Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri 2017 Rapport tal-Attività
Ma hemm xejn aħjar mill-istampi biex ifakkru l-40 sena ta’ eżistenza tagħna. Dawn ir-ritratti ta’ hawn fuq juru l-ħajja tax-xogħol ta’ kuljum tal-mijiet ta’ membri tal-persunal li taw is-servizzi tagħhom lill-istituzzjoni tagħna matul is-snin. Matul l-2017, xi wħud minn dawn ir-ritratti ntgħażlu biex jittellgħu fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu) u fuq il-midja soċjali (@EUauditors).
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Min aħna
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur estern tal-UE.
Hija waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Kulleġġ tal-Qorti huwa magħmul minn 28 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE. Madwar 900 membru tal-persunal, kemm awdituri kif ukoll persunal amministrattiv, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE, huma impjegati mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
L-istituzzjoni tagħna ġiet stabbilita fl-1977. Is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu.
X’nagħmlu
Aħna nivverifikaw li l-UE żżomm kontijiet tajbin, li tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, u li l-politiki u l-programmi tagħha jwasslu valur għall-flus.
Permezz ta’ xogħolna, aħna nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza. Aħna navżaw dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE.
Aħna nippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-parlamenti nazzjonali u lill-pubbliku ġenerali.
Is-sede tal-QEA fuq il-Plateau de Kirchberg fil-Lussemburgu, 2017.
Kelmtejn ta’ qabel mill-President
Għażiż Qarrej,
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri bdiet topera fl-1977 – 40 sena wara, aħna nistgħu nħarsu lura lejn il-bosta kontributi siewja li għamilna, għall-obbligu ta’ rendikont fis-settur prubbliku u għall-ġestjoni finanzjarja tal-UE.
F’Ottubru 2017, dan l-anniversarju kien iċċelebrat b’ċerimonja uffiċjali fil-preżenza tal-Altezzi Rjali Tagħhom il-Gran Duka u l-Gran Dukessa tal-Lussemburgu, ta’ Kersti Kaljulaid, il-President tal-Estonja, ta’ Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, u ta’ Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. L-attendenza tagħhom kienet xhieda qawwija tar-rwol tal-Qorti bħala l-“kuxjenza finanzjarja” tal-Unjoni Ewropea.
Iżda matul is-sena ħarisna wkoll ‘il quddiem lejn il-futur. Aħna ddiskutejna u qbilna dwar l-istrateġija tagħna għat-tliet snin li baqa’ tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali, jiġifieri sa tmiem l-2020. Biex ikomplu jkollhom fiduċja fl-UE u fl-istituzzjonijiet tagħha, iċ-ċittadini tal-UE jirrikjedu informazzjoni li tkun ċara, affidabbli u aċċessibbli. Jeħtieġ li n-nies ikunu jistgħu jaraw li l-UE taġixxi b’integrità, tapplika l-istat tad-dritt, tonfoq il-fondi pubbliċi b’attenzjoni, ikollha objettivi ta’ politika ċari u tikseb ir-riżultati li tkun wiegħdet. Bħala l-awditur estern tal-Unjoni, il-QEA tinsab f’pożizzjoni tajba biex tivverifika dan kollu u tirrapporta kif meħtieġ.
Matul is-sena, aħna ppubblikajna rapporti speċjali dwar firxa wiesgħa ta’ politiki u programmi tal-UE, kif ukoll pubblikazzjonijiet analitiċi bħal analiżijiet panoramiċi u analiżijiet rapidi dwar każijiet speċifiċi. Barra minn hekk, aħna ħejjejna bosta opinjonijiet dwar proposti leġiżlattivi u, kif nagħmlu kull sena, ir-rapporti annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, kif ukoll dwar l-aġenziji tal-UE u dwar bosta korpi oħra tal-Unjoni.
F’dan ir-rapport issib rendikont komprensiv tal-attivitajiet li wettaqna fl-2017 u informazzjoni ewlenija dwar l-organizzazzjoni, il-baġit u l-persunal tagħna.
Nittama li tieħu gost taqrah.
Klaus-Heiner Lehne
President
Daqqa t’għajn lejn l-2017
L-attivitajiet tagħna
- 28 rapport speċjali li eżaminaw l-effettività u l-valur miżjud tal-politiki u l-programmi tal-UE f’oqsma bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-ambjent, il-migrazzjoni u l-unjoni bankarja;
- Analiżi panoramika dwar l-azzjoni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima u analiżi rapida dwar it-tnaqqis tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-UE;
- 5 opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew aġġornati tal-UE b’implikazzjonijiet sinifikanti għall-ġestjoni finanzjarja, inklużi waħda dwar ir-Regolament Finanzjarju għall-baġit tal-UE u waħda dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej;
- Rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, inkluż ir-rapport ta’ sinteżi dwar l-awditu tal-UE fil-qosor għall-2016;
- 55 rapport annwali speċifiku dwar il-kontijiet ta’ diversi aġenziji, korpi u impriżi konġunti tal-UE li jinsabu madwar l-Unjoni, inklużi 2 rapporti ta’ sinteżi; u
- Laqgħat, seminars u konferenzi mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u l-pari tagħna, bħal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-UE li saret bejn il-kapijiet tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll konferenzi dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-valutazzjoni tal-impatt.
It-tmexxija tagħna
- Aħna lqajna żewġ Membri ġodda fl-istituzzjoni tagħna: Juhan Parts (l-Estonja) fl-1 ta’ Jannar 2017 u ldikó Gáll-Pelcz (l-Ungerija) fl-1 ta’ Settembru 2017;
- Aħna ħriġna strateġija pluriennali ġdida biex tiggwida x-xogħol u t-tmexxija tagħna mill-2018 sal-aħħar tal-2020;
- Aħna rrivedejna l-programmazzjoni ta’ ħidma tagħna biex niżguraw li, għall-ippjanar tal-prijoritajiet tal-awditjar tagħna, nużaw approċċ li jkun aktar strateġiku, aktar konsistenti u li japplika fl-istituzzjonijiet kollha;
- Aħna rrivedejna l-politika tagħna dwar il-ġestjoni tar-riskju u rrinfurzajna l-proċeduri finanzjarji tagħna;
- Aħna komplejna nnaqqsu l-postijiet fit-tabella tal-persunal tagħna, kif kien ġie maqbul bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, filwaqt li implimentajna politika ta’ opportunitajiet indaqs fir-reklutaġġ u fil-ġestjoni tar-riżorsi umani;
- Aħna ksibna ċertifikazzjonijiet ambjentali bħall-EMAS u l-ISO 14001:2015 għas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħna.
L-attivitajiet tagħna
Awditjar
Aħna nwettqu tipi differenti ta’ awditi fl-oqsma differenti tal-baġit tal-UE:
- Awditi tal-prestazzjoni dwar l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-politiki u l-programmi tal-UE. Dawn l-awditi, li huma intenzjonati jivveriifkaw il-valur għall-flus, jiffukaw fuq suġġetti ta’ ġestjoni jew oqsma baġitarji speċifiċi: aħna nagħżluhom fuq il-bażi ta’ kriterji bħalma huma l-interess pubbliku, il-potenzjal għal titjib, ir-riskju ta’ prestazzjoni baxxa jew ir-riskju ta’ irregolarità; u
- Awditi finanzjarji u tal-konformità dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (b’mod partikolari d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni), kif ukoll valutazzjonijiet ta’ jekk is-sistemi jew it-tranżazzjonijiet f’oqsma baġitarji speċifiċi jikkonformawx mar-regoli u r-regolamenti li jirregolawhom.
Ibbażati fuq l-evidenza li niġbru meta nwettqu x-xogħol tal-awditjar tagħna, ir-rapporti tagħna jipprovdu konklużjonijiet ċari dwar kemm l-objettivi ta’ politika tal-UE jkunu ntlaħqu u dwar is-sitwazzjoni tal-kontabbiltà tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tal-UE. Dan jgħinna nagħtu rakkomandazzjonijiet prattiċi u kosteffettivi.
Żjarat tal-awditjar fl-2017
Il-biċċa l-kbira mix-xogħol tal-awditjar li nwettqu jsir fis-sede tagħna fil-Lussemburgu. Fl-istess ħin, matul l-2017, l-awdituri tagħna għamlu wkoll għadd kbir ta’ żjarat lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE, jew lid-delegazzjonijiet tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, kif ukoll lil organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, li huma involuti fl-ipproċessar tal-fondi tal-UE. Aħna nwettqu wkoll kontrolli fuq il-post tar-riċevituri tal-fondi tal-UE, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Permezz ta’ dawn il-kontrolli, aħna niksbu evidenza għall-awditjar direttament mingħand dawk involuti fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE, fil-ġbir u fil-pagament ta’ fondi tal-UE, kif ukoll mingħand il-benefiċjarji finali li jkunu rċevewhom.
Il-frekwenza u l-intensità tax-xogħol tal-awditjar li nwettqu fi Stati Membri individwali u fil-pajjiżi benefiċjarji jiddependu mit-tip ta’ awditi li jsiru. Fl-2017, l-awdituri tagħna ddedikaw 3 670 jum għall-awditjar fuq il-post (4 246 fl-2016) — ġewwa l-Istati Membri u barra mit-territorju tal-UE.
It-timijiet tal-awditjar tagħna ġeneralment jikkonsistu f’żewġ awdituri jew tlieta, filwaqt li d-durata taż-żjarat tal-awditjar tagħna tvarja minn ftit jiem għal ftit ġimgħat. Il-kontrolli fuq il-post li aħna nwettqu fi ħdan l-UE ta’ spiss isiru f’kollegament mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Istati Membri kkonċernati.
Barra minn hekk, l-awdituri tagħna qattgħu 2 300 jum (2 510 fl-2016) fl-istituzzjonijiet tal-UE fi Brussell u l-Lussemburgu, kif ukoll f’aġenziji u korpi deċentralizzati madwar l-UE, f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU jew l-OECD, u f’ditti privati tal-awditjar. Aħna nagħmlu użu dejjem akbar mill-vidjokonferenzi u minn teknoloġija tal-informazzjoni oħra (bħall-kondiviżjoni sikura ta’ data u ta’ dokumenti) biex niksbu u nivvalidaw l-evidenza għall-awditjar li niġbru.
Detezzjoni ta’ frodi
Aħna nikkooperaw mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) biex nipproteġu l-baġit tal-UE mill-frodi. Aħna ngħaddu lill-OLAF kull każ ta’ frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra suspettati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, u li nkunu identifikajna matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna. Imbagħad, dawn il-każijiet jingħataw segwitu mill-OLAF, li jiddeċiedi dwar kull investigazzjoni li tirriżulta, u li jikkoopera kif meħtieġ mal-awtoritajiet tal-Istati Membri.
