
It‑tfassil tas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni għall‑RRF Minkejja li qed jiġi ppjanat xogħol estensiv, fil‑mudell il-ġdid ta’ implimentazzjoni għad hemm nuqqas fl-aċċertament u fl‑obbligu ta’ rendikont fil‑livell tal‑UE
Dwar ir-rapport:Il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF) għandha finanzjament ta’ EUR 723.8 biljun (fi prezzijiet attwali) u tirrappreżenta l‑istrument prinċipali ta’ finanzjament tal‑UE għall‑mitigazzjoni tal‑impatt ekonomiku u soċjali tal‑pandemija tal‑COVID‑19. Aħna eżaminajna t‑tfassil tas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni għall‑RRF biex nivvalutaw kif tikkontribwixxi biex tiżgura li l‑istadji importanti u l‑miri jintlaħqu b’mod sodisfaċenti u li jiġu protetti l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni. Sibna li, fi żmien relattivament qasir, il‑Kummissjoni fasslet sistema ta’ kontroll li tipprovdi għal proċess estensiv għall‑verifika tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri. Madankollu, għad hemm nuqqas fl-aċċertament u fl‑obbligu ta’ rendikont fil‑livell tal‑UE fil‑protezzjoni tal‑interess finanzjarju tal‑Unjoni. Nirrakkomandaw li l‑Kummissjoni tidentifika l‑miżuri biex tindirizza dan in‑nuqqas fl-aċċertament, kif ukoll tfassal gwida dwar il‑korrezzjonijiet u għat‑treġġigħ lura ta’ miżura relatata ma’ stadju importanti jew mira li ntlaħqu preċedentement.
Rapport speċjali tal‑QEA skont l‑Artikolu 287(4), it‑tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I Il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF) hija l‑istrument prinċipali ta’ NextGenerationEU u ġiet stabbilita biex tipprovdi appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall‑investimenti u r‑riformi pubbliċi fl‑Istati Membri. Kellha finanzjament ta’ EUR 723.8 biljun (fi prezzijiet attwali) għal self (EUR 385.8 biljun) u għotjiet (EUR 338 biljun) għal dak l‑iskop. Il‑finanzjament ta’ tali riformi u investimenti fl‑Istati Membri beda fil‑bidu tal‑pandemija fi Frar 2020 u se jibqa’ għaddej sal‑31 ta’ Diċembru 2026. Ir‑Regolament RRF daħal fis‑seħħ fid‑19 ta’ Frar 2021.
II L‑RRF issegwi mudell ta’ nfiq li huwa differenti minn dak ta’ programmi oħra ta’ nfiq tal‑UE. Il‑pagamenti jsiru lill‑Istati Membri meta l‑istadji importanti u l‑miri sottostanti jkunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti abbażi tal‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni. Filwaqt li mhumiex kundizzjoni biex isiru dawn il‑pagamenti, il‑proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF tal‑Istati Membri xorta jridu jikkonformaw mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali, eż. dwar l‑akkwist, jew dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l‑kostijiet eliġibbli rimborsabbli.
III Aħna wettaqna dan l‑awditu fid‑dawl tal-għadd sinifikanti ta’ żborżi taħt l‑RRF li għad iridu jsiru matul l‑operat tal‑faċilità sa tmiem l‑2026. L‑objettiv tal‑awditu tagħna kien li nivvalutaw u nikkontribwixxu biex tiġi żgurata l‑adegwatezza tat‑tfassil tas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni għall‑RRF. F’dan ir‑rigward, aħna ħarisna lejn kif ġiet stabbilita s‑sistema biex jiġi żgurat li jintlaħqu l‑istadji importanti u l‑miri, kif ukoll il‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni fi tmiem April 2022. Ikkomplementajna l‑evidenza miksuba mill-eżaminar li wettaqna tal‑proċeduri tal‑Kummissjoni b’osservazzjonijiet rilevanti magħmula fl‑awditu tad‑dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna tar‑regolarità tan‑nefqa tal‑RRF għall‑2021.
IV Aħna nikkonkludu li, fi żmien relattivament qasir, il‑Kummissjoni fasslet sistema ta’ kontroll li tipprevedi proċess estensiv għall‑verifika tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri. Madankollu, dik is‑sistema ta’ kontroll tipprovdi biss informazzjoni vverifikata limitata fil‑livell tal‑UE li tgħid li l‑proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF jikkonformaw mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali. In‑nuqqas ta’ tali informazzjoni vverifikata jħalli impatt fuq l-aċċertament li tista’ tipprovdi l‑Kummissjoni u jirriżulta f’nuqqas fl‑obbligu ta’ rendikont fil‑livell tal‑UE.
V Fir‑rigward tal-iżgurar tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri, aħna sibna li l‑proċeduri huma estensivi. Il‑kontrolli ex ante għall‑valutazzjoni preliminari huma kkomplementati minn awditi addizzjonali fuq il‑post. Madankollu, id‑diversi stadji fil‑valutazzjoni preliminari ma kinux speċifikati b’mod suffiċjenti u ma kinux iddokumentati bis-sħiħ. Aħna nosservaw ukoll li għad ma hemmx metodu dwar kif għandu jiġi kkwantifikat l‑impatt ta’ meta ma jintlaħaqx stadju importanti jew mira, u l‑ebda gwida li tindirizza r‑riskju assoċjat man‑nuqqas ta’ identifikazzjoni tat‑treġġigħ lura ta’ miżura li għaliha qabel kien intlaħaq stadju importanti jew mira.
VI Fir‑rigward tal‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni, aħna nosservaw li l‑Kummissjoni ppjanat awditi tas‑sistemi f’kull Stat Membru. Dawn l‑awditi se jiffokaw fuq is‑sistemi ta’ kontroll tal‑Istati Membri relatati mal‑frodi, il‑korruzzjoni, il‑kunflitti ta’ interess u l‑finanzjament doppju. Madankollu, dawn mhux se jkopru jekk l‑Istati Membri humiex se jivverifikaw b’mod adegwat il‑konformità tal‑proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali. B’konsegwenza ta’ dan, hemm informazzjoni vverifikata limitata fil‑livell tal‑UE dwar il‑konformità ta’ proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF ma’ dawn ir‑regoli. In‑nuqqas ta’ tali informazzjoni vverifikata jħalli impatt fuq l-aċċertament li tista’ tipprovdi l‑Kummissjoni f’dan ir‑rigward. Ir‑responsabbiltà li tassumi l‑Kummissjoni f’termini ta’ protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni ma tmurx lil hinn mill-iżgurar li l‑Kummissjoni tirkupra kwalunkwe ammont dovut f’każ ta’ frodi, korruzzjoni u kunflitt ta’ interess, fejn l‑Istat Membru jkun naqas milli jagħmel hekk jew fil‑każ ta’ ksur serju stabbilit tal‑ftehim ta’ finanzjament. Aħna osservajna wkoll li s‑Sistema ta’ Ġestjoni tal‑Irregolaritajiet ma fihiex informazzjoni ċentralizzata u standardizzata dwar il‑frodi relatata mal‑RRF, u li l‑livelli differenti ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa li għandhom jiġu applikati fil‑każ ta’ defiċjenza fis‑sistemi ta’ kontroll tal‑Istati Membri mhumiex iddefiniti b’mod suffiċjenti.
VII Nirrakkomandaw li l‑Kummissjoni:
- ittejjeb il‑proċeduri għal verifiki ex ante;
- tfassal gwida dwar it‑treġġigħ lura ta’ miżura relatata ma’ stadju importanti jew mira milħuqa preċedentement;
- tindirizza n‑nuqqas fl-aċċertament fil‑livell tal‑UE fir‑rigward tal‑konformità ta’ proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali;
- tallinja r‑rappurtar dwar il‑frodi relatata mal‑RRF;
- tiżviluppa gwida interna rigward il‑korrezzjonijiet, kif previst fil‑ftehimiet ta’ finanzjament.
Introduzzjoni
L‑RRF fil‑qosor
01 NextGenerationEU (NGEU) huwa l‑fond temporanju tal‑UE li għandu l-għan li jappoġġa lill‑Istati Membri biex inaqqsu l‑impatt soċjoekonomiku tal‑pandemija tal‑COVID‑19 u jerġgħu jaqbdu t‑triq it‑tajba lejn it‑tkabbir sostenibbli. Il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF) hija l‑istrument prinċipali li taħtu se jitqassmu l‑fondi tal‑NGEU. Hija tipprovdi appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għar‑riformi u l‑investimenti, bl-għan li taċċellera l‑irkupru ekonomiku tal‑Istati Membri mill‑konsegwenzi tal‑pandemija tal‑COVID‑19, u tagħmilhom aktar reżiljenti.
02 L‑RRF ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 (“ir‑Regolament”) li daħal fis‑seħħ fid‑19 ta’ Frar 2021. Hija ilha tappoġġa riformi u proġetti ta’ investiment fl‑Istati Membri mill‑bidu tal‑pandemija fi Frar 2020, u se tibqa’ tagħmel dan sal‑31 ta’ Diċembru 2026. L‑RRF kellha finanzjament ta’ EUR 723.8 biljun (fi prezzijiet attwali) għal self (EUR 385.8 biljun) u għotjiet (EUR 338 biljun) għal dak l‑iskop.
03 L‑RRF issegwi mudell speċjali ta’ nfiq. Il‑Kummissjoni timplimenta l‑RRF f’ġestjoni diretta mal‑Istati Membri bħala benefiċjarji1. Il‑kundizzjoni għall‑pagament lill‑Istati Membri mill‑faċilità hija l‑ilħuq sodisfaċenti ta’ stadji importanti jew ta’ miri predefiniti permezz tal‑implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment2.
04 Il‑legalità u r‑regolarità (ir‑regolarità) tal‑infiq taħt programmi oħra tal‑UE jiddependu prinċipalment fuq l‑eliġibbiltà tal‑benefiċjarju, tal‑proġett u tal‑kostijiet iddikjarati. L‑eliġibbiltà ta’ tali finanzjament spiss tkun irregolata minn kundizzjonijiet rigward il‑kostijiet li jistgħu jiġġarrbu u jiġu ddikjarati, li jistgħu jkunu meħtieġa wkoll li jkunu identifikabbli u verifikabbli. Il‑kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal dan it‑tip ta’ finanzjament jinkludu wkoll regoli tal‑UE li jiżguraw il‑funzjonament effettiv tas‑suq uniku (jiġifieri r‑regoli dwar l‑akkwist pubbliku u dwar l-għajnuna mill‑Istat) u l‑konformità mar‑regoli nazzjonali.
05 Filwaqt li l‑eliġibbiltà tal‑benefiċjarju, tal‑proġett u tal‑kostijiet għall‑implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF mhijiex kundizzjoni fil‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni meta tagħmel il‑pagament mill‑RRF lill‑Istat Membru, ir‑Regolament ikopri dan l‑aspett permezz tal‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni, li l‑Istati Membri flimkien mal‑Kummissjoni għandhom jiżguraw f’konformità mar‑responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Ir‑Regolament f’dan ir‑rigward jipprevedi li l‑miżuri li jappoġġaw l‑RRF għandhom jikkonformaw mad‑dritt applikabbli tal‑Unjoni u dak nazzjonali, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑prevenzjoni, l‑identifikazzjoni u r‑rettifika tal‑frodi, il‑korruzzjoni u l‑kunflitt ta’ interess, u jiżguraw ukoll li ma jkun hemm l‑ebda ksur serju tal‑obbligi stabbiliti fil‑Ftehim ta’ Finanzjament, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑finanzjament doppju. Għal dan il‑fini, l‑Istati Membri jridu joperaw sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti u jirkupraw ammonti mħallsa b’mod żbaljat jew li jkunu ntużaw ħażin3. Jekk l‑Istati Membri jonqsu milli jirkupraw kwalunkwe ammont imħallas indebitament f’każijiet ta’ frodi, korruzzjoni jew kunflitt ta’ interess, il‑Kummissjoni tista’ tirkupra l‑ammont korrispondenti4.
