Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Kelmtejn dwar l-“Awditu tal-UE fil-qosor 2020”
L-“Awditu tal-UE fil-qosor 2020” jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-Rapporti Annwali 2020 tagħna dwar il-baġit ġenerali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fejn aħna nippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li għamilna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Huwa jiddeskrivi wkoll is-sejbiet ewlenin tagħna rigward id-dħul u l-oqsma prinċipali ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll is-sejbiet relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna.
It-testi sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq is-sit web eca.europa.eu.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, niġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.
Daħla tal-President

Ir-rapport annwali tagħna għas-sena finanzjarja 2020, li hija ta’ qabel tal-aħħar fil-perjodu għall-2014-2020, ġie ffinalizzat matul żminijiet diffiċli kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri tagħha. Aħna, bħala l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea, għamilna dak kollu li stajna biex inkomplu nipprovdu servizz tal-awditjar pubbliku fl-UE minkejja l-problemi operazzjonali partikolari li rriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19.
Bħal fi snin preċedenti, aħna nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Aħna nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2020. Id-dħul għall-2020 kien legali u regolari, u kien ħieles minn żball materjali.
Għall-2020, l-istima tagħna għar-rata ta’ żball kumplessiva fl-infiq awditjat hija ta’ 2.7 % (2019: 2.7 %).
Fir-rigward tal-oqsma sinifikanti ta’ nfiq tal-UE li għalihom aħna nipprovdu valutazzjoni speċifika, il-livell ta’ żball huwa materjali għal “Koeżjoni” u “Kompetittività”. Għal “Riżorsi naturali”, aħna nsibu li l-livell ta’ żball stmat huwa qrib is-soll ta’ materjalità (2.0 %), fejn ir-riżultati tagħna jindikaw li l-livell ta’ żball ma kienx materjali għall-pagamenti diretti, li jirrappreżentaw 69 % tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP, u li, meħud fl-intier tiegħu, kien materjali għall-oqsma ta’ nfiq li konna identifikajna bħala li huma ta’ riskju ogħla (l-iżvilupp rurali, il-miżuri tas-suq, is-sajd, l-ambjent u l-azzjoni klimatika). Il-livell ta’ żball huwa taħt is-soll ta’ materjalità f’“Amministrazzjoni”.
Għal bosta snin, aħna awditjajna d-dħul u l-infiq tal-UE billi għamilna distinzjoni bejn dawk l-oqsma tal-baġit fejn inqisu li r-riskju għal-legalità u r-regolarità huwa għoli, u dawk fejn inqisu li r-riskju huwa baxx. Dovut għall-mod kif il-baġit tal-UE huwa kompost u kif dan jevolvi matul iż-żmien, il-proporzjon ta’ nfiq b’riskju għoli fil-popolazzjoni li awditjajna kompla jiżdied meta mqabbel mas-snin preċedenti u jirrappreżenta madwar 59 % tal-popolazzjoni li awditjajna fl-2020 (2019: 53 %). Aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’dan it-tip ta’ nfiq huwa ta’ 4,0 % (2019: 4.9 %). F’dan l-isfond, aħna ħriġna opinjoni avversa dwar l-infiq.
Il-livell ta’ żball stmat għall-infiq b’riskju baxx (li kien jirrappreżenta l-41 % li kien jifdal (2019: 47 %)) tal-popolazzjoni li awditjajna kien taħt is-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 %.
L-UE se tonfoq sinifikattivament aktar milli nefqet fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. Matul is-seba’ snin li ġejjin, l-Unjoni se tkun tista’ tonfoq EUR 1.8 triljun. Dan jinkludi l-ammont ta' EUR 750 biljun għall-istrument għall-irkupru, l-inizjattiva “Next Generation EU”, bħala r-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19, minbarra QFP 2021-2027 rivedut b’valur ta’ EUR 1.1 triljun. Is-27 Stat Membru qablu wkoll li jiffinanzjaw parzjalment dan il-programm għall-irkupru permezz tal-ħruġ ta’ dejn pubbliku. Għalhekk, dawn id-deċiżjonijiet jimmarkaw bidla verament storika fil-finanzi tal-UE.
Għaldaqstant, il-ġestjoni tal-finanzi tal-UE b’mod tajjeb u effettiv se ssir saħansitra aktar importanti. Dan jinvolvi responsabbiltà akbar kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, iżda wkoll għalina fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
F’dan l-isfond, aħna ħejjejna strateġija ġdida għall-perjodu 2021-2025. F’Jannar 2021, qbilna dwar tliet għanijiet strateġiċi li se jiggwidaw l-isforzi tagħna fl-awditjar tal-finanzi tal-UE fis-snin li ġejjin, notevolment biex nipprovdu aċċertament qawwi tal-awditjar, f’ambjent diffiċli u li qed jinbidel. Għaldaqstant, fis-snin li ġejjin, se nkomplu nikkontribwixxu b’mod attiv għall-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza għall-forom kollha ta’ finanzi tal-UE, inkluż l-istrument “Next Generation EU”.

Klaus-Heiner LEHNE
Il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Riżultati kumplessivi
Sejbiet ewlenin
Sommarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2020
Aħna nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2020.
Id-dħul għall-2020 kien legali u regolari, u kien ħieles minn żball materjali.
L-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq għas-sena finanzjarja 2020 hija avversa.
- B’mod kumplessiv, il-livell ta’ żball stmat fl-infiq mill-baġit tal-UE għall-2020 kien materjali u baqa’ f’rata ta’ 2.7 % (2019: 2.7 %).
- Għall-infiq b’riskju għoli (prinċipalment ibbażat fuq rimborżi), fejn il-benefiċjarji spiss ikollhom isegwu regoli kumplessi meta jippreżentaw talbiet għal spejjeż li jkunu ġarrbu, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 4.0 % (2019: 4.9 %). Il-proporzjon ta’ nfiq b’riskju għoli fil-popolazzjoni li awditjajna kompla jiżdied, dovut l-aktar għal żieda ulterjuri fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni (EUR 20 biljun) u kien sostanzjali fil-livell ta’ 59 % (2019: 53 %). Bħal fl-2019, l-iżball huwa pervażiv u qed nerġgħu noħorġu opinjoni avversa dwar l-infiq.
- Fis-seba’ sena, dik finali tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, l-impenji pendenti komplew jiżdiedu u kienu laħqu EUR 303.2 biljun sa tmiem l-2020. B’mod partikolari, l-użu jew l-“assorbiment” tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) mill-Istati Membri baqa’ għaddej aktar bil-mod milli kien ippjanat. Mill-ammont totali ta’ fondi FSIE impenjati, għad iridu jiġu assorbiti 45 % (EUR 209 biljun).
- Il-pandemija tal-COVID-19 se jkollha impatt sostanzjali fuq l-ammont ta’ fondi li l-UE se tonfoq fi snin futuri. Għall-perjodu 2021-2027, l-allokazzjoni ta’ finanzjament ikkombinat mill-istrument NGEU u mill-QFP kważi rdoppjat meta mqabbla mal-perjodu preċedenti tal-QFP u se tkun ta’ EUR 1 824 biljun. Aħna identifikajna riskji u sfidi relatati mal-implimentazzjoni u mal-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dawn il-fondi.
- Nirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata li jinqabdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-Uffiċċju tal-UE ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Fl-2020, kien hemm sitt każijiet bħal dawn (2019: disgħa).


It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali 2020 tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
X’awditjajna
Il-baġit tal-UE għall-2020 f’ċifri
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw baġit annwali tal-UE, fi ħdan il-qafas ta’ baġit fuq terminu itwal maqbul għal perjodu ta’ bosta snin (magħruf bħala l-“qafas finanzjarju pluriennali” jew il-QFP). L-awditu li wettaqna fl-2020 kopra l-aħħar sena tal-perjodu li beda fl-2014 u baqa’ għaddej sal-2020, għalkemm l-ammonti se jkomplu jiġu żborżati.
Il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà aħħarija biex tiżgura li l-baġit jintefaq kif suppost. Fl-2020, l-infiq ammonta għal total ta’ EUR 173.3 biljun, l-ekwivalenti ta’ 1.1 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) ikkombinat tal-EU-27 u tar-Renju Unit.
Minn fejn jiġu l-flus?
It-total tad-dħul għall-2020 kien ta’ EUR 174.3 biljun. Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat b’diversi mezzi. L-akbar sehem (EUR 123 biljun) jitħallas mill-Istati Membri, proporzjonalment għall-ING tagħhom. Sorsi oħra jinkludu dazji doganali (EUR 19.9 biljun), il-kontribuzzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud li tinġabar mill-Istati Membri (EUR 17.2 biljun) u l-kontribuzzjonijiet u r-rifużjonijiet li jirriżultaw mill-ftehimiet u l-programmi tal-Unjoni Ewropea (EUR 8.2 biljun).
Fuq xiex jintefqu l-flus?
Il-baġit tal-UE jintefaq fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħal:
- it-trawwim tal-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni strutturalment aktar dgħajfa;
- il-promozzjoni tal-innovazzjoni u tar-riċerka;
- il-proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport;
- it-taħriġ għal persuni qiegħda;
- il-biedja u l-promozzjoni tal-bijodiversità;
- il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
- il-ġestjoni tal-fruntieri;
- l-għajnuna għall-pajjiżi ġirien u dawk li qed jiżviluppaw.
Madwar żewġ terzi tal-baġit jintefaq taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”. Filwaqt li l-Kummissjoni hija fl-aħħar mill-aħħar responsabbli f’dan il-metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri jiddistribwixxu l-fondi, jagħżlu l-proġetti u jimmaniġġjaw l-infiq tal-UE. Dan huwa l-każ ta’, pereżempju, “Riżorsi naturali” u “Koeżjoni”.
Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE
Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-UE, billi neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-introjtu u tal-infiq jikkonformawx mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali.
Dan ix-xogħol jifforma l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna li tiġi pprovduta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Aħna neżaminaw l-infiq fil-mument meta r-riċevituri finali tal-fondi tal-UE jkunu wettqu attivitajiet jew ġarrbu spejjeż, u meta l-Kummissjoni tkun aċċettat dan l-infiq. Fil-prattika, dan ifisser li l-popolazzjoni tagħna ta’ tranżazzjonijiet tkopri l-pagamenti interim u dawk finali. Aħna ma eżaminajniex il-pagamenti bil-quddiem li tħallsu fl-2020 sakemm dawn ma kinux ġew approvati wkoll matul is-sena.
Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 ma ppermettulniex, fi kważi l-każijiet kollha, li nwettqu kontrolli fuq il-post. Għaldaqstant, aħna wettaqna l-biċċa l-kbira mix-xogħol tagħna permezz ta’ analiżijiet mhux fuq il-post u billi intervistajna l-entitajiet awditjati mill-bogħod. Filwaqt li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ kontrolli fuq il-post jista’ jżid ir-riskju tad-detezzjoni, l-evidenza li ksibna mingħand l-entitajiet awditjati tagħna ppermettiet li nikkompletaw ix-xogħol tagħna u nilħqu konklużjonijiet dwaru.
Il-popolazzjoni li awditjajna għall-2020 kienet tammonta għal EUR 147.8 biljun (ara l-Figura 1).
Figura 1
Infiq għall-2020 li ġie awditjat
Din is-sena, “Riżorsi naturali” kkostitwiet l-akbar sehem mill-popolazzjoni kumplessiva li awditjajna (40.8 %), segwita minn “Koeżjoni” (32.8 %) u “Kompetittività” (11.0 %).
Għal aktar informazzjoni dwar l-approċċ tal-awditjar tagħna, ara l-Informazzjoni ġenerali.
X’sibna
Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta
Il-kontijiet tal-UE għall-2020 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, ir-riżultati finanzjarji tal-UE u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku.
Għalhekk, aħna nistgħu nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet, kif ilna nagħmlu kull sena mill-2007 ’l hawn.
Il-karta tal-bilanċ tal-UE tinkludi obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati li ammontaw għal EUR 116-il biljun fi tmiem l-2020. Iż-żieda ulterjuri ta’ din l-istima hija prinċipalment dovuta għal tnaqqis fir-rata ta’ skont nominali, li tirrifletti r-riduzzjoni fir-rati tal-imgħax globali.
Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ma baqax Stat Membru tal-UE. Fil-31 ta’ Diċembru 2020, il-kontijiet tal-UE wrew ammont riċevibbli nett dovut mir-Renju Unit ta’ EUR 47.5 biljun ibbażat fuq obbligi reċiproċi ddefiniti fil-ftehim dwar il-ħruġ.
Id-dħul għall-2020 huwa legali u regolari
Aħna nikkonkludu li d-dħul huwa ħieles minn żball materjali.
