Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Kelmtejn dwar id-dokument “2021 - Awditu tal-UE fil-qosor”
Id-dokument “2021 - Awditu tal-UE fil-qosor” jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-Rapporti Annwali 2021 tagħna dwar il-baġit ġenerali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fejn aħna nippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li għamilna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din is-sena, għall-ewwel darba, permezz tax-xogħol li wettaqna, aħna koprejna wkoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u nipprovdu opinjoni separata dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq tagħha. L-“Awditu tal-UE fil-qosor” jiddeskrivi wkoll fil-qosor is-sejbiet ewlenin tagħna rigward id-dħul u l-oqsma prinċipali ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll is-sejbiet relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna.
It-testi sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq eca.europa.eu.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, niġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.
Saistītie dokumenti
Daħla tal-President
Ir-rapport annwali tagħna dwar is-sena finanzjarja 2021 huwa l-ewwel wieħed fil-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid għall-2021-2027. Fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tkun ta’ piż kbir fuq l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Aħna, bħala l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea, għamilna dak kollu li stajna biex inkomplu nipprovdu servizz tal-awditjar pubbliku fl-UE li jkun effettiv minkejja l-problemi operazzjonali kontinwi li rriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19.
Bħal fi snin preċedenti, nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Aħna nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2021. Id-dħul għall-2021 kien legali u regolari, u kien ħieles minn żball materjali.
Minbarra r-riżorsi baġitarji tradizzjonali maqbula bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-perjodu 2021-2027, l-UE nediet l-inizjattiva “NextGenerationEU” (NGEU), pakkett għall-irkupru magħmul minn fondi supplementari bbażati fuq titoli ta’ dejn. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tammonta għal madwar 90 % tal-finanzjament taħt l-NGEU.
Aħna nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq għall-2021: waħda dwar il-baġit tradizzjonali tal-UE u waħda dwar l-RRF.
Għall-2021, l-istima tagħna għal-livell ta’ żball fl-infiq tal-baġit tal-UE hija ta’ 3.0 % (2020: 2.7 %).
Fl-2021, l-infiq taħt l-RRF kopra l-pagament uniku li sar lil Stat Membru (Spanja). Aħna nqisu li wieħed mit-52 stadju importanti inklużi fit-talba Spanjola għall-pagament ma ntlaħaqx. Fil-fehma tagħna, l-iżball relatat mhuwiex materjali. Aħna bbażajna l-valutazzjoni tagħna fuq il-kundizzjoni għall-pagamenti, jiġifieri li l-istadji importanti u l-miri kienu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Il-konformità mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali ma tagħmilx parti mill-valutazzjoni tar-regolarità.
F’dak li jikkonċerna l-oqsma sinifikanti tal-infiq tal-baġit tal-UE li għalihom aħna nipprovdu valutazzjoni speċifika, il-livell ta’ żball huwa materjali għal “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali” u għal “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”. Għal “Riżorsi naturali”, ibbażat fuq ir-riżultati tal-ittestjar li wettaqna fir-rigward tat-tranżazzjonijiet u fuq evidenza oħra prodotta mis-sistema ta’ kontroll, aħna nsibu li l-livell ta’ żball huwa qrib il-materjalità. Ir-riżultati tagħna jindikaw ukoll li l-livell ta’ żball ma kienx materjali għall-pagamenti diretti, li jirrappreżentaw 68 % tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP, u li, meħud fl-intier tiegħu, kien materjali għall-oqsma ta’ nfiq li konna identifikajna bħala li huma ta’ riskju ogħla (l-iżvilupp rurali, il-miżuri tas-suq, is-sajd, l-ambjent u l-azzjoni klimatika). F’“Amministrazzjoni pubblika Ewropea”, il-livell ta’ żball huwa taħt il-materjalità.
Għal diversi snin, aħna awditjajna d-dħul u l-infiq tal-UE billi għamilna distinzjoni bejn dawk l-oqsma tal-baġit fejn inqisu li r-riskji għal-legalità u r-regolarità huma għoljin, u dawk fejn inqisu li r-riskji huma baxxi. Dovut għall-mod kif il-baġit tal-UE huwa magħmul u kif dan jevolvi matul iż-żmien, il-proporzjon tal-infiq b’riskju għoli fil-popolazzjoni li awditjajna żdied aktar meta mqabbel mas-snin preċedenti u jirrappreżenta madwar 63 % tal-popolazzjoni li awditjajna għall-2021 (2020: 59 %). Nistmaw li l-livell ta’ żball f’dan it-tip ta’ nfiq huwa ta’ 4.7 % (2020: 4.0 %). F’dan l-isfond, aħna ħriġna opinjoni avversa dwar l-infiq.
Il-livell ta’ żball stmat għall-infiq b’riskju baxx, li ammonta għal madwar is-37 % li jifdal (2020: 41 %) tal-popolazzjoni li awditjajna, kien taħt is-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 %.
L-obbligazzjonijiet kontinġenti li jinvolvu riskju għall-baġit tal-UE żdiedu b’EUR 146.0 biljun (111 %) fl-2021, minn EUR 131.9 biljun għal EUR 277.9 biljun. Dan kien dovut prinċipalment għall-ħruġ ta’ EUR 91.0 biljun f’bonds għall-finanzjament tal-NGEU fl-2021, u żieda ta’ EUR 50.2 biljun fl-ammont ta’ self taħt l-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) li sar lill-Istati Membri. Il-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna kkontribwiet ukoll għal din iż-żieda permezz ta’ garanziji li l-UE tat biex jiġi kopert self lil pajjiżi mhux tal-UE.
F’dan l-isfond, il-ġestjoni tal-finanzi tal-UE b’mod tajjeb u effettiv hija aktar importanti minn qatt qabel. Dan jinvolvi responsabbiltà akbar kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, iżda anki għalina fi ħdan il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Klaus-Heiner LEHNE
Il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Riżultati kumplessivi
Sejbiet ewlenin
Sommarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2021
Aħna noħorġu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2021.
Noħorġu wkoll opinjoni favorevoli dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul għall-2021.
Aħna nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq għall-2021:
- l-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-baġit tal-UE hija avversa;
- l-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija favorevoli.
- Nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE.
- Id-dħul għall-2021 kien legali u regolari, u kien ħieles minn żball materjali. F’“Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna”, aħna nipprovdu aktar informazzjoni dwar il-bażi għall-opinjoni tagħna dwar id-dħul.
- Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija l-qofol tan-NextGenerationEU (NGEU). Hija strument temporanju li jsegwi mudell ta’ implimentazzjoni li huwa differenti mill-infiq tal-baġit tal-UE taħt l-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP). B’mod differenti għall-infiq tal-baġit tal-UE, li huwa bbażat fuq ir-rimborż tal-ispejjeż u/jew fuq il-konformità mal-kundizzjonijiet, taħt l-RRF, l-Istati Membri jitħallsu għall-ilħuq ta’ stadji importanti jew miri predefiniti. Għall-2021, aħna għalhekk nipprovdu opinjonijiet separati għall-infiq tal-baġit tal-UE u għall-infiq taħt l-RRF.
- B’mod kumplessiv, il-livell ta’ żball stmat fl-infiq tal-baġit tal-UE kien materjali f’rata ta’ 3.0 % (2020: 2.7 %).
- Fil-valutazzjoni tar-riskju li wettaqna, aħna nidentifikaw bħala ta’ riskju għoli l-infiq tal-UE fejn il-benefiċjarji spiss ikollhom isegwu regoli kumplessi meta jippreżentaw talbiet għal spejjeż li jkunu ġarrbu. Il-proporzjon ta’ nfiq b’riskju għoli fil-popolazzjoni li awditjajna kompla jiżdied u kien sostanzjali f’rata ta’ 63.2 % (2020: 59 %). Din is-sena, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 4.7 % (2020: 4.0 %) f’din il-parti tal-popolazzjoni li awditjajna. Bħal fis-sentejn preċedenti, dan l-iżball huwa materjali u pervażiv, u aħna qed noħorġu opinjoni avversa dwar l-infiq tal-baġit tal-UE.
- Fl-2021, l-infiq taħt l-RRF kopra l-pagament uniku li sar lil Stat Membru (Spanja). Inqisu li wieħed mit-52 stadju importanti inklużi fit-talba Spanjola għall-pagament ma ntlaħaqx b’mod sodisfaċenti. Fil-fehma tagħna, l-iżball relatat mhuwiex materjali. F’“Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna”, aħna nipprovdu aktar informazzjoni dwar il-bażi għall-opinjoni tagħna dwar l-infiq taħt l-RRF.
- Lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) irrappurtajnielu 15-il każ (2020: 6 każijiet) ta’ frodi suspettata li konna identifikajna fl-2021, li minnhom l-OLAF diġà fetaħ 5 investigazzjonijiet. Aħna rrappurtajna wieħed minn dawn il-każijiet b’mod parallel lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), flimkien ma’ każ addizzjonali li konna identifikajna fl-2021.
- Il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor l-informazzjoni ewlenija dwar il-kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja tagħha fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR). Il-limitazzjonijiet fil-kontrolli ex post imwettqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fir-rigward tal-intestaturi tal-QFP “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”, “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” u “Viċinat u d-dinja” jaffettwaw ir-riskju fil-waqt tal-pagament iddivulgat fl-AMPR u b’hekk ir-robustezza tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni.
- Ir-rappurtar fl-AMPR dwar korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri tjieb meta mqabbel mas-sena l-oħra, iżda l-preżentazzjoni ta’ “korrezzjonijiet għal pagamenti tal-passat” (EUR 5.6 biljun) tista’ twassal għal fehim skorrett, billi l-miżuri preventivi inklużi f’dan l-ammont ma jirrigwardawx pagamenti tal-passat jew infiq aċċettat. Barra minn hekk, il-miżuri preventivi tal-Istati Membri ma jistgħux jiġu attribwiti direttament lill-Kummissjoni.
- Fl-AMPR, il-Kummissjoni ma tiddivulgax dettalji tal-ittra mibgħuta lill-Ungerija taħt ir-“reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità” u kif din tista’ taffettwa r-regolarità tal-infiq ikkonċernat.
- L-impenji pendenti fi tmiem l-2021 ammontaw għal total ta’ EUR 341.6 biljun; EUR 251.7 biljun kienu relatati mal-baġit tal-UE u EUR 89.9 biljun mal-NGEU. L-impenji pendenti tal-baġit tal-UE naqsu sinifikattivament minn ammont għoli storiku ta’ EUR 303.2 biljun fi tmiem l-2020, prinċipalment minħabba dewmien fl-implimentazzjoni ta’ fondi taħt ġestjoni kondiviża taħt il-QFP 2021-2027.
- L-esponiment totali tal-baġit tal-UE għal obbligazzjonijiet kontinġenti żdied b’EUR 146.0 biljun (111 %) fl-2021, minn EUR 131.9 biljun għal EUR 277.9 biljun. Dan kien dovut prinċipalment għall-ħruġ ta’ EUR 91.0 biljun f’bonds għall-finanzjament tal-NGEU fl-2021, u żieda ta’ EUR 50.2 biljun fl-ammont ta’ self taħt l-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) li sar lill-Istati Membri. Il-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna kkontribwiet ukoll għal din iż-żieda permezz ta’ garanziji li l-UE tat biex jiġi kopert self lil pajjiżi mhux tal-UE.
It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali 2021 tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp jinsab fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
X’awditjajna
X’kienu ċ-ċifri għall-2021?
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw baġit annwali tal-UE, fi ħdan il-qafas ta’ baġit fuq terminu itwal maqbul għal perjodu ta’ diversi snin (magħruf bħala l-“qafas finanzjarju pluriennali” jew il-QFP). Fl-2021, l-infiq tal-baġit tal-UE ammonta għal total ta’ EUR 181.5 biljun, li huwa l-ekwivalenti ta’ 2.4 % tal-infiq totali tal-gvernijiet estiżi tal-Istati Membri tal-UE u 1.3 % tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom.
F’Mejju 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-NGEU, li huwa strument temporanju li ġie stabbilit b’rispons għall-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 u li jiġi ffinanzjat permezz tal-ħruġ ta’ bonds. L-RRF tammonta għal madwar 90 % tal-finanzjament taħt l-NGEU. Fl-2021, l-infiq fuq l-appoġġ mhux ripagabbli taħt l-RRF (għotjiet) ammonta għal EUR 46.5 biljun.
Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-infiq taħt l-RRF, il-pagamenti mill-UE fl-2021 ammontaw għal total ta’ EUR 228.0 biljun.
Minn fejn jiġu l-flus?
Id-dħul totali għall-2021 kien ta’ EUR 239.6 biljun. L-akbar sehem tal-baġit tal-UE huwa ffinanzjat minn ammonti li l-Istati Membri jikkontribwixxu approporzjon tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom (EUR 115.8-il biljun). Sorsi oħra jinkludu dazji doganali (EUR 19.0-il biljun), kontribuzzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud li tinġabar mill-Istati Membri (EUR 17.9-il biljun), kontribuzzjoni bbażata fuq l-iskart mhux riċiklat mill-imballaġġ tal-plastik, li ġiet introdotta fl-2021 (EUR 5.9 biljun), u dħul ieħor (EUR 5.7 biljun).
Id-dħul addizzjonali ammonta għal EUR 75.3 biljun fl-2021, inklużi EUR 55.5 biljun ta’ dħul assenjat estern għal garanziji baġitarji u għal operazzjonijiet ta’ għoti u ta’ teħid b’self (NGEU) kif ukoll EUR 19.8-il biljun ta’ kontribuzzjonijiet u rifużjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet u programmi tal-UE.
Fuq xiex jintefqu l-flus?
Il-baġit tal-UE jintefaq f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħal:
- it-trawwim tal-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni strutturalment aktar dgħajfa;
- il-promozzjoni tal-innovazzjoni u tar-riċerka;
- il-proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport;
- it-taħriġ għal persuni qiegħda;
- il-biedja u l-promozzjoni tal-bijodiversità;
- il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
- il-ġestjoni tal-fruntieri;
- l-għajnuna għall-pajjiżi ġirien u għal dawk li qed jiżviluppaw.
Madwar tliet kwarti tal-baġit jintefqu taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”. Skont dan il-metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri jqassmu l-fondi, jagħżlu l-proġetti u jimmaniġġjaw l-infiq tal-UE, filwaqt li l-Kummissjoni tibqa’ fl-aħħar mill-aħħar responsabbli. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ “Riżorsi naturali u ambjent” u “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”.
L-infiq taħt l-RRF għandu jiffinanzja investimenti u riformi f’oqsma ta’ politika ta’ rilevanza għall-UE kollha, strutturati f’sitt pilastri (ara l-Figura 1).
L-Istati Membri jistabbilixxu bil-quddiem dawn ir-riformi u l-investiment fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, u l-Kummissjoni tħallashom talli jkunu laħqu l-istadji importanti u l-miri relatati.
X’koprejna?
Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-UE, billi neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-introjtu u tal-infiq jikkonformawx mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali. Aħna neżaminaw l-infiq fil-mument meta r-riċevituri finali tal-fondi tal-UE jkunu wettqu attivitajiet jew ġarrbu spejjeż jew, fil-każ tal-infiq taħt l-RRF, fil-mument meta l-Istati Membri jitolbu pagament biex jilħqu l-istadji importanti jew il-miri predefiniti tagħhom, u fil-mument meta l-Kummissjoni tkun aċċettat l-infiq. Fil-prattika, dan ifisser li l-popolazzjoni ta’ tranżazzjonijiet li awditjajna tkopri l-pagamenti interim u dawk finali. Ma eżaminajniex il-pagamenti bil-quddiem imħallsa fl-2021, sakemm dawn ma ġewx approvati wkoll matul is-sena.
Il-popolazzjoni li awditjajna għall-2021 kienet tammonta għal total ta’ EUR 154.3 biljun. Aħna awditjajna popolazzjonijiet separati għall-infiq tal-baġit tal-UE (EUR 142.8 biljun) u għall-infiq taħt l-RRF (EUR 11.5-il biljun) biex nappoġġaw l-opinjonijiet rispettivi tagħna (ara l-Figura 2).