Għalkemm l-awditi tagħna mhumiex maħsuba biex speċifikament ifittxu każijiet ta’ frodi, aħna naqbdu għadd ta’ każijiet li fihom nissuspettaw li setgħet tkun seħħet attività irregolari jew frodulenti. Matul l-2017, aħna kkomunikajna lill-OLAF 13-il każ ta’ frodi suspettata bħal dawn (11 fl-2016) li konna identifikajna matul ix-xogħol tagħna relatat mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni għas-snin finanzjarji 2016 u 2017, u matul kompiti oħra tal-awditjar li wettaqna.
Pubblikazzjonijiet
Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar li noħorġu huma element essenzjali tal-katina tal-obbligu ta’ rendikont tal-UE, billi jintużaw biex dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-baġit tal-UE jiġu obbligati jagħtu rendikont — b’mod partikolari fi ħdan il-proċedura annwali ta’ kwittanza. Dan jirrigwarda prinċipalment il-Kummissjoni Ewropea, iżda wkoll l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. Anke amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri għandhom rwol importanti f’oqsma taħt ġestjoni kondiviża, bħall-infiq fuq l-agrikoltura u l-koeżjoni, u huma responsabbli għall-użu ta’ madwar 80 % tal-baġit tal-UE.
Il-pubblikazzjonijiet jinkludu:
- rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma ta’ politika jew ta’ nfiq speċifiċi, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni speċifiċi;
- rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati ta’ awditi finanzjarji u tal-konformità relatati mal-baġit tal-Unjoni Ewropea u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll aspetti li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-baġit;
- rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE, li jiġu ppubblikati separatament;
- opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva tagħna stess; u
- pubblikazzjonijiet analitiċi, bħal:
- analiżijiet panoramiċi: dokumenti deskrittivi u analitiċi dwar oqsma ta’ politika jew kwistjonijiet ta’ ġestjoni kumplessi u fuq skala kbira, li fihom aħna nippreżentaw l-esperjenza u l-għarfien akkumulati tagħna dwar is-suġġett magħżul, spiss minn perspettiva trażversali;
- dokumenti informattivi u analitiċi: simili għall-analiżijiet panoramiċi (dokumenti deskrittivi u analitiċi ta’ politika jew ta’ ġestjoni), iżda jindirizzaw suġġetti li jkunu aktar iffukati; u
- analiżijiet rapidi dwar każijiet speċifiċi: jippreżentaw u jistabbilixxu fatti li jikkonċernaw kwistjonijiet jew problemi speċifiċi u ffukati ħafna u, jekk ikun meħtieġ, jinkludu analiżi li tgħin fil-fehim ta’ dawk il-fatti.
Il-pubblikazzjonijiet kollha tagħna huma disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu). Barra minn hekk, ir-rapporti speċjali, l-opinjonijiet u l-pubblikazzjonijiet analitiċi kollha tal-2017 huma elenkati fi tmiem dan ir-rapport.
Rapporti annwali
Rapport Annwali dwar il-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2016
Fir-Rapport Annwali 2016 tagħna dwar il-baġit tal-UE, aħna eżaminajna kif il-fondi tal-UE kienu ntużaw matul is-sena, u ġbidna l-attenzjoni għal oqsma fejn kien hemm l-akbar riskju li jintnefqu b’mod irregolari. Barra minn hekk, aħna vvalutajna b’mod speċifiku kull qasam importanti tal-baġit tal-UE, ibbażat fuq l-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, u pprovdejna informazzjoni dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, kif ukoll dwar elementi ta’ prestazzjoni. Aħna analizzajna wkoll għalfejn kienu seħħew ċerti żbalji u pprovdejna rakkomandazzjonijiet għal titjib.
L-awdituri tagħna vverifikaw madwar 1 000 pagament li saru lill-benefiċjarji fl-oqsma ta’ nfiq kollha tal-baġit tal-UE. Dan ifisser li aħna vvalutajna madwar 1 000 każ differenti fejn il-fondi tal-UE kienu ntużaw biex jipprovdu appoġġ għal proġetti ewlenin ta’ infrastruttura, SMEs, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, bdiewa, studenti fl-Istati Membri tal-UE jew għal benefiċjarji f’pajjiżi mhux tal-UE.
Il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tagħna timmarka l-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza, min-naħa tal-Parlament Ewropew, għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Aħna ppreżentajna r-rapport annwali tagħna lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-Parlament fit-28 ta’ Settembru, u sussegwentement ippreżentajna wkoll lill-Parlament waqt sessjoni plenarja, lill-Kunsill (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Konklużjonijiet prinċipali
- Il-kontijiet għall-2016 tħejjew skont standards internazzjonali u jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta tal-finanzi tal-UE.
- Id-dħul fl-2016 kien ħieles minn żball materjali.
- Kien hemm titjib sostnut fil-livell ta’ żball stmat fil-pagamenti li saru mill-baġit tal-UE matul dawn l-aħħar ftit snin: 2016: 3.1 %, 2015: 3.8 % u 2014: 4.4 %. Fl-2016, parti sinifikanti mill-infiq awditjat – il-pagamenti bbażati fuq drittijiet (b’kuntrast mal-pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż) – ma kinitx milquta minn livell materjali ta’ żball.
- Għall-biċċa l-kbira mill-oqsma, ir-rappurtar dwar ir-regolarità li sar mill-Kummissjoni jikkonforma b’mod ġenerali mar-riżultati tagħna. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissimplifika l-mod kif tkejjel il-prestazzjoni, pereżempju billi tnaqqas l-għadd ta’ objettivi u indikaturi.
- L-azzjoni korrettiva li ttieħdet mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni kellha impatt pożittiv fuq il-livell ta’ żball stmat. Mingħajr din l-azzjoni, il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna kien ikun ogħla b’1.2 %. Madankollu, kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ulterjuri ta’ proporzjon sinifikanti ta’ żbalji.
- L-ammont totali ta’ pagamenti li l-UE impenjat lilha nfisha li tagħmel minn baġits futuri kien ogħla minn qatt qabel, u huwa previst li jkompli jiżdied. Il-likwidazzjoni ta’ dawn l-arretrati u l-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ oħrajn ġodda jenħtieġ li jkunu prijoritajiet meta jkun qed jiġi ppjanat l-infiq tal-UE għall-perjodu ta’ wara l-2020.
”Ir-Rapport Annwali 2016 huwa rapport storiku peress li jirrappreżenta bidla importanti mir-rapporti ta’ qablu. Għall-ewwel darba aħna tajna opinjoni kwalifikata minflok opinjoni avversa fir-rigward tal-konformità min-naħa tal-infiq.”
“L-opinjoni kwalifikata li ngħatat din is-sena tirrifletti titjib importanti fil-finanzi tal-UE. Għall-ġejjieni, aħna se nagħtu ħarsa mill-ġdid lejn il-mod ta’ kif nawditjaw il-baġit tal-UE:
- se nieħdu kont akbar tal-kontrolli interni li jintużaw fil-Kummissjoni Ewropea u fl-Istati Membri, biex b’hekk inkunu nistgħu nippromwovu aħjar ir-rispett tal-obbligu ta’ rendikont u nkomplu ntejbu l-ġestjoni tal-finanzi tal-UE;
- minbarra dan, aħna se nżidu l-fokus tagħna fuq il-prestazzjoni biex niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jiksbu valur għal flushom.”
L-importanza li jkun hemm fokus fuq il-prestazzjoni tal-infiq tal-UE u fuq ir-riżultati miksuba ġiet imtennija wkoll mir-rapporteur tal-Parlament għall-kwittanza 2016, Joachim Zeller, MEP:
Ir-rati ta’ żball u jekk, pereżempju, il-flus mill-fondi strutturali jintużawx skont ir-regoli, huma importanti ħafna, iżda jenħtieġ li aħna nqisu wkoll x’inkiseb bihom.
Rapport annwali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej. Huma jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri u mmaniġġjati barra mill-qafas tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u, għal xi tipi ta’ assistenza, mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
In-nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ akkwist kienu jirrappreżentaw madwar terz tal-livell kumplessiv ta’ żball fil-FEŻ. Tipi importanti oħra ta’ żbalji jinkludu nfiq li jew ma jkunx iġġarrab jew inkella jkun ineliġibbli.
Ir-rapport annwali tagħna dwar il-FEŻ jiġi ppubblikat flimkien mar-rapport annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE u huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Rapporti annwali speċifiċi
L-aġenziji, il-korpi l-oħra u l-impriżi konġunti tal-UE jinsabu f’lokalitajiet differenti fl-Unjoni Ewropea u jwettqu kompiti speċifiċi f’oqsma ta’ importanza kruċjali għaċ-ċittadini tal-UE, bħalma huma s-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-libertà u l-ġustizzja, u r-riċerka.
Fl-2017, aħna awditjajna jekk il-kontijiet tagħhom kinux affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet kinux jikkonformaw mar-regoli. Biex niffurmaw l-opinjoni tagħna dwar il-kontijiet tagħhom, aħna qisna — fejn dan kien disponibbli — ix-xogħol tal-awditjar li sar minn ditti privati tal-awditjar. Aħna awditjajna wkoll l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni Sisnet, l-Iskejjel Ewropej, l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, u l-likwidazzjoni tal-Impriża Konġunta Galileo. Aħna ħdimna biex nikkonsolidaw ir-riżultati u biħsiebna noħorġu rapport waħdieni għall-aġenziji fl-2018.
Aġenziji (baġit ta’ EUR 3.4 biljun, 10 364 membru tal-persunal)
Permezz tal-awditi li wettaqna, aħna sibna li l-kontijiet tal-41 aġenzija kollha ppreżentaw stampa vera u ġusta. It-tranżazzjonijiet finanzjarji li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji kollha kienu legali u regolari, ħlief għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, li għalih aħna ħriġna opinjoni kwalifikata minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-prinċipji tal-akkwist pubbliku.
Impriżi Konġunti (baġit ta’ EUR 1.8 biljun, 633 membru tal-persunal)
Il-kontijiet tat-tmien impriżi konġunti kollha kienu affidabbli. Huma ppreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom u l-flussi tal-flus tagħhom għall-2016.
Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet ta’ seba’ impriżi kienu jikkonformaw mar-regoli rilevanti, ħlief għall-Impriża Konġunta ECSEL, li għaliha aħna ħriġna opinjoni kwalifikata billi ma stajniex niksbu aċċertament raġonevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontrolli interni tagħha għall-pagamenti ta’ għotja taħt l-FP7.
