L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent: Minkejja l-isforzi li saru, jippersistu problemi fundamentali
Dwar ir-rapport:L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni tal-Istati Membri tal-UE u huwa minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huwa wkoll kundizzjoni essenzjali u meħtieġa għas-sħubija mal-UE. Aħna awditjajna l-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fis-6 pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li qed jaspiraw għall-adeżjoni mal-UE biex naraw kienx effettiv. Aħna sibna li, filwaqt li l-azzjoni tal-UE kkontribwiet għal riformi f’oqsma tekniċi u operazzjonali, bħat-titjib tal-effiċjenza tal-ġudikatura u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni rilevanti, kumplessivament ftit kellha impatt fuq ir-riformi fundamentali tal-istat tad-dritt fir-reġjun. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-mekkaniżmu għall-promozzjoni tar-riformi tal-istat tad-dritt, tintensifika l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-media indipendenti, tirrinforza l-użu tal-kundizzjonalità, u ssaħħaħ ir-rappurtar u l-monitoraġġ tal-proġetti.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I Il-Kunsill tal-Ewropa ddefinixxa l-istat tad-dritt bħala kunċett multidimensjonali li fih, fost affarijiet oħra, l-atti pubbliċi kollha jinsabu fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-liġi, f’konformità mal-valuri tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. L-UE adottat din id-definizzjoni u stabbiliet l-istat tad-dritt fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-valuri komuni tal-Istati Membri tagħha. Huwa prinċipju gwida tal-politika barranija tagħha. Huwa wkoll kundizzjoni essenzjali u meħtieġa għas-sħubija mal-UE.
II Is-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li ma jiffurmawx parti mill-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja) jirċievu finanzjament minn bosta sorsi, iżda l-UE hija l-akbar donatur tar-reġjun. L-assistenza finanzjarja mill-UE tingħata prinċipalment lil dawn il-pajjiżi permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (attwalment l-IPA II). L-istat tad-dritt huwa wieħed minn disa’ setturi ta’ prijorità tal-IPA II. Għalhekk, huwa jingħata appoġġ minn allokazzjoni baġitarja ddedikata li għall-perjodu 2014-2020 kienet ta’ EUR 700 miljun.
III Aħna awditjajna jekk l-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent matul il-perjodu 2014-2020 kienx effettiv. Koprejna l-ġustizzja u l-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem, li huma komponenti tal-istat tad-dritt, jiġifieri l-aċċess għall-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni. B’mod partikolari, aħna vvalutajna jekk l-appoġġ kienx imfassal tajjeb u jekk kisibx ir-riżultati ppjanati. Iddeċidejna li nipprovdu valutazzjoni indipendenti dwar is-suġġett, fid-dawl tal-istrateġija tal-UE għall-Balkani tal-Punent ta’ Frar 2018 u dwar il-bidliet li rriżultaw fl-2020 mill-metodoloġija l-ġdida għan-negozjati tal-adeżjoni.
IV Inġenerali, aħna sibna li, filwaqt li l-azzjoni tal-UE kkontribwiet għal riformi f’oqsma tekniċi u operazzjonali, bħat-titjib tal-effiċjenza tal-ġudikatura u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni rilevanti, din kellha ftit impatt kumplessiv fuq ir-riformi fundamentali tal-istat tad-dritt fir-reġjun. Raġuni ewlenija għal dan hija r-rieda politika domestika insuffiċjenti biex tixpruna r-riformi meħtieġa.
V Il-prijoritajiet tal-istat tad-dritt tal-Kummissjoni huma kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, gruppi ta’ riflessjoni u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minkejja dan, l-appoġġ mogħti mill-UE ġewwa l-pajjiż għall-azzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-istat tad-dritt mhuwiex biżżejjed għall-ħtiġijiet tas-settur u l-impatt tiegħu mhuwiex immonitorjat bir-reqqa. Huwa meħtieġ ambjent tal-media u tas-soċjetà ċivili b’saħħtu biex jiġu promossi l-prinċipji demokratiċi u tiġi promossa l-ħtieġa għal bidla fit-triq lejn is-sħubija mal-UE. Madankollu, il-libertà tal-espressjoni hija l-qasam li għamel l-inqas progress fis-sitt pajjiżi kollha. F’xi wħud mill-pajjiżi, l-appoġġ pubbliku għar-riformi meħtieġa għall-adeżjoni qed jonqos.
VI Minbarra nuqqas ta’ rieda politika u sjieda għar-riforma, il-proġetti tal-IPA II jistgħu wkoll jistaġnaw minħabba kapaċità amministrattiva limitata. Il-Kummissjoni, madankollu, ma tużax għodod effettivi b’mod sistematiku biex timmitiga dan ir-riskju. Ir-regoli biex tiġi applikata kundizzjonalità politika mhumiex ċari, u l-IPA II ma għandux klawżoli stretti ta’ kundizzjonalità li jkunu jorbtu direttament ir-riformi tal-istat tad-dritt li jistaġnaw ma’ finanzjament ristrett f’setturi oħra.
VII Il-metodoloġija għan-negozjati tal-adeżjoni, li ilha fis-seħħ mill-2020 ’il hawn, hija pass fid-direzzjoni t-tajba, peress li r-raggruppament ta’ kapitoli ta’ negozjati jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza l-oqsma kollha relatati mal-istat tad-dritt b’mod simultanju matul in-negozjati tal-adeżjoni. Madankollu, il-metodoloġija l-ġdida hija wisq reċenti biex tagħti riżultati viżibbli.
VIII Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni u s-SEAE:
- isaħħu l-mekkaniżmu għall-promozzjoni tar-riformi tal-istat tad-dritt fil-proċess tat-tkabbir;
- jintensifikaw l-appoġġ għas-soċjetà ċivili involuta fir-riformi tal-istat tad-dritt u fl-indipendenza tal-media;
- jirrinforzaw l-użu tal-kundizzjonalità fl-IPA III;
- isaħħu r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-proġetti.
Introduzzjoni
01 Il-Kummissjoni sejħet l-istat tad-dritt “is-sinsla ta’ kull demokrazija kostituzzjonali moderna”[1]. Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija mibnija l-UE; u l-istat tad-dritt huwa wkoll prinċipju gwida għall-azzjoni esterna tal-Unjoni[2]. Huwa ankrat b’mod b’saħħtu fil-proċess tal-adeżjoni u jirrappreżenta kundizzjoni essenzjali u meħtieġa għas-sħubija mal-UE[3]. In-negozjati tal-adeżjoni jiffukaw fuq l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-korp tad-dritt tal-UE. Magħruf bħala l-acquis, dan jikkonsisti f’35 “kapitolu” leġiżlattiv li jifformaw ir-regoli li magħhom l-Istati Membri kollha tal-UE huma mistennija li jaderixxu.
02 L-istat tad-dritt jirreferi għall-valur tal-UE li huwa minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huwa jinkludi l-prinċipji tal-legalità, li jimplika proċess tat-tfassil tal-liġijiet trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku; iċ-ċertezza legali; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, mingħand qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; is-separazzjoni tas-setgħat; u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-ugwaljanza quddiem il-liġi[4]. L-istat tad-dritt jinkludi sitt prinċipji bażiċi[5] (ara l-Figura 1), li ġew rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
03 Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-istat tad-dritt funzjonali hija l-kapaċità li jikkontrolla s-setgħat tal-eliti politiċi u ekonomiċi.[6] F’dan ir-rigward, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt huwa wkoll marbut b’mod intrinsiku mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni[7], li hija waħda mit-theddidiet ewlenin tiegħu. Il-korruzzjoni twassal għall-arbitrarjetà u l-abbuż tas-setgħat, taffettwa b’mod negattiv il-prinċipji tal-legalità u ċ-ċertezza legali, u b’hekk iddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom. L-istat tad-dritt huwa wkoll fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku. Filwaqt li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom potenzjal ekonomiku sinifikanti, id-dgħufijiet fl-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet li ma jiffunzjonawx tajjeb u l-abbuż tal-istat ixekklu l-iżvilupp ekonomiku[8].
Il-Balkani tal-Punent
04 Il-kriżi ekonomika u politika tas-snin tmenin, flimkien maż-żieda mill-ġdid tan-nazzjonaliżmu, ikkawżaw il-qsim tal-Jugoslavja fis-snin disgħin, tul il-fruntieri tar-repubbliki kostitwenti tagħha. Qsim li ġeneralment kien ippreċedut minn kunflitt armat. Bħala riżultat inħolqu 5 pajjiżi indipendenti, u aktar tard żdiedu wkoll il-Montenegro (fl-2006) u l-Kosovo (fl-2008). Fil-każ tal-Albanija, sal-1991 dan il-pajjiż kien dittatorjat komunista kompletament iżolat, u mbagħad kellu jibni l-amministrazzjoni pubblika tiegħu mill-bidu nett. Is-Slovenja u l-Kroazja issa huma Stati Membri tal-UE, li ssieħbu fl-2004 u fl-2013 rispettivament. Is-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jifdal storikament kienu affettwati minn kunflitti etniċi, politiċi u ekonomiċi serji, iżda kollha jaspiraw li jissieħbu mal-UE, u kollha huma kandidati jew kandidati potenzjali għas-sħubija (ara l-Figura 2).
Figura 2 – Pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għas-sħubija mal-UE fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent
Sors: il-QEA.
05 Madankollu, is-sensiela ta’ tkabbir attwali qed tieħu ħafna aktar żmien minn kwalunkwe negozjati preċedenti. Pereżempju, il-Montenegro ilu jinnegozja mill-2012 ’il hawn u s-Serbja mill-2014'il hawn, u għalqu b’mod proviżorju tliet u żewġ kapitoli biss rispettivament. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-2018[9] dwar it-tkabbir u l-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod ċar is-sitwazzjoni serja tal-istat tad-dritt fir-reġjun, filwaqt li ddikjarat li kien hemm “elementi ċari ta’ manipulazzjoni tal-Istat, inkluż rabtiet ma’ kriminalità organizzata u korruzzjoni fil-livelli kollha tal-gvern u tal-amministrazzjoni, kif ukoll indħil sinifikanti fl-interessi pubbliċi u privati”.
06 Bosta studji osservaw li l-biċċa l-kbira tal-gvernijiet fir-reġjun saru aktar awtoritarji matul l-aħħar għaxar snin, minkejja li għamlu progress formali lejn is-sħubija mal-UE[10]. Huma jqisu li l-gvernijiet fil-Balkani tal-Punent irnexxielhom jgħaqqdu impenn formali għad-demokrazija u l-integrazzjoni Ewropea ma’ prattiki awtoritarji informali. Fil-fatt, Freedom House, fir-rapport annwali tagħha dwar l-istatus tad-demokrazija, tqis lis-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent bħala reġimi tranżitorji jew ibridi[11], u bl-eċċezzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq, fuq xejra stabbli jew saħansitra ta’ tnaqqis (ara l-Figura 3)[12].
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data ta’ Freedom House.
07 Il-korruzzjoni għadha kawża ta’ tħassib fil-pajjiżi kollha fir-reġjun. Transparency International tirrapporta li s-sistemi tal-ġustizzja kriminali spiss jonqsu milli jinvestigaw, jipprosegwixxu u jissanzjonaw b’mod effettiv każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Dawk li jiġu kkundannati spiss jirċievu sentenzi sproporzjonalment żgħar. Il-gvernijiet fir-reġjun għaddew ħafna liġijiet li jiffavorixxu l-klijenteliżmu, b’impatti li jinkludu l-għoti ta’ kuntratti privileġġjati, monopolji tal-industrija u l-impjieg ta’ uffiċjali pubbliċi ftit li xejn ikkwalifikati li jippermettu l-korruzzjoni[13].
08 Madankollu, l-elezzjonijiet reċenti fir-reġjun spiss sfidaw lill-eliti li jiddominaw. Fil-Montenegro, wara aktar minn 30 sena fil-poter, il-partit fil-gvern tilef l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Awwissu 2020 kontra koalizzjoni ta’ oppożizzjoni mifruxa. Fl-elezzjonijiet muniċipali ta’ Novembru 2020 fil-Bożnija-Ħerzegovina, iċ-ċittadini ma vvutawx għal kandidati mit-tliet partiti etniċi ewlenin u appoġġaw politiċi ġodda. Il-votanti tal-Kosovo ma tawx il-vot tagħhom lill-partiti stabbiliti; b’hekk, eks moviment tal-oppożizzjoni ħareġ bħala r-rebbieħ prinċipali relattiv tal-elezzjonijiet tal-Kosovo fi Frar 2021[14]. Fl-Albanija, il-partiti kollha reġgħu ħarġu għall-elezzjonijiet ta’ Mejju 2021, l-ewwel darba li dan seħħ mill-2017 ’il hawn. Filwaqt li l-osservaturi rrappurtaw tħassib relatat mal-użu ħażin tar-riżorsi jew tal-funzjonijiet tal-istat mill-partit fil-gvern u minn persuni pubbliċi oħra[15], l-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali nieda investigazzjonijiet dwar bosta każijiet irrappurtati.
L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent
09 Fi Frar 2018, il-Kummissjoni adottat strateġija għal “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent”. L-istrateġija tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni li jikkonsisti f’sitt inizjattivi ewlenin li jimmiraw oqsma speċifiċi ta’ interess komuni, fosthom l-istat tad-dritt, li kellhom jiġu implimentati bejn l-2018 u l-2020.
