
Appoġġ mill-UE lir-reġjuni tal-faħam Fokus limitat fuq it-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija
Dwar ir-rapport:L-eliminazzjoni gradwali tal-faħam hija essenzjali għall-ilħuq tal-objettivi klimatiċi tal-UE, u fl-2020 l-UE stabbiliet il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta b’EUR 19.3-il biljun biex tappoġġa t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. Biex nisiltu tagħlimiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Fond, aħna vvalutajna jekk l-appoġġ mill-UE fil-perjodu 2014-2020 kienx ikkontribwixxa b’mod effettiv għat-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija f’reġjuni tal-UE fejn l-industrija tal-faħam kienet qed tonqos. Aħna nikkonkludu li l-appoġġ kellu fokus u impatt limitat fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tranżizzjoni tal-enerġija u li, minkejja l-progress kumplessiv li sar, il-faħam jibqa’ sors sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra f’xi Stati Membri. Nirrakkomandaw azzjonijiet għall-użu effettiv u effiċjenti tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u għal kejl u mmaniġġjar aħjar tal-emissjonijiet tal-metan minn ġewwa minjieri magħluqa jew abbandunati.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I Għal għexieren ta’ snin, il-faħam kien sors ewlieni ta’ enerġija fl-UE. It-tnaqqis fil-produzzjoni tal-faħam, prinċipalment qabel is-sena 2000, wassal għal tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ impjegati fis-settur. Il-Patt Ekoloġiku tal-UE identifika l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam għall-produzzjoni tal-enerġija bħala fattur essenzjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi għall-2030 u biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.
II L-awditu tagħna vvaluta jekk l-appoġġ mill-UE kienx ikkontribwixxa b’mod effettiv għat-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija fir-reġjuni tal-UE, fejn l-industrija tal-faħam kienet qed tonqos. L-awditu tagħna inkluda kampjun ta’ seba’ reġjuni tal-UE u kopra aktar minn EUR 12.5-il biljun ta’ fondi tal-UE li ngħataw taħt il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020 sat-tieni nofs tal-2021. Aħna nistennew li s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni kosteffettiva tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li għandu l-għan li jtaffi l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, inkluża l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam.
III Aħna nikkonkludu li l-appoġġ mill-UE li ngħata lir-reġjuni tal-faħam kellu fokus u impatt limitat fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tranżizzjoni tal-enerġija u li, minkejja l-progress kumplessiv li sar, il-faħam jibqa’ sors sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra f’xi Stati Membri.
IV Il-ħaddiema li ngħataw is-sensja esperjenzaw sitwazzjoni ġeneralment pożittiva fis-suq tax-xogħol fil-biċċa l-kbira mir-reġjuni inklużi fl-ambitu tal-awditjar tagħna. Korsijiet ta’ taħriġ appoġġati mill-Fond Soċjali Ewropew kienu disponibbli għall-ħaddiema fl-industrija tal-faħam li kienu ngħataw is-sensja, iżda m’hemmxdata dwar il-parteċipazzjoni tagħhom. L-għadd ta’ impjiegi li nħolqu direttament f’dawn ir-reġjuni permezz ta’ investimenti taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, kien relattivament baxx, speċjalment meta mqabbel mal-għadd totali ta’ persuni qiegħda f’dawn ir-reġjuni. Aħna sibna li fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni inklużi fil-kampjun tagħna, il-proġetti ffinanzjati ma kellhomx impatt sinifikanti fuq l-iffrankar tal-enerġija jew fuq il-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.
V Mill-2018 ’l hawn, il-Kummissjoni offriet diversi tipi ta’ għarfien espert lir-reġjuni tal-faħam. L-UE stabbiliet ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta b’ammont ta’ EUR 19.3-il biljun, iżda ma vvalutatx il-firxa tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament. Aħna sibna sfidi għall-Istati Membri fl-użu tal-finanzjament disponibbli fi ħdan il-perjodu ta’ żmien stabbilit biex jappoġġjaw tranżizzjoni effettiva. Huma jippreżentaw riskju li l-fondi maħsuba biex itaffu l-ispejjeż soċjoekonomiċi u ambjentali tat-tranżizzjoni jistgħu jintefqu mingħajr ma t-tranżizzjoni sseħħ b’mod effettiv. Dan ir-riskju żdied bl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022.
VI Aħna sibna li kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-kombustjoni tal-faħam, iżda li l-faħam domestiku xi drabi ġie sostitwit minnimportazzjonijiet jew minn fjuwils fossili oħra. Ir-rappurtar dwar l-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-minjieri magħluqa jew abbandunati ma kienx affidabbli biżżejjed. Proposta tal-Kummissjoni, li ġiet ippubblikata f’Diċembru 2021, għandha l-għan li tindirizza din il-kwistjoni. L-użu tal-metan minn minjieri magħluqa jew abbandunati għal skopijiet ta’ enerġija kien marġinali fl-Istati Membri inklużi fl-awditu tagħna, bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja.
VII Aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tiċċekkja li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jintuża b’mod effettiv u effiċjenti biex itaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika fir-reġjuni b’intensità ta’ faħam u ta’ karbonju; u
- tikkondividi prattika tajba għall-kejl u l-immaniġġjar tal-emissjonijiet tal-metan minn minjieri tal-faħam magħluqa jew abbandunati.
Introduzzjoni
It-tnaqqis fis-settur tal-faħam u l-impatt tiegħu fuq il-provvista tal-enerġija u l-impjiegi
01 Sal-2013, il-faħam kien l-akbar sors uniku ta’ enerġija fl-Ewropa għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, meta dan ġie sostitwit mill-enerġija rinnovabbli (ara l-Figura 1). Fl-2020, il-faħam xorta waħda kien jirrappreżenta kważi 14 % tal-elettriku u s-sħana derivata li jiġu prodotti fl-UE1.
Figura 1 – Proporzjon tal-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana skont it-tip ta’ fjuwil
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Eurostat.
02 Hemm żewġ tipi prinċipali ta’ faħam: faħam kannella (inkluż il-linjite) u faħam iebes (inkluż il-faħam termali, il-faħam tal-kokk u l-antraċit). Il-faħam kannella jiġi prinċipalment estratt fil-minjieri tas-superfiċje (magħrufa wkoll bħala minjieri miftuħa), filwaqt li l-faħam iebes jiġi fil-biċċa l-kbira estratt taħt l-art. Il-Figura 2 turi kif il-produzzjoni tal-faħam u l-użu li jsir minnu żviluppaw mill-1990 ’l hawn. Il-faħam kannella jiġi prodott u jintuża fi ħdan l-UE, u l-importazzjonijiet huma negliġibbli.
Figura 2 – Produzzjoni u konsum tal-faħam fl-EU-27(f’miljun tunnellata)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Eurostat.
03 Il-konsum tal-faħam iebes fis-27 Stat Membru tal-UE naqas minn 390 miljun tunnellata fl-1990 għal 144 miljun tunnellata fl-2020. Fl-2020, 61 % tal-faħam iebes ikkunsmat fl-UE ġie importat, fejn ir-Russja kienet is-sors ta’ kważi 54 % ta’ dawn l-importazzjonijiet. L-Anness jinkludi informazzjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni tal-faħam minn kull Stat Membru fl-2010, fl-2015 u fl-2020.
04 Skont studju li sar fl-20212, fl-2018, 76 % tal-faħam ikkunsmat fl-UE ntuża għall-elettriku u t-tisħin u 24 % ntuża għall-produzzjoni tal-enerġija u l-materjal fl-industrija (il-biċċa l-kbira l-industrija tal-ħadid u tal-azzar).
05 It-tnaqqis fil-produzzjoni tal-faħam wassal biex l-għadd ta’ persuni impjegati fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam jonqos b’mod sinifikanti (ara l-eżempji fit-Tabella 1). L-akbar tnaqqis fil-forza tax-xogħol seħħ qabel is-sena 2000. Skont studju li sar fl-20213, fl-2018, madwar 159 000 persuna kienu impjegati direttament fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam, 49 000 fl-impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija bil-faħam u għadd stmat ta’ 130 000 impjieg addizzjonali tul il-katina tal-provvista. F’dik is-sena, is-settur tal-estrazzjoni tal-faħam kien jirrappreżenta inqas minn 0.2 % tal-popolazzjoni impjegata fl-UE.
Tabella 1 – Eżempji ta’ perjodi ta’ tranżizzjoni fl-EU-27 u l-impatt tagħhom fuq l-impjieg fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam
Stat Membru (reġjun) | Perjodu prinċipali ta’ tnaqqis | Tnaqqis fl-għadd ta’ impjiegi fil-perjodu prinċipali ta’ tnaqqis | Impjieg fl-2018*** |
---|---|---|---|
Iċ-Ċekja (bosta reġjuni)* | 1990-2000 | 100 000 | 14 000 |
Il-Ġermanja (żona ta’ Ruhr)** | 1957-1977 | 350 000 | 7 800 |
Il-Ġermanja (żona ta’ Lausitz fi Brandenburg u s-Sassonja)** | 1990-2000 | 80 000 | 6 200 |
Spanja (bosta reġjuni)* | 1985-2015 | 29 000 | 1 700 |
In-Netherlands (Limburg)* | 1965-1975 | 75 000 | - |
Il-Polonja (is-Silesia ta’ Fuq, Małopolska u Lubelskie)* | 1990-2002 | 230 000 | 83 000 |
* IDDRI u Climate Strategies, Lessons from previous “COAL TRANSITIONS”, 2017, p. 5.
** GermanWatch, Transformation experiences of Coal Regions: Recommendations for Ukraine and other European countries, Complete Study, 2020, p. 21.
