Rapport Speċjali
Nru04 2019

Għalkemm sar titjib fis-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi, għad fadal ċerti sfidi

Dwar ir-rapport Sa mill-1991, l-UE kellha implimentata sistema ta’ kontroll li tirregola l-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi. L-għan ta’ din is-sistema huwa li tagħti lill-konsumaturi l-fiduċja li r-regoli organiċi jkunu qed jiġu applikati f’kull stadju tal-katina ta’ provvista. Is-settur organiku tal-UE żviluppa b’mod rapidu matul dawn l-aħħar snin. B’segwitu għar-Rapport Speċjali Nru 9/2012 li ppubblikajna f’Ġunju 2012, aħna sibna li kien sar titjib fis-sistema ta’ kontroll. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna ġeneralment kienu ġew implimentati, iżda għad fadal ċerti sfidi. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet li identifikajna li fadal fl-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-prodotti tal-UE, biex isir titjib fis-superviżjoni tal-prodotti organiċi importati permezz ta’ kooperazzjoni aħjar, kif ukoll biex jitwettqu kontrolli ta’ traċċabbiltà aktar kompleti.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-objettivi prinċipali ta’ qafas fil-livell tal-UE għall-produzzjoni organika huma li jkun hemm protezzjoni aħjar tal-interessi tal-konsumatur, li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi u li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti organiċi ġewwa l-UE. Is-sistema ta’ kontroll għal prodotti organiċi hija stipulata fir-regolamenti tal-UE. Hija għandha l-għan li tagħti lill-konsumaturi l-fiduċja li meta jixtru prodotti organiċi, ir-regoli tal-UE – jew regoli ekwivalenti – ikunu ġew applikati f’kull stadju tal-katina ta’ provvista. Dan għandu jkun il-każ kemm jekk il-prodotti jkunu ġew prodotti fl-UE kif ukoll jekk ikunu ġew importati.

II

F’Ġunju 2012, aħna ppubblikajna r-Rapport Speċjali Nru 9/2012 dwar is-sistema ta’ kontroll li tirregola l-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi. Biex nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx irrimedjat id-dgħufijiet li ġew identifikati fir-rapport tagħna, aħna wettaqna awditu ta’ segwitu. Barra minn hekk, aħna koprejna b’mod aktar estensiv is-sistemi ta’ importazzjoni għal prodotti organiċi. Aħna sibna li kien sar titjib fis-sistema ta’ kontroll u li ġeneralment, ir-rakkomandazzjonijiet tagħna kienu ġew implimentati minn meta wettaqna l-awditu preċedenti tagħna, iżda li għad fadal ċerti sfidi.

III

Għal prodotti organiċi li joriġinaw mill-UE – il-parti l-kbira tal-konsum tal-UE – kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri indirizzaw ħafna mid-dgħufijiet identifikati fir-rapport preċedenti tagħna. Wara r-rapport tagħna tal-2012, il-Kummissjoni reġgħet bdiet iż-żjarat tal-awditjar tagħha fl-Istati Membri, u sa issa żaret il-biċċa l-kbira minnhom. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li awditjajna ħadu azzjoni biex itejbu s-sistemi ta' kontroll tagħhom. Xi wħud minnhom irrimedjaw id-dgħufijiet li ġew osservati l-aħħar darba permezz ta’ bidliet fil-qafas legali, oħrajn permezz ta’ koordinazzjoni mtejba mal-korpi ta’ akkreditament, jew inkella permezz ta’ titjib fil-linji gwida għas-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll. Aħna xorta waħda sibna għadd ta’ dgħufijiet relatati mas-sejbiet preċedenti tagħna. Sibna wkoll li l-użu ta’ miżuri ta’ infurzar kien għadu ma ġiex armonizzat fl-UE kollha u li r-rappurtar fl-Istati Membri xi kultant dam ma sar u ma kienx komplet.

IV

Parti żgħira mill-ikel organiku kkonsmat fl-UE tiġi mill-importazzjonijiet. Korpi ta’ kontroll ekwivalenti li joperaw f’pajjiżi terzi jiċċertifikaw aktar minn 80 % tal-prodotti organiċi li jiġu importati lejn l-UE. Il-bqija jiġu importati minn għadd limitat ta’ pajjiżi terzi li huma meqjusa li japplikaw standards ekwivalenti. L-awditi li l-Kummissjoni wettqet mill-2012 ’il hawn koprew il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi terzi ekwivalenti. Il-Kummissjoni bdiet ukoll iżżur korpi ta’ kontroll ekwivalenti, u eżaminat l-attivitajiet tagħhom fuq il-post f’pajjiżi terzi. Sa issa dan kopra s-sistemi li japplikaw għal madwar terz tal-importazzjonijiet iċċertifikati mill-korpi ta’ kontroll ekwivalenti.

V

Aħna rajna li l-Kummissjoni għadha kemm tibda tesplora s-sinerġiji potenzjali għas-superviżjoni tal-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi mal-awtoritajiet kompetenti ta’ swieq sinifikanti oħra ta’ importazzjoni għal dawn il-prodotti, kif ukoll max-xogħol tal-korpi ta’ akkreditament. Rigward is-sistema ta' kontroll għall-importazzjonijiet, meta l-Kummissjoni tidentifika problemi, ir-riżoluzzjoni tagħhom tista’ tkun proċess diffiċli u li jieħu fit-tul, madankollu ddaħħlu regoli ġodda biex l-infurzar isir aktar rapidu u aktar effettiv. Fil-livell tal-Istat Membru, aħna sibna dgħufijiet fil-kontrolli li jitwettqu fuq kunsinni li jidħlu fil-pajjiż, u sibna li l-kontrolli li l-korpi ta’ kontroll iwettqu fuq l-importaturi kienu għadhom mhux kompleti.

VI

Erġajna wettaqna eżerċizzju ta’ traċċabbiltà, billi segwejna r-rekord dokumentarju li ppermettielna li nibdew mill-bejjiegħ bl-imnut u mmorru lura għall-produttur. Ir-riżultati juru li sar titjib meta mqabbel mal-awditu preċedenti, b’mod partikolari ġewwa l-UE. Madankollu, mhux il-prodotti kollha setgħu jiġu ttraċċati lura għall-produttur agrikolu.

VII

Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex nindirizzaw id-dgħufijiet li identifikajna li fadal fl-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-prodotti tal-UE, biex intejbu s-superviżjoni tal-prodotti organiċi importati permezz ta’ kooperazzjoni aħjar, kif ukoll biex inwettqu kontrolli ta’ traċċabbiltà aktar kompleti.

Introduzzjoni

01

F’Ġunju 2012, aħna ppubblikajna r-Rapport Speċjali Nru 9/2012 dwar is-sistema ta’ kontroll li tirregola l-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi. Biex nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx irrimedjat id-dgħufijiet li ġew identifikati f’dan ir-rapport, aħna wettaqna segwitu għall-awditu tagħna, filwaqt li żgurajna li tingħata kopertura aktar estensiva għas-sistemi ta’ importazzjoni għal prodotti organiċi.

02

Il-produzzjoni organika hija “sistema globali ta’ ġestjoni tal-azjendi agrikoli u l-produzzjoni tal-ikel li tikkombina l-aħjar prattiki ambjentali u tal-azzjonijiet klimatiċi, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni ta’ riżorsi naturali u l-applikazzjoni ta’ standards għoljin ta’ trattament xieraq tal-annimali u standards għoljin ta’ produzzjoni f’konformità mad-domanda dejjem tikber minn għadd ta’ konsumaturi għal prodotti li jiġu prodotti minn sustanzi u proċessi naturali”1. Il-prodotti organiċi jinkludu ikel ipproċessat jew mhux ipproċessat, xorb, kif ukoll għalf u żrieragħ. Is-settur tal-produzzjoni organika jinkludi produtturi fis-setturi agrikoli u tal-akkwakultura, kif ukoll il-fornituri, il-manifatturi u d-distributuri tal-ikel tagħhom.

03

Fl-1991, regolament tal-Kunsill introduċa qafas fil-livell tal-UE applikabbli għall-produzzjoni organika kif ukoll sistema ta’ kontroll u ta’ ċertifikazzjoni2. Qabel l-1991, il-produzzjoni organika ġewwa l-UE kienet iddefinita minn bosta standards maħruġa minn assoċjazzjonijiet organiċi fl-Istati Membri differenti. L-objettivi prinċipali tal-qafas fil-livell tal-UE kienu li jkun hemm protezzjoni aħjar tal-interessi tal-konsumatur, li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi u li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ prodotti organiċi ġewwa l-UE.

04

Ma jeżisti l-ebda test xjentifiku li jippermetti li jiġi determinat jekk prodott ikunx organiku jew le. Biex tinżamm u tkun iġġustifikata l-fiduċja tal-konsumatur fi prodotti ttikkettati bħala organiċi3 jeħtieġ li s-sistema ta’ kontroll u ta’ ċertifikazzjoni tkun kapaċi tnaqqas il-probabbiltà li l-operaturi ma jikkonformawx mal-istandards rilevanti.

Is-sistemi ta' kontroll tal-produzzjoni organika fl-UE

05

Il-logo tal-UE (ara l-Figura 1) juri li l-produzzjoni ta’ prodott tkun saret f’konformità mal-istandards rilevanti tal-UE, u li tkun ġiet suġġetta għal sistema ta’ kontroll u ta’ ċertifikazzjoni. Għal prodotti pproċessati, dan ifisser li tal-inqas 95 % tal-ingredjenti agrikoli huma organiċi. Maġenb il-logo organiku l-ġdid tal-UE, jidher in-numru tal-kodiċi tal-korp ta’ kontroll kif ukoll dikjarazzjoni rigward jekk il-materja prima agrikola li minnha l-prodott huwa magħmul ġietx ikkultivata ġewwa l-UE jew barra t-territorju tagħha (jew it-tnejn).

Figura 1

Il-Logo Organiku tal-UE

Sors: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal-24 ta’ Marzu 2010.

06

Operaturi individwali f’diversi stadji fil-katina ta’ provvista għandhom stabbiliti l-proċeduri tagħhom stess għall-prodotti organiċi, li jvarjaw minn kontrolli sempliċi għal proċessi kumplessi ħafna. Dawn huma l-elementi fundamentali li jiżguraw li l-prodotti li eventwalment jingħataw it-tikketta bil-logo tal-UE, li jindika prodott organiku, ikunu verament konformi mal-istandards.

07

L-UE stabbiliet sistema ta' kontroll li tinvolvi korpi li jwettqu kontrolli fuq l-operaturi individwali. Dawn il-kontrolli jinkludu spezzjonijiet fiżiċi tal-bini li jintuża għall-produzzjoni jew għall-ipproċessar, il-verifikazzjoni tal-kontijiet iddokumentati u l-kampjunar tal-prodotti finali, il-prodotti maħsuda, weraq jew ħamrija biex jiġi ttestjat jekk intużawx sustanzi mhux awtorizzati. Dawn il-korpi ta’ kontroll huma element ċentrali tas-sistemi kollha ta' kontroll u ta’ ċertifikazzjoni tal-biedja organika. L-operaturi jħallsu għaċ-ċertifikati li jinħarġu mill-korpi ta’ kontroll.

08

Għall-produzzjoni ta’ prodotti ġewwa l-UE japplikaw sistemi ta' kontroll differenti minn dawk għal prodotti importati. Il-Kummissjoni għandha rwol ċentrali f’dawn is-sistemi kollha billi tissorvelja s-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri kif ukoll l-atturi involuti fis-sistemi differenti ta’ importazzjoni.

Sistema ta' kontroll għall-produzzjoni ta’ prodotti ġewwa l-UE

09

L-Istati Membri tal-UE jistgħu jagħżlu li jistabbilixxu sistema ta’ kontroll u ta’ ċertifikazzjoni li tkun privata, pubblika jew taħlita tat-tnejn. Il-maġġoranza tal-Istati Membri approvaw korpi ta’ kontroll privati. Ħames Stati Membri nnominaw korpi ta’ kontroll pubbliċi, li fil-leġiżlazzjoni jissejħu awtoritajiet ta’ kontroll, u tnejn għażlu sistema mħallta. Madwar 250 korp ta’ kontroll u awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi ġew approvati fl-UE kollha4. F’dan ir-rapport dawn jissejħu kollettivament korpi ta’ kontroll.

10

L-Istati Membri jridu jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar li tkun responsabbli għall-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll, u li tapplika firxa ta’ miżuri ta’ infurzar (inklużi sanzjonijiet) jekk ikun meħtieġ.

11

Il-korpi ta’ kontroll privati jridu jkunu akkreditati f’konformità mal-verżjoni l-aktar reċenti tal-istandard ISO IEC 17065:2012. Il-kontrolli mwettqa mill-korpi ta’ akkreditament jikkonċernaw il-kompetenza teknika, l-indipendenza, l-imparzjalità u l-integrità professjonali tal-korpi ta’ kontroll. Mhuwiex meħtieġ li l-awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi jkunu akkreditati (ara l-Figura 2 għal stampa ġenerali skematika).

Figura 2

Sistema ta' kontroll għall-produzzjoni ta’ prodotti ġewwa l-UE

Sors: Il-QEA.

Sistema ta' kontroll għal prodotti li jiġu importati lejn l-UE

Pajjiżi terzi ekwivalenti

12

L-UE rrikonoxxiet li bosta pajjiżi terzi japplikaw regoli tal-produzzjoni organika u sistemi ta’ kontroll ekwivalenti. L-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżi terzi ekwivalenti huma responsabbli biex jiggarantixxu li l-produzzjoni ta’ prodotti organiċi u l-kontroll tal-operaturi jsiru f’konformità mal-istandards tagħhom. Il-Kummissjoni għandha d-dritt li twettaq kontrolli uffiċjali sabiex tivverifika l-ekwivalenza tal-leġiżlazzjoni u tas-sistemi tal-pajjiż terz mar-regoli tal-UE.

Korpi ta’ kontroll ekwivalenti

13

Il-produzzjoni u l-kontroll ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi għajr pajjiżi terzi ekwivalenti u pajjiżi tal-EFTA5 jridu jsiru skont standards li huma ekwivalenti għar-regoli tal-UE. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tapprova korpi ta’ kontroll privati jew awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi li jiċċertifikaw operaturi ta’ prodotti organiċi barra mit-territorju tal-UE; f’dan ir-rapport dawn jissejħu korpi ta’ kontroll ekwivalenti.

14

Fil-każ ta’ korpi ta’ kontroll ekwivalenti, il-Kummissjoni taġixxi bħala awtorità kompetenti, li jfisser li ma tkunx biss responsabbli għall-approvazzjoni ta’ dawn il-korpi ta’ kontroll, iżda wkoll għas-superviżjoni tagħhom, u, jekk ikun meħtieġ, għall-irtirar tal-approvazzjoni. Il-Kummissjoni tissorvelja dawn il-korpi ta’ kontroll billi teżamina r-rapporti annwali tagħhom u r-rapporti ta’ valutazzjoni li jinħarġu mill-korp ta’ akkreditament tagħhom. Hija tista’ twettaq ukoll żjarat tal-awditjar biex teżamina l-prestazzjoni tal-korpi ta’ kontroll.

