
Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE
Dwar ir-rapport:
Fi ħdan l-Unjoni Doganali tal-UE, l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri hija neċessarja biex tipprevieni lill-importaturi frodulenti milli jimmiraw punti ta’ dħul fil-fruntieri b’livell ta’ kontrolli iktar baxx. Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni neċessarja biex tiżgura li l-Istati Membri japplikaw il-kontrolli doganali b’mod uniformi. Biex tilħaq dan l-objettiv, reċentement il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar Kriterji u Standards għar-Riskji Finanzjarji. Din hija akkumpanjata minn gwida li ġiet approvata mill-Istati Membri. Flimkien, dawn iż-żewġ dokumenti jiffurmaw il-qafas tar-riskju finanzjarju doganali.
F’dan l-awditu aħna vvalutajna jekk id-deċiżjoni u l-gwida relatata ta’ hawn fuq li ġew żviluppati mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni fl-Istati Membri kinux imfassla b’mod li jiżgura għażla armonizzata tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni għall-kontroll, u kif l-Istati Membri kienu qed jimplimentawhom.
Aħna kkonkludejna li l-implimentazzjoni tal-qafas tar-riskju finanzjarju doganali l-ġdid hija pass importanti lejn l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli. Madankollu, il-qafas mhuwiex imfassal tajjeb biżżejjed biex jiżgura li l-Istati Membri jagħżlu l-kontrolli b’mod armonizzat. Barra minn hekk, l-Istati Membri jimplimentaw id-deċiżjoni u l-gwida ta’ hawn fuq b'modi differenti.
Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali, u biex tiżviluppa u timplimenta kapaċità sħiħa ta’ analiżi u ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Biex isir progress, se jkunu rikjesti l-appoġġ tal-Istati Membri u, fejn neċessarju, l-approvazzjoni tagħhom.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IL-Unjoni Doganali tal-UE nħolqot aktar minn 50 sena ilu. Fil-qasam tad-dwana, l-UE għandha kompetenza esklużiva biex tadotta leġiżlazzjoni, filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, inklużi l-kontrolli doganali. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-ibbilanċjar tal-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ, bi proċeduri ta’ importazzjoni aktar rapidi u mingħajr xkiel, u l-ħtieġa li jiġu applikati l-kontrolli doganali. Id-dazji doganali li nġabru fl-2019 ammontaw għal EUR 21.4 biljun, li jirrappreżentaw 13 % tad-dħul tal-baġit tal-UE.
IIL-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri hija neċessarja biex tipprevieni lill-importaturi frodulenti milli jimmiraw punti ta’ dħul fil-fruntieri b’livell ta’ kontrolli iktar baxx. Il-leġiżlazzjoni doganali prinċipali tal-UE, il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni neċessarja, li bdiet fl-2016, biex tiżgura li l-Istati Membri japplikaw il-kontrolli doganali b’mod uniformi. B’segwitu għal dan l-objettiv, fl-2018 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar Kriterji u Standards għar-Riskji Finanzjarji (id-“deċiżjoni dwar l-FRC”) sabiex tarmonizza l-għażla, li tkun saret mill-Istati Membri, ta’ importazzjonijiet għall-kontrolli. Din id-Deċiżjoni hija akkumpanjata minn gwida, li ġiet approvata mill-Istati Membri fl-2019. Dawn iż-żewġ dokumenti (id-deċiżjoni dwar l-FRC, u l-gwida) flimkien jiffurmaw il-qafas tar-riskju finanzjarju doganali. Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu fid-dawl tal-introduzzjoni ta’ dan il-qafas regolatorju l-ġdid.
IIIIvvalutajna jekk il-qafas ta’ hawn fuq li ġie żviluppat mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni fl-Istati Membri kienx imfassal b’mod li jiżgura għażla armonizzata tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni għall-kontroll, u kif l-Istati Membri kienu qed jimplimentaw dan il-qafas. L-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC u tal-gwida hija pass importanti lejn l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali. Madankollu, il-qafas mhuwiex imfassal tajjeb biżżejjed biex jiżgura li l-Istati Membri jagħżlu l-kontrolli li jridu jagħmlu fuq id-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni b’mod armonizzat. Barra minn hekk, l-Istati Membri jimplimentaw il-qafas b’modi differenti.
IVId-deċiżjoni dwar l-FRC ma tiddefinix tajjeb il-kunċett ta’ riskju u mhijiex dettaljata suffiċjentement. Aħna sibna wkoll li l-qafas għandu nuqqas ta’ karatteristiċi importanti, bħal: analiżi fil-livell tal-UE kollha, ibbażata fuq data mill-importazzjonijiet kollha tal-UE; tekniki xierqa għall-estrazzjoni ta' data; u metodi xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji finanzjarji għall-importazzjonijiet li jirriżultaw mill-kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, il-qafas ma jipprovdix arranġamenti adegwati għall-monitoraġġ u r-rieżaminar tal-applikazzjoni tiegħu.
VL-Istati Membri bdew jimplimentaw il-qafas tal-Kummissjoni, l-aktar b’eżerċizzju ta’ mmappjar tal-kriterji li qabel kienu jużaw biex jimmiraw importazzjonijiet suspettużi (“profili tar-riskju”) għall-kriterji korrispondenti mid-deċiżjoni. Madankollu, għall-Istati Membri li saritilhom żjara, l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC ma biddlitx sinifikattivament il-proċeduri tal-għażla tagħhom għall-kontroll. Aħna sibna li l-Istati Membri ma interpretawx is-sinjali ta’ riskju bl-istess mod, u dan irriżulta fi kriterji differenti għall-għażla tal-importazzjonijiet għall-kontroll. Sibna wkoll li l-Istati Membri kienu jikkondividu biss informazzjoni limitata ħafna ma' xulxin dwar l-importaturi vvalutati bħala riskjużi. Dan huwa ta' tfixkil għal proċeduri tal-għażla għall-kontroll li suppost ikunu effettivi u armonizzati.
VISkont il-qafas, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-għadd ta’ kontrolli rakkomandati li jirriżultaw mill-analiżi tar-riskju tagħhom għal livell li huwa fattibbli abbażi tar-restrizzjonijiet fir-riżorsi tagħhom. Aħna osservajna li l-Istati Membri ma applikawx proċeduri simili għat-tnaqqis tal-għadd ta’ kontrolli, li wassal għal prattiki nazzjonali differenti biex jindirizzaw riskji simili. Sibna wkoll li xi Stati Membri ma kinux issuġġettaw id-dikjarazzjonijiet kollha għal analiżi tar-riskju awtomatizzata kif meħtieġ mid-deċiżjoni dwar l-FRC.
VIIAħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali, u biex tiżviluppa u timplimenta kapaċità sħiħa ta’ analiżi u ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE.
Introduzzjoni
L-Unjoni Doganali hija importanti għall-kummerċ u d-dħul tal-UE
01Fl-2018, l-UE ċċelebrat il-50 anniversarju tal-Unjoni Doganali. L-Unjoni Doganali hija bbażata fuq l-eliminazzjoni ta’ dazji doganali u restrizzjonijiet oħra fuq il-kummerċ bejn il-pajjiżi parteċipanti, u l-istabbiliment ta’ dazji doganali komuni fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Dan huwa qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-UE1, fejn l-UE tiddefinixxi l-biċċa l-kbira mill-politika doganali u tadotta l-leġiżlazzjoni doganali. Madankollu, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali hija primarjament tal-Istati Membri2, u tinkludi l-ġbir tad-dazji doganali għall-UE u l-applikazzjoni tal-kontrolli doganali.
02L-UE tiddependi mill-fluss effiċjenti tal-merkanzija lejn l-Unjoni Doganali u ’l barra minnha. Skont l-istatistika l-aktar reċenti li hemm disponibbli3, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-UE flimkien kellhom valur approssimattiv ta’ madwar EUR 4 triljun fl-2019 (li jirrappreżentaw madwar 25 % tal-PDG tal-UE). Dan juri l-impatt tal-kummerċ internazzjonali fuq l-attività ekonomika tal-UE, u l-importanza tal-Unjoni Doganali. Il-Figura 1 turi l-pajjiżi ta’ oriġini l-aktar importanti tal-importazzjonijiet tal-UE u l-merkanzija prinċipali importata.
Figura 1
Importazzjonijiet ta’ merkanzija fl-UE fl-2019: il-pajjiżi prinċipali li jesportaw lejn l-UE
Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), abbażi ta' Comext tal-Eurostat, is-sett ta’ data “EU Trade Since 1988 by HS2, 4, 6 and CN8 (DS-045409)”.
Barra minn hekk, id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet huma sors importanti ta’ dħul tal-baġit tal-UE, u kienu jammontaw għal EUR 21.4 biljun (13 % tat-total) fl-2019. Il-Figura 2 turi l-valuri tal-2019 tal-importazzjonijiet tal-Istati Membri, id-dazji li huma għamlu disponibbli għall-baġit tal-UE u l-20 % li huma żammew biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir tagħhom.
Figura 2
Importazzjonijiet u dazji tal-UE miġbura fl-2019
Sorsi: il-QEA, abbażi ta’ Comext tal-Eurostat, is-sett ta’data “EU Trade Since 1988 by HS2, 4, 6 and CN8 (DS-045409)”; il-Kontijiet Annwali tal-Unjoni Ewropea, is-sena finanzjarja 2019.
L-analiżi tar-riskju u l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali huma essenzjali għall-ġbir effettiv tad-dazji tal-importazzjoni
04L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri huma responsabbli għall-ġbir tad-dazji doganali, tad-dazji tas-sisa u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fl-importazzjoni. Huma jsegwu wkoll bosta objettivi oħra, bħat-titjib tas-sigurtà interna tal-UE, il-protezzjoni tal-UE minn kummerċ inġust u illegali, u l-protezzjoni tal-ambjent. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu saret prijorità għall-awtoritajiet doganali.