10 Fl-2020, bidla fil-metodoloġija għan-negozjati tal-adeżjoni ħolqot ir-“raggruppament” ta’ kapitoli ta’ negozjati[16]. Ir-raggruppament tematiku dwar “il-prinċipji fundamentali” (l-istat tad-dritt, il-kriterji ekonomiċi u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika) għandu rwol ċentrali. Il-kapitoli f’dan ir-raggruppament jinfetħu l-ewwel u jingħalqu l-aħħar, u huwa meħtieġ li jsir progress suffiċjenti f’dan il-qasam qabel ma jkunu jistgħu jinfetħu raggruppamenti oħra. Il-metodoloġija l-ġdida tal-adeżjoni tikkonferma mill-ġdid, fost affarijiet oħra, l-użu sistematiku ta’ missjonijiet speċifiċi ta’ valutazzjoni bejn il-pari, l-estensjoni ta’ missjonijiet konsultattivi dwar l-istat tad-dritt għall-pajjiżi kollha, u t-twaqqif ta’ pjanijiet ta’ azzjoni dettaljati dwar l-istat tad-dritt.
11 L-UE għandha fil-mira firxa wiesgħa ta’ oqsma relatati mal-istat tad-dritt (ara l-Figura 4).
12 L-assistenza hija mibnija fuq żewġ flussi ta’ azzjoni interkonnessi: (i) djalogu politiku u ta’ politika, u (ii) appoġġ finanzjarju, prinċipalment permezz tal-IPA II (ara l-Figura 5).
Figura 5 – L-UE u l-Balkani tal-Punent: minn djalogu politiku u ta’ politika għal appoġġ finanzjarju
Sors: il-QEA.
13 Il-Kunsill, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem, il-Kummissjoni) huma involuti fi djalogu politiku u ta’ politika fil-qafas tal-proċess usa’ ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni tal-UE u l-politika tagħha lejn il-Balkani tal-Punent, li jinkludi l-għan tan-negozjati tal-adeżjoni u tas-sħubija eventwali mal-UE. Il-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll objettivi u prijoritajiet għar-riforma fid-dokumenti ta’ strateġija pluriennali u tipprovdi gwida permezz ta’ komunikazzjonijiet (ara l-paragrafi 14-16).
14 Il-Balkani tal-Punent jirċievu finanzjament minn bosta sorsi (l-Istati Uniti, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, l-Istati Membri tal-UE), iżda l-UE hija l-akbar donatur tar-reġjun[17]. L-assistenza finanzjarja mill-UE tingħata prinċipalment permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (attwalment l-IPA II)[18], li jappoġġa l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa għas-sħubija mal-UE. L-assistenza tieħu diversi forom, inklużi għotjiet, appoġġ baġitarju, bini tal-kapaċitajiet, ġemellaġġ, assistenza teknika u skambju ta’ informazzjoni.
15 L-istat tad-dritt huwa wieħed minn disa’ setturi ta’ prijorità tal-IPA II, li huma appoġġati minn allokazzjoni baġitarja ddedikata għal kull pajjiż. Bejn l-2014-2020, madwar EUR 0.7 biljun ġew allokati lill-Balkani tal-Punent biex jagħtu appoġġ lill-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li jirrappreżentaw madwar 16 % tal-assistenza bilaterali kollha mill-UE lil dawn il-pajjiżi (ara t-Tabella 1)[19].
Tabella 1 – Allokazzjoni finanzjarja bilaterali tal-IPA II għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali
| F’miljun EUR | |||||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Linja baġitarja | Pajjiż | 2014 | 2015 | 2016 | 2017 | 2018 | 2019 | 2020 | Total |
| 22 02 01 01 | L-Albanija | 4 | 13 | 23 | 0 | 59 | 13 | 23 | 134 |
| Il-Bożnija-Ħerzegovina | 2 | 23 | 3 | 30 | 60 | 117 | |||
| Il-Kosovo | 21 | 23 | 8 | 3 | 16 | 6 | 13 | 94 | |
| Il-Maċedonja ta’ Fuq | 20 | 0 | 15 | 0 | 1 | 1 | 20 | 57 | |
| Il-Montenegro | 7 | 21 | 0 | 0 | 15 | 0 | 0 | 42 | |
| Is-Serbja | 28 | 28 | 46 | 72 | 29 | 0 | 44 | 246 | |
| Total tal-Balkani tal-Punent | 82 | 108 | 95 | 105 | 180 | 20 | 105 | 690 | |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-dokumenti ta’ strateġija indikattiva riveduti ta’ kull pajjiż għall-perjodu 2014-2020, li huma aċċessibbli fuq il-paġna web tat-tkabbir tad-DĠ NEAR.
16 Deċiżjonijiet importanti fil-proċess tal-adeżjoni, mill-għoti tal-istatus ta’ kandidat, għall-ftuħ u l-għeluq tal-kapitoli ta’ negozjati, jittieħdu mill-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu. Fil-prattika, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali jissorvelja l-proċess tat-tkabbir u n-negozjati tal-adeżjoni tal-UE u darba fis-sena jieħu kont tas-sitwazzjoni. Id-diskussjonijiet u kwalunkwe deċiżjoni li tirriżulta huma bbażati fuq il-komunikazzjoni annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir u r-rapporti ta’ progress tal-pajjiż individwali.
17 Fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent li seħħ f’Mejju 2018 f’Sofija, l-UE u l-Istati Membri qablu fuq lista ta’ azzjonijiet biex jappoġġaw it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba fil-Balkani tal-Punent. Din il-lista tissejjaħ l-“Aġenda ta’ Prijorità ta’ Sofija”:
- Titjib tal-appoġġ għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u għall-isforzi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, inkluż il-bini tal-kapaċitajiet għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni;
- Estensjoni tal-missjonijiet konsultattivi tal-istat tad-dritt b’aktar appoġġ mill-Istati Membri u mill-UE;
- Titjib tal-monitoraġġ tar-riformi permezz ta’ missjonijiet ta’ valutazzjoni bejn il-pari,skont il-każ u aktar sistematiċi;
- Introduzzjoni ta’ monitoraġġ tal-kawżi kriminali fil-qasam tal-korruzzjoni serja u l-kriminalità organizzata;
- Ħidma lejn kejl aħjar tar-riżultati fir-riforma tal-ġustizzja;
- Introduzzjoni ta’ appoġġ għall-Balkani tal-Punent permezz tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija fil-qasam tal-media indipendenti u pluralistika u s-soċjetà ċivili.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
18 L-objettiv tal-awditu tagħna kien li nivvalutaw jekk l-appoġġ mogħti mill-UE[20] għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent kienx effettiv. Aħna ddeċidejna li nipprovdu valutazzjoni indipendenti dwar dak is-suġġett, fid-dawl tal-istrateġija għat-tkabbir tal-UE ta’ Frar 2018, kif ukoll dwar il-bidliet li rriżultaw fl-2020 mill-metodoloġija l-ġdida ta’ raggruppament.
19 Biex inwieġbu għall-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna qisna żewġ sottomistoqsijiet:
- L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent ġie mfassal tajjeb?
- L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent ta r-riżultati mistennija?
20 Aħna awditjajna l-attivitajiet tal-Kummissjoni u tas-SEAE fil-Balkani tal-Punent. Filwaqt li qisna s-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent b’mod individwali (ara l-Figura 2), aħna ffukajna fuq (a) l-IPA II, li huwa l-istrument prinċipali li jappoġġa l-istat tad-dritt fir-reġjun; u (b) id-djalogu politiku u ta’ politika tal-UE mal-awtoritajiet nazzjonali.
21 Aħna llimitajna l-awditu tagħna għall-għoti ta’ assistenza lill-istituzzjonijiet ewlenin tal-istat u lil partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), fl-oqsma li ġejjin:
- Il-ġustizzja u l-ġudikatura, inklużi l-indipendenza u l-imparzjalità, l-obbligu ta' rendikont, il-professjonaliżmu u l-kompetenza, il-kwalità tal-ġustizzja u l-effiċjenza;
- Il-miżuri kontra l-korruzzjoni, l-aspetti preventivi u investigattivi tal-ġustizzja kriminali u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;
- Id-drittijiet tal-bniedem – kemm dawk direttament ikkonċernati mill-istat tad-dritt, bħad-dritt għal proċess ġust u l-aċċess għall-ġustizzja, kif ukoll dawk b’implikazzjonijiet tal-istat tad-dritt, bħal-libertà tal-espressjoni (b’mod partikolari l-indipendenza tal-media)[21].
22 Xogħolna kien jinkludi rieżaminar tad-dokumentazzjoni kollha tal-UE dwar it-tkabbir, tar-rapporti ta’ ġestjoni, tal-konklużjonijiet tal-Kunsill u tal-kumitati ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni, tad-dokumenti ta’ strateġija nazzjonali u tal-pjanijiet ta’ azzjoni. Għamilna analiżi dettaljata ta’ 20 proġett tal-istat tad-dritt li huma ffinanzjati mill-IPA II fis-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Dawn il-proġetti prinċipalment kienu jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċità ġudizzjarja jew fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew il-kriminalità organizzata, ġeneralment permezz ta’ assistenza teknika; aħna awditjajna wkoll żewġ proġetti ta’ kostruzzjoni u proġett li jappoġġa lill-OSĊ. Għal lista sħiħa ta’ proġetti, ara l-Anness I.
23 Biex nikkumplimentaw l-analiżi tagħna, intervistajna rappreżentanti tal-Kummissjoni, tas-SEAE u sħab ta’ implimentazzjoni ewlenin fl-Albanija, fis-Serbja u fil-Bożnija-Ħerzegovina. Intervistajna wkoll l-istituzzjonijiet prinċipali tal-istat li għandhom x’jaqsmu mal-istat tad-dritt fl-Albanija u fis-Serbja, kif ukoll partijiet ikkonċernati ewlenin oħra – bħall-Kunsill tal-Ewropa, donaturi internazzjonali oħra u l-OSĊ (ara wkoll l-Anness I). Fl-aħħar nett, konna assistiti minn bord ta’ tliet akkademiċi esterni li jispeċjalizzaw fl-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent.
Osservazzjonijiet
Il-prijoritajiet tal-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent huma ċari, iżda r-riskji ewlenin għadhom ma ġewx indirizzati b’mod suffiċjenti
24 F’din it-taqsima, aħna neżaminaw it-tfassil tal-appoġġ mogħti mill-UE fil-Balkani tal-Punent. B’mod partikolari, aħna nivvalutaw jekk il-Kummissjoni u s-SEAE identifikawx u indirizzawx il-prijoritajiet ewlenin tal-istat tad-dritt fir-reġjun, u jekk dawk il-prijoritajiet humiex konsistenti mad-dikjarazzjonijiet politiċi tal-UE u mal-prijoritajiet identifikati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, esperti u gruppi ta’ riflessjoni oħra. Aħna neżaminaw kemm id-djalogu politiku u ta’ politika dwar l-istat tad-dritt ġie rifless tajjeb fid-dokumenti ta’ strateġija indikattivi li ġew imfassla mill-Kummissjoni ma’ kull wieħed mis-sitt pajjiżi, u kif sussegwentement ġie kkonkretizzat f’azzjoni speċifika. Aħna nivvalutaw ukoll jekk, fl-ippjanar tal-azzjoni tal-UE, il-Kummissjoni inkludietx miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu r-riskji għall-effettività u l-impatt.
L-appoġġ mogħti mill-IPA II jirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-UE, iżda r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili fl-istat tad-dritt ġie indirizzat biss parzjalment
25 L-appoġġ mogħti mill-UE jrid ikun allinjat mal-prijoritajiet politiċi maqbula bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati u jwieġeb għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Dan jirrikjedi li l-Kummissjoni tiżviluppa l-prijoritajiet politiċi tagħha, abbażi ta’ valutazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi tal-ostakoli prinċipali li jridu jingħelbu biex jitjieb l-istat tad-dritt.
26 Il-valutazzjoni tagħna tad-dokumenti tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni tal-IPA II mill-perjodu 2014-2020 turi allinjament mad-dokumenti ta’ politika u ta’ djalogu politiku, bħall-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar il-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni (FSA) u r-riżultati tal-laqgħat tas-sottokumitati dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. F’bosta każijiet, is-setturi tal-istat tad-dritt li ġew identifikati kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Kummissjoni f’FSA u f’rapporti tat-tkabbir iddaħħlu f’objettivi speċifiċi fid-diversi programmi ta’ azzjoni tal-IPA, u mbagħad fi proġetti ffinanzjati. Il-Figura 6 tipprovdi eżempju ta’ kif iż-żewġ flussi ta’ azzjoni jinteraġixxu. Ir-rieżaminar tagħna ta’ kampjun mir-rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn gruppi ta’ riflessjoni wera li huma enfasizzaw kwistjonijiet li huma simili għal dawk fil-mira tal-Kummissjoni.
Figura 6 – L-Albanija: konsistenza bejn id-djalogu politiku u l-appoġġ finanzjarju
Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill.
