
Infrastruttura għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi: Aktar stazzjonijiet għall-iċċarġjar iżda vjaġġar ikkumplikat madwar l-UE minħabba l-installazzjoni irregolari tagħhom
Dwar ir-rapport:L-objettiv tal-awditu tagħna kien li tiġi ddeterminata l-effettività tal-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni għall-installazzjoni fl-UE kollha ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi aċċessibbli għall-pubbliku.
Aħna sibna li minkejja s-suċċessi bħall-promozzjoni ta’ standard komuni fil-livell tal-UE għall-plakek, u t-titjib tal-aċċess għal networks differenti tal-iċċarġjar, għad hemm ostakli għall-ivvjaġġar b’vetturi elettriċi madwar l-UE. Id-disponibbiltà tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar tvarja minn pajjiż għall-ieħor, is-sistemi ta’ pagament mhumiex armonizzati b’rekwiżiti minimi u ma hemmx informazzjoni adegwata f’ħin reali għall-utenti. Fin-nuqqas ta’ analiżi komprensiva tad-distakk fl-infrastruttura, il-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura li l-finanzjament mill-UE jmur fejn huwa l-aktar meħtieġ. L-UE għadha ’l bogħod ħafna mill-mira li stabbiliet taħt il-Patt Ekoloġiku, jiġifieri li tilħaq 1 000 000 punt tal-iċċarġjar sal-2025, u ma għandhiex pjan direzzjonali strateġiku kumplessiv għall-elettromobbiltà.
Aħna għamilna għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea bħala għajnuna għat-titjib fl-installazzjoni madwar l-UE ta’ infrastrutturi tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IBil-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tħabbar f’Diċembru 2019, l-UE issa qed timmira li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport b’90 % sal-2050, meta mqabbla mal-1990, bħala parti minn sforz akbar biex issir ekonomija newtrali għall-klima. Parti essenzjali mit-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq hija t-tranżizzjoni għal karburanti alternattivi b’livell aktar baxx ta’ karbonju. Minn dawn, l-aktar sors ġdid komuni huwa l-elettriku, b’mod partikolari għall-vetturi tal-passiġġieri.
IIL-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar li timxi flimkien mal-użu tal-vetturi elettriċi hija faċilitatur ewlieni tal-bidla għal karburanti alternattivi u għal flotta ta’ vetturi, fil-biċċa l-kbira, b’emissjonijiet żero sal-2050. L-objettiv aħħari tal-politika huwa li l-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi jsir faċli daqs il-mili ta’ tank konvenzjonali tal-vetturi, biex b’hekk il-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr diffikultà madwar l-UE. Biex tilħaq dan l-għan, l-UE qed tiffaċċja l-problema interkonnessa li ġejja: minn naħa waħda, l-użu tal-vetturi se jkun ristrett sakemm l-infrastruttura tal-iċċarġjar tkun disponibbli, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-investimenti fl-infrastruttura jirrikjedu aktar ċertezza f’dak li jirrigwarda l-livelli tal-użu tal-vetturi.
IIIIl-Kummissjoni għandha r-rwol li tmexxi l-politika kumplessiva tal-UE dwar il-karburanti alternattivi. Il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam huwa li l-infrastruttura tal-karburanti alternattivi tippreżenta sfida tranżnazzjonali, iżda l-Istati Membri individwali ma għandhomx l-għodod meħtieġa biex jiksbu koordinazzjoni pan-Ewropea. Dak li tista’ tagħmel il-Kummissjoni huwa li tadotta standards komuni biex tiżgura l-interoperabbiltà, tikkoordina u tappoġġa l-installazzjoni min-naħa tal-Istati Membri ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku, u timmonitorja l-progress li jkun sar. Barra minn hekk, permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, hija tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku.
IVDan ir-rapport se jikkontribwixxi għar-reviżjonijiet li jmiss tal-leġiżlazzjoni ewlenija tal-UE f’dan il-qasam kif ukoll għax-xogħol ta’ ppjanar u implimentazzjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. Dan se jgħin lill-Kummissjoni biex tappoġġa b’mod aktar effettiv l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku madwar l-UE, b’mod partikolari fil-kuntest tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u t-tkabbir sinifikanti mistenni tal-elettromobbiltà (l-użu ta’ vetturi elettriċi) matul is-snin li ġejjin.
VL-objettiv tal-awditu tagħna kien li tiġi ddeterminata l-effettività tal-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni għall-installazzjoni fl-UE kollha ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi aċċessibbli għall-pubbliku matul il-perjodu 2014-2020. Aħna analizzajna l-mod kif il-Kummissjoni tadotta l-istandards, u tikkoordina u tappoġġa l-installazzjoni ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku min-naħa tal-Istati Membri, kif ukoll kif timmaniġġja l-finanzjament għaliha taħt l-FNE.
VIAħna ksibna informazzjoni minn bosta sorsi, inklużi l-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali, il-benefiċjarji tal-finanzjament mill-UE u partijiet ikkonċernati oħra. Biex niksbu esperjenza diretta bħala utenti tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, użajna vettura elettrika biex inżuru u nittestjaw għadd ta’ stazzjonijiet għall-iċċarġjar li ġew kofinanzjati mill-UE.
VIIAħna sibna li l-Kummissjoni rnexxielha tippromwovi standard komuni fil-livell tal-UE għall-plakek għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi, u li l-utenti gradwalment qed jiksbu aċċess aktar armonizzat għan-networks differenti tal-iċċarġjar. Madankollu, għad hemm ostakli f’dak li jirrigwarda l-ivvjaġġar madwar l-UE permezz ta’ vetturi elettriċi. Għalkemm in-network tal-iċċarġjar qed jikber madwar l-UE, l-installazzjoni hija irregolari, billi ma hemmx rekwiżiti minimi ċari u konsistenti għall-infrastruttura biex tiġi żgurata l-elettromobbiltà fl-UE kollha. L-UE għadha ’l bogħod ħafna mill-mira ambizzjuża li stabbiliet taħt il-Patt Ekoloġiku, jiġifieri li tilħaq 1 000 000 punt tal-iċċarġjar sal-2025, u ma għandhiex pjan direzzjonali strateġiku kumplessiv għall-elettromobbiltà. L-ivvjaġġar madwar l-UE huwa kkumplikat aktar minħabba n-nuqqas ta’ sistemi armonizzati ta’ pagament b’rekwiżiti minimi u ta’ informazzjoni għall-utenti adegwata dwar id-disponibbiltà f’ħin reali kif ukoll ta’ dettalji tal-kontijiet ta’ stazzjonijiet għall-iċċarġjar.
VIIIL-appoġġ finanzjarju mogħti mill-UE permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa ntuża b’mod wiesa’ biex jippromwovi l-installazzjoni ta’ stazzjonijiet għall-iċċarġjar interoperabbli madwar l-UE. Madankollu, fin-nuqqas ta’ analiżi komprensiva tad-distakk fl-infrastruttura, il-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura li l-finanzjament mill-UE jmur fejn huwa l-aktar meħtieġ. Barra minn hekk, ma għamlitx il-finanzjament għal stazzjonijiet għall-iċċarġjar kundizzjonali fuq perjodu minimu ta’ operat, jew fuq assigurazzjonijiet ta’ aċċess ekwu għall-utenti kollha ta’ vetturi elettriċi. Kull wieħed mill-proġetti li rrieżaminajna kien milqut minn dewmien fl-implimentazzjoni u xi wħud minnhom ipproduċew biss outputs parzjali. Fl-aħħar nett, aħna osservajna li r-rati attwali tal-użu tal-istazzjonijiet kofinanzjati huma ġeneralment baxxi, u dan iżid ir-riskji għas-sostenibbiltà assoċjati ma’ dawn l-investimenti.
IXFuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- Tipproponi rekwiżiti minimi ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku fin-network kollu tat-TEN-T.
- Tħejji pjan direzzjonali strateġiku u integrat għall-elettromobbiltà fl-UE.
- Tiżviluppa analiżi tad-distakk fl-infrastruttura u tad-diskrepanza fil-finanzjament.
- Tuża l-analiżi tad-distakk fl-infrastruttura u tad-diskrepanza fil-finanzjament kif ukoll kriterji kkjarifikati biex issaħħaħ l-għażla tagħha tal-proġetti.
- Tinkludi klawżoli fi ftehimiet ta’ għotja għal proġetti biex tiżgura aċċess sostenibbli u ekwu għal infrastruttura kofinanzjata.
Introduzzjoni
L-elettriku fuq quddiem nett fl-installazzjoni tal-karburanti alternattivi fit-trasport bit-triq
01Bil-Patt Ekoloġiku Ewropew1 li tħabbar f’Diċembru 2019, l-UE issa qed timmira li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport b’90 % sal-2050, meta mqabbla mal-1990, bħala parti minn sforz akbar biex issir ekonomija newtrali għall-klima. It-trasport jammonta għal madwar kwart tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra fl-UE, b’mod predominanti (72 %) permezz tat-trasport bit-triq2.
02Parti essenzjali mit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport bit-triq hija t-tranżizzjoni għal karburanti alternattivi b’livell aktar baxx ta’ karbonju, bħall-elettriku, l-idroġenu, il-bijokarburanti jew il-bijogass. Madankollu, it-trasport bit-triq jibqa’ kważi kompletament dipendenti fuq il-karburanti fossili, b’madwar 95 % tal-vetturi tat-triq kollha għadhom jużaw karburant konvenzjonali3. Minbarra l-ispejjeż ogħla tax-xiri tal-vetturi, in-nuqqas ta’ stazzjonijiet għall-iċċarġjar u għar-riforniment ta’ fjuwil qed iżomm lura l-iżvilupp tas-suq tal-karburanti alternattivi.
03L-UE żżomm in-newtralità teknoloġika fis-sens li ma tiffavorixxi l-ebda tip wieħed ta’ karburant alternattiv, iżda tqis li tajjeb li jkun hemm speċifikazzjonijiet tekniċi komuni kif ukoll disponibbiltà fl-UE kollha (jiġifieri infrastruttura) għall-karburanti kollha. Fil-prattika, madankollu, l-elettriku jinsab fuq quddiem nett fl-installazzjoni ta’ karburanti alternattivi fit-trasport bit-triq, b’mod partikolari għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi ħfief.
04Skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Vetturi, 89.4 % tal-vetturi ġodda kollha rreġistrati fl-UE fl-2019 kienu jaħdmu bil-petrol jew bid-diżil, filwaqt li l-vetturi elettriċi ibridi ammontaw għal 6 %, il-vetturi li jistgħu jiġu ċċarġjati bl-elettriku għal 3 %, u l-vetturi l-oħra kollha mhux elettriċi li jaħdmu bi karburanti alternattivi (eż. gass jew idroġenu) għal 1.6 % biss. Fl-2020, is-segment ta’ vetturi li jistgħu jiġu ċċarġjati bl-elettriku (vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi ibridi rikarikabbli) żied sinifikattivament is-sehem mis-suq tiegħu fil-kuntest ta’ tnaqqis kumplessiv fir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi ġodda tal-passiġġieri minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. Il-vetturi elettriċi kienu jikkostitwixxu 10.5 % tar-reġistrazzjonijiet ġodda fl-2020. Fi kliem ieħor, kull 10 karozza tal-passiġġieri mibjugħa fl-UE fl-2020 kienet vettura li tista’ tiġi ċċarġjata elettrikament4. Il-manifatturi tal-karozzi jbassru li l-produzzjoni tal-vetturi elettriċi fl-Ewropa se timmultiplika b’sitt darbiet bejn l-2019 u l-2025, u tilħaq aktar minn erba’ miljun karozza u vannijiet fis-sena - jew aktar minn wieħed minn kull ħamsa tal-volumi tal-produzzjoni tal-karozzi tal-UE5.