05Hija sfida għall-awtoritajiet doganali biex jiksbu bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ, bi proċeduri ta’ importazzjoni li jkunu aktar rapidi u fl-assjem tagħhom, u l-ħtieġa li jiġu applikati kontrolli doganali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżorsi disponibbli f’pajjiżhom. F’awditu preċedenti4 aħna sibna li hemm diżinċentiv għall-Istati Membri biex iwettqu kontrolli doganali. Dan għaliex, ta’ spiss, l-Istati Membri li jwettqu kontrolli doganali jispiċċaw ibatu l-konsegwenzi finanzjarji tal-azzjoni tagħhom jekk ma jirnexxilhomx jagħmlu rkupri mingħand l-importaturi. L-Istati Membri li ma jwettqux tali kontrolli jista’ jkun li ma jsofru l-ebda konsegwenza negattiva. Sabiex jottimizzaw l-attivitajiet tagħhom, l-importaturi jistgħu jiffavorixxu punti ta’ dħul b’inqas kontrolli doganali.
06Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU)5 jiddefinixxi “riskju”6 bħala “l-probabbiltà u l-impatt ta’ avveniment li jista’ jiġri (...), li: (a) jimpedixxi l-applikazzjoni korretta tal-miżuri tal-Unjoni jew dawk nazzjonali; (b) jikkomprometti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; jew (c) ikun ta’ theddida għas-sigurtà u s-sikurezza tal-Unjoni u r-residenti tagħha, għal saħħet il-bniedem, l-annimali jew il-pjanti, għall-ambjent jew għall-konsumaturi”. Ir-riskji finanzjarji huma dawk li jikkompromettu l-interess finanzjarju tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.
07Fil-kompendju tal-ġestjoni tar-riskji tagħha, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) tindika li, biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ riskju, jenħtieġ li titwettaq analiżi tal-probabbiltà kif ukoll tal-konsegwenzi u l-kobor potenzjali tiegħu7. L-analiżi tar-riskju hija ddefinita bħala l-użu sistematiku tal-informazzjoni disponibbli biex jiġi ddeterminat kemm-il darba jistgħu jseħħu riskji ddefiniti u l-kobor tal-konsegwenzi probabbli tagħhom. Hija għandha rwol ewlieni fil-valutazzjoni ta’ kif għandhom jiġu allokati r-riżorsi skarsi tal-awtoritajiet doganali sabiex tiġi massimizzata l-kopertura tar-riskji, inklużi dawk finanzjarji, bil-kontrolli doganali.
08Il-kontrolli doganali jistgħu jvarjaw f’termini ta’:
- twaqqit: il-kontrolli ta’ (qabel ir-)rilaxx jiġu applikati qabel l-iżdoganar tal-importazzjoni, filwaqt li l-kontrolli ta’ wara r-rilaxx jiġu wara, li jfisser li huma ta’ inqas tfixkil għall-fluss tal-kummerċ;
- tip: il-kontrolli dokumentarji jkopru l-korrettezza, il-kompletezza u l-validità tad-dikjarazzjonijiet doganali, filwaqt li l-verifiki fiżiċi jinvolvu wkoll l-eżaminar tal-merkanzija nnifisha, inkluż li jgħodduha u jieħdu kampjuni biex jiġi vverifikat jekk din taqbilx mad-dikjarazzjoni doganali.
Kull Stat Membru għandu l-proċess proprju tiegħu għall-ġestjoni tar-riskji fil-qasam tad-dwana, ibbażat fuq karatteristiċi speċifiċi u skont bosta inputs. Madankollu, inġenerali, il-proċessi jsegwu l-iskema ppreżentata fil-Figura 3.
Figura 3
Proċess tipiku tal-ġestjoni tar-riskji fl-Istati Membri
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miġbura fl-Istati Membri.
Fis-snin preċedenti, f’bosta okkażjonijiet, aħna identifikajna riskji u problemi sinifikanti relatati mal-kontrolli doganali. Aħna kkonkludejna li l-predeċessur tal-KDU, il-Kodiċi Doganali Komunitarju (KDK)8, lill-Istati Membri tahom diskrezzjoni żejda fl-istrateġija tal-awditjar a posteriori tagħhom9; li kien hemm nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn il-portijiet tal-UE10; u li l-applikazzjoni mhux uniformi tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri kienet tippermetti lill-operaturi frodulenti biex jimmiraw punti ta’ dħul speċifiċi fil-fruntieri11. Il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha għall-osservazzjonijiet tagħna, iddikjarat li l-kriterji u l-istandards komuni tal-UE għar-riskji finanzjarji kienu se jindirizzaw id-dgħufijiet li konna identifikajna. Dawn kienu qed jiġu mħejjija f'dak iż-żmien. L-istatistika miġbura mill-Kummissjoni turi li attwalment il-livell ta’ kontrolli jvarja sinifikattivament bejn l-Istati Membri: minn inqas minn 1 % tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni f’xi pajjiżi sa aktar minn 60 % f’oħrajn, kif turi l-Figura 4.
Figura 4
Perċentwal ta’ kontrolli fuq dikjarazzjonijiet standard mill-Istati Membri (dokumentarji u fiżiċi) applikati fl-istadju tar-rilaxx matul l-2019
Iċ-ċifri jinkludu kontrolli mibdija biex ikopru kemm riskji finanzjarji, kif ukoll riskji għas-sikurezza u s-sigurtà.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri għall-kompilazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapporti tal-2019 dwar il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali.
Importazzjonijiet mhux iddikjarati u dawk iddikjarati ħażin li jkunu nqabżu mill-kontrolli doganali jiġġeneraw “nuqqas doganali” – id-differenza bejn id-dazji tal-importazzjoni realment miġbura u l-ammont li, teoretikament, kien imissu nġabar12. Pereżempju, każ reċenti ta’ frodi fir-Renju Unit, fejn ma ttiħdux miżuri adegwati biex jimmitigaw ir-riskju ta’ sottovalwazzjoni tal-importazzjonijiet tat-tessuti u taż-żraben, irriżulta f’telf potenzjali ta’ dazji doganali li l-Kummissjoni kkalkulat (u daħħlet fil-kontijiet tal-UE) f'ammont ta' EUR 2.7 biljun għall-perjodu Novembru 2011 - Ottubru 2017.
12Fl-2017, aħna rrakkomandajna13 li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tistma n-nuqqas doganali, iżda qatt ma saret stima ta’ dan it-tip. Barra minn hekk, ir-Rapport Annwali tal-Attività 2019 tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni (DĠ BUDG) kien fih riżerva dwar l-ineżattezza tal-ammonti tar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) ittrasferiti għall-baġit tal-UE. Din ir-riżerva kopriet il-każ tar-Renju Unit u t-telf potenzjali mhux kwantifikat ta' RPT fi Stati Membri oħra. Kwalunkwe nuqqas fil-ġbir tad-dazji doganali jrid jiġi kkumpensat permezz ta’ kontribuzzjonijiet ogħla tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) mill-Istati Membri u, fl-aħħar mill-aħħar jintrefa’ mill-kontribwenti Ewropej.
L-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali hija rekwiżit legali
13Taħt il-KDU, li daħal fis-seħħ f’Mejju 2016, l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali saret rekwiżit legali, fejn huwa speċifikat li l-Kummissjoni hija responsabbli biex tistabbilixxi kriterji u standards komuni tar-riskju. Kif meħtieġ, wara li kkonsultat lill-Istati Membri, f’Mejju 2018 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-ġestjoni ta’ tali riskji: id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar Kriterji u Standards għar-Riskju Finanzjarji (“id-deċiżjoni dwar l-FRC”)14. Dan huwa dokument ikklassifikat EU RESTRICTED. Id-deċiżjoni tat lill-Istati Membri xi żmien addizzjonali biex jiżguraw li kellhom fis-seħħ it-tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data meħtieġa. Din hija l-ewwel darba li ġew stabbiliti kriterji u standards tar-riskju komuni biex jiġu indirizzati r-riskji finanzjarji f’Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni legalment vinkolanti.
14Id-deċiżjoni dwar l-FRC għandha l-għan li tarmonizza l-proċeduri tal-Istati Membri għall-analiżi tar-riskju u l-għażla tal-importazzjonijiet għall-kontrolli15. Hija la tkopri l-proċeduri għall-applikazzjoni tal-kontrolli, u lanqas il-kwalità u r-riżultati tal-kontrolli (ara l-Figura 5).
Figura 5
Oqsma indirizzati mid-deċiżjoni dwar l-FRC
Sors: il-QEA.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD)) u grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti mill-awtoritajiet doganali nazzjonali ħejjew dokument ta’ gwida biex jikkomplementa d-deċiżjoni dwar l-FRC. Din il-gwida, li finalment ġiet approvata mill-Istati Membri f’Diċembru 2019, hija wkoll dokument ikklassifikat EU RESTRICTED. Mhijiex legalment vinkolanti u għalhekk mhijiex eżegwibbli. Dawn iż-żewġ dokumenti (id-deċiżjoni dwar l-FRC, u l-gwida) flimkien jiffurmaw il-qafas żviluppat mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex jiġu stabbiliti l-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju finanzjarju meħtieġa mill-KDU.
16F’Lulju 2019, il-Kummissjoni von der Leyen esprimiet l-intenzjoni tagħha li tqawwi l-Unjoni Doganali, b’mod partikolari b’“pakkett ambizzjuż għal approċċ Ewropew integrat biex tissaħħaħ il-ġestjoni tar-riskji doganali u jiġu appoġġati l-kontrolli effettivi mill-Istati Membri”16. F’Settembru 2020, id-DĠ TAXUD ippreżenta pjan għal azzjoni biex jissaħħaħ il-funzjonament tal-Unjoni Doganali17. Dan seħħ wara li temmejna l-awditu tagħna.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
17Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu fid-dawl tal-qafas regolatorju l-ġdid (ara l-paragrafi 13-15). L-awditu li wettaqna kopra l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ kriterji u standards komuni tar-riskju finanzjarju, u l-mod kif l-Istati Membri kienu qed jimplimentaw dawn il-kriterji u l-istandards. Aħna analizzajna jekk il-qafas (id-deċiżjoni dwar l-FRC, u l-gwida) żviluppat mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni fl-Istati Membri żgurax l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-UE. Għal dan il-għan, aħna vvalutajna jekk il-qafas kienx adegwat u kif l-Istati Membri kienu qed jużaw is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tagħhom biex jagħżlu d-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni għall-kontroll. Aħna eżaminajna l-passi kollha li wasslu għall-għażla tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni għall-kontroll u s-segwitu ta’ dawk il-kontrolli. L-ambitu tal-awditjar ma kienx jinkludi l-kwalità tal-kontrolli doganali u r-riżultati tagħhom.