Suq li qed jikber b’mod rapidu

15

Is-settur organiku tal-UE żviluppa b’mod rapidu matul dawn l-aħħar snin f’dak li jirrigwarda l-erja agrikola involuta, l-għadd ta’ operaturi u s-sehem tiegħu mis-suq, . L-art agrikola totali li tintuża għall-biedja organika fl-UE żdiedet minn 9.1 miljun ha fl-2010 għal 12-il miljun ha fl-2016, jiġifieri żieda ta’ 33 %. Fl-2016, il-proporzjon tal-art agrikola fl-UE li hija ddedikata għall-produzzjoni organika kien ta’ 6.7 %. Matul l-istess perjodu, il-bejgħ bl-imnut tal-prodotti organiċi żdied minn EUR 18.1 biljun għal EUR 30.7 biljun, jiġifieri żieda ta’ 69 %6 (ara l-Figura 3).

Figura 3

L-Ewropa: Iż-żieda kumulattiva fl-erja ddedikata għall-produzzjoni organika u l-bejgħ bl-imnut matul il-perjodu 2000-2017

Sors: Stħarriġ tal-FiBL-AMI (2006-2018): l-Istitut ta' Riċerka għall-Biedja Organika (FiBL), Frick, l-Iżvizzera.

16

Ma teżistix statistika konsolidata dwar il-prodotti organiċi li jiġu importati minn barra t-territorju tal-UE. Xi Stati Membri jipprovdu data dwar is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi. Pereżempju fl-2017, Franza, li hija t-tieni l-akbar suq tal-UE, importat madwar 15 % tal-prodotti organiċi kollha li ġew ikkonsmati fil-pajjiż minn barra t-territorju tal-UE7.

17

Il-kummerċ globali fil-prodotti organiċi qed jikber u jinvolvi t-trasport fuq distanzi twal kemm ta’ oġġetti tal-ikel li jiġu prodotti internament kif ukoll ta’ dawk li jiġu prodotti esternament. Għalkemm ir-regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika jinkludi l-objettiv li “jiġu inkoraġġuti kanali ta’ distribuzzjoni qosra u produzzjonijiet lokali”8, it-terminu “organiku” mhuwiex sinonimu ta’ “lokali”.

18

Il-prezzijiet li l-konsumaturi jħallsu għal prodotti organiċi huma ogħla minn dawk għal prodotti konvenzjonali, xi kultant sinifikattivament. Id-differenza fil-prezz hija affettwata kemm mid-domanda tal-konsumatur kif ukoll mid-differenzi fl-ispejjeż tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. Il-primjums fil-prezzijiet irrappurtati jvarjaw b’mod sinifikanti skont l-istudji u l-prodotti tal-ikel, u l-produtturi jibbenefikaw minn parti biss ta’ dawn il-primjums.

Appoġġ finanzjarju għall-produzzjoni organika ġewwa l-UE

19

Il-bdiewa organiċi fl-UE jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju speċifiku taħt il-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE. Dan jissupplimenta l-appoġġ li jitħallas lill-bdiewa kollha fl-UE (b’mod notevoli l-Iskema ta’ Pagament Bażiku/l-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja, u l-Pagamenti ta’ Ekoloġizzazzjoni – li għalihom il-bdiewa organiċi jikkwalifikaw għalihom awtomatikament). Il-pagament speċifiku għall-bdiewa organiċi jikkonsisti f’appoġġ għal kull ettaru li jingħata b’mod konġunt mill-UE u mill-Istati Membri, u li jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Bejn l-2015 u l-2018, is-sussidji mill-UE ammontaw għal medja ta’ EUR 700 miljun fis-sena.

Il-qafas legali tal-UE għall-produzzjoni organika

20

Ir-Regolament tal-Kunsill tal-2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi9, jirregola l-qafas legali attwali. Huwa jkopri l-istadji kollha tal-katina ta’ provvista organika, bħall-biedja u l-akkwakultura, l-ipproċessar tal-ikel, id-distribuzzjoni, u l-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut10. Regoli aktar dettaljati huma stipulati f’żewġ regolamenti ta’ implimentazzjoni11.

21

F’Marzu 2014 il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-UE f’dak li jirrigwarda l-ikel u l-agrikoltura organiċi u proposta leġiżlattiva għal sett ġdid ta’ regoli applikabbli għall-produzzjoni organika. Ir-Regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi12 ġie ppubblikat f’Ġunju 2018. Ir-regoli l-ġodda se jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. Sa dakinhar, il-Kummissjoni se taħdem f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tiffinalizza u tippubblika Atti Delegati u Regolamenti ta’ Implimentazzjoni.

22

Minbarra l-leġiżlazzjoni speċifika dwar il-produzzjoni organika, l-ikel organiku jrid ikun konformi mal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel13. Il-produzzjoni organika taqa’ fi ħdan l-ambitu tar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali14, li ġie emendat reċentement15. Il-biċċa l-kbira mill-artikoli f’dan ir-Regolament il-ġdid se jibdew japplikaw mill-14 ta’ Diċembru 2019.

23

L-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja jimmonitorjaw il-livelli tar-residwi ta’ pestiċidi f’kampjuni tal-ikel u jibagħtu r-riżultati tal-monitoraġġ lill-EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel). Rapport reċenti16 li jkopri kampjuni mill-2013, l-2014 u l-2015 jikkonkludi li, b’mod ġenerali, 44 % tal-kampjuni tal-ikel li ġie prodott b’mod konvenzjonali kien fihom residwu kwantifikabbli wieħed, jew aktar, filwaqt li fl-ikel organiku l-frekwenza tal-kampjuni b’residwi ta’ pestiċidi li jistgħu jitkejlu kienet seba’ darbiet aktar baxxa (6.5 % tal-kampjuni organiċi; ara wkoll il-paragrafi 46 u 47). Reċentement il-QEA ppubblikat rapport speċjali li jirrigwarda l-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari17, u li jiffoka fuq il-perikli kimiċi.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

24

Ibbażat fuq ir-riżultati tar-rapport speċjali preċedenti tagħna, li ġie ppubblikat fl-2012, il-Kummissjoni żiedet l-evalwazzjoni proprja tagħha tar-riskju marbut mas-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kklassifikat ir-riskju għar-reputazzjoni marbut mas-sistema ta' kontroll għal prodotti importati bħala “kritiku”. Fl-2013 u fl-2014, hija baxxiet gradwalment dan il-livell ta’ riskju. Sabiex ninvestigaw jekk il-Kummissjoni kinitx irrimedjat id-dgħufijiet identifikati, u biex nipprovdu rakkomandazzjonijiet qabel ma jiġi ddefinit bis-sħiħ il-qafas regolatorju l-ġdid (ara l-paragrafu 21), aħna ddeċidejna li nwettqu segwitu għall-awditu tagħna, u li ninkludu kopertura aktar estensiva tas-sistemi ta’ importazzjoni għal prodotti organiċi. F’dan il-kuntest, il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna kienet “Il-konsumaturi issa jista’ jkollhom fiduċja akbar fis-sistemi ta’ kontroll għal prodotti organiċi?”

25

Biex inwieġbu l-mistoqsija prinċipali, aħna staqsejna, l-ewwel nett, jekk is-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi li joriġinaw mill-UE issa tipprovdix aċċertament akbar għall-konsumaturi. Aħna ffukajna fuq it-titjib introdott mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri mill-2012 ’il hawn. B’mod partikolari, aħna indirizzajna l-monitoraġġ mill-Kummissjoni tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri, is-superviżjoni mill-Istati Membri tal-korpi ta’ kontroll u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi u l-awtoritajiet differenti.

26

It-tieni nett, aħna staqsejna jekk is-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi importati lejn l-UE issa tipprovdix aċċertament akbar għall-konsumaturi. Aħna eżaminajna ż-żewġ sistemi ta’ importazzjoni li bħalissa jinsabu fis-seħħ għall-prodotti organiċi, kif ukoll il-proċeduri tal-Kummissjoni u kif hija wettqet il-kompiti superviżorji tagħha.

27

It-tielet nett, aħna tajna segwitu għar-rapport tagħna tal-2012 billi wettaqna eżerċizzju ta’ traċċabbiltà fuq l-ikel organiku, li r-riżultati tiegħu huma ppreżentati fit-taqsima finali.

28

Aħna wettaqna l-awditu bejn Diċembru 2017 u Lulju 2018, u ġbarna evidenza għall-awditjar minn dawn is-sorsi li ġejjin:

  • Analiżijiet dokumentarji u intervisti mal-persunal minn żewġ Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea: id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali (AGRI) u d-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari (SANTE).
  • Analiżi dokumentarja u vidjokonferenzi mar-rappreżentanti tas-sitt Stati Membri li żorna għar-Rapport Speċjali Nru 9/2012: il-Ġermanja (Nordrhein-Westfalen), l-Irlanda, Spanja (Andalusija), Franza, l-Italja (Emilia Romagna), u r-Renju Unit (l-Ingilterra).
  • Żjarat f’żewġ Stati Membri: il-Bulgarija (fejn l-għadd ta’ bdiewa organiċi żdied rapidament f’dawn l-aħħar snin) u ċ-Ċekja (fejn l-erja li tintuża għall-biedja organika hija kbira).
  • Analiżi dokumentarja tas-sistema ta' kontroll tal-produzzjoni organika fin-Norveġja, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA18.
  • Parteċipazzjoni f’żewġ żjarat tal-awditjar mid-DĠ SANTE lil korpi ta’ kontroll ta’ pajjiżi terzi li joperaw fil-Messiku u fl-Ukrajna.
  • Laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar is-sistema ta' kontroll tal-produzzjoni organika fl-UE ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Moviment tal-Biedja Organika (IFOAM), l-Istitut ta' Riċerka għall-Biedja Organika (FIBL) u l-Kunsill Ewropew taċ-Ċertifikaturi tal-Biedja Organika (EOCC).
  • Analiżi tal-istudji rilevanti relatati mas-suġġett tal-awditjar.

Osservazzjonijiet

Sar titjib fis-superviżjoni tas-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi li joriġinaw mill-UE tjiebet

29

Is-superviżjoni tas-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi ġewwa l-UE hija importanti ħafna peress li l-maġġoranza l-kbira tal-produzzjoni ta’ prodotti organiċi li jiġu kkonsmati fl-UE ssir ġewwa l-UE stess (ara l-paragrafu 16, pereżempju). B’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħna fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, aħna stennejna li l-Kummissjoni tkun saħħet il-monitoraġġ tagħha tas-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri, u li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jkunu saħħew ir-rwol superviżorju tagħhom fuq il-korpi ta’ kontroll. Dan kien jinkludi l-armonizzazzjoni tad-definizzjoni tat-tipi ta’ nuqqas ta' konformità u l-miżuri ta’ infurzar korrispondenti. Aħna nippreżentaw ir-riżultat tas-segwitu li wettaqna ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet fit-taqsimiet li ġejjin.

Sar titjib fil-monitoraġġ, li l-Kummissjoni twettaq, tas-sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri

30

Fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ li twettaq tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri permezz ta’ żjarat tal-awditjar u billi tiġbor u tagħmel użu tajjeb mid-data u l-informazzjoni meħtieġa (ara wkoll l-Anness).

31

Fiż-żmien ir-rapport tagħna tal-2012, il-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda awditu relatat mal-biedja organika fl-Istati Membri mill-2004 sa dak iż-żmien. B’segwitu għar-rapport tagħna, il-Kummissjoni reġgħet bdiet iż-żjarat tal-awditjar tagħha fl-Istati Membri. Bejn l-2012 u tmiem l-2018 id-DĠ SANTE wettaq 63 awditu relatati mal-biedja organika, li minnhom, 28 kienu fi Stati Membri tal-UE (ara t-Tabella 1))19. Fl-2015, il-Kummissjoni (id-DĠ SANTE) ippubblikat rapport ta’ sinteżi tal-14-il awditu fl-Istati Membri, li hija kienet ikkompletat sa tmiem l-201420.

Tabella 1 – Awditi dwar il-biedja organika mwettqa mid-DĠ SANTE fl-Istati Membri tal-UE bejn l-2012 u l-2018 (is-sitwazzjoni fl-10/12/2018)

Tip ta’ awditu 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018
Stati Membri Il-Polonja
Il-Portugall
Il-Greċja
Spanja
Franza
Il-Ġermanja
Ir-Renju Unit
L-Italja
Ir-Rumanija
In-Netherlands
Malta
Iċ-Ċekja
Il-Finlandja
Is-Slovakkja
Il-Bulgarija
Il-Litwanja
L-Iżvezja
Id-Danimarka
L-Irlanda
Il-Latvja
L-Ungerija
L-Awstrija
Il-Belġju
Is-Slovenja
L-Italja*
Ir-Rumanija (żewġ żjarat tal-awditjar)*
Is-Slovakkja

* ir-rapporti tal-awditjar għadhom mhumiex disponibbli.

32

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni sabet li fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, is-sistemi ta’ kontroll kienu organizzati tajjeb minkejja li kien hemm xi dgħufijiet fis-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll u fil-livell tal-ispezzjonijiet individwali.

33

Aħna eżaminajna l-metodoloġija li ntużat mill-Kummissjoni, kif ukoll ir-rapporti u l-proċeduri ta’ segwitu tagħha. Aħna kkonfermajna li l-awditi koprew is-suġġetti rilevanti, li l-proċess tal-awditjar ġie ddokumentat b’mod adegwat u li s-sejbiet tal-awditjar ingħataw segwitu. Barra minn hekk, aħna wettaqna żewġ żjarat fi Stati Membri fejn il-Kummissjoni kienet wettqet awditi fl-2014 u fl-2015 (iċ-Ċekja u l-Bulgarija), u kkonfermajna r-rilevanza tas-sejbiet tal-Kummissjoni. Ir-rapporti tal-awditjar tal-Kummissjoni jiġu ppubblikati fuq is-sit web tad-DĠ SANTE21.

34

Jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-produzzjoni organika ma tkunx ġiet applikata b’mod korrett, il-Kummissjoni tista’ tibgħat ittri ta’ sejba ta’ ksur (imsejħa wkoll EU Pilots) lill-Istati Membri jew tibda proċediment ta’ ksur. L-inkjesti permezz ta’ EU Pilot huma għodod utli li jippermettu djalogu mal-Istati Membri. Mill-2012 ’il hawn, il-Kummissjoni bagħtet 41 ittra ta’ sejba ta’ ksur lil 22 Stat Membru differenti22. Dawn l-EU Pilots damu medja ta’ disa’ xhur, li ppermetta lill-Kummissjoni tevita li tibda l-proċedimenti ta’ ksur li jieħdu aktar fit-tul.