Ir-rapporti annwali speċifiċi kollha tagħna, flimkien maż-żewġ rapporti ta’ sinteżi, huma disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Rapporti speċjali
Matul l-2017, aħna ppubblikajna 28 rapport speċjali. F’dawn ir-rapporti, aħna vverifikajna inpartikolari jekk l-objettivi tal-politiki u l-programmi magħżula tal-UE ntlaħqux, jekk ir-riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk il-finanzjament mill-UE kienx ipprovda valur miżjud. Aħna fformulajna wkoll rakkomandazzjonijiet għal titjib, f’termini ta’ ffrankar finanzjarju, metodi ta’ ħidma aħjar, evitar tal-ħela, jew ilħuq tal-objettivi ta’ politika mistennija b’mod aktar kosteffiċjenti.
Ir-rapporti speċjali tagħna ffukaw fuq suġġetti li jirriflettu l-problemi li l-UE qed tiffaċċja, bħall-użu sostenibbli u favur l-ambjent tar-riżorsi naturali, il-ġenerazzjoni tat-tkabbir u l-promozzjoni tal-inklużjoni, l-isfidi relatati mal-migrazzjoni u mal-iżvilupp globali, is-suq uniku u l-unjoni bankarja, u l-ħtieġa ta’ Unjoni Ewropea li tkun kemm responsabbli kif ukoll effiċjenti.
Hawnhekk, aħna se niffukaw fuq 2 minn dawn it-28 rapport speċjali: wieħed dwar il-ħela tal-ikel, li fih aħna eżaminajna jekk il-politiki tal-UE setgħux jaffrontaw din il-problema tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel; l-ieħor dwar il-kriżi finanzjarja fil-Greċja, li fih aħna eżaminajna r-rispons tal-UE għall-kriżi finanzjarja u tad-dejn f’wieħed mill-Istati Membri tagħha permezz tal-programmi ta’ aġġustament ekonomiku.
Il-ħela tal-ikel hija problema globali
Il-ħela tal-ikel hija problema globali li fis-snin reċenti kisbet iżjed prominenza fl-aġenda pubblika u politika, speċjalment meta titqies il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed ikel għall-popolazzjoni globali li qed tikber. Stimi attwali jindikaw li, globalment, madwar terz tal-ikel li jiġi prodott għall-konsum mill-bniedem jinħela jew jintilef, u dan jirrappreżenta spejjeż ekonomiċi u ambjentali enormi.
L-Awdituri tal-UE eżaminaw x’rwol l-UE jista’ jkollha fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel
Aħna eżaminajna, b’mod partikolari, l-azzjonijiet li ttieħdu sa issa u kif id-diversi strumenti ta’ politika tal-UE jaħdmu biex inaqqsu l-ħela tal-ikel. Aħna ffukajna fuq il-prevenzjoni u d-donazzjoni, li huma l-aktar forom preferuti ta’ azzjoni fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel.
L-awdituri tagħna intervistaw persunal mid-dipartimenti tal-Kummissjoni inkarigati minn din il-politika, eżaminaw dokumenti u wettqu żjarat tal-awditjar f’ħames Stati Membri: l-Italja (il-Lazio), in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Finlandja. Huma żaru l-ministeri rilevanti u wettqu żjarat fuq il-post. Barra minn hekk, huma kkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fis-setturi tal-produzzjoni tal-ikel, tal-bejgħ lill-konsumaturi, tar-riċerka u tal-karità.
“L-UE tista’ tintervjeni aktar biex il-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel tkun aktar effettiva, u jenħtieġ li tagħmel dan,” jgħidu l-Awdituri tal-UE
L-awdituri tagħna kkonkludew li, għalkemm għadd ta’ politiki tal-UE għandhom il-potenzjal li jiġġieldu kontra l-ħela tal-ikel, dan il-potenzjal mhux qed jiġi sfruttat. L-azzjoni li ttieħdet sa issa tibqa’ frammentata u intermittenti u hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport tagħna identifika għadd ta’ opportunitajiet mitlufa u ta’ titjib potenzjali li ma jirrikjedux liġijiet ġodda jew aktar fondi pubbliċi, u rrakkomanda li jsir allinjament aħjar tal-politiki eżistenti, kif ukoll li jkun hemm objettiv ta’ politika ċar biex titnaqqas il-ħela tal-ikel.
Aħna ppreżentajna r-rapport lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, u lil għadd ta’ parlamenti nazzjonali madwar l-UE. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill laqgħu ir-rapport u approvaw il-konklużjonijiet tiegħu. Ir-rapport iġġenera wkoll interess sinifikanti fil-midja, b’mod partikolari l-midja soċjali.
Il-Greċja kienet teħtieġ l-assistenza biex tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tagħha
Il-kriżi finanzjarja tal-2008 rriżultat fi tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u fi kriżi tad-dejn fl-Ewropa, u dan kixef il-vulnerabbiltajiet tal-ekonomija Griega. Sa April 2010, il-Greċja ma setgħetx tkompli tiffinanzja lilha nfisha b’mod vijabbli fuq is-swieq finanzjarji, u għalhekk hija talbet assistenza finanzjarja mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).
Minn dak iż-żmien ‘il hawn, il-Greċja pparteċipat fi tliet programmi ta’ aġġustament ekonomiku, immaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-FMI – l-hekk imsejħa “Trojka”. Fit-tielet programm kien involut ukoll il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES). L-assistenza, b’valur totali ta’ EUR 368.6 biljun, kienet suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika, stabbiliti permezz ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet Griegi u l-mutwanti.
Dawn il-programmi kellhom l-għan li jistabbilixxu sitwazzjoni ekonomika stabbli fil-Greċja billi jkopru l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-ekonomija, biex b’hekk jiġi evitat li jkun hemm kontaġju fil-bqija taż-żona tal-euro. Min-naħa tagħha, il-Greċja impenjat lilha nfisha li timplimenta riformi strutturali estensivi.
L-awdituri tal-UE eżaminaw jekk il-Kummissjoni kinitx immaniġġjat il-programmi ta’ aġġustament ekonomiku b’mod xieraq
Dan l-awditu kien parti minn sensiela ta’ awditi tal-prestazzjoni li wettaqna fi snin reċenti u li kienu jirrigwardaw l-azzjonijiet li ttieħdu u r-riformi li saru b’rispons għall-kriżi finanzjarja tal-2008. L-awdituri tagħna eżaminaw kif il-Kummissjoni kienet immaniġġjat l-ewwel żewġ programmi għall-Greċja u kif fasslet it-tielet wieħed. Huma eżaminaw id-dokumenti relatati mal-programmi ta’ assistenza finanzjarja tal-UE, analizzaw il-kundizzjonijiet tal-programmi u intervistaw persunal mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali (bħall-ministeri settorjali), il-Bank tal-Greċja, l-għaqdiet tan-negozji u l-partijiet ikkonċernati, kif ukoll persunal mill-FMI, l-MES u l-OECD.
“Programmi ta’ Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja: twettqu xi riformi minkejja d-dgħufijiet,” jgħidu l-awdituri tal-UE
L-awdituri tagħna kkonkludew li l-programmi ta’ aġġustament ekonomiku għall-Greċja kienu pprovdew stabbiltà finanzjarja fuq terminu qasir u ppermettew li jseħħ xi progress fir-riformi. Madankollu, il-kontribut li l-programmi taw biex il-Greċja tirkupra, kien limitat. Huma osservaw ukoll li l-Kummissjoni ma kellhiex esperjenza preċedenti fl-immaniġġjar ta’ proċess bħal dan, li l-kundizzjonijiet tal-programmi la kienu prijoritizzati biżżejjed f’termini ta’ importanza u lanqas ma kienu inkorporati fi strateġija aktar ġenerali għall-Greċja, kif ukoll li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-programmi ma kinux iġġustifikati biżżejjed.
Aħna ppreżentajna dan ir-rapport speċjali lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew u lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali fil-Greċja. Ir-rapport iġġenera interess estensiv fil-midja u kien l-aktar wieħed sinifikattivament kopert mill-midja mir-rapporti speċjali kollha li ppubblikajna fl-2017.
Avvenimenti sinifikanti
L-40 anniversarju tal-QEA
It-12 ta’ Ottubru 2017, l-Hémicycle, il-Lussemburgu
L-40 anniversarju mill-istabbiliment tal-istituzzjoni tagħna kien iċċelebrat b’ċerimonja uffiċjali fil-preżenza tal-Altezzi Rjali Tagħhom il-Gran Duka u l-Gran Dukessa tal-Lussemburgu, kif ukoll tal-Prim Ministru tal-Lussemburgu, Xavier Bettel.
Iċ-ċerimonja nfetħet mill-President tal-QEA, Klaus-Heiner Lehne, u wara saru diskorsi minn Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, minn Kersti Kaljulaid, il-President tal-Estonja, u minn Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Minbarra ċ-ċerimonja, aħna organizzajna konferenza annwali fejn laqqajna l-kapijiet tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Istati Membri tal-UE (il-“Kumitat ta’ Kuntatt tal-UE”), u l-kapijiet tas-SAIs mill-pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali.
Konferenza tal-QEA dwar l-impjieg taż-żgħażagħ – niffaċċjaw l-isfidi u nsibu s-soluzzjonijiet
L-10 ta’ Mejju 2017, il-Parlament Ewropew, Brussell
Din il-konferenza ġiet organizzata b’segwitu għall-pubblikazzjoni tar-rapport speċjali tagħna dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li – flimkien ma’ rapporti oħra – ittratta l-kwistjoni ta’ kemm il-politiki tal-UE huma effettivi fl-indirizzar tal-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE. Matul il-konferenza, il-Membru relatur Iliana Ivanova u l-awdituri kellhom diskussjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ livell għoli mill-istituzzjonijiet tal-UE, ma’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-impjiegi, u ma’ żgħażagħ, dwar jekk il-politiki tal-UE kinux qed jagħtu riżultati u ddiskutew l-aħjar mod kif jimxu ‘l quddiem.
Konferenza tal-QEA dwar l-azzjoni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima
Is-17 ta’ Ottubru 2017, il-Parlament Ewropew, Brussell
Din il-konferenza kienet parti integrali mix-xogħol li wettaqna fuq l-analiżi panoramika tal-azzjoni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima, li ppubblikajna f’Settembru 2017 u li aktar tard anke ppreżentajna fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP23), f’Bonn. Il-konferenza pprovdiet pjattaforma għall-partijiet ikkonċernati u l-kontributuri ewlenin għal dan is-suġġett, kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, biex jiddiskutu l-isfidi futuri.
Aħna organizzajna l-konferenza flimkien mas-Servizz ta’ Riċerka Parlamentari Ewropew. Hija nfetħet minn Phil Wynn Owen, il-Membru relatur, u minn Jerzy Buzek, il-President tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament Ewropew. Attendew għal din il-konferenza rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar, tal-NGOs u ta’ gruppi ta’ riflessjoni, kif ukoll Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs), akkademiċi u l-awdituri tal-Qorti.
