Rapport Speċjali
06 2021

L-istrumenti finanzjarji taħt il-politika ta’ koeżjoni fl-għeluq tal-perjodu 2007-2013: b’mod ġenerali x-xogħol ta’ verifikazzjoni ta riżultati tajbin, iżda għad fadal xi żbalji

Dwar ir-rapport: L-istrumenti finanzjarji kienu metodu importanti ta’ finanzjament taħt il-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. L-awditi preċedenti tagħna li kienu jikkonċernaw dawn l-istrumenti żvelaw għadd ta’ żbalji u dgħufijiet matul l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat li dawn in-nuqqasijiet se jiġu indirizzati fl-għeluq.
Aħna sibna li fil-biċċa l-kbira l-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu ħadu l-passi meħtieġa biex jivverifikaw l-eliġibbiltà ta' dan l-infiq fl-għeluq. Għalkemm identifikajna xi żbalji b’impatt finanzjarju, b’mod ġenerali x-xogħol li wettqu kien ta riżultati tajbin. Filwaqt li l-biċċa l-kbira min-nuqqasijiet li identifikajna ġew indirizzati għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tipprovdi pariri dwar l-aktar żbalji frekwenti li ġew żvelati fl-awditi. Aħna nirrakkomandaw ukoll li l-Kummissjoni tikkompleta l-gwida għall-awtoritajiet tal-awditjar għall-għoti ta’ aċċertament dwar l-eliġibbiltà tal-infiq taħt l-istrumenti finanzjarji fl-għeluq.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-istrumenti finanzjarji kienu metodu relattivament ġdid iżda importanti ta’ finanzjament taħt il-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. F’25 Stat Membru ntużaw aktar minn 1 000 strument finanzjarju taħt ġestjoni kondiviża (FISMs), b’kontribuzzjonijiet tal-programmi operazzjonali li jaqbżu s-EUR 16-il biljun, inkluż EUR 11-il biljun f’finanzjament mill-UE permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew. L-awditi preċedenti tagħna li kienu jikkonċernaw dawn l-istrumenti żvelaw għadd ta’ żbalji u dgħufijiet matul l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat li dawn in-nuqqasijiet se jiġu indirizzati fl-għeluq.

II

L-objettiv tal-awditu kien li janalizza jekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni kinux ħadu l-passi meħtieġa biex jivverifikaw u jivvalutaw kif xieraq l-infiq taħt il-FISMs fl-għeluq tal-programmi operazzjonali 2007-2013. L-ambitu tal-awditjar ma kienx jinkludi l-għoti ta’ aċċertament dwar l-infiq finali taħt il-FISMs 2007-2013. Aħna ddeċidejna li nistennew sa issa biex nawditjaw u nirrappurtaw dwar dan is-suġġett billi l-proċess ta’ għeluq jieħu żmien twil. Meta bdejna x-xogħol tal-awditjar tagħna f’Ġunju 2020, 23 % tal-programmi operazzjonali 2007-2013 bil-FISMs kienu għadhom ma ngħalqux kompletament (3 % minħabba kwistjonijiet mhux riżolti relatati mal-FISMs).

III

Billi l-istrumenti finanzjarji għandhom rwol saħansitra akbar u lħuq iżjed wiesa’ fil-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-konklużjonijiet tagħna dwar l-infiq taħt il-FISMs 2007-2013 fl-għeluq se jkunu rilevanti għall-proċess ta’ għeluq 2014-2020 li jmiss. L-importanza kumplessiva tal-istrumenti finanzjarji se tkompli tiżdied fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.

IV

Aħna sibna li fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri u l-Kummissjoni kienu ħadu l-passi meħtieġa biex jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-infiq taħt il-FISMs fl-għeluq. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar kienu wettqu kontrolli, u dawn kienu taw riżultati. Minkejja dan, madankollu, aħna xorta waħda identifikajna żbalji b’impatt finanzjarju fi tlieta mis-seba’ strumenti li awditjajna matul l-awditi tagħna dwar il-legalità u r-regolarità fl-għeluq.

V

Il-Kummissjoni kienet ħadet il-passi meħtieġa biex tapprova l-infiq finali, b’eċċezzjoni notevoli waħda. Hija aċċettat bħala eliġibbli FISMs li aktar minn 80 % tal-fondi tagħhom ġew żborżati lil korporazzjonijiet kbar (xi wħud elenkati fil-Borża), minflok ma ġew żborżati primarjament lil intrapriżi żgħar u medji skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

VI

Il-biċċa l-kbira min-nuqqasijiet li identifikajna, bħal-limitazzjonijiet fuq il-mandat tal-awtoritajiet tal-awditjar, ġew indirizzati għall-perjodu 2014-2020. Għad-dgħufijiet li fadal, il-Kummissjoni qed taġġorna l-metodoloġija tal-awditjar tagħha għall-istrumenti finanzjarji u qed tiżviluppa gwida dwar il-prattiki tad-dokumentazzjoni tal-awditjar f’kooperazzjoni ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-awditjar.

VII

Fir-Rapport Annwali 2018 tagħna, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tiċċara d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi għall-għeluq tal-perjodu 2014-2020. Id-dispożizzjonijiet ma jiddefinixxux ir-rwol ta’ kull attur fil-proċess ta’ għeluq jew fix-xogħol meħtieġ biex jiġi vvalutat mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, jiġi aġġustat l-impatt ta’ spejjeż ineliġibbli potenzjali fuq ir-rati residwi għas-snin inkwistjoni. L-awtoritajiet tal-awditjar mhumiex meħtieġa jipprovdu b’mod espliċitu aċċertament dwar l-infiq totali. Dawn l-ommissjonijiet huma partikolarment rilevanti għall-istrumenti finanzjarji, fejn l-eliġibbiltà ta’ parti materjali tal-infiq tista’ tiġi vvalutata biss fl-għeluq. Il-Kummissjoni qed timplimenta r-rakkomandazzjoni tagħna u attwalment qed tiffinalizza l-linji gwida biex l-Istati Membri jifhmu x’inhu mistenni minnhom fl-għeluq.

VIII

Ir-rapport finali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FISMs 2007-2013 ippreżenta d-data fil-31 ta’ Marzu 2017, id-data li fiha l-Istati Membri kienu meħtieġa jippreżentaw id-dokumenti tal-għeluq. Huwa ma kienx ikopri l-aġġustamenti u l-korrezzjonijiet tax-xogħol ta’ għeluq sussegwenti. Il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tippubblika rapport aġġornat li juri d-data finali kkoreġuta. L-affidabbiltà tad-data fir-rapporti ta’ implimentazzjoni tjiebet matul is-snin u din ix-xejra tidher li għadha għaddejja għar-rappurtar tal-2014-2020.

IX

Ir-rapport finali jivvaluta wkoll il-prestazzjoni tal-FISMs 2007-2013. Madankollu, din il-valutazzjoni mhijiex kompluta minħabba n-nuqqas ta’ data dwar l-ingranaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ fondi matul l-istess perjodu (effett rotanti), żewġ indikaturi rilevanti li huma fost il-vantaġġi prinċipali tal-użu ta’ strumenti finanzjarji minflok għotjiet. Id-data dwar l-ingranaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ fondi matul l-istess perjodu qed tinġabar għar-rapporti tal-2014-2020, u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni konsegwentement tjiebet.

X

Abbażi tal-konklużjonijiet tagħna, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet li ġejjin għall-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2014-2020:

  • Tipprovdi gwida mmirata lejn oqsma ta’ riskju identifikati fl-awditi tal-Kummissjoni u tal-QEA.
  • Tikkompleta l-gwida meħtieġa dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tal-awditjar meta jivvalutaw l-eliġibbiltà tal-infiq taħt l-istrumenti finanzjarji fl-għeluq.

Introduzzjoni

Qasam tal-awditjar

01

Taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE, l-istrumenti finanzjarji huma metodu ta’ implimentazzjoni aktar ġdid u alternattiv għall-għotjiet tradizzjonali. Huma jikkonsistu minn varjetà ta’ prodotti finanzjarji (ara t-Tabella 1) u huma mfassla biex ikollhom natura rotanti. Fi tmiem il-perjodu ta’ ħlas lura miftiehem, il-fondi għandhom jiġu investiti mill-ġdid għal skopijiet simili biex jimmassimizzaw l-impatt tal-investimenti pubbliċi.

Tabella 1

Tipi prinċipali ta' strumenti finanzjarji appoġġati mill-baġit tal-UE

Self Garanzija
“Ftehim li jobbliga lill-mutwant iqiegħed ammont miftiehem ta’ flus disponibbli għall-mutwatarju għal perjodu miftiehem u li taħtu, il-mutwatarju jkun obbligat iħallas dak l-ammont fil-perjodu miftiehem”.

Il-banek jistgħu joffru rati tal-imgħax aktar baxxi, perjodi itwal ta’ ħlas lura jew rekwiżiti tal-kollateral aktar baxxi meta mqabbla mal-kundizzjonijiet tas-suq.
“Impenn bil-miktub ta’ dħul għar-responsabbiltà in toto jew in parte għad-dejn jew l-obbligu ta’ parti terza jew għall-prestazzjoni sħiħa u tajba min-naħa ta’ dik il-parti terza f’każ li jseħħ avveniment li jiskatta tali garanzija, bħal fil-każ ta’ morożità”.

Normalment, il-garanziji jkopru operazzjonijiet finanzjarji bħal self.
Ekwità Kważi ekwità
“L-għoti ta’ kapital lil kumpannija, b’investiment dirett jew indirett inkambju għall-proprjetà sħiħa jew parzjali ta’ dik il-kumpannija, u fejn l-investitur fil-kapital jista’ jassumi xi kontroll ġestjonali tal-kumpannija u jkun jista’ jipparteċipa fil-profitti tal-kumpannija”.

Ir-redditu finanzjarju jiddependi mit-tkabbir u l-profittabbiltà tan-negozju.
“Tip ta’ finanzjament li jinkwadra ruħu bejn l-ekwità u d-dejn, li għandu riskju akbar mid-dejn superjuri u riskju iżgħar mill-ekwità komuni”.

L-investimenti ta’ kważi ekwità jistgħu jiġu strutturati bħala dejn u f’xi każijiet huma konvertibbli f’ekwità.

Sors: FI Compass – “Financial Instrument products”.

02

L-istrumenti finanzjarji jistgħu jiġu stabbiliti bħala fondi awtonomi jew bħala fondi speċifiċi fi struttura ta’ fond ta’ parteċipazzjoni. Normalment fond ta’ parteċipazzjoni jiġi stabbilit għall-ġestjoni ta’ diversi fondi speċifiċi jew tipi differenti ta’ prodotti. F’ġestjoni kondiviża, fond ta’ parteċipazzjoni jew fond speċifiku jista’ jirċievi wkoll kontribuzzjonijiet minn diversi programmi operazzjonali (PO).

03

Meta jiġu implimentati b’mod korrett, l-istrumenti finanzjarji joffru ċerti vantaġġi meta mqabbla mal-għotjiet:

  • il-ħlas lura tal-fondi jista’ jwassal għall-użu mill-ġdid tagħhom fi proġetti ġodda (effett rotanti), b’hekk jipprovdi sostenibbiltà;
  • l-obbligu ta’ ħlas lura jagħti inċentiv qawwi lill-benefiċjarji biex jimplimentaw proġetti ta’ suċċess li jwasslu riżultati, li jtejbu l-effettività tal-appoġġ tal-UE;
  • il-kapaċità li jattiraw investiment mis-settur privat (ingranaġġ) tista’ tirriżulta f’użu aktar kosteffettiv tal-appoġġ tal-UE.

Materjalità u riskji fil-waqt tal-għeluq

04

Fi tmiem il-perjodu 2007-2013, kien hemm 1 058 FISM1 f’25 Stat Membru2. Il-valur totali tal-kontribuzzjonijiet tal-PO mħallsa lill-istrumenti ammonta għal EUR 16.4 biljun, inkluż kofinanzjament mill-UE ta’ EUR 11.3 biljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u, sa livell ħafna iktar baxx, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) bis-sorveljanza tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u tad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) tal-Kummissjoni.

05

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-PO lill-FISMs ġeneralment saru permezz ta’ pagament uniku hekk kif ġiet stabbilita l-istruttura legali. Skont ir-Regolament 1083/20063 (“ir-regolament ġenerali”), l-awtoritajiet maniġerjali ddikjaraw dawn il-kontribuzzjonijiet lill-Kummissjoni flimkien man-nefqa mġarrba għall-għotjiet4. Għall-għeluq5, l-iżborżi li saru lir-riċevituri finali, il-garanziji pprovduti (inklużi l-ammonti impenjati), u l-ispejjeż u t-tariffi ta’ ġestjoni biss tqiesu eliġibbli6. Ir-riżorsi rritornati jew li għandhom jiġu rritornati mill-investimenti eliġibbli jsiru riżorsi legati u jridu jintużaw mill-ġdid mill-Istat Membru għal skopijiet simili skont ir-regoli speċifiċi, u ma jibqgħux jirrappreżentaw riżorsi tal-UE.

06

It-Tabella 2 tiddeskrivi r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-programmi, u tal-Kummissjoni fil-proċess ta’ għeluq:

Tabella 2

Responsabbiltajiet fil-proċess ta' għeluq

Awtorità Rwol
Awtorità Maniġerjali Tippreżenta r-rapport finali dwar l-implimentazzjoni li jkopri l-perjodu kollu kemm hu1.
Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni Tippreżenta l-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali u d-dikjarazzjoni finali tan-nefqa2.
Awtorità tal-Awditjar Tippreżenta dikjarazzjoni ta’ għeluq lill-Kummissjoni, appoġġata minn rapport finali ta’ kontroll. Id-dikjarazzjoni ta’ għeluq tivvaluta l-validità tal-applikazzjoni għall-pagament tal-bilanċ finali u tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti koperti bid-dikjarazzjoni finali tan-nefqa3.
Il-Kummissjoni Tanalizza d-dokumenti ppreżentati mill-Istati Membri u tagħti opinjoni rigward ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ għeluq. Matul il-proċess ta’ għeluq, tiċċara u ssolvi l-kwistjonijiet kollha mhux riżolti relatati mal-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ awditjar, twettaq aktar awditi u tapplika korrezzjonijiet finanzjarji kif meħtieġ. Tħallas il-bilanċ finali ladarba jiġi kkompletat il-proċess4.

1 L-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.
2 L-Artikoli 61, 78 u 89 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.
3 L-Artikolu 62(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.
4 L-Artikoli 67(4), 89(3) u 89(4) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Sors: ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

07

L-awditi tagħna relatati mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u bosta mir-rapporti speċjali tagħna żvelaw għadd ta’ żbalji fl-infiq taħt il-FISMs kif ukoll dgħufijiet matul l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan it-tħassib u indikat li, f’konformità mal-approċċ pluriennali tagħha, kienet se tindirizzah permezz ta’ verifikazzjonijiet tal-eliġibbiltà fl-għeluq. Għalhekk, ir-riskji fil-waqt tal-għeluq huma relatati mar-robustezza tal-proċeduri ta’ verifikazzjoni applikati mill-awtoritajiet tal-awditjar u mill-Kummissjoni.