*** Il-Kummissjoni - il-JRC, Recent trends in EU coal, peat and oil shale regions, 2021, l-Appendiċi C.
06 Studju li sar mill-Kummissjoni fl-20214 spjega li l-għeluq tal-minjieri tal-faħam kien ir-riżultat ta’ diversi fatturi: il-produzzjoni ineffiċjenti u għalja tal-faħam, faħam iebes importat komparattivament irħis, u l-volatilità akbar tal-prezzijiet tal-faħam tal-kokk fis-swieq internazzjonali. L-istudju stima wkoll li madwar 86 000 impjieg fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam, li kienu jirrappreżentaw aktar minn nofs l-għadd totali ta’ impjiegi f’dan is-settur, kellhom riskju għoli li jintilfu wara l-2020 minħabba l-għeluq potenzjali ta’ minjieri mhux kompetittivi.
L-impatt negattiv tal-estrazzjoni u l-kombustjoni tal-faħam fuq is-saħħa, l-ambjent u l-klima
07 L-estrazzjoni u l-kombustjoni tal-faħam għandhom impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa, l-ambjent, u l-klima. Studju li sar fl-20185 ikkonkluda li hemm evidenza konsistenti li l-estrazzjoni tal-faħam hija assoċjata ma’ spettru wiesa’ ta’ mard f’persuni li jgħixu viċin l-attivitajiet ta’ estrazzjoni.
08 Il-ħruq tal-faħam jaffettwa b’mod negattiv il-kwalità tal-arja f’ħafna postijiet fl-UE. Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-materja partikolata fina (PM2.5) ikkawżat aktar minn 300 000 mewta prematura fl-2019 fl-UE6. Il-bojlers u l-istufi residenzjali li jaħarqu fjuwils solidi, inkluż il-faħam, jirrappreżentaw is-sors ewlieni ta’ dawn l-emissjonijiet, li kien responsabbli għal aktar minn nofs l-emissjonijiet kollha tal-PM2.5 fl-20197.
09 Skont l-inventarju annwali tal-UE rigward il-gassijiet b’effett ta’ serra8, li jinkludi wkoll ir-Renju Unit u l-Iżlanda, il-kombustjoni tal-faħam kienet responsabbli għal 15 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2019 (esklużi l-emissjonijiet u l-bjar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-użu tal-art, il-bidla fl-użu tal-art u l-forestrija, kif ukoll l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali). L-estrazzjoni tal-faħam, speċjalment fil-minjieri taħt l-art, twassal ukoll għal emissjonijiet tal-metan, li – jekk ma jbattux – jkomplu jirriżultaw anke wara li l-minjieri jkunu ngħalqu, għalkemm fi kwantitajiet iżgħar. L-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-estrazzjoni tal-faħam u mill-minjieri magħluqa kienu stmati li jirrappreżentaw 0.7 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra ta’ 4 067 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fl-20199.
10 L-impatt potenzjalment negattiv tal-estrazzjoni fuq l-ambjent jinkludi l-qerda tal-pajżaġġi u tal-ħabitats, il-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, it-tniġġis tal-ilma, l-erożjoni tal-ħamrija, u t-tniġġis kimiku u mit-trab. Il-ħruq tal-faħam jipproduċi wkoll kwantitajiet kbar ta’ skart solidu li fih kontaminanti bħal merkurju, uranju, torju, arseniku, u metalli tqal oħrajn.
It-tnaqqis fl-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-estrazzjoni tal-faħam
11 Għajnuna mill-Istat tfisser appoġġ, dirett jew indirett, li l-gvern jagħti għal negozju jew għal organizzazzjoni, u li jagħtihom vantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom. Regoli speċifiċi għas-settur għall-perjodu 2003-201010 ppermettew li għajnuna mill-Istat tiġi pprovduta lill-industrija tal-faħam biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija fl-UE. Skont studju li sar fl-201411, għajnuna mill-Istat li kienet tammonta għal EUR 87 biljun tħallset lill-produtturi tal-faħam iebes fl-UE matul il-perjodu 2000-2012.
12 Fl-2010, il-Kunsill iddeċieda dwar regoli tranżizzjonali għas-settur tal-faħam biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi fil-perjodu 2011-202712. Skont din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna mill-Istat tiġi meqjusa kompatibbli mal-funzjonament xieraq tas-suq intern jekk tkun tkopri:
- it-telf attwali mill-produzzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam (“għajnuna għall-għeluq”) sal-2018, bil-kundizzjoni li l-minjieri appoġġjati ngħalqu sa tmiem l-2018;
- l-ispejjeż li jirriżultaw mill-għeluq ta’ unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam (“spejjeż eċċezzjonali”), li seħħ fil-passat jew li se jseħħ sal-2027. It-tipi ta’ spejjeż li jikkwalifikaw għal din l-għajnuna mill-Istat jinkludu benefiċċji soċjali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jew li jkunu qed jirċievu pensjoni, u spejjeż relatati mal-konverżjoni jew l-adattament ta’ siti tal-estrazzjoni għal skopijiet differenti.
13 Mill-2011 ’il hawn, il-Kummissjoni ppubblikat 21 deċiżjoni dwar 10 Stati Membri fir-rigward tal-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2010. Il-Kummissjoni infurmatna li, għajnuna mill-Istat li kienet tammonta għal kważi EUR 19.3-il biljun tħallset lil kumpaniji tal-estrazzjoni tal-faħam fi tmien Stati Membri fil-perjodu 2011-2020.
L-aġenda dejjem aktar ambizzjuża tal-UE għal azzjoni klimatika
14 Fl-2015, il-Ftehim ta’ Pariġi stabbilixxa mira ta’ mitigazzjoni tal-klima madwar id-dinja biex jillimita t-tisħin globali għal “ferm inqas” minn 2 C, u biex ikompli l-isforzi biex iżommu sa 1.5 C. L-UE u l-Istati Membri tagħha rratifikaw il-Ftehim fl-2016. Fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, bl-għan li “tittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva”. Il-Patt Ekoloġiku identifika l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam bħala essenzjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi għall-2030 u biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.
15 Fl-2021, l-UE adottat il-Liġi dwar il-Klima tagħha, fejn stabbiliet mira vinkolanti tal-UE ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra żero netti sal-2050. Hija stabbiliet ukoll mira intermedja li tnaqqas l-emissjonijiet netti b’mill-inqas 55 % sal-2030 (meta mqabbla mal-1990)13.
16 Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li fit-terminu qasir, il-pajjiżi jista’ jkollhom bżonn iżidu l-konsum tal-faħam qabel ma jaqilbu għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli biex jevitaw li jiddependu fuq il-gass naturali, dment li jiġu rispettati l-miri klimatiċi u tal-enerġija tal-2030. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li jenħtieġ li l-UE taċċellera t-tranżizzjoni tagħha għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli14.
Il-fondi mill-UE huma disponibbli għar-reġjuni tal-faħam
17 Il-produzzjoni tal-faħam fl-UE kienet ikkonċentrata f’reġjuni speċifiċi fi ħdan l-Istati Membri. Fl-2018, il-faħam kien għadu qed jiġi estratt b’mod attiv f’29 reġjun tan-NUTS 2 fi 11-il pajjiż tal-UE (ara l-Figura 3).
Sors: Il-Kummissjoni Ewropea – il-JRC, Recent trends in EU coal, peat and oil shale regions, 2021, pp. 100-101.
18 Il-karatteristiċi ta’ dawn ir-reġjuni tal-faħam ivarjaw.
- F’xi reġjuni, l-industrija tal-faħam hija mifruxa fuq żona ġeografika kbira (bħal fl-Asturji fi Spanja u s-Silesia fil-Polonja). F’oħrajn, hija aktar iffukata fuq zoni iżgħar (eż. Palencia u León fi Spanja u l-mikroreġjun tal-Wied ta’ Jiu fir-Rumanija).
- Xi reġjuni tal-faħam jinsabu fi jew viċin abitati, filwaqt li oħrajn jinsabu f’ambjenti rurali aktar remoti.
- F’xi reġjuni tal-faħam, l-industrija tal-faħam, ta’ spiss direttament marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku u tat-tisħin, tiddomina l-ekonomija, filwaqt li f’oħrajn il-faħam kien parti minn pajsaġġ industrijali aktar varjat.
- Xi reġjuni tal-faħam, bis-saħħa tal-karatteristiċi ġeografiċi jew soċjoekonomiċi tagħhom, għandhom potenzjal sinifikanti għall-isfruttament ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli15
19 Sal-introduzzjoni reċenti tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ara l-paragrafu 45), l-ebda programm ta’ finanzjament speċifiku ma sar disponibbli mill-UE għar-reġjuni li kienu jew li għadhom jipproduċu l-faħam. Sabiex it-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija tindirizza l-objettivi klimatiċi u l-konsegwenzi relatati mal-għeluq tal-minjieri, l-Istati Membri u r-reġjuni setgħu jaċċessaw, flimkien mal-finanzjament nazzjonali u reġjonali tagħhom, ir-riżorsi disponibbli taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li ġejjin:
- il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), b’allokazzjoni baġitarja għall-perjodu 2014-2020 li tammonta għal EUR 228 biljun, biex tittejjeb il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jitnaqqsu d-disparitajiet bejn ir-reġjuni. Fost l-oqsma ewlenin li ġew appoġġjati kien hemm l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, in-negozji żgħar u ta’ daqs medju, u l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.
- il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), b’allokazzjoni baġitarja għall-perjodu 2014-2020 li tammonta għal EUR 100 biljun, biex jiġu promossi impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità, kif ukoll il-mobbilità tal-forza tax-xogħol.