18Aħna qabbilna l-qafas tal-Kummissjoni mal-istandards internazzjonali rilevanti u l-prattika tajba (jiġifieri dawk tad-WCO18 u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) 31000: 2018 Risk management – Prinċipji u linji gwida), sabiex nivvalutaw l-adatezza tiegħu biex jiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali. Aħna eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni kellhiex arranġamenti suffiċjenti ta’ monitoraġġ, ta’ rieżaminar u ta’ rappurtar.
19Aħna żorna l-awtoritajiet doganali ta’ ħames Stati Membri, u vvalutajna kif is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tagħhom kienu qed jużaw il-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju finanzjarju għall-għażla tal-kontrolli doganali. Aħna għażilna dawn l-Istati Membri filwaqt li ħadna inkunsiderazzjoni kombinament ta’ żewġ kriterji: l-ammont ta’ dazji doganali miġbura u l-valutazzjoni tar-riskju kwalitattiva li wettaqna aħna stess. Aħna analizzajna wkoll jekk il-proċeduri tal-Istati Membri kinux qed iwasslu għal applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali. Barra minn hekk, aħna bgħattna kwestjonarju lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kollha tal-UE biex niġbru informazzjoni dwar il-perċezzjonijiet tagħhom rigward il-livell attwali ta’ armonizzazzjoni tal-kontroll doganali. Is-27 Stat Membru rrispondew għall-kwestjonarju. Tlabna l-fehmiet tagħhom dwar l-adegwatezza tal-qafas, u l-livell sa fejn kienu implimentaw il-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju finanzjarju.
20Iż-żjarat tal-awditjar saru bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020, wara d-data ta' skadenza stabbilita fid-deċiżjoni dwar l-FRC għall-Istati Membri biex jiżguraw li kellhom fis-seħħ ir-rekwiżit tal-użu tal-kriterji fl-analiżi tar-riskju awtomatizzata. Matul dan il-perjodu, id-dokument ta’ gwida, li fih l-elementi tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC, kien qed jiġi diskuss u għalhekk għadu mhux applikabbli fl-Istati Membri. Huwa ġie approvat formalment f'Diċembru 2019.
Osservazzjonijiet
Il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju għandu dgħufijiet
Il-deċiżjoni dwar l-FRC ma tiddefinix tajjeb il-kunċett ta’ riskju
21Aħna sibna dgħufijiet fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ riskju fid-deċiżjoni dwar l-FRC. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ma jagħtux prijorità lil kontrolli fuq importazzjonijiet li jippreżentaw riskju għoli għall-interessi finanzjarji tal-UE.
Ir-regoli għall-Istati Membri mhumiex suffiċjentement stretti
22Il-KDU jelenka r-rekwiżiti tal-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju li jenħtieġ li jiġu applikati fl-Istati Membri (ara l-Kaxxa 1).
Kaxxa 1
Il-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju
Skont il-KDU19, jenħtieġ li l-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju jinkludu dawn li ġejjin:
- id-deskrizzjoni tar-riskji;
- il-fatturi jew l-indikaturi tar-riskju li għandhom jintużaw biex jintgħażlu l-prodotti jew l-operaturi ekonomiċi għall-kontrolli doganali;
- it-tip ta’ kontrolli doganali li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet doganali;
- id-durata tal-applikazzjoni tal-kontrolli doganali msemmija fil-punt (c).
Id-Deċiżjoni dwar l-FRC telenka għadd ta’ kriterji tar-riskju finanzjarju u indikaturi tar-riskju li għandhom jintużaw mill-Istati Membri fl-għażla tal-kontroll. Il-kriterji msemmija fid-deċiżjoni tal-FRC huma l-oqsma ta’ riskju li għandhom jiġu ttrattati b’mod uniformi mill-Istati Membri. Indikatur tar-riskju huwa element ta’ data speċifiku jew informazzjoni relatata mal-preżenza ta’ riskju. Inġenerali, riskju speċifiku jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ kombinament ta’ indikaturi tar-riskju.
24Aħna sibna li l-indikaturi ma għandhomx regoli suffiċjentement stretti biex jattivaw il-kontrolli, u b’hekk jippermettu lill-Istati Membri jużawhom b’modi differenti. Dan minħabba li d-deskrizzjoni tal-kriterji tar-riskju ma tispeċifikax iċ-ċirkustanzi li għandhom jattivaw indikatur u b’hekk iwasslu għall-għażla. Dan għandu impatt fuq il-profili tar-riskju, li huma kombinament ta’ kriterji li, meta jiġu applikati fuq dikjarazzjoni doganali, jistgħu jiġġeneraw rakkomandazzjoni għall-kontroll - ara l-Figura 3. Il-profili tar-riskju jista' jkun fihom kriterji ta’ attivazzjoni differenti fi Stati Membri differenti, li jfisser li ma jiżgurawx għażla armonizzata ta’ dikjarazzjonijiet għall-kontroll. Barra minn hekk, billi l-lista ta’ indikaturi tar-riskju ppreżentata għal kull kriterju mhijiex obbligatorja, l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jużawhom (individwalment jew flimkien) kif jixtiequ.
25Id-Deċiżjoni dwar l-FRC ma tistabbilixxi l-ebda regola speċifika dwar in-natura u d-durata tal-kontrolli doganali. Hija tħalli f’idejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-kontroll jew miżura ta’ verifika li għandhom jieħdu. Barra minn hekk, ma tispeċifikax kif għandhom jintużaw il-kriterji u l-indikaturi tar-riskju biex jintgħażlu d-dikjarazzjonijiet (jew il-kumpaniji li għandhom jiġu awditjati) għall-kontrolli ta’ wara r-rilaxx.
26Il-gwida għandha l-għan li tipprovdi interpretazzjoni komuni tad-deċiżjoni dwar l-FRC. Fiha deskrizzjoni tal-oqsma ta’ riskju u tispeċifika kif għandhom jiġu kkombinati l-indikaturi differenti biex jiġi identifikat il-livell kumplessiv ta' riskju. Tinkludi wkoll xi indikazzjonijiet kwalitattivi dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-indikaturi tar-riskju. Madankollu, hija nieqsa minn deskrizzjonijiet fil-fond b’indikaturi kwantifikabbli għall-użu mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fl-analiżijiet tar-riskju tagħhom. Pereżempju, filwaqt li tagħti xi eżempji ta’ kif l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw kummerċjant riskjuż jew “operatur ekonomiku ta’ interess”, hija ma tippreskrivix metodoloġija preċiża biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jiddefinixxu dan l-indikatur tar-riskju bl-istess mod.
27Id-deċiżjoni dwar l-FRC tippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar modi kif inaqqsu l-għadd ta’ kontrolli għal livell maniġġabbli abbażi tar-riżorsi li għandhom disponibbli. Hija tirreferi għal din il-possibbiltà bħala l-“ġestjoni tal-impatt”. Id-deċiżjoni dwar l-FRC tipprevedi modi kif l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan. Tali metodi ta’ ġestjoni tal-impatt jiġu tipikament applikati meta jitħejja profil tar-riskju, bl-użu ta’ stimi minn analist tar-riskju (ara wkoll il-Figura 3).
28Id-deċiżjoni dwar l-FRC ma tistabbilixxi l-ebda limitu fuq il-ġestjoni tal-impatt u għalhekk tagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni sinifikanti fit-tnaqqis tal-għadd ta’ kontrolli. Għal bosta kriterji tar-riskju, il-gwida tindika sitwazzjonijiet li fihom jenħtieġ li l-għadd ta’ kontrolli ma jitnaqqasx, jew jitnaqqas biss jekk ir-raġunijiet ikunu spjegati b’mod ċar. Madankollu, anke fejn jenħtieġ li l-kontrolli ma jitnaqqsux, id-dokument ta’ gwida jippermetti eċċezzjonijiet, mingħajr ma jiddefinixxi tali każijiet b’mod speċifiku.
29Minbarra l-ġestjoni tal-impatt, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux il-kontrolli rakkomandati mis-sistema awtomatizzata. Dan huwa magħruf bħala “twarrib” tar-rakkomandazzjoni (ara wkoll il-Figura 3). Id-deċiżjoni dwar l-FRC ma tistabbilixxix regoli suffiċjenti biex tiġi żgurata konsistenza fl-evitar. Il-gwida tirrikonoxxi l-prattika tal-Istati Membri li jwarrbu r-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll. Hija tissuġġerixxi li t-twarrib mhuwiex mixtieq f’każijiet ta’ riskju għoli, u li jenħtieġ li l-każijiet kollha jiġu ddokumentati u spjegati. Ma hemm l-ebda indikazzjoni speċifika dwar meta t-twarrib huwa aċċettabbli.
Il-qafas huwa nieqes minn karatteristiċi importanti ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-riskji effettiva
30Il-KDU, il-kompendju tal-ġestjoni tar-riskji tad-WCO u l-ISO 31000 jindikaw il-prinċipji u l-karatteristiċi li jenħtieġ li jkunu preżenti f’sistema ta’ ġestjoni tar-riskji doganali. Aħna sibna li l-qafas tal-UE ma kienx fih il-karatteristiċi ewlenin ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-riskji effettiva li ġejjin:
- analiżi tar-riskju fil-livell tal-UE;
- estrazzjoni ta' data (kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri);
- approċċ armonizzat għal għażliet aleatorji ta’ dikjarazzjonijiet għall-kontroll;
- pjattaformi għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-importaturi riskjużi kollha;
- metodi xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji finanzjarji marbuta mal-importazzjonijiet permezz tal-kummerċ elettroniku (għadd kbir ta’ dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni b’valur baxx).
Riskji differenti jistgħu jiġu identifikati u indirizzati aħjar kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, u huwa mistenni li qafas ta’ ġestjoni tar-riskji effettiv jindirizzahom fil-livell l-aktar adatt. Billi l-UE topera bħala Unjoni Doganali (fejn l-importaturi huma liberi li jagħżlu l-post tal-importazzjoni tagħhom), analiżi fil-livell tal-UE tkun aktar xierqa biex tidentifika u tindirizza r-riskji fl-UE kollha. Kif tagħmilha ċara d-WCO, iċ-ċentri ta’ valutazzjoni tar-riskju/immirar jippermettu lill-awtoritajiet doganali jidentifikaw b’mod dinamiku t-tranżazzjonijiet li jkollhom l-akbar probabbiltà li ma jkunux konformi, u b’hekk ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod aktar effettiv għas-sitwazzjonijiet bl-ogħla riskju20.
32Skont id-deċiżjoni dwar l-FRC, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jwettqu analiżi tar-riskju u jieħdu d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-rilevanza tad-data tal-UE u dik nazzjonali għall-iskopijiet tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tagħhom stess. Filwaqt li ċ-ċentri tal-valutazzjoni tar-riskju jiġu stabbiliti spiss fil-livell nazzjonali, l-UE ma ħolqitx ċentru operazzjonali biex tindirizza r-riskji finanzjarji fil-livell tal-UE. Fil-pjan ta’ azzjoni doganali tagħha tat-28 ta’ Settembru 2020 (ara l-paragrafu 16), il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiġi introdotta analitika tad-data fil-livell tal-UE biex tirrinforza l-istruttura kollha.
33L-estrazzjoni tad-data hija l-proċess ta’ skoperta ta’ xejriet u relazzjonijiet interessanti u utli f’volumi kbar ta’ data. Kemm l-ISO 3100021 kif ukoll id-WCO jenfasizzaw l-importanza tal-estrazzjoni ta' data fil-proċess tal-ġestjoni tar-riskju. L-estrazzjoni ta' data hija aktar effettiva meta jkun hemm aktar data disponibbli. Madankollu, il-qafas ma jinkludix ir-rekwiżit li titwettaq analiżi fl-UE kollha bbażata fuq data mill-importazzjonijiet kollha tal-UE. Il-Kummissjoni ma wettqitx tali analiżijiet b’mod sistematiku biex tidentifika riskji finanzjarji fid-dwana. Hija bdiet proġett pilota, magħruf bħala “Kapaċità ta’ analiżi konġunta” (JAC), biex twettaq analiżi tad-data fil-livell tal-UE. Kif deskritt fil-Kaxxa 2, il-proġett tal-JAC kien inizjattiva pożittiva iżda kien limitat f’termini ta’ ambitu, kapaċità u outputs.
Kaxxa 2
Proġett pilota JAC
Wara rakkomandazzjonijiet li saru mill-QEA22 u mill-Parlament Ewropew, id-DĠ BUDG, id-DĠ TAXUD u l-OLAF, l-Uffiċċju tal-UE ta’ Kontra l-Frodi, waqqfu l-proġett pilota tal-JAC biex janalizzaw il-flussi kummerċjali. L-ambitu tiegħu kien limitat għall-analiżi tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti, li wassal għal tmien Formoli ta’ Informazzjoni dwar ir-Riskju (RIF) tal-UE (ara l-paragrafu 53) fl-2019. Il-Kummissjoni stenniet li l-Istati Membri joħolqu jew jaġġornaw il-profili tar-riskju tagħhom fuq din il-bażi. Is-segwitu tal-eżitu ta’ dawn ir-RIFs għadu għaddej.
F’Settembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat pjan ta’ azzjoni doganali (ara l-paragrafu 16) li fih ipproponiet li tniedi inizjattiva tal-UE dwar il-“Kapaċitajiet Konġunti ta’ Analiżi”. Din l-inizjattiva se tiffoka inizjalment fuq l-isfruttament tad-data diġà disponibbli u se tiżviluppa soluzzjonijiet ta’ governanza xierqa.
Id-deċiżjoni dwar l-FRC ma tirrikjedix li l-Istati Membri jużaw tekniki tal-estrazzjoni ta' data fl-analiżi tar-riskju tagħhom. Il-gwida ssemmi din il-possibbiltà mingħajr ma tidentifika metodoloġija ċara. Terz tal-Istati Membri rrispondew għall-kwestjonarju tagħna fejn qalu li l-qafas tal-UE dwar ir-riskji finanzjarji ma kienx ħa kont suffiċjenti tat-tekniki avvanzati tal-analiżi tad-data (jiġifieri l-estrazzjoni ta' data). Tnejn mill-Istati Membri li saritilhom żjara ħolqu profili tar-riskju li rriżultaw minn investigazzjonijiet bl-użu tal-estrazzjoni ta' data (bl-użu ta’ informazzjoni li tirriżulta l-aktar minn bażijiet tad-data nazzjonali). Dawn il-profili kienu effettivi ħafna fid-detezzjoni tal-irregolaritajiet. Madankollu, it-tliet Stati Membri l-oħra li saritilhom żjara ma użawx dawn it-tekniki fil-valutazzjoni tar-riskju tagħhom.
35Mid-dikjarazzjonijiet li ma jintgħażlux awtomatikament bl-użu ta’ profili tar-riskju, l-Istati Membri jagħżlu b’mod aleatorju ċertu perċentwal għall-kontroll. Tali għażla aleatorja hija essenzjali biex jiġi żgurat qafas ta’ kontroll effettiv, inkluż bl-identifikazzjoni ta’ sinjali ta’ riskju ġodda u mhux irrappurtati23. Id-deċiżjoni dwar l-FRC tenfasizza l-importanza ta’ kontrolli aleatorji, iżda ma tinkludi l-ebda regola biex tarmonizza l-proporzjon tal-importazzjonijiet li l-Istati Membri jagħżlu jew il-metodu li japplikaw. Il-gwida ma tipprovdix struzzjonijiet addizzjonali dwar kif l-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw l-għażla aleatorja.
36Il-pjattaforma eżistenti, jiġifieri s-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali (CRMS), mhijiex adattata tajjeb sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkondividu informazzjoni ma’ xulxin b’mod sistematiku dwar importaturi riskjużi. Għalhekk, kull Stat Membru għandu biss informazzjoni dwar dawk l-importaturi li huwa stess ikun ivvaluta bħala riskjużi. Billi l-importaturi jistgħu faċilment ibiddlu l-post fejn jiżdoganaw l-importazzjonijiet, l-importaturi meqjusa riskjużi fi Stat Membru partikolari jistgħu minflok jiżdoganaw l-importazzjonijiet fi Stati Membri oħra fejn ma jitqisux riskjużi, u b’hekk jevitaw il-kontrolli.
37Il-kummerċ elettroniku24 jippreżenta sfida għall-ġestjoni tar-riskju doganali. Minħabba li jinvolvi volum għoli ta’ tranżazzjonijiet b’valur baxx, l-applikazzjoni ta’ kontrolli għal kull dikjarazzjoni tal-importazzjoni individwali (kull pakkett individwali jeħtieġ dikjarazzjoni doganali) mhijiex kosteffettiva. Madankollu, ir-riskju ta’ irregolaritajiet x’aktarx li jkun sinifikanti, u l-għadd kbir ta’ tali importazzjonijiet ifisser li l-impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE jkun konsiderevoli. Il-qafas stabbilit mid-deċiżjoni dwar l-FRC u mill-gwida ma jiħux kont suffiċjenti ta’ dan il-fenomenu: il-profili tar-riskju jiġu applikati għal kull tranżazzjoni (importazzjoni) u l-Istati Membri jistgħu jużaw il-ġestjoni tal-impatt biex inaqqsu l-għadd ta’ tranżazzjonijiet suġġetti għall-kontrolli (ara l-paragrafi 27 u 28). Fil-pjan ta’ azzjoni doganali tagħha (ara l-paragrafu 16) il-Kummissjoni rrikonoxxiet li huma meħtieġa azzjonijiet addizzjonali biex jiġi żgurat kontroll doganali aktar effettiv fuq l-importazzjonijiet relatati mal-kummerċ elettroniku. Ix-xejriet globali fil-kummerċ elettroniku jindikaw li l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni b’valur baxx se jiżdied.
Il-qafas jistabbilixxi biss rekwiżiti limitati ta’ rappurtar, monitoraġġ u rieżaminar
38Id-deċiżjoni dwar l-FRC tispeċifika intervalli regolari li fihom l-Istati Membri jridu jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji tar-riskju finanzjarju komuni. Aħna sibna li dawn l-intervalli ta’ rappurtar jistgħu jkunu twal wisq biex tinżamm sistema effettiva u aġġornata, minħabba l-ħtieġa li l-qafas jiġi mmonitorjat u rrieżaminat b’mod kostanti. Tnejn mill-Istati Membri li saritilhom żjara wkoll iddubitaw li din il-frekwenza setgħet twassal għal azzjoni f’waqtha biex jittejbu l-kriterji tar-riskju komuni.
39Kull sena, l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-kontrolli tagħhom bħala parti mill-qafas ta’ rappurtar dwar il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali (CUP). Ir-rapporti tas-CUP jistgħu jappoġġaw il-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC mill-Istati Membri. Madankollu, huma mhumiex utli ħafna, prinċipalment minħabba li l-informazzjoni dwar il-kontrolli ma tiddistingwix bejn il-kontrolli għal raġunijiet finanzjarji u dawk għal raġunijiet ta’ sikurezza u sigurtà. Barra minn hekk, l-indikaturi miġbura ma jippermettux li tiġi vvalutata l-effettività tal-azzjonijiet jew tal-profili għal oqsma ta’ riskju speċifiċi.
