Rapport Speċjali
09 2021

Id-diżinformazzjoni taffettwa lill-UE: qed tiġi indirizzata iżda mhux mitigata

Dwar ir-rapport: Id‑diżinformazzjoni hija tħassib serju f’soċjetajiet organizzati. Il‑media soċjali u t‑teknoloġiji l-ġodda żiedu l‑iskala u l‑veloċità li bihom informazzjoni falza jew qarrieqa tista’ tilħaq lill‑udjenzi tagħha, kemm jekk udjenzi intenzjonati kif ukoll dawk mhux intenzjonati. Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni kien rilevanti meta tfassal, iżda mhux komplet. Minkejja li l‑implimentazzjoni tiegħu tinsab b’mod ġenerali fit‑triq it‑tajba u hemm evidenza ta’ żviluppi pożittivi, il‑pjan ta’ azzjoni ma wassalx għar‑riżultati intenzjonati kollha tiegħu. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jittejbu l‑koordinazzjoni u l‑obbligu ta’ rendikont tal‑azzjonijiet tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni. Niffukaw fuq l‑arranġamenti operazzjonali tad‑diviżjoni għall‑komunikazzjoni strateġika tas‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna u tat‑task forces tiegħu. Aħna nirrakkomandaw li jiżdied l‑involviment tal‑Istati Membri fis‑sistema ta’ twissija rapida u jittejbu l‑monitoraġġ u l‑obbligu ta’ rendikont tal‑pjattaformi online. Niġbdu l‑attenzjoni wkoll għall-ħtieġa ta’ strateġija tal‑UE għal‑litteriżmu fil‑media li tinkludi l-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni u t‑teħid ta’ passi biex l‑Osservatorju Ewropew għall‑Monitoraġġ tal‑Media Diġitali jkun jista’ jilħaq l‑objettivi ambizzjużi tiegħu.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Id‑diżinformazzjoni ilha preżenti fil‑komunikazzjoni umana mill‑bidu taċ-ċivilizzazzjoni u mill-ħolqien ta’ soċjetajiet organizzati. Madankollu, dak li nbidel fi snin reċenti huwa l‑iskala enormi tagħha u l‑veloċità li biha informazzjoni falza jew qarrieqa tista’ tilħaq lill‑udjenzi intenzjonati u dawk mhux intenzjonati tagħha permezz tal‑media soċjali u teknoloġiji ġodda. Dan jista’ jikkawża ħsara pubblika.

II

Il‑Kunsill Ewropew, fil‑konklużjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Ġunju 2018, stieden lir‑Rappreżentant Għoli tal‑UE għall‑Affarijiet Barranin u l‑Politika ta’ Sigurtà u lill‑Kummissjoni biex jippreżentaw pjan ta’ azzjoni bi proposti speċifiċi għal rispons koordinat għad‑diżinformazzjoni. Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni, ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2018, jinkludi 10 azzjonijiet speċifiċi bbażati fuq 4 oqsma ta’ prijorità jew “pilastri”, u jikkonsolida l‑isforzi tal‑UE biex tindirizza d‑diżinformazzjoni. L‑infiq tal‑UE fuq l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni sa issa kien relattivament baxx: EUR 50 miljun bejn l‑2015 u l‑2020.

III

L‑iskop tal‑awditu kien li jivvaluta jekk il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni kienx rilevanti meta tfassal u kienx wassal għar‑riżultati intenzjonati tiegħu. L‑awditu kopra l‑perjodu mit-tħejjija għall‑adozzjoni tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni f’Diċembru 2018 sa Settembru 2020. Dan ir‑rapport huwa l‑ewwel valutazzjoni komprensiva u indipendenti tar‑rilevanza tiegħu u r‑riżultati miksuba. B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kien rilevanti iżda mhux komplet, u minkejja li l‑implimentazzjoni tiegħu tinsab fit‑triq it‑tajba u hemm evidenza ta’ żviluppi pożittivi, xi wħud mir‑riżultati ma twasslux kif kien intenzjonat.

IV

Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE fih miżuri rilevanti, proattivi u reattivi għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni. Madankollu, minkejja li t‑tattiki tad‑diżinformazzjoni, l‑atturi u t‑teknoloġija qed jevolvu b’mod kostanti, il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE ma ġiex aġġornat minn meta ġie ppreżentat fl‑2018. Huwa ma jinkludix arranġamenti komprensivi biex jiġi żgurat li kwalunkwe rispons tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni jkun ikkoordinat tajjeb, effettiv u proporzjonat għat‑tip kif ukoll l‑iskala tat‑theddida. Barra minn hekk, ma kien hemm l‑ebda qafas ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar li jakkumpanja l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE, li jimmina l‑obbligu ta’ rendikont.

V

It‑tliet task forces għall‑komunikazzjoni strateġika tas‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna tejbu l‑kapaċità tal‑UE biex tipprevedi u tirrispondi għad‑diżinformazzjoni fil‑pajjiżi ġirien. Madankollu, huma ma jingħatawx ir‑riżorsi jew ma jiġux evalwati b’mod adegwat, u l‑mandati tagħhom ma jkoprux xi theddid emerġenti.

VI

Il‑proġett EUvsDisinfo kien strumentali biex tiżdied sensibilizzazzjoni dwar id‑diżinformazzjoni Russa. Madankollu, il‑fatt li huwa ospitat mis‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna jqajjem xi mistoqsijiet dwar l‑indipendenza u l‑iskop aħħari tiegħu, billi jista’ jiġi pperċepit li jirrappreżenta l‑pożizzjoni uffiċjali tal‑UE. Is‑sistema ta’ twissija rapida ffaċilitat il‑kondiviżjoni tal‑informazzjoni fost l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet tal‑UE. Madankollu, l‑Istati Membri mhumiex qed jużaw il‑potenzjal sħiħ tas‑sistema għall‑koordinazzjoni tar‑rispons konġunt għad‑diżinformazzjoni u għall‑azzjoni komuni.

VII

Permezz tal‑kodiċi ta’ prattika, il‑Kummissjoni stabbiliet qafas pijunier għall‑involviment ma’ pjattaformi online. Aħna sibna li l‑kodiċi ta’ prattika ma laħaqx l-għan tiegħu li jżomm lill‑pjattaformi online responsabbli għall‑azzjonijiet u r‑rwol tagħhom fl‑indirizzar attiv tad‑diżinformazzjoni.

VIII

Ir‑rapport jiġbed ukoll l‑attenzjoni għan‑nuqqas ta’ strateġija għal‑litteriżmu fil‑media li tinkludi l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni, u l‑frammentazzjoni tal‑politika u l‑azzjonijiet biex tiżdied il‑kapaċità għal aċċess, fehim u interazzjoni mal‑media u l‑komunikazzjonijiet. Fl-aħħar nett, aħna sibna li kien hemm riskju li l‑Osservatorju Ewropew tal‑Media Diġitali, li għadu kif inħoloq, ma jilħaqx l‑objettivi tiegħu.

IX

Ibbażat fuq dawn il‑konklużjonijiet, aħna nirrakkomandaw li s‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna u l‑Kummissjoni:

  • itejbu l‑koordinazzjoni u l‑obbligu ta’ rendikont tal‑azzjonijiet tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni (is‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna u l‑Kummissjoni);
  • itejbu l‑arranġamenti operazzjonali tad‑diviżjoni StratCom u t‑task forces tagħha (is‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna);
  • iżidu l‑parteċipazzjoni fis‑sistema ta’ twissija rapida mill‑Istati Membri u l‑pjattaformi online (is‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna);
  • itejbu l‑monitoraġġ u l‑obbligu ta’ rendikont tal‑pjattaformi online (il‑Kummissjoni);
  • jadottaw strateġija tal‑UE għal‑litteriżmu fil‑media li tinkludi l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni (il‑Kummissjoni);
  • jieħdu passi biex l‑Osservatorju Ewropew tal‑Media Diġitali jkun jista’ jilħaq l‑objettivi ambizzjużi tiegħu (il‑Kummissjoni).

Introduzzjoni

01

Il‑Kummissjoni Ewropea1 tiddefinixxi “diżinformazzjoni” bħala “informazzjoni li tista’ tiġi kkonfermata bħala falza jew qarrieqa, li tinħoloq u li tiġi ppreżentata u disseminata għall‑benefiċċju ekonomiku jew biex tqarraq intenzjonalment lill‑pubbliku, u li tista’ tikkawża ħsara pubblika”. Il-ħsara pubblika tinkludi t‑theddid għall‑proċessi demokratiċi politiċi u ta’ tfassil tal‑politika kif ukoll għall‑beni pubbliċi bħal pereżempju l‑protezzjoni tas‑saħħa taċ-ċittadini tal‑UE, tal‑ambjent jew tas‑sigurtà.

02

Id‑definizzjoni tal‑Kummissjoni ta’ diżinformazzjoni teskludi r‑reklamar qarrieqi, l-iżbalji fir‑rappurtar, is‑satira u l‑parodija, jew l-aħbarijiet u l‑kummentarji identifikati b’mod ċar bħala ta’ natura partiġjana. Pereżempju, għall‑kuntrarju tad‑diskors ta’ mibegħda jew il‑materjal terroristiku, informazzjoni falza jew qarrieqa waħedha, mhijiex illegali.

03

Il‑leġittimità u l‑iskop tal‑UE huma msejsa fuq pedament demokratiku, li jiddependi fuq elettorat infurmat li jesprimi r‑rieda demokratika tiegħu permezz ta’ elezzjonijiet liberi u ġusti. Għaldaqstant, kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata jew immanipulata opinjoni pubblika b’mod malizzjuż u intenzjonalment jirrappreżenta theddida serja għall‑UE nnifisha. Fl‑istess ħin, il-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni tirrappreżenta sfida kbira, billi jenħtieġ li ma tippreġudikax il‑libertà tal‑opinjoni u tal‑espressjoni li hija dritt fundamentali minqux fil‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑UE.

04

It‑terminu “diżinformazzjoni” inħoloq fil‑bidu tas‑seklu 20 u ilu jintuża b’mod estensiv minn dak iż-żmien ’il hawn. Fi snin reċenti, l‑internet amplifika l‑iskala u l‑veloċità li bihom l‑informazzjoni falza qed tilħaq lill‑udjenzi, ħafna drabi b’mod anonimu u bi spiża minima.

05

L‑isforzi tal‑UE fil-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni jmorru lura għal Marzu 2015, meta l‑Kunsill Ewropew2 stieden lir‑Rappreżentant Għoli tal‑UE għall‑Affarijiet Barranin u l‑Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), f’kooperazzjoni mal‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet tal‑UE, biex jiżviluppa pjan ta’ azzjoni dwar komunikazzjoni strateġika biex jiġu indirizzati l‑kampanji ta’ diżinformazzjoni li għadhom għaddejjin fir‑Russja. Dan wassal għall-ħolqien tad‑diviżjoni għall‑komunikazzjoni strateġika (“StratCom”) u tal‑ewwel fost it‑task forces tagħha fi ħdan is‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna (SEAE), b’mandat biex tiġġieled id‑diżinformazzjoni li toriġina minn barra mill‑UE (ir‑Russja) u tfassal u xxerred komunikazzjonijiet strateġiċi pożittivi fil‑viċinat tal‑Lvant tal‑UE – magħrufa bħala t‑Task Force East StratCom għall‑komunikazzjoni strateġika. Fl‑2017, inħolqu żewġ task forces StratCom oħra: waħda għall‑viċinat tan‑Nofsinhar u oħra għall‑Balkani tal‑Punent (ara wkoll il‑paragrafi 45-49).

06

Fi tmiem l‑2017, il‑Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti ta’ livell għoli biex joffri pariri konkreti dwar l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni. Il‑grupp ippreżenta r‑rapport tiegħu f’Marzu 20183, li fforma l‑bażi għall‑Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni intitolata “L‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew”4 (April 2018). Din il‑Komunikazzjoni ddeskriviet il‑prinċipji u l‑objettivi ewlenin li jiggwidaw l‑azzjonijiet biex tiżdied is‑sensibilizzazzjoni tal‑pubbliku dwar id‑diżinformazzjoni, kif ukoll il‑miżuri speċifiċi li l‑Kummissjoni għandha l‑intenzjoni tieħu.

07

Il‑Kunsill Ewropew, fil‑konklużjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Ġunju 20185, stieden lir‑Rappreżentant Għoli tal‑UE għall‑Affarijiet Barranin u l‑Politika ta’ Sigurtà u lill‑Kummissjoni biex sa Diċembru 2018 “jippreżentaw pjan ta’ azzjoni bi proposti speċifiċi għal rispons koordinat tal‑UE għall‑isfida tad‑diżinformazzjoni, inkluż mandati xierqa u riżorsi suffiċjenti għat‑timijiet rilevanti ta’ Komunikazzjoni Strateġika tas‑SEA”.

08

Ibbażat fuq il‑Komunikazzjoni ta’ April 2018, f’Diċembru 2018 il‑Kummissjoni ppubblikat pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni (minn hawn ’il quddiem: il-“pjan ta’ azzjoni tal‑UE”). Huwa jistabbilixxi 10 azzjonijiet speċifiċi bbażati fuq 4 oqsma ta’ prijorità jew “pilastri”, immirati lejn is‑soċjetà fl‑intier tagħha, kif jidher fit‑Tabella 1 ta’ hawn taħt.

Tabella 1

Il‑pilastri u l‑azzjonijiet tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni

Pilastru Azzjonijiet
I. Titjib fil‑kapaċitajiet tal‑istituzzjonijiet tal‑UE biex jidentifikaw, janalizzaw u jesponu d‑diżinformazzjoni 1. Issaħħaħ it‑task forces għall‑komunikazzjoni strateġika u d‑delegazzjonijiet tal‑UE b’riżorsi addizzjonali (umani u finanzjarji) biex jidentifikaw, janalizzaw u jesponu attivitajiet ta’ diżinformazzjoni
2. Tirrieżamina l‑mandati tat‑task forces għall‑komunikazzjoni strateġika tal‑Balkani tan‑Nofsinhar u tal‑Punent.
II. Tisħiħ tar‑rispons koordinat u konġunt għad‑diżinformazzjoni 3. Sa Marzu 2019, tistabbilixxi sistema ta’ twissija rapida fost l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet tal‑UE li taħdem mill‑qrib ma’ networks eżistenti oħra (bħan‑NATO u l‑G7)
4. Iżżid il‑komunikazzjoni qabel l‑elezzjonijiet tal‑Parlament Ewropew tal‑2019
5. Issaħħaħ il‑komunikazzjoni strateġika fil‑Viċinat.
III. Mobilizzazzjoni tas‑settur privat biex tiġi indirizzata d‑diżinformazzjoni 6. Timmonitorja mill‑qrib u kontinwament l‑implimentazzjoni ta’ kodiċi ta’ prattika biex tindirizza d‑diżinformazzjoni, inkluż li ssir aktar pressjoni lejn konformità rapida u effettiva, permezz ta’ valutazzjoni komprensiva wara 12‑il xahar
IV. Żieda fis‑sensibilizzazzjoni u titjib tar‑reżiljenza tas‑soċjetà 7. Mal‑Istati Membri, torganizza kampanji mmirati għal żieda fis‑sensibilizzazzjoni dwar l‑effetti negattivi tad‑diżinformazzjoni, u tappoġġa x‑xogħol tal‑media indipendenti u l-ġurnaliżmu ta’ kwalità
8. Jenħtieġ li l‑Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta’ timijiet ta’ verifikaturi tal‑fatti u riċerkaturi indipendenti multidixxiplinari biex jidentifikaw u jesponu kampanji ta’ diżinformazzjoni
9. Tippromwovi l‑litteriżmu fil‑media, inkluż permezz tal-Ġimgħa għal‑Litteriżmu fil‑Media (Marzu 2019) u timplimenta b’mod rapidu d‑dispożizzjonijiet rilevanti tad‑Direttiva dwar is‑Servizzi tal‑Media Awdjoviżiva
10. Twettaq segwitu effettiv tal‑Pakkett dwar l‑Elezzjonijiet, notevolment ir‑Rakkomandazzjoni, inkluż il‑monitoraġġ mill‑Kummissjoni tal‑implimentazzjoni tiegħu

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE.

09

Ma hemm l‑ebda qafas legali tal‑UE li jirregola d‑diżinformazzjoni minbarra l‑Artikolu 11 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali dwar il‑Libertà tal‑espressjoni u tal‑informazzjoni, u sensiela ta’ inizjattivi ta’ politika. Ir‑responsabbiltà għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni hija primarjament tal‑Istati Membri6. Ir‑rwol tal‑UE huwa li tappoġġa lill‑Istati Membri b’viżjoni u azzjonijiet komuni mmirati lejn it‑tisħiħ tal‑koordinazzjoni, il‑komunikazzjoni u l‑adozzjoni ta’ prattiki tajba. L‑Anness I jippreżenta d‑dipartimenti u l‑uffiċċji prinċipali tal‑istituzzjonijiet tal‑UE involuti fl‑implimentazzjoni tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. Kif jidher fl‑Anness II, l‑infiq tal‑UE fuq l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni sa issa kien relattivament baxx: EUR 50 miljun bejn l‑2015 u l‑2020.

10

F’Diċembru 20197, il‑Kunsill ikkonferma li l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE “għadu jinsab fil‑qalba tal‑isforzi tal‑UE” biex tiġi miġġielda d‑diżinformazzjoni, u appella biex dan jiġi rrieżaminat b’mod regolari u aġġornat meta jkun meħtieġ. Huwa stieden ukoll lis‑SEAE biex isaħħaħ ix‑xogħol ta’ komunikazzjoni strateġika tiegħu f’reġjuni oħra, inkluż fl‑Afrika sub-Saħarjana. Il‑Parlament Ewropew esprima wkoll, f’għadd kbir okkażjonijiet, l‑importanza li jissaħħu l‑isforzi għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni8.

11

Fil‑bidu tal‑2020, kważi immedjatament wara t‑tifqigħa tal‑COVID‑19, feġġet fuq l‑internet mewġa bla preċedent ta’ miżinformazzjoni, diżinformazzjoni u qlajjiet diġitali, li l‑Organizzazzjoni Dinjija tas‑Saħħa ddeskriviet bħala “infodemija”9. Din ħolqot theddida diretta għas‑saħħa pubblika u għall‑irkupru ekonomiku. F’Ġunju 2020, il‑Kummissjoni Ewropea u r‑Rappreżentant Għoli ppubblikaw il‑Komunikazzjoni intitolata “Nindirizzaw id‑diżinformazzjoni dwar il‑COVID‑19 - X’inhuma l‑fatti”10, li tat ħarsa lejn il‑passi li diġà ttieħdu u l‑azzjonijiet konkreti li għandhom jiġu segwiti kontra d‑diżinformazzjoni rigward il‑COVID‑19.

12

Fl-4 ta’ Diċembru 2020, il‑Kummissjoni ppreżentat il-“Pjan ta’ Azzjoni għad‑Demokrazija Ewropea”11, li parti minnu huwa ddedikat għat‑tisħiħ tal-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni. Dan jibni fuq l‑inizjattivi eżistenti fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ħarġet ukoll proposta għal Att dwar is‑Servizzi Diġitali12 li jipproponi qafas orizzontali għas‑sorveljanza regolatorja, ir‑responsabbiltà u t‑trasparenza tal‑ispazju online b’rispons għar‑riskji emerġenti.

13

Il‑Figura 1 tipprovdi kronoloġija tal‑inizjattivi prinċipali tal‑UE mill‑2015 ’il hawn.

Figura 1

Kronoloġija tal‑inizjattivi prinċipali tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni

Sors: il‑QEA.

Ambitu u approċċ tal–awditjar

14

Dan ir‑rapport tal‑awditjar jasal sentejn wara l‑adozzjoni tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni. Huwa l‑ewwel valutazzjoni komprensiva u indipendenti tar‑rilevanza tiegħu u r‑riżultati miksuba, u b’hekk jikkontribwixxi għar‑rieżaminar regolari tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE mitlub mill‑Kunsill.

15

L-għan tal‑awditu tagħna kien li naċċertaw jekk il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni huwiex rilevanti u jekk huwiex qed iwassal għar‑riżultati intenzjonati tiegħu. Biex inwieġbu din il‑mistoqsija, aħna indirizzajna żewġ sottomistoqsijiet:

  • Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE huwa rilevanti biex tiġi indirizzata d‑diżinformazzjoni u huwa mirfud minn qafas sod ta’ obbligu ta’ rendikont?
  • L‑azzjonijiet fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE qed jiġu implimentati kif ippjanat? Biex inwieġbu din is‑sottomistoqsija, aħna vvalutajna l‑istatus tal‑azzjonijiet taħt kull wieħed mill‑erba’ pilastri tal‑pjan.
16

L‑awditu kopra l‑perjodu mit-tħejjija għall‑adozzjoni tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni f’Diċembru 2018 sa Settembru 2020. Fejn ikun possibbli, dan ir‑rapport jirreferi wkoll għall-iżviluppi reċenti f’dan il‑qasam wara din id‑data, bħall‑preżentazzjoni mill‑Kummissjoni tal‑pjan ta’ azzjoni għad‑demokrazija Ewropea u l‑proposta għal Att dwar is‑Servizzi Diġitali f’Diċembru 2020 (ara l‑paragrafu 12). Madankollu, billi dawn id‑dokumenti ġew ippubblikati wara li konna kkompletajna x‑xogħol tal‑awditjar tagħna, dawn huma lil hinn mill‑ambitu ta’ dan l‑awditu.

17

L‑awditu kien jinkludi analiżi estensiva mhux fuq il‑post u analiżi tad‑dokumentazzjoni kollha disponibbli dwar l‑istrutturi stabbiliti, u l‑azzjonijiet ippjanati u implimentati permezz tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. Aħna bgħatna stħarriġ lill‑punti ta’ kuntatt tas‑Sistema ta’ Twissija Rapida tas‑27 Stat Membru, u ksibna rata ta’ rispons ta’ 100 %. Kellna wkoll laqgħat ma’ għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati bħas‑SEAE u d‑direttorati ġenerali rilevanti tal‑Kummissjoni (DĠ), il‑Parlament Ewropew, il‑Kunsill, ir‑rappreżentazzjonijiet tal‑Kummissjoni, in‑NATO, iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall‑Komunikazzjoni Strateġika, affiljat man‑NATO, fil‑Latvja, l‑awtoritajiet nazzjonali, il‑pjattaformi online, il-ġurnalisti u l‑organizzazzjonijiet ta’ verifikaturi tal‑fatti, il‑korpi regolatorji tas‑servizzi tal‑media awdjoviżiva li jipprovdu pariri lill‑Kummissjoni, lill‑akkademiċi u lill‑esperti, lill‑maniġers/koordinaturi tal‑proġetti u lil esperti esterni.

18

Aħna vvalutajna wkoll 20 proġett minn 23 li l‑Kummissjoni identifikat bħala direttament relatati mal-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni permezz tal‑litteriżmu fil‑media. L‑Anness III jagħti sommarju tal‑valutazzjoni li wettaqna ta’ dawn il‑proġetti.

Osservazzjonijiet

Il–pjan ta’ azzjoni tal–UE kontra d–diżinformazzjoni kien rilevanti meta tfassal, iżda mhux komplet

19

Għal din it‑taqsima, aħna eżaminajna jekk il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kienx rilevanti meta tfassal għall‑ewwel darba, jiġifieri jekk kienx jindirizza l-ħtiġijiet identifikati mill‑esperti u minn partijiet ikkonċernati oħra. Aħna vvalutajna wkoll jekk kienx ġie rrieżaminat u aġġornat. Aħna analizzajna l‑avvenimenti u s‑sorsi li kien ibbażat fuqhom, u vvalutajna jekk kienx fih arranġamenti ta’ koordinazzjoni adegwati għall‑komunikazzjoni u l‑elementi meħtieġa biex titkejjel il‑prestazzjoni tal‑implimentazzjoni u jiġi żgurat l‑obbligu ta’ rendikont.

Il–pjan ta’ azzjoni tal–UE kien, b’mod ġenerali, konsistenti mal–fehmiet tal–esperti u tal–partijiet ikkonċernati dwar id–diżinformazzjoni

20

Il-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni hija dominju tekniku ħafna li jirrikjedi input u għarfien espert minn firxa diversa ta’ professjonisti. Il‑konsultazzjoni pubblika hija essenzjali wkoll biex jiġu stabbiliti l‑fehmiet u l‑prijoritajiet tal‑partijiet ikkonċernati u biex it‑theddida tinftiehem aħjar.

21

Aħna sibna li l‑Kummissjoni kienet ibbażat fuq għarfien espert estern xieraq u wettqet konsultazzjoni pubblika komprensiva13 bħala bażi għall‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE indirizza, fil‑biċċa l‑kbira, is‑suġġerimenti u t-tħassib espressi f’dawn id‑dokumenti.

22

Fiż-żmien meta l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE ġie ppubblikat f’Diċembru 2018, hija ppreżentat approċċ strutturat biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li jirrikjedu kemm sforzi reattivi (tneħħija u tnaqqis tal‑viżibbiltà tal‑kontenut ta’ diżinformazzjoni) kif ukoll sforzi proattivi fuq terminu itwal (litteriżmu fil‑media u miżuri biex tittejjeb ir‑reżiljenza tas‑soċjetà). Hija enfasizzat l-għan li jiġu protetti l‑elezzjonijiet Ewropej tal‑2019 li ġejjin, kif ukoll l‑isfidi tas‑soċjetà fuq terminu twil li jirrikjedu l‑involviment ta’ ħafna atturi differenti.