- il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), b’allokazzjoni baġitarja għall-perjodu 2014-2020 li tammonta għal EUR 61 biljun għal 15-il Stat Membru, biex jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali u biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli. Il-fond jappoġġa t-titjib fin-networks trans-Ewropej tat-trasport u l-proġetti li jaqgħu taħt il-prijoritajiet ambjentali tal-UE.
20 Id-dokumenti strateġiċi ewlenin tal-Istati Membri għall-użu ta’ dawn il-fondi huma ftehimiet ta’ sħubija u programmi operazzjonali (PO). Xi wħud mill-PO huma mmaniġġjati ċentralment fl-Istati Membri, filwaqt li oħrajn huma mmaniġġjati fuq livell reġjonali. Il-Kummissjoni tipprovdi gwida, tapprova dawn id-dokumenti tal-ippjanar u tissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali huma responsabbli għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija fir-reġjuni tal-faħam kif ukoll li jużaw il-Fondi SIE għal dan il-għan.
21 Abbażi tal-informazzjoni riċevuta mis-seba’ reġjuni inklużi fl-ambitu tal-awditjar tagħna (ara l-Figura 4 wara l-paragrafu 25), il-Fondi SIE msemmija fil-paragrafu 19, taħt il-qafas finanzjarju 2014-2020, se jkunu appoġġjaw proġetti f’dawn ir-reġjuni b’finanzjament ta’ aktar minn EUR 12.5-il biljun.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
22 Dan l-awditu jipprovdi fehim approfondit dwar ir-rwol li l-fondi tal-UE kellhom fir-rigward tat-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija fir-reġjuni fejn l-industrija tal-faħam kienet qed tonqos. It-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija ta’ reġjun tal-faħam tirreferi għall-proċess ta’ ffukar mill-ġdid tal-ekonomija ta’ reġjun tal-faħam sabiex jiġu sostitwiti impjiegi mitlufa minħabba l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, l-iffrankar tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija kompatibbli mal-objettivi klimatiċi tal-UE. Ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-awditu biħsiebhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni kosteffettiva tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF).
23 Aħna eżaminajna jekk l-appoġġ mill-UE kienx ikkontribwixxa b’mod effettiv għat-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija fir-reġjuni tal-UE, fejn l-industrija tal-faħam kienet qed tonqos. Iffukajna fuq jekk:
- taħriġ u assistenza xierqa kinux ġew ipprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja fl-industriji relatati mal-faħam;
- l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, kinux identifikaw il-ħtiġijiet ta’ żvilupp soċjoekonomiku u kinux immiraw il-fondi kif xieraq; u
- l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li jirriżultaw mill-faħam termali kinux qed jonqsu f’konformità mat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-faħam termali fl-UE.
24 L-awditu tagħna kien jinkludi kampjun ta’ seba’ reġjuni tal-UE. Waqt li konna qed nivvalutaw l-użu tal-fondi tal-UE, aħna ffukajna fuq il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Fondi ta’ Koeżjoni, għall-perjodu 2014-2020. Koprejna wkoll azzjonijiet oħra li jagħtu appoġġ lir-reġjuni tal-faħam, inkluża l-Inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni u t-tfassil tal-JTF. Fiż-żmien meta sar l-awditu, kien għadu kmieni wisq biex jiġu inklużi l-Pjanijiet Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta msemmija fil-paragrafu 47 fl-ambitu tax-xogħol tagħna.
- rapporti analitici dokumentarji u intervisti li saru ma’ rappreżentanti ta’ ħames Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni (Kompetizzjoni; Enerġija; Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni; Politika Reġjonali u Urbana u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka), u mas-segretarjat tal-Inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni;
- analiżi tad-data dwar il-produzzjoni tal-faħam fl-UE, l-użu tiegħu u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra assoċjati; l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; il-popolazzjoni reġjonali u s-sitwazzjoni ekonomika (prinċipalment mill-Eurostat);
- analiżi ta’ diversi studji li jivvalutaw it-tranżizzjoni tal-enerġija, l-emissjonijiet tal-metan u s-sitwazzjoni ġenerali tal-iżvilupp ekonomiku fil-kampjun tagħna ta’ seba’ reġjuni tal-faħam;
- intervisti ma’ rappreżentanti ta’ seba’ reġjuni tal-faħam magħżula li jinsabu fi tranżizzjoni f’ħames Stati Membri (ara l-Figura 4 hawn taħt), kif ukoll eżamijiet dokumentarji ta’ strateġiji u dokumenti dwar l-użu tal-fondi tal-UE matul il-perjodu 2014-2020. Aħna għażilna dawn ir-reġjuni abbażi tal-għadd ta’ minjieri tal-faħam li ngħalqu bejn l-2010 u l-2018, u l-għadd ta’ impjegati fil-minjieri tal-faħam fl-2014.
Sors: L-Eurostat, data miġbura mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni Ewropea – il-JRC, Recent trends in EU coal, peat and oil shale regions, 2021, pp. 100-101.
Osservazzjonijiet
Id-domanda tas-suq tax-xogħol saħħet il-prospetti tal-impjiegi, iżda d-data mhix biżżejjed biex jiġi vvalutat kif il-ħaddiema fl-industrija tal-faħam ibbenefikaw minn taħriġ iffinanzjat mill-UE
26 Aħna eżaminajna jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri pprovdewx taħriġ u assistenza xierqa lill-impjegati fl-industrija tal-faħam li ngħataw is-sensja. Ivvalutajna jekk:
- ġewx offruti biżżejjed attivitajiet ta’ taħriġ u assistenza biex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jsibu impjieg ġdid, b’kont meħud tal-għadd ta’ sensji u s-sitwazzjoni fis-swieq tax-xogħol reġjonali; u
- kinitx teżisti data biex jiġi vvalutat x’kontribut ikunu taw dawk l-attivitajiet.
Il-ħaddiema fl-industrija tal-faħam li ngħataw is-sensja esperjenzaw sitwazzjoni ġeneralment pożittiva fis-suq tax-xogħol
27 Fir-reġjuni tal-faħam koperti mill-awditu tagħna, fl-2020, l-għadd ta’ persuni impjegati direttament fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam kien jirrappreżenta inqas minn 2 % tal-popolazzjoni impjegata, ħlief għas-Silesia (PL) u l-Wied ta’ Jiu (RO), fejn dan kien ta’ 4 % u 14 % rispettivament. Il-Figura 5 turi t-tnaqqis fl-għadd ta’ persuni impjegati direttament fis-settur tal-estrazzjoni bejn l-2014 u l-2020. F’xi reġjuni, dan it-tnaqqis fil-persunal settorjali nkiseb permezz ta’ fluttwazzjonijiet naturali fl-għadd tal-impjegati u l-irtirar, pereżempju f’Lausitz (DE) u s-Silesia (PL), filwaqt li f’reġjuni oħra, pereżempju fil-Moravia-Silesia (CZ), kumpaniji tal-estrazzjoni tal-faħam kellhom jagħtu s-sensja lill-ħaddiema.
Figura 5 – Impjiegi diretti fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam bejn l-2014 u l-2020
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data miksuba mill-Istati Membri.
28 Il-Figura 6 turi kif ir-rata tal-qgħad żviluppat fir-reġjuni magħżula li jipproduċu l-faħam mill-2005 ’l hawn. Ir-rata tal-qgħad li ilha tonqos mill-2014 tindika li s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol kienet ġeneralment pożittiva għall-persuni li qed ifittxu impjieg, filwaqt li tnaqqas ir-riskju li l-ħaddiema tal-industrija tal-faħam li ngħataw is-sensja jibqgħu qiegħda. Sal-2020, ir-rata tal-qgħad kienet naqset għal inqas minn 5 % fir-reġjuni kollha koperti, ħlief għat-tnejn fi Spanja. Il-qgħad f’dawn iż-żewġ reġjuni kien, madankollu, inqas mir-rata nazzjonali (15.5 %). Minkejja dan it-titjib, xi diffikultajiet fis-suq tax-xogħol jistgħu ma jinqabdux mill-analiżi tar-rata tal-qgħad (ara l-Kaxxa 1).
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Eurostat għar-rati tal-qgħad fil-popolazzjoni ta bejn il-15 u l-74 sena.
Tliet kwarti tal-persuni li għandhom bejn il-15 u l-65 sena fil-Wied ta’ Jiu (ir-Rumanija) ma għandhomx impjieg
Fil-Wied ta’ Jiu, wara r-ristrutturar tas-settur tal-faħam, l-għadd ta’ persuni impjegati naqas minn 70 000 fl-1995 għal 25 000 fl-2019. Fl-2019, kien hemm 100 000 persuna li kellhom bejn il-15 u l-65 sena. Kienu 1 489 biss li kienu meqjusa qiegħda, billi dawn kienu qed ifittxu xogħol b’mod attiv u reġistrati mal-uffiċċju tal-qgħad. Għalhekk, ir-rata tal-qgħad tagħti stampa inkompleta tas-sitwazzjoni diffiċli relatata mal-qgħad fil-Wied ta’ Jiu.
Skont l-Inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni16, il-Wied ta’ Jiu għandu ekonomija fil-biċċa l-kbira mhux diversifikata li għadha tiddependi ħafna fuq l-attivitajiet ta’ estrazzjoni. Il-konnettività limitata u l-infrastruttura tat-trasport iddeterjorata tiegħu, id-degradazzjoni ambjentali tiegħu u l-għeluq suċċessiv tal-minjieri bl-ammont kbir ta’ sensji li ngħataw lill-impjegati tagħhom wasslu għal tnaqqis kumplessiv fil-popolazzjoni tal-Wied ta’ Jiu. Minkejja li sar xi ristrutturar ekonomiku, ir-reġjun għandu attraenza limitata għall-investituri privati.
