Rapport Speċjali
24 2020

Il-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE u l-proċedimenti tal-antitrust tal-Kummissjoni: jeħtieġ li tiżdied is-sorveljanza tas-swieq

Dwar ir-rapport: Fil-proċedimenti tal-antitrust proprji tagħha, il-Kummissjoni tinforza r-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs). Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll mir-rieżaminar ta’ fużjonijiet ta’ kumpaniji li huma sinifikattivi għas-suq intern tal-UE.

F’dan l-awditu, aħna eżaminajna kemm il-Kummissjoni kienet effettiva fl-identifikazzjoni u fl-infurzar ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE rigward il-fużjonijiet u l-antitrust, u kif kienet ikkooperat mal-NCAs. Analizzajna wkoll kif il-Kummissjoni vvalutat u rrappurtat il-prestazzjoni proprja tagħha.

Aħna sibna li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni indirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni. Iżda minħabba riżorsi limitati, il-kapaċitajiet għall-monitoraġġ tas-swieq u l-identifikazzjoni proprja tal-każijiet tal-antitrust kienu limitati. L-investigazzjonijiet kienu kumplessi minħabba ammonti dejjem jiżdiedu ta’ data li trid tiġi pproċessata u t-tfaċċar ta’ swieq diġitali, u għadhom ma ġewx indirizzati l-isfidi kollha. Il-kooperazzjoni mal-NCAs kienet tajba, iżda ċerti aspetti jistgħu jibbenefikaw minn koordinazzjoni aħjar. Barra minn hekk, jeħtieġ li jsir titjib fil-mod kif il-Kummissjoni tivvaluta il-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħha u tirrapporta dwarha.

Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet bl-għan li jgħinu lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kapaċità tagħha fl-identifikazzjoni u fl-infurzar ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, biex tikkoopera aktar mill-qrib mal-NCAs, u biex ittejjeb ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipproteġi l-kompetizzjoni ġusta tal-kumpaniji fis-suq intern tal-UE u fl-interess tal-konsumaturi. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tgawdi setgħat investigattivi u deċiżjonali sinifikanti li bihom tista’ tipprojbixxi ftehimiet antikompetittivi bejn kumpaniji jew tieħu azzjoni kontra kumpaniji li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom fis-suq intern (magħrufa bħala “proċedimenti tal-antitrust”). Il-Kummissjoni tirrieżamina wkoll konċentrazzjonijiet akbar ta' kumpaniji għall-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern (magħruf bħala "kontroll tal-fużjonijiet").

II

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) fl-Istati Membri tal-UE jistgħu jinfurzaw direttament ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE f’każijiet ta’ antitrust li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni ddefiniet kriterji għall-allokazzjoni tal-każijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

III

Dan huwa l-ewwel awditu li wettaqna dwar ir-rwol tal-Kummissjoni bħala infurzatur fl-oqsma tal-fużjonijiet u tal-antitrust. Matul dawn l-aħħar 10 snin, l-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE esperjenza bidliet sinifikanti fid-dinamika tas-suq u kien fiċ-ċentru tal-interess u d-dibattitu pubbliku. Fl-awditu tagħna, aħna analizzajna jekk il-Kummissjoni, permezz tad-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Kompetizzjoni, kinitx infurzat sew ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fil-kontroll tal-fużjonijiet u fil-proċedimenti tal-antitrust tagħha. Għal dan il-għan, aħna eżaminajna l-kapaċità ta’ identifikazzjoni u ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, u kif din użat is-setgħat ta’ infurzar tagħha fil-kontroll tal-fużjonijiet u fil-proċedimenti tal-antitrust. Aħna eżaminajna wkoll kif il-Kummissjoni kkooperat mal-NCAs, kif irrappurtat dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta' infurzar tagħha, u kif irċeviet il-feedback. Ir-rapport tagħna jiġbed l-attenzjoni għal kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt fuq is-suċċess tal-Kummissjoni, kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni.

IV

Aħna sibna li, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni għamlet użu tajjeb mis-setgħat ta’ infurzar tagħha fil-kontroll tal-fużjonijiet u fil-proċedimenti tal-antitrust, u indirizzat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni bid-deċiżjonijiet tagħha. Madankollu, jeħtieġ li jsir titjib f’għadd ta’ oqsma.

V

Sabiex ma tiddependix biss fuq l-ilmenti li tirċievi, il-Kummissjoni ħadet azzjoni fuq inizjattiva proprja tagħha biex tidentifika problemi li potenzjalment jistgħu jaffettwaw is-suq intern. Madankollu, hija ma kinitx investiet riżorsi xierqa fil-monitoraġġ tas-swieq. L-inizjattivi stabbiliti biex jinkoraġġixxu l-awtorappurtaġġ tal-każijiet ħadmu, iżda l-ammont tagħhom naqas mill-2015 'il hawn. Billi pprijoritizzat il-każijiet, il-Kummissjoni allokat riżorsi għal investigazzjonijiet rilevanti, iżda dan ma kienx ibbażat fuq ponderazzjoni ċara tal-kriterji li tiżgura l-għażla tal-każijiet bl-ogħla riskju.

VI

Il-kontroll tal-fużjonijiet assorba parti sostanzjali mir-riżorsi disponibbli. Il-Kummissjoni applikat b’suċċess proċedura simplifikata, iżda għad trid taġixxi fuq aktar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni. Aħna sibna wkoll li s-sollijiet ibbażati fuq il-fatturat li jintużaw biex jiġi deċiż jekk tranżazzjoni tkunx taffettwa l-kompetizzjoni fis-suq intern jistgħu ma jiżgurawx li t-tranżazzjonijiet sinifikanti kollha jkunu suġġetti għar-rieżaminar tal-Kummissjoni.

VII

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-antitrust indirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni, iżda l-investigazzjonijiet kienu ġeneralment twal. Billi l-infurzar tal-antitrust iseħħ biss wara li tkun inqalgħet problema ta’ kompetizzjoni, id-durata tal-proċedimenti tista’ taffettwa b’mod negattiv l-effettività tad-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tħaffef il-proċedimenti tal-antitrust tagħha, iżda kellha tiffaċċja wkoll investigazzjonijiet kumplessi. Dan kien partikolarment il-każ għas-swieq diġitali l-ġodda fejn is-suppożizzjonijiet tradizzjonali ta’ kompetizzjoni effettiva kellhom jiġu adattati u fejn kellha tiġi evalwata l-effettività tal-għodod legali eżistenti għall-intervent. Il-Kummissjoni għadha wkoll ma aġġornatx il-linji gwida u l-avviżi tagħha biex ittejjeb iċ-ċertezza legali għall-kumpaniji li huma attivi f'dawn is-swieq u biex tappoġġa lill-NCAs fit-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom.

VIII

Infurzar effettiv jirrikjedi multi li jservu ta’ deterrent. Il-livell tal-multi imposti mill-Kummissjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni huwa fost l-ogħla fid-dinja. Madankollu, l-impatt ta’ multi kbar jiddependi mid-daqs tal-kumpaniji kkonċernati, il-probabbiltà li jinqabad ksur, il-potenzjal ta’ profitti assoċjati mal-ksur, u d-durata tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni. Sa issa, il-Kummissjoni ma evalwatx l-effett deterrenti tal-multi tagħha.

IX

L-NCAs jieħdu l-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet fil-każijiet fejn jiġu applikati r-regoli tal-UE dwar l-antitrust. L-NCAs u l-Kummissjoni kkooperaw tajjeb fin-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni, bl-eċċezzjoni tal-monitoraġġ tas-swieq u l-prijoritajiet ta’ infurzar li ma kinux ġew ikkoordinati mill-qrib. Mekkaniżmu għall-allokazzjoni effiċjenti tal-każijiet ta’ antitrust bejn il-Kummissjoni u l-NCAs ma ntużax b’mod ottimali.

X

Il-Kummissjoni ddefiniet l-objettivi li għandhom jintlaħqu biss b’mod ġenerali ħafna. Flimkien ma’ nuqqas ta’ data xierqa għall-monitoraġġ tar-riżultati, dan għamilha diffiċli biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar. Għalkemm l-evalwazzjonijiet ex post tal-effettività tax-xogħol tagħha jappoġġaw teħid aħjar ta' deċiżjonijiet u allokazzjoni aħjar tar-riżorsi, il-Kummissjoni ma wettqithomx b’mod regolari. Ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-azzjoni ta’ infurzar tagħha għadu jiffoka fuq l-attività aktar milli fuq l-impatt u attwalment ma hemm l-ebda valutazzjoni regolari u indipendenti tal-prestazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-UE.

XI

Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-Kummissjoni li:

  • iżżid il-probabbiltà ta' identifikazzjoni tal-ksur;
  • iżżid l-effettività tal-infurzar tal-kompetizzjoni;
  • tuża aħjar il-potenzjal tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni; u
  • ittejjeb ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni.

Introduzzjoni

Ir-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE

01

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprojbixxi ċerti prattiki li huma inkompatibbli mas-suq intern1. Dawn il-prattiki jinkludu kwalunkwe tip ta’ kollużjoni bejn il-kumpaniji li jkollha l-effett jew l-objettiv li tirrestrinġi jew tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni transfruntiera fi ħdan is-suq intern. L-aktar eżempju ċar ta’ mġiba illegali bħal din huwa l-kollużjoni bejn il-kompetituri fil-forma ta’ kartelli sigrieti, fejn il-kumpaniji jiffissaw il-prezzijiet jew l-ishma mis-suq, u b’hekk iżidu b’mod inġustifikabbli l-profitti tagħhom għad-detriment tal-konsumaturi. Il-kooperazzjoni tista’ tkun permessa jekk din isseħħ bl-għan li jitjiebu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew li jiġi promoss il-progress tekniku jew ekonomiku. Dan bil-kundizzjoni li l-konsumaturi jirċievu sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw u li l-impatt fuq il-kompetizzjoni jkun proporzjonali u ma jeliminahiex2.

02

It-TFUE wkoll jipprojbixxi lill-kumpaniji li għandhom pożizzjoni dominanti f’suq partikolari milli jabbużaw minn dik il-pożizzjoni bil-ħsieb li jeliminaw jew inaqqsu l-kompetizzjoni3. Eżempji ta’ mġiba bħal din jinkludu:

  • il-ħtieġa li x-xerrejja jixtru prodott partikolari mingħand l-impriża dominanti biss (xiri esklużiv);
  • l-iffissar tal-prezzijiet f’livell li jagħmel it-telf (ipprezzar predatorju);
  • l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet inġusti biex il-kompetituri ma jitħallewx jidħlu fis-suq (esklużjoni);
  • id-debitar ta’ prezzijiet (eċċessivi) inġusti għax-xerrejja; u
  • il-limitazzjoni tal-produzzjoni jew tal-iżvilupp tekniku u b’hekk titnaqqas l-għażla tal-konsumatur.

Ir-rwol tal-Kummissjoni bħala infurzatur tar-regoli tal-kompetizzjoni

03

Skont it-Trattati, l-UE għandha kompetenza esklużiva biex tistabbilixxi r-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-infurzar uniformi ta’ dawn ir-regoli. Dan huwa essenzjali għal suq intern tal-UE li jiffunzjona, minħabba li l-Kummissjoni tikkoreġi l-imperfezzjonijiet fil-funzjonament tas-swieq u tieħu azzjoni meta l-kumpaniji ma jirrispettawx ir-regoli4.

04

L-indipendenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni hija prerekwiżit għal infurzar effettiv. Fi kliem ieħor, jenħtieġ li awtorità tal-kompetizzjoni tiddeċiedi b’mod indipendenti mill-atturi ekonomiċi u mill-gvernijiet u l-prijoritajiet politiċi tagħhom dwar liema każijiet għandha tinvestiga u tinforza. L-indipendenza timplika wkoll li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jeħtieġu riżorsi suffiċjenti (kemm umani kif ukoll tekniċi) biex jaġixxu bħala infurzaturi effettivi.

05

Il-leġiżlazzjoni tal-UE5 tagħti lill-Kummissjoni għadd ta’ setgħat investigattivi u deċiżjonali importanti bħall-ispezzjoni tal-kumpaniji, il-projbizzjoni tal-kartelli jew imġiba antikompetittiva oħra, jew l-impożizzjoni ta’ penali pekunarji fuq il-kumpaniji li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Investigazzjonijiet bħal dawn huma komunement magħrufa bħala “proċedimenti tal-antitrust”. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jipprojbixxu prattika speċifika kontra l-kompetizzjoni huma vinkolanti għall-kumpaniji involuti, iżda jistabbilixxu wkoll preċedent għal każijiet analogi. Fi ħdan il-qafas tat-TFUE, ir-Regolament 1/2003 u l-ġurisprudenza stabbilita mill-qrati tal-UE, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni biex:

  • tiddefinixxi l-objettivi u l-kunċetti ekonomiċi sottostanti ta’ “kompetizzjoni effettiva”;
  • tiddeċiedi kif tuża s-setgħat investigattivi tagħha u twettaq l-investigazzjonijiet tagħha; u
  • tiddefinixxi r-rimedji meħtieġa biex jitwaqqfu l-prattiki antikompetittivi jew il-konċentrazzjonijiet problematiċi.
06

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tipproteġi struttura tas-swieq kompetittiva u effettiva, bil-ħsieb li ttejjeb il-benessri tal-konsumatur u tikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ suq intern tal-UE integrat6. Ma hemm l-ebda definizzjoni li hija universalment aċċettata ta' benessri tal-konsumatur, iżda f’termini sempliċi, dan ifisser li l-Kummissjoni teżamina minn perspettiva ekonomika kif il-kompetizzjoni fis-swieq fl-UE taħdem fl-interess tal-konsumaturi f’termini tal-prezz, il-kwalità u l-għażla tal-prodotti jew tas-servizzi, u tal-innovazzjoni.

07

Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll mill-monitoraġġ tar-ristrutturar tal-industrija meta dan ikollu impatt antikompetittiv potenzjali fuq is-suq intern: pereżempju, meta żewġ kumpaniji indipendenti jingħaqdu jew jistabbilixxu entità ekonomika konġunta awtonoma (l-hekk imsejħa “impriża konġunta li topera b'mod sħiħ”). Dawn il-konsolidamenti, li huma karatteristika normali ta’ ekonomija tas-suq, jistgħu jippromwovu l-allokazzjoni effiċjenti tal-assi produttivi, iżda jista’ jkollhom ukoll effett dannuż fuq il-kompetizzjoni. F’dak il-każ, jista’ jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tintervieni biex tipproteġi l-funzjonament tas-suq intern. Dan huwa magħruf bħala “kontroll tal-fużjonijiet tal-UE” u huwa regolat permezz ta’ Regolament tal-Kunsill7.

08

Filwaqt li l-kontroll tal-fużjonijiet iseħħ qabel l-implimentazzjoni tat-tranżazzjoni u fi żmien skadenzi stretti (sistema ta’ kontroll “ex ante”), il-Kummissjoni għandha d-dritt li tibda biss proċedimenti tal-antitrust wara li kumpanija tkun suspettata li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni (sistema ta’ kontroll “ex post”). Bħala medja, f'dawn l-aħħar 10 snin, il-Kummissjoni eżaminat aktar minn 300 notifika ta’ fużjoni u xi 200 każ ta’ antitrust fis-sena.

09

Fi ħdan il-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet ewlenin kollha dwar każijiet ta’ kompetizzjoni u dwar kwistjonijiet ta’ politika, bħal proposti leġiżlattivi, avviżi u linji gwida, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà kollettiva tal-kulleġġ tal-Kummissarji. Il-kulleġġ iddelega lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni s-setgħa li jadotta b’mod unilaterali ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet li huma ta’ inqas importanza u li ma jqajmux kwistjonijiet ta’ politika partikolari. Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni jissorvelja d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (DĠ COMP), li jirrieżamina n-notifiki ta’ fużjonijiet, iwettaq investigazzjonijiet dwar l-antitrust u dwar il-fużjonijiet u, b’kooperazzjoni ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, iħejji deċiżjonijiet u dokumenti ta’ politika, inklużi proposti leġiżlattivi, għall-adozzjoni mill-Kummissjoni.

Ir-rwol tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-proċedimenti tal-antitrust

10

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) tal-Istati Membri tal-UE t-tnejn li huma għandhom is-setgħa li jinfurzaw direttament ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE f'każijiet ta’ antitrust li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara l-Kaxxa 1)8.

Kaxxa 1

Setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri

L-NCAs japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE b’mod parallel mar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni. Huma jaġixxu fuq inizjattiva proprja tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħhom huma vinkolanti fl-Istat Membru rispettiv. Ir-regoli proċedurali u l-livell tal-multi jibqgħu kompletament fil-kompetenza tal-Istati Membri suġġetti għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni meħtieġa mid-Direttiva 2019/19. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti ċirkustanzi, japplikaw regoli tal-kompetizzjoni aktar stretti għal imġiba unilaterali u jimponu multi li jkunu ogħla jew aktar baxxi minn dawk tal-Kummissjoni.

11

Filwaqt li dan l-approċċ deċentralizzat ta’ “infurzar parallel” estenda b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, il-Kummissjoni tibqa’ finalment responsabbli biex tiżgura li l-NCAs japplikaw ir-regoli b’mod uniformi10. Il-Kummissjoni hija kompetenti wkoll biex tieħu deċiżjonijiet li japplikaw għat-territorju kollu kemm hu taż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja)11.

12

L-infurzar parallel tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-NCAs. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-NCAs stabbilew in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK)12, mekkaniżmu li permezz tiegħu huma (i) jiddeċiedu liema awtorità tal-kompetizzjoni se tinvestiga każ u (ii) jiskambjaw informazzjoni dwar il-miżuri investigattivi u d-deċiżjonijiet ta’ infurzar li jkun biħsiebhom jieħdu. In-NEK jinkludi wkoll kumitat konsultattiv, magħmul minn rappreżentanti tal-NCAs, li l-Kummissjoni trid tikkonsulta qabel ma tadotta d-deċiżjonijiet finali dwar il-kompetizzjoni.

13

Il-qrati nazzjonali għandhom rwol komplementari fl-infurzar, billi jittrattaw il-litigazzjoni bejn partijiet privati li tinvolvi kwistjonijiet relatati mar-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali ma jistgħux jannullaw deċiżjoni tal-Kummissjoni13.

14

L-NCAs għandhom diskrezzjoni konsiderevoli fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jinvestigaw ksur jew le u x’penali għandhom jimponu. Fid-deċiżjonijiet tagħhom, li huma vinkolanti għat-territorju tal-Istat Membru, huma jridu jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti mid-deċiżjonijiet proprji tal-Kummissjoni jew minn qorti. L-avviżi u l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-infurzar ta’ każijiet ta’ antitrust mhumiex vinkolanti għall-NCAs, iżda jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu opinjonijiet dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mill-Kummissjoni, u jistgħu jissottomettu talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Meta l-Kummissjoni tagħti bidu għall-investigazzjoni proprja tagħha, l-NCAs jinħelsu minn involviment ulterjuri fil-każ ikkonċernat.

15

L-infurzar parallel tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust jintwera fil-Figura 1.

Figura 1

Infurzar parallel tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust

Sors: il-QEA

Il-kontroll tal-fużjonijiet fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali

16

Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tinvestiga konċentrazzjonijiet ta’ kumpaniji meta l-fatturat tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta’ fużjoni jaqbeż soll stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE14. Taħt dan il-limitu, l-Istati Membri jistgħu jkunu responsabbli biex jivvalutaw il-fużjonijiet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Il-każijiet jistgħu jiġu trasferiti taħt is-sistema ta’ rinviju bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li tippermetti ċerta flessibbiltà: pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi mill-ġdid każ lil Stat Membru jew viċi versa taħt ċerti kundizzjonijiet (ara l-Figura 2).