23

Ħlief fil‑qasam tal‑litteriżmu fil‑media, il‑Kummissjoni identifikat azzjonijiet konkreti biex issegwi r‑rakkomandazzjonijiet prinċipali mir‑rapport indipendenti intitolat “Final report of the High‑level expert group on fake news and online disinformation” (HLEG). L‑HLEG, li jikkonsisti minn 39 espert b’esperjenza differenti, ġie stabbilit f’Jannar 2018 mill‑Kummissjoni biex jagħti pariri dwar inizjattivi ta’ politika biex tiġi miġġielda d‑diżinformazzjoni online. Dan ir‑rapport, flimkien mal‑komunikazzjoni tal‑Kummissjoni ta’ April 2018 iffurmaw il‑bażi għall‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE.

24

Aktar evidenza tar‑rilevanza tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE hija li l‑azzjonijiet tagħha fittxew li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin fil‑qasam, li jinkludu mhux biss l‑istituzzjonijiet tal‑UE u l‑Istati Membri, iżda wkoll oħrajn bħas‑settur privat, is‑soċjetà ċivili, il‑verifikaturi tal‑fatti, il-ġurnalisti u d‑dinja akkademika.

Is–SEAE u l–Kummissjoni ma stabbilewx arranġamenti ċari ta’ koordinazzjoni biex jimplimentaw il–pjan ta’ azzjoni tal–UE

25

Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni ma kienx akkumpanjat minn qafas ta’ koordinazzjoni ġenerali biex jiġi żgurat li kwalunkwe rispons tal‑UE jkun effettiv u proporzjonat għat‑tip u l‑iskala tat‑theddida. Id‑definizzjoni u l‑koordinazzjoni tal‑flussi ta’ xogħol ta’ komunikazzjoni, pereżempju, ikunu jagħmluha possibbli li jiġi identifikat meta għandna naħdmu flimkien u fi sħubija mal‑atturi lokali u s‑soċjetà ċivili biex tiżdied is‑sensibilizzazzjoni dwar it‑theddid ta’ diżinformazzjoni.

26

Strateġija ta’ komunikazzjoni tiżgura rispons koerenti meta jkunu involuti atturi differenti. Kull wieħed mill‑erba’ pilastri tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE jaqa’ taħt ir‑responsabbiltà ta’ DĠ differenti tal‑Kummissjoni jew tas‑SEAE. Dan joħloq ir‑riskju li dawn “jaħdmu b’mod kompartimentalizzat” (jiġifieri b’mod parallel mingħajr kooperazzjoni jew koordinazzjoni) f’dak li jirrigwarda l‑komunikazzjoni, mingħajr ma jkun hemm l‑ebda korp uniku inkarigat jew ikollu sorveljanza kompleta tal‑komunikazzjonijiet kollha għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni.

27

Id‑Direttorat Ġenerali għall‑Komunikazzjoni (DĠ COMM) tal‑Kummissjoni huwa responsabbli għall‑komunikazzjoni esterna tal‑istituzzjoni. Il‑pjan ta’ ġestjoni tad-DĠ COMM għall‑2019 jirrikonoxxi r‑rwol tiegħu fl‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni u jiġbed l‑attenzjoni għall-ħtieġa għal kooperazzjoni fost id-DĠ u istituzzjonijiet oħra, b’referenza b’mod partikolari għad‑Direttorat Ġenerali għan‑Networks tal‑Komunikazzjonijiet, il‑Kontenut u t‑Teknoloġija (DĠ CNECT) u ċ-Ċentru Konġunt tar‑Riċerka. Madankollu, ma hemm l‑ebda referenza għas‑SEAE jew għat‑task forces StratCom, li huma involuti ħafna wkoll fil‑komunikazzjoni pożittiva u l-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni.

28

Id-DĠ COMM stabbilixxa network intern kontra d‑diżinformazzjoni (IND). L-għanijiet tiegħu jinkludu t‑titjib tal‑koordinazzjoni tal‑attivitajiet ta’ komunikazzjoni mmirati lejn l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni, l‑istabbiliment ta’ repożitorju online ta’ provi kontrarji vvalidati, l‑identifikazzjoni sistematika tad‑diżinformazzjoni u l‑koordinazzjoni tar‑rispons, u l‑promozzjoni ta’ messaġġi pożittivi. Saru 11-il laqgħa bejn il‑bidu tiegħu f’Mejju 2018 u Jannar 2020. Dawn il‑laqgħat huma, b’mod ġenerali, inklużivi, b’rappreżentanti minn ħafna servizzi u rappreżentazzjonijiet tal‑Kummissjoni, is‑SEAE u istituzzjonijiet oħra, kif ukoll esperti oħra. Madankollu, il‑laqgħat sa issa involvew biss rappreżentanti li kkondividew informazzjoni dwar l‑azzjoni li ttieħdet, mingħajr l‑ebda rabta mat‑tfassil tal‑politika u l‑ebda evidenza ta’ azzjonijiet konkreti ta’ segwitu jew deċiżjonijiet meħuda biex l‑IND isir mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni effettiv.

29

Il‑pjan ta’ ġestjoni tal‑2019 tad-DĠ COMM kellu indikatur wieħed biss relatat mad‑diżinformazzjoni (minn 102) u dan kejjel biss l-għadd ta’ laqgħat tal‑IND.

30

Barra minn hekk, ir‑rappreżentazzjonijiet tal‑Kummissjoni għandhom rwol vitali fil‑komunikazzjoni esterna tal‑Kummissjoni, permezz ta’ messaġġi pożittivi u sensibilizzazzjoni, laqgħat għall‑media, tneħħija ta’ miti u l-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni, u huma mistennija li jipparteċipaw b’mod attiv fl‑IND. L‑attivitajiet tagħhom li jeqirdu l‑miti huma elenkati fuq paġna fis‑sit web uffiċċjali ta’ kull rappreżentazzjoni. Dawn il‑paġni ta’ spiss kienu diffiċli li jiġu aċċessati billi l‑lokalizzazzjoni tagħhom kienet tvarja bejn ir‑rappreżentazzjonijiet: xi wħud (eż. fil‑Greċja u fi Spanja) inkludewha fit‑taqsima tal-aħbarijiet, filwaqt li oħrajn (eż. fil‑Polonja u fl‑Irlanda) ma għamlux dan. Barra minn hekk, dawn ma ġewx aġġornati regolarment. Xi wħud mill‑paġni pprovdew informazzjoni limitata u ta’ spiss aneddotali u ma kien hemm l‑ebda statistika disponibbli dwar l-għadd ta’ viżitaturi f’dawn il‑paġni.

31

Fl-aħħar nett, id-DĠ COMM kien qed jiżviluppa hub ċentrali ta’ diżinformazzjoni bbażat fuq il‑web bħala portal ċentralizzat li jiġbor flimkien l‑aspetti kollha tax‑xogħol tal‑istituzzjonijiet tal‑UE dwar id‑diżinformazzjoni. It‑tnedija tiegħu kienet mistennija fil‑bidu tal‑2020 iżda ġiet ikkanċellata għal raġunijiet mhux ċari.

Qafas frammentat ta’ monitoraġġ u rappurtar u n–nuqqas ta’ finanzjament fuq terminu twil jimminaw l–obbligu ta’ rendikont tal–pjan ta’ azzjoni tal–UE

32

Biex jiġi żgurat l‑obbligu ta’ rendikont, pjan ta’ azzjoni jeħtieġ objettivi ċari u azzjonijiet marbuta mal-ħin, akkumpanjat minn għadd ta’ indikaturi għall‑monitoraġġ tal‑prestazzjoni. Id‑dispożizzjonijiet għall‑finanzjament, ir‑rappurtar regolari, l‑evalwazzjoni u r‑reviżjonijiet huma wkoll elementi essenzjali ta’ pjan ta’ azzjoni.

33

Xi wħud mill‑objettivi fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE għandhom formulazzjoni ġenerika bħal “żieda” jew “tisħiħ”, li ma jistgħux jitkejlu. Ma jeżistux KPIs kumplessivi għall‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE fl‑intier tiegħu. Barra minn hekk, nofs l‑azzjonijiet (l‑azzjonijiet 1, 2, 4, 5 u 8) ma għandhomx KPIs u l‑azzjonijiet jew mhumiex iddefiniti b’mod ċar jew inkella mhumiex marbuta mal-ħin (ara wkoll l‑Anness IV).

34

Il‑perjodu ta’ żmien tal‑azzjonijiet ivarja bejn terminu qasir u dak twil, u xi wħud huma konkreti u marbuta mal-ħin (eż. “sa Marzu 2019, il‑Kummissjoni u r‑Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal‑Istati Membri, se jistabbilixxu Sistema ta’ Twissija Rapida”), filwaqt li oħrajn huma vagi (eż. “L‑Istati Membri għandhom isaħħu b’mod sinifikanti l‑isforzi ta’ komunikazzjoni tagħhom stess dwar il‑valuri u l‑politiki tal‑Unjoni”).

35

Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE ma kienx akkumpanjat minn qafas iddedikat ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni (dan japplika wkoll għall‑pjan ta’ azzjoni għad‑demokrazija Ewropea li ġie ppubblikat reċentement). Ma kien hemm l‑ebda dispożizzjoni biex jiġi evalwat il‑pjan fl‑intier tiegħu u sa issa ma kien hemm l‑ebda evalwazzjoni kumplessiva. Il‑feedback mill‑implimentazzjoni tiegħu fl‑Istati Membri ma jiġix irreġistrat ċentralment u mhuwiex aggregat. Kull rappreżentazzjoni twettaq il‑kampanja ta’ komunikazzjoni proprja tagħha u tiġbor l‑istatistika, iżda aħna ma sibna l‑ebda evidenza li din l‑istatistika qed tintuża mill‑Kummissjoni biex jittieħdu t‑tagħlimiet, għall-aħjar prattika, jew bħala linja bażi. Ma hemm l‑ebda rappurtar lil hinn minn dikjarazzjoni li xi wħud mill‑attivitajiet jappartjenu għall‑kategorija ta’ sforzi kontra d‑diżinformazzjoni. Pereżempju, għodod bħall‑wiki interna tal‑Kummissjoni li teqred il‑miti jew il‑bullettin kontra d‑diżinformazzjoni mhumiex immonitorjati f’termini tal‑impenn tal‑Istati Membri (eż. bl-użu ta’ stħarriġiet, statistika tal‑utenti jew indikaturi).

36

Il‑Kummissjoni u s‑SEAE jaġġornaw regolarment u jirrappurtaw lil diversi gruppi ta’ ħidma tal‑Kunsill u korpi preparatorji dwar il‑progress li jsir fl‑implimentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt pilastri speċifiċi tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. Madankollu, dan ir‑rappurtar mhuwiex fid‑dominju pubbliku u ma jinkludix il‑pjan ta’ azzjoni kollu tal‑UE.

37

Għalkemm kien hemm rapporti separati dwar aspetti speċifiċi tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE (valutazzjoni tal‑kodiċi ta’ prattika u rapport tal‑Kummissjoni dwar l‑elezzjonijiet tal‑UE), rapport wieħed biss ġie ppubblikat dwar l‑implimentazzjoni tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE fl‑intier tiegħu. Dan seħħ fl‑14 ta’ Ġunju 2019, sitt xhur wara l‑preżentazzjoni tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE nnifsu.

38

Għalkemm dan l‑ewwel rapport ta’ implimentazzjoni kopra l‑pilastri kollha tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE, għandu għadd ta’ nuqqasijiet:

  • ma jipprovdi l‑ebda miżura ta’ prestazzjoni;
  • ħlief għall‑kodiċi ta’ prattika, ir‑rappurtar għal kull pilastru huwa fil‑biċċa l‑kbira f’forma narrattiva ġenerali u ma hemm l‑ebda rappurtar dettaljat għal kull azzjoni;
  • ma hemm l‑ebda anness ta’ rappurtar dwar proġetti individwali marbuta mal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE;
  • ma hemm l‑ebda indikazzjoni ta’ meta għandu jiġi mistenni r‑rapport ta’ implimentazzjoni li jmiss.
39

Il-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni hija qasam li qed jevolvi b’mod kostanti, li jkun jistħoqqlu rappurtar regolari. Il‑Komunikazzjoni Konġunta dwar l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni tal‑COVID‑19 irrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġi żviluppat rappurtar regolari14.

40

Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE huwa nieqes minn pjan finanzjarju ddedikat li jkopri l‑ispejjeż tal‑attivitajiet kollha assenjati lil entitajiet differenti. Il‑finanzjament jiġi minn sorsi differenti u ma hemm l‑ebda dispożizzjoni biex jiġi żgurat finanzjament fuq terminu twil, minkejja li xi wħud mill‑avvenimenti msemmija fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE huma rikorrenti. L‑Anness II jippreżenta l‑baġit allokat għall‑azzjonijiet differenti għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni. Huwa juri li s‑sors prinċipali ta’ finanzjament huwa differenti kull sena u jesponi nuqqas ta’ ppjanar finanzjarju (ara wkoll il‑paragrafi 5051). Il‑Kummissjoni u s‑SEAE mhux dejjem jallokaw infiq marbut mal-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni (ma għandha l‑ebda kodiċi ta’ intervent speċifiku) – tali informazzjoni ġiet ikkumpilata biss għal dan l‑awditu. Il‑Figura 2 tagħti ħarsa ġenerali lejn il‑finanzjament kollu tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni mill‑2015 sal‑2020 (ma tinkludix attivitajiet li jikkontribwixxu indirettament għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni, jiġifieri l‑attivitajiet ta’ komunikazzjoni proattivi fil‑viċinat tal‑UE).

Figura 2

Il‑finanzjament kollu tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni 2015‑2020

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill‑Kummissjoni u mis‑SEAE.

41

Barra minn hekk, il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE għadu ma ġiex aġġornat minn meta ġie ppreżentat fl‑2018. Pereżempju, xi wħud mill‑azzjonijiet huma marbuta biss mal‑elezzjonijiet Ewropej tal‑2019 jew il-Ġimgħa għal‑Litteriżmu fil‑Media tal‑2019, li t‑tnejn li huma għaddew. Id‑diżinformazzjoni qed tevolvi b’mod kostanti. It‑tattiki użati, it‑teknoloġija wara l‑kampanji ta’ diżinformazzjoni, u l‑atturi involuti kollha qed jinbidlu b’mod kostanti15. Il‑Kunsill ġibed l‑attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE jiġi rrieżaminat u aġġornat b’mod regolari (ara l‑paragrafu 10).

42

Għalkemm il‑komunikazzjoni rigward id‑diżinformazzjoni dwar il‑COVID‑19 (Ġunju 2020), il‑pjan ta’ azzjoni għad‑demokrazija Ewropea u l‑proposta għal att dwar is‑servizzi diġitali jestendu ċerti azzjonijiet oriġinarjament stabbiliti fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala aġġornament komprensiv tiegħu. Barra minn hekk, il‑fatt li jkun hemm azzjonijiet li jsegwu objettivi simili fi pjanijiet ta’ azzjoni u inizjattivi differenti jagħmel il‑koordinazzjoni aktar kumplessa, u jżid ir‑riskju ta’ ineffiċjenzi.

B’mod ġenerali, l–implimentazzjoni tal–pjan ta’ azzjoni tal–UE tinsab fit–triq it–tajba, iżda żvelat għadd ta’ nuqqasijiet

43

Din it‑taqsima tivvaluta l‑implimentazzjoni tal‑azzjonijiet taħt kull wieħed mill‑erba’ pilastri tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE u l‑punt sa fejn dawn tejbu l‑mod kif l‑UE tindirizza d‑diżinformazzjoni.

It–task forces għall–komunikazzjoni strateġika għandhom rwol importanti iżda ma għandhomx għadd adegwat ta’ persunal jew fondi biex jittrattaw it–theddid emerġenti

44

Taħt il‑pilastru I tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE, aħna eżaminajna t‑task forces StratCom tas‑SEAE. Aħna analizzajna l‑mandat tagħhom u ddeterminajna jekk kellhomx għadd adegwat ta’ persunal u jekk kinux iffinanzjati suffiċjentement. F’dan il‑kuntest, aħna eżaminajna wkoll ir‑rwol u l‑pożizzjoni ta’ EUvsDisinfo, proġett ewlieni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni.

Il‑mandati tat‑task forces StratCom ma jkoprux b’mod adegwat il‑firxa sħiħa tal‑atturi tad‑diżinformazzjoni

45

Minbarra t‑titjib tal‑kapaċità tal‑UE li tipprevedi u tirrispondi għal attivitajiet esterni ta’ diżinformazzjoni (il‑mandati tat‑task forces StratCom ma jkoprux id‑diżinformazzjoni ġġenerata fi ħdan l‑UE), it‑task forces StratCom ikkontribwew bil‑kbir għall‑komunikazzjoni effettiva u l‑promozzjoni tal‑politiki tal‑UE fir‑reġjuni ġirien.

46

Il‑mandati tat‑tliet task forces StratCom (il‑Lvant, il‑Balkani tal‑Punent u n‑Nofsinhar) kibru minn sensiela ta’ Konklużjonijiet tal‑Kunsill, b’differenzi fil‑kompiti u fil‑fokus. Pereżempju, il‑mandat tat‑task force East StratCom ikopri speċifikament il‑kompitu “rispons għall‑kampanji Russi ta’ diżinformazzjoni li għaddejjin”16. Il‑mandat tat‑task force East StratCom ġie ddefinit f’termini ta’ attur malinn estern uniku aktar milli l‑Ewropa tiġi protetta mid‑diżinformazzjoni irrispettivament mis‑sors.

47

Dan ma kienx il‑każ għaż-żewġ task forces StratCom l-oħra, li l‑fokus oriġinali tagħhom kien li jżidu l‑attivitajiet ta’ komunikazzjoni fir‑reġjuni rispettivi tagħhom. It‑Task Force StratCom tan‑Nofsinhar ġiet stabbilita biex tkopri l‑viċinat tan‑Nofsinhar tal‑UE u r‑reġjun tal‑Golf, filwaqt li t‑task force tal‑Balkani tal‑Punent ġiet stabbilita biex issaħħaħ il‑komunikazzjonijiet strateġiċi f’dak ir‑reġjun. Qabel il‑Konklużjonijiet tal‑Kunsill ta’ Diċembru 201917, l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni ma kienx il‑prijorità ċentrali ta’ xi waħda mit‑task forces. It‑Task force East StratCom biss kellha l‑objettiv espliċitu li ssaħħaħ il‑kapaċità ta’ previżjoni, indirizzar u rispons għad‑diżinformazzjoni. It‑Tabella 2 ta’ hawn taħt tistabbilixxi l‑objettivi ta’ kull task force StratCom fiż-żmien meta twettaq l‑awditu.

Tabella 2

Tqabbil tal‑objettivi tat‑task forces StratCom

Task force StratCom Lvant Balkani tal‑Punent Nofsinhar
Objettivi
  • Komunikazzjoni u promozzjoni effettivi tal‑politiki tal‑UE lejn il‑pajjiżi tas-sħubija tal‑Lvant (l‑Armenja, l-Ażerbajġan, il‑Belarussja, il‑Georgia, il‑Moldova u l‑Ukrajna);
  • Tisħiħ tal‑ambjent tal‑media kumplessiv fil‑viċinat tal‑Lvant tal‑UE, inkluż l‑appoġġ għal‑libertà tal‑media u t‑tisħiħ tal‑media indipendenti;
  • Titjib fil‑kapaċità tal‑UE li tipprevedi, tindirizza u tirrispondi għal attivitajiet ta’ diżinformazzjoni mir‑Russja
  • Tisħiħ tal‑komunikazzjonijiet tal‑UE fir‑reġjun biex tiġi appoġġata l‑politika tat‑tkabbir tal‑UE u l‑proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni
  • Kontribut għal dibattitu infurmat dwar l‑UE u r‑reġjun, inkluż billi tiġi indirizzata d‑diżinformazzjoni
  • Komunikazzjoni effettiva u strateġika u promozzjoni tal‑politiki tal‑UE
  • Tnaqqis tad‑diskrepanza bejn il‑politiki u l‑komunikazzjonijiet
  • Appoġġ u promozzjoni tal‑libertà tal‑media fir‑reġjun
  • Indirizzar tal‑perċezzjonijiet żbaljati dwar l‑UE u d‑diżinformazzjoni fir‑reġjun

Sors: is‑SEAE.

48

It‑tliet task forces StratCom huma distribwiti b’mod wiesa’ madwar reġjuni differenti u jkopru aġenti differenti tad‑diżinformazzjoni. Madankollu, l‑attivitajiet ta’ monitoraġġ relatati mal‑media tat‑Task Force StratCom jiffukaw b’mod estensiv fuq il‑media internazzjonali Russa, il‑kanali ta’ komunikazzjoni uffiċjali Russi, il‑media proxy, u/jew il‑media ispirata/xprunata min‑narrattiva Russa, li topera fl‑UE u fil‑viċinat tagħha. Madankollu, skont l‑analiżi tas‑SEAE, atturi oħra bħaċ-Ċina tfaċċaw fi gradi differenti bħala theddid prominenti ta’ diżinformazzjoni. F’dan ir‑rigward, il‑kumitat il-ġdid tal‑Parlament Ewropew dwar l‑indħil barrani (INGE) organizza wkoll seduti biex jiddiskuti theddid potenzjali minn pajjiżi terzi18.

49

Il‑mandat tat‑task forces StratCom huwa wieħed politiku, li ma jispjegax b’mod speċifiku l‑objettivi ta’ politika tagħhom u mhuwiex mirfud minn bażi ġuridika soda. Taħt l‑azzjoni 2 tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE, ir‑Rappreżentant Għoli kien maħsub biex jirrieżamina l‑mandati tat‑task forces StratCom tal‑Balkani tan‑Nofsinhar u tal‑Punent (iżda mhux it‑task force tal‑Lvant). Madankollu, dan ir‑rieżaminar qatt ma sar. Is‑SEAE jqis li l‑Konklużjonijiet tal‑Kunsill li ġew adottati f’Diċembru 2019, li jiddikjaraw b’mod espliċitu li “it‑tliet Task Forces għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw, janalizzaw u jisfidaw b’mod kontinwu l‑attivitajiet ta’ diżinformazzjoni”19, jipprovdu bażi suffiċjenti biex jaffermaw mill-ġdid il‑mandati tagħhom. Il‑Kunsill stieden ukoll lis‑SEAE biex jivvaluta l-ħtiġijiet u l-għażliet tiegħu għall‑espansjoni lejn żoni ġeografiċi oħra, li juri li jeżisti appoġġ politiku biex jitwessa’ l‑ambitu tat‑task forces StratCom.

It‑task forces StratCom ma għandhomx sors ta’ finanzjament iddedikat u stabbli

50

Meta twaqqfet fl‑2015, it‑task force East StratCom ma ngħatat l‑ebda riżorsa proprja u ġiet iffinanzjata min‑nefqa amministrattiva tas‑SEAE u tas‑Servizz tal‑Kummissjoni tal‑Istrumenti tal‑Politika Barranija. Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE ta spinta lill‑finanzjament disponibbli għat‑task forces StratCom tas‑SEAE. Fil‑fatt, il‑komunikazzjonijiet strateġiċi huma l‑unika parti tal‑pjan ta’ azzjoni li l‑baġit speċifiku tagħha żdied. Kif turi l‑Figura 2 ta’ hawn fuq, il‑baġit għat‑task forces StratCom u l‑komunikazzjonijiet strateġiċi żdied kważi erba’ darbiet minn meta ġie adottat il‑pjan ta’ azzjoni.

51

Minkejja li d‑diżinformazzjoni mhijiex biss theddida fuq terminu qasir, it‑task forces StratCom ma għandhomx sors ta’ finanzjament stabbli, u dan jista’ jhedded is‑sostenibbiltà tagħhom. Pereżempju, sors sinifikanti ta’ finanzjament għat‑task forces StratCom kien azzjoni preparatorja tal‑Parlament Ewropew imsejħa “StratCom Plus” (ara l‑Anness II). Min‑natura tagħhom, l‑azzjonijiet preparatorji jitfasslu biex iħejju azzjonijiet ġodda bħal politiki, leġiżlazzjoni u programmi. Il‑Figura 3 turi kif il‑finanzjament addizzjonali ġie allokat għat‑titjib ta’ kapaċitajiet differenti.

Figura 3

Finanzjament ta’ kapaċitajiet differenti StratCom tas‑SEAE mill‑azzjoni preparatorja “StratCom Plus” (2018‑2020)

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq data pprovduta mis‑SEAE.

52

L‑importanza tal‑finanzjament u tar‑riżorsi adegwati ġiet enfasizzata f’għadd kbir ta’ okkażjonijiet20, inkluż mill‑Parlament Ewropew21, mill‑Istati Membri22 u mis‑soċjetà ċivili23. Madankollu, l‑opinjonijiet tal‑partijiet ikkonċernati jvarjaw rigward kif il‑finanzjament disponibbli tal‑UE huwa mistenni li jiġi pprijoritizzat għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni. Fuq il‑bażi tal‑intervisti tagħna, xi wħud mill‑Istati Membri jħossu li jenħtieġ li ssir enfasi akbar fuq l‑analiżi u l‑monitoraġġ ta’ dawn is‑sorsi u l‑atturi li għalihom id‑diżinformazzjoni tista’ tiġi attribwita aktar faċilment. Oħrajn iħossu li jenħtieġ li jiġi allokat aktar finanzjament għal komunikazzjoni pożittiva.