40Id-WCO, fil-Kompendju tagħha tal-Ġestjoni tar-Riskji, tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li: “l-iżgurar li l-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju jiġu mmonitorjati u rrieżaminati u li r-riżultati jiġu mgħoddija lura għal-livell ta’ politika jgħin biex jiġi żgurat li l-ġestjoni tar-riskju tibqa’ effettiva fit-terminu twil” (traduzzjoni tal-QEA) (ara l-Figura 6).
Figura 6
Kif il-monitoraġġ u r-rieżaminar jidħlu fil-proċess tal-ġestjoni tar-riskju
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Kompendju tal-Ġestjoni tar-Riskju tad-WCO.
F’Ottubru 2020, il-Kummissjoni (DĠ TAXUD) ma kinitx stabbiliet proċedura għall-monitoraġġ regolari tal-applikazzjoni tal-qafas mill-Istati Membri. Id-DĠ BUDG iżur lill-Istati Membri b’mod regolari għal spezzjonijiet fuq id-dazji doganali. Madankollu, attwalment ma hemm l-ebda pjan għal dawn l-ispezzjonijiet biex ikopru wkoll l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-deċiżjoni dwar l-FRC. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda proċedura biex il-Kummissjoni tkun tista’ tittratta n-nuqqas ta’ konformità tal-Istati Membri mad-deċiżjoni dwar l-FRC. Ara l-Kaxxa 3 għal każ partikolari li jinvolvi lid-Danimarka.
Kaxxa 3
Il-livell baxx ta’ kontrolli doganali fid-Danimarka mhuwiex jingħata segwitu xieraq mill-Kummissjoni
Wara spezzjoni fid-Danimarka, fl-2010 id-DĠ BUDG sab li l-livell ta’ kontrolli kien baxx ħafna. Huwa rrapporta sejba dwar din il-kwistjoni, li ta segwitu għaliha sal-2015 iżda mbagħad għalaq, minkejja li d-Danimarka ma kienet għamlet l-ebda titjib sinifikanti u l-kwistjoni x’aktarx li kienet se taffettwa l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC. Minn dakinhar 'il hawn, il-Kummissjoni għadha ma kkuntattjatx b’mod formali lill-awtoritajiet doganali Daniżi dwar din il-kwistjoni.
Barra minn hekk, fl-2017, il-Qorti Daniża tal-Awdituri (Rigsrevisionen) ippubblikat rapport25 li ta segwitu għall-kritika li l-Kummissjoni kienet għamlet fl-2010. Ir-rapport ikkonkluda, fost affarijiet oħra, li l-livell ta’ kontrolli doganali baqa’ baxx ħafna, li s-sistema ta' ġestjoni tar-riskji kellha bosta nuqqasijiet u li ma kienx hemm kontrolli aleatorji.
Ir-RIFs tal-UE huma formoli online li permezz tagħhom is-servizzi tal-Kummissjoni jiskambjaw sinjali ta’ riskju mal-Istati Membri (ara l-paragrafu 53). Minkejja li l-Istati Membri mhumiex legalment meħtieġa jipprovdu feedback dwar dawn il-formoli, huwa importanti li jkun hemm segwitu xieraq tar-RIFs tal-UE biex tiġi żgurata ġestjoni konsistenti tar-riskji. Minbarra x-xogħol li sar fil-kuntest tal-proġett pilota tal-JAC (ara l-Kaxxa 2) u l-ispezzjonijiet tad-DĠ BUDG dwar id-dazji doganali fi Stati Membri magħżula, il-Kummissjoni ma tatx segwitu biex tiddetermina jekk l-Istati Membri indirizzawx b’mod xieraq ir-riskji identifikati fir-RIFs tal-UE. Il-Kummissjoni ma analizzatx b’mod regolari l-feedback ipprovdut mill-Istati Membri, u ma ħaditx passi biex tindirizza n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ ċerti Stati Membri.
43L-analiżi tagħna turi li fl-2019, tliet Stati Membri ma pprovdew l-ebda feedback, filwaqt li erba’ Stati Membri pprovdew feedback għal ftit RIFs tal-UE biss. Fi kważi nofs il-każijiet (43 %) fejn l-Istati Membri pprovdew feedback, huma ma indikawx jekk kinux ħolqu jew aġġornaw profil tar-riskju biex jindirizzaw il-kwistjoni deskritta fir-RIF tal-UE jew jekk kellhomx diġà profil tar-riskju li jindirizza l-kwistjoni.
44Sabiex tiġi żgurata ġestjoni effettiva tar-riskju doganali, arranġamenti xierqa ta’ rieżaminar huma importanti biex titjieb l-operat tal-qafas. F’dan ir-rigward, id-WCO tiddikjara li jenħtieġ li jitfassal qafas robust bi kriterji ta’ rieżaminar, u li jenħtieġ li tali evalwazzjonijiet ikopru l-elementi kollha tal-ġestjoni tar-riskju.
45Twaqqaf grupp ta’ esperti magħmul minn delegati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kollha u mill-Kummissjoni biex jiddiskuti kwistjonijiet rigward il-ġestjoni tar-riskju doganali fl-UE. Skont il-gwida, jenħtieġ li dan il-grupp iwettaq rieżami ta’ kwistjonijiet kbar relatati mal-implimentazzjoni tal-qafas kull meta jkun meħtieġ. Madankollu, il-Kummissjoni għadha ma żviluppatx politika ta’ rieżaminar ċara għad-deċiżjoni u dwar l-FRC u l-gwida, b'objettivi importanti u kriterji.
Il-qafas mhuwiex qed iwassal għal applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali
L-Istati Membri għad għandhom prattiki differenti ta’ ġestjoni tar-riskju
46Il-ħames Stati Membri li żorna qiesu li s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji li kienu żviluppaw qabel l-introduzzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC kienu diġà fil-biċċa l-kbira konformi mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni dwar l-FRC. Fil-fehma tagħhom, xi aġġustamenti żgħar ikunu suffiċjenti biex jiżguraw konformità sħiħa mad-deċiżjoni dwar l-FRC. Il-mod prinċipali li bih dawn l-Istati Membri kienu adattaw il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom kien billi mmappjaw il-profili eżistenti tagħhom u rabtuhom mal-kriterji tar-riskju finanzjarju korrispondenti (Stat Membru wieħed biss kien ħoloq xi profili tar-riskju għal kriterji li għadhom mhumiex koperti mill-profili eżistenti tiegħu). Aħna osservajna wkoll li, meta mmappjaw il-profili tar-riskju mal-kriterji stabbiliti mid-deċiżjoni dwar l-FRC, l-Istati Membri ma użawx l-indikaturi rakkomandati kollha. Konsegwentement, l-Istati Membri japplikaw kriterji differenti biex jagħżlu d-dikjarazzjonijiet doganali li se jikkontrollaw.
47L-Istati Membri li żorna ma kinux qed jistennew li jżidu l-kapaċità ta’ kontroll tagħhom b’riżultat tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC. L-approċċ tal-ġestjoni tar-riskju li kienu applikaw qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC ma kienx inbidel sinifikattivament; u lanqas ma stennewh jinbidel. Il-Kaxxa 4 fiha żewġ eżempji tal-kummenti ta’ dawn il-pajjiżi dwar l-impatt li kellha l-introduzzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC u tal-gwida fuq is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tagħhom.
Kaxxa 4
Il-fehmiet tal-Istati Membri dwar il-bidliet fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji finanzjarji doganali tagħhom minħabba l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC
Stat Membru wieħed li żorna qies li s-sistema tiegħu kienet diġà kompletament konformi mad-deċiżjoni dwar l-FRC. Fil-fehma tiegħu, la d-deċiżjoni u lanqas il-linji gwida ma jinkludu xi input sostantiv dwar il-proċedura tal-analiżi tar-riskju. Dawn jipprovdu biss qafas ġenerali. Id-Deċiżjoni dwar l-FRC sempliċement tikkonċettwalizza l-metodi eżistenti ta’ analiżi tar-riskju finanzjarju li jintużaw mill-Istat Membru.
Stat Membru ieħor iddikjara li d-deċiżjoni dwar l-FRC hija kontinwazzjoni formalizzata tal-attivitajiet eżistenti tal-amministrazzjoni doganali f’oqsma finanzjarji.
Fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju tagħna, li bgħattna qabel ma kien ġie approvat id-dokument ta’ gwida, 17 minn 27 Stat Membru (63 %) iddikjaraw li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC ma kinitx se twassal għal bidliet sinifikanti fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tagħhom. Il-biċċa l-kbira mill-10 Stati Membri li semmew li jkunu jeħtieġu jagħmlu bidliet sinifikanti indikaw li l-isfida prinċipali tagħhom tkun li jaġġornaw is-sistemi tal-IT tagħhom.
49Barra minn hekk, l-Istati Membri li żorna applikaw profili tar-riskju biss għall-kontrolli ta’ qabel ir-rilaxx. Għall-kontrolli ta’ wara r-rilaxx, huma ma wettqu l-ebda analiżi tar-riskju sistematika bl-użu tal-profili tar-riskju bbażati fuq il-kriterji tad-deċiżjoni dwar l-FRC (ara l-paragrafu 25).
50L-Istati Membri japplikaw approċċi differenti biex inaqqsu l-għadd ta’ kontrolli għal livell maniġġabbli. Fl-Istati Membri li żorna, il-ġestjoni tal-impatt intużat b’mod mifrux fil-profili tar-riskju għall-għażla tal-kontroll bħala parti mis-sistema awtomatizzata tal-analiżi tar-riskju. Għalkemm użaw il-biċċa l-kbira mill-metodi stipulati fid-deċiżjoni dwar l-FRC, jew kollha kemm huma, il-modi li bihom applikaw dawn il-metodi kienu jvarjaw b’mod sostanzjali.