05Il-Patt Ekoloġiku jirreferi għal stima ta’ 13-il miljun vettura b’emissjonijiet żero u b’emissjonijiet baxxi fit-toroq Ewropej sal-2025. Fl-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tagħha tal-20206, il-Kummissjoni stabbiliet stadju importanti ta’ mill-inqas 30 miljun vettura b’emissjonijiet żero sal-2030, u għal flotta ta’ vetturi, fil-biċċa l-kbira, b’emissjonijiet żero sal-2050, żieda sinifikanti meta mqabbel ma’ madwar 2 miljun vetturi elettriċi attwalment irreġistrati fl-UE. Barra minn hekk, għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri (fosthom id-Danimarka, l-Irlanda, in-Netherlands, is-Slovenja u l-Iżvezja) ħabbru pjanijiet biex jipprojbixxu l-bejgħ ta’ karozzi li jaħdmu bi karburanti fossili mill-2030. Barra mit-territorju tal-UE, fin-Norveġja, is-suq ewlieni tal-elettromobbiltà fid-dinja, il-vetturi elettriċi jammontaw għal 15 % tal-karozzi kollha tal-passiġġieri7 (l-Anness I juri kif dan jitqabbel mas-sehem tal-vetturi elettriċi fl-UE u fir-Renju Unit). In-Norveġja stabbiliet l-aktar mira ambizzjuża minn kulħadd, li tirrikjedi li l-karozzi ġodda tal-passiġġieri u l-vannijiet ħfief kollha mibjugħa jkunu vetturi b’emissjonijiet żero sa mill-2025.
06Skont l-istrateġija tal-UE tal-2016 dwar il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, l-objettiv aħħari tal-politika huwa li l-iċċarġjar ta’ vettura elettrika jkun faċli daqs il-mili ta’ tank ta’ vetturi konvenzjonali, biex b’hekk il-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr xkiel madwar l-UE. Għall-kuntrarju tal-vetturi konvenzjonali, l-iċċarġjar ta’ vettura elettrika isir id-dar jew fuq il-post tax-xogħol, għalhekk huma meħtieġa punti tal-iċċarġjar pubbliċi 8 biex jaqdu lis-sewwieqa li ma għandhomx aċċess għal punti tal-iċċarġjar privati, u lil dawk li jivvjaġġaw distanzi itwal. Barra minn hekk, analiżi reċenti wriet li probabbilment l-iċċarġjar se jmur lejn punti tal-iċċarġjar pubbliċi, u lil hinn mid-djar (li kien jammonta għal madwar 75 % fl-2020), billi aktar persuni li ma għandhomx aċċess għal punti tal-iċċarġjar privati jibdew jixtru vetturi elettriċi9.
07Billi l-awtonomija elettrika tal-vetturi elettriċi għadha ġeneralment aktar baxxa - madwar 380 km, medja kkalkulata fuq 10 vetturi elettriċi tal-passiġġieri attwalment fis-suq - minn dik ta’ vetturi konvenzjonali, il-vetturi elettriċi jridu jiġu ċċarġjati aktar ta’ spiss. Il-ħin tal-iċċarġjar jiddependi mill-batterija tal-vettura u l-kapaċità tal-punt għall-iċċarġjar (ara t-Tabella 1). Filwaqt li l-iċċarġjar b’“potenza bil-mod” u “potenza normali” huwa aktar adegwat għaċ-ċikli ta’ ċċarġjar fid-djar u fl-uffiċċji, l-iċċarġjar b’“potenza qawwija” u b’“potenza qawwija ħafna” huwa aktar adatt għall-awtostradi u għan-networks ta’ toroq prinċipali. Ir-restrizzjonijiet relatati mal-awtonomija elettrika u t-tħassib dwar id-disponibbiltà tal-istazzjonijiet għall-iċċarġjar tul ir-rotta tagħhom jistgħu jwasslu għal “ansjetajiet relatati mal-awtonomija u l-istennija fi kjuwijiet” fost l-utenti ta’ vetturi elettriċi: il-biża’ li l-vettura tagħhom ma jkollhiex awtonomija elettrika biżżejjed biex tasal fid-destinazzjoni tagħha u li l-iċċarġjar jista’ jfisser stennija fi kjuwijiet twal jekk stazzjon ikun diġà okkupat.
Tabella 1
Liema teknoloġiji tal-iċċarġjar huma disponibbli?
Rapidità u tip ta’ ċċarġjar | Potenza nominali | Ħin approssimattiv għall-iċċarġjar* |
Bil-mod (AC ta’ fażi unika) | 3-7 kW | 7-16 sigħat |
Normali (AC ta’ tliet fażijiet) | 11-22 kW | 2-4 sigħat |
Potenza qawwija (DC) | 50-100 kW | 30-40 minuta |
Potenza qawwija ħafna (DC) | > 100 kW | <20 minuta |
* Jiddependi wkoll mill-kapaċità tal-batterija u varjabbli oħra.
Sors: ‘Recharge EU: How many charge points will Europe and its Member States need in the 2020s’, T&E, Jannar 2020.
Ir-rispons tal-UE għall-problema tal-“bajda u t-tiġieġa”
08Kull Stat Membru huwa responsabbli għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali proprja tiegħu dwar il-karburanti alternattivi skont il-qafas stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jista’ jinkludi miżuri bħal ħelsien mit-taxxa jew sussidji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi kif ukoll il-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar.
09Madankollu, il-Kummissjoni għandha r-rwol li tmexxi l-politika kumplessiva tal-UE dwar il-karburanti alternattivi. Ir-responsabbiltajiet tagħha jinkludu l-abbozzar u n-negozjar ta’ proposti leġiżlattivi. Il-Patt Ekoloġiku huwa d-dokument l-aktar reċenti minn sensiela ta’ dokumenti ta’ politika tal-UE dwar l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ara l-Figura 1). Il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam huwa li l-infrastruttura tal-karburanti alternattivi tippreżenta sfida tranżnazzjonali, iżda l-Istati Membri individwali ma għandhomx l-għodod meħtieġa għall-koordinazzjoni pan-Ewropea. Dak li tista’ tagħmel il-Kummissjoni huwa li tadotta standards komuni biex tiżgura l-interoperabbiltà, tikkoordina u tappoġġa l-installazzjoni min-naħa tal-Istati Membri ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku, u timmonitorja l-progress li jkun sar.
Figura 1
Dokumenti ta’ politika tal-UE dwar l-infrastruttura tal-karburanti alternattivi
Sors: il-QEA.
Id-Direttiva tal-2014 dwar l-infrastruttura tal-karburanti alternattivi (AFID)10 hija għodda ta’ politika ewlenija fi ħdan l-istrateġija kumplessiva tal-UE għall-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku aċċessibbli għall-pubbliku. L-għan tagħha huwa li tegħleb il-falliment tas-suq deskritt l-aħjar bħala l-problema tal-“bajda u t-tiġieġa”: minn naħa waħda, l-użu tal-vetturi se jkun ristrett sakemm l-infrastruttura għall-iċċarġjar tkun disponibbli, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-investimenti fl-infrastruttura jirrikjedu aktar ċertezza f’dak li jirrigwarda l-livelli tal-użu tal-vetturi. Parti essenzjali mill-bidla għal karburanti alternattivi hija l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar skont ix-xejriet tal-użu ta’ vetturi elettriċi.
11L-Artikolu 39(2)(c) tar-Regolament dwar in-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) tal-201311, għodda ewlenija tal-politika tal-UE għall-iżvilupp tal-infrastruttura, jinkludi d-“disponibbiltà ta’ karburanti nodfa alternattivi” bħala rekwiżit ta’ infrastruttura għat-trasport bit-triq b’mod partikolari fin-network “ewlieni”, li għandu jitlesta sal-2030. In-network “komprensiv”, li mistenni li jiġi kkompletat sal-2050, għandu l-għan li jiżgura l-aċċessibbiltà u l-konnettività tar-reġjuni kollha tal-UE. In-network ewlieni jikkonsisti f’dawk il-partijiet tan-network komprensiv, li għandhom rwol strateġiku importanti ferm fl-ilħuq tal-objettivi tat-TEN-T. Fi ħdan kważi 50 000 km ta’ toroq tan-network ewlieni, hemm 9 kurituri multimodali li jkopru r-rotot tat-traffiku li huma l-aktar importanti li jaqsmu l-UE (ara l-Istampa 1). Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni koordinata tal-kurituri, hemm disa’ koordinaturi Ewropej għall-kurituri tan-network ewlieni (kull wieħed minnhom jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ kuritur wieħed) maħtura mill-Kummissjoni.
Stampa 1
Il-kurituri tan-network ewlieni tat-TEN-T

Atlantiku, Baltiku-Adrijatiku, Mediterran, Baħar tat-Tramuntana-Baltiku, Baħar tat-Tramuntana-Mediterran, Orjent-Lvant tal-Mediterran, Renu-Alpi, Renu-Danubju, Skandinavu-Mediterran.
Sors: il-Kummissjoni Ewropea.
Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-2017 għall-infrastruttura tal-karburanti alternattivi, il-Kummissjoni stmat li se jkunu meħtieġa sa EUR 3.9 biljun għall-infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku sal-2020 u possibbilment EUR 2.7 sa EUR 3.8 biljun addizzjonali fis-sena, mill-2021, skont is-sehem tal-infrastruttura għall-iċċarġjar b’potenza qawwija. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), immaniġġjata direttament mill-Kummissjoni, tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura tal-karburanti alternattivi12. Bejn l-2014 u Diċembru 2020, ingħataw għotjiet tal-FNE ta’ madwar EUR 698 miljun għal karburanti alternattivi fit-trasport bit-triq (ara t-Tabella 2). Minn dan l-ammont, madwar EUR 343 miljun marru għal proġetti ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar elettriku jew proġetti li jikkombinaw l-elettriku ma’ karburanti alternattivi oħra (gass naturali kkompressat, gass naturali likwifikat jew idroġenu). Sejħiet addizzjonali tal-FNE biex tiġi appoġġata l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar pubblika huma mistennija wara l-2020, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku. Barra minn hekk, waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-ippjanar taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 huwa l-appoġġ mill-UE għall-bini ta’ 1 000 000 punt tal-iċċarġjar pubbliku sal-202513.
Tabella 2
Għotjiet tal-FNE allokati għall-perjodu 2014-2020 għal infrastruttura tal-karburanti alternattivi għat-trasport bit-triq (f’miljuni ta’ euro)
Tip ta’ Fjuwil | Proġetti | Stima tal-ispejjeż | Kontribuzzjoni mill-UE | Sehem tal-kontribuzzjoni totali mill-UE |
Elettriku | 38 | 1 215 | 280 | 40 % |
Gass naturali kkompressat / Gass naturali likwifikat | 32 | 606 | 235 | 34 % |
Idroġenu | 11 | 416 | 120 | 17 % |
Elettriku kkombinat / karburanti alternattivi oħra | 6 | 307 | 63 | 9 % |
Gass likwifikat miż-żejt | 2 | 3 | 1 | 0 % |
Total | 89 | 2 547 | 6981 | 100 % |
1 It-total jinkludi madwar EUR 38 miljun għal erba’ proġetti, li għalkemm kienu diġà ntgħażlu mill-Kummissjoni, kienu għadhom fl-istadju tat-tħejjija tal-għotjiet f’Diċembru 2020.
Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-INEA, Diċembru 2020.
Rigward il-vetturi, is-suq tal-elettromobbiltà ġie megħjun permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi tal-passiġġieri u vannijiet ġodda. Il-mira ta’ 130 g CO2/km għall-2015 tnaqqset gradwalment għal 95 g CO2/km mill-2020 ’il quddiem, b’aktar tnaqqis mistenni għall-2025 u l-203014. Flimkien ma’ sistema ta’ inċentivi u penali għall-manifatturi tal-karozzi, din il-leġiżlazzjoni hija mistennija li tkun katalist ewlieni għaż-żieda fl-għadd ta’ vetturi elettriċi, li fiha nfisha hija l-motivatur prinċipali tal-ħtieġa għal infrastruttura tal-iċċarġjar addizzjonali. Il-Kummissjoni ħabbret li f’nofs l-2021 se tipproponi reviżjoni tal-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi15.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
14L-objettiv tal-awditu tagħna kien li tiġi ddeterminata l-effettività tal-appoġġ mill-Kummissjoni għall-installazzjoni fl-UE kollha ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi aċċessibbli għall-pubbliku (vetturi bil-batterija u vetturi ibridi rikarikabbli). Aħna eżaminajna żewġ aspetti prinċipali tal-appoġġ mill-Kummissjoni:
- il-mod li bih tadotta l-istandards, u tikkoordina u tappoġġa l-installazzjoni ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku min-naħa tal-Istati Membri.
- kif timmaniġġja l-finanzjament taħt l-FNE għall-infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku.
L-awditu ffoka fuq l-azzjoni li ttieħdet mill-UE, matul il-perjodu 2014-2020, f’qasam ta’ rilevanza kbira kemm fil-livell pubbliku kif ukoll dak istituzzjonali. Ir-rapport tagħna jipprovdi input għar-reviżjonijiet li jmiss tal-leġiżlazzjoni ewlenija f’dan il-qasam (l-AFID u r-Regolament dwar it-TEN-T) kif ukoll għax-xogħol ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027. Dan se jgħin lill-Kummissjoni biex tappoġġa b’mod aktar effettiv l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar pubblika madwar l-UE, b’mod partikolari fil-kuntest tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u t-tkabbir sinifikanti mistenni fl-elettromobbiltà matul is-snin li ġejjin.