Simpożju tal-QEA dwar l-Analiżi tal-Impatt Regolatorju (RIA)
It-23 u l-24 ta’ Novembru 2017, il-QEA, il-Lussemburgu
Dan is-simpożju ta’ jumejn dwar ir-RIA, ġabar flimkien madwar 100 parteċipant li kienu jinkludu akkademiċi, gruppi ta’ riflessjoni, ċentri ta’ riċerka, organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali. Huma bagħtu l-artikli tagħhom wara sejħa miftuħa għal kontributi, u ppreżentawhom u ddiskutewhom matul is-simpożju. Is-simpożju kien ippresedut minn Danièle Lamarque, Membru tal-QEA, u ġie organizzat f’kollaborazzjoni mal-ġurnal akkademiku “Politiques et management public’.
Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali
Aħna naħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill tal-UE u mal-parlamenti nazzjonali. Dan huwa essenzjali, billi l-impatt ta’ xogħolna jiddependi ħafna minn kif dawn jużaw ir-riżultati tal-awditjar u r-rakkomandazzjonijiet tagħna. Minħabba dan, huwa wkoll importanti li nieħdu kont tal-preokkupazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom meta nkunu qed nippjanaw il-programm ta’ ħidma annwali tagħna.
Il-Parlament Ewropew
Fi Frar 2017, il-President Klaus-Heiner Lehne ppreżenta l-Programm ta’ Ħidma 2017 lill-korp tal-Parlament li jikkoordina x-xogħol tal-kumitati tiegħu – il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (CCC). Huwa stieden lill-kumitati permanenti parlamentari kollha biex jissuġġerixxu kompiti potenzjali tal-awditjar għall-Programm ta’ Ħidma 2018 tal-Qorti. Tliet kwarti tal-kumitati parlamentari taw is-suġġerimenti tagħhom u issa inkludejna madwar żewġ terzi minn dawn is-suġġerimenti fix-xogħol tagħna.
F’April 2017, il-President Lehne ħa sehem fid-dibattitu li seħħ fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, dwar il-kwittanza għall-2015. F’Settembru u f’Ottubru 2017, huwa ppreżenta r-Rapport Annwali 2016 tagħna lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-Parlament u lis-sessjoni plenarja, rispettivament. Il-Konferenza tal-Presidenti tal-mexxejja tal-gruppi politiċi tal-Parlament stiednet lill-President Lehne għal-laqgħa tagħha li saret f’Novembru 2017 biex jiddiskutu l-istrateġija u l-programm ta’ ħidma tal-Qorti.
Hija prattika stabbilita li l-Membri tal-Qorti jippreżentaw ir-rapporti u xogħol ieħor tagħna lill-CONT. Matul is-sena, saru kważi 60 preżentazzjoni ta’ dan it-tip lil dan il-kumitat. Il-Membri tal-Qorti jiskambjaw ukoll il-fehmiet tagħhom ma’ kumitati permanenti u delegazzjonijiet oħra. Fl-2017, aħna ppreżentajna r-rapporti tagħna fi 23 laqgħa ta’ dan it-tip, prinċipalment fil-kumitati għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, għall-industrija, ir-riċerka u l-enerġija kif ukoll fil-kumitati għall-iżvilupp reġjonali, u għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali.
Barra minn hekk, il-Membri tal-Qorti attendew għal-laqgħat tal-koordinaturi tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, wara li dawn esprimew interess speċifiku fix-xogħol tagħna. Barra dan, il-Parlament stedinna nippreżentaw ir-rapport speċjali tagħna dwar il-hotspots tal-migrazzjoni fil-konferenza tiegħu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni.
Il-Kunsill
F’Ġunju 2017, matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill, il-President Lehne u l-Membru Leo Brincat (Malta) iltaqgħu mal-Ministru Malti għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli u mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, fil-Belt Valletta (Malta). F’Settembru 2017, matul il-Presidenza Estonjana tal-Kunsill, il-President tal-QEA, il-Membru Juhan Parts (l-Estonja) u l-Membru inkarigat mir-Relazzjonijiet Istituzzjonali, Rimantas Šadžius, iltaqgħu mal-Prim Ministru tal-Estonja Jüri Ratas u mal-Ministru tal-Finanzi Toomas Tõniste, f’Tallinn.
Matul is-sena, rappreżentanti taż-żewġ Presidenzi tal-Kunsill ġew ukoll il-Lussemburgu biex iżuru l-istituzzjoni tagħna.
F’Novembru 2017, il-President Lehne ppreżenta r-rapport annwali tagħna lill-Ministri tal-Finanzi tal-UE fl-ECOFIN (il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) fi Brussell.
Fil-livell operazzjonali, l-interlokutur prinċipali tagħna huwa l-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill, li jittratta l-kwistjonijiet finanzjarji kollha, inkluża l-proċedura ta’ kwittanza. Fl-2017, l-awdituri tagħna attendew għal bosta laqgħat tal-korpi preparatorji l-oħra tal-Kunsill, prinċipalment il-Gruppi ta’ Ħidma dwar Miżuri Strutturali, dwar l-Ambjent u dwar Kwistjonijiet Agrofinanzjarji, biex jippreżentaw ir-rapporti tagħna.
Gvernijiet u parlamenti tal-Istati Membri
Matul is-sena, il-President Klaus-Heiner Lehne ltaqa’ ma’ għadd ta’ rappreżentanti governattivi ta’ livell għoli fl-Istati Membri tal-UE. Dawn kienu jinkludu l-President tal-Polonja Andrzej Duda f’Varsavja, il-President tal-Portugall Marcelo Rebelo de Sousa u l-Prim Ministru António Costa f’Lisbona, il-Prim Ministru ta’ Spanja Mariano Rajoy f’Madrid, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Ewropej, Nathalie Loiseau, u l-Ministru għall-Azzjoni u l-Kontijiet Pubbliċi, Gérald Darmanin, f’Pariġi. Huwa ltaqa’ wkoll ma’ Sabine Thillaye, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ewropej tal-Assemblea Nazzjonali. Waqt dawn iż-żjarat, huwa kien rispettivament akkumpanjat minn Janusz Wojciechowski (il-Polonja), João Figueiredo (il-Portugall), Baudilio Tomé Muguruza (Spanja) u Danièle Lamarque (Franza), Membri tal-QEA.
Fl-2017, il-Membri tal-Qorti ppreżentaw ir-Rapport Annwali 2016 tagħna lill-parlamenti nazzjonali f’14-il Stat Membru: ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja. Huma ppreżentaw ukoll għadd ta’ rapporti speċjali lill-kumitati parlamentari nazzjonali rilevanti.
Kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar
Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Istati Membri tal-UE
Matul l-2017, aħna organizzajna u ppresedejna l-laqgħa annwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt, bejn il-kapijiet tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tat-28 Stat Membru tal-UE. Id-diskussjonijiet kienu ffukati fuq ir-rwol tas-SAIs fir-restituzzjoni tal-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet pubbliċi, kemm nazzjonali kif ukoll supranazzjonali.
Barra minn hekk, aħna kkontribwejna għal jew ipparteċipajna fl-attivitajiet tal-korpi ta’ ħidma dwar l-unjoni bankarja tal-UE, il-fondi strutturali, l-Istrateġija Ewropa 2020, l-awditjar tal-politiki fiskali, it-taxxa fuq il-valur miżjud, l-istandards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku għall-Istati Membri tal-UE (EPSAS), kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda konta l-irregolaritajiet u l-frodi.
Netwerk tas-SAIs tal-pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE
Aħna nappoġġaw ukoll lis-SAIs tal-pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo*, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija), prinċipalment permezz ta’ netwerk simili għall-Kumitat ta’ Kuntatt. Matul l-2017, disa’ awdituri min-netwerk tas-SAIs ħadu sehem fil-programm tagħna ta’ internships. Aħna kkontribwejna wkoll b’mod attiv għal bosta laqgħat u attivitajiet ta’ dan in-netwerk, li kienu jittrattaw suġġetti bħall-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-awditjar finanzjarju u tal-konformità.
Barra minn hekk, aħna pparteċipajna f’awditu tal-prestazzjoni, li sar b’mod parallel taħt it-tmexxija tas-SAI Żvediża, u li kien jirrigwarda l-akkwist pubbliku.
F’Ottubru 2017, aħna organizzajna u pparteċipajna f’laqgħa li saret bejn il-kapijiet tan-netwerk tas-SAIs biex nadottaw pjan ta’ ħidma għall-2018 u wara.
INTOSAI/EUROSAI
Matul l-2017, aħna komplejna nkunu involuti b’mod attiv fi u nikkontribwixxu għall-attivitajiet tal-INTOSAI, notevolment bħala l-Viċi President tal-Kumitat għall-Istandards Professjonali (PSC) u bħala membru tas-sottokumitati tiegħu għall-awditjar finanzjarju u l-kontabbiltà, l-awditjar tal-konformità u l-awditjar tal-prestazzjoni. Aħna pparteċipajna wkoll b’mod attiv fl-attivitajiet ta’ korpi ta’ ħidma oħra tal-INTOSAI u tal-EUROSAI. Il-mandat tagħna bħala membru tal-Bord Governattiv tal-EUROSAI ntemm bl-Għaxar Kungress tal-EUROSAI, f’Mejju 2017.
- INTOSAI – Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar
- EUROSAI – Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar
It-tmexxija tagħna
Il-Kulleġġ tal-Membri
Il-Membri tal-Qorti jinħatru għal terminu ta’ sitt snin, li jista’ jiġġedded. Huma jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’indipendenza sħiħa u fl-interess ġenerali tal-UE. Hekk kif jieħdu l-kariga, huma jieħdu ġurament f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-Kulleġġ huwa magħmul minn 28 Membru, wieħed minn kull Stat Membru. Il-Kunsill tal-UE jaħtar lil kull Membru wara li ssir konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u wara li jiġu nnominati mill-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.
Fl-2017, il-Kunsill ħatar iż-żewġ Membri l-ġodda tagħna:
- Juhan Parts (l-Estonja), mill-1 ta’ Jannar 2017.
- Ildikó Gáll-Pelcz (l-Ungerija), mill-1 ta’ Settembru 2017.
President
Il-Membri jeleġġu President minn fosthom għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Huwa mbagħad jassumi r-rwol ta’ primus inter pares (l-ewwel fost il-pari). Minbarra r-responsabbiltajiet l-oħra tiegħu, il-President jissorvelja l-prestazzjoni ta’ xogħolna u jirrappreżenta l-istituzzjoni tagħna esternament. Klaus-Heiner Lehne (il-Ġermanja) ġie elett President f’Settembru 2016.