Figura 2

Kontroll tal-fużjonijiet fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali

Sors: il-QEA

17

Jekk il-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni proposta tkun timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, hija tista’ jew tipprojbixxi l-fużjoni jew inkella tawtorizzaha suġġetta għall-implimentazzjoni tal-impenji vinkolanti proposti mill-partijiet li jkunu l-oġġett ta’ fużjoni, li jkollhom l-għan li jipprevienu problemi ta’ kompetizzjoni fis-swieq rilevanti.

18

Meta fużjoni taqa’ fil-kompetenza ta’ NCA, din tiddeċiedi b’mod awtonomu jekk tapprovahiex jew le skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali biss. Madankollu, il-gvernijiet nazzjonali f’sitt Stati Membri, normalment permezz tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi tagħhom, jistgħu b’mod eċċezzjonali jannullaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ fużjoni jew jimmodifikaw l-impenji għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, pereżempju fejn iħossu li l-effetti antikompetittivi fis-swieq rilevanti huma kkumpensati mill-ħtieġa li jiġu ppreservati l-impjiegi jew li jiġu żviluppati industriji nazzjonali speċifiċi15.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

19

F'dawn l-aħħar 10 snin, l-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ fużjoni rilevanti tal-UE żdied b’madwar 40 % u t-tfaċċar ta’ swieq diġitali ġodda poġġa sfidi sinifikanti fuq l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni. Aħna għadna ma rrappurtajniex dwar l-attivitajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontroll tal-fużjonijiet u l-proċedimenti tal-antitrust. Fit-twettiq ta’ dan l-awditu, aħna fittixna li nitfgħu dawl fuq kif il-Kummissjoni twettaq dawn l-attivitajiet u niġbdu l-attenzjoni għal kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt fuq is-suċċess tagħhom kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni.

20

Aħna staqsejna jekk il-Kummissjoni kinitx infurzat sew ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fil-kontroll tal-fużjonijiet u fil-proċedimenti tal-antitrust. B’mod aktar speċifiku, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni:

  1. kellhiex kapaċità xierqa ta’ identifikazzjoni u ta’ investigazzjoni;
  2. kinitx għamlet użu tajjeb mis-setgħat ta’ infurzar tagħha fil-kontroll tal-fużjonijiet u fil-proċedimenti tal-antitrust;
  3. kinitx ikkooperat tajjeb mal-NCAs; u
  4. kinitx stabbiliet qafas biex tirrapporta dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħha u tirċievi feedback.
21

Għall-finijiet tal-awditu, aħna eżaminajna d-dokumentazzjoni disponibbli fil-Kummissjoni u għamilna intervisti mal-persunal tal-Kummissjoni. Għall-kontroll tal-fużjonijiet, aħna awditjajna l-fajls dwar 13-il fużjoni proposta li ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet bejn l-2010 u l-2017. Għall-antitrust, aħna awditjajna kampjun ta’ 37 każ li l-Kummissjoni bdiet tinvestiga matul l-istess perjodu, iżda rrieżaminajna wkoll rapporti u dokumentazzjoni oħra tal-attivitajiet għall-2018 u l-2019. Aħna rrieżaminajna wkoll, abbażi ta’ kampjun ta’ 38 każ, l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tan-notifiki mill-NCAs skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri fejn NCA kienet infurmat b'mod formali lill-Kummissjoni dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni nazzjonali dwar l-antitrust jew issottomettiet abbozz ta’ deċiżjoni ta’ infurzar. Aħna għażilna l-każijiet kollha abbażi tal-kriterji tar-riskju.

22

Barra minn hekk, biex niġbru l-informazzjoni, aħna żorna l-NCAs tal-Bulgarija, Franza, in-Netherlands u l-Polonja, minħabba l-karatteristiċi istituzzjonali tagħhom li huma fil-biċċa l-kbira differenti. Kellna wkoll laqgħat ma’ rappreżentanti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).

23

F’dan l-awditu ma eżaminajniex kif il-Kummissjoni tinforza r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li huwa qasam ieħor ta' sorveljanza tal-Kummissjoni fuq il-kompetizzjoni16. Bosta fatturi fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri jistgħu jinfluwenzaw l-effettività tal-kompetizzjoni, fosthom il-liġi dwar il-privattivi, il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa, ir-regolamentazzjoni speċifika għas-settur (pereżempju tat-trasport tal-passiġġieri jew tat-telekomunikazzjonijiet), regoli speċifiċi għall-protezzjoni tal-konsumatur, jew il-politika kummerċjali għal dak li għandu x’jaqsam ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Dawn imorru lil hinn mir-rwol speċifiku tal-Kummissjoni għall-infurzar tal-kompetizzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament dwar l-Għaqdiet, u għalhekk ma kinux inklużi fl-ambitu tal-awditjar tagħna.

Osservazzjonijiet

Xi limitazzjonijiet fil-kapaċità ta’ monitoraġġ, ta’ identifikazzjoni u ta’ investigazzjoni tas-suq min-naħa tal-Kummissjoni

24

Il-Kummissjoni tirċievi għadd kbir ta’ informazzjoni ftit jew wisq formali mill-parteċipanti fis-suq u mill-NCAs dwar kwistjonijiet possibbli ta’ kompetizzjoni jew ksur potenzjali tar-regoli dwar l-antitrust. Għall-ilmenti formali dwar l-antitrust, il-Kummissjoni għandha obbligu legali li tqis bir-reqqa l-kwistjonijiet li jinġiebu għall-attenzjoni tagħha. Madankollu, il-kwalità ta’ din l-informazzjoni tvarja b’mod sinifikanti, u mhux neċessarjament tirrifletti l-problemi l-aktar importanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Għalhekk, biex tkun kompletament effettiva, jenħtieġ li awtorità tal-kompetizzjoni mhux biss tirreaġixxi għall-ilmenti li jitressqu għall-attenzjoni tagħha, iżda jenħtieġ ukoll li tinkoraġġixxi r-rappurtar tal-każijiet u tkun kapaċi tidentifika każijiet ta’ antitrust ta’ impatt għoli fuq inizjattiva proprja.

25

Filwaqt li d-DĠ COMP irid jeżamina l-fużjonijiet kollha notifikati (ara l-paragrafu 16), huwa jgawdi minn diskrezzjoni fid-deċiżjoni dwar jekk jinvestigax allegat ksur tar-regoli dwar l-antitrust. Billi d-DĠ COMP normalment jirċievi aktar informazzjoni dwar problemi ta’ kompetizzjoni milli fil-fatt jista’ jinvestiga bir-riżorsi li għandu disponibbli, huwa jrid jistabbilixxi prijoritajiet.

26

Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni:

  1. kellhiex kapaċitajiet xierqa biex tidentifika prattiki antikompetittivi;
  2. kinitx stabbiliet prijoritajiet ta’ infurzar tal-antitrust skont kriterji oġġettivi sabiex tikkonċentra r-riżorsi tagħha fuq il-każijiet bl-akbar impatt potenzjali.

Ir-riżorsi limitati jaffettwaw il-kapaċità ta’ identifikazzjoni tal-Kummissjoni

27

Biex tkun tista’ tibda investigazzjonijiet dwar l-antitrust fuq inizjattiva proprja tagħha, il-Kummissjoni teħtieġ għarfien espert dwar is-setturi ekonomiċi rilevanti għas-suq intern, flimkien ma’ informazzjoni mmirata. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ tuża għadd ta’ għodod biex timmonitorja s-swieq u tidentifika l-ksur. Pereżempju, hija tista’ tiġbor u tanalizza informazzjoni disponibbli għall-pubbliku jew data tas-suq, jew inkella tagħmel valutazzjonijiet dwar suġġetti jew każijiet speċifiċi (magħrufa bħala eżerċizzji dwar l-ambitu jew ta’ screening). Tista’ twettaq ukoll analiżijiet fil-fond tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-forma ta’ studji tas-suq jew inkjesti settorjali formali17.

28

Fir-rigward tal-allokazzjoni tar-riżorsi għall-infurzar tal-kompetizzjoni, id-DĠ COMP jiddependi mill-allokazzjonijiet baġitarji annwali tal-Kummissjoni u għalhekk irid jikkompeti mad-DĠ l-oħra tal-Kummissjoni biex jikseb ir-riżorsi. L-għadd totali tal-persunal baqa’ komparattivament stabbli matul dawn l-aħħar 10 snin18 u t-trasferimenti bejn it-tliet strumenti (kontroll tal-fużjonijiet, investigazzjonijiet dwar l-antitrust u għajnuna mill-Istat) kienu limitati. Aħna osservajna li mill-2010 ’l hawn, l-għadd ta’ każijiet ġodda ta’ antitrust irreġistrati mid-DĠ COMP baqa’ relattivament stabbli, filwaqt li l-għadd ta’ każijiet ġodda ta’ fużjonijiet kien żdied b’mod kostanti matul dan il-perjodu. Billi l-kontroll tal-fużjonijiet huwa obbligu legali tal-Kummissjoni, id-DĠ COMP kellu jiddedika riżorsi sinifikanti għalih (ara l-paragrafu 41). Bil-persunal disponibbli li jifdal, id-DĠ COMP mhuwiex f’pożizzjoni li jagħti segwitu għall-ilmenti kollha li jirċievi, iżda jrid jistabbilixxi l-prijoritajiet.

29

Għalhekk, ir-riżorsi għall-monitoraġġ tas-swieq u l-kapaċitajiet biex jiġu identifikati każijiet ġodda b’mod proattiv, bħal abbażi ta’ inkjesti settorjali, huma limitati. Il-livell, il-konsistenza u l-kwalità tal-monitoraġġ tas-suq kien jiddependi prinċipalment mill-inizjattiva, id-disponibbiltà u l-esperjenza tal-persunal individwali tad-DĠ COMP. Minħabba r-riżorsi limitati, mill-2005 ’l hawn il-Kummissjoni wettqet biss erba’ inkjesti settorjali, li ppermettew l-identifikazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni19. L-inkjesta tal-2015 fil-kummerċ elettroniku kienet tirrikjedi tim ta’ madwar 15-il ekwivalenti għall-full time fuq perjodu ta’ 18-24 xahar.

30

Minkejja li bdew investigazzjonijiet ġodda dwar il-kummerċ elettroniku, wara li ntlaħaq l-ogħla livell fl-2015, l-għadd kumplessiv ta’ każijiet identifikati mid-DĠ COMP li kien qiegħed jaġixxi fuq inizjattiva proprja tiegħu naqas b’mod kostanti (ara l-Figura 3).

Figura 3

Evoluzzjoni ta’ investigazzjonijiet ġodda fuq inizjattiva proprja

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

31

Sa mill-1996, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipprovdi inċentivi (“programm ta’ klemenza”) għall-kumpaniji involuti f’kartelli biex jirrappurtaw informazzjoni privileġġjata lill-Kummissjoni. L-ewwel kumpanija f’kartell li tagħmel dan tista’ tibbenefika minn immunità totali mill-multi. Kumpaniji oħra li jagħmlu l-istess jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kwalunkwe multa.

32

Il-Kummissjoni tiddependi ħafna minn dan il-mekkaniżmu għall-identifikazzjoni tal-kartelli. Matul il-perjodu 2010-2017, 23 minn 25 kartell investigat kienu r-riżultat ta’ applikazzjonijiet għall-klemenza; 2 biss irriżultaw mix-xogħol ta’ identifikazzjoni proprju tal-Kummissjoni.

33

Fir-rigward tal-għadd kumplessiv ta’ deċiżjonijiet tal-antitrust li ttieħdu mill-Kummissjoni u li jirrigwardaw każijiet irreġistrati fil-perjodu mill-2010 sal-2017, inklużi każijiet ta’ kartelli, 50 % tad-deċiżjonijiet adottati sal-31 ta’ Diċembru 2018 oriġinaw minn applikazzjonijiet għall-klemenza.

34

Madwar 15 % tal-applikazzjonijiet għall-klemenza riċevuti rriżultaw f’investigazzjoni formali mill-Kummissjoni. F’60 % ta’ dawn il-każijiet, l-investigazzjoni rriżultat f’deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni u multi. L-għadd baxx ta’ 15 % huwa spjegat mill-fatt li ħafna drabi l-applikanti ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet, ma kien hemm l-ebda evidenza prima facie ta’ xi ksur, il-każijiet ma kinux prijorità tal-Kummissjoni, jew il-Kummissjoni ma kinitx l-awtorità fl-aħjar pożizzjoni fi ħdan in-NEK biex tinvestiga l-każ. Fil-każ tal-aħħar, l-NCAs jistgħu jibdew proċedimenti bbażati fuq il-każ trasferit mill-Kummissjoni jew fuq inizjattiva proprja tagħhom. Barra minn hekk, mill-2015 ’il hawn, l-għadd annwali ta’ każijiet ta’ klemenza rrappurtati lill-Kummissjoni naqas b’mod sinifikanti (ara l-Figura 4).

Figura 4

Evoluzzjoni tal-każijiet ta’ klemenza fil-perjodu 2010-2019

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

35

Il-Kummissjoni għadha ma vvalutatx fid-dettall ir-raġuni għalfejn l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-klemenza jew għall-immunità qed juri xejra ta’ tnaqqis. Din ix-xejra, li donnha tirrifletti wkoll ix-xejra fi bnadi oħra, tagħmilha diffiċli biex jinsiltu konklużjonijiet dwar jekk l-għadd ta’ kartelli fis-suq intern fil-fatt naqasx, li hija possibbiltà teoretika, jew jekk il-kumpaniji jibżgħux li tali applikazzjoni tkun tesponihom għal azzjonijiet privati għad-danni minn vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Direttiva tal-UE adottata fl-2014 kellha l-għan li tiffaċilita t-talbiet għal tali pagamenti ta’ kumpens20. Għalhekk ma nistgħux neskludu li l-kumpaniji involuti f’kartell joqogħdu lura milli jissottomettu applikazzjoni għall-klemenza: filwaqt li jistgħu jevitaw multa, il-vittmi tal-kartell jistgħu jitolbu minnhom ħlasijiet għoljin ta’ kumpens għad-danni li jkunu sofrew. Inkella, jista’ jkun sempliċement li l-kumpaniji qed jirnexxilhom jaħbu aħjar il-kartelli.

36

Fl-2016, id-DĠ COMP iddeċieda li jaħdem biex itejjeb il-mezzi tiegħu biex jidentifika każijiet potenzjali b’impatt għoli fuq is-suq intern. Bħala parti minn din l-inizjattiva, mill-2017 'il hawn, il-Kummissjoni għamlet disponibbli fuq is-sit web tagħha għodda ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta li kulħadd jista’ juża biex jissottometti b’mod anonimu informazzjoni dwar il-kartelli u prattiki antikompetittivi oħra. L-informazzjoni li waslet iddaħħlet fl-attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-suq tal-Kummissjoni, iżda fiż-żmien meta twettaq l-awditu, kienet irriżultat biss fi spezzjoni waħda fuq il-post u din ma wasslitx għall-ftuħ ta’ proċedimenti formali. Il-Kummissjoni għadha ma pproponietx inċentivi oħra biex tħeġġeġ ir-rappurtar ta' ksur, bħall-ippremjar finanzjarju tal-informaturi21.

L-approċċ għall-prijoritizzazzjoni tal-każijiet ma kienx ottimali

37

Kif imsemmi fil-paragrafu 28, minħabba l-għadd kbir (“stokk”) ta’ każijiet potenzjali ta’ antitrust li qed jistennew biex jiġu ttrattati (ara l-Figura 5), id-DĠ COMP irid jagħmel għażla tal-każijiet li jista’ jinvestiga. Biex jagħmel użu effettiv mir-riżorsi tiegħu, jenħtieġ li huwa jagħti prijorità lil dawk il-każijiet li għandhom l-ogħla impatt potenzjali fuq is-suq intern u fuq il-konsumaturi.

Figura 5

Evoluzzjoni tal-istokk tal-każijiet ta' antitrust fil-perjodu 2010-2019

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

38

Id-DĠ COMP uża għadd ta’ kriterji biex jagħżel il-każijiet għall-azzjoni. Pereżempju, skont il-gwida għall-ksur potenzjali tal-Artikolu 102 TFUE22, jenħtieġ li huwa jiffoka fost l-oħrajn fuq dawk it-tipi ta’ mġiba esklużjonarja li huma l-aktar ta’ dannu għall-konsumaturi. Madankollu, aħna sibna li ma kienx hemm fis-seħħ kriterji ponderati b'mod ċar biex jiżguraw l-għażla tal-każijiet bl-ogħla riskju għall-kompetizzjoni jew għall-benessri tal-konsumatur fis-suq intern u fis-setturi ekonomiċi kollha rilevanti.

Il-Kummissjoni għamlet użu tajjeb mis-setgħat ta’ infurzar tagħha iżda għad fadal xi sfidi

39

Infurzar effettiv tar-regoli dwar il-fużjonijiet u dwar l-antitrust jirrikjedi li l-Kummissjoni taġixxi fl-interess taċ-ċittadini tal-UE, biex tiżgura li dawn ikunu jistgħu jixtru prodotti u servizzi ta’ kwalità għolja bi prezzijiet ġusti. Għalhekk, aħna vvalutajna kif il-Kummissjoni:

  1. wettqet il-proċeduri tagħha ta’ kontroll tal-fużjonijiet;
  2. wettqet l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-antitrust;
  3. indirizzat l-isfidi ġodda għall-infurzar; u
  4. imponiet multi li ffunzjonaw bħala deterrent.

Il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjonijiet kollha dwar il-fużjonijiet sal-iskadenzi legali, iżda l-għadd dejjem jiżdied tagħhom jitfa’ pressjoni fuq ir-riżorsi limitati tagħha

40

Skont ir-regoli fis-seħħ, il-Kummissjoni ġeneralment trid tivvaluta l-impatt ta’ fużjoni fuq is-swieq rilevanti fi żmien 25 jum tax-xogħol (“Investigazzjoni tal-Fażi I”) u tiddeċiedi li tawtorizzaha, jew inkella li tiftaħ it-tieni analiżi fil-fond, imsejħa “Investigazzjoni tal-Fażi II”23. Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni, filwaqt li rrispettat l-iskadenzi, kinitx indirizzat l-aspetti rilevanti kollha ta’ tranżazzjoni notifikata qabel ma ħadet deċiżjoni, u jekk kellhiex sorveljanza effettiva fuq il-fużjonijiet kollha li setgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE.

41

Il-kontroll tal-fużjonijiet iġġenera ammont sostanzjali ta’ xogħol: Skont id-data tad-DĠ COMP, bejn l-2012 u l-2017, il-kontroll tal-fużjonijiet assorba medja ta’ madwar 28 % tal-ħin totali li tqatta’ fuq każijiet taħt it-tliet strumenti (kontroll tal-fużjonijiet, antitrust u għajnuna mill-Istat) u bejn 11 % u 14 % tar-riżorsi totali disponibbli tad-DĠ COMP. Filwaqt li l-livell tar-riżorsi umani involuti baqa’ relattivament stabbli, l-għadd ta’ każijiet innotifikati lill-Kummissjoni żdied f’dawn l-aħħar snin u l-istess għamel il-volum tad-data li trid tiġi analizzata (ara l-Figura 6).

