Rapport Speċjali
Nru07 2017

Ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-infiq taħt il-PAK: pass pożittiv lejn mudell ta’ awditu uniku iżda hemm dgħufijiet sinifikanti li jridu jiġu indirizzati

Dwar ir-rapport: Dan l-awditu eżamina r-rwol tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni li jipprovdu opinjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt il-Politika Agrikola Komuni fil-livell tal-Istati Membri. Il-Politika Agrikola Komuni tirrappreżenta kważi 40 % tal-Baġit tal-UE. Aħna vvalutajna jekk qafas ġdid li ġie stabbilit fl-2015 mill-Kummissjoni Ewropea jippermettix li l-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni jifformulaw l-opinjonijiet tagħhom f’konformità ma’ regolamenti tal-UE u ma’ standards internazzjonali tal-awditjar. Għalkemm il-qafas huwa pass pożittiv lejn mudell ta’ awditu uniku, aħna sibna li huwa affettwat minn dgħufijiet sinifikanti. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib, biex jiġu inklużi fil-linji gwida l-ġodda tal-Kummissjoni li għandhom jidħlu fis-seħħ mill-2018.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli wkoll fi 23 lingwa u fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

B’baġit ta’ EUR 363 biljun (fi prezzijiet tal-2011) għall-perjodu 2014-2020 (madwar 38 % tal-ammont totali tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020), il-Politika Agrikola Komuni (PAK) taqa’ taħt ġestjoni kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri (SM). Filwaqt li l-Kummissjoni tiddelega l-implimentazzjoni tal-baġit lill-aġenziji tal-pagamenti (AP) innominati mill-Istati Membri, hija għandha r-responsabbiltà aħħarija u hija meħtieġa tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-UE jkunu protetti daqslikieku l-Kummissjoni kienet qed twettaq hija stess il-kompiti ddelegati ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

II

Għal dan l-iskop, mill-1996 ‘il hawn, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni (KĊ) li nħatru mill-Istati Membri ngħataw ir-rwol ta’ awdituri indipendenti tal-aġenziji tal-pagamenti. Mis-sena finanzjarja 2015 ‘il hawn, huma kienu meħtieġa jipprovdu wkoll opinjoni, imħejjija skont l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, li tiddikjara jekk l-infiq li għalih ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni huwiex legali u regolari. Għaldaqstant, is-sena finanzjarja 2015 kienet l-ewwel sena li għaliha l-Kummissjoni setgħet tuża x-xogħol approfondit tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità.

III

F’dan il-kuntest, aħna vvalutajna jekk il-qafas stabbilit mill-Kummissjoni ppermettiex li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jifformulaw opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt il-PAK, skont ir-regolamenti applikabbli tal-UE u l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment u għaldaqstant jekk ipprovdewx riżultati affidabbli għall-mudell ta’ aċċertament tal-Kummissjoni. Aħna nikkonkludu li l-qafas imfassal mill-Kummissjoni għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tax-xogħol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandu dgħufijiet sinifikanti. B’riżultat ta’ dan, l-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-istandards u r-regoli applikabbli f’oqsma importanti.

IV

Ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni huwa pass pożittiv lejn mudell ta’ awditu uniku għaliex l-outputs tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom il-potenzjal li jgħinu lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta’ kontroll tagħhom, inaqqsu l-ispejjeż tal-awditjar u tal-kontroll, u jippermettu lill-Kummissjoni tikseb aċċertament indipendenti addizzjonali f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq.

V

F’dan il-kuntest, aħna analizzajna l-mudell eżistenti ta’ aċċertament tal-Kummissjoni u l-bidliet li ġew introdotti biex jittieħed kont tar-rwol imsaħħaħ tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Aħna osservajna li l-mudell ta’ aċċertament tal-Kummissjoni jibqa’ bbażat fuq ir-riżultati tal-kontroll tal-Istati Membri. Għas-sena finanzjarja 2015, l-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità kienu sempliċiment wieħed mill-fatturi li ttieħdu inkunsiderazzjoni meta l-Kummissjoni kkalkulat l-aġġustamenti tagħha tal-iżbalji rrappurtati fl-istatistika ta’ kontroll tal-Istati Membri. Billi dawk l-opinjonijiet huma l-uniku sors li jipprovdi aċċertament indipendenti f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità fuq bażi annwali, xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni, ladarba jkun sar b’mod affidabbli, għandu jsir l-element ewlieni għall-aċċertament tal-Kummissjoni.

VI

L-eżaminar minna tal-konformità tal-linji gwida tal-Kummissjoni, mar-regolamenti applikabbli u mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, identifika d-dgħufijiet li ġejjin:

  1. Għall-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju, aħna osservajna li l-Kummissjoni kienet tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jużaw il-matriċi ta’ akkreditazzjoni, li joħloq ir-riskju li l-livell ta’ aċċertament li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu jistgħu jidderivaw mis-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti jkun esaġerat;
  2. Il-metodu ta’ kampjunar tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għal tranżazzjonijiet ibbażati fuq il-listi ta’ kontrolli fuq il-post magħżula b’mod aleatorju mill-aġenziji tal-pagamenti, kien jinvolvi sensiela ta’ riskji addizzjonali li ma ngħelbux: b’mod partikolari, xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jista’ jkun rappreżentattiv biss jekk il-kampjuni magħżula inizjalment mill-aġenziji tal-pagamenti jkunu huma stess rappreżentattivi. Porzjon tal-kampjunar għal tranżazzjonijiet mhux tas-SIAK mhuwiex rappreżentattiv tal-infiq u għaldaqstant mhuwiex rappreżentattiv tas-sena finanzjarja awditjata;
  3. Fir-rigward tal-ittestjar sostantiv, il-Kummissjoni kienet tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni, għal parti mill-kampjunar, iwettqu mill-ġdid biss il-kontrolli amministrattivi li jkunu twettqu mill-aġenziji tal-pagamenti;
  4. Il-Kummissjoni kienet tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni, għall-ittestjar sostantiv tagħhom, jwettqu mill-ġdid biss il-kontrolli inizjali tal-aġenziji tal-pagamenti. Filwaqt li t-twettiq mill-ġdid huwa metodu validu ta’ ġbir tal-evidenza għall-awditjar, l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment jiddikjaraw ukoll li jenħtieġ li l-awdituri jagħżlu u jwettqu l-passi u l-proċeduri kollha tal-awditjar li huma stess iqisu xierqa, sabiex jiksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti biex jiffurmaw opinjoni raġonevoli ta’ aċċertament;
  5. Fir-rigward tal-ifformular tal-konklużjoni tal-awditur, aħna sibna li l-linji gwida kienu jirrikjedu li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jikkalkulaw żewġ rati ta’ żball differenti f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità, u li l-użu li mhux biss il-korpi taċ-ċertifikazzjoni iżda wkoll id-DĠ AGRI għamlu minn dawn ir-rati, ma kienx xieraq;
  6. Fl-aħħar nett, aħna kkonkludejna li l-opinjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq kienet ibbażata fuq rata ta’ żball totali li kienet iddikjarata b’mod insuffiċjenti. Fil-fatt, l-iżbalji maqbuda u rrappurtati mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istatistika ta’ kontroll tagħhom ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni fil-kalkolu tal-livell ta’ żball stmat tagħhom.
VII

Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex nindirizzaw dawn l-osservazzjonijiet:

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża r-riżultati tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, meta x-xogħol ikun iddefinit u mwettaq skont ir-regolamenti applikabbli u l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, bħala l-element ewlieni tal-mudell ta’ aċċertament tagħha f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq;
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida tagħha kif ġej:

    1. tiffoka l-valutazzjoni tar-riskju li ssir mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità, fuq il-kontrolli ewlenin u l-kontrolli anċillari li diġà jintużaw mill-Kummissjoni;
    2. tirrikjedi li, għall-għażla mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet tas-SIAK mil-lista ta’ klejms magħżula b’mod aleatorju mill-aġenziji tal-pagamenti għal kontrolli fuq il-post, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jistabbilixxu salvagwardji xierqa li jikkonċernaw ir-rappreżentattività tal-kampjuni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni; iż-żjarat fuq il-post li jkunu saru f’waqthom mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni; in-nuqqas ta’ divulgazzjoni tal-kampjun tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni lill-aġenziji tal-pagamenti;
    3. għall-kampjunar ta’ nfiq mhux tas-SIAK, tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jieħdu l-kampjuni tagħhom direttament mil-listi ta’ pagamenti;
    4. tippermetti li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu: ittestjar fuq il-post għal kwalunkwe tranżazzjoni awditjata, u jwettqu l-passi u l-proċeduri kollha tal-awditjar li huma stess iqisu xierqa, mingħajr ma jkunu limitati għat-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli inizjali tal-aġenziji tal-pagamenti;
    5. tirrikjedi li l-korpi taċ-ċerifikazzjoni jikkalkulaw biss rata unika ta’ żball f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità;
    6. għal tranżazzjonijiet tas-SIAK li jiġu kkampjunati mil-lista ta’ kontrolli aleatorji fuq il-post tal-aġenziji tal-pagamenti, jenħtieġ li r-rata kumplessiva ta’ żball ikkalkulata mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, biex tkun tista’ tinħareġ opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq, tkun tinkludi wkoll il-livell ta’ żball irrappurtat mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istatistika ta’ kontroll, li jkun ġie estrapolat għat-tranżazzjonijiet li jifdal li mhumiex suġġetti għall-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw li l-istatistika ta’ kontroll ikkompilata mill-aġenziji tal-pagamenti tkun kompleta u eżatta.

Introduzzjoni

Infiq taħt il-Politika Agrikola Komuni

01

Għall-agrikoltura, l-appoġġ mill-UE jingħata permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). L-allokazzjoni totali għal dawn iż-żewġ fondi tammonta għal EUR 363 biljun (fi prezzijiet tal-2011) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, li jirrappreżenta madwar 38 % tal-QFP totali għall-perjodu 2014-20201.

02

L-infiq taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) li jsir taħt iż-żewġ fondi jista’ jinġabar flimkien f’żewġ kategoriji:

  • infiq tas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), li huwa bbażat fuq drittijiet2 u jikkonsisti prinċipalment f’pagamenti annwali għal kull ettaru;
  • infiq mhux tas-SIAK, li huma pagamenti bbażati fuq rimborżi, li jikkonsistu prinċipalment f’investimenti f’azjendi agrikoli u f’infrastruttura rurali, kif ukoll f’interventi fis-swieq agrikoli.
03

Id-diviżjoni bejn l-infiq tas-SIAK u dak mhux tas-SIAK għaż-żewġ fondi (madwar 86 % u 14 % tal-infiq taħt il-PAK rispettivament) għas-sena finanzjarja 2015 tidher fil-Figura 1 hawn taħt:

Figura 1

Ir-ripartizzjoni tal-infiq taħt il-PAK għas-sena finanzjarja 2015 (f’biljun EUR)

Il-qafas legali u istituzzjonali għal ġestjoni kondiviża taħt il-PAK

04

Ir-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-PAK hija kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Madwar 99 % tal-baġit tal-PAK jintnefaq taħt ġestjoni kondiviża, kif iddefinit fir-Regolament Finanzjarju3. Ir-Regolament Orizzontali tal-PAK4 jistabbilixxi regoli bażiċi speċifikament għall-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK. Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tkompli tispeċifika dawn ir-regoli permezz ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni5 u linji gwida.

05

Taħt ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli fl-aħħar nett għall-baġit, iżda tiddelega l-implimentazzjoni tiegħu lil korpi nnominati b’mod speċjali mill-Istati Membri: l-aġenziji tal-pagamenti (AP). Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) jissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-pagamenti, filwaqt li jivverifika u jirrimborża l-infiq iddikjarat kull xahar (għall-FAEG) u kull tliet xhur (għall-FAEŻR) mill-aġenziji tal-pagamenti u, fl-aħħar nett, jivvaluta jekk l-infiq huwiex legali u regolari permezz tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità6. Jekk din il-proċedura tiżvela dgħufijiet, f’sistema ta’ kontroll ta’ AP, li jkollhom impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji għal dik l-AP. Il-mudell ta’ ġestjoni kondiviża tad-DĠ AGRI, li jistipula r-rwoli tal-partijiet differenti involuti, huwa ppreżentat fl-Anness I7.

06

Fil-livell tal-Istati Membri, il-baġit tal-PAK huwa mmaniġġjat mill-aġenziji tal-pagamenti li huma akkreditati mill-awtorità kompetenti (AK) tal-Istat Membru rilevanti8. L-aġenziji tal-pagamenti jwettqu kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet kollha għall-proġetti u l-klejms kollha għall-pagamenti riċevuti mill-benefiċjarji, kif ukoll kontrolli fuq il-post fuq kampjun minimu ta’ 5 % għall-maġġoranza vasta tal-miżuri ta’ appoġġ9. Wara dawn il-kontrolli, l-aġenziji tal-pagamenti jħallsu lill-benefiċjarji l-ammonti dovuti u jiddikjaraw dawk l-ammonti kull xahar (FAEG)/kull tliet xhur (FAEŻR) lill-Kummissjoni biex jiġu rimborżati. L-ammonti kollha mħallsa mbagħad jiġu rreġistrati fil-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-pagamenti. Id-direttur ta’ kull AP jipprovdi dawn il-kontijiet annwali lill-Kummissjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni tiegħu (id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni) rigward l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti, li tagħti wkoll sommarju tal-livelli ta’ żball li jirriżultaw mill-istatistika ta’ kontroll tagħhom10. L-uffiċjal awtorizzanti tal-Kummissjoni (id-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI għall-PAK) jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kontijiet annwali u d-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni fir-rapport annwali tal-attività (RAA) tad-DĠ AGRI.

07

Ir-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-Kummissjoni, filwaqt li tinkariga lill-aġenziji tal-pagamenti b’kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-PAK taħt ġestjoni kondiviża, tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu protetti bl-istess standard daqslikieku l-Kummissjoni kienet qed twettaq dawn il-kompiti hija stess11. Dan jinkludi l-istabbiliment ta’ responsabbiltajiet xierqa ta’ kontroll u tal-awditjar, bħall-eżaminar u l-aċċettazzjoni tal-kontijiet. Għall-PAK, il-korp taċ-ċertifikazzjoni (KĊ) jassumi dawn ir-responsabbiltajiet fil-livell tal-Istat Membru.

Rwol u responsabbiltajiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni

08

Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni ilhom iwettqu r-rwol tagħhom bħala awdituri indipendenti tal-aġenziji tal-pagamenti mis-sena finanzjarja 199612. Ir-rwol kien jeħtieġ li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni joħorġu ċertifikat, skont l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, li jiddikjara jekk il-kontijiet li kellhom jintbagħtu lill-Kummissjoni kinux veri, kompleti u eżatti, u jekk il-proċeduri ta’ kontroll intern kinux operaw b’mod sodisfaċenti, b’referenza partikolari għall-kriterji ta’ akkreditazzjoni.

09

Ir-Regolament Finanzjarju13 u r-Regolament Orizzontali tal-PAK14 żiedu r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Minbarra r-responsabbiltà tagħhom għall-kontijiet u l-kontroll intern, mis-sena finanzjarja 2015 ‘il hawn, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu meħtieġa jipprovdu opinjoni li tiddikjara jekk l-infiq li għalih ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni huwiex legali u regolari. Din l-opinjoni, li tiġi fformulata skont l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, trid tiddikjara wkoll “jekk l-eżami jpoġġix fid-dubju l-osservazzjonijiet li jsiru fid-dikjarazzjoni tal-amministrazzjoni”.

10

Ir-Regolament Orizzontali tal-PAK jistipula wkoll li KĊ irid ikun korp tal-awditjar pubbliku jew privat maħtur mill-AK u li jrid ikollu l-kompetenza teknika meħtieġa u jkun indipendenti mil-lat ta’ operazzjonijiet mill-aġenzija tal-pagamenti, kif ukoll mill-awtorità li tkun akkreditat dik l-aġenzija tal-pagamenti. Għas-sena finanzjarja 2015, l-infiq taħt il-PAK fit-28 Stat Membru ġie amministrat minn total ta’ 80 aġenzija tal-pagamenti, li min-naħa tagħhom ġew awditjati minn 64 korp taċ-ċertifikazzjoni15. Minn dawn il-korpi taċ-ċertifikazzjoni, 46 kienu korpi pubbliċi16 u 18 kienu kumpaniji privati tal-awditjar.

11

L-għan ta’ xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità huwa li jżid l-aċċertament tad-DĠ AGRI f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq. Ir-rwol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni fil-mudell ta’ aċċertament tad-DĠ AGRI huwa deskritt fl-Anness II. Xi possibbiltajiet ta’ kif xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jista’ jintuża fil-kuntest ta’ “mudell ta’ awditu uniku” huma dettaljati fil-paragrafi 24 sa 28.

12

Il-Kummissjoni stabbiliet il-qafas għax-xogħol tal-awditjar tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni permezz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni17 u linji gwida addizzjonali18. Skont dan ir-regolament, u sabiex tikseb rapporti u opinjonijiet affidabbli mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li:

  1. il-linji gwida tagħha jipprovdu struzzjonijiet xierqa skont l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment19;
  2. ix-xogħol imwettaq mill-korpi taċ-ċertifikazzjonim li jkun ibbażat fuq din il-gwida, ikun suffiċjenti u ta’ kwalità xierqa.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

Ambitu tal-awditjar

13

Ir-rekwiżit il-ġdid biex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jipprovdu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità għandu rwol ewlieni fil-mudell ta’ aċċertament tal-Kummissjoni għall-perjodu 2014-2020.

14

F’dan l-awditu, aħna ffukajna l-analiżi tagħna fuq il-qafas stabbilit mill-Kummissjoni għal xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni (is-sena finanzjarja 2015). Dan l-awditu ma vvalutax l-ittestjar sostantiv li twettaq mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni.

15

L-awditu kellu l-għan li jivvaluta jekk ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienx pass ’il quddiem lejn approċċ ta’ awditu uniku u jekk il-Kummissjoni ħaditx kont dovut tiegħu fil-mudell ta’ aċċertament tagħha. L-awditu kellu wkoll l-għan li jivvaluta jekk il-qafas stabbilit mill-Kummissjoni jippermettix li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jifformulaw opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt il-PAK, skont ir-regolamenti applikabbli tal-UE u l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment.

16

B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni kinux jiżguraw:

  • valutazzjoni xierqa tar-riskju mwettqa mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni u kampjunar rappreżentattiv;
  • livell xieraq ta’ ttestjar sostantiv; u
  • stima korretta tal-livell ta’ żball u opinjoni tal-awditjar.
17

Wara l-finalizzazzjoni tax-xogħol tal-awditjar tagħna fuq il-post (Settembru 2016), f’Jannar 2017 il-Kummissjoni ffinalizzat linji gwida ġodda li għandhom jiġu applikati mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni mis-sena finanzjarja 2018 ‘il quddiem. Dawn il-linji gwida riveduti ma kinux suġġetti għall-eżaminar minna.

Approċċ tal-awditjar

18

L-evidenza għall-awditjar inkisbet kemm fil-livell tal-Kummissjoni (DĠ AGRI) kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Il-punt tat-tluq għax-xogħol kien analiżi tal-qafas legali rilevanti, sabiex jiġu identifikati r-rekwiżiti applikabbli għall-partijiet kollha involuti: il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni.

19

Fil-livell tal-Kummissjoni, l-awditu kien jinvolvi:

  • eżaminar tal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni, applikabbli għas-sena finanzjarja 2015, kif ukoll dokumenti mill-attivitajiet ta’ sostenn bħal laqgħat tal-gruppi ta’ esperti20 (aħna pparteċipajna bħala osservaturi f’waħda minn dawn il-laqgħat fi Brussell fl-14 u l-15 ta’ Ġunju 2016);
  • valutazzjoni tal-analiżijiet fl-uffiċċju, imwettqa mill-Kummissjoni, ta’ rapporti u opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għal 25 aġenzija tal-pagamenti fi 17-il Stat Membru, li fi 17-il każ kienet tinkludi wkoll eżaminar tar-rapporti tad-DĠ AGRI dwar iż-żjarat tal-awditjar lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Aħna eżaminajna wkoll ir-RAA 2015 tad-DĠ AGRI u l-użu li sar fih minn xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità;
  • intervisti ma’ persunal rilevanti tad-DĠ AGRI.
20

Fil-livell tal-Istati Membri, l-awditu kien jinvolvi:

  • stħarriġ ta’ 20 awtorità kompetenti u korp taċ-ċertifikazzjoni fi 13-il Stat Membru21, li ntgħażlu abbażi tal-valur tal-infiq li ċċertifikaw (b’kollox, l-għażla kienet tirrappreżenta 63 % tal-infiq tal-UE taħt il-PAK fl-2014) u abbażi tal-istatus legali tal-KĊ (jiġifieri jekk kienx entità pubblika jew privata). Is-suġġetti koperti mill-istħarriġiet kienu, fost oħrajn, il-gwida tal-Kummissjoni u l-appoġġ lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni;
  • sitt żjarat22 lill-Istati Membri, fejn twettqu intervisti ma’ rappreżentanti mill-awtoritajiet kompetenti u mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni bl-għan li tiġi mifhuma aħjar l-informazzjoni pprovduta fir-risposti għall-istħarriġ, kif ukoll ġew eżaminati l-arranġamenti kuntrattwali tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, ġiet iċċekkjata l-puntwalità tal-proċeduri tal-awditjar tagħhom u ġew eżaminati r-riżultati prinċipali ta’ xogħolhom kif ippreżentati fir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħhom li jkopru s-sena finanzjarja 2015.
21

Is-sejbiet tagħna ġew eżaminati bi tqabbil mad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-regolamenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, u mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAIs) jew l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) rilevanti.

Osservazzjonijiet

Ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt il-PAK huwa pass pożittiv lejn mudell ta’ awditu uniku

22

Filwaqt li ma hemm l-ebda definizzjoni unika rikonoxxuta tat-terminu “awditu uniku”, il-kunċett huwa msejjes fuq il-ħtieġa li jiġu evitati kontrolli u awditi li jikkoinċidu u li ma jkunux ikkoordinati. Fil-kuntest tal-baġit tal-UE, u b’mod partikolari għal ġestjoni kondiviża, “awditu uniku” jkun jista’ jipprovdi aċċertament f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq fuq żewġ aspetti: għal skopijiet ta’ ġestjoni (kontroll intern) minn naħa waħda u għal skopijiet tal-awditjar min-naħa l-oħra. Approċċ ta’ awditu uniku għandu jkun qafas ta’ kontroll effettiv li fih kull saff jibni fuq l-aċċertament ipprovdut minn saffi oħra.

23

Fil-qasam tal-Koeżjoni23, mill-perjodu 2007-2013 ‘il hawn, l-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri kienu wieħed mis-sorsi prinċipali ta’ informazzjoni fil-qafas ta’ aċċertament tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq. Minbarra dan, fl-Opinjoni Nru 2/200424 tagħna, aħna analizzajna l-mudell ta’ “awditu uniku” għall-iskopijiet ta’ kontroll intern, jiġifieri bħala sors ta’ aċċertament għall-ġestjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, fir-Rapport Speċjali Nru 16/201325 tagħna, għamilna rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar it-titjib tal-proċeduri tal-Kummissjoni għall-użu tax-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar fil-qasam tal-Koeżjoni.

24

Għall-infiq taħt il-PAK, il-Kummissjoni tikseb aċċertament li l-infiq huwa legali u regolari minn tliet saffi ta’ informazzjoni: il-kontrolli li jitwettqu mill-aġenziji tal-pagamenti, ix-xogħol tal-awditjar li jsir mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni u r-riżultati tal-kontrolli li l-Kummissjoni twettaq fuqhom. Meta aċċertament ta’ dan it-tip jitqies li jkun insuffiċjenti, il-Kummissjoni teżerċita r-responsabbiltà aħħarija tagħha għal-legalità u r-regolarità permezz tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità proprji tagħha, li jistgħu jirriżultaw f’korrezzjonijiet finanzjarji.