Implimentazzjoni tal‑RRF
06 Il‑fatt li l‑mudell tal‑implimentazzjoni tal‑RRF ivarja minn dak ta’ programmi oħra ta’ nfiq tal‑UE jfisser li l‑implimentazzjoni tiegħu hija wkoll soġġetta għal proċess speċjali, li huwa deskritt fil‑Figura 1 u deskritt f’aktar dettall hawn taħt.
07 Sabiex jibbenefikaw mill‑RRF, l‑Istati Membri huma meħtieġa jfasslu pjanijiet nazzjonali għall‑irkupru u r‑reżiljenza(RRPs) li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet stabbiliti fir‑Regolament5. L‑RRPs jenħtieġ li jinkludu pakkett koerenti ta’ investimenti pubbliċi u riformi miġbura f’miżuri li, min‑naħa tagħhom, huma miġbura f’komponenti tematiċi. L‑Istati Membri jridu jistabbilixxu stadji importanti u miri għal kull proġett ta’ investiment u riforma, u jipprovdu dettalji tal‑linja bażi assoċjata.
08 L‑Istati Membri jridu wkoll ifasslu sistemi xierqa ta’ ġestjoni u ta’ kontroll. Huma jistgħu jew jużaw sistemi nazzjonali eżistenti ta’ ġestjoni u ta’ kontroll jew jistabbilixxu sistemi speċifikament għall‑RRF.
09 Il‑pagamenti taħt l‑RRF huma kundizzjonali fuq li l‑Istati Membri jilħqu b’mod sodisfaċenti l‑istadji importanti u l‑miri stabbiliti fl‑Annessi għad‑deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal‑Kunsill li japprovaw l‑RRPs tagħhom. Element ieħor li jrid jitqies huwa li l‑istadji importanti jew il‑miri li preċedentement intlaħqu b’mod sodisfaċenti mill‑Istat Membru ma kellhomx jitreġgħu lura. L‑Istati Membri jistgħu jitolbu żborżi sa darbtejn fis‑sena, jekk jipprovdu evidenza suffiċjenti li l‑istadji importanti u l‑miri relatati jkunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti.6.
10 L‑Istati Membri jridu jippreżentaw id‑dokumenti li ġejjin ma’ kull talba għall‑pagament sabiex jirċievu pagamenti taħt l‑RRF:
- informazzjoni u evidenza li jikkonfermaw l‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri stabbiliti fl‑Anness tad‑deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal‑Kunsill;
- sommarju tal‑awditi mwettqa mill‑awtoritajiet tal‑Istati Membri, inklużi dettalji ta’ kwalunkwe dgħufija identifikata u kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda7;
- dikjarazzjoni ta’ ġestjoni8 li tindika li:
- il‑fondi ntużaw għall‑iskop maħsub tagħhom;
- l‑informazzjoni ppreżentata mat‑talba għall‑pagament tkun kompluta, preċiża u affidabbli;
- is‑sistemi ta’ kontroll stabbiliti jagħtu l-aċċertament meħtieġ li l‑fondi ġew immaniġġati f’konformità mar‑regoli applikabbli kollha, b’mod partikolari r‑regoli mmirati lejn il‑prevenzjoni ta’:
- kunflitti ta’ interess, frodi, korruzzjoni u
- finanzjament doppju.
11 Il‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni hija proċess f’żewġ stadji. Il‑Kummissjoni l‑ewwel tivvaluta t‑talbiet għall‑pagament abbażi tad‑data u l‑informazzjoni pprovduti mill‑Istat Membru. L‑iskop ta’ din il‑valutazzjoni preliminari huwa li jiġi żgurat li l‑istadji importanti u l‑miri jkunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti9.
12 Abbażi ta’ din il-ħidma, il‑Kummissjoni tippreżenta l‑valutazzjoni preliminari lill‑Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) tal‑Kunsill għall‑opinjoni tiegħu. Wara l‑opinjoni tal‑KEF, il‑Kummissjoni mbagħad tadotta deċiżjoni dwar il‑pagament, li l‑ewwel trid tiġi ppreżentata lil kumitat ta’ komitoloġija tar‑rappreżentanti tal‑Istati Membri bħala parti mill‑proċedura ta’ eżami. Fl-aħħar nett, il‑Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tawtorizza l‑pagament, u l‑fondi mbagħad jiġu żborżati.
Il‑qafas ta’ kontroll tal‑RRF tal‑Kummissjoni
13 Il‑mudell speċjali tal‑implimentazzjoni tal‑RRF u l‑ammont ta’ fondi mill‑UE pprovduti taħt il‑faċilità jsejħu għal qafas ta’ kontroll iddedikat fil‑livell tal‑Kummissjoni u tal‑Istati Membri li jiżgura l‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri, u li jiġu protetti l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni.
14 Il‑qafas ta’ kontroll li l‑Kummissjoni stabbiliet għal dan l‑iskop huwa deskritt fir‑Rapport Annwali tal‑Attività (RAA) tal‑2021 tad‑Direttorat Ġenerali (DĠ) għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECFIN) u jinkludi:
- il‑valutazzjoni tal‑RRPs ippreżentati mill‑Istati Membri fir‑rigward tar‑rilevanza, l‑effettività, l‑effiċjenza u l‑koerenza tagħhom qabel ma jsir kwalunkwe pagament. Din il‑valutazzjoni tipprevedi wkoll il‑verifika tal‑adegwatezza tas‑sistemi ta’ kontroll tal‑Istati Membri kif deskritti fl‑RRPs tagħhom;
- is‑sistema ta’ kontroll f’żewġ partijiet li tipprevedi verifiki ex ante tat‑talbiet għall‑pagament tal‑Istati Membri u awditi ex post komplementari wara li jkun sar pagament. Hija tipprevedi wkoll awditi tas‑sistema li jiffokaw fuq il‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni. Il‑Figura 2 tiddeskrivi s‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni b’dawn iż-żewġ elementi li jsegwu l‑valutazzjoni tal‑RRP.
15 Aħna vvalutajna l‑valutazzjoni tal‑RRP tal‑Kummissjoni f’awditu preċedenti u ppreżentajna r‑riżultati fir‑Rapport Speċjali 21/202210. Is‑suġġett ta’ dan l‑awditu u r‑rapport huwa t‑tfassil taż-żewġ elementi tas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni stabbiliti fil‑Figura 2.
Il-ħidma tagħna dwar l‑RRF
16 Dan l‑awditu huwa parti minn sensiela ta’ awditi u rieżamijiet tal‑RRF. Nipprovdu aktar informazzjoni dwar ix‑xogħol li wettaqna sa issa u r‑riżultati ta’ dak ix‑xogħol b’fokus fuq kwistjonijiet relatati mal‑kontroll fil‑Kaxxa 1.
Ix‑xogħol tagħna fuq l‑RRF
Aħna pprovdejna l‑opinjoni tagħna dwar l‑RRF meta kienet qed tiġi stabbilita11. Filwaqt li kkonkludejna, b’mod ġenerali, li l‑RRF għandha l‑potenzjal li tappoġġa lill‑Istati Membri biex itaffu l‑impatt ekonomiku u finanzjarju tal‑pandemija, aħna enfasizzajna l‑importanza ta’ miżuri effettivi kontra l‑frodi u l‑irregolaritajiet biex jiġu miġġielda r‑riskji li jirriżultaw minn riżorsi addizzjonali sinifikanti li jintefqu fi żmien qasir, kif huwa l‑każ għall‑RRF.
Fl‑2022, aħna eżaminajna l‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni tal‑RRPs nazzjonali12. Aħna kkonkludejna li l‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni kienet, b’mod ġenerali, xierqa meta jitqiesu l‑kumplessità tal‑proċess u r‑restrizzjonijiet ta’ ħin. Madankollu, identifikajna għadd ta’ dgħufijiet fil‑proċess, kif ukoll riskji għall‑implimentazzjoni b’suċċess tal‑RRF. Aħna ssottolinjajna f’dan il‑kuntest li l‑valutazzjoni tal‑arranġamenti ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll proposti mill‑Istati Membri kienet, sa ċertu punt, ibbażata fuq id‑deskrizzjoni tas‑sistemi li kienu għadhom ma ġewx stabbiliti.
Ir‑Rapport Annwali 202113 tagħna kien jinkludi l‑valutazzjoni tagħna tal‑uniku pagament li għamlet il‑Kummissjoni f’Diċembru 2021. Ivvalutajna li stadju importanti wieħed ma kienx intlaħaq b’mod sodisfaċenti. Qisna li l‑impatt tal‑valutazzjoni tagħna, li l‑Kummissjoni ma aċċettatx, ma kienx materjali. F’dan il‑kuntest, aħna osservajna li l‑Kummissjoni kienet għadha ma ddefinietx metodu għall‑kwantifikazzjoni tal‑impatt fejn ma jintlaħaqx stadju importanti jew mira.
L‑analiżi komparattiva tagħna tal‑fondi tal‑politika ta’ koeżjoni u l‑RRF turi li għandhom similaritajiet konsiderevoli14. Fl‑istess ħin, huma jvarjaw f’ħafna aspetti minħabba l‑iskopijiet differenti tagħhom. Fir‑rigward tal‑arranġamenti ta’ kontroll u ta’ awditjar, aħna nosservaw li l‑RRF tiffoka fuq l‑ilħuq sodisfaċenti tal‑istadji importanti u tal‑miri. Għall‑fondi taħt il‑politika ta’ koeżjoni, l‑arranġamenti ta’ kontroll u ta’ awditjar kemm fil‑livell tal‑Kummissjoni kif ukoll f’dak tal‑Istati Membri, jiffokaw prinċipalment fuq ir‑regolarità tan‑nefqa. Għall‑RRF, il‑Kummissjoni trid tiżgura li l‑interessi finanzjarji tal‑UE jkunu protetti b’mod effettiv; biex tagħmel dan, il‑Kummissjoni trid tikseb aċċertament suffiċjenti mill‑Istati Membri li qegħdin jimplimentaw l‑RRF f’konformità mad‑dritt tal‑UE u ma’ dak nazzjonali.
Ambitu u approċċ tal‑awditjar
17 L‑objettiv ta’ dan l‑awditu kien li jivvaluta t‑tfassil tas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni għall‑RRF. Għal dan il-għan, aħna eżaminajna s‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni fir‑rigward tal-iżgurar li:
- il‑pagamenti lill‑Istati Membri jsiru wara li jkunu laħqu l‑istadji importanti u/jew il‑miri predefiniti; u
- li l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni jkunu protetti.
18 L‑ewwel eżaminajna s‑sistema ta’ kontroll tal‑RRF tal‑Kummissjoni minn perspettiva kunċettwali u aktar ġenerali. L‑objettiv ta’ dan ix‑xogħol kien li jinstab dak li s‑sistema ta’ kontroll tkopri u kif din tiżgura li l‑istadji importanti u l‑miri jintlaħqu b’mod sodisfaċenti, u li l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni jiġu protetti. F’dan l-eżaminar, aħna inkludejna l‑valutazzjoni inizjali mill‑Kummissjoni tas‑sistemi ta’ kontroll deskritti fl‑RRPs tal‑Istati Membri billi hija parti mill‑qafas ta’ kontroll. Aħna temmejna l‑valutazzjoni tagħna tat‑tfassil tas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni b’analiżi dettaljata tal-ħidma ppjanata u tal‑proċeduri ddefiniti għaż-żewġ elementi tagħha. L‑objettiv ta’ din l‑analiżi kien li jiġu identifikati dgħufijiet potenzjali fil‑proċeduri u fl‑awditi li jappartjenu għas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni.
19 Biex niksbu l‑evidenza meħtieġa biex nappoġġaw l‑osservazzjonijiet, il‑konklużjonijiet u r‑rakkomandazzjonijiet tagħna, aħna:
- wettaqna intervisti u laqgħat ma’ rappreżentanti mid-DĠ ECFIN tal‑Kummissjoni u t‑Task Force għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (SĠ RECOVER);
- eżaminajna l‑proċeduri tal‑Kummissjoni u dokumenti rilevanti oħra, bħal ftehimiet ta’ finanzjament u arranġamenti operazzjonali;
- analizzajna l‑proċeduri tal‑Kummissjoni għal verifiki ex ante u awditi ex post, kif ukoll l‑istrateġija tal‑awditjar, il‑gwida għall‑kampjunar, il‑listi ta’ kontroll u l‑linji gwida interni;
- ikkonsultajna r‑RAA 2021 tad-DĠ ECFIN.
