispondenti għall-istħarriġ tagħna ġeneralment kienu sodisfatti bil-proċess ta’ konsultazzjoni. Madankollu, aħna identifikajna xi oqsma fejn il-qafas tal-Kummissjoni seta’ jittejjeb f’termini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi. Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar ma jipprevedux indikaturi speċifiċi u valutazzjoni sistematika ta’ jekk il-konsultazzjonijiet pubbliċi jkunux laħqu l-objettivi kollha tagħhom (ara l-paragrafi 24-32).

Rakkomandazzjoni 1 – Il-qafas tal-Kummissjoni

Għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar billi:

  • tiddefinixxi indikaturi speċifiċi li jridu jiġu mmonitorjati u rrappurtati għal konsultazzjonijiet pubbliċi individwali u fil-livell tal-Kummissjoni; u
  • tivvaluta sistematika jekk il-konsultazzjonijiet pubbliċi humiex qed jilħqu l-objettivi kollha tagħhom.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2020.

112

B’mod ġenerali, aħna sibna li t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni li eżaminajna kienu sodisfaċenti, iżda identifikajna xi oqsma fejn jista’ jsir titjib sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod faċli u effettiv (il-paragrafi 33-34).

113

Għall-konsultazzjonijiet pubbliċi li eżaminajna, il-Kummissjoni mhux dejjem ipprovdiet informazzjoni minn qabel biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jħejju l-parteċipazzjoni tagħhom. F’xi każijiet, il-Kummissjoni ma ħejjietx strateġiji ta’ konsultazzjoni jew ma ppubblikathomx fuq il-paġni web tal-konsultazzjonijiet pubbliċi. Meta tħejjew, l-istrateġiji ta’ konsultazzjoni stabbilew objettivi ġenerali biss u ma spjegawx kif il-konsultazzjoni pubblika kienet se tikkomplementa attivitajiet ta’ konsultazzjoni oħra. Xi wħud mill-istrateġiji ta’ konsultazzjoni ma identifikawx il-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti jew li kienu potenzjalment interessati li jipparteċipaw, u ma ddikjarawx l-arranġamenti lingwistiċi li kienu ppjanati (il-paragrafi 35-50).

Rakkomandazzjoni 2 – Strateġija ta’ konsultazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb l-objettiv tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE bl-aħjar livell possibbli ta’ sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji u tippubblika strateġiji ta’ konsultazzjoni li jispjegaw:

  • liema mill-attivitajiet ta’ konsultazzjoni (eż. konsultazzjoni pubblika, konsultazzjonijiet ma’ sħab soċjali, esperti, lobbisti, stħarriġ tal-Ewrobarometru, gruppi fokus, kampjuni ta’ ċittadini magħżula b’mod aleatorju, seduti pubbliċi, “djalogi maċ-ċittadini” jew oħrajn) se jintużaw u kif l-attivitajiet magħżula se jikkomplementaw lil xulxin; u
  • l-għan speċifiku tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, l-użu intenzjonat tagħhom u l-lingwi uffiċjali tal-UE li fihom ikunu se jiġu tradotti l-kwestjonarji u d-dokumenti ta’ konsultazzjoni l-oħra (eż. informazzjoni ġenerali, pjan direzzjonali, rapporti bir-riżultati, eċċ.).

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2020.

114

B’mod ġenerali, l-għażla u l-firxa tal-metodi u l-mezzi ta’ komunikazzjoni użati (inkluża l-midja soċjali) varjaw b’mod konsiderevoli fost id-Direttorati Ġenerali u l-konsultazzjonijiet pubbliċi. Il-każijiet bl-għadd l-aktar baxx ta’ risposti ma użawx mezzi ta’ komunikazzjoni differenti. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li xi partijiet ikkonċernati għadhom ma jridux jew ma jistgħux jiġu involuti, u li l-livell baxx ta’ parteċipazzjoni huwa problema. L-approċċ tal-Kummissjoni għall-ilħuq taċ-ċittadini huwa ewlieni għall-involviment taċ-ċittadini, u biex tiżdied il-parteċipazzjoni (il-paragrafi 51-60).

Rakkomandazzjoni 3 – Attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni

Biex ittejjeb is-sensibilizzazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • iżżid l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tagħha u tadatta l-miżuri ta’ komunikazzjoni tagħha biex tippromwovi aktar parteċipazzjoni, b’mod partikolari l-firxa ta’ parteċipanti potenzjali; u
  • tinvolvi aktar lir-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, ma’ organizzazzjonijiet bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jew il-Kumitat tar-Reġjuni, u ma’ awtoritajiet nazzjonali bil-ħsieb li xxerred aktar informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2020.

115

Aħna ma sibna l-ebda kriterju ċar għall-klassifikazzjoni tal-inizjattivi taħt il-kategoriji ta’ “interess pubbliku ġenerali” jew “oħrajn”, li għandhom iservu bħala bażi biex jiġu stabbiliti l-lingwi li fihom il-Kummissjoni għandha tittraduċi l-kwestjonarji u dokumenti ta’ konsultazzjoni ewlenin oħra. Meta l-kwestjonarji għall-konsultazzjonijiet pubbliċi li eżaminajna kienu ġew tradotti fil-lingwi kollha tal-UE, l-għadd medju ta’ kontributi riċevuti kien ogħla milli fil-każijiet fejn il-kwestjonarji kienu disponibbli bl-Ingliż biss. Aħna sibna li l-kwestjonarji għall-konsultazzjonijiet pubbliċi li eżaminajna mhux dejjem kienu mmirati lejn il-pubbliku, iżda kienu indirizzati aktar lejn speċjalisti, u li xi kwestjonarji kienu twal wisq jew kumplessi żżejjed (il-paragrafi 61-72).

Rakkomandazzjoni 4 – Arranġamenti lingwistiċi u kwestjonarji

Sabiex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod faċli u effettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tikkjarifika l-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-inizjattivi taħt il-kategoriji ta’ “interess pubbliku ġenerali” jew “oħrajn”;
  • tiżgura li l-kwestjonarji u d-dokumenti ewlenin ta’ konsultazzjoni l-oħra (bħal pjanijiet direzzjonali, strateġiji ta’ konsultazzjoni, rapporti ta’ sinteżi fattwali u rapporti fil-qosor) jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha għall-inizjattivi ta’ prijorità u għall-inizjattivi li jkunu ta’ interess pubbliku ġenerali; u
  • tiżgura li kull konsultazzjoni pubblika tkun ibbażata fuq kwestjonarju ġenerali għall-pubbliku, f’konformità mal-istandards stabbiliti fil-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar (rilevanti, qasir, sempliċi, eċċ.), b’sett addizzjonali ta’ mistoqsijiet għall-ispeċjalisti fejn ikun meħtieġ.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2020.

116

B’mod ġenerali, sibna li l-analiżi u l-informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni li rrieżaminajna kienu sodisfaċenti, iżda identifikajna xi oqsma fejn hemm lok għal titjib bil-ħsieb li jiġu żgurati t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont (il-paragrafi 76-77).

117

Il-Kummissjoni wettqet kontrolli limitati fuq il-validità tar-risposti, u mhux dejjem inkludiet stqarrijiet ta’ privatezza dwar kif id-data kienet se tinġabar u tiġi pproċessata. Aħna sibna wkoll li l-analiżi u l-interpretazzjoni tad-data mill-Kummissjoni ma kinux dejjem ċari, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura mhux rappreżentattiva tar-risposti, l-informazzjoni dwar ir-rispondenti skont il-kategorija ta’ partijiet ikkonċernati, u r-risposti tal-“kampanja” (il-paragrafi 78-95).

Rakkomandazzjoni 5 – Ipproċessar u sigurtà tad-data

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproteġi l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika standards għoljin ta’ pproċessar u ta’ sigurtà tad-data. B’mod partikolari, għall-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tivverifika sistematikament jekk il-kontributi ppreżentati humiex uniċi u li ma jkunux maħluqa b’mod artifiċjali u tirrapporta dawn il-kontrolli (eż. fir-rapport fil-qosor); u
  • tiżgura trattament konsistenti tar-risposti tal-konsultazzjonijiet pubbliċi (eż. informazzjoni dwar kategoriji ta’ parteċipanti u deskrizzjonijiet ta’ kampanji).

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2020.

118

Aħna sibna li għall-konsultazzjonijiet pubbliċi li eżaminajna, il-Kummissjoni mhux dejjem ħejjiet ir-rapporti meħtieġa li jinkludu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet, jew inkella ppubblikathom ħafna wara li kienu ntemmu l-konsultazzjonijiet. Bħala medja, ir-rapport ta’ sinteżi fattwali tal-konsultazzjonijiet pubbliċi dam sitt xhur biex jiġi ppubblikat, u r-rapport fil-qosor bir-riżultati tal-attivitajiet ta’ konsulenza kollha u bl-ispjegazzjoni ta’ kif il-kontributi tar-rispondenti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni kien dam disa’ xhur (il-paragrafi 96-110).

Rakkomandazzjoni 6 – Feedback għar-rispondenti

Sabiex tiżgura li l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jkun trasparenti kemm jista’ jkun, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi feedback f’waqtu lill-parteċipanti dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Lulju 2020.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Lazaros S. Lazarou, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Lulju 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Annessi

Anness I — Il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni li eżaminajna

Nru Titolu Sena Tip ta’ konsultazzjoni pubblika Proposta leġiżlattiva
KP-1 SG Proposta għal Reġistru ta’ Trasparenza obbligatorju 2016 Rieżami/reviżjoni ta’ Ftehim Interistituzzjonali -
Kp-2 SG Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej 2017 Rieżami/reviżjoni ta’ inizjattiva Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-3 AGRI Modernizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-politika agrikola komuni 2017 Inizjattiva ġdida Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-4 AGRI Inizjattiva biex tittejjeb il-katina tal-provvista tal-ikel 2017 Inizjattiva ġdida Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-5 EAC Evalwazzjoni tal-Kooperazzjoni fil-politika taż-żgħażagħ fl-UE 2016 Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu -
KP-6 EAC Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2017 Inizjattiva ġdida Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-7 EAC Rieżami tar-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2017 Rieżami/reviżjoni ta’ inizjattiva Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
KP-8 EAC Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Erasmus+ 2017 Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu -
KP-9 EAC Rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-valuri kondiviżi permezz ta’ tagħlim formali u mhux formali 2017 Inizjattiva ġdida Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
KP-10 HOME Trattament tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali: il-leġiżlazzjoni tal-UE hija xierqa għall-iskop tagħha? 2016 Refit -
KP-11 HOME Evalwazzjoni tal-2016 tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drogi 2016 Evalwazzjoni -
KP-12 HOME Azzjonijiet tal-Fond Ewropew għar-Rifuġjati għall-2011-2013 2016 Evalwazzjoni -
KP-13 HOME Prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-Kriminalità (ISEC) 2007-2013 2016 Evalwazzjoni -
KP-14 HOME Il-ġlieda kontra l-frodi u l-kontrafazzjoni rigward mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti 2017 Inizjattiva ġdida Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-15 HOME Migrazzjoni legali ta’ ċittadini terzi 2017 Refit -
KP-16 HOME Interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għall-fruntieri u s-sigurtà 2017 Inizjattiva ġdida Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-17 MOVE Rieżami tad-Direttiva 1999/62/KE (“Eurovignette”) kif emendata, dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti toroq 2016 Rieżami/reviżjoni ta’ inizjattiva + Evalwazzjoni Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL
KP-18 MOVE Rieżami tad-Direttiva 2004/52/KE u tad-Deċiżjoni 2009/750/EC dwar is-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku 2016 Evalwazzjoni Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL u Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni
KP-19 MOVE Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet (2000/59/KE) 2016 Rieżami/reviżjoni ta’ inizjattiva Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-20 MOVE Evalwazzjoni tar-Regolament 392/2009 dwar ir-Responsabbiltà ta’ Trasportaturi ta’ Passiġġieri bil-Baħar fil-Każ ta’ Aċċidenti 2016 Evalwazzjoni -
KP-21 MOVE Rieżami tad-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq 2016 Rieżami/reviżjoni ta’ inizjattiva Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-22 MOVE Tisħiħ tal-leġiżlazzjoni soċjali tat-trasport bit-triq 2016 Rieżami/reviżjoni ta’ inizjattiva u Evalwazzjoni Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-23 MOVE Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2016 Evalwazzjoni -
KP-24 MOVE Rieżami tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa 2016 Rieżami/reviżjoni ta’ inizjattiva Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
KP-25 MOVE Ir-Regolament tal-UE dwar il-Lista tas-Sikurezza tal-Ajru (“Lista Sewda tal-Linji tal-Ajru”) 2017 Evalwazzjoni -
KP-26 MOVE Arranġamenti tal-ħin tas-sajf 2018 Rieżami/reviżjoni ta’ inizjattiva Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Sors: Il-QEA bbażata fuq data tal-Kummissjoni.