27 Il-Kummissjoni tippubblika rapporti annwali tat-tkabbir b’informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f’kull pajjiż. Dawn il-valutazzjonijiet annwali jippreżentaw dak li jkun inkiseb matul is-sena preċedenti fl-oqsma definiti fid-dokumenti ta’ ppjanar tal-IPA II u fid-dikjarazzjonijiet politiċi, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet u fil-gwida dwar il-prijoritajiet għar-riforma, bħall-emendar ta’ leġiżlazzjoni eżistenti jew l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida f’konformità mal-istandards tal-UE jew mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa. Peress li dawn jenfasizzaw xi ħtiġijiet importanti tal-istat tad-dritt, huma utli fit-tfassil ta’ appoġġ futur tal-IPA. Filwaqt li jissodisfaw l-iskop tagħhom li jipprovdu informazzjoni dwar il-proċess ta’ tkabbir, ir-rapporti ma jorbtux b'mod sistematiku l-progress (jew in-nuqqas ta’ progress) ma’ azzjonijiet speċifiċi tal-UE jew jissuġġerixxu kif l-UE tista’ tgħin fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
28 L-OSĊ għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont tal-gvern u l-libertà tal-espressjoni. Madankollu, ir-rieżaminar li wettaqna tal-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar l-FSA u l-minuti tal-laqgħat tas-sottokumitat dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà wera li, bl-eċċezzjoni tal-Albanija, l-UE ma indirizzatx b’mod sistematiku r-rwol tal-OSĊ f’dawn il-laqgħat.
29 Il-Kummissjoni żiedet l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-OSĊ permezz tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija u strumenti oħra (ara eżempju ta’ proġett li jappoġġa lill-OSĊ fil-paragrafu 51). Madankollu, l-evidenza turi li l-appoġġ mogħti mill-UE għall-azzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-istat tad-dritt mhuwiex suffiċjenti biex jaqdi l-ħtiġijiet tas-settur (ara l-paragrafi 30-31 u 70) u huwa bbażat l-aktar fuq proġetti fuq terminu qasir. Evalwazzjoni indipendenti dwar l-istat tad-dritt osservat li n-nuqqas ta’ progress jikkorrispondi mal-parteċipazzjoni jew emarġinazzjoni inadegwati tas-soċjetà ċivili[22], fost affarijiet oħra.
30 In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni xierqa għar-rwol tal-OSĊ, kemm fid-djalogu politiku kif ukoll fl-appoġġ finanzjarju, ġie kkritikat ukoll minn Transparency International fil-valutazzjoni tagħha tal-Komunikazzjoni tal-2018 dwar it-tkabbir[23]. Fil-kuntest tal-isfidi għal-libertà tal-espressjoni, dan jibqa’ qasam ta’ tħassib partikolari fis-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent (ara l-paragrafi 66-67).
31 Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma użat l-indikatur tal-monitoraġġ Nru 3 tal-IPA - Perċentwal ta’ proċessi ta’ tfassil tal-politika u ta’ riforma relatati mal-adeżjoni fejn is-soċjetà ċivili tiġi kkonsultata b’mod effettiv (taħt l-Objettiv Speċifiku Nru 1 - Riformi politiċi) għar-rapportar tagħha, li dgħajjef il-monitoraġġ tal-progress f’dan il-qasam. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ monitoraġġ tal-IPA II qieset li l-indikatur jista’ jipprovdi informazzjoni utli ħafna dwar l-involviment tal-OSĊ fl-IPA II[24].
Il-Kummissjoni mhijiex timmitiga b’mod sistematiku r-riskji ewlenin għall-impatt sostenibbli tal-azzjoni tal-UE
32 Ir-riskji prinċipali għall-impatt u s-sostenibbiltà tal-appoġġ mogħti mill-UE huma r-rieda politika u s-sjieda tar-riformi, speċjalment meta l-kapaċità amministrattiva tkun dgħajfa. Rieda politika insuffiċjenti xxekkel is-sjieda tal-proġetti u ddgħajjef l-impenn li jintużaw l-outputs tal-proġetti jew li dawn iservu ta’ bażi biex tkompli tiġi avvanzata l-aġenda ta’ riforma. Kapaċità amministrattiva dgħajfa (pereżempju, persunal u taħriġ insuffiċjenti, jew in-nuqqas ta’ politika dwar iż-żamma tal-persunal li jwassal għal rati għoljin ta’ dawran), flimkien ma’ paga baxxa għall-uffiċjali u għal persunal ieħor involut fir-riformi, se jfixklu l-progress. Il-Kummissjoni hija mistennija tidentifika dawn ir-riskji u tfassal is-salvagwardji meħtieġa fl-appoġġ tagħha.
33 Ir-rieżaminar li wettaqna tad-dokumenti tat-tfassil tal-proġetti fil-kampjun tagħna wera li, għalkemm il-Kummissjoni u s-sħab tagħha inkarigati mill-implimentazzjoni identifikaw dawn ir-riskji fis-sitt pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, ma ħadux azzjoni ta’ mitigazzjoni suffiċjenti (ara l-paragrafi 35 u 37).
Il-miżuri ta’ mitigazzjoni biex tiġi indirizzata l-kapaċità amministrattiva dgħajfa matul l-implimentazzjoni tal-proġett spiss ma jkunux effettivi
34 L-objettiv ta’ 18-il proġett fil-kampjun tagħna kien li jiżdiedu l-professjonaliżmu, l-obbligu ta' rendikont u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet immirati, u l-bini tal-kapaċità kien komponent prinċipali tal-attivitajiet iffinanzjati. Sabiex dawn l-attivitajiet ikunu effettivi, il-pajjiżi sħab jeħtieġ li juru impenn adegwat, pereżempju billi jipprovdu persunal, faċilitajiet, baġits u għodod tal-IT adegwati. Il-Kummissjoni identifikat dawn il-prerekwiżiti u inkludiethom fit-termini ta’ referenza tas-sejħiet għal proġetti, iżda s-sħab ta’ implimentazzjoni ma pproponewx azzjoni speċifika li tippermettilhom jinfurzaw il-konformità mal-impenji meħuda.
35 Is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, fil-proposti tal-proġetti u fil-kuntratti, inkludew frażijiet bħal “involviment minn kmieni mal-amministrazzjoni”, “żgurar tat-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-proġett”, “żgurar ta’ abbozzar miftuħ u parteċipattiv”. Madankollu, billi dawn ma jistgħux iġiegħlu lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jieħdu azzjoni speċifika, aħna ma nqisux li huma miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju effettivi. Aħna osservajna li xi delegazzjonijiet tal-UE ppruvaw jintervienu permezz ta’ djalogu ta’ politika u politiku biex jiżguraw il-finanzjament u/jew il-persunal meħtieġ għar-riformi ffinanzjati mill-UE. Madankollu, il-fatt li l-ftehimiet ta’ għotja ma fihomx prerekwiżiti dettaljati llimita dak li kienu kapaċi jiksbu.
L-IPA II jiddependi mir-rieda politika domestika biex tixpruna l-bidla u s-sjieda tar-riforma
36 Ir-rieda u s-sjieda politika għandhom rwol ewlieni fis-suċċess ta’ kwalunkwe riforma. Fil-prinċipju, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent impenjaw ruħhom li jirriformaw bis-saħħa tal-istatus tagħhom bħala kandidat / kandidati potenzjali għas-sħubija mal-UE. Madankollu, l-UE rrikonoxxiet[25] li dan l-impenn spiss ikun nieqes. Pereżempju, il-komunikazzjoni tal-2020 dwar it-tisħiħ tal-proċess ta’ adeżjoni appellat lill-mexxejja tal-Balkani tal-Punent biex iwettqu b’mod aktar kredibbli l-impenn tagħhom li jimplimentaw ir-riformi fundamentali meħtieġa, kemm jekk dwar l-istat tad-dritt kif ukoll jekk dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni[26]. Ir-rapporti tal-pajjiżi li huma parti mill-pakkett annwali tat-tkabbir tal-Kummissjoni ma fihomx taqsima għall-valutazzjoni tas-sjieda tar-riforma u tar-rieda politika. Madankollu, fis-sitt rapporti kollha, il-Kummissjoni b’mod konsistenti rabtet in-nuqqas ta’ responsabbiltà ma’ nuqqas ta’ progress ta’ sinifikat.
37 Filwaqt li l-IPA II jista’ jistabbilixxi l-bażi għat-tibdil istituzzjonali, ir-riformi jistgħu jsiru biss b’appoġġ politiku domestiku. L-awditu tagħna tal-proġetti inklużi fil-kampjun juri li, fejn il-komponenti tal-proġett jiffokaw fuq l-assistenza teknika, it-tisħiħ tal-kapaċità u l-effiċjenza istituzzjonali, l-appoġġ politiku kien b’saħħtu u dawn l-attivitajiet ġeneralment jipproċedu skont il-pjan. Fejn il-komponenti jimmiraw, pereżempju, emendi għall-qafas leġiżlattiv sabiex isaħħu l-indipendenza u l-obbligu ta' rendikont (bħal fil-każ tal-Proġetti 14 u 15), l-impenn politiku ta’ spiss kien aktar dgħajjef. Ara l-Kaxxa 1 għal eżempji ta’ kif ir-rieda politika qed taffettwa r-riformi fis-Serbja.
Is-Serbja: Ir-riformi kostituzzjonali importanti jinsabu staġnati minkejja l-kontribut tal-appoġġ mogħti mill-UE għal żieda fl-effiċjenza ġudizzjarja
Sa mill-2014, il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja saħaq fuq l-importanza ta’ bidliet kostituzzjonali fis-settur tal-ġustizzja. Il-programm ta’ azzjoni tal-IPA II tal-2016 - Appoġġ għas-settur tal-ġustizzja, ġie stabbilit biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kapitolu 23 biex tinkiseb ġudikatura indipendenti, responsabbli u effiċjenti, inkluż permezz ta’ riforma kostituzzjonali.
Madankollu, kemm fil-laqgħa tal-2018 kif ukoll f’dik tal-2019 tas-sottokumitat dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà bejn l-UE u s-Serbja, il-Kummissjoni osservat dewmien fl-adozzjoni tal-emendi kostituzzjonali li kienu ġew stabbiliti bħala parametru referenzjarju interim fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kapitolu 23. Ir-riforma kostituzzjonali proposta ġiet sussegwentement sospiża sa wara l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju 2020.
F’Ottubru 2020, il-Ministeru tal-Ġustizzja ħabbar ir-raba’ verżjoni tal-abbozzi tal-emendi għall-Kostituzzjoni. L-Assoċjazzjoni tal-Prosekuturi Pubbliċi u l-Viċi Prosekuturi Pubbliċi tas-Serbja, l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin tas-Serbja, il-Kumitat tal-Avukati għad-Drittijiet tal-Bniedem, iċ-Ċentru tar-Riċerka Ġudizzjarja u ċ-Ċentru ta’ Belgrad għad-Drittijiet tal-Bniedem f’dikjarazzjoni konġunta ħabbru li l-emendi proposti jsaħħu l-influwenza politika fuq il-ġudikatura. Fl-istess ħin, il-Kunsill tal-Ewropa, permezz tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tiegħu (GRECO), esprima t-tħassib tiegħu dwar l-ambjent pjuttost ostili li fih seħħ il-proċess ta’ konsultazzjoni.
F’Diċembru 2020, il-gvern li kienu għadu kif ġie maħtur reġa' beda d-diskussjoni dwar ir-riforma kostituzzjonali. It-test ġie adottat fil-kumitat parlamentari fil-21 ta’ Settembru 2021 u rċieva opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni ta’ Venezja f'Ottubru 2021, inklużi rakkomandazzjonijiet ewlenin. Ir-rakkomandazzjonijiet jeħtieġ li jiġu indirizzati qabel ma l-emendi jiġu adottati fil-Parlament u jitqiegħdu għal referendum.
Matul l-istess perjodu, il-Proġett 12 (dwar l-effiċjenza ġudizzjarja), li kien iffinanzjat fl-2015 u implimentat bejn l-2016 u l-2018, ta riżultati impressjonanti. Matul is-sentejn u nofs tal-proġett, kważi miljun kawża nħelsu mil-lista ta’ kawżi pendenti u l-miżuri ta’ effiċjenza ġew estiżi għal qrati li jkopru aktar minn 82 % tal-popolazzjoni tas-Serbja. Fir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2018, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-isforzi li saru mis-Serbja f’dan il-qasam operazzjonali.
Il-kundizzjonalità b’saħħitha tat riżultati iżda ma ġietx applikata b’mod sistematiku
38 Il-klawżoli ta’ kundizzjonalità huma assi ewlenin fl-applikazzjoni tal-pressjoni għar-riforma u jistgħu jnaqqsu r-riskji ta’ rieda politika jew kapaċità amministrattiva insuffiċjenti. Kundizzjonalità tfisser li l-kuntratti jew l-assistenza jsiru dipendenti fuq impenn preċedenti biex jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Fil-każ tal-IPA II, il-Kummissjoni rreferiet ripetutament għal kundizzjonalità stretta fil-livell tal-proġett fl-istrateġiji suċċessivi ta’ tkabbir tagħha, mingħajr ma tat definizzjoni speċifika tat-terminu.