51Il-Figura 7 tippreżenta, għall-Istati Membri li żorna, il-miżuri ta’ ġestjoni tal-impatt applikati għall-profili tar-riskju fuq is-sottovalwazzjoni ta’ ċertu grupp ta’ prodotti minn pajjiż ta’ oriġini speċifiku. Dan juri li l-istess dikjarazzjoni tal-importazzjoni tista’ jew tista' ma tkunx suġġetta għal rakkomandazzjoni biex jitwettaq kontroll, skont l-Istat Membru li jkun. Pereżempju, importazzjoni ta’ piż speċifikat tal-prodotti (b’valur taħt is-soll użat f’kull Stat Membru):
- ma tkunx tintgħażel fl-Istat Membru B, minħabba li tkun taħt is-soll tal-piż;
- tista’ tintgħażel jew le fl-Istati Membri A u D, billi l-perċentwal ta’ kontroll ivarja skont id-differenza bejn il-valur iddikjarat u s-soll, u skont l-importatur;
- tkun tintgħażel fl-Istati Membri C u E, minħabba li l-ġestjoni tal-impatt ma tużax il-piż bħala kriterju. Madankollu, il-probabbiltà ta’ twarrib ta' rakkomandazzjonijiet għal kontrolli hija ħafna ogħla f’dawn iż-żewġ Stati Membri milli fit-tliet Stati Membri l-oħra.
Figura 7
Miżuri ta’ ġestjoni tal-impatt użati fil-profili tar-riskju għal prodotti sottovalwati minn pajjiż ta’ oriġini speċifiku
![]() |
![]() |
||
Stat Membru | Ċerti operaturi esklużi (jew perċentwal ta’ kontroll imnaqqas) |
Soll tal-piż | Perċentwali oħra ta’ tnaqqis u ta’ twarrib |
A | ![]() |
50 kg | Perċentwali ta’ kontroll ibbażati fuq indikaturi tar-riskju oħrajn. |
B | ![]() |
1 000 kg | Mhux applikabbli |
C | ![]() |
![]() |
Livell għoli ta’ twarrib (aktar minn 50 %). |
D | ![]() |
![]() |
Perċentwali ogħla ta’ kontroll f’każijiet speċifiċi. |
E | ![]() |
![]() |
Livell għoli ta’ twarrib (b’mod ġenerali 25 %). |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miġbura fl-Istati Membri.
Il-frekwenza tat-twarrib, ir-raġunijiet mogħtija, kif ukoll il-monitoraġġ u s-segwitu tat-twarrib ivarjaw sinifikattivament bejn l-Istati Membri li żorna. L-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ta' kontroll li kienu twarrbu kien ivarja minn 1.6 % sa 60 %. Il-Figura 8 tiddeskrivi kif dawn l-Istati Membri jimmaniġġjaw it-twarrib. In-nuqqas ta’ regoli jew kundizzjonijiet għat-twarrib ta' rakkomandazzjonijiet jagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni kompleta dwar jekk għandhomx japplikaw il-kontrolli rakkomandati. L-Istati Membri jiddevjaw ukoll fil-proċedura biex jiġġustifikaw it-twarrib: f’xi wħud minnhom it-twarrib huwa possibbli biss meta jiġu ssodisfati xi karatteristiċi predeterminati, filwaqt li oħrajn jipprovdu ġustifikazzjonijiet fuq il-bażi ta’ każ b’każ (ara l-paragrafu 29).
Figura 8
Twarrib ta’ kontrolli doganali fl-Istati Membri li saritilhom żjara
![]() |
![]() |
![]() |
|
Stat Membru | Iridu jiġu ssodisfati karatteristiċi predeterminati | Bilfors trid tiddaħħal ġustifikazzjoni fis-sistema | Bilfors trid tingħata approvazzjoni ġerarkika |
A | ![]() |
![]() |
![]() |
B | ![]() |
![]() |
![]() |
C | ![]() |
![]() |
![]() |
D | ![]() |
![]() |
![]() |
E | ![]() |
![]() |
![]() |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miġbura fl-Istati Membri.
L-Istati Membri jidentifikaw u jittrattaw is-sinjali ta’ riskju b’modi differenti
53L-att ta’ implimentazzjoni tal-KDU26 jindika li għandha tintuża sistema elettronika għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali, u bejn l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni, fl-implimentazzjoni ta’ kriterji u standards komuni ta’ riskju27. L-għodod prinċipali tal-IT użati fil-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-UE huma s-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali (CRMS) u s-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS). Is-CRMS tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskju fl-UE kollha bl-użu ta’ formoli online magħrufa bħala RIFs. Ir-RIFs jistgħu jintbagħtu jew minn Stat Membru jew inkella mill-Kummissjoni (RIFs tal-UE). L-AFIS hija s-sistema fejn l-OLAF idaħħal komunikazzjonijiet ta’ “assistenza reċiproka” (talbiet biex l-Istati Membri jieħdu azzjoni b’reazzjoni għal riskji identifikati mill-investigazzjonijiet tal-OLAF). Dawn is-sistemi fihom informazzjoni dwar riskji biex tintuża mill-Istati Membri fis-sistemi ta’ analiżi tar-riskju nazzjonali tagħhom.
54Il-ħames Stati Membri li żorna indikaw li huma sabu li r-RIFs tal-Istati Membri mhux dejjem kienu ċari suffiċjentement, li jfisser li ma ffaċilitawx il-ħolqien ta’ profil tar-riskju, u li dawn ir-RIFs normalment kienu jinkludu kemm riskji ripetuti kif ukoll riskji ta’ darba. Barra minn hekk, fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju tagħna, 21 Stat Membru (78 %) qiesu li trattament aktar fil-fond tal-informazzjoni dwar ir-riskju fil-livell tal-UE (eż. li l-Kummissjoni twettaq analiżi minn qabel tar-RIFs mill-Istati Membri) ikun jippermetti analiżi tar-riskju aktar effiċjenti u armonizzata.
55L-Istati Membri jinterpretaw is-sinjali ta’ riskju fil-komunikazzjonijiet ta’ assistenza reċiproka jew fir-RIFs b’modi differenti. Pereżempju, il-profili tar-riskju maħluqa b’reazzjoni għall-komunikazzjonijiet ta’ assistenza reċiproka dwar xi prodotti sottovalwati minn pajjiż ta’ oriġini speċifiku jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Hemm ukoll varjazzjoni sinifikanti bejn il-profili tar-riskju li Stati Membri differenti joħolqu b’reazzjoni għar-RIFs tal-UE mħejjija wara analiżi tad-data fil-kuntest tal-proġett pilota JAC tal-Kummissjoni. Mill-pajjiżi li żorna, Stat Membru wieħed biss introduċa miżuri biex inaqqas il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet b’kodiċijiet u pajjiżi ta’ oriġini msemmija fir-RIFs tal-UE.
56Il-qafas ma jinkludix regoli għall-armonizzazzjoni tal-għażla aleatorja (ara l-paragrafu 35). Fl-Istati Membri li saritilhom żjara, aħna osservajna approċċi differenti, kif jidher fil-Figura 9. Il-perċentwali tal-għażliet aleatorji (jiġifieri l-proporzjon ta’ dikjarazzjonijiet mhux magħżula bl-użu ta’ profili tar-riskju, li mbagħad jintgħażlu b’mod aleatorju għall-kontrolli) ivarjaw bejn l-Istati Membri (dawn il-perċentwali jvarjaw minn 0.0067 % sa 0.5 % fl-Istati Membri li saritilhom żjara). L-approċċi differenti jfissru li, pereżempju, operatur ekonomiku awtorizzat huwa 74 darba aktar probabbli li jintgħażel għal kontrolli aleatorji f’wieħed mill-Istati Membri li tkun saritilhom żjara milli f’wieħed mill-oħrajn. F’żewġ Stati Membri, għadd sinifikanti ta’ dikjarazzjonijiet huma esklużi mill-proċedura tal-għażla aleatorja minħabba li d-dikjarazzjonijiet simplifikati (ara l-paragrafu 59) la huma suġġetti għal għażla bbażata fuq ir-riskju u lanqas għal għażla aleatorja.
Figura 9
Perċentwal tal-għażliet aleatorji applikati fl-2019 fl-Istati Membri li saritilhom żjara
![]() |
![]() |
|||
Stat Membru | Dikjarazzjonijiet li għalihom jiġi applikat perċentwal | Dettalji addizzjonali | ||
Standard | Simplifikati | Supplimentari | ||
A | ![]() |
![]() |
![]() |
Perċentwali differenti skont it-tip ta’ dikjarazzjoni |
B | ![]() |
![]() |
![]() |
Kull uffiċċju doganali jista’ jaġġusta l-perċentwal tal-għażla aleatorja |
C | Għażla aleatorja ta’ dikjarazzjonijiet għall-kontroll ma ssirx b’mod awtomatizzat. | L-uffiċċji doganali jwettqu xi kontrolli aleatorji | ||
D | ![]() |
![]() |
![]() |
Perċentwali differenti skont it-tip ta’ kontroll (fiżiku jew dokumentarju) |
E | ![]() |
![]() |
![]() |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miġbura fl-Istati Membri.
L-Istati Membri ma jikkondividux informazzjoni dwar importaturi riskjużi b’mod sistematiku ma’ Stati Membri oħra
57Fil-paragrafu 36, aħna ġbidna l-attenzjoni għall-fatt li l-pjattaforma eżistenti għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar importaturi riskjużi ma’ Stati Membri oħra mhijiex adattata tajjeb. Aħna sibna wkoll li l-Istati Membri li saritilhom żjara ma kkondividewx informazzjoni dwar dawn l-importaturi riskjużi b’mod sistematiku mal-Istati Membri l-oħra bħala parti mill-ġestjoni tar-riskju tagħhom.
