Rapport Speċjali
21 2020

Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE: jeħtieġ li tiġi vverifikata l-idoneità tiegħu

Dwar ir-rapport: L-awditu li wettaqna sab li, għall-perjodu minn Awwissu 2013 sa tmiem l-2018, il-Kummissjoni kellha riżorsi u għodod xierqa, inkluża struttura organizzazzjonali xierqa, biex twettaq il-kontroll tagħha tal-għajnuna li tingħata mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Madankollu, hija mhux dejjem kienet f’pożizzjoni li tużahom bis-sħiħ.
L-indikaturi tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni ma qabdux bis-sħiħ il-prestazzjoni tagħha. Aħna osservajna li r-realtajiet tas-suq kienu tjiebu matul il-perjodu awditjat u sakemm seħħet it-tifqigħa tal-COVID-19, u li l-qafas regolatorju kien inbidel, iżda li r-regoli applikabbli nfushom dwar l-għajnuna mill-Istat ilhom ma jiġu mmodifikati mill-2013.
Minbarra dan, aħna sibna li l-effettività tal-kontroll imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat jista’ jkun li xi drabi batiet minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma kkontestatx is-sottomissjonijiet, ippreżentati mill-Istati Membri, li l-kundizzjonijiet għal approvazzjoni eċċezzjonali tal-għajnuna mill-Istat kienu jeżistu f’kull każ individwali.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-għajnuna mill-Istat tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tagħti lill-benefiċjarji vantaġġ fuq il-kompetituri. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat, sakemm ma tkunx iġġustifikata f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jkunu ddefiniti tajjeb. Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli milli tiżgura li dan il-prinċipju jiġi osservat.

II

Meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja globali mill-2007 sal-2008, l-interventi tal-gvern tqiesu li huma meħtieġa biex jillimitaw it-theddida li l-banek kienu jippreżentaw għall-istabbiltà finanzjarja. Minn dak iż-żmien ’il hawn, l-UE introduċiet riformi maġġuri fil-qafas tagħha għas-settur finanzjarju, bl-għan li s-salvataġġi tal-banek ma jkunux meħtieġa fil-futur. Madankollu, għad hemm każijiet fejn il-banek jirċievu l-flus tal-kontribwenti. Il-Kummissjoni hija responsabbli milli tivvaluta l-kompatibbiltà ta’ tali miżuri mas-suq intern tal-UE, skont regoli li ġew stabbiliti matul il-kriżi u li ġew immodifikati l-aktar reċentement fl-2013.

III

L-objettiv tal-awditu kien li jivvaluta jekk, matul il-perjodu awditjat, il-Kummissjoni kinitx wettqet il-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji b’mod xieraq, bil-ħsieb li tiżgura li l-għajnuna kienet tingħata f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali u limitata għall-minimu meħtieġ. Aħna sibna li l-Kummissjoni kellha riżorsi u għodod xierqa biex twettaq il-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat, iżda mhux dejjem kienet f’pożizzjoni li tużahom bis-sħiħ.

IV

L-awditu li wettaqna kopra l-perjodu minn Awwissu 2013, id-data li fiha daħlu fis-seħħ ir-regoli attwali tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju, sa tmiem l-2018. Aħna eżaminajna partijiet mill-qafas ta’ kontroll intern (b’mod partikolari kif id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni kejjel il-prestazzjoni), l-istruttura organizzazzjonali, inklużi r-riżorsi, u l-qafas (ġuridiku) għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, inklużi r-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat. Minbarra dan, aħna eżaminajna l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat, inkluż jekk hija kinitx aderiet mal-proċessi u l-proċeduri interni tagħha.

V

Aħna sibna li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni kien stabbilixxa objettivi għall-eżerċitar tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat b’ċarezza suffiċjenti u identifika r-riskji għall-ilħuq tagħhom. Huwa kien stabbilixxa indikaturi biex ikejlu l-prestazzjoni tiegħu, kif kien meħtieġ, iżda dawn ma qabdux bis-sħiħ il-prestazzjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, huwa ma kienx evalwa formalment l-effettività tal-applikazzjoni tiegħu tar-regoli dwar il-kriżijiet matul il-perjodu kopert mill-awditu li wettaqna.

VI

Il-Kummissjoni kellha struttura organizzazzjonali xierqa għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji, li ppermettiet fluss xieraq ta’ informazzjoni u sorveljanza adegwata tal-ġestjoni. Il-Kummissjoni kienet stabbiliet qafas etiku robust, u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni ppromwova kultura etika b’saħħitha, inkluż impenn ta’ aderenza mal-ogħla standards professjonali. Il-Kummissjoni kienet allokat biżżejjed riżorsi tal-persunal għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Kummissjoni kellha s-setgħat meħtieġa għall-kontroll effettiv u effiċjenti tal-għajnuna mill-Istat. B’hekk, hija kellha l-mezzi biex tiżgura li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu bbażati fuq informazzjoni korretta.

VII

Ir-regoli tal-Kummissjoni għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju ġeneralment kienu mfassla tajjeb u ċari. Il-Kummissjoni kienet irrevediet u adattat dawn il-Komunikazzjonijiet hekk kif il-kundizzjonijiet ekonomiċi tjiebu fl-2010, fl-2011 u fl-2013, iżda minn dak iż-żmien ’il hawn hija ma kinitx għamlet dan. Aħna osservajna li r-realtajiet tas-suq kienu tjiebu matul il-perjodu awditjat u sakemm seħħet it-tifqigħa tal-COVID-19, u l-qafas regolatorju kien inbidel, iżda li r-regoli nfushom dwar l-għajnuna mill-Istat ilhom ma jinbidlu mill-2013.

VIII

L-attivitajiet tal-Kummissjoni rigward it-trattament tal-każijiet, fil-biċċa l-kbira, kienu konformi mal-proċessi interni. Il-Kummissjoni kienet ivvalutat il-pjanijiet ta’ ristrutturar b’mod rigoruż ħafna, u talbet informazzjoni dettaljata u skrutinizzatha bir-reqqa. Madankollu, hija ma kkontestatx is-sottomissjonijiet, ippreżentati mill-Istati Membri, li l-kundizzjonijiet għal approvazzjoni eċċezzjonali tal-għajnuna mill-Istat kienu jeżistu f’kull każ individwali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni kienet laħqet ftehim dwar miżuri intenzjonati biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mingħajr ma analizzat l-impatti fid-deċiżjonijiet li kienu ġew ippubblikati.

IX

Għalhekk, jista’ jkun meħtieġ li titqies ir-razzjonalizzazzjoni tal-kontroll imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju. Abbażi tal-osservazzjonijiet f’dan ir-rapport, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • Twettaq evalwazzjoni ta’ jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għadhomx xierqa u tieħu azzjoni korrettiva fejn ikun meħtieġ.
  • Issaħħaħ aktar il-konformità mal-proċessi interni u mal-aħjar prattiki.
  • Ittejjeb il-kejl tal-prestazzjoni.
X

Dan l-awditu tal-prestazzjoni jagħmel parti mill-ħidma tal-QEA fil-qasam tal-governanza finanzjarja u ekonomika. Huwa jikkomplementa r-rapporti tal-QEA li diġà ġew ippubblikati dwar is-superviżjoni finanzjarja u l-politika tal-kompetizzjoni u jista’ jikkontribwixxi għal diskussjonijiet dwar ir-riabilitazzjoni tas-settur bankarju tal-UE. Id-deċiżjoni li jitwettaq dan l-awditu rriżultat mill-osservazzjoni li 10 snin wara li faqqgħet il-kriżi finanzjarja s-settur bankarju tal-UE baqa’ benefiċjarju importanti tal-għajnuna mill-Istat, minkejja l-isforzi sinifikanti tal-UE biex tagħmel is-salvataġġi tal-banek mhux meħtieġa. Ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna ġie ffinalizzat qabel it-tifqigħa tal-COVID-19 u dan ir-rapport ma jiħux inkunsiderazzjoni l-iżviluppi l-ġodda u l-bidliet fil-politika li seħħew b’reazzjoni għall-pandemija. Madankollu, huwa jipprovdi lezzjonijiet li jibqgħu rilevanti: (a) huwa importanti li jiġi żgurat li l-għajnuna għall-mitigazzjoni ta’ kriżi tkun limitata għad-dannu kkawżat mill-kriżi u (b) jenħtieġ li l-użu tar-regoli dwar il-kriżijiet jiġi evalwat mill-ġdid ladarba tbatti l-kriżi. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat rigward il-banek, li kienu s-suġġett ta’ dan l-awditu, jibqgħu applikabbli flimkien mal-inizjattivi li l-Kummissjoni ħadet minn meta ntemm l-awditu, bħall-istabbiliment tal-Qafas Temporanju.

Introduzzjoni

Kontroll tal-għajnuna mill-Istat skont it-TFUE

01

Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li huwa kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni Ewropea, għandu l-għan li jiżgura l-integrità tas-suq intern billi jipproteġi l-kompetizzjoni mid-distorsjoni tas-suq ikkawżata mill-Istati Membri. Kumpanija li tirċievi appoġġ mill-gvern tagħha tikseb vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha. B’mod ġenerali, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat, sakemm din ma tkunx iġġustifikata għal raġunijiet ta’ żvilupp ekonomiku ġenerali jew f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jkunu ddefiniti tajjeb, pereżempju biex jiġi rimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

L-Artikolu 107 tat-TFUE (l-eks Artikolu 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea)

1. Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

3. It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern:

(b) għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew sabiex tirrimedja taħwid (taqlib) serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

02

Il-Kummissjoni Ewropea hija inkarigata milli tiżgura li din il-projbizzjoni tiġi osservata u li l-eżenzjonijiet jiġu applikati b’mod effettiv u uniformi fl-UE kollha. Il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa fl-infurzar tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE1, li tista’ teżerċita billi tadotta linji gwida li jiddefinixxu kif hija stess tivvaluta l-kompatibbiltà ta’ miżura. Din il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà trid tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ prinċipji ekonomiċi sodi. F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2012 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE ddikjarat li l-kumplessità tar-regoli eżistenti ħolqot sfidi għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u appellat għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni ta’ prinċipji komuni biex jiġu żgurati l-konsistenza tal-linji gwida u t-trattament ugwali fost il-miżuri u s-setturi ekonomiċi2. Il-Kummissjoni ma għandhiex diskrezzjoni biex tivvaluta jekk miżura ta’ Stat Membru tkunx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ħlief għal kwalunkwe valutazzjoni ekonomika kumplessa li l-Kummissjoni stess setgħet wettqet, eż. biex tistabbilixxi jekk miżura tagħtix vantaġġ lill-benefiċjarju jew le.

Stħarriġ Ġudizzjarju mill-Qrati tal-UE

03

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-proċeduri tagħha biex tasal għalihom huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju mill-Qrati tal-UE, skont it-termini deskritti fit-TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE. Jekk att tal-UE jitqies li jikser it-Trattati tal-UE, il-liġi sekondarja adottata fl-applikazzjoni tiegħu jew id-drittijiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab biex tannullah. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE, rikors għal annullament jista’ jitressaq minn “rikorrenti privileġġati”, bħall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, li mhumiex meħtieġa juru interess ġuridiku. Skont l-Artikolu 263(4) tat-TFUE, individwi jew kumpaniji jistgħu wkoll jitolbu lill-Qrati tal-Ġustizzja biex jannullaw att tal-UE li jikkonċernahom direttament u individwalment.

04

B’hekk, l-Istati Membri u l-benefiċjarji jistgħu jikkontestaw deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-kompetituri jistgħu jsostnu li kien hemm ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom f’każijiet fejn huma jqisu li l-Kummissjoni kien imissha fetħet investigazzjoni formali. Sabiex jikkontestaw il-merti ta’ deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, il-kompetituri ma għandhomx locus standi, sakemm ma jkunux jistgħu juru li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq ġiet affettwata sostanzjalment b’mod li jrendi l-każ tagħhom uniku. B’mod ġenerali, azzjonijiet minn individwi jew kumpaniji oħra (inklużi azzjonisti u detenturi ta’ bonds suġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna) mhumiex ammissibbli, sakemm ma jkunux jistgħu juru li deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tkun tikkonċernahom direttament u individwalment.

05

Il-livell tal-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qrati tal-UE jvarja fir-rigward tas-sustanza tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. Biex tivvaluta jekk miżura tkunx tikkostitwixxi “għajnuna” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Qorti Ġenerali trid twettaq stħarriġ komprensiv dwar jekk miżura taqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Madankollu, dan l-istħarriġ huwa aktar limitat meta l-valutazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa.

06

B’rabta mal-istħarriġ tal-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE, li fih il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa, stħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-ivverifikar tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tal-assenza ta’ żball ta’ dritt, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew użu ħażin ta’ poter. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni taġixxi b’mod konsistenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, b’mod partikolari, li l-istħarriġ ġudizzjarju mill-Qrati tal-UE tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk avveniment jirriżultax f’taqlib serju fl-ekonomija huwa suġġett biss għal test ta’ żball manifest, kif deskritt hawn fuq3.

Għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji – matul u wara l-kriżi finanzjarja globali

07

Il-kriżi finanzjarja globali li seħħet mill-2007 sal-2008 kkawżat żieda bla preċedent fl-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji fis-snin ta’ wara. L-intervent pubbliku tqies li huwa meħtieġ biex jillimita t-theddida li l-banek kienu jirrappreżentaw għall-istabbiltà finanzjarja. Dan tqies ukoll li huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-kriżijiet sistemiċi tal-banek u tad-dejn sovran f’għadd ta’ pajjiżi fl-UE. L-użu tal-flus tal-kontribwenti għas-salvataġġi tal-banek qabeż bil-bosta l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil setturi oħra matul il-kriżi finanzjarja. Is-settur bankarju tal-UE, li skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Banek ikkontribwixxa 4 % għall-PDG kollettiv tal-Istati Membri tal-UE fl-20174, jibqa’ benefiċjarju maġġuri tal-għajnuna mill-Istat. Il-Figura 1 turi l-ammonti ta’ għajnuna mill-Istat li ġew approvati bejn l-2008 u l-2018. B’mod ġenerali, l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat li ġie approvat għas-settur finanzjarju ġie stabbilizzat.

Figura 1

Għajnuna mill-Istat li ġiet approvata bejn l-2008 u l-2017

Sors: il-QEA, ibbażat fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

08

Fi snin reċenti, it-tnaqqis fil-ħtieġa għal intervent tal-gvern fis-settur bankarju tal-UE kellu impatt fuq l-attivitajiet ta’ kontroll imwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. It-tnaqqis fl-ammonti ta’ għajnuna huwa rifless fl-għadd ta’ każijiet li kellhom jiġu ttrattati mill-Kummissjoni. Mill-2009 sal-2012, il-Kummissjoni ħadet medja ta’ 57.5 deċiżjoni kull sena. Dawn naqsu għal 8 deċiżjonijiet fl-2016, 21 fl-2017 u 6 fl-2018. Fiż-żmien meta sar l-awditu, il-Kummissjoni kienet qed tipprevedi li l-għajnuna kienet se tonqos aktar fil-futur.

09

B’konsegwenza tal-kriżi finanzjarja, l-UE adottat għadd ta’ miżuri biex tiżgura l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. F’Marzu 2009, il-Kunsill Ewropew laħaq ftehim dwar il-ħtieġa li jittejbu r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fi ħdan l-UE abbażi tar-“Rapport de Larosière”5, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) responsabbli mis-sorveljanza makroprudenzjali (għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Monitoraġġ tar-riskju sistemiku fis-settur finanzjarju tal-UE wara l-kriżi finanzjarja globali

Stabbilit fl-2010, il-BERS huwa responsabbli mill-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskji sistemiċi bl-iskop li jillimita r-riskju ta’ falliment ta’ komponenti sistemiċi u jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja għax-xokkijiet, biex b’hekk jiġu mmitigati l-impatti negattivi fuq is-suq intern u l-ekonomija reali.

Jekk il-BERS jiskopri riskju li jista’ jimmina serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew ta’ parti minnha, huwa għandu jgħarraf lill-Kunsill minnufih bis-sitwazzjoni.

Jekk il-BERS iqis li tista’ tirriżulta sitwazzjoni ta’ emerġenza, dan għandu jikkuntattja lill-Kunsill u jipprovdi stima tas-sitwazzjoni. Il-Kunsill imbagħad għandu jevalwa n-neċessità li tiġi adottata deċiżjoni indirizzata lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li tiddetermina l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza.

10

Ir-riabilitazzjoni ta’ wara l-kriżi wasslet ukoll għal tiġdid tal-qafas mikroprudenzjali tal-UE, li jistabbilixxi qafas għall-immaniġġjar tal-kriżijiet fl-UE kollha u jrawwem approċċi superviżorji komuni. Id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD) ġiet adottata fir-rebbiegħa tal-2014 biex tipprovdi lill-awtoritajiet arranġamenti komprensivi u effettivi biex jittrattaw mal-banek inadempjenti fil-livell nazzjonali, kif ukoll arranġamenti ta’ kooperazzjoni biex jindirizzaw il-fallimenti bankarji transfruntiera. Sa issa, il-qafas il-ġdid ġie applikat biss f’għadd limitat ta’ każijiet. Fir-rieżami tagħha tal-implimentazzjoni tal-BRRD u tar-Regolament dwar l-SMR, il-Kummissjoni identifikat xi dgħufijiet, b’mod partikolari fil-koordinazzjoni bejn l-atturi rilevanti, iżda qieset li kien kmieni wisq biex jitfasslu u jiġu adottati proposti leġiżlattivi6.

11

Il-BRRD ġiet introdotta bl-intenzjoni li jiġu evitati s-salvataġġi tal-banek fil-futur u jiġu protetti l-kontribwenti fl-UE7, u ma tippreġudikax il-kompatibbiltà ta’ miżura mat-Trattati tal-UE skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Skont il-BRRD, jekk bank jirrikjedi appoġġ pubbliku straordinarju, huwa jitqies li qed ifalli jew li probabbilment ser ifalli – deċiżjoni li trid tittieħed mill-awtoritajiet superviżorji jew ta’ riżoluzzjoni, ħlief f’ċirkustanzi partikolari stabbiliti fid-Direttiva – u jrid jiġi likwidat skont proċedimenti normali ta’ insolvenza jew, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi riżolt. Minbarra dan, il-BRRD tistipula kundizzjonijiet stretti għall-użu tal-appoġġ mill-gvern f’każ ta’ riżoluzzjoni. Għal aktar dettalji, ara l-Kaxxa 3.

Kaxxa 3

Kundizzjonijiet għal appoġġ straordinarju skont il-BRRD:

Appoġġ tal-Istati Membri għall-istituzzjonijiet solventi - miżuri ta’ prekawzjoni (l-Artikolu 32(4)(d) tal-BRRD):

  • meħtieġa biex jiġi rimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja,
  • limitati għal istituzzjonijiet solventi,
  • prekawzjonarji u temporanji,
  • proporzjonati biex jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ taqlib serju, u
  • ma għandhomx jintużaw biex jibbilanċjaw telf li l-istituzzjoni ġarrbet jew li probabbilment se ġġarrab fil-futur qarib.

Appoġġ għall-istituzzjonijiet li fallew - fond ta’ riżoluzzjoni u arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi (l-Artikoli 44(5) u 101 tal-BRRD):

  • telf ma jistax jgħaddi għand kredituri oħrajn,
  • telf li jammonta għal mhux inqas minn 8 % tat-total tal-obbligazzjonijiet inkluż il-fondi proprji jkun diġà ġie assorbit, u
  • finanzjament ipprovdut mill-fond tar-riżoluzzjoni jkun limitat għal mhux aktar minn 5 % tat-total ta’ obbligazzjonijiet inklużi l-fondi proprji jew il-mezzi disponibbli għall-fond tar-riżoluzzjoni u l-ammont li jista’ jiġi ġġenerat permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex post fi żmien tliet snin.

Appoġġ għall-istituzzjonijiet li fallew - Għodod ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja tal-gvern (l-Artikolu 56 tal-BRRD):

  • meta jkun falla kull tentattiv ieħor wara li jkunu ġew ivvalutati u sfruttati l-għodod ta’ riżoluzzjoni l-oħra sal-livell massimu prattikabbli filwaqt li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja.
12

Reazzjoni oħra għall-kriżi finanzjarja kienet il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja. Għalkemm għadha mhijiex kompluta fl-istadju attwali, l-integrazzjoni istituzzjonali għamlet saħansitra aktar fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro8. L-ewwel żewġ pilastri tal-Unjoni Bankarja – il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) – ġew stabbiliti. It-tielet pilastru, sistema komuni għall-protezzjoni tad-depożiti, għadu mhuwiex fis-seħħ. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, huma meħtieġa aktar miżuri biex jiġu indirizzati r-riskji li jifdal tas-settur bankarju (b’mod partikolari dawk relatati ma’ self improduttiv, jew l-inizjattivi biex il-banek jiġu megħjuna jiddiversifikaw l-investiment tagħhom f’bonds sovrani)9.

13

Il-klima ekonomika tal-UE kienet tjiebet b’mod konsiderevoli mill-kriżi finanzjarja globali ’l hawn u baqgħet ġeneralment favorevoli sakemm seħħet it-tifqigħa tal-COVID-19. Hemm kunsens wiesa’ li l-banek fl-Ewropa saru aktar reżiljenti, bis-saħħa tal-miżuri li ttieħdu wara l-kriżi finanzjarja. Madankollu, il-profittabbiltà tagħhom għadha baxxa. L-Ewropa għandha wisq banek, u s-settur bankarju Ewropew ta’ wara l-kriżi huwa aktar frammentat bejn il-fruntieri nazzjonali milli kien qabel il-kriżi10. F’xi pajjiżi għad hemm problemi ta’ legat. Sar progress f’dak li jirrigwarda r-riżoluzzjoni ta’ self improduttiv (NPLs), iżda l-livell attwali ta’ NPLs fl-UE għadu ogħla minn dak f’pajjiżi żviluppati ewlenin oħra11. Barra minn hekk, l-NPLs jistgħu jerġgħu jiżdiedu jekk l-impatti tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-ekonomija ma jkunux jistgħu jiġu mmitigati.

14

Għandu jiġi osservat li r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-kontrollur tal-għajnuna mill-Istat ma jistax jitqies b’mod iżolat fir-rigward tas-settur finanzjarju. Il-Kummissjoni hija biss ħolqa waħda importanti f’katina. Katina li tikkonsisti wkoll mill-Istati Membri li jiddeċiedu li jappoġġaw lil bank, il-maniġment ta’ bank, l-awdituri esterni, is-superviżuri ta’ bank u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, li kollha għandhom rwol x’jaqdu. Għaldaqstant, jista’ jiġri wkoll li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jidħol fis-seħħ jekk is-sistema l-ġdida stabbilita ma tkunx ħadmet kif intenzjonat. F’Rapporti Speċjali preċedenti li nħarġu mill-QEA fl-201712 u f’Jannar 201813, aħna identifikajna defiċjenzi fil-preparazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet (SRB), kif ukoll xi difetti fit-tfassil tal-qafas għall-ġestjoni ta’ kriżijiet (BĊE) u sinjali li l-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas ma kinitx effiċjenti. Minbarra dan, għad hemm tħassib li s-settur bankarju xorta għadu mhuwiex lest għar-regoli l-ġodda li huma aktar stretti. B’hekk, ir-rwol tal-Kummissjoni jkompli jkun kruċjali u diffikultuż fl-istess ħin.

Għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji – ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

15

Il-mandat tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE huwa li tippreserva l-kompetizzjoni fis-suq intern u tassigura kundizzjonijiet ekwi fl-UE. Matul il-kriżi finanzjarja, il-qafas tal-għajnuna mill-Istat ġie adattat biex jiffoka fuq l-istabbiltà finanzjarja bħala objettiv globali għas-settur bankarju, filwaqt li jfittex li jiżgura li l-għajnuna u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fost il-banek u fl-Istati Membri kollha jinżammu għall-minimu meħtieġ. Dan l-aħħar punt huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Istat ma tħassarx il-kundizzjonijiet ekwi bejn il-benefiċjarji tal-għajnuna u l-kompetituri tagħhom u l-kumpaniji aktar f’saħħithom, filwaqt li jillimita l-ammont ta’ flus tal-kontribwenti li jmorru għand istituzzjonijiet finanzjarji li fallew14. Il-Kummissjoni stabbiliet regoli speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) għall-għajnuna li tingħata lill-istituzzjonijiet finanzjarji matul il-kriżi, minn hawn ’il quddiem ir-regoli dwar il-kriżijiet, li ġew emendati fl-2010, fl-2011 u fl-2013 (ara l-Kaxxa 4). Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 ħassret il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 u għamlet ċerti reviżjonijiet għall-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti u l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar15.

Kaxxa 4

Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti, it-13 ta’ Ottubru 2008 (ara IP/08/1495)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa, il-5 ta’ Diċembru 2008 (ara IP/08/1901)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ Assi Indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità, il-25 ta’ Frar 2009 (ara IP/09/322)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, li ġiet adottata fis-17 ta’ Diċembru 2008 (ara IP/08/1993), kif emendata fil-25 ta’ Frar 2009.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, it-23 ta’ Lulju 2009 (ara IP/09/1180)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — dwar l-applikazzjoni, wara l-1 ta’ Jannar 2011, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ara IP/10/1636)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2011, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ara IP/11/1488)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ara IP/13/672)

16

Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju biex tippermetti li l-Istati Membri jappoġġaw aktar l-ekonomija matul it-tifqigħa tal-COVID-1916. Fir-rigward tal-banek, il-Komunikazzjoni tiddikjara li l-għajnuna lill-entitajiet mhux bankarji mhijiex se titqies bħala għajnuna (indiretta) lill-banek u li l-miżuri maħsuba biex jappoġġaw lill-banek f’każ ta’ dannu dirett imġarrab b’riżultat tat-tifqigħa tal-Covid-19 ikunu jitqiesu bħala miżuri skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE u ma jiġux ivvalutati skont ir-regoli eżistenti. Kwalunkwe miżura li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni jew li mhijiex koperta mill-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u għandha tiġi vvalutata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-settur bankarju. B’hekk, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li kienu s-suġġett ta’ dan l-awditu jibqgħu applikabbli.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

17

Aħna wettaqna awditi preċedenti dwar il-politika tal-kompetizzjoni, inkluż il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, iżda qatt ma wettaqna awditu tal-prestazzjoni ddedikat għall-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu fid-dawl tal-qafas regolatorju l-ġdid għas-settur bankarju tal-UE u tal-iżviluppi tas-suq.

18

L-awditu li wettaqna ffoka fuq il-perjodu minn Awwissu 2013 sa tmiem l-2018. Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx immaniġġjat il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji b’mod xieraq bil-ħsieb li tiżgura li l-għajnuna tingħata f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali u limitata għall-minimu meħtieġ. Filwaqt li ffukajna fuq id-DĠ COMP, aħna staqsejna dawn il-mistoqsijiet:

  • Il-Kummissjoni kellha l-għodod u r-riżorsi xierqa biex twettaq il-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat?
  • Il-Kummissjoni infurzat il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat biex tiżgura li l-għajnuna tkun eċċezzjonali u limitata għall-minimu meħtieġ?
19

F’termini tal-ilħuq tal-objettivi, aħna analizzajna l-mod kif dawn ġew stabbiliti mid-DĠ COMP, il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minnu, l-idoneità tal-qafas tal-kejl tal-prestazzjoni u jekk id-DĠ COMP kienx wettaq evalwazzjonijiet ex post u valutazzjonijiet tal-impatt. Aħna analizzajna l-istruttura organizzazzjonali fi ħdan id-DĠ COMP (inklużi l-kontrolli interni u x-xerqien tar-riżorsi użati), kif ukoll il-qafas etiku tad-DĠ COMP. Barra minn hekk, analizzajna jekk il-Kummissjoni kellhiex is-setgħat legali meħtieġa u jekk il-qafas proċedurali u l-proċessi interni kinux iffaċilitaw prattiki effiċjenti u trasparenti. Eżaminajna jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-banek kinux ibbażati fuq valutazzjonijiet ex ante, jekk ir-regoli attwali kinux adatti għall-iskop tagħhom u jekk kinux jirriflettu r-realtajiet tas-suq u tar-regolamentazzjoni.

Sabiex nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx effettiva fl-eżerċitar tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, aħna eżaminajna l-proċedura tal-għajnuna mill-Istat kollha kemm hi u rrieżaminajna wkoll jekk il-proċessi u l-proċeduri tal-Kummissjoni kinux jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħha kienu sodi17.

20

Il-kontroll ex ante tal-għajnuna mill-Istat minn awtorità pubblika huwa uniku għall-UE. Għalhekk, aħna użajna d-dokumenti tal-UE biex niksbu standards għall-awditu tagħna. Ġbarna l-evidenza tal-awditjar billi rrieżaminajna d-dokumenti li ġew ipprovduti mid-DĠ COMP, kif ukoll permezz ta’ intervista mal-persunal. Aħna użajna panel ta’ esperti biex jiddiskutu r-riżultati prinċipali tax-xogħol li wettaqna.

Osservazzjonijiet

Ilħuq tal-objettivi, valutazzjoni tar-riskju u evalwazzjonijiet

21

Il-Qafas ta’ Kontroll Intern tal-Kummissjoni jirrikjedi l-istabbiliment ta’ objettivi, il-valutazzjoni tar-riskji relatati magħhom, u l-kejl tal-prestazzjoni. Il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-attivitajiet li ma jinvolvux infiq, sakemm ma jkunux eżentati, jeħtieġ li jitwettqu f’konformità mal-prinċipji gwida tal-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-interventi tal-UE u jiġu analizzati l-għażliet u l-impatti relatati fuq inizjattivi ġodda.

Stabbiliment tal-objettivi u kejl tal-prestazzjoni

22

Id-DĠ COMP stabbilixxa objettivi b’ċarezza suffiċjenti biex jiġu identifikati u vvalutati r-riskji relatati f’konformità mal-Qafas ta’ Kontroll Intern tal-Kummissjoni18. Iridu jiġu stabbiliti objettivi u stqarrijiet tal-missjonijiet aġġornati f’kull livell u għall-aktar attivitajiet sinifikanti, sal-kompiti u l-objettivi assenjati lill-membri tal-persunal individwali. L-istqarrijiet tal-missjonijiet iridu jiġu allinjati mar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni skont it-Trattati u l-objettivi ta’ politika tagħha. Kif meħtieġ, id-DĠ COMP stabbilixxa objettivi b’mod ċar biżżejjed biex jidentifika r-riskji għall-ilħuq tagħhom fil-Pjan Strateġiku 2016-2020 tiegħu, u kompla jispeċifika u jaġġorna dawn l-objettivi fil-Pjanijiet ta’ Ġestjoni (annwali) (AMP) tiegħu.

23

Id-DĠ COMP stabbilixxa indikaturi tar-riżultati u tal-output kif kien meħtieġ. Madankollu, l-indikaturi li jintużaw ma jkejlux l-effett tal-attivitajiet tad-DĠ COMP, parzjalment minħabba fatturi li huma barra mill-kontroll tad-DĠ COMP. L-iskop tal-indikaturi tal-prestazzjoni għall-objettivi huwa li jkun possibbli li jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-ilħuq tagħhom19. Id-DĠ COMP irrapporta dwar l-ilħuq tal-objettivi tiegħu fir-Rapporti Annwali tal-Attività (RAA) tiegħu. Il-Kaxxa 5 tinkludi l-indikaturi diskussi f’dan il-paragrafu għal kull objettiv rilevanti.

Kaxxa 5

Objettivi u indikaturi rilevanti (mill-Pjanijiet ta’ Ġestjoni Annwali tad-DĠ COMP20)

Objettiv Speċifiku 7: Għajnuna mmirata aħjar biex ittejjeb it-tkabbir (li ntuża mill-2013 sal-2015)

  • Indikatur tar-Riżultati 2: Il-livell kumplessiv tal-għajnuna għall-kriżijiet għas-settur finanzjarju li fil-fatt jintuża mill-Istati Membri, espress bħala perċentwal tal-PDG tal-EU-28 tal-2013.

Objettiv Speċifiku 9: Stabbiltà u promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju (introdott fl-2016).

  • Indikatur tar-Riżultati 1 (2016): Għal kull test tal-istress imwettaq mill-MSU jew mill-EBA, jiġi kkalkulat il-proporzjon ta’ a) l-għajnuna mill-Istat u l-għajnuna mill-Fond għall-banek fil-kampjun tat-test biex ikopru n-nuqqasijiet identifikati fit-test tal-istress ma’ b) id-defiċit ta’ kapital totali identifikat mit-test tal-istress fid-data tal-osservazzjoni rispettiva.
  • Indikatur tar-Riżultati 2 (2016): Il-proporzjon ta’ (a) l-għajnuna mill-Istat għall-banek kollha fl-UE fil-forma ta’ strumenti rilevanti għall-kapital ma’ (b) l-istokk ta’ kapital u riżervi totali għall-banek kollha fl-UE.
  • Indikatur tal-output (mill-2017): Adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

Objettiv Speċifiku 12: L-istrumenti tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jinżammu allinjati mar-realtajiet tas-suq u mal-ħsieb ekonomiku u ġuridiku kontemporanju.

  • Indikatur tar-riżultati: Konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar regoli ġodda (l-Ewrobarometru 2014).
24

Madankollu, l-indikaturi tar-riżultati użati jirriflettu fatturi esterni u ma għandhomx relazzjoni kawżali ċara mal-attivitajiet ta’ kontroll imwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, għall-objettiv “Għajnuna mmirata aħjar biex ittejjeb it-tkabbir”, l-indikatur tar-riżultati użat “perċentwal tal-għajnuna bi tqabbil mal-PDG”21 jirrifletti l-fatt li kien hemm inqas ħtieġa għall-għajnuna u li fi snin reċenti kien hemm żieda fil-PDG. L-indikaturi tar-riżultati użati biex jitkejjel l-ilħuq, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-objettiv “Stabbiltà u promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju” jirriflettu r-reżiljenza akbar tal-banek inġenerali, parzjalment minħabba l-użu tal-flus tal-kontribwenti, aktar milli minħabba l-attivitajiet tal-Kummissjoni22. Barra minn hekk, l-indikatur għall-objettiv li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jinżamm konformi mar-realtajiet tas-suq wera s-sodisfazzjon tal-partijiet interessati bil-livell ta’ involviment tagħhom fil-konsultazzjonijiet23, iżda mhux jekk ir-regoli kinux allinjati mar-realtajiet tas-suq.

25

L-indikaturi tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni ma kejlux is-suċċess tar-ristrutturar jew l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat fuq is-swieq bankarji tal-UE. Il-Kummissjoni ma kinitx iddefiniet indikaturi tal-prestazzjoni li juru li r-ristrutturar kien ta’ suċċess, li huwa kruċjali fid-dawl tal-għadd ta’ każijiet fejn aktar tard irriżulta li l-banek ma kinux vijabbli24. Lanqas ma kien hemm indikaturi li jkejlu l-impatt tal-għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni fuq l-integrità tas-suq intern inġenerali u fuq l-attivitajiet transfruntiera tal-banek tal-UE b’mod partikolari.

Valutazzjoni tar-riskju

26

Id-DĠ COMP kien identifika riskji relatati mal-ilħuq tal-objettivi tiegħu u ddetermina kif dawn ir-riskji jenħtieġ li jiġu mmaniġġjati. Il-Qafas ta’ Kontroll Intern tal-Kummissjoni jirrikjedi wkoll il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju25. Il-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju tad-DĠ COMP kien ibbażat fuq il-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-Kummissjoni u kien konsistenti miegħu. Id-DĠ COMP kien identifika u vvaluta r-riskji f’eżerċizzju minn isfel għal fuq li jinvolvi l-unitajiet operazzjonali inkarigati mill-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni, l-unitajiet ta’ koordinazzjoni u unitajiet orizzontali oħra.

27

Madankollu, il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mid-DĠ COMP ma kinitx tinkludi riskji relatati mal-ilħuq tal-objettivi rilevanti għall-kontroll tal-għajnuna għas-settur finanzjarju, u lanqas ir-riskju li r-regoli tiegħu ma jibqgħux allinjati mar-realtajiet tas-suq. Il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mid-DĠ COMP ma kinitx tkopri r-riskji potenzjali għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti speċifikament għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju. Barra minn hekk, huwa kruċjali li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jinżammu allinjati mar-realtajiet tas-suq biex jiġi żgurat infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE26. Fil-fehma tagħna, dan huwa partikolarment rilevanti għar-regoli li huma maħsuba biex jittrattaw iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kkawżati mill-kriżi finanzjarja globali27. Madankollu, il-Kummissjoni ma kklassifikatx ir-riskju li r-regoli dwar il-kriżijiet ma jibqgħux jirriflettu r-realtajiet tas-suq bħala li huma “riskju ewlieni” għal infurzar effettiv tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

Valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjoni

28

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jirrikjedu proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt biex jiġi appoġġat it-tfassil tal-politika permezz tal-ġbir u l-analiżi tal-evidenza. Skont il-linji gwida, jenħtieġ li t-tħejjija tal-politika tkun appoġġata kemm minn evalwazzjonijiet kif ukoll minn valutazzjonijiet tal-impatt. It-tnejn li huma janalizzaw il-mod kif problema tiġi, jew għandha tiġi, indirizzata biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa28. Il-Kummissjoni tuża l-evalwazzjonijiet biex tiddetermina jekk il-politiki jew il-liġijiet tal-UE għadhomx iġġustifikati, jekk dawn ikunux jeħtieġu bidliet, jew jekk għandhomx sempliċiment jitwaqqfu. Il-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar jenfasizzaw ukoll li l-implimentazzjoni tajba tal-politiki tinvolvi wkoll il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħhom fil-prattika. Dan huwa biex jiġi żgurat li huma jiksbu r-riżultati intenzjonati tagħhom u li – jekk le, jew jekk kien hemm konsegwenzi mhux intenzjonati – tkun tista’ tittieħed azzjoni korrettiva.

29

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni29 u studju estern ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew30 analizzaw jekk ir-regoli dwar il-kriżijiet kinux laħqu l-objettivi tagħhom fl-2011. Il-membri tal-persunal tad-DĠ COMP ikkonkludew li l-għajnuna mill-Istat mogħtija u l-kontroll tagħha mill-Kummissjoni kienu kkontribwew għall-preservazzjoni tas-Suq Intern matul il-kriżi. L-awturi sabu li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kienu seħħew f’diversi modi, iżda kkonkludew li:

  • il-Kummissjoni kienet ħaddmet b’mod effettiv għodda ta’ koordinazzjoni li ppermettiet trattament konsistenti tal-Istati Membri u l-banek kollha; u
  • l-obbligi ta’ ristrutturar estensiv kienu l-mezz l-aktar effiċjenti li kien ippermetta li l-Kummissjoni timminimizza r-riskji ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

Għall-perjodu sal-2011, l-istudju tal-PE sab li parti sostanzjali mill-miżuri għall-ġlieda kontra l-kriżi finanzjarja kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u li kien diffiċli biex l-effett tal-għajnuna mill-Istat jiġi separat mill-effett ta’ fatturi oħra. L-awturi kkonkludew li:

  • il-Kummissjoni ma rnexxilhiex iżżomm approċċ konsistenti fost il-pajjiżi u d-ditti; u
  • prattiki differenti fost l-Istati Membri kienu dgħajfu l-funzjonament tas-suq intern, minkejja l-isforzi li kienu saru mill-Kummissjoni31.

Minbarra dan, l-istudju esprima tħassib dwar nuqqas ta’ trasparenza u ssottolinja l-ħtieġa li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jiġu ppubblikati aktar malajr32.

30

Ma kien hemm l-ebda evalwazzjoni formali tar-regoli attwali dwar il-kriżijiet. Għalkemm il-Kummissjoni kienet ikkonsultat mal-Istati Membri u ma’ partijiet interessati oħra qabel ir-reviżjoni tal-2013, hija ma kinitx evalwat formalment l-effettività tar-regoli dwar il-kriżijiet. Il-verżjoni attwali tal-Komunikazzjoni Bankarja ġiet ippubblikata f’Awwissu 2013, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u djalogu mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju inklużi l-banek ċentrali. Il-Kummissjoni għamlet ukoll xi modifiki f’regoli oħra dwar il-kriżijiet, li baqgħu fis-seħħ fiż-żmien meta wettaqna l-awditu. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Kummissjoni ma kinitx evalwat formalment l-ilħuq tal-objettivi tagħha u lanqas il-valur miżjud fl-UE tar-regoli tagħha dwar il-kriżijiet, bil-ħsieb li temendahom jew tissospendihom33. Lanqas ma kienet evalwat formalment l-impatt tar-regoli tagħha dwar il-kriżijiet u tal-applikazzjoni tagħhom fuq il-kompetizzjoni fis-swieq bankarji tal-UE.

Strutturi ta’ ġestjoni, qafas etiku u riżorsi

31

Il-qafas ta’ kontroll intern tal-Kummissjoni jirrikjedi l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ ġestjoni komprensivi. L-istrutturi ta’ ġestjoni jridu jippermettu superviżjoni interna effettiva tal-attivitajiet kollha relatati u jappoġġaw l-ilħuq tal-objettivi tagħha. Hija trid tiddelega responsabbiltajiet xierqa, kif ukoll tfassal u timplimenta linji ta’ rappurtar tajba li jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ awtorità, it-twettiq tar-responsabbiltajiet u l-fluss tal-informazzjoni34. Minbarra dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha forza tax-xogħol kompetenti u tuża r-riżorsi tagħha b’mod effettiv b’appoġġ għat-twettiq tal-prijoritajiet u tal-attività ewlenija tagħha35.

Strutturi ta’ ġestjoni

32

Struttura ta’ matriċi b’linji ta’ rappurtar tajba ppermettiet fluss xieraq ta’ informazzjoni u superviżjoni interna adegwata min-naħa tal-maniġment superjuri. Id-DĠ COMP kien stabbilixxa struttura ta’ matriċi bbażata fuq l-istrumenti u s-setturi, imfassla biex tippromwovi l-għarfien dwar l-istrumenti u s-setturi. Tliet unitajiet iddedikati kienu inkarigati mit-trattament ta’ każijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Unità tal-koordinazzjoni pprovdiet appoġġ dwar kwistjonijiet bażiċi u proċedurali, u t-Tim tal-Ekonomista Prinċipali kien involut fil-proċess, iżda ma kien hemm l-ebda dokumentazzjoni tal-input tiegħu f’termini tal-analiżi ekonomika dettaljata rigward id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li rriżultaw jew l-eżistenza ta’ fallimenti tas-suq f’każijiet individwali. Il-Figura 2 turi l-istrutturi organizzazzjonali li huma responsabbli mill-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

Figura 2

Struttura organizzazzjonali għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-organigramma tad-DĠ COMP.

Qafas etiku:

33

Id-DĠ COMP ippromwova kultura etika b’saħħitha, li tiffoka fuq il-prevenzjoni. F’konformità mal-politika tal-Kummissjoni tat-trawwim ta’ kultura etika korporattiva, id-DĠ COMP iffoka fuq il-prevenzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-membri tal-persunal iridu jippreżentaw dikjarazzjoni annwali li huma se jikkonformaw mar-regoli etiċi. Dawk li jittrattaw il-każijiet iridu jiffirmaw formola tal-kunflitt ta’ interess għal kull każ li fih kienu involuti. Il-kunflitti potenzjali jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ.

34

Il-qafas etiku tad-DĠ COMP jirreferi għall-obbligi ġenerali għall-membri tal-persunal tal-UE u jenfasizza li t-tixrid ta’ informazzjoni privileġġata u l-abbuż minn informazzjoni privileġġata huma reati kriminali. Għall-kuntrarju tal-membri tal-persunal f’dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, dawk tad-DĠ COMP, kif ukoll kwalunkwe membru ieħor tal-persunal tal-Kummissjoni li huwa involut f’każijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat, jista’ jkollhom aċċess privileġġat għal informazzjoni sensittiva għas-suq dwar parteċipanti individwali fis-suq. Minbarra dan, id-deċiżjonijiet li jittieħdu mid-DĠ COMP f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet tal-ishma u l-bonds tal-benefiċjarji. Madankollu, id-DĠ COMP ma kellux arranġamenti ta’ monitoraġġ jew arranġamenti oħra fis-seħħ biex jivverifika li l-membri tal-persunal kienu jikkonformaw mar-regoli fit-twettiq tat-tranżazzjonijiet finanzjarji.

Riżorsi umani u tal-IT

35

Il-Kummissjoni kienet allokat riżorsi suffiċjenti tal-persunal, iżda l-attrazzjoni u ż-żamma tat-talent meħtieġ kienu saru aktar diffikultużi. B’mod ġenerali, il-membri tal-persunal kellhom sfondi edukattivi b’saħħithom u għarfien speċjalizzat, kif ukoll esperjenza ta’ xogħol rilevanti. Taħriġ fuq il-post tax-xogħol imfassal tajjeb u programm ta’ mentoraġġ, kif ukoll għodda ta’ kondiviżjoni tal-għarfien fuq l-intranet, ippermettew li l-membri tal-persunal il-ġodda jsiru familjari mal-kompiti tagħhom u li dawk b’aktar esperjenza fit-trattament tal-każijiet iżommu aġġornat l-għarfien tagħhom. Id-Direttorat D kien iffaċċja mewġa ta’ tluq fl-2015 u fl-2016, u reċentement kienu telqu għadd ta’ membri tal-persunal li kellhom esperjenza kbira36. Id-DĠ COMP kellu diffikultajiet biex isib kandidati adatti, iżda kien ħa miżuri ta’ mitigazzjoni. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni kienet mgħammra tajjeb biex tittratta għadd sostanzjalment imnaqqas ta’ każijiet matul il-perjodu awditjat.

36

Il-Kummissjoni qed tippjana li tintroduċi sistemi tal-IT ġodda biex tgħin lill-maniġment u lill-persunal iwettqu, jiddokumentaw u jimmonitorjaw ix-xogħol tagħhom b’mod aktar effiċjenti. Is-sistemi tal-IT tal-Kummissjoni huma maħsuba biex jikkontribwixxu għall-ġestjoni sigura, effiċjenti u integrata tal-każijiet ta’ kompetizzjoni u jipprovdu appoġġ essenzjali għall-operat ta’ kuljum tagħha. Id-DĠ COMP ma kellux sistema unika għall-ġbir u l-ħżin awtomatiċi tad-dokumenti kollha relatati ma’ każ iżda, minflok, uża diversi applikazzjonijiet. Madankollu, id-DĠ COMP kien iddeċieda li jmexxi l-iżvilupp ta’ sistema komuni ġdida għall-ġestjoni tal-każijiet biex tissostitwixxi s-sistemi antiki għall-ġestjoni tal-każijiet u tad-dokumenti. B’dan il-mod, huwa biħsiebu jimmodernizza s-sistemi tal-IT tiegħu u jindirizza r-riskju li ma jkunx jista’ jibqa’ jżomm il-kapaċità ta’ infurzar tiegħu minħabba prestazzjoni insuffiċjenti tas-sistema tal-IT attwali tiegħu37.