Figura 6

Evoluzzjoni tal-volum tad-data pproċessata fl-investigazzjonijiet dwar il-fużjonijiet u dwar l-antitrust

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

42

Aħna osservajna li fi 18-il Stat Membru kif ukoll f’pajjiżi terzi bħall-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti, l-NCAs tiġi ddebitata tariffa fuq il-kumpaniji li jippreżentaw notifika ta’ fużjoni. B’dan il-mod, il-baġits pubbliċi jistgħu jirkupraw tal-inqas parzjalment l-ispejjeż imġarrba għar-rieżaminar ta’ konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproponix l-introduzzjoni ta’ tariffi bħala sors alternattiv għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħha, iżda dan ma kienx ibbażat fuq analiżi dettaljata tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji. Minflok, taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet baġit iddedikat għall-infurzar tal-kompetizzjoni fi ħdan il-baġit ġenerali tal-UE, kif rifless fil-proposta tagħha tal-2018 għal Programm għas-Suq Uniku24. Din il-proposta għandha l-għan, fost affarijiet oħra, li tippermetti li l-Kummissjoni tiffaċċja aħjar l-isfidi li jirriżultaw minn żieda kontinwa fil-volum tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali u l-algoritmi.

43

Ir-rieżaminar tagħna ta’ kampjun ta’ notifiki wera li l-Kummissjoni vvalutat l-aspetti rilevanti tat-tranżazzjonijiet u kkompletat ir-rieżaminar tagħha tal-fużjonijiet fil-limiti tat-termini legali fil-każijiet kollha. Għall-maġġoranza l-kbira tan-notifiki (94 % matul il-perjodu 2010-2017), il-Kummissjoni ma kellha l-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni u ddikjarat li l-fużjonijiet kienu kompatibbli mas-suq intern.

44

Minħabba l-iskadenzi legali stretti, id-DĠ COMP sostanzjalment iddependa fuq data u informazzjoni pprovduta mill-partijiet li kienu l-oġġett ta’ fużjoni, fuq informazzjoni pubblikament disponibbli bħall-istatistika tal-industrija jew tal-kummerċ, u fuq it-tweġibiet ta’ partijiet terzi (jiġifieri l-parteċipanti fis-suq) għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq. B’mod partikolari f’investigazzjonijiet kumplessi, il-Kummissjoni tiffaċċja sfidi biex tikkontroverifika sistemikament il-preċiżjoni tal-informazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u l-ammont ta’ informazzjoni li trid tivverifika. Barra minn hekk, il-partijiet terzi li jintalbu jagħtu opinjoni dwar il-fużjoni ppjanata mhux neċessarjament ikunu f’pożizzjoni li jwieġbu sal-iskadenzi qosra stabbiliti, u f’dan il-każ l-opinjoni tagħhom ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

45

Biex tnaqqas l-ammont ta’ xogħol għaliha u għall-kumpaniji kkonċernati, fl-2013 il-Kummissjoni ddeċidiet li tespandi l-kategoriji li jaqgħu taħt il-proċedura simplifikata, jiġifieri fużjonijiet li normalment mhumiex problematiċi (ara l-Figura 7). Sal-pandemija tal-COVID-19, ma kienx possibbli li l-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta’ fużjoni jissottomettu n-notifiki ta’ fużjoni b’mod kompletament elettroniku, minkejja li dan seta’ jiffaċilita l-ipproċessar tad-data.

Figura 7

Evoluzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-UE dwar il-kontroll tal-fużjonijiet fil-perjodu 2010-2019

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

46

Fl-2016, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni ta’ aspetti magħżula tas-sistema tal-fużjonijiet tal-UE, inklużi l-possibbiltajiet li tkompli tirrazzjonalizza l-proċeduri tagħha dwar il-fużjonijiet. Madankollu, aħna sibna li hija għadha ma ħaditx miżuri sostantivi biex tittratta, pereżempju, is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

  • Attwalment il-kumpaniji jridu jgħaddu minn proċedura ta’ riferiment kumplessa u li tieħu ħafna żmien jekk ikunu jixtiequ li tranżazzjoni li tkun taħt is-soll tal-fatturat (ara l-paragrafu 16) tiġi rieżaminata mill-Kummissjoni meta jkollhom attivitajiet f’bosta Stati Membri fejn kieku kull waħda mill-NCAs tagħhom ikollha tirrieżamina l-każ.
  • Madwar 25 % tan-notifiki simplifikati sottomessi bejn l-2010 u l-2017 kienu jikkonċernaw każijiet fejn kumpaniji kbar kienu akkwistaw il-kontroll konġunt fuq kumpanija oħra (impriża konġunta) b’attivitajiet limitati jew mingħajr attivitajiet kummerċjali attwali jew ippjanati fil-ġejjieni fl-UE. Pereżempju, kumpanija kbira tal-UE toħloq impriża konġunta ma’ kumpanija fl-Asja iżda l-impriża konġunta se tkun attiva biss fi swieq fl-Asja. Madankollu, tali tranżazzjonijiet normalment ma jqajmu l-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni għas-suq intern.
47

Kif imsemmi fil-paragrafu 16, id-dimensjoni tal-UE ta’ konċentrazzjoni ta’ kumpaniji hija ddefinita b’referenza għall-fatturat annwali tal-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta’ fużjoni. Dan huwa indikatur tajjeb tad-daqs ta’ tranżazzjoni u għalhekk tal-impatt potenzjali tagħha fuq is-swieq. Madankollu, huwa jista’ jonqos milli jkopri fużjonijiet importanti. Pereżempju, fl-industrija farmaċewtika, fis-swieq tat-teknoloġija ġodda jew fis-settur diġitali, l-akkwiżizzjonijiet ta’ valur għoli ta’ kumpaniji b’fatturat li jkun għadu baxx, jistgħu jkunu ta’ riskju għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern: F’każijiet bħal dawn, l-akkwiżizzjoni tista’ tippermetti lix-xerrej jikseb malajr pożizzjoni dominanti f’suq ġdid iżda li jkun għadu żgħir jew ix-xerrej jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda biex jipproteġi l-portafoll proprju tiegħu. Aħna nosservaw li l-Kummissjoni taf li, bl-eċċezzjoni ta’ ftit każijiet riferuti mill-NCAs, tali tranżazzjonijiet ma kienux jaqgħu taħt il-kontroll tal-fużjonijiet tagħha. Ir-rapport tal-2019 “Competition Policy for the Digital Era”25 tal-grupp ta’ esperti stabbilit mill-Kummissjoni, ikkonkluda li għadu kmieni wisq biex jinbidlu s-sollijiet legali. Għalhekk, u għall-kuntrarju ta’ xi Stati Membri, il-Kummissjoni għadha ma ħaditx azzjoni biex issolvi l-kwistjoni26.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-antitrust indirizzaw tħassib dwar il-kompetizzjoni iżda l-proċedimenti għadhom twal

48

Il-Kummissjoni tittratta varjetà ta’ każijiet ta’ antitrust, inklużi każijiet kbar u żgħar f’termini tal-volum tas-suq jew is-swieq ġeografiċi kkonċernati. Bejn l-2010 u l-2019, il-Kummissjoni ħadet 118-il deċiżjoni formali ta’ projbizzjoni jew aċċettat l-impenji ta’ kumpaniji biex titwaqqaf l-imġiba antikompetittiva f’każijiet ta’ antitrust (ara l-Figura 8).

Figura 8

Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-antitrust fil-perjodu 2010-2019

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

49

Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet l-investigazzjonijiet tagħha b’mod xieraq u f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Aħna sibna li l-iżviluppi matul dawn l-aħħar snin kienu ta’ sfida għar-riżorsi u għall-kapaċità teknika tad-DĠ COMP:

  • iż-żieda fl-għadd ta’ deċiżjonijiet matul dawn l-aħħar snin;
  • iż-żieda fl-ammont ta’ informazzjoni u data li trid tiġi pproċessata u analizzata, peress li l-Kummissjoni għandha l-“oneru tal-provi”; u
  • iż-żieda fil-kumplessità tal-kwistjonijiet legali li jridu jiġu ttrattati.
50

L-objettiv tal-intervent tal-Kummissjoni f’każijiet ta’ antitrust huwa li ttemm kwalunkwe ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u li treġġa’ lura s-suq għal kompetizzjoni ġusta u effettiva. Abbażi tal-kampjun tagħna ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, aħna nikkonkludu li, meta l-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedimenti formali, hija kisbet eżitu f’termini ta’ projbizzjoni jew deċiżjoni ta’ impenn li indirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni.

51

Fattur importanti fl-effettività tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, huwa l-kapaċità tagħha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-NCAs tal-Istati Membri, li timmobilizza r-riżorsi u twettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istess ħin f’għadd kbir ta’ Stati Membri. Aħna osservajna li fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet awditjati dan ippermetta li l-Kummissjoni tiġbor l-evidenza meħtieġa biex twettaq il-proċedimenti tagħha b’suċċess.

52

Ħafna kumpaniji suġġetti għall-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni jappellaw id-deċiżjonijiet fil-qrati tal-UE. L-għadd ta’ każijiet huwa ogħla mill-għadd ta’ deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni, billi deċiżjoni waħda tal-Kummissjoni tista’ tkun indirizzata lejn diversi kumpaniji. Min-natura tiegħu, ir-rieżaminar tal-qrati huwa limitat għas-solidità legali u għall-kwalità tal-amministrazzjoni. L-għadd ta’ każijiet pendenti quddiem il-qrati qed jonqos u, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni kienet kapaċi tiddefendi b’suċċess għadd kostantement għoli ta' deċiżjonijiet tagħha (ara t-Tabella 1).

Tabella 1

Evoluzzjoni tal-każijiet ta' kompetizzjoni quddiem il-qrati tal-UE

2010 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019
Każijiet ta’ kompetizzjoni deċiżi 57 127 110 133 113 91 69 82 70 49
Rata ta’ suċċess kumplessiva tal-Kummissjoni
(sħiħa jew parzjali)
85 % 90 % 93 % 75 % 95 % 72 % 90 % 84 % 92 % 88 %
Appelli pendenti dwar każijiet ta’ kompetizzjoni 337 325 275 215 172 148 129 106 103 119
Appelli ġodda dwar każijiet ta’ kompetizzjoni 107 117 79 76 69 65 52 56 46 59

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

53

Infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet tagħha fi ħdan perjodu ta' żmien raġonevoli, b’mod li jimminimizza l-ispejjeż ekonomiċi tal-impriżi u tal-konsumaturi li jkunu l-vittmi ta’ kwalunkwe ksur.

54

Għall-kuntrarju tal-kontroll tal-fużjonijiet (ara l-paragrafu 40), il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tistipulax perjodu ta’ żmien li fih il-Kummissjoni trid twettaq l-investigazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-antitrust. Bħala medja, sa mir-reġistrazzjoni ta’ każ, jiġifieri normalment il-mument meta jkun hemm biżżejjed evidenza biex tinbeda investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ħadet madwar erba’ snin27 biex ittemm investigazzjoni tal-antitrust b’deċiżjoni formali. Il-proċedimenti kienu partikolarment twal għall-investigazzjonijiet dwar il-kartelli, li bħala medja ħadu aktar minn erba’ snin, u f’każijiet kumplessi ta’ abbuż minn pożizzjonijiet dominanti fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u dak diġitali. Għall-perjodu kopert mill-awditu tagħna, aħna sibna bosta każijiet fejn il-Kummissjoni kienet ħadet sa tmien snin biex tasal għal deċiżjoni.

55

Xi dewmien fil-każijiet kien fi ħdan il-kontroll dirett tal-Kummissjoni. Każijiet oħra ma kinux: pereżempju, kien hemm każijiet fejn kumpaniji taħt investigazzjoni sistematikament talbu estensjonijiet tal-iskadenzi u wieġbu biss għat-talbiet għall-informazzjoni b’dewmien sostanzjali ta’ bejn erba’ u tmien xhur u sa 1.5 snin, jew tawlu l-proċedimenti billi ssottomettew proposti ineffettivi għall-impenji li kienu se jieħdu. Barra minn hekk, peress li l-partijiet ta’ spiss jappellaw quddiem il-qrati tal-UE (ara l-paragrafu 52), dan jista’ jżid dewmien sinifikanti biex deċiżjoni tal-Kummissjoni tidħol fis-seħħ.

56

Mill-2017 ’il hawn, id-DĠ COMP għamel sforzi konsiderevoli biex iħaffef il-proċedimenti:

  • Fl-2018, huwa introduċa “prattika ta’ kooperazzjoni” ġdida għall-kumpaniji involuti f’investigazzjoni dwar l-antitrust mhux relatata mal-kartelli. Din hija simili għall-“proċedura għar-riżolviment” li l-Kummissjoni diġà ilha tapplika mill-2008 ’l hawn fl-investigazzjonijiet dwar il-kartelli. Il-kumpaniji li jirrikonoxxu l-ksur u r-responsabbiltà tagħhom għalih u li jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fil-multi.
  • Huwa rrazzjonalizza l-organizzazzjoni tiegħu billi introduċa ktajjen ta’ awtorizzazzjoni simplifikati għal dokumenti mhux relatati mal-każ, gwida aħjar għal dawk li jkunu qed jittrattaw il-każijiet, allokazzjoni aktar flessibbli tal-persunal fid-DĠ COMP u koordinazzjoni aħjar tal-ġestjoni tal-każijiet bejn id-diversi dipartimenti kkonċernati. Beda jiżviluppa wkoll ġestjoni komuni ġdida tal-każijiet orjentata lejn il-proċess. Madankollu, kien hemm dewmien sinifikanti u s-sistema mhux se tkun kompletament operattiva għall-antitrust u l-kontroll tal-fużjonijiet qabel tmiem l-2020. Sa dak iż-żmien, l-ipproċessar tal-każijiet se jibqa’ jirrikjedi bla bżonn ammont intensiv ta’ riżorsi.
  • Fl-2018, id-DĠ COMP adotta strateġija biex jintużaw tekniki tal-intelliġenza artifiċjali biex ikomplu jaċċelleraw it-tfittxijiet għall-informazzjoni u biex jassistu fl-analiżi tad-dokumenti. Minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji u tar-riżorsi umani, l-ewwel sett ta’ riżultati reali huwa mistenni li jkun disponibbli fl-2020 f’modalità pilota biss, b’żieda prevista mill-2021.

Il-Kummissjoni għadha ma indirizzatx bis-sħiħ l-isfidi kumplessi ġodda tal-infurzar fis-swieq diġitali

57

Bl-era diġitali, tfaċċaw forom ġodda ta’ swieq, prodotti u servizzi fejn is-suppożizzjonijiet u d-definizzjonijiet tradizzjonali ta’ kompetizzjoni effettiva kellhom jiġu adattati (ara l-Kaxxa 2). Matul dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni rriflettew dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawn l-isfidi f’diversi fora, bħad-diskussjonijiet madwar mejda tal-OECD u n-NEK. Abbażi tar-rieżaminar tagħna tad-dokumenti disponibbli u tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, aħna vvalutajna jekk l-għodod attwali tal-Kummissjoni humiex suffiċjenti biex jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mis-swieq diġitali.

Kaxxa 2

Is-swieq diġitali rriżultaw fi sfidi ġodda għall-infurzar tal-kompetizzjoni

L-infurzar tal-kompetizzjoni tradizzjonalment jikkunsidra l-ishma mis-suq tal-kumpaniji, il-prezzijiet tal-prodotti jew tas-servizzi fis-swieq rilevanti u l-marġni ta’ profitt tal-kumpaniji. Madankollu, il-kunċetti klassiċi mhumiex suffiċjenti biex jiddefinixxu s-saħħa fis-suq u biex jevalwaw il-kompetizzjoni fis-swieq diġitali. Dawn is-swieq spiss ikollhom “diversi naħat”, jiġifieri dittaa sservi bħala intermedjarju bejn fornituri oħra ta’ servizzi jew prodotti u konsumaturi li jistgħu jkunu jużaw is-servizzi pprovduti mid-ditta mingħajr l-ebda spiża (“swieq bi prezz żero”). Id-ditta tista’ tuża s-saħħa tagħha fis-suq fuq naħa waħda tas-suq (eż. l-għadd kbir ta’ utenti) biex tagħmel ħsara lill-parteċipanti fis-suq fuq in-naħa l-oħra (eż. billi timponi kundizzjonijiet inġusti).

Id-ditti jistgħu jikbru malajr lil hinn minn “punt kritiku” fejn kważi awtomatikament jiksbu aktar u aktar utenti minħabba l-effetti tan-network u jakkumulaw volumi enormi ta’ data, li jistgħu jkomplu jsaħħu s-saħħa fis-suq u l-pożizzjoni dominanti tagħhom. Din id-data tista’ tinkludi informazzjoni personali sensittiva ta’ utenti individwali li tagħmel ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data rilevanti għall-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni. Il-kumpaniji mbagħad jistgħu jużaw is-saħħa tagħhom fis-suq biex inaqqsu l-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, korp li jirrappreżenta l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-UE, talab lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni biex fil-valutazzjoni tagħhom jinkludu t-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza ta’ individwi li jista’ jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni28. Fil-fatt, karatteristika partikolari tal-era diġitali hija li l-kumpaniji jikkompetu għal suq minflok f’suq, li twassal għal riżultati fejn ir-“rebbieħ jieħu kollox”29.

Permezz ta’ algoritmi, id-ditti jistgħu wkoll jiftiehmu jew jaġixxu unilateralment biex jgħollu l-prezzijiet għad-detriment tal-konsumaturi (aġġustament rapidu tal-prezzijiet biex ikunu jaqblu ma’ dawk tal-kompetituri, jew manifatturi li jintervienu malajr meta l-bejjiegħa bl-imnut inaqqsu l-prezzijiet).

58

Għalkemm il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ deċiżjonijiet dwar każijiet li jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-ekonomija diġitali, għad hemm sfidi sinifikanti li jridu jiġu riżolti. Pereżempju, il-prattiki fis-swieq diġitali jistgħu jikkawżaw danni lill-konsumaturi. Madankollu, huwa diffiċli għall-Kummissjoni biex issib rimedji xierqa sabiex tindirizza problema apparenti ta’ kompetizzjoni billi d-determinazzjoni ta’ dannu lill-konsumatur tista’ tkun partikolarment kumplessa30. Dan mhuwiex rilevanti biss għad-ditti tal-internet, iżda wkoll għas-setturi ekonomiċi l-oħra kollha li qed iħaddnu l-innovazzjoni diġitali, bħall-enerġija, it-telekomunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji u t-trasport.

59

Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ, l-infurzar tar-regoli dwar l-antitrust mill-Kummissjoni jista’ jseħħ biss ex post, jiġifieri wara li tkun tfaċċat problema ta’ kompetizzjoni (ara l-paragrafu 40). B’mod partikolari fl-ekonomija diġitali, dan jista’ jkun tard wisq biex tiġi indirizzata problema ta’ kompetizzjoni. Madankollu, barra mill-kontroll tal-fużjonijiet, il-Kummissjoni attwalment ma għandhiex għodod li jkunu jippermettulha tintervieni ex ante, jiġifieri qabel ma jseħħu problemi ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, aħna nosservaw li żewġ Stati Membri diġà bdew inizjattivi li għandhom l-għan li jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

60

Kumpaniji oħra affettwati mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-kompetituri setgħu sofrew tnaqqis enormi fil-fatturat jew saħansitra kellhom joħorġu mis-suq matul is-snin li l-Kummissjoni ħadet biex tasal għal deċiżjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tordna miżuri interim qabel ma tasal għal deċiżjoni finali fuq il-merti ta’ każ. Dan jista’ jillimita d-dannu f’każijiet xierqa. Madankollu, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003 sal-2019, il-Kummissjoni ma użatx din l-għodda, minħabba li din tobbligaha tagħti prova li kumpanija tkun qiegħda tikkawża “dannu irreparabbli lill-kompetizzjoni”31. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni rat riskju li tali miżuri jistgħu saħansitra jnaqqsu r-ritmu tal-proċedimenti u li miżuri interim prematuri jew mhux xierqa jistgħu saħansitra jikkawżaw dannu ulterjuri lill-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni użat din l-għodda għall-ewwel darba kontra kumpanija waħda f’Ottubru 2019.

