Rapport Speċjali
10 2021

L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f’azzjoni

Dwar ir-rapport:L-“integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri” tfisser il-promozzjoni attiva tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-istadji kollha u fl-oqsma kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. L-UE għandha l-obbligu, skont it-trattat, li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha, u dan jipprovdi l-bażi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. F’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kinitx ġiet applikata fil-baġit tal-UE mill-2014 ’il quddiem biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Ikkonkludejna li l-Kummissjoni kienet għadha ma ssodisfatx l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex isir titjib fil-qafas tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u biex tiżdied il-kunsiderazzjoni mogħtija għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-ibbaġitjar tal-UE.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju Eżekuttiv

I

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija wkoll rikonoxxuta b’mod ġenerali bħala forza sinifikattiva li tixpruna t-tkabbir ekonomiku. L-“integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri” tfisser il-promozzjoni attiva tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-istadji kollha u fl-oqsma kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi l-bażi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri billi jobbliga lill-UE tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha.

II

Il-Kummissjoni ħadet l-impenn li timplimenta l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill enfasizzaw il-ħtieġa li l-UE twettaq l-impenji ta’ livell għoli tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. It-tliet istituzzjonijiet, meta kienu qed jinnegozjaw l-oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP) għall-2014-2020 u l-2021-2027, qablu dwar l-importanza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri titqies fl-ibbaġitjar tal-UE.

III

L-awditu li wettaqna jieħu inkunsiderazzjoni l-interess espress mill-partijiet ikkonċernati ewlenin f’dan il-qasam u issa huwa partikolarment rilevanti minħabba li reċentement il-Kummissjoni ppubblikat strateġija ġdida dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Huwa wkoll f’waqtu minħabba li ammont sinifikanti ta’ fondi tal-UE se jintefqu taħt il-QFP 2021-2027 il-ġdid u l-istrument Next Generation EU.

IV

Aħna vvalutajna jekk l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kinitx ġiet applikata fil-baġit tal-UE mill-2014 ’il quddiem biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. B’mod partikolari, ivvalutajna jekk il-qafas tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kienx xieraq; jekk iċ-ċiklu baġitarju tal-UE kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; u jekk l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kinitx ġiet inkorporata f’ħames programmi ta’ finanzjament magħżula tal-UE: tlieta mill-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, u Erasmus+. Meħuda flimkien, dawn jirrappreżentaw 66 % tal-QFP 2014-2020. Analizzajna wkoll xi wħud mill-proposti ta’ finanzjament ewlenin tal-Kummissjoni li huma marbuta mal-QFP 2021-2027 u mal-istrument Next Generation EU.

V

Ikkonkludejna li l-Kummissjoni kienet għadha ma ssodisfatx l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE. Aħna sibna li l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma kinitx tippromwovi suffiċjentement l-użu tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u li l-qafas istituzzjonali tagħha, għalkemm kien ġie msaħħaħ, kien għadu ma jappoġġax bis-sħiħ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Sibna li ċ-ċiklu baġitarju tal-UE ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod adegwat. Il-Kummissjoni ftit li xejn tat attenzjoni għall-analiżi tal-ġeneru tal-politiki u l-programmi li eżaminajna. Hija għamlet użu limitat mid-data u mill-indikaturi diżaggregati skont is-sessi, u ftit li xejn ippubblikat informazzjoni dwar l-impatt kumplessiv tal-baġit tal-UE fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Madankollu, f’oqsma fejn ir-rekwiżiti legali ġew stabbiliti fid-dettall, dan iffaċilita l-inkorporazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-programmi.

VI

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • issaħħaħ il-qafas istituzzjonali għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;
  • twettaq analiżijiet tal-ġeneru fir-rigward tal-ħtiġijiet u l-impatti u taġġorna l-linji gwida tagħha għal regolamentazzjoni aħjar;
  • b’mod sistematiku, tiġbor u tanalizza d-data diżaggregata skont is-sessi eżistenti għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE, kif ukoll tirrapporta dwarha;
  • tuża objettivi u indikaturi relatati mal-ġeneri biex jiġi mmonitorjat il-progress;
  • tiżviluppa sistema għat-traċċar tal-fondi li jiġu allokati u użati għall-appoġġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kull sena tirrapporta dwar ir-riżultati miksuba f’termini ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri; u
  • tivvaluta u tirrapporta jekk il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri jindirizzawx l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Introduzzjoni

Ugwaljanza bejn il-ġeneri u tkabbir ekonomiku

01

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fl-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Hija tirreferi għall-prinċipju li jenħtieġ li d-drittijiet, ir-responsabbiltajiet u l-opportunitajiet għan-nisa u l-irġiel ikunu l-istess. Dan ir-rapport jirreferi għal “nisa” u “rġiel”. Dawn huma t-termini li jintużaw fit-Trattati tal-UE. Madankollu, aħna nirrikonoxxu li l-identitajiet tal-ġeneru mhumiex limitati għal dawn iż-żewġ deskritturi.

02

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija rikonoxxuta b’mod ġenerali bħala forza sinifikattiva li tixpruna t-tkabbir ekonomiku1. L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 tal-Kummissjoni2 tosserva li “l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ġġib aktar impjiegi u produttività ogħla”, filwaqt li tikkwota studju mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)3. L-istudju jistma li titjib fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri jista’ jwassal għal żieda fil-PDG per capita tal-UE ta’ bejn 6.1 % u 9.6 % sal-2050, u l-impatt potenzjali fuq il-PDG fi Stati Membri speċifiċi tal-UE jilħaq sa 12 % sal-2050. Ara l-Figura 1.

Figura 1

Impatt tat-titjib fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-PDG tal-Istati Membri tal-UE fl-2050

Sors: l-EIGE, Economic Benefits of Gender Equality in the European Union. Fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ppubblikat mill-EIGE, l-Istati Membri ġew raggruppati skont il-livell tagħhom ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam tax-xogħol. L-impatti stmati jmorru minn żieda fil-PDG ta’ madwar 12 % sal-2050 (“impatt għoli”) għal madwar 4 % (“impatt baxx”).

03

Studji dwar l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19, imwettqa għall-Kummissjoni4, jindikaw li f’termini ekonomiċi n-nisa huma affettwati b’mod sproporzjonat. Il-Parlament Ewropew5 jirrikonoxxi li l-pandemija aggravat l-inugwaljanzi strutturali eżistenti bejn il-ġeneri, u argumenta favur l-użu tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fir-rispons għall-irkupru wara l-COVID-19, kif ukoll favur l-applikazzjoni tat-tagħlimiet meħuda dwar l-effetti detrimentali tal-kriżijiet ekonomiċi preċedenti fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

04

Bosta studji6 kkonkludew li l-appoġġ għad-drittijiet ugwali naqas f’xi wħud mill-pajjiżi fi snin reċenti. Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-progress lejn il-kisba ta’ ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri bħala li huwa “bil-mod”: Hija ddikjarat li “l-Istati Membri bħala medja kisbu 67,4 punteġġ minn 100 fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-UE tal-2019, punteġġ li tjieb b’5,4 punti biss mill-2005”7. Madankollu, is-sitwazzjoni tvarja b’mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor8. L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri huwa prodott mill-EIGE u jkejjel l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’sitt dominji: ix-xogħol, l-għarfien, il-poter, il-flus, is-saħħa u l-ħin. Il-Kummissjoni9 enfasizzat is-suq tax-xogħol bħala wieħed mill-oqsma ewlenin tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri. Hija osservat li fl-2017, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tal-UE kienet madwar 11.5 punti perċentwali inqas minn dik tal-irġiel, u l-paga medja tan-nisa kienet madwar 16 % inqas.

Integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri: mezz biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

05

L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija mezz biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Hija tirreferi għal idea sempliċi: li jeħtieġ li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi promossa b’mod attiv fl-istadji kollha tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-politika, inkluż f’oqsma li jistgħu jidhru li mhumiex relatati. Hija tiffoka fuq il-proċessi u l-prattiki organizzattivi fl-oqsma kollha tal-politika tal-gvern u dik pubblika, u l-għan tagħha huwa li telimina l-preġudizzji relatati mal-ġeneru. L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tirrakkomanda li jenħtieġ li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tiġi adottata flimkien ma’ azzjoni speċifika mmirata lejn il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri10.

06

L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tista’ tiġi implimentata permezz ta’ kombinament ta’ metodi u għodod. L-analiżijiet tal-ġeneru huma għodda ewlenija matul iċ-ċiklu kollu tal-politika. Dawn jintużaw biex jiġu identifikati d-differenzi fil-kundizzjonijiet u fil-ħtiġijiet bejn in-nisa u l-irġiel (valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-ġeneri), u biex jiġu stmati l-konsegwenzi ta’ politika jew ta’ programm fuq in-nisa u l-irġiel (valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post fir-rigward tal-ġeneri). Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fir-rigward tal-ġeneri jeħtieġ li jitwettqu abbażi ta’ objettivi u indikaturi ċari relatati mal-ġeneri biex jiġi ttraċċat il-progress lejn l-ilħuq tagħhom. L-analiżijiet, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fir-rigward tal-ġeneri jirrikjedu li d-data diżaggregata skont is-sessi tinġabar11 u tiġi analizzata b’mod sistematiku.

07

L-ibbaġitjar skont il-ġeneru jfisser l-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju. Huwa juża l-għodod deskritti hawn fuq biex jiġu introdotti bidliet fl-infiq u fid-dħul pubbliku biex jiġu aġġustati l-inugwaljanzi.

L-impenn tal-UE għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

08

L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jobbliga lill-UE tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha, għaldaqstant jipprovdi l-bażi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.

09

L-UE tat ukoll l-impenn li timplimenta l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-1995 fid-Dikjarazzjoni u fil-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing tan-NU, u skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, li ġew adottati fl-2015. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija s-suġġett ta’ SDG speċifiku, “Tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet kollha” (SDG 5). Dan huwa importanti wkoll bħala kwistjoni trażversali fil-kisba tal-SDGs l-oħra kollha.

10

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill enfasizzaw ripetutament il-ħtieġa li l-UE twettaq l-impenji ta’ livell għoli tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u wrew appoġġ qawwi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u fil-baġit tal-UE. Meta nnegozjaw il-QFP 2014-2020, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li japplikaw “elementi sensittivi għall-kwistjoni tal-ġeneru” kull fejn ikun xieraq fil-proċeduri baġitarji għall-QFP 2014-202012. Dan l-approċċ ġie affermat mill-ġdid għall-QFP 2021-2027 u għall-istrument Next Generation EU. F’Lulju 202013, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li jenħtieġ li l-QFP 2021-2027 jippromwovi opportunitajiet indaqs permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.

11

Il-Figura 2 fiha ħarsa ġenerali lejn ir-riżoluzzjonijiet u l-konklużjonijiet prinċipali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mill-2014 ’il hawn.

Figura 2

Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mill-2014 ’il hawn

Sors: il-QEA.

L-impenn u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

12

Fl-1996, il-Kummissjoni fformalizzat l-impenn proprju tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Komunikazzjoni tagħha “Incorporating Equal Opportunities for Women and Men into all Community Policies and Activities”14. Hija ddikjarat li: il-kunsiderazzjoni sistematika tad-differenzi bejn il-kundizzjonijiet, is-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet tan-nisa u l-irġiel fil-politiki u fl-azzjonijiet Komunitarji kollha hija l-karatteristika bażika tal-prinċipju tal-“integrazzjoni” li ġie adottat mill-Kummissjoni.

13

Il-Kummissjoni ilha li żviluppat l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mill-1996 u dipartimenti differenti huma involuti fl-implimentazzjoni tagħha. Ara l-Figura 3.

Figura 3

Atturi u responsabbiltajiet fi ħdan il-Kummissjoni rigward l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

Sors: il-QEA.

14

L-EIGE huwa aġenzija tal-UE li ġiet stabbilita biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-EIGE beda l-attivitajiet operazzjonali tiegħu fl-2010. Mill-2011 ’il hawn, huwa kien qed jopera taħt il-mandat tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi (DĠ JUST). Il-kompiti tiegħu jinkludu l-għoti ta’ għarfien espert dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-korpi kollha tal-UE u t-tfassil ta’ għodod li jappoġġaw l-inkorporazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

15

L-awditu li wettaqna ffoka fuq jekk l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kinitx ġiet applikata fil-baġit tal-UE bejn l-2014 u Frar 2021. Huwa jieħu inkunsiderazzjoni l-interess espress mill-partijiet ikkonċernati ewlenin f’dan il-qasam u issa huwa partikolarment rilevanti minħabba li reċentement il-Kummissjoni ppubblikat strateġija ġdida dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Huwa wkoll f’waqtu minħabba li ammont sinifikanti ta’ fondi tal-UE se jintefqu taħt il-QFP 2021-2027 il-ġdid u l-istrument Next Generation EU.

16

Aħna vvalutajna jekk il-qafas tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE kienx xieraq. Dan kien jinkludi d-dokument “Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019” u l-qafas istituzzjonali tal-Kummissjoni 2014-201915. Aħna analizzajna wkoll ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni 2019-202416, u l-istrateġija l-ġdida dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2020-2025.

17

Aħna vvalutajna wkoll jekk l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni fiċ-ċiklu baġitarju tal-UE b’mod adegwat. Iffukajna fuq il-QFP 2014-2020, inklużi l-baġits annwali individwali tal-UE għal dak il-perjodu u d-dokumenti ta’ rappurtar assoċjati. Analizzajna wkoll xi wħud mill-proposti ta’ finanzjament ewlenin tal-Kummissjoni li huma marbuta mal-QFP 2021-2027 u mal-istrument Next Generation EU.

18

Aħna vvalutajna jekk l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kinitx ġiet inkorporata fi programmi ta’ finanzjament magħżula tal-UE. L-awditu li wettaqna kopra l-Erasmus+, kif ukoll tlieta mill-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE): il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Aħna wettaqna analiżi mhux fuq il-post ta’ 12-il programm f’żewġ Stati Membri, li huma Spanja u r-Rumanija. Għażilnihom minħabba li kienu jirrappreżentaw firxa ta’ kriterji, inklużi l-pożizzjonijiet tagħhom fl-indiċi tal-EIGE, l-ittestjar tagħhom tas-sett ta’ għodod tal-EIGE għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru, l-ammont ta’ finanzjament mill-Fondi SIE li ġew allokati lilhom, u s-sinifikat relattiv ta’ dan il-finanzjament bħala proporzjon tal-PDG.

19

Aħna kkuntrattajna espert indipendenti biex jivvaluta x’kunsiderazzjoni kienet ingħatat għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). L-espert tagħna uża erba’ studji tal-każijiet minn Spanja, l-Irlanda, ir-Rumanija u l-Iżvezja. Dawn intgħażlu abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet bħall-bilanċ ġeografiku, u l-karatteristiċi differenti tal-azjendi agrikoli fi ħdan kull pajjiż.

20

Meħuda flimkien, il-fondi kollha magħżula jirrappreżentaw 66 % tal-QFP 2014-2020 (EUR 1 087 biljun).

21

Għalkemm insemmu xi eżempji li jikkonċernaw l-għajnuna għall-iżvilupp, dan il-qasam ma jaqax fi ħdan l-ambitu ta’ dan l-awditu. Ir-rapport speċjali tagħna dwar l-għajnuna umanitarja li tingħata mill-UE għall-edukazzjoni17 inkluda analiżi rilevanti għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f’dan il-qasam. L-awditu li wettaqna ma kopriex politiki li mhumiex relatati mal-programmi ta’ finanzjament tal-UE (bħal miżuri biex tittejjeb ir-rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali fil-Kummissjoni), jew miżuri regolatorji (bħad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata). Lanqas ma kopra azzjonijiet immirati (bħal programmi li l-għan tagħhom huwa li tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa).

22

Id-Direttorati Ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni li kienu l-aktar rilevanti għal dan l-awditu kienu d-DĠ JUST, id-DĠ BUDG, u d-DĠ li kellhom responsabbiltà primarja għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE li konna għażilna. Għall-FAEG u l-FAEŻR, id-DĠ rilevanti kien id-DĠ AGRI. Għall-FEŻR, kien id-DĠ REGIO. Għall-FSE, kien id-DĠ EMPL. U għal Erasmus+, kien id-DĠ EAC. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kien ukoll rilevanti għall-awditu li wettaqna, hekk kif kienu wkoll l-Eurostat u l-EIGE.