L-iżball fl-infiq għall-2020 huwa materjali u pervażiv
Għall-infiq fl-intier tiegħu, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa bejn 1.8 % u 3.6 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, preċedentement magħruf bħala r-“rata tal-iżball l-aktar probabbli”, baqa’ l-istess bħas-sena l-oħra u huwa ta’ 2.7 % (ara l-Figura 2).
Figura 2
Livell ta’ żball stmat għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu (2016-2020)
Aħna niddefinixxu żball bħala ammont ta’ flus li ma kellux jitħallas mill-baġit tal-UE. Żbalji jseħħu meta l-flus ma jintużawx skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u b’hekk mhux kif kien maħsub mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew meta adottaw din il-leġiżlazzjoni, jew meta l-flus ma jintużawx skont regoli nazzjonali speċifiċi.
Aktar minn nofs il-popolazzjoni li awditjajna hija milquta għal darba oħra minn żball materjali
Fl-2020, sibna għal darba oħra li l-mod kif l-infiq ġie żborżat kellu impatt fuq ir-riskju ta’ żball. F’dan il-kuntest, aħna niddistingwu bejn pagamenti bbażati fuq drittijiet u pagamenti bbażati’ fuq ir-rimborż tal-ispejjeż (ara l-kaxxa hawn taħt).
X’inhuma pagamenti bbażati fuq drittijiet u pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż?
L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:
- Pagamenti bbażati fuq drittijiet, li huma bbażati fuq l-issodisfar, min-naħa tal-benefiċjarji, ta’ ċerti kundizzjonijiet (inqas kumplessi): dawn jinkludu fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt “Kompetittività”), għajnuna diretta għall-bdiewa (“Riżorsi naturali”), kif ukoll salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (“Amministrazzjoni”).
- Rimborżi tal-ispejjeż, fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli (li jinvolvu regoli aktar kumplessi): dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka (taħt “Kompetittività”), investiment fi żvilupp reġjonali u rurali (“Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”) u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (“Ewropa Globali”).
L-aktar żbalji komuni li sibna fl-infiq b’riskju għoli kienu:
- proġetti u nfiq li kienu ineliġibbli, kif ukoll ksur tar-regoli tas-suq intern (b’mod partikolari nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat) f’“Koeżjoni”;
- spejjeż ineliġibbli, żbalji amministrattivi u nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ sostenn fil-oqsma ta’ nfiq tal-iżvilupp rurali, tal-miżuri tas-suq, tal-ambjent, tal-azzjoni klimatika u tas-sajd, li flimkien jikkostitwixxu madwar 31 % tat-total tal-infiq f’“Riżorsi naturali”;
- spejjeż ineliġibbli, b’mod partikolari spejjeż diretti għall-persunal u spejjeż oħra diretti, fl-infiq fuq ir-riċerka (Orizzont 2020 u FP7), li jikkostitwixxu madwar 57 % tat-total tal-infiq f'“Kompetittività”; u
- nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn, nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku kif ukoll spejjeż mhux imġarrba u spejjeż ineliġibbli f’“Ewropa Globali”.
Fl-2020, l-infiq b’riskju għoli kompla jiżdied meta mqabbel mal-erba’ snin preċedenti u b’mod ċar jikkostitwixxi l-maġġoranza tal-popolazzjoni li awditjajna, li tammonta għal madwar 59 % tagħha (2019: 53 %). Is-sehem akbar meħud minn dan it-tip ta’ nfiq kien prinċipalment dovut għal żieda addizzjonali ta’ EUR 20 biljun fil-popolazzjoni li awditjajna għal “Koeżjoni”. Il-livell ta’ żball stmat għall-infiq b’riskju għoli kien ta’ 4.0 % (2019: 4.9 %).
L-infiq b’riskju baxx kien jirrappreżenta l-41 % li kien jifdal tal-popolazzjoni li awditjajna (2019: 47 %) u prinċipalment kien jinkludi pagamenti bbażati fuq drittijiet. Il-livell ta’ żball stmat f’din il-parti tal-popolazzjoni kien taħt is-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 % (ara l-Figura 3).
Figura 3
Ir-rati ta’ żball jirriflettu l-livell ta’ riskju
Fil-Figura 4 jingħata tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati fid-diversi oqsma ta’ nfiq bejn l-2016 u l-2020. Aktar informazzjoni dwar ir-riżultati tingħata fit-taqsima Ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riżultati tagħna u fil-kapitoli rilevanti tar-
Figura 4
Il-livell ta’ żball stmat minna għal oqsma magħżula ta’ nfiq tal-UE (2016-2020)
Tqabbil tal-istimi tal-livell ta’ żball stmat minna ma’ dawk tal-Kummissjoni
Ir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni, li l-kulleġġ tal-Kummissarji għandu s-sjieda tiegħu u huwa responsabbli għalih, jiġbor fil-qosor l-informazzjoni ewlenija mir-rapporti annwali tal-attività dwar il-kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja. Dan jinkludi r-riskju fil-waqt tal-pagament, li huwa l-istima mill-Kummissjoni tal-ammont li jitħallas mingħajr ma jkun f’konformità mar-regoli applikabbli. B’mod kumplessiv, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament għall-2020 hija ta’ 1.9 %. Din hija taħt is-soll ta’ materjalità tagħna (2.0 %) u l-livell ta’ żball stmat minna (2.7 %).
Barra minn hekk, ir-rapport annwali tal-attività ta’ kull direttorat ġenerali tal-Kummissjoni (DĠ) jinkludi dikjarazzjoni li fiha d-direttur ġenerali jipprovdi aċċertament li r-rapport jippreżenta l-informazzjoni finanzjarja b’mod xieraq u li t-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom huma legali u regolari. Għal dan l-iskop, id-DĠ kollha pprovdew stimi tar-riskju fil-waqt tal-pagament fl-infiq tagħhom.
Aħna nqisu li l-problemi li rrappurtajna dwarhom is-sena li għaddiet u li kienu jikkonċernaw l-awditi ex post imwettqa mis-Servizz tal-Awditjar Komuni tal-Kummissjoni (“Kompetittività”), il-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri, li huma riflessi fl-istatistika ta’ kontroll tagħhom (“Riżorsi Naturali”), il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri (“Koeżjoni”), kif ukoll l-istudju, ikkummissjonat kull sena, dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) (“Ewropa Globali”), – għadhom jeżistu u jaffettwaw l-istima tar-riskju fil-waqt tal-pagament.
Fejn aħna nipprovdu valutazzjoni speċifika għal intestatura tal-QFP, aħna qabbilna r-riskju fil-waqt tal-pagament indikat mill-Kummissjoni għall-2020 mal-livelli ta’ żball stmati minna. It-tqabbil juri li r-riskju fil-waqt tal-pagamenti tal-Kummissjoni huwa aktar baxx mil-livell ta’ żball stmat minna għal “Kompetittività”, “Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”.
Din is-sena, aħna rrieżaminajna r-rappurtar li sar mill-Kummissjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri, u sibna li dan kien kumpless u mhux dejjem ċar. Aħna osservajna wkoll li kien hemm irkupri li jmorru lura għall-2005 u korrezzjonijiet netti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 1994-1999. Sa tmiem l-2020, ma kienet għadha saret l-ebda korrezzjoni finanzjarja netta għal “Koeżjoni”, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.
Aħna rrappurtajna sitt każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF
Aħna nirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata li naqbdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), li mbagħad jiddeċiedi jekk għandux jinvestiga u jagħtix segwitu, fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Fl-2020, aħna għaddejna sitt każijiet ta’ frodi suspettata (2019: disgħa). Għal dawn il-każijiet kollha, l-OLAF fetaħ investigazzjonijiet. F’Ġunju 2021, aħna bdejna nikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) abbażi tal-arranġament amministrattiv bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali tingħata fil-Kapitolu 1 tar-
Ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riżultati tagħna
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
Implimentazzjoni u użu tal-baġit fl-2020
Il-baġit disponibbli ġie implimentat kważi bis-sħiħ
Ir-Regolament dwar il-QFP jistabbilixxi ammonti massimi għal kull waħda mis-seba’ snin tal-QFP. Dawn il-limiti massimi japplikaw għall-obbligi finanzjarji l-ġodda tal-UE (approprjazzjonijiet ta’ impenn) u għall-pagamenti li jistgħu jsiru mill-baġit tal-UE (approprjazzjonijiet ta’ pagament). Ara l-Figura 5.
Figura 5
Implimentazzjoni tal-baġit fl-2020
Fl-2020, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn kienu kważi ntużaw bis-sħiħ: EUR 172.9 biljun mill-baġit finali ta’ EUR 173.9 biljun (99.5 %). Kemm l-approprjazzjonijiet kif ukoll il-mod kif dawn ġew implimentati qabżu l-limitu massimu tal-QFP (EUR 168.8 biljun). Il-qbiż ta’ dan il-limitu massimu sar possibbli bl-użu ta’ strumenti speċjali, bħall-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.
Fl-2020, il-limitu massimu tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kien ta’ EUR 172.4 biljun, u l-ammont disponibbli għall-pagamenti fil-baġit finali kien ta’ EUR 164.1 biljun. Il-pagamenti reali ammontaw għal total ta’ EUR 161.8 biljun, EUR 10.6 biljun inqas mil-limitu massimu.
Filwaqt li saru ħafna bidliet għall-baġit relatati mal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni għadha ma rrappurtatx dwar il-fondi tal-UE li kienu ntużaw għal dan l-iskop
Sabiex ikun hemm reazzjoni rapida għall-pandemija tal-COVID-19 u jiġi pprovdut appoġġ, intużaw żewġ għodod baġitarji prinċipali: baġits emendatorji u trasferimenti. L-ammont totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn addizzjonali li ddaħħal permezz ta’ baġits emendatorji kien ta’ EUR 5.2 biljun, li minnhom EUR 3.3 biljun kienu għan-nefqa relatata mal-COVID-19. Għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament, l-ammont totali ta’ baġits emendatorji matul is-sena kien ta’ EUR 10.5 biljun, li minnhom EUR 9.4 biljun kienu għan-nefqa relatata mal-COVID-19. Eżempji oħra ta’ bidliet relatati mal-pandemija kienu t-trasferimenti ta’ fondi fost ir-reġjuni, it-tneħħija tar-rekwiżit li l-finanzjament ikun kkonċentrat fuq temi speċifiċi, u l-possibbiltà ta’ kofinanzjament b’rata sa 100 %, li saru possibbli għal sena waħda. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma kinux meħtieġa jirrimborżaw lill-baġit tal-UE l-ammont ta’ EUR 7.6 biljun ta’ prefinanzjament annwali mhux minfuq tal-fondi SIE mis-sena preċedenti.
Biex iżżid it-trasparenza, u tieħu inkunsiderazzjoni t-talbiet għal informazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni bdiet tittraċċa internament il-fondi tal-UE li ntużaw għal skopijiet relatati mal-COVID-19 fl-ewwel sitt xhur tal-2020. Il-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx rapport dwar in-nefqa relatata mal-COVID-19.
L-impenji pendenti qabżu l-ammont ta’ EUR 300 biljun
L-impenji pendenti, li jirriżultaw mill-fatt li l-livell ta’ impenji jkun ogħla mill-ammont ta’ pagamenti li saru, komplew jiżdiedu, u laħqu EUR 303.2 biljun sa tmiem l-2020 (ara l-Figura 6). Iż-żieda kienet iżgħar milli fi snin preċedenti, parzjalment minħabba l-approprjazzjonijiet ta’ pagament addizzjonali li saru disponibbli għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19.
Skont il-previżjoni fuq terminu twil tal-Kummissjoni, li ma tinkludix l-istrument Next Generation EU (NGEU), l-ammont ta’ impenji pendenti huwa mistenni li jibqa’ pjuttost stabbli f’dan il-livell għoli sal-2027. Dan se jkun prinċipalment dovut għad-differenza annwali żgħira ħafna bejn l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-QFP 2021-2027, li ma kienx il-każ fiż-żewġ QFP preċedenti. Madankollu, l-impenji pendenti se jiżdiedu jekk, mill-perjodu 2016 sa 2020, l-impenji jibqgħu għoljin u t-talbiet għall-pagamenti jkunu aktar baxxi milli huwa antiċipat minħabba dewmien fl-implimentazzjoni.
Figura 6
Impenji pendenti, impenji u pagamenti (2007-2027)
Għalkemm l-assorbiment tal-fondi SIE kien aktar rapidu fl-2020, xorta kien aktar bil-mod milli taħt il-QFP preċedenti.