61

Il-Kummissjoni tiżviluppa l-fehmiet tagħha dwar problemi ta' kompetizzjoni minn każ għal ieħor skont il-prinċipji ġenerali tal-kompetizzjoni effettiva u l-benessri tal-konsumatur (ara l-paragrafu 06). Biex ittejjeb il-predittività tad-deċiżjonijiet ta’ infurzar tagħha, il-Kummissjoni ppubblikat sett kumpless ta’ linji gwida, avviżi, deċiżjonijiet, regolamenti ta’ eżenzjoni u komunikazzjonijiet oħra (ara l-Anness II).

62

Aħna sibna li l-linji gwida u l-avviżi tal-Kummissjoni kienu jagħtu fehim approfondit tajjeb dwar kif il-Kummissjoni tqis ċerti kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Madankollu, hija għadha ma aġġornatx il-linji gwida jew l-avviżi biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-isfidi l-ġodda, minkejja li dan ikun jiċċara l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jipprovdi fehim approfondit aħjar dwar il-proċess deċiżjonali, u jtejjeb il-predittività għall-kumpaniji. Pereżempju, l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti32 jmur lura għall-1997, meta d-dinja diġitali kienet għadha fil-bidu tagħha. Bl-istess mod, il-gwida tal-2009 tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar rigward imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti33 jew ir-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija dwar kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma ma jsemmu l-ebda waħda mill-karatteristiċi speċifiċi għall-era diġitali34.

63

Il-ħtieġa li tiġi pprovduta gwida, anki ex ante, qabel ma tiġi żviluppata l-ġurisprudenza (ara l-paragrafu 61), ġiet enfasizzata wkoll dan l-aħħar pereżempju (i) fir-rapport finali tal-grupp ta’ esperti “Competition Policy for the Digital Era”, iffinanzjat mill-Kummissjoni u (ii) f’memorandum konġunt tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Belġjani, Netherlandiżi u tal-Lussemburgu dwar l-isfidi ffaċċjati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f’dinja diġitali35. Gwida bħal din tgħin lill-NCAs u tnaqqas ir-riskju ta’ inċertezza u ta’ deċiżjonijiet inkoerenti meta jiġu kkonfrontati b'każijiet ġodda ta’ kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni imponiet multi għoljin, iżda ma għandha l-ebda aċċertament dwar l-effett deterrenti tagħhom

64

Il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni sinifikanti meta tiddeċiedi jekk timponix multa fuq il-kumpaniji għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Hija tiddeċiedi wkoll dwar l-ammont tal-multi f’każijiet tal-antitrust sakemm jibqa’ taħt il-limitu massimu stabbilit legalment ta’ 10 % tal-fatturat dinji annwali ta’ kumpanija fis-sena ta’ qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni36. L-għan tal-multi huwa li jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jidħlu fi prattiki antikompetittivi.

65

Bħala alternattiva għall-projbizzjoni ta’ mġiba antikompetittiva u l-impożizzjoni ta’ multa, il-Kummissjoni tista’ wkoll tieħu “deċiżjoni ta’ impenn” vinkolanti. F’każijiet bħal dawn il-kumpaniji joffru impenji li jkunu maħsuba biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni mingħajr, madankollu, ma jiġi stabbilit ksur b'mod formali. Il-Kummissjoni tista’ timponi multa jekk il-kumpaniji ma jirrispettawx l-impenji tagħhom.

66

Jistgħu jiġu imposti wkoll multi biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli proċedurali, pereżempju meta l-kumpaniji ma jipprovdux informazzjoni korretta u kompleta fil-kontroll tal-fużjonijiet u fil-proċedimenti tal-antitrust.

67

Fil-perjodu mill-2010 sal-2019, il-Kummissjoni imponiet multi li jammontaw għal total ta’ EUR 28.5 biljun għall-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jew ta’ regoli oħra skont ir-Regolamenti 1/2003 u 139/2004 (ara l-Figura 9). F’xi każijiet, il-multi kisru kull rekord.

Figura 9

Multi imposti mill-Kummissjoni fil-perjodu 2010-2019 (f’EUR biljun)

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

68

F’każijiet ta’ antitrust, il-Kummissjoni tiddetermina l-livell tal-multi għal kull kumpanija li tkun ħadet sehem fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħala perċentwal tal-bejgħ affettwat permezz ta’ prattika antikompetittiva. Kriterji oħra għall-ammont finali tal-multa huma d-durata u l-livell ta’ gravità tal-ksur. Il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll ċirkustanzi aggravanti bħal meta l-kumpaniji jwettqu ksur aktar minn darba, ċirkustanzi mitiganti bħal pereżempju parteċipazzjoni limitata fil-ksur jew tnaqqas il-multi li f’ċirkustanzi oħra jkunu applikabbli fejn il-kumpaniji jikkooperaw.

69

Filwaqt li l-livell tal-multi imposti mill-Kummissjoni huwa fost l-ogħla fid-dinja, l-ammont tagħhom waħdu ma jippermettix li jinsiltu konklużjonijiet dwar jekk dawn il-multi humiex deterrent effettiv. Biex tinsilet konklużjoni infurmata, l-ammonti jkun jeħtieġ li jitpoġġew f’perspettiva mal-fatturat tal-kumpaniji kkonċernati, id-durata tal-ksur, iċ-ċans ta’ identifikazzjoni f’każ ta’ kartelli sigrieti, il-profitti mhux dovuti possibbli li kumpanija tista’ tagħmel minn ksur u ż-żmien li jkun għadda bejn il-ksur u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-multa.

70

Fir-rigward tal-profitti possibbli mhux dovuti, aħna sibna li la l-Kummissjoni u lanqas l-erba’ NCAs li żorna ma qiesuhom fil-kalkoli tal-multi tagħhom. Dan huwa minħabba d-diffikultajiet rikonoxxuti biex jiġu kkwantifikati l-effetti fuq il-prezzijiet għal każijiet individwali, u r-riżorsi konsiderevoli li jkunu meħtieġa biex isir dan.

71

Kważi żewġ terzi tal-multi li l-Kummissjoni imponiet f’każijiet ta’ kartelli mill-2006 'l hawn baqgħu taħt iż-0.99 % tal-fatturat annwali globali, ferm anqas mil-limitu massimu ta’ 10 % tal-fatturat dinji annwali ta’ kumpanija (ara l-paragrafu 64). Il-limitu massimu nnifsu jista’ jillimita wkoll l-effett ta’ deterrent f’każijiet serji. Pereżempju, aħna sibna li diġà fl-2014, in-Netherlands kienu emendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex l-NCA tagħhom tkun tista’ timponi f’każijiet serji ta’ kartelli multa li tlaħħaq sa 40 % tal-fatturat dinji annwali ta’ kumpanija.

72

Saż-żmien meta sar l-awditu, il-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda evalwazzjoni kumplessiva tal-effett deterrenti tal-multi tagħha. Barra minn hekk, għalkemm l-effettività tad-deterrenza hija ddeterminata mis-severità tal-multi u mill-probabbiltà ta’ identifikazzjoni, il-metodoloġija għall-istabbiliment tal-multi tal-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-probabbiltà ta’ identifikazzjoni.

Il-Kummissjoni kkooperat mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, iżda hemm lok għal titjib

73

Minn mindu r-Regolament 1/2003 ta s-setgħa lill-NCAs biex jivvalutaw każijiet ta’ antitrust b’kuntest transfruntier skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, huma wettqu aktar minn 85 % tal-investigazzjonijiet dwar l-antitrust fl-UE u ħadu kważi 90 % tad-deċiżjonijiet (ara l-Anness III). Id-Direttiva 2019/1, li ġiet adottata f’Jannar 2019, kellha l-għan li ssaħħaħ lill-NCAs biex ikunu jistgħu jsiru aktar effettivi fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

74

Abbażi tad-dokumenti u d-data disponibbli tan-NEK kif ukoll tal-intervisti mal-persunal tal-erba’ NCAs li żorna f’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni u l-NCAs kinux ikkoperaw b’mod effettiv fir-rigward ta’ diversi aspetti rilevanti għall-infurzar tal-kompetizzjoni.

75

Fi ħdan in-NEK (ara l-paragrafu 12), id-DĠ COMP ikkoopera mill-qrib mal-NCAs f’diversi gruppi ta’ ħidma. Madankollu, minkejja l-ħafna kuntatti, fil-perjodu awditjat, id-DĠ COMP u l-NCAs ma kkoordinawx mill-qrib il-monitoraġġ tas-swieq u l-inkjesti settorjali tagħhom. Id-DĠ COMP ma kellu l-ebda informazzjoni ċara dwar liema swieq kienu qegħdin jimmonitorjaw b’mod speċifiku l-NCAs u jekk kienx hemm duplikazzjonijiet jew lakuni aktar milli komplementarjetà mal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tiegħu. Id-DĠ COMP ukoll ftit kellu għarfien sħiħ dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Istati Membri u ma kienx ipprova jikkoordina l-iffissar tal-prijoritajiet tiegħu magħhom. Dan kien parzjalment minħabba li xi NCAs ma kellhomx is-setgħa li jistabbilixxu prijoritajiet, għalkemm id-Direttiva 2019/1 tippermettilhom li jagħmlu dan fil-ġejjieni.

76

L-NCAs iridu jinfurmaw lill-Kummissjoni ladarba jkunu bdew “miżura investigattiva formali” biex jippermettu l-allokazzjoni tal-każ lil awtorità tal-kompetizzjoni f’pożizzjoni tajba (ara l-paragrafu 12). Il-Kummissjoni tqis lilha nnifisha f’pożizzjoni partikolarment tajba jekk il-prattiki antikompetittivi jkollhom effetti fuq il-kompetizzjoni f’aktar minn tliet Stati Membri, ikunu marbuta mill-qrib mal-leġiżlazzjoni tal-UE f’oqsma oħra ta’ politika, jew għal kwistjonijiet ġodda ta’ kompetizzjoni li jistgħu jinqalgħu37. Madankollu, fil-prattika, kull awtorità tal-kompetizzjoni investigat il-każijiet li kienet identifikat, u r-riallokazzjonijiet ta’ każijiet mill-NCAs għall-Kummissjoni seħħew biss b’mod eċċezzjonali ħafna. Jekk każ ta’ antitrust jiġix investigat mill-Kummissjoni jew minn NCA jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq l-eżitu tal-proċedimenti, billi r-regoli proċedurali u r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-multi mhumiex armonizzati. Madankollu, l-għodod minimi komuni għall-istabbiliment tal-multi ġew introdotti mid-Direttiva 2019/1.

77

F’każ wieħed aħna sibna li 11-il NCA, u f’każ ieħor 4 NCAs kellhom jittrattaw problemi simili ta’ kompetizzjoni li kienu jikkonċernaw l-istess kumpaniji attivi fis-swieq diġitali. L-NCAs ikkonċernati ma setgħux jirreferuhom lill-Kummissjoni, għalkemm din setgħet issolvi l-kwistjoni b’mod aktar effiċjenti u konklużiv (speċjalment meta jkunu għaddejjin każijiet simili f’bosta Stati Membri: sentenza favur kumpanija fi Stat Membru wieħed tista’ tiġi invokata bħala preċedent fi Stati Membri oħra). L-investigazzjoni ta’ każijiet bħal dawn kienet partikolarment ta’ sfida għall-NCAs ta’ Stati Membri iżgħar li ma kellhomx ir-riżorsi u l-esperjenza biex jinvestigaw dawn is-swieq. Bi tweġiba għal dan, fl-2016 il-Kummissjoni nediet mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, li permezz tiegħu kemm l-NCAs kif ukoll il-Kummissjoni jistgħu jinfurmaw lil xulxin dwar kwistjonijiet ġodda ta’ kompetizzjoni f’każijiet pendenti. Madankollu, dan il-mekkaniżmu kien għadu ma ntużax b’mod estensiv mill-NCAs biex jirrappurtaw każijiet potenzjali qabel.

Il-Kummissjoni tipprovdi biss informazzjoni limitata dwar il-kisba ta’ objettivi bħall-benessri tal-konsumatur

78

Il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern ittejjeb it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont lejn il-Parlament Ewropew u partijiet ikkonċernati oħra, u tippermettilhom li jipprovdu feedback. Dan jirrikjedi definizzjoni ċara tal-objettivi li għandhom jintlaħqu, u jenħtieġ li jwassal biex jiġu identifikati opportunitajiet biex jittejjeb it-teħid ta' deċiżjonijiet fil-ġejjieni.

79

Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni:

  1. kinitx stabbiliet qafas għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħha;
  2. kinitx żgurat it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont lejn il-partijiet ikkonċernati billi tirrapporta dwar il-prestazzjoni tagħha b’mod xieraq.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħha ffaċċjat sfidi

80

Attwalment ma hemmx standards li huma rikonoxxuti internazzjonalment għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni. Id-DĠ COMP ikejjel il-prestazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar tiegħu fil-kontroll tal-fużjonijiet u l-antitrust bħala parti mill-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħha.

81

Il-valutazzjoni tal-prestazzjoni fil-Kummissjoni taħdem fuq il-bażi ta’ objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, rilevanti u f’waqthom, u tinkludi indikaturi obbligatorji biex jitkejjel il-kontribut għall-objettivi ġenerali tal-Kummissjoni38. Madankollu, dan il-qafas mhuwiex kompletament adatt għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar tad-DĠ COMP.

  • Billi l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni huwa xprunat prinċipalment minn fatturi li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Kummissjoni (eż. notifiki ta’ fużjonijiet, ilmenti formali u applikazzjonijiet għall-klemenza), l-ammont ta’ xogħol tad-DĠ COMP jista’ jvarja b’mod sinifikanti minn sena għal oħra, kif jista’ jvarja wkoll l-għadd ta’ deċiżjonijiet. Mill-bidu nett, dan għamilha diffiċli għad-DĠ COMP li jiddefinixxi linja bażi li magħha jista’ jkejjel il-prestazzjoni, jistabbilixxi indikaturi u miri sinifikattivi, u jqabbel il-prestazzjoni matul iż-żmien.
  • L-indikatur stabbilit mill-Kummissjoni għall-objettiv ġenerali ta’ “infurzar effettiv tar-regoli dwar l-antitrust bil-ħsieb li jiġi protett il-benessri tal-konsumatur” (ara l-Anness IV) u meqjus li jikkontribwixxi għall-objettiv aktar wiesa’ tal-Kummissjoni li tingħata spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, huwa l-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE. L-individwazzjoni tal-impatt fuq il-PDG, tal-attivitajiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni waħedhom, huwa kompitu diffiċli. Il-Kummissjoni wettqet simulazzjonijiet mudell biex tivvaluta l-impatt fuq it-tkabbir tad-deċiżjonijiet dwar kartelli u fużjonijiet matul il-perjodu 2012-2018, iżda sa tmiem dan l-awditu r-riżultati kienu għadhom ma ġewx ippubblikati b’mod uffiċjali. Barra minn hekk, dan l-indikatur ma jagħti l-ebda informazzjoni dwar il-benessri tal-konsumatur. Mhuwiex ukoll possibbli li jiġi aċċertat jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tintervieni f’settur partikolari tal-ekonomija rriżultatx f’impatt ogħla fuq it-tkabbir tal-PDG milli kieku interveniet f’settur ieħor. Tali informazzjoni, madankollu, tkun utli għal allokazzjoni effiċjenti u orjentata lejn il-prestazzjoni, tar-riżorsi tal-Kummissjoni.
82

Id-DĠ COMP jistma l-livell tal-benefiċċji diretti li l-konsumaturi huma mistennija li jiksbu mid-deċiżjonijiet tiegħu ta’ projbizzjoni tal-kartelli u l-fużjonijiet. Dan l-approċċ, żviluppat mill-OECD39, jipprovdi biss stampa parzjali tal-impatt tax-xogħol tal-Kummissjoni, peress li l-benessri tal-konsumatur huwa ferm aktar kumpless minn dak li jirrifletti dan il-proċess. Id-DĠ COMP innifsu jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet tal-approċċ li juża: b’mod partikolari d-diffikultà biex jikkwantifika (i) l-iffrankar potenzjali għall-konsumaturi li jirriżulta mill-infurzar tal-antitrust (minbarra l-kartelli), u (ii), parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ metodoloġija, l-effetti dinamiċi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-innovazzjoni, il-kwalità u l-produttività.

83

Ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar il-kisba ta’ objettivi rilevanti oħra tal-infurzar mill-Kummissjoni li joħorġu mit-TFUE jew mill-pjan strateġiku u kienu ddefiniti biss f’livell ġenerali ħafna, bħal “il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni ġusti għall-kumpaniji fis-suq intern”, “iċ-ċertezza legali”, “l-integrazzjoni mtejba tas-suq”, jew “l-iżgurar ta’ sehem ġust mill-benefiċċji tat-tkabbir bejn il-konsumaturi u l-kumpaniji”.

84

Barra minn hekk, hija disponibbli biss ftit informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-NCAs fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, billi ma hemm l-ebda approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-NCAs. Konsegwentement, l-ebda korp uniku ma għandu stampa ġenerali tal-impatt tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE.

85

Analiżijiet ex post perjodiċi tad-deċiżjonijiet ta’ infurzar huma għodda ewlenija għall-valutazzjoni tal-effettività globali tax-xogħol tal-Kummissjoni (ara l-Figura 10). Pereżempju, huma jippermettu li ssir valutazzjoni dwar jekk is-suppożizzjonijiet dwar l-iżviluppi tas-suq wara intervent f’operazzjoni ta’ fużjoni kinux korretti, jew jekk il-projbizzjoni ta’ prattika antikompetittiva partikolari minn kumpanija dominanti fil-fatt irriżultatx fi strutturi tas-suq aktar kompetittivi u ġabet benefiċċji aktar fit-tul għall-konsumaturi, f’termini ta’ prezz, output, kwalità, għażla, jew innovazzjoni. Tali valutazzjonijiet, inklużi t-tagħlimiet meħuda, jistgħu jgħinu biex itejbu t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-ġejjieni u biex iżidu l-obbligu ta’ rendikont tal-Kummissjoni40. Aħna osservajna li l-NCA Netherlandiża kienet wettqet evalwazzjonijiet ex post fi ftit każijiet magħżula. Għat-tliet NCAs l-oħra li żorna, dawn l-attivitajiet kienu limitati ħafna jew saħansitra assenti.

Figura 10

Ir-rwol tal-evalwazzjoni ex post fit-teħid ta' deċiżjonijiet

© OECD (2016), Reference guide on ex-post evaluation of competition agencies’ enforcement decisions.

86

Fil-perjodu awditjat, il-Kummissjoni wettqet għadd limitat ta' evalwazzjonijiet ex post: waħda dwar l-effetti tal-interventi fi swieq magħżula tal-enerġija u fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, u waħda dwar is-suq tal-hard disk drive 41. Madankollu, il-każijiet ma ntgħażlux bħala parti minn approċċ strateġiku biex isiru l-evalwazzjonijiet. Peress li l-evalwazzjoni ma kinitx ibbażata fuq eżami ta’ kampjun rappreżentattiv tal-ġabra ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, hija ma setgħetx tipprovdi tagħlimiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’każijiet futuri.

Ir-rappurtar tal-Kummissjoni ffoka fuq l-attivitajiet aktar milli fuq l-impatt

87

Il-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-attivitajiet tagħha fil-politika tal-kompetizzjoni42. F’eżerċizzju separat, bħala parti mir-rappurtar ġenerali tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni, id-DĠ COMP jinkludi informazzjoni fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu dwar ir-riżultati ewlenin tax-xogħol tiegħu43.

88

Iż-żewġ rapporti huma sommarju informattiv iżda mhux eżawrjenti tal-attivitajiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni; huma jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-aktar żvilupp ta’ politika importanti, kif ukoll dwar deċiżjonijiet importanti ta’ infurzar adottati jew investigazzjonijiet imnedija matul is-sena preċedenti. Madankollu, huma ma jinkludux informazzjoni importanti oħra bħal (i) l-għadd ta’ investigazzjonijiet dwar l-antitrust li għaddejjin fi tmien is-sena tar-rappurtar u (ii) l-istokk ta’ każijiet antitrust. Huma jipprovdu wkoll ftit wisq informazzjoni dwar l-impatt tad-deċiżjonijiet, u konsegwentement dwar il-kisba ta’ objettivi ta’ politika ġenerali, bħall-effett fuq il-prezzijiet jew fuq il-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi.

89

Kif indikat aktar ’il fuq (il-paragrafu 73), huma l-NCAs li jieħdu l-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet ta’ infurzar abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Madankollu, l-NCAs jirrappurtaw dwar l-attivitajiet tagħhom b’modi differenti, peress li l-Kummissjoni u l-NCAs ma qablux dwar standards għall-preżentazzjoni tal-attivitajiet jew għad-deskrizzjoni tal-prestazzjoni tagħhom. B’riżultat ta’ dan, il-partijiet ikkonċernati ftit li xejn għandhom informazzjoni dwar il-firxa ta’ din il-kooperazzjoni u kemm ħadmet tajjeb.

90

Aħna osservajna wkoll li n-nuqqas ta’ qafas għal valutazzjonijiet indipendenti tal-prestazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-UE jfisser li ma hemm l-ebda valutazzjoni indipendenti u regolari tal-effettività tal-Kummissjoni fil-kontribut għall-ilħuq tal-objettivi strateġiċi ta’ infurzar. Fl-2005, l-OECD wettqet evalwazzjoni bejn il-pari fil-Kummissjoni, b’esperti jivvalutaw kif ittrattat kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u regolatorji44.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

91

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni għamlet użu tajjeb mis-setgħat ta’ infurzar tagħha fil-kontroll tal-fużjonijiet u fil-proċedimenti tal-antitrust, u indirizzat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni bid-deċiżjonijiet tagħha. Madankollu, il-kapaċitajiet tagħha għall-monitoraġġ tas-swieq u għall-identifikazzjoni ta’ każijiet ġodda ta’ antitrust kienu limitati. Iż-żieda fl-ammonti tad-data li trid tiġi pproċessata fil-proċedimenti, it-tfaċċar ta’ swieq diġitali u l-limitazzjonijiet fl-għodod ta’ infurzar disponibbli, joħolqu sfidi għall-kapaċitajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni u għadhom ma ġewx indirizzati bis-sħiħ. Barra minn hekk, minkejja kooperazzjoni ġeneralment mill-qrib mal-NCAs, hemm lok għal koordinazzjoni aħjar. Biex tispjega u turi l-benefiċċji għaċ-ċittadini, fir-rappurtar pubbliku tagħha, il-Kummissjoni ffukat aktar fuq l-attivitajiet aktar milli fuq l-impatt.

92

Sabiex tidentifika l-ksur tar-regoli dwar l-antitrust, il-Kummissjoni mhux biss irreaġiet għall-ilmenti jew għall-informazzjoni tas-suq li rċeviet, iżda ħadet ukoll azzjoni fuq inizjattiva proprja. Madankollu, meta jitqies l-għadd sinifikanti ta’ lmenti u informazzjoni oħra riċevuti, l-ammont ta’ riżorsi disponibbli għall-identifikazzjoni proprja tal-każijiet ta’ antitrust kien relattivament limitat. L-għadd ta’ każijiet ġodda ta’ antitrust fuq inizjattiva proprja li tnedew naqas mill-2015 'il hawn. Il-Kummissjoni ma wrietx li kellha approċċ konsistenti għall-monitoraġġ tas-swieq (il-paragrafi 24 sa 30).

93

Il-Kummissjoni stabbiliet inċentivi biex ittejjeb ir-rappurtar minn partijiet esterni (jiġifieri parteċipanti fis-suq jew konsumaturi) dwar ksur possibbli tar-regoli dwar l-antitrust, iżda l-adozzjoni tal-aktar strument importanti (il-“programm ta’ klemenza”) kienet naqset mill-2015 'il hawn (il-paragrafi 31 sa 36).

94

Minħabba l-għadd kbir ta’ każijiet potenzjali tal-antitrust u l-limitazzjonijiet ta’ riżorsi suffiċjenti, il-Kummissjoni tagħżel il-każijiet li tista’ tinvestiga. Il-Kummissjoni tapplika kriterji biex tipprijoritizza l-każijiet, iżda dawn ma ġewx ponderati b’mod ċar biex tiġi żgurata l-għażla ta’ dawk il-każijiet tal-antitrust bl-ogħla riskju għall-kompetizzjoni jew għall-benessri tal-konsumatur fis-suq intern (il-paragrafi 3738).

Rakkomandazzjoni 1 – Tiżdied il-probabbiltà ta’ identifikazzjoni tal-ksur

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ infurzar, l-identifikazzjoni xierqa tal-ksur hija l-ewwel pass neċessarju. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni ssegwi approċċ aktar proattiv billi tiġbor u tipproċessa informazzjoni rilevanti għas-suq b’mod konsistenti u kosteffiċjenti u tagħżel il-każijiet abbażi ta’ kriterji ponderati b’mod ċar, pereżempju billi tuża sistema ta’ punti.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2022

95

Il-Kummissjoni ssimplifikat il-kontroll tal-fużjonijiet għal tranżazzjonijiet anqas riskjużi (jiġifieri l-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet) u identifikat ukoll il-possibbiltà ta’ razzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-proċedimenti. Iżda għadha ma ħaditx azzjoni dwar dan. Il-Kummissjoni lestiet ir-rieżaminar tagħha tal-fużjonijiet sal-iskadenzi legali. Madankollu, billi hija kellha tiffaċċja għadd dejjem jiżdied ta’ konċentrazzjonijiet ta’ kumpaniji u aktar u aktar data li trid tiġi analizzata, hija ma kinitx dejjem f’pożizzjoni li twettaq kontrolli tal-preċiżjoni tal-informazzjoni kollha pprovduta minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u l-ammont ta’ informazzjoni li trid tiġi vverifikata. Sal-ġurnata tal-lum, il-Kummissjoni għadha ma analizzatx fid-dettall l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta’ tariffi għall-preżentazzjoni tal-fużjonijiet bħala sors awtonomu għall-finanzjament tal-kontroll tagħha tal-fużjonijiet (il-paragrafi 40 sa 46).

96

Billi l-leġiżlazzjoni tal-UE tiddefinixxi d-dimensjoni tal-UE ta’ tranżazzjoni b’referenza biss għall-fatturat annwali tal-partijiet li jkunu l-oġġett ta’ fużjoni, ċerti tranżazzjonijiet b’rilevanza għas-suq intern ma waqgħux taħt l-iskrutinju tal-Kummissjoni (il-paragrafu 47).

97

L-infurzar tal-antitrust tradizzjonalment iseħħ biss wara li tkun qamet kwistjoni ta’ kompetizzjoni. Filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-antitrust li awditjajna indirizzaw tħassib dwar il-kompetizzjoni, id-durata tal-proċedimenti tal-Kummissjoni kienet ġeneralment twila. Proċedimenti twal jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-effettività tal-infurzar tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fis-swieq diġitali li qed jikbru b’pass mgħaġġel u fejn hija meħtieġa reazzjoni rapida biex jiġi evitat dannu potenzjali. Ir-raġunijiet għad-dewmien ma kinux jirrigwardaw biss lill-Kummissjoni, iżda wkoll lill-kumpaniji taħt investigazzjoni. Għalkemm il-Kummissjoni għamlet sforzi konsiderevoli biex tħaffef il-proċedimenti, anki biex tlaħħaq ma’ ammont dejjem jiżdied ta’ informazzjoni u data, dawn l-isforzi għad ma kellhomx suċċess sħiħ (il-paragrafi 48 sa 56).

98

Skont ir-regoli attwali dwar l-antitrust, mhumiex permessi interventi ex ante, u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jintużaw miżuri interim (jiġifieri l-kumpaniji jiġu ordnati jieqfu mill-imġiba suspettata waqt l-investigazzjoni tal-każ) jagħmlu l-użu tagħhom diffiċli. Barra minn hekk, filwaqt li t-tfaċċar tas-swieq diġitali rriżulta fi sfidi ġodda għall-kompetizzjoni fejn is-suppożizzjonijiet tradizzjonali dwar is-swieq u l-kompetizzjoni effettiva kellhom jiġu adattati, il-Kummissjoni għadha ma aġġornatx il-linji gwida, l-avviżi jew ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija tagħha biex tittratta dawn il-karatteristiċi ġodda u biex ittejjeb iċ-ċertezza legali għall-kumpaniji u tappoġġa t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-NCAs (il-paragrafi 57 sa 63).

99

Fl-aħħar nett, l-infurzar effettiv jiddependi min-natura deterrenti tal-multi imposti. Għalkemm il-livell assolut tal-multi imposti mill-Kummissjoni huwa fost l-ogħla fid-dinja, hija għadha ma evalwatx l-effett deterrenti tagħhom (il-paragrafi 64 sa 72).

Rakkomandazzjoni 2 – Tiżdied l-effettività tal-infurzar tal-kompetizzjoni

Sabiex tindirizza b’mod effiċjenti l-kwistjonijiet kollha tal-kompetizzjoni fil-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE u biex tirrispondi aktar malajr għall-evoluzzjoni tas-swieq, b’mod partikolari dawk diġitali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni li ġejja:

  1. Tkompli tottimizza l-proċeduri tal-fużjonijiet u l-ġestjoni tal-każijiet bil-ħsieb li tkopri t-tranżazzjonijiet kollha rilevanti għas-suq intern u twettaq analiżi dettaljata tal-ispejjeż u l-benefiċċji tad-debitar ta’ tariffi għall-preżentazzjoni tal-fużjonijiet.
  2. Issaħħaħ l-għodod tagħha ta’ intervent f’każijiet ta’ antitrust u taġġorna l-avviżi u l-linji gwida kif ukoll ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija mal-iskadenza tagħhom biex iqisu r-realtajiet ġodda tas-suq (prinċipalment dawk li jirriżultaw mis-swieq diġitali).
  3. Twettaq studju tal-effett deterrenti tal-multi tagħha u taġġorna l-metodoloġija għall-istabbiliment tal-multi kif xieraq.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Sa nofs l-2024, jew mal-iskadenza tar-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija rilevanti għal (b)

100

L-NCAs jieħdu l-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet fil-każijiet fejn japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Kien hemm kooperazzjoni tajba bejnhom u l-Kummissjoni, iżda l-monitoraġġ tas-swieq ma kienx ikkoordinat mill-qrib u l-Kummissjoni ftit kellha għarfien dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-NCAs. Ir-riallokazzjoni tal-każijiet seħħet biss rarament u mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, introdott fl-2016 għal informazzjoni reċiproka dwar kwistjonijiet f’każijiet pendenti, kien għadu ma ntużax b’mod estensiv mill-NCAs u għalhekk ma setax jintuża għall-allokazzjoni aħjar tal-każijiet (il-paragrafi 73 sa 77).

Rakkomandazzjoni 3 – Isir użu aħjar mill-potenzjal tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni

Sabiex jintuża l-potenzjal sħiħ tan-NEK, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoordina aħjar il-monitoraġġ tas-swieq mal-NCAs u ttejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-prijoritajiet fi ħdan in-NEK biex tkattar it-trasparenza u tistinka biex ikun hemm komplementarjetà, u tippromwovi (i) użu aħjar tal-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija tagħha kif ukoll (ii) allokazzjoni tal-każijiet (b’mod partikolari fi swieq diġitali kumplessi) li tevita bosta awtoritajiet tal-kompetizzjoni milli janalizzaw imġiba simili mill-istess kumpanija.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022

101

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tiddefinixxi biss objettivi ġenerali għall-politika tal-kompetizzjoni fl-UE. Id-DĠ COMP irid ikejjel il-prestazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar tiegħu f’konformità mal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħha. Madankollu, in-natura tal-infurzar tal-kompetizzjoni u n-nuqqas ta’ data xierqa għamluha diffiċli għad-DĠ COMP biex jiddefinixxi linja bażi li magħha jkejjel il-prestazzjoni, jistabbilixxi indikaturi u miri sinifikattivi, u jqabbel il-prestazzjoni matul iż-żmien (il-paragrafi 78 sa 84).

102

Il-Kummissjoni ma wettqitx b’mod regolari evalwazzjonijiet ex post dwar l-effettività tad-deċiżjonijiet tagħha, għalkemm dan jgħin biex jitjieb it-teħid ta' deċiżjonijiet fil-ġejjieni u għall-allokazzjoni aħjar tar-riżorsi (il-paragrafi 8586).

103

Il-Kummissjoni tirrapporta r-riżultati tax-xogħol ta’ infurzar tagħha fir-rapport annwali tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni u, separatament, fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ COMP. Madankollu, iż-żewġ rapporti jiffukaw fuq l-attivitajiet aktar milli fuq l-impatt, iżda anki dwar dawn l-attivitajiet hemm informazzjoni importanti nieqsa (pereżempju, l-investigazzjonijiet li għaddejjin fi tmiem is-sena ta’ rappurtar, l-istokk ta’ każijiet, eċċ). Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda valutazzjonijiet indipendenti regolari tal-prestazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fl-UE, bħal evalwazzjonijiet bejn il-pari (il-paragrafi 87 sa 90).

Rakkomandazzjoni 4 – Jitjieb ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni

Sabiex issaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont lejn il-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. twettaq b’mod regolari evalwazzjonijiet ex post dwar il-prestazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ infurzar tagħha, inkluż tal-impatt tagħhom;
  2. flimkien mal-NCAs, tiżviluppa approċċ għal valutazzjonijiet indipendenti regolari tal-ilħuq tal-objettivi strateġiċi ta’ infurzar, pereżempju fil-forma ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023 għal (a) u 2024 għal (b)

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Alex Brenninkmeijer, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fis-6 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I – Objettivi legali tal-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE

L-Artikolu 101 TFUE L-Artikolu 102 TFUE Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet
Li jiġu pprojbiti ftehimiet bejn kumpaniji li jistgħu jipprevienu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni b’mod ġenerali Li tiġi protetta l-istruttura tas-swieq u b’hekk il-kompetizzjoni bħala tali

Li l-kumpaniji jiġu prevenuti milli jabbużaw mill-pożizzjonijiet dominanti tagħhom billi jimponu prezzijiet inġusti jew kundizzjonijiet oħra tal-kummerċ jew billi jillimitaw il-produzzjoni, is-swieq jew l-iżvilupp tekniku għad-detriment tal-konsumaturi
Li jiġi żgurat li l-konċentrazzjonijiet ikunu kompatibbli mas-suq intern f’termini tal-ħtieġa li tinżamm u tiġi żviluppata kompetizzjoni effettiva
Li jinkiseb suq intern integrat fl-UE

Anness II – Referenzi ewlenin għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE

Antitrust
(L-Artikoli 101-102 TFUE)
Kartelli
(L-Artikolu 101 TFUE)
Kontroll tal-fużjonijiet
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004
Avviż dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti
Avviż dwar akkordji ta' importanza minuri li ma jirrestrinġux b'mod apprezzabbli l-kompetizzjoni (l-Avviż De Minimis) Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet orizzontali
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 dwar akkordji ta’ riċerka u żvilupp Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 dwar akkordji ta’ speċjalizzazzjoni Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 dwar il-proċeduri għar-riżolviment Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji
Linji gwida għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-restrizzjonijiet
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 dwar akkordji vertikali Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (“avviż ta’ klemenza”) Avviż mill-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata
Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rinviju ta’ każijiet
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 dwar trasferiment ta’ teknoloġija
Linji gwida dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija
Avviż: Linji gwida dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ
Avviż: Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat
Linji gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat
Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi
Nota ta’ informazzjoni dwar l-inabbiltà ta’ pagament
Komunikazzjoni dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu f’kawżi għad-danni
Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni
Notifika dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE
Direttiva 2014/104/UE dwar l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni
Direttiva (UE) 2019/1 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (“NEK plus”)
Notifika dwar ir-regolamenti tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni
Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni

Anness III – Investigazzjonijiet u abbozzi ta’ deċiżjonijiet notifikati permezz tan-NEK fil-perjodu 2010 - 2019

Stat Membru Investigazzjonijiet f'% Abbozz ta’ deċiżjonijiet f'%
Il-Belġju 40 2,6 % 15 1,7 %
Il-Bulgarija 13 0,8 % 4 0,4 %
Ir-Repubblika Ċeka 28 1,8 % 14 1,6 %
Id-Danimarka 33 2,1 % 35 3,9 %
Il-Ġermanja 117 7,6 % 77 8,5 %
L-Irlanda 13 0,8 % 1 0,1 %
Il-Greċja 38 2,5 % 32 3,5 %
Spanja 112 7,3 % 100 11,1 %
L-Estonja 3 0,2 % 1 0,1 %
Franza 120 7,8 % 100 11,1 %
Il-Kroazja 9 0,6 % 2 0,2 %
L-Italja 124 8,1 % 117 13,0 %
Ċipru 28 1,8 % 10 1,1 %
Il-Latvja 14 0,9 % 2 0,2 %
Il-Litwanja 21 1,4 % 12 1,3 %
Il-Lussemburgu 28 1,8 % 7 0,8 %
L-Ungerija 66 4,3 % 32 3,5 %
Malta 7 0,5 % 3 0,3 %
In-Netherlands 51 3,3 % 25 2,8 %
L-Awstrija 105 6,8 % 35 3,9 %
Il-Polonja 21 1,4 % 8 0,9 %
Il-Portugall 69 4,5 % 26 2,9 %
Ir-Rumanija 65 4,2 % 54 6,0 %
Is-Slovakkja 32 2,1 % 20 2,2 %
Is-Slovenja 21 1,4 % 19 2,1 %
L-Iżvezja 52 3,4 % 12 1,3 %
Il-Finlandja 23 1,5 % 11 1,2 %
Ir-Renju Unit 69 4,5 % 33 3,7 %
Total 1 322 86,1 % 807 89,5 %
Il-Kummissjoni 213 13,9 % 95 10,5 %
Total Kumplessiv 1 535 100 % 902 100 %

Anness IV – Indikaturi tal-prestazzjoni tad-DĠ COMP għall-kontroll tal-fużjonijiet u l-proċedimenti tal-antitrust