Il-ħtiġijiet tal‑persunal għadhom mhumiex issodisfati

53

Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE ppreveda t‑tisħiħ tad‑diviżjoni StratCom billi jiżdiedu 11-il pożizzjoni qabel l‑elezzjonijiet Ewropej, jiġu reklutati uffiċjali permanenti fuq terminu medju u persunal ġdid fid‑delegazzjonijiet tal‑UE “biex tintlaħaq żieda totali ta’ 50‑55 membru tal‑persunal” sa tmiem l‑2020. Il‑pjan ta’ reklutaġġ ġie implimentat fi tliet fażijiet: (1) skjerament mill-ġdid ta’ persunal bil‑kuntratt fi ħdan is‑SEAE; (2) reklutaġġ ta’ persunal għat‑tim StratCom; u (3) żieda ta’ persunal f’27 delegazzjoni tal‑UE fil‑viċinat tal‑UE.

54

Id‑diviżjoni StratCom għadha fil‑proċess ta’ reklutaġġ u skjerament ta’ persunal. Minn Ottubru 2020, hija kellha 37 membru tal‑persunal u għaldaqstant kienet għadha ma laħqitx iż-żieda totali ta’ 50‑55 membru tal‑persunal, kif iddikjarat fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. Raġuni waħda għalfejn kien diffiċli li tintlaħaq din il‑mira hija li ħafna mill‑membri tal‑persunal ta’ StratCom huma sekondati mill‑Kunsill, mill‑Kummissjoni u mill‑Istati Membri u xi wħud ġew irtirati mis‑sekondar tagħhom.

55

Kważi t‑tisħiħ kollu tal‑persunal (inklużi l‑iskjeramenti mill-ġdid kollha) kien permezz ta’ persunal bil‑kuntratt: is‑SEAE rrikonoxxa li mhuwiex faċli li jiġu reklutati uffiċjali permanenti bl-għarfien espert u l-ħiliet meħtieġa biex iwettqu d‑dmirijiet meħtieġa. Madankollu, minkejja l‑kontribut importanti tiegħu, il‑persunal bil‑kuntratt għandu mandat massimu ta’ sitt snin.

56

Il‑grupp l‑ieħor li jifforma parti sinifikanti mill‑kapaċità ta’ StratCom huwa l‑grupp ta’ esperti nazzjonali sekondati. Dawn appoġġaw primarjament ix‑xogħol tal‑Lvant u reċentement anki t‑Task Force StratCom tal‑Balkani tal‑Punent. Minbarra li jibbenefika lis‑SEAE, is‑sekondar tagħhom huwa ta’ benefiċċju għall‑pajjiżi ta’ oriġini tagħhom billi jippermettilhom jiksbu aktar għarfien espert u joħolqu konnessjonijiet aktar approfonditi mas‑SEAE. Madankollu, id‑dipendenza żejda fuq is‑sekondar tista’ tirriżulta f’inċertezza fil‑persunal u telf perjodiku ta’ memorja istituzzjonali u għarfien espert minħabba dawran frekwenti. Dawn il‑fatturi kollha jimminaw potenzjalment il‑bini ta’ memorja istituzzjonali u l-għarfien espert.

57

Fid‑dawl tal‑pandemija tal‑COVID‑19 u l‑ammont ta’ xogħol addizzjonali li ħolqot għat‑task forces, hemm riskju li s‑SEAE, bid‑distribuzzjoni attwali u l-għadd ta’ persunal, mhux se jkollu kapaċità suffiċjenti biex iżomm il‑pass ma’ xejriet u żviluppi ġodda bħal sorsi emerġenti ta’ theddid u strateġiji u tattiċi ta’ diżinformazzjoni. Barra minn hekk, it‑talba tal‑Kunsill biex isaħħaħ ix‑xogħol ta’ komunikazzjoni strateġika f’reġjuni oħra (ara l‑paragrafu 10) tista’ testendi aktar il‑kapaċità limitata tiegħu ta’ persunal.

58

L‑analiżi effettiva tad‑data hija kritika mhux biss għall‑monitoraġġ, l‑identifikazzjoni u l‑analiżi tad‑diżinformazzjoni, iżda wkoll bħala bażi għal għarfien strateġiku sod u bbażat fuq l‑evidenza u t‑tfassil tal‑politika. Fiż-żmien meta twettaq l‑awditu, iċ-ċellola tal‑analiżi tad‑data tad‑diviżjoni StratCom kienet tinkludi analisti interni full‑time, li huma appoġġati minn kuntratturi esterni. Iċ-ċellola, li tnediet f’nofs l‑2019, tappoġġa x‑xogħol tat‑task forces StratCom u s‑sistema ta’ twissija rapida (RAS) taħt il‑pilastru II tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. L‑analiżijiet isiru b’mod predominanti fuq talba u ad hoc. Barra minn hekk, ix‑xogħol tagħha mhuwiex integrat b’mod strutturat fix‑xogħol tat‑task forces StratCom kollha. Għalkemm id‑dipendenza fuq kuntratturi esterni tista’ tipprovdi flessibbiltà, il‑kapaċità interna hija kritika biex tipprovdi analiżi sensittiva fi żmien qasir u biex tibni memorja istituzzjonali u għarfien espert.

Il‑kejl tal‑impatt tax‑xogħol tat‑task forces StratCom jibqa’ sfida

59

L‑akbar sfidi fil‑komunikazzjoni strateġika jibqgħu l‑kejl tal‑vulnerabbiltà u l‑impatt tad‑diżinformazzjoni, kif ukoll l‑isforzi għall‑fehim, l‑analiżi tagħha u r‑rispons għaliha. Il‑Kummissjoni tuża l‑istħarriġ tal‑opinjoni bħala mod wieħed biex tivvaluta l‑effettività tal‑komunikazzjoni strateġika sabiex tinfluwenza l‑perċezzjonijiet dwar l‑UE. Madankollu, huwa diffiċli li r‑riżultati ta’ din il‑votazzjoni jiġu attribwiti għall‑azzjonijiet tal‑UE.

60

Lil hinn mill‑kampanji ta’ komunikazzjoni, it‑task forces StratCom ma kinux kejlu b’mod komprensiv l‑impatt tax‑xogħol tagħhom. Barra minn hekk, l‑ebda wieħed minnhom ma kellu funzjoni ta’ evalwazzjoni biex jivvaluta l‑effettività tagħhom u jidentifika oqsma għal titjib.

L‑ospitar ta’ EUvsDisinfo mis‑SEAE joħloq inċertezza dwar l‑iskop aħħari tal‑proġett

61

EUvsDisinfo huwa l‑wiċċ pubbliku u l‑inizjattiva ewlenija tal‑isforzi tal‑UE fil-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni, u l‑prodott prinċipali kontra d‑diżinformazzjoni tat‑Task Force tal‑Lvant. Huwa għandu bażi ta’ data b’sors miftuħ u li tista’ titfittex, b’aktar minn 9 700 każ ta’ diżinformazzjoni mill-1 ta’ Ottubru 2020. Il‑materjali ewlenin fuq is‑sit web EUvsDisinfo jiġu ppubblikati f’ħames lingwi tal‑UE; il‑bqija huma bl‑Ingliż u bir‑Russu biss. Skont is‑SEAE, il‑fokus oriġinali fuq id‑diżinformazzjoni Russa pprovda l‑pedament għal approċċ uniku u pijunier; ma hemm l‑ebda inizjattiva kumparabbli mill‑gvernijiet tal‑Istati Membri.

62

Mill‑bidu tiegħu fl‑2015, EUvsDisinfo bena b’mod kostanti l‑viżibbiltà online (ara l‑Figura 4 ta’ hawn taħt) billi kkataloga, analizza u ppubblika eżempji ta’ diżinformazzjoni Russa. Ħafna partijiet ikkonċernati kkonfermaw li EUvsDisinfo kien strumentali biex tiżdied is‑sensibilizzazzjoni u jiġu influwenzati l‑perċezzjonijiet dwar it‑theddida Russa ta’ diżinformazzjoni għall‑UE u l‑Istati Membri tagħha.

Figura 4

EUvsDisinfo: Għadd ta’ viżitaturi, viżwalizzazzjoni unika tal‑paġni u segwaċi fuq Twitter u Facebook

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mis‑SEAE.

63

Madankollu, EUvsDisinfo ffaċċja ukoll kritika fil‑passat. Pereżempju, ġie ċċensurat mill‑Parlament Netherlandiż24 fl‑2018 minħabba li bi żball attribwixxa diżinformazzjoni Russa għal pubblikazzjoni domestika Netherlandiża. Barra minn hekk, xi wħud mill‑każijiet ippubblikati fuq EUvsDisinfo ma jirrappreżentawx theddida għad‑demokraziji tal‑UE.

64

Għall-ġejjieni, ir‑rwol u l‑missjoni futuri ta’ EUvsDisinfo mhumiex ċari, lil hinn mill‑produzzjoni ta’ aktar eżempji ta’ diżinformazzjoni Russa – theddida li issa hija stabbilita u rikonoxxuta sew. Minkejja d‑dikjarazzjonijiet tas‑SEAE li EUvsDisinfo huwa indipendenti u ma jirrappreżentax il‑pożizzjoni uffiċjali tal‑UE, il‑lokalizzazzjoni tiegħu fis‑SEAE jagħmel dan dubjuż. Dan iqajjem il‑kwistjoni dwar jekk strument bħal dan huwiex mistenni li jiġi ospitat u mmexxi minn awtorità pubblika (bħas‑SEAE) jew jekk huwiex mistenni li jitmexxa taħt ir‑responsabbiltà ta’ organizzazzjoni tas‑soċjetà ċivili.

L–RAS ġabret lill–Istati Membri flimkien iżda ma laħqitx il–potenzjal sħiħ tagħha

65

L‑istabbiliment ta’ sistema ta’ twissija rapida (RAS) hija l‑azzjoni ewlenija taħt il‑pilastru II tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE (azzjoni 3). Kif il‑pjan jiddikjara, “L‑ewwel sigħat wara li tinħareġ id‑diżinformazzjoni huma kritiċi biex tiġi skoperta, analizzata u jkun hemm reazzjoni għaliha.” L‑RAS ġiet stabbilita f’Marzu 2019, sad‑data ta’ skadenza stabbilita fil‑pjan. Hija għandha żewġ elementi ewlenin: network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali u pjattaforma bbażata fuq il‑web li l-għan tagħha huwa li “twissi dwar kampanji ta’ diżinformazzjoni f’ħin reali permezz ta’ infrastruttura teknoloġika dedikata” sabiex “tiffaċilita l‑kondiviżjoni tad‑data u tal‑valutazzjoni, li tippermetti għarfien komuni tas‑sitwazzjoni, attribuzzjoni u reazzjoni koordinati u tiżgura effiċjenza fil-ħin u fir‑riżorsi”25. Is‑SEAE jipprovdi s‑segretarjat għall‑RAS u jospita s‑sit web.

Għalkemm hija għodda utli għall‑kondiviżjoni ta’ informazzjoni, l‑RAS ma kinitx għadha ħarġet twissijiet fiż-żmien meta twettaq l‑awditu u ma ntużatx biex tikkoordina azzjoni komuni

66

Sabiex taħdem b’mod effettiv, l‑RAS trid tkun kapaċi toħroġ twissijiet f’waqthom, tikkoordina l‑attribuzzjoni komuni u tirrispondi u tiffaċilita l‑iskambju ta’ informazzjoni bejn l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet tal‑UE. Aħna eżaminajna jekk l‑RAS kinitx operazzjonali qabel l‑elezzjonijiet Ewropej tal‑2019, kif stipulat fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. Aħna vvalutajna wkoll l‑attività tagħha u l‑livell ta’ involviment tal‑parteċipanti tagħha.

67

Aħna sibna li l‑RAS ġiet stabbilita malajr f’Marzu 2019, kif previst fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. Hija ġabret flimkien l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet tal‑UE, u ffaċilitat il‑kondiviżjoni tal‑informazzjoni, iżda ma kinitx ħarġet twissijiet fiż-żmien tal‑awditu u ma kkoordinatx attribuzzjoni u rispons komuni, kif previst inizjalment.

68

Il‑biċċa l‑kbira mill‑partijiet ikkonċernati li ġew ikkonsultati matul l‑awditu tagħna kellhom fehma pożittiva dwar l‑RAS. Għalihom, hija timla lakuna importanti fl‑ekosistema għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni billi toħloq komunità. Dan ġie kkonfermat ukoll mill‑istħarriġ li wettaqna tal‑Istati Membri: l‑RAS tippermettilhom li jikkondividu l‑informazzjoni, jiksbu għarfien ġdid u jsaħħu b’mod reċiproku l‑kapaċitajiet tagħhom. Il‑Figura 5 ta’ hawn taħt tippreżenta l‑aspetti l‑aktar apprezzati mill‑punti ta’ kuntatt nazzjonali tal‑RAS.

Figura 5

Klassifikazzjonijiet tal‑Istati Membri tal‑importanza tal‑elementi tal‑RAS

Sors: il‑QEA.

69

Minkejja din l‑opinjoni pożittiva tal‑RAS bħala għodda għall‑iskambju ta’ informazzjoni, aħna ma sibna l‑ebda evidenza li l‑informazzjoni kondiviża permezz tal‑RAS kienet skattat xi żviluppi ta’ politika sostanzjali fil‑livell tal‑Istati Membri. Il‑bini ta’ għarfien komuni tas‑sitwazzjoni jibqa’ xogħol li għadu għaddej għall‑RAS, imxekkel min‑nuqqas ta’ definizzjonijiet armonizzati u konsistenti (eż. tat‑terminu diżinformazzjoni nnifsu, u fehmiet differenti dwar is‑sorsi tiegħu, ir‑rispons, il‑livelli ta’ tħejjija, eċċ.) u n‑nuqqas ta’ valutazzjoni tar‑riskju komuni.

70

Meta tnieda l‑RAS, il‑forniment ta’ twissijiet f’ħin reali għal reazzjoni rapida għal kampanji ta’ diżinformazzjoni kien jitqies bħala l‑iskop primarju tiegħu, xprunat mill‑urġenza tal‑elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. Madankollu, għat‑tim StratCom, l-għan ewlieni kien li l‑prattikanti jinġiebu flimkien u tiġi żviluppata komunità, billi ma kien jeżisti l‑ebda mekkaniżmu bħal dan qabel fl‑UE. Dawn il‑motivi li jvarjaw oskuraw il‑fehim fost il‑partijiet ikkonċernati u l‑pubbliku ġenerali dwar x’jagħmel l‑RAS.

71

Ġie żviluppat mekkaniżmu ta’ twissija, li jista’ jintuża f’każijiet estremament urġenti, iżda fiż-żmien meta twettaq l‑awditu kien għadu ma ġiex attivat. Soll għall‑iskattar tas‑sistema ta’ twissija ġie ddefinit f’termini kwalitattivi: kampanja ta’ diżinformazzjoni li għandha impatt sinifikanti transnazzjonali (jiġifieri attakk immirat fuq diversi pajjiżi). Madankollu, valutazzjoni kwantitattiva ta’ dan is‑soll mhijiex possibbli.

72

Minbarra l‑funzjoni ta’ twissija, l‑RAS inħolqot biex tgħin sabiex l‑attakki ta’ diżinformazzjoni jiġu attribwiti għas‑sors tagħhom u biex tippromwovi rispons koordinat. Madankollu, din il‑kapaċità ta’ koordinazzjoni tal‑RAS ma ġietx ittestjata.

L‑attività u l‑involviment fl‑RAS huma xprunati minn għadd limitat ta’ Stati Membri

73

L‑RAS jiġbor flimkien il‑punti ta’ kuntatt tal‑Istati Membri, iċ-Ċentru tal‑Intelligence u tas‑Sitwazzjonijiet tas‑SEAE, il‑Kummissjoni Ewropea (speċjalment id-DĠ CNECT, JUST u COMM), il‑Parlament Ewropew u s‑Segretarjat Ġenerali tal‑Kunsill. Rappreżentanti min‑NATO, il‑Mekkaniżmu ta’ Rispons Rapidu tal‑G7 jipparteċipaw fis‑sistema ta’ twissija rapida. Esperti esterni, inkluż mis‑soċjetà ċivili u mill‑pjattaformi online, xi drabi jkunu preżenti wkoll matul il‑laqgħat tal‑RAS. Ġeneralment, il‑laqgħat tal‑punti ta’ kuntatt nazzjonali jsiru kull tliet xhur, iżda l‑livell ta’ involviment ivarja bejn Stati Membri differenti. Il‑biċċa l‑kbira mill‑attività hija xprunata minn terz tal‑Istati Membri, li jipparteċipaw b’mod aktar regolari u huma aktar attivi fil‑laqgħat.

L‑istatistika l‑aktar reċenti tindika xejra ’l isfel fil‑livelli ta’ attività

74

L‑istatistika ġġenerata mill‑pjattaforma tindika għadd ta’ xejriet. L‑ewwel nett, l‑attività hija xprunata minn għadd żgħir ta’ utenti ewlenin, filwaqt li utenti oħra jkunu ħafna aktar passivi. It‑tieni, mit‑tnedija tiegħu ’l hawn, il‑livelli ta’ attività laħqu l‑quċċata permezz ta’ żewġ avvenimenti ewlenin: l‑elezzjonijiet Ewropej u l‑ewwel ġimgħat wara l‑lockdown ġenerali f’nofs Marzu 2020. Madankollu, fil‑każ tal‑avvenimenti tal-aħħar, minn dak iż-żmien dawn naqsu u stabbilizzaw fi tmiem Awwissu 2020 b’madwar nofs il‑livelli f’Mejju.

75

L‑istatistika tal‑utenti tindika xejra ’l isfel fil‑livelli ta’ attività. Pereżempju, il‑viżwalizzazzjonijiet medji ta’ kuljum – anki fil‑partijiet speċifiċi tal‑RAS li jiffukaw fuq id‑diżinformazzjoni tal‑COVID‑19 – naqsu, kif jidher fil‑Figura 6. Barra minn hekk, l-għadd ta’ utenti involuti b’mod attiv ilu jonqos b’mod kostanti mill‑elezzjonijiet Ewropej lejn tmiem Mejju 2019. Filwaqt li dawn il‑metriċi ma jgħidux l‑istorja kollha, huma jindikaw b’mod ċar li l‑pjattaforma mhijiex qed tilħaq il‑potenzjal sħiħ tagħha.

Figura 6

Għadd medju ta’ utenti tal‑RAS minn Marzu 2019 sa Marzu 2020

Sors: StratCom tas‑SEAE. Iż-żewġ tipi ta’ tnaqqis fl-għadd tal‑utenti huma riżultat tal‑politika introdotta f’Awwissu biex jiġu diżattivati l‑kontijiet tal‑utenti li ma kinux attivi għal aktar minn tliet xhur.

Il‑kooperazzjoni ma’ pjattaformi online u networks eżistenti hija fil‑biċċa l‑kbira informali

76

Skont il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE, jenħtieġ li l‑pjattaformi online jikkooperaw mal‑punti ta’ kuntatt tal‑RAS, b’mod partikolari matul il‑perjodi elettorali, biex jipprovdu informazzjoni rilevanti u f’waqtha. Madankollu, ma hemm l‑ebda protokoll li jistabbilixxi l‑kooperazzjoni bejn l‑RAS u l‑pjattaformi online u billi t‑tim StratCom ma jimmonitorjax l-għadd ta’ każijiet issenjalati, mhuwiex possibbli li tiġi vvalutata l‑prestazzjoni tal‑RAS f’dan il‑qasam.

Il–kodiċi ta’ prattika wassal biex il–pjattaformi online jadottaw pożizzjoni kontra d–diżinformazzjoni iżda naqas milli jżommhom responsabbli

77

Waħda mir‑raġunijiet prinċipali għalfejn id‑diżinformazzjoni hija daqstant akuta hija l-użu mifrux tal‑internet, flimkien mal‑introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u l-użu dejjem jikber ta’ pjattaformi online għall-aċċess ta’ informazzjoni. Dan jiffaċilita ħafna l-ħolqien, l‑amplifikazzjoni u t‑tixrid ta’ informazzjoni falza. Skont l‑Indiċi tal‑Ekonomija u s‑Soċjetà Diġitali, fl‑2020, 85 % taċ-ċittadini tal‑UE kienu utenti tal‑internet. Il‑biċċa l‑kbira mill‑pjattaformi jimmonetizzaw is‑servizzi tagħhom permezz tat‑trattament tagħhom ta’ data personali (prinċipalment abbażi ta’ mudelli tar‑reklamar). Dan ħoloq art fertili wkoll għall‑atturi tad‑diżinformazzjoni, li tippermettilhom jimmiraw aħjar l‑azzjonijiet tagħhom.

78

Fil‑każ ta’ pjattaformi online, id‑diżinformazzjoni sseħħ l‑aktar b’riżultat tal‑kondiviżjoni mill‑utenti ta’ informazzjoni falza, li mbagħad tista’ tiġi promossa mill‑algoritmi tal‑pjattaformi biex il‑wiri tal‑kontenut jingħata prijorità. Dawn l‑algoritmi huma xprunati mill‑mudell kummerċjali tal‑pjattaformi online, u jagħtu privileġġ lil kontenut personalizzat u popolari, billi x’aktarx jiġbed l‑attenzjoni. Id‑diżinformazzjoni taffettwa wkoll ir‑riżultati tat‑tiftix fuq il‑web, u dan ikompli jxekkel lill‑utenti biex isibu u jaqraw informazzjoni online affidabbli26. L‑Istampa 1 hawn taħt turi eżempju tal‑previżjonijiet tat‑tiftix ipprovduti minn pjattaforma online għat‑terminu “L‑UE hija”, li huma kważi kollha negattivi.

Stampa 1

Eżempju ta’ previżjonijiet minn pjattaforma online fit‑tiftixa ta’ “L‑UE hija”

Sors: tiftixa reali fuq l‑internet tal‑QEA fit‑18 ta’ Ottubru 2019 fil‑11:55 (GMT + 1). Google hija trademark ta’ Google LLC.

79

Kontijiet foloz, trolls tal‑internet u bots malizzjużi jikkontribwixxu wkoll għat‑tixrid ta’ informazzjoni falza.

Is‑CoP jipprovdi qafas għall‑Kummissjoni biex tinteraġixxi mal‑pjattaformi tal‑midja soċjali

80

B’segwitu għall‑Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni ta’ April 2018 u l‑proposti tal‑HLEG, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tinvolvi lilha nfisha ma’ pjattaformi online u assoċjazzjonijiet kummerċjali oħra dwar is‑suġġett tad‑diżinformazzjoni. Dan wassal għall-ħolqien tal‑kodiċi ta’ prattika (CoP) (ara l‑Anness V), billi ġie adottat approċċ volontarju abbażi ta’ awtoregolamentazzjoni mill‑firmatarji. Is‑CoP ġie ffirmat f’Ottubru 2018, qabel ma ġie inkorporat fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE taħt il‑pilastru III. Attwalment huwa għandu 16‑il firmatarju.

81

Is‑CoP impenja pjattaformi online u assoċjazzjonijiet kummerċjali li jirrappreżentaw is‑settur tar‑reklamar biex jippreżentaw rapporti lill‑Kummissjoni Ewropea li jistabbilixxu s‑sitwazzjoni attwali rigward il‑miżuri meħuda biex jikkonformaw mal‑impenji tagħhom. Dawn il‑miżuri kienu jvarjaw mill-iżgurar tat‑trasparenza fir‑reklamar politiku sal-għeluq ta’ kontijiet foloz u l‑prevenzjoni tal‑promoturi tad‑diżinformazzjoni milli jagħmlu l‑flus. Il‑Kummissjoni mmonitorjat mill‑qrib il‑konformità tagħhom ma’ dawn l‑impenji.

82

Il‑biċċa l‑kbira mill‑partijiet ikkonċernati intervistati matul l‑awditu enfasizzaw li l‑involviment tal‑Kummissjoni ma’ pjattaformi online kien inizjattiva unika u meħtieġa. Ħafna minn dawk minn barra l‑UE li kkonsultajna qed josservaw mill‑qrib l‑isforzi tal‑Kummissjoni. Huma jaraw lill‑UE bħala l‑ewwel attur globali li qed jipprova jikseb il‑bilanċ delikat bejn il‑protezzjoni tal‑libertà tal‑espressjoni u l‑limitazzjoni tat‑tixrid malinn ta’ diżinformazzjoni dannuża.

83

Is‑CoP pprovda qafas għall‑Kummissjoni biex tinteraġixxi mal‑pjattaformi tal‑media soċjali qabel l‑elezzjonijiet tal‑UE f’Mejju 2019 u aktar tard matul il‑pandemija tal‑COVID‑19 biex jiġu mmitigati l‑effetti negattivi tal-“infodemija” relatata. Il‑Kaxxa 1 tippreżenta l‑isforzi tal‑UE biex tillimita d‑diżinformazzjoni relatata mal‑COVID‑19 permezz tas‑CoP (ara wkoll l‑Anness VI).

Kaxxa 1

L‑isforzi tal‑UE biex tillimita l-“infodemija” tal‑COVID‑19 permezz tas‑CoP

F’Marzu 2020, meta l‑impatt tal‑pandemija tal‑COVID‑19 sar aktar evidenti, saru laqgħat bejn il‑Kummissjoni u l‑pjattaformi tal‑media soċjali. Il‑Kummissjoni talbet biex il‑pjattaformi jagħtu aktar prominenza lill‑informazzjoni minn sorsi awtorevoli u jneħħu r‑reklamar falz.