39 Ir-regolament tal-IPA II jipprevedi żewġ tipi ta’ kundizzjonalità biex jitrawmu r-riformi. L-ewwel ważda hija l-użu tal-ippremjar għall-prestazzjoni, mekkaniżmu ta’ inċentivi finanzjarji għall-benefiċjarji li jagħmlu progress partikolari lejn l-issodisfar tal-kriterji ta’ sħubija u/jew l-implimentazzjoni effiċjenti tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni. It-tieni waħda hija l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali għall-iżborż gradwali tal-għajnuna. Il-Kummissjoni applikat dawn ir-rekwiżiti fi tnejn mis-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Fil-Kosovo, il-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA rabat il-kisba tar-riformi, b’mod partikolari fil-qasam tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, mal-assistenza finanzjarja futura tal-UE[27], u fil-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kummissjoni stabbiliet kundizzjonijiet speċifiċi biex jerġgħu jinbdew ir-riformi li kienu staġnaw fil-qasam tal-obbligu ta' rendikont u l-indipendenza tal-ġudikatura. L-eżempju fil-Kaxxa 2 juri kif il-kundizzjonalità tista’ tintuża biex tiġi applikata pressjoni għar-riforma, iżda x-xogħol tal-awditjar tagħna juri li l-Kummissjoni ma tużahiex b’mod sistematiku.
Ir-rabta tar-riżultati tar-riforma mal-assistenza finanzjarja futura – il-Kunsill Ġudizzjarju u ta’ Prosekuzzjoni Għoli fil-Bożnija-Ħerzegovina
F’dawn l-aħħar 15-il sena, l-UE pprovdiet aktar minn EUR 60 miljun lill-ġudikatura bil-għan li jissaħħaħ l-istat tad-dritt fil-Bożnija-Ħerzegovina. Madwar EUR 18.8 miljun minn din l-assistenza finanzjarja ingħataw f’għotjiet diretti lill-Kunsill Ġudizzjarju u ta’ Prosekuzzjoni Għoli (HJPC). Madankollu, skont il-Kummissjoni, l-HJPC wera ambizzjoni insuffiċjenti fit-twettiq tar-riformi u fl-iżgurar li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE li jwettaq ikunu sostenibbli biżżejjed. Barra minn hekk, fir-rapport tal-2020 tat-tkabbir, il-Kummissjoni rrapportat li l-awtoritajiet u l-ġudikatura tal-Bożnija ma kienu ħadu l-ebda azzjoni biex jindirizzaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin tal-istat tad-dritt, filwaqt li t-tfixkil għar-riformi tas-sistema ġudizzjarja, kemm mill-politiċi kif ukoll fi ħdan il-ġudikatura, baqa’ mifrux.
Fid-19 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni infurmat lill-HJPC li:
- se jiġi vvalutat mill-ġdid l-appoġġ ulterjuri li ngħata taħt l-għotja tal-IPA II fl-2017;
- l-appoġġ taħt l-għotja tal-2019 se jinqasam fi tnejn, u li t-tieni ftehim ta’ għotja jiddependi fuq l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-ewwel waħda;
- l-HJPC irid iħallas l-ispiża tal-finanzjament tas-sistema tal-IT ġudizzjarja tiegħu, u d-dipartiment tal-IT irid jgħaddi miċ-ċertifikazzjoni ISO.
40 Filwaqt li l-premju għall-prestazzjoni 2020 saħħaħ ir-rabta bejn il-progress fuq il-“fundamentali” u finanzjament addizzjonali tal-IPA II, ma kien hemm l-ebda provvediment jew kundizzjoni li kienet torbot in-nuqqas ta’ progress jew rigress ma’ finanzjament imnaqqas, f’oqsma speċifiċi intensivi fl-għajnuna bħall-infrastruttura jew l-iżvilupp rurali. Ir-rekwiżiti addizzjonali (ara l-Kaxxa 2 u l-paragrafu 38) huma tip aktar effettiv ta’ kundizzjonalità, fis-sens li jistgħu jwasslu għal korrezzjonijiet nazzjonali billi jinvokaw tnaqqis immedjat tal-għajnuna. Madankollu, il-mekkaniżmu tar-rekwiżiti addizzjonali ma jiġix applikat b’mod sistematiku. L-IPA II – għall-kuntrarju tal-iskema oriġinali tal-IPA – ma jipprevedix b’mod espliċitu l-possibbiltà li tiġi sospiża l-assistenza jekk pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
41 Fid-dokument ta’ pożizzjoni tiegħu tas-27 ta’ Marzu 2019, il-Parlament Ewropew irrakkomanda regoli aktar stretti ta’ kundizzjonalità, bi klawżola sospensiva li tista’ taħdem, biex jiġi ppenalizzat ir-rigress fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.[28] Ir-regolament tal-IPA III[29] għandu l-għan li jsaħħaħ il-kundizzjonalità, iżda mhuwiex ċar kif dan se jaffettwa l-għoti ta’ finanzjament.
42 Fil-pjan ta’ ħidma tagħha anness mal-Komunikazzjoni tal-2018, il-Kummissjoni pproponiet li matul in-negozjati tal-adeżjoni tiġi applikata l-kundizzjonalità “[…] billi jiġi żgurat li jinkisbu riżultati konkreti fir-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata qabel ma diskussjonijiet tekniċi dwar kapitoli oħrajn ikunu jistgħu jingħalqu b’mod proviżorju.” Madankollu, l-Istati Membri ma qablux ma’ din l-għażla fid-Dikjarazzjoni ta’ Sofija (ara l-paragrafu 17).
43 Il-kundizzjonalità tista’ tintuża wkoll fl-ogħla livell politiku permezz ta’ klawżola ta’ bilanċ kumplessiv li tippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi jekk jiftaħx jew jekk jagħlaqx kwalunkwe kapitolu ta’ negozjar jekk il-progress fil-kapitoli 23 u 24 ma jkunx sodisfaċenti. Din il-klawżola ġiet invokata fil-ftuħ tal-Konferenza Intergovernattiva (KIĠ) tal-2012 dwar l-adeżjoni tal-Montenegro, u ġiet ripetuta fil-KIĠ tal-2014 dwar l-adeżjoni tas-Serbja. Il-Kummissjoni rreferiet għall-klawżola fir-rapport ta’ progress tagħha tal-2014 dwar il-Montenegro u d-dokument ta’ strateġija tat-tkabbir tal-2014-2015, li wassal lill-awtoritajiet tal-Montenegro biex jindirizzaw in-nuqqas identifikat.
44 Il-klawżola tal-bilanċ kumplessiv kienet koperta b’mod espliċitu fil-komunikazzjoni tal-2020 tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir, fejn, minkejja li kienet kritika ħafna tas-Serbja, il-Kummissjoni vvalutat li bħalissa qed jiġi żgurat bilanċ kumplessiv. Madankollu, il-Kunsill ikkonkluda li s-Serbja ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ kapitolu ġdid fin-negozjati tal-adeżjoni u li l-pajjiż jeħtieġ li jagħmel progress fl-oqsma tad-demokrazija, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-espressjoni u l-media[30]. Għalkemm il-Kunsill ma adottax deċiżjoni formali biex tintuża l-klawżola tal-bilanċ kumplessiv, aħna nqisu li din id-dikjarazzjoni wasslet għall-istess konklużjoni. Id-deċiżjoni skattat reazzjoni f’Belgrad, fejn kemm il-President kif ukoll il-gvern il-ġdid impenjaw ruħhom mad-delegazzjoni tal-UE u l-Quint[31] biex javvanzaw il-proċess. Matul l-awditu tagħna, ma sibna l-ebda gwida dwar meta u kif għandha tiġi applikata l-klawżola tal-bilanċ kumplessiv.
45 Każ ieħor fejn il-Kunsill stabbilixxa kundizzjonijiet addizzjonali akkumpanjati minn perjodu ta’ żmien speċifiku kien fir-rigward tat-tentattiv tal-Albanija biex tiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni. F’April 2018, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni biex tiftaħ in-negozjati mingħajr ma ddikjarat kundizzjonijiet addizzjonali. Madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill għamel in-negozjati kundizzjonali għall-azzjoni f’ħames oqsma ewlenin, u ta struzzjonijiet lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress. Għalkemm f’Mejju 2019 il-Kummissjoni osservat li kien sar progress sinifikanti u rrakkomandat mill-ġdid il-ftuħ tan-negozjati, il-Kunsill ippospona darbtejn deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Finalment, f’Marzu 2020 iddeċieda li jiftaħ it-taħditiet, iżda aktar minn sena wara għad irid jintlaħaq qbil dwar qafas komuni ta’ negozjar tal-UE. Il-pass kajman tan-negozjati tal-adeżjoni, jirriskja li jdgħajjef is-setgħa trasformattiva mistennija tal-kundizzjonalità.
L-azzjoni tal-UE ikkontribwiet għar-riformi, iżda ftit kellha impatt kumplessiv fuq il-progress fl-istat tad-dritt
46 F’din it-taqsima, aħna nivvalutaw il-kontribut tal-azzjoni tal-UE għar-riformi tal-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent u l-impatt ta’ dawk ir-riformi fuq il-progress kumplessiv ta’ kull pajjiż fl-istat tad-dritt. Aħna eżaminajna jekk l-azzjoni tal-UE kkontribwietx għal dawk l-iżviluppi, u jekk dan il-kontribut huwiex probabbli li jkun sostnut maż-żmien. Sabiex niksbu aktar għarfien dwar il-prestazzjoni, is-sostenibbiltà u l-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-proġetti tal-UE, aħna vvalutajna wkoll l-outputs u l-eżiti ta’ kampjun ta’ 19-il proġett[32]. Għad-dettalji kollha tal-kampjun, ara l-Anness I.
Il-biċċa l-kbira tal-outputs ippjanati tal-proġett inkisbu, iżda l-eżiti huma tekniċi u operazzjonali
47 Fiż-żmien tal-awditu[33], mid-19-il proġett li vvalutajna, 13[34] kienu tlestew, filwaqt li s-6 li jifdal kienu għadhom għaddejjin. F’10[35] mit-13-il proġett ikkompletati, l-eżiti kienu nkisbu bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira kif intenzjonat. Madankollu, f’seba’ każijiet dan sar permezz ta’ estensjoni tal-kuntratt li kienet tvarja minn[36] xahar sa 10[37] xhur. Minn dawn l-10 proġetti, il-Proġetti 11 u 12 spikkaw għall-kwalità tar-rappurtar tagħhom, li kien jinkludi informazzjoni ċara dwar l-attivitajiet u r-riżultati. Il-Proġett 11 uża sistema ta’ dawl tat-traffiku biex jimmonitorja u juri l-kisba ta’ indikaturi tal-output għal kull attività. Fi tlieta mill-bqija tal-proġetti kkompletati[38], għalkemm ir-rapporti finali kienu għadhom mhumiex disponibbli, ir-rappurtar interim wera progress lejn il-miri.
48 L-aktar indikaturi komuni tal-output għall-proġetti li vvalutajna kienu kwantitattivi u relatati mal-għoti ta’ korsijiet ta’ taħriġ u sessjonijiet ta’ ħidma, il-forniment ta’ esperti (biex jgħinu fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni, il-pjanijiet ta’ azzjoni, l-istrateġiji u l-linji gwida metodoloġiċi), l-ikkompletar tal-istudji u proġetti pilota tal-IT jew dawk li mhumiex tal-IT, u l-għoti ta’ pariri legali.
49 Aħna vvalutajna wkoll l-eżiti tat-13-il proġett fil-kampjun tagħna li ġew ikkompletati[39]. Aħna kkonkludejna li ħamsa kienu kisbu dak li kien maħsub[40] (ara l-Kaxxa 3) u tliet proġetti oħra kienu fit-triq it-tajba biex jinkisbu l-eżiti[41]. Ma kienx possibbli li nivvalutaw il-proġetti li jifdal b’dan il-mod, minħabba n-nuqqas ta’ rapporti finali fiż-żmien tal-awditu u r-rappurtar dgħajjef dwar il-kisbiet (ara l-Kaxxa 4).
Eżempji ta’ eżiti tekniċi u operazzjonali li rnexxew tal-proġetti tal-UE fil-Bożnija, fis-Serbja u fil-Montenegro
Fil-Bożnija-Ħerzegovina, il-Proġett 6, dwar il-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta’ bosta binjiet tal-qorti, kiseb l-eżiti tiegħu. It-titjib fl-infrastruttura kellu impatt favorevoli fuq l-effiċjenza tal-qrati u tal-ġudikatura fl-intier tagħha, peress li l-ħolqien ta’ spazju ġdid għall-uffiċċji ppermetta l-ħatra, li kien imissha ilha li saret, ta’ mħallfin u persunal addizzjonali, li qabel kienet impossibbli minħabba nuqqas ta’ bini. Dan ikkontribwixxa għal tnaqqis kostanti fl-għadd ta’ kawżi pendenti (pereżempju, 20 % għal qorti kantonali sa issa).
Il-Proġett 12 fis-Serbja fil-biċċa l-kbira laħaq l-objettiv tiegħu li jtejjeb l-effiċjenza tal-qrati permezz tal-istandardizzazzjoni tal-proċessi u l-proċeduri ta’ ħidma u l-introduzzjoni ta’ metodoloġiji ġodda u mtejba. B’mod partikolari, l-għadd ta’ kawżi pendenti fil-qrati b’ġuriżdizzjoni inferjuri kollha tas-Serbja naqas b’940 649 każ. Il-proġett naqqas l-għadd ta’ kawżi pendenti ta’ 30 qorti sħab bi kważi 60 %, minn 1 399 481 għal 571 233. Il-proġett ġie estiż għal aktar qrati minħabba r-riżultati tajbin tiegħu.