Anness II — Grupp ta’ esperti

Isem Titolu Organizzazzjoni
Christiane Arndt-Bascle Kap tal-Programm fid-Direttorat għall-Governanza Pubblika L-OECD
Galina Biedenbach Professur Assoċjat fl-Amministrazzjoni tan-Negozju L-Iskola tan-Negozju, l-Ekonomija u l-Istatistika fl-Università ta’ Umeå
Luis Bouza Assistent Professur tax-Xjenza Politika u Professur Mistieden tal-Kulleġġ tal-Ewropa u ta’ Paris 1 Panthéon-Sorbonne L-Università Awtonoma ta’ Madrid
Emanuela Bozzini Lettur fid-Dipartiment tas-Soċjoloġija u r-Riċerka Soċjali L-Università ta’ Trento
Yves Dejaeghere Professur Mistieden u Koordinatur tal-Organizzazzjoni G1000 L-Università ta’ Antwerp
Raphaël Kies Riċerkatur Assoċjat fix-Xjenza Politika L-Università tal-Lussemburgu
Elisa Lironi Maniġer Superjuri ta’ European Democracy Servizz ta’ Azzjoni taċ-Ċittadini Ewropej (ECAS)
Beatriz Pérez de las Heras Professur tad-Dritt tal-Unjoni Ewropea. Katedra Jean Monnet dwar l-Integrazzjoni Ewropea L-Iskola tal-Liġi, l-Università ta’ Deusto
Anna Renkamp Maniġer Superjuri tal-Proġetti. Il-Programm Future of Democracy Bertelsmann Stiftung

Sors: Il-QEA.

Anness III — Stħarriġ dwar il-perċezzjoni

Approċċ

Mis-26 konsultazzjoni pubblika fil-kampjun tagħna, aħna stħarriġna 16 007 ċittadini u partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fi 15 minnhom, u rċevejna 2 224 risposta. Il-11-il konsultazzjoni pubblika li kien jifdal fil-kampjun tagħna ma ġewx inklużi fl-istħarriġ tagħna għal raġunijiet operazzjonali u/jew prattiċi, eż. stqarrijiet ta’ privatezza b’perjodu ta’ żamma qasir ta’ sena biss għad-data personali, nuqqas ta’ emails validi biex jiġu kkuntattjati l-parteċipanti, u restrizzjonijiet relatati maż-żmien.

Għall-15-il konsultazzjoni pubblika inklużi fl-istħarriġ tagħna, aħna stedinna biss dawk il-parteċipanti li kienu qablu li isimhom u l-kontributi tagħhom jiġu żvelati fuq il-paġna web tal-Kummissjoni. Aħna ħejjejna l-istħarriġ u l-kontenut tiegħu (inkluż il-kwestjonarju), iżda l-ipproċessar tekniku seħħ fil-Kummissjoni minħabba li hija ma bagħtitilna l-ebda data personali, filwaqt li kkwotat l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

Mill-15-il konsultazzjoni pubblika li ġew inklużi f’dan l-istħarriġ, 4 kienu twettqu fl-2017 u 11 kienu twettqu fl-2016. F’każijiet fejn ir-rispondenti ddikjaraw li ma jiftakrux li pparteċipaw fl-ebda waħda mill-15-il konsultazzjoni pubblika elenkati, filwaqt li xorta waħda għamlu suġġerimenti għal titjib, dawn ma ntalbux jikklassifikaw il-livell ta’ sodisfazzjon tagħhom. Mill-2 224 rispondent, 809 (36 %) iddikjaraw, “Le, ma niftakarx li pparteċipajt fl-ebda waħda minn dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi [elenkati]”. Għalhekk, il-livell globali ta’ sodisfazzjon ġie kkalkulat abbażi ta’ 1 415-il kontribut.

It-tim tal-awditjar analizza r-riżultati differenti, li mhumiex statistikament rappreżentattivi, billi ħa inkunsiderazzjoni l-għadd ta’ rispondenti għall-istħarriġ, xi diskrepanzi possibbli bejn il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-2016 u tal-2017, u xi differenzi possibbli fil-perċezzjoni bejn konsultazzjonijiet pubbliċi b’ħafna parteċipanti u konsultazzjonijiet pubbliċi bi ftit parteċipanti biss. Fil-każijiet kollha, il-livell ta’ sodisfazzjon huwa simili (minn 64.8 % sa 69.4 %).

Riżultati tal-istħarriġ dwar il-perċezzjoni tal-parteċipanti fil-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni Ewropea

Tħejjija tal-konsultazzjoni pubblika: Sodisfazzjon
Il-lingwa użata matul il-proċess ta’ konsultazzjoni 82 %
L-informazzjoni disponibbli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan tal-konsultazzjoni pubblika 75 %
Id-dokumenti ta’ sfond, links u dokumenti ta’ referenza oħra li kienu disponibbli 60 %
Parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni pubblika: Sodisfazzjon
Id-durata tal-konsultazzjoni pubblika (l-għadd ta’ ġimgħat li fihom il-kwestjonarju kien aċċessibbli fis-sit web tal-Kummissjoni Ewropea għar-risposti) 79 %
It-tul tal-kwestjonarju tal-konsultazzjoni pubblika 80 %
Iċ-ċarezza u s-sempliċità tal-mistoqsijiet tal-konsultazzjoni pubblika 69 %
L-għadd ta’ mistoqsijiet miftuħa b’kaxxi ta’ test liberu biex tesprimi l-fehmiet tiegħek u biex tipprovdi kummenti dettaljati 76 %
Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: Sodisfazzjon
Ir-“rapport fattwali” li kien jinkludi sommarju tal-kontributi kollha riċevuti 41 %
Ir-“rapport fil-qosor” li kien jinkludi informazzjoni dwar kif ir-risposti riċevuti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni 38 %
L-informazzjoni disponibbli dwar il-proposta leġiżlattiva relatata 38 %
Sa liema punt taqbel mad-dikjarazzjonijiet li ġejjin? Qbil
Il-politiki u l-liġijiet tal-UE jitfasslu b’mod trasparenti 37 %
Il-politiki u l-liġijiet tal-UE jitħejjew abbażi ta’ evidenza u huma appoġġati mill-fehmiet taċ-ċittadini u ta’ partijiet ikkonċernati oħra 33 %
Iċ-ċittadini u partijiet ikkonċernati oħra jistgħu jikkontribwixxu matul il-proċess kollu tat-tfassil tal-politiki u tal-liġijiet 40 %
Il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu kont tal-opinjoni taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra 33 %
Huwa importanti li l-konsultazzjonijiet pubbliċi jitwettqu fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE 92 %

Sors: Stħarriġ tal-QEA.

Statistika dettaljata

1. Kemm-il darba pparteċipajt f’konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni Ewropea f'dawn l-aħħar tliet snin, l-2016, l-2017 u l-2018?

Tweġibiet Proporzjon
darba 1 318 59.26 %
darbtejn jew tliet darbiet 695 31.25 %
aktar minn tliet darbiet 211 9.49 %

2. Kont qed twieġeb

Tweġibiet Proporzjon
bħala individwu fil-kapaċità personali tiegħek 1 505 67.67 %
fil-kapaċità professjonali tiegħek jew f’isem organizzazzjoni 372 16.73 %
fiż-żewġ kapaċitajiet 347 15.6 %

3. Kif ġejt infurmat dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni Ewropea?

Tweġibiet Proporzjon
permezz tal-paġna web tal-Kummissjoni Ewropea 374 16.82 %
permezz tal-kanali tal-midja soċjali tal-Kummissjoni Ewropea 295 13.26 %
permezz ta’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili (organizzazzjonijiet nongovernattivi, trade unions, assoċjazzjonijiet tal-bdiewa jew oħrajn) 1 058 47.57 %
permezz tal-awtoritajiet nazzjonali 85 3.82 %
permezz ta’ awtoritajiet reġjonali jew lokali 59 2.65 %
permezz ta’ kollega/ħabib 200 8.99 %
permezz tal-impjegatur tiegħi 39 1.75 %
permezz tal-aħbarijiet jew xi artikli (kemm online kif ukoll offline) 655 29.45 %
permezz ta’ mezzi oħra 143 6.43 %

4. Għalfejn ipparteċipajt?

Tweġibiet Proporzjon
kont interessat fis-suġġett 1 237 55.62 %
ridt tinfluwenza l-eżitu leġiżlattiv 1 295 58.23 %
qist il-parteċipazzjoni tiegħek bħala responsabbiltà ċivika 1 085 48.79 %
ridt tikkondividi l-għarfien espert tiegħek 392 17.63 %
kont affettwat direttament mill-eżitu leġiżlattiv 295 13.26 %
intlabt tipparteċipa fil-kapaċità professjonali tiegħek 158 7.1 %
oħrajn 31 1.39 %

5. Fost dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni Ewropea mwettqa matul l-2016-2017 u elenkati skont id-data, jekk jogħġbok agħżel dik (l-aktar reċenti) li pparteċipajt fiha

Tweġibiet Proporzjon
Katina tal-provvista tal-ikel (16/8/2017 – 7/11/2017) 159 7.15 %
Ir-Regolament tal-UE dwar il-Lista tas-Sikurezza tal-Ajru (“Lista Sewda tal-Linji tal-Ajru”) (11/8/2017 – 7/11/2017) 7 0.31 %
Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (24/5/2017 – 16/8/2017) 372 16.73 %
Modernizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-politika agrikola komuni (PAK) (2/2/2017 – 2/5/2017) 661 29.72 %
Rieżami tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa (19/12/2016 – 24/3/2017) 19 0.85 %
Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) (28/11/2016 – 27/2/2017) 11 0.49 %
Tisħiħ tal-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport bit-triq (5/9/2016 – 11/12/2016) 32 1.44 %
Responsabbiltà ta’ Trasportaturi ta’ Passiġġieri bil-Baħar fil-Każ ta’ Aċċidenti (29/7/2016 – 31/10/2016) 0 0 %
Evalwazzjoni tal-Kooperazzjoni fil-politika taż-żgħażagħ fl-UE (18/7/2016 – 16/10/2016) 14 0.63 %
Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet (2000/59/KE) (13/7/2016 – 16/10/2016) 3 0.13 %
Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku (8/7/2016 – 2/10/2016) 6 0.27 %
Rieżami tad-Direttiva 1999/62/KE (“Eurovignette”) (8/7/2016 – 2/10/2016) 5 0.22 %
Azzjonijiet tal-Fond Ewropew għar-Rifuġjati (FER) għall-2011-2013 (10/5/2016 – 9/8/2016) 25 1.12 %
Proposta għal Reġistru ta’ Trasparenza obbligatorju (1/3/2016 – 1/6/2016) 86 3.87 %
Evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drogi (15/2/2016 – 31/5/2016) 15 0.67 %
Le, ma niftakarx li pparteċipajt fl-ebda waħda minn dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi 809 36.38 %

6. B’mod ġenerali, kemm kont sodisfatt bil-proċess ta’ din il-konsultazzjoni pubblika?

Tweġibiet Proporzjon
sodisfatt 327 23.11 %
pjuttost sodisfatt 600 42.4 %
pjuttost mhux sodisfatt 190 13.43 %
mhux sodisfatt 112 7.92 %
ma nafx / ebda opinjoni 186 13.14 %

8.1. Tħejjija tal-konsultazzjoni pubblika: (1) Il-lingwa użata matul il-proċess ta’ konsultazzjoni

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 754 53.29 %
Pjuttost sodisfatt 410 28.98 %
Pjuttost mhux sodisfatt 124 8.76 %
Mhux sodisfatt 50 3.53 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 77 5.44 %

8.1. Tħejjija tal-konsultazzjoni pubblika: (2) L-informazzjoni disponibbli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan tal-konsultazzjoni pubblika

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 456 32.23 %
Pjuttost sodisfatt 600 42.4 %
Pjuttost mhux sodisfatt 193 13.64 %
Mhux sodisfatt 79 5.58 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 87 6.15 %

8.1. Tħejjija tal-konsultazzjoni pubblika: (3) Id-dokumenti ta’ sfond, links u dokumenti ta’ referenza oħra li kienu disponibbli

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 330 23.32 %
Pjuttost sodisfatt 520 36.75 %
Pjuttost mhux sodisfatt 252 17.81 %
Mhux sodisfatt 90 6.36 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 223 15.76 %