29 Ħlief għal Lausitz (DE) u l-Asturji (ES), ir-reġjuni l-oħra inklużi fil-kampjun tagħna esperjenzaw migrazzjoni netta negattiva matul il-perjodu 2013-2020; fi kliem ieħor, kien hemm aktar persuni li telqu mir-reġjuni milli stabbilew ruħhom fihom (ara l-Figura 7). Dan ikkontribwixxa parzjalment ukoll għat-tnaqqis fir-rata tal-qgħad, billi xi persuni qiegħda ddeċidew li joħorġu barra mir-reġjuni biex ifittxu impjiegi ġodda f’postijiet oħra.
Figura 7 – Migrazzjoni netta fir-reġjuni magħżula, 2013-2019
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat.
Taħriġ iffinanzjat mill-UE kien disponibbli għall-ħaddiema fl-industrija tal-faħam li ngħataw is-sensja, iżda m’hemmx data dwar il-parteċipazzjoni
30 Il-Figura 8 tagħti sommarju tal-appoġġ ipprovdut taħt il-Fond Soċjali Ewropew għall-korsijiet ta’ taħriġ u l-attivitajiet disponibbli għall-persuni qiegħda, inklużi l-impjegati fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam li ngħataw is-sensja, fir-reġjuni koperti mill-awditu tagħna. Fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni, fondi nazzjonali ntużaw ukoll biex jiġi pprovdut taħriġ u taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet lill-persuni qiegħda u lill-ħaddiema fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam li ngħataw is-sensja.
Figura 8 – Attivitajiet iffinanzjati mill-FSE matul il-perjodu 2014-2020
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data miksuba mill-Istati Membri.
31 Il-Kaxxa 2 tiddeskrivi żewġ proġetti li appoġġjaw speċifikament lill-eks ħaddiema fl-industrija tal-faħam. Il-parteċipanti f’dawn il-proġetti kienu jirrappreżentaw inqas minn 2 % tal-impjiegi li ntilfu fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam fir-reġjuni awditjati. Għaż-żewġ proġetti appoġġjati fil-Moravia-Silesia (CZ) u f’Palencia u León (ES), wieħed jista’ jara li dawn il-proġetti inizjalment immiraw lejn għadd ogħla ta’ parteċipanti mill-għadd ta’ persuni li fl-aħħar mill-aħħar ipparteċipaw.
Eżempju ta’ miżuri ffinanzjati mill-UE mmirati lejn l-impjegati fl-industrija tal-faħam li ngħataw is-sensja
Fil-Moravia-Silesia (CZ), l-FSE pprovda EUR 370 000 għal proġett li kien joffri lill-parteċipanti dijanjostika tal-impjieg, taħriġ, taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet u tqabbil tal-impjieg. Mit-338 persuna involuta f’dan il-proġett, 260 (77 %) kienu minn kumpanija tal-estrazzjoni tal-faħam. Fiż-żmien meta sar l-awditu, 324 parteċipant ikkompletaw il-miżuri ppjanati u 278 kisbu impjieg wara li telqu mill-programm. Il-baġit inizjali għall-proġett kien erba’ darbiet ogħla, iżda kellu jitnaqqas minħabba żvilupp pożittiv fis-suq tax-xogħol li wassal għal interess aktar baxx milli mistenni min-naħa ta’ parteċipanti potenzjali.
F’Palencia u León (ES), il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ipprovda EUR 1.02 miljun biex jiġi ffinanzjat proġett li kellu l-għan li jtejjeb l-impjegabbiltà tal-eks ħaddiema fis-settur tal-estrazzjoni tal-faħam. L-objettiv ta’ dan il-fond huwa li jindirizza s-sensji fuq skala wiesgħa b’riżultat tar-ristrutturar industrijali. Il-proġett ipprovda taħriġ lil 198 eks ħaddiem fl-industrija tal-faħam li kienu jirrappreżentaw 58 % tal-mira inizjali (339). Skont l-informazzjoni disponibbli, 81 (41 %) ħaddiem irnexxielhom isibu impjieg b’riżultat tat-taħriġ.
32 Il-leġiżlazzjoni dwar l-FSE ma kinitx tirrikjedi li l-Istati Membri jirrappurtaw data relatata mal-eks impjegati fl-industrija tal-faħam separatament. L-awtoritajiet rilevanti fir-reġjuni magħżula ma setgħux jiġbru informazzjoni dwar l-eks impjegati fl-industrija tal-faħam. Konsegwentement, l-għadd ta’ impjegati fl-industrija tal-faħam li ngħataw is-sensja li pparteċipaw fil-miżuri ffinanzjati mill-UE, u l-kontribut ta’ dawk il-miżuri biex jgħinu lill-parteċipanti jsibu impjiegi ġodda, ma setgħux jiġu stabbiliti. L-informazzjoni kienet disponibbli biss għall-ftit ħafna miżuri mmirati bħal dawk deskritti fil-Kaxxa 2 hawn fuq.
L-Istati Membri użaw il-fondi tal-UE għall-koeżjoni territorjali mingħajr ma ffukaw fuq it-tranżizzjoni tar-reġjuni tal-faħam
33 Aħna eżaminajna jekk l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, kinux identifikaw il-ħtiġijiet ta’ żvilupp soċjoekonomiku u kinux immiraw il-fondi kif xieraq. Ivvalutajna jekk:
- l-Istati Membri kinux identifikaw il-kwistjoni relatata mat-tnaqqis tal-faħam fl-analiżi tal-elementi sodi, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddidiet (SWOT) tagħhom fil-PO u d-dokumenti strateġiċi żviluppati tagħhom li jindirizzaw it-tranżizzjoni soċjoekonomika;
- l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, kinux investew il-fondi tal-UE fuq azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-iżvilupp tan-nisġa ekonomika tar-reġjuni tal-faħam milquta, u jwasslux benefiċċji ċari bħall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, iż-żieda fil-kapaċitajiet ta’ riżorsi rinnovabbli u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija; u
- wara li ġie adottat il-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni kienet ħadet azzjoni biex tappoġġja r-reġjuni tal-faħam li jinsabu fi tranżizzjoni f’konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.
Il-biċċa l-kbira mill-istrateġiji għat-tranżizzjoni ġew żviluppati reċentement
34 Ma kien hemm l-ebda rekwiżit legali fil-livell tal-UE biex titħejja strateġija għat-tranżizzjoni soċjoekonomika jew tal-enerġija għar-reġjuni tal-faħam fl-perjodu 2014-2020. Madankollu, aħna nqisu li kienet tkun prattika tajba li tiġi stabbilita tali strateġija, speċjalment peress li r-reġjuni kollha magħżula, ħlief għal Brandenburg, kienu qed jiffaċċjaw tnaqqis qawwi fil-produzzjoni tal-faħam, u l-estrazzjoni tal-faħam ma kinitx għadha attività vijabbli. It-Tabella 2 tippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-iżvilupp tal-istrateġiji għat-tranżizzjoni soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam magħżula. L-analiżi tagħna tal-istrateġiji għat-tranżizzjoni turi li dawk li ġew ippubblikati bejn l-2018 u l-2021 jinkludu valutazzjoni tal-analiżi SWOT jew analiżijiet simili tar-reġjun tagħhom, u li l-partijiet ikkonċernati ewlenin kienu involuti fit-tfassil tagħhom.
Tabella 2 – Ħarsa ġenerali lejn l-istrateġiji għat-tranżizzjoni soċjoekonomika fir-reġjuni magħżula
Reġjun | Kummenti |
---|---|
Il-Moravia-Silesia (CZ) | Fl-2015, il-gvern Ċek iddeċieda li jimplimenta l-Programm RE:START, li kellu l-għan li jappoġġja r-ristrutturar ekonomiku tat-tliet reġjun tal-faħam fiċ-Ċekja. L-ewwel pjan ta’ azzjoni RE:START ġie żviluppat għall-perjodu 2017-2030. Strateġija reġjonali għall-perjodu 2019-2027, li ġiet ippubblikata fl-2019, spjegat b’mod ċar il-ħtieġa għal tranżizzjoni soċjoekonomika kif ukoll l-impatt negattiv ta-industrija tal-faħam fuq l-ambjent u l-klima. |
Lausitz (DE) | Strateġiji dedikati għat-tranżizzjoni soċjoekonomika għal Lausitz ġew żviluppati wara l-2017, wara l-adozzjoni tal-istrateġija ta’ ħruġ mill-industrija tal-faħam għall-Ġermanja, li allokaw għajnuna nazzjonali li kienet tammonta għal EUR 17-il biljun għal Brandenburg sal-2038. |
L-Asturji (ES) | F’kuntest fejn relattivament ftit minaturi kienu fl-2013 u l-attivitajiet ta’ estrazzjoni kienu waqfu fl-2018, il-fondi taħt l-istrateġija għall-perjodu 2013-2018 intefqu prinċipalment biex jikkumpensaw lill-eks minaturi. L-istrateġiji għall-perjodu 2019-2027 jiffukaw fuq ir-riattivazzjoni ekonomika u żvilupp alternattiv tar-reġjuni tal-estrazzjoni biex jilħqu t-trasformazzjoni strutturali tagħhom. |
Palencia u León (ES) | |
Is-Silesia (PL) | Il-ħtieġa għat-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija kienet diġà ġiet enfasizzata fi strateġija tal-2013, iżda l-pjan ta’ azzjoni korrispondenti għat-“trasformazzjoni tar-reġjun” ġie ppubblikat biss fl-2019. Fl-2020, ġiet adottata strateġija reġjonali ġdida, b’fokus akbar fuq it-trasformazzjoni soċjoekonomika tar-reġjun. |
Małopolska (PL) | Għalkemm strateġija mill-2011 kienet tinkludi miżuri biex tiġi ttrattata t-tranżizzjoni soċjoekonomika, il-miżuri ppjanati fl-istrateġija tal-2020 jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni. |
Il-Wied ta’ Jiu (RO) | Strateġija għall-perjodu 2022-2030 relatata mal-iżvilupp soċjoekonomiku u ambjentali tal-Wied ta’ Jiu kienet fil-proċess ta’ approvazzjoni fiż-żmien meta sar l-awditu. Filwaqt li ġiet żviluppata permezz tal-fondi tal-UE, l-istrateġija kienet ibbażata fuq analiżijiet tal-isfidi u l-opportunitajiet fil-mikroreġjun, u ħadet inkunsiderazzjoni l-fehmiet tal-partijiet interessati rilevanti. Din hija t-tielet strateġija ta’ żvilupp għall-Wied ta’ Jiu. L-istrateġija li ġiet approvata fl-2016 qatt ma ġiet implimentata. L-istrateġija għall-perjodu 2002-2010 ma kellhiex impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-Wied ta’ Jiu. |
Sors: il-QEA.