Qafas għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

37

Setgħat u għodod proċedurali xierqa huma prekundizzjoni għal kontroll effiċjenti u effettiv tal-għajnuna mill-Istat. Jenħtieġ li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jitfasslu tajjeb sabiex jiġi żgurat li jkunu jirriflettu b’mod adegwat l-objettiv tat-Trattat u jippromwovu interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjoni mir-regola li tipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat. Għal dan il-fini, huwa kruċjali wkoll li dawn jirriflettu r-realtajiet tas-suq (inklużi bidliet rilevanti fil-qafas regolatorju) fi kwalunkwe perjodu ta’ żmien partikolari.

Qafas proċedurali għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat

38

Il-Kummissjoni għandha s-setgħat meħtieġa għall-kontroll effettiv u effiċjenti tal-għajnuna mill-Istat. Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri ppjanati u jridu jimplimentawhom mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali jirrikjedi li l-UE u l-Istati Membri jassistu lil xulxin. Minbarra dan, l-Istati Membri jridu jieħdu kwalunkwe miżura xierqa biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati u jiffaċilitaw il-kisba tal-kompiti u l-ilħuq tal-objettivi tal-UE38.

39

Ir-Regolament Proċedurali jipprovdi qafas xieraq għall-eżerċitar tas-setgħat tal-Kummissjoni. Ir-Regolament Proċedurali u l-predeċessuri tiegħu jistipulaw regoli għall-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni fi żmien suffiċjenti bi kwalunkwe pjan biex jagħtu għajnuna u, fin-notifika, jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni39. Il-Kummissjoni trid teżamina n-notifika hekk kif tirċeviha. Wara eżami preliminari, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi notifika kompluta40, il-Kummissjoni se:

  • fejn issib li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxi l-ebda għajnuna, tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward;
  • fejn ma jkollhiex dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli (“deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet”)41;
  • fejn ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE (“deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni”)42.

Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ħadet tali deċiżjoni, l-għajnuna titqies li ġiet awtorizzata43.

40

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha s-setgħat legali biex tiżgura li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu bbażati fuq informazzjoni li tkun kompluta u korretta. It-talbiet għal informazzjoni skont ir-Regolament Proċedurali jservu biex jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa sabiex din tagħmel valutazzjoni. Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri li jinnotifikaw, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura. Meta l-Kummissjoni tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Proċedurali, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom u l-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni dwar is-suq minn sorsi oħra skont ċerti kundizzjonijiet44. Barra minn hekk, f’każijiet fejn informazzjoni skorretta pprovduta mill-Istat Membru li jinnotifika kienet fattur determinanti għal deċiżjoni, l-Artikolu 11 tar-Regolament Proċedurali jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tirrevoka din id-deċiżjoni.

41

Minbarra l-proċeduri formali u s-setgħat stipulati fir-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni kienet żviluppat proċeduri ta’ kooperazzjoni volontarja, b’mod partikolari “kuntatti ta’ qabel in-notifika”, li huma deskritti f’Kodiċi tal-Aħjar Prattika. Il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (il-“Kodiċi tal-Aħjar Prattika”)45 kien ġie aġġornat fl-201846 wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u ma’ partijiet interessati oħra. Skont il-Kummissjoni, il-fażi ta’ qabel in-notifika toffri l-possibbiltà li jiġi diskuss l-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata u li tiġi pprovduta gwida lil Stat Membru biex jiżgura li notifika tkun kompluta. Fir-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika li saret fl-2018, ġie rikonoxxut li l-kuntatti ta’ qabel in-notifika jistgħu jinkludu d-diskussjoni tal-aspetti legali u ekonomiċi ta’ miżura b’mod informali u kunfidenzjali qabel ma din tiġi nnotifikata formalment bħala l-aħjar prattika, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati dawk l-aspetti li jistgħu ma jkunux kompletament konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluż f’każijiet fejn il-miżura tkun teħtieġ bidliet sinifikanti47. Il-Figura 3 tagħti ħarsa ġenerali lejn id-differenzi bejn il-proċeduri formali u dawk informali.

Figura 3

Proċedura rigward għajnuna nnotifikata

Sors: il-QEA.

42

Il-Kummissjoni kienet għażlet li tirrikonoxxi, bħala l-aħjar prattika, l-estensjoni tal-ambitu u tad-durata tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika. Għaldaqstant ir-reviżjoni tal-2018 estendiet, minn xahrejn għal sitt xhur, l-iskeda ta’ żmien indikattiva rakkomandata għall-kuntatti ta’ qabel in-notifika. Is-sommarju tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika48 wera li l-Istati Membri ġeneralment apprezzaw l-eżistenza ta’ din il-konsultazzjoni informali. Madankollu, xi wħud sabu li d-durata kienet twila wisq. Mill-21 rispondent, 2 appellaw għal aktar trasparenza. Fil-fehma tagħna, it-tul tal-fażi ta’ qabel in-notifika, li jista’ jkun wieħed mill-indikaturi ta’ dubji wara n-notifika, jista’ wkoll iżid ir-riskju ta’ diffikultajiet legali.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

43

Ir-regoli tal-Kummissjoni għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju ġeneralment ikunu mfassla tajjeb u ċari. Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 hija mfassla b’mod ċar u sempliċi, u fil-biċċa l-kbira hija konsistenti ma’ Komunikazzjonijiet preċedenti dwar il-Kriżijiet. Hija ssegwi l-istess struttura bħal dik tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, li tagħmilha aktar faċli biex jiġu mifhuma l-loġika ġenerali u l-funzjonament tar-regoli. Madankollu, in-nuqqas ta’ kriterji espliċiti għad-determinazzjoni ta’ taqlib serju jfisser li l-Kummissjoni għandha marġni kbir ta’ diskrezzjoni.

44

Il-Kummissjoni hija impenjata favur regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jkunu adatti għall-iskop tagħhom, kif ukoll li tiżgura li dawn ikunu allinjati mar-realtajiet tas-suq u mal-ħsieb ekonomiku u legali kontemporanju. Il-prinċipju li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat iridu jinżammu aġġornati ġie enfasizzat ukoll b’mod espliċitu fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-201349. Ir-regoli inizjali dwar il-kriżijiet, inkluża l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, kienu jsegwu konklużjoni tal-Kunsill ECOFIN u kienu jirriflettu r-realtajiet tas-suq ta’ dak iż-żmien. Lura fl-2008, b’konsegwenza tal-impatt tal-kriżi finanzjarja globali, il-Kunsill ECOFIN kien iddeċieda li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex isaħħaħ is-solidità u l-istabbiltà tas-sistema bankarja biex titrawwem mill-ġdid il-fiduċja fil-funzjonament tajjeb tas-settur finanzjarju, meta anki l-banek li huma fundamentalment b’saħħithom ma kellhomx aċċess għall-finanzjament minħabba t-taqlib ġenerali fis-suq. F’dak iż-żmien, fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, il-Kummissjoni qieset iċ-ċirkustanzi ġenwinament eċċezzjonali biex tippermetti l-applikazzjoni ta’ dak li kien l-Artikolu 87(3)(b) tat-TKE, li issa huwa l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE (ara l-Kaxxa 6). Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, li hija attwalment valida, tenfasizza wkoll li d-deroga mill-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE tibqa’ possibbli biss sakemm tali sitwazzjoni ta’ kriżi tibqa’ tippersisti, iżda mhijiex daqstant speċifika f’dan ir-rigward50.

Kaxxa 6

Taqlib serju skont il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008

“Wieħed irid madankollu jenfasizza li l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jimplikaw li l-użu tal-Artikolu 87(3)(b) ma jistax jiġi invokat bħala ħaġa ta’ prinċipju f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi f’setturi individwali oħra fin-nuqqas ta’ riskju kumparabbli li għandhom impatt immedjat fuq l-ekonomija ta’ Stat Membru kollu kemm hu. Fejn jidħol is-settur finanzjarju, ikun possibbli li din id-dispożizzjoni tkun invokata biss f’ċirkustanzi ġenwinament eċċezzjonali fejn it-tħaddim (funzjonament) kollu tas-swieq finanzjarji jkun fil-periklu.

Fejn ikun hemm taqlib serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru fuq il-linji kif imfissra hawn fuq, ikun possibbli li jiġi invokat l-Artiklu 87(3)(b) mhux fuq bażi miftuħa iżda biss sakemm is-sitwazzjoni ta’ kriżi tkun tiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu.”

45

Il-Kummissjoni kienet irrevediet u adattat il-Komunikazzjonijiet tagħha hekk kif il-kundizzjonijiet ekonomiċi tjiebu gradwalment fl-2010 u fl-2011. Il-Kummissjoni kienet irrevediet il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 fl-2010 u għal darb’oħra fl-2011, fejn fiż-żewġ każijiet kienet iddeterminat li l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat baqa’ applikabbli. Skont il-komunikazzjonijiet riveduti, il-Kummissjoni ġġustifikat l-użu tal-artikolu fid-dawl ta’ rkupru ekonomiku aktar rapidu milli mistenni, u adattatu bil-ħsieb li tħejji t-tranżizzjoni għar-reġim ta’ wara l-kriżi u biex tfassal regoli permanenti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-banek f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fl-2011, il-Kummissjoni spjegat li l-iggravar tat-tensjonijiet fis-swieq tad-dejn sovran, li seħħew proprju f’dik is-sena, kienu poġġew lis-settur bankarju fl-Unjoni taħt pressjoni dejjem akbar.

46

Il-Kummissjoni kienet emendat ir-regoli dwar il-kriżijiet fl-2013 wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u ma’ partijiet interessati oħra. Il-verżjoni attwali tal-Komunikazzjoni Bankarja ġiet ippubblikata f’Awwissu 2013, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u djalogu mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Għall-kuntrarju tar-regoli oriġinali dwar il-kriżijiet, ma kien hemm l-ebda Riżoluzzjoni tal-Kunsill ECOFIN għall-iterazzjoni l-aktar reċenti.

47

Madankollu, mill-2013 ma kien sar l-ebda rieżaminar tal-verżjoni l-aktar reċenti; u lanqas ma kien hemm wieħed ippjanat fiż-żmien meta wettaqna l-awditu. Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 stipulat espliċitament li “l-Kummissjoni se tirrevedi, meta neċessarju, din il-Komunikazzjoni, b’mod partikolari sabiex timxi mal-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq jew fl-ambjent regolatorju li jistgħu jaffettwaw ir-regoli li tistipula”. Il-Parlament Ewropew appella ripetutament lill-Kummissjoni biex tevalwa mill-ġdid fuq bażi annwali jekk ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE fis-settur finanzjarju humiex qed jibqgħu jiġu ssodisfati51. Il-Kummissjoni ma kinitx evalwat formalment il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 u lanqas ma kienet evalwat jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) kinitx għadha ġġustifikata wara l-2013 u sa tmiem il-perjodu awditjat. Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, lanqas ma kien hemm evalwazzjoni formali ppjanata għall-futur qarib. Skont il-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda obbligu li jitwettaq rieżaminar f’data predeterminata, u lanqas xi mekkaniżmu li jiskattah awtomatikament.

48

Ir-regoli dwar il-kriżijiet baqgħu applikabbli mingħajr bidliet, għalkemm il-kundizzjonijiet ekonomiċi fl-UE u s-swieq finanzjarji tagħha kienu nbidlu mill-aħħar reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li saret fl-2013 u kienu ġeneralment favorevoli sakemm seħħet it-tifqigħa tal-COVID-19. Is-settur bankarju tal-UE kien għadu qed jiffaċċja sfidi, iżda dawn ma baqgħux daqshekk mifruxa. Istituzzjonijiet oħra tal-UE li huma inkarigati mill-istabbiltà finanzjarja ma ddeterminawx, matul il-perjodu awditjat, jekk ir-riskji sistemiċi komplewx jipperikolaw serjament il-funzjonament ordnat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-UE, jew ta’ parti minnha. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, il-Kummissjoni kienet enfasizzat il-ħtieġa li jiġu żgurati tranżizzjoni bla xkiel lejn ir-reġim futur tal-BRRD u interazzjoni armonjuża bejn ir-rwoli u r-responsabbiltajiet differenti tal-awtoritajiet kollha involuti52. Ir-regoli dwar il-kriżijiet ma ġewx riveduti b’segwitu għat-traspożizzjoni tal-BRRD minn Jannar 2015 u Jannar 2016.

49

Minbarra dan, ir-regoli dwar il-kriżijiet ma kinux jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-interventi tal-gvern li huma kompatibbli mal-BRRD. Il-miżuri ta’ prekawzjoni u dawk temporanji permissibbli skont l-Artikolu 32 tal-BRRD huma limitati għall-istituzzjonijiet solventi (ara l-Kaxxa 3). Fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, il-Kummissjoni għarfet li, minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi li jippermettu r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mingħajr ma tiġi mhedda l-istabbiltà finanzjarja, jista’ ma jkunx fattibbli li tiġi llikwidata istituzzjoni ta’ kreditu skont il-proċedimenti ordinarji ta’ insolvenza. Għal din ir-raġuni, miżuri Statali li jappoġġaw il-likwidazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li qed ifallu jistgħu jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli, dment li jkunu konformi mar-rekwiżit speċifikat fil-punt 44. Tali mekkaniżmi, fil-forma ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni, kellhom ikunu fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2016. Il-Kummissjoni qieset li l-approċċ tagħha kien għadu xieraq.

50

Rigward il-kondiviżjoni tal-piżijiet, il-BRRD hija aktar stretta mill-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013. Mit-traspożizzjoni tal-BRRD, l-appoġġ mill-gvern kellu jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ rikapitalizzazzjoni interna tal-BRRD, minbarra li jkun kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-għodod ta’ stabbilizzazzjoni tal-gvern imsemmija fil-BRRD, jenħtieġ li hija tivvaluta separatament jekk hemmx konformità mar-rekwiżiti tal-BRRD, b’mod partikolari dawk relatati mar-rekwiżit ta’ assorbiment tat-telf minimu ta’ 8 %, kif ukoll jekk hemmx sitwazzjoni straordinarja ħafna ta’ kriżi sistemika li tiġġustifika l-użu ta’ dawk l-għodod53. Il-BRRD tistipula rekwiżiti ta’ rikapitalizzazzjoni interna li huma aktar stretti minn dawk tal-Komunikazzjoni tal-2013 sabiex jintlaħaq wieħed mill-objettivi tal-leġiżlaturi: li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi minimizzata d-dipendenza fuq l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju li jingħata lill-istituzzjonijiet li qed ifallu54, li ma kinux riflessi fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għal aktar dettalji, ara l-Figura 4.

Figura 4

Ir-rekwiżiti ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-appoġġ pubbliku f’każ ta’ riżoluzzjoni

Sors: il-QEA.

Eżerċitar tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat

51

Il-konformità mal-proċessi u l-proċeduri interni tiżgura l-ilħuq tal-objettivi u trawwem l-obbligu ta’ rendikont. L-aderenza mal-ogħla standards ta’ professjonaliżmu u rigorożità intellettwali (inkluża l-analiżi legali u ekonomika), kif ukoll l-iżgurar ta’ proċess ġust u trasparenza huma fundamentali għall-kwalità tal-eżerċitar tal-attivitajiet ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Skont il-qafas ta’ kontroll intern tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi politiki korporattivi li jistabbilixxu dak li huwa mistenni kif ukoll proċeduri biex dawn il-politiki jiġu implimentati fil-prattika55. Jeħtieġ li l-attivitajiet ta’ kontroll jivverifikaw l-aderenza u b’hekk jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi.

Aderenza mal-proċessi u l-proċeduri interni

52

Il-kontroll imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat kien jaderixxi mal-istrutturi, mal-linji ta’ rappurtar, u mal-awtoritajiet u r-responsabbiltajiet stabbiliti għal dan l-iskop, u b’hekk kien jiżgura ġestjoni u sorveljanza politika xierqa. Il-proċess intern għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet – li jseħħ qabel ma tiġi proposta kwalunkwe deċiżjoni lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni – huwa suġġett għal bosta verifikazzjonijiet, bilanċi u kontrolli. Flimkien ma’ atturi rilevanti oħra, il-maniġment jiddeċiedi dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed u l-għażliet ippreferuti. Il-bosta laqgħat ta’ ġestjoni u dawk operazzjonali jipprovdu opportunità biex jiġu diskussi, rieżaminati u deċiżi kwistjonijiet ewlenin. Il-laqgħat dwar l-elaborazzjoni tal-każijiet jippermettu li l-Viċi Direttur Ġenerali responsabbli jiġi involut fi stadju bikri, skont il-kumplessità u l-fażi tal-każ. Il-Kulleġġ tal-Kummissarji jiddeċiedi b’mod kollettiv fuq każ partikolari, u b’hekk jagħtihom responsabbiltà politika ġenerali.

53

Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta lil DĠ oħra l-opportunità li jqajmu t-tħassib tagħhom. Il-konsultazzjoni finali li ssir bejn id-dipartimenti differenti tal-Kummissjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni hija l-konsultazzjoni bejn is-servizzi (ISC). L-iskop tagħha huwa li l-pożizzjonijiet tagħhom jiġu allinjati u li jitfassal approċċ komuni qabel ma titressaq proposta quddiem il-Kulleġġ. Jekk din il-konsultazzjoni twassal għal opinjoni negattiva dwar il-proposta, ikun jeħtieġ li din tinbidel qabel ma titressaq quddiem il-Kulleġġ. Jekk l-opinjoni tkun pożittiva u tinkludi kummenti, il-proposta tiġi aċċettata u huwa f’idejn id-dipartiment ewlieni, jiġifieri d-DĠ COMP, li jieħu inkunsiderazzjoni l-kummenti.

54

Fil-każijiet kollha ikkampjunati, dipartimenti oħra tal-Kummissjoni kienu qablu mal-proposti tad-DĠ COMP kif meħtieġ. Dipartimenti oħra tal-Kummissjoni, b’mod partikolari d-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA) u s-Servizz Legali, kienu ġew ikkonsultati u pprovdew l-opinjonijiet tagħhom fil-każijiet kollha. Il-kampjun tagħna ma kienx jinkludi każijiet fejn DĠ oħra kienu taw opinjoni negattiva. Fi ftit każijiet, opinjonijiet pożittivi kienu jinkludu kummenti u mistoqsijiet dwar, pereżempju: il-ġustifikazzjoni pprovduta, ir-raġunament u l-valutazzjoni ekonomika.

55

L-attivitajiet tal-Kummissjoni rigward it-trattament tal-każijiet, fil-biċċa l-kbira, kienu jaderixxu mal-linji gwida interni u mhux vinkolanti tagħha li jiġu aġġornati kontinwament. Għodod ta’ ħidma interni bħall-Manwal tal-Proċeduri56 jipprovdu struzzjonijiet operattivi dwar il-mod kif għandha titwettaq investigazzjoni, kif ukoll arranġamenti interni bħal linji ta’ rappurtar u l-passi amministrattivi dettaljati fit-trattament tal-każijiet, sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti proċedurali jiġu ssodisfati. Il-Manwal tal-Proċeduri jkopri kull pass potenzjali fit-tul tal-ħajja ta’ każ biex jiġi żgurat li l-proċess ta’ trattament tal-każijiet ikun mingħajr xkiel.

56

Il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tiżgura ġestjoni konsistenti tad-dokumenti biex tiffaċilita l-aċċess pubbliku għad-dokumenti. L-aċċess għad-dokumenti huwa komponent essenzjali tal-politika ta’ trasparenza li qed tiġi implimentata mill-istituzzjonijiet Ewropej. Skont it-Trattat, iċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE jgawdu minn dan id-dritt ta’ aċċess57. Il-Kummissjoni stabbiliet regoli standard biex tiżgura li hija tkun tista’, fi kwalunkwe ħin, tipprovdi informazzjoni dwar kwistjonijiet li għalihom hija responsabbli. Fis-16 ta’ Jannar 2015, imħeġġeġ mill-fatt li l-irkupru ta’ dokumenti importanti spiss ħa fit-tul wisq minħabba li dawn ma ġewx irreġistrati, arkivjati u ppreservati kif xieraq, is-Segretarjat Ġenerali ħareġ nota dwar il-ġestjoni tad-dokumenti u dwar l-aċċess għad-dokumenti. Huwa enfasizza li ġestjoni tajba tad-dokumenti fi ħdan il-Kummissjoni kienet essenzjali għall-effiċjenza u l-effettività tal-istituzzjoni, għall-iffaċilitar tal-iskambju u l-irkupru ta’ informazzjoni, u għall-iżgurar tal-konformità mar-regolamenti applikabbli dwar, fost affarijiet oħra, l-aċċess għad-dokumenti. Għal aktar dettalji dwar il-ġestjoni tad-dokumenti fi ħdan il-Kummissjoni, ara l-Kaxxa 7.

Kaxxa 7

Il-ġestjoni tad-dokumenti fi ħdan il-Kummissjoni58

Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tad-dokumenti u l-aċċess għad-dokumenti kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tad-dokumenti jirrikjedu li dokument li jiġi mfassal jew riċevut mill-Kummissjoni jrid jiġi rreġistrat jekk ikun fih informazzjoni importanti, li ma tkunx għal perjodu qasir u/jew li tista’ tinvolvi azzjoni jew segwitu mill-Kummissjoni jew minn wieħed mid-dipartimenti tagħha. Peress li ż-żamma ta’ dokumenti fi spazju tax-xogħol bħal drives kondiviżi jew folders tal-posta elettronika ma tiżgurax l-integrità, il-preservazzjoni u l-irkupru tagħhom. Għalhekk, huwa essenzjali li d-dokumenti kollha li jissodisfaw il-kriterji tar-reġistrazzjoni ddefiniti fir-regoli tal-eDomec jiġu fil-fatt irreġistrati fl-Ares jew f’sistema oħra ta’ ġestjoni tad-dokumenti tal-Kummissjoni.

Il-linji gwida jinkludu lista mhux eżawrjenti ta’ dokumenti li jeħtieġu azzjoni jew segwitu jew li jinvolvu r-responsabbiltà tal-istituzzjoni u, għalhekk, huma importanti u jridu jiġu rreġistrati:

  • noti/komunikazzjonijiet formali, kemm dawk riċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu;
  • dokumenti finanzjarji (skont il-linji gwida tad-DĠ BUDG);
  • minuti tal-laqgħat, speċjalment laqgħat ma’ istituzzjonijiet oħra jew partijiet interessati esterni u għal laqgħat importanti, briefings/taħdit/difiża, eċċ.;
  • informazzjoni riċevuta minn istituzzjonijiet oħra jew partijiet interessati esterni, jew mibgħuta lilhom;
  • kontribuzzjonijiet għal konsultazzjonijiet bejn is-servizzi jew konsultazzjonijiet minn qabel;
  • dokumenti, anki informali (e-mails jew noti mal-fajl) li jattestaw sitwazzjonijiet jew avvenimenti, jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda jew inkella jispjegaw l-iżvilupp ta’ azzjonijiet uffiċjali;
  • noti ta’ struzzjonijiet, linji gwida.