20 Aħna kkomplementajna l‑evidenza miksuba permezz ta’ dan l‑awditu b’osservazzjonijiet mill‑awditu tagħna ta’ dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tar‑regolarità tan‑nefqa tal‑RRF għall‑202115. L‑awditu ta’ dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni kopra l‑ilħuq sodisfaċenti tat‑52 stadju importanti kollha li fuqhom huwa bbażat l‑uniku pagament li l‑Kummissjoni għamlet lil Stat Membru (Spanja) fl‑2021. Aħna rrieżaminajna wkoll il‑valutazzjoni preliminari tal‑Kummissjoni ta’ erba’ miri magħżula li fuqhom huwa bbażat il‑pagament li sar lil Franza f’Marzu 2022.
21 Aħna wettaqna l‑awditu matul il‑fażi bikrija tal‑implimentazzjoni tal‑RRF, meta kien sar l‑ewwel pagament, iżda qabel l-iżborż ta’ għadd sinifikanti ta’ pagamenti. Għalhekk, l‑awditu ffoka fuq it‑tfassil tas‑sistema ta’ kontroll tal‑RRF kif kien fi tmiem April 2022 u mhux fuq l‑operat attwali tagħha.
22 Barra minn hekk, f’dan l‑awditu aħna ma koprejniex it‑tfassil jew l‑effettività tas‑sistemi ta’ kontroll tal‑RRF tal‑Istati Membri, iżda qed nippjanaw li nagħmlu dan fil‑futur.
23 B’dan l‑awditu u r‑rakkomandazzjonijiet tagħna, għandna l-għan li nikkontribwixxu biex niżguraw li l‑Kummissjoni jkollha sistema ta’ kontroll adegwata fis‑seħħ, kemm għall‑kundizzjoni għall‑pagament kif ukoll għall‑protezzjoni effettiva tal‑interess finanzjarju tal‑Unjoni fid‑dawl tal-għadd sinifikanti ta’ żborżi taħt l‑RRF li għad iridu jsiru matul l‑operat tal‑faċilità sa tmiem l‑2026.
Osservazzjonijiet
Hemm nuqqas fl-aċċertament u fl‑obbligu ta’ rendikont fil‑livell tal‑UE fil‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni
24 F’din it‑taqsima tar‑rapport, aħna neżaminaw is‑sistema ta’ kontroll tal‑RRF tal‑Kummissjoni minn perspettiva kunċettwali u aktar ġenerali, u jekk u kif din tikkontribwixxi biex tiżgura l‑ilħuq sodisfaċenti tal‑istadji importanti u tal‑miri, u l‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni. Għal dan l‑iskop, aħna nieħdu kont ukoll tal‑valutazzjoni tal‑Kummissjoni tas‑sistemi ta’ kontroll tal‑Istati Membri kif deskritti fl‑RRPs tagħhom peress li huwa l‑ewwel element tal‑qafas ta’ kontroll tal‑RRF16. L‑osservazzjonijiet tagħna għandhom implikazzjonijiet għall-aċċertament u l‑obbligu ta’ rendikont li aħna niddeskrivu fil‑paragrafi hawn taħt.
Il‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni tal‑arranġamenti ta’ kontroll kienet komprensiva, iżda bbażata parzjalment fuq sistemi li għadhom ma ġewx stabbiliti
25 Biex jibbenefikaw mill‑appoġġ taħt l‑RRF, l‑Istati Membri ppreżentaw l‑abbozz tal‑RRPs nazzjonali tagħhom lill‑Kummissjoni. Il‑Kummissjoni vvalutat dawn il‑pjanijiet fuq il‑bażi ta’ 11-il kriterju stipulati fir‑Regolament. Wieħed minn dawn il‑kriterji jipprevedi sistemi ta’ kontroll u arranġamenti xierqa tal‑Istati Membri li jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l‑korruzzjoni, il‑frodi, l‑irregolaritajiet, il‑kunflitt ta’ interess u l‑finanzjament doppju.
26 Aħna ċċekkjajna fir‑Rapport Speċjali 21/2022 jekk il‑Kummissjoni kinitx ivvalutat l‑arranġamenti ta’ kontroll tal‑Istati Membri, b’mod partikolari ċ-ċarezza tal‑istrutturi tagħhom, ir‑rwoli u r‑responsabbiltajiet tal‑korpi differenti tagħhom, is‑sistemi u l‑proċessi ppjanati u l‑kapaċità meħtieġa.
27 Aħna kkonkludejna b’mod ġenerali li l‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni tal‑pjanijiet għall‑irkupru u r‑reżiljenza kienet xierqa, meta jitqiesu l‑kumplessità tal‑proċess u r‑restrizzjonijiet ta’ ħin. B’mod aktar speċifiku fir‑rigward tas‑sistemi ta’ kontroll, sibna li l‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni tal‑arranġamenti ta’ kontroll proposti mill‑Istati Membri identifikat b’mod korrett in‑nuqqasijiet u d‑defiċjenzi li jirrikjedu miżuri addizzjonali. Madankollu, il‑valutazzjoni kienet, sa ċertu punt, ibbażata fuq id‑deskrizzjoni ta’ sistemi li kienu għadhom ma humiex stabbiliti. Għalhekk, jeħtieġ li dan jiġi kkonfermat permezz ta’ ħidma addizzjonali fuq il‑post. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni introduċiet stadji importanti addizzjonali għal 16‑il Stat Membru, fejn dawn in‑nuqqasijiet jew defiċjenzi jeħtieġu miżuri addizzjonali li għandhom jiġu implimentati qabel l‑ewwel pagament17. In‑nuqqas ta’ stabbiliment ta’ sistema ta’ kontroll kompletament funzjonali jimplika r‑riskju li l‑interessi finanzjarji tal‑UE ma humiex protetti b’mod suffiċjenti sakemm dawn l‑istadji importanti jintlaħqu.
Verifiki ex ante u awditi ex post jivvalutaw l‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri
28 Il‑verifiki ex ante tal‑Kummissjoni tat‑talbiet għall‑pagament tal‑Istati Membri u l‑awditi ex post relatati jiffokaw fuq il‑kundizzjoni għal pagament u l‑evidenza ta’ lħuq sodisfaċenti tal‑istadji importanti u tal‑miri ppreżentati mill‑Istati Membri. Il‑verifiki u l‑awditi ex post relatati mal‑istadji importanti u l‑miri ma jkoprux in‑nuqqas ta’ konformità mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali (il‑paragrafu 09).
29 Pereżempju, f’sitwazzjoni fejn proġett ta’ investiment iffinanzjat mill‑RRF ma jikkonformax mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali, bħal pereżempju dawk dwar l‑akkwist, l-għajnuna mill‑Istat, jew ir‑regoli ta’ eliġibbiltà għall‑kostijiet jew proġetti, dan ma jaffettwax l-eżitu tal‑valutazzjoni preliminari mill‑Kummissjoni dwar l‑ilħuq sodisfaċenti tal‑mira kkonċernata. Sakemm il‑mira tkun intlaħqet f’konformità mad‑deskrizzjoni fl‑Anness tad‑deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal‑Kunsill, il‑Kummissjoni għandha l‑obbligu li tagħmel il‑pagament lill‑Istat Membru kkonċernat18.
30 Barra minn hekk, aħna nosservaw li r‑Regolament jipprevedi prinċipji orizzontali li għandhom jiġu rispettati19. Dawn il‑prinċipji jipprovdu li l‑appoġġ mill‑RRF m’għandux, sakemm mhux f’każijiet debitament iġġustifikati, jissostitwixxi n‑nefqa nazzjonali rikorrenti u għandu jħares kemm il‑prinċipju tal‑addizzjonalità tal‑finanzjament tal‑Unjoni kif imsemmi fl‑Artikolu 9 tar‑Regolament u l‑prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (DNSH). Billi r‑Regolament ma jqisx li l‑konformità ma’ dawn il‑prinċipji tikkostitwixxi kundizzjoni għall‑pagament20, il‑verifiki ex ante tal‑Kummissjoni ma jkoprux dawn il‑prinċipji, sakemm il‑konformità ma tkunx obbligatorja abbażi tad‑deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal‑Kunsill, kif jista’ jkun il‑każ għad‑DNSH. Dan il‑prinċipju ġie vverifikat meta l‑Kummissjoni vvalutat l‑RRPs. Fir‑rigward tal‑konformità mal‑prinċipju DNSH, fl‑awditu preċedenti tagħna osservajna li l‑valutazzjoni tal‑Kummissjoni kienet wasslet għar‑riżultat li l‑pjanijiet għall‑irkupru u r‑reżiljenza adottati kienu jinkludu biss miżuri li jikkonformaw mal‑prinċipju DNSH, kif ġie osservat għall‑miżuri fil‑kampjun tagħna. Madankollu, il‑miżuri biex jiġi mmitigat l‑impatt ambjentali ma ġewx inklużi sistematikament fl-għamla ta’ stadju importanti jew mira fil‑pjanijiet għall‑irkupru u r‑reżiljenza, u miżuri mhux konformi mal‑prinċipju jiġu ffinanzjati minn sorsi li jkunu barra mill‑Faċilità21.
31 Fir‑Rapport Speċjali 21/2022 aħna osservajna wkoll li l‑istadji importanti u l‑miri huma ġeneralment limitati għall‑kejl tal‑output aktar milli għall‑impatt22. Għalhekk, il‑valutazzjoni tal‑RRP u l‑pagament lill‑Istati Membri huma inkondizzjonali b’mod inerenti mill‑impatt tar‑riformi u tal‑investimenti.
In‑nuqqas ta’ informazzjoni jirriżulta f’nuqqas fl-aċċertament u fl‑obbligu ta’ rendikont fil‑livell tal‑UE fil‑protezzjoni tal‑interess finanzjarju tal‑Unjoni
32 L‑Istati Membri, flimkien mal‑Kummissjoni, jenħtieġ li jiżguraw li l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni jkunu protetti b’mod effettiv f’konformità mar‑responsabbiltajiet rispettivi tagħhom23. F’dan il‑kuntest l‑Istati Membri “għandhom jieħdu l‑miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni u biex jiżguraw li l-użu ta’ fondi fir‑rigward ta’ miżuri appoġġati mill‑Faċilità jikkonforma mad‑dritt applikabbli tal‑Unjoni u dak nazzjonali, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑prevenzjoni, l‑identifikazzjoni u r‑rettifika tal‑frodi, korruzzjoni u kunflitt ta’ interess”24. Dan l‑obbligu huwa spjegat ukoll fil‑ftehimiet ta’ finanzjament iffirmati mal‑Istati Membri. Jekk l‑Istati Membri jonqsu milli jirkupraw kwalunkwe ammont imħallas indebitament f’każijiet ta’ frodi, korruzzjoni jew kunflitt ta’ interess, jew ksur serju ta’ obbligi taħt il‑ftehim ta’ finanzjament, bħal finanzjament doppju, il‑Kummissjoni tista’ tirkupra l‑ammont korrispondenti.
33 F’dan il‑kuntest, fir‑RAA 2021 tad-DĠ ECFIN, il‑Kummissjoni ddefiniet ir-“responsabbiltà residwa” tagħha fil‑protezzjoni tal‑interess finanzjarju tal‑Unjoni li jimplika li l‑Istati Membri huma unikament responsabbli biex jivverifikaw li l‑finanzjament tal‑RRF intuża kif suppost f’konformità mar‑regolamenti nazzjonali u tal‑UE applikabbli kollha. Ir‑responsabbiltà tal‑Kummissjoni hija limitata għat‑tliet irregolaritajiet serji, frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess u l‑obbligi skont il‑ftehim ta’ finanzjament, b’mod notevoli l‑finanzjament doppju25. L‑istrateġija tal‑awditjar għall‑RRF għalhekk tipprevedi li l‑Kummissjoni mhux se twettaq awditi li jivverifikaw il‑konformità mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali26. Il‑fokus tal‑awditi tas‑sistemi tal‑Kummissjoni hija fuq is‑sistemi tal‑Istati Membri għall‑prevenzjoni, l‑identifikazzjoni u r‑rettifika ta’ dawn it‑tliet irregolaritajiet serji u l‑finanzjament doppju.