08

Billi l-FISMs ġeneralment irċevew il-kontribuzzjoni tal-programm permezz ta’ pagament uniku bil-quddiem, u l-eliġibbiltà tal-ammonti reali investiti ġeneralment ma ġietx awditjata matul l-implimentazzjoni, il-biċċa l-kbira mill-verifikazzjonijiet tal-eliġibbiltà mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri kellha titwettaq fl-għeluq. Aħna enfasizzajna dan il-punt sa mir-Rapport Annwali 2010 tagħna7. L-Anness I jelenka r-rapporti annwali u r-rapporti speċjali l-oħra li fihom enfasizzajna l-importanza ta’ verifikazzjonijiet ta’ għeluq f’dan il-qasam.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

09

L-objettiv ta’ dan l-awditu kien li janalizza jekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni kinux ħadu l-passi meħtieġa biex jivverifikaw u jivvalutaw kif xieraq l-infiq taħt il-FISMs fl-għeluq tal-programmi operazzjonali mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. F’dan il-kuntest, l-awditu ffoka fuq kif l-Istati Membri u l-Kummissjoni vverifikaw l-eliġibbiltà tal-infiq iddikjarat. Aħna eżaminajna wkoll kif il-Kummissjoni analizzat l-affidabbiltà tad-data fir-rapport finali u kif evalwat din id-data. Għalhekk aħna vvalutajna jekk, għall-infiq taħt il-FISMs fl-għeluq:

  • il-Kummissjoni pprovdietx gwida f’waqtha u rilevanti;
  • l-awtoritajiet tal-awditjar wettqux verifikazzjonijiet effettivi;
  • il-Kummissjoni wettqitx verifikazzjonijiet effettivi;
  • il-Kummissjoni vvalutatx id-data finali dwar l-implimentazzjoni biex tasal għal konklużjonijiet rigward il-prestazzjoni tal-FISMs; u
  • id-dgħufijiet enfasizzati minn dan l-awditu x’aktarx ikollhom impatt fuq l-għeluq tal-istrumenti finanzjarji tal-perjodu 2014-2020.
10

Aħna wettaqna l-awditu tagħna bħala analiżi mhux fuq il-post bl-użu ta’ evidenza mill-awditi preċedenti tagħna fir-rigward tal-FISMs fl-għeluq u mix-xogħol ta’ għeluq proprju tal-Kummissjoni. B’mod aktar speċifiku, aħna ksibna l-evidenza għall-awditjar tagħna mis-sorsi li ġejjin:

  • rieżaminar tas-seba’ FISMs li awditjajna għax-xogħol tagħna relatat mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-2017 u l-2018 (l-awditu għalhekk jaqbad ir-riżultati tal-awditi li twettqu fil-Ġermanja (2), fil-Litwanja, fil-Polonja, fi Spanja (2) u fl-Iżvezja);
  • intervisti ma’ uffiċjali mid-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL;
  • analiżi ta’ dokumenti ta’ għeluq oħra disponibbli mill-Kummissjoni, eż. ir-rieżaminar ta’ kampjun diskrezzjonali ta’ 27 pakkett ta’ għeluq8;
  • rieżaminar tar-rapport finali Sommarju tad-data dwar l-implimentazzjoni tal-FISMs imħejji mill-Kummissjoni fl-għeluq; u
  • kwestjonarju qasir mibgħut lill-awtoritajiet maniġerjali responsabbli għas-seba’ FISMs elenkati hawn fuq biex jikkomplementa d-data miksuba matul l-awditi.
11

Għalhekk l-ambitu ta’ dan l-awditu mhuwiex li jipprovdi:

  • aċċertament dwar l-infiq finali taħt il-FISMs 2007-2013;
  • valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-FISMs 2007-2013 (aħna nsemmu l-indikaturi tal-prestazzjoni sabiex nipprovdu informazzjoni dwar l-għodda ta’ rappurtar użata mill-Kummissjoni u dwar jekk l-indikaturi ntużawx fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni); jew
  • analiżi kompluta tal-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għall-istrumenti finanzjarji.
12

Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna huma rilevanti f’dan il-mument minħabba li l-istrumenti finanzjarji għandhom rwol saħansitra akbar u lħuq iżjed wiesa’ fil-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, u l-għeluq finali għal dan il-perjodu qed joqrob. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, abbażi tal-pjanijiet attwali għal tnaqqis fir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni, l-importanza kumplessiva tal-istrumenti finanzjarji se tkompli tiżdied.

13

B'segwitu għall-awditi tagħna dwar l-implimentazzjoni tal-FISMs9 u t-tfassil tal-proċeduri ta’ għeluq10, dan l-awditu għandu l-għan li jikkompleta l-istampa tal-FISMs 2007-2013.

14

Iddeċidejna li nistennew sa issa biex nawditjaw u nirrappurtaw dwar suġġett relatat mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 minħabba li l-proċess ta’ għeluq jieħu żmien twil. Dan huwa riżultat tan-natura pluriennali tal-perjodi ta’ programmazzjoni kif imfassla mill-Kummissjoni. Filwaqt li d-data ta’ skadenza għall-Istati Membri biex jippreżentaw il-pakketti ta’ għeluq tagħhom kienet il-31 ta’ Marzu 2017, ix-xogħol ta’ verifikazzjoni u ta’ validazzjoni għadu għaddej, seba’ snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u ħames snin wara li ntemm il-perjodu ta’ eliġibbiltà. Fiż-żmien meta bdejna x-xogħol tal-awditjar tagħna f’Ġunju 2020, 23 % tal-PO bil-FISMs (44 minn 192) kienu għadhom ma ngħalqux kompletament (3 % minħabba kwistjonijiet mhux riżolti relatati mal-FISMs).

Osservazzjonijiet

Gwida tal-Kummissjoni għall-għeluq tal-FISMs

Il-gwida tal-Kummissjoni kienet f’waqtha u adegwata, ħlief f’qasam wieħed ta’ riskju

15

Ir-regolamenti applikabbli kien fihom sitt artikoli b’dispożizzjonijiet dwar il-FISMs, li b’kollox ikopru biss erba’ paġni11. Sabiex l-awtoritajiet inkarigati mill-programmi12 jkunu jistgħu jiddeterminaw b’suċċess l-eliġibbiltà tal-infiq taħt il-FISMs fl-għeluq, kienet meħtieġa gwida addizzjonali, estensiva u f’waqtha.

16

Il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-għeluq kienet fil-fatt tinkludi informazzjoni speċifika għall-infiq taħt il-FISMs13. Minbarra informazzjoni estensiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, il-gwida pprovdiet struzzjonijiet dwar is-suġġetti aktar kumplessi bħall-fondi ta’ garanzija, l-ispejjeż ta’ ġestjoni, u l-imgħax iġġenerat. Hija kopriet ir-rekwiżiti ta’ rappurtar permezz ta’ mudell li juri l-informazzjoni dettaljata meħtieġa għal kull strument.

17

Il-gwida elenkat il-kontenuti meħtieġa tar-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-awtoritajiet maniġerjali u r-rapport finali ta’ kontroll tal-awtoritajiet tal-awditjar b’punti speċifiċi u dettaljati għall-infiq taħt il-FISMs14. Kien fiha wkoll struzzjonijiet dwar l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu bi preparazzjoni għall-għeluq mill-awtoritajiet maniġerjali u ta’ ċertifikazzjoni, u fl-għeluq mill-awtoritajiet tal-awditjar15.

18

Il-Kummissjoni ġabret u wieġbet għadd kbir ta’ mistoqsijiet relatati mal-għeluq mibgħuta mill-Istati Membri, inklużi 29 mistoqsija dwar suġġetti li jirrigwardaw il-FISMs16. It-tweġibiet ipprovdew dettalji dwar il-biċċa l-kbira mill-oqsma kumplessi tal-FISMs, kien fihom diversi rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi biex jippreżentaw l-infiq finali ferm qabel id-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Marzu 2017, u taw parir lill-awtoritajiet tal-awditjar biex iwettqu awditi tematiċi dwar il-FISMs.

19

F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi, il-Kummissjoni pprovdiet gwida addizzjonali dwar l-għeluq permezz ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ u seminars17.

20

Aħna sibna li l-gwida dwar l-għeluq tal-FISMs ipprovduta mill-Kummissjoni kienet f’waqtha u indirizzat il-punti meħtieġa. Din kienet partikolarment importanti minħabba l-qosor tad-dispożizzjonijiet dwar il-FISMs fil-leġiżlazzjoni. Il-gwida indirizzat il-biċċa l-kbira mis-suġġetti li fihom aħna sibna defiċjenzi matul il-fażi ta’ implimentazzjoni: l-ispejjeż ta’ ġestjoni u l-limiti massimi tat-tariffi, il-preċiżjoni tar-rappurtar, ir-rekwiżiti kuntrattwali, u l-kalkolu tal-infiq eliġibbli fil-każ tal-fondi ta’ garanzija.

21

Madankollu, aħna identifikajna d-dgħufija li ġejja:

  • Il-Kummissjoni ma indirizzatx bħala riskju partikolari l-evalwazzjoni tal-istatus ta’ intrapriża żgħira jew medja (SME) tar-riċevituri finali, minkejja li dan kien rekwiżit tal-eliġibbiltà għall-biċċa l-kbira mill-istrumenti. Dan il-qasam kien ta’ riskju ogħla għall-FISMs minħabba li l-valutazzjoni tal-istatus ta’ SME twettqet minn intermedjarji finanzjarji (ħafna drabi banek privati u entitajiet oħra tas-settur finanzjarju), u mhux mill-awtoritajiet maniġerjali. Kif diskuss aktar tard f’dan ir-rapport, aħna identifikajna żbalji li jikkonċernaw dan il-punt fl-awditi tagħna (il-paragrafu 35).

L-effettività tax-xogħol ta’ verifikazzjoni mwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar fl-għeluq

Il-FISMs immaniġġjati mill-Grupp tal-BEI: ġie inkluż xi nfiq ineliġibbli minħabba restrizzjonijiet fuq il-mandat tal-awditjar u limitazzjonijiet fuq l-ambitu tal-awditur estern

22

Il-leġiżlazzjoni applikabbli ddefiniet b’mod ċar il-funzjonijiet tal-awtoritajiet tal-awditjar għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-201318. Huma kienu meħtieġa jippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ għeluq lill-Kummissjoni, appoġġata mir-rapport finali ta’ kontroll, li tevalwa t-talba għal pagament tal-bilanċ finali u li tipprovdi opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-ammonti inklużi fid-dikjarazzjoni finali tan-nefqa. Din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq ix-xogħol kollu tal-awditjar imwettaq għall-perjodu ta’ programmazzjoni.

23

Fil-perjodu 2007-2013, il-Grupp tal-BEI mmaniġġja madwar 11 % tal-FISMs skont l-għadd, jew 16 % skont l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-PO. Fil-każijiet kollha ħlief wieħed, huwa mmaniġġja struttura ta’ fond ta’ parteċipazzjoni u għażel intermedjarji finanzjarji biex jimmaniġġjaw il-fondi speċifiċi19. Għal dawn l-istrutturi, l-awtoritajiet tal-awditjar ma setgħux iwettqu verifikazzjonijiet fil-livell ta’ fond ta’ parteċipazzjoni minħabba limitazzjonijiet imposti mill-Grupp tal-BEI fuq id-drittijiet ta’ aċċess20.

24

Lanqas ma kellhom mandat ċar tal-awditjar fil-prattika biex iwettqu verifikazzjonijiet fil-livell ta’ fond jew ta’ riċevitur finali speċifiku, u għalhekk il-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet tal-awditjar ma wettqux xogħolhom fl-ebda livell. Il-Kaxxa 1 tippreżenta żewġ eżempji ta’ approċċi tal-awditjar differenti applikati mill-awtoritajiet tal-awditjar għall-FISMs immaniġġjati mill-Grupp tal-BEI.

Kaxxa 1

FISMs immaniġġjati mill-BEI: approċċi differenti, riżultati differenti

Għal FISM fil-Litwanja, l-ambitu tar-rapport tal-awditur estern dwar il-Proċeduri Miftiehma21 (AUP) ma kopriex il-verifikazzjonijiet tal-intermedjarji finanzjarji jew tar-riċevituri finali. Madankollu, l-awtorità tal-awditjar wettqet l-ittestjar iddettaljat proprju tagħha f’dawn il-livelli kif meħtieġ.

Aħna awditjajna dan il-FISM għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2018 u, fit-twettiq mill-ġdid tax-xogħol tal-awtorità tal-awditjar, ma identifikajna l-ebda nefqa ineliġibbli.

Għal FISM fi Spanja, bl-istess mod, l-ambitu tal-AUP tal-awditur estern ma kopriex il-verifikazzjonijiet tal-intermedjarji finanzjarji jew tar-riċevituri finali. L-awtorità tal-awditjar interpretat il-limitazzjoni fuq il-mandat tagħha għall-istrumenti mmaniġġjati mill-Grupp tal-BEI bħala li jipprevenuha milli twettaq xogħol fil-livelli kollha. Sabiex tikseb aċċertament għall-għeluq, l-awtorità tal-awditjar ibbażat fuq il-kontrolli tal-BEI u fuq l-AUP.

Aħna awditjajna dan il-FISM għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2018 u identifikajna nfiq ineliġibbli.

25

Inġenerali, l-awtoritajiet tal-awditjar ibbażaw biss fuq ir-rapporti tal-AUP tal-awditur indipendenti estern tal-Grupp tal-BEI. Dawn ir-rapporti koprew għadd ta’ verifikazzjonijiet speċifiċi relatati mat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ strument fil-livell ta’ fond ta’ parteċipazzjoni, iżda min-natura limitata tagħhom ma setgħu jesprimu l-ebda aċċertament dwar l-eliġibbiltà tal-infiq żborżat mill-istrument finanzjarju.

L-estensjoni tal-perjodu ta’ eliġibbiltà ħolqot aktar xogħol għall-awtoritajiet tal-awditjar u għall-Kummissjoni

26

Kif imfassal mill-Kummissjoni u msemmi hawn fuq fil-paragrafu 14, l-għeluq għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 jieħu żmien twil. Fl-2015, il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-għeluq bidlet id-data finali għall-kontribuzzjonijiet mill-FISMs lir-riċevituri finali mill-31 ta’ Diċembru 2015 għall-31 ta’ Marzu 2017, u effettivament estendiet il-perjodu ta’ eliġibbiltà22.

27

Ir-rati baxxi ta’ assorbiment kienu waħda mir-raġunijiet prinċipali għal din l-estensjoni tal-perjodu ta’ eliġibbiltà. Fl-għeluq, l-Istati Membri kienu meħtieġa jroddu lura lill-Kummissjoni l-fondi kollha li ma kienux intużaw. Mingħajr l-estensjoni, ammont sinifikanti ta’ fondi kien jibqa’ ma jintużax, kif jixhdu t-EUR 2.6 biljun f’infiq addizzjonali taħt il-FISMs żborżati bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Marzu 201723. Ir-rata ta’ żborż stmata lir-riċevituri finali żdiedet minn 75 % fil-31 ta’ Diċembru 2015 għal 93 % fil-31 ta’ Marzu 201724.

28

Madankollu, filwaqt li tejbet l-assorbiment tal-fondi, l-estensjoni ħolqot problema għall-awtoritajiet tal-awditjar. Il-fatt li l-FISMs tħallew jagħmlu żborżi lir-riċevituri finali sal-31 ta’ Marzu 2017 irrestrinġa l-kapaċità tal-awtoritajiet tal-awditjar li jiksbu aċċertament fil-ħin li l-infiq kollu kien legali u regolari sad-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ għeluq (li kienet ukoll il-31 ta’ Marzu 2017).

29

Il-Kummissjoni kienet konxja mill-problema u fil-gwida dwar l-għeluq irrakkomandat ferm li l-awtoritajiet maniġerjali u ta’ ċertifikazzjoni jippreżentaw id-dikjarazzjoni tal-infiq finali u l-applikazzjoni għall-pagament tal-bilanċ finali lill-awtoritajiet tal-awditjar sal-31 ta’ Diċembru 2016 minflok fid-data ta' skadenza tal-31 ta’ Marzu 201725.

30

Minkejja dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, xi nfiq taħt il-FISMs ma setax jiġi inkluż fix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ għeluq. Il-Kummissjoni ma tafx x’inhu l-ammont ta’ nfiq addizzjonali li l-Istati Membri ddikjaraw bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Marzu 2017, u l-ammont ma setax jiġi ddeterminat mill-informazzjoni li kienet disponibbli għall-awditu tagħna.

31

Aħna rrieżaminajna dan l-aspett għal għadd ta’ programmi operazzjonali bil-FISMs (27 minn 192 programm ta’ dan it-tip għall-Koeżjoni). Mis-27 programm, 11 kellhom limitazzjonijiet fuq l-ambitu minħabba li l-infiq, inkluż l-infiq taħt il-FISMs, ġie ddikjarat wara d-data li fiha l-awtorità tal-awditjar siltet il-kampjun finali tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ għeluq. Filwaqt li dan l-infiq kien ġie effettivament eskluż mix-xogħol tal-awditjar ippreżentat fil-pakketti ta’ għeluq ippreżentati sal-31 ta’ Marzu 2017, huwa ġie awditjat aktar tard permezz ta’ xogħol addizzjonali. Dan kien jirrikjedi aktar ħin u riżorsi mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-awditjar, fejn il-proċess ta’ għeluq iddewwem, u sar itwal u inqas effiċjenti.