16L-entità awditjata prinċipali tagħna kien id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ MOVE) tal-Kummissjoni, li huwa responsabbli għall-politika tal-UE dwar l-infrastruttura tal-karburanti alternattivi, inkluża l-allokazzjoni tal-finanzjament taħt l-FNE f’dan il-qasam bl-appoġġ tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Networks (INEA). Aħna ksibna informazzjoni għall-awditu li wettaqna minn bosta sorsi - il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali, il-benefiċjarji tal-finanzjament taħt l-FNE u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Aħna analizzajna l-proċeduri tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura u d-direzzjoni tal-finanzjament lejn proġetti ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar, u ttestjajna l-funzjonament ta’ dawn il-proċeduri u l-implimentazzjoni ta’ kampjun ta’ 11-il proġett b’valur ta’ madwar EUR 130 miljun, jew 46 % tal-għotjiet kollha tal-FNE għall-infrastruttura tal-iċċarġjar. Aħna użajna kriterji bbażati fuq il-materjalità, ir-rilevanza, l-istatus ta’ implimentazzjoni u d-distribuzzjoni ġeografika biex nagħżlu proġetti kkoordinati minn sitt benefiċjarji fil-Ġermanja, fl-Italja, fin-Netherlands, fil-Portugall, fis-Slovakkja u fi Spanja. Minbarra dawn il-benefiċjarji tal-proġetti, intervistajna awtoritajiet nazzjonali fis-sitt Stati Membri li, għalkemm ma kinux fost l-entitajiet awditjati minna, ipprovdew informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni li wettaqna tax-xogħol tal-Kummissjoni.
17Barra minn hekk, biex inwettqu ttestjar dirett tal-infrastruttura tal-iċċarġjar kofinanzjata mill-UE, aħna soqna vettura elettrika lejn l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar fil-Ġermanja, Franza u fl-Italja (ara l-Kaxxa 2). Ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 fuq l-ivvjaġġar żammewna milli nwettqu testijiet simili fuq il-post ta’ stazzjonijiet fin-Netherlands, fi Spanja, fil-Portugall u fis-Slovakkja.
18L-awditu tagħna ma indirizzax l-emissjonijiet u l-miri relatati mal-enerġija rinnovabbli, l-iżvilupp u r-riċerka fil-qasam tal-batteriji, u l-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku meħtieġ għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar.
Osservazzjonijiet
Minkejja ż-żieda ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar u l-armonizzazzjoni tal-plakek, l-installazzjoni irregolari tal-infrastruttura tal-iċċarġjar ifisser li l-ivvjaġġar madwar l-UE b’vetturi elettriċi mhuwiex faċli
19F’din it-taqsima, aħna vvalutajna l-effettività tal-azzjoni tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi standards komuni, tikkoordina u tappoġġa l-installazzjoni min-naħa tal-Istati Membri ta’ infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku, u biex timmonitorja l-progress li jkun sar.
Ma hemm l-ebda miri ċari u koerenti fl-UE kollha għall-infrastruttura tal-iċċarġjar
20Il-proposta inizjali mill-Kummissjoni għall-AFID16 inkludiet għadd minimu ta’ punti tal-iċċarġjar f’kull Stat Membru u total ta’ 800 000 punt madwar l-UE sal-2020. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt17 li takkumpanja l-proposta osservat li n-nuqqas ta’ stabbiliment ta’ miri vinkolanti għall-infrastruttura jkun jimpedixxi l-effettività tal-politika, u li jekk jitħalla marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri jista’ jipprevieni t-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi speċifiċi u kumplessivi.
21Madankollu, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma nżammitx mill-koleġiżlaturi: kif adottata fl-2014, l-AFID ma tispeċifikax għadd minimu ta’ punti tal-iċċarġjar. Minflok, l-Istati Membri kienu mistennija jinstallaw għadd “xieraq” ta’ punti (ara l-Kaxxa 1). Il-preambolu jsemmi biss proporzjon indikattiv irrakkomandat ta’ punt wieħed tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għal kull 10 vetturi elettriċi, mingħajr l-ebda rekwiżit li jittieħed kont tad-distribuzzjoni ġeografika, id-densità tal-popolazzjoni jew il-kopertura tan-network. Dan huwa f’kuntrast mad-distanza medja rrakkomandata fid-Direttiva bejn il-punti tal-iċċarġjar fin-network ewlieni TEN-T għar-riforniment tal-gass naturali kkompressat u tal-gass naturali likwifikat (150 u 400 km rispettivament).
Kaxxa 1
L-objettivi tal-AFID għall-elettriku (l-Artikoli 4.1 u 4.2)
- L-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom, li jiġi installat għadd xieraq ta’ punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku sal-31 ta’ Diċembru 2020, sabiex jiġi żgurat li l-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jiċċirkolaw tal-anqas f’agglomerazzjonijiet urbani/suburbani u żoni oħra b’densità għolja ta’ popolazzjoni, u fejn xieraq, f'networks determinati mill-Istati Membri. L-għadd ta’ tali punti tal-iċċarġjar għandu jiġi stabbilit b’kont meħud, fost l-oħrajn, tal-għadd ta’ vetturi elettriċi stmati li se ikunu rreġistrati sa tmiem l-2020, kif indikat fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni. Il-ħtiġijiet partikolari relatati mal-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku fi stazzjonijiet tat-trasport pubbliku għandhom jitqiesu, fejn ikun xieraq.
- Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni tar-rekwiżiti fil-paragrafu 1 u, kif xieraq, tippreżenta proposta biex temenda din id-Direttiva, b’kont meħud tal-iżvilupp tas-suq għall-vetturi elettriċi, sabiex jiġi żgurat li għadd addizzjonali ta’ punti tal-iċċarġjar li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku jiġu installati f’kull Stat Membru sal-31 ta’ Diċembru 2025, tal-anqas fin-Netwerk Ewlieni tat-TEN-T, f’agglomerazzjonijiet urbani/suburbani u żoni oħra b’densità għolja ta’ popolazzjoni.
L-AFID tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kriterji rigward l-aċċessibbiltà għall-pubbliku u l-potenza nominali tal-punti tal-iċċarġjar, u ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ vetturi elettriċi. Dan jagħmilha diffiċli biex jiġu stmati b’mod preċiż il-ħtiġijiet tal-infrastruttura, tiġi vvalutata l-eżattezza taċ-ċifri rrappurtati u jsir tqabbil bejn il-pajjiżi:
- Fl-AFID “punt tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku” jipprovdi aċċess mhux diskriminatorju għall-utenti madwar l-UE, b’differenzi possibbli fl-awtentikazzjoni, fit-termini tal-użu u l-ħlas. B’riżultat tan-natura ġenerali ta’ din id-definizzjoni, xi wħud mill-Istati Membri jiddefinixxu l-punti tal-iċċarġjar pubbliċi bħala punti li jinsabu fi spazji pubbliċi u aċċessibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, u punti “semipubbliċi” tal-iċċarġjar bħala punti li huma aċċessibbli biss f’ċerti ħinijiet u suġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-użu (bħar-rekwiżit li jsir użu minn parkeġġ tal-karozzi, lukanda jew ċentru kummerċjali assoċjat). Oħrajn ma jagħmlux tali distinzjoni u jqisu l-punti tal-iċċarġjar pubbliċi bħala dawk kollha li mhumiex privati.
- L-AFID tagħmel distinzjoni biss bejn punti tal-iċċarġjar b’potenza normali (< 22 kW) u dawk b’potenza qawwija (> 22 kW), għalkemm jintużaw ħafna kategoriji oħra tal-enerġija. Fil-fatt, hija tqis li l-punti tal-iċċarġjar ikklassifikati taħt il-22 kW huma ekwivalenti għal dawk ikklassifikati 350 kW, minkejja differenza sostanzjali fil-veloċità tal-iċċarġjar.
- L-AFID ma tagħmilx distinzjoni bejn vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi elettriċi ibridi rikarikabbli, li għandhom modi ta’ ċċarġjar differenti ħafna. Skont studju reċenti, il-vetturi elettriċi bil-batterija jiġu ċċarġjati kważi erba’ darbiet aktar enerġija mill vetturi ibridi rikarikabbli f’ġimgħa tipika18.
Ir-Regolament dwar it-TEN-T ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika għall-infrastruttura tal-karburanti alternattivi. Ir-Regolament jirreferi għad-“disponibbiltà ta’ karburanti nodfa alternattivi” ġenerali fuq in-network ewlieni u jindika li l-infrastruttura tat-toroq tista’ tinkludi tagħmir għar-riforniment tal-karburant jew għall-iċċarġjar ta’ vetturi bi propulsjoni alternattiva fuq in-network komprensiv. Ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi differenti ta’ karburanti alternattivi jew ma jagħtix definizzjoni ta’ disponibbiltà. F’awditu reċenti dwar it-toroq tal-UE19, aħna kkonkludejna li r-Regolament dwar it-TEN-T ma jistabbilixxi l-ebda rekwiżit ċar għall-infrastruttura tal-karburant alternattiv.
24Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni tal-201720 għall-karburanti alternattivi rrikonoxxa li, “L-approċċ TEN-T jenħtieġ li jintuża b’mod effettiv ħalli tkun tista’ tissawwar il-bażi tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment għall-UE kollha sa mhux aktar tard mill-2025. Permezz tal-kunċett tal-kurituri jkunu jistgħu jinstabu l-lakuni fejn tidħol il-mobbiltà transfruntiera fuq distanzi twal filwaqt li l-partijiet konċernati rilevanti kollha jkunu jistgħu jiġu involuti [...]”. Madankollu, la l-AFID u lanqas ir-Regolament dwar it-TEN-T ma jagħtu rwol speċifiku lill-koordinaturi Ewropej tal-kurituri tan-network ewlieni fl-ippjanar u fl-installazzjoni tal-infrastruttura tal-karburanti alternattivi tul il-kurituri tagħhom. L-analiżi li wettaqna tal-pjanijiet ta’ ħidma għall-2020 tal-kurituri tal-koordinaturi wriet li dawn ma jinkludux informazzjoni, data u valutazzjonijiet komparabbli dwar id-disponibbiltà f’dak li jirrigwarda l-infrastruttura tal-karburanti alternattivi.
Il-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali huma konsistenti u koerenti mill-perspettiva tal-UE
25L-AFID kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa ta’ politika nazzjonali (NPFs) għall-iżvilupp tas-suq għall-karburanti alternattivi. L-NPFs kellhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni sal-18 ta’ Novembru 2016 u jridu jinkludu l-ippjanar għall-installazzjoni tal-infrastruttura. Filwaqt li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-valutazzjoni tal-koerenza fost id-diversi NPFs fil-livell tal-UE, id-direttiva ma tagħtihiex mandat speċifiku jew setgħat ċari ta’ infurzar f’dan ir-rigward, filwaqt li tiddikjara biss li l-Kummissjoni hija meħtieġa tassisti lill-Istati Membri fir-rappurtar ta’ NPFs u f’oqsma fejn jeħtieġ li jikkooperaw. Il-Kummissjoni tikkomunika mal-Istati Membri permezz tal-Kumitat dwar il-Fjuwils Alternattivi u l-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli (grupp ta’ esperti ta’ rappreżentanti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri u 32 assoċjazzjoni ta’ esperti).
26Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri bi gwida dettaljata għat-tħejjija tagħhom tal-NPF. Hija kkompletat il-valutazzjoni tagħha tal-biċċa l-kbira mill-NPFs f’Novembru 2017, u wettqet segwitu fi Frar 201921. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kompletezza, il-koerenza u l-ambizzjoni tal-NPFs varjaw ħafna, u dan jista’ jwassal għal frammentazzjoni tas-suq fl-UE. Il-Kummissjoni sabet li:
- żewġ Stati Membri (Spanja u l-Iżvezja) ma kinux stabbilixxew mira għall-2020 għall-punti tal-iċċarġjar u ipprovdew biss stimi fir-rapporti tagħhom tal-2019 dwar l-implimentazzjoni tal-NPF, li tħejjew sussegwentement;
- għalkemm il-gwida tal-Kummissjoni kienet issuġġeriet li jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-infrastruttura u tal-vetturi għall-2020, l-2025 u l-2030, 11-il NPF biss ippreżentaw miri u stimi għall-2025 u l-2030;
- il-livelli ta’ ambizzjoni tal-NPF kienu jvarjaw ħafna, bis-sehem totali tas-suq stmat għall-vetturi elettriċi fil-flotta totali sal-2020 ivarja minn 0.02 % sa 9.22 %;
- kienu biss 10 NPFs li stabbilew miri li jkunu mill-inqas jiżguraw punt wieħed tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għal kull 10 vetturi elettriċi sal-2020.
Għalkemm, fil-gwida tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jirrappurtaw dwar id-distribuzzjoni ġeografika tal-punti tal-iċċarġjar tagħhom, filwaqt li jindikaw sa liema punt dawn koprew in-networks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T, seba’ Stati Membri biss kienu pprovdew informazzjoni suffiċjenti u kompleta. Minkejja l-informazzjoni limitata f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet li, bl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ 60 km ivvalutat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bħala l-awtonomija elettrika massima bejn il-punti tal-iċċarġjar, il-kopertura tan-network ewlieni tan-network tat-TEN-T sal-2025 dehret li kienet qed tipprogressa. Madankollu, partijiet min-network ewlieni jistgħu jibqgħu mingħajr infrastruttura minima tal-iċċarġjar jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni oħra. Il-Kummissjoni indikat differenzi sinifikanti fid-densità tal-punti tal-iċċarġjar bejn il-pajjiżi ġirien u identifikat problemi ta’ kontinwità transfruntiera bejn 14-il par ta’ Stati Membri.
28L-AFID tirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika u taġġorna regolarment l-informazzjoni dwar il-miri u l-objettivi nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri fl-NPFs tagħhom. L-Istati Membri kellhom jirrappurtaw dwar il-progress lejn il-miri tagħhom sa Novembru 2019, u l-Kummissjoni kellha tivvaluta dawn ir-rapporti sa Novembru 2020. Skop wieħed ta’ din il-valutazzjoni kien li jingħata input għal rieżaminar tal-AFID li kien meħtieġ sa tmiem l-2020. Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet għadha għaddejja fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, billi bosta Stati Membri kienu damu sinifikattivament biex jippreżentaw ir-rapporti tagħhom. Skont il-Kummissjoni, ir-rieżaminar tal-AFID (evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt) għadu għaddej, u sa Ġunju 2021 tista’ tiġi adottata proposta għal reviżjoni tad-direttiva.
In-network tal-iċċarġjar qed jikber, iżda hemm differenzi sinifikanti fl-installazzjoni tiegħu madwar l-UE
29Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-2017 għall-infrastruttura tal-karburanti alternattivi, il-Kummissjoni stmat li l-għadd ta’ punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku se jkollu jiżdied mill-118 000 disponibbli dak iż-żmien għal 440 000 fl-2020, u għal madwar 2 miljuni fl-2025. Il-Patt Ekoloġiku tal-2019 aġġorna l-istima għall-2025 u stabbiliha għal 1 000 000 punt tal-iċċarġjar pubbliku. L-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-2020 identifikat li sal-2030 se jkunu meħtieġa 3 miljun punt tal-iċċarġjar pubbliku.
30Madankollu, għad hemm inċertezza konsiderevoli dwar dawn l-istimi u x’jeħtieġ li jsir biex jintlaħqu l-miri stabbiliti. L-UE ma għandhiex pjan direzzjonali strateġiku kumplessiv għall-elettromobbiltà u lanqas politika integrata fil-qasam tal-vetturi, l-infrastruttura, il-grilji, il-batteriji, l-inċentivi ekonomiċi, il-materja prima u s-servizzi diġitali. Nistennew li tali dokument jinkludi stimi tal-għadd, it-tip u d-densità meħtieġa tal-punti tal-iċċarġjar pubbliċi, kif ukoll l-ispiża kumplessiva. Dawn l-istimi jkunu jieħdu kont tal-fatturi bħas-sehem stmat ta’ vetturi bil-batterija u vetturi ibridi rikarikabbli, billi dawn għandhom ħtiġijiet differenti ta’ ċċarġjar, kapaċità tal-grilja, u żviluppi fil-kapaċitajiet tal-batterija, li jaffettwaw l-awtonomija elettrika tal-vettura.
31Il-Figura 2 turi li l-għadd ta’ punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku fl-EU-27 u fir-Renju Unit żdied minn madwar 34 000 fl-2014 għal 250 000 minn Settembru 2020 (14 % minnhom b’“potenza qawwija” kif definiti fl-AFID, jiġifieri b’potenza ogħla minn 22 kW). Dan huwa sinifikattivament aktar baxx mill-440 000 punt tal-iċċarġjar stmati fil-pjan ta’ azzjoni tal-2017. Jekk l-installazzjoni tal-infrastruttura tkompli ssegwi x-xejra tal-perjodu 2014-2020, se jkun hemm riskju sinifikanti li l-mira ta’ 1 000 000 punt tal-iċċarġjar pubbliku sal-2025 ma tintlaħaqx. Biex dan id-distakk jitnaqqas, se jkunu meħtieġa bejn wieħed u ieħor 150 000 punt ġdid kull sena, jew madwar 3 000 kull ġimgħa.
Figura 2
Punti tal-iċċarġjar (UE-27 u r-Renju Unit) u l-mira tal-Patt Ekoloġiku
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-EAFO f’Settembru 2020 (bl-esklużjoni ta’ madwar 4 100 ċarġer ta’ Tesla).
Skont ir-rapporti tagħhom tal-2019 dwar l-implimentazzjoni tal-NPF ippreżentati lill-Kummissjoni, sal-2018, ħames Stati Membri kienu diġà laħqu l-miri tagħhom f’dak li jirrigwarda l-punti tal-iċċarġjar tal-NPF, li kienu stabbilew inizjalment għall-2020. Dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni fit-12-il Stat Membru li kienu għadhom taħt il-50 % tal-mira. Biex nespandu din id-data u niksbu stampa kemm jista’ jkun reċenti tal-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar, aħna analizzajna d-data pprovduta mill-Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi (EAFO) minn Settembru 2020 (ara l-Figura 3). Id-data turi differenzi sinifikanti fl-installazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar min-naħa tal-Istati Membri, b’xi wħud li jaqbżu l-miri inizjalment stabbiliti taħt l-NPF b’marġni wiesa’ u oħrajn jaqgħu sinifikattivament lura. Ir-rati ta’ kkompletar għall-Istati Membri individwali f’Settembru 2020 kienu jvarjaw minn 7 % (il-Bulgarija) u 12 % (il-Polonja) għal aktar minn 200 % (il-Litwanja, il-Latvja u n-Netherlands). B’mod ġenerali, tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza ta’ Diċembru 2020, 12-il Stat Membru kienu laħqu l-miri tagħhom u 8 kienu taħt il-75 % tal-mira. Kienu 13-il Stat Membru li ma laħqux il-proporzjon indikattiv stabbilit fl-AFID ta’ mill-inqas punt wieħed tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għal kull 10 vetturi elettriċi.
Figura 3
Punti tal-iċċarġjar u l-miri 2020 tal-NPF (UE-27 u r-Renju Unit)
Sors: l-EAFO għall-punti tal-iċċarġjar fl-2014, rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-NPF għall-punti tal-iċċarġjar fl-2018 (l-ebda data għaċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja, il-Litwanja); l-EAFO għall-punti tal-iċċarġjar ta’ Settembru 2020 (data għan-Netherlands pprovduta min-Netherlands Enterprise Agency).
Sibna xi diskrepanzi bejn id-data ppreżentata fir-rapporti ta’ implimentazzjoni tal-NPF u dik tal-EAFO, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza fid-definizzjoni u fl-għadd ta’ punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku (ara l-paragrafu 22). Pereżempju, id-data pprovduta mill-EAFO tinkludi kemm punti tal-iċċarġjar pubbliċi kif ukoll dawk semipubbliċi, iżda dan mhux dejjem huwa l-każ, b’mod konsistenti, fir-rapporti tal-Istati Membri. Fin-Netherlands, l-EAFO jirrapporta dwar 61 534 punt tal-iċċarġjar, iżda 36 187 biss minn dawn kienu kompletament pubbliċi u l-bqija kienu semipubbliċi. Aħna osservajna wkoll nuqqas ta’ konsistenza għad-Danimarka, il-Lussemburgu u l-Polonja, li r-rapporti ta’ implimentazzjoni tagħhom tal-NPF b’referenza għall-2018 jindikaw għadd ogħla ta’ punti tal-iċċarġjar minn dak li ġie rrappurtat mill-EAFO f’Settembru 2020.
34L-installazzjoni irregolari tal-infrastruttura tal-iċċarġjar tidher ukoll fil-Figura 4, li turi l-għadd totali ta’ punti tal-iċċarġjar u ċ-ċifri għad-densità tagħhom f’kull Stat Membru. Hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri, bl-ogħla densità fl-Ewropa tal-Punent u bid-densità l-aktar baxxa fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Fl-UE-27, il-Ġermanja, Franza u n-Netherlands flimkien jammontaw għal maġġoranza kbira (69 %) tal-punti tal-iċċarġjar kollha. Tali installazzjoni irregolari tal-infrastruttura tal-iċċarġjar ma tiffaċilitax l-ivvjaġġar permezz ta’ vettura elettrika madwar l-UE.
Figura 4
Għadd ta’ punti tal-iċċarġjar pubbliċi u l-proporzjon tagħhom għal żona tal-art ta’ 100 km 2 (l-EU-27 u r-Renju Unit)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-EAFO (għadd ta’ punti tal-iċċarġjar minn Settembru 2020) u l-Eurostat (żona tal-art).
Standards komuni fil-livell tal-UE għall-plakek tal-iċċarġjar qed jiġu adottati b’mod wiesa’
35Madwar id-dinja jeżistu standards tal-iċċarġjar/plakek għall-iċċarġjar differenti (ara l-Anness II għal aktar dettalji). Fi sforz biex jiġu stabbiliti standards komuni fil-livell tal-UE għall-plakek, l-AFID ippreskriviet li, biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà, huwa mistenni li l-punti tal-iċċarġjar fl-UE jkunu mgħammra tal-inqas bl-istandard tat-Tip 2 (AC) u l-istandard (DC) tas-Sistema ta’ Ċċarġjar Ikkombinat (CCS).
36Mill-adozzjoni tal-AFID fl-2014 ’il hawn, il-biċċa l-kbira mill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar fl-UE adottaw l-istandard tat-Tip 2 għall-iċċarġjar AC, u l-istandard tas-CCS qed isir dejjem aktar komuni għall-iċċarġjar DC. Għaldaqstant, b’mod gradwali, l-utenti ta’ vetturi elettriċi qed jiksbu aċċess aktar armonizzat għan-networks differenti tal-iċċarġjar (ara wkoll il-Kaxxa 2 dwar l-esperjenza proprja tagħna tal-iċċarġjar ta’ vettura elettrika). Skont id-data pprovduta mill-EAFO, is-sehem tal-punti tal-iċċarġjar DC li jużaw l-istandard tas-CCS irdoppja mill-adozzjoni tal-AFID, u żdied minn 26 % fl-2014 għal 51 % fl-2020. Biex jilħqu aktar klijenti, ħafna operaturi tal-punti tal-iċċarġjar qed jinvestu f’ċarġers bi standards multipli mgħammra bi plakek CCS, CHAdeMO u tat-Tip 2, u dawn l-investimenti jikkwalifikaw għal finanzjament taħt l-FNE (ara l-Istampa 2). L-FNE ma tappoġġax l-istazzjonijiet ta’ Tesla, li huma parti minn network ta’ ċċarġjar proprjetarju esklużiv li, attwalment, is-sewwieqa ta’ vetturi Tesla biss jistgħu jużaw.
37Min-naħa tal-vetturi, il-manifatturi kollha ta’ vetturi elettriċi adottaw l-istandard tat-Tip 2 għall-iċċarġjar tal-AC fis-suq Ewropew. Għall-iċċarġjar DC, il-biċċa l-kbira minnhom diġà qalbu għall-istandard tas-CCS jew jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan, iżda xi mudelli għadhom jużaw standards oħra.
Stampa 2
Ċarġer bi standards multipli (CHAdeMO, CCS, Tip 2) iffinanzjat mill-FNE

Sors: il-QEA.
Madankollu, l-ivvjaġġar madwar l-UE għadu kkumplikat minħabba n-nuqqas ta’ rekwiżiti minimi għal sistemi ta’ pagament armonizzati u ta’ informazzjoni għall-utenti
38Is-sistema tal-iċċarġjar għall-elettromobbiltà tinvolvi atturi multipli li jeħtieġ li jikkomunikaw ma’ xulxin. Minbarra l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar (responsabbli għall-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar) u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà (li jipprovdu lill-konsumaturi b’firxa ta’ prodotti jew servizzi ta’ mobbiltà), dawn jinkludu utenti ta’ vetturi elettriċi, manifatturi ta’ vetturi u operaturi tal-grilja. L-AFID tistipula li l-operaturi tal-punt tal-iċċarġjar iridu jiġu permessi li jipprovdu servizzi ta’ ċċarġjar ta’ vetturi elettriċi lill-klijenti fuq bażi kuntrattwali, inkluż f’isem fornituri oħra ta’ servizz. Dan jirrikjedi teknoloġija bbażata fuq “roaming” bejn l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà biex is-sewwieqa jkunu jistgħu jiċċarġjaw il-vetturi tagħhom bl-użu ta’ metodu uniku ta’ identifikazzjoni jew pagament, u l-istazzjonijiet jikkomunikaw b’mod ugwali mal-vetturi elettriċi kollha. Dan jinvolvi mill-inqas dawn l-elementi li ġejjin: ftehim kuntrattwali fost l-entitajiet kollha kkonċernati, jew dirett (bilaterali) jew inkella indirett (permezz ta’ hub ta’ roaming), il-punti tal-iċċarġjar ikunu mgħammra b’konnessjoni tal-internet, qarrej tal-kard jew funzjoni ta’ attivazzjoni remota, u protokolli ta’ komunikazzjoni interoperabbli.
39Madankollu, attwalment, il-konnessjonijiet fiżiċi u l-iskambju ta’ informazzjoni fost dawn l-atturi jgħaddu minn diversi protokolli ta’ komunikazzjoni. Ma hemm l-ebda sistema ta’ roaming armonizzata b’rekwiżiti minimi li tkun tippermetti lill-utenti ta’ vetturi elettriċi jużaw in-networks differenti kollha tal-iċċarġjar tal-UE fl-ambitu ta’ ftehim kuntrattwali uniku. Konsegwentement, skont l-operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar tagħhom u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà li jużaw, is-sewwieqa ta’ vetturi elettriċi jista’ jkollkom bżonn jixtru abbonamenti multipli u jużaw metodi differenti ta’ pagament. Din il-problema ġiet enfasizzata f’rapport reċenti tal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli22 li osserva li f’ċerti każijiet l-utenti ta’ vetturi elettriċi jista’ jkollhom bżonn kuntratti multipli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-iċċarġjar tagħhom. Ir-rapport sab ukoll li r-rekwiżit stabbilit mill-AFID li l-punti tal-iċċarġjar pubbliċi kollha jridu jipprovdu għall-possibbiltà ta’ ċċarġjar “ad hoc” (mingħajr kuntratt) ġie implimentat b’modi differenti ħafna madwar l-UE.
40Barra minn hekk, l-użu ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni differenti jxekkel ukoll il-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni fl-UE kollha dwar id-disponibbiltà f’ħin reali, id-data dwar l-iċċarġjar u d-dettalji tal-kontijiet bejn in-networks differenti. Il-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli sab ukoll li filwaqt li l-lokalizzazzjoni ġeografika tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar hija ġeneralment disponibbli, informazzjoni f’ħin reali, pereżempju, dwar ċarġers difettużi jew kjuwijiet mhijiex. Fl-aħħar nett, jista’ jkun diffiċli li tinkiseb informazzjoni dettaljata dwar l-ispiża ta’ sessjoni tal-iċċarġjar, u ma hemm l-ebda standard għall-indikazzjoni tal-prezzijiet fil-punti tal-iċċarġjar (ara l-Kaxxa 2).
41Biex ittejjeb is-sitwazzjoni, attwalment il-Kummissjoni qed tħejji talba indirizzata lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards ġodda u jikkompletaw dawk eżistenti sabiex jappoġġaw bis-sħiħ ix-xogħol fuq l-abbozz ta’ standards dwar il-komunikazzjoni interoperabbli (inkluż ir-roaming) fil-qasam tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi. Huwa ttamat li l-biċċa l-kbira mill-istandards jiġu ffinalizzati sal-2023 għal adozzjoni sussegwenti fil-qafas tal-AFID riveduta. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll23 grupp ta’ 15-il Stat Membru fil-proċess ġenerali tal-ġbir u l-analiżi tad-data biex b’hekk id-data speċifika dwar il-lokalizzazzjoni u d-disponibbiltà tal-punt tal-iċċarġjar tkun tista’ ssir disponibbli f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport intelliġenti tal-UE24.
Il-finanzjament taħt l-FNE qed jippromwovi l-installazzjoni, iżda l-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura li dan jiġi dirett fejn huwa l-aktar meħtieġ
42F’din it-taqsima, aħna eżaminajna l-proċeduri użati mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-ħtieġa għal infrastruttura tal-iċċarġjar u għall-għoti ta’ appoġġ għall-proġetti permezz tal-FNE fejn jista’ jżid il-valur u jindirizza l-fallimenti tas-suq. Aħna ttestjajna kif dawn il-proċeduri jiġu applikati u vvalutajna l-implimentazzjoni ta’ kampjun ta’ 11-il proġett ta’ infrastruttura.
Ma kien hemm l-ebda analiżi komprensiva tad-distakk fl-infrastruttura biex tappoġġa l-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-FNE u l-għażla tal-proġetti
43Id-DĠ MOVE jħejji l-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali tal-FNE fil-qasam tat-trasport. Huwa jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-programm billi jieħu inkunsiderazzjoni il-politika tat-TEN-T u l-bilanċ ġeografiku u modali, wara konsultazzjoni ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni involuti u l-Istati Membri.
44Il-biċċa l-kbira mill-finanzjament taħt l-FNE jingħata fil-forma ta’ għotjiet wara sejħiet kompetittivi għal proposti. Dan il-proċess jiġi mmaniġġjat mill-INEA, li tieħu inkunsiderazzjoni l-prijoritajiet, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament u l-baġit indikattiv deskritti fil-programmi ta’ ħidma pluriennali. F’Diċembru 2020, kien hemm tmien sejħiet tal-FNE li jappoġġaw l-infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku, taħt il-prijorità ta’ finanzjament “Innovazzjoni u Teknoloġiji Ġodda”.
45Il-prijoritajiet ta’ politika, kif ukoll il-forma u l-baġit indikattiv tal-appoġġ tal-FNE, evolvew maż-żmien biex jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq (ara l-Figura 5). Mill-2014 sal-2016, kważi 85 % tal-appoġġ mar għal studji bi proġetti pilota dwar l-installazzjoni tal-infrastruttura - b’rati ta’ kofinanzjament ta’ 50 % fil-pakkett ġenerali u sa 85 % fir-reġjuni li jaqgħu taħt il-politika ta’ Koeżjoni. Mill-2017 ’l hawn, hekk kif is-swieq qed isiru aktar maturi, il-fokus ġie ttrasferit fuq il-proġetti tax-xogħlijiet, u fuq finanzjament imħallat magħmul minn għotjiet mill-FNE u self. Is-sejħiet ta’ finanzjament imħallat l-aktar reċenti għandhom rati ta’ kofinanzjament aktar baxxi (mhux aktar minn 20 % fl-2017 u 15 % fl-2019), bl-ebda pakkett għall-koeżjoni u l-ebda ambitu għal studji.
Figura 5
Evoluzzjoni tal-kontribuzzjoni tal-FNE għall-elettrifikazzjoni tat-trasport bit-triq mill-2014 sal-2019 (f’miljuni ta’ euro)
Sors: l-INEA, Diċembru 2020. L-ebda allokazzjoni għall-infrastruttura tal-karburanti alternattivi fis-sejħa tal-2018.
L-appoġġ tal-FNE għall-infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku ffoka fuq in-network ewlieni tat-TEN-T. Is-sejħiet fl-ewwel snin tal-programm FNE (2014-2016) ipprijoritizzaw in-network ewlieni u s-sejħa tal-2017 għamlet dan kriterju ta’ eliġibbiltà. Is-sejħa tal-2019 għall-“faċilità ta’ taħlit” tippermetti, permezz ta’ deroga, li sa 20 % tal-baġit allokat għall-infrastruttura għal azzjoni partikolari jintuża għal xogħlijiet li jinsabu fuq in-network komprensiv.
L-ebda analiżi komprensiva tad-distakk fl-infrastruttura
47Matul il-perjodu 2014-2019, ma saret l-ebda analiżi komprensiva tad-distakk fl-infrastruttura bħala gwida għall-istabbiliment tal-prijoritajiet ta’ finanzjament u l-għażla tal-proġetti għall-finanzjament biex jiġi identifikat kemm se jkunu meħtieġa stazzjonijiet tal-iċċarġjar, fejn għandhom ikunu lokalizzati u liema potenza jenħtieġ li jipprovdu. L-aktar kriterju importanti ta’ eliġibbiltà kien il-lokalizzazzjoni fuq in-network ewlieni tat-TEN-T, li jinkludi kważi 50 000 km ta’ toroq fl-Istati Membri kollha, flimkien mal-agglomerazzjonijiet urbani li jinsabu f’dan in-network.
48L-iffukar tal-finanzjament taħt l-FNE fuq in-network ewlieni huwa konformi mar-rekwiżit tal-AFID dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar mill-anqas fuq in-network ewlieni tat-TEN-T sal-2025. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kriterji oħra, dan l-ambitu wiesa’ ma jistax jipprevieni duplikazzjonijiet bejn stazzjonijiet tal-iċċarġjar kompetituri, u lanqas ma jiżgura elettromobbiltà fl-UE kollha (b’mod partikolari l-kopertura ta’ żoni inqas popolati b’rati baxxi ta’ użu ta’ vetturi elettriċi).
49In-nuqqas ta’ analiżi komprensiva tal-lakuni jdgħajjef ukoll il-proċedura tal-għażla tal-proġetti tal-INEA, peress li dan ifisser li l-aġenzija mhijiex f’pożizzjoni li tivvaluta l-ħtieġa għall-infrastruttura proposta mill-applikanti f’termini tal-għadd, it-tip u l-lokalizzazzjoni tal-istazzjonijiet.
50Fin-nuqqas ta’ analiżi komprensiva tal-lakuni, huwa diffiċli li tingħata ħarsa lejn il-ħtiġijiet fil-livell tal-UE. Il-benefiċjarji għandhom l-istrateġiji ta’ installazzjoni proprji tagħhom, li naturalment għandhom it-tendenza li jipprijoritizzaw oqsma fejn id-domanda hija ogħla u l-argument għall-vijabbiltà hija l-aktar favorevoli, jiġifieri żoni fejn ir-riskju ta’ falliment tas-suq huwa aktar baxx. Il-Figura 6 turi li, ibbażat fuq il-kampjun tagħna ta’ 11-il proġett, il-finanzjament taħt l-FNE kien ikkonċentrat f’għadd relattivament żgħir ta’ swieq tal-elettromobbiltà bħall-Ġermanja, l-Italja, Franza u l-Awstrija (ara wkoll il-kummenti tagħna dwar il-frammentazzjoni fil-paragrafu 34). Dan jista’ jżid ir-riskju li jiġu ffinanzjati stazzjonijiet tal-iċċarġjar duplikati filwaqt li jiġu ttraskurati sezzjonijiet tan-network li huma inqas mgħammra tajjeb.
Figura 6
Distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjament taħt l-FNE għal kull Stat Membru, kif imkejla skont l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar diġà installati mill-proġetti kkampjunati
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-għadd u l-lokalizzazzjonijiet tal-istazzjonijiet installati bħala parti mill-11-il proġett ikkampjunat minn Lulju 2020, flimkien mal-finanzjament tal-Faċilità taħt l-FNE allokat għall-azzjoni.
Kien biss wara li analizzat l-NPFs tal-Istati Membri fl-2017 u fl-2019 li l-Kummissjoni setgħet tikseb idea inizjali tar-reġjuni b’infrastruttura tal-iċċarġjar relattivament baxxa (ara wkoll il-paragrafu 27). Madankollu, sa issa tali analiżi inizjali għadha ma ntużatx biex jiġi allokat mill-ġdid il-finanzjament mill-UE lejn dawn ir-reġjuni. Aħna sibna, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament ma tinkludix kontroll li l-infrastruttura proposta hija allinjata mal-qafas ta’ politika nazzjonali korrispondenti, jew mal-pjanijiet ta’ ħidma tal-koordinaturi tal-kurituri tan-network ewlieni tat-TEN-T.