Il-Proġett 18, li huwa proġett f’bosta pajjiżi implimentat mill-Kunsill tal-Ewropa, laħaq bosta mill-objettivi tiegħu ta’ eżitu fuq terminu qasir. Pereżempju, huwa kkontribwixxa għat-titjib tal-qafas tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Suprem tal-Istat tal-Montenegro għall-implimentazzjoni ta’ regoli etiċi u pjanijiet ta’ integrità għall-prosekuzzjoni tiegħu ta’ reati ekonomiċi, u b’hekk ippermetta lill-istituzzjoni tissodisfa r-rakkomandazzjoni tal-GRECO (ix).
Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi fil-qasam tal-effiċjenza, dawn il-pajjiżi kollha għadhom qed jiffaċċjaw problemi serji fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura (ara l-paragrafi 60-61).
Rappurtar dgħajjef tal-prestazzjoni jillimita l-valutazzjoni tal-eżiti
Il-Proġett 3 kien jinvolvi l-għoti ta’ appoġġ istituzzjonali permezz ta’ arranġament ta’ ġemellaġġ bejn il-gvern tal-Albanija u l-Istati Membri tal-UE matul il-perjodu 2016 u l-2019. L-objettiv kumplessiv kien li tittejjeb il-governanza billi jitnaqqsu r-riskji ta’ korruzzjoni, u li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-istrateġija intersettorjali tal-pajjiż kontra l-korruzzjoni.
Ir-rapport tal-2017 tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (MOR) ikkonkluda li: l-indikaturi rilevanti tal-eżitu mhumiex fis-seħħ bis-sħiħ biex jintraċċaw u jivvalutaw il-livell ta’ kapaċità li qed jinbidel fil-funzjonament tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Ma hemmx miri kwantitattivi u kwalitattivi xierqa għall-eżiti u għal xi wħud mill-indikaturi tal-output. Huwa rakkomandat li t-tim ta’ ġemellaġġ tal-Albanija jtejjeb il-logframe tal-proġett u jintroduċi indikaturi rilevanti tal-eżitu b’miri li jistgħu jitkejlu.
It-tim tal-ġemellaġġ ma adottax dawn iż-żewġ proposti biex jittejjeb il-logframe, u r-rappurtar baqa’ fil-biċċa l-kbira deskrittiv, kif ġie kkonfermat mir-rapport tal-2019 tal-MOR li: ir-rakkomandazzjoni li saret mill-MOR preċedenti fl-2017 dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti indikaturi tal-eżitu rilevanti ma ġietx ikkunsidrata.
B’riżultat ta’ dan, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet seħħew kif skedat, ma stajniex nivvalutaw l-effett tagħhom fuq l-ilħuq tal-objettivi tal-proġett.
50 Meta jkun hemm ir-rieda politika, l-appoġġ mogħti mill-UE jista’ jkollu impatt ta’ sinifikat. Il-Kaxxa 5 tipprovdi l-eżempju ta’ żewġ proġetti ffinanzjati mill-IPA II, fejn ir-rieda politika għenet biex jissaħħaħ l-impatt tal-appoġġ mogħti mill-UE.
Il-momentum tar-riforma fl-Albanija ta spinta lill-impatt tal-appoġġ mogħti mill-UE
L-emenda tal-2016 tal-Kostituzzjoni tal-Albanija wasslet għal bidla kbira fil-qafas legali u tal-politika dwar il-funzjonament tal-ġudikatura. Ir-riforma kienet appoġġata minn bosta proġetti tal-IPA II:
- Il-Proġett 2 appoġġa u mmonitorja l-proċess obbligatorju ta’ evalwazzjoni mill-ġdid (skrutinju) ta’ aktar minn 800 imħallef, mill-istabbiliment tal-istituzzjonijiet ta’ skrutinju sat-tlestija tal-eżerċizzju kollu ta’ evalwazzjoni mill-ġdid.
- Il-Proġett 4 għen biex tiġi avvanzata r-riforma tal-ġustizzja billi pprovda assistenza esperta għall-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni ġdida (pereżempju by-laws u kodiċijiet etiċi proċedurali) f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Ministeru tal-Ġustizzja u mal-Parlament u f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-kummissjonijiet ta’ Venezja u tal-GRECO tal-Kunsill tal-Ewropa.
51 Aħna sibna li l-libertà tal-espressjoni kienet l-inqas qasam kopert iffinanzjat permezz tal-IPA II fil-qasam tal-istat tad-dritt. Madankollu, aħna sibna li meta ġie pprovdut l-appoġġ, dan kien ta’ benefiċċju. Il-Proġett 19 huwa eżempju li rnexxa. Il-proġett qed jagħmel progress kif ippjanat u x’aktarx jilħaq l-eżiti intenzjonati tiegħu, minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ OSĊ, attivisti, ġurnalisti, mezzi tal-media u atturi oħra tal-media appoġġati li qed ikomplu joperaw permezz tal-appoġġ mill-Fond Ewropew għad-Demokrazija[42]. Ir-riċevituri kollha tal-għotjiet jirrapportaw li setgħu jsaħħu s-soċjetà ċivili u x-xogħol tal-media tagħhom (jew iżommu x-xogħol tagħhom f’ambjenti repressivi).
Il-monitoraġġ tal-proġetti xi drabi naqas milli jkejjel l-eżiti, u ftit hemm proġetti li x’aktarx li jkunu sostenibbli
52 Il-Kummissjoni mmonitorjat b’mod regolari l-proġetti kollha fil-kampjun tagħna, iżda l-valutazzjoni tal-prestazzjoni mhux dejjem kienet kompleta minħabba li r-rappurtar ġeneralment kien jiffoka fuq l-attivitajiet aktar milli fuq ir-riżultati. Ir-rapporti li eżaminajna kollha ddeskrivew dak li kien sar, filwaqt li rabtu l-attivitajiet mal-objettivi tal-proġett, iżda mhux dejjem iddeskrivew dak li kien inkiseb fl-ikkompletar tal-proġett, speċjalment fil-forma ta’ eżiti.
53 Ir-rappurtar mhux komplut spiss ikun ir-riżultat ta’ nuqqasijiet fit-tfassil ta’ proġett, u b’mod partikolari fil-qafas loġiku tiegħu. Normalment, meta l-logframe jkun ġie ddefinit sew fl-istadju tat-tħejjija, u jkun jinkludi l-indikaturi kemm tal-output kif ukoll tal-eżitu, inklużi l-valuri tal-linja bażi u l-valuri fil-mira, ir-rappurtar ikun aktar ċar u jkun possibbli li jiġi mmonitorjat il-progress tal-anqas fil-livell tal-output. Disgħa proġetti fil-kampjun tagħna[43] kellhom qafas ta’ logframe ddefinit sew. F’disgħa[44] oħra, il-logframe kellu nuqqasijiet jew minħabba li l-indikaturi kienu nieqsa jew peress li l-linji bażi u l-miri kienu nieqsa. Sussegwentement ġew riveduti erba’ proġetti[45], u b’hekk ġie mtejjeb il-qafas tal-logframe. Għaż-żewġ proġetti ta’ kostruzzjoni[46], minħabba n-natura tal-kuntratt il-logframe ma kienx meħtieġ.
54 Mid-disa’ proġetti li kisbu l-outputs kollha jew il-biċċa l-kbira tagħhom (ara l-paragrafu 47), ħamsa kienu suġġetti għal monitoraġġ indipendenti orjentat lejn ir-riżultati (MOR)[47], li t-tnejn enfasizzaw ir-riżultati tal-proġett u għenu biex jittejbu l-implimentazzjoni u r-rappurtar. Ir-rapporti tal-MOR li tħejjew fi stadju bikri pprovdew input utli għal proġetti li ma kinux fit-triq it-tajba biex jilħqu l-objettivi tagħhom jew meta kien diffiċli li jiġi vvalutat il-progress tal-proġett. F’każ wieħed[48], in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni tal-MOR irriżulta f’rappurtar dgħajjef.
55 Ir-rapporti tal-MOR dwar disa’ proġetti fil-kampjun tagħna[49] kienu identifikaw kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà tal-proġett. L-evalwazzjoni esterna tal-2019 dwar l-istat tad-dritt ikkonfermat ukoll li, f’ħafna kuntesti, is-sostenibbiltà hija diffiċli li tinkiseb[50]. Tliet proġetti biss ġew adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, u b’hekk ingħataw xi garanzija ta’ sostenibbiltà finanzjarja[51]. Mill-bqija, is-sostenibbiltà finanzjarja kienet tiddependi l-aktar fuq il-kontinwazzjoni tal-appoġġ mogħti mill-UE[52]. Flimkien ma’ sjieda dgħajfa tal-proġetti (ara wkoll il-Kaxxa 6), l-aktar żewġ ostakoli ovvji għas-sostenibbiltà huma kapaċità finanzjarja u istituzzjonali fqira. Dan ġie rikonoxxut ukoll mill-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA II fil-laqgħa tal-2019 tiegħu: Is-sostenibbiltà tar-riżultati tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE spiss tkun f’riskju, notevolment minħabba manutenzjoni fqira u nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji[53].
In-nuqqas ta’ sjieda tal-proġetti jipperikola s-sostenibbiltà
- Fil-każ tal-Proġett 7 (il-Bożnija), il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-2020 tal-IPA II u l-assistenza ta’ donaturi oħra lill-Kunsill Ġudizzjarju u ta’ Prosekuzzjoni Għoli kienu kritiċi dwar il-kapaċità tal-benefiċjarju li jieħu f’idejh il-proġett: L-IPA II ikkonkluda li l-HJPC għadu jiddependi ħafna fuq l-appoġġ tad-donaturi wara aktar minn 15-il sena ta’ assistenza, filwaqt li l-pjanijiet għall-integrazzjoni tal-persunal attwali tal-proġett fl-istruttura organizzazzjonali permanenti tal-Kunsill ma wasslux għal bidla konkreta u sostantiva. Fl-istess ħin, it-talbiet perjodiċi u mhux ġustifikati tal-HJPC lid-donaturi għal fondi addizzjonali biex jinvesti fl-iżvilupp tas-sistema tal-IT, xeħtu dubji fuq il-kapaċità tal-ippjanar strateġiku kumplessiva ta’ din l-istituzzjoni u fuq l-impenn tagħha lejn għanijiet sostantivi ta’ riforma u integrazzjoni aktar sħiħa tal-UE.[54]
In-nuqqas ta’ sjieda kien qed idgħajjef serjament il-prospetti ta’ sostenibbiltà tal-proġett mal-HJPC. Filwaqt li kienet konxja ta’ dan, il-Kummissjoni talbet lill-HJPC biex jistabbilixxi pjan realistiku ta’ trasferiment tal-persunal biex il-persunal tal-proġetti tal-IPA jingħata xi ċertezza dwar il-futur tiegħu fl-istituzzjoni. - L-evalwazzjoni esterna għall-Proġett 9 (il-Kosovo) irreferiet għal problemi ta’ kapaċità u għal nuqqas ta’ rieda biex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ dak li nkiseb matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Eżempju wieħed jikkonċerna d-dewmien fl-istabbiliment ta’ “fond ta’ konfiska”, li fih jitħallsu l-ammonti riċevuti mill-konfiska tal-assi kriminali u mbagħad jitqassmu mill-ġdid lill-istituzzjonijiet tal-ġustizzja kriminali. Il-proġett ipprovda lill-gvern tal-Kosovo b’mudell u qafas legali għall-fond.
- Fil-Montenegro, il-Proġett 10 saħħaħ il-kapaċitajiet tal-ġudikatura u tal-korpi tal-infurzar tal-liġi u pprovda għarfien espert u appoġġ għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni li tirregola korpi ġudizzjarji indipendenti ġodda. Madankollu, fi tmiem il-proġett baqa’ bosta tħassib dwar is-sostenibbiltà u l-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet il-ġodda. Ir-rapport finali semma li kemm il-Kunsill Ġudizzjarju Għoli kif ukoll il-Kunsill ta’ Prosekuzzjoni kienu qed jitħabtu biex jadattaw għar-rwol il-ġdid tagħhom u biex jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom b’mod indipendenti mill-Qorti Suprema u mill-Uffiċċju ta’ Prosekuzzjoni Suprema. Il-ġudikatura ma kellhiex ir-rieda li ġġedded pożizzjonijiet ta’ maniġment għoli fil-Kunsill Ġudizzjarju sakemm ma kien hemm l-ebda garanzija tal-indipendenza finanzjarja tal-istituzzjonijiet.
56 Ir-rappurtar dwar it-tagħlimiet meħuda fl-għeluq tal-proġett jista’ jgħin biex jiġu identifikati l-ostakoli għas-sostenibbiltà tar-riżultati. Il-programmi annwali ta’ azzjoni jinkludu paragrafu dwar it-tagħlimiet meħuda, li ta’ spiss ikunu marbuta mal-assistenza preċedenti; u l-proġetti fil-kampjun tagħna inkludew ukoll taqsima li tiddeskrivi kif kienu bbażati fuq proġetti preċedenti tal-IPA. Madankollu, dan il-paragrafu preliminari ma għandux analiżi ta’ x’ħadem jew le, b’rakkomandazzjonijiet xierqa. Mit-13-il proġett li awditjajna li kienu kkompletati, f’5[55] biss sibna rappurtar dettaljat dwar it-tagħlimiet meħuda. Pereżempju, is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni għall-Proġett 12 enfasizza l-limitazzjonijiet tal-awtoritajiet meta jiffaċċjaw il-volum u l-ħeffa tal-bidliet leġiżlattivi u regolatorji, u enfasizza li l-azzjoni futura se jkollha bżonn tkun akkumpanjata mir-riżorsi u mit-taħriġ li huma meħtieġa biex jiġu implimentati r-riformi. Hemm ukoll pjanijiet biex jiġu inklużi t-tagħlimiet meħuda fir-rapport finali dwar proġett partikolari li għadu għaddej[56].
Minkejja ħafna snin ta’ appoġġ mogħti mill-UE għar-riformi fil-Balkani tal-Punent, għad hemm problemi fundamentali
57 Wara aktar minn 20 sena ta’ sforzi politiċi u finanzjarji fil-Balkani tal-Punent, kemm il-Kummissjoni kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jirrappurtaw progress limitat fis-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fir-reġjun (ara mill-Figura 7 sal-Figura 10). Huwa ċar li r-riformi deskritti hawn fuq ma kinux biżżejjed biex iġibu bidla kumplessiva fl-istat tad-dritt, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ sjieda domestika u rieda politika (ara l-paragrafu 37).
58 L-evalwazzjoni tal-2019 tal-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt[57] irrikonoxxiet li l-appoġġ mogħti mill-UE kien ħeġġeġ żviluppi pożittivi (bħall-iżvilupp ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni settorjali, il-bini tal-kapaċità istituzzjonali, u indipendenza, obbligu ta' rendikont u aċċess akbar għall-ġustizzja). Hija enfasizzat ukoll li l-progress kien madankollu limitat u li s-sostenibbiltà diffiċli li tinkiseb. Skont l-evalwazzjoni, dan huwa korrelatat ma’ livelli baxxi ta’ rieda politika, reżistenza istituzzjonali għall-bidla, u parteċipazzjoni inadegwata jew emarġinazzjoni tas-soċjetà ċivili.
Figura 7 – Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-komponenti tal-istat tad-dritt
Nota: Fl-2019, il-Kummissjoni ma pproduċietx rapport dwar il-Bożnija-Ħerzegovina, iżda adottat opinjoni dwar l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-UE.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-rapporti tal-pajjiżi tal-2015, l-2019 u l-2020.
59 Il-paragrafi li ġejjin jippreżentaw il-problemi persistenti prinċipali tal-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent u juru kemm inkiseb ftit progress minn riformi ewlenin.
Il-funzjonament tal-ġudikatura
Figura 8 – Indikaturi magħżula tal-istat tad-dritt
Sors: il-QEA, ibbażat fuq Worldwide Governance Indicators (il-Grupp tal-Bank Dinji) u World Justice Project.
60 L-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida mmirata lejn it-tisħiħ tal-indipendenza, il-professjonaliżmu u l-obbligu ta' rendikont tal-korpi u l-istrutturi ġudizzjarji u ta’ prosekuzzjoni, fil-kawża tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, qed tiffaċċja dewmien – prinċipalment minħabba nuqqas ta’ impenn politiku. Fir-reġjun (notevolment fl-Albanija, fil-Montenegro u fis-Serbja), l-uffiċjali tal-gvern (uħud minnhom fi grad għoli) u l-membri tal-parlament għadhom jikkummentaw pubblikament u regolarment dwar l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti tal-qorti li għaddejjin, u xi drabi anke dwar imħallfin u prosekuturi individwali. Fis-Serbja l-artikli fil-gazzetti jimmiraw u jfittxu li jiskreditaw lill-membri tal-ġudikatura[58] u fl-Albanija l-Kunsill tal-Ewropa kkritika l-prattika tal-media online li xxerred xniegħat u attakki fuq il-persunaġġi pubbliċi[59].
61 Fis-Serbja, l-imħallfin talbu li jiġu rkużati milli jaġġudikaw każijiet li jinvolvu politiċi lokali, filwaqt li semmew pressjoni fuqhom infushom u fuq il-familji tagħhom[60]. Fil-Montenegro, ir-riforma reċenti tal-Kunsill ta’ Prosekuzzjoni, id-deċiżjonijiet reċenti tal-Kunsill Ġudizzjarju dwar il-ħatra mill-ġdid ta’ seba’ presidenti tal-qrati għat-tielet mandat konsekuttiv, minkejja l-limitu ta’ żewġ termini stabbilit fil-leġiżlazzjoni[61], u n-nuqqas ta’ kapaċità tal-Parlament li jilħaq maġġoranza kwalifikata għal ħatriet ġudizzjarji ta’ profil għoli, jindikaw li s-servizzi ġudizzjarji u ta’ prosekuzzjoni għadhom vulnerabbli għall-interferenza politika. Fl-Albanija, it-tentattiv ta’ interferenza fil-ġudikatura, inkluż mill-awtoritajiet fi ħdan il-ġudikatura, u l-pressjoni interna u esterna fuq il-prosekuturi għadhom problema[62].
Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni
Sors: il-QEA, ibbażat fuq Transparency International u Worldwide Governance Indicators (il-Grupp tal-Bank Dinji).
62 Il-Kummissjoni tirrapporta li s-sitwazzjoni f’setturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-korruzzjoni (dawk li jinvolvu nefqa pubblika sostanzjali jew li jinvolvu kuntatt dirett mal-pubbliku) għadha fil-biċċa l-kbira problematika fir-reġjun kollu. Liġi Serba reċenti dwar proċeduri speċjali għal proġetti ta’ infrastruttura, li tippermetti, b’mod partikolari, li proġetti ta’ “importanza strateġika” jiġu eżentati mir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, qajmet tħassib serju dwar il-potenzjal għall-korruzzjoni[63]. Transparency Serbia kkundannat il-prattika tal-ħatra ta’ “aġenti diretturi” biex jimmaniġġjaw il-proprjetà pubblika għal perjodu ta’ sitt xhur, filwaqt li qalet li l-partit fil-gvern b’hekk ikun jista’ jżomm lil dawk il-persuni taħt osservazzjoni stretta[64].
63 Fl-aktar rapporti riċenti tagħha dwar il-progress tal-Montenegro[65] lejn is-sħubija, il-Kummissjoni osservat biss “progress limitat” fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li hija qalet li kienet prevalenti f’ħafna oqsma u għadha kwistjoni li tqajjem tħassib. Fost l-oħrajn, ir-rapporti jsemmu l-pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjonijiet tal-vidjo sigrieti, li saret fl-2019 minn negozjant – u aktar tard, reġistrazzjonijiet tal-awdjo u dokumenti sigrieti – li jimplikaw għadd kbir ta’ persunaġġi pubbliċi minn istituzzjonijiet ewlenin tal-istat f’finanzjament illegali allegat tal-partit u skandli ta’ tixħim.
64 Fl-Albanija, l-Aġenzija tal-Akkwist Pubbliku tirrapporta li l-għadd ta’ proċeduri negozjati mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt naqas b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, ir-rappreżentanti kummerċjali u l-ġurnalisti li ġew intervistati (ara l-Anness II għal-lista ta’ laqgħat) qalu li l-korruzzjoni fl-akkwist pubbliku hija mifruxa, b’indikazzjonijiet ċari ta’ manipulazzjoni tal-istat: il-proċeduri spiss ma jkollhomx kompetizzjoni effettiva, il-prezzijiet offruti għax-xogħlijiet pubbliċi jkunu esaġerati, u l-akkwist għal ftehimiet konċessjonarji jkun nieqes mit-trasparenza.
65 L-indikaturi tal-korruzzjoni ta’ Transparency International u tal-Bank Dinji (ara l-Figura 9) jikkonfermaw li, minkejja snin ta’ azzjoni ta’ riforma mill-UE, il-manipulazzjoni tal-istat u l-korruzzjoni mifruxa ma ġewx ikkontrollati. Aħna nqisu li, sabiex ikollha impatt sinifikanti, l-UE teħtieġ azzjoni koordinata u simultanja f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika li huma konnessi mal-istat tad-dritt.[66] Ir-raggruppament tal-2020 ta’ kapitoli ta’ negozjati (valutazzjoni parallela tal-Kapitoli 23 - Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, 24 - Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, 5 - L-akkwist pubbliku, 18 – L-istatistika, u 32 - Il-kontroll finanzjarju, flimkien mal-kriterji ekonomiċi, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-riforma fl-amministrazzjoni pubblika) jenħtieġ li jippermetti approċċ bħal dan[67] u, għalhekk, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, din il-bidla tapplika biss għall-Montenegro u s-Serbja, iż-żewġ pajjiżi li attwalment qed jinnegozjaw, u għad trid tiġi implimentata fil-prattika.
Il-libertà tal-espressjoni
* Dan l-indiċi għandu bosta komponenti, iżda aħna nqisu li kollha għandhom konnotazzjonijiet tal-libertà tal-espressjoni.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq Freedom House and Reporters Without Borders World Press Freedom Index.
66 Skont kemm Freedom House kif ukoll Reporters without borders, ma kien hemm l-ebda titjib fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni, bl-eċċezzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Kosovo. L-aktar rapporti reċenti annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir juru li l-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja ma għamlu l-ebda progress mill-2015 ’il hawn (ara l-Figura 7).
67 L-attakki fuq il-ġurnalisti huma ta’ tħassib serju fir-reġjun kollu[68]. Il-ġurnalisti u l-istrumenti tal-media baqgħu jiġu mmirati permezz ta’ intimidazzjoni, theddid fuq il-media soċjali u attakki fiżiċi, filwaqt li l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kienu kajmana. Ix-xena tal-media għadha polarizzata ħafna u l-mekkaniżmi awtoregolatorji għadhom dgħajfa. Il-volum dejjem jikber ta’ diżinformazzjoni madwar ir-reġjun kollu, li spiss tiġi mifruxa minn media appoġġata mill-istat[69], jippolarizza aktar lis-soċjetà, b’mod partikolari matul il-kampanji elettorali.
68 Anke fl-Albanija, li għamlet l-aktar progress fil-qasam tal-indipendenza tal-ġudikatura, it-tfixkil ikkawżat lis-sistema mid-daqs u mill-pass kajman tal-investigazzjonijiet affettwa l-appoġġ pubbliku għar-riformi tas-sistema ġudizzjarja minħabba żieda fl-għadd ta’ każijiet pendenti, u riskji li tiddgħajjef il-leġittimità perċepita tagħhom. Is-sehem ta’ Albaniżi li jemmnu li r-riformi se jkollhom impatt pożittiv naqas minn 71 % fl-2016 għal 53 % fl-2019, u dawk li jaħsbu li r-riformi qed jiġu implimentati b’mod xieraq naqsu minn 46 % għal 32 % matul l-istess perjodu[70]. Il-pubbliku Albaniż jikseb l-informazzjoni tiegħu prinċipalment minn sorsi tradizzjonali tal-media[71], li huma pperċepiti bħala li għandhom dritt akkwiżit u għalhekk jistgħu jew inaqqsu jew jenfasizzaw l-iskandli tal-korruzzjoni skont ir-rabtiet politiċi jew kummerċjali tagħhom. Dan, ukoll, jirriskja li jimmina l-leġittimità perċepita tar-riformi.
69 L-OSĊ li intervistajna ġibdu l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ komunikazzjoni strateġika biex jiġu spjegati l-effetti pożittivi tar-riformi u jiġi spjegat li, filwaqt li t-tfixkil se jkun temporanju, ir-ristrutturar tal-istituzzjonijiet se jġib benefiċċji dejjiema. Il-komunikazzjoni effettiva tal-għanijiet tal-UE lill-pubbliku teħtieġ kooperazzjoni u koordinazzjoni kontinwi bejn il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili.
70 L-UE appoġġat l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kooperazzjoni formali bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili li attwalment huwa fis-seħħ fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent. Madankollu, is-soċjetà ċivili attwalment ma għandhiex rwol kbir biżżejjed fit-tfassil tal-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Bl-eċċezzjoni tal-Maċedonja ta’ Fuq u sa ċertu punt il-Montenegro, fejn id-delegazzjoni tal-UE tirrapporta titjib riċenti fl-ambjent li fih topera s-soċjetà ċivili, l-OSĊ tar-reġjun għadhom imrażżna. Dawk l-OSĊ li intervistajna fl-Albanija u fis-Serbja kkonfermaw li l-konsultazzjoni hija waħda ad hoc u li r-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili spiss jiġu injorati fil-verżjonijiet finali tad-dokumenti. Huma jixtiequ jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom mad-delegazzjonijiet tal-UE, mal-komunità tal-media indipendenti u mal-ġurnalisti investigattivi sabiex, fost affarijiet oħra, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-riforma u l-effett tagħha fuq l-evoluzzjoni tal-korruzzjoni; u jwissu lill-opinjoni pubblika u lill-gvernijiet tar-reġjun.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
71 Il-konklużjoni prinċipali ta’ dan l-awditu dwar l-effettività tal-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent hija li, l-azzjoni tal-UE kkontribwiet għal riformi f’oqsma tekniċi, bħall-effiċjenza tal-ġudikatura u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni rilevanti, iżda f’kuntest ta’ rieda politika insuffiċjenti, hija kellha impatt ġenerali limitat fl-avvanz tar-riformi fundamentali tal-istat tad-dritt fir-reġjun.