Ir-rata ta’ assorbiment annwali kumplessiva għall-QFP 2014-2020 fl-2020, li kienet is-sena finali tal-QFP attwali, kienet 15 %: l-istess bħar-rata fl-2013, li kienet is-sena finali tal-QFP 2007-2013 preċedenti. Madankollu, l-assorbiment kumulattiv kien madwar 7 % inqas minn dak taħt il-QFP preċedenti. Filwaqt li sa tmiem l-2020, il-fondi SIE kollha allokati lill-Istati Membri (EUR 465 biljun) kienu ġew impenjati, dan ħalla 45 % (EUR 209 biljun) li kellhom jiġu assorbiti. Dan l-ammont jikkostitwixxi l-parti prinċipali tal-ammont ta’ EUR 303 biljun ta’ impenji pendenti fi tmiem l-2020.
Kif turi l-Figura 7, hemm differenzi konsiderevoli fost l-Istati Membri fl-assorbiment tal-finanzjament taħt il-FSIE allokati lilhom matul il-QFP 2014-2020. Filwaqt li l-Finlandja, pereżempju, kienet assorbiet 79 % tal-allokazzjoni totali tagħha sa tmiem l-2020, it-tliet Stati Membri fejn ir-rata ta’ assorbiment kienet l-aktar baxxa (l-Italja, il-Kroazja u Spanja) kienu użaw biss madwar 45 % tal-ammonti impenjati tagħhom.
Figura 7
Livelli annwali ta’ assorbiment tal-FSIE għal kull Stat Membru fil-perjodu 2014-2020
L-esperjenza preċedenti tagħti x’tifhem li r-rata ta’ assorbiment x’aktarx li tiżdied, iżda dan xorta jista’ ma jkunx suffiċjenti biex il-fondi kollha jkunu jistgħu jiġu assorbiti. Fl-2014, il-Kummissjoni waqqfet it-Task Force dwar Implimentazzjoni Aħjar għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-miżuri li ttieħdu wasslu għal żieda sinifikanti fl-assorbiment tal-finanzjament li jifdal mill-perjodu 2007-2013 għal dawk l-Istati Membri involuti, iżda aħna osservajna fokus insuffiċjenti fuq ir-riżultati.
Ir-riskji u l-isfidi prinċipali għall-baġit tal-UE fis-snin li ġejjin
Il-QFP 2021-2027 u l-istrument NGEU jiffaċċjaw riskji u sfidi
Fil-perjodu tal-QFP 2021-2027, ammont sa EUR 750 biljun se jkun disponibbli taħt l-istrument Next Generation EU, li għandu l-għan li jiġġieled l-effetti tal-pandemija, iżomm il-miri stabbiliti mill-politiki tal-UE, u jippermetti lill-Istati Membri jsiru aktar reżiljenti, sostenibbli u mħejjija aħjar għall-futur.
L-allokazzjoni ta’ finanzjament ikkombinat mill-istrument NGEU u mill-QFP 2021-2027 se tkun ta’ EUR 1 824 biljun (fi prezzijiet tal-2018), li minnhom EUR 1 074 biljun se jiġu mill-QFP innifsu, u din tirrappreżenta kważi d-doppju tal-ammont tal-allokazzjoni tal-QFP preċedenti.
Aħna identifikajna r-riskji u l-isfidi prinċipali li ġejjin:
- riskju ta’ bidu tardiv tal-implimentazzjoni ta’ fondi taħt ġestjoni kondiviża fil-QFP 2021-2027;
- sfidi relatati ma’ ġestjoni finanzjarja tajba fl-użu tal-fondi minħabba bidliet relatati mal-COVID-19.
L-Istrument SURE żied l-esponiment tal-baġit tal-UE għal riskji finanzjarji
L-esponiment totali tal-baġit tal-UE għal obbligazzjonijiet kontinġenti – obbligazzjonijiet li jiddependu mis-seħħ ta’ avveniment futur speċifiku – żdied minn EUR 90.5 biljun fi tmiem l-2019 għal EUR 131.9 biljun sa tmiem l-2020, jiġifieri żieda ta’ 46 %. Iż-żieda kienet kważi kompletament dovuta għall-introduzzjoni tal-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (l-Istrument SURE). Dan żied EUR 39.5 biljun ta’ teħid ta’ self min-naħa tal-Istati Membri maċ-ċifra tal-esponiment sa tmiem l-2020 (ara l-Figura 8). Għalkemm is-self SURE jżid l-esponiment kumplessiv, is-salvagwardji li huma mibnija ġewwa l-istrument inaqqsu r-riskji assoċjati.
Figura 8
Esponiment tal-baġit tal-UE
L-istrument NGEU se jkollu impatt kbir fuq l-esponiment kumplessiv mill-2021 ’il quddiem
L-istrument NGEU se jżid b’mod sostanzjali l-esponiment kumplessiv tal-baġit tal-UE sa EUR 750 biljun (fi prezzijiet tal-2018) fis-snin li ġejjin.
Il-Kummissjoni se tissellef il-fondi meħtieġa biex tiffinanzja l-għotjiet u l-garanziji baġitarji (EUR 390 biljun) kif ukoll is-self disponibbli għall-Istati Membri (sa EUR 360 biljun) fis-swieq finanzjarji f’isem l-UE. Dan is-self se jkun garantit mill-baġit tal-UE u jista’ jżid l-esponiment kumplessiv tiegħu sa ammont li jaf jilħaq EUR 940 biljun. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni se tiffaċċja l-isfida li żżid il-kapaċitajiet amministrattivi tagħha biex tiżgura aktar minn qatt qabel il-ġestjoni tajba ta’ tranżazzjonijiet akbar fis-swieq kapitali, inklużi l-ħruġ ta’ bonds u l-ġestjoni tar-riskji finanzjarji.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li:
- biex ikun hemm lok għal rappurtar komprensiv tal-ammonti impenjati u mġarrba relatati mal-pandemija tal-COVID-19 bl-inklużjoni tal-ammonti mwiegħda jew ikkuntrattati fl-2020, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistandardizza r-reġistrazzjoni tan-nefqa baġitarja tal-UE għal skopijiet relatati mal-COVID-19 u tirrapporta dwarha lill-awtorità baġitarja mill-inqas kull sena sakemm jitqies li jkun meħtieġ;
- bil-ħsieb li jitnaqqas gradwalment il-livell kumplessiv tal-impenji pendenti fis-snin li ġejjin, jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-fatturi li jikkontribwixxu għall-evoluzzjoni tal-impenji pendenti u, abbażi tar-riżultati, tieħu azzjoni xierqa;
- fid-dawl taż-żidiet sostanzjali fil-livell u t-tipi ta’ finanzjament mill-UE disponibbli matul is-snin li ġejjin, inklużi l-ammonti li jifdal mill-perjodu tal-QFP preċedenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri biex tiżgura li appoġġ konsultattiv addizzjonali jkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali, biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-użu tajjeb ta’ dawn il-fondi mill-Istati Membri.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali li jirrigwardaw il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tingħata fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali 2020 tagħna.

Dħul
EUR 174.3 biljun
X’awditjajna
L-awditu tagħna kopra l-parti tal-baġit tal-UE li tikkonċerna d-dħul, u li permezz tiegħu hija tiffinanzja l-infiq tal-UE. Aħna eżaminajna ċerti sistemi ewlenin ta’ kontroll użati għall-ġestjoni tar-riżorsi proprji, u kampjun ta’ tranżazzjonijiet relatati mad-dħul.
Il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING mill-Istati Membri kienu jirrappreżentaw 70.6 % tad-dħul tal-UE fl-2020, filwaqt li r-riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kienet tirrappreżenta 9.9 %. Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ statistika u stimi makroekonomiċi pprovduti mill-Istati Membri.
Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), li jikkonsistu f’dazji doganali fuq importazzjonijiet miġbura mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri f’isem l-UE, ipprovdew 11.4 % oħra tad-dħul tal-UE. It-8.1 % li jifdal ġew minn sorsi oħra (kontribuzzjonijiet u rifużjonijiet li huma marbuta mal-ftehimiet u l-programmi tal-UE, is-surplus mis-sena preċedenti, u dħul ieħor).
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | EUR 174.3 biljun | Le – l-ammont kien ħieles minn żball materjali kemm fl-2020 kif ukoll fl-2019 |
---|
Miżuri preventivi u korrettivi
Is-sistemi relatati mad-dħul li eżaminajna kienu, b’mod ġenerali, effettivi. Madankollu, il-kontrolli interni ewlenin tal-RPT li vvalutajna f’ċerti Stati Membri u l-għeluq taċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING li vvalutajna fil-Kummissjoni kienu parzjalment effettivi minħabba dgħufijiet persistenti.
Aħna qbadna wkoll dgħufijiet sinifikanti, li kienu jirrikjedu azzjoni mill-UE, fil-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri biex jitnaqqas in-nuqqas doganali. Dawn id-dgħufijiet ma jaffettwawx l-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar id-dħul, billi ma jikkonċernawx it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet iżda pjuttost ir-riskju li l-RPT ma jkunux kompleti. Ir-
Fl-2020, il-Kummissjoni għalqet iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni pluriennali tagħha tal-ING fir-rigward tad-data dwar l-ING għar-riżorsi proprji mis-sena 2010 ’l quddiem. Il-Kummissjoni stabbiliet għadd kbir ta’ riżervi tal-ING f’dan ir-rigward, li ġeneralment iżommu 10 snin mid-data statistika tal-Istati Membri f’każ li dawn ikunu jridu jagħmlu bidliet. Dan iżid l-inċertezza baġitarja fil-baġits nazzjonali rigward il-kontribuzzjoni bbażata fuq l-ING.
Għar-riżerva tal-ING relatata mal-impatt tal-globalizzazzjoni, il-Kummissjoni eċċezzjonalment naqqset il-perjodu ta’ reviżjoni tad-data billi għamlet l-2018 is-sena tal-bidu għall-bidliet. Madankollu, din l-eċċezzjoni ddgħajjef il-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tal-ING tal-Istati Membri mill-2010 sal-2017. Din il-limitazzjoni mhijiex konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING.
Għall-ħames sena konsekuttiva, id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni, fir-Rapport Annwali tal-Attività 2020 tiegħu, żamm ir-riżerva li l-ammonti tal-RPT li ġew ittrasferiti għall-baġit tal-UE mhumiex preċiżi minħabba s-sottovalwazzjoni ta’ tessuti u żraben importati miċ-Ċina matul il-perjodu mill-2011 sal-2017. Ir-riżerva ġiet stabbilita għall-ewwel darba fl-2016, meta kien ġie kkwantifikat it-telf ta' RPT attribwibbli għar-Renju Unit (UK), u mbagħad ġiet estiża għal Stati Membri oħra fl-2018. Il-każ ta’ ksur li l-Kummissjoni għandha kontra r-Renju Unit rigward it-telf ta' RPT minħabba dawn l-importazzjonijiet sottovalwati li ġejjin miċ-Ċina qed jistenna s-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Għad fadal dgħufijiet persistenti fis-sistemi ta’ kontroll nazzjonali għall-kompilazzjoni tar-rapporti dwar l-RPT. Fil-każ partikolari tan-Netherlands, aħna diġà kellna dubju dwar l-affidabbiltà tar-rapporti Netherlandiżi dwar l-RPT mill-2013 ’il hawn, dovut għal-limitazzjonijiet tas-sistema tal-IT doganali.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li:
- il-Kummissjoni tirrieżamina u taġġorna l-approċċ tagħha għall-verifikazzjoni tad-data dwar l-ING ipprovduta mill-Istati Membri f’ċikli pluriennali futuri bil-ħsieb li jiġi ssimplifikat aktar il-proċess u jitnaqqas il-perjodu li matulu d-data dwar l-ING tibqa’ miftuħa wara tmiem iċ-ċiklu;
- il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri, tkompli ttejjeb il-kopertura tal-globalizzazzjoni fil-kontijiet nazzjonali biex tindirizza r-riżerva tal-ING f’dan il-qasam għas-snin mill-2018 ’il quddiem. Jekk l-impatt tat-tneħħija ta’ din ir-riżerva fuq il-kontijiet nazzjonali kellu jvarja b’mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-kwalità tad-data dwar l-ING tas-snin preċedenti, bil-ħsieb li tinforma lill-awtorità baġitarja dwar l-implikazzjonijiet possibbli tal-istatistika riveduta li tirriżulta għall-baġit tad-dħul mill-2010 ’l hawn;
- in-Netherlands jiżguraw li r-rapporti annwali u ta’ kull tliet xhur dwar l-RPT tagħhom ikunu affidabbli billi jsolvu d-dgħufijiet attwali fis-sistema tal-IT doganali tagħhom.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tad-dħul tal-UE tingħata fil-Kapitolu 3 tar-

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi
Total: EUR 24.1 biljun
X’awditjajna
Il-programmi ta’ nfiq f’dan il-qasam ta’ politika għandhom rwol importanti biex jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi fl-UE u biex irawmu soċjetà inklużiva. Il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Orizzont 2020 (u l-predeċessur tiegħu, is-Seba’ Programm Kwadru, jew l-FP7), kif ukoll il-programm Erasmus+ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira mill-infiq. Programmi oħra jipprovdu finanzjament għall-programm spazjali Galileo (is-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita tal-UE), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u r-Reattur Termonukleari Internazzjonali (ITER).