Id-dokumenti li ma għandhomx għalfejn jiġu rreġistrati jinkludu:

  • abbozzi (jiġifieri dokumenti li għadhom ma ġewx ivvalidati mill-persuna li se tiffirmahom jew li se terfa’ r-responsabbiltà għalihom);
  • e-mails u testi oħra li jkunu ġew iċċirkolati permezz ta’ skambju informali ta’ fehmiet bejn kollegi;
  • skambji dwar kwistjonijiet b’ħajja qasira (bħal stediniet);
  • informazzjoni dwar is-sitwazzjoni personali ta’ xi ħadd.
57

Il-ġestjoni tad-dokumenti min-naħa tad-DĠ COMP kienet, fil-biċċa l-kbira, konformi mal-istandards. Il-Manwal tal-Proċeduri tad-DĠ COMP dwar l-għajnuna mill-Istat jistipula rekwiżiti għall-ġestjoni tad-dokumenti min-naħa tad-DĠ COMP li jikkomplementaw u jispeċifikaw aktar ir-regoli uniformi tal-Kummissjoni59. Il-Manwal tal-Proċeduri jiddikjara li l-informazzjoni “rilevanti” kollha relatata mal-każijiet trid tinħażen fis-sistema ISIS60. Huwa jżid li r-rekwiżit tar-reġistrazzjoni japplika b’mod partikolari għad-dokumenti kollha li jistgħu jkunu rilevanti fil-każ ta’ litigazzjoni. Id-dokumenti ma jiġux irreġistrati awtomatikament, iżda pjuttost fuq talba ta’ dawk li jittrattaw il-każijiet, sakemm ma jiġux ippreżentati permezz ta’ SANI, l-għodda ta’ notifika uffiċjali. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni rreġistrat sistematikament id-dokumenti fis-sistema ISIS kif kien meħtieġ. Madankollu, il-briefings (relatati mal-każijiet) u l-minuti tal-laqgħat ta’ koordinazzjoni u tal-laqgħat mal-Kummissarju ma ġewx irreġistrati fil-fajls tal-każijiet, iżda f’fajls separati61. Il-minuti tal-biċċa l-kbira mil-laqgħat mal-Istati Membri kienu ttieħdu u ġew irreġistrati. Madankollu, kien hemm ukoll ftit każijiet fejn dan ma kienx il-każ62. Minbarra dan, aħna sibna evidenza ta’ kuntatti li ppreċedew il-fażi ta’ qabel in-notifika u li ma ġewx iddokumentati fis-sistema ISIS.

58

Il-Manwal intern tal-Proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat u l-Kodiċi tal-Aħjar Prattika rigward l-Għajnuna mill-Istat jistipulaw gwida komprensiva mhux vinkolanti għall-kuntatti ta’ qabel in-notifika, iżda din il-gwida mhux dejjem ġiet kompletament irrispettata. Skont il-Manwal tal-Proċeduri63, jenħtieġ li l-kuntatti ta’ qabel in-notifika, fil-prinċipju, isiru biss fuq il-bażi ta’ abbozz ta’ notifika bil-miktub. Jenħtieġ li dan l-abbozz ta’ notifika jintbagħat permezz ta’ e-mail sigura u jiġi rreġistrat fis-sistema ISIS. Kien hemm fajls ta’ qabel in-notifika separati għal kull proċedura tal-għajnuna mill-Istat mill-kampjun tagħna. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, dawn kienu jinkludu partijiet mir-rieżaminar tal-kompatibbiltà bħall-analiżi tal-pjanijiet ta’ ristrutturar u n-negozjar ta’ impenji, iżda ma kienx fihom abbozzi ta’ notifiki bil-miktub.

59

Il-fażi ta’ qabel in-notifika mhux dejjem irriżultat fi proċeduri ġenerali iqsar kif kien intenzjonat. Skont il-Manwal tal-Proċeduri, jenħtieġ li l-fażi ta’ qabel in-notifika, idealment, ma ddumx aktar minn xahrejn f’każijiet standard u, idealment, tiġi segwita min-notifika kompluta. F’każijiet aktar kumplessi, jista’ jkun xieraq li l-fażi ta’ qabel in-notifika tiġi estiża64. Fi 11 minn 23 każ, il-fażi ta’ qabel in-notifika ma kinitx taqbeż ix-xahrejn. Madankollu, fil-każijiet fejn din ħadet aktar żmien, kien hemm dewmien twil: 9 minn 12-il kuntatt ta’ qabel in-notifika ta’ dan it-tip damu aktar minn 150 jum (sa 1 181 jum). Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, fejn kien hemm kuntatti ta’ qabel in-notifika (18 minn 23), il-Kummissjoni setgħet tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn min-notifika uffiċjali. Madankollu, id-durata medja tal-proċeduri, li tinkludi l-kuntatti ta’ qabel in-notifika, kienet ta’ 253 jum u l-itwal proċedura ħadet 1 350 jum, u dan jista’ jiġi spjegat mill-kumplessità teknika tal-każijiet bankarji. Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni kienet irrevediet il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika fl-2018, b’tul indikattiv ta’ sitt xhur għall-perjodu ta’ qabel in-notifika. Lista kompluta li turi d-durata tal-proċeduri fil-każijiet li kkampjunajna tista’ tinstab fil-Figura 5.

Figura 5

Durata tal-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data ppreżentata mid-DĠ COMP.

60

Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ħadet ħafna żmien, u xi informazzjoni rilevanti ma ġietx ippubblikata. Il-Kummissjoni hija obbligata li tippubblika d-deċiżjonijiet tagħha jew avviż fil-qosor fil-Ġurnal Uffiċjali. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li ċerta informazzjoni koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali ma tiġix iddivulgata. Ġeneralment, l-Istati Membri għandhom 15-il jum tax-xogħol biex jagħmlu talba bħal din. Jekk ma ssir l-ebda talba ta’ dan it-tip, id-deċiżjoni normalment tiġi ddivulgata bis-sħiħ65. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-pubblikazzjoni ssir fi żmien xahrejn, skont il-Manwal tal-Proċeduri66. Aħna sibna li f’19 minn 29 każ fil-kampjun tagħna, il-Kummissjoni kienet ħadet aktar minn 100 jum biex tippubblika l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali67. Għal aktar dettalji, ara l-Figura 6. Aħna sibna li f’xi każijiet fejn id-dewmien kien ikkawżat mill-Istati Membri, il-Kummissjoni kienet ippruvat tħaffef il-proċess – xi drabi ppubblikat id-deċiżjonijiet mingħajr il-kunsens tal-Istati Membri68.

Figura 6

Żmien meħud għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data ppreżentata mid-DĠ COMP.

61

Il-Kummissjoni rrifjutat it-talbiet mhux iġġustifikati biex l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali, iżda rarament ippubblikat it-test sħiħ tad-deċiżjonijiet tagħha. Il-Manwal tal-Proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat jiddeskrivi l-prinċipji ġenerali għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2003 dwar is-segretezza professjonali fid-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, u jenfasizza l-interess prevalenti li l-kontenut sħiħ tad-deċiżjonijiet tagħha jsir pubbliku, filwaqt li l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali tiġi debitament irrispettata. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni rarament qablet li l-informazzjoni kollha mitluba tinżamm kunfidenzjali. Madankollu, il-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat ġew emendati, u l-informazzjoni importanti biex jinftiehmu l-implikazzjonijiet tagħhom ma ġietx iddivulgata kompletament69. Spiss, l-Istati Membri ma kinux indikaw fil-ħin liema informazzjoni kienu jqisu li hija kunfidenzjali, jew inkella ma kinux ipprovdew raġunijiet xierqa. Fil-fatt, aħna sibna li f’għadd ta’ każijiet, dawk li jittrattaw il-każijiet kienu qiesu li tali talbiet ma kinux jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-Komunikazzjoni (ara l-Kaxxa 8 għal eżempji ta’ dawk li l-Kummissjoni tqis li huma sigrieti tan-negozju). Minbarra dan, il-Kummissjoni lanqas ma kienet dejjem konsistenti fl-approċċ tagħha. Pereżempju, hija jew iddivulgat iċ-ċifri parzjalment u ppubblikat firxiet, jew inkella ma kien hemm assolutament l-ebda informazzjoni.

Kaxxa 8

Sigrieti tan-negozju skont il-Manwal tal-Proċeduri

Eżempji tipiċi ta’ sigrieti tan-negozju huma:

  • metodi ta’ valutazzjoni tal-ispejjeż tal-manifattura u tad-distribuzzjoni;
  • sigrieti u proċessi tal-produzzjoni;
  • sorsi tal-provvista;
  • kwantitajiet prodotti u mibjugħa;
  • ishma mis-suq;
  • listi tal-klijenti u tad-distributuri;
  • pjanijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni;
  • struttura tal-prezz tal-ispiża;
  • politika tal-bejgħ;
  • informazzjoni dwar l-organizzazzjoni interna tad-ditta.

Normalment, il-fatturat ma jitqiesx li huwa sigriet tan-negozju, sal-punt li jiġi ppubblikat fil-kontijiet annwali jew ikun magħruf b’mod ieħor fis-suq; it-talbiet għall-kunfidenzjalità rigward fatturat li ma jkunux fid-dominju pubbliku jkollhom jiġu mmotivati u evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ.

Dan it-tip ta’ data jista’ jitqies biss bħala sigriet tan-negozju jekk ikun “sigriet”, jiġifieri mhux disponibbli għall-pubbliku (ara l-paragrafu 14(a) tal-Komunikazzjoni).

62

Il-Kummissjoni mmonitorjat l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha permezz ta’ fiduċjarji tal-monitoraġġ. Il-Kummissjoni taħtar fiduċjarji, li jitħallsu mill-banek, biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-impenji f’kull każ. L-impenji jistgħu jittieħdu jew biex jiġu llimitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew inkella biex jiġi żgurat li l-bank salvat jerġa’ jsir vijabbli. B’hekk, il-monitoraġġ kien jinkludi l-prestazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji u l-aderenza mal-impenji l-oħra. Barra minn hekk, dan il-proċess ta’ monitoraġġ jipprovdi lill-Kummissjoni ħafna għarfien siewi, inkluż dwar kwalunkwe nuqqas ta’ suċċess fl-implimentazzjoni ta’ miżuri preċedenti, kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe miżura ta’ għajnuna ġdida li l-Istati Membri ppjanaw mingħajr ma jinfurmaw lill-Kummissjoni, kif meħtieġ.

63

Ir-riżultati tal-monitoraġġ ma ġewx ippubblikati u xi drabi l-impenji ġew immodifikati. Il-Kummissjoni la ppubblikat informazzjoni u lanqas żammet statistika dwar l-għadd ta’ każijiet li fihom l-impenji kienu, jew ma kinux, ġew irrispettati. Hija xi drabi approvat bidliet fl-impenji u estendiet id-dati ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom, anki jekk tali bidliet, skont ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni, jenħtieġ li jkunu eċċezzjonali u limitati għal każijiet ta’ żviluppi fattwali ġodda sinifikanti. Il-Kummissjoni enfasizzat li, f’tali każijiet, hija dejjem żgurat li l-impenji ġodda proposti kienu jippreservaw il-bilanċ tad-deċiżjoni oriġinali. Madankollu, aħna sibna li l-ispjegazzjonijiet ta’ kif dan ikun jinkiseb ma kinux dettaljati biżżejjed u, għal xi wħud mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġew ippubblikati, ma kinux ġew ipprovduti spjegazzjonijiet li kienu dettaljati biżżejjed.

Kontenut tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji

64

Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet li jkunu legalment u ekonomikament sodi. Bħala regola ġenerali, skont it-Trattat u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha70, il-Kummissjoni hija mitluba tagħti raġunijiet, jiġifieri tiġġustifika d-deċiżjonijiet tagħha. Dan jinkludi r-rekwiżit li d-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet li jkunu legalment u ekonomikament sodi, kif ukoll ikunu ssostanzjati mill-fatti sottostanti. Il-prinċipji ewlenin tad-DĠ COMP jenfasizzaw li l-immirar lejn l-ogħla livell ta’ rigorożità u kwalità fil-valutazzjoni legali u fl-analiżi ekonomika huwa essenzjali għall-kwalità tal-valutazzjonijiet tiegħu. Għall-Kummissjoni, il-prattika tal-każijiet tagħha u l-ġurisprudenza tal-Qrati tal-UE jservu bħala l-aktar sors importanti ta’ gwida f’dan ir-rigward. Il-proċess ikkoordinat tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, is-sistema ta’ kontrokontrolli u l-kontrolli tal-kwalità li l-Kummissjoni stabbiliet għandhom l-għan li jiżguraw li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti f’kull każ individwali.

65

Il-Kummissjoni vvalutat il-pjanijiet ta’ ristrutturar b’mod rigoruż ħafna, u talbet informazzjoni dettaljata u skrutinizzatha bir-reqqa. Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tistipula rekwiżiti dettaljati ħafna dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi pjan ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni tirrikjedi li l-pjanijiet ta’ ristrutturar ikunu komprensivi, dettaljati u bbażati fuq kunċett koerenti. Jenħtieġ li huma juru l-mod kif il-bank se jirritorna għall-vijabbiltà fit-tul tiegħu mingħajr għajnuna mill-Istat. L-estensività u d-dettall tal-informazzjoni li l-Istati Membri jridu jippreżentaw juru l-livell għoli ta’ skrutinju li għalihom huma suġġetti l-pjanijiet ta’ ristrutturar min-naħa tal-Kummissjoni (ara l-Kaxxa 9). Fil-każijiet li eżaminajna, il-Kummissjoni kienet talbet, fejn kien meħtieġ, informazzjoni addizzjonali jew aktar pertinenti.

Kaxxa 9

Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi pjan ta’ ristrutturar skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar71

  • Fejn, fuq il-bażi tal-gwida jew ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, Stat Membru huwa obbligat jissottometti pjan ta’ ristrutturar, dak il-pjan għandu jkun komprensiv, dettaljat u bbażat fuq kunċett koerenti.
  • Għandu juri kif il-bank, kieku, ireġġa’ lura il-vijabilità fit-tul mingħajr l-għajnuna tal-Istat kemm jista’ jkun malajr.
  • In-notifika ta’ kull pjan ta’ ristrutturar għandha tinkludi paragun ma’ għażliet alternattivi, inklużi d-diviżjoni, jew assorbiment minn bank ieħor, biex tippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta jekk hemmx soluzzjonijiet oħra li huma iktar orjentati lejn is-suq, b’inqas spejjeż jew li jikkawżaw inqas distorsjoni u li huma konsistenti maż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja.
  • Fil-każ li l-bank ma jistax imur lura għall-vijabbiltà, il-pjan ta’ ristrutturar għandu jindika kif jista’ jiġi stralċjat b’mod organizzat.
  • Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jidentifika x’qed joħloq id-diffikultajiet tal-bank u d-dgħufijiet tal-bank innifsu u għandu jiddeskrivi kif il-miżuri ta’ ristrutturar proposti ser isolvu l-problemi bażiċi tal-bank.
  • Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-mudell ta’ negozju tal-benefiċjarju, inkluż b’mod partikolari dwar:
    • l-istruttura ta’ organizzazzjoni tiegħu;
    • il-finanzjament (li juri l-vijabbiltà tal-istruttura ta’ finanzjament għal perjodu qasir jew twil);
    • il-governanza tal-kumpanija (li turi prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess, kif ukoll il-bidliet amministrattivi meħtieġa);
    • il-ġestjoni tar-riskju (inklużi l-iżvelar ta’ assi danneġġati u l-proviżjoni prudenti għal assi li huma mistennija li mhux ser irendu);
    • u l-ġestjoni tal-assi u tal-piżijiet (passiv);
    • il-ħolqien ta’ likwidità (li trid tilħaq livelli suffiċjenti mingħajr is-sostenn mill-Istat);
    • l-impenji li ma jinsabux fil-karta tal-bilanċ (li juru s-sostenibbiltà u l-konsolidazzjoni tagħhom meta l-bank ikollu esponiment sinifikanti);
    • il-leveraging;
    • l-adegwatezza attwali u prospettiva tal-kapital skont ir-regolament ta’ superviżjoni applikabbli (ibbażata fuq valutazzjoni prudenti u forniment adegwat), u;
    • l-istruttura ta’ inċentivi permezz ta’ remunerazzjoni, (li turi kif il-profittabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju hija promossa).
  • Il-vijabbiltà ta’ kull attività tan-negozju u ċentru ta’ profitt trid tiġi analizzata, bit-tqassim neċessarju […]

[…] Ir-riżultati mistennija tar-ristrutturar ippjanat jeħtieġ li jintwerew taħt xenarju ta’ każ bażi kif ukoll taħt xenarji ta’ “simulazzjoni ta’ kriżi”. Biex dan iseħħ, il-pjanijiet ta’ ristrutturar iridu jikkunsidraw, fost affarijiet oħrajn, l-istat attwali tas-swieq finanzjarji u kif ukoll il-prospetti futuri tagħhom, li jirriflettu preżunzjonijiet ta’ każ bażi u tal-agħar kundizzjonijiet. It-testijiet ta’ simulazzjoni ta’ kriżi jridu jikkunsidraw għadd ta’ xenarji […].

  • Il-preżunzjonijiet iridu jitqabblu ma’ għanijiet approprjati li huma mifruxa mas-settur kollu, emendati b’mod adegwat biex jikkunsidraw l-elementi l-ġodda tal-kriżi attwali fis-swieq finanzjarji […].
66

Il-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat u, f’din il-kapaċità, hija tqis li l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ taqlib serju fl-Istati Membri ġew issodisfati fil-każijiet kollha. Fil-valutazzjoni tagħha tat-taqlib serju f’kull każ individwali, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni s-sottomissjoni tal-Istat Membru. Bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Bankarja, il-Kummissjoni impenjat lilha nfisha li tivvaluta l-għajnuna mill-Istat biex tappoġġa l-likwidità, il-vijabbiltà jew il-ħruġ ordnat tal-banek skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, minħabba s-sitwazzjoni ta’ kriżi u r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja inġenerali, li jammontaw għal taqlib serju fl-ekonomija. Il-Kummissjoni mbagħad qieset li l-Istati Membri kienu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmlu valutazzjoni inizjali ta’ jekk ħruġ mhux ikkontrollat ta’ bank partikolari mis-suq ikunx jhedded l-istabbiltà finanzjarja (jew jikkawża taqlib serju ieħor fl-Istat Membru). B’mod korrispondenti, il-Kummissjoni ma kkontestatx jekk kienx jeżisti taqlib serju f’kull każ individwali. Ir-regoli dwar il-kriżijiet lanqas ma jispeċifikaw liema informazzjoni jenħtieġ li tiġi ppreżentata minn Stat Membru. Ħlief fil-każijiet f’pajjiżi li huma suġġetti għal programm ta’ aġġustament ekonomiku, fil-fajls tal-każijiet, aħna rarament sibna data ekonomika jew - fil-fehma tagħna - data rilevanti oħra li tappoġġa d-dikjarazzjoni li dan it-taqlib kien jeżisti.

67

Mhux id-deċiżjonijiet kollha li ġew ippubblikati kienu jinkludu dettalji ta’ tali valutazzjonijiet dwar jekk kienx hemm taqlib serju72. Spiss, il-Kummissjoni rreferiet b’mod ġenerali għall-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 mingħajr ma kkontestat l-argumenti tal-Istati Membri dwar iċ-ċirkustanzi individwali tal-każ speċifiku inkwistjoni (ara l-Kaxxa 10). Madankollu, tali referenza ġenerali ma tispjegax għalfejn il-Kummissjoni qieset li kien jeżisti taqlib serju fil-każijiet inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi suġġetti għal programm ta’ aġġustament ekonomiku. Fil-fehma tagħna, tali konklużjonijiet lanqas ma kienu appoġġati permezz ta' valutazzjonijiet korrispondenti, la mill-Kunsill u lanqas mill-BERS (għal aktar dettalji dwar il-missjoni tal-BERS ara l-Kaxxa 2)73.

Kaxxa 10

Eżempji ta’ kif il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) f’deċiżjonijiet ta’ ristrutturar individwali

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi finanzjarja globali tista’ toħloq taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru, li jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ miżuri mill-Istat li jappoġġaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji. Dan ġie suċċessivament spjegat fid-dettall u żviluppat fis-sitt Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet, kif ukoll fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

Il-Kummissjoni tfakkar li, mill-bidu tal-kriżi finanzjarja ’l hawn, hija użat b’mod sistematiku l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE bħala bażi ġuridika biex tivvaluta kwalunkwe għajnuna ta’ ristrutturar jew likwidazzjoni lill-banek f’diffikultà. Il-valutazzjoni tal-miżuri attwali skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE hija, għalhekk, kompletament konsistenti mal-każijiet preċedenti.

68

Għall-każijiet ta’ għajnuna għal-likwidazzjoni, il-Kummissjoni ma kkontestatx id-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri li falliment potenzjali ta’ bank kien jikkostitwixxi theddida għall-istabbiltà finanzjarja. Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 ma tiddefinixxi l-ebda sitwazzjoni fejn jista’ ma jkunx fattibbli li istituzzjoni ta’ kreditu tiġi likwidata skont proċedimenti ordinarji ta’ insolvenza mingħajr ma tiġi mhedda l-istabbiltà finanzjarja; lanqas ma tiddefinixxi liema informazzjoni l-Istati Membri jridu jippreżentaw bħala evidenza ta’ tali theddida. Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna għal-likwidazzjoni fil-kampjun tagħna kienu bbażati fuq dikjarazzjonijiet rigward theddidiet potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja li ġew ipprovduti mill-Istati Membri74 (ara l-Kaxxa 11). Id-deċiżjonijiet kollha kienu jikkonċernaw banek b’ishma mis-suq li jvarjaw minn 0.02 % sa 2 %. Hemm għadd ta’ raġunijiet potenzjali għalfejn anki l-falliment ta’ bank li mhuwiex sistematikament rilevanti jista’ joħloq theddida potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja. Għall-każijiet li eżaminajna, aħna nqisu li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat dawn ir-raġunijiet fid-deċiżjonijiet li kienu ġew ippubblikati75.

Kaxxa 11

Eżempji ta’ kif il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) f’deċiżjonijiet individwali dwar l-għajnuna għal-likwidazzjoni

Fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-ħruġ mis-suq ta’ operaturi mhux vijabbli filwaqt li jippermettu li l-proċess ta’ ħruġ iseħħ b’mod ordnat, sabiex iħarsu l-istabbiltà finanzjarja. Peress li l-miżuri […] huma mmirati biex jippermettu l-eżitu pożittiv ta’ bejgħ li jiżgura l-ħruġ ordnat mis-suq tal-banek […] bħala entitajiet awtonomi permezz tal-assorbiment tagħhom minn xerrej eventwali, il-Kummissjoni tqis li hija se tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri […] b’referenza għall-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

Fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-ħruġ mis-suq ta’ operaturi mhux vijabbli filwaqt li jippermettu li l-proċess ta’ ħruġ iseħħ b’mod ordnat, sabiex iħarsu l-istabbiltà finanzjarja. Kif issemma fil-Premessa […], l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddikjara li l-proċedura ta’ insolvenza ordinarja ma tkunx adatta biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, speċjalment l-objettiv globali relatat mal-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, bl-istess mod bħall-Miżuri.”

Permezz ta’ ittra datata […], il-[…] iddikjara li s-sitwazzjoni tal-bank ħolqot theddida għall-istabbiltà finanzjarja u li, għalhekk, kien meħtieġ intervent urġenti biex jiġi evitat taqlib serju fl-ekonomija ta’ […]. Il-[…] indika li likwidazzjoni skont proċedura ta’ insolvenza ordinarja ma tkunx fl-interess pubbliku, billi hija tpoġġi l-istabbiltà finanzjarja f’riskju, tinterrompi l-provvediment ta’ funzjonijiet kritiċi, taffettwa l-protezzjoni tad-depożituri u teqred il-valur. Barra minn hekk, […] iddikjara li f’każ ta’ likwidazzjoni regolari tal-bank, kieku l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti (“SGD”) […] tintalab biex tirrimborża minnufih id-depożiti koperti. Dan ipoġġi stress addizzjonali sinifikanti fuq is-sistema bankarja minħabba l-ħtieġa li jinġabru dawk l-ammonti mingħand il-kontributuri għall-SGD, il-banek […].