23

Aħna użajna l-leġiżlazzjoni tal-UE u l-impenji internazzjonali rilevanti (il-paragrafu 09) bħala kriterji għall-awditu li wettaqna, kif ukoll gwida u struzzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-EIGE. Użajna wkoll kriterji ġeneralment aċċettati li ġew imfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali: b’mod partikolari, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD.

Osservazzjonijiet

Il-Kummissjoni għad ma għandhiex qafas kompletament effettiv fis-seħħ għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE

24

F’din it-taqsima tar-rapport aħna niffukaw fuq il-qafas tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE. Il-Figura 4 turi l-prerekwiżiti fundamentali għal qafas biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, kif deskritt mill-OECD u mill-Kunsill tal-Ewropa u mqiegħed fil-kuntest tal-Kummissjoni.

Figura 4

Prerekwiżiti għall-qafas tal-Kummissjoni biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

Sors: il-QEA, ibbażat fuq: l-OECD, Toolkit for Mainstreaming and Implementing Gender Equality, 2018; l-OECD, Designing and Implementing gender budgeting. A path to action, 2019; il-Kunsill tal-Ewropa, Gender budgeting: practical implementation Handbook, 2009.

L-istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma tippromwovix suffiċjentement l-użu tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

25

Ivvalutajna jekk kienx hemm fis-seħħ strateġija xierqa tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li tinkludi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Aħna użajna l-kriterji stabbiliti fil-Figura 4.

Għall-perjodu 2016-2019, il-Kummissjoni ssostitwiet l-istrateġija preċedenti tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’dokument mhux vinkolanti

26

Meta l-Kummissjoni kienet qed tfassal il-qafas strateġiku tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-2016 ’il quddiem, diversi partijiet ikkonċernati appellaw biex hija tistabbilixxi l-għanijiet tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi strateġija. Ara l-Figura 5.

27

It-tliet strateġiji kollha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri li kien hemm mill-1996 ’il hawn, meta l-Kummissjoni formalment impenjat lilha nfisha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri (il-paragrafu 12), ġew adottati mill-kulleġġ tal-Kummissarji f’Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni. Iżda l-Kummissjoni 2014-2019 ma stabbilietx l-għanijiet tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi strateġija maħruġa bħala Komunikazzjoni. Minflok, dawn ġew stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tal-persunal (SWD) awtonomu, bit-titolu “Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019”18. L-SWDs huma dokumenti purament informattivi li ma jimpenjawx lill-Kummissjoni, la legalment u lanqas politikament.

28

Appelli sussegwenti mill-partijiet ikkonċernati biex jittejjeb l-istatus tad-dokument billi tiġi adottata Komunikazzjoni ma ġewx aċċettati. Għal darba oħra, ara l-Figura 5.

29

Il-Kummissjoni ġġustifikat din id-deċiżjoni billi għamlet referenza għall-politika tagħha li jiġi evitat l-użu ta’ Komunikazzjonijiet dwar strateġiji settorjali. Madankollu, aħna nosservaw li l-Kummissjoni adottat strateġiji oħra bħala Komunikazzjoni19. Skont evalwazzjoni tad-dokument dwar l-impenn strateġiku għall-2016-2019, li twettqet għall-Kummissjoni fl-201920, il-ħruġ tal-impenn bħala SWD kien jirrappreżenta “tnaqqis fil-grad politiku fir-rigward tal-istrateġija preċedenti”, għaldaqstant jillimita l-impatt tiegħu. Fl-2019, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-perjodu 2014-201921 wasal għal konklużjoni simili.

Figura 5

Partijiet ikkonċernati jappellaw lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi għanijiet għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi strateġija

Sors: il-QEA, ibbażat fuq: Ittra Miftuħa mill-EWL u l-ILGA lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, datata Marzu 2015; Ittra mill-Ministri għall-Ugwaljanza tal-21 Stat Membru lill-Kummissarju għall-Ġustizzja, datata Ġunju 2015; ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2015 u tat-3 ta’ Frar 2016; il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2015 u tas-16 ta’ Ġunju 2016.

Id-dokument “Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019” ma kienx jinkludi pjan għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

30

Id-dokument dwar l-impenn strateġiku għall-2016-2019 ma stabbiliex pjan ta’ implimentazzjoni għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Huwa kien jirrikjedi li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni fil-valutazzjonijiet tal-impatt u fl-evalwazzjonijiet, iżda ma stabbilixxa l-ebda indikatur għall-monitoraġġ tal-progress. Huwa ma kien jinkludi l-ebda azzjoni oħra mmirata lejn l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, bħall-ġbir ta’ data diżaggregata skont is-sessi, l-inkorporazzjoni ta’ objettivi relatati mal-ġeneri fil-programmi kollha tal-UE, jew taħriġ. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-istrateġija preċedenti għall-2010-2015 kien jinkludi l-azzjonijiet kollha msemmija hawn fuq22.

31

Il-konsultazzjonijiet23 li twettqu biex jitħejja d-dokument dwar l-impenn strateġiku għall-2016-2019 wasslu għal għadd ta’ proposti speċifiċi għal azzjoni: pereżempju, it-twettiq ta’ analiżi tal-ġeneru fir-rigward tal-politiki tal-UE, l-avvanzar fl-ibbaġitjar skont il-ġeneru, l-użu sħiħ tal-għarfien espert tal-EIGE, u l-għoti ta’ taħriġ dwar il-ġeneru lill-persunal kollu tal-Kummissjoni. Madankollu, l-ebda waħda minnhom ma ġiet inkluża fid-dokument finali. Il-Kummissjoni ddikjarat li dan kien minħabba li d-dokument kien SWD, li ma jimpenjax lill-Kummissjoni, la legalment u lanqas politikament.

32

Id-dokument dwar l-impenn strateġiku għall-2016-2019 jirrikjedi li d-DĠ JUST ifassal rapporti interni ta’ implimentazzjoni u jippubblika rapporti ta’ progress ta’ kull sena. L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma ppermetta li l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tiġi mmonitorjata. Minflok ir-rapporti interni ta’ implimentazzjoni, id-DĠ JUST fassal tabelli interni. Iżda ma vvalidax l-informazzjoni miġbura, u lanqas ma ċċirkolaha lil hinn mis-sħubija ta’ grupp interservizzi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (“l-ISG”) magħmul minn rappreżentanti tad-direttorati ġenerali. Ir-rapporti ta’ progress annwali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri – “Reports on Equality between Women and Men in the EU” – kienu jinkludu informazzjoni fattwali li nġabret minn diversi DĠ, b’mod partikolari dwar azzjonijiet immirati. Il-Kummissjoni qieset dawn ir-rapporti annwali bħala għodda għall-komunikazzjoni maċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili, aktar milli bħala għodda ta’ monitoraġġ.

33

Hija ma mmonitorjatx il-progress kumplessiv tagħha dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Il-Kunsill u l-EIGE fasslu sett ta’ indikaturi biex jimmonitorjaw regolarment l-implimentazzjoni tal-impenji tal-UE għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri skont id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing. Dan is-sett ta’ indikaturi kien imfassal għall-Istati Membri biss. L-Eurostat identifika sett ta’ indikaturi biex jiġi ttraċċat il-progress tal-UE lejn l-ilħuq tal-SDGs, u jirrapporta dwarhom kull sena. Madankollu, dak is-sett ta’ indikaturi ma jinkludix l-indikatur speċifiku li n-NU tissuġġerixxi għall-monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri skont l-SDG 5.

L-Istrateġija l-ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 żiedet l-impenn tal-Kummissjoni għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, iżda hemm azzjonijiet speċifiċi li għadhom neqsin

34

F’Marzu 2020, il-kulleġġ tal-Kummissarji għall-perjodu 2019-2024 żied l-impenn tal-Kummissjoni għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri billi adotta l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni24. Ara l-Figura 6.

Figura 6

Impenji u strateġiji tal-Kummissjoni (KE) dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mill-1996 ’il hawn

Sors: il-QEA.

35

L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 tiddikjara li l-Kummissjoni se “ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri billi b’mod sistematiku tinkludi perspettiva ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istadji kollha tat-tfassil ta’ politika fl-oqsma interni u esterni kollha ta’ politika tal-UE”. Madankollu, bħad-dokument dwar l-impenn strateġiku għall-2016-2019 (il-paragrafu 30), hija ma tinkludix azzjonijiet speċifiċi mmirati biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sistematiku fl-oqsma kollha ta’ politika tal-UE.

Il-qafas istituzzjonali tal-Kummissjoni qed jissaħħaħ, iżda għadu ma jappoġġax bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

36

Ivvalutajna jekk il-Kummissjoni kellhiex qafas istituzzjonali xieraq għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Aħna użajna l-kriterji stabbiliti fil-Figura 4.

Il-Kummissjoni 2014-2019 ma stabbilietx il-mekkaniżmi meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

37

Mill-2010 ’l hawn, l-unità tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kienet tagħmel parti mid-DĠ JUST. Madankollu, il-mandat tal-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-perjodu 2014-2019 ma kienx jinkludi t-tmexxija u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Kummissjoni kollha bħala objettiv. Lanqas l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri ma kienet objettiv fil-pjanijiet strateġiċi u dawk ta’ ġestjoni tad-DĠ JUST bejn l-2016 u l-2020. Dan jikkuntrasta mal-perjodu 2009-2014, meta l-mandat tal-Kummissarju responsabbli għal dan il-qasam ta’ politika kien jinkludi objettiv li jirreferi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u d-DĠ JUST kellu wkoll l-objettiv speċifiku li jtejjeb l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.

38

Mid-DĠ l-oħra tal-Kummissjoni, il-pjan strateġiku tad-DĠ DEVCO biss kellu objettivi rigward l-inkorporazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam ta’ politika tiegħu. Ara l-Kaxxa 1. Il-mandat tal-Kummissarju għall-Baġit għall-perjodu 2014-2019 u l-objettivi tad-DĠ BUDG ma kienu jinkludu l-ebda referenza għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE. Is-Segretarjat Ġenerali ma ttrattax l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala objettiv għall-koordinazzjoni tal-politika.

39

Id-DĠ ma kellhom l-ebda rekwiżit li jinnominaw membri tal-persunal jew unitajiet biex jappoġġaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livell tal-politika. Id-DĠ li kellhom membri tal-persunal, unità jew settur espliċitament responsabbli għal kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kienu verament ftit, għalkemm il-maġġoranza tad-DĠ kellhom membri tal-persunal li kienu inkarigati mill-parteċipazzjoni fl-ISG immexxi mid-DĠ JUST. L-evalwazzjoni tad-dokument dwar l-impenn strateġiku għall-2016-2019, li twettqet għall-Kummissjoni fl-2019, irrakkomandat li l-uffiċjali għolja jsiru responsabbli għat-tmexxija ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jikkollaboraw mad-DĠ JUST.

40

Il-Kummissjoni ma talbitx lid-DĠ tagħha biex jadottaw pjan ta’ implimentazzjoni għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Minflok, fl-2015, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri kiteb lill-Kummissarji l-oħra kollha fejn staqsa kif kienu se jippjanaw li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-portafolli tagħhom.

Kaxxa 1

L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DĠ DEVCO)

Il-mandat tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali għall-perjodu 2014-2019 u l-objettivi tad-DĠ DEVCO għall-perjodu 2016-2020 affermaw mill-ġdid l-impenn tal-Kummissarju u tad-DĠ DEVCO li jużaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-aspetti kollha tal-politika tal-iżvilupp.

Dan l-impenn ġie implimentat permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għar-Relazzjonijiet Esterni 2016-2020. Wieħed mit-tliet indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni mmonitorjati mid-DĠ DEVCO kien il-proporzjon ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni u żvilupp iffinanzjati mill-UE li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Flimkien mad-DĠ JUST, id-DĠ DEVCO huwa l-uniku DĠ tal-Kummissjoni b’unità ddedikata li tittratta l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Id-DĠ DEVCO jmexxi wkoll l-Akkademja għas-Sħubijiet Internazzjonali tal-UE, pjattaforma li toffri korsijiet elettroniċi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri li huma miftuħa għall-pubbliku.

41

Id-dokument dwar l-impenn strateġiku għall-2016-2019 assenja lill-ISG ir-rwol ta’ monitoraġġ u tmexxija tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Kummissjoni kollha. Iżda l-ISG ma kellu l-ebda awtorità biex jagħmel dan b’mod effettiv. Ftit mill-membri tal-ISG kienu formalment responsabbli għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi ħdan id-DĠ tagħhom. L-evalwazzjoni li twettqet għall-Kummissjoni fl-2019 irrakkomandat li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn id-direttorati ġenerali fi ħdan l-ISG, biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi inkorporata b’mod aktar koerenti fit-tfassil tal-politika.

42

Id-dokument dwar l-impenn strateġiku għall-2016-2019 iddikjara wkoll li jenħtieġ li l-ISG iqis li joħroġ rapport fl-2017 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fi ħdan il-Kummissjoni. Huwa ma għamilx dan. L-evalwazzjoni li twettqet għall-Kummissjoni fl-2019 ikkonkludiet li din kienet lakuna sinifikanti u rrakkomandat li jkun tajjeb li tali rapport tabilħaqq jitfassal. Il-Kummissjoni għadha ma tatx segwitu għal dan.

Il-Kummissjoni 2014-2019 ma pprovdietx lid-DĠ taħriġ jew għarfien espert suffiċjenti biex jimplimentaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri b’mod effettiv

43

Il-Kummissjoni ma kellha l-ebda strateġija għal taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Kors wieħed ta’ taħriġ introduttorju u mhux obbligatorju biss kien disponibbli. Kienu verament ftit id-DĠ – u l-ebda wieħed minn dawk li awditjajna – li offrew taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri relatat mal-oqsma ta’ politika tagħhom. Biex jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-prattiki internament, fl-2014 id-DĠ JUST waqqaf sit tal-intranet għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Iżda ma aġġornahx regolarment.

44

L-EIGE jfassal għodod biex jintużaw mill-awtoritajiet pubbliċi f’diversi livelli, inkluż fil-livell tal-UE (il-paragrafu 13). Huwa żviluppa linji gwida u settijiet ta’ għodod dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri25, li jinkludu gwida dwar l-analiżi tal-ġeneru u l-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru, u t-taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Fir-rapport speċjali tagħna dwar l-aġenziji tal-UE26, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni “tiżgura li l-kompetenza teknika u potenzjal ieħor tal-aġenziji jintużaw konsistentement”.

45

Aħna sibna li l-Kummissjoni ftit li xejn kienet għamlet użu mill-għodod u mill-għarfien espert tal-EIGE dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, b’mod partikolari fir-rigward tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru. Pereżempju, fl-2019, l-EIGE żviluppa sett ta’ għodod għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-Fondi SIE għall-perjodu 2021-2027. Is-sett ta’ għodod kien jinkludi sistema għat-traċċar tal-fondi allokati għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li kienet ġiet ittestjata minn bosta Stati Membri. Filwaqt li l-Kummissjoni laqgħet is-sett ta’ għodod, hija rrakkomandat bil-qawwa lill-EIGE biex ma jippubblikax is-sistema ta’ traċċar flimkien mal-bqija tas-sett ta’ għodod27. Fl-istess ħin li l-EIGE kien qed jiżviluppa din l-għodda, il-Kummissjoni waqqfet sottogrupp dwar it-traċċar tal-infiq relatat mal-ġeneri, mingħajr l-involviment tal-EIGE.

Il-Kummissjoni 2019-2024 iċċarat ir-rwoli u r-responsabbiltajiet relatati mal-integrazzjoni tal-ugwaljanza

46

Skont il-Kummissjoni 2019-2024, il-Kummissarju għall-Ugwaljanza mhuwiex responsabbli biss għall-ġeneri, iżda għat-tipi kollha ta’ ugwaljanza. Inħolqot Task Force għall-Ugwaljanza biex tappoġġa lill-Kummissarju u tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ ugwaljanza fir-rigward ta’ sitt raġunijiet ta’ diskriminazzjoni: sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali. It-Task Force hija ppreseduta u mmexxija mis-Segretarjat Ġenerali. Id-DĠ kollha ġew mistiedna jaħtru koordinatur tal-ugwaljanza.