Għażla tal-proġetti
52Mill-11-il proġett fil-kampjun tagħna, (b’valur ta’ EUR 47 miljun f’finanzjament taħt l-FNE) 8 ġew ippreżentati mill-applikanti bħala studji, u li ġew aċċettati bħala tali mill-Kummissjoni, għalkemm dawn kienu jinkludu l-installazzjoni reali tal-infrastruttura bħala l-akbar komponent uniku tal-ispejjeż totali tal-proġett (bejn 34 % u 72 %). F’xi każijiet, l-istudji kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ aktar minn 200 punt tal-iċċarġjar. Peress li kienu kklassifikati bħala studji, dawn il-proġetti kienu eliġibbli biex jirċievu rata ogħla ta’ kofinanzjament (50 %) u kienu eżentati mill-ħtieġa li jippreżentaw analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji (ir-rekwiżit tas-soltu għal infrastruttura kummerċjali li tiġġenera d-dħul).
53Aħna sibna li l-kriterji, biex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet kinux jikkostitwixxu studju jew xogħlijiet fit-test tas-sejħiet u fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-INEA, ma kinux ċari. Pereżempju, aħna osservajna li l-INEA ma llimitatx l-għadd ta’ stazzjonijiet eliġibbli li setgħu jiġu inklużi fi studju, u lanqas kisbet ġustifikazzjoni adegwata għall-għadd propost mill-applikanti. Fin-nuqqas ta’ tali kriterji, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tipprevieni li tali proġetti jmorru lil hinn mid-definizzjoni ta’ studji fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament dwar l-FNE25.
54Il-qafas legali applikabbli għall-investimenti kofinanzjati taħt l-FNE jirrikjedi li dawn ikunu akkumpanjati minn analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji (ASB), li sservi bħala bażi biex tintwera l-vijabbiltà ekonomika tagħhom u tiġi mmodulata l-assistenza finanzjarja tal-UE26. Dawn ir-rekwiżiti huma riflessi fis-sejħiet għal proposti tal-FNE.
55Skont il-gwida pprovduta mill-Kummissjoni27, jenħtieġ li l-ASB għal investimenti kofinanzjati fis-settur tal-Innovazzjoni jippreżentaw projezzjonijiet tal-flussi ta’ flus mistennija, skontati b’rata ta’ 4 %, fuq perjodu ta’ referenza ta’ bejn 15 u 25 sena. Għalkemm il-gwida mhijiex vinkolanti, jenħtieġ li t-tbegħid minnha jkun iġġustifikat u sostanzjat kif xieraq. Gwida addizzjonali li tirrakkomanda perjodu ta’ referenza ta’ 15-il sena għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar ġiet inkluża fil-lista ta’ mistoqsijiet l-aktar frekwenti għas-Sejħa għal Finanzjament Imħallat tat-Trasport tal-FNE tal-2017. Mill-2016, l-INEA kkummissjonat valutazzjonijiet tal-ASB minn esperti indipendenti.
56Fi tnejn mit-tliet proġetti fil-kampjun tagħna li ġew ikklassifikati bħala xogħlijiet, aħna osservajna tbegħid mil-linji gwida mingħajr ġustifikazzjoni xierqa. Fiż-żewġ każijiet, il-projezzjonijiet koprew perjodu iqsar minn dak irrakkomandat (10 snin minflok 15-il sena) u applikaw rati ta’ skont ogħla (10 %-12 % minflok 4 %). Iż-żewġ prattiki għandhom it-tendenza li jissottovalutaw il-flussi tal-flus fis-snin ta’ wara tal-proġetti, meta jkun mistenni li d-dħul ikun l-akbar f’suq tal-vetturi elettriċi li qed jikber. Għaldaqstant huma jkabbru l-istima tad-diskrepanza fil-finanzjament. Mingħajr ġustifikazzjonijiet adegwati għal dan it-tbegħid mil-linji gwida, il-ħtieġa għal finanzjament mill-UE biex tiġi koperta din id-diskrepanza ma ntwerietx b’mod sħiħ.
L-FNE qed tippromwovi l-installazzjoni, iżda l-proġetti li awditjajna mhumiex qed jiksbu r-riżultati relatati mal-objettivi tagħhom b’mod sħiħ
57L-FNE ilha tikkofinanzja l-installazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar mill-2014. B’kollox, il-ftehimiet ta’ għotja ffirmati mill-INEA bejn l-2015 u l-202028 jipprevedu l-installazzjoni ta’ kważi 19 000 punt tal-iċċarġjar fl-UE u fir-Renju Unit. Il-ftehimiet ta’ għotja jinkludu wkoll rekwiżiti kwalitattivi ewlenin: il-benefiċjarji jridu jinstallaw il-konnetturi standard preskritt mill-AFID, jiżguraw aċċess miftuħ ta’ 24 siegħa kuljum u jippermettu l-possibbiltà ta’ ċċarġjar ad hoc mingħajr abbonament. B’dan il-mod, il-finanzjament mill-UE ppromwova b’mod effettiv l-interoperabbiltà u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-direttiva.
58Biex nittestjaw direttament l-infrastruttura tal-iċċarġjar iffinanzjata mill-UE, għamilna żewġ vjaġġi b’vettura elettrika lejn stazzjonijiet tal-iċċarġjar li jinsabu fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Franza (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
L-awdituri jittestjaw l-elettromobbiltà fuq il-post
Għamilna żewġ vjaġġi mil-Lussemburgu għal madwar 2 500 km b’vettura elettrika, biex inżuru u nittestjaw 10 stazzjonijiet tal-iċċarġjar kofinanzjati mill-UE u operati minn tliet benefiċjarji tal-finanzjament taħt l-FNE fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja. Stajna nikkonfermaw li l-interoperabbiltà ħadmet bejn il-fruntieri, bi stazzjonijiet aċċessibbli għal fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà ta’ partijiet terzi, billi stajna niċċarġjaw il-vettura bil-kard tal-fornitur tas-servizz ta’ mobbiltà tagħna mil-Lussemburgu. L-istazzjonijiet kollha li użajna kienu joffru għażla ta’ pagament ad hoc. Dan seta’ jsir (fl-istazzjonijiet kollha) permezz ta’ app jew sit web u (f’diversi stazzjonijiet) permezz ta’ terminal tal-kard ta’ kreditu/debitu mingħajr kuntatt. F’okkażjoni waħda ma stajniex niċċarġjaw il-vettura tagħna, minħabba problema ta’ komunikazzjoni bejn il-karozza u l-istazzjon tal-iċċarġjar - minkejja li t-tnejn kienu qed jużaw l-istandard tas-CCS.

Sors: il-QEA.
Matul il-vjaġġi tagħna, kellna aċċess f’ħin reali għal informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni u d-disponibbiltà ta’ stazzjonijiet permezz ta’ siti web u apps (eż. Google Maps, operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar, fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà). Il-prezz tal-iċċarġjar ad hoc kien indikat b’mod ċar jew fuq it-terminals tal-istazzjon jew inkella fl-apps. Madankollu, aħna sibna li l-prezzijiet kienu indikati b’modi differenti (EUR/kWh, EUR/minuta jew EUR/tariffa) li ma jiffaċilitax il-komparabbiltà, kif meħtieġ mill-AFID.
Żgurar ta’ lokalizzazzjonijiet
59L-applikazzjonijiet għall-finanzjament taħt l-FNE u l-ftehimiet ta’ għotja ma jispeċifikawx eżattament il-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura prospettiva. Il-benefiċjarji normalment jieħdu biss impenn kumplessiv li jirreferi għal għadd partikolari ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar fi Stati Membri speċifiċi.
60Madankollu, matul l-implimentazzjoni reali tal-proġett, l-iżgurar ta’ lokalizzazzjonijiet eliġibbli jista’ jkun sfida kbira għall-benefiċjarji. Minbarra li jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżit ewlieni ta’ eliġibbiltà ta’ stazzjonijiet li jinsabu fuq in-network ewlieni tat-TEN-T, dawn jistgħu jiffaċċjaw proċeduri tal-permessi twal u varjati, għadd limitat ta’ konċessjonijiet disponibbli tul l-awtostradi u żieda fil-kompetizzjoni ma’ operaturi oħra ta’ punti tal-iċċarġjar. F’xi każijiet, din is-sitwazzjoni hija aggravata minn termini mhux favorevoli offruti minn sidien tal-art u operaturi ta’ grilji elettriċi, li jġiegħlu lill-benefiċjarji jfittxu lokalizzazzjonijiet alternattivi.
61Primarjament bħala konsegwenza ta’ dawn l-isfidi, il-11-il proġett li awditjajna kollha kienu ffaċċjaw jew kienu qed jiffaċċjaw dewmien fl-eżekuzzjoni tagħhom li jvarja minn 5 xhur sa 24 xahar meta mqabbla mal-pjanijiet inizjali tagħhom. Fiż-żmien meta sar l-awditu, ġew ikkompletati 4 proġetti, iżda b’dewmien ta’ bejn 5 u 12-il xahar. Tnejn minn dawn il-proġetti ngħalqu mingħajr ma wettqu b’mod sħiħ l-outputs miftiehma inizjalment tagħhom – 243 biss minn 303 (80 %) stazzjonijiet ikkuntrattat bdew l-operat. Għal darb’oħra, id-diffikultajiet biex jiġu żgurati lokalizzazzjonijiet eliġibbli xierqa jispjegaw fil-biċċa l-kbira n-nuqqas.
62Fil-każ ta’ studji kofinanzjati, tali dewmien u diffikultajiet oħra mhux biss fissru li l-infrastruttura relatata ma ġietx installata skont l-iskeda, iżda wkoll li mhux id-data kollha meħtieġa biex tiġi deċiża b’mod infurmat l-installazzjoni futura - li kien l-objettiv aħħari tal-istudji - setgħet tinġabar u tiġi analizzata kif ippjanat. Kienu tnejn mis-sitt benefiċjarji fil-kampjun tagħna li kienu involuti fi studji li jinvolvu proġetti pilota dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura b’rispons għal sejħiet matul il-perjodu 2014-2016, iżda qabel ma dawn kienu kkonkludew u rrappurtaw dwar dawn l-istudji, ingħataw ukoll appoġġ mill-FNE taħt is-sejħa tal-2017 għal implimentazzjoni fuq skala akbar.
63Il-Kummissjoni ma tikkonsolidax jew ma tivvalutax b’mod sistematiku l-outputs tal-istudji bil-ħsieb li tużahom bħala input għal proġetti futuri u inizjattivi ta’ politika. Barra minn hekk, matul l-awditu, aħna ma ngħatajna l-ebda indikazzjoni dwar il-mod kif il-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u parteċipanti oħra fis-suq, għamlu użu mill-pjanijiet ta’ implimentazzjoni prodotti permezz ta’ studji kofinanzjati.
Aċċess ekwu u sostenibbiltà tal-proġetti kofinanzjati
64B’kuntrast mad-dispożizzjonijiet komuni għall-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej29, ir-regoli tal-FNE ma jirrikjedux li l-benefiċjarji jżommu l-infrastruttura operattiva għal perjodu minimu. Il-ftehimiet ta’ għotja ma jirreferux għat-tul ta’ żmien li infrastruttura ffinanzjata jenħtieġ li tkompli topera (id-durabbiltà tagħha) u dan l-aspett ma jiġix immonitorjat mill-Kummissjoni. F’rapport tal-awditjar preċedenti, aħna ġbidna l-attenzjoni għar-riskji fir-rigward tad-durabbiltà ta’ infrastruttura ffinanzjata mill-UE, inklużi problemi biex jinżammu l-outputs u r-riżultati tal-proġetti30. Nuqqas ta’ durabbiltà u n-nuqqas ta’ attenzjoni għal dan l-aspett tal-ġestjoni tal-proġetti, jista’ jnaqqas l-effettività ta’ interventi pubbliċi (ara l-Kaxxa 3).