35 L-impenji uffiċjali għall-eliminazzjoni gradwali tal-faħam saru bejn l-2016 u l-2022 (ara l-Figura 9) u kkontribwew għall-iżvilupp reċenti tal-istrateġiji għat-tranżizzjoni fir-reġjuni magħżula. Il-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima (NECPs) għall-perjodu 2021-2030 jiddeskrivu fil-qosor kif l-Istati Membri biħsiebhom jindirizzaw kwistjonijiet bħall-effiċjenza fl-enerġija, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Dawn ġew aġġornati l-aħħar fl-2019, li jfisser li l-impatt tal-impenji l-aktar reċenti għadu mhux rifless fil-pjanijiet attwali. L-Istati Membri jkollhom jippreżentaw abbozz ta’ aġġornament tan-NECPs tagħhom lill-Kummissjoni sa Ġunju 202317.
Figura 9 – Status tal-eliminazzjoni gradwali tal-faħam skont il-pajjiż (Mejju 2022)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea.
L-appoġġ taħt il-FEŻR u l-FK kien disponibbli, iżda l-impatt tiegħu fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-impjiegi kien limitat
36 Il-Figura 10 turi l-użu li r-reġjuni tal-faħam magħżula għamlu mill-FEŻR, inkluż taħt programmi ta’ livell nazzjonali. F’Lausitz (DE), Palencia u León (ES), u Małopolska (PL), proporzjon kbir tal-finanzjament taħt il-FEŻR intuża għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tan-negozju. Fil-Wied ta’ Jiu (RO), is-Silesia (PL) u l-Moravia-Silesia (CZ), ġew investiti proporzjonijiet sinifikanti tal-fondi biex jittejbu l-infrastrutturi soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tat-trasport. Fir-reġjuni kollha, minbarra f’Lausitz, aktar minn 18 % tal-finanzjament taħt il-FEŻR intefaq fuq miżuri biex jittejjeb l-ambjent, bħal faċilitajiet tat-trattament tal-ilma mormi, jew azzjonijiet biex tittejjeb il-kwalità tal-arja. Sal-aħħar tliet xhur tal-2021, is-seba’ reġjuni koperti mill-awditu tagħna approvaw appoġġ mill-UE li kien jammonta għal EUR 9.5 biljun biex jiġu ffinanzjati proġetti taħt il-FEŻR.
Figura 10 – Użu mill-FEŻR għall-perjodu 2014-2020 fir-reġjuni tal-faħam magħżula
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u r-reġjuni tal-faħam magħżula.
37 Minbarra l-finanzjament taħt il-FEŻR, EUR 2.5 biljun mill-Fond ta’ Koeżjoni ntużaw biex jiġu appoġġjati proġetti f’erba’ reġjuni. Fil-Wied ta’ Jiu (RO), id-daqs ta’ dan il-finanzjament kien sinifikanti, billi dan kien jirrappreżenta 46 % tal-infiq tar-reġjun taħt il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEŻR flimkien. Il-proġetti appoġġjati kellhom l-għan li jirrinovaw u jimmodernizzaw is-sistema tal-ilma u tal-ilma mormi fil-Kontea ta’ Hunedoara. Fis-Silesia (PL) u Małopolska (PL), il-Fond ta’ Koeżjoni kien jirrappreżenta 28 % u 22 % rispettivament, ta’ dawn iż-żewġ fondi flimkien, li l-maġġoranza tagħhom intefqu fuq il-kostruzzjoni tal-ferroviji, l-awtostradi u t-toroq, li jaqgħu taħt in-Network trans-Ewropew tat-trasport. Fil-Moravia-Silesia (CZ), il-Fond ta’ Koeżjoni kien jirrappreżenta 14 % ta’ dawn iż-żewġ fondi flimkien u fil-biċċa l-kbira wkoll intuża biex jappoġġja proġetti fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport.
38 It-Tabella 3 turi l-għadd ta’ impjiegi li għandhom jinħolqu direttament bl-appoġġ taħt il-FEŻR, skont id-data riċevuta mill-awtoritajiet maniġerjali. Il-livell tagħhom huwa baxx (inqas minn 5 %) meta mqabbel mal-medja tal-qgħad għall-perjodu 2014-2020 fir-reġjuni magħżula. Billi jistimula d-domanda għall-prodotti u s-servizzi għall-proġetti sussidjati, il-FEŻR joħloq ukoll impjiegi b’mod indirett, iżda d-data dwar dawn l-impjiegi li jinħolqu b’mod indirett mhix disponibbli.
Tabella 3 – Ħarsa ġenerali lejn l-impjiegi, li għandhom jinħolqu direttament bil-proġetti ffinanzjati mill-FEŻR għall-perjodu 2014-2020
Reġjun | Għadd ta’ impjiegi (A) | Għadd medju ta’ persuni qiegħda fil-perjodu 2014-2020 (B) | Espress bħala % (A/B *100) |
---|---|---|---|
Il-Moravia-Silesia (CZ) | 387 | 33 800 | 1.1 |
Lausitz (DE) | 110 | 24 000 | 0.5 |
L-Asturji (ES) | 668 | 74 700 | 0.9 |
Is-Silesia (PL) | 3 802 | 93 600 | 4.1 |
Małopolska (PL) | 2 151 | 70 500 | 3.1 |
Il-Wied ta’ Jiu (RO) | 104 | 75 000 | 0.1 |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u mill-Eurostat (l-informazzjoni għal Palencia u León (ES) ma ġietx ipprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli). Għall-Wied ta’ Jiu (RO), nużaw l-għadd ta’ persuni fil-popolazzjoni attiva li ma għandhomx impjieg minflok l-għadd medju ta’ persuni qiegħda (ara l-Kaxxa 1).
39 Rapport tal-2020 li ħareġ mill-Kummissjoni Ewropea18 vvaluta l-potenzjal ta’ reġjuni li kienu jipproduċu l-faħam fil-livell tan-NUTS 2 biex isir investiment f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u biex jinħolqu impjiegi b’dawn it-teknoloġiji tal-enerġija nadifa. Is-seba’ reġjuni magħżula ġew ivvalutati kif ġej:
- Brandenburg (Lausitz) (DE), l-Asturji (ES), u Kastilja u León (Palencia u León) (ES) huma reġjuni b’potenzjal għoli ta’ impjieg mill-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija nadifa.
- Małopolska (PL) u Vest (il-Wied ta’ Jiu) (RO) jistgħu jiżviluppaw bil-mod l-impjieg bit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa sal-2030, iżda l-potenzjal ta’ dawn it-teknoloġiji biex joħolqu l-impjiegi jista’ jiġi realizzat bis-sħiħ biss sal-2050.
- Il-Moravia-Silesia (CZ) u s-Silesia (PL) għandhom abbiltà limitata biex jissostitwixxu bis-sħiħ l-impjiegi relatati mal-faħam ma’ impjiegi fis-settur tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa.
40 Il-fondi tal-UE normalment ma jissussidjawx proġetti akbar għall-installazzjoni ta’ teknoloġiji maturi tal-enerġija rinnovabbli, billi llum il-ġurnata jenħtieġ li dawn jiġġeneraw flussi ta’ dħul suffiċjenti u ma jirċevux għotja19. Għaldaqstant, il-Fondi SIE normalment jappoġġjaw installazzjonijiet iżgħar. Dan ġie kkonfermat mill-analiżi li wettaqna tal-infiq taħt il-FEŻR fis-seba’ reġjuni magħżula, li fil-biċċa l-kbira jintuża għall-installazzjonijiet ta’ pannelli solari ġodda. Il-Wied ta’ Jiu (RO) ma ffinanzja l-ebda installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u erba’ reġjuni magħżula nefqu inqas minn 1 % tal-finanzjament taħt il-FEŻR kuntrattwali tagħhom fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Is-Silesia (PL) ikkuntrattat l-ogħla proporzjon ta’ nfiq taħt il-FEŻR fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ta’ madwar 3 %, li se jipprovdi kapaċità ġdida ta’ enerġija rinnovabbli u se jirrappreżenta 2.3 % tal-kapaċità teknika potenzjali għar-reġjun skont ir-rapport tal-2020 msemmi fil-paragrafu preċedenti.
41 Il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” tal-UE ifisser indirizzar tal-effiċjenza enerġetika qabel investimenti f’provvista tal-enerġija addizzjonali. Fir-reġjuni awditjati, l-infiq taħt il-FEŻR fuq proġetti għall-iffrankar tal-enerġija fl-infrastruttura pubblika, l-istokk tal-akkomodazzjoni eżistenti, l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar kien ivarja minn 2.4% tal-infiq ikkuntrattat taħt il-FEŻR f’Palencia u León (ES) sa 15 % fl-Asturji (ES).
