Il-Politika Agrikola Komuni u l-klima:
Nofs l-infiq tal-UE fuq il-klima iżda l-emissjonijiet mill-azjendi agrikoli mhumiex qed jonqsu
Dwar ir-rapport:
Matul il‑perjodu 2014-2020, il‑Kummissjoni attribwiet aktar minn kwart mill‑baġit tal‑Politika Agrikola Komuni (PAK) għall‑mitigazzjoni u l‑adattament għat‑tibdil fil‑klima.
Aħna eżaminajna jekk il‑PAK kinitx appoġġat prattiki ta’ mitigazzjoni tal‑klima li jistgħu jnaqqsu l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill‑agrikoltura. Sibna li l‑EUR 100 biljun ta’ fondi tal‑PAK attribwiti għall‑azzjoni klimatika ftit li xejn kellhom impatt fuq dawn l‑emissjonijiet, li ma nbidlux sinifikattivament mill‑2010 ’l hawn. Il‑PAK tiffinanzja l‑aktar miżuri li għandhom potenzjal baxx li jimmitigaw it‑tibdil fil‑klima. Hija ma għandhiex l-għan li tillimita jew tnaqqas il‑bhejjem (50 % tal‑emissjonijiet agrikoli), u tappoġġa lill‑bdiewa li jikkultivaw it‑torbieri skulati (20 % tal‑emissjonijiet).
Aħna nirrakkomandaw li l‑Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex il‑PAK tnaqqas l‑emissjonijiet mill‑agrikoltura; tieħu passi biex tnaqqas l‑emissjonijiet mill-ħamrija organika kkultivata u skulata; u tirrapporta regolarment dwar il‑kontribut tal‑PAK għall‑mitigazzjoni tal‑klima.
Rapport speċjali tal‑QEA skont l‑Artikolu 287(4), it‑tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IMill‑2013 ’il hawn, l‑azzjoni klimatika kienet u għadha wieħed mill‑objettivi prinċipali tal‑Politika Agrikola Komuni – il‑PAK. Il‑Kummissjoni attribwiet aktar minn EUR 100 biljun – aktar minn kwart tal‑baġit totali tal‑PAK – għall‑mitigazzjoni tat‑tibdil fil‑klima u l‑adattament għalih matul il‑perjodu 2014-2020.
IIIr‑rwol tal‑UE f’dak li jirrigwarda l‑mitigazzjoni tat‑tibdil fil‑klima fi ħdan is‑settur tal‑agrikoltura huwa kruċjali minħabba li l‑UE tistabbilixxi standards ambjentali u tikkofinanzja l‑biċċa l‑kbira mill‑infiq agrikolu tal‑Istati Membri. Aħna ddeċidejna li nawditjaw il‑PAK minħabba li sehem kbir mill‑baġit tagħha huwa attribwit għall‑mitigazzjoni tat‑tibdil fil‑klima u l‑adattament għalih, u minħabba r‑rabtiet mill‑qrib bejn il‑politika għall‑klima u l‑politika agrikola. Nistennew li s‑sejbiet tagħna jkunu utli fil‑kuntest tal‑objettiv tal‑UE li ssir newtrali għall‑klima sal‑2050.
IIIAħna eżaminajna jekk il‑PAK appoġġatx prattiki ta’ mitigazzjoni tal‑klima b’potenzjal li jnaqqsu l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill‑agrikoltura fil‑perjodu 2014-2020. Eżaminajna wkoll jekk il‑PAK inċentivatx aħjar l‑adozzjoni ta’ prattiki ta’ mitigazzjoni effettivi fil‑perjodu 2014-2020 milli fil‑perjodu 2007‑2013. Aħna strutturajna s‑sejbiet tagħna madwar is‑sorsi prinċipali ta’ dawn l‑emissjonijiet: it‑trobbija tal‑bhejjem, il‑fertilizzazzjoni tal-ħamrija, u l-użu tal‑art.
IVB’mod ġenerali, aħna sibna li l‑EUR 100 biljun ta’ fondi tal‑PAK attribwiti matul il‑perjodu 2014-2020 għall‑azzjoni klimatika ftit li xejn kellhom impatt fuq l‑emissjonijiet agrikoli, li ma nbidlux sinifikattivament mill‑2010 ’l hawn. Il‑biċċa l‑kbira mill‑miżuri ta’ mitigazzjoni li jirċievu appoġġ mill‑PAK għandhom potenzjal baxx li jimmitigaw it‑tibdil fil‑klima. Il‑PAK rari tiffinanzja miżuri b’potenzjal għoli ta’ mitigazzjoni tal‑klima.
VL‑emissjonijiet mill‑bhejjem, prinċipalment xprunati mill‑bhejjem tal‑ifrat, jirrappreżentaw madwar nofs l‑emissjonijiet mill‑agrikoltura u ilhom stabbli mill‑2010. Madankollu, il‑PAK ma għandhiex l-għan li tillimita l-għedud tal‑bhejjem; lanqas ma tipprovdi inċentivi biex dawn jitnaqqsu. Il‑miżuri tas‑suq tal‑PAK jinkludu l‑promozzjoni ta’ prodotti li ġejjin mill‑annimali, li l‑konsum tagħhom ma naqasx mill‑2014 ’il hawn.
VIL‑emissjonijiet mill‑fertilizzanti kimiċi u mid‑demel, li jirrappreżentaw kważi terz tal‑emissjonijiet agrikoli, żdiedu bejn l‑2010 u l‑2018. Il‑PAK tappoġġa prattiki li jistgħu jnaqqsu l-użu tal‑fertilizzanti, bħall‑biedja organika u l‑legumi tal‑qamħ. Madankollu, aħna sibna li dawn il‑prattiki għandhom impatt mhux ċar fuq l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Minflok, prattiki li huma aktar effettivi ftit li xejn irċevew finanzjament.
VIIIl‑PAK tappoġġa lill‑bdiewa li jikkultivaw torbieri skulati, li jemettu 20 % tal‑gassijiet serra agrikoli għall‑EU-27. Għalkemm disponibbli, l‑appoġġ għall-iżvilupp rurali rari ntuża għar‑restawr tagħhom. Minħabba r‑regoli tal‑PAK, xi attivitajiet fuq l‑art imxarrba mill-ġdid isiru ineliġibbli għal pagamenti diretti. Il‑PAK ma żiditx l‑appoġġ għat‑tisġir, l‑agroforestrija u l‑konverżjoni ta’ raba’, li jinħadem, fi bwar permanenti fil‑perjodu 2014-2020 meta mqabbel mal‑perjodu 2007‑2013.
VIIIMinkejja l‑ambizzjoni klimatika akbar, ir‑regoli tal‑kundizzjonalità u l‑miżuri ta’ żvilupp rurali ftit li xejn inbidlu meta mqabbla mal‑perjodu preċedenti. Għalhekk, dawn l‑iskemi ma inċentivawx lill‑bdiewa biex jadottaw miżuri ta’ mitigazzjoni tal‑klima effettivi. Filwaqt li l‑iskema ta’ ekoloġizzazzjoni suppost kellha ttejjeb il‑prestazzjoni ambjentali tal‑PAK, l‑impatt tagħha fuq il‑klima kien marġinali.
IXAħna nirrakkomandaw li l‑Kummissjoni:
- tieħu azzjoni sabiex il‑PAK tnaqqas l‑emissjonijiet mill‑agrikoltura;
- tieħu passi biex jitnaqqsu l‑emissjonijiet mill-ħamrija organika kkultivata u skulata; u
- tirrapporta regolarment dwar il‑kontribut tal‑PAK għall‑mitigazzjoni tal‑klima.
Introduzzjoni
Emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġejjin mill-agrikoltura
01Il‑produzzjoni tal‑ikel hija responsabbli għal 26 % tal‑emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra1. Il‑Figura 1 turi li l‑agrikoltura hija responsabbli għall‑biċċa l‑kbira minn dawn l‑emissjonijiet. Fl‑istrateġija tagħha mill-Għalqa sal‑Platt, il‑Kummissjoni, bl-użu tal‑linji gwida tal‑IPCC li jiffukaw biss fuq l‑attivitajiet agrikoli, kitbet li fl‑UE (b’hekk injorat l‑impatt tal-għalf tal‑annimali li jiġi importat), “l‑agrikoltura hija responsabbli għal 10,3 % tal‑emissjonijiet tal‑gassijiet serra tal‑UE u kważi 70 % minn dawk ġejjin mis‑settur tal‑annimali”.
L‑Istati Membri jirrappurtaw gassijiet serra li jiġu emessi fit‑territorju tagħhom bl-użu ta’ data dwar l‑attivitajiet marbuta mas‑sorsi tal‑emissjonijiet (eż. tipi u għedud ta’ annimali) b’fatturi ta’ emissjonijiet rilevanti. Il‑Figura 2 turi tliet gassijiet serra prinċipali li jiġu emessi mill‑agrikoltura, is‑sorsi ewlenin tagħhom fl‑UE kif ukoll il‑proporzjon ta’ dawn is‑sorsi fl‑emissjonijiet agrikoli totali, li jirrappreżentaw 13 % tal‑emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra għall‑EU-27 (inklużi 2.7 % addizzjonali tal‑emissjonijiet mill-użu tal‑art u l‑assorbimenti mir‑raba’ u l‑bwar). Emissjonijiet addizzjonali, mhux inklużi fil‑Figura 2, jirriżultaw mill-użu tal‑fjuwil għall‑makkinarju u t‑tisħin tal‑bini, li jirrappreżenta madwar 2 % tal‑emissjonijiet totali għall‑EU-27.
L‑agrikoltura, u b’mod partikolari l‑produzzjoni tal‑bhejjem, tinvolvi neċessarjament l‑emissjoni ta’ gassijiet serra. Xi prattiki tal-użu tal‑art jipprovdu opportunitajiet biex jitnaqqsu l‑emissjonijiet jew jiġi assorbit id‑diossidu tal‑karbonju (CO2) mill‑atmosfera billi jinħażen il‑karbonju fil-ħamrija u fil‑bijomassa (pjanti u siġar). Dawn il‑prattiki jinkludu r‑restawr ta’ torbieri skulati jew it‑tisġir.
04Il‑Figura 3 turi kif l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill‑agrikoltura żviluppaw bejn l‑1990 u l‑2018. Dawn naqsu b’25 % bejn l‑1990 u l‑2010, prinċipalment minħabba tnaqqis fl-użu tal‑fertilizzanti u fl-għadd ta’ bhejjem, u l‑akbar tnaqqis kien bejn l‑1990 u l‑1994. L‑emissjonijiet ma baqgħux jonqsu mill‑2010 ’l quddiem.
Il-politika dwar it-tibdil fil-klima fl-UE
05Ir-rispons tal-UE għat-tibdil fil-klima huwa bbażat fuq żewġ strateġiji: mitigazzjoni u adattament. Mitigazzjoni tfisser it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kkawżati mill-bniedem jew l-assorbiment ta’ gassijiet serra li jkunu fl-atmosfera. Adattament ifisser aġġustament għat-tibdil attwali jew mistenni fil-klima u għall-effetti tiegħu. Dan ir-rapport jiffoka fuq il-mitigazzjoni.
06Fl-1997, l-UE ffirmat il-Protokoll ta’ Kjoto. Għaldaqstant hija impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħha b’20 % sal-2020, filwaqt li tuża l-livell ta’ emissjonijiet tal-1990 bħala linja bażi. Fl-2015, l-UE saret parti għall-Ftehim ta’ Pariġi. Dan żied l-ambizzjonijiet tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-qafas ta’ politika attwali tal-UE għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE b’40 % sal-2030. Il-Kummissjoni pproponiet li żżid din il-mira għal 55 % u li tikseb emissjonijiet żero netti sal-20502.
07Il-qafas tal-UE għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima sal-2020 kellu żewġ komponenti prinċipali, is-sistema għan-negozjar ta’ emissjonijiet u l-leġiżlazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi, li flimkien kienu jirrappreżentaw 95 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-UE fl-2018 (il-Figura 4).