Nru Objettiv ġenerali rilevanti Indikatur tar-riżultati Prinċipji ġustifikattivi Sors tad-data
1 Infurzar effettiv tar-regoli dwar l-antitrust bil-ħsieb li jiġi protett il-benessri tal-konsumatur Tkabbir tal-PDG Żieda fil-PDG permezz ta’ interventi ta’ infurzar Eurostat
Objettivi speċifiċi għall-Antitrust (inklużi l-kartelli)
1 Infurzar effettiv tar-regoli dwar l-antitrust bil-ħsieb li jiġi protett il-benessri tal-konsumatur Stima tal-benefiċċji għall-konsumatur li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jipprojbixxu l-kartelli Indikatur kwantitattiv biex jiġi żgurat impatt pożittiv tal-infurzar tal-kompetizzjoni fuq il-benessri tal-konsumatur Kalkolu tad-DĠ Kompetizzjoni
Effett deterrenti tal-multi tal-Kummissjoni Indikatur kwalitattiv biex titkejjel il-perċezzjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar id-deterrenza tal-multi tagħna fl-antitrust u l-kartelli Stħarriġ mal-partijiet ikkonċernati
2 A. Applikazzjoni effettiva u koerenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni Għadd ta’ każijiet issenjalati lin-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) Valur referenzjarju għal-livell tal-attività tan-NEK biex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE Sistema tal-każijiet tan-NEK
Għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ infurzar u ta’ konsultazzjonijiet dwar każijiet simili previsti fin-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK)
B. Applikazzjoni effettiva u koerenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE mill-qrati nazzjonali Rata ta’ konformità tas-sentenzi nazzjonali mat-tweġibiet tal-Kummissjoni għat-talbiet għal opinjonijiet (l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 1/2003) Valur referenzjarju għall-koerenza tal-attivitajiet imwettqa mill-qrati u mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat infurzar privat koerenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE Statistika tad-DĠ Kompetizzjoni fuq il-bażi tas-sentenzi nazzjonali trażmessi
Rata ta’ konformità tas-sentenzi nazzjonali mal-osservazzjonijiet “amicus curiae” tal-Kummissjoni (l-Artikolu 15 (3) tar-Regolament 1/2003)
Għadd ta’ Stati Membri li implimentaw bis-sħiħ id-Direttiva li tiżgura d-dritt għall-vittmi ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE li jiksbu kumpens permezz tal-qrati nazzjonali Valur referenzjarju biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs biex jinkiseb kumpens għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha Statistika tad-DĠ Kompetizzjoni bbażata fuq evalwazzjoni
Objettivi speċifiċi għall-kontroll tal-Fużjonijiet
4 Iffaċilitar ta’ ristrutturar bla xkiel tas-suq billi l-fużjonijiet mhux dannużi jiġu vvalutati b’mod razzjonalizzat Proporzjon ta’ deċiżjonijiet dwar fużjonijiet adottati fi proċedura simplifikata Indikatur kwantitattiv li juri tnaqqis fil-piż regolatorju li jiffaċilita ristrutturar bla xkiel tas-suq Kalkolu tad-DĠ Kompetizzjoni
5 Prevenzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-fużjonijiet bil-ħsieb li jiġi protett il-benessri tal-konsumatur Stima tal-benefiċċji għall-klijenti li jirriżultaw minn interventi fil-fużjonijiet (qabel l-2017, benefiċċji biss minn interventi f’fużjonijiet orizzontali) Indikatur kwantitattiv biex jiġi żgurat impatt pożittiv tal-infurzar tal-kompetizzjoni fuq il-benessri tal-konsumatur
Objettivi speċifiċi li jikkonċernaw kemm l-antitrust kif ukoll il-kontroll tal-fużjonijiet
3 u 6 L-istrumenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jinżammu allinjati mar-realtajiet tas-suq u mal-ħsieb ekonomiku u legali kontemporanju Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar regoli ġodda Valur referenzjarju għall-parametri ewlenin tal-kwalità relatati max-xogħol tad-DĠ Kompetizzjoni Studju Kwalitattiv Standard tal-Ewrobarometru

Stħarriġ mal-Partijiet ikkonċernati tad-DĠ Kompetizzjoni
15 Promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-konverġenza internazzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u aktar trasparenza u dixxiplini bażiċi dwar il-kontroll tas-sussidji fuq livell internazzjonali Promozzjoni ta’ kultura tal-kompetizzjoni u tal-konverġenza tal-politika fuq livell internazzjonali
16 Żgurar tal-ogħla standards fl-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni Solidità legali tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’każijiet ta’ kompetizzjoni
Kwalità tal-analiżi ekonomika
Għarfien dwar is-suq
Impatt fuq is-swieq
Puntwalità tad-deċiżjonijiet
Informazzjoni f’waqtha

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

DĠ COMP: Il-Kummissjoni Ewropea – Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

NCA: L-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni

NEK: In-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (network tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri)

OECD: L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

PDG: Prodott Domestiku Gross

TFUE: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Glossarju

Antitrust: Qasam tad-dritt u tal-politika tal-kompetizzjoni li jittratta prattiki antikompetittivi (bħall-kartelli) u l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq.

Azzjoni privata għad-danni: It-teħid ta’ azzjoni legali minn individwi u kumpaniji għad-danni li jirriżultaw mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Fużjoni: L-għaqda ta’ kumpaniji permezz tal-assorbiment ta’ waħda fl-oħra jew il-ħolqien ta’ entità ġdida, bl-effett ta’ konċentrazzjoni tas-suq.

Impriża: Kwalunkwe entità, bħal kumpanija, li tipprovdi prodotti jew servizzi f’suq partikolari.

Kartell: Grupp ta’ manifatturi jew fornituri li jieħu azzjoni kkoordinata biex iżomm il-prezzijiet tas-suq f’ċertu livell jew jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’modi oħra, bħal pereżempju billi jillimita l-produzzjoni jew billi jikkondividi s-swieq jew il-klijenti.

Klemenza: Il-prinċipju li bih il-multi imposti fuq il-kumpaniji f’kartell jistgħu jiġu revokati jew imnaqqsa taħt ċerti kundizzjonijiet jekk il-kumpaniji jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-antitrust fl-investigazzjoni tagħhom.

Kompetizzjoni: Sitwazzjoni f’suq li fiha diversi fornituri indipendenti ta’ prodotti jew servizzi jikkompetu biex jattiraw il-klijenti.

Konsumatur: Utent finali ta’ prodott jew servizz, jew utent indirett bħal produttur jew bejjiegħ bl-imnut.

Miżuri interim: Miżuri li jippermettu lill-Kummissjoni tordna kumpanija biex tieqaf minn imġiba li mal-ewwel daqqa t’għajn hija tqis bħala illegali.

Prodott domestiku gross: Kejl standard tal-ġid ta’ pajjiż: il-valur monetarju tal-oġġetti u s-servizzi kollha prodotti f’perjodu speċifiku fi ħdan l-ekonomija.

Regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija: Regolamenti tal-UE li jippermettu ċerti tipi ta’ ftehimiet restrittivi li altrimenti huma pprojbiti. Ir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għandhom perjodu limitat ta’ validità u l-Kummissjoni tirrieżaminahom f’intervalli regolari.

Rimedju: Il-mezzi li bihom jiġi riżolt tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirriżulta minn fużjoni jew minn każ ta’ antitrust.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-Paragrafi minn I-XI.

Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE llum għadhom rilevanti bħal meta ġew stabbiliti fit-Trattat aktar minn 60 sena ilu. Dawn id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE baqgħu stabbli ferm filwaqt li l-ambjent ekonomiku u politiku f’xi żminijiet inbidel b’mod sinifikanti.

Matul id-deċennji, il-Kummissjoni żviluppat u infurzat il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE biex tkun tirrifletti r-realtajiet tas-suq taħt l-għassa tal-Qrati tal-UE u l-ġurisprudenza li qed tevolvi. Regolarment tadatta r-regoli u l-proċeduri tal-kompetizzjoni biex ikunu jikkorrispondu mal-iżviluppi fis-swieq u biex tkun allinjata mal-ħsieb ekonomiku u legali kontemporanju.

Il-Kummissjoni flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (national competition authorities, NCAs), għandhom kompetenza kondiviża biex jinfurzaw direttament ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE (l-Artikoli 101 minn 109 TFUE) biex is-swieq tal-UE jkunu jiffunzjonaw aħjar, billi jiżguraw li l-kumpaniji kollha jikkompetu b’mod ugwali u ġust fuq il-merti tagħhom. L-iskop tar-regoli tal-kompetizzjoni huwa li jgħinu fl-istabbiliment u fil-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fil-qasam tal-kontroll tal-fużjonijiet, il-Kummissjoni tippreserva l-istrutturi tas-suq kompetittiv billi tipprevjeni li konċentrazzjonijiet kbar jikkawżaw ħsara lill-kompetizzjoni. Dan hu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, in-negozji u b’mod ġenerali l-ekonomija Ewropea. Fil-Kummissjoni, il-Kummissarju u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni huma primarjament responsabbli għal dawn is-setgħat ta’ infurzar dirett.

Kemm l-antitrust u l-kontroll tal-fużjonijiet jinvolvu ħidma għall-Kummissjoni soġġetta għal obbligi legali. Minkejja l-limitazzjonijiet tar-riżorsi, dawn l-obbligi legali jridu l-ewwel u qabel kollox jiġu ssodisfati, l-infurzar irid jitwettaq b’mod ġust fuq il-bażi ta’ fatti, evidenza u analiżi bir-reqqa waqt li jiġi rrispettat il-proċess ġust. Irid jiġi enfasizzat li l-qrati tal-UE għandhom ġurisdizzjoni bla limiti biex jirrieżaminaw id-deċiżjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni mressqa quddiemhom mill-partijiet fir-rigward tas-sostanza, il-proċedura u, jekk applikabbli, l-ammont tal-multa imposta.

Il-Kummissjoni tinnota li għandha varjetà ta’ sorsi biex tidentifika ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni: ilmenti formali, applikazzjonijiet għall-immunità u għall-klemenza, laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, għodda tal-informaturi, kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mal-NCAs u ma’ regolaturi u awtoritajiet nazzjonali oħra, studji tas-suq, stampa speċjalizzata u ġenerali u sorsi u bażijiet ta’ data oħra disponibbli pubblikament fost l-oħrajn. Il-monitoraġġ proattiv tas-suq huwa parti integrali mill-ħidma ta’ detezzjoni tal-Kummissjoni u l-kapaċità hija kontinwament żviluppata aktar.

Fir-rigward ta’ ksur potenzjali li ssir taf bih, minħabba r-riżorsi limitati tagħha, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tinvestiga kull ksur potenzjali tar-regoli tal-antitrust tal-UE, u kull investigazzjoni ġdida proposta hija soġġetta għal valutazzjoni dettaljata interna tal-prijorità li tinqasam f’diversi fażijiet. Il-valutazzjoni tal-prijorità tapplika kriterji kwantitattivi u kwalitattivi (inkluża l-ħsara possibbli għas-suq u għall-konsumaturi, il-valur ta’ preċedent tal-każ eċċ.) u tipprovdi bażi tajba biex il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijorità, jiġifieri liema każijiet tinvestiga. Il-Kummissjoni hija partikolarment trasparenti fil-pubblikazzjoni tal-bidu ta’ proċedimenti tal-antitrust u fl-għoti ta’ biżżejjed dettalji biex il-media u l-pubbliku ġenerali jkunu konxji mill-motivazzjoni li fuqha hija bbażata l-investigazzjoni. Fir-rigward tat-twettiq ta’ investigazzjonijiet tal-antitrust, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kwalità, ir-rilevanza u l-veloċità tal-investigazzjonijiet huma kollha parametri importanti fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni. L-investigazzjonijiet għandhom ikunu rapidi, anki minħabba r-rata li biha l-ekonomiji u s-soċjetajiet qed jevolvu. Madankollu, l-investigazzjonijiet ukoll qed isiru aktar kumplessi. Il-veloċità hija komplement essenzjali għall-kwalità u r-rilevanza iżda ma tistax tissostitwihom jew tikkomprometti l-kwalità jew ir-rilevanza. Madankollu, il-Kummissjoni konsistentement tfittex modi kif tagħmel il-proċedimenti tagħha aktar effiċjenti. F’Unjoni mibnija u rregolata mill-istat tad-dritt huwa essenzjali li tiġi żgurata l-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u r-rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża.

Il-Kummissjoni tirrieżamina wkoll il-qafas tal-politika tagħha ta’ regolamenti, notifiki u linji gwida differenti u għandha aġenda sinifikanti li għaddejja tar-rieżami tal-politika tal-antitrust biex tiżgura li regoli ġodda u aġġornati jirriflettu r-realtà tas-suq, inkluż b’mod partikolari l-impatt tad-diġitalizzazzjoni. Ir-rieżamijiet li għaddejjin jinkludu wkoll evalwazzjoni ewlenija fil-qasam tal-kontroll tal-fużjonijiet, li tittratta kwistjonijiet ta’ simplifikazzjoni potenzjali u ġurisdizzjonali, li l-eżitu tagħhom ma jistax jiġi preġudikat. Ir-rieżamijiet tal-politika huma proċess estensiv, li jinkludi konsultazzjonijiet pubbliċi, evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt f’konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni u jistgħu jdumu għaddejjin bosta snin.

Il-Kummissjoni tenfasizza l-effett evidenti tal-infurzar tal-antitrust kondiviż fl-UE bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs). Il-Kummissjoni torganizza u tmexxi għadd kbir ta’ laqgħat mal-NCAs fuq kwistjonijiet ta’ politika u każijiet bil-għan li żżid il-kompetenzi kondiviżi u tiggarantixxi l-kunsens għal soluzzjonijiet komuni. Madankollu, ir-Regolament 1/2003 ma jipprevedix li l-Kummissjoni jkollha rwol jew is-setgħa li tikkoordina l-prijoritajiet tal-monitoraġġ tas-suq jew tal-infurzar fin-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK).

Il-Kummissjoni hija wkoll parteċipant u kontributur attiv għall-ħidma tal-OECD u tan-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (International Competition Network, ICN), biex jitjieb il-kejl tal-prestazzjoni u l-effettività tal-aġenzija fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni madwar id-dinja. Il-Kummissjoni taqbel mal-QEA li aktar investiment fl-evalwazzjoni ex post jibbenefika l-infurzar futur mill-Kummissjoni imma tirrikjedi wkoll li jkunu disponibbli riżorsi suffiċjenti (kemm umani kif ukoll tekniċi) għal din il-funzjoni. Il-Kummissjoni taqbel mal-QEA li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom bżonn riżorsi suffiċjenti (kemm umani kif ukoll tekniċi) biex jaġixxu bħala inforzaturi effettivi.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet 2b, 2c, 3 u 4a, parzjalment taċċetta r-rakkomandazzjonijiet 1 u 2a, u ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni 4b.

Introduzzjoni

06

Il-Kummissjoni tirreferi għall-Protokoll 26 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-501/06 GlaxoSmithKline, il-punti minn 61 sa 63) u tirrimarka li l-benesseri tal-konsumaturi mhuwiex standard separat u awtonomu li għandu jiġi ssodisfat minn azzjoni ta’ infurzar skont ir-regoli tal-kompetizzjoni.

08

Il-Kummissjoni tinnota li mill-2016 ’l hawn, l-għadd ta’ konċentrazzjonijiet rieżaminati kien aktar qrib l-400 milli t-300 fis-sena (jew saħansitra aktar minn 400 fl-2018).

Kaxxa 1

Setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri

Il-Kummissjoni tinnota li d-Direttiva 2019/145 introduċiet setgħat minimi komuni għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) kif ukoll regoli li jiżguraw li l-NCAs jistgħu jimponu multi ta’ deterrent. Barra minn hekk, introduċiet proċedura kważi kompletament armonizzata għal applikazzjonijiet għall-klemenza.

Osservazzjonijiet

Xi limitazzjonijiet fil-kapaċità ta’ monitoraġġ, ta’ identifikazzjoni u ta’ investigazzjoni tas-suq min-naħa tal-Kummissjoni

24

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-monitoraġġ proattiv tas-suq huwa parti integrali mill-ħidma ta’ identifikazzjoni tagħha, u li kontinwament qed tiżviluppa din il-kapaċità billi tiddependi fuq taħlita ta’ sorsi differenti. Dan jinkludi pereżempju eżerċizzji dwar l-ambitu, inkjesti settorjali, investigazzjonijiet ex officio u għodda ta’ żvelar ta’ informazzjoni. Il-mod ta’ kif jiġi identifikat il-ksur neċessarjament ivarja bejn is-setturi; f’xi setturi l-ilmenti formali huma n-norma, filwaqt li setturi oħra jiddependu aktar fuq kuntatti informali u sorsi ta’ informazzjoni speċifiċi għas-settur. Il-Kummissjoni tibbaża fuq l-għodod u s-sorsi li hija temmen li għandhom l-akbar ċans li jiġġeneraw ħjiel u jidentifikaw ksur possibbli, bil-ħolqien ta’ bilanċ bejn l-ispejjeż ta’ aktar attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-suq u l-benefiċċji potenzjali ta’ tali attivitajiet.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-proċeduri u l-prattiki tagħha jipprovdu bażi tajba biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura identifikazzjoni proattiva ta’ ksur tal-kompetizzjoni skont id-disponibbiltà ta’ riżorsi suffiċjenti.

Ir-riżorsi limitati jaffettwaw il-kapaċità ta’ detezzjoni tal-Kummissjoni

29

L-inkjesti settorjali huma biss waħda (l-aktar intensiva f’termini ta’ riżorsi) mill-ħafna għodod użati biex jitwettaq l-eżami għal skopijiet ta’ monitoraġġ/detezzjoni. Il-Kummissjoni tirrimarka li d-DĠ Kompetizzjoni f’kull ħin kellu (u għandu) persunal kwalifikat u kapaċi biex iwettaq il-kompiti tiegħu imma taqbel li huma essenzjali riżorsi addizzjonali biex ikunu possibbli aktar detezzjoni u infurzar.

30

Il-Kummissjoni tinnota li l-għadd ta’ każijiet ta’ inizjattiva proprja rreġistrati ġodda kull sena huwa suxxettibbli għal varjazzjoni konsiderevoli u jrid jitqies kemm fir-rigward ta’ każijiet li diġà għaddejjin kif ukoll tal-għadd ta’ lmenti ġodda li jiġu investigati (wara ħafna każijiet ġodda, l-iffukar ikun naturalment fuq il-progress ta’ dawn l-investigazzjonijiet). Indikazzjoni tal-effettività tal-inizjattivi proprji tal-Kummissjoni hija li dawn jikkostitwixxu l-maġġoranza tad-deċiżjonijiet kollha li mhumiex tal-kartell.

L-approċċ għall-prijoritizzazzjoni tal-każijiet ma kienx ottimali

38

Kull investigazzjoni ġdida hija soġġetta għal valutazzjoni dettaljata interna tal-prijorità li tinqasam f’diversi stadji, fuq il-bażi ta’ kriterji stabbiliti sew. Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu vvalutati jinkludu indikazzjonijiet ta’ ħsara possibbli għas-suq u għall-konsumaturi, kif ukoll kwistjonijiet bħall-valur ta’ preċedent u jekk id-dritt tal-kompetizzjoni huwiex ir-risposta l-aktar effettiva — u jekk iva, jekk hux fil-livell tal-UE jew nazzjonali. B’mod simili, l-infurzar f’oqsma prijoritarji, kif identifikati fil-Pjan ta’ Ġestjoni annwali tal-Kummissjoni, irid jiġi rikonċiljat mal-ħtieġa għall-infurzar f’firxa wiesgħa ta’ setturi. Dawn huma kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu bbilanċjati numerikament, iżda li għalihom ir-regoli u l-proċedura attwali tal-iffissar tal-prijoritajiet jipprovdu bażi solida.

44

Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq settijiet differenti ta’ data u informazzjoni biex twettaq il-valutazzjoni tagħha ta’ konċentrazzjonijiet apparti l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet li jinnotifikaw fużjoni. Billi tibbaża fuq dawn is-sorsi differenti ta’ evidenza, il-Kummissjoni tista’ twettaq il-valutazzjoni tagħha stess (inkluż meta meħtieġ eżerċizzji ta’ rikostruzzjoni tas-suq meta d-data pprovduta mill-“Parti Notifikanti” jkollha r-riskju li tkun inkompluta jew impreċiża) u tagħmel kontroverifika tal-informazzjoni pprovduta u tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Parti Notifikanti (u fejn xieraq turi li ma kinux sostnuti b’evidenza).

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti multi meta l-kumpaniji jipprovdu informazzjoni li tkun skorretta, qarrieqa jew mhux kompluta, li ġiet invokata reċentement f’żewġ każijiet (Facebook/WhatsApp u GE/LM Wind).