42 Stajna nistabbilixxu l-impatt mistenni ta’ dawn il-miżuri fl-effiċjenza fl-enerġija ffinanzjati mill-UE biss għall-Moravia-Silesia (CZ), fejn il-proġetti għall-perjodu 2014-2020 huma mistennija li jiġġeneraw iffrankar tal-enerġija annwali li jkun jirrappreżenta kważi 5 % tal-konsum tas-sħana annwali totali fir-reġjun. Għas-Silesia (PL) u l-Małopolska (PL), l-awtoritajiet ipprovdew data dwar l-impatt tal-programmi reġjonali iżda mhux tal-programmi fuq livell nazzjonali. F'kull wieħed minn dawn iż-żewġ reġjuni, l-iffrankar tal-enerġija ffinanzjat mill-UE huwa mistenni li jkun inqas minn 3 % tal-konsum tas-sħana annwali u inqas minn 1 % tal-konsum tal-elettriku annwali. Ir-reġjuni li jifdal fil-kampjun tagħna ma pprovdewlniex data kompleta biżżejjed biex nagħmlu stima.
43 Fir-rapport tagħna dwar l-effiċjenza enerġetika fl-intrapriżi, aħna sibna wkoll li l-proġetti tal-effiċjenza enerġetika ffinanzjati mill-UE jagħtu biss kontribut modest għall-objettivi tal-UE20. Studju li sar mill-Kummissjoni Ewropea fl-202021 juri li l-biċċa l-kbira mill-iffrankar tal-enerġija fil-livell nazzjonali22 ġej mill-obbligi dwar l-effiċjenza fl-enerġija jew mit-tassazzjoni fuq l-enerġija.
L-UE reċentement żiedet b’mod konsiderevoli l-appoġġ tagħha għat-tranżizzjoni fir-reġjuni tal-faħam
44 F’Diċembru 2017, il-Kummissjoni ħabbret it-tnedija tal-Inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni (“CRiT”), b’baġit ta’ EUR 3 100 000. L-inizjattiva kienet tikkonsisti fi pjattaforma miftuħa li tiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, filwaqt li tippromwovi l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenzi bejn ir-reġjuni tal-faħam. Hija tat ukoll assistenza teknika lil seba’ reġjuni speċifiċi tal-faħam (inklużi l-Asturji (ES), is-Silesia (PL), Małopolska (PL) u l-Wied ta’ Jiu (RO)). F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni nediet il-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta, li tibni fuq l-esperjenza miġbura mill-Pjattaforma CRiT. Rapporti ppubblikati mill-JRC23 identifikaw xi wħud minn dawn ir-reġjuni u ddeskrivew il-profil tagħhom.
45 Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni pproponiet il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta biex timmira lejn ir-reġjuni u s-setturi l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija newtrali għall-klima, u li huma dipendenti fuq il-fjuwils fossili, inklużi l-faħam, il-pit u shale bituminuż , u proċessi industrijali b’intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra (“reġjuni affettwati mit-tranżizzjoni”). Dan jikkonsisti fi tliet pilastri:
- Fond għal Tranżizzjoni Ġusta24 b’EUR 19.3-il biljun disponibbli prinċipalment għall-għotjiet, li jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri (ara l-Figura 11);
- Skema għal Tranżizzjoni Ġusta li tipprovdi garanziji baġitarji taħt l-InvestEU biex “jinkludi” investiment privat; u
- faċilità ta’ self għas-settur pubbliku, li permezz tagħha s-self mill-BEI jkun ikkombinat mal-għotjiet tal-UE.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq legiżlazzjoni u informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni.
46 L-opinjoni tagħna25 dwar il-propostI tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar il-JTF enfasizzat li l-Kumissjoni ma kinitx wettqet analiżi komprensiva ta’ dak li nkiseb permezz tal-finanzjament preċedenti li ngħata mill-UE f’dawn ir-reġjuni, jew tal-ħtiġijiet li fadlilhom. Hija ssottolinjat l-importanza tal-koordinazzjoni u l-komplementarjetà tad-diversi sorsi ta’ finanzjament. Hija saħqet b’mod partikolari fuq ir-riskju li l-fondi maħsuba biex itaffu l-ispejjeż soċjoekonomiċi u ambjentali tat-tranżizzjoni jintefqu mingħajr ma t-tranżizzjoni sseħħ b’mod effettiv, billi xi reġjuni ma jittrasformawx l-industriji b’intensità qawwija ta’ karbonju tagħhom. Dan ir-riskju huwa aċċentwat mill-perjodu ta’ żmien limitat tal-programm. Il-fondi mill-Istrument tal-UE għall-Irkupru, li jammontaw għal EUR 10.87 biljun, ikun jeħtieġ li jiġu impenjati sa tmiem l-2023 u użati sa tmiem l-2026.
47 Il-Pjanijiet Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta huma element ċentrali għall-implimentazzjoni tal-JTF. F’Awwissu 2022, kienu ġew approvati għaxar Pjanijiet Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta. L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, u l-effetti tagħha fuq is-suq tal-enerġija, jistgħu jirriżultaw ukoll f’dewmien fit-tranżizzjoni ’l bogħod mill-faħam, u jkollhom impatt fuq l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għal tranżizzjoni.
48 Ir-Regolament dwar il-JTF jistabbilixxi għadd ta’ elementi li jeħtieġ li l-Istati Membri jiddeskrivu fil-pjanijiet għal tranżizzjoni ġusta tagħhom, inklużi l-proċess ta’ tranżizzjoni fil-livell nazzjonali, l-isfidi ta’ tranżizzjoni tar-reġjuni l-aktar milquta, u l-kontribut mistenni tal-JTF26. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta27 jippreżenta l-fehma tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tal-ipprogrammar. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet biex jiġu aċċettati l-pjanijiet, id-dokument jiddeskrivi s-sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tistenna li taċċetta jew tirrifjuta l-proposti tal-Istati Membri. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom il-potenzjal li jnaqqsu parzjalment xi wħud mir-riskji identifikati fl-opinjoni tagħna, iżda fiż-żmien meta sar l-awditu, kien kmieni wisq biex jiġi vvalutat kif dawn se jiġu applikati fil-prattika.
Minkejja l-progress kumplessiv, il-faħam jibqa’ sors sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra f’xi Stati Membri
49 Aħna eżaminajna l-evoluzzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta' serra mill-faħam. Ivvalutajna jekk:
- l-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana (u l-emissjonijiet tas-CO2 assoċjati) huwiex qed jonqos f’konformità mat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-faħam termali fl-UE; u
- stimi affidabbli tal-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-minjieri tal-faħam attivi u abbandunati kinux disponibbli, flimkien mar-regoli u l-inċentivi biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-metan minn minjieri magħluqa.
L-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-kombustjoni tal-faħam naqsu, iżda l-faħam domestiku xi drabi ġie sostitwit minnimportazzjonijiet jew minn fjuwils fossili oħra
50 Fl-EU-27, l-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-użu tal-faħam għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana naqsu b’59 % bejn l-1990 u l-2020. Il-Figura 12 turi li l-proporzjon tal-ġenerazzjoni grossa tal-elettriku u tas-sħana mħaddma mill-faħam kien għadu ’l fuq minn 15 % f’sitt pajjiżi tal-UE fl-2020. Fis-sitt pajjiżi tal-UE deskritti fil-Figura 12, il-kombustjoni tal-faħam għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana kienet responsabbli għal bejn 9 % u 32 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2020 (esklużi l-emissjonijiet u l-bjar mill-użu tal-art, il-bidla fl-użu tal-art u l-forestrija, kif ukoll emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali)28.
Figura 12 – Proporzjon tal-produzzjoni grossa tal-elettriku u tas-sħana mill-faħam
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-EEA ppubblikata mill-Eurostat.
51 Il-proporzjon tal-elettriku u tas-sħana li jiġu prodotti mill-faħam fl-UE kollha naqas bi 11-il punt perċentwali bejn l-2013 u l-2020, minn 25 % għal 14 %. Filwaqt li l-proporzjon tal-elettriku u tas-sħana ġġenerati minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli żdied bi 11-il punt perċentwali fl-istess perjodu, il-proporzjon tal-elettriku u tas-sħana ġġenerat mill-gass naturali żdied ukoll b’4 punti perċentwali (ara l-Figura 1). Fir-reġjuni inklużi fl-awditu tagħna u fl-Istati Membri korrispondenti, aħna b’mod ġenerali osservajna li l-faħam ma kienx ġie biss issostitwit b’sorsi ta’ enerġija sostenibbli.
- Fiċ-Ċekja, il-produzzjoni tal-faħam iebes fil-Moravia-Silesia (CZ) naqset b’60 % bejn l-2014 u l-2019. Minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-faħam iebes, l-emissjonijiet tas-CO2 ikkawżati mill-kombustjoni tal-faħam iebes fiċ-Ċekja naqsu biss bi 32 %.
- F’Lausitz (DE), il-minjieri attivi pproduċew aktar faħam biex ikopru l-produzzjoni mitlufa mill-minjiera ta’ Cottbus li ngħalqet.
- Fi Spanja, l-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-ħruq tal-faħam għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana naqsu bi 63 % bejn l-2013 u l-2019. Madankollu, madwar 40 % ta’ dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 ġie kkumpensat minn żieda fl-użu tal-gass naturali.
- Fil-Polonja, il-produzzjoni tal-faħam iebes naqset b’25 % bejn l-2014 u l-2020, filwaqt li l-użu naqas biss bi 15 %, peress li l-produzzjoni domestika ġiet parzjalment sostitwita bl-importazzjonijiet.
- Fil-Wied ta’ Jiu (RO), it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-faħam ġie parzjalment ikkumpensat minn żieda fl-importazzjonijiet tal-gass naturali.
52 Il-Figura 13 turi l-Istati Membri tal-UE li importaw l-aktar il-faħam, li għalihom il-faħam iebes kien jammonta għal 91.5 % fl-2019. Fil-Ġermanja u l-Polonja, l-importazzjonijiet tal-faħam żdiedu b’mod sinifikanti fl-aħħar 15-il sena, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-faħam b’mod ġenerali qed jonqsu fil-bqija tal-UE.
Sa issa l-Istati Membri ftit li xejn taw attenzjoni għall-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-minjieri tal-faħam magħluqa jew abbandunati
53 Il-Figura 14 turi li l-Polonja hija bla dubju l-akbar emittent tal-metan li jirriżulta mill-estrazzjoni u mit-trattament tal-faħam, segwita mir-Rumanija u ċ-Ċekja, li flimkien jirrappreżentaw 89 % ta’ dawn l-emissjonijiet kollha tal-metan29. Id-dijagramma turi wkoll li l-minjieri taħt l-art li huma attivi huma l-akbar kontributur uniku għall-emissjonijiet tal-metan. Peress li l-konċentrazzjonijiet tal-metan f’dawn il-minjieri jiġu kkontrollati kontinwament għal raġunijiet ta’ saħħa u sikurezza, l-istimi tal-emissjonijiet tal-metan irrappurtati fl-inventarji nazzjonali tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-minjieri taħt l-art li huma attivi huma kkunsidrati affidabbli.
Figura 14 – Stima tal-emissjonijiet tal-metan li rriżultaw mill-minjieri tal-faħam fl-2019 (f’elf tunnellata)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-inventarji tal-gassijiet b’effett ta’ serra pprovduta mill-EEA
54 L-emissjonijiet li jirriżultaw mill-minjieri tas-superfiċje ma jistgħux jitkejlu kontinwament, peress li jiġu diffużi fuq żona wiesgħa. Konsegwentement, l-approċċ għal stima l-aktar preċiż huwa bbażat fuq il-kwantitajiet ta’ faħam li jiġu estratti f’kull minjiera attiva mmultiplikati b’fattur ta’ emissjoni. L-istimi tal-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-minjieri taħt l-art magħluqa jew abbandunati huma l-inqas preċiżi, peress li ma hemm l-ebda kejl kontinwu tal-metan f’dawn il-minjieri magħluqa li jippermetti li jiġu kkalkulati fatturi ta’ emissjoni aktar affidabbli. Studju li sar fl-202030 bassar li l-proporzjon tal-emissjonijiet tal-metan fl-industrija tal-faħam kollha kemm hi li jkunu ġejjin mill-minjieri magħluqa (mhux mgħarrqa) jew abbandunati se jiżdied b’mod sinifikanti fil-futur, prinċipalment minħabba l-livell aktar baxx ta’ emissjonijiet li jirriżultaw mill-minjieri attivi u mix-xaftjiet aktar fondi fil-minjieri li ngħalqu reċentement.
55 Xi Stati Membri stabbilew inċentivi fil-forma ta’ sussidji, għajnuna mill-Istat u ħelsien mit-taxxa għal investimenti f’sistemi li jużaw il-metan mill-minjieri magħluqa jew abbandunati għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, inklużi ċ-Ċekja, il-Ġermanja u l-Polonja. Madankollu, huma ftit biss il-proġetti operazzjonali fil-pajjiżi inklużi fl-awditu tagħna li jużaw il-metan mill-minjieri magħluqa jew abbandunati għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, fejn hemm aktar minn 50 proġett ta’ dan it-tip li huma operazzjonali31.
56 Attwalment ma hemmx regoli fl-UE kollha li jillimitaw l-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-estrazzjoni u t-trattament tal-faħam. Madankollu, il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tikseb informazzjoni aħjar dwar l-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-minjieri tal-faħam attivi, magħluqa jew abbandunati u biex tnaqqas dawn l-emissjonijiet, billi ppubblikat Proposta għal Regolament fl-202132. Il-Figura 15 tiddeskrivi l-elementi ta’ din il-proposta, li huma rilevanti għas-settur tal-faħam.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
57 L-awditu tagħna vvaluta jekk l-appoġġ mill-UE fil-perjodu 2014-2020 kienx ikkontribwixxa b’mod effettiv għat-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija f’seba’ reġjuni magħżula tal-UE, fejn l-industrija tal-faħam kienet qed tonqos. Aħna nikkonkludu li l-appoġġ mill-UE li ngħata lir-reġjuni tal-faħam kellu fokus u impatt limitat fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tranżizzjoni tal-enerġija u li, minkejja l-progress kumplessiv li sar, il-faħam jibqa’ sors sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra f’xi Stati Membri.
58 L-ewwel, aħna ħarisna lejn jekk il-ħaddiema fl-industrija tal-faħam li ngħataw is-sensja kinux irċevew taħriġ u assistenza xierqa biex jgħinuhom isibu impjieg ġdid. L-awtoritajiet reġjonali setgħu jużaw kemm il-fondi nazzjonali kif ukoll dawk tal-UE għal dan il-għan. Aħna sibna li korsijiet ta’ taħriġ appoġġati mill-FSE kienu disponibbli għall-ħaddiema fl-industrija tal-faħam li kienu ngħataw is-sensja, iżda ma kienx hemm data dwar il-parteċipazzjoni għal dan il-grupp speċifiku. Sitwazzjoni ġeneralment pożittiva fis-suq tax-xogħol fil-biċċa l-kbira mir-reġjuni inklużi fl-ambitu tal-awditjar tagħna naqqset ir-riskju li l-ħaddiema fl-industrija tal-faħam li kienu ngħataw is-sensja jibqgħu qiegħda (il-paragrafi 26-32).
59 It-tieni, aħna vvalutajna jekk l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, kinux identifikaw il-ħtiġijiet soċjoekonomiċi tar-reġjuni tal-faħam u kinux immiraw il-fondi kif xieraq. Ir-reġjuni tal-faħam magħżula kienu użaw il-fondi tal-UE b’modi differenti bil-ħsieb li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi proprji tagħhom iżda b’fokus dgħajjef fuq it-tranżizzjoni soċjoekonomika u tal-enerġija. Aħna osservajna li l-biċċa l-kbira mir-reġjuni kienu żviluppaw l-istrateġiji għat-tranżizzjoni tagħhom lejn tmiem il-perjodu 2014-2020.
60 Aħna rajna li l-għadd ta’ impjiegi li nħolqu direttament f’dawn ir-reġjuni permezz ta’ investimenti taħt il-FEŻR kien relattivament baxx. Aħna sibna li fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni inklużi fil-kampjun tagħna, il-proġetti ffinanzjati ma kellhomx impatt sinifikanti fuq l-iffrankar tal-enerġija jew fuq il-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (il-paragrafi 33-43).
61 Mill-2018 ’il hawn, il-Kummissjoni offriet diversi tipi ta’ kwalifika lir-reġjuni tal-faħam, u fl-2020 hija għamlet proposti biex jiġi stabbilit il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta b’ammont ta’ EUR 19.3-il biljun. L-opinjoni tagħna dwar il-proposti tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar il-JTF aċċennat li l-Kumissjoni ma kinitx wettqet analiżi komprensiva ta’ dak li nkiseb permezz tal-finanzjament preċedenti li ngħata mill-UE f’dawn ir-reġjuni, jew tal-ħtiġijiet li fadlilhom. Aħna sibna wkoll sfidi għall-Istati Membri fl-użu tal-finanzjament disponibbli fi ħdan il-perjodu ta’ żmien stabbilit biex jappoġġjaw tranżizzjoni effettiva. Dawn id-dgħufijiet joħolqu r-riskju li l-fondi maħsuba biex itaffu l-ispejjeż soċjoekonomiċi u ambjentali tat-tranżizzjoni jistgħu jintefqu mingħajr ma t-tranżizzjoni sseħħ b’mod effettiv. Dan ir-riskju żdied bl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022 (il-paragrafi 44-48).
Rakkomandazzjoni 1 – Tiċċekkja li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jintuża b’mod effettiv u effiċjenti biex itaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika fir-reġjuni b’intensità ta’ faħam u ta’ karbonju
Jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta tapprova l-Pjanijiet u l-Programmi Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta u l-emendi tagħhom, u meta timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom, tiċċekkja li l-Istati Membri jkunu:
- speċifikaw il-miżuri ppjanati u l-perjodu ta’ żmien għat-tranżizzjoni ’l bogħod mill-faħam u għat-trasformazzjoni ta’ attivitajiet b’intensità qawwija ta’ karbonju f’konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE;
- żguraw li r-riżorsi programmati ma jkunux jeċċedu l-ħtiġijiet finanzjarji identifikati f’konformità mar-ritmu tat-tranżizzjoni; u
- żgurat komplementarjetà u koordinazzjoni bejn id-diversi sorsi ta’ finanzjament tal-UE u dawk nazzjonali.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022 għall-adozzjoni tal-Pjanijiet u l-Programmi Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta; 2026 għall-monitoraġġ u rappurtar
62 Fl-aħħar nett, aħna vvalutajna jekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li jirriżultaw mill-faħam humiex qed jonqsu f’konformità mat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-faħam fl-UE. Aħna sibna li kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-kombustjoni tal-faħam, iżda li l-faħam domestiku xi drabi ġie sostitwit mill-importazzjonijiet jew minn fjuwils fossili oħra. Il-proporzjon tal-ġenerazzjoni grossa tal-elettriku u tas-sħana mħaddma mill-faħam kien għadu ’l fuq minn 15 % f’sitt pajjiżi tal-UE fl-2020.
