
Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS) – wasal iż-żmien biex l-assistenza tiġi mmirata aħjar
Dwar ir-rapport Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, kienet involuta f’inizjattiva ġdida magħrufa bħala “Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej” (JASPERS). L-għan prinċipali kien li tiġi pprovduta konsulenza indipendenti mingħajr ħlas biex tgħin lill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 jew wara jħejju “proġetti kbar” ta’ kwalità għolja. Aħna sibna nuqqasijiet fid-definizzjoni tal-objettivi prinċipali ta’ JASPERS, kif ukoll fir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħha, li jqiegħdu f’riskju l-obbligu ta’ rendikont. Kien hemm ukoll dgħufijiet sinifikanti fl-istabbiliment tal-funzjoni l-ġdida ta’ Eżaminar Indipendenti tal-Kwalità, li jwassal għal riskju għoli ta’ nuqqas ta’ imparzjalità. Filwaqt li JASPERS ikkontribwiet għal approvazzjoni aktar veloċi tal-proġetti u għal kwalità aħjar tad-dokumentazzjoni ta’ bażi tal-proġetti, hija ġeneralment ma setgħetx ikollha impatt fuq l-assorbiment tal-fondi tal-UE. L-impatt tagħha fuq il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri għadu ma rriżultax f’livelli ogħla ta' indipendenza mill-assistenza mogħtija minn JASPERS. Id-dgħufijiet li ġew osservati, flimkien ma' nuqqasijiet sinifikanti fl-ippjanar, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet ta' JASPERS, iqiegħdu f'riskju s-suċċess tal-operat tal-inizjattiva, b'mod partikolari f'termini ta’ effiċjenza u effettività.
Sommarju eżekuttiv
Dwar JASPERS
IFl-2005, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), tkun involuta f’inizjattiva ġdida magħrufa bħala "Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej" (JASPERS) għall-għoti ta’ konsulenza indipendenti mingħajr ħlas lill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 jew wara, biex tgħinhom iħejju proposti ta' kwalità għolja għal proġetti kbar ta' investiment li jiġu ffinanzjati permezz tal-Fond ta' Koeżjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE.
Kif wettaqna l-awditu tagħna
IIAħna vvalutajna jekk JASPERS kinitx għamlet kontribut pożittiv għall-iżvilupp u l-kwalità ġenerali tal-proġetti kkofinanzjati mill-UE f'dawk l-Istati Membri li appoġġat, kif ukoll jekk tejbitx il-kapaċità amministrattiva tagħhom.
IIIF'erba' Stati Membri, aħna awditjajna: il-Kroazja, Malta, il-Polonja u r-Rumanija. L-awditu kien ikopri l-perjodu minn meta JASPERS bdiet l-operazzjonijiet tagħha fl-2006 sa tmiem l-2016. Għall-Kroazja u l-Polonja, aħna wettaqna l-awditu tagħna f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs), li kienu qed iwettqu l-awditi tagħhom tal-impatt ta' JASPERS fuq livell nazzjonali fl-istess żmien tal-awditu tagħna1.
X'sibna
IVKien hemm nuqqasijiet fid-definizzjoni tal-objettivi prinċipali ta’ JASPERS, kif ukoll fir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħha. B'riżultat ta' dan, JASPERS ma mmiratx l-assistenza tagħha b'mod suffiċjenti. Filwaqt li JASPERS tfasslet bħala inizjattiva għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, hija saret inizjattiva fuq terminu itwal, billi ġiet estiża għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Hija ma għandhiex objettivi ċari li jistgħu jitkejlu biex jintwera li l-għan tagħha ntlaħaq. Fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, JASPERS bdiet tappoġġa wkoll proġetti maqsumin f’fażijiet, u dan kien ta’ inkoraġġiment akbar għall-Istati Membri biex jużaw aktar l-assistenza mingħajr ħlas tagħha matul l-istadju ta' implimentazzjoni tal-proġetti. L-ebda waħda minn dawn ma kienet prijorità.
VKien hemm dgħufijiet sinifikanti fl-istabbiliment tal-funzjoni l-ġdida ta' Eżaminar Indipendenti tal-Kwalità (IQR) għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. L-indipendenza funzjonali tas-servizz ta’ IQR ta’ JASPERS tnaqqset minħabba li l-istess persuna kienet responsabbli għall-approvazzjoni tax-xogħol kemm tad-diviżjoni tal-IQR kif ukoll tad-diviżjoni konsultattiva. Barra minn hekk, sa Ottubru 2017, ma kienet ġiet adottata l-ebda proċedura li tiddefinixxi l-proċessi tal-IQR. Aħna osservajna riskju għoli ta' nuqqas ta' imparzjalità fir-rigward tal-funzjoni konsultattiva ta' JASPERS. Barra minn hekk, għalkemm l-IQRs kienu parti kruċjali mill-proċess ta' approvazzjoni tal-Kummissjoni għal proġetti kbar, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda input dirett dwar kif l-IQRs jitwettqu fil-prattika, u b'hekk esponiet lilha nfisha għar-riskju li dawn ma jitwettqux kif intenzjonat.
VIJASPERS ikkontribwiet għal approvazzjoni aktar veloċi tal-proġetti u kellha impatt fuq il-kwalità tagħhom. Barra minn hekk, JASPERS kellha impatt pożittiv fuq il-kwalità tad-dokumentazzjoni ta’ bażi tal-proġetti. Aħna sibna wkoll li l-assistenza pprovduta minn JASPERS kienet relattivament komprensiva. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni b'mod ġenerali ħtieġet inqas żmien biex tapprova proġetti kbar jekk dawn kienu ngħataw assistenza minn JASPERS. Madankollu, aħna osservajna li b'mod ġenerali JASPERS ma setgħetx ikollha impatt fuq l-assorbiment tal-fondi tal-UE. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, aħna osservajna li ż-żmien kumplessiv meħtieġ biex jiġu approvati proġetti kbar seta' jitnaqqas b'mod sinifikanti. Fl-aħħar nett, waqt l-eżerċizzji ta’ awditjar tal-konformità li wettaqna fl-2014 u fl-2015, aħna osservajna li l-proġetti l-kbar li ngħataw assistenza minn JASPERS kienu ntlaqtu inqas frewkentement minn żbalji ta' legalità u ta’ regolarità.
VIIL-impatt ta' JASPERS fuq il-kapaċità amministrattiva għadu ma rriżultax fi gradi ogħla ta' indipendenza mill-assistenza mogħtija minn JASPERS. B'mod ġenerali, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-benefiċjarji tal-proġetti ddikjaraw li JASPERS kellha impatt pożittiv fuq il-kapaċità amministrattiva tagħhom, għalkemm xi wħud minnhom iddikjaraw li kienu għadhom joqgħodu ħafna fuq l-assistenza mogħtija minn JASPERS. Aħna ma sibna l-ebda evidenza li tikkonferma jekk dan it-titjib fil-kapaċità amministrattiva fil-fatt seħħx. Aħna osservajna li, maż-żmien, JASPERS kienet żiedet il-fokus tagħha fuq il-bini tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri.
VIIIDan, flimkien ma' nuqqasijiet sinifikanti fil-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' JASPERS, iqiegħed f'riskju t-tħaddim b'suċċess tal-inizjattiva, b'mod partikolari f'termini tal-effiċjenza u l-effettività tagħha. Il-BEI ma kienx lest li jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż reali ta’ JASPERS, u l-Kummissjoni setgħet tiddimostra parzjalment biss il-plawżibbiltà tal-ispejjeż standard ta’ JASPERS li ntużaw sal-2014, għall-membri tal-persunal ipprovduti mill-BEI.
X'nirrakkomandaw
IXJenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tieħu aktar kontroll tal-ippjanar strateġiku ta' JASPERS, inklużi t-tipi kollha ta' attivitajiet tagħha, filwaqt li tieħu kont tal-fatt li JASPERS kienet oriġinarjament imfassla bħala inizjattiva temporanja, u għalhekk tippermetti li din tiġi eliminata b'mod gradwali jekk l-objettivi prinċipali tagħha jkunu ntlaħqu;
- tieħu azzjonijiet immedjati biex timmitiga r-riskju għoli ta' nuqqas ta' imparzjalità meta JASPERS twettaq IQRs biex tevalwa proġetti li jkunu rċevew appoġġ konsultattiv mingħandha;
- tikseb aċċess sħiħ għad-dokumentazzjoni rilevanti biex tivverifika l-kwalità tal-proċeduri tal-IQR ta’ JASPERS;
- timmira l-assistenza mogħtija minn JASPERS skont l-istadju ta’ żvilupp tal-proġett, u żżomm il-fokus tagħha fuq il-forniment ta’ servizzi konsultattivi għal proġetti kbar;
- tintegra l-attivitajiet ta' JASPERS fl-istrateġija proprja tagħha ta’ assistenza teknika, bl-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni ma' JASPERS fir-rigward tat-twettiq ta' attivitajiet permanenti (aktar milli attivitajiet ad hoc) għall-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri; matul iż-żmien, taġġusta r-rwol, in-natura u l-intensità tal-attivitajiet ta' bini tal-kapaċità mwettqa minn JASPERS fl-Istati Membri, biex tipprovdilhom inċentivi biex dawn jilħqu livell suffiċjenti u sostenibbli ta' kapaċità amministrattiva;
- tintroduċi sistema komprensiva għall-monitoraġġ tal-punt sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi ta' JASPERS kemm fuq terminu twil kif ukoll fuq terminu qasir; tiżgura li l-evalwazzjonijiet futuri ta' JASPERS ikunu komprensivi biżżejjed, u tasal għal konklużjonijiet dwar l-ilħuq tal-objettivi prinċipali tagħha; tieħu azzjoni biex ittejjeb l-effiċjenza u l-effettività ta' JASPERS; u tiżgura li l-ispejjeż ta' JASPERS ikunu raġonevoli, u li jkunu jirriflettu l-ispejjeż effettivi li jkunu ġġarrbu.
Introduzzjoni
X'inhi JASPERS?
01L-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 jew wara setgħu jibbenefikaw minn ammonti kbar ta' finanzjament permezz tal-Fond ta' Koeżjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali2. Sal-adeżjoni tagħhom mal-UE, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Kroazja rċevew ukoll appoġġ finanzjarju mill-UE permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA).
Fl-istess ħin, l-amministrazzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi kellhom biss kapaċità limitata li jimmaniġġaw il-fondi tal-UE u li jħejju u jimplimentaw proġetti skont ir-rekwiżiti tal-UE.
02Sabiex tindirizza din id-dgħufija, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tkun involuta f’inizjattiva ġdida flimkien mal-BEI biex tipprovdi konsulenza teknika lil dawn l-Istati Membri. Fl-2006, il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), u aktar tard anke il-KfW, qablu dwar memorandum ta' qbil (MtQ) għall-istabbiliment tal-inizjattiva. L-għan tal-inizjattiva, magħrufa bħala "Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej" (JASPERS), kien li tipprovdi konsulenza indipendenti, mingħajr ħlas, biex tgħin lill-Istati Membri jħejju "proġetti kbar" ta' kwalità għolja, li jinvolvu investimenti kbar, u li jiġu kofinanzjament mill-UE. Din il-konsulenza kienet relatata, pereżempju, mal-istudju tal-fattibbiltà, mal-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji (CBA), u ma’ kwistjonijiet ambjentali (ara l-paragrafu 57).
03Oriġinarjament kien previst li JASPERS topera biss matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u li tkun miftuħa biss għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 u wara3. Madankollu, taħt ftehim qafas ta' sħubija (FPA) li ġie ffirmat fl-20144, l-operazzjonijiet tagħha ġew estiżi biex ikopru l-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ukoll (inkluż mandat ġdid għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, CEF)5. Hija nfetħet ukoll għall-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati kollha, dment li r-riżorsi meħtieġa kienu disponibbli.
04L-inizjattiva ta' assistenza teknika JASPERS hija mmaniġġjata minn dipartiment iddedikat, id-dipartiment JASPERS, fi ħdan il-BEI. JASPERS timpjega madwar 124 membru tal-persunal6. Il-kwartieri ġenerali tagħha jinsabu fil-Lussemburgu fil-bini tal-BEI; hija għandha wkoll tliet uffiċċji reġjonali f'Varsavja, fi Vjenna u f’Bukarest, kif ukoll fergħa fi Brussell. Hija ffinanzjata b'mod konġunt mill-BEI, mill-Kummissjoni permezz tal-baġit tal-UE, u mill-BERŻ7. Fil-Kumitat ta' Tmexxija ta' JASPERS, preseduta mill-Kummissjoni, it-tliet sħab jivvutaw b’mod unanimu biex jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi dwar id-direzzjoni u s-superviżjoni tal-inizjattiva.
05L-ispiża effettiva ta' JASPERS, bejn l-operazzjonijiet tal-bidu tagħha fl-2006 u l-tmiem l-2016, kienet ta' EUR 284.2 miljun. Madwar 79 % tal-ispiża totali ta' JASPERS (madwar EUR 223.5 miljun) ġiet iffinanzjata mill-baġit tal-UE. Ara t-Tabella 1 għal aktar dettalji. Il-bqija tal-kontribuzzjoni ġiet ipprovduta mis-sħab l-oħra fil-forma ta' membri tal-persunal assenjati għal JASPERS.
| Sena | Spiża effettiva ta' JASPERS1 | Kontribuzzjoni mill-Kummissjoni1 | Rata ta' finanzjament mill-Kummissjoni | Għadd ta' membri tal-persunal [FTE] |
|---|---|---|---|---|
| A | B | B/A | ||
| 2006 | 0.0 | 3.9 | - | 15 |
| 2007 | 17.8 | 13.2 | 74% | 56 |
| 2008 | 21.2 | 16.0 | 75% | 61 |
| 2009 | 23.5 | 17.1 | 72% | 77 |
| 2010 | 30.2 | 23.4 | 77% | 88 |
| 2011 | 32.0 | 26.5 | 83% | 89 |
| 2012 | 30.4 | 24.2 | 80% | 91 |
| 2013 | 31.6 | 23.1 | 73% | 87 |
| 2014 | 28.9 | 21.8 | 75% | 96 |
| 2015 | 32.4 | 25.7 | 79% | 116 |
| 2016 | 36.0 | 28.8 | 80% | 124 |
| total | 284.2 | 223.5 | 79% | - |
1F'miljun euro.
Nota: Skont ir-rapporti annwali ta' JASPERS, ma ġġarbux spejjeż effettivi fl-2006. Madankollu, il-Kummissjoni għamlet pagamenti lil JASPERS matul l-2006. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux il-mandati ta’ JASPERS għall-IPA u s-CEF.
Sors: Analiżi tal-QEA li tikkonċerna r-rapporti annwali ta' JASPERS u r-risposti mill-Kummissjoni.
X'tagħmel JASPERS?
06Kull kompitu individwali ta' JASPERS huwa magħruf bħala "assenjament". L-assenjamenti jieħdu l-forom prinċipali li ġejjin:
- appoġġ individwali lil proġetti kbar u lil proġetti mhux daqstant kbar (ara l-paragrafu 7), inkluż appoġġ temporanju lil proġetti kbar maqsumin f’fażijiet (ara l-paragrafu 40),
- appoġġ orizzontali (ara l-paragrafu 8),
- miżuri ta' bini tal-kapaċità (ara l-paragrafu 9),
- funzjonijiet ta' eżaminar (ara l-paragrafu 10):
- eżaminar indipendenti tal-kwalità (IQRs),
- evalwazzjonijiet ta' wara l-preżentazzjoni (PSAs):
L-għoti ta' appoġġ individwali kemm jista' jkun kmieni fl-iżvilupp tal-proġett – għajnuna lill-Istati Membri benefiċjarji biex iħejju proġetti għall-finanzjament permezz ta' għotja taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni – huwa l-objettiv strateġiku prinċipali ta' JASPERS8. Fil-prattika, JASPERS tista' tipprovdi appoġġ fi kwalunkwe stadju tal-ħajja ta' proġett, minn meta jiġi kkonċepit sa meta jiġi approvat u, b'mod eċċezzjonali, lil hinn minn dan fil-fażi ta’ implimentazzjoni. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-assenjamenti huma relatati ma' proġetti kbar: proġetti li l-ispejjeż tagħhom jaqbżu soll definit9, u li jeħtieġu l-approvazzjoni mill-Kummissjoni. JASPERS tista' tappoġġa wkoll proġetti mhux daqstant kbar, speċjalment jekk dawn ikollhom valur strateġiku speċifiku, li jkunu approvati mill-Istati Membri.
08L-appoġġ orizzontali jista' jieħu l-forma ta' konsulenza mogħtija lil gruppi ta' proġetti differenti iżda relatati fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew inkella l-forma ta' konsulenza strateġika mogħtija lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.
09Fl-2011, JASPERS stabbiliet pjattaforma ta’ netwerking iddedikata għal miżuri ta’ bini tal-kapaċità. Hija torganizza korsijiet ta' taħriġ u avvenimenti ta' netwerking bl-għan li ttejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jfasslu proġetti f'konformità mar-regolamenti tal-UE, u li xxerred il-prattika tajba.
10Fl-2015, JASPERS bdiet teżamina wkoll applikazzjonijiet għal proġetti kbar, bħala parti mill-proċedura ta’ approvazzjoni ta' proġetti kbar imwettqa mill-Kummissjoni. Dan l-eżaminar jista’ jieħu l-forma ta' IQRs (ara l-paragrafi 44 sa 52). Kif stipulat fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni10, l-IQRs jitwettqu minn diviżjoni bbażata fi Brussell, fuq talba tal-Istati Membri. Fuq talba tal-Kummissjoni, mhux ta' Stat Membru, mill-2015 ’il hawn JASPERS tista' tipprovdi wkoll eżaminar fil-forma ta' PSAs. L-ambitu tal-PSAs huwa aktar dejjaq minn dak tal-IQRs. L-IQRs u l-PSAs jistgħu jsiru wkoll għal proġetti kbar li diġà jkunu rċevew konsulenza minn JASPERS qabel ma jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għal proġetti kbar.
11Bejn l-operazzjonijiet tal-bidu fl-2006 u tmiem l-2016, JASPERS ikkompletat 1 147 assenjament. Madwar żewġ terzi minn dawn kienu jikkonċernaw proġetti kbar. Il-Figura 1 tagħti dettalji dwar l-għadd ta' assenjamenti ikkompletati, ripartiti skont it-tip.
Figura 1
Assenjamenti ikkompletati ta' JASPERS, skont it-tip (2006-2016)
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq data pprovduta minn JASPERS (fil-31 ta’ Diċembru 2016).
Kważi 50 % tal-assenjamenti ikkompletati kollha ta' JASPERS kienu jirrigwardaw attivitajiet fil-Polonja (307) u fir-Rumanija (246). Il-Figura 2 turi l-għadd ta' assenjamenti ta' JASPERS f'kull Stat Membru.
Figura 2
Assenjamenti ikkompletati ta' JASPERS, skont l-Istat Membru
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq data pprovduta minn JASPERS (fil-31 ta’ Diċembru 2016).
Bejn l-2006 u Diċembru 2016, il-Kummissjoni approvat 963 proġett kbir mill-perjodu ta' programmazzjoni 2007-201311. Minn dawn, 511 (madwar 53 %) kienu appoġġati minn JASPERS. L-ammont totali investit f'dawn il-proġetti kien ta' madwar EUR 77.6 biljun; il-kontribuzzjoni totali mill-UE kienet ta' EUR 46.2 biljun.
14L-għadd tal-assenjamenti kollha ta' JASPERS matul il-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020, ripartiti skont l-istatus u t-tip ta' assenjament huma ppreżentati fl-Anness I.
L-ambitu u l-approċċ tal-awditjar tagħna
15L-għan ta' dan l-awditu kien li jivvaluta jekk JASPERS kinitx għamlet kontribut pożittiv għall-proġetti kkofinanzjati mill-UE fl-Istati Membri. Biex nagħmlu dan, aħna ffokajna fuq tliet oqsma differenti. L-ewwel nett, aħna eżaminajna l-istruttura istituzzjonali ta' JASPERS, kif kienet amministrata u l-ambitu tal-attivitajiet tagħha. F'dan ir-rigward, aħna ma awditjajniex l-attivitajiet ta' self proprji tal-BEI li huma relatati mal-proġetti li ngħataw assistenza minn JASPERS12. It-tieni nett, aħna ċċekkjajna l-impatt effettiv tal-attivitajiet ta' JASPERS fuq il-proġetti kkampjunati u fuq il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, aħna eżaminajna s-sistemi stabbiliti f'diversi livelli għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tax-xogħol, kif ukoll tal-effiċjenza u l-effettività ta' JASPERS.