58Barra minn hekk, l-Istati Membri jużaw metodi differenti biex jikklassifikaw l-importaturi bħala operaturi ekonomiċi ta’ interess, u l-modi kif jużaw din l-informazzjoni fil-profili tar-riskju tagħhom ivarjaw. Xi Stati Membri għandhom lista ta’ operaturi ekonomiċi ta’ interess li tiġi applikata għal bosta profili tar-riskju biex jiżdiedu l-kontrolli fuq dawk il-kummerċjanti. Stati Membri oħra jispeċifikaw direttament f’kull profil ta’ riskju liema kummerċjanti għandhom ikunu suġġetti għal aktar (jew inqas) kontrolli. L-Istati Membri jiddefinixxu u jidentifikaw ukoll l-operaturi ekonomiċi ta’ interess b’modi differenti. F’xi Stati Membri l-identifikazzjoni ssir fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li oħrajn jużaw proċess awtomatizzat.
Mhux l-Istati Membri kollha jissuġġettaw id-dikjarazzjonijiet kollha (standard u simplifikati) għal analiżi tar-riskju awtomatizzata
59Il-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana bl-użu ta’ dikjarazzjoni standard, li jkun fiha d-dettalji kollha meħtieġa legalment. Madankollu, xi importaturi jibbenefikaw minn sistema ta’ dikjarazzjonijiet simplifikati, li tippermettilhom li jħallu barra ċerti dettalji jew dokumenti jew, xi kultant, li jdaħħlu sempliċement l-importazzjoni fir-rekords finanzjarji tagħhom. F’każijiet bħal dawn, l-importatur irid jippreżenta dikjarazzjoni supplimentari, f’limitu ta’ żmien speċifiku, li jkun fiha d-dettalji kollha meħtieġa f’dikjarazzjoni standard. Il-perċentwal tad-dikjarazzjoni simplifikata fl-Istati Membri li saritilhom żjara kien ivarja bejn 25 % u 95 % tad-dikjarazzjonijiet totali ppreżentati.
60Tnejn mill-Istati Membri li saritilhom żjara ma jissuġġettaw la d-dikjarazzjonijiet simplifikati u lanqas id-dikjarazzjonijiet supplimentari relatati tagħhom għal analiżi tar-riskju awtomatizzata, billi jużaw il-profili tar-riskju bbażati fuq id-deċiżjoni dwar l-FRC. Dan mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tad-deċiżjoni dwar l-FRC. Dan ifisser li l-qafas tal-analiżi tar-riskju awtomatizzat jeskludi kompletament għadd sinifikanti ta’ importazzjonijiet. It-tliet Stati Membri l-oħra li saritilhom żjara tal-inqas japplikaw profili tar-riskju għal dikjarazzjonijiet supplimentari. Il-Figura 10 turi kif l-Istati Membri li għamilnielhom żjara japplikaw analiżi tar-riskju awtomatizzata għal dikjarazzjonijiet simplifikati u supplimentari.
Figura 10
Kif l-Istati Membri li saritilhom żjara japplikaw analiżi tar-riskju awtomatizzata għal dikjarazzjonijiet simplifikati u għal dikjarazzjonijiet supplimentari
![]() |
![]() |
![]() |
Stat Membru | Analiżi tar-riskju awtomatizzata | |
Applikata għal dikjarazzjonijiet simplifikati | Applikata għal dikjarazzjonijiet supplimentari | |
A | ![]() |
![]() |
B | ![]() |
![]() |
C | ![]() |
![]() |
D | ![]() |
![]() |
E | ![]() |
![]() |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miġbura fl-Istati Membri.
F’wieħed mill-Istati Membri li saritilhom żjara, stajna nanalizzaw l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni għal prodotti magħżula kemm taħt il-proċeduri standard kif ukoll taħt dawk simplifikati. L-eżempju fil-Kaxxa 5 juri li jekk id-dikjarazzjonijiet simplifikati ma jiġux suġġetti għal analiżi tar-riskju awtomatizzata, dan jista’ jnaqqas l-ammonti tad-dazji doganali miġbura f’xi Stati Membri.
Kaxxa 5
Ir-riskju ta’ sottovalwazzjoni għal dikjarazzjonijiet simplifikati
Fi Stat Membru wieħed li għamilnielu żjara, id-dikjarazzjonijiet doganali standard u dawk simplifikati jiġu ppreżentati f’żewġ sistemi separati tal-IT. Aħna analizzajna l-importazzjonijiet ta’ erba’ tipi ta’ merkanzija prodotta f’ċertu pajjiż u rreġistrata f’dawn iż-żewġ sistemi fil-perjodu Lulju-Awwissu 2019 u sibna li, għal tnejn minn dawn l-oġġetti ta' merkanzija, il-valur iddikjarat għal kull kilogramm ta’ merkanzija importata kien sistematikament aktar baxx għad-dikjarazzjonijiet simplifikati milli għad-dikjarazzjonijiet standard. Għad-dikjarazzjonijiet simplifikati, il-prezzijiet tal-merkanzija importata ffurmaw raggruppamenti (ara l-illustrazzjoni hawn taħt) b’valur taħt il-prezzijiet “ġusti” stmati (jiġifieri l-prezzijiet li taħthom hemm riskju ta’ sottovalwazzjoni u jenħtieġ li d-dikjarazzjonijiet jintgħażlu għall-kontroll).
Il-graffs li ġejjin juru d-differenza notevoli fid-distribuzzjoni tal-valur iddikjarat/kg għal kategorija waħda ta’ prodotti skont it-tip ta’ dikjarazzjoni. Li kieku kellha tiġi applikata l-metodoloġija għall-identifikazzjoni tar-riskju ta’ sottovalwazzjoni f’dan il-każ, madwar żewġ terzi tad-dikjarazzjonijiet simplifikati jkollhom jintgħażlu għall-kontroll. Madankollu, billi l-Istat Membru kkonċernat ma jissuġġettax id-dikjarazzjonijiet simplifikati għal analiżi tar-riskju awtomatizzata, is-sistema tiegħu ma mmarkathomx għall-kontroll.
Nota: Billi l-valuri tal-piż mis-sistema tal-IT għal dikjarazzjonijiet simplifikati huma arrotondati għall-eqreb kg, aħna eskludejna minn din l-analiżi dikjarazzjonijiet taħt piż predefinit, li seta’ ħoloq riskju artifiċjali ta’ sottovalwazzjoni.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
62L-awditu li wettaqna analizza jekk il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju (ibbażat fuq id-deċiżjoni dwar l-FRC, u l-gwida komplementari) żviluppat mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, jiżgurax l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-UE. L-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-FRC u tal-gwida hija pass importanti lejn l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali. Madankollu, aħna nikkonkludu li l-qafas ma jiżgurax armonizzazzjoni suffiċjenti tal-għażla tal-kontroll għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-UE. Dan huwa prinċipalment dovut għal dgħufijiet fit-tfassil tiegħu, li jippermettu li l-Istati Membri jvarjaw sinifikattivament fil-mod kif jimplimentawh. Dan jista’ jippermetti lill-operaturi mhux konformi li jimmiraw punti ta’ dħul tal-UE b’livelli aktar baxxi ta’ kontrolli.
63L-importazzjonijiet li jippreżentaw livell ogħla ta’ riskju għall-interessi finanzjarji tal-UE jistgħu ma jiġux ipprijoritizzati b'mod xieraq (ara l-paragrafu 21). Id-deċiżjoni dwar l-FRC mhijiex dettaljata suffiċjentement, ma tinkludix ir-rekwiżiti kollha taħt il-KDU u tagħti lill-Istati Membri wisq diskrezzjoni fl-applikazzjoni tagħha, inkluż dwar modi kif jista' jitnaqqas l-għadd ta’ kontrolli. Il-gwida mhijiex legalment vinkolanti, u hija nieqsa minn struzzjonijiet ċari u preċiżi dwar punti speċifiċi (ara l-paragrafi 22-29 u 35). Ma hemm l-ebda pjattaforma jew bażi tad-data mifruxa mal-UE kollha biex b’mod sistematiku tiġi kondiviża informazzjoni dwar l-importaturi riskjużi kollha (ara l-paragrafu 36). Il-qafas huwa nieqes minn għodod xierqa biex jindirizza r-riskji fil-kummerċ elettroniku (ara l-paragrafu 37). L-arranġamenti eżistenti ta’ monitoraġġ u rieżaminar mhumiex adegwati (ara l-paragrafi 38-45). Is-sinjali ta’ riskju tal-UE mhux dejjem ikollhom struzzjonijiet ċari għall-Istati Membri biex jużawhom meta jħejju l-profili tar-riskju (ara l-paragrafi 53-56). F’xi Stati Membri, għadd sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-UE mhumiex suġġetti għal analiżi tar-riskju awtomatizzata (ara l-paragrafi 59-61).
Rakkomandazzjoni 1 – Tisħiħ tal-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganaliJenħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali billi tieħu l-miżuri elenkati hawn taħt, li jirrikjedu l-appoġġ tal-Istati Membri u, fejn neċessarju, l-approvazzjoni tagħhom, billi:
- tqawwi r-regoli għall-Istati Membri, bħal li: iżżid struzzjonijiet u dettalji fil-qafas, inkluż dwar proċeduri u kriterji għall-applikazzjoni mill-Istati Membri meta jnaqqsu l-għadd ta’ kontrolli (inkluż it-twarrib tal-għażliet tal-kontroll), dwar kif għandu jiġu applikat il-qafas għall-kontrolli ta’ wara r-rilaxx u kif għandha tiġi applikata l-għażla aleatorja; u t-trasferiment ta’ wħud mir-regoli attwalment fil-gwida għad-deċiżjoni dwar l-FRC;
- tintroduċi dispożizzjonijiet fid-deċiżjoni dwar l-FRC u regoli fil-gwida biex jiġi żgurat li r-riskji relatati mal-importazzjonijiet permezz tal-kummerċ elettroniku jittieħdu inkunsiderazzjoni b'mod xieraq;
- ittejjeb il-kwalità tas-sinjali ta’ riskju, b’mod partikolari: titlob aktar ċarezza u dettalji fir-RIFs ippreparati mill-Istati Membri; tiżgura li hemm struzzjonijiet dettaljati dwar kif għandhom jintużaw ir-RIFs u l-komunikazzjonijiet ta' assistenza reċiproka; u twettaq segwitu biex tagħmel verifika tal-implementazzjoni tar-RIFS mill-Istati Membri, inkluż li titlob feedback obbligatorju mingħandhom.