Awli tal-awditjar u kumitati
Il-Membri jiġu assenjati f’waħda mill-ħames awli tal-awditjar tal-Qorti, fejn ir-rapporti, l-opinjonijiet u pubblikazzjonijiet analitiċi oħra jiġu adottati. Kull awla għandha tema bbażata fuq il-politiki tal-UE biex torjenta x-xogħol tagħha. L-awli jitmexxew minn Dekan, li jiġi elett minn fost il-Membri ta’ dik l-awla, minnhom stess. Kull Membru huwa responsabbli għall-kompiti tal-awditjar li jkun inkarigat minnhom. Il-Membri jiġu assistiti minn kabinett.
F’Diċembru 2017, id-Dekani tal-ħames awli tal-awditjar tal-Qorti kienu Phil Wynn Owen (ir-Renju Unit), Iliana Ivanova (il-Bulgarija), Karel Pinxten (il-Belġju), Baudilio Tomé Muguruza (Spanja) u Lazaros S. Lazarou (Ċipru). Danièle Lamarque (Franza) ippresediet il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar. Rimantas Šadžius (il-Litwanja) kien inkarigat mill-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet interistituzzjonali tal-Qorti.
Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi aktar ġenerali jittieħdu mill-kumitat amminstrattiv u, fejn ikun xieraq, mill-Kulleġġ tal-Membri. It-tnejn jiġu ppreseduti mill-President.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri: organigramma fil-31 ta’ Diċembru 2017
President
Awla I
Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali
Awla II
Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni
Awla III
Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja
Awla IV
Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva
Awla V
Finanzjament u amministrazzjoni tal-Unjoni
Membru għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar
Strateġija
It-tliet snin li jmiss se jkunu perjodu kruċjali għall-Unjoni Ewropea, billi jridu jittieħdu deċiżjonijiet ta’ importanza kbira. Aħna nirrikonoxxu l-fatt li sabiex l-isfidi li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja jiġu indirizzati b’suċċess, jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom informazzjoni ċara, affidabbli u aċċessibbli. Jeħtieġ li huma jkunu jistgħu jaraw li l-UE taġixxi b’integrità, tapplika l-istat tad-dritt, tonfoq flus il-kontribwenti b’attenzjoni, ikollha objettivi ċari u tikseb ir-riżultati li tkun wiegħdet. Dan huwa fejn aħna, bħala l-awditur estern tal-UE, nistgħu nagħtu kontribut siewi.
F’Lulju 2017, aħna ppubblikajna l-istrateġija tagħna għall-perjodu 2018-2020, u fiha identifikajna erba’ għanijiet strateġiċi:
- inwasslu messaġġi ċari lill-udjenzi tagħna;
- inżidu l-fokus fuq l-aspetti ta’ prestazzjoni tal-azzjoni tal-UE;
- intejbu l-valur miżjud tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni; u
- norjentaw l-organizzazzjoni tagħna lejn il-prodotti tagħna.
Permezz tal-awditi indipendenti tagħna, aħna nistgħu nipprovdu fehim approfondit dwar x’jaħdem u x’ma jaħdimx fl-infiq tal-UE u fl-azzjonijiet li hija tieħu, ngħinu liċ-ċittadini tal-UE jiddeċiedu dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-UE humiex qed jagħtuhom riżultati u, b’hekk, nikkontribwixxu għat-trawwim tal-fiduċja fl-UE. Biex inkunu nistgħu nagħmlu dan, jeħtieġ ukoll li l-awditi tal-Qorti jkunu relatati mal-preokkupazzjonijiet tal-parti kkonċernata aħħarija tagħha, iċ-ċittadin Ewropew.
L-istrateġija għall-perjodu 2018-2020 tiddefinixxi ħames oqsma ta’ prijorità għax-xogħol tal-QEA fis-snin li ġejjin.
Meta konna qed niżviluppaw l-istrateġija tagħna, aħna qgħadna ħafna fuq il-konsultazzjoni, kemm interna kif ukoll esterna. Aħna ddiskutejna l-istrateġija mal-persunal tagħna u kkomunikajna mal-Membri tal-Parlament Ewropew, ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE, mal-Kummissjoni Ewropea, ma’ Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar oħra u ma’ partijiet ikkonċernati mhux istituzzjonali bħal akkademiċi, gruppi ta’ riflessjoni, organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) u awdituri mis-settur privat.
L-istrateġija tal-QEA għall-perjodu 2018-2020 hija disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Programmazzjoni ta’ ħidma
F’Jannar 2017, aħna ddeċidejna li nibdew nużaw proċeduri ġodda ta’ programmazzjoni, u dawn applikajnihom għall-ewwel darba għall-Programm ta’ Ħidma Annwali 2018, li nħareġ f’Ottubru tas-sena li għaddiet.
Il-bidliet prinċipali fil-programmazzjoni tal-ħidma tagħna huma:
- l-iżvilupp ta’ portafoll ta’ kompiti tal-awditjar fil-livell tal-Qorti kollha;
- proċess ċentralizzat għall-għażla minn fost ideat tal-awditjar li jkollhom il-potenzjal li jsiru kompiti tal-awditjar u mbagħad proposti tal-awditjar definittivi;
- allokazzjoni aktar flessibbli ta’ riżorsi għall-awli tal-awditjar u ta’ ripartizzjoni bejniethom skont l-ammont ta’ xogħol;
- l-espansjoni tal-portafoll ta’ prodotti permezz ta’ kompiti tal-awditjar li jwasslu għal pubblikazzjonijiet analitiċi; u
- id-definizzjoni ta’ kompiti tal-awditjar ta’ prijorità għolja li jkollhom dati ta’ skadenza aktar qosra.
Aħna qbilna wkoll dwar proċedura mas-CCC tal-Parlament Ewropew, li permezz tagħha l-kumitati parlamentari permanenti kollha jistgħu jissuġġerixxu suġġetti potenzjali għall-awditjar biex jiġu kkunsidrati mill-QEA.
Il-Programm ta’ Ħidma 2018 tagħna huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Kejl tal-prestazzjoni
Matul il-perjodu 2013-2017, aħna applikajna seba’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tingħata informazzjoni lill-maniġment tagħna dwar il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-għanijiet tagħna, biex jingħata appoġġ għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prestazzjoni tagħna lill-partijiet ikkonċernati.
L-għan ta’ dawn l-indikaturi kien li jitkejlu l-elementi ewlenin tal-kwalità u tal-impatt tax-xogħol tagħna, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati ewlenin, u għall-effiċjenza u l-effettività tal-mod kif nużaw ir-riżorsi tagħna.
Ġabra aġġornata ta’ indikaturi tal-prestazzjoni se tidħol fis-seħħ fl-2018 għall-perjodu 2018-2020.
Kwalità u impatt ta’ xogħolna
Aħna vvalutajna l-kwalità u l-impatt tar-rapporti tagħna abbażi ta’ evalwazzjoni mill-partijiet ikkonċernati, analiżijiet mill-esperti, u s-segwitu li ngħata għar-rakkomandazzjonijiet li għamilna bil-ħsieb li jsir titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-UE. Barra minn hekk, aħna nkejlu l-preżenza tagħna fil-midja.
Evalwazzjoni mill-partijiet ikkonċernati
Aħna stidinna lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u l-pari prinċipali tagħna — il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill, l-entitajiet prinċipali awditjati fil-Kummissjoni u fl-aġenziji Ewropej, u l-kapijiet tas-SAIs tal-UE — biex jevalwaw ir-rapporti li nippubblikaw.
Fl-2017, bħalma kien il-każ fi snin preċedenti, il-maġġoranza kbira tal-wiġġieba li evalwaw l-utilità u l-impatt tar-rapporti tagħna qalu li dawn kienu “għolja”/”għoli” jew “għolja ħafna”/”għoli ħafna”.
Analiżijiet mill-esperti
Kull sena, esperti esterni indipendenti analizzaw il-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ kampjun tar-rapporti tagħna biex jivvalutaw il-kwalità tagħhom. Fl-2017, l-eżaminaturi analizzaw sitt rapporti speċjali* u r-Rapporti Annwali 2016. Huma evalwaw il-kwalità ta’ diversi aspetti tar-rapporti fuq skala ta’ erba’ livelli, minn dak fejn instabu “nuqqasijiet sinfikanti” (1) għal dak ta’ “kwalità għolja” (4). Ir-riżultati baqgħu stabbli ħafna f’dawn l-aħħar snin, li jindika li l-kwalità tar-rapporti tagħna hija sodisfaċenti.
Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet
Matul is-sena, aħna vverifikajna sistematikament il-punt sa fejn l-entitajiet awditjati kienu implimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħna.
Sa tmiem l-2017, 92 % tar-rakkomandazzjonijiet li ħriġna fl-2014 kienu ġew implimentati.
Preżenza fil-midja
Aħna nimmonitorjaw ukoll l-interess li xogħolna u l-istituzzjoni tagħna jiġġeneraw fil-midja. Fl-2017, ir-rapporti speċjali kienu jirrappreżentaw 65 % tar-referenzi li saru għal xogħolna u għall-istituzzjoni tagħna fil-midja online.
B’mod ġenerali, fil-każ tar-rapporti speċjali, kien hemm żieda ta’ 11 % f’kemm dawn ġew koperti mill-midja meta mqabbel mal-2016. Fl-2017, ir-rapporti tagħna li ġew koperti l-aktar mill-midja kienu r-rapporti speċjali dwar il-kriżi finanzjarja fil-Greċja, il-hotspots tal-migrazzjoni, il-kontrolli tas-sajd, l-ekoloġizzazzjoni u n-netwerk Natura 2000.
Iż-żieda fl-interess li r-rapporti speċjali tagħna ġġeneraw fil-midja fl-2017, tikkorrispondi għal xejra li ilna nosservaw għal bosta snin. L-għadd ta’ artikli online, li kien inqas minn 1 500 fl-2013, żdied għal kważi 7 000 fl-2017, u l-għadd medju ta’ artiikli għal kull rapport speċjali żdied minn inqas minn 30 artiklu fl-2013 għal kważi 130 fl-2017.
Użu ta’ riżorsi
Bħala parti mill-mod ta’ kif inkejlu l-prestazzjoni, aħna nivvalutaw ukoll l-użu li nagħmlu mir-riżorsi, b’mod partikolari l-kapaċità tagħna li nwettqu awditi f’waqthom, li nimplimentaw il-programm ta’ ħidma tagħna, u li niżguraw il-kompetenza professjonali tal-persunal tagħna.