16L-awditu kien ikopri l-perjodu minn meta JASPERS bdiet l-operazzjonijiet tagħha fl-2006 sa tmiem l-2016: għalhekk huwa jinkludi assenjamenti kemm mill-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kif ukoll mill-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Fejn rilevanti, aħna ħadna inkunsiderazzjoni wkoll informazzjoni li tikkonċerna l-perjodu sa Awwissu 2017 ipprovduta mill-Kummissjoni u l-BEI.
17Aħna wettaqna x-xogħol tal-awditjar tagħna fil-Kummissjoni, fid-dipartiment JASPERS tal-BEI u fil-Kumitat ta' Tmexxija ta' JASPERS, kif ukoll f'erba' Stati Membri magħżula: il-Kroazja, Malta, il-Polonja u r-Rumanija. Aħna għażilna dawn l-Istati Membri fuq il-bażi ta' kemm kienu rċevew assistenza mogħtija minn JASPERS, id-distribuzzjoni ġeografika tagħhom, u l-livell ta' esperjenza tagħhom fl-użu tal-fondi tal-UE.
18L-awditu tagħna kien ibbażat, b'mod partikolari, fuq l-evidenza li ġejja:
- intervisti ma' uffiċjali u benefiċjarji fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali;
- analiżi tad-dokumentazzjoni u d-data li ngħatat mill-korpi nazzjonali, mid-dipartiment JASPERS tal-BEI u mill-Kummissjoni;
- eżaminar ta' kampjun ta' 28 assenjament għal proġetti individwali (li jinkludu 25 relatati ma' proġetti kbar u 3 ma' proġetti mhux daqstant kbar) u ta’ 9 assenjamenti orizzontali ta' JASPERS (l-Anness II); l-għażla tal-kampjun iffokat fuq assenjamenti ikkompletati13;
- skrinjar ta' 343 nota dwar l-ikkompletar tal-azzjoni (ACNs) relatati ma' assenjamenti fl-erba' Stati Membri li żorna;
- analiżi tar-riżultati tal-eżerċizzju proprju tagħna relatat mal-awditjar tal-konformità, li wettaqna fl-2014 u fl-2015 u li huwa relatat ma' proġetti kbar.
Barra minn hekk, aħna rreferejna għar-rapport finali tal-awditjar dwar proġetti kbar fid-DĠ REGIO, li nħareġ f’Ottubru 2017 mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni. L-ambitu ta’ dak l-awditu kien jinkludi eżaminar tal-proċessi u tal-kontrolli stabbiliti mid-DĠ REGIO għall-approvazzjoni u l-monitoraġġ ta’ proġetti kbar fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, u kopra, fost oħrajn, l-użu tal-funzjoni tal-IQR ta’ JASPERS.
20Fit-twettiq tal-partijiet minn dan l-awditu li kienu jikkonċernaw il-Kroazja u l-Polonja, aħna kkooperajna mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Kroazja u tal-Polonja, li kienu qed iwettqu l-awditi tagħhom tal-impatt ta' JASPERS fuq livell nazzjonali fl-istess żmien tal-awditu tagħna14. Din il-kooperazzjoni kienet tinkludi skambji ta' fehmiet dwar l-approċċ u l-metodoloġija tal-awditjar tagħna, u diskussjonijiet dwar ir-riżultati ewlenin tax-xogħol tal-awditjar li jikkonċerna kull pajjiż.
Osservazzjonijiet
Dgħufijiet fid-definizzjoni tal-objettivi prinċipali ta' JASPERS irriżultaw f’nuqqasijiet fl-operazzjonijiet tagħha
21Aħna nqisu li objettivi strateġiċi ta' livell għoli li jkunu ddefiniti b'mod xieraq u mhux ambigwi jipprovdu bażi solida sabiex ir-riżorsi ta' JASPERS jiġu diretti lejn l-aktar oqsma importanti. Huma importanti wkoll għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni sussegwenti tal-operazzjonijiet ta' JASPERS, u biex jiġu identifikati oqsma fejn huwa meħtieġ appoġġ addizzjonali. Aħna nqisu wkoll li rwoli u responsabbiltajiet iddefiniti b'mod ċar huma kruċjali biex jiġu ggarantiti t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, u biex tiġi ggarantita l-imparzjalità fejn dan ikun importanti. Għal dan il-fini, aħna vvalutajna l-istruttura istituzzjonali ta' JASPERS meta din nħolqot fl-2006 u meta ġiet estiża fl-2014.
L-objettivi prinċipali għal JASPERS ma kinux ċari biżżejjed u kienu parzjalment konfliġġenti
22JASPERS oriġinarjament tfasslet bħala inizjattiva għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. L-idea wara JASPERS ġiet deskritta għall-ewwel darba f’dokument kunċettwali li nħareġ fl-200515. Dan iddikjara li proġetti kbar fl-Istati Membri li kienu ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2004 u wara, kif ukoll il-Greċja, Spanja u l-Portugall16, kienu se jingħataw prijorità biex jirċievu appoġġ minn JASPERS.
23Id-dokument kunċettwali ddikjara wkoll li l-Kummissjoni u l-BEI kienu se jeżaminaw JASPERS wara l-ewwel sentejn ta' operat tagħha, biex jiddeċiedu dwar id-direzzjoni strateġika tagħha fil-futur, billi meta bdew l-operazzjonijiet ta' JASPERS ma kienx possibbli li titbassar b'mod preċiż id-domanda fil-futur. Għalkemm il-fokus ġenerali previst fid-dokument kunċettwali ġie riportat għall-MtQ tal-2006 (ara l-paragrafi 2 u 3), ċerti aspetti ġew prattikament posposti. Wieħed minn dawn kien il-fokus fuq il-bini tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri. Aspett ieħor kien l-impenn li jsir eżaminar wara sentejn ta' operat.
24L-objettiv strateġiku ġenerali ta' JASPERS, kif deskritt fl-MtQ tal-2006, kien li tgħin lill-Istati Membri benefiċjarji jħejju u jippreżentaw proġetti ta' kwalità għolja għal finanzjament permezz ta' għotja taħt il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni. Huwa kellu l-għan li jaċċellera l-assorbiment tal-fondi disponibbli tal-UE. Iż-żewġ objettivi - it-titjib fil-kwalità u fl-assorbiment - baqgħu validi għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Filwaqt li d-dokument kunċettwali kien jinkludi stima approssimattiva tal-preżentazzjonijiet ta’ proġetti kbar mistennija kull sena, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-ħtiġijiet qabel ma tnediet l-inizjattiva JASPERS għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. B'kuntrast, għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Kummissjoni ħadmet flimkien ma' JASPERS biex twettaq valutazzjoni fformalizzata tal-ħtiġijiet qabel ma testendi l-mandat ta' JASPERS u tiftaħha għall-Istati Membri kollha (ara l-paragrafu 3). Madankollu, aħna sibna li din il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kienet ottimista żżejjed (ara l-paragrafu 52, u l-paragrafi 87 sa 90).
25L-objettiv aħħari ta' JASPERS – li tgħin lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-għajnuna disponibbli taħt il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni – huwa ċar. Iż-żewġ objettivi prinċipali stabbiliti għal JASPERS ma kinux ċari jew speċifiċi biżżejjed fl-ebda wieħed miż-żewġ perjodi ta' programmazzjoni. L-objettiv dwar it-titjib tal-kwalità tal-proġetti li l-inizjattiva kienet intenzjonata twassal ma kienx iddefinit b’mod speċifiku, filwaqt li l-objettiv dwar it-titjib tal-assorbiment tal-fondi tal-UE17 kien vag. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ objettivi prinċipali kienu mill-anqas f'kunflitt parzjali ma' xulxin; pereżempju, it-titjib ta' proġett jista' jikkawża aktar dewmien, u b'hekk jippreġudika l-assorbiment (ara wkoll il-paragrafu 96). Dan ipprovda bażi mhux sodisfaċenti għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-inizjattiva.
26Il-Kummissjoni ma speċifikatx fuq liema bażi kienet se tiġġudika jekk l-objettivi prinċipali ta' JASPERS kinux intlaħqu u b'liema mezzi kienet se tagħmel dan. Pereżempju, iż-żieda fil-kapaċità amministrattiva – li għandha tikkontribwixxi għat-titjib fil-kwalità tal-proġetti kif ukoll fl-assorbiment - kienet stabbilita bħala objettiv fid-dokument kunċettwali, iżda ma ġietx riportata għall-MtQ għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Din ġiet inkorporata biss fl-FPA li jkopri l-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, mingħajr l-ebda referenza għal objettivi speċifiċi. Minħabba f'hekk, l-ebda objettiv speċifiku ma ġie assoċjat magħha fiż-żewġ perjodi; minflok, żieda fil-kapaċità amministrattiva ġiet stabbilita bħala impatt fuq terminu twil. Dan ikkawża l-problemi li ġejjin.
27Iż-żieda fil-kapaċità amministrattiva hija, min-natura tagħha, objettiv li jrid jiġi rivedut minn żmien għal żmien: wara li l-kapaċità amministrattiva ta' Stat Membru tkun żdiedet għal-livell mixtieq fuq suġġett speċifiku, il-ħtieġa għal aktar miżuri ta’ bini tal-kapaċità tonqos. F'każ bħal dan, aħna nistennew li jkunu ġew stabbiliti objettivi tematiċi li, meta jintlaħqu, jindikaw b'mod ċar li ċerti miżuri ta' bini tal-kapaċità ma jkunux meħtieġa aktar. Madankollu, f'dan il-każ, la l-Kummissjoni u lanqas JASPERS ma stabbilew objettivi speċifiċi dwar il-bini tal-kapaċità.
Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati prinċipali ma kinux ċari biżżejjed
28Ix-xogħol ta' JASPERS jitħallas prinċipalment mill-Kummissjoni u jitwettaq mill-BEI fuq talba tal-Istati Membri. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ JASPERS u tal-partijiet interessati prinċipali tagħha18 ma kinux iddefiniti b’mod ċar fl-ebda wieħed miż-żewġ perjodi ta' programmazzjoni, inkluż fi ftehimiet formali ffirmati bejn il-Kummissjoni u l-BEI, bħall-Ftehimiet ta’ Kontribuzzjoni Annwali.
29L-unika evidenza li rajna ta' arranġamenti ta' xogħol fformalizzati kienet bejn JASPERS u l-Istati Membri19. Madankollu, dawn l-arranġamenti kienu ta’ natura ġenerali u kienu limitati għal assenjamenti għal proġetti kbar. Minbarra ftehimiet fuq il-livell ta’ assenjamenti individwali (imsejħa skedi informattivi tal-proġetti), fejn kienu jeżistu, aħna ma rajna l-ebda evidenza ta’ arranġamenti istituzzjonali formalizzati għall-forniment ta’ assistenza konsultattiva għal pariri orizzontali jew strateġiċi, jew attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità. Lanqas ma rajna evidenza ta' xi rekwiżiti biex l-Istati Membri jiddimostraw jekk kienx sar użu tajjeb mill-konsulenza ta' JASPERS (inkluża assistenza għal proġetti mhux daqstant kbar).
30Barra minn hekk, l-arranġamenti ta' xogħol għall-proġetti ma kinux komprensivi biżżejjed, u dan wassal biex jiġu żviluppati prattiki li mhux dejjem kienu jikkonformaw mal-objettivi ta' JASPERS. Fil-Polonja, pereżempju, l-awtoritajiet nazzjonali kienu ddeċidew b'mod sistematiku li jinvolvu lil JASPERS biss wara li l-proġetti l-kbar ikunu diġà ġew approvati fil-livell nazzjonali. Dan kien imur kontra l-prijoritajiet ta' JASPERS, li hija maħsuba biex tkun involuta kemm jista' jkun kmieni fil-proċedura tal-ippjanar tal-proġetti.
31JASPERS lanqas ma kellha arranġamenti ta' xogħol mal-Kummissjoni li huma fformalizzati b’mod ċar. B'mod partikolari, qabel l-2008, sentejn wara li bdiet l-inizjattiva, ma ġiet introdotta l-ebda dispożizzjoni għar-rappurtar dwar ir-riżultati tal-assenjamenti ta' JASPERS. Dawn ħadu l-forma tal-ACN ta’ JASPERS, sommarju standardizzat tax-xogħol li JASPERS tkun għamlet fuq proġett, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali jekk dan ikun meħtieġ. Mill-2008 ’il quddiem, kull meta ġiet ikkompletata assenjament, JASPERS fasslet ACN; l-Istati Membri kienu obbligati jehmżuha meta jippreżentaw formola ta’ applikazzjoni għal proġett kbir lill-Kummissjoni, biex hija tkun tista' tużaha għax-xogħol proprju tagħha ta’ evalwazzjoni.
32Fi tnejn mill-erba' Stati Membri li żorna20, aspettattivi mhux ċari u komunikazzjonijiet mhux ikkoordinati assoċjati man-nuqqas ta' ċarezza dwar kif għandu jkun hemm kooperazzjoni ma' JASPERS kienu pprovokaw kritika mill-awtoritajiet nazzjonali. Aħna nqisu li fil-prattika, il-Kummissjoni hija klijent li tibbenefika minn JASPERS. JASPERS u l-Kummissjoni jqisu lill-Istati Membri bħala l-uniċi klijenti ta’ JASPERS, billi – minbarra l-PSA, li ġiet introdotta fl-2015 (ara l-paragrafu 35) – JASPERS twettaq xogħol purament skont it-talbiet tagħhom.
33Il-BEI ukoll jista' jitqies bħala klijent indirett ta' JASPERS. Fl-2006, il-BEI ddefinixxa l-objettivi istituzzjonali addizzjonali proprji tiegħu għal JASPERS. Dawn kienu jinkludu żieda fl-opportunitajiet ta' self, u relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali21. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-BEI għal darba oħra stenna li se jibbenefika mill-opportunitajiet akbar ta' self li jirriżultaw minn JASPERS, billi jsellef EUR 10 biljun lil proġetti appoġġati minn JASPERS, l-istess ammont bħal fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013.22 Minħabba n-nuqqas ta’ drittijiet tal-awditjar (ara l-paragrafu 15), aħna ma vvalutajniex jekk il-benefiċċji relatati mas-self kinux jiġġustifikaw il-kontribuzzjoni li l-BEI għamel għal JASPERS. Lanqas ma vverifikajna jekk ir-riskju ta' imparzjalità insuffiċjenti bejn ix-xogħol konsultattiv ta' JASPERS u l-attivitajiet ta’ self tal-BEI kienx immitigat b'mod xieraq.
34JASPERS ġeneralment aderixxiet mar-rwol iddeżinjat proprju tagħha, li ma jinkludix it-tfassil ta' dokumentazzjoni tal-proġetti, bħas-CBA u d-dokumenti tal-offerti. Iżda f'għadd limitat ta' każijiet (3 minn 20 proġett kbir awditjat), aħna sibna li l-Istati Membri kienu talbu li JASPERS tagħmel dan xorta waħda, u li kienet ikkonformat. Fil-fatt, billi għamlet dan, JASPERS ipprovdiet lill-Istati Membri b’xogħol ta' konsulenza mingħajr ħlas billi impjegat lil konsulenti esterni li ħallset hi stess.
35Fl-2015, meta l-Kummissjoni introduċiet il-PSA (ara wkoll il-paragrafu 53), hija ma baqgħetx tirrikjedi li l-ACNs jiġu ppreżentati flimkien mal-applikazzjonijiet għal proġetti kbar. Madankollu, JASPERS ma kinitx inkorporat din il-bidla fl-arranġamenti ta' xogħol tagħha mal-Istati Membri, u kompliet tirrikjedi li dawn jippreżentaw ACN ma' kull applikazzjoni għal proġett kbir. Fl-opinjoni tagħna, hija prattika tajba min-naħa ta’ JASPERS li tkompli tirrikjedi l-ACN: din tal-aħħar għandha ambitu usa’ mill-PSA. Matul l-awditu tagħna, il-Kummissjoni reġgħet bdiet tuża l-ACNs.
36JASPERS kien imissha wasslet aktar benefiċċji għall-Kummissjoni billi naqqset il-ħtieġa li konsulenti esterni jwettqu xogħol li jappoġġa l-proċeduri ta' evalwazzjoni tagħha. Madankollu, aħna sibna li l-Kummissjoni kienet xi drabi naqset milli tieħu vantaġġ minn din l-opportunità. Aħna sibna li f'madwar 7 % tal-proġetti l-kbar li ġew approvati għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u li kienu ngħataw assistenza minn JASPERS, il-Kummissjoni kienet użat kumpaniji ta' konsulenza esterni biex iwettqu xogħol li sa ċertu punt kien diġà kien sar minn JASPERS.
F'ħafna każijiet, JASPERS ma mmiratx l-assistenza tagħha b'mod suffiċjenti
37Il-prijoritajiet għall-assistenza mogħtija minn JASPERS kienu bbażati fuq ix-xewqat tal-Istati Membri, li huwa meħtieġ li jkunu allinjati mal-politika ta' koeżjoni tal-UE. JASPERS infisha ma stabbiliet l-ebda qasam partikolari ta' prijorità għall-assistenza tagħha lill-Istati Membri. Kemm id-dokument kunċettwali tal-2005 kif ukoll il-manwal tal-kwalità interna ta' JASPERS, li ġie introdott biss fl-2010, iddikjaraw li l-Kummissjoni trid tiġi kkonsultata dwar l-għażla tal-assenjamenti individwali jew orizzontali kollha qabel ma l-Kumitat ta' Tmexxija jkun jista' japprova l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ta' JASPERS. Dawn il-pjanijiet ta' azzjoni kienu ta' importanza strateġika: huma kienu jiddefinixxu l-ambitu, u l-limiti, tal-attivitajiet li JASPERS setgħet twettaq fl-Istati Membri. Madankollu, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-13, mhux dejjem kien hemm konsultazzjoni mal-Kummissjoni għal proġetti mhux daqstant kbar jew għal assenjamenti orizzontali.
38L-introduzzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni pluriennali rikorrenti għal JASPERS għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 irriżultat f’ippjanar inqas preċiż u f’konsultazzjonijiet saħansitra inqas frekwenti mal-Kummissjoni, u b'hekk naqqset il-valur strateġiku tagħhom. Fir-realtà, JASPERS aċċettat it-talbiet kważi kollha (98 %) għal assenjamenti individwali u orizzontali li ġew ippreżentati mill-Istati Membri matul iż-żewġ perjodi ta' programmazzjoni. Għad-dettalji ara t-Tabella 2.
| Tip ta' assenjament | 2007-2013 | 2014-2020 | Globali | ||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Kollha | rifjutati | % | Kollha | rifjutati | % | Kollha | rifjutati | % | |
| Proġetti kbar | 916 | 31 | 3% | 367 | 0 | 0% | 1283 | 31 | 2% |
| Proġetti mhux daqstant kbar | 231 | 4 | 2% | 71 | 0 | 0% | 302 | 4 | 1% |
| Appoġġ orizzontali | 221 | 1 | 0% | 144 | 0 | 1% | 365 | 2 | 1% |
| 1368 | 36 | 3% | 582 | 1 | 0% | 1950 | 37 | 2% | |
Nota: Bħala kwistjoni ta' prinċipju, l-assenjamenti għall-bini tal-kapaċità, il-PSA u l-IQR mhumiex suġġetti għal rifjut.
Rifjutata – talba uffiċjali għal assenjament rifjutata minn JASPERS.
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq silta mid-database ta' JASPERS (fil-31 ta’ Diċembru 2016).