34 L‑esperjenza tagħna turi li n‑nuqqas ta’ konformità mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali, bħall‑akkwist, l-għajnuna mill‑Istat u r‑regoli ta’ eliġibbiltà huwa prevalenti fi programmi oħra ta’ nfiq tal‑UE27 u għalhekk jikkostitwixxi riskju sinifikanti. Madankollu, aħna nosservaw li l‑konformità ma’ tali regoli ma hijiex koperta mill‑awditi tas‑sistemi tal‑Kummissjoni, u hemm biss ftit gwida għall‑Istati Membri f’dan ir‑rigward.
35 B’konsegwenza ta’ dan, hemm informazzjoni vverifikata limitata fil‑livell tal‑UE dwar jekk u kif is‑sistemi tal‑Istati Membri jkopru b’mod adegwat ir‑riskju sinifikanti li l‑proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF ma jikkonformawx mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali. Din taffettwa l‑kompletezza tal‑assigurazzjoni li l‑Kummissjoni tista’ tipprovdi. Ma tkoprix il‑konformità tal‑proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali.
36 Ir‑responsabbiltà li tassumi l‑Kummissjoni f’termini ta’ protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni hija riflessa fid‑dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni fir‑RAA 2001 tad-DĠ ECFIN. Id‑dikjarazzjoni ma tmurx lil hinn mill‑aspett speċifiku ddefinit fl‑Artikolu 22(5) tar‑Regolament. Il‑Kummissjoni tipprovdi aċċertament li se tirkupra kwalunkwe ammont dovut lill‑baġit tal‑Unjoni f’każ ta’ frodi, korruzzjoni u kunflitt ta’ interess, fejn l‑Istat Membru jkun naqas milli jagħmel dan jew f’każ ta’ ksur serju stabbilit tal‑Ftehim ta’ finanzjament. Dan jirriżulta f’nuqqas fl‑obbligu ta’ rendikont fil‑livell tal‑UE.
Għall‑verifika tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri, il‑Kummissjoni fasslet proċess estensiv
37 Is‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni trid tiżgura li l‑pagamenti taħt l‑RRF ikunu bbażati fuq l‑ilħuq sodisfaċenti tal‑istadji importanti u tal‑miri ddefiniti minn qabel28. Trid tiżgura wkoll li l‑istadji importanti u l‑miri li kienu ntlaħqu qabel ma jittreġġgħux lura.
38 Għal dan il-għan, hija stabbiliet proċess li jipprevedi verifiki ex ante qabel ma jitħallas Stat Membru. Dawn huma fil‑biċċa l‑kbira bbażati fuq analiżi mhux fuq il‑post tal‑evidenza tal‑Istat Membru li l‑istadji importanti u l‑miri ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Il‑Kummissjoni twettaq awditi ex post wara li Stat Membru jkun irċieva pagament.
39 Aħna rrieżaminajna l‑proċeduri u d‑dokumentazzjoni tal‑Kummissjoni sabiex nivvalutaw jekk it‑tfassil tal‑verifiki ex ante u tal‑awditiex post tal‑Kummissjoni huwiex tali li jivvaluta b’mod korrett l‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri. Bħala parti mill‑awditu tagħna ta’ dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal‑RRF tal‑2021, eżaminajna wkoll kif il‑Kummissjoni twettaq il‑verifiki ex ante tagħha fil‑prattika, sabiex jiġu identifikati dgħufijiet potenzjali fil‑proċeduri tagħha.
Il‑proċess għall‑verifiki ex ante tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri huwa estensiv, iżda għad fadal problemi
Il‑verifika ex ante tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri tipprevedi proċess ta’ valutazzjoni estensiv
40 Ir‑Regolament jeħtieġ li l‑Kummissjoni tivvaluta jekk l‑istadji importanti u l‑miri rilevanti stabbiliti fid‑deċiżjoni ta’ implimentazzjoni rilevanti tal‑Kunsill intlaħqux b’mod sodisfaċenti29. Il‑kontrolli ex ante li l‑Kummissjoni stabbiliet għall‑pagamenti tal‑RRF għandhom jippermettulha tivverifika li talba għall‑pagament ta’ Stat Membru tkun appoġġata minn evidenza ta’ lħuq sodisfaċenti tal‑istadji importanti u tal‑miri kkonċernati u l‑kontrolli għandhom ikunu ddokumentati sew.
41 Ladarba l‑istadji importanti u l‑miri miftiehma rilevanti jkunu ntlaħqu, l‑Istati Membri jippreżentaw talba għall‑pagament debitament ġustifikata lill‑Kummissjoni għall‑valutazzjoni (il‑paragrafu 10). Il‑Kummissjoni tivverifika l‑evidenza ppreżentata mill‑Istati Membri bħala parti mill‑valutazzjoni preliminari tagħha dwar jekk l‑istadji importanti u l‑miri sottostanti għat‑talba għall‑pagament intlaħqux b’mod sodisfaċenti.
42 Il‑proċess ta’ valutazzjoni preliminari tal‑Kummissjoni jinvolvi għadd ta’ atturi. L‑atturi prinċipali huma l‑uffiċċji ġeografiċi tad-DĠ ECFIN u tas-SĠ RECOVER, li għandhom ir‑rwol ewlieni fil‑verifika u fil‑valutazzjoni ex antetat‑talbiet għall‑pagament. Mas‑sottomissjoni tat‑talbiet għall‑pagament tal‑Istati Membri, l‑uffiċċji ġeografiċi jkunu responsabbli għat‑twettiq ta’ analiżi mhux fuq il‑post u għall‑valutazzjoni tal‑evidenza li takkumpanja t‑talba għal pagament.
43 Il‑proċess ta’ valutazzjoni preliminari jinvolvi diversi elementi:
- L‑uffiċċji ġeografiċi jinteraġixxu kontinwament mal‑awtoritajiet tal‑Istati Membri dwar il‑progress u l‑ilħuq tal‑istadji importanti u l‑miri sal-ħin tas‑sottomissjoni tat‑talbiet għall‑pagament, kif ukoll wara dan.
- Bosta mill‑unitajiet orizzontali tad-DĠ ECFIN huma involuti fil‑valutazzjoni, eż. l‑unità legali tiegħu hija responsabbli għar‑rieżami tal‑valutazzjoni preliminari biex jiġi żgurat li tkun legalment soda u korretta.
- Il‑Kummissjoni l‑ewwel twettaq konsultazzjonijiet tekniċi informali bejn is‑servizzi u mbagħad formali mad-DĠ u s‑servizzi rilevanti, li l‑objettiv tagħhom huwa li jintuża l-għarfien espert akbar li għandhom dipartimenti oħra tal‑Kummissjoni li jittrattaw direttament u kuljum mal‑oqsma ta’ politika rilevanti fir‑rigward tal‑ilħuq ta’ stadju importanti jew mira speċifika.
44 Abbażi tal‑proċess ta’ valutazzjoni ex ante deskritt hawn fuq u d‑diskussjonijiet tagħna mas‑servizzi tal‑Kummissjoni, aħna nqisu li l‑Kummissjoni fasslet verifiki ex ante estensivi biex tivvaluta l‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri. Madankollu, aħna sibna xi dgħufijiet relatati maċ-ċarezza tal‑proċess u mad‑dokumentazzjoni tal‑valutazzjoni, li aħna niddeskrivu fil‑paragrafi li ġejjin.
Id‑diversi stadji fil‑proċess ta’ valutazzjoni ma humiex speċifikati jew iddokumentati b’mod suffiċjenti
45 Ir‑Regolament Finanzjarju jiddikjara li kontroll intern effettiv għandu jkun ibbażat fuq l-aħjar prattiki internazzjonali u jinkludi, b’mod partikolari, rendikonti tal‑entrati adegwati30. Ir‑rendikont tal‑entrati għandu jipprovdi fehim ċar tal‑iskop, is‑sors u l‑konklużjonijiet li jkunu ntlaħqu.
46 Il‑Kummissjoni għażlet li tuża kalendarju tal‑proċess biex tiggwida l‑proċess għal kull talba għall‑pagament, li jiġbor fil‑qosor il‑passi li għandhom jittieħdu, l‑atturi responsabbli, u l‑iskeda ta’ żmien li għandha tiġi segwita mit‑timijiet involuti fil‑valutazzjoni preliminari.
47 Il‑valutazzjoni ta’ kull stadju importanti jew mira hija ddokumentata u miġbura fil‑qosor fi “skeda informattiva dwar il‑valutazzjoni”. Din tinkludi reġistru bl‑informazzjoni miġbura u tirreġistra l‑analiżi tal‑Kummissjoni għall‑valutazzjoni preliminari tal‑istadji importanti u tal‑miri.
48 Filwaqt li l‑iskeda informattiva dwar il‑valutazzjoni u l‑kalendarju tal‑proċess it‑tnejn jinkludu informazzjoni rilevanti dwar il‑proċess ta’ valutazzjoni, l‑ambitu tal‑kontribut tad‑diversi atturi għall‑istadji differenti tal‑proċess ta’ valutazzjoni, li jwassal għall‑valutazzjoni preliminari, mhuwiex speċifikat u ddokumentat b’mod suffiċjenti. Għalhekk, mhux dejjem jista’ jipprovdi evidenza suffiċjenti li stadju importanti jew mira jkunu ġew ivvalutati u ddokumentati kif xieraq bil‑livell ta’ dettall meħtieġ.
Nuqqas ta’ ċarezza rigward l‑ambitu tal‑konsultazzjoni teknika tad-DĠ u tas‑servizzi rilevanti
49 Filwaqt li r‑responsabbiltà għall‑valutazzjoni tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri hija tas-SĠ RECOVER u tad-DĠ ECFIN, id-DĠ u s‑servizzi rilevanti jistgħu jintalbu, matul il‑verifikiex ante, biex jipprovdu input tekniku għall‑valutazzjoni.
50 Meta jintalab input tekniku mill‑uffiċjali tal‑politika fid-DĠ u fis‑servizzi, dawn jintalbu b’mod partikolari biex jiddikjaraw jekk hemmx xi raġuni għaliex stadju importanti jew mira partikolari ma tistax tiġi vvalutata bħala li ntlaħqet b’mod sodisfaċenti. Fi tmiem il‑proċess ta’ valutazzjoni preliminari, u biex jiġi konkluż il‑proċess ta’ konsultazzjoni, id-DĠ u s‑servizzi jingħataw opportunità ulterjuri biex jesprimu l‑fehmiet tagħhom dwar il‑valutazzjoni ġenerali matul konsultazzjoni formali bejn is‑servizzi.
51 Filwaqt li nqisu li l‑konsultazzjoni mal‑esperti hija element importanti tal‑proċess ta’ valutazzjoni, la l‑ambitu tagħha u lanqas ir‑rwol tad-DĠ u tas‑servizzi kkonsultati matul dan il‑proċess ma ġew iddefiniti b’mod ċar (il‑paragrafu 47). Barra minn hekk, id‑dokumentazzjoni tal‑konsultazzjonijiet tekniċi mhux dejjem ipprovdiet fehim ċar tal‑elementi/aspetti tal‑istadju importanti jew tal‑mira li dwarhom id-DĠ ikkonsultati kienu esprimew il‑fehmiet tagħhom, jew ta’ kif kienu waslu għal dawk il‑fehmiet. Fin‑nuqqas ta’ rekord ċar tan‑natura tal‑konsultazzjoni teknika u tad‑deċiżjoni ta’ valutazzjoni milħuqa, dak li fil‑fatt kopriet il‑konsultazzjoni mhuwiex ċar. Il‑Kaxxa 2 tipprovdi eżempju mill‑awditu tagħna tad‑Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2021.