8.2. Parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni pubblika: (1) Id-durata tal-konsultazzjoni pubblika (l-għadd ta’ ġimgħat li fihom il-kwestjonarju kien aċċessibbli fis-sit web tal-Kummissjoni Ewropea għar-risposti)

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 620 43.82 %
Pjuttost sodisfatt 495 34.98 %
Pjuttost mhux sodisfatt 85 6.01 %
Mhux sodisfatt 43 3.04 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 172 12.16 %

8.2. Parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni pubblika: (2) It-tul tal-kwestjonarju

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 482 34.06 %
Pjuttost sodisfatt 646 45.65 %
Pjuttost mhux sodisfatt 170 12.01 %
Mhux sodisfatt 42 2.97 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 75 5.3 %

8.2. Parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni pubblika: (3) Iċ-ċarezza u s-sempliċità tal-mistoqsijiet tal-konsultazzjoni pubblika

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 403 28.48 %
Pjuttost sodisfatt 577 40.78 %
Pjuttost mhux sodisfatt 261 18.45 %
Mhux sodisfatt 118 8.34 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 56 3.96 %

8.2. Parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni pubblika: (4) L-għadd ta’ mistoqsijiet miftuħa b’kaxxi ta’ test liberu biex tesprimi l-fehmiet tiegħek u biex tipprovdi kummenti dettaljati

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 465 32.86 %
Pjuttost sodisfatt 606 42.83 %
Pjuttost mhux sodisfatt 137 9.68 %
Mhux sodisfatt 55 3.89 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 152 10.74 %

8.3. Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: (1) Ir-“rapport fattwali” li kien jinkludi sommarju tal-kontributi kollha riċevuti

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 220 15.55 %
Pjuttost sodisfatt 359 25.37 %
Pjuttost mhux sodisfatt 239 16.89 %
Mhux sodisfatt 197 13.92 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 400 28.27 %

8.3. Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: (2) Ir-“rapport fil-qosor” li kien jinkludi informazzjoni dwar kif ir-risposti riċevuti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 205 14.49 %
Pjuttost sodisfatt 328 23.18 %
Pjuttost mhux sodisfatt 248 17.53 %
Mhux sodisfatt 231 16.33 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 403 28.48 %

8.3. Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika: (3) L-informazzjoni disponibbli dwar il-proposta leġiżlattiva relatata

Tweġibiet Proporzjon
Sodisfatt 193 13.64 %
Pjuttost sodisfatt 342 24.17 %
Pjuttost mhux sodisfatt 286 20.21 %
Mhux sodisfatt 226 15.97 %
Ma nafx / Ebda opinjoni / Mhux applikabbli 368 26.01 %

9. Sa liema punt taqbel mad-dikjarazzjonijiet li ġejjin?: (1) Il-politiki u l-liġijiet tal-UE jitfasslu b’mod trasparenti

Tweġibiet Proporzjon
Naqbel 176 7.91 %
Aktarx naqbel 589 26.48 %
Aktarx ma naqbilx 749 33.68 %
Ma naqbilx 617 27.74 %
Ma nafx / Ebda opinjoni 93 4.18 %

9. Sa liema punt taqbel mad-dikjarazzjonijiet li ġejjin?: (2) Il-politiki u l-liġijiet tal-UE jitħejjew abbażi ta’ evidenza u huma appoġġati mill-fehmiet taċ-ċittadini u ta’ partijiet ikkonċernati oħra

Tweġibiet Proporzjon
Naqbel 157 7.06 %
Aktarx naqbel 568 25.54 %
Aktarx ma naqbilx 727 32.69 %
Ma naqbilx 648 29.14 %
Ma nafx / Ebda opinjoni 124 5.58 %

9. Sa liema punt taqbel mad-dikjarazzjonijiet li ġejjin?: (3) Iċ-ċittadini u partijiet ikkonċernati oħra jistgħu jikkontribwixxu matul il-proċess kollu tat-tfassil tal-politiki u tal-liġijiet

Tweġibiet Proporzjon
Naqbel 246 11.06 %
Aktarx naqbel 619 27.83 %
Aktarx ma naqbilx 735 33.05 %
Ma naqbilx 498 22.39 %
Ma nafx / Ebda opinjoni 126 5.67 %

9. Sa liema punt taqbel mad-dikjarazzjonijiet li ġejjin?: (4) Il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu kont tal-opinjoni taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra

Tweġibiet Proporzjon
Naqbel 175 7.87 %
Aktarx naqbel 540 24.28 %
Aktarx ma naqbilx 720 32.37 %
Ma naqbilx 619 27.83 %
Ma nafx / Ebda opinjoni 170 7.64 %

9. Sa liema punt taqbel mad-dikjarazzjonijiet li ġejjin?: (5) Huwa importanti li l-konsultazzjonijiet pubbliċi jitwettqu fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE

Tweġibiet Proporzjon
Naqbel 1 648 74.1 %
Aktarx naqbel 381 17.13 %
Aktarx ma naqbilx 72 3.24 %
Ma naqbilx 56 2.52 %
Ma nafx / Ebda opinjoni 67 3.01 %

Anness IV — Traduzzjoni tar-risposti li ngħataw miċ-ċittadini

Ċittadin 1: “Die Möglichkeit, außerhalb von Wahlen meine Meinung mitzuteilen und diese in die Gestaltung Europas einzubringen.” (DE) / “L-opportunità li nikkondividi l-opinjoni tiegħi barra mill-elezzjonijiet u b’hekk ngħin għat-tiswir tal-Ewropa.”

Ċittadin 2: “La possibilità di poter esprimere un'opinione direttamente senza intermediari.” (IT) / “L-opportunità li nesprimi opinjoni b’mod dirett, mingħajr intermedjarji.”

Ċittadin 3: “Iespēja izteikt savas domas un vēlmes kā ražojošam lauksaimniekam.” (LV) / “L-opportunità li tesprimi l-ideat u x-xewqat tiegħek bħala bidwi.”

Ċittadin 5: “... Dass er überhaupt stattfindet. Ein wichtiger Meilenstein auf dem Weg zur Demokratisierung der EU.” (DE) / “…Li saħansitra dan qed iseħħ. Stadju importanti fit-triq lejn id-demokratizzazzjoni tal-UE.”

Ċittadin 6: “Me parece interesante este tipo de consultas siempre que su resultado se utilice para tomar decisiones. Para que al ciudadano no se le deje solamente para las consultas electorales. Es necesario avanzar hacia formas de democracia directa. La democracia representativa nos está llevando al desinterés, cada vez que se nos convoca aumenta la abstención. Me parece grave.” (ES) / “Jien insib li dan it-tip ta’ konsultazzjoni huwa interessanti, dment li r-riżultat tagħha jintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet u li ċ-ċittadini ma jiġux ikkonsultati biss fil-mument tal-elezzjonijiet. Jeħtieġ li aħna nimxu lejn forom ta’ demokrazija diretta. Id-demokrazija rappreżentattiva qed twassal biex aħna nitilfu l-interess: kull darba li niġu mitluba biex nivvutaw, l-astensjoni qed tiżdied. Naħseb li din hija sitwazzjoni serja.”

Ċittadin 9: “To da se traži mišljenje i nas 'običnih' građana i malih subjekata.” (HR) / “Li ċ-ċittadini ‘ordinarji’ u n-negozji ż-żgħar jintalbu biex jagħtu l-fehmiet tagħhom.”

Ċittadin 10: “Difficulté à savoir à quoi elle va servir CONCRÈTEMENT.” (FR) / “Huwa diffiċli li wieħed ikun jaf kif dawn se jintużaw F’TERMINI KONKRETI.”

Ċittadin 11: “Es hat den Eindruck einer reinen Alibibefragung hinterlassen.” (DE) / “L-istħarriġ jagħti l-impressjoni li huwa wieħed superfiċjali.”

Ċittadin 12: “... c'est JUSTE une consultation qui semble pro forma et pas encore un réel exercice de démocratie participative, hélas... Pourtant, voilà une occasion de réenchanter le rêve et le projet européen, non? Sinon, le fossé entre citoyen et eurocrate ne cessera de s'agrandir, ce qui sera tout bénéfice pour les eurosceptiques et autres national-populistes.” (FR) / “... hija SEMPLIĊIMENT konsultazzjoni superfiċjali li tidher pro forma u li sfortunatament għadha mhijiex eżerċizzju ġenwin ta’ demokrazija parteċipattiva... . Madankollu, din żgur hija opportunità biex terġa’ tiġi rivitalizzata l-ħolma u l-proġett Ewropew, mhux hekk? Inkella, il-lakuna bejn iċ-ċittadini u l-Ewrokrati se tkompli tiżdied, u din hija xi ħaġa li l-Ewroxettiċi u l-populisti biss jistgħu jibbenefikaw minnha.”

Ċittadin 13: “… При това положение, какъв е смисълът да си губим времето да участваме с тези консултации?” (BG) / “…F’din is-sitwazzjoni, x’inhu l-punt li naħlu l-ħin tagħna billi nipparteċipaw f’dawn il-konsultazzjonijiet?”

Ċittadin 14: “… não tive perceção da utilidade da participação.” (PT) / “… [Jien] ma ħassejtx li l-parteċipazzjoni tiegħi hija ta’ valur.”

Ċittadin 17: “…De EU is er niet voor de gewone Europese burger.” (NL) / “…L-UE mhix qiegħda hemm għaċ-ċittadini Ewropej ordinarji.”

Ċittadin 19: “Misschien is het wenselijk dat de raadplegingen beter bekend zouden zijn bij het grote publiek. Indien men geen lid is van een ngo of andere organisatie heeft men er dikwijls geen weet van.” (NL) / “Il-konsultazzjonijiet jistgħu forsi jiġu rreklamati b’mod aktar mifrux biex jilħqu lill-pubbliku ġenerali. Jekk inti ma tkunx membru ta’ NGO jew organizzazzjoni oħra, ħafna drabi ma tkunx taf bihom.”

Ċittadin 20: “… gdyby nie organizacje i fundacje to nigdy bym sie nie wypowiedziala na zaden temat bo nic do mnie nie dociera, zaadna ankieta.” (PL) / “…li kieku ma jkunx għall-organizzazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, jien qatt ma nkun nista’ nikkummenta dwar xi suġġett minħabba li ma nirċievi xejn, eż. kwestjonarji.”

Ċittadin 21: “Ich würde mir wünschen in meiner Tageszeitung über aktuelle Themen der Europäischen Kommission lesen zu können. Auch Hinweise in Funk, Fernsehen und Presse auf aktuelle Umfragen fände ich gut.” (DE) / “Jien nixtieq li fil-gazzetta ta’ kuljum inkun nista’ naqra artikli dwar suġġetti attwali mill-Kummissjoni Ewropea. Nixtieq ukoll li l-istħarriġiet attwali jiġu rappurtati wkoll mir-radju, mit-televiżjoni u mill-istampa.”

Ċittadin 22: “J'ai découvert les consultations publiques UE par Facebook alors que j'ai 31 ans. Je trouve ça dommage qu'à l'école ou par un autre moyen on ne nous parle pas de son fonctionnement. Il faudrait plus de communication sur l'UE et ses lois à venir.” (FR) / “Jien skoprejt il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-UE fuq Facebook minkejja li għandi 31 sena. Naħseb li hija ħasra li ma jgħidulniex dwarhom la fl-iskola u lanqas f’postijiet oħra. Jeħtieġ li jkun hemm aktar komunikazzjoni dwar l-UE u dwar il-liġijiet futuri tagħha.”

Ċittadin 23: “Αποστολή newsletter σε emails των πολιτών για τις πολιτικές που οι πολίτες δηλώνουν ότι τους ενδιαφέρουν.” (GR) / “Ibagħtulna bullettini permezz tal-email dwar politiki li aħna nkunu ddikjarajna interess fihom.”

Ċittadin 24: “Určitě, je kromě elektronického oslovení občanů důležitá i veřejná kampaň, aby se zúčastnilo maximum zainteresovaných občanů.” (CZ) / “Ċertament, minbarra li jintlaħqu ċ-ċittadini b’mezzi elettroniċi, huwa importanti wkoll li ssir kampanja pubblika sabiex jiġu involuti dawk iċ-ċittadini li jkunu l-aktar interessati.”

Ċittadin 25: “Enemmän tietoa näistä kyselyistä eri paikkoihin! Olisi esimerkiksi hyvä, jos nämä kyselyt ja Eu:n laajuiset kansalaisaloitteet olisivat nähtävissä samalla sivustolla, jossa Suomen kansalais- ja kuntalaisaloitteet ovat.” (FI) / “Aktar informazzjoni dwar dawn l-istħarriġġiet f’postijiet differenti! Pereżempju, ikun tajjeb jekk dawn l-istħarriġiet – u l-inizjattivi għaċ-ċittadini kollha tal-UE – ikunu jidhru fuq l-istess sit web flimkien mal-inizjattivi ċiviċi u muniċipali Finlandiżi.”