35

Il-Kummissjoni tagħmel użu tajjeb mil-laqgħat tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika (COP), li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Istati Membri u jiltaqa’ minn ħames sa seba’ darbiet fis-sena. In-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Iżlanda jipparteċipaw bħala osservaturi. Wieħed mis-suġġetti rikorrenti ta’ diskussjoni matul dawn il-laqgħat huwa s-segwitu li jingħata lil irregolaritajiet u allegazzjonijiet ta’ frodi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ħadet inizjattivi dwar il-koordinazzjoni ma’ u t-taħriġ tal-awtoritajiet kompetenti u l-korpi ta’ kontroll, l-awtoritajiet ta’ kontra l-frodi u l-organizzazzjonijiet tas-settur privat.

Ġew indirizzati ħafna mid-dgħufijiet fis-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll imwettqa mill-Istati Membri

Proċeduri għall-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll

36

Fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, aħna rrakkomandajna li l-awtoritajiet kompetenti japplikaw proċeduri ddokumentati u xierqa għall-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll (ara wkoll l-Anness). Matul l-awditu ta’ segwitu li wettaqna, aħna sibna li s-sitwazzjoni kienet tjiebet mill-2012, għalkemm għad fadal xi dgħufijiet.

37

Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea emendat ir-Regolament (KE) Nru 889/200823, biex b’hekk speċifikat il-qafas legali għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u għenithom jissodisfaw din ir-rakkomandazzjoni. Pereżempju, huwa jispjega x’tip ta’ attivitajiet superviżorji l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jwettqu fuq il-korpi ta’ kontroll u jirrikjedi li huma jorganizzaw spezzjoni annwali tal-korpi ta’ kontroll24.

38

L-awtoritajiet kompetenti tas-sitt Stati Membri li għalihom tajna segwitu fil-fatt ħadu azzjoni biex jirrimedjaw il-biċċa l-kbira mid-dgħufijiet li kienu ġew osservati. Pereżempju:

  • bidliet fil-qafas legali (il-Ġermanja, Spanja u l-Italja),
  • titjib fil-koordinazzjoni mal-korpi ta’ akkreditament (l-Irlanda, Franza, ir-Renju Unit u l-Ġermanja),
  • titjib fil-proċeduri u fil-linji gwida għas-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll (l-Irlanda, Spanja, Franza u r-Renju Unit),
  • l-awtoritajiet kompetenti issa qed jivverifikaw jekk il-korpi ta’ kontroll għandhomx stabbiliti proċeduri tal-analiżi tar-riskju għall-ispezzjonijiet li jwettqu tal-operaturi u għar-rotazzjoni tal-ħatra tal-ispetturi.
39

Xi wħud minn dawn il-bidliet huma pjuttost reċenti u se jieħdu ż-żmien biex jiġu implimentati bis-sħiħ. Aħna ma vverifikajniex l-effettività ta’ dawn l-azzjonijiet fuq il-post matul l-awditu tagħna.

40

Minkejja t-titjib imsemmi, aħna identifikajna f’dawn l-Istati Membri għadd ta’ dgħufijiet relatati mas-sejbiet preċedenti tagħna, inkluż:

  • Fl-Italja, iż-żewġ korpi ta’ kontroll li eżaminajna wettqu ħafna żjarat ta’ spezzjoni lejn tmiem is-sena, fi żmien meta dan ikun inqas effettiv, tal-inqas għal dawk li jkabbru l-pjanti;
  • Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jippubblikaw il-listi aġġornati tal-operaturi u taċ-ċertifikati organiċi tagħhom online25. Fi Franza, ċerti korpi ta’ kontroll ma jqegħdux din l-informazzjoni online, u b’hekk inaqqsu t-trasparenza u r-rapidità tal-kontrolli ta’ traċċabbiltà;
  • Il-kontrolli mwettqa mill-awtorità kompetenti fi Spanja (Andalusija) mhumiex iddokumentati b’mod suffiċjenti.
41

Fl-2014 u fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea awditjat iċ-Ċekja u l-Bulgarija. Aħna żorna wkoll dawn iż-żewġ Stati Membri u sibna li huma kienu ħadu azzjoni biex itejbu s-sistemi ta’ kontroll tagħhom. Madankollu, fil-Bulgarija xorta waħda sibna dgħufijiet fis-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll:

  • L-awtorità kompetenti ma identifikatx xi wħud mid-dgħufijiet waqt l-ispezzjoni annwali tagħha (għal aktar dettalji ara l-paragrafu 45 u l-Kaxxa 1);
  • Fil-każ taż-żewġ korpi ta’ kontroll li żorna, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-għażla ta’ operaturi fejn il-prodotti kellhom jiġu ttestjati għal sustanzi mhux awtorizzati hija bbażata fuq ir-riskju kif meħtieġ mir-Regolament.

Nuqqas ta’ konformità mill-operaturi u l-miżuri ta’ infurzar korrispondenti

42

Fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, aħna sibna li s-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika kienu ġew applikati b’mod differenti fost l-Istati Membri, fi ħdan l-istess Stat Membru kif ukoll fi ħdan il-korpi ta’ kontroll26. Aħna rrakkomandajna l-promozzjoni tal-armonizzazzjoni tagħhom. Matul l-awditu ta’ segwitu li wettaqna, aħna sibna li kien sar titjib sinifikanti fl-armonizzazzjoni fi ħdan il-korpi ta’ kontroll u l-Istati Membri, iżda mhux fi ħdan l-UE.

43

Mill-2013 ’il quddiem27, l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jadottaw katalogu tat-tipi ta’ nuqqas ta’ konformità u jibagħtuh lill-korpi ta’ kontroll biex ikun jista’ jiġi applikat. Ma jeżisti l-ebda obbligu legali biex jitfassal katalogu armonizzat tal-miżuri ta’ infurzar (inklużi sanzjonijiet) fil-livell tal-UE, iżda reċentement il-Kummissjoni bdiet taħdem mal-Istati Membri f’din id-direzzjoni. Il-Kummissjoni identifikat it-tipi serji ta’ nuqqas ta' konformità li jseħħu l-aktar ta’ spiss fis-sistema ta' kontroll tal-produzzjoni organika u qed tiġbor informazzjoni dwar il-miżuri ta’ infurzar korrispondenti.

44

It-tmien Stati Membri kollha li żorna jew li tajna segwitu għalihom matul dan l-awditu issa għandhom katalogu ta’ tipi ta’ nuqqas ta' konformità u l-miżuri ta’ infurzar korrispondenti28, li huwa pass ’il quddiem utli u fid-direzzjoni t-tajba lejn aktar kjarifika u armonizzazzjoni.

45

Madankollu, fil-Bulgarija jeħtieġ li jkun hemm jerġa’ aktar kjarifika u superviżjoni xierqa. Aħna rajna li wieħed miż-żewġ korpi ta’ kontroll li żorna għażel li ma japplikax ċerti miżuri ta’ infurzar li huma indikati fil-katalogu u li l-ebda wieħed mill-korpi ma applika l-miżura xierqa għall-preżenza ta’ sustanzi mhux awtorizzati. L-awtorità kompetenti ma rrappurtatx dwar dan fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tagħha.

46

Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ sustanzi kimiċi u sustanzi oħra29 huma rekwiżit ewlieni tal-metodi ta’ produzzjoni organika. L-ittestjar għar-residwi jista’ jintuża mill-korpi ta’ kontroll jew mill-awtoritajiet kompetenti biex tinqabad il-preżenza ta’ sustanzi mhux awtorizzati, fil-prodott finali, iżda wkoll fil-weraq jew fil-ħamrija. Fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, aħna osservajna li r-regolamenti tal-UE ma pprevedewx għadd minimu ta’ testijiet tal-laboratorju li jridu jitwettqu mill-korpi ta’ kontroll u li ma kienx hemm approċċ armonizzat fir-rigward tal-miżuri li jridu jittieħdu jekk jinstabu sustanzi mhux awtorizzati.

47

Mill-2013 ’il hawn, ir-regoli tal-UE ddefinixxew għadd minimu ta’ kampjuni li jridu jittieħdu u jiġu analizzati mill-korpi ta’ kontroll30. Għall-futur, ir-regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika31 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi ta’ kontroll (i) iwettqu investigazzjoni sabiex jiddeterminaw is-sors u l-kawża tal-preżenza ta’ dawn is-sustanzi u (ii) jimblukkaw proviżorjament il-prodotti sa meta jaslu r-riżultati tal-investigazzjoni. Sa tmiem l-2024, il-Kummissjoni hija mistennija tippreżenta rapport li janalizza jekk huwiex meħtieġ li jkun hemm aktar armonizzazzjoni.

Sar titjib fl-iskambju ta’ informazzjoni, iżda dan jista’ jkun aktar rapidu u aktar komprensiv

48

Fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, aħna kkonkludejna li l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-Istati Membri, mill-Istati Membri għall-Kummissjoni kif ukoll bejn l-Istati Membri kien għadu mhux adegwat (ara wkoll l-Anness). Aħna rrakkomandajna li l-Istati Membri jiżguraw fluss dirett tal-informazzjoni rilevanti kollha dwar ksur u irregolaritajiet mill-korpi ta’ kontroll lill-aġenziji tal-pagamenti u viċi versa. Barra minn hekk, aħna stennejna li l-Kummissjoni (i) tispeċifika l-forma u t-twaqqit tal-komunikazzjonijiet dwar ksur u irregolaritajiet, (ii) tintroduċi miżuri xierqa biex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi ta’ rappurtar tagħhom u (iii) tirrevedi s-sistema ta’ informazzjoni li hija pprovduta għall-komunikazzjoni tal-ksur u tal-irregolaritajiet.

49

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu serje ta’ azzjonijiet biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tagħna:

  • Il-Kummissjoni Ewropea introduċiet rekwiżit32 biex l-Istati Membri jikkomunikaw lill-aġenziji tal-pagamenti r-riżultati tal-ispezzjonijiet relatati mal-produzzjoni organika. Dan huwa importanti peress li jista’ jaffettwa s-sussidju li l-bdiewa jirċievu mill-UE (ara wkoll il-paragrafu 19). L-Istati Membri/ir-reġjuni li għalihom tajna segwitu u li żorna matul dan l-awditu issa għandhom stabbiliti sistemi ta’ kontronotifika, għalkemm fi Franza, dan it-tip ta’ komunikazzjoni mhuwiex implimentat ħlief parzjalment.
  • Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet33 ir-rekwiżit biex il-korpi ta’ kontroll jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien, dwar il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jaffettwaw l-istatus organiku tal-prodotti . L-Istati Membri li awditjajna kienu żviluppaw proċeduri u, xi drabi anke, soluzzjonijiet teknoloġiċi, biex itejbu l-komunikazzjoni bejn il-korpi ta’ kontroll u l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità. Madankollu, il-komunikazzjoni mhux dejjem issir fil-pront (ara l-Kaxxa 1).
  • Il-Kummissjoni Ewropea speċifikat ukoll li, jekk isibu irregolaritajiet, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-għodda online tal-Kummissjoni OFIS (Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika)34. Minn meta wettaqna l-awditu preċedenti tagħna, il-komunikazzjoni mill-Istati Membri saret aktar rapida, iżda xorta waħda identifikajna xi dewmien (ara l-Kaxxa 1).
  • Ladarba n-notifika tkun ġiet irreġistrata fl-OFIS, il-Kummissjoni tistenna li l-pajjiż innotifikat jinvestiga l-kawżi possibbli tal-irregolarità u li jwieġeb permezz tas-sistema OFIS fi żmien 30 jum35. Mill-awditu preċedenti tagħna, kien hemm titjib fil-ħinijiet tar-rispons. Fl-2017, 85 % tar-risposti kienu fil-ħin (60 % fl-2016).
  • Mill-2013 ’il hawn, l-Istati Membri kienu obbligati jinkludu informazzjoni dwar is-settur organiku kif ukoll dwar il-kontrolli, fir-rapporti annwali dwar is-sikurezza alimentari li jibagħtu lill-Kummissjoni36. Fil-biċċa l-kbira mir-rapporti li analizzajna, tissemma speċifikament il-produzzjoni organika. Madankollu, l-analiżi attwali tagħna tikkonferma l-preżenza kontinwata ta’ xi wħud mid-dgħufijiet li identifikajna preċedentement37 (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Xi kultant l-informazzjoni ddum ma tiġi kkomunikata u ma tkunx kompleta

Komunikazzjoni dwar nuqqas ta' konformità

Fil-Bulgarija aħna sibna li xi korpi ta’ kontroll innotifikaw lill-awtorità kompetenti dwar ċerti tipi ta’ nuqqas ta' konformità permezz tar-rappurtar annwali tagħhom biss. L-awtorità kompetenti ma kinitx osservat dan matul l-attivitajiet superviżorji tagħha. Fiċ-Ċekja, aħna sibna li bħala medja, il-korpi ta’ kontroll ħadu 33 jum fl-2016 u 55 jum fl-2017 biex jirrappurtaw lill-awtorità kompetenti każ ta’ nuqqas ta' konformità li jaffettwa l-istatus organiku ta’ prodott.

Komunikazzjoni permezz tas-sistema OFIS

Iż-żmien bejn l-identifikazzjoni ta’ nuqqas ta' konformità u n-notifikazzjoni tiegħu fis-sistema OFIS mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kien, bħala medja, 38 jum kalendarju, filwaqt li r-Regolament jeħtieġ li n-notifikazzjonijiet isiru mingħajr dewmien. Sadanittant, prodotti mill-istess lott jistgħu jkomplu jiċċirkolaw fl-UE, ittikkettati bħala organiċi.

Fil-Bulgarija, il-korpi ta’ kontroll ma inkludewx informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodott fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-awtorità kompetenti, b’hekk, din ma kellhiex l-informazzjoni rilevanti biex tiddeċiedi jekk il-ksur/l-irregolarità għandhomx jiġu rreġistrati fis-sistema OFIS, jew le.

Rappurtar annwali lill-Kummissjoni

L-Istati Membri xorta rrappurtaw tard wisq dwar l-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom. Għall-2014-16, it-12-il Stat Membru li eżaminajna, kienu tard b’medja ta’ aktar minn 4 xhur. Sa Ġunju 2018, tliet Stati Membri ma kinux ipprovdew ir-rapporti tagħhom għall-2016.

F’għadd kbir ta’ każijiet, l-informazzjoni fir-rapporti annwali relatata mas-sistema ta' kontroll tal-produzzjoni organika kienet għadha mhijiex kompleta. Il-valutazzjoni li l-Kummissjoni wettqet tar-rapporti annwali 2016 uriet li kien hemm lakuni fl-informazzjoni, ta’ importanza għolja u medja, fi 13-il rapport annwali mis-26 li ġew riċevuti.

L-isfida tas-superviżjoni tas-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi importati ngħelbet parzjalment

50

Parti relattivament żgħira mill-konsum organiku tal-UE tiġi minn prodotti importati (ara l-paragrafu 16pereżempju). Prodotti organiċi li jiġu importati minn barra t-territorju tal-UE jistgħu jiġu ċċertifikati b’żewġ modi:

  • Taħt ir-regoli nazzjonali ta’ dawk il-pajjiżi li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li għandhom prinċipji, regoli tal-produzzjoni u sistemi ta' kontroll għal prodotti organiċi li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-regolamenti tal-UE38 (minn hawn ’il quddiem imsejħa pajjiżi terzi ekwivalenti);
  • Għal pajjiżi oħra, minn korpi ta’ kontroll li l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet għall-produzzjoni organika barra t-territorju tal-UE skont ir-regoli tal-produzzjoni u s-sistemi ta' kontroll ekwivalenti39 (minn hawn ’il quddiem imsejħa korpi ta’ kontroll ekwivalenti).
51

Fl-2018, 114-il pajjiż bagħtu prodotti organiċi lejn l-UE. Il-Figura 4 turi l-20 pajjiż prinċipali, filwaqt li l-pajjiżi terzi ekwivalenti jidhru bil-blu skur. Madwar 87 % tal-prodotti organiċi importati jiġu ċċertifikati minn korpi ta’ kontroll ekwivalenti.

Figura 4

Ripartizzjoni tal-20 pajjiż prinċipali* minn fejn il-prodotti organiċi ġew importati lejn l-UE fl-2018 (ibbażat fuq il-piż)

Nota: Il-pajjiżi terzi ekwivalenti jidhru bil-blu skur.

* In-Norveġja u l-Iżvizzera mhumiex inklużi f’din il-graff peress li s-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji (TRACES) tal-Kummissjoni ma fihiex informazzjoni dwar esportazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data meħuda mis-sistema TRACES (status taċ-ċertifikat = “dikjarazzjoni tal-ewwel konsenjatarju ffirmata”).

52

Bħalissa hemm 13-il pajjiż terz ekwivalenti40 li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 13 % tal-importazzjonijiet organiċi. Kull wieħed minnhom iffirma ftehim jew arranġament mal-Kummissjoni dwar l-ekwivalenza organika. Mill-2014 ’il hawn, ġiet introdotta skema ġdida ta’ rikonoxximent ibbażata fuq ftehimiet kummerċjali internazzjonali li tapplika għal pajjiżi terzi ekwivalenti41. L-ewwel ftehim ta’ dan it-tip ġie ffirmat maċ-Ċilì fl-201742 (ara t-Tabella 2).

Tabella 2 – Ħarsa ġenerali lejn il-pajjiżi terzi li ffirmaw ftehim mal-Kummissjoni dwar l-ekwivalenza organika

Isem il-pajjiż terz Sena meta ġie inkluż Tip ta’ ftehim
L-Awstralja 1996 Arranġament amministrattiv
L-Arġentina 1997 Arranġament amministrattiv
Iżrael 1997 Arranġament amministrattiv
L-Iżvizzera 1997 Kapitolu dwar il-prodotti organiċi fi ħdan il-ftehim ta’ kummerċ sħiħ
In-New Zealand 2002 Arranġament amministrattiv
Il-Costa Rica 2003 Arranġament amministrattiv
L-Indja 2006 Arranġament amministrattiv
It-Tuneżija 2009 Arranġament amministrattiv
Il-Ġappun 2010 Arranġament amministrattiv
Il-Kanada 2011 Arranġament amministrattiv
L-Istati Uniti 2012 Arranġament amministrattiv
Il-Korea t’Isfel 2015 Arranġament amministrattiv
Iċ-Ċilì 2017 Ftehim ta’ kummerċ dwar il-prodotti organiċi
53

Fit-taqsimiet segwenti, aħna nippreżentaw is-sejbiet tagħna dwar is-suġġetti li ġejjin, għal kull waħda mis-sistemi ta’ importazzjoni:

  • l-awditi tal-Kummissjoni barra mit-territorju tal-UE;
  • l-iskambju ta' informazzjoni;
  • il-proċeduri ta’ infurzar tal-Kummissjoni.

Aħna mbagħad nindirizzaw ir-rwol tal-Istati Membri fir-rigward tal-prodotti importati.

Il-Kummissjoni bdiet twettaq awditi barra t-territorju tal-UE, iżda l-biċċa l-kbira mill-korpi ta’ kontroll ekwivalenti għadhom ma ġewx awditjati sa issa

54

Fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tiżgura superviżjoni adegwata tal-pajjiżi inklużi fil-lista ta’ pajjiżi terzi ekwivalenti għall-produzzjoni organika (ara wkoll l-Anness). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura wkoll is-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll ekwivalenti43.

55

B’segwitu għall-azzjoni li l-Kummissjoni kienet ħadet b’rispons għar-rakkomandazzjoni tagħna, aħna sibna li mill-2012 ’il hawn hija kienet qed twettaq awditi barra t-territorju tal-UE (ara l-paragrafu 31) u li dawn issa jużaw parti kbira mir-riżorsi tagħha tal-awditjar għall-produzzjoni organika (ara t-Tabella 3).

Tabella 3 – Awditi mwettqa mid-DĠ SANTE bejn l-2012 u l-2018 f’pajjiżi terzi

Tip ta’ awditu 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018
Pajjiżi terzi ekwivalenti It-Tuneżija
L-Indja
L-Iżvizzera
Iżrael
L-Awstralja
L-Arġentina
Iżrael
Il-Kanada
L-Indja
Il-Costa Rica
Korpi ta’ kontroll ekwivalenti Iċ-Ċina (tliet korpi ta’ kontroll ekwivalenti) It-Turkija
Il-Vjetnam
L-Ukrajna u l-Belarussja
L-Afrika t’Isfel
Il-Perù
Il-Bolivja
L-Albanija u l-Kosovo*
L-Ukrajna
It-Tajlandja
Il-Perù
Il-Brażil
L-Indja
L-Ekwador
Il-Bolivja
Is-Sri Lanka
It-Turkija
Iċ-Ċina
Il-Paragwaj
Ir-Repubblika Dominicana
**Il-Messiku
L-Ukrajna
Il-Kenja

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

** awditjat permezz ta’ analiżi dokumentarja fis-sede tal-korpi ta’ kontroll fl-UE.

Korpi ta’ kontroll ekwivalenti

56

Għalkemm is-sedi tal-korpi ta’ kontroll ekwivalenti spiss jinstabu ġewwa l-UE, l-attivitajiet tal-korpi huma mifruxa mad-dinja kollha. Is-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll ekwivalenti hija diffikultuża għall-Kummissjoni minħabba li hija ma tistax toqgħod fuq ix-xogħol ta’ awtorità kompetenti, bħalma huwa l-każ għall-Istati Membri tal-UE jew għall-pajjiżi terzi ekwivalenti (ara l-paragrafu 14).

57

Fi tmiem Ġunju 2018, 57 korp ta’ kontroll ekwivalenti kienu ġew approvati. Il-korpi ta’ kontroll jistgħu jkunu rikonoxxuti għal pajjiż terz wieħed jew aktar, u xi kultant korp wieħed ikun ikopri aktar minn 50 pajjiż. Dan jirriżulta f’għadd kbir ta’ kombinamenti ta’ korpi ta’ kontroll/pajjiżi li l-Kummissjoni tkun trid tapprova u tissorvelja44.

58

Il-Kummissjoni bdiet tawditja korpi ta’ kontroll ekwivalenti rikonoxxuti fl-2013 u sa tmiem l-2018 kienet wettqet 25 awditu bħal dawn45, normalment fis-sede tal-korp ta’ kontroll u f’pajjiż terz li għalih il-korp ta’ kontroll ikun rikonoxxut. Aħna nistmaw li l-kombinamenti ta’ korpi ta’ kontroll/pajjiżi li l-Kummissjoni awditjat mill-2013 ’il hawn ikopru bejn wieħed u ieħor terz tal-prodotti organiċi importati permezz ta’ din is-sistema. Dan ifisser li jistgħu jgħaddu bosta snin qabel ma l-Kummissjoni żżur pajjiż jew korp ta’ kontroll speċifiku (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Frekwenza baxxa ta’ awditi mwettqa mill-Kummissjoni

Fl-2018, il-Kummissjoni awditjat korp ta’ kontroll ekwivalenti li ilu attiv fir-Repubblika Dominicana mill-2013. L-awditu żvela nuqqasijiet sinifikanti fl-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni tal-korp ta’ kontroll46. Ir-Repubblika Dominicana hija t-tielet l-akbar esportatur ta’ prodotti organiċi lejn l-Ewropa (ara wkoll il-Figura 4) u madwar terz tal-prodotti organiċi li jiġu esportati mir-Repubblika Dominicana lejn l-UE jiġu ċċertifikati mill-korp ta’ kontroll. Kienet l-ewwel darba li dan il-korp ta’ kontroll kien ġie awditjat u l-ewwel darba li l-Kummissjoni kienet żaret ir-Repubblika Dominicana biex twettaq awditu ta’ dan it-tip.

59

Fuq il-bażi tal-pariri dwar is-sigurtà mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), żjarat li jkunu ppjanati jsiru f’ċerti pajjiżi xi kultant jiġu kkanċellati jew posposti (pereżempju fl-Eġittu u l-Messiku). Dan huwa komprensibbli, iżda jillimita l-livell ta’ aċċertament li l-Kummissjoni tista’ tikseb fuq il-bażi tas-superviżjoni tagħha f’dawn il-pajjiżi.

60

Is-sejbiet li jirriżultaw mill-awditi mwettqa mill-Kummissjoni juru l-ħtieġa li ssir superviżjoni regolari u bir-reqqa tal-korpi ta’ kontroll ekwivalenti. Il-Kummissjoni twettaq segwitu tas-sejbiet, iżda tista’ tieħu żmien twil biex issolvi dgħufijiet f’korpi ta’ kontroll differenti li joperaw fl-istess pajjiż. Ara l-Kaxxa 3 għal eżempju ta’ dan.

Kaxxa 3

Diffikultajiet fir-riżoluzzjoni ta’ dgħufijiet sistemiċi permezz ta’ awditi tal-korpi ta’ kontroll

Iċ-Ċina hija l-akbar esportatur ta’ prodotti organiċi lejn l-UE (ara wkoll il-Figura 4). ). Fl-2013, il-Kummissjoni bdiet tieħu azzjoni biex tindirizza dgħufijiet fis-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi li joriġinaw miċ-Ċina. Hija kitbet lill-korpi ta’ kontroll kollha li kienu attivi fiċ-Ċina biex tirrakkomanda li jieħdu miżuri addizzjonali bħal spezzjonijiet addizzjonali li ma jkunux imħabbra u kampjuni ulterjuri, u li jirrappurtaw dwar dawn l-azzjonijiet fir-rapporti annwali tagħhom. Hija awditjat ukoll tliet korpi ta’ kontroll, u fl-2014 neħħiet wieħed minnhom mil-lista. Il-Kummissjoni awditjat korp ieħor ta’ kontroll fl-2017 u sabet dgħufijiet kontinwati fil-produzzjoni organika u fis-sistema ta’ kontroll fiċ-Ċina. Il-Kummissjoni tinsab konxja tal-problema u qed taħdem biex tiżviluppa approċċ aktar sistematiku

61

Meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika (ara l-paragrafu 21), is-sistema tal-ekwivalenza se tiġi sostitwita gradwalment, bejn l-2021 u l-2023, minn sistema fejn l-istandards u s-sistemi ta’ kontroll tal-korpi ta’ kontroll f’dan il-qasam ikunu jridu jikkonformaw mar-regoli tal-UE. Dan l-approċċ ibbażat fuq il-konformità huwa mistenni li jnaqqas iż-żmien meħtieġ għat-tħejjija ta’ żjarat tal-awditjar, u għall-eżaminar ta’ applikazzjonijiet ġodda u ta’ rapporti annwali, billi l-Kummissjoni mhux se tibqa’ tkun meħtieġa tivvaluta l-ekwivalenza tal-istandards tal-produzzjoni organika u tas-sistemi ta' kontroll li jintużaw mill-korpi ta’ kontroll.

Pajjiżi terzi ekwivalenti

62

Sar titjib fis-superviżjoni ta’ pajjiżi terzi ekwivalenti, li l-Kummissjoni twettaq, meta mqabbel mal-awditu preċedenti tagħna. Mill-2012 ’il hawn, il-Kummissjoni wettqet 10 awditi fuq 8 pajjiżi terzi ekwivalenti (ara t-Tabella 3) u fl-2014 ħadet sehem f’valutazzjoni bejn il-pari tas-sistema ta’ kontroll tal-Istati Uniti. Pajjiżi terzi ekwivalenti li ma ġewx awditjati matul dan il-perjodu huma New Zealand, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel, li flimkien jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-importazzjonijiet organiċi lejn l-UE, u ċ-Ċilì, li ffirma ftehim mal-UE fl-2017.

63

L-awditi li twettqu żvelaw nuqqasijiet sinifikanti. F’ħafna każijiet, meta l-Kummissjoni wettqet segwitu għall-awditi tagħha, hija sabet li l-pajjiżi kkonċernati kienu ħadu azzjoni ta' rimedju biex jindirizzawhom (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

L-awditi tal-Kummissjoni żvelaw nuqqasijiet u l-pajjiżi terzi ħadu azzjoni ta' rimedju

Il-Kummissjoni awditjat l-Indja darbtejn47 u sabet nuqqasijiet serji fl-effettività tal-korpi ta’ kontroll u fis-superviżjoni mill-awtorità kompetenti. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni rrifjutat li tkompli taċċetta l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli pproċessati u rikorrenti bħala ekwivalenti, minħabba l-bidliet fir-regoli ta’ produzzjoni Indjani u neħħiet korp ta’ kontroll mil-lista ta’ korpi ta’ kontroll aċċettati fl-Indja. Fi Frar 2017, il-Kummissjoni kkonfermat li l-Indja kienet implimentat azzjoni korrettiva biex tirrettifika n-nuqqasijiet identifikati.

Fl-awditu li wettqet fl-Iżvizzera f’Settembru 201348, il-Kummissjoni sabet nuqqasijiet fir-rigward tas-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll u kontrolli tal-importazzjoni inadegwati. B’konsegwenza ta’ dan, l-awtoritajiet Żvizzeri ħadu azzjoni biex jirriżolvu l-kwistjonijiet li tqajmu, billi emendaw il-qafas legali tagħhom u billi saħħew il-linji gwida tagħhom għall-korpi ta’ kontroll.

64

Il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tar-riskju tas-sistema ta' kontroll għal prodotti organiċi fin-Norveġja49 u l-Iżlanda, pajjiżi tal-EFTA. Barra minn hekk, għaddew aktar minn tmien snin sakemm ir-regolamenti organiċi tal-UE50 ġew inkorporati fil-Ftehim ŻEE51, f’Marzu 2017. F’Ottubru 2018, il-Kummissjoni akkumpanjat, għall-ewwel darba, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fuq awditu tas-sistema ta’ kontroll għall-prodotti organiċi fin-Norveġja52.

Sar titjib fl-iskambju ta’ informazzjoni, iżda il-Kummissjoni tista’ tużaha aħjar u b’mod aktar rapidu

L-iskambju ta’ informazzjoni dwar irregolaritajiet

65

Fl-2013 il-Kummissjoni estendiet l-għodda OFIS53 biex tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, pajjiżi terzi ekwivalenti u korpi ta’ kontroll ekwivalenti dwar irregolaritajiet għal prodotti importati. Il-Kummissjoni adottat proċeduri biex jingħata segwitu għal dawn l-irregolaritajiet.

66

Għal irregolaritajiet innotifikati li jikkonċernaw prodotti importati permezz tas-sistema ta’ korpi ta’ kontroll ekwivalenti, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri huma l-atturi prinċipali fis-segwitu li jingħata. Dawn jikkuntattjaw il-korp ta’ kontroll rilevanti permezz tas-sistema OFIS u jitolbu aktar informazzjoni sakemm ikunu sodisfatti għalkollox bit-tweġiba pprovduta. Meta l-irregolaritajiet jibqgħu ma jiġux indirizzati, il-Kummissjoni mbagħad tikkuntattja lill-korp ta’ kontroll direttament.

67

Għal prodotti li jiġu importati permezz tas-sistema ta’ pajjiżi terzi ekwivalenti, il-Kummissjoni timmonitorja n-notifiki tas-sistema OFIS. Madankollu, għal xi wħud minn dawn aħna ftit li xejn ma sibna evidenza li kienu ngħataw segwitu effettiv.

Rapporti annwali

68

Minbarra n-notifiki skambjati permezz tal-għodda OFIS, il-Kummissjoni tkun trid tirċievi rapporti annwali minn kull korp ta’ kontroll ekwivalenti rikonoxxut54 u kull pajjiż terz55 ekwivalenti rikonoxxut fejn jiddeskrivu kif ikunu implimentaw is-sistema ta’ kontroll. Ir-rapporti annwali tal-korpi ta’ kontroll iridu jinkludu r-rapporti ta' valutazzjoni l-aktar reċenti mill-korp ta’ akkreditament.

69

Skont ir-regoli interni tagħha, il-Kummissjoni hiaj mistennija teżamina r-rapporti annwali fi żmien tliet xhur minn meta tirċevihom. Aħna eżaminajna 10 rapporti annwali li kienu nħarġu mill-korpi ta’ kontroll. F’każ minnhom, ma kienet twettqet l-ebda valutazzjoni. Il-Kummissjoni kienet eżaminat ir-rapporti fi ħdan id-data ta’ skadenza ta’ tliet xhur, fi tliet każijiet biss, filwaqt li l-analiżi ta’ tliet rapporti oħra ħadet disa’ xhur jew aktar. Aħna osservajna dewmien simili fl-analiżi tar-rapporti annwali riċevuti minn pajjiżi terzi ekwivalenti56.

Kooperazzjoni ma’ korpi u awtoritajiet oħra

70

Għax-xogħol superviżorju tagħha fuq korpi ta’ kontroll ekwivalenti, il-Kummissjoni toqgħod ukoll fuq ir-rapporti ta' valutazzjoni mill-korpi ta’ akkreditament. Fl-2017 u l-2018, il-Kummissjoni organizzat laqgħa annwali mal-korpi ta’ akkreditament. Madankollu, ma hemmx ftehimiet ta’ kooperazzjoni stabbiliti li jissettjaw it-termini għal skambju regolari ta’ informazzjoni, jew li jippermettu li l-Kummissjoni taċċessa l-evidenza sottostanti għar-rapporti ta' valutazzjoni annwali jew li takkumpanja l-korpi ta’ akkreditament matul il-valutazzjonijiet tagħhom, f’każijiet fejn il-Kummissjoni tista’ tqis li approċċ koordinat ikun aktar effiċjenti għas-superviżjoni ta’ korpi ta’ kontroll ekwivalenti.

71

L-esportaturi lejn l-UE ta’ spiss ibigħu wkoll il-prodotti tagħhom fuq swieq oħra. Għalhekk, huma jridu jikkonformaw ukoll mar-regoli dwar il-produzzjoni organika stabbiliti minn dawn il-pajjiżi importaturi l-oħra u huma suġġetti għas-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Billi l-Kummissjoni għandha riżorsi limitati biex tanalizza l-informazzjoni li tirċievi (ara l-paragrafi 67 u 69) jew biex twettaq l-awditi proprji tagħha (ara l-paragrafi 57 u 58), hija tista’ tiżviluppa l-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi importaturi kbar oħra biex issaħħaħ is-superviżjoni li twettaq tal-importazzjonijiet. Il-Kummissjoni ħadet xi passi inizjali f’din id-direzzjoni billi, mill-2016 bdiet torganizza diskussjonijiet “plurilaterali” (madwar mejda) ma’ għadd ta’ pajjiżi terzi (l-Istati Uniti, il-Kanada, iċ-Ċilì, l-Iżvizzera, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel). Madankollu, għadhom ma ġewx stabbiliti mezzi kooperattivi aktar sistematiċi. Pereżempju, il-Kummissjoni għandha l-għan ukoll li tippromwovi skambju ta’ informazzjoni dwar każijiet ta’ ksur, rapporti dwar missjonijiet fuq il-post u diskussjoni dwar il-fehim komuni ta’ problemi f’ċerti pajjiżi.

L-infurzar mill-Kummissjoni kien diffiċli u ħa fit-tul, iżda l-bidliet futuri għar-regoli huma intenzjonati li jagħmluh aktar rapidu u aktar effettiv

Korpi ta’ kontroll ekwivalenti

72

Jekk korp ta’ kontroll ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni fi żmien debitu, jekk jonqos milli jieħu miżuri korrettivi jew jekk ma jaqbilx li jsir eżaminar fuq il-post, il-Kummissjoni tista’ tissospendih jew tirtirah mil-lista ta’ korpi ta’ kontroll rikonoxxuti57, jew temenda l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu. Fil-prattika, il-Kummissjoni rtirat seba’ korpi ta’ kontroll mil-lista ta’ korpi ta’ kontroll rikonoxxuti. Madankollu, iż-żmien li għadda bejn id-deċiżjoni li jsir dan u d-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, bħala medja, kien ta’ erba’ xhur. Sadanittant, il-korpi ta’ kontroll komplew jiċċertifikaw prodotti organiċi u joħorġu ċertifikati ta’ spezzjoni għall-esportazzjoni tagħhom. Skont ir-Regolament il-ġdid58, fejn ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu debitament ġustifikati, il-Kummissjoni se tkun tista’ tadotta immedjatament l-atti ta’ implimentazzjoni applikabbli, sabiex tirtira r-rikonoxximent ta’ korpi ta’ kontroll b’mod aktar rapidu.

Pajjiżi terzi ekwivalenti

73

Jekk awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tirrifjuta li timplimenta rakkomandazzjonijiet jew ma tirrispettax id-data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-pajjiż terz mil-lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti jew tibdel l-ambitu tar-rikonoxximent tiegħu59. Il-Kummissjoni użat din il-possibbiltà darba (ara l-Kaxxa 4).

74

Il-ftehim kummerċjali maċ-Ċilì fl-2017 (ara l-paragrafu 52) jinkludi mekkaniżmi għall-komunikazzjoni, verifikazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim60, li jgħinu fl-infurzar tar-regoli.

Dgħufijiet fil-kontrolli tal-Istati Membri fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi

75

L-Istati Membri tal-UE għandhom ukoll rwol importanti fis-sistema ta' kontroll għal prodotti importati. Huma jwettqu kontrolli fuq prodotti importati u fuq l-importaturi.

Il-kontrolli tal-Istati Membri fuq prodotti organiċi importati

76

L-Istati Membri jridu jivverifikaw il-kunsinni ta’ prodotti li jiġu importati fl-UE qabel ma l-prodotti jkunu jistgħu jiġu ċċirkolati b’mod liberu ġewwa l-UE61. Huma jridu jwettqu kontrolli dokumentarji u jistgħu jwettqu wkoll kontrolli fiżiċi addizzjonali (bħal kontrolli tal-ippakkjar, u tat-tikkettar jew it-teħid ta’ kampjuni għall-analiżi u l-ittestjar fil-laboratorju) kif xieraq skont il-valutazzjoni tagħhom tar-riskji. Ibbażat fuq l-eżitu tal-kontrolli, l-awtorità tal-Istat Membru tista’ mbagħad tapprova ċ-Ċertifikat ta’ Spezzjoni (COI) relatat (għal aktar dettalji l-paragrafu 84).

77

Il-Kummissjoni tista’ taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tiżviluppa approċċ komuni għall-kontrolli li jsiru fuq prodotti importati. Pereżempju, f’Diċembru 2015 il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida dwar kontrolli uffiċjali addizzjonali b’rispons għal serje ta’ irregolaritajiet li ġew identifikati xi żmien qabel fuq vjeġġi mill-Ukrajna u ċerti pajjiżi ġirien. Dawn il-linji gwida ġew maqbula mill-Istati Membri tal-UE, u jiġu riveduti kull sena. Attwalment japplikaw għall-Ukrajna, għall-Każakistan u għall-Federazzjoni Russa.

78

Aħna sibna dgħufijiet fil-kontrolli li twettqu minn tliet Stati Membri fuq prodotti organiċi importati (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Dgħufijiet fil-kontrolli fuq kunsinni li jidħlu fil-pajjiż

Fiċ-Ċekja, aħna sibna bosta każijiet fejn, skont l-informazzjoni fuq iċ-Ċertifikat ta’ Spezzjoni (COI), kienet twettqet analiżi fil-laboratorju, meta din fil-fatt ma kinitx saret (jew viċi versa). Dan kien dovut għall-fatt li l-amministrazzjoni doganali approvat iċ-ċertifikat mingħajr ma stenniet deċiżjoni finali dwar it-twettiq tal-analiżijiet.

Fil-Bulgarija, l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi kienet suġġetta għal kontrolli dokumentarji fuq 100 % tal-merkanzija mill-Awtorità dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Madankollu, ma saret l-ebda analiżi tar-riskju u ma twettqu l-ebda kontrolli fiżiċi jew testijiet fil-laboratorju fuq prodotti organiċi importati fiż-żmien meta sar l-awditu.

Aħna sibna li kunsinna ta’ qamħ importata mill-Każakistan, li għaddiet mit-Turkija, ma ġietx ittestjata għal sustanzi mhux awtorizzati, kif meħtieġ mil-linji gwida għall-importazzjonijiet minn dan il-pajjiż. Fuq is-COI, il-korp ta’ kontroll niżżel bi żball li l-pajjiż ta’ oriġini kien it-Turkija, u b’hekk l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma ttestjawx il-kunsinna.

79

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa jwettqu kontrolli regolari fuq il-prodotti kollha importati (kemm dawk organiċi kif ukoll dawk mhux organiċi) f’punti differenti fil-katina alimentari, billi jużaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju62. Huma jirrappurtaw kull sena r-riżultati ta’ dawn il-kontrolli lill-Kummissjoni. Aħna analizzajna kampjun tar-rapporti annwali għal 12-il Stat Membru. L-ebda wieħed minnhom ma pprovda informazzjoni speċifika dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq prodotti organiċi importati. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tkun taf liema kontrolli twettqu fuq prodotti organiċi importati, u x’kienu r-riżultati.

Il-kontrolli tal-Istati Membri fuq l-importaturi

80

Permezz tas-superviżjoni tagħhom fuq il-korpi ta’ kontroll, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-proċeduri u l-kontrolli mwettqa mill-importaturi jkunux adegwati. Fir-Rapport Speċjali tagħna tal-2012, aħna osservajna li l-kontrolli mwettqa mill-korpi ta’ kontroll fuq l-importaturi ħafna drabi ma jkunux kompleti. Fl-awditu attwali aħna wettaqna segwitu fuq din is-sejba, u sibna li dan għadu l-każ f’ċerti Stati Membri (ara wkoll il-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Dgħufijiet fil-kontrolli fuq l-importaturi

Fil-Bulgarija, iż-żewġ korpi ta’ kontroll li żorna ma kellhomx listi ta’ kontroll iddedikati għall-importaturi u minflok kienu qed jużaw il-listi ta’ kontroll tal-“kummerċjanti”, li ma kienx fihom xi wħud mill-kontrolli speċifiċi relatati mal-importazzjonijiet.

Fi Spanja (Andalusija), ir-rapporti tal-awtorità kompetenti dwar l-ispezzjonijiet superviżorji annwali tal-korpi ta’ kontroll ma jsemmux il-kontrolli relatati mal-importazzjonijiet jew l-eżaminar tal-listi ta’ kontroll speċifiċi kkonċernati.

L-awtorità kompetenti fir-Renju Unit ma tirrikjedix li l-importaturi jinnotifikaw lill-korpi ta’ kontroll tagħhom dwar kull kunsinna li tidħol fil-pajjiż. Madankollu, skont ir-Regolament, din in-notifika hija obbligatorja u hija għodda importanti biex il-kontrolli fiżiċi jkunu immirati aħjar fuq il-kunsinni li jidħlu fil-pajjiż.

Għalkemm kien hemm titjib fit-traċċabbiltà, għad fadal xi dgħufijiet

81

F’konformità mal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, jenħtieġ li n-negozji tal-ikel u tal-għalf jiżguraw it-traċċabbiltà matul l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni. Huma jridu jkunu jistgħu jidentifikaw in-negozji li lilhom ikunu pprovdew il-prodotti tagħhom u jittraċċaw kull input fil-katina alimentari lura sal-fornitur immedjat63. Dan japplika għat-tipi kollha ta’ oġġetti tal-ikel.

82

Għall-prodotti organiċi, it-traċċabbiltà trid tmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel. Billi ma jeżisti l-ebda metodu analitiku biex jiġi determinat jekk prodott ikunx organiku jew le, jeħtieġ li t-traċċabbiltà tkun tippermetti l-verifikazzjoni tal-istatus organiku ta’ prodott tul il-katina tal-provvista. L-iskop ta’ kontroll tat-traċċabbiltà huwa (i) li jiġu identifikati l-operaturi kollha involuti, (ii) li tiġi vverifikata ċ-ċertifikazzjoni organika tagħhom u, (iii) f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli, li l-prodott jiġi ttraċċat lura għas-sors tiegħu u li l-problema tiġi iżolata, filwaqt li l-prodotti kkonċernati ma jitħallewx jaslu għand il-konsumaturi.

83

Fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, aħna rrappurtajna dwar l-awditu li wettaqna tat-traċċabbiltà ta’ kampjun ta’ prodotti organiċi. Aħna kkonkludejna li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kellhom diffikultà biex jiżguraw li l-prodotti organiċi setgħu jiġu ttraċċati fi ħdan it-territorju taħt l-awtorità tagħhom u li sabuha jerġa’ aktar diffiċli biex jittraċċaw il-prodotti li jaqsmu l-fruntieri. Aħna rrakkomandajna li l-kontrolli jissaħħew biex jiġi żgurat li l-operaturi jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji li jirrigwardaw it-traċċabbiltà u li l-Kummissjoni tikkjarifika r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi differenti (ara wkoll l-Anness).