25

Ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni jiġifieri li joħorġu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq għandu l-potenzjal li, matul il-perjodu 2014-2020, isaħħaħ b’mod konsiderevoli mudell ta’ “awditu uniku” għall-ġestjoni tan-nefqa agrikola mill-Kummissjoni. Skont id-DĠ AGRI, mudell ta’ dan it-tip jipprovdi aċċertament akbar li s-sistemi ta’ kontroll ikunu qed jaħdmu tajjeb26, u jippermetti li jinkiseb aċċertament addizzjonali ta’ ġestjoni mix-xogħol tal-awditjar li jsir mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, aktar milli mill-kontrolli proprji tad-DĠ AGRI27 biss.

26

Ix-xogħol tal-awditjar tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni jista’ jippermetti funzjonament effiċjenti tal-mudell ta’ “awditu uniku” għall-infiq taħt il-PAK:

  • billi jgħin lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta’ kontroll tagħhom;
  • billi jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-awditjar u tal-kontroll;
  • billi jippermetti li l-Kummissjoni tikseb aċċertament indipendenti addizzjonali f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq.
27

Aħna nqisu li approċċ ta’ “awditu uniku” huwa l-mod it-tajjeb kif jista’ jinkiseb aċċertament f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq fil-livell tal-Istati Membri. Taħt id-dritt tal-UE, bħalma l-Qorti Ewropea tal-Awdituri taġixxi bħala l-awditur estern għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jaġixxu bħala awdituri operazzjonalment indipendenti tal-infiq agrikolu fil-livell tal-Istati Membri/il-livell reġjonali. F’termini kronoloġiċi, dawn huma l-ewwel awdituri li jipprovdu aċċertament f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq agrikolu, u huma l-uniku sors ta’ aċċertament ta’ dan it-tip fil-livell nazzjonali/reġjonali28. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jiksbu l-aċċertament tagħhom minn kombinament tal-ittestjar sostantiv proprju tagħhom u s-sistemi ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti. Fil-kuntest ta’ mudell ta’ “awditu uniku” għall-PAK 2014-2020, aċċertament ta’ dan it-tip ikun jista’ potenzjalment jintuża mill-Kummissjoni, kif indikat fil-Figura 2 hawn taħt, dment li jiġi żgurat rendikont xieraq tal-entrati.

Figura 2

Mudell ta’ awditu uniku għall-PAK 2014-2020

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

28

Aħna nemmnu li l-Kummissjoni, billi hija responsabbli fl-aħħar nett għall-ġestjoni tal-fondi tal-PAK u għar-rekwiżiti regolatorji fis-seħħ, tista’ tagħmel l-użu li ġej minn xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità fi ħdan il-qafas ta’ approċċ ta’ “awditu uniku”, meta dan ix-xogħol ikun affidabbli:

  • ittejjeb il-mod kif tistma l-livell tal-iżball residwu u tistabbilixxi riżervi għar-rapport annwali tal-attività tagħha29;
  • tiddetermina jekk il-livell ta’ żball stmat jaqbiżx EUR 50 000 jew 2 % tal-infiq rilevanti30 u b’hekk, jekk għandhiex tibda proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità jew le;
  • tiddetermina b’mod aktar eżatt u komplet l-ammonti li jridu jiġu esklużi mill-baġit tal-UE, filwaqt li tagħmel użu aktar estensiv mill-korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati31;
  • tivvaluta jekk għandhiex titlob lill-Istati Membri jirrevedu l-istatus ta’ akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti f’każijiet fejn il-garanziji dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti ma jkunux suffiċjenti32.

Il-mudell ta’ aċċertament tad-DĠ AGRI jibqa’ bbażat fuq ir-riżultati tal-kontroll tal-Istati Membri

29

Ir-Regolament Finanzjarju33 jirrikjedi li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI jħejji RAA, fejn jiddikjara li għandu aċċertament raġonevoli li l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti jagħtu l-garanziji neċessarji fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

30

Il-mudell ta’ aċċertament li ntuża għal dan l-iskop mid-DĠ AGRI sas-sena finanzjarja 2015, u li ddetermina l-ammonti f’riskju minn perspettiva ta’ legalità u regolarità, ħa bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-istatistika ta’ kontroll li ġiet irrappurtata mill-Istati Membri. Imbagħad inżdiedu aġġustamenti supplimentari fuq il-bażi ta’ dgħufijiet magħrufa li kienu ġew aċċennati mill-awditi ta’ konformità mwettqa mid-DĠ AGRI kif ukoll mix-xogħol tal-awditjar tagħna. Id-DĠ AGRI kellu jżid il-livell ta’ żball fejn sab li parti mill-iżbalji ma nqabdux mill-aġenziji tal-pagamenti, u għalhekk, ma ġewx riflessi fir-riżultati tal-kontroll tal-Istati Membri. Dan il-kalkolu pproduċa rata ta’ żball aġġustata għal kull AP u għal kull fond.

31

Ir-rati ta’ żball aġġustati u aggregati għas-snin finanzjarji 2014 u 2015 juru li d-DĠ AGRI kompla jagħmel aġġustamenti b’żieda għal-livelli ta’ żball irrappurtati fl-istatistika ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti (ara t-Tabella 1). L-informazzjoni mill-opinjonijiet il-ġodda tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità kellha biss effett marġinali fuq dawn l-aġġustamenti għas-sena finanzjarja 2015:

Tabella 1

Riżultati tal-aġġustamenti li saru mid-DĠ AGRI b’żieda għall-istatistika ta’ kontroll li ġiet irrappurtata mill-aġenziji tal-pagamenti għas-snin finanzjarji 2014 u 2015

Fond Sena finanzjarja Livell medju ta’ żball irrappurtat fl-istatistika ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti Rata ta’ żball aġġustata u aggregata, li ġiet ikkalkulata mid-DĠ AGRI
FAEG 2014 0.55 % 2.61 %
2015 0.68 % 1.47 %
FAEŻR 2014 1.52 % 5.09 %
2015 1.78 % 4.99 %
32

Fir-RAA 201534 tiegħu, id-DĠ AGRI spjega li kien għamel użu “limitat ħafna” mill-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità. Dan kien prinċipalment dovut għall-fatt li din kienet l-ewwel sena li fiha l-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu pproduċew opinjonijiet bħal dawn, għat-twaqqit ta’ xogħolhom, għan-nuqqas ta’ ħiliet tekniċi u ta’ kompetenza legali tagħhom, għall-istrateġiji tal-awditjar inadegwati tagħhom u għad-daqsijiet insuffiċjenti tal-kampjuni li ġew awditjati. Minbarra r-raġunijiet indikati mid-DĠ AGRI, aħna nqisu li, ibbażat fuq is-sejbiet tagħna, il-mod li bih il-Kummissjoni ddefiniet xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni fil-linji gwida tagħha wkoll għandu impatt importanti fuq l-affidabbiltà ta’ xogħolhom.

33

Fil-fatt, il-mudell ta’ aċċertament tad-DĠ AGRI jibqa’ bbażat fuq ir-riżultati tal-kontroll. Għas-sena finanzjarja 2015, l-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità kienu sempliċiment wieħed mill-fatturi li ttieħdu inkunsiderazzjoni meta l-Kummissjoni kkalkulat l-aġġustamenti tagħha tal-iżbalji rrappurtati fl-istatistika ta’ kontroll tal-Istati Membri. L-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità huma l-uniku sors li jipprovdi aċċertament indipendenti f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità fuq bażi annwali. Għaldaqstant, ladarba xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkun sar b’mod affidabbli, fil-fehma tagħna jenħtieġ li dan l-aċċertament indipendenti jsir l-element ewlieni li d-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għad-DĠ AGRI jieħu inkunsiderazzjoni meta jkun qed jivvaluta jekk l-infiq huwiex legali u regolari.

34

Il-fokus kontinwat fuq l-istatistika ta’ kontroll li tirriżulta mis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti huwa kkonfermat mid-DĠ AGRI fir-RAA 2015 tiegħu, li ddikjara li jenħtieġ li l-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tikkonferma l-livell ta’ żball fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tal-PAK li hija operata fl-Istati Membri35. Id-DĠ AGRI kompla biex jiddikjara li permezz ta’ ttestjar tat-tranżazzjonijiet (ibbażati fuq kampjun statistiku), l-awdituri tal-Korpi taċ-Ċertifikazzjoni huma mitluba jikkonfermaw il-livell ta’ żball li nstab fil-kontrolli inizjali ta’ eliġibbiltà mwettqa mill-Aġenzija tal-Pagamenti u, jekk dan ma jiġix ikkonfermat, jagħtu opinjoni kwalifikata36.

35

Għaldaqstant, xi aspetti importanti tal-linji gwida tal-Kummissjoni, bħal dawk elenkati hawn taħt li aħna nivvalutaw f’dan ir-rapport, ġew stabbiliti speċifikament biex jakkomodaw il-mudell eżistenti ta’ aċċertament tad-DĠ AGRI, li huwa bbażat fuq il-validazzjoni tar-riżultati tal-kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti:

  • l-użu ta’ żewġ kampjuni, bil-Kampjun Nru 1 meħud mil-lista ta’ kontrolli fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti (ara l-paragrafi 48 sa 58);
  • il-limitazzjoni tal-ittestjar fuq il-post, imwettaq mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, għat-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 1 (ara l-paragrafi 62 sa 67);
  • il-limitazzjoni tal-ambitu li l-korpi taċ-ċertifkazzjoni għandhom biex iwettqu mill-ġdid il-kontrolli fuq il-post u l-kontrolli amministrattivi li jkunu twettqu mill-aġenziji tal-pagamenti (ara l-paragrafi 68 sa 71);
  • il-kalkolu ta’ żewġ rati ta’ żball u l-użu mid-DĠ AGRI tar-rata ta’ “nuqqas ta’ konformità” (IRR) minflok ir-rata ta’ żball (ERR) (ara l-paragrafi 72 sa 78);
  • id-dikjarazzjoni insuffiċjenti tar-rati ta’ żball li abbażi tagħhom il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jesprimu l-opinjonijiet tagħhom (ara l-paragrafi 79 sa 85).
36

Barra minn hekk, sabiex japplikaw il-mudell tal-Kummissjoni, jeħtieġ li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu volum akbar ta’ xogħol minn dak li huwa strettament meħtieġ mir-Regolament Orizzontali tal-PAK. Dan għaliex l-istatistika ta’ kontroll li hija ppreżentata fil-qosor fid-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-aġenziji tal-pagamenti tiġi kkalkulata separatament għall-istrat tas-SIAK u l-istrat mhux tas-SIAK (ara l-paragrafu 2). Id-DĠ AGRI jikkalkula wkoll ir-rati ta’ żball aġġustati għal kull wieħed miż-żewġ strati. Dan ifisser li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni huma meħtieġa wkoll jivvalidaw l-istatistika ta’ kontroll fil-livell tal-istrati (tas-SIAK / mhux tas-SIAK) u mhux biss fil-livell tal-fondi (FAEG/FAEŻR). Sabiex ikollhom evidenza suffiċjenti biex jivvalidaw din l-istatistika fil-livell tal-istrati, jeħtieġ li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jżidu b’mod sinifikanti d-daqs tal-kampjuni tagħhom meta mqabbel ma’ xenarju fejn tkun meħtieġa biss validazzjoni fil-livell tal-fondi.

37

It-taqsimiet li ġejjin jeżaminaw ukoll il-punt sa fejn il-linji gwida tal-Kummissjoni jikkonformaw mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, fl-istadji differenti tal-proċess tal-awditjar (valutazzjoni tar-riskju u metodu ta’ kampjunar, ittestjar sostantiv, konklużjoni u opinjoni tal-awditjar).

Valutazzjoni tar-riskju u metodu ta’ kampjunar

L-ibbażar tal-valutazzjoni tar-riskju fuq il-matriċi ta’ akkreditazzjoni jista’ jirriżulta biex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jidderivaw livell esaġerat ta’ aċċertament mis-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti

38

Skont il-linji gwida tad-DĠ AGRi37, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jiksbu l-livell kumplessiv ta’ aċċertament tagħhom f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità minn żewġ sorsi: il-valutazzjoni tagħhom tal-ambjent ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti u l-ittestjar sostantiv tagħhom tat-tranżazzjonijiet. Mudell bħal dan jiikkonforma mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, li jippreskrivu li jenħtieġ li l-awditur jifhem l-ambjent ta’ kontroll u l-kontrolli interni rilevanti kif ukoll iqis jekk huwiex probabbli li dawn jiżguraw il-konformità38.

39

Aktar ma l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jevalwaw b’mod pożittiv is-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti, u għalhekk aktar ma jkun għoli l-aċċertament li huma jidderivaw minn dawn is-sistemi, anqas ma jkun hemm tranżazzjonijiet li jiġu suġġetti għal ittestjar sostantiv. It-Tabella 2 turi din ir-relazzjoni inversa bl-użu ta’ informazzjoni mil-linji gwida tad-DĠ AGRI39:

Tabella 2

Klassifikazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll intern imqabbla mad-daqs tal-kampjuni għall-ittestjar sostantiv

Klassifikazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll intern Taħdem tajjeb Taħdem Taħdem parzjalment Ma taħdimx
Għadd ta’ elementi inklużi fl-ittestjar sostantiv 93 111 137 181
40

Id-DĠ AGRI kien jirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jibbażaw il-klassifikazzjoni tagħhom tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti fuq matriċi li tippermetti li jiġi vvalutat kemm l-aġenziji tal-pagamenti jikkonformaw mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni (il-”matriċi ta’ akkreditazzjoni”). L-aġenziji tal-pagamenti li huma akkreditati biss (jiġifieri dawk li jissodisfaw il-kriterji ta’ akkreditazzjoni) jistgħu jimmaniġġjaw l-infiq taħt il-PAK40.

41

Kif jidher fl-Anness III41, il-matriċi ta’ akkreditazzjoni tikkonsisti f’6 funzjonijiet u fi 8 kriterji ta’ valutazzjoni, li jammontaw għal total ta’ 48 parametru ta’ valutazzjoni. Kull parametru individwali jingħata punteġġ minn 1 (“Ma jaħdimx”) sa 4 (“Jaħdem tajjeb”) u ponderazzjoni. Il-punteġġ kumplessiv iġġenerat mill-matriċi ta’ akkreditazzjoni jirrappreżenta l-medja pponderata ta’ dawn it-48 parametru ta’ valutazzjoni.

42

Dan il-punteġġ kumplessiv jintuża kemm mill-awtoritajiet kompetenti (biex jivvalutaw jekk l-aġenziji tal-pagamenti għandhomx iżommu l-akkreditazzjoni tagħhom) kif ukoll mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni (biex jgħinhom jiffurmaw l-opinjoni tagħhom dwar jekk is-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti humiex qed jiffunzjonaw tajjeb).

43

Madankollu, mhuwiex xieraq li jintuża l-punteġġ kumplessiv iġġenerat mill-matriċi ta’ akkreditazzjoni biex jiġu vvalutati s-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq, billi dawn jiddependu prinċipalment fuq 2 biss mit-48 parametru ta’ valutazzjoni: kontrolli amministrattivi u kontrolli fuq il-post li jsiru fuq l-ipproċessar tal-klejms, inklużi l-validazzjoni u l-awtorizzazzjoni tagħhom (taħt “Attivitajiet ta’ kontroll”).

44

Taħt il-qafas propost mid-DĠ AGRI, punteġġi baxxi fuq dawn iż-żewġ parametri jistgħu jiġu kkumpensati minn punteġġi ogħla fuq oħrajn (eż. informazzjoni u komunikazzjoni, monitoraġġ). Dawn il-fatturi l-oħra mhumiex direttament relatati mal-legalità u r-regolarità u għalhekk, ma għandhomx jintużaw għal kumpens ta’ dan it-tip Għal skopijiet ta’ legalità u regolarità, minħabba l-importanza kbira ħafna ta’ dawn iż-żewġ parametri, kumpens bħal dan jista’ jwassal biex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jistmaw b’mod eċċessiv is-sistemi ta’ kontroll intern u jidderivaw aktar aċċertament minnhom milli jkun iġġustifikat. Barra minn hekk, dan il-qafas ma jiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni d-dgħufijiet sistemiċi li ġew irrappurtati qabel kemm mid-DĠ AGRI kif ukoll minna, b’segwitu għall-awditi li twettqu tal-aġenziji tal-pagamenti u tal-benefiċjarji finali.

45

Fi tlieta42 mis-sitt Stati Membri miżjura, aħna sibna li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma kinux ħadu biżżejjed kont tad-dgħufijiet magħrufa fil-valutazzjonijiet tagħhom tas-sistemi. Il-Kaxxa 1 hawn taħt tippreżenta s-sitwazzjoni li sibna f’wieħed minn dawn l-Istati Membri (il-Ġermanja (il-Bavarja)), flimkien mas-sitwazzjoni opposta li nstabet fir-Rumanija, fejn il-KĊ fil-fatt għamel użu sħiħ minn dgħufijiet magħrufa ta’ dan it-tip fil-valutazzjonijiet tiegħu. Dawn is-sitwazzjonijiet jappoġġaw il-fehma tagħna li l-matriċi ta’ akkreditazzjoni mhijiex għodda xierqa għall-valutazzjoni tal-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll intern f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità.

Kaxxa 1

Sitwazzjonijiet fejn il-matriċi ta’ akkreditazzjoni ma pproduċietx riżultati affidabbli għal skopijiet ta’ legalità u regolarità

Fil-Ġermanja (il-Bavarja), il-matriċi ta’ akkreditazzjoni ġġenerat il-klassifikazzjoni “Taħdem” għas-sistema ta’ kontroll intern tal-FAEŻR (mhux tas-SIAK) tal-Istat. Din il-klassifikazzjoni ma kinitx konsistenti mal-evidenza li ġejja, li kienet tissuġġerixxi li s-sistema ta’ kontroll għal infiq ta’ dan it-tip kienet aktar dgħajfa:

  • għas-snin finanzjarji 2013 u 2014, id-DĠ AGRI kien ikkalkula li, f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq, kien hemm livell materjali ta’ żball, u
  • il-verifikazzjonijiet proprji tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni wrew li għadd sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet kien fihom żbalji finanzjarji (25 mis-sena finanzjarja 2015, jiġifieri terz mill-popolazzjoni awditjata).

Fir-Rumanija, il-matriċi ta’ akkreditazzjoni inizjalment iġġenerat il-klassifikazzjoni “Taħdem” għas-sistemi ta’ kontroll intern taz-żewġ fondi (il-FAEŻR u l-FAEG) u taż-żewġ strati (tas-SIAK u mhux tas-SIAK). Madankollu, filwaqt li applika l-ġudizzju professjonali tiegħu fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, inklużi d-dgħufijiet magħrufa li ġew irrappurtati minn qabel mid-DĠ AGRI u minna, il-KĊ injora dan l-eżitu u naqqas il-klassifikazzjonijiet korrispondenti għal “Ma taħdimx” għall-FAEG (tas-SIAK) u għal “Taħdem parzjalment” għall-FAEŻR (tas-SIAK) u l-FAEG (mhux tas-SIAK).

46

Matul l-inkjesti tiegħu għall-approvazzjoni tal-konformità, id-DĠ AGRI juża kontrolli ewlenin u kontrolli anċillari (ara l-Kaxxa 2 għal definizzjonijiet) biex jivvaluta jekk is-sistemi ta’ kontroll intern stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri jistgħux jiiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-infiq.

Kaxxa 2

X’inhuma kontrolli (verifiki) ewlenin u kontrolli anċillari (verifiki subordinati)?43

“Il-verifiki ewlenin għandhom ikunu l-verifiki amministrattivi u fuq il-post li huma meħtieġa għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà tal-għajnuna u l-applikazzjoni rilevanti tat-tnaqqis u l-penali”.

“Il-verifiki subordinati għandhom ikunu l-operazzjonijiet amministrattivi l-oħrajn kollha meħtieġa għall-ipproċessar korrett tat-talbiet”.

47

Minkejja li d-DĠ AGRI nnifsu juża kontrolli ewlenin u kontrolli anċillari biex jivvaluta jekk is-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti jiżgurawx il-legalità u r-regolarità tal-infiq, huwa jirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jużaw għodda differenti għall-istess skop: il-matriċi ta’ akkreditazzjoni, li mhijiex adatta għal dak l-iskop.

Il-metodu ta’ kampjunar tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għal tranżazzjonijiet tas-SIAK, ibbażat fuq il-listi ta’ kontrolli fuq il-post magħżula b’mod aleatorju mill-aġenziji tal-pagamenti, kien jinvolvi sensiela ta’ riskji li ma ngħelbux

48

Kif imsemmi hawn fuq, ir-Regolament Orizzontali tal-PAK jirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jipprovdu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq li għalih ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni matul is-sena finanzjarja li tkun qed tiġi awditjata. Għalhekk, meta jfasslu kampjun tal-awditjar, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni “għand[hom] jikkunsidra[w] l-għan tal-proċedura tal-awditjar u l-karatteristiċi tal-popolazzjoni li minnha jkun se jittieħed il-kampjun”44.

49

Il-linji gwida tad-DĠ AGRI45 jaqsmu x-xogħol għall-ittestjar sostantiv f’żewġ kampjuni:

  • Kampjun Nru 1: meħud mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, mil-lista ta’ benefiċjarji magħżula b’mod aleatorju46 mill-aġenziji tal-pagamenti għal kontrolli fuq il-post (ara l-paragrafu 6). Għat-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 1, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni huma meħtieġa jwettqu mill-ġdid kemm il-kontrolli fuq il-post li jkunu twettqu mill-aġenziji tal-pagamenti kif ukoll il-firxa sħiħa ta’ kontrolli amministrattivi (il-wasla tal-klejm u l-kontrolli ta’ eliġibbiltà, il-validazzjoni tal-infiq, inkluża l-awtorizzazzjoni, l-eżekuzzjoni u r-reġistrazzjoni fil-kontijiet tal-pagament korrispondenti).
  • Kampjun Nru 2: meħud mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni mill-pagamenti kollha għas-sena inkwistjoni. Għall-Kampjun Nru 2, jeħtieġ biss li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu mill-ġdid il-kontrolli amministrattivi u mhux il-kontrolli fuq il-post (ara l-paragrafi 62 sa 67).
50

L-iskeda ta’ żmien tal-ittestjar sostantiv u tar-rapporti li l-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni bagħtu lill-Kummissjoni hija deskritta fl-Anness IV.

51

It-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 1 jintgħażlu minn lista ta’ kontrolli fuq il-post magħżula b’mod aleatorju u mwettqa mill-AP fuq il-klejms, li, jekk ikunu tas-SIAK, huwa probabbli li jwasslu għal pagamenti matul is-sena finanzjarja korrispondenti. Għaldaqstant, ir-riżultati tal-ittestjar imwettaq mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni mhux biss iservu biex tingħata opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq, iżda wkoll jgħinu lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jiffurmaw opinjoni dwar il-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti, li huwa wieħed mill-objettivi l-oħra tal-awditjar stabbiliti fir-Regolament Orizzontali tal-PAK.

52

L-għadd ta’ tranżazzjonijiet li fuqhom il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu mill-ġdid il-kontrolli kollha li jkunu twettqu mill-aġenziji tal-pagamenti (ara t-Tabella 3 taħt il-paragrafu 64) spiss ikun konsiderevolment akbar mill-għadd ta’ tranżazzjonijiet normalment meħtieġa għall-ittestjar tal-konformità fuq is-sistemi ta’ kontroll intern47. Dan jagħtihom aċċertament akbar li s-sistemi tal-aġenziji tal-pagamenti għall-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post jikkonformaw mar-regolamenti applikabbli.

53

Biex ir-riżultati tal-awditjar ikunu affidabbli, huwa importanti li l-kampjuni kollha li jintużaw għall-ittestjar sostantiv ikunu rappreżentattivi. Sabiex ikunu rappreżentattivi, il-kampjuni jridu jittieħdu mill-popolazzjoni totali bl-użu ta’ metodi statistikament validi u jridu jibqgħu ma jinbidlux. Minħabba li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jisiltu l-kampjuni tagħhom parzjalment mill-kampjuni tal-aġenziji tal-pagamenti, ir-riżultati ta’ xogħolhom jistgħu jkunu rappreżentattivi biss jekk il-kampjuni tal-aġenziji tal-pagamenti jkunu huma stess rappreżentattivi. Barra minn hekk, kull sostituzzjoni ta’ tranżazzjonijiet li jkunu fil-kampjuni inizjali trid tkun iġġustifikata u ddokumentata kif xieraq.