63 Aħna sibna wkoll li r-rappurtar dwar l-emissjonijiet tal-metan li jirriżultaw mill-minjieri magħluqa jew abbandunati ma kienx affidabbli biżżejjed, u li bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, dawn il-minjieri jagħmlu biss użu marġinali mill-metan. Attwalment, ir-rappurtar u l-mitigazzjoni ta’ dawn l-emissjonijiet mhumiex irregolati tajjeb, iżda proposta tal-Kummissjoni li ġiet ippubblikata f’Diċembru 2021 għandha l-għan li tindirizza dawn il-kwistjonijiet (il-paragrafi 49-56).
Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi kondiviża prattika tajba għall-kejl u l-ġestjoni tal-emissjonijiet tal-metan
Jenħtieġ li l-Kummissjoni, billi tibni fuq il-proposta tal-2021 għal Regolament dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija, tiġbor u tikkondividi eżempji ta’ prattiki tajba li jitwettqu fl-Istati Membri, tal-kejl u l-ġestjoni tal-emissjonijiet tal-metan, minn minjieri tal-faħam magħluqa jew abbandunati.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sa Joëlle Elvinger, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-21 ta’ Settembru 2022.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
CO2: Diossidu tal-karbonju
FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
FK: Fond ta’ Koeżjoni
Fondi SIE: Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej
FSE: Fond Soċjali Ewropew
JRC: Ċentru Konġunt tar-Riċerka
JTF: Fond għal Tranżizzjoni Ġusta
NECP: Pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima
PM2.5: Materja partikolata fina
PO: Programm operazzjonali
SWOT: Elementi sodi, Dgħufijiet, Opportunitajiet u Theddidiet
Glossarju
Analiżi SWOT: Valutazzjoni tal-elementi sodi, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddidiet ta’ entità, ġuriżdizzjoni jew programm.
Faħam termali: Faħam li jintuża prinċipalment fl-impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana.
Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: Il-ħames fondi prinċipali tal-UE li flimkien ipprovdew appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fl-UE kollha fil-perjodu 2014-2020: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Ftehim ta’ Pariġi: Ftehim internazzjonali ffirmat fl-2015 biex it-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 2°C, b’kull sforz biex dan jiġi limitat għal 1.5 C.
Ftehim ta’ sħubija: Ftehim bejn il-Kummissjoni u Stat Membru jew pajjiż mhux membru tal-UE fil-kuntest ta’ programm ta’ nfiq tal-UE, fejn jiġu stabbiliti pereżempju, il-pjanijiet strateġiċi, il-prijoritajiet ta’ investiment jew inkella t-termini ta’ kummerċ jew il-provvedimenti ta’ għajnuna għall-iżvilupp.
Gass serra: Gass fl-atmosfera – bħal diossidu tal-karbonju jew metan – li jassorbi u jemetti radjazzjoni, ma jħallix is-sħana taħrab u għalhekk isaħħan is-superfiċje tad-Dinja permezz ta’ dak li huwa magħruf bħala l-effett serra.
Għajnuna mill-Istat: Appoġġ, dirett jew indirett, li l-gvern jagħti għal negozju jew għal organizzazzjoni, u li jagħtihom vantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom.
Intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SME): Negozju li jimpjega inqas minn 250 persuna u li għandu fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 50 miljun, jew total annwali tal-karta tal-bilanċ ta’ inqas minn EUR 43 miljun.
Newtralità klimatika: Is-sitwazzjoni li fiha l-attivitajiet tal-bniedem ma għandhom l-ebda effett nett fuq il-klima.
NUTS: Nomenclature des unités territoriales statistiques – sistema li tikklassifika r-reġjuni tal-UE fi tliet gruppi skont id-daqs tal-popolazzjoni għal skopijiet statistiċi u t-tfassil ta’ politika reġjonali, b’ NUTS 1 tkun l-akbar u NUTS 3 l-iżgħar.
Patt Ekoloġiku Ewropew: L-istrateġija tal-UE għat-tkabbir adottata fl-2019, bil-għan li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.
Programm operazzjonali: Il-qafas bażiku għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ koeżjoni ffinanzjati mill-UE f’perjodu stabbilit, li jirrifletti l-prijoritajiet u l-objettivi stabbiliti fi ftehimiet ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u Stati Membri individwali.
Reġjuni b'intensità ta' karbonju: Reġjuni fejn il-fjuwils naturali jintużaw b’mod mifrux għall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika, it-tisħin jew fil-proċessi industrijali, u jirriżultaw f’livell għoli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta' serra.
Risposti tal-Kummissjoni
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Nikolaos Milionis, li ngħata appoġġ minn Kristian Sniter, Kap tal-Kabinett u Matteo Tartaggia, Attaché tal-Kabinett; Emmanuel Rauch, Maniġer Prinċipali; Jindřich Doležal, Kap tal-Kompitu; Gareth Roberts, Kurt Bungartz, Krzysztof Zalega, Pekka Ulander, Maria Eulàlia Reverté I Casas u Mihaela Vacarasu, Awdituri. Marika Meisenzahl ipprovdiet appoġġ grafiku. Richard Moore u Laura Mcmillan ipprovdew appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Kristian Sniter, Emmanuel Rauch, Maria Eulàlia Reverté I Casas, Nikolaos Milionis, Matteo Tartaggia, Pekka Ulander, Jindřich Doležal.
Noti finali
2 Il-Kummissjoni Ewropea - il-JRC, Recent trends in EU coal, peat and oil shale regions, 2021, p. 61.
3 Il-Kummissjoni Ewropea – JRC, Recent trends in EU coal, peat and oil shale regions, 2021, pp. 2-4.
4 Il-Kummissjoni Ewropea - il-JRC, Recent trends in EU coal, peat and oil shale regions, 2021, p. 50 u 65.
5 Cortes-Ramirezet al. BMC Public Health, Mortality and morbidity in populations in the vicinity of coal mining: a systematic review, 2018, p. 1.
6 L-EEA, Air quality in Europe 2021, 2021.
7 L-EEA, National Emission reduction Commitments (NEC) Directive emission inventory, data għall-2019.
8 L-EEA, Annual European Union greenhouse gas inventory 1990–2019 and inventory report 2021, 2021.
9 L-EEA, Annual European Union greenhouse gas inventory 1990–2019 and inventory report 2021, 2021, p. 344.
10 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 205, 2.8.2002, p. 1).
11 Jonek-Kowalska, Izabela, State aid and competitiveness of the hard coal mining industry in the European Union, 2014.
12 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (2010/787/UE) (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24).
13 L-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament (UE) 2021/1119 dwar il-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
14 Remarks by EVP Frans Timmermans on the war in Ukraine and the impact on EU climate and energy policy in the ENVI Committee, is-7 ta’ Marzu 2022.
15 Il-Kummissjoni Ewropea - il-JRC, Clean energy technologies in coal regions: Opportunities for jobs and growth: Deployment potential and impacts”, 2020, p. 5.
16 Il-Kummissjoni Ewropea, “Regional profile Jiu Valley”, l-Inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni, 2020.
17 L-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
18 Il-Kummissjoni Ewropea - il-JRC, Clean energy technologies in coal regions: Opportunities for jobs and growth, 2020, pp. 5-6.
19 L-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
20 Ir-Rapport Speċjali 02/2022: L-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi - iffrankar tal-enerġija iżda hemm dgħufijiet fl-ippjanar u fl-għażla tal-proġetti, il-paragrafi 117-120.
21 Il-Kummissjoni Ewropea, Valutazzjoni tal-2019 dwar il-progress li għamlu l-Istati Membri lejn il-miri nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 u lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika kif meħtieġ mill-Artikolu 24(3) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2012/27/UE, 2020; l-Illustrazzjoni 3, COM(2020) 326 final.
22 Iffrankar taħt l-Artikolu 7 tad- Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.
23 Il-Kummissjoni Ewropea – il-JRC, EU coal regions: opportunities and challenges ahead, 2018.Clean energy technologies in coal regions: Opportunities for jobs and growth, 2020. Il-Kummissjoni Ewropea – il-JRC, Recent trends in EU coal, peat and oil shale regions, 2021.
24 Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).
25 L-Opinjoni Nru 5/2020 dwar il-proposti 2020/0006 (COD) tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 u tat-28 ta’ Mejju 2020 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.
26 L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1056.
27 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta, SWD(2021) 275 final.
28 L-EEA, Annual European Union greenhouse gas inventory 1990–2020 and inventory report 2022, 2022, pp. 80 u 102.
29 L-EEA, Annual European Union greenhouse gas inventory 1990–2020 and inventory report 2022, 2021, p. 346.
30 N. Kholod et al., Global methane emissions from coal mining to continue growing even with declining coal production, Journal of Cleaner Production, il-Volum 256, 120489, 2020.
31 Il-bażi ta' data Coal Mine Methane, li ġiet żviluppata mill-Programm ta’ Sensibilizzazzjoni dwar il-Metan mis-Saffi tal-Faħam tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent fl-Istati Uniti fuq talba tas-Sottokumitat għall-Minjieri tal-Faħam dwar l-Inizjattiva Globali tal-Metan.
32 Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942, COM(2021) 805 final.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
ISBN 978-92-847-8800-2 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/878690 | QJ-AB-22-020-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-8777-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/979310 | QJ-AB-22-020-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
Figurei 10, 15 – Ikoni: Dawn il-figuri tfasslu bl-użu ta’ riżorsi minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.