L-awtoritajiet tal-awditjar wettqu l-biċċa l-kbira mill-verifikazzjonijiet meħtieġa, iżda xi żbalji baqgħu ma nqabdux

32

L-ewwel aħna bdejna nirrieżaminaw ix-xogħol ta’ għeluq tal-awtoritajiet tal-awditjar fil-livell tal-operazzjonijiet bid-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2017, wara li l-awtoritajiet inkarigati mill-programmi ppreżentaw il-pakketti ta’ għeluq lill-Kummissjoni. Il-Kaxxa 2 fiha stampa konċiża tax-xogħol tal-awditjar li wettaqna fl-għeluq.

Kaxxa 2

Il-valutazzjoni tagħna tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar fl-għeluq (ir-Rapporti Annwali 2017 u 2018 tal-QEA)26

Aħna eżaminajna 19-il pakkett ta’ għeluq (7 minnhom fihom FISMs) li għalihom kollha l-awtoritajiet tal-awditjar kienu rrappurtaw rati tal-iżball residwu taħt 2 %. Aħna sibna dgħufijiet fix-xogħol ta’ kampjunar imwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar f’wieħed biss mid-19-il pakkett.

Meta rriżultaw nuqqasijiet relatati mal-ambitu, il-kwalità u d-dokumentazzjoni tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar, aħna wettaqna mill-ġdid ix-xogħol fil-livell tal-operazzjonijiet. Minħabba l-iżbalji li identifikajna fil-proċess ta’ rieżaminar u ta’ twettiq mill-ġdid, aħna erġajna kkalkulajna r-rata tal-iżball residwu għal aktar minn 2 % f’4 mid-19-il pakkett. F’wieħed minn dawk l-erbgħa, żball importanti li sibna dwar l-infiq taħt il-FISMs kien ir-raġuni għaż-żieda.

33

Fis-seba’ awditi relatati mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-FISMs fl-għeluq, (il-paragrafu 10), aħna sibna li l-listi ta' kontroll li ntużaw mill-awtorità tal-awditjar kienu mfassla tajjeb. Huma koprew l-aspetti rilevanti meħtieġa mil-leġiżlazzjoni u mil-linji gwida. Madankollu, filwaqt li inġenerali l-awtoritajiet tal-awditjar wettqu l-kontrolli meħtieġa, aħna identifikajna xi dgħufijiet.

34

Id-dgħufijiet prinċipali li żvelajna huma relatati ma’ kontrolli ta’ eliġibbiltà mhux kompluti. Pereżempju, fejn il-listi ta’ kontroll jirrikjedu li l-awditur:

  • jiċċekkja li ġew rispettati r-rekwiżiti kollha tal-akkwist pubbliku, jenħtieġ li jiġu vverifikati u jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-addenda għall-kuntratti;
  • jivverifika l-istatus ta’ SME ta’ riċevitur finali, jenħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha għall-istatus ta’ SME, inklużi r-regoli tal-kumpanija relatata u dik imsieħba;
  • jikkonferma l-eliġibbiltà ta’ żborż ta’ self, jenħtieġ li ssir valutazzjoni ta’ kwalunkwe kanċellazzjoni jew operazzjoni abbandunata fiż-żmien tal-awditu.
35

Minħabba dawn il-kontrolli ta’ eliġibbiltà mhux kompluti mill-awtoritajiet tal-awditjar, aħna sibna każijiet ta’ riċevituri jew żborżi ineliġibbli li ma nqabdux fi tlieta mis-seba’ awditi relatati mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (ara t-Tabella 3).

Tabella 3

Dikjarazzjonijiet ta’ Assigurazzjoni 2017 u 2018 tal-QEA – riċevituri jew żborżi ineliġibbli

Żball Deskrizzjoni
Strument finanzjarju ineliġibbli L-istrument finanzjarju fl-intier tiegħu ma kienx konformi mar-rekwiżit prinċipali tal-eliġibbiltà li skontu huwa għandu primarjament jiffinanzja lill-SMEs.
Riċevitur ineliġibbli Ir-riċevitur tas-self ma kienx SME, abbażi ta’ analiżi ta’ kumpaniji relatati.
Żborżi ineliġibbli Żewġ selfiet iddikjarati bħala żborżi eliġibbli kienu ġew ikkanċellati ferm qabel l-għeluq.
Dikjarazzjoni skorretta ta’ fondi li jintużaw mill-ġdid Il-fondi rritornati mir-riċevituri finali mill-ewwel sessjoni ta’ investimenti ġew investiti mill-ġdid u għat-tieni darba ġew iddikjarati lill-Kummissjoni għal rimborż.

Sors: il-QEA.

36

Aħna sibna wkoll nuqqasijiet fl-użu tal-listi ta' kontroll (ara t-Tabella 4). Dawn in-nuqqasijiet kienu jikkonċernaw dokumentazzjoni insuffiċjenti tax-xogħol tal-awditjar imwettaq u nuqqas ta’ evidenza għall-awditjar miġbura biex tappoġġa r-riżultati27 Aħna ma stajniex nivverifikaw l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet tal-awditjar bl-użu tad-dokumentazzjoni tal-awditjar tagħhom u ta’ evidenza disponibbli oħra.

Tabella 4

Dikjarazzjonijiet ta’ Assigurazzjoni 2017 u 2018 tal-QEA – nuqqasijiet fl-użu tal-listi ta' kontroll

Żball Deskrizzjoni
Dokumentazzjoni tal-awditjar insuffiċjenti Fil-lista ta’ kontroll tal-awditjar ġie osservat li l-ispejjeż u t-tariffi ta’ ġestjoni kienu suġġetti għal awditu supplimentari. Fid-dokumentazzjoni tal-awditjar, ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ xogħol tal-awditjar supplimentari jew ta’ dokumenti addizzjonali rrieżaminati.
Dokumentazzjoni tal-awditjar insuffiċjenti u dgħufijiet fix-xogħol Il-fajls tal-awditjar ma jistgħux jagħtu prova li t-testijiet differenti koprew ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà kollha. L-ittestjar tal-kriterju ta’ SME fil-każ ta’ entitajiet marbuta ma’ entitajiet oħra mhux dejjem ġie kkompletat b’mod xieraq.
Dokumentazzjoni tal-awditjar insuffiċjenti u rendikont tal-entrati insuffiċjenti Il-verifikazzjonijiet imwettqa ma kinux iddokumentati sew fil-listi ta’ kontroll, fir-rapporti jew f’dokumenti oħra. Ir-referenzi għal dokumenti rilevanti kienu neqsin. L-evidenza għall-awditjar ma ġietx maħżuna.

Sors: il-QEA.

37

B’mod ġenerali, ix-xogħol tagħna relatat mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar il-FISMs fl-għeluq identifika disa’ żbalji f’sitta mis-seba’ strumenti awditjati. Tlieta minn dawn l-iżbalji kellhom impatt finanzjarju li naqqas l-ammont tal-infiq eliġibbli fl-għeluq. F’każ minnhom, l-iżball ġab miegħu r-riskju residwu ta’ żball għall-PO ’l fuq mis-soll ta’ materjalità ta’ 2 %, li jirrikjedi l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati (ara l-Kaxxa 3 għad-dettalji).

38

Bħala parti minn dan l-awditu, aħna rrieżaminajna wkoll il-pakketti ta’ għeluq u l-interazzjonijiet sussegwenti kollha bejn l-awtoritajiet inkarigati mill-programmi u l-Kummissjoni għal 27 minn 192 PO bil-FISMs. Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet tal-awditjar wettqu x-xogħolhom f’konformità mal-istrateġiji tal-awditjar tagħhom, b’kont meħud tar-regolamenti applikabbli u l-gwida pprovduta mill-Kummissjoni. Madankollu, mhux l-awtoritajiet tal-awditjar kollha wettqu awditi tematiċi b’mod sistematiku28 u fejn għamlu dan, ix-xogħol mhux dejjem kien suffiċjenti biex jiġu identifikati irregolaritajiet materjali29.

39

Aħna sibna żewġ dgħufijiet fir-rappurtar għall-għeluq imwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar:

  • F’xi każijiet l-informazzjoni dwar ix-xogħol imwettaq fuq l-infiq taħt il-FISMs kienet fil-qosor wisq, li rriżultat f’talbiet għal dettalji addizzjonali mill-awdituri tal-Kummissjoni, u wasslet għal rapporti riveduti.
  • F’xi każijiet, l-informazzjoni dwar il-korrezzjonijiet applikati għall-infiq taħt il-FISMs ma kinitx disponibbli (ammont, tip). Ir-rapporti finali ta’ kontroll li rrieżaminajna ma kinux konsistenti fir-rigward tad-dettall ipprovdut. Ma kien hemm l-ebda rekwiżit għall-awtoritajiet tal-awditjar biex jippreżentaw il-korrezzjonijiet tagħhom skont it-tip (eż., l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat, l-istrumenti finanzjarji, eċċ.) u l-Kummissjoni ma għandhiex data strutturata dwar dan.
40

Inġenerali, l-awtoritajiet tal-awditjar wettqu l-verifikazzjonijiet meħtieġa. Madankollu, id-dgħufijiet li ġew diskussi hawn fuq affettwaw sa ċertu punt l-affidabbiltà ta’ xogħolhom u ċerti żbalji ma nqabdux, kif jidher mill-iżbalji li ġew żvelati minna u mill-Kummissjoni.

L-effettività tal-verifikazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fl-għeluq

Sa tmiem l-2020, 19 % tal-PO bil-FISMs kienu għadhom ma ngħalqux kompletament

41

Wara li l-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-programmi ppreżentaw il-pakketti ta’ għeluq tagħhom lill-Kummissjoni sad-data ta’ skadenza regolatorja tal-31 ta’ Marzu 201730, il-Kummissjoni analizzat dawn il-pakketti u wieġbet fi żmien id-data ta’ skadenza ta’ ħames xhur. Fejn applikabbli, il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni u biex jitwettaq xogħol addizzjonali, jew għamlet osservazzjonijiet b’impatt finanzjarju u importanza varjati.

42

F’ħafna każijiet, l-interazzjoni mal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mal-għeluq kompliet lil hinn mill-ittri ta’ osservazzjoni inizjali u f’xi wħud għadha għaddejja. It-Tabella 5 u t-Tabella 6 jippreżentaw l-istatus tax-xogħol ta’ għeluq imwettaq mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020 dwar il-PO għall-koeżjoni li fihom FISMs.

Tabella 5

Status tal-għeluq tal-PO għall-koeżjoni bil-FISMs

Status Tmiem l-2018 Tmiem l-2019 Tmiem l-2020 Perċentwal tmiem l-2020
Magħluqa 123 143 156 81 %
Magħluqa minn qabel1 39 32 32 17 %
Miftuħa 30 17 4 2 %
Total 192 192 192

1 Il-Kummissjoni tqis PO bħala magħluq minn qabel jekk tkun intbagħtet ittra ta’ qabel l-għeluq. Fil-prattika, PO jista’ jitqies magħluq minn qabel għal għadd ta’ raġunijiet: jekk fond wieħed tiegħu jkun magħluq (eż. l-FEŻR) u l-ieħor miftuħ (eż. l-FK); f’PO b’fond uniku, jekk l-ammonti kollha mhux ikkontestati ġew imħallsa iżda l-ammonti kkontestati għadhom miftuħa; jew jekk hemm kwistjonijiet speċifiċi miftuħa oħra.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

Tabella 6

Nefqa ddikjarata tal-FISMs fl-għeluq fil-programmi operazzjonali għall-koeżjoni – qabel il-korrezzjonijiet tal-Kummissjoni (f’biljun EUR)

Status Tmiem l-2018 Tmiem l-2019 Tmiem l-2020 Perċentwal tmiem l-2020
Magħluqa 6.73 8.60 9.96 64 %
Magħluqa minn qabel 4.41 3.75 3.32 21 %
Miftuħa 4.48 3.27 2.34 15 %
Total 15.62 15.62 15.62

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

43

L-informazzjoni turi li 81 % tal-PO għall-koeżjoni bil-FISMs ingħalqu kompletament sa tmiem l-2020, li jirrappreżentaw PO li fihom 64 % tat-total tal-infiq iddikjarat tal-FISMs għall-perjodu. Mis-36 PO miftuħa jew magħluqa minn qabel, ħamsa biss, kollha fl-Italja, għad għandhom kwistjonijiet mhux riżolti relatati mal-FISMs.

44

Il-Kummissjoni talbet kjarifiki dwar il-FISMs jew xogħol addizzjonali rigward il-maġġoranza ta’ dawn is-36 PO matul il-proċess ta’ għeluq. Filwaqt li dan juri li l-FISMs kienu kawża waħda tad-dewmien fl-għeluq ta’ dawn il-programmi, huwa indikattiv ukoll tal-attenzjoni li rċevew fix-xogħol ta’ għeluq imwettaq mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni indirizzat kwistjonijiet rilevanti u applikat korrezzjonijiet xierqa, ħlief fil-każ tal-akbar żball

45

Aħna rrieżaminajna x-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni fuq 27 pakkett ta’ għeluq għall-PO bil-FISMs. Ix-xogħol kien dettaljat u l-Kummissjoni dejjem indirizzat il-komponent tal-infiq taħt il-FISMs, filwaqt li identifikat oqsma għal aktar inkjesti, talbet kjarifiki u analizzat it-tweġibiet. Il-punti miftuħa ngħalqu wieħed wieħed, spiss wara interazzjoni estensiva mal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi.

46

F’ħafna każijiet, il-Kummissjoni għamlet osservazzjonijiet formali fejn talbet għal kjarifiki jew aċċertament. Hija talbet għal xogħol addizzjonali mill-awtoritajiet tal-awditjar fejn kien hemm limitazzjonijiet fuq l-ambitu jew punti miftuħa oħra fix-xogħol tal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi.

47

Minbarra x-xogħol ta’ analiżi mhux fuq il-post, il-Kummissjoni wettqet għadd ta’ awditi relatati mal-għeluq dwar l-infiq taħt il-FISMs. Dawn l-awditi kienu jikkonċernaw il-PO li jirrappreżentaw kważi 10 % tat-total tal-infiq taħt il-FISMs.

48

Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, aħna rrakkomandajna diversi drabi biex il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-istrumenti finanzjarji fl-għeluq, bħala qasam b’riskju għoli ta’ nfiq ineliġibbli, peress li ftit li xejn kien hemm kontrolli mill-awtoritajiet tal-awditjar fuq l-eliġibbiltà tal-investimenti matul l-implimentazzjoni31. Aħna osservajna li r-riskju kien l-ogħla għal fondi ta’ garanzija billi l-użu ta’ multiplikatur artifiċjalment baxx jista’ jwassal għal infiq eliġibbli ddikjarat b’mod eċċessiv32.

49

Il-Kummissjoni segwiet ir-rakkomandazzjonijiet tagħna u b’mod partikolari analizzat mill-qrib il-kwistjoni tal-multiplikatur tal-fond ta’ garanzija. Meta saret taf li Stat Membru wieħed iddeċieda li jikkalkula l-multiplikatur billi juża approċċ differenti minn dak preskritt fil-gwida, hija ordnat lill-awdituri tagħha biex janalizzaw mill-qrib din il-kwistjoni fix-xogħol ta’ għeluq tagħhom.

50

B'riżultat tax-xogħol ta’ għeluq, sa tmiem l-2020, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tapplika aktar minn EUR 270 miljun f’korrezzjonijiet li jikkonċernaw l-infiq eliġibbli taħt il-FISMs f'29 PO. Dawn ma ġewx iffinalizzati kollha. Ladarba jiġu ffinalizzati, il-korrezzjonijiet jeskludu l-infiq mill-istrument u l-ispiża tagħhom tinġarr mill-Istat Membru. It-Tabella 7 tippreżenta l-korrezzjonijiet li ġew applikati jew proposti mid-DĠ REGIO sa tmiem l-2020 fuq l-infiq taħt il-FISMs fl-għeluq u t-Tabella 8 tippreżenta tqabbil mal-korrezzjonijiet applikati mid-DĠ REGIO fuq l-infiq kollu fl-għeluq.