54

Id-DĠ AGRI jirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jivvalutaw ir-rappreżentattività tal-kampjuni tal-aġenziji tal-pagamenti. Madankollu, sabiex jikkonformaw ma’ rekwiżit ta’ dan it-tip, huwa meħtieġ li kemm l-aġenziji tal-pagamenti kif ukoll il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jżommu rendikont suffiċjenti u affidabbli tal-entrati biex jikkonfermaw li l-kampjuni huma rappreżentattivi, li ttieħdu mill-popolazzjoni kollha kemm hi u li baqgħu ma nbidlux.

55

Id-DĠ AGRI jirrikjedi li t-tranżazzjonijiet tas-SIAK inklużi fil-Kampjun Nru 1 għall-ittestjar sostantiv jintgħażlu abbażi tal-ammonti kklejmjati mill-bdiewa (għażla bbażata fuq il-klejms) aktar milli abbażi tal-ammonti li fil-fatt jitħallsu48, sabiex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-verifikazzjonijiet mill-ġdid tagħhom mill-aktar fis possibbli wara li jitwettqu l-kontrolli fuq il-post mill-aġenziji tal-pagamenti. Il-vantaġġ tal-għażla bbażata fuq il-klejms huwa li l-kundizzjonijiet li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jsibu meta jispezzjonaw fuq il-post l-azjendi agrikoli magħżula, ikunu simili ħafna għal dawk misjuba mill-aġenziji tal-pagamenti.

56

Madankollu, biex dan il-metodu jaħdem kif intenzjonat, huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni u komunikazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Jeħtieġ li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jiġu aġġornati regolarment dwar il-kontrolli mwettqa mill-AP, sabiex il-KĊ ikun jista’ jwettaq dawn il-kontrolli mill-ġdid ftit ta’ żmien biss wara ż-żjara tal-AP. Aħna sibna li fi tlieta mill-ħames Stati Membri miżjura, fejn il-KĊ wettaq mill-ġdid il-kontrolli fuq il-post tas-SIAK49, din il-kundizzjoni ma ġietx issodisfata (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Dewmien fit-twettiq mill-ġdid, mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, tal-kontrolli fuq il-post tat-tranżazzjonijiet tas-SIAK inklużi fil-Kampjun Nru 1, għas-sena tal-klejms 2014 (sena finanzjarja 2015)

Fil-Polonja, il-KĊ ikkompleta t-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli ta’ 53 mis-60 tranżazzjoni tas-SIAK inklużi fil-Kampjun Nru 1 għall-infiq tal-FAEG, wara tmiem is-sena kalendarja 2014, u xi wħud minnhom damu ma twettqu mill-ġdid sal-aħħar ta’ Marzu 2015. Dan kien għaliex l-AP damet ma bagħtet ir-rapporti tagħha dwar il-kontrolli fuq il-post lill-KĊ.

Fir-Rumanija, il-KĊ wettaq mill-ġdid is-sitt kontrolli klassiċi fuq il-post50 kollha għat-tranżazzjonijiet tas-SIAK inklużi fil-Kampjun Nru 1 għall-infiq tal-FAEŻR, madwar sitt xhur wara li l-AP wettqet il-kontrolli tagħha.

Fil-Ġermanja (il-Bavarja), kienu għaddew sa 3 xhur minn meta saru ż-żjarat inizjali mill-AP fl-azjendi agrikoli sa meta saru l-verifikazzjonijiet mill-ġdid fuq il-post, mill-KĊ, għat-tranżazzjonijiet tas-SIAK għall-infiq tal-FAEG, u sa 10 xhur għat-tranżazzjonijiet tas-SIAK għall-infiq tal-FAEŻR.

57

Barra minn hekk, biex dan l-approċċ ikun validu, jeħtieġ li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkollhom aċċess immedjat għal-lista ta’ kontrolli fuq il-post li jkunu ntgħażlu inizjalment mill-aġenziji tal-pagamenti, sabiex jiġi żgurat li din il-lista ma tinbidilx sussegwentement. Barra minn hekk, KĊ ma għandux jingħata permess li jeskludi tranżazzjonijiet mill-kampjun tiegħu minħabba f’dewmien fid-deċiżjoni tal-AP dwar l-għoti tal-għajnuna rilevanti. Jekk il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jitħallew jeskludu tranżazzjonijiet ta’ dan it-tip mill-kampjun, ir-riskju li l-aġenziji tal-pagamenti jdewmu intenzjonalment id-deċiżjonijiet u l-pagamenti tagħhom għal ċerti tranżazzjonijiet jiżdied, u dan għandu mnejn iwassal għal żbalji fil-kalkoli tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Każijiet ta’ dan it-tip mhux biss jimminaw ir-rappreżentattività tar-riżultati u l-validità tal-estrapolazzjoni tagħhom għall-infiq kumplessiv, iżda jistgħu jikkawżaw ukoll tnaqqis skorrett fir-rata ta’ żball li tkun instabet mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Esklużjoni ta’ tranżazzjonijiet tas-SIAK inklużi fil-Kampjun Nru 1 għaliex l-AP ma esegwietx il-pagament qabel ma l-KĊ kien ikkompleta x-xogħol tal-awditjar tiegħu

Fir-Rumanija, il-KĊ eskluda ħames tranżazzjonijiet tas-SIAK inklużi fil-Kampjun Nru 1 għall-infiq tal-FAEŻR wara li kien ikkompleta x-xogħol tal-awditjar tiegħu, għaliex l-AP kienet għadha ma esegwietx il-pagamenti korrispondenti. Konsegwentement, il-KĊ ma ħax inkunsiderazzjoni r-riżultati tat-testijiet li saru fuq dawn it-tranżazzjonijiet fil-kalkolu tar-rata kumplessiva ta’ żball li fuqha kienet ibbażata l-opinjoni tiegħu dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet.

58

L-applikazzjoni tal-metodu tal-għażla bbażat fuq il-klejms tiddependi wkoll mill-fatt li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jħallux lill-aġenziji tal-pagamenti jkunu jafu liema tranżazzjonijiet ikunu għażlu qabel ma dawn tal-aħħar ikunu diġà wettqu l-kontrolli tagħhom, sabiex l-aġenziji tal-pagamenti ma jkunux jafu liema tranżazzjonijiet il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu se jiskrutinizzaw aktar tard (il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll dan ir-riskju f’każijiet fejn il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jakkumpanjaw lill-aġenziji tal-pagamenti meta jwettqu l-kontrolli inizjali tagħhom)51. Madankollu, aħna sibna li fl-Italja ma kinux ġew stabbiliti salvgwardji ta’ dan it-tip (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

L-eżerċizzju ta’ twettiq mill-ġdid tal-kontrolli ġie kompromess fl-Italja għaliex il-KĊ kien avża lill-AP minn qabel dwar liema benefiċjarji kienu se jkunu suġġetti għal dan l-eżerċizzju

Fl-Italja, għas-sena tal-klejms 2015 (sena finanzjarja 2016), il-KĊ ta lill-AP il-lista ta’ tranżazzjonijiet tas-SIAK li kien għażel għall-Kampjun Nru 1 għaż-żewġ fondi (il-FAEG u l-FAEŻR), qabel ma l-AP kienet wettqet il-maġġoranza tal-kontrolli fuq il-post inizjali tagħha. B’riżultat ta’ dan, l-AP kienet diġà taf, qabel ma bdiet twettaq il-kontrolli tagħha fuq il-post, liema tranżazzjonijiet kienu se jkunu suġġetti sussegwentement għal twettiq mill-ġdid tal-kontrolli mill-KĊ.

Jekk, meta tkun qed twettaq il-kontrolli tagħha fuq il-post, l-AP tkun taf liema tranżazzjonijiet ikunu skedati għal kontroll mill-ġdid mill-KĊ f’data aktar tard, huwa probabbli li hija tiskrutinizza dawn it-tranżazzjonijiet aktar mill-qrib. B’riżultat ta’ dan, dawn il-kontrolli jkunu aktar eżatti minn dawk li ma jkunux skedati li jitwettqu mill-ġdid, u għalhekk il-KĊ isib inqas żbalji.

Barra minn hekk, peress li r-riżultati għal dawn it-tranżazzjonijiet jintużaw għall-estrapolazzjoni tal-livell ta’ żball għall-popolazzjoni kollha kemm hi, dawn it-tranżazzjonijiet preġudikati jiġġeneraw rata kumplessiva ta’ żball li ma tkunx rappreżentattiva u li probabbli tkun iddikjarata b’mod insuffiċjenti.

Porzjon tat-tranżazzjonijiet mhux tas-SIAK li fuqhom il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu ttestjar sostantiv mhuwiex rappreżentattiv tal-infiq fis-sena finanzjarja awditjata

59

Għal tranżazzjonijiet mhux tas-SIAK (kemm għall-FAEG kif ukoll għall-FAEŻR), hemm disparità sinifikanti bejn:

  • il-perjodu li għalih jiġu rrappurtati l-kontrolli fuq il-post, li huwa s-sena kalendarja (mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2014 għas-sena finanzjarja 2015, f’dan il-każ), u
  • il-perjodu li għalih jitħallas l-infiq, li għas-sena finanzjarja 2015 huwa mis-16 ta’ Ottubru 2014 sal-15 ta’ Ottubru 2015.
60

B’riżultat ta’ dan, xi wħud mill-benefiċjarji li kienu suġġetti għal kontrolli fuq il-post li twettqu matul is-sena kalendarja 2014 ma ġewx rimborżati fis-sena finanzjarja 201552. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jistgħux jużaw ir-riżultati ta’ tranżazzjonijiet ta’ dan it-tip fil-kalkolu tagħhom tar-rata ta’ żball għas-sena finanzjarja kkonċernata. Riżultati ta’ dan it-tip jistgħu jintużaw biss biex tingħata opinjoni dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll intern u biex tiġi pprovduta dikjarazzjoni dwar l-osservazzjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u fl-istatistika ta’ kontroll sottostanti tagħha.

61

B’riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ tranżazzjonijiet li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jużaw fil-kalkolu tar-rata kumplessiva ta’ żball huwa aktar baxx, u għaldaqstant inaqqas l-eżattezza tagħha u, imbagħad, jaffettwa l-affidabbiltà tal-opinjonijiet tagħhom dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq għas-sena finanzjarja.

Ittestjar sostantiv

Għall-biċċa l-kbira mit-tranżazzjonijiet, il-linji gwida ma jirrikjedux li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu ttestjar fuq il-post fil-livell tal-benefiċjarji finali

62

Skont l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, meta jkunu qed iwettqu awditu ta’ aċċertament raġonevoli, l-awdituri tas-settur pubbliku jiġbru evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-konklużjonijiet tal-awdituri53. Huma għandhom jużaw varjetà ta’ tekniki għal dan l-iskop, bħal osservazzjoni, spezzjoni, inkjesta, twettiq mill-ġdid, konferma u proċeduri analitiċi. Barra minn hekk, skont id-dritt tal-UE, l-ittestjar sostantiv tal-infiq li jitwettaq mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jrid ikopri l-verifikazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi fil-livell tal-benefiċjarji finali54.

63

Spezzjoni tinvolvi l-eżaminar ta’ kotba, reġistri u elementi oħra (bħad-dritt tal-benefiċjarji li jużaw l-art inkwistjoni, reġistri tal-fertilizzazzjoni, permessi tal-bini, eċċ.) jew assi fiżiċi (bħal art, annimali, tagħmir, eċċ.). Inkjesta tinvolvi l-ksib ta’ informazzjoni u spjegazzjonijiet minn benefiċjarji differenti, fl-għamla ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub jew ta’ diskussjonijiet orali li jkunu aktar informali.

64

Kif imsemmi hawn fuq, għall-Kampjun Nru 2, il-linji gwida tad-DĠ AGRI jirrikjedu biss li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu mill-ġdid il-kontrolli amministrattivi (ara l-paragrafu 49). Fit-Tabella 3, aħna kkalkulajna l-proporzjon tat-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 2 fil-kampjun totali għas-sitt Stati Membri miżjura.

Tabella 3

Proporzjon tat-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 2 li ntużaw għall-ittestjar sostantiv mis-sitt Stati Membri miżjura

Stat Membru FAEG FAEŻR
Kampjun Nru 1 Kampjun Nru 2 Kampjun totali % tal-Kampjun Nru 2 b’kollox Kampjun Nru 1 Kampjun Nru 2 Kampjun totali % tal-Kampjun Nru 2 b’kollox
(1) (2) (3) = (1)+(2) (4) = (2)/(3)*100 (5) (6) (7) = (5)+(6) (8) = (6)/(7)*100
Il-Ġermanja (il-Bavarja) 30 41 7158 % 60 146 206 71 %
Spanja (Kastilja u Léon) 52 123 175 70 % 50 122 172 71 %
L-Italja (AGEA1) 30 192 222 86 % 30 91 121 75 %
Il-Polonja 90 58 14839 % 97 33 13025 %
Ir-Rumanija 161 292 45364 % 140 245 38564 %
Ir-Renju Unit (l-Ingilterra) 30 40 7057 % 59 26 8531 %
Proporzjon medju tal-Kampjun Nru 2 fl-Istati Membri/fir-Reġjuni miżjura (mingħajr l-ebda ttestjar fuq il-post)62 %56 %

1 L-”Agenzia per le erogazioni in agricoltura” (AGEA) hija waħda mill-11-il aġenzija tal-pagamenti Taljana.

65

Kif jidher fit-tabella ta’ hawn fuq, f’erba’ mill-Istati Membri/mir-Reġjuni miżjura, il-Kampjun Nru 2, li għalih ma jitwettaq l-ebda ttestjar fuq il-post, kien jirrappreżenta l-maġġoranza tal-kampjun kumplessiv użat mill-korpi ta-ċertifikazzjoni għall-ittestjar sostantiv.

66

Għall-Kampjun Nru 2, il-ġbir ta’ evidenza bbażata biss fuq twettiq mill-ġdid tal-kontrolli amministrattivi fil-livell tal-aġenziji tal-pagamenti, ta’ spiss ma jipprovdix, lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa kif meħtieġ mill-ISSAI 4200. B’dan il-mod, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni mhumiex qed jużaw żewġ metodi ta’ ġbir tal-evidenza għall-awditjar li huma importanti ħafna fil-kuntest tal-infiq taħt il-PAK: l-ispezzjoni u l-inkjesta. Mingħajr dawn il-metodi, ma tkun tista’ tinġabar evidenza għall-awditjar ta’ ċerta importanza, bħal evidenza li turi li l-bdiewa jkunu qed jużaw l-art tagħhom kif jistqarru fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, u prova tal-eżistenza ta’ assi fiżiċi mixtrija permezz ta’ proġetti ta’ investiment. Għalhekk, dan l-approċċ ma jissodisfax l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment.

67

Mingħajr biżżejjed ittestjar fuq il-post, jista’ jkun li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jkunux jistgħu jiksbu aċċertament raġonevoli li l-infiq rilevanti jkun legali u regolari: kif urejna fir-rapporti annwali tagħna, il-biċċa l-kbira mill-iżbalji fl-infiq taħt il-PAK (b’mod partikolari għas-SIAK) jinstabu fuq il-post55.

Il-linji gwida jirrikjedu biss li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu mill-ġdid il-kontrolli inizjali tal-aġenziji tal-pagamenti, aktar milli jwettqu l-proċeduri kollha tal-awditjar li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jqisu bħala meħtieġa għall-ksib ta’ aċċertament raġonevoli

68

In-natura, it-twaqqit u l-punt sa fejn jitwettqu l-proċeduri jiġu ddeterminati minn awdituri tas-settur pubbliku li japplikaw ġudizzju professjonali56. Fir-rigward tal-istandards applikabbli meta jitwettaq awditu ta’ aċċertament raġonevoli, ara wkoll il-paragrafu 62.

69

Għall-ittestjar sostantiv tagħhom, id-DĠ AGRI kien jirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu mill-ġdid (jivverifikaw mill-ġdid) biss il-kontrolli inizjali tal-aġenziji tal-pagamenti, kemm għat-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 1 kif ukoll għal dawk tal-Kampjun Nru 257. Pereżempju, jekk il-kontrolli fuq il-post inizjali tagħha kienu twettqu mill-aġenziji tal-pagamenti bl-użu ta’ telerilevament 58, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu dejjem meħtieġa jwettquhom mill-ġdid billi jużaw l-istess metodu59.

70

It-twettiq mill-ġdid huwa ddefinit mill-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment60 bħala t-twettiq indipendenti tal-istess proċeduri li jkunu diġà twettqu mill-entità awditjata, f’dan il-każ l-AP. Pereżempju, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jwettqu mill-ġdid kontrolli amministrattivi biex jittestjaw jekk l-aġenziji tal-pagamenti jkunux ħadu d-deċiżjonijiet korretti huma u jagħtu l-għajnuna.

71

Filwaqt li t-twettiq mill-ġdid huwa metodu validu ta’ ġbir tal-evidenza għall-awditjar, fl-opinjoni tagħna, il-Kummissjoni ma għandhiex tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jillimitaw lilhom infushom għal dan il-metodu għat-tranżazzjonijiet kollha li jkunu suġġetti għall-ittestjar sostantiv, iżda minflok jeħtieġ li tħalli f’idejn il-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex jiddeterminaw meta u kemm għandhom jużawh. Huwa possibbli li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jagħżlu u jwettqu l-passi u l-proċeduri tal-awditjar li huma stess iqisu xierqa, u dan ma għandux ikun limitat għal twettiq mill-ġdid. Jista’ jiġri li ttestjar sostantiv li jkun ibbażat biss fuq it-twettiq mill-ġdid ma jippermettix li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jiksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti biex jiffurmaw opinjoni raġonevoli ta’ aċċertament.

Konklużjoni u opinjoni tal-awditjar

Il-linji gwida jirrikjedu li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jikkalkulaw żewġ rati ta’ żball differenti, u l-użu li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni u d-DĠ AGRI għamlu minn dawn ir-rati mhuwiex xieraq

72

Sabiex jikkonformaw mal-linji gwida tad-DĠ AGRI61, jeħtieġ li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jikkalkulaw żewġ rati ta’ żball għal skopijiet ta’ legalità u regolarità (ara t-Tabella 4).

Tabella 4

Ir-rati ta’ żball li jridu jiġu kkalkulati skont il-linji gwida tad-DĠ AGRI

Karatteristiki Rata ta’ żball (ERR) Rata ta’ “nuqqas ta’ konformità” (IRR)
Użu li sar mill-KĊ Biex tingħata opinjoni dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali tal-aġenzija tal-pagamenti, dwar il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll intern tagħha u dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq li għalih ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni. Biex jiġi vvalutat jekk l-eżaminar tagħhom iqajjimx dubju dwar l-osservazzjonijiet li jsiru fid-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni, inklużi l-iżbalji rrappurtati mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istatistika ta’ kontroll.
Popolazzjoni li għaliha tirreferi r-rata Infiq għas-sena finanzjarja (eż. mis-16 ta’ Ottubru 2014 sal-15 ta’ Ottubru 2015). Kontrolli mwettqa mill-AP matul is-sena kalendarja (eż. mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014).
Proċeduri tal-AP li jittieħdu inkunsiderazzjoni Il-proċess kollu ta’ kontroll imwettaq mill-AP, minn meta jaslu l-klejms sal-pagament u l-kontabbiltà. Il-kontrolli ta’ eliġibbiltà primarji mwettqa mill-AP biss (kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post), qabel ma jiġu applikati s-sanzjonijiet.
Żbalji li jittieħdu inkunsiderazzjoni Jittieħdu inkunsiderazzjoni biss pagamenti eċċessivi li jsiru mill-AP. Tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-validazzjonijiet eċċessivi kif ukoll il-validazzjonijiet insuffiċjenti mill-AP.
73

L-Artikolu 9 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK jirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jesprimu konklużjoni ta’ aċċertament “limitat” (negattiv)62 fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni. Konklużjoni ta’ dan it-tip ma tirrikjedix li jsir xogħol tal-awditjar komplut, iżda sempliċiment eżaminar, normalment limitat għal proċeduri u inkjesti analitiċi. Testijiet tad-dettalji, bħal ittestjar sostantiv tat-tranżazzjonijiet, mhumiex meħtieġa. Għalhekk, eżaminar ta’ aċċertament limitat jipprovdi livell aktar baxx ta’ aċċertament minn awditu ta’ aċċertament raġonevoli. Il-konklużjoni ta’ aċċertament limitat normalment tiġi fformulata kif ġej: “ma nnutajna xejn li jindika li t-tema ma tikkonformax, fl-aspetti materjali kollha, mal-kriterji ddikjarati.

74

Għaldaqstant, sabiex tkun konformi mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, il-konklużjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni tista’ tinkiseb mir-riżultati tax-xogħol tal-awditjar li jkun sar f’dak li jirrigwarda l-affidabbiltà tal-kontijiet, il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll intern u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet (inkluża l-ERR), jiġifieri bħala “prodott inċidentali” ta’ dan ix-xogħol. Madankollu, il-linji gwida tad-DĠ AGRI jirrikjedu wkoll li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jikkalkulaw l-IRR sabiex jaslu għal konklużjoni dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni.

75

Barra minn hekk, fir-Rapport Annwali tal-Attività 201563 tiegħu, id-DĠ AGRI spjega li, fil-prinċipju, huwa kellu l-intenzjoni li juża l-IRR biex jistma rata ta’ żball aġġustata għal skopijiet ta’ legalità u regolarità. Għalhekk, filwaqt li l-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq huma bbażati fuq l-ERR, il-mudell ta’ aċċertament tad-DĠ AGRI juża indikatur differenti ta’ żball, l-IRR, sabiex jistma l-ammonti f’riskju minn perspettiva ta’ legalità u ta’ regolarità.

76

L-IRR ma tirrappreżentax il-livell ta’ żball fl-infiq, iżda pjuttost l-impatt finanzjarju tad-dgħufijiet fil-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-AP.

77

Il-linji gwida tad-DĠ AGRI jirrikjedu li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jużaw l-ERR ikkalkulata għal skopijiet ta’ legalità u regolarità biex jiffurmaw ukoll opinjoni dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-pagamenti (ara t-Tabella 4). Fl-eżaminar annwali tiegħu tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti (il-”proċedura ta’ approvazzjoni finanzjarja”), id-DĠ AGRI nnifsu juża wkoll ir-rata ta’ żball għal-legalità u r-regolarità sabiex jivvaluta l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti.

78

Madankollu, dan imur kontra r-Regolament Orizzontali tal-PAK64 li, għall-proċedura ta’ approvazzjoni finanzjarja, jissepara b’mod ċar il-kwistjoni tal-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagament minn dik tal-legalità u r-regolarità tal-infiq. Din id-distinzjoni hija xierqa għaliex, pereżempju, pagament jista’ jiġi kontabilizzat kif suppost minkejja li ma jkunx legali u regoalri (eż. għaliex bidwi jkun ikklejmja l-għajnuna għal art maħduma minn bidwi ieħor); u, viċi versa, pagament jista’ jkun legali u regolari minkejja li jkun ġie kontabilizzat b’mod skorrett (eż. irreġistrat bħala rimborż ta’ proġett ta’ investiment minflok bħala pagament annwali bbażat fuq l-erja). Minħabba din is-separazzjoni, l-użu li d-DĠ AGRI jagħmel mill-ERR biex jivvaluta l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti mhuwiex xieraq.

L-opinjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq hija bbażata fuq rata ta’ żball totali ddikjarata b’mod insuffiċjenti

79

Iż-żewġ indikaturi ta’ żball (l-ERR u l-IRR) jiġu kkalkulati bħala d-differenza bejn dak li l-KĊ iqis eliġibbli u dak li l-AP tkun ivvalidat preċedentement. Id-differenzi bejn dak li jkunu kklejmjaw il-benefiċjarji u dak li jiġi vvalidat mill-AP wara l-kontrolli tagħha fuq il-post, li jikkostitwixxu l-iżbalji rrappurtati mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istatistika ta’ kontroll, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fl-ERR tal-KĊ.