72 Minkejja xi żviluppi reċenti pożittivi, prinċipalment fl-Albanija u fil-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jirrappurtaw progress limitat fl-istat tad-dritt. Għad hemm problemi fundamentali f’oqsma bħall-indipendenza tal-ġudikatura, il-konċentrazzjoni tal-poter, l-interferenza politika u l-korruzzjoni, li jitolbu sforzi addizzjonali fil-promozzjoni tar-riformi f’dawn l-oqsma (ara l-paragrafi 57-58 u 68).
Rakkomandazzjoni 1 – It-tisħiħ tal-mekkaniżmu għall-promozzjoni tar-riformi tal-istat tad-dritt fil-proċess tat-tkabbir
Jenħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-approċċ tagħha biex tħeġġeġ u tappoġġa r-riformi fundamentali fil-proċess tat-tkabbir. B’mod partikolari, jenħtieġ li hija tiffoka fuq l-istabbiliment ta’ miri strateġiċi għal kull pajjiż tat-tkabbir, billi tistabbilixxi indikaturi tal-impatt finali f’oqsma fundamentali tal-istat tad-dritt, bħall-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-espressjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-istat, flimkien ma’ stadji importanti għall-monitoraġġ tal-progress lejhom.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022
73 Aħna sibna li, permezz tal-approċċ tal-“prijorità tal-kwistjonijiet fundamentali” u, mill-2020 ’il hawn, ir-raggruppament ta’ kapitoli ta’ negozjati, il-Kummissjoni żiedet il-fokus tagħha fuq l-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent u ġeneralment ikkonkretizzat il-prijoritajiet politiċi tal-UE għall-istat tad-dritt f’azzjoni speċifika taħt l-istrument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (ara l-paragrafi 25-27).
74 Organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, gruppi ta’ riflessjoni u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) identifikaw l-istess oqsma ta’ prijorità bħall-Kummissjoni għall-istat tad-dritt. Aħna sibna, madankollu, li l-appoġġ mogħti mill-UE għall-azzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-istat tad-dritt mhuwiex biżżejjed għall-ħtiġijiet tas-settur u l-impatt tiegħu mhuwiex immonitorjat bir-reqqa. Pereżempju, il-Kummissjoni neħħiet l-indikatur tal-IPA II għall-monitoraġġ tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ riforma, u għalhekk ma tirrappurtax il-progress f’dan il-qasam (ara l-paragrafi 28-31).
75 Ambjent abilitanti tal-media u tas-soċjetà ċivili jista’ jgħin biex l-għanijiet u r-riżultati tal-azzjonijiet tal-UE jiġu ċċarati u kif ukoll jiġu mgħarrfa lill-pubbliku, jispjega t-triq lejn is-sħubija mal-UE u jippromwovi l-prinċipji demokratiċi tal-UE. Aħna sibna li l-libertà tal-espressjoni hija l-qasam li għamel l-inqas progress fis-sitt pajjiżi kollha. F’xi wħud mill-pajjiżi, l-appoġġ pubbliku għar-riformi meħtieġa għall-adeżjoni qed jonqos ara l-paragrafi 68-70).
Rakkomandazzjoni 2 – L-intensifikazzjoni tal-appoġġ għas-soċjetà ċivili impenjata fir-riformi tal-istat tad-dritt u fl-indipendenza tal-media
Jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jintensifikaw l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u għall-ġurnalisti indipendenti. B’mod partikolari, jenħtieġ li:
- jagħtu prijorità lill-appoġġ għal media indipendenti u għall-OSĊ attivi fil-qasam tal-istat tad-dritt billi jallokaw il-finanzjament tal-IPA III għall-OSĊ skont l-azzjonijiet tal-istat tad-dritt;
- jipprovdu appoġġ finanzjarju fit-tul għall-OSĊ u għall-organizzazzjonijiet tal-media indipendenti, b’mod li mhuwiex ibbażat esklussivament fuq il-finanzjament tal-proġetti;
- jassistu lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tal-media indipendenti sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw għodod imfassla apposta biex jimmonitorjaw kif tevolvi l-korruzzjoni;
- jimmonitorjaw il-kontribut tal-OSĊ għar-riformi tal-istat tad-dritt permezz ta’ indikaturi speċifiċi.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022
76 Għalkemm il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kapaċità amministrattiva u r-rieda politika huma l-oqsma ta’ riskju ewlenin fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-IPA, ma sibna l-ebda azzjoni speċifika biex jitnaqqsu dawn ir-riskji. B’mod partikolari, ir-riskji ewlenin ma jintużawx biex jiġġeneraw prekundizzjonijiet għall-finanzjament jew għall-implimentazzjoni tal-proġetti, u għalhekk ma jintużawx għat-tfassil ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni konkreti. Barra minn hekk, id-delegazzjonijiet tal-UE rarament użaw il-possibbiltà li jissospendu l-appoġġ finanzjarju tal-IPA jekk ir-riformi ma jkunux qed jagħmlu progress sodisfaċenti. L-IPA II huwa nieqes minn klawżoli ta’ kundizzjonalità stretti b’mod xieraq li jorbtu direttament ir-riformi tal-istat tad-dritt li jinsabu staġnati mal-konsegwenzi fil-finanzjament ta’ setturi oħra. Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għar-regolament tal-IPA III issaħħaħ il-kundizzjonalità. Madankollu, l-abbozz ma stabbiliex b’mod ċar kif il-kundizzjonalità se taffettwa l-għoti ta’ finanzjament (ara l-paragrafi 34-35 u 38-41).
77 Aħna sibna wkoll li, kull meta l-Kunsill applika kundizzjonalità politika fil-forma tal-klawżola tal-bilanċ ġenerali, dan wassal lill-pajjiżi sħab biex javvanzaw l-aġendi ta’ riforma tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Kunsill ma qablux dwar kemm il-pajjiżi sħab ssodisfaw il-klawżola. Fil-fehma tagħna, din is-sitwazzjoni thedded l-effetti ta’ inċentiv tal-kundizzjonalità (ara l-paragrafi 41-45).
Rakkomandazzjoni 3 – It-tisħiħ tal-użu tal-kundizzjonalità fl-IPA III
Jenħtieġ li l-Kummissjoni torbot l-iżborż tal-finanzjament tal-IPA III f’oqsma li mhumiex tal-istat tad-dritt (pereżempju, l-iżvilupp rurali u l-infrastruttura) mal-progress dwar l-istat tad-dritt.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022
78 L-istat tad-dritt ikopri bosta oqsma trasversali interkonnessi. Il-metodoloġija tal-2020 tat-tkabbir hija pass fid-direzzjoni t-tajba, minħabba li tinvolvi r-raggruppament ta’ kapitoli ta’ negozjati, u b’hekk tippermetti lill-Kummissjoni tindirizza l-oqsma kollha relatati mal-istat tad-dritt simultanjament matul in-negozjati tal-adeżjoni. Madankollu, il-metodoloġija l-ġdida hija reċenti wisq biex tipproduċi riżultati viżibbli, u tapplika għall-pajjiżi li qed jinnegozjaw biss. In-natura transversali tal-istat tad-dritt tfisser li l-azzjonijiet tal-UE li huma ffinanzjati f’setturi oħra tal-IPA jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv minn nuqqasijiet ġeneralizzati fl-istat tad-dritt (ara l-paragrafu 65).
79 Il-biċċa l-kbira tal-proġetti li tlestew kisbu l-outputs intenzjonati tagħhom, u madwar nofshom kisbu l-eżiti maħsuba tagħhom. Fil-każ ta’ proġetti li jinsabu għaddejjin, jew għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni minħabba l-estensjonijiet ta’ proġetti, jew il-progress ma jistax jitkejjel minħabba li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni hija nieqsa jew ta’ kwalità insuffiċjenti. F’każijiet fejn twettaq il-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati, dan għen biex jiġu enfasizzati r-riżultati tal-proġetti u biex tittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-assistenza tal-IPA għenet biex tittejjeb l-effiċjenza tal-ġudikatura u kienet kruċjali għall-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv u għall-promozzjoni ta’ approċċ proattiv fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ara l-paragrafi 47-51).
80 L-ostakoli prinċipali għas-sostenibbiltà tal-proġetti huma kapaċità finanzjarja u istituzzjonali dgħajfa u nuqqas ta’ ried politika. L-awtoritajiet nazzjonali ftit jadottaw proġetti tal-IPA, u għalhekk jistgħu ma jkunux finanzjarjament sostenibbli wara t-tmiem tal-appoġġ mogħti mill-UE. Barra minn hekk, il-progress modest li sar fl-istat tad-dritt matul l-aħħar 20 sena jhedded is-sostenibbiltà ġenerali tal-appoġġ mogħti mill-UE, peress li jqajjem mistoqsijiet dwar il-kredibbiltà tal-proċess ta’ adeżjoni. Ir-rappurtar dwar it-tagħlimiet meħuda jista’ jgħin biex jiġu identifikati kwistjonijiet ta’ prestazzjoni u ostakoli għas-sostenibbiltà tar-riżultati, iżda ġeneralment ma jkunx parti mit-tfassil tal-proġett (ara l-paragrafi 52-56).
Rakkomandazzjoni 4 – It-tisħiħ tar-rappurtar u l-monitoraġġ tal-proġetti
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tibni logframes sodi għall-proġetti rilevanti kollha ffinanzjati mill-IPA inkluż, fost affarijiet oħra, indikaturi tal-output u tal-eżitu definiti b’mod ċar bl-użu ta’ valuri tal-linja bażi u ta’ valuri fil-mira;
- iżżid l-użu ta’ missjonijiet ta’ monitoraġġ orjentati lejn ir-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati mill-IPA III fis-settur tal-istat tad-dritt;
- tinkludi taqsima ta’ “tagħlimiet meħuda” fir-rappurtar finali kollu tal-proġett, b’sejbiet u rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb is-sostenibbiltà tar-riżultati futuri tal-proġett.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2022
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fid-9 ta’ Novembru 2021.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Annessi
Anness I – Proġetti awditjati – Outputs u eżiti
| M/A | Fit-triq it-tajba f’Jannar 2021 | |||
|---|---|---|---|---|
| Proġett li għadu għaddej/l-ebda rapport finali | ![]() |
Le
Iva
|
||
| L-ebda indikatur li jista’ jitkejjel | ![]() |
|||
| Nru | Pajjiż | Titlu tal-proġett | Outputs issodisfati | Eżiti ssodisfati |
| 1 | L-Albanija | Kuntratt ta’ riforma settorjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Albanija | ![]() |
![]() |
| 2 | L-Albanija | Operazzjoni Internazzjonali ta’ Monitoraġġ. Appoġġ għall-proċess ta’ evalwazzjoni mill-ġdid temporanja tal-Imħallfin u l-Prosekuturi fl-Albanija | ![]() |
![]() |
| 3 | L-Albanija | Appoġġ għall-formulazzjoni, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki kontra l-korruzzjoni | ![]() |
![]() |
| 4 | L-Albanija | EURALIUS IV - Konsolidazzjoni tas-Sistema tal-Ġustizzja fl-Albanija | ![]() |
![]() |
| 5 | Il-Bożnija-Ħerzegovina | EU4Justice - Appoġġ għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina | ![]() |
![]() |
| 6 | Il-Bożnija-Ħerzegovina | Kostruzzjoni. rikostruzzjoni tal-Qorti Muniċipali u Cantonali u tal-Uffiċċju tal-Prosekuturi f’Tuzla | ![]() |
![]() |
| 7 | Il-Bożnija-Ħerzegovina | Il-bini ta’ Ġudikatura Effettiva u favur iċ-Ċittadini | ![]() |
![]() |
| 8 | Il-Kosovo | It-tisħiħ tal-Effiċjenza, l-Obbligu ta’ Rendikont u t-Trasparenza tas-Sistema Ġudizzjarja u tal-Prosekuzzjoni fil-Kosovo | ![]() |
![]() |
| 9 | Il-Kosovo | Appoġġ ulterjuri lill-Istituzzjonijiet tal-Kosovo fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-estremiżmu vjolenti | ![]() |
![]() |
| 10 | Il-Montenegro | Appoġġ mogħti mill-UE għall-Istat tad-dritt II (EUROL II) | ![]() |
![]() |
| 11 | Il-Maċedonja ta’ Fuq | Appoġġ għar-Riforma tas-Settur tal-Ġustizzja | ![]() |
![]() |
| 12 | Is-Serbja | L-Effiċjenza Ġudizzjarja | ![]() |
![]() |
| 13 | Is-Serbja | Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni | ![]() |
![]() |
| 14 | Is-Serbja | It-tisħiħ tal-Kapaċitajiet tal-Ministeru tal-Ġustizzja f’konformità mar-Rekwiżiti tal-Proċess tan-Negozjati tal-Adeżjoni mal-UE | ![]() |
![]() |
| 15 | Is-Serbja | EU for Serbia - Appoġġ għall-Kunsill Ġudizzjarju Għoli | ![]() |
![]() |
| 16 | Is-Serbja | Ir-rikostruzzjoni tal-Bini tal-Akkademja Ġudizzjarja f’Belgrad | ![]() |
![]() |
| 17 | Is-Serbja | It-tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta’ Kontroll Intern fil-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Intern | ![]() |
![]() |
| 18 | Bosta pajjiżi | L-Unjoni Ewropea, il-Faċilità Orizzontali tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Balkani tal-Punent u t-Turkija | ![]() |
![]() |
| 19 | Bosta pajjiżi | Appoġġ għall-media indipendenti u s-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija | ![]() |
![]() |
| 20 | Bosta pajjiżi | Il-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Serja fil-Balkani tal-Punent | ![]() |
![]() |
Sors: il-QEA.
Anness II – Lista ta’ partijiet ikkonċernati li ġew intervistati (permezz ta’ vidjokonferenza)
| Vidjokonferenza |
|---|
| DĠ NEAR |
| SEAE |
| L-ALBANIJA |
| Delegazzjoni tal-UE: Djalogu Politiku u Perspettivi Politiċi |
| Delegazzjoni tal-UE: proġetti inklużi fil-kampjun |
| Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID) |
| Programm tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp, l-Assistenza u t-Taħriġ fil-Qasam tal-Prosekuzzjoni Internazzjonali (OPDAT) |
| Kunsill tal-Ewropa |
| Unjoni tal-Kmamar tal-kummerċ |
| Network ta’ Rappurtar Investigattiv tal-Balkani (BIRN) |
| Istitut għad-Demokrazija u l-Medjazzjoni (IDM) |
| Ċentru Nazzjonali tal-Albanija għar-Riżorsi tat-Taħriġ u l-Assistenza Teknika (ANTTARC) |
| Sħab tal-Albanija |
| Aġenzija ta’ appoġġ għas-Soċjetà Ċivili (AMSHC) |
| Skola tal-Maġistrati |
| Ministeru tal-Ġustizzja |
| Kunsill Ġudizzjarju Għoli tal-Kosovo |
| Kamra tal-Kummerċ Ġermaniża |
| Kamra tal-Kummerċ Taljana |
| Task force kontra l-korruzzjoni |
| Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali |
| Ispettorat Għoli għad-Dikjarazzjoni u l-Awditu tal-Assi u l-Kunflitti ta’ Interess (HIDAACI) |
| IL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA |
| Delegazzjoni tal-UE: proġetti inklużi fil-kampjun |
| IS-SERBJA |
| Delegazzjoni tal-UE: Djalogu Politiku u Perspettivi Politiċi |
| Delegazzjoni tal-UE: proġetti inklużi fil-kampjun |
| Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea/Koordinatur Nazzjonali tal-IPA |
| Konsulent dwar il-Media għall-Prim Ministru |
| Kunsill tal-Ewropa |
| Kamra tal-Kummerċ Serba |
| Kamra tal-Kummerċ Ġermaniża |
| Network ta’ Rappurtar Investigattiv tal-Balkani (BIRN) |
| Ċentru għar-Riċerka, it-Trasparenza u l-Obbligu ta’ Rendikont (CRTA) |
| Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-Unjoni Ewropea (NKEU) |
| Ministeru tal-Ġustizzja – Settur għall-Integrazzjoni Ewropea u l-Proġetti Internazzjonali |
| Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni |
| Ministeru tal-Ġustizzja – Assistent Ministru għall-Ġudikatura |
| Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID) |
| Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Pubblika tar-Repubblika |
| Segretarjat tal-Kunsill Ġudizzjarju Għoli |
| Akkademja Ġudizzjarja |
| Eks Uffiċċju għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili |
| Prosekutur għal Kontra l-Korruzzjoni |
| Ministeru tal-Intern – Servizz tal-Awditjar Intern, Dipartiment Kontra l-Korruzzjoni |
Glossarju u abbrevjazzjonijiet
Eżitu: Bidla immedjata jew fit-tul, maħsuba jew mhux maħsuba, li tirriżulta minn proġett, bħall-benefiċċji li jirriżultaw minn forza tax-xogħol imħarrġa aħjar
FSA: Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni – ftehim li l-UE tikkonkludi separatament ma’ kull wieħed mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala parti mill-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni
GRECO: Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni, il-korp tal-Kunsill tal-Ewropa li jimmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mal-istandards tal-organizzazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni
HJPC: Kunsill Ġudizzjarju u ta’ Prosekuzzjoni Għoli (il-Bożnija-Ħerzegovina)
IPA: Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, l-għodda tal-UE għall-bini ta’ kapaċità teknika u amministrattiva fil-pajjiżi kandidati u f’pajjiżi kandidati potenzjali
Logframe: Qafas loġiku – għodda dettaljata ta’ ppjanar li tkopri l-implimentazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġett
MOR: Monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati, ir-rieżaminar minn esperti indipendenti tal-outputs u l-eżiti tal-proġetti li jinsabu għaddejjin skont kriterji bħar-rilevanza, l-effiċjenza, l-effettività, l-impatt u s-sostenibbiltà
OSĊ: Organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili
Output: Dak li jiġi prodott jew li jinkiseb minn proġett, bħall-għoti ta’ kors ta’ taħriġ jew il-kostruzzjoni ta’ triq
Proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni: Il-politika tal-UE dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li għandha l-għan li twassal għal riformi bil-ħsieb li jsiru Stati Membri fil-futur
SEAE: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Risposti tal-Kummissjoni u tas-SEAE
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Juhan Parts, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Ken Marti Vaher, Kap tal-Kabinett, u Margus Kurm, Attaché tal-Kabinett; Alejandro Ballester Gallardo, Maniġer Prinċipali; Theodoros Orfanos, Kap tal-Kompitu; Naiara Zabala Eguiraun u Flavia Di Marco, Awdituri. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku.
Noti finali
* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
[1] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, COM(2018) 324 final, 2.5.2018; p. 1.
[2] L-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
[3] See political criteria for accession, as defined in the 1993 at the European Council in Copenhagen; Article 49 of the Treaty on European Union.
[4] Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.
[5] Il-Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni, Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu, 3.4.2019; p. 1.
[6] Marko Kmezić, “Rule of law and democracy in the Western Balkans: addressing the gap between policies and practice”, Southeast European and Black Sea Studies, 2020, p. 3.
[7] Azzjoni tal-UE kontra l-korruzzjoni – Skambju ta’ fehmiet, il-Kunsill tal-UE, 12276/19, 27.9.2019; p. 3.
[8] COM(2018) 65 final, 6.2.2018; p. 6.
[9] COM(2018) 65 final, 6.2.2018.
[10] Florian Bieber (2020), “The Rise of Authoritarianism in the Western Balkans”, p. 139; Jelena Džankić, Soeren Keil u Marko Kmezić (2018), “The Europeanisation of the Western Balkans: A Failure of EU Conditionality?”, p. 89; Marko Kmezič (2020): “Rule of law and democracy in the Western Balkans: addressing the gap between policies and practice”, Southeast European and Black Sea Studies, pp. 1-2.
[11] Freedom House, Democracy status.
[12] Freedom House, Change in democracy status.
[13] Transparency International: Captured states in the Western Balkans and Turkey.
[14] Tena Prelec u Jovana Marović, “No longer voting for the devil you know? Why the Balkans’ collective action problem might be easier to break than we think”, BiEPAG, Jannar 2021.
[15] Joint statement by High Representative/Vice President Josep Borrell and Commissioner for Neighbourhood and Enlargement Oliver Varhely on the parliamentary elections; United States mission to the Organisation for Security and Cooperation in Europe.
[16] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni - Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent”, COM(2020) 57 final.
[17] How much has the EU invested already in the Western Balkans? “Questions and Answers: Economic and Investment Plan for the Western Balkans”.
[18] Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11.3.2014.
[19] Minbarra l-appoġġ bilaterali, l-UE tipprovdi assistenza transfruntiera u f’bosta pajjiżi, inklużi programmi orizzontali u reġjonali dwar l-istat tad-dritt. Madankollu, ma hemm l-ebda allokazzjoni finanzjarja speċifika għall-istat tad-dritt biss.
[20] It-terminu “UE” jirreferi għal diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni (DĠ), id-delegazzjonijiet tal-UE u s-SEAE, iżda mhux għall-Istati Membri.
[21] “[…] it-tentattivi biex jitnaqqas il-pluraliżmu u jiddgħajfu l-gwardjani essenzjali bħas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti huma sinjali ta’ twissija ta’ theddid għall-istat tad-dritt”; COM(2019) 343 final “It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni - Pjan ta’ azzjoni”, p. 2.
[22] “ Thematic evaluation of EU support for rule of law in neighbourhood countries and candidates and potential candidates for enlargement (2010-2017)”, Sommarju Eżekuttiv, Rapport Finali, 2019, p. 5.
[23] Transparency International EU, “The Western Balkans: Captured states or a community of law?”
[24] IPA II Monitoring, Reporting and Performance Framework, Specific contract 2014/351 964, Final report, 2016, p. 45.
[25] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent”, COM(2018) 65 final, p. 8 u “Mistoqsijiet u Tweġibiet: Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent”.
[26] “Questions and Answers: Economic and Investment Plan for the Western Balkans”.
[27] Il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA għall-Kosovo ta’ Marzu 2018 u April 2019.
[28] Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III).
[29] Ir-Regolament (UE) 2021/1529 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III).
[30] Dikjarazzjoni tad-9.12.2020 minn Michael Roth, il-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Ewropej (Presidenza tal-Kunsill b’rotazzjoni), Artiklu fuq Serbiamonitor.
[31] Il-Quint huwa grupp informali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonsisti mill-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit.
[32] Aħna eskludejna proġett wieħed (il-Proġett 16) mill-analiżi minħabba nuqqas ta’ rilevanza, billi kien proġett ta’ kostruzzjoni li ġie kkanċellat qabel ma sar kwalunkwe xogħol.
[33] Id-data limitu hija stabbilita għall-31.1.2021.
[34] Dawn huma l-Proġetti 1, 2, 3, 4, 6, 8, 9, 10, 11, 12, 17, 18 u 20. Aħna nqisu li l-Proġett 1 huwa kkompletat, peress li tħallas l-aħħar porzjon varjabbli tal-ammont inizjali tal-appoġġ baġitarju. Fl-2020 ġiet miftiehma estensjoni ta’ erba’ snin għall-appoġġ baġitarju.
[35] Il-Proġetti 1, 2, 3, 4, 6, 8, 11, 12, 17 u 18.
[36] Il-Proġett 11.
[37] Il-Proġett 6.
[38] Il-Proġetti 10, 11 u 20.
[39] Il-Proġetti 1, 2, 3, 4, 6, 8, 9, 10, 11, 12, 17, 18 u 20.
[40] Il-Proġetti 1, 4, 6, 12 u 17.
[41] Il-Proġetti 2, 18 u 20.
[42] Il-Fond Ewropew għad-Demokrazija huwa organizzazzjoni indipendenti u li tagħmel l-għotjiet, li ġiet stabbilita fl-2013 mill-UE u mill-Istati Membri bħala fond fiduċjarju internazzjonali awtonomu biex trawwem id-demokrazija fil-Viċinat Ewropew, fil-Balkani tal-Punent, fit-Turkija u lil hinn minnhom.
[43] Il-Proġetti 2, 7, 10, 11, 12, 15, 18, 19, 20.
[44] Il-Proġetti 1, 3, 4, 5, 8, 9, 13, 14 u 17.
[45] Il-Proġetti 1, 5, 9, u 14.
[46] Il-Proġetti 6 u 16.
[47] Il-Proġetti 3, 4, 12, 18 u 19.
[48] Il-Proġett 3.
[49] Il-Proġetti 3, 4, 5, 9, 10, 12, 14, 18 u 19.
[50] Thematic evaluation of EU support for rule of law in neighbourhood countries and candidates and potential candidates of enlargement (2010-2017), Executive summary, Final report, 2019.
[51] Il-Proġetti 6, 12 u 17.
[52] Il-Proġetti 1, 2, 4, 10 u 18.
[53] Il-kumitat ta’ monitoraġġ tal-IPA II, minuti 2019, p. 2.
[54] 2020 Evaluation of IPA and other donors’ assistance (grants) to HJPC – Executive summary, p. 13.
[55] Il-Proġetti 1, 3, 9, 12 u 18.
[56] Il-Proġett 5.
[57] Thematic evaluation of EU support for rule of law in neighbourhood countries and candidates and potential candidates of enlargement (2010-2017), Final report, 2019.
[58] Il-Kummissjoni Ewropea, Serbia 2020 report, p. 20.
[59] Il-Kummissjoni ta’ Venezja, Announcement of the opinion on the Law on Audio-visual Media Services, Ġunju 2020.
[60] Il-Kummissjoni Ewropea, Serbia 2020 report, p. 20.
[61] Freedom House, Nations in Transition, Montenegro, 2020.
[62] Il-Kummissjoni Ewropea, Albania 2020 report, p. 20.
[63] Il-Kummissjoni Ewropea, Serbia 2020 report, p. 29.
[64] Kumment mill-President ta’ Transparency Serbia wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2020.
[65] Ir-rapporti tal-Montenegro għall-2019 u l-2020.
[66] Ara pereżempju Marko Kmezić u Florian Bieber, “Protecting the rule of law in EU Member States and Candidate Countries”, b’mod partikolari l-Kapitolu 4 “Ways forward”.
[67] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni - Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent”, COM(2020) 57 final, Anness Tekniku.
[68] Human Rights Watch, “Attacks on journalists still a problem in the Western Balkans”.
[69] Euractiv, “In Serbia, fake news is spread by state-backed media”, 4.5.2021.
[70] IDM, “Opinion poll 2019:Trust in Governance”.
[71] Idem.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
| ISBN 978-92-847-7211-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/615642 | QJ-AB-21-028-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-7190-5 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/207196 | QJ-AB-21-028-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
- Il-Figuri 1, 4: ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Data Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.