Eżempju ta’ input mhux ċar u dokumentazzjoni insuffiċjenti matul il‑konsultazzjoni teknika tad-DĠ u tas‑servizzi
Stadju importanti 330:
“Iż-żewġ bye-laws japplikaw għal paga ugwali bejn in‑nisa u l‑irġiel u għall‑pjanijiet ta’ ugwaljanza u r‑reġistrazzjoni tagħhom. L‑objettivi tar‑regolamenti huma: (i) li jiżguraw il‑prinċipju ta’ trasparenza fil‑pagi sabiex tiġi identifikata d‑diskriminazzjoni minħabba valutazzjonijiet mhux korretti tax‑xogħol; u (ii) li jiġu żviluppati pjanijiet ta’ ugwaljanza u li tiġi żgurata r‑reġistrazzjoni tagħhom f’reġistru pubbliku.”
Id-DĠ għall‑Impjiegi, l‑Affarijiet Soċjali u l‑Inklużjoni (id-DĠ EMPL) ġie kkonsultat u ntalab jikkontribwixxi għall‑valutazzjoni ta’ dan l‑istadju importanti.
Filwaqt li saru diskussjonijiet bil‑fomm mas‑servizzi tad-DĠ EMPL, u d-DĠ EMPL ma qajjem l‑ebda oġġezzjoni matul il‑konsultazzjoni formali bejn is‑servizzi, aħna ma sibna l‑ebda evidenza tal‑ambitu preċiż tal‑kontribut tad-DĠ EMPL għall‑valutazzjoni. Ma huwiex ċar jekk fiż-żmien tal‑konsultazzjoni teknika, is‑servizzi tad-DĠ EMPL ivvalutawx l‑istadju importanti bħala li ntlaħaq b’mod sodisfaċenti. Lanqas ma huwa ċar liema elementi tal‑istadju importanti tqiesu minnhom, jew jekk dawn ikkonfermawx biss li ma kinux konxji ta’ xi ħaġa li tqajjem dubju dwar l‑ilħuq tal‑istadju importanti.
L‑istess japplika għal stadji importanti oħrajn (329 u 333), li ġew ivvalutati fl‑istess żmien tal‑istadju importanti 33031.
Dokumentazzjoni mhux kompluta tal‑valutazzjoni
52 Il‑Kummissjoni tibbaża l‑valutazzjoni tagħha rigward l‑ilħuq sodisfaċenti tal‑istadji importanti jew tal‑miri fuq l‑elementi rilevanti fid‑deskrizzjoni tagħhom u d‑deskrizzjoni tal‑miżura relatata, li t‑tnejn huma stabbiliti fid‑deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal‑Kunsill relatata, u tieħu inkunsiderazzjoni l‑arranġamenti operazzjonali.
53 Fir-Rapport Annwali 2021 tagħna, aħna sibna li d‑deskrizzjoni ta’ miżura fl‑Anness tad‑deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal‑Kunsill mhux dejjem kienet allinjata mal‑istadju importanti u/jew mal‑mira rilevanti. Għalhekk kienet ambigwa u miftuħa għall‑interpretazzjoni fir‑rigward ta’ elementi li kienu rilevanti għall‑valutazzjoni32. Madankollu, ma sibna l‑ebda ġustifikazzjoni dwar għaliex il‑Kummissjoni qieset li ċerti elementi ddefiniti fid‑deskrizzjoni tal‑miżura kienu irrilevanti għall‑valutazzjoni. Aħna sibna wkoll li l‑gwida tal‑Kummissjoni għall‑valutazzjoni tat‑twettiq sodisfaċenti tal‑istadji importanti u tal‑miri ma kinitx tipprovdi għal tali ġustifikazzjoni, u għalhekk ma kinitx teħtieġ b’mod espliċitu d‑dokumentazzjoni tagħha. In‑nuqqas ta’ gwida u dokumentazzjoni ċari f’sitwazzjonijiet bħal dawn għamilha diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, biex persuna terza mhux involuta fin‑negozjar tal‑RRP, jew li ma kellha l‑ebda għarfien minn qabel tal‑proċess, biex tifhem u ssegwi r‑raġunament tal‑Kummissjoni.
Għad ma hemm l‑ebda metodu fis‑seħħ għas‑sospensjoni ta’ pagament
54 L‑ammont imħallas lil Stat Membru wara sottomissjoni ta’ talba għall‑pagament ma huwiex neċessarjament ibbażat fuq il‑kostijiet stmati biex jintlaħqu l‑istadji importanti u l‑miri inklużi fit‑talba għall‑pagament, iżda minflok huwa riżultat tan‑negozjati mal‑Istat Membru inkwistjoni. Dawn in‑negozjati jieħdu inkonsiderazzjoni l‑proporzjon tal‑istadji importanti u l‑miri kif ukoll l‑importanza relattiva tagħhom33. Meta l‑Kummissjoni tistabbilixxi li l‑istadji importanti jew il‑miri ma jkunux intlaħqu b’mod sodisfaċenti, ir‑Regolament jipprevedi li “l‑pagament tal‑kontribuzzjoni finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha u, fejn applikabbli, tas‑self għandu jiġi sospiż”34. Is‑sospensjonijiet ma jistgħux jitneħħew sakemm l‑Istati Membri ma jipprovdux lill‑Kummissjoni evidenza ta’ lħuq sodisfaċenti tal‑istadji importanti jew tal‑miri fi żmien 6 xhur, u fin‑nuqqas ta’ dan, il‑Kummissjoni tkun meħtieġa tnaqqas proporzjonalment l‑ammont tal‑kontribuzzjoni finanzjarja, jew tas‑self (jekk applikabbli). Aħna konna rrappurtajna fir‑Rapport Annwali 2021 tagħna li l‑Kummissjoni ma kinitx żviluppat metodoloġija għad‑determinazzjoni tal‑ammont li għandu jiġi sospiż35.
55 Filwaqt li l‑metodoloġija ma tinfluwenzax il‑valutazzjoni ex ante tal‑istadji importanti u tal‑miri, in‑nuqqas tagħha jfisser li element importanti tas‑sistema ta’ kontroll tal‑RRF li jiżgura r‑regolarità tal‑pagamenti tal‑RRF huwa nieqes. In‑nuqqas ta’ metodoloġija bħal din inaqqas ukoll it‑trasparenza tal‑arranġamenti tal‑RRF vis-à-vis l‑Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra, minħabba li l‑kriterji għall‑kalkolu tal‑impatt finanzjarju tan‑nuqqas li jintlaħqu l‑istadji importanti u l‑miri huma inċerti. F’dan il‑kuntest nirreferu għar‑rakkomandazzjoni 10.2 fir-Rapport Annwali 2021 tagħna.
Awditi ex post jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat li d‑data ddikjarata dwar l‑ilħuq tal‑istadji importanti u l‑miri tkun preċiża
56 Filwaqt li l‑verifiki ex ante tal‑Kummissjoni huma primarjament ibbażati fuq rieżamijiet dokumentarji, l‑awditi ex post jippermettu lill‑Kummissjoni teżamina s‑sitwazzjoni fuq il‑post. L‑awditi ex post huma previsti fir‑Regolament Finanzjarju36 u fil‑ftehimiet ta’ finanzjament iffirmati mal‑Istati Membri. L‑objettiv tagħhom huwa li jidentifikaw u jikkoreġu kwalunkwe stadju importanti jew mira mhux milħuqa li jsiru magħrufa biss wara li jkunu saru l‑pagamenti. Jenħtieġ li dawn l‑awditi jkunu bbażati fuq l‑informazzjoni rilevanti kollha, fuq proċeduri ċari u mfassla tajjeb u fuq valutazzjoni tar‑riskju adegwata.
57 Aħna vvalutajna jekk it‑tfassil tal‑awditi ex post tal‑Kummissjoni huwiex xieraq biex jintlaħaq dan l‑objettiv. Ma stajniex nittestjaw l‑implimentazzjoni prattika tal‑awditi ex post tal‑Kummissjoni (il‑paragrafu 21).
58 Fir‑rigward tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u l‑miri, il‑Kummissjoni twettaq awditi ex post ibbażati fuq ir‑riskju fuq stadji importanti u miri li jikkomplementaw il‑verifiki ex ante tagħha. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni twettaq awditi tas‑sistemi fuq l‑istadji importanti u l‑miri, li jiffukaw fuq il-ġbir tad‑data u r‑rappurtar dwar l‑istadji importanti u l‑miri fl‑Istati Membri.
59 L‑awditi tas‑sistemi fuq l‑istadji importanti u l‑miri għandhom l-għan li jivvalutaw il-ġestjoni tad‑data u l‑IT jew sistemi oħra biex jaħżnu, jiġbru, jaggregaw u jirrapportaw dwar l‑istadji importanti u l‑miri, kif ukoll li jivverifikaw l‑affidabbiltà tad‑data rrappurtata dwar l‑istadji importanti u l‑miri milħuqa, inkluża l‑aggregazzjoni tagħhom.
60 L‑awditi fuq l‑istadji importanti u l‑miri huma bbażati fuq ir‑riskju u jkopru l‑istadji importanti u l‑miri kollha identifikati bħala “riskju għoli” fil‑valutazzjoni tar‑riskju tal‑Kummissjoni, u, skont ir‑riżorsi disponibbli, l‑aktar għadd possibbli ta’ dawk ikklassifikati bħala “riskju medju”. Dan biex jikkonferma fuq il‑post l‑informazzjoni li l‑Istati Membri rrapportaw lill‑Kummissjoni fl‑istadju ta’ verifika ex ante.
61 Il‑Kummissjoni tagħżel l‑awtoritajiet tal‑Istati Membri, l‑istadji importanti u l‑miri li għandhom jiġu awditjati abbażi kemm ta’ valutazzjoni tar‑riskju globali, kif ukoll ta’ valutazzjoni tar‑riskju tat‑talba għall‑pagament. L-għażla inizjali tal‑Istati Membri li għandhom jiġu awditjati hija xprunata wkoll mit-tħejjija tagħhom, u mit‑twaqqit tat‑talbiet għall‑pagament ippreżentati.
62 Il‑valutazzjonijiet tar‑riskju globali huma bbażati fuq għadd ta’ fatturi, li jinkludu:
- il‑kumplessità tas‑sistemi ta’ kontroll nazzjonali;
- l‑awditi mwettqa mill‑Istati Membri;
- ir‑riskju li l‑miżuri tal‑RRP jkunu kofinanzjati minn fondi oħra tal‑UE; u
- it‑tip ta’ riċevituri finali.
63 L‑objettiv tal‑awditi fuq l‑istadji importanti u l‑miri huwa li jiġi pprovdut aċċertament addizzjonali ex post fuq l‑ilħuq sodisfaċenti tagħhom, filwaqt li l‑objettiv tal‑awditi tas‑sistemi relatati mal‑istadji importanti u l‑miri huwa li jiġi żgurat li s‑sistemi nazzjonali għall-ġbir u l-ħżin tal‑informazzjoni għar‑rappurtar dwar l‑istadji importanti u l‑miri jkunu adegwati u affidabbli.
64 Il-“Memorandum ta’ ppjanar ta’ inkjesta” tad-DĠ ECFIN jipprovdi gwida dettaljata dwar dawn l‑awditi fuq l‑istadji importanti u l‑miri u l‑awditi tas‑sistemi, kif ukoll għadd ta’ mudelli li għandhom jintużaw f’dawk l‑awditi.
65 Wara r‑rapport analitiku tagħna tad‑dokumenti tal‑ippjanar għall‑awditi ex post, aħna nqisu li dawn huma żviluppati tajjeb b’mod ġenerali f’termini ta’ ħidma u dokumentazzjoni ppjanati, iżda l‑implimentazzjoni effettiva tagħhom tista’ tiġi vvalutata biss fi stadju aktar tard. L‑ippjanar inizjali tax‑xogħol tal‑awditjar għall‑2022 u l‑2023 jindika wkoll kopertura estensiva. Ġew ippjanati awditi f’20 Stat Membru, b’20 awditu li jkopru l-ġestjoni tad‑data u s‑sistemi tal‑IT u seba’ awditi biex tiġi vverifikata l‑affidabbiltà tad‑data rrapportata.