Għall-2020, infiq ta’ EUR 16.3 biljun kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq ġie mmaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tipprovdi pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji pubbliċi jew privati mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ għotja u, hekk kif il-proġetti kofinanzjati tagħhom jagħmlu progress, tirrimborża parti mill-ispejjeż totali li huma jikkomunikaw, filwaqt li tnaqqas minnhom dawk il-pagamenti bil-quddiem. Fil-każ ta’ Erasmus+, l-infiq jiġi mmaniġġjat l-aktar minn aġenziji nazzjonali f’isem il-Kummissjoni (madwar 80 % tal-għotjiet).
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli | EUR 16.3 biljun | Iva | 3.9 % (2019: 4.0 %) |
---|
B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’“Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” huwa materjali.
Fl-2020, 64 (48 %) mill-133 tranżazzjoni li eżaminajna kienu milquta minn żbalji.
Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji kienu relatati ma’ spejjeż ineliġibbli, bħal spejjeż għall-persunal iddikjarati b’mod eċċessiv, spejjeż ta’ sottokuntrattar iddikjarati b’mod skorrett, jew spejjeż li fil-fatt ma ġġarrbux.
Problemi relatati mas-sottokuntrattar kienu jikkonċernaw l-aktar lil benefiċjarji li ma kinux konxji mid-differenza fit-trattament tal-ispejjeż diretti għall-persunal u l-ispejjeż tal-konsulenti esterni taħt il-programmi ffinanzjati mill-UE (Orizzont 2020 u l-FNE). Ir-riskju ta’ tali żbalji huwa partikolarment għoli fl-SMEs, li huma mħeġġa bil-qawwi biex jieħdu sehem fi programmi ta’ riċerka iżda jista’ jkollhom ftit jew l-ebda persunal proprju tagħhom u minflok jużaw is-servizzi ta’ kumpaniji oħra.
Eżempju – spejjeż ta’ sottokuntrattar iddikjarati bħala spejjeż diretti għall-persunal, li jirriżultaw fi spejjeż indiretti ineliġibbli
Waħda mill-SMEs awditjati kienet fil-fatt kumpanija fittizja. Hija ma kellha l-ebda persunal bil-paga jew bini tagħha stess. L-indirizz tal-kumpanija kien ir-residenza privata ta’ wieħed mis-sidien tal-SME. Il-kumpanija serrħet fuq is-servizzi ta’ ħaddiema freelance li ħadmu minn partijiet oħra tal-pajjiż jew minn barra l-pajjiż. Hija ddikjarat il-pagamenti li saru lill-ħaddiema freelance bħala spejjeż diretti għall-persunal.
Fir-rigward tax-xogħol proprju tagħhom fuq il-proġett, is-sidien daħlu fi ftehimiet ta’ konsulenza mal-kumpanija proprja tagħhom. Huma ffatturaw is-servizzi tagħhom lill-kumpanija, u sussegwentement talbu rimborż mill-UE b’rati kważi tliet darbiet ogħla mir-rati ta’ Orizzont 2020 stabbiliti għal sidien ta’ SMEs li ma jirċevux salarju. B’riżultat tal-klassifikazzjoni skorretta tal-ispejjeż ta’ sottokuntrattar bħala spejjeż għall-persunal, il-kumpanija għamlet ukoll talba indebitament għal EUR 115 000 fi spejjeż indiretti għall-persunal u l-bini li ma kellhiex.
Orizzont 2020
Orizzont 2020 u l-predeċessur tiegħu l-FP7 jibqgħu oqsma ta’ riskju ogħla kif ukoll is-sors prinċipali tal-iżbalji li naqbdu. Aħna sibna żbalji kwantifikabbli li kienu relatati ma’ spejjeż ineliġibbli fi 28 mill-84 tranżazzjoni li eżaminajna fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jirrappreżenta 66 % tal-livell ta’ żball stmat minna għal din is-subintestatura fl-2020.
Ir-regoli għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-persunal taħt Orizzont 2020 għadhom kumplessi, minkejja li saru sforzi għas-simplifikazzjoni, u l-kalkolu tagħhom jibqa’ sors prinċipali ta’ żball fit-talbiet dwar l-ispejjeż.
L-awdituri kkuntrattati mill-benefiċjarji fi tmiem proġett jipprovdu ċertifikati dwar ir-rapporti finanzjarji, li huma intenzjonati biex jgħinu lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-ispejjeż iddikjarati fir-rapporti finanzjarji humiex eliġibbli. Aħna rrappurtajna ripetutament dgħufijiet f’dawn iċ-ċertifikati. Fl-2020, aħna sibna li l-awdituri li pprovdew iċ-ċertifikati ma kinux skoprew għadd ta’ żbalji kwantifikabbli identifikabbli fil-kampjun tagħna.
Rappurtar mill-Kummissjoni dwar ir-regolarità
Fir-rigward ta’ Orizzont 2020, id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (RTD) irrapporta rata ta’ żball rappreżentattiva mistennija ta’ 2.95 % u rata tal-iżball residwu, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-azzjoni korrettiva, ta’ 2.16 %, għad-DĠ kollha u għal korpi oħra tal-UE li jimmaniġġjaw l-infiq tal-UE fuq ir-riċerka. L-awditi ex post ta’ bażi jitwettqu mis-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) tad-DĠ RTD jew minn kuntratturi esterni f’ismu.
Kemm għar-Rapport Annwali 2018 kif ukoll għar-Rapport Annwali 2019, aħna konna rrieżaminajna kampjun aleatorju ta’ 20 awditu ex post u sibna li fi 17-il każ ma stajniex inserrħu fuq il-konklużjonijiet.
B’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħna, aħna osservajna li s-CAS kien ħa azzjoni li kellha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-awditi ex post tiegħu. Minkejja dan, aħna komplejna nsibu dgħufijiet fil-proċeduri ta’ kampjunar, inkluż ksur tar-regoli ta’ kampjunar tas-CAS u fid-dokumentazzjoni tal-awditjar.
Aħna osservajna wkoll li r-rata ta’ żball rappreżentattiva mistennija tinkludi żieda ta’ 0.13 punt perċentwali li għandha l-għan li tindirizza s-sejbiet kwantitattivi mir-rieżamijiet tagħna tal-awditi ex post. Madankollu, din ir-rata ta’ żball għadha potenzjalment iddikjarata b’mod insuffiċjenti billi ma tiħux inkunsiderazzjoni li l-iżbalji li konna sibna setgħu seħħew ukoll fl-awditi ex post li ma ġewx rieżaminati minna u li s-sejbiet kwalitattivi tagħna, bħal dgħufijiet fil-proċeduri tal-awditjar, ma setgħux jiġu kkwantifikati.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- testendi l-kamp ta’ applikazzjoni taċ-ċertifikati dwar ir-rapporti finanzjarji biex jiġu inklużi l-kategoriji ta’ spejjeż unitarji għall-Programm Qafas għar-Riċerka l-ġdid, Orizzont Ewropa, sabiex jiżdied il-livell ta’ detezzjoni u korrezzjoni ta’ żbalji fl-ispejjeż unitarji;
- timplimenta azzjonijiet, li jinkludu rieżaminar perjodiku tal-kawżi prinċipali ta’ żball fir-rapporti finanzjarji, għoti ta’ gwida dwar kwistjonijiet kumplessi bħal regoli ta’ sottokuntrattar, u twettiq ta’ kampanji ta’ informazzjoni sabiex titnaqqas ir-rata ta’ żball għal Orizzont 2020.
- tkompli ttejjeb il-kwalità tal-awditi ex post billi jiġu indirizzati d-dgħufijiet fil-proċeduri tal-kampjunar fil-livell tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż u tapplika l-korrezzjonijiet għall-metodu għall-kalkolu tal-iżbalji għal Orizzont Ewropa.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” tingħata fil-Kapitolu 4 tar-

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
Total: EUR 59.5 biljun
X’awditjajna
L-infiq taħt din is-subintestatura għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività u jnaqqas id-disparitajiet fl-iżvilupp fost l-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE. Il-finanzjament isir permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u skemi oħra, bħall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE).
Il-ġestjoni tal-biċċa l-kbira mill-infiq hija kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. L-UE tikkofinanzja programmi operazzjonali (PO) pluriennali, li minnhom il-finanzjament imur għall-proġetti. Fil-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEŻR u l-FK, filwaqt li d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) huwa responsabbli għall-FSE.
Aħna awditjajna nfiq ta’ EUR 48.4 biljun f’dan il-qasam għar-Rapport Annwali 2020 (2019: EUR 28.4 biljun). F’konformità mal-approċċ tagħna, dan l-ammont kien jinkludi nfiq b’valur ta’ EUR 46.1 biljun mis-snin preċedenti li l-Kummissjoni kienet aċċettat jew approvat fl-2020.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli | EUR 48.4 biljun | Iva | 3.5 % (2019: 4.4 %) |
---|
B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’“Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” huwa materjali.
Fl-2020, aħna ttestjajna 227 tranżazzjoni. Aħna identifikajna u kkwantifikajna 23 żball li ma kinux inqabdu mill-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri. B’kont meħud tal-64 żball li dawn kienu sabu preċedentement u l-korrezzjonijiet applikati mill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi tal-Istati Membri (b’valur totali ta’ EUR 834 miljun għaż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni kkombinati), aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 3.5 %.
Proġetti u spejjeż ineliġibbli, ksur tar-regoli tas-suq intern (b’mod partikolari nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat) u n-nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ sostenn ikkontribwew l-aktar għal-livell ta’ żball stmat minna. L-għadd u l-impatt tal-iżbalji li nqabdu juru li l-kontrolli fis-seħħ għadhom ma jimmitigawx biżżejjed ir-riskju inerenti għoli ta’ żball f’dan il-qasam. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-awtoritajiet maniġerjali. u l-korpi intermedjarji. B’mod kumplessiv, il-verifikazzjonijiet tal-ewwel livell tagħhom mhumiex effettivi fil-prevenzjoni jew id-detezzjoni ta’ irregolaritajiet fl-infiq iddikjarat mill-benefiċjarji.
Eżempju ta’ proġett bi spejjeż ineliġibbli għall-persunal
Fi proġett ta’ riċerka fil-Polonja, l-ispejjeż għall-persunal għall-maniġer tal-proġett ġew iddikjarati bis-sħiħ lill-proġett. Madankollu, il-ftehim ta’ għotja ddikjara li l-ġestjoni tal-proġett kellha tiġi koperta minn rata fissa għall-ispejjeż indiretti. Għal din ir-raġuni, l-ispejjeż għall-maniġer tal-proġett ma kellhomx jiġu ddikjarati separatament, u huma ineliġibbli.
L-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament FSE wasslet għal żbilanċ eċċessiv favur Stat Membru fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni
Il-benefiċjarji ta’ ħames operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-FSE fil-kampjun tagħna għal PO fl-Italja ddikjaraw b’mod korrett l-ispejjeż eliġibbli abbażi ta’ metodu ta’ spejjeż simplifikati ddeterminat mill-awtorità maniġerjali. Madankollu, f’kull każ l-ammont li l-awtorità maniġerjali ddikjarat lill-Kummissjoni kien ibbażat fuq l-iskali standard ta’ spejjeż għal kull unità użati mill-Kummissjoni. B’riżultat ta’ dan, l-ammonti mħallsa mill-baġit tal-UE għal kull operazzjoni kkonċernata kienu aktar minn 20 % ogħla minn dawk imħallsa lill-benefiċjarji. Sa issa, dan l-arranġament iġġenera żbilanċ favur l-Istat Membru ta’ aktar minn EUR 43 miljun fil-perjodu 2014-2020. Kif inhuma attwalment, l-iskali standard ta’ spejjeż għal kull unità użati mill-Kummissjoni għal dan il-PO huma ġenerużi żżejjed għall-Istat Membru.
Valutazzjoni tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar
Ix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar fl-Istati Membri għandhom rwol kritiku fil-qafas ta’ aċċertament u ta’ kontroll fil-qasam tal-Koeżjoni, b’mod partikolari biex jiżguraw li r-rati tal-iżball residwu jibqgħu taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.