Kaxxa 3
Twaqqif ta’ infrastruttura kofinanzjata
Il-proġett CORRI-DOOR31 (imniedi qabel l-FNE u mhux parti mill-kampjun awditjat tagħna) ġie kofinanzjat b’50 % għal ammont ta’ EUR 4.3 miljun, taħt il-programm annwali TEN-T bejn April 2014 u Diċembru 2015. L-objettiv ġenerali tal-proġett kien li titrawwem l-installazzjoni ta’ vetturi elettriċi fi Franza tul l-assi ewlenin tat-TEN-T, fost l-oħrajn permezz tal-installazzjoni, l-ittestjar, l-operat u l-monitoraġġ ta’ proġett pilota inizjali ta’ 200 stazzjon tal-iċċarġjar interoperabbli b’potenza qawwija ta’ 50 kW u bi standards multipli. Ġie rrappurtat pubblikament li, b’segwitu għal diffikultajiet tekniċi u żewġ inċidenti li tqiesu bħala perikli għas-sigurtà għall-utenti, 189 stazzjon (minn total ta’ 217- ill-proġett) twaqqfu mill-użu fl-2020 bħala miżura preventiva32.
Barra minn hekk, il-ftehimiet ta’ għotja ma jippreskrivux b’mod suffiċjenti l-mod kif l-aċċess nondiskriminatorju għall-utenti kollha - rekwiżit ieħor tal-AFID - għandu jiġi applikat. L-Artikolu 2(7) tal-AFID jiddefinixxi punt tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku bħala punt li jipprovdi aċċess nondiskriminatorju għall-utenti fl-UE kollha. Aċċess nondiskriminatorju jista’ jinkludi termini differenti ta’ awtentikazzjoni, użu u pagament. Il-Kummissjoni ma tevalwax l-applikazzjonijiet fuq il-bażi ta’ kif eżattament il-benefiċjarju jkun jiżgura aċċess nondiskriminatorju, rigward aspetti ta’ pprezzar u l-INEA ma timmonitorjax jekk ir-rekwiżit huwiex irrispettat fil-prattika ladarba stazzjon kofinanzjat jibda jopera.
66Ta’ tħassib partikolari huma t-termini kummerċjali applikati mill-benefiċjarji għall-fornituri differenti ta’ servizzi ta’ mobbiltà li beħsiebhom jagħmlu l-infrastruttura kofinanzjata disponibbli għall-klijenti regolari tagħhom ta’ sewwieqa ta’ vetturi elettriċi. Aħna sibna li, minbarra t-termini komuni ta’ “offerta għal kulħadd” offruti permezz ta’ pjattaformi tar-roaming, xi operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar jikkonkludu wkoll kuntratti bilaterali diretti b’termini favorevoli ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà magħżula. Dan idgħajjef il-kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà u fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal trattament mhux ugwali tal-utenti aħħarin ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar kofinanzjati.
Użu ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar
67Il-ftehimiet ta’ għotja ma jistabbilixxu l-ebda objettiv speċifiku tal-prestazzjoni għall-infrastruttura kofinanzjata, u l-INEA ma titlobx, ma tiġborx u lanqas tanalizza b’mod sistematiku d-data dwar il-prestazzjoni ladarba stazzjon tal-iċċarġjar jibda jopera.
68Aħna staqsejna lill-benefiċjarji tal-proġetti fil-kampjun tagħna għal data dwar l-użu tal-istazzjonijiet installati sa Ġunju 2020. L-għadd medju ta’ kull xahar u d-durata tas-sessjonijiet tal-iċċarġjar kienu kif ġej:
Tabella 3
Użu medju ta’ kull xahar
Tip | Għadd ta’ sessjonijiet | Durata għal kull sessjoni (minuti) |
Stazzjonijiet tal-iċċarġjar b’potenza qawwija ħafna | 77 | 28 |
Stazzjonijiet tal-iċċarġjar b’potenza qawwija | 31 | 70 |
Stazzjonijiet b’potenza normali | 5 | 123 |
Sors: data pprovduta mill-benefiċjarju.
Din l-istatistika hija konformi mal-valutazzjoni kumplessiva li saret mill-benefiċjarji li kkuntattjajna - ir-rati attwali tal-użu huma taħt l-aspettattivi. Filwaqt li nirrikonoxxu li s-suq tal-vetturi elettriċi għadu fi stadju bikri u huwa mistenni li jikber b’mod sostanzjali matul il-ftit snin li ġejjin, aħna nosservaw li l-livelli baxxi attwali ta’ użu jżidu r-riskji għas-sostenibbiltà assoċjati ma’ dawn l-investimenti u l-baġit tal-UE allokat lilhom.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
70Aħna kkonkludejna li minkejja s-suċċessi bħall-promozzjoni ta’ standard komuni fil-livell tal-UE għall-plakek għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi, u t-titjib tal-aċċess għal networks differenti tal-iċċarġjar, għad hemm ostakli għall-ivvjaġġar b’vetturi elettriċi fl-UE kollha. Id-disponibbiltà tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar tvarja minn pajjiż għall-ieħor, is-sistemi ta’ pagament mhumiex armonizzati u ma hemmx biżżejjed informazzjoni f’ħin reali għall-utenti.
71Ma hemmx rekwiżiti minimi ċari u konsistenti għall-infrastruttura biex tiġi żgurata l-elettromobbiltà fl-UE kollha. B’riżultat ta’ dan, il-kopertura tan-network hija irregolari u tippreżenta għadd ta’ inkonsistenzi. Il-Kummissjoni hija inkarigata li tassisti lill-Istati Membri u tiżgura l-koerenza u l-konsistenza fost id-diversi oqfsa ta’ politika nazzjonali fil-livell tal-UE, iżda għandha biss mandat u setgħat limitati f’dak li jirrigwarda infurzar. Il-Kummissjoni nfisha kkonkludiet li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jvarjaw ħafna f’termini ta’ kompletezza, ambizzjoni u koerenza (ara l-paragrafi 20 sa 28).
72Il-Kummissjoni rnexxielha tippromwovi standards minimi komuni fil-livell tal-UE għall--plakek (Tip 2 u CCS/Combo 2) għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi. Dawn qed jiġu adottati b’mod wiesa’ madwar l-UE, u gradwalment qed jagħtu lill-utenti ta’ vetturi elettriċi aċċess aktar armonizzat għal networks differenti ta’ ċċarġjar. Madankollu, l-ivvjaġġar madwar l-UE għadu kkumplikat minħabba n-nuqqas ta’ sistemi armonizzati ta’ pagament u ta’ informazzjoni adegwata għall-utent (ara l-paragrafi 35 sa 41).
Rakkomandazzjoni 1 – Rekwiżiti minimi għal infrastruttura tal-iċċarġjar fin-network tat-TEN-T kolluBiex jintlaħaq l-għan tal-elettromobbiltà fl-UE kollha, meta tirrieżamina u tirrevedi l-leġiżlazzjoni attwali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi rekwiżiti minimi għall-infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku li għandhom japplikaw għan-network tat-TEN-T. Jenħtieġ li dawn ir-rekwiżiti jinkludu dimensjoni ġeografika (eż. distanza medja bejn il-punti tal-iċċarġjar) u definizzjoni aħjar ta’ aċċessibbiltà pubblika, tipi ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar, metodi ta’ pagament u għoti ta’ informazzjoni adegwata għall-utent.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021 (meta jiġu riveduti l-AFID u t-TEN-T).
73Minkejja t-tkabbir kostanti bejn l-2014 u l-2020, se tkun sfida biex tintlaħaq il-mira tal-Patt Ekoloġiku ta’ 1 000 000 punt tal-iċċarġjar sal-2025. In-nuqqas ta’ pjan direzzjonali strateġiku integrat għall-elettromobbiltà fl-UE jfisser li għad hemm inċertezza konsiderevoli fir-rigward tal-ħtiġijiet preċiżi tal-infrastruttura, li joħloq riskju għall-installazzjoni b’suċċess u f’waqtha tal-infrastruttura tal-iċċarġjar.
74Hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fl-installazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar. Xi wħud diġà qabżu l-miri tagħhom, filwaqt li oħrajn għadhom sinifikattivament lura. Minn Settembru 2020, 8 Stati Membri kienu għadhom taħt il-75 % tal-miri tagħhom għal tmiem dik is-sena. Il-frammentazzjoni fl-elettromobbiltà tippersisti madwar l-UE, b’differenzi sinifikanti fid-densità tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u fir-rati tas-sjieda ta’ vetturi elettriċi fl-Istati Membri (ara l-paragrafi 29 sa 34 u l-Anness I)
Rakkomandazzjoni 2 – Tħejjija ta’ pjan direzzjonali strateġiku tal-UE għall-elettromobbiltàJenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji pjan direzzjonali strateġiku tal-UE komprensiv u integrat għall-elettromobbiltà biex tiggwida lill-partijiet ikkonċernati u lil dawk li jfasslu l-politika lejn il-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u l-miri tal-infrastruttura tal-iċċarġjar.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.
75Għalkemm il-prijoritajiet ta’ finanzjament, il-baġits u r-rati tal-FNE evolvew matul iż-żmien (2014-2019), dawn ma kinux ibbażati fuq valutazzjoni komprensiva tad-distakk fl-infrastruttura biex jiġi identifikat kemm kienu meħtieġa stazzjonijiet tal-iċċarġjar, fejn jenħtieġ li jkunu lokalizzati u liema qawwa jipprovdu. Fin-nuqqas ta’ tali analiżi, il-Kummissjoni ma setgħetx tiffoka l-finanzjament taħt l-FNE fuq dawk l-oqsma bl-aktar livelli baxxi ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar.
76L-iffukar tal-finanzjament taħt l-FNE fuq in-network ewlieni huwa konformi mar-rekwiżit tal-AFID dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar mill-anqas fuq in-network ewlieni tat-TEN-T sal-2025. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kriterji oħra, tali ambitu wiesa’ ma ppreveniex il-konċentrazzjoni tal-finanzjament taħt l-FNE f’għadd limitat ta’ Stati Membri u ma jiżgurax l-elettromobbiltà fl-UE kollha, b’mod partikolari l-kopertura ta’ żoni fejn l-użu ta’ vetturi elettriċi huwa baxx.
77Studji kofinanzjati matul il-perjodu 2014-2016 setgħu appoġġaw il-valutazzjoni tal-ħtieġa għal infrastruttura tal-iċċarġjar. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkonsolidax u lanqas tivvaluta b’mod sistematiku l-outputs tal-istudji bil-ħsieb li tużahom bħala input għal proġetti futuri u inizjattivi ta’ politika futuri (ara l-paragrafu 63). Fir-rigward tal-ASB li jakkumpanjaw l-applikazzjonijiet għal xogħlijiet, xi wħud mis-suppożizzjonijiet li saru mill-benefiċjarji ma kinux suffiċjentement iġġustifikati (ara l-paragrafi 43 sa 56).
Rakkomandazzjoni 3 – Analiżi tad-distakk fl-infrastruttura u tad-diskrepanza fil-finanzjamentBl-appoġġ tal-koordinaturi tal-kurituri tan-network ewlieni tat-TEN-T, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa analiżi tad-distakk fl-infrastruttura biex tidentifika, b’referenza għar-rekwiżiti riveduti tal-AFID u tat-TEN-T, fejn hemm nuqqas ta’ punti tal-iċċarġjar fuq in-network TEN-T, kemm huma meħtieġa u ta’ liema tip. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkomplementa dan b’analiżi tad-diskrepanza fil-finanzjament biex tidentifika s-sezzjonijiet tan-network tat-TEN-T, li fihom mhuwiex mistenni li l-forzi tas-suq waħedhom joħolqu l-infrastruttura meħtieġa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża l-proposti tagħha għall-baġits u l-prijoritajiet tal-FNE fuq dawn iż-żewġ analiżijiet.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.
Rakkomandazzjoni 4 – Għażla tal-proġettiFil-valutazzjoni u l-għażla ta’ applikazzjonijiet għall-finanzjament taħt l-FNE, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tqabbel l-infrastruttura proposta mill-applikant mal-analiżijiet kumplessivi tad-distakk fl-infrastruttura u tad-diskrepanza fil-finanzjament (ara r-Rakkomandazzjoni 3);
- tikkonferma l-ħtieġa għal finanzjament abbażi ta’ ASB għall-proġett u tikseb ġustifikazzjoni adegwata għal kwalunkwe tbegħid mil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-ASB;
- jekk tivvaluta applikazzjonijiet li jikkonċernaw studji bi proġetti pilota dwar l-installazzjoni tal-infrastruttura, tistabbilixxi kriterji oġġettivi għall-għadd, it-tip u l-lokalizzazzjoni tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li huma aċċettabbli għal tali studji.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.
78L-FNE ilha mill-2014 ’il hawn tappoġġa l-installazzjoni ta’ stazzjonijiet għall-iċċarġjar elettriku interoperabbli madwar l-UE. Madankollu, il-11-il proġett kollha fil-kampjun tagħna ġew affettwati minn dewmien fl-implimentazzjoni, li jvarja minn 5 xhur sa 24 xahar. Minn erba’ proġetti kkompletati, tnejn biss ipproduċew outputs parzjali. Il-fattur prinċipali li kkontribwixxa kemm għad-dewmien kif ukoll għall-outputs parzjali kien id-diffikultà biex jiġu żgurati lokalizzazzjonijiet xierqa.
79Il-ftehimiet ta’ għotja taħt l-FNE ma jirrikjedux perjodu minimu ta’ operat wara l-installazzjoni u l-għeluq tal-proġett u l-Kummissjoni ma timmonitorjax l-użu u l-prestazzjoni tal-infrastruttura appoġġata. Barra minn hekk, il-ftehimiet ta’ għotja ma jiddefinixxux suffiċjentement ir-rekwiżit għal aċċess nondiskriminatorju. Fin-nuqqas ta’ regoli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, ma hemm l-ebda aċċertament li l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar kofinanzjati se joffru aċċess nondiskriminatorju lill-utenti kollha.
80L-INEA ma tiġborx b’mod sistematiku data dwar l-użu ta’ stazzjonijiet kofinanzjati. L-istatistika turi li r-rati attwali tal-użu ta’ dawn l-istazzjonijiet huma ġeneralment baxxi (ara l-paragrafi 57 sa 69).
Rakkomandazzjoni 5 – Aċċess sostenibbli u ekwu għal infrastruttura kofinanzjataJenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tiżgura li l-ftehimiet ta’ għotja għall-installazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jinkludu klawsola ta’ sostenibbiltà li tirrikjedi li l-infrastruttura kofinanzjata tibqa’ topera għal perjodu minimu wara li tiġi installata u tkun disponibbli għall-utenti.
- tiżgura li l-ftehimiet ta’ għotja għall-installazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar jinkludu rekwiżit għall-operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar biex jiġi żgurat aċċess effettiv nondiskriminatorju għall-utenti kollha. Dan jista’ jintlaħaq billi, pereżempju, l-operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar jintalbu joffru termini kummerċjali ekwi lill-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ mobbiltà abbażi ta’ kriterji ċari, oġġettivi u trasparenti u għal perjodu minimu.
- twettaq analiżi ex post dwar l-użu u l-prestazzjoni ta’ infrastruttura appoġġata fuq bażi ta’ kampjun/riskju.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: għal (a) u (b), sa tmiem l-2021; u għal (c), wara l-installazzjoni.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Marzu 2021.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Annessi
Anness I – Sehem ta’ vetturi elettriċi fil-flotta totali ta’ vetturi tal-passiġġieri, l-EU-27 u r-Renju Unit
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-EAFO f’Settembru 2020 għall-vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi ibridi rikarikabbli.
Anness II – Standards tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi
Standard tal-iċċarġjar | Noti |
Kurrent alternat (AC) | |
Tip 1 | SAE J1772, użat prinċipalment fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Asja. |
Tip 2 (standard tal-UE) | Skont l-Anness II tal-AFID, il-punti tal-iċċarġjar b’potenza AC għall-vetturi elettriċi jridu jkunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas żbokkijiet ta’ sokits jew konnetturi għall-vetturi tat-Tip 2, kif deskritt fl-istandard EN 62196–2. |
Tip 3 | Osservat fl-Italja u fi Franza, mill-2012 ’il hawn ma għadux jiġi installat. |
Kurrent dirett (DC) | |
Tip 4 (CHAdeMO) |
Użat fil-Ġappun u fl-Ewropa. Pereżempju, Franza għamlet obbligatorju li sal-31 ta’ Diċembru 2024 il-punti kollha tal-iċċarġjar b’potenza qawwija aċċessibbli għall-pubbliku jkollhom konnettur CHAdeMO. Dan huwa l-istandard fuq mudelli ta’ vetturi elettriċi bħal: Citroën Berlingo Electric u C-Zero, Kia Soul, Mitsubishi Outlander PHEV u iMiEV, Nissan eNV-200 u Leaf u l-Peugeot iOn. |
CCS (standard tal-UE) |
Skont l-Anness II tal-AFID, il-punti tal-iċċarġjar b’potenza qawwija DC ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas b’konnetturi tas-sistema tal-iċċarġjar konġunti “Combo 2”, kif deskritt fl-istandard EN 62196–3. Dan huwa l-istandard fuq il-mudelli ta’ vetturi elettriċi bħal BMW i3 u iX3, Fiat 500e, Mercedes EQC, Jaguar I-Pace, Audi E-Tron, Volkswagen e-Golf u ID.3, Tesla Model 3, Porsche Taycan. |
Sors: il-QEA.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
AFID: Direttiva dwar l-installazzjoni ta’ Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi
ASB: Analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji
CCS: Sistema ta’ ċċarġjar ikkombinat
DĠ MOVE: Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport
EAFO: Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi
FNE: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
INEA: L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Networks
NPF: Qafas ta’ Politika Nazzjonali
TEN-T: Networks Trans-Ewropej tat-Trasport
Glossarju
Bijogass: Gass li jseħħ b’mod naturali ġġenerat mit-tqassim ta’ materja organika minn batterji anaerobiċi u użat bħala bijokarburant.
Bijokarburant: Karburant prodott minn materja organika niexfa jew minn żjut tal-pjanti kombustibbli.
Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Il-mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE biex jiġi mmitigat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 u jiġi stimulat l-irkupru, filwaqt li tiġi promossa t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa: Strument li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta’ infrastruttura interkonnessa sostenibbli fis-setturi tal-enerġija, tat-trasport u tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.
Fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà: Entità li tipprovdi lill-konsumaturi b’firxa ta’ prodotti jew servizzi ta’ mobbiltà, bħal kards ta’ ċċarġjar u software għal pagament jew tan-navigazzjoni.
Gass serra: Gass fl-atmosfera - bħal diossidu tal-karbonju jew metan - li jassorbi u jemetti radjazzjoni, ma jħallix is-sħana taħrab u b’hekk isaħħan is-superfiċje tad-dinja permezz ta’ dak li huwa magħruf bħala l-effett serra.
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Networks: L-Aġenzija tal-UE responsabbli għall-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-programm TEN-T u partijiet mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont 2020 u Marco Polo 2007-2013.
Networks Trans-Ewropej tat-Trasport: Sett ta’ proġetti ta’ żvilupp tal-infrastruttura tat-toroq, tal-ferroviji, tal-ajru u tal-ilma li jimplimentaw il-politika tan-network trans-Ewropew tat-trasport, inkluż network ferrovjarju b’veloċità għolja, sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita u sistemi intelliġenti ta’ ġestjoni tat-trasport.
Operatur ta’ punt tal-iċċarġjar: Kumpanija responsabbli għall-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi.
Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi: Il-portal online tal-UE li jipprovdi informazzjoni u aħbarijiet dwar karburanti alternattivi u l-lokalizzazzjoni tal-istazzjonijiet tal-iċċarġjar.
Patt Ekoloġiku Ewropew: L-istrateġija tal-UE għat-tkabbir adottata fl-2019, bil-għan li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.
Qafas finanzjarju pluriennali: Il-pjan ta’ nfiq tal-UE li jistabbilixxi prijoritajiet (ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika) u limiti massimi, taħt sitt intestaturi prinċipali, ġeneralment għal perjodu ta’ seba’ snin. Huwa jipprovdi l-istruttura li fi ħdanha jiġu stabbiliti l-baġits annwali tal-UE u jistabbilixxi limitu għal kull kategorija ta’ nfiq. Il-QFP attwali jkopri l-perjodu 2021-2027.
Reġjun ta’ koeżjoni: Reġjun fejn l-introjtu nazzjonali gross għal kull abitant huwa inqas minn 90 % tal-medja tal-UE, li jagħmlu eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni.
Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti: L-istrateġija tal-UE, proposta fl-2020, biex jinkiseb tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet relatati mat-trasport sal-2050 permezz ta’ sistema tat-trasport aktar kompetittiva, sikura, aċċessibbli u affordabbli.
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Ladislav Balko, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Branislav Urbanič, Kap tal-Kabinett u Zuzana Franková, Attaché tal-Kabinett; Helder Faria Viegas, Maniġer Prinċipali; Svetoslav Hristov, Kap tal-Kompitu; Afonso Malheiro, Rafal Gorajski, Francisco Carretero Llorente, Maria Pia Brizzi u Nils Westphal, Awdituri. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku.

Noti finali
1 COM(2019) 640 final.
2 SWD(2020) 331 final, li jakkumpanja d-dokument COM (2020) 789 final: “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”.
3 COM(2017) 652 final: “Għall-akbar użu tal-karburanti alternattivi: Pjan ta’ Azzjoni għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi”.
4 https://www.acea.be/statistics/tag/category/electric-and-alternative-vehicle-registrations
5 “Electric surge: Carmakers’ electric car plans across Europe 2019-2025”, Transport & Environment, Lulju 2019.
6 COM(2020) 789 final.
7 Data pprovduta mill-Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi (EAFO) f’Settembru 2020.
8 Punt għall-iċċarġjar jista’ jaqdi vettura waħda biss kull darba. Stazzjon għall-iċċarġjar jikkonsisti f’bosta punti għall-iċċarġjar.
9 McKinsey & Company, Charging ahead: Electric-vehicle infrastructure demand, 8.8.2018.
10 Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi.
11 Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network Trans-Ewropew tat-trasport.
12 Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
13 COM (2020) 575 final, “L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021”.
14 Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda.
15 COM(2020) 789 final.
16 COM(2013) 18 final tal-24.1.2013.
17 SWD (2013) 5 final tal-24.1.2013.
18 ‘Recharge EU: How many charge points will Europe and its Member States need in the 2020s’, T&E, Jannar 2020.
19 Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2020: “In-network ewlieni tat-toroq tal-UE: ħinijiet tal-ivvjaġġar iqsar, iżda n-network għadu mhuwiex kompletament funzjonali”, il-paragrafu 42.
20 COM(2017) 652 final.
21 SWD(2017) 365 final tat-8.11.2017; SWD(2019) 29 final tal-13.2.2019 inkluż l-NPFs ta’ erba’ Stati Membri (il-Greċja, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja), li ma kinux irrispettaw l-iskadenza inizjali għan-notifika tal-1 ta’ Ottubru 2017.
22 “Analysis of stakeholder views on key policy needs and opinions for action in Alternative Fuels Infrastructure deployment and consumer services”, Novembru 2019.
23 Azzjoni ta’ Appoġġ għall-Programm dwar l-ID u l-ġbir tad-data relatata mal-karburanti sostenibbli fl-Ewropa (IDACS). Appoġġat skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 146 final.
24 Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq, u r-regolamenti assoċjati, li jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-Punti ta’ Aċċess Nazzjonali jew Komuni li huma stabbiliti taħt din id-Direttiva.
25 Attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-proġett, bħal studji preparatorji, tal-immappjar, tal-fattibbiltà, tal-evalwazzjoni, tal-ittestjar u tal-validazzjoni, inkluż fil-forma ta’ software, u kwalunkwe miżura oħra ta’ appoġġ tekniku, inkluża azzjoni minn qabel għad-definizzjoni u għal-iżvilupp tal-proġett u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward il-finanzjament tiegħu, bħal stħarriġ dwar is-siti kkonċernati u t-tħejjija tal-pakkett finanzjarju.
26 L-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar it-TEN-T u l-Artikolu 10(6) tar-Regolament dwar l-FNE.
27 Mill-2015 ’l hawn, l-INEA rreferiet lill-applikanti għal-linji gwida tal-Kummissjoni intitolata “Guide to Cost-Benefit Analysis of Investment Projects Economic appraisal tool for Cohesion Policy 2014-2020”, maħruġa f’Diċembru 2014.
28 Li jirriżultaw minn sejħiet maħruġa bejn l-2014 u l-2019.
29 L-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
30 Ir-Rapport Speċjali Nru 8/2018 “Appoġġ mill-UE għal investimenti produttivi fin-negozji - jeħtieġ li jkun hemm fokus akbar fuq id-durabbiltà”.
31 Numru tal-Azzjoni TEN-T 2013-EU-92055-S.
Kronoloġija
Avveniment | Data |
---|---|
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 25.3.2020 |
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) |
21.1.2021 |
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 3.3.2021 |
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 19.3.2021 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021
ISBN 978-92-847-5747-3 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/620523 | QJ-AB-21-004-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-5710-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/069 | QJ-AB-21-004-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2021.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.