Ċittadin 27: “… escaso entusiasmo e implicación de los Gobiernos en estos procesos.” (ES) / “Ma tantx hemm entużjażmu u involviment f’dawn il-proċessi min-naħa tal-gvernijiet.”

Ċittadin 28: “De betrokkenheid met nationale parlementen is naar mijn idee te gering.“ (NL) / “Jien naħseb li l-involviment mal-parlamenti nazzjonali huwa ftit wisq.”

Ċittadin 30: “Obige Dokumente lagen meist nur fremdsprachlich vor. Da solch bürokratische Sprache schon auf Deutsch oft sehr kompliziert ist, ist es dann völlig vorbei!” (DE) / “Id-dokumenti ta’ hawn fuq, fil-biċċa l-kbira, kienu disponibbli biss f’lingwi barranin. Dan it-tip ta’ lingwaġġ burokratiku huwa diġà kkumplikat ħafna bil-Ġermaniż, għaldaqstant dawn mhumiex effettivi!”

Ċittadin 31: “Limbajul greoi, jargonul administrativ, textele trebuie curăţate şi traduse în limbajul uzual al unei populaţii mediu educate.” (RO) / “Lingwaġġ tqil u lingwaġġ tekniku amministrattiv: dawn id-dokumenti għandhom ikunu aktar ċari u għandhom jiġu tradotti fi stil li n-nies b’edukazzjoni ordinarja jkunu jistgħu jifhmu.”

Ċittadin 32: “I en ny undersøgelse som jeg skal besvare bør spørgsmålene stilles på mit modersmål: dansk. Og formuleringen bør være lettere at forstå, da det ikke er alle som er uddannet på universitets niveau.” (DK) / “Fi stħarriġ ġdid, li jien irrid inwieġeb, il-mistoqsijiet għandhom ikunu fil-lingwa materna tiegħi: jiġifieri d-Daniż. Il-formulazzjoni għandha tkun aktar faċli biex tinftiehem, billi mhux kulħadd għandu edukazzjoni ta’ livell universitarju.”

Ċittadin 34: “Certaines questions difficiles pour des citoyens qui ne sont pas spécialistes de la politique en question - accessibilité des questions pas toujours bonne.” (FR) / “Ċerti mistoqsijiet huma diffiċli għal dawk li mhumiex speċjalisti fil-qasam ta’ politika inkwistjoni – il-mistoqsijiet mhux dejjem ikunu aċċessibbli.”

Ċittadin 35: “… As medidas necessitam ser ajustadas aos povos a que são dirigidas” (PT) / “…Jeħtieġ li l-miżuri jiġu aġġustati skont il-persuni li għalihom dawn huma intenzjonati.”

Ċittadin 36: “e-Dostopnost za mlade NAJBOLJNAJMANJ - izključenost starejših, ki niso digitalizirani.” (SL) / “Huma aċċessibbli għaż-żgħażagħ, iżda mhux għall-persuni aktar imdaħħlin fiż-żmien, li huma inqas familjari mat-teknoloġija.”

Ċittadin 38: “Empfand ich die Zielsetzung der Fragen nicht immer eindeutig, insofern war es extrem wichtig daß es zusätzliche Kommentarfelder gab, bei denen man die eigene Antwort ausführlicher erläutern konnte.” (DE) / “Jien ħassejt li l-iskop tal-mistoqsijiet mhux dejjem kien ċar, għaldaqstant, kien estremament importanti li jkun hemm spazju addizzjonali għall-kummenti fejn inkun nista’ nispjega t-tweġiba f’aktar dettall.”

Ċittadin 39: “…möjligheten att lämna fria synpunkter och bifoga material” (SE) / “…l-opportunità li nesprimi kummenti b’mod liberu u li nehmeż xi materjal.”

Ċittadin 41: “Une consultation particulière avec la forte participation de campagnes de réponses (living land et syndicats agricoles), la Commission européenne a peu communiqué sur les méthodes utilisées pour traiter ces données à part.” (FR) / “Għal konsultazzjoni waħda partikolari b’rata ta’ parteċipazzjoni għolja (living land u sindakati agrikoli), il-Kummissjoni Ewropea ftit li xejn tat informazzjoni dwar il-metodi użati biex din id-data tiġi pproċessata separatament.”

Ċittadin 43: “On ne sait pas comment les résultats seront exploités: Comment sont analysées les réponses, quelle pondération leur donne t on? Comment les résultats sont ils ensuite utilisés pour construire des propositions politiques (si ils doivent servir à cela)?” (FR) / “Aħna ma nafux kif ir-riżultati se jintużaw: ir-risposti kif jiġu analizzati u ponderati? Ir-riżultati kif jintużaw imbagħad għat-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi (jekk dan huwa realment l-iskop li jservu)?”

Ċittadin 45: “La UE está mediatizada por lobbys empresariales. No busca el bienestar de la población.” (ES) / “L-UE hija influwenzata minn lobbies korporattivi. L-għan tagħha mhuwiex il-benesseri tal-persuni ordinarji.”

Ċittadin 46: “Le fonctionnement actuel n'est pas du tout démocratique et les lobbys semblent faire la loi, pas les peuples, ce qui est absolument néfaste. La Commission non élue décide de tout, on peut se demander à quoi servent nos élus à part nous coûter très cher. Le social est le grand oublié, cette Union européenne n'est là que pour servir les intérêts des grands groupes et de la Finance au détriment des peuples.” (FR) / “Il-mod kif l-UE qed topera attwalment assolutament mhuwiex demokratiku u l-gruppi ta’ lobbjar jidhru li għandhom setgħa akbar mill-poplu, u din is-sitwazzjoni hija negattiva għal kulħadd. Il-Kummissjoni li ma ġietx eletta tieħu d-deċiżjonijiet kollha, u wieħed jistaqsi lilu nnifsu x’inhuma jagħmlu l-uffiċjali eletti, minbarra li qed jiswewlna ħafna flus. Il-politika soċjali hija l-akbar telliefa, billi l-UE qiegħda hemm biss biex isservi l-interessi tal-korporazzjonijiet u tal-banek il-kbar għad-detriment tal-poplu.”

Ċittadin 47: “niewiem jaki wynik bo nic niewiadomo.” (PL) / “Jien ma nafx x’inhu r-riżultat, ma nafx xejn dwaru.”

Ċittadin 48: “Nem tapasztaltam, hogy a véleményeket összegezték volna. A konzultáció eredményéről semmit nem tudni.” (HU) / “Jien ma nirċevix sommarju tal-opinjonijiet. Ma nafx x’inhu l-eżitu tal-konsultazzjoni.”

Ċittadin 49: “Ich hätte erwartet mal ein Update per email zu bekommen, wo ich Status und Ergebnisse denn verfolgen könnte.” (DE) / “Jien kont qed nistenna li nirċievi aġġornament bl-email, biex inkun nista’ nsegwi l-messaġġi u r-riżultati.”

Ċittadin 51: “… l'absence d'infos, accompagnements, suites… données après la participation à l'enquête: pas de panels citoyens pour débattre de la pertinence de nos idées et propositions et surtout de pouvoir exposer et expliciter nos idées et propositions.” (FR) / “…In-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ segwitu wara l-parteċipazzjoni fl-istħarriġ: ma kienx hemm gruppi pubbliċi biex jiddiskutu r-rilevanza tal-ideat u l-proposti tagħna jew biex jippreżentaw u jispjegaw l-ideat u l-proposti tagħna.”

Ċittadin 52: “Non vi è stato un seguito comunicato direttamente. Occorre avere molto tempo per cercare sempre le notizie di proprio interesse. Sarebbe bello restare informati via mail dopo la partecipazione, eventualmente con un opzione per non esserlo più (opt-out).” (IT) / “Ma kienx hemm segwitu dirett. Wieħed għandu bżonn ħafna ħin biex ifittex l-aħbarijiet li jinteressawh. Ikun tajjeb li wieħed jinżamm infurmat permezz ta’ email wara li jkun ipparteċipa, u li jkollu l-possibbiltà li jagħżel li ma jibqax jirċievi din l-informazzjoni.”

Ċittadin 53: “Nemám zpětnou vazbu k prováděnému šetření.” (CZ) / “Jien ma rċevejt l-ebda feedback dwar il-proċedura tal-istħarriġ.”

Ċittadin 56: “Comisia Europeană trebuie să fie echilibrată în abordarea problematicilor, încercând să afle de la cetăţeni şi îngrijorările sau criticile, nu numai o perspectivă pozitivă, optimistă, indusă de întrebările provenite de la CE.” (RO) / “Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tkun ibbilanċjata meta tindirizza l-kwistjonijiet, filwaqt li tipprova tikseb mingħand iċ-ċittadini mhux biss rispons pożittiv u ottimistiku għall-mistoqsijiet tagħha, iżda anki preokkupazzjonijiet u kritika.”

Ċittadin 58: “Bisognerebbe inviare tramite e-mail gli inviti alla partecipazione alle consultazioni direttamente alle associazioni, organizzazioni e ai privati, e contemporaneamente attivare delle campagne sui media. Purtroppo mai come in questo momento la UE è sentita molto lontana dai cittadini italiani, bisogna rilanciare l'immagine della UE e delle sue istituzioni.” (IT) / “Stediniet għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet għandhom jintbagħtu bl-email direttament lil assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u individwi, u l-kampanji tal-midja għandhom jitniedu fl-istess ħin. Sfortunatament, billi attwalment l-UE hija perċepita bħala li qed titbiegħed dejjem aktar minn qatt qabel miċ-ċittadini Taljani, l-immaġni tagħha u dik tal-istituzzjonijiet tagħha jeħtieġ li jiġu rivitalizzati.”

Ċittadin 59: “Saber qué hace la Comisión, qué acuerdos adopta, cómo afectan a sus ciudadanos, etc., etc., es una cuestión esencial y que, actualmente, queda muy alejada de la gente.” (ES) / “Li wieħed ikun jaf dak li l-Kummissjoni qed twettaq, liema ftehimiet qed tadotta u kif dawn jaffettwaw liċ-ċittadini eċċ., hija kwistjoni ewlenija li għall-maġġoranza tal-persuni għadha ’l bogħod.”

Anness V — Għadd ta’ rispondenti għal kull pajjiż ta’ residenza*

* Għall-KP-1, l-għadd ta’ rispondenti huwa relatat mal-pajjiż taċ-ċittadinanza. Għall-KP-10, 11 u 20, il-Kummissjoni ma talbitx din id-data. Iċ-ċifri huma kollha f’għadd ta’ persuni, ħlief għal KP-26 fejn iċ-ċifra hija f’miljuni.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

DĠ: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea

DĠ AGRI: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

OSĊ: Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

DĠ DIGIT: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Informatika

DĠ EAC: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura

DĠ HOME: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni

IIA: Valutazzjoni tal-impatt tal-bidu

ISG: Grupp ta’ Tmexxija Interservizz

DĠ MOVE: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Mobilità u t-Trasport

OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

KP: Konsultazzjoni pubblika

SG: Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea

SWD: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea

Glossarju

Bord tal-Iskrutinju Regolatorju: Korp indipendenti tal-Kummissjoni li joffri pariri lill-Kulleġġ. Huwa jipprovdi, fil-livell ċentrali, kontroll tal-kwalità u funzjoni ta' appoġġ għax-xogħol li l-Kummissjoni twettaq rigward il-valutazzjoni tal-impatt u rigward l-evalwazzjoni. Il-Bord jeżamina u joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozzi kollha ta’ valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni kif ukoll l-evalwazzjonijiet u l-kontrolli tal-idoneità ewlenin tal-leġiżlazzjoni eżistenti. (Sors: is-sit web Europa.)