Tabella 7

Korrezzjonijiet tad-DĠ REGIO1 fuq il-FISMs fl-għeluq – sitwazzjoni fi tmiem l-2020 (f’miljun EUR)

Tip ta’ Korrezzjoni Ammont Għadd ta’ PO affettwati
Multiplikatur skorrett użat għall-fondi ta’ garanzija 200.4 5
Żbalji fit-talba għall-pagament finali 31.0 2
Imgħax ineliġibbli 19.5 2
Żbalji fl-għażla tal-intermedjarji finanzjarji 5.3 2
Sussidji fuq l-imgħax u tariffi ta’ garanzija ineliġibbli 2.0 1
Żborżi ineliġibbli 1.6 1
Korrezzjonijiet oħra (aġġustamenti u mixxellanji) 11.3 16
Total 271.1

1 Id-DĠ EMPL ma applika l-ebda korrezzjoni għall-FISMs taħt il-FSE sa tmiem l-2020, madankollu l-FISMs taħt il-FSE jirrappreżentaw biss 5 % tat-total tal-infiq taħt il-FISMs.

Sors: rieżaminar mill-QEA tal-pakketti ta’ għeluq u tad-data tal-Kummissjoni.

Tabella 8

Tqabbil tal-korrezzjonijiet tad-DĠ REGIO – sitwazzjoni fi tmiem l-2020 (f’miljun EUR)

Ammont
Infiq iddikjarat (is-sorsi kollha tal-PO) 362 231.6
Korrezzjonijiet tal-Kummissjoni 4 274.5
Perċentwal 1.18 %
Infiq iddikjarat – FISMs biss (is-sorsi kollha tal-PO) 14 828.5
Korrezzjonijiet tal-Kummissjoni – FISMs biss 271.1
Perċentwal 1.83 %

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

51

Il-Kummissjoni applikat il-korrezzjonijiet li rriżultaw mis-sejbiet b’impatt finanzjarju mill-awditi tagħna relatati mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-FISMs fl-għeluq (ara t-Tabella 3), ħlief għal waħda. L-eċċezzjoni notevoli kienet is-sejba bl-akbar impatt finanzjarju. Il-Kaxxa 3 hawn taħt tipprovdi ħarsa dettaljata lejn dan l-iżball materjali.

Kaxxa 3

Il-Kummissjoni ma applikatx korrezzjoni għas-sejba prinċipali tagħna (impatt finanzjarju ta’ EUR 139 miljun)

Minħabba żball materjali f’FISM wieħed fi Spanja, ir-riskju ta’ żball residwu għall-PO żdied aktar mis-soll ta’ materjalità ta’ 2 %. Fir-Rapport Annwali 2017 tagħna, aħna kkalkulajna li l-impatt finanzjarju kien ta’ EUR 139 miljun.

  • Skont ir-regolament ġenerali, l-istrumenti finanzjarji għall-intrapriżi jridu primarjament jiffinanzjaw lill-SMEs sabiex ikunu eliġibbli.
  • Is-sens komun u l-loġika jiddettaw li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li l-maġġoranza tal-valur f’euro tal-fondi tiġi żborżata lill-SMEs (oriġinarjament l-awtorità maniġerjali kienet qablet ma’ din il-fehma fl-2010).
  • L-istrument finanzjarju kkonċernat investa kważi 80 % tas-selfiet totali approvati (skont il-valur) f’kumpaniji li ma kinux SMEs.

Spanja u l-Kummissjoni sostnew li t-terminu “primarjament” jista’ wkoll jiġi interpretat li jfisser il-maġġoranza tas-selfiet skont l-għadd, aktar milli skont il-valur. Aħna ma aċċettajniex dan l-argument, li jista’ jittieħed b’mod estrem kif muri mill-każ ipotetiku ta’ hawn taħt:

Fond meħtieġ bil-liġi biex jiffinanzja primarjament lill-SMEs jiżborża EUR 100 miljun permezz ta’ 10 selfiet. Mill-10 selfiet, 8 jmorru għall-SMEs, għal valur totali ta’ EUR 10 miljun. It-2 l-oħra jmorru għall-kumpaniji l-kbar, għal valur totali ta’ EUR 90 miljun.

Bl-applikazzjoni tal-argument imressaq minn Spanja u l-Kummissjoni, il-EUR 100 miljun kollha jkunu jitqiesu bħala nfiq eliġibbli investit primarjament fl-SMEs, minkejja li l-SMEs ikunu fil-fatt jirċievu biss EUR 10 miljun (10 % tat-total).

Ir-rapport finali Sommarju tad-data u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni

Ir-rapport finali Sommarju tad-data ma jippreżentax id-data finali minħabba pubblikazzjoni bikrija

52

B’reazzjoni għal rakkomandazzjoni fir-Rapport Annwali 2010 tagħna, il-Kummissjoni emendat ir-regolament ġenerali fl-2011 billi introduċiet obbligu ta’ rappurtar annwali għall-FISMs33. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni pproduċiet rapport annwali intitolat Sommarju tad-data li jippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-progress fl-implimentazzjoni tal-FISMs b’data kemm aggregata kif ukoll skont il-pajjiż. Huwa serva bħala għodda ta’ monitoraġġ għat-traċċar u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni.

53

Fis-sitt u l-aħħar verżjoni tiegħu għall-2007-2013, ir-rapport jippreżenta d-data mdaħħla fis-sistema tal-Kummissjoni mill-awtoritajiet maniġerjali fil-31 ta’ Marzu 201734. Id-data hija ppreżentata għal skopijiet ta’ informazzjoni biss, billi l-verifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-infiq eliġibbli hija proċess separat u itwal li jsir permezz tal-analiżi u l-approvazzjoni aħħarija tal-pakketti ta’ għeluq, kif jidher hawn fuq. Id-data ppreżentata mill-awtoritajiet maniġerjali u mbagħad ikkompilata mill-Kummissjoni għal dan ir-rapport ukoll mhijiex suġġetta għal verifikazzjoni mill-awtoritajiet tal-awditjar.

54

Il-Kummissjoni stess tagħmel din id-distinzjoni kemm fis-sommarju eżekuttiv kif ukoll fil-konklużjoni tar-rapport finali intitolat Sommarju tad-data u tispeċifika li għad fadal xogħol xi jsir matul il-proċess ta’ għeluq:

  • Dan is-sommarju finali ma jikkostitwix konferma tal-eliġibbiltà fl-għeluq tal-ammonti rrappurtati sal-31 ta’ Marzu 2017: L-awtoritajiet maniġerjali u dawk tal-awditjar se jkunu meħtieġa jirrevedu dawn l-ammonti matul il-proċess ta’ għeluq.
55

Kif meħtieġ mir-regolament ġenerali35, ir-rapport finali Sommarju tad-data ppreżenta data dwar l-implimentazzjoni f’Marzu 2017, li kienet preliminari. Il-Kummissjoni ma ppubblikatx aġġornamenti ta’ dan ir-rapport ibbażati fuq ix-xogħol ta’ għeluq sussegwenti. Hija ppubblikat tabella aġġornata fir-Rapporti Annwali 2018 u 2019 tad-DĠ REGIO, li turi l-infiq taħt il-FISMs skont il-programmi operazzjonali bil-korrezzjonijiet intenzjonati tal-Kummissjoni (ara l-paragrafu 60 hawn taħt).

56

It-tnaqqis fl-infiq taħt il-FISMs, mill-EUR 16.1 biljun issuġġeriti mir-rapport finali Sommarju tad-data fl-2017 għaċ-ċifra attwali ta’ EUR 15.4 biljun, jenfasizza r-riżultat tax-xogħol ta’ għeluq imwettaq wara l-31 ta’ Marzu 2017 kemm mill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi kif ukoll mill-Kummissjoni. It-Tabella 9 turi l-bidla ta’ EUR 730 miljun (5 %) bejn id-data preliminari u dik attwali.

Tabella 9

Tqabbil tal-infiq finali taħt il-FISMs (f’miljun EUR)

Infiq taħt il-FISMs – Rapport finali Sommarju tad-data fil-31 ta’ Marzu 2017 Infiq eliġibbli tal-FISMs – Data tal-KE fi tmiem l-2020 (bil-korrezzjonijiet)1
FEŻR 15 245 14 557
FSE 837 795
Total 16 082 15 352 (tnaqqis ta’ 5 %)

1 Il-korrezzjonijiet applikati jew proposti mill-Kummissjoni naqqsu l-ammont minn EUR 15.62 biljun (ara t-Tabella 6) għal EUR 15.35 biljun.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni u r-rapport finali intitolat Sommarju tad-Data fil-31 ta’ Marzu 2017.

L-affidabbiltà tad-data tjiebet

57

Aħna rrieżaminajna l-affidabbiltà tad-data fir-rapport finali Sommarju tad-data Kien hemm titjib fil-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data meta mqabbla mal-verżjonijiet preċedenti tar-rapport minħabba l-isforzi tal-Kummissjoni:

  • Il-gwida dwar l-għeluq għall-Istati Membri pprovdiet mudell ta’ rappurtar dettaljat u struzzjonijiet ċari bi tweġiba għall-mistoqsijiet mill-awtoritajiet maniġerjali.
  • Il-biċċa l-kbira mill-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi saret obbligatorja għar-rapport finali.
  • Il-Kummissjoni ħarġet nota lill-uffiċjali tagħha li huma responsabbli minn unità ġeografika fejn ipprovdiet struzzjonijiet dwar l-iċċekkjar tal-affidabbiltà tad-data riċevuta.
58

Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni indirizzat il-biċċa l-kbira mit-tħassib identifikat f’analiżijiet preċedenti tar-rapport36. Biex nissostanzjaw dan, fl-awditi tagħna relatati mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-FISMs fl-għeluq identifikajna każ wieħed biss ta’ rappurtar skorrett, filwaqt li fl-awditi tagħna matul il-fażi ta’ implimentazzjoni dawn is-sejbiet kienu aktar prevalenti37.

59

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wħud mill-kwistjonijiet li fadal u tipprovdi sommarju dettaljat. Il-kwistjoni notevoli li fadal li ġiet identifikata mill-Kummissjoni hija li 81 % biss tal-FISMs (skont l-ammont tal-infiq) irrappurtaw l-ispejjeż u t-tariffi ta’ ġestjoni tagħhom minkejja li dan huwa qasam obbligatorju. Madankollu, dan huwa titjib meta mqabbel mal-kopertura ta’ 64 % fir-rapport preċedenti. Il-Kaxxa 4 tippreżenta għażla tal-kwistjonijiet rilevanti dwar il-kwalità tad-data enfasizzati mill-Kummissjoni fir-rapport, segwita mis-sejbiet tagħna minn dan l-awditu.

Kaxxa 4

Għażla ta’ kwistjonijiet rilevanti identifikati mill-kontroll tal-kwalità tad-data tal-Kummissjoni

  • kompletezza tad-data obbligatorja dwar l-ispejjeż u t-tariffi ta’ ġestjoni;
  • żborżi lir-riċevituri finali li ma ġewx irrappurtati fi ftit każijiet;
  • imgħax u ammonti rotanti li xi kultant ġew irrappurtati b’mod skorrett;
  • data kkombinata u mhux ipprovduta f’livell ta’ fond speċifiku fi ftit każijiet;
  • ċifri tal-indikaturi tal-output mhux plawżibbli (għadd ta’ riċevituri finali jew impjiegi maħluqa) f’xi każijiet.

Kwistjonijiet addizzjonali ta’ kkowdjar u kompletezza tad-data identifikati minn dan l-awditu

  • żbalji tal-ikkowdjar f’biljuni ta’ euro fir-rigward tal-ispejjeż ta’ ġestjoni għal madwar 50 FISMs (l-aktar b’kontribuzzjonijiet żgħar tal-PO) – iżda kkoreġuti fit-totali;
  • ammont ikkontribwit minn fond ta’ parteċipazzjoni għal fondi speċifiċi li ma jidhirx fi ftit każijiet.
60

Minbarra r-rapport Sommarju tad-data, id-DĠ REGIO inkluda tabella fir-Rapporti Annwali tal-Attività 2018 u 2019 tiegħu li turi l-infiq taħt il-FISMs skont il-PO bil-korrezzjonijiet tal-Kummissjoni38. Għal programm operazzjonali wieħed, ir-rapport juri EUR 4.2 biljun aktar mill-infiq taħt il-FISMs li fil-fatt ġie ddikjarat fl-għeluq. Dan kien żball klerikali fir-rapport u ma kellu l-ebda impatt fuq l-ammont li kellu jitħallas fl-għeluq, iżda b’riżultat ta’ dan, l-ammont tal-infiq taħt il-FISMs taħt il-FEŻR ippreżentat kien ta’ EUR 19-il biljun minflok EUR 14.8 biljun (iddikjarat b’mod eċċessiv bi 28 %).

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tad-data finali dwar l-implimentazzjoni ma pprovdietx informazzjoni utli dwar żewġ indikaturi ewlenin

61

Ir-rapport finali Sommarju tad-data jipprovdi wkoll l-analiżi finali tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tal-FISMs (ara t-Tabella 10).

Tabella 10

Erba’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-FISMs analizzati mill-Kummissjoni

Rati ta’ żborż Tariffi ta’ ġestjoni
Rati pprovduti fil-livell tal-UE u skont l-Istat Membru. Ir-rati jistgħu jiġu kkalkulati wkoll skont il-qasam tematiku (intrapriżi, żvilupp urban, eċċ.) u għal kull fond individwali. Ir-rati kumplessivi skont it-tip ta’ prodott (self, garanziji, ekwità) mhux ipprovduti.

L-analiżi tkopri l-evoluzzjoni tar-rata ta’ żborż u informazzjoni dwar anomaliji b’rati baxxi u għoljin ta’ żborż.

Rata ta’ żborż fil-livell tal-UE: 93 %. Varjazzjonijiet kbar, minn 60 % fi Spanja għal żborż sħiħ f’erba’ Stati Membri.
Id-data hija disponibbli fil-livell tal-UE u skont l-Istat Membru, il-fond individwali, il-qasam tematiku u t-tip ta’ prodott.

L-analiżi tkopri r-rata tal-ispejjeż u t-tariffi ta’ ġestjoni għall-perjodu u l-medja annwali, il-konformità mas-sollijiet regolatorji, it-tqabbil skont it-tip ta’ prodott u l-fond ta’ parteċipazzjoni mal-fond speċifiku.

Ir-rata tal-ispejjeż u t-tariffi ta’ ġestjoni fil-livell tal-UE: ir-rata għall-perjodu kienet ta’ 6.7 % tal-kontribuzzjonijiet mill-PO għall-FISMs u 9.1 % tal-investimenti taħt il-FISMs favur ir-riċevituri finali; ir-rata annwali medja kienet ta’ 1.26 % tal-kontribuzzjonijiet mill-PO għall-FISMs.
Ingranaġġ Użu mill-ġdid tal-fondi / effett rotanti
Id-data disponibbli dwar l-ingranaġġ hija limitata billi mhijiex rikjesta mir-regolament għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. Il-Kummissjoni talbet l-informazzjoni fuq bażi fakultattiva.

L-analiżi fir-rapport hija bbażata fuq id-data limitata ħafna li nkisbet u tinkludi diskussjoni tal-impatti fuq il-potenzjal ta’ ingranaġġ: it-tip ta’ prodott u l-intenzjoni tal-politika li tindirizza s-sitwazzjonijiet subottimali tas-suq.

Kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni, din l-informazzjoni limitata pprovduta volontarjament ma tistax titqies bħala rappreżentattiva.
Id-data dwar ir-riżorsi rritornati biex jintużaw fil-perjodu sussegwenti (riżorsi legati) kienet meħtieġa mill-awtoritajiet maniġerjali fil-linji gwida dwar l-għeluq.

L-Istati Membri kollha ħlief wieħed ipprovdew informazzjoni dwar ir-riżorsi rritornati/li għandhom jiġu rritornati. L-ammont legat disponibbli għall-użu mill-ġdid kien stmat f’ammont ta’ EUR 8.5 biljun.

L-informazzjoni dwar l-effett rotanti li nkiseb matul l-istess perjodu ma nkisbitx, u għalhekk ma ġietx analizzata.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-rapport tal-Kummissjoni intitolat Sommarju tad-data fil-31 ta’ Marzu 2017.