Durata tal-awditi
Fl-2017, it-tul ta’ żmien medju li ttieħed minn meta nbeda kompitu tal-awditjar sa meta ġie adottat rapport speċjali kien ta’ 14.6 xhur. Din hija l-iqsar durata mill-bidu tal-perjodu 2013-2017. Għal 8 mir-rapporti (29 %) li ġew ippubblikati matul is-sena, ħadna inqas minn 13-il xahar. It-tul ta’ żmien medju sal-pubblikazzjoni kien ta’ 16-il xahar, madwar xahrejn inqas milli kien fl-2016. Din ix-xejra pożittiva tindika li l-miżuri li ttieħdu biex tintlaħaq il-mira ta’ 13-il xahar li ġiet issettjata fir-Regolament Finanzjarju qed jagħtu r-riżultati.
Pubblikazzjoni ta’ rapporti
Fl-2017, aħna ppubblikajna 65 % tar-rapporti speċjali tagħna kif kien ippjanat inizjalment. Il-bqija ddewmu u se jiġu ppubblikati fl-2018. Barra minn hekk, aħna ppubblikajna r-rapporti annwali u r-rapporti annwali speċifiċi kollha tagħna, kif kien ippjanat.
Taħriġ professjonali
Skont ir-rakkomandazzjonijiet li nħarġu mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti, qed nimmiraw li nipprovdu medja ta’ 40 siegħa (5 ijiem) ta’ taħriġ professjonali kull sena lill-awdituri tagħna.
Fl-2017, aħna għal darb’oħra qbiżna din il-mira, billi pprovdejna 6.7 ijiem ta’ taħriġ professjonali lil kull awditur.
Jekk jitqies ukoll it-taħriġ lingwistiku – li l-awdituri tagħna jeħtieġu sabiex iwettqu xogħolhom b’mod effiċjenti fl-Istati Membri kollha tal-UE – l-ammont medju ta’ jiem ta’ taħriġ fl-2017 jitla’ għal 8.3 ijiem għal kull awditur.
Għall-persunal l-ieħor kollu, aħna nimmiraw li nipprovdu medja ta’ 16-il siegħa (jumejn) ta’ taħriġ professjonali, li ma jinkludix taħriġ lingwistiku, lil kull membru tal-persunal, kull sena. Fl-2017, aħna lħaqna din il-mira, billi pprovdejna medja ta’ 2.3 ijiem ta’ taħriġ.
Il-persunal tagħna
Allokazzjoni tal-persunal
Fl-2017, aħna temmejna t-tnaqqis ta’ 5 % tal-persunal tagħna fuq perjodu ta’ ħames snin, mill-2013 sal-2017, skont ir-rekwiżiti tal-ftehim interistituzzjonali ta’ Diċembru 2013 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba.
Fi tmiem l-2017, kien hemm 853 uffiċjal u aġenti temporanji jaħdmu fl-istituzzjoni tagħna, li minnhom 548 kienu fl-awli tal-awditjar, inklużi 118 fil-kabinetti tal-Membri.
Reklutaġġ
Il-membri tal-persunal tagħna għandhom varjetà ta’ sfondi akkademiċi u professjonali. Fil-politika ta’ reklutaġġ tagħna, aħna nsegwu l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE, u nippromwovu opportunitajiet indaqs fil-livelli kollha.
Il-forza tax-xogħol tagħna tinkludi kemm uffiċjali permanenti kif ukoll persunal fuq kuntratti temporanji. Ġeneralment, il-kompetizzjonijiet miftuħa jiġu organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO). Fl-2017, aħna rreklutajna 72 impjegat: 29 uffiċjal, 13-il aġent temporanju, 24 aġent kuntrattwali (li 7 minnhom telqu mill-QEA qabel tmiem is-sena), u 6 esperti nazzjonali sekondati.
Aħna pprovdejna wkoll 71 internship lil gradwati universitarji għal perjodi ta’ minn 3 sa 5 xhur.
Profil tal-età
Il-profil tal-età tal-persunal f’servizz attiv fil-31 ta’ Diċembru 2017 juri li kważi nofs il-membri tal-persunal tagħna għandhom 44 sena jew inqas.
Mit-68 direttur u maniġers prinċipali tagħna, 31 (46 %) għandhom 55 sena jew aktar. Dan ifisser li matul il-5 sa 10 snin li ġejjin se jkun hemm bosta maniġers superjuri ġodda meta dawk attwali jirtiraw.
Bilanċ bejn is-sessi
L-istituzzjoni tagħna tistinka biex tkun impjegatur li jħaddan il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs fl-istadji kollha tal-karriera tal-persunal tagħna. B’mod ġenerali, aħna nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ rġiel u nisa fil-forza tax-xogħol tagħna, u 43 % tal-awdituri u l-amministraturi tagħna huma nisa.
Fi snin reċenti, aħna żidna l-proporzjon ta’ nisa f’karigi maniġerjali fl-awli tal-awditjar tagħna, minn 7 % fl-2015 għal kważi 20 % fl-2017. Aħna impenjati li nkomplu ntejbu l-bilanċ bejn is-sessi fil-livelli maniġerjali kollha. Barra minn hekk, il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs għall-perjodu 2018-2020 se tindirizza l-kwistjonijiet ta’ età u ta’ diżabbiltà.
Informazzjoni aktar dettaljata dwar in-nazzjonalità u l-ġeneru tal-persunal maniġerjali tingħata fit-tabella li jmiss.
Appoġġ għall-Awditjar
Taħriġ professjonali
It-taħriġ kontinwu tal-persunal tagħna huwa essenzjali biex l-istituzzjoni tagħna tibqa’ valida fil-futur. Fl-2017, aħna komplejna nestendu l-firxa ta’ korsijiet ta’ taħriġ li noffru, inkluż l-għadd dejjem akbar ta’ korsijiet ta’ tagħlim elettroniku u ta’ tagħlim ikkombinat. Aħna komplejna bis-serje ta’ preżentazzjonijiet minn esperti interni jew esterni dwar żviluppi fil-qasam tal-awditjar jew dwar suġġetti relatati ma’ xogħol l-awdituri tagħna, serje li kellha ħafna suċċessi. Aħna organizzajna wkoll bosta attivitajiet ta’ taħriġ u avvenimenti, li fihom esperti minn istituzzjonijiet supremi tal-awditjar oħra kkondividew l-għarfien u l-prattika tajba dwar awditi tal-prestazzjoni u awditi finanzjarji. Eżempju tajjeb huwa l-Jum ta’ Taħriġ li norganizzaw kull sena u li s-sena l-oħra sar f’kooperazzjoni mal-Università tal-Lussemburgu f’Novembru 2017 bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 300 membru tal-persunal.
Aħna qegħdin naħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (EIPA) u mal-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni (EUSA) biex noffru firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ lill-persunal tagħna: dawn jinkludu korsijiet għall-kisba ta’ għarfien espert fil-qasam tal-awditjar u għall-iżvilupp ta’ ħiliet personali, iżda wkoll korsijiet tal-lingwi relatati max-xogħol.
Barra minn hekk, aħna appoġġajna lill-membri tal-persunal li xtaqu jiksbu jew jaġġornaw kwalifiki professjonali u diplomi fl-oqsma li huma rilevanti għar-rwol u għax-xogħol tagħna. B’mod partikolari, aħna komplejna nikkooperaw mal-Università ta’ Lorraine, f’Nancy (Franza), f’dak li jirrigwarda d-diploma universitarja postgradwatorja fl-awditjar ta’ organizzazzjonijiet u politiki pubbliċi, kif ukoll programm ta’ lawrja ta’ Master fil-ġestjoni ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi. Aħna ffirmajna wkoll ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Istitut Universitarju Ewropew (IUE), f’Firenze (l-Italja). Fl-2017, aħna kkonkludejna ftehim ta’ sħubija mal-Università ta’ Pisa (l-Italja) u mal-Assoċjazzjoni ta’ Kontabilisti Kkwalifikati u Ċċertifikati (ACCA) biex norganizzaw kors fis-sajf fl-awditjar u l-obbligu ta’ rendikont tas-settur pubbliku.
Matul is-sena, aħna ppreżentajna l-Premju 2016 tagħna għar-riċerka fil-qasam tal-awditjar tas-settur pubbliku lir-rebbieħ għax-xogħol akkademiku li wettaq, u biħsiebna nkomplu norganizzaw dan il-premju fl-2018.
Aħna komplejna wkoll bl-iskema tagħna ta’ premjijiet bħala rikonoxximent tal-prestazzjoni, li jingħataw lill-persunal mhux maniġerjali tagħna, u tippermettilhom jattendu għal taħriġ estern speċifiku.
Traduzzjoni
Id-Direttorat tat-Traduzzjoni, Servizzi Lingwistiċi u Pubblikazzjoni ttraduċa u rreveda aktar minn 211 000 paġna. Aħna komplejna bl-isforzi tagħna biex nissimplifikaw il-proċessi tat-traduzzjoni u nnaqqsu l-ispejjeż relatati. Pereżempju, biex inżidu l-effiċjenza, it-timijiet kollha tagħna tat-traduzzjoni issa jużaw pjattaforma ta’ xogħol kollaborattiv.
Aħna nagħmlu ħilitna biex ninvolvu dejjem aktar lit-tradutturi fl-attivitajiet ewlenin tagħna u biex noħolqu sinerġiji ulterjuri mal-awdituri. B’mod partikolari, matul l-2017, żdied l-appoġġ li t-tradutturi tagħna pprovdew lill-awdituri fl-abbozzar tar-rapporti speċjali u tar-rapport annwali. Huma pprovdew ukoll appoġġ lingwistiku lill-awdituri fi 38 żjara tal-awditjar.
Teknoloġija tal-informazzjoni
Id-direttorat li huwa responsabbli għall-IT fil-Qorti jagħti kontribut ewlieni għall-proċessi tal-awditjar tagħna billi jissimplifika l-flussi ta’ informazzjoni permezz ta’ teknoloġija moderna u sikura.
Aħna komplejna nipprogressaw fil-ġestjoni li nwettqu tad-dokumenti, u dan ippermettielna niddiġitalizzaw kompletament il-proċessi tal-produzzjoni, tal-approvazzjoni u tal-pubblikazzjoni. Aħna stabbilejna għodda simplifikata biex niffaċilitaw l-aċċess remot permezz ta’ apparat mobbli, u aġġornajna s-sistemi tagħna għal Windows 10 u SharePoint 2013
Sabiex inkomplu nisfruttaw is-sinerġiji interistituzzjonali, aħna adottajna sistemi ġodda għall-ġestjoni taż-żjarat tal-awditjar, l-ivvjaġġar uffiċjali u t-taħriġ tagħna, li attwalment jintużaw ukoll minn istituzzjonijiet oħra tal-UE.
L-iżviluppi u r-riżultati kollha nkisbu b’kunsiderazzjoni dovuta mogħtija għall-kwistjonijiet ta’ ġestjoni tar-riskji, sigurtà tal-operazzjonijiet, u kontinwità tal-operat.
