Rapport Speċjali
25 2022

Verifikazzjoni tal-Introjtu Nazzjonali Gross għall-finanzjament tal-baġit tal-UE Ir-riskji fil-kumpilazzjoni tad-data jiġu koperti sew b’mod ġenerali, iżda hemm lok għal prijoritizzazzjoni akbar tal-azzjonijiet

Dwar ir-rapport:Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) hija s-sors prinċipali ta’ finanzjament għall-baġit tal-UE. Biex tiżgura li l-Istati Membri jħallsu l-ammont korrett ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali, il-Kummissjoni tivverifika l-kwalità tad-data tal-ING tagħhom f’ċikli ta’ verifikazzjoni pluriennali.

Aħna eżaminajna ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING li ġie kkompletat l-aktar reċentement (2016-2019) biex nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx immaniġġjatu b’mod effettiv u effiċjenti. Sibna li, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni kienet effettiva biex tidentifika problemi b’riskju għoli, iżda ma indirizzathomx kollha b’mod f’waqtu.

Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni li għandhom l-għan inpartikolari li jkabbru l-prijoritizzazzjoni ta’ problemi b’riskju għoli u li jtejbu aktar l-effiċjenza taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Awditu tal-verifikazzjoni tal-Introjtu Nazzjonali Gross għall-finanzjament tal-baġit tal-UE

Sommarju eżekuttiv

I Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) hija s-sors prinċipali ta’ finanzjament għall-baġit tal-UE, u laħqet total ta’ EUR 116-il biljun fl-2021. Il-Kummissjoni tikkalkula din ir-riżorsa proprja bħala perċentwal tal-ING annwali tal-Istati Membri, li huwa indikatur makroekonomiku li jintuża biex jitkejjel il-ġid ekonomiku ta’ nazzjon.

II Il-Kummissjoni tuża l-previżjonijiet tal-ING biex tikkalkula l-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri, u tirrevedihom meta data aktar preċiża ssir disponibbli. Kwalunkwe aġġustament tad-data għal Stat Membru partikolari jolqot il-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri l-oħra. Il-leġiżlazzjoni tal-UE għalhekk tirrikjedi li l-Kummissjoni tivverifika s-sorsi u l-metodi li jintużaw mill-Istati Membri biex jikkumpilaw id-data tal-ING tagħhom. Il-verifikazzjonijiet, li jitwettqu mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat), iridu jiżguraw li l-Istati Membri jħallsu kontribuzzjonijiet ġusti u prevedibbli bbażati fuq l-ING, fil-baġit tal-UE, u jenħtieġ li l-proċess ta’ verifikazzjoni nnifsu jkun kosteffettiv.

III L-Eurostat jorganizza l-verifikazzjonijiet tiegħu f’ċikli pluriennali, u b’hekk il-proċessi huma twal b’mod inerenti. Dawn jinkludu analiżi dettaljata tad-data tal-ING irrappurtata mill-Istati Membri biex jiġu żgurati l-kumparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza u, fl-aħħar mill-aħħar, il-preċiżjoni tal-ammonti mħallsa fil-baġit tal-UE. Itwal ma jkun il-proċess u akbar ma jkun l-għadd ta’ problemi identifikati mill-Eurostat, aktar tkun baxxa l-prevedibbiltà tal-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri. Dan jista’ jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex iħallsu kwalunkwe ammont addizzjonali.

IV Aħna eżaminajna ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING li ġie kkompletat l-aktar reċentement (2016-2019) biex nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx immaniġġjatu b’mod effettiv u effiċjenti. Analizzajna jekk il-Kummissjoni kinitx identifikat u mmitigat b’mod effettiv l-ogħla riskji għall-kumparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data tal-ING. Qisna wkoll jekk iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING u l-komunikazzjoni relatata kinux f’waqthom u effiċjenti. Wettaqna l-awditu f’dan iż-żmien sabiex neżaminaw ċiklu komplut li jinkludi bidliet fl-approċċ ta’ verifikazzjoni li jintuża mill-Kummissjoni. Nistennew li l-ħidma tagħna tgħin lill-Kummissjoni ttejjeb l-approċċ ta’ verifikazzjoni tagħha għaċ-ċiklu li jmiss li jibda fl-2025.

V Ġbarna l-evidenza għall-awditjar tagħna permezz ta’ analiżijiet ta’ dokumentazzjoni rilevanti li twettqu minna mhux fuq il-post, żewġ stħarriġiet, u intervisti mal-Kummissjoni u mal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika tal-Istati Membri. Biex nivvalutaw l-effiċjenza tal-Eurostat, eżaminajna l-fajls ta’ verifikazzjoni tiegħu għal sitt Stati Membri (l-Irlanda, Spanja, Franza, Malta, in-Netherlands u l-Polonja).

VI Il-konklużjoni tagħna kienet li, b’mod ġenerali, l-Eurostat kien effettiv biex jidentifika problemi b’riskju għoli, iżda ma indirizzahomx kollha b’mod f’waqtu.

VII Sibna li l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Eurostat kienet, b’mod ġenerali, maħsuba tajjeb u li hija identifikat il-problemi b’riskju għoli għall-Istati Membri kollha. Madankollu, hemm lok għal prijoritizzazzjoni akbar tax-xogħol rigward il-problemi bl-ogħla impatt potenzjali. B’mod ġenerali, l-Eurostat ipprovda appoġġ adegwat lill-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw problemi b’riskju għoli. Huwa nieda diversi inizjattivi biex jindirizza l-problema tal-globalizzazzjoni, iżda ma rreaġiex għall-problema b’mod f’waqtu.

VIII B’mod ġenerali, iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni ġie kkompletat kif kien ippjanat fl-2019, u l-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni f’waqtha lill-Istati Membri dwar aġġustamenti għall-kontribuzzjonijiet tagħhom li kienu jirriżultaw mill-verifikazzjonijiet tal-ING. Madankollu, ħafna problemi kienu għadhom miftuħa fi tmiem iċ-ċiklu, u dan seta’ jolqot kontribuzzjonijiet futuri tal-Istati Membri. Aħna sibna li l-Eurostat ivverifika ħafna problemi li wrew li kellhom impatt baxx fuq l-ING u li kien hemm ineffiċjenzi b’rabta mal-għodod li ntużaw mill-Eurostat biex jiddokumenta l-verifikazzjonijiet li jwettaq.

IX B’riżultat tal-awditu li wettaqna, aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex il-Kummissjoni tiġi megħjuna, permezz tal-Eurostat, biex:

  • tkabbar il-prijoritizzazzjoni ta’ problemi b’riskju għoli;
  • ittejjeb il-puntwalità tal-appoġġ ipprovdut lill-Istati Membri u tiġġustifika aħjar id-deċiżjonijiet biex jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni għal riżervi; u
  • ittejjeb aktar l-effiċjenza taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni.

Introduzzjoni

Il-baġit tal-UE u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING

01 Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) hija s-sors prinċipali ta’ finanzjament għall-baġit tal-UE. Din tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-ING, li huwa indikatur makroekonomiku li jintuża biex jitkejjel il-ġid ekonomiku ta’ nazzjon. Huwa s-sors “residwu” ta’ finanzjament tal-UE (“entrata saldatorja”). Dan ifisser li huwa jiżgura li jkun hemm dħul suffiċjenti biex ikopri n-nefqa baġitarja ladarba s-sorsi l-oħra kollha ta’ dħul ikunu ttieħdu inkunsiderazzjoni. Jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-ING annwali tal-Istati Membri, magħruf bħala r-rata uniformi ta’ ġbir. Pereżempju, ir-rata ta’ ġbir li ġiet applikata għas-sena finanzjarja 2021 kienet 0.84 %. Biex tiġi żgurata l-kumparabbiltà fost l-Istati Membri, il-kumpilazzjoni tal-ING trid tikkonforma mas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (ESA 2010)1.

02 Oriġinarjament, ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING kellha tinġabar biss jekk ir-riżorsi proprji l-oħra ma kinux ikopru n-nefqa bis-sħiħ. Madankollu, matul is-snin, din saret l-akbar sors ta’ dħul għall-baġit tal-UE (ara l-Figura 1). Il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING li saru mill-Istati Membri għall-2021 jidhru fl-Anness I.

Figura 1 – Sorsi ta’ dħul tal-UE fl-2021

Nota: Din iċ-ċifra ma tinkludix id-dħul tal-baġit assoċjat mat-tnedija tal-istrument għall-irkupru NextGenerationEU, minħabba n-natura eċċezzjonali u temporanja tiegħu.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għas-sena finanzjarja 2021 (p. 144), id-dħul tal-baġit.

03 Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING ittriplikat f’valur assolut minn tmiem is-snin disgħin, minn EUR 40 biljun bejn wieħed u ieħor għal madwar EUR 120 biljun. Il-perċentwal tad-dħul totali tal-UE li hija tirrappreżenta kważi rdoppja f’dak iż-żmien, minn 40 % għal 71 % fl-2020, u kien jirrappreżenta 63 % fl-2021, prinċipalment minħabba l-introduzzjoni ta’ riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-iskart mhux irriċiklat mill-imballaġġ tal-plastik (ara l-Figura 2). Iż-żieda matul is-snin seħħet notevolment minħabba l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda, it-tkabbir progressiv tal-baġit u l-fatt li d-dħul mir-riżorsi proprji l-oħra ma żdiedx bl-istess pass bħan-nefqa. Filwaqt li hija tista’ tirrappreżenta sehem iżgħar mid-dħul totali tal-UE fil-futur qrib minħabba l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING minkejja dan se tibqa’ s-sors primarju tad-dħul tal-UE.

Figura 2 – Żieda fir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING

Noti:
*Il-linja bażi użata hawnhekk kienet l-1991 billi r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING kienet eċċezzjonalment baxxa fl-1990.

**Il-perċentwal għall-2020 kien ibbażat fuq id-dħul totali tal-UE, bl-esklużjoni tad-dħul relatat mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

***Il-perċentwal għall-2021 ġie kkalkulat bl-esklużjoni tad-dħul tal-baġit assoċjat mal-istrument għall-irkupru NextGenerationEU.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali tal-UE – is-snin finanzjarji 19912000201020202021.

04 Il-ġestjoni ta’ din ir-riżorsa proprja tinvolvi żewġ proċessi prinċipali, it-tnejn li huma marbuta mal-użu tal-istatistika għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING tal-Istati Membri. L-ewwel nett, il-proċess tal-ibbaġitjar annwali, ibbażat fuq data prevista tal-ING, u t-tieni, il-verifikazzjoni tad-data reali tal-ING kif irrappurtata kull sena mill-Istati Membri (ara l-Anness II).

05 Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DĠ BUDG) tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-proċess tal-ibbaġitjar annwali. L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) huwa responsabbli milli jivverifika d-data tal-ING, kemm fuq bażi annwali kif ukoll fuq bażi pluriennali. Skont ir-Regolament dwar l-ING2, jenħtieġ li l-Eurostat jivverifika l-kumparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-kosteffettività. Dan il-prinċipju (li qabel kien jissejjaħ il-prinċipju ta’ kost-benefiċċju) jinvolvi ġudizzju dwar id-daqs u s-sinifikat potenzjali ta’ tranżazzjonijiet speċifiċi mill-kumpilazzjoni tal-ING. L-għan huwa li jiġi evitat li jittieħdu riżorsi sproporzjonati sabiex jiġu kkalkulati oġġetti insinifikanti3. It-terminu “tranżazzjonijiet” jintuża komunement fil-kontijiet nazzjonali (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Tranżazzjonijiet fil-kontijiet nazzjonali

Tranżazzjoni: fluss ekonomiku; fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, interazzjoni fost entitajiet ekonomiċi permezz ta’ ftehim reċiproku.

Eżempju: xiri ta’ oġġetti mingħand kumpanija jikkostitwixxi tranżazzjoni li trid tiġi rreġistrata fil-kontijiet nazzjonali.

Kalkolu u trasferiment tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING għall-baġit tal-UE

06 Kull Mejju, id-DĠ BUDG jikkalkula l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bl-użu ta’ previżjonijiet tal-ING ipprovduti mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (DĠ ECFIN) tal-Kummissjoni u jitlob pagament fi 12-il pagament parzjali ta’ kull xahar. Huwa jikkalkula mill-ġdid il-kontribuzzjonijiet fi Frar ta’ wara, bl-użu ta’ data aġġornata abbażi ta’ verifikazzjonijiet imwettqa mill-Eurostat. F’Marzu tas-sena ta’ wara, id-DĠ BUDG jiġbor l-ammonti dovuti mingħand l-Istati Membri li ħallsu inqas u jqassamhom fost l-Istati Membri li ħallsu aktar, approporzjon tas-sehem aġġornat tagħhom tal-ING totali tal-UE4.

07 Id-data tal-ING hija bbażata fuq stimi, li jiġu rfinati matul diversi snin qabel ma jilħqu l-livell mistenni ta’ preċiżjoni. Għalhekk, ir-regoli tal-UE għall-kalkolu tar-riżorsi proprji jagħtu lok biex l-istimi għal sena finanzjarja partikolari “N” jiġu riveduti sat-30 ta’ Novembru tas-sena “N+4”. Il-perjodu ta’ reviżjoni jista’ jiġi estiż jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru jqis li l-kwalità tad-data tal-ING teħtieġ titjib5. Dan jinkiseb billi jitqiegħdu “riżervi” fuq id-data tal-ING.

08 Billi r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING hija entrata saldatorja, id-dikjarazzjoni eċċessiva jew id-dikjarazzjoni insuffiċjenti tad-data tal-ING għal Stat Membru partikolari ma tolqotx l-ammont totali miġbur bħala dħul tal-UE. Madankollu, hija tabilħaqq tnaqqas jew iżżid il-kontribuzzjonijiet mingħand l-Istati Membri l-oħra, sakemm il-problema tinqabad u tiġi kkoreġuta. Aktar ma d-data tal-ING iddum miftuħa għar-reviżjoni, u aktar ma jitqiegħdu riżervi, aktar tkun baxxa l-prevedibbiltà tal-kontribuzzjonijiet mingħand l-Istati Membri.

09 Fil-passat, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ammonti kbar b’avviż qasir minn qabel għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING wera li joħloq problemi għall-Istati Membri. Fl-2014, pereżempju, ir-reviżjonijiet tad-data tal-ING wasslu għal livell mingħajr preċedent ta’ aġġustamenti għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, li ammonta għal kważi EUR 10 biljun, fejn l-impatt kien akbar għal xi Stati Membri milli għal oħrajn. Ir-Renju Unit kellu jħallas EUR 2.1 biljun lill-baġit tal-UE b’żieda mal-kontribuzzjoni tiegħu tas-soltu (21 % tal-kontribuzzjoni nazzjonali totali bbaġitjata tiegħu ta’ dik is-sena).

Verifikazzjoni tad-data tal-ING tal-Istati Membri

10 L-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) tal-Istati Membri huma responsabbli mill-kumpilazzjoni tad-data tal-ING6. Lill-Eurostat, huma jipprovdulu “inventarju tal-ING” li jagħti dettalji dwar is-sorsi u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-ING u l-komponenti tiegħu (ara l-Kaxxa 2) skont l-ESA 2010.

Kaxxa 2

Komponenti tal-ING

Komponent tal-ING: kwalunkwe element tal-ING

Eżempju: kumpens tal-impjegati (wieħed mill-komponenti prinċipali tal-ING), iddefinit bħala remunerazzjoni totali fi flus kontanti jew in natura għal xogħol li jkun sar matul il-perjodu kontabilistiku, pagabbli minn impjegatur lil impjegat. Jista’ jiġi ripartit f’:

  • pagi u salarji, u
  • kontribuzzjonijiet soċjali ta’ min iħaddem.

11 Il-verifikazzjoni mill-Eurostat tinvolvi l-eżaminar tad-data tal-ING li tintuża għall-finijiet tar-riżorsi proprji. Dan jinkludi ż-żewġ sottoproċessi prinċipali li ġejjin:

  • il-verifikazzjoni annwali tad-data tal-ING u bidliet fis-sorsi u fil-metodi rrappurtati mill-Istati Membri fil-kwestjonarji tal-ING u fir-rapporti dwar il-kwalità; u
  • il-verifikazzjoni pluriennali (“ċiklu ta’ verifikazzjoni”) tas-sorsi u l-metodi statistiċi użati għall-kalkolu tal-ING, li huma deskritti fl-inventarji tal-ING tal-Istati Membri.

12 L-Eurostat jiġi assistit fil-verifikazzjonijiet tiegħu mill-Grupp ta’ Esperti tal-ING. Dan huwa grupp ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Huwa jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar, u jesprimi l-fehmiet tiegħu rigward, il-kumparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tal-kalkoli tal-ING. Jeżamina wkoll kwistjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-ING u joħroġ opinjonijiet annwali dwar l-adegwatezza tad-data tal-ING mibgħuta mill-Istati Membri għall-finijiet tar-riżorsi proprji. Sal-2019, l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Esperti tal-ING kienu jitwettqu mill-Kumitat tal-ING.

Verifikazzjoni annwali

13 Kull sena, l-Eurostat jivverifika d-data tal-kontijiet nazzjonali rrappurtata mill-Istati Membri fil-kwestjonarji tal-ING, li huma tabelli bid-data tal-ING għal diversi snin. Il-verifiki jkopru, fost oħrajn, il-korrettezza formali u numerika, kif ukoll il-konsistenza tad-data matul iż-żmien u maċ-ċifri ppubblikati. L-Eurostat jivverifika wkoll bidliet fis-sorsi u fil-metodi użati għall-kumpilazzjoni tal-ING deskritti fir-rapporti dwar il-kwalità. Il-verifikazzjoni annwali li jwettaq hija l-bażi għall-opinjoni formali tal-Grupp ta’ Esperti tal-ING dwar l-użu tad-data għall-fini tal-kalkolu tar-riżorsi proprji.

Verifikazzjoni pluriennali

14 Il-verifikazzjoni pluriennali mwettqa mill-Eurostat hija ffukata fuq l-inventarji tal-ING, li huma dokumenti komprensivi li jiddeskrivu s-sorsi u l-metodi statistiċi użati għall-kumpilazzjoni tad-data tal-ING matul diversi snin. Din il-ħidma tinkludi analiżi dettaljata u standardizzata tal-proċeduri ta’ kumpilazzjoni tal-ING sabiex jiġu żgurati l-kumparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data. Għal dan il-fini, l-Eurostat iwettaq ċikli ta’ verifikazzjoni li jdumu diversi snin (normalment erba’ jew ħames snin). Ir-riżultati tal-verifikazzjoni pluriennali jikkontribwixxu għall-opinjoni annwali tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-kwalità tad-data tal-ING.

15 L-Eurostat beda ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni pluriennali kkompletat l-aktar reċenti, jiġifieri ċ-ċiklu 2016-2019, fl-2016. Huwa ffinalizza l-ħidma tiegħu qabel tmiem l-2019 għall-Istati Membri kollha għajr Franza, li għaliha l-verifikazzjonijiet ġew finalizzati fl-2021, minħabba li din kienet bagħtet l-inventarju tal-ING tagħha tard7. Id-DĠ BUDG għalaq formalment iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni f’April 2020. Il-verifikazzjonijiet li twettqu matul iċ-ċiklu 2016-2019 koprew is-sorsi u l-metodi użati mill-Istati Membri għall-kumpilazzjoni tad-data tal-ING tagħhom mill-2010 ’il quddiem.

16 Id-data tal-ING tibqa’ miftuħa wara t-tqegħid ta’ riżervi (ara l-paragrafu 07) sakemm jissolvew il-problemi li jkunu ġew identifikati mill-verifikazzjonijiet tal-Eurostat. Dan jista’ jieħu diversi snin, u f’ħafna każijiet imur lil hinn mill-għeluq formali taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni u b’hekk jolqot il-prevedibbiltà tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri. Dan il-fatt jenfasizza l-importanza li l-verifikazzjonijiet jiġu mmirati b’mod effettiv lejn il-problemi l-aktar importanti u li ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni jingħalaq malajr kemm jista’ jkun.

17 Fl-2013, aħna ppubblikajna rapport speċjali8 rigward l-awditu tal-prestazzjoni li konna wettaqna dwar iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni preċedenti, jiġifieri ċ-ċiklu 2007-2012. Ir-rapport ikkonkluda li ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni pluriennali kien biss parzjalment effettiv billi l-Eurostat ma ppjanax u ma tax prijorità xierqa lil xogħlu, u ma applikax approċċ konsistenti għall-Istati Membri kollha. Wara r-rakkomandazzjonijiet tagħna, u sabiex japplika l-prinċipju tal-kosteffettività, l-Eurostat għamel żewġ bidliet prinċipali fl-approċċ ta’ verifikazzjoni tiegħu għaċ-ċiklu 2016-2019:

  • eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju biex jagħti prijorità lill-verifikazzjonijiet li huwa jwettaq;
  • soll ta’ materjalità biex jiġu mmirati l-verifikazzjonijiet li huwa jwettaq u jitqiegħdu riżervi biss f’każ ta’ problemi b’impatt sinifikanti.

18 Iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 beda meta ntbagħtu l-inventarji tal-ING fi tmiem Marzu 2016. Dan kien ikkaratterizzat mill-introduzzjoni ta’ qafas kontabilistiku ġdid (ESA 2010), li kien jinkludi diversi bidliet meta mqabbel ma’ dak preċedenti (ESA 959) u għalhekk kien jirrikjedi sforzi addizzjonali mill-Eurostat biex jiskrutinizza l-implimentazzjoni fl-Istati Membri.

19 L-istadji li ġejjin taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni kienu jinkludu l-valutazzjoni tar-riskju u l-verifikazzjonijiet permezz ta’ verifiki fl-uffiċċju bl-użu ta’ Kwestjonarju tal-Valutazzjoni tal-Inventarju tal-ING (GIAQ), kif ukoll żjarat ta’ informazzjoni fl-Istati Membri. Il-verifikazzjonijiet irriżultaw fit-tqegħid ta’ punti ta’ azzjoni u riżervi, li għandhom impatt fuq id-data tal-ING. Il-Figura 3 turi ħarsa ġenerali lejn l-elementi prinċipali taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019, filwaqt li l-iskeda ta’ żmien indikattiva tagħha hija ppreżentata fl-Anness III.

Figura 3 – Ħarsa ġenerali lejn l-elementi prinċipali taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti tal-Eurostat li jiddeskrivu l-approċċ ta’ verifikazzjoni li huwa juża.

20 Il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Eurostat kellha tliet outputs prinċipali:

  • lista ta’ problemi trasversali b’riskju għoli (ara l-Anness IV) għall-verifikazzjoni fl-Istati Membri kollha permezz ta’ “tqabbil fost il-pajjiżi”, li tinkludi problemi bħall-globalizzazzjoni (ara l-Kaxxa 3), l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet, u s-servizzi finanzjarji;
  • klassifikazzjoni tar-riskju għal kull Stat Membru biex jiġu ddeterminati l-ordni u l-ambitu tal-verifikazzjoni;
  • ġabra ta’ oqsma speċifiċi ta’ kumpilazzjoni tal-ING, li jkunu suxxettibbli għal riskju għoli, biex minnhom jintgħażlu l-oqsma għal verifikazzjoni diretta f’kull Stat Membru sabiex jiġi segwit ir-rendikont tal-verifikazzjoni – minn komponent tal-ING magħżul sad-data tas-sors – u jiġi rieżaminat il-kalkolu taċ-ċifri ta’ bażi ewlenin.

Kaxxa 3

L-isfida tal-globalizzazzjoni fil-kontijiet nazzjonali

Waħda mill-problemi trasversali identifikati mill-Eurostat tikkonċerna r-reġistrazzjoni tal-globalizzazzjoni fil-kontijiet nazzjonali, li hija sfida kbira għall-istatistiki. Il-globalizzazzjoni tirreferi għall-integrazzjoni dejjem tikber tal-ekonomiji madwar id-dinja, b’mod partikolari permezz tal-moviment ta’ oġġetti, servizzi u kapital bejn il-fruntieri.

21 B’riżultat tax-xogħol tagħha ta’ verifikazzjoni, il-Kummissjoni tqiegħed punti ta’ azzjoni (stabbiliti mill-Eurostat) u riżervi (stabbiliti mid-DĠ BUDG, abbażi ta’ proposta teknika mill-Eurostat). Punti ta’ azzjoni indirizzati lill-NSIs jikkonċernaw problemi li possibbilment jirrikjedu bidliet metodoloġiċi jew korrezzjoni ta’ żbalji fil-kumpilazzjoni (punti ta’ azzjoni “A”), jew inkella kjarifika, korrezzjoni jew supplimentazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fl-inventarju tal-ING (punti ta’ azzjoni “B”).

22 L-Eurostat jikkonverti l-punti ta’ azzjoni “A” f’riżervi meta jqis li dawn jista’ jkollhom impatt materjali (aktar minn 0.1 % tal-ING) u ma jkunux ġew indirizzati mill-Istati Membri qabel id-data ta’ skadenza. Dan normalment iseħħ fi tmiem iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni.

23 Riżervi jippermettu lill-Istati Membri jirrevedu d-data tal-ING tagħhom wara l-punt ta’ limitu ta’ erba’ snin (ara l-paragrafu 07). Hemm żewġ tipi prinċipali ta’ riżervi:

  • riżervi ġenerali, li jkopru l-kumpilazzjoni tal-komponenti kollha tal-ING għal Stat Membru partikolari;
  • riżervi speċifiċi, li jikkonċernaw aspett tal-kalkolu tal-ING (riżervi speċifiċi għat-tranżazzjoni), jew problemi li jirrikjedu analiżi kumparattiva tas-soluzzjonijiet adottati mill-Istati Membri (riżervi trasversali). Il-Kummissjoni tuża wkoll riżervi speċifiċi għall-proċess biex iżżomm id-data tal-ING miftuħa wara l-punt ta’ limitu ta’ erba’ snin, sakemm tikkompleta l-verifikazzjonijiet pluriennali tagħha.

24 Kemm il-punti ta’ azzjoni kif ukoll ir-riżervi jistgħu jwasslu għal reviżjonijiet tad-data tal-ING tal-Istati Membri. Ir-reviżjonijiet jitwettqu biex tiżdied il-preċiżjoni tad-data meta s-sorsi ta’ data jipprovdu informazzjoni ġdida u/jew biex jiġi introdott titjib metodoloġiku10. Kull ftit snin, il-pajjiżi jwettqu reviżjonijiet kbar tal-kontijiet nazzjonali tagħhom, magħrufa bħala reviżjonijiet tal-valuri referenzjarji, biex jinkorporaw sorsi ġodda ta’ data u bidliet kbar fil-metodi statistiċi11.

25 Ir-reviżjonijiet tal-valuri referenzjarji għandhom impatt fuq id-data rrappurtata għall-ING, il-PDG (Prodott Domestiku Gross) u diversi indikaturi makroekonomiċi oħra għal ħafna snin. Fl-2012 ġiet introdotta Politika Ewropea Armonizzata dwar ir-Reviżjoni biex tiżgura t-twettiq ta’ reviżjonijiet ikkoordinati u konsistenti fl-oqsma kollha tal-istatistika, kif ukoll fil-pajjiżi kollha u fl-UE kollha. Din tinkludi r-rakkomandazzjoni li jitwettqu reviżjonijiet ikkoordinati tal-valuri referenzjarji kull ħames snin, mill-2014 ’il quddiem. Huwa mistenni li r-reviżjoni kkoordinata li jmiss tal-valuri referenzjarji ssir fl-2024.

26 Il-verifikazzjonijiet mill-Eurostat għandhom impatt fuq it-twaqqit tar-reviżjonijiet tal-valuri referenzjarji, li min-naħa tagħhom għandhom impatt fuq il-bidu taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni li jmiss, minħabba li dan huwa bbażat fuq l-inventarji aġġornati tal-ING wara dawn ir-reviżjonijiet. Normalment l-Istati Membri jeħtieġu l-informazzjoni rilevanti rigward il-punti ta’ azzjoni li jkunu tqiegħdu mill-Eurostat mill-inqas sena qabel ma jwettqu reviżjonijiet tal-valuri referenzjarji, sabiex jeħduhom inkunsiderazzjoni meta jikkumpilaw il-kontijiet nazzjonali. It-tqegħid f’waqtu ta’ punti ta’ azzjoni jiddependi mill-puntwalità tal-bgħit mill-Istati Membri tal-inventarji tal-ING, kif ukoll mill-effiċjenza taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

27 Dan l-awditu tal-prestazzjoni jkopri ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 li jikkonċerna d-data tal-ING għall-finijiet tar-riżorsi proprji. Aħna għażilna dan is-suġġett minħabba li r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING hija l-akbar sors ta’ dħul tal-UE u huwa importanti li jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għal din ir-riżorsa jkunu ġusti u prevedibbli, f’konformità mal-prinċipju tal-kosteffettività.

28 Wettaqna l-awditu f’dan iż-żmien sabiex neżaminaw ċiklu komplut li jinkludi żewġ bidliet kbar fl-approċċ ta’ verifikazzjoni li jintuża mill-Kummissjoni (valutazzjoni tar-riskju u soll ta’ materjalità). Nistennew li l-ħidma tagħna tgħin lill-Kummissjoni ttejjeb l-approċċ ta’ verifikazzjoni tagħha għaċ-ċiklu li jmiss li jibda fl-2025.

29 Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna kienet jekk il-Kummissjoni kinitx immaniġġjat iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 b’mod effettiv u effiċjenti. Fl-ewwel parti ta’ dan ir-rapport, aħna neżaminaw l-effettività tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni u l-azzjonijiet li wettqet biex timmitiga l-ogħla riskji għall-kumparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data tal-ING. Fit-tieni parti, nivvalutaw jekk iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni u l-komunikazzjoni tar-riżultati tiegħu kinux f’waqthom u effiċjenti.

30 L-awditu kopra s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll li l-Kummissjoni tuża għall-verifikazzjoni u l-valutazzjoni tad-data tal-ING ipprovduta mill-Istati Membri għall-finijiet tar-riżorsi proprji. B’mod partikolari, aħna eżaminajna l-adegwatezza tal-mudell ta’ verifikazzjoni stabbilit mill-Eurostat għaċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019. Wettaqna l-awditu fil-livell tal-Kummissjoni, u ffukajna fuq l-attivitajiet tal-Eurostat b’rabta maċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 sa Jannar 2022.

31 Ġbarna l-evidenza għall-awditjar permezz ta’ analiżijiet, mhux fuq il-post, tad-dokumentazzjoni rilevanti (proċeduri, gwida, fajls ta’ verifikazzjoni, eċċ.). Irrieżaminajna l-fajls ta’ verifikazzjoni tal-Eurostat għal kampjun ta’ sitt Stati Membri (l-Irlanda, Spanja, Franza, Malta, in-Netherlands u l-Polonja). Aħna għażilna dawn il-pajjiżi għad-diversità: fid-daqs tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING; fl-għadd ta’ riżervi u punti ta’ azzjoni; fil-kategoriji ta’ riskju identifikati mill-Eurostat (baxx, medju u għoli); fl-uffiċjali tal-Eurostat responsabbli mill-verifikazzjonijiet; u fid-distribuzzjoni ġeografika.

32 Intervistajna wkoll rappreżentanti tad-DĠ BUDG u l-unità tal-Eurostat responsabbli mill-verifikazzjonijiet, unitajiet oħra involuti f’attivitajiet relatati li jikkonċernaw il-kontijiet nazzjonali u esperti tal-istatistika mill-NSIs tas-sitt Stati Membri magħżula.

33 Ikkomplementajna s-sorsi ta’ evidenza ta’ hawn fuq bi stħarriġ indirizzat lit-28 NSI (26 rispondent, rata ta’ rispons ta’ 93 %) u lit-28 awtorità nazzjonali responsabbli mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji għall-baġit tal-UE fl-Istati Membri kollha (10 rispondenti, rata ta’ rispons ta’ 36 %). L-istħarriġiet kellhom l-għan li jiksbu l-fehmiet tagħhom dwar kif il-Kummissjoni timmaniġġja ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni u l-proċess għall-komunikazzjoni tal-aġġustamenti baġitarji wara r-reviżjonijiet għad-data tal-ING.

34 Aħna ma vvalutajniex direttament il-kwalità tas-sorsi u l-metodi użati għall-kumpilazzjoni tal-ING. Madankollu, ikkonsultajna lil żewġ esperti indipendenti dwar problemi speċifiċi, bħall-impatt potenzjali ta’ punti ta’ azzjoni fuq l-ING, u rrieżaminajna diversi pubblikazzjonijiet dwar suġġetti relatati mal-kontijiet nazzjonali (b’mod partikolari l-globalizzazzjoni u l-użu ta’ soll ta’ materjalità għall-verifikazzjoni tal-kwalità tad-data statistika).

35 Fejn ma niddikjarawx speċifikament li qed nirreferu għas-sitt Stati Membri magħżula, is-sejbiet jikkonċernaw l-Istati Membri kollha koperti miċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019.

Osservazzjonijiet

Il-Kummissjoni kienet effettiva biex tidentifika problemi b’riskju għoli għall-kumpilazzjoni tad-data tal-ING, iżda hemm lok għal prijorità akbar tal-verifikazzjoni tagħhom

Il-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju li ntuża mill-Eurostat identifika b’mod effettiv problemi b’riskju għoli

36 Sabiex ikunu effettivi, jenħtieġ li l-verifikazzjonijiet mill-Eurostat (u konsegwentement l-isforzi tal-NSIs biex jittejbu ċ-ċifri tal-ING) jimmiraw lejn il-problemi li għandhom l-akbar probabbiltà li jkollhom impatt sinifikanti (“problemi b’riskju għoli”). Permezz ta’ dan, ikunu jistgħu jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ prijorità. Għal dan il-fini, ir-rapport tagħna tal-2013 irrakkomanda li l-Eurostat jintroduċi mudell ta’ valutazzjoni tar-riskju biex il-problemi li għandhom jiġu vverifikati jingħataw prijorità12.

37 Aħna eżaminajna l-mudell ta’ valutazzjoni tar-riskju li l-Eurostat uża u l-mod kif dan ġie applikat għaċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 biex jiġu identifikati problemi trasversali b’riskju għoli, Stati Membri b’riskju għoli u komponenti tal-ING b’riskju għoli.

38 Sibna li l-Eurostat kien fassal u implimenta proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju strutturata u formalizzata għaċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 bl-użu ta’ kriterji rilevanti ta’ valutazzjoni tar-riskju. Dawn kienu jinkludu r-riskji speċifiċi rigward il-kumpilazzjoni mill-Istati Membri tal-kontijiet nazzjonali tagħhom u d-daqs relattiv tal-komponenti tal-ING ikkonċernati, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tagħna. Il-kriterji użati biex jiġu identifikati problemi trasversali u biex jintgħażlu oqsma li kienu suġġetti għal verifikazzjonijiet diretti ħadu inkunsiderazzjoni kemm il-probabbiltà kif ukoll l-impatt tar-riskji.

39 Wara l-ippjanar tiegħu, fil-bidu taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni fl-2016, l-Eurostat identifika 18-il problema trasversali b’riskju għoli (ara l-Anness IV). Huwa assenja wkoll l-Istati Membri fi 3 kategoriji ta’ riskju (7 b’riskju għoli, 9 b’riskju medju u 12 b’riskju baxx), li ddeterminaw l-għadd minimu ta’ verifikazzjonijiet diretti f’kull Stat Membru. L-Eurostat wettaq u aġġorna wkoll il-valutazzjoni tar-riskju li rriżultat fl-għażla ta’ oqsma għal verifikazzjoni diretta.

40 Biex nittestjaw il-kompletezza tal-lista ta’ problemi trasversali b’riskju għoli identifikati mill-Eurostat, aħna qabbilna d-data tal-ING għas-snin 2010-2019 ippubblikata fil-livell nazzjonali mad-data tal-ING għall-finijiet tar-riżorsi proprji. Għażilna dawn is-snin billi dan kien il-perjodu kopert miċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019. Permezz ta’ dan it-tqabbil, stajna niddeterminaw jekk l-Istati Membri kinux sabu problemi sinifikanti (li jirrikjedu reviżjoni tad-data tal-ING tagħhom) li ma kinux ġew identifikati mill-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Eurostat. Ma sibna l-ebda każ ta’ dan it-tip.

41 L-Eurostat ippreżenta lill-Kumitat tal-ING il-mudell ta’ valutazzjoni tar-riskju tiegħu li huwa juża, flimkien mal-lista ta’ problemi trasversali identifikati u l-klassifikazzjonijiet tar-riskju tal-Istati Membri. Il-Kumitat tal-ING qabel mal-applikazzjoni ta’ dan il-mudell u mar-riżultati tiegħu. Wara li ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni ġie kkompletat, kważi r-rispondenti kollha (96 %) mill-NSIs għall-istħarriġ tagħna qiesu li l-Eurostat kien identifika b’mod xieraq il-biċċa l-kbira mill-problemi trasversali b’riskju għoli jew kollha kemm huma.

42 Il-fatti hawn fuq (il-paragrafi 40 u 41) jindikaw li l-Eurostat kopra l-problemi rilevanti kollha b’riskju għoli fil-valutazzjoni li huwa wettaq. L-identifikazzjoni xierqa ta’ oqsma riskjużi pprovdiet bażi tajba għall-ippjanar u l-prijoritizzazzjoni tal-verifikazzjonijiet imwettqa mill-Eurostat u għall-mitigazzjoni tar-riskji b’mod effettiv.

L-Eurostat ma nqediex bis-sħiħ bir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju biex jagħti prijorità lill-verifikazzjonijiet li wettaq għall-problemi bl-ogħla riskju

43 Aħna eżaminajna jekk l-Eurostat kienx wettaq il-verifikazzjonijiet tiegħu f’konformità mar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju li kien għamel, u jekk kienx ta prijorità lill-problemi b’riskju ogħla kif kien ippjanat. Stennejna li l-Eurostat iwettaq verifikazzjonijiet għal problemi (jew Stati Membri) b’riskju ogħla qabel dawk għal problemi (jew Stati Membri) b’riskju aktar baxx. Stennejna wkoll li nsibu aktar xogħol imwettaq matul iċ-ċiklu għal problemi b’riskju għoli milli għal problemi b’riskju medju jew baxx. Approċċ bħal dan ikun jikkonċedi lill-Istati Membri aktar żmien biex jindirizzaw problemi aktar riskjużi qabel għeluq iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni. Dan jista’ jnaqqas potenzjalment l-għadd ta’ riżervi dwar dawn il-problemi, u b’hekk il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għall-baġit tal-UE jsiru aktar prevedibbli.

Prijoritizzazzjoni ta’ problemi trasversali

44 Fl-2017, l-Eurostat uża informazzjoni li kienet inġabret permezz tal-verifikazzjonijiet inizjali li kien wettaq biex jirrivvaluta l-livell ta’ riskju u jistma l-impatt potenzjali tat-18-il problema trasversali li kienu ġew identifikati fl-2016 (ara l-paragrafu 39). Wara din l-analiżi, l-Eurostat neħħa żewġ problemi mil-lista u naqqas ix-xogħol ippjanat għal tliet problemi li kienu meqjusa bħala li kellhom livell ta’ riskju inqas. L-Eurostat ikkonferma l-livell ta’ prijorità għoli preċedenti għat-13-il problema li kien jifdal, b’4 kklassifikati bħala “għoljin ħafna” u 9 “għoljin” f’termini ta’ impatt potenzjali.

45 L-Eurostat wettaq it-tqabbil fost il-pajjiżi għall-problemi trasversali b’riskju għoli kif ippjanat, filwaqt li analizza l-inventarji tal-ING u f’xi każijiet bagħat kwestjonarji lill-NSIs. Għat-tliet problemi bi prijorità aktar baxxa, l-Eurostat illimita l-verifikazzjonijiet li wettaq għal analizzar tal-informazzjoni mill-inventarji tal-ING u ħejja inqas rapporti ta’ progress milli għall-problemi l-oħra. Ma kien hemm l-ebda prijoritizzazzjoni speċifika fost it-13-il problema trasversali li kien jifdal, minkejja li l-Eurostat qies li 4 kienu b’riskju ogħla mill-oħrajn.

46 Aħna analizzajna l-impatt tal-punti ta’ azzjoni “A” li kienu tqiegħdu mill-Eurostat għall-problemi trasversali li kienu jikkonċernaw is-sitt Stati Membri koperti minn dan l-awditu, biex nivverifikaw jekk il-valutazzjoni tal-impatt potenzjali mwettqa mill-Eurostat kinitx immaterjalizzat f’dawn l-Istati Membri. Ħadna inkunsiderazzjoni wkoll il-punti ta’ azzjoni li ġew ittrasformati f’riżervi, meta informazzjoni dwar l-impatt tagħhom kienet disponibbli. Il-punti ta’ azzjoni li analizzajna jirrappreżentaw kwart tat-total tal-punti ta’ azzjoni “A” li kienu tqiegħdu għall-problemi trasversali, u b’hekk kienu joffru indikazzjoni tal-importanza ta’ dawn il-problemi.

47 Sibna li l-Eurostat kien qiegħed punti ta’ azzjoni “A” għal 14 mit-18-il problema trasversali. L-analiżi li wettaqna wriet li l-impatt potenzjali għoli jew għoli ħafna mistenni mill-Eurostat immaterjalizza għal problema trasversali waħda biss (servizzi ta’ abitazzjoni), li kellha impatt medju ta’ 0.39 % tal-ING fis-sitt Stati Membri. Il-punti ta’ azzjoni li kienu tqiegħdu għat-13-il problema li kien jifdal identifikati “b’riskju għoli” kellhom impatt relattivament żgħir (impatt medju ta’ 0.08 % tal-ING). Barra minn hekk, 27 % tar-rispondenti mill-NSI għall-istħarriġ tagħna osservaw li xi problemi trasversali ma kinux rilevanti għall-Istati Membri kollha jew kellhom biss impatt żgħir fuq id-data tal-ING tagħhom. Xi wħud minn dawn il-problemi kienu suġġetti għal riżervi speċifiċi jew trasversali, u b’hekk jistgħu għad jirriżultaw f’impatt sinifikanti fuq l-ikkompletar tax-xogħol li għaddej.

48 Filwaqt li huwa diffiċli li jiġi stmat l-impatt potenzjali ta’ problema speċifika qabel ma jibda x-xogħol ta’ verifikazzjoni, l-Eurostat jinsab f’qagħda aħjar biex jivvaluta l-impatt matul iċ-ċiklu, hekk kif aktar informazzjoni ssir disponibbli mill-analiżi tal-inventarji tal-ING. Madankollu, din l-informazzjoni ma wasslitx għal aktar prijoritizzazzjoni tax-xogħol.

Prijoritizzazzjoni bbażata fuq il-livell ta’ riskju tal-Istati Membri

49 Kif ġie osservat fil-paragrafu 20, l-Eurostat ippjana li jagħti prijorità lill-verifikazzjonijiet li jwettaq abbażi tal-livell ta’ riskju tal-Istati Membri. Dan, huwa ppjana li jiksbu fi ħdan il-portafoll tal-Istati Membri allokat lil kull uffiċjal responsabbli. Għaldaqstant, aħna stennejna li l-Eurostat jiffoka l-verifikazzjonijiet tiegħu fuq Stati Membri b’riskju għoli u b’riskju medju fl-ewwel parti taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni, u jħalli l-verifikazzjonijiet għall-Istati Membri b’riskju baxx għall-aħħar parti taċ-ċiklu (ara l-Anness III).

50 Analizzajna l-ordni li fih l-uffiċjali responsabbli qiegħdu punti ta’ azzjoni li rriżultaw mill-verifikazzjonijiet tagħhom biex niddeterminaw jekk tawx prijorità lill-Istati Membri b’riskju ogħla. It-tqegħid ta’ punti ta’ azzjoni huwa mument ewlieni fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni għaliex dan huwa meta l-Eurostat jinnotifika lill-Istati Membri dwar il-problemi identifikati u jkunu jistgħu jibdew jaħdmu biex jindirizzaw dawn il-problemi. Eskludejna punti ta’ azzjoni li kienu tqiegħdu għall-problemi trasversali, billi xi wħud setgħu tqiegħdu aktar tard fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni minħabba l-ħtieġa li jitqabblu l-metodoloġiji differenti użati mill-Istati Membri.

51 Sibna li l-uffiċjali responsabbli kienu wettqu l-verifikazzjonijiet għal tlieta mis-seba’ Stati Membri b’riskju għoli kmieni fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni, qabel Stati Membri oħra b’riskju aktar baxx fil-portafoll tagħhom. Fir-rigward tal-erbgħa l-oħra, sibna li:

  • għal żewġ Stati Membri b’riskju għoli, l-uffiċjali responsabbli kienu bdew iqiegħdu punti ta’ azzjoni wara li kienu għamlu dan għal Stati Membri oħra (wieħed b’riskju baxx u wieħed b’riskju għoli);
  • għal Stat Membru wieħed b’riskju għoli, l-uffiċjal responsabbli kien wettaq verifikazzjonijiet simultanjament għal Stat Membru b’riskju baxx, u b’hekk naqqas iż-żmien allokat għall-pajjiż b’riskju għoli;
  • għall-Istat Membru li kien jifdal b’riskju għoli, l-uffiċjal responsabbli kien beda jqiegħed punti ta’ azzjoni relattivament tard fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni (Ġunju 2017), minkejja li ma kellu l-ebda Stat Membru ieħor fil-portafoll tiegħu.

52 B’mod ġenerali, l-uffiċjali responsabbli kienu taw prijorità lill-verifikazzjonijiet għall-Istati Membri b’riskju medju fuq dawk għall-pajjiżi b’riskju baxx. Madankollu, aħna identifikajna każ wieħed fejn l-uffiċjal responsabbli kellu jivverifika tliet Stati Membri (wieħed b’riskju baxx u tnejn b’riskju medju) u taw prijorità lill-verifikazzjonijiet għall-Istat Membru b’riskju baxx.

53 Sibna li madwar kwart tar-riżervi speċifiċi għat-tranżazzjoni li kienu tqiegħdu mill-Eurostat fi tmiem iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni kienu jikkonċernaw l-erba’ Stati Membri b’riskju għoli li ma kinux ingħataw prijorità effettiva (ara l-paragrafu 51). Filwaqt li xi problemi metodoloġiċi jistgħu jkunu kumplessi b’mod inerenti u jirrikjedu riżervi anke jekk jingħataw prijorità, l-identifikazzjoni tagħhom fi stadju aktar bikri, kieku, kienet tagħti lill-Istati Membri b’riskju għoli opportunità aħjar li jindirizzawhom qabel l-għeluq taċ-ċiklu.

Prijoritizzazzjoni permezz ta’ verifikazzjonijiet diretti

54 Kif ġie osservat fil-paragrafu 20, l-Eurostat ippjana li jagħżel l-oqsma għal verifikazzjoni diretta minn ġabra ta’ oqsma speċifiċi ta’ kumpilazzjoni tal-ING li kienu suxxettibbli għal riskju għoli, kif ġie identifikat mill-mudell ta’ valutazzjoni tar-riskju li huwa uża. L-Eurostat irriżerva d-dritt li jimmodifika l-kompożizzjoni tal-ġabra li rriżultat mill-mudell ta’ valutazzjoni tar-riskju bbażat fuq riflessjoni kwalitattiva. Il-proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju kienet tistipula l-għadd minimu ta’ verifikazzjonijiet diretti kif ġej:

  • Stati Membri b’riskju baxx: wieħed;
  • Stati Membri b’riskju medju: tlieta;
  • Stati Membri b’riskju għoli: erbgħa.

55 Aħna vverifikajna jekk l-Eurostat kienx applika l-mudell ta’ valutazzjoni tar-riskju biex jiddetermina l-ġabra ta’ oqsma għal verifikazzjoni diretta, għażilx oqsma mill-ġabra (jew ipprovdiex ġustifikazzjoni jekk le), u wettaqx mill-inqas l-għadd minimu ta’ verifikazzjonijiet diretti meħtieġa għal kull kategorija ta’ riskju.

56 Sibna li l-Eurostat kien applika l-mudell ta’ valutazzjoni tar-riskju biex jiddetermina l-ġabra ta’ oqsma għal verifikazzjoni diretta, kif kien ippjanat. Madankollu, għal 8 mit-28 Stat Membru, l-uffiċjali responsabbli tal-Eurostat kienu ddeċidew li jwettqu verifikazzjonijiet diretti għal oqsma mhux magħżula fil-fajls tal-valutazzjoni tar-riskju, biex jiksbu l-għadd minimu ta’ verifikazzjonijiet. Filwaqt li l-proċedura tabilħaqq tagħti lok għal riflessjoni kwalitattiva, il-ġustifikazzjoni għal din id-deċiżjoni ma ġietx dokumentata. Dan ifixkel il-ħarsa ġenerali li l-Eurostat ta lejn ir-raġunijiet tal-uffiċjali responsabbli biex jimmodifikaw ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-analiżi li wettaq tal-potenzjal għat-titjib tal-mudell billi xi wħud minn dawn ir-raġunijiet saru kriterji tar-riskju.

57 L-Eurostat wettaq mill-inqas l-għadd minimu ta’ verifikazzjonijiet diretti meħtieġa mil-livell tar-riskju għal kull Stat Membru. Dan juri li l-Eurostat kopra sew l-oqsma riskjużi u alloka aktar ħin u riżorsi għal verifikazzjonijiet diretti fi Stati Membri b’riskju ogħla, kif kien ippjanat. Għal 11 mit-28 Stat Membru, l-Eurostat wettaq aktar verifikazzjonijiet diretti mill-għadd minimu meħtieġ, billi għażel bejn qasam wieħed u 4 oqsma addizzjonali għall-verifikazzjoni.

Prijoritizzazzjoni tal-punti ta’ azzjoni

58 L-Eurostat ma stabbiliex jew ma indikax il-livell ta’ prijorità li kellha tingħata mill-NSIs lill-punti ta’ azzjoni aktar riskjużi li seta’ jkollhom impatt ogħla, pereżempju billi talab lill-NSIs jibdew ix-xogħol aktar fis jew billi stabbilixxa dati ta’ skadenza aktar bikrija. Kien f’idejn kull NSI li jiddeċiedi l-ordni li bih jindirizzaw il-punti ta’ azzjoni, abbażi tad-dati ta’ skadenza li huwa kien qabel dwarhom mal-Eurostat.

59 Mingħajr l-ebda indikazzjoni mill-Eurostat dwar problemi ta’ prijorità, l-NSIs jistgħu jiddeċiedu li jallokaw ir-riżorsi tagħhom għal punti ta’ azzjoni li huma eħfef biex jiġu indirizzati, billi jipposponu dawk li huma aktar kumplessi u li jirrikjedu bidliet metodoloġiċi aktar sinifikanti. Skont l-Eurostat, huwa plawżibbli li wieħed jassumi li l-punti ta’ azzjoni ttrasformati f’riżervi jikkonċernaw problemi aktar kumplessi u/jew akbar mill-punti li setgħu jiġu indirizzati u magħluqa aktar malajr, u għalhekk se jwasslu għal reviżjonijiet akbar.

L-Eurostat ipprovda appoġġ adegwat lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-problemi b’riskju għoli, iżda ma rreaġiex għall-problema tal-globalizzazzjoni b’mod f’waqtu

Appoġġ u gwida għall-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika

60 Biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw problemi b’riskju għoli b’mod f’waqtu, jenħtieġ li l-Eurostat jipprovdi appoġġ u gwida adegwati lill-NSIs.

61 Aħna sibna li, b’mod ġenerali, l-Eurostat kien appoġġa b’mod effettiv lill-NSIs fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-problemi trasversali. Dan seħħ l-aktar notevolment permezz ta’: it-twaqqif ta’ sottogruppi biex jiġu ċċarati l-aspetti metodoloġiċi fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti tal-ING; il-koordinazzjoni tax-xogħol dwar l-iżvilupp ta’ linji gwida ma’ unitajiet oħra fi ħdan l-Eurostat u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali; l-organizzar ta’ sessjoni ta’ ħidma; u t-tnedija ta’ eżerċizzju pilota biex jiġu analizzati l-attivitajiet tal-intrapriżi multinazzjonali (MNEs). Huwa ħejja rapporti ta’ progress u rapporti finali b’informazzjoni dwar ix-xogħol li huwa wettaq biex jindirizza dawn il-problemi u s-soluzzjonijiet adottati minn NSIs differenti.

62 Ir-rispondenti mill-NSIs għall-istħarriġ tagħna apprezzaw l-appoġġ, il-gwida u l-informazzjoni pprovduti mill-Eurostat matul iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni. L-NSIs kollha rrappurtaw kooperazzjoni jew tajba jew inkella eċċellenti mal-Eurostat u 88 % tal-NSIs qablu li l-Eurostat kien ipprovda gwida adegwata u f’waqtha fil-biċċa l-kbira mill-każijiet. Barra minn hekk, l-NSIs kollha qablu li l-Eurostat kien ipprovda informazzjoni suffiċjenti dwar l-ambitu u l-progress tal-verifikazzjonijiet li huwa wettaq.

63 Żewġ NSIs enfasizzaw li l-Eurostat kien ipprovda gwida dwar l-allowances ta’ kuljum wara li kien qiegħed ir-riżerva, minflok qabel, li kien ukoll il-każ għall-marġnijiet fuq assi finanzjarji tan-negozjar. L-NSIs taw x’jifhmu wkoll li l-Eurostat jipprovdi gwida aktar ċara u/jew aktar prattika, jorganizza aktar laqgħat bilaterali bejn l-uffiċjali responsabbli u l-NSIs, u jipprovdi aktar appoġġ tekniku.

Rispons tal-Eurostat għall-isfidi tal-globalizzazzjoni

64 Il-globalizzazzjoni tfisser li d-ditti jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom fuq bażi internazzjonali u jirrilokaw l-operazzjonijiet jew l-assi tagħhom biex jibbenefikaw minn reġimi tat-taxxa vantaġġużi. Huwa diffikultuż għall-Eurostat u għall-NSIs biex jagħtu rendikont korrett ta’ dawn l-attivitajiet fil-kalkoli tal-ING, billi kull NSI jista’ jara biss l-attivitajiet ekonomiċi tal-organizzazzjonijiet li joperaw fil-ġuriżdizzjoni tiegħu.

65 Aħna vverifikajna jekk l-Eurostat kienx irreaġixxa b’mod f’waqtu għal din il-problema, u jekk l-approċċ tiegħu (li jipprovdi gwida u appoġġ lill-NSIs, u fl-aħħar mill-aħħar li jqiegħed riżerva) kienx effettiv biex jikseb aċċertament raġonevoli rigward l-adegwatezza tas-sistemi tal-kontijiet nazzjonali li kienu ġew stabbiliti biex ikejlu l-impatt tal-globalizzazzjoni fuq l-ING.

66 Sibna li l-problemi relatati mal-kejl tal-attivitajiet tal-MNEs fil-kontijiet nazzjonali kienu jeżistu qabel il-bidu taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 tal-ING, u setgħu ġew indirizzati mill-Eurostat aktar fis. Kien hemm diversi indikazzjonijiet, li diġà kienu jeżistu fl-2011, li l-globalizzazzjoni u l-bidliet relatati fl-oqfsa kontabilistiċi se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kontijiet nazzjonali, li jkun jirrikjedi analiżi aktar fil-fond biex jiġu identifikati soluzzjonijiet prattiċi bħat-tfassil ta’ profili tal-MNEs ikkoordinati fil-livell tal-UE (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Indikazzjonijiet li l-problema tal-globalizzazzjoni kienet tirrikjedi soluzzjonijiet prattiċi

  • Is-Sistema tal-Kontijiet Nazzjonali 2008 (qafas statistiku internazzjonali) u l-ESA 2010 introduċew regoli ġodda dwar ir-reġistrazzjoni ta’ mudelli ta’ negozju globalizzati.
  • Fl-2011 il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti osservat li jenħtieġ li stħarriġiet ġodda jimmiraw lejn l-MNEs biex ikun jista’ jitwettaq kejl dirett tat-tranżazzjonijiet tagħhom.
  • Fl-2012 u fl-2014 il-grupp ta’ esperti tad-Diretturi tal-Istatistika Makroekonomika, tal-Kummissjoni, osserva li l-gwida disponibbli naqset milli tindirizza r-riċerka u l-iżvilupp fl-MNEs u li l-globalizzazzjoni u l-MNEs ħolqu problemi ġodda għall-kontijiet nazzjonali, li kienu jirrikjedu soluzzjonijiet bħat-tfassil ta’ profili.
  • Fl-2014, il-bidliet fir-reġim tal-VAT u l-abolizzjoni ta’ xi skemi ta’ minimizzazzjoni tat-taxxa fl-UE skattaw bidliet rapidi fil-mudell ta’ negozju għal xi MNEs.

67 Għalkemm l-Eurostat identifika r-riskju relatat mal-globalizzazzjoni u kien diġà pprovda appoġġ lill-Istati Membri rigward xi aspetti tal-globalizzazzjoni, ma kellux sistema fis-seħħ biex tgħin lill-Istati Membri jaqbdu r-rilokazzjoni tal-attivitajiet tal-MNEs u biex tiżgura kooperazzjoni effettiva fost l-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat it-tfassil ta’ profili tal-MNEs qabel l-2016.

68 F’Lulju 2016, l-Irlanda rrappurtat żieda ta’ 24 % (EUR 39 biljun) fid-data tal-ING għall-2015 meta mqabbla mal-2014, minħabba r-rilokazzjoni tal-assi ta’ ftit MNEs kbar. L-Eurostat eżamina l-metodoloġija li fuqha kienet ibbażata d-data tal-ING irrappurtata mill-Irlanda, u l-Kumitat tal-ING ivvalida din id-data.

69 Wara l-identifikazzjoni tal-problema fl-Irlanda, l-Eurostat beda jindirizza l-problema tal-attivitajiet tal-MNEs b’mod aktar prattiku. Huwa waqqaf gruppi ta’ ħidma ġodda dwar is-suġġett, u nieda eżerċizzji ta’ ġbir ta’ informazzjoni u eżerċizzju pilota (ara l-paragrafu 60), biex jgħin fl-aċċertament tal-affidabbiltà tar-reġistrazzjoni ta’ problemi ta’ globalizzazzjoni fid-data tal-ING u l-problemi inerenti. L-Eurostat ippropona wkoll l-introduzzjoni ta’ Sistema ta’ Twissija Bikrija għad-detezzjoni tar-ristrutturar tal-MNEs. Li kieku nieda dawn l-inizjattivi aktar kmieni, l-NSIs kienu jkunu jistgħu jiġbru informazzjoni rilevanti mingħand l-MNEs fi stadju bikri.

70 Fi tmiem iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni, l-Eurostat ikkonkluda li l-Istati Membri kollha kienu jeħtieġu jwettqu aktar xogħol dwar problemi relatati mal-globalizzazzjoni. Il-Kummissjoni qiegħdet riżerva trasversali għal dan il-fini, b’data ta’ skadenza ta’ Settembru 2022. Din hija l-aktar importanti mill-ħames riżervi trasversali stabbiliti fi tmiem iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 (ara l-Anness V), minħabba l-kumplessità u l-ambitu wiesa’ tagħha. Filwaqt li l-erba’ riżervi trasversali l-oħra japplikaw għad-data tal-ING mill-2010 ’l quddiem, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-applikazzjoni tar-riżerva trasversali dwar il-globalizzazzjoni għas-snin mill-2018 ’il quddiem.

71 Il-limitar tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din ir-riżerva jdgħajjef il-kumparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data tal-ING tal-Istati Membri rrappurtata għall-perjodu 2010 sa 201713. Jista’ jkun li xi Stati Membri ma kkontabilizzawx dan il-fenomenu b’mod xieraq fil-kontijiet nazzjonali tagħhom qabel l-2018, filwaqt li oħrajn (bħall-Irlanda) irrappurtaw data affidabbli għal dak il-perjodu.

72 Il-Kummissjoni (l-Eurostat u d-DĠ BUDG) iġġustifikat il-limitazzjoni tal-perjodu billi rreferiet għad-diffikultà prattika biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa mingħand l-MNEs għas-snin preċedenti. Hija qieset li l-inċertezza baġitarja maħluqa minn riżerva tal-ING li ilha pendenti ma kinitx proporzjonata mal-impatt potenzjali fuq l-ING14. Filwaqt li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kosteffettività hija ġġustifikata meta tittieħed deċiżjoni dwar l-ambitu ta’ riżerva, jenħtieġ li din l-applikazzjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni adegwata rigward l-impatt potenzjali tal-problema inkwistjoni. Il-Kummissjoni ddikjaratat li d-deċiżjoni tagħhom ħadet inkunsiderazzjoni l-konklużjoni tal-eżerċizzju pilota dwar l-MNEs imwettaq mill-Eurostat, li ma identifikatx distorsjonijiet kbar lill-ING. Madankollu, l-eżerċizzju pilota kien jikkonċerna kampjun żgħir ta’ MNEs u sena waħda biss (l-2016). Dan ma jipprovdix evidenza suffiċjenti rigward is-snin ta’ qabel l-2018.

73 Hemm diversi indikazzjonijiet li l-globalizzazzjoni kellha impatt sinifikanti fuq il-kontijiet nazzjonali qabel l-2018, li seta’ kkawża bidliet fl-ING. Pereżempju, tliet Stati Membri rrappurtaw lill-Eurostat fl-2017 li kienu ilhom mill-2010 josservaw każijiet speċifiċi ta’ rilokazzjoni minn kumpaniji b’assi sostanzjali (aktar minn EUR 100 miljun) lejn jew minn pajjiżhom. F’Settembru 2021 Stat Membru wieħed ipprovda informazzjoni dwar ir-reviżjonijiet sinifikanti għad-data tal-ING tiegħu fil-kuntest ta’ tliet riżervi tal-ING, inkluża r-riżerva rigward il-globalizzazzjoni (li kienet parzjalment implimentata f’dak iż-żmien). L-impatt ikkombinat ta’ dawn it-tliet riżervi kien ivarja minn −2.0 % (2010) sa 16.3 % tal-ING (2012) bejn l-2010 u l-2019.

74 Fir-Rapport Annwali 2020, aħna rrakkomandajna li jekk l-impatt tat-tneħħija ta’ din ir-riżerva kellu jvarja b’mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-kwalità tad-data dwar l-ING tas-snin preċedenti, bil-ħsieb li tinforma lill-awtorità baġitarja dwar l-implikazzjonijiet possibbli tal-istatistika riveduta li tirriżulta għall-baġit tad-dħul mill-2010 ’l hawn. Il-Kummissjoni ma aċċettatx din ir-rakkomandazzjoni minħabba li qieset li t-twaqqit tar-riżerva dwar il-globalizzazzjoni, jiġifieri għas-snin 2018 ’il quddiem, kien xieraq.

75 Kważi nofs l-NSIs li rrispondew għall-istħarriġ tagħna qiesu li l-ambitu tar-riżerva trasversali dwar il-globalizzazzjoni ma kienx jiżgura l-kumparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data tal-ING tal-Istati Membri. Xi wħud mir-raġunijiet mogħtija għal dan kienu jikkonċernaw il-kumplessità u n-natura speċifika ta’ din il-problema (aktar rilevanti għal pajjiżi b’reġimi kompetittivi fil-qasam tat-taxxa), l-għadd żgħir ta’ MNEs koperti, u l-fatt li r-riżerva ma tkoprix is-snin qabel l-2018, li jista’ jnaqqas il-kumparabbiltà tal-istimi tal-ING tal-Istati Membri.

Iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING ġie kkompletat kif kien ippjanat, iżda xi dgħufijiet laqtu l-effiċjenza tiegħu

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni kkompletat il-verifikazzjonijiet kif kien ippjanat, u kkomunikat ir-riżultati tagħhom b’mod f’waqtu

76 Il-prevedibbiltà tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING tiddependi mill-puntwalità taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni u minn kemm il-Kummissjoni tinforma malajr lill-Istati Membri bir-riżultati tagħha (aġġustamenti għall-kontribuzzjonijiet imħallsa) meta mqabbla mad-data ta’ skadenza tal-pagamenti għall-kontribuzzjonijiet. Aħna vverifikajna jekk l-Eurostat kienx ikkompleta ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING kif ippjanat (fl-2019) u jekk id-DĠ BUDG kienx informa lill-Istati Membri dwar l-aġġustamenti għall-kontribuzzjonijiet tagħhom ibbażati fuq l-ING b’mod f’waqtu, li jippermetti ppjanar baġitarju effettiv.

77 Minkejja l-għadd kbir ta’ problemi metodoloġiċi li rriżultaw mill-introduzzjoni ta’ qafas kontabilistiku ġdid (ESA 2010), l-Eurostat ikkompleta l-verifikazzjonijiet ippjanati għaċ-ċiklu 2016-2019 fil-ħin, għajr għal Franza. Dan kien minħabba li Franza kienet bagħtet l-inventarju tal-ING tagħha tard (ara l-paragrafu 15). Madankollu, għad hemm problemi miftuħa fil-għamla ta’ riżervi li jestendu l-verifikazzjonijiet lil hinn mill-ikkompletar uffiċjali taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni (ara l-paragrafi 07 u 08).

78 B’riżultat tal-verifikazzjonijiet li wettqet, il-Kummissjoni qiegħdet madwar 1 200 punt ta’ azzjoni u 300 riżerva, jiġifieri żieda fuq iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni preċedenti (ara l-Figura 4). Ir-riżervi jikkonċernaw aktar minn 10 snin ta’ data tal-ING u jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kontribuzzjonijiet futuri mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw dawn ir-riżervi kollha sa mhux aktar tard minn Settembru 2022. L-Eurostat neħħa l-biċċa l-kbira mir-riżervi li jikkonċernaw iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni preċedenti (ġeneralment b’impatt fuq id-data mill-2002 sal-2010) sal-2017.

Figura 4 – Evoluzzjoni tal-punti ta’ azzjoni u r-riżervi bejn żewġ ċikli ta’ verifikazzjoni konsekuttivi

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-rapport finali tal-Eurostat dwar iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019, ir-rapporti taż-żjarat ta’ informazzjoni miċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2007-2012, u r-Rapport Speċjali 11/2013 tal-QEA.

79 Fir-rigward tal-komunikazzjoni, aħna sibna li d-DĠ BUDG kien informa lill-Istati Membri dwar l-aġġustamenti għall-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING b’mod f’waqtu, l-aktar minħabba li l-emendi għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE kienu jippermettu aktar żmien għall-pagament.

80 Fl-2016, emenda għar-Regolament tal-UE biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-ammonti għar-riżorsi proprji15 (“MAR”) ippermettiet aktar żmien bejn id-data meta d-DĠ BUDG informa lill-Istati Membri bl-ammonti pagabbli (l-1 ta’ Frar kull sena) u d-data li fiha dawn l-ammonti kellhom isiru disponibbli (l-1 ta’ Ġunju tal-istess sena). Emenda ġdida għall-MAR ġiet adottata f’April 202216. Hija reġgħet estendiet id-data ta’ skadenza biex isiru disponibbli l-aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING, minn Ġunju ta’ kull sena sa Marzu tas-sena ta’ wara. Aħna appoġġajna din il-bidla, billi naqqset aktar l-inċertezza baġitarja għall-Istati Membri filwaqt li kienet newtrali fir-rigward tal-baġit tal-UE17.

81 Ir-risposti għall-istħarriġ li bgħatna lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi proprji għall-baġit tal-UE jikkonfermaw li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-bidla tal-2022 għall-MAR, l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni dwar l-aġġustamenti hija f’waqtha u suffiċjenti biex tippermetti ppjanar baġitarju effettiv fil-livell nazzjonali (skont 9 mill-10 awtoritajiet nazzjonali li rrispondew).

L-Eurostat ivverifika ħafna problemi li wrew li kellhom impatt baxx fuq l-ING

82 Biex titjieb l-effiċjenza, jista’ jintuża soll ta’ materjalità biex jiġu mmirati l-verifikazzjonijiet dwar problemi li x’aktarx ikollhom impatt għoli fuq l-ING. L-Eurostat introduċa soll ta’ materjalità ta’ 0.1 % tal-ING għaċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019. Huwa qies li problemi b’impatt taħt dak is-soll ma kinux jirrikjedu azzjoni ulterjuri. Aħna eżaminajna l-bażi għall-fatt li l-Eurostat stabbilixxa s-soll ta’ materjalità f’livell ta’ 0.1 % tal-ING u l-punt sa fejn dan ġie rifless fil-verifikazzjonijiet li huwa wettaq.

Livell tas-soll ta’ materjalità

83 L-Eurostat ma bbażax is-soll ta’ materjalità ta’ 0.1 % fuq xi mudell jew referenza partikolari minn prattiki statistiċi internazzjonali. Ir-rieżaminar li wettaqna tad-dokumentazzjoni u l-istħarriġ tal-NSI wrew li l-kunċett ta’ materjalità ma jintużax ħafna fl-istatistika. L-applikazzjoni ta’ soll hija ġġustifikata min-natura unika taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING. Dan tal-aħħar irid jipprovdi aċċertament dwar il-kwalità tad-data statistika fid-dawl tal-impatt finanzjarju tagħha fuq il-kontribuzzjonijiet li l-Istati Membri jagħmlu għall-baġit tal-UE. Il-livell propost ta’ materjalità ġie ppreżentat lill-Kumitat tal-ING, li qabel mal-applikazzjoni tiegħu bħala mezz biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kosteffettività (ara l-paragrafi 05 u 17).

84 L-għażla li l-Eurostat għamel ta’ 0.1 % tal-ING għals-soll ta’ materjalità tindika livell għoli ta’ skrutinju tad-data tal-ING u tolleranza baxxa għal kwalunkwe ineżattezza jew dgħufija metodoloġika li tista’ tinqabad matul iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni. Id-dokumentazzjoni li rrieżaminajna18 tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kontijiet nazzjonali huma sett ta’ statistika ekonomika li huwa ferm kumpless. Billi jikkombinaw għadd enormi ta’ sorsi ta’ data interni u esterni li jkopru diversi aspetti tal-ekonomija biex jiġu dderivati l-ING u indikaturi ewlenin oħra, huwa diffiċli li jiġi żgurat livell għoli ħafna ta’ preċiżjoni. Il-manwal tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar il-kontijiet nazzjonali19 jispeċifika li tkun illużjoni li wieħed jaħseb li l-grad ta’ preċiżjoni rigward il-livelli tal-PDG huwa inqas minn diversi punti perċentwali. Għal xi komponenti tal-ING, il-marġni impliċitu ta’ devjazzjoni (żball fil-kejl) fiċ-ċifri stmati jista’ jkun ħafna ogħla minn 0.1 %.

85 F’ekonomiji li għandhom ING relattivament żgħir meta mqabbel mal-medja tal-UE, iżda li huma esposti għall-ekonomija globali, is-soll ta’ 0.1 % effettivament ifisser li kważi kwalunkwe tranżazzjoni jew attività finanzjarja mwettqa minn kumpaniji internazzjonali kbar tkun materjali. Pereżempju, f’Malta s-soll ta’ materjalità kien ta’ EUR 13-il miljun fl-2019, filwaqt li għall-Ġermanja kien kważi 300 darbiet ogħla (EUR 3.6 biljun). Għalhekk, l-isforz meħtieġ biex jiġu investigati problemi lil hinn mill-materjalità jista’ jkun sproporzjonat għar-riżorsi disponibbli f’xi Stati Membri.

86 Fir-risposti tagħhom għall-istħarriġ tagħna, 85 % tal-NSIs qiesu li 0.1 % kien soll ta’ materjalità xieraq, filwaqt li 11 % sabuh baxx wisq. Madankollu, 39 % tar-rispondenti ddikjaraw li ċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni kien parzjalment effiċjenti (35 %) jew mhux effiċjenti (4 %). Ir-raġuni mogħtija l-aktar komunement għar-risposta “parzjalment effiċjenti” (90 % tal-każijiet) kienet li l-verifikazzjonijiet mill-Eurostat kienu jkopru wisq problemi b’impatt baxx fuq l-ING.

Applikazzjoni tas-soll ta’ materjalità

87 Aħna stennejna li l-Eurostat japplika s-soll ta’ materjalità kull fejn kien hemm informazzjoni suffiċjenti biex titwettaq valutazzjoni raġonevoli tal-impatt potenzjali fuq l-ING. Dan ikun jelimina verifiki dettaljati dwar problemi li jistgħu jirriżultaw immaterjali.

88 Skont il-proċeduri tal-Eurostat, jenħtieġ li s-soll ta’ materjalità jittieħed inkunsiderazzjoni f’diversi stadji fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni. L-Istati Membri mhumiex meħtieġa jieħdu azzjoni jekk juru li l-impatt ta’ problema mhuwiex materjali (ara t-Tabella 1):

Tabella 1 – Applikazzjoni ta’ soll ta’ materjalità ta’ 0.1 %

Stadju fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni Azzjoni meħuda jekk l-NSI juri immaterjalità
Tfassil ta’ inventarju tal-ING Id-deskrizzjoni tal-punt rilevanti tista’ titħalla barra mill-inventarju jekk sehmu ta’ inqas minn 0.1 % tal-ING tal-Istat Membru jkun indikat u ġġustifikat.
Identifikazzjoni ta’ defiċjenzi fil-kumpilazzjoni tal-ING Mhumiex meħtieġa aktar investigazzjonijiet.
Tqegħid ta’ punti ta’ azzjoni/riżervi Ma jitqiegħdu l-ebda punt ta’ azzjoni jew riżerva.
Għeluq/tneħħija ta’ punti ta’ azzjoni/riżervi Il-punt ta’ azzjoni jew ir-riżerva jistgħu jingħalqu/jitneħħew mingħajr rettifikazzjoni tad-defiċjenza.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti tal-Eurostat rigward l-applikazzjoni tas-soll ta’ materjalità.

89 Aħna sibna li, meta fasslu l-inventarji tal-ING tagħhom, b’mod ġenerali l-NSIs għażlu li jippreżentaw deskrizzjoni sħiħa tal-komponenti tal-ING irrispettivament mill-materjalità. Billi l-inventarji tal-ING jintużaw minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati (inkluż l-Eurostat) b’interessi differenti fl-informazzjoni ppreżentata, dan huwa approċċ raġonevoli biex il-ħtiġijiet tagħhom jiġu indirizzati.

90 Meta analizzaw l-inventarji tal-ING biex jidentifikaw defiċjenzi u meta talbu kjarifiki mingħand l-NSIs, l-uffiċjali responsabbli tal-Eurostat ma qisux il-materjalità dment li l-NSIs ma pprovdewx din l-informazzjoni b’mod espliċitu. Għas-6 Stati Membri li għażilna, l-uffiċjali responsabbli talbu lill-NSIs aktar minn 1 100 mistoqsija biex jiċċaraw ċerti aspetti wara l-analiżi li kienu wettqu tal-inventarji tal-ING. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-mistoqsijiet ġew iċċarati qabel ma saru punti ta’ azzjoni, jew minħabba li l-NSIs ipprovdew l-informazzjoni meħtieġa jew inkella minħabba li taw prova li l-problema kienet immaterjali. Il-mistoqsijiet li kien jifdal (madwar kwart) saru punti ta’ azzjoni, li minnhom xi wħud ġew ittrasformati f’riżervi (ara l-Figura 5).

Figura 5 – Punti ta’ azzjoni u riżervi bħala proporzjon tal-mistoqsijiet tal-Eurostat (sitt Stati Membri magħżula)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Kwestjonarji tal-Valutazzjoni tal-Inventarju tal-ING tal-Eurostat għas-sitt Stati Membri magħżula u fuq bażijiet ta’ data ta’ punti ta’ azzjoni u riżervi.

91 Rigward il-punti ta’ azzjoni li eżaminajna, l-uffiċjali responsabbli ma vvalutawx l-impatt potenzjali fuq l-ING billi użaw informazzjoni li diġà kienet teżisti mill-inventarju tal-ING (bħall-materjalità tal-komponent tal-ING ikkonċernat), informazzjoni pubblika jew inkella dokumenti jew rapporti oħra disponibbli fl-Eurostat. Il-proċeduri ta’ verifikazzjoni mwettqa mill-Eurostat ma kinux jirrikjedu li l-uffiċjali responsabbli jiġbru informazzjoni preliminari b’mod sistematiku mingħand l-NSIs dwar l-impatt mistenni tal-punti ta’ azzjoni. Mis-sitt Stati Membri li għażilna, in-Netherlands biss ipprovdew dan it-tip ta’ informazzjoni preliminari għall-punti ta’ azzjoni kollha, filwaqt li NSIs oħra għamlu dan f’għadd limitat ħafna ta’ każijiet. Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li huwa diffiċli li jiġi ppruvat b’mod inekwivoku l-impatt ta’ punt ta’ azzjoni qabel ma tkun ġiet solvuta l-problema metodoloġika ta’ bażi.

92 Biex naraw jekk dawn l-istimi preliminari tal-impatt potenzjali kinux affidabbli, aħna ġbarna l-informazzjoni l-aktar reċenti li kienet disponibbli dwar l-istimi finali għas-sitt Stati Membri. Fost il-punti ta’ azzjoni li għalihom l-NSIs kienu pprevedew impatt immaterjali, 75 % fil-fatt kellhom impatt finali taħt is-soll ta’ materjalità. Dan jindika li l-istimi preliminari kienu joffru grad għoli ta’ affidabbiltà. Fejn l-Eurostat irċieva stimi bħal dawn, l-uffiċjali responsabbli komplew il-verifikazzjonijiet tagħhom u talbu informazzjoni addizzjonali sakemm huma qiesu li l-problema metodoloġika kienet ġiet indirizzata b’mod suffiċjenti u l-NSIs kienu pprovdew l-informazzjoni kollha dwar l-impatt finali fuq l-ING.

93 Għas-sitt Stati Membri li analizzajna, l-Eurostat applika l-aktar is-soll ta’ materjalità fl-istadju finali tal-verifikazzjonijiet li wettaq fuq punti ta’ azzjoni, biex jiddeċiedi jekk jenħtieġx li l-NSIs jirrivedu d-data tal-ING tagħhom biex jindirizzaw id-dgħufijiet identifikati. Dan l-approċċ laqat l-effiċjenza taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni billi kemm l-Eurostat kif ukoll l-NSIs iddedikaw riżorsi biex isolvu problemi li x’aktarx ma kinux materjali skont l-informazzjoni preliminari.

94 Aħna analizzajna 15-il punt ta’ azzjoni aktar fil-fond bl-appoġġ ta’ esperti indipendenti. Osservajna li l-informazzjoni disponibbli għall-Eurostat waqt li dan kien qed iqiegħed punti ta’ azzjoni (jew ftit taż-żmien wara) kienet, kieku, tippermetti lill-uffiċjali responsabbli jiddeċiedu jekk għandhomx jagħtu segwitu għall-problema. Din l-informazzjoni kienet jew disponibbli għall-pubbliku, ippreżentata fl-inventarji tal-ING, jew inkella pprovduta mill-NSIs ftit taż-żmien wara li tqiegħdu l-punti ta’ azzjoni. Il-Kaxxa 5 tippreżenta eżempji ta’ punti ta’ azzjoni fejn din l-informazzjoni kienet faċilment disponibbli u li għalihom l-impatt x’aktarx li ma kienx sinifikanti.

Kaxxa 5

Improbabbiltà ta’ impatt sinifikanti għal xi punti ta’ azzjoni: żewġ eżempji

L-Irlanda – stima tat-tips

L-Eurostat qiegħed punt ta’ azzjoni fir-rigward tal-istima tat-tips, billi din kienet ibbażata fuq informazzjoni skaduta dwar imġiba fl-għoti tat-tips (20 % tat-total tas-salarji fl-industriji tal-akkomodazzjoni u tal-catering).

  • L-ammont stmat kien madwar EUR 400 miljun fl-2010, filwaqt li s-soll ta’ materjalità għall-Irlanda kien ta’ EUR 140 miljun fl-istess sena.
  • Anke li kieku l-bidliet fl-imġiba fl-għoti tat-tips fuq ħames snin kienu rriżultaw f’reviżjoni ta’ 25 % ta’ din l-istima (+/−EUR 100 miljun), l-impatt fuq l-ING kien ikun immaterjali.

L-Eurostat għalaq dan il-punt ta’ azzjoni sentejn u nofs wara li dan tqiegħed, meta l-NSI Irlandiż tejjeb il-proċedura ta’ kumpilazzjoni korrispondenti u rreġistra impatt ta’ 0.006 % fuq l-ING.

Malta – stima tal-kostruzzjoni tal-unitajiet domestiċi f’isimha stess

L-Eurostat qiegħed punt ta’ azzjoni rigward l-istima tax-xogħol ta’ kostruzzjoni mwettaq mill-unitajiet domestiċi f’isimhom stess.

  • L-ammont stmat kien ta’ EUR 4.5 miljun, filwaqt li s-soll ta’ materjalità għal Malta kien ta’ EUR 9.4 miljun fl-2015.
  • L-indirizzar tal-punt ta’ azzjoni seta’ rriżulta biss f’reviżjoni ’l isfel tal-komponent tal-ING ikkonċernat. Anke korrezzjoni ta’ 100 % (−EUR 4.5 miljun) kienet tkun immaterjali.

L-Eurostat għalaq dan il-punt ta’ azzjoni sena u nofs wara li dan tqiegħed, meta l-NSI Malti rriveda l-proċedura ta’ kumpilazzjoni korrispondenti u rreġistra impatt ta’ −0.01 % fuq l-ING.

95 Fl-istħarriġ li wettaqna, il-biċċa l-kbira mill-NSIs ikklassifikaw l-ammont ta’ xogħol relatat mat-talbiet tal-Eurostat għal kjarifiki, punti ta’ azzjoni u riżervi bħala għoli jew għoli ħafna (ara l-Figura 6).

Figura 6 – Valutazzjoni mill-NSIs tal-ammont ta’ xogħol relatat maċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni

Sors: l-istħarriġ imwettaq mill-QEA, indirizzat lill-NSIs.

Impatt finali tal-punti ta’ azzjoni u r-riżervi

96 L-informazzjoni dwar l-impatt finali tal-punti ta’ azzjoni u r-riżervi tkun tippermetti lill-Eurostat jivvaluta l-effiċjenza tal-approċċ ta’ verifikazzjoni tiegħu u jieħu deċiżjonijiet ta’ ġestjoni f’dan il-qasam. Dan jista’ jinvolvi l-irfinar tal-valutazzjoni tar-riskju jew il-mod kif is-soll ta’ materjalità jiġi applikat. Aħna sibna li l-Eurostat ma kienx ikkumpila ħarsa ġenerali lejn l-impatt tal-punti ta’ azzjoni fuq l-ING. Informazzjoni dwar l-impatt tar-riżervi ġiet ipprovduta għal għadd limitat ta’ każijiet f’fajl ta’ ħarsa ġenerali li fih dettalji tar-riżervi kollha.

97 Aħna analizzajna l-informazzjoni disponibbli dwar l-impatt tal-130 punt ta’ azzjoni “A” li tqiegħdu għas-6 Stati Membri magħżula, u ż-żmien meħtieġ biex jiġu indirizzati. L-analiżi li wettaqna wriet li l-106 punti ta’ azzjoni li għalihom l-impatt finali kien magħruf kellhom impatt medjan ta’ 0.02 % tal-ING, u 75 % kienu immaterjali. Aktar minn nofs il-130 punt ta’ azzjoni ħadu mill-inqas sentejn biex jagħlqu, u 24 kienu għadhom miftuħa fil-għamla ta’ riżervi fiż-żmien meta wettaqna l-awditu. Dan jindika li kienu jirrikjedu xogħol sinifikanti mill-NSIs. Il-Figura 7 turi l-impatt tal-106 punti ta’ azzjoni li għalihom din l-informazzjoni kienet disponibbli fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, u ż-żmien meħtieġ biex jiġu indirizzati.

Figura 7 – Impatt tal-punti ta’ azzjoni u ż-żmien meħud biex jiġu indirizzati (sitt Stati Membri magħżula)

Noti:

L-ogħla impatt annwali bħala valur assolut (irrispettivament mis-sinjal) ittieħed inkunsiderazzjoni għal din l-analiżi. Għal punti ta’ azzjoni li ġew ittrasformati f’riżervi, aħna ppreżentajna l-impatt u l-għadd ta’ snin meħtieġa biex tiġi indirizzata r-riżerva korrispondenti, inklużi każijiet fejn l-ambitu tar-riżerva kien usa’ mill-punt ta’ azzjoni. Fejn ir-riżervi korrispondenti ma tneħħewx sa Jannar 2022 (id-data limitu tal-awditu li wettaqna), l-għadd ta’ snin ġie kkalkulat abbażi ta’ din id-data ta’ referenza.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mill-fajls ta’ verifikazzjoni tal-Eurostat, korrispondenza mal-NSIs, rapporti tal-Istati Membri dwar ix-xogħol li sar fuq punti ta’ azzjoni u rapporti dwar il-kwalità.

98 L-Eurostat iżomm lista ta’ problemi li jkunu nstabu li huma immaterjali matul iċ-ċikli ta’ verifikazzjoni (li jirriżultaw minn mistoqsijiet, punti ta’ azzjoni jew riżervi). Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jirrivedu din il-lista f’kull ċiklu ta’ verifikazzjoni billi jivverifikaw, għal kull problema, jekk l-impatt potenzjali għadux taħt is-soll ta’ materjalità. Dan jista’ jirrappreżenta piż addizzjonali għall-NSIs, billi dawn iridu jaġġornaw l-informazzjoni rigward problemi li preċedentement kienu meqjusa immaterjali. F’April 2022, wara l-awditu li wettaqna, l-Eurostat ħa passi biex inaqqas l-għadd ta’ problemi f’din il-lista u jissimplifika l-proċess ta’ tneħħija ta’ problemi f’ċikli ta’ verifikazzjoni futuri.

99 L-analiżi li wettaqna tal-impatt tad-39 riżerva li kienu tneħħew sa tmiem l-2021 (mit-total ta’ 300 riżerva) turi li 41 % kellhom impatt immaterjali u l-impatt medjan tagħhom kien ta’ 0.15 %. Dan jindika li r-riżervi għandhom it-tendenza li jindirizzaw problemi b’impatt kemxejn ogħla mill-punti ta’ azzjoni li ngħalqu matul iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni.

Ineffiċjenzi fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni b’rabta mal-għodod ta’ dokumentazzjoni li ntużaw

100 Aħna analizzajna l-għodod li ntużaw mill-Eurostat biex jiddokumenta l-verifikazzjonijiet tiegħu sabiex nivvalutaw jekk dawn iffaċilitawx iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni u r-rieżaminar tal-eżitu ta’ dan tal-aħħar biex itejjeb l-effiċjenza u jillimita l-piż amministrattiv.

101 Sibna li l-NSIs kienu ppreżentaw l-informazzjoni ewlenija għall-analiżi mill-Eurostat f’diversi tipi ta’ dokumenti, bl-użu ta’ mudelli Microsoft Word u Excel. L-uffiċjali responsabbli tal-Eurostat iddokumentaw il-verifikazzjonijiet f’fajls Word u Excel u bagħtu emails lill-NSIs rigward mistoqsijiet, punti ta’ azzjoni u riżervi, u biex jagħtu segwitu għax-xogħol tal-NSIs.

102 L-għadd fih innifsu ta’ dokumenti u għodod ħoloq sistema kumplessa li tirrikjedi li l-uffiċjali responsabbli jsegwu u jaġġornaw l-informazzjoni rilevanti kollha għall-pajjiżi jew il-problemi li għalihom kienu responsabbli. Din is-sistema għamlitha diffiċli għar-rieżaminaturi, l-awdituri interni/esterni u persunal ieħor tal-Eurostat biex isibu u janalizzaw l-informazzjoni rilevanti mingħajr ma jikkonsultaw lill-uffiċjali responsabbli. Minkejja l-użu ta’ mudelli biex jiġi żgurat approċċ konsistenti, aħna sibna diversi differenzi fil-mod kif l-NSIs bagħtu l-informazzjoni rilevanti u kif l-uffiċjali responsabbli tal-Eurostat iddokumentaw xogħolhom (ara l-Kaxxa 6). Dan jipperikola l-effiċjenza u l-konsistenza tar-rieżaminar intern imwettaq mill-Eurostat.

Kaxxa 6

Differenzi fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni fl-inventarji tal-ING u fid-dokumentazzjoni tax-xogħol tal-Eurostat

Inventarji tal-ING

Filwaqt li b’mod ġenerali l-inventarji tal-ING tal-Istati Membri kienu jsegwu l-mudell ipprovdut mill-Eurostat, l-informazzjoni divulgata mhux dejjem kienet ċara minħabba:

  • numerazzjoni insuffiċjenti u/jew inkonsistenti tal-paragrafi/tat-tabelli;
  • nuqqas ta’ informazzjoni numerika li turi l-passi tal-kumpilazzjoni għall-komponenti tal-ING;
  • nuqqas ta’ unitajiet ta’ kejl.

Kwestjonarji tal-Valutazzjoni tal-Inventarju tal-ING

L-uffiċjali responsabbli użaw prattiki differenti biex jiddokumentaw xogħolhom, pereżempju ir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet mill-mudell kienu jvarjaw f’termini ta’ dettall.

Għodod oħra li jappoġġaw ix-xogħol ta’ verifikazzjoni

Għas-sitt Stati Membri li għażilna, l-uffiċjali responsabbli użaw log fajls bażiċi biex isegwu l-komunikazzjoni rilevanti mal-NSIs, kif meħtieġ mill-proċeduri tal-Eurostat. Għal erbgħa mis-sitta li huma, l-uffiċjali responsabbli ħejjew fajls ta’ ħarsa ġenerali addizzjonali li ffaċilitaw is-segwitu u r-rieżaminar tal-informazzjoni rilevanti (lista ta’ punti ta’ azzjoni, dati ta’ skadenza, status, eċċ.). L-NSIs ma kellhomx aċċess għal dawn il-fajls, u b’hekk kellhom jiddupplikaw parti minn dan ix-xogħol.

103 L-uffiċjali responsabbli tal-Eurostat kellhom jiċċaraw diversi problemi mal-NSIs li, kieku, ma kinux ikunu meħtieġa kieku kien hemm għodda aktar standardizzata appoġġata minn sistema integrata tal-IT, imfassla apposta għall-verifikazzjonijiet tal-ING. Żvantaġġ ieħor tal-għodod li ntużaw mill-Eurostat huwa li dawn offrew possibbiltajiet limitati f’termini ta’ verifiki awtomatiċi u tfakkiriet biex il-punti ta’ azzjoni jingħatalhom segwitu. Aħna osservajna li l-uffiċjali responsabbli tal-Eurostat ma kellhom l-ebda approċċ komuni biex jibagħtu tfakkiriet lill-NSIs, li seta’ jtejjeb il-puntwalità billi d-dati ta’ skadenza mhux dejjem ġew rispettati.

104 Ineffiċjenzi b’rabta mal-għodod ta’ dokumentazzjoni jolqtu l-puntwalità tax-xogħol ta’ verifikazzjoni, billi huwa meħtieġ iż-żmien biex jitwettqu verifiki manwali, jintbagħtu tfakkiriet, tinstab informazzjoni rilevanti meta jiġu rieżaminati punti ta’ azzjoni eċċ. Dan jista’ jwassal għal dewmien fl-indirizzar ta’ punti ta’ azzjoni u biex isiru r-reviżjonijiet meħtieġa għad-data tal-ING.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

105 Iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) kien ikkaratterizzat mill-introduzzjoni ta’ qafas kontabilistiku ġdid għall-kontijiet nazzjonali (ESA 2010) u bidla sinifikanti fl-approċċ ta’ verifikazzjoni li ntuża mill-Eurostat. Għall-ewwel darba, dan l-approċċ kien ibbażat fuq valutazzjoni tar-riskju formalizzata u kien jinvolvi l-applikazzjoni ta’ soll ta’ materjalità. Dawn il-bidliet għenu lill-Eurostat jidentifika u jimmitiga r-riskji għall-kumpilazzjoni tad-data tal-ING billi jiffoka l-verifikazzjonijiet tiegħu fuq il-problemi l-aktar importanti. Madankollu, l-Eurostat ma nqediex bis-sħiħ b’dawn l-elementi l-ġodda taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni biex l-isforzi tal-Eurostat u tal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) jiġu mmirati aħjar sabiex jindirizzaw problemi b’riskju ogħla b’mod f’waqtu.

106 Sibna li l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Eurostat kienet maħsuba tajjeb u li hija identifikat il-problemi b’riskju għoli li jolqtu l-kumpilazzjoni tal-ING. Madankollu, l-Eurostat ma nqediex bis-sħiħ bir-riżultati biex jagħti prijorità lill-verifikazzjonijiet għal problemi trasversali u Stati Membri b’riskju għoli. L-Eurostat wettaq verifikazzjonijiet diretti skont il-livell ta’ riskju għal kull Stat Membru, iżda kien hemm każijiet fejn l-uffiċjali responsabbli ma ddokumentawx il-ġustifikazzjoni għall-verifikazzjoni ta’ oqsma li ma rriżultawx mill-valutazzjoni tar-riskju. L-Eurostat ma stabbiliex il-livell ta’ prijorità tal-punti ta’ azzjoni abbażi tar-riskju u ma indikax dan il-livell lill-NSIs. Dan ikabbar ir-riskju li problemi metodoloġiċi b’impatt ogħla jiġu indirizzati wara problemi b’impatt aktar baxx, u b’hekk tintlaqat il-prevedibbiltà tal-kontribuzzjonijiet li l-Istati Membri jagħmlu għall-baġit tal-UE (ara l-paragrafi 36-59).

Rakkomandazzjoni 1 – Titkabbar il-prijoritizzazzjoni ta’ problemi b’riskju għoli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz tal-Eurostat:

  1. meta jkun hemm ħafna problemi trasversali li jridu jiġu indirizzati, tagħti prijorità lix-xogħol li jindirizza problemi trasversali li għandhom l-akbar probabbiltà li jkollhom impatt kbir ħafna fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, filwaqt li tindirizza problemi b’impatt potenzjali aktar baxx aktar tard fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni jew f’ċikli futuri;
  2. tagħti prijorità sistematika lill-verifikazzjonijiet għal Stati Membri b’riskju għoli billi tiżgura li dawn jitwettqu kmieni kemm jista’ jkun fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni;
  3. tiddokumenta aħjar ir-raġunijiet għalfejn ikunu ntgħażlu oqsma għal verifikazzjoni diretta f’każijiet li jinvolvu riflessjoni kwalitattiva, u tanalizza dawn ir-raġunijiet biex tiddetermina jekk jenħtieġx li jiġi inkluż kwalunkwe kriterju rilevanti addizzjonali fil-valutazzjoni tar-riskju li diġà teżisti;
  4. b’kooperazzjoni mal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika, tanalizza modi kif għandha tittejjeb il-prijoritizzazzjoni tax-xogħol dwar punti ta’ azzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ riskju tagħhom.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025 (bidu taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni wara ċ-ċiklu 2020-2024)

107 B’mod ġenerali, l-Eurostat ta appoġġ adegwat lill-NSIs fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw problemi trasversali b’riskju għoli, għalkemm f’żewġ każijiet il-gwida meħtieġa ddewmet. Il-problema tal-globalizzazzjoni, li hija waħda b’riskju għoli, kienet il-problema trasversali li kienet l-aktar importanti għaċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019. L-Eurostat nieda diversi inizjattivi fil-qasam tal-globalizzazzjoni. Madankollu, ma rreaġiex għal din il-problema emerġenti b’mod f’waqtu u llimita l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-riżerva trasversali korrispondenti mingħajr evidenza suffiċjenti tal-impatt potenzjali tagħha. Għalhekk ma hemm l-ebda aċċertament raġonevoli rigward l-impatt tal-globalizzazzjoni fuq id-data tal-ING qabel l-2018. B’rabta ma’ din il-problema, fir-Rapport Annwali 2020 aħna rrakkomandajna li jekk l-impatt tat-tneħħija tar-riżerva fuq il-globalizzazzjoni kien ivarja b’mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-kwalità tad-data tal-ING tas-snin preċedenti (ara l-paragrafi 60-75).

Rakkomandazzjoni 2 – Tittejjeb il-puntwalità tal-appoġġ ipprovdut lill-Istati Membri u jiġu ġġustifikati aħjar id-deċiżjonijiet biex jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni għal riżervi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz tal-Eurostat:

  1. tirrispondi malajr meta problema b’riskju għoli tiġi identifikata, billi tipprovdi gwida u appoġġ f’waqthom lill-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika;
  2. meta tkun trid tittieħed deċiżjoni biex jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni għal riżervi futuri, twettaq analiżi soda tal-kosteffettività bbażata fuq informazzjoni kwantitattiva u/jew kwalitattiva suffiċjenti u r-riskju speċifiku f’kull Stat Membru kkonċernat.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025 (bidu taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni wara ċ-ċiklu 2020-2024)

108 B’mod ġenerali, iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni ġie kkompletat kif kien ippjanat fl-2019. Il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni f’waqtha lill-Istati Membri dwar l-aġġustamenti li rriżultaw mill-verifikazzjonijiet tal-ING, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-bidliet leġiżlattivi reċenti li jestendu d-data ta’ skadenza biex isiru disponibbli l-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-UE. Dan jippermetti ppjanar baġitarju aktar effettiv fil-livell nazzjonali (ara l-paragrafi 76-81).

109 Madankollu, fi tmiem iċ-ċiklu, ħafna problemi kienu għadhom miftuħa fil-għamla ta’ riżervi, u dan seta’ jolqot kontribuzzjonijiet futuri tal-Istati Membri. Għalkemm l-Eurostat kellu l-għan li jimmira l-verifikazzjonijiet tiegħu billi juża soll ta’ materjalità, dan ivverifika ħafna problemi li wrew li kellhom impatt baxx fuq l-ING. Hemm lok biex l-informazzjoni disponibbli dwar l-impatt potenzjali tintuża aħjar sabiex dawn il-problemi jingħalqu fi stadju aktar bikri. Barra minn hekk, kien hemm ineffiċjenzi fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni b’rabta mal-għodod li ntużaw għad-dokumentazzjoni tal-verifikazzjonijiet (ara l-paragrafi 82-104).

Rakkomandazzjoni 3 – Tittejjeb aktar l-effiċjenza taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz tal-Eurostat:

  1. tanalizza l-adegwatezza tal-livell tas-soll ta’ materjalità attwali abbażi tal-esperjenza tat-tqegħid u l-għeluq/it-tneħħija ta’ punti ta’ azzjoni u riżervi għaċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019;
  2. b’kooperazzjoni mal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika, tanalizza modi biex tintegra aħjar il-kunċett ta’ materjalità, bl-inklużjoni tal-impatt potenzjali fuq l-ING fejn ikun rilevanti, fix-xogħol dwar il-punti ta’ azzjoni. Jenħtieġ li dan jiġi applikat kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess ta’ verifikazzjoni biex jingħalqu l-punti ta’ azzoni;
  3. tanalizza l-possibbiltà li ttejjeb l-għodod eżistenti jew tintroduċi għodod ġodda tal-IT biex tippermetti segwitu integrat f’ħin reali tal-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-inventarji tal-ING, il-verifikazzjonijiet li jkunu ġew ippjanati u kkompletati, il-punti ta’ azzjoni u r-riżervi (għall-użu mill-uffiċjali responsabbli u l-maniġment tal-Eurostat, kif ukoll il-persunal tal-Uffiċċji Nazzjonali fejn xieraq).

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025 (bidu taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni wara ċ-ċiklu 2020-2024)

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Jan Gregor, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-26 ta’ Ottubru 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Annessi

Anness I – Kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING li ngħataw mill-Istati Membri għall-Baġit 2021 tal-UE (f’EUR biljun)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għas-sena finanzjarja 2021, it-Tabella 3 tal-Anness A: Dħul.

Anness II – Proċessi ewlenin fil-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti interni tal-Eurostat li jiddeskrivu l-approċċ ta’ verifikazzjoni tiegħu, ir-Regolament (UE) 2019/516 u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.

Anness III – Skeda ta’ żmien indikattiva għaċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 tal-Eurostat

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti tal-Eurostat li jiddeskrivu l-approċċ ta’ verifikazzjoni li huwa juża.

Anness IV – Lista ta’ problemi trasversali b’riskju għoli

Ref. Problema trasversali Deskrizzjoni (objettiv tal-verifikazzjoni mwettqa mill-Eurostat)
Problemi trasversali b’riskju għoli
A Eżawrjenza
A1 Nuqqas ta’ rappurtar u rappurtar ħażin Tanalizza l-approċċ tal-Istati Membri dwar defiċjenzi sinifikanti fil-kopertura ta’ tranżazzjonijiet mhux irrappurtati jew irrappurtati ħażin.

Tkopri l-problemi li ġejjin: il-produttur kien imissu rreġistra (produttur sotterran); il-produttur mhuwiex obbligat jirreġistra; persuna ġuridika rreġistrata mhux inkluża fl-istatistika; imprenditur irreġistrat mhux inkluż fl-istatistika; rappurtar ħażin mill-produttur.
A2 Defiċjenzi statistiċi Tivverifika l-konformità tal-Istati Membri rigward sorsi u metodi deskritti fl-inventarji tal-ING u taqbad problemi potenzjali li jeħtieġu aktar kunsiderazzjoni għal data li ma tkunx kompleta, li ma tinġabarx jew li ma tkunx osservabbli direttament, u data li tiġi ttrattata, ipproċessata jew ikkumpilata b’mod skorrett minn statistiki.
A3 Frodi tal-VAT Tivverifika r-reġistrazzjoni korretta tal-aġġustament tal-frodi tal-VAT fil-PDG/ING, tqabbel u tivvaluta l-prattiki tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-metodu propost jew l-approċċ alternattiv ibbażat fuq id-Deċiżjoni 98/527/KE u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-ING dwar il-frodi tal-VAT.

Tinkludi l-identifikazzjoni/it-tqabbil ta’ oqsma problematiċi meta tiġi stmata l-VAT teoretika u l-irċevuti reali tal-VAT, il-konsistenza tal-ambitu u l-ammonti ta’ taxxi rreġistrati meta jiġu stmati varjabbli differenti fl-approċċi tal-output u n-nefqa, u l-problema ta’ taxxi mhux miġbura (l-analiżi teskludi l-frodi b’negozjant nieqes).
A4 Użu ta’ informazzjoni dwar l-awditjar tat-taxxa Tidentifika/tqabbel oqsma problematiċi meta tintuża d-data tal-awditjar tat-taxxa għall-finijiet ta’ eżawrjenza; tidentifika każijiet fejn l-Istati Membri ma investigawx id-data tal-awditjar tat-taxxa kif meħtieġ fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/168 u każijiet fejn jenħtieġ li modi addizzjonali kif tintuża l-informazzjoni dwar l-awditjar tat-taxxa jiġu investigati aktar b’żieda mal-modi li qed jintużaw attwalment.
A5 Attivitajiet illegali Tinvestiga jekk l-Istati Membri jistmawx it-tipi rilevanti ta’ attivitajiet ekonomiċi illegali fil-kontijiet nazzjonali (prinċipalment prostituzzjoni, produzzjoni u traffikar tad-drogi, u kuntrabandu) skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-ING.
B Ibbilanċjar tal-PDG Tivvaluta l-korrettezza tas-soluzzjonijiet ta’ bbilanċjar applikati mill-Istati Membri.
C Servizzi ta’ abitazzjoni Tiżgura li l-istimi tas-servizzi ta’ abitazzjoni (kirjiet fis-suq u kirjiet attribwiti għad-djar) fil-kontijiet nazzjonali tal-Istati Membri jkunu kumparabbli, affidabbli u eżawrjenti.