Nuqqas ta’ gwida jżid ir‑riskju li ma jiġix identifikat it‑treġġigħ lura ta’ miżuri għal stadji importanti u miri preċedentement milħuqa
66 Biex stadju importanti jew mira li tkun intlaħqet u li jkun sar il‑pagament għaliha tkun sinifikanti u effettiva, din ma għandhiex titreġġa’ lura fi stadju aktar tard. Ir‑Regolament jieħu kont ta’ dan ir‑riskju u jipprovdi li “t‑twettiq sodisfaċenti tal‑istadji importanti u l‑miri għandu jippresupponi li l‑miżuri relatati ma’ stadji importanti u miri milħuqa preċedentement b’mod sodisfaċenti ma jkunux treġġgħu lura mill‑Istat Membru kkonċernat”37. Skont il‑ftehimiet ta’ finanzjament, jenħtieġ li t‑talba ta’ Stat Membru għall‑pagament tikkonferma li dan huwa tassew il‑każ.
67 Id‑dikjarazzjoni ta’ konferma tal‑Istati Membri hija komponent ewlieni ta’ kontroll għat‑treġġigħ lura ta’ miżuri relatati ma’ stadji importanti jew miri li jkunu ntlaħqu preċedentement. Barra minn hekk, skont il‑Kummissjoni, minħabba li l‑uffiċċji ġeografiċi kontinwament jimmonitorjaw u jkollhom diskussjonijiet mal‑awtoritajiet tal‑Istati Membri, huma jistgħu wkoll jidentifikaw stadji importanti u miri li jkunu treġġgħu lura.
68 It‑treġġigħ lura jista’ jseħħ biss ladarba stadju importanti jew mira tiġi vvalutata bħala li tkun intlaħqet b’mod sodisfaċenti u b’hekk ma tkunx tista’ tiġi vverifikata bi proċeduri ex ante. Għalhekk, ix‑xogħol ta’ rieżami fuq it‑treġġigħ lura ta’ miżuri relatati ma’ stadji importanti li jkunu ntlaħqu preċedentement jrid jitwettaq ex post.
69 Sal‑lum, il‑Kummissjoni ma żviluppat l‑ebda gwida dwar in‑natura eżatta ta’ treġġigħ lura ta’ miżura relatata ma’ stadju importanti jew mira preċedentement milħuqa, iċ-ċirkostanzi li fihom tali treġġigħ lura jitqies li seħħ jew kif is‑servizzi tal‑Kummissjoni u l‑awtoritajiet tal‑Istati Membri għandhom jimmonitorjaw dan. In‑nuqqas ta’ tali gwida jżid ir‑riskju li l‑Istati Membri u l‑Kummissjoni jistgħu ma jidentifikawx b’mod xieraq u konsistenti l‑istadji importanti u l‑miri kollha li jkunu treġġgħu lura.
70 Il‑Kummissjoni lanqas ma għadha pprovdiet gwida dwar l‑impatt tat‑treġġigħ lura ta’ miżura relatata ma’ stadju importanti jew mira preċedentement milħuqa fuq talba għall‑pagament li saret fil‑passat jew waħda kurrenti.
Il‑kontrolli tal‑Kummissjoni jistgħu jappoġġaw il‑valutazzjoni tagħha tas‑sistemi tal‑Istati Membri, iżda l‑proċeduri għar‑rappurtar dwar il‑frodi u l‑korrezzjoni tad‑dgħufijiet għandhom limitazzjonijiet
L‑awditi ppjanati tal‑Kummissjoni jistgħu jippermettu l‑valutazzjoni tas‑sistemi ta’ kontroll tal‑Istati Membri relatati mal‑frodi, il‑korruzzjoni, il‑kunflitt ta’ interess u l‑finanzjament doppju
71 Il‑protezzjoni tal‑interess finanzjarju tal‑Unjoni tfisser li l‑implimentazzjoni tal‑RRF trid tikkonforma mad‑dritt applikabbli tal‑Unjoni u dak nazzjonali, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑prevenzjoni, l‑identifikazzjoni u r‑rettifika tal‑frodi, tal‑korruzzjoni u tal‑kunflitt ta’ interess. Dan japplika wkoll għar‑riskju ta’ finanzjament doppju.
72 Il‑Kummissjoni tirreferi għar‑rwol tagħha fil‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑UE bħala dak li jkollha r‑responsabbiltà residwa, li tillimita ruħha li tiżgura li l‑Istati Membri jkollhom sistemi adegwati fis‑seħħ, u li tintervjeni fejn l‑Istati Membri jonqsu milli jissodisfaw l‑obbligi ta’ kontroll tagħhom fir‑rigward tal‑prevenzjoni, l‑identifikazzjoni u l‑korrezzjoni tal‑frodi, tal‑korruzzjoni, u tal‑kunflitt ta’ interess, kif ukoll tal‑finanzjament doppju (il‑paragrafu 33).
73 L‑awditi li l‑Kummissjoni ppjanat, jirriflettu din il‑limitazzjoni u se jiffokaw fuq is‑sistemi ta’ kontroll tal‑Istati Membri għall‑prevenzjoni, l‑identifikazzjoni u r‑rettifika tal‑frodi, il‑korruzzjoni, il‑kunflitt ta’ interess u l‑finanzjament doppju. Jenħtieġ li dawn l‑awditi jkunu bbażati fuq l‑informazzjoni rilevanti kollha, fuq proċeduri ċari u mfassla tajjeb u fuq valutazzjoni tar‑riskju adegwata. Aħna rrieżaminajna l‑proċedura u d‑dokumenti tal‑ippjanar tal‑Kummissjoni għal dawn l‑awditi.
74 Il‑Kummissjoni ddefiniet ix‑xogħol tal‑awditjar tagħha relatat mal‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni fl‑istrateġija tal‑awditjar tagħha.
75 L‑istrateġija tal‑awditjar għall‑RRF tipprevedi li l‑Kummissjoni għandha twettaq mill‑inqas awditu wieħed separat ta’ sistema għal kull Stat Membru matul l‑implimentazzjoni tal‑RRF. L‑objettiv ta’ dawn l‑awditi huwa li jipprovdu lill‑Kummissjoni b’assigurazzjoni li s‑sistemi ta’ kontroll tal‑Istati Membri jistgħu jipprevjenu, jidentifikaw u jirrettifikaw każijiet ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess, u finanzjament doppju. Skont l‑ippjanar inizjali tax‑xogħol tal‑awditjar għall‑2022 u l‑2023, ġew ippjanati 21 awditu dwar il‑protezzjoni tal‑interess finanzjarju tal‑UE.
76 Permezz tal‑awditi tas‑sistemi li jittrattaw il‑frodi, il‑korruzzjoni, il‑kunflitti ta’ interess, u l‑finanzjament doppju l‑Kummissjoni jaf tkun tista’ tivvaluta s‑sistemi li għandhom fis‑seħħ għal dan il-għan l‑Istati Membri, iżda l‑effettività ta’ dawn l‑awditi tista’ tiġi vvalutata biss fi stadju ulterjuri. Barra minn hekk, aħna sibna limitazzjonijiet li jaffettwaw l‑elementi individwali tas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni li dwarhom nirrapportaw fil‑paragrafi li ġejjin.
Informazzjoni limitata dwar l‑awditi tal‑Istati Membri tista’ taffettwa l‑valur miżjud tad‑dikjarazzjonijiet u s‑sommarji ta’ ġestjoni tagħhom
77 Talba għall‑pagament ta’ Stat Membru trid tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni ta’ ġestjoni li tkun appoġġata minn sommarju tal‑awditi mwettqa fil‑livell nazzjonali (il‑paragrafu 10), li d-DĠ ECFIN jirrieżamina biex jidentifika informazzjoni li tista’ tkun rilevanti għall‑verifikiex ante tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri jew għall‑awditi tiegħu. Id‑dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni tal‑Istati Membri huma meħtieġa biex jipprovdu assigurazzjoni li l‑fondi jkunu ġew ġestiti f’konformità mar‑regoli applikabbli kollha tal‑UE u dawk nazzjonali, b’mod partikolari dawk dwar l‑evitar ta’ kunflitti ta’ interess, il‑prevenzjoni tal‑frodi, u l‑korruzzjoni. L‑Istati Membri jeħtieġ ukoll li jikkonfermaw li l‑irregolaritajiet identifikati matul l‑awditi tagħhom ikunu ġew ikkoreġuti kif xieraq, u l‑fondi jkunu ġew irkuprati kif xieraq mir‑riċevituri finali. Il‑Kummissjoni tirrieżamina dawn id‑dokumenti biex tivverifika jekk ġewx identifikati xi dgħufijiet fis‑sistemi jew każijiet individwali ta’ frodi, korruzzjoni jew kunflitt ta’ interess, u jekk itteħditx azzjoni korrettiva biex jiġu protetti l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni. Fil‑każ tal‑ewwel talbiet għall‑pagament, tivverifika wkoll jekk l‑istadji importanti tal‑kontroll u tal‑awditjar miżjuda matul il‑valutazzjoni tal‑RRP intlaħqux.
78 Il‑valur miżjud tad‑dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni u s‑sommarji tal‑awditi jiddependi fuq l‑ambitu u l‑kwalità tax‑xogħol tal‑awditjar tal‑awtoritajiet nazzjonali. Il‑Kummissjoni ħarġet “Guidance to Member States for the preparation of the summary of audits under the Recovery and Resilience Facility”, li tiddefinixxi t‑tip ta’ informazzjoni li s‑sommarji huma mistennija li jinkludu, u tispjega t‑tipi ta’ awditi li l‑awtoritajiet tal‑Istati Membri huma mistennija jwettqu. Aħna nosservaw li ma hemm l‑ebda gwida preċiża dwar il‑kopertura u t‑tfassil ta’ tali awditi, peress li r‑Regolament ma jipprovdi l‑ebda bażi legali f’dan ir‑rigward.
79 Fir‑rigward tal‑erba’ talbiet għall‑pagament riċevuti fl‑2021, il‑Kummissjoni osservat li minħabba l‑perjodu qasir ta’ żmien bejn l‑approvazzjoni tal‑pjanijiet u s‑sottomissjoni ta’ dawn it‑talbiet għall‑pagament, l‑ambitu tax‑xogħol tal‑awditjar imwettaq mill‑awtoritajiet nazzjonali kien ġeneralment limitat38. L‑informazzjoni tal‑Kummissjoni dwar il‑kwalità tax‑xogħol tal‑awditjar li tappoġġa s‑sommarju tal‑awditi u liema elementi tal‑RRF se jiffukaw fuqhom l‑awditi tal‑Istati Membri matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal‑RRF hija bbażata fuq skambji mal‑awtoritajiet tal‑awditjar nazzjonali u l‑valutazzjoni tal‑Kummissjoni tal‑istrateġiji tal‑awditjar nazzjonali. II-Kummissjoni infurmatna li kienet qed tippjana li tieħu l-aċċertament mir‑riżultati nazzjonali tal‑awditjar biss jekk l‑affidabbiltà tagħhom kienet ġiet ikkonfermata mix‑xogħol tal‑awditjar tal‑Kummissjoni.