Evalwazzjoni: Deċiżjoni, ibbażata fuq l-evidenza, tal-livell sa fejn intervent kien effettiv u effiċjenti, kien rilevanti fid-dawl tal-ħtiġijiet u l-objettivi tiegħu, kien koerenti kemm internament kif ukoll ma' interventi ta' politika oħra tal-UE u kiseb valur miżjud tal-UE. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

Grupp ta’ Tmexxija Interservizz: Grupp ta’ tmexxija interservizz jikkonsisti f’persuni minn firxa ta’ Direttorati Ġenerali li l-qasam tax-xogħol tagħhom ikun l-istess bħas-suġġett tal-evalwazzjoni, jew relatat miegħu, flimkien ma’ rappreżentant mid-dipartiment tal-evalwazzjoni tad-Direttorat Ġenerali li jkun qed iwettaq l-evalwazzjoni. Jenħtieġ li dan ikun involut fl-aspetti ewlenin kollha tal-evalwazzjoni, b’mod partikolari mit-twaqqif (pjan direzzjonali) sal-abbozzar tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal u t-tnedija tiegħu fil-konsultazzjoni interservizz. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati: Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati hija proċess formali ta’ ġbir tal-kontributi u l-fehmiet miċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati dwar inizjattivi ġodda jew evalwazzjonijiet/kontrolli tal-idoneità, abbażi ta’ mistoqsijiet speċifiċi u/jew ta’ dokumenti ta’ sfond tal-konsultazzjoni, jew ta’ dokumenti tal-Kummissjoni li jniedu proċess ta’ konsultazzjoni jew Green Papers. Meta tikkonsulta, il-Kummissjoni tfittex evidenza b’mod proattiv (fatti, fehmiet, opinjonijiet) dwar kwistjoni speċifika.

Kontroll tal-idoneità: Evalwazzjoni komprensiva ta’ qasam ta’ politika li normalment tindirizza kif bosta atti leġiżlattivi relatati jkunu kkontribwew (jew le) għall-ilħuq ta’ objettivi ta’ politika. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

Netwerk TOR: Tor huwa softwer mingħajr ħlas u b’sors miftuħ biex jippermetti komunikazzjoni anonima. L-isem huwa dderivat minn akronimu għall-isem oriġinali tal-proġett ta’ softwer “The Onion Router”.

Parti kkonċernata: Parti kkonċernata hija kwalunkwe ċittadin jew entità individwali li jiġu affettwati, indirizzati jew li jkunu involuti b’xi mod ieħor f’intervent mill-UE.

Pjan direzzjonali: Għodda biex tiġi ssostanzjata l-validazzjoni politika ta’ inizjattiva li l-Kummissjoni tkun qed tħejji u biex tinforma lill-partijiet ikkonċernati dwar xogħol ta’ konsultazzjoni, valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet u Kontrolli tal-Idoneità ppjanati. Hija tiġi ppubblikata fi stadju bikri mis-Segretarjat Ġenerali fuq is-sit web tal-Kummissjoni u tgħin lill-partijiet ikkonċernati jħejju kontributi f’waqthom u effettivi għall-proċess tat-tfassil tal-politiki. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

REFIT: Il-programm tal-Kummissjoni dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni, stabbilit fl-2012, biex jiġi żgurat li d-dritt tal-UE ikun “adatt għall-iskop tiegħu”. Huwa proċess li skontu l-leġiżlazzjoni u l-miżuri eżistenti jiġu analizzati biex jiġi żgurat li l-benefiċċji tad-dritt tal-UE jintlaħqu bl-inqas spiża għall-partijiet interessati, għaċ-ċittadini u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u li jitnaqqsu l-ispejjeż regolatorji, kull meta possibbli, mingħajr ma jiġu affettwati l-objettivi ta’ politika segwiti mill-inizjattiva inkwistjoni. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

Regolamentazzjoni aħjar: It-tfassil tal-politiki u tal-liġijiet sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom bi spiża minima. Ir-regolamentazzjoni aħjar mhijiex dwar ir-regolamentazzjoni jew id-deregolamentazzjoni. Hija mod ta’ ħidma biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet politiċi jitħejjew b’mod miftuħ u trasparenti, infurmat mill-aħjar evidenza disponibbli u appoġġat mill-involviment komprensiv tal-partijiet ikkonċernati. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

Strateġija ta’ konsultazzjoni: Approċċ wieħed jew aktar biex jiġu aċċertati l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rigward kwistjoni partikolari. L-istrateġija tidentifika partijiet ikkonċernati rilevanti għal inizjattiva ġdida li qed titħejja mill-Kummissjoni u tiddefinixxi l-metodi, l-għodod u t-twaqqit xierqa tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

Valutazzjoni tal-impatt tal-bidu: Id-deskrizzjoni inizjali tal-problema, il-motivaturi ta’ bażi tagħha, l-objettivi ta’ politika, l-għażliet politiċi u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ dawk l-għażliet politiċi. Hija tipprovdi bażi komprensiva biex il-partijiet ikkonċernati jipprovdu feedback, informazzjoni u opinjonijiet. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

Valutazzjoni tal-impatt: Proċess integrat biex jiġu vvalutati u jitqabblu l-merti ta’ firxa ta’ għażliet politiċi mfassla biex tiġi indirizzata problema ddefinita sew. Hija tappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet ġewwa l-Kummissjoni u hija trażmessa lil-Leġiżlatur wara adozzjoni mill-Kulleġġ tal-inizjattiva rilevanti. (Sors: Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar.)

Risposti tal-Kummissjoni

Introduzzjoni

01

Il-konsultazzjoni hija parti minn aġenda usa’ biex jitjiebu t-trasparenza u l-kontabbiltà tal-ħidma tal-Unjoni.

Mhux il-konsultazzjonijiet kollha jiġbdu l-istess livell ta’ interess. L-interess intrinsiku għall-udjenzi diversi jvarja ħafna, skont is-suġġett tal-politika. Il-konsultazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tas-Sajf attirat għadd kbir ta’ risposti, iżda din kienet eċċezzjoni u ma tistax tintuża biex jinsiltu konklużjonijiet.

Barra minn hekk, ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika kien wieħed biss mid-diversi elementi li kkunsidrat il-Kummissjoni meta ħadet id-deċiżjoni li tressaq il-proposta tagħha.

02

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 01.

09

Hemm differenza fundamentali bejn it-teħid ta’ deċiżjonijiet parteċipattiv u l-użu ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi fis-sistema tat-tfassil tal-politika tal-UE. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi huma differenti mir-referenda, plebixxiti u attivitajiet ta’ komunikazzjoni wiesgħa.

L-ambitu u l-approċċ tal-awditjar

23

Il-Kummissjoni hija impenjata li tipproteġi d-data personali, u din il-protezzjoni hija dritt fundamentali. F’kooperazzjoni mal-QEA, il-Kummissjoni implimentat soluzzjoni alternattiva li kienet tiggarantixxi l-protezzjoni tad-data personali skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE.

Is-soluzzjoni li nstabet illimitat l-ipproċessar ta’ data personali tar-rispondenti f’konsultazzjonijiet pubbliċi għal dak li huwa strettament neċessarju, u evitat ipproċessar li r-rispondenti ma kinux ġew infurmati dwaru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddedikat riżorsi sinifikanti biex tappoġġa dan il-proċess u tiggarantixxi li l-istħarriġ dwar il-perċezzjoni jkun jista’ jsir.

Fl-20 ta’ Ġunju 2019 il-Kummissjoni ppubblikat stqarrija ta’ privatezza riveduta fuq il-portal “Semma’ leħnek”. Ir-rispondenti tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jiġu infurmati minn qabel dwar il-possibbiltà li tiġi ttrasferita d-data personali tagħhom lill-QEA fil-qafas tal-awditi tagħha. Dan ser jiffaċilita aktar tali trasferiment fil-futur.

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 84.

Osservazzjonijiet

30

(a) Il-konsultazzjonijiet pubbliċi huma mezz li bihom jiġu appoġġati inizjattivi speċifiċi (kemm jekk leġiżlazzjoni jew evalwazzjonijiet), u mhux objettivi usa’ tas-servizzi individwali tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi jservu skopijiet ta’ trasparenza u kontabbiltà u jikkomplementaw l-interazzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(b) Il-konsultazzjonijiet pubbliċi jsiru online, u b’hekk l-ispejjeż assoċjati jinżammu baxxi kemm jista’ jkun. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi saru n-norma fil-proċess tat-tħejjija ta’ inizjattivi leġiżlattivi u oħrajn. Din hija għażla ta’ politika bbażata fuq it-trasparenza u l-kontabbiltà.

(c) Fil-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar huwa previst li l-proċess tal-konsultazzjoni jkun soġġett għal valutazzjoni tal-kwalità interna.

31

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 30.

38

Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar għandhom jiġu applikati b’mod flessibbli u proporzjonat, b’tali mod li jiġu riflessi ċ-ċirkostanzi ta’ kull inizjattiva individwali. Hemm okkażjonijiet fejn ċerti passi jew proċessi proċedurali jkunu jridu jitqassru u jiġu ssimplifikati. Ġeneralment il-biċċa l-kbira tal-konsultazzjonijiet pubbliċi ġew ippubblikati erba’ ġimgħat wara pjan direzzjonali jew valutazzjoni tal-impatt tal-bidu.

45

Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li twettaq konsultazzjoni pubblika fis-segwitu uffiċjali tagħha għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li ttieħed vot dwarha fit-8 ta’ Frar 2018. Il-konsultazzjoni pubblika kienet wieħed biss mill-fatturi kkunsidrati fil-valutazzjoni u fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta leġiżlattiva. Meta tnediet il-konsultazzjoni, kien ġie spjegat b’mod ċar fuq il-paġna tal-konsultazzjoni80 li l-objettiv tal-konsultazzjoni kien li jiġi investigat il-funzjonament tal-arranġamenti attwali tal-ħin tas-sajf fl-UE u li jiġi vvalutat jekk għandhomx jinbidlu jew le.

Fuq il-paġna tal-konsultazzjoni pubblika ġiet ipprovduta informazzjoni fattwali xierqa rigward ir-reġim eżistenti, il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, u l-politiki alternattivi possibbli. Il-paġna tal-Kummissjoni kienet tinkludi wkoll links għal studji eżistenti.

Fil-paragrafu 56 il-QEA tissottolinja l-attivitajiet tal-komunikazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni biex tiġi żgurata firxa wiesgħa ta’ kontribuzzjonijiet.

Numru rekord ta’ parteċipanti wieġbu għall-konsultazzjoni, u l-informazzjoni xierqa kollha kienet għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti waqt li kienu qed jirrispondu. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jindika li kien ikun hemm impatt fuq il-konsultazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni u mal-eżitu li kieku kienet tkun magħmula disponibbli iktar informazzjoni fi stadju iktar bikri.

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 70.

46

L-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni pubblika tagħha huma konformi mal-għan maħsub ta’ dan l-istrument. Il-konsultazzjoni pubblika ta’ 12-il ġimgħa hija maħsuba biex tagħti lill-partijiet ikkonċernati kollha l-possibbiltà li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom fil-proċess tat-tfassil tal-politika, mingħajr il-limitazzjoni tal-input tagħhom għal xi aspett speċifiku.

47

Il-konsultazzjoni pubblika hija disponibbli għall-pubbliku ġenerali. Skont is-Sett ta’ għodod għal regolamentazzjoni aħjar, l-identifikazzjoni tal-partijiet ikkonċernati tista’ ssir b’mod mhux strutturat u/jew strutturat. Il-metodi magħżula għall-identifikazzjoni tal-partijiet ikkonċernati jiddependu fuq il-bżonnijiet speċifiċi għal ċertu settur ta’ politika.

50

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 46.

51

Fl-2018 ir-Rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni wettqu kważi 9 000 attività u avveniment ta’ sensibilizzazzjoni, immirati direttament għaċ-ċittadini. Dawn l-attivitajiet normalment jikkonsistu f’azzjonijiet ta’ natura ġenerali biex l-Ewropa tasal għand iċ-ċittadini. Madankollu, f’xi każijiet dawn ikunu marbuta ma’ konsultazzjoni pubblika speċifika, kif kien partikolarment il-każ għall-konsultazzjoni dwar il-ħin tas-sajf. Ir-Rappreżentazzjonijiet jaħdmu mill-qrib ma’ dawn li ġejjin: l-Uffiċċji tal-Parlament Ewropew, il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra. Fost l-imsieħba tagħhom hemm iċ-Ċentri ta’ Informazzjoni “Europe Direct” li għandhom rwol importanti fid-dibattitu maċ-ċittadini dwar il-futur tal-UE, sabiex ikunu jistgħu jifhmu aħjar kif ħajjithom tiġi affettwata mill-UE u biex tinħoloq sfera pubblika Ewropea ġenwina.

54

L-ammont medju ta’ risposti għall-konsultazzjonijiet pubbliċi dejjem baqa’ jiżdied b’mod kostanti, minn 416-il risposta fl-2015 għal 2091 risposta fl-2018, esklużi dawk barra l-limitu.

56

Ir-rispondenti tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jagħżlu lilhom infushom. Ir-risposti għall-konsultazzjonijiet pubbliċi jiddependu primarjament mill-interess f’ċertu suġġett. Dawn mhumiex marbuta direttament mar-riżorsi finanzjarji u umani użati mis-servizzi tal-Kummissjoni.