47

It-Task Force hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza fi ħdan il-Kummissjoni. Fi Frar 2021, it-Task Force ħarġet gwida dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza għad-DĠ kollha għal meta jfasslu, jimplimentaw u jevalwaw il-politiki u l-programmi tal-UE. Il-programm ta’ ħidma tagħha għall-2020 jirrikjedi wkoll li tfassal strateġija għal taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza. L-EIGE mhuwiex parti mit-Task Force, u ma kellu l-ebda kuntatt regolari magħha matul iż-żmien meta wettaqna l-awditu.

48

L-arranġamenti ġodda jagħtu rwol ċentrali lis-Segretarjat Ġenerali, li ħa l-impenn li jiżgura li l-ugwaljanza tittieħed inkunsiderazzjoni fit-tfassil tal-politika. Id-DĠ BUDG huwa d-dipartiment ċentrali tal-Kummissjoni inkarigat mill-ġestjoni tal-baġit tal-UE matul iċ-ċiklu annwali u pluriennali kollu. Il-kompiti tiegħu jinkludu t-tmexxija tal-ippjanar baġitarju strateġiku u tal-proċess baġitarju annwali, kif ukoll ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-baġit28. Għalhekk huwa jista’ jkollu rwol ewlieni fir-rigward tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-ibbaġitjar tal-UE. Madankollu, huwa ma ġiex assenjat responsabbiltajiet li huma importanti b’mod komparabbli.

Iċ-ċiklu baġitarju tal-UE ma ħax inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod adegwat

49

F’din it-taqsima niffukaw fuq jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fiċ-ċiklu baġitarju eżistenti tal-UE. Aħna nsegwu l-erba’ azzjonijiet li jintwerew fil-Figura 7.

Figura 7

Azzjonijiet għall-inkorporazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess baġitarju tal-UE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq: l-OECD, Toolkit for Mainstreaming and Implementing Gender Equality, 2018; l-OECD Designing and Implementing gender budgeting. A path to action, 2019; il-Kunsill tal-Ewropa Gender budgeting: practical implementation Handbook, 2009.

Il-Kummissjoni ftit li xejn tat attenzjoni għall-analiżi tal-ġeneru tal-politiki u l-programmi li eżaminajna

50

Is-sett ta’ għodod tal-2018 tal-OECD jiddeskrivi l-karatteristiċi prinċipali ta’ analiżi xierqa tal-ġeneru. Huwa jenfasizza l-importanza ta’ analiżi tal-ġeneru bbażata fuq l-evidenza fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu ta’ politika. Huwa jiffoka partikolarment fuq il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-ġeneri u l-valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri (il-paragrafu 06).

51

Peress li l-baġits annwali tal-UE huma bbażati fuq QFP ta’ seba’ snin, huwa importanti li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni fit-tfassil ta’ dan il-QFP. Il-proposta leġiżlattiva globali għall-QFP hija akkumpanjata minn proposti settorjali li jkopru l-programmi prinċipali ta’ finanzjament mill-UE. Skont l-aġenda tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar, dawn il-proposti huma suġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt.

52

Aħna vvalutajna jekk il-proposti settorjali li jkopru l-programmi ta’ finanzjament tal-UE li awditjajna taħt il-QFP 2014-2020 u l-QFP 2021-2027 kienx fihom analiżi tal-ġeneru fi ħdan it-tmien valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom. Ivverifikajna wkoll jekk il-proposti leġiżlattivi globali għall-oqfsa finanzjarji pluriennali u għall-pjan Next Generation EU kinux jinkludu rekwiżit għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.

53

Il-Kummissjoni għandha linji gwida fis-seħħ għall-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali potenzjali tal-proposti leġiżlattivi meta jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt. Il-linji gwida applikabbli għall-QFP 2014-202029 fihom gwida dwar l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni proposta dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-valutazzjonijiet tal-impatt li rrieżaminajna ma kien fihom l-ebda valutazzjoni ta’ dan it-tip. Huma kien fihom ftit referenzi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u ma kinux jikkostitwixxu analiżi xierqa tal-ġeneru (il-paragrafu 06).

54

Il-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-202730 jirrakkomandaw li jenħtieġ li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni fit-tfassil tal-politika, għalkemm dan għandu jkun biss meta jkun “proporzjonat” li jsir hekk. Mit-tmien valutazzjonijiet tal-impatt li analizzajna, il-valutazzjoni tal-impatt tal-FSE+ kien fiha analiżi tal-ġeneru li kienet limitata, u l-valutazzjoni tal-impatt tal-PAK kienet tipprovdi deskrizzjoni qasira tas-sitwazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali. L-ebda waħda mill-valutazzjonijiet tal-impatt l-oħra ma kien fiha xi spjegazzjoni għalfejn ma kienx ikun “proporzjonat” li titwettaq waħda. Analiżi mill-korp tal-Kummissjoni inkarigat mill-valutazzjoni tal-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt (il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju) tikkonferma kemm huwa rari li jsiru referenzi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-valutazzjonijiet tal-impatt. Fl-2017 u l-2018, mill-129 valutazzjoni tal-impatt li ġew skrutinizzati mill-Bord, 6 biss kienu jagħmlu xi referenza għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

55

Il-proposti leġiżlattivi globali tal-Kummissjoni għaż-żewġ QFP semmew l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jew l-“ugwaljanza” f’termini ġenerali biss, u b’rabta biss mal-qasam ta’ politika tal-ġustizzja. Il-proposta għall-istrument Next Generation EU tinkludi referenza waħda li tenfasizza l-importanza ta’ miżuri għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Hija tidentifika xi wħud mill-impatti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq in-nisa. Pereżempju, tosserva li l-kriżi kienet partikolarment diffiċli għall-ġenituri waħedhom, li 85 % minnhom huma nisa.

56

Aħna nosservaw li hemm impenn biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li hija l-akbar parti tal-istrument Next Generation EU. Se jkunu meħtieġa pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza biex jispjegaw kif il-miżuri proposti huma mistennija jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, kif ukoll għall-integrazzjoni ta’ dawn l-objettivi. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn il-pjanijiet se tkopri wkoll il-kontribut tagħhom għar-reżiljenza soċjali tal-Istati Membri, u jekk dawn jimmitigawx l-effetti soċjali tal-kriżi tal-COVID-19 b’mod effettiv. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill jiddeċiedi jekk japprovax dawn il-pjanijiet. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandu jiġi ppreżentat f’nofs l-2022, se jinkludi valutazzjoni ta’ kif il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri għenu biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel. Madankollu, kif osservajna fl-Opinjoni tagħna dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza31, in-nuqqas ta’ indikaturi komuni se jagħmilha diffiċli biex ir-riżultati, inklużi dawk rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jiġu mmonitorjati u jingħataw segwitu.

57

Biex tkun tista’ ssir analiżi xierqa tal-ġeneru, u biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati politiki adatti bbażati fuq l-evidenza, dawk li jfasslu l-politika jrid ikollhom aċċess għal statistika li tirrifletti b’mod preċiż id-differenzi u l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri. Statistika bħal din tgħin biex jiġi ttraċċat l-impatt tal-politiki, tiżvela fejn jista’ jsir aktar biex jitneħħew id-disparitajiet bejn il-ġeneri32, u tippermetti li jitkejlu d-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel f’termini ta’ dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi varji33.

58

Għalhekk analizzajna d-disponibbiltà tad-data u tal-istatistika abbażi ta’ data ripartita bejn in-nisa u l-irġiel (jew “diżaggregata skont is-sessi”). L-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, l-Eurostat, jipproduċi data diżaggregata skont is-sessi minn bejn wieħed u ieħor żewġ terzi tal-2 786 sett ta’ data disponibbli dwar l-oqsma prinċipali tal-politika soċjali tal-UE34. Huwa jipprovdi wkoll informazzjoni diżaggregata skont is-sessi dwar ċerti oqsma ta’ politika oħra tal-UE, iżda mhux dwar kollha: pereżempju, ma teżisti l-ebda informazzjoni diżaggregata skont is-sessi rigward l-għedud ta’ passiġġieri tat-trasport. Il-Kummissjoni għandha wkoll portal li jipprovdi aċċess pubbliku għad-data li tiġi ppubblikata mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea35. Mill-15 749 sett ta’ data disponibbli fuq il-portal, madwar kwart jappartjenu għal “Popolazzjoni u soċjetà”, dominju li huwa direttament rilevanti għall-istatistika dwar il-ġeneru. Bejn wieħed u ieħor, nofshom huma ripartiti skont is-sessi. L-EIGE jipproduċi statistika dwar il-ġeneru, inkluż Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (il-paragrafu 04). Il-Bażi ta’ Data tal-EIGE tal-Istatistika dwar il-Ġeneri fiha data dwar 1 888 indikatur.

59

Meħuda flimkien, dawn is-sorsi jipprovdu aċċess għal ammont kbir ta’ data diżaggregata skont is-sessi. Iżda fil-Fondi li rrieżaminajna ftit li xejn sibna evidenza li tissuġġerixxi li l-Kummissjoni kienet użatha b’mod sistematiku fl-analiżijiet tal-ġeneru. Mill-valutazzjonijiet tal-impatt li rrieżaminajna għaż-żewġ QFP, waħda biss (għall-FSE+36) kien fiha referenza waħda għad-differenzi relatati mal-ġeneri, u dan jissuġġerixxi li kienet intużat data diżaggregata skont is-sessi.

Il-Kummissjoni stabbiliet ftit objettivi li huma espliċitament relatati mal-ġeneri

60

Skont is-sett ta’ għodod tal-2018 tal-OECD, jenħtieġ li l-gvernijiet jistabbilixxu objettivi ta’ prestazzjoni relatati mal-ġeneri f’oqsma ta’ politika differenti biex ikunu jistgħu jittraċċaw il-progress lejn il-miri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ir-Regolament Finanzjarju li jirregola l-baġit ġenerali tal-UE ma fih l-ebda rekwiżit speċifiku dwar objettivi relatati mal-ġeneri, iżda tabilħaqq jinkludi rekwiżit ġenerali biex jiġu stabbiliti objettivi tal-programmi.

61

L-objettivi tal-programmi huma elenkati fid-“dikjarazzjonijiet tal-programmi”. Dawn huma rapporti mehmuża mal-abbozz ta’ baġit ta’ kull sena li jipprovdu informazzjoni dwar il-progress li jkun sar fi snin preċedenti lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ programm. Aħna vvalutajna jekk id-dikjarazzjonijiet tal-programmi li jakkumpanjaw l-abbozzi tal-baġits annwali għall-QFP 2014-2020 kinux jirriflettu l-użu ta’ objettivi relatati mal-ġeneri fl-oqsma ta’ politika kollha. Għall-QFP 2021-2027, eżaminajna proposti leġiżlattivi għall-programmi biex naċċertaw jekk dawn jinkorporawx objettivi relatati mal-ġeneri.

62

Mit-58 programm ta’ nfiq fil-QFP 2014-2020, 4 – il-programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza (REC), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), Erasmus+ u l-programm għas-Saħħa – inkludew referenzi espliċiti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala wieħed mill-objettivi tagħhom. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-programm REC (li sar il-programm dwar “iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri”) u għall-FSE+ kienu l-uniċi programmi tal-QFP 2021-2027 li inkludew objettivi b’referenzi espliċiti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Il-Kummissjoni ma mmonitorjatx b’mod effettiv il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri

63

Fis-sett ta’ għodod tagħha tal-2018, l-OECD tiddikjara li l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ jippermettu li l-progress jiġi vvalutat, li t-teħid ta’ deċiżjonijiet jittejjeb, u li l-programmi u r-riżorsi jiġu aġġustati biex jinkiseb impatt akbar. Ir-Regolament Finanzjarju tal-UE jistipula li jenħtieġ li l-ilħuq tal-objettivi jiġi mmonitorjat bl-użu ta’ indikaturi tal-prestazzjoni.

64

Il-Kummissjoni tippubblika data dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi. Dawn l-indikaturi huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni li fuqha huma bbażati l-programmi, jew f’leġiżlazzjoni sekondarja relatata. Aħna vvalutajna jekk id-dikjarazzjonijiet tal-programmi fil-QFP 2014-2020 kinux jinkludu indikaturi għall-monitoraġġ tal-ilħuq tal-objettivi relatati mal-ġeneri.

65

Id-dikjarazzjonijiet tal-programmi ppubblikati fl-2020, li jkopru t-58 programm ta’ nfiq, kien fihom aktar minn 1 000 indikatur. Minn dawn, 29 indikatur minn 5 programmi kienu relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dawn l-indikaturi jkejlu l-bidliet relatati mal-ġeneri matul iż-żmien – pereżempju, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. Minnhom, 19 kienu bbażati wkoll fuq data diżaggregata skont is-sessi – pereżempju, ir-rata ta’ impjieg skont is-sessi. Dawn il-programmi jirrappreżentaw 21.7 % tal-ammont totali tal-QFP 2014-2020. Ara l-Figura 8. Fil-proposti tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027, mid-29 indikatur relatat mal-ġeneri li identifikajna, 10 biss kienu nżammu.

Figura 8

Proporzjon tal-programmi tal-QFP 2014-2020 b’indikaturi relatati mal-ġeneri

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni ftit li xejn għamlet disponibbli informazzjoni dwar l-impatt kumplessiv tal-baġit tal-UE fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

66

L-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar l-impatt tal-baġit fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jappoġġa s-sorveljanza sistematika, u l-obbligu ta’ rendikont37. Dan jista’ jinkludi li l-fondi allokati għall-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jintużaw għalihom, kif ukoll ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni tal-programmi, isiru pubbliċi. Dan jiffaċilita l-iskrutinju parlamentari. Ara l-Kaxxa 2.

Kaxxa 2

L-użu ta’ data ripartita bejn in-nisa u l-irġiel għall-analiżi ekonomika li tirfed l-abbozz ta’ liġi tal-baġit

Mill-2004 ’l hawn, il-Gvern Żvediż bagħat rapport lill-parlament dwar id-differenzi ekonomiċi u l-evoluzzjoni tad-distribuzzjoni tal-introjtu bejn in-nisa u l-irġiel f’anness separat tal-abbozz ta’ liġi tal-baġit annwali. L-anness għall-Baġit 2021 fih analiżi tad-distribuzzjoni tar-riżorsi finanzjarji bejn in-nisa u l-irġiel mill-1995 ’il hawn, inklużi analiżijiet tal-iżviluppi fl-introjtu mix-xogħol, il-pensjonijiet, it-trasferimenti tas-sigurtà soċjali, it-taxxi u l-introjtu kumplessiv disponibbli. L-anness jintemm b’deskrizzjoni tal-impatt tar-riformi matul il-perjodu 2019-2021 fuq id-distribuzzjoni tar-riżorsi ekonomiċi bejn in-nisa u l-irġiel. Il-Ministeru tal-Finanzi huwa responsabbli għat-tfassil tal-anness.

67

Iż-żewġ rapporti ewlenin tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE huma d-dikjarazzjonijiet tal-programmi mehmuża mal-abbozz tal-baġit annwali, u r-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni (AMPR) ippreżentat għall-proċedura annwali ta’ kwittanza. Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx irrappurtat dwar l-impatt kumplessiv tal-baġit tal-UE u tal-programmi ta’ finanzjament tagħha fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’dawn iż-żewġ rapporti.

Il-Kummissjoni kienet żiedet l-ammont ta’ informazzjoni relatata mal-ġeneri li takkumpanja l-abbozz tal-baġit tal-UE, iżda ppreżentata b’mod frammentat

68

Xi wħud mid-dikjarazzjonijiet tal-programmi jinkludu taqsima li tirrapporta dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Mit-58 dikjarazzjoni tal-programm ippubblikati fl-2016, l-ewwel sena li fiha ġiet inkluża din l-informazzjoni, 20 kellhom taqsima bħal din; fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi ppubblikati fl-2020, dan l-għadd żdied għal 3438. Dan ifisser li 59 % tad-dikjarazzjonijiet tal-programmi għall-programmi ta’ nfiq, li jirrappreżentaw 88 % tal-QFP 2014-2020, issa fihom informazzjoni kwantitattiva jew kwalitattiva relatata mal-ġeneri.

69

Madankollu, aħna sibna dgħufijiet f’din l-informazzjoni. Mill-34 dikjarazzjoni tal-programm ippubblikati fl-2020, li tabilħaqq kien fihom informazzjoni relatata mal-ġeneri, kienu biss 10 (29 %) li pprovdew stimi finanzjarji dwar il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dawn kienu jinkludu programmi taħt il-FSE u l-FEŻR, iżda mhux il-FAEG, il-FAEŻR jew Erasmus+. Madankollu, peress li ma hemm l-ebda sistema komuni għat-traċċar tal-fondi allokati u użati għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri taħt il-baġit tal-UE, id-DĠ kienu użaw metodi differenti biex jistmaw il-kontribuzzjoni tal-programmi tagħhom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dan għamilha impossibbli li tiġi kkalkulata kontribuzzjoni totali fil-baġit tal-UE kollu kemm hu. Il-Kummissjoni tittraċċa l-allokazzjoni u l-użu tal-fondi fuq politiki trażversali oħra. Ara l-Kaxxa 3. B’kuntrast ma’ dan, ma kien hemm l-ebda sistema bħal din fis-seħħ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Kaxxa 3

Traċċar tar-riżorsi u stabbiliment ta’ miri għall-azzjoni klimatika

Għall-azzjoni klimatika, il-Kummissjoni tuża approċċ għat-traċċar tar-riżorsi li huwa bbażat fuq metodu żviluppat mill-OECD39. Fir-rapport analitiku tagħna dwar l-insegwiment tal-infiq fuq il-klima40, li ġie ppubblikat fl-2020, aħna sibna li dan l-approċċ kellu l-vantaġġ li jkun sempliċi u prammatiku, għalkemm tennejna t-tħassib li tqajjem fir-rapport speċjali tagħna dwar l-azzjoni klimatika41 rigward ir-riskju li l-istimi tal-infiq jiġu ddikjarati b’mod eċċessiv.

It-traċċar jista’ jiġi kkomplementat b’miri. Fil-kuntest tal-UE, dawn il-miri huma stabbiliti bi qbil mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Pereżempju, hemm miri għal 20 % tal-QFP 2014-2020 (madwar EUR 200 biljun), u 30 % tal-QFP 2021-2027 u l-istrument Next Generation EU kkombinati flimkien (madwar EUR 550 biljun), li għandhom jintużaw għall-azzjoni klimatika.

70

Il-Figura 9 tiġbor fil-qosor l-informazzjoni relatata mal-ġeneri ppreżentata fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi, inklużi l-objettivi (il-paragrafu 62), l-indikaturi (il-paragrafu 65), u l-istimi finanzjarji relatati mal-ġeneri (il-paragrafu 69).

Figura 9

Ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni relatata mal-ġeneri li hija disponibbli fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-dikjarazzjonijiet tal-programmi mehmuża mal-abbozz tal-baġit ġenerali għas-sena finanzjarja 2021.

71

Fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025, il-Kummissjoni tieħu l-impenn li “tqis” tkejjel l-infiq relatat mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-programm fil-QFP 2021-2027. F’Novembru 2020, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu li jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa metodu għall-kejl tal-infiq rilevanti fil-livell tal-programm fil-QFP 2021-2027. Skont dan il-ftehim interistituzzjonali, il-Kummissjoni se timplimenta dan il-metodu, għal ċerti programmi mmaniġġjati b’mod ċentrali bħala test tal-fattibbiltà tiegħu, sa Jannar 202342. Dan ifisser li, fit-terminu medju, il-Kummissjoni mhux se tkun tista’ turi l-ammont ta’ fondi li jintużaw fil-programmi kollha ta’ finanzjament tal-UE biex tiġi appoġġata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

L-AMPR ftit li xejn kellu informazzjoni dwar ir-riżultati rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

72

L-AMPR huwa parti mill-pakkett integrat tal-Kummissjoni ta’ rappurtar finanzjarju u ta’ obbligu ta’ rendikont43. Huwa input ewlieni għall-proċedura annwali ta’ kwittanza. It-Taqsima 1 tal-AMPR tivvaluta l-progress li sar lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika. Fir-rapport tagħna dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE44, aħna ġbidna l-attenzjoni għall-informazzjoni limitata magħmula disponibbli li tirrigwarda l-kontribut tal-programmi ta’ nfiq tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

73

Minn meta ġie ppubblikat l-ewwel AMPR45 fl-2016, il-Kummissjoni qatt ma rrappurtat speċifikament dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prijorità orizzontali. Lanqas ma pprovdiet xi analiżi f’taqsimiet individwali. B’kuntrast ma’ dan, l-AMPR tabilħaqq jinkludi rappurtar dwar l-infiq fuq prijoritajiet orizzontali oħra. Fl-AMPR tal-201946, il-Kummissjoni ddikjarat li l-objettivi ta’ politika orizzontali kienu jeħtieġu li jiġu integrati aħjar fil-baġit kollu, b’mod partikolari għan-nefqa relatata mal-klima, għall-protezzjoni tal-bijodiversità, u għall-SDGs. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma ssemmiet bl-ebda mod fl-AMPR.

L-istabbiliment ta’ rekwiżiti legali fid-dettall iffaċilita l-inkorporazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-programmi

74

Fl-aħħar taqsima tar-rapport, aħna niffukaw fuq programmi individwali u nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-FSE, il-FEŻR u l-FAEŻR, il-FAEG u Erasmus+. Aħna analizzajna jekk kinux twettqu xi analiżijiet tal-ġeneru, u jekk kinux ġew stabbiliti objettivi relatati mal-ġeneri. L-għan tagħna kien li nidentifikaw jekk il-Kummissjoni kinitx kapaċi turi r-riżultati tal-programmi rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

75

Aħna ffukajna fuq dawn il-ħames Fondi mhux biss minħabba s-sinifikat finanzjarju tagħhom fi ħdan il-QFP, iżda wkoll minħabba li dawn għandhom il-potenzjal li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku u jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri (il-paragrafu 02). Il-FSE jappoġġa proġetti fl-oqsma tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE kollha. Il-FEŻR għandu l-għan li jippromwovi żvilupp ibbilanċjat fir-reġjuni differenti tal-UE. Il-FAEŻR jiffoka fuq l-isfidi partikolari li qed jiffaċċjaw iż-żoni rurali tal-UE. Il-FAEG għandu l-għan li jiżgura l-introjtu tal-bdiewa permezz ta’ pagamenti diretti. U Erasmus+ jipprovdi finanzjament mill-UE biex jappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ bil-għan li jippromwovi t-tkabbir.

Il-Fondi SIE għandhom potenzjal sinifikanti li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda ftit li xejn sibna informazzjoni dwar ir-riżultati għall-perjodu tal-QFP 2014-2020

76

Aktar minn nofs il-finanzjament mill-UE jitwassal permezz tal-ħames Fondi SIE. Dawn il-Fondi huma mmaniġġjati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Aħna awditjajna l-FSE, il-FEŻR u l-FAEŻR, fi Spanja u fir-Rumanija. Ix-xogħol tagħna kopra l-ftehimiet ta’ sħubija ta’ dawn iż-2 pajjiżi, u 12 mill-programmi tagħhom.

77

Ir-rekwiżiti legali li jikkonċernaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jvarjaw minn Regolament wieħed speċifiku għal ieħor tal-Fondi SIE. Iżda r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK)47 jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-Fondi SIE fil-QFP 2014-2020. L-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jiddikjara li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tiġi promossa, u li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni, matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi kollha. Huwa jirrikjedi attivitajiet fl-oqsma kollha biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi jintużaw għodod bħal evalwazzjonijiet ex ante u kundizzjonalitajiet ex ante, kumitati ta’ monitoraġġ, kif ukoll proċeduri u kriterji tal-għażla.

78

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-RDK il-ġdid għall-QFP 2021-2027 inizjalment ma kien fiha l-ebda dispożizzjoni analoga għal dawk tal-Artikolu 7 tal-RDK 2014-2020. Wara r-reviżjonijiet inizjali, dispożizzjonijiet simili reġgħu ddaħħlu f’verżjoni sussegwenti tad-dokument. L-RDK il-ġdid jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ qafas strateġiku nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala kundizzjoni biex isir użu mill-Fondi SIE meta jsir investiment fit-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, jew l-infrastruttura tal-kura tat-tfal.

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri tqieset matul it-tħejjija tal-programmi li eżaminajna

79

Għall-programmi li eżaminajna fi Spanja u fir-Rumanija, sibna li l-obbligu li titqies l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kien ġie rrispettat aktar ta’ spiss matul il-fażi ta’ tħejjija milli matul il-fażijiet ta’ implimentazzjoni u ta’ monitoraġġ. Il-programmi kollha kien fihom analiżi tal-ġeneru, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni fit-tfassil tagħhom, f’diversi livelli. Barra minn hekk, iż-żewġ Stati Membri kienu wettqu evalwazzjonijiet ex ante ta’ jekk il-miżuri ppjanati kinux probabbli li jirnexxu fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Aħna sibna għadd ta’ eżempji fejn l-analiżijiet tal-ġeneru kienu ġew inċentivati fil-proċeduri tal-għażla. Ara l-Kaxxa 4.

Kaxxa 4

Kriterji tal-għażla li jinċentivaw l-analiżi tal-ġeneru

Fil-proċeduri tal-għażla, Spanja u r-Rumanija jinkludu kriterji li jinċentivaw lill-applikanti tal-proġetti biex iwettqu analiżijiet tal-ġeneru.

Pereżempju, fil-programm tagħhom “Sustainable and Integrated Urban Development Strategies” li ġie kkofinanzjat mill-FEŻR, l-awtoritajiet Spanjoli talbu lil korp espert biex jivvaluta kemm il-ġeneri kienu ġew inkorporati tajjeb fil-proposti tal-proġetti, u użaw il-punteġġ bħala kriterju tal-għażla.

Fir-Rumanija, l-applikanti għall-finanzjament taħt programm wieħed tal-FSE kienu meħtieġa jiddeskrivu kif il-proġett tagħhom ikkontribwixxa għal waħda jew aktar mit-temi orizzontali, inklużi n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-applikazzjonijiet li kienu jinkludu miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel irċevew punti addizzjonali.

L-objettivi relatati mal-ġeneri rarament tqiesu fil-programmi li eżaminajna, u ftit li xejn kien hemm informazzjoni disponibbli dwar l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

80

Il-programmi jridu jikkonformaw mal-objettivi ġenerali stabbiliti kemm fil-leġiżlazzjoni speċifika li tirregola l-Fondi li jiffinanzjawhom, kif ukoll fl-RDK. L-Istati Membri jistgħu jinkorporaw l-objettivi proprji tagħhom li huma relatati mal-ġeneri. Spanja, iżda mhux ir-Rumanija, kienet inkludiet objettivi u indikaturi speċifiċi relatati mal-ġeneri għal xi wħud mill-prijoritajiet ta’ investiment taħt il-FSE. Il-Fondi l-oħra li rrieżaminajna ma kien fihom l-ebda objettiv ta’ dan it-tip li kien relatat mal-ġeneri.

81

L-RDK jirrikjedi li kull Stat Membru jippreżenta rapport annwali ta’ implimentazzjoni għal kull programm. Huwa jispeċifika ulterjorment li r-rapporti tal-2016 u tal-2018 irid ikun fihom valutazzjoni tal-azzjoni meħuda biex jiġu promossi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni.

82

Ir-rapporti għall-programmi kollha magħżula kienu jinkludu taqsima b’data – l-aktar ta’ spiss din kienet kwalitattiva, iżda xi drabi kienet kwantitattiva – dwar azzjoni speċifika meħuda biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u dwar l-arranġamenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni. Iżda r-rapporti ma kienx fihom informazzjoni dwar ir-riżultati jew l-impatti.

83

Abbażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE fl-2017 u fl-2019. Fl-2018, hija ppubblikat ukoll rapport sommarju ta’ implimentazzjoni li jkopri l-implimentazzjoni tal-programmi taħt il-Fondi SIE mill-2014 sal-2017. Madankollu, dawn ir-rapporti ftit li xejn kien fihom informazzjoni relatata mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

84

Il-Pjattaforma tad-Data Miftuħa tal-Kummissjoni għall-Fondi SIE tipprovdi data dwar il-parteċipanti f’attivitajiet iffinanzjati. Iżda din id-data ma fiha l-ebda referenza għas-sess. B’konsegwenza ta’ dan, ma hemm l-ebda data konsolidata diżaggregata skont is-sessi li hija disponibbli għall-pubbliku dwar kwalunkwe wieħed mill-indikaturi komuni għal kwalunkwe wieħed mill-Fondi SIE.

Il-pagamenti diretti li ngħataw lill-bdiewa taħt il-FAEG ma kinux iqisu l-kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru

85

Il-politika agrikola komuni (PAK) tirrappreżenta aktar minn terz tal-finanzjament mill-UE. Il-FAEG jirrappreżenta madwar tliet kwarti tal-PAK, u jintuża prinċipalment biex jipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-bdiewa permezz ta’ pagamenti diretti. Huwa l-akbar programm uniku taħt il-baġit tal-UE, u jirrappreżenta aktar minn EUR 300 biljun fil-QFP 2014-2020.

Ir-Regolament dwar Pagamenti Diretti ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jillimita l-kapaċità tal-Istati Membri li jagħmlu dan

86

Ir-Regolament dwar Pagamenti Diretti 2014-2020 ma jinkludix rekwiżiti legali li jikkonċernaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jew l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Fl-Opinjoni tagħna rigward il-proposti tal-Kummissjoni għall-PAK għall-perjodu wara l-202048, aħna indikajna li Stat Membru li jkun imħasseb, pereżempju, dwar l-impatt tal-pagamenti diretti fuq il-ġeneru se jkollu “ftit opzjonijiet” biex ibiddel il-mod kif is-sussidji jiġu distribwiti, minħabba li t-tfassil tal-pagamenti diretti fil-biċċa l-kbira se jiġi stabbilit mil-leġiżlazzjoni proposta tal-UE.

87

Aħna sibna eżempji ta’ dan il-punt fi tnejn mill-erba’ studji tal-każijiet imwettqa mill-espert tagħna (il-paragrafu 19). L-Andalusija (Spanja) tapplika l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-baġit reġjonali tagħha. Hija tuża madwar 90 % tal-programmi tagħha biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Madankollu, il-Fond Agrikolu ta’ Garanzija tal-Andalusija huwa eskluż, minħabba li s-sistema ta’ pagamenti diretti ma tħalli l-ebda lok għal azzjoni pożittiva fir-rigward tan-nisa49. L-Iżvezja tapplika l-ibbaġitjar skont il-ġeneru, u għandha data bażi li turi l-inugwaljanzi fis-settur tal-agrikoltura. Iżda l-awtoritajiet Żvediżi spjegaw li, minħabba li jimplimentaw il-politika aktar milli jfassluha, u peress li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru mhuwiex obbligatorju skont ir-Regolament dwar Pagamenti Diretti, huma ma jistgħux jużawh biex jikkoreġu l-inugwaljanzi.

Lakuni fid-data u nuqqas ta’ analiżi tal-ġeneru jġibu magħhom ir-riskju li jiġu perpetwati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri

88

Ir-reviżjonijiet tal-PAK jiġu analizzati fil-valutazzjonijiet tal-impatt, bil-għan li ma jiġux aggravati l-inugwaljanzi bejn il-bdiewa skont l-età, id-daqs tal-azjenda agrikola jew tar-reġjun fl-UE. Ma tingħata l-ebda kunsiderazzjoni espliċita għad-differenzi bejn il-bdiewa rġiel u nisa. Fl-Opinjoni tagħna dwar il-PAK għall-perjodu wara l-2020 (il-paragrafu 86), aħna osservajna li l-Kummissjoni kienet qieset l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’rabta mal-SDGs fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, iżda li dan kien deher li ftit li xejn kellu impatt fuq il-proposta.

89

Fl-Opinjoni tagħna, aħna kkritikajna wkoll in-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża dwar l-introjtu tal-unitajiet domestiċi tal-bdiewa u n-nuqqas ta’ kwalunkwe rekwiżit għall-Istati Membri biex jikkumpilaw statistika dwar l-introjtu disponibbli tal-azjendi agrikoli. In-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ tali statistika ripartita skont is-sessi hija wkoll lakuna kbira fid-data meta jiġu analizzati l-effetti tal-pagamenti diretti fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

90

Lakuna kbira oħra fid-data hija n-nuqqas ta’ statistika ripartita skont is-sessi dwar ir-riċevituri ta’ pagamenti diretti. Ir-Regolament dwar il-FAEG ma jinkludi l-ebda rekwiżit biex tiġi pprovduta tali statistika. Il-Kummissjoni ma kellhiex data preċiża dwar il-proporzjonijiet tal-pagamenti li jingħataw lin-nisa u lill-irġiel. Madankollu, fl-istudju tal-każ imwettaq mill-espert tagħna ġie osservat li l-Bord Żvediż tal-Agrikoltura għandu data li tindika li, fl-2019, 16 % tal-applikanti fl-Iżvezja kienu nisa, iżda kienu rċevew biss 7 % tal-appoġġ għall-pagamenti. U fl-Irlanda, skont l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa Irlandiżi, fl-2019 in-nisa kellhom is-sjieda ta’ 10 % tal-art eliġibbli u rċevew biss 8 % tal-pagamenti50. Peress li l-pagamenti diretti huma pagamenti bbażati fuq l-erja li jiġu indirizzati lill-bdiewa b’art li tkun għad-dispożizzjoni tagħhom għal attività agrikola (“azjendi”), hemm bosta fatturi li jistgħu jispjegaw dawn iċ-ċifri.

91

Studju li ġie kkummissjonat mill-Parlament Ewropew fl-201951 osserva li l-bdiewa nisa għandhom sinifikattivament inqas aċċess għall-art u għal assi produttivi oħra, kif ukoll kontroll fuqhom u sjieda tagħhom, meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom li huma rġiel. Skont il-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet Agrikoli Professjonali52, huwa diffiċli għan-nisa li jkollhom aċċess għal self. L-Eurostat ma għandux informazzjoni diżaggregata skont is-sessi dwar is-sjieda tal-azjendi agrikoli, iżda jipproduċi data dwar id-detenturi tal-azjendi agrikoli. Id-detenturi jistgħu jkunu s-sidien tal-azjenda agrikola, iżda jistgħu wkoll jikruha, ikunu d-detenturi tal-kirja, jew ikunu l-fiduċjarji. Fl-2016, id-data pprovduta mill-Eurostat turi li madwar 30 % biss tad-detenturi tal-azjendi agrikoli fl-Ewropa kienu nisa53.

92

Id-data pprovduta mill-Eurostat turi wkoll li n-nisa għandhom it-tendenza li jkollhom azjendi iżgħar: fl-2016, in-nisa kellhom biss 16 % tal-azjendi akbar, meta mqabbla ma’ 35 % tal-azjendi iżgħar54. Fl-2017, il-Kummissjoni stmat li l-output għal kull azjenda kien ħafna inqas għal bdiewa nisa (ftit inqas minn EUR 12 000 fl-2013) milli għal bdiewa rġiel (kważi EUR 40 000). Hija stmat ukoll li l-art ikkontrollata mill-bdiewa nisa kienet ħafna inqas (12 %) minn dik ikkontrollata mill-irġiel (61 %, il-bqija hija miżmuma minn kumpaniji)55. Fl-Opinjoni tagħna dwar il-PAK għall-perjodu wara l-2020, aħna osservajna li ċ-ċifri tal-Kummissjoni “jissuġġerixxu li l-irġiel jirċievu madwar tlieta minn kull ħamsa ta’ tali sussidji [jiġifieri appoġġ għall-introjtu lill-bdiewa], filwaqt li n-nisa jirċievu wieħed minn kull tmienja, u l-kumpaniji jirċievu l-bqija”.

93

Dan kollu ta’ hawn fuq jissuġġerixxi li hemm ħtieġa ċara għal analiżi tal-ġeneru fir-rigward tal-appoġġ għall-introjtu mħallas lill-bdiewa permezz ta’ pagamenti diretti, inklużi d-distribuzzjoni tal-introjtu u r-relazzjoni tiegħu mas-sjieda tal-art, l-art eliġibbli, u r-riċevituri tal-pagamenti. Dan se jirrikjedi li tinġabar u tiġi disseminata data usa’ dwar in-nisa fil-biedja. Fl-2017 il-Parlament Ewropew56 kien diġà appella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikejlu l-kontribut tan-nisa għall-introjtu rurali u biex jidentifikaw ir-rwoli tan-nisa fl-agrikoltura. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jipprovdu statistika aġġornata dwar is-sjieda tal-art fost in-nisa.

Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aspetti kollha ta’ Erasmus+

94

Erasmus+ huwa l-programm tal-UE li jappoġġa l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-komponent tal-mobbiltà tal-programm jagħti lill-istudenti u lill-persunal tat-tagħlim l-opportunità li jiksbu ħiliet billi jistudjaw, jaħdmu u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom.

95

Il-premessi tar-Regolament li jirregola l-Erasmus+ fil-QFP 2014-2020 jiddikjaraw li l-objettivi tal-programm jinkludu l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Għalkemm fit-test prinċipali tar-Regolament ma hemm l-ebda rekwiżit legali vinkolanti dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jew il-ġbir ta’ data diżaggregata skont is-sessi, l-Anness I fih rekwiżit biex tinġabar data diżaggregata skont is-sessi għall-2 indikaturi mill-25 indikatur ewlieni tal-programm.

96

Il-proposta leġiżlattiva għall-programm Erasmus+ fil-QFP 2021-2027 inizjalment ma kien fiha l-ebda dispożizzjoni legali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u lanqas ma kienet tirrikjedi li tinġabar xi data diżaggregata skont is-sessi. Madankollu, il-Parlament Ewropew ippropona emenda57 li tirrikjedi li l-indikaturi kwantitattivi kollha għal Erasmus+ jiġu ripartiti skont is-sessi.

Il-Kummissjoni ftit li xejn tat kunsiderazzjoni għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul it-tħejjija tal-programm

97

Il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni għall-programm Erasmus+ fil-QFP 2014-2020 ħadet inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda b’mod limitat biss. Din sempliċiment kien fiha tabella b’deskrizzjoni tal-impatti mistennija ta’ kull proposta ta’ politika fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda mingħajr kwalunkwe analiżi xierqa tal-ħtiġijiet tal-ġeneri u tal-impatti fuq il-ġeneri.

98

Fil-valutazzjoni tal-impatt għall-QFP 2021-2027, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ġiet enfasizzata bħala waħda mill-kwistjonijiet li jkunu jeħtieġu jiġu indirizzati mill-programm Erasmus+. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri ġiet enfasizzata wkoll bħala sfida fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa tal-2017 dwar il-futur ta’ Erasmus+. Għaldaqstant kien hemm ħtieġa identifikata b’mod ċar li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni fil-programm Erasmus+. Madankollu, fil-proposta leġiżlattiva l-Kummissjoni pproponiet biss li jenħtieġ li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi promossa b’mod attiv f’qasam uniku tal-programm Erasmus+, dak tal-“Isport”.

99

Il-Kummissjoni għandha d-data meħtieġa biex twettaq analiżi tal-ġeneru jew evalwazzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri, inkluż skont il-qasam ta’ studju, tal-programm Erasmus. Madankollu, ir-Rapport Annwali 2019 ta’ Erasmus+ ma fihx informazzjoni dwar l-impatt fuq il-ġeneru jew ir-riżultati rigward il-ġeneru, jew kwalunkwe data diżaggregata skont is-sessi. Isiru referenzi għall-għadd totali ta’ studenti jew parteċipanti. Iżda dawn l-għedud mhumiex ripartiti skont is-sessi.

100

Fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi ippubblikati fl-2020, il-Kummissjoni ddikjarat li l-bilanċ bejn il-ġeneri tal-parteċipanti ta’ Erasmus+ sa dak il-punt kien “eċċellenti”, mingħajr ma pprovdiet l-ebda ċifra. Hija waslet għal din il-konklużjoni minkejja studju tal-2019, li wkoll kien twettaq mill-Kummissjoni58, li jindika l-eżistenza ta’ disparità sinifikanti bejn il-ġeneri f’Erasmus+, fejn sab li jipparteċipaw aktar nisa milli rġiel. Id-data l-aktar reċenti disponibbli mill-Kummissjoni59 turi li fil-perjodu 2014-2018 kien hemm differenzi sinifikanti bejn il-ġeneri fost l-oqsma ta’ studju. Pereżempju, fil-qasam tal-IT, kien hemm madwar darbtejn u nofs aktar parteċipanti rġiel milli nisa, filwaqt li fis-suġġetti tal-arti u l-istudji umanistiċi, kien hemm ħafna aktar parteċipanti nisa. Dan jissuġġerixxi li hemm ħtieġa li l-ġeneru jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ippjanar tal-programm Erasmus+, u li jitwettqu analiżijiet wiesgħa li jmorru lil hinn mill-għadd kumplessiv ta’ parteċipanti, ripartiti skont l-oqsma speċifiċi.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

101

B’mod ġenerali, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għadha ma ġietx applikata fil-baġit kollu tal-UE. Il-qafas għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit kollu tal-UE għadu mhuwiex kompletament fis-seħħ. Sibna li ċ-ċiklu baġitarju tal-UE ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod adegwat. Aħna nikkonkludu li l-Kummissjoni għadha ma ssodisfatx l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE.

102

B’mod aktar speċifiku, sibna li l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma kinitx tippromwovi suffiċjentement l-użu tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Għall-perjodu 2016-2019, il-Kummissjoni ssostitwiet l-istrateġija preċedenti tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’dokument mhux vinkolanti li ma kienx jinkludi pjan għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. L-Istrateġija l-ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 żiedet l-impenn tal-Kummissjoni għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, iżda l-prerekwiżiti fundamentali u azzjonijiet speċifiċi għadhom neqsin (il-paragrafi 25 sa 35).

103

Aħna sibna li l-qafas istituzzjonali tal-Kummissjoni qed jissaħħaħ, iżda għadu ma jappoġġax bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri Il-Kummissjoni 2014-2019 ma stabbilietx il-mekkaniżmi meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Hija ma pprovdietx lid-DĠ taħriġ jew għarfien espert suffiċjenti biex jimplimentaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri b’mod effettiv. Il-Kummissjoni 2019-2024 iċċarat ir-rwoli u r-responsabbiltajiet relatati mal-integrazzjoni tal-ugwaljanza. L-arranġamenti ġodda jagħtu rwol ċentrali lis-Segretarjat Ġenerali, li ħa l-impenn li jiżgura li l-ugwaljanza tittieħed inkunsiderazzjoni fit-tfassil tal-politika. Iżda d-DĠ BUDG, li huwa inkarigat mill-ġestjoni tal-baġit tal-UE u li jista’ jkollu rwol ewlieni fir-rigward tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-ibbaġitjar tal-UE, ma ġiex assenjat responsabbiltajiet li huma importanti b’mod komparabbli. Il-Kummissjoni qed tippjana li tiżviluppa strateġija għal taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza (il-paragrafi 36 sa 48).

Rakkomandazzjoni 1 – Tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tal-Kummissjoni

Biex il-qafas istituzzjonali għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jissaħħaħ, u biex l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jiġi kkonkretizzat f’azzjonijiet speċifiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiċċara r-rwoli rigward l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma kollha ta’ politika, tinnomina membri tal-persunal f’kull DĠ, u tfassal pjanijiet għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f’kull qasam ta’ politika;
  2. tiżgura li d-DĠ BUDG imexxi, jikkoordina u jimmonitorja l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE (jiġifieri l-ibbaġitjar skont il-ġeneru) b’mod effettiv;
  3. tagħmel disponibbli taħriġ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-persunal kollu; u
  4. tiżgura li d-DĠ jikkondividu informazzjoni u prattiki u jagħmlu użu konsistenti mill-għodod u mill-għarfien espert disponibbli meta jkunu qed jimplimentaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inklużi dawk tal-EIGE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa Diċembru 2021.

104

Sibna li ċ-ċiklu baġitarju tal-UE ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod adegwat. Il-Kummissjoni ftit li xejn tat attenzjoni għall-analiżi tal-ġeneru tal-politiki u l-programmi li eżaminajna. Mit-tmien valutazzjonijiet tal-impatt li rrieżaminajna, il-FSE+ kien fih analiżi tal-ġeneru li kienet limitata, u l-valutazzjoni tal-impatt tal-PAK kienet tipprovdi deskrizzjoni qasira tas-sitwazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali. Aħna sibna li l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali potenzjali tal-proposti leġiżlattivi ma kinux speċifiċi b’mod suffiċjenti, u ma kinux jiżguraw li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod xieraq. Fil-fehma tagħna, l-użu tal-analiżijiet tal-ġeneru huwa kruċjali biex jinkiseb progress lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (il-paragrafi 50 sa 55).

Rakkomandazzjoni 2 – Titwettaq analiżi tal-ġeneru

Biex tinkorpora aħjar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fiċ-ċiklu baġitarju tal-UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. taġġorna l-linji gwida tagħha għal regolamentazzjoni aħjar għall-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali potenzjali tal-proposti leġiżlattivi biex issaħħaħ l-analiżi tal-impatti fuq il-ġeneri; u
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa Diċembru 2021.

  3. twettaq analiżijiet tal-ġeneru fir-rigward tal-ħtiġijiet u l-impatti għal programmi u strumenti ta’ finanzjament tal-UE, u tirrapporta dwar ir-riżultati ta’ dawn l-analiżijiet, jew tispjega r-raġunijiet għalfejn ma wettqithomx, fil-valutazzjonijiet tal-impatt, fl-evalwazzjonijiet jew fir-rappurtar dwar il-prestazzjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: minn Jannar 2022.

105

B’mod ġenerali, fil-Fondi li rrieżaminajna ftit li xejn sibna evidenza li tissuġġerixxi li l-Kummissjoni kienet użat data diżaggregata skont is-sessi b’mod sistematiku fl-analiżi tal-ġeneru (il-paragrafi 57 sa 59). Għall-programmi awditjati, sibna li ma hemm l-ebda data konsolidata diżaggregata skont is-sessi li hija disponibbli għall-pubbliku dwar kwalunkwe wieħed mill-indikaturi komuni għal kwalunkwe wieħed mill-Fondi SIE (il-paragrafu 84). Aħna sibna lakuni kbar fid-data f’dak li jirrigwarda l-biedja, minħabba n-nuqqas ta’ statistika ripartita skont is-sessi dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu tal-azjendi agrikoli, is-sjieda tal-art u r-riċevituri ta’ pagamenti diretti taħt il-FAEG (il-paragrafi 89 sa 93). Barra minn hekk, fir-rappurtar għal Erasmus+, isiru referenzi għall-għadd totali ta’ studenti jew parteċipanti, iżda dawn l-għedud ma jiġux ripartiti skont is-sessi, minkejja li din l-informazzjoni tkun disponibbli (il-paragrafu 99).

Rakkomandazzjoni 3 – Tinġabar u tiġi analizzata d-data diżaggregata skont is-sessi

Biex tipprovdi bażi aħjar għall-analiżijiet tal-ġeneru, u biex tippermetti li jitkejlu d-differenzi fis-sitwazzjoni tan-nisa u l-irġiel u li l-impatti tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jiġu mmonitorjati u rrappurtati, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. b’mod sistematiku, tiġbor u tanalizza d-data diżaggregata skont is-sessi eżistenti għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE li jkunu taħt ġestjoni diretta, kif ukoll tirrapporta dwarha;
  2. b’mod sistematiku, tikkonsolida u tanalizza l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri f’konformità mar-rekwiżiti legali tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE taħt ġestjoni kondiviża, kif ukoll tirrapporta dwarha; u
  3. tinkludi, fil-proposti leġiżlattivi li jmiss, ir-rekwiżit li tinġabar u tiġi rrappurtata b’mod sistematiku data diżaggregata skont is-sessi għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: minn Jannar 2022.

106

Aħna sibna li l-Kummissjoni stabbiliet ftit objettivi li huma espliċitament relatati mal-ġeneri. Mit-58 programm ta’ nfiq fil-QFP 2014-2020, 4 biss kellhom referenzi espliċiti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala wieħed mill-objettivi tagħhom. Fil-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027, żewġ programmi biss kienu jinkludu objettivi b’referenzi espliċiti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri (il-paragrafi 60 sa 62).

107

Il-Kummissjoni ma mmonitorjatx b’mod effettiv il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Minn aktar minn 1 000 indikatur fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi ppubblikati fl-2020, aħna sibna 29 indikatur relatat mal-ġeneri minn 5 programmi. Mill-ħames programmi li rrieżaminajna, il-FEŻR u Erasmus+ biss kellhom xi indikaturi relatati mal-ġeneri. Huwa probabbli li l-QFP 2021-2027 se jkollu saħansitra inqas indikaturi ta’ dan it-tip, peress li 10 biss minn dawk li sibna kienu nżammu fil-leġiżlazzjoni proposta (il-paragrafi 63 sa 65). Madankollu, f’oqsma fejn ir-rekwiżiti legali ġew stabbiliti fid-dettall, dan iffaċilita l-inkorporazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-programmi (il-paragrafi 74 sa 100).

Rakkomandazzjoni 4 – Jintużaw objettivi u indikaturi relatati mal-ġeneri

Biex tittieħed inkunsiderazzjoni aħjar il-prijorità orizzontali tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-baġit kollu tal-UE, u biex il-progress li jkun sar ikun jista’ jiġi mmonitorjat, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. għall-programmi u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE għall-perjodu 2021-2027, tidentifika u tuża data eżistenti rilevanti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi indikaturi li għalihom ikun hemm disponibbli data diżaggregata skont is-sessi;
  2. għal proposti leġiżlattivi futuri, tinkludi objettivi u indikaturi tal-prestazzjoni relatati mal-ġeneri skont ir-riżultati tal-analiżijiet tal-ġeneru.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: minn Jannar 2022.

108

Fiż-żewġ rapporti ewlenin dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE: id-dikjarazzjonijiet tal-programmi mehmuża mal-abbozzi tal-baġits ta’ kull sena, u l-AMPR maħruġ għall-kwittanza, il-Kummissjoni ftit li xejn għamlet disponibbli informazzjoni dwar l-impatt kumplessiv tal-baġit tal-UE fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ma kien hemm l-ebda sistema komuni fis-seħħ għat-traċċar tal-fondi allokati mid-direttorati ġenerali għall-appoġġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għalhekk id-DĠ BUDG ma setax jasal għal stima kumplessiva ta’ sinifikat tal-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Aħna nosservaw li f’Novembru 2020 il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu li jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa metodu għall-kejl tal-infiq rilevanti fil-livell tal-programm fil-QFP 2021-2027. Skont dan il-ftehim, il-Kummissjoni se timplimenta dan il-metodu, għal ċerti programmi mmaniġġjati b’mod ċentrali bħala test tal-fattibbiltà tiegħu, sa Jannar 2023. Aħna osservajna wkoll li l-Kummissjoni kienet ipproponiet li talloka fondi għal xi wħud mill-kwistjonijiet marbuta mal-politika orizzontali tagħha, iżda mhux għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri (il-paragrafi 66 sa 73).

Rakkomandazzjoni 5 – Isir titjib fir-rappurtar dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Biex ittejjeb l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza baġitarja, u biex tiżgura li tkun disponibbli informazzjoni affidabbli dwar il-fondi allokati u użati fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-programm fil-QFP 2021-2027, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiżviluppa sistema robusta għat-traċċar tal-fondi li jiġu allokati u użati għall-appoġġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li tista’ tiġi applikata għall-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa Diċembru 2022.

  3. tirrapporta kull sena, fl-AMPR u fl-abbozz ta’ baġit, dwar ir-riżultati miksuba f’termini ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, u dwar l-ammont ta’ fondi allokati u użati għall-appoġġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-programmi kollha ta’ finanzjament tal-UE, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; u
  4. Data mmirata għall-implimentazzjoni: progressivament, minn Jannar 2024 sakemm tinkiseb kopertura sħiħa tal-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE.

  5. tanalizza x-xerqien li perċentwal tal-baġit tal-UE jiġi propost biex jintuża għall-appoġġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta jitħejjew il-proposti għal wara l-2027.

109

Aħna nosservaw li hemm impenn biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tittieħed inkunsiderazzjoni taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li hija l-akbar parti tal-istrument Next Generation EU. Se jkunu meħtieġa pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza biex jispjegaw kif il-miżuri proposti huma mistennija jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, kif ukoll għall-integrazzjoni ta’ dawn l-objettivi. Madankollu, in-nuqqas ta’ indikaturi komuni se jagħmilha diffiċli biex ir-riżultati, inklużi dawk rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jiġu mmonitorjati u jingħataw segwitu (il-paragrafu 56).

Rakkomandazzjoni 6 – Jiġi vvalutat jekk il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tindirizzax l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jiġi rrappurtat dwar dan

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-miżuri proposti inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri u, sussegwentement, tirrapporta dwar jekk dawn ikkontribwewx għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: minn Mejju 2021.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Tony Murphy, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Mejju 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Abbrevjazzjonijiet

AMPR: Rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni

DĠ AGRI: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

DĠ BUDG: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Baġit

DĠ DEVCO: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp

DĠ EAC: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura

DĠ EMPL: Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea

DĠ JUST: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi

DĠ REGIO: Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Politika Reġjonali u Urbana

EIGE: L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Eurostat: L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea

FAEG: Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija

FAEŻR: Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

FEŻR: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FSE: Il-Fond Soċjali Ewropew

FSE+: Il-Fond Soċjali Ewropew Plus

Il-Fondi SIE: Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

ISG: Grupp interservizzi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

OECD: L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

QFP: Qafas finanzjarju pluriennali

REC: Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza

SDGs: Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

SWD: Dokument ta’ ħidma awtonomu tal-persunal

Glossarju

Analiżi tal-ġeneru: Eżaminar tad-differenzi fil-kundizzjonijiet u fil-ħtiġijiet bejn in-nisa u l-irġiel (valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ġeneri) u l-konsegwenzi (probabbli) ta’ politika jew programm fuq in-nisa u l-irġiel (valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri).

Data diżaggregata skont is-sessi: Data miġbura u ttabulata separatament għan-nisa u l-irġiel, li tippermetti li jiġu kkalkulati d-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel, f’termini ta’ dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi varji.

Erasmus+: Programm tal-UE li jappoġġa l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa, prinċipalment billi jagħti lill-istudenti universitarji l-opportunità li jistudjaw u jiksbu esperjenza barra minn pajjiżhom.

Ġeneru: Kunċett soċjali u kulturali li jimmarka distinzjoni bejn l-attributi tan-nisa u tal-irġiel, kif ukoll tal-bniet u tas-subien, u għaldaqstant jipperċepixxi li n-nisa u l-irġiel għandhom ċerti rwoli u responsabbiltajiet separati.

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta’ kif il-baġit tal-UE jintefaq fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’ġestjoni diretta, il-Kummissjoni tiddelega lill-Istati Membri iżda tibqa’ finalment responsabbli hi.

Ibbaġitjar skont il-ġeneru: L-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali: Fond tal-UE għall-finanzjament tal-kontribuzzjoni mill-UE għall-programmi tal-iżvilupp rurali.

Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija: Fond tal-UE għall-finanzjament ta’ pagamenti diretti favur il-bdiewa u favur miżuri li jirregolaw jew jappoġġaw is-swieq agrikoli.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: Fond tal-UE li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni.

Il-Fond Soċjali Ewropew: Fond tal-UE għall-ħolqien ta’ opportunitajiet edukattivi u ta’ impjieg kif ukoll għat-titjib tas-sitwazzjoni ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: Il-ħames fondi prinċipali tal-UE li flimkien jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fl-UE kollha: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Indikaturi relatati mal-ġeneri: Kejl li juri bidliet fir-relazzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan dominju partikolari.

Integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri: Il-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jitqiesu b’mod sistematiku fl-istadji kollha fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-politiki, l-istrumenti, il-programmi u l-fondi.

Kwittanza: Deċiżjoni annwali li tittieħed mill-Parlament Ewropew u li permezz tagħha l-Kummissjoni tingħata l-approvazzjoni finali għall-mod kif ikun ġie implimentat il-baġit.

Pagamenti diretti: Pagament ta’ appoġġ għall-agrikoltura li jsir direttament lill-bdiewa.

Qafas finanzjarju pluriennali: Il-pjan ta’ nfiq tal-UE li jistabbilixxi, ġeneralment għal perjodu ta’ seba’ snin, il-prijoritajiet (fuq il-bażi tal-objettivi ta’ politika) u l-limiti massimi. Huwa jipprovdi l-istruttura li fi ħdanha jiġu stabbiliti l-baġits annwali tal-UE, u jillimita l-ammont li jintefaq għal kull kategorija ta’ nfiq.

Rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni: Rapport li l-Kummissjoni tħejji kull sena dwar il-ġestjoni tagħha tal-baġit tal-UE u tar-riżultati miksuba.

Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni: Ir-regolament li jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kollha kemm huma.

Regolamentazzjoni aħjar: Kunċett li jiggwida t-tfassil tal-liġijiet u tal-politika tal-UE, abbażi tal-prinċipji li jenħtieġ li r-regolamentazzjoni tilħaq l-objettivi tagħha bi spiża minima u tkun imfassla b’mod trasparenti u bbażat fuq l-evidenza bl-involviment taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati.

Riċevitur: Persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi għotja jew selfa mill-baġit tal-UE jew li essenzjalment tibbenefika minn attività ffinanzjata mill-UE.

Ugwaljanza bejn il-ġeneri: Il-prinċipju li n-nisa u l-irġiel, kif ukoll il-bniet u s-subien, għandu jkollhom l-istess drittijiet, libertajiet u opportunitajiet.

Valutazzjoni tal-impatt: Analiżi tal-effetti probabbli (ex ante) jew reali (ex post) ta’ inizjattiva ta’ politika jew ta’ tip ieħor ta’ azzjoni.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju Eżekuttiv

Tweġibiet mill-Kummissjoni dwar is-Sommarju Eżekuttiv (paragrafu I-VI):

Il-Kummissjoni ilha żmien twil impenjata biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan l-impenn issaħħaħ maż-żmien u ngħata impetu politiku ġdid taħt il-Kummissjoni von der Leyen, bl-adozzjoni f’Marzu 2020 ta’ Strateġija ġdida għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020–2025, il-pjan direzzjonali ta’ politika għall-ħames snin li ġejjin. L-istrateġija tfassal il-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u tistabbilixxi l-objettivi ta’ politika u l-azzjonijiet ewlenin għas-snin 2020–2025. L-istrateġija hija strateġija ambizzjuża u komprensiva għaċ-ċittadini kollha, l-Istati Membri kollha, l-Ewropa kollha, u lil hinn minnha.

L-istabbiliment ta’ qafas istituzzjonali b’saħħtu jinsab fil-qalba tal-isforzi msaħħa taħt il-Kummissjoni von der Leyen favur l-ugwaljanza bejn is-sessi. Huwa għal din ir-raġuni li l-President von der Leyen ħolqot struttura permanenti ddedikata għall-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-President ħatret l-ewwel Kummissarju b’portafoll iddedikat għall-ugwaljanza, appoġġat minn Task Force dwar l-Ugwaljanza u s-Segretarjat tagħha fis-Segretarjat Ġenerali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni waqqfet netwerk wiesa’ ta’ koordinaturi tal-ugwaljanza responsabbli, fost l-oħrajn, għall-iskrinjar tal-inizjattivi politiċi kollha li ġejjin li għalihom id-DĠ tagħhom huwa chef de file minn perspettiva ta’ ugwaljanza fi stadju bikri ta’ tħejjija u tfassil, biex tiġi żgurata l-inklużjoni ta’ perspettiva ta’ ugwaljanza sinifikanti.

Kif spjegat ukoll fl-Istrateġija, il-Kummissjoni tapplika approċċ fuq tliet binarji għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi minn naħa permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politika, u min-naħa l-oħra permezz ta’ miżuri mmirati speċifiċi biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi persistenti, inkluż fi ħdan il-programmi ta’ nfiq rilevanti tal-UE, kif ukoll permezz ta’ djalogu ta’ politika.

Il-politika baġitarja hija parti integrali minn dawn l-isforzi. Fil-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021–2027, l-ugwaljanza bejn is-sessi hija inkorporata fit-tfassil tal-programm bħala prinċipju orizzontali kif ukoll permezz ta’ objettivi speċifiċi tal-programm, bil-ħsieb li jiġu promossi politiki ffokati fuq il-ġeneru u sensittivi għall-ġeneru.

Dan l-impenn ġie rifless aktar fil-Ftehim Interistituzzjonali (IIA)60 li jakkumpanja l-MFF 2021–2027.

Il-Kummissjoni issa qed tiżviluppa metodoloġija għall-intraċċar tan-nefqa relatata mal-ugwaljanza bejn is-sessi, li se tiġi ttestjata u varata progressivament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem biex taġġorna l-linji gwida tagħha għal analiżi msaħħa tal-impatt tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, f’konformità mal-impenn tagħha skont il-FII.

Il-Kummissjoni se topera fil-limiti stabbiliti mill-QFP 2021–2027 kif miftiehem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill f’Diċembru 2020, u l-atti bażiċi tal-programmi ta’ nfiq kif adottati mill-Parlament u mill-Kunsill. Dawn ir-restrizzjonijiet huma relatati pereżempju mad-definizzjoni tal-objettivi u l-indikaturi għall-programmi l-ġodda, l-obbligi ta’ rappurtar fuq l-Istati Membri, u d-disponibbiltà tad-data rilevanti.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli taħdem kemm fuq il-promozzjoni attiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea f’kooperazzjoni kostruttiva mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE kif ukoll fuq it-titjib ulterjuri tal-istrutturi interni u l-organizzazzjoni tagħha għal dan il-għan.

Osservazzjonijiet

29

L-istudju estern ikkwotat mill-QEA jippreżenta biss il-fehmiet tal-awturi tiegħu u ma kienx evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

32

Sa fejn huma kkonċernati r-rapporti ta’ progress annwali, l-impenn strateġiku ddikjara li l-progress, inklużi eżempji ta’ prattiki fl-Istati Membri, għandu jiġi rrappurtat kull sena abbażi tal-miri u l-indikaturi fl-Annessi 1 u 2 tad-dokument. Il-Kummissjoni wettqet dan permezz tar-Rapport Annwali dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-UE.

33

Il-Kummissjoni kkunsidrat bir-reqqa l-indikaturi disponibbli għall-monitoraġġ tal-progress fl-SDG 5 “ugwaljanza bejn is-sessi”. Abbażi tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-indikatur tan-NU 5.c.1 “Proporzjon ta’ pajjiżi b’sistemi li jittraċċaw u jagħmlu allokazzjonijiet pubbliċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa” fil-forma preżenti tiegħu, huwa maħsub biex japplika għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk huwa ta’ rilevanza limitata għall-UE.

34

L-istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tagħti riżultati fuq l-impenn tal-Kummissjoni Von der Leyen għal ksib ta’ Unjoni ta’ Ugwaljanza. L-istrateġija tistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-quċċata tal-aġenda politika. Tippreżenta l-qafas meħtieġ biex jiżdiedu l-isforzi tal-Kummissjoni billi tippreżenta objettivi u azzjonijiet ta’ politika biex isir progress sinifikanti sal-2025 lejn Ewropa b’ugwaljanza bejn is-sessi.

38

Is-Segretarjat Ġenerali għandu responsabbiltà wiesgħa għall-koordinazzjoni tal-politika fil-Kummissjoni, li tkopri l-prijoritajiet u l-objettivi politiċi kollha tal-Kummissjoni. Il-Kummissarju għall-Baġit għandu responsabbiltà globali għall-koordinazzjoni tal-politika baġitarja ġenerali, inkluż għall-integrazzjoni tal-politika fil-baġit tal-UE.

Minbarra l-objettivi definiti b’mod espliċitu fil-pjanijiet strateġiċi tagħhom, is-servizzi tal-Kummissjoni jsegwu objettivi u prinċipji dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi inkorporati fl-oqfsa legali tal-programmi li jimmaniġġjaw, kif inhu l-każ pereżempju fil-politika ta’ koeżjoni.

45

Fl-2020, is-servizzi tal-Kummissjoni bdew riflessjonijiet interni serji dwar l-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-intraċċar tal-fondi allokati għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Naturalment, dawn ir-riflessjonijiet kienu jinkludu l-pubblikazzjonijiet rilevanti tal-EIGE. Ladarba dawk ir-riflessjonijiet kienu kemxejn aktar avvanzati, stabbiliti bil-miktub u diskussi fis-servizzi f’diversi livelli, is-servizzi tal-Kummissjoni kkomunikaw lill-EIGE għal parir espert dwar l-ideat li kienu qed jiġu kkunsidrati.

Dawn l-ideat jiffurmaw il-bażi għall-metodoloġija li l-Kummissjoni hija impenjata li tiżviluppa f’konformità mal-impenn tagħha skont il-ftehim interistituzzjonali tal-QFP għall-bidu tal-2023. Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem fuq il-metodoloġija f’konsultazzjoni mill-qrib mal-EIGE.