Pakkett ta’ aċċertament huwa sett annwali ta’ dokumenti, li kull Stat Membru jippreżenta lill-Kummissjoni fir-rigward tal-fondi SIE. Dan jinkludi l-kontijiet annwali, sommarju tagħhom, rapport ta’ kontroll, dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u opinjoni tal-awditjar. Mill-2017 ’il hawn, aħna rrieżaminajna x-xogħol ta’ 34 minn 116-il awtorità tal-awditjar b’rabta ma’ 26 pakkett ta’ aċċertament għall-perjodu 2014-2020. F’dawn il-każijiet kollha, l-awtoritajiet tal-awditjar kienu rrappurtaw rata tal-iżball residwu taħt it-2 %. Filwaqt li x-xogħol li nwettqu mhuwiex intenzjonat biex jikkonkludi dwar il-korrettezza tar-rati ta’ żball tal-awtoritajiet tal-awditjar bħala tali, aħna sibna żbalji li ma nqabdux mill-awtoritajiet tal-awditjar. Għal 12 mis-26 pakkett ta’ aċċertament li rrieżaminajna, irriżulta li r-rati tal-iżball residwu rrappurtati ġew iddikjarati b’mod insuffiċjenti, li fil-fatt kienu ogħla minn 2 %.
Bl-istess mod, l-eżaminar li wettaqna tat-tliet pakketti ta’ għeluq tal-programmi li eżaminajna mill-perjodu 2007-2013 irriżulta, f’żewġ każijiet, f’aġġustament tar-rata tal-iżball residwu għal rata ogħla mis-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.
B’mod kumplessiv, f’dawn l-aħħar erba' snin li fihom konna qed neżaminaw ix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar, aħna sibna li, għal madwar nofs (f’termini ta’ għadd u ta’ valur) il-pakketti ta’ aċċertament li għażilna għall-awditjar, l-awtoritajiet tal-awditjar kienu rrappurtaw b’mod skorrett rati residwi taħt it-2 %. Id-dgħufijiet li nstabu fix-xogħol ta’ bosta awtoritajiet tal-awditjar ikomplu jillimitaw il-fiduċja li tista’ titqiegħed fuq ix-xogħol tagħhom.
Aħna sibna wkoll li l-awtoritajiet tal-awditjar ma jżommux rekord tar-riskju ta’ frodi, b’21 % biss tal-operazzjonijiet fil-kampjun tagħna li kellhom dokumentazzjoni tal-awditjar li indirizzat b’mod adegwat dan ir-riskju.
Rappurtar mid-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL dwar ir-regolarità tal-infiq fil-qasam tal Koeżjoni
Ir-rapporti annwali tal-attività huma l-għodod prinċipali tad-DĠ tal-Kummissjoni biex jirrappurtaw jekk ikollhomx aċċertament raġonevoli li l-proċeduri ta’ kontroll tal-Istati Membri jiżguraw ir-regolarità tal-infiq.
Ir-rapporti annwali tal-attività jipprovdu wkoll rata ta’ żball bħala indikatur ewlieni tal-prestazzjoni dwar ir-regolarità. Fl-2020, id-DĠ REGIO rrapporta indikatur ewlieni tal-prestazzjoni ogħla mil-livell ta’ materjalità ta’ 2 % (2.1 %), filwaqt li r-rata rrappurtata mid-DĠ EMPL kienet inqas (1.4 %). Fir-Rapport 2018 annwali tagħna, aħna kkonkludejna li, għal diversi raġunijiet, jenħtieġ li r-rata ta’ żball ppreżentata bħala indikatur ewlieni tal-prestazzjoni titqies bħala rata minima.
Il-Kummissjoni użat dawn ir-rati ta’ żball fir-Rapport Annwali tal-2020 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni biex tipprovdi informazzjoni dwar ir-regolarità fil-qasam tal-politika ta’ Koeżjoni. Hija rrappurtat riskju kumplessiv fil-waqt tal-pagament ta’ bejn 1.9 % u 2.4 %. Madankollu, minħabba n-nuqqasijiet tax-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar u l-problemi li identifikajna rigward l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rrappurtati fir-rapporti annwali tal-attività taż-żewġ direttorati ġenerali, aħna nqisu li r-rati aggregati fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni jistgħu jkunu biss stimi minimi.
Fir-rapport annwali tal-attività, id-DĠ tal-Kummissjoni għamlu riżerva għal PO li għalih id-dgħufijiet fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll rilevanti tal-Istat Membru korrispondenti jfissru riskju materjali għall-baġit tal-UE. Għal dan il-għan, jenħtieġ li huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli fiż-żmien meta ssir il-valutazzjoni, inklużi r-rati ta’ żball irrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar. Madankollu, aħna sibna li dawn ir-rati ta’ żball kienu fil-biċċa l-kbira rati proviżorji għal infiq li kien inkluż fil-kontijiet annwali li l-Kummissjoni kienet għadha ma aċċettatx. B’riżultat ta’ dan, ir-riżervi setgħu ma koprewx ir-riskji materjali kollha.
X’nirrakkomandaw
Fost affarijiet oħra, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- timmonitorja mill-qrib lill-Istati Membri bl-użu tal-iskali standard tagħha ta’ spejjeż għal kull unità, biex tiżgura li l-iskema ma tirriżultax fi żbilanċi eċċessivi favur l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jaġġustaw ir-rati eċċessivi u jikkoreġu l-iżbilanċi biex jiġi evitat kwalunkwe gwadann f’għeluq il-programmi;
- tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-awditjar b’mod espliċitu biex jintroduċu mistoqsijiet speċifiċi fil-listi ta’ kontroll tagħhom dwar riskji ta’ frodi u jiddokumentaw il-passi li jittieħdu biex jiġu indirizzati riskji bħal dawn li jiġu skoperti matul awditu;
- titlob lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli informazzjoni suffiċjenti fis-sommarju annwali dwar il-konklużjonijiet u s-segwitu tal-operazzjonijiet li għalihom ikunu ġibdu ammonti li tkun qed issirilhom valutazzjoni kontinwa mill-kontijiet. Dan ikun isaħħaħ it-trasparenza dwar il-mod kif l-awtoritajiet inkarigati mill-programmi jimmonitorjaw dawn l-ammonti.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” tingħata fil-Kapitolu 5 tar-

Riżorsi naturali
Total: EUR 60.6 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd, u parti mill-infiq tal-UE fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika.
Il-PAK tirrappreżenta 97 % tal-infiq fuq “Riżorsi naturali”. It-tliet objettivi ġenerali tagħha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE huma:
- produzzjoni vijabbli tal-ikel, b’enfasi fuq l-introjtu agrikolu, il-produttività agrikola u l-istabbiltà tal-prezz;
- ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, b’enfasi fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma; u
- żvilupp territorjali bbilanċjat.
L-infiq tal-PAK taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jaqa' f’żewġ kategoriji ġenerali:
- pagamenti diretti lill-bdiewa, li huma ffinanzjati bis-sħiħ mill-baġit tal-UE; u
- miżuri tas-suq fis-settur agrikolu, li huma wkoll iffinanzjati bis-sħiħ mill-baġit tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti miżuri kofinanzjati mill-Istati Membri, inklużi l-miżuri ta’ promozzjoni.
Barra minn hekk, il-PAK tappoġġa strateġiji u proġetti ta’ żvilupp rurali permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Mill-bidu tal-perjodu 2014-2020 ’il hawn, il-FAEŻR ifforma parti mill-FSIE u kien suġġett għar-regolament dwar dispożizzjonijiet komuni rigward il-FSIE.
Għall-2020, infiq ta’ EUR 60.3 biljun kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni tikkondividi l-ġestjoni tal-PAK mal-Istati Membri.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli | EUR 60.3 biljun | Qrib is-soll ta’ materjalità | 2.0 % (2019: 1.9 %) |
---|
B’mod kumplessiv, aħna nsibu li l-livell ta’ żball f’“Riżorsi naturali” huwa qrib il-materjalità.
Bħal fi snin preċedenti, għall-pagamenti diretti li huma prinċipalment ibbażati fuq l-erja tal-art agrikola ddikjarata mill-bdiewa u li jirrappreżentaw 69 % tal-infiq għal “Riżorsi naturali”, il-livell ta’ żball ma kienx materjali. Għall-bqija tal-oqsma (żvilupp rurali, miżuri tas-suq, sajd, ambjent u azzjoni klimatika) ir-riżultati tagħna, meħudin fl-intier tagħhom, jindikaw livell materjali ta’ żball.
Pagamenti diretti lill-bdiewa: sistema ta’ kontroll effettiva
L-għodda prinċipali ta’ ġestjoni għall-pagamenti diretti hija s-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), li tinkorpora s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS). Is-SIAK għenet biex jitnaqqas il-livell ta’ żball fil-pagamenti diretti, filwaqt li l-kontribut tal-LPIS huwa partikolarment sinifikanti.
Aħna vverifikajna 88 pagament dirett, li jkopru l-iskemi prinċipali. Aħna sibna li 76 kienu ħielsa minn żball, u qbadna problemi ta’ konformità mingħajr impatt finanzjarju f’żewġ pagamenti diretti. L-10 żbalji kwantifikati f’dawn l-iskemi rriżultaw minn bdiewa li ddikjaraw b’mod eċċessiv l-erja tal-art agrikola jew l-għadd ta’ annimali eliġibbli fit-talbiet tagħhom għall-għajnuna.
Verifiki permezz tal-monitoraġġ: kopertura limitata fl-2020
Mill-2018 ’il hawn, l-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri jistgħu jwettqu “verifiki permezz tal-monitoraġġ”. Dan l-approċċ juża proċessi awtomatizzati li huma bbażati fuq id-data tas-satelliti Sentinel tal-programm Copernicus tal-UE għall-verifikazzjoni tal-konformità ma’ ċerti regoli tal-PAK. Fejn il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha ta’ skema ta’ pagament partikolari jkunu jistgħu jiġu evalwati mill-ispazju, dan jippermetti li l-aġenziji tal-pagamenti jimmonitorjaw mill-bogħod il-popolazzjoni kollha tal-benefiċjarji tal-għajnuna.
Il-verifiki permezz tal-monitoraġġ jistgħu jintużaw biex iwissu lill-bdiewa dwar nuqqas ta’ konformità potenzjali mar-regoli tal-iskema ta’ pagament fi kwalunkwe ħin matul l-istaġun tat-tkabbir. Dan jipprovdi lill-bdiewa aktar opportunitajiet biex jirrettifikaw it-talbiet tagħhom qabel ma jiġu ffinalizzati.
Il-Kummissjoni impenjat lilha nfisha li tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-approċċ il-ġdid tal-verifiki permezz tal-monitoraġġ. Fi tmiem l-2020, l-erja tal-iskemi prinċipali ta’ għajnuna diretta (pagamenti bażiċi u pagamenti uniċi skont l-erja) suġġetta għal verifiki permezz tal-monitoraġġ kienet ta’ 5.7 %.
Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, sajd, ambjent u azzjoni klimatika: riskju ogħla ta’ żball
Meta mqabbla mal-pagamenti diretti, dawn l-oqsma ta’ nfiq huma suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kumplessi, fatt li jżid ir-riskju ta’ żball.
Mill-104 tranżazzjonijiet tal-iżvilupp rurali li ttestjajna, 87 ma kinux milquta minn żball. Minn 11-il każ fejn sibna u kkwantifikajna żbalji, 5 minnhom kellhom impatt li jaqbeż l-20 %. F’sitt pagamenti, aħna qbadna problemi ta’ konformità mingħajr impatt finanzjarju.
Eżempju: infiq ineliġibbli fi proġett tal-iżvilupp rurali
Aħna awditjajna pagament għal proġett tal-iżvilupp rurali fil-Kroazja li appoġġa l-kultivazzjoni tat-tuta żerqa, inkluża l-installazzjoni ta’ sistema ta’ tisqija.
L-investimenti fit-tisqija huma eliġibbli biss għall-finanzjament mill-UE jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE li tippromwovi użu sostenibbli tal-ilma. Dawn jinkludu l-eżistenza jew l-installazzjoni ta’ miter tal-ilma.
Il-benefiċjarju kien ippreżenta dokumenti li jindikaw li miter tal-ilma kien jagħmel parti mill-proġett u li l-aġenzija tal-pagamenti aċċettat in-nefqa relatata mas-sistema ta’ tisqija. Madankollu, aħna sibna li l-ebda miter ma kien ġie installat, u dan jagħmel il-komponent tat-tisqija ineliġibbli għall-finanzjament mill-UE.
Il-miżuri tas-suq fis-settur agrikolu jiffurmaw għadd ta’ skemi differenti li huma suġġetti għal diversi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Aħna ttestjajna 16-il tranżazzjoni u sibna 3 każijiet fejn l-aġenziji tal-pagamenti kienu rrimborżaw spejjeż ineliġibbli. Fi tnejn minn dawn il-każijiet, l-iżball kien jaqbeż l-20 %. F’każ wieħed, aħna qbadna problema ta’ nuqqas ta’ konformità mingħajr impatt finanzjarju.
Il-kriterji tal-għażla u r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà għal proġetti fil-qasam tas-sajd, l-ambjent u l-azzjoni klimatika jvarjaw ukoll. Fost id-disa' tranżazzjonijiet li eżaminajna, aħna sibna żball kwantifikat wieħed li rriżulta mid-dikjarazzjoni u mir-rimborż ta’ nfiq ineliġibbli. F’erba’ każijiet, aħna qbadna problemi ta’ konformità mingħajr impatt finanzjarju.
Rappurtar mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali dwar ir-regolarità tal-infiq taħt il-PAK
Id-direttur ta’ kull aġenzija tal-pagamenti jipprovdi lid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni dwar l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-aġenzija tiegħu, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti tagħhom. L-Istati Membri jirrappurtaw dwar il-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post (“statistika ta’ kontroll”) imwettqa minnhom.
Mill-2015 ’il hawn, sabiex jipprovdu aċċertament addizzjonali, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu meħtieġa jagħtu opinjoni annwali għal kull aġenzija tal-pagamenti dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq li għalih l-Istati Membri jkunu talbu rimborż.
Id-DĠ AGRI juża r-rati ta’ żball irrappurtati fl-istatistika ta’ kontroll, filwaqt li jagħmel aġġustamenti bbażati fuq ir-riżultati tal-awditi li jitwettqu mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni u fuq il-kontrolli proprji tiegħu tas-sistemi u l-infiq tal-aġenziji tal-pagamenti, biex jikkalkula ċifra għar-“riskju fil-waqt tal-pagament”. Il-Kummissjoni stmat li r-riskju fil-waqt tal-pagament huwa ta’ madwar 1.9 % għall-infiq taħt il-PAK fl-intier tiegħu fl-2020.
Politiki u proċeduri kontra l-frodi fil-PAK
L-aġenziji tal-pagamenti huma meħtieġa li jkollhom fis-seħħ sistemi għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi, u l-Kummissjoni trid tikseb aċċertament raġonevoli dwar l-operat ta’ dawn is-sistemi. Fir-Rapport Annwali 2019 tagħna, aħna identifikajna xi dgħufijiet fil-politiki u l-proċeduri kontra l-frodi fir-rigward tal-PAK, u għamilna rakkomandazzjoni biex jiġu indirizzati l-problemi. Fl-2021, aħna wettaqna awditu tal-prestazzjoni fir-rigward tal-miżuri, tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, kontra l-frodi fil-PAK. Sa tmiem l-2021, qed nippjanaw li nippubblikaw rapport speċjali dwar din il-problema, li jkopri wkoll il-problema relatata tal-“ħtif tal-art”.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali” tingħata fil-Kapitolu 6 tar-

Sigurtà u ċittadinanza
Total: EUR 6.3 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq jiġbor flimkien diversi politiki li l-objettiv komuni tagħhom huwa li jissaħħaħ il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea billi tinħoloq żona ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà mingħajr fruntieri interni.
Il-qasam l-aktar sinifikanti tan-nefqa jikkonċerna l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, b’EUR 2.6 biljun li ntefqu fl-2020, jew 40.5 % tat-total għal din l-intestatura tal-QFP. L-istrument twaqqaf f’April 2020 biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 billi jiffinanzja, fost affarijiet oħra, it-trasferiment u t-trasport transfruntier tal-pazjenti, tal-persunal mediku u tal-oġġetti mediċi essenzjali. Fondi sinifikanti oħra taħt din l-intestatura huma:
- il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), li l-għan tiegħu huwa li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u għall-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-ażil u l-immigrazzjoni; u
- il-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI), li l-għan tiegħu huwa li jiżgura s-sigurtà fl-UE, filwaqt li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu u jiġu rrispettati l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.
Fl-2020, dawn iż-żewġ fondi kienu jirrappreżentaw, b’ammont ta’ EUR 1.6 biljun, għal kemxejn aktar minn kwart (25.3 %) tal-infiq tal-UE f’dan il-qasam. Il-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-AMIF u l-FSI fil-biċċa l-kbira hija kondiviża bejn l-Istati Membri u d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME) tal-Kummissjoni.
Il-finanzjament għal 12-il aġenzija deċentralizzata u l-UPPE li huma involuti fl-implimentazzjoni ta’ prijoritajiet ewlenin tal-UE fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u s-saħħa jirrappreżenta 18.5 % oħra. Aħna nirrappurtaw separatament dwar l-infiq mill-aġenziji tal-UE fir-rapporti annwali speċifiċi tagħna u f’sommarju annwali intitolat “Awditu tal-aġenziji tal-UE fil-qosor”.
Għall-2020, il-valur tal-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 3.1 biljun.
X’sibna
Fl-2020, aħna eżaminajna kampjun ta’ 27 tranżazzjoni. Dan il-kampjun kien maħsub biex jikkontribwixxi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni kumplessiva tagħna aktar milli biex ikun rappreżentattiv tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP. Għalhekk, ma stajniex nagħmlu stima tar-rata ta’ żball għal din l-intestatura tal-QFP.
Mis-27 tranżazzjoni li eżaminajna, 8 (30 %) kienu milquta minn żbalji. Aħna identifikajna erba' tranżazzjonijiet bi żbalji kwantifikabbli li kellhom impatt finanzjarju fuq l-ammonti ddebitati għall-baġit tal-UE. Aħna sibna wkoll erba’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali u finanzjarji, iżda li ma kellhom l-ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE.
Barra minn hekk, aħna rrieżaminajna x-xogħol li sar minn erba’ awtoritajiet li huma responsabbli kemm mill-awditjar tal-kontijiet annwali tal-AMIF/FSI tal-Istati Membri rispettivi tagħhom kif ukoll mill-għoti ta’ rapport annwali ta’ kontroll (RAK) lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet tal-awditjar kollha li eżaminajna kienu żviluppaw u implimentaw proċeduri dettaljati u ta’ kwalità suffiċjenti biex jirrappurtaw dwar ix-xogħol tagħhom fir-RAK. Aħna identifikajna xi nuqqasijiet, li l-impatt tagħhom fuq il-kontijiet ma kienx materjali biżżejjed biex inaqqas mill-konklużjonijiet tal-awtoritajiet tal-awditjar.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Aħna rrieżaminajna r-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME) u d-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ CONNECT) u ma sibna l-ebda informazzjoni li tista’ tikkontradixxi s-sejbiet tagħna. Madankollu, il-kampjun limitat tagħna għall-2020 (27 tranżazzjoni) mhuwiex suffiċjenti biex inkunu nistgħu nqabblu r-riżultati tal-awditjar tagħna mal-informazzjoni dwar ir-regolarità tal-infiq, li ġiet irrappurtata miż-żewġ DĠ.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tivverifika bir-reqqa l-eliġibbiltà tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-azzjonijiet SIE, b’mod partikolari r-regolarità tal-proċedura ta’ akkwist;
- toħroġ gwida għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli mill-AMIF u l-FSI dwar id-dokumentazzjoni tal-kompletezza u l-kwalità tas-servizzi fejn il-finanzjament huwa bbażat fuq l-ispejjeż unitarji standard.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Sigurtà u ċittadinanza” tingħata fil-Kapitolu 7 tar-

Ewropa Globali
Total: EUR 11.4 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri n-nefqa fuq l-azzjoni esterna kollha ffinanzjata mill-baġit tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp). II-politiki għandhom l-għan li: jippromwovu l-valuri tal-UE lil hinn mit-territorju tagħha, jindirizzaw l-isfidi globali ewlenin, iżidu l-impatt tal-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp, irawmu l-istabbiltà u s-sigurtà fil-pajjiżi kandidati u f’dawk tal-viċinat.
Id-direttorati ġenerali u s-servizzi prinċipali li huma involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit għall-azzjoni esterna huma d-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA, li qabel kien id-DĠ DEVCO), id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR), id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (DĠ ECHO), id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u s-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI).
Il-pagamenti jiġu żborżati bl-użu ta’ bosta strumenti u metodi ta’ twassil bħal pereżempju kuntratti ta’ xogħlijiet/provvisti/servizzi, għotjiet, self speċjali, garanziji ta’ self u assistenza finanzjarja, appoġġ baġitarju u forom immirati oħra ta’ għajnuna baġitarja f’aktar minn 150 pajjiż.
Għall-2020, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 9.2 biljun.
X’sibna
Aħna rrieżaminajna kampjun ta’ 75 tranżazzjoni, li kien maħsub biex jikkontribwixxi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni kumplessiva tagħna aktar milli biex ikun rappreżentattiv tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP. Għalhekk, ma stajniex nagħmlu stima tar-rata ta’ żball għal din l-intestatura tal-QFP.
Mill-75 tranżazzjoni li eżaminajna, 28 (37.3 %) kienu milquta minn żbalji. Aħna identifikajna 17-il żball kwantifikabbli li kellhom impatt finanzjarju fuq l-ammonti ddebitati għall-baġit tal-UE. Sibna wkoll 11-il każ fejn kien hemm nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali u finanzjarji.
It-tranżazzjonijiet relatati mal-appoġġ baġitarju u l-proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali taħt l-“approċċ nozzjonali” (fejn il-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-Kummissjoni għal proġetti ffinanzjati minn bosta donaturi jinġabru flimkien ma’ dawk ta’ donaturi oħra u ma jkunux assenjati għal elementi identifikabbli u speċifiċi ta’ nfiq) kienu inqas suxxettibbli għal żball. Fl-2020, ma qbadna l-ebda żball f’dawn l-oqsma.
Xi organizzazzjonijiet internazzjonali pprovdew biss aċċess limitat għad-dokumenti, bħal f’format li jinqara biss, li jfisser li ma stajniex nagħmlu kopji tad-dokumenti li rrieżaminajna. Barra minn hekk, xi organizzazzjonijiet internazzjonali kkontestaw il-mandat tagħna. Dawn il-kwistjonijiet fixklu l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-awditu tagħna u wasslu għal dewmien eċċessiv sakemm it-tim tal-awditjar irċieva d-dokumentazzjoni mitluba u wettaq xogħlu. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistabbilixxi li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha d-dritt li tintbagħat kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħol tagħha.
Studju dwar ir-RER tad-DĠ NEAR
Fl-2020, id-DĠ NEAR kellu s-sitt studju tiegħu dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) imwettaq minn kuntrattur estern f’ismu. L-iskop ta’ dan l-istudju kien biex jiġi stmat il-livell ta’ żball li jkun fadal wara l-ikkompletar tal-kontrolli kollha ta’ ġestjoni għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji fil-qasam intier tar-responsabbiltà tiegħu. Huwa ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu.
Bħal fi snin preċedenti, ir-RER kumplessiva għad-DĠ NEAR kienet stmata li kienet taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % tal-Kummissjoni stess (2020: 1.36 %; 2019: 0.53 %; 2018: 0.72 %).
Aħna identifikajna limitazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-istima insuffiċjenti tar-RER.
Fatturi ewlenin li joħolqu distorsjoni fir-RER tal-Kummissjoni
- Id-DĠ NEAR ma kienx stratifika l-popolazzjoni ta’ tranżazzjonijiet użati għall-kampjunar biex ikopri f’aktar dettall lil dawk l-oqsma li huma aktar suxxettibbli għal żball jew biex jiffoka inqas fuq dawk fejn huwa kkonfermat li r-riskju huwa aktar baxx.
- Il-livell ta’ fiduċja applikat għar-“rata tal-għotja”, jiġifieri rata ta’ żball addizzjonali għal għotjiet taħt ġestjoni diretta, introdotta mid-DĠ NEAR fl-2018, huwa ta’ 80 %, filwaqt li għar-RER kumplessiva huwa ta’ 95 %. B’riżultat ta’ dan, l-istima ta’ żball għal-għotjiet taħt ġestjoni diretta ma tirriflettix ir-riskju għoli f’dan il-qasam u wasslet għal stima inqas preċiża tar-rata ta’ żball reali.
- Il-metodu ta’ stima għar-RER jagħti lill-kuntrattur diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeċiedi jekk hemmx raġunijiet loġistiċi u legali li huma suffiċjenti biex jipprevienu l-aċċess f’waqtu għad-dokumenti ta’ tranżazzjoni u, b’hekk, jipprevienu l-istima tar-rata ta’ żball. Dan il-metodu mhux neċessarjament jirrifletti l-iżball residwu reali għat-tranżazzjoni inkwistjoni.