F’Ġunju 2020, l‑istituzzjonijiet Ewropej ippubblikaw komunikazzjoni konġunta intitolata “Nindirizzaw id‑diżinformazzjoni dwar il‑COVID‑19 - X’inhuma l‑fatti”. Il‑Komunikazzjoni tiġbed l‑attenzjoni għar‑rwol tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE.

Il‑firmatarji tas‑CoP ippreżentaw l‑isforzi tagħhom permezz ta’ rappurtar iddedikat, li ġie ppubblikat f’Settembru27 u f’Ottubru 202028. Dawn ta’ hawn taħt huma xi eżempji ta’ dawn l‑isforzi, meħuda mir‑rapporti tal‑pjattaformi:

  • Google blokkjat jew neħħiet aktar minn 82.5 miljun reklam relatat mal‑COVID‑19 fl‑ewwel 8 xhur tal‑2020, u f’Awwissu 2020 biss Microsoft Advertising ippreveniet 1 165 481 sottomissjoni ta’ reklami relatati mal‑COVID‑19 milli jintwerew lill‑utenti fis‑swieq Ewropej.
  • F’Awwissu 2020, aktar minn 4 miljun utent tal‑UE żaru sorsi awtorevoli dwar il‑COVID‑19 kif identifikati permezz ta’ domandi dwar il‑Microsoft Bing. Facebook u Instagram irrappurtaw li aktar minn 13‑il miljun utent tal‑UE żaru ċ-“ċentru ta’ informazzjoni” tagħhom għall‑COVID‑19 f’Lulju u 14-il miljun f’Awwissu.
  • Facebook wera skrins ta’ twissija ta’ miżinformazzjoni assoċjati ma’ kontrolli tal‑verifiki tal‑fatti mal‑COVID‑19 fuq aktar minn 4.1 miljuni oġġett ta’ kontenut fl‑UE f’Lulju u 4.6 miljuni f’Awwissu.

Il‑pjattaformi għandhom politiki ta’ moderazzjoni differenti. Ir‑rapporti tagħhom għandhom formati differenti u d‑data hija diffiċli biex titqabbel, billi t‑terminoloġija li tintuża mill‑kumpaniji tvarja. Facebook janalizza “imġiba mhux awtentika koordinata” u “operazzjonijiet ta’ influwenza” filwaqt li Twitter jirrapporta dwar “imġiba manipulattiva”. Filwaqt li Google u Microsoft irrappurtaw li neħħew miljuni ta’ reklami, Twitter iddikjara li ma sabx tweet waħda promossa li kien fiha miżinformazzjoni. Minkejja dawn id‑diskrepanzi, il‑Kummissjoni qieset li, b’mod ġenerali, ir‑rapporti jipprovdu ħarsa ġenerali tajba tal‑azzjonijiet meħuda mill‑pjattaformi biex jindirizzaw id‑diżinformazzjoni dwar il‑COVID‑19.

Il‑valutazzjoni tas‑CoP żvelat limitazzjonijiet fir‑rekwiżiti ta’ rappurtar

84

Għadd ta’ rieżamijiet u evalwazzjonijiet ivvalutaw is‑CoP. Huma żvelaw bosta nuqqasijiet dwar il‑mod kif il‑Kummissjoni stabbiliet ir‑rekwiżiti ta’ rappurtar għall‑firmatarji tas‑CoP (ara l‑Kaxxa 2). Dawn l‑evalwazzjonijiet ma kinux wasslu għal xi bidliet fis‑CoP.

Kaxxa 2

Evalwazzjonijiet tal‑kodiċi ta’ prattika

Fl‑24 ta’ Settembru 2018, qabel ma s‑CoP ġie iffirmat, twettqet valutazzjoni inizjali tiegħu mill‑Bord ta’ Diskussjoni tal‑Forum għal bosta partijiet ikkonċernati dwar id‑diżinformazzjoni29. Hija ddikjarat li: … il-“kodiċi ta’ prattika”, kif ippreżentat mill‑grupp ta’ ħidma, ma fih “l‑ebda appoġġ komuni, l‑ebda impenji siewja, l‑ebda objettivi miżurabbli jew KPIs [indikaturi ta’ prestazzjoni ċentrali], l‑ebda għodda ta’ konformità jew ta’ infurzar u għalhekk l‑ebda possibbiltà għall‑monitoraġġ tal‑proċess ta’ implimentazzjoni”: bl‑ebda mod ma huwa awtoregolatorju, u għalhekk il‑Pjattaformi, minkejja l‑isforzi tagħhom, ma ħolqux kodiċi ta’ prattika. Xi wħud mill‑elementi ta’ din l‑opinjoni għadhom rilevanti llum u ġew riflessi f’valutazzjonijiet u f’evalwazzjoni sussegwenti tas‑CoP.

Il‑Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas‑Servizzi tal‑Media Awdjoviżiva (ERGA) ippreżenta opinjoni dwar is‑CoP f’April 202030. Hija identifikat tliet dgħufijiet prinċipali:

  • nuqqas ta’ trasparenza dwar kif il‑firmatarji qed jimplimentaw is‑CoP;
  • il‑miżuri tas‑CoP huma ġenerali wisq fil‑kontenut u fl‑istruttura;
  • għadd limitat ta’ firmatarji tas‑CoP.

Il‑Kummissjoni kkompletat l‑evalwazzjoni proprja tagħha tas‑CoP f’Mejju 2020. Il‑konklużjoni ġenerali tagħha kienet li s‑CoP kien ipproduċa riżultati pożittivi31. Ir‑rapport enfasizza li s‑CoP kien ħoloq qafas komuni u kien tejjeb il‑kooperazzjoni bejn min ifassal il‑politika u l‑firmatarji. Id‑dgħufijiet prinċipali li identifikat kienu:

  • in‑natura awtoregolatorja tiegħu;
  • nuqqas ta’ uniformità fl‑implimentazzjoni (progress irregolari fil‑monitoraġġ);
  • nuqqas ta’ ċarezza fir‑rigward tal‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u xi wħud mill‑kunċetti ewlenin.

Il‑firmatarji nfushom ma rnexxilhomx iħejju rieżami annwali tas‑CoP kif maqbul inizjalment. Billi l‑firmatarji ma għandhomx rappreżentant komuni, il‑koordinazzjoni tieħu ħafna żmien u hija informali, u l‑ilħuq ta’ kunsens dwar il‑mod kif se jsir dan ir‑rieżami annwali u min se jwettqu kien diffiċli.

F’Settembru 2020, il‑Kummissjoni ppreżentat dokument ta’ ħidma tal‑persunal32 li jqis l‑evalwazzjonijiet kollha tas‑CoP sal‑lum. Huwa rrikonoxxa li għadu diffiċli li jiġu vvalutati b’mod preċiż il‑puntwalità, il‑komprensività u l‑impatt tal‑azzjonijiet tal‑pjattaformi. Il‑Kummissjoni identifikat ukoll il-ħtieġa għal definizzjonijiet kondiviżi b’mod komuni, proċeduri aktar ċari, impenji aktar preċiżi u aktar komprensivi, kif ukoll indikaturi ewlenin tal‑prestazzjoni (KPIs) trasparenti u monitoraġġ xieraq.

85

Ix‑xogħol tagħna jikkonferma li r‑rappurtar tal‑firmatarji jvarja, skont il‑livell ta’ impenn tagħhom u jekk humiex pjattaforma online jew assoċjazzjoni kummerċjali. Barra minn hekk, ir‑rapporti tal‑pjattaformi online mhumiex dejjem kumparabbli u t‑tul tagħhom ivarja b’mod konsiderevoli.

86

Din il‑varjazzjoni fost il‑firmatarji tas‑CoP wriet ukoll li kienet problema biex jiġu stabbiliti KPIs kumplessivi. Dawn il‑KPIs għamluha possibbli li jiġu mmonitorjati l‑azzjonijiet ta’ xi wħud mill‑firmatarji, iżda mhux kollha. Pereżempju, taħt l‑intestatura “Integrità tas‑servizzi”, il‑Kummissjoni pproponiet l‑indikatur “L‑azzjonijiet kontra għadd ta’ karigi, stampi, filmati jew kummenti minħabba vjolazzjoni tal‑politiki tal‑pjattaforma dwar l-użu ħażin ta’ bots awtomatizzati”. Dan l‑indikatur tal‑output huwa rilevanti għal pjattaformi online speċifiċi biss.

87

Skont l‑analiżi proprja tal‑Kummissjoni tar‑rapporti tal‑firmatarji tas‑CoP, il‑metriċi pprovduti sa issa ssodisfaw biss l‑indikaturi tal‑output. Pereżempju, il‑pjattaformi jirrappurtaw li huma rrifjutaw ir‑reklami, jew neħħew għadd ta’ kontijiet jew messaġġi li kienu vetturi ta’ diżinformazzjoni fil‑kuntest tal‑COVID‑19 (ara wkoll il‑Kaxxa 1). Jekk din l‑informazzjoni rrappurtata ma titqiegħedx f’kuntest (jiġifieri billi titqabbel, fil-ħin, mad‑data tal‑linja bażi u ma’ informazzjoni rilevanti oħra bħall-ħolqien kumplessiv tal‑kontijiet), u l‑Kummissjoni ma tistax tivverifika l‑preċiżjoni tagħha, din tkun ta’ użu limitat.

88

Il‑valutazzjoni tas‑CoP imwettqa f’isem il‑Kummissjoni mhux biss tanalizza l‑istat attwali tar‑rappurtar iżda tirrakkomanda wkoll metriċi possibbli għall‑futur. Id‑dokument jipproponi żewġ livelli ta’ indikaturi:

  1. indikaturi “strutturali” għall‑kodiċi fl‑intier tiegħu, li jkejlu l-eżiti kumplessivi, il‑prevalenza tad‑diżinformazzjoni online u l‑impatt tal‑kodiċi b’mod ġenerali. Dawn jgħinu biex jiġi mmonitorjat, f’livell ġenerali, jekk id‑diżinformazzjoni hijiex qed tiżdied, hijiex stabbli jew hijiex qed tonqos;
  2. indikaturi mfassla skont il-“livell ta’ servizz”, ripartiti skont il‑pilastru, biex jitkejlu r‑riżultati ta’ kull pjattaforma firmatarja individwali fil-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni.

Fiż-żmien meta twettaq l‑awditu, il‑Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet xi mudell ta’ rappurtar ġdid jew indikaturi ġodda ta’ aktar sinifikat lill‑firmatarji.

89

Il‑kwistjonijiet deskritti hawn fuq juru li l‑pjattaformi online ma jinżammux responsabbli għall‑azzjonijiet tagħhom u għar‑rwol tagħhom fl‑indirizzar b’mod attiv tad‑diżinformazzjoni.

In–nuqqas ta’ strateġija koerenti għal–litteriżmu fil–media u l–frammentazzjoni tal–azzjonijiet tal–UE jnaqqsu l–impatt tagħhom

90

Il‑pilastru IV tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE jiffoka fuq iż-żieda fis‑sensibilizzazzjoni u t‑tisħiħ tar‑reżiljenza tas‑soċjetà għad‑diżinformazzjoni. Huwa għandu l-għan li jtejjeb l‑azzjonijiet ta’ litteriżmu fil‑media, bħall-Ġimgħa għal‑Litteriżmu fil‑Media li ġiet organizzata fl‑2019, u li jappoġġa l‑media indipendenti u l-ġurnalisti investigattivi. Huwa jappella wkoll lill‑Istati Membri biex jimplimentaw b’mod rapidu d‑dispożizzjonijiet tal‑litteriżmu fil‑media tad‑Direttiva dwar is‑Servizzi tal‑Media Awdjoviżiva u joħolqu timijiet ta’ verifikaturi tal‑fatti indipendenti multidixxiplinari fid‑dawl tal‑elezzjonijiet Ewropej tal‑2019.

91

“Litteriżmu fil‑media” jirreferi għal ħiliet, għarfien u intendiment li jippermettu liċ-ċittadini jużaw il‑media b’mod effettiv u sikur. […] jgħammar liċ-ċittadini bil-ħiliet ta’ riflessjoni kritika meħtieġa biex jeżerċitaw il‑kapaċità ta’ ġudizzju, janalizzaw realtajiet kumplessi u jagħrfu d‑differenza bejn opinjoni u fatti33. Ir‑responsabbiltà għal‑litteriżmu fil‑media, li tinsab fil‑parti trasversali tal‑politika tal‑edukazzjoni u l-aġenda diġitali tal‑UE, hija tal‑Istati Membri. Ir‑rwol tal‑Kummissjoni huwa li trawwem il‑kollaborazzjoni u tiffaċilita l‑progress fil‑qasam. Madankollu, id‑diżinformazzjoni ma tħarisx lejn il‑fruntieri, u l-iżvilupp ta’ għodod komuni u l‑kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil‑livell tal‑UE huma importanti.

92

Sabiex nivvalutaw l‑azzjonijiet taħt dan il‑pilastru, aħna eżaminajna l‑avveniment tal-Ġimgħa għal‑Litteriżmu fil‑Media tal‑UE tal‑2019, u jekk kienx hemm strateġija definita tajjeb għad‑diversi inizjattivi f’dan il‑qasam. Aħna rrieżaminajna r‑rapport tal‑Kummissjoni dwar l‑elezzjonijiet Ewropej tal‑201934 u vvalutajna 20 proġett relatati direttament mal‑litteriżmu fil‑media u l-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni.

93

Ir‑rapport tal‑Kummissjoni dwar l‑elezzjonijiet Ewropej tal‑2019 iddikjara li “[filwaqt li] l‑isforzi manipulattivi jiffukaw b’mod rikorrenti fuq suġġetti politikament sensittivi u udjenzi mmirati tal‑UE qabel l‑elezzjonijiet, sa issa ma ġiet identifikata l‑ebda operazzjoni moħbija fuq skala kbira fl‑elezzjonijiet tal‑2019”.

L‑Istati Membri ma jipparteċipawx b’mod indaqs fil-Ġimgħa għal‑Litteriżmu fil‑Media tal‑UE

94

Il-Ġimgħa Ewropea għal‑Litteriżmu fil‑Media hija sensiela ta’ azzjonijiet biex tiżdied is‑sensibilizzazzjoni dwar il‑litteriżmu fil‑media madwar l‑UE (ara l‑Kaxxa 3). Madankollu, mhuwiex ċar kif din tirrifletti strateġija koerenti tal‑UE għal‑litteriżmu fil‑media għalkemm tinkludi xi diskussjonijiet ta’ livell għoli, hija sservi prinċipalment biex turi xi wħud mill‑inizjattivi speċifiċi meħuda mill‑UE u mill‑Istati Membri. L‑edizzjoni tal‑2020 kellha tiġi organizzata b’mod konġunt bejn il‑Kummissjoni u l‑Kunsill, li kienet tistimula aktar l‑azzjoni u l‑parteċipazzjoni tal‑Istati Membri. Madankollu, din ġiet kkanċellata minħabba l‑COVID‑19.

Kaxxa 3

Il-Ġimgħa Ewropea għal‑Litteriżmu fil‑Media

Il-Ġimgħa għal‑Litteriżmu fil‑Media 2019 kienet waħda minn żewġ azzjonijiet speċifiċi relatati mal‑litteriżmu fil‑media fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE. Din seħħet f’Marzu 2019 fi Brussell u fl‑Istati Membri, u kienet tinkludi konferenza ta’ livell għoli. Dak iż-żmien ġew organizzati aktar minn 320 avveniment, u b’kollox ġew organizzati 360 avveniment sa tmiem Settembru 2020.

Kważi nofs l‑avvenimenti kollha seħħew fi Franza, bil‑Belġju (prinċipalment fi Brussell) il‑bogħod ħafna fit‑tieni post. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ma ospitaw l‑ebda avveniment – kif turi d‑distribuzzjoni ġeografika tal‑avvenimenti (ara l‑istampa fuq il‑lemin). Kif kien mistenni, il‑biċċa l‑kbira mill‑avvenimenti seħħew fiż-żmien meta saret it‑tnedija uffiċjali. Madankollu, ma hemm l‑ebda statistika oħra disponibbli dwar l-għadd ta’ persuni li ntlaħqu minn dawn l‑avvenimenti, id‑distribuzzjoni tematika tagħhom u l‑punt sa fejn dawn ittrattaw speċifikament id‑diżinformazzjoni.

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill‑Kummissjoni.

Ma hemm l‑ebda strateġija globali għal‑litteriżmu fil‑media li tinkludi l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni

95

Aħna sibna li kien hemm għadd kbir ta’ inizjattivi tal‑UE u tal‑Istati Membri li indirizzaw il‑litteriżmu fil‑media, u pletora ta’ dokumenti ta’ politika. Dan huwa ċar ukoll mill‑Konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar il‑litteriżmu fil‑media35, li jinkludu anness bid‑dokumenti ta’ politika prinċipali. Madankollu, dawn l‑azzjonijiet mhumiex ikkoordinati taħt strateġija globali għat‑tisħiħ tar‑reżiljenza tas‑soċjetà, b’mod partikolari fil‑litteriżmu fil‑media, li jkun jinkludi l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni. Filwaqt li azzjonijiet biex jiġu indirizzati l‑isfidi speċifiċi tal‑Istati Membri dwar il‑litteriżmu fil‑media huma importanti wkoll sabiex jinkiseb impatt lokali, l‑appoġġ tal‑UE għal‑litteriżmu fil‑media huwa nieqes mill‑elementi sottostanti li ġejjin, li jkunu jwasslu għall-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu:

  • aġġornament regolari, b’kooperazzjoni mal‑Grupp ta’ Esperti dwar il‑Litteriżmu fil‑Media (MLEG), tal‑aktar prattiki u azzjonijiet importanti tal‑litteriżmu fil‑media fl‑UE u fl‑Istati Membri (il‑Kunsill tal‑Ewropa pproduċa mmappjar bħal dan fl‑2016, l‑ewwel wieħed tat‑tip tiegħu; madankollu, minn dak iż-żmien ’il hawn ma ġiex aġġornat36);
  • stabbiliment ċar tal‑objettivi bbażat fuq riċerka sistematika u regolari dwar il‑litteriżmu fil‑media u l‑impatt tal‑media u l‑pjattaformi diġitali, akkumpanjat minn sett ta’ indikaturi biex titkejjel il‑prestazzjoni;
  • il‑mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni meħtieġa biex jinħolqu sinerġiji u jiġi evitat it‑trikkib bejn l‑inizjattivi u l‑azzjonijiet taħt, pereżempju, id‑Direttiva dwar is‑Servizzi tal‑Media Awdjoviżiva, il‑pjan ta’ azzjoni għall‑edukazzjoni diġitali, il‑Programm Ewropa Kreattiva, il‑qafas ta’ kompetenza diġitali u l-aġenda tal-ħiliet, il‑pjan ta’ azzjoni għad‑demokrazija Ewropea ppubblikat reċentement u l‑Att dwar is‑Servizzi Diġitali, il‑pjan ta’ azzjoni medjatiku u awdjoviżiv, eċċ.;
  • monitoraġġ unifikat tal‑inizjattivi tal‑UE dwar il‑litteriżmu fil‑media.
96

Għall‑qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027), skont il‑Kummissjoni, madwar EUR 14-il miljun f’finanzjament tal‑UE mill‑programm Ewropa Kreattiva37 – EUR 2 miljun fis‑sena – ġew allokati biex jappoġġaw il‑litteriżmu fil‑media. Madankollu, kif jiddikjaraw ukoll il‑Konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar il‑litteriżmu fil‑media, se jkun meħtieġ li jiġu żviluppati sorsi addizzjonali ta’ finanzjament.

Il‑biċċa l‑kbira mill‑proġetti eżaminati pproduċew riżultati tanġibbli, iżda ħafna ma wrewx skala u lħiq suffiċjenti

97

Mill‑20 proġett li vvalutajna, 10 ġew iffinanzjati taħt Orizzont 2020, u l‑10 l-oħra kienu proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji ffinanzjati mill‑Parlament Ewropew (ara t‑tabella fl‑Anness III).

98

Is‑sejħa għal proposti “Litteriżmu Medjatiku għal kulħadd”, li tnediet fl‑2016 mill‑Parlament Ewropew, tinkludi proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji għall‑kofinanzjament ta’ ideat innovattivi ta’ negozji ġodda minn madwar l‑UE fil‑qasam tal‑litteriżmu fil‑media. Proġett pilota jdum għaddej sentejn, segwit minn azzjoni preparatorja ta’ tliet snin. Il‑proġetti ta’ Orizzont 2020 huma proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li jkopru aspetti tekniċi ħafna tal‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni, bħall-użu u d‑detezzjoni ta’ bots jew l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ għodod ta’ verifika tal‑kontenut.

99

L‑analiżi tagħna (ara l‑Anness III) sabet riżultati tanġibbli fi 12‑il proġett minn 20. Il‑biċċa l‑kbira mir‑riżultati pożittivi nkisbu minn proġetti li bnew fuq ir‑riżultati ta’ proġetti preċedenti biex jipproduċu għodod relatati mal‑verifika tal‑fatti, jew minn proġetti biex jinħoloq materjal ta’ tagħlim u ta’ apprendiment kontra d‑diżinformazzjoni (ara l‑Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati mill‑UE li qed jiksbu riżultati pożittivi

Abbażi tar‑riċerka teoretika tal‑proġett 2, li investiga kif l‑informazzjoni ġġenerata mill‑algoritmi u applikazzjonijiet oħra tas‑software hija kondiviża, il‑proġett 1 ipproduċa, bħala prova tal‑kunċett, għodda interattiva fuq l‑internet imfassla biex tgħin iżżid it‑trasparenza madwar in‑natura, il‑volum, u l‑involviment mal-aħbarijiet foloz fuq il‑media soċjali, u biex isservi bħala għodda ta’ litteriżmu fil‑media disponibbli għall‑pubbliku.

Il‑proġett 11 kellu l-għan li joħloq pjattaforma online edukattiva, multilingwi (8 lingwi tal‑UE) b’sorsi varji għat‑tagħlim u l‑apprendiment dwar il‑propaganda kontemporanja. Din l‑azzjoni kienet akkumpanjata minn settijiet ta’ riżorsi edukattivi imqiegħda f’kuntest, u sessjonijiet ta’ ħidma u seminars online u offline għall-għalliema, il‑librara u l‑mexxejja tal‑media. Il‑proġett ġie stabbilit sew u pproduċa riżultati tanġibbli, b’parteċipazzjoni attiva minn sitt pajjiżi tal‑UE. Minkejja li l‑proġett intemm fl-1 ta’ Jannar 2019, il‑pjattaforma u r‑riżorsi tiegħu għadhom attivi.

100

Madankollu, aħna identifikajna nuqqasijiet f’10 proġetti mill‑20, li kienu jikkonċernaw l‑aktar l‑limitazzjoni fl‑iskala u fl‑ilħiq tagħhom. Seba’ proġetti ma laħqux jew x’aktarx ma jilħqux l‑udjenza mmirata tagħhom, u r‑riżultati miksuba minn tliet proġetti kienu diffiċli biex jiġu replikati, li llimita l‑impatt tagħhom. Il‑Kaxxa 5 tippreżenta għadd ta’ proġetti li juru dawn il‑problemi:

Kaxxa 5

Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati mill‑UE b’limitazzjoni fl‑ilħiq jew fl‑iskala tal‑azzjonijiet

Il‑proġett 10 kellu l-għan li joħloq sistema għad‑detezzjoni awtomatika ta’ informazzjoni falza mill‑mod kif qed tinfirex permezz tan‑networks soċjali. Il‑proġett kien irnexxa, u pjattaforma online malajr irreklutat lill‑maniġer tal‑proġett u l‑persuni involuti fil‑proġett, biex b’hekk kisbet it‑teknoloġija. Din hija evidenza ta’ proġett ta’ riċerka identifikat tajjeb li pproduċa riżultati tajbin. Madankollu, l‑akkwiżizzjoni sussegwenti tiegħu minn pjattaforma online Amerikana llimitat l‑udjenza fil‑mira li tkun tibbenefika minnu u ma tikkontribwixxix għall-iżvilupp ta’ kapaċità indipendenti tal‑UE f’dan is‑settur.

Proġett ieħor (14) iffoka fuq ir‑rappreżentanza tan‑nisa fil‑media. Dan kien jeżisti bħala portal online li jippreżenta aħbarijiet li l-ġurnalisti u l‑edituri nisa sabu li kienu l‑aktar rilevanti fir‑reġjuni tagħhom, filwaqt li fl‑istess ħin jiġu vverifikati l‑fatti ppreżentati fuq l-aħbarijiet dwar kwistjonijiet relatati man‑nisa u mal‑minoranzi. Għalkemm il‑proġett laħaq udjenza konsiderevoli permezz ta’ Facebook u Twitter bit‑tema tiegħu dwar il-ġeneri, l‑output prinċipali tiegħu kien sit web li ma għadux disponibbli.

Proġett ieħor (16) ukoll suppost kellu jiżviluppa l-ħiliet soċjali u l-ħsieb kritiku. Dan kien magħmul minn diversi partijiet eteroġeni li ffukaw fuq il‑kreattività, bl‑ebda rabta ċara bejniethom u rabta kunċettwali vaga mal‑litteriżmu fil‑media. Pereżempju, it‑tfal fl‑iskejjel ħolqu animazzjoni jew logħob sempliċi dwar it‑tindif ta’ ġinnasju tal‑iskola jew il‑protezzjoni ta’ magna tal‑bejgħ. L‑attivitajiet ippjanati ma jistgħux jiġu riprodotti faċilment.

101

B’mod ġenerali, ftit li xejn kien hemm evidenza ta’ kwalunkwe analiżi komparattiva tar‑riżultati tal‑proġetti – speċjalment f’termini ta’ dak li kien ħadem u għalfejn. Lanqas ma kien hemm ħafna evidenza li l‑Kummissjoni kkoordinat l‑iskambju tal-aħjar prattika u materjal tal‑litteriżmu fil‑media madwar l‑UE. Hemm ukoll nuqqas ta’ qafas ta’ evalwazzjoni. Qafas bħal dan huwa kritiku għall-iżvilupp fuq terminu twil tar‑reżiljenza tas‑soċjetà, billi jiżgura li t‑tagħlimiet li ttieħdu jikkontribwixxu direttament għal azzjonijiet, politika u strateġija futuri. Il‑kisba ta’ evidenza tal‑impatt dirett tal‑miżuri tal‑litteriżmu fil‑media hija diffiċli, u l‑isforzi għadhom fi stadju bikri ta’ żvilupp38. Il‑Konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar il‑litteriżmu fil‑media appellaw ukoll għall-iżvilupp ta’ kriterji u proċessi ta’ evalwazzjoni sistematiċi, u għal metodoloġija uniformi u komparattiva għar‑rappurtar tal‑Istati Membri dwar l-iżvilupp tal‑litteriżmu fil‑media39.

Il‑proġetti SOMA u EDMO attiraw interess limitat min‑naħa tal‑esperti tal‑litteriżmu fil‑media u mill‑verifikaturi tal‑fatti

102

Kif jiddikjara l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE taħt il‑pilastru IV, il‑verifikaturi tal‑fatti u riċerkaturi indipendenti għandhom rwol ewlieni fit‑tkomplija tal‑fehim tal‑istrutturi li jappoġġaw id‑diżinformazzjoni u l‑mekkaniżmi li jiffurmaw il‑mod kif din tiġi disseminata online. Il‑Kummissjoni ffinanzjat il‑proġett tal‑Osservatorju Soċjali għall‑Analiżi tad‑Diżinformazzjoni u tal‑Media Soċjali (SOMA), pjattaforma diġitali bil-għan li tifforma l‑bażi għal network Ewropew ta’ verifikaturi tal‑fatti. Is‑SOMA huwa ffinanzjat minn Orizzont 2020, b’baġit kumplessiv ta’ kważi EUR 990 000. Il‑proġett beda f’Novembru 2018 u huwa skedat li jintemm fit‑30 ta’ April 2021.

103

L‑analiżi tagħna żvelat li s‑SOMA rnexxielu jattira biss żewġ verifikaturi tal‑fatti rikonoxxuti min‑Network Internazzjonali għall‑Verifika tal‑Fatti40. Fiż-żmien tal‑awditu (Ottubru 2020), is‑SOMA kellu 48 membru rreġistrat. Bosta minn dawk li kkuntattjajna ammettew li qatt ma użaw il‑pjattaforma SOMA. Filwaqt li t‑teknoloġija li fuqha huwa bbażat is‑SOMA ġiet evalwata b’mod pożittiv, il‑proġett għadu mhux qed jintuża ħafna mill‑komunità tal‑verifika tal‑fatti.

104

Ferm qabel it‑tmiem tal‑proġett SOMA, u mingħajr ma stenniet evalwazzjoni biex tiġbor u tapplika t‑tagħlimiet li ttieħdu, f’Ġunju 2020, il‑Kummissjoni nediet l‑ewwel fażi (b’valur ta’ EUR 2.5 miljun, sa tmiem l‑2022) tal‑Osservatorju Ewropew tal‑Media Diġitali (EDMO). Dan għandu l-għan li jsaħħaħ ir‑reżiljenza tas‑soċjetà billi jiġbor flimkien il‑verifikaturi tal‑fatti, l‑esperti tal‑litteriżmu fil‑media, u r‑riċerkaturi akkademiċi biex jifhmu u janalizzaw id‑diżinformazzjoni, f’kollaborazzjoni mal‑organizzazzjonijiet tal‑media, il‑pjattaformi online u l‑prattikanti tal‑litteriżmu fil‑media.

105

Għalhekk, is‑SOMA u l‑EDMO għandhom objettivi li jikkoinċidu parzjalment, u l‑biċċa l‑kbira mill‑kuntratturi huma involuti fiż-żewġ proġetti fl‑istess ħin. L‑evalwaturi tas‑SOMA ssuġġerew li ż-żewġ proġetti jiġu fużi iżda għadha ma ġiet stabbilita l‑ebda rabta formali bejniethom. Hemm ukoll riskju ta’ trikkib fil‑finanzjament tagħhom, billi ż-żewġ proġetti huma bbażati fuq u jużaw l‑istess teknoloġija u prodotti kummerċjali.

106

L‑EDMO ġie ppreżentat bħala soluzzjoni olistika biex jiġu indirizzati ħafna mill‑isfidi tas‑soċjetà rigward id‑diżinformazzjoni. Madankollu, skont il‑bord tat‑tmexxija tiegħu, billi għadu fil‑bidu, il‑viżibbiltà tiegħu fost il‑partijiet ikkonċernati għadha limitata. Huwa kmieni wisq biex wieħed jiġġudika l‑effettività tal‑EDMO. Minkejja dan, minħabba li s‑sensibilizazzjoni tal‑EDMO hija limitata fost il‑partijiet ikkonċernati, il‑kisbiet tiegħu jistgħu ma jaqblux mal-għanijiet ambizzjużi żżejjed tiegħu. Il‑fokus attwali tiegħu huwa fuq il‑bini tal‑infrastruttura meħtieġa, u se jeħtieġ aktar riżorsi biex jirnexxi fl-għanijiet tiegħu.

107

L‑esperti tal‑litteriżmu fil‑media li intervistajna kkummentaw li l‑komunità tal‑litteriżmu fil‑media ma kinitx qed tħossha involuta biżżejjed mal‑EDMO. Il‑bord konsultattiv tal‑EDMO għandu firxa wiesgħa ta’ għarfien espert minn madwar id‑dinja akkademika u l-ġurnaliżmu, li jirrifletti l‑enfasi ewlenija tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE fuq it‑tisħiħ tal‑verifika tal‑fatti u l‑appoġġ għall-ġurnaliżmu. Madankollu, il‑komunità tal‑litteriżmu fil‑media jew is‑soċjetà ċivili, li jistgħu jipprovdu rabtiet utli bejn id‑dinja akkademika u t‑tfassil tal‑politika huma sottorappreżentati (żewġ esperti minn 19).

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

108

Aħna eżaminajna jekk il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni kienx rilevanti meta tfassal u kienx wassal għar‑riżultati intenzjonati tiegħu. Aħna nikkonkludu li l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kien rilevanti iżda mhux komplet, u minkejja li l‑implimentazzjoni tiegħu tinsab b’mod ġenerali fit‑triq it‑tajba u hemm evidenza ta’ żviluppi pożittivi, xi riżultati ma twasslux kif kien intenzjonat.

109

Aħna sibna li l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kien konsistenti mal‑fehmiet u l‑prijoritajiet tal‑esperti u tal‑partijiet ikkonċernati. Fih miżuri proattivi, reattivi u rilevanti għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni. Madankollu, minkejja li t‑tattiki tad‑diżinformazzjoni, l‑atturi u t‑teknoloġija qed jevolvu b’mod kostanti, il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE ma ġiex aġġornat minn meta ġie ppreżentat fl‑2018. F’Diċembru 2020, il‑Kummissjoni ppubblikat il‑pjan ta’ azzjoni għad‑demokrazija Ewropea, li jinkludi azzjonijiet kontra d‑diżinformazzjoni, mingħajr ma ċċarat eżattament kif dan huwa relatat mal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni (ara l‑paragrafi 20-24 u 4142).

110

Il‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE ma jinkludix arranġamenti ta’ koordinazzjoni biex jiġi żgurat li r‑rispons tal‑UE għad‑diżinformazzjoni jkun koerenti u proporzjonat għat‑tip u l‑iskala tat‑theddida. Kull wieħed mill‑pilastri tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE jaqa’ taħt ir‑responsabbiltà ta’ Direttorat Ġenerali differenti tal‑Kummissjoni jew tas‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna, mingħajr ma korp wieħed ikun inkarigat jew ikollu sorveljanza kompleta tal‑attivitajiet ta’ komunikazzjoni (ara l‑paragrafi 2531).

111

Ma hemm l‑ebda qafas ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar li jakkumpanja l‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE u l‑pjan ta’ azzjoni għad‑demokrazija Ewropea, li jimmina l‑obbligu ta’ rendikont. B’mod partikolari, il‑pjanijiet jinkludu objettivi ġeneriċi li ma jistgħux jitkejlu, bosta azzjonijiet li mhumiex marbuta mal-ħin u l‑ebda dispożizzjoni għall‑evalwazzjoni. Dwar l‑implimentazzjoni tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE ġie ppubblikat rapport wieħed biss, b’informazzjoni limitata dwar il‑prestazzjoni. Mingħajr rieżaminar u aġġornament komprensivi u regolari, huwa diffiċli li jiġi żgurat li l‑isforzi tal‑UE f’dan il‑qasam ikunu effettivi u jibqgħu rilevanti. Barra minn hekk, ma kien hemm l‑ebda informazzjoni komprensiva dwar is‑sorsi ta’ finanzjament u l‑ispejjeż stmati tal‑azzjonijiet ippjanati (ara l‑paragrafi 3240).

Rakkomandazzjoni 1 – Tittejjeb il‑koordinazzjoni u l‑obbligu ta’ rendikont tal‑azzjonijiet tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni

Jenħtieġ li l‑Kummissjoni Ewropea ttejjeb il‑qafas ta’ koordinazzjoni u l‑obbligu ta’ rendikont għall‑azzjonijiet tagħha kontra d‑diżinformazzjoni billi tinkorpora:

  1. arranġamenti ċari ta’ koordinazzjoni u komunikazzjoni bejn is‑servizzi rilevanti li jimplimentaw l‑azzjonijiet tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni;
  2. qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni ddedikat li jkun fih azzjonijiet ċari, miżurabbli u marbuta mal-ħin, kif ukoll indikaturi biex jitkejlu d‑dispożizzjonijiet dwar il‑prestazzjoni u l‑evalwazzjoni;
  3. rappurtar regolari dwar l‑implimentazzjoni tal‑azzjonijiet, inkluż kwalunkwe aġġornament meħtieġ;
  4. sommarju tas‑sorsi ta’ finanzjament prinċipali u n‑nefqa li saret fl‑implimentazzjoni tal‑azzjonijiet.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: tmiem l‑2021 għar‑rakkomandazzjonijiet a) u b) nofs l‑2023 għar‑rakkomandazzjonijiet c) u d)

112

Taħt il‑pilastru I tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE, it‑tliet task forces dwar il‑komunikazzjoni strateġika tas‑SEAE tejbu l‑kapaċità tal‑UE biex tipprevedi u tirrispondi għall‑attivitajiet ta’ diżinformazzjoni u kkontribwew sostanzjalment għal komunikazzjoni effettiva u l‑promozzjoni tal‑politiki tal‑UE fil‑pajjiżi ġirien. Il‑mandati tat‑task forces ma jkoprux b’mod adegwat il‑firxa sħiħa ta’ atturi ta’ diżinformazzjoni, inkluż theddid emerġenti ġdid (ara l‑paragrafi 45-49).

113

Il‑persunal tat‑task forces jiddependi fil‑biċċa l‑kbira fuq is‑sekondar ta’ esperti nazzjonali, li jagħmilha aktar diffiċli għas‑SEAE biex jimmaniġġja u jżomm il‑persunal. It‑tim StratCom għadu ma laħaqx il‑miri ta’ reklutaġġ tiegħu, u l‑kriżi tal‑COVID‑19 ħolqot ammont ta’ xogħol addizzjonali. Barra minn hekk, it‑task forces ma għandhom l‑ebda funzjoni ta’ evalwazzjoni biex jivvalutaw l‑effettività tagħhom u jidentifikaw oqsma għal titjib (ara l‑paragrafi 53-5860).

Rakkomandazzjoni 2 – Jittejbu l‑arranġamenti operazzjonali tad‑diviżjoni StratCom u tat‑task forces tagħha

Jenħtieġ li s‑SEAE:

  1. iressaq it‑theddid emerġenti ta’ diżinformazzjoni għall‑attenzjoni tal‑Kunsill. Jenħtieġ li mbagħad jirrieżamina u jikkjarifika l‑objettivi ta’ politika li għandhom jinkisbu mid‑diviżjoni għall‑komunikazzjoni strateġika u tat‑task forces tagħha;
  2. jilħaq il‑miri ta’ reklutaġġ stabbiliti fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE;
  3. jiffoka r‑riżorsi umani tiegħu fuq l‑aktar kompiti sensittivi, bħall‑analiżi tat‑theddid u l‑evoluzzjoni tat‑theddid, u jesternalizza attivitajiet ta’ komunikazzjoni inqas sensittivi fejn dawn ma jkunux jistgħu jsiru internament minħabba nuqqas ta’ persunal;
  4. iwettaq evalwazzjonijiet regolari tal‑attivitajiet operazzjonali tat‑task forces, lil hinn mill‑kampanji ta’ komunikazzjoni tagħhom.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: nofs l‑2022

114

EUvsDisinfo kien strumentali biex tiżdied is‑sensibilizzazzjoni dwar id‑diżinformazzjoni Russa. Madankollu, il‑kollokament tiegħu fis‑SEAE jqajjem xi mistoqsijiet dwar l‑indipendenza u l‑iskop aħħari tiegħu, peress li jista’ jitqies li jirrappreżenta l‑pożizzjoni uffiċjali tal‑UE (ara l‑paragrafi 6164).

115

Taħt il‑pilastru II, is‑SEAE stabbilixxa malajr is‑sistema ta’ twissija rapida (RAS). Aħna sibna li l‑RAS kienet iffaċilitat il‑kondiviżjoni tal‑informazzjoni fost l‑Istati Membri u l‑istituzzjonijiet tal‑UE. Madankollu, l‑RAS qatt ma ħarġet twissijiet u, konsegwentement, ma ntużatx biex tikkoordina l‑attribuzzjoni u r‑rispons konġunti kif kien previst inizjalment. Barra minn hekk, l‑istatistika l‑aktar reċenti turi li l‑attività u l‑involviment fl‑RAS huma xprunati minn għadd limitat ta’ Stati Membri. Hemm xejra ’l isfel fil‑livelli ta’ attività u l‑kooperazzjoni mal‑pjattaformi online u n‑networks eżistenti huma fil‑biċċa l‑kbira informali. Barra minn hekk, ma hemm l‑ebda protokoll li jistabbilixxi kooperazzjoni bejn l‑RAS u l‑pjattaformi online (ara l‑paragrafi 65-76).

Rakkomandazzjoni 3 – Tiżdied il‑parteċipazzjoni fl‑RAS mill‑Istati Membri u l‑pjattaformi online

Jenħtieġ li s‑SEAE:

  1. jitlob feedback dettaljat mingħand l‑Istati Membri dwar ir‑raġunijiet għal‑livell baxx ta’ involviment tagħhom u jieħu l‑passi operazzjonali meħtieġa biex jindirizzahom;
  2. juża l‑RAS bħala sistema għal rispons konġunt għad‑diżinformazzjoni u għal azzjoni koordinata, kif intenzjonat inizjalment;
  3. jipproponi lill‑pjattaformi online u lill‑Istati Membri qafas għall‑kooperazzjoni bejn l‑RAS u l‑pjattaformi online.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: nofs l‑2022

116

L‑unika azzjoni taħt il‑pilastru III hija dwar l-iżgurar ta’ monitoraġġ kontinwu tal‑kodiċi ta’ prattika (CoP). Tali kodiċi ta’ prattika jistabbilixxi għadd ta’ miżuri volontarji li għandhom jittieħdu minn pjattaformi online u assoċjazzjonijiet kummerċjali li jirrappreżentaw is‑settur tar‑reklamar. Permezz tas‑CoP, il‑Kummissjoni ħolqot qafas pijunier għall‑involviment ma’ pjattaformi online. Matul l‑istadji inizjali tal‑pandemija tal‑COVID‑19, is‑CoP wassal lill‑pjattaformi biex jagħtu prominenza akbar lill‑informazzjoni minn sorsi awtorevoli.

117

Il‑valutazzjoni tagħna tas‑CoP u l‑evalwazzjonijiet tal‑Kummissjoni żvelaw rappurtar differenti mill‑pjattaformi, skont il‑livell ta’ impenn tagħhom. Barra minn hekk, il‑metriċi li l‑pjattaformi huma meħtieġa jirrapportaw tissodisfa biss l‑indikaturi tal‑output. Il‑pjattaformi ma jipprovdux aċċess għal settijiet ta’ data, u b’hekk il‑Kummissjoni ma tistax tivverifika l‑informazzjoni rrappurtata. Konsegwentement, il‑CoP ma tilħaqx l-għan tagħha li żżomm lill‑pjattaformi online responsabbli għall‑azzjonijiet tagħhom u r‑rwol tagħhom fl‑indirizzar attiv tad‑diżinformazzjoni (ara l‑paragrafi 77-89).

Rakkomandazzjoni 4 – Jittejbu l‑monitoraġġ u l‑obbligu ta’ rendikont tal‑pjattaformi online

Filwaqt li tibni fuq inizjattivi reċenti bħall‑pjan ta’ azzjoni għad‑demokrazija Ewropea l-ġdid, jenħtieġ li l‑Kummissjoni:

  1. tipproponi impenji addizzjonali lill‑firmatarji biex jindirizzaw id‑dgħufijiet identifikati fl‑evalwazzjonijiet tal‑kodiċi ta’ prattika;
  2. ittejjeb il‑monitoraġġ tal‑attivitajiet tal‑pjattaformi online biex tiġi indirizzata d‑diżinformazzjoni bit‑twaqqif ta’ KPIs ta’ sinifikat;
  3. tistabbilixxi proċedura għall‑validazzjoni tal‑informazzjoni pprovduta mill‑pjattaformi online.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: tmiem l‑2021

118

Taħt il‑pilastru IV tal‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE, aħna sibna li kien hemm għadd kbir ta’ inizjattivi ta’ litteriżmu fil‑media tal‑UE u tal‑Istati Membri, u pletora ta’ dokumenti ta’ politika, li mhumiex organizzati taħt strateġija kumplessiva tal‑litteriżmu fil‑media, li tinkludi l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni (ara l‑paragrafu 95).

119

Il‑biċċa l‑kbira mill‑attivitajiet matul il-Ġimgħa għal‑Litteriżmu fil‑Media tal‑UE tal‑2019 saru f’żewġ Stati Membri biss, li llimita sostanzjalment il‑potenzjal ta’ sensibilizzazzjoni tal‑inizjattiva. L‑analiżi tagħna ta’ kampjun ta’ 20 proġett li jindirizzaw id‑diżinformazzjoni sabet riżultati tanġibbli f’12‑il proġett. Il‑biċċa l‑kbira mir‑riżultati pożittivi nkisbu minn proġetti li bnew fuq ir‑riżultati ta’ proġetti preċedenti biex jipproduċu għodod ta’ verifika tal‑fatti jew materjal għat‑tagħlim. In‑nuqqasijiet ewlenin identifikati f’10 proġetti huma relatati mal‑limitazzjoni fl‑iskala u fl‑ilħiq tal‑attivitajiet tagħhom (ara l‑Kaxxa 3, il‑paragrafi 9497-101).

Rakkomandazzjoni 5 – Tiġi adottata strateġija tal‑UE għal‑litteriżmu fil‑media, li tinkludi l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni

Jenħtieġ li l‑Kummissjoni tadotta strateġija għal‑litteriżmu fil‑media li tinkludi l-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni bħala parti integrali minnha. Sabiex id‑diżinformazzjoni tiġi mmirata aħjar permezz ta’ azzjonijiet ta’ litteriżmu fil‑media u titnaqqas il‑frammentazzjoni tagħhom, din l‑istrateġija jenħtieġ li tinkludi:

  1. aġġornament regolari, f’kooperazzjoni mal‑Grupp ta’ Esperti dwar il‑Litteriżmu fil‑Midja (MLEG), tal‑aktar prattiki u azzjonijiet importanti tal‑litteriżmu fil‑media fl‑UE u fl‑Istati Membri;
  2. stabbiliment ta’ objettivi ċari bbażat fuq riċerka sistematika u regolari dwar il‑litteriżmu fil‑media u l‑impatt tal‑media u tal‑pjattaformi diġitali, akkumpanjat minn sett ta’ indikaturi biex titkejjel il‑prestazzjoni;
  3. il‑mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni meħtieġa biex jinħolqu sinerġiji fost il‑proġetti.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: tmiem l‑2022

120

Il‑verifikaturi tal‑fatti u r‑riċerkaturi indipendenti għandhom rwol ewlieni fit‑tisħiħ tal‑fehim tad‑diżinformazzjoni. Sa issa, l‑isforzi tal‑Kummissjoni biex tiżviluppa network Ewropew ta’ verifikaturi tal‑fatti (l‑Osservatorju Soċjali għall‑Analiżi tad‑Diżinformazzjoni u tal‑Media Soċjali (SOMA)) ma rnexxilhomx jattiraw wisq sensibilizzazzjoni minn din il‑komunità. L‑Osservatorju Ewropew tal‑Media Diġitali (EDMO) suppost għandu jieħu post is‑SOMA, iżda ż-żewġ proġetti kienu qed jitmexxew b’mod parallel fiż-żmien tal‑awditu. Il‑viżibbiltà tal‑EDMO fost il‑partijiet ikkonċernati għadha limitata, u dan jikkuntrasta mal‑ambizzjoni tiegħu li jipprovdi soluzzjoni olistika għall‑isfidi tas‑soċjetà relatati mad‑diżinformazzjoni. Barra minn hekk, il‑komunità tal‑litteriżmu medjatiku u s‑soċjetà ċivili, li jistgħu jipprovdu rabtiet importanti bejn l‑akkademja u t‑tfassil tal‑politika, mhumiex rappreżentati tajjeb fil‑bord konsultattiv tal‑EDMO (ara l‑paragrafi 102-107).

Rakkomandazzjoni 6 – Jittieħdu passi biex l‑EDMO jkun jista’ jissodisfa l‑objettivi ambizzjużi tiegħu

Sabiex jiġi żgurat li l‑EDMO jilħaq l‑objettivi ambizzjużi tiegħu, jenħtieġ li l‑Kummissjoni:

  1. tiġbor it‑tagħlimiet li ttieħdu mill‑proġett SOMA, ladarba dan jintemm, u tapplikahom fl‑EDMO;
  2. iżżid ir‑rappreżentanza tal‑esperti tal‑litteriżmu fil‑media u tas‑soċjetà ċivili fil‑bord konsultattiv tal‑EDMO;
  3. iżżid is‑sensibilizzazzjoni dwar l‑EDMO fost il‑partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l‑verifikaturi tal‑fatti u l‑esperti tal‑litteriżmu fil‑media.

Data mmirata għall‑implimentazzjoni: tmiem l‑2021

Dan ir‑Rapport ġie adottat mill‑Awla III, immexxija mis‑Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal‑Qorti tal‑Awdituri, fil‑Lussemburgu fis‑27 ta’ April 2021.

Għall‑Qorti tal‑Awdituri

Klaus‑Heiner Lehne
President

Annessi

Anness I – Dipartimenti u uffiċċji prinċipali tal–istituzzjonijiet tal–UE li jiġġieldu d–diżinformazzjoni

Responsabbiltajiet
Is‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna (SEAE) Responsabbli għat‑Task Forces StratCom (Task Force East StratCom mill‑2015 ’il hawn u minn nofs l‑2017 ’il hawn is‑South Task Force li tkopri l‑Lvant Nofsani u r‑reġjun tal‑Afrika ta’ Fuq (Mejju 2017), u t‑Task Force tal‑Balkani tal‑Punent li tkopri l‑Balkani tal‑Punent (Lulju 2017). Is‑SEAE huwa responsabbli wkoll għaż-żamma u l‑moderazzjoni tal‑pjattaforma diġitali tas‑Sistema ta’ Twissija Rapida, u għat‑tisħiħ tal‑kapaċitajiet analitiċi u ta’ detezzjoni. Fl‑2020, huwa ħoloq Diviżjoni ġdida għall‑Komunikazzjoni Strateġika, li tinkludi t‑Task Forces u kapaċitajiet rilevanti oħra.
Id‑Direttorat Ġenerali għan‑Networks tal‑Komunikazzjonijiet, il‑Kontenut u t‑Teknoloġija (DĠ CNECT) Imexxi l‑attivitajiet relatati mal‑kodiċi ta’ prattika, il-ħolqien ta’ network indipendenti ta’ verifikaturi tal‑fatti u riċerkaturi, u azzjonijiet b’appoġġ għal‑litteriżmu fil‑media u ċ-ċibersigurtà. Id-DĠ CNECT jimplimenta wkoll proġetti ffinanzjati mill‑Parlament Ewropew u proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjati taħt il‑programm H2020.
Id‑Direttorat Ġenerali għall‑Komunikazzjoni (DĠ COMM) Responsabbli għan‑Network kontra d‑Diżinformazzjoni (forum intern ta’ kollaborazzjoni mill‑qrib fid‑Direttorati Ġenerali kollha, is‑SEAE, il‑Parlament Ewropew u r‑Rappreżentanzi tal‑UE fl‑Istati Membri). Responsabbli wkoll għall‑komunikazzjoni proattiva u oġġettiva dwar il‑valuri u l‑politiki tal‑UE u attivitajiet għas‑sensibilizzazzjoni tal‑pubbliku.
Id‑Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l‑Konsumaturi (DĠ JUST) Ikkontribwixxa għall‑aspetti tad‑drittijiet fundamentali u d‑demokrazija għall‑outputs prinċipali relatati mad‑diżinformazzjoni. Mexxa t-tħejjija tal‑pakkett elettorali tal‑Kummissjoni li nħareġ f’Settembru 2018 (il-“Pakkett elettorali”).
Is‑Segretarjat Ġenerali tal‑Kummissjoni Ewropea Inkarigat mill‑koordinazzjoni tal‑implimentazzjoni tal‑azzjonijiet previsti fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑UE.
Il‑Parlament Ewropew (DĠ Komunikazzjoni) Parti min‑network ta’ koordinazzjoni interna, jabbozza kontronarrattivi u jiffinanzja azzjonijiet preparatorji li għandhom jiġu implimentati mis‑SEAE u mill‑Istati Membri permezz ta’ ġestjoni diretta.
Rappreżentazzjonijiet tal‑Kummissjoni Jipprovdu messaġġi mfasslin apposta fil‑livell lokali, inklużi għodod speċifiċi għall-ġlieda kontra l‑miti u jxerrdu l‑fatti
L‑uffiċċji ta’ kollegament tal‑Parlament Ewropew

Sors: il‑Kummissjoni Ewropea.

Anness II – L–infiq tal–UE fuq azzjonijiet kontra d–diżinformazzjoni (f’euro)

Entità Linja baġitarja Finanzjament taħt Titlu Allokazzjoni mill-baġit Total
2015 2016 2017 2018 2019 2020
SEAE 19 06 01 Prerogattivi tal-Kummissjoni (FPI) Sensibilizzazzjoni Informattiva dwar Relazzjonijiet Esterni tal-UE 298 200 298 200
19 06 77 01 Azzjoni Preparatorja (FPI) Azzjoni Preparatorja “StratCom Plus” 1 100 000 3 000 000 4 000 000 8 100 000
1200 SEAE Persunal bil-kuntratt 1 187 000 1 128 942 2 098 697 2 159 748 6 574 387
2214 SEAE Kapaċità tal-Komunikazzjoni Strateġika 800 000 2 000 000 2 000 000 4 800 000
DĠ CNECT 09 04 02 01 Orizzont 
2020
Tmexxija fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni 3 115 736 2 879 250 10 885 524 16 880 510
09 03 03 FNE - Telekom Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali 2 500 000 2 500 000
09 05 77 04 Proġett Pilota Proġett Pilota “Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd” 245 106 500 000 745 106
09 05 77 06 Azzjoni Preparatorja Azzjoni preparatorja “Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd” 499 290 500 000 500 000 1 499 290
ERC 08 02 01 01 Orizzont 
2020
Tisħiħ tar-riċerka fil-fruntieri fil-Kunsill Ewropew għar-Riċerka 1 980 112 1 931 730 149 921 150 000 4 211 763
FPI 19 02 01 00 IcSP Ġlieda kontra d-diżinformazzjoni fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ukrajna 1 934 213 1 934 213
DĠ JUST 33 02 01 Programm REC Studju dwar l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda fir-rigward ta’ elezzjonijiet liberi u ġusti 350 000 350 000
33 02 01 Programm REC Promozzjoni ta’ attivitajiet għal drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE (eż. Avveniment għan-network ta’ kooperazzjoni dwar l-elezzjonijiet jew relatat mar-rapport dwar iċ-ċittadinanza) 376 000 376 000
34 02 01 Programm REC Studji u riċerka dwar oqsma speċifiċi li jikkonċernaw iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni (Network ta’ Akkademiċi u oħrajn) 434 000 434 000
DĠ COMM 16 03 02 03 Baġit operazzjonali Għodod ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni online u bil-miktub 91 603 62 249 153 852
16 03 01 04 Baġit operazzjonali Komunikazzjoni tar-Rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni, id-Djalogi maċ-Ċittadini u azzjonijiet ta’ “Sħubija” 132 000 132 000
08 02 05 00 Baġit korporattiv Azzjonijiet orizzontali ta’ Orizzont 2020 110 000 110 000
DIGIT għall-SEAE 26 03 77 09 Azzjoni preparatorja “Data Analytics Solutions for policy-making” 251 421 251 421
TOTAL 5 095 848 2 176 836 4 716 171 14 563 756 10 634 134 12 163 997 49 350 742

Sors: il‑QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill‑Kummissjoni u mis‑SEAE.

Anness III – Valutazzjoni ta’ proġetti kontra d–diżinformazzjoni (Proġetti Pilota, Azzjonijiet Preparatorji, H2020)

Numru tal-proġett Tip ta’ Proġett Pajjiżi Durata tal-proġett (Reali) Status Rabta diretta ma’ proġetti oħra Ammont tal-Għotja (f’EUR) Il-monitoraġġ tal-Kummissjoni kien adegwat? Kriterju 1 Rilevanza għad-diżinformazzjoni Kriterju 2 Riżultati tanġibbli u sostenibbli Kriterju 3 Skala u lħiq suffiċjenti
1 H2020 Ir-Renju Unit (miri: il-Ġermanja, Franza, il-Polonja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit / il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Messiku, ir-Russja, l-Ukrajna, l-Istati Uniti, it-Tajwan) Jannar 2016 - Diċembru 2020 Għadu għaddej Iva 1 980 112 Hemm rappurtar kontinwu kif ukoll rappurtar indipendenti fil-forma ta’ awditu u ta’ rapport xjentifiku. Il-proġett ipproduċa prinċipalment dokumenti ta’ riċerka. Il-biċċa l-kbira mill-preżentazzjonijiet ta’ dawn id-dokumenti seħħew barra mit-territorju tal-UE. Bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, mhuwiex ċar kif din ir-riċerka se tibqa’ tibbenefika lill-UE.
2 H2020 Ir-Renju Unit Lulju 2017 - Jannar 2019 Konkluż Iva 149 921 Hemm kemm rappurtar kontinwu kif ukoll rappurtar indipendenti fil-forma ta’ awditu. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-proġett se jmur lil hinn minn evidenza ta’ kunċett, u jekk ikompli, mhuwiex ċar jekk il-pubbliku huwiex se jibbenefika minnu daqs is-settur privat jekk il-prodott finali jiġi kkumerċjalizzat.
3 H2020 Il-Greċja Jannar 2016 - Diċembru 2018 Konkluż Iva 3 115 737 Hemm opinjoni esperta indipendenti u rapporti analitiċi. L-għodda prodotta mill-proġett kienet maħsuba l-aktar għall-esperti u ma kinitx faċli biżżejjed għall-pubbliku ġenerali (kienu meħtieġa żewġ prodotti sussegwenti biex jiġu rfinati r-riżultati u biex jissaħħu l-iskala u l-ilħiq tal-proġett).
4 H2020 L-Italja Jannar 2018 - Diċembru 2020 Għadu għaddej Le 2 879 250 Il-proġett għadu għaddej. Hemm rappurtar kontinwu flimkien mal-ewwel valutazzjoni. Hemm dgħufija billi wieħed mill-komponenti tas-software huwa antik u l-proġett mhuwiex qed juża metodi tal-ogħla livell f’dan il-qasam.
5 H2020 L-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Renju Unit. Jannar 2018 - Novembru 2021 Għadu għaddej Iva 2 454 800 F’Lulju 2020 twettaq rieżaminar indipendenti u remot li ġie iffaċilitat minn DĠ CNECT. Proġett ġestit tajjeb iżda teħtieġ xi azzjoni korrettiva biex ikun hemm fokus fuq komponenti ewlenin, u elaborazzjoni aktar dettaljata tat-tixrid u l-isfruttament. Dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tat-tixrid u tal-isfruttament tan-negozju.
6 H2020 Iċ-Ċekja, l-Irlanda, Spanja u l-Awstrija Diċembru 2018 - Novembru 2021 Għadu għaddej Iva 2 753 059 Qed jitwettaq rieżaminar indipendenti u remot (li nbeda f’Awwissu 2020). Hemm inċertezza dwar kif il-pjattaformi ċentralizzati u online se jaħdmu mal-għodda.
7 H2020 Franza, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, ir-Renju Unit Diċembru 2018 - Novembru 2021 Għadu għaddej Iva 2 505 027 F’Diċembru 2019 twettqu tliet evalwazzjonijiet indipendenti u fi Frar 2020 twettqet valutazzjoni kumplessiva. Barra minn hekk, bejn Jannar u April 2020, twettaq rieżaminar ta’ proġett.
8 H2020 Id-Danimarka, il-Greċja, l-Italja Novembru 2018 - April 2021 Għadu għaddej Iva 987 438 Il-proġett ġie rieżaminat minn tliet kontrolluri indipendenti, u ġie evalwat mill-Uffiċjal tal-Proġett. Il-proġett għadu għaddej b’mod parallel ma’ proġett simili fil-qasam.
9 H2020 Il-Belġju, il-Bulgarija (C), il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, ir-Renju Unit Diċembru 2018 - Novembru 2021 Għadu għaddej Iva 2 499 450 L-ebda input jew sforz ta’ koordinazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, fil-bidu. Ir-riżultati qed jiġu ttestjati fl-istadju tal-prototip. Dan jista’ jġib miegħu xi riskji. Il-Kummissjoni ma tat l-ebda gwida u l-ideat dwar kif se jkunu sostenibbli r-riżultati huma limitati għall-inizjattivi sħab marbuta mal-kuntatti/sħab/klijenti individwali proprji tagħhom.
10 H2020 L-Iżvizzera/ir-Renju Unit Settembru 2018 - Novembru 2019 (inizjalment Frar 2020) Konkluż Iva 150 000 Fuq talba tal-Qorti l-Uffiċjal tal-Proġett ħadem tajjeb biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit kif ġew sfruttati r-riżultati. Riżultati sfruttati prinċipalment minn kumpanija Amerikana.
11 Proġett Pilota Il-Belġju, ir-Rumanija, Franza, il-Kroazja, il-Polonja, il-Finlandja, l-Istati Uniti Jannar 2018 - Jannar 2019 Konkluż Le 125 000 Il-proġett ġie mmonitorjat permezz ta’ diversi indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi.
12 Proġett Pilota Spanja, l-Italja, Malta, il-Portugall, ir-Renju Unit 2016 Konkluż Iva 171 057 Ma kienx hemm evidenza dwar il-monitoraġġ tal-Kummissjoni. Korsijiet ta’ taħriġ sostenibbli ġew żviluppati biss f’pajjiż wieħed minn ħamsa. Ilħiq limitat tar-riżultati tal-proġett.
13 Proġett Pilota Il-Belġju, il-Greċja, Spanja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja 2017 Konkluż Le 118 445 Ġew prodotti rappurtar kontinwu, u rapport tekniku kif ukoll evalwazzjoni finali indipendenti. Tħassib dwar is-sostenibbiltà. Fl-awtovalutazzjoni finali tiegħu il-proġett enfasizza n-nuqqas ta’ strateġija kumplessiva għal-litteriżmu fil-media.
14 Proġett Pilota Il-Polonja Lulju 2018 - Ġunju 2019 Konkluż Le 127 590 Hemm valutazzjoni ta’ paġna waħda biss li ma tanalizzax l-eżiti. Il-proġett jikkombina l-verifika tal-fatti mad-drittijiet tan-nisa u s-sessiżmu u r-rilevanza għad-diżinformazzjoni hija dgħajfa. Is-sit web maħluq mill-proġett ma għadux operazzjonali.
15 Proġett Pilota Il-Belġju, l-Awstrija, il-Portugall 2017 Konkluż Le 122 815 L-iskambju ta’ ideat u l-White Papers saru iżda ma hemm l-ebda sett ta’ għodod. Il-proġett ġie interrott minħabba l-insolvenza tal-koordinatur.
16 Proġett Pilota Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, Ċipru, il-Portugall Lulju 2018 - Ġunju 2019 Konkluż Le 131 150 Ma hemm l-ebda prova ta’ monitoraġġ li għadu għaddej. Il-valutazzjoni finali tikkonsisti f’133 kelma u ma tinkludi l-ebda rakkomandazzjoni. Il-proġett jittratta l-ħsieb kreattiv inġenerali. L-outputs/l-eżiti mhumiex miżurabbli. Il-proġett kien eżerċizzju awtonomu u ma jistax jiġi riprodott jew jitkompla faċilment
17 Azzjoni Preparatorja Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, il-Kroazja, ir-Rumanija, l-Italja, il-Latvja Lulju 2019 - Awwissu 2020
Estensjoni diskussa
Għadu għaddej Le 124 546,72 Ġie prodott rapport interim tekniku dwar l-implimentazzjoni.
18 Azzjoni Preparatorja Id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Finlandja 2018 Għadu għaddej Iva 214 556 Il-proġett immonitorja l-azzjonijiet mill-qrib b’indikaturi ddefiniti b’mod ċar.
19 Azzjoni Preparatorja Spanja, Franza, ir-Rumanija, l-Iżvezja 2018 Għadu għaddej Iva 159 380 Il-proġett għadu għaddej u r-rapport tekniku huwa ta’ kwalità tajba. Se jkun hemm ukoll rapport indipendenti.
20 Azzjoni Preparatorja Il-Greċja, Spanja, il-Litwanja, il-Finlandja Awwissu 2019 - Awwissu 2020 (estensjoni diskussa) Għadu għaddej Le 86 630 Ir-rappurtar kien jirrikjedi rapport wieħed biss ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu wara seba’ xhur. Xi dokumentazzjoni ma kinitx disponibbli immedjatament u kellha tintbagħat bil-posta. Fl-ambitu tal-proġett huwa diffiċli li jitpatta għan-nuqqas fil-finanzjament.
Mhux issodisfat
Parzjalment issodisfat
Issodisfat
Mhux applikabbli

Sors: il‑QEA.

Anness IV – Valutazzjoni tal–azzjonijiet inklużi fil–pjan ta’ azzjoni tal–UE dwar id–Diżinformazzjoni

Pjan ta’ Azzjoni tal-UE L-Azzjoni hija definita b’mod ċar? L-Azzjoni hija marbuta mal-ħin? Responsabbiltà
Azzjoni 1: Bil-ħsieb, b’mod partikolari, għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew 2019, iżda anke b’perspettiva fuq terminu itwal, ir-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se jsaħħaħ it-Task Forces għall-Komunikazzjoni Strateġika u d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni permezz ta’ persunal addizzjonali u għodod ġodda li huma meħtieġa għad-detezzjoni, l-analiżi u l-esponiment ta’ attivitajiet ta’ diżinformazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri, fejn xieraq, jaġġornaw ukoll il-kapaċità nazzjonali tagħhom f’dan il-qasam, u jappoġġaw iż-żieda meħtieġa fir-riżorsi għat-Task Forces għall-Komunikazzjoni Strateġika u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Iva – biex jiġu impjegati aktar nies u jinkisbu aktar għodod Bil-ħsieb għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 iżda wkoll b’perspettiva fuq terminu itwal Ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri
Azzjoni 2: Ir-Rappreżentant Għoli se jirrieżamina l-mandati tat-Task Forces għall-Komunikazzjoni Strateġika għall-Balkani tal-Punent u tan-Nofsinhar biex ikunu jistgħu jindirizzaw id-diżinformazzjoni b’mod effettiv f’dawn ir-reġjuni. Iva – biex jiġi rrieżaminat il-mandat. L-ebda data ta’ skadenza Ir-Rappreżentant Għoli
Azzjoni 3: Sa Marzu 2019, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se jistabbilixxu Sistema ta’ Twissija Rapida biex tindirizza l-kampanji ta’ diżinformazzjoni, fejn se jaħdmu mill-qrib man-networks eżistenti, mal-Parlament Ewropew kif ukoll mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u l-Mekkaniżmu ta’ Rispons Rapidu tal-G7. Iva – biex tiġi stabbilita s-Sistema ta’ Twissija Rapida Marzu 2019 Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli
Azzjoni 4: Bil-ħsieb għall-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, se żżid l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħha dwar il-valuri u l-politiki tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu sinifikattivament l-isforzi ta’ komunikazzjoni proprji tagħhom dwar il-valuri u l-politiki tal-Unjoni. Le – mhuwiex ċar xi tfisser “żieda fl-isforzi ta’ komunikazzjoni” – aktar artikoli, aktar stqarrijiet għall-istampa? Bil-ħsieb għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 Il-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u maI-Istati Membri
Azzjoni 5: Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika fil-viċinat tal-Unjoni. Le – mhuwiex ċar kif tista’ tissaħħaħ il-komunikazzjoni strateġika L-ebda data ta’ skadenza Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri
Azzjoni 6: Il-Kummissjoni se tiżgura monitoraġġ mill-qrib u kontinwu tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika. Fejn meħtieġ u b’mod partikolari bil-ħsieb għall-elezzjonijiet Ewropej, il-Kummissjoni se tagħmel pressjoni għal konformità rapida u effettiva. Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni komprensiva mal-konklużjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni inizjali ta’ 12-il xahar tal-Kodiċi. Jekk l-implimentazzjoni u l-impatt tal-Kodiċi ta’ Prattika ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tipproponi aktar azzjonijiet, inklużi azzjonijiet ta’ natura regolatorja. Iva – il-Kummissjoni teħtieġ li timmonitorja u twettaq valutazzjoni komprensiva Fejn meħtieġ u b’mod partikolari bil-ħsieb għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni komprensiva mal-konklużjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni inizjali ta’ 12-il xahar tal-Kodiċi. Il-Kummissjoni
Azzjoni 7: Bil-ħsieb, b’mod speċjali, għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, iżda wkoll għat-terminu itwal, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se jorganizzaw kampanji mmirati għall-pubbliku u taħriġ għall-media u għal dawk li jsawru l-opinjoni pubblika fl-Unjoni u fil-viċinat tagħha għal żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-effetti negattivi tad-diżinformazzjoni. L-isforzi biex jiġi appoġġat ix-xogħol tal-media indipendenti u l-ġurnaliżmu ta’ kwalità kif ukoll ir-riċerka fid-diżinformazzjoni se jkomplu sabiex jingħata rispons komprensiv għal dan il-fenomenu. Parzjalment – jeħtieġ li l-Kummissjoni tniedi kampanji u taħriġ, madankollu mhuwiex ċar liema sforzi jenħtieġ li tagħmel biex tappoġġa lill-media u lir-riċerka Bil-ħsieb, b’mod speċjali, għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, iżda wkoll għat-terminu itwal Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri
Azzjoni 8: Jenħtieġ li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jappoġġaw il-ħolqien ta’ timijiet ta’ verifikaturi tal-fatti indipendenti multidixxiplinari u riċerkaturi b’għarfien speċifiku dwar ambjenti ta’ informazzjoni lokali għad-detezzjoni u l-esponiment ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni fin-networks soċjali differenti u l-media diġitali. Le – mhuwiex ċar kif l-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw il-ħolqien ta’ timijiet ta’ verifikaturi tal-fatti u ta’ riċerkaturi L-ebda data ta’ skadenza Il-Kummissjoni u l-Istati Membri
Azzjoni 9: Bħala parti mill-Ġimgħa għal-Litteriżmu fil-Media f’Marzu 2019, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera fost il-prattikanti tal-litteriżmu fil-media kif ukoll it-tnedija ta’ għodod prattiċi għall-promozzjoni tal-litteriżmu fil-media għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw ukoll b’mod rapidu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, li tittratta l-litteriżmu fil-media. Le – mhuwiex ċar kif il-Kummissjoni se tappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera fost il-prattikanti tal-litteriżmu fil-media matul ġimgħa waħda. L-inkoraġġiment taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva huwa biss inkoraġġiment. Ma għandu l-ebda setgħa legali fuq id-dati ta’ skadenza imposti fid-Direttiva (tmiem l-2022). Marzu 2019 Il-Kummissjoni u l-Istati Membri
Azzjoni 10: Bil-ħsieb għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 li ġejjin, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw segwitu effettiv tal-Pakkett dwar l-Elezzjonijiet, notevolment ir-Rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Pakkett u fejn xieraq, tipprovdi appoġġ u pariri rilevanti. Le – mhuwiex ċar kif għandu jsir is-segwitu tal-pakkett dwar l-elezzjonijiet – b’evalwazzjoni, bidliet legali? Bil-ħsieb għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 Il-Kummissjoni u l-Istati Membri
Iva
Le
Parzjalment

Sors: il‑QEA.

Anness V – Il–kodiċi ta’ prattika dwar id–diżinformazzjoni

Il‑kodiċi ta’ prattika dwar id‑diżinformazzjoni (CoP) huwa sett ta’ impenji għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni, maqbula fuq bażi volontarja minn rappreżentanti ta’ pjattaformi online, networks soċjali ewlenin, dawk li jirreklamaw u l‑industrija tar‑reklamar. Is‑CoP ġie mħeġġeġ u ffaċilitat mill‑Kummissjoni Ewropea. Din kienet l‑ewwel darba li l‑atturi ewlenin tal‑industrija kienu ddeċidew li jaġixxu flimkien biex jindirizzaw it‑tixrid tad‑diżinformazzjoni online.

Il‑firmatarji inizjali f’Ottubru 2018 kienu jinkludu Facebook, Google, Twitter u Mozilla, kif ukoll għadd ta’ persuni li jirreklamaw u korpi tal‑industrija tar‑reklamar. Microsoft iffirmat is‑CoP f’Mejju 2019, segwit minn TikTok f’Ġunju 2020. Bħalissa hemm 16‑il firmatarju.

Is‑CoP jikkonsisti f’sensiela ta’ impenji taħt ħames pilastri:

  • l‑iskrutinju tat‑tqegħid tar‑reklami;
  • ir‑reklamar politiku u r‑reklamar ibbażat fuq kwistjonijiet speċifiċi;
  • l‑integrità tas‑servizzi;
  • l-għoti tas‑setgħa lill‑konsumaturi;
  • l-għoti tas‑setgħa lill‑komunità tar‑riċerka.

Huwa jinkludi wkoll anness li jidentifika l-aħjar prattiki li l‑firmatarji se japplikaw biex jimplimentaw l‑impenji tas‑CoP. Il‑firmatarji ħejjew pjanijiet direzzjonali individwali biex jimplimentaw is‑CoP.

Billi s‑CoP huwa volontarju, ma hemm l‑ebda penali fin‑nuqqas li jiġu onorati dawn l‑impenji. Għalhekk, huwa importanti li jiġi mmonitorjat il‑progress tal‑firmatarji fl‑implimentazzjoni tal‑impenji tagħhom. Bejn Jannar u Mejju 2019, il‑Kummissjoni Ewropea vverifikat l‑implimentazzjoni ta’ dawn l‑impenji minn Facebook, Google u Twitter, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑integrità tal‑elezzjonijiet Ewropej. Kull xahar, it‑tliet pjattaformi rrappurtaw dwar l‑azzjoni li kienu ħadu fir‑rigward tal‑iskrutinju tat‑tqegħid tar‑reklami, it‑trasparenza tar‑reklamar politiku u dak ibbażat fuq kwistjonijiet speċifiċi, u l‑kontijiet foloz u l-użu malizzjuż tal‑bots. Il‑Kummissjoni invokat ukoll is‑CoP biex titlob ħames settijiet ta’ rapporti mill‑firmatarji dwar l‑azzjoni li kienu ħadu għall-ġlieda kontra d‑diżinformazzjoni matul il‑pandemija tal‑COVID‑19.

Dawn ir‑rapporti huma disponibbli fuq is‑sit web tal‑Kummissjoni, flimkien mal‑valutazzjoni tal‑Kummissjoni.

Anness VI – Kronoloġija tal–azzjonijiet prinċipali tal–UE bħala rispons għall–pandemija tal–COVID–19 2020 u l-“infodemija”

Sors: il‑QEA.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

CoP: Kodiċi ta’ Prattika

DUE: Delegazzjonijiet tal‑UE

EDMO: Osservatorju Ewropew tal‑Media Diġitali

EMLW: Ġimgħa Ewropea għal‑Litteriżmu fil‑Media

ERGA: Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas‑Servizzi tal‑Media Awdjoviżiva

EUvsDisinfo: Il‑proġett ewlieni tat‑Task Force East StratCom tas‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna. Dan ġie stabbilit fl‑2015 biex jipprevedi, jindirizza u jirrispondi aħjar għall‑kampanji ta’ diżinformazzjoni li għaddejjin tal‑Federazzjoni Russa li jaffettwaw lill‑UE, lill‑Istati Membri tagħha, u lill‑pajjiżi fil‑viċinat kondiviż.

HLEG: Grupp ta’ Esperti Indipendenti ta’ Livell Għoli dwar l-Aħbarijiet Foloz u d‑Diżinformazzjoni Online

HWP: Grupp ta’ Ħidma Orizzontali dwar it‑Tisħiħ tar‑Reżiljenza u l-Ġlieda Kontra t‑Theddid Ibridu

IE: Ambjent tal‑Informazzjoni

IND: Network Intern dwar id‑Diżinformazzjoni

Pjan ta’ azzjoni tal‑UE: Pjan ta’ azzjoni tal‑UE kontra d‑diżinformazzjoni

RAS: Sistema ta’ Twissija Rapida

SEAE: Is‑Servizz Ewropew għall‑Azzjoni Esterna

SOMA: Osservatorju Soċjali għall‑Analiżi tad‑Diżinformazzjoni u tal‑Media Soċjali

StratCom: Komunikazzjoni Strateġika

Glossarju

Algoritmi: Proċess jew sett ta’ regoli applikati minn kompjuter fil‑kalkoli jew operazzjonijiet oħra ta’ soluzzjoni tal‑problemi.

Bot: Applikazzjoni tas‑software awtomatizzata li hija pprogrammata biex twettaq ċerti kompiti.

Diżinformazzjoni: Il‑komunikazzjoni ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa għall‑iskopijiet ta’ ingann.

Infodemija: Ammont eċċessiv ta’ informazzjoni – xi informazzjoni preċiża u oħra le – li tista’ tintuża biex toskura jew tgħawweġ il‑fatti.

Komunikazzjoni Strateġika: Komunikazzjoni koordinata u koerenti minn organizzazzjoni biex jintlaħqu għanijiet speċifiċi.

Litteriżmu fil‑media: Kapaċità ta’ aċċess, fehim u interazzjoni mal‑media u l‑komunikazzjonijiet.

Miżinformazzjoni: Il‑komunikazzjoni ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, kemm jekk in bona fide jew għall‑iskopijiet ta’ ingann.

Troll fuq l‑internet: Persuna li ttella’ insulti, ta’ spiss bi kliem ħażin jew lingwaġġ offensiv ieħor fuq is‑siti tan‑networking soċjali.

Wiki: Sit web kollaborattiv li fuqu kwalunkwe utent jista’ jżid u jeditja l‑kontenut.

Risposti tal–Kummissjoni u tas–SEAE

Sommarju eżekuttiv

I

L-Unjoni Ewropea (UE) rrikonoxxiet id-diżinformazzjoni u l-indħil barrani bħala sfida importanti għad-demokrazija u s-soċjetà, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll globalment. Mill-2015, hija żiedet l-isforzi tagħha biex tindirizza dawn il-fenomeni – għal dan il-għan, inħarġu dokumenti ta’ politika differenti, inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 kontra d-Diżinformazzjoni (Pjan ta’ Azzjoni tal-2018). L-UE tkompli tivvaluta t-theddid li dejjem qed jinbidel f’dan il-qasam u għandha l-għan li tappoġġa lill-pajjiżi sħab madwar id-dinja biex jindirizzawhom.

L-UE għandha l-għan li tadatta l-approċċ tagħha għal dawn l-iżviluppi biex tiżgura qafas koerenti, komprensiv u effettiv biex jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni u l-interferenza barranija, b’rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

III

Il-pjan ta’ Azzjoni tal-2018, flimkien ma’ dokumenti ta’ politika oħra, jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika tal-UE dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni. Fil-mument tal-adozzjoni tiegħu u sal-lum, il-Pjan ta’ Azzjoni huwa wieħed uniku fil-qasam tiegħu, li jħares lejn id-diżinformazzjoni minn angoli differenti u jidentifika oqsma ewlenin għal azzjoni. Dan jippermetti rispons immedjat fuq terminu qasir għal kampanji ta’ diżinformazzjoni u investiment fit-tul fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-soċjetà.

Huwa dokument komprensiv li jiffoka esklussivament fuq id-diżinformazzjoni u għalhekk jenfasizza l-importanza li l-UE tagħti lil din l-isfida. Huwa jissottolinja wkoll l-għan tal-UE li taħdem mal-partijiet interessati kollha, inkluż mis-soċjetà ċivili u l-industrija privata, biex jiġi żviluppat approċċ ta’ soċjetà sħiħa. Il-valur tal-kooperazzjoni internazzjonali huwa enfasizzat, li jifforma l-bażi għal aktar kooperazzjoni ma’ sħab ewlenin bħan-NATO u l-G7.

IV

Filwaqt li jibnu fuq il-Pjan ta’ Azzjoni 2018 u l-passi meħuda biex jimplimentawh, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ħarġu dokumenti ta’ politika bħall-Komunikazzjoni Konġunta tal-2020 dwar id-Diżinformazzjoni tal-COVID-19 (JOIN (2020) 8 final) u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija (EDAP). Dawn id-dokumenti bnew fuq il-kisbiet li ħarġu mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 u jtennu ħafna mill-punti tiegħu. Għalhekk, filwaqt li mhumiex aġġornament formali tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018, dawn id-dokumenti qed jitqiesu bħala l-iżviluppi ulterjuri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018. L-EDAP jistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti, għat-tisħiħ tal-libertà tal-midja u għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Meta tagħmel dan, hija tqis il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 kif ukoll il-Komunikazzjoni Konġunta tal-2020 dwar id-Diżinformazzjoni tal-COVID-19. L-EDAP itenni ħafna mis-sejħiet tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018, inkluża l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali u l-ħtieġa li jissaħħu aktar il-kapaċitajiet analitiċi fil-livell Ewropew u nazzjonali. Hija tqis ukoll il-progress li sar s’issa abbażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 u għalhekk għandha titqies bħala estensjoni tal-qafas ta’ politika previst fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018. L-EDAP u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-2020 dwar id-Diżinformazzjoni tal-COVID-19 ġew adottati wara l-konklużjoni tal-awditu u għalhekk kienu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

V

Is-SEAE jqis li n-nuqqas ta’ mandat uniku ġenerali mill-Kunsill ma xekkilx l-iżvilupp jew l-operat tad-diviżjoni tal-komunikazzjoni strateġika u t-Task Forces tagħha, inkluż l-adattament għal kwistjonijiet ġodda u emerġenti. Kwalunkwe mandat konsolidat ġdid ikun jeħtieġ li jirrifletti l-istess livell ta’ appoġġ politiku kif oriġinarjament rifless fil-mandat tal-Kunsill Ewropew tal-2015.

VI

Is-SEAE jissottolinja l-uniċità tal-proġett EUvsDisinfo, li ġie stabbilit bħala implimentazzjoni diretta tal-mandat tal-2015 mogħti mill-Kunsill Ewropew. Il-proġett EUvsDisinfo huwa ta’ valur kbir għas-SEAE u għall-istituzzjonijiet tal-UE kollha kemm huma biex titqajjem kuxjenza dwar it-theddida li dejjem qed tevolvi tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni. Peress li l-isfida tad-diżinformazzjoni u t-theddid relatat qed jevolvu, huwa naturali li jiġi rivedut l-approċċ meħud fuq bażi regolari.

Is-SEAE jqis li l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija (RAS) kien element importanti fl-iżvilupp tal-istrateġija tiegħu kontra d-diżinformazzjoni. Fil-fatt, l-RAS jirrappreżenta l-uniku forum fl-istruttura istituzzjonali tal-UE fejn l-esperti tad-diżinformazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri qed jaħdmu flimkien biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mad-diżinformazzjoni. Is-SEAE huwa sodisfatt bil-parteċipazzjoni attiva ta’ għadd kbir ta’ Stati Membri u jistieden lil oħrajn biex jintensifikaw l-attività tagħhom.

VII

Il-valutazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni ppubblikata f’Settembru 2020 (il-Kodiċi ta’ Prattika) irrikonoxxiet li dan għandu jittejjeb aktar f’diversi oqsma. Is-sejbiet tal-valutazzjoni appoġġaw żewġ inizjattivi ta’ politika tal-Kummissjoni adottati fi tmiem l-2020 – l-EDAP u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) – li għandhom l-għan, fost l-oħrajn , li jsaħħu l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni billi jistabbilixxu qafas koregolatorju għat-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u b’hekk jindirizzaw in-nuqqasijiet indikati.

VIII

L-ewwel fażi ta’ appoġġ u osservazzjoni ta’ proġetti ta’ litteriżmu medjatiku fil-livell lokali permezz tal-proġett Pilota tal-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd u l-azzjoni preparatorja wriet xenarju frammentat, madankollu li jirrifletti l-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni żviluppat aktar il-programm ta’ ħidma tagħha dwar il-litteriżmu medjatiku fil-qafas tal-Programm Ewropa Kreattiva, biex iżżid l-azzjonijiet rilevanti f’dan il-qasam u tikkondividi r-riżultati bejn l-Istati Membri, il-fruntieri kulturali u lingwistiċi. L-inizjattivi mmirati u fuq skala iżgħar u approċċ pan-Ewropew aktar armonizzat huma meħtieġa u jistgħu jikkomplementaw lil xulxin. Madankollu, il-Kummissjoni ma tarax li ċertu grad ta’ frammentazzjoni, li jirrifletti l-approċċi eteroġeni tal-Istati Membri, jippreżenta riskju fih innifsu, filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa għal koordinazzjoni, u dan qed tindirizzah.

L-Osservatorju Ewropew tal-Midja Diġitali (EDMO) tnieda biss f’Ġunju 2020 u kien qed jiżviluppa malajr fil-fażi avvanzata attwali tiegħu.

IX

L-ewwel punt – Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet 1 (a) u 1 (d), u parzjalment jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet 1 (b) u 1 (c).

It-tieni punt – Is-SEAE jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet 2 (a), (b), (c) u (d).

It-tielet punt – Is-SEAE jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet 3 (a), (b) u (c).

Ir-raba’ punt – Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet 4 (a) u (b), u taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni 4 (c).

Il-ħames punt – Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet 5 (a), (b) u (c).

Is-sitt punt – Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet 6 (a), (b) u (c).

Introduzzjoni

01

Il-Kummissjoni u s-SEAE jindikaw li l-isfida tad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni qed tkompli tinbidel u tevolvi malajr. Għalhekk qed jiġu riveduti definizzjonijiet u karatterizzazzjonijiet preċiżi, anke f’dokumenti ta’ politika reċenti bħall-Komunikazzjoni Konġunta tal-2020 dwar id-Diżinformazzjoni tal-COVID-19 u l-EDAP.

Osservazzjonijiet

22

Il-Kummissjoni adottat ukoll pakkett ta’ miżuri biex tappoġġa elezzjonijiet ħielsa u ġusti fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2019, b’rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi nazzjonali u Ewropej, li kienu jinkludu miżuri biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni41. Bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni organizzat tliet laqgħat ta’ Netwerk Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet maħluq apposta għall-iskambju ta’ prattika tajba u informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

25

Għalkemm ma ġiex stabbilit qafas formali, il-Kummissjoni torganizza laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni fil-livell tas-servizzi u dak politiku biex tiżgura li l-informazzjoni tiġi kondiviża dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018.

28

In-netwerk kontra d-Diżinformazzjoni għen fil-bini tal-kapaċità tas-servizzi biex jirrispondu għad-diżinformazzjoni, billi pprovda l-għodod, il-kompetenzi u l-appoġġ lid-Direttorati Ġenerali kollha u lir-Rappreżentanzi tal-UE li huma parti minnha. Ġabar flimkien azzjonijiet preċedentement mifruda, ħeġġeġ il-kollaborazzjoni u pprovda repożitorju ta’ miti komuni u l-fatti meħtieġa biex jiġu kkonfutati. Rawwem kultura ta’ verifika tal-fatti u rispons għall-miti u d-diżinformazzjoni u b’hekk ipprovda approċċ aktar unifikat għall-isforzi tal-UE biex tiġġieled id-diżinformazzjoni. Fl-aħħar nett, il-ħafna attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, għollew il-profil tal-ħidma politika tal-UE kontra d-diżinformazzjoni.

29

Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM) jindika li l-pjan ta’ ġestjoni tiegħu għall-2020 jinkludi tliet indikaturi li jistgħu jitkejlu relatati mad-diżinformazzjoni: l-ilħuq tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni li jiġġieldu d-diżinformazzjoni u l-għadd ta’ żjarat ta’ paġni web kontra d-diżinformazzjoni (minbarra l-għadd ta’ laqgħat tan-netwerk intern kontra d-diżinformazzjoni).

30

Modernizzazzjoni ġenerali tas-siti web rilevanti għadha għaddejja bil-ħsieb li l-verżjonijiet il-ġodda jitnedew sa tmiem l-2021, inkluż il-kejl tal-prestazzjoni tagħhom.

31

L-isforzi ta’ komunikazzjoni esterna tad-DĠ COMM kienu ffukati fuq il-COVID-19 u l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni dwar it-tilqim, permezz ta’ paġni web apposta. Ġie deċiż li ċ-ċentru ċentrali ta’ diżinformazzjoni bbażat fuq il-web ippjanat jiġi ttrasformat f’għodda interna, li tagħti ħajja ġdida lill-WIKI eżistenti.

40

Il-pjan ta’ Azzjoni tal-2018 mhuwiex programm ta’ finanzjament. B’riżultat ta’ dan, il-fondi allokati għall-implimentazzjoni tagħha jiddependu fuq id-deċiżjonijiet meħuda f’qafas ieħor (eż. programm ta’ ħidma ta’ programmi ta’ finanzjament bħal Orizzont 2020). Il-baġit totali ma jistax jiġi allokat ex-ante.

41

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 jibqa’ wieħed mid-dokumenti ta’ gwida ewlenin li jidderieġu r-rispons tal-UE għad-diżinformazzjoni u baqa’ rilevanti mill-adozzjoni tiegħu. Madankollu, it-theddida evolviet u hekk ukoll kellu jagħmel l-approċċ tal-UE biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni – dan, madankollu, ma jfissirx li l-erba’ pilastri identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 tilfu xi rilevanza tagħhom. Għall-kuntrarju – filwaqt li tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 u l-passi meħuda biex timplimentah, l-UE ħarġet dokumenti ta’ politika bħall-Komunikazzjoni Konġunta tal-2020 dwar id-Diżinformazzjoni tal-COVID-19 u l-EDAP. Dawn id-dokumenti bnew fuq il-kisbiet li ħarġu mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 u jtennu ħafna mill-punti tiegħu. Għalhekk, filwaqt li mhumiex aġġornament formali tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018, dawn id-dokumenti qed jitqiesu bħala l-iżviluppi ulterjuri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018. B’mod partikolari, dan jirreferi għar-raġunament tiegħu biex isaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetà fit-tul u jipproteġi d-demokraziji billi jifhem aħjar u jiddefinixxi t-theddida, u jieħu azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-monitoraġġ, l-analiżi u l-espożizzjoni tad-diżinformazzjoni.

42

Il-Kummissjoni tinnota li l-EDAP, id-DSA u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Midja u l-Awdjoviżiv qed jipproponu b’mod effettiv li jieħdu diversi azzjonijiet u jsegwu diversi punti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018. Dawn l-inizjattivi huma kumplimentari, u se jkunu kkoordinati tajjeb, u se jtaffu r-riskju ta’ ineffiċjenzi fl-indirizzar ta’ ċerti dgħufijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 identifikati f’dan l-awditu.

48

Is-SEAE jqis li d-Diviżjoni tal-Komunikazzjonijiet Strateġiċi u t-Task Forces tagħha jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju fl-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha u jiffukaw fuq dawk l-atturi u l-kwistjonijiet li huma l-aktar prevalenti. Is-SEAE jqis ukoll ix-xenarju tat-theddid li qed jinbidel u jevolvi b’mod rapidu u fuq bażi regolari għandu l-għan li jirrevedi u jadatta l-proċessi tiegħu u l-ħidma tat-tim kollu kif xieraq. Huwa jindika wkoll li l-atturi tat-theddid jistgħu jkunu atturi statali jew mhux statali. Is-SEAE kontinwament jistinka biex jadatta t-tim u jiffoka fuq xenarju ta’ theddid li qed jinbidel.

49

Filwaqt li s-SEAE jqis li l-mandati attwali mogħtija mill-Kunsill Ewropew u formazzjonijiet oħra tal-Kunsill ipprovdew bażi tajba għall-operazzjonijiet li għaddejjin bħalissa tad-Diviżjoni StratCom u t-Task Forces tagħha sa issa, jista’ jkun utli mandat konsolidat aġġornat li jieħu kont tax-xenarju ta’ theddid mibdul. Kwalunkwe mandat konsolidat ġdid bħal dan jeħtieġ li jingħata fil-livell tal-Kunsill Ewropew, f’konformità mal-mandat tal-2015.

51

Is-SEAE jirrimarka li, taħt il-baġit tal-2021, id-Diviżjonijiet tal-Komunikazzjonijiet Strateġiċi tas-SEAE rċevew allokazzjoni ċara ta’ fondi fuq linji baġitarji differenti, li kważi rdoppjaw il-baġit operattiv tiegħu.

54

Is-SEAE jirrimarka li, fil-passat l-allokazzjoni 2019, 2020 u 2021, id-Diviżjoni tal-Komunikazzjoni Strateġika rċeviet total ta’ 52 kariga ġdida, inklużi 27 Aġent Lokali fid-Delegazzjonijiet, li ser jippermettu lis-SEAE jissodisfa l-mira tal-Pjan ta’ Azzjoni.

55

Ara t-tweġiba komuni tas-SEAE għall-paragrafi 55 u 56

Is-SEAE jixtieq jenfasizza l-importanza kruċjali tar-reklutaġġ ta’ għarfien espert u speċjalizzat għall-ħidma tiegħu relatata mad-diżinformazzjoni. L-aġenti kuntrattwali u l-esperti nazzjonali sekondati, anke jekk għandhom mandat limitat ġenerali, għandhom rwol importanti fl-operazzjonijiet attwali, pereżempju fil-qasam tal-analiżi tad-data, kif ukoll l-għarfien reġjonali jew lingwistiku.

58

L-attivitajiet tat-tim tad-data għadhom qed jinbnew. Dawn huma maħsuba biex iservu lid-Diviżjoni kollha u lill-fergħat kollha tax-xogħol, kif ukoll biex jaġġustaw għal kwalunkwe bidla fix-xenarju tad-diżinformazzjoni. L-approċċ tat-tim tad-data huwa komprensiv biex jappoġġa d-Diviżjoni kollha, imma wkoll biex jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali bħall-G7 u n-NATO. Ix-xogħol tat-tim tad-data jinkludi wkoll l-iżvilupp kontinwu tal-qafas metodoloġiku u kunċettwali tax-xogħol tad-data tad-Diviżjoni.

60

Is-SEAE jistinka biex itejjeb aktar l-evalwazzjoni tal-aspetti kollha tal-operazzjonijiet tiegħu. Madankollu, fir-rigward tal-impatt tal-attivitajiet ta’ kontrodiżinformazzjoni, ma hemm l-ebda metodoloġija stabbilita biex jitkejjel l-impatt tad-diżinformazzjoni, kif ukoll tal-azzjonijiet meħuda biex tiġi indirizzata. Dan jirrifletti l-isfidi li qed tiffaċċja l-komunità kollha li taħdem biex tiġġieled id-diżinformazzjoni u l-interferenza barranija.

64

Is-SEAE jqis l-EUvsDisinfo bħala marka stabbilita sew, li hija ankrata b’mod ċar fir-rwol u l-attivitajiet tas-SEAE. L-enfasi fuq id-diżinformazzjoni Russa ġejja mill-mandat speċifiku ħafna mill-Kunsill Ewropew fl-2015. Is-SEAE qiegħed kontinwament jadatta u jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-approċċ ta’ dawn l-għodod.

67

Is-SEAE jqis li l-istabbiliment tal-RAS kien żvilupp pożittiv kbir biex jikkontribwixxi għall-kapaċità tal-UE li tindirizza d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjonijiet tal-informazzjoni.

69

Is-SEAE jqis li l-RAS ikkontribwixxa bil-kbir għal koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej billi ffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, għarfien aħjar tas-sitwazzjoni u kooperazzjoni prattika dwar attivitajiet ta’ komunikazzjoni.

70

Is-SEAE jqis li l-RAS inbniet bħala struttura ta’ faċilitazzjoni għall-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet Ewropej. Dan wera li huwa utli ħafna f’dan il-kuntest. Il-prinċipji operattivi u l-flussi tax-xogħol ġew miftiehma b’mod konġunt u l-laqgħat regolari mal-Punti ta’ Kuntatt kif ukoll l-iskambji bilaterali mal-Membri tal-RAS u s-SEAE jiżguraw fehim komuni tar-raġunament wara l-RAS. Il-membri jiġu kkonsultati wkoll regolarment dwar il-fehmiet tagħhom dwar kif l-RAS tista’ tkompli tinbena u tittejjeb.

74

Ara t-tweġiba komuni tas-SEAE għall-paragrafi 74 u 75.

Is-SEAE jaqbel li l-livell ta’ attività fuq il-pjattaforma tal-RAS jista’ jiżdied, speċjalment mill-Istati Membri li fil-passat kienu inqas attivi, u li hemm ħafna potenzjal mhux sfruttat. Iċ-ċaqliq fl-attività jista’ jiġi spjegat mill-importanza ta’ avvenimenti speċifiċi, bħall-elezzjonijiet.

76

Is-SEAE jissottolinja li ma kien hemm l-ebda intenzjoni li tiġi formalizzata l-kooperazzjoni bejn l-RAS u l-pjattaformi tal-midja soċjali. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Prattika, il-kooperazzjoni informali bejn l-RAS u l-pjattaformi tmexxiet ’il quddiem kif xieraq.

84

Wara l-valutazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika, l-EDAP stabbilixxa proċess biex jirrevedi u jsaħħaħ il-Kodiċi. Il-Kummissjoni se toħroġ gwida u tlaqqa’ lill-firmatarji biex isaħħuha skont il-gwida. L-istabbiliment ta’ qafas robust u permanenti għall-monitoraġġ tal-Kodiċi jitħabbar ukoll speċifikament fl-EDAP. Barra minn hekk, id-DSA tipproponi qafas orizzontali għas-sorveljanza regolatorja, ir-responsabbiltà u t-trasparenza għall-pjattaformi online. Meta tiġi adottata, id-DSA se tistabbilixxi wkoll garanzija ta’ kontinġenza koregolatorja għall-miżuri li jiġu inklużi f’Kodiċi ta’ Prattika dwar id-diżinformazzjoni rivedut u msaħħaħ. Għalhekk, monitoraġġ u responsabbiltà aħjar se jkunu possibbli jekk u meta tiġi adottata l-proposta għad-DSA.

86

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) ġenerali għall-firmatarji kollha, il-Kummissjoni tinnota d-diffikultà biex jiġu identifikati KPIs li kapaċi jimmonitorjaw l-azzjonijiet tal-firmatarji kollha tal-Kodiċi ta’ Prattika, minħabba n-natura u l-attivitajiet differenti ħafna tal-firmatarji u l-livelli differenti ta’ impenji, pereżempju, is-servizzi pprovduti mill-pjattaformi tal-midja soċjali jvarjaw b’mod sinifikanti mis-servizzi pprovduti mill-magni tat-tiftix.

88

Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-2020 dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni tal-COVID-19 elenkat il-karatteristiċi li l-pjattaformi kellhom jirrapportaw dwarhom fir-rapporti ta’ kull xahar tagħhom. Il-Kummissjoni talbet lill-pjattaformi biex jieħdu azzjoni biex jarmonizzaw ir-rappurtar u pproponiet lista dettaljata ta’ punti ta’ data rilevanti għal dawn il-karatteristiċi mill-firmatarji tal-pjattaforma.

94

L-edizzjoni tal-2019 tal-Ġimgħa Ewropea tal-Litteriżmu tal-Midja kienet inizjattiva komprensiva u kkoordinata, li fiha avvenimenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, il-wiri ta’ proġetti, skambji ta’ politika regolatorji u li jħarsu ’l quddiem. L-inizjattiva kienet apprezzata ħafna mill-komunità tal-litteriżmu medjatiku.

96

Minbarra l-Programm Ewropa Kreattiva, fejn il-finanzjament ta’ madwar EUR 14-il miljun, meta mqabbel mal-proġett pilota u l-finanzjament tal-azzjoni preparatorja, se jiġi mmultiplikat, anki programmi oħra, bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jappoġġaw b’mod attiv l-inizjattivi tal-litteriżmu medjatiku. L-appoġġ se jkompli matul il-perjodu 2021–2027.

99

Il-Kummissjoni tinnota li l-proġetti jistgħu ma jipprovdux “riżultati tanġibbli” iżda xorta waħda jistgħu jkunu ta’ suċċess kbir. Il-proġetti huma mmirati biex jilħqu oqsma ġodda, iniedu toroq ġodda ta’ riċerka, kunċetti pilota u ta’ ttestjar, joħolqu komunitajiet ġodda u huma min-natura u d-disinn ta’ natura sperimentali.

100

Il-proġetti ta’ Orizzont 2020 jintgħażlu permezz ta’ evalwazzjoni esterna oġġettiva skont kriterji stabbiliti, u jiġu ssorveljati permezz ta’ analiżijiet regolari minn reviżuri oġġettivi. L-evalwazzjoni u r-rieżamijiet jitwettqu minn esperti magħżula b’kompetenza għolja, li l-Kummissjoni għandha fiduċja fl-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-aħjar valur għall-flus. Il-Kummissjoni tinnota li, fid-dawl tal-ilħuq, il-finanzjament limitat disponibbli għandu rwol ewlieni.

Kaxxa 5 – Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE b’firxa jew skala limitata ta’ azzjonijiet

Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd kien, minbarra li jiġu indirizzati l-isfidi tal-litteriżmu medjatiku relatati mad-diżinformazzjoni, li jintlaħqu s-setturi diffiċli biex jintlaħqu s-soċjetajiet Ewropej b’enfasi fuq il-persuni soċjalment żvantaġġati, il-minoranzi u dawk fil-marġini tas-soċjetà, li għalihom il-ħiliet tal-litteriżmu medjatiku huma partikolarment importanti. Il-proġetti ffinanzjati taħt il-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd jipprovdu għarfien siewi dwar kif wieħed għandu jinvolvi ruħu b’mod produttiv mal-gruppi msemmija hawn fuq.

Il-proġett 14 kellu perjodu ta’ żmien limitat, u għalhekk minn dak iż-żmien ’l hawn is-sit web tneħħa. Il-proġett 16 uża tekniki stabbiliti ta’ litteriżmu medjatiku, bħall-iżvilupp ta’ logħob tal-vidjo, podcasts u filmati, b’tema ġenerali tal-għoti tas-setgħa permezz tal-iżvilupp ta’ ħiliet kritiċi ta’ evalwazzjoni u l-ħolqien ta’ kontenut tal-midja. Il-proġett kopra wkoll attivitajiet ta’ litteriżmu medjatiku mfassla speċifikament għal tfal bi sfond ta’ migrazzjoni.

101

Il-Kummissjoni tinnota li l-litteriżmu medjatiku huwa qasam diffiċli biex jitkejjel l-impatt. Fis-26 ta’ Marzu 2021 inbdiet task force f’kollaborazzjoni mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) u l-Grupp ta’ Esperti tal-Litteriżmu tal-Midja (MLEG) biex tirrevedi l-possibbiltajiet għal KPIs utli bil-għan li jinkisbu l-ewwel riżultati sa tmiem l-2021.

B’mod partikolari, evalwazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tal-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd (2016-2020), mhijiex possibbli qabel ma jitlestew il-proġetti kollha fir-rebbiegħa tal-2022. Madankollu, is-suċċess u l-impatt tal-proġetti jiġu vvalutati b’mod sistematiku f’laqgħat ta’ ħruġ individwali fil-livell tal-proġetti kif ukoll permezz ta’ laqgħat annwali ta’ koordinazzjoni tal-proġetti kollha li għaddejjin u permezz ta’ preżentazzjonijiet lill-Istati Membri fil-laqgħat tal-MLEG. Dan huwa parti mill-proċess ta’ verifika tal-impatti tal-proġetti.

103

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Osservatorju Soċjali għall-Analiżi tad-Diżinformazzjoni u tal-Midja Soċjali (SOMA) ma attirax ħafna verifikaturi tal-fatti rikonoxxuti min-Netwerk Internazzjonali tal-Verifika tal-Fatti. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tinnota li n-numru ta’ membri żvelati issa huwa ta’ 55 u s’issa ġew prodotti 25 investigazzjoni dwar kampanji ta’ diżinformazzjoni madwar l-Ewropa minn membri tan-netwerk tas-SOMA.

105

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi duplikazzjoni parzjali bejn is-SOMA u l-EDMO. Din id-duplikazzjoni bejn iż-żewġ proġetti u l-fatt li ż-żewġ proġetti jiddependu fuq l-istess soluzzjoni teknoloġika jiżguraw migrazzjoni bla xkiel tal-komunità tal-verifika tal-fatti mis-SOMA għall-EDMO. Barra minn hekk, qabel ma jintemm, il-proġett SOMA ser jgħaddi l-lezzjonijiet mitgħallma lill-EDMO. Il-Kummissjoni tinnota li l-pjattaforma teknoloġika pprovduta mill-EDMO, filwaqt li hija bbażata fuq l-istess teknoloġija, se tipprovdi funzjonalitajiet estiżi għal netwerk ħafna usa’ ta’ organizzazzjonijiet ta’ verifika tal-fatti u ta’ riċerka meta mqabbla mas-SOMA. Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-proġetti biex tevita l-finanzjament doppju.

107

Il-Kummissjoni tinnota li l-komunità tal-litteriżmu medjatiku se tkun involuta aktar fl-EDMO permezz taċ-ċentri nazzjonali, operattivi mis-sajf tal-2021, li se jkollhom iwettqu kompiti speċifiċi ta’ litteriżmu medjatiku.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

109

L-EDAP jinkludi taqsima ddedikata dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-interferenza barranija. Il-Kummissjoni u s-SEAE jqisu dan bħala l-evoluzzjoni tal-qafas ta’ politika kif propost fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018. L-EDAP itenni ħafna mis-sejħiet tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018, bħal kooperazzjoni internazzjonali b’saħħitha, u jirreferi fost l-oħraajn għall-RAS, li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 introduċa għall-ewwel darba. Jinkludi wkoll sejħa għal aktar obbligi u responsabbiltà għall-pjattaformi online, li tistabbilixxi l-passi li jmiss, inkluż il-qafas koregolatorju stabbilit mid-DSA, li huwa s-segwitu tal-pilastru 3 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018. Jirrikonoxxi l-progress li sar fil-monitoraġġ u l-analiżi tad-diżinformazzjoni u jappella għal qafas u metodoloġija aktar dettaljati biex jibnu fuq il-kisbiet wara l-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018. Fil-fehma tal-Kummissjoni u tas-SEAE, huwa għalhekk inerenti għat-test tal-EDAP li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 jitqies bis-sħiħ u jitqies bħala s-segwitu naturali tiegħu.

110

Il-koordinazzjoni fost is-servizzi kollha għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 twettqet mis-segretarjat tat-Task Force tal-Unjoni tas-Sigurtà u r-rappurtar regolari dwar il-progress li sar ġie inkluż fir-Rapporti ta’ Progress tal-Unjoni tas-Sigurtà. Fil-kuntest tal-pandemija, il-koordinazzjoni tal-politiki fil-qasam tad-diżinformazzjoni ġiet żgurata mis-Segretarjat Ġenerali fi Grupp Interservizz iddedikat, li għen ukoll fit-tħejjija tal-Komunikazzjoni Konġunta tal-2020 dwar id-diżinformazzjoni tal-COVID-19 u s-segwitu tagħha. Fil-kuntest tal-EDAP, inħoloq Grupp bejn is-Servizzi ġdid taħt it-tmexxija tas-Segretarjat Ġenerali għall-ħidma ta’ servizzi kkoordinati, inkluż dwar id-diżinformazzjoni. Barra minn hekk, l-EDAP jipprevedi l-istabbiliment ta’ protokoll ċar biex jiġbor flimkien l-għarfien u r-riżorsi malajr b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-koordinazzjoni u tal-obbligu ta’ rendikont tal-azzjonijiet tal-UE kontra d-diżinformazzjoni

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw ir-rakkomandazzjoni 1 (a).

Kif imħabbar ukoll fl-EDAP, l-istituzzjonijiet tal-UE se jkomplu jiżguraw li l-koordinazzjoni interna tagħhom dwar id-diżinformazzjoni tissaħħaħ bi protokoll ċar biex jinġabru flimkien l-għarfien u r-riżorsi malajr b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw parzjalment ir-rakkomandazzjoni 1 (b).

Wara l-adozzjoni tal-EDAP, il-Kummissjoni u s-SEAE qed jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet kontra d-diżinformazzjoni fil-kuntest ta’ dak il-pjan ta’ azzjoni. Kif indikat, l-EDAP jibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 u jkompli jiżviluppa ħafna aspetti tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u s-SEAE jixtiequ jenfasizzaw li, minħabba n-natura politika ta’ xi azzjonijiet, huwa diffiċli li jiġi stabbilit sett uniku ta’ indikaturi tal-prestazzjoni. Il-proposti leġiżlattivi rilevanti se jipprovdu oqfsa ta’ evalwazzjoni separati.

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw parzjalment ir-rakkomandazzjoni 1 (c).

Il-Kummissjoni u s-SEAE ser jirrevedu l-implimentazzjoni tal-EDAP fl-2023, sena qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, inklużi l-arranġamenti ta’ rappurtar li għandhom jiġu segwiti.

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw parzjalment ir-rakkomandazzjoni 1 (d).

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib tal-arranġamenti operazzjonali tad-diviżjoni StratCom u t-task forces tagħha

Is-SEAE jaċċetta r-rakkomandazzjoni 2 (a) u ser ikompli jinforma u jaġġorna formazzjonijiet differenti tal-Kunsill, b’kunsiderazzjoni tal-fehmiet tagħhom fir-raffinar ulterjuri tal-objettivi u l-approċċi tal-politika.

Is-SEAE jaċċetta r-rakkomandazzjoni 2 (b) u jiġbed l-attenzjoni li l-miri ta’ reklutaġġ kif spjegati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 huma mistennija li jintlaħqu fl-2021.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2 (c).

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2 (d).

114

Is-SEAE jissottolinja l-uniċità tal-proġett EUvsDisinfo, li ġie stabbilit bħala implimentazzjoni diretta tal-mandat tal-2015 mogħti mill-Kunsill Ewropew. Il-proġett EUvsDisinfo huwa ta’ valur kbir għas-SEAE u għall-istituzzjonijiet tal-UE kollha kemm huma biex titqajjem kuxjenza dwar it-theddida li dejjem qed tevolvi tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni. Peress li l-isfida tad-diżinformazzjoni u t-theddid relatat qed jevolvu, huwa naturali li jiġi rivedut l-approċċ meħud fuq bażi regolari.

Rakkomandazzjoni 3 — Żieda fil-parteċipazzjoni fl-RAS mill-Istati Membri u l-pjattaformi online

Is-SEAE jaċċetta r-rakkomandazzjoni 3 (a) u jixtieq jenfasizza li ħafna aspetti operazzjonali huma fil-kompetenza tal-Istati Membri.

Is-SEAE jaċċetta r-rakkomandazzjoni 3 (b) u jenfasizza li l-bidliet diġà implimentati se jkomplu jiffaċilitaw ir-reazzjonijiet konġunti.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 3 (c).

117

Fir-rigward tal-forniment ta’ data lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-Kodiċi ta’ Prattika huwa għodda awtoregolatorja adottata b’mod volontarju mill-firmatarji tiegħu biex jiġu indirizzati l-attivitajiet ta’ diżinformazzjoni li jitwettqu fuq is-servizzi tagħhom. Għalissa, ma hemm l-ebda qafas legali li jobbliga lill-firmatarji tal-Kodiċi jagħtu aċċess lill-Kummissjoni għas-settijiet tad-data. Dan huwa eżempju tas-setgħat limitati tal-Kummissjoni f’dan il-qasam.

Madankollu, kif indikat, l-EDAP tistabbilixxi l-passi li jmiss biex jissaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika, inkluż billi toħroġ gwida b’antiċipazzjoni tal-garanzija ta’ kontinġenza koregolatorja, li ser tiġi stabbilita mad-DSA. Id-DSA qed tipproponi qafas orizzontali għas-sorveljanza regolatorja, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-ispazju online b’reazzjoni għar-riskji emerġenti. L-EDAP jistabbilixxi wkoll kif għandu jiġi stabbilit qafas robust u permanenti għall-monitoraġġ tal-Kodiċi ta’ Prattika.

Monitoraġġ saħansitra aħjar se jkun possibbli meta l-proposta għad-DSA tiġi adottata. Id-DSA tinkludi b’mod partikolari dispożizzjonijiet għal pjattaformi kbar ħafna biex jistabbilixxu oqfsa ta’ monitoraġġ regolari relatati mar-riskji rilevanti u biex jissottomettu l-valutazzjonijiet tar-riskju u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju tagħhom għal awditi indipendenti.

Rakkomandazzjoni 4 — Titjib tal-monitoraġġ u r-responsabbiltà tal-pjattaformi online

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 4 (a) u tinnota li diġà bdiet timplimentaha fil-qafas tal-EDAP. Il-Kummissjoni indirizzat ukoll il-problema tad-diżinformazzjoni fid-DSA proposta, li għandha ssaħħaħ l-obbligi tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-monitoraġġ.

Il-Kummissjoni dalwaqt se toħroġ gwida biex tindirizza n-nuqqasijiet tal-Kodiċi ta’ Prattika, inklużi l-KPIs u l-punti ta’ riferiment biex tiġi mmonitorjata aħjar l-effettività tiegħu. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-kompetenzi limitati attwali tagħha f’dan il-qasam, li jipprekluduha milli tindirizza waħedha l-isfida soċjali kumplessa kollha kemm hi li tirriżulta mid-diżinformazzjoni.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 4 (b) u se timplimentaha fil-qafas tal-EDAP.

Dan se jinkludi t-twaqqif ta’ qafas robust għall-monitoraġġ rikorrenti tal-Kodiċi ta’ Prattika. Kif stabbilit ukoll fl-EDAP, il-Kodiċi ta’ Prattika msaħħaħ għandu jimmonitorja l-effettività tal-politiki tal-pjattaformi abbażi ta’ qafas metodoloġiku ġdid li jinkludi prinċipji għad-definizzjoni tal-KPIs.

Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment ir-Rakkomandazzjoni 4 (c). Se tivvaluta l-possibbiltajiet għall-istabbiliment ta’ proċedura għall-validazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-pjattaformi online b’rispett sħiħ tal-karattru attwalment purament awtoregolatorju tal-Kodiċi ta’ Prattika. Fl-istess ħin, jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għad-DSA tipproponi qafas orizzontali għas-sorveljanza regolatorja, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-ispazju online b’reazzjoni għar-riskji emerġenti, li jinkludi dispożizzjonijiet għal pjattaformi kbar ħafna biex jistabbilixxu oqfsa ta’ monitoraġġ regolari relatati mar-riskji rilevanti u biex jissottomettu l-valutazzjonijiet tar-riskju u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju tagħhom għal awditi indipendenti.

Rakkomandazzjoni 5 – Adozzjoni ta’ strateġija tal-UE għal-litteriżmu medjatiku li tinkludi l-indirizzar tad-diżinformazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 5 (a) u tinnota li din bdiet tiġi implimentata.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 5 (b) u tinnota li din bdiet tiġi implimentata.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 5 (c) u tinnota li din bdiet tiġi implimentata.

120

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li SOMA ma attiratx ħafna verifikaturi tal-fatti rikonoxxuti min-Netwerk Internazzjonali tal-Verifika tal-Fatti.

Il-Kummissjoni tixtieq tinnota li n-numru ta’ membri żvelati tas-SOMA issa huwa ta’ 55 inklużi membri attivi fil-verifika tal-fatti u s’issa saru 25 investigazzjoni dwar kampanji ta’ diżinformazzjoni madwar l-Ewropa minn membri tan-netwerk tas-SOMA.

Il-Kummissjoni tinnota li l-EDMO bdiet topera biss 4-5 xhur qabel ma l-awdituri laħqu l-ġestjoni tal-EDMO. Dak iż-żmien, l-EDMO kien għad kellu kapaċità operattiva limitata biex jilħaq lill-partijiet ikkonċernati. Il-kapaċità tal-EDMO li jopera qed tiżdied ħafna. Diġà saru diversi laqgħat u stħarriġ mal-partijiet ikkonċernati u ċ-ċentri nazzjonali tal-EDMO, li ilhom joperaw mis-sajf tal-2021, se jkomplu jestendu l-firxa tiegħu. Aktar riżorsi allokati taħt il-Programm Ewropa Diġitali se jiżguraw biżżejjed riżorsi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-EDMO.

Il-Kummissjoni tinnota li l-komunità tal-litteriżmu medjatiku se tkun involuta aktar fl-EDMO permezz taċ-ċentri nazzjonali, operattivi mis-sajf tal-2021, li se jkollhom iwettqu kompiti speċifiċi ta’ litteriżmu medjatiku.

Rakkomandazzjoni 6 – Jittieħdu passi biex l-EDMO tkun tista’ tissodisfa l-objettivi ambizzjużi tagħha

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 6 (a). Il-proġett SOMA se jipprovdi lill-EDMO pakkett ta’ trasferiment bit-tagħlimiet meħuda matul l-attività tiegħu.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 6 (b) u se tissuġġerixxi lill-EDMO, filwaqt li tirrispetta l-indipendenza tagħha, biex iżżid ir-rappreżentanza tal-esperti tal-litteriżmu medjatiku u tas-soċjetà ċivili fil-bord konsultattiv tal-EDMO.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 6 (c) u tinnota li l-EDMO diġà organizzat, fit-9 ta’ Ottubru 2020, workshop mal-komunità tal-verifika tal-fatti u se jkompli l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni lejn il-komunità tal-verifika tal-fatti. Barra minn hekk, il-komunità tal-litteriżmu medjatiku ser tkun involuta aktar fl-EDMO permezz taċ-ċentri nazzjonali – li għandhom jiġu stabbiliti fit-tieni nofs tal-2021 – li ser iwettqu wkoll kompiti speċifiċi ta’ litteriżmu medjatiku.

Tim tal–awditjar

Ir‑rapporti speċjali tal‑QEA jippreżentaw ir‑riżultati tal‑awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal‑UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il‑QEA tagħżel u tfassal dawn il‑kompiti tal‑awditjar biex timmassimizza l‑impatt tagħhom billi tqis ir‑riskji għall‑prestazzjoni jew għall‑konformità, il‑livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l‑interess politiku u pubbliku.

Dan l‑awditu tal‑prestazzjoni twettaq mill‑Awla III tal‑Awditjar, Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal‑QEA. L‑awditu tmexxa minn Baudilio Tomé Muguruza, Membru tal‑QEA, li ngħata appoġġ minn Daniel Costa de Magalhaes, Kap tal‑Kabinett u Ignacio Garcia de Parada, Attaché tal‑Kabinett; Alejandro Ballester‑Gallardo, Maniġer Prinċipali; Emmanuel‑Douglas Hellinakis, Kap tal‑Kompitu; Piotr Senator u Alexandre Tan, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.

Noti finali

1 Komunikazzjoni dwar l‑indirizzar tad‑diżinformazzjoni online, COM (2018) 236 final tas‑26 ta’ April 2018.

2 EUCO 11/15, (punt 13), Laqgħa tal‑Kunsill Ewropew (id‑19 u l‑20 ta’ Marzu 2015) – Konklużjonijiet.

3 Final report of the High Level Expert Group on Fake News and Online Disinformation.

4 Ara n‑nota 1 f’qiegħ il‑paġna.

5 EUCO 9/18, Laqgħa tal‑Kunsill Ewropew (28 ta’ Ġunju 2018) – Konklużjonijiet.

6 L‑Artikoli 2-6 tat-Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea.

7 Konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar “Sforzi komplementari għat‑tisħiħ tar‑reżiljenza u l-ġlieda kontra t‑theddid ibridu”, il‑paragrafu 30 (10 ta’ Diċembru 2019).

8 Ir‑Riżoluzzjoni tal‑Parlament Ewropew tal‑15 ta’ Ġunju 2017 dwar il-Pjattaformi online u s‑Suq Uniku Diġitali (2016/2276 (INI)); ir‑Riżoluzzjoni tal‑Parlament Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal‑media u l‑libertà tal‑media fl‑Unjoni Ewropea (2017/2209 (INI); ir‑Riżoluzzjoni tal‑Parlament Ewropew tal‑25 ta’ Ottubru 2018 dwar l-użu tad‑data tal‑utenti ta’ Facebook minn Cambridge Analytica u l‑impatt fuq il‑protezzjoni tad‑data (2018/2855 (RSP)); ir‑Riżoluzzjoni tal‑Parlament Ewropew dwar l-indħil elettorali barrani u d‑diżinformazzjoni fil‑proċessi demokratiċi nazzjonali u Ewropej (2019/2810 (RSP)).

9 L‑Organizzazzjoni Dinjija tas‑Saħħa “Let’s flatten the infodemic curve”.

10 JOIN (2020) 8 final, 10 ta’ Ġunju 2020.

11 Komunikazzjoni dwar il‑Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad‑Demokrazija, COM(2020) 790 final tat-3 ta’ Diċembru 2020.

12 Proposta għal Regolament tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar Suq Intern għas‑Servizzi Diġitali (l‑Att dwar is‑Servizzi Diġitali) u li jemenda d‑Direttiva 2000/31/KE COM (2020) 825 final tal‑15 ta’ Diċembru 2020.

13 European Commission public consultation on fake news and online disinformation.

14 Nindirizzaw id‑diżinformazzjoni dwar il‑COVID‑19 - X’inhuma l‑fatti, p. 7, JOIN(2020) 8 final tal‑10 ta’ Ġunju 2020.

15Automated tackling of disinformation”, studju tal‑EPRS, Marzu 2019.

16 Konklużjonijiet tal‑Kunsill Ewropew dwar ir‑relazzjonijiet esterni (19 ta’ Marzu 2015), dokument tal‑Kunsill EUCO 11/15.

17 Konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar Sforzi komplementari għat‑tisħiħ tar‑reżiljenza u l-ġlieda kontra t‑theddid ibridu (10 ta’ Diċembru 2019), dokument tal‑Kunsill 14 972/19.

18 Il‑Parlament Ewropew, Seduta’ ta’ Smigħ dwar l‑indħil barrani fil‑25 u fis‑26 ta’ Jannar, 2021: iċ-Ċina, l‑Iran, l‑Indja u l‑Arabja Sawdija u l‑EGħM; il‑Parlament Ewropew, Seduta ta’ Smigħ dwar l‑indħil barrani fl-1 ta’ Frar 2021: it‑Turkija u r‑Russja.

19 Sforzi komplementari għat‑tisħiħ tar‑reżiljenza u l-ġlieda kontra t‑theddid ibridu – Konklużjonijiet tal‑Kunsill (10 ta’ Diċembru 2019), dokument tal‑Kunsill 14 972/19.

20 Konklużjonijiet tal‑Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2018 u l‑Konklużjonijiet tal‑Kunsill ta’ Diċembru 2019 dwar sforzi komplementari biex tissaħħaħ ir‑reżiljenza u jiġi miġġieled it‑theddid ibridu.

21 P8_TA(2019) 0187, P9_TA(2019) 0031.

22 Information Manipulation: a Challenge for Our Democracies. A report by the Policy Planning Staff (CAPS, Ministry for Europe and Foreign Affairs) and the Institute for Strategic Research (IRSEM; Ministry of the Armed Forces) Franza, Awwissu 2018.

23 Pereżempju, Democratic Defense against Disinformation, Atlantic Council, Frar 2018; Dokument ta’ Politika tal‑GMF Nru 21, Awwissu 2019; Winning the Information War, CEPA, Awwissu 2016.

24 Officiele bekendmakingen.

25 Termini ta’ referenza tal‑RAS.

26 Automated Tackling of Disinformation, studju tal‑EPRS, Marzu 2019.

27 First baseline reports – Fighting COVID‑19 disinformation Monitoring Programme.

28 Second set of reports – Fighting COVID‑19 disinformation Monitoring Programme.

29 Multi-stakeholder forum on disinformation.

30 ERGA Report on disinformation: Assessment of the implementation of the Code of Practice.

31 L‑evalwazzjoni proprja tal‑Kummissjoni tal‑kodiċi ta’ prattika.

32 Assessment of the Code of Practice on Disinformation – Achievements and areas for further improvement.

33 Direttiva dwar is‑Servizzi tal‑Media Awdjoviżiva (AVMSD) (UE) 2018/1808.

34 COM(2020) 252 final tad‑19 ta’ Ġunju 2020.

35 Ara l-Anness għall‑Konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar il‑litteriżmu fil‑media f’dinja dejjem tinbidel (2020/C 193/06).

36 Mapping of media literacy practices and actions in EU-28, Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, il‑Kunsill tal‑Ewropa, Jannar 2016.

37 Minn baġit totali propost ta’ EUR 61 miljun tal‑fergħa Transsettorjali tal‑programm Ewropa Kreattiva (linja baġitarja 07 05 03).

38 Exploring Media Literacy Education as a Tool for Mitigating Truth Decay, RAND Corporation, Jannar 2019.

39 Konklużjonijiet tal‑Kunsill dwar il‑litteriżmu fil‑media f’dinja dejjem tinbidel (2020/C 193/06).

40 Network li nħoloq mill‑Istitut Poynter. Bħalissa, għandu 82 membru attiv.

41 https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/soteu2018-cybersecurity-elections-recommendation-5949_en.pdf; Irrapportat f’https://ec.europa.eu/info/files/com_2020_252_en.pdf_en

Kronoloġija

Avveniment Data
Il‑Memorandum ta’ Ppjanar tal‑Awditjar (APM) jiġi adottat / L‑awditu jinbeda 4.2.2020
L‑abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill‑Kummissjoni (jew lil entità oħra awditjata) 4.3.2021
Ir‑rapport finali jiġi adottat wara l‑proċedura kontradittorja 27.4.2021
Ir‑risposti uffiċjali tal‑Kummissjoni (jew tal‑entità l-oħra awditjata) jaslu bil‑lingwi kollha 25.5.2021

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-5976-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/106453 QJ-AB-21-008-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-5953-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/535 QJ-AB-21-008-MT-Q

DRITTIJIET TAL‑AWTUR

© L‑Unjoni Ewropea, 2021.

Il‑politika tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6‑2019 tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri dwar il‑politika tad‑data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id‑drittijiet tal‑awtur), il‑kontenut tad‑dokumenti tal‑QEA, li huwa proprjetà tal‑UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l‑awturi jingħataw kreditu xieraq u li l‑bidliet jiġu indikati. Il‑persuni li jużaw mill-ġdid dan il‑kontenut ma jistgħux ibiddlu s‑sinifikat jew il‑messaġġ oriġinali tad‑dokumenti. Il‑QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il‑membri tal‑persunal tal‑QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l‑permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal‑UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il‑permess direttament mingħand id‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid‑drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill‑politika tal‑QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il‑liċenzja biex tużahom.

Il‑familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal‑Unjoni Ewropea, fi ħdan id‑dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l‑QEA ma għandha l‑ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l‑politiki tagħhom dwar il‑privatezza u dwar id‑drittijiet tal‑awtur.

Użu tal‑logo tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri

Il‑logo tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri ma jistax jintuża mingħajr ma jinkiseb il‑kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/euodp/en/home) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.