Binjiet
Attwalment aħna l-proprjetarji ta’ tliet binjiet (“K1”, “K2” u “K3”) u nikru uffiċċji fil-Lussemburgu għaċ-ċentru tagħna ta’ rkupru f’każ ta’ diżastru.
K1
Il-binja K1, li nfetħet fl-1988, fiha uffiċċji li jesgħu sa 310 membri tal-persunal, kif ukoll kmamar għal-laqgħat. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, il-faċilitajiet tekniċi, iż-żoni ta’ ħżin, il-librerija u l-kamra prinċipali tal-arkivji, filwaqt li s-sular ta’ fuq nett jintuża kollu kemm hu għall-faċilitajiet tekniċi.
Il-binja K1 ġiet immodernizzata fl-2008 biex tinġieb f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent. Kull fejn possibbli, it-teknoloġija f’K1 ġiet adattata biex tkun kumpatibbli ma’ dik użata f’K2 u K3. B’riżultat ta’ dan, it-tliet binjiet joperaw bħala entità teknika unika u integrata.
K2
Il-binja K2 nfetħet fl-2003. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, il-faċilitajiet tekniċi u ż-żoni ta’ ħżin, kif ukoll iċ-ċentru tal-fitness. Is-sular ta’ fuq nett jintuża kollu kemm hu għall-faċilitajiet tekniċi. Is-sulari l-oħra jintużaw għal uffiċċji li jesgħu sa 241 membru tal-persunal, kmamar għal-laqgħat, sala tal-konferenzi b’kabini tal-interpretazzjoni, kmamar għall-vidjokonferenzi, kafetterija u spazji bażiċi għall-kċejjen.
Aħna nedejna studju biex nevalwaw il-fattibbiltà li jinħolqu spażji tax-xogħol ibbażati fuq l-attivitajiet u li naġġornaw l-installazzjonijiet tekniċi f’K2. L-istudju indika li kien hemm lok biex tiġi ottimizzata l-organizzazzjoni tal-ispazji tax-xogħol, u li xi installazzjonijiet tekniċi kienu jeħtieġu li jiġu aġġornati. Studju dettaljat għal dan il-proġett se jitwettaq fl-2018, u x-xogħol huwa mistenni li jibda fl-2019.
Kif ġie maqbul mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew f’Marzu 2014, aħna se nkopru l-ispiża ta’ dan l-aġġornar mill-baġit li fadal mill-proġett ta’ kostruzzjoni tal-binja K3, li ġie kkompletat ftit snin ilu.
K3
Il-binja K3 nfetħet fl-2012. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, il-faċilitajiet tekniċi u ż-żoni ta’ ħżin, iż-żoni tal-ħatt, il-faċilitajiet ta’ ħżin tal-iskart, l-istamperija, il-kċejjen u l-arkivji. Is-sular ta’ isfel jinkludi l-kantin, il-kafetterija u l-kmamar tat-taħriġ. Hemm ukoll uffiċċji li jesgħu sa 503 membri tal-persunal, kmamar tal-laqgħat u kamra tal-IT. Is-sitt sular fih swali ta’ riċeviment, kċina u faċilitajiet tekniċi. Il-binja K3 ġiet ikklassifikata bħala “tajba ħafna” minn BREEAM, li huwa l-metodu prinċipali fid-dinja għall-evalwazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini.
Proġett dwar is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
Matul l-2017, il-proġett għar-rinfurzar tas-sigurtà tal-istituzzjoni u tal-persunal tagħna mexa ‘l quddiem kif ippjanat. Iċ-ċentru l-ġdid għall-kontroll tas-sigurtà, iċ-ċentru estern tal-akkreditazzjoni u ċ-ċentru għall-kontroll tal-aċċess tal-persunal u l-viżitaturi se jibdew joperaw fl-2018.
Ġestjoni ambjentali
Bħala istituzzjoni tal-UE, aħna nemmnu li għandna dmir napplikaw il-prinċipju tal-ġestjoni ambjentali tajba fl-attivitajiet kollha tagħna, u aħna impenjati biex innaqqsu l-impatt ambjentali tagħna kontinwament.
Fl-2017, aħna ksibna ċ-ċertifikazzjoni għall-Iskema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS). Issa, aħna noperaw b’suċċess sistema ta’ ġestjoni ambjentali li hija konformi mal-EMAS, u nikkonformaw kompletament mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni tal-Istandard ISO 14001:2015.
Aħna għandna l-għan li nnaqqsu sistematikament l-emissjonijiet ta’ CO2 tagħna. Fl-2017, aħna analizzajna – għat-tielet sena konsekuttiva – l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jiġu ġġenerati mill-attivitajiet tagħna (jiġifieri l-marka tal-karbonju tagħna). Ir-riżultati ta’ dan l-istudju huma disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
L-obbligu ta’ rendikont tagħna
Informazzjoni finanzjarja
L-istituzzjoni tagħna hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala nefqa amministrattiva.
Fl-2017, il-baġit tagħna ammonta għal madwar EUR 141 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta inqas minn 0.1 % tal-infiq totali tal-UE jew madwar 1.5 % tat-total tal-infiq amministrattiv tal-UE. Il-proporzjon tal-baġit għall-2017 li ntuża kien ta’ 98 %.
SENA FINANZJARJA 2017 | Approprjazzjonijiet finali | Impenji | Rata ta’ użu | Pagamenti |
---|---|---|---|---|
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | (elf EUR) | |||
10 - Membri tal-istituzzjoni | 11 200 | 10 672 | 95 % | 10 598 |
12 - Uffiċjali u persunal temporanju | 102 470 | 101 088 | 99 % | 101 010 |
14 - Persunal ieħor u servizzi esterni | 5 716 | 5 464 | 96 % | 5 333 |
162 - Missjonijiet | 3 450 | 3 035 | 88 % | 2 575 |
161 + 163 + 165 - Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | 2 775 | 2 530 | 91 % | 1 901 |
Subtotal Titolu 1 | 125 611 | 122 789 | 98 % | 121 417 |
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja | ||||
20 - Beni immobbli | 3 546 | 3 541 | 99 % | 1 669 |
210 - IT&T | 8 148 | 8 148 | 100 % | 4 563 |
212 + 214 + 216 - Beni mobbli u kostijiet relatati | 999 | 942 | 94 % | 736 |
23 - Nefqa amministrattiva kurrenti | 434 | 293 | 68 % | 221 |
25 - Laqgħat, konferenzi | 733 | 664 | 91 % | 443 |
27 - Informazzjoni u pubblikazzjoni | 1 769 | 1 663 | 94 % | 1 082 |
Subtotal Titolu 2 | 15 629 | 15 251 | 98 % | 8 714 |
Total | 141 240 | 138 040 | 98 % | 130 131 |
Baġit għall-2018
Il-baġit għall-2018 huwa 3.4 % ogħla minn dak fl-2017.
BAĠIT | 2018 | 2017 |
---|---|---|
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | (elf EUR) | |
10 - Membri tal-istituzzjoni | 12 515 | 11 300 |
12 - Uffiċjali u persunal temporanju | 106 600 | 103 632 |
14 - Persunal ieħor u servizzi esterni | 5 745 | 5 101 |
162 – Missjonijiet | 3 450 | 3 450 |
161 + 163 + 165 - Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | 2 990 | 2 788 |
Subtotal Titolu 1 | 131 300 | 126 271 |
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja | ||
20 - Beni immobbli | 2 930 | 3 216 |
210 - IT&T | 7 492 | 7 408 |
212 + 214 + 216 - Beni mobbli u kostijiet relatati | 1 157 | 925 |
23 - Nefqa amministrattiva kurrenti | 555 | 438 |
25 - Laqgħat, konferenzi | 706 | 676 |
27 - Informazzjoni u pubblikazzjoni | 1 876 | 2 306 |
Subtotal Titolu 2 | 14 716 | 14 969 |
Total | 146 016 | 141 240 |
Ġestjoni tar-riskju
Matul is-sena, kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju, aħna analizzajna l-valutazzjonijiet tar-riskji li saru għal kull Direttorat. Ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dikjarazzjoni annwali tal-uffiċjal awtorizzanti li tidher fir-rapport annwali tal-attività, kif ukoll fil-valutazzjonijiet tar-riskji tas-sena ta’ wara. Fejn kien meħtieġ, aħna fassalna pjanijiet ta’ azzjoni fir-rigward kemm tal-kontrolli ex ante kif ukoll ta’ dawk ex post.
F’Settembru 2017, u b’segwitu għal dawn l-analiżijiet, aħna rrinfurzajna l-kontrolli interni u l-proċeduri finanzjarji relatati mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ġestjoni ta’ vetturi uffiċjali.
Awditjar intern u estern
Awditjar intern
Is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tagħna jipprovdi konsulenza lill-istituzzjoni tagħna dwar kif għandha timmaniġġja r-riskji. Huwa joħroġ opinjonijiet dwar il-kwalità tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll intern. L-IAS jirrapporta lil kumitat tal-awditjar magħmul minn tlieta mill-Membri tagħna u minn espert estern. Il-kumitat jimmonitorja b’mod regolari l-progress tad-diversi kompiti stipulati fil-programm ta’ ħidma annwali tal-IAS u jiżgura l-indipendenza ta’ dan is-servizz.
Fl-2017, l-IAS eżamina l-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħna għall-2013-2017, l-istruttura operazzjonali tad-Direttorat tal-Presidenza, u l-ġestjoni tal-liċenzji u l-prodotti tas-software tagħna. Huwa analizza wkoll l-implimentazzjoni tal-politika tagħna dwar il-ġestjoni tar-riskju, immonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, u żgura li l-pjanijiet ta’ azzjoni ġew implimentati.
L-awditur intern iqis li, fl-2017, il-proċeduri ta’ governanza, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern li hemm stabbiliti, meta jittieħdu flimkien, jipprovdu aċċertament raġonevoli dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-Qorti.
Kull sena, aħna nirrappurtaw lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-attvità tal-awditjar intern tagħna.
Awditjar estern
Il-kontijiet annwali tagħna jiġu awditjati minn awditur estern indipendenti. Dan huwa aspett importanti tal-istituzzjoni tagħna u aħna napplikaw l-istess prinċipji ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont għalina nfusna bħalma napplikaw għall-entitajiet li nawditjaw. L-awditur estern tagħna — PricewaterhouseCoopers Sàrl — ippubblika r-rapport tiegħu dwar il-kontijiet tagħna għas-sena finanzjarja 2016 fil-31 ta’ Ottubru 2017.
Kwittanza
Bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE, aħna suġġetti għall-proċess ta’ kwittanza.