62

Il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FISMs hija pożittiva. Hija tindika:

  • il-progress kostanti li sar fl-iżborż tal-fondi, fejn tosserva ż-żieda approssimattiva ta’ 20 % mill-31 ta’ Diċembru 2015 sal-31 ta’ Marzu 2017 u r-rata finali ta’ żborż ta’ 93 %;
  • ir-rata ta’ 1.26 % tal-ispejjeż u t-tariffi medji annwali ta’ ġestjoni li hija taħt il-limitu massimu regolatorju;
  • ir-riżorsi legati li għandhom jintużaw mill-ġdid li jammontaw għal EUR 8.5 biljun; u
  • żieda fl-għadd ta’ impjiegi maħluqa.
63

Ir-rapport finali Sommarju tad-data ma pprovdiex informazzjoni utli dwar iż-żewġ indikaturi li ġejjin:

  • Ingranaġġ: Billi l-informazzjoni dwar l-ingranaġġ kienet fakultattiva, id-data miksuba ma kinitx rappreżentattiva. Il-Kummissjoni osservat li abbażi tal-informazzjoni limitata u mhux rappreżentattiva miksuba kien hemm varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-istrumenti dwar l-ingranaġġ miksub. Aħna ma naqblux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-riżultati miksuba jissuġġerixxu li l-FISMs huma kapaċi jimmobilizzaw riżorsi li huma mill-inqas darbtejn ogħla mir-riżorsi tal-Fondi Strutturali disponibbli fil-programmi, billi ma kienx hemm informazzjoni suffiċjenti biex issostni din il-konklużjoni kumplessiva.
  • Effett rotanti matul l-istess perjodu: Il-Kummissjoni kisbet u analizzat informazzjoni dwar ir-riżorsi rritornati biex jintużaw mill-ġdid għal skopijiet simili (riżorsi legati), iżda mhux dwar jekk il-FISMs kinux kapaċi jużaw mill-ġdid ir-riżorsi fi ħdan il-perjodu (effett rotanti matul l-istess perjodu). Ir-rieżaminar li wettaqna tad-data jindika li madwar 10 % tad-981 fond speċifiku kienu kapaċi jużaw mill-ġdid il-fondi f’livell limitat qabel l-għeluq.
64

Il-linji gwida dwar l-għeluq ma kienux jeħtieġu li l-awtoritajiet maniġerjali jipprovdu data dwar l-ingranaġġ u l-effett rotanti matul l-istess perjodu għar-rapport finali. Billi dawn l-indikaturi huma tnejn mill-vantaġġi prinċipali tal-użu ta’ strumenti finanzjarji minflok ta’ għotjiet, aħna nqisu li dawn kienu meħtieġa għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-FISMs mill-Kummissjoni. Il-Kaxxa 5 tippreżenta informazzjoni dwar l-ingranaġġ u l-effett rotanti fis-seba’ strumenti li awditjajna fl-għeluq.

Kaxxa 5

L-ingranaġġ u l-effett rotanti bbażati fuq l-awditi tagħna relatati mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni

  • Ingranaġġ: mis-seba’ strumenti, ħamsa kisbu ċertu livell ta’ ingranaġġ permezz ta’ investimenti esterni li jvarjaw minn 30 % sa 70 % tal-kapital tal-fond.
  • Effett rotanti matul l-istess perjodu: mis-seba’ strumenti, tlieta kisbu użu mill-ġdid tal-fondi matul l-istess perjodu li jvarja minn 4 % sa 11 % tal-kapital tal-fond.

L-implikazzjonijiet ta’ dawn l-osservazzjonijiet għall-perjodu 2014-2020

Il-gwida ġiet estiża u l-viżibbiltà tjiebet; issa hemm disponibbli informazzjoni dwar oqsma ta’ riskju

65

Meta mqabbla mal-perjodu 2007-2013, id-dispożizzjonijiet għall-istrumenti finanzjarji fil-parti prinċipali tal-leġiżlazzjoni għall-politika ta’ koeżjoni żdiedu b’10 darbiet. Barra minn hekk, hemm diversi Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni ffukati fuq suġġetti partikolari li jikkonċernaw l-istrumenti finanzjarji. B’riżultat ta’ dan, fil-leġiżlazzjoni issa jidher ammont ekwivalenti kbir tal-informazzjoni min-noti ta’ gwida tal-2007-2013. Dawn id-dispożizzjonijiet huma ssupplimentati b’16-il dokument ta’ gwida dwar suġġetti speċifiċi fuq l-istrumenti finanzjarji.

66

Filwaqt li mhuwiex fl-ambitu ta’ dan l-awditu li tiġi vvalutata l-gwida dwar l-għeluq għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, ir-rieżaminar ħafif tagħna jindika li din għadha ma ġietx aġġornata biex jiġu enfasizzati riskji partikolari bbażati fuq l-iżbalji li sa issa nstabu minna, mill-Kummissjoni, u mill-awtoritajiet tal-awditjar matul il-fażi ta’ implimentazzjoni. Aħna nemmnu li jkun ta’ għajnuna li din l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi biex tgħinhom jimmiraw ix-xogħol tagħhom ta’ verifikazzjoni u awditjar.

67

Għad hemm xi kwistjonijiet, pereżempju ħafna awtoritajiet tal-awditjar għadhom qed jawditjaw pagamenti bil-quddiem għal strumenti finanzjarji minflok l-infiq reali, li huwa ferm probabbli li jwassal biex ir-rati tal-iżball residwu jiġu stmati b'mod insuffiċjenti. Il-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni tagħna dwar din id-dgħufija u pprovdiet gwida lill-awtoritajiet tal-awditjar dwar it-trattament tal-pagamenti bil-quddiem39. Barra minn hekk, hemm titjib dwar din il-kwistjoni għal wara l-2020, billi skont l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni attwali se jkun hemm pagament uniku bil-quddiem (għall-ewwel pagament akkont), b’pagamenti akkont sussegwenti li għandhom ikunu bbażati fuq l-infiq reali.

Il-limitazzjoni regolatorja tal-mandat tal-awtoritajiet tal-awditjar ġiet riżolta

68

Inizjalment il-leġiżlazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 kienet tinkludi restrizzjonijiet simili fuq l-awtoritajiet tal-awditjar fil-każ ta’ strumenti mmaniġġjati mill-Grupp tal-BEI. Wara li identifikajna żbalji relatati ma’ dawn ir-restrizzjonijiet matul id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2017, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tiżgura li l-arranġamenti tal-awditjar fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji mmaniġġjati mill-BEI jkunu adegwati40. Aħna tlabna lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet minimi għall-impenji AUP biex tiggarantixxi li jiġi pprovdut aċċertament.

69

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni emendat id-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament Nru 1303/201341 (“ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni”), ipprovdiet mudell ta’ rapport tal-awditjar għall-awdituri esterni li fih rekwiżiti minimi għall-għoti ta’ aċċertament raġonevoli42, u inkarigat lill-awtoritajiet tal-awditjar biex iwettqu awditi tas-sistemi u tal-operazzjonijiet fil-livell tal-intermedjarji finanzjarji43. Il-programmi kollha tal-Inizjattiva għall-SMEs stabbiliti qabel it-2 ta’ Awwissu 2018, jiġifieri s-sitt programmi li attwalment jinsabu fis-seħħ, huma esklużi minn dawn il-bidliet44. Madankollu, sa mis-sena kontabilistika 2018/2019, il-Grupp tal-BEI estenda b'mod volontarju l-użu ta' rapporti ta' “aċċertament raġonevoli” għall-programmi kollha tal-Inizjattiva għall-SMEs.

70

Dawn il-miżuri jindirizzaw il-kwistjoni b’mod adegwat. Aħna nenfasizzaw li dan huwa titjib effettiv fil-proċess ta’ aċċertament għall-infiq taħt l-istrumenti finanzjarji.

Il-biċċa l-kbira mid-dgħufijiet li identifikajna fix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar ġew indirizzati fil-gwida tal-Kummissjoni għall-perjodu 2014-2020

71

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-Kummissjoni pprovdiet gwida li tindirizza l-biċċa l-kbira mid-dgħufijiet li sibna fix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar45 (ara l-paragrafi 33 sa 39). Din tirrikjedi li l-awtoritajiet tal-awditjar jipprovdu l-informazzjoni li ġejja speċifikament għall-istrumenti finanzjarji fir-Rapporti Annwali ta’ Kontroll tagħhom:

  • informazzjoni mill-awditi tematiċi b’bosta oqsma ta’ suġġetti ssuġġeriti, u spjegazzjoni jekk l-awditi ma twettqux;
  • deskrizzjoni tad-defiċjenzi speċifiċi li nqabdu matul l-awditi tas-sistemi u tal-azzjoni ta’ rimedju ta’ segwitu li tkun ittieħdet;
  • ix-xogħol imwettaq u deskrizzjoni speċifika tal-irregolaritajiet identifikati, inklużi l-miżuri korrettivi;
  • aċċertament dwar l-istrumenti implimentati mill-Grupp tal-BEI jew minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra;
  • verifikazzjonijiet li r-regoli l-ġodda dwar il-pagamenti akkont għall-istrumenti finanzjarji huma rispettati;
  • approċċ għas-stratifikazzjoni għal sottopopolazzjonijiet bħal strumenti finanzjarji.
72

Fl-2018, għall-ewwel darba, l-awtoritajiet tal-awditjar irrappurtaw irregolaritajiet li sabu fl-awditu tagħhom tal-operazzjonijiet għar-Rapport Annwali ta’ Kontroll 2016-2017 wara tipoloġija komuni maqbula u kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. It-tipoloġija tinkludi 16-il sottokategorija għal żbalji fl-istrumenti finanzjarji. Il-gwida tispeċifika wkoll li fi ħdan il-kampjun awditjat jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-awditjar jivverifikaw li l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet tal-programmi mħallsa lill-istrumenti finanzjarji jkunu appoġġati mill-informazzjoni disponibbli mill-awtoritajiet maniġerjali u ta’ ċertifikazzjoni, u jenħtieġ li jivverifikaw ukoll ir-rendikont tal-entrati.

73

Bil-għan li jiġu indirizzati d-dgħufijiet li fadal fix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar, grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-awditjar ippreżenta dokument intitolat “Reflection Paper on Audit Documentation” f’laqgħa teknika f’Diċembru 2019. Id-dokument jipprovdi gwida dwar id-dokumentazzjoni tal-awditjar u l-prattiki tar-rendikont tal-entrati għall-awdituri meta jikkompletaw il-listi ta’ kontroll u jiddokumentaw ix-xogħol tagħhom b’referenzi għall-qafas regolatorju u l-istandards internazzjonali tal-awditjar. Din il-gwida tapplika wkoll għall-awditi tal-istrumenti finanzjarji.

Kwistjonijiet dwar l-eliġibbiltà tal-istrumenti għall-SMEs huma inqas probabbli li jseħħu

74

Is-sitwazzjoni li ltqajna magħha fejn strument finanzjarju meħtieġ biex jassisti primarjament lill-SMEs żborża l-biċċa l-kbira mill-fondi lil kumpaniji kbar hija inqas probabbli li sseħħ fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Il-leġiżlazzjoni introduċiet fondi taħt l-Inizjattiva għall-SMEs, li huma strumenti finanzjarji ddedikati biss għall-finanzjament tal-SMEs. L-ambitu tematiku tal-istrumenti finanzjarji ġie estiż ukoll biex jippermetti appoġġ lil dawk l-intrapriżi li mhumiex SMEs fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, l-effiċjenza fl-enerġija u setturi oħra.

L-inċertezzi jistgħu jkollhom impatt fuq l-għeluq effettiv tal-istrumenti finanzjarji

75

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, minkejja l-aċċettazzjoni annwali tal-kontijiet, il-kwistjonijiet tal-legalità u r-regolarità jistgħu jiġu indirizzati biss aktar tard fil-perjodu permezz ta’ awditi tal-konformità annwali u pluriennali. Fir-Rapport Annwali 2018 tagħna rreferejna għall-ambigwità rigward il-mandat tal-awtoritajiet tal-awditjar għall-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-202046.

76

Għall-għeluq tal-programmi operazzjonali tal-perjodu 2014-2020, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jirrikjedi li kull Stat Membru jippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni ta’ kull PO, mingħajr ma jispeċifika l-kontenut preċiż u d-data ta’ preżentazzjoni tiegħu47, kif huwa jitlob għar-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali48. Il-biċċa l-kbira mid-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-għeluq tal-programmi 2014-2020 idewmu l-valutazzjoni finali tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati għal xi operazzjonijiet, inklużi l-istrumenti finanzjarji, sa stadju aktar tard, normalment fl-għeluq49. Għall-istrumenti finanzjarji, l-awtoritajiet tal-awditjar jistgħu jawditjaw parti mill-infiq żborżat qabel l-għeluq abbażi tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni għall-iżblukkar tat-tieni pagament u tal-pagamenti akkont sussegwenti lill-istrument50.

77

Għall-kuntrarju tal-valutazzjoni tal-kontijiet annwali, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni ma jiddefinix suffiċjentement ir-rwol tal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi fil-proċess ta’ għeluq. Lanqas ma jispeċifika wkoll ix-xogħol meħtieġ biex jiġi vvalutat mill-ġdid u aġġustat l-impatt ta’ spejjeż ineliġibbli potenzjali fuq ir-rati residwi għas-snin inkwistjoni. Attwalment, ma hemm l-ebda rekwiżit regolatorju espliċitu jew għall-Istati Membri biex jippreżentaw sett finali ta’ kontijiet għall-perjodu fl-għeluq jew inkella għall-awtoritajiet tal-awditjar biex jipprovdu aċċertament dwar l-infiq totali għall-perjodu, kif meħtieġ fir-rapport finali ta’ kontroll 2007-201351. Fir-regolament mhuwiex ċar ukoll jekk l-aħħar sett ta’ kontijiet annwali huwiex mistenni li jinkludi, f’xi forma jew oħra, il-valutazzjoni finali tal-eliġibbiltà fl-għeluq tal-ammonti żborżati għall-istrumenti finanzjarji. Konsegwentement hemm riskju li, fejn il-leġiżlazzjoni ddewwem il-valutazzjoni sal-għeluq, ix-xogħol tal-awditjar imwettaq biex tiġi żgurata l-eliġibbiltà finali tal-infiq mhux se jkun suffiċjenti jew eżistenti.

78

Fil-fehma tagħna, din l-inċertezza leġiżlattiva tista’ taffettwa l-kapaċità tal-Istati Membri li jwettqu l-kontrolli meħtieġa, billi l-perjodu li matulu jinżammu d-dokumenti jista’ jiskadi jekk xi kompiti jitħallew biex jitwettqu wara t-tmiem tal-aħħar sena kontabilistika (it-30 ta’ Ġunju 2024).

79

Fir-Rapport Annwali 2018 tagħna, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tiċċara dawn l-aspetti fi żmien debitu (u mhux aktar tard minn Diċembru 2022) sabiex l-Istati Membri jifhmu dak li l-Kummissjoni tistenna mingħandhom għall-għeluq tal-programmi 2014-202052. Sal-lum il-ġurnata, il-Kummissjoni indirizzat parti mir-rakkomandazzjoni. Fl-2019 hija pproduċiet pakkett ta’ metodoloġija tal-awditjar għall-istrumenti finanzjarji, li jinkludi struzzjonijiet għall-awtoritajiet tal-awditjar biex jiksbu aċċertament dwar l-eliġibbiltà tal-infiq totali fl-għeluq. Din il-metodoloġija tal-awditjar attwalment qed tiġi aġġornata. Il-Kummissjoni qed tiffinalizza wkoll l-abbozzar ta’ linji gwida dwar l-għeluq, inkluż għall-istrumenti finanzjarji. Kemm il-metodoloġija aġġornata kif ukoll il-linji gwida dwar l-għeluq huma mistennija li jiġu ppubblikati fl-2021.

Ikomplu l-isforzi rigward l-affidabbiltà tad-data u data addizzjonali dwar l-ingranaġġ u l-użu mill-ġdid tal-fondi tippermetti valutazzjoni aħjar

80

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, it-titjib fir-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji ġie inkluż direttament fil-leġiżlazzjoni53. Aħna nosservaw it-titjib li ġej:

  • L-Istati Membri issa huma meħtieġa jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji lill-Kummissjoni bħala parti mir-rapport ta’ implimentazzjoni annwali tagħhom.
  • Il-mudell ipprovdut għar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji ġie diskuss mal-awtoritajiet maniġerjali u sar disponibbli taħriġ online dwar ir-rappurtar, li pprovda lill-partijiet responsabbli biex idaħħlu d-data fis-sistema fehim aħjar tal-modi kif itejbu l-affidabbiltà. In-nuqqas ta’ familjarità tal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi mas-sistema ta’ rappurtar kienet waħda mir-raġunijiet għall-kwistjonijiet ta’ affidabbiltà tad-data fil-perjodu 2007-2013.
  • Il-mudell ipprovdut għar-rappurtar dwar l-istrumenti finanzjarji jinkludi oqsma għall-kontribuzzjonijiet pubbliċi u/jew privati fil-livelli kollha. Dan jagħmilha possibbli li jiġi vvalutat b’mod xieraq il-livell ta’ ingranaġġ miksub, u tabilħaqq l-aħħar rapport tal-perjodu 2014-2020 fih analiżi dettaljata tal-ingranaġġ.
  • Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar ir-riżorsi rritornati mill-investimenti u l-użu mill-ġdid tagħhom (effett rotanti matul l-istess perjodu).
81

Madankollu, fir-rapport tagħha Sommarju tad-data fil-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni tosserva li għad fadal xi lakuni u inkonsistenzi fid-data u li għad hemm lok għal titjib fil-kwalità tad-data. Parzjalment, dan huwa minħabba li r-rapport evolva u jitlob aktar informazzjoni mill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi. Aħna nosservaw li dawn il-kwistjonijiet huma relattivament minuri u li qed jiġu indirizzati.