39Bejn l-2006 u tmiem l-201523, madwar 22 % tal-assenjamenti kollha individwali (proġetti kbar u mhux daqstant kbar) u orizzontali li nħolqu ma tkomplewx. Minn dawn, 85 % ġew ikkanċellati u l-15 % l-oħra ġew sospiżi24. Għad-dettalji ara l-Figura 3. Ix-xogħol li sar fuq dawn l-assenjamenti li ma tkomplewx kien jammonta għal madwar 8 % tal-ħin totali tax-xogħol tal-persunal ta' JASPERS matul dan il-perjodu25. Ir-raġunijiet għall-kanċellazzjoni jistgħu jkunu ħafna, inklużi każijiet fejn il-proġetti jiċċekknu biex isiru proġetti mhux daqstant kbar jew saħansitra jiġu abbandunati. Madankollu, fl-opinjoni tagħna, din ir-rata għolja ta’ assenjamenti li ma tkomplewx tindika li l-immirar ma kienx sodisfaċenti.
Figura 3
Ħarsa ġenerali lejn l-assenjamenti ikkanċellati u dawk sospiżi (proġetti kbar, proġetti mhux daqstant kbar u appoġġ orizzontali) bejn l-2006 u tmiem l-2015
Nota: Assenjamenti li ma tkomplewx – assenjamenti sospiżi u kkanċellati:
Sospiża – assenjament sospiża minn Stat Membru jew JASPERS.
Ikkanċellata – assenjament ikkanċellata minn Stat Membru.
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq silta mid-database ta' JASPERS (f’Diċembru 2016).
Aħna sibna li, finalment, fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni ma approvatx li l-UE tikkofinanzja 14 % tal-proġetti l-kbar kollha ppreżentati mill-Istati Membri. Aħna osservajna b'mod pożittiv li, ibbażat fuq l-informazzjoni li tinsab fid-database tal-Kummissjoni, il-biċċa l-kbira mill-proġetti l-kbar li ma ġewx approvati (madwar 95 %) ma kinux ingħataw assistenza minn JASPERS. Ir-raġunijiet kienu diversi: il-proġetti ċċekknu jew inqasmu, jew, minħabba f’xi dewmien, ġew sospiżi biex jippermettu l-implimentazzjoni fil-perjodu ta' eliġibbiltà li jmiss. Inqas frekwentement, il-Kummissjoni rrifjutathom jew l-Istati Membri kkanċellawhom.
41Barra minn hekk, aħna sibna li JASPERS bdiet tipprovdi appoġġ lil proġetti kbar imdewma li kienu jeħtieġu li jiġu riportati mill-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti (proġetti maqsumin f'fażijiet). Hija kienet fetħet 59 assenjament ta' dan it-tip sa tmiem l-201526. Dan kien imur kontra l-prijorità prinċipali ta' JASPERS li tiżviluppa proġetti kbar ġodda billi tipprovdi assistenza konsultattiva konvenzjonali.
42Aħna osservajna wkoll li JASPERS kompliet tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jestendu l-użu tal-assistenza tagħha għal assenjamenti orizzontali u għal proġetti matul l-istadju ta’ implimentazzjoni tagħhom.
43L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ JASPERS, li twettqet f’Diċembru 2012 f’isem il-Kummissjoni irrakkomandat, fost oħrajn, li JASPERS ittejjeb l-approċċ strateġiku tagħha u l-formalizzazzjoni tal-arranġamenti ta’ xogħol tagħha mal-Kummissjoni. Aħna osservajna li l-kwistjonijiet ta’ bażi kienu għadhom qed jikkawżaw problemi fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.
Kien hemm dgħufijiet sinifikanti fl-istabbiliment tal-funzjoni l-ġdida ta' IQR għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020
44F'Novembru 2013, il-Kummissjoni nnominat lil JASPERS bħala espert indipendenti fi ħdan il-qafas tal-istrateġija tagħha ta’ assistenza teknika għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-202027. Hija għamlet dan mingħajr ma wettqet l-ebda proċess preċedenti ta' evalwazzjoni formali. Biex teżerċita dan ir-rwol, JASPERS bdiet twettaq IQRs fl-2014 bi ftehim mal-BEI (hija kkompletat l-ewwel rapport tal-IQR tagħha fl-2016). Il-Kummissjoni u JASPERS jirrakkomandaw b’mod speċjali li l-IQRs jintużaw għal proġetti kbar li diġà rċevew assistenza konsultattiva minn JASPERS, għalkemm jistgħu jintużaw ukoll għal proġetti kbar li sa issa ma rċevewx assistenza bħal din.
45L-IQR hija funzjoni ġdida importanti ħafna ta’ JASPERS, li l-Kummissjoni riedet li l-Istati Membri jużaw għall-evalwazzjoni ta’ proġetti kbar. Għalhekk, aħna konna nistennew li l-proċeduri ta’ kwalità interna kienu ġew adottati formalment. Madankollu, sa Ottubru 2017, l-ebda proċedura li tiddefinixxi l-proċessi tal-IQR ma kienet ġiet adottata. L-uniku dokument disponibbli kien abbozz ta’ manwal tal-proċeduri tal-IQR. Sa Ottubru 2017, JASPERS kienet ħarġet tmien rapporti tal-IQR, li wasslu għall-approvazzjoni taċita, mill-Kummissjoni, tal-proġetti kbar ta’ bażi.
46Biex jiġi żgurat li l-IQRs ikunu imparzjali, il-Kummissjoni tirrikjedi li dawn jitwettqu b'indipendenza funzjonali sħiħa mis-servizzi konsultattivi ta' JASPERS. Kien maħsub li dan jinkiseb permezz tas-separazzjoni fiżika tas-subunitajiet konsultattivi u tal-IQR. L-abbozz ta’ manwal tal-proċeduri tal-IQR kien id-dokument prinċipali ppreżentat lilna rigward il-proċeduri tal-IQR. Huwa kien fih għadd ta’ dispożizzjonijiet li kellhom il-potenzjal li jikkompromettu l-indipendenza funzjonali tal-IQR.
47Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni jirrapporta li l-kontrolli tal-kwalità tad-DĠ REGIO ma indirizzawx b’mod adegwat kwistjonijiet dwar kunflitti potenzjali ta’ interess bejn id-diviżjoni konsultattiva u d-diviżjoni tal-IQR ta’ JASPERS. L-IAS jirrakkomanda li d-DĠ REGIO janalizza l-kunflitti ta’ interess, kemm dawk reali kif ukoll dawk ipperċepiti, bejn id-diviżjoni konsultattiva u d-diviżjoni tal-IQR ta’ JASPERS, u jiżviluppa miżuri ta’ mitigazzjoni fejn meħtieġ.
48Aħna osservajna wkoll li l-istess direttur kien responsabbli għall-approvazzjoni tax-xogħol kemm tad-diviżjoni tal-IQR kif ukoll tad-diviżjoni konsultattiva; dan kompla jnaqqas mill-indipendenza tad-diviżjoni tal-IQR.
49L-IQRs huma parti kruċjali mill-proċess ta' approvazzjoni tal-Kummissjoni għal proġetti kbar. Rekwiżiti dwar x’inhu meħtieġ li jkun fih IQR huma stipulati f’leġiżlazzjoni sekondarja. Madankollu, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda input dirett fil-manwal tal-proċeduri li jirregola l-mod kif jitwettqu l-IQRs. JASPERS lanqas ma kienet iffirmat xi ftehim ta' xogħol dwar l-IQRs mal-Kummissjoni.
50Il-proċedura tal-IQR hija differenti mill-proċedura konsultattiva billi tqiegħed l-oneru fuq il-Kummissjoni biex din tiddimostra li hemm dgħufija sinifikanti f’rapport tal-IQR li hija ma taqbilx miegħu. Fl-opinjoni tagħna, huwa diffiċli biex il-Kummissjoni tagħmel dan, billi hija ma għadx għandha aċċess għad-dokumentazzjoni ta’ bażi. F’każ bħal dan, l-IQR tiġi aċċettata awtomatikament wara tliet xhur. F’xenarju bħal dan, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tapprova proġetti kbar fil-fatt jittieħdu minn JASPERS, li hija inkarigata mill-IQR.
51Sa żmien l-awditu tagħna, JASPERS kienet fasslet arranġamenti ta' xogħol standardizzati għall-IQRs għall-Istati Membri kollha, iżda mhux l-Istati Membri kollha kienu ffirmawhom. Sa tmiem l-2016, disa' Stati Membri kienu ffirmaw l-arranġamenti, iżda dawn ma kinux jinkludu r-Rumanija28, ir-Repubblika Ċeka jew l-Italja, li kienu fost l-Istati Membri li kienu mistennija jippreżentaw l-akbar għadd ta' proġetti kbar.
52Kif issemma fil-paragrafi 87 u 90, l-għadd ta' proġetti kbar għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u l-kronoloġija għall-preżentazzjoni tagħhom kienu ottimisti żżejjed. B’mod simili, aħna sibna li l-użu tal-IQR mill-Istati Membri kien ġie stmat b’mod eċċessiv. F'Diċembru 2013, il-Kummissjoni stenniet li l-biċċa l-kbira mill-benefiċjarji prinċipali tal-politika ta' koeżjoni kienu se jużaw l-IQR. F'Lulju 2015, JASPERS stmat li madwar 50 % tal-proġetti l-kbar kollha se jgħaddu mill-proċedura tal-IQR. B'mod speċifiku, hija stmat li 20 kienu se jagħmlu dan fl-2015, 70 fl-2016 u 66 fl-2017. Fil-fatt, sa tmiem l-2016, JASPERS kienet ħarġet biss tliet rapporti tal-IQR għal proġetti kbar, li kollha kienu diġà rċevew assistenza konsultattiva minn JASPERS (inkluż il-ħruġ ta' ACN).
53Mill-bidu nett, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li l-proġetti l-kbar kollha li ma jużawx il-proċedura tal-IQR jiġu ppreżentati direttament lill-Kummissjoni u mbagħad jgħaddu mill-proċedura tal-PSA29.
Il-Kummissjoni ma ffirmat l-ebda ftehim ma' JASPERS dwar l-arranġamenti ta' xogħol jew il-metodi li għandhom jintużaw għall-PSA. JASPERS setgħet torbot lilha nfisha għal żmien massimu għall-proċedura tal-PSA, jiġifieri 20 jum tax-xogħol. Sa tmiem l-2016, JASPERS kienet ikkompletat 28 assenjament għal PSA (inklużi 24 għall-Polonja), meta mqabbel mal-istima preċedenti proprja tagħha ta' 90 assenjament għal PSA.
JASPERS kellha impatt fuq il-kwalità tal-proġetti iżda ma setax ikollha impatt fuq l-assorbiment
54Aħna fittixna li nidentifikaw jekk JASPERS kinitx laħqet l-għan ġenerali tagħha li żżid il-kwalità tal-proġetti u tħaffef l-approvazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-ksib ta' dawn l-għanijiet għandha twassal għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u għal żieda fl-assorbiment tal-fondi tal-UE.
L-assistenza ġeneralment komprensiva ta' JASPERS ikkontribwiet għal dokumentazzjoni aħjar dwar il-proġetti u għal approvazzjoni aktar veloċi tal-proġetti
55B'mod ġenerali, aktar ma jkun kmieni l-involviment ta' JASPERS, aktar ikun kbir l-impatt tagħha. Fl-erba' Stati Membri li żorna, aħna eżaminajna l-ACNs li kienu nħarġu għat-343 assenjament kkompletati kollha għal proġetti kbar. Għall-fini ta' dan l-eżaminar, ġew applikati stadji differenti tal-ewwel involviment ta' JASPERS (ara l-Kaxxa 1).
Kaxxa 1
Stadji differenti tal-involviment ta' JASPERS
- L-istadju kunċettwali: il-ħtiġijiet jiġu identifikati u pprijoritizzati.
- L-istadju ta' qabel il-fattibbiltà: jiġu proposti soluzzjonijiet possibbli għall-ħtiġijiet identifikati li jkunu nstabu fl-istadju preċedenti.
- L-istadju ta’ studju tal-fattibbiltà: tintgħażel soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati. Il-benefiċjarju jidentifika għadd ta' opzjonijiet għal investiment biex jintlaħqu dawn il-ħtiġijiet, u jaċċerta l-karatteristiċi ewlenin u l-ispejjeż probabbli ta' kull opzjoni. Fl-opinjoni tagħna, dan huwa l-aħħar stadju meta JASPERS tista' tikseb impatt relattivament għoli fuq il-proġett billi tinvolvi lilha nfisha.
- L-istadju ta’ applikazzjoni: id-dettalji tal-proġett jiġu stabbiliti abbażi tal-istudju tal-fattibbiltà. Il-benefiċjarju jħejji applikazzjoni sħiħa għal proġett u jitlob lil JASPERS biex tevalwaha jew teżaminaha qabel ma jippreżentaha lill-awtorità maniġerjali jew lill-Kummissjoni.
- L-istadju ta’ implimentazzjoni: jinkludi l-implimentazzjoni fiżika tal-proġett. Ġeneralment iseħħ wara li l-proġett ikun ġie approvat mill-awtorità maniġerjali jew mill-Kummissjoni.
Aħna sibna li JASPERS kienet ġiet involuta prinċipalment fl-istadju ta’ qabel il-fattibbiltà (15 %) u fl-istadju ta’ studju tal-fattibbiltà (52 %) tal-proġetti. Waqt l-awditu, l-awtoritajiet nazzjonali u l-benefiċjarji tal-assenjamenti awditjati ta' JASPERS – minbarra dawk li eżaminajna f'Malta – iddikjaraw li JASPERS ġeneralment kienet involuta kmieni biżżejjed matul il-proċess ta’ żvilupp tal-proġetti.
57Fl-analiżi tagħna tal-attivitajiet ta' JASPERS, aħna identifikajna 13-il qasam fejn JASPERS toffri assistenza30. Meta, fl-erba' Stati Membri li żorna, aħna eżaminajna l-ACNs għat-343 assenjament kkompletati kollha għal proġetti kbar, sibna li JASPERS spiss kienet ipprovdiet assistenza fil-ħames oqsma li ġejjin (ikklassifikati skont il-frekwenza f'ordni dixxendenti): studju tal-fattibbiltà, formola ta’ applikazzjoni għal proġetti, analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, kwistjonijiet ambjentali u kwistjonijiet ta' fondi u finanzjament. Aħna osservajna li skont il-manwal tal-proċeduri interni proprju tagħha, JASPERS tista' toffri biss konsulenza limitata f'ċerti oqsma (bħall-akkwist). Aħna sibna wkoll li l-Istati Membri għamlu restrizzjonijiet fuq dak li JASPERS setgħet tagħmel fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat: pereżempju, Malta għandha korp speċifiku li jittratta l-għajnuna mill-Istat, u għalhekk dan il-qasam prattikament qatt ma ġie ttrattat minn JASPERS.
58Fil-kampjun ta' 20 proġett kbir li awditjajna (ara l-Anness II), l-oqsma fejn JASPERS ipprovdiet l-appoġġ l-aktar frekwenti kienu l-eżaminar tal-formoli ta’ applikazzjoni; l-iskrutinju tal-proposti ġenerali u l-istudji tal-fattibbiltà; is-CBAs; u kwistjonijiet ambjentali. Aħna sibna li l-assistenza mogħtija minn JASPERS ġeneralment kienet komprensiva, u kkontribwiet għall-kwalità tad-dokumentazzjoni tal-proġetti. Dan kien jirrifletti l-politika ta' JASPERS li tipprovdi assistenza f'bosta oqsma, irrispettivament minn meta tkun ġiet involuta. Din l-osservazzjoni kienet ikkonfermata mill-benefiċjarji tal-assenjamenti, u mis-SAIs kemm tal-Kroazja kif ukoll tal-Polonja matul l-awditi kkoordinati. Barra minn hekk, aħna osservajna li l-biċċa l-kbira mill-benefiċjarji tal-assenjamenti li awditjajna kienu użaw l-appoġġ ta' kumpaniji ta’ konsulenza esterni, inkluż għal oqsma fejn JASPERS spiss kienet tipprovdi konsulenza.
59B'mod ġenerali, aħna sibna li l-assenjamenti ta' JASPERS fil-kampjun tal-awditjar tagħna ta' 20 proġett kbir (ara l-Anness II) kellhom tendenza li jdumu aktar meta JASPERS kienet involuta fi stadju bikri tal-proġett. Is-settur tat-toroq kien eċċezzjoni: hawnhekk, l-assenjamenti fejn JASPERS kienet involuta aktar tard, fl-istadju ta’ applikazzjoni għal proġett (bħala medja, 1 688 jum), damu aktar mill-assenjamenti fejn hija kienet involuta aktar kmieni, fl-istadju ta’ studju tal-fattibbiltà (834 jum).
60Wieħed jistenna li l-assenjamenti idumu aktar f'każijiet fejn JASPERS tkun involuta fi stadju bikri. Madankollu, dan għandu jwassal għal tnaqqis fiż-żmien meħtieġ biex il-proġett jiġi approvat mill-Kummissjoni. Aħna sibna li l-proġetti fil-kampjun tagħna fejn JASPERS kienet ġiet involuta fl-istadju ta’ applikazzjoni damu 207 ijiem biex jiġu approvati mill-Kummissjoni, filwaqt li ż-żmien għall-approvazzjoni tal-proġetti fejn JASPERS kienet ġiet involuta qabel, fl-istadju ta’ studju tal-fattibbiltà, kien ta' 205 ijiem: ma kien hemm prattikament l-ebda tnaqqis fiż-żmien meħtieġ għall-approvazzjoni. Meta JASPERS kienet involuta fl-istadju ta’ studju ta' qabel il-fattibbiltà, iż-żmien meħtieġ għall-approvazzjoni naqas b'mod aktar sostanzjali għal 183 jum.
61Fost l-erba' Stati Membri li żorna, il-proġetti l-kbar f'Malta li ngħataw assistenza minn JASPERS kienu dawk li damu l-inqas biex jiksbu deċiżjoni mill-Kummissjoni (bħala medja, 126 jum). Il-proġetti l-kbar kollha li awditjajna f'Malta kienu ngħataw assistenza minn JASPERS, u b'differenza mit-tliet Stati Membri li żorna, xi wħud minnhom kienu ġew eżaminati b'mod informali mill-Kummissjoni qabel ma l-applikazzjonijiet ġew ippreżentati b'mod uffiċjali. Mill-proġetti l-kbar li ngħataw assistenza fil-kampjun tagħna, kienu dawk fil-Kroazja li damu l-aktar biex jiksbu deċiżjoni mill-Kummissjoni (281 jum).
62Fuq il-bażi tal-informazzjoni li kien fihom id-databases tal-Kummissjoni u ta’ JASPERS għall-proġetti l-kbar kollha li ġew approvati matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-13, aħna vvalutajna jekk il-proġetti l-kbar li kienu rċevew assistenza mogħtija minn JASPERS kinux ġew approvati mill-Kummissjoni aktar malajr. Aħna sibna li, bħala medja, id-deċiżjonijiet dwar il-proġetti l-kbar li kienu rċevew assistenza mogħtija minn JASPERS kienu nħarġu 22 % aktar malajr mid-deċiżjonijiet dwar proġetti li ma kinux irċevew din l-assistenza31. Din l-osservazzjoni kienet ikkonfermata mis-SAIs tal-Polonja u tal-Kroazja matul l-awditu kkoordinat. Dan l-effett kien viżibbli l-aktar fis-settur tal-enerġija u tal-iskart solidu (ara l-Figura 4).
Figura 4
Żmien meħtieġ mill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjonijiet dwar proġetti kbar matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 (skont is-settur)
1 Jiem li għaddew biż-żmien tal-interruzzjonijiet imnaqqas.
Sors: Analiżi tal-QEA li tikkonċerna d-database SFC tal-Kummissjoni (fis-6 ta’ April 2017).
Konna nistennew li l-assistenza mogħtija minn JASPERS tikkontribwixxi għall-kwalità tal-applikazzjonijiet għal proġetti, u b'hekk tnaqqas il-ħtieġa li l-Kummissjoni tinterrompihom matul il-proċedura ta’ approvazzjoni. Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, dan kien tabilħaqq il-każ għas-setturi kollha minbarra għat-toroq, fejn l-istampa kienet tant negattiva li l-għadd medju ta' interruzzjonijiet kemm għall-proġetti li ngħataw assistenza kif ukoll għal dawk li ma ngħatawx assistenza, fis-setturi kollha, inġieb f’livell simili. Il-Figura 5 fiha d-dettalji.
Figura 5
Għadd medju ta' interruzzjonijiet matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013
Sors: Analiżi tal-QEA li tikkonċerna d-database SFC tal-Kummissjoni (fis-6 ta’ April 2017).
Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, għalkemm il-proċedura ta’ approvazzjoni għal proġetti li ngħataw assistenza kienet ġeneralment aktar veloċi minn dik għall-proġetti li ma ngħatawx assistenza, il-Kummissjoni rnexxielha tapprova biss madwar 15 % (76 minn 513-il proġett) tal-proġetti l-kbar li ngħataw assistenza u 7 % (31 minn 463 proġett) tal-proġetti l-kbar li ma ngħatawx assistenza qabel id-data ta’ skadenza ta' 90 jum wara kienet irċeviet l-applikazzjoni għal proġett32. Għall-proġetti l-kbar li ngħataw assistenza, il-Kummissjoni qabżet id-data ta’ skadenza tagħha ta' 90 jum b'medja ta' 198 jum. Meta jittieħed kont tal-interruzzjonijiet, il-Kummissjoni ħarġet id-deċiżjoni tagħha, bħala medja, kważi sena (342 jum) wara d-data li fiha jkun ġie ppreżentat proġett kbir.
65Benefiċċju previst ieħor tal-ACNs kien li dawn jgħinu fis-simplifikazzjoni tal-proċess ta’ applikazzjoni għal proġetti kbar: jekk JASPERS ma tkun qajmet l-ebda kwistjoni importanti fl-ACN tagħha, il-Kummissjoni tkun tista' tuża l-ACN bħala parti minn proċedura ta' approvazzjoni aktar rapida. B'mod ġenerali, din intużat biss għal 29 % tal-proġetti l-kbar li kienu rċevew assistenza mogħtija minn JASPERS matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Effett ta' simplifikazzjoni tal-proċedura rapida fuq il-proċess ta’ applikazzjoni għal proġetti kbar
Aħna analizzajna x'effett kellha l-proċedura rapida bl-użu tal-ACNs fuq iż-żmien li ħadet il-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni dwar proġetti kbar li ngħataw assistenza minn JASPERS. Aħna sibna li, bħala medja, id-deċiżjonijiet li użaw il-proċedura rapida ittieħdu madwar 35 % aktar rapidament mid-deċiżjonijiet fejn din ma kinitx intużat.
Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, sa tmiem l-2016, il-Kummissjoni kienet adottat 17-il deċiżjoni dwar proġetti kbar ġodda li kienu suġġetti għall-proċedura tal-PSA (ara l-paragrafu 53), fejn l-approvazzjoni damet medja ta' 111-il jum33. Dan huwa titjib sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013.
B'mod ġenerali, JASPERS kellha impatt fuq il-kwalità tal-proġetti l-kbar li awditjajna
67Aħna analizzajna l-impatt tas-servizzi konsultattivi ta' JASPERS fuq il-kwalità ta' proġetti kbar. Aħna għamilna dan billi vvalutajna l-effett tas-servizzi konsultattivi fuq l-ambitu jew l-outputs ippjanati ta' proġetti kbar; ir-riżultati jew l-impatt tagħhom; l-ispejjeż tagħhom; u d-dati ta’ skadenza tagħhom għall-ikkompletar. Għal aktar minn nofs il-proġetti li awditjajna, JASPERS aċċettat it-talbiet tal-Istati Membri biex tkun involuta l-ewwel fl-istadju tal-applikazzjoni biex teżamina d-dokumentazzjoni tal-applikazzjoni għal proġett (ara l-paragrafu 55). It-Tabella 3 fiha konklużjonijiet kwantifikati għall-proġetti l-kbar kollha li awditjajna.
| Aspett | Impatt matul l-ippjanar | ||||
|---|---|---|---|---|---|
| l-ebda impatt sinifikanti | impatt sinifikanti | kampjun ta’ proġetti1 | |||
| l-ebda impatt | impatt limitat | ||||
| 1 | Ambitu/outputs tal-proġetti | 58% | 26% | 16% | 19 |
| 2 | Spiża tal-proġetti | 35% | 45% | 20% | 20 |
| 3 | Riżultati/impatt tal-proġetti | 63% | 32% | 5% | 19 |
| 4 | Kronoloġija għall-implimentazzjoni tal-proġetti | 95% | 5% | - | 19 |
1L-għadd ta' proġetti kbar (minn total ta' 20) li sa żmien l-awditu tagħna kienu avvanzati biżżejjed biex inkunu nistgħu nilħqu konklużjoni.
Nota:
L-ebda impatt – l-ebda evidenza ta' xi bidla li rriżultat mill-impatt ta' JASPERS fuq l-aspetti analizzati.
Impatt moderat – evidenza ta' bidliet żgħar li rriżultaw mill-impatt ta' JASPERS fuq l-aspetti analizzati.
Impatt sinifikanti – evidenza ċara ta' bidliet sostanzjali (tanġibbli) li rriżultaw mill-impatt ta' JASPERS fuq l-aspetti analizzati.
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq eżaminar tal-kampjun tal-awditjar tagħna ta' assenjamenti individwali għal proġetti kbar.
68B’mod ġenerali, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, JASPERS kellha impatt fuq mill-inqas wieħed mill-erba’ parametri relatati mal-kwalità tal-proġetti kbar li awditjajna. Rigward l-ambitu jew l-outputs ippjanati tal-proġetti l-kbar li awditjajna, aħna sibna li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet JASPERS ftit li xejn kellha impatt jew saħansitra ma kellha l-ebda impatt. Madankollu, kien hemm ukoll eżempji fejn inkiseb impatt sinifikanti. Aħna sibna wkoll li l-assistenza mogħtija minn JASPERS kellha impatt fuq l-ispiża ppjanata ta' madwar żewġ terzi tal-proġetti l-kbar li awditjajna. B'mod ġenerali, aħna sibna li JASPERS kellha ftit li xejn, jew saħansitra l-ebda effett fuq ir-riżultati ppjanati jew l-impatt tal-proġetti l-kbar li awditjajna. Xi eżempji jingħataw fil-Kaxxa 3.
Kaxxa 3
Eżempji ta' impatt sinifikanti u impatt moderat ta' JASPERS fuq l-ambitu, l-outputs, l-ispiża jew ir-riżultati ppjanati ta' żewġ proġetti kbar f'Malta u fil-Polonja
Fi proġett taħt il-FK f'Malta għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura nazzjonali għall-ġestjoni tal-maltemp, aħna sibna li l-assistenza mogħtija minn JASPERS kienet irriżultat f’reviżjoni sinifikanti tat-tfassil u l-ambitu tal-proġett, li kienet tinvolvi tnaqqis fl-użu mill-ġdid tal-ilma tal-maltemp, li l-ġustifikazzjoni ekonomika għalih kienet dgħajfa. Minflok, JASPERS tat parir lil dawk li ppjanaw il-proġett biex jiffukaw fuq infrastruttura ta' lqugħ kontra l-għargħar fiż-żoni li huma l-aktar f'riskju. Dan skatta żieda ta' madwar 11 % fil-valur fil-mira ppjanat tal-output għall-proġett (żieda fil-kapaċità ta' qbid tal-ilma tal-għargħar). Konsegwentement, il-valur fil-mira tar-riżultat tal-proġett, jiġifieri l-għadd ta' abitanti protetti kontra l-għargħar, żdied b'madwar 226 %. Ir-reviżjoni sinifikanti tat-tfassil u l-ambitu tal-proġett kien irriżulta fi tnaqqis ta’ EUR 62.5 miljun fl-ispiża ppjanata tal-proġett. L-ispiża ppjanata inizjali indikata mill-awtoritajiet Maltin kienet tlaħħaq sa EUR 70 miljun.
Fi proġett taħt l-FK fil-Polonja għall-kostruzzjoni ta' impjant għat-trattament tal-ilma mormi, aħna sibna li l-assistenza mogħtija minn JASPERS kellha impatt moderat, li rriżultat f’estensjoni tal-ambitu ppjanat tal-proġett biex jiġi inkluż xogħol ta' modernizzazzjoni għat-titjib tal-kwalità tal-ilma tax-xorb. Din l-estensjoni żiedet l-outputs u r-riżultati ppjanati tal-proġett. Barra minn hekk, JASPERS kellha impatt moderat fuq l-ispiża ppjanata tal-proġett. Il-konsulenza ta' JASPERS irriżultat f’żieda ta' madwar 7.5 % fil-finanzjament mill-UE. JASPERS ipprovdiet ukoll konsulenza dwar kif tista' tiġi ottimizzata s-superviżjoni tax-xogħol ta' kostruzzjoni fil-proġett.
Fil-biċċa l-kbira, aħna sibna li JASPERS ma kellha l-ebda impatt fuq il-kronoloġija ppjanata għall-implimentazzjoni tal-proġetti l-kbar li awditjajna (ara t-Tabella 3).
70Aħna analizzajna wkoll il-punt sa fejn fil-fatt kienu ntlaħqu l-parametri ppjanati tal-kwalità tal-proġetti. Fil-każ tal-proġetti l-kbar li kienu avvanzati biżżejjed biex inkunu nistgħu nilħqu konklużjonijiet, aħna osservajna li l-valuri fil-mira għall-biċċa l-kbira mill-indikaturi tal-output kienu nkisbu bis-sħiħ jew parzjalment. 40 % biss tal-proġetti kienu kisbu r-riżultati tagħhom bis-sħiħ. Aktar minn nofs il-proġetti kienu esperjenzaw spejjeż eċċessivi. Il-proġetti l-kbar kollha li awditjajna kienu ddewmu b'medja ta' 22 xahar meta mqabbel mad-data oriġinali tal-ikkompletar speċifikata fil-ftehim ta' għotja. Id-dettalji jingħataw fit-Tabella 4. Aħna ma sibniex evidenza li dan id-dewmien jew spejjeż eċċessivi kienu relatati mal-input ta’ JASPERS.
| Aspett | Intlaħqu l-valuri fil-mira tal-indikaturi tal-proġetti? | ||||
|---|---|---|---|---|---|
| le | parzjalment | kompletament | kampjun ta’ proġetti1 | ||
| 1 | Ambitu/outputs tal-proġetti | - | 20% | 80% | 10 |
| 2 | Spiża tal-proġetti | 54% | - | 46% | 11 |
| 3 | Riżultati/impatt tal-proġetti | 20% | 40% | 40% | 5 |
| 4 | Kronoloġija għall-implimentazzjoni tal-proġetti | 100% | - | - | 19 |
1L-għadd ta' proġetti kbar (minn total ta' 20) li sa żmien tal-awditu tagħna kienu avvanzati biżżejjed biex inkunu nistgħu nilħqu konklużjoni.
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq eżaminar tal-kampjun tal-awditjar tagħna ta' assenjamenti individwali għal proġetti kbar.
71Minbarra l-kampjun tagħna ta' proġetti kbar awditjati, aħna awditjajna fid-dettall tliet assenjamenti individwali relatati ma' tliet proġetti mhux daqstant kbar. Fl-ebda każ, minbarra proġett wieħed fil-Kroazja, ma osservajna li JASPERS kien kellha xi impatt sinifikanti fuq l-ambitu, l-outputs, ir-riżultati, l-impatt, l-ispiża jew id-dati ta' skadenza għall-ikkompletar tal-proġetti. F'dan il-każ, l-assistenza mogħtija minn JASPERS ikkontribwiet għall-użu effiċjenti tat-tagħmir il-ġdid (u għalhekk għall-effiċjenza ppjanata tal-proġett).
72Għat-tliet assenjamenti kollha, il-benefiċjarji u l-awtoritajiet nazzjonali b'mod ġenerali segwew il-konsulenza ta' JASPERS. Madankollu, aħna osservajna li ma kienx hemm arranġamenti xierqa għall-benefiċjarji, l-awtoritajiet nazzjonali, JASPERS u l-Kummissjoni biex dawn jiskambjaw informazzjoni b’mod xieraq dwar kif l-aħjar li tintuża l-konsulenza ta' JASPERS għal proġetti mhux daqstant kbar. Fit-tliet proġetti kollha li analizzajna, l-applikazzjoni għal proġett ippreżentata lill-awtorità nazzjonali rilevanti ma kellhiex ACN mehmuża, minkejja li nħarġet minn JASPERS.
73Fl-aħħar nett, aħna vvalutajna jekk il-proġetti l-kbar li ngħataw assistenza minn JASPERS kinux inqas suxxettibbli għall-iżbalji mill-proġetti li ma kinux irċevew assistenza. Biex nagħmlu dan, aħna rġajna lura għar-riżultati tal-eżerċizzju tagħna relatat mal-awditjar tal-konformità, li wettaqna fl-2014 u fl-2015. F'dan l-eżerċizzju, aħna wettaqna awditi tal-konformità ta' 68 proġett kbir fl-Istati Membri kollha, li minnhom 34 kienu ngħataw assistenza minn JASPERS u 34 oħra ma kinux ingħataw assistenza. B'mod ġenerali, il-proġetti assistiti minn JASPERS kienu milquta minn żball inqas frekwentement milli l-proġetti li ma ngħatawx assistenza: (44 % tal-proġetti li ngħataw assistenza u 56 % tal-proġetti li ma ngħatawx assistenza kien fihom xi żbalji).
74Sa żmien l-eżerċizzji relatati mal-awditjar tal-konformità, 12 minn dawn l-20 proġett kbir kienu avvanzati biżżejjed biex inkunu nistgħu nanalizzaw jekk fil-fatt kinux intlaħqu l-valuri fil-mira għall-indikaturi tagħhom tal-output u tar-riżultati. Aħna sibna li kienu ntlaħqu 50 % tal-valuri fil-mira tal-indikaturi fil-proġetti li ngħataw assistenza minn JASPERS, iżda 25 % biss tal-valuri fil-mira tal-indikaturi fi proġetti li ma ngħatawx assistenza.
JASPERS ma setgħetx ikollha impatt fuq l-assorbiment tal-fondi tal-UE għall-proġetti awditjati
75Aħna stennejna li JASPERS kienet se żżid l-assorbiment, b'mod partikolari billi tħaffef id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Sa żmien l-awditu tagħna, 19 mill-20 proġett kbir li awditjajna kienu avvanzati biżżejjed biex inkunu nistgħu nanalizzaw jekk JASPERS kienx kellu effett sinifikanti fuq l-assorbiment tal-fondi tal-UE. Iżda fil-każijiet li awditjajna, aħna ma sibniex evidenza li JASPERS kellha xi effett bħal dan.
76Dan kien prinċipalment dovut għall-fatt li kien hemm dewmien fuq livell tal-proġetti (bħala medja, kien hemm 22 xahar ta' dewmien għall-proġetti l-kbar li awditjajna). Aktar minn terz tal-proġetti kellhom jiġu parzjalment trasferiti għall-perjodu ta' programmazzjoni sussegwenti (ara l-paragrafu 41).
77Raġuni oħra għan-nuqqas ta' kwalunkwe impatt fuq l-assorbiment kienet l-istruttura tad-dikjarazzjoni tal-infiq għall-proġetti l-kbar. L-ispejjeż li jkunu eliġibbli għal rimborż mill-fondi tal-UE jiġu ddikjarati ("iċċertifikati") lill-Kummissjoni, li mbagħad tirrimborżahom lill-Istat Membru. Bejn il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-13 u l-2009, l-Istati Membri setgħu jiddikjaraw l-infiq għal proġetti kbar biss wara li l-Kummissjoni tkun approvat il-proġett. Madankollu, mill-2009 ’l hawn34, il-leġislazzjoni ppermettiet li l-Istati Membri jiddikjaraw l-ispejjeż wara li proġett ikun ġie approvat fuq livell nazzjonali, iżda qabel ma l-Kummissjoni nfisha tkun ħarġet deċiżjoni. F'xenarju bħal dan, l-input ta' JASPERS ma għandux effett fuq l-assorbiment, billi l-flus jintefqu irrispettivament mill-assistenza mogħtija minn JASPERS lil dawn proġetti, dment li l-Kummissjoni ma tirrifjutax l-applikazzjoni għal proġett kbir.
78Ħafna mill-proġetti l-kbar li awditjajna kienu bbenefikaw minn dan l-arranġament: għal 53 % tal-proġetti awditjati, l-infiq eliġibbli kienet ġiet ppreżentat lill-Kummissjoni qabel ma din ħarġet id-deċiżjoni tagħha. F'dawn il-każijiet, id-distakk medju bejn l-ewwel dikjarazzjoni tal-ispejjeż u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ta' 23 xahar.
L-impatt ta' JASPERS fuq il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri kien għadu ma rriżultax f’aktar indipendenza mill-assistenza mogħtija minn JASPERS
79Aħna fittixna li nidentifikaw jekk JASPERS kinitx laħqet għan ieħor minn tagħha: dak li żżid il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri biex iħejju, japprovaw u jimplimentaw il-proġetti. Kieku kien intlaħaq dan l-għan, dan kellu jwassal għal sitwazzjoni fejn l-Istati Membri jużaw l-esperjenza miksuba għal proġetti u eżerċizzji ta' programmazzjoni sussegwenti, u b'hekk isiru inqas dipendenti fuq l-assistenza teknika pprovduta mill-Kummissjoni (inkluża JASPERS).
Mill-2012, JASPERS żiedet il-fokus tagħha fuq il-bini tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri
80Id-dokument kunċettwali li l-Kummissjoni ħarġet fl-2005 ppreveda li JASPERS kienet se tiġi riveduta wara sentejn. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidratha bħala għodda tranżizzjonali li tgħin fl-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri biex jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE, u biex iħejju u jimplimentaw il-proġetti skont ir-rekwiżiti tal-UE. Id-dokument kunċettwali ppreveda wkoll li, f’xi każijiet, JASPERS kienet se tkun tista’ tirrakkomanda lill-Istati Membri kkonċernati xi modi ta’ kif setgħu jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom, pereżempju billi jistabbilixxu unitajiet ta’ implimentazzjoni għall-ġestjoni tal-proġetti. Sal-2012, ma kien hemm l-ebda dokument ieħor li jispeċifika f'aktar dettall x'azzjoni kienet mistennija tieħu JASPERS biex tibni l-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri.
81Kien biss wara li l-Kummissjoni kienet ħarġet ir-rapport ta' evalwazzjoni tagħha fl-2012 li JASPERS ħolqot Pjattaforma ta' Netwerking biex tikkomplementa l-operazzjonijiet konsultattivi tal-proġetti ta' JASPERS u żżid l-appoġġ mogħti lill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom. Hija kellha l-għan li tagħmel dan billi timplimenta l-kondiviżjoni tal-għarfien u attivitajiet immirati għall-bini tal-kapaċità, kif ukoll billi trawwem it-tixrid ta’ prattika tajba u l-iskambju ta’ esperjenzi fost l-Istati Membri.
82Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Kummissjoni u l-BEI ddeċidew li jespandu u jtejbu l-attivitajiet ta' bini tal-kapaċità tal-Pjattaforma ta' Netwerking ta' JASPERS. Konsegwentement, fl-2014, JASPERS ħolqot iċ-Ċentru ta’ Netwerk u Kompetenza, diviżjoni li l-objettiv primarju tagħha kien li tkompli żżid l-attivitajiet ta' bini tal-kapaċità mmirati lejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-benefiċjarji tal-proġetti.
L-Istati Membri jibqgħu ħerqana li jirċievu l-appoġġ ta' JASPERS għall-kapaċità amministrattiva tagħhom
83Għall-assenjamenti individwali kollha għal proġetti li awditjajna, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-benefiċjarji sostnew li JASPERS kellha impatt pożittiv fuq il-kapaċità amministrattiva tagħhom, għalkemm xi wħud minnhom sostnew li baqgħu jiddependu ħafna fuq l-assistenza mogħtija minn JASPERS. Dan kien osservat ukoll mis-SAIs tal-Polonja u tal-Kroazja waqt l-awditu kkoordinat. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali u l-benefiċjarji ma setgħux jipprovdulna evidenza ta' sostenn li tiddimostra li dan l-impatt fil-fatt seħħ.
84Aħna awditjajna wkoll disa' assenjamenti orizzontali b'potenzjal strateġiku li tnedew bejn l-2008 u l-2014. Aħna stajna nikkonfermaw li 33 % minnhom (3 minn 9 assenjamenti) verament kellhom impatt strateġiku sinifikanti, u li 22 % oħra kellhom impatt aktar limitat (2 minn 9 assenjamenti). Għall-45 % li jifdal (4 minn 9 assenjamenti), aħna ma identifikajna l-ebda impatt strateġiku. Madankollu, f’sitta minn dawn il-każijiet, aħna ma stajniex insibu evidenza li JASPERS kellha impatt fuq il-kapaċità amministrattiva. Fit-tliet każijiet l-oħra, JASPERS kellha impatt limitat (prinċipalment għal-livell tal-awtoritajiet nazzjonali u l-benefiċjarji) (ara l-Kaxxa 4).
Kaxxa 4
Eżempju tal-impatt limitat ta' JASPERS fuq il-kapaċità amministrattiva ta' Stat Membru, minħabba t-tibdil tal-persunal f'Malta
Wieħed mill-assenjamenti orizzontali strateġiċi li awditjajna f'Malta kellha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità ta' Awtorità Maniġerjali biex tanalizza u timmonitorja ċerti aspetti ta' proġetti li jiġġeneraw dħul (eż. is-CBA). Aħna osservajna li l-assistenza mogħtija minn JASPERS kienet ikkontribwiet għat-trasferiment tal-għarfien kemm lill-awtoritajiet Maltin, kif ukoll lill-benefiċjarji u lil konsulent privat. Madankollu, aħna osservajna wkoll li ż-żieda fil-kapaċità ma kinitx ġiet sostnuta matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, minħabba li l-persunal kollu tal-Awtorità Maniġerjali responsabbli għas-CBA fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kien mar f'istituzzjonijiet oħra. Konsegwentement, fi tmiem l-2016, JASPERS approvat talba mill-awtoritajiet Maltin u nediet assenjament simili għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid imsejħa "Capacity building and support for updating CBA guidance documents” (Bini tal-kapaċità u appoġġ għall-aġġornament tad-dokumenti ta' gwida tas-CBA).
Il-miżuri ta' bini tal-kapaċità ta' JASPERS kien imisshom daħlu fil-qafas tal-miżuri ta’ bini tal-kapaċità li twettqu mill-Kummissjoni. Iżda fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-miżuri proprji ta' bini tal-kapaċità tal-Kummissjoni prinċipalment kienu jikkonsistu f'passi reattivi. Madankollu, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, aħna osservajna li l-Kummissjoni kienet ħadet approċċ aktar proattiv u kkoordinat. F'Novembru 2013, hija kienet fasslet strateġija ta’ assistenza teknika u stabbiliet unità ddedikata għall-bini tal-kapaċità. Madankollu, fl-istrateġija ta’ assistenza teknika, aħna ma sibna l-ebda referenza għal xi koordinazzjoni bejn l-attivitajiet iddedikati għall-bini tal-kapaċità pprovduti direttament mill-Kummissjoni u dawk ipprovduti minn JASPERS.
Nuqqasijiet sinifikanti fl-ippjanar, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet ta' JASPERS iqiegħdu f'riskju t-tħaddim b'suċċess tal-inizjattiva
86Aħna fittixna li nidentifikaw jekk is-sistema ta' ppjanar, ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-inizjattiva JASPERS kinitx ġiet iddefinita b'mod komprensiv u ġietx implimentata kif meħtieġ. Jekk is-sistema kienet ġiet stabbilita b'mod xieraq, għandha tkun disponibbli biżżejjed informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta' JASPERS biex il-Kumitat ta' Tmexxija, u b'mod partikolari l-Kummissjoni, tkun tista' tagħmel bidliet fl-operazzjonijiet ta' JASPERS u tistabbilixxi d-direzzjoni futura tagħha. Jenħtieġ li s-sistema tagħmilha possibbli li jiġi mmonitorjat jekk l-objettivi operazzjonali ta' JASPERS intlaħqux fil-ħin, u li jiġi evalwat x'kien l-impatt globali tagħha. Hija għandha tagħmilha possibbli wkoll li jiġi eżaminat jekk il-ġestjoni finanzjarja tal-inizjattiva kinitx tajba.
Aħna sibna nuqqasijiet sinifikanti fl-ippjanar tal-attivitajiet ta' JASPERS
87Bejn il-perjodi 2007-2009 u 2014-2016, l-għadd medju ta' membri tal-persunal ta' JASPERS żdied bi 73 % biex ilaħħaq mal-volum tax-xogħol mistenni (ara t-Tabella 1 għal aktar dettalji dwar il-persunal ta' JASPERS). L-għadd kumplessiv tal-assenjamenti ta’ JASPERS kollha li nħolqu (u li ma ġewx rifjutati, sospiżi jew ikkanċellati) naqas b’madwar 32 % bejn dawn iż-żewġ perjodi. Fil-fehma tagħna, dan kien prinċipalment dovut għall-fatt li l-istimi tal-Kummissjoni kienu ottimisti żżejjed fir-rigward tal-għadd u l-kronoloġija tal-proġetti l-kbar li kienu se jiġu ppreżentati fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 (ara wkoll il-paragrafu 52 rigward l-IQR).
88L-istimi tal-Kummissjoni huma input ewlieni għall-ippjanar tal-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol ta' JASPERS. Il-Kummissjoni tagħmel l-istimi tagħha dwar l-għadd mistenni ta' proġetti kbar fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Din l-informazzjoni tinkludi proġetti kbar kemm ġodda kif ukoll imdewma li jeħtieġu li jiġu riportati mill-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti (proġetti maqsumin f'fażijiet). Minbarra l-Polonja, l-ebda Stat Membru ma kien ppreżenta għadd ta’ applikazzjonijiet li joqrob l-għadd li kienu bassru preċedentement. Ara r-ripartizzjoni skont l-Istat Membru mill-2014 sal-2016, fil-Figura 6.
Figura 6
Ħarsa ġenerali lejn il-preżentazzjonijiet ippjanati u effettivi ta' proġetti kbar mill-2014 sa tmiem l-2016, skont l-Istat Membru
Sors: Ċifri tal-Kummissjoni Ewropea.
F'Jannar 2015, il-Kummissjoni kienet stmat li, matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 kollu, kienu se jiġu ppreżentati 582 applikazzjoni għal proġetti kbar, li 478 minnhom kienu se jkunu għal proġetti kbar ġodda. Mill-582 applikazzjoni għal proġetti kbar (478 ġodda), 349 (262 ġodda) kienu mistennija jiġu ppreżentati sa tmiem l-2016.35 Madankollu, 76 biss (45 ġodda) kienu fil-fatt ġew ippreżentati sad-19 ta’ April 2017. Minn dawn il-45 applikazzjoni (ġodda) ippreżentati, terz biss kienu rċevew konsulenza minn JASPERS (ara l-Figura 7).
Figura 7
Tbassir ottimist iżżejjed tal-volum ta’ proġetti kbar ġodda ppreżentati
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.
Filwaqt li l-Kummissjoni kienet konxja, mill-esperjenza tagħha stess, li t-tbassir tal-Istati Membri kien pjuttost ottimist, aħna osservajna li l-Kummissjoni ma aġġustatux b'mod xieraq għall-ippjanar tal-forza tax-xogħol ta' JASPERS. Bejn l-2006 u l-2013, l-għadd totali ta' membri tal-persunal36 kien ġeneralment proporzjonali għall-għadd ta' assenjamenti konsultattivi tal-proġetti kbar ikkompletati. Mill-2014 'il quddiem, minkejja żieda ulterjuri fl-għadd ta’ membri tal-persunal, l-għadd annwali ta’ assenjamenti konsultattivi kkompletati kollha għall-proġetti kbar naqas b'mod sostanzjali (ara l-Figura 8).
Figura 8
Evoluzzjoni tal-assenjamenti ikkompletati għal proġetti kbar ta' JASPERS u tal-forza tax-xogħol tagħha ekwivalenti għall-full-time (FTE) matul il-perjodu 2006-2016
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq data mid-database ta' JASPERS (fil-31 ta’ Diċembru 2016).
Aħna sibna nuqqasijiet sinifikanti fil-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' JASPERS
91L-MtQ tal-2006 irrefera għall-objettivi għal JASPERS, iżda ma stabbiliex indikaturi u miri kkwantifikati assoċjati. Kien biss f'Ottubru 2008 li l-Kumitat ta' Tmexxija ta' JASPERS approva proposta sostantiva li tikkonċerna n-natura u l-frekwenza tal-indikaturi tal-prestazzjoni u r-rappurtar dwar il-prestazzjoni. Din kienet tikkonsisti f'10 indikaturi tal-prestazzjoni, u 10 statistiki tematiċi37; madankollu, 4 indikaturi tal-prestazzjoni biss (3 indikaturi tal-output u indikatur wieħed tar-riżultati) ġew fil-fatt irrapportati lill-Kumitat ta' Tmexxija.
92Fl-erba' Stati Membri li żorna, il-monitoraġġ li twettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kien limitat għall-progress tal-pjanijiet ta' azzjoni u l-proġetti li ngħataw assistenza minn JASPERS, iżda minkejja dan, aħna sibna jew li bosta assenjamenti kienu neqsin fil-pjanijiet ta' azzjoni ta' JASPERS jew inkella kienu nħolqu b'mod li l-monitoraġġ kien imxekkel (ara l-Kaxxa 5). Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt ta' JASPERS fuq il-kapaċità amministrattiva.
Kaxxa 5
Użu ta' assenjamenti mhux speċifiċi li xekklu l-monitoraġġ ta' JASPERS fil-Kroazja
Aħna sibna għadd ta' każijiet fejn JASPERS ħolqot assenjamenti orizzontali komprensivi mhux speċifiċi, mingħajr definizzjoni ċara tal-ambitu u tal-kronoloġija, biex takkomoda attivitajiet ad hoc mixxellanji li l-ambitu tagħhom ma kienx ġie ddefinit b’mod xieraq minn qabel. Is-SAI tal-Kroazja rrappurtat dwar l-effetti negattivi ta' din il-prattika fuq il-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' JASPERS fuq proġetti u riżultati fil-livell nazzjonali.
JASPERS iffukat il-monitoraġġ tal-outputs tagħha fuq l-għadd ta' assenjamenti ikkompletati. Dan kien il-każ għat-tipi kollha ta' assenjamenti ħlief l-IQRs u l-PSAs; madankollu, aħna osservajna li l-valuri fil-mira, li kienu ġew introdotti biss fl-2010 mill-Kumitat ta' Tmexxija ta' JASPERS, ma kinux ġew iddefiniti b'mod ċar, jew kienu neqsin. L-indikatur prinċipali li fil-fatt jintuża minn JASPERS biex timmonitorja r-riżultati u tirrappurtahom lill-Kumitat ta’ Tmexxija huwa ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tapprova proġetti kbar. JASPERS użat dan l-indikatur għal eżerċizzju annwali ta' valutazzjoni komparattiva relatata ma' proġetti kbar li ma ngħatawx assistenza, għalkemm mingħajr ma saret analiżi ulterjuri fil-livell settorjali. Barra minn hekk, aħna osservajna li dan l-indikatur ma ntużax għal proġetti mhux daqstant kbar, li jiġu approvati mill-awtoritajiet nazzjonali, minkejja li dan kien previst mill-Kumitat ta' Tmexxija. Lanqas ma sibna monitoraġġ tar-riżultati li huwa relatat ma' proġetti individwali mhux daqstant kbar ta' JASPERS, jew inkella ma' assenjamenti orizzontali/ta' konsulenza strateġika, ma’ IQRs jew PSAs.
94Minbarra l-indikatur tar-riżultati uniku rrappurtat lill-Kumitat ta' Tmexxija, aħna sibna tliet indikaturi oħra orjentati lejn ir-riżultati li huma relatati ma' proġetti kbar. Dawn it-tliet indikaturi kienu ġew irrappurtati lill-Kumitat ta' Tmexxija darba biss, f'Ġunju 2016, u kienu jkopru l-perjodu sħiħ mill-2008. Dawn l-indikaturi tkejlu bl-użu ta' "formoli ta’ feedback" li jridu jimtlew mill-benefiċjarji tal-konsulenza minn JASPERS. Ir-rata ta' rispons kienet baxxa, u r-riżultati fit-tipi kollha ta' assenjamenti ta' JASPERS kienu pożittivi ħafna, għalhekk l-eżerċizzju ma tkompliex.
95Aħna ma identifikajna l-ebda indikatur tal-prestazzjoni u statistika relatati mal-monitoraġġ tal-impatt ta' JASPERS fuq il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri. Barra minn hekk, dan l-aspett ma kien kopert minn ebda rapporti ta' monitoraġġ.
Evalwazzjonijiet ta’ JASPERS jissuġġerixxu li titkompla iżda josservaw xi nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati
96Fl-2010, il-BEI wettaq evalwazzjoni tar-rwol tiegħu fl-inizjattiva JASPERS. Dan ir-rapport tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija u tal-Kummissjoni. Fl-2012, twettqet evalwazzjoni oħra ta' JASPERS f'isem il-Kummissjoni; il-Kummissjoni qieset din l-evalwazzjoni bħala ekwivalenti għall-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 li kienet ppjanata, iżda ddewmet (ara l-paragrafu 23). Iż-żewġ evalwazzjonijiet kienu jkopru l-outputs, ir-riżultati u l-impatt ġenerali ta' JASPERS. L-evalwazzjoni tal-2010 li twettqet mill-BEI irrappurtat dwar elementi kontradittorji fi ħdan ir-riżultati ta' JASPERS. Pereżempju, hija ddikjarat li l-biċċa l-kbira mill-assenjamenti ta' JASPERS ma kellhom l-ebda influwenza fuq il-forma fiżika ta' proġett, u għalhekk l-ebda influwenza fuq il-kwalità ta’ bażi tiegħu. Madankollu, meta l-kwalità tal-proġetti tabilħaqq kienet tjiebet, dan ġeneralment wassal għal aktar dewmien, li kellu effett negattiv fuq l-assorbiment tal-fondi tal-UE. Barra minn hekk, iċ-ċaqliq tal-fokus tal-inizjattiva lejn il-produzzjoni ta' proġetti maturi u lesti, bidla li kienet maħsuba biex tippromwovi l-assorbiment, kienet biegħdet l-inizjattiva minn orjentazzjoni lejn il-bini tal-kapaċità. Il-konklużjoni ġenerali tal-evalwazzjoni tal-BEI hija ppreżentata fil-Kaxxa 6.
Kaxxa 6
Il-konklużjoni ġenerali tal-evalwazzjoni tal-BEI
Jenħtieġ li l-prijoritajiet tal-inizjattiva jiġu riveduti fid-dawl ta' valutazzjoni formali tal-ħtiġijiet, u li l-Bank issa jieħu kont tal-involviment tiegħu ibbażat fuq l-esperjenza operazzjonali miksuba sa issa, biex jiddeċiedi jekk għandux ikompli l-involviment tiegħu, u f’liema forma dan għandu jsir, b’mod li jissalvagwardja r-reputazzjoni proprja tiegħu u li jagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi skarsi u ta’ valur tiegħu. Huwa ċar mill-evidenza li nġabret li l-inizjattiva hija kompletament iġġustifikata u għandha l-potenzjal li tagħmel ħafna aktar.
L-ebda waħda miż-żewġ evalwazzjonijiet ma kopriet il-prestazzjoni ta' JASPERS fir-rigward tal-assenjamenti individwali tagħha għal proġetti mhux daqstant kbar. L-evalwazzjoni l-aktar reċenti, li twettqet mill-Kummissjoni fl-2012, kien fiha informazzjoni dwar l-objettiv prinċipali ta’ JASPERS relatat mal-impatt fuq il-kwalità tal-proġetti. Skont l-AECOM, l-inizjattiva JASPERS kienet ta’ valur sostanzjali għall-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ proġetti u applikazzjonijiet għall-finanzjament. Huwa rrakkomanda wkoll li JASPERS tkompli topera, billi għad hemm domanda qawwija għas-servizzi tagħha fost l-Istati Membri38. It-tnedija tal-analiżi ta' nofs it-terminu għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, li kienet skedata għall-2017, ġiet posposta mill-Kummissjoni għall-ewwel tliet xhur tal-2018.
98B'mod ġenerali, fl-erba' Stati Membri li żorna ma sibniex proċeduri formali relatati mal-evalwazzjoni tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatt ġenerali tal-assistenza mogħtija minn JASPERS. Aħna sibna biss evidenza ta' evalwazzjonijiet li fil-fatt kienu twettqu fil-Polonja: fl-2007 kien twettaq stħarriġ mill-korp ta' koordinazzjoni, u fl-2010 kienet twettqet evalwazzjoni f'isem il-Ministeru tal-Iżvilupp. Fl-awditu kkoordinat, is-SAI Pollakka rrappurtat nuqqas ta' evalwazzjonijiet sistemiċi tal-inizjattiva JASPERS fil-livell nazzjonali, għalkemm pjanijiet biex isir dan kienu ilhom jeżistu mill-2012.
Kien hemm biss segwitu limitat ta' kif fil-fatt intużat il-konsulenza ta' JASPERS
99Aħna osservajna li matul il-proċess ta’ approvazzjoni ta' proġetti kbar, JASPERS segwiet biss sa ċertu punt limitat ħafna l-applikazzjoni tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (l-outputs tagħha). L-informazzjoni meħtieġa biex jitwettaq segwitu ta' dan it-tip tiġi minn erba' sorsi prinċipali.
100Sakemm JASPERS bdiet il-funzjonijiet ta’ eżaminar tagħha (l-IQR u l-PSA), ir-rwol li kellha fil-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ proġetti kbar kien jintemm meta hija toħroġ ACN. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tinterrompi l-proċess ta’ approvazzjoni, JASPERS setgħet tikseb feedback biex tara x'kienet il-problema (jekk l-Istat Membru jaqbel). Fost l-assenjamenti individwali għal proġetti kbar li awditjajna, aħna sibna li JASPERS kienet kisbet din l-informazzjoni f'47 % biss tal-każijiet.
101Sors ieħor ta' informazzjoni, għal proġetti kbar biss, huwa l-mekkaniżmu ta' feedback mid-DĠ REGIO lil JASPERS. Madankollu, skont JASPERS, ir-rata ta' ritorn għal dawn il-formoli kienet baxxa.
102It-tielet sors ta' informazzjoni huwa l-aċċess għad-database tal-Kummissjoni. Għalkemm JASPERS tista' taċċessa din id-database, aħna sibna li ma kienx possibbli jiġu identifikati proġetti kbar individwali f'madwar 24 % tal-każijiet, anke jekk l-assenjamenti kienu ġew ikkompletati.
103Ir-raba' sors ta' informazzjoni, li kien l-uniku sors li kien ikopri wkoll proġetti mhux daqstant kbar, kien il-kwestjonarju ta' feedback annwali mibgħut minn JASPERS lill-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali involuti fl-approvazzjoni tal-proġetti ta’ bażi. JASPERS ġabret din l-informazzjoni f'wieħed biss mill-Istati Membri li żorna (ir-Rumanija), u għal programm operazzjonali wieħed biss.
104Aħna ma sibna l-ebda evidenza li JASPERS kienet tat segwitu sistematiku lil kif kienet intużat il-konsulenza tagħha fl-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar jew mhux daqstant kbar li ngħataw assistenza. Aħna osservajna wkoll li s-sistema ta' monitoraġġ ma kienx fiha informazzjoni dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti li ngħataw assistenza, inklużi dewmien fl-implimentazzjoni, spejjeż eċċessivi u kwistjonijiet relatati mal-akkwist. Aħna ma rajna l-ebda evidenza li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet feedback lil JASPERS dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti, fuq il-bażi tal-informazzjoni inkluża fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni li l-Istati Membri jibgħatu lill-Kummissjoni.
105Il-kampjun tal-awditjar tagħna kien fih erba' assenjamenti, b'sitt proġetti kbar ta’ bażi, li għalihom JASPERS kienet ħarġet opinjoni ġenerali negattiva. Fil-każijiet kollha minbarra wieħed, il-benefiċjarji u l-awtoritajiet nazzjonali kienu segwew il-konsulenza ta' JASPERS, u l-proġetti ma ġewx ippreżentati lill-Kummissjoni. F'każ wieħed, l-Istat Membru mbagħad kien iddeċieda li jibdel l-ambitu tal-proġett, billi naqqas l-ambitu tiegħu u mbagħad komplih bħala proġett mhux kbir mingħajr ma indirizza l-kwistjonijiet kollha li tqajmu minn JASPERS.
106Aħna sibna biss sors wieħed ta' informazzjoni dwar l-użu effettiv tal-konsulenza orizzontali/strateġika ta' JASPERS: formola ta’ feedback mibgħuta minn JASPERS biex timtela mill-awtoritajiet nazzjonali li bbenefikaw minn din il-konsulenza. Ir-rata ta' ritorn għal dan l-eżerċizzju kienet baxxa wkoll (madwar 32 % fl-Istati Membri kollha).
Aħna sibna nuqqasijiet fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività ta' JASPERS
107Biex nivvalutaw l-effiċjenza, aħna qabbilna l-outputs tal-inizjattiva mal-inputs tagħha. L-informazzjoni meħtieġa biex nagħmlu tingħata fil-forma ta' indikaturi. Fl-2008, il-Kumitat ta' Tmexxija approva tliet indikaturi tal-output39 (ara wkoll il-paragrafu 91) u tliet indikaturi tal-input40. Madankollu, aħna sibna li l-indikaturi tal-output biss kienu ġew ivvalutati b'mod sistematiku, u anke hawnhekk sibna xi nuqqasijiet (ara l-paragrafi 92 sa 94).
108Tnejn mill-indikaturi tal-input ma kinux ġew ivvalutati. Għat-tielet wieħed, Żmien mill-bidu sal-ikkompletar tal-assenjament, xi data kienet disponibbli, iżda din qatt ma kienet ntużat biex tinforma xi analiżi tal-effiċjenza. Id-data kienet inkompleta wkoll: ma kienet ġiet irreġistrata l-ebda data dwar assenjamenti li kienu ġew sospiżi, rifjutati jew ikkanċellati. Dawn l-assenjamenti kienu jammontaw għal madwar 21 % tal-assenjamenti kollha li nħolqu sa Jannar 2017, jew 8 % tal-volum tax-xogħol ta' JASPERS.
109JASPERS kellha sistema biex tirreġistra l-ħin imqatta' fuq kull assenjament. Kien imissu jkun possibbli għal JASPERS li tuża dan bħala bażi biex tikkalkula wieħed mill-indikaturi tal-input, "Spiża għal kull Azzjoni sal-Ikkompletar". Madankollu, JASPERS qaltilna li d-data rreġistrata fis-sistema ma kinitx affidabbli biżżejjed biex tkun tista' tintuża f’din l-analiżi. Lejn l-aħħar tal-2016, il-persunal ta’ JASPERS beda jirreġistra f’sistema oħra.
110Il-BEI kien wettaq l-evalwazzjoni proprja tiegħu ta’ JASPERS fl-2010, u kien ikkonkluda li l-inizjattiva setgħet għalhekk titqies li kienet ekonomikament iġġustifikata, iżda f’livell li ma kienx ottimu. B'riżultat ta' dan, l-evalwazzjoni kklassifikat il-prestazzjoni ġenerali tal-inizjattiva bħala parzjalment insodisfaċenti kemm għall-effettività kif ukoll għall-effiċjenza, u dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, ir-rwol u l-prijoritajiet ta' JASPERS ma kinux ċari: b’riżultat ta’ dan, fi kliem ir-rapport tal-BEI, kienu ntużaw ħin u riżorsi konsiderevoli fil-forniment ta’ konsulenza li rriżulta li tmur kontra r-rekwiżiti tal-Kummissjoni. It-tieni, il-forniment ta' servizzi mingħajr ħlas kien wassal għal tnaqqis fl-effiċjenza tat-trattament tal-assenjamenti ta' JASPERS.41
111Biex inkejlu l-effettività, aħna eżaminajna l-indikaturi tar-riżultati li kienu disponibbli. Aħna identifikajna erba' indikaturi tar-riżultati, għalkemm osservajna ċerti nuqqasijiet li jaffettwawhom (ara l-paragrafi 92 sa 94).
Sibna nuqqasijiet fl-effiċjenza ta' JASPERS
112JASPERS ma kellhiex indikaturi tal-output xierqa għall-valutazzjoni tal-effiċjenza tagħha. Aħna investigajna jekk iż-żidiet fil-baġit u fl-għadd ta’ membri tal-persunal ta' JASPERS għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 kinux ġew akkumpanjati minn żidiet korrispondenti fl-outputs ta' JASPERS, f'termini tal-għadd ta' assenjamenti ikkompletati. Aħna osservajna li, bejn l-2007-2009 u l-2014-2016, l-għadd ta' assenjamenti ikkompletati għal kull membru tal-persunal ta' JASPERS kien naqas b'mill-inqas 10 %.
113L-MtQ tal-2006 kien stabbilixxa li l-kontribuzzjoni indikattiva mill-Kummissjoni għal JASPERS fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kellha tkun ta’ EUR 106.5 miljun. Fir-realtà, il-Kummissjoni kkontribwiet madwar 38 % aktar minn dan (EUR 147.3 miljun imħallsa matul il-perjodu 2006-2013). Fl-opinjoni tagħna, il-baġit ġenerali ta' JASPERS kien ġeneruż. L-FPA tal-2014 kien iddikjara li l-kontribuzzjoni indikattiva mill-Kummissjoni għal JASPERS fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 kienet se tiżdied għal EUR 250 miljun42. Dan l-ammont kien ibbażat fuq l-istimi proprji ta' JASPERS rigward l-għadd ta' assenjamenti ppjanati, stimi li min-naħa tagħhom kienu bbażati fuq data mill-Istati Membri u li fl-opinjoni tagħna kienu ottimisti żżejjed (ara wkoll il-paragrafi 24, 52 u 89). Barra minn hekk, fir-rapport ta' evalwazzjoni tal-2012, li l-Kummissjoni kienet ikkuntrattat, l-AECOM wettaq valutazzjoni komparattiva tal-ispejjeż ta' kuljum tal-persunal ta' JASPERS imqabbla ma' dawk ta' erba' istituzzjonijiet oħra, u sab li l-ispejjeż tal-persunal ta' JASPERS kienu sinifikattivament ogħla (sa 116 % ogħla) minn dawk tal-oħrajn43.
114Fl-ibbaġitjar annwali tagħhom, il-Kummissjoni u l-BEI kienu qablu li jistmaw l-ispejjeż tal-persunal billi jużaw spejjeż unitarji standard. Sal-2014, l-ispiża ta' membru tal-persunal kienet tiddependi minn jekk il-post tiegħu kienx iffinanzjat mill-Kummissjoni jew mill-BEI. Bħala medja, l-ispejjeż unitarji ta' kull xahar għall-persunal iffinanzjat mill-BEI kienu madwar 40 % ogħla mill-ispejjeż applikati għall-membri tal-persunal iffinanzjati mill-Kummissjoni. Aħna eżaminajna d-dokumentazzjoni ta’ bażi li kienet għad-dispożizzjoni tagħna, iżda ma sibna l-ebda raġuni konvinċenti għal dan.
115Mill-2014 ’l hawn, il-Kummissjoni u l-BEI qablu li jużaw metodu differenti biex jikkalkulaw l-ispejjeż tal-persunal. Taħt il-metodu l-ġdid, l-ispejjeż standard ġew armonizzati u bbażati fuq l-esperjenza tal-persunal: huma ma baqgħux ivarjaw skont jekk il-Kummissjoni jew il-BEI kinux qed jiffinanzjaw il-post. Fl-2015, il-Kummissjoni ffirmat il-Ftehim ta’ Għotja Speċifiku, inkluża stima tal-baġit bl-użu tal-metodu l-antik għall-persunal tal-BEI, u bl-użu tar-rati tal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA) għall-persunal tal-Kummissjoni. Aktar tard, din ġiet sostitwita b’oħra, fejn intużaw ir-rati l-ġodda tal-FAFA, kemm għall-persunal tal-Kummissjoni kif ukoll tal-BEI. Taħt il-metodu “mħallat” preċedenti, l-ispiża totali stmata tal-inizjattiva għall-2015 kienet ta' EUR 40.3 miljun. Taħt il-“metodu FAFA biss”, din kienet ta' EUR 37.3 miljun – 7.4 % aktar baxxa. Minkejja l-kalkolu ġdid tal-ispiża totali ta’ JASPERS għal dik is-sena, il-kontribuzzjoni mill-Kummissjoni baqgħet ma nbidlitx.
116Aħna ma sibna l-ebda evidenza li l-ispejjeż standard tal-persunal ta' JASPERS kienu jikkorrispondu għall-ispiża reali tal-impjieg tal-membri tal-persunal. Aħna tlabna lil JASPERS għal informazzjoni dwar l-ispejjeż effettivi tagħha (li fil-fatt iġġarrbu), iżda hija rrifjutat li tipprovdiha. Aħna tlabna wkoll lill-Kummissjoni biex turina kif l-ispejjeż standard tal-persunal ġew iddimostrati bħala plawżibbli, għall-metodu l-antik li ntuża sal-2014 għall-persunal ipprovdut mill-BEI. Ir-risposta li rċevejna mill-Kummissjoni indirizzat il-mistoqsijiet tagħna parzjalment biss.
Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
117B'mod ġenerali, aħna kkonkludejna li kien hemm nuqqasijiet fid-definizzjoni tal-objettivi prinċipali u tar-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' JASPERS. B'riżultat ta' dan, l-assistenza mogħtija minn JASPERS ma kinitx immirata b’mod suffiċjenti lejn dawk l-attivitajiet li żiedu l-aktar valur. Barra minn hekk, aħna kkonkludejna li kien hemm nuqqasijiet sinifikanti fl-istabbiliment tal-funzjoni l-ġdida tal-IQR ta’ JASPERS għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, u li dawn irriżultaw f’riskju għoli ta' nuqqas ta' imparzjalità fir-rigward tal-funzjoni konsultattiva ta' JASPERS. Aħna sibna li JASPERS kellha impatt fuq il-kwalità ta’ proġetti kbar. L-impatt ta' JASPERS fuq il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri għadu ma rriżultax f’aktar indipendenza mill-assistenza mogħtija minn JASPERS. Dan, flimkien ma' nuqqasijiet fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ta' JASPERS, iqiegħed f'riskju s-suċċess tal-operat tal-inizjattiva, b'mod partikolari f'termini tal-effiċjenza u l-effettività ta' JASPERS.
Dgħufijiet fid-definizzjoni tal-objettivi prinċipali ta' JASPERS kienu rriżultaw f’nuqqasijiet fl-operazzjonijiet tagħha
118Aħna sibna li l-objettivi prinċipali għal JASPERS ma kinux ċari biżżejjed u kienu parzjalment konfliġġenti. Il-ftehimiet iffirmati mill-Kummissjoni u l-partijiet interessati prinċipali ta' JASPERS ma speċifikawx kif jew meta l-Kummissjoni kienet se tiġġudika jekk l-objettivi prinċipali ta' JASPERS kinux intlaħqu. L-impatt ippjanat ta' JASPERS fuq it-titjib fil-kwalità tal-proġetti, fuq l-assorbiment tal-fondi tal-UE u fuq il-kapaċità amministrattiva ma kienx ġie ddefinit b'mod ċar. Filwaqt li oriġinarjament JASPERS kienet tfasslet bħala inizjattiva għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, hija saret inizjattiva fuq terminu itwal billi ġiet estiża għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Hija ma għandhiex objettivi ċari li jistgħu jitkejlu biex jintwera li l-għan tagħha ntlaħaq.
119Barra minn hekk, aħna osservajna li r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati prinċipali ma kinux ċari biżżejjed; dan qiegħed l-obbligu ta’ rendikont f'riskju. JASPERS kienet iffirmat arranġamenti ta' xogħol mal-Istati Membri biss, u mhux mal-Kummissjoni. Dawn l-arranġamenti xorta waħda ma kinux komprensivi biżżejjed, billi kienu limitati għall-għoti ta' assistenza lil proġetti u ma kienu jkopru l-ebda tip ieħor ta' attivitajiet ta' JASPERS. Aħna qisna lill-Kummissjoni u lill-BEI bħala klijenti (indiretti) li jibbenefikaw minn JASPERS, madankollu JASPERS u l-Kummissjoni jqisu lill-Istati Membri bħala l-uniċi klijenti ta’ JASPERS (minbarra għall-PSAs). Barra minn hekk, JASPERS kienet ipprovdiet lill-Istati Membri b’xogħol ta' konsulenza mingħajr ħlas billi impjegat lil konsulenti esterni li ħallset hi stess.
120F'ħafna każijiet, aħna sibna wkoll li l-assistenza mogħtija minn JASPERS ma kinitx immirata b'mod suffiċjenti. Dan ikkontribwixxa għal għadd għoli ta' assenjamenti ikkanċellati jew sospiżi. JASPERS infisha ma kinitx stabbiliet oqsma partikolari ta' prijorità għall-Istati Membri li assistiet, billi minflok aġixxiet abbażi tad-domanda espressa minn dawk l-Istati Membri. B'mod ġenerali, JASPERS segwiet kważi t-talbiet kollha għal assenjamenti li saru mill-Istati Membri iżda mhux dejjem ikkonsultat mal-Kummissjoni, li ffinanzjat il-biċċa l-kbira mill-ispiża ta' JASPERS.
121Fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, JASPERS bdiet tappoġġa wkoll proġetti maqsumin f’fażijiet, u dan kien ta’ inkoraġġiment akbar għall-Istati Membri biex jużaw aktar l-assistenza, mingħajr ħlas, tagħha matul l-istadju ta' implimentazzjoni tal-proġetti. L-ebda waħda minn dawn ma kienet prijorità.
122L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ JASPERS, li twettqet f’isem il-Kummissjoni fl-2012, enfasizzat xi nuqqasijiet kemm fl-approċċ strateġiku kif ukoll fl-arranġamenti ta’ xogħol ta’ JASPERS, u rrakkomandat miżuri biex dawn jiġu indirizzati. Dawn in-nuqqasijiet suppost kellhom diġà jkunu ġew indirizzati saż-żmien meta JASPERS ġiet estiża għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, iżda fi żmien l-awditu, l-azzjoni korrettiva li ttieħdet irriżultat f’ippjanar inqas preċiż li, għalhekk, naqqas il-valur strateġiku tagħhom.
Rakkomandazzjoni 1
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu aktar kontroll tal-ippjanar strateġiku ta' JASPERS, inklużi t-tipi kollha ta' attivitajiet tagħha, filwaqt li tieħu kont tal-fatt li JASPERS kienet oriġinarjament imfassla bħala inizjattiva temporanja. B'mod partikolari, jenħtieġ li hija tieħu l-passi li ġejjin.
- Taġġusta l-ippjanar strateġiku ġenerali tagħha tal-operazzjonijiet ta' JASPERS abbażi tal-ħtiġijiet partikolari tal-Istati Membri u f'konformità mal-politika ta' koeżjoni tal-UE. Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta' JASPERS jiffukaw fuq dawk l-attivitajiet li jżidu l-aktar valur.
- Tiddefinixxi stadji importanti u kriterji ċari li jippermettu l-eliminazzjoni gradwali tal-inizjattiva JASPERS meta l-objettivi prinċipali tagħha jkunu ntlaħqu.
- Tinkorpora l-istrateġija ġenerali tagħha fl-ippjanar annwali tal-attivitajiet ta' JASPERS fl-Istati Membri. Jenħtieġ li dan l-ippjanar jissettja prijoritajiet speċifiċi għal kull Stat Membru u settur f’konformità mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE.
- Tiċċara aktar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati prinċipali biex issaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont.
- Tiżgura li JASPERS tistabbilixxi arranġamenti ta' xogħol komprensivi, prattiċi u ċari għas-servizzi kollha tagħha mad-DĠ rilevanti kollha tal-Kummissjoni, mal-BEI u mal-Istati Membri.
Data ta' implimentazzjoni fil-mira: sa tmiem l-2018.
123Aħna sibna dgħufijiet sinifikanti fl-istruttura tal-funzjoni l-ġdida tal-IQR għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Aħna osservajna riskju għoli ta' nuqqas ta' imparzjalità fir-rigward tal-funzjoni konsultattiva ta' JASPERS. Barra minn hekk, għalkemm l-IQRs kienu parti kruċjali mill-proċess ta' approvazzjoni tal-Kummissjoni għal proġetti kbar, din ma kellha l-ebda input dirett dwar kif l-IQRs jitwettqu fil-prattika, u b'hekk esponiet lilha nfisha għar-riskju li dawn ma jitwettqux kif intenzjonat. Fil-prattika, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għall-approvazzjoni ta’ proġetti kbar jittieħdu minn JASPERS, li hija inkarigata mill-IQR.
124L-għan tal-IQRs kien li jissimplifikaw il-proċess tal-Kummissjoni għall-approvazzjoni ta' proġetti kbar. Madankollu, sa tmiem l-2016, JASPERS ma kienx irnexxielha tiffirma arranġamenti ta' xogħol ma' bosta Stati Membri li kienu mistennija jippreżentaw l-akbar għadd ta' proġetti kbar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li, għall-biċċa l-kbira mill-proġetti l-kbar, tuża funzjoni ta' evalwazzjoni oħra pprovduta mill-istess diviżjoni ta' JASPERS, il-PSA. Il-proċedura tal-PSA kkontribwiet għal tnaqqis sinifikanti fiż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tapprova proġetti kbar.
Rakkomandazzjoni 2
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata biex timmitiga r-riskju għoli ta' nuqqas ta' imparzjalità meta JASPERS twettaq IQRs biex tevalwa proġetti li jkunu rċevew appoġġ konsultattiv. Għall-perjodu ta' wara l-2020, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieqaf tuża l-IQRs ipprovduti minn JASPERS għal proġetti kbar li jkunu diġà ngħataw konsulenza.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb aċċess sħiħ għad-dokumentazzjoni rilevanti biex tivverifika l-kwalità tal-proċeduri tal-IQR ta’ JASPERS.
Data ta' implimentazzjoni fil-mira: immedjatament.
JASPERS kellha impatt fuq il-kwalità tal-proġetti iżda ma setax ikollha impatt fuq l-assorbiment
125B'mod ġenerali, aħna sibna li JASPERS kellha impatt pożittiv fuq il-kwalità tad-dokumentazzjoni tal-proġetti. Aħna sibna wkoll li l-assistenza pprovduta minn JASPERS kienet relattivament komprensiva, irrispettivament mill-punt preċiż meta hija ġiet involuta. Dan kien ikkonfermat kemm mis-SAI tal-Polonja kif ukoll tal-Kroazja matul l-awditu kkoordinat. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni b'mod ġenerali ħtieġet inqas żmien biex tapprova proġetti kbar jekk dawn kienu ngħataw assistenza minn JASPERS. Aħna osservajna li ż-żmien kumplessiv meħtieġ għall-approvazzjoni ta’ proġetti kbar tnaqqas fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.
126B’mod ġenerali, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, JASPERS kellha impatt fuq mill-inqas wieħed mill-erba’ parametri relatati mal-kwalità tal-proġetti kbar li awditjajna. Madankollu, mill-proġetti l-kbar li ngħataw assistenza minn JASPERS u li żorna, kien biss fi ftit każijiet li aħna rajna titjib sinifikanti fl-ambitu, fl-outputs, fir-riżultati jew fl-impatt ippjanati (pereżempju, tnaqqis f'elementi li ma kinux ġustifikati ekonomikament, fl-infrastruttura tal-proġetti).
127Aħna sibna li JASPERS ma kellha l-ebda impatt fuq il-kronoloġija għall-implimentazzjoni tal-proġetti l-kbar. Anki jekk JASPERS kienet ipprovdiet konsulenza f'dan il-qasam, il-proġetti kollha li żorna kienu waqgħu lura meta mqabbel mal-iskeda tagħhom. Kien jeħtieġl li aktar minn terz minnhom jiġu ttrasferiti parzjalment (f’fażijiet) għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.
128Waqt l-eżerċizzji tagħna relatati mal-awditjar tal-konformità, li wettaqna fl-2014 u fl-2015, aħna osservajna li l-proġetti l-kbar li ngħataw assistenza minn JASPERS intlaqtu inqas frewkentement minn żbalji ta' legalità u ta’ regolarità.
129Minbarra f'każ wieħed, aħna ma osservajna l-ebda effett min-naħa ta’ JASPERS fuq l-ambitu, l-outputs, ir-riżultati, l-impatt, l-ispiża jew il-kronoloġija għall-implimentazzjoni ppjanati tal-proġetti mhux daqstant kbar fil-kampjun tal-awditjar tagħna. Aħna osservajna wkoll li ma kienx hemm stabbiliti arranġamenti xierqa biex jiġi żgurat l-iskambju xieraq ta' informazzjoni bejn il-benefiċjarji, l-awtoritajiet nazzjonali, JASPERS u l-Kummissjoni dwar kif jista' jsir l-aħjar użu mill-konsulenza ta' JASPERS għal proġetti mhux daqstant kbar.
130Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, aħna osservajna li, b'mod ġenerali, JASPERS ma setgħetx ikollha impatt fuq l-assorbiment tal-fondi tal-UE. Dan kien prinċipalment dovut għal bidliet fil-leġislazzjoni fl-2009 li ppermettew li fondi tal-UE jiġu żborżati qabel ma l-Kummissjoni kienet approvat proġett formalment. F'aktar minn 50 % tal-proġetti li awditjajna, il-klejms għall-ispejjeż fil-fatt kienu ġew ippreżentati lill-Kummissjoni qabel ma nħarġet deċiżjoni bħal din, u b'hekk il-benefiċċju intenzjonat tal-appoġġ konsultattiv ta' JASPERS sar inqas rilevanti. Fil-każijiet li jifdal, id-dewmien fl-implimentazzjoni kien irriżulta fil-posponiment tal-preżentazzjoni tal-ewwel klejms għall-ispejjeż lill-Kummissjoni, minkejja li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet diġà disponibbli.
Rakkomandazzjoni 3
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmira l-assistenza mogħtija minn JASPERS skont l-istadju ta’ żvilupp ta' proġett partikolari. B'mod partikolari, jenħtieġ li JASPERS tikkonċentra fuq is-sustanza tal-proġetti aktar milli fuq id-dokumentazzjoni tal-proġetti. Jenħtieġ li JASPERS ma tibqax tibda tipprovdi konsulenza lil proġetti li diġà jkunu ġew approvati mill-awtoritajiet nazzjonali.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm il-fokus tagħha fuq il-forniment tas-servizzi konsultattivi ta' JASPERS lil proġetti kbar. Jenħtieġ li l-assistenza mogħtija minn JASPERS tkun disponibbli, f'każijiet eċċezzjonali, għal proġetti mhux daqstant kbar u assenjamenti orizzontali ta' natura strateġika li jkunu relatati ma' proġetti. F'dawn il-każijiet, jenħtieġ li din tingħata f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni.
Data ta' implimentazzjoni fil-mira: sa nofs l-2018.
L-impatt ta' JASPERS fuq il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri kien għadu ma rriżultax f’aktar indipendenza mill-assistenza mogħtija minn JASPERS
131B'mod ġenerali, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-benefiċjarji tal-proġetti ddikjaraw li JASPERS kellha impatt pożittiv fuq il-kapaċità amministrattiva tagħhom, għalkemm xi wħud minnhom iddikjaraw li kienu għadhom joqgħodu ħafna fuq l-assistenza mogħtija minn JASPERS. Is-SAIs tal-Polonja u tal-Kroazja għamlu sejbiet simili matul l-awditu kkoordinat. Aħna ma sibna l-ebda evidenza li tikkonferma jekk dan it-titjib fil-kapaċità amministrattiva fil-fatt seħħx. Għal madwar żewġ terzi (67 %) tal-assenjamenti orizzontali li awditjajna, aħna ma osservajna l-ebda impatt bħal dan.
132Aħna osservajna li, maż-żmien, JASPERS kienet żiedet il-fokus tagħha fuq il-bini tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri. Aħna osservajna wkoll li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Kummissjoni kienet ħadet approċċ aktar proattiv u kkoordinat għall-miżuri mmirati lejn il-bini tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri. Madankollu, fl-istrateġija ta’ assistenza teknika tal-Kummissjoni, aħna ma sibna l-ebda referenza għal xi koordinazzjoni bejn l-attivitajiet iddedikati għall-bini tal-kapaċità pprovduti mill-Kummissjoni u dawk ipprovduti minn JASPERS.
133Aħna sibna li kien żdied l-użu tal-assistenza mogħtija minn JASPERS għal assenjamenti b'impatt strateġiku potenzjali. Aħna sibna li JASPERS kellha impatt sinifikanti (33 %) jew impatt limitat (22 %) fuq aktar minn nofs l-assenjamenti orizzontali b'potenzjal strateġiku li awditjajna.
Rakkomandazzjoni 4
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tintegra l-attivitajiet ta' JASPERS fl-istrateġija proprja tagħha ta’ assistenza teknika, bl-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni ma' JASPERS għat-twettiq ta' attivitajiet permanenti (aktar milli attivitajiet ad hoc) għall-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta' JASPERS f'dan ir-rigward jikkumplimentaw dawk tal-Kummissjoni, billi jiffukaw fuq setturi, oqsma u Stati Membri fejn il-kapaċità amministrattiva hija insuffiċjenti.
- Jenħtieġ li, matul iż-żmien, il-Kummissjoni taġġusta r-rwol, in-natura u l-intensità tal-attivitajiet ta' bini tal-kapaċità ta' JASPERS fl-Istati Membri, biex tipprovdilhom inċentivi biex jilħqu livell suffiċjenti u sostenibbli ta' kapaċità amministrattiva.
Data ta' implimentazzjoni fil-mira: sa tmiem l-2018.
Nuqqasijiet sinifikanti fl-ippjanar, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-attivitajiet ta' JASPERS iqiegħdu f'riskju t-tħaddim b'suċċess tal-inizjattiva
134Aħna identifikajna nuqqasijiet sinifikanti fl-ippjanar u fil-monitoraġġ tal-attivitajiet ta' JASPERS. Aħna sibna li JASPERS u l-Kummissjoni kienu ffukaw il-monitoraġġ tagħhom fuq l-outputs. Fejn kienu ġew stabbiliti valuri fil-mira għal dan il-monitoraġġ, dawn jew ma kinux iddefiniti b’mod ċar jew inkella ġew applikati b'mod inkonsistenti. Ir-riżultati li kienu ġew immonitorjati u rrappurtati b'mod regolari kienu biss ir-riżultati tal-konsulenza mogħtija minn JASPERS lil proġetti kbar, f'termini tal-veloċità li biha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ta' approvazzjoni. Kif spjegajna fil-paragrafu 130, dan kien fil-biċċa l-kbira irrilevanti bħala indikatur tal-assorbiment mill-2009 ’il quddiem. Aħna ma sibna l-ebda evidenza li JASPERS jew il-Kummissjoni kienu mmonitorjaw l-impatt tal-attivitajiet ta' JASPERS fuq il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri. Lanqas ma sibna, f'xi wieħed mill-erba' Stati Membri li awditjajna, evidenza ta' xi proċeduri ddefiniti sew relatati mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati u tal-impatt ġenerali tal-assistenza mogħtija minn JASPERS.
135Kienu twettqu żewġ evalwazzjonijiet ta' JASPERS, waħda minnhom mill-BEI u oħra f'isem il-Kummissjoni. Dawn l-evalwazzjonijiet ma koprewx il-prestazzjoni ta' JASPERS fir-rigward ta' assenjamenti individwali għal proġetti mhux daqstant kbar. Barra minn hekk, ġew irrapportati nuqqasijiet sinifikanti f'dawn l-evalwazzjonijiet; kif ikkonkludejna fil-paragrafu 122, dawn kienu ġew indirizzati b’mod limitat biss.
136Aħna osservajna li kien hemm biss segwitu limitat ta' kif fil-fatt intużat il-konsulenza ta' JASPERS. Aħna osservajna li JASPERS rari segwiet jekk il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha kinux ġew applikati matul il-proċess ta' approvazzjoni ta' proġetti kbar. Aħna osservajna wkoll li s-sistema ta' monitoraġġ ta' JASPERS ma kien fiha l-ebda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti li ngħataw assistenza, inklużi dewmien fl-implimentazzjoni, spejjeż eċċessivi u kwistjonijiet relatati mal-akkwist. Lanqas ma sibna evidenza ta' feedback mill-Kummissjoni lil JASPERS dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti.
137Aħna kkonkludejna li kien hemm nuqqasijiet fil-monitoraġġ tal-effiċjenza u l-effettività ta' JASPERS. Id-data dwar l-inputs li ġiet irreġistrata fis-sistemi ta' JASPERS ma kinitx affidabbli biżżejjed biex tkun tista' tintuża f’analiżi sinifikattiva tal-input. Filwaqt li l-indikaturi tal-output intużaw b’mod sistematiku, dan ma kienx il-każ għall-indikaturi tar-riżultati. Barra minn hekk, kien hemm xi nuqqasijiet kemm għall-indikaturi tal-output kif ukoll għall-indikaturi tar-riżultati. Iż-żewġ evalwazzjonijiet ta’ JASPERS, li twettqu fl-2010 u fl-2012, issuġġerew il-kontinwazzjoni tal-inizjattiva u indikaw xi nuqqasijiet li kellhom jiġu indirizzati.
138Il-Kummissjoni kienet bdiet tapplika spejjeż standard armonizzati, li naqqsu l-ispiża totali ta’ JASPERS. Minkejja li l-kalkolu mill-ġdid tal-ispiża ta’ JASPERS għas-sena 2015 kien aktar baxx, il-kontribuzzjoni mill-Kummissjoni baqgħet ma nbidlitx. Aħna ma sibniex evidenza li l-ispejjeż standard ta’ JASPERS għall-persunal, ipprovduti mill-BEI qabel l-armonizzazzjoni, kienu jikkorrispondu, b’mod raġonevoli, għall-ispiża tal-persunal li fil-fatt iġġarrbet. Il-BEI ma kienx lest li jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż reali (li verament iġġarrbu) ta’ JASPERS, u r-risposta tal-Kummissjoni indirizzat parzjalment biss il-mistoqsijiet tagħna dwar il-plawżibbiltà tal-ispejjeż standard li ntużaw sal-2014 għall-membri tal-persunal ipprovduti mill-BEI.
Rakkomandazzjoni 5
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tintroduċi sistema komprensiva għall-monitoraġġ tal-punt sa fejn intlaħqu l-objettivi ta’ JASPERS kemm fuq terminu twil kif ukoll fuq terminu qasir, għas-servizzi kollha li tipprovdi JASPERS.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-evalwazzjonijiet futuri ta' JASPERS ikunu komprensivi biżżejjed, u tasal għal konklużjonijiet dwar jekk JASPERS tkunx laħqet l-objettivi prinċipali tagħha.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittejjeb l-effiċjenza u l-effettività ta' JASPERS, b'mod partikolari billi tiżgura li l-ispiża effettiva tal-assistenza mogħtija minn JASPERS għal kull assenjament tkun immonitorjata b'mod affidabbli u mqabbla mal-outputs u r-riżultati ta' JASPERS.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-ispejjeż ta' JASPERS ikunu raġonevoli, u li jirriflettu l-ispejjeż effettivi li jkunu saru.
Data ta' implimentazzjoni fil-mira: sa nofs l-2018.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-29 ta’ Novembru 2017.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Annex I
Għadd tal-assenjamenti kollha ta' JASPERS matul il-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020, ripartiti skont l-istatus u t-tip tal-assenjament
| Tip ta' assenjament | 2007 - 2013 | 2014 - 2020 | Total Kumplessiv | ||||||||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| AĊĊETTATA | GĦADHA GĦADDEJJA | IKKOMPLETATA | SOSPIŻA | IKKANĊELLATA | RIFJUTATA | SUBTOTAL | AĊĊETTATA | GĦADHA GĦADDEJJA | IKKOMPLETATA | SOSPIŻA | IKKANĊELLATA | RIFJUTATA | SUBTOTAL | ||
| Proġetti kbar | 3 | 33 | 652 | 25 | 172 | 31 | 916 | 23 | 252 | 55 | 12 | 25 | 0 | 367 | 1283 |
| Proġetti mhux daqstant kbar | 0 | 5 | 168 | 7 | 47 | 4 | 231 | 4 | 29 | 27 | 7 | 4 | 0 | 71 | 302 |
| Appoġġ orizzontali | 5 | 17 | 143 | 1 | 54 | 1 | 221 | 9 | 46 | 50 | 10 | 28 | 1 | 144 | 365 |
| Bini tal-kapaċità | 2 | 1 | 9 | 0 | 2 | 0 | 14 | 8 | 24 | 12 | 0 | 1 | 0 | 45 | 59 |
| PSA | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 28 | 0 | 0 | 0 | 28 | 28 |
| IQR | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 1 | 3 | 0 | 0 | 0 | 4 | 4 |
| Total Kumplessiv | 10 | 56 | 972 | 33 | 275 | 36 | 1382 | 44 | 352 | 175 | 29 | 58 | 1 | 659 | 2041 |
Aċċettata – assenjament li ġiet aċċettata b'mod uffiċjali minn JASPERS, iżda li l-konsulenza għaliha għadha ma bdietx.
Għadha għaddejja – assenjament b'konsulenza mogħtija minn JASPERS li għadha għaddejja.
Ikkompletata – assenjament li ġiet iffinalizzata u li għaliha JASPERS ħarġet Nota dwar l-Ikkompletar tal-Azzjoni.
Sospiża – assenjament sospiża minn Stat Membru jew JASPERS.
Ikkanċellata – assenjament ikkanċellata minn Stat Membru.
Rifjutata – talba uffiċjali għal assenjament rifjutata minn JASPERS.
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq data pprovduta minn JASPERS (fil-31 ta’ Diċembru 2016).
Annex II
Ħarsa ġenerali lejn l-assenjamenti awditjati1
| # | Numru tal-assenjament | Titolu tal-assenjament | Perjodu ta' programmazzjoni | Stat Membru | Eżaminat fuq il-post |
|---|---|---|---|---|---|
| Assenjamenti individwali għal proġetti kbar | |||||
| 1 | 2011 085 HR WAT WAT | Forniment tal-ilma u trattament tal-ilma mormi f'Vukovar | 2007-2013 | Il-Kroazja | 1 |
| 2 | 2011 086 HR WAT WAT | Forniment tal-ilma u trattament tal-ilma mormi f'Osijek fl-2014 | 2007-2013 | Il-Kroazja | 2 |
| 3 | 2013 083 HR ROD ROD | Konnessjoni bit-triq mad-Dalmazja tan-Nofsinhar | 2014-2020 | Il-Kroazja | 3 |
| 4 | 2015 071 HR ROD ROD | Pont ta' Peljesac | 2014-2020 | Il-Kroazja | |
| 5 | 2012 095 HR AMT RAL | Titjib u kostruzzjoni tat-tieni binarju fuq is-sezzjoni tal-linja ferrovjarja Dugo Selo - Križevci | 2007-2013 | Il-Kroazja | 4 |
| 6 | 2011 080 HR SWE SLW | Żvilupp ta' Dokumentazzjoni għar-Rimedju ta' Sit Imniġġes Ħafna mill-Iskart (Hot Spot) Pit "Sovjak" | 2014-2020 | Il-Kroazja | - |
| 7 | 2006 086 MT ENV WAT | Ġestjoni tal-Ilma tal-Maltemp | 2007-2013 | Malta | 5 |
| 8 | 2008 188 MT WAT FLP | Malta - Programm Nazzjonali ta’ Lqugħ Kontra l-Għargħar | 2007-2013 | Malta | |
| 9 | 2008 192 MT WAT WAT | Trattament tad-Drenaġġ fin-Nofsinhar ta' Malta | 2007-2013 | Malta | 6 |
| 10 | 2010 031 MT MIS R&D | Ċentru tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei | 2007-2013 | Malta | 7 |
| 11 | 2011 023 MT ROD ROD | Analiżi preliminari ta' aspetti ewlenin għad-definizzjoni tal-opzjoni ta' mina li tikkollega Malta u Għawdex | 2014-2020 | Malta | - |
| 12 | 2006 089 MT TRA ROD | Titjib tan-netwerk tat-toroq TEN-T | 2007-2013 | Malta | 8 |
| 13 | 2009 255 PL RAL RAL | Xiri ta' vetturi ferrovjarji għall-PKP Intercity | 2007-2013 | Il-Polonja | 9 |
| 14 | 2009 272 PL KE R&D | Ċentru għall-Materjali u t-Teknoloġiji Avvanzati (CEZAMAT) | 2007-2013 | Il-Polonja | 10 |
| 15 | 2009 273 PL KE R&D | CENT III - Ċentru tal-Università ta' Varsavja għax-Xjenzi Bijoloġiċi u Kimiċi | 2007-2013 | Il-Polonja | 11 |
| 16 | 2009 168 PL WAT WAT | Trattament tal-ilma mormi f'Żywiec – Fażi II | 2007-2013 | Il-Polonja | 12 |
| 17 | 2010 059 PL WAT WAT | Ġestjoni tal-ilma u l-ilma mormi f'Myślenice | 2007-2013 | Il-Polonja | 13 |
| 18 | 2008 027 PL TRA ROD | S-69 Bielsko-Biała - Żywiec, odc. Wilkowice/Łodygowice-Żywiec | 2007-2013 | Il-Polonja | 14 |
| 19 | 2006 001 PL ENV WAT | Diga f’Wloclawek fuq ix-Xmara Vistula | 2007-2013 | Il-Polonja | - |
| 20 | 2011 115 RO KEW R&D | Fiżika Nukleari b’Infrastruttura Ħafifa Ħafna | 2007-2013 | Ir-Rumanija | 15 |
| 21 | 2009 197 RO RAL RAL | Modernizzar tas-Sezzjoni Ferrovjarja Coşlariu - Sighişoara | 2007-2013 | Ir-Rumanija | 16 |
| 22 | 2010 155 RO WAT WAT | Estensjoni u modernizzar tal-infrastruttura tal-ilma mormi f’Bukarest | 2007-2013 | Ir-Rumanija | 17 |
| 23 | 2009 146 RO ROD ROD | Kostruzzjoni ta' Awtostrada fuq is-sezzjoni TEN-T 7 Cernavodă-Constanţa | 2007-2013 | Ir-Rumanija | 18 |
| 24 | 2010 141 RO RAL RAL | Riabilitazzjoni tal-Pontijiet Ferrovjarji fuq id-Danubju | 2007-2013 | Ir-Rumanija | 19 |
| 25 | 2007 068 RO ENV WAT | Riabilitazzjoni u Modernizzar tas-Sistemi tal-Ilma u d-Drenaġġ fil-Kontea ta' Prahova | 2007-2013 | Ir-Rumanija | 20 |
| Assenjamenti individwali għal proġetti mhux daqstant kbar | |||||
| 1 | 2013 189 HR KEE RDI | Infrastruttura ta’ Riċerka fuq il-Kampus tal-Università ta' Rijeka | 2007-2013 | Il-Kroazja | 1 |
| 2 | 2014 101 HR ROD ROD | Ikkompletar tal-Gateway Express Road fi Ploče u l-Kostruzzjoni ta' Triq li Tikkollega l-Port u l-Belt ta' Ploče | 2007-2013 | Il-Kroazja | 2 |
| 3 | 2007 121 MT TRA POR | Rinnovazzjoni u titjib tat-taljamari (breakwaters) u infrastruttura marina oħra | 2007-2013 | Malta | 3 |
| Assenjamenti orizzontali | |||||
| 1 | 2012 008 HR WAT WAT | Żvilupp ta' Linji gwida għas-CBA | 2007-2013 | Il-Kroazja | 1 |
| 2 | 2014 073 HR KEE RDI | Appoġġ fit-tħejjija tal-PO 2014-2020, Kompetittività u Koeżjoni | 2014-2020 | Il-Kroazja | 2 |
| 3 | 2011 031 MT ROD ROD | Żvilupp ta' Pjan Direttur (Masterplan) Nazzjonali dwar it-Trasport | 2014-2020 | Malta | 3 |
| 4 | 2008 103 MT HOR MUL | Assistenza fl-iskrutinju tas-CBAs u Studji tal-Fattibbiltà Finanzjarja | 2007-2013 | Malta | 4 |
| 5 | 2010 067 PL WAT WAT | Skrinjar ta' proġetti tal-ilma u tal-ilma mormi taħt l-assi prijoritarju I | 2007-2013 | Il-Polonja | 5 |
| 6 | 2010 077 PL SWE SLW | Strateġija tal-Polonja għall-Ġestjoni tal-Ħama tad-Drenaġġ | 2007-2013 | Il-Polonja | 6 |
| 7 | 2013 246 RO KEE RDI | Appoġġ għat-tħejjija tal-PO Kompetittività 2014-2020 | 2014-2020 | Ir-Rumanija | 7 |
| 8 | 2011 032 RO WAT WAT | Appoġġ għat-tħejjija tar-riżerva ta' proġetti għall-perjodu 2014-2020 fis-settur tal-ilma | 2014-2020 | Ir-Rumanija | 8 |
| 9 | 2009 094 RO WAT WAT | Ġestjoni tal-Għargħar - Strateġija Nazzjonali | 2007-2013 | Ir-Rumanija | 9 |
1Minn 25 assenjament għal proġetti kbar awditjati, 22 assenjament b'20 proġett kbir ta’ bażi ġew eżaminati fuq il-post. It-tliet assenjamenti għal proġetti kbar awditjati li jifdal kienu suġġetti għal eżami dokumentarju. It-tliet proġetti mhux l-kbar kollha kif ukoll id-disa’ assenjamenti orizzontali kollha ġew eżaminati fuq il-post ukoll.
Glossarju
Analiżi tal-Ispejjeż imqabbla mal-Benefiċċji (CBA): Teknika għat-tqabbil tal-ispejjeż imbassra u l-benefiċċji mistennija assoċjati ma' proposta, li tgħin lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jilħqu deċiżjoni informata dwar jekk jimplimentawhiex jew le.
Awtorità maniġerjali: Awtorità maniġerjali hija awtorità pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali (jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor), li tkun inħatret minn Stat Membru biex timmaniġġja programm operazzjonali. Il-kompiti tagħha jinkludu l-għażla tal-proġetti għall-finanzjament, il-monitoraġġ ta' kif il-proġetti jiġu implimentati u r-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-aspetti finanzjarji u r-riżultati miksuba.
Effiċjenza: il-prinċipju tal-effiċjenza jikkonċerna l-aħjar relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u l-outputs miksuba.
Evalwazzjoni ta' Wara l-Preżentazzjoni (PSA): Evalwazzjoni mwettqa minn JASPERS, fuq talba tal-Kummissjoni, ta' applikazzjoni għal proġett kbir ippreżentata minn Stat Membru li ma tkunx ġiet suġġetta għal eżaminar indipendenti tal-kwalità minn JASPERS.
Eżaminar Indipendenti tal-Kwalità (IQR): Evalwazzjoni mwettqa minn korp indipendenti fuq applikazzjoni għal proġett kbir qabel Stat Membru jippreżentaha lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. JASPERS taġixxi bħala eżaminatur indipendenti tal-kwalità għall-pajjiżi kollha li jitolbuha l-assistenza. Il-Kummissjoni tista' tirrifjuta l-approvazzjoni ta' appoġġ finanzjarju biss f'każijiet fejn hija tistabbilixxi li hemm dgħufijiet sinifikanti fir-rapport tal-IQR.
Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR): Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandu l-għan li jirrinforza l-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jirrimedja l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz ta' appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta' infrastrutturi u permezz ta' investimenti produttivi li joħolqu l-impjiegi, prinċipalment għan-negozji.
Fond ta' Koeżjoni (FK): Il-Fond ta' Koeżjoni għandu l-għan li jtejjeb il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jiffinanzja proġetti ambjentali u tat-trasport fl-Istati Membri li l-PNG per capita tagħhom ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.
Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE): Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ikopru ħames fondi separati li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali madwar l-Unjoni Ewropea, b'oqfsa ta' politika stabbiliti għall-perjodu baġitarju tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) ta' seba' snin. Il-fondi jinkludu: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); il-Fond Soċjali Ewropew (FSE); il-Fond ta' Koeżjoni (FK); il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).
Impatt: Konsegwenzi soċjoekonomiċi fuq terminu itwal li jistgħu jiġu osservati wara li jkun għadda ċertu perjodu ta' żmien wara l-ikkompletar ta' intervent, u li jistgħu jaffettwaw lill-benefiċjarji diretti tal-intervent jew lil benefiċjarji indiretti oħra (eż. tnaqqis fil-livelli ta' qgħad, titjib fil-kwalità tal-ilma, eċċ.).
Indikatur: Indikatur huwa element varjabbli li jista' jitkejjel eż. għal objettiv li jagħti informazzjoni utli biex jiġi vvalutat il-punt sa fejn jintlaħaq objettiv.
Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar (SAI): Korp indipendenti responsabbli għall-eżaminar tad-dħul u l-infiq tal-gvern. Hemm SAI waħda f'kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE, u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija s-SAI tal-UE.
Nota dwar l-Ikkompletar tal-Azzjoni (ACN): Dokument standardizzat imfassal minn JASPERS li jiġbor fil-qosor ix-xogħol li hija tkun għamlet fuq proġett u li jipprovdi, jekk meħtieġ, rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali.
Output: Dak li jiġi prodott jew imwettaq bir-riżorsi allokati għal intervent (eż. korsijiet ta' taħriġ mogħtija lil żgħażagħ qiegħda, għadd ta' impjanti tad-drenaġġ jew km ta' toroq mibnija, eċċ.).
Pjan ta' azzjoni: B'kooperazzjoni mal-Istat benefiċjarju kkonċernat u mal-Kummissjoni Ewropea, jitħejjew pjanijiet ta' azzjoni għal kull Stat Membru biex jiġi speċifikat ix-xogħol li JASPERS tkun biħsiebha twettaq. Mill-1 ta’ Jannar 2014, kull pjan ta' azzjoni ġdid sar pjan rikorrenti, li jibda bl-iffirmar ta’ darba ta' dan id-dokument għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Huma jibqgħu validi tul il-perjodu 2014-2020 kollu kemm hu, u jsiru modifiki perjodiċi (żieda u tnaqqis ta' proġetti) bi qbil bejn il-partijiet permezz ta' skambju ta' ittri.
Politika ta' koeżjoni: Il-politika ta' koeżjoni hija waħda mill-akbar oqsma ta' politika li fuqhom jintnefaq il-baġit tal-UE. Hija għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet fl-iżvilupp bejn reġjuni differenti, li tirristruttura żoni industrijali li jkunu sejrin lura u li tiddiversifika żoni rurali, kif ukoll li tħeġġeġ il-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali. Hija ffinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond ta' Koeżjoni.
Proġetti kbar: Proġetti kbar huma proġetti ta’ infrastruttura fuq skala kbira fit-trasport, fl-ambjent u f’setturi oħra bħall-kultura, l-edukazzjoni, l-enerġija jew l-ICT, li spiss jirrappreżentaw importanza strateġika għall-UE u għalhekk huma suġġetti għal proċedura ta' approvazzjoni speċifika mill-Kummissjoni. Huma jinkludu sensiela ekonomikament indiviżibbli ta' xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi li jaqdu funzjoni teknika preċiża u li għandhom għanijiet identifikati b'mod ċar. Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jistabbilixxi li proġetti kbar huma dawk il-proġetti li l-ispiża eliġibbli totali tagħhom (l-ispiża totali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013), ivvalutata meta tkun qed tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni tal-fondi, taqbeż EUR 50 miljun. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, fil-każ ta' proġetti li jippromwovu t-trasport sostenibbli u li jneħħu l-ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin, is-soll ogħla sa EUR 75 miljun.
Proġetti maqsumin f'fażijiet: Proġetti kbar mhux kompluti mill-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti li l-parti pendenti tagħhom, li trid tkun identifikabbli kemm finanzjarjament kif ukoll fiżikament, kienet ġiet trasferita għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.
Programm Operazzjonali (PO): Programm operazzjonali jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta' Stat Membru u kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat) ikun se jintuża matul perjodu partikolari (ġeneralment ta' seba' snin) għall-finanzjament ta' proġetti. Dawn il-proġetti jridu jikkontribwixxu biex jintlaħaq ċertu għadd ta' objettivi speċifikati fi ħdan il-PO. Programm operazzjonali jitħejja mill-Istat Membru u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni qabel ma jkunu jistgħu jsiru pagamenti mill-baġit tal-UE. Huma jistgħu jiġu mmodifikati biss matul il-perjodu kopert jekk jaqblu ż-żewġ partijiet.
Riżultat: Riżultat huwa konsegwenza li tista' titkejjel, idderivata – direttament jew indirettament – minn relazzjoni ta' kawża u effett.
Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA): L-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni huwa l-mezz li bih l-UE tappoġġa r-riformi fil-"pajjiżi tat-tkabbir" permezz ta’ għajnuna finanzjarja u teknika. Il-fondi tal-IPA jibnu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi matul il-proċess tal-adeżjoni, li jirriżulta fi żviluppi progressivi u pożittivi fir-reġjun.
Noti finali
1 Ir-Rapport tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tal-Polonja dwar “The functioning of the JASPERS initiative in Poland” (Il-funzjonament tal-inizjattiva JASPERS fil-Polonja) ta' Ottubru 2016 u r-Rapport tal-Uffiċċju Statali tal-Awditjar tal-Kroazja dwar “Impact of JASPERS programme initiative on the submitted project proposals of the Republic of Croatia for co-financing from EU funds” (L-impatt tal-inizjattivi tal-programm JASPERS fuq il-proposti għal proġetti li r-Repubblika tal-Kroazja ppreżentat għal kofinanzjament mill-fondi tal-UE) ta' Mejju 2017.
2 Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, inħolqu l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej li jinkludu, fost oħrajn, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
3 Bħala eċċezzjoni, il-Greċja ngħatat assistenza minn JASPERS mill-2013.
4 Il-Ftehim Qafas ta' Sħubija għall-ġestjoni tal-faċilità ta' assistenza teknika JASPERS 2014-2020, maqbul bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI f'Novembru 2014.
5 Kien hemm ukoll mandat għall-IPA II.
6 Ċifra valida fil-31.12.2016.
7 Oriġinarjament, il-Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW) kien ir-raba' membru fundatur, iżda dan ma estendiex il-parteċipazzjoni tiegħu għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Il-BERŻ iddeċieda li jirtira mill-inizjattiva, b'effett minn Lulju 2017.
8 Il-Memorandum ta' Qbil tal-2006 (MtQ).
9 Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, skont l-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25), meta l-ispiża totali tal-proġett taqbeż EUR 50 miljun.
Skont l-Artikolu 100 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni Nru 1303/2013, għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, meta t-total tal-ispiża eliġibbli jaqbeż EUR 50 miljun, u EUR 75 miljun fil-każ ta' operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli u t-tneħħija ta’ ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin.
10 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
11 Skont il-Kummissjoni, sal-2017, hija kienet adottat deċiżjonijiet pożittivi fir-rigward ta’ 970 proġett kbir fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013.
12 Skont l-Artikolu 287(3) tat-TFUE, id-drittijiet tal-awditjar tagħna fir-rigward tal-attivitajiet tal-BEI huma relatati biss mal-ġestjoni tiegħu tal-ispejjeż u d-dħul mill-baġit tal-UE.
13 Mill-assenjamenti ikkampjunati tagħna, 29 assenjament kienu relatati mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u 8 kienu relatati mal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 (ara l-Anness II u għall-popolazzjoni kumplessiva ara l-Anness I).
14 Ir-Rapport tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tal-Polonja dwar “The functioning of the JASPERS initiative in Poland” (Il-funzjonament tal-inizjattiva JASPERS fil-Polonja) ta' Ottubru 2016 u r-Rapport tal-Uffiċċju Statali tal-Awditjar tal-Kroazja dwar “Impact of JASPERS programme initiative on the submitted project proposals of the Republic of Croatia for co-financing from EU funds” (L-impatt tal-inizjattivi tal-programm JASPERS fuq il-proposti għal proġetti li r-Repubblika tal-Kroazja ppreżentat għal kofinanzjament mill-fondi tal-UE) ta' Mejju 2017.
15 Il-verżjoni finali tas-6 ta’ Settembru 2005.
16 Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u s-Slovenja, u l-pajjiżi fil-fażi ta' adeżjoni tal-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija. Il-Greċja, Spanja u l-Portugall issemmew fid-dokument kunċettwali tal-2005, iżda ma kinux inklużi fil-MtQ tal-2006. L-assistenza għall-Greċja bdiet fl-2013 (mingħajr l-ebda emenda għall-MtQ tal-2006).
17 Assorbiment aħjar ifisser, b’mod ġenerali, li l-fondi tal-UE jintnefqu qabel u aktar malajr.
18 L-Istati Membri benefiċjarji, il-Kummissjoni, il-BEI u l-BERŻ, b’dan tal-aħħar mhux inkluż fl-ambitu tax-xogħol tal-awditjar tagħna minħabba l-kontribut relattivament limitat tiegħu.
19 Introdotti: għall-Kroazja fl-2012; għal Malta fl-2006; għall-Polonja fl-2006 u għar-Rumanija fl-2008.
20 Il-Polonja u l-Kroazja.
21 Il-Pjan Korporattiv 2006-2008 tal-Operat tal-BEI ta' Jannar 2006, approvat mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI.
22 Skont memo interna ta' JASPERS lill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fit-22.4.2014.
23 JASPERS ma għamlitx disponibbli l-informazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol totali tal-persunal tagħha għall-2016.
24 Il-kanċellazzjonijiet jew is-sospensjonijiet spiss seħħew minħabba li l-kofinanzjament mill-UE ma kienx għadu qed jintalab għall-proġetti assoċjati. Kien hemm ukoll bosta każijiet ta' proġetti li twaqqfu minħabba li kienu nqasmu fi proġetti iżgħar.
25 Billi bħala bażi użajna l-ispiża effettiva ta' JASPERS għall-perjodu 2006-2015 (ara t-Tabella 1), li tikkonsisti prinċipalment fi spiża relatata mal-persunal, aħna stmajna li l-valur tal-ħin tax-xogħol relatat mal-assenjamenti li ma tkomplewx kien ilaħħaq sa EUR 20 miljun.
26 Sa tmiem l-2016, kienu ġew ikkompletati 58 minn dawn l-assenjamenti.
27 L-istrateġija ta’ assistenza teknika għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 li ġiet adottata mid-DĠ REGIO fil-11 ta’ Novembru 2013.
28 L-arranġamenti ta' xogħol mar-Rumanija ġew iffirmati fis-27 ta’ April 2017.
29 Taħt il-proċedura tal-PSA, JASPERS twettaq parti kbira mix-xogħol ta' evalwazzjoni ta' proġetti kbar f'isem il-Kummissjoni, biex din tal-aħħar tkun tista' tieħu d-deċiżjoni tagħha.
30 Fost it-13-il qasam li ngħataw assistenza hemm: is-CBA, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist, l-istimar tal-ispejjeż tal-proġett, l-analiżi tar-riskju u tas-sensittività, l-implimentazzjoni u l-istrutturi tal-proġetti, l-istudju tal-fattibbiltà, kwistjonijiet ambjentali, kwistjonijiet relatati mal-fondi u mal-finanzjament, u l-formola ta’ applikazzjoni għal proġetti.
31 Il-proġetti l-kbar li ngħataw assistenza minn JASPERS kienu jeħtieġu medja ta' 198 jum (biż-żmien tal-interruzzjonijiet imnaqqas), filwaqt li kienu meħtieġa 255 jum għall-proġetti l-kbar li ma ngħatawx assistenza.
32 Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013: l-Artikolu 41(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020: L-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
33 Bl-interruzzjonijiet imnaqqsa.
34 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 284/2009 tas-7 ta’ April 2009 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni, rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja (ĠU L 94, 8.4.2009, p. 10).
35 Biex isir tqabbil, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni kienet adottat deċiżjonijiet pożittivi fir-rigward ta’ 972 proġett kbir.
36 Espress f'ekwivalenti għall-impjieg full-time (FTE)
37 L-10 indikaturi tal-prestazzjoni kienu maqsumin f'5 indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u 5 indikaturi addizzjonali tal-prestazzjoni. Il-ħames indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kienu: għadd ta' azzjonijiet ta' JASPERS ikkompletati, għadd ta' applikazzjonijiet għal proġetti li ġew appoġġati minn JASPERS u li ġew ippreżentati lid-DĠ REGIO, progress tal-azzjonijiet ta' JASPERS tul iċ-ċiklu tal-proġett, feedback mill-benefiċjarji, u feedback mir-Regio Desk. Il-ħames indikaturi addizzjonali tal-prestazzjoni kienu: żmien mill-bidu sal-ikkompletar tal-assenjament, żmien biex jiġu approvati proġetti appoġġati minn JASPERS u proġetti mhux appoġġati minn JASPERS, azzjonijiet imwettqa minn kull espert, spiża għal kull azzjoni sal-ikkompletar, u feedback mill-awtorità maniġerjali. L-10 statistiki tematiċi kienu jinkludu statistika dwar l-effiċjenza ta' JASPERS, bħall-ispiża tar-riżorsi assorbita għal kull pajjiż u subsettur, l-għadd ta' azzjonijiet appoġġati minn JASPERS, u ż-żmien mill-ikkompletar tal-azzjoni ta' JASPERS sal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għotja.
38 Evalwazzjoni ta’ JASPERS, Rapport finali, it-13 ta’ Diċembru 2012, AECOM.
39 Għadd ta' azzjonijiet ta' JASPERS ikkompletati, għadd ta' applikazzjonijiet għal proġetti li ġew appoġġati minn JASPERS u li ġew ippreżentati lid-DĠ REGIO, progress tal-azzjonijiet ta' JASPERS tul iċ-ċiklu tal-proġett.
40 Żmien mill-bidu sal-ikkompletar tal-assenjament, Azzjonijiet imwettqa minn kull espert, u Spiża għal kull Azzjoni sal-Ikkompletar.
41 Ara r-Rapport ta’ Sinteżi - “Evaluation of the EIB Role in the JASPERS initiative” (Evalwazzjoni tar-Rwol tal-BEI fl-inizjattiva JASPERS), Diċembru 2010.
42 EUR 260 miljun li jinkludu s-CEF.
43 L-istituzzjonijiet li tagħhom saret il-valutazzjoni komparattiva kienu l-BEI, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Eurofound. L-ispejjeż tal-persunal ta' JASPERS kienu 44 % ogħla minn dawk tal-BEI, 79 % ogħla minn dawk tal-EMSA, 99 % ogħla minn dawk tal-Eurofound u 116 % ogħla minn dawk tal-EASA..
1 JASPERS Evaluation report, December 2012 (http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/pdf/eval2007/jaspers_evaluation/final_report_131212.pdf)
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 16.3.2016 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 5.10.2017 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 29.11.2017 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 8.1.2018 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tagħha f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-programmi tal-UE jew suġġetti ta' ġestjoni relatati ma’ oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar, li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA, u li tispeċjalizza fl-oqsma ta' nfiq ta' investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Oskar Herics, b’appoġġ minn Margit Spindelegger, Kap tal-kabinett; Emmanuel Rauch, Maniġer prinċipali u Rafal Gorajski, Kap tal-kompitu. It-tim tal-awditjar kien jikkonsisti minn Michaela Binder, Thierry Lavigne, Mircea-Cristian Martinescu u Maciej Szymura. Ġiet ipprovduta konsulenza legali minn Eleonore von Bardeleben filwaqt li Richard Moore pprovda appoġġ lingwistiku.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017
| ISBN 978-92-872-8882-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/085970 | QJ-AB-17-024-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-872-8889-9 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/839657 | QJ-AB-17-024-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2017
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: http://europa.eu/contact
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: http://europa.eu/contact
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://op.europa.eu/eubookshop. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