Ir‑rappurtar dwar il‑frodi u l‑linji gwida dwar il‑korrezzjoni ta’ dgħufijiet fis‑sistemi tal‑Istati Membri mhumiex żviluppati bis-sħiħ
Ir‑rappurtar dwar il‑frodi ma għandux approċċ ċentralizzat u standardizzat
80 Fir‑rigward tal‑fondi ta’ Koeżjoni, l‑awtoritajiet tal‑Istati Membri huma obbligati jirrappurtaw kwalunkwe irregolarità frawdolenti u mhux frawdolenti identifikata fis‑Sistema ta’ Ġestjoni tal‑Irregolaritajiet (IMS) lill‑Kummissjoni. Il‑Kummissjoni tuża din l‑informazzjoni tal‑IMS bħala wieħed mill‑elementi biex tinforma l‑valutazzjoni tar‑riskju ta’ frodi u l‑istrateġija kontra l‑frodi tagħha, li huma elementi importanti fl‑immirar tal‑awditi u l‑kontrolli tagħha. B’kuntrast mal‑obbligu tal‑Istati Membri li jirrappurtaw dwar l‑implimentazzjoni tal-“Koeżjoni”, l‑obbligu li jiġu rrappurtati irregolaritajiet frawdolenti u rregolaritajiet mhux frawdolenti li jkunu ġew identifikati fl‑implimentazzjoni tal‑RRF, lill‑Kummissjoni, jipprevedi r‑rappurtar fid‑dikjarazzjoni tal-ġestjoni, iżda ma jeħtieġx l-użu ta’ sistema tal‑IT integrata.
81 L‑Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw fid‑dikjarazzjoni ta’ ġestjoni kwalunkwe każ ta’ frodi, korruzzjoni u kunflitt ta’ interess identifikat (u l‑azzjoni ta’ rimedju meħuda). B’kuntrast mas‑sistema tal‑IMS, ma huwiex ċar f’liema punt jenħtieġ li tiġi rrapportata l‑identifikazzjoni ta’ każ ta’ frodi, jekk hemmx limitu ta’ rappurtar, u liema informazzjoni standard għandha tiġi rrapportata għal kull każ u dwar il‑miżuri ta’ rimedju meħuda. In‑nuqqas ta’ informazzjoni ċentralizzata u standardizzata fil‑livell tal‑Kummissjoni dwar każijiet suspettati ta’ frodi, kunflitti ta’ interess u korruzzjoni identifikati mill‑awtoritajiet tal‑Istati Membri jagħmilha diffiċli li titwettaq valutazzjoni xierqa tar‑riskju ta’ frodi, li huwa kruċjali biex jiġu mmirati b’mod effettiv l‑awditi ex post dwar il‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni.
82 Flimkien mal‑Istati Membri, il‑Kummissjoni hija obbligata tirrapporta kull sena lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill dwar miżuri meħuda biex jiġu miġġielda l‑frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l‑interessi finanzjarji tal‑UE (ir‑rapport PIF). Element ewlieni ta’ dan ir‑rapport huwa l‑informazzjoni u d‑data annwali dwar il‑frodi u l‑irregolaritajiet li jaffettwaw l‑infiq tal‑UE. Fin‑nuqqas ta’ informazzjoni ċentralizzata u standardizzata fil‑livell tal‑Kummissjoni dwar il‑frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il‑pagamenti tal‑RRF, hemm riskju li r‑rapport annwali PIF tal‑Kummissjoni se jipprovdi stampa mhux kompluta.
Il‑kontropartijiet mhux affidabbli attwalment la jiġu rrappurtati u lanqas esklużi
83 Attwalment l‑Istati Membri mhumiex obbligati jużaw is‑Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (IDES) tal‑Kummissjoni għal miżuri taħt l‑RRF. Dan ifisser li waħda mill-għodod disponibbli għall‑protezzjoni tal‑interessi finanzjari tal‑Unjoni mhijiex applikabbli għall‑RRF.
84 Fl‑opinjoni tagħna dwar ir‑riformulazzjoni proposta tar‑Regolament Finanzjarju, aħna nilqgħu għalhekk il‑proposta tal‑Kummissjoni biex jiġi żgurat li japplikaw arranġamenti adegwati ta’ esklużjoni għal programmi ta’ nfiq taħt ġestjoni diretta, bħall‑RRF, fejn l‑Istati Membri huma l‑benefiċjarji39. Iċ-ċavetta għall‑operazzjoni effettiva tal‑EDES se tkun id‑disponibbiltà u l‑affidabbiltà tal‑informazzjoni dwar kontropartijiet potenzjalment mhux affidabbli.
Ma tfasslet l‑ebda gwida interna rigward il‑korrezzjonijiet
85 Ir‑Regolament jagħti lill‑Kummissjoni d‑dritt li tintervjeni fejn issib li sistema ta’ Stat Membru ma tipproteġix b’mod adegwat l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni. Dan jipprevedi “li tnaqqas b’mod proporzjonat l‑appoġġ fl‑ambitu tal‑Faċilità u li tirkupra kwalunkwe ammont dovut lill‑baġit tal‑Unjoni jew li titlob ripagament bikri tas‑self, f’każijiet ta’ frodi, korruzzjoni, u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni li ma jkunux ġew irrettifikati mill‑Istat Membru, jew ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta minn tali ftehimiet”40.
86 L‑istess artikolu jipprevedi wkoll li “Meta tkun qed tiddeċiedi dwar l‑ammont tal‑irkupru u t‑tnaqqis, jew dwar l‑ammont li għandu jitħallas lura kmieni, il‑Kummissjoni għandha tirrispetta l‑prinċipju tal‑proporzjonalità u għandha tqis is‑serjetà tal‑frodi, tal‑korruzzjoni u tal‑kunflitt ta’ interess li jaffettwaw l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni, jew tal‑ksur ta’ obbligu”.
87 Filwaqt li hemm dispożizzjonijiet ġenerali għall‑korrezzjonijiet b’rata fissa fil‑ftehimiet ta’ finanzjament, il‑Kummissjoni għadha ma żviluppatx gwida interna dwar l‑applikazzjoni ta’ dawn ir‑rati fissi. Bħala eżempju, aħna nirreferu għal-“Linji Gwida dwar il‑kalkolu tal‑korrezzjonijiet finanzjarji fil‑qafas tal‑proċeduri tal‑approvazzjoni tal‑konformità u finanzjarja tal‑kontijiet”.
88 In‑nuqqas ta’ gwida interna dwar l‑applikazzjoni ta’ dawn ir‑rati fissi jnaqqas it‑trasparenza u ma jiżgurax il‑konsistenza tal‑arranġamenti tal‑RRF vis-a-vis l‑Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra41.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
89 L‑RRF huwa mudell ġdid tal‑implimentazzjoni fejn il‑pagament tal‑Kummissjoni lill‑Istat Membru huwa bbażat fuq l‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri. Aħna nikkonkludu li, fi żmien relattivament qasir, il‑Kummissjoni fasslet sistema ta’ kontroll li tinkludi sett ta’ verifiki ex ante estensivi u li tikkomplementa l‑awditi fuq il‑post biex tivvaluta jekk l‑istadji importanti u l‑miri intlaħqux b’mod sodisfaċenti. Madankollu, dik is‑sistema ta’ kontroll tipprovdi informazzjoni vverifikata limitata fil‑livell tal‑UE li l‑proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF jikkonformaw mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali. In‑nuqqas ta’ tali informazzjoni jħalli impatt fuq l-aċċertament li l‑Kummissjoni tista’ tipprovdi dwar il‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni u jirriżulta f’nuqqas fl‑obbligu ta’ rendikont fil‑livell tal‑UE.
90 Aħna sibna li l‑verifiki ex ante li twettaq il‑Kummissjoni biex tivvaluta jekk intlaħqux l‑istadji importanti u l‑miri huma estensivi. Kif inhuwa rrappurtat fil‑Kapitolu 10 tar-Rapport Annwali 2021, aħna identifikajna limitazzjonijiet fid‑dokumentazzjoni tal‑valutazzjoni tal‑Kummissjoni u li għad ma hemmx disponibbli metodu għas‑sospensjoni jew it‑tnaqqis (parzjali) tal‑pagament, li dwaru għamilna r‑Rakkomandazzjonijiet 10.1 u 10.2 relatati. Osservajna wkoll li d‑definizzjoni u d‑dokumentazzjoni tal‑ambitu u tal‑objettivi tal‑istadji differenti tal‑valutazzjoni preliminari jistgħu jkunu aħjar, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑konsultazzjoni teknika ma’ DĠ u servizzi oħra (il‑paragrafi 40 sa 55).
Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal‑proċeduri għal verifiki ex ante
Filwaqt li tibni fuq l‑esperjenza li kisbet sa issa, jenħtieġ li l‑Kummissjoni tiżviluppa aktar il‑proċeduri, li jiżguraw dokumentazzjoni adegwata tal‑valutazzjoni tagħha u jiċċaraw ir‑rwol u l‑ambitu tal‑konsultazzjoni teknika ma’ DĠ u servizzi oħra.
Data mmirata għall‑implimentazzjoni: 2023
91 Il‑Kummissjoni ppjanat awditi ex post estensivi tal‑ilħuq tal‑istadji importanti u tal‑miri. L‑ippjanar tax‑xogħol tal‑awditjar għall‑2022 jindika wkoll kopertura estensiva tal‑Istati Membri. Madankollu, l‑adegwatezza tal‑awditi ex post ippjanati tista’ tiġi vvalutata biss fil‑futur (il‑paragrafi 56 sa 65).
92 L‑implimentazzjoni b’suċċess tal‑RRF hija kontinġenti fuq li jintlaħqu l‑istadji importanti jew il‑miri, u li sussegwentement ma jitreġġgħux lura. Aħna nosservaw li fil‑preżent ma hemm l‑ebda gwida li tiżgura fehim konsistenti dwar x’jikkostitwixxi treġġigħ lura ta’ miżura relatata ma’ stadju importanti jew mira preċedentement milħuqa, kif jiġi mmitigat ir‑riskju ta’ tali treġġigħ lura, u kif dan ikollu impatt fuq il‑pagamenti tal‑passat u dawk attwali (il‑paragrafi 66 sa 70).
Rakkomandazzjoni 2 – Tfassil ta’ gwida dwar it‑treġġigħ lura ta’ miżura relatata ma’ stadju importanti jew mira preċedentement milħuqa
Jenħtieġ li l‑Kummissjoni tiżviluppa gwida u proċeduri li jindirizzaw it‑treġġigħ lura ta’ miżura relatata ma’ stadju importanti u mira preċedentement milħuqa biex tiżgura interpretazzjoni u implimentazzjoni konsistenti tagħha.
Data mmirata għall‑implimentazzjoni: 2023
93 Il‑Kummissjoni żviluppat dokumenti ta’ ppjanar għall‑awditi tas‑sistemi li permezz tagħhom għandha l-għan li tkopri kull sistema ta’ kontroll tal‑Istati Membri biex tipproteġi l‑interess finanzjarju tal‑Unjoni (il‑paragrafi 71 sa 76). Madankollu, aħna nosservaw li dawn l‑awditi se jkopru biss is‑sistemi tal‑Istati Membri relatati mal‑frodi, il‑korruzzjoni, il‑kunflitt ta’ interess u l‑finanzjament doppju. B’konsegwenza ta’ dan, hemm informazzjoni vverifikata limitata fil‑livell tal‑UE dwar il‑konformità tal‑proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali. In‑nuqqas ta’ tali informazzjoni jħalli impatt fuq l‑assigurazzjoni li l‑Kummissjoni tista’ tipprovdi fil‑livell tal‑UE. Ir‑responsabbiltà li tassumi l‑Kummissjoni f’termini tal‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni hija riflessa fid‑dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni fir‑Rapport Annwali tal‑Attività tad-DĠ ECFIN. Hija ma tmurx lil hinn mill-iżgurar li l‑Kummissjoni tirkupra kwalunkwe ammont dovut f’każ ta’ frodi, korruzzjoni u kunflitt ta’ interess, fejn l‑Istat Membru jkun naqas milli jagħmel hekk jew fil‑każ ta’ ksur serju stabbilit tal‑ftehim ta’ finanzjament (il‑paragrafi 28 sa 36).
Rakkomandazzjoni 3 – Indirizzar tan‑nuqqas fl-aċċertament fil‑livell tal‑UE dwar il‑konformità mar‑regoli tal‑UE u ma’ dawk nazzjonali
Jenħtieġ li l‑Kummissjoni tidentifika l‑miżuri meħtieġa biex tindirizza n‑nuqqas fl-aċċertament fil‑livell tal‑UE fir‑rigward tal‑konformità tal‑proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill‑RRF mar‑regoli tal‑UE u ma’dawk nazzjonali.
Data mmirata għall‑implimentazzjoni: 2023
94 Aħna nqisu li l‑valur reali tad‑dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni u s‑sommarji tal‑awditi tal‑Istati Membri se jiddependi l‑aktar fuq l‑ambitu u l‑kwalità ta’ dawn l‑awditi u nosservaw li ma hemm l‑ebda gwida preċiża dwar il‑kopertura u t‑tfassil ta’ tali awditi. L‑ambitu tax‑xogħol tal‑awditjar imwettaq mill‑awtoritajiet nazzjonali fl‑ewwel sena kien, b’mod ġenerali, limitat. L‑informazzjoni tal‑Kummissjoni dwar il‑kwalità tax‑xogħol tal‑awditjar hija bbażata fuq skambji ma’ awtoritajiet nazzjonali tal‑awditjar u fuq il‑valutazzjonijiet tagħhom tal‑istrateġiji nazzjonali tal‑awditjar tagħhom (il‑paragrafi 77 sa 79).
95 Fir‑rigward tar‑rappurtar dwar il‑frodi relatata mal‑RRF (il‑paragrafi 80 sa 84), aħna osservajna dan li ġej:
- In‑nuqqas ta’ informazzjoni ċentralizzata u standardizzata dwar il‑frodi rreġistrata fis‑Sistema ta’ Ġestjoni tal‑Irregolaritajiet ifisser li d‑data disponibbli biex tappoġġa l‑awditi tas‑sistemi tal‑ippjanar u tal‑immirar ma hijiex kompluta.
- Attwalment, kontropartijiet mhux affidabbli (riċevituri finali) la huma rrapportati fis‑Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni, u lanqas ma huma esklużi milli jirċievu finanzjament mill‑UE. Madankollu, l‑emendi proposti għad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Finanzjarju (riformulazzjoni) jipprevedu dan.
Rakkomandazzjoni 4 – Allinjament tar‑rappurtar dwar il‑frodi relatata mal‑RRF
Jenħtieġ li l‑Kummissjoni tallinja r‑rappurtar dwar il‑frodi relatat mal‑RRF u tirreġistra każijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħra relatati mal‑RRF fis‑Sistema ta’ Ġestjoni tal‑Irregolaritajiet.
Data mmirata għall‑implimentazzjoni: 2023
96 Il‑ftehimiet ta’ finanzjament iffirmati mal‑Istati Membri jipprevedu livelli differenti ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa f’każ li l‑Kummissjoni ssib defiċjenza fis‑sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi ksur serju tal‑obbligu tiegħu li jipproteġi l‑interess finanzjarju tal‑Unjoni kif stabbilit fil‑ftehim ta’ finanzjament. Madankollu, id‑definizzjonijiet attwali tal‑livelli differenti ma jappoġġawx b’mod suffiċjenti applikazzjoni konsistenti ta’ dawn ir‑rati fissi (il‑paragrafi 85 sa 88).
Rakkomandazzjoni 5 – Żvilupp ta’ gwida interna dwar il‑korrezzjonijiet
Jenħtieġ li l‑Kummissjoni tiżviluppa gwida interna dwar l‑applikazzjoni tal‑korrezzjonijiet b’rata fissa stabbiliti fil‑ftehimiet ta’ finanzjament fir‑rigward ta’ dgħufijiet fis‑sistemi ta’ kontroll tal‑Istati Membri għall‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni.
Data mmirata għall‑implimentazzjoni: 2023
Dan ir‑Rapport ġie adottat mill‑Awla V, immexxija mis‑Sur Jan Gregor, Membru tal‑Qorti tal‑Awdituri, fil‑Lussemburgu fil‑laqgħa tagħha tal‑15 ta’ Frar 2023.
Għall‑Qorti tal‑Awdituri

Tony Murphy
Il‑President
Abbrevjazzjonijiet
DĠ ECFIN: Id‑Direttorat Ġenerali għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
DĠ EMPL: Id‑Direttorat Ġenerali tal‑Impjiegi, l‑Affarijiet Soċjali u l‑Inklużjoni
DĠ: Direttorat Ġenerali
DNSH: “la tagħmilx ħsara sinifikanti”
EDES: Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni
IMS: Sistema ta’ Ġestjoni tal‑Irregolaritajiet
KEF: Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju
NGEU: NextGenerationEU
PIF: Protezzjoni tal‑interessi finanzjarji
RRF: Il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza
RRP: Pjanijiet għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza
SĠ RECOVER: Task Force għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza fi ħdan is‑Segretarjat Ġenerali tal‑Kummissjoni
Glossarju
EDES: Is‑sistema stabbilita mill‑Kummissjoni biex issaħħaħ il‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni u biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba. L-għan tal‑EDES huwa l‑protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni kontra persuni u entitajiet mhux affidabbli li japplikaw għall‑fondi tal‑UE jew li jkunu kkonkludew impenji legali mal‑Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal‑Unjoni.
Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza: Il‑mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju tal‑UE biex jiġi mmitigat l‑impatt ekonomiku u soċjali tal‑pandemija tal‑COVID‑19 u tat‑trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.
Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju: Kumitat tal‑Unjoni Ewropea stabbilit biex jippromwovi l‑koordinazzjoni tal‑politika fost l‑Istati Membri.
NextGenerationEU: Pakkett ta’ finanzjament biex jgħin lill‑Istati Membri tal‑UE jirkupraw mill‑impatt ekonomiku u soċjali tal‑pandemija tal‑COVID‑19.
Pjan għall‑irkupru u r‑reżiljenza: Dokument li jistipula r‑riformi u l‑investimenti intenzjonati tal‑Istat Membru taħt il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza.
Sistema ta’ ġestjoni tal‑irregolaritajiet: Applikazzjoni li l‑Istati Membri jużaw biex jirrapportaw l‑irregolaritajiet, inkluża l‑frodi suspettata, lill‑OLAF.
Risposti tal‑Kummissjoni
Tim tal‑awditjar
Ir‑rapporti speċjali tal‑QEA jippreżentaw ir‑riżultati tal‑awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal‑UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il‑QEA tagħżel u tfassal dawn il‑kompiti tal‑awditjar biex timmassimizza l‑impatt tagħhom billi tqis ir‑riskji għall‑prestazzjoni jew għall‑konformità, il‑livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l‑interess politiku u pubbliku.
Dan l‑awditu tal‑prestazzjoni twettaq mill‑Awla V tal‑Awditjar Finanzjament u amministrazzjoni tal‑UE, li hija mmexxija minn Jan Gregor, Membru tal‑QEA. L‑awditu tmexxa minn Tony Murphy, Membru tal‑QEA, li ngħata appoġġ minn Wolfgang Stolz, Kap tal‑Kabinett, Brian Murphy u Peter Borsos, Attachés tal‑Kabinett; Judit Oroszki, Maniġer Prinċipali; Gediminas Macys, Kap tal‑Kompitu; Kristina Kosor u Raymond Larkin, Awdituri. Valérie Tempez ipprovdiet l‑assistenza segretarjali.

Mix‑xellug għal‑lemin: Peter Borsos, Judit Oroszki, Kristina Kosor, Tony Murphy, Brian Murphy, Gediminas Macys, Wolfgang Stolz, Raymond Larkin, Valérie Tempez.
Noti finali
1 L‑Artikolu 8 u l‑Artikolu 22(1) tar-Regolament.
2 L‑Artikolu 24(3) tar-Regolament.
3 L‑Artikolu 22(1) tar-Regolament.
4 L‑Artikolu 22(5) tar-Regolament.
5 L‑Artikolu 18(4) tar-Regolament għas‑sett sħiħ ta’ kundizzjonijiet li l‑RRPs iridu jissodisfaw.
6 L‑Artikolu 24 tar-Regolament.
7 L‑Artikolu 22(2)(c) tar-Regolament.
8 Idem.
9 L‑Artikolu 24(3) tar-Regolament.
10 Rapport Speċjali 21/2022: Il‑valutazzjoni mill‑Kummissjoni tal‑pjanijiet nazzjonali għall‑irkupru u r‑reżiljenza – inġenerali xierqa iżda fadal riskji fl‑implimentazzjoni.
11 Opinjoni 06/2020 dwar il‑proposta għal regolament tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza.
12 Ir-Rapport Speċjali 21/2022.
13 Rapport Annwali 2021 dwar l‑implimentazzjoni tal‑baġit tal‑UE għas‑sena finanzjarja 2021, il‑Kapitolu 10 – Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza.
14 Ir-Rapport Analitiku 01/2023: Finanzjament mill‑UE permezz tal‑politika ta’ koeżjoni u l‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza: Analiżi komparattiva.
15 Il‑Kapitolu 10 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
16 Ir-Rapport Speċjali 21/2022.
17 Ir‑RAA 2021 tad-DĠ ECFIN, l‑Anness XIV.
18 L‑Artikolu 24(5) tar-Regolament.
19 L‑Artikolu 5 tar-Regolament.
20 L‑Artikolu 24 tar-Regolament.
21 Il‑paragrafi 56‑61 tar-Rapport Speċjali 21/2022.
22 Il‑paragrafu VIII tar-Rapport Speċjali 21/2022.
23https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=63246
24 L‑Artikolu 22(1) u l‑premessa 54 tar-Regolament.
25 Ir‑RAA 2021 tad-DĠ ECFIN, p. 52.
26 L‑istrateġija tal‑awditjar tal‑Kummissjoni għall‑RRF, p. 3.
27 Il‑Figura 1.8 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
28 L‑Artikolu 24(3) tar‑Regolament.
29 L‑Artikolu 24(3) tar‑Regolament.
30 L‑Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir‑regoli finanzjarji applikabbli għall‑baġit ġenerali tal‑Unjoni.
31 Anness tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal‑Kunsill.
32 Il‑paragrafi 10.24-10.26 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
33 Il‑paragrafu 73 tar-Rapport Speċjali 21/2022 tagħna.
34 L‑Artikolu 24(6) tar-Regolament.
35 Il‑paragrafu 10.28 tar-Rapport Annwali 2021 tagħna.
36 L‑Artikolu 74(6) tar-Regolament Finanzjarju.
37 L‑Artikolu 24(3) tar-Regolament.
38 Ir‑RAA 2021 tad-DĠ ECFIN, p. 60
39 Opinjoni 06/2022 (skont l‑Artikolu 322(1), TFUE) dwar il‑proposta għal Regolament tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar ir‑regoli finanzjarji applikabbli għall‑baġit ġenerali tal‑Unjoni (riformulazzjoni).
40 L‑Artikolu 22(5) tar-Regolament.
41 https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=63246
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: www.eca.europa.eu/mt/contact
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023
ISBN 978-92-847-9627-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/5644 | QJ-AB-23-008-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-9586-4 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/750007 | QJ-AB-23-008-MT-Q |
DRITT TAL‑AWTUR
© L‑Unjoni Ewropea, 2023
Il‑politika tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6‑2019 tal‑QEA dwar il‑politika tad‑data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id‑drittijiet tal‑awtur), il‑kontenut tad‑dokumenti tal‑QEA li jkun proprjetà tal‑UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il‑kontenut tad‑dokumenti tal‑QEA ma jistgħux ibiddlu s‑sinifikat jew il‑messaġġ oriġinali. Il‑QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il‑membri tal‑persunal tal‑QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l‑permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal‑UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il‑permess direttament mingħand id‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur:
Figuri 2 – Ikoni: il‑figuri tfasslu bl-użu ta’ riżorsi minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id‑drittijiet kollha huma riżervati.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid‑drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill‑politika tal‑QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il‑familja ta’ siti web istituzzjonali tal‑Unjoni Ewropea, fi ħdan id‑dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l‑QEA ma għandha l‑ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ tirrieżamina l‑politiki tagħhom dwar il‑privatezza u dwar id‑drittijiet tal‑awtur.
Użu tal‑logo tal‑QEA
Ma jistax isir użu mil‑logo tal‑QEA mingħajr ma jinkiseb il‑kunsens tagħha minn qabel.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.