61

Il-promozzjoni tal-konsultazzjonijiet online hija parti mill-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tar-Rappreżentanzi u taċ-Ċentri tal-Informazzjoni ta’ Europe Direct, kull meta l-konsultazzjoni tkun aċċessibbli fil-lingwa rispettiva tal-pajjiż.

63

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi marbuta mal-inizjattivi prijoritarji tal-programm ta’ ħidma annwali (l-Anness I) iridu jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi l-oħra kollha jridu jkunu disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Traduzzjonijiet addizzjonali jridu jiġu pprovduti għal konsultazzjonijiet pubbliċi ta’ interess għall-pubbliku ġenerali. L-istess kriterji użati biex l-inizjattivi jiġu klassifikati bħala ewlenin fil-qafas tal-Għodda 6 tal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jistgħu jiġu applikati biex jiġi vvalutat jekk inizjattiva hijiex ta’ interess għall-pubbliku ġenerali. Dawn il-kriterji huma: in-natura tal-att previst, il-kontenut tal-politika, l-impatt mistenni, l-importanza politika tal-inizjattiva u tas-suġġett inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li f’din il-valutazzjoni dejjem tkun neċessarja ċerta flessibbiltà. Il-Kummissjoni hija trasparenti dwar ir-reġim tal-lingwa li għandu jintuża fil-konsultazzjonijiet pubbliċi.

65

Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, jeżistu każijiet fejn ikunu possibbli d-derogi tal-lingwa.

66

Ma teżistix korrelazzjoni stretta pprovata bejn id-disponibbiltà ta’ diversi lingwi u n-numru ta’ risposti rċevuti. Kien hemm għadd ta’ konsultazzjonijiet dwar leġiżlazzjoni jew evalwazzjonijiet tekniċi li attiraw numru baxx ta’ risposti minkejja li ġew tradotta bil-lingwi kollha.

70

Fir-rigward tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf, ir-rispondenti ngħataw l-informazzjoni, inkluż fuq il-paġna tal-konsultazzjoni pubblika. Pereżempju, il-Kummissjoni spjegat li d-deċiżjoni tal-Istati Membri tal-UE dwar il-ħin standard tagħhom ma kinitx se tiġi affettwata mir-regoli tal-UE dwar il-ħin tas-sajf, u ddeskriviet iż-żoni tal-ħin differenti eżistenti fost l-Istati Membri tal-UE fil-qafas tar-reġim attwali.

Ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika kien wieħed biss mid-diversi elementi li kkunsidrat il-Kummissjoni meta ħadet id-deċiżjoni li tressaq il-proposta tagħha. Il-fatturi sottostanti għall-proposta tal-Kummissjoni huma spjegati fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta.

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 45.

78

Mill-2018 ’l hawn, il-Kummissjoni bdiet tagħmel użu minn stqarrija ta’ privatezza waħda li tapplika għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u għall-mekkaniżmi ta’ feedback kollha ppubblikati fuq il-portal “Semma’ leħnek”. Fl-istqarrija ta’ privatezza jiġi pprovdut indirizz tal-posta elettronika ġenerali lir-rispondenti u indirizz tal-posta elettronika speċifiku jiġi pprovdut fuq il-paġna tal-konsultazzjoni.

80

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza ta’ kontrolli relatati mal-informazzjoni u mat-teknoloġija għall-konsultazzjonijiet online u kontinwament qiegħda ttejjeb il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji relatati mat-teknoloġija. Il-miżuri kontinwament imtejbin biex jingħelbu l-vulnerabbiltajiet u l-monitoraġġ tas-sigurtà fir-rigward tal-preżenza tal-Kummissjoni fl-internet kif ukoll l-arranġamenti li saru għall-konsultazzjonijiet pubbliċi permezz tal-pjattaforma “Semma’ leħnek” imorru f’din id-direzzjoni.

81

Ir-rwol tal-midja u tal-organizzazzjonijiet fis-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi, flimkien mat-tendenza naturali li r-rispondenti jistennew sal-aħħar tal-perjodu ta’ konsultazzjoni biex jagħtu l-feedback tagħhom, ġeneralment jiġġenera ġabra ta’ risposti lejn l-aħħar tal-perjodu tal-konsultazzjoni.

Il-Kummissjoni mill-ġdid tirrimarka li l-proċess tal-konsultazzjoni pubblika mhuwiex stħarriġ statistiku rappreżentattiv, iżda ġabra ta’ opinjonijiet bil-għan li kulħadd ikun jista’ jgħid tiegħu. L-influwenza li l-konsultazzjonijiet pubbliċi jkollhom fuq politika bbażata fuq l-evidenza iktar tiddependi fuq il-kwalità tal-kontribuzzjonijiet milli fuq in-numru ta’ kontribuzzjonijiet.

82

Il-Kummissjoni qiegħda tissorvelja kontinwament il-preżenza tagħha fl-internet (inkluża l-pjattaforma “Semma’ leħnek”) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ attakki ċibernetiċi. Ix-xogħol tas-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet tal-UE) u tad-Direttorat Ġenerali DIGIT (il-preżenza fuq l-internet u s-sigurtà) għandu l-għan li jikxef l-attakki ċibernetiċi u attivitajiet suspettużi li jimmiraw fuq il-paġni tal-Kummissjoni Ewropea. Tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjonijiet ta’ DoS (ċaħda tas-servizzi) bħala l-ewwel sinjal indikattiv ta’ attakk ċibernetiku potenzjali, kif ukoll lill-mezzi tal-aċċess għas-servizzi tal-internet (in-netwerk TOR). Il-mekkaniżmu stabbilit fl-24 ta’ Lulju 2018 fil-proċess tal-konsultazzjonijiet pubbliċi permezz tal-pjattaforma “Semma’ leħnek” (l-awtentikazzjoni awtomatika bl-EULogin flimkien mal-użu tal-CAPTCHA) għandu l-għan li jwaqqaf il-bots. Din l-azzjoni preventiva hija kkompletata b’investigazzjonijiet analitiċi għall-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet u mġiba anomali (eż. kampanji).

83

Bit-tnedija tal-konsultazzjonijiet pubbliċi permezz tal-pjattaforma “Semma’ leħnek”, il-Kummissjoni stabbiliet ġabra ta’ servizzi biex jiġu analizzati l-kontribuzzjonijiet mogħtija mill-partijiet ikkonċernati, sabiex jinkixfu kontribuzzjonijiet anomali jew suspettużi. Il-parteċipazzjoni tal-istess rispondent b’emails differenti mhijiex identifikabbli faċilment. Il-verifika tal-indirizzi IP, biex jiġi kkonfermat jekk hemmx duplikazzjonijiet, jaf tkun inkonklużiva. L-istess indirizz IP jaf jiġi assenjat lil diversi utenti f’ħin differenti mill-fornituri tas-servizz tal-internet, jew l-indirizz IP jaf ikun l-indirizz IP tar-router tal-kumpanija, li jkun ifisser li l-utenti kollha ta’ kumpanija/organizzazzjoni jkollhom l-istess indirizz IP. Min-naħa l-oħra, persuna faċilment jista’ jkollha iktar minn indirizz IP wieħed.

It-tindif ta’ data preliminari għall-konsultazzjoni pubblika dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tas-Sajf, sar min-naħa tal-Kummissjoni permezz ta’ għodda apposta (DORIS), ġeneralment użata għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni biex jitneħħew risposti duplikati mill-istess rispondent(i), fuq il-bażi tal-indirizz tal-posta elettronika tar-rispondent. Il-Kummissjoni użat ukoll il-mekkaniżmu CAPTCHA biex timblokka l-inserzjoni awtomatizzata ta’ data artifiċjali81.

84

Il-Kummissjoni hija impenjata li tipproteġi d-data personali, u din il-protezzjoni hija dritt fundamentali. Id-Direttorat Ġenerali DIGIT wettaq valutazzjoni teknika ta’ 5 000 indirizz IP kif mitlub mill-QEA u bagħat ir-riżultati anonimizzati tal-valutazzjoni lill-QEA. Huwa possibbli li tiġi aggregata informazzjoni dwar indirizzi IP li jintużaw kemm-il darba u li jitħejja sommarju tal-każijiet ta’ duplikazzjoni (li jkun soġġett għal valutazzjoni tal-protezzjoni tad-data); din l-informazzjoni, flimkien mat-tagħrif miġbur waqt l-investigazzjoni analitika tar-riżultat ta’ konsultazzjoni, tista’ tintuża biex tiġi enfasizzata mġiba speċifika fir-rigward ta’ konsultazzjoni.

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 23.

85

L-aċċess għall-konsultazzjonijiet pubbliċi permezz tal-paġni tal-Kummissjoni huwa soġġett għall-miżuri ta’ sigurtà tal-web stabbiliti mis-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet tal-UE) u mid-Direttorat Ġenerali DIGIT (il-preżenza fuq l-internet u s-sigurtà). Dawn il-miżuri jinkorporaw, fost l-oħrajn, monitoraġġ tal-aċċess minn netwerks suspettużi (eż. TOR) u l-analiżi tal-ġeolokalizzazzjoni ta’ indirizzi IP b’imġiba suspettuża. L-aċċess għal din l-informazzjoni huwa soġġett għar-regoli u għall-proċessi ta’ sigurtà.

86

Għall-konsultazzjonijiet pubbliċi permezz tal-pjattaforma “Semma’ leħnek” fil-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar, mill-24 ta’ Lulju 2018 ’l hawn saret neċessarja b’mod standard awtentikazzjoni bl-EULogin, li fiha huwa inkorporat mekkaniżmu CAPTCHA. Il-CAPTCHA hija miżura tipika kontra l-bots. Il-mekkaniżmi CAPTCHA jistgħu jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet pubbliċi, u b’hekk irid jinstab bilanċ bejn il-protezzjoni kontra l-użu ħażin u l-faċilità ta’ aċċess.

Waqt il-konsultazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tas-Sajf inizjalment intużat CAPTCHA ta’ Google, iżda iktar tard ġiet issostitwita bil-CAPTCHA default għall-EULogin minħabba tħassib relatat mal-protezzjoni tad-data dwar l-użu tad-data personali.

Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem fuq CAPTCHA tal-UE biex tindirizza t-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data u fl-istess ħin tiżgura l-konformità mad-direttiva dwar l-aċċessibbiltà (Web Content Accessibility Guidelines — ir-regoli tad-WCAG).

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 88 u 89.

Fil-komunikazzjoni u fir-rapporti kollha tagħha, il-Kummissjoni kienet trasparenti dwar il-fatt li l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika kien wieħed fost id-diversi fatturi sottostanti għall-proposta tagħha.

F’dak li jirrigwarda l-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħin tas-sajf, il-Kummissjoni ppreżentat b’mod apert it-tweġibiet u kif dawn inqasmu skont il-kategorija tar-rispondent u tal-Istat Membru.

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafi 45 u 70.

92

Ir-Reġistru ta’ Trasparenza jiżvela x’interessi qed jiġu segwiti, minn min u b’liema livell ta’ riżorsi. B’dan il-mod l-għodda tippermetti l-iskrutinju mill-pubbliku, u ċ-ċittadini jingħataw il-possibbiltà li jsegwu l-attivitajiet u l-influwenza potenzjali tar-rappreżentanti ta’ grupp ta’ interess.

L-organizzazzjonijiet irreġistrati jiġu nnotifikati b’mod awtomatiku dwar il-konsultazzjonijiet u l-pjanijiet direzzjonali fl-oqsma li jkunu speċifikaw.

98

Fir-rigward tal-PC-3 “Modernizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-politika agrikola komuni”, ir-rapport fattwali ġie ppubblikat ġurnata wara l-għeluq tal-konsultazzjoni pubblika u, barra minn hekk, f’Lulju 2017 il-Kummissjoni ppubblikat sommarju estensiv tar-risposti tal-konsultazzjoni pubblika, li kien akkumpanjat minn konferenza pubblika kbira.

102

Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jipprovdu li r-rapport adottat jakkumpanja l-inizjattiva permezz tal-konsultazzjoni interservizz sal-adozzjoni u jiġi ppubblikat flimkien mal-inizjattiva.

103

Mill-2017 ’l hawn, it-traduzzjoni tar-rapport ta’ sinteżi ma għadhiex rekwiżit obbligatorju. Hija biss kwistjoni ta’ prassi tajba li r-rapport ta’ sinteżi jiġi ppubblikat bil-lingwi kollha tal-konsultazzjoni jekk tal-aħħar tkun relatata ma’ inizjattiva fl-Anness I tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni.

105

Ir-rapporti ta’ sinteżi jitħejjew ladarba l-attivitajiet kollha tal-konsultazzjoni jkunu tlestew. Għaldaqstant, dawn jistgħu biss ikomplu jiċċaraw li l-konsultazzjoni pubblika mhijiex rappreżentattiva.

109

Il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi trasparenza sħiħa fil-konfront tar-rispondenti f’konsultazzjonijiet pubbliċi u mekkaniżmi tal-feedback. Il-kontribuzzjonijiet tagħhom jiġu ppubblikati fuq is-siti rilevanti. Huwa rrakkomandat li jsir rapport fattwali. Ir-rapport ta’ sinteżi mehmuż mar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt jew mad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni, jinkludi analiżi bir-reqqa tal-attivitajiet kollha ta’ konsultazzjoni li twettqu fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Madankollu, l-għoti ta’ feedback individwali lir-rispondenti f’konsultazzjonijiet pubbliċi jitfa’ piż sinifikanti fuq ir-riżorsi umani u finanzjarji attwali tal-Kummissjoni.

110

Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni fil-laqgħa informali tal-mexxejja tal-EU27 f’Sibiu tiddeskrivi l-ħames rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal komunikazzjoni min-naħa tal-UE li tkun ta’ servizz għaċ-ċittadini u għad-demokrazija, b’mod partikolari r-“responsabbiltà konġunta għall-Istati Membri tal-UE, il-gvernijiet fil-livelli kollha kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-UE” meta jikkomunikaw dwar l-Ewropa, u l-bżonn li tiżdied l-interazzjoni maċ-ċittadini dwar il-politiki u l-kwistjonijiet tal-UE.

Aktar milli komunikazzjoni skonnessa dwar politiki u programmi individwali, approċċ unifikat jippermetti lin-nies jaraw ir-rilevanza tal-politiki b’mod aktar ċar. Dan huwa l-għan tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni korporattiva tal-Kummissjoni — li tinforma liċ-ċittadini dwar il-valuri u l-azzjoni tal-UE, l-isfidi u l-opportunitajiet u kif dawn jistgħu jiġu ffaċċjati flimkien.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

111

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi huma mezz li bihom jiġu appoġġati inizjattivi speċifiċi (kemm jekk leġiżlazzjoni jew evalwazzjonijiet), u mhux objettivi usa’ tas-servizzi individwali tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi jservu skopijiet ta’ trasparenza u kontabbiltà u jikkomplementaw l-interazzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jikkontribwixxu għat-teħid tad-deċiżjonijiet u huma kkunsidrati għalkollox fir-rapport ta’ sinteżi. Dan id-dokument jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi jintużaw matul l-evalwazzjonijiet u r-rapporti tal-valutazzjoni tal-impatt.

Rakkomandazzjoni 1 – Il-qafas tal-Kummissjoni

L-ewwel punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi huma biss wieħed mill-mezzi użati mill-Kummissjoni għall-appoġġ fit-tħejjija ta’ inizjattivi ta’ politika speċifiċi (kemm jekk leġiżlazzjoni kif ukoll evalwazzjonijiet), u ma jikkostitwixxux fihom infushom attività separata li trid titkejjel jew isiru rapporti fuqha. Dejjem iridu jitqiesu fil-kuntest tal-proposti speċifiċi li jkunu japplikaw għalihom. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi jservu skopijiet ta’ trasparenza u kontabbiltà u jagħtu input fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi jikkomplementaw l-interazzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati.

It-tieni punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Fil-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar huwa previst li l-proċess tal-konsultazzjoni jkun soġġett għal valutazzjoni tal-kwalità interna.

113

Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar għandhom jiġu applikati b’mod flessibbli u proporzjonat, b’tali mod li jiġu riflessi ċ-ċirkostanzi ta’ kull inizjattiva individwali. Hemm okkażjonijiet fejn ċerti passi jew proċessi proċedurali jkunu jridu jitqassru u jiġu ssimplifikati. L-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni pubblika tagħha huma konformi mal-għan maħsub ta’ dan l-istrument. F’Lulju 2018, il-Kummissjoni tejbet il-portal “Semma’ leħnek” bl-inklużjoni ta’ kronoloġija li tħabbar l-opportunitajiet differenti fejn il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil tal-politika u tal-liġijiet. Mill-bidu nett tat-tħejjija tal-inizjattivi rilevanti tiġi pprovduta informazzjoni li tinkludi titli qosra u sommarji bil-lingwi kollha tal-UE.

Rakkomandazzjoni 2 – L-istrateġija ta’ konsultazzjoni

L-ewwel punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-miżuri għall-involviment taċ-ċittadini, inkluż l-implimentazzjoni tagħhom, jintgħażlu skont il-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tar-riżorsi umani u finanzjarji. Il-Kummissjoni diġà tħejji strateġiji ta’ konsultazzjoni, li jiddeskrivu l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni li jkunu se jitwettqu, u hija impenjata bis-sħiħ li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern għas-Summit informali f’Sibiu talbet għal impenn u interazzjoni iktar qawwija maċ-ċittadini dwar il-politiki Ewropej.

It-tieni punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Fil-pjanijiet direzzjonali u fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu, il-Kummissjoni diġà ssemmi l-iskop speċifiku tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, l-użu intenzjonat tagħhom u għal liema lingwi uffiċjali tal-UE se jiġi tradott l-istħarriġ.

114

Il-Kummissjoni se tkompli tiffoka l-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni fuq il-portal “Semma’ leħnek”, għax tqis li huwa l-aħjar mod biex tinforma liċ-ċittadini dwar l-opportunitajiet li għandhom biex isemmgħu leħinhom fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Madankollu, il-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni marbuta ma’ inizjattivi speċifiċi trid toħloq bilanċ tajjeb bejn ir-riżorsi meħtieġa u ċ-ċansijiet realistiċi li tinġibed l-attenzjoni taċ-ċittadini. Il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha li tkun involuta b’mod iktar prominenti mal-partijiet ikkonċernati u żżid is-sensibilizzazzjoni, partikolarment mal-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali (kif ħabbret fil-Komunikazzjoni dwar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità, ippubblikata f’Ottubru 2018).

Ma teżistix rabta ta’ kawżalità ppruvata li ssostni l-istqarrija tal-QEA, li fil-każijiet bl-inqas ammont ta’ risposti ma ntużawx kanali ta’ komunikazzjoni diversi.

Rakkomandazzjoni 3 – Sensibilizzazzjoni

L-ewwel punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni hija determinata li żżid il-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni tagħha; b’mod partikolari lesta taħdem b’mod iktar intensiv mal-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali (kif ħabbret fil-Komunikazzjoni dwar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, ippubblikata f’Ottubru 2018). Madankollu, dawn l-isforzi jinvolvu riżorsi sinifikanti u jistgħu jwasslu biex il-partijiet ikkonċernati jegħjew jiġu kkonsultati. Dejjem se jkun neċessarju li l-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni titfassal apposta skont l-importanza tal-inizjattiva u l-impatt fuq ir-riżorsi.

It-tieni punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

L-uffiċċji ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Istati Membri jipprovdu sensibilizzazzjoni u servizzi ta’ komunikazzjoni liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati, billi jimmaniġġjaw in-netwerks tal-informazzjoni u jispjegaw il-politiki tal-UE f’kuntest lokali. Madankollu, dejjem se jkun neċessarju li l-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni titfassal apposta skont l-importanza tal-inizjattiva u l-impatt fuq ir-riżorsi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà għandha relazzjonijiet mill-qrib ma’ żewġ kumitati konsultattivi fil-kuntest tal-organizzazzjoni interistituzzjonali.

115

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi marbuta mal-inizjattivi prijoritarji tal-programm ta’ ħidma annwali (l-Anness I) iridu jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi l-oħra kollha jridu jkunu disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Traduzzjonijiet addizzjonali jridu jiġu pprovduti għal konsultazzjonijiet pubbliċi ta’ interess għall-pubbliku ġenerali. L-istess kriterji użati biex l-inizjattivi jiġu klassifikati bħala ewlenin fil-qafas tal-Għodda 6 tal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jistgħu jiġu applikati biex jiġi vvalutat jekk inizjattiva hijiex ta’ interess għall-pubbliku ġenerali. Dawn il-kriterji huma: in-natura tal-att previst, il-kontenut tal-politika, l-impatt mistenni, l-importanza politika tal-inizjattiva u tas-suġġett inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li f’din il-valutazzjoni dejjem tkun neċessarja ċerta flessibbiltà. Il-Kummissjoni hija trasparenti dwar ir-reġim tal-lingwa li għandu jintuża fil-konsultazzjonijiet pubbliċi.

Il-Kummissjoni tqis li ma teżistix korrelazzjoni stretta pprovata bejn id-disponibbiltà ta’ diversi lingwi u n-numru ta’ risposti rċevuti.

Rakkomandazzjoni 4 – Arranġamenti lingwistiċi u kwestjonarji

L-ewwel punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi marbuta mal-inizjattivi prijoritarji tal-programm ta’ ħidma annwali (l-Anness I) iridu jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi l-oħra kollha jridu jkunu disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Traduzzjonijiet addizzjonali jridu jiġu pprovduti għal konsultazzjonijiet pubbliċi ta’ interess għall-pubbliku ġenerali. L-istess kriterji użati biex l-inizjattivi jiġu klassifikati bħala ewlenin fil-qafas tal-Għodda 6 tal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jistgħu jiġu applikati biex jiġi vvalutat jekk inizjattiva hijiex ta’ interess għall-pubbliku ġenerali. Dawn il-kriterji huma: in-natura tal-att previst, il-kontenut tal-politika, l-impatt mistenni, l-importanza politika tal-inizjattiva u tas-suġġett inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li f’din il-valutazzjoni dejjem tkun neċessarja ċerta flessibbiltà. Il-Kummissjoni hija trasparenti dwar ir-reġim tal-lingwa li għandu jintuża fil-konsultazzjonijiet pubbliċi.

It-tieni punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni parzjalment.

Il-Kummissjoni diġà tittraduċi għal-lingwi kollha tal-UE l-kwestjonarji tal-konsultazzjonijiet pubbliċi għall-inizjattivi ewlenin u l-paġni tal-konsultazzjonijiet. Madankollu, it-traduzzjoni tad-dokumenti tal-konsultazzjoni ewlenin għal inizjattivi prijoritarji u inizjattivi ta’ interess għall-pubbliku ġenerali għal-lingwi uffiċjali kollha tkun ta’ piż konsiderevoli fuq ir-riżorsi tal-Kummissjoni, ma tkunx tissodisfa l-prinċipju ta’ ekonomija u tkompli tikkawża dewmien fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tittraduċi dokumenti oħra ta’ akkumpanjament, meta din it-traduzzjoni tkun proporzjonata jew rilevanti.

It-tielet punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni diġà tirrakkomanda bħala l-aħjar prassi l-inklużjoni ta’ ġabra ta’ mistoqsijiet speċjalizzati għall-partijiet ikkonċernati fil-mira.

117

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza ta’ kontrolli relatati mal-informazzjoni u mat-teknoloġija għall-konsultazzjonijiet online u kontinwament qiegħda ttejjeb il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji relatati mat-teknoloġija. Il-miżuri kontinwament imtejbin biex jingħelbu l-vulnerabbiltajiet u l-monitoraġġ tas-sigurtà fir-rigward tal-preżenza tal-Kummissjoni fl-internet kif ukoll l-arranġamenti li saru għall-konsultazzjonijiet pubbliċi permezz tal-pjattaforma “Semma’ leħnek” imorru f’din id-direzzjoni.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tipproteġi d-data personali, u din il-protezzjoni hija dritt fundamentali.

Rakkomandazzjoni 5 – L-ipproċessar u s-sigurtà tad-data

Il-Kummissjoni hija konxja tal-importanza li l-proċess tal-konsultazzjoni pubblika jiġi protett kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati u tapplika standards għoljin għall-ipproċessar u għas-sigurtà tad-data f’dan il-qasam.

L-ewwel punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Bl-għajnuna ta’ miżuri għas-sigurtà fl-internet u investigazzjonijiet analitiċi assoċjati mal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se twettaq kontrolli b’mod sistematiku fuq il-kontribuzzjonijiet tal-konsultazzjonijiet pubbliċi biex tirrapporta dwar sitwazzjonijiet u mġiba anomali (il-kxif ta’ attakki ċibernetiċi, id-duplikazzjoni tal-indirizzi IP, il-kxif ta’ kampanji). Fir-rapport fattwali assoċjat mal-konsultazzjoni se tittieħed nota tas-sitwazzjonijiet u tal-imġiba anomali. Il-Kummissjoni stabbiliet sistema għas-sostenn tal-istandards għoljin fl-ipproċessar u fis-sigurtà tad-data.

Mill-24 ta’ Lulju 2018 ’l hawn huwa meħtieġ li r-rispondenti tal-konsultazzjonijiet pubbliċi ppubblikati fuq il-portal “Semma’ leħnek” jgħaddu minn mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni (EULogin).

Il-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll il-CAPTCHA, jirrappreżentaw miżuri importanti għall-protezzjoni tal-konsultazzjonijiet kontra l-manipulazzjonijiet. Madankollu, il-progress teknoloġiku qed joħloq opportunitajiet għaċ-ċirkomvenzjoni ta’ dawn il-miżuri.

Il-Kummissjoni tisħaq dwar l-importanza li jinżamm bilanċ bejn l-istandards tas-sigurtà għoljin u l-faċilità tal-parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet.

It-tieni punt: il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Għall-konsultazzjonijiet li jseħħu permezz tal-portal “Semma’ leħnek”, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet investigazzjonijiet analitiċi konformi mal-protezzjoni tad-data personali u mal-oqfsa tas-sigurtà, li fi ħdan il-limiti tal-informazzjoni teknika disponibbli u sfruttabbli għal dawn l-għanijiet ikopru fost l-oħrajn il-kxif ta’ kampanji, ir-raggruppament skont in-nazzjonalità, il-kategoriji u l-partiti identifikati. Dawn il-miżuri huma aġġornati b’mod kostanti biex jiġu sfruttati l-avvanzi teknoloġiċi u jinħoloq disinn tal-kwestjonarji li jkun xieraq u adattat.

118

Il-Kummissjoni tisħaq li, skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, ir-rapport ta’ sinteżi fattwali mhuwiex rekwiżit obbligatorju.

Rakkomandazzjoni 6 – Feedback għar-rispondenti

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni diġà tirrakkomanda li tiġi ppubblikata informazzjoni fattwali (rapporti ta’ sinteżi fattwali, kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjonijiet) dwar l-input irċevut mill-partijiet ikkonċernati biex tiġi żgurata t-trasparenza. Jiġu ppubblikati wkoll rapporti ta’ sinteżi li jiġbru fil-qosor ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kollha b’rabta ma’ inizjattiva partikolari.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed teżamina soluzzjonijiet tekniċi biex ittejjeb it-trasparenza dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet pubbliċi bħala parti mill-iżvilupp ulterjuri tal-portal “Semma’ leħnek”. Dan il-feedback se jkun għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti fuq is-sit tal-Kummissjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u amministrazzjoni tal-UE, taħt it-tmexxija tal-Membru tal-QEA Lazaros S. Lazarou. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Annemie Turtelboom, appoġġata minn Dennis Wernerus, Kap tal-Kabinett u Diane Tinnemans u Carmen Schnell, Assistenti tal-Kabinett; Margit Spindelegger, Maniġer Prinċipali; Rogelio Abarquero Grossi, Kap tal-Kompitu; Michael Spang, Awditur Prinċipali; Bernadett Soos-Petek, Attia Horvay-Kovacs, Anzela Poliulianaite u Vesna Ogriz, Awdituri. Borja Cruselles De Muller, Trainee. Mark Smith ipprovda appoġġ lingwistiku. Emanuele Fossati u Zsolt Varga pprovdew appoġġ tal-IT. Paul Haschka u Bogomil Kovachev ipprovdew appoġġ statistiku. Elisa Gómez, Horst Fischer, Jesús Nieto Muñoz u Ivo Koppelmaa pprovdew appoġġ għall-kwalità. Valérie Tempez-Erasmi u Manuela Magliocca pprovdew assistenza segretarjali.

Mix-xellug għal-lemin: Jesús Nieto Muñoz, Zsolt Varga, Rogelio Abarquero Grossi, Carmen Schnell, Annemie Turtelboom, Manuela Magliocca, Margit Spindelegger, Dennis Wernerus, Anzela Poliulianaite.

Noti finali

1 P. 6 tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2018 mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker. It-12 ta’ Settembru 2018.

2 L-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar id-demokrazija parteċipattiva: (3) Sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati.

3 COM(2001) 428 final.

4 COM(2002) 704 final.

5 COM(2001) 726 final u COM(2002) 278 final.

6 SWD(2017) 350 final: Better Regulation guidelines (Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar), p. 69. https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/better-regulation-guidelines.pdf

7 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, p. 4.

8 SWD(2015) 111 final.

9 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar SWD(2017) 350 final: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/better-regulation-guidelines.pdf

10 Completing the Better Regulation agenda: Better solutions for better results. (Ikkompletar tal-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar) SWD(2017) 675 final.

11 Is-sit web intitolat “Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet”: https://ec.europa.eu/info/law/contribute-law-making_mt

12 https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say_mt

13 L-OECD (2018), OECD Regulatory Policy Outlook 2018 (Prospettiva tal-OECD għall-Politika Regolatorja 2018), OECD Publishing, Pariġi, p. 48.

14 L-OECD (2018), Prospettiva tal-OECD għall-Politika Regolatorja 2018, OECD Publishing, Pariġi, p. 55.

15 Djalogi maċ-Ċittadini huma dibattiti pubbliċi mal-Kummissarji Ewropej u ma’ persuni oħra li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE, bħal membri tal-Parlament Ewropew, u politiċi nazzjonali, reġjonali u lokali. https://ec.europa.eu/info/events/citizens-dialogues_mt

16 Ara “Citizens’ Participation Using Sortition” (Parteċipazzjoni taċ-Ċittadini Permezz ta’ Għażla Aleatorja), Bertelsmann Stiftung, Ottubru 2018.

17 L-OECD (2018), Prospettiva tal-OECD għall-Politika Regolatorja 2018, OECD Publishing, Pariġi, p. 55.

18 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 69 (2015, p. 64).

19 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 79 (2015, p. 76).

20 https://ec.europa.eu/eusurvey/

21 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 395 (2015, 317): Konferenzi, seduti pubbliċi u avvenimenti; stħarriġ tal-Ewrobarometru; gruppi ta’ esperti; gruppi fokus; intervisti; konsultazzjonijiet pubbliċi; konsultazzjonijiet immirati lejn SMEs, bordijiet ta’ SMEs; sessjonijiet ta’ ħidma, laqgħat u seminars.

22 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 396 (2015, p. 319. Aspetti pożittivi ta’ konsultazzjoni pubblika online miftuħa: L-ilħuq ta’ firxa wiesgħa u għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati).

23 COM(2019) 178, p. 15.

24 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 424 (2015, p. 319).

25 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 423 (2015, p. 319).

26 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 71 (2015, p. 66).

27 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 73 (2015, p. 69).

28 COM(2019) 178, p. 5.

29 https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/Strategy.aspx

30 Il-konsultazzjonijiet pubbliċi eżaminati jissejħu KP (ara r-referenzi minn KP-1 sa KP-26).

31 Id-DĠ għall-Komunikazzjoni, id-DĠ għall-Informatika, id-DĠ għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija mill-Kummissjoni; il-Parlament Ewropew; il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni; l-Ombudsman Ewropew; u l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (fi ħdan il-Kummissjoni).

32 L-Estonja u l-Ġermanja.

33 Fil-Kaxxi, aħna ttraduċejna fil-lingwa tar-rapport tagħna għażla ta’ opinjonijiet u fehmiet li rċevejna mingħand ċittadini. Il-verżjonijiet oriġinali tal-kummenti kollha li ġew magħżula huma disponibbli fl-Anness IV.

34 http://www.oecd.org/gov/46560128.pdf

35 https://www.oecd.org/governance/regulatory-policy/49990817.pdf

36 L-Artikolu 287(3) TFUE: “L-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet li jirregolaw id-dħul u l-ħruġ f’isem l-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu pagamenti mill-baġit... għandhom jgħaddu lill-Qorti tal-Awdituri, fuq talba tagħha stess, kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħol tagħha.”

37 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 70 (2015, p. 65).

38 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, pp. 70 u 71 (2015, pp. 65 u 66).

39 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 88 (2015, p. 85).

40 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 91 (2015, p. 91) u s-sett ta’ għodod 2017, p. 38.

41 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 91 (2015, p. 91).

42 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 37.

43 Il-Linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, pp. 7 u 67.

44 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, pp. 37, 38 u 438 (2015, pp. 264, 280 u 305).

45 Pjanijiet direzzjonali u IIAs ittellgħu fuq il-portal “Semma’ Leħnek” għall-ewwel darba fl-2017.

46 Barra minn hekk, kien hemm kampanja kbira li ġabret 260 000 risposta.

47 COM(2019) 178, p. 12.

48 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 380 (2015, p. 303).

49 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 379 (2015, pp. 61 u 301).

50 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 385 (2015, p. 313).

51 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 391 (2015, p. 7).

52 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, pp. 391 u 394 (2015, pp. 59 u 280).

53 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, pp. 7 u 376 (2015, p. 7).

54 Ċentri ta’ informazzjoni f’kull pajjiż tal-UE: https://europa.eu/european-union/contact/meet-us_mt

55 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, pp. 399 u 400.

56 COM(2017) 651 final.

57 COM(2019) 178, p. 16.

58 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2015, p. 314.

59 “Language coverage of public consultations launched by the Commission” (Kopertura lingwistika tal-konsultazzjonijiet pubbliċi li tnedew mill-Kummissjoni), it-28 ta’ April 2017.

60 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 397.

61 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, pp. 397 u 398.

62 Wieħed imsemmi fl-Anness I u tnejn fit-test prinċipali.

63 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 402.

64 Fil-31 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissarju Bulc iddikjarat: “Miljuni ta’ Ewropej semmgħu leħinhom permezz tal-konsultazzjoni pubblika tagħna. Il-messaġġ huwa ċar għall-aħħar: 84 % ta’ dawk li wieġbu jixtiequ li ma tibqax tiddawwar is-siegħa. Se nieħdu l-azzjoni xierqa, u nħejju proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li mbagħad jiddeċiedu flimkien” (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-5302_mt.htm).

65 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 400 (2015, pp. 315 u 318).

66 Is-Sett ta’ għodod tal-Kummissjoni 2017, p. 411 (2015, p. 321).

67 Il-brawżer tal-web TOR (l-“onion routing”) huwa imfassal għal tiftix anonimu online u għal protezzjoni kontra l-analiżi tat-traffiku.

68 SWD(2018) 406 final, p. 3.

69 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 424 (2015, p. 319).

70 Is-Sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar 2017, p. 423 (2015, p. 319).

71 http://europa.eu/rapid/press-release_IP-18-5302_mt.htm

72 Is-Sett ta’ għodod tal-Kummissjoni, pp. 417 u 419 (2015, p. 333).

73 Is-Sett ta’ għodod tal-Kummissjoni, p. 412 (2015, p. 314).

74 Is-Sett ta’ għodod tal-Kummissjoni, p. 424 (2015, p. 314).

75 Il-Linji gwida tal-Kummissjoni 2017, p. 84 (2015, p. 81).

76 Il-Linji gwida tal-Kummissjoni 2017, p. 87 (2015, p. 84).

77 Il-Linji gwida tal-Kummissjoni 2015, p. 84.

78 SWD(2018) 406 final, Kunsiderazzjonijiet metodoloġiċi, p. 2: B’kuntrast mal-istħarriġ, il-konsultazzjonijiet pubbliċi mhumiex statistikament rappreżentattivi. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi bbażati fuq l-internet huma wkoll preġudikati minħabba l-awtoselezzjoni tar-rispondenti fil-konfront tal-fehmiet ta’ dawk li jagħżlu li jwieġbu għall-konsultazzjoni kontra dawk li ma jwieġbux. Meta jiġu interpretati r-riżultati jeħtieġ li dawn l-elementi jittieħdu inkunsiderazzjoni.

79 Is-Sett ta’ għodod tal-Kummissjoni 2017, p. 436 (2015, pp. 239 u 242).

80 https://ec.europa.eu/info/consultations/2018-summertime-arrangements_mt

81 Kontrolli u tindif ta’ data addizzjonali saru mill-kuntrattur indipendenti kif issottolinjat fl-Appendiċi A-A.2 tar-rapport finali (https://publications.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/64e670c5-fcf9-11e8-a96d-01aa75ed71a1).

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 10.4.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni
(jew lill-entità l-oħra awditjata)
6.6.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 16.7.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 29.8.2019

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-3429-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/959473 QJ-AB-19-012-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-3394-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/301175 QJ-AB-19-012-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.