Barra minn hekk, il-kuntrattur ma wettaq l-ebda kontroll jew inkella wettaq kontrolli limitati fuq aktar minn 60 % tat-tranżazzjonijiet li kkampjuna għall-istudju fl-2020 (2019: madwar 50 %) u, minflok, jiddependi bis-sħiħ jew parzjalment fuq xogħol ta’ kontroll preċedenti. Madankollu, l-iskop tal-istudju dwar ir-RER huwa li jidentifika l-iżbalji li ma jkunux inqabdu minn xogħol ta’ kontroll preċedenti. Minħabba li jiddependi fuq ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti, l-istudju dwar ir-RER ma jkejjilx dawn l-iżbalji bis-sħiħ. Fl-aħħar nett, il-qafas regolatorju għall-istudju dwar ir-RER ma jindirizzax jew ma jsemmix ir-riskju ta’ frodi.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Għas-sena finanzjarja 2020, aħna vverifikajna jekk ir-rapport annwali tal-attività tas-Servizz għall-FPIs kienx ipppreżenta l-informazzjoni dwar ir-regolarità skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u jekk kienx applika b’mod konsistenti l-metodoloġija biex jiġu stmati l-korrezzjonijiet u l-irkupri futuri.
F’dan il-kuntest, aħna osservajna dgħufija potenzjali fil-kontroll intern, fejn l-FPI ħa miżuri speċifiċi biex jimmitiga r-riskji assoċjati. Din il-problema hija relatata mal-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni trid tiżgura li huma akkreditati, abbażi ta’ valutazzjoni dwar jekk dawn iħarsux il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba, tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE (bħala parti mill-“valutazzjoni tal-pilastri”). Fi tmiem l-2020, 2 mill-11-il missjoni tal-PSDK li kienu jinsabu għaddejjin kienu għadhom ma rċevewx valutazzjoni tal-pilastri sħiħa u pożittiva.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tieħu passi sabiex l-organizzazzjonijiet internazzjonali jipprovdu lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri aċċess komplet, illimitat u f’waqtu għad-dokumenti meħtieġa biex twettaq ix-xogħol tagħha f’konformità mat-TFUE, u mhux biss f’format li jinqara;
- tistabbilixxi proċedura biex tiżgura li l-organizzazzjonijiet sħab jibbażaw l-allokazzjoni tagħhom tal-ispejjeż kondiviżi fuq l-infiq realment imġarrab;
- tistabbilixxi obbligi għall-kuntrattur inkarigat mit-twettiq tal-istudju dwar ir-RER biex jirrapporta lill-Kummissjoni kwalunkwe frodi suspettata kontra l-baġit tal-UE li tkun inqabdet matul il-xogħol tiegħu fuq l-istudju dwar ir-RER.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Ewropa Globali” tingħata fil-Kapitolu 8 tar-

Amministrazzjoni
Total: EUR 10.3 biljun
X’awditjajna
L-awditu tagħna kopra n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Fl-2020, l-istituzzjonijiet u l-korpi nefqu total ta’ EUR 10.3 biljun fuq l-amministrazzjoni. Dan l-ammont kien jinkludi nfiq fuq riżorsi umani (madwar 68 % tat-total), bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u IT.
Għall-2020, l-infiq suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 10.4 biljun, inklużi pagamenti u approvazzjonijiet ta’ prefinanzjamenti.
Aħna eżaminajna sistemi ta’ superviżjoni u kontroll magħżula tal-Ombudsman Ewropew u tal-Kunsill. Aħna eżaminajna wkoll 48 tranżazzjoni.
Awditur estern jeżamina r-rapporti finanzjarji proprji tagħna. Kull sena, aħna nippubblikaw l-opinjoni tal-awditjar u r-rapport riżultanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | EUR 10.4 biljun | Le – l-ammont kien ħieles minn żball materjali kemm fl-2020 kif ukoll fl-2019 |
---|
Fl-2020, aħna eżaminajna sistemi ta’ superviżjoni u kontroll magħżula tal-Ombudsman Ewropew u tal-Kunsill. Aħna eżaminajna wkoll 48 tranżazzjoni.
Bħal fi snin preċedenti, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa taħt is-soll ta’ materjalità.
Aħna ma identifikajniex xi kwistjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew lill-Qorti tal-Awdituri.
Il-Parlament
Qbadna żbalji f’żewġ pagamenti li saru mill-Parlament Ewropew. Wieħed kien jikkonċerna pagament eċċessiv għal servizzi tal-IT ikkawżat mill-applikazzjoni skorretta tat-termini kuntrattwali. L-ieħor kien jikkonċerna pagament skorrett ta’ allowance għas-sussistenza lil MEP, b’segwitu għal żball f’lista ta’ attendenza. Aħna sibna li s-sistema ta’ kontroll fis-seħħ ma pprevenietx u lanqas ma qabdet dawn l-iżbalji, iżda l-Parlament attwalment qed jaħdem fuq sistema ġdida biex itejjibha.
Il-Kummissjoni
Sibna ħames żbalji fil-pagamenti li saru mill-Kummissjoni. Wieħed minnhom kien jikkonċerna pagament eċċessiv żgħir relatat mal-ispejjeż għal-liċenzji tas-software. L-erbgħa l-oħra kienu relatati ma’ allowances tal-membri tal-persunal li ma kinux iddikjaraw bidliet reċenti fis-sitwazzjoni personali tagħhom jew li kienu intitolati li jitolbu allowances simili minn sorsi oħra. Il-membri tal-persunal huma meħtieġa li l-ewwel jitolbu tali allowances u mbagħad jinnotifikawhom lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ teħodhom inkunsiderazzjoni meta tikkalkula l-pagi. Il-kontrolli ta’ konsistenza tal-Kummissjoni fuq il-kalkolu tagħha ma qabdux dawn l-erba’ każijiet. Aħna sibna żbalji simili fir-rigward tal-allowances tal-familja fi snin preċedenti.
Il-proċeduri ta’ akkwist għall-akkwist ta’ tagħmir protettiv personali
Din is-sena, aħna eżaminajna wkoll 15-il proċedura ta’ akkwist organizzati mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja u mis-SEAE biex jiġu akkwistati provvisti ta’ tagħmir protettiv għall-persunal tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19. Filwaqt li sibna xi problemi fil-proċeduri użati mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-SEAE meta sar l-akkwist ta’ maskri protettivi li kienu meħtieġa b’mod urġenti, l-eżaminar ta’ dawn il-proċeduri ma kienx parti mill-kampjun rappreżentattiv tagħna u għalhekk ma kkontribwiex għal-livell ta’ żball stmat minna.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li:
- il-Parlament jimplimenta l-bidliet meħtieġa biex jiżgura li jħallas biss allowances għas-sussistenza għal kull jum lill-MEPs li jikkwalifikaw għalihom;
- sabiex ittejjeb is-sistema tagħha għall-ġestjoni tal-allowances statutorji tal-familja, il-Kummissjoni ssaħħaħ il-kontrolli tal-konsistenza fuq id-dikjarazzjonijiet tal-persunal rigward l-allowances riċevuti minn sorsi oħra u tqajjem kuxjenza fost il-persunal dwar din il-problema.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Amministrazzjoni” tingħata fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2020 tagħna.

Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
Total: EUR 4.6 biljun
X’awditjajna
Imnedija fl-1959, il-FEŻ kienu l-istrument prinċipali li permezz tiegħu l-UE pprovdiet għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej (PTEE) sa tmiem l-2020. Il-ftehim ta’ sħubija, li ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 għal perjodu ta’ 20 sena (“il-Ftehim ta’ Cotonou”), kien il-qafas li jirregola r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi AKP u l-PTEE. L-objettiv prinċipali tiegħu kien it-tnaqqis, u eventwalment il-qerda tal-faqar. Għall-QFP 2021-2027, l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku hija integrata fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI/Ewropa Globali) u l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-PTEE hija integrata fid-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Ekstra-Ewropea. Madankollu, it-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ mhumiex se jiġu integrati fil-baġit ġenerali tal-UE u se jkomplu jiġu implimentati u rrappurtati separatament sal-għeluq tagħhom.
Fl-2020, il-valur totali tal-infiq li kien suġġett għall-awditjar tagħna f’dan il-qasam kien ta’ EUR 4.0 biljun. Dan l-infiq jirrigwarda t-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ.
Il-FEŻ huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni, barra mill-qafas tal-baġit ġenerali tal-UE, u mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubiji Internazzjonali (id-DĠ INTPA, li qabel kien id-DĠ DEVCO) huwa d-DĠ prinċipali responsabbli.
X’sibna
Il-kontijiet għall-2020 ma kinux milquta minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
Aħna nikkonkludu wkoll li d-dħul tal-FEŻ ma kienx fih livell materjali ta’ żball.
L-opinjoni tagħna dwar l-infiq għas-sena finanzjarja 2020 hija avversa:
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli | EUR 4.0 biljun | Iva | 3.8 % (2019: 3.5 %) |
---|
Biex nawditjaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet, aħna eżaminajna kampjun ta’ 140 tranżazzjoni li kien rappreżentattiv tal-firxa sħiħa tal-infiq li sar fi ħdan il-FEŻ. Dan kien jinkludi 21 tranżazzjoni li kienu relatati mal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, 102 tranżazzjonijiet li ġew awtorizzati minn 21 delegazzjoni tal-UE, u 17-il pagament li ġew approvati mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni.
Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ma kienx possibbli li jitwettqu żjarat fuq il-post fid-delegazzjonijiet tal-UE. Dan ma ppermettilniex li nwettqu ċerti proċeduri tal-awditjar, b’mod partikolari li nivverifikaw l-implimentazzjoni tal-kuntratti għat-tranżazzjonijiet magħżula, u għaldaqstant ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien limitat. Kellna nadattaw l-approċċ tagħna, billi nwettqu analiżijiet mhux fuq il-post ta’ tranżazzjonijiet u proġetti u billi nikkollaboraw mill-bogħod mal-entitajiet awditjati tagħna.
Mill-140 tranżazzjoni li eżaminajna, 36 (25.7 %) kien fihom żbalji. Ibbażat fuq il-31 żball li kkwantifikajna, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 3,8 %. It-tliet tipi ta’ żball l-aktar komuni kienu n-nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ sostenn (38.3 %), l-infiq ineliġibbli (38.2 %) u l-infiq mhux imġarrab (18.1 %).
Din is-sena, il-Kummissjoni u s-sħab tagħha inkarigati mill-implimentazzjoni wettqu aktar żbalji fi tranżazzjonijiet relatati ma’ stimi ta’ għotjiet u ma’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni u ftehimiet ta’ delega ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali milli għamlu b’forom oħra ta’ appoġġ (bħalma huma dawk li jkopru l-kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi). Mis-67 tranżazzjoni ta’ dan it-tip li eżaminajna, 27 (40.3 %) kien fihom żbalji kwantifikabbli, li kienu jirrappreżentaw 94.2 % tal-livell ta’ żball stmat.
Xi organizzazzjonijiet internazzjonali pprovdew biss aċċess limitat għad-dokumenti, bħal f’format li jinqara biss, li jfisser li ma stajniex nagħmlu kopji tad-dokumenti rieżaminati. Barra minn hekk, organizzazzjoni internazzjonali waħda kkontestat il-mandat tagħna jew ħadet ammont ta’ żmien eċċessiv biex tipprovdi d-dokumenti ta’ sostenn mitluba. Dawn il-kwistjonijiet fixklu l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-awditu tagħna u wasslu għal dewmien eċċessiv sakemm it-tim tal-awditjar irċieva d-dokumentazzjoni mitluba u wettaq xogħlu. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistabbilixxi li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha d-dritt li tintbagħat kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħol tagħha.
Studju dwar ir-RER tad-DĠ INTPA
Fl-2020, id-disa’ studju tad-DĠ INTPA dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) kien twettaq minn kuntrattur estern, biex jistma l-livell ta’ żball li l-kontrolli kollha ta’ ġestjoni tad-DĠ INTPA għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji ma rnexxilhomx jaqbdu fil-qasam intier tar-responsabbiltà tiegħu. Għall-istudju tiegħu tal-2020 dwar ir-RER, id-daqs tal-kampjun kien ta' 480 tranżazzjoni. Dan fisser li kien possibbli għal darba oħra li jippreżenta rati ta’ żball separati għall-infiq iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-UE u għall-infiq iffinanzjat mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, flimkien mar-rata ta’ żball kumplessiva għat-tnejn f’daqqa.
Għall-ħames sena konsekuttiva, ir-RER kumplessiva stmata mill-istudju kienet taħt is-soll ta’ materjalità tal-Kummissjoni stess, li huwa ta’ 2 % (2016: 1.67 %; 2017: 1.18 %, 2018: 0.85 %; 2019: 1.13 % u 2020: 0.95 %). L-istudju dwar ir-RER ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu; huwa bbażat fuq il-metodoloġija relatata mal-istudju dwar ir-RER u l-manwal ipprovdut mid-DĠ INTPA. Bħal fl-erba’ snin preċedenti, aħna identifikajna limitazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-istima insuffiċjenti tar-RER.
Fatturi li joħolqu distorsjoni fir-RER tal-Kummissjoni
- il-ftehim qafas finanzjarju u amministrattiv jillimita l-għadd ta’ elementi li jistgħu jiġu vverifikati matul verifikazzjoni tal-infiq, kif ukoll l-aċċess għall-evidenza għall-awditjar;
- 97 % tar-rata ta’ żball iddikjarata għar-RER kien relatat ma’ għotjiet u kuntratti ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-Istati Membri (riskju għoli). Kienu biss sitt tranżazzjonijiet ta’ għotja (meqjusa bħala b’riskju għoli u li kienu jammontaw għal EUR 6.3 miljun jew 0.3 % tal-valur totali tal-kampjun) li ġew rieżaminati fl-intier tagħhom;
- Il-metodu ta’ stima għar-RER jagħti lill-kuntrattur diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeċiedi jekk hemmx raġunijiet loġistiċi u legali li huma suffiċjenti biex jipprevienu l-aċċess f’waqtu għad-dokumenti ta’ tranżazzjoni u, għalhekk għall-istima tar-rata ta’ żball;
- il-qafas regolatorju għall-istudju dwar ir-RER u l-kuntratt bejn id-DĠ INTPA u l-kuntrattur ma jindirizzawx jew ma jsemmux ir-riskju ta’ frodi.
Barra minn hekk, għal aktar minn nofs it-tranżazzjonijiet (54 %), ir-RER tiddependi bis-sħiħ (17 %) jew parzjalment (37 %) fuq ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti. Għal dawn it-tranżazzjonijiet, il-kuntrattur wettaq kontrolli limitati jew inkella ma wettaq l-ebda kontroll, u minflok iddependa fuq ix-xogħol preċedenti mwettaq bħala parti mill-qafas ta’ kontroll tad-DĠ DEVCO. Id-dipendenza żejda fuq ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti tmur kontra l-iskop tal-istudju dwar ir-RER, li huwa li jidentifika l-iżbalji li ma jkunux inqabdu preċiżament minn dawn il-kontrolli. Fl-aħħar nett, il-qafas regolatorju għall-istudju dwar ir-RER ma jindirizzax jew ma jsemmix ir-riskju ta’ frodi.
Rieżaminar tar-rapport annwali tal-attività tad-DĠ INTPA
Fir-Rapport Annwali tal-Attività 2020, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Ġenerali ma kinitx tinkludi xi riżervi, billi ż-żewġ riżervi li kien għad baqa’ fl-2018 kienu tneħħew u ma nħarġux oħrajn ġodda. Fl-2018 u l-2019, id-DĠ INTPA naqqas b’mod sinifikanti l-ambitu tar-riżervi (jiġifieri s-sehem tan-nefqa li koprew).
Eżattament bħas-sena l-oħra, aħna nsibu li n-nuqqas ta’ riżervi fir-Rapport Annwali tal-Attività 2020 tad-DĠ INTPA mhuwiex iġġustifikat u nqisu li dan jirriżulta parzjalment mil-limitazzjonijiet tal-istudju dwar ir-RER.
Għat-tieni darba, il-Kummissjoni applikat regola li tiddikjara li riżerva ma tkunx meħtieġa jekk il-qasam individwali ta’ nfiq li tkun tkopri jirrappreżenta inqas minn 5 % tat-total tal-pagamenti u jkollha impatt finanzjarju ta’ inqas minn EUR 5 miljun. Konsegwentement, ma għadhomx isiru riżervi f’ċerti oqsma fejn dawn ikunu saru fi snin preċedenti, anke jekk ir-riskju korrispondenti jibqa’ jippersisti.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tieħu passi sabiex l-organizzazzjonijiet internazzjonali jipprovdu lill-QEA aċċess komplet, illimitat u f’waqtu għad-dokumenti meħtieġa biex twettaq ix-xogħol tagħha f’konformità mat-TFUE, u mhux biss f’format li jinqara.
- toħroġ riżervi għall-oqsma kollha li jinsab li għandhom livell għoli ta’ riskju, irrispettivament mis-sehem tal-infiq kumplessiv u l-impatt finanzjarju tagħhom;
- tistabbilixxi obbligi għall-kuntrattur inkarigat mit-twettiq tal-istudju dwar ir-RER biex jirrapporta lill-Kummissjoni kwalunkwe frodi suspettata kontra l-baġit tal-UE li tkun inqabdet matul il-xogħol tiegħu fuq l-istudju dwar ir-RER.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-FEŻ tingħata fir-Rapport Annwali 2020 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill‑10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
Informazzjoni ġenerali
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u x-xogħol tagħha
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-awditur indipendenti estern tal-Unjoni Ewropea. Is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu u timpjega madwar 900 persuna min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE f’attivitajiet professjonali u ta’ appoġġ.
Il-missjoni tagħna hija li nivvalutaw l-ekonomija, l-effettività, l-effiċjenza, il-legalità u r-regolarità tal-azzjonijiet tal-UE permezz tax-xogħol tal-awditjar li nwettqu, li huwa indipendenti, professjonali u jħalli impatt biex intejbu l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-ġestjoni finanzjarja, b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini u nirrispondu b’mod effettiv kemm għall-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-UE kif ukoll dawk li se tiffaċċja fil-futur.
Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali fil-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Dawn jintużaw biex jintalab rendikont mingħand dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri.
Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.

L-output tagħna
Aħna noħorġu:
- rapporti annwali, li fihom ir-riżultati tax-xogħol tal-awditjar tagħna dwar aspetti finanzjarji, tal-konformità u tal-prestazzjoni li jikkonċernaw il-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, kif ukoll aspetti li jirrigwardjaw il-ġestjoni tal-baġit;
- rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma speċifiċi ta’ politika jew ta’ nfiq, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni;
- rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE;
- opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva tagħna stess;
- rapporti analitiċi, li jipprovdu deskrizzjoni ta’ politiki, sistemi, strumenti jew suġġetti aktar iffukati, jew informazzjoni dwarhom.
L-approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna – fil-qosor
L-opinjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.
Kif iddikjarat fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025, għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027), aħna se nkomplu niżviluppaw l-approċċ tal-awditjar tagħna u nużaw id-data u l-informazzjoni disponibbli, li se jippermettulna nkomplu nipprovdu aċċertament qawwi, ibbażat fuq il-mandat tagħna skont it-Trattat u f’konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tal-awditjar tas-settur pubbliku.
Affidabbiltà tal-kontijiet
Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?
Kull sena, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jiġġeneraw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, filwaqt li jiġbru informazzjoni minn ħafna sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna nivverifikaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu kif suppost u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b’mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq fir-rapporti finanzjarji tal-UE.
- Nevalwaw is-sistema kontabilistika biex niżguraw li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta’ data affidabbli.
- Aħna nivvalutaw proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex niżguraw li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
- Iwettqu kontrolli analitiċi tad-data kontabilistika biex niżguraw li din tiġi ppreżentata b’mod konsistenti u tkun tidher raġonevoli.
- Aħna niċċekkjaw b’mod dirett kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex niżguraw li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi jkunu jeżistu u li dawn ikunu ġew irreġistrati b’mod preċiż.
- Nivverifikaw ir-rapporti finanzjarji biex niżguraw li dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja b’mod ġust.
Regolarità tat-tranżazzjonijiet
It-tranżazzjonijiet relatati mal-introjtu u mal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż, u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli?
Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji, kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, aħna neżaminaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet u nużaw l-informazzjoni dwar is-sistemi li permezz tagħhom l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż (jiġifieri kemm il-pagamenti finali kif ukoll l-approvazzjoni tal-pagamenti bil-quddiem) jiġu amministrati u vverifikati.
Fejn it-termini tal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti ikunu ġew issodisfati, aħna nanalizzaw u nerġgħu nwettqu l-kontrolli li jkunu twettqu minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għaldaqstant, aħna nieħdu kont sħiħ ta’ kull miżura korrettiva li tkun ittieħdet abbażi ta’ dawn il-kontrolli.
- Nivvalutaw is-sistemi għad-dħul u l-infiq biex niddeterminaw kemm dawn huma effettivi biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet huma regolari.
- Nieħdu kampjuni statistiċi ta’ tranżazzjonijiet biex nipprovdu bażi għal ittestjar dettaljat mill-awdituri tagħna. Neżaminaw it-tranżazzjonijiet ikkampjunati fid-dettall, inklużi dawk għand ir-riċevituri finali (eż. bdiewa, istituti tar-riċerka jew kumpaniji li jipprovdu xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku), biex niksbu evidenza li kull avveniment ta’ bażi jkun jeżisti, ikun ġie rreġistrat kif xieraq u jkun jikkonforma mar-regoli biex isiru pagamenti. Din is-sena, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 ma ppermettulniex, fi kważi l-każijiet kollha, li nwettqu kontrolli fuq il-post. Għaldaqstant, wettaqna l-biċċa l-kbira mix-xogħol tagħna mill-bogħod, li ppermettielna nikkompletaw ix-xogħol tagħna u nilħqu konklużjonijiet dwaru.
- Aħna nanalizzaw l-iżbalji u nikklassifikawhom bħala kwantifikabbli jew mhux kwantifikabbli. It-tranżazzjonijiet ikunu milquta minn żball kwantifikabbli jekk, ibbażat fuq ir-regoli, il-pagament ma kellux jiġi awtorizzat. Nestrapolaw l-iżbalji kwantifikabbli biex niksbu livell ta’ żball stmat għal kull qasam li fih nagħmlu valutazzjoni speċifika.
- Nużaw il-livell ta’ 2 % bħala s-soll ta’ materjalità għall-opinjoni tagħna. Barra minn hekk, nieħdu kont ta’ dawn il-valutazzjonijiet u ta’ informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti minn awdituri esterni oħra.
- Jekk insibu li l-livell ta’ żball fit-tranżazzjonijiet awditjati jkun materjali, irridu niddeterminaw jekk l-iżball ikunx "pervażiv". Aħna nistgħu nqisuh bħala pervażiv għal diversi raġunijiet, inkluż meta nsibuh f’proporzjon sostanzjali tal-popolazzjoni li awditjajna. F’dan il-każ, huwa jifforma l-bażi għal opinjoni avversa. Mill-2016 ‘il hawn, aħna nidentifikaw l-oqsma ta’ riskju baxx u l-oqsma ta’ riskju għoli tal-baġit tal-UE. Meta l-infiq b’riskju għoli milqut minn żball materjali jikkostitwixxi parti sostanzjali mill-popolazzjoni li awditjajna, aħna nqisu l-iżball bħala pervażiv u għaldaqstant, nagħtu opinjoni avversa.
- Aħna niddiskutu s-sejbiet kollha tagħna kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni sabiex nikkonfermaw li l-fatti tagħna huma korretti.


Il-prodotti kollha tagħna jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna: http://www.eca.europa.eu. Aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tingħata fl-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2020 tagħna.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021
ISBN 978-92-847-6748-9 | doi:10.2865/843991 | QJ-02-21-962-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-6732-8 | doi:10.2865/747286 | QJ-02-21-962-MT-Q |
ISBN 978-92-847-6769-4 | doi:10.2865/287615 | QJ-02-21-962-MT-C |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2021.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6‑2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Għall-istampi li ġejjin, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jissemmew id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u l-isem tal-fotografi/periti (fejn indikat):
* © L-Unjoni Ewropea, 2021, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, 2015, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Perit: Paul Noël (Binja K1, 1988).
* © L-Unjoni Ewropea, 2018, il-Parlament Ewropew / Mathieu Cugnot.
* © L-Unjoni Ewropea, 2020, il-Parlament Ewropew/Melanie Wenger.
* © L-Unjoni Ewropea, 2017, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Periti: Paul Noël (Binja K1, 1988) u Jim Clemes (Binja K2, 2004 u Binja K3, 2013).
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
* © Shutterstock / Rawpixel.com.
* © Getty Images, 2017 / Miorag Gajic.
* © Getty Images, 2017 / skynesher.
* © Getty Images, 2018 / Ruslan Dashinsky.
* © Getty Images, 2017 / Simon Skafar.
* © Getty Images, 2017 / redstone.
* © Getty Images, 2019 / LumiNola.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.