47

It-Task Force għall-Ugwaljanza hija interna għall-Kummissjoni u ma tinkludix aġenziji eżekuttivi jew deċentralizzati. Madankollu, is-Segretarjat tat-Task Force jiddependi fuq l-għarfien espert fl-aġenziji u diġà ltaqa’ mal-EIGE. Laqgħat addizzjonali mal-EIGE huma diġà ppjanati għar-rebbiegħa tal-2021.

48

Filwaqt li t-Task Force għall-Ugwaljanza ppreseduta mis-Segretarjat Ġenerali hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza fi ħdan il-Kummissjoni, id-DĠ BUDG għandu responsabbiltajiet importanti fl-integrazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politika baġitarja, fost l-oħrajn, permezz tal-istruzzjonijiet permanenti taċ-Ċirkolari tal-Baġit dwar l-abbozzar tat-taqsima dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fid-Dikjarazzjonijiet tal-Programm.

It-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 50 sa 53

L-analiżi tal-impatti fuq is-sessi hija integrata fil-qafas ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni, li jkopri t-tfassil tal-politika kollha tal-UE, inklużi l-programmi ta’ nfiq baġitarju.

Fil-prospettiva tal-Politika Regolatorja tal-OECD tal-2018, l-OECD ikklassifikat il-qafas ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni fost l-aħjar fost il-membri tagħha. L-analiżi tas-sessi hija koperta minn għodod speċifiċi ta’ regolamentazzjoni aħjar li jispjegaw kif jeħtieġ li titwettaq l-analiżi tal-impatt fuq is-sessi.

Il-qafas ta’ regolamentazzjoni aħjar jagħmel enfasi fuq il-proporzjonalità fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-profondità tal-analiżi fil-valutazzjonijiet tal-impatt. Dan ifisser li mhux l-impatti kollha għall-partijiet ikkonċernati potenzjali kollha jeħtieġ li jiġu eżaminati fil-politiki kollha, iżda biss dawk l-aktar rilevanti, abbażi tal-prinċipju ta’ analiżi proporzjonata. Il-prinċipju tal-proporzjonalità f’analiżi integrata u bbilanċjata huwa kompletament konformi mal-ftehim interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

54

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju hu korp indipendenti fi ħdan il-Kummissjoni li jagħti pariri lill-Kulleġġ tal-Kummissarji. Hija tivverifika li l-valutazzjoni tal-impatt twassal analiżi trasparenti tal-impatti rilevanti u tagħmel dan b’mod proporzjonat, f’konformità mal-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Fir-rapport annwali tiegħu tal-2018, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju nnota li s-servizzi jeħtieġ li jikkunsidraw x’inhu proporzjonat biex ikopru, u r-restrizzjonijiet li jiffaċċjaw fir-rigward tal-ħin u d-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-komparabbiltà tad-data. In-natura tal-inizjattiva għandha influwenza fuq l-impatti li għandha tiġi vvalutata. Fir-rigward tal-analiżi tal-impatti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-okkorrenza tagħha fil-valutazzjoni tal-impatt, il-Bord ippubblika numri fattwali fir-rapporti tiegħu iżda ma ddubitax b’xi mod li l-Kummissjoni kkonformat bis-sħiħ mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar fl-analiżi tagħha tal-impatti tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

Ir-rapporti tal-valutazzjoni tal-impatt, għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, jinkludu l-analiżi tal-impatti li jitqiesu sinifikanti, kif diskuss fi gruppi ta’ tmexxija tal-interservizzi. F’każ li l-impatti ma jkunux mistennija li jkunu sinifikanti, dawn ma jiġux analizzati, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

58

Meta d-data ma tkunx diżaggregata skont is-sess, dan ġeneralment ikun minħabba li ma jkollhomx l-individwu bħala unità statistika (pereżempju: statistika tan-negozju, l-enerġija, il-Kontijiet Nazzjonali, eċċ.). Għalhekk, l-istatistika korrispondenti ma tistax tiġi diżaggregata skont is-sess.

62

Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) kemm għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 kif ukoll għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027 jipprevedi li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju orizzontali għall-fondi SIE kollha u jinkludi għadd ta’ dispożizzjonijiet għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Barra minn hekk, is-CPR għall-perjodu 2021–2027 jipprevedi t-traċċar tal-perspettiva tal-ġeneri.

69

Il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprovdi dan it-tip ta’ informazzjoni tiddependi fuq il-karatteristiċi speċifiċi tad-disinn tal-programmi sottostanti, l-obbligi ta’ rappurtar fuq l-Istati Membri, u d-disponibbiltà tad-data rilevanti.

73

Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ b’mod kostanti r-rappurtar tagħha. Filwaqt li tieħu nota tat-talba tal-QEA għal aktar rappurtar dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-AMPR, il-Kummissjoni qed tesplora l-possibbiltà li tinkludi fl-AMPR tal-2020 — li għandha tiġi ppubblikata f’Ġunju 2021 — sottotaqsima ddedikata dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Ta’ min jinnota li fl-AMPR tal-2019, ġie inkluż eżempju illustrattiv tal-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-ħames SDG (li għandu l-għan li jikseb l-ugwaljanza bejn is-sessi) fl-infografika tal-SDGs. Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għar-Rakkomandazzjoni 5b).

77

Għall-fondi SIE, l-awtoritajiet maniġerjali mhumiex meħtieġa jwettqu analiżi ex ante dwar id-dimensjonijiet tal-ġeneru fl-oqsma kollha ta’ politika. L-Anness I tas-CPR 2014-2020 jindika b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom iwettqu analiżijiet tas-sessi “fejn xieraq” (it-taqsima 5 dwar il-prinċipji orizzontali).

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju orizzontali fil-Fondi SIE u l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fil-programmi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat ir-rispett ta’ tali prinċipju, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla tal-operazzjonijiet, l-istabbiliment tal-objettivi għall-interventi, u l-arranġamenti għall-monitoraġġ u r-rappurtar. Azzjonijiet speċifiċi mmirati huma appoġġati wkoll permezz tal-FSE.

78

Għall-perjodu 2021-2027, ir-rekwiżiti legali skont is-CPR fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi ssaħħu aktar b’żewġ modi. L-ewwel nett, ġiet introdotta prekundizzjoni ġdida ta’ finanzjament għall-Istati Membri, imsejħa kundizzjoni abilitanti, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tinkludi wkoll ir-rekwiżit dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Barra minn hekk, ġiet imsaħħa l-kundizzjoni abilitanti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Addizzjonalment, ġiet inkluża sistema ta’ traċċar tan-nefqa relatata mal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-FSE+, għall-FEŻR u għall-Fond ta’ Koeżjoni li se tippermetti monitoraġġ aħjar tal-investimenti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi.

80

Ta’ min jinnota li skont il-qafas legali eżistenti, l-Istati Membri ma kinux obbligati jinkludu objettivi u indikaturi speċifiċi relatati mal-ġeneru għall-prijoritajiet ta’ investiment taħt l-FSE. Barra minn hekk, u għall-kompletezza tar-rapport, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li r-Rumanija għażlet li tikkonforma mar-rekwiżiti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi billi tinċentiva l-parteċipazzjoni tan-nisa f’operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-FSE u billi tippromwovi azzjonijiet speċifiċi b’impatt dirett fuq l-elementi tal-ugwaljanza bejn is-sessi. L-approċċ huwa spjegat fid-dettall fil-punt 11.3 tal-programm operazzjonali tal-Kapital Uman 2014-2020 u huwa mmonitorjat permezz tal-ġbir ta’ data relatata mas-sessi għall-indikaturi definiti taħt il-PO.

82

Ir-riżultati u l-impatti ma setgħux verament jiġu deskritti fl-2016 u l-2018 peress li jistgħu jitkejlu biss wara perjodu itwal ta’ implimentazzjoni. Dan il-fatt ġie aggravat minħabba l-bidu tard fl-implimentazzjoni fl-ipprogrammar tal-QFP 2014-2020.

83

Fl-2017 u l-2019 il-Kummissjoni ħejjiet rapport strateġiku skont l-Artikolu 53 tas-CPR ibbażat fuq ir-rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ Sħubija ppreżentati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 52(1) tas-CPR. Fir-rapporti ta’ progress tagħhom, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni, fost l-oħrajn, dwar l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji orizzontali dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 7 tas-CPR).

84

Il-Kummissjoni tinnota li r-Regolament 288/2014 isemmi b’mod ċar li “[...] Għall-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, it-tqassim skont is-sessi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mhuwiex rilevanti [...]” (Anness I, tabella 5, nota 1 f’qiegħ il-paġna). Għalhekk, il-programmi tal-FEŻR/FK intalbu, matul il-fażi tan-negozjati li wasslet għall-adozzjoni tagħhom, biex jipprovdu qsim skont is-sessi tal-indikaturi, fejn rilevanti biss. B’konsegwenza ta’ dan, l-indikaturi rrappurtati fir-RAI huma diżaggregati skont is-sess biss f’għadd żgħir ta’ każijiet. Dan imbagħad joħloq limitazzjonijiet għall-preżentazzjoni tad-data fil-kuntest ta’ pjattaforma tad-Data Miftuħa komprensiva u awtomatizzata.

85

Ir-regolament dwar il-pagamenti diretti japplika l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa minquxa fl-Artikoli 10 u 8 tat-TFUE kif ukoll fl-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Mhuwiex immirat speċifikament la lejn l-irġiel u lanqas lejn in-nisa, iżda pjuttost lejn il-bdiewa. L-ebda waħda mir-raġunijiet rikonoxxuti ta’ diskriminazzjoni (sess, diżabilità, eċċ.) ma għandha xi effett fuq l-eliġibbiltà tal-bdiewa għall-pagamenti diretti.

86

Ir-Regolament attwali dwar il-Pagamenti Diretti jipprevedi r-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inkluż l-Artikolu 23. Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 85.

Fin-negozjati interistituzzjonali dwar il-PAK futura, intlaħaq ftehim biex jiġi inkluż objettiv speċifiku li jippromwovi “l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja”. Dan se jippermetti lill-Istati Membri, f’konformità mal-mudell ta’ implimentazzjoni l-ġdid, jimplimentaw azzjonijiet aktar immirati u ġusti, inkluża l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom. L-Istati Membri huma meħtieġa jinvolvu l-korpi responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi fit-tħejjija tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom.

Barra minn hekk, il-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi ġew indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri fir-rigward tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK.

88

Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 86.

89

Il-Kummissjoni tindika li l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi agrikoli jiddependi fuq ħafna fatturi oħra indipendenti mill-introjtu tal-azjendi agrikoli, bħall-introjtu barra l-azjenda agrikola tal-membri tal-familja, u fuq politiki li huma ta’ kompetenza nazzjonali u li jvarjaw ħafna madwar l-Istati Membri (it-tassazzjoni, il-leġiżlazzjoni tas-suq tal-artijiet, il-liġijiet dwar il-wirt, l-iskemi tal-pensjoni, l-għajnuna mill-Istat dwar l-enerġija rinnovabbli, eċċ.).

90

Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, hija tiġbor biss data li hija rilevanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni partikolari. Meta wieħed iqis li r-Regolament dwar il-Pagamenti Diretti 2014-2020 ma ddifferenzjax bejn is-sessi, l-Istati Membri ma kinux meħtieġa jikkomunikaw data dwar il-ġeneru tal-benefiċjarji tal-pagamenti diretti.

Barra minn hekk, il-benefiċjarji tal-pagamenti diretti tal-FAEG jistgħu jkunu entitajiet ġuridiċi jew persuni fiżiċi.

91

Il-Eurostat jippubblika informazzjoni diżaggregata skont is-sess għas-sjieda ta’ azjenda agrikola fis-sens ta’ “sjieda tal-art” għall-azjendi agrikoli fit-tabella ef_mp_tenure. Din it-tabella61 tippreżenta l-għadd ta’ azjendi agrikoli fejn id-detentur huwa maskili jew femminili (jew is-sess mhuwiex applikabbli) fl-2016 u l-art (kollha jew parti minnha) hija proprjetà tad-detentur. Jekk jogħġbok innota li d-data f’din it-tabella għandha tiġi analizzata b’ċerta kawtela meta d-detentur tal-azjenda jkun is-sid fl-istess ħin u “jikri l-art.

92

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġibiet tagħha inklużi fil-paragrafi 86-88. L-elementi msemmija mill-QEA huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-FAEG.

Fil-proposta għall-PAK futura għal wara l-2020, il-kwistjonijiet tal-ġeneru huma koperti u indirizzati taħt l-objettiv speċifiku 8 (SO8). Skont il-mudell ta’ implimentazzjoni l-ġdid u filwaqt li jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-Istati Membri se jkollhom aktar flessibbiltà biex ifasslu l-interventi tal-PAK tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tagħhom, inklużi kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi.

93

Il-Kummissjoni tinnota li l-istatistika dwar is-sjieda tal-art tan-nisa taqa’ taħt il-kompetenza unika tal-Istati Membri.

Għall-PAK ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni tipproponi, fejn possibbli u rilevanti, li tiġbor l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji skont is-sess.

96

Il-Kummissjoni ilha tiġbor data diżaggregata skont is-sessi taħt il-QFP 2014-2020 mingħajr ebda dispożizzjoni legali espliċita u biħsiebha tkompli l-ġbir taħt il-QFP 2021-2027. Barra minn hekk, wara n-negozjati interistituzzjonali, id-diżaggregazzjoni issa hija deskritta b’mod ċar fl-Anness II tat-test legali finali tar-regolament: “Il-kejl tal-indikaturi kwantitattivi għandu jkun diżaggregat, fejn xieraq, skont il-pajjiż, is-sess u t-tip ta’ azzjoni u attività.”

97

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni għall-programm Erasmus+ fil-QFP 2014-2020 qieset l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda sa ċertu punt biss f’konformità mal-prinċipju ta’ analiżi proporzjonata tal-aktar impatti sinifikanti.

98

Il-Kummissjoni tinnota li ġiet inkluża premessa fir-regolament il-ġdid Erasmus+ 2021–2027 biex tiddikjara b’mod ċar li l-programm se jappoġġa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala prinċipju ġenerali. (“Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). B’mod partikolari, dan ir-Regolament ifittex li jiżgura rispett sħiħ għad-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta. (…)”)

100

Il-valutazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tal-programm tal-2020 kienet ibbażata fuq ir-rata ta’ parteċipazzjoni ġenerali ta’ 58 % tal-parteċipanti nisa fil-programm, li l-Kummissjoni tqis bħala eċċellenti. Ir-rispons għad-disparitajiet bejn is-sessi skont l-oqsma ta’ studju hija kwistjoni usa’ lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ Erasmus+.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

101

Il-Kummissjoni hija impenjata favur l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-baġit tal-UE u tqis li l-Istrateġija l-ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020-2025, flimkien mal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid u l-ftehim interistituzzjonali li jakkumpanjaha, tipprovdi qafas xieraq għal dan.

102

L-impenn fit-tul tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi kompla jissaħħaħ taħt il-Kummissjoni von der Leyen. L-istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020-2025 twettaq l-impenn tal-Kummissjoni von der Leyen li tikseb Unjoni ta’ Ugwaljanza billi żżid l-isforzi tal-Kummissjoni għal dan il-għan. L-istrateġija tippreżenta objettivi u azzjonijiet ta’ politika biex isir progress sinifikanti sal-2025 lejn Ewropa b’ugwaljanza bejn is-sessi. L-għan hu Unjoni fejn in-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien, fid-diversità kollha tagħhom, huma ħielsa li jkomplu bil-perkors magħżul tagħhom fil-ħajja, ikollhom opportunitajiet indaqs biex jirnexxu, u jistgħu jipparteċipaw u jmexxu bl-istess mod fis-soċjetà Ewropea tagħna. L-istrateġija tipprovdi boxxla u deskrizzjoni ċara għas-servizzi tal-Kummissjoni biex joperazzjonalizzawha fl-oqsma ta’ politika rispettivi tagħhom.

103

Fi tmiem l-2019 twaqqfet Task Force għall-Ugwaljanza biex tappoġġa l-ewwel portafoll tal-Kummissarju għall-Ugwaljanza. Din it-Task Force hija ppreseduta mid-Deputat Segretarju Ġenerali inkarigat mill-koordinazzjoni tal-politika, li għandu ħarsa ġenerali soda tal-politiki kollha tal-Kummissjoni.

L-integrazzjoni tal-ugwaljanza hija sforz kollettiv, fil-livelli kollha, li huwa rifless sew mill-istruttura tat-Task Force dwar l-Ugwaljanza u l-mod kif topera. B’mod partikolari, il-koordinaturi tal-ugwaljanza, maħtura f’kull Direttorat Ġenerali, huma l-muturi ewlenin tat-Task Force u jiżguraw l-interfaċċja mas-Segretarjat tat-Task Force imqiegħed fis-Segretarjat Ġenerali. Il-koordinaturi tal-ugwaljanza għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn is-sessi, fid-DĠ tagħhom u biex jiżguraw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza fil-qasam tal-politika tagħhom. Il-koordinaturi tal-ugwaljanza jiltaqgħu regolarment u jiskambjaw prattiki tajba dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza.

Id-DĠ BUDG għandu rwol ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-integrazzjoni fil-baġit tal-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat Ġenerali.

Rakkomandazzjoni 1 – Tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tal-Kummissjoni

a) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

It-Taskforce dwar l-Ugwaljanza tikkoordina l-ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Il-koordinaturi għall-Ugwaljanza huma nnominati minn kull DĠ, bil-kompitu tal-koordinazzjoni u l-iskrinjar mill-perspettiva tal-ugwaljanza, inkluż il-ġeneru, tal-inizjattivi politiċi futuri kollha li għalihom id-DĠ tagħhom huwa s-servizz ewlieni. Il-koordinaturi tal-Ugwaljanza f’kooperazzjoni mat-Task Force dwar is-Segretarjat tal-Ugwaljanza se jiżguraw li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tkun riflessa tajjeb fil-pjanijiet ta’ integrazzjoni tal-ugwaljanza interna.

b) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tqassam ir-responsabbiltajiet internament kif jidhrilha xieraq. F’dan il-każ, hija diġà stabbiliet l-arranġamenti meħtieġa biex tkun tista’ tiżgura li t-tmexxija, il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jsiru b’mod effettiv. Id-DĠ BUDG għandu rwol b’saħħtu ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-integrazzjoni fil-baġit tal-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat Ġenerali.

c) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

d) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tagħmel użu estensiv minn firxa wiesgħa ta’ għodod u għarfien espert disponibbli, inkluż għarfien espert intern, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, kif ukoll l-EIGE.

Rakkomandazzjoni 2 – Twettiq tal-analiżi tal-ġeneru

a) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni

Il-Kummissjoni se taġġorna l-linji gwida u s-sett ta’ għodod tagħha għal Regolamentazzjoni aħjar biex tappoġġa l-identifikazzjoni u l-analiżi tal-impatt tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet. L-aġġornament se jkun soġġett għall-prinċipju ta’ analiżi proporzjonata li permezz tagħha se jintgħażlu u jiġu analizzati l-aktar impatti sinifikanti ta’ kull programm.

L-impatti fuq is-sessi għandhom jitqiesu fil-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet u jiġu analizzati meta jkunu sinifikanti għall-programm speċifiku. L-aġġornament tar-Regolamentazzjoni aħjar se jappoġġa l-identifikazzjoni, l-għażla u l-valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva aħjar, fil-limiti tad-data disponibbli, ta’ impatti sinifikanti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi.

b) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni

F’konformità mal-impenn tagħha skont il-Ftehim Interistituzzjonali li jakkumpanja l-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid , il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt għall-programmi u l-istrumenti ta’ finanzjament futuri rilevanti tal-UE u se taġġorna l-gwida tagħha għal regolamentazzjoni aħjar, skont dan.

Il-Kummissjoni se teżamina jekk l-impatt potenzjali fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi tal-programmi u l-istrumenti futuri ta’ finanzjament tal-UE huwiex sinifikanti, meta tħejji proposti futuri għall-programmi ta’ nfiq tal-UE.

Għall-programmi ta’ nfiq rilevanti tal-UE, il-Kummissjoni se tippreżenta l-valutazzjoni tal-impatt tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt u matul ir-rappurtar annwali dwar il-prestazzjoni, fil-limiti tad-data disponibbli.

Rakkomandazzjoni 3 – Il-ġbir u l-analiżi tad-data diżaggregata skont is-sessi

a) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni.

Il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar dwar data eżistenti diżaggregata skont is-sessi għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE taħt ġestjoni diretta se jitwettqu f’konformità mal-gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar.

b) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tanalizza u tirrapporta dwar tali informazzjoni meta tkun disponibbli iżda l-konsolidazzjoni sistematika tal-informazzjoni fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE taħt ġestjoni kondiviża mhijiex possibbli minħabba li l-bażijiet ġuridiċi sottostanti ta’ dawn il-programmi ta’ finanzjament mhux kollha jeħtieġu l-ġbir ta’ tali informazzjoni.

c) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-adegwatezza tal-ġbir u r-rappurtar dwar tali data, meta tkun qed tħejji proposti għal programmi futuri ta’ finanzjament tal-UE, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-valutazzjoni tal-impatt jew ta’ passi preparatorji oħra.

Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax, f’dan l-istadju, tagħti impenji dwar il-kontenut ta’ proposti leġiżlattivi futuri.

Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, it-tliet Istituzzjonijiet qablu li, kif xieraq, jistabbilixxu rekwiżiti ta’ rapportar, ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni fil-leġislazzjoni, filwaqt li jevitaw ir-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari għall-Istati Membri. Fejn xieraq, tali rekwiżiti jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi li fuqhom tinġabar evidenza tal-effetti tal-leġislazzjoni fil-prattika.

106

Minn meta l-Kummissjoni għamlet il-proposti tagħha għall-QFP 2021-2027 fl-2018, is-sitwazzjoni evolviet. Matul in-negozjati, aktar programmi saħħew id-dispożizzjonijiet tagħhom għall-ugwaljanza inkluż l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-atti bażiċi tagħhom taħt il-QFP 2021-2027. Pereżempju, is-CPR issa jinkludi b’mod espliċitu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala prinċipju orizzontali u jinkludi mekkaniżmu ġdid ta’ traċċar. Fin-negozjati interistituzzjonali dwar il-PAK futura, it-tliet istituzzjonijiet daħħlu objettiv speċifiku li jippromwovi “l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja”.

107

Il-Kummissjoni tirrapporta fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi dwar l-indikaturi definiti fil-bażijiet legali tal-programmi. Barra minn hekk, l-indikaturi inklużi fil-proposti tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 intgħażlu abbażi tar-rilevanza tagħhom għall-aspetti ewlenin ta’ programm partikolari, l-affidabbiltà tagħhom, id-disponibbiltà tad-data sottostanti u l-kosteffiċjenza .

Rakkomandazzjoni 4 – Użu ta’ objettivi u indikaturi relatati mas-sessi

a) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

b) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni

Il-Kummissjoni ma tistax, f’dan l-istadju, tieħu impenji dwar il-kontenut ta’ proposti leġiżlattivi futuri.

Il-Kummissjoni tipproponi objettivi għal kull programm ibbażati fuq ir-rilevanza tagħhom għall-aspetti ewlenin tal-programm imsemmi. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-adegwatezza, inklużi l-objettivi u l-indikaturi relatati, meta tkun qed tħejji proposti għal programmi ta’ finanzjament futuri tal-UE, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-valutazzjoni tal-impatt jew ta’ passi preparatorji oħra.

L-indikaturi tal-prestazzjoni mbagħad jintgħażlu abbażi tar-rilevanza tagħhom għal objettiv, disponibbiltà u kwalità partikolari tad-data, kif ukoll il-kosteffiċjenza.

108

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-iskeda ta’ żmien għall-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-istima tan-nefqa rilevanti għall-ġeneru ġiet miftiehma mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, bħala parti mill-Ftehim Interistituzzjonali li jakkumpanja l-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid.

Rakkomandazzjoni 5 – Titjib tar-rappurtar dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi

a) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Kif iddikjarat fil-FII li jakkumpanja l-QFP 2021–2027, ‘Il-Kummissjoni se teżamina kif tiżviluppa metodoloġija biex tkejjel in-nefqa rilevanti fil-livell tal-programm fil-QFP 2021–2027. Il-Kummissjoni se tuża dik il-metodoloġija hekk kif tkun disponibbli. Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni se timplimenta l-metodoloġija għal ċerti programmi ġestiti ċentralment biex tittestja l-fattibbiltà tagħha’.

b) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tirrapporta, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali li jakkumpanja l-QFP 2021–2027. Minħabba li l-metodoloġija se tiddaħħal biss gradwalment matul il-perjodu tal-QFP 2021–2027, ir-rappurtar se jkun limitat għad-data disponibbli fi kwalunkwe mument partikolari u se jkopri l-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE b’mod progressiv biss matul il-perjodu.

c) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Din il-valutazzjoni tista’ ssir biss ladarba tinkiseb biżżejjed esperjenza bl-implimentazzjoni tal-metodoloġija l-ġdida.

Rakkomandazzjoni 6 – Evalwazzjoni u rapport dwar jekk il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tindirizzax l-ugwaljanza bejn is-sessi

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni.

Skont ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiżguraw li l-pjanijiet tagħhom jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn is-sessi u jispjegaw kif. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri fil-pjan tagħhom.

L-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Abbażi tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u d-data dwar l-implimentazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar kif il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel.

Tim tal-awditjar:

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar bil-għan li tħalli impatt massimu b’kunsiderazzjoni tar-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u amministrazzjoni tal-UE, li hija mmexxija minn Tony Murphy, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Eva Lindström, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Katharina Bryan, Kap tal-Kabinett; Johan Stalhammar, Attaché tal-Kabinett; Karin Andersson, Assistenta tal-Kabinett; Amanda Ramer, Trainee tal-Kabinett; Margit Spindelegger, Maniġer Prinċipali; Elisa Gómez, Kap Konġunt tal-Kompitu; Rogelio Abarquero Grossi, Kap Konġunt tal-Kompitu; Giuseppe Diana u Marilena Elena Friguras, Awdituri; Quirino Mealha, Espert Nazzjonali Sekondat; Joniada Goçaj u Thomas Hebenstreit, Trainees; Jesús Nieto Muñoz ipprovda appoġġ illustrattiv; Richard Moore pprovda appoġġ lingwistiku; Emanuele Fossati u Danilo De Pascalis ipprovdew appoġġ fl-IT; Bogomil Kovachev ipprovda appoġġ statistiku; Valérie Tempez‑Erasmi u Manuela Magliocca pprovdew assistenza segretarjali.

Noti finali

1 Pereżempju: McKinsey Global Institute, How advancing women’s equality can add $12 trillion to global growth, Settembru 2015; il-Forum Ekonomiku Dinji, Global Gender Gap Report 2020, Diċembru 2019; l-FMI, Gender Inequality and Economic Growth: Evidence from Industry-Level Data, Lulju 2020; l-FMI, Women, Work, and the Economy: Macroeconomic Gains from Gender Equity, Diċembru 2013; Åsa Löfström, l-Università ta’ Umeå, Gender equality, economic growth and employment.

2 COM(2020) 152 final.

3 L-EIGE, Economic Benefits of Gender Equality in the European Union.

4 Il-Kummissjoni Ewropea, Economic sectors at risk due to COVID-19 disruptions: will men and women in the EU be affected similarly?, 2020; il-Kummissjoni Ewropea, The impact of sex and gender in the COVID-19 pandemic, 2020.

5 Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021: Il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta’ wara l-kriżi.

6 Pereżempju: il-Parlament Ewropew, Backlash in Gender Equality and Women’s and Girls’ Rights, Ġunju 2018; UN Women, Democratic backsliding and the backlash against women’s rights: Understanding the current challenges for feminist politics; l-EIGE, Beijing + 25: the fifth review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States, 2020.

7 COM(2020) 152 final: Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025.

8 L-EIGE, Gender Equality Index. View countries. Edizzjoni 2020.

9 SWD(2019) 101 final: 2019 report on equality between women and men in the EU.

10 L-OECD, Toolkit for Mainstreaming and Implementing Gender Equality, 2018.

11 Dan ir-rapport juża t-terminu “data diżaggregata skont is-sessi” billi nirreferu għal data ripartita bejn in-nisa u l-irġiel.

12 Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Novembru 2013 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.

13 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 17-21 ta’ Lulju 2020.

14 COM(96) 67 final.

15 Il-mandat tal-Kummissjoni 2014-2019 kien mill-1 ta’ Novembru 2014 sat-30 ta’ Novembru 2019.

16 Il-Kummissjoni 2019-2024 bdiet il-mandat tagħha fl-1 ta’ Diċembru 2019.

17 Ir-Rapport Speċjali Nru 02/2021 tal-QEA: Għajnuna umanitarja li tingħata mill-UE għall-edukazzjoni: tgħin lit-tfal fil-bżonn, iżda jenħtieġ li tkun fuq żmien itwal u tilħaq aktar bniet.

18 SWD(2015) 278 final.

19 Pereżempju, l-istrateġija tas-Suq Uniku għall-prodotti u s-servizzi (COM(2015) 550 final).

20 Evaluation of the strengths and weaknesses of the Strategic Engagement for Gender Equality 2016–2019, ikkummissjonata mid-DĠ JUST fl-2019.

21 Minuti tal-laqgħa tal-Forum ta’ Esperti tal-EIGE tat-3 u tal-4 ta’ April 2019.

22 SEC(2010) 1079.

23 Id-DĠ JUST, Visions for gender equality, 2015; il-Kumitat Konsultattiv dwar l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel, Opinion on Gender Equality in the EU in the 21st century: remaining challenges and priorities, 2014; id-DĠ JUST, Report on the Forum on the future of gender equality in the EU, 2015.

24 COM(2020) 152 final.

25 L-EIGE, Gender mainstreaming.

26 Ir-Rapport Speċjali Nru 22/2020 tal-QEA: Il-futur tal-aġenziji tal-UE – Potenzjal għal aktar flessibbiltà u kooperazzjoni

27 Minuti tat-33 Bord tat-Tmexxija tal-EIGE ta’ Novembru 2019.

28 Id-DĠ Baġit, Pjan Strateġiku 2020-2024.

29 SEC(2009) 92.

30 SWD(2017) 350 final.

31 L-Opinjoni Nru 6/2020 tal-QEA dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

32 In-NU, Integrating a Gender Perspective into Statistics, 2016.

33 L-EIGE, Glossary and thesaurus.

34 Bażi ta’ data tal-Eurostat, 17/3/2021.

35 Portal tad-Data Miftuħa tal-UE, 17/3/2021.

36 SWD(2018) 289 final.

37 L-OECD, Designing and Implementing gender budgeting. A path to action, 2019.

38 Flimkien ma’ oħra għal strument speċjali.

39 OECD DAC Rio Markers for Climate. Handbook.

40 Ir-Rapport Analitiku Nru 01/2020 tal-QEA: Insegwiment tal-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE.

41 Ir-Rapport Speċjali Nru 31/2016 tal-QEA: Infiq ta’ mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti.

42 Ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.

43 L-Artikolu 318 tat-TFUE u l-Artikolu 247(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju.

44 Il-QEA, Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE – Status fi tmiem l-2019.

45 COM(2016) 446 final: Ir-Rapport Annwali 2015 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE.

46 COM(2020) 265 final.

47 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

48 L-Opinjoni Nru 7/2018 tal-QEA rigward il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu wara l-2020.

49 Rapport dwar l-impatt fir-rigward tal-ġeneri tal-Baġit 2020 tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalusija, Ottubru 2019.

50 IFA Diversity Strategy Towards 2025, Ottubru 2019.

51 Il-Parlament Ewropew, The professional status of rural women in the EU, 2019.

52 Il-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet Agrikoli Professjonali, Challenges and opportunities in achieving gender equality and the empowerment of rural women and girls, 2017.

53 Farm indicators by agricultural area, type of farm, standard output, sex and age of the manager and NUTS 2 regions, estratt f’Diċembru 2020.

54 Id-daqs ekonomiku huwa bbażat fuq l-output standard f’euro: azjendi żgħar < EUR 8 000; azjendi akbar ≥ EUR 25 000.

55 L-aħbarijiet tal-Kummissjoni Ewropea, Future of CAP: Where are all the women?, 2017.

56 Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2017: In-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali.

57 Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus”: Emenda 170.

58 Il-Kummissjoni Ewropea, Erasmus+ higher education impact study, 2019.

59 Portal tad-Data Miftuħa tal-UE, Erasmus mobility statistics 2014-2018.

60 Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda

61 https://europa.eu/!Cg88wR

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 13.12.2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni
(jew lill-entità l-oħra awditjata)
10.3.2021
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 4.5.2021
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 1.6.2021

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-6006-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/095024 QJ-AB-21-009-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-6068-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/334192 QJ-AB-21-009-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Il-Figuri 4, 6 u 7: Ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.