F’April 2017, il-Parlament Ewropew ta l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tagħna fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tagħna għas-sena finanzjarja 2015. Dan ifisser li l-kontijiet tagħna għall-2015 ġew ikklerjati (jiġifieri ngħalqu u ġew approvati).
Kif nagħmlu kull sena, aħna analizzajna sew il-kwistjonijiet kollha li tqajmu matul l-eżerċizzju ta’ kwittanza fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħna relatati mal-awditjar u mal-ġestjoni, ħadna azzjoni xierqa u infurmajna lill-Parlament Ewropew dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu tagħna.
Opinjonijiet tal-awditur estern tagħna — sena finanzjarja 2016
Dwar ir-rapporti finanzjarji tagħna:
“Fl-opinjoni tagħna, ir-rapporti finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-31 ta’ Diċembru 2016, u tal-prestazzjoni finanzjarja tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1), minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-”Regolament Finanzjarju”; u mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.”
Dwar l-użu li aħna għamilna mir-riżorsi u mill-proċeduri ta’ kontroll:
“Fuq il-bażi tax-xogħol tagħna deskritt f’dan ir-rapport, ma hemm xejn li laqat l-attenzjoni tagħna biex iġegħilna nemmnu li fl-aspetti materjali kollha u fuq il-bażi tal-kriterji deskritti hawn fuq:
- ir-riżorsi assenjati lill-QEA ma ntużawx għall-għanijiet li għalihom kienu intenzjonati;
- il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti ma jipprovdux il-garanziji meħtieġa biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.”
Dikjarazzjoni mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega
Jien, hawn taħt iffirmat, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fil-kapaċità tiegħi bħala uffiċjal awtorizzanti b’delega, b’dan:
- niddikjara li l-informazzjoni li hawn f’dan ir-rapport hija vera u preċiża; u
- nistqarr li għandi aċċertament raġonevoli li:
- ir-riżorsi assenjati għall-attivitajiet deskritti f’dan ir-rapport intużaw għall-għan li għalih kienu intenzjonati u skont il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba; u
- il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti jipprovdu l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet u jiżguraw trattament adegwat ta’ allegazzjonijiet ta’ frodi, jew ta’ frodi ssuspettata; u
- l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli huma proporzjonati.
Dan l-aċċertament huwa bbażat fuq il-ġudizzju tiegħi u fuq l-informazzjoni li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi, bħar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega, ir-rapporti tal-awditur intern u r-rapporti tal-awditur estern għas-snin finanzjarji preċedenti.
Nikkonferma li ma għandi l-ebda għarfien li hemm xi ħaġa li mhijiex irrappurtata hawnhekk li tista’ tkun ta’ detriment għall-interessi tal-istituzzjoni.
Magħmula fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Marzu 2018
Eduardo Ruiz García
Segretarju Ġenerali
Anness – pubblikazzjonijiet fl-2017: rapporti speċjali, opinjonijiet u pubblikazzjonijiet analitiċi
Rapporti speċjali
- Rapport Speċjali Nru 30/2016: L-effettività tal-appoġġ tal-UE lis-setturi prijoritarji fil-Honduras
- Rapport Speċjali Nru 33/2016: Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili: il-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet għal diżastri li seħħew barra mit-territorju tal-UE kienet effettiva f’termini ġenerali
- Rapport Speċjali Nru 34/2016: Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel
- Rapport Speċjali Nru 35/2016: L-użu tal-appoġġ baġitarju biex tittejjeb il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fl-Afrika sub-Saħarjana
- Rapport Speċjali Nru 36/2016: Valutazzjoni tal-arranġamenti għall-għeluq tal-programmi tal-koeżjoni u tal-iżvilupp rurali għall-2007-2013
- Rapport Speċjali Nru 1/2017: Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-potenzjal sħiħ tan-netwerk Natura 2000 jiġi implimentat
- Rapport Speċjali Nru 2/2017: In-negozjar, li sar mill-Kummissjoni, tal-Ftehimiet ta’ Sħubija 2014-2020 u l-programmi fil-qasam tal-Koeżjoni, għall-perjodu 2014-2020: l-infiq qed ikun aktar immirat fuq il-prijoritajiet ta’ Ewropa 2000, iżda l-arranġamenti għall-kejl tal-prestazzjoni qed ikunu dejjem aktar kumplessi
- Rapport Speċjali Nru 3/2017: Assistenza mill-UE lit-Tuneżija
- Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2017: Nipproteġu l-baġit tal-UE minn infiq irregolari: Il-Kummissjoni għamlet użu dejjem akbar mill-miżuri preventivi u l-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-Koeżjoni matul il-perjodu 2007-2013
- Rapport Speċjali Nru 5/2017: Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza?
- Rapport Speċjali Nru 6/2017: Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ “hotspot”
- Rapport Speċjali Nru 7/2017: Ir-rwol il-ġdid tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-infiq taħt il-PAK: pass pożittiv lejn mudell ta’ awditu uniku iżda hemm dgħufijiet sinifikanti li jridu jiġu indirizzati
- Rapport Speċjali Nru 8/2017: Il-kontrolli tas-sajd tal-UE: jenħtieġu sforzi addizzjonali
- Rapport Speċjali Nru 9/2017: Appoġġ mogħti mill-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja
- Rapport Speċjali Nru 10/2017: Jenħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE lil bdiewa żgħażagħ ikun immirat aħjar biex jitrawwem tiġdid ġenerazzjonali effettiv
- Rapport Speċjali Nru 11/2017: Il-Fond fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana: bidu promettenti minkejja xi nuqqasijiet
- Rapport Speċjali Nru 12/2017: Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb: titjib fil-kwalità tal-ilma u fl-aċċess għalih fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija, iżda l-ħtiġijiet ta’ investiment għadhom sostanzjali
- Rapport Speċjali Nru 13/2017: Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà?
- Rapport Speċjali Nru 14/2017: Analiżi tal-prestazzjoni tal-ġestjoni ta’ kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
- Rapport Speċjali Nru 15/2017: Il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-riżerva ta’ prestazzjoni fil-qasam ta’ Koeżjoni: strumenti innovattivi iżda għadhom mhumiex effettivi
- Rapport Speċjali Nru 16/2017: Programmazzjoni tal-Iżvilupp Rurali: jeħtieġ li jkun hemm inqas kumplessità u aktar fokus fuq ir-riżultati
- Rapport Speċjali Nru 17/2017: L-intervent tal-Kummissjoni fil-kriżi finanzjarja Griega
- Rapport Speċjali Nru 18/2017: Ajru Uniku Ewropew: il-kultura nbidlet, iżda għad ma hemmx ajru uniku
- Rapport Speċjali Nru 19/2017: Proċeduri ta’ importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE
- Rapport Speċjali Nru 20/2017: Strumenti ta’ garanzija fuq is-self iffinanzjati mill-UE: inkisbu riżultati pożittivi, iżda jeħtieġ orjentament akbar lejn il-benefiċjarji u koordinazzjoni aħjar mal-iskemi nazzjonali
- Rapport Speċjali Nru 21/2017: Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta’ appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva
- Rapport Speċjali Nru 22/2017: Missjonijiet ta’ Osservazzjoni Elettorali – saru sforzi biex jingħata segwitu għar-rakkomandazzjonijiet, iżda jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ aħjar
- Rapport Speċjali Nru 23/2017: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni: Bdiet il-ħidma fuq kompitu diffikultuż relatat mal-Unjoni Bankarja, iżda għad hemm ħafna xi jsir
Opinjonijiet
- Opinjoni Nru 1/2017 dwar proposta għal reviżjoni tar-“Regolament Finanzjarju” applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE
- Opinjoni Nru 2/2017 dwar proposta biex jiġi emendat ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit tal-Iskejjel Ewropej
- Opinjonijiet Nru 3/2017 u Nru 4/2017 dwar proposti biex jiġu emendati r-Regolamenti tal-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
- Opinjoni Nru 5/2017 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej
Pubblikazzjonijiet analitiċi
- Analiżi Panoramika: Azzjoni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-enerġija u t-tibdil fil-klima
- Analiżi rapida dwar każ speċifiku li jirrigwarda l-implimentazzjoni tat-tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet għall-persunal
* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.
* Fl-2017, l-eżaminaturi analizzaw ir-Rapporti Speċjali Nru 3/2017, Nru 4/2017, Nru 5/2017, Nru 10/2017, Nru 14/2017 u Nru 17/2017 tagħna.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet. Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
ISBN 978-92-872-9631-3 | ISSN 1831-1318 | doi:10.2865/959511 | QJ-AA-18-001-MT-C | |
ISBN 978-92-872-9649-8 | ISSN 2362-9568 | doi:10.2865/75438 | QJ-AA-18-001-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-872-9447-0 | ISSN 2362-9568 | doi:10.2865/84238 | QJ-AA-18-001-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li ssir referenza għas-sors.
Għal kull użu jew riproduzzjoni tar-ritratti li ġejjin, irid jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
* © Grzegorz Jakubowski / KPRP
* © marianorajoy
Għar-ritratti li ġejjin, ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li jissemmew id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u l-ismijiet tal-fotografi:
* © L-Unjoni Ewropea; Sors: il-QEA- Simon SCHMITT
* © L-Unjoni Ewropea, 2017; Sors: il-PE - Dominique HOMMEL
* © L-Unjoni Ewropea, 2017; Sors: il-PE - Dominique HOMMEL
* © L-Unjoni Ewropea, 2017; Sors: il-PE - Christian CREUTZ
* © L-Unjoni Ewropea, 2012; Sors: il-PE - Martin LAHOUSSE
* © L-Unjoni Ewropea, 2013; Sors: il-PE - Genevieve ENGEL
* © L-Unjoni Ewropea, 2012; Sors: il-PE - Milos BICANSKI
* © L-Unjoni Ewropea, 2018; Sors: il-PE - Christian CREUTZ
* © L-Unjoni Ewropea, 2017; Sors: il-PE - Mathieu CUGNOT
* © L-Unjoni Ewropea; Sors: il-QEA - Edouard DIRRIG
* © L-Unjoni Ewropea; Sors: il-QEA- Simon SCHMITT
Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDFKIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB
IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE
Pubblikazzjonijiet bla ħlas:
- kopja waħda:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu);
- izjed minn kopja waħda jew posters/mapep:
- mir-rapprezentanzi tal-Unjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/represent_mt.htm),
- mid-delegazzjonijiet f’pajjizi li mhumiex fl-UE (http://eeas.europa.eu/delegations/index_mt.htm),
- billi tikkuntatja s-servizz Europe Direct (http://europa.eu/europedirect/index_mt.htm)
- jew cempel 00 800 6 7 8 9 10 11 (numru tat-telefown bla ħlas minn kullimkien fl-UE) (*).
Pubblikazzjonijiet bi ħlas:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu).