Rapport Speċjali
Nru18 2019

L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE:
rappurtar tajjeb, iżda jinħtieġ għarfien aħjar dwar it-tnaqqis fil-ġejjieni

Dwar ir-rapport: L-UE qed tipparteċipa fl-isforzi globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u qed timmira biex l-emissjonijiet tagħha jitnaqqsu b’20 % sal-2020, b’40 % sal-2030 u bi 80-95 % sal-2050.
Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-eżaminar tad-data rrappurtata mill-Istati Membri dwar l-emissjonijiet attwali u dawk projettati, kif ukoll għall-proposta ta’ politiki u miżuri fil-livell tal-UE sabiex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis.
Aħna sibna li d-data dwar l-emissjonijiet fl-UE tiġi rrappurtata b’mod xieraq, iżda l-UE tenħtieġ għarfien aħjar dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-ġejjieni.
Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-proċess ta’ eżaminar, imwettaq mill-Kummissjoni, tad-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) u tal-qafas għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-UE, bħala parti għall-Protokoll ta’ Kjoto (1997) u għall-Ftehim ta’ Pariġi (2015), hija impenjata li tipparteċipa fl-isforz globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Skont dawn il-ftehimiet, l-UE qed timmira li l-gassijiet serra jitnaqqsu b’20 % sal-2020, b’40 % sal-2030 u bi 80-95 % sal-2050. Biex tivvaluta l-progress li sar lejn l-ilħuq ta’ dawn il-miri, il-Kummissjoni teħtieġ stimi tal-emissjonijiet tal-passat u ta’ dawk projettati, kif ukoll tal-effetti tal-politiki u l-miżuri li huma mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-analiżi panoramika tagħna tal-2017 dwar l-azzjoni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima identifikat l-inventarji tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bħala qasam ta’ riskju potenzjali li fih ix-xogħol tal-awditjar li twettaq kien limitat.

II

L-awditu tagħna kien iffukat fuq l-isforzi tal-Kummissjoni, li ġiet assistita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), biex tiżgura l-kwalità tal-inventarju tal-gassijiet serra tal-UE u tal-informazzjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni. Aħna sibna li d-data dwar l-emissjonijiet fl-UE tiġi rrappurtata b’mod xieraq, iżda li l-Kummissjoni jeħtieġ li jkollha għarfien aħjar dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-ġejjieni.

III

Il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-gassijiet serra lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) f’konformità mar-rekwiżiti internazzjonali, u tipprovdi data addizzjonali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Biex jiżguraw il-kwalità ta’ din id-data, ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu jistabbilixxu sistema tal-UE għall-eżaminar tal-inventarji tal-gassijiet serra tal-Istati Membri. Ix-xogħol tagħna wera li l-Kummissjoni, bl-assistenza tal-EEA, tivverifika b’mod sodisfaċenti l-emissjonijiet li jiġu rrappurtati u li l-inventarji tal-gassijiet serra tal-UE ttejbu matul iż-żmien. Madankollu, għas-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), l-eżaminaturi ma jwettqux l-istess tipi ta’ kontrolli bħal fil-każ ta’ setturi oħra. Dan is-settur huwa partikolarment rilevanti mhux biss għall-miri tal-2030, iżda wkoll minħabba li d-data dwar il-LULUCF tippreżenta inċertezza statistika għolja.

IV

Ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ stabbilixxa wkoll sistema tal-UE għall-eżaminar tad-data dwar il-projezzjonijiet tal-Istati Membri. L-eżaminar imwettaq mill-Kummissjoni u mill-UNFCCC identifika inqas problemi fl-2017 meta mqabbel mal-2015, u dan jindika titjib fil-projezzjonijiet nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni ma vvalutatx ir-riskju ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mix-xenarju ta’ referenza tal-UE.

V

Biex tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet, l-UE stabbiliet miri li jinkludu l-biċċa l-kbira mid-data rrappurtata. Għas-settur tal-LULUCF, l-ewwel miri tal-UE huma stabbiliti għall-2030, filwaqt li għat-trasport marittimu internazzjonali, il-mira maqbula fil-livell internazzjonali hija għall-2050. L-avjazzjoni internazzjonali diġà hija inkluża fil-miri tal-UE għall-2020.

VI

Aħna sibna li l-pjanijiet direzzjonali settorjali fit-tul ikopru kważi 70 % tal-emissjonijiet irrappurtati. Dawn il-pjanijiet direzzjonali speċifiċi huma kruċjali biex is-setturi rispettivi jiżviluppaw b’mod sostenibbli. Madankollu, ma hemm ebda pjan direzzjonali speċifiku għal xi wħud mis-setturi ewlenin, bħalma huma dawk tal-agrikoltura u tal-LULUCF. Dan jaffettwa l-politiki u l-miżuri settorjali fuq terminu iqsar.

VII

Il-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni u l-EEA introduċew kontrolli fuq il-kwalità tal-informazzjoni li tiġi ppreżentata mill-Istati Membri dwar il-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni ma rrappurtat ebda stima għall-impatti ta’ ċerti politiki u miżuri tal-UE fuq l-emissjonijiet.

VIII

Ibbażat fuq dawn is-sejbiet, aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni li għandhom l-għan li jtejbu:

  1. il-proċess ta’ eżaminar, imwettaq mill-Kummissjoni, għas-settur tal-LULUCF;
  2. il-qafas għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni.

Introduzzjoni

Kuntest internazzjonali

01

Il-gassijiet serra jassorbu u jirrilaxxaw is-sħana (radjazzjoni infraħamra mix-xemx) fl-atmosfera. Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) huwa l-korp tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigat mill-valutazzjoni tax-xjenza relatata mat-tibdil fil-klima. Sal-lum, huwa jistma li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kkawżati mill-bniedem wasslu biex it-temperaturi globali jiżdiedu b’madwar 1.0  C aktar mil-livelli preindustrijali. L-effetti suċċessivi ta’ din iż-żieda jinkludu żidiet fil-livell tal-baħar u fenomeni tat-temp aktar estremi.

02

Fl-1992, in-nazzjonijiet globali ffirmaw il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li l-għan tagħha kien li l-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra jinżammu stabbli f’livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika (ikkawżata mill-bniedem) perikoluża mas-sistema tal-klima. Passi ulterjuri ttieħdu fl-1997 permezz tal-Protokoll ta’ Kjoto, li stabbilixxa miżuri u introduċa miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-pajjiżi żviluppati li ffirmawh. Bħala parti mill-Protokoll ta’ Kjoto, il-pajjiżi żviluppati impenjaw lilhom infushom ukoll li jistabbilixxu politiki u miżuri biex jappoġġaw il-kisba tal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-Protokoll b’mod sostenibbli. Is-Segretarjat tal-UNFCCC jimmonitorja u jirrapporta dwar l-infurzar tal-Konvenzjoni u tal-Protokoll ta’ Kjoto.

03

Il-Ftehim ta’ Pariġi (2015) ġie ffirmat minn 197 pajjiż. L-għan tal-ftehim huwa li jillimita ż-żieda fit-temperatura medja globali għal “sew taħt” 2 °C aktar mil-livelli preindustrijali, u li jippromwovi l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura medja globali tiġi limitata “saħansitra aktar”, għal 1.5 °C aktar mil-livelli preindustrijali. Il-Ftehim ta’ Pariġi ma jintroduċix miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-partijiet firmatarji; minflok, huwa jimponi kontribuzzjonijiet determinati fil-livell nazzjonali għall-għan ġenerali li tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura globali. Dawn il-kontribuzzjonijiet jinkludu kemm it-tnaqqis, min-naħa tal-pajjiżi, tal-emissjonijiet ikkawżati mill-bniedem fis-sors tagħhom kif ukoll l-assorbimenti (“bjar ta’ karbonju”) tal-gassijiet serra.

04

L-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u b’hekk jiġi llimitat it-tisħin globali, jiġu megħjuna billi jkun hemm informazzjoni preċiża dwar il-livelli tal-emissjonijiet, ix-xejriet, u l-politiki u l-miżuri mmirati sabiex itejbuhom. Dan jirrikjedi qafas sod għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kif ukoll informazzjoni affidabbli dwar il-bidliet projettati fl-emissjonijiet li jirriżultaw mill-politiki u l-miżuri eżistenti u dawk ippjanati.

05

Kemm il-Protokoll ta’ Kjoto kif ukoll il-Ftehim ta’ Pariġi jistipulaw tali oqfsa. Il-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto huwa validu sar-rappurtar tal-emissjonijiet għall-2020 (fl-2022). Il-qafas tal-Ftehim ta’ Pariġi se jintuża għall-ewwel darba għar-rappurtar tal-emissjonijiet għall-2021 (li għandhom jiġu ppubblikati fl-2023). Dawn l-oqfsa jinkludu proċeduri ta’ aċċertament tal-kwalità (jiġifieri eżaminar tad-data mis-Segretarjat tal-UNFCCC u mit-timijiet ta’ esperti tiegħu), u huma appoġġati b’linji gwida mill-UNFCCC u mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima.

Kuntest Ewropew

06

L-Istati Membri tal-UE jirrappreżentaw 6.9 % tal-popolazzjoni globali u 21.8 % tal-prodott domestiku gross tad-dinja1. Fl-2017, huma ġġeneraw madwar 8.4 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra2.

07

L-UE qablet li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra3 li hija tipproduċi b’20 % sal-2020, b’40 % sal-2030 u bi 80 % sa 95 % sal-2050 meta mqabbel mal-1990. Il-Figura 1 hawn taħt turi x-xejra fl-emissjonijiet sal-lum u l-progress stmat lejn l-2050. Sal-2017, l-UE naqqset l-emissjonijiet tagħha b’21.7 %4 meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Il-biċċa l-kbira mill-gassijiet serra taħt il-Protokoll ta’ Kjoto segwew din ix-xejra ta’ tnaqqis (ara l-Figura A fl-Anness).

Figura 1

Stimi tal-emissjonijiet fil-passat u dawk fil-ġejjieni meta mqabbla mal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq ir-Rapport dwar l-Inventarju tal-UE tal-2019 (data dwar l-emissjonijiet tal-2017), il-Komunikazzjoni Nazzjonali u r-Rapport Biennali tal-UE tal-2017 lill-UNFCCC (data dwar il-projezzjonijiet) u t-“Trends and projections in Europe 2018 – Tracking progress towards Europe’s climate and energy targets (Xejriet u projezzjonijiet fl-Ewropa 2018 – Il-progress lejn il-miri tal-Ewropa għall-klima u l-enerġija)” tal-EEA (it-tnaqqis annwali meħtieġ sabiex jintlaħqu l-miri).

08

Biex jiksbu dan it-tnaqqis, u biex jikkonformaw mar-regoli internazzjonali, l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw lilhom infushom li jirrappurtaw l-emissjonijiet finali tagħhom ta’ gassijiet serra lill-UNFCCC kull sena. Huma jagħmlu dan fil-forma ta’ “inventarji tal-gassijiet serra” (ara l-Kaxxa 1). Għal kwalunkwe sena partikolari, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tippubblika l-inventarji interim tal-UE f’Ottubru tas-sena ta’ wara (N+1), u l-inventarji finali tippubblikahom sitt xhur wara, f’Mejju N+25.

Kaxxa 1

X’inhuma l-inventarji tal-gassijiet serra?

L-inventarji tal-gassijiet serra huma stima kkwantifikata tal-emissjonijiet annwali prodotti mill-attivitajiet tal-bniedem fit-territorju ta’ pajjiż. L-inventarju aggregat tal-UE huwa t-total tal-inventarji tal-Istati Membri, u jinkludi wkoll l-emissjonijiet prodotti mill-Iżlanda.

L-istimi kkwantifikati jiġu kkalkulati billi tiġi mmultiplikata d-data dwar l-attivitajiet bil-fatturi ta’ emissjoni. Il-UNFCCC tiddefinixxi d-data dwar l-attivitajiet bħala l-firxa kbira ta’ attivitajiet tal-bniedem li jirriżultaw fil-ħolqien ta’ emissjonijiet jew ta’ assorbimenti matul perjodu ta’ żmien partikolari f’settur speċifiku. Eżempju ta’ data dwar l-attivitajiet għas-settur tat-trasport huwa l-volum tal-bejgħ ta’ fjuwil. Il-fatturi ta’ emissjoni huma r-rata medja ta’ emissjoni ta’ gass serra partikolari minn sors partikolari, meta mqabbla mal-unitajiet ta’ attività. Pereżempju, fattur ta’ emissjoni jista’ jikkorrispondi għall-emissjonijiet iġġenerati mill-ħruq ta’ tunnellata ta’ faħam kannella.

L-istimi tal-emissjonijiet li jirriżultaw jiġu espressi bħala ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju (CO2) (ara l-Figura B fl-Anness), billi jintużaw fatturi ta’ konverżjoni, skont il-potenzjal ta’ tisħin globali ta’ kull gass. Bħala eżempju, il-potenzjal ta’ tisħin ta’ tunnellata waħda ta’ NF3 huwa ekwivalenti għal dak ta’ 16 100 tunnellata ta’ CO2.

09

Abbażi tal-Protokoll ta’ Kjoto u tal-Konvenzjoni UNFCCC, l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrappurtaw ukoll l-informazzjoni li ġejja lis-Segretarjat tal-UNFCCC.

  1. Projezzjonijiet tal-emissjonijiet fil-ġejjieni, akkumpanjati b’informazzjoni dwar kif dawn il-projezzjonijiet ikunu nkisbu (eż. l-għodod ta’ mmudellar li ntużaw u l-fatturi li jinfluwenzawhom).
  2. Informazzjoni dwar politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni li jappoġġaw il-kisba sostenibbli ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet, inkluż l-ambitu ta’ dawn il-miżuri; ir-rabtiet tagħhom mal-politiki tal-UE; informazzjoni ex ante u, fejn applikabbli, informazzjoni ex post dwar l-impatt tagħhom; u kif il-politiki u l-miżuri nazzjonali jikkontribwixxu biex jinkisbu l-istrateġiji nazzjonali fit-tul ta’ żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.
10

Il-projezzjonijiet jintużaw biex jiġi stmat il-progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni, u jindikaw jekk il-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni humiex se jkunu effettivi. Il-Figura 2 tispjega r-rabtiet bejn il-miri, il-projezzjonijiet, il-politiki u l-miżuri. Il-projezzjonijiet ma jikkunsidrawx biss ir-riżultati tal-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni, iżda wkoll sett aktar wiesa’ ta’ suppożizzjonijiet u parametri, li mhumiex rappreżentati fil-Figura 2.

Figura 2

Rabtiet bejn il-miri, il-projezzjonijiet, il-politiki u l-miżuri tal-UE

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

11

Biex tilħaq l-impenji tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u timplimenta l-impenji tagħha ta’ monitoraġġ u rappurtar sal-2020, l-UE adottat il-leġiżlazzjoni speċifika li ġejja, li hija vinkolanti għall-Istati Membri.

  1. Ir-Regolament dwar Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ6 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu7, li jistabbilixxu l-qafas ġenerali ta’ kontabbiltà u rappurtar għall-gassijiet serra fl-UE li huma kkawżati mill-bniedem, il-projezzjonijiet, l-istrateġiji ta’ żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u l-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni.
  2. L-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet8 (Skema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet), li tistabbilixxi qafas u miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn installazzjonijiet tal-enerġija u dawk industrijali fuq skala kbira9, kif ukoll limitu massimu speċifiku u qafas ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea.
  3. Id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi10, li tistabbilixxi miri annwali vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull Stat Membru fis-setturi tal-enerġija, l-industrija, l-agrikoltura u l-iskart, għal attivitajiet li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet jew ta’ leġiżlazzjoni speċifika oħra (kif identifikata fil-punt (d) ta’ hawn taħt).
  4. Leġiżlazzjoni speċifika dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-kontabbiltà għall-emissjonijiet u l-assorbimenti tad-diossidu tal-karbonju mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF)11, u għall-emissjonijiet mit-trasport marittimu internazzjonali (bastimenti li jidħlu f’portijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea)12.
12

B’rispons għall-Ftehim ta’ Pariġi u għall-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE wara l-2020, l-UE aġġornat il-qafas leġiżlattiv tagħha kif ġej:

  1. Fl-2018, hija adottat qafas ġdid ta’ kontabbiltà u rappurtar għall-gassijiet serra antropoġeniċi, il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet, l-istrateġiji ta’ żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u l-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni, li se jibda japplika mill-2021 (ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika13).
  2. Hija mmodifikat l-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet u adottat leġiżlazzjoni ġdida dwar miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull sena sal-2030 (ir-Regolament il-ġdid dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi14).
  3. Hija adottat regoli ġodda dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-kontabbiltà għall-emissjonijiet u l-assorbimenti tad-diossidu tal-karbonju mis-settur tal-LULUCF15.
  4. Fl-2019, il-Kummissjoni adottat proposta għar-reviżjoni tas-sistema tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifikazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu biex tallinjaha mas-sistema globali tal-ġbir tad-data għall-konsum taż-żejt tal-fjuwil tal-vapuri li ġiet introdotta mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
13

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi qafas biex tiġi żgurata l-kwalità tad-data dwar l-emissjonijiet tal-passat u dwar il-projezzjonijiet, kif ukoll tal-informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri. Il-Figura 3 hawn taħt turi kif id-data tiġi miġbura, ivverifikata u rrappurtata. Fiċ-ċentru, hija turi r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) f’dak li jirrigwarda l-kwalità tal-istimi tal-Istati Membri, kemm fit-tħejjija tad-data aggregata tal-UE kif ukoll fil-preżentazzjoni ta’ din l-informazzjoni lill-UNFCCC. Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll tnaqqis fl-emissjonijiet tal-UE billi tipproponi strateġiji, politiki u miżuri adegwati, ibbażati fuq analiżi tax-xenarji.

14

L-EEA tassisti lill-Kummissjoni Ewropea (id-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika – DĠ CLIMA) biex tiġi żgurata l-kwalità tal-inventarju u tal-projezzjonijiet aggregati tal-UE16. Dawn huma bbażati fuq l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri. Esperti oħra (bħaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u ċ-Ċentru Tematiku Ewropew dwar it-Tniġġis tal-Arja u l-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima) jappoġġaw lill-EEA u lill-Kummissjoni f’dan ix-xogħol. F’dan ir-rapport aħna nirreferu għal din il-ħidma bħala l-“eżaminar tal-Kummissjoni” billi, fl-aħħar mill-aħħar, il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli għall-kwalità ta’ din id-data.

15

L-Eurostat jippubblika sett ta’ data separat dwar l-emissjonijiet iġġenerati mill-konsum tal-UE (imsejjaħ marka tal-karbonju). Dan is-sett ta’ data joħroġ mill-kontijiet nazzjonali tal-emissjonijiet fl-arja17, li min-naħa tagħhom huma bbażati fuq l-inventarji tal-gassijiet serra.

Figura 3

Responsabbiltajiet għall-inventarji, il-projezzjonijiet, il-politiki u l-miżuri

© Il-Kummissjoni Ewropea, EEA, UNFCCC.

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

16

L-awditu tagħna kopra t-tfassil u l-funzjonament tal-qafas tal-UE għar-rappurtar u l-aċċertament tal-kwalità tad-data li ġiet rrappurtata mill-2015 ’l hawn skont il-protokoll ta’ Kjoto u r-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ tal-UE.

17

Aħna wettaqna dan l-awditu minħabba li l-analiżi panoramika tagħna tal-2017 dwar l-azzjoni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima identifikat l-inventarji tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bħala qasam ta’ riskju potenzjali li fih ix-xogħol tal-awditjar li twettaq kien limitat. Aħna nistennew li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna se jipprovdu input siewi għat-titjib tal-proċess ta’ eżaminar, imwettaq mill-Kummissjoni, tad-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tal-qafas għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni.

18

Il-mistoqsija kumplessiva tal-awditjar tagħna kienet:

Il-Kummissjoni tivverifika b’mod xieraq l-inventarju tal-gassijiet serra tal-UE u l-informazzjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni?

19

Biex inwieġbu l-mistoqsija kumplessiva tal-awditjar tagħna, aħna:

  1. ivvalutajna l-kontrolli tal-kwalità li twettqu fuq l-inventarji tal-gassijiet serra tal-UE;
  2. eżaminajna l-informazzjoni addizzjonali dwar it-tnaqqis ippjanat fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE (il-projezzjonijiet u x-xenarju ta’ referenza tal-UE, l-istrateġiji fit-tul, il-kwantifikazzjoni tal-effetti tal-politiki u l-miżuri tal-UE).

Aħna ma vvalutajniex direttament l-informazzjoni u l-istimi prodotti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

20

Aħna vverifikajna l-funzjonament tal-proċess ta’ aċċertament tal-kwalità tal-UE għal dak li jirrigwarda l-inventarji, il-projezzjonijiet, il-politiki u l-miżuri stabbiliti bir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, permezz ta’ kampjun ta’ sitt Stati Membri. Il-kriterji prinċipali għall-għażla kienu l-emissjonijiet annwali fl-2016 u l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet tal-UNFCCC mill-eżaminar annwali tal-perjodu 2015-2017 tal-inventarji nazzjonali. L-Istati Membri fil-kampjun kienu ċ-Ċekja, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Polonja u r-Rumanija. Dawn il-pajjiżi pproduċew 56 % tal-emissjonijiet tal-UE fl-2016.

21

Aħna ġbarna u analizzajna l-evidenza tagħna għall-awditjar billi:

  1. analizzajna d-dokumenti tal-Kummissjoni relatati mal-kontroll u l-aċċertament tal-kwalità (manwali, listi ta’ kontroll, databases tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet, rapporti analitiċi) li jikkorrispondu għall-eżaminar annwali tal-perjodu 2015-2018 tal-inventarji nazzjonali u dawk aggregati tal-UE, kif ukoll għall-eżaminar biennali tal-projezzjonijiet, il-politiki u l-miżuri nazzjonali;
  2. analizzajna d-dokumentazzjoni rilevanti (studji ta’ sostenn, valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet tal-impatt, u d-dokumentazzjoni tagħhom dwar l-aċċertament tal-kwalità) għax-xenarju ta’ referenza (projezzjonijiet) tal-UE tal-2013 u tal-2016 (li kienu l-bażi għad-definizzjoni tal-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-UE sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-2020 u għall-2030), u għall-politiki u l-miżuri tal-UE kkomunikati lill-UNFCCC matul il-perjodu awditjat (jiġifieri fl-2015 u fl-2017);
  3. intervistajna lill-persunal tad-DĠ CLIMA, tal-JRC, tal-EEA, u tal-Eurostat biex niksbu informazzjoni dwar il-ġestjoni tad-data tal-UE dwar l-emissjonijiet, il-projezzjonijiet, il-politiki u l-miżuri, u analizzajna din l-informazzjoni;
  4. analizzajna r-risposti għal kwestjonarju li bgħatna lis-sitt Stati Membri fil-kampjun tagħna biex niksbu informazzjoni addizzjonali dwar il-kwalità u t-titjib fl-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra, fil-projezzjonijiet, fil-politiki u fil-miżuri;
  5. wettaqna intervisti ma’ rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati18 u ta’ tliet Stati Membri, li aħna għażilna abbażi tal-prattiki tajba identifikati fir-risposti li huma taw fil-kwestjonarju (iċ-Ċekja, Franza u l-Polonja). Aħna fittixna li niksbu informazzjoni dwar l-eżaminar, imwettaq mill-Kummissjoni, tal-inventarji nazzjonali u dawk aggregati tal-UE, kif ukoll tal-politiki u l-miżuri, u dwar l-użu ta’ infrastrutturi u ta’ għodod ta’ mmudellar għall-monitoraġġ in situ u bis-satellita tal-gassijiet serra u tal-flussi tagħhom.

Osservazzjonijiet

Il-Kummissjoni tivverifika u tirrapporta d-data tal-UE dwar l-emissjonijiet b’mod xieraq

22

Aħna vvalutajna l-punt sa fejn il-firxa tad-data dwar l-emissjonijiet irrappurtata mill-UE tissodisfa r-rekwiżiti internazzjonali. Aħna eżaminajna wkoll l-operat u r-riżultati tal-eżaminar tal-kwalità li twettaq fuq l-inventarji tal-UE u tal-Istati Membri, u vvalutajna jekk kienx sar titjib fl-inventarju tal-UE matul iż-żmien.

Ir-rapporti tal-UE jissodisfaw u jaqbżu r-rekwiżiti internazzjonali

23

Il-Protokoll ta’ Kjoto jirrikjedi li l-UE u kull wieħed mill-Istati Membri tagħha jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tas-seba’ gassijiet serra prinċipali b’20 % sal-2020: id-diossidu tal-karbonju (CO2), il-metan (CH4), l-ossidu nitruż (N2O), l-idrofluworokarburi (HFCs), il-perfluworokarburi (PFCs), l-eżafluworur tal-kubrit (SF6), u t-trifluworur tan-nitroġenu (NF3). Il-firxa sħiħa tal-gassijiet u tal-ftehimiet hija ppreżentata fid-dettall fil-Figura C u fil-Figura D tal-Anness. Il-linji gwida tal-IPCC jispeċifikaw metodi għall-istimar tal-emissjonijiet u tal-assorbiment ta’ dawn il-gassijiet, li joriġinaw minn sorsi u bjar li jridu jitqiesu skont il-Protokoll ta’ Kjoto: l-Enerġija, il-Proċessi Industrijali u l-Użu tal-Prodotti, l-Agrikoltura, il-LULUCF u l-Iskart. Aħna sibna li l-UE u l-Istati Membri kkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti.

24

L-inventarji tal-UE u tal-Istati Membri huma meħtieġa wkoll li jinkludu gassijiet, sorsi u bjar li mhumiex koperti mill-impenji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta’ Kjoto, iżda li jaqgħu taħt ir-regoli ta’ rappurtar tal-UNFCCC. Dawn il-gassijiet, sorsi u bjar jiġu rrappurtati bħala “entrati ta’ memorandum”. Huma jirrigwardaw l-emissjonijiet mit-trasport marittimu internazzjonali, mill-avjazzjoni internazzjonali, u mill-bijomassa għall-użu tal-enerġija. L-inventarju aggregat tal-UE jinkludi data dwar l-emissjonijiet għal dawn l-entrati kollha ta’ memorandum, skont ir-regoli ta’ rappurtar tal-UNFCCC.

25

Ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ tal-UE (ara l-paragrafu 11) jistabbilixxi regoli ta’ rappurtar li jmorru lil hinn minn dawk stipulati fi ftehimiet internazzjonali. Ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-emissjonijiet tal-karbonju iswed (ġmied)19 u l-impatti fuq il-klima tal-avjazzjoni ċivili tal-UE, li mhumiex relatati mas-CO220. Il-Kummissjoni tippubblika dikjarazzjoni aggregata tal-UE dwar il-karbonju iswed fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirrapporta wkoll dwar l-impatti mis-settur tal-avjazzjoni, li mhumiex relatati mas-CO221. Skont ir-Rapport Ambjentali tal-Avjazzjoni Ewropew tal-2019, l-impatti li mhumiex relatati mas-CO2 huma ogħla minn dawk relatati mas-CO2. Madankollu, id-data xjentifika attwalment disponibbli dwar dawn l-impatti mhijiex suffiċjenti biex dawn jiġu kkwantifikati b’mod preċiż22.

26

Il-Kummissjoni tħejji wkoll data dwar l-emissjonijiet iġġenerati mill-konsum ta’ oġġetti u servizzi fi ħdan l-UE (inklużi l-importazzjonijiet, iżda bl-esklużjoni tal-esportazzjonijiet). Din l-informazzjoni, imsejħa marka tal-karbonju, tippermetti li jinkiseb fehim komplementari tal-fatturi ekonomiċi tal-emissjonijiet fl-arja, u b’mod partikolari, tal-impatt tal-UE fuq l-emissjonijiet globali. Hija tista’ tħeġġeġ approċċi ġodda fit-tfassil tal-politika u tikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ indikaturi ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli23.

27

Skont l-istima tal-Eurostat, il-marka tal-karbonju tal-UE tammonta għal 7.2 tunnellati ta’ CO2 għal kull persuna (2017). Madankollu, il-kalkolu sottostanti għall-marka tal-karbonju huwa kumpless24.

L-eżaminar imwettaq mill-Kummissjoni u mill-EEA fir-rigward tal-kwalità tal-emissjonijiet irrappurtati huwa sodisfaċenti

28

Il-proċess ta’ eżaminar imwettaq mill-Kummissjoni u mill-EEA fir-rigward tal-kwalità tal-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra jiffoka fuq kategoriji ta’ emissjonijiet li, jekk jiġu stmati b’mod eċċessiv jew b’mod insuffiċjenti, jista’ jkollhom effett sinifikanti kemm fuq l-inventarji tal-Istati Membri kif ukoll fuq l-inventarju aggregat tal-UE. Il-proċess ta’ eżaminar jiffoka fuq il-kriterji ta’ kwalità ddefiniti mil-linji gwida tal-UNFCCC: it-trasparenza, il-kompletezza, il-konsistenza, il-kumparabbiltà u l-preċiżjoni. L-eżaminar huwa kkomplementat mis-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u tal-UNFCCC. Il-UNFCCC teżamina wkoll l-istimi ppreżentati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni (ara l-Figura 3).

29

Il-proċess ta’ eżaminar jikkonsisti minn kontrolli awtomatizzati u manwali. Il-kontrolli awtomatizzati jidentifikaw id-data li tkun nieqsa u d-diskrepanzi potenzjali fl-emissjonijiet, fil-fatturi ta’ emissjoni u fix-xejriet. Eżaminaturi esperti jwettqu kontrolli manwali, fejn jiġġudikaw jekk is-sejbiet tal-kontrolli awtomatizzati jkunux jikkostitwixxu problemi reali jew le, u jekk id-data u l-metodi jkunux plawżibbli, jiġifieri ma jwasslux għal stimi eċċessivi jew insuffiċjenti tal-emissjonijiet. L-eżaminaturi jaħdmu f’timijiet, u s-sejbiet ta’ eżaminatur wieħed dejjem jiġu korroborati mit-tieni wieħed.

30

Fl-ewwel stadju tal-proċess ta’ eżaminar, l-eżaminaturi jivverifikaw l-istimi għas-setturi kollha tal-inventarji tal-gassijiet serra: l-enerġija, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti, l-agrikoltura, il-LULUCF u l-iskart. L-eżaminaturi jiddokumentaw ir-riżultati tal-kontrolli tagħhom u jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Istati Membri. Fit-tieni stadju, l-eżaminaturi jivverifikaw il-kwistjonijiet ta’ konformità li ma jkunux ġew solvuti fl-ewwel stadju, li jista’ jkollhom effett sinifikanti fuq l-istima finali tal-emissjonijiet u jistgħu jindirizzaw rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib tal-inventarji. Madankollu, l-eżaminaturi tal-Kummissjoni ma jiddokumentawx tajjeb is-segwitu li huma jagħtu tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni jew ix-xogħol tagħhom relatat ma’ kwistjonijiet inqas sinifikanti misjuba mill-kontrolli awtomatizzati. Aħna sibna wkoll li s-segwitu li ngħata mill-Kummissjoni għall-kwistjonijiet mhux riżolti li ġew identifikati mill-eżaminar tal-UNFCCC kien ibbażat fuq informazzjoni mhux kompleta li ġiet rrappurtata mill-Istati Membri. Fl-2018, għall-għażla tagħna ta’ Stati Membri, aħna sibna dokumentazzjoni li l-eżaminaturi tal-Kummissjoni taw segwitu għal 11-il problema li tqajmu fir-rapporti analitiċi tal-2016 tal-UNFCCC. Madankollu, l-eżaminaturi tal-UNFCCC kienu identifikaw 64 problema persistenti fl-eżaminar li huma wettqu fl-2016.

31

Is-settur tal-LULUCF (ara l-Kaxxa 2) mhuwiex kopert mill-miri tal-UE għall-2020. Minkejja li l-LULUCF huwa inkluż fl-ewwel stadju tal-eżaminar, il-Kummissjoni attwalment mhux qed tagħmel rakkomandazzjonijiet, u lanqas segwitu għall-biċċa l-kbira mir-rakkomandazzjonijiet tal-UNFCCC li huma indirizzati għall-Istati Membri. Id-data dwar il-LULUCF irrappurtata fl-inventarju aggregat tal-UE tindika li dan is-settur attwalment jassorbi aktar CO2 mill-atmosfera milli jemetti (assorbiment ta’ 5.54 % tal-emissjonijiet tal-UE fl-2017; ara l-Figura 6). Għalhekk, is-settur tal-LULUCF huwa meqjus bħala bir nett ta' karbonju. Madankollu, id-data dwar il-LULUCF tippreżenta inċertezza statistika relattivament għolja25. Wara l-adozzjoni reċenti tar-Regolament dwar il-LULUCF Nru 841/2018 li jinkorpora s-settur fil-mira għall-2030, il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq proċess ta’ eżaminar komplet għal dan is-settur billi tibda bl-emissjonijiet irrappurtati fl-2023 għas-sena 2021.

Kaxxa 2

Ir-rilevanza u r-rappurtar tas-settur tal-LULUCF

Is-CO2 atmosferiku jakkumula bħala karbonju fil-veġetazzjoni u fil-ħamrija fl-ekosistemi terrestri. L-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-foresti jaffettwaw il-livelli tas-CO2 atmosferiku. Il-foresti jassorbu s-CO2 mill-atmosfera billi jkabbru veġetazzjoni addizzjonali fuq u taħt l-art. Madankollu, is-CO2 jiġi emess meta l-bwar jiġu maħruta, is-siġar jiġu maħsuda għall-enerġija, jew meta foresta tiġi sostitwita bi bwar jew insedjament. Dawn l-assorbimenti u l-emissjonijiet kollha tas-CO2 atmosferiku jiġu rrappurtati fl-inventarji tal-gassijiet serra, bħala parti mis-settur tal-LULUCF.

Bħala parti mill-impenji tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kjoto u l-UNFCCC, l-UE tirrapporta l-emissjonijiet u l-assorbimenti dovuti għal tibdil fl-artijiet tal-foresti (eż. it-tħawwil ta’ foresta jew id-deforestazzjoni). Jekk dawn il-bidliet jinvolvu aktar ħżin milli emissjonijiet ta’ CO2, l-inventarji jippreżentaw it-total tal-emissjonijiet bit-tnaqqis tal-assorbimenti netti.

L-inventarju aggregat tal-UE jirrapporta data addizzjonali dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-ġestjoni tal-foresti, il-bwar, ir-raba’, l-artijiet mistagħdra u l-insedjamenti, għalkemm dan mhuwiex obbligatorju skont il-Protokoll ta’ Kjoto. Taħt ir-Regolament il-ġdid dwar il-LULUCF, li ġie adottat wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi (ara l-paragrafu 12), l-emissjonijiet u l-assorbimenti minn dawn il-kategoriji ta’ kontabbiltà kollha se jkunu parti mir-rekwiżiti ta’ rappurtar obbligatorju.

32

Ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ tal-UE u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu26 jirrikjedu li l-inventarji jiġu vverifikati għall-konsistenza mad-data pprovduta minn sorsi oħra, bħad-data rrappurtata għall-ETS, l-istatistika dwar l-enerġija, kif ukoll ir-regolament dwar it-tniġġis tal-arja u l-gassijiet fluworurati. L-eżaminaturi tal-Kummissjoni jivverifikaw il-konsistenza tal-inventarji mad-data meħtieġa, u jużaw metodi addizzjonali biex jivverifikaw li l-istimi jkunu raġonevoli27.

33

Id-data satellitari, flimkien mad-data ta’ monitoraġġ in situ, għandhom il-potenzjal li jtejbu d-data dwar l-attivitajiet, li jivverifikaw id-data rrappurtata u li jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti għal setturi fejn l-istimi għandhom tendenza li jkunu inqas ċerti (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Id-data mis-satelliti u mill-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ in situ tista’ tgħin biex jiġu vverifikati l-istimi tal-emissjonijiet

L-istimi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bbażati fuq l-attività jistgħu jiġu vverifikati permezz ta’ osservazzjonijiet atmosferiċi li jużaw kombinament ta’ monitoraġġ bis-satellita, stazzjonijiet ta’ monitoraġġ in situ u mmudellar. Fl-UE hemm proġetti li jinsabu għaddejjin (eż. żewġ proġetti msejħa “VERIFY” u “ICOS”) biex itejbu l-kwalità tad-data ta’ monitoraġġ. Dan jista’ potenzjalment jippermetti lill-UE biex twettaq verifikazzjonijiet billi tuża din id-data.

Is-servizzi ta’ monitoraġġ atmosferiku bis-satellita jistgħu jipprovdu informazzjoni rigward il-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet serra u rigward id-data dwar l-attivitajiet. L-emissjonijiet reali ta’ gassijiet serra, u s-sorsi tal-emissjonijiet, jistgħu jiġu determinati permezz ta’ proċeduri ta’ mmudellar differenti.

L-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ in situ jkejlu lokalment l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra u l-fluss tagħhom bi preċiżjoni relattivament għolja (meta mqabbel mal-istimi). Dan jista’ jipproduċi informazzjoni ġdida li tista’ ttejjeb l-istimi għas-setturi tal-agrikoltura, tal-iskart u tal-LULUCF, stimi li jippreżentaw livell għoli ta’ inċertezza.

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-LULUCF (2018/841) jawtorizza u jħeġġeġ il-monitoraġġ ibbażat fuq il-kopetura tal-art bl-użu ta’ satelliti bħal Copernicus, kif ukoll tekniki oħra ta’ telerilevament.

34

Stat Membru wieħed (ir-Renju Unit) uża d-data satellitari biex jivverifika d-data dwar is-settur tal-LULUCF; b’mod partikolari, il-bidliet fil-kopertura forestali. Huwa wettaq ukoll verifikazzjoni tal-istimi tal-emissjonijiet billi uża d-data ta’ monitoraġġ in situ għal ċerti gassijiet fl-inventarju nazzjonali. Dawn il-verifikazzjonijiet wasslu biex tinkiseb stima aħjar tal-emissjonijiet tal-metan u ta’ ċerti idrofluworokarburi, li fl-inventarji kienu ġew stmati b’mod eċċessiv, u tal-emissjonijiet tal-ossidu nitruż, li kienu ġew stmati b’mod insuffiċjenti. Attwalment, il-Kummissjoni ma tużax id-data satellitari biex tivverifika l-istimi tal-emissjonijiet jew id-data dwar il-LULUCF.

L-inventarju tal-gassijiet serra tal-UE tjieb matul iż-żmien

35

L-eżaminaturi tal-Kummissjoni jfasslu osservazzjonijiet meta l-kontrolli tagħhom jidentifikaw każijiet fejn l-istimi tal-Istati Membri rigward l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ta’ rappurtar, jew fejn l-emissjonijiet jistgħu jiġu stmati b’mod eċċessiv jew b’mod insuffiċjenti.

36

L-Istati Membri jew iwieġbu għal dawn l-osservazzjonijiet matul l-eżaminar, jew inkella jirrevedu l-istimi tagħhom. Jekk ir-risposti tal-Istati Membri ma jindirizzawx il-kwistjonijiet li tqajmu mill-eżaminaturi, dawn tal-aħħar jipproponu korrezzjonijiet tekniċi tal-istimi (ċifri aġġustati maħsuba biex jissostitwixxu l-istimi oriġinali) jew rakkomandazzjonijiet għal titjib fil-ġejjieni.

37

Għall-kampjun tagħna ta’ Stati Membri, il-biċċa l-kbira mill-osservazzjonijiet li tqajmu matul l-eżaminar tal-Kummissjoni ġew solvuti matul il-proċess ta’ eżaminar u fl-2018 ma kinux jirrikjedu li l-Istati Membri jikkoreġu l-istimi.

38

Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara l-Kaxxa 1) tippreżenta livell inerenti ta’ inċertezza. L-Istati Membri rrappurtaw żieda fl-użu ta’ metodoloġiji aktar preċiżi (“livell ogħla”) biex jistmaw is-sorsi tagħhom ta’ emissjonijiet l-aktar sinifikanti. B’mod ġenerali, l-inċertezza tal-inventarju aggregat tal-UE naqset minn 6.2 % fl-2016 għal 5.8 % fl-2018. Il-UNFCCC osservat ukoll il-progress tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-inventarju tal-UE li tqajmu fir-rapporti analitiċi preċedenti tagħha.

39

Il-Kummissjoni (DĠ CLIMA) u l-EEA ħadu diversi miżuri biex itejbu l-kwalità tal-inventarji tal-Istati Membri:

  1. organizzaw regolarment laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma u seminars għall-bini tal-kapaċitajiet ma’ Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni u mal-Istati Membri biex jappoġġaw il-proċess ta’ eżaminar u jgħinu lill-Istati Membri biex itejbu d-data tagħhom;
  2. organizzaw għadd ta’ żjarat għall-bini tal-kapaċitajiet fl-Istati Membri interessati28;
  3. fasslu dokumenti ta’ gwida, u ħeġġew il-kondiviżjoni tal-għarfien dwar kwistjonijiet metodoloġiċi speċifiċi;
  4. stabbilew sistema għall-eżaminar u għat-titjib tal-inventarju aggregat tal-UE, bl-għajnuna tal-esperti mill-Istati Membri u ta’ esperti oħra.
40

Is-sitt Stati Membri li stħarriġna wieġbu li l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-gwida kienu utli, u li l-eżaminar u l-gwida assoċjata tal-UE kienu kkontribwew għat-titjib tal-inventarji tagħhom. Huma identifikaw ukoll oqsma fejn kienu jqisu li kienet meħtieġa gwida addizzjonali (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Appoġġ għal gwida u informazzjoni addizzjonali

Ċerti Stati Membri ddikjaraw li gwida u informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni jkunu utli f’wieħed jew aktar mill-oqsma li ġejjin:

  1. il-kontabbiltà għat-tnixxijiet tal-gass f’territorji internazzjonali, billi jiġu applikati metodi mtejba fir-rigward tat-trasport tal-gass permezz ta’ gassdotti;
  2. l-iżvilupp ta’ metodi għall-emissjonijiet relatati ma’ installazzjonijiet tal-bijomassa li jużaw id-demel, u għal dawk relatati mal-kombustjoni tal-fjuwils likwidi;
  3. it-titjib tad-data statistika dwar it-tibdil fl-użu tal-art;
  4. it-titjib tal-informazzjoni xjentifika dwar il-karbonju maħżun fil-ħamrija;
  5. it-titjib tal-kumparabbiltà tad-databases tal-gassijiet fluworurati.

Jeħtieġ li l-UE jkollha għarfien aħjar dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-ġejjieni

41

Aħna eżaminajna l-operat u r-riżultati tal-eżaminar tal-kwalità, imwettaq mill-Kummissjoni, tal-projezzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-ġejjieni. Aħna vvalutajna wkoll il-punt sa fejn id-data dwar l-emissjonijiet irrappurtati hija inkluża fil-miri għall-2020 u għall-2030 għall-UE kollha. Barra minn hekk, aħna eżaminajna x-xogħol tal-Kummissjoni fuq l-istrateġiji, il-politiki u l-miżuri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Il-Kummissjoni u l-EEA jgħinu lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tal-projezzjonijiet tagħhom

42

Il-projezzjonijiet huma parti importanti mill-valutazzjoni tal-progress u miċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-politika. Huma jistgħu jindikaw il-ħtieġa ta’ politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali sabiex tintlaħaq il-mira intenzjonata ta’ tnaqqis (ara l-paragrafu 10). L-Istati Membri u l-UE jistabbilixxu l-projezzjonijiet tagħhom billi jużaw għodod ta’ mmudellar, ibbażati fuq suppożizzjonijiet u parametri, li jinkludu fost l-oħrajn l-effetti tal-politiki u l-miżuri kollha tagħhom dwar l-emissjonijiet (eż. inklużi l-politiki marbuta mal-iżvilupp tal-infrastruttura u t-trasport).

43

Il-Kummissjoni, bl-assistenza tal-EEA, teżamina u tiġbor flimkien il-projezzjonijiet tal-Istati Membri biex tagħti l-projezzjonijiet aggregati tal-UE. Aħna vverifikajna t-tfassil u l-operat tas-sistema għall-eżaminar tal-kwalità biex niżguraw li l-projezzjonijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti internazzjonali, u jittejbu matul iż-żmien.

44

Fis-sitt Stati Membri tal-kampjun tagħna, l-eżaminar tal-projezzjonijiet nazzjonali, imwettaq mill-Kummissjoni, indirizza l-prinċipji kollha ta’ kwalità identifikati fil-linji gwida tal-UNFCCC. B’mod ġenerali, l-eżaminaturi rrappurtaw dwar dawn il-kriterji b’mod ċar u kkomunikaw is-sejbiet tagħhom lill-Istati Membri b’mod trasparenti, billi kkunsidraw is-sejbiet tal-eżaminar li l-Kummissjoni wettqet preċedentement.

45

Ir-riżultati tal-eżaminar imwettaq mill-Kummissjoni għas-sitt Stati Membri inklużi fil-kampjun tagħna wrew li Stat Membru wieħed biss kien jeħtieġ jagħmel korrezzjoni ġenerali tal-iżbalji fl-2017, meta mqabbel ma’ ħamsa fl-2015. Il-kontrolli tal-Kummissjoni kienu aktar komprensivi fl-2017 minn dawk li saru fl-2015, u l-għadd ta’ sejbiet li rriżultaw matul it-twettiq tal-eżaminar naqas b’mod marġinali matul l-istess perjodu (ara l-Figura 4). Fl-eżaminar tagħha tal-komunikazzjonijiet nazzjonali u tar-rapporti biennali, il-UNFCCC għamlet inqas rakkomandazzjonijiet dwar il-projezzjonijiet tal-Istati Membri fl-2017 milli kienet għamlet fl-2015, u dan jindika li dawn kienu ttejbu.

Figura 4

Titjib fil-projezzjonijiet għas-sitt Stati Membri fil-kampjun tagħna

Sors: Ir-riżultati tal-eżaminar imwettaq mill-Kummissjoni, kif ikkomunikati lill-Istati Membri.

46

Fir-risposti li taw għall-kwestjonarju tagħna, ħames Stati Membri minn sitta ddikjaraw li huma kienu jqisu li l-gwida u l-assistenza pprovduti mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (ara l-Kaxxa 5) fil-fatt kienu ffaċilitaw it-titjib fil-projezzjonijiet nazzjonali.

Kaxxa 5

Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri apprezzaw il-gwida tal-Kummissjoni dwar il-projezzjonijiet

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liema metodi, għodod ta’ mmudellar, suppożizzjonijiet u parametri għandhom jużaw għall-kompilazzjoni tal-projezzjonijiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, approċċi komuni huma utli biex jiżguraw livell ogħla ta’ konsistenza meta l-projezzjonijiet jiġu aggregati fil-livell tal-UE. Kull sentejn, il-Kummissjoni tiżviluppa sett ta’ parametri armonizzati. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw dawn il-parametri u l-valuri tagħhom. Mit-28 Stat Membru, 10 użawhom kollha.

Ħames Stati Membri minn sitta li kienu fil-kampjun tagħna kienu jqisu li l-gwida tal-UE kienet utli u suffiċjenti. Madankollu, fl-opinjoni tagħhom, għodda ta’ mmudellar tal-UE tipprovdi valur miżjud u ttejjeb aktar il-projezzjonijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni diġà qed tittestja għodda ta’ mmudellar ġdida msejħa POTEnCIA. Hija qed tippjana li l-Istati Membri jkollhom aċċess miftuħ għal din l-għodda.

Il-Kummissjoni ma vvalutatx ir-riskju ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mix-xenarju ta’ referenza tal-UE

47

Il-projezzjonijiet tal-UE jaggregaw il-projezzjonijiet tal-Istati Membri (s-suppożizzjonijiet ta’ kull Stat Membru). Il-Kummissjoni tipproduċi wkoll projezzjonijiet separati, li huma bbażati fuq is-suppożizzjonijiet proprji tagħha29, rigward l-evoluzzjoni tas-sistemi tal-enerġija u tat-trasport tal-UE, u l-impatt tagħhom fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dawn jinkludu taqsimiet speċifiċi dwar ix-xejriet tal-emissjonijiet li mhumiex relatati mal-enerġija, kif ukoll dwar id-diversi interazzjonijiet fost il-politiki f’dawn is-setturi. Il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni jiffurmaw ix-xenarju ta’ referenza tal-UE. Il-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali tal-UE fuq il-bażi tax-xenarju ta’ referenza tal-UE u tal-objettivi relatati mat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

48

Il-Kummissjoni tipproduċi x-xenarju ta’ referenza tal-UE30 għall-ġejjieni, bis-suppożizzjoni li jiġu infurzati bis-sħiħ il-politiki u l-miżuri attwali ta’ mitigazzjoni, u li jinkiseb it-tnaqqis fl-emissjonijiet propost minn dawn il-miżuri. L-informazzjoni rrappurtata mill-Kummissjoni lill-UNFCCC tindika li l-projezzjonijiet aggregati tal-Istati Membri wara l-2023 juru li t-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa ħafna inqas minn dak previst mix-xenarju ta’ referenza li l-Kummissjoni stabbiliet fl-2016 għall-istess perjodu (ara l-Figura 5).

Figura 5

Il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni fix-Xenarju ta’ Referenza tal-UE għall-2016 ivarjaw mill-projezzjonijiet aggregati tal-Istati Membri fuq terminu medju

Sors: Is-Seba’ Komunikazzjoni Nazzjonali u t-Tielet Rapport Biennali tal-Unjoni Ewropea li ġew ippreżentati (fl-2017) lill-UNFCCC.

49

Fl-2007, l-UE qablet dwar il-miri attwali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha sal-2020 u laħqet dawn il-miri fl-2014. Aħna diġà rrappurtajna31 li l-miri għall-2030 u għall-2050 mhux se jintlaħqu jekk ma jsirux sforzi addizzjonali sinifikanti (ara wkoll il-Figura 1).

50

Wara l-2023, jekk il-projezzjonijiet aggregati tal-UE jiġu materjalizzati, il-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-UE jeħtieġ li jkunu aktar stretti minn dawk proposti attwalment fuq il-bażi tax-xenarju ta’ referenza. Il-UNFCCC tirrakkomanda l-użu ta’ analiżi tas-sensittività għall-projezzjonijiet32. Il-Kummissjoni tagħmel dawn l-analiżijiet meta tiżviluppa politiki ġodda. Madankollu, il-Kummissjoni ma vvalutatx ir-riskju ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mix-xenarju ta’ referenza tal-UE.

Il-miri tal-UE rigward l-emissjonijiet għall-2020 ikopru l-biċċa l-kbira mis-setturi li għalihom hemm data disponibbli

51

L-UE stabbiliet miri li permezz tagħhom timmonitorja t-tnaqqis fl-emissjonijiet (ara l-paragrafu 07). Il-Figura 6 hawn taħt tippreżenta d-data rrappurtata mill-UE fl-inventarju tagħha, maqsuma f’żewġ gruppi: l-emissjonijiet inklużi fil-miri tal-UE għall-2020 u dawk li huma esklużi minnhom.

Figura 6

Emissjonijiet li huma inklużi fil-miri tal-UE għall-2020 u dawk li huma esklużi minnhom

Sors: L-inventarju aggregat tal-UE kif irrappurtat lill-UNFCCC fl-2018 (emissjonijiet tal-2017).

52

Il-miri tal-UE għall-2020 huma konformi mal-impenji tal-Protokoll ta’ Kjoto u jinkludu l-biċċa l-kbira mis-setturi ewlenin irrappurtati: l-enerġija, il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti, l-agrikoltura u l-iskart. Barra minn hekk, il-miri tal-UE jinkludu l-avjazzjoni internazzjonali (it-titjiriet kollha li jitilqu), li hija entrata ta’ memorandum taħt ir-regoli ta’ rappurtar tal-UNFCCC u għalhekk ma tagħmilx parti mill-impenji tal-Protokoll ta’ Kjoto. Dan is-settur kien responsabbli għal 3.55 % tal-emissjonijiet tal-UE fl-2017. L-UE inkludiet dan is-settur fil-miri globali tagħha ta’ tnaqqis. Dawn l-emissjonijiet huma rilevanti, billi l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tipprevedi li, sal-2040, dawn jistgħu jiżdiedu bi 300 % fil-livell globali meta mqabbla mal-livelli tal-200533.

53

L-UE għandha regoli għall-monitoraġġ u għar-rappurtar tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu, bl-għan li jikkomplementaw id-data tal-inventarji (ara l-paragrafu 11(d)). Attwalment, it-trasport marittimu internazzjonali ma jagħmilx parti mill-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, iżda l-Kummissjoni kkollaborat mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, aġenzija tan-NU responsabbli għar-regolamentazzjoni tat-trasport marittimu, li adottat impenn internazzjonali li tnaqqas l-emissjonijiet b’mill-inqas 50 % sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-2008. Bħala membri tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, jeħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ dan l-impenn.

54

Fl-201134, il-Kummissjoni pproponiet it-tnaqqis tal-emissjonijiet minn dan is-settur sal-2050. Fl-2018, il-bastimenti li jidħlu f’portijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea35 bdew jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet tagħhom, iżda ma jeżistux miri intermedji tal-UE jew miżuri ta’ tnaqqis għat-trasport marittimu internazzjonali. L-emissjonijiet mit-trasport marittimu internazzjonali, indikati taħt ir-regoli ta’ rappurtar tal-UNFCCC bħala entrata ta’ memorandum, irrappreżentaw 3.25 % tal-emissjonijiet tal-UE fl-2017. Dawn huma rilevanti minħabba li l-emissjonijiet mill-bastimenti li jaslu fil-portijiet tal-UE jirrappreżentaw parti sinifikanti mill-emissjonijiet globali mit-trasport marittimu36. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tistma li l-emissjonijiet globali mit-trasport marittimu jistgħu jiżdiedu bejn 50 % u 250 % sal-205037.

55

Il-miri tal-UE għall-2020 ma inkludew ebda impenn għas-settur tal-LULUCF. Fil-miri tagħha għall-203038, l-UE introduċiet ir-rekwiżit li l-Istati Membri ma jista’ jkollhom ebda żieda fl-emissjonijiet minn dan is-settur meta mqabbel ma’ xenarju bażi (magħruf bħala r-“regola ebda debitu”. Fejn tiġi rreġistrata żieda fl-emissjonijiet minn xi Stat Membru, jenħtieġ li din tiġi kkumpensata kompletament (bl-assorbiment ekwivalenti ta’ CO2 mill-atmosfera permezz ta’ azzjoni f’dan is-settur, jew bit-tnaqqis tal-volum taż-żieda mill-allokazzjonijiet nazzjonali ta’ emissjonijiet annwali skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (UE) 2018/842.

Il-Kummissjoni żviluppat pjanijiet direzzjonali settorjali li jkopru kważi 70 % tal-emissjonijiet

56

Strateġiji u pjanijiet direzzjonali fit-tul li jkunu stabbli huma kruċjali biex jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni ekonomika, l-impjiegi, it-tkabbir, u biex jintlaħqu għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli usa’, kif ukoll biex issir il-bidla, b’mod ġust u kosteffettiv, lejn l-għan fit-tul stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Pariġi (ara l-paragrafu 12)39.

57

Il-Protokoll ta’ Kjoto jirrikjedi li l-partijiet jirrappurtaw dwar l-istrateġiji ta’ żvilupp b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju fit-tul tagħhom40. Fl-2011, il-Kummissjoni ppreżentat pjan direzzjonali tal-UE lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-205041, li jistabbilixxi l-azzjonijiet potenzjali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u li jkopri s-setturi kollha. Il-Kummissjoni żviluppat dan il-pjan skont l-aħjar xenarju tal-istrateġija globali tal-UE għall-205042. Fuq talba tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew, u kif previst mill-Ftehim ta’ Pariġi, fi tmiem l-2018, il-Kummissjoni ppreżentat viżjoni strateġika fit-tul biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-205043. Dan l-aġġornament jinkludi l-analiżi ta’ tmien perkorsi potenzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet jew tinkiseb newtralità klimatika sal-2050.

58

Il-Kummissjoni żviluppat ukoll bosta pjanijiet direzzjonali għall-iżvilupp ta’ setturi li jirrappreżentaw kważi 70 % tal-emissjonijiet, bħalma huma dawk tat-trasport44 u tal-enerġija45. Dawn il-pjanijiet direzzjonali jiddefinixxu l-objettivi fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn is-setturi, skont l-impenji klimatiċi tal-UE għall-2050, u jistabbilixxu direzzjoni għall-politiki u l-miżuri settorjali fuq terminu iqsar. Madankollu, ma hemmx pjanijiet direzzjonali speċifiċi bħal dawn għal setturi ewlenin oħra bħall-agrikoltura u l-LULUCF (ara l-Kaxxa 6 hawn taħt).

Kaxxa 6

L-UE ma għandhiex pjanijiet direzzjonali fit-tul għal xi setturi ewlenin

Għall-agrikoltura, li hija parti ewlenija mill-baġit tal-UE, il-Kummissjoni ma għandhiex viżjoni fit-tul sal-2050. Il-Politika Agrikola Komuni tal-UE hija ddefinita fuq ċiklu ta’ seba’ snin. Il-qafas ta’ politika attwali jkopri l-perjodu mill-2014 sal-2020, u dak li jmiss mill-2021 sal-2027. Wieħed mill-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni huwa li tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika, iżda hija ma tinkludi ebda impenn speċifiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

L-istrateġija attwali tal-UE għall-foresti wkoll tapplika mill-2013 sal-2020: perjodu relattivament qasir. Il-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx aġġornament ta’ din l-istrateġija. Strateġija kemm fuq terminu medju kif ukoll fuq terminu twil tkun pass ieħor rilevanti, b’mod partikolari fid-dawl tal-inklużjoni tas-settur tal-LULUCF fil-miri għall-2030.

Ir-rappurtar dwar il-politiki u l-miżuri tal-UE mhuwiex komplet

59

Skont l-Artikolu 2(3) tal-Protokoll ta’ Kjoto, jenħtieġ li l-pajjiżi jirsistu biex jimplimentaw politiki u miżuri li jimminimizzaw l-effetti fuq il-klima. Il-linji gwida tal-UNFCCC jirrikjedu li kull sentejn il-pajjiżi jirrappurtaw informazzjoni dwar l-impatti stmati tal-politiki u tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tagħhom.

60

Ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu stabbilew sistema ta’ aċċertament tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġi żgurat li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jirrappurtaw l-informazzjoni mitluba mil-linji gwida tal-UNFCCC dwar il-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li r-rappurtar ikun jinkludi data dwar l-effetti stmati, kemm ex ante kif ukoll ex post, tal-politiki u l-miżuri (ara l-paragrafu 09). Din l-informazzjoni hija rilevanti għall-monitoraġġ tal-effettività tal-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni. L-informazzjoni dwar l-effetti tal-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni hija rilevanti wkoll għall-projezzjonijiet (ara l-paragrafu 42).

61

L-eżaminaturi tal-Kummissjoni vverifikaw il-kwalità tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri dwar il-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tagħhom fl-2015 u fl-2017 (is-snin li fihom il-preżentazzjoni tal-informazzjoni kienet obbligatorja). L-eżaminar irriżulta f’inqas sejbiet relatati mal-politiki u l-miżuri tal-Istati Membri fl-2017 (416-il sejba) meta mqabbel mal-2015 (714-il sejba).

62

L-eżaminar tal-Kummissjoni identifika li l-Istati Membri f’xi każijiet irrappurtaw ftit informazzjoni dwar l-effetti stmati (ex ante jew ex post) tal-politiki u l-miżuri nazzjonali ta’ mitigazzjoni fuq l-emissjonijiet (ara l-Figura 7).

Figura 7

L-Istati Membri ma rrappurtawx dwar l-effetti ta’ ċerti politiki u miżuri (PaMs)

Sors: Viżwal tad-data tal-EEA dwar il-politiki u l-miżuri.

63

Bħala parti mill-proċess tat-tfassil tal-politiki tagħha, l-UE jeħtieġ li tivvaluta, kemm ex ante kif ukoll ex post, kull impatt ambjentali u klimatiku sinifikanti tal-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni stmat dawn l-effetti ex ante (fil-mument tal-valutazzjoni tal-impatt) għal madwar żewġ terzi tal-politiki u tal-miżuri tal-UE għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima elenkati fil-komunikazzjoni nazzjonali u fir-rapport biennali tal-UE għall-UNFCCC tal-2017. Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post ta’ dawn l-effetti għal madwar tnejn minn ħamsa tal-politiki u l-miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, li għalihom, fil-mument tal-evalwazzjoni tagħhom, kien għadda żmien suffiċjenti biex din tkun tista’ ssir.

64

Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent jirrakkomanda wkoll li jintużaw indikaturi klimatiċi ex ante u ex post46. L-indikaturi relatati mal-klima jistgħu jirreferu għat-tnaqqis ikkwantifikat fl-emissjonijiet miksub mill-politiki u l-miżuri. L-indikaturi huma għodod utli biex jinfurmaw it-tfassil tal-politiki u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, u biex ikejlu l-progress lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu, fl-2014, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent issenjalat li kien għad hemm il-ħtieġa għal tali indikaturi47. Matul l-awditu tagħna, aħna sibna li s-sitwazzjoni għadha l-istess48.

65

Fil-komunikazzjonijiet nazzjonali u fir-rapporti biennali tal-UE tal-2015 u tal-2017, il-Kummissjoni rrappurtat lill-UNFCCC lista ta’ politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni u informazzjoni dwar l-effetti tagħhom, inklużi stimi tal-impatt kumulattiv tal-politiki u l-miżuri tal-UE fuq l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-immudellar. L-eżaminar imwettaq mill-UNFCCC fuq il-komunikazzjonijiet nazzjonali u r-rapporti biennali tal-UE, jindika li l-Kummissjoni rrappurtat l-impatti kkwantifikati għal xi wħud mill-politiki u l-miżuri individwali tal-UE kkomunikati lill-UNFCCC (ara t-Tabella 1). Aħna nosservaw li, fl-2017, ir-rapporti analitiċi tal-UNFCCC indikaw li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet stima tal-impatti għal inqas politiki u miżuri milli pprovdiet fl-2015.

Tabella 1

Riżultati tal-eżaminar imwettaq mill-UNFCCC dwar ir-rappurtar, min-naħa tal-UE, tal-effetti stmati tal-politiki u l-miżuri settorjali tagħha

* MS = mhux stmati

Sors: Ir-rapporti analitiċi tas-Segretarjat tal-UNFCCC dwar il-komunikazzjonijiet nazzjonali u r-rapporti biennali tal-UE li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2015 u fl-2017.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

66

Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna kienet “Il-Kummissjoni tivverifika b’mod xieraq l-inventarju tal-gassijiet serra tal-UE u l-informazzjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni?” Aħna sibna li d-data dwar l-emissjonijiet tal-UE tiġi rrappurtata b’mod xieraq, iżda li l-Kummissjoni jeħtieġ li jkollha għarfien aħjar dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-ġejjieni.

67

L-inventarji tal-gassijiet serra tal-Istati Membri, li jiġu aggregati biex jiġi stabbilit inventarju tal-UE, jirrappurtaw l-istimi tal-emissjonijiet dwar il-gassijiet, is-sorsi u l-bjar kollha ddefiniti fl-impenji tal-Protokoll ta’ Kjoto u fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ. L-inventarji aggregati tal-UE kienu jinkludu entrati ta’ memorandum. Meqjusa fl-intier tagħhom, ir-regoli tal-UE u r-rappurtar tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill jissodisfaw u jaqbżu r-rekwiżiti tar-regoli internazzjonali (il-paragrafi 23 sa 27).

68

Il-Kummissjoni, bl-assistenza tal-EEA, tanalizza l-inventarji tal-Istati Membri billi tindirizza s-setturi prinċipali u l-kategoriji ewlenin, u tuża kontrolli awtomatizzati kkorroborati minn ġudizzju espert. L-eżaminaturi jivverifikaw il-parametri użati għall-istimi ma’ sorsi ta’ informazzjoni esterni. Madankollu, għas-settur tal-LULUCF, l-eżaminaturi ma jwettqux l-istess tipi ta’ kontrolli bħal fil-każ ta’ setturi oħra.

69

Is-settur tal-LULUCF huwa partikolarment rilevanti u fl-2018 ġie inkorporat fil-miri tal-UE għall-2030. L-inventarju aggregat tal-UE jindika li dan huwa bir nett ta’ karbonju fl-UE, madankollu, l-inċertezza statistika rigward id-data hija għolja (il-paragrafi 28 sa 34).

70

Il-kwalità tal-inventarji tjiebet matul iż-żmien. Għall-kampjun tagħna ta’ Stati Membri, il-biċċa l-kbira mill-osservazzjonijiet li tqajmu matul l-eżaminar tal-Kummissjoni ġew solvuti matul il-proċess ta’ eżaminar u, fl-2018, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Istati Membri biex jikkoreġu l-istimi. Il-livell kumplessiv ta’ inċertezza għal dak li jirrigwarda l-inventarju aggregat tal-UE naqas fil-perjodu 2016-2018 (il-paragrafi 35 sa 40).

Rakkomandazzjoni 1 – Isir titjib fil-proċess ta’ eżaminar tal-Kummissjoni għas-settur tal-LULUCF

Jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna l-linji gwida tagħha għall-eżaminar tal-inventarji biex issaħħaħ il-kontrolli fis-settur tal-LULUCF u tallinjahom ma’ dawk li jitwettqu f’setturi oħra.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2022.

71

Il-Kummissjoni u l-EEA jivverifikaw ukoll il-kwalità tal-projezzjonijiet tal-Istati Membri. L-eżaminar identifika inqas problemi fl-2017 meta mqabbel mal-2015, u dan jindika titjib fil-projezzjonijiet nazzjonali. Sal-lum, il-projezzjonijiet aggregati tal-UE huma bbażati fuq mudelli u suppożizzjonijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli għodda ta’ mmudellar biex tarmonizza l-proċess għall-Istati Membri interessati (il-paragrafi 42 sa 46).

72

Il-Kummissjoni tipproduċi xenarju ta’ referenza tal-UE separat ibbażat fuq is-suppożizzjonijiet proprji tagħha. Il-Kummissjoni twettaq analiżijiet tas-sensittività meta tiżviluppa politiki ġodda. Madankollu, hija ma vvalutatx ir-riskju ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mix-xenarju ta’ referenza tal-UE (il-paragrafi 47 sa 50).

73

Il-Kummissjoni tuża d-data mis-sorsi prinċipali tal-emissjonijiet biex tivvaluta l-progress lejn il-miri tat-tnaqqis. Il-mira għall-2020 stabbilita fil-livell tal-UE ma kinitx tinkludi l-emissjonijiet u l-assorbimenti mil-LULUCF, kif ukoll l-emissjonijiet mit-trasport marittimu internazzjonali (iżda kienet tinkludi dawk mill-avjazzjoni internazzjonali). L-ambitu tal-mira tal-UE għall-2030 ġie estiż għas-settur tal-LULUCF, iżda mhux għat-trasport marittimu internazzjonali. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali impenjat lilha nfisha li tnaqqas bin-nofs l-emissjonijiet sal-2050. Madankollu, ma hemmx miri intermedji jew miżuri ta’ tnaqqis tal-UE għal dan is-settur. Il-bastimenti li jidħlu f’portijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea jirrappreżentaw 27 % tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu internazzjonali. Studji jipprevedu li dawn l-emissjonijiet se jiżdiedu b’mod sinifikanti (il-paragrafi 51 sa 55).

74

Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar il-kisba ta’ newtralità klimatika sal-2050, li tkopri s-setturi kollha. Hija adottat pjanijiet direzzjonali settorjali fit-tul li jkopru kważi 70 % tal-emissjonijiet irrappurtati. Dawn il-pjanijiet direzzjonali speċifiċi jiddefinixxu l-objettivi fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn is-setturi, skont l-impenji klimatiċi tal-UE għall-2050, u jistabbilixxu direzzjoni għall-politiki u l-miżuri settorjali fuq terminu iqsar. Madankollu, hija ma pproponietx pjanijiet direzzjonali speċifiċi għal ċerti setturi ewlenin bħalma huma dawk tal-agrikoltura u tal-LULUCF (il-paragrafi 56 sa 58).

75

Il-Kummissjoni ma rrappurtatx stimi għall-impatti ta’ ċerti politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni fuq l-emissjonijiet. B’riżultat ta’ dan, ir-rapporti mibgħuta lill-UNFCCC ma jippreżentawx stampa kompleta tal-kontribut tal-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-UE u dawk nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet intenzjonat għall-2020, l-2030 u l-2050 (il-paragrafi 59 sa 65).

Rakkomandazzjoni 2 – Isir titjib fil-qafas għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-qafas għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-ġejjieni billi:

  1. tivvaluta jekk għandhomx jiġu introdotti miżuri u objettivi intermedji fil-livell tal-UE għat-trasport marittimu internazzjonali f’konformità mal-impenn globali li sal-2050 jinkiseb tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % fl-emissjonijiet f’dan is-settur.
  2. tiżgura li l-pjanijiet strateġiċi għall-agrikoltura u għal-LULUCF jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis sal-2050, u tivverifika li l-Istati Membri jistabbilixxu politiki u miżuri xierqa għal dawn is-setturi skont l-istrateġiji fuq terminu twil tagħhom.
  3. tivvaluta u tirrapporta lill-UNFCCC l-impatti ta’ politiki u miżuri ewlenin tal-UE fuq l-emissjonijiet, bħall-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, ir-Regolamenti dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq, u setturi oħra koperti mid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2023.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos MILIONIS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Settembru 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Anness – Informazzjoni dwar il-gassijiet serra

Figura A

L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra prinċipali naqsu b’mod ġenerali mill-1990 ’il hawn

Sors: L-inventarju aggregat tal-UE rrappurtat lill-UNFCCC fl-2019 (data għall-perjodu 1990-2017).

Figura B

Emissjonijiet fl-2017 ta’ gassijiet serra skont it-tip ta’ gass f’ekwivalenti CO2

Sors: Id-data dwar l-emissjonijiet mill-inventarju aggregat tal-UE rrappurtat lill-UNFCCC fl-2019.

Figura C

Il-biċċa l-kbira mill-gassijiet serra jiġu mmonitorjati u rrappurtati

Nota: Il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu huwa l-ftehim ambjentali multilaterali l-aktar importanti li jirregola l-produzzjoni u l-konsum ta’ kważi 100 sustanza kimika magħmulin mill-bniedem imsemmija bħala sustanzi li jnaqqsu l-ożonu (Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent).

Sors: Leġiżlazzjoni tal-UE u trattati internazzjonali.

Figura D

Regoli internazzjonali u regoli tal-UE dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

Aloni: Komposti tal-karbonju bil-bromu u aloġeni oħra

CFCs: Klorofluworokarburi

CH4: Metan

CO2: Diossidu tal-karbonju

DĠ CLIMA: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Azzjoni Klimatika

EEA: Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

ETS: Skema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet

HCFCs: Idroklorofluworokarburi

HFCs: Idrofluworokarburi

HFEs: Eteri u alkoħol fluworurati

IPCC: Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima

JRC: Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea

LULUCF: Użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija

N2O: Ossidu nitruż

NF3: Trifluworur tan-nitroġenu

PaMs: Politiki u miżuri

PFCs: Perfluworokarburi

SF6: Eżafluworur tal-kubrit

UNFCCC: Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

Glossarju

Analiżi tas-sensittività: Analiżi tal-impatt tal-parametri u tas-suppożizzjonijiet użati, fuq l-eżitu tal-projezzjoni.

Bir ta’ karbonju: kwalunkwe proċess, attività jew mekkaniżmu li jelimina gass serra, aerosol jew prekursur ta’ gass serra mill-atmosfera. B’mod partikolari l-foresti, il-ħamrija u l-oċeani, jassorbu u jaħżnu s-CO2 mill-atmosfera, jiġifieri huma bjar ta’ karbonju.

Gassijiet serra: Il-gassijiet serra huma emissjonijiet ta’ gassijiet u ta’ kostitwenti gassużi oħra tal-atmosfera, kemm naturali kif ukoll antropoġeniċi, li jassorbu u jerġgħu jemettu radjazzjoni infraħamra.

Inventarji tal-gassijiet serra: L-inventarji tal-gassijiet serra huma l-istimi rreġistrati tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-passat, akkumpanjati b’informazzjoni deskrittiva dwar il-kompilazzjoni u l-aċċertament tal-kwalità tagħhom.

Komunikazzjoni nazzjonali u rapport biennali: Ir-rapport li jintbagħat lis-segretarjat tal-UNFCCC, li jagħti informazzjoni dettaljata dwar l-inventarji, il-projezzjonijiet, il-politiki u l-miżuri.

Kontroll u aċċertament tal-kwalità tal-UE (eżaminar tal-Kummissjoni): sistema ppjanata ta’ proċeduri ta’ eżaminar, li tiżgura li d-data rrappurtata tkun tissodisfa ċerti kriterji ta’ kwalità u tirrappreżenta l-aqwa stimi possibbli. Il-proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità huma interni (mill-Kummissjoni għall-inventarju aggregat tal-UE), filwaqt li l-eżaminar tal-aċċertament tal-kwalità jitwettaq minn eżaminatur estern (mill-Kummissjoni għall-inventarji tal-Istati Membri).

LULUCF: Is-settur tal-inventarju tal-gassijiet serra li jkopri l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw minn attivitajiet diretti ta’ użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, ikkawżati mill-bniedem.

Miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet: Objettivi biex l-emissjonijiet jitnaqqsu b’ċertu ammont u sa ċerta data (eż. b’20 % sal-2020).

Politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni: Il-politiki u l-miżuri huma azzjonijiet stabbiliti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u b’hekk jimmitigaw it-tibdil fil-klima.

Projezzjonijiet tal-gassijiet serra: Il-projezzjonijiet jirrappreżentaw stimi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-ġejjieni, akkumpanjati b’informazzjoni deskrittiva dwar il-kompilazzjoni u l-aċċertament tal-kwalità tagħhom.

Skema għan-negozjar ta’ emissjonijiet: sistema internazzjonali għan-negozjar ta’ emissjonijiet stabbilita fl-Unjoni Ewropea. Hija għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet billi tistabbilixxi limitu massimu fuq l-ammont totali ta’ ċerti gassijiet serra li jistgħu jiġu emessi mill-installazzjonijiet koperti mis-sistema. Il-limitu massimu jitnaqqas maż-żmien sabiex jonqsu l-emissjonijiet totali.

Stima ex ante u ex post tal-impatti tal-politiki u l-miżuri fuq il-klima: Jeħtieġ li l-UE tevalwa l-impatti tal-politiki u l-miżuri tagħha, inklużi l-impatti klimatiċi (effetti), qabel ma tadottahom (ex ante) u wara l-implimentazzjoni (ex post).

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

II

Il-Kummissjoni taqbel li t-titjib ulterjuri tad-dixxerniment rigward it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-futur huwa ta’ importanza u tkompli b’dawn l-isforzi tagħha. Il-Kummissjoni tagħti attenzjoni kbir għal dan il-kompitu u tinsab involuta fi djalogu kontinwu mal-Istati Membri biex ittejjeb aktar il-kapaċità ta’ projezzjoni tal-emissjonijiet fil-futur u l-impatt tal-politiki.

Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tibqa’ ttejjeb il-kwalità tal-inventarju tal-gassijiet b'effett ta’ serra tal-UE.

IV

Bħala xenarju bażi għall-valutazzjoni tal-politiki tal-futur fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tapplika x-xenarju ta’ referenza tal-UE, bl-integrazzjoni tal-politiki eżistenti. Il-Kummissjoni, hi u tiżviluppa politiki ġodda, qed tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-projezzjonijiet, inklużi l-analiżi tas-sensittività, u suppożizzjonijiet alternattivi fil-projezzjonijiet użati għall-valutazzjoni ta’ dawn il-proposti ta’ politika, sabiex tara x’impatt għandhom fuq il-kisba tal-objettiv ikkunsidrat f’dik il-politika.

VI

Fl-2011, il-Kummissjoni żviluppat pjan direzzjonali għall-ekonomija kollha li kien jinkludi s-setturi kollha, kif ukoll pjanijiet direzzjonali settorjali speċifiċi separati għat-trasport u l-enerġija.

Il-Komunikazzjoni aktar riċenti dwar “Pjaneta Nadifa għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u
newtrali għall-klima”, adottata fl-2018, tkopri s-setturi kollha inkluża l-agrikoltura; l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF); l-enerġija u t-trasport.

VII

Il-Kummissjoni taqbel li valutazzjoni regolari u adegwata tal-effetti tal-miżuri u tal-politiki tal-Istati Membri u tal-UE fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra hija importanti għall-evalwazzjoni tal-progress u tal-effettività tagħhom. Filwaqt li hemm partikolaritajiet tal-politiki tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri li joħolqu diffikultajiet għat-tqabbil fl-Unjoni kollha, il-Kummissjoni se tibqa’ taħdem mal-Istati Membri fir-rigward tat-titjib tal-istimi tal-impatt tal-politiki u tal-miżuri fuq il-gassijiet b’effett ta’ serra.

VIII

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet u tagħmel riferiment għat-tweġibiet tagħha fit-taqsima “Konklużjoni u Rakkomandazzjonijiet” ta’ dan ir-rapport.

Osservazzjonijiet

25

Il-Kummissjoni tat bidu għal studju dwar l-effetti mhux tas-CO2 tal-avjazzjoni skont il-mandat previst mill-Artikolu 30(4) tad-Direttiva tal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS). L-objettiv huwa li jinxteħet dawl fuq l-aktar riċerka riċenti dwar dawn l-impatti u dwar azzjoni ta’ politika potenzjali biex dawn jitnaqqsu. Ir-riżultati huma mistennija matul l-ewwel nofs tal-2020.

30

L-esperti tar-rieżami jwettqu segwitu b’mod konsistenti għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) lill-Istati Membri skont l-informazzjoni rrapportata minnhom, kif stipulat fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ.

31

Ta’ min jinnota l-fatt li inċertezzi fl-istatistika bħal dawn mhumiex limitati għas-settur tal-inventarju tal-LULUCF. Pereżempju, l-inċertezzi huma kbar ukoll fis-setturi tal-agrikoltura u tal-iskart. Il-Kummissjoni tagħti segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-UNFCCC lill-Istati Membri, li jistgħu jaffettwaw l-inventarju aggregat tal-UE.

Il-kaxxa 2 - Rilevanza u rapportar tas-settur tal-LULUCF

L-Istati Membri diġà jirrapportaw individwalment dwar il-LULUCF skont il-Protokoll ta’ Kjoto u f’konformità ma’ Deċiżjoni tal-UE mill-2013.

Barra minn, ir-Regolament il-ġdid jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni mill-foresti għall-użi kollha tal-art, inklużi l-artijiet mistagħdra mill-2026.

Il-kaxxa 4 - Appoġġ għall-gwida u għall-informazzjoni addizzjonali

Il-Kummissjoni qed tgħin lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi tagħhom biex iwettqu monitoraġġ tal-emissjonijiet mill-użu tal-art u t-tibdil fl-użu tal-art, bħal minn bwar għal raba’, u jrażżnu dawn l-emissjonijiet.

Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll għodda speċifika ta’ kontroll, LUCAS (land use/cover area frame statistical survey - stħarriġ qafas statistiku tal-użu tal-art taż-żona koperta), bħala sors ta’ data fl-UE kollha dwar it-tibdil fl-użu tal-art u l-karbonju organiku fil-ħamrija.

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) bħalissa qed tiżviluppa rakkomandazzjonijiet dwar l-użu li għandu jsir data tal-gassijiet fluworurat b’effett ta’ serra (gassijiet F) irrapportata skont ir-Regolament tal-UE dwar il-gassijiet F, biex tkun ta’ kontribut għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet b’effett ta’ serra u għar-rapportar tal-UE tal-emissjonijiet tal-gassijiet F lill-UNFCCC.

L-UE għandha bżonn ta’ dixxerniment aħjar rigward it-tnaqqis fil-futur tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

47

Il-Kummissjoni tikkondividi s-suppożizzjonijiet tagħha tax-xenarju ta’ referenza tal-UE, tiddiskutihom b’mod komprensiv mal-Istati Membri fi proċess iterattiv, u tadattahom b’mod koerenti meta jkun hemm bżonn.

48

Ix-xenarju ta’ referenza jindika dak li l-politiki u l-miżuri eżistenti u l-leġiżlazzjoni tal-UE jistgħu jiksbu.

Il-projezzjonijiet aggregati tal-Istati Membri mhux dejjem jissodisfaw il-miri kollha għall-futur stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, u għalhekk jistgħu jindikaw li biex jintlaħqu tali miri se jkun hemm bżonn azzjonijiet addizzjonali fl-Istati Membri.

50

Bħala xenarju bażi għall-valutazzjoni tal-politiki tal-futur fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tapplika x-xenarju ta’ referenza tal-UE, bl-integrazzjoni tal-politiki eżistenti. Il-Kummissjoni, hi u tiżviluppa politiki ġodda, qed tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-projezzjonijiet, inklużi l-analiżi tas-sensittività u suppożizzjonijiet alternattivi fil-valutazzjoni ta’ dawn il-proposti ta’ politika, sabiex tara x’impatt għandhom fuq il-kisba tal-objettiv ikkunsidrat f’dik il-politika. Pereżempju, il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tinkludi analiżi tas-sensittività li tittratta l-Prodott Domestiku Gross (PDG) u l-Prezzijiet tal-Enerġija (ara t-Taqsima 2.4.4 ta’ SEC(2011) 1565/2). 

Meta tapplika dan l-approċċ għall-projezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni timxi mal-Linji Gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar.

53

Il-Kummissjoni ħadet impenn li tappoġġja l-implimentazzjoni f’qasir żmien tal-istrateġija inizjali rigward il-gassijiet b’effett ta’ serra adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

Il-kaxxa 6 - L-UE m’għandhiex pjanijiet direzzjonali fit-tul għal xi setturi ewlenin

Il-Komunikazzjoni dwar “Pjaneta Nadifa għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” , tkopri s-setturi kollha, inklużi l-LULUCF u l-agrikoltura.

62

Il-Kummissjoni u l-EEA qegħdin jappoġġjaw lill-Istati Membri biex itejbu r-rapportar tagħhom rigward l-effett ex ante u ex post tal-politiki nazzjonali ta’ mitigazzjoni billi jipprovdu gwida u metodoloġiji għall-ikkwantifikar tal-kostijiet u tal-effetti ta’ tali politiki. Il-Kummissjoni qed torganizza wkoll il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba għall-evalwazzjoni ex post fost l-Istati Membri.

63

Il-Kummissjoni taqbel li valutazzjoni regolari u adegwata ex ante u ex post tal-effetti tal-miżuri u tal-politiki tal-UE fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra hija importanti għall-evalwazzjoni tal-progress u tal-effettività tagħhom.

Biex jivvalutaw l-impatti tal-politiki ta’ mitigazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni u l-EEA jippubblikaw rapporti ta’ progress annwali rigward l-azzjoni klimatika li jivvalutaw il-progress tal-UE vis-à-vis il-miri tagħha għat-Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’dettalji rigward ix-xejriet tal-emissjonijiet fil-livell tal-UE kollha, tas-setturi u tal-Istati Membri.

Madankollu, minħabba l-kumplessità tas-sistema tat-tfassil tal-politika tal-UE u l-partikolaritajiet ta’ kull politika tal-UE, id-data aggregata għal kull politika tal-UE kif implimentata mill-Istati Membri, ta’ sikwit ma tkunx tista’ tinġabar b’mod siewi fil-livell tal-UE.

Hemm diversi raġunijiet għal din il-kumplessità. Il-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni fihom kwantifikazzjoni tal-impatti klimatiċi stmati għall-politiki li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Madankollu, ir-riżultati finali adottati fil-proċedura leġiżlattiva jaf ma jkunu jikkorrispondu għall-ebda opzjoni minn fost dawk inizjalment ivvalutati mill-Kummissjoni minħabba bidliet introdotti mill-koleġiżlaturi. Il-politiki varji jaf ukoll ikollhom impatti li jikkoinċidu. Barra minn hekk, xi politiki tal-UE jirrappreżentaw livell minimu ta’ ambizzjoni, li xi Stati Membri jistgħu jżiduh meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali.

65

Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, il-kwantifikazzjoni sħiħa tal-effetti tal-politiki jaf ma tkunx dejjem possibbli għall-evalwazzjoni u għar-rapportar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni rrapportat ukoll lill-UNFCCC dwar firxa wiesgħa ta’ politiki tal-UE li jnaqqsu l-impatt klimatiku sabiex turi l-kompletezza tal-azzjoni klimatika tal-UE.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

68

Il-Kummissjoni tat bidu għal diskussjonijiet mal-EEA dwar kif il-verifiki li jsiru fuq l-inventarju tas-settur LULUCF jistgħu jiġu integrati aħjar mal-istess verifiki li jsiru għas-setturi l-oħra (jiġifieri t-tieni stadju tal-proċess ta’ rieżami tal-UE).

Ir-Rakkomandazzjoni 1 – It-titjib tal-proċess ta’ rieżami tal-Kummissjoni għas-settur LULUCF

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tat bidu għal diskussjonijiet mal-EEA dwar kif il-verifiki li jsiru fuq l-inventarju tas-settur LULUCF jistgħu jiġu integrati aħjar mal-istess verifiki li jsiru għas-setturi l-oħra, u b’hekk ikun provdut approċċ unifikat u standardizzat. Madankollu, dan l-isforz se jkun qed jiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ biżżejjed riżorsi fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, li għadu ma ġiex deċiż.

72

Bħala xenarju bażi għall-valutazzjoni tal-politiki tal-futur fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tapplika x-xenarju ta’ referenza tal-UE, bl-integrazzjoni tal-politiki eżistenti. Il-Kummissjoni, hi u tiżviluppa politiki ġodda, qed tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-projezzjonijiet, inklużi l-analiżi tas-sensittività u suppożizzjonijiet alternattivi fil-valutazzjoni ta’ dawn il-proposti ta’ politika, sabiex tara x’impatt għandhom fuq il-kisba tal-objettiv ikkunsidrat f’dik il-politika. Pereżempju, il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tinkludi analiżi tas-sensittività li tittratta l-PDG u l-Prezzijiet tal-Enerġija (ara t-Taqsima 2.4.4 ta’ SEC(2011) 1565/2). 

Meta tapplika dan l-approċċ għall-projezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni timxi mal-Linji Gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar.

74

Kemm il-Pjan direzzjonali tal-UE ppreżentat fl-2011, kif ukoll il-Komunikazzjoni aktar riċenti tagħha dwar “Pjaneta Nadifa għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u
newtrali għall-klima”, adottata fl-2018, ikopru s-setturi kollha inklużi l-agrikoltura, is-settur LULUCF, l-enerġija u t-trasport.

75

Fir-rigward tal-ETS, sa issa l-Kummissjoni ma pprovdietx stimi kwantifikati dwar l-impatti tal-emissjonijiet mill-2005 lill-UNFCCC. Ġaladarba l-emissjonijiet mill-UE fil-qafas tal-ETS kienu, b’mod konsistenti, taħt il-limitu massimu, li jonqos kull sena, l-ETS qed tissodisfa l-objettiv tagħha li tikkontribwixxi għall-miri kumplessivi tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet. Kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet matul il-fażi 3 (2013-2020).

Ir-Rakkomandazzjoni 2 – It-titjib tal-qafas għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-futur

a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

F’konformità mad-Direttiva EU ETS , jenħtieġ li jingħata bidu għal azzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali jew mill-Unjoni Ewropea, inklużi ħidma ta’ tħejjija dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni, u kunsiderazzjoni dovuta min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha.

b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni taqbel li l-iżvilupp tal-politiki għas-setturi ewlenin, bħall-agrikoltura u LULUCF, jenħtieġ li jkun konsistenti mal-perspettiva fit-tul kif ippreżentata fil-viżjoni tal-Kummissjoni biex l-UE jkollha newtralità klimatika sal-2050. Din il-viżjoni fit-tul se tkun qed torjenta l-politiki tal-futur tal-UE marbuta mal-agrikoltura u mas-settur LULUCF.

L-agrikoltura u s-settur LULUCF huma parti integrata mill-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u għall-klima (NECPs - national energy and climate plans) li jridu jiġu mħejjija u aġġornati regolarment mill-Istati Membri. L-Istati Membri ppreżentaw l-abbozzi tal-NECPs f’Jannar 2019, li sa Ġunju 2019 kienu ġew ivvalutati bir-reqqa mill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jippreżentaw strateġiji fit-tul biex iżommu mal-impenji tagħhom fl-ambitu tal-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi, inklużi l-aspetti settorjali, sal-1 ta’ Jannar 2020.

Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni (il-PAK) ipproponiet li l-Istati Membri jħejju pjanijiet strateġiċi tal-PAK fis-snin li ġejjin.

c) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni taqbel li rapportar regolari u adegwat tal-effetti tal-miżuri u tal-politiki tal-klima tal-UE fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra huwa importanti għall-evalwazzjoni tal-progress u tal-effettività tagħhom.

Il-Kummissjoni tivvaluta l-impatti tal-politiki u tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-UE fuq l-emissjonijiet ex ante. Twettaq ukoll evalwazzjonijiet ex post fuq bażi regolari, b’mod partikolari meta tħejji r-reviżjonijiet tal-politika. Qed taħdem bla heda biex ittejjeb il-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-effetti ta’ mitigazzjoni tal-politiki individwali.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinalizza rapport għall-UNFCCC. Hija mistennija li tlesti r-rapport segwenti sal-bidu tal-2023.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Kristian Sniter, Kap tal-Kabinett u Matteo Tartaggia, Attaché tal-Kabinett; Robert Markus, Maniġer Prinċipali; Oana Dumitrescu, Kap tal-Kompitu; Lucia Roşca, Liia Laanes, Natalia Krzempek u Bertrand Tanguy, Awdituri. Richard Moore u Michael Pyper ipprovdew appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Kristian Sniter, Oana Dumitrescu, Michael Pyper, Nikolaos Milionis, Matteo Tartaggia, Lucia Roşca, Natalia Krzempek.

Noti finali

1 Ir-rapport tal-Eurostat “The EU in the world (L-UE fid-dinja)”, 2018.

2 Ir-rapport dwar l-inventarju tal-UE tal-2019.

3 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8/tad-9 ta’ Marzu 2007, tal-4 ta’ Frar 2011 u tat-23/tal-24 ta’ Ottubru 2014.

4 Din iċ-ċifra tinkludi l-avjazzjoni internazzjonali, biex tkun żgurata l-kumparabbiltà mad-data rrappurtata bħala parti mill-miri tal-UE.

5 Pereżempju, l-inventarji għall-2017 ġew ippubblikati f’Mejju 2019.

6 Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rappurtar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

7 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 dwar l-istruttura, il-format u l-proċessi tat-tressiq u r-reviżjoni tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2014 li jistabbilixxi rekwiżiti sostantivi għal sistema ta’ inventarju tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-bidliet fil-potenzjali ta’ riskaldament globali u ta’ gwidi ta’ inventarju li sar ftehim dwarhom f’livell internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

8 Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

9 Awditi preċedenti tal-QEA ttrattaw komponenti tal-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet; ara r-Rapport Speċjali Nru 6/2015 “dwar l-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet” u r-Rapport Speċjali Nru 24/2018 “Dimostrar tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u tas-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kummerċjali ġewwa l-UE: il-progress intenzjonat ma nkisibx matul dawn l-aħħar għaxar snin”.

10 Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).

11 Id-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar regoli tal-kontabbiltà dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija u dwar informazzjoni li tikkonċerna l-azzjonijiet relatati ma’ dawk l-attivitajiet (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 80).

12 Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

13 Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

14 Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

15 Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1).

16 F’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ u mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1999 dwar il-Governanza.

17 Ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 16/2019 tagħna “Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej: l-utilità tagħhom għal min ifassal il-politika tista’ tittejjeb”.

18 Is-Segretarjat tal-UNFCCC, l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) u s-Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS), proġett fil-livell tal-UE ffinanzjat mis-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka.

19 Materja partikolata fina li għandha effett kemm ta’ tkessiħ kif ukoll ta’ tisħin fuq l-atmosfera.

20 Bħall-aerosols u l-formazzjoni ta’ sħab, b’effett ta’ tisħin indirett fuq l-atmosfera.

21 Ir-Rapport COM/2018/716 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “L-UE u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima: Jitqies il-progress fis-COP ta’ Katowice”.

22 Ir-Rapport Ambjentali tal-Avjazzjoni Ewropew tal-2019. https://www.easa.europa.eu/eaer/.

23 Ir-Rapport Tekniku Nru 20/2013 tal-EEA: “European Union CO2 emissions: different accounting perspectives (L-emissjonijiet tas-CO2 tal-Unjoni Ewropea: perspettivi kontabilistiċi differenti)”.

24 Ara wkoll il-Kaxxa 3 fir-Rapport Speċjali Nru 16/2019 tagħna “Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej: l-utilità tagħhom għal min ifassal il-politika tista’ tittejjeb”.

25 Ara r-rapport dwar l-inventarju tal-UE tal-2019.

26 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 749/2014 dwar l-istruttura, il-format u l-proċessi tat-tressiq u r-reviżjoni tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 203, 11.7.2014, p. 23).

27 L-eżaminaturi jqabblu d-data tal-Istati Membri ma’ dik dwar l-attivitajiet (eżistenza u daqs, jiġifieri l-output) relatati ma’ sorsi differenti ta’ emissjonijiet. Din id-data tittieħed minn statistika Ewropea u internazzjonali, minn organizzazzjonijiet tal-industrija globali, mill-Eurocontrol u minn proġetti tal-UE mmirati għall-ġbir u l-immudellar ta’ din id-data dwar l-attivitajiet.

28 Il-Bulgarija (2018), l-Estonja (2018), Ċipru (2018), Malta (2017 u 2018).

29 Il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Istati Membri kollha meta tkun qed tiddefinixxi dawn is-suppożizzjonijiet.

30 L-aħħar xenarju ta’ referenza tal-UE huwa mill-2016. Dak preċedenti kien jirreferi għall-2013.

31 L-analiżi panoramika dwar l-azzjoni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima, 2017.

32 Skont ir-Rapport dwar is-sessjoni ta’ ħidma rigward il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet minn Partijiet inklużi fl-Anness I tal-Konvenzjoni (FCCC/SBSTA/2004/INF.15 tal-20 ta’ Ottubru 2004), din l-analiżi tkun utli minħabba l-ħtieġa li wieħed jifhem l-impatt ta’ bidliet f’parametri u suppożizzjonijiet ewlenin.

33 Il-Kummissjoni Ewropea, Azzjoni klimatika, Reducing emissions from aviation (Innaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni).

34 Il-White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”, KUMM(2011) 144 finali tat-28 ta’ Marzu 2011.

35 Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

36 Skont studju tal-2009 li ġie kkummissjonat mid-DĠ Ambjent: “Technical support for European action to reducing greenhouse gas emissions from international maritime transport”, fejn intużat data mill-2006, dawn irrappreżentaw 27 % tal-emissjonijiet globali mit-trasport marittimu.

37 Third International Maritime Organization Greenhouse Gas Study (It-Tielet Studju tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar il-Gassijiet Serra), 2014.

38 Ir-Regolament (UE) 2018/841.

39 Il-premessa (35) tar-Regolament (UE) 1999/2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika.

40 F’konformità mal-Artikolu 2 tal-Protokoll ta’ Kjoto u d-Deċiżjoni 1/CP.16 tal-UNFCCC.

41 Il-“Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050”. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, KUMM(2011) 112 finali tat-8 ta’ Marzu 2011.

42 “EU Renaissance: A successful roadmap to low-carbon Europe” (Rinaxximent tal-UE: Pjan direzzjonali ta’ suċċess għal Ewropa b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju) tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea “Global Europe 2050” (Ewropa Globali 2050) (2012). https://ec.europa.eu/research/social-sciences/pdf/policy_reviews/global-europe-2050-report_en.pdf.

43 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”, COM/2018/773 final tat-28 ta’ Novembru 2018.

44 Il-White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”, KUMM(2011) 144 finali tat-28 ta’ Marzu 2011.

45 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050”, KUMM(2011) 885 finali tal-15 ta’ Diċembru 2011.

46 Il-gwida tal-UNEP għall-Indikaturi tal-Ekonomija Ħadra.

47 Ir-Rapport Tekniku Nru 8/2014 tal-EEA intitolat “Digest of EEA indicators (Sinteżi tal-indikaturi tal-EEA)”.

48 Barra minn hekk, fir-Rapport Speċjali Nru 16/2019 tagħna intitolat “Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej: l-utilità tagħhom għal min ifassal il-politika tista’ tittejjeb”, aħna sibna li l-Kummissjoni ma kinitx esprimiet b’mod ċar il-ħtiġijiet tad-data għall-analiżi tal-politika ambjentali.

49 Il-premessa 4 tad-Direttiva (UE) 2018/410.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 4.7.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 28.6.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 25.9.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 24.10.2019

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-3838-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/516562 QJ-AB-19-016-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-3693-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/669050 QJ-AB-19-016-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li mhuwiex taħt id-drittijiet tal-awtur tal- L-Unjoni Ewropea, għandu jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.