Il-Kummissjoni tirrimarka li l-partijiet terzi li għandhom kummenti importanti fuq it-tranżazzjoni proposta x’aktarx li jwieġbu fil-ħin jew jitolbu estensjoni tal-iskadenza għat-tweġiba. L-estensjonijiet jingħataw ta’ spiss.

45

Il-Kummissjoni tinnota li fil-kuntest tal-miżuri adottati matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni ddeċidiet li temporanjament tippermetti lill-impriżi jissottomettu n-notifiki ta’ fużjoni b’mod elettroniku.

46

It-tieni inċiż — Il-Kummissjoni tinnota li l-paragrafu 5(a) tan-Notifika Simplifikata jikkontempla żewġ kategoriji ta’ każijiet: (i) impriżi konġunti bl-ebda attività fiż-ŻEE (impriżi konġunti extra-ŻEE) u (ii) impriżi konġunti b’attivitajiet żgħar fiż-ŻEE (li jiġġeneraw inqas minn fatturat ta’ 100 miljun fiż-ŻEE).

47

Mill-2016 ’l hawn għaddejja evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ċerti aspetti tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE, inkluż, fost l-oħrajn, l-effettività tal-limiti tal-fatturat biex it-tranżazzjonijiet rilevanti jiġu koperti b’mod suffiċjenti fil-qafas tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet.

L-evalwazzjoni tfittex li tivvaluta, b’mod partikolari, jekk fil-preżent teżistix diskrepanza fl-infurzar (u jekk iva kemm hi kbira) b’riżultat tad-disinn tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jew jekk l-għodod eżistenti (pereżempju s-sistema ta’ riferiment) jippermettux jew le li jinqabdu u jiġu rieżaminati biżżejjed it-tranżazzjonijiet rilevanti, anki jekk ma jinqabdux mil-limiti bbażati fuq il-fatturat tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-antitrust indirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni iżda l-proċeduri għadhom twal

52

Il-Kummissjoni tirrimarka li l-qrati tal-UE għandhom ġurisdizzjoni sħiħa biex jirrieżaminaw id-deċiżjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni mressqa quddiemhom mill-partijiet fir-rigward tas-sostanza u l-proċedura u, fejn applikabbli, għandhom ġurisdizzjoni bla limitu fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta.

58

Il-Kummissjoni tirrimarka li, anki fid-determinazzjoni tal-ksur tal-antitrust tal-impriżi fil-qasam tal-ekonomija diġitali, il-Kummissjoni mhijiex meħtieġa li tiddetermina l-ħsara għall-konsumaturi, f’konformità mal-istandard legali applikabbli.

59

Il-Kummissjoni tinnota li parti mir-raġunament tal-valutazzjoni tal-impatt għal Għodda Ġdida tal-Kompetizzjoni possibbli, li nediet fit-2 ta’ Ġunju 202046, hija li tindirizza r-riskji strutturali għall-kompetizzjoni li jaf jirrikjedu intervent bikri biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ atturi tas-suq qawwijin b’pożizzjoni msaħħa fis-suq u/jew ta’ gwardjan. Dawn ix-xenarji ma jistgħux jiġu indirizzati fil-qafas tar-regoli attwali tal-kompetizzjoni imma jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ għodda ġdida ta’ investigazzjoni tas-suq li tippermetti lill-Kummissjoni tirrimedja kwalunkwe effett avvers fuq il-kompetizzjoni li jirriżulta minn problemi strutturali tal-kompetizzjoni bħal dawn.

60

Il-Kummissjoni tiċċara li wara l-adozzjoni b’suċċess tagħha ta’ deċiżjoni ta’ miżuri interim fl-2019, hija lesta li tkompli tapplika miżuri interim f’każijiet xierqa.

62

Il-Kummissjoni kienet proattiva fl-indirizzar ta’ sfidi ġodda li nħolqu minħabba żviluppi fis-swieq diġitali. Fl-2019 organizzat konferenza bl-isem “Shaping competition policy in the era of digitisation” b’għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati u akkademiċi kif ukoll ippubblikat rapport minn tliet konsulenti esterni għall-Kummissarju tal-Kompetizzjoni47.

Bejn l-2018 u l-2020, il-Kummissjoni nediet aġenda estensiva ta’ evalwazzjoni u rieżami tal-politika, inklużi għadd ta’ regolamenti, linji gwida u avviżi fil-qasam tal-antitrust u l-fużjonijiet, biex tiżgura li r-regoli jirriflettu r-realtà tan-negozju tal-lum, inkluż b’mod partikolari l-impatt tad-diġitalizzazzjoni48. Ir-rieżamijiet jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, u b’mod konformi mal-ittra ta’ missjoni tal-Viċi President Eżekuttiv Vestager49 u l-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni50.

Dan huwa proċess inklużiv li jinkludi konsultazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jkopru diversi snin. Pereżempju, ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għal Akkordji Vertikali51 u l-linji gwida, u r-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għal Akkordji Orizzontali52 u l-linji gwida, bħalissa qed jiġu rieżaminati minħabba l-iskadenza tagħhom fl-2022. L-Avviż dwar is-Suq Rilevanti wkoll qed jiġi rieżaminat. Fuq is-sit web tad-DĠ COMP tiġi ppubblikata skeda ta’ żmien tal-passi proċedurali tar-rieżamijiet varji biex ikun hemm trasparenza għall-pubbliku53.

Il-Kummissjoni imponiet multi għoljin, iżda ma għandha l-ebda aċċertament dwar l-effett deterrenti tagħhom

64

Il-Kummissjoni tinnota li filwaqt li għandha ċerta diskrezzjoni meta tiddetermina l-multa għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, trid tħares il-ġurisprudenza tal-qrati tal-UE u hija marbuta bil-linji gwida tagħha rigward multi.

70

Mill-esperjenza miksuba mill-ftit NCAs li kellhom regoli li kienu jobbligawhom jikkwantifikaw il-qligħ illegali għal skopijiet ta’ multi ħareġ li dan il-kompitu jġib miegħu diffikultajiet prattiċi enormi, inkluża d-diffikultà tal-identifikazzjoni ta’ “prezz kompetittiv” li miegħu jitqabbel b’mod preċiż is-sovradebitu. Anki jekk wieħed jassumi li huwa possibbli li dan isir, il-kalkolu ta’ profitti indebiti għall-finijiet tal-multi mhux biss ikun jeħtieġ riżorsi sinifikanti (kif rikonoxxut mill-QEA) imma x’aktarx itawwal ukoll ħafna investigazzjonijiet b’perjodu sinifikanti u jżid l-għadd u l-kumplessità tal-appelli. Min-naħa l-oħra dan jaffettwa l-kapaċità tal-Kummissjoni li tinvestiga għadd akbar ta’ każijiet f’mument partikolari, xi ħaġa li tista’ tnaqqas id-deterrenza. Barra minn hekk, it-tendenza ta’ investigazzjonijiet twal ħafna tista’ fiha nfisha taffettwa b’mod avvers id-deterrenza.

72

F’dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni ġenerali tal-effetti deterrenti tal-multi tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li fil-fatt hija ma wettqitx evalwazzjoni ġenerali imma diġà rieżaminat approċċi alternattivi proposti fid-dokumentazzjoni biex tivvaluta l-effetti deterrenti tal-politiki tal-infurzar tal-kartelli u tal-fużjonijiet.

Il-Kummissjoni kkooperat mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, iżda hemm lok għal titjib

75

Il-Kummissjoni tenfasizza li r-Regolament 1/2003 ma jagħti l-ebda setgħa lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-prijoritajiet tal-monitoraġġ tas-suq jew tal-infurzar fin-NEK. Barra minn hekk, kif rikonoxxut minn dan ir-rapport, illum mhux l-NCAs kollha għandhom is-setgħa biex jipprijoritizzaw bejn il-każijiet. Dik is-setgħa se tingħata bl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2019/1, li hija prevista għal Frar 2021. Madankollu, anki wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2019/1, kwalunkwe koordinazzjoni bħal din tkun dipendenti fuq il-qbil tal-NCAs mal-koordinazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-NCAs huma influwenzati minn kwistjonijiet speċifiċi fil-kuntest nazzjonali meta jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom u l-prijoritajiet nazzjonali mhux neċessarjament jikkoinċidu mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tenfasizza li żiedet il-kondiviżjoni tal-informazzjoni rigward inkjesti settorjali mal-NCAs fuq bażi volontarja u tuża applikazzjoni speċifika tal-IT għaliha. Mill-1 ta’ Novembru 2018 (id-data tal-ħruġ tal-għodda) sad-29 ta’ Ġunju 2020 ġew kondiviżi 22 inkjesta settorjali fin-NEK. Anki qabel l-inkjesti settorjali ppjanati jew li kienu għaddejjin kienu jiġu diskussi ta’ spiss kemm fil-laqgħat tas-sottogruppi settorjali kif ukoll fil-grupp ta’ ħidma għal ftehimiet vertikali, il-grupp ta’ ħidma għal ftehimiet orizzontali u l-abbuż kif ukoll il-grupp ta’ ħidma għas-swieq diġitali.

76

Il-Kummissjoni tirrimarka li d-Direttiva 2019/1 tintroduċi għodod minimi komuni u tiżgura li l-NCAs kollha jistgħu jimponu multi ta’ deterrent.

77

Il-Kummissjoni tirrimarka li f’każijiet fejn is-suq ġeografiku huwa nazzjonali, bħall-każijiet imsemmija, mhuwiex ovvju li investigazzjoni mill-Kummissjoni setgħet issolvi l-kwistjoni b’mod aktar effiċjenti.

Il-Kummissjoni tipprovdi biss informazzjoni limitata dwar il-kisba ta’ objettivi bħall-benessri tal-konsumatur

80

Il-Kummissjoni taqbel mad-dikjarazzjoni li bħalissa ma hemm l-ebda standard rikonoxxut internazzjonalment għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-ħidma importanti mwettqa mill-OECD u min-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN) f’dan il-qasam, li għaliha tikkontribwixxi anki l-Kummissjoni, għandha tiġi rikonoxxuta.

Il-Kummissjoni tirrimarka li l-OECD żviluppat indikaturi li jkejlu s-saħħa u l-ambitu tal-politiki fil-qasam tal-kompetizzjoni f’34 ġurisdizzjoni OECD u fi 15-il ġurisdizzjoni mhux OECD54.

Barra minn hekk, il-kejl tal-prestazzjoni tal-infurzar tal-Kummissjoni fil-kontroll tal-fużjonijiet u l-antitrust (bħala parti mill-qafas ġenerali tal-Kummissjoni) jinkludi wkoll rapportar dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni skont il-gwida żviluppata mill-OECD għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex tgħinhom jivvalutaw l-impatt mistenni tal-attivitajiet tagħhom55.

Il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li l-missjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Effettività tal-Aġenziji (Agency Effectiveness Working Group, AEWG) tan-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN) hija li tidentifika elementi ewlenin ta’ aġenzija tal-kompetizzjoni li tiffunzjona tajjeb u prattiki tajbin għall-istrateġija u l-ippjanar, l-operazzjonijiet, u l-għodod u l-proċeduri tal-infurzar. Il-mandat tal-AEWG huwa li jaqsam l-esperjenza fost il-membri tal-ICN u l-NGAs (> 130 membru madwar id-dinja) kif ukoll l-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin għall-effettività tal-aġenziji56.

81

It-tieni inċiż — Il-Kummissjoni tenfasizza li s-simulazzjonijiet mudell li jivvalutaw l-impatt tal-interventi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-fużjonijiet u projbizzjonijiet ta’ kartell fil-perjodu 2012-2018 ġew ippubblikati fl-2020. Is-simulazzjonijiet mudell mhux biss iqisu l-impatt makroekonomiku fuq it-tkabbir tal-PDG, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment, imma anki l-esternalitajiet, bejn is-setturi, tat-tnaqqis fil-prezz assoċjat mal-interventi tal-politiki tal-kompetizzjoni. Ħames industriji (vetturi bil-mutur, finanzi, telekomunikazzjonijiet, metalli bażiċi u elettronika) kienu fl-oriġini ta’ żewġ terzi tal-ammont totali ta’ esternalitajiet iġġenerati57.

82

Il-Kummissjoni tosserva li l-approċċ żviluppat mill-OECD jipprovdi l-metodoloġija tal-aħjar prattika rrakkomandata mill-OECD lill-Membri tagħha u għalhekk huwa aċċettabbli li jiġi applikat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Reċentement sar aktar xogħol mill-Kummissjoni fuq l-effett deterrenti tal-politika tal-kompetizzjoni, kif diġà ġie indikat.

83

Il-Kummissjoni tosserva li d-DĠ Kompetizzjoni jirrapporta fuq l-outputs u r-riżultati tagħha kull sena fl-ambitu tal-qafas tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni f’konformità mal-objettivi speċifiċi u l-kontribut tagħha għall-objettivi ġenerali definiti fil-livell tal-Kummissjoni, definiti bħala impatti aktar fit-tul fuq is-soċjetà. Filwaqt li d-definizzjoni tal-kontribut tal-outputs u tar-riżultati għall-effetti mill-Kummissjoni tista’ tkun ta’ sfida, trid issir ir-rabta fid-deskrizzjoni narrattiva tal-Pjan ta’ Ġestjoni u tar-Rapport Annwali tal-Attività, u mill-2016 ’l hawn anki fil-Pjan Strateġiku. Dan sar mid-DĠ Kompetizzjoni.

84

Il-Kummissjoni tosserva li l-NCAs jipparteċipaw fil-ħidma mwettqa f’dan il-qasam mill-OECD u min-Network Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN).

Fil-Grupp ta’ Ħidma Advocacy and Communication tan-NEK, il-Kummissjoni qasmet u ddiskutiet ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash (2009, 2014 u 2019) dwar il-perċezzjoni, min-naħa taċ-ċittadini tal-UE, tal-objettivi ewlenin tal-politika tal-kompetizzjoni u tal-problemi tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri u fl-UE. Il-Kummissjoni qasmet u skambjat ukoll ir-riżultati tagħha tal-Eurobarometer Stakeholder Survey (2009 u 2014) mal-Grupp ta’ Ħidma, użati fil-kejl tal-prestazzjoni.

Il-Grupp ta’ Ħidma kellu wkoll skambju ta’ opinjonijiet dwar ir-riformi strutturali fil-livell tal-Istati Membri (inkluża l-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi u f’setturi speċifiċi), fil-kuntest taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni fasslet u ppubblikat, flimkien mal-NCAs, rapporti dwar kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u dwar azzjonijiet ta’ infurzar fil-qasam tal-ikel u l-farmaċewtiċi, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri individwali.

85

L-evalwazzjonijiet huma komponent ewlieni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fuq inizjattivi politiċi u leġiżlattivi (l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar). Proposti importanti għal reviżjoni maġġuri tal-leġiżlazzjoni/linji gwida għandhom ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tal-qafas tal-politika diġà fis-seħħ. L-analiżi ex post tad-deċiżjonijiet ta’ infurzar individwali tikkomplementa l-evalwazzjonijiet relatati mar-rieżami tal-oqfsa politiċi fl-ambitu tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Il-Kummissjoni wettqet ukoll rieżamijiet ex post tal-azzjoni ta’ infurzar tagħha imma tinnota li analiżi ex post perjodika tal-intervent tal-politiki tal-kompetizzjoni f’setturi partikolari, jew ta’ deċiżjonijiet partikolari, tirrikjedi aktar investiment u riżorsi aktar dedikati li bħalissa mhumiex disponibbli fid-DĠ Kompetizzjoni.

86

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li prinċipalment minħabba nuqqas ta’ riżorsi hija ma twettaqx evalwazzjonijiet ex post fuq bażi sistematika jew regolari.

Madankollu, meta l-istrumenti politiċi jaslu għal rieżami, il-Kummissjoni tapplika l-qafas tal-evalwazzjoni fil-kuntest tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, hija evalwat għadd ta’ interventi fir-rigward ta’ fużjonijiet u antitrust f’setturi speċifiċi bħall-enerġija u t-telekomunikazzjoni. Dawn is-setturi kienu identifikati bħala prijoritajiet fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Minkejja l-fatt li dawn l-evalwazzjonijiet ma kinux neċessarjament ibbażati fuq kampjun rappreżentattiv tal-każijiet, jistgħu jinsiltu xi tagħlimiet għall-infurzar futur.

Il-Kummissjoni wettqet għadd ta’ evalwazzjonijiet ex post: (1) żewġ fużjonijiet fis-suq tal-HDD (fl-istudju tal-fattibbiltà tal-2017); (2) każ wieħed ta’ fużjoni u każ wieħed ta’ antitrust fl-istudju tal-2017 dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni; (3) każ wieħed ta’ fużjoni u każ wieħed ta’ antitrust fl-istudju tal-2016 dwar is-suq tal-enerġija; u (4) żewġ fużjonijiet fl-istudju tal-2015 dwar is-suq tat-telekomunikazzjoni.

Ir-rappurtar tal-Kummissjoni ffoka fuq l-attivitajiet pjuttost milli fuq l-impatt

88

Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kull sena, mhux l-informazzjoni kollha relatata ma’ każijiet tista’ tiġi kkunsidrata bis-sħiħ f’dawn ir-rapporti. Madankollu, it-trasparenza hija garantita wkoll permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa meta l-Kummissjoni tibda jew tagħlaq il-proċedimenti ta’ investigazzjoni. Jekk l-attenzjoni tal-Kummissjoni kienet iffukata fuq aspetti tal-prezz u tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi, ġeneralment dawn l-aspetti jissemmew u r-referenzi għal aktar dettalji fid-deċiżjoni jkunu indikati fin-noti f’qiegħ il-paġna.

Aktar rappurtar dwar l-impatti tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jista’ jinkiseb biss permezz ta’ aktar evalwazzjonijiet ex post ta’ deċiżjonijiet individwali tal-infurzar, li jistgħu jsegwu xi snin wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u għalhekk huma inqas adattati għal dawn iż-żewġ rapporti annwali u aktar jipprovdu gwida għall-infurzar futur.

89

Il-Kummissjoni tosserva li l-kooperazzjoni fin-NEK hija rrappurtata kemm fl-ACR kif ukoll fl-AAR fuq bażi annwali.

Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tqajjem diskussjoni fin-NEK dwar il-kwistjoni tal-immappjar tal-aħjar prattiki għar-rappurtar u għall-prestazzjoni tan-NEK fl-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE. Madankollu, tosserva li l-NCAs jirrappurtaw fuq l-attivitajiet u l-prestazzjoni tagħhom skont il-preferenzi tagħhom u li l-Kummissjoni ma għandhiex rwol jew l-aħħar kelma fil-kwistjoni.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

91

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-konklużjoni tal-QEA u hija lesta li tkompli tiżviluppa l-kapaċità tagħha li diġà hija stabbilita sew biex tidentifika każijiet ta’ ksur. Fl-istess ħin, kif osservat il-QEA, ċerti tipi ta’ monitoraġġ jirrikjedu ħafna riżorsi u jistgħu jissaħħu biss jekk ir-riżorsi korrispondenti jsiru disponibbli. Il-Kummissjoni tenfasizza li qed tindirizza b’mod attiv l-isfidi relatati ma’ kwistjonijiet bħas-swieq diġitali, u bħalissa għaddejjin evalwazzjonijiet u rieżamijiet sinifikanti58 biex tiżgura li l-għodod tagħha jkunu adattati għall-iskop tagħhom imma ħafna minn dawn il-proċessi (leġiżlazzjoni, IT, eċċ.) għandhom ċertu ħinijiet ta’ risposta obbligatorji. Id-DĠ Kompetizzjoni huwa mitlub jirrapporta dwar l-iżviluppi ewlenin tal-politika u l-kisbiet ewlenin fir-rappurtar annwali tiegħu (outputs u riżultati). Il-Kummissjoni tosserva li fil-mument tal-adozzjoni ta’ kull intervent ewlieni tal-Kummissjoni fl-antitrust u fil-kontroll tal-fużjonijiet, l-impatt tal-intervent fuq iċ-ċittadini tal-UE huwa spjegat fi stqarrija għall-istampa. Il-Kummissjoni inkludiet stima tal-iffrankar għall-konsumaturi bħala indikatur tar-riżultat fir-Rapport Annwali tal-Attività tagħha.