82

Aspett wieħed tar-rapport Sommarju tad-data li ma jistax jittejjeb huwa li ma jipprovdix konferma tal-ammonti tal-infiq eliġibbli. Billi jiġi ppubblikat fi żmien sena wara li jintemm il-perjodu rilevanti, ma hemm l-ebda żmien għall-awtoritajiet tal-awditjar biex jawditjaw id-data, wisq inqas għal aġġustamenti u korrezzjonijiet mill-proċess ta’ għeluq finali għall-perjodu li għandu jiġi inkluż. Ir-rapport għalhekk iżomm in-natura preliminari tiegħu mit-tfassil.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

83

Il-konklużjoni kumplessiva tagħha hija li fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri u l-Kummissjoni kienu ħadu l-passi meħtieġa biex jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-infiq taħt il-FISMs fl-għeluq. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar kienu wettqu kontrolli, u dawn kienu taw riżultati. Madankollu, xi żbalji baqgħu ma nqabdux u l-Kummissjoni ma kinitx indirizzat l-aktar żball importanti, li materjalment affettwa l-għeluq tal-PO ikkonċernat.

Il-gwida tal-Kummissjoni għall-perjodu 2007-2013 kienet prinċipalment xierqa; jenħtieġ li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet dwar l-għeluq fil-qafas leġiżlattiv tal-2014-2020

84

Ingredjent ewlieni għal eżerċizzju ta’ għeluq b’suċċess huwa s-saħħa tad-dispożizzjonijiet regolatorji u l-gwida disponibbli. Minħabba li d-dispożizzjonijiet dwar il-FISMs 2007-2013 fil-leġiżlazzjoni huma limitati ħafna, il-kwalità tal-gwida kienet saħansitra aktar importanti (il-paragrafu 15).

85

Il-konklużjoni tagħna hija li l-Kummissjoni pprovdiet il-gwida meħtieġa dwar l-għeluq tal-FISMs fil-ħin u f’dettall suffiċjenti. Il-kwalità tal-gwida kienet strumentali għax-xogħol tal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi. Hija indirizzat il-biċċa l-kbira mill-oqsma li fihom aħna sibna defiċjenzi matul il-fażi ta’ implimentazzjoni (il-paragrafi 16 sa 20). Madankollu, ma indirizzatx l-evalwazzjoni tal-istatus ta’ SME tar-riċevituri finali bħala riskju partikolari, minkejja li dan kien kriterju ta’ eliġibbiltà għall-biċċa l-kbira mill-istrumenti. Aħna identifikajna żbalji rigward dan il-punt fl-awditi tagħna (il-paragrafu 21).

86

Għall-perjodu 2014-2020, il-biċċa l-kbira mill-gwida dwar l-istrumenti finanzjarji ġiet inkorporata fil-leġiżlazzjoni u ġie pprovdut appoġġ addizzjonali permezz ta’ għadd estensiv ta’ noti organizzati skont is-suġġett. Madankollu, xi kwistjonijiet għadhom problematiċi, jiġifieri l-approċċ meħud minn xi awtoritajiet tal-awditjar fejn jawditjaw pagamenti bil-quddiem għal strumenti finanzjarji, minflok l-infiq reali (il-paragrafi 65 sa 67).

87

Minkejja t-titjib fil-gwida kumplessiva għall-istrumenti finanzjarji, aħna nqisu li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi 2014-2020 għall-għeluq huma aktar dgħajfa minn dawk għall-2007-2013 f’aspett wieħed. Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni mhuwiex suffiċjentement ċar rigward ir-rwol tal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi fil-proċess ta’ għeluq. Lanqas ma jispeċifika x-xogħol meħtieġ biex jiġi vvalutat mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, jiġi aġġustat l-impatt ta’ spejjeż ineliġibbli potenzjali fuq ir-rati residwi għas-snin inkwistjoni. Ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu għall-awtoritajiet tal-awditjar biex jipprovdu aċċertament dwar l-infiq totali għall-perjodu, bħalma kien hemm għall-perjodu 2007-2013. Dan huwa partikolarment rilevanti għal strumenti finanzjarji fejn l-eliġibbiltà ta’ parti materjali tal-infiq tista’ tiġi vvalutata biss fl-għeluq (il-paragrafi 75 sa 78).

88

Aħna rrakkomandajna li din il-kwistjoni tiġi ċċarata fir-Rapport Annwali 2018 tagħna u l-Kummissjoni għamlet progress fl-indirizzar tagħha. Fl-2019 hija pprovdiet struzzjonijiet lill-awtoritajiet tal-awditjar biex jiksbu aċċertament dwar l-eliġibbiltà tal-infiq taħt l-istrumenti finanzjarji fl-għeluq. Attwalment il-Kummissjoni qed taġġorna dawn l-istruzzjonijiet u qed tiffinalizza wkoll linji gwida sabiex l-Istati Membri jifhmu x’inhu mistenni minnhom fl-għeluq (il-paragrafu 79).

Rakkomandazzjoni 1 – Tiġi pprovduta gwida mmirata lejn oqsma ta’ riskju identifikati fl-awditi tal-Kummissjoni u tal-QEA

Sabiex tkun ippreparata bl-aħjar mod għall-għeluq li jmiss tal-perjodu 2014-2020, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissupplimenta l-gwida attwali għall-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża b’pariri speċifiċi lill-Istati Membri bbażati fuq l-aktar żbalji frekwenti żvelati fl-awditi tal-Kummissjoni u tal-QEA.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Sa tmiem l-2021.

Rakkomandazzjoni 2 - Tiġi kkompletata l-gwida meħtieġa dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tal-awditjar meta jivvalutaw l-eliġibbiltà tal-infiq taħt l-istrumenti finanzjarji fl-għeluq

Jenħtieġ li fil-metodoloġija tal-awditjar aġġornata tagħha u fil-linji gwida li jmiss dwar l-għeluq, il-Kummissjoni tipprovdi lill-awtoritajiet tal-awditjar l-istruzzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ aċċertament dwar l-eliġibbiltà tal-infiq taħt l-istrumenti finanzjarji fl-għeluq. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tħeġġeġ b’mod attiv lill-awtoritajiet tal-awditjar biex josservaw din il-gwida b’mod komplementari għal-leġiżlazzjoni, bil-ħsieb li jinkiseb għeluq aktar rigoruż.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Sa tmiem l-2022.

L-awtoritajiet tal-awditjar wettqu l-biċċa l-kbira mill-verifikazzjonijiet meħtieġa iżda xi żbalji baqgħu ma nqabdux, u kultant wasslu għall-inklużjoni ta’ nfiq ineliġibbli

89

L-estensjoni ta’ 15-il xahar tal-perjodu ta’ eliġibbiltà għal żborżi ppermettiet li ammont stmat ta’ EUR 2.6 biljun addizzjonali jasal għand ir-riċevituri finali, li jirrappreżenta żieda fir-rata ta’ żborż minn 75 % għal 93 % għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 (il-paragrafi 26 sa 27). Madankollu, hija ħolqot ukoll problemi għall-awtoritajiet tal-awditjar, li ħafna drabi ma setgħux jaqbdu l-infiq kollu taħt il-FISMs fl-awditi tagħhom qabel l-għeluq. Dan irriżulta f’limitazzjonijiet fuq l-ambitu u f’xogħol addizzjonali wara l-31 ta’ Marzu 2017 biex jiġu kkompletati l-verifikazzjonijiet li kien fadal (il-paragrafi 28 sa 31).

90

Ix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar kien milqut ukoll minn limitazzjoni fuq il-mandat tagħhom biex jawditjaw il-fondi ta’ parteċipazzjoni ta’ strumenti immaniġġjati mill-Grupp tal-BEI. F’dawn il-każijiet, il-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet tal-awditjar ma wettqux xogħolhom fl-ebda livell u bbażaw biss fuq ix-xogħol tal-awditur indipendenti estern tal-Grupp tal-BEI, li kien limitat fl-ambitu u ma seta' jipprovdi l-ebda aċċertament dwar l-eliġibbiltà tal-infiq żborżat mill-istrument finanzjarju (il-paragrafi 22 sa 25).

91

L-istess limitazzjoni kienet preżenti fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-iżbalji li identifikajna fl-awditi tagħna u r-rakkomandazzjoni sussegwenti tagħna wasslu għal bidliet leġiżlattivi, u s-sitwazzjoni ġiet prinċipalment rettifikata. L-ambitu tax-xogħol tal-awditur estern ġie estiż biex jipprovdi aċċertament u l-Grupp tal-BEI ħa impenn volontarju li japplika r-regoli l-ġodda fil-każijiet mhux koperti mil-leġiżlazzjoni (il-paragrafi 68 sa 70).

92

Inġenerali, l-awtoritajiet tal-awditjar wettqu x-xogħol meħtieġ biex jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-infiq taħt il-FISMs fl-għeluq, filwaqt li koprew il-popolazzjoni kollha kemm hi u indirizzaw il-kwistjonijiet rilevanti. Id-dgħufijiet prinċipali li osservajna kienu (il-paragrafi 32 sa 40):

  • id-dokumentazzjoni mhux xierqa tax-xogħol tal-awditjar;
  • il-punt sa fejn ġew ikkompletati ċerti kontrolli ta’ eliġibbiltà f’oqsma ta’ riskju għoli bħall-istatus ta’ SME u l-akkwist pubbliku;
  • id-dettall inkonsistenti dwar ix-xogħol imwettaq li jeħtieġ segwitu estensiv mill-Kummissjoni biex tikkjarifika;
  • l-awditi tematiċi ma twettqux b’mod sistematiku jew ma twettqux qrib l-għeluq/fl-għeluq; u
  • xi żbalji ma nqabdux, kif jidher mill-iżbalji żvelati mill-Kummissjoni u mill-QEA.
93

Għall-perjodu 2014-2020, xi wħud minn dawn id-dgħufijiet ġew indirizzati mid-dispożizzjonijiet estensivi fil-leġiżlazzjoni u mill-gwida tal-Kummissjoni. Biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet li fadal, fi tmiem l-2019 tfassal dokument minn rappreżentanti mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-awditjar li jipprovdi gwida dwar kwistjonijiet relatati mad-dokumentazzjoni tal-awditjar u mar-rendikont tal-entrati li tapplika wkoll għall-awditi tal-istrumenti finanzjarji (il-paragrafi 71 sa 73).

Il-Kummissjoni indirizzat kwistjonijiet rilevanti u applikat korrezzjonijiet xierqa, ħlief fil-każ tal-akbar żball

94

Il-Kummissjoni rrieżaminat il-pakketti ta’ għeluq kollha fid-dettall u wettqet kontrolli addizzjonali b’mod sistematiku biex tivverifika l-eliġibbiltà tal-infiq taħt il-FISMs (il-paragrafi 41 sa 44). Dan ix-xogħol irriżulta f’osservazzjonijiet formali lill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi, li jirrikjedu aċċertament, kjarifika jew xogħol addizzjonali. Oqsma ta’ riskju għoli bħall-applikazzjoni tal-multiplikatur korrett għall-infiq tal-fondi ta’ garanzija ġew immonitorjati mill-qrib u ġew applikati l-korrezzjonijiet xierqa (il-paragrafi 45 sa 50).

95

Inġenerali, il-Kummissjoni qabdet l-infiq ineliġibbli u indirizzat is-sejbiet permezz tax-xogħol ta’ għeluq tagħha. Madankollu, hija rrifjutat l-aktar sejba materjali li rriżultat minn wieħed mill-awditi tagħna. Il-Kummissjoni aċċettat l-eliġibbiltà ta’ FISM li investa kważi 80 % tal-valur totali approvat ta’ selfiet f’kumpaniji li ma kinux SMEs, għalkemm il-leġiżlazzjoni speċifikat li biex ikun eliġibbli l-istrument finanzjarju jenħtieġ li primarjament jiffinanzja lill-SMEs (il-paragrafu 51). Din is-sitwazzjoni hija inqas probabbli li sseħħ fil-perjodu 2014-2020, billi l-leġiżlazzjoni introduċiet strumenti finanzjarji ddedikati biss għall-finanzjament tal-SMEs. L-ambitu tematiku tal-istrumenti finanzjarji ġie estiż ukoll biex jippermetti appoġġ lil dawk l-intrapriżi li mhumiex SMEs (il-paragrafu 74).

L-affidabbiltà tar-rappurtar tjiebet matul is-snin, iżda d-data fir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni ma kinitx finali u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar żewġ indikaturi importanti wassal għal valutazzjoni mhux kompluta

96

Ir-rapport finali tal-Kummissjoni għall-2007-2013 jippreżenta d-data mdaħħla fis-sistema ta’ rappurtar mill-awtoritajiet maniġerjali sal-31 ta’ Marzu 2017 kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni. Din kienet data preliminari mingħajr l-aġġustamenti u l-korrezzjonijiet ta’ xogħol ta’ għeluq sussegwenti li rriżulta fi tnaqqis ta’ EUR 730 miljun tal-infiq eliġibbli taħt il-FISMs (5 %). Għalkemm dan l-approċċ jista’ jidher raġonevoli billi r-rapport huwa intenzjonat għall-użu f’waqtu mid-diversi partijiet ikkonċernati li jivvalutaw is-suċċess tal-FISMs, fin-nuqqas ta’ rekwiżit legali l-Kummissjoni ma aġġornatx ir-rapport sabiex tipprovdi data finali (il-paragrafi 52 sa 56).

97

Ir-rapport finali rrappreżenta titjib meta mqabbel ma’ verżjonijiet preċedenti f’termini ta’ affidabbiltà tad-data. Dan kien dovut għall-isforzi li saru mill-Kummissjoni fil-gwida ta’ rappurtar tagħha u fix-xogħol tagħha stess dwar il-kwalità tad-data (il-paragrafi 5758). Madankollu, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fir-rapport, kien għad hemm xi problemi ta’ affidabbiltà (il-paragrafi 59 sa 60).

98

Il-Kummissjoni pprovdiet valutazzjoni pożittiva tal-implimentazzjoni tal-FISMs, li tindika bosta fatturi bħar-rata ta’ żborż finali ta’ 93 %, l-ispejjeż medji ta’ ġestjoni taħt il-limitu massimu regolatorju u EUR 8.5 biljun f’riżorsi legati (il-paragrafi 6162). Abbażi tal-informazzjoni limitata u mhux rappreżentattiva miksuba dwar il-kapaċità tal-FISMs li jattiraw investiment addizzjonali u dwar l-użu mill-ġdid ta’ fondi matul l-istess perjodu, aħna nqisu li hemm diskrepanza fil-valutazzjoni meta jitqies li dawn huma tnejn mill-vantaġġi prinċipali tal-użu ta’ strumenti finanzjarji aktar milli għotjiet. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-riżultati miksuba jissuġġerixxu li l-FISMs huma kapaċi jimmobilizzaw riżorsi li huma mill-inqas darbtejn ogħla mir-riżorsi tal-Fondi Strutturali disponibbli fil-programmi mhix appoġġata minn evidenza suffiċjenti (il-paragrafi 6364).