Skont l-awtoritajiet […], ma jkunx possibbli li jiġi evitat taqlib serju fl-ekonomija f’oqsma fejn […] u […] joperaw b’impatt partikolari fuq l-interruzzjoni tal-attivitajiet tan-negozju tal-SMEs u l-għoti ta’ self lill-unitajiet domestiċi.

69

Ir-regoli dwar il-kriżijiet jirrikjedu miżuri effettivi li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 tistabbilixxi rekwiżiti intenzjonati biex jiżguraw li l-ammonti tal-għajnuna jkunu limitati għall-minimu meħtieġ. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu l-kondiviżjoni tal-piż min-naħa tal-azzjonisti u d-detenturi ta’ bonds subordinati, il-prevenzjoni ta’ ħruġ ta’ flus, u l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-pagamenti lill-azzjonisti u lid-detenturi ta’ bonds, kif ukoll limiti massimi fuq ir-remunerazzjoni. Huma jinkludu wkoll projbizzjonijiet fuq l-akkwiżizzjoni u d-dumping tal-prezzijiet, sabiex jiġu llimitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. L-analiżi tagħna tad-deċiżjonijiet sabet li l-Istati Membri għamlu impenji biex jimplimentaw dawn il-miżuri. Madankollu, il-mod kif dawn l-impenji ġew ikkalibrati għall-effett distortiv tal-miżura speċifika mhux dejjem kien ċar76. Fid-deċiżjonijiet li ġew ippubblikati u li eżaminajna, aħna ma sibniex li l-Kummissjoni kienet analizzat l-impatt tal-miżuri fuq l-istrutturi tas-suq u l-ostakli għad-dħul kif meħtieġ mill-Komunikazzjoni Bankarja tal-201377. Skont il-Kummissjoni, dawn il-valutazzjonijiet la huma meħtieġa u lanqas jitwettqu għal setturi oħra.

70

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tirrikjedi b’mod espliċitu “li n-notifika ta’ kull pjan ta’ ristrutturar trid tinkludi paragun ma’ għażliet alternattivi, inklużi diviżjoni, jew assorbiment minn bank ieħor, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk hemmx soluzzjonijiet orjentati aktar lejn is-suq b’inqas spejjeż jew li jikkawżaw inqas distorsjoni li huma konsistenti mal-manteniment tal-istabbiltà finanzjarja”78. Fil-kampjun, aħna sibna li l-Kummissjoni ma kinitx ivverifikat li għal xi miżura partikolari ma kienx hemm alternattivi b’inqas spejjeż jew li jikkawżaw inqas distorsjoni. Il-Kummissjoni indikat li, f’konformità mal-ġurisprudenza, hija ma tistax timponi miżuri alternattivi fuq l-Istati Membri, iżda tista’ biss tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżura proposta.  

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

71

Il-Kummissjoni kellha riżorsi u għodod xierqa biex tiżgura l-kontroll effettiv tal-għajnuna mill-Istat. Hija għandha proċessi u proċeduri interni li huma ddefiniti tajjeb u li jippromwovu l-ilħuq tal-objettivi u jrawmu l-obbligu ta’ rendikont. Għandha strutturi organizzazzjonali adatti, b’linji ta’ rappurtar tajba li jippermettu fluss xieraq ta’ informazzjoni u superviżjoni interna adegwata min-naħa tal-maniġment superjuri (ara l-paragrafi 31-32). Hija għandha qafas etiku robust, għalkemm b’xi dgħufijiet f’dak li jirrigwarda t-trattament ta’ informazzjoni sensittiva għas-suq, kif ukoll sett komprensiv ta’ prinċipji ewlenin li jippromwovu l-integrità u l-aderenza mal-ogħla standards professjonali (ara l-paragrafi 33-34). Ir-riżorsi umani u dawk tal-IT meħtieġa biex il-liġi tiġi infurzata b’mod effiċjenti kienu fis-seħħ (ara l-paragrafi 35-36). Il-Kummissjoni għandha s-setgħat meħtieġa għal kontroll effettiv tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll qafas proċedurali xieraq (ara l-paragrafi 37-42). B’hekk, il-Kummissjoni kellha l-mezzi kollha meħtieġa biex tiżgura li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu bbażati fuq informazzjoni korretta.

72

Aħna nqisu li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma kinux kompletament adatti għall-iskop tagħhom li jikkontrollaw l-għajnuna mill-Istat għall-istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-objettivi tat-Trattat matul il-perjodu tal-awditu li wettaqna (ara l-paragrafu 48). Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju għandhom l-għan li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li jżommu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni f’livell minimu. Ir-regoli dwar il-kriżijiet ġeneralment ikunu mfassla tajjeb u ċari, għalkemm ma jiddefinixxu l-ebda kriterju għal taqlib serju (ara l-paragrafu 43). Madankollu, ir-regoli dwar il-kriżijiet ma kinux ġew riveduti b’segwitu għat-titjib fiċ-ċirkustanzi tas-suq matul il-perjodu awditjat u għat-tiġdid tal-qafas regolatorju wara l-kriżi finanzjarja, inkluż il-fatt li l-BRRD illimitat il-possibbiltajiet li l-banek jingħataw għajnuna mingħajr ma din l-għajnuna tirriżulta f’riżoluzzjoni (ara l-paragrafi 48-50).

Rakkomandazzjoni 1 – Titwettaq evalwazzjoni ta’ jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikunux għadhom xierqa u tittieħed azzjoni korrettiva fejn ikun meħtieġ

Biex tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju jibqgħu jkunu xierqa għar-realtajiet tas-suq u għall-qafas regolatorju applikabbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. twettaq evalwazzjoni tar-regoli attwali dwar il-kriżijiet (inkluż l-effett ġenerali tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni fis-swieq bankarji tal-UE) biex tiddeċiedi dwar miżuri xierqa.
  2. Jekk l-evalwazzjoni identifikat ħtieġa li jiġu riveduti r-regoli dwar il-kriżijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fost affarijiet oħra, tirrifletti dwar jekk għandhiex:
    1. tistipula kriterji ta’ valutazzjoni għal “taqlib serju” rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE;
    2. tinkorpora l-prinċipji komuni tal-valutazzjoni;
    3. taġġusta l-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ prekawzjoni u tal-għajnuna f’każ ta’ riżoluzzjoni; u
    4. tispeċifika aktar il-livell ta’ dettall għall-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023 (għall-evalwazzjoni)

73

Fil-biċċa l-kbira, il-Kummissjoni mmaniġġjat il-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat f’konformità mal-proċessi interni (mhux vinkolanti) tagħha. L-eżerċitar tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni kien jaderixxi mal-istrutturi, mal-linji ta’ rappurtar, kif ukoll mal-awtoritajiet u r-responsabbiltajiet stabbiliti għal dan l-iskop (ara l-paragrafu 52). Il-Kulleġġ ħa d-deċiżjonijiet tiegħu wara li DĠ oħra kellhom opportunità jqajmu t-tħassib (ara l-paragrafi 53-54). L-attivitajiet tal-Kummissjoni rigward it-trattament tal-każijiet, fil-biċċa l-kbira, kienu jaderixxu mal-proċessi interni (ara l-paragrafu 55). Fil-biċċa l-kbira, il-ġestjoni tad-dokumenti kienet konformi mal-istandards tal-Kummissjoni (ara l-paragrafi 56-57). Madankollu, il-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat kienu twal u mhux dejjem kienu kompletament trasparenti, parzjalment minħabba użu estensiv ta’ kuntatti informali ta’ qabel in-notifika min-naħa tal-Istati Membri qabel ma jinnotifikaw (ara l-paragrafi 58-59). Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet spiss iddewmet minħabba d-diskussjonijiet mal-Istati Membri rigward id-dritt li tinħeba informazzjoni kunfidenzjali fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjonijiet (ara l-paragrafi 60-61).

Rakkomandazzjoni 2 – Tissaħħaħ aktar il-konformità mal-proċessi interni u l-aħjar prattika

Sabiex iżżid l-effiċjenza, l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. ittejjeb il-ġestjoni tad-dokumenti tagħha u tiżgura li d-dokumenti kollha rilevanti jiġu rreġistrati;
  2. tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex, għall-kuntatti ta’ qabel in-notifiki, ma jaqbżux il-limitu ta’ żmien indikattiv ta’ sitt xhur stabbilit fil-Kodiċi tal-Aħjar Prattika, u jenħtieġ li dawn il-kuntatti jkunu bbażati fuq abbozzi ta’ notifiki bil-miktub; u
  3. issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex tħaffef il-pubblikazzjoni tal-verżjonijiet tad-deċiżjonijiet li ma jkunux kunfidenzjali u tiżgura approċċ konsistenti rigward liema informazzjoni ma għandhiex tiġi ddivulgata.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022

74

Id-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat jeħtieġ li jkunu bbażati fuq valutazzjonijiet li jkunu legalment u ekonomikament sodi (ara l-paragrafu 64). Il-Kummissjoni analizzat il-pjanijiet ta’ ristrutturar b’mod rigoruż (ara l-paragrafu 65), iżda ma kkontestatx il-valutazzjonijiet tal-Istati Membri dwar jekk kienx jeżisti taqlib serju, inklużi theddidiet għall-istabbiltà finanzjarja, f’kull każ individwali (ara l-paragrafi 66-67). Il-Kummissjoni imponiet miżuri intenzjonati biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, iżda ma analizzatx l-impatti reali ta’ kull miżura fuq il-kompetizzjoni (ara l-paragrafu 69). L-indikaturi tal-prestazzjoni ma kinux kollha kemm huma adatti għall-iskop tagħhom, billi huma kienu jirriflettu fatturi esterni lil hinn mill-kontroll tal-Kummissjoni u mhux dejjem kienu jirriflettu l-attivitajiet tal-Kummissjoni (ara l-paragrafi 23-24). Il-Kummissjoni lanqas ma kienet evalwat formalment kemm ir-regoli settorjali tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat kienu ħadmu tajjeb, jew jekk jenħtieġx li hija tbiddel jew sempliċiment twaqqaf l-approċċ tagħha (ara l-paragrafi 28-30).

Rakkomandazzjoni 3 – Isir titjib fil-kejl tal-prestazzjoni

Sabiex turi l-effett tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u ssaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tagħha lejn il-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini tal-UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiddefinixxi indikaturi adatti u rilevanti għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat li tingħata lill-istituzzjonijiet finanzjarji, li jirriflettu r-riżultati tal-attivitajiet tad-DĠ COMP, sabiex timmonitorja b’mod effettiv il-progress lejn l-objettivi fil-kuntest tar-rappurtar annwali tagħha; u timmonitorja l-idoneità tal-indikatur(i).

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Alex Brenninkmeijer, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-28 ta’ Lulju 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Glossarju

Abbuż minn informazzjoni privileġġata: Ix-xiri jew il-bejgħ ta’ ishma bil-ħsieb li jsir profitt jew jiġi minimizzat telf bil-benefiċċju ta’ informazzjoni li, jekk tkun ġeneralment magħrufa, tkun taffettwa l-valur tagħhom.

Bond sovran: Titolu ta’ dejn maħruġ minn gvern biex jappoġġa l-infiq pubbliku.

Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni: Awtorità ta’ riżoluzzjoni ċentrali fi ħdan l-unjoni bankarja, li għandha l-kompitu li tiżgura r-riżoluzzjoni ordnata ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li qed ifallu bi spiża minima għall-kontribwenti u għall-bqija tal-ekonomija.

Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD): Direttiva li tistabbilixxi regoli u proċeduri għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ diversi tipi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.

Fond ta’ Riżoluzzjoni: Fond stabbilit biex jgħin fl-iffinanzjar tar-riżoluzzjoni ordnata ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li qed ifallu.

Ġabra unika tar-regoli: Sett ta’ testi leġiżlattivi li l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fl-UE jridu jikkonformaw magħhom.

Għajnuna mill-Istat: Appoġġ dirett jew indirett, li l-gvern jagħti lil negozju jew lil organizzazzjoni, u li jagħtihom vantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom.

Mekkaniżmu superviżorju uniku: Is-sistema tal-UE għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, li tinkludi l-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti.

Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni: Mekkaniżmu li abbażi tiegħu l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali għandhom setgħa ta’ riżoluzzjoni ċentralizzata, fejn huma direttament responsabbli mir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-unjoni bankarja.

Rapport de Larosière: Rapport li ġie ppubblikat fi Frar 2009 u li appella għal tiġdid tas-sistema Ewropea ta’ regolamentazzjoni finanzjarja.

Regolamentazzjoni Aħjar: Kunċett li jiggwida t-tfassil tal-liġijiet u tal-politika tal-UE, abbażi tal-prinċipji li jenħtieġ li r-regolamentazzjoni tilħaq l-objettivi tagħha bi spiża minima u tkun imfassla b’mod trasparenti u bbażat fuq l-evidenza bl-involviment taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati.

Rikapitalizzazzjoni interna: Mezz biex jiġi evitat falliment bankarju, fejn bank jiġi rikapitalizzat permezz ta’ azzjonisti eżistenti (minflok ma jiġi salvat b’fondi pubbliċi).

Riżoluzzjoni: L-istralċ ordnat ta’ istituzzjoni finanzjarja li qed tfalli biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet essenzjali tagħha, tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja u jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi minimizzata l-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju pubbliku.

Self improduttiv (NPL): Self li għalih il-pagamenti kienu ilhom dovuti għal perjodu ta’ żmien speċifikat (normalment ta’ 90 jum), jew fejn ikun hemm evidenza li huwa probabbli li l-ħlas ma jingħatax lura sħiħ.

Tim tal-Ekonomista Prinċipali: Tim fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs li jiżviluppa, jikkoordina u jipproduċi analiżi ekonomika biex jiżgura li l-inizjattivi tad-direttorat ġenerali jkunu bbażati fuq evidenza ekonomika soda.

Unjoni bankarja: Wieħed mill-elementi kostitwenti għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li jikkonsisti f’qafas finanzjarju integrat b’mekkaniżmu superviżorju uniku, mekkaniżmu uniku għar-riżoluzzjoni tal-banek u ġabra unika tar-regoli.

Lista ta’ abbrevjazzjonijiet

ASE: L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej

BĊE: Il-Bank Ċentrali Ewropew

BERS: Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

BRRD: Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek

CET: Tim tal-Ekonomista Prinċipali

DĠ COMP: Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

DĠ FISMA: Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

EBA: L-Awtorità Bankarja Ewropea

ECOFIN: Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

ISC: Konsultazzjoni bejn is-servizzi

MSU: Mekkaniżmu superviżorju uniku

NPL: Self improduttiv

PE: Il-Parlament Ewropew

RAA: Rapport Annwali tal-Attività

SRB: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

SRM: Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni

TFUE: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-Paragrafi minn I-IX.

Sa mill-2008, il-Kummissjoni Ewropea applikat regoli dwar l-għajnuna mill-Istat skont it-Trattat għas-settur finanzjarju abbażi ta’ linji gwida speċifiċi. Il-Kummissjoni adottat aktar minn 500 deċiżjoni matul l-aħħar għaxar snin abbażi ta’ dawn il-linji gwida.

Matul il-perjodu awditjat (2013-2018), u flimkien mal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-UE mill-2015, l-applikazzjoni uniformi tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat eżerċitata mill-Kummissjoni fis-settur finanzjarju kkontribwiet għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni billi ppreveniet il-falliment diżordinat ta’ banek li altrimenti kienu vijabbli u billi ffaċilitat il-ħruġ mis-suq b’mod ordnat ta’ entitajiet mhux vijabbli. Din ikkontribwiet biex is-settur bankarju tal-UE jsir aktar robust permezz tat-tindif tal-karti tal-bilanċ tal-banek, l-istigazzjoni ta’ ristrutturar profond, u l-ħruġ mis-suq tal-atturi l-anqas effiċjenti. Ippreservat ukoll kompetizzjoni ġusta billi tirrikjedi li l-banek megħjuna jimplimentaw miżuri biex inaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, ħtieġet qsim tat-telf privat mill-azzjonisti tal-banek megħjuna u kredituri subordinati. Il-Kummissjoni tqis li użat ir-riżorsi u l-għodod tagħha b’mod effiċjenti u b’konformità mar-regoli u l-proċeduri tagħha.

Kif tirrikonoxxi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (“il-QEA”), it-Trattat jagħti marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni biex tinterpreta l-kriterji li abbażi tagħhom tista’ ssib miżuri ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni trid tikkunsidra bir-reqqa diversi elementi ekonomiċi u legali qabel ma tikkonkludi li sitwazzjoni speċifika tiġġustifika għajnuna mill-Istat lil benefiċjarju speċifiku. Is-sejba tal-bilanċ jekk l-għajnuna hijiex ġustifikata biex jintlaħaq objettiv ta’ interess komuni Ewropew, inkluż ir-rimedju għal taqlib serju fl-ekonomija, hija valutazzjoni li t-Trattat inkariga lill-Kummissjoni.

Fl-eżerċizzju ta’ dik il-valutazzjoni, fl-2013 il-Kummissjoni rrevediet il-linji gwida tagħha li jistabbilixxu l-kriterji għajnuna kompatibbli lill-istituzzjonijiet finanzjarji milquta mill-effetti tal-kriżi. Għamlet hekk wara konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, inkluż mal-Istati Membri bħala dawk li jagħtu l-għajnuna. Dawn il-kriterji għadhom validi sal-lum, hekk kif l-effetti tal-kriżi għadhom jippersistu fis-settur bankarju madwar l-UE. L-irkupru ekonomiku kien dgħajjef f’għadd ta’ Stati Membri u s-sitwazzjoni tas-settur bankarju ma reġgħetx lura għas-sitwazzjoni ta’ qabel l-2008. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri reċentement kienu parti minn programmi ta’ aġġustament ekonomiku.

Fl-2014, ġie introdott qafas regolatorju bankarju ġdid, b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni (BRRD)79, ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRMR)80, u d-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (DGSD)81.

F’dan il-kuntest regolatorju ġdid, l-atturi maħluqa ġodda ħadu r-responsabbiltajiet tagħhom fl-Unjoni Bankarja, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala s-superviżur ċentrali tal-banek fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fir-rwol tiegħu fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM)82. Ta’ min jinnota li filwaqt li sar ħafna progress mill-2015 ‘l hawn, l-implimentazzjoni tal-BRRD għadha għaddejja83, pereżempju fir-rigward tal-akkumulazzjoni ta’ strumenti li jistgħu jiġu rikapitalizzati internament. Barra minn hekk, sal-lum, hemm żoni ta’ vulnerabbiltajiet f’partijiet tas-settur bankarju, pereżempju minħabba livelli għoljin ta’ self improduttiv u profittabbiltà baxxa fis-settur.

Kull pjan biex tingħata għajnuna mill-Istat għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri. Bl-istess mod, fejn l-SRB bi ħsiebu juża l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, l-SRMR84 jirrikjedi li l-SRB jippreżenta l-proposta tiegħu li jagħti għajnuna tal-Fond lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Ir-rwol tal-Kummissjoni bħala infurzatur tal-kompetizzjoni essenzjalment jikkonsisti fil-valutazzjoni ta’ jekk l-effetti pożittivi tal-għajnuna jegħlbux l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tagħmel din il-valutazzjoni ex ante, jiġifieri meta l-proposta ta’ għajnuna tiġi notifikata qabel l-implimentazzjoni tagħha mill-Istat Membru kkonċernat. Dan jimplika li l-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji ex post, jiġifieri wara li tkun irċeviet għajnuna mill-Istat, ma tistax tiġi attribwita biss lill-Kummissjoni peress li atturi oħra u fatturi oħra u fatturi oħra għandhom rwol importanti, li jagħmilha diffiċli biex jiġu definiti indikaturi tal-prestazzjoni li jirriflettu l-kontribut tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat b’mod inekwivokabbli. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu għajnuna mill-Istat biex jgħinu jipprevjenu jew itaffu l-konsegwenzi negattivi possibbli ta’ banek f’diffikultà jew li qed ifallu f’konformità sħiħa mal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-UE.

Billi jimminimizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni meta jingħata appoġġ pubbliku, il-linji gwida għas-settur finanzjarju dwar l-għajnuna mill-Istat jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet ekwi, irrispettivament minn jekk l-Istati Membri jipparteċipawx fl-Unjoni Bankarja jew le. Fit-tfassil regolatorju l-ġdid, il-koleġiżlaturi taw responsabbiltajiet importanti lil atturi oħra, pereżempju s-superviżjoni ta’ kuljum tal-banek, l-iffissar ta’ rekwiżiti ta’ kapital, it-tħaddim tat-testijiet tal-istress u r-rieżamijiet tal-kwalità tal-assi, id-deċiżjoni dwar jekk bank hux “qed ifalli jew x’aktarx se jfalli”, jekk bank jitpoġġiex f’riżoluzzjoni jew le. U mhux l-inqas, id-deċiżjoni li tingħata għajnuna u li titfassal miżura ta’ għajnuna hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru. Ir-rwol tal-Kummissjoni kien u huwa limitat għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

Il-Kummissjoni tqis li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat imfassla speċifikament biex jindirizzaw l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq il-banek kienu għadhom konformi mar-realtajiet tas-suq matul il-perjodu kopert mill-verifika. Huwa importanti li l-Kummissjoni tapplika l-istess regoli għall-Istati Membri kollha. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni sabitha prematura li tniedi evalwazzjoni formali tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju. Dan ikompli jkun il-każ għat-terminu qasir peress li l-effetti ekonomiċi tal-kriżi ta’ COVID-19 li għaddejja bħalissa, inkluż fuq il-banek, jikkostitwixxu b’mod ċar tfixkil serju fl-ekonomiji tal-Istati Membri.

Jenħtieġ li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jirriflettu r-realtajiet tas-suq u fl-istess ħin jipprovdu gwida stabbli għall-parteċipanti tas-suq fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Meta meħtieġ, il-Kummissjoni se taġġusta r-regoli tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod rapidu sabiex tirrifletti l-bidliet drammatiċi fl-ambjent ekonomiku, kif għamlet b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19. Il-Qafas Temporanju għall-ekonomija reali ġie adottat malajr u daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Marzu 2020. Fost miżuri oħra, dan il-Qafas jippermetti lill-Istati Membri biex jidderieġu l-għajnuna lill-ekonomija reali permezz ta’ banek. Fl-ewwel tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Qafas Temporanju, il-Kummissjoni diġà adottat aktar minn 160 deċiżjoni85 li japprovaw aktar minn 200 miżura nazzjonali nnotifikati minn 27 Stat Membru u r-Renju Unit. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri jistgħu jagħtu madwar EUR 2.2 triljun f’għajnuna biex jgħinu lill-kumpaniji jittrattaw l-impatt ta’ COVID-19 fuq in-negozju tagħhom. B’dan il-mod, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-isforzi ġenerali tal-UE biex ittaffi l-effetti ekonomiċi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 u biex tippermetti rkupru qawwi, filwaqt li tissalvagwardja l-kundizzjonijiet ekwi.

Fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju, il-Kummissjoni applikat ir-regoli komuni tagħha b’mod konsistenti għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ madwar 200 każ matul il-perjodu awditjat. L-interventi tal-Kummissjoni, xi drabi meħuda taħt pressjoni kbira ħafna biex tinżamm il-fiduċja tad-depożitaturi u l-istabbiltà finanzjarja, ikkontribwew bil-kbir biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi fis-settur finanzjarju tal-UE u biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fid-deċiżjonijiet individwali li ħadet, il-Kummissjoni, abbażi tal-kriterji bbilanċjati kif espressi fil-linji gwida, ivverifikat kull darba jekk il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat proposta mill-Istat Membru kinux sodisfatti, u jekk il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li hija vvalutat kinux meħtieġa u l-ammont ta’ għajnuna kienx limitat għall-minimu neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess komuni inkwistjoni. Minn kull deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat huwa evidenti li l-Kummissjoni qieset l-ambjent regolatorju l-ġdid fil-valutazzjonijiet tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat, kull meta dan kien legalment meħtieġ.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat huma soġġetti għal serje ta’ kontrolli u bilanċi, interni u esterni. B’mod partikolari, ir-reviżjoni sostanzjali tal-kompatibbiltà tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat mat-Trattat hija l-kompetenza esklussiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif previst fl-Artikolu 263 l-Artikolu 267 TFUE. Fl-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa, hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha tiġġudika r-raġunament legali, il-proċeduri u l-fatti li fuqhom hija bbażata l-azzjoni tal-Kummissjoni.

F’dan l-isfond, b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA, il-Kummissjoni:

  • taċċetta r-rakkomandazzjoni li jiġu evalwati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-banek f’konformità mal-linji gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar. L-impatt ekonomiku tal-kriżi maħluqa mit-tifqigħa ta’ COVID-19 jikkostitwixxi tfixkil serju fl-ekonomija tal-Istati Membri u hemm inċertezza kbira dwar il-perspettiva ekonomika. Għalhekk, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni meta l-ekonomija tkun irkuprat u sa mhux aktar tard mill-2023;
  • taċċetta r-rakkomandazzjoni biex tiżdied aktar l-effiċjenza tal-proċessi interni u fejn applikabbli l-Kummissjoni se tfakkar lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-aħjar prattiki;
  • taċċetta r-rakkomandazzjoni li jiġu definiti indikaturi ta’ prestazzjoni xierqa u rilevanti, li jistgħu jiġu inklużi fil-Pjan ta’ Ġestjoni annwali tagħha biex jiġu riflessi r-riżultati tal-attivitajiet tad-DĠ Kompetizzjoni u biex tiġi mmonitorjata l-adegwatezza tagħhom.

Introduzzjoni

It-tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 01-16

L-għajnuna mill-Istat hija kunċett oġġettiv definit mit-Trattat, li huwa għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tinterpreta u li biha hija marbuta l-Kummissjoni.86 Min-naħa l-oħra, it-Trattat jagħti valutazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat proposta minn Stat Membru fuq il-Kummissjoni bħala l-kompetenza esklussiva tiegħu. Għal din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni twettaq “test ta’ bbilanċjar”, li jiżen l-effetti pożittivi ta’ miżura kontra l-effetti negattivi tagħha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni fis-suq komuni.

Il-prinċipji ġenerali ta’ dan it-test ta’ bbilanċjar huma ddettaljati, b’kunsiderazzjonijiet tal-kuntest settorjali, f’għadd ta’ linji gwida għal kategoriji partikolari ta’ għajnuna. Billi tivvaluta miżura ta’ għajnuna skont (fid-dawl tal-objettiv tal-għajnuna) linji gwida rilevanti, il-Kummissjoni għalhekk tapplika t-test tal-ibbilanċjar f’kull każ. Il-Kummissjoni tfakkar f’dan il-kuntest li jekk miżura partikolari ta’ għajnuna, skont in-natura oġġettiva tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida eżistenti u għalhekk għandha tiġi vvalutata skont dawn il-linji gwida, japplikaw biss il-kriterji ta’ valutazzjoni kif ifformulati f’dawk il-linji gwida.

Għall-għajnuna mill-Istat lill-banek, il-Kummissjoni reċentement irriflettiet il-prinċipji tat-test tal-ibbilanċjar fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013. Dawn il-linji gwida, peress li huma maħsuba biex jindirizzaw sitwazzjonijiet diverġenti ħafna, jistabbilixxu prinċipji, li l-Kummissjoni tapplika b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet rilevanti tal-każ. Il-kriterji tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà jistgħu jinġabru fi tliet “pilastri ewlenin”:

  1. Il-minimizzazzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni wara l-għoti ta’ għajnuna biex tiġi ppreservata l-kompetizzjoni ġusta sa ċertu punt (eż. bil-limitazzjoni tat-tkabbir tal-karta tal-bilanċ tal-banek megħjuna, li tirrikjedi l-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet jew assi, jew il-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali aggressivi);
  2. Il-qsim tal-piżijiet biex l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat ikun limitat, u b’hekk jitnaqqas il-periklu morali (eż. permezz tal-parteċipazzjoni ta’ telf minn azzjonisti tal-bank u kredituri subordinati, iżda wkoll ċessjonijiet u rekwiżiti ta’ remunerazzjoni jew prezzijiet) u b’mod inċidentali jitnaqqas ukoll il-piż għal min iħallas it-taxxa;
  3. Id-dimostrazzjoni tal-vijabbiltà fit-tul tal-banek, filwaqt li jitqiesu l-miżuri meħtieġa taħt iż-żewġ pilastri l-oħra. Jekk il-vijabbiltà ma tkunx tista’ tintwera, jenħtieġ li l-bank joħroġ mis-suq b’mod ordnat.

Il-valutazzjonijiet tal-kompatibbiltà tal-Kummissjoni huma dejjem valutazzjonijiet ex ante, ibbażati fuq il-fatti disponibbli għall-Kummissjoni fiż-żmien tal-valutazzjoni tal-miżura notifikata.

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li japplikaw għas-settur bankarju jagħmlu distinzjoni bejn tliet tipi ta’ għajnuna:

  1. “Għajnuna ta’ likwidità” biex tindirizza t-tħassib dwar il-likwidità temporanja ta’ entitajiet mod ieħor solventi;
  2. “Għajnuna ta’ ristrutturar” biex tgħin lill-entitajiet f’diffikultà biex jirrestawraw il-vijabbiltà fit-tul tagħhom u b’hekk jiġu appoġġjati biex jippreservaw l-attività ekonomika tagħhom;
  3. “Għajnuna ta’ likwidazzjoni” bħala appoġġ għall-ħruġ mis-suq ordnat ta’ entitajiet f’diffikultà li għalihom ma tistax terġa’ tiġi stabbilita l-vijabbiltà fit-tul.

Wara d-dħul fis-seħħ rispettiv tagħhom, il-qafas regolatorju l-ġdid tal-UE għar-riżoluzzjoni tal-banek u r-regoli speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur bankarju ġew applikati b’mod konsistenti mingħajr diskriminazzjoni mill-Kummissjoni. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn id-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ riżoluzzjoni tal-banek tal-UE huma hekk intrinsikament marbuta mal-għan tal-għajnuna li ma jistgħux jiġu vvalutati separatament, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet fid-deċiżjoni rispettiva dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, hekk kif ir-regoli ta’ riżoluzzjoni tal-banek tal-UE kif ukoll ir-regolamenti tal-kapital jiġu implimentati minn awtoritajiet oħra, il-Kummissjoni taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE, mal-SRB u mal-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni nazzjonali.87 Filwaqt li kull wieħed minn dawn l-atturi jopera fi ħdan il-mandat tiegħu stess, huma kollha jikkondividu l-objettiv li jiżguraw settur finanzjarju sod u stabbli. Il-Kummissjoni tinteraġixxi u tikkoordina b’mod regolari mal-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, biex tindirizza sitwazzjonijiet kumplessi u urġenti u tevita l-falliment diżordinat tal-banek li jinvolvu riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, hemm diviżjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet fl-ambjent regolatorju l-ġdid li għandu jitqies meta jiġi diskuss il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fis-settur bankarju.

B’mod partikolari, huwa jew il-BĊE jew is-superviżur nazzjonali li jiddikjaraw bank li qed ifalli jew li x’aktarx ifalli. Wara din id-dikjarazzjoni, l-awtorità tar-riżoluzzjoni responsabbli (fl-Unjoni Bankarja din hija l-SRB għal istituzzjonijiet sinifikanti88) għandha tiddeċiedi jekk huwiex fl-interess pubbliku li l-bank jitqiegħed f’riżoluzzjoni, jew jekk bank jistax jiġi stralċjat skont il-liġi nazzjonali b’mod iżolat. Jekk l-SRB jew l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni jqisu li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ma tkunx fl-interess pubbliku, il-liġi tal-UE tistipula li l-bank jiġi stralċjat f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-insolvenza. Il-Kummissjoni ssir involuta fir-rwol tagħha bħala infurzatur tal-kompetizzjoni meta r-riżoluzzjoni ta’ bank tinvolvi l-użu ta’ eż. il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni89 jew alternattivament, meta fi proċediment nazzjonali ta’ insolvenza l-Istat Membru jqis li huwa meħtieġ li tingħata għajnuna mill-Istat90. Fiż-żewġ tipi ta’ kontijiet, il-miżuri ta’ għajnuna għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni għal valutazzjoni skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

Sa mill-2008, il-Kummissjoni kienet qed tapplika l-Artikolu 107(3)(b) TFUE bħala l-bażi ġuridika għad-deċiżjonijiet tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ banek.91 Din il-bażi ġuridika tibqa’ ġustifikazzjoni valida, peress li għad hemm evidenza li turi li s-settur finanzjarju għadu ma lestiex iċ-ċiklu ta’ aġġustament mill-kriżi, li għad hemm żoni ta’ vulnerabbiltà, u li tfaċċaw riskji ġodda għas-settur.

Osservazzjonijiet

Tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 21-25 (l-issettjar tal-Objettiv u l-kejl tal-prestazzjoni)

Kull servizz tal-Kummissjoni jipproduċi Pjan ta’ Ġestjoni annwali għas-sena li ġejja, li jirrifletti l-attivitajiet tas-servizz u kif dawn jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Kummissjoni stipulati fil-pjan strateġiku tas-servizz. L-indikaturi tal-prestazzjoni jservu biex jimmonitorjaw il-progress lejn l-objettivi fil-kuntest tar-rappurtar annwali tagħha. Il-Kummissjoni tindika li hija dejjem tfittex li jkollha l-aħjar indikaturi tal-prestazzjoni possibbli fi ħdan ir-restrizzjonijiet eżistenti, bħad-disponibbiltà tad-data affidabbli u konsistenti l-aktar reċenti, metodoloġiji rikonoxxuti b’mod komuni u relazzjonijiet kawżali uniċi stabbiliti sew biex l-indikaturi jiġu bbażati fuq. Il-Kummissjoni hija lesta li ttejjeb il-kejl tal-prestazzjoni tagħha, iżda jenħtieġ li l-indikaturi tar-riżultati jkunu adattati għall-fini ta’ Pjan ta’ Ġestjoni annwali. Għalhekk, huwa jara ħafna sfidi għall-kejl b’mod sempliċi u operattiv b’direzzjoni kawżali mhux ambigwa, ir-riżultati annwali tal-prestazzjoni fuq fenomeni wesgħin, bħall-“integrità tas-suq intern b’mod ġenerali” enfasizzati mill-QEA.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ma tqisx li s-suċċess ta’ ristrutturar tal-banek jista’ jiġi mqassar f’indikatur sempliċi u xieraq għar-Rapporti ta’ Ġestjoni annwali tas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha li tinforza l-għajnuna mill-Istat, neċessarjament tivvaluta l-vijabbiltà u l-impenji relatati mill-Istat Membru minn perspettiva ex ante. Il-Kummissjoni tinżamm infurmata wkoll dwar l-implimentazzjoni ta’ impenji speċifiċi li l-Istat Membru jista’ jkun ipprovda permezz ta’ rapporti ta’ monitoraġġ apposta mill-fiduċjarji indipendenti li huwa jaħtar. Madankollu, impenji legalment monitorabbli legalment li għandhom x’jaqsmu ma’ azzjonijiet speċifiċi huma differenti mill-ħafna fatturi li jistgħu jinfluwenzaw is-suċċess ta’ perjodu ta’ ristrutturar ta’ ħames snin, b’mod partikolari l-iżviluppi makroekonomiċi jew tan-negozju li mhumiex koperti mill-impenji. Il-Kummissjoni ma tiħux kontroll tal-impriżi megħjuna, u l-implimentazzjoni tal-impenji tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istat Membru. Il-Kummissjoni lanqas ma taġixxi bħala superviżur u għalhekk ma tistax timmonitorja l-prestazzjoni ta’ kuljum tal-banek jew l-iżviluppi usa’ tas-suq.

Fil-perjodu awditjat, il-Kummissjoni approvat għajnuna individwali għar-ristrutturar f’aktar minn 25 każ u ftit biss irċeviet appoġġ ta’ kapital ripetut. Skont il-QEA, diversi banek fil-kampjun tagħhom li kienu rċevew tali għajnuna aktar tard kienu jeħtieġu interventi addizzjonali tal-gvern wara li nstabu vijabbli mill-Kummissjoni. Mingħajr ma nidħlu fid-dettalji ta’ każijiet individwali, ta’ min jinnota li kull każ jippreżenta valutazzjoni kumplessa f’ċirkostanzi differenti ħafna.92 Barra minn hekk, għal kampjun ta’ 175 bank is-servizzi tal-Kummissjoni vvalutaw ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-banek megħjuna billi tqabblu ma’ banek mhux megħjuna. Is-sejbiet li ġew ippubblikati fl-2015 juru li, bħala medja, il-prestazzjoni93 ta’ banek ristrutturati tikkonverġi lejn il-valuri ta’ banek li ma rċevewx għajnuna għalkemm fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar biss.94 Għal dawn ir-raġunijiet, interventi addizzjonali tal-gvern fi stadju aktar tard m’għandhomx jiġu interpretati bħala li jikkontradixxu l-valutazzjoni tal-vijabbiltà li l-Kummissjoni wettqet ex ante.

It-tweġiba Komuni tal-Kummissjoni rigward il-paragrafi 26-27 (Valutazzjoni ta’ riskju)

Il-Kummissjoni tirrimarka li l-identifikazzjoni tar-riskju u l-proċess tal-għażla fis-seħħ fid-DĠ Kompetizzjoni hija newtrali għas-setturi, u tenfasizza kemm riskji azzjonabbli sinifikanti, fejn hija meħtieġa azzjoni ta’ mitigazzjoni, u riskji aċċettati, fejn azzjonijiet ta’ mitigazzjoni huma diġà fis-seħħ f’konformità mal-linji gwida interni tal-Kummissjoni li japplikaw għas-servizzi kollha tagħha.

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-kompetizzjoni fl-UE, il-Kummissjoni regolarment iżżomm l-istrumenti legali tagħha allinjati mar-realtajiet tas-suq u mal-ħsieb ekonomiku u legali kontemporanju, billi tevalwa u tirrevedihom. Tagħmel dan, jew kif previst fl-istrument legali jew il-qafas innifsu, jew alternattivament, billi tivvaluta fuq il-bażi tal-għarfien tagħha tas-suq u l-interazzjoni tal-partijiet interessati, u llum fil-kuntest tal-qafas ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, meta jniedi evalwazzjoni u possibbilment reviżjoni tar-regoli, sakemm ma tkunx tapplika eżenzjoni. Għalhekk, iż-żamma ta’ strumenti legali allinjati mar-realtajiet tas-suq u l-ħsieb legali u ekonomiku kontemporanju tapplika bħala prinċipju ġenerali, gwida ta’ politika speċifika għas-settur bħal fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat lill-istituzzjonijiet finanzjarji, ma ġietx identifikata b’mod speċifiku bħala riskju sinifikanti. Madankollu, l-iżviluppi tas-suq jiġu osservati b’mod kostanti. Għandu jiġi mfakkar ukoll li r-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-linji gwida, jipprovdu stabbiltà u ċertezza legali għall-parteċipanti tas-suq u għall-Istati Membri, u għalhekk il-bidliet għar-regoli għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa.

Kif diġà ġie spjegat, il-Kummissjoni għandha qafas ta’ politika komprensiv għall-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju fis-seħħ, li hija applikat b’mod konsistenti. Għalhekk, id-DĠ Kompetizzjoni ma kellu l-ebda raġuni biex jiddevja mill-approċċ newtrali settorjali tiegħu u jikkwalifika dan is-settur/strument, b’mod differenti minn setturi/strumenti oħrajn, bħala riskju sinifikanti b’potenzjal li jissogra l-kisba tal-objettivi tad-DĠ.

It-tweġiba Komuni tal-Kummissjoni rigward il-paragrafi 28-30 (Valutazzjoni u evalwazzjoni ta’ riskju)

Il-qafas ta’ Regolamentazzjoni Aħjar huwa għodda importanti fl-iżvilupp tal-politika tal-Kummissjoni. Dan daħal fis-seħħ fl-2015, wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Bankarja fl-2013. Madankollu, fl-2013 il-Kummissjoni kienet diġà kisbet esperjenza sinifikanti fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat speċifiċi għas-settur finanzjarju, u kontra li vvalutat bir-reqqa l-fatturi rilevanti, li ġew ikkonsultati mal-Istati Membri kollha u ma’ partijiet interessati oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar ma jippreskrivux il-mument speċifiku meta għandhom jiġu evalwati l-politiki, iżda jiddeskrivu kif għandha titwettaq evalwazzjoni meta jkun hemm deċiżjoni politika li tniedi l-evalwazzjoni dwar ċerti politiki jew jekk il-leġiżlazzjoni ta’ politika tistipula dispożizzjonijiet biex jitwettqu evalwazzjonijiet.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li r-regoli tagħha applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju huma – u kienu matul il-perjodu awditjat – adegwati u adattati għall-iskop tagħhom. Kif diġà ġie ċċarat, ma kien hemm l-ebda rekwiżit biex tiġi evalwata formalment il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 matul il-perjodu awditjat u l-Kummissjoni tqis li r-regoli ġew allinjati mar-realtajiet tas-suq filwaqt li pprovdiet ukoll gwida stabbli u ppruvata għall-Istati Membri kollha u l-parteċipanti fis-suq.

It-tweġiba tal-Kummissjoni rigward il-paragrafu 32 (Strutturi ta’ ġestjoni)

Il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv il-valutazzjoni tal-QEA li l-istrutturi ta’ ġestjoni tad-DĠ Kompetizzjoni kienu adegwati. L-Ekonomista Prinċipali u t-tim tiegħu fid-DĠ Kompetizzjoni jagħtu kontributi importanti lill-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni, u dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkunsidrati mid-DĠ Kompetizzjoni fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tagħha f’dan il-qasam.

It-tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 33-34 (Qafas etiku)

Il-Kummissjoni tilqa’ r-rikonoxximent ġenerali ta’ qafas etiku b’saħħtu u tqis li r-regoli tagħha huma adattati tajjeb ukoll għall-persunal li jittratta informazzjoni sensittiva għas-suq. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikoli 11 sa 26(a) tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu l-qafas etiku stabbilit mill-koleġiżlaturi għall-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej. Abbażi ta’ dan, l-istituzzjonijiet jadottaw regoli iktar dettaljati għall-persunal tagħhom. Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa fid-DĠ Kompetizzjoni, l-obbligu għall-persunal li jfittex awtorizzazzjoni minn qabel għal ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji privati jkun kontroll sproporzjonat, anke fid-dawl tal-ipproċessar ta’ data personali (sensittiva) skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament 2018/1725, li jiddikjara li l-ipproċessar ta’ data personali għandu jkun adegwat, rilevanti u limitat għal dak li huwa meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (“minimizzazzjoni tad-data”).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li f’awditu preċedenti reċenti dwar il-qafas etiku tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-QEA għamlet rimarki pożittivi dwar il-gwida tad-DĠ Kompetizzjoni u l-proċeduri dwar l-etika.95

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li fil-każijiet bankarji (jew b’mod aktar ġenerali) l-ebda każ ta’ għemil ħażin ma ġie rrappurtat mill-awtoritajiet kompetenti li huma nnominati fl-UE għal dan il-għan.

It-tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 35-36 (Riżorsi umani u tal-IT)

Il-Kummissjoni tilqa’ l-konklużjoni tal-QEA dwar il-kwalità tal-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem fiż-żona li kien is-suġġett tal-verifika. Il-Kummissjoni tfakkar li – grazzi għall-miżuri ta’ mitigazzjoni li ħadet – id-DĠ Kompetizzjoni f’kull ħin kellha (u għandha) persunal bi kwalifiki għolja u kapaċi twettaq il-kompiti tagħha.

Tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 38-42 (Il-qafas proċedurali għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat)

Il-Kummissjoni u s-servizzi tagħha jeżerċitaw kontroll tal-għajnuna mill-Istat skont il-mandat mit-Trattat u bl-għajnuna ta’ proċessi formali u informali. Il-proċeduri formali huma stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kunsill,96 filwaqt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri bħala dawk li jagħtu l-għajnuna rrikonoxxew ukoll l-aħjar prattiki dwar il-kooperazzjoni informali, li huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki97 b’mod trasparenti. Tali kooperazzjoni informali, imsejħa l-fażi ta’ qabel in-notifika, toffri l-possibbiltà għall-Istati Membri li jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar miżuri ppjanati fuq bażi informali u mhux vinkolanti. It-tul u l-profondità ta’ dawn l-iskambji informali jiddependu fuq kemm hu avvanzat il-pjan ta’ Stat Membru. Naturalment, idea aktar vaga għal miżura potenzjali normalment tinvolvi aktar skambji sakemm il-Kummissjoni tkun tista’ tikseb il-livell adegwat ta’ dettall meħtieġ biex tipprovdi feedback sinifikanti lill-Istat Membru. Fil-fatt, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa fil-kuntest tar-reviżjoni tal-2018 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki – li mhijiex speċifika għal xi settur – juru li l-parti l-kbira ta’ dawk li wieġbu u li huma l-aħjar prattika jipperċepixxu b’mod pożittiv fażi ta’ notifika minn qabel estiża u tabilħaqq tikkostitwixxi l-aħjar prattika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tidħol f’tali diskussjonijiet informali mal-Istati Membri anki jekk dawn tal-aħħar jagħżlu li ma jsegwux l-aħjar prattiki indikati fil-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki. Fl-aħħar nett, peress li anki f’każ ta’ kuntatti ta’ qabel in-notifika informali bħal dawn, kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar miżura ta’ għajnuna tista’ ssir biss wara notifika formali, id-drittijiet proċedurali ta’ partijiet terzi stipulati fir-Regolament Proċedurali98 huma salvagwardjati bl-istess mod bħal fi proċedura ta’ għajnuna mill-Istat mingħajr din il-fażi ta’ qabel in-notifika informali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tindika li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabet li sempliċement it-tul ta’ kuntatti ta’ qabel in-notifika ma jistax jitqies bħala indikatur ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà.