Għalkemm kien hemm titjib fit-traċċabbiltà ġewwa l-UE, mhux il-produtturi kollha setgħu jiġu ttraċċati

84

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjoni tagħna. Hija żiedet modulu għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi mal-għodda online li timmonitorja l-importazzjonijiet ta’ ikel u għalf imsejħa TRACES (Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji)64. Minn Ottubru 2017, il-korpi ta’ kontroll iridu joħorġu Ċertifikati ta’ Spezzjoni (COIs) elettroniċi biex jakkumpanjaw kull kunsinna ta’ prodotti organiċi importati. Il-modulu TRACES-COI ġie introdott biex it-traċċabbiltà tal-prodotti organiċi ssir aħjar u biex tiġi pprovduta data statistika ħafna aktar komprensiva dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi.

85

Fil-qafas tal-awditi tagħha fl-Istati Membri, il-Kummissjoni (id-DĠ SANTE) tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżerċizzju ta’ traċċabbiltà dwar żewġ prodotti organiċi (magħżula mit-tim tal-awditjar tal-Kummissjoni). F’każ li l-ingredjenti jkunu ġejjin minn barra t-territorju tal-UE, l-eżerċizzju jkopri biss il-movimenti wara dawn li jidħlu fl-UE.

86

Bħala parti mill-awditu tagħna, aħna għażilna 105 prodotti u tlabna lill-awtoritajiet kompetenti fi 18-il Stat Membru u lill-Kummissjoni biex:

  1. jittraċċaw dawk il-prodotti lura għall-produttur (anki jekk ikollhom imorru lil hinn mill-fruntiera tal-UE, jekk ikun applikabbli); u
  2. jipprovdu, għall-operaturi kollha involuti, iċ-ċertifikat organiku li kien validu fil-ħin tal-manipulazzjoni/produzzjoni/ipproċessar tal-prodott.
87

Ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ traċċabbiltà kienu aħjar minn dawk tal-eżerċizzju li wettaqna għar-rapport tagħna tal-2012 għal prodotti mill-UE (ara l-Figura 5), u kienu stabbli għal prodotti importati. Ħafna mill-prodotti xorta waħda ma setgħux jiġu ttraċċati lura għall-produttur agrikolu.

Figura 5

Perċentwal tal-prodotti li fir-rigward tagħom l-informazzjoni dwar it-traċċabbiltà li ntalbet kienet kompleta

Sors: Il-QEA.

88

Il-kontrolli ta’ traċċabbiltà xi kultant ikunu diffiċli u jieħdu fit-tul għal diversi raġunijiet, bħal:

  1. il-kumplessità tal-katina tal-provvista;
  2. problemi biex tiġi ddeterminata l-veraċità ta’ ċertifikati organiċi bl-użu ta’ databases differenti fid-diversi Stati Membri tal-UE. Dawn id-databases spiss mhumiex armonizzati f’termini ta’ kontenut u mhumiex prattiċi jekk il-korp ta’ kontroll tal-operaturi ma jkunx magħruf;
  3. nuqqas ta’ koordinazzjoni fost ċerti awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri.

Domna aktar minn tliet xhur biex ittraċċajna xi wħud mill-prodotti fil-kampjun tagħna. Traċċabbiltà li tieħu ż-żmien ikollha impatt negattiv fuq il-kapaċità li tittieħed azzjoni f’każ ta’ nuqqas ta' konformità u fuq il-prevenzjoni tal-prodotti kkonċernati milli jaslu għand il-konsumaturi.

L-eżerċizzju ta’ traċċabbiltà li wettaqna żvela problemi bit-tikkettar u biċ-ċertifikati

89

L-eżerċizzju ta’ traċċabbiltà rriżulta f’għadd ta’ sejbiet addizzjonali li huma ta’ detriment għall-affidabbiltà tas-sistema ta’ kontroll, bħal:

  • Oriġini żbaljata tal-prodott fuq it-tikketta organika (ara l-Kaxxa 7);
  • Rapport ta’ spezzjoni inkomplet ipprovdut mill-korp ta’ kontroll, li ftit li xejn ma jipprovdi aċċertament dwar għadd kbir ta’ unitajiet tal-produzzjoni u tal-ipproċessar f’pajjiżi terzi differenti (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 7

Eżempji ta’ oriġini żbaljata fuq it-tikketti organiċi

It-tikketta organika ta’ żewġ prodotti kellha informazzjoni skorretta dwar l-oriġini tal-prodott:

  • ħobż tat-tip “pita” kien ittikkettat b’mod żbaljat bħala “EU Agriculture” (Agrikoltura tal-UE), għalkemm l-ingredjent prinċipali tal-prodott (il-qamħ) kien ġej mill-Moldova, l-Ukrajna u l-Każakistan.
  • ġamm tal-frawli kien ittikkettat b’mod żbaljat bħala “EU/non-EU Agriculture” (Agrikoltura tal-UE/mhux tal-UE) għalkemm l-ingredjenti agrikoli tiegħu kienu kollha importati minn barra t-territorju tal-UE (frawli mill-Marokk u zokkor mill-Brażil).

Kaxxa 8

Eżempju ta’ rapport ta’ spezzjoni inkomplet li ftit li xejn ma jipprovdi aċċertament dwar għadd kbir ta’ operaturi f’pajjiżi differenti

Għal wieħed mill-prodotti tal-eżerċizzju ta’ traċċabbiltà, iċ-ċertifikat tal-operatur prinċipali fit-Turkija kien ikopri 10 unitajiet tal-produzzjoni u 15-il unità tal-ipproċessar fit-Turkija, l-Etjopja, il-Kirgiżistan, il-Każakistan u l-Ukrajna.

Aħna tlabna r-rapport ta’ spezzjoni l-aktar reċenti, li kien il-bażi li fuqha l-korp ta’ kontroll iċċertifika l-operaturi prinċipali u l-unitajiet kollha tiegħu. L-analiżi tagħna żvelat li dan ir-rapport ta’ tmien paġni ma kienx fih informazzjoni bażika, bħad-dati taż-żjarat fl-unitajiet differenti u n-natura tal-kontrolli li effettivament twettqu f’kull waħda mill-unitajiet differenti. Għalhekk, aħna ftit li xejn ma għandna aċċertament li kienu saru kontrolli adegwati tal-unitajiet kollha tal-produzzjoni u tal-ipproċessar.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

90

Is-sistema ta’ kontroll għal prodotti organiċi hija stipulata fir-regolamenti tal-UE. Hija għandha l-għan li tagħti lill-konsumaturi l-fiduċja li meta jixtru prodotti organiċi, ir-regoli tal-UE – jew regoli ekwivalenti – ikunu ġew applikati f’kull stadju tal-katina ta’ provvista. Dan għandu jkun il-każ kemm jekk il-prodott ikun joriġina mill-UE kif ukoll jekk ikun ġie importat. Aħna sibna li, minn meta wettaqna l-awditu preċedenti tagħna, kien sar titjib fis-sistema ta’ kontroll u li ġeneralment ir-rakkomandazzjonijiet tagħna ġeneralment kienu ġew implimentati (ara l-Anness), iżda li għad fadal ċerti sfidi.

91

Għal prodotti organiċi li joriġinaw mill-UE – il-parti l-kbira tal-konsum tal-UE – kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri indirizzaw ħafna mid-dgħufijiet identifikati fir-rapport preċedenti tagħna.

92

Wara r-rapport tagħna tal-2012, il-Kummissjoni reġgħet bdiet iż-żjarat tagħha fl-Istati Membri, u sa issa żaret il-biċċa l-kbira minnhom. Aħna sibna li dan ix-xogħol twettaq u ngħata segwitu b’mod xieraq. L-awditi tal-Kummissjoni identifikaw għadd ta’ dgħufijiet u wasslu għal azzjoni ta' rimedju mill-Istati Membri. Minbarra l-awditi tagħha, il-Kummissjoni ħadet inizjattivi dwar il-koordinazzjoni u t-taħriġ, u ta’ spiss tiltaqa’ mal-Istati Membri biex tiddiskuti s-segwitu għall-irregolaritajiet u l-allegazzjonijiet ta’ frodi (il-paragrafi 31 sa 35).

93

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li awditjajna ħadu azzjoni biex itejbu s-sistemi ta' kontroll tagħhom. Is-sitt Stati Membri li għalihom tajna segwitu rrimedjaw il-biċċa l-kbira mid-dgħufijiet li osservajna l-aħħar darba, permezz ta’ bidliet fil-qafas legali, koordinazzjoni aħjar mal-korpi ta’ akkreditament, u titjib fil-linji gwida għas-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll (il-paragrafu 38). It-tmien Stati Membri li eżaminajna issa għandhom katalogu tat-tipi ta’ nuqqas ta’ konformità u l-miżuri ta’ infurzar korrispondenti (inklużi sanzjonijiet) li jridu jiġu applikati mill-korpi ta’ kontroll (il-paragrafu 44). Aħna xorta waħda sibna għadd ta’ dgħufijiet relatati mas-sejbiet preċedenti tagħna (il-paragrafi 40 u 41). Aħna sibna wkoll li l-użu ta’ miżuri ta’ infurzar kien għadu ma ġiex armonizzat fl-UE kollha u li r-rappurtar fl-Istati Membri xi kultant dam ma sar u ma kienx komplet (il-paragrafi 43, 45 u 49).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġu indirizzati d-dgħufijiet li fadal fis-sistemi ta' kontroll u fir-rappurtar tal-Istati Membri

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. twettaq segwitu tad-dgħufijiet li identifikajna li fadal fis-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri;
  2. taħdem biex ikun hemm armonizzazzjoni aħjar tad-definizzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ ksur kif ukoll tal-miżuri ta’ infurzar korrispondenti tagħhom permezz ta’ diskussjonijiet mal-Istati Membri u l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni;
  3. tipprovdi gwida lill-awtoritajiet kompetenti biex itejbu r-rappurtar tagħhom, pereżempju billi jindirizzaw il-lakuni fl-informazzjoni fir-rapporti annwali tagħhom.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2020.

94

Parti żgħira mill-ikel organiku kkonsmat fl-UE tiġi mill-importazzjonijiet. Korpi ta’ kontroll ekwivalenti jiċċertifikaw aktar minn 80 % tal-prodotti organiċi li jiġu importati lejn l-UE. Il-bqija tiġi importata minn pajjiżi terzi ekwivalenti. L-awditi li l-Kummissjoni wettqet mill-2012 ’il hawn koprew il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi terzi ekwivalenti (il-paragrafu 62). Il-Kummissjoni bdiet ukoll iżżur korpi ta’ kontroll ekwivalenti, u eżaminat l-attivitajiet tagħhom fuq il-post f’pajjiżi terzi. Sa issa dan kopra s-sistemi li japplikaw għal madwar terz tal-importazzjonijiet iċċertifikati mill-korpi ta’ kontroll ekwivalenti (il-paragrafi 57 u 58). Huwa diffiċli għall-Kummissjoni biex tiżgura s-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll ekwivalenti billi hija l-awtorità kompetenti u ma tistax toqgħod fuq ix-xogħol ta’ awtorità kompetenti oħra, bħalma huwa l-każ għall-Istati Membri jew għall-pajjiżi terzi ekwivalenti. Meta l-Kummissjoni tidentifika dgħufijiet, hija tista’ tieħu żmien konsiderevoli biex issolvihom f’korpi ta’ kontroll differenti li joperaw fl-istess pajjiż (il-paragrafu 60).

95

Minbarra li twettaq segwitu tal-awditi tagħha, il-Kummissjoni tanalizza sistematikament ir-rapporti annwali li tirċievi minn korpi ta’ kontroll ekwivalenti u minn pajjiżi terzi ekwivalenti. Madankollu, ħafna drabi l-Kummissjoni ddum biex twettaq din il-valutazzjoni (il-paragrafu 69). Aħna sibna li l-Kummissjoni toqgħod fuq ir-rapporti tal-korpi ta’ akkreditament, iżda ma jeżistux ftehimiet ta’ kooperazzjoni formali stabbiliti li jissettjaw it-termini għal skambju regolari ta’ informazzjoni, jew li jippermettu li l-Kummissjoni tikkoordina s-superviżjoni mal-korpi ta’ akkreditament (il-paragrafu 70). Aħna rajna li l-Kummissjoni kienet għadha kemm tibda tesplora s-sinerġiji potenzjali għas-superviżjoni tal-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi mal-awtoritajiet kompetenti ta’ swieq sinifikanti oħra ta’ importazzjoni (l-Istati Uniti, il-Kanada, iċ-Ċilì, l-Iżvizzera, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel) (il-paragrafu 71).

96

Rigward is-sistema ta' kontroll għall-importazzjonijiet, l-infurzar mill-Kummissjoni jista’ jkun proċess diffiċli u li jieħu fit-tul, madankollu ddaħħlu regoli ġodda biex l-infurzar isir aktar rapidu u aktar effettiv. Il-Kummissjoni se tkun tista’ tadotta immedjatament l-atti ta’ implimentazzjoni applikabbli, sabiex tirtira r-rikonoxximent ta’ korp ta’ kontroll ekwivalenti b’mod aktar rapidu (il-paragrafu 72). Rigward pajjiżi terzi ekwivalenti, b’analoġija mal-ftehim kummerċjali ffirmat maċ-Ċilì, ftehimiet futuri bħal dawn jistgħu jkunu jinkludu mekkaniżmi għall-komunikazzjoni u l-verifikazzjoni, kif ukoll għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim (il-paragrafu 74).

97

L-Istati Membri għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jwettqu kontrolli fuq prodotti organiċi importati u, permezz tas-superviżjoni tagħhom fuq il-korpi ta’ kontroll, huma jistgħu jivverifikaw jekk il-proċeduri u l-kontrolli mwettqa mill-importaturi jkunux adegwati. Aħna sibna dgħufijiet fil-kontrolli li jitwettqu fuq kunsinni li jidħlu fil-pajjiż, u sibna li, f’xi Stati membri, il-kontrolli li l-korpi ta’ kontroll iwettqu fuq l-importaturi kienu għadhom mhux kompleti (il-paragrafi 75 sa 80).

Rakkomandazzjoni 2 – Isir titjib tas-superviżjoni fuq l-importazzjonijiet permezz ta’ kooperazzjoni aħjar

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. ittejjeb is-superviżjoni tagħha fuq il-korpi ta’ kontroll ekwivalenti, inkluż billi tirrinforza l-kooperazzjoni mal-korpi ta’ akkreditament u mal-awtoritajiet kompetenti ta’ swieq sinifikanti oħra ta’ importazzjoni;
  2. tivvaluta fil-pront ir-rapporti annwali tal-korpi ta’ kontroll ekwivalenti u tal-pajjiżi terzi ekwivalenti;
  3. toħroġ gwida għall-Istati Membri dwar kif għandhom iwettqu kontrolli speċifiċi fuq is-superviżjoni tal-importaturi u tal-prodotti organiċi importati, li ssir mill-korpi ta’ kontroll.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2020.

98

Aħna erġajna wettaqna eżerċizzju ta’ traċċabbiltà biex nivverifikaw jekk il-prodotti organiċi jistgħux jiġu ttraċċati lura għall-produttur agrikolu u jekk l-istatus organiku tal-prodott jistax jiġi ddimostrat permezz ta’ ċertifikat f’kull stadju tal-katina tal-provvista. Ir-riżultati juru li sar titjib meta mqabbel mal-awditu preċedenti, b’mod partikolari ġewwa l-UE. Madankollu, mhux il-prodotti kollha setgħu jiġu ttraċċati lura għall-produttur agrikolu (il-paragrafi 86 u 87). Aħna osservajna li l-biċċa l-kbira mill-korpi ta’ kontroll fl-UE issa għandhom database online ta’ ċertifikati organiċi għall-operaturi kollha tagħhom. Madankollu, dawn id-databases mhumiex armonizzati f’termini ta’ kontenut u mhumiex prattiċi jekk il-korp ta’ kontroll tal-operatur ma jkunx magħruf (il-paragrafu 88). It-traċċabbiltà tal-prodotti importati tista’ tibbenefika jekk ikun hemm databases online għall-operaturi barra t-territorju tal-UE.

Rakkomandazzjoni 3 – Jitwettqu kontrolli ta’ traċċabbiltà aktar kompleti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. twettaq eżerċizzji ta’ traċċabbiltà li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE fl-attivitajiet superviżorji tagħha ta’ prodotti importati, u tuża r-riżultati biex timmira aħjar l-awditi jew il-kontrolli ad hoc li jsiru fuq il-korpi ta’ kontroll u fil-pajjiżi terzi;
  2. tanalizza, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, ir-riżultati tat-testijiet ta’ traċċabbiltà tagħhom biex tidentifika d-dgħufijiet u l-azzjoni korrettiva possibbli;
  3. ittejjeb l-aċċessibbiltà transkonfinali għad-data dwar ċertifikati organiċi, u tirrikjedi li l-korpi ta’ kontroll fil-pajjiżi terzi jagħmlu lista taċ-ċertifikati tagħhom online.

Dati mmirati għall-implimentazzjoni: (a) u (b) l-2020, (c) l-2024.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos MILIONIS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-13 ta’ Frar 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Anness

Valutazzjoni tal-livell ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012

Rakkomandazzjoni tar-Rapport Speċjali Nru 9/2012 Valutazzjoni attwali Kummenti
1 L-awtoritajiet kompetenti għandhom isaħħu r-rwol superviżorju tagħhom fuq il-korpi ta’ kontroll billi japplikaw proċeduri ddokumentati xierqa għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tal-korpi ta’ kontroll, billi jippromwovu l-armonizzazzjoni fid-definizzjoni tal-ksur, l-irregolaritajiet u s-sanzjonijiet korrispondenti, u billi jippromwovu prattiki tajba identifikati. Implimentata fil-biċċa l-kbira mill-aspetti Titjib ċar iżda għad fadal xi dgħufijiet fl-Istati Membri
2 L-Istati Membri għandhom jiżguraw fluss dirett tal-informazzjoni rilevanti kollha dwar ksur u irregolaritajiet mill-korpi ta' kontroll sal-aġenziji tal-ħlas u viċi versa; Implimentata fil-biċċa l-kbira mill-aspetti Titjib ċar iżda għad fadal xi dgħufijiet fl-Istati Membri
u l-Kummissjoni għandha tispeċifika l-forma u t-twaqqit tal-komunikazzjonijiet ta' ksur u irregolaritajiet, tintroduċi miżuri adegwati sabiex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi ta’ rapportar tagħhom u tirrevedi s-sistema ta’ informazzjoni pprovduta għall-komunikazzjoni ta’ ksur u irregolaritajiet u tikkunsidra l-inklużjoni tal-komunikazzjonijiet li jaffettwaw lil pajjiżi terzi. Implimentata fil-biċċa l-kbira mill-aspetti Titjib ċar iżda għad fadal xi dgħufijiet fir-rigward tar-rappurtar tal-obbligi
3 Il-kontrolli għandhom jissaħħu sabiex jiġi żgurat li l-operaturi jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji dwar it-traċċabilità; Implimentata f’xi wħud mill-aspetti Sar titjib, iżda għad hemm ħafna prodotti li ma jistgħux jiġu ttraċċati lura
f’dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha tiċċara r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi differenti. Implimentata f’xi wħud mill-aspetti Implimentata parzjalment (għal prodotti importati minn pajjiżi terzi) permezz tas-sistema TRACES
4 Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-monitoraġġ tagħha tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri billi tagħmel żjarat ta’ verifika (awditjar) u tiġbor u tisfrutta d-data u l-informazzjoni meħtieġa. Implimentata fil-biċċa l-kbira mill-aspetti Jeħtieġ li jkun hemm titjib fil-ġbir u fl-użu tal-informazzjoni fir-rapporti annwali.
5 Il-Kummissjoni għandha tiżgura sorveljanza adegwata tal-pajjiżi inklużi fil-lista ta’ dawk rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-produzzjoni organika u twettaq valutazzjoni f’waqtha tal-applikazzjonijiet mill-pajjiżi terzi li japplikaw sabiex jiġu inklużi fil-lista. Implimentata fil-biċċa l-kbira mill-aspetti Valutazzjoni tardiva tar-rapporti annwali u għadd żgħir ħafna ta’ laqgħat annwali
6 Sakemm ir-reġim tal-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet ikun qed jopera l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tajba tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom isaħħu l-verifiki (kontrolli) mwettqa fuq il-korpi ta’ kontroll awtorizzati li joħorġu ċertifikati ta’ spezzjoni. Ma għadhiex rilevanti

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

II

B’referenza għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-QEA fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012, il-Kummissjoni tqis li r-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati. B’mod partikolari, ittieħdet azzjoni billi ttejjeb il-qafas legali u billi l-Istati Membri ġew imfakkra fl-obbligi legali tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet iċ-Ċertifikat Elettroniku tal-Ispezzjoni fil-qafas tas-sistema TRACES li tejjeb b’mod sostanzjali t-traċċabbiltà tal-prodotti importati minn Pajjiżi Terzi.

VII

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet.

Introduzzjoni

14

Il-Kummissjoni tuża mezzi differenti biex tissorvelja l-attivitajiet tal-Korpi ta’ Kontroll ekwivalenti f’Pajjiżi Terzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħmel talbiet ad hoc għal informazzjoni, pereżempju biex tikkonferma t-traċċabbiltà ta’ konsenja jew prodott.

Osservazzjonijiet

41

It-tieni punt: Fir-rigward tal-evidenza dwar l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jenħtieġ li l-Korpi ta’ Kontroll japplikaw kampjunar ibbażat fuq ir-riskju iżda, f’każijiet fejn hemm is-suspett li ntuża prodott mhux awtorizzat, il-kampjunar u l-analiżi fil-laboratorju jridu jsiru flimkien mal-kampjunar ibbażat fuq ir-riskju.

43

Il-Kummissjoni nediet eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni dwar il-katalogu nazzjonali tal-miżuri fis-6 ta’ Ġunju 2018 fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika.

Il-qafas jikkonsisti mill-istadji li ġejjin:

  1. jingħażlu għadd ta’ nuqqasijiet ta’ konformità li jokkorru l-aktar ta’ spiss / li huma serji,
  2. jitfassal mudell b’ħames kolonni (jiġifieri referenza legali, klassifikazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità, tip ta’ miżura, proċess amministrattiv u segwitu),
  3. l-Istati Membri jintalbu jimlew il-mudell abbażi tal-katalogu nazzjonali ta’ miżuri attwali tagħhom,
  4. l-Istati Membri jintalbu jimlew il-mudell abbażi tal-katalogu nazzjonali ta’ miżuri attwali tagħhom,
  5. jiġu abbozzati linji gwida dwar kif għandu jiġi stabbilit il-katalogu nazzjonali tal-miżuri.
Kaxxa 1 – Xi kultant l-informazzjoni ddum ma tiġi kkomunikata u ma tkunx kompleta

Fir-rigward tal-komunikazzjoni permezz ta’ OFIS: Il-Kummissjoni identifikat il-problema dwar il-puntwalità tan-notifikazzjonijiet OFIS u stiednet lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, matul il-verifiki fl-Istati Membri l-Kummissjoni tagħmel kontrolli fuq kampjun aleatorju ta’ fajls ta’ nuqqas ta’ konformità:

  1. jekk il-Korp ta’ Kontroll jirrapportax in-nuqqasijiet ta’ konformità lill-Awtorità Kompetenti fi żmien debitu u,
  2. jekk l-Awtorità Kompetenti tagħmilx in-notifika fl-OFIS.

jekk l-Awtorità Kompetenti tagħmilx in-notifika fl-OFIS.

Rigward ir-“Rappurtar annwali lill-Kummissjoni”: Il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ inizjattivi biex tikseb titjib kemm fis-sottomissjoni f’waqtha tar-Rapporti Annwali, kif ukoll fil-kontenut tagħhom. Il-Kummissjoni ddiskutiet din il-kwistjoni fil-Kumitat għall-Produzzjoni Organika mal-Istati Membri u bagħtet ittri biex tfakkar dwar is-sottomissjoni tard tar-Rapporti Annwali. Hija rrevediet il-“lista ta’ kontroll tal-valutazzjoni tar-Rapport Annwali” biex tiċċara u ttejjeb ir-rappurtar tal-Istati Membri, sabiex tgħin lill-Istati Membri fit-tħejjija tar-Rapporti Annwali tagħhom, u tiżgura li r-rapporti jkun fihom id-data organika meħtieġa u rilevanti.

Il-Kummissjoni tistenna li ssolvi din il-kwistjoni bl-adozzjoni ta’ Att ta’ Implimentazzjoni skont l-Artikolu 25(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-Kontroll Uffiċjali.

Kaxxa 2 – Frekwenza baxxa ta’ awditi mwettqa mill-Kummissjoni

Fl-2019, il-Kummissjoni se tagħmel awditu ta’ Korp tal-Kontroll ieħor li jopera fir-Repubblika Dominicana li preċiżament iqis li dan il-pajjiż huwa wieħed mill-akbar esportaturi ta’ sustanzi organiċi lejn l-UE.

59

Abbażi ta’ parir dwar is-sigurtà, iż-żjarat ippjanati mill-Kummissjoni f’ċerti pajjiżi kellhom jiġu kkanċellati jew posposti. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha mezzi oħra ta’ superviżjoni biex tikseb assigurazzjoni dwar il-livell ta’ prestazzjoni tal-Korpi ta’ Kontroll bħal pereżempju: kontrolli tal-fajls fl-uffiċċju tal-Korp ta’ Kontroll, il-verifika tal-kontrolli mill-ispetturi tal-Korpi ta’ Kontroll f’pajjiż ieħor, is-segwitu dirett tal-irregolaritajiet mal-Korpi ta’ Kontroll, u permezz ta’ rappurtar annwali.

Kaxxa 3 – Diffikultajiet fir-riżoluzzjoni ta’ dgħufijiet sistemiċi permezz ta’ awditi tal-Korpi ta’ Kontroll

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri flimkien qablu li jdaħħlu fis-seħħ “Linji Gwida ġodda dwar kontrolli uffiċjali addizzjonali fuq prodotti organiċi li joriġinaw miċ-Ċina”. Dan id-dokument ilu operattiv mill-1 ta’ Jannar 2019 u jirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu, għal sett ta’ prodotti definiti, kontrolli u verifiki fil-kunsinni kollha miċ-Ċina.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni qiesu dawn il-linji gwida bħala indispensabbli meta wieħed iqis l-għadd dejjem jiżdied ta’ irregolaritajiet notifikati fl-OFIS għal ċerti tipi ta’ prodotti importati miċ-Ċina.

61

Skont ir-Regolament dwar il-Produzzjoni Organika l-ġdid, l-istandards u s-sistemi ta’ kontroll organiċi tal-Korpi tal-Kontroll se jkollhom jikkonformaw mar-regoli tal-UE. Kif indikat il-QEA, dan se jirriżulta f’xi ffrankar ta’ ħin peress li mhux se jkun hemm aktar bżonn li jiġu vvalutati l-istandards. Madankollu, il-partijiet l-oħra kollha tal-valutazzjoni, il-monitoraġġ u s-superviżjoni jibqgħu l-istess.

67

Il-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ kontinwu tan-notifiki tal-OFIS u tikkuntattja lill-Awtoritajiet ta’ Kontroll ta’ Pajjiżi Terzi ekwivalenti f’każ ta’ dewmien rikorrenti fit-tweġibiet jew fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika, il-Kummissjoni tippreżenta u tiddiskuti regolarment każijiet ta’ notifika mal-Istati Membri.

70

Il-Kummissjoni tqis is-sorveljanza tal-korpi ta’ akkreditament bħala parti kruċjali mis-sistema ta’ kontroll.

Ta’ min jinnota li ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali fir-Regolament dwar il-Produzzjoni Organika li tistabbilixxi l-qafas tar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-korpi ta’ akkreditament, li joperaw b’kuntratt privat mal-Korpi ta’ Kontroll.

Madankollu, hemm kooperazzjoni attiva bejn il-Kummissjoni u l-korpi ta’ akkreditament (sessjonijiet ta’ ħidma speċifiċi u laqgħat ad hoc pereżempju), u barra minn hekk il-korpi ta’ akkreditament huma kkupjati fl-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Korpi ta’ Kontroll rilevanti.

L-għan ewlieni tal-laqgħat huwa li mal-korpi ta’ akkreditament il-Kummissjoni taqsam l-isfidi li qed tiffaċċja fir-rigward tas-superviżjoni tal-Korpi ta’ Kontroll rikonoxxuti għall-ekwivalenza u ċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti organiċi minn Pajjiżi Terzi, u tikseb il-fehmiet tagħhom dwar id-diffikultajiet operattivi fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Produzzjoni Organika.

72

Il-Kummissjoni għandha l-għan li timminimizza d-dewmien bejn meta tittieħed id-deċiżjoni ta’ sospensjoni jew irtirar mill-Anness IV rilevanti fir-Regolament (KE) Nru 1235/2008 u d-dħul fis-seħħ effettiv tagħha, u se tkompli timmira għal dan.

77

Fil-lista ta’ kontroll riveduta għall-valutazzjoni tar-Rapporti Annwali l-Kummissjoni inkorporat taqsima għall-kontrolli addizzjonali tal-importazzjoni u se ssegwi fuq il-kwalità u l-preċiżjoni tad-data li tirċievi dwar dan is-suġġett.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġu indirizzati d-dgħufijiet li fadal fis-sistemi ta’ kontroll u fir-rappurtar tal-Istati Membri
  1. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
  2. Il-Kummissjoni għandha proċeduri sistematiċi fis-seħħ għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ta’ awditjar li jirriżultaw minn awditi li jagħmel id-Direttorat Ġenerali tagħha għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari. Bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet dwar l-awditjar, l-Istati Membri huma mitluba jipprovdu pjanijiet ta’ azzjoni li jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-sistema nazzjonali ta’ kontroll rilevanti u jipprovdu evidenza li dawn huma implimentati. In-nuqqasijiet pendenti identifikati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri se jiġu kkunsidrati fil-qafas ta’ dan l-eżerċizzju jew jiġu ttrattati f’azzjonijiet immirati (diskussjoni bilaterali, u taħriġ).

  3. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
  4. Il-Kummissjoni se tkompli d-diskussjoni li diġà saret mal-Istati Membri dwar armonizzazzjoni ulterjuri tal-miżuri, u se toħroġ gwida dwar l-abbozzar ta’ katalogi nazzjonali ta’ miżuri għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tagħhom.

    Ir-Regolament dwar il-Produzzjoni Organika l-ġdid, li se jidħol fis-seħħ fl-2021, jipprevedi l-adozzjoni ta’ Att ta’ Implimentazzjoni biex jispeċifika arranġamenti uniformi għall-każijiet fejn l-Awtoritajiet Kompetenti għandhom jieħdu miżuri fir-rigward ta’ nuqqasijiet ta’ konformità ssuspettati jew stabbiliti. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni mhux se jidħol fis-seħħ qabel l-2021.

  5. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
  6. Il-Kummissjoni se tħejji l-kontenut speċifiku tal-kapitolu organiku tar-Rapporti Annwali fil-qafas tad-diskussjoni għall-Artikolu 25(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-Kontroll Uffiċjali.

    Jista’ jsir titjib sostanzjali, permezz ta’ mudell ċar u komuni, u l-iskambju ta’ prattika tajba jista’ jkun għodda biex isir titjib.

95

Il-Kummissjoni tqis is-sorveljanza tal-korpi ta’ akkreditament bħala parti kruċjali mis-sistema ta’ kontroll.

Ta’ min jinnota li ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali fir-Regolament dwar il-Produzzjoni Organika li tistabbilixxi l-qafas tar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-korpi ta’ akkreditament, li joperaw b’kuntratt privat mal-Korpi ta’ Kontroll.

Madankollu, hemm kooperazzjoni stabbilita u attiva bejn il-Kummissjoni u l-korpi ta’ akkreditament (sessjoni ta’ ħidma speċifika, il-korpi ta’ akkreditament huma kkupjati fl-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Korpi ta’ Kontroll rilevanti, u laqgħat ad hoc pereżempju).

Rakkomandazzjoni 2 – Isir titjib tas-superviżjoni fuq l-importazzjonijiet permezz ta’ kooperazzjoni aħjar
  1. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
  2. Minbarra l-laqgħat annwali tagħha mal-korpi ta’ akkreditament, il-Kummissjoni biħsiebha:

    • Tivvaluta l-mezzi legali biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-korpi ta’ akkreditament.
    • Trawwem il-kooperazzjoni fil-kuntest tad-diskussjonijiet plurilaterali bil-ħsieb li jiġu esplorati sinerġiji biex jiġu indirizzati r-riskji u l-isfidi komuni.
  3. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
  4. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni biħsiebha tiċċara d-dispożizzjonijiet legali għall-kontroll tal-prodotti importati, b’mod partikolari fil-kuntest tar-Regolament dwar il-Produzzjoni Organika l-ġdid u tkompli tabbozza dokumenti ta’ gwida dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi fl-UE minn pajjiżi terzi magħżula. Dan se jarmonizza l-approċċ fost l-Istati Membri. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni mhux se jidħol fis-seħħ qabel l-2021.

Rakkomandazzjoni 3 – Jitwettqu kontrolli ta’ traċċabbiltà aktar kompleti
  1. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
  2. Minbarra l-eżerċizzji ta’ traċċabbiltà ad hoc li għaddejjin bħalissa għal konsenji suspettużi, il-Kummissjoni biħsiebha li kull sena twettaq għadd ta’ eżerċizzji ta’ traċċabbiltà.

  3. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
  4. Il-Kummissjoni biħsiebha tistieden lill-Istati Membri biex jippreżentaw lid-delegati tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika, ir-riżultati tal-kontrolli li jagħmlu dwar it-traċċabbiltà flimkien mal-analiżi tal-problemi li jiltaqgħu magħhom u l-azzjonijiet tal-infurzar.

  5. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
  6. Il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa approċċ għal ċertifikazzjoni elettronika għas-suq intern li tiġi integrata fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontroll Uffiċjali futura sabiex l-ewwel ittejjeb l-aċċessibbiltà transfruntiera għad-data dwar iċ-ċertifikati organiċi.

    Imbagħad, il-Kummissjoni se tieħu l-passi neċessarji biex testendi din is-sistema għal Pajjiżi Terzi, b’mod partikolari bil-għan li jkun hemm konformità mar-regoli tal-UE li sal-2024 se jkunu saru obbligatorji.

Glossarju

Awtorità kompetenti: Awtorità ċentrali ta’ Stat Membru (jew ta’ pajjiż terz) li tkun kompetenti biex torganizza kontrolli uffiċjali fil-qasam tal-produzzjoni organika, jew kull awtorità oħra li lilha tkun ingħatat din il-kompetenza.

Ekwivalenti: Li tkun kapaċi li tilħaq l-istess objettivi u prinċipji bl-applikazzjoni ta’ regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ aċċertament ta’ konformità.

Korp ta’ akkreditament: Korp pubbliku jew privat inkarigat milli jirrikonoxxi formalment li korp ta’ kontroll ikun kompetenti biex jittestja u jiċċertifika partijiet terzi skont l-istandards għal prodotti organiċi.

Korp ta’ kontroll ekwivalenti: Korp ta’ kontroll li jopera f’pajjiż terz rikonoxxut mill-Kummissjoni bħala li japplika r-regoli għal prodotti organiċi u miżuri ta’ kontroll ekwivalenti għal dawk applikati fl-UE.

Korp tal-kontroll: Parti terza privata indipendenti jew organizzazzjoni amministrattiva pubblika ta’ Stat Membru (li fil-leġiżlazzjoni tissejjaħ ukoll “awtorità ta’ kontroll”) li twettaq spezzjonijiet u ċertifikazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika.

OFIS: Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika – is-sistema tal-IT tal-Kummissjoni għat-trattament tal-informazzjoni dwar il-biedja organika. Din is-sistema tippermetti (a) l-iskambju elettroniku tad-data bejn l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Kummissjoni; u (b) id-disseminazzjoni ta’ data pubblika liċ-ċittadini u l-operaturi Ewropej.

Operatur: Individwu jew intrapriża kummerċjali li jkunu qed jipproduċu, jaħżnu, jipproċessaw, jittrasportaw, jesportaw jew jimportaw prodotti organiċi.

Pajjiż terz ekwivalenti: Pajjiż terz rikonoxxut mill-Kummissjoni bħala li japplika r-regoli għal prodotti organiċi u miżuri ta’ kontroll ekwivalenti għal dawk applikati fl-UE.

TRACES: Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji – l-għodda ta’ ġestjoni online tal-Kummissjoni għar-rekwiżiti sanitarji kollha li jirrigwardaw il-kummerċ u l-importazzjoni tal-annimali, ta’ semen u embrijuni, kif ukoll tal-ikel, ġewwa l-UE. TRACES ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE b’segwitu għad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE.

Noti finali

1 Il-Premessa 1 tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1), li mmodifikat kemxejn il-Premessa 1 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

2 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1).

3 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1).

4 Id-DĠ AGRI: Lista ta’ Korpi ta’ Kontroll u ta’ Awtoritajiet ta’ Kontroll fis-Settur Organiku fl-14.8.2018. ara: http://ec.europa.eu/agriculture/ofis_public/r8/ctrl_r8.cfm?targetUrl=home&lang=en

5 In-Norveġja u l-Iżlanda huma l-uniċi żewġ pajjiżi tal-EFTA li japplikaw il-leġiżlazzjoni organika tal-UE. Ir-relazzjonijiet tagħhom mal-UE huma rregolati mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-produzzjoni organika taqa’ fi ħdan l-ambitu ta’ dan il-ftehim. B’konsegwenza ta’ dan, il-prodotti organiċi min-Norveġja u mill-Iżlanda jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu ġewwa l-UE.

6 https://statistics.fibl.org/europe/key-indicators-europe.html

7 http://www.agencebio.org/le-marche-de-la-bio-en-france

8 Il-Premessa (17) tar-Regolament (UE) 2018/848.

9 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

10 ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

11 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).

12 Ir-Regolament (UE) 2018/848.

13 Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

14 Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

15 Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

16 Monitoring data on pesticide residues in food: results on organic versus conventionally produced food (Data ta’ monitoraġġ dwar ir-residwi ta’ pestiċidi fl-ikel: riżultati dwar l-ikel organiku mqabbel ma’ dak prodott b’mod konvenzjonali) – l-EFSA (http://www.efsa.europa.eu/publications).

17 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2019 “Perikli kimiċi fl-ikel tagħna: il-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari tipproteġina, iżda jeżistu ċerti diffikultajiet”.

18 L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles - organizzazzjoni intergovernattiva tal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

19 Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet ħames awditi li kienu jiffukaw fuq il-kontrolli tar-residwi ta’ pestiċidi fil-produzzjoni organika (fil-Ġermanja, il-Polonja u r-Renju Unit fl-2015 u fil-Finlandja u Spanja fl-2016).

20 Rapport ta’ sinteżi. Produzzjoni Organika fl-Istati Membri. Id-DĠ(SANTE) 2015-8950 – MR.

21 http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/index.cfm

22 Minn dawn, 21 ittra kienu jikkonċernaw l-istess suġġett (notifikazzjonijiet tardivi fl-OFIS) u ġew trattati bħala eżerċizzju fi grupp.

23 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 392/2013 żied kapitolu ieħor, il-Kapitolu 9, dwar is-sorveljanza (superviżjoni) mill-awtoritajiet kompetenti, għar-Regolament Nru 889/2009.

24 L-Artikoli 92(c) u 92(e).

25 L-Artikolu 92(b) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008.

26 Il-paragrafi 35 sa 37 tar-Rapport Speċjali Nru 9/2012.

27 Ir-Regolament (UE) Nru 392/2013 żied l-Artikolu 92(d) għar-Regolament (KE) Nru 889/2008.

28 Skont ir-regolament, il-katalogu jrid ikun fih tal-inqas dawk l-eżempji ta’ nuqqas ta’ konformità li jaffettwaw l-istatus organiku tal-prodotti u s-sanzjonijiet korrispondenti. F’xi Stati Membri (il-Bulgarija, l-Irlanda, Franza, l-Italja u r-Renju Unit) il-katalogu jinkludi wkoll eżempji minuri ta’ nuqqas ta' konformità li ma jaffettwawx l-istatus organiku tal-prodott.

29 Bħal ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, GMOs, fertilizzanti, addittivi fl-għalf, għajnuniet għall-ipproċessar jew prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni.

30 L-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jispeċifika li l-għadd minimu jkun jikkorrispondi għal 5 % tal-għadd ta’ operaturi taħt il-kontroll tagħhom.

31 L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/848.

32 L-Artikolu 92(6) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 392/2013.

33 L-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 392/2013.

34 Irregolaritajiet li jinvolvu prodotti minn Stati Membri oħra (l-Artikolu 92(a)(1) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 392/2013) u li jinvolvu wkoll prodotti mill-Istess Stat Membru jekk l-irregolarità jkollha implikazzjonijiet għal Stat Membru ieħor (l-Artikolu 92(a) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/1584).

35 L-Artikolu 92(a)(4) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 392/2013.

36 L-Artikolu 92(f) u l-Annessi XIIIb u XIIIc tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 392/2013.

37 Il-paragrafu 43 tar-Rapport Speċjali Nru 9/2012.

38 L-Artikoli 7 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008.

39 L-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008.

40 L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, kif emendat l-aħħar: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/949, li żied iċ-Ċilì mal-Anness III.

41 L-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2018/848.

42 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta' prodotti organiċi (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 4).

43 L-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007.

44 F’xi każijiet, l-istess korp ta’ kontroll japplika standards differenti f’pajjiżi differenti.

45 Dawn l-awditi jkopru 17 mis-57 korp ta’ kontroll li kienu ġew approvati sa tmiem Ġunju 2018.

46 Id-DĠ(SANTE) 2018-6392 (http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/details.cfm?rep_id=3998).

47 L-Indja (2012): http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/details.cfm?rep_id=3059;
l-Indja (2015): http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/details.cfm?rep_id=3641.

48 L-Iżvizzera (2013): http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/details.cfm?rep_id=3215.

49 Ibbażat fuq data tal-Eurostat, in-Norveġja hija t-tielet l-akbar esportatur tal-ikel lejn l-UE. Ma hemmx disponibbli data speċifika dwar il-proporzjon ta’ ikel organiku.

50 Ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni relatati.

51 Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn Jannar 1994, jiġbor flimkien l-Istati Membri tal-UE u t-tliet Stati taż-ŻEE-EFTA - l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja - f’suq uniku, imsejjaħ is-“Suq Intern”.

52 http://www.eftasurv.int/press--publications/press-releases/internal-market/norway-needs-to-adjust-control-system-of-organic-production

53 Ir-Regolament (UE) Nru 125/2013 introduċa emendi għall-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008.

54 L-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008.

55 -Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007.

56 Fi tliet każijiet (minn sitta li ġew analizzati) l-eżaminar seħħ aktar minn disa’ xhur wara li d-dokumenti ġew riċevuti.

57 L-Artikoli 12(1)(c) u 12(2) tar-Regolamenti Nru 1235/2008.

58 L-Artikolu 46(9) tar-Regolament il-ġdid dwar il-produzzjoni organika (ir-Regolament (UE) 2018/848).

59 Pereżempju: tneħħi kategorija ta’ prodotti mil-lista ta’ prodotti rikonoxxuti.

60 Skambju reċiproku ta’ informazzjoni rilevanti (l-Artikolu 6), il-possibbiltà ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari (l-Artikolu 7), l-introduzzjoni ta’ Kumitat Konġunt dwar il-Prodotti Organiċi (l-Artikolu 8) u dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim (l-Artikolu 9).

61 L-Artikoli 13(2) u 13(4) u l-Anness V tar-Regolament Nru 1235/2008 – il-Kaxxa 20.

62 L-Artikoli 15(1) u 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

63 Imsejjaħ ukoll l-approċċ ta’ “pass ’il quddiem u pass lura”.

64 TRACES ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE b’segwitu għad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 29.11.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 3.1.2019
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 13.2.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 8.3.2019

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla I tal-Awditjar, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA, u li tispeċjalizza fl-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. L-awditu tmexxa minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Ioulia Papatheodorou, ex Kap tal-Kabinett, Kristian Sniter, Kap attwali tal-Kabinett, u Matteo Tartaggia, Attaché tal-Kabinett; Michael Bain, Maniġer Prinċipali; Els Brems, Kap tal-Kompitu; Blanka Happach, Greta Kapustaite u Radostina Simeonova, Awdituri. Miroslava Chakalova-Siddy, Marek Riha u Fiona Urquhart ipprovdew appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Michael Bain, Blanka Happach, Nikolaos Milionis, Matteo Tartaggia, Greta Kapustaite, Kristian Sniter.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-1755-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/87326 QJ-AB-19-002-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1728-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/655553 QJ-AB-19-002-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.