99

Għall-perjodu 2014-2020, hemm titjib notevoli fit-tfassil tar-rappurtar, inkluż rappurtar aktar estensiv dwar l-ispejjeż u t-tariffi ta’ ġestjoni u l-inklużjoni ta’ analiżijiet dwar l-ingranaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ fondi matul l-istess perjodu. Il-bqija tal-kwistjonijiet dwar l-affidabbiltà tad-data huma relattivament minuri u qed jiġu indirizzati. Madankollu, billi r-rapport jiġi ppubblikat fi żmien sena wara li jintemm il-perjodu rilevanti, huwa jżomm in-natura preliminari tiegħu mit-tfassil (il-paragrafi 80 sa 82).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Marzu 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I – Rapporti tal-QEA li jenfasizzaw l-importanza tax-xogħol ta’ verifikazzjoni tal-FISMs fl-għeluq

  1. Ir-Rapport Annwali 2015 – Aħna rrakkomandajna (il-Kapitolu 6, ir-Rakkomandazzjoni 5) li l-Kummissjoni tiżgura li l-infiq kollu relatat mal-FISMs għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 jiġi inkluż kmieni biżżejjed fid-dikjarazzjonijiet tal-għeluq, biex l-awtoritajiet tal-awditjar ikunu jistgħu jwettqu l-kontrolli tagħhom.
  2. Ir-Rapport Annwali 2016 – Aħna ddikjarajna li l-iżbalji identifikati fir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni kellhom l-effett li jiddikjaraw il-prestazzjoni b’mod eċċessiv u, jekk ma jiġux ikkoreġuti, setgħu jżidu artifiċjalment l-ammont iddikjarat ta’ nfiq eliġibbli fl-għeluq, speċjalment fil-każ ta’ fondi ta’ garanzija. Għalhekk aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għal dan fl-għeluq (il-paragrafi 6.25 u 6.41 – ir-Rakkomandazzjoni 1(a)).
  3. Ir-Rapport Annwali 2017 – Aħna osservajna li l-Kummissjoni rrakkomandat li l-awtoritajiet tal-awditjar iwettqu awditi “tematiċi” għall-istrumenti finanzjarji sabiex jipprovdu aċċertament fl-għeluq li l-ammonti mħallsa lir-riċevituri finali ntużaw kif intenzjonat. Aħna sibna li mhux l-awtoritajiet tal-awditjar kollha wettqu dawn l-awditi b’mod sistematiku u li fejn dan sar, ix-xogħol li twettaq mhux dejjem kien suffiċjenti biex jippermetti li jiġu identifikati irregolaritajiet materjali (il-paragrafi 6.34 u 6.35).
  4. Ir-Rapport Annwali 2018 – Aħna ddikjarajna li, minkejja l-isforzi sostanzjali li saru mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kwalità tad-data fl-għeluq, aħna xorta sibna ineżattezzi fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-għeluq ibbażat fuq wieħed mill-awditi tagħna f’din is-sena (il-paragrafu 6.35).
  5. Ir-Rapport Speċjali Nru 2/201254 – F’dan ir-rapport speċjali aħna osservajna li l-Kummissjoni kienet se tkun f’pożizzjoni li tirregolarizza d-dotazzjonijiet ta’ fondi ta’ daqs eċċessiv biss fl-għeluq (il-paragrafu 56).
  6. Ir-Rapport Speċjali Nru 19/201655 – F’dan ir-rapport speċjali aħna tennejna li l-Kummissjoni setgħet tiddetermina l-infiq eliġibbli totali fl-għeluq biss (il-Kaxxa 1, il-paġna 30).
  7. Ir-Rapport Speċjali Nru 36/201656 – F’dan ir-rapport speċjali aħna ddeterminajna li għall-FISMs b’mod partikolari hemm riskju li tiġi ddikjarata nefqa ineliġibbli fil-waqt tal-għeluq u osservajna li l-Kummissjoni identifikat dan ukoll bħala qasam riskjuż u pprovdiet gwida lill-awtoritajiet tal-awditjar (il-paragrafi 107, 113 u 141). Aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw proċeduri speċifiċi biex jivverifikaw l-eliġibbiltà tan-nefqa relatata mal-istrumenti finanzjarji (ir-Rakkomandazzjoni 7).
  8. Ir-Rapport Speċjali Nru 17/201857 – F’dan ir-rapport speċjali sibna għadd ta’ ċifri inkonsistenti u ineżatti fir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni għall-FISMs 2007-2013. Aħna osservajna li, billi l-proċess ta’ għeluq kien għadu għaddej, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni biex tivverifika l-affidabbiltà taċ-ċifri li jintużaw biex jingħalqu l-PO (il-paragrafu 72).

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

DĠ EMPL: Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

DĠ REGIO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FISMs: Strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża

FSE: Fond Soċjali Ewropew

PO: Programm operazzjonali

SME: Intrapriżi żgħar u medji

Glossarju

Awtorità maniġerjali: L-awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (pubblika jew privata) maħtura minn Stat Membru biex timmaniġġja programm iffinanzjat mill-UE.

Awtorità ta’ ċertifikazzjoni: Korp maħtur minn Stat Membru biex jiċċertifika l-preċiżjoni u l-konformità tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq u t-talbiet għal pagament.

Awtorità tal-awditjar: Entità indipendenti fl-Istat Membru li tkun responsabbli għall-awditjar tas-sistemi u l-operazzjonijiet ta’ programm ta’ nfiq tal-UE.

Dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni: Dikjarazzjoni ppubblikata fir-rapport annwali tal-QEA, li tistabbilixxi l-opinjoni tal-awditjar tagħha dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: Fond tal-UE li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni.

Fond Soċjali Ewropew: Fond tal-UE għall-ħolqien ta’ opportunitajiet edukattivi u ta’ xogħol kif ukoll għat-titjib tas-sitwazzjoni ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar.

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta’ kif il-baġit tal-UE jintefaq fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’ġestjoni diretta, il-Kummissjoni tiddelega lill-Istati Membri iżda tibqa’ finalment responsabbli hi.

Grupp tal-BEI: Il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment.

Għeluq: Il-likwidazzjoni finanzjarja ta’ programm jew fond tal-UE, permezz tal-pagament tal-bilanċ dovut lil Stat Membru jew pajjiż benefiċjarju ieħor, jew tal-irkupru ta’ fondi mingħandhom.

Politika ta’ Koeżjoni: Il-politika tal-UE li għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri billi tippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, u l-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali.

Rapport finali dwar l-implimentazzjoni: Parti mill-pakkett ta’ għeluq, ippreżentat mill-awtoritajiet maniġerjali fl-għeluq.

Rapport finali ta’ kontroll: Parti mill-pakkett ta’ għeluq, ippreżentat mill-awtoritajiet tal-awditjar fl-għeluq.

Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni: Ir-regolament li jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kollha kemm huma.

Regolament ġenerali: Ir-regoli li jirregolaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, li għall-perjodu li ġej ġew sostitwiti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

Strument finanzjarju: Appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE fl-għamla ta’ investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità, self jew garanziji, jew strumenti oħra għall-kondiviżjoni tar-riskji.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

L-istrumenti finanzjarji għandhom rwol sinifikanti biex jitwettqu l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni. Bejn l-2007 u l-2013 din l-għodda ta’ twettiq ġiet implimentata fi kważi l-Istati Membri kollha. Waqt l-implimentazzjoni u l-għeluq tal-programmi bi strumenti finanzjarji nkisbet ħafna esperjenza importanti. Biex jiġi ffaċilitat aktar użu tal-istrumenti finanzjarji, fl-2014-2020 il-qafas leġiżlattiv ittejjeb b’mod sinifikanti billi ngħataw dispożizzjonijiet ċari u ċertezza legali akbar lill-Istati Membri. Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa biex jaċċertaw ruħhom li n-nefqa hija vverifikata u hija legali u regolari matul l-implimentazzjoni tal-programm u fl-għeluq tiegħu. Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar tjiebu wkoll peress li jkopru ambitu aktar estensiv tad-data u peress li ttieħdu azzjonijiet biex jgħinu lill-Istati Membri jippreżentaw data aktar preċiża u affidabbli. Il-Kummissjoni tkompli taħdem fuq il-metodoloġija tal-awditjar filwaqt li tqis l-esperjenza mill-awditi mwettqa fuq l-istrumenti finanzjarji fil-programmi tal-2014-2020. L-importanza tal-verifika mill-awtoritajiet tal-awditjar fl-għeluq hija enfasizzata wkoll fil-gwida futura dwar l-għeluq. B’riżultat ta’ dan, aħna nistennew li l-qafas leġiżlattiv kif ukoll il-metodoloġija tal-awditjar u l-linji gwida dwar l-għeluq jikkostitwixxu bażi adegwata biex tiġi żgurata ċ-ċertezza meħtieġa għall-għeluq tal-programmi tal-2014-2020.

V

Filwaqt li l-appoġġ għall-SMEs huwa importanti, kif stipulat fit-tweġiba tagħna għall-Kapitolu 6 tar-rapport annwali tal-QEA għall-2017, l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 ma jipprekludix is-self lil intrapriżi l-kbar ukoll, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha. Peress li f’din id-dispożizzjoni ma jissemma l-ebda livell minimu ta’ finanzjament għall-SMEs, it-terminu “primarjament” jista’ jiġi interpretat ukoll li jirreferi għall-għadd ta’ selfiet individwali (u mhux neċessarjament għall-ammonti).

IX

Għalkemm id-data dwar l-immobilizzar u l-użu mill-ġdid ta’ fondi waqt l-istess perjodu (l-effett ta’ ċirkolazzjoni) ma ġewx irrappurtati għall-FISMs kollha, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport finali f’konformità mal-bażi ġuridika sottostanti, u l-ġbir ta’ din l-informazzjoni fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ strumenti finanzjarji se jippermetti ambitu ta’ rapportar imtejjeb fil-futur.

X

L-ewwel inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni se taġġorna l-metodoloġija tal-awditjar għall-FISMs, li se tiġi kondiviża kemm mal-awtoritajiet tal-awditjar kif ukoll ma’ dawk maniġerjali.

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni se taġġorna l-metodoloġija tal-awditjar għall-FISMs, filwaqt li ssaħħaħ l-aspetti dwar l-għeluq li se jiġu kondiviżi kemm mal-awtoritajiet tal-awditjar kif ukoll ma’ dawk maniġerjali. Barra minn hekk, aspetti speċifiċi tal-awditjar dwar l-għeluq tal-FISMs qed jiġu ttrattati fl-abbozz tal-gwida dwar l-għeluq.

Osservazzjonijiet

08

Is-servizzi tal-awditjar tal-Kummissjoni żviluppaw metodoloġija tal-awditjar għall-istrumenti finanzjarji u wettqu awditi, kemm dwar l-istabbiliment kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji (FIs). Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-awditjar wettqu wkoll kemm awditi tas-sistema kif ukoll awditi tal-operazzjonijiet fuq l-FISM, prinċipalment fl-għeluq.

21

Fil-mument tad-deċiżjoni dwar l-investiment, il-korpi li jimplimentaw il-FISM jenħtieġ li jivverifikaw l-eliġibbiltà tar-riċevituri finali f’konformità mal-ftehimiet ta’ finanzjament iffirmati.

Abbażi tar-riżultati tal-awditjar tagħha stess, il-konklużjonijiet tal-QEA u l-esperjenza mill-awditi nazzjonali, il-Kummissjoni ddiskutiet is-suġġett ta’ kif u meta għandha tivvaluta l-istatus ta’ SME ta’ benefiċjarju jew ta’ riċevitur finali mal-awtoritajiet tal-awditjar waqt laqgħa teknika fl-2019 (fis-6 ta’ Diċembru 2019). Il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet tal-awditjar informazzjoni dwar kif jiġi vvalutat l-istatus ta’ SME, inkluża l-għodda ta’ awtovalutazzjoni. L-għodda ta’ awtovalutazzjoni tista’ tintuża mir-riċevituri finali meta jiddikjaraw l-istatus tagħhom fl-applikazzjoni għal self jew għal investimenti ta’ ekwità.

24

Ir-restrizzjonijiet fuq l-awtoritajiet tal-awditjar li jaċċessaw l-informazzjoni miżmuma mill-Grupp tal-BEI ma waqqfuhomx milli jwettqu x-xogħol tal-awditjar tagħhom jew milli jivverifikaw l-eliġibbiltà tan-nefqa żborżata mill-istrument finanzjarju. Il-Kummissjoni tinnota li dawn l-awditi twettqu fil-Bulgarija u fil-Litwanja.

26

Il-Kummissjoni aġixxiet f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2014 u fil-marġni offrut mill-qafas regolatorju eżistenti fir-rigward tal-perjodu ta’ eliġibbiltà.

28

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn 28 sa 31:

L-awtoritajiet tal-awditjar wettqu xogħol addizzjonali wara l-31 ta’ Marzu 2017 sabiex jiksbu ċ-ċertezza meħtieġa għall-għeluq tal-programmi.

37

Fir-rigward tal-kumment tal-QEA dwar ix-xogħol tal-awtoritajiet individwali li huwa meqjus bħala insuffiċjenti, ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-Kaxxa 3.

50

Fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għadha qed taħdem fuq l-għeluq tal-programmi li fadal bl-FISM. L-ammont ta’ korrezzjonijiet indikati mill-QEA xorta jista’ jiġi rivedut abbażi ta’ informazzjoni addizzjonali miksuba mill-Istati Membri.

Kaxxa 3 - Kif stipulat fit-tweġiba tagħna għall-Kapitolu 6 tar-rapport annwali tal-QEA għall-2017, l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 ma jipprekludix s-self lil intrapriżi l-kbar ukoll, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha. Peress li f’din id-dispożizzjoni ma jissemma l-ebda livell minimu ta’ finanzjament għall-SMEs, it-terminu “primarjament” jista’ jiġi interpretat ukoll li jirreferi għall-għadd ta’ selfiet individwali (u mhux neċessarjament għall-ammonti).

63

L-ewwel inċiż: Is-sors tal-informazzjoni kienet id-data għal dawk l-istrumenti li rrappurtaw l-informazzjoni, u meta l-Kummissjoni setgħet tagħmel il-kalkolu u tiġbed konklużjonijiet. Għaldaqstant aħna ktibna li “r-riżultati jissuġġerixxu”, iżda mhumiex rappreżentattivi, minħabba li dawk l-istrumenti finanzjarji li għalihom ġiet irrappurtata tali informazzjoni li tista’ tintuża ma kinux ħafna peress li dan ma kienx meħtieġ mill-qafas leġiżlattiv applikabbli għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.

64

Is-sommarju tad-data pprovda l-informazzjoni abbażi tal-qafas legali applikabbli għall-2007-2013. Minħabba l-elementi indikati mill-QEA fir-rapporti tagħha matul is-snin, ir-rekwiżiti legali għar-rappurtar dwar l-FISMs għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tjiebu b’mod konsiderevoli.

66

Il-Kummissjoni se taġġorna l-metodoloġija tal-awditjar għall-FISMs li se tiġi kondiviża kemm mal-awtoritajiet tal-awditjar (permezz ta’ laqgħat tekniċi) kif ukoll mal-awtoritajiet maniġerjali (permezz tal-EGESIF).

67

F’konformità mal-Artikolu 137 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-kontijiet tal-programm huma bbażati fuq l-ammonti ddikjarati lill-Kummissjoni, inklużi l-pagamenti bil-quddiem għall-istrumenti finanzjarji. L-awtoritajiet tal-awditjar jipprovdu rati ta’ żball residwu bbażati fuq in-nefqa inkluża fil-kontijiet. Biex isegwu b’mod kostruttiv ir-rakkomandazzjoni tal-QEA tal-2016, l-awtoritajiet tal-awditjar qablu li jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata addizzjonali li tippermettilha tikkalkula fir-Rapporti Annwali tal-Attività r-rati tal-iżball residwu mingħajr ma tqis l-impatt tal-pagamenti bil-quddiem li tħallsu fuq strumenti finanzjarji kif rikonoxxut ukoll fir-rapport annwali tal-QEA tal-2019.

Il-gwida li diġà ngħatat lill-awtoritajiet tal-awditjar dwar it-trattament tal-pagamenti bil-quddiem skont il-metodoloġija tal-awditjar tal-2019 qed tkompli tiġi aġġornata u se tiġi kondiviża fl-2021.