L-istimi jiġu vverifikati skont il-prinċipji tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1722/2005 dwar is-servizzi tar-residenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-ING dwar residenzi kooperattivi.
D Servizzi finanzjarji, li jinkludu s-Servizzi ta’ Intermedjazzjoni Finanzjarja Mkejlin Indirettament (FISIM) Tivverifika s-sorsi u l-metodi, kif ukoll il-konformità mal-ESA 2010 għat-trattament tal-output, l-allokazzjoni tiegħu u l-konsum intermedju (NACE Rev. 2 it-Taqsima K: Attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni).
E Kontroverifika tas-sorsi ta’ data statistiċi u amministrattivi Tidentifika l-punt sa fejn is-sorsi amministrattivi jintużaw mill-Istati Membri għall-istmar jew il-kontroverifika tad-data tal-PDG/ING, kif ukoll il-vantaġġi u l-iżvantaġġi meta tintuża data ta’ stħarriġiet jew data amministrattiva.
F Produzzjoni globali, bilanċ tal-pagamenti
F1 Esportazzjonijiet u importazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi Tivverifika jekk il-kejl tat-tranżazzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi jikkonformax mas-sorsi u l-metodi tal-ESA 2010 kif deskritt fl-inventarji tal-ING.
F2 Flussi transfruntiera ta’ introjtu mix-xogħol Tivverifika l-kejl tal-kumpens tal-impjegati fl-Istati Membri li jasal mill-bqija tad-dinja/jitħallas lill-bqija tad-dinja.
F3 Flussi transfruntiera ta’ introjtu mill-proprjetà Tivverifika l-konformità tal-Istati Membri mar-rekwiżiti tal-ESA 2010 fir-rigward ta’ din il-problema. Iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni preċedenti kien jindika xi defiċjenzi fid-disponibbiltà tas-sorsi ta’ data, diskrepanzi bejn oqsma differenti tal-istatistika (bilanċ tal-pagamenti u kontijiet nazzjonali) u xi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-ESA 95.
F4 Taxxi u sussidji lejn/mill-UE Tivverifika t-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet miġbura mill-Istati Membri f’isem l-istituzzjonijiet tal-UE bħala riżorsa proprja tradizzjonali tal-baġit tal-UE u sussidji mogħtija direttament mill-UE lill-unitajiet tal-produtturi residenti.
F5 Entitajiet bi Skop Speċjali (SPEs): Tiżgura trattament korrett u kumparabbli tal-SPEs fil-kontijiet nazzjonali. Fejn rilevanti, is-sejbiet taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni preċedenti ġew ivverifikati u kkonfermati.
F6 Produzzjoni globali u r-rilokazzjoni tal-MNEs Wara r-reviżjoni sinifikanti ’l fuq tal-PDG u l-ING Irlandiżi f’Lulju 2016, tivverifika jekk jeżistux ukoll entitajiet multinazzjonali simili (MNEs) fi Stati Membri oħra u teżamina kif dawn jiġu ttrattati fl-istimi tal-PDG/ING. Tista’ twassal għal ridistribuzzjoni tal-Valur Miżjud Gross u tal-ING fost l-Istati Membri.
F7 Karti tal-flus tal-euro għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro Tivvaluta jekk huwiex possibbli li tinkiseb data amministrattiva dwar l-imgħax imħallas jew riċevut assoċjat ma’ pożizzjonijiet ta’ assi jew obbligazzjonijiet “tekniċi” intra-Eurosistema biex titwettaq kontroverifika mal-valuri mibgħuta mill-Istati Membri.
G Bidliet bejn l-ESA 95 u l-ESA 2010
G1 Riċerka u Żvilupp (Partita ta’ tranżizzjoni 1) Tanalizza l-immaniġġjar tar-riċerka u l-iżvilupp fil-kontijiet nazzjonali skont l-ESA 2010, u l-kalkolu tal-partita ta’ tranżizzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp mill-ESA 95 għall-ESA 2010.
G2 Sistemi ta’ armi (Partita ta’ tranżizzjoni 4) Tanalizza r-reġistrazzjoni korretta tas-sistemi ta’ armi, inkluża l-istima tal-partita ta’ tranżizzjoni rispettiva mill-ESA 95 għall-ESA 2010.

Anness V – Riżervi trasversali

Isem ir-riżerva Problema/i trasversali relatata/i Deskrizzjoni qasira Applikabbli minn Data ta’ skadenza
Globalizzazzjoni Entitajiet bi skop speċjali (F5)

Produzzjoni globali u r-rilokazzjoni tal-MNEs (F6)
L-Istati Membri huma mitluba jiskrutinizzaw aktar ir-reġistrazzjoni fil-kontijiet nazzjonali tagħhom ta’ problemi relatati mal-globalizzazzjoni kif previst fl-ESA 2010. Jenħtieġ li dawn l-isforzi ta’ skrutinju addizzjonali jiffukaw inpartikolari fuq l-aspetti li ġejjin tal-attivitajiet tal-MNEs:
- ħruġ ta’ unitajiet neqsin jew magħduda darbtejn, trattament ta’ fergħat u entitajiet bi skop speċjali;
- applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sjieda ekonomika għar-reġistrazzjoni tal-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi;
- reġistrazzjoni u valwazzjoni ta’ tranżazzjonijiet intragrupp;
- applikazzjoni tal-prinċipju tas-sjieda ekonomika għall-assi tal-proprjetà intellettwali;
- flussi transfruntiera ta’ introjtu mill-proprjetà.
2018 Sett-22
Marġnijiet fuq assi finanzjarji tan-negozjar Servizzi Finanzjarji (D) Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-output mis-servizzi finanzjarji fl-akkwist u d-disponiment ta’ assi u obbligazzjonijiet finanzjarji fis-swieq finanzjarji jiġi inkluż fil-kontijiet nazzjonali tagħhom, u li jiġi valwat skont l-ESA 2010, jiġifieri bħala marġni bejn il-prezzijiet tax-xiri u tal-bejgħ. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dan l-output jiġi allokat b’mod adegwat għall-użi.
Għal dan il-fini, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw jew jimmodifikaw (fejn xieraq) il-metodi tagħhom għall-istmar ta’ dawn il-flussi f’konformità mal-gwida li jmiss mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Istatistika Esterna. Dan jikkonċerna wkoll lil dawk l-Istati Membri li matul iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni 2016-2019 tal-ING introduċew reviżjonijiet fil-kontijiet nazzjonali tagħhom sabiex jindirizzaw il-problema tal-marġnijiet fuq in-negozjar ta’ assi u obbligazzjonijiet finanzjarji.
2010 Sett-22
Frodi tal-VAT b’negozjant nieqes Esportazzjonijiet u importazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi (F1) Il-frodi tal-VAT b’negozjant nieqes hija tip ta’ frodi tal-VAT fejn negozjant jiġbor il-VAT mingħand il-klijent u mbagħad jegħeb mingħajr ma jħallas il-VAT dovuta lit-teżor.

Tqabbil ad hoc fost il-pajjiżi dwar kif il-frodi tal-VAT b’negozjant nieqes tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kumpilazzjoni tal-kontijiet nazzjonali wera li attwalment qed jiġu adottati approċċi statistiċi differenti mill-Istati Membri differenti. Għalhekk huwa meħtieġ li ssir aktar ħidma fuq din il-problema, bil-ħsieb li tittejjeb il-kumparabbiltà tal-ING fost l-Istati Membri kollha.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvestigaw aktar l-eżistenza ta’ frodi tal-VAT b’negozjant nieqes (frodi tal-akkwiżizzjoni u frodi karusell inpartikolari) u, fejn meħtieġ, jagħmlu aġġustamenti statistiċi marbuta mad-data tal-kontijiet nazzjonali għas-snin 2010 ’l quddiem.
2010 Sett-21
Qligħ investit mill-ġdid fuq investiment dirett barrani Flussi transfruntiera ta’ introjtu mill-proprjetà (F3) Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrieżaminaw is-sorsi u l-metodi li jintużaw fil-kumpilazzjoni tal-qligħ investit mill-ġdid (QIĠ) fuq investiment dirett barrani (IDB) u jallinjaw l-istimi mal-ESA 2010, jekk applikabbli.
L-ESA 2010 (il-paragrafu 4.64) tiddefinixxi l-QIĠ fuq l-IDB bħala daqs is-surplus operatorju nett tal-intrapriża ta’ investiment dirett barrani flimkien mal-introjtu mill-proprjetà u t-trasferimenti kurrenti riċevibbli bit-tnaqqis tal-introjtu mill-proprjetà, it-trasferimenti kurrenti u t-taxxi fuq l-introjtu pagabbli.
2010 Sett-21
Reġistrazzjoni tal-allowances ta’ kuljum Eżawrjenza (A) Matul il-verifikazzjoni tal-Inventarji tal-ING tal-Istati Membri, ġew identifikati differenzi fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-allowances ta’ kuljum li l-impjegati rċevew fuq vjaġġi ta’ negozju. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jirreġistrawhom bħala konsum intermedju, filwaqt li xi Stati Membri jallokawhom kompletament jew parzjalment għall-pagi u s-salarji.
L-interpretazzjonijiet differenti adottati minn Stati Membri differenti jirrikjedu aktar diskussjonijiet. Ir-reġistrazzjoni ta’ allowances ta’ kuljum fl-istatistika tal-finanzi tal-gvernijiet ukoll qed tiġi diskussa. L-Eurostat iqis li huwa meħtieġ li l-problema tinżamm miftuħa sakemm tkun disponibbli gwida finali dwar ir-reġistrazzjoni xierqa. Skont dan il-fatt, xi Stati Membri jista’ jkunu meħtieġa jirrivedu r-reġistrazzjoni tagħhom jew juru li l-problema mhijiex materjali f’pajjiżhom.
2010 Sett-22

Abbrevjazzjonijiet

DĠ BUDG: Il-Kummissjoni Ewropea – id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit

ESA: Sistema Ewropea tal-Kontijiet

GIAQ: Kwestjonarju tal-Valutazzjoni tal-Inventarju tal-ING

ING: introjtu nazzjonali gross

L-Eurostat: L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea

MNE: intrapriża multinazzjonali

NSI: uffiċċju nazzjonali tal-istatistika

PDG: prodott domestiku gross

VAT: taxxa fuq il-valur miżjud

Glossarju

Ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING: Verifikazzjoni tas-sorsi u l-metodi statistiċi li jintużaw għall-kalkolu tal-ING matul perjodu partikolari.

Grupp ta’ Esperti tal-ING Korp, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, li ħa f’idejh xi dmirijiet mill-Kumitat tal-ING fl-2019.

Introjtu nazzjonali gross: Kejl standard tal-ġid ta’ pajjiż, ibbażat fuq l-introjtu minn sorsi domestiċi u minn sorsi barra l-pajjiż.

Inventarju tal-ING: Lista ta’ proċeduri, statistika u elementi oħra li jintużaw għall-kalkolu tal-ING.

Kontijiet nazzjonali: Sett ta’ statistika li tipprovdi informazzjoni dwar l-attività ekonomika ta’ pajjiż.

Kumitat tal-ING: Korp, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, li kien jeżisti sal-2019 u li assista lill-Kummissjoni fix-xogħol tagħha ta’ verifikazzjoni tal-ING u fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha.

Kwestjonarju tal-ING: Kwestjonarju annwali li jintbagħat lill-Eurostat bid-data tal-ING tal-Istati Membri għas-sena preċedenti u kwalunkwe bidla li ssir fiċ-ċifri għas-snin ta’ qabel dik.

Kwestjonarju tal-Valutazzjoni tal-Inventarju tal-ING: Lista ta’ kontroll li tintuża mill-Eurostat biex jiżgura l-konsistenza fl-informazzjoni li juża biex jivvaluta l-affidabbiltà, il-kumparabbiltà u l-eżawrjenza tal-istimi tal-PDG u tal-ING tal-Istati Membri.

Problema trasversali: Aspett tal-kontijiet nazzjonali li l-Eurostat iqis problematiku fl-Istati Membri kollha.

Prodott domestiku gross: Kejl standard tal-ġid ta’ pajjiż, ibbażat fuq il-valur totali tal-oġġetti u s-servizzi prodotti hemmhekk (normalment matul sena).

Reviżjoni tal-valuri referenzjarji: Bidliet li jsiru fil-kontijiet nazzjonali sabiex jiġu inkorporati sorsi ta’ data ġodda u bidliet kbar fil-metodoloġija statistika.

Riżerva tal-ING: Punt li dwaru l-Kummissjoni tkun innotifikat lil Stat Membru li huma meħtieġa bidliet fil-metodoloġija li dan juża biex jikkumpila ċ-ċifri tal-ING tiegħu. Ir-riżervi jvarjaw minn punti ta’ azzjoni fis-sens li d-data tal-ING ikkonċernata tista’ tiġi riveduta wara l-punt ta’ limitu leġiżlattiv ta’ erba’ snin.

Riżerva trasversali: Riżerva tal-ING li tikkonċerna problema trasversali u li tirrikjedi analiżi kumparattiva tas-soluzzjonijiet li jkunu ġew adottati mill-Istati Membri.

Soll ta’ materjalità: Limitu li jintuża mill-Eurostat biex jiddeċiedi dwar is-sinifikat ta’ problemi ta’ konformità jew ta’ kwalità li jkunu nqabdu matul il-verifikazzjonijiet tal-ING tiegħu.

Tabella tal-proċess tal-ING: Mezzi ta’ preżentazzjoni ta’ informazzjoni numerika dwar kull stadju tal-proċess ta’ kumpilazzjoni tal-ING, minn sorsi statistiċi sal-kontijiet nazzjonali finali.

Tqabbil fost il-pajjiżi: Analiżi kumparattiva dettaljata tas-soluzzjonijiet li jkunu ġew adottati mill-Istati Membri biex jindirizzaw problema li tkun komuni għalihom ilkoll.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u amministrazzjoni tal-UE, li hija mmexxija minn Jan Gregor, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Marek Opioła, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Kinga Wisniewska-Danek, Kap tal-Kabinett, u Bernard Witkos, Attaché tal-Kabinett; Alberto Gasperoni, Maniġer Prinċipali; Diana Voinea, Kap tal-Kompitu; Mircea-Cristian Martinescu u Anthony Balbi, Awdituri. Alexandra Mazilu u Jesús Nieto Muñoz ipprovdew appoġġ grafiku.

Mix-xellug għal-lemin: Alberto Gasperoni, Kinga Wisniewska-Danek, Marek Opioła, Diana Voinea, Bernard Witkos, Anthony Balbi.

Noti finali

1 Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013.

2 L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/516.

3 L-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.

4 L-Artikolu 10b(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.

5 L-Artikolu 10b(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.

6 L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/516.

7 Ir-Rapporti Annwali 2018, 2019 u 2020, il-paragrafi 4.18, 3.21 u 3.9 rispettivament.

8 Ir-Rapport Speċjali 11/2013: “Kisba ta’ data korretta dwar l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING): approċċ aktar strutturat u ffukat aħjar itejjeb l-effettività tal-verifikazzjoni mill-Kummissjoni”.

9 Ir-Regolament (KE) Nru 2223/96.

10 Implimentazzjoni tal-ESA 2010.

11A Harmonised European Revision Policy for Macroeconomic Statistics”, il-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti.

12 Ir-Rapport Speċjali 11/2013, ir-Rakkomandazzjoni 4.

13 Ir-Rapport Annwali 2020, il-paragrafu 3.11.

14 Il-Kummissjoni Ewropea, Nota għall-fajl, Riżerva tal-ING dwar il-Globalizzazzjoni, 24.9.2020.

15 Ir-Regolament (UE, Euratom) 2016/804.

16 Ir-Regolament (UE, Euratom) 2022/615.

17 L-Opinjoni 2/2021, il-paragrafu 13.

18 Studji u dokumenti ewlenin li ġew rieżaminati jinkludu: Understanding National Accounts, l-OECD, 20062014; Independent review of UK economic statistics, C. Bean, 2015; Documentation of statistics for National Accounts 2020, Statistika tad-Danimarka; Quality Dimensions of the Australian National Accounts, Australian Bureau of Statistics, 2007; Assessing Accuracy and Reliability: A Note Based on Approaches Used in National Accounts and Balance of Payments Statistics, id-dokument ta’ ħidma tal-FMI, 2002; Statistical quality by design: certification, rules and culture, Statistika tan-Netherlands, 2018.

19 Understanding National Accounts, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, 2014.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-9008-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/47772 QJ-AB-22-024-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-9012-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/91013 QJ-AB-22-024-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Ikoni tal-Kaxxa 5: Għal din il-kaxxa ntużaw riżorsi mingħand Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.