80

Kif jiddikjara l-paragrafu 6, bħala regola ġenerali, huma 5 % biss tal-klejms li jiġu suġġetti għal kontrolli fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti. U madankollu, għas-sitt Stati Membri miżjura, is-sehem medju tat-tranżazzjonijiet suġġetti għal kontrolli fuq il-post mill-aġenziji tal-pagamenti fil-kampjun kumplessiv awditjat mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni (ara t-Tabella 3), huwa ta’ 38 % għall-FAEG u 44 % għall-FAEŻR. Għaldaqstant, tranżazzjonijiet ta’ dan it-tip huma ppreżentati b’mod eċċessiv fil-kampjuni kumplessivi tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Il-Figura 3 ta’ hawn taħt turi din is-sitwazzjoni biċ-ċifri medji għall-fond FAEG.

Figura 3

Il-proporzjon tat-tranżazzjonijiet li huma suġġetti għal kontrolli fuq il-post mill-aġenziji tal-pagamenti fil-popolazzjoni tal-FAEG u fil-kampjun medju tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

81

Fejn it-tranżazzjonijiet ikunu ġew suġġetti minn qabel għal kontrolli fuq il-post, l-AP tkun diġà qabdet u rrappurtat żbalji li jikkonċernawhom fl-istatistika ta’ kontroll. Dawn l-iżbalji mhumiex se jiġu identifikati aktar mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni meta r-riżultati tagħhom jitqabblu mar-riżultati tal-aġenziji tal-pagamenti. Madankollu, żbalji potenzjali se jibqgħu ma jiġux ikkoreġuti għall-95 % tal-popolazzjoni li ma tiġix suġġetta għall-kontrolli fuq il-post.

82

Għaldaqstant, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jridu jindikaw b’mod preċiż il-proporzjon tat-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 1 li kienu ġew suġġetti minn qabel għal kontrolli fuq il-post biex jiżguraw li ssir rappreżentazzjoni vera tal-karatteristiki tal-popolazzjoni totali. Għalhekk, jeħtieġ li mar-rata ta’ żball proprja tagħhom huma jżidu r-rata ta’ żball tal-AP meħuda mill-istatistika ta’ kontroll, għall-kontrolli fuq il-post aleatorji tagħha li wettqet fuq is-sehem tat-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 1 li jkunu qabżu l-5 %65 u li preċedentement ikunu għaddew minn kontrolli ta’ dan it-tip.

83

Bl-istess mod, jeħtieġ li r-rata ta’ żball tal-AP meħuda mill-istatistika ta’ kontroll tiżdied mar-rata ta’ żball tal-KĊ għal dawk it-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 2 li ma kienu ġew suġġetti għall-ebda kontroll fuq il-post, la dawk imwettqa mill-AP66 u lanqas dawk imwettqa mill-KĊ.

84

Dan l-aġġustament huwa meħtieġ għaliex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni huma meħtieġa jagħtu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-popolazzjoni tal-pagamenti kollha kemm hi, u mhux biss dwar l-effettività tal-proċeduri tal-aġenziji tal-pagamenti għal kontrolli fuq il-post. Fin-nuqqas ta’ aġġustamenti ta’ dan it-tip, huwa probabbli li l-ERR tiġi ddikjarata b’mod sinifikattivament insuffiċjenti kemm għall-Kampjun Nru 1 kif ukoll għall-Kampjun Nru 2.

85

Minbarra n-nuqqas ta’ aġġustamenti ta’ dan it-tip, huwa probabbli wkoll li d-dgħufijiet irrappurtati fil-paragrafi 56, 57, 58, 67 u 71 ta’ dan ir-rapport iwasslu biex ir-rata ta’ żball użata mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni għall-opinjoni tagħhom dwar il-legalità u r-regolarità tkun iddikjarata b’mod insuffiċjenti.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

86

B’baġit ta’ EUR 363 biljun (fi prezzijiet tal-2011) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-infiq taħt il-PAK jaqa’ taħt ġestjoni kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Filwaqt li l-Kummissjoni tiddelega l-implimentazzjoni tal-baġit lill-aġenziji tal-pagamenti nnominati mill-Istati Membri, hija għandha r-responsabbiltà aħħarija u hija meħtieġa tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-UE jkunu protetti bl-istess standard daqslikieku l-Kummissjoni kienet qed twettaq hija stess il-kompiti ddelegati ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

87

Il-Kummissjoni tikseb aċċertament li l-infiq huwa legali u regolari minn tliet saffi ta’ informazzjoni: il-kontrolli li jitwettqu mill-aġenziji tal-pagamenti, ix-xogħol tal-awditjar li jsir mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni u r-riżultati tal-kontrolli li l-Kummissjoni twettaq fuqhom. Meta aċċertament ta’ dan it-tip jitqies li jkun insuffiċjenti, il-Kummissjoni teżerċita r-responsabbiltà aħħarija tagħha għal-legalità u r-regolarità permezz tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità proprji tagħha, li jistgħu jirriżultaw f’korrezzjonijiet finanzjarji.

88

Mill-1996 ‘il hawn, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni ngħataw ir-rwol tagħhom bħala l-awdituri indipendenti tal-aġenziji tal-pagamenti. Filwaqt li huma kienu inizjalment responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikat dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-proċeduri ta’ kontroll intern, ir-responsabbiltajiet tagħhom żdiedu għall-perjodu 2014-2020. Mis-sena finanzjarja 2015 ‘il hawn, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu meħtieġa jipprovdu wkoll opinjoni, ifformulata skont l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, li tiddikjara jekk l-infiq li għalih ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni huwiex legali u regolari. Għalhekk, is-sena finanzjarja 2015 kienet l-ewwel sena li għaliha l-Kummissjoni setgħet tuża x-xogħol approfondit tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità fit-tħejjija tar-RAA tagħha.

89

F’dan il-kuntest, dan ir-rapport ivvaluta jekk ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienx pass ’il quddiem lejn mudell ta’ awditu uniku u jekk il-Kummissjoni ħaditx kont dovut tiegħu fil-mudell ta’ aċċertament tagħha. Aħna vvalutajna wkoll jekk il-qafas stabbilit mill-Kummissjoni ppermettiex li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jifformulaw opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt il-PAK, skont ir-regolamenti applikabbli tal-UE u l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment.

90

Aħna nikkonkludu li għalkemm ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni huwa pass pożittiv lejn mudell ta’ awditu uniku, il-Kummissjoni setgħet tieħu aċċertament limitat ħafna minn xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità. Barra minn hekk, aħna nikkonkludu li l-qafas imfassal mill-Kummissjoni għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tax-xogħol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandu dgħufijiet sinifikanti. B’riżultat ta’ dan, l-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jikkonformawx bis-sħiħ mal-istandards u r-regoli applikabbli f’oqsma importanti.

91

Aħna nqisu li r-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq huwa pass pożittiv lejn mudell ta’ awditu uniku, li fih is-saffi differenti ta’ kontroll u tal-awditjar jistgħu jkunu komplementari, u għaldaqstant jistgħu jiġu evitati kontrolli u awditi li jikkoinċidu u li ma jkunux ikkoordinati. Dan għaliex l-outputs tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom il-potenzjal li jgħinu lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta’ kontroll tagħhom, inaqqsu l-ispejjeż tal-awditjar u tal-kontroll, u jippermettu lill-Kummissjoni tikseb aċċertament indipendenti addizzjonali f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq. Barra minn hekk, ix-xogħol tal-KĊ f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità jista’ jgħin ukoll lill-Kummissjoni ttejjeb il-mod ta’ kif hija tistma r-rata kumplessiva tal-iżball residwu, tivvaluta l-ħtieġa għall-awditi tal-konformità, tiddetermina b’mod aktar eżatt u komplet l-ammonti li jridu jiġu esklużi mill-baġit tal-UE, filwaqt li tagħmel użu aktar estensiv mill-korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati u li tirrevedi l-istatus ta’ akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti (il-paragrafi 22 sa 28).

92

F’dan il-kuntest, aħna analizzajna l-mudell eżistenti ta’ aċċertament tal-Kummissjoni u l-bidliet li ġew introdotti biex jittieħed kont tar-rwol imsaħħaħ tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Aħna osservajna li l-mudell ta’ aċċertament tal-Kummissjoni jibqa’ bbażat fuq ir-riżultati tal-kontroll tal-Istati Membri. Għas-sena finanzjarja 2015, l-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità kienu sempliċiment wieħed mill-fatturi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-Kummissjoni kkalkulat l-aġġustamenti tagħha tal-iżbalji rrappurtati fl-istatistika ta’ kontroll tal-Istati Membri. Għas-snin finanzjarji 2014 u 2015, il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti supplimentari li żiedu r-rata kumplessiva tal-iżball residwu b’minn darbtejn sa erba’ darbiet ta’ dak li ġie rrappurtat mill-Istati Membri. L-opinjonijiet tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità huma l-uniku sors li jipprovdi aċċertament indipendenti f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità fuq bażi annwali. Għaldaqstant, ladarba xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkun sar b’mod affidabbli, fil-fehma tagħna jenħtieġ li dan l-aċċertament indipendenti jsir l-element ewlieni li d-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni għad-DĠ AGRI jieħu inkunsiderazzjoni meta jkun qed jivvaluta jekk l-infiq huwiex legali u regolari (il-paragrafi 29 sa 36).

Rakkomandazzjoni 1 - Aċċertament minn xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża r-riżultati tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, meta x-xogħol ikun iddefinit u mwettaq skont ir-regolamenti applikabbli u l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, bħala l-element ewlieni tal-mudell ta’ aċċertament tagħha f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq.

93

Aħna mbagħad eżaminajna l-punt sa fejn il-linji gwida tal-Kummissjoni kienu jikkonformaw mar-regolamenti applikabbli u mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment fl-istadji differenti tal-proċess tal-awditjar. Għall-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju, aħna osservajna li l-Kummissjoni kienet tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jużaw il-matriċi ta’ akkreditazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-punt sa fejn jenħtieġ li huma joqogħdu fuq is-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jużaw il-matriċi ta’ akkreditazzjoni biex jivvalutaw il-konformità tal-aġenziji tal-pagamenti mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni u fiha 48 parametru ta’ valutazzjoni, li minnhom 2 biss għandhom impatt sinifikanti fuq il-legalità u r-regolarità tal-infiq: kontrolli amministrattivi u kontrolli fuq il-post li jsiru fuq l-ipproċessar tal-klejms.

94

Għaldaqstant, mhuwiex xieraq li din il-matriċi tintuża għal skopijiet ta’ legalità u regolarità, għaliex dan jista’ jżid il-livell ta’ aċċertament li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jidderivaw mis-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti u jnaqqas id-daqs tal-kampjuni tagħhom għall-ittestjar sostantiv. Matul l-inkjesti tagħha għall-approvazzjoni tal-konformità, il-Kummissjoni tuża għodda differenti biex tivvaluta l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti: lista ta’ kontrolli ewlenin u kontrolli anċillari, li jinkludu l-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fiżiċi fuq il-post, kif ukoll operazzjonijiet amministrattivi oħra, li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li jsir kalkolu korrett tal-ammonti li jridu jitħallsu (il-paragrafi 38 sa 47).

Rakkomandazzjoni 2 - Valutazzjoni tar-riskju ffukata fuq il-kontrolli ewlenin u l-kontrolli anċillari

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida tagħha, sabiex il-valutazzjoni tar-riskju li ssir mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità, tkun iffukata fuq il-kontrolli ewlenin u l-kontrolli anċillari li diġà jintużaw mill-Kummissjoni, u tkun ikkomplementata minn kwalunkwe evidenza oħra li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jqisu xierqa skont l-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment.

95

Għall-kampjunar tat-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jużaw żewġ kampjuni li r-riżultati tagħhom imbagħad jingħaqdu flimkien: il-Kampjun Nru 1, meħud mil-lista ta’ benefiċjarji magħżula b’mod aleatorju mill-aġenziji tal-pagamenti għal kontrolli fuq il-post, u l-Kampjun Nru 2, meħud mill-pagamenti kollha għas-sena finanzjarja inkwistjoni. Dan l-approċċ jippermetti lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jittestjaw għadd sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet (Kampjun Nru 1) li jkunu ġew ivverifikati wkoll fuq il-post mill-aġenziji tal-pagamenti, sabiex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jiġbru evidenza rigward il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti u dwar l-affidabbiltà tal-istatistika ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti, fejn ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti jiġu rrappurtati. Madankollu, minħabba li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jisiltu l-Kampjun Nru 1 mill-kontrolli aleatorji fuq il-post tal-aġenziji tal-pagamenti, xogħolhom jista’ jkun rappreżentattiv biss jekk il-kampjuni magħżula inizjalment mill-aġenziji tal-pagamenti jkunu huma stess rappreżentattivi.

96

Barra minn hekk, għat-tranżazzjonijiet tas-SIAK, li huma prinċipalment pagamenti annwali bbażati fuq l-erja, il-Kampjun Nru 1 intgħażel abbażi tal-ammonti kklejmjati mill-bdiewa, qabel ma l-aġenziji tal-pagamenti kienu ddeterminaw l-ammonti li jridu jitħallsu. Il-Kummissjoni għażlet din is-soluzzjoni sabiex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-verifikazzjonijiet mill-ġdid tagħhom mill-aktar fis possibbli wara li jitwettqu l-kontrolli mill-aġenziji tal-pagamenti, meta l-kundizzjonijiet li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu sabu fl-ispezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi agrikoli magħżula, ikunu simili ħafna għal dawk misjuba mill-aġenziji tal-pagamenti. Madankollu, din is-soluzzjoni tinvolvi bosta riskji, bħal: kooperazzjoni insuffiċjenti bejn l-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni li ddewwem b’mod sinifikanti t-twaqqit tal-ittestjar mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, ir-riskju li t-tranżazzjonijiet li potenzjalment ikunu milquta minn żball jiġu sostitwiti fil-kampjun tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, jew ir-riskju li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jħabbru ż-żjara tagħhom qabel ma l-aġenziji tal-pagamenti jwettqu l-kontrolli inizjali tagħhom (il-paragrafi 48 sa 58).

Rakkomandazzjoni 3 - Salvagwardji għall-kampjunar tas-SIAK ibbażat fuq il-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti

Għall-għażla, mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, tat-tranżazzjonijiet tas-SIAK mil-lista ta’ klejms magħżula b’mod aleatorju mill-aġenziji tal-pagamenti għal kontrolli fuq il-post, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrinforza l-linji gwida tagħha, u tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jistabbilixxu salvagwardji xierqa li:

  • jiżguraw li l-kampjuni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni jkunu rappreżentattivi, li jintbagħtu lill-Kummissjoni malli titlobhom u li jinżamm rendikont xieraq tal-entrati. Dan ifisser li jkun meħtieġ li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jiċċekkjaw jekk il-kampjuni tal-aġenziji tal-pagamenti humiex rappreżentativi;
  • jippermettu lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jippjanaw u jwettqu ż-żjarat tagħhom ftit ta’ żmien biss wara li l-aġenziji tal-pagamenti jkunu wettqu l-kontrolli tagħhom fuq il-post;
  • jiżguraw li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jiddivulgawx il-kampjun tagħhom lill-aġenziji tal-pagamenti qabel ma dawn tal-aħħar ikunu wettqu l-kontrolli tagħhom fuq il-post.
97

Għall-infiq mhux tas-SIAK, li huwa prinċipalment infiq ibbażat fuq rimborżi għal investimenti f’azjendi agrikoli u f’infrastruttura ruali, hemm disparità bejn il-perjodu li għalih jiġu rrappurtati l-kontrolli fuq il-post imwettqa aġenziji tal-pagamenti (eż. mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2014 għas-sena finanzjarja 2015) u l-perjodu li għalih isir l-infiq (eż. mis-16 ta’ Ottubru 2014 sal-15 ta’ Ottubru 2015 għas-sena finanzjarja 2015). Dan ifisser li dawk il-pagamenti li saru qabel is-16 ta’ Ottubru 2014 jew wara l-15 ta’ Ottubru 2015 ma jkunux jirrappreżentaw l-infiq għas-sena finanzjarja 2015 (il-paragrafi 59 sa 61).

Rakkomandazzjoni 4 - Kampjunar mhux tas-SIAK ibbażat fuq il-pagamenti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida tagħha fir-rigward tal-metodu ta’ kampjunar għal infiq mhux tas-SIAK, sabiex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jikkampjunaw infiq mhux tas-SIAK direttament mil-lista ta’ pagamenti li jkunu saru matul is-sena finanzjarja li tkun qed tiġi awditjata.

98

Għall-Kampjun Nru 2, il-Kummissjoni kienet tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu mill-ġdid biss il-kontrolli amministrattivi li jkunu twettqu mill-aġenziji tal-pagamenti. Fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri miżjura, il-Kampjun Nru 2 kien jirrappreżenta l-maġġoranza tal-kampjun totali tal-korpi ta-ċertifikazzjoni li ntuża għall-ittestjar sostantiv. Madankollu, il-ġbir ta’ evidenza bbażata biss fuq eżaminar dokumentarju fil-livell tal-aġenziji tal-pagamenti, mingħajr l-ebda ttestjar fuq il-post fil-livell tal-benefiċjarji finali, ta’ spiss ma jipprovdix, lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa kif meħtieġ mill-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, billi jċaħħad lill-awditur milli juża żewġ metodi ta’ ġbir ta’ evidenza għall-awditjar li huma importanti ħafna fil-kuntest tal-infiq taħt il-PAK: l-ispezzjoni u l-inkjesta (il-paragrafi 62 sa 67).

99

Għall-ittestjar sostantiv tagħhom, il-Kummissjoni kienet tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu mill-ġdid (jivverifikaw mill-ġdid) biss il-kontrolli inizjali tal-aġenziji tal-pagamenti, kemm għat-tranżazzjonijiet tal-Kampjun Nru 1 kif ukoll għal dawk tal-Kampjun Nru 2. It-twettiq mill-ġdid huwa ddefinit mill-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment bħala t-twettiq indipendenti tal-istess proċeduri li jkunu diġà twettqu mill-entità awditjata, f’dan il-każ l-AP. Madankollu, dawn l-istandards jiddikjaraw li jenħtieġ li l-awdituri jagħżlu u jwettqu l-passi u l-proċeduri kollha tal-awditjar li huma stess iqisu xierqa. B’hekk, minħabba li l-Kummissjoni tillimita t-twettiq mill-ġdid li jsir mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, l-ittestjar sostantiv tagħhom huwa inkomplet u ma jipprovdilhomx evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti biex jiffurmaw opinjoni raġonevoli ta’ aċċertament (il-paragrafi 68 sa 71).

Rakkomandazzjoni 5 - Ittestjar sostantiv imwettaq fuq il-post

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida tagħha biex tippermetti li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jwettqu:

  • ittestjar fuq il-post għal kwalunkwe tranżazzjoni awditjata;
  • il-passi u l-proċeduri kollha tal-awditjar li huma stess iqisu xierqa, mingħajr ma jkunu limitati għat-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli inizjali tal-aġenziji tal-pagamenti.
100

Il-Kummissjoni tirrikjedi li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jikkalkulaw żewġ indikaturi ta’ żball f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità:

  • l-ERR, li hija bbażata fuq l-awditu li l-KĊ dwar iwettaq fuq il-proċess ta’ kontroll tal-AP kollu kemm hu, minn meta jaslu l-klejms sal-pagament u l-kontabbiltà, u li tintuża biex tingħata opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq; u
  • l-IRR, li tkejjel biss l-impatt finanzjarju tal-iżbalji fil-kontrolli ta’ eliġibbiltà primarji mwettqa mill-AP (kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post), qabel ma jiġu applikati s-sanzjonijiet, u li tintuża biex jiġi vvalutat jekk l-eżaminar li jsir mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jqajjimx dubju dwar l-osservazzjonijiet li jsiru fid-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni, inklużi l-livelli ta’ żball irrappurtati mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istatistika ta’ kontroll.

Madankollu, ir-Regolament Orizzontali tal-PAK jirrikjedi biss aċċertament limitat rigward id-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni, li normalment ikun ibbażat fuq xogħol li huwa limitat għal proċeduri u inkjesti analitiċi, mingħajr ma ssir l-ebda verifikazzjoni tad-dettalji.

101

L-IRR mhijiex meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, peress li l-konklużjoni dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni tista’ tintlaħaq mir-riżultati tax-xogħol tal-awditjar li jkun sar f’dak li jirrigwarda l-affidabbiltà tal-kontijiet, il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll intern u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprevediet li l-IRR tintuża minflok l-ERR fil-kalkolu tar-rata ta’ żball aġġustata, minkejja l-fatt li l-IRR ma tirrappreżentax il-livell ta’ żball fl-infiq, iżda l-impatt finanzjarju tad-dgħufijiet fil-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-AP. Madankollu, min-naħa l-oħra, l-ERR intużat ħażin kemm mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni kif ukoll mill-Kummissjoni biex jifformulaw fehma dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti (il-paragrafi 72 sa 78).

Rakkomandazzjoni 6 - Rata unika ta’ żball f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida tagħha, sabiex ma jkunux jirrikjedu l-kalkolu ta’ żewġ rati differenti ta’ żball f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità. Rata unika ta’ żball, li abbażi tagħha l-korpi taċ-ċertifikazzjoni taw l-opinjoni raġonevoli tagħhom ta’ aċċertament f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq, u l-konklużjoni ta’ aċċertament limitat dwar l-osservazzjonijiet li jsiru fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni, tkun tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament Orizzontali tal-PAK.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jużawx rata ta’ żball ta’ dan it-tip għal-legalità u r-regolarità biex jiġġudikaw il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-pagamenti.

102

L-ERR tiġi kkalkulata bħala d-differenza bejn dak li l-KĊ iqis eliġibbli u dak li l-AP tkun ivvalidat preċedentement. Id-differenzi bejn dak li jkunu kklejmjaw il-benefiċjarji u dak li jiġi vvalidat mill-AP wara l-kontrolli tagħha fuq il-post, li jikkostitwixxu l-iżbalji rrappurtati mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istatistika ta’ kontroll, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fl-ERR li hija l-bażi għall-opinjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq. Fejn it-tranżazzjonijiet ikunu ġew suġġetti minn qabel għal kontrolli fuq il-post, l-aġenziji tal-pagamenti jkunu diġà qabdu u rrappurtaw l-iżbalji korrispondenti fl-istatistika ta’ kontroll tagħhom. Dawn l-iżbalji mhumiex se jiġu identifikati aktar mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni meta jqabblu r-riżultati tagħhom mar-riżultati tal-aġenziji tal-pagamenti, u għalhekk huwa probabbli li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jsibu inqas żbalji għal tranżazzjonijiet ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, aktar ma jkun hemm tranżazzjonijiet li jkunu ġew suġġetti minn qabel għal kontrolli li jkunu twettqu mill-aġenziji tal-pagamenti fil-kampjun tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, aktar ikun baxx il-livell kumplessiv ta’ żball li jinstab mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni.

103

Fis-sitt Stati Membri miżjura, is-sehem medju tat-tranżazzjonijiet suġġetti għal kontrolli fuq il-post mill-aġenziji tal-pagamenti fil-kampjun kumplessiv awditjat mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni huwa ta’ 38 % għall-FAEG u 44 % għall-FAEŻR. Madankollu, bħala regola ġenerali, il-perċentwal tat-tranżazzjonijiet fil-popolazzjoni totali suġġetta għal kontrolli fuq il-post mill-aġenziji tal-pagamenti, huwa biss ta’ 5 %. Għaldaqstant, fil-kampjuni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, it-tranżazzjonijiet li kienu diġà ġew suġġetti għal kontrolli fuq il-post mill-aġenziji tal-pagamenti – u li għalhekk kienu inqas milquta minn żball fl-ittestjar tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni – kienu rrappreżentati b’mod eċċessiv fil-kampjuni kumplessivi tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Dan wassal biex il-livelli ta’ żball li ġew irrappurtati mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu stmati b’mod insuffiċjenti, għaliex il-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma kinux għamlu aġġustamenti biex jiżguraw li jkun hemm rappreżentazzjoni vera tal-proporzjon ferm iżgħar ta’ tranżazzjonijiet fil-popolazzjoni li kienu ġew suġġetti minn qabel għal kontrolli fuq il-post mill-aġenziji tal-pagamenti (il-paragrafi 79 sa 85).

Rakkomandazzjoni 7 - Rata ta’ żball rappreżentattiva tal-popolazzjoni koperta mill-opinjoni tal-awditjar

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida tagħha sabiex:

  • għal tranżazzjonijiet tas-SIAK li jiġu kkampjunati mil-lista ta’ kontrolli aleatorji fuq il-post tal-aġenziji tal-pagamenti, ir-rata kumplessiva ta’ żball ikkalkulata mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni tkun tinkludi wkoll il-livell ta’ żball irrappurtat mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istatistika ta’ kontroll, li jkun ġie estrapolat għat-tranżazzjonijiet li jifdal li mhumiex suġġetti għall-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw li l-istatistika ta’ kontroll ikkompilata mill-aġenziji tal-pagamenti tkun kompleta u eżatta;
  • għat-tranżazzjonijiet ikkampjunati mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni direttament mill-popolazzjoni sħiħa tal-pagamenti, ma jkun meħtieġ li jsir l-ebda aġġustament bħal dan għaliex il-kampjun ikun rappreżentattiv tal-popolazzjonijiet sottostanti li jkunu ġew awditjati.
104

Ir-Rakkomandazzjonijiet 2 sa 7 ta’ hawn fuq għandhom, bħala l-mira ta’ implimentazzjoni tagħhom, ir-reviżjoni li jmiss tal-linji gwida tal-Kummissjoni, li huma applikabbli mis-sena finanzjarja 2018 ‘il quddiem. F’Jannar 2017 il-Kummissjoni ffinalizzat linji gwida ġodda li għandhom jiġu applikati mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni mis-sena finanzjarja 2018. Dawn il-linji gwida riveduti ma kinux suġġetti għall-eżaminar minna (ara l-paragrafu 17).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Phil WYNN OWEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tat-22 ta’ Marzu 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President

Annessi

Anness I

Il-mudell ta’ ġestjoni kondiviża tal-Kummissjoni, kif ippreżentat fir-RAA 2015 tagħha

Anness II

Il-mudell ta’ aċċertament tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-legalità u r-regolarità tal-infiq, kif ippreżentat fir-RAA 2015 tagħha

Anness III

Eżempju ta’ matriċi ta’ akkreditazzjoni, adattat mil-Linja Gwida Nru 3 tad-DĠ AGRI għall-awditu taċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet

Anness IV

L-iskeda ta’ żmien tal-ittestjar sostantiv u tar-rapporti li l-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni bagħtu lill-Kummissjoni

Risposta tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi II-IV

Is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tan-nefqa tal-PAK qed issegwi approċċ ta’ kontroll u ta’ awditjar uniku li huwa integrat f’piramida ta’ kontrolli fejn kull saff ta’ fuq jibni l-ħidma tiegħu fuq ir-riżultati tas-saff preċedenti, u fejn kull saff jista’ juża r-riżultati tas-saff ta’ fuqu biex itejjeb il-kontrolli tiegħu. Huwa mudell dinamiku li l-għan tiegħu mhuwiex biss biex tingħata stima tar-rata ta’ żball iżda għandu l-għan ukoll li jiġu skoperti s-sorsi tal-iżbalji, jiġu implimentati azzjonijiet ta’ rimedju u jitnaqqsu r-rati ta’ żbalji sena wara l-oħra. Pereżempju, is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) li tirregola madwar 86 % tan-nefqa tal-PAK hija sistema tajba għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tal-livell ta’ żbalji.

Fil-mudell ta’ assigurazzjoni tal-PAK applikat mill-Kummissjoni, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni (CBs) indipendenti huma saff tal-piramida ta’ kontroll. Kull sena s-CBs jagħtu opinjoni dwar il-kontijiet u s-sistemi tal-Aġenzija tal-Pagamenti (PA) u, mis-sena finanzjarja 2015, dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa. Il-Kummissjoni tipprovdilhom linji gwida.

L-awdituri tad-DĠ AGRI jivverifikaw l-affidabbiltà tal-opinjonijiet tas-CBs dwar il-legalità u r-regolarità, sabiex jiġi vvalutat jekk dawn jistgħux jintużaw bħala sors ta’ assigurazzjoni għan-nefqa tal-UE koperta. L-awdituri tad-DĠ AGRI jwettqu wkoll awditjar tas-sistema skont il-ħtieġa, jiġifieri assigurazzjoni mhux miksuba, li jwasslu għal pjanijiet ta’ azzjoni ta’ rimedju u korrezzjonijiet finanzjarji netti, kif ukoll interruzzjonijiet, tnaqqis jew sospensjonijiet ta’ pagamenti meta l-SM kkonċernat ma jiħux azzjonijiet ta’ rimedju.

Il-mudell ta’ awditjar uniku tal-PAK

Il-mudell ta’ assigurazzjoni tal-PAK iwassal għal rati aktar baxxi ta’ żbalji u huwa kosteffikaċi. Ir-rata ta’ żball ġenerali għal Riżorsi naturali (fejn il-PAK tirrappreżenta 98 % tan-nefqa) stabbilita mill-Qorti għas-sena finanzjarja 2015 kienet ta’ 2,9 %.

V

Il-mudell ta’ assigurazzjoni tal-PAK diġà jsegwi approċċ ta’ “awditjar uniku” peress li huwa qafas ta’ kontroll effettiv li fih kull saff jibni fuq l-assigurazzjoni pprovduta minn oħrajn. Dan il-mudell ta’ awditjar uniku jagħti assigurazzjoni affidabbli dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa meta jitqiesu l-azzjonijiet korrettivi kollha.

Il-ħidma l-ġdida tas-CBs issaħħaħ l-assigurazzjoni dwar is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll u dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa minħabba li:

  • toħloq ċirkwit iqsar bejn il-PA u l-ewwel awditur ġdid tagħha, li jiffavorixxi azzjonijiet ta’ rimedju aktar mgħaġġla fejn ikun hemm bżonn;
  • tippermetti lill-Kummissjoni li tidentifika aħjar in-nefqa f’riskju u tiffoka l-awditjar u l-azzjonijiet korrettivi tagħha fuqha.

Fejn il-ħidma tas-CBs ma tkunx tista’ tiġi invokata, id-DĠ AGRI jkompli jikseb assigurazzjoni indipendenti dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa mill-awditjar tiegħu stess.

VI

Biex tiġi żgurata l-kontinwità, il-linji gwida għall-2015 – l-ewwel sena għall-ħidma mtejba tas-CBs – ġew elaborati abbażi ta’ linji gwida użati għall-approvazzjoni finanzjarja tas-snin preċedenti. Dan kien rifless ukoll fl-approċċ integrat imsemmi fil-leġiżlazzjoni l-ġdida. Sabiex titqies l-esperjenza mill-ewwel eżerċizzju tal-2015, il-linji gwida għas-CBs diġà ġew riveduti. Il-linji gwida l-ġodda ġew finalizzati u ppreżentati lill-SMi fid-19 ta’ Jannar 2017, biex jiġu applikati mill-FY 2018, jiġifieri l-aktar sena kmieni possibbli.

  1. Fil-linji gwida l-ġodda ġiet introdotta matriċi ġdida għall-FY2018 sabiex ikun hemm riflessjoni aħjar dwar il-livell ta’ assigurazzjoni mis-sistemi ta’ kontroll intern tal-PAs.
  2. Il-kampjuni aleatorji kkontrollati mill-PAs se jintgħażlu skont ir-regoli u l-gwida dettaljati tal-UE li jinkludu r-rappreżentattività. Ir-rwol tal-CBs huwa li jiċċekkjaw li l-PAs ikunu rrispettaw dawn ir-regoli u li jiġbdu kampjuni tat-tieni livell li għandhom ikunu rappreżentattivi tal-kampjun aleatorju kkontrollat mill-PAs. Il-kwistjoni għal porzjon tal-kampjunar għan-nefqa li mhijiex koperta mis-SIAK hija indirizzata fil-linji gwida ġodda għall-FY2018.
  3. Fl-approċċ tagħha dwar kontroll u awditjar uniku u filwaqt li tqis l-effikaċja tas-SIAK, il-Kummissjoni tqis li l-ħidma ta’ awditjar tas-CBs għandha tkun iffokata fuq il-verifika, permezz tat-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli, tal-affidabilità tal-kontrolli magħmula mil-livell preċedenti fil-piramida ta’ kontrolli.
  4. It-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli huwa metodoloġija ta’ awditjar li, skont l-IAAS, tista’ tintuża sabiex tinħoloq opinjoni tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità. Il-Kummissjoni tqis, kif inhu stabbilit fil-linji gwida, li, fil-qafas tal-PAK, it-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli huwa biżżejjed sabiex tiġi ffurmata opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa. Barra minn hekk, fihom infushom, il-linji gwida qatt ma għandhom jinftiehmu bħala mandat obbligatorju li jwaqqfu lil dawk li lilhom huma indirizzati milli jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom stess. Il-linji gwida għandhom jitqiesu bħala l-minimu li huwa meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun sodisfatta bihom, u mhux bħala limitu għall-ħidma tas-CBs.
It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għal (e) u (f)

Il-Kummissjoni tqis li l-kwistjonijiet tal-kalkolu tar-rati differenti ta’ żbalji għal-legalità u r-regolarità huma indirizzati fil-linji gwida l-ġodda għall-FY2018, filwaqt li jitqies l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 li jipprovdi li, fejn xieraq, is-CBs jistgħu jużaw kampjun integrat kemm għal-legalità u għar-regolarità tan-nefqa kif ukoll għall-affidabbiltà tal-kontijiet.

Rata ta’ nuqqas ta’ konformità (IRR) (ara l-paragrafu 74 għal aktar dettalji), li għandha tiżdied mar-rata ta’ żball misjuba mill-PAs u ċċertifikata mis-CBs, hija biżżejjed biex tinħoloq opinjoni tal-awditjar ibbażata fuq il-kontrolli mwettqa mis-saff preċedenti ta’ kontrolli.

VII (a)

Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-linji gwida għall-FY2015 jistgħu jittejbu, fejn jiġu applikati b’mod korrett fil-forma attwali tagħhom diġà jippermettu lis-CBs li jagħtu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità f’konformità mar-regoli u mal-istandards applikabbli.

Fejn il-ħidma ta’ awditjar tas-CBs issir skont ir-regolamenti u l-linji gwida applikabbli, l-opinjoni tagħhom hija element kostitwenti addizzjonali importanti u ta’ valur u għandha tkun l-element ewlieni għall-assigurazzjoni tal-Kummissjoni. Dan huwa konformi mal-istrateġija tal-awditjar tad-DĠ AGRI u mal-piramida ta’ kontroll/awditjar uniku tal-PAK.

VII (b) (i)

Il-qbil mal-SMi dwar il-listi ewlenin u anċillari ta’ kontroll intlaħaq biss fir-rebbiegħa tal-2015, u għalhekk meta ġew abbozzati l-linji gwida ma kinux disponibbli għas-CBs. Il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jipprovdu għall-użu tal-listi ewlenin u anċillari ta’ kontrolli li ġew aġġornati għall-perjodu bejn l-2014-2020.

VII (b) (ii)

Meta titqies l-esperjenza mill-ewwel sena, il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jindirizzaw dawn id-diffikultajiet b’mod aktar preċiż.

VII (b) (iii)

Il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jindirizzaw din il-kwistjoni.

VII (b) (iv)

Li s-CBs jiġu obbligati jew jitħallew imorru fuq il-post għal tranżazzjonijiet li ma jkunux ġew ikkontrollati fuq il-post mill-PAs ma jkunx konformi mal-mudell ta’ awditjar uniku tal-PAK u ma jagħtix riżultati komparabbli meta mqabbel mal-kontrolli tal-PAs. Barra minn hekk, u speċjalment għal tranżazzjonijiet li mhumiex koperti mis-SIAK, il-kontroll ta’ tranżazzjonijiet fuq il-post li ma jkunux ġew ikkontrollati qabel fuq il-post mill-PAs ġeneralment ma jwassalx għal evidenza addizzjonali siewja. Il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jipprovdu gwida lis-CBs dwar kif jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kostijiet u l-benefiċċji fil-ħidma tagħhom.

VII (b) (v)

Il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jindirizzaw din il-kwistjoni.

VII (b) (vi)

Il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jindirizzaw din il-kwistjoni. Kif previst fihom, l-iżball globali li għandu jiġi kkalkulat mis-CBs għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet koperti mis-SIAK ser ikun ibbażat fuq verifiki mill-ġdid ta’ verifiki li jkunu saru fuq il-post, biex dan jiġi estrapolat għall-popolazzjoni li fadal.

L-IRR tirrapreżenta l-livell ta’ żbalji li ma jkunux ġew skoperti mill-PAs. Fejn il-Kummissjoni tkun sodisfatta li tista’ tibbaża fuq l-opinjoni tas-CBs, ir-rata globali tal-iżbalji fin-nefqa tiġi kkalkulata bħala t-total tar-rata ta’ żball irrapportata mill-PA u l-IRR stmata mis-CB. Fis-snin preċedenti fir-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI, il-Kummissjoni użat dan l-approċċ loġiku fejn l-istimi ta’ żbalji li ma jkunux ġew skoperti jiżdiedu mal-iżbalji rapportati mill-PAs.

Introduzzjoni

06

Il-Kummissjoni tixtieq tippreċiża li r-rata minima ta’ verifiki fuq il-post tista’ titnaqqas għal 3 % jew saħansitra anki għal 1 % taħt kundizzjonijiet speċifiċi, partikolarment meta s-CB ikun iċċertifika rata ta’ żball taħt it-2 %. B’mod partikolari, tnaqqis għal 1 % jista’ japplika għal skema ta’ pagament bażiku, għal skema ta’ pagament uniku skont l-erja, għal pagament ridistributtiv u għal skema għall-bdiewa żgħar.

12

Il-qafas legali jeħtieġ li s-CBs joħorġu opinjoni mħejjija skont normi dwar il-verifika aċċettati internazzjonalment. Barra minn hekk, il-leġiżlatur jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar il-kompiti tas-CBs, inklużi l-prinċipji tal-awditjar u l-metodi ta’ awditjar (pereżempju l-użu ta’ kampjun uniku integrat). Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 908/2014 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida biex tipprovdi kjarifika u gwida ulterjuri fir-rigward tal-awditjar taċ-ċertifikazzjoni li għandu jitwettaq, u d-determinazzjoni tal-livell raġonevoli tal-assigurazzjoni tal-awditjar li għandu jinkiseb mit-testijiet ta’ awditjar.

Osservazzjonijiet

22

Il-Kummissjoni tqis li l-mudell ta’ assigurazzjoni tal-PAK jikkonforma mad-deskrizzjoni tal-awditjar uniku kif stabbilit mill-Qorti u huwa eżempju tajjeb ħafna ta’ qafas ta’ kontroll effettiv li fih kull saff jibni fuq l-assigurazzjoni pprovduta minn oħrajn. Il-mudell huwa bbażat fuq pedamenti sodi li jinkludu PAs akkreditati li jimmaniġġjaw ir-relazzjoni finanzjarja kemm mal-benefiċjarji kif ukoll mal-Kummissjoni, u wkoll regoli komprensivi, dettaljati u preċiżi dwar is-sistemi ta’ ġestjoni u kontrolli li għandhom jiġu stabbiliti (eż. Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art – LPIS). L-effikaċja tal-mudell tidher mir-rati ta’ żbalji relattivament baxxi għall-FAEG u t-tnaqqis kontinwu fir-rati ta’ żbalji tal-FAEŻR matul l-aħħar 4 snin.

23

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 23 u 24: Għan-nefqa tal-PAK, il-Kummissjoni bniet mudell ta’ assigurazzjoni li jintegra s-saffi differenti ta’ kontrolli. Il-piramida ta’ kontroll ta’ hawn taħt turi kif l-assigurazzjoni hija mibnija fuq il-ħidma mwettqa mis-saff preċedenti, li tibda bil-proċeduri tal-PAs u l-kontrolli integrati fis-sistema ta’ kontroll intern, kif ukoll assigurazzjoni mis-servizz tal-awditjar intern tal-PA. Fil-mudell tal-Kummissjoni, il-ħidma tas-CBs hija bbażata fuq l-ittestjar u l-affidabilità tas-sistema ta’ kontroll intern tal-PA, kif ukoll fuq l-ittestjar sostantiv tagħhom stess.

Il-mudell ta’ awditjar uniku tal-PAK

Il-Kummissjoni tuża r-riżultati tal-awditjar tagħha stess fuq il-PAs biex taġġusta (iżżid) r-rata ta’ żball irrapportata mill-PA b’ammont li jirrappreżenta l-livell ta’ żbalji li l-PAs ma jkunux skoprew matul il-kontrolli primarji tagħhom qabel il-pagamenti. Ir-rati ta’ żbalji aġġustati huma rrapportati, fil-livell ta’ kull aġenzija tal-pagament, fir-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI u, flimkien ma’ pjanijiet imfassla apposta ta’ riżerva u ta’ azzjoni, huma l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI.

25

L-Istrateġija tal-Awditjar tad-DĠ AGRI għall-2014-2020 identifikat ir-rwol il-ġdid tas-CBs tal-għoti ta’ opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità bħala opportunità biex jinkisbu aktar sinerġiji ma’ dik tal-ħidma proprja tad-DĠ AGRI dwar il-bini ta’ assigurazzjoni rrapportata fir-Rapporti Annwali tal-Attività. Fuq perjodu ta’ żmien medju u dak fit-tul dan jimplika riorjentazzjoni gradwali tal-awditjar tad-DĠ AGRI lejn is-CBs minflok fuq il-PAs. Madankollu, il-ħidma ta’ awditjar tas-CBs ser ikollha tiġi ċċekkjata qabel ikun possibbli li wieħed jibbaża fuq l-assigurazzjoni rrapportata minnhom fir-rigward tal-legalità u r-regolarità. L-għan huwa li titpoġġa dejjem aktar fiduċja fuq l-assigurazzjoni li tista’ tinkiseb mill-opinjoni tas-CBs dwar il-legalità u r-regolarità, hekk kif jiġi verifikat li l-ħidma tagħhom tkun ta’ standard mistenni u tista’ tiġi invokata.

27

Il-mudell deskritt mill-Qorti fil-Figura 2 huwa wieħed biss mid-diversi mudelli possibbli. Il-Kummissjoni għażlet approċċ aktar integrat fil-forma ta’ piramida ta’ kontrolli fejn is-saffi kollha ta’ kontroll jagħtu xhieda siewja kemm dwar l-ammonti kif ukoll dwar is-sors ta’ żbalji, biex b’hekk tiġi massimizzata l-kosteffettività tagħhom. Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafi 23 u 24.

28

Il-Kummissjoni tilqa’ s-suġġerimenti tal-Qorti dwar kif il-ħidma tas-CBs tista’ ttejjeb l-assigurazzjoni tagħha dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-UE u tisħaq li dawn diġà ġew implimentati sa fejn possibbli, jiġifieri meta l-ħidma tas-CBs titqies li hija affidabbli. Pereżempju:

28 L-ewwel inċiż

il-Kummissjoni diġà tuża l-ħidma tas-CBs għall-aġġustamenti (żidiet supplimentari) tagħha għar-rati ta’ żbalji rrapportati fir-Rapport Annwali tal-attività tad-DĠ AGRI u li huma qrib dawk rapportati fir-rapport annwali tal-Qorti.

28 It-tieni inċiż

il-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità jiġu sistematikament imnedija bħala riżultat tal-ħidma tas-CBs fil-każ li l-iżbalji jaqbżu l-EUR 50 000 jew 2 % tan-nefqa.

28 It-tielet inċiż

fejn possibbli, il-Kummissjoni tuża l-iżball estrapolat kif ikkalkulat mis-CB abbażi tat-testijiet ta’ awditjar u l-kampjuni statistiċi tagħhom, biex jiġu determinati l-ammonti ta’ korrezzjonijiet finanzjarji.

28 Ir-raba’ inċiż

l-osservazzjonijiet mis-CBs jistgħu jwasslu għal talbiet lill-awtoritajiet kompetenti biex jiġi rivedut l-istatus ta’ akkreditazzjoni u tiġi sorveljata l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju.

30

Meta l-awdituri tad-DĠ AGRI jidentifikaw nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll tal-PAs, jagħtu stima tal-ammont f’riskju li ma jkunx ġie skopert mill-PA u jżiduh bħala żieda supplimentari mar-rata ta’ żball irrapportata mill-PA. Ir-riżultat tal-ħidma tas-CBs dwar il-kontijiet annwali intuża wkoll għal żidiet supplimentari f’Rapporti Annwali tal-Attività preċedenti. Ir-rati aġġustati ta’ żbalji huma l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI.

31

Għall-2015, id-DĠ AGRI seta’ jagħmel biss użu limitat mill-opinjonijiet tas-CBs minħabba li f’ħafna każijiet il-ħidma li saret ma kinitx għadha affidabbli.

32

Il-Kummissjoni tikkonferma r-raġunijiet għalfejn matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-opinjonijiet il-ġodda dwar il-legalità u r-regolarità setgħet tagħmel biss użu limitat ħafna mill-opinjonijiet u tirreferi għar-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI għall-2015 għal aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet sottostanti bħalma huma: il-ħatra tard, il-fatt li l-verifiki mill-ġdid fuq il-post kienu saru tard, in-nuqqas ta’ esperjenza, eċċ.

Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-linji gwida għall-FY2015 jistgħu jittejbu, meta jiġu applikati b’mod korrett fil-forma attwali tagħhom, diġà jippermettu lis-CBs li jagħtu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità f’konformità mar-regoli u mal-istandards applikabbli.

33

Il-mudell ta’ assigurazzjoni tal-PAK (ara l-figura tal-piramida ta’ kontrolli fit-tweġiba għall-paragrafi 23 u 24) huwa bbażat fuq ir-riżultati tal-kontroll tal-PAs. L-istrateġija tal-awditjar tad-DĠ AGRI tistabbilixxi b’mod ċar li l-objettiv aħħari għad-DĠ AGRI jkun li tinkiseb l-assigurazzjoni meħtieġa mill-ħidma ta’ awditjar tas-CBs. Il-Kummissjoni tqis li din l-assigurazzjoni tista’ tinkiseb fejn il-ħidma tas-CBs titqies bħala affidabbli u l-opinjonijiet tagħhom ikunu mibnija fuq il-ħidma mwettqa mis-saff preċedenti (jiġifieri l-proċeduri u l-kontrolli tal-PAs). Fejn il-ħidma tas-CBs ma tkunx tista’ tiġi invokata, id-DĠ AGRI jkompli jikseb assigurazzjoni indipendenti dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa mill-awditjar tiegħu stess.

34

F’mudell ta’ awditjar uniku l-awdituri tas-CB għandhom jirrapportaw dwar l-iżbalji (mhux) misjuba fuq il-kontrolli kampjunati tal-PA. Fuq bażi annwali l-PAs jirċievu miljuni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, li 100 % minnhom jiġu ċċekkjati b’mod amministrattiv. Barra minn hekk, il-PAs iwettqu kontrolli fuq il-post qabel ma jawtorizzaw il-pagament. Għal ħafna mill-iskemi, ir-rata ta’ kontroll ta’ verifiki fuq il-post hija ta’ 5 %, madankollu, għal uħud hija ta’ 30 % jew saħansitra ta’ 100 %. Jekk wara l-verifiki tiegħu tal-kontrolli primarji, CB iqis li l-proċeduri tal-PA ma jagħtux assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità, imbagħad jagħti opinjoni kwalifikata, li taffettwa wkoll ir-rata ta’ żball ipprovduta mill-PA.

35

Il-linji gwida tal-Kummissjoni ġew żviluppati bl-għan li l-ħidma tas-CBs tiġi integrata fil-piramida tal-kontrolli tal-PAK, u jsegwu approċċ ta’ awditjar uniku, skont ir-regoli tal-UE u sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibnu fuq u jkomplu jiżviluppaw il-metodi u s-sistemi diġà fis-seħħ.