92

Il-Kummissjoni tosserva li l-investigazzjonijiet ta’ inizjattiva proprja jikkostitwixxu l-maġġoranza tad-deċiżjonijiet antitrust li ma jirrigwardawx kartelli. L-għadd ta’ każijiet ta’ inizjattiva proprja rreġistrati ġodda kull sena huwa suxxettibbli għal varjazzjoni konsiderevoli u jrid jitqies kemm fir-rigward ta’ każijiet li diġà għaddejjin kif ukoll tal-għadd ta’ lmenti ġodda li jiġu investigati.

93

Anki awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni madwar id-dinja qed josservaw tnaqqis fl-applikazzjonijiet għall-klemenza.

94

Il-Kummissjoni tapplika proċedura dettaljata għad-definizzjoni tal-prijoritajiet, li tibbilanċja għadd ta’ kriterji. Dawn il-kriterji mhumiex adattati għall-ponderazzjoni matematika, peress li jinkludu wkoll kwistjonijiet bħall-valur ta’ preċedent u jekk id-dritt tal-kompetizzjoni huwiex ir-risposta l-aktar effettiva — u jekk iva, jekk hux fil-livell tal-UE jew nazzjonali.

Rakkomandazzjoni 1 – Iżżid il-probabbiltà ta’ detezzjoni tal-ksur

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

L-ewwel parti tar-rakkomandazzjoni hija aċċettata, għalkemm il-Kummissjoni tinnota li aktar investimenti f’kapaċitajiet proattivi ta’ informazzjoni u proċessar ex officio jkunu jirrikjedu li jkunu disponibbli riżorsi suffiċjenti.

Il-Kummissjoni ma taċċettax it-tieni parti tar-rakkomandazzjoni. Hija tqis li l-metodoloġija tagħha għad-definizzjoni tal-prijorità fi kwistjonijiet ta’ antitrust, inkluż rieżami ta’ għadd ta’ kriterji essenzjali, hija bbilanċjata sew biex tagħti prijorità lil dawk il-każijiet ta’ ksur potenzjali li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern. Tqis ukoll li mhuwiex xieraq li tkun inkluża ponderazzjoni numerika fil-metodoloġija tad-definizzjoni tal-prijoritajiet.

95

Fir-rigward tal-ambitu għal aktar simplifikazzjoni, il-Kummissjoni tinnota li bħalissa għaddejja evalwazzjoni dwar xi aspetti tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni mistennija kmieni fl-2021.

Fir-rigward tal-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni tinnota li tiddependi fuq ġabriet ta’ data u informazzjoni differenti. Il-Kummissjoni kkunsidrat il-possibbiltà li tintroduċi tariffi għall-preżentazzjoni fl-2018. Peress li ma kinitx tidher li tikkostitwixxi sors promettenti ta’ riżorsi finanzjarji sinifikanti, hija għażlet il-programm għall-kompetizzjoni fl-ambitu tal-Programm għas-Suq Uniku fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2021-2027.

96

Għaddejja evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ċerti aspetti tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE, inkluż, fost l-oħrajn, l-effettività tal-limiti tal-fatturat biex it-tranżazzjonijiet rilevanti kollha jiġu koperti fil-qafas tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet.

97

Il-Kummissjoni tosserva li l-kwalità, ir-rilevanza u l-veloċità tal-investigazzjonijiet huma kollha importanti fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni. L-investigazzjonijiet għandhom ikunu rapidi, imma jridu jsiru wkoll bir-reqqa u jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża. Il-Kummissjoni kontinwament tara kif tista’ tagħmel il-proċedimenti aktar effiċjenti (eż. il-prattika ġdida ta’ kooperazzjoni), imma fl-istess waqt l-investigazzjonijiet qed isiru aktar kumplessi. Il-qrati tal-UE jaraw li l-Kummissjoni tosserva standards għoljin ħafna f’termini sostanzjali u proċedurali.

98

Kif spjegat aktar fid-dettall fit-tweġiba għall-paragrafu 62, il-Kummissjoni bħalissa qed tirrieżamina għadd ta’ regolamenti, avviżi u linji gwida. Ir-rieżamijiet jitwettqu fil-qafas tal-prinċipji tal-Aġenda tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u fuq is-sit web ta’ DĠ COMP hija ppubblikata kronoloġija tal-passi proċedurali. Fit-2 ta’ Ġunju 2020 nediet ukoll valutazzjoni tal-impatt għal Għodda Ġdida tal-Kompetizzjoni possibbli biex tindirizza ċerti riskji strutturali għall-kompetizzjoni li jaf jirrikjedu intervent bikri59.

99

Il-metodoloġija tal-immultar tal-Kummissjoni essenzjalment għandha l-għan li tissanzjona l-ksur u tkun ta’ deterrenza għal każijiet ta’ ksur futuri. Il-Kummissjoni diġà wettqet rieżami ta’ approċċi alternattivi biex tivvaluta l-effetti deterrenti tal-politiki tal-infurzar tal-kartelli u tal-fużjonijiet.

Rakkomandazzjoni 2 – Iżżid l-effettività tal-infurzar tal-kompetizzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni 2(a).

Il-Kummissjoni taċċetta li teżamina modi possibbli biex tottimizza l-proċeduri tal-fużjonijiet u l-ġestjoni tal-każijiet, imma ma tistax tippreġudika l-eżitu tal-evalwazzjoni li għaddejja tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ xi aspetti tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni ma taċċettax it-tieni parti tar-rakkomandazzjoni dwar it-tariffi għall-preżentazzjoni tal-fużjonijiet.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2(b).

Il-Kummissjoni se tkompli bir-rieżami li diġà beda ta’ għadd ta’ regolamenti, linji gwida u avviżi, f’konformità mal-passi indikati fl-iskeda ta’ żmien imsemmija fit-tweġiba tagħha għall-paragrafi 62 u 98. Se tkompli tidentifika wkoll il-ħtieġa għal aktar rieżamijiet.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2(c).

Rakkomandazzjoni 3 – Tuża aħjar il-potenzjal tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 3.

Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li xi NCAs għad ma għandhomx is-setgħa li jipprijoritizzaw bejn il-każijiet peress li huma marbuta bil-prinċipju tal-legalità. Madankollu, din is-setgħa tingħata bid-Direttiva 2019/1.

Il-Kummissjoni tinnota li f’każijiet fejn is-suq ġeografiku huwa nazzjonali mhuwiex ovvju li investigazzjoni mill-Kummissjoni tkun is-soluzzjoni l-aktar effiċjenti.

101

Bħal awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wkoll tippubblika informazzjoni fuq l-output, kemm fir-rappurtar tagħha, pereżempju fuq deċiżjonijiet, multi, dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet u l-bidu ta’ proċeduri, kif ukoll permezz tal-istqarrijiet għall-istampa kważi ta’ kuljum tagħha dwar azzjonijiet ta’ infurzar importanti. Dan huwa importanti peress li l-attività u l-azzjonijiet tal-infurzar, inklużi l-multi, għandhom effett deterrenti fuq l-imġiba tal-operaturi ekonomiċi. Id-DĠ Kompetizzjoni ma jistabbilixxix miri kwantitattivi għall-attività tal-infurzar, peress li skont id-definizzjoni l-infurzar huwa reattiv għas-sitwazzjonijiet tas-suq u b’hekk il-kwantità ta’ każijiet jew deċiżjonijiet ma tistax tkun ipprogrammata.

Rakkomandazzjoni 4 – Ittejjeb ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 4(a).

Il-Kummissjoni tinnota li riżorsi addizzjonali huma essenzjali biex ikunu possibbli aktar evalwazzjonijiet ex post tad-deċiżjonijiet tal-infurzar. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tkun soġġetta għad-disponibbiltà ta’ riżorsi suffiċjenti.

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni 4(b).

Il-Kummissjoni tinnota li l-OECD wettqet analiżijiet fil-fond tad-dritt u tal-politiki tal-kompetizzjoni f’ġurisdizzjonijiet differenti (inkluż fl-Unjoni Ewropea) mill-1998 ’l hawn. L-OECD hija fil-pożizzjoni ideali biex twettaq evalwazzjonijiet bejn il-pari bħal dawn fil-futur għax hi indipendenti u għandha l-għarfien espert meħtieġ. Il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tobbliga lill-NCAs jinvolvu ruħhom f’dawn l-evalwazzjonijiet bejn il-pari. Madankollu, tinnota li l-NCAs jipparteċipaw fil-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Effettività tal-Aġenziji tal-ICN.

Tim tal-awditjar

Alex Brenninkmeijer (Membru tal-QEA)

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti ta’ ġestjoni relatati ma’ oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan ir-rapport twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar – li hija mmexxija minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal-QEA – u li tiffoka fuq l-oqsma ta’ regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva. L-awditu tmexxa minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal-Qorti, li ngħata appoġġ minn Raphael Debets, Kap tal-Kabinett, Di Hai, Attaché tal-Kabinett, u Marion Colonerus, Maniġer Prinċipali.

Sven Kölling kien il-Kap tal-Kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Agnieszka Plebanowicz, Aleksandar Latinov u Giorgos Tsikkos. Richard Moore pprovda appoġġ lingwistiku.

Noti finali

1 L-Artikolu 101(1) TFUE, ĠU C 326, 26.10.2012, p. 47.

2 L-Artikolu 101(3) TFUE. Il-Kummissjoni tista’ ġeneralment tirrikonoxxi ċerti tipi ta’ akkordji jew prattiki kummerċjali bħala prokompetittivi u teżentahom mill-projbizzjoni ġenerali (“regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija”) jew tivvaluta f’każijiet individwali jekk l-effetti prokompetittivi ta’ akkordju jegħlbux l-effetti antikompetittivi.

3 L-Artikolu 102 TFUE.

4 Għall-objettivi legali tal-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE ara l-Anness I.

5 L-Artikolu 105 TFUE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat; ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

6 Il-Pjan Strateġiku 2016-2020 tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/comp_sp_2016_2020_en.pdf

7 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”); ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

8 L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

9 Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3.

10 L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

11 L-Artikoli 53-65 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea; ĠU L 1, 3.1.1994, p 3.

12 L-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

13 L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

14 L-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Bħala regola, dan huwa (i) fatturat dinji kkombinat ta’ aktar minn EUR 5 biljun tal-kumpaniji kollha li jkunu l-oġġett ta’ fużjoni, u (ii) fatturat fl-UE kollha ta’ mill-inqas tnejn mill-kumpaniji ta’ aktar minn EUR 250 miljun kull waħda. It-tranżazzjonijiet huma suġġetti wkoll għall-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE fejn il-kumpaniji li jkunu l-oġġett ta’ fużjoni jkollhom (i) fatturat dinji ta’ aktar minn EUR 2.5 biljun, (ii) fatturat ikkombinat ta’ mill-inqas tlett Stati Membri ta’ aktar minn EUR 100 miljun f’kull wieħed, (iii) fatturat ta’ aktar minn EUR 25 miljun għal kull waħda ta’ mill-inqas tnejn mill-kumpaniji f’kull Stat Membru inkluż taħt ii, u (iv) fatturat fl-UE kollha ta’ aktar minn EUR 100 miljun għal kull waħda ta’ mill-inqas tnejn mill-kumpaniji.

15 Il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands u l-Portugall.

16 Dan l-aħħar eżaminajna l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji min-naħa tal-Kummissjoni. Ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2020: “Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE: jeħtieġ li tiġi vverifikata l-idoneità tiegħu”: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR20_21/SR_state_aid_MT.pdf. Fl-2016, aħna konna awditjajna r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni. Ara r-Rapport Speċjali 24/2016 “Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni”: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR16_24/SR_STATE_AIDS_MT.pdf

17 L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

18 Bejn l-2010 u l-2018, l-għadd ta’ postijiet fid-DĠ COMP tnaqqas kemxejn minn 830 għal 804. Fil-31 ta’ Diċembru 2018, id-DĠ COMP kellu 77 post fl-unitajiet tal-kartelli, 171 post f’unitajiet operattivi tal-antitrust mhux tal-kartelli u 117-il post f’unitajiet operattivi tal-fużjonijiet.

19 Mill-2005 ’l hawn, il-Kummissjoni wettqet inkjesti settorjali għas-servizzi finanzjarji (2005), fis-settur tal-enerġija (2005 – 2007), fis-settur farmaċewtiku (2008) u għall-kummerċ elettroniku (2015); https://ec.europa.eu/competition/antitrust/sector_inquiries.html

20 Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea; ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1.

21 Fl-EU-28, jeżistu skemi li jippremjaw lill-informaturi fl-Ungerija, il-Litwanja, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

22 Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU C 45, 24.2.2009, p. 7).

23 L-iskadenzi għall-ikkompletar ta’ investigazzjoni tal-Fażi II hija ta’ 90 jum b’xi possibiltajiet ta’ estensjoni sa durata massima ta’ 125 jum tax-xogħol.

24 Il-proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta’ programm għas-suq uniku, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u għall-istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, (UE) Nru 258/2014, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 2017/826; 18.6.2018.

25 Il-Kummissjoni Ewropea, “Competition policy for the digital era”, rapport minn Jacques Crémer, Yves-Alexandre de Montjoye u Heike Schweitzer, 2019, https://ec.europa.eu/competition/publications/reports/kd0419345enn.pdf.

26 Fl-2017, il-Ġermanja u l-Awstrija ddeċidew li jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-valur ta’ fużjoni.

27 Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur medjan, dan huwa ta’ 3.8 snin.

28 Id-Dikjarazzjoni tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-27.8.2018, https://edpb.europa.eu/sites/edpb/files/files/file1/edpb_statement_economic_concentration_en.pdf

29 Big data: Bringing competition policy to the digital era, DAF/COMP(2016)14, OECD, 2016.

30 Ara r-rapport finali “Competition Policy for the Digital Era” tal-grupp ta’ esperti stabbilit mill-Kummissjoni , li identifika l-isfidi u għamel rakkomandazzjonijiet.

31 L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

32 L-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5).

33 Il-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU C 45, 24.2.2009, p. 7).

34 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE, ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1. Ir-Regolament jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2022.

35 Il-Memorandum ta’ Ottubru 2019, https://www.belgiancompetition.be/en/about-us/publications/joint-memorandum-belgian-dutch-and-luxembourg-competition-authorities

36 L-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

37 L-avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (Avviż dwar in-NEK), ĠU C 101, 27.4.2004, p. 43.

38 Għal lista ta’ indikaturi tal-prestazzjoni tad-DĠ COMP dwar il-kontroll tal-fużjonijiet u l-antitrust, ara l-Anness IV.

39 Guide helping competition authorities assess the expected impact of their activities, OECD, April 2014; http://www.oecd.org/daf/competition/Guide-competition-impact-assessmentEN.pdf

40 OECD (2016), Reference guide on ex-post evaluation of competition agencies’ enforcement decisions, http://www.oecd.org/daf/competition/Ref-guide-expost-evaluation-2016web.pdf

41 Għad-dettalji ara http://ec.europa.eu/competition/publications/reports_en.html

42 https://ec.europa.eu/competition/publications/annual_report/index.html

43 https://ec.europa.eu/info/publications/annual-activity-reports-2018_mt.

44 OECD Country Studies - European Commission - Peer Review of Competition Law and Policy, http://www.oecd.org/eu/35908641.pdf.

45 Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (Test b’rilevanza għaż-ŻEE.) PE/42/2018/REV/1, ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3–33.

46 Ara https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12416-New-competition-tool.

47 Ara https://ec.europa.eu/competition/scp19/conference_en.html.

48 Dan jinkludi fost l-oħrajn l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq tal-Kummissjoni għal każijiet ta’ antitrust kif ukoll ta’ fużjoni fl-industriji differenti; ir-Regolament tal-Kummissjoni ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għal Akkordji Vertikali u l-Linji Gwida Vertikali li jakkumpanjawh, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Riċerka u Żvilupp u Speċjalizzazzjoni (flimkien “HBERs”) u l-Linji Gwida Orizzontali li jakkumpanjawhom; ir-Regolament tal-Kummissjoni ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur, l-Għodda l-Ġdida tal-Kompetizzjoni, l-evalwazzjoni ta’ aspetti proċedurali u ġurisdizzjonali tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE, White Paper fuq is-sussidji barranin.

49 https://ec.europa.eu/commission/commissioners/sites/comm-cwt2019/files/commissioner_mission_letters/mission-letter-margrethe-vestager_2019_en.pdf.

50 https://ec.europa.eu/info/publications/2020-commission-work-programme-key-documents_mt.

51 Ara https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/1936-Evaluation-of-the-Vertical-Block-Exemption-Regulation.

52 Ara https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/11886-Evaluation-of-EU-competition-rules-on-horizontal-agreements/public-consultation.

53 https://ec.europa.eu/competition/antitrust/legislation/timeline_table_M_AT_final.pdf.

54 Ara d-Dokument ta’ Ħidma: Alemani, E., et al. (2013), “New Indicators of Competition Law and Policy in 2013 for OECD and non-OECD Countries”, OECD Economics Department Working Papers, No. 1104, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/5k3ttg4r657h-en.

55 OECD 2014, http://www.oecd.org/daf/competition/Guide-competition-impact-assessmentEN.pdf.

56 Ir-Rapport dwar l-Effettività tal-Aġenziji l-aktar reċenti tiegħu kien ippubblikat fl-2019: https://www.internationalcompetitionnetwork.org/wp-content/uploads/2019/05/AEWG-Organisational-design-2019-report.pdf.

57 Ara Ilzkovitz et al. (2020), “The macroeconomic and sectoral impact of competition policy”, Chapter 13 in Ex post economic evaluation of competition policy: The EU experience, Wolters Kluwer.

58 Dan jinkludi fost l-oħrajn l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq tal-Kummissjoni għal każijiet ta’ antitrust kif ukoll ta’ fużjoni fl-industriji differenti; ir-Regolament tal-Kummissjoni ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għal Akkordji Vertikali u l-Linji Gwida Vertikali li jakkumpanjawh, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija ta’ Riċerka u Żvilupp u Speċjalizzazzjoni (flimkien “HBERs”) u l-Linji Gwida Orizzontali li jakkumpanjawhom; ir-Regolament tal-Kummissjoni ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur, l-Għodda l-Ġdida tal-Kompetizzjoni, l-evalwazzjoni ta’ aspetti proċedurali u ġurisdizzjonali tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE, White Paper fuq is-sussidji barranin.

59 Ara l-istqarrija għall-istampa fuq https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_977.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 24.4.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 17.6.2020
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 6.10.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 26.10.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-5393-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/236668 QJ-AB-20-022-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-5372-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/109094 QJ-AB-20-022-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Figura 10: © OECD (2016), Reference guide on ex-post evaluation of competition agencies’ enforcement decisions,
http://www.oecd.org/daf/competition/Ref-guide-expost-evaluation-2016web.pdf
It-traduzzjoni ta’ din il-figura ma saritx mill-OECD u ma għandiex titqies bħala traduzzjoni uffiċjali mwettqa minn din tal-aħħar. L-OECD ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe kontenut jew żball f’din it-traduzzjoni.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.