L-UE stabbiliet miri ta’ tnaqqis ta’ 10 % sal-20203 u ta’ 30 % sal-20304 (meta mqabbla mal-2005) għall-emissjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi. Il-Figura 5 turi l-miri għall-2020 stabbiliti għal kull wieħed mis-27 Stat Membru, li jieħdu kont tal-introjtu per capita. Kull Stat Membru jiddeċiedi kif jilħaq il-mira nazzjonali tiegħu, u jekk is-settur tal-agrikoltura tiegħu huwiex se jikkontribwixxi jew le.
Skont l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stmati għall-2019 taħt is-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi, 14 minn 27 Stat Membru kellhom l-emissjonijiet tagħhom għall-2019 taħt il-miri nazzjonali għall-20205. Għal kull Stat Membru, aħna qabbilna d-diskrepanza fl-emissjonijiet għall-ewwel perjodu (2013-2020) mad-diskrepanza fl-emissjonijiet għat-tieni perjodu (2021-2030). Għall-2021, minflok, użajna l-aħħar stima disponibbli għall-2019. Il-Figura 6 turi li l-miri għall-2030 se jkunu ħafna aktar ta’ sfida għall-UE.
Fl-2011, il-Kummissjoni għażlet li tintegra l-klima fil-baġit tal-UE (“l-integrazzjoni tal-klima”). Dan kien jinvolvi l-integrazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament (“azzjoni klimatika”) fil-politiki tal-UE u t-traċċar tal-fondi użati fuq dawn il-miżuri b’objettiv li jintefqu mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 fuq l-azzjoni klimatika6.
Ir-rwol tal-PAK 2014-2020 fl-azzjoni klimatika
11Attwalment, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE għandha tliet objettivi ġenerali: il-produzzjoni vijabbli tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat. Il-ġestjoni tagħha tinvolvi kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri. L-aġenziji tal-pagamenti fl-Istati Membri huma responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, mit-twettiq ta’ verifiki rigward l-applikanti, mill-għemil ta’ pagamenti, u mill-monitoraġġ tal-użu ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni tistabbilixxi parti kbira mill-qafas għall-infiq, tivverifika u timmonitorja x-xogħol li jsir mill-aġenziji tal-pagamenti, u għandha obbligu ta’ rendikont għall-użu tal-fondi tal-UE. L-appoġġ tal-PAK huwa maqsum fi tliet blokok:
- pagamenti diretti biex jiġi pprovdut appoġġ għall-introjtu għall-bdiewa;
- miżuri tas-suq biex jittrattaw sitwazzjonijiet diffiċli tas-suq bħal waqgħa għal għarrieda fil-prezzijiet; u
- miżuri ta’ żvilupp rurali bi programmi nazzjonali u reġjonali biex il-ħtiġijiet speċifiċi u l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żoni rurali jiġu indirizzati.
Mill-2014, l-azzjoni klimatika7 kienet u għadha wieħed mid-disa’ objettivi speċifiċi li bi tqabbil magħhom il-Kummissjoni tevalwa l-prestazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni. Bl-integrazzjoni tal-klima, il-Kummissjoni stmat li tkun tattribwixxi EUR 103.2 biljun (EUR 45.5 biljun għall-pagamenti diretti u EUR 57.7 biljun għall-miżuri ta’ żvilupp rurali) għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih fl-agrikoltura matul il-perjodu 2014-2020 (il-Figura 7). Dan jirrappreżenta 26 % tal-baġit tal-PAK u kważi 50 % tal-infiq totali tal-UE fuq l-azzjoni klimatika8. Ir-rappurtar mill-Kummissjoni dwar in-nefqa għall-klima ma jagħmilx distinzjoni bejn adattament u mitigazzjoni.
Ħafna miżuri li l-Kummissjoni tittraċċa bħala li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika jindirizzaw primarjament il-bijodiversità, il-kwalità tal-ilma u tal-arja, u l-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi.
14Fir-Rapport Speċjali Nru 31/2016 tagħna, aħna sibna li l-Kummissjoni kienet iddikjarat b’mod eċċessiv il-fondi tal-PAK li kienu ntefqu fuq l-azzjoni klimatika, u li 18 %, minflok is-26 % mitluba mill-Kummissjoni, tkun stima aktar prudenti. Id-differenza ġiet prinċipalment minn stima eċċessiva tal-impatt tal-kundizzjonalità fuq il-mitigazzjoni tal-klima; u mill-fatt li xi wħud mill-koeffiċjenti assenjati ma osservawx il-prinċipju ta’ kawtela. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-possibbiltà li ssir stima eċċessiva jew stima insuffiċjenti tar-rilevanza għall-klima ta’ ċertu nfiq bil-metodoloġija attwali iżda qieset li l-approċċ tagħha tat-traċċar klimatiku għall-valutazzjoni tal-livelli tal-infiq fuq il-klima fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali huwa sod.
15Il-mira fuq terminu twil tal-Kummissjoni għall-PAK 2014-2020 hija li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura9. Il-Kummissjoni ma speċifikatx it-tnaqqis fl-emissjonijiet li kellu jinkiseb.
L-istrateġija tal-Kummissjoni għall-intensifikazzjoni tal-isforzi għall-mitigazzjoni tal-klima
16Fl-1 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi dwar il-PAK 2021-2027. Il-Kummissjoni ddikjarat li l-PAK il-ġdida tkun tgħolli l-livell aktar ’il fuq fiż-żieda tal-protezzjoni ambjentali u tal-klima10. Il-Kummissjoni pproponiet mudell ġdid ibbażat fuq il-prestazzjoni, li jagħti lill-Istati Membri responsabbiltà akbar u obbligu ta’ rendikont akbar rigward it-tfassil tal-miżuri tal-PAK. L-Istati Membri se jiddeskrivuhom fil-“pjanijiet strateġiċi tal-PAK” tagħhom, li l-Kummissjoni se jkollha tapprova.
17F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew li jipprovdi pjan direzzjonali biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet li tonfoq 25 % tal-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika iżda l-Kunsill żied dan l-ammont għal 30 %11. Il-Figura 8 turi strateġiji u proposti leġiżlattivi maħruġa mill-Kummissjoni fl-2020 dwar azzjonijiet biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.
18F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri għat-tħejjija tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK proposti tagħhom12. Hija rrakkomandat, pereżempju, l-użu ta’ ekoskemi għat-tixrib mill-ġdid tat-torbieri skulati mnixxfa, għall-promozzjoni tal-biedja ta’ preċiżjoni u l-agrikoltura ta’ konservazzjoni (bl-ebda ħrit jew b’inqas ħrit). Ir-Rapport Speċjali Nru 18/2019 tagħna dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE rrakkomanda lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pjanijiet strateġiċi għall-agrikoltura u għall-użu tal-art jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis sal-2050 u tivverifika li l-Istati Membri jistabbilixxu politiki u miżuri xierqa għal dawn is-setturi.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
19Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu minħabba li l-Kummissjoni kienet attribwiet kważi 26 % tal-baġit tal-PAK (EUR 103 biljun) matul il-perjodu 2014-2020 għall-azzjoni klimatika. Barra minn hekk, il-klima kienet fost l-aktar suġġetti importanti tad-diskussjoni politika dwar il-PAK futura u l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 13 tan-NU jirrikjedi li tittieħed azzjoni biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima. Nistennew li s-sejbiet tagħna jkunu utli fil-kuntest tal-objettiv tal-UE li ssir newtrali għall-klima sal-2050.
20Eżaminajna jekk il-PAK 2014-2020 appoġġatx prattiki ta’ mitigazzjoni tal-klima b’potenzjal li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Eżaminajna wkoll jekk il-PAK inċentivatx aħjar l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ mitigazzjoni effettivi fil-perjodu 2014-2020 milli fil-perjodu 2007-2013. Aħna ffukajna xogħolna fuq is-sorsi prinċipali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura: il-ħżin tal-bhejjem u tad-demel, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti kimiċi u demel, il-kultivazzjoni ta’ ħamrija organika u l-konverżjoni ta’ bwar u raba’.
21L-awditu li wettaqna eskluda proġetti ta’ mitigazzjoni tal-klima ffinanzjati taħt Orizzont 2020 u LIFE. Eskludejna wkoll mill-ambitu tagħna l-emissjonijiet mill-fjuwil fl-agrikoltura.
22Aħna ksibna l-evidenza tagħna minn:
- rieżaminar tad-data dwar: gassijiet serra għall-EU-27; bhejjem, għelejjel ikkultivati u l-użu ta’ fertilizzanti; programmi tal-iżvilupp rurali u r-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti diretti;
- intervisti ma’ rappreżentanti tal-bdiewa, NGOs ambjentali u klimatiċi, u awtoritajiet nazzjonali fl-Irlanda, Franza u l-Finlandja, magħżula abbażi tal-proporzjon tal-emissjonijiet agrikoli tagħhom, l-attivitajiet agrikoli u l-approċċi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ħżin tal-karbonju;
- rieżaminar ta’ studji xjentifiċi li jivvalutaw l-effettività tal-prattiki u t-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni;
- analiżijiet, mhux fuq il-post, tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra agrikoli ta’ 27 Stat Membru u l-azzjonijiet tal-PAK li ttieħdu biex dawn jitnaqqsu jew biex jinqabad il-karbonju matul il-perjodu 2014-2020; u
- diskussjonijiet ma’ esperti fl-agrikoltura u t-tibdil fil-klima biex jiżdied l-għarfien tagħna u biex isiru kummenti dwar is-sejbiet emerġenti tagħna.
Osservazzjonijiet
23Aħna qsamna l-osservazzjonijiet tagħna f’erba’ taqsimiet. L-ewwel tliet taqsimiet jivvalutaw l-impatt tal-PAK 2014-2020 fuq is-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura: il-bhejjem, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti kimiċi u demel, u l-użu tal-art. L-aħħar taqsima tittratta t-tfassil tal-PAK 2014-2020 u l-potenzjal tagħha li din tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura.
Il-PAK ma naqqsitx l-emissjonijiet mill-bhejjem
24Aħna eżaminajna jekk kienx hemm tnaqqis kumplessiv fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mid-diġestjoni tal-għalf u mill-ħżin tad-demel matul il-perjodu tal-PAK 2014-2020. Ivvalutajna l-firxa tal-appoġġ mogħti taħt il-PAK għal prattiki ta’ mitigazzjoni effettivi biex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet. Aħna eżaminajna wkoll jekk xi skemi ta’ għajnuna tal-PAK wasslux għal żidiet fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
25L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-EU-27 mill-bhejjem ma naqsux bejn l-2010 u l-2018. Id-diġestjoni tal-għalf tirrappreżenta 78 % tal-emissjonijiet mill-bhejjem filwaqt li l-ħżin tad-demel huwa responsabbli għat-22 % li jifdal. L-emissjonijiet mill-bhejjem tal-ifrat għaċ-ċanga u dawk mill-bhejjem tal-ifrat għall-ħalib jirrappreżentaw 77 % tal-emissjonijiet mill-bhejjem (il-Figura 9).
Il-miżuri tal-PAK ma jinkludux tnaqqis tal-bhejjem
26Għall-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, l-emissjonijiet mill-bhejjem ma nbidlux. Il-Greċja, il-Kroazja u l-Litwanja biss urew tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet bejn l-2010 u l-2018 (il-Figura 10). Dan it-tnaqqis kien prinċipalment assoċjat ma’ tnaqqis kbir (madwar 30 %) fl-għedud tal-baqar tal-ħalib aktar milli mar-riżultati tal-politiki ta’ mitigazzjoni mmirati tal-PAK. F’dawn it-tliet pajjiżi, in-nuqqas ta’ kompetittività kellu r-rwol ewlieni fit-tnaqqis. L-Irlanda, l-Ungerija u l-Polonja, min-naħa l-oħra, raw żidiet sostanzjali fl-emissjonijiet.
It-tnaqqis tal-produzzjoni tal-bhejjem ikun inaqqas l-emissjonijiet mid-diġestjoni tal-għalf u mill-ħżin tad-demel, iżda wkoll mill-fertilizzanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għalf. It-tnaqqis kumplessiv tal-produzzjoni tal-bhejjem fl-UE jkun inaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan l-UE. L-impatt nett ikun jiddependi minn bidliet fil-konsum ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali. Jekk dan iwassal għal importazzjonijiet ogħla, ikun hemm grad ta’ “rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”13. Madankollu, il-PAK ma għandhiex l-għan li tillimita l-għedud tal-bhejjem; lanqas ma tipprovdi inċentivi biex dawn jitnaqqsu. Il-miżuri tas-suq tal-PAK jinkludu l-promozzjoni ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali, li l-konsum tagħhom ma naqasx mill-2014 ’il hawn (il-Figura 11).
Ix-xejriet ta’ hawn fuq huma bbażati fuq provvisti disponibbli għall-konsumaturi u b’hekk jinkludu wkoll il-ħela tal-ikel. Kif ippreżentat fir-Rapport Speċjali Nru 34/2016 tagħna, huwa rikonoxxut b’mod ġenerali li, fil-livell globali, madwar terz tal-ikel li jiġi prodott għall-konsum mill-bniedem jinħela jew jintilef. Ir-rapport tagħna kkonkluda li l-PAK għandha rwol x’taqdi fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, u rrakkomanda li dan is-suġġett jiġi inkluż fir-rieżaminar tal-PAK.
29Fl-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, il-Kummissjoni ħabbret li se tirrieżamina l-programm ta’ promozzjoni tal-UE għall-prodotti agrikoli biex tippromwovi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli. Il-Kummissjoni ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal14 li fih evalwat il-politika ta’ promozzjoni fit-22 ta’ Diċembru 2020. Hija tkompli tirrieżamina l-politika, bl-intenzjoni li tipproponi bidliet leġiżlattivi fl-2022. L-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt qieset kif l-UE tista’, fil-futur, tuża l-programm ta’ promozzjoni tagħha biex tappoġġa l-aktar metodi sostenibbli u effiċjenti fil-karbonju ta’ produzzjoni tal-bhejjem, kif ukoll tippromwovi bidla lejn dieta aktar ibbażata fuq il-pjanti.
30Fir-rieżaminar li wettaqna tal-istudji, aħna ma sibna l-ebda prattika effettiva u approvata li tista’ tnaqqas sinifikattivament, mid-diġestjoni tal-għalf, l-emissjonijiet mill-bhejjem mingħajr ma titnaqqas il-produzzjoni (ċerti addittivi fl-għalf jistgħu jkunu effettivi, iżda ma rċevewx approvazzjoni regolatorja). Ħafna prattiki li għandhom x’jaqsmu mat-tnissil, l-għalf, is-saħħa u l-ġestjoni tal-fertilità tal-annimali joffru biss potenzjal ta’ mitigazzjoni bil-mod u marġinali. Xi wħud minn dawn il-prattiki jistimulaw l-espansjoni fil-produzzjoni, u għaldaqstant jistgħu jżidu l-emissjonijiet netti (il-Kaxxa 1).
Kaxxa 1
L-effett rebound u l-emissjonijiet mill-bhejjem
Innovazzjonijiet fil-prattiki u t-teknoloġija tal-ġestjoni jistgħu jżidu l-effiċjenza fil-gassijiet serra tal-produzzjoni agrikola. Pereżempju, avvanzi fit-tnissil ta’ bhejjem tal-ifrat għall-ħalib irriżultaw f’emissjonijiet aktar baxxi għal kull litru ta’ ħalib li jiġi prodott, bis-saħħa ta’ rendiment ogħla tal-ħalib għal kull annimal. Madankollu, kisbiet bħal dawn fl-effiċjenza ma jirriżultawx direttament f’emissjonijiet kumplessivi li jkunu aktar baxxi. Dan minħabba li l-bidla teknoloġika fis-settur tal-bhejjem baxxiet ukoll l-ispiża tal-produzzjoni għal kull litru ta’ ħalib, element li wassal għal espansjoni fil-produzzjoni. Dan l-effett, magħruf bħala l-“effett rebound”, inaqqas l-iffrankar ta’ gassijiet serra mit-teknoloġija li jkun iseħħ mingħajr l-espansjoni fil-produzzjoni. L-emissjonijiet addizzjonali kkawżati mill-espansjoni fil-produzzjoni jistgħu jkunu saħansitra akbar mill-iffrankar miksub minn effiċjenza akbar, li jfisser li l-innovazzjoni tikkawża żieda fl-emissjonijiet kumplessivi15.
Aħna sibna erba’ prattiki effettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ħżin tad-demel (aċidifikazzjoni u tkessiħ tad-demel, għotjien impermeabbli tal-imħażen tad-demel, u bijogass bid-demel bħala materja prima). Bosta Stati Membri pprovdew appoġġ taħt il-PAK għal dawn il-prattiki f’għadd żgħir ta’ azjendi agrikoli (it-Tabella 1).
Tabella 1
L-Istati Membri li offrew appoġġ taħt il-PAK lill-bdiewa għal prattiki ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-ħżin tad-demel fil-perjodu 2014-2019
Prattika | Stati Membri | Azjendi agrikoli li jibbenefikaw mill-appoġġ |
Aċidifikazzjoni tad-demel likwidu | Id-Danimarka | 29 |
L-Italja | 1 | |
Il-Polonja | 2 | |
Il-Ġermanja, Franza, il-Latvja, il-Litwanja | Data mhux ċara | |
Tkessiħ tad-demel | Id-Danimarka | 30 |
L-Estonja | 1 | |
Il-Polonja | 2 | |
Il-Finlandja | 1 | |
Franza, l-Italja, l-Awstrija | Data mhux ċara | |
Għotjien impermeabbli | Il-Belġju | 13 |
Id-Danimarka | 503 | |
Il-Ġermanja | 829 | |
L-Estonja | 30 | |
Spanja | 344 | |
L-Italja | 308 | |
Il-Lussemburgu | 0 | |
L-Ungerija | 374 | |
Malta | 16 | |
Il-Polonja | 275 | |
Is-Slovenja | 45 | |
Is-Slovakkja | 7 | |
Il-Finlandja | 30 | |
L-Iżvezja | 5 | |
Franza, l-Awstrija, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija | Data mhux ċara | |
Produzzjoni ta’ bijogass mid-demel | Il-Belġju | 60 |
Il-Greċja | 6 | |
Spanja | 0 | |
Franza | 51 | |
Il-Kroazja | 0 | |
L-Italja | 20 | |
L-Ungerija | 129 | |
Il-Finlandja | 22 | |
L-Iżvezja | 20 | |
Il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija | Data mhux ċara |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Istati Membri.
Bosta miżuri tal-PAK iżommu jew iżidu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jiġu xprunati mill-bhejjem
32Bħala medja, il-bdiewa speċjalizzati li jrabbu l-bhejjem tal-ifrat jiddependu minn pagamenti diretti għal mill-inqas 50 %16 tal-introjtu tagħhom. Dan il-livell ta’ dipendenza huwa ogħla minn dak għall-bdiewa li jaħdmu r-raba’.
33L-Istati Membri kollha għajr il-Ġermanja jipprovdu parti mill-pagamenti diretti tagħhom (l-aktar bejn 7 % u 15 %)17 fil-għamla ta’ appoġġ akkoppjat volontarju (VCS), li 74 % minnu jappoġġa t-trobbija tal-bhejjem (il-Figura 12). Il-VCS jistimula ż-żamma tal-għedud tal-bhejjem minħabba li l-bdiewa jkunu jirċievu inqas flus kieku jnaqqsu l-għedud tal-bhejjem. Fil-livell tal-UE, il-VCS jirrappreżenta 10 % tal-pagamenti diretti (EUR 4.2 biljun kull sena)18.
Studju fl-202019 stama li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE mill-agrikoltura (mingħajr emissjonijiet mill-użu tal-art) ikunu jonqsu b’0.5 % kieku l-baġit tal-VCS għall-bhejjem tal-ifrat, għan-nagħaġ u għall-mogħoż kellu jiġi riallokat għall-pagamenti bażiċi għall-art agrikola. Studju fl-201720 sab li mingħajr pagamenti diretti, l-emissjonijiet agrikoli jkunu 2.5 % inqas, b’84 % tat-tnaqqis ġej minn tnaqqis fil-produzzjoni taċ-ċanga u tal-ħalib u mill-użu aktar baxx assoċjat ta’ fertilizzanti fil-mergħat. Studju mill-2017 imwettaq mill-Kummissjoni21 jistma li l-emissjonijiet agrikoli jkunu jonqsu b’4.2 % kieku l-pagamenti diretti jieqfu, u b’5.8 % kieku l-appoġġ għall-iżvilupp rurali jitneħħa wkoll. Dan l-istudju jistma li madwar 7 % tal-erja agrikola ssir disponibbli għal miżuri ta’ mitigazzjoni bbażati fuq l-art, bħalma huwa t-tisġir. Dan it-tnaqqis ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effett ta’ rilokazzjoni li possibbilment ikun hemm (ara l-paragrafu 27), li dawn it-tliet studji jistmaw f’rata ta’ bejn 48 % u kważi 100 % (fin-nuqqas ta’ ostakoli għall-kummerċ).
35Studju fl-202022 sab li l-emissjonijiet fl-UE jkunu jonqsu b’21 % kieku bejn wieħed u ieħor nofs il-pagamenti diretti jitħallsu lill-bdiewa bħala kumpens għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Żewġ terzi tat-tnaqqis ikunu jiġu minn bidliet fil-produzzjoni fejn, kieku, l-aktar li tonqos tkun il-produzzjoni taċ-ċanga, tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, u l-produzzjoni tal-foraġġ. Terz tat-tnaqqis ikun jiġi mill-adozzjoni ta’ prattiki ta’ mitigazzjoni, fosthom it-teknoloġiji fis-settur tal-ħalib, il-bijogass fis-settur tal-ħnieżer u l-mistrieħ sanitarju tat-torbieri. Dawn il-benefiċċji jkunu jitpattew minn żieda fl-emissjonijiet fi bnadi oħra b’madwar 4 % tal-emissjonijiet agrikoli attwali tal-UE, li jipprovdi tnaqqis nett ta’ 17 %.
36Emissjonijiet addizzjonali jirriżultaw mid-deforestazzjoni li hija assoċjata mal-produzzjoni tal-għalf, speċjalment il-fażola tas-sojja23. Jekk l-importazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiżdied aktar il-proporzjon ta’ emissjonijiet attribwibbli għall-produzzjoni ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali kkunsmati fl-UE (meta mqabbel mal-emissjonijiet ikkawżati direttament mill-agrikoltura fi ħdan l-UE). Meta l-importazzjonijiet jiġu inklużi, il-prodotti li ġejjin mill-annimali jirrappreżentaw rata stmata ta’ 82 % tal-impronta tal-karbonju (il-Figura 13) iżda 25 % biss tal-kaloriji tad-dieta medja tal-UE24.
Qed jiżdiedu l-emissjonijiet mill-fertilizzanti u mid-demel fil-ħamrija
37Aħna vvalutajna jekk il-miżuri taħt il-PAK 2014-2020 naqqsux l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-applikazzjoni ta’ fertilizzanti kimiċi u demel.
38L-applikazzjoni ta’ fertilizzanti kimiċi u demel tal-bhejjem, flimkien ma’ depożizzjonijiet minn annimali li jirgħu, tirrappreżenta l-maġġoranza tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra min-nutrijenti fil-ħamrija. Bejn l-2010 u l-2018, l-emissjonijiet min-nutrijenti fil-ħamrija żdiedu b’5 %. Din iż-żieda hija primarjament dovuta għal żieda fl-użu ta’ fertilizzanti, filwaqt li s-sors prinċipali l-ieħor ta’ emissjonijiet, id-demel tal-bhejjem, kien aktar stabbli (il-Figura 14).
Bejn l-2010 u l-2018, l-emissjonijiet mill-fertilizzanti kimiċi u mid-demel tal-bhejjem żdiedu fi tmien Stati Membri (il-Figura 15). Iż-żieda kienet l-akbar (li taqbeż it-30 %) fil-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja. Huwa biss fil-Greċja u f’Ċipru li l-emissjonijiet naqsu b’mod ċar. Dawn ix-xejriet fil-livell tal-pajjiż huma kważi kollha xprunati minn bidliet fl-użu ta’ fertilizzanti kimiċi. Il-grupp ta’ Stati Membri li ma juru l-ebda bidla jew l-ebda bidla sinifikanti jinkludu dawk bl-ogħla emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura għal kull ettaru ta’ erja agrikola utilizzata25.
Derogi mid-Direttiva dwar in-Nitrati jpattu parzjalment għall-impatt pożittiv tagħha fuq l-emissjonijiet mill-applikazzjoni tad-demel
40Billi s-sussidji ma ġew marbuta ma’ l-ebda tnaqqis fil-produzzjoni tal-bhejjem (il-paragrafi 26-34), il-kwantitajiet tad-demel ma naqsux (il-Figura 14). Il-livell miżmum ta’ produzzjoni tal-bhejjem iżomm ukoll l-użu tal-fertilizzanti għoli, billi aktar nitroġenu huwa meħtieġ għall-prodotti li ġejjin mill-annimali milli għall-ikel ibbażat fuq il-pjanti26.
41Skont il-PAK, il-bdiewa huma suġġetti għar-regoli tal-“kundizzjonalità” (il-paragrafu 77). Ir-rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni (SMR) 1 – “Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli” jkopri l-konformità mad-Direttiva dwar in-Nitrati27, li tapplika għall-bdiewa kollha, irrispettivament minn jekk jirċevux appoġġ taħt il-PAK. Id-Direttiva dwar in-Nitrati tirrikjedi użu bbilanċjat ta’ fertilizzanti, tistabbilixxi limiti fl-ammont ta’ demel applikat, u tiddefinixxi perjodi meta l-applikazzjoni tagħhom tkun ipprojbita. Studju li twettaq fl-2011 għall-Kummissjoni28 sab li, mingħajr id-Direttiva dwar in-Nitrati, l-emissjonijiet totali ta’ N2O fl-UE kollha fl-2008 kienu jkunu 6.3 % ogħla, prinċipalment minħabba ż-żieda fil-lixxivjazzjoni totali tan-nitroġenu fl-ilma ta’ taħt l-art u f’dak tal-wiċċ.
42Mill-2020, erba’ pajjiżi (il-Belġju, id-Danimarka, l-Irlanda u n-Netherlands) kisbu deroga mid-Direttiva dwar in-Nitrati rigward il-limitu tad-demel applikat. Dawn l-erba’ pajjiżi huma fost l-ogħla emittenti ta’ gassijiet serra għal kull ettaru ta’ erja agrikola utilizzata29. Id-derogi jistgħu jinkludu kundizzjonijiet li għandhom mnejn jikkontrobilanċjaw l-impatt negattiv tat-tifrix ta’ aktar demel fil-ħamrija milli normalment ikun permess. L-istudju li twettaq fl-2011 stama li d-derogi jżidu l-emissjonijiet ta’ nitroġenu gassuż b’rata li tlaħħaq il-5 %, b’żieda li tlaħħaq it-2 % f’N2O.
43Aħna analizzajna l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Irlandiżi rigward id-derogi skont id-Direttiva dwar in-Nitrati (il-Figura 16). Mill-2014 ’il hawn, fl-Irlanda, l-erja taħt deroga żdiedet b’34 % u l-għadd ta’ annimali fl-azjendi agrikoli b’derogi kiber bi 38 %. Fl-istess perjodu, l-emissjonijiet mill-fertilizzanti kimiċi żdiedu b’20 %, l-emissjonijiet mid-demel applikat għall-ħamrija żdiedu b’6 % u l-emissjonijiet indiretti mil-lixxivjazzjoni u mill-ilma tax-xeba’ żdiedu bi 12 %.
Fir-rieżaminar li wettaqna tal-istudji, aħna ma sibna l-ebda prattika effettiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-applikazzjoni tad-demel, għajr it-tnaqqis tal-ammont applikat. Il-PAK tappoġġa prattiki li japplikaw demel qrib jew fil-ħamrija (eż. distributur mobbli tad-demel bil-pajpijiet (trailing hose)/distributur bit-tubi flessibbli (trailing shoe)). Prattiki bħal dawn jistgħu jkunu effettivi biex inaqqsu l-emissjonijiet mill-ammonijaka, iżda mhumiex effettivi biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jistgħu saħansitra jżiduhom30.
Il-PAK ma naqqsitx l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi
45Il-PAK tappoġġa għadd ta’ prattiki agrikoli intenzjonati li jnaqqsu l-użu ta’ fertilizzanti. Fil-paragrafi li ġejjin, aħna se niddiskutu ħames prattiki agrikoli u l-appoġġ assoċjat taħt il-PAK matul il-perjodu 2014-2019 (ara t-Tabella 2 u l-paragrafi 46-51 għall-valutazzjonijiet individwali tal-prattiki):
- żewġ prattiki li rċevew appoġġ konsiderevoli taħt il-PAK iżda li l-effettività tagħhom biex jimmitigaw it-tibdil fil-klima mhijiex ċara skont ir-rieżaminar li wettaqna tal-istudji (il-biedja organika u l-legumi tal-qamħ), u
- tliet prattiki li aħna identifikajna bħala effettivi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, iżda li rċevew appoġġ minimu taħt il-PAK (legumi tal-foraġġ, teknoloġija tan-nitroġenu b’rata varjabbli u inibituri tan-nitrifikazzjoni).
Tabella 2
Il-PAK rarament tappoġġa prattiki effettivi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima relatati mal-użu ta’ fertilizzanti kimiċi
Prattika/teknoloġija | Impatt tal-PAK fuq l-adozzjoni | Effettività għall-mitigazzjoni tal-klima |
Biedja organika | Moderat | Mhijiex ċara |
Legumi tal-qamħ (raba’ li jinħadem) | Moderat | Mhijiex ċara |
Legumi tal-foraġġ (bwar) | Xejn -minimu | Effettiva |
Teknoloġija tan-nitroġenu b’rata varjabbli | Xejn -minimu | Effettiva |
Inibituri tan-nitrifikazzjoni | Xejn -minimu | Effettiva |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Istati Membri għall-2019.
Il-PAK stimulat il-biedja organika u l-kultivazzjoni tal-legumi tal-qamħ iżda l-impatt fuq l-użu tal-fertilizzanti mhuwiex ċar
46Il-biedja organika ma tippermettix l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi. Madankollu, il-konverżjoni tal-biedja konvenzjonali għal dik organika ma twassalx neċessarjament għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Hemm żewġ xenarji prinċipali ta’ konverżjoni, u t-tnejn li huma jqiegħdu f’dubju jekk l-espansjoni naqqsitx l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra:
- Jekk bidwi konvenzjonali li juża ammont baxx ta’ fertilizzant (bħal ragħa f’żoni muntanjużi) jikkonverti għall-biedja organika, l-impatt fuq l-emissjonijiet se jkun baxx.
- Jekk bidwi li juża ammont ogħla ta’ fertilizzant jikkonverti għall-biedja organika, l-emissjonijiet tal-azjenda agrikola se jitnaqqsu sinifikattivament. Madankollu, rendimenti aktar baxxi fl-azjendi agrikoli organiċi jistgħu jwasslu biex azjendi agrikoli oħra jużaw fertilizzant jew art addizzjonali biex jipproduċu – u jemettu – aktar31 (il-Figura 17).
Il-PAK, permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp rurali, ikkontribwiet għall-espansjoni tal-biedja organika minn 5.9 % tal-art agrikola tal-UE fl-2012 għal 8.5 % fl-2019. Madankollu, ma stajniex insibu evidenza affidabbli rigward l-impatt ta’ din l-espansjoni fuq l-użu tal-fertilizzanti u d-demel jew fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
48Il-legumi tal-qamħ għandhom rekwiżiti ta’ fertilizzazzjoni tan-nitroġenu aktar baxxi minn għelejjel oħra minħabba li għandhom l-abbiltà li “jiffissaw” in-nitroġenu mill-arja bijoloġikament. L-Istati Membri kollha għajr id-Danimarka offrew appoġġ taħt il-PAK għal-legumi tal-qamħ, kemm jekk taħt l-ekoloġizzazzjoni, il-VCS, jew l-għajnuna għall-iżvilupp rurali. Skont il-Eurostat, bejn l-2010 u l-2018 l-erja ta’ art użata għal-legumi tal-qamħ żdiedet minn 2.8 % għal 3.8 % tal-art agrikola totali tal-UE. Il-promozzjoni tal-legumi tal-qamħ tinvolvi kompromessi simili bħall-promozzjoni tal-biedja organika: jekk il-legumi jissostitwixxu l-għelejjel li ftit li xejn jirċievu fertilizzanti, dawn mhumiex se jaffettwaw ħafna l-użu tal-fertilizzanti. Jekk jissostitwixxu l-għelejjel li jirċievu aktar fertilizzanti, il-legumi jirriskjaw li jittrasferixxu l-emissjonijiet lejn azjendi agrikoli oħra (il-Figura 17). Ma hemmx disponibbli data fil-livell tal-azjendi agrikoli dwar l-impatt tal-kultivazzjoni tal-legumi tal-qamħ appoġġata mill-PAK dwar l-użu tal-fertilizzanti.
Il-PAK tipprovdi livell baxx ta’ appoġġ għal prattiki ta’ mitigazzjoni effettivi
49Il-legumi tal-foraġġ, bħax-xnien u l-alfalfa, jistgħu jintużaw fil-bwar u jbaxxu l-użu ta’ fertilizzanti minħabba l-abbiltà tagħhom li jiffissaw in-nitroġenu mill-arja. B’kuntrast mal-legumi tal-qamħ, il-legumi tal-foraġġ jiffissaw ammonti akbar ta’ nitroġenu u ma jbaxxux ir-rendiment tal-bwar, u b’hekk jevitaw ir-riskju li l-emissjonijiet jiġu ttrasferiti għal azjendi agrikoli oħra. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, aħna nistmaw li l-kopertura massima ta’ din il-prattika hija 0.5 % tal-art agrikola tal-UE.
50It-teknoloġija tan-nitroġenu b’rata varjabbli hija tip partikolari ta’ biedja ta’ preċiżjoni li twettaq taqbil tal-applikazzjonijiet tal-fertilizzanti mal-ħtiġijiet tal-għelejjel fi ħdan l-istess għalqa. Skont l-istudju tal-JRC32, din it-teknoloġija tista’ twassal għal tnaqqis ta’ madwar 8 % fl-użu ta’ fertilizzanti, mingħajr ma jitnaqqsu r-rendimenti33. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, disgħa minnhom (il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja) użaw l-appoġġ taħt il-PAK għal din il-prattika fil-perjodu 2015-2019, fuq 0.01 % tal-azjendi agrikoli tal-UE.
51Inibituri tan-nitrifikazzjoni huma komposti li jnaqqsu r-ritmu tal-konverżjoni tal-ammonju f’nitrat, effett li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ N2O. Dawn jistgħu jkunu teknoloġija ta’ mitigazzjoni effettiva, bi tnaqqis dirett stmat fl-emissjonijiet ta’ N2O ta’ madwar 40 % mingħajr ma jiġi affettwat ir-rendiment. Dawn huma partikolarment effettivi meta jintużaw flimkien mal-inibituri tal-ureażi34. Madankollu, fl-awditu li wettaqna aħna sibna li l-użu tal-inibituri tan-nitrifikazzjoni ma rċeviex appoġġ mill-PAK.
Il-miżuri tal-PAK ma wasslux għal żieda kumplessiva fil-kontenut tal-karbonju maħżun fil-ħamrija u fil-pjanti
52Aħna eżaminajna jekk il-miżuri tal-PAK 2014-2020 appoġġawx tnaqqis fl-emissjonijiet mill-użu tal-art jew żieda fis-sekwestru tal-karbonju fuq bwar u raba”. Aħna vvalutajna jekk il-PAK appoġġatx prattiki ta’ mitigazzjoni li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b’mod materjali għall-mitigazzjoni tal-klima, u jekk żiditx l-adozzjoni tagħhom.
53Mill-2010 ’l hawn, l-emissjonijiet netti mir-raba’ u mill-bwar waqfu jonqsu. L-emissjonijiet f’7 Stati Membri kienu stabbli jew fi stat ta’ fluttwazzjoni mingħajr xejriet ċari, filwaqt li żdiedu fi 12-il pajjiż u naqsu fi 8 pajjiżi oħra (il-Figura 18).
L-emissjonijiet mill-użu tal-art jiddependu mit-tip ta’ ħamrija. Il-ħamrija organika hija partikolarment rikka f’materja organika u hija identifikata skont parametri speċifiċi35. It-tipi l-oħra kollha ta’ ħamrija huma meqjusa bħala ħamrija minerali. Il-Figura 19 turi li l-ħamrija organika kkultivata hija s-sors prinċipali ta’ emissjonijiet mill-użu tal-art. L-emissjonijiet mill-ħamrija organika kienu pjuttost stabbli, bi tnaqqis ta’ 1 % fl-2018 mil-livell li kien hemm fl-2010. Mill-2010 ’l hawn, l-assorbimenti mir-raba’ u mill-bwar fuq ħamrija minerali naqsu b’aktar minn 8 %.
Kważi nofs l-Istati Membri għandhom l-għan li jipproteġu t-torbieri mhux mimsusa
55It-torbieri huma tip ta’ art mistagħdra b’saff oħxon ta’ ħamrija organika, partikolarment rikka f’materja organika. Fl-EU-27, dawn ikopru madwar 24 miljun ettaru36 u jaħżnu madwar 20-25 % tal-karbonju totali fil-ħamrija tal-UE (bħala medja, 63 biljun tunnellata ta’ CO2e)37. Meta mhux mimsusa, huma jaġixxu bħala bir ta’ karbonju. Madankollu, meta jkunu skulati, isiru sors ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Fl-EU-27, aktar minn 4 miljun ettaru ta’ ħamrija organika skulata, inkluż it-torbiera, huwa mmaniġġjat bħala raba’ jew bwar. Dan jirrappreżenta madwar 2 % tal-erja totali tar-raba’ u tal-bwar fl-UE, iżda jirrappreżenta 20 % tal-emissjonijiet agrikoli tal-EU-27. Il-Ġermanja, il-Polonja u r-Rumanija huma l-akbar emittenti tas-CO2 minn ħamrija organika skulata fl-UE (il-Figura 20).
Il-Figura 21 tkompli turi kemm huwa stmat li jiġi mitluf karbonju kull sena, jiġifieri rrilaxxat fl-atmosfera, mill-ħamrija organika. Hija turi wkoll li kull sena l-ħamrija minerali taħżen karbonju addizzjonali, prinċipalment minħabba l-bwar, billi tassorbih mill-atmosfera. Madankollu, dan l-effett ta’ mitigazzjoni jitpatta u aktar mill-emissjonijiet minn ħamrija organika kkultivata. Il-potenzjal tar-restawr tat-torbieri huwa rikonoxxut ukoll fi studju li sab li t-tixrib mill-ġdid ta’ 3 % biss tal-art agrikola tal-UE ikun inaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura sa livell li jilħaq il-25 %38.
Il-PAK 2014-2020 ma fihiex miżura mifruxa mal-UE kollha biex tipprevieni l-konverżjoni tat-torbieri, mhux mimusa, f’art agrikola. Il-Kummissjoni pproponiet kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) dwar il-protezzjoni tal-artijiet mistagħdra u tat-torbieri taħt il-PAK 2021-2027.
58Kien hemm 12-il Stat Membru li infurmawna li fil-perjodu 2014-2020 huma ppromwovew il-konservazzjoni tat-torbieri permezz tal-PAK. L-erja fejn tapplika projbizzjoni fuq l-iskular (madwar 600 000 ha) tikkorrispondi għal 2 % tal-erja kumplessiva tat-torbieri tal-UE. Sebgħa minn dawn l-Istati Membri (l-Estonja, l-Italja, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovenja) attivaw l-appoġġ għall-iżvilupp rurali biex jipproteġu erjas bħal dawn. Il-ħames pajjiżi li jifdal (il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, id-Danimarka u l-Lussemburgu) ipproteġew it-torbieri b’rekwiżiti ta’ kundizzjonalità jew ta’ ekoloġizzazzjoni.
59Fil-perjodu 2014-2020, sitt Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, l-Ungerija u l-Iżvezja) infurmawna li huma kienu attivaw miżuri taħt l-iżvilupp rurali biex jagħtu appoġġ għar-restawr ta’ torbieri skulati. Dawn il-pajjiżi appoġġaw dan ir-restawr fuq 2 500 ettaru, filwaqt li fil-Ġermanja 113-il benefiċjarju pparteċipaw fi skema simili. Il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni dwar l-erjas ta’ torbieri restawrati.
60Minflok tiżgura l-protezzjoni u l-konservazzjoni sħiħa tat-torbieri, il-PAK attwali tippermettilhom, lill-bdiewa li jikkultivaw ħamrija organika skulata, jirċievu pagamenti diretti għal erjas bħal dawn, minkejja l-impatt negattiv tagħhom fuq il-klima. Barra minn hekk, jekk ir-restawr ifisser li ma titwettaq l-ebda attività agrikola, l-erja tista’ ma tkunx eliġibbli għall-pagamenti diretti. Dan ikun jagħmel ir-restawr mhux attraenti għall-bdiewa.
Il-PAK toffri protezzjoni limitata tal-karbonju maħżun fil-bwar
61Skont l-inventarji tal-gassijiet serra tal-UE għall-2018, il-bwar fuq ħamrija minerali assorbew 35 miljun tunnellata ta’ CO2e mill-atmosfera. Il-biċċa l-kbira minn dan il-kontribut ġejja minn artijiet li ġew ikkonvertiti fi bwar f’dawn l-aħħar 20 sena. Barra minn hekk, il-bwar jaħżnu aktar karbonju fil-ħamrija meta mqabbla mar-raba’ minħabba li l-għeruq tal-ħaxix jassorbu aktar karbonju u l-ħamrija tiġi disturbata inqas. Jekk il-bwar jiġu kkonvertiti f’raba’ li jinħadem, dan il-karbonju akkumulat jiġi rilaxxat lura fl-atmosfera. Parti mill-karbonju akkumulat jista’ jiġi rilaxxat ukoll jekk il-bwar jinħartu perjodikament biex tiġi rrestawrata l-produttività tagħhom. Il-prevenzjoni kemm tal-konverżjoni ta’ bwar f’raba’ kif ukoll tal-ħrit frekwenti tista’ għalhekk tevita l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
62Bwar li jintużaw għar-ragħa b’mod estensiv jistgħu jissekwestraw il-karbonju. Għalhekk, is-sekwestru tal-karbonju f’mergħa jista’ jimmitiga sa punt varjabbli l-emissjonijiet tal-bhejjem li din tagħlef. Il-PAK 2007-2013 kienet tinkludi miżuri għaż-żamma ta’ bwar permanenti taħt ir-regoli tal-kundizzjonalità. L-iskema ta’ ekoloġizzazzjoni, introdotta fl-2015, kienet tinkludi żewġ rekwiżiti għall-protezzjoni tal-bwar permanenti (il-Figura 25) bl-objettiv prinċipali li jiġi ppreservat l-istokk tal-karbonju39.
63L-ewwel rekwiżit jitlob li l-Istati Membri jżommu proporzjon ta’ bwar permanenti fuq l-erja totali ddikjarata għall-pagamenti diretti abbażi ta’ perjodu referenzjarju. Studju mill-2017 ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-PAK kienet tipproteġi erja akbar ta’ bwar permanenti qabel l-201540. Barra minn hekk, iċ-ċifri tal-Kummissjoni mill-2019 jindikaw li f’21 pajjiż u reġjun, il-proporzjon ta’ bwar permanenti naqas; f’2 każijiet (ir-reġjun tas-Sassonja-Anhalt fil-Ġermanja, u l-Estonja), dan it-tnaqqis qabeż il-marġni permess ta’ 5 % u l-Istati Membri kellhom jieħdu azzjonijiet korrettivi.
64It-tnaqqis fl-erja tal-bwar permanenti, prinċipalment bil-konverżjoni tal-bwar permanenti f’raba’ li jinħadem, iwassal għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Barra minn hekk, fl-2020 irrappurtajna41 li l-ħrit u ż-żrigħ mill-ġdid ta’ bwar permanenti, li jemettu gassijiet serra (kemm CO2 kif ukoll N2O)42, seħħew ukoll fil-prattika (39 % tal-bdiewa intervistati).
65Billi r-rekwiżit tal-ekoloġizzazzjoni li jikkonċerna l-proporzjon permanenti ma jipprojbixxix il-konverżjoni ta’ bur permanenti f’użi oħra u lanqas il-ħrit u ż-żrigħ mill-ġdid ta’ bur permanenti, l-effettività ta’ dan ir-rekwiżit għall-protezzjoni tal-karbonju maħżun fil-bwar titnaqqas sinifikattivament.
66It-tieni rekwiżit introduċa l-kunċett ta’ “bur permanenti ambjentalment sensittiv” (ESPG) biex jipproteġi lill-aktar żoni ambjentalment sensittivi f’żoni tan-Natura 2000 kemm mill-konverżjoni f’użi oħra kif ukoll mill-ħrit. L-Istati Membri kellhom l-għażla li jiddeżinjaw żoni addizzjonali barra min-network Natura 2000, pereżempju bur fuq ħamrija organika.
67Tmien Stati Membri ddeċidew li jiddeżinjaw iż-żoni tan-Natura 2000 kollha tagħhom bħala ambjentalment sensittivi, filwaqt li oħrajn iddeżinjaw tipi ta’ art speċifiċi fi ħdan iż-żoni tan-Natura 2000 (il-Figura 22). B’mod ġenerali, 8.2 miljun ettaru ta’ bwar permanenti ġew iddeżinjati bħala ambjentalment sensittivi43, ammont li jirrappreżenta 52 % tal-erja ta’ bwar tan-Natura 2000 u 16 % tal-bwar permanenti tal-UE. Erba’ Stati Membri ddeċidew li jipproteġu 291 000 ettaru ta’ bwar permanenti barra mis-siti tan-Natura 2000 (li jirrappreżentaw 0.6 % addizzjonali tal-bwar permanenti tal-UE).
Ir-rekwiżit tal-ekoloġizzazzjoni li jikkonċerna l-ESPG jista’ jipproteġi lill-karbonju maħżun fil-bwar aħjar mir-rekwiżit tal-proporzjon ta’ bwar permanenti, billi skont l-ESPG, kemm il-konverżjoni ta’ bwar f’użi oħra kif ukoll il-ħrit huma pprojbiti.
L-ebda adozzjoni maġġuri ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni effettivi fuq raba’ li jinħadem
69L-ammont ta’ karbonju maħżun fi u emess jew assorbit mir-raba’ jiddependi mit-tip ta’ għalla, il-prattiki ta’ ġestjoni, u l-elementi varjabbli tal-ħamrija u tal-klima. Pereżempju, il-veġetazzjoni ta’ bosk perenni fil-ġonna bis-siġar tal-frott, il-vinji, u s-sistemi tal-agroforestrija jistgħu jaħżnu l-karbonju f’bijomassa b’ħajja twila.
70Fl-istudji xjentifiċi, aħna identifikajna erba’ miżuri effettivi għar-raba’ li jinħadem fuq ħamrija minerali li jistgħu jgħinu biex jiġu assorbiti l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra: l-użu tal-għelejjel tat-titwiq/ta’ kopertura, it-tisġir, l-agroforestrija, u l-konverżjoni ta’ raba’, li jinħadem, fi bwar permanenti.
71L-għelejjel ta’ kopertura/tat-titwiq jitkabbru biex jitnaqqas il-perjodu li matulu l-ħamrija titħalla għerja, sabiex jiġi limitat ir-riskju tal-erożjoni tal-ħamrija. Impatt ulterjuri tal-għelejjel tat-titwiq/ta’ kopertura huwa li jkun hemm żieda fil-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija. Dan l-impatt huwa ogħla jekk il-kopertura tal-veġetazzjoni tkun densa, l-għeruq ikunu fondi u l-bijomassa tal-għelejjel tiġi inkorporata fil-ħamrija. Skont id-data tal-Eurostat għall-EU-27, għelejjel bħal dawn koprew 5.3 miljun ettaru fl-2010 u 7.4 miljun ettaru fl-2016 (7.5 % tar-raba’ li jinħadem tal-UE). Anke jekk iż-żieda b’39 % kienet dovuta għall-PAK 2014-2020, l-impatt massimu tagħha fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun jirrappreżenta tnaqqis fl-emissjonijiet annwali mill-agrikoltura (inklużi r-raba’ u l-bwar) b’0.6 %.
72Il-verżjonijiet tar-regoli tal-kundizzjonalità fis-seħħ fil-perjodu 2007-2013 u fil-perjodu 2014-2020, it-tnejn kien fihom rekwiżit għall-kopertura minima tal-ħamrija (il-KAAT 4) li jirrikjedi li l-għelejjel ta’ kopertura jitkabbru fi rqajja’ art li jkunu f’riskju ta’ erożjoni tal-ħamrija. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-kundizzjonalità huma stabbiliti fil-livell tal-UE, huwa f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu l-istandards nazzjonali. Konsegwentement, xi Stati Membri imponew rekwiżiti aktar stretti minn oħrajn. Fiċ-Ċekja, pereżempju, il-kundizzjoni ġiet estiża għal irqajja’ art ta’ raba’ li jinħadem b’xaqliba medja ta’ aktar minn 4 gradi, filwaqt li fil-perjodu 2007-2013 ġiet applikata għal art b’xaqliba ta’ aktar minn 7 gradi. Il-Kummissjoni ma għandhiex data dwar l-adozzjoni tal-KAAT 4 fil-livell tal-UE li tkun tippermetti tqabbil tal-impatt possibbli ta’ din ir-regola qabel u wara l-201544.
73Minbarra l-KAAT 4, il-bdiewa setgħu jikkultivaw għelejjel tat-titwiq/ta’ kopertura biex jissodisfaw ir-rekwiżit tal-erja b’fokus ekoloġiku skont l-iskema ta’ ekoloġizzazzjoni (il-Figura 25). Din il-possibbiltà ntużat minn 20 Stat Membru. Skont studju ta’ evalwazzjoni mill-201745, l-għelejjel tat-titwiq kienu t-tieni għażla l-aktar komuni użata mill-bdiewa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-erja b’fokus ekoloġiku; fl-2016 huma ddikjaraw dawn l-għelejjel fuq 2.92 miljun ettaru. Fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, madankollu, il-bdiewa kabbru l-biċċa l-kbira mill-għelejjel tat-titwiq iddikjarati qabel l-introduzzjoni tal-iskema ta’ ekoloġizzazzjoni. Dan ifisser li l-iskema ta’ ekoloġizzazzjoni kellha impatt negliġibbli fuq id-daqs tal-erjas ikkultivati b’għelejjel tat-titwiq/ta’ kopertura u fuq il-mitigazzjoni tal-klima; dan ġie kkonfermat mill-konklużjonijiet tal-istudju ta’ evalwazzjoni.
74It-tisġir ta’ raba’ marġinali li jinħadem jista’ jkun miżura effettiva ta’ mitigazzjoni tal-klima, li taħżen il-karbonju fil-ħamrija u fis-siġar. L-agroforestrija hija inqas effettiva billi d-densità ta’ siġar, arbuxelli jew sisien tal-ħaxix hija aktar baxxa iżda l-vantaġġ tagħha huwa li l-produzzjoni agrikola xorta tista’ ssir fuq l-art. Iż-żewġ prattiki ta’ mitigazzjoni ġew tradizzjonalment appoġġati b’fondi għall-iżvilupp rurali. Il-Figura 23 turi li l-adozzjoni tagħhom kienet baxxa meta mqabbla mal-miri oriġinali, li kienet aktar baxxa matul il-perjodu 2014-2020 meta mqabbla mal-perjodu 2007-2013 u li, konsegwentement, l-impatt kumplessiv stmat ta’ dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-klima pjuttost effettivi fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-agrikoltura huwa baxx.
L-Istati Membri normalment jagħtu appoġġ għall-konverżjoni ta’ raba’, li jinħadem, fi bwar permanenti permezz tal-iskemi agroambjentali klimatiċi tagħhom taħt l-appoġġ għall-iżvilupp rurali. Ma għandna l-ebda data dwar l-erja totali ta’ raba’ li jinħadem li ġiet ikkonvertita f’bur permanenti fil-perjodu 2017-2013. Matul il-perjodu 2014-2019, 11-il Stat Membru taw appoġġ għal prattiki bħal dawn (il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija u r-Rumanija), u sal-2019 kienu kkonvertew erja ta’ 517 000 ettaru ta’ raba’, li jinħadem, fi bwar permanenti. Aħna nistmaw li l-konverżjoni ta’ raba’, li jinħadem, fi bwar permanenti setgħet tneħħi sa 0.8 % tal-emissjonijiet annwali mill-agrikoltura, sakemm il-ħamrija tilħaq stat ta’ ekwilibriju ġdid li fih ir-rilaxxi u l-assorbimenti tal-karbonju jkunu ugwali (stmati mill-IPCC għal madwar 20 sena).
It-tibdil li sar fil-PAK fil-perjodu 2014-2020 ma kienx jirrifletti l-ambizzjoni klimatika l-ġdida tagħha
76Aħna vvalutajna jekk il-qafas tal-PAK 2014-2020 kienx imfassal biex inaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura. Eżaminajna kif il-miri kienu ġew stabbiliti għal azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tal-klima ffinanzjati mill-PAK, u jekk l-iskemi tal-PAK 2014-2020 kellhomx potenzjal ta’ mitigazzjoni tal-klima sinifikattivament akbar mill-iskemi użati fil-perjodu 2007-2013. Aħna eżaminajna wkoll id-data li tuża l-Kummissjoni biex timmonitorja l-impatt tal-azzjoni klimatika u jekk il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas japplikax għall-emittenti ta’ gassijiet serra fl-agrikoltura.
Ftit li xejn hemm inċentivi ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura
77Filwaqt li l-klima saret objettiv speċifiku tal-PAK mill-2004 ’l hawn, il-Kummissjoni ma stabbilietx mira speċifika f’termini ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li kellha tintlaħaq bil-EUR 100 biljun irrappurtat fuq l-azzjoni klimatika matul il-perjodu 2014-2020. L-Istati Membri ma kinux meħtieġa li jistabbilixxu l-miri proprji tagħhom għall-mitigazzjoni tal-klima li kellhom jinkisbu bil-fondi tal-PAK 2014-2020, u dan ma għamluhx. L-uniċi miri li l-Istati Membri rrappurtaw lill-Kummissjoni kienu dawk tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali, li jindikaw l-ammont ta’ fondi li biħsiebhom jonfqu fuq l-azzjoni klimatika, u kemm se jkunu koperti erjas agrikoli jew forestali jew bhejjem b’din in-nefqa.
78Il-kundizzjonalità tagħmel rabta bejn il-pagamenti tal-PAK u sett ta’ standards bażiċi biex tiġi żgurata kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba tal-art (KAAT) u ċerti obbligi, magħrufa bħala rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni (SMRs). L-SMRs huma ddefiniti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima, is-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti, u t-trattament xieraq tal-annimali.
79L-aġenziji tal-pagamenti, li jamministraw il-pagamenti tal-PAK fl-Istati Membri, jivverifikaw l-aderenza mar-regoli tal-kundizzjonalità għal minimu ta’ 1 % tal-bdiewa. Jekk bidwi jkun kiser xi wħud minnhom, skont il-firxa, is-severità u l-permanenza tal-ksur, l-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jnaqqsu l-għajnuna b’bejn 1 % u 5 %, sakemm il-ksur ma jkunx minuri u l-bidwi jkun jista’ jirrimedja s-sitwazzjoni. Il-pagamenti tal-bdiewa bi ksur ripetut jistgħu jitnaqqsu sa 15 %, u fejn il-ksur kien intenzjonat dawn jitnaqqsu b’ammonti akbar.
80Fir-Rapport Speċjali Nru 26/2016 tagħna, aħna enfasizzajna varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ penali għall-ksur tar-regoli tal-kundizzjonalità. Ir-Rapport Annwali tal-Attività46 tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ AGRI) juri li 2.5 % tal-bdiewa kollha tal-UE ġew spezzjonati għas-sena tat-talba 2018, u li wieħed minn kull erba’ bdiewa spezzjonati tnaqqsitlu l-għajnuna għall-ksur ta’ mill-inqas waħda mir-regoli tal-kundizzjonalità.
81Ir-regoli tal-kundizzjonalità rilevanti għall-mitigazzjoni tal-klima ma nbidlux wisq bejn il-perjodi 2007-2013 u 2014-2020; għalhekk, il-potenzjal tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-perjodu 2014-2020 ma żdiedx sinifikattivament. Il-Kummissjoni ma għandhiex data dwar l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ mitigazzjoni użati mill-bdiewa minħabba r-regoli tal-kundizzjonalità. Mingħajr din id-data, ma jistax jiġi stmat l-impatt tar-regoli tal-kundizzjonalità fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra47.
82Barra minn hekk, ir-Rapport Speċjali Nru 4/2020 tagħna dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għall-monitoraġġ tal-PAK enfasizza li l-aġenziji tal-pagamenti b’mod regolari jidentifikaw ksur tar-regoli tal-kundizzjonalità li huma ta’ benefiċċju għall-klima (il-Figura 24). L-awditu sab li l-aġenziji tal-pagamenti ma kinux bdew jużaw id-data mill-Copernicus Sentinels, li tippermetti l-monitoraġġ tal-bdiewa kollha aktar milli sempliċiment kampjun minnhom; l-użu ta’ data bħal din tista’ żżid l-aderenza tal-bdiewa ma’ dawn ir-regoli.
Meta mqabbla mal-perjodu 2007-2013, il-bidla prinċipali fit-tfassil tal-pagamenti diretti lill-bdiewa fil-perjodu 2014-2020 kienet skema ta’ pagament għall-ekoloġizzazzjoni (il-Figura 25), li ġiet introdotta fl-2015. L-objettiv tagħha kien li ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-PAK billi tagħti appoġġ lil prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent48. Madankollu, il-potenzjal tal-iskema ta’ pagament għall-ekoloġizzazzjoni biex tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tal-klima kien baxx mill-bidu nett, billi r-rekwiżiti tagħha ma kinux immirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-bhejjem, li huma responsabbli għal nofs l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE mill-agrikoltura.
Filwaqt li d-diversifikazzjoni tal-għelejjel għandha potenzjal limitat li tkun ta’ benefiċċju għall-klima, ir-rekwiżiti tal-bwar permanenti u tal-erjas b’fokus ekoloġiku setgħu kkontribwew għall-mitigazzjoni tal-klima billi ħażnu l-karbonju fil-pjanti u fil-ħamrija49. Madankollu, studju bbażat fuq mudell mill-201750 wera li dawn il-komponenti ftit li xejn skattaw bidliet fil-prattiki agrikoli: ir-rekwiżiti tal-bwar permanenti u tal-erjas b’fokus ekoloġiku affettwaw 1.5 % u 2.4 % tal-art agrikola rispettivament (ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 21/2017 tagħna).
85Il-bdiewa setgħu jissodisfaw ir-rekwiżit tal-erjas b’fokus ekoloġiku bi prattiki jew elementi preżenti fl-azjenda agrikola qabel l-introduzzjoni tal-ekoloġizzazzjoni. Għalhekk proporzjon żgħir biss ta’ bdiewa kien meħtieġ jintroduċi prattiki ġodda ta’ mitigazzjoni li ma użawx qabel l-2015. Aħna sibna wkoll li l-effettività tar-rekwiżit tal-bwar biex jiġi protett il-karbonju maħżun fil-bwar hija limitata (il-paragrafi 61-68). Aħna nqisu li l-ekoloġizzazzjoni, kif imfassla attwalment, mhijiex se tikkontribwixxi sinifikattivament għall-mitigazzjoni tal-klima. Studju ta’ evalwazzjoni tal-2017 li sar għad-DĠ AGRI kkonkluda li d-diversi elementi tal-iskema ta’ ekoloġizzazzjoni għandhom impatt inċert jew pożittiv iżda minimu fuq il-mitigazzjoni tal-klima51.
86Fil-perjodu 2014-2020, 3.2 % tal-fondi għall-iżvilupp rurali kellhom l-għan primarju li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jew li jippromwovu s-sekwestru tal-karbonju. Miżuri mmirati primarjament lejn objettivi oħra, pereżempju l-bijodiversità, setgħu wkoll jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tal-klima. Madankollu, il-programmi tal-iżvilupp rurali għall-perjodu 2014-2020 ma offrewx ħafna miżuri ġodda ta’ mitigazzjoni tal-klima minbarra dawk li kienu disponibbli matul il-perjodu 2007-2013, jew l-adozzjoni tagħhom kienet baxxa (il-paragrafi 58-59).
87Il-qafas komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Kummissjoni jiġbor data dwar il-mitigazzjoni tal-klima għal kull Stat Membru, bħall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura, is-sehem tal-art taħt kuntratti mmirati lejn it-tibdil fil-klima jew is-sehem tal-bhejjem immirati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Madankollu, il-qafas ta’ monitoraġġ ma jipprovdix informazzjoni dwar it-tipi ta’ prattiki ffinanzjati għall-mitigazzjoni tal-klima (eż. il-biedja ta’ preċiżjoni), l-adozzjoni tagħhom u l-impatt stmat tagħhom fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-evalwazzjonijiet ad hoc ikkuntrattati mill-Kummissjoni kienu mxekkla wkoll minn nuqqas ta’data affidabbli, u ma ppermettewx li jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri tal-PAK fuq it-tibdil fil-klima52. Aħna ma nqisux li l-indikaturi proposti għal wara l-2020 se jtejbu s-sitwazzjoni, kif indikat fl-Opinjoni Nru 7/201853 tagħna rigward il-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu wara l-2020.
88Jenħtieġ li r-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tal-iżvilupp rurali jkun fihom informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-klima ffinanzjati bl-appoġġ għall-iżvilupp rurali. Il-Kummissjoni rrappurtat li 30 minn 115-il awtorità li jimmaniġġjaw l-appoġġ għall-iżvilupp rurali pprovdew informazzjoni fl-2019 dwar il-kontribuzzjoni netta tal-miżuri ffinanzjati bl-appoġġ għall-iżvilupp rurali għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra54. L-awtoritajiet maniġerjali użaw diversi approċċi biex jikkalkulaw l-impatt tal-miżuri ffinanzjati fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u għalhekk mhuwiex possibbli li jingħaddu ċ-ċifri individwali.
L-UE ma tapplikax il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għall-emissjonijiet mill-agrikoltura
89Skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas55, jenħtieġ li dawk li jikkawżaw it-tniġġis iħallsu l-ispejjeż li dan iġib miegħu. Għall-klima, il-prinċipju jista’ jiġi implimentat permezz ta’ projbizzjonijiet jew limiti fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jew permezz tal-ipprezzar tal-karbonju (pereżempju, permezz ta’ taxxa fuq il-karbonju jew sistema ta’ limitu u skambju). Ir-Rapport Speċjali Nru 12/2021 tagħna jivvaluta jekk dan il-prinċipju huwiex applikat tajjeb f’bosta oqsma ta’ politika ambjentali, inkluż it-tniġġis tal-ilma mill-agrikoltura.
90Id-dritt tal-UE japplika b’mod espliċitu l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għall-politiki ambjentali tagħha, iżda mhux għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura56. L-agrikoltura la taqa’ taħt is-Sistema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet tal-UE, u lanqas mhija suġġetta għal taxxa fuq il-karbonju. Id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi ma tqiegħed l-ebda limitu dirett fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura tal-UE. Il-PAK ukoll ma tippreskrivi l-ebda limitu fuq l-emissjonijiet.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
91Matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni attribwiet aktar minn EUR 100 biljun mill-fondi tal-PAK għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għandu jinkiseb fis-settur agrikolu. Madankollu, dawn l-emissjonijiet ftit li xejn inbidlu mill-2010 ’l hawn (il-paragrafi 01-18). F’dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk il-PAK 2014-2020 tatx appoġġ għall-prattiki ta’ mitigazzjoni tal-klima b’potenzjal li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn tliet sorsi ewlenin: il-bhejjem, il-fertilizzanti kimiċi u d-demel, u l-użu tal-art (raba’ u bwar). Eżaminajna wkoll jekk il-PAK inċentivatx aħjar l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ mitigazzjoni effettivi fil-perjodu 2014-2020 milli fil-perjodu 2007-2013 (il-paragrafi 19-22).
92L-emissjonijiet mill-bhejjem, li jirrappreżentaw nofs l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura, inklużi l-emissjonijiet mill-użu tal-art u l-assorbimenti minn raba’ u bwar, ma naqsux bejn l-2010 u l-2018. Dawn l-emissjonijiet huma marbuta direttament mad-daqs tal-merħla tal-bhejjem, u l-bhejjem tal-ifrat jikkawżaw żewġ terzi minnhom. Ma hemm l-ebda miżura effettiva b’mod ċar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-diġestjoni tal-għalf. Aħna identifikajna erba’ miżuri ta’ mitigazzjoni potenzjalment effettivi għall-emissjonijiet mill-ġestjoni tad-demel, iżda l-PAK rari inċentivat l-adozzjoni tagħhom. Madankollu, il-PAK ma għandhiex l-għan li tillimita l-għedud tal-bhejjem; lanqas ma tipprovdi inċentivi biex dawn jitnaqqsu. Il-miżuri tas-suq tal-PAK jinkludu l-promozzjoni ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali, li l-konsum tagħhom ma naqasx mill-2014 ’il hawn. Dan jikkontribwixxi għaż-żamma tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra aktar milli jnaqqashom (il-paragrafi 24-36).
93L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-użu ta’ fertilizzanti kimiċi u demel, li jirrappreżentaw terz tal-emissjonijiet tal-UE mill-agrikoltura, żdiedu bejn l-2010 u l-2018. Il-PAK appoġġat l-espansjoni tal-biedja organika u tal-legumi tal-qamħ, iżda l-impatt ta’ prattiki bħal dawn fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mhuwiex ċar. Il-PAK ftit li xejn ipprovdiet appoġġ għal prattiki ta’ mitigazzjoni effettivi bħall-inibituri tan-nitrifikazzjoni jew it-teknoloġija tan-nitroġenu b’rata varjabbli (il-paragrafi 37-51).
Rakkomandazzjoni 1 – Tittieħed azzjoni sabiex il-PAK tnaqqas l-emissjonijiet mill-agrikolturaJenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur tal-agrikoltura tagħhom;
- tivvaluta l-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi limitat ir-riskju li l-iskemi tal-PAK iżidu jew iżommu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura; u
- tiżgura li l-PAK tipprovdi inċentivi effettivi biex jonqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bhejjem u l-fertilizzanti li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi tal-UE.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2023
94Il-ħamrija organika kkultivata u skulata tirrappreżenta inqas minn 2 % tal-art agrikola tal-UE, iżda hija responsabbli għal 20 % tal-emissjonijiet agrikoli tal-EU-27. Il-ħamrija organika kkultivata u skulata hija eliġibbli għall-pagamenti diretti filwaqt li torbieri/artijiet mistagħdra restawrati jista’ jkun li mhux dejjem ikunu eliġibbli. Filwaqt li xi Stati Membri offrew appoġġ għar-restawr tat-torbieri skulati, l-adozzjoni tiegħu kienet baxxa wisq biex ikollu impatt fuq l-emissjonijiet mill-ħamrija organika, li ilha stabbli mill-2010. Il-PAK 2014-2020 ma żiditx l-appoġġ tagħha għall-miżuri ta’ sekwestru tal-karbonju bħat-tisġir u l-konverżjoni ta’ raba’, li jinħadem, fi bwar meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013. Filwaqt li kien hemm żieda f’erjas koperti minn għelejjel tat-titwiq/ta’ kopertura bejn l-2010 u l-2016, l-impatt stmat fuq il-mitigazzjoni tal-klima huwa baxx (il-paragrafi 52-75).
Rakkomandazzjoni 2 – Teħid ta’ passi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn ħamrija organika kkultivata u skulataJenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tintroduċi sistema ta’ monitoraġġ biex tappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt tal-PAK ta’ wara l-2020 fuq it-torbieri u l-art mistagħdra; u
- tinċentiva t-tixrib mill-ġdid/ir-restawr tal-ħamrija organika skulata, pereżempju permezz ta’ pagamenti diretti, kundizzjonalità, interventi għall-iżvilupp rurali jew approċċi oħra għas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Settembru 2024
95Il-Kummissjoni rrappurtat li 26 % tal-finanzjament taħt il-PAK kien ta’ benefiċċju għall-azzjoni klimatika, iżda ma stabbilietx mira speċifika ta’ mitigazzjoni għal dawn il-fondi. Is-sistema ta’ monitoraġġ li tintuża mill-Kummissjoni ma tipprovdix data li tkun tippermetti monitoraġġ xieraq tal-impatt tal-finanzjament tal-PAK għall-klima fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Filwaqt li l-iskema ta’ ekoloġizzazzjoni suppost li kellha ttejjeb l-impatt ambjentali u klimatiku tal-pagamenti diretti, il-benefiċċji klimatiċi tagħha kienu marġinali. Billi la r-regoli tal-kundizzjonalità u lanqas il-miżuri ta’ żvilupp rurali ma nbidlu sinifikattivament meta mqabbla mal-perjodu 2007-2013, dawn ma ħeġġewx lill-bdiewa biex jadottaw prattiki effettivi ġodda ta’ mitigazzjoni tal-klima. Id-dritt tal-UE ma japplikax il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura (il-paragrafi 76-90).
Rakkomandazzjoni 3 – Rappurtar regolari dwar il-kontribut tal-PAK għall-mitigazzjoni tal-klimaF’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-UE għall-2030, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tistabbilixxi indikaturi ta’ monitoraġġ li jippermettu valutazzjoni annwali tal-effett tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-klima ffinanzjati mill-PAK 2021-2027 fuq l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra u tirrapporta dwarhom regolarment; u
- tivvaluta l-potenzjal tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għall-emissjonijiet minn attivitajiet agrikoli, u tippremja lill-bdiewa għall-assorbimenti tal-karbonju fit-terminu twil.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2023
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Samo Jereb, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
CH4F: Metan
CO2: Diossidu tal-karbonju
ESPG: Bur permanenti ambjentalment sensittiv
ETS: Skema għan-negozjar ta’ emissjonijiet
Id-DĠ AGRI: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
IPCC: Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima
KAAT: Kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba
L-EEA: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent
N2O: Ossidu nitruż
PAK: Politika Agrikola Komuni
SMR: Rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni
VCS: Appoġġ akkoppjat volontarju
Glossarju
Appoġġ akkoppjat volontarju: Mod fakultattiv biex l-Istati Membri jagħmlu pagamenti agrikoli diretti tal-UE, abbażi tal-volumi tal-produzzjoni, lill-bdiewa li jagħżlu li jagħmlu talbiet fuq din il-bażi.
Appoġġ għall-iżvilupp rurali: Parti mill-Politika Agrikola Komuni b’objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li hija ffinanzjata permezz ta’ fondi tal-UE u dawk nazzjonali u reġjonali.
CO2 e.: Ekwivalenti ta’ CO2, kejl kumparabbli tal-impatt li għandhom l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fuq il-klima, espress bħala l-volum ta’ diossidu tal-karbonju waħdu li jkun jipproduċi l-istess impatt.
Ekoloġizzazzjoni: L-adozzjoni ta’ prattiki agrikoli li jkunu ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent. Terminu użat ukoll b’mod komuni biex jirreferi għall-iskema ta’ appoġġ tal-UE korrispondenti.
Ftehim ta’ Pariġi: Ftehim internazzjonali ffirmat fl-2015 biex it-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 2 °C, b’kull sforz biex dan jiġi limitat għal 1.5 °C.
Ħamrija minerali: Ħamrija li tikkonsisti prinċipalment f’partikoli minerali u ta’ blat inorganiċi.
Ħamrija organika: Ħamrija li tikkonsisti prinċipalment f’materjal mill-pjanti u mill-annimali li jkun fi stat ta’ dekompożizzjoni.
Inventarji tal-gassijiet serra: Rekord annwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, prodott minn kull Stat Membru u, għall-UE, mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
Kundizzjonalità: Mekkaniżmu li permezz tiegħu, il-pagamenti li jsiru favur il-bdiewa jkunu jiddependu fuq li dawn jissodisfaw ċerti rekwiżiti relatati mal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll il-ġestjoni tal-art.
Kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba: L-istat li fih il-bdiewa jridu jżommu l-art agrikola kollha, b’mod speċjali art li attwalment ma tintużax għall-produzzjoni, sabiex jirċievu ċerti pagamenti taħt il-PAK. Din tinkludi kwistjonijiet bħall-ġestjoni tal-ilma u tal-ħamrija.
Miżura agroambjentali klimatika: Kwalunkwe wieħed minn sett ta’ prattiki fakultattivi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ambjentali tas-soltu u li permezz tagħhom il-bdiewa jkunu intitolati għal pagament mill-baġit tal-UE.
Natura 2000: Network ta’ żoni ta’ konservazzjoni għal speċijiet li huma rari u mhedda, u xi tipi ta’ ħabitats naturali rari li huma protetti skont id-dritt tal-UE.
Pagament dirett: Pagament ta’ appoġġ għall-agrikoltura, bħall-għajnuna relatata mal-erja, li jsir direttament lill-bdiewa.
Politika Agrikola Komuni: Il-politika unika u unifikata tal-UE dwar l-agrikoltura, li tinkludi sussidji u firxa ta’ miżuri oħra maħsuba biex jiggarantixxu s-sigurtà alimentari, jiżguraw standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa tal-UE, jippromwovu l-iżvilupp rurali u jipproteġu l-ambjent.
Protokoll ta’ Kjoto: Ftehim internazzjonali, marbut mal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li jimpenja lill-pajjiżi industrijalizzati biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Rekwiżit statutorju ta’ ġestjoni: Regola tal-UE jew nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-art agrikola biex jiġu ssalvagwardjati s-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti, kif ukoll it-trattament xieraq tal-annimali u l-ambjent.
Rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju: Żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’pajjiż/reġjun wieħed (eż. barra mit-territorju tal-UE) b’riżultat tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima biex jiġu limitati tali emissjonijiet f’pajjiż/reġjun ieħor (eż. Stat Membru tal-UE).
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Samo Jereb, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Viorel Ștefan, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Roxana Banica, Kap tal-Kabinett u Olivier Prigent, Attaché tal-Kabinett; Colm Friel, Maniġer Prinċipali; Jindřich Doležal, Kap tal-Kompitu; Antonella Stasia, Jonas Kathage, Pekka Ulander, Asimina Petri u Viktor Popov, Awdituri. Marika Meisenzahl pprovdiet appoġġ grafiku. Richard Moore pprovda appoġġ lingwistiku.
Noti finali
1 Poore, J. u Nemecek, T.: Reducing food’s environmental impacts through producers and consumers, 2018.
2 Il‑Kunsill Ewropew: il-Konklużjonijiet tat-8-9 ta’ Marzu 2007, il-Konklużjonijiet tal‑10-11 ta’ Diċembru 2020; il‑Kummissjoni Ewropea: Il-proposta tal‑Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l‑qafas biex tinkiseb in‑newtralità klimatika u li jemenda l‑Liġi Ewropea dwar il‑Klima.
3 Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar l‑isforz tal‑Istati Membri biex inaqqsu l‑emissjonijiet tagħhom tal‑gassijiet serra biex jonoraw l‑impenji tal‑Komunità għat‑tnaqqis tal‑emissjonijiet tal‑gassijiet serra sal‑2020.
4 Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar it‑tnaqqis annwali vinkolanti tal‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill‑Istati Membri mill‑2021 sal‑2030 li jikkontribwixxi għall‑azzjoni klimatika biex jiġu onorati l‑impenji li saru fil‑Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r‑Regolament (UE) Nru 525/2013.
5 Il‑QEA, ibbażat fuq it‑Tabella 6 tar-rapport ta’ progress tal‑UE dwar l‑azzjoni klimatika tal‑Kummissjoni, Novembru 2020.
6 KUMM(2011) 500 finali: Baġit għall‑Ewropa 2020, il‑Parti II, p. 13.
7 Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, l‑Artikolu 110.
8 Statement of estimates of the European Commission for the financial year 2020, p. 117.
9 Statement of estimates of the European Commission for the financial year 2020, p. 4/57.
10 Il‑Kummissjoni Ewropea: Baġit tal‑UE: Il‑PAK wara l‑2020, p. 3.
11 Il‑Kunsill Ewropew: il-Konklużjoni tal‑laqgħa tal‑Kunsill tas‑17‑21 ta’ Lulju 2020.
12 Il‑Kummissjoni Ewropea: Rakkomandazzjonijiet lill‑Istati Membri, 2020.
13 Poore, J. u Nemecek, T.: Reducing food’s environmental impacts through producers and consumers, 2018; Springmann, M. et al.: Analysis and valuation of the health and climate change co-benefits of dietary change, 2016; Westhoek, H. et al.: Food choices, health and environment: Effects of cutting Europe’s meat and dairy intake, 2014.
14 Commission Staff Working Document Evaluation of the impact of the EU agricultural promotion policy in internal and third countries markets SWD(2020) 401 final.
15 Matthews, A.: Alan Matthews: “How to move from our current land use structure to one that is compatible with our climate targets”, Farming Independent, 2018.
16 Id‑Direttorat Ġenerali għall‑Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) tal‑Kummissjoni Ewropea: Direct payments, 2018, p. 11.
17 Il‑Kummissjoni Ewropea: Il‑PAK spjegata. Pagamenti diretti għall‑bdiewa 2015-2020, p. 6.
18 Il‑Kummissjoni Ewropea: Voluntary Coupled Support, 2020, p. 2.
19 Jansson, T. et al.: Coupled Agricultural Subsidies in the EU Undermine Climate Efforts, 2020, p. 14.
20 Brady, M. et al.: Impacts of Direct Payments, 2017, pp. 70, 88‑89.
21 Il‑Kummissjoni Ewropea: Scenar 2030, 2017, pp. 115, 144.
22 Himics, M. et al.: Setting Climate Action as the Priority for the Common Agricultural Policy: A Simulation Experiment, 2020, pp. 58‑60.
23 Sandström, V. et al.: The role of trade in the greenhouse gas footprints of EU diets, 2018, p. 51.
24 Il‑FAOSTAT: Food Balance Sheets, 2020.
25 Il‑Kummissjoni Ewropea: l‑Anness 2 tar‑Rakkomandazzjonijiet lill‑Istati Membri fir‑rigward tal‑pjan strateġiku tagħhom għall‑Politika Agrikola Komuni, 2020.
26 Sutton, M. A. et al.: Too much of a good thing, 2011, p. 161; Westhoek, H. et al.: Food choices, health and environment: Effects of cutting Europe’s meat and dairy intake, 2014, p. 202.
27 Id‑Direttiva tal‑Kunsill 91/676/KEE tat‑12 ta’ Diċembru 1991 dwar il‑protezzjoni tal‑ilma kontra t‑tniġġis ikkawżat min‑nitrati minn sorsi agrikoli.
28 Alterra, Wageningen UR: The impact of the Nitrates Directive on gaseous N emissions, 2010, pp. 7, 68.
29 Il‑Kummissjoni Ewropea: l‑Anness 2 tar‑Rakkomandazzjonijiet lill‑Istati Membri fir‑rigward tal‑pjan strateġiku tagħhom għall‑Politika Agrikola Komuni, 2020.
30 Emmerling, C. et al.: Meta-Analysis of Strategies to Reduce NH3 Emissions from Slurries in European Agriculture and Consequences for Greenhouse Gas Emissions, 2020, pp. 8-9.
31 Kirchmann, H.: Why organic farming is not the way forward, 2019, pp. 24-25; Smith, L. G. et al.: The greenhouse gas impacts of converting food production in England and Wales to organic methods, 2019, p. 5.
32 Il‑Kummissjoni Ewropea: The contribution of precision agriculture technologies to farm productivity and the mitigation of greenhouse gas emissions in the EU, 2019, pp. 9‑10, 23.
33 Balafoutis, A. et al.: Precision Agriculture Technologies Positively Contributing to GHG Emissions Mitigation, Farm Productivity and Economics, 2017.
34 Lam, S. K. et al.: Using nitrification inhibitors to mitigate agricultural N2O emission: a double‐edged sword?, 2016, pp. 486‑488.
35 Il-ħamrija organika hija ddefinita fl‑Anness 3A.5, il‑Kapitolu 3, il‑Volum 4 ta’2006 IPCC Guidelines for National Greenhouse Gas Inventories (Linji Gwida tal‑IPCC tal‑2006).
36 Montanarella, L. et al.: The distribution of peatland in Europe, 2006. L‑erja ġiet stmata mill‑awturi abbażi tal‑Bażi tad‑Data Ewropea dwar il-Ħamrija.
37 Gobin, A. et al.: Soil organic matter management across the EU – best practices, constraints and trade-offs, ir‑Rapport Finali għad-DĠ Ambjent tal‑Kummissjoni Ewropea, Settembru 2011.
38 Peatlands in the EU, Marzu 2020.
39 Il‑Premessa (42) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill‑bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil‑qafas tal‑politika agrikola komuni u li jħassar ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 73/2009.
40 Alliance Environnement and the Thünen Institute: Evaluation study of the payment for agricultural practices beneficial for the climate and the environment, 2017, p. 140.
41 Ir‑Rapport Speċjali Nru 13/2020 tal‑QEA.
42 Soussana, J.-F. et al.: Carbon cycling and sequestration opportunities intemperate grasslands, 2004; Turbé, A. et al.: Soil biodiversity: functions, threats and tools for policy makers. Bio Intelligence Service, l‑IRD, u n‑NIOO, Rapport għall‑Kummissjoni Ewropea (DĠ Ambjent), 2010.
43 Il‑Kummissjoni Ewropea: Direct payments 2015-2020 Decisions taken by Member States: State of play as from December 2018, 2019, p. 42.
44 Alliance Environnement: Evaluation study of the impact of the CAP on climate change and greenhouse gas emissions, 2018, pp. 80 u 226.
45 Alliance Environnement and the Thünen Institute: Evaluation study of the payment for agricultural practices beneficial for the climate and the environment, 2017, p. 72.
46 Il‑Kummissjoni: DG AGRI ‑Annual Activity Report for 2019; Annexes; p. 192.
47 Alliance Environnement: Evaluation study of the impact of the CAP on climate change and greenhouse gas emissions, 2018, pp. 80 u 226.
48 Il‑Premessa 37 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill‑bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil‑qafas tal‑politika agrikola komuni u li jħassar ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 73/2009.
49 Alliance Environnement: Evaluation study of the impact of the CAP on climate change and greenhouse gas emissions, 2018, pp. 49‑50.
50 Louhichi, K. et al.: Economic impacts of CAP greening: application of an EU-wide individual farm model for CAP analysis (IFM-CAP), 2017, it‑Tabella 6.
51 Alliance Environnement and the Thünen Institute: Evaluation study of the payment for agricultural practices beneficial for the climate and the environment, 2017, pp. 150‑154.
52 Alliance Environnement: Evaluation study of the impact of the CAP on climate change and greenhouse gas emissions, 2018, pp. 225-234.
53 Il‑QEA: L‑Opinjoni Nru 7/2018: rigward il‑proposti tal‑Kummissjoni għal regolamenti relatati mal‑Politika Agrikola Komuni għall‑perjodu wara l‑2020, il‑paragrafu 72.
54 Id-DĠ AGRI: Summary Report: Synthesis of the evaluation components of the enhanced AIRS 2019, il‑Kapitolu 7, pp. 1 u 75.
55 L-Aġenzija Ewropea għall‑Ambjent: Polluter‑pays principle, 2004.
56 It‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea, l‑Artikolu 191.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021
ISBN 978-92-847-6194-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/75312 | QJ-AB-21-012-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-6161-6 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/063159 | QJ-AB-21-012-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2021.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). TDan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
Figura 24: Ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.