76

L-approċċ dwar l-aċċettazzjoni annwali tal-kontijiet huwa mfassal biex jantiċipa l-verifika tal-eliġibbiltà tan-nefqa (minkejja l-pagamenti bil-quddiem) li tiddaħħal fil-kontijiet annwali ppreżentati tul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, filwaqt li parti mill-aħħar pagament bil-quddiem għall-istrumenti finanzjarji se jkollha tiġi awditjata fl-għeluq skont l-implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni tifhem li d-data għas-sottomissjoni tad-dokumenti tal-għeluq hija koperta fl-Artikolu 138 tas-CPR, jiġifieri l-15 ta’ Frar 2025 (sal-1 ta’ Marzu 2025 fuq talba ta’ Stat Membru) li tikkorrispondi għall-aħħar sena kontabilistika tal-perjodu ta’ programmazzjoni (2023-2024). Il-kontenut tad-dokumenti tal-għeluq meħtieġ skont ir-Regolament, flimkien mar-rapport ta’ implimentazzjoni finali, huwa l-istess għal kwalunkwe sena kontabilistika. Xi speċifiċitajiet tal-aħħar sena kontabilistika se jiġu ċċarati fil-gwida tal-għeluq li għandha tiġi ppubblikata fl-2021, inklużi d-dispożizzjonijiet biex jiġu aċċertati l-ammonti finali tan-nefqa eliġibbli ddikjarati fl-għeluq għal strumenti finanzjarji kif ukoll it-talba għal rapportar addizzjonali mill-awtoritajiet tal-awditjar.

77

Fl-abbozz tal-Linji Gwida dwar l-Għeluq tal-2014-2020, it-taqsima “l-Opinjoni tal-awditjar u r-rapport ta’ kontroll” fiha dispożizzjonijiet dwar l-aċċertament tal-ammonti finali ddikjarati bħala nefqa eliġibbli fl-għeluq tal-istrumenti finanzjarji, inkluża t-talba għal rapportar addizzjonali mill-AAs. L-abbozz tal-linji gwida ġie ppreżentat fl-20 ta’ Ottubru 2020 lill-Istati Membri u se jiġi adottat bħala Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-2021.

Barra minn hekk, il-metodoloġija tal-awditjar tal-istrument finanzjarju bħalissa qed tiġi aġġornata biex tipprovdi kjarifiki addizzjonali dwar l-aċċertament tan-nefqa tal-istrument finanzjarju fl-għeluq.

78

L-aspettattivi għall-verifiki u l-kontroll tal-istrumenti finanzjarji, inkluż fl-għeluq, huma deskritti fil-metodoloġija tal-awditjar tal-istrument finanzjarju u fil-gwida għall-għeluq li se tiġi adottata bħala Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-2021.

82

L-għan tas-Sommarji tad-data mhuwiex li tiġi kkonfermata l-eliġibbiltà tan-nefqa peress li dan għandu jibqa’ proċess separat.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

83

Fir-rigward tal-aħħar sentenza tal-osservazzjoni, kif stipulat fit-tweġiba tagħna għall-Kapitolu 6 tar-rapport annwali tal-QEA għall-2017, l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 ma jipprekludix s-self lil intrapriżi l-kbar ukoll, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha. Peress li f’din id-dispożizzjoni ma jissemma l-ebda livell minimu ta’ finanzjament għall-SMEs, it-terminu “primarjament” jista’ jiġi interpretat ukoll li jirreferi għall-għadd ta’ selfiet individwali (u mhux neċessarjament għall-ammonti).

85

Fil-mument tad-deċiżjoni tal-investiment, il-korpi li jimplimentaw il-FISM għandhom jivverifikaw l-eliġibbiltà tar-riċevituri finali f’konformità mal-ftehimiet ta’ finanzjament iffirmati.

Abbażi tar-riżultati tal-awditjar tagħha stess, il-konklużjonijiet tal-QEA u l-esperjenza mill-awditi nazzjonali, il-Kummissjoni ddiskutiet is-suġġett ta’ kif u meta għandha tivvaluta l-istatus ta’ SME ta’ benefiċjarju jew ta’ riċevitur finali mal-awtoritajiet tal-awditjar waqt laqgħa teknika fl-2019 (fis-6 ta’ Diċembru 2019). Il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet tal-awditjar informazzjoni dwar kif jiġi vvalutat l-istatus ta’ SME, inkluża l-għodda ta’ awtovalutazzjoni. L-għodda ta’ awtovalutazzjoni tista’ tintuża mir-riċevituri finali meta jiddikjaraw l-istatus tagħhom fl-applikazzjoni għas-self jew għall-investimenti ta’ ekwità.

86

F’konformità mal-Artikolu 137 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-kontijiet tal-programm huma bbażati fuq l-ammonti ddikjarati lill-Kummissjoni, inklużi l-pagamenti bil-quddiem għall-istrumenti finanzjarji. L-awtoritajiet tal-awditjar jipprovdu rati ta’ żball residwu bbażati fuq in-nefqa inkluża fil-kontijiet. Biex isegwu b’mod kostruttiv ir-rakkomandazzjoni tal-QEA tal-2016, l-awtoritajiet tal-awditjar qablu li jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata addizzjonali li tippermettilha tikkalkula fir-Rapporti Annwali tal-Attività r-rati tal-iżball residwu mingħajr ma tqis l-impatt tal-pagamenti bil-quddiem li tħallsu fuq strumenti finanzjarji kif rikonoxxut ukoll fir-rapport annwali tal-QEA tal-2019.

Il-gwida diġà pprovduta lill-awtoritajiet tal-awditjar dwar it-trattament tal-pagamenti bil-quddiem skont il-metodoloġija tal-awditjar tal-2019 qed tkompli tiġi aġġornata u se tiġi kondiviża fl-2021.

87

Is-CPR jipprovdi bażi suffiċjenti għar-rwol ta’ kull attur fl-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-proċess tal-għeluq. Il-Kummissjoni tifhem li d-data għas-sottomissjoni tad-dokumenti tal-għeluq hija koperta fl-Artikolu 138 tas-CPR, jiġifieri l-15 ta’ Frar 2025 (sal-1 ta’ Marzu 2025 fuq talba ta’ Stat Membru) li tikkorrispondi għall-aħħar sena kontabilistika tal-perjodu ta’ programmazzjoni (2023-2024). Il-kontenut tad-dokumenti tal-għeluq meħtieġ skont ir-Regolament, flimkien mar-rapport ta’ implimentazzjoni finali, huwa l-istess bħal kwalunkwe sena kontabilistika. Xi speċifiċitajiet tal-aħħar sena kontabilistika se jiġu ċċarati fil-gwida tal-għeluq li għandha tiġi ppubblikata fl-2021, inklużi d-dispożizzjonijiet biex jiġu aċċertati l-ammonti finali tan-nefqa eliġibbli ddikjarati fl-għeluq għal strumenti finanzjarji kif ukoll it-talba għal rapportar addizzjonali mill-awtoritajiet tal-awditjar.

Rakkomandazzjoni 1 – Tingħata gwida mmirata lejn oqsma ta’ riskju identifikati fl-awditi tal-Kummissjoni u tal-QEA

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se taġġorna l-metodoloġija tal-awditjar għall-FISMs li se tiġi kondiviża kemm mal-awtoritajiet tal-awditjar kif ukoll ma’ dawk maniġerjali.

Rakkomandazzjoni 2 – Titlesta l-gwida meħtieġa dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tal-awditjar meta jivvalutaw l-eliġibbiltà tan-nefqa tal-istrument finanzjarju fl-għeluq

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se taġġorna l-metodoloġija tal-awditjar għall-FISMs, filwaqt li ssaħħaħ l-aspetti dwar l-għeluq li se jiġu kondiviżi kemm mal-awtoritajiet tal-awditjar kif ukoll ma’ dawk maniġerjali. Barra minn hekk, aspetti speċifiċi tal-awditjar dwar l-għeluq tal-FISMs qed jiġu ttrattati fl-abbozz tal-gwida dwar l-għeluq li se jitnedew fl-2021.

95

Kif stipulat fit-tweġiba tagħna għall-Kapitolu 6 tar-rapport annwali tal-QEA għall-2017, l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 ma jipprekludix s-self lil intrapriżi l-kbar ukoll, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha. Peress li f’din id-dispożizzjoni ma jissemma l-ebda livell minimu ta’ finanzjament għall-SMEs, it-terminu “primarjament” jista’ jiġi interpretat ukoll li jirreferi għall-għadd ta’ self individwali (u mhux neċessarjament għall-ammonti).

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Ladislav Balko, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Branislav Urbanič, Kap tal-Kabinett; Juan Ignacio Gonzalez Bastero, Maniġer Prinċipali; Viorel Cirje, Kap tal-Kompitu; u Adrian Rosca u Borja Martin Simon, Awdituri.

Noti finali

1 F’dan ir-rapport, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-terminu jirreferi esklussivament għall-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża taħt il-FEŻR u l-FSE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.

2 L-Istati Membri kollha ħlief il-Kroazja, l-Irlanda u l-Lussemburgu.

3 Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

4 L-Artikolu 78a tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

5 F’dan ir-rapport, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-terminu jirreferi esklussivament għall-għeluq tal-programmi operazzjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.

6 L-Artikolu 78(6) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

7 Ara l-paragrafu 4.36 tar-Rapport Annwali 2010 tal-QEA.

8 (1) L-applikazzjoni għall-pagament tal-bilanċ finali u dikjarazzjoni tan-nefqa skont l-Artikoli 61, 78 u 89 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006; (2) ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni għall-programm skont l-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006; u (3) id-dikjarazzjoni ta’ għeluq appoġġata mir-rapport finali ta’ kontroll skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

9 Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-QEA.

10 Ir-Rapport Speċjali Nru 36/2016 tal-QEA.

11 L-Artikoli 44 u 45 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u l-Artikoli 43 sa 46 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006, tat-8 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1).

12 F’dan ir-rapport, ir-referenzi għall-awtoritajiet inkarigati mill-programmi għandhom jinftiehmu bħala t-tliet awtoritajiet tal-Istati Membri elenkati fil-paragrafu 06 hawn fuq. Dawn l-awtoritajiet jistgħu jkunu nazzjonali, reġjonali jew lokali.

13 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2771 final tat-30 ta’ April 2015.

14 Żewġ komponenti ewlenin tal-pakkett ta’ għeluq. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2771 final tat-30 ta’ April 2015, il-paragrafi 5.2, 5.3 u l-Anness VI.

15 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2771 final tat-30 ta’ April 2015, l-Anness VI.

16 Commission document Q&A on the 2007-2013 programmes closure.

17 Eżempji ta’ dawn jinkludu l-laqgħat tekniċi mal-awtoritajiet tal-awditjar: (1) Laqgħa tal-Homologues Group, Settembru 2015, fejn l-enfasi kienet fuq l-għeluq tal-FISMs u (2) Laqgħa tal-Homologues Group, Settembru 2016.

18 L-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

19 Analiżi tal-QEA tar-rapport finali tal-Kummissjoni intitolat Sommarju tad-data, sitwazzjoni fil-31 ta’ Marzu 2017 (fl-għeluq).

20 Ir-Rapport Annwali 2014 tal-QEA, il-paragrafu 6.67, ir-Rapport Annwali 2015 tal-QEA, il-paragrafu 6.63.

21 AUP hija proċedura miftiehma bejn entità u parti terza bil-ħsieb li jiġu stabbiliti sejbiet fattwali dwar informazzjoni finanzjarja jew proċessi operazzjonali (ISRS 4400). Ara wkoll l-Anness tar-RAA 2017 tad-DĠ REGIO, p. 75.

22 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2771 final tat-30 ta’ April 2015, il-paragrafu 3.6. Aħna rrappurtajna dwar dan fir-Rapport Annwali 2014 tagħna, il-paragrafu 6.52 u fir-Rapport Annwali 2015 tagħna, il-paragrafu 6.45.

23 Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-QEA, il-paragrafi 42-44. L-ammont huwa bbażat fuq il-kalkolu tagħna bl-użu tar-rapporti tal-Kummissjoni intitolati Sommarju tad-data fil-31 ta’ Diċembru 2015 u fil-31 ta’ Marzu 2017.

24 Ir-rapporti tal-Kummissjoni intitolati Sommarju tad-data fil-31 ta’ Diċembru 2015 u fil-31 ta’ Marzu 2017.

25 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2771 final tat-30 ta’ April 2015, l-Anness 1, il-paragrafu 4.2 u l-Anness VI, il-paragrafu 11. Ara wkoll it-tweġibiet tal-Kummissjoni għat-tħassib tal-Istati Membri dwar din il-problema fid-dokument tal-Kummissjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-għeluq tal-programmi 2007-2013, il-mistoqsijiet 88, 93, 98 u 99.

26 Ir-Rapport Annwali 2017 tal-QEA, il-paragrafi 6.44-6.50 u r-Rapport Annwali 2018 tal-QEA, il-paragrafi 6.41-6.50.

27 Ara wkoll ir-Rapport Annwali 2018 tal-QEA, il-paragrafi 6.46-6.48.

28 Awditu tematiku huwa awditu ta’ rekwiżit ewlieni speċifiku jew ta’ qasam ta’ nfiq fejn ir-riskju jitqies li jkun sistemiku. L-awditi tematiċi jikkomplementaw l-awditi regolari tas-sistemi.

29 Ir-Rapport Annwali 2017 tal-QEA, il-paragrafu 6.35.

30 Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tad-DĠ REGIO, il-paragrafu A.2.3 u r-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tad-DĠ EMPL, il-paragrafu A.2.

31 Ara l-Anness I.

32 Ir-Rapport Annwali 2016 tal-QEA, il-Kapitolu 6, ir-Rakkomandazzjoni 1.

33 Ir-Regolament (UE) Nru 1310/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 337, 20.12.2011).

34 Summary of data on the progress made in financing and implementing financial engineering instruments, Programming period 2007-2013, Situation as at 31 March 2017 (at closure), (EGESIF 17-0014-00, 20.9.2017).

35 L-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

36 (1) Id-DĠ REGIO “Financial Instruments for enterprise support, Ex post evaluation of Cohesion Policy programmes 2007-2013”, Frar 2016 u (2) ir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-QEA, “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji”.

37 Ir-Rapporti Annwali 2014-2016 tal-QEA, il-paragrafi 6.51, 6.43 u 6.25 rispettivament: 5 minn 7, 4 minn 7, u 4 minn 12-il FISMs awditjati rispettivament kellhom kwistjonijiet ta’ rappurtar.

38 Ir-Rapporti Annwali tal-Attività 2018 u 2019 tad-DĠ REGIO, l-Annessi 10F u 10H rispettivament.

39 Ir-Rapport Annwali 2016 tal-QEA, il-Kapitolu 6, ir-Rakkomandazzjoni 2(a).

40 Ir-Rapport Annwali 2017 tal-QEA, il-Kapitolu 6, ir-Rakkomandazzjoni 1.

41 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

42 F’konformità mal-Istandard Internazzjonali dwar l-Inkarigi ta’ Aċċertament (ISAE) 3000 tal-IFAC.

43 L-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, kif emendat bir-Regolament Omnibus (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1140 tat-3 ta’ Lulju 2019 (ĠU L 180, 4.7.2019, p. 15).

44 Ir-Rapport Annwali 2018 tal-QEA, il-paragrafu 6.38.

45 Gwida għall-Istati Membri (EGESIF 15-0002-04, 19.12.2018) u Gwida għall-Istati Membri dwar l-Awditjar tal-Kontijiet (EGESIF 15-0016-02, 5.2.2016).

46 Ir-Rapport Annwali 2018 tal-QEA, il-paragrafi 6.68 sa 6.70.

47 L-Artikoli 50 u 141 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

48 L-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 63(7) tar-Regolament Finanzjarju.

49 L-Artikoli 139(5) u 145(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

50 L-Artikolu 41(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

51 L-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

52 Ir-Rapport Annwali 2018 tal-QEA, il-Kapitolu 6, ir-Rakkomandazzjoni 6.3.

53 L-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2014 tat-28 ta’ Lulju 2014 (ĠU L 223, 29.7.2014, p. 7).

54 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2012, “L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali”.

55 Ir-Rapport Speċjali Nru 19/2016, “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013”.

56 Ir-Rapport Speċjali Nru 36/2016, “Valutazzjoni tal-arranġamenti għall-għeluq tal-programmi tal-koeżjoni u tal-iżvilupp rurali għall-2007-2013”.

57 Ir-Rapport Speċjali Nru 17/2018, “L-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-aħħar snin tal-programmi għall-perjodu 2007-2013 indirizzaw l-assorbiment baxx iżda ma kinux iffukati biżżejjed fuq ir-riżultati”.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 1.7.2020
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 29.1.2021
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 17.3.2021
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 26.3.2021

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-5851-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/882320 QJ-AB-21-006-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-5884-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/971018 QJ-AB-21-006-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.