Din is-sena, “Riżorsi naturali u ambjent” ikkostitwixxa l-akbar sehem mill-popolazzjoni li awditjajna għall-infiq tal-baġit tal-UE (39.7 %), segwit minn “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” (33.5 %) u “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali” (10.0 %).
Il-popolazzjoni li awditjajna taħt l-RRF kienet tinkludi l-pagament uniku (EUR 11.5-il biljun) li sar lil Stat Membru (Spanja) fl-2021.
Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 komplew ma ppermettulniex, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, li nwettqu kontrolli fuq il-post. Għaldaqstant, aħna wettaqna l-biċċa l-kbira mix-xogħol tagħna permezz ta’ analiżijiet mhux fuq il-post u billi intervistajna l-entitajiet awditjati mill-bogħod. Filwaqt li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ kontrolli fuq il-post jista’ jżid ir-riskju tad-detezzjoni, l-evidenza li ksibna mingħand l-entitajiet li awditjajna tatna l-kapaċità nikkompletaw u nikkonkludu dwar xogħolna.
Għal aktar informazzjoni dwar l-approċċ tal-awditjar tagħna, ara Informazzjoni ġenerali.
X’sibna
Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna
Skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), aħna nipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tkopri l-affidabbiltà tal-kontijiet konsolidati tal-UE u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet. Din hija l-element ċentrali tar-rapport annwali tagħna.
L-RRF hija strument temporanju mwassal u ffinanzjat b’mod li huwa fundamentalment differenti mill-infiq tal-baġit tal-UE. Filwaqt li l-benefiċjarji tal-infiq tal-baġit tal-UE jitħallsu talli jkunu wettqu ċerti attivitajiet jew jiġu rrimborżati għall-ispejjeż imġarrba, taħt l-RRF, l-Istati Membri jitħallsu għall-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti jew il-miri predefiniti. Għalhekk nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq: waħda għall-infiq tal-baġit tal-UE u oħra għall-infiq taħt l-RRF.
Minħabba li l-pagamenti taħt l-RRF huma bbażati fuq l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti jew il-miri predefiniti, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx ġabret evidenza suffiċjenti u xierqa biex tivvaluta din il-kundizzjoni. Il-konformità mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali ma tagħmilx parti minn din il-valutazzjoni.
Għall-komponent tar-riżorsi proprji tradizzjonali tad-dħul, hemm riskju li d-dazji doganali jew ma jiġux iddikjarati jew inkella jiġu ddikjarati b’mod skorrett lill-awtoritajiet doganali nazzjonali min-naħa tal-importaturi. Għalhekk id-dazji tal-importazzjoni realment miġbura se jkunu inqas mill-ammont li teoretikament jenħtieġ li jinġabar. Din id-differenza hija magħrufa bħala n-“nuqqas doganali”. Dawn l-ammonti evażi ma jinqabdux mis-sistemi kontabilistiċi tar-RPT tal-Istati Membri u ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu tal-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar id-dħul.
Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta
Il-kontijiet tal-UE għall-2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, ir-riżultati finanzjarji tal-UE u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku.
Għalhekk, aħna nistgħu nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet, kif ilna nagħmlu kull sena mill-2007 ’l hawn.
Il-karta tal-bilanċ tal-UE tinkludi obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati li komplew jiżdiedu u li ammontaw għal EUR 122.5 biljun fi tmiem l-2021 (2020: EUR 116-il biljun). Iż-żieda ulterjuri f’din l-istima hija prinċipalment dovuta għal tnaqqis fir-rata ta’ skont nominali.
Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit (UK) ma baqax Stat Membru tal-UE. Fid-data tal-karta tal-bilanċ, il-kontijiet tal-UE wrew ammont riċevibbli nett dovut mir-Renju Unit ta’ EUR 41.8 biljun (2020: EUR 47.5 biljun) abbażi tal-obbligi reċiproċi ddefiniti fil-ftehim dwar il-ħruġ. Dan it-tnaqqis huwa prinċipalment dovut għall-pagamenti li ġew riċevuti mir-Renju Unit matul l-2021 f’konformità mat-termini tal-ftehim dwar il-ħruġ.
Fil-kontijiet tal-UE, l-impatt tal-invażjoni mir-Russja fuq is-self u l-għotjiet mogħtija lill-Ukrajna ġie vvalutat, u ġie kontabilizzat u ddivulgat b’mod xieraq skont ir-rekwiżiti tar-regoli kontabilistiċi.
Aħna noħorġu opinjoni favorevoli dwar id-dħul
Nikkonkludu li d-dħul huwa ħieles minn żball materjali.
Aħna noħorġu opinjoni avversa dwar l-infiq tal-baġit tal-UE
Niddefinixxu żball bħala ammont ta’ flus li ma kellux jitħallas mill-baġit tal-UE. Żbalji jseħħu meta l-flus ma jintużawx skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u b’hekk mhux kif kien maħsub mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew meta adottaw din il-leġiżlazzjoni, jew meta l-flus ma jintużawx skont regoli nazzjonali speċifiċi.
Għall-infiq tal-baġit tal-UE, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball jinsab bejn 2.2 % u 3.8 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, li qabel kien magħruf bħala r-“rata tal-iżball l-aktar probabbli”, żdied meta mqabbel mas-sena l-oħra, minn 2.7 % għal 3.0 % (ara l-Figura 3).
Figura 3 – Livell ta’ żball stmat għall-infiq tal-baġit tal-UE (2017-2021)
Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Aktar minn nofs il-popolazzjoni li awditjajna hija milquta għal darba oħra minn żball materjali
Fl-2021, għal darba oħra sibna li l-mod kif l-infiq ġie żborżat kellu impatt fuq ir-riskju ta’ żball. F’dan il-kuntest, aħna niddistingwu bejn il-pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż u l-pagamenti bbażati fuq drittijiet (ara l-Kaxxa hawn taħt).
X’inhuma pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż u pagamenti bbażati fuq drittijiet?
L-infiq tal-baġit tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:
- Rimborżi tal-ispejjeż, fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli (li jinvolvu regoli kumplessi): dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka (taħt “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”), investiment fi żvilupp reġjonali u rurali (“Koeżjoni, reżiljenza u valuri” u “Riżorsi naturali u ambjent”) u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (“Viċinat u d-dinja”). Aħna nqisu li dan it-tip ta’ nfiq huwa b’riskju għoli.
- Pagamenti bbażati fuq drittijiet, li huma bbażati fuq l-issodisfar, min-naħa tal-benefiċjarji, ta’ ċerti kundizzjonijiet (inqas kumplessi): dawn jinkludu fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”), għajnuna diretta għall-bdiewa (“Riżorsi naturali u ambjent”), kif ukoll salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (“Amministrazzjoni pubblika Ewropea”). Aħna nqisu li dan it-tip ta’ nfiq huwa b’riskju baxx.
L-aktar żbalji komuni li sibna fl-infiq b’riskju għoli fl-intestaturi prinċipali tal-QFP kienu:
- spejjeż u proġetti ineliġibbli, ksur tar-regoli tas-suq intern (b’mod partikolari nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat), nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ sostenn, u nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku f’“Koeżjoni, reżiljenza u valuri”;
- benefiċjarji, proġetti jew infiq ineliġibbli, żbalji amministrattivi u nuqqas ta’ ssodisfar tal-impenji agroambjentali huma l-aktar żbalji komuni misjuba fl-oqsma ta’ nfiq tal-iżvilupp rurali, tal-miżuri tas-suq, tal-ambjent, tal-azzjoni klimatika u tas-sajd, li flimkien jikkostitwixxu madwar 33 % tat-total tal-infiq f’“Riżorsi naturali u ambjent”;
- spejjeż diretti għall-persunal u spejjeż diretti oħra, ilkoll ineliġibbli, huma s-sorsi prinċipali ta’ żball fin-nefqa għar-riċerka (Orizzont 2020 u s-Seba’ Programm Kwadru taħt “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”). Nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u spejjeż diretti ineliġibbli oħra huma l-aktar żbalji komuni misjuba fi programmi u attivitajiet oħra (prinċipalment il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa);
- infiq mhux imġarrab, spejjeż ineliġibbli, nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn u żbalji fl-akkwist pubbliku f’“Viċinat u d-dinja”.
Fl-2021, l-infiq b’riskju għoli żdied aktar meta mqabbel mas-snin preċedenti, u jammonta għal kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni li awditjajna, jiġifieri f’rata ta’ 63.2 % (2020: 59 %). Il-livell ta’ żball stmat għall-infiq b’riskju għoli kien ta’ 4.7 % (2020: 4.0 %).
L-infiq b’riskju baxx kien jirrappreżenta s-36.8 % li jifdal tal-popolazzjoni li awditjajna (2019: 41 %) u kien jinkludi prinċipalment pagamenti bbażati fuq drittijiet. Il-livell ta’ żball stmat f’din il-parti tal-popolazzjoni kien taħt is-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 % (ara l-Figura 4).
Fil-Figura 5 jingħata tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati minna fid-diversi oqsma ta’ nfiq bejn l-2017 u l-2021. Aktar informazzjoni dwar ir-riżultati tingħata fil-kapitolu Ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riżultati tagħna u fil-kapitoli rilevanti tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Figura 5 – Livelli ta’ żball stmati minna għal oqsma magħżula ta’ nfiq tal-baġit tal-UE (2017-2021)
Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Aħna ħriġna opinjoni favorevoli dwar l-ewwel pagament taħt l-RRF
Fl-2021, għall-ewwel darba, ix-xogħol tagħna kopra l-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt l-RRF. Il-popolazzjoni li awditjajna kienet tinkludi l-uniku żborż tal-2021, pagament li sar lil Spanja, u l-approvazzjoni tal-prefinanzjament relatat. It-talba Spanjola għall-pagament kienet tinkludi 52 stadju importanti, li Spanja qieset bħala li ntlaħqu. L-ammont li huwa pagabbli lil Spanja, li ġie ddeterminat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (CID), kien ta’ EUR 11.5-il biljun.
Aħna bbażajna l-valutazzjoni tagħna fuq il-kundizzjoni għall-pagament, jiġifieri li l-istadji importanti u l-miri kif iddefiniti fis-CID kienu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. L-evidenza kumplessiva għall-awditjar li ksibna permezz tax-xogħol li wettaqna tindika li wieħed mit-52 stadju importanti li huma assoċjati mal-ewwel żborż lil Spanja ma ntlaħaqx. Il-Kummissjoni għadha ma ddefinietx metodu għall-kwantifikazzjoni tal-impatt relatat man-nuqqas ta’ lħuq ta’ stadju importanti jew mira. Il-fehma tagħna stess hija li l-iżball mhuwiex materjali. Dgħufijiet oħra li nstabu fix-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni meta vvalutat l-istadji importanti jikkonċernaw il-kriterji mhux suffiċjentement robusti għall-istadju importanti tal-kontroll addizzjonali, u dokumentazzjoni insuffiċjenti tax-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni, għalkemm dan ma jaffettwax il-valutazzjoni ta’ jekk intlaħaqx stadju importanti partikolari.
Tqabbil bejn l-istimi tagħna tal-livell ta’ żball u dawk tal-Kummissjoni
Ir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR), li għalih il-kulleġġ tal-Kummissarji huwa responsabbli, jiġbor fil-qosor l-informazzjoni ewlenija mir-rapporti annwali tal-attività (RAA) dwar il-kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja. Huwa jinkludi r-riskju fil-waqt tal-pagament, li huwa l-istima tal-Kummissjoni tal-ammont li tħallas mingħajr ma kien skont ir-regoli applikabbli. B’mod kumplessiv, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament għall-2021 hija ta’ 1.9 %. Din hija taħt is-soll ta’ materjalità tagħna (2.0 %) u taħt il-livell ta’ żball stmat minna (3.0 %) għall-infiq tal-baġit tal-UE.
Bħal-livell ta’ żball stmat minna, l-istima mill-Kummissjoni ma tinkludix l-infiq taħt l-RRF, li għalih hija tiddivulga r-riżultati tal-kontroll b’mod separat abbażi ta’ valutazzjoni kwalitattiva. Barra minn hekk, ir-RAA ta’ kull direttorat ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni jinkludi dikjarazzjoni li fiha d-direttur ġenerali jipprovdi aċċertament li r-rapport jippreżenta l-informazzjoni finanzjarja b’mod xieraq u li t-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu huma legali u regolari. Għal dan l-iskop, id-DĠ kollha pprovdew stimi tar-riskju fil-waqt tal-pagament fl-infiq tagħhom, ħlief għall-RRF, li għaliha l-Kummissjoni tivvaluta r-riżultati tal-kontroll abbażi ta’ kombinament tar-riżultati miksuba mill-awditi u mill-kontrolli tal-Istati Membri u tagħha stess.
Għal kull intestatura tal-QFP li għaliha nipprovdu valutazzjoni speċifika, aħna qabbilna r-riskju fil-waqt tal-pagament stmat mill-Kummissjoni għall-2021 mal-livell ta’ żball stmat minna. It-tqabbil juri li r-riskju fil-waqt tal-pagament stmat mill-Kummissjoni huwa aktar baxx mil-livell ta’ żball stmat minna għal “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali” u “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”. Għal “Riżorsi naturali”, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament (1.8 %) hija konsistenti mal-istima tagħna.
Fl-AMPR, il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tar-riskju kumplessiv tagħha għall-infiq annwali tal-2021 sabiex tidentifika u tiffoka l-azzjoni fuq oqsma b’riskju għoli. Il-Kummissjoni tistma li r-riskju huwa baxx għal 55 % tal-infiq, medju għal 23 % u għoli għal 22 %. Madankollu, xogħolna żvela limitazzjonijiet fix-xogħol ex post imwettaq mill-Kummissjoni, li, meħuda flimkien, jolqtu r-robustezza tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni.
Aħna tajna wkoll segwitu għall-osservazzjoni tagħna mis-sena l-oħra li l-mod kif il-Kummissjoni tirrapporta l-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri reali fl-AMPR tagħha huwa kumpless u mhuwiex dejjem ċar. Sibna li r-reviżjoni li l-Kummissjoni wettqet fir-rigward tar-rappurtar tagħha ġabet titjib. Madankollu, inqisu wkoll li l-preżentazzjoni ta’ “korrezzjonijiet għal pagamenti tal-passat” (EUR 5 620 miljun) u l-perċentwal assoċjat ta’ nfiq rilevanti (3.3 %) hija inadegwata u suxxettibbli għal fehim skorrett. Din tinkludi miżuri preventivi, li mhumiex relatati ma’ pagamenti tal-passat jew infiq aċċettat. Barra minn hekk, il-miżuri preventivi tal-Istati Membri ma jistgħux jiġu attribwiti direttament lill-Kummissjoni.
Aħna nosservaw li l-Kummissjoni, fl-AMPR tagħha, tirrapporta li kienet bagħtet l-ewwel notifika tagħha lill-Ungerija f’April 2022 taħt ir-“reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità”. Dan skatta l-proċedura li tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ miżuri kontra Stat Membru għal ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Madankollu, l-AMPR ma jiddivulgax dettalji tan-notifika jew kif din tista’ tolqot ir-regolarità tal-infiq ikkonċernat.
Aħna nirrappurtaw każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF u lill-UPPE
Ilna naħdmu flimkien mal-OLAF għal ħafna snin u ilna naħdmu mal-UPPE minn meta beda jopera f’Ġunju 2021. Lill-OLAF irrappurtajnielu 15-il każ (2020: 6 każijiet) ta’ frodi suspettata li konna identifikajna matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna fl-2021, li minnhom l-OLAF diġà fetaħ 5 investigazzjonijiet. Irrappurtajna wieħed minn dawn il-każijiet b’mod parallel lill-UPPE, flimkien ma’ każ addizjonali li konna identifikajna matul ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna fl-2021. F’Marzu 2022, iddeċidejna li nibdew ngħaddu każijiet ta’ frodi suspettata kemm lill-OLAF kif ukoll lill-UPPE simultanjament, fejn xieraq.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar is-sejbiet prinċipali tinsab fil-Kapitoli 1 u 10 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna. It-test sħiħ tar-rapport annwali tagħna jinsab fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riżultati tagħna
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
Implimentazzjoni u użu tal-baġit fl-2021
L-implimentazzjoni tal-baġit kienet baxxa għall-impenji iżda għolja għall-pagamenti
Ir-Regolament dwar il-QFP jistabbilixxi ammonti massimi għal kull waħda mis-seba’ snin tal-QFP. Dawn il-limiti massimi japplikaw għall-obbligi finanzjarji l-ġodda tal-UE (approprjazzjonijiet ta’ impenn) u għall-pagamenti li jistgħu jsiru mill-baġit tal-UE (approprjazzjonijiet ta’ pagament). Ara l-Figura 6.
Matul l-2021, ġie impenjat total ta’ EUR 113.4-il biljun: 68 % biss tal-ammont totali disponibbli (EUR 166.8 biljun). Din ir-rata hija eċċezzjonalment baxxa, saħansitra aktar baxxa milli kienet fl-2014, l-ewwel sena tal-QFP preċedenti (77 %). Fl-2021, dewmien fl-adozzjoni tar-regolamenti settorjali naqqas ir-ritmu tat-tnedija ta’ programmi ġodda, b’mod partikolari għat-tmien fondi taħt ġestjoni kondiviża taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Intuża biss 2 % tal-ammont disponibbli ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn għal dawn it-tmien fondi taħt ġestjoni kondiviża.
Fl-2021, il-limitu massimu tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kien ta’ EUR 166.1 biljun, u l-ammont disponibbli għall-pagamenti fil-baġit finali kien ta’ EUR 168.0 biljun. Il-pagamenti reali ammontaw għal total ta’ EUR 163.6 biljun (97 %) tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli. Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni pagamenti addizzjonali ta’ EUR 62.6 biljun mid-dħul assenjat (prinċipalment għotjiet taħt l-RRF) u EUR 1.8 biljun ta’ riporti mill-2020, il-pagamenti fl-2021 ammontaw għal total ta’ EUR 228.0 biljun.
Żdiedet ir-rata ta’ assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020
Matul l-2021, l-Istati Membri komplew jassorbu l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) mill-perjodu tal-QFP 2014-2020. Fi tmiem l-2021, it-total tal-pagamenti kumulattivi għall-programmi operazzjonali taħt il-FSIE għall-perjodu 2014-2020 ammonta għal EUR 331.1 biljun, minn total ta’ EUR 492 biljun (67 %). Huwa mistenni li l-EUR 160.9 biljun li jifdal jitħallsu jew jiġu diżimpenjati sal-għeluq tal-programmi qabel tmiem l-2025, għajr il-FAEŻR, li l-għeluq tiegħu se jseħħ fl-2027. Dan l-ammont jirrappreżenta l-biċċa l-kbira mill-impenji pendenti tal-baġit tal-UE fi tmiem l-2021, jiġifieri EUR 251.7 biljun.
Kif turi l-Figura 7, l-assorbiment kumulattiv mill-Istati Membri tal-finanzjament taħt il-FSIE jvarja sinifikattivament.
Figura 7 – Livelli ta’ assorbiment tal-FSIE għall-perjodu 2014-2020 (bl-esklużjoni tar-riżorsi tal-NGEU)
Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
L-implimentazzjoni tal-NGEU bdiet fl-2021
L-istrument NGEU temporanju beda f’Ġunju 2021 bid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji l-ġdida li tawtorizza t-teħid relatat ta’ self. Sa tmiem l-2021, l-impenji tal-fondi tal-NGEU laħqu l-EUR 143.5 biljun. Il-prefinanzjament u l-pagamenti kienu ta’ aktar minn EUR 53.6 biljun. Ara l-Figura 8 għal aktar informazzjoni.
L-impenji pendenti mill-baġit tal-UE u mill-NGEU laħqu ammont rekord ta’ EUR 341.6 biljun
L-impenji pendenti fi tmiem l-2021 ammontaw għal total ta’ EUR 341.6 biljun; EUR 251.7 biljun kienu relatati mal-baġit tal-UE u EUR 89.9 biljun mal-NGEU. L-impenji pendenti tal-baġit tal-UE naqsu sinifikattivament minn ammont għoli storiku ta’ EUR 303.2 biljun fi tmiem l-2020, prinċipalment minħabba dewmien sal-bidu tal-implimentazzjoni ta’ fondi taħt ġestjoni kondiviża taħt il-QFP 2021-2027. Madankollu, flimkien mal-impenji pendenti tal-NGEU, l-impenji pendenti totali laħqu ammont rekord. Il-Figura 9 turi t-total tal-impenji pendenti kemm mill-baġit tal-UE kif ukoll mill-NGEU fi tmiem l-2021, ripartit skont is-sena ta’ oriġini.
Figura 9 – Impenji pendenti fi tmiem l-2021 skont is-sena ta’ oriġini
Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-Kummissjoni qed tipprevedi li l-impenji pendenti mill-baġit tal-UE se jilħqu EUR 317-il biljun fl-2027, jiġifieri EUR 14-il biljun ogħla mill-ammont ta’ EUR 303.2 biljun fi tmiem l-2020. Din iż-żieda żgħira hija dovuta prinċipalment għad-distakk iżgħar bejn l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-QFP 2021-2027.
L-ispejjeż ta’ ġestjoni għall-istrumenti finanzjarji jvarjaw
Aħna ħarisna wkoll lejn l-ispejjeż ta’ ġestjoni mħallsa fil-livell tal-Istati Membri approporzjon tal-pagamenti totali li jinkludu l-kofinanzjament nazzjonali lill-istrumenti finanzjarji. Sibna li l-ispejjeż ta’ ġestjoni kienu jammontaw għal 3.6 % tal-pagamenti totali lill-istrumenti finanzjarji taħt il-QFP 2014-2020. Madankollu, din hija medja; iċ-ċifra reali tvarja bil-kbir bejn l-Istati Membri. Fl-Iżvezja, pereżempju, l-ispejjeż ta’ ġestjoni kienu jirrappreżentaw aktar minn 10 % tal-pagamenti totali lill-istrumenti finanzjarji. Fl-Awstrija u fil-Belġju, min-naħa l-oħra, l-istrumenti finanzjarji ma kienu jirrappreżentaw l-ebda spiża ta’ ġestjoni (ara l-Figura 10).
Figura 10 – Spejjeż ta’ ġestjoni fir-rigward tal-pagamenti totali lill-istrumenti finanzjarji taħt il-QFP 2014-2020 fi tmiem l-2020
Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Riskji u sfidi prinċipali għall-baġit tal-UE fis-snin li ġejjin
L-esponiment totali tal-baġit tal-UE żdied fl-2021, prinċipalment minħabba l-introduzzjoni tal-NGEU
L-esponiment totali tal-baġit tal-UE għal obbligazzjonijiet kontinġenti żdied minn EUR 131.9 biljun fl-2020 għal EUR 277.9 biljun fl-2021. Iż-żewġ raġunijiet prinċipali għal din iż-żieda sostanzjali kienu l-introduzzjoni tal-NGEU u ż-żieda fl-ammont ta’ self ipprovdut taħt ix-SURE (ara l-Figura 11).
Figura 11 – Esponiment totali tal-baġit tal-UE fi tmiem l-2021, ripartit skont il-kategorija
(*) Self mill-BEI – Stati Membri EUR 0.6 biljun, self għall-Bilanċ tal-Pagamenti EUR 0.2 biljun, self tal-Euratom – Stati Membri EUR 0.1 biljun, id-differenza mit-total hija dovuta għall-ittondjar.
(**) Garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) EUR 0.5 biljun, self tal-Euratom – pajjiżi mhux membri EUR 0.3 biljun u NDICI-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) EUR 0.2 biljun.
Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna tkabbar ir-riskji għall-baġit tal-UE
L-UE qed timmobilizza l-baġit tagħha u żżid flessibbiltà addizzjonali biex tirreaġixxi għall-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna. Dan se jżid il-ħtiġijiet baġitarji tal-UE u jwassal għal riskju ogħla li jiġu skattati obbligazzjonijiet kontinġenti għall-baġit tal-UE. Fi tmiem l-2021, l-Ukrajna kellha self pendenti b’valur nominali ta’ EUR 4.7 biljun taħt il-programmi ta’ Assistenza Makrofinanzjarja u Euratom. B’żieda ma’ dan, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ta self fil-valur ta’ EUR 2.1 biljun lill-Ukrajna, self li huwa appoġġat minn garanziji tal-UE.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tinforma lill-awtorità baġitarja dwar il-fatturi li jikkontribwixxu għall-evoluzzjoni tal-impenji pendenti u tieħu azzjoni xierqa bil-ħsieb li jitnaqqsu gradwalment l-impenji pendenti għat-terminu twil;
- timmonitorja mill-qrib ir-riskju dejjem jikber li jiġu skattati obbligazzjonijiet kontinġenti għall-baġit tal-UE b’rabta mal-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna, u tieħu azzjoni kif meħtieġ biex tiżgura li l-għodod għall-mitigazzjoni tar-riskju jżommu kapaċità suffiċjenti.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar is-sejbiet prinċipali li jirrigwardaw il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tinsab fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Dħul
EUR 239.6 biljun
X’awditjajna
L-awditu tagħna kopra l-parti tal-baġit tal-UE li tikkonċerna d-dħul, u li permezz tiegħu hija tiffinanzja l-infiq. Aħna eżaminajna ċerti sistemi ewlenin ta’ kontroll użati għall-ġestjoni tar-riżorsi proprji, u kampjun ta’ tranżazzjonijiet relatati mad-dħul.
Il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING ipprovduti mill-Istati Membri kienu jirrappreżentaw 48.2 % tad-dħul tal-UE fl-2021, filwaqt li r-riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kienet tirrappreżenta 7.5 %. Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ statistika u stimi makroekonomiċi pprovduti mill-Istati Membri.
Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), li jikkonsistu f’dazji doganali fuq importazzjonijiet miġbura mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri f’isem l-UE, ipprovdew 7.9 % oħra tad-dħul tal-UE.
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart mhux riċiklat mill-imballaġġ tal-plastik tipprovdi 2.5 % tad-dħul tal-UE. Din kienet ġiet introdotta fl-2021 u tiġi kkalkulata bl-applikazzjoni ta’ rata uniformi fuq il-ponderazzjoni tal-iskart mhux riċiklat mill-imballaġġ tal-plastik iġġenerat f’kull Stat Membru.
Id-dħul estern assenjat, li jirrigwarda l-aktar l-ammonti mislufa sabiex l-Istati Membri jingħataw appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli fil-kuntest tal-NGEU, jirrappreżenta 23.2 % tad-dħul tal-UE.
Hemm ukoll sorsi oħra ta’ dħul tal-UE. Minn dawn, dawk l-aktar sinifikanti huma l-kontribuzzjonijiet u r-rifużjonijiet li huma marbuta mal-ftehimiet u l-programmi tal-UE (8.3 % tad-dħul tal-UE), bħal dħul relatat mal-approvazzjoni tal-konformità tal-FAEG u l-FAEŻR, u l-kontribuzzjonijiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE għal programmi u attivitajiet tal-UE.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? |
|---|---|
| EUR 239.6 biljun | Le – Ħieles minn żball materjali kemm fl-2021 kif ukoll fl-2020 |
Miżuri preventivi u korrettivi
Is-sistemi relatati mad-dħul li eżaminajna kienu, b’mod ġenerali, effettivi. Madankollu, il-kontrolli interni ewlenin tar-RPT li vvalutajna f’ċerti Stati Membri u l-ġestjoni ta’ riżervi tal-VAT u ta’ punti miftuħa tar-RPT fil-Kummissjoni kienu parzjalment effettivi minħabba dgħufijiet persistenti.
Sibna wkoll li kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni ta’ diversi azzjonijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-Kummissjoni li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fin-nuqqas doganali. Din id-dgħufija ma taffettwawx l-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar id-dħul, billi ma tikkonċernax it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet iżda pjuttost ir-riskju li r-RPT ma jkunux kompleti.
Għad hemm dgħufijiet persistenti fis-sistemi ta’ kontroll nazzjonali għall-kompilazzjoni tar-rapporti dwar ir-RPT. Fil-każ partikolari tal-Italja, fl-2011 aħna diġà kellna dubju rigward l-affidabbiltà tar-rapporti Taljani dwar ir-RPT, prinċipalment minħabba dewmien fl-aġġornar tal-kontijiet tad-dazji doganali li għadhom ma nġabrux b’informazzjoni dwar l-irkupri tad-dejn.
Osservajna wkoll li l-għadd ta’ riżervi tal-VAT u ta’ punti miftuħa tar-RPT naqsu, iżda għadhom jippersistu dgħufijiet fil-ġestjoni tagħhom. Fil-każ tar-riżervi tal-VAT, dan kien dovut għall-fatt li l-Kummissjoni ma applikatx approċċ komuni fl-istabbiliment ta’ dati ta’ skadenza għall-Istati Membri biex jikkalkulaw u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji riżultanti fir-riżorsi proprji tagħhom ibbażati fuq il-VAT. F’dak li jikkonċerna l-punti miftuħa tar-RPT, il-Kummissjoni kienet aġġornat il-proċedura tagħha għall-ipproċessar tar-riżultati tal-ispezzjonijiet tar-RPT. Madankollu, ma kinitx tinkludi sistema għall-klassifikazzjoni tan-nuqqasijiet tal-Istati Membri f’ordni ta’ prijorità, u lanqas ma kienet tistabbilixxi dati ta’ skadenza għall-azzjonijiet ta’ segwitu tagħhom abbażi tar-risposti tal-Istati Membri.
Barra minn hekk, aħna osservajna dewmien fl-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni biex titjieb il-ġestjoni tar-riskju tar-RPT u jonqos in-nuqqas doganali. Ir-rieżaminar li wettaqna fuq l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Doganali żvela progress insuffiċjenti f’għadd ta’ azzjonijiet.
Ix-xogħol tal-Kummissjoni fuq it-tneħħija tar-riżervi tal-ING ġie affettwat minn dewmien min-naħa tal-Istati Membri kkonċernati. Dan id-dewmien kien relatat mat-twassil tal-inventarji tal-ING lill-Kummissjoni skont iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING l-ġdid għall-perjodu 2020-2024 u mal-indirizzar tar-riżervi tal-ING speċifiċi għat-tranżazzjoni li ġew stabbiliti bħala parti miċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni preċedenti tal-perjodu 2016-2019.
Għas-sitt sena konsekuttiva, id-DĠ BUDG tal-Kummissjoni, fir-rapport annwali tal-attività tiegħu, żamm ir-riżerva li l-ammonti tar-RPT li ġew ittrasferiti għall-baġit tal-UE mhumiex preċiżi minħabba s-sottovalwazzjoni ta’ tessuti u żraben importati miċ-Ċina matul il-perjodu mill-2011 sal-2017. Ir-riżerva ġiet stabbilita għall-ewwel darba fl-2016, meta t-telf ta’ RPT attribwibbli għar-Renju Unit (UK) kien ġie kkwantifikat għal EUR 2.1 biljun, u mbagħad ġiet estiża għal Stati Membri oħra fl-2018, mingħajr kwantifikazzjoni. Ammont addizzjonali ta’ EUR 2.1 biljun ta’ mgħax kien ġie rreġistrat ukoll fil-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2021. Fit-8 ta’Marzu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) ikkonkludiet li r-Renju Unit kien naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-UE fir-rigward tar-riżorsi proprji. Il-QĠUE approvat il-metodu tal-Kummissjoni li bih tikkwantifika t-telf ta’ RPT abbażi ta’ data statistika. Madankollu, hija rrifjutat parzjalment il-kalkolu tal-Kummissjoni u pprovdiet gwida dwar kif isir il-kalkolu mill-ġdid tiegħu. Il-Kummissjoni bdiet tanalizza s-sentenza tal-QĠUE u l-impatt ta’ din fuq il-kalkoli tagħha.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tieħu l-azzjoni meħtieġa (inkluż proċedimenti ta’ ksur fejn xieraq) biex tiżgura li l-Italja ssolvi d-dgħufijiet tagħha, li ilhom pendenti għal żmien twil, fil-kontabbiltà tar-RPT. Jenħtieġ li l-azzjoni jkollha l-għan li tindirizza d-diskrepanzi persistenti li jaffettwaw l-affidabbiltà tar-rapporti tal-pajjiż dwar id-dazji miġbura u dwar dawk li għadhom ma nġabrux;
- tirrieżamina l-proċeduri tagħha għall-ġestjoni tar-riżervi tal-VAT, sabiex tistabbilixxi dati ta’ skadenza aktar armonizzati u aktar stretti għall-awtoritajiet nazzjonali u tagħmel is-segwitu tagħha u t-tneħħija tar-riżervi aktar effiċjenti;
- ittejjeb il-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji għar-RPT billi timplimenta l-miżuri rilevanti tal-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tagħha f’waqthom.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tad-dħul tal-UE tinsab fil-Kapitolu 3 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Suq uniku, innovazzjoni u diġitali
Total: EUR 18.5-il biljun
X’awditjajna
Il-programmi ffinanzjati taħt l-Intestatura 1 “Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali” tal-QFP huma diversi u għandhom l-għan li jiffinanzjaw l-investimenti tal-UE li jikkontribwixxu għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej tat-trasport, il-komunikazzjoni, l-enerġija, it-trasformazzjoni diġitali u s-suq uniku, u l-politika dwar l-ispazju. Il-programm prinċipali għar-riċerka u l-innovazzjoni jibqa’ Orizzont 2020. L-intestatura tal-QFP tinkludi wkoll proġetti ta’ infrastruttura kbar taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-programmi spazjali (Galileo, EGNOS u Copernicus). Tinkludi wkoll il-fond InvestEU, li għandu l-għan li jimmobilizza l-investiment pubbliku u privat permezz ta’ garanzija tal-baġit tal-UE li tappoġġa l-investiment tas-sħab ta’ implimentazzjoni.
Għall-2021, infiq ta’ EUR 14.3-il biljun kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq ġie mmaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tipprovdi pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji pubbliċi jew privati mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ għotja u, hekk kif il-proġetti ffinanzjati tagħhom jagħmlu progress, tirrimborża parti mill-ispejjeż totali li huma jikkomunikaw, filwaqt li tnaqqas minnhom dawk il-pagamenti bil-quddiem. Il-programmi spazjali jiġu ġeneralment immaniġġjati b’mod indirett abbażi ta’ ftehimiet ta’ delega ffirmati bejn il-Kummissjoni u korpi ta’ implimentazzjoni ddedikati (bħall-Aġenzija Spazjali Ewropea). L-istrumenti finanzjarji taħt InvestEU jiġu implimentati prinċipalment mill-BEI jew mill-Fond Ewropew tal-Investiment, li min-naħa tagħhom jużaw intermedjarji finanzjarji.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
|---|---|---|
| EUR 14.3-il biljun | Iva | 4.4 % (2020: 3.9 %) |
B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’“Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali” huwa materjali.
Fl-2021, 55 (42 %) mill-130 tranżazzjoni li eżaminajna kienu milquta minn żbalji.
L-infiq taħt Orizzont 2020 u taħt l-FP7 jibqa’ b’riskju għoli u huwa sors prinċipali tal-iżbalji li naqbdu. Sibna żbalji kwantifikabbli relatati ma’ spejjeż ineliġibbli f’29 mis-87 tranżazzjoni li kkampjunajna fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jirrappreżenta 45 % tal-livell ta’ żball stmat minna għal din l-intestatura fl-2021.
Fil-każ ta’ programmi u attivitajiet oħra, aħna qbadna żbalji kwantifikabbli f’9 mit-43 tranżazzjoni li kkampjunajna. Dawn kienu jinkludu każijiet ta’ irregolarità fil-proċedura ta’ akkwist, xogħlijiet li ġew iddikjarati u rimborżati darbtejn, rimborż ta’ spejjeż mhux previsti fil-kuntratt qafas, kif ukoll finanzjament ta’ assi ineliġibbli.
Ir-regoli għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-persunal taħt Orizzont 2020 għadhom kumplessi, minkejja li saru sforzi għas-simplifikazzjoni, u l-kalkolu tagħhom jibqa’ sors prinċipali ta’ żball fit-talbiet dwar l-ispejjeż. Mid-29 tranżazzjoni milquta minn żbalji kwantifikabbli fil-kampjun tagħna ta’ tranżazzjonijiet ta’ riċerka, 26, jiġifieri aktar minn 89 %, jirrigwardaw spejjeż għall-persunal li kienu ineliġibbli u li ġew iddikjarati u rimborżati.
Eżempju: Spejjeż ineliġibbli minħabba reġistri tal-ħinijiet li kienu neqsin
Ir-rieżaminar li wettaqna tal-ispejjeż għall-persunal iddikjarati minn SME żvela li ma kienx hemm reġistri tal-ħinijiet jew evidenza alternattiva oħra biex jappoġġaw għadd kbir ta’ sigħat li ġew iddebitati lill-proġett minn żewġ membri tal-persunal. Barra minn hekk, abbażi tal-analiżi tal-iskedi bil-ħinijiet tax-xogħol ipprovduti għall-bqija tal-persunal li eżaminajna, sibna li membru tal-persunal wieħed kien iddikjara 225 siegħa għall-proġett, iżda ma kinux ġew irreġistrati sigħat fl-iskedi bil-ħinijiet tax-xogħol u, fil-każ ta’ żewġ membri oħra tal-persunal, kienu ġew iddikjarati sigħat meta dawn kienu fuq liv annwali. B’kollox, mill-2 550 siegħa li eżaminajna, 1 277 siegħa (50 %) kienu ineliġibbli.
L-awdituri kkuntrattati mill-benefiċjarji fi tmiem proġett jipprovdu ċertifikati dwar ir-rapporti finanzjarji, li huma maħsuba biex jgħinu lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-ispejjeż iddikjarati fir-rapporti finanzjarji humiex eliġibbli. Aħna rrappurtajna ripetutament dgħufijiet f’dawn iċ-ċertifikati. Din is-sena, sibna li 7 mit-12-il każ ta’ żbalji kwantifikabbli li setgħu jinqabdu ma kinux ġew skoperti, la mill-awdituri li pprovdew iċ-ċertifikati u lanqas mill-Kummissjoni.
Rieżaminar tas-sistemi tal-IT għal għotjiet għar-riċerka
Fl-2021, aħna rrieżaminajna l-pakkett eGrants, is-soluzzjoni kummerċjali korporattiva tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-għotjiet u l-esperti. Dan il-pakkett jintegra s-sistemi li jintużaw għall-proċess kollu kemm hu, jiġifieri mit-tħejjija tal-programm ta’ ħidma u tas-sejħiet sal-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol għall-għotjiet.
Ibbażat fuq ir-rieżaminar limitat li wettaqna, aħna sibna li s-sistemi huma integrati tajjeb fl-ambjent tal-IT. Madankollu, f’konformità mal-bażi legali attwali, ma hemm l-ebda rabta bejn is-sistemi kontabilistiċi tal-benefiċjarji u s-sistema ta’ rappurtar. Il-Kummissjoni għandha d-data finanzjarja ġenerali dwar il-proġetti meħtieġa mill-qafas ta’ kontroll tagħha u, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni kontabilistika għal kontrolli jew awditi addizzjonali. Dan ifisser li mhuwiex possibbli li jitwettqu kontrolli awtomatiċi fuq skala kbira.
Ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar ir-regolarità
Fir-rigward ta’ Orizzont 2020, id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (RTD) irrapporta rata ta’ żball rappreżentattiva mistennija ta’ 2.3 % u rata tal-iżball residwu, b’kont meħud tal-azzjoni korrettiva, ta’ 1.7 %, għad-DĠ kollha u għal korpi oħra tal-UE li jimmaniġġjaw l-infiq tal-UE fuq ir-riċerka. L-awditi ex post sottostanti jitwettqu mis-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tad-DĠ RTD jew minn kuntratturi esterni f’ismu.
Billi l-2021 kienet l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Orizzont Ewropa, kien hemm biss għadd limitat ħafna ta’ pagamenti li kienu ġew eżegwiti (prefinanzjamenti biss fid-DĠ RTD). B’hekk, id-DĠ RTD ma rrappurtax rata ta’ żball misjuba għal Orizzont Ewropa fl-2021.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tħeġġeġ bil-qawwi l-użu tal-għodda “Personnel Costs Wizard” (magħmula disponibbli fil-portal tal-parteċipanti), speċjalment minn ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji li huma aktar suxxettibbli li jwettqu żbalji, bħal SMEs u parteċipanti ġodda (kemm għal għotjiet taħt Orizzont 2020 kif ukoll għal dawk taħt Orizzont Ewropa);
- toħroġ gwida lill-benefiċjarji dwar id-differenzi speċifiċi, li tiffoka fuq l-aspetti tal-eliġibbiltà taħt Orizzont Ewropa, bi tqabbil ma’ Orizzont 2020 u programmi simili;
- fil-każ ta’ Orizzont 2020, ittejjeb il-kontrolli ex ante eżistenti sabiex jiġu identifikati u eliminati l-aġġustamenti potenzjali ineliġibbli magħmula għall-ispejjeż għall-persunal ippreżentati mill-benefiċjarji wara l-kalkolu mill-ġdid tar-rati fis-siegħa;
- tkompli ttejjeb il-gwida indirizzata lill-awdituri indipendenti li jiġu kkuntrattati mill-benefiċjarji biex iwasslu ċ-ċertifikati dwar ir-rapporti finanzjarji sabiex jitnaqqas l-għadd kbir ta’ dgħufijiet li identifikajna fl-awditi li wettaqna fir-rigward ta’ dawn iċ-ċertifikati;
- għall-programm ta’ riċerka li jmiss u f’konformità mal-ħtiġijiet tan-negozju li qed jevolvu, tesplora l-fattibbiltà tal-estensjoni tal-funzjonalitajiet f’eGrants għall-valutazzjoni tar-riskju u l-kontrolli awtomatiċi, eż. billi jiġu sfruttati sorsi oħra ta’ data disponibbli biex data ewlenija addizzjonali li tappoġġa l-konferma tal-konformità ssir disponibbli f’format diġitali.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Suq Uniku, innovazzjoni u diġitali” tinsab fil-Kapitolu 4 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Koeżjoni, reżiljenza u valuri
Total: EUR 80.1 biljun
X’awditjajna
L-infiq taħt din l-intestatura jiffoka fuq it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE (is-Subintestatura 2a), kif ukoll fuq azzjonijiet li jappoġġaw u jipproteġu l-valuri tal-UE, biex b’hekk l-UE ssir aktar reżiljenti għall-isfidi tal-preżent u dawk tal-futur (is-Subintestatura 2b). Għas-Subintestatura 2a (koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali), il-finanzjament isir permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF). Għas-Subintestatura 2b (reżiljenza u valuri), il-finanzjament jiġi pprovdut permezz ta’ programmi bħal Erasmus+, għadd ta’ skemi iżgħar u strumenti speċifiċi li nħolqu b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19.
Il-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-FK u l-FSE) jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira mill-infiq, fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkondividu l-ġestjoni tal-fondi. L-UE tikkofinanzja programmi operazzjonali (PO) pluriennali, li minnhom il-finanzjament imur għal proġetti. Fil-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEŻR u l-FK, filwaqt li d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) huwa responsabbli għall-FSE. Il-finanzjament mill-UE għal programmi li mhumiex taħt ġestjoni kondiviża jiġi immaniġġjat jew direttament mid-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jew inkella indirettament bl-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet sħab jew awtoritajiet oħra.
Aħna nawditjaw l-infiq ladarba l-Kummissjoni tkun aċċettatu. Għar-Rapport Annwali 2021, aħna awditjajna nfiq ta’ EUR 47.9 biljun f’dan il-qasam għar-Rapport Annwali 2021, inkluż infiq ta’ EUR 44 biljun taħt is-Subintestatura 2a u EUR 3.9 biljun taħt is-Subintestatura 2b (2020: EUR 48.4 biljun b’kollox). F’konformità mal-approċċ tagħna, dan l-ammont kien jinkludi nfiq b’valur ta’ EUR 40.8 biljun mis-snin preċedenti taħt is-Subintestatura 2a, li l-Kummissjoni kienet aċċettat jew approvat fl-2021.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
|---|---|---|
| EUR 47.9 biljun | Iva | 3.6 % (2020: 3.5 %) |
B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball għall-Intestatura 2 tal-QFP huwa materjali.
Fl-2021, aħna ttestjajna 243 tranżazzjoni. Aħna identifikajna u kkwantifikajna 30 żball, kollha relatati mas-Subintestatura 2a. B’kont meħud tas-56 żball li nstabu preċedentement mill-awtoritajiet tal-awditjar u tal-korrezzjonijiet applikati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-programmi (b’valur totali ta’ EUR 458 miljun għaż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni kkombinati), aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 3.6 %. Il-livell ta’ żball stmat għas-Subintestatura 2a waħedha huwa ta’ 4.1 %.
Proġetti u spejjeż ineliġibbli, ksur tar-regoli tas-suq intern (b’mod partikolari nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat) u n-nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ sostenn ikkontribwew l-aktar għal-livell ta’ żball stmat minna. Il-kontribut prinċipali għal-livell ta’ żball stmat ġej minn teħid ta’ deċiżjonijiet insodisfaċenti mill-awtoritajiet maniġerjali, pereżempju meta japprovaw proġetti ineliġibbli jew għajnuna illegali mill-Istat. Osservajna wkoll li l-awtoritajiet tal-awditjar jirrappurtaw livelli relattivament baxxi ta’ dan it-tip ta’ żball.
L-għadd u l-impatt tal-iżbalji li nqabdu juru li l-kontrolli attwalment fis-seħħ għadhom ma jpattux b’mod suffiċjenti għar-riskju inerenti għoli ta’ żball f’dan il-qasam. Dan jikkonċerna b’mod partikolari lill-awtoritajiet maniġerjali u lill-korpi intermedjarji li l-verifikazzjonijiet tagħhom għadhom parzjalment ineffettivi fil-prevenzjoni jew id-detezzjoni ta’ irregolaritajiet fl-infiq iddikjarat mill-benefiċjarji.
Eżempju: L-ebda verifikazzjoni tal-istatus ta’ parteċipant
Fi Franza, l-istatus ta’ parteċipanti barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ f’żewġ proġetti tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) ġie vverifikat biss fuq il-bażi ta’ awtodikjarazzjonijiet.
F’wieħed mill-programmi kkonċernati taħt il-FSE, il-benefiċjarju ma setax jipprovdi kwalunkwe evidenza indipendenti li l-parteċipanti kienu “barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ” (NEET). Aħna tlabna kontrolli addizzjonali mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi stabbilit l-istatus tal-parteċipanti. Dan wera li 9 minn 37 parteċipant kienu fil-fatt f’impjieg, b’hekk kienu ineliġibbli għall-appoġġ mill-UE.
Fi Spanja, aħna sibna li tlieta mill-erba’ operazzjonijiet fil-kampjun tagħna għall-YEI kienu ineliġibbli għal finanzjament mill-UE. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-YEI u l-PO li jkopru dawn l-operazzjonijiet jirrikjedu li n-NEETs ikunu rreġistrati mas-sistema nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Din ir-reġistrazzjoni tagħti lin-NEETs aċċess għal għadd ta’ miżuri ta’ assistenza, iżda sservi wkoll biex tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tan-NEET. Fi tlieta mill-operazzjonijiet awditjati, in-NEETs ġew irreġistrati b’mod retroattiv fis-sistema nazzjonali. Din ir-reġistrazzjoni retroattiva għamlitha impossibbli li tiġi vvalidata l-eliġibbiltà tagħhom bħala li kienu barra mill-edukazzjoni jew taħriġ. L-aktar importanti, dan ifisser li n-NEETs huma mċaħħda mill-benefiċċji addizzjonali kollha disponibbli taħt dawk iż-żewġ skemi.
Għażliet ta’ spejjeż simplifikati
L-għażliet ta’ spejjeż simplifikati (SCOs) għandhom il-potenzjal li jnaqqsu kemm l-ammont ta’ xogħol amministrattiv tal-benefiċjarji kif ukoll l-iżbalji. Din is-sena, sibna żbalji relatati mal-użu ta’ SCOs f’erba’ tranżazzjonijiet fi Stat Membru wieħed. Fl-Irlanda, aħna sibna li l-ammonti rimborżati mill-Istat Membru lill-benefiċjarji u l-ammonti rimborżati mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kienu bbażati fuq forom differenti ta’ appoġġ. Filwaqt li l-benefiċjarju ġie rimborżat abbażi tal-ispejjeż reali, il-finanzjament mill-UE kien ibbażat fuq SCOs. Dan l-approċċ ukoll ma kienx konformi mar-rekwiżiti regolatorji għall-SCOs.
Dgħufijiet speċifiċi fl-akkwist li jaffettwaw it-tranżazzjonijiet taħt ġestjoni diretta
F’April 2020, il-Kummissjoni attivat l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI) u ħarġet komunikazzjoni li tispjega l-għażliet disponibbli fl-akkwist pubbliku biex jiġu indirizzati problemi relatati mal-kriżi tal-COVID-19. Mit-18-il tranżazzjoni fil-kampjun tagħna għas-Subintestatura 2b, 7 kienu jikkonċernaw pagamenti li saru taħt l-ESI fl-2021. B’rabta ma’ dawn it-tranżazzjonijiet, aħna sibna li l-Kummissjoni ma vverifikatx b’mod adegwat jekk it-termini finanzjarji tal-ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem li kkonkludiet mal-manifatturi ta’ dożi ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 kinux ġew irrispettati għall-pagamenti lill-kuntratturi. Sibna wkoll dgħufijiet fl-akkwist ta’ servizzi u provvisti taħt l-ESI iżda ma kkwantifikajniex dawn l-iżbalji peress li, f’kull każ li eżaminajna, in-natura straordinarja tal-pandemija appoġġat l-ikkuntrattar dirett.
Valutazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar
L-awtoritajiet tal-awditjar huma t-“tieni linja ta’ difiża” fil-qafas għall-aċċertament u l-kontroll tal-infiq. Abbażi ta’ kampjuni, dawn jivverifikaw ir-regolarità tal-infiq iddikjarat mill-awtoritajiet maniġerjali lill-Kummissjoni. Permezz ta’ dan ix-xogħol, huma għandhom jiżguraw li r-rati tal-iżball residwu jibqgħu taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %. Din is-sena, aħna vvalutajna x-xogħol ta’ 23 minn 116-il awtorità tal-awditjar, fi 19-il Stat Membru u fir-Renju Unit.
Filwaqt li x-xogħolna mhuwiex maħsub biex tinsilet konklużjoni dwar il-korrettezza tar-rati tal-iżball residwu tal-awtoritajiet tal-awditjar bħala tali, aħna sibna żbalji li ma nqabdux minnhom. Ix-xogħol li wettaqna fuq il-kampjun ta’ din is-sena juri li r-rata tal-iżball residwu kienet ogħla minn 2 % fi 12 mill-31 pakkett ta’ aċċertament (li jikkorrispondu għal 39 % tal-infiq ikkampjunat), b’kont meħud ukoll tal-iżbalji addizzjonali li nqabdu b’segwitu għall-verifikazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni.
Mill-2017 ’il hawn, aħna eżaminajna kampjun annwali ta’ pakketti ta’ aċċertament. Matul dak iż-żmien, koprejna 69 pakkett ta’ aċċertament f’24 Stat Membru u fir-Renju Unit mill-inqas darba, li kull sena jikkorrispondu għal bejn 34 % u 62 % tal-infiq iċċertifikat fil-kontijiet annwali. B’kont meħud tal-aġġustamenti tal-Kummissjoni u tas-sejbiet tal-awditjar tagħna stess, 37 minn dawn il-pakketti (54 %) kellhom rati tal-iżball residwu ogħla minn 2 % f’mill-inqas sena waħda. Is-37 pakkett kienu jirrappreżentaw b’mod konsistenti mill-inqas 39 % tal-infiq fil-kampjun tagħna. Dan juri l-punt sa fejn l-awtoritajiet tal-awditjar jirrappurtaw b’mod skorrett li r-rati tal-iżball residwu huma taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.
Rappurtar mid-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL dwar ir-regolarità tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni
Ir-rapporti annwali tal-attività huma l-għodod prinċipali tad-DĠ tal-Kummissjoni biex jirrappurtaw jekk ikollhomx aċċertament raġonevoli li l-proċeduri ta’ kontroll tal-Istati Membri jiżguraw ir-regolarità tal-infiq.
Ir-rapporti annwali tal-attività jipprovdu wkoll rata ta’ żball bħala indikatur ewlieni tal-prestazzjoni dwar ir-regolarità. Id-DĠ REGIO rrapporta indikatur ewlieni tal-prestazzjoni ta’ 1.9 % u “rata massima” ta’ 2.5 %. Ir-rati tad-DĠ EMPL kienu 1.7 % għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni u 2.4 % għar-riskju massimu. Il-Kummissjoni użat dawn ir-rati ta’ żball fl-AMPR 2021 biex tipprovdi informazzjoni dwar ir-regolarità. Hija rrappurtat riskju kombinat fil-waqt tal-pagament ta’ bejn 1.8 % u 2.5 % għas-Subintestatura 2a tal-QFP, dwar il-koeżjoni, u 1.7 % u 2.3 % għall-Intestatura 2 tal-QFP fl-intier tagħha.
Fl-2021, aħna ppubblikajna rapport speċjali li fih ipprovdejna dettalji dwar ir-rilevanza, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-livell ta’ żball annwali rrappurtat fir-RAA u fl-AMPR għall-infiq taħt il-koeżjoni. Ir-rapport appoġġa l-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rapport annwali tagħna matul dawn l-aħħar erba’ snin. Aħna sibna li l-Kummissjoni tipprovdi stima minima għal-livell ta’ żball li mhijiex finali (fil-livell tal-PO, fir-RAA u fl-AMPR) u li l-analiżijiet mhux fuq il-post huma ta’ valur limitat fil-konferma tal-validità tar-rati tal-iżball residwu totali rrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar.
B’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tagħna, il-Kummissjoni rrevediet il-metodoloġija tagħha għall-kalkolu tar-riskji massimi tagħha. B’mod partikolari, hija issa tapplika “żieda” għall-PO mhux awditjati, abbażi tar-rati ta’ żball irrappurtati mill-istess awtorità tal-awditjar għall-PO l-oħra, jew rata fissa jekk l-awtorità tal-awditjar tkun għadha ma ġietx awditjata. Madankollu, il-Kummissjoni ma tagħmilx dawn l-aġġustamenti fil-każ ta’ PO li jkunu ġew awditjati fi snin kontabilistiċi preċedenti, li għalihom tkompli toqgħod fuq l-analiżijiet mhux fuq il-post imwettqa minnha (li għandhom limitazzjonijiet inerenti meta mqabbla ma’ awditi tal-konformità). Barra minn hekk, il-livell taż-żieda jista’ ma jkunx suffiċjenti biex jagħmel tajjeb għall-iżbalji li l-Kummissjoni ma tkunx qabdet permezz tal-awditi tal-konformità tagħha.
Proċedura tal-istat tad-dritt
F’April 2022, il-Kummissjoni bagħtet notifika bil-miktub lill-Ungerija rigward ksur allegat tal-istat tad-dritt. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni jrid ikollha raġunijiet raġonevoli biex tqis li dan il-ksur jaffettwa jew jippreżenta riskju serju li tiġi affettwata l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew tal-interessi finanzjarji tal-UE. Fir-RAA 2021 tagħhom, la d-DĠ EMPL u lanqas id-DĠ REGIO ma għamlu xi referenza għal din il-proċedura li għadha għaddejja jew għal kif din tista’ taffettwa l-aċċertament li l-Kummissjoni tista’ tikseb mis-sistema ta’ kontroll u ta’ aċċertament tal-Ungerija.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- ittenni lill-awtoritajiet maniġerjali r-rekwiżiti marbuta mar-rimborż tal-benefiċjarji bl-użu ta’ metodoloġija li tkun differenti mill-għażliet ta’ spejjeż simplifikati (SCOs) użati għall-kalkolu tal-pagamenti mill-baġit tal-UE li jsiru lill-Istati Membri, filwaqt li tieħu kont b’mod partikolari tas-sitwazzjoni li ġiet identifikata din is-sena fi programm operazzjonali Irlandiż taħt il-FSE.
- tiżgura li, meta l-programmi operazzjonali jkunu bbażati fuq skemi nazzjonali eżistenti, l-operazzjoni implimentata tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-objettivi tal-programm, filwaqt li tieħu kont b’mod partikolari tas-sitwazzjoni li ġiet identifikata din is-sena b’rabta mal-parteċipanti NEET fil-programmi operazzjonali Spanjoli taħt il-FSE/YEI.
- ittenni lill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi li jridu jikkonfermaw l-istatus ta’ NEET tal-parteċipanti qabel ma jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-infiq għall-programmi taħt il-FSE/YEI mill-perjodu 2014-2020. Jenħtieġ li dawn il-kontrolli ta’ eliġibbiltà jsiru abbażi ta’ sorsi affidabbli u vverifikati, filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari tas-sitwazzjoni li ġiet identifikata din is-sena fil-PO Franċiżi u Irlandiżi taħt il-FSE/YEI;
- tivverifika li l-manifatturi ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 jikkonformaw mat-termini tal-ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem, b’mod partikolari fir-rigward tal-istimi tal-ispejjeż tal-produzzjoni, l-użu ta’ finanzjament bil-quddiem u, fejn applikabbli, il-klawżoli li jipprojbixxu l-profitt, u tieħu azzjoni korrettiva kif meħtieġ;
- ittenni lill-awtoritajiet tal-awditjar li l-qafas legali jirrikjedi li huma jżommu rendikont tal-entrati, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-proċeduri ta’ kampjunar tagħhom huma indipendenti, oġġettivi u mingħajr preġudizzju;
- fir-rapporti annwali tal-attività tagħha, tipprovdi informazzjoni dwar proċeduri tal-istat tad-dritt li jkunu għadhom għaddejjin fil-konfront tal-Istati Membri u dwar kif dawn jistgħu jaffettwaw l-aċċertament li l-Kummissjoni tista’ tikseb rigward ir-regolarità tal-infiq mis-sistemi ta’ aċċertament u ta’ kontroll tal-pajjiżi kkonċernati.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” tinsab fil-Kapitolu 5 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Riżorsi naturali
Total: EUR 56.8 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd, u parti mill-infiq tal-UE fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika.
Il-PAK tirrappreżenta 97 % tal-infiq fuq “Riżorsi naturali”. It-tliet objettivi ġenerali tagħha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE huma:
- produzzjoni vijabbli tal-ikel, b’enfasi fuq l-introjtu agrikolu, il-produttività agrikola u l-istabbiltà tal-prezz;
- ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, b’enfasi fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma; u
- żvilupp territorjali bbilanċjat.
L-infiq tal-PAK taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jinqasam f'żewġ kategoriji ġenerali:
- pagamenti diretti lill-bdiewa, li huma ffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE; u
- miżuri tas-suq fis-settur agrikolu, li huma wkoll iffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti miżuri kofinanzjati mill-Istati Membri, inklużi l-miżuri ta’ promozzjoni.
Barra minn hekk, il-PAK tappoġġa strateġiji u proġetti ta’ żvilupp rurali permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).
Din l-intestatura tal-QFP tkopri wkoll l-infiq tal-UE fuq il-politika marittima u tas-sajd, kif ukoll parti mill-infiq tal-UE fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika li tkopri programmi taħt il-FEMS u l-LIFE.
Għall-2021, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’din l-intestatura tal-QFP kien ta’ EUR 56.6 biljun.
Il-Kummissjoni tikkondividi l-ġestjoni tal-PAK mal-Istati Membri.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
|---|---|---|
| EUR 56.6 biljun | Qrib is-soll ta’ materjalità | 1.8 % (2020: 2.0 %) |
Ibbażat fuq l-iżbalji li kkwantifikajna u fuq evidenza oħra pprovduta mis-sistema ta’ kontroll, aħna nsibu li l-livell ta’ żball għal “Riżorsi naturali” huwa qrib is-soll ta’ materjalità.
Bħal fi snin preċedenti, għall-pagamenti diretti li huma prinċipalment ibbażati fuq l-erja tal-art agrikola ddikjarata mill-bdiewa u li jirrappreżentaw 67 % tal-infiq taħt “Riżorsi naturali”, ir-riżultati tagħna jindikaw li l-livell ta’ żball ma kienx materjali. Għall-bqija tal-oqsma (l-iżvilupp rurali, il-miżuri tas-suq, is-sajd, l-ambjent u l-azzjoni klimatika), li jirrappreżentaw 33 % tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP, ir-riżultati tagħna, meħuda fl-intier tagħhom, jindikaw livell materjali ta’ żball.
Pagamenti diretti lill-bdiewa: sistema ta' kontroll effettiva
L-għodda prinċipali ta’ ġestjoni għall-pagamenti diretti hija s-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), li tinkorpora s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS). Is-SIAK għenet biex jitnaqqas il-livell ta’ żball fil-pagamenti diretti, filwaqt li l-kontribut tal-LPIS huwa partikolarment sinifikanti.
Fl-84 tranżazzjoni tal-pagamenti diretti li ġew ittestjati, aħna sibna biss tliet żbalji żgħar kwantifikabbli, li rriżultaw minn bdiewa li ddikjaraw b’mod eċċessiv l-erja eliġibbli ta’ art agrikola.
Verifiki permezz tal-monitoraġġ
Mill-2018 ’il hawn, l-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri jistgħu jwettqu “verifiki permezz tal-monitoraġġ”. Dan l-approċċ juża proċessi awtomatizzati li huma bbażati fuq id-data tas-satelliti Sentinel tal-programm Copernicus tal-UE għall-verifikazzjoni tal-konformità ma’ ċerti regoli tal-PAK. Fejn il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha ta’ skema ta’ pagament partikolari jkunu jistgħu jiġu evalwati mill-ispazju, dan jippermetti li l-aġenziji tal-pagamenti jimmonitorjaw mill-bogħod il-popolazzjoni kollha tal-benefiċjarji tal-għajnuna.
Il-verifiki permezz tal-monitoraġġ jistgħu jintużaw biex iwissu lill-bdiewa dwar nuqqas ta’ konformità potenzjali mar-regoli tal-iskema ta’ pagament fi kwalunkwe ħin matul l-istaġun tat-tkabbir. Dan jipprovdi lill-bdiewa aktar opportunitajiet biex jirrettifikaw it-talbiet tagħhom qabel ma jiġu ffinalizzati.
Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna eżaminajna l-implimentazzjoni ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ fi Spanja u fl-Italja. Spanja ilha mill-2019 ’il hawn timplimenta verifiki bħal dawn għall-pagamenti diretti. Xi reġjuni estendew dawn il-verifiki għal għadd dejjem jikber ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali. Fl-Italja, il-verifiki koprew biss il-pagamenti diretti, iżda l-Italja biħsiebha testendi l-verifiki għal xi miżuri ta’ żvilupp rurali.
Il-Kummissjoni impenjat lilha nfisha li tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ. Fi tmiem l-2021, l-erja tal-iskemi prinċipali ta’ għajnuna diretta (pagamenti bażiċi u pagamenti uniċi skont l-erja) suġġetta għal verifiki permezz tal-monitoraġġ kienet ta’ 13.1 %.
Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, sajd, ambjent u azzjoni klimatika: riskju ogħla ta’ żball
Meta mqabbla mal-pagamenti diretti, dawn l-oqsma ta’ nfiq huma suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kumplessi, fatt li jżid ir-riskju ta’ żball.
Mill-104 tranżazzjonijiet tal-iżvilupp rurali li ttestjajna, 90 ma kinux milquta minn żball. Minn 13-il każ fejn sibna u kkwantifikajna żbalji, 6 minnhom kellhom impatt li jaqbeż l-20 %. Aħna sibna wkoll problema waħda ta’ konformità mingħajr impatt finanzjarju.
Eżempju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà agroambjentali klimatika
Fil-Polonja, bidwi rċieva għajnuna taħt il-miżura ta’ żvilupp rurali M10 “Miżura agroambjentali klimatika”. Il-bidwi ddikjara tliet irqajja’ art taħt il-miżura u kellu jirrispetta diversi impenji:
- jaqta’ l-ħaxix tal-erjas iddikjarati, darba bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru;
- fi tnejn mill-irqajja’ art, iħalli 15-20 % tal-erja mingħajr ma jaqta’ l-ħaxix; u
- jiġbor jew ipoġġi f’balal il-bijomassa tal-ħaxix maqtugħ, fi żmien ġimagħtejn minn meta jkun inqata’ l-ħaxix.
Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mid-data rreġistrata fir-reġistru tal-azjenda agrikola tal-benefiċjarju ma kinitx tirrifletti l-attività agrikola reali. Bl-użu ta’ evidenza mill-immaġnijiet bis-satellita Sentinel, stajna nistabbilixxu li:
- roqgħa art waħda ma kienx inqatgħalha l-ħaxix;
- waħda mill-irqajja’ art li kellha titħalla mingħajr ma jinqatgħalha l-ħaxix parzjalment kellha l-ħaxix maqtugħ kompletament; u
- fiż-żewġ irqajja’ art, id-data ta’ qtugħ tal-ħaxix kienet differenti minn dik irreġistrata mill-bidwi, fatt li wassalna biex nikkonkludu li l-bijomassa ta’ ħaxix maqtugħ inġabret jew tpoġġiet f’balal aktar minn ġimagħtejn wara l-qtugħ tal-ħaxix.
B’kont meħud tal-penalitajiet stabbiliti fir-regoli nazzjonali, dawn in-nuqqasijiet ta’ konformità wasslu għal żball ta’ 57 % għall-pagament awditjat.
Il-miżuri tas-suq fis-settur agrikolu jiffurmaw għadd ta’ skemi differenti li huma suġġetti għal diversi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Aħna ttestjajna 14-il tranżazzjoni u sibna 4 każijiet fejn l-aġenziji tal-pagamenti kienu rrimborżaw spejjeż ineliġibbli. L-erba’ żbalji kollha kienu taħt l-20 %.
Il-kriterji tal-għażla u r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà għal proġetti fil-qasam tas-sajd, l-ambjent u l-azzjoni klimatika jvarjaw ukoll. Fost l-erba’ tranżazzjonijiet taħt ġestjoni diretta li eżaminajna, aħna ma sibna l-ebda żball. Għal sitt tranżazzjonijiet oħra, li huma taħt ġestjoni kondiviża, aħna sibna tliet żbalji kwantifikati, li jinkludu wieħed ogħla minn 20 %, li rriżultaw mill-kalkolu skorrett tal-ispejjeż eliġibbli.
Verifiki ta’ koerenza
Għas-sena finanzjarja 2021, aħna eżaminajna l-kwalità u l-koerenza tal-istatistika ta’ kontroll u tad-data dwar pagamenti ppreżentati mill-Istati Membri, li ġew irrappurtati lill-Kummissjoni. B’mod kumplessiv, aħna sibna li s-sistemi tal-aġenziji tal-pagamenti magħżula kkalkulaw b’mod affidabbli l-pagamenti ta’ għajnuna, u li ħadu inkunsiderazzjoni b’mod korrett l-aġġustamenti li rriżultaw mid-data dwar il-kontroll.
Miżura M21
L-iskop prinċipali tal-miżura M21 (“Għajnuna temporanja eċċezzjonali għall-bdiewa u għall-SMEs partikolarment milquta mill-kriżi tal-COVID-19”) kien li tindirizza l-problemi ta’ likwidità għall-bdiewa u n-negozji żgħar u medji milquta mill-pandemija tal-COVID-19. Aħna eżaminajna l-implimentazzjoni tal-miżura f’erba’ Stati Membri. Identifikajna għadd limitat ta’ każijiet fejn il-benefiċjarji li ma kinux jissodisfaw il-kriterji għall-appoġġ irċevew fondi. Dan seta’ jiġi evitat mill-aġenziji tal-pagamenti, li kieku użaw is-sistema tas-SIAK minflok użaw l-iskedi tal-Excel.
Rappurtar mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) dwar ir-regolarità tal-infiq taħt il-PAK
Id-direttur ta’ kull aġenzija tal-pagamenti jipprovdi lid-DĠ AGRI dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni dwar l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-aġenzija tiegħu, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri jirrappurtaw kull sena dwar il-verifiki amministrattivi u l-verifiki fuq il-post (“statistika ta’ kontroll”) imwettqa minnhom.
Mill-2015 ’il hawn, sabiex jipprovdu aċċertament addizzjonali, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu meħtieġa jagħtu opinjoni annwali għal kull aġenzija tal-pagamenti dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq li għalih l-Istati Membri jkunu talbu rimborż.
Id-DĠ AGRI juża r-rati ta' żball irrappurtati fl-istatistika ta’ kontroll, jagħmel aġġustamenti bbażati fuq ir-riżultati tal-awditi li jitwettqu mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni u tal-awditi proprji tiegħu tas-sistemi u l-infiq tal-aġenziji tal-pagamenti, biex jikkalkula ċifra għar-“riskju fil-waqt tal-pagament”. Huwa stma li r-riskju fil-waqt tal-pagament huwa ta’ madwar 1.8 % għall-infiq taħt il-PAK fl-intier tiegħu fl-2021. Id-DG AGRI stma riskju fil-waqt tal-pagament (rata ta’ żball aġġustata) ta’ madwar 1.4 % għall-pagamenti diretti, 2.9 % għall-iżvilupp rurali u 2.1 % għall-miżuri tas-suq.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- ibbażat fuq l-esperjenza tal-użu ta’ “verifiki permezz tal-monitoraġġ”, tiġi faċilitata l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-użu li l-Istati Membri jagħmlu minn teknoloġiji ġodda għat-twettiq tal-verifiki tagħhom tal-pagamenti taħt il-PAK, sabiex jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja mill-2023 ’il quddiem;
- jitwettqu awditi, u jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-evalwazzjonim sabiex jiġi kkonfermat li l-finanzjament taħt il-miżura M21 kien immirat kif xieraq lejn benefiċjarji eliġibbli li qed ibatu minn problemi ta’ likwidità li jpoġġu f’riskju l-kontinwità tal-attivitajiet tal-biedja jew tan-negozju tagħhom.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali” tinsab fil-Kapitolu 6 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna
Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri
Sigurtà u difiża
Total: EUR 3.2 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq jinkludi diversi politiki relatati mal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri (Intestatura 4 tal-QFP) kif ukoll is-sigurtà u d-difiża (Intestatura 5 tal-QFP). Aħna nirrappurtaw dwar dawn l-intestaturi f’kapitolu komuni, peress li kienu prinċipalment ibbaġitjati u rreġistrati taħt intestatura waħda, il-QFP3 “Sigurtà u ċittadinanza”, fil-perjodu preċedenti tal-QFP.
Għall-Intestatura 4 “Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri”, il-biċċa l-kbira mill-infiq kien jikkonċerna l-ikkompletar ta’ proġetti u skemi mill-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti (2014-2020) taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna – Strument għall-Fruntieri u l-Viżi (FSI-BV).
Dawn iż-żewġ fondi għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u jwasslu għal approċċ komuni tal-UE għall-ażil u l-migrazzjoni (AMIF), u li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà fl-UE filwaqt li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar leġittimu, permezz ta’ livell uniformi u għoli ta’ kontroll fil-fruntieri esterni u l-ipproċessar effettiv tal-viżi ta’ Schengen (FSI-BV). Il-ġestjoni tagħhom kienet fil-biċċa l-kbira kondiviża bejn id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME) tal-Kummissjoni u l-Istati Membri.
Qasam ta’ nfiq sinifikanti ieħor għall-Intestatura 4 huwa l-finanzjament għal tliet aġenziji deċentralizzati (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil – EUAA, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta – Frontex, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja – eu-LISA) li huma attivi fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin tal-UE fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri. Aħna nirrappurtaw separatament dwar l-infiq tal-aġenziji tal-UE fir-rapporti annwali speċifiċi tagħna u f’sommarju annwali intitolat “Awditu tal-aġenziji tal-UE fil-qosor”.
Għall-2021, il-popolazzjoni li awditjajna għall-Intestatura 4 tal-QFP kienet ta’ EUR 2.6 biljun.
Għall-Intestatura 5 “Sigurtà u difiża” tal-QFP, il-komponent “sigurtà” jinkludi l-ikkompletar ta’ finanzjament mill-istrument Fond għas-Sigurtà Interna – Pulizija (FSI-P) għall-perjodu 2014-2020, finanzjament għad-dekummissjonar nukleari (appoġġ finanzjarju tal-UE għad-dekummissjonar ta’ installazzjonijiet nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja), u finanzjament għal tliet aġenziji deċentralizzati tal-UE fil-qasam tas-sigurtà (iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga – EMCDDA, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi – Europol, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi – CEPOL). Il-komponent “difiża” jinkludi l-Fond Ewropew għad-Difiża, li jappoġġa proġetti ta’ difiża kollaborattivi fl-istadji kollha tar-riċerka u l-iżvilupp.
Fl-2021, il-popolazzjoni li awditjajna għall-Intestatura 5 tal-QFP kienet ta’ EUR 0.6 biljun.
X’sibna
Fl-2021, aħna eżaminajna kampjun ta’ 28 tranżazzjoni. Dan il-kampjun, filwaqt li jikkontribwixxi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni kumplessiva, mhuwiex rappreżentattiv tal-infiq taħt l-Intestaturi 4 u 5 tal-QFP. Għalhekk ma nistgħux nipprovdu stima tar-rata ta’ żball għal dawn l-intestaturi tal-QFP.
Mit-28 tranżazzjoni li eżaminajna, 9 (32 %) kienu milquta minn żbalji. Aħna kkwantifikajna sitt żbalji li kellhom impatt fuq l-ammonti ddebitati lill-baġit tal-UE. Sibna wkoll sitt każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali u finanzjarji, iżda li ma kellhom l-ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE.
Eżempju: Akkwiżizzjoni ta’ tipi ta’ vetturi ineliġibbli
Aħna awditjajna proġett taħt il-FSI-Pulizija taħt ġestjoni kondiviża mal-Bulgarija. Il-proġett kien implimentat minn dipartiment ministerjali u kien jikkonsisti mill-akkwist ta’ 18-il vettura off-road ġdida.
Għażilna b’mod aleatorju kampjun ta’ 10 vetturi mixtrija matul il-proġett għal kontrolli dettaljati. Minn dawk il-vetturi, sibna li ħamsa biss kienu jissodisfaw id-definizzjoni ta’ vetturi off-road li tinsab fid-Direttiva 2007/46/KE. Għalhekk qisna li 50 % tal-ispejjeż tal-proġett kienu nfiq ineliġibbli. Barra minn hekk, ir-reġistru tal-użu tal-vetturi ma kienx suffiċjentement dettaljat biex juri li l-vetturi mixtrija kienu qegħdin jintużaw unikament b’rabta mal-proġett.
Ir-rieżaminar li wettaqna tax-xogħol li sar minn tliet awtoritajiet tal-awditjar wera li kienu żviluppaw u implimentaw proċeduri dettaljati ta’ kwalità suffiċjenti biex jirrappurtaw dwar ix-xogħol tagħhom fir-rapport annwali ta’ kontroll li huma jipprovdu lill-Kummissjoni. Madankollu, aħna sibna nuqqasijiet fix-xogħol tal-awditjar u fir-rappurtar tagħhom.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Aħna rrieżaminajna r-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ HOME u ma sibna l-ebda informazzjoni li għandha mnejn tikkontradixxi s-sejbiet tagħna. Billi l-kontrolli li wettaqna fuq 25 tranżazzjoni jikkonċernaw biss proporzjon żgħir tat-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tad-DĠ HOME, ma stajniex nivverifikaw id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-DĠ mar-riżultati tax-xogħol tal-awditjar tagħna.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tipprovdi aktar gwida lill-benefiċjarji tal-azzjoni u l-assistenza ta’ emerġenza mogħtija mill-UE, u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni tal-finanzjament minn DĠ HOME, biex jaderixxu ma’:
- ir-regoli għall-ġbir ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn xierqa li tista’ tiġi prodotta f’każ ta’ kontrolli jew awditi; u
- l-obbligu ta’ konformità mar-regoli nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku meta jinxtraw oġġetti jew servizzi;
- twettaq kontrolli ex ante mmirati aħjar fuq l-eliġibbiltà tal-infiq, speċjalment f’każ ta’ assistenza ta’ emerġenza, b’fokus speċifiku fuq ir-riskji potenzjali relatati ma’:
- it-tip ta’ nefqa (eż. l-akkwist);
- it-tip ta’ benefiċjarju (eż. benefiċjarji bi ftit jew l-ebda esperjenza fil-finanzjament tal-UE).
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri/Sigurtà u difiża” tinsab fil-Kapitolu 7 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Viċinat u d-dinja
Total: EUR 10.9 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri n-nefqa fuq l-azzjoni esterna kollha ffinanzjata mill-baġit tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp). Il-politiki għandhom l-għan li: jiddefendu u jippromwovu l-valuri, il-prinċipji u l-interessi fundamentali tal-UE madwar id-dinja, u jgħinu fil-promozzjoni tal-multilateraliżmu u ta’ sħubijiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi mhux tal-UE biex jappoġġaw lill-pajjiżi benefiċjarji fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa għall-allinjament mal-valuri tal-UE bil-ħsieb ta’ sħubija, u b’hekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tagħhom.
Il-pagamenti jiġu żborżati bl-użu ta’ diversi strumenti u metodi ta’ twassil bħal pereżempju kuntratti ta’ xogħlijiet/provvisti/servizzi, għotjiet, self speċjali, garanziji ta’ self u assistenza finanzjarja, appoġġ baġitarju u forom immirati oħra ta’ għajnuna baġitarja f’iktar minn 150 pajjiż.
Għall-2021, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 10 biljun.
X’sibna
Irrieżaminajna kampjun ta’ 67 tranżazzjoni li, filwaqt li jikkontribwixxi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni kumplessiva tagħna, mhuwiex rappreżentattiv tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP. Għalhekk ma nistgħux nipprovdu stima tar-rata ta’ żball għal din l-intestatura tal-QFP.
Mis-67 tranżazzjoni li eżaminajna, 32 (48 %) kienu milquta minn żbalji. Minkejja d-daqs limitat tal-kampjun, ir-riżultati tal-awditjar tagħna jikkonfermaw li r-riskju ta’ żball f’din l-intestatura tal-QFP huwa għoli. Aħna kkwantifikajna 24 żball li kellhom impatt fuq l-ammonti ddebitati lill-baġit tal-UE. L-aktar kategoriji komuni ta’ żball kienu: infiq mhux imġarrab, spejjeż ineliġibbli, nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn u żbalji fl-akkwist pubbliku.
Eżempju: Parti mill-infiq mhux imġarrab
DĠ NEAR
Aħna awditjajna l-infiq mitlub taħt ftehim ta’ kontribuzzjoni minn organizzazzjoni internazzjonali ddedikata għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa għal azzjoni li għandha l-għan li tisfida l-istereotipi tal-ġeneru fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Skont il-ftehim ta’ kontribuzzjoni, l-ispiża stmata totali tal-azzjoni hija ta’ EUR 7.9 miljun, b’kontribuzzjoni mill-UE sa massimu ta’ EUR 7 miljun.
Għall-ewwel 12-il xahar tal-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ 3 snin, il-benefiċjarju rrapporta EUR 2.2 miljun fi nfiq imġarrab, li l-Kummissjoni aċċettat. Aħna eżaminajna d-dokumenti ta’ sostenn u sibna li l-infiq eliġibbli kien jammonta għal EUR 1.2 miljun biss. L-organizzazzjoni internazzjonali kienet irrappurtat b’mod żbaljat EUR 977 434 bħala nfiq imġarrab. Għalkemm kienet impenjat dan l-ammont, fil-verità kienet għadha ma nefqitux. Għalhekk il-Kummissjoni kienet approvat b’mod skorrett 44 % tal-ammont awditjat.
It-tranżazzjonijiet relatati mal-appoġġ baġitarju u mal-proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali taħt l-“approċċ nozzjonali” (fejn il-kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni għal proġetti ffinanzjati minn bosta donaturi jinġabru flimkien ma’ dawk minn donaturi oħra u ma jiġux assenjati għal partiti speċifiċi u identifikabbli ta’ nfiq) kienu inqas suxxettibbli għal żball. Fl-2021, aħna qbadna żball wieħed f’kull wieħed minn dawn l-oqsma ta’ nfiq.
Bħal fi snin preċedenti, xi organizzazzjonijiet internazzjonali pprovdew biss aċċess limitat għad-dokumenti, (eż. f’format li jinqara biss), li jfisser li ma stajniex nagħmlu kopji tagħhom. Dawn il-problemi fixklu l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-awditu li wettaqna u wasslu għal dewmien f’xogħolna. Għalkemm il-Kummissjoni tejbet il-komunikazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, aħna għad għandna diffikultajiet biex niksbu d-dokumentazzjoni mitluba.
Studju dwar l-RER tad-DĠ NEAR
Fl-2021, id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR) kellu s-seba’ studju tiegħu dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) imwettaq minn kuntrattur estern f’ismu. L-iskop ta’ dan l-istudju huwa li tiġi stmata r-rata ta’ dawk l-iżbalji mhux maqbuda mill-kontrolli ta’ ġestjoni kollha tad-DĠ NEAR għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ tali żbalji fil-qasam kollu kemm hu ta’ responsabbiltà tiegħu, sabiex tintlaħaq konklużjoni dwar l-effettività ta’ dawk il-kontrolli. Huwa ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu.
Bħal fi snin preċedenti, huma stmaw RER kumplessiva għad-DĠ NEAR li kienet taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % stabbilit mill-Kummissjoni (2021: 1.05 %; 2020: 1.36 %).
Ir-rapporti annwali preċedenti tagħna diġà ddeskrivew limitazzjonijiet fl-istudji li jistgħu jikkontribwixxu għall-istima insuffiċjenti tal-RER.
Il-popolazzjoni għall-eżerċizzju tal-RER 2021 eskludiet il-“kuntratti l-qodma” li ngħalqu matul il-perjodu ta’ referenza b’valur totali ta’ EUR 389 miljun u l-kuntratti ta’ għotjiet tematiċi tad-DĠ NEAR li ammontaw għal EUR 50 miljun. Fl-ammont ta’ EUR 439 miljun, iż-żewġ tipi ta’ kuntratti esklużi msemmija hawn fuq flimkien jirrappreżentaw madwar 20 % tal-portafoll tad-DĠ NEAR ta’ kuntratti magħluqa b’valur ta’ EUR 2.27 biljun. Dan huwa sehem sostanzjali x’jiġi eskluż b’mod permanenti minn kwalunkwe rieżaminar tal-RER, speċjalment meta jitqies li l-popolazzjoni finali tal-kampjunar tal-RER għar-“rata ta’ żball globali (idderivata mid-DĠ)” għandha valur ta’ madwar EUR 1.7 biljun, u għandha mnejn tirriżulta f’sitwazzjoni fejn żbalji jibqgħu ma jinqabdux. L-esklużjoni ta’ dawn il-kuntratti tirrappreżenta limitazzjoni mhux iddivulgata mid-DĠ NEAR fir-Rapport Annwali tal-Attività 2021 tiegħu.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Ibbażat fuq ir-rata baxxa tal-iżball residwu stmata, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ ECHO ddikjara li l-esponiment finanzjarju tad-DĠ kien taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %. Billi proporzjon żgħir biss tal-kontrolli li wettaqna jikkonċerna tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tad-DĠ ECHO, ma nistgħux nivverifikaw din id-dikjarazzjoni abbażi tar-riżultati ta’ xogħolna.
Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżijiet politiċi qiegħdu f’riskju t-twassil tal-għajnuna umanitarja, billi rrestrinġew jew ipprevienu l-aċċess lin-nies affettwati minn kriżi umanitarja. Dan ir-riskju jikkonċerna mhux biss il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet umanitarji, iżda wkoll it-twassil tal-għajnuna nnifisha kif ukoll il-kontrolli relatati.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tieħu miżuri xierqa bl-għan li tiżgura li kwalunkwe impenn jew pagament bil-quddiem mitlub bħala spejjeż imġarrba mill-benefiċjarji fir-rapporti finanzjarji tagħhom jitnaqqsu qabel ma jsiru l-pagamenti jew l-approvazzjonijiet;
- issaħħaħ il-kontrolli meta tfassal ftehimiet ta’ finanzjament għal operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet ċari fil-ftehimiet ta’ finanzjament rigward it-trasferiment ta’ fondi lejn il-kont tat-teżor fil-bank ċentrali tal-pajjiż benefiċjarju u r-rata tal-kambju applikabbli; jenħtieġ li dawn ikunu konsistenti mal-linji gwida tal-appoġġ baġitarju.
- tiddivulga t-tip u l-valur ta’ kuntratti esklużi mill-popolazzjoni tal-istudju dwar l-RER fir-Rapport Annwali tal-Attività 2022 u fir-rapporti annwali tal-attività futuri.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Viċinat u d-Dinja” tinsab fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Amministrazzjoni pubblika Ewropea
Total: EUR 10.7 biljun
X’awditjajna
L-awditu tagħna kopra l-infiq amministrattiv tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE: il-Parlament Ewropew (PE), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS).
Fl-2021, l-istituzzjonijiet u l-korpi nefqu total ta’ EUR 10.7 biljun fuq l-amministrazzjoni. Dan l-ammont kien jinkludi nfiq fuq riżorsi umani u pensjonijiet (madwar 68 % tat-total), bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u teknoloġija tal-informazzjoni.
Awditur estern jeżamina r-rapporti finanzjarji proprji tagħna. Kull sena, aħna nippubblikaw l-opinjoni u r-rapport tal-awditjar li jirriżultaw f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? |
|---|---|
| EUR 10.7 biljun | Le – Ħieles minn żball materjali kemm fl-2021 kif ukoll fl-2020 |
Fl-2021, aħna eżaminajna sistemi ta’ superviżjoni u kontroll magħżula tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Eżaminajna wkoll 60 tranżazzjoni.
Bħal fi snin preċedenti, nistmaw li l-livell ta’ żball huwa taħt is-soll ta’ materjalità.
Aħna ma identifikajna l-ebda problema speċifika li tikkonċerna l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-QĠUE, il-KESE, il-KtR, l-Ombudsman Ewropew u l-EDPS. Ibbażat fuq ix-xogħol li wettaq, l-awditur estern tagħna ma rrapporta l-ebda problema speċifika.
ll-Parlament Ewropew
Qbadna żewġ żbalji kwantifikabbli f’pagamenti li saru mill-Parlament Ewropew. Wieħed kien jikkonċerna pagament eċċessiv żgħir għal servizzi tal-IT ikkawżat mill-applikazzjoni skorretta tat-termini kuntrattwali. L-ieħor kien relatat ma’ pagament li sar mill-Parlament Ewropew lil grupp politiku Ewropew. Ir-regoli interni tal-Parlament Ewropew dwar l-akkwist huma inkonsistenti mar-Regolament Finanzjarju billi jillimitaw il-kompetizzjoni. Aħna sibna li l-grupp politiku ma segwiex bis-sħiħ dawn ir-regoli interni, billi ma fittixx biżżejjed offerenti u ma ddokumentax b’mod adegwat il-kriterji li uża biex jagħti l-kuntratt.
Barra minn hekk, eżaminajna pagament ta’ EUR 74.9 miljun marbut max-xiri ta’ bini fi Brussell. Aħna osservajna li kien jiswa 30 % aktar għal kull metru kwadru mill-bini l-ieħor li tqis mill-Parlament u li l-kriterji għall-għoti naqqsu sinifikattivament l-importanza tal-prezz bħala bażi għad-deċiżjoni ta’ xiri, li jfisser li aktarx ma kinitx tiġi aċċettata xi offertà oħra.
Il-Kummissjoni Ewropea
Sibna żball wieħed kwantifikabbli fil-pagamenti li saru mill-Kummissjoni, li jikkonċerna tnaqqis skorrett żgħir mill-pagamenti tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, aħna osservajna li l-Kummissjoni kienet issospendiet temporanjament ċerti kontrolli ta’ verifikazzjoni fuq l-intitolamenti tal-pensjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Qbadna żewġ żbalji kwantifikabbli f’pagamenti li saru mis-SEAE. Wieħed kien jikkonċerna n-nuqqas ta’ kuntratt sottostanti għal servizzi akkwistati minn Delegazzjoni tal-UE. L-ieħor kien jirrigwarda allowances imħallsa lil membru tal-persunal li ma kienx iddikjara tibdil reċenti fis-sitwazzjoni personali tiegħu.
Barra minn hekk, aħna eżaminajna l-proċeduri ta’ akkwist u ta’ reklutaġġ lokali organizzati mid-Delegazzjonijiet tal-UE. Filwaqt li s-SEAE għamel titjib fil-proċess ta’ akkwist, xorta waħda qbadna xi dgħufijiet. Għal nofs il-proċeduri ta’ akkwist li eżaminajna, sibna xi defiċjenzi fil-mod li bih id-Delegazzjonijiet tal-UE applikaw ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Aħna sibna wkoll xi dgħufijiet fil-proċeduri ta’ reklutaġġ kollha għal aġenti lokali li eżaminajna. Dawn setgħu fixklu t-trasparenza tal-proċess ta’ reklutaġġ, l-identifikazzjoni tal-aqwa kandidati u t-trattament indaqs.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li:
- Jenħtieġ li l-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew tirrevedi l-linji gwida tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku mill-gruppi politiċi, u jenħtieġ li tipproponi reviżjoni ta’ dawn ir-regoli lill-Bureau tal-Parlament biex tallinjahom aħjar mar-Regolament Finanzjarju. Jenħtieġ li timmonitorja aħjar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli;
- Jenħtieġ li s-SEAE jieħu miżuri xierqa biex jiżgura l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist mid-Delegazzjonijiet tal-UE bħal pereżempju tisħiħ fit-taħriġ, titjib tal-linji gwida u l-mudelli;
- Jenħtieġ li s-SEAE jsaħħaħ it-taħriġ u l-gwida dwar il-proċeduri ta’ reklutaġġ tad-Delegazzjonijiet tal-UE għall-aġenti lokali biex jiżgura l-konformità mal-prinċipji tat-trasparenza u tat-trattament indaqs. Jenħtieġ ukoll li jsaħħaħ is-sorveljanza tiegħu biex jara li d-Delegazzjonijiet tal-UE jiddokumentaw il-passi rilevanti tal-proċess ta’ reklutaġġ.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Amministrazzjoni pubblika Ewropea” tinsab fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Total: EUR 46.4 biljun
X’awditjajna
Fl-2021, għall-ewwel darba l-ħidma tagħna kopriet ukoll il-pagament uniku li sar lil Spanja mill-RRF. Il-faċilità hija l-komponent prinċipali tal-pakkett NGEU, li għandu l-għan li jappoġġa l-irkupru mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. L-RRF hija strument temporanju mwassal u ffinanzjat b’mod li huwa fundamentalment differenti mill-infiq tal-baġit taħt l-oqfsa finanzjarji pluriennali. B’mod differenti għall-infiq tal-baġit tal-UE, li huwa bbażat fuq ir-rimborż tal-ispejjeż u/jew fuq il-konformità mal-kundizzjonijiet, taħt l-RRF, l-Istati Membri jitħallsu għall-ilħuq ta’ stadji importanti jew miri predefiniti.
Il-popolazzjoni li awditjajna kienet tinkludi l-uniku żborż tal-2021, pagament li sar lil Spanja, u l-approvazzjoni tal-prefinanzjament relatat.
It-talba Spanjola għall-pagament (datata l-11 ta’ Novembru 2021) kienet tinkludi 52 stadju importanti, li Spanja rrappurtat bħala li ntlaħqu. L-ammont imħallas lil Spanja kien ta’ EUR 11.5-il biljun. Il-Kummissjoni adottat il-valutazzjoni preliminari pożittiva tagħha fit-3 ta’ Diċembru 2021 u, wara li rċeviet l-opinjoni pożittiva tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Kunsill, awtorizzat l-iżborż fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2021. Hija ħallset EUR 10 biljun lil Spanja fis-27 ta’ Diċembru 2021, u fl-istess ħin approvat prefinanzjament ta’ EUR 1.5 biljun.
Ir-riżultati ta’ xogħolna jiffurmaw il-bażi għall-Opinjoni tagħna tal-2021 dwar ir-regolarità tal-infiq taħt l-RRF.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? |
|---|---|
| EUR 11.5-il biljun | Le |
L-awditu li wettaqna kopra r-regolarità tal-pagament taħt l-RRF li sar lil Spanja. Aħna bbażajna l-valutazzjoni tagħna fuq il-kundizzjoni għall-pagament, jiġifieri li l-istadji importanti u l-miri kif iddefiniti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (CID) kienu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Biex nagħmlu dan, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx ġabret evidenza suffiċjenti u xierqa biex tappoġġa l-valutazzjoni tagħha tal-ilħuq sodisfaċenti tat-52 stadju importanti inklużi fit-talba Spanjola għall-pagament. Il-konformità mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali ma tagħmilx parti minn din il-valutazzjoni.
L-evidenza kumplessiva għall-awditjar li ksibna permezz tax-xogħol li wettaqna tindika li wieħed mit-52 stadju importanti li huma assoċjati mal-ewwel żborż lil Spanja ma ntlaħaqx b’mod sodisfaċenti. Il-Kummissjoni għadha ma ddefinietx metodu għall-kwantifikazzjoni tal-impatt relatat man-nuqqas ta’ lħuq ta’ stadju importanti jew mira. Il-fehma tagħna stess hija li l-iżball mhuwiex materjali.
Stadju Importanti 395 “Modifiki tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv fl-2021”
Deskrizzjoni tal-Istadju Importanti 395 (ir-Riforma C28.R8) fl-Anness tas-CID (p. 244):
“Id-dħul fis-seħħ tal-modifiki introdotti mil-Liġi tal-Baġit għall-2021 u r-regolamenti tal-iżvilupp relatati mat-Taxxa fuq l-Introjtu Korporattiv biex jiżdied id-dħul mit-taxxa korporattiva.”
Deskrizzjoni tar-Riforma 8 (C28.R8) – Miżuri ta’ taxxa għall-adozzjoni fuq medda qasira ta’ żmien fit-taxxa korporattiva – fl-Anness tas-CID (p. 241):
“Ir-riforma għandha temenda l-Att dwar it-Taxxa Korporattiva sabiex iżżid il-kontribuzzjoni ta’ din it-taxxa għall-appoġġ tal-infiq pubbliku, filwaqt li tintroduċi wkoll simplifikazzjonijiet għall-eżenzjonijiet u t-tnaqqis sabiex tiġi żgurata rata minima ta’ 15 % mill-kontribwenti. Min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni tad-dividendi u tal-qligħ kapitali ġġenerat mis-sehem tagħhom f’sussidjarji, kemm residenti kif ukoll mhux residenti fit-territorju Spanjol, għandha titnaqqas b’5 %. L-implimentazzjoni tal-miżura għandha titlesta sal-31 ta’ Marzu 2021”.
Il-Kummissjoni vvalutat b’mod xieraq l-element dwar it-tnaqqis tal-eżenzjoni għad-dividendi u l-qligħ kapitali. Madankollu, hija ma vvalutatx l-element tar-riforma ta’ rata minima ta’ 15 %, kif previst fid-deskrizzjoni tar-riforma li tinsab fis-CID.
Dgħufijiet oħra li nstabu fix-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni meta vvalutat l-istadji importanti, jikkonċernaw il-kriterji mhux suffiċjentement robusti għall-istadju importanti tal-kontroll, u dokumentazzjoni mhux suffiċjenti ta’ xogħolha, għalkemm dan ma jaffettwax il-valutazzjoni tal-ilħuq tal-istadju importanti.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tiġġustifika b’mod ċar u trasparenti l-elementi, li jinsabu fl-Arranġamenti Operazzjonali u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, li hija ma tqisx li huma rilevanti għall-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri;
- tiżviluppa metodoloġija biex tiddetermina l-ammont li għandu jiġi sospiż f’konformità mal-Artikoli 24.6 u 24.8 tar-Regolament dwar l-RRF;
- ittejjeb id-dokumentazzjoni tal-valutazzjoni tal-istadji importanti u l-miri billi tiddokumenta bis-sħiħ l-elementi kollha eżaminati matul ix-xogħol ex ante.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza” tinsab fil-Kapitolu 10 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
Total: EUR 3.4 biljun
X’awditjajna
Imnedija fl-1959, il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) kienu l-istrument prinċipali li permezz tiegħu l-UE pprovdiet għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE) sa tmiem l-2020, filwaqt li l-QFP 2014-2020 ġie kopert mill-11-il (u l-aħħar) FEŻ. Il-qafas li jirregola r-relazzjoni tal-UE mal-pajjiżi AKP u l-PTEE kien ftehim ta’ sħubija li ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 għal perjodu ta’ 20 sena. L-objettiv primarju tiegħu kien li jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar, skont l-objettiv primarju tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għall-QFP 2021-2027, l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku ġiet integrata fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (“NDICI-Ewropa Globali”) u l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-PTEE ġiet inkorporata fid-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Ekstra-Ewropea, inkluża Greenland. Madankollu, it-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ infushom ma ġewx inkorporati fil-baġit ġenerali tal-UE u jkomplu jiġu implimentati u rrappurtati separatament sal-għeluq tagħhom.
Għall-2021, il-valur totali tal-infiq li kien suġġett għall-awditjar li wettaqna f’dan il-qasam kien ta’ EUR 3.1 biljun. Dan l-infiq jirrigwarda d-9, l-10 u l-11-il FEŻ.
Il-FEŻ huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni, barra mill-qafas tal-baġit ġenerali tal-UE, u mill-BEI. Id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA, ex DĠ DEVCO) huwa d-DĠ prinċipali responsabbli.
X’sibna
Il-kontijiet għall-2021 ma kinux milquta minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
Aħna nikkonkludu wkoll li d-dħul tal-FEŻ ma kienx fih livell ta’ żball materjali.
L-opinjoni tagħna dwar l-infiq għas-sena finanzjarja 2021 hija avversa:
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
|---|---|---|
| EUR 3.1 biljun | Iva | 4.6 % (2020: 3.8 %) |
Biex nawditjaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet, aħna eżaminajna kampjun ta’ 140 tranżazzjoni li kien rappreżentattiv tal-firxa sħiħa tal-infiq taħt il-FEŻ. Il-kampjun tagħna kien jinkludi 26 tranżazzjoni li kienu relatati mal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, 92 tranżazzjoni li ġew awtorizzati minn 17-il delegazzjoni tal-UE, u 22 pagament li ġew approvati mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni.
Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ma kienx possibbli li jitwettqu żjarat fuq il-post fid-delegazzjonijiet tal-UE, li aħna ssostitwejna b’analiżijiet mhux fuq il-post. Dan ma ħalliniex inwettqu ċerti proċeduri tal-awditjar, u b’mod partikolari ma stajniex nivverifikaw il-prestazzjoni tal-kuntratt għat-tranżazzjonijiet magħżula, u b’hekk illimita x-xogħol tal-awditjar tagħna. Kellna nadattaw l-approċċ tagħna, inwettqu analiżijiet mhux fuq il-post ta’ tranżazzjonijiet u proġetti, u nikkollaboraw mill-bogħod mal-entitajiet awditjati minna. Madankollu, aħna nqisu li l-evidenza miksuba tatna l-kapaċità nikkompletaw u nikkonkludu dwar xogħolna.
Mill-140 tranżazzjoni li eżaminajna, 54 (38.8 %) kien fihom żbalji. Ibbażat fuq it-43 żball li kkwantifikajna, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 4.6 %. It-tliet tipi ta’ żball l-aktar komuni kienu nfiq ineliġibbli (38.6 %), nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ sostenn (23.3 %), u nfiq mhux imġarrab (14.9 %).
Bħalma għamlu fl-2020, il-Kummissjoni u s-sħab tagħha inkarigati mill-implimentazzjoni wettqu aktar żbalji fi tranżazzjonijiet relatati ma’ għotjiet u ftehimiet ta’ kontribuzzjoni u ta’ delega ma’ pajjiżi benefiċjarji, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-Istati Membri milli għamlu f’forom oħra ta’ appoġġ (bħalma huma dawk li jkopru l-kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi). Mit-92 tranżazzjoni ta’ dan it-tip li eżaminajna, 39 kien fihom żbalji kwantifikabbli, li kienu jirrappreżentaw 81.2 % tal-livell ta’ żball stmat.
Eżempju: In-nuqqas ta’ bażi legali jirriżulta f’infiq ineliġibbli
Il-Kummissjoni ffirmat kuntratt ta’ għotja ma’ organizzazzjoni internazzjonali biex itejjeb il-funzjoni tal-ġestjoni tal-flus kontanti tan-Niġer u timplimenta kont uniku tat-teżor fil-pajjiż. L-ispiża totali ta’ din l-azzjoni kienet stmata għal EUR 1.4 miljun (kontribuzzjoni mill-UE ta’ 100%).
Aħna rrieżaminajna l-ftehim ta’ finanzjament, b’valur ta’ EUR 82 miljun, li ġie ffirmat bejn il-Kummissjoni u n-Niġer. Huwa kien jiddikjara li l-fondi kellhom jintefqu fuq appoġġ baġitarju u proġetti oħra, iżda ma kien fih l-ebda referenza għax-xogħol li għandu jsir fuq kont uniku tat-teżor. Il-ftehim ta’ finanzjament lanqas ma kien jipprevedi l-għoti ta’ kwalunkwe kuntratt relatat lill-organizzazzjoni kkonċernata jew lil kwalunkwe korp ieħor, minkejja li kien iċċitat bħala l-bażi legali għall-għotja kkonċernata. Il-valur kollu kemm hu tal-kuntratt (EUR 1.4 miljun) huwa milqut minn żball.
Bħal fi snin preċedenti, xi organizzazzjonijiet internazzjonali pprovdew biss aċċess limitat għad-dokumenti, (eż. f’format li jinqara biss), li jfisser li ma stajniex nagħmlu kopji tagħhom. Dawn il-problemi fixklu l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-awditu li wettaqna u wasslu għal dewmien f’xogħolna. Għalkemm il-Kummissjoni tejbet il-komunikazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, aħna għad għandna diffikultajiet ma’ wħud minnhom biex niksbu d-dokumentazzjoni mitluba.
Studju dwar l-RER tad-DĠ INTPA
Fl-2021, id-DĠ INTPA kellu l-10 studju tiegħu dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) imwettaq minn kuntrattur estern, biex jistma r-rata ta’ dawk l-iżbalji li ma jkunux inqabdu mill-kontrolli ta’ ġestjoni kollha tad-DĠ INTPA għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ tali żbalji fil-qasam kollu kemm hu ta’ responsabbiltà tiegħu, sabiex tintlaħaq konklużjoni dwar l-effettività ta’ dawk il-kontrolli.
Għall-istudju tiegħu tal-2021 dwar l-RER, id-DĠ INTPA applika daqs tal-kampjun ta’ 480 tranżazzjoni. Dan ippermettielu li għal darba oħra jippreżenta rati ta' żball separati għall-infiq iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-UE u għall-infiq iffinanzjat mill-FEŻ, flimkien mar-rata ta’ żball kumplessiva għat-tnejn f’daqqa. Għas-sitt sena konsekuttiva, l-RER kumplessiva stmata mill-istudju kienet tinsab taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % stabbilit mill-Kummissjoni (1.14 %).
L-istudju dwar l-RER ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu. Huwa bbażat fuq il-metodoloġija u l-manwal tal-RER li ġew ipprovduti mid-DĠ INTPA. Ir-rapporti annwali preċedenti tagħna dwar il-FEŻ diġà ddeskrivew limitazzjonijiet fl-istudji li setgħu kkontribwew għall-istima insuffiċjenti tal-RER.
Aspett wieħed tal-istudju dwar l-RER huwa l-grad ta’ dipendenza li titqiegħed fuq ix-xogħol ta’ awdituri oħra. F’dan ir-rigward, id-dipendenza sħiħa żdiedet minn 15 % tat-tranżazzjonijiet fl-2020 għal 34 % tat-tranżazzjonijiet fl-2021. Aħna nżommu l-fehma tagħna li t-tqegħid ta’ dipendenza estensiva bħal din fuq ix-xogħol ta’ awdituri oħra tmur kontra l-iskop ta’ studju dwar l-RER, li huwa li jistma r-rata tal-iżbalji li ma jkunux inqabdu mill-kontrolli ta’ ġestjoni kollha tad-DĠ INTPA għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ tali żbalji.
Rieżaminar tar-rapport annwali tal-attività tad-DĠ INTPA
Fir-Rapport Annwali tal-Attività 2021, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Ġenerali ma tinkludi l-ebda riżerva. Mill-2018 ’il quddiem, id-DĠ INTPA naqqas sinifikattivament l-ambitu tar-riżervi (jiġifieri s-sehem tal-infiq kopert minnhom).
Aħna nsibu li n-nuqqas ta’ riżervi fir-rapport annwali tal-attività 2021 tad-DĠ INTPA mhuwiex iġġustifikat u nqisu li dan jirriżulta parzjalment mil-limitazzjonijiet tal-istudju dwar l-RER.
Id-DĠ INTPA qed jaħdem biex itejjeb il-kwalità tad-data tiegħu għall-kalkolu tal-kapaċità korrettiva. Aħna rrieżaminajna l-kalkolu tal-kapaċità korrettiva għall-2021, li d-DĠ INTPA jistma għal EUR 13.62-il miljun. Wara li ttestjajna 35 % (skont il-valur) tal-popolazzjoni totali tal-irkupri, aħna ma identifikajna l-ebda żball fil-kampjun tagħna.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- issaħħaħ il-kontroll intern biex jiġi żgurat li l-ebda kuntratt ma jiġi ffirmat mingħajr l-eżistenza ta’ bażi legali valida.
- tieħu miżuri xierqa bl-għan li tiżgura li kwalunkwe impenn jew pagament bil-quddiem mitlub bħala spejjeż imġarrba mill-benefiċjarji fir-rapporti finanzjarji tagħhom jitnaqqsu qabel ma jsiru l-pagamenti jew l-approvazzjonijiet.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-FEŻ tinsab fir-Rapport Annwali 2021 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.
Informazzjoni ġenerali
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u x-xogħol tagħha
Il-QEA hija l-awditur indipendenti estern tal-Unjoni Ewropea. Is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu u timpjega madwar 900 persuna min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE f’attivitajiet professjonali u ta’ appoġġ.
Il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, u li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, kif ukoll li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.
Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali fil-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Dawn jintużaw biex jintalab rendikont mingħand dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri.
Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u prassi tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.
L-output tagħna
Aħna noħorġu:
- rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati ta’ xogħol tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità relatat mal-baġit tal-UE u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll ma’ aspetti li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-baġit;
- rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma speċifiċi ta’ politika jew ta’ nfiq, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni;
- rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE;
- opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva tagħna stess;
- rapporti analitiċi, li jipprovdu deskrizzjoni ta’ politiki, sistemi, strumenti jew suġġetti aktar iffukati, jew informazzjoni dwarhom.
Fl-aħħar nett, il-previżjonijiet ta’ awditi li noħorġu jippreżentaw informazzjoni ġenerali dwar kompitu tal-awditjar li jkun għad irid jitwettaq jew li jkun għaddej.
L-approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna – fil-qosor
L-opinjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.
Kif iddikjarat fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025, għall-QFP 2021-2027, aħna se nkomplu niżviluppaw l-approċċ tal-awditjar tagħna u nużaw id-data u l-informazzjoni disponibbli, li se jippermettulna nkomplu nipprovdu aċċertament qawwi, ibbażat fuq il-mandat tagħna skont it-Trattat u f’konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tal-awditjar tas-settur pubbliku.
Affidabbiltà tal-kontijiet
Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?
Kull sena, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jiġġeneraw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, filwaqt li jiġbru informazzjoni minn ħafna sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna nivverifikaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu kif suppost u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b'mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq fir-rapporti finanzjarji tal-UE. Għall-awditu tal-affidabbiltà tal-kontijiet, aħna ilna napplikaw l-approċċ ta’ attestazzjoni minn meta fformulajna l-ewwel opinjoni tagħna fl-1994.
- Nevalwaw is-sistema kontabilistika biex niżguraw li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta’ data affidabbli.
- Nivvalutaw proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex niżguraw li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
- Inwettqu kontrolli analitiċi tad-data kontabilistika biex niżguraw li din tiġi ppreżentata b’mod konsistenti u tkun tidher raġonevoli.
- Nivverifikaw b’mod dirett kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex niżguraw li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi jkunu jeżistu u li dawn ikunu ġew irreġistrati b’mod preċiż.
- Nivverifikaw ir-rapporti finanzjarji biex niżguraw li dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja b’mod ġust.
Regolarità tat-tranżazzjonijiet
It-tranżazzjonijiet relatati mal-introjtu u mal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż, u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli?
Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji, kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, aħna nivvalutaw is-sistemi li permezz tagħhom l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż (jiġifieri l-pagamenti finali u l-ikklerjar tal-pagamenti bil-quddiem) jiġu amministrati u vverifikati, u neżaminaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet.
Fejn it-termini tal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti jkunu ġew issodisfati, aħna nirrieżaminaw u nerġgħu nwettqu l-verifiki u l-kontrolli li jkunu twettqu minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għaldaqstant, aħna nieħdu kont sħiħ ta’ kull miżura korrettiva li tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ dawn il-verifiki.
- Nivvalutaw is-sistemi għad-dħul u l-infiq biex niddeterminaw kemm dawn huma effettivi biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet huma regolari.
- Nieħdu kampjuni statistiċi ta’ tranżazzjonijiet biex nipprovdu bażi għal ittestjar dettaljat mill-awdituri tagħna. Neżaminaw it-tranżazzjonijiet ikkampjunati fid-dettall, inklużi dawk għand ir-riċevituri finali (eż. bdiewa, istituti tar-riċerka jew kumpaniji li jipprovdu xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku), biex niksbu evidenza li kull avveniment ta’ bażi jkun jeżisti, ikun ġie rreġistrat kif xieraq u jkun jikkonforma mar-regoli biex isiru pagamenti.
- Aħna nanalizzaw l-iżbalji u nikklassifikawhom bħala kwantifikabbli jew mhux kwantifikabbli. It-tranżazzjonijiet ikunu milquta minn żball kwantifikabbli jekk, ibbażat fuq ir-regoli, il-pagament ma kellux jiġi awtorizzat. Nestrapolaw l-iżbalji kwantifikabbli biex niksbu livell ta’ żball stmat għal kull qasam li fih nagħmlu valutazzjoni speċifika. Imbagħad, inqabblu l-livell ta’ żball stmat ma’ soll ta’ materjalità ta’ 2 % u nivvalutaw jekk l-iżbalji jkunux pervażivi.
- L-opinjonijiet tagħna jieħdu kont ta’ dawn il-valutazzjonijiet u ta’ informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti minn awdituri esterni oħra.
- Aħna niddiskutu s-sejbiet kollha tagħna kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni biex nikkonfermaw li l-fatti tagħna huma korretti.
Il-prodotti kollha tagħna jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna: www.eca.europa.eu. Aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tinsab fl-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
| ISBN 978-92-847-8462-2 | doi:10.2865/415756 | QJ-07-22-618-MT-C | |
| ISBN 978-92-847-8479-0 | doi:10.2865/977799 | QJ-07-22-618-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-8510-0 | doi:10.2865/839294 | QJ-07-22-618-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
L-użu mill-ġdid tar-ritratti li ġejjin huwa awtorizzat dment li jiġu indikati d-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u, fejn ikun meħtieġ, l-ismijiet tal-fotografi/periti:
* u *: © L-Unjoni Ewropea, 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
*: © L-Unjoni Ewropea, 2018, sors: KE — Servizz Awdjoviżiv.
*: © L-Unjoni Ewropea, 2017, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Periti: Paul Noël (binja K1, 1988) u Jim Clemes (binja K2, 2004, u binja K3, 2013).
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
*, *, *, *, *, *, * u *: © Depositphotos.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.