- tivvaluta l-livell sa fejn il-profili tar-riskju tal-Istati Membri jkopru tipi differenti ta’ dikjarazzjonijiet (standard u simplifikati) u tiżgura li l-lakuni eżistenti jiġu koperti b’mod xieraq;
- tiżviluppa, timplimenta u żżomm bażijiet tad-data ta’ riskju għall-UE kollha biex jintużaw mill-Istati Membri, bħal listi ta’ operaturi ekonomiċi ta’ interess;
- tistabbilixxi arranġamenti sodi għall-monitoraġġ u r-rieżaminar tal-applikazzjoni tal-qafas mill-Istati Membri.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022
64Ma hemm l-ebda analiżi xierqa fl-UE kollha tar-riskji finanzjarji fid-dwana, abbażi ta’ data mill-importazzjonijiet kollha tal-UE (ara l-paragrafi 30-34). Il-qafas attwali jistabbilixxi kriterji u indikaturi ġenerali għall-Istati Membri biex japplikawhom fl-analiżi tar-riskju tagħhom, filwaqt li jħalli f’idejhom biex joħolqu profili tar-riskju dettaljati biex jagħżlu l-importazzjonijiet għall-kontrolli. Il-qafas ma jipprovdix approċċ integrat għall-ġestjoni tar-riskji finanzjarji fil-livell tal-UE. Għadu ma biddilx suffiċjentement il-proċessi tal-Istati Membri għas-salvagwardja xierqa tal-interessi finanzjarji tal-UE (ara l-paragrafi 46-52).
Rakkomandazzjoni 2 – Żvilupp u implimentazzjoni ta’ kapaċità sħiħa ta’ analiżi u ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UEJenħtieġ li l-Kummissjoni toħloq funzjoni ċentrali fil-livell tal-UE biex tiggwida aħjar l-isforzi kumplessivi tal-kontroll doganali. Jenħtieġ li din tiġbor flimkien l-għarfien espert tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex jiġu analizzati r-riskji finanzjarji prinċipali fid-dwana u jiġu ddeterminati l-aħjar modi biex dawn jiġu indirizzati.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza kif tagħmel dan b’mod effettiv u sostenibbli. Xenarji potenzjali jistgħu jinkludu: l-għoti ta’ responsabbiltajiet akbar lill-gruppi ta’ ħidma doganali eżistenti; il-ħolqien ta’ servizz speċifiku fi ħdan DĠ (jew servizz interdipartimentali mid-DĠ TAXUD, id-DĠ BUDG u l-OLAF); jew l-iżviluppar ta’ aġenzija tal-UE ddedikata.
Jenħtieġ li r-rwol tal-funzjoni ċentrali jinkludi:
- id-definizzjoni, pereżempju f’termini ta’ materjalità, tar-riskji li jenħtieġ li jkunu suġġetti għal approċċ integrat (riskji rilevanti għall-UE) u, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-iżgurar li tali riskji jiġu indirizzati b’mod xieraq;
- l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kapaċitajiet effettivi tal-estrazzjoni ta' data biex titwettaq analiżi tad-data fil-livell tal-UE u jiġu identifikati r-riskji rilevanti għall-UE;
- l-esplorazzjoni ta’ modi biex jiġu żviluppati għodod għall-ġestjoni tar-riskju tal-IT li huma kompatibbli mas-sistemi ta’ importazzjoni u ġestjoni tar-riskji tal-Istati Membri, biex tkun tista’ ssir applikazzjoni diretta u awtomatika tar-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll għar-riskji rilevanti għall-UE.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Tony Murphy, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2021.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
AFIS: Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi
COMEXT: Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Kummerċ Barrani tal-Eurostat
CRMS: Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali
CUP: Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali
Deċiżjoni dwar l-FRC: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar Kriterji u Standards għar-Riskji Finanzjarji
DĠ BUDG: Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit
DĠ TAXUD: Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
ING: Introjtu Nazzjonali Gross
ISO: Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni
IT: Informazzjoni u Teknoloġija
JAC: Kapaċità ta’ Analiżi Konġunta
KDK: Kodiċi Doganali Komunitarju
KDU: Kodiċi Doganali tal-Unjoni
OLAF: L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
QEA: Qorti Ewropea tal-Awdituri
RIF: Formola ta' Informazzjoni dwar ir-Riskju
RPT: Riżorsi Proprji Tradizzjonali
TFUE: Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
UE: Unjoni Ewropea
VAT: Taxxa fuq il-Valur Miżjud
WCO: Organizzazzjoni Dinjija Doganali
Glossarju
Dikjarazzjoni doganali: Dokument uffiċjali li jagħti dettalji ta’ merkanzija li tkun qed tiġi ppreżentata għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew għal proċedura doganali oħra.
Ġestjoni tar-riskju: L-identifikazzjoni sistematika tar-riskji u t-teħid ta’ azzjoni biex dawn jiġu mitigati jew eliminati, jew biex jitnaqqas l-impatt tagħhom.
Kontrolli doganali: Proċedura biex tiġi ċċekkjata l-konformità mar-regoli doganali tal-UE u ma’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra.
Nuqqas doganali: Id-differenza bejn id-dazju tal-importazzjoni li jkun mistenni għall-ekonomija fl-intier tagħha u l-ammont li verament ikun inġabar.
Operatur ekonomiku awtorizzat: Persuna jew kumpanija meqjusa affidabbli, u għalhekk intitolata li tgawdi benefiċċji fil-kuntest ta’ operazzjonijiet doganali.
Profil tar-riskju: Kombinament ta’ kriterji tar-riskju li jgħinu biex jiġu identifikati dikjarazzjonijiet doganali b’riskju ogħla li għandhom jitqiesu għall-kontrolli doganali.
Sinjal ta’ riskju: Informazzjoni dwar riskju potenzjali li tista’ jintuża biex jinħolqu profili tar-riskju.
Unjoni doganali: Ir-riżultat ta’ ftehim bejn grupp ta’ pajjiżi biex isir kummerċ ħieles ma’ xulxin filwaqt li tiġi imposta tariffa komuni fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra.
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u amministrazzjoni tal-Unjoni, li hija mmexxija minn Tony Murphy, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Jan Gregor, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Werner Vlasselaer, Kap tal-Kabinett u Bernard Moya, Attaché tal-Kabinett; Alberto Gasperoni, Maniġer Prinċipali; José Parente, Kap tal-Kompitu; Diana Voinea, u Csaba Hatvani, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.

Noti finali
1 L-Artikolu 3 tal-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 47).
2 L-Artikolu 291 tat-TFUE.
3 Sors: l-Eurostat, https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=International_trade_in_goods/mt.
4 Ara r-Rapport Speċjali Nru 19/2017 “Proċeduri ta’ importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE”, il-paragrafi 29-32.
5 Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1) (ir-Regolament dwar il-KDU).
6 L-Artikolu 5(7).
7 Il-Kompendju tal-Ġestjoni tar-Riskju tad-WCO, p. 15.
8 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, pp. 1-50).
9 Ara r-Rapporti Annwali 2014 u 2015, il-paragrafu 4.20 u l-paragrafu 4.15 rispettivament.
10 Ara r-Rapport Speċjali Nru 23/2016 dwar “It-trasport marittimu fl-UE: f’baħar ta’ inkwiet — sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli”, il-paragrafu 113.
11 Ara r-Rapport Speċjali Nru 19/2017 “Proċeduri ta’ importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE”, il-paragrafu 148.
12 Ara l-istudju li sar mill-Parlament Ewropew: Il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, “From Shadow to Formal Economy: Levelling the Playing field in the Single Market”, 2013
13 Ara r-Rapport Speċjali Nru 19/2017 “Proċeduri ta’ importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE”.
14 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2018 li tistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali billi jiġu stabbiliti kriterji u standards komuni tar-riskju finanzjarju skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għall-merkanzija ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera.
15 Ara r-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – It-Tieni Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskji doganali” tal-20 ta’ Lulju 2018.
16 Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li Jmiss 2019-2024.
17 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – L-Unjoni Doganali tittieħed għal-Livell li Jmiss: Pjan ta' Azzjoni, COM(2020) 581 final tat-28.9.2020.
18 WCO's Risk Management Compendium.
19 L-Artikolu 46(7).
20 L-Anness 4 għall-Volum 1 tal-kompendju tal-ġestjoni tar-riskju doganali tad-WCO.
21 ISO 31000:2018 Risk management – Principles and guidelines, p. 3.
22 Ara r-Rapport Annwali 2017, il-paragrafu 4.23, ir-Rakkomandazzjoni 1.
23 Ara l-Kompendju tal-Ġestjoni tar-Riskju tad-WCO u l-Artikolu 5(25) tal-KDU.
24 Reċentement ippubblikajna rapport dwar l-isfidi tal-kummerċ elettroniku: ir-Rapport Speċjali Nru 12/2019, “Kummerċ elettroniku: ħafna mill-isfidi relatati mal-ġbir tal-VAT u tad-dazji doganali għad iridu jiġu riżolti”.
25 Ir-Rapport Nru 7/2017 ta’ Diċembru 2017: Rigsrevisionens beretning om SKATs kontrol og vejledning på toldområdet (ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar dwar il-kontroll u l-gwida tal-awtoritajiet doganali u tat-taxxa Daniżi (SKAT) fiż-żona doganali).
26 Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, pp. 558–893).
27 Idem, l-Artikolu 36.
Kronoloġija
Avveniment | Data |
---|---|
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 24.9.2019 |
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) | 23.12.2020 |
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 23.2.2021 |
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 15.3.2021 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021
ISBN 978-92-847-5795-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/526 | QJ-AB-21-005-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-5766-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/743213 | QJ-AB-21-005-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2021.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.