It-tweġiba Komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 43-50 (Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat)

Il-Kummissjoni tafferma li l-iżvilupp ta’ linji gwida għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat f’settur partikolari jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tiegħu ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat kif stabbilit fit-Trattat. L-għażla tal-bażi ġuridika hija parti mill-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, u l-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE baqa’ l-bażi ġuridika xierqa biex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna għall-istituzzjonijiet finanzjarji matul il-perjodu awditjat. Tabilħaqq, illum dan huwa partikolarment validu, peress li t-tifqigħa ta’ COVID-19 hija xokk ewlieni għall-ekonomiji tal-UE.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjonijiet tagħha (i) li jżommu l-Artikolu 107(3)(b) TFUE bħala bażi ġuridika għall-għajnuna mill-Istat lill-banek matul il-perjodu awditjat, u (ii) li ma jkunux għadhom qed jirrevedu l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, kienu xierqa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

  • Dgħufijiet mhux negliġibbli fl-ekonomiji baqgħu jippersistu matul il-perjodu awditjat u jibqgħu, anki jekk dawn jistgħu ma jaffettwawx lill-Istati Membri kollha b’mod ugwali99. Pereżempju, il-konsegwenzi negattivi tal-kriżi (eż. fil-forma ta’ stokks kbar ta’ self improduttiv) għadhom preżenti f’diversi Stati Membri. Ta’ min jinnota li dawn il-kwistjonijiet ta’ legat kienu ta’ theddida għall-vijabilità tal-banek. Il-Kummissjoni tqis li meta l-Istati Membri jiddeċiedu li huma meħtieġa miżuri ta’ għajnuna biex jittrattaw kwistjonijiet bħal dawn, dawn għadhom konsegwenza tal-kriżi. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni li għamlet fl-2013 dwar l-applikazzjoni ġenerali tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE meta adottat il-linji gwida tagħha u li hija mqassra fil-punt 6 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 baqgħet valida. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-istess prinċipji tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 żgurat trattament ugwali fost l-Istati Membri kollha. Naturalment, il-qafas regolatorju dwar ir-riżoluzzjoni kien applikabbli sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu.
  • Evalwazzjoni, u reviżjoni possibbli, tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek tal-2013 tibbenefika mill-esperjenza ta’ kif il-banek li qed ifallu jiġu ttrattati fil-qafas tar-riżoluzzjoni. Għandu jiġi nnutat li l-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-UE u b’mod partikolari l-SRB sar kompletament operattiv fl-2016 iżda s’issa kien hemm biss ftit każijiet100.

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-banek japplikaw b’mod parallel. Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa kompetenza esklussiva konferita fuq il-Kummissjoni mit-Trattat, li dwaru l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja fil-qasam tar-rekwiżiti prudenzjali u r-riżoluzzjoni ma għandha l-ebda effett dirett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tuża l-kompetenzi tagħha fil-kontroll tal-għajnuna mill-Istat biex tinforza dispożizzjonijiet oħra fid-dritt tal-Unjoni, ħlief fejn tali dispożizzjonijiet japplikaw u huma marbuta intrinsikament mal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna konkreta. It-test tal-BRRD jagħmel referenza diretta għall-qafas tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, u huwa ċar mit-test tal-BRRD li l-koleġiżlaturi rrikonoxxew l-applikabilità tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat (u l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013), filwaqt li stabbilixxew għalihom infushom il-kundizzjonijiet fil-BRRD dwar l-użu ta’ appoġġ pubbliku straordinarju f’każijiet eċċezzjonali (eż. rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja u għodod ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja tal-gvern) fi ħdan il-qafas ta’ riżoluzzjoni l-ġdid. Barra minn hekk, il-BRRD ma tipprekludix għajnuna minn arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni f’riżoluzzjoni jew għajnuna mill-Istat barra r-riżoluzzjoni (eż. taħt proċedimenti ta’ insolvenza nazzjonali). It-tip ta’ proċedura segwita (jiġifieri riżoluzzjoni jew proċedimenti ta’ insolvenza nazzjonali) fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li naturalment il-kompetenzi tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni jibqgħu importanti.

B’mod ġenerali, il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 tiddistingwi bejn il-banek li għalihom tista’ tintwera ritorn għall-vijabbiltà u dawk li għalihom ma tistax u li – minn perspettiva ta’ kompetizzjoni – għandha toħroġ mis-suq. Fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa għalhekk importanti li l-kunċetti ta’ “għajnuna għar-ristrutturar” jiġu separati (għall-banek li huma vijabbli fit-tul) u “għajnuna għal-likwidazzjoni” (biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ mis-suq b’mod ordnat tal-banek li ma jkunux vijabbli fit-tul). Fir-rigward tal-possibbiltà li tingħata għajnuna li tiffaċilita l-ħruġ mis-suq ta’ bank, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 jiffukaw fuq il-mitigazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Id-dispożizzjonijiet biex l-għajnuna għal-likwidazzjoni tkun kompatibbli f’termini ta’ regoli tal-kompetizzjoni ma jiddependux fuq xi reġim legali partikolari u għalhekk japplikaw kemm f’riżoluzzjoni, meta jintużaw fondi ġestiti pubblikament, kif ukoll f’riżoluzzjoni esterna (jiġifieri fi proċedimenti ta’ insolvenza nazzjonali).

Bi tweġiba għall-osservazzjoni li r-rekwiżiti ta’ rikapitalizzazzjoni interna aktar stretti tal-BRRD ma kinux riflessi fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa importanti li wieħed jinnota li fid-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat adottati matul il-perjodu ta’ awditjar, il-Kummissjoni vvalutat id-dispożizzjonijiet intrinsikament marbuta tal-BRRD bħala parti mill-valutazzjoni tal-kompatibbiltà. Dan ikun jinkludi wkoll ir-rekwiżit ta’ rikapitalizzazzjoni interna f’każijiet fejn il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew il-fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali jintervjenu101.

Tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 52–63 (Aderenza għal proċessi u proċeduri interni)

Il-konsultazzjoni bejn is-servizzi hija element importanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Filwaqt li d-DĠ Kompetizzjoni jħejji l-abbozz għad-deċiżjoni (li huwa abbozz ta’ dokument intern u għalhekk jaħdem għaddej), il-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiżgura l-involviment ta’ servizzi oħra tal-Kummissjoni fir-rigward tal-oqsma rispettivi ta’ responsabbiltà tagħhom. Skont ir-regoli proċedurali interni tal-Kummissjoni, opinjoni pożittiva b’osservazzjonijiet minn servizz ieħor tfisser ftehim suġġett li jiġu kkunsidrati l-kummenti. Is-servizz ewlieni (jiġifieri d-DĠ Kompetizzjoni) imbagħad jirrevedi l-abbozz ta’ deċiżjoni billi jindirizza l-kummenti mogħtija u d-deċiżjoni tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni biss wara li jkun intlaħaq ftehim mas-servizzi ta’ kummenti. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tinnota li l-kummenti msemmija fil-paragrafu 54 kienu ftit u naturalment speċifiċi ħafna għall-kuntest tal-każijiet rispettivi. Fi kwalunkwe każ, is-servizzi tal-Kummissjoni li jagħmlu kummenti kostruttivi lil xulxin hija parti normali mit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u dawn il-kummenti mbagħad jiġu indirizzati b’mod xieraq f’dan il-proċess. F’kull wieħed mill-każijiet awditjati, l-abbozz finali tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kien maqbul mas-servizzi kkonsultati, sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji għall-adozzjoni formali.

Fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ dokumenti, il-politika ta’ ġestjoni tad-dokumenti tal-Kummissjoni tipprovdi li dawk id-dokumenti li huma rilevanti għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandhom jiġu rreġistrati. Din ir-reġistrazzjoni ssir f’waħda mis-sistemi ta’ ġestjoni tad-dokumenti tad-DĠ Kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-ebda dokumenti rilevanti ma kienu nieqsa fuq bażi sistematika u li l-aġġornament kontinwu tal-infrastruttura ta’ reġistrazzjoni ta’ każijiet tad-DĠ Kompetizzjoni se jiffaċilita l-konformità mal-gwida interna f’dan il-qasam.

Il-manwal ta’ Proċeduri tad-DĠ Kompetizzjoni fih gwida mhux vinkolanti li tistabbilixxi l-prinċipji tal-arranġamenti ta’ ħidma internament għall-persunal tagħha. Kif diġà ġie spjegat hawn fuq, il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki jistabbilixxi l-aħjar prattiki mhux vinkolanti dwar il-kooperazzjoni informali mal-Istati Membri. Filwaqt li tabilħaqq tkun l-aħjar prattika jekk l-Istati Membri jissottomettu abbozz ta’ notifika fil-fażi informali ta’ qabel in-notifika, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta diskussjonijiet ma’ Stat Membru jekk dan ma jsirx. Dan huwa partikolarment il-każ f’każijiet bankarji, fejn kuntatti informali jistgħu jkunu utli anki jekk il-miżuri jkunu għadhom fi stadju tentattiv ta’ ppjanar bikri. Ma teħtieġx spjegazzjoni ulterjuri li dan għandu jseħħ b’kunfidenzjalità stretta. Madankollu, jekk l-Istati Membri jagħżlu li ma japplikawx dawn l-aħjar prattiki mhux vinkolanti, dan ma jikkostitwixxix ksur tar-regoli proċedurali dwar il-parti tad-DĠ Kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni tixtieq tikkwalifika d-dikjarazzjoni fil-paragrafu 60 li “xi informazzjoni rilevanti ma ġietx ippubblikata”. Il-Kummissjoni għandha tirrikonċilja żewġ obbligi, jiġifieri r-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE u għalhekk tiżgura li d-deċiżjonijiet tagħha jkun fihom l-elementi essenzjali kollha li fuqhom huma bbażati, u dik li jiġi ssalvagwardjat l-obbligu tas-sigriet professjonali.102 Dan jimplika li jista’ jkun hemm informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, li ma tistax tiġi żvelata b’mod sħiħ għall-pubbliku. Minkejja dan, il-proċess ta’ qbil mal-Istati Membri dwar l-informazzjoni kunfidenzjali jista’ xi kultant ikun ta’ sfida, fl-esperjenza tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tindika li ma hemm l-ebda obbligu legali għaliha biex tippubblika r-riżultati tal-monitoraġġ tal-azzjonijiet speċifiċi impenjati. L-impenji jiffurmaw parti min-notifika mill-Istat Membru u jiġu vvalutati u ppubblikati bħala parti mid-deċiżjonijiet. Il-monitoraġġ sussegwenti tal-impenji, normalment bl-appoġġ ta’ fiduċjarju indipendenti, madankollu, iservi bħala sors ta’ informazzjoni kunfidenzjali għall-Kummissjoni. Jekk ksur ta’ impenji jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu azzjoni ulterjuri, id-deċiżjoni tagħha ssir pubblika. Alternattivament, jekk ma jkunx hemm tali ksur, il-Kummissjoni tinnota li l-informazzjoni miksuba permezz tal-monitoraġġ hija protetta b’kunfidenzjalità.

Bl-istess mod, Stat Membru dejjem ikun jista’ jipproponi bidla sussegwenti għall-impenji li jkun ippreżenta biex jippermetti lill-Kummissjoni twettaq it-test tal-ibbilanċjar għal miżura ta’ għajnuna. Il-Kummissjoni mbagħad se tivvaluta jekk il-bidla proposta fl-impenji tħallix il-bilanċ tad-deċiżjoni oriġinali mingħajr tibdil, u tadotta u tippubblika deċiżjoni motivata għal dan il-għan. Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-opinjoni tal-QEA espressa fil-paragrafu 63. Hija tqis li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni spjegaw b’mod adegwat għaliex il-bidla fl-impenji ma tbiddilx il-bilanċ tad-deċiżjoni inizjali.

Tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 64-70 (deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat għal istituzzjonijiet finanzjarji dwar is-sustanza)

Il-Kummissjoni tqis li dejjem ivverifikat l-eżistenza ta’ tfixkil serju. Permezz tal-adozzjoni ta’ linji gwida (jiġifieri l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013), il-Kummissjoni hija marbuta li tivvaluta l-għajnuna mill-Istat favur il-banek skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kriżi u r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja li tammonta għal taqlib serju fl-ekonomija. Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida f’każ partikolari, il-Kummissjoni tindika li l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma responsabbli biex jiddeċiedu jekk jixtiqux jagħtu għajnuna biex jiġi evitat ħruġ mis-suq bla kontroll ta’ bank partikolari li jhedded l-istabbiltà finanzjarja. Meta Stat Membru jiddeċiedi li tali għajnuna għandha tingħata, jinnotifika l-għajnuna ppjanata lill-Kummissjoni, u mbagħad hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tivvaluta l-kompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna mas-suq intern. Il-Kummissjoni tinnota li huwa l-Istat Membru kkonċernat li jrid juri li l-għajnuna kienet meħtieġa minħabba theddida għall-istabbiltà finanzjarja fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni vvalutat jekk l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali kinux sodi jew, fejn applikabbli u neċessarji, jekk kinitx meħtieġa evidenza addizzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-konsegwenzi tal-kriżi jippersistu tal-inqas f’partijiet tas-settur bankarju fl-UE u għalhekk komplew japplikaw l-istess sett ta’ regoli fl-Istati Membri kollha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza d-dmir ta’ kooperazzjoni leali tal-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 4(3) tat-TUE. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet tagħha ma ġiet appellata għal dawn ir-raġunijiet.

Fl-isfond ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonferma li hija qieset is-sottomissjonijiet tal-Istat Membru fil-valutazzjoni tat-tfixkil serju f’kull każ individwali. Dan għaqqad dan flimkien mal-għarfien tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali fl-Istat Membru kkonċernat li ma għandux għalfejn jiġi rreġistrat fil-fajl tal-każ.103 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li l-Kunsill irrikonoxxa l-eżistenza ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja meta japprovaw (jew jemendaw) programm ta’ aġġustament ekonomiku (eż. għall-Greċja).

Speċifikament fir-rigward tal-għajnuna għal-likwidazzjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-QEA tirrikonoxxi li l-falliment diżordinat ta’ anke bank żgħir jista’ joħloq riskju għall-istabbiltà finanzjarja. Għall-miżuri ta’ għajnuna għal-likwidazzjoni notifikata, il-Kummissjoni kienet sabet li l-evidenza pprovduta mill-Istati Membri hija suffiċjenti. Fejn rilevanti, din l-evidenza ġiet ikkombinata mal-għarfien tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 ma tiddeskrivix l-evidenza li trid tiġi ppreżentata mill-Istati Membri meta jippjanaw li jagħtu għajnuna għal-likwidazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li ma kienx meħtieġ li dawn il-preskrizzjonijiet dettaljati jiġu inklużi fil-linji gwida tagħha. Fil-fatt, ir-Regolament Proċedurali huwa bażi suffiċjenti biex il-Kummissjoni titlob aktar informazzjoni mill-Istati Membri biex tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha. Il-Kummissjoni spjegat hawn fuq li hija tivvaluta jekk l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet nazzjonali humiex sodi u jekk hemmx bżonn issir tali evidenza ulterjuri.

L-impenji huma proposti mill-Istati Membri, u jwieġbu għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. Dawn jiġu vvalutati fid-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat bħala parti mit-test tal-ibbilanċjar sabiex jiġi żgurat li d-distorsjonijiet mhux dovuti għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-miżura ta’ għajnuna proposta jiġu mitigati. Għadd ta’ impenji huma binarji (eż. projbizzjoni ta’ dividendi jew projbizzjoni fuq l-akkwist tapplika jew le). Impenji oħrajn (bħaċ-ċessjonijiet jew il-ħruġ mil-linji tan-negozju) b’mod ċar jilliberaw l-ispazju tas-suq għall-kompetituri u l-Kummissjoni tivvaluta jekk l-impenn huwiex proporzjonat mal-ammont tal-għajnuna. L-effett ta’ mitigazzjoni minn impenji fuq il-benefiċjarju biex jaġixxi skont il-prattika tas-suq, pereżempju fuq l-ipprezzar, huwa evidenti wkoll. Filwaqt li l-Kummissjoni tissorvelja l-konformità mal-azzjonijiet speċifiċi impenjati, din hija relatata mal-validità tal-għajnuna iżda mhux valutazzjoni ex post tal-effetti tas-suq tal-miżuri kif implimentati. Diġà ġie spjegat li l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà hija valutazzjoni ex ante, jiġifieri qabel ma l-miżura ta’ għajnuna tiġi implimentata mill-Istat Membru, abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak il-mument. Għalhekk, il-kalibrazzjoni tal-impenji għall-effett ta’ distorsjoni twettqet f’kull każ u l-Kummissjoni tqis li pprovdiet biżżejjed valutazzjoni fid-deċiżjonijiet tagħha.

Il-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009 dwar it-tqabbil ma’ għażliet alternattivi, inkluż qsim, jew assorbiment minn bank ieħor, jirreferi għall-kontenuti possibbli fin-notifika għal pjan ta’ ristrutturar, jiġifieri sottomissjoni mill-Istat Membru — u mhuwiex obbligu għall-Kummissjoni. F’konformità mal-każistika tal-Qrati tal-UE104, il-Kummissjoni hija obbligata biss tivvaluta l-miżura kif notifikata mill-Istat Membru. Ma tistax tanalizza l-miżuri alternattivi potenzjali kollha li kapaċi jilħqu l-istess għan sabiex tiddikjara l-miżura notifikata kompatibbli. A fortiori, il-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tissostitwixxi l-miżura nnotifikata b’miżura alternattiva li tista’ ssib iktar xierqa, iktar proporzjonata jew distortiva. Barra minn hekk, l-għażla ta’ miżura ta’ għajnuna partikolari spiss hija funzjoni ta’ rekwiżiti superviżorji jew ta’ deċiżjoni minn awtorità ta’ riżoluzzjoni (f’każ ta’ fondi mill-SRF jew fond nazzjonali ta’ riżoluzzjoni), li l-Kummissjoni tivvaluta fil-kapaċità tagħha bħala awtorità tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

It-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 71

Il-Kummissjoni tqis li l-qafas etiku tagħha, li skont il-QEA huwa robust, huwa wkoll xieraq biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ġestjoni mhux xierqa ta’ informazzjoni sensittiva għas-suq għar-raġunijiet stipulati hawn fuq fir-reazzjoni pprovduta għall-paragrafi 33-34.

It-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 72

Il-Kummissjoni tqis li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kienu kompletament adattati għall-iskop tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat lill-istituzzjonijiet finanzjarji matul il-perjodu awditjat u għalhekk ma kellhomx bżonn jiġu riveduti għar-raġunijiet stipulati hawn fuq fl-ewwel taqsima u fir-reazzjoni dettaljata pprovduta fil-paragrafi 30 u 43-50.

Rakkomandazzjoni 1 – Tressiq ta’ evalwazzjoni dwar jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jibqgħux xierqa u tittieħed azzjoni korrettiva fejn meħtieġ

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni 1, il-Kummissjoni taċċetta li tniedi evalwazzjoni, f’konformità mal-linji gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar. L-impatt ekonomiku tal-kriżi maħluqa mit-tifqigħa ta’ COVID-19 jikkostitwixxi tfixkil serju fl-ekonomija tal-Istati Membri u hemm inċertezza kbira dwar il-perspettiva ekonomika. Għalhekk, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni meta l-ekonomija tkun irkuprat u sa mhux aktar tard mill-2023.

It-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 73

Il-Kummissjoni tenfasizza li hija kkonformat mar-Regolament Proċedurali u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni f’kull ħin. Dan għandu jinżamm strettament separat mill-gwida interna tal-Kummissjoni (mhux vinkolanti) u aktar dettaljata għall-persunal. Madankollu, kwalunkwe devjazzjoni minn din il-gwida interna ma kinitx materjali u ma affettwatx l-eżitu tal-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni. It-tul tal-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat f’xi każijiet bankarji huwa r-riżultat tas-sensittività u l-kumplessità ta’ tali miżuri ta’ għajnuna, li jiddependu fuq deċiżjonijiet ta’ atturi oħra. B’mod partikolari, dawn l-atturi jinkludu s-superviżuri u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, li, bħall-Kummissjoni f’dawn il-każijiet, iridu jipproteġu d-diskussjonijiet kunfidenzjali u l-informazzjoni sensittiva għas-suq. Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tagħti pariri lill-Istati Membri dwar l-implikazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat ta’ pjanijiet potenzjali fi kwalunkwe stadju tal-proċess anke jekk l-Istati Membri mhux dejjem jirrispettaw bis-sħiħ il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet għandha tevita l-iżvelar ta’ sigrieti kummerċjali filwaqt li tiżgura trasparenza massima, kif spjegat hawn fuq fir-reazzjoni għall-paragrafi 58-61, u li l-puntwalità ta’ din il-pubblikazzjoni fuq kollox tiddependi fuq il-kooperazzjoni tajba mill-Istati Membri.

Rakkomandazzjoni 2 – Aktar titjib fil-konformità mal-proċessi u l-proċeduri interni

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rigward ir-rakkomandazzjoni 2(1), il-Kummissjoni tinnota li hija se tintroduċi għodda ta’ ġestjoni ta’ każijiet ġodda (Case@EC) li se tiffaċilita l-ġestjoni tad-dokumenti wkoll għall-każijiet ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tfakkar ukoll lill-persunal tagħha dwar ir-regoli applikabbli fir-rigward tar-reġistrazzjoni tad-dokumenti u se tirrevedi l-gwida interna tagħha skont l-għodda l-ġdida għall-ġestjoni tad-dokumenti.

Rigward ir-rakkomandazzjoni 2(2), il-Kummissjoni se tfakkar lill-Istati Membri dwar l-aħjar prattiki għall-kuntatti ta’ qabel in-notifika kif deskritt fil-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tagħmel dan fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mal-Istati Membri.

Fir-rigward tar-rakkomandazzjoni 2(3), il-Kummissjoni tfakkar li hija tiddependi ħafna fuq il-kooperazzjoni mill-Istati Membri biex jiżguraw il-pubblikazzjoni f’waqtha tad-deċiżjoni tagħha, kif tirrikonoxxi l-QEA. Filwaqt li l-Kummissjoni użat l-għodod disponibbli biex tippubblika deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat mingħajr il-kunsens tal-Istati Membri, ikun sproporzjonat li dawn jintużaw immedjatament u fil-każijiet kollha. Għalhekk il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li timpenja ruħha waħedha li dan il-proċess jista’ jitħaffef fil-prattika. Madankollu, il-Kummissjoni se tfakkar lill-Istati Membri dwar il-proċess għal talbiet ta’ kunfidenzjalità fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tipprovdi aktar gwida interna għall-persunal biex tiżgura trattament effiċjenti u konsistenti tat-talbiet ta’ kunfidenzjalità mill-Istati Membri.

It-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 74

Il-Kummissjoni tikkonferma li d-deċiżjonijiet tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat huma kollha bbażati fuq valutazzjonijiet legalment u ekonomikament sodi u tilqa’ l-konklużjoni tal-QEA rigward l-analiżi rigoruża tal-pjanijiet ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni tqis li l-approċċ tagħha biex tivvaluta l-eżistenza ta’ tfixkil serju kien xieraq għar-raġunijiet stipulati hawn fuq fir-reazzjoni dettaljata pprovduta fil-paragrafi 64-70. Fir-rigward tal-impatt tal-miżuri maħsuba biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tindika li hija kkalibrata dawn il-miżuri (li jieħdu l-forma ta’ impenji) għall-effett ta’ distorsjoni f’kull każ fit-test ta’ bbilanċjar. Il-Kummissjoni tqis li pprovdiet biżżejjed raġunament f’kull deċiżjoni. Fir-rigward tal-indikaturi tal-prestazzjoni għall-finijiet tal-ġestjoni annwali, il-Kummissjoni tfakkar li hemm ħafna sfidi biex jinbnew indikaturi affidabbli u rilevanti kif stabbilit hawn fuq fir-reazzjoni dettaljata pprovduta fil-paragrafi 21-25. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni diġà spjegat li ma kien hemm l-ebda raġuni biex titnieda evalwazzjoni formali tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 matul il-perjodu awditjat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti li ssemmew hawn fuq fis-sommarju eżekuttiv u fit-tweġibiet għall-paragrafi 28-30 u l-paragrafi 43-50.

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal-kejl tal-prestazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Fir-rigward ta’ din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni taqbel li tirrevedi l-indikaturi tal-prestazzjoni tagħha fil-kuntest tal-Pjan Strateġiku 2020-2024 u l-Pjan ta’ Ġestjoni 2020, li bħalissa qed jiġu ppreparati. Dawn l-indikaturi neċessarjament jikkonċernaw outputs u riżultati li jirriżultaw mill-attivitajiet tad-DĠ Kompetizzjoni, li fuqhom id-DĠ Kompetizzjoni jista’ jkollu kontroll u li jistgħu jitkejlu b’mod affidabbli u effiċjenti. Il-Kummissjoni se timmonitorja jekk dawn l-indikaturi tal-prestazzjoni jibqgħux xierqa.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar, Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Mihails Kozlovs, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Edīte Dzalbe, Kap tal-Kabinett u minn Laura Graudiņa, Attaché tal-Kabinett; Zacharias Kolias, Maniġer Prinċipali; Jörg Genner, Kap tal-Kompitu; Giorgos Tsikkos, Vasileia Kalafati, Marc Hertgen u Maria Isabel Quintela, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.

B’konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kundizzjonijiet stretti ta’ konfinament, ma seta’ jittieħed l-ebda ritratt tat-tim tal-awditjar.

Noti finali

1 Ara C-290/07 P Il-Kummissjoni vs Scott EU:C:2010:480, il-paragrafi 64-66.

2 Ara l-Premessa 6 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM), COM(2012) 209 final: https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0209:FIN:MT:PDF

3 Ara l-Kawżi Konġunti C-57/00 P u C-61/00 P, il-paragrafi 99-100.

4 Banking in Europe: EBF Facts & Figures 2018, p. 12: https://www.ebf.eu/wp-content/uploads/2018/09/Banking-in-Europe-2018-EBF-Facts-and-Figures.pdf

5 Ir-Rapport, The High-Level Group on Financial Supervision, Brussell, il-25 ta’ Frar 2009, https://ec.europa.eu/economy_finance/publications/pages/publication14527_en.pdf

6 RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni u r-rieżami tad-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek) u tar-Regolament 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni), p. 5: https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2019:0213:FIN:MT:PDF

7 Il-Kummissjoni Ewropea, Miżuri ġodda għall-immaniġġjar tal-kriżijiet biex fil-futur jiġu evitati s-salvataġġi tal-banek, Ġunju 2012: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_12_570
Ara wkoll il-Kunsill Ewropew - Brussell – it-12-13 ta’ Diċembru 2012 – Konklużjonijiet, il-punt 11.

8 Għal ħarsa ġenerali komprensiva ara r-RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni u r-rieżami tad-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek) u tar-Regolament 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni) – Introduzzjoni: https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2019:0213:FIN:MT:PDF

9 Il-Kummissjoni tal-UE, Completing the banking union: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/banking-union/what-banking-union_en#completing-the-banking-union

10 Ara, pereżempju, Mario Draghi, Foreword to the ECB Annual Report on supervisory activities 2018: https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/publications/annual-report/html/ssm.ar2018~927cb99de4.en.html#toc1
Ir-rapport dwar l-EUROFI FINANCIAL FORUM 2019 jipprovdi rendikont dettaljat tal-fehmiet espressi minn rappreżentanti tas-settur pubbliku u dak privat dwar l-iżviluppi regolatorji l-aktar reċenti fis-settur finanzjarju u kif jista’ jittejjeb il-funzjonament tas-suq finanzjarju tal-UE: http://helsinki2019.eurofi.net

11 L-ammont (EUR 658 biljun) u l-proporzjon ta’ self improduttiv (NPLs) ta’ 3.2 % kienu laħqu l-aktar livell baxx fir-raba’ trimestru tal-2018, filwaqt li t-tixrid madwar il-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE kien baqa’ għoli (0.45 % għal 41.2 %). Ara t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-EBA għar-raba’ trimestru tal-2018: https://eba.europa.eu/sites/default/documents/files/documents/10180/2666948/5836f313-b390-4f24-99bf-815fc036a7ce/EBA%20Dashboard%20-%20Q4 %202018.pdf

12 Ir-Rapport speċjali Nru 23/2017: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni: Bdiet il-ħidma fuq kompitu diffikultuż relatat mal-Unjoni Bankarja, iżda għad hemm ħafna xi jsir https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR17_23/SR_SRB-BU_MT.pdf

13 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2018: L-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta’ kriżijiet bankarji mill-BĊE https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR18_02/SR_SSM2_MT.pdf

14 Is-sit web tal-Kummissjoni “Competition policy and economic recovery, Tackling the financial crisis, State aid”: https://ec.europa.eu/competition/recovery/financial_sector.html (l-aħħar aġġornament: 16.4.2012).

15 Ara t-Taqsima 7 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

16 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI - Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 (2020/C 91 I/01): https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020XC0320(03)

17 Awditu tal-prestazzjoni huwa eżami indipendenti, oġġettiv u affidabbli ta’ jekk impriżi, sistemi, operazzjonijiet, programmi, attivitajiet jew organizzazzjonijiet humiex qed joperaw skont il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività, u jekk hemmx lok għal titjib (ISSAI 300). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biex tiżgura li dan jiġi applikat bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE, u ssolvi tilwim legali bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE. F’ċerti ċirkustanzi, individwi, kumpaniji jew organizzazzjonijiet jistgħu wkoll jirreferu għaliha biex jieħdu azzjoni kontra istituzzjoni tal-UE, jekk huma jqisu li din b’xi mod tkun kisret id-drittijiet tagħhom.

18 Il-Prinċipju 6 tad-dokument COMMUNICATION TO THE COMMISSION FROM COMMISSIONER OETTINGER Revision of the Internal Control Framework: https://ec.europa.eu/budget/library/biblio/documents/control/C_2017_2373_Revision_ICF_en.pdf

19 Il-Prinċipju 6 tal-Qafas ta’ Kontroll Intern - Monitoraġġ.

20 Ara l-AMPs tad-DĠ COMP għall-perjodu 2013-2018.

21 Ara, pereżempju, l-AMPs tad-DĠ COMP għall-perjodu 2013-2015.

22 Ara l-AMP tad-DĠ COMP, 2016, l-Objettiv Speċifiku 9: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/comp_mp_2016_en.pdf

23 Ara l-Istudju Kwalitattiv Standard tal-Ewrobarometru – DG Competition Stakeholder Survey (2014), Aggregate Report, p. 27: B’mod ġenerali, kien hemm livell għoli ta’ sodisfazzjon bil-konsultazzjoni tad-DĠ Kompetizzjoni dwar regoli ġodda, għalkemm xi parteċipanti ħassew li l-fehmiet tagħhom mhux dejjem jittieħdu inkunsiderazzjoni: http://ec.europa.eu/competition/publications/reports/surveys_en.html

24 L-iskop tar-rekwiżit tal-Kummissjoni li jiġu ppreżentati pjanijiet ta’ ristrutturar u l-valutazzjoni ex ante tagħhom huwa li jiġi żgurat li l-vijabbiltà tkun tista’ terġa’ tinkiseb f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u fuq bażi solida u dejjiema (il-punt 8 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013). Madankollu, bosta banek benefiċjarji fil-kampjun tagħna kienu talbu interventi addizzjonali mill-gvern fil-forma ta’ likwidità jew ekwità addizzjonali, wara li kienu nstabu li huma vijabbli mill-Kummissjoni. Wara żewġ rikapitalizzazzjonijiet konsekuttivi, bank wieħed talab għajnuna addizzjonali għal-likwidazzjoni tiegħu (fit-tielet sena tal-perjodu ta’ ristrutturar ta’ ħames snin). Il-livelli għoljin ta’ NPL li jifdal u l-esponimenti għal riskju sovran huma raġunijiet oħra għalfejn is-suċċess tar-ristrutturar għandu jiġi ddubitat.

25 Il-Prinċipju 7 tal-Qafas ta’ Kontroll Intern.

26 Il-Pjan Strateġiku 2016-2020 tad-DĠ COMP, p. 39.

27 Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 enfasizzat li l-invokazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat hija possibbli biss f’dawk iċ-ċirkustanzi li jkunu ġenwinament eċċezzjonali (ara l-paragrafu 44).

28 Il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, it-Taqsima 3.3, p. 8.

29 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: The effects of temporary State aid rules adopted in the context of the financial and economic crisis, Brussell, 5.10.2011 SEC(2011) 1126 final: https://ec.europa.eu/competition/publications/reports/working_paper_en.pdf

30 Il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment Tematiku A: Economic and Scientific Policy Economic and Monetary Affairs Study, “State Aid Crisis Rules for the Financial Sector and the Real Economy”: https://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201107/20110714ATT24010/20110714ATT24010EN.pdf (studju tal-PE).

31 Studju tal-PE, il-Kapitolu 2.4.2. Maintaining a consistent approach across countries and firms, u l-Kapitolu 2.5 Main Findings.

32 Studju tal-PE, p. 39.

33 L-uniku dokument disponibbli li jittratta l-impatti tal-għajnuna mill-Istat u li ġie approvat mill-Kummissjoni huwa Competition State aid brief “State aid to European banks: returning to viability”. Dan id-dokument, li jippreżenta biss il-fehma tal-awturi u mhux dik tal-Kummissjoni, ifittex li juri li l-pjanijiet ta’ ristrutturar li ġew approvati mill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għenu biex jiġu salvati ħafna banek Ewropej u biex dawn reġgħu saru vijabbli.

34 Il-Prinċipju 3 tal-Qafas ta’ Kontroll Intern.

35 L-AMP tad-DĠ COMP għall-2018, l-Objettiv 2.

36 Pjan għall-Ġestjoni tal-Każijiet ta’ April u Novembru 2018, p. 23.

37 It-tabella tar-reġistru tar-riskji: ir-riskju azzjonabbli nru 22.

38 L-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

39 L-Artikolu 2 tar-Regolament Proċedurali.

40 Skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Proċedurali, “in-notifika għandha titqies kompluta jekk, fi żmien xahrejn minn meta tasal, jew meta tasal kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma titlob l-ebda informazzjoni oħra. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri kkonċernati. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiffissa skadenzi iqsar”.

41 L-Artikolu 4 tar-Regolament Proċedurali.

42 L-Artikolu 4(4) tar-Regolament Proċedurali.

43 L-Artikolu 4(6) tar-Regolament Proċedurali (magħruf ukoll bħala l-proċedura Lorenz).

44 Ara l-Artikolu 7 tar-Regolament Proċedurali.

45 Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (2009/C 136/04): https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2009:136:0013:0020:MT:PDF

46 Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (2018/C 253/05): https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018XC0719(01)&from=MT

47 Ara l-punt 11 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika tal-2018.

48 Summary of submissions in response to the Public Consultation on the Code of Best Practice on the conduct of State aid control proceedings: https://ec.europa.eu/competition/consultations/2016_cbp/submissions_summary_en.pdf

49 Il-punt 93 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013: “Il-Kummissjoni se tirrevedi, meta neċessarju, din il-Komunikazzjoni, b’mod partikolari sabiex timxi mal-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq jew fl-ambjent regolatorju li jistgħu jaffettwaw ir-regoli li tistipula.”

50 Il-punt 6 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

51 Pereżempju, il-punt 33 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ April 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (2017/2191(INI).

52 Il-punti 13 u 14 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

53 Il-Premessa 57 tal-BRRD.

54 Il-Premessa 45 tal-BRRD.

55 Il-Prinċipju 12 tal-Qafas ta’ Kontroll Intern – Attivitajiet ta’ kontroll: Implimentati permezz ta’ politiki u proċeduri.

56 Verżjoni pubblika hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni – EU Competition law State Aid Manual of Procedures – Internal DG Competition working documents on procedures for the application of Articles 107 and 108 TFEU, Reviżjoni tal-10/7/2013: https://ec.europa.eu/competition/state_aid/studies_reports/sa_manproc_en.pdf

57 Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-Ġurnal Uffiċjali L 145, 31.5.2001, pp. 43 – 48.

58 Is-Segretarjat Ġenerali, NOTA LID-DIRETTURI ĠENERALI, LILL-KAPIJIET TAL-KABINETT U LID-DIRETTURI TAL-AĠENZIJI EŻEKUTTIVI, Suġġett: Ġestjoni ta’ dokumenti u l-aċċess għal dokumenti: https://www.asktheeu.org/de/request/2786/response/9713/attach/6/Ares%202015 %20182108 %20persdataremoved%20Redacted.pdf?cookie_passthrough=1
Dawn il-linji gwida ġew aġġornati fl-2018 sabiex jipprovdu gwida aġġornata dwar dak li huwa mistenni li jiġi rreġistrat, u jinkludu kriterji ta’ reġistrazzjoni prattiċi u aġġornati biex jiġi żgurat li d-dokumenti kollha rilevanti jkunu ġew irreġistrati u jkunu jistgħu jiġu rkuprati. Il-lista aġġornata fiha d-dokumenti kollha inklużi fil-lista tal-2015.

59 ManProc, it-Taqsima 2.2, Document management – ISIS.

60 ISIS hija s-sistema ta’ ġestjoni tad-dokumenti li tintuża għall-attivitajiet relatati mat-trattament tal-każijiet. Id-DĠ COMP juża diversi applikazzjonijiet biex jiġbor u jaħżen id-dokumenti. ISIS hija biss sistema waħda ta’ dan it-tip. Fost l-applikazzjonijiet l-oħra hemm DECIDE, għall-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-Kummissjoni, u SANI, li permezz tagħha l-Istati Membri jibagħtu formoli ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat. Jekk ma jkunux direttament rilevanti, id-dokumenti u l-fajls ta’ ħidma relatati mal-każijiet, li jiġu prodotti mit-tim tal-każijiet, jinħażnu fil-librerija elettronika tal-każijiet tal-unità (drive kondiviża).

61 Dawn il-fajls ma ġewx inklużi fir-rieżaminar tagħna, li kien limitat għall-fajls tal-każijiet.

62 Dan mhuwiex konformi mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni, li jenfasizzaw li l-minuti tal-laqgħat, speċjalment laqgħat ma’ istituzzjonijiet oħra jew partijiet interessati esterni u għal laqgħat importanti, briefings/taħdit/difiża, eċċ., huma importanti u jridu jiġu rreġistrati. Il-Kummissjoni sostniet li dawn kienu jikkonċernaw informazzjoni li kienet irrilevanti u għal perjodu qasir u pprovdiet spjegazzjonijiet għal kull wieħed minn dawn il-każijiet.

63 ManProc, it-Taqsima 5.3, Pre-notification – Steps.

64 ManProc, it-Taqsima 5.4. Pre-notification – Timing.

65 L-Artikolu 4.2 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1.12.2003 dwar is-segretezza professjonali fid-deċiżjonijiet dwar l-Għajnuna mill-Istat: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52003XC1209(02)&from=EN

66 ManProc, it-Taqsima 1.1.1 – 1.2. The non-confidential version.

67 Kien hemm ukoll każijiet fejn il-pubblikazzjoni ħadet aktar minn sena, inkluż każ wieħed fejn il-Kummissjoni ħadet aktar minn sentejn biex tippubblika deċiżjoni li hija kienet adottat fi żmien xahrejn biss.

68 Il-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali: Meta l-Istat Membru kkonċernat ma jindikax liema informazzjoni jqis li hija koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali fi ħdan il-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni normalment tiġi ddivulgata bis-sħiħ.

69 Pereżempju, l-informazzjoni dwar il-miri ta’ ristrutturar, eż. dwar ir-Redditu fuq l-Ekwità futur li għandu jinkiseb, rarament tiġi ddivulgata b’mod li jkun jippermetti li l-partijiet interessati jivvalutaw jekk il-miri ta’ ristrutturar ikunux intlaħqu.

70 Il-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba huwa anness tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni.

71 https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52009XC0819(03)&from=MT

72 Inklużi każijiet fejn pajjiż ma kienx esperjenza tkabbir negattiv u l-banek tiegħu kienu evitaw problemi serji matul il-kriżi finanzjarja.

73 Fi ħdan il-mandat tal-kompetenza esklużiva tagħha rigward il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni la hija marbuta b’tali valutazzjonijiet u dawn lanqas huma prekundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107 (3)(b) tat-TFUE.

74 Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw jekk ħruġ mhux ikkontrollat mis-suq ta’ bank partikolari jkunx joħloq theddida għall-istabbiltà finanzjarja, minħabba li huma l-Istati Membri li għandhom data dwar l-esponiment għal banek oħra, dwar l-interkonnettività jew dwar l-effetti konsegwenzjali.

75 Dan kien jinkludi każijiet fejn preċedentement l-SRB kien ċaħad dikjarazzjonijiet li l-banek ma setgħux jiġu likwidati skont proċedimenti normali ta’ insolvenza mingħajr ma jippreżentaw theddida għall-istabbiltà finanzjarja u kien irrifjuta li japplika għodod ta’ riżoluzzjoni.

76 Il-punt 20 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013: “Fi kwalunkwe każ, il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għandhom ikunu kkalibrati b’tali mod li joqorbu kemm jista’ jkun lejn is-sitwazzjoni tas-suq li kienet tinħoloq kieku l-benefiċjarju tal-għajnuna kellu joħroġ mis-suq mingħajr għajnuna.”

77 Il-punt 11 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013: “Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tagħha dwar il-qsim tal-piżijiet u l-miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà tal-miżuri proposti, inklużi ċ-ċessjonijiet, u l-impatt tagħhom fuq l-istruttura tas-suq u l-ostakli għad-dħul. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni trid tiżgura li s-soluzzjonijiet imfassla f’xi każ jew Stat Membru partikolari jkunu koerenti mal-għan li jiġi evitat in-nuqqas kbir ta’ simmetrija fl-Istati Membri, li jista’ jkompli jifframmenta lis-suq uniku u jikkawża instabbiltà finanzjarja, li jimpedixxu l-irkupru ġewwa l-Unjoni.”

78 Il-punt 9 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

79 ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190-348

80 ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1-90

81 ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149-178

82 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tapprova u tagħti effett legali lill-iskemi ta’ riżoluzzjoni tal-SRB għall-banek, f’każijiet fejn l-SRB jiddetermina li r-riżoluzzjoni ta’ bank li jkun qed ifalli tkun fl-interess pubbliku.

83 Ara r-rapport mill-Kummissjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni u r-rieżami tad-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek) u r-Regolament 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni), COM(2019) 213 final, 30.4.2019. Disponibbli online fuq: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/business_economy_euro/banking_and_finance/documents/190430-report-bank-recovery-resolution_en.pdf

84 B’mod partikolari, l-Artikolu 19 tiegħu.

85 lista tad-deċiżjonijiet kollha dwar l-għajnuna mill-Istat adottata fir-rigward ta’ miżuri ta’ COVID-19 tista’ tinstab hawn:
https://ec.europa.eu/competition/state_aid/what_is_new/covid_19.html

86 Il-Kummissjoni stabbiliet il-fehma tagħha dwar il-każistika mill-Qrati tal-UE fl-Avviż dwar il-Kunċett tal-Għajnuna. ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1-50

87 Il-BERS għandu objettiv u mandat differenti, li l-Kummissjoni tqis li mhumiex rilevanti għall-iskop speċifiku li tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(3) TFUE .

88 Barra mill-Unjoni Bankarja u għal istituzzjonijiet inqas sinifikanti fl-Unjoni Bankarja, din id-deċiżjoni tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni.

89 Qabel ma l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (jew il-fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali) ikun jista’ jintuża, il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-UE jeħtieġ li t-telf tal-bank ikollu jiġi kopert mir-rikapitalizzazzjoni interna tal-azzjonisti u l-kredituri u fejn meħtieġ ukoll ta’ dejn superjuri.

90 Fejn tingħata għajnuna mill-Istati Membri fi proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza, japplikaw ir-rekwiżiti tal-kondiviżjoni tal-piżijiet, jiġifieri l-azzjonisti u d-detenturi ta’ strumenti subordinati għandhom jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-ispejjeż tal-miżuri iżda d-depożitanti u l-kredituri anzjani mhumiex meħtieġa jikkontribwixxu.

91 F’Marzu 2020, fid-dawl tat-tifqigħa attwali ta’ COVID-19, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju taħt l-istess bażi ġuridika (ĠU C 91, I, 20.3.2020, p. 1–9).

92 Fejn l-Istat Membru argumenta li kien meħtieġ intervent governattiv ulterjuri, ħafna fatturi jista’ jkollhom rwol. F’xi każijiet, l-għajnuna inizjali ngħatat waqt programm ta’ aġġustament makroekonomiku, f’sitwazzjoni ta’ volatilità għolja. F’oħrajn, ingħatat għajnuna ripetuta qabel l-2013 jew tħallset lura qabel intervent sussegwenti. F’għadd ta’ każijiet, l-appoġġ ta’ kapital ripetut irriżulta f’ħruġ mis-suq tal-banek inkwistjoni, li huwa riżultat importanti mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, tagħmel tabilħaqq differenza jekk il-banek jirċevux appoġġ kapitali għar-ristrutturar jew bħala għajnuna għal-likwidazzjoni. Tagħmel ukoll differenza jekk il-banek jirċievu appoġġ kapitali jew appoġġ ta’ likwidità (fil-forma ta’ garanziji fuq finanzjament għoli). Jekk il-livelli ta’ NPLs jew l-esponiment sovran jaffettwaw is-suċċess ta’ ristrutturar, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat mingħajr ma tingħata ħarsa lejn il-każ individwali.

93 Imkejla bl-użu ta’ indikaturi operattivi u tar-riskju, il-profittabilità, u l-pożizzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ solvenza.

94 Il-Kummissjoni Ewropea: Rapport dwar l-għajnuna għall-kompetizzjoni mill-Istat (2015/1): Għajnuna mill-Istat lill-banek Ewropej: ritorn għall-vijabbiltà, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/competition/publications/csb/csb2015_001_en.pdf

95 Ara l-punti 37 u 71 tar-Rapport Speċjali Nru 13/2019 tal-QEA - L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE awditjati: hemm lok għal titjib. Disponibbli online fuq: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR19_13/SR_ethical_frameworks_EN.pdf

96 B’mod partikolari, ir-“Regolament Proċedurali” (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9) u r-“Regolament ta’ Implimentazzjoni” (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282 tal-27 ta’ Novembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-formoli ta’ notifika u l-iskedi ta’ informazzjoni, ĠU L 325, 10.12.2015, p. 1–180).

97 L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ĠU C 253, 19.7.2018, p. 14-27

98 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 96.

99 Ara pereżempju t-Taqsima 4.1 tas-Semestru Ewropew 2020. Disponibbli online fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0150

100 Għal aktar dettalji ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 82

101 Il-Kummissjoni tinnota li s’issa ma kien hemm l-ebda każ fejn dan ir-rekwiżit kellu jiġi ċċekkjat.

102 Il-punt 18 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2003) 4582 tal-1 ta’ Diċembru 2003 dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6–9

103 Il-Kummissjoni tinnota li l-BERS ma bagħat l-ebda rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar jekk kienx jeżisti tfixkil serju relatat ma’ bank f’diffikultà jew le, u għalhekk mhuwiex f’pożizzjoni li jikkummenta dwar jekk il-BERS kienx se jagħmel hekk.

104 Il-kawżi T-135/17 SCOR v il-Kummissjoni, paragrafi 94 u 123; T-57/11 Castelnou Energía v il-Kummissjoni, paragrafu 171; C-159/94, il-Kummissjoni v Franza, paragrafu 101.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 22.1.2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 14.5.2020
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 28.7.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 27.8.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-5146-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/619335 QJ-AB-20-018-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-5122-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/78556 QJ-AB-20-018-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Il-Figuri 3 u 4: Ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.