35 L-ewwel inċiż

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 48 sa 58 u r-Rakkomandazzjoni 6.

35 It-tieni inċiż

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 62 sa 67 u r-Rakkomandazzjoni 5.

35 It-tielet inċiż

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 68 sa 71 u r-Rakkomandazzjoni 5.

35 Ir-raba’ inċiż

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 72 sa 78 u r-Rakkomandazzjoni 6.

35 Il-ħames inċiż

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 79 sa 85 u r-Rakkomandazzjoni 2.

36

Il-Kummissjoni tqis li, skont normi dwar il-verifika aċċettati fuq livell internazzjonali, l-istruttura tal-opinjonijiet għandha tirrifletti s-sistemi differenti ta’ ġestjoni u kontroll.

Hemm żewġ fondi agrikoli distinti: il-FAEG u l-FAEŻR li dwarhom is-CBs iridu joħorġu opinjonijiet tal-awditjar. Min-naħa tagħhom, iż-żewġ Fondi jinqasmu f’nefqa koperta mis-SIAK1 u f’nefqa li mhijiex koperta mis-SIAK, skont il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-iskemi/miżuri taħt il-Fond. L-iskemi/miżuri koperti mis-SIAK jiġu pproċessati f’sistema b’kontroawditjar awtomatizzat integrat fiha u s-sistema ssegwi ċ-ċiklu kollu tat-talba sakemm isir il-ħlas. B’kuntrast, il-miżuri li mhumiex koperti mis-SIAK ma jiġux ġestiti f’sistema waħda. Barra minn hekk, iż-żmien li fih isiru l-kontrolli ta’ miżuri li mhumiex koperti mis-SIAK u ta’ dawk koperti mis-SIAK huwa differenti. Dawn id-differenzi inerenti fid-disinn tal-iskemi/miżuri jwaqqfu lis-CBs milli jittestjaw il-miżuri kollha f’Fond wieħed flimkien. Sabiex ikun konformi ma’ normi dwar il-verifika aċċettati fuq livell internazzjonali (eż. ISA315- Identifikazzjoni u valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjonijiet skorretti materjali permezz tal-fehim tal-entità u l-ambjent tagħha), jeħtieġ li s-CB l-ewwel jifhem l-ambjent, jidentifika r-riskji u jfassal proċeduri xierqa tal-awditjar biex jiġu koperti dawk ir-riskji. Sabiex ikunu jistgħu jagħtu opinjoni affidabbli dwar il-legalità u r-regolarità fil-livell ta’ Fond, is-CBs għandhom jivvalutaw ir-riskji separatament għas-SIAK u għal dawk li mhumiex koperti bis-SIAK u jfasslu proċeduri differenti tal-awditjar biex jiġu koperti dawk ir-riskji. Għalhekk, il-linji gwida dwar l-Istrateġija tal-Awditjar li s-CBs huma mħeġġa jużaw huma skont normi dwar il-verifika aċċettati internazzjonalment. Barra minn hekk, dan l-approċċ jaqdi l-għan stess tal-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità, jiġifieri sabiex fl-aħħar mill-aħħar u fejn ikun meħtieġ jittieħdu deċiżjonijiet ta’ ġestjoni xierqa.

37

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 37 sa 84.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 41 sa 44

Biex tiġi żgurata ċerta kontinwità mal-linji gwida preċedenti u s-CBs ikunu jistgħu jibnu fuq l-esperjenza mill-ħidma li saret tul diversi snin għall-approvazzjoni finanzjarja annwali tal-kontijiet, il-linji gwida għall-FY2015 ma biddlux sostanzjalment il-mod kif tintuża l-matriċi ta’ akkreditazzjoni biex tiġi ffurmata opinjoni dwar jekk is-sistemi ta’ kontroll intern tal-PAs humiex qegħdin jiffunzjonaw tajjeb. Il-matriċi ta’ akkreditazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ akkreditazzjoni kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 907/2014. Dawk il-kriterji ta’ akkreditazzjoni huma ispirati mill-mudell COSO li huwa rikonoxxut bħala qafas ewlieni għat-tfassil, għall-implimentazzjoni, u għat-twettiq ta’ kontroll intern u għall-valutazzjoni tal-effikaċja tal-kontroll intern.

Il-Linji Gwida tal-2015 kienu bbażati fuq approċċ u kampjunar integrati, skont l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u li taħtu, l-ittestjar, il-valutazzjoni tal-iżbalji u r-rappurtar tal-iżbalji taħt il-legalità u r-regolarità jiġu magħquda ma’ dawk għall-kontijiet annwali. F’dan il-kuntest, l-użu tal-matriċi kollu ta’ akkreditazzjoni tqies xieraq.

Minkejja dan, il-Kummissjoni taqbel mal-Qorti li filwaqt li l-kriterji ta’ akkreditazzjoni jipprovdu bażi soda għall-valutazzjoni tal-qafas ġenerali ta’ kontroll tal-PAs (dak li n-normi dwar il-verifika jirreferu għalih bħala kontrolli fil-livell ta’ entità), il-valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern għal-legalità u r-regolarità fuq naħa waħda, u, għall-kontijiet annwali2 fuq in-naħa l-oħra, jeħtieġ li tkun separata.

L-approċċ sabiex ikun hemm firda ċara bejn il-proċessi/proċeduri marbuta mal-legalità u r-regolarità minn dawk marbuta mal-kontijiet annwali huwa segwit fil-linji gwida ġodda għall-FY2018, li kienu finalizzati f’Jannar 2017. Dan jinvolvi wkoll emenda fil-mod kif is-sistema ta’ kontroll intern tiġi vvalutata għall-finijiet tal-kontijiet annwali u għall-finijiet ta’ legalità u regolarità.

45

Il-Kummissjoni taqbel mal-Qorti. Il-Kummissjoni għamlet osservazzjonijiet simili fl-ittri mibgħuta lil diversi SM bħala riżultat tal-eżerċizzju ta’ approvazzjoni finanzjarja tal-2015.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lis-CBs sabiex iħarsu lejn il-pjanijiet ta’ azzjoni, li l-għan tagħhom huwa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet magħrufa. Din ir-rabta ġiet diskussa waqt il-Laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Ġunju 2016.

Madankollu, dan il-punt huwa enfasizzat aktar fil-linji gwida ġodda għall-FY2018.

Fi kwalunkwe każ dan għandu jitqies ukoll fid-dawl tal-fatt li din hija l-ewwel sena li fiha s-CBs wettqu l-ħidma l-ġdida dwar il-legalità u r-regolarità.

Kaxxa 1 - Sitwazzjonijiet fejn il-matriċi ta’ akkreditazzjoni ma pproduċietx riżultati affidabbli għal finijiet regolatorji u ta’ legalità

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 45.

In-nuqqas bħal dak identifikat fil-Bavarja huwa previst fil-linji gwida tal-2015 – it-taqsima 6.5. F’każ li s-CB isib li r-riżultati tal-ittestjar sostantiv ma jaqblux mal-valutazzjoni preċedenti tas-Sistema ta’ Kontroll Intern (ICS), allura l-kampjun għandu jitkabbar sabiex jinkludi s-sitwazzjoni reali tas-sistema ta’ kontroll intern.

46

Il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-SMi diġà elaborat listi komprensivi u dettaljati ta’ kontrolli ewlenin u anċillari għal kull tip ta’ miżura tal-PAK għall-2014-2020. Dawn għandhom jintużaw f’kull livell ta’ kontroll.

47

Il-kriterji ta’ akkreditazzjoni għandhom ikopru l-istruttura u l-funzjonament globali tal-PA (jiġifieri l-kontrolli fil-livell ta’ entità), fost affarijiet oħra, l-adegwatezza tal-proċessi u tal-proċeduri stabbiliti.

Meta jkun qed jiġi vvalutat il-proċess amministrattiv u fuq il-post (OTS) (l-awtorizzazzjoni ta’ talbiet) għal popolazzjoni partikolari, il-valutazzjoni tas-CB għandha tkun ibbażata fuq il-kontrolli ewlenin u anċillari. Is-CBs qed jużaw ukoll il-kontrolli ewlenin u anċillari meta jivvalutaw il-legalità u r-regolarità tan-nefqa (taħt l-ittestjar tal-konformità u sostantiv tagħhom).

Madankollu, il-fatt li s-CBs huma meħtieġa jivvalutaw il-proċess u l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni ta’ talbiet (inklużi kontrolli amministrattivi u fuq il-post) abbażi tal-Kontrolli ewlenin u anċillari huwa previst b’mod ċar fil-linji gwida ġodda.

49

Il-qasma tal-ħidma għall-ittestjar sostantiv f’żewġ kampjuni kienet ir-riżultat tal-ħtieġa li tiġi żgurata ċerta kontinwità għall-Istati Membri bejn il-linji gwida għas-CBs li kienu applikabbli qabel l-2015 u dawk applikabbli mill-2015. Qieset ukoll il-possibbiltà stabbilita bl-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li fejn xieraq jintuża kampjun integrat uniku.

Madankollu, l-esperjenza tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni wriet il-ħtieġa għal reviżjoni tal-approċċ u li ssir distinzjoni ċara bejn il-ħidma ta’ awditjar u l-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità u l-opinjoni dwar il-kontijiet, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà ta’ kampjuni għal skopijiet doppju fejn xieraq u bil-għan li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn.

51

Għall-kampjun 1 li jiġi estratt minn tranżazzjonijiet ikkontrollati fuq il-post mill-PAs, il-linji gwida jeħtieġu li s-CBs jerġgħu jwettqu mill-ġdid il-kontrolli kollha li jkunu saru mill-PAs, jiġifieri li s-CBs sistematikament jerġgħu jwettqu mill-ġdid il-kontrolli fuq il-post. L-ewwel nett dan l-approċċ jippermetti lis-CBs li jagħtu opinjoni dwar is-sistema ta’ kontroll u t-tieni nett li jikkalkulaw rata ta’ nuqqas ta’ konformità (IRR) li tirrifletti d-differenza li jkunu sabu bejn ir-riżultati tat-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli tagħhom u dawk tal-kontrolli primarji mill-PAs.

52

Abbażi tal-valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern, is-CBs għandhom jiddeterminaw il-livell ta’ ttestjar sostantiv (kemm il-kampjun 1 kif ukoll il-kampjun 2). Għalhekk, hija prerogattiva tas-CBs li jżidu l-livell ta’ ttestjar sostantiv sabiex jiġu koperti r-riskji. Fit-tabella 3 ippreżentata mill-Qorti, jidher li xi CBs iddeċidew li jżidu l-kampjuni ta’ ttestjar sostantiv għal aktar mill-minimu ta’ 30 tranżazzjoni sabiex jiġu indirizzati r-riskji għoljin fil-popolazzjoni partikolari.

55

Minħabba tibdil fin-natura tar-realtà agrikola, is-CB huma meħtieġa jagħmlu l-għażla tal-kampjun tagħhom minn fost talbiet għall-popolazzjonijiet koperti mis-SIAK. Għalhekk, huwa kruċjali li s-CB jmur fuq il-post ftit wara l-PA sabiex ikun jista’ jerġa’ jivverifika l-elementi kollha ta’ eliġibbiltà. Jekk il-verifika mill-ġdid issir tard, hemm riskju kbir li ma jkunux jistgħu jiġu vverifikati l-elementi kollha ta’ eliġibbiltà jew li r-realtà tkun inbidlet kompletament, u dan jirrendi l-verifika mill-ġdid ineffettiva u l-opinjoni inaffidabbli.

56

Minħabba r-realtà agrikola, hemm tabilħaqq riskju relatat maż-żmien li fih isiru l-verifiki primarji fuq il-post u l-verifiki mill-ġdid tagħhom.

Il-linji gwida jindirizzaw dak ir-riskju u l-Kummissjoni ripetutament stiednet lis-CBs sabiex jippjanaw b’mod adegwat il-verifiki mill-ġdid tagħhom filwaqt li jitqiesu l-limiti ta’ żmien imposti min-natura tal-verifiki mill-ġdid.

Kif irrapportat fir-Rapport Annwali ta’ Attività tad-DĠ AGRI tal-2015, l-inadegwatezza taż-żmien li fih seħħew il-verifiki mill-ġdid kienet sfortunatament waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ħafna mill-opinjonijiet tas-CBs dwar in-nefqa tal-2015.

Kaxxa 3 – Dewmien fit-twettiq mill-ġdid ta’ verifiki fuq il-post mis-CBs fuq il-Kampjun 1 kopert mis-SIAK għas-sena tat-talba 2014 (sena finanzjarja 2015)

Ir-raġunijiet ewlenin għalfejn għar-Rapport Annwali ta’ Attività tagħha tal-2015, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-opinjonijiet tas-CBs dwar il-legalità u r-regolarità kienu d-dewmien fil-ħatra tas-CBs u fil-verifika mill-ġdid tal-kontrolli fis-sena tat-talba 2014 (sena finanzjarja 2015).

Anke matul is-17-il eżerċizzju ta’ awditjar tagħha li saru fl-2015, f’ħafna każijiet il-Kummissjoni kienet osservat dewmien fit-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli. Fid-09/11/2015, il-Kummissjoni ħarġet Nota lill-SMi li fiha spjegat li l-verifiki mill-ġdid fuq il-post għandhom jibdew fis-sajf ta’ n-1 għas-sena finanzjarja n.

57

Skont il-linji gwida għall-FY2015, il-kampjun għall-verifika mill-ġdid tas-CB għandu jittieħed mil-lista ta’ tranżazzjonijiet magħżula għal verifika aleatorja fuq il-post mill-PA. Għalhekk, normalment l-għażla u l-verifika proprja mill-ġdid tas-CB għandhom isiru qabel ma l-PA tibda l-ipproċessar tal-pagamenti. Bħala riżultat ta’ dan, huwa ferm improbabbli li s-CB ma jagħżilx tranżazzjoni minħabba li l-PA tkun qed iddewwem il-ħlas.

Kaxxa 4 - L-esklużjoni ta’ tranżazzjonijiet mill-Kampjun 1 kopert mis-SIAK minħabba li l-PA ma tkunx għamlet il-ħlas qabel ma s-CB jkun lesta l-ħidma ta’ awditjar tiegħu

Il-ħidma tas-CBs dwar il-legalità u r-regolarità hija maqsuma fi tlieta:

  • opinjoni dwar l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll intern;
  • opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa;
  • opinjoni dwar id-dikjarazzjonijiet magħmula fid-Dikjarazzjoni ta’ ġestjoni (jiġifieri r-riżultati ta’ kontroll irrapportati mill-PA).

Skont il-linji gwida, is-CB xorta kien imissu uża dawn il-ħames tranżazzjonijiet waqt il-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet rapportati fid-Dikjarazzjoni ta’ Ġestjoni, kif ukoll dwar l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll intern. Madankollu, l-Artikolu 9 tar-Regolament 1306/2013 jirrikjedi opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa. Għalhekk, is-CB ma jistax joħroġ opinjoni dwar pagamenti li ma jkunux saru. F’dan il-każ, kien imissha ġiet ittestjata tranżazzjoni addizzjonali sabiex ikun hemm konformità mad-daqs tal-kampjun oriġinarjament determinat għas-sena finanzjarja inkwistjoni. Sabiex jiġu antiċipati avvenimenti bħal dawn, is-CBs qed jingħataw parir sabiex jagħżlu xi tranżazzjonijiet addizzjonali bil-quddiem, ’il fuq mill-minimu ta’ 30 previst fil-linji gwida.

Is-CB għandu jqis ir-riżultat ta’ dawn it-testijiet għall-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa fir-rigward tas-sena finanzjarja li fiha ser titħallas din it-tranżazzjoni. Dawk it-testijiet għandhom jitqiesu irrispettivament minn kull korrezzjoni li l-PA tista’ tagħmel qabel il-ħlas.

58

L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 908/2014 jippermetti li s-CBs jakkumpanjaw il-verifiki fuq il-post tat-tieni livell. Akkumpanjament tal-verifiki tal-ewwel livell huwa limitat għall-verifika li ma setgħetx terġa’ ssir fi stadju aktar tard (bħal miżuri tal-FAEG mhux tas-SIAK li jinvolvu operazzjonijiet marbuta ma’ operazzjonijiet ta’ distillazzjoni, ta’ ħżin jew ta’ irtirar). L-idea wara t-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli hija li l-PA għandha tagħmel il-kontroll, sabiex wara s-CB jivverifikah mill-ġdid.

Minkejja dan ta’ hawn fuq, il-linji gwida jitolbu lis-CBs sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont normi dwar il-verifika professjonali u ma jiġux kompromessi r-riżultati tal-ittestjar sostantiv. Għalhekk, is-CB qatt ma għandu jiżvela l-għażla tiegħu qabel ma l-PA tkun wettqet il-kontrolli tagħha. In-nuqqas deskritt mill-Qorti fil-Kaxxa 5 jikkonferma li s-CBs għandhom isegwu l-linji gwida sabiex jiġu evitati prattiki inadegwati ta’ awditjar.

Kaxxa 5 - L-eżerċizzju ta’ twettiq mill-ġdid tal-kontrolli kien kompromess fl-Italja minħabba li s-CB kien ta avviż bil-quddiem lill-PA dwar liema benefiċjarji kienu ser ikunu soġġetti għal twettiq mill-ġdid tal-kontrolli

Is-CBs għandhom jistabbilixxu salvagwardji sabiex il-kampjuni tagħhom ma jiġux żvelati lill-PAs qabel dawn tal-aħħar ikunu kkonkludew il-kontrolli tagħhom stess u jkunu avżaw lis-CBs dwar dan.

61

Hemm spariġġ bejn il-kontrolli mwettqa mill-PA f’sena partikolari u l-pagamenti għas-sena finanzjarja għall-popolazzjonijiet li mhumiex fis-SIAK. Madankollu, peress li l-maġġoranza tal-miżuri li mhumiex koperti mis-SIAK mhumiex marbuta bil-ħin, is-CB jista’ jittestja tranżazzjonijiet addizzjonali fil-każ li wħud minn dawk diġà ttestjati ma jkunux tħallsu matul is-sena. Tranżazzjonijiet li ma jkunux tħallsu xorta jistgħu jintużaw biex jiġu kkonfermati jew le d-dikjarazzjoni ta’ Ġestjoni u r-riżultati tal-kontroll.

62

Fil-qafas tal-PAK, fejn il-PAs iridu jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni u kontroll effettiva u legalment vinkolanti, f’ħafna każijiet l-awdituri jistgħu, ladarba jkollhom assigurazzjoni suffiċjenti li s-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tal-PA tkun ġiet imfassla u implimentata skont il-liġi tal-UE, jiġbru evidenza suffiċjenti u xierqa billi jerġgħu jwettqu l-kontrolli tal-PA.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 64 u 65

Għall-kampjun 1 li jintuża biex tiġi stabbilita l-IRR, il-linji gwida jeħtieġu li s-CBs jerġgħu jivverifikaw kemm il-kontrolli primarji amministrattivi kif ukoll dawk fuq il-post. Għall-kampjun 2 li jintuża biex tiġi stabbilita l-EER, il-linji gwida tal-Kummissjoni ma jeħtiġux verifiki fuq il-post. Is-CBs għandhom jiddefinixxu l-proporzjon bejn iż-żewġ kampjuni billi jsegwu l-ġudizzju professjonali tagħhom.

66

Il-Kummissjoni tqis li t-twettiq mill-ġdid ta’ kontrolli amministrattivi huwa evidenza suffiċjenti u xierqa għall-awditjar. Jinkludi investigazzjonijiet lill-persunal tal-PA dwar il-kontrolli mwettqa, il-kontrolli tal-applikazzjoni għall-għajnuna u d-dokumenti ta’ sostenn, kif ukoll kontrolli fir-reġistri u fl-LPIS għal skemi koperti mis-SIAK. Għan-nefqa li mhijiex koperta mis-SIAK, il-kontrolli amministrattivi u l-verifika mill-ġdid tagħhom jinkludu wkoll żjarat fl-azjenda agrikola (spezzjonijiet) sabiex, pereżempju, tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ assi fiżiċi mibnija jew mixtrija permezz ta’ proġetti ta’ investiment.

It-tfassil tal-proċeduri ta’ awditjar jiddependi mill-ġudizzju professjonali tas-CB sabiex tinġabar evidenza suffiċjenti u xierqa għall-awditjar. It-Taqsima 6.1 tal-Linji Gwida 2 għall-FY2015 tgħid: “It-test ta’ dettall fuq tranżazzjonijiet operattivi – jinkludi, fost oħrajn...Dawn ikopru spezzjonijiet u investigazzjonijiet, u mhux biss reviżjoni dokumentarja”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

67

Għall-ittestjar tal-legalità u tar-regolarità tan-nefqa koperta mis-SIAK, is-CBs iridu jagħżlu l-kampjun tagħhom mill-popolazzjoni li tkun ġiet ikkontrollata fuq il-post mill-PAs u jridu jerġgħu jitwettqu l-kontrolli primarji kollha, kemm amministrattivi kif ukoll dawk fuq il-post.

Għal nefqa li mhijiex koperta mis-SIAK, għandu jiġi nnotat li ħafna mill-iżbalji (ineliġibbiltà tal-benefiċjarji/attivitajiet/proġetti/nefqa u nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku) jinsabu fil-livell ta’ kontrolli amministrattivi u li madwar żewġ terzi tal-iżbalji kienu minħabba użu insuffiċjenti ta’ informazzjoni disponibbli jew żbalji mill-awtoritajiet nazzjonali. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-kontrolli amministrattivi kollha (li għandhom jerġgħu jsiru mis-CBs) fuq operazzjonijiet ta’ investiment għandhom jinkludu żjara fl-azjenda agrikola sabiex jiġi vverifikat it-twettiq tal-investiment, ħlief jekk l-aġenzija tal-pagamenti tiġġustifika li l-operazzjoni hija żgħira, ta’ riskju baxx jew hija inkluża fil-kampjun għall-ittestjar fuq il-post.

Barra minn hekk, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi pprovduta gwida lis-CBs dwar kif jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kostijiet u l-benefiċċji, il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-FY2018 jitolbu lis-CBs sabiex ikollhom kampjuni statistikament rappreżentattivi għall-verifiki mill-ġdid fuq il-post għal dawk koperti mis-SIAK. Għal nefqa li mhijiex koperta mis-SIAK huwa mitlub minimu ta’ 30 verifika mill-ġdid fuq il-post. Ir-riżultati tal-verifiki mill-ġdid jiġu estrapolati għall-popolazzjoni sħiħa.

69

Il-Kummissjoni tqis li skont is-sistema integrata ta’ ġestjoni u kontroll tal-PAK, il-valutazzjoni tal-kontrolli tal-PA fir-rigward tal-legalità u tar-regolarità, u wara dan, konferma minn kampjun ta’ tranżazzjonijiet, li l-PA tkun implimentat b’mod effettiv il-proċeduri għall-kontrolli primarji, huwa biżżejjed sabiex tingħata assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa.

71

Il-Kummissjoni tqis li fil-qafas tal-PAK, il-verifika tas-sistemi ta’ kontroll u t-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli primarji tal-PAs ġeneralment jippermettu li tinkiseb evidenza suffiċjenti u xierqa u li tiġi ffurmata opinjoni b’aċċertament raġonevoli dwar in-nefqa tal-PAK.

Barra minn hekk, il-linji gwida tal-Kummissjoni ma jżommux lis-CBs milli jwettqu xi ħidma ta’ awditjar li jqisu xierqa. Huwa r-rwol tas-CBs li jiddeterminaw jekk it-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli huwiex biżżejjed. Investigazzjonijiet u spezzjonijiet jistgħu jintużaw ukoll fil-verifika mill-ġdid ta’ kontrolli amministrattivi. Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 66.

74

Minħabba l-approċċ integrat użat fil-linji gwida attwali, is-CBs ġew mitluba jikkalkulaw żewġ rati ta’ żbalji li jittrattaw il-legalità u r-regolarità. Madankollu, mill-FY2018 dan l-approċċ ġie rivedut.

Fil-linji gwida ġodda li huma applikabbli mill-FY2018 u li ġew ippreżentati f’Jannar 2017, hemm distinzjoni ċara bejn il-proċeduri ta’ konformità u dawk ta’ approvazzjoni finanzjarja. Għal dan il-għan, is-CBs għandhom jikkalkulaw żewġ rati separati ta’ żbalji: rata’ unika ta’ żball (ERR)3 – li tinkludi biss żbalji mill-ittestjar tal-kontijiet annwali, u rata unika ta’ nuqqas ta’ konformità (IRR)4 li tinkludi l-iżbalji kollha ta’ legalità u ta’ regolarità. Fil-linji gwida ġodda tagħha għall-FY2018, il-Kummissjoni diġà tipprevedi li l-IRR ser tintuża kemm għall-opinjoni tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità kif ukoll biex jiġu kkonfermati (jew le) d-dikjarazzjonijiet fid-Dikjarazzjoni ta’ ġestjoni.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 75 u 76

F’każijiet fejn ikun hemm biżżejjed evidenza li s-CBs ikunu ħadmu skont il-linji gwida, il-Kummissjoni tuża l-IRR stmata mis-CBs fil-valutazzjoni tagħha taż-żieda supplimentari mar-rata ta’ żball li tkun ġiet ikkalkulata abbażi tal-istatistika ta’ kontroll irrapportata mill-SMi fil-livell ta’ kull PA. Barra minn hekk, l-ERR tqieset għall-valutazzjoni tal-livell taż-żidiet supplimentari.

77

Bil-linji gwida ġodda mill-FY2018, l-ERR tinkludi biss żbalji mill-ittestjar tal-kontijiet annwali u ser tintuża biss biex tiġi vvalutata l-affidabilità tal-kontijiet tal-PAs.

78

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-kampjunar integrat previst mil-leġiżlazzjoni u tikkonferma li dan jifred il-proċedura ta’ approvazzjoni finanzjarja minn dik dwar il-konformità. Il-linji gwida ġodda għall-FY2018 ikomplu jiċċaraw dan aktar, b’rata ta’ żball għal-legalità u għar-regolarità u oħra għall-affidabilità tal-kontijiet annwali.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 79 sa 84

Kif irrapportat fir-Rapport Annwali ta’ Attività tad-DĠ AGRI, l-Anness IV, kriterji ta’ materjalità, il-Kummissjoni tuża statistika ta’ kontroll irrapportata mill-SMi biex tiġi kkalkulata “rata ta’ żbalji residwi rrapportata” billi testrapola l-iżbalji li l-PAs ikunu sabu fil-popolazzjoni magħżula b’mod aleatorju għal kontrolli fuq il-post għall-popolazzjoni sħiħa. Ir-rata ta’ żbalji residwi rrapportata mhijiex kompleta minħabba li ma tqisx ir-riskju li nuqqasijiet fil-kontrolli magħmula mill-PA jistgħu jwasslu biex l-iżbalji ma jiġux skoperti u rrapportati.

Għalhekk, fit-tieni pass, id-DĠ AGRI jiġbor l-informazzjoni kollha disponibbli li tikxef nuqqasijiet fil-kontrolli tal-ewwel livell, inklużi r-riżultati tal-awditjar tiegħu stess, tal-awditjar tal-QEA jew kull sors affidabbli ieħor ta’ evidenza. L-awdituri tad-DĠ AGRI janalizzaw din l-informazzjoni, fid-dawl tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji (Dokument C(2015) 3675 final) u permezz tal-ġudizzju professjonali tagħhom, u jaġġustaw ir-rata ta’ żbalji residwi rrapportati b’żieda supplimentari li tagħti stima tar-rata ta’ żbalji li ma jkunux ġew skoperti mill-PAs. Il-Kummissjoni tuża r-rata ta’ żball aġġustata biex tagħti stima tal-ammonti f’riskju u tanalizza jekk hemmx bżonn ta’ riżervi.

Mill-2015, l-opinjonijiet tas-CBs dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa jikkostitwixxu potenzjalment sors ieħor ta’ evidenza għall-awditjar għall-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tuża l-IRR bħala stima affidabbli taż-żieda supplimentari biex tiġi aġġustata r-rata ta’ żball għan-nefqa taħt kull PA. Barra minn hekk l-ERR ittieħdet inkunsiderazzjoni għall-valutazzjoni taż-żidiet supplimentari. Madankollu, fl-2015 ħafna drabi l-opinjonijiet ma kinux għadhom affidabbli biżżejjed biex il-Kummissjoni tużahom b’mod sostanzjali.

Il-Kummissjoni tqis li dan l-użu tal-IRR biex tissaħħaħ l-assigurazzjoni tagħha dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-PAK huwa xieraq u li, meta din tiġi stabbilita skont il-linji gwida tagħha, l-użu tal-IRR biex tiġi aġġustata r-rata ta’ żball ma jimminimizzax l-iżbalji totali.

85

Il-Kummissjoni hija konxja minn dawn ir-riskji potenzjali li l-opinjoni tas-CBs dwar il-legalità u r-regolarità ma tkunx affidabbli u tqis li dawn huma koperti fil-linji gwida tagħha. Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja mill-qrib li s-CBs jsegwu l-linji gwida kif ukoll in-normi dwar il-verifika, inkluża l-applikazzjoni tal-ġudizzju professjonali tagħhom, u li jikkonkludu dwar il-legalità u r-regolarità bil-kwalifika meħtieġa.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 89 u 90

Il-piramida ta’ kontrolli tan-nefqa tal-PAK, li diġà tikkorrispondi mal-approċċ ta’ awditjar uniku deskritt mill-Qorti fil-paragrafu 22, mill-FY2015 ġiet ikkumplimentata permezz tal-integrazzjoni tas-CBs bejn is-saffi tal-PAs u tal-Kummissjoni, filwaqt li ssaħħaħ il-mudell ta’ assigurazzjoni tal-PAK. Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 908/2014, il-Kummissjoni stabbilixxiet linji gwida biex tipprovdi kjarifika u gwida ulterjuri fir-rigward tal-awditjar taċ-ċertifikazzjoni li għandu jitwettaq, u d-determinazzjoni tal-livell raġjonevoli tal-assigurazzjoni tal-awditjar li għandu jinkiseb mit-testijiet ta’ awditjar. Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-linji gwida għall-FY2015 jistgħu jittejbu, meta jiġu applikati b’mod korrett fil-forma attwali tagħhom, diġà jippermettu lis-CBs li jagħtu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità f’konformità mar-regoli u mal-istandards applikabbli.

Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza mill-ewwel sena ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni elaborat linji gwida mtejba ġodda li għandhom jiġu applikati mill-FY2018 ’il quddiem.

92

Il-Kummissjoni hija sodisfatta bil-mudell ta’ assigurazzjoni tal-PAK li jżomm ir-rata ta’ żball taħt kontroll f’livelli relattivament baxxi. Ir-rata ta’ żball ġenerali għal Riżorsi naturali (fejn il-PAK tirrappreżenta 98 % tan-nefqa) stabbilita mill-Qorti għas-sena finanzjarja 2015 kienet ta’ 2,9 %. Għall-FAEG, fejn fis-sena jingħataw pagamenti lil madwar tmien miljun benefiċjarju, id-DĠ AGRI jistma li matul l-aħħar sentejn, ir-rata ta’ żball kienet taħt il-materjalità, filwaqt li l-aktar żball probabbli tal-Qorti (MLE) kien stabbli għal 2,2 %. Għall-FAEŻR, il-livell ta’ żbalji stabbilit mill-Kummissjoni naqas b’mod persistenti matul l-aħħar erba’ snin.

Dawn ir-riżultati ma kinux jintlaħqu mingħajr is-sistema soda ta’ ġestjoni u kontroll tal-PAK, b’mod partikolari s-SIAK u l-piramida ta’ kontrolli fejn l-assigurazzjoni hija mibnija fuq il-ħidma mwettqa mis-saffi preċedenti u fejn il-ħidma tas-CBs tibda mir-riżultati ta’ kontroll tal-PAs. F’dan ir-rigward, is-CBs huma mitluba jikkonfermaw ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa mill-PAs u, jekk ma jiġux ikkonfermati, sabiex jistabbilixxu rata ta’ nuqqas ta’ konformità u jagħtu opinjoni kwalifikata. Madankollu, għall-2015 id-DĠ AGRI seta’ jagħmel biss użu limitat mill-opinjonijiet tas-CBs minħabba li f’ħafna każijiet il-ħidma li saret ma kinitx għadha affidabbli.

Meta ma tkunx tista’ tiġi invokata l-ħidma tas-CBs, id-DĠ AGRI jkompli jikseb assigurazzjoni indipendenti dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa mill-awditjar proprju u fejn meħtieġ użahom bħala bażi għal żidiet supplimentari mar-rati ta’ żbalji rrapportati mill-PAs. Ir-rati ta’ żbalji aġġustati li rriżultaw baqgħu relattivament baxxi (ara t-Tabella 1 u aktar ’il fuq).

Fejn il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-ħidma tas-CBs, in-nuqqas ta’ konformità stabbilita mis-CBs jista’ jiżdied mar-rata ta’ żball irrapportata mill-PAs sabiex tiġi kkalkulata rata ta’ żball affidabbli li tirrifletti l-livell ta’ assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-PAK.

Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għar-Rakkomandazzjoni 1.

Rakkomandazzjoni 1 - Assigurazzjoni mill-ħidma tas-CBs dwar il-legalità u r-regolarità

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni, kif ġej:

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni li l-użu tal-opinjoni tas-CBs għall-assigurazzjoni jkun possibbli biss ladarba tkun twettqet il-ħidma kif definit fir-rakkomandazzjonijiet minn 2 sa 7, u mhux fejn il-ħidma tkun twettqet kif definit fil-linji gwida applikabbli mis-sena finanzjarja 2015. Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-linji gwida għall-FY2015 jistgħu jittejbu, meta jiġu applikati b’mod korrett fil-forma attwali tagħhom, diġà jippermettu lis-CBs li jagħtu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità f’konformità mar-regoli u mal-istandards applikabbli.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni li fejn il-ħidma ta’ awditjar tas-CBs issir skont ir-regolamenti u l-linji gwida applikabbli, l-opinjoni tagħhom tkun element kostitwenti addizzjonali importanti u ta’ valur u jenħtieġ li tkun l-element ewlieni għall-assigurazzjoni tal-Kummissjoni. Dan huwa konformi mal-istrateġija tal-awditjar tad-DĠ AGRI u mal-piramida ta’ kontroll/awditjar uniku tal-PAK hawn taħt:

Il-mudell ta’ awditjar uniku tal-PAK
93

Il-kriterji ta’ akkreditazzjoni għandhom ikopru l-istruttura u l-funzjonament globali tal-PA (jiġifieri l-kontrolli fil-livell ta’ entità), fost affarijiet oħra, l-adegwatezza tal-proċessi u tal-proċeduri stabbiliti. Madankollu, meta jkun qed jiġi vvalutat il-proċess amministrattiv u fuq il-post (OTS) (l-awtorizzazzjoni ta’ talbiet) għal popolazzjoni partikolari, il-valutazzjoni tas-CB għandha tkun ibbażata fuq il-kontrolli ewlenin u anċillari. Għalhekk, il-kontrolli ewlenin u anċillari li jiddefinixxu l-kontrolli għall-popolazzjoni partikolari (jew skema/miżura) għandhom jintużaw b’mod addizzjonali mal-kriterji ġenerali ta’ akkreditazzjoni. Is-CBs qed jużaw ukoll il-kontrolli ewlenin u anċillari meta jivvalutaw il-legalità u r-regolarità tan-nefqa (taħt l-ittestjar tal-konformità u sostantiv tagħhom). (Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafi 41-44).

Madankollu, il-fatt li s-CBs huma meħtieġa jivvalutaw il-proċess tal-awtorizzazzjoni ta’ talbiet (inklużi kontrolli amministrattivi u fuq il-post) abbażi tal-Kontrolli ewlenin u anċillari, huwa previst b’mod ċar fil-linji gwida għall-FY2018.

94

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li filwaqt li l-kriterji ta’ akkreditazzjoni jipprovdu bażi soda għall-valutazzjoni tal-qafas ġenerali ta’ kontroll tal-PA (dak li n-normi dwar il-verifika jirreferu għalih bħala kontrolli fil-livell ta’ entità), il-valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern għal-legalità u r-regolarità u għall-kontijiet annwali 5 jeħtieġ li tkun separata. (Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafi 41-44).

L-approċċ biex ikun hemm firda ċara bejn il-proċessi/proċeduri marbuta mal-legalità u r-regolarità minn dawk marbuta mal-kontijiet annwali ġie adottat fil-linji gwida ġodda għall-FY2018, li kienu finalizzati f’Jannar 2017.

Rakkomandazzjoni 2 - Valutazzjoni tar-riskju ffukata fuq kontrolli ewlenin u anċillari

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tqis li diġà hija implimentata fil-linji gwida ġodda għall-FY2018. Is-CBs huma avżati biex jużaw il-kontrolli ewlenin u anċillari meta jkunu qegħdin jittestjaw il-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ talbiet.

95

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kampjun 1 ma jintużax biss biex jiġi ttestjat il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll intern u l-affidabbiltà tal-istatistika ta’ kontroll, iżda wkoll sabiex issir konklużjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa fil-livell tal-benefiċjarju. Madankollu, il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jeħtieġu separazzjoni tal-objettivi tal-awditjar fejn il-kampjun għal-legalità u r-regolarità jintuża għall-iskopijiet li ġejjin:

  • sabiex issir konklużjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa;
  • sabiex issir konklużjoni dwar ir-riżultati ta’ kontroll rapportati fid-Dikjarazzjoni ta’ Ġestjoni u fl-istatistika ta’ kontroll;
  • għall-ittestjar tas-sistema ta’ kontroll intern jekk is-CB iwettaq ittestjar bi skop doppju;
  • sabiex tiġi ċċertifikata r-rata ta’ żball għall-finijiet tat-tnaqqis fir-rata ta’ kontroll fuq il-post skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 908/2014.

Għal nefqa koperta mis-SIAK, il-leġiżlazzjoni applikabbli u l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-PAs jinkludu metodi mmirati biex tiġi żgurata r-rappreżentattività tal-kampjun fir-rigward tal-popolazzjoni totali. Fl-ewwel pass tal-operazzjonijiet ta’ kampjunar tagħhom, is-CBs għandhom jiċċekkjaw li l-kampjuni tal-PAs ikunu legali u regolari, jiġifieri jkunu ġew magħżula skont ir-regoli tal-UE u l-linji gwida għall-PAs, inkluża r-rappreżentattività. Min-naħa tagħhom, il-kampjuni tas-CBs jeħtieġ li jkunu rappreżentattivi għall-popolazzjoni magħżula mill-PAs.

96

Il-kwistjonijiet relatati maż-żmien li fih jitwettqu l-verifiki fuq il-post u l-verifiki mill-ġdid għal tranżazzjonijiet koperti mis-SIAK huma inerenti għar-realtà agrikola li qiegħda tinbidel fl-oqsma.

Għalhekk, huwa kruċjali li l-PAs jagħmlu l-kontroll primarju fil-ħin adatt, jiġifieri qabel il-pagamenti, u li s-CBs jmorru fuq il-post ftit wara l-PAs sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jivverifikaw l-elementi kollha ta’ eliġibbiltà. Jekk il-verifika mill-ġdid issir tard, hemm riskju kbir li ma jkunux jistgħu jiġu vverifikati l-elementi kollha ta’ eliġibbiltà fuq il-post jew li r-realtà tkun inbidlet kompletament, u għalhekk ma jkunx possibbli li ssir verifika mill-ġdid.

Rakkomandazzjoni 3 - Salvagwardji għall-kampjunar koperti mis-SIAK ibbażat fuq verifiki fuq il-post mill-PAs

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tqis li diġà hija implimentata fil-linji gwida ġodda għall-FY2018. Il-linji gwida l-ġodda ġew imsaħħa fir-rigward tal-aspetti li ġejjin:

Rakkomandazzjoni 3 L-ewwel inċiż

is-CB għandu jiċċekkja li l-kampjun tal-PA jkun intgħażel skont il-leġiżlazzjoni, ir-regoli u l-linji gwida rilevanti fosthom ir-rappreżentattività u mbagħad, is-CB għandu jiċċekkja r-rappreżentattività tal-kampjun tiegħu stess;

Rakkomandazzjoni 3 It-tieni inċiż

importanza kruċjali taż-żmien li fih isiru l-verifiki mill-ġdid tas-SIAK: iż-żmien rakkomandat għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ awditjar huwa inkluż fil-linji gwida;

Rakkomandazzjoni 3 It-tielet inċiż

bħala parti mill-proċeduri ta’ awditjar, is-CB għandu jiċċekkja l-kompletezza u l-assigurazzjoni tar-riżultati tal-kontroll irrapportati fl-istatistika ta’ kontroll;

97

Il-Kummissjoni taqbel li hemm spariġġ bejn il-kontrolli mwettqa mill-PA f’sena partikolari u l-pagamenti għas-sena finanzjarja għall-popolazzjonijiet li mhumiex fis-SIAK. Madankollu, peress li l-maġġoranza tal-miżuri li mhumiex koperti mis-SIAK mhumiex marbuta bil-ħin, is-CB jista’ jittestja tranżazzjonijiet addizzjonali fil-każ li wħud minn dawk diġà ttestjati ma jkunux tħallsu matul is-sena. It-tranżazzjonijiet li ma jkunux tħallsu xorta jistgħu jintużaw biex jiġu kkonfermati jew le d-Dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u r-riżultati tal-kontroll, kif ukoll l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll intern.

Rakkomandazzjoni 4 – Kampjunar mhux kopert mis-SIAK ibbażat fuq pagamenti

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tqis li diġà hija implimentata fil-linji gwida ġodda għall-FY2018. Fil-każ ta’ restrizzjonijiet ta’ ħin, pereżempju għal miżuri li jitolbu ħafna ħlasijiet qrib it-tmiem tas-sena, huwa rrakkomandat li s-CB juża ħlasijiet previsti.

98

Il-Kummissjoni tqis li fil-qafas tal-PAK u b’mod partikolari meta jitqies il-kontribut tas-SIAK għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tal-livell ta’ żbalji, it-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli amministrattivi jkun evidenza xierqa għall-awditjar. Jinkludi investigazzjonijiet lill-persunal tal-PA dwar il-kontrolli mwettqa, il-kontrolli tal-applikazzjoni għall-għajnuna u d-dokumenti ta’ sostenn, kif ukoll kontrolli fir-reġistri u fl-LPIS għal skemi koperti mis-SIAK. Għan-nefqa li mhijiex koperta mis-SIAK, il-kontrolli amministrattivi u l-verifika mill-ġdid tagħhom mis-CBs jinkludu wkoll żjarat fl-azjenda agrikola (spezzjonijiet) sabiex, pereżempju, tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ assi fiżiċi mibnija jew mixtrija permezz ta’ proġetti ta’ investiment.

Il-Kummissjoni tqis ukoll li t-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli mwettqa mill-PAs ġeneralment huwa biżżejjed sabiex is-CBs jivvalutaw il-legalità u r-regolarità tan-nefqa. Ġeneralment il-verifika ta’ pagamenti fuq il-post li ma jkunux ġew ikkontrollati fuq il-post mill-PAs ma twassalx għal evidenza addizzjonali ta’ valur u tiġġenera riżultati inkomparabbli meta mqabbla mal-kontrolli tal-PAs.

99

Il-linji gwida għandhom jitqiesu bħala l-minimu li huwa meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun sodisfatta bihom, u ma jistgħux jillimitaw il-ħidma tas-CBs jekk din tkun xierqa.

Il-Kummissjoni tqis li fil-kuntest tan-nefqa tal-PAK u s-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tagħha, it-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli huwa l-aktar mod effiċjenti biex tissaħħaħ l-assigurazzjoni u biex tiġi ffurmata opinjoni tal-awditjar b’aċċertament raġonevoli.

Kif spjegat fit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 60-70, il-linji gwida tal-Kummissjoni jirrakkomandaw lis-CB biex iwettqu l-istess verifiki (verifika fuq il-post u verifiki amministrattivi jew verifiki amministrattivi biss) bħall-PA sabiex jinkisbu riżultati komparabbli. Barra minn hekk, il-linji gwida ma jillimitawx lis-CBs milli jerġgħu jwettqu l-kontrolli iżda li jerġgħu jwettqu l-kontrolli flimkien ma’ tekniki oħra sabiex tinġabar biżżejjed evidenza u evidenza xierqa għall-awditjar. Peress li s-CBs jivverifikaw mill-ġdid anki l-verifiki amministrattivi, l-ispezzjoni ta’ dokumenti u ta’ reġistri, kif ukoll investigazzjonijiet, huma wkoll tekniki komuni użati minnhom.

Fil-linji gwida ġodda għall-FY2018, il-Kummissjoni tirrakkomanda lis-CBs sabiex ikollhom żewġ kampjuni ddedikati għall-objettivi separati tal-awditjar (awditjar tal-kontijiet u awditjar tal-legalità u tar-regolarità). Il-Kummissjoni diġà identifikat u adottat approċċ li jippermetti awditjar effiċjenti u effettiv bħal: ittestjar bi skop doppju bejn l-objettivi tal-awditjar u bejn l-ittestjar tal-konformità u sostantiv6, eċċ. It-teknika tal-awditjar mhijiex limitata għat-twettiq mill-ġdid tal-kontrolli iżda għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli tal-PA. Għalhekk, jekk PA tkun iċċekkjat tranżazzjoni b’mod amministrattiv biss, is-CB għandu jagħmel l-istess – jivverifika mill-ġdid il-kontrolli amministrattivi permezz ta’ twettiq mill-ġdid tal-kontrolli, spezzjoni, investigazzjoni, kontrolli analitiċi, eċċ.

Filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi pprovduta gwida lis-CBs dwar kif jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kostijiet u l-benefiċċji, il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-FY2018 jitolbu lis-CBs li jkollhom kampjuni statistikament rappreżentattivi għall-verifiki mill-ġdid fuq il-post għas-SIAK. Għal nefqa li mhijiex koperta mis-SIAK huwa mitlub minimu ta’ 30 verifika mill-ġdid fuq il-post. Ir-riżultati tal-verifika mill-ġdid ser jiġu estrapolati għall-popolazzjoni sħiħa.

Rakkomandazzjoni 5 - Ittestjar sostantiv imwettaq fuq il-post

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni, kif ġej:

1) Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni fejn din tkun tinvolvi li s-CBs jmorru fuq il-post għal tranżazzjonijiet li ma jkunux ġew ikkontrollati fuq il-post mill-PA. Dan ma jkunx konformi mal-mudell ta’ assigurazzjoni tal-PAK tal-Kummissjoni u ma jwassalx għal riżultati komparabbli meta mqabbla mal-kontrolli tal-AP. Barra minn hekk, u speċjalment għal tranżazzjonijiet li mhumiex koperti mis-SIAK, il-kontroll ta’ tranżazzjonijiet fuq il-post li ma jkunux ġew ikkontrollati qabel fuq il-post mill-PAs ġeneralment ma jwassalx għal evidenza addizzjonali siewja.

Filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi pprovduta gwida lis-CBs dwar kif jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kostijiet u l-benefiċċji, il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-FY2018 jitolbu lis-CBs li jkollhom kampjuni statistikament rappreżentattivi għall-verifiki mill-ġdid fuq il-post għas-SIAK. Għal nefqa li mhijiex koperta mis-SIAK huwa mitlub minimu ta’ 30 verifika mill-ġdid fuq il-post. Ir-riżultati tal-verifika mill-ġdid ser jiġu estrapolati għall-popolazzjoni sħiħa. Il-Kummissjoni tqis li fil-qafas tal-PAK dan l-approċċ bilanċjat ikun biżżejjed sabiex is-CBs jagħtu opinjoni affidabbli dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa.

2) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni dwar il-fatt li s-CBs jitħallew iwettqu l-passi u l-proċeduri kollha ta’ awditjar li huma jqisu xierqa u tqis li din diġà ġiet implimentata.

100

Minħabba l-approċċ integrat użat fil-linji gwida attwali, is-CBs intalbu jikkalkulaw żewġ rati ta’ żbalji li jkopru l-legalità u r-regolarità. Madankollu, dan l-approċċ ġie rivedut fil-linji gwida għall-FY2018 (ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għar-Rakkomandazzjoni 6 hawn taħt).

101

Biex tiġi żgurata kontinwità, il-linji gwida għall-2015 – l-ewwel sena ta’ ħidma mtejba tas-CBs - ġew elaborati abbażi ta’ linji gwida użati għall-approvazzjoni finanzjarja tas-snin preċedenti. Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-2015 kienu bbażati fuq approċċ u kampjunar integrati, skont l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u li taħthom, l-ittestjar, il-valutazzjoni tal-iżbalji u r-rapportar tal-iżbalji taħt il-legalità u r-regolarità jiġu magħquda ma’ dawk għall-kontijiet annwali. Minn dan isegwi li skont l-approċċ integrat, l-ERR tintuża għall-valutazzjoni tal-legalità u tar-regolarità tan-nefqa, kif ukoll tal-kontijiet annwali.

Rakkomandazzjoni 6 - Rata ta’ żball unika fir-rigward tal-legalità u r-regolarità

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tqis li diġà ġiet implimentata.

Il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jipprevedu separazzjoni ċara bejn il-proċeduri ta’ konformità u dawk ta’ approvazzjoni finanzjarja. Għal dak il-għan, is-CBs għandhom jikkalkulaw żewġ rati separati ta’ żbalji: rata ta’ żball (ERR) li tinkludi biss l-iżbalji mill-ittestjar tal-kontijiet annwali, u rata ta’ nuqqas ta’ konformità (IRR) li tinkludi l-iżbalji kollha ta’ legalità u regolarità li ma jkunux ġew skoperti mill-PA. L-IRR ser tintuża kemm għall-opinjoni tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità kif ukoll sabiex jiġu kkonfermati (jew le) d-dikjarazzjonijiet fid-Dikjarazzjoni ta’ ġestjoni. L-IRR ser tintuża bħala żieda supplimentari mar-riżultati ta’ kontroll rapportati mill-PAs.

102

Ir-rata ta’ nuqqas ta’ konformità (IRR) hija mfassla biex jiġi stmat l-ammont li bih il-kontrolli tal-PA jvarjaw mill-verifika mill-ġdid tas-CB jew fi kliem ieħor, l-ammont li l-PA tkun naqset milli taqbad. Għalhekk, huwa raġjonevoli li wieħed jassumi li jekk il-PA ssib żball, dan l-iżball jiġi kkoreġut qabel il-ħlas. L-iżball tas-CB għandu jirrifletti biss l-ammont li ma jkunx ġie skopert u bħala riżultat, li ma jkunx ġie kkoreġut qabel il-ħlas. Din hija r-raġuni għaliex sabiex jiġi evitat l-għadd doppju tal-iżbalji, is-CB ma għandux jinkludu t-talba tal-benefiċjarju, peress li d-differenza tinkludi parti li kienet diġà ġiet ikkorreġuta mill-PA u rrapportata fl-istatistika ta’ kontroll.

103

Il-ħidma tas-CBs hija bbażata fuq kampjuni skont normi dwar il-verifika aċċettati internazzjonalment. Fi kwalunkwe każ, is-sejbiet kollha misjuba matul il-verifiki mill-ġdid fuq il-post għandhom jiġu estrapolati għall-bqija tal-popolazzjoni għall-kalkolu tar-rata ta’ nuqqas ta’ konformità (kemm jekk dawn ikunux ġew riżolti qabel il-ħlas kif ukoll jekk le).

Fir-Rapport Annwali tal-Attività d-DĠ AGRI juża approċċ simili għall-kalkolu tar-rata ta’ żbalji residwi.

Rakkomandazzjoni 7 - Rata ta’ żball rappreżentattiva tal-popolazzjoni koperta mill-opinjoni tal-awditjar

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tqis li diġà ġiet implimentata.

Il-linji gwida ġodda għall-FY2018 jipprevedu li r-rata ta’ nuqqas ta’ konformità għall-popolazzjonijiet fis-SIAK tkun ibbażata fuq il-kampjun aleatorju tal-PA għal verifika fuq il-post, madankollu, ir-riżultat estrapolat għall-parti tal-popolazzjoni mbagħad jiġi estrapolat għall-popolazzjoni kollha sabiex issir konklużjoni dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa kollha koperta mis-SIAK.

Għall-popolazzjonijiet li mhumiex fis-SIAK, huwa previst approċċ kemmxejn differenti biex jitqies id-disinn differenti tal-miżuri u l-fatt li l-kampjuni aleatorji tal-PA jistgħu ma jkunux rappreżentattivi fil-każijiet kollha. Għalhekk, ir-rata ta’ nuqqas ta’ konformità li għandha tiġi kkalkulata mis-CBs jenħtieġ li tkun ibbażata fuq kampjun meħud min-nefqa kollha li mbagħad tiġi estrapolata.

104

Il-Kummissjoni tqis li fil-linji gwida ġodda għas-sena finanzjarja 2018, ir-rakkomandazzjonijiet 2, 3, 4, 6 u 7 diġà ġew implimentati u li anki l-parti tar-rakkomandazzjoni 5 li ġiet aċċettata diġà ġiet implimentata. Peress li l-ħlasijiet relatati mas-SIAK fis-sena finanzjarja 2018 jikkorrispondu għal talbiet tal-benefiċjarji introdotti fir-Rebbiegħa 2017 u li għandhom jiġu ċċekkjati matul l-istess perjodu ta’ ħsad, l-implimentazzjoni għandha tkun realistika: l-implimentazzjoni tal-linji gwida l-ġodda ser teħtieġ ħidma preparatorja għall-SMi, inklużi proċeduri ta’ akkwist pubbliku f’każijiet fejn is-CBs ma jkunux korpi pubbliċi. Ħafna SMi diġà għarrfu lill-Kummissjoni li jistgħu japplikaw il-linji gwida l-ġodda biss mis-sena finanzjarja 2019.

Glossarju

Aġenzija tal-Pagamenti (AP): Il-korp(i) responsabbli, fi ħdan Stat Membru, għall-ġestjoni u l-kontrol tal-infiq taħt il-PAK, notevolment il-kontrolli, il-kalkolu u l-pagament tal-għajnuna taħt il-PAK li tingħata lill-benefiċjarji, u r-rappurtar dwarhom li jsir lill-Kummissjoni. Parti mix-xogħol tal-AP jista’ jsir minn korpi ddelegati, iżda mhux il-pagamenti lill-benefiċjarji u r-rappurtar dwarhom li jsir lill-Kummissjoni.

Akkreditazzjoni: Proċess biex jiġi ċċertifikat li l-aġenziji tal-pagamenti għandhom organizzazzjoni amministrattiva u sistema ta’ kontroll intern li jipprovdu garanziji suffiċjenti dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti, kif ukoll li dawn jiġu kontabilizzati kif suppost. Ċertifikazzjoni ta’ dan it-tip għandha ssir mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-konformità tal-aġenziji tal-pagamenti ma’ sett ta’ kriterji (“kriterji ta’ akkreditazzjoni”) li jirrigwarda l-ambjent intern, l-attivitajiet ta’ kontroll, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-monitoraġġ.

Dikjarazzjoni ta’ ġestjoni: Dikjarazzjoni ta’ kull sena tad-Diretturi ta’ kull AP rigward il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet u l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ kontroll intern, kif ukoll rigward il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Bosta annessi jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni, li fosthom anness partikolari jirrigwarda l-istatistika tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post kollha mwettqa mill-AP (“l-istatistika ta’ kontroll”).

Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR): Jiffinanzja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programmi tal-iżvilupp rurali.

Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG): Jipprovdi finanzjament għal pagamenti diretti lill-bdiewa, għall-ġestjoni tas-swieq agrikoli u għal miżuri ta’ informazzjoni u promozzjoni.

Kontrolli amministrattivi: Kontrolli dokumentarji formalizzati mwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti fuq l-applikazzjonijiet kollha sabiex jivverifikaw li dawn jikkonformaw mat-termini li taħthom tingħata l-għajnuna. Għall-infiq tas-SIAK, l-informazzjoni li tinsab fid-databases tal-IT tintuża għal kontroverifiki awtomatiċi.

Kontrolli fuq il-post: Kontrolli mwettqa mill-ispetturi tal-aġenziji tal-pagamenti sabiex jivverifikaw li l-benefiċjarji finali jikkonformaw mar-regoli applikabbli. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ żjarat klassiċi fuq il-post (f’azjendi agrikoli jew investimenti li jkunu suġġetti għall-għajnuna) jew ta’ telerilevament (eżaminar ta’ immaġni satellitari reċenti ta’ rqajja’ art) li għandu jiġu kkumplimentati bi żjarat rapidi fuq il-post f’każijiet ta’ dubju.

Korrezzjonijiet finanzjarji: Il-Kummissjoni teskludi, mill-finanzjament mill-UE, infiq li l-Istati Membri ma jkunux effettwaw f’konformità mad-dritt tal-UE u dak nazzjonali applikabbli. Għall-infiq taħt il-PAK, l-esklużjonijiet dejjem jieħdu l-forma ta’ korrezzjonijiet finanzjarji li jiġu ttrattati bħala dħul assenjat.

Perjodu ta’ programmazzjoni: Qafas pluriennali għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-UE. Il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali jibda mill-2014 sal-2020. Il-Programmi tal-iżvilupp rurali li huma ffinanzjati mill-FAEŻR huma mmaniġġjati taħt dan il-qafas pluriennali; il-FAEG huwa mmaniġġjat fuq bażi annwali.

Proċedura ta’ approvazzjoni finanzjarja: Riżultati fid-deċiżjoni finanzjarja annwali tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali ta’ kull AP akkreditata.

Proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità: Proċedura tal-Kummissjoni li hija bbażata fuq valutazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri japplikaw id-dritt tal-UE u dak nazzjonali u li kwalunkwe nfiq li jikser dawn ir-regoli, f’sena finanzjarja waħda jew aktar, jiġi eskluż mill-finanzjament mill-UE permezz ta’ korrezzjoni finanzjarja.

Rapport Annwali tal-Attività (RAA): Rapport annwali ppubblikat minn kull Direttorat Ġenerali li jiddeskrivi fid-dettall il-kisbiet tiegħu, l-inizjattivi li huwa jkun ħa matul is-sena u r-riżorsi li jkun uża. Ir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ AGRI jinkludi wkoll valutazzjoni tal-funzjonament u r-riżultati tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-PAK fil-livell tal-aġenziji tal-pagamenti.

Rata ta’ żball aġġustata: Din hija l-istima li ssir mill-Kummissjoni tal-livell tal-iżball residwu li jaffettwa l-pagamenti taħt il-PAK li jsiru mill-aġenziji tal-pagamenti lill-benefiċjarji wara li jkunu twettqu l-kontrolli kollha. Il-Kummissjoni tikkalkuladawn ir-rati u tippubblikahom fir-RAA tagħha.

Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK): Sistema integrata li tikkonsisti f’databases ta’ azjendi, applikazzjonijiet, żoni agrikoli, annimali u, fejn applikabbli, drittijiet għall-pagamenti. Dawn id-databases jintużaw għal kontroverifiki amministrattivi fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti relatati mal-erja u mal-annimali.

Standards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment (IAAS) jinkludu standards tal-awditjar speċifikati minn korpi pubbliċi u professjonali differenti li jissettjaw standards, bħall-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) maħruġa mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Aċċertament (IAASB), jew l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAI) maħruġa mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI).

Statistika ta’ kontroll: Rapporti annwali ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni li jkun fihom ir-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post li jkunu twettqu mill-aġenziji tal-pagamenti.

Abbrevjazzjonijiet

AK: Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru (normalment il-Ministeru tal-Agrikoltura)

AP: Aġenzija tal-Pagamenti

DĠ AGRI: Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

ERR: Rata ta’ żball

FAEG: Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija

FAEŻR: Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FK: Fond ta’ Koeżjoni

FSE: Fond Soċjali Ewropew

IRR: Rata ta’ “nuqqas ta’ konformità”

ISAs: Standards Internazzjonali tal-Awditjar

ISSAIs: Standards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar

: Korp taċ-ċertifikazzjoni

MD: Dikjarazzjoni ta’ Ġestjoni

PAK: Politika Agrikola Komuni

RAA: Rapport annwali tal-attività

SIAK: Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll

Noti finali

1 L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

2 Fejn pagament huwa bbażat fuq l-issodisfar ta’ ċerti kundizzjonijiet.

3 L-Artikolu 59 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

4 Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549) (ir-“Regolament Orizzontali tal-PAK”).

5 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

6 Il-proċedura tad-DĠ AGRI li hija bbażata fuq valutazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti, biex jiġi żgurat li l-Istati Membri japplikaw id-dritt tal-UE u dak nazzjonali u li kwalunkwe nfiq li jikser dawn ir-regoli f’sena finanzjarja waħda jew aktar jiġi eskluż mill-finanzjament mill-UE (l-Artikolu 52 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK).

7 Il-mudell ta’ ġestjoni kondiviża tal-Kummissjoni ppreżentat fir-RAA 2015 tad-DĠ AGRI, p. 35.

8 Kif meħtieġ mill-Artikolu 7 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK.

9 L-Artikoli 30 sa 33 tar-Regolament (UE) Nru 809/2014. Għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni introduċiet aktar possibbiltajiet għall-Istati Membri biex inaqqsu r-rata minima ta’ kontroll għal 1 %. L-Istati Membri jistgħu jużaw possibbiltajiet bħal dawn, kif ipprovdut mill-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 908/2014 u mill-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 809/2014.

10 Rapporti annwali ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni li fihom ir-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti.

11 L-Artikolu 59 u l-Premessa 22 tar-Regolament Finanzjarju.

12 L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95 tas-7 ta’ Lulju 1995 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, 8.7.1995, p. 6).

13 L-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju.

14 L-Artikolu 9 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK.

15 F’bosta Stati Membri, aktar minn aġenzija waħda tal-pagamenti tiġi awditjata mill-istess korp taċ-ċertifikazzjoni.

16 Bħal dipartimenti fil-Ministeri tal-Finanzi, dipartimenti ta’ gvernijiet reġjonali, jew Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar.

17 L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament (UE) Nru 908/2014.

18 Il-Linja Gwida Nru 1 dwar ir-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni; il-Linja Gwida Nru 2 dwar l-awditjar annwali taċ-ċertifikazzjoni; il-Linja Gwida Nru 3 dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar; il-Linja Gwida Nru 4 dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Ġestjoni; u l-Linja Gwida Nru 5 dwar l-irregolaritajiet.

19 L-Artikolu 9 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK.

20 Id-DĠ AGRI organizza laqgħat tal-gruppi ta’ esperti, bl-involviment ta’ rappreżentanti minn awtoritajiet kompetenti u minn korpi taċ-ċertifikazzjoni mill-Istati Membri kollha, bħala forum għall-kondiviżjoni ta’ għarfien u esperjenzi u għall-kjarifika ta’ kwistjonijiet relatati ma’ xogħol il-korpi taċ-ċertifikazzjoni.

21 Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

22 Il-Ġermanja (il-Bavarja), Spanja (Kastilja u Léon), l-Italja (AGEA), il-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju Unit (l-Ingilterra).

23 Il-politika ta’ Koeżjoni hija ffinanzjata permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK).

24 ĠU C 107, 30.4.2004, p. 1.

25 http://eca.europa.eu

26 Fil-verżjoni tal-manwal tal-awditjar tad-DĠ AGRI tal-4.11.2015 - it-Taqsima 4.4 – awditu tal-konformità dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq għall-FAEG u l-FAEŻR.

27 Fil-Programm ta’ Ħidma Pluriennali 2015-2018 tad-Direttorat J tad-DĠ AGRI.

28 Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja u r-Renju Unit iddeċentralizzaw il-ġestjoni tal-fondi tal-PAK permezz ta’ aġenziji tal-pagamenti reġjonalizzati.

29 L-Artikolu 66(9) tar-Regolament Finanzjarju.

30 L-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014.

31 L-Artikolu 52 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK.

32 L-Artikolu 7(2) u (5) tar-Regolament Orizzontali tal-PAK.

33 L-Artikolu 66 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ir-Regolament Finanzjarju).

34 Għall-kalkolu tar-rati ta’ żball aġġustati għall-2015, id-DĠ AGRI uża r-riżultati tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex iżid ir-rati ta’ żball tal-aġenziji tal-pagamenti fi tliet każijiet biss għall-FAEG u f’disa’ każijiet għall-FAEŻR.

35 Il-paġna 66 tal-Annessi għar-RAA 2015 tad-DĠ AGRI.

36 Il-paġna 67 tal-Annessi għar-RAA 2015 tad-DĠ AGRI.

37 It-Taqsima 5 tal-Linja Gwida Nru 2 dwar il-metodoloġija ta’ kampjunar.

38 Il-paragrafu 53 tal-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAI) 400 – Fundamental principles of compliance auditing (Prinċipji fundamentali tal-awditjar tal-konformità).

39 Kif jidher fit-tabella tal-paġna 9, l-Anness 3 għal-Linja Gwida Nru 2 dwar il-metodoloġija ta’ kampjunar, għal riskju inerenti għoli u rata ta’ żball stmata ta’ 10 %.

40 L-Artikolu 7 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK.

41 Eżempju adattat mil-Linja Gwida Nru 3 tad-DĠ AGRI.

42 Il-Ġermanja (il-Bavarja), l-Italja (AGEA) u r-Renju Unit (l-Ingilterra).

43 L-Artikolu 12 (6)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 907/2014.

44 Il-paragrafu 6 tal-Istandard Internazzjonali tal-Awditjar (ISA) 530 – Kampjunar għall-awditjar.

45 It-Taqsima 6.2 tal-Linja Gwida Nru 2 dwar il-metodoloġija ta’ kampjunar.

46 Il-kampjun aleatorju jirrappreżenta bejn 20 % u 25 % tal-kontrolli fuq il-post imwettqa mill-aġenziji tal-pagamenti. Il-kontrolli fuq il-post li jifdal huma kkampjunati abbażi tar-riskju.

47 L-Anness 3 għal-Linja Gwida Nru 2 jirrakkomanda minimu ta’ 30 tranżazzjoni għal kull Fond.

48 It-Taqsima 6.7 tal-Linja Gwida Nru 2 dwar il-parametri ta’ kampjunar.

49 L-Italja ma tingħaddx għal dan l-iskop għaliex għas-sena finanzjarja 2015 il-KĊ ma ttestjax it-tranżazzjonijiet tas-SIAK fuq il-post minħabba l-ħatra tardiva tiegħu.

50 Il-kontrolli fuq il-post jistgħu jieħdu l-forma ta’ żjarat klassiċi fuq il-post (f’azjendi agrikoli jew investimenti li jkunu suġġetti għall-għajnuna) jew ta’ telerilevament (eżaminar ta’ immaġni satellitari reċenti ta’ rqajja’ art).

51 It-Taqsima 6.2 tal-Linja Gwida Nru 2 dwar il-metodoloġija ta’ kampjunar.

52 Il-benefiċjarji li ġew rimborżati qabel is-16 ta’ Ottubru 2014 ġew irreġistrati fis-sena finanzjarja preċedenti u dawk (każijiet eċċezzjonali) li ġew rimborżati wara l-15 ta’ Ottubru 2015 ġew irreġistrati fis-sena finanzjarja ta’ wara.

53 It-Taqsima 7.1 tal-ISSAI 4200 - Compliance Audit Guidelines. Compliance Audit Related to the Audit of Financial Statements (Linji Gwida għall-Awditu tal-Konformità. Awditu tal-Konformità Relatat mal-Awditu tal-Kontijiet Finanzjarji).

54 L-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 908/2014.

55 Ara, pereżempju, il-paragrafi 7.19 u 7.26 tar-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2014 (ĠU C 373, 10.11.2015) u l-paragrafi 7.14, 7.18 u 7.22 tar-Rapport Annwali tal-Qorti għas-sena finanzjarja 2015 (ĠU C 375, 13.10.2016).

56 Il-paragrafu 21 tal-ISSAI 4200.

57 It-Taqsima 6.2 tal-Linja Gwida Nru 2 dwar il-metodoloġija ta’ kampjunar.

58 Kontrolli kompjuterizzati u fotointerpretazzjoni dettaljata ta’ ortoimmaġnijiet, li twettqu fuq immaġnijiet b’riżoluzzjoni għolja, ta’ rqajja’ art, meħudin reċentement permezz ta’ satellita jew mill-ajru.

59 It-Taqsima 9.2 tal-Linja Gwida Nru 2 dwar il-prestazzjoni tal-kontrolli fuq il-post.

60 It-Taqsima 7.1.5 tal-ISSAI 4200.

61 Il-Glossarju tal-Linja Gwida Nru 2.

62 Għal definizzjoni aktar dettaljata ta’ aċċertament limitat u kif dan ivarja minn aċċertament raġonevoli, ara l-paragrafi 20 u 21 tal-ISSAI 4200.

63 Kaxxa ta’ Spjegazzjoni: l-Anness 10-2.1.

64 L-Artikolu 51 u l-Premessa 35 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK, li jiddikjara li “Id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-kontijiet għandha tkopri l-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet iżda mhux il-konformità tal-infiq mal-liġi tal-Unjoni”.

65 Ir-regola ġenerali hija ta’ 5 %, iżda fejn l-aġenziji tal-pagamenti jkunu vverifikaw fuq il-post perċentwal differenti ta’ benefiċjarji, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni dik ir-rata minflok l-oħra.

66 Madankollu, minħabba li l-Kampjun Nru 2 jittieħed b’mod aleatorju mil-lista ta’ pagamenti, jista’ jitqies li 5 % ta’ dan il-kampjun ikun għadda minn kontroll fuq il-post mill-AP.

1 Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll

2 L-eżekuzzjoni ta’ pagamenti, kontabilità, avvanzi u titoli, ġestjoni tad-dejn.

3 ERR – rata ta’ żball użata biex tingħata stima ta’ dikjarazzjonijiet skorretti fil-kampjun awditjat u fil-popolazzjoni b’impatt finanzjarju fuq il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet.

4 IRR – rata ta’ nuqqas ta’ konformità li tagħti stima tal-impatt finanzjarju potenzjali minħabba nuqqasijiet fil-kontrolli tal-eliġibbiltà;

5 L-eżekuzzjoni ta’ pagamenti, kontabilità, avvanzi u titoli; ġestjoni tad-dejn.

6 Il-possibbiltà li tintuża tranżazzjoni waħda għal diversi testijiet ta’ awditjar.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 13.1.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 6.2.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 22.3.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 26.4.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tal-prestazzjoni u tal-konformità tagħha f’dak li jirrigwarda oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla I tal-Awditjar tal-QEA — immexxija minn Phil Wynn Owen, Membru tal-QEA — li hija responsabbli għall-awditjar relatat mal-użu sostenibbli tar-Riżorsi Naturali. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA João Figueiredo, b’appoġġ minn Paula Betencourt, Attaché tal-kabinett; Sylvain Lehnhard, Aġent Maniġer Prinċipali; Luis Rosa, Kap tal-kompitu u Marius Cerchez, Deputat Kap tal-kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Ioan Alexandru Ilie, Jindrich Dolezal, Michal Machowski, Michael Spang, Antonella Stasia, Heike Walz. Michael Pyper assista fl-abbozzar tar-rapport.

Mix-xellug għal-lemin: Michael Pyper, Paula Betencourt, Sylvain Lehnhard, João Figueiredo, Luis Rosa, Heike Walz, Jindrich Dolezal.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-infiq taħt il-PAK: pass pożittiv lejn mudell ta’ awditu uniku iżda hemm dgħufijiet sinifikanti li jridu jiġu indirizzati
(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet. Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

PDF ISBN 978-92-872-7259-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/146729 QJ-AB-17-006-MT-N
HTML ISBN 978-92-872-7304-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/64468 QJ-AB-17-006-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2017

KIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE

Pubblikazzjonijiet bla ħlas:

(*) L-informazzjoni mogħtija hija b’xejn, kif ukoll it-telefonati ġeneralment huma b’xejn (għalkemm xi operaturi, kabini tat-telefown jew lukandi jistgħu jitolbu ħlas).

Pubblikazzjonijiet bi ħlas: