L-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima(+) Il-kisbiet ma laħqux l-ambizzjonijiet
Dwar ir-rapport:Fl-2007, l-UE nediet l-inizjattiva tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima biex tgħin lill-pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw u li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima jżidu l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima. L-awditu li wettaqna vvaluta jekk l-azzjonijiet kisbux ir-riżultati intenzjonati tagħhom b’mod effiċjenti u jekk il-Kummissjoni mmassimizzatx il-valur miżjud tal-inizjattiva. Sibna li l-azzjonijiet ikkompletati ġeneralment wasslu l-outputs tagħhom, iżda li kien hemm lok biex jitnaqqsu l-kostijiet u jintwera l-impatt tal-inizjattiva. Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tiffoka fuq dawk l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima u tinkorpora t-tagħlimiet meħuda fl-inizjattivi futuri għall-iżvilupp globali.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I Il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw jikkontribwixxu l-anqas għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iżda huma l-aktar milquta mill-impatti tat-tibdil fil-klima. Fl-2007, l-UE nediet l-inizjattiva dwar l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima biex tgħin lil dawn il-pajjiżi jżidu r-reżiljenza tagħhom għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Fl-2014, l-inizjattiva daħlet f’tieni fażi, l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima Plus, li tkopri l-perjodu 2014-2020. L-UE pprovdiet finanzjament totali ta’ EUR 729 miljun għaż-żewġ fażijiet.
II Fl-2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tkomplix l-inizjattiva għal fażi ulterjuri. Matul il-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni se tiffinanzja azzjonijiet li jindirizzaw it-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta’ appoġġ tematiku u ġeografiku taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali. L-awditu li wettaqna kellu l-għan li jislet tagħlimiet miż-żewġ fażijiet tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima, kemm għall-azzjonijiet futuri dwar it-tibdil fil-klima kif ukoll għall-inizjattivi futuri għall-iżvilupp globali. L-objettiv tal-awditu li wettaqna kien li nevalwaw jekk l-azzjonijiet kisbux ir-riżultati intenzjonati tagħhom b’mod effiċjenti u jekk il-Kummissjoni mmassimizzatx il-valur miżjud tal-inizjattiva.
III B’mod ġenerali, sibna li l-inizjattiva ma wrietx l-impatt tagħha fuq ir-reżiljenza tal-pajjiżi għat-tibdil fil-klima. F’termini ta’ effiċjenza, b’mod ġenerali l-azzjonijiet ikkompletati wasslu l-outputs tagħhom, iżda xi drabi b’kost għoli.
IV L-inizjattiva ma kejlitx it-titjib fis-sitwazzjoni tal-benefiċjarji, u lanqas ma ffukat suffiċjentement fuq il-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar milquta. Il-kost tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda għamilha aktar diffiċli għall-ifqar unitajiet domestiċi biex jibbenefikaw mill-programm. Barra minn hekk, ftit kienu l-azzjonijiet li inkludew attivitajiet li jindirizzaw speċifikament il-ħtiġijiet tan-nisa.
V L-inizjattiva ffukat fuq il-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali, iżda s-sostenibbiltà kienet limitata minħabba r-rata għolja ta’ dawran tal-persunal. Għaldaqstant, l-evoluzzjoni mistennija mill-bini tal-kapaċitajiet u mill-attivitajiet pilota għal aktar espansjoni tal-azzjonijiet ta’ adattament li jilħqu aktar benefiċjarji ma seħħitx b’mod sistematiku.
VI L-ebda waħda miż-żewġ fażijiet tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima ma attirat il-finanzjament addizzjonali mistenni mill-Istati Membri u mis-settur privat. Minkejja din il-lakuna sinifikanti fil-finanzjament, il-Kummissjoni ma rrevedietx l-objettivi ambizzjużi inizjali tagħha matul il-15-il sena tal-inizjattiva. Barra minn hekk, fit-tieni fażi, il-kriterji tal-Kummissjoni għall-allokazzjoni tal-finanzjament wasslu biex proporzjonalment jiġi allokat inqas appoġġ lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli.
VII Il-Kummissjoni ma analizzatx suffiċjentement ir-raġonevolezza tal-kostijiet ibbaġitjati tal-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet ikkampjunati. L-analiżi li wettaqna wriet li l-kostijiet ta’ ġestjoni tal-azzjonijiet kienu jvarjaw ħafna, u kienu partikolarment għoljin fil-Paċifiku. Sibna li l-Kummissjoni setgħet għamlet iffrankar b’analiżi aktar dettaljata tal-kostijiet.
VIII Għalkemm l-inizjattiva bdiet fl-2007 u appoġġat aktar minn 80 pajjiż, is-sensibilizzazzjoni baqgħet limitata fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE. Dan kien parzjalment minħabba li l-azzjonijiet iffinanzjati ma kinux distingwibbli minn azzjonijiet oħra tal-UE li jindirizzaw it-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Barra minn hekk, l-effiċjenza tal-inizjattiva kienet milquta mill-kumplessità tal-organizzazzjoni tagħha, b’mod partikolari d-duplikazzjoni tal-faċilitajiet ta’ appoġġ u tal-flussi ta’ finanzjament.
IX Mhux se jkun hemm fażijiet addizzjonali tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima, iżda hija pprovdiet lezzjonijiet utli għal kwalunkwe inizjattiva oħra għall-iżvilupp globali li l-UE tista’ timplimenta fil-futur.
X Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tiffoka fuq dawk l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima;
- tinkorpora t-tagħlimiet meħuda f’inizjattivi futuri għall-iżvilupp globali.
Introduzzjoni
It-tibdil fil-klima jolqot b’mod sproporzjonat lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw
01 L-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 13 jimmira lejn il-ġlieda tat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu permezz ta’ miżuri kemm ta’ adattament kif ukoll ta’ mitigazzjoni. Hemm ħtieġa partikolarment urġenti għal azzjoni ta’ adattament f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tan-Nazzjonijiet Uniti jirrikonoxxi li jenħtieġ li l-isforzi ta’ mitigazzjoni prinċipali jseħħu f’pajjiżi żviluppati, fejn l-emissjonijiet per capita huma ogħla1.
02 L-ifqar u l-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli fid-dinja huma dawk li ntlaqtu l-aktar mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima minħabba li jgħixu f’żoni li huma aktar suxxettibbli għal għargħar, uqigħ tal-art, nixfa u diżastri oħra2. Il-gvernijiet u s-soċjetajiet x’aktarx jespandu l-miżuri ta’ adattament u reżiljenza biex jimmaniġġjaw theddidiet eżistenti, iżda x’aktarx dawn il-miżuri ma jiġux iddistribwiti b’mod ugwali, u b’hekk xi popolazzjonijiet jibqgħu lura3.
L-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima kellha l-għan li tgħin lill-pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw u li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima
L-inizjattiva appoġġat firxa wiesgħa ta’ pajjiżi
03 Il-programm tematiku prinċipali li wassal l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-UE biex jiġi appoġġat ir-rispons għat-tibdil fil-klima kien l-inizjattiva dwar l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima li tnediet fl-20074. Hija kellha l-għan li tgħin lill-pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw u li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima jżidu l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima. L-inizjattiva kellha wkoll l-għan li tgħin lill-pajjiżi jipparteċipaw fl-isforz ta’ mitigazzjoni. Hija ffukat fuq il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs)5 u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS)6. Fl-2014, l-inizjattiva daħlet f’tieni fażi, l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima+, li tkopri l-perjodu 2014-2020.
04 Fl-2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-inizjattiva ma kinitx se titkompla għal tielet fażi mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 (QFP). Minflok, f’konformità mar-Regolament tal-2021 dwar l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI – Ewropa Globali), il-Kummissjoni kienet se tiffinanzja azzjonijiet li jindirizzaw it-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw prinċipalment permezz ta’ appoġġ tematiku u ġeografiku pprovdut mill-Programmi Indikattivi Pluriennali (MIPs).
05 L-inizjattiva appoġġat azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima f’firxa wiesgħa ta’ pajjiżi (ara l-Figura 1).
Figura 1 – Pajjiżi ta’ intervent tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima
Nota: iċ-ċifri huma bbażati fuq data pprovduta mid-DĠ INTPA fil-5.4.2022. Il-mappa tirreferi biss għal azzjonijiet li jistgħu jiġu attribwiti għal pajjiżi jew reġjuni speċifiċi.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
L-inizjattiva kienet tikkonsisti minn żewġ komponenti u kienet tkopri diversi setturi ta’ prijorità
06 Kull waħda miż-żewġ fażijiet tal-inizjattiva kienet tikkonsisti f’żewġ komponenti:
- il-komponent globali, li jkopri l-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw. Dan il-komponent ġie ffinanzjat mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u prinċipalment iffinanzja azzjonijiet li jkopru pajjiż wieħed.
- il-komponent intra-AKP, li jkopri l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Dan il-komponent ġie ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u prinċipalment iffinanzja azzjonijiet li jkopru reġjun kollu.
07 Żewġ faċilitajiet ta’ appoġġ, esternalizzati lil konsorzji mmexxija minn gruppi ta’ konsulenza ambjentali, għenu lid-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA) u lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex jassistu lill-pajjiżi sħab fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw azzjonijiet klimatiċi ffinanzjati mill-inizjattiva:
- Il-Faċilità ta’ Appoġġ Globali appoġġat il-fergħa globali tal-inizjattiva billi ppromwoviet id-djalogu u l-iskambju ta’ esperjenzi dwar it-tibdil fil-klima. Hija għenet lid-Delegazzjonijiet tal-UE jifformulaw azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima u pprovdiet ukoll assistenza teknika ad hoc, jiġifieri appoġġ u pariri għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet klimatiċi fil-pajjiżi benefiċjarji. Barra minn hekk, appoġġat il-ħolqien u t-tixrid tal-għarfien u mmaniġġjat pjattaforma kollaborattiva, li kien fiha dokumentazzjoni dwar il-programmi tal-inizjattiva.
- Il-Faċilità ta’ Appoġġ Intra-AKP appoġġat is-Segretarjat tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) fil-koordinazzjoni tal-fergħa Intra-AKP tal-inizjattiva. Hija mmaniġġjat ukoll il-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Klima, li pprovdiet assistenza teknika lill-organizzazzjonijiet reġjonali, l-korpi governattivi u l-atturi mhux statali tal-AKP7, L-assistenza teknika kienet tinkludi attivitajiet bħal studji tal-fattibbiltà, missjonijiet ta’ identifikazzjoni u ta’ formulazzjoni tal-proġetti, taħriġ u sessjonijiet ta’ ħidma.
08 Biex tilħaq l-objettiv tagħha li tgħin lill-pajjiżi jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima, l-inizjattiva bbażat l-approċċ tagħha fuq żewġ pilastri:
- It-trawwim ta’ djalogu u l-kondiviżjoni tal-għarfien, pereżempju permezz ta’ konferenzi u sessjonijiet ta’ ħidma nazzjonali jew internazzjonali.
- L-għoti ta’ appoġġ tekniku u finanzjarju għall-miżuri ta’ adattament, mitigazzjoni u tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri. Dan l-appoġġ ivarja mill-bini tal-kapaċitajiet jew assistenza teknika għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali għal azzjonijiet konkreti li jittestjaw approċċi ġodda jew li jespandu l-azzjonijiet pilota ta’ suċċess.
09 L-inizjattiva pprovdiet appoġġ tekniku u finanzjarju permezz ta’ azzjonijiet li jkopru firxa wiesgħa ta’ setturi (ara l-Figura 2). Iż-żewġ setturi prinċipali appoġġati kienu “ambjent u riżorsi naturali” u “agrikoltura u sigurtà tal-ikel (inkluż is-sajd)”.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
L-azzjonijiet ġew implimentati fil-biċċa l-kbira permezz ta’ organizzazzjonijiet tan-NU u aġenziji ta’ għajnuna tal-Istati Membri tal-UE
10 L-inizjattiva ma kellhiex il-linja baġitarja proprja tagħha fis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tat it-tikketta tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima lil għadd ta’ azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima ffinanzjati mid-DCI u mill-FEŻ. Il-finanzjament totali allokat għall-inizjattiva kien ta’ EUR 728.8 miljun, inklużi kontribuzzjonijiet minn Stati Membri tal-UE. L-allokazzjoni kumplessiva kienet ta’ EUR 308.8 miljun għall-ewwel fażi (2007-2013) u EUR 420 miljun għat-tieni fażi (2014-2020) (ara l-Figura 3).
Figura 3 – Finanzjament allokat għaż-żewġ fażijiet tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
11 Il-Figura 4 turi l-finanzjament li twassal permezz tal-programm globali prinċipali u l-programm intra-AKP, kif ukoll il-finanzjament għaż-żewġ faċilitajiet ta’ appoġġ. L-ammonti kkuntrattati sa April 2022 b’kollox jammontaw għal EUR 587 miljun.
Nota: iċ-ċifri huma bbażati fuq data pprovduta mid-DĠ INTPA fil-5.4.2022. L-ammonti kkuntrattati jeskludu ż-żewġ programmi l-kbar għal diversi pajjiżi għall-ġestjoni sostenibbli tal-pajsaġġ u għas-sistemi agroalimentari sostenibbli. Għal dawn iż-żewġ programmi, mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn l-inizjattiva u finanzjament ieħor tal-UE.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
12 L-azzjonijiet twasslu permezz ta’ modalitajiet differenti ta’ implimentazzjoni, prinċipalment ftehimiet ta’ finanzjament ma’ organizzazzjonijiet tan-NU u l-aġenziji ta’ għajnuna għall-iżvilupp tal-Istati Membri (ara l-Figura 5).
Ambitu u approċċ tal-awditjar
Ambitu tal-awditjar
13 Billi l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima mhijiex se titkompla, l-awditu li wettaqna eżamina kif il-Kummissjoni mmaniġġjat iż-żewġ fażijiet tagħha, sabiex jittieħdu tagħlimiet kemm għall-azzjonijiet futuri dwar it-tibdil fil-klima kif ukoll għall-inizjattivi futuri għall-iżvilupp globali. L-awditu kellu l-għan li jevalwa jekk il-fondi ntużawx b’mod effiċjenti u effettiv, u li jagħmel rakkomandazzjonijiet għal titjib għal azzjonijiet futuri tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima.
14 Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna kienet jekk l-inizjattiva kinitx effiċjenti u effettiva. Qsamna din il-mistoqsija fis-sottomistoqsijiet li ġejjin:
- L-azzjonijiet kisbu r-riżultati intenzjonati tagħhom b’mod effiċjenti?
- Il-Kummissjoni mmassimizzat il-valur miżjud tal-inizjattiva?
15 Eżaminajna 14-il azzjoni: 5 fil-Paċifiku, 2 fil-Bangladesh, 2 fl-Etjopja, 2 fil-Bhutan, 1 fin-Niġer u 1 f’Kuba, u azzjoni reġjonali li tkopri l-Afrika kollha. Il-valur totali ta’ dawn l-azzjonijiet kien ta’ EUR 95.4 miljun, li jirrappreżenta 16 % tal-fondi kkuntrattati taħt l-inizjattiva mill-2007 sa April 2022.
16 Aħna għażilna dawn il-pajjiżi abbażi tal-ammont ta’ finanzjament ipprovdut mill-inizjattiva, u tal-ħtieġa li jiġu koperti kemm il-komponenti globali kif ukoll dawk intra-AKP, reġjuni differenti u metodi ta’ implimentazzjoni differenti. Inkludejna wkoll kemm l-azzjonijiet magħluqa kif ukoll dawk li għadhom għaddejjin. Ivvalutajna wkoll il-kontribut taż-żewġ faċilitajiet ta’ appoġġ. It-Tabella 1 u l-Anness jipprovdu ħarsa ġenerali lejn is-16-il azzjoni kollha kkampjunati.
| 1 – IL-PAĊIFIKU | 2 – IL-PAĊIFIKU | 3 – IL-PAĊIFIKU | 4 – IL-PAĊIFIKU |
| Espansjoni tal-Adattament tal-Paċifiku: komponent tal-Komunità tal-Paċifiku u s-Segretarjat tal-Programm Ambjentali Reġjonali tal-Paċifiku |
Espansjoni tal-Adattament tal-Paċifiku: komponent tal-Università tan-Nofsinhar tal-Paċifiku |
Tiżdied ir-Reżiljenza Klimatika tal-Istati Gżejjer Żgħar tal-Paċifiku permezz tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima (GCCA) |
Appoġġ lill-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima permezz tal-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Involviment tal-Komunità u r-Riċerka Applikata |
| BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 12.8-il miljun | BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 2.1 miljun | BAĠIT TAL-EWWEL FAŻI EUR 11.4-il miljun | BAĠIT TAL-EWWEL FAŻI EUR 7.6 miljun |
| 5 – IL-PAĊIFIKU | 6 – IL-BANGLADESH | 7 – IL-BANGLADESH | 8 – IL-BHUTAN |
| Adattament tal-Paċifiku għat-Tibdil fil-Klima u Bini tar-Reżiljenza |
Inizjattiva tal-Gvern Lokali dwar it-Tibdil fil-Klima (LoGIC): komponent tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti |
Inizjattiva tal-Gvern Lokali dwar it-Tibdil fil-Klima (LoGIC): komponent tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp tal-Kapital |
Adattament għat-Tibdil fil-Klima fis-settur tar-Riżorsi Naturali Rinnovabbli |
| BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 9.5 miljun | BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 7.4 miljun | BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 7.4 miljun | BAĠIT TAL-EWWEL FAŻI EUR 3.7 miljun |
| 9 – IL-BHUTAN | 10 – L-ETJOPJA | 11 – L-ETJOPJA | 12 – L-UNJONI AFRIKANA |
| Programm għall-Iżvilupp Rurali u r-Rispons għat-Tibdil fil-Klima |
Assistenza Teknika b’Appoġġ għall-GCCA+/Integrazzjoni tal-Ippjanar Intelliġenti fil-Livell Klimatiku u tal-Approċċi ta’ Implimentazzjoni fil-Programm IV dwar ix-Xibka ta’ Sikurezza Produttiva fl-Etjopja |
Ittestjar Pilota tal-Attivitajiet tat-Tibdil fil-Klima fi ħdan il-Programm tal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Art |
ClimDev Africa |
| BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 5 miljun | BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 8.1 miljun | BAĠIT TAL-EWWEL FAŻI EUR 6.2 miljun | BAĠIT TAL-EWWEL FAŻI EUR 7.7 miljun |
| 13 – IN-NIĠER | 14 – KUBA | 15 – FAĊILITÀ GLOBALI | 16 – FAĊILITÀ INTRA-AKP |
| Appui au Développement de la résilience des ménages face au changement climatique dans la région de Zinder |
Construyendo resiliencia costera en Cuba a través de soluciones naturales para la adaptación al cambio climático |
FAĊILITÀ TA’ APPOĠĠ tal-GCCA+ | Assistenza Teknika lis-Segreterjat tal-AKP għall-Programm Intra-AKP tal-GCCA+ u l-Ġestjoni tal-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Klima |
| BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 1.3 miljun | BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 5 miljun | BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 8.4 miljun | BAĠIT TAT-TIENI FAŻI EUR 5.5 miljun |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
Approċċ tal-awditjar
17 Minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19, ma stajniex inwettqu żjarat tal-awditjar fil-Bhutan, fl-Etjopja u fil-Paċifiku kif kien ippjanat inizjalment. Aħna bbażajna l-osservazzjonijiet tagħna fuq is-sorsi ta’ evidenza li ġejjin:
- Rieżaminar ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni bbażata fuq il-web dwar it-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.
- Rieżaminar ta’ dokumentazzjoni (eż. kuntratti, baġits, monitoraġġ, rapporti finali, evalwazzjonijiet) dwar l-attivitajiet tal-inizjattiva pprovduti mid-DĠ INTPA u ż-żewġ faċilitajiet ta’ appoġġ.
- Vidjokonferenzi mal-persunal tad-Delegazzjoni tal-UE, mas-sħab ta’ implimentazzjoni u mal-benefiċjarji fl-Etjopja, fil-Bhutan u fil-Paċifiku. Aħna organizzajna wkoll vidjokonferenzi mad-DĠ INTPA, id-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika (DĠ CLIMA), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-faċilitajiet ta’ appoġġ tal-inizjattiva. Barra minn hekk, kellna skambji ma’ rappreżentanti minn sitt Stati Membri tal-UE u mas-Sħubija tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDC)8, li tgħin lill-pajjiżi jaċċessaw ir-riżorsi biex jaċċelleraw l-azzjoni klimatika.
- Stħarriġ li bgħatna lill-punti fokali tal-inizjattiva f’65 Delegazzjoni tal-UE. Ir-rata ta’ rispons kienet ta’ 86 % (56 Delegazzjoni tal-UE). L-istħarriġ kien jinkludi mistoqsijiet dwar l-effiċjenza u l-effettività tal-azzjonijiet u dwar il-punti tajbin u l-punti dgħajfin tal-inizjattiva.
- Kwestjonarji mibgħuta lid-DĠ INTPA u liż-żewġ faċilitajiet ta’ appoġġ fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kif ukoll il-ġestjoni tal-inizjattiva.
Osservazzjonijiet
Filwaqt li l-inizjattiva ffukat fuq il-bini tal-kapaċitajiet, kien hemm lok biex jitnaqqsu l-kostijiet u jintwera l-impatt tagħha
18 Wieħed miż-żewġ pilastri fiż-żewġ fażijiet tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima kien l-għoti ta’ appoġġ tekniku u finanzjarju għall-miżuri ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni (ara l-paragrafu 08). Aħna eżaminajna l-effiċjenza u l-effettività ta’ dan l-appoġġ. B’mod partikolari, ivvalutajna jekk:
- il-Kummissjoni mmiratx l-inizjattiva biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ dawk milquta direttament mill-impatti tat-tibdil fil-klima, partikolarment in-nisa, u espandietx l-azzjonijiet pilota ta’ suċċess biex aktar persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw;
- il-kostijiet ta’ ġestjoni kinux raġonevoli biex jiġi mmassimizzat l-ammont ta’ appoġġ li jasal għand ir-riċevituri;
- l-azzjonijiet kisbux ir-riżultati mistennija tagħhom;
- l-azzjonijiet kisbux sinerġiji, u jekk il-ħtiġijiet indirizzati komplewx jiġu ssodisfati wara li l-appoġġ kien intemm;
- l-inizjattiva żiditx ir-reżiljenza tal-pajjiżi għall-effetti tat-tibdil fil-klima.
19 Il-Figura 6 u l-Anness jiġbru fil-qosor is-sejbiet mill-valutazzjoni tagħna tal-14-il azzjoni kkampjunata fiż-żmien meta wettaqna l-awditu. Aħna analizzajna s-sostenibbiltà biss għas-seba’ azzjonijiet li ġew ikkompletati. Iż-żewġ faċilitajiet ta’ appoġġ jiġu eżaminati fil-paragrafu 62.
Il-Kummissjoni ma espandietx suffiċjentement il-miżuri ta’ adattament u ma indirizzatx suffiċjentement il-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar milquta mill-impatti tat-tibdil fil-klima
20 Abbażi tal-eżaminar li wettaqna tal-azzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-programmi, ir-risposti għall-istħarriġ tagħna u d-diskussjonijiet li kellna mal-persunal tal-Kummissjoni, mad-Delegazzjonijiet tal-UE u mal-benefiċjarji, aħna sibna li l-inizjattiva ma indirizzatx suffiċjentement il-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar milquta mill-impatti tat-tibdil fil-klima, minħabba r-raġunijiet li ġejjin:
- ma kien hemm l-ebda bidla sistematika mill-bini tal-kapaċitajiet (eż., taħriġ fl-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-pjanijiet nazzjonali u dawk lokali, sessjonijiet ta’ ħidma għall-persunal ewlieni biex iżid il-fehim tiegħu tat-tibdil fil-klima, eċċ.) u mill-attivitajiet pilota lejn aktar espansjoni tal-azzjonijiet ta’ adattament konkreti li jappoġġaw direttament lill-popolazzjoni, kif previst fin-nota kunċettwali tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima+9;
- ma kienx hemm biżżejjed fokus fuq in-nisa, minkejja li ntlaqtu b’mod sproporzjonat mill-impatti tat-tibdil fil-klima10, pereżempju minħabba li baqgħu fil-villaġġi filwaqt li l-irġiel emigraw lejn żoni urbani;
- xi attivitajiet ma kinux affordabbli għall-ifqar unitajiet domestiċi.
L-evoluzzjoni mistennija mill-bini tal-kapaċitajiet u mill-attivitajiet pilota għal aktar espansjoni tal-azzjonijiet ta’ adattament ma kinitx sistematika
21 Fost id-Delegazzjonijiet tal-UE li wieġbu għall-istħarriġ tagħna, 86 % stennew appoġġ biex jevolvu mill-bini tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali għal miżuri konkreti ta’ adattament li huma ta’ benefiċċju dirett għall-popolazzjonijiet l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima. Skont il-Kummissjoni, is-sħab nazzjonali apprezzaw attivitajiet ta’ adattament konkreti billi ċ-ċittadini setgħu jaraw b’mod ċar li kienet qiegħda tittieħed azzjoni għall-adattament għat-tibdil fil-klima.
22 Madankollu, matul iż-żewġ fażijiet tal-inizjattiva, il-bini tal-kapaċitajiet baqa’ karatteristika sinifikanti tal-appoġġ mogħti lill-pajjiżi kkonċernati minħabba t-tluq ta’ persunal imħarreġ. L-istħarriġ li wettaqna enfasizza din il-problema, billi 52 % tar-rispondenti ħassew li d-dawran tal-persunal imħarreġ kien għoli. Is-sħab ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni spjegaw li d-dawran għoli tal-persunal kien ifisser li kien hemm ħtieġa kontinwa għall-bini tal-kapaċitajiet. Kien hemm riskju, enfasizzat mid-Delegazzjoni tal-UE fil-Paċifiku, li jista’ jkun li l-azzjonijiet issostitwew, minflok bnew, il-kapaċità. Il-fokus kontinwu fuq il-bini tal-kapaċitajiet f’xi każijiet kien ippreferut aktar mill-appoġġ tal-espansjoni tal-azzjonijiet ta’ adattament konkreti u ta’ suċċess li ġew identifikati matul l-ewwel fażi, bħala mod ta’ rispons għall-ħtieġa kontinwa ta’ dawn il-pajjiżi. Dan kien ifisser li kien hemm inqas riżorsi biex jappoġġaw l-espansjoni tal-azzjonijiet ta’ adattament konkreti u ta’ suċċess li ġew identifikati matul l-ewwel fażi.
23 Mill-14-il azzjoni fil-kampjun tagħna (l-Azzjoni 5 fil-Paċifiku u l-Azzjonijiet 6 u 7 fil-Bangladesh), 3 biss kienu jinvolvu xi espansjoni tal-attivitajiet pilota ta’ adattament, jiġifieri billi koprew postijiet ġodda u aktar benefiċjarji. Barra minn hekk, 38 % biss tar-rispondenti għall-istħarriġ tagħna ħasbu li l-attivitajiet pilota ta’ adattament ġew espanduti b’mod sistematiku. L-evoluzzjoni mistennija minn attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet lejn attivitajiet ta’ adattament aktar konkreti fit-tieni fażi tal-inizjattiva mhux dejjem seħħet fil-prattika. Il-Kaxxa 1 tippreżenta żewġ eżempji mill-azzjonijiet fil-kampjun tagħna fejn l-espansjoni kienet possibbli iżda ma mmaterjalizzatx.
L-inizjattiva tilfet opportunità biex tespandi l-attivitajiet fl-Etjopja u fil-Paċifiku
Fl-Etjopja, l-Azzjoni 11, li ġiet iffinanzjata matul l-ewwel fażi tal-inizjattiva u kienet relatata mal-Programm tal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Art, ma ġietx espanduta matul it-tieni fażi tal-inizjattiva. Minflok, l-attivitajiet pilota ta’ adattament twaqqfu u l-Azzjoni 10, li kellha l-għan li tintegra l-ippjanar intelliġenti fil-livell klimatiku fil-Programm dwar ix-Xibka ta’ Sikurezza Produttiva matul it-tieni fażi tal-inizjattiva kienet tikkonsisti prinċipalment fil-bini tal-kapaċitajiet.
Fil-Paċifiku, l-Azzjoni 1 dwar l-Espansjoni tal-Adattament tal-Paċifiku, iffinanzjata mit-tieni fażi tal-inizjattiva, kellha l-għan li tespandi l-attivitajiet pilota ta’ adattament li kienu ta’ suċċess mill-Azzjoni 3, iffinanzjata mill-ewwel fażi. Madankollu, minflok ma espandiet l-attivitajiet pilota preċedenti, l-Azzjoni 1 wettqet l-attivitajiet pilota proprji tagħha. Hija ma pprovdietx l-appoġġ meħtieġ għall-espansjoni tal-miżuri ta’ adattament, bħall-ħżin tal-ilma fl-unitajiet domestiċi, għal pajjiżi b’popolazzjonijiet akbar. L-azzjoni ttestjat biss il-qafas għall-espansjoni u kompliet tipprovdi somma f’daqqa ta’ EUR 0.5 miljun lill-istess disa’ pajjiżi bħall-Azzjoni 3 preċedenti, irrispettivament mill-popolazzjoni tagħhom. Kiribati, pereżempju, kellhom popolazzjoni ta’ aktar minn 100 000, filwaqt li l-popolazzjoni f’Niue kienet ta’ anqas minn 2 000. L-Azzjoni 1 żiedet l-10 pajjiż, Fiġi, b’popolazzjoni ta’ 900 000, li rċevew l-istess ammont.
Kien hemm fokus insuffiċjenti fuq in-nisa, minkejja li ntlaqtu b’mod sproporzjonat mill-impatti tat-tibdil fil-klima
24 Id-dokumenti ta’ ppjanar tal-Kummissjoni għall-azzjonijiet fil-kampjun tagħna spjegaw li n-nisa ntlaqtu b’mod sproporzjonat mill-impatti tat-tibdil fil-klima. Madankollu, l-azzjonijiet ma ffukawx sistematikament fuq in-nisa. Fil-kampjun tagħna, kien hemm biss tliet azzjonijiet11 li inkludew attivitajiet li jindirizzaw speċifikament il-ħtiġijiet tan-nisa. Fost ir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna, 84 % ħasbu li jenħtieġ li l-azzjonijiet jagħmlu aktar enfasi fuq l-għajnuna lin-nisa. Il-Kaxxa 2 tinkludi eżempji dwar in-nuqqas ta’ fokus fuq in-nisa.
Diversi azzjonijiet ma kellhomx fokus suffiċjenti fuq l-għoti ta’ għajnuna lin-nisa
Fil-Bhutan, l-Azzjoni 8 li tikkonċerna s-settur tar-riżorsi naturali rinnovabbli, iffinanzjata mill-ewwel fażi, qieset li n-nisa u l-irġiel, bħala membri ta’ komunitajiet rurali, jintlaqtu b’mod ugwali mill-impatti tat-tibdil tal-klima. Studju tal-2020, madankollu, ikkonkluda li n-nisa jsofru l-agħar mit-tibdil fil-klima12, billi għandhom it-tendenza li jibqgħu fil-villaġġi mat-tfal u l-anzjani meta l-popolazzjoni maskili aktar żagħżugħa temigra lejn żoni urbani biex issib impjieg. L-Azzjoni 9, iffinanzjata mit-tieni fażi, introduċiet mira biex il-proporzjon ta’ nisa mħarrġa f’tekniki tal-biedja jiżdied minn 43 % għal 45 %. Madankollu, il-mira ma kinitx suffiċjentement ambizzjuża u ma ntlaħqitx. Il-proporzjon ta’ nisa mħarrġa żdied għal 44 % biss, minħabba l-impatt tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 fuq il-possibbiltà li jitwettaq taħriġ.
Il-monitoraġġ tal-Azzjoni 5 fil-Paċifiku f’Ġunju 2021 sab li ma kien hemm l-ebda pjan għall-integrazzjoni ta’ aspetti tal-ġeneru fl-attivitajiet u l-ebda indikatur tal-ġeneru għall-valutazzjoni tal-impatt tal-azzjoni fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi. F’Haupu, Timor Leste, l-ebda mara ma attendiet il-laqgħat ta’ konsultazzjoni inizjali għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni ta’ adattament għas-sigurtà tal-ilma bbażata fuq l-ekosistema.
Minkejja li l-Azzjoni 12 li tkopri l-Afrika kienet tinkludi studju dwar il-ġeneru, ir-rapporti ta’ monitoraġġ sabu li ma indirizzatx direttament kwistjonijiet relatati mal-ġeneru. Normalment in-nisa kienu sottorappreżentati fl-attivitajiet.
Xi attivitajiet ma kinux affordabbli għall-ifqar unitajiet domestiċi
25 L-inizjattiva kellha l-għan li tintegra t-tibdil fil-klima fi sforzi ta’ tnaqqis tal-faqar u li tagħti attenzjoni speċjali lill-miżuri li jkunu ta’ benefiċċju dirett għal dawk f’faqar estrem13. L-azzjonijiet kienu mistennija jgħinu fit-tnaqqis tal-faqar billi jsaħħu r-reżiljenza tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli.
26 Madankollu, ir-rapport tal-2021 dwar l-impatt u s-sostenibbiltà14 prodott mill-Faċilità ta’ Appoġġ Globali sab li xi azzjonijiet ma laħqux l-ifqar unitajiet domestiċi. Dan kien minħabba r-riskji ogħla ta’ sussistenza li dawn jiffaċċjaw meta jingħaqdu ma’ azzjonijiet pilota jew minħabba li r-replikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda mhijiex affordabbli. Studji ta’ azzjonijiet fil-Kambodja, in-Nepal, il-Paċifiku u t-Tanzanija sabu li l-kost tal-interventi ta’ adattament kien ifisser li l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli kienu fil-biċċa l-kbira esklużi. Pereżempju, għall-Azzjoni 3 fil-Paċifiku, il-kost tat-trasport ta’ tankijiet tal-ħażna tal-ilma tax-xita lejn il-gżejjer periferiċi u remoti f’Palau ma kienx affordabbli għall-iżgħar u l-ifqar unitajiet domestiċi.
Il-varjabbiltà għolja tal-kostijiet tindika li l-effiċjenza ta’ xi azzjonijiet setgħet tittejjeb
27 It-tfassil u l-baġit għall-azzjonijiet ġew evalwati mid-Delegazzjonijiet tal-UE u mill-Grupp ta’ Analiżi tal-Kwalità fi ħdan l-INTPA. Għall-Azzjonijiet 6 u 7 (LoGIC) fil-Bangladesh, id-Delegazzjoni tal-UE vvalutat ir-raġonevolezza tal-kostijiet fir-rigward tar-riżultati ppjanati. Hija kellha l-għan li tillimita l-kostijiet ta’ ġestjoni (jiġifieri s-salarji, l-kostijiet tal-ivvjaġġar u dawk ta’ sussistenza għall-maniġers, il-koordinaturi, u l-persunal amministrattiv, il-persunal finanzjarju, il-persunal tal-komunikazzjoni u tal-IT, flimkien mal-kost tal-bini tal-uffiċċji u t-tagħmir kif ukoll il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż ġenerali organizzazzjonali) għal bejn wieħed u ieħor 20 %. Id-Delegazzjoni tal-UE qabblet dan b’mod favorevoli ma’ intervent simili b’kostijiet ta’ ġestjoni kemxejn ogħla. Studju dwar LoGIC minn Marzu 2020 sab li wieħed mill-punti b’saħħithom tal-azzjoni kien il-perċentwal kbir ta’ finanzjament li kien ta’ benefiċċju dirett għall-persuni lokali.
28 Madankollu, għal disa’ azzjonijiet fil-kampjun tagħna, il-Kummissjoni ma vvalutatx suffiċjentement ir-raġonevolezza tal-kostijiet. Fi tliet każijiet ma kien hemm l-ebda analiżi ta’ jekk il-kostijiet għall-persunal u dawk tat-trasport kinux meħtieġa jew raġonevoli (ara l-Kaxxa 3).
Ma kien hemm l-ebda analiżi sistematika tar-raġonevolezza tal-kostijiet
Il-kostijiet għall-persunal għall-Azzjoni 11 fl-Etjopja żdiedu b’aktar mid-doppju (minn EUR 0.6 miljun għal EUR 1.3 miljun) matul l-implimentazzjoni. Dan ippermetta li s-sieħeb ta’ implimentazzjoni jirrekluta aktar persunal b’salarji ogħla, iżda ma kien hemm l-ebda analiżi tal-ħtieġa għall-kostijiet akbar jew ta’ jekk dawn kinux raġonevoli.
Il-baġit għall-Azzjoni 14 f’Kuba kien jinkludi kostijiet ta’ ġestjoni ta’ 27 %. Il-baġit kien jinkludi wkoll EUR 2 miljun (39 % tal-kostijiet totali) għax-xiri u l-manutenzjoni ta’ tagħmir, inklużi vetturi agrikoli, 11-il trakk, jeep, vann żgħir, 3 karozzi u 13-il mutur. Il-vann żgħir, il-karozzi u mutur wieħed kienu għall-amministrazzjoni. Ma kienx hemm analiżi tal-baġit biex jiġi vvalutat jekk dawn il-kostijiet kinux meħtieġa jew raġonevoli.
L-Azzjoni 12, li tkopri l-Afrika, irrappurtat kostijiet finali tal-ivvjaġġar ta’ EUR 2.4 miljun (31 % tan-nefqa) Il-kostijiet tal-ivvjaġġar kienu għoljin minħabba li l-attivitajiet kienu jinkludu sessjonijiet ta’ ħidma u konferenzi, li kienu jinvolvu vjaġġar għall-parteċipanti u l-persunal tal-laqgħat. Madankollu, ma kien hemm l-ebda baġit inizjali tal-ivvjaġġar li miegħu jistgħu jitqabblu dawn il-kostijiet.
29 Minħabba li l-Kummissjoni ma analizzatx u ma qabblitx il-kostijiet b’mod suffiċjenti, aħna wettaqna l-analiżi tagħna stess tal-kostijiet ta’ ġestjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-baġits u fir-rapporti. L-analiżi li wettaqna tal-azzjonijiet ikkampjunati wriet varjazzjoni wiesgħa fil-kostijiet ta’ ġestjoni, kif ukoll il-potenzjal li jiġi identifikat titjib fl-effiċjenza fl-istadju tat-tfassil (ara l-Figura 7).
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
30 Il-kostijiet ta’ ġestjoni kienu partikolarment għoljin fil-Paċifiku. Pereżempju, il-kostijiet ta’ ġestjoni għall-Azzjonijiet 1, 2 u 5 kienu jirrappreżentaw 43 %, 59 % u 53 % tal-baġit totali rispettivament. Kien hemm żewġ raġunijiet prinċipali għalfejn il-kostijiet ta’ ġestjoni kienu partikolarment għoljin fil-Paċifiku:
- il-fatt li kien hemm żewġ azzjonijiet separati li kienu għaddejjin fl-istess ħin (eż. 1 u 5), iffinanzjati mill-komponenti differenti tal-inizjattiva, żied mal-kostijiet ta’ ġestjoni;
- azzjonijiet mit-tieni fażi (1, 2 u 5) kienu mmaniġġjati minn diversi sħab ta’ implimentazzjoni, li ġabu għarfien espert minn organizzazzjonijiet reġjonali differenti, iżda rriżultaw f’kostijiet ta’ ġestjoni għoljin.
31 Il-Kummissjoni indikat li xi kostijiet jaqgħu fiż-żona l-griża ta’ bejn ġestjoni u attivitajiet. Madankollu, ma setgħetx tispeċifika l-proporzjon li ntefaq fuq kull waħda. Il-Kaxxa 4 tippreżenta żewġ eżempji li juru din il-problema.
L-ebda distinzjoni sistematika bejn il-kostijiet ta’ ġestjoni u dawk tal-attività
Il-kostijiet ta’ ġestjoni għall-Azzjoni 13 f’Niġer kienu jirrappreżentaw 24 % tal-baġit totali. L-attivitajiet kienu jirrappreżentaw 28 % tal-kostijiet. It-48 % tal-kostijiet li jifdal kienu taħlita ta’ ġestjoni u attivitajiet (riżorsi umani, vjaġġar, provvisti u tagħmir), iżda l-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina l-ammont li ntuża għal kull waħda. Il-kostijiet ta’ ġestjoni kienu jinkludu s-7 % standard għal kostijiet amministrattivi. Dan huwa l-limitu massimu għall-kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż ġenerali organizzazzjonali15. Madankollu, minbarra dan, huma inkludew 9 % għall-kostijiet amministrattivi tas-sieħeb ta’ implimentazzjoni. Dawn il-kostijiet addizzjonali ma kinux eliġibbli, iżda l-Kummissjoni ddeċidiet tħallashom minħabba li kienu stabbiliti b’mod ċar fil-kuntratt mill-bidu. Analiżi aktar dettaljata tal-kostijiet fl-istadju tat-tfassil kien ikollha l-benefiċċju addizzjonali li taqbad dan it-tip ta’ żball. F’dan il-każ kienet tirriżulta fi ffrankar ta’ EUR 166 000 għall-Kummissjoni.
Il-kostijiet ta’ ġestjoni għall-Azzjoni 1 fil-Paċifiku kienu jinkludu xi attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet u ta’ taħriġ. Xi wħud mill-membri tal-persunal maniġerjali (l-Uffiċjali tar-Riċerka u tal-Komunità) għall-Azzjoni 2 kienu involuti wkoll f’attivitajiet operazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx tispeċifika kemm mill-ħin tagħhom huma qattgħu b’dan il-mod. Min-naħa l-oħra, il-kostijiet tal-attivitajiet tal-Azzjoni 3 preċedenti kienu jinkludu sa ċertu punt il-ġestjoni, iżda l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni dettaljata dwar min kien qiegħed jaħdem fuq l-attivitajiet u min kien qiegħed jimmaniġġjahom.
Azzjonijiet ikkompletati ġeneralment wasslu l-outputs, iżda t-titjib fis-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ma tkejjilx
32 Ir-riżultati jaqgħu f’żewġ kategoriji:
- outputs: prodotti jew imwettqa bir-riżorsi allokati għal azzjoni, eż. għadd ta’ persuni mħarrġa, għadd ta’ unitajiet domestiċi li japplikaw tekniċi ġodda tal-biedja, pubblikazzjonijiet prodotti, attivitajiet ta’ adattament implimentati;
- eżiti: titjib fis-sitwazzjoni tal-benefiċjarji li jirriżulta mill-intervent, bħal politiki mtejba dwar it-tibdil fil-klima, aċċess imtejjeb għal ilma sikur, protezzjoni kostali mtejba, żieda fl-art protetta, żieda fil-produzzjoni u l-introjtu, u titjib f’saħħithom.
33 L-14-il azzjoni fil-kampjun tagħna tipikament kienu mmirati lejn il-bini tal-kapaċitajiet u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ adattament konkreti (ġestjoni kostali, sigurtà tal-ilma, kura tas-saħħa u biedja sostenibbli), li fil-biċċa l-kbira kienu attivitajiet pilota. Tmien azzjonijiet16 iffukaw prinċipalment fuq l-adattament, erba’ azzjonijiet17 kienu jikkonsistu fit-tnejn b’mod ugwali, filwaqt li żewġ azzjonijiet kienu jikkonsistu prinċipalment fil-bini tal-kapaċitajiet18.
34 Fil-kampjun tagħna kien hemm seba’ azzjonijiet ikkompletati19, li ħamsa20 minnhom ġeneralment wasslu l-outputs mistennija tagħhom bħall-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima jew l-għajnuna lill-komunitajiet biex jimplimentaw miżuri innovattivi ta’ adattament. L-Azzjoni 11 fl-Etjopja u l-Azzjoni 3 fil-Paċifiku ma wettqux l-attivitajiet kif ippjanat. L-Azzjoni 11 ikkanċellat l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet, filwaqt li għall-bqija ma kienx possibbli li l-outputs irrappurtati (kisbiet fiżiċi) jintrabtu ma’ postijiet speċifiċi fl-34 woredas (distretti). L-Azzjoni 3 ma setgħetx tibni t-tank nazzjonali tal-ħżin tal-ilma ppjanat f’Nauru.
35 Id-durata ta’ 15-il sena tal-inizjattiva pprovdiet opportunità biex jitkejlu l-eżiti (jiġifieri t-titjib fis-sitwazzjoni tal-benefiċjarji). Is-sħab ta’ implimentazzjoni qalulna li l-fokus fuq l-eżiti jkun jinkoraġġixxi s-sjieda u jgħin biex jitwettqu l-bidliet fuq żmien itwal mixtieqa. Kien meħtieġ ukoll li l-eżiti jingħataw segwitu biex jiġu identifikati azzjonijiet li kisbu benefiċċji dejjiema sabiex tiġi influwenzata l-politika futura u jintgħażlu l-azzjonijiet l-aktar adatti għall-espansjoni.
36 Madankollu, aħna sibna li l-Kummissjoni ma stabbilietx is-sistema meħtieġa ta’ indikaturi, linji bażi u miri biex jitkejlu l-eżiti tal-biċċa l-kbira mill-attivitajiet (ara l-Kaxxa 5).
Dgħufijiet fis-segwitu tal-eżiti fuq żmien itwal
L-Azzjoni 10, li timmira lejn l-integrazzjoni tal-ippjanar intelliġenti fil-livell klimatiku fil-Programm dwar ix-Xibka ta’ Sikurezza Produttiva tal-Etjopja, inizjalment ma stabbiliet la linji bażi u lanqas miri għall-valutazzjoni tal-eżiti fuq żmien itwal.
L-Azzjoni 12 ipproduċiet għadd ta’ prodotti ta’ għarfien (dokumenti informattivi u analitiċi, dokumenti informattivi dwar il-politika, dokumenti u rapporti tekniċi), li huma disponibbli fuq is-sit web ta’ ClimDev-Africa. Madankollu, is-sit web ma traċċax il-livell sa fejn dawn il-prodotti ta’ għarfien kienu qed jarawhom nies.
F’konformità mar-rakkomandazzjoni tar-rapport ta’ monitoraġġ tal-2015 tal-Kummissjoni, l-Azzjoni 4 introduċiet indikaturi għall-eżiti fuq żmien itwal. Indikatur wieħed tal-mira fil-Paċifiku kien li żewġ terzi tal-istudenti jkunu għadhom involuti b’mod attiv f’dixxiplina relatata mat-tibdil fil-klima fit-12-il xahar wara l-ikkompletar tat-taħriġ tagħhom. Il-Kummissjoni pprovdiet ħafna eżempji ta’ studenti li komplew jaħdmu fil-ministeri għat-tibdil fil-klima, fis-servizzi meteoroloġiċi, fl-uffiċċji nazzjonali għall-ġestjoni tad-diżastri u fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima. L-azzjoni wettqet eżerċizzju aktar komprensiv ta’ traċċar ta’ 72 % tal-istudenti, u r-rapport finali pprovda informazzjoni dwar is-settur ta’ attività tagħhom (eż. studji ulterjuri, gvern, organizzazzjonijiet reġjonali, aġenziji internazzjonali, settur privat). Madankollu, dan l-eżerċizzju ta’ traċċar ma weriex jekk dawn kinux għadhom involuti f’dixxiplina relatata mat-tibdil fil-klima.
37 Is-sħab ta’ implimentazzjoni fil-Paċifiku ssuġġerew li l-indikaturi tal-eżitu jistgħu jitkejlu billi tintuża azzjoni ta’ segwitu jew billi tinżamm parti mill-fondi tal-azzjoni. Madankollu, aħna sibna li l-inizjattiva ma tatx segwitu għall-indikaturi tal-eżitu mill-azzjonijiet preċedenti.
L-inizjattiva segwiet is-sostenibbiltà tal-azzjonijiet permezz ta’ sinerġiji iżda ma tatx attenzjoni suffiċjenti lill-istrateġiji ta’ ħruġ
38 L-istudju dwar l-impatt u s-sostenibbiltà enfasizza l-importanza ta’ rabtiet ma’ azzjonijiet oħra biex titrawwem is-sostenibbiltà. Fost ir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna, 80 % ħassew li l-azzjonijiet tal-inizjattiva kisbu sinerġiji ma’ azzjonijiet oħra dwar it-tibdil fil-klima. L-eżaminar li wettaqna fir-rigward tal-azzjonijiet sab ukoll ħafna sinerġiji. Madankollu, fi tliet każijiet21 kien hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni u interazzjoni ma’ azzjonijiet simili. Ir-rispons tad-Delegazzjonijiet tal-UE għal għadd ta’ domandi fl-istħarriġ tagħna indika wkoll li f’xi każijiet is-sostenibbiltà tar-riżultati tal-azzjonijiet kienet sfida:
- 28 % tar-rispondenti ħassew li l-azzjonijiet ma għamlux enfasi suffiċjenti fuq is-sostenibbiltà;
- 34 % ħasbu li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima f’politiki settorjali ma wasslitx għal baġits, atti u regolamenti;
- 52 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tagħna ħasbu li d-dawran tal-persunal kien għoli (ara l-paragrafu 22).
39 Ir-rapport tal-2021 dwar l-impatt u s-sostenibbiltà sab li b’mod ġenerali l-azzjonijiet ma tawx wisq attenzjoni lill-ħolqien ta’ strateġiji ta’ ħruġ biex jiġi żgurat li l-attivitajiet jitkomplew wara li kien intemm il-finanzjament (ara l-Kaxxa 6).
L-azzjonijiet ma tawx attenzjoni suffiċjenti lill-istrateġiji ta’ ħruġ
Ir-rapport tal-2021 dwar l-impatt u s-sostenibbiltà sab li l-azzjonijiet ma wettqux b’mod suffiċjenti l-kompiti li ġejjin biex jitkomplew l-attivitajiet wara li l-azzjoni kienet intemmet:
- it-twettiq ta’ analiżi tal-lakuna fis-sostenibbiltà, b’ħarsa lejn l-aspetti tekniċi, finanzjarji, istituzzjonali, ambjentali u soċjali;
- l-iżvilupp ta’ Memoranda ta’ Qbil mal-partijiet ikkonċernati li jiddefinixxu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom wara t-tmiem tal-azzjoni;
- it-tnaqqis tal-appoġġ dirett għal attivitajiet matul l-aħħar stadji ta’ azzjoni, b’hekk oħrajn ikunu jistgħu jidħlu minflokhom;
- ir-rabta tal-attivitajiet ma’ programmi akbar li jistgħu joqogħdu fuq appoġġ kontinwu mill-gvern, mis-settur privat jew minn donaturi oħra;
- l-identifikazzjoni tal-lakuni prinċipali fil-kapaċitajiet tas-sħab ewlenin u l-fokus fuq l-indirizzar tagħhom;
- l-iżvilupp ta’ materjal ta’ komunikazzjoni biex jiddokumenta t-tagħlimiet meħuda bil-ħsieb li tiġi promossa r-replikazzjoni tal-aħjar prattiki mill-azzjoni.
Id-disa’ pajjiżi kollha appoġġati mill-Azzjoni 3 fil-Paċifiku kellhom diffikultajiet biex iżommu r-riżorsi tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex isostnu r-riżultati fit-tul. Ftit li xejn kien hemm replikazzjoni tat-teknoloġiji għall-ħsad tal-ilma tax-xita f’Palau, minħabba l-kostijiet għoljin tal-installazzjoni (ara l-paragrafu 26).
40 Fil-kampjun tagħna, kien hemm seba’ azzjonijiet magħluqa. Ħamsa minnhom22 irċevew finanzjament addizzjonali tal-UE jew mill-inizjattiva jew inkella minn programmi oħra tal-UE sabiex ikunu sostenibbli. Madankollu, iż-żewġ azzjonijiet magħluqa l-oħra23 ma kellhomx ir-riżorsi biex ikomplu l-attivitajiet ladarba kien intemm il-finanzjament. Il-prospetti ta’ sostenibbiltà tal-Azzjoni 11 fl-Etjopja kienu partikolarment ħżiena minħabba n-nuqqas ta’ manutenzjoni tal-għodod u t-tagħmir (ara l-Kaxxa 7).
In-nuqqas ta’ manutenzjoni kien ostaklu għas-sostenibbiltà fl-Etjopja
L-evalwazzjoni tal-Azzjoni 11 fl-Etjopja sabet li l-attivitajiet pilota ta’ suċċess ma tkomplewx ladarba l-azzjoni kienet intemmet minħabba n-nuqqas ta’ manutenzjoni tal-għodod u t-tagħmir:
- ħafna mill-pompi tal-ilma mħaddma bl-idejn kienet saritilhom ħsara, u għaldaqstant il-bdiewa ma setgħux jużawhom;
- il-biċċa l-kbira mill-bjar ipprovduti sfrondaw;
- mixtla falliet minħabba nuqqas ta’ żrieragħ;
- il-bdiewa ma setgħux jipprattikaw b’suċċess it-tmigħ fl-istalel minħabba nuqqas ta’ foraġġ;
- is-sistema ta’ tisqija bil-qatra falliet minħabba l-ħin u l-isforz meħtieġa biex l-ilma jinġarr lejn it-tankijiet mgħollija.
L-Azzjoni 10 sussegwenti fl-Etjopja kienet prinċipalment dwar il-bini tal-kapaċitajiet u ma tatx segwitu għal dawn l-attivitajiet.
L-inizjattiva ma wrietx li żiedet ir-reżiljenza tal-pajjiżi għall-effetti tat-tibdil fil-klima
41 L-“impatti” huma l-konsegwenzi soċjoekonomiċi fuq żmien itwal li jistgħu jiġu osservati ċertu żmien wara l-ikkompletar ta’ inizjattiva. L-impatt mistenni fuq żmien itwal tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima kien ir-reżiljenza akbar tal-pajjiżi għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Madankollu, is-sistema robusta ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni meħtieġa biex jitkejlu r-riżultati u l-impatti tal-inizjattiva ma ġietx stabbilita kif propost mill-evalwazzjoni globali24 u min-nota kunċettwali fl-2015 (ara l-paragrafi 35, 36, 37 u l-Kaxxa 5). Ma kien hemm l-ebda qafas ta’ valutazzjoni b’indikaturi komuni li dwaru l-azzjonijiet kollha setgħu jirrappurtaw. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx taggrega r-riżultati fl-azzjonijiet kollha biex timmonitorja l‑prestazzjoni kumplessiva tal-inizjattiva u tinżamm responsabbli għall-kisbiet tagħha. Minflok, l-impatt tal-appoġġ ġie espress f’termini li ma setgħux jitkejlu. Pereżempju:
- Id-Deċiżjoni ta’ Varsavja dwar Telf u Ħsara25, li ttieħdet fil-COP 19 fl-2013, stabbiliet il-Mekkaniżmu Internazzjonali ta’ Varsavja għal Telf u Ħsara, li jirreferi għall-ħsara kkawżata mit-tibdil fil-klima. Il-pubblikazzjoni tal-2014 “Loss and Damage in Africa”, prodotta mill-Azzjoni 12 (ClimDev), ipprovdiet valutazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-istabbiliment tal-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu. Madankollu, il-firxa tal-kontribut tagħha ma setgħetx titkejjel.
- Artiklu tal-2019 dwar l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima ddeskriva kif din ikkontribwiet għall-formazzjoni ta’ koalizzjoni progressiva bejn l-UE u l-pajjiżi benefiċjarji, li għamlet il-Ftehim ta’ Pariġi possibbli26. Madankollu, il-kontribut tal-inizjattiva għall-Ftehim ta’ Pariġi ma setax jitkejjel.
42 Tentattiv wieħed biex jitkejjel l-impatt kien permezz tal-Azzjoni 5 fil-Paċifiku, li kienet tinkludi, bħala indikatur, il-bidla fl-indiċi tal-pajjiżi tal-Inizjattiva ta’ Adattament Globali tal-Università ta’ Notre Dame (ND-GAIN)27 għall-pajjiżi parteċipanti. Dan l-indiċi juri r-reżiljenza ta’ pajjiż għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Huwa juża 45 indikatur biex ikejjel il-vulnerabbiltà ta’ pajjiż għat-taqlib fil-klima u l-livell ta’ tħejjija tiegħu li jinvesti f’azzjonijiet adattivi. Bnejna fuq it-tentattiv tal-Kummissjoni li tkejjel l-impatt u analizzajna l-bidla fl-indiċijiet ND-GAIN tal-pajjiżi matul id-durata tal-inizjattiva mill-2007 sal-ġurnata tal-lum. Sibna li kien hemm titjib fl-indiċi ND-GAIN għall-biċċa l-kbira mill-pajjiżi li rċevew finanzjament mill-inizjattiva (ara l-Figura 8). Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, dan kien inqas minn erba’ punti fuq l-iskala ND-GAIN.
Figura 8 – Bidliet fl-indiċijiet ND-GAIN tal-pajjiżi fil-perjodu 2007-2019
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta minn ND-GAIN.
43 L-appoġġ minn din l-inizjattiva huwa biss wieħed mill-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw l-indiċi ND-GAIN tal-vulnerabbiltà tal-pajjiżi għat-tibdil fil-klima. L-impatt tal-inizjattiva ma jistax jiġi iżolat minn dak ta’ gvernijiet nazzjonali, donaturi oħra u avvenimenti esterni. Finanzjament ieħor tal-UE jista’ wkoll ikollu impatt, speċjalment billi l-azzjonijiet relatati mal-klima issa huma aktar prominenti fil-Programmi Indikattivi Pluriennali. Pereżempju, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ikkontribwew għall-Azzjonijiet 9, 10, 11 u 12, li kienu ffinanzjati wkoll mill-inizjattiva tal-GCCA.
44 Indikazzjoni oħra li t-titjib fl-indiċi ND-GAIN ma jistax jiġi attribwit għall-inizjattiva hija li hemm titjib simili għall-biċċa l-kbira mill-pajjiżi vulnerabbli li ma rċevewx finanzjament. Bl-istess mod, it-tliet pajjiżi li raw l-akbar deterjorament fl-indiċi ND-GAIN tagħhom (in-Niġerja, il-Bangladesh u l-Myanmar/Burma) kollha rċevew finanzjament mill-inizjattiva.
Il-Kummissjoni ma mmassimizzatx il-valur miżjud tal-inizjattiva
45 Din it-taqsima tivvaluta jekk il-Kummissjoni:
- iffukatx iż-żewġ fażijiet tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima fuq il-pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw u li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-LDCs u s-SIDS;
- attiratx finanzjament addizzjonali mill-Istati Membri tal-UE, mis-settur privat u minn mekkaniżmi innovattivi oħra ta’ finanzjament, kif intenzjonat, biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-inizjattiva;
- ippromwovietx sensibilizzazzjoni ġenerali dwar l-inizjattiva;
- kellhiex sorveljanza globali affidabbli tal-kostijiet u l-attivitajiet tal-inizjattiva u kisbitx sinerġiji bejn il-komponenti globali u dawk intra-AKP;
- stabbilietx strateġija ta’ ħruġ biex tiżgura li t-tagħlimiet meħuda mill-inizjattiva jitmexxew ’il quddiem fil-QFP il-ġdid u jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ attivitajiet li għandhom l-għan li jindirizzaw it-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Il-fokus fuq il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli naqas fit-tieni fażi
46 L-inizjattiva kellha l-għan li tgħin lill-pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw u li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari l-LDCs u s-SIDS, iżidu l-kapaċitajiet tagħhom biex jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima28. Fl-ewwel fażi, il-Kummissjoni żviluppat l-indiċi tal-vulnerabbiltà klimatika tagħha stess biex tagħżel il-pajjiżi li jkunu jibbenefikaw l-aktar mill-appoġġ. Din il-fażi pprovdiet appoġġ lil-LDCs u lis-SIDS l-aktar vulnerabbli, u ffinanzjat 24 minn 29 (ara l-Figura 9)29.
Figura 9 – L-ewwel fażi ffukat prinċipalment fuq l-LDCs u s-SIDS vulnerabbli
Nota: L = LDC; S = SIDS.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-indiċi tal-2010 tal-Kummissjoni.
47 L-indiċi tal-Kummissjoni kien ibbażat fuq tliet fatturi: l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) per capita, il-vulnerabbiltà relatata mal-klima u l-impenn għal djalogu b’rabta mal-politika dwar it-tibdil fil-klima. Madankollu, ma ħax inkunsiderazzjoni finanzjament ieħor ipprovdut biex jgħin lill-pajjiżi jindirizzaw it-tibdil fil-klima. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni ma kinitx taf jekk kinitx qed tappoġġa pajjiżi li kienu diġà rċevew finanzjament sinifikanti, permezz tal-MIPs (ara l-paragrafu 04) jew minn donaturi oħra, biex tgħinhom jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
48 Fit-tieni fażi, is-sede tal-Kummissjoni ma baqgħetx taġġorna l-indiċi tagħha tal-vulnerabbiltà u ma baqgħetx tużah biex tagħżel il-pajjiżi għall-finanzjament. Minflok, il-Kummissjoni rreferiet għall-indiċi ND-GAIN biex tevalwa l-vulnerabbiltà tal-pajjiżi għat-tibdil fil-klima, iżda ma użatux bħala għodda tal-għażla.
49 Il-Kummissjoni allokat fondi fit-tieni fażi b’rispons għal talbiet minn Delegazzjonijiet tal-UE, li ġew approvati mill-gvernijiet tal-pajjiż ospitanti. Madankollu, dan l-approċċ immexxi mid-domanda ma kienx immirat b’suċċess lejn il-pajjiżi vulnerabbli li ma kinux ibbenefikaw minn finanzjament fl-ewwel fażi. B’mod partikolari:
- Xi pajjiżi anqas vulnerabbli rċevew finanzjament addizzjonali fit-tieni fażi anki jekk kienu diġà rċevew finanzjament fl-ewwel fażi (ara l-Figura 10). Dawn il-pajjiżi kienu prinċipalment SIDS, eż. Mauritius (ir-riċevitur tal-finanzjament bl-ogħla indiċi ND-GAIN u li huwa konsiderevolment inqas vulnerabbli mir-riċevituri l-oħra), il-Maldivi, is-Seychelles u Timor Leste, iżda kienu jinkludu wkoll il-Bhutan, pajjiż inqas vulnerabbli li qed jitneħħa gradwalment mill-grupp ta’ LDCs fl-2023.
- Xi pajjiżi, li la kienu LDCs u lanqas SIDS, irċevew ukoll finanzjament fit-tieni fażi. Dawn kienu l-Kosta tal-Avorju, in-Namibja, in-Niġerja u s-Sri Lanka. Barra minn hekk, żewġ programmi kbar ta’ diversi pajjiżi pprovdew ukoll finanzjament fit-tieni fażi għal xi pajjiżi li la kienu LDCs u lanqas SIDS (eż. il-Brażil, ekonomija b’introjtu medju superjuri).
- Diversi LDCs li kienu vulnerabbli ħafna għall-impatti tat-tibdil fil-klima iżda li ma kinux irċevew appoġġ fl-ewwel fażi xorta ma rċevewx finanzjament għall-pajjiżi fit-tieni fażi. Dawn kienu jinkludu l-Afganistan, l-Angola, il-Burundi, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, l-Eritrea, il-Guinea u l-Jemen (ara l-Figura 10). Minkejja s-sitwazzjoni politika instabbli f’xi wħud minn dawn il-pajjiżi, huma madankollu bbenefikaw minn appoġġ bilaterali ieħor tal-UE permezz tal-MIPs (ara l-paragrafu 04).
- Kemm l-indiċi tal-Kummissjoni stess kif ukoll l-indiċi ND-GAIN ikklassifikaw lis-SIDS bħala li huma ġeneralment anqas vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima mil-LDCs. Dan hemm mnejn li jidher bħala kontrointuwittiv, minħabba t-theddida eżistenzjali li tinħoloq miż-żieda fil-livell tal-baħar. Madankollu, iż-żieda fil-livell tal-baħar kienet tirrappreżenta 10 % tal-punteġġ finali ta’ pajjiż fuq l-indiċi tal-Kummissjoni stess, u 4 % fuq l-indiċi ND-GAIN. Kien hemm ħafna fatturi oħra li l-indiċijiet ħadu inkunsiderazzjoni għall-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-pajjiżi għat-tibdil fil-klima, bħall-għargħar, in-nixfiet, il-maltempati u d-dipendenza fuq l-agrikoltura, li għalihom l-LDCs kienu partikolarment esposti. Kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni fażi, terz tal-pajjiżi ffinanzjati kienu SIDS, minkejja li l-indiċijiet ikklassifikawhom bħala konsiderevolment anqas vulnerabbli mil-LDCs. Barra minn hekk, is-SIDS tal-Paċifiku rċevew 16-il darba aktar finanzjament għal kull persuna mil-LDCs tal-Afrika. Il-Kummissjoni qieset li l-enfasi relattivament qawwija fuq is-SIDS u l-finanzjament għoli tagħhom per capita kienu xierqa minħabba d-daqs żgħir u l-iżolament tagħhom.
Figura 10 – Fit-tieni fażi, diversi LDCs vulnerabbli ħafna baqgħu ma rċevew l-ebda finanzjament
Nota: L = LDC; S = SIDS. Il-pajjiżi huma elenkati fl-ordni tal-vulnerabbiltà tagħhom skont l-indiċi ND-GAIN tal-pajjiżi.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
L-inizjattiva ma attiratx finanzjament addizzjonali kif mistenni
50 Il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kollha rrikonoxxew li s-suċċess tal-inizjattiva kien jiddependi fuq il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi sinifikanti (ara l-Kaxxa 8).
Il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi sinifikanti ġiet identifikata bħala fattur ewlieni għas-suċċess
Fil-Komunikazzjoni tagħha mill-2007, il-Kummissjoni sejħet għal impenn qawwi mill-UE għall-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima. Il-Parlament Ewropew stma l-ħtiġijiet tal-inizjattiva bħala li kienu mill-inqas EUR 2 biljun kull sena sal-2010 u EUR 5-10 biljun kull sena sal-202030.
Filwaqt li l-Kunsill appoġġa l-istruttura tal-inizjattiva u identifika l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi sinifikanti bħala fattur ewlieni għas-suċċess, huwa stenna li l-Kummissjoni ssib mezzi ta’ finanzjament innovattivi. Madankollu, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-Istati Membri biex jipprovdu aktar appoġġ. Ir-Rapport Speċjali 17/2013 tal-QEA sab li l-Istati Membri ma appoġġawx l-inizjattiva b’mod suffiċjenti u li dan ħoloq lakuna bejn l-ambizzjonijiet inizjali tagħha u l-kisbiet tagħha. L-evalwazzjoni globali tal-inizjattiva mill-2015 ikkonfermat li ż-żieda tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri kienet ta’ sfida.
51 Minkejja diversi tentattivi biex tħeġġeġ parteċipazzjoni akbar, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex twessa’ l-bażi ta’ appoġġ tal-UE għal din l-inizjattiva. Fl-aħħar, immobilizzat EUR 728.8 miljun matul il-perjodu kollu ta’ 14-il sena mill-2007 sal-2020, minkejja li t-tieni fażi kienet inizjattiva ewlenija tal-UE. Għaldaqstant il-finanzjament totali baqa’ ferm inqas mill-aspettattivi tal-Kummissjoni. Filwaqt li fl-ewwel fażi xi Stati Membri tal-UE (l-Estonja, l-Irlanda, Ċipru u l-Iżvezja) għamlu kontribuzzjonijiet addizzjonali limitati ta’ EUR 28.8 miljun31 għall-inizjattiva, matul it-tieni fażi ma saret l-ebda kontribuzzjoni bilaterali.
52 Minbarra ż-żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE, l-inizjattiva kellha l-għan li tippromwovi modalitajiet innovattivi ta’ finanzjament u tattira firxa ferm usa’ ta’ partijiet ikkonċernati, atturi mhux statali u s-settur privat f’pajjiżi sħab. Il-Parlament sejjaħ ukoll għall-istabbiliment ta’ taxxi ekoloġiċi, sħubijiet pubbliċi-privati u mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi oħra. Il-Kummissjoni pprevediet il-ħolqien ta’ fondi fiduċjarji jew pakketti ta’ fondi32 sabiex jinġabar il-finanzjament minn sorsi differenti (gvern, donaturi, settur privat, eċċ.). Madankollu, dan ma mmaterjalizzax. L-evalwazzjoni tal-inizjattiva mill-2015 sabet li l-involviment tas-settur privat baqa’ relattivament dgħajjef.
53 B’mod ġenerali, il-livell ta’ finanzjament disponibbli għall-inizjattiva ppreviena lill-Kummissjoni milli twettaq l-ambizzjoni inizjali tagħha li toħloq alleanza globali u llimita dak li setgħet tikseb fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Artikolu tal-2019 dwar l-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima ddeskriva kif wara t-tnedija tal-GCCA f’Settembru 2007 deher ċar pjuttost malajr li r-riżorsi addizzjonali li setgħu jiġu mobilizzati mill-Kummissjoni Ewropea ma kinux se jkunu biżżejjed biex ikollhom effett kbir fuq il-pożizzjonijiet tal-madwar 70 LDC/SIDS fin-negozjati dwar il-klima33.
L-inizjattiva laħqet ħafna pajjiżi iżda s-sensibilizzazzjoni u l-viżibbiltà baqgħu limitati
54 Id-Delegazzjonijiet tal-UE kienu globalment konxji tal-inizjattiva u rċevew materjal informattiv u bullettini b’mod regolari mill-Faċilità ta’ Appoġġ Globali. Madankollu, l-istħarriġ tagħna sab li ħafna Delegazzjonijiet tal-UE (46 %) ħassew li l-inizjattiva ma kinitx magħrufa ħafna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Barra minn hekk, 77 % tar-rispondenti qiesu li n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-finanzjament disponibbli kien waħda mir-raġunijiet li pprevenew lil xi pajjiżi vulnerabbli milli jitolbu appoġġ finanzjarju.
55 Ir-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri tal-UE ftit li xejn urew sensibilizzazzjoni dwar l-inizjattiva. Fattur kontribwenti kien li l-Kummissjoni ma pproduċietx rapporti annwali għall-Kunsill, li jiġbru fil-qosor il-kisbiet prinċipali tal-inizjattiva kif inizjalment ippjanat fil-Qafas ta’ Implimentazzjoni34.
56 Raġunijiet oħra għalfejn is-sensibilizzazzjoni dwar l-inizjattiva baqgħet baxxa, minkejja l-azzjonijiet ta’ finanzjament f’aktar minn 80 pajjiż, kienu li:
- l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni f’xi pajjiżi (l-Azzjonijiet 11 fl-Etjopja u 13 fin-Niġer) ipprovdew viżibbiltà għall-UE, iżda mhux għall-inizjattiva;
- kien hemm ħafna sorsi differenti ta’ informazzjoni, inklużi diversi siti web35, u dan kien ifisser li l-informazzjoni dwar l-inizjattiva ġiet imxerrda permezz ta’ bosta kanali ta’ komunikazzjoni;
- l-implimentazzjoni parallela permezz tal-komponent “globali” (iffinanzjat mid-DCI) u dak “Intra-AKP” (iffinanzjat mill-FEŻ) ċajpret l-immaġni u l-viżibbiltà tal-inizjattiva u kienet sors ta’ konfużjoni potenzjali, partikolarment għall-partijiet ikkonċernati esterni.
L-istruttura kumplessa tal-inizjattiva u n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-perimetru tagħha llimitaw il-valur miżjud tagħha
57 L-inizjattiva ma kinitx relatata ma’ modalità partikolari ta’ għajnuna, u lanqas ma appoġġat settur speċifiku/miżura speċifika li ma kienx/ma kinitx diġà appoġġat(a) minn fondi oħra (tal-UE u mhux tal-UE).
58 Fil-Komunikazzjoni tagħha mill-2007 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mill-2008, il-Kummissjoni stabbiliet il-viżjoni tagħha tal-inizjattiva. Hija qisitha bħala komplementari għall-ħafna fondi u inizjattivi dwar it-tibdil fil-klima li diġà jeżistu, b’mod partikolari l-Fond għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-Fond Speċjali għat-Tibdil fil-Klima, il-Fond ta’ Adattament u l-Fond għall-Ambjent Dinji. L-intenzjoni tal-Kummissjoni kienet li tipprovdi l-maġġoranza tal-finanzjament tal-inizjattiva direttament lill-gvernijiet permezz ta’ appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali u mhux li toqgħod fuq approċċ ibbażat fuq il-proġetti li jaħdem permezz ta’ aġenziji ta’ implimentazzjoni tan-NU, bħalma kien il-każ għall-fondi l-oħra.
59 Madankollu, l-inizjattiva kienet fil-biċċa l-kbira bbażata fuq il-proġetti, bħal fil-każ tal-fondi eżistenti, u ħafna mill-għajnuna twasslet ukoll permezz ta’ organizzazzjonijiet tan-NU jew aġenziji tal-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE (ara l-Figura 5 u l-paragrafu 12). Konsegwentement, ma kien hemm l-ebda distinzjoni ċara bejn din l-inizjattiva u l-għadd kbir ta’ fondi tematiċi li diġà qed jindirizzaw it-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.
60 Il-Kummissjoni ma kellhiex stampa ġenerali affidabbli tal-kostijiet u l-attivitajiet tal-inizjattiva, li kienet tiffaċilita l-ippjanar strateġiku tar-riżorsi. L-azzjonijiet iffinanzjati kienu indistingwibbli minn azzjonijiet oħra tal-UE li jindirizzaw it-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’xi każijiet, il-fondi ntużaw biex jissupplimentaw azzjonijiet li diġà kienu ffinanzjati minn programmi oħra tal-UE. Dan iqajjem mistoqsijiet rigward il-valur miżjud relatat mal-fatt li jkun hemm inizjattiva separata bl-istruttura ta’ ġestjoni tagħha stess biex jiġu ffinanzjati l-istess azzjonijiet. Minħabba l-fatt li l-azzjonijiet kollha ġew appoġġati mill-istess fondi (id-DCI u l-FEŻ), ma kienx ċar għalfejn ittieħdet id-deċiżjoni li tiżdied it-tikketta tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima f’xi każijiet u mhux f’oħrajn.
61 Minbarra n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-perimetru tal-inizjattiva, il-qsim tal-inizjattiva f’żewġ komponenti u f’żewġ faċilitajiet ta’ appoġġ kien kumpless bla bżonn (ara l-paragrafi 06 u 07 u t-Tabella 2). Mhux biss kien hemm nuqqas ta’ sinerġiji, iżda l-fatt li kien hemm azzjonijiet separati (pereżempju, l-Azzjoni 3 u 4 fil-Paċifiku) ftit li xejn kien jagħmel sens f’termini ta’ effiċjenza. Il-fużjoni tal-azzjonijiet kieku kienet twassal għal ekonomiji ta’ skala (l-istess japplika għall-Azzjonijiet 1 u 5 fil-Paċifiku), li kieku kienu jgħinu biex jitnaqqsu l-kostijiet ta’ ġestjoni għoljin (ara l-paragrafu 30). Il-kumplessità tal-istruttura kienet ostaklu biex l-inizjattiva tkun kollha kemm hi koeżiva.
| Komponent globali | Komponent intra-AKP | |
|---|---|---|
| +85 pajjiż | Organizzazzjonijiet reġjonali | |
| +80 azzjoni | +20 azzjoni | |
| Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp | Assistenza Teknika, Faċilità ta’ Appoġġ | |
| (Appoġġ ad hoc lill-istituzzjonijiet li jaħdmu f’pajjiżi eliġibbli, taħriġ u bini tal-kapaċitajiet, eċċ.) | Assistenza teknika lis-Segretarjat tal-OSAKP | Assistenza Teknika, Faċilità ta’ Appoġġ għall-Klima |
| Siti web: Faċilità globali Il-Komunità tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima Il-Kanal YouTube tal-Komunità tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima |
Sit web: Faċilità Intra-AKP Twitter tal-Programm Intra-AKP |
|
| Bullettini: Fridays for Climate, Flashnews | Bullettin Uffiċjali tal-Programm Intra-AKP tal-GCCA+ | |
| Pjattaforma ta’ kondiviżjoni tal-għarfien għall-partijiet ikkonċernati istituzzjonali u l-benefiċjarji | Pjattaforma għall-Ġestjoni tal-Għarfien | |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
62 Il-laqgħat reġjonali organizzati miż-żewġ faċilitajiet ta’ appoġġ għenu biex jiġu kondiviżi lezzjonijiet u esperjenzi bejn l-azzjonijiet. Il-faċilitajiet ta’ appoġġ ikkontribwew għat-tfassil ta’ azzjonijiet u żviluppaw l-għodod tagħhom stess għall-kondiviżjoni tal-għarfien ibbażati fuq il-web. Madankollu, aħna ma sibna l-ebda ġustifikazzjoni motivata għad-duplikazzjoni tal-istrutturi (bis-siti web rispettivi tagħhom, eċċ.), li ħolqot riskji ta’ trikkib u ta’ ineffiċjenzi potenzjali. Pereżempju, sessjoni ta’ ħidma reġjonali li ġiet organizzata f’Mejju 2021 kienet tinvolvi biss il-Faċilità ta’ Appoġġ Globali. Din kienet opportunità mitlufa, billi s-sessjoni ta’ ħidma setgħet ibbenefikat mill-esperjenza tal-Faċilità ta’ Appoġġ Intra-AKP ma’ organizzazzjonijiet reġjonali.
L-inizjattiva kienet proattiva fl-identifikazzjoni tat-tagħlimiet meħuda, iżda l-Kummissjoni ma stabbilietx strateġija ta’ ħruġ ċara
63 Ittieħdu ħafna lezzjonijiet mill-azzjonijiet iffinanzjati mill-inizjattiva, bħall-ħtieġa li:
- tiġi vvalutata d-domanda minn dawk li jfasslu l-politika għall-informazzjoni dwar il-klima mwassla mill-azzjonijiet;
- tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-għodod komunitarji għall-ippjanar ta’ azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima billi tintegrahom fil-kurrikuli tal-iskejjel u l-universitajiet;
- jiġu inklużi attivitajiet imfassla speċifikament għan-nisa, iż-żgħażagħ u l-anzjani;
- tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-ministeri rilevanti u l-ministeru responsabbli għall-finanzi; u
- tingħata aktar attenzjoni biex il-kisbiet tal-azzjonijiet ta’ suċċess jitmexxew ’il quddiem.
64 Fost ir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna, 76 % ħassew li l-inizjattiva identifikat tagħlimiet utli li setgħu tejbu l-appoġġ fil-Programmi Indikattivi Pluriennali tal-pajjiżi għall-perjodu 2021-2027. Fl-2021, il-Kummissjoni mmobilizzat il-Faċilità ta’ Appoġġ Globali biex tikkondividi tagħlimiet mad-Delegazzjonijiet tal-UE permezz ta’ sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali u biex tintegra t-tagħlimiet meħuda fil-kontenut tal-MIPs 2021-2027. Il-Kummissjoni se tislet ukoll tagħlimiet mill-istudju dwar l-impatt u s-sostenibbiltà kif ukoll minn studju dwar l-esperjenza tal-inizjattiva fil-qasam tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-adattament. Lezzjonijiet speċifiċi għall-azzjoni jiġu kondiviżi fuq is-siti web tal-inizjattiva, il-pjattaformi kollaborattivi u l-pjattaforma tal-komunità Cap4Dev. Il-Faċilità ta’ Appoġġ Globali tikkondividi l-għarfien u t-tagħlimiet meħuda fuq is-sit web tagħha, li żiedet l-għadd ta’ utenti tagħha minn 8 000 għal 30 000 fi żmien 3 snin (ara l-Figura 11).
Figura 11 – Statistiċi ewlenin dwar l-użu tas-sit web tal-Faċilità ta’ Appoġġ Globali
Sors: rapport interim tal-GCCA+, Marzu sa Awwissu 2021.
65 Sibna li l-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet strateġija ta’ ħruġ ċara għall-inizjattiva. Ir-Regolament tal-2021 dwar l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI – Ewropa Globali) għall-perjodu 2021-2027 jistabbilixxi kif il-linji baġitarji tematiċi se jiffinanzjaw inizjattivi globali. Huwa jiddikjara wkoll li azzjonijiet speċifiċi bbażati fuq il-pajjiż jew reġjonali se jiġu ffinanzjati permezz ta’ pakketti ta’ kooperazzjoni bilaterali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tkomplix l-inizjattiva.
66 Attwalment, l-informazzjoni disponibbli dwar l-inizjattiva hija mifruxa f’dokumenti differenti. Il-Kummissjoni ma stabbilietx strateġija ta’ ħruġ ċara li tiġbor flimkien il-passi futuri għall-inizjattiva. Hemm ukoll inċertezza dwar x’se jsir bis-siti web differenti kif ukoll bid-dokumenti tekniċi kollha, id-dokumenti ta’ sfond kollha, u l-materjal kollu tat-taħriġ u tas-sessjonijiet ta’ ħidma mħejjija mill-faċilitajiet ta’ Appoġġ Globali u Intra-AKP.
67 Il-Kummissjoni ma spjegatx kif biħsiebha tagħmel il-prodotti ta’ għarfien disponibbli wara li tkun intemmet l-inizjattiva u kif qed tippjana li tgħaddi t-tagħlimiet meħuda lill-Faċilità ta’ Appoġġ Globali tal-UE għall-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDC), li bdiet topera f’Ottubru 2021. Lanqas mhu ċar kif din il-faċilità l-ġdida se tappoġġa l-attivitajiet li għaddejjin, li huma ppjanati li jkomplu sal-2025.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
68 Aħna nikkonkludu li, b’mod ġenerali, l-inizjattiva ma wrietx l-impatt tagħha fuq ir-reżiljenza tal-pajjiżi għat-tibdil fil-klima. F’termini ta’ effiċjenza, b’mod ġenerali l-azzjonijiet ikkompletati wasslu l-outputs tagħhom, iżda xi drabi b’kost għoli.
69 L-inizjattiva ma kejlitx it-titjib fis-sitwazzjoni tal-benefiċjarji, u lanqas ma ffukat suffiċjentement fuq il-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar milquta. Il-kost tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda għamilha aktar diffiċli għall-ifqar unitajiet domestiċi biex jibbenefikaw mill-programm. Barra minn hekk, ftit kienu l-azzjonijiet li inkludew attivitajiet li jindirizzaw speċifikament il-ħtiġijiet tan-nisa.
70 L-inizjattiva ffukat fuq il-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali, iżda s-sostenibbiltà kienet limitata minħabba r-rata għolja ta’ dawran tal-persunal. Għalhekk, l-evoluzzjoni mistennija mill-bini tal-kapaċitajiet u l-attivitajiet pilota għal aktar espansjoni tal-azzjonijiet ta’ adattament li jilħqu aktar benefiċjarji, ma seħħitx b’mod sistematiku (il-paragrafi 20-26 u 32-44).
Rakkomandazzjoni 1 – Ikun hemm fokus fuq dawk l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima
Meta tiffinanzja l-azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tagħżel l-indikaturi, il-linji bażi u l-miri għall-kejl tal-eżiti tal-attivitajiet;
- tistabbilixxi miri ambizzjużi, b’kont meħud tal-kuntest f’kull pajjiż, għall-proporzjon ta’ nisa li jibbenefikaw direttament minn azzjonijiet u żżid il-fokus fuq l-ifqar unitajiet domestiċi;
- fil-każ ta’ azzjonijiet suċċessivi, ittejjeb il-bilanċ bejn il-bini tal-kapaċitajiet u l-attivitajiet l-oħra bil-ħsieb li tespandi l-azzjonijiet konkreti ta’ adattament li jilħqu aktar persuni affettwati direttament mill-impatti tat-tibdil fil-klima.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: azzjonijiet iffinanzjati minn Jannar 2024
71 L-ebda waħda miż-żewġ fażijiet tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima ma attirat il-finanzjament addizzjonali mistenni mill-Istati Membri u mis-settur privat. Minkejja din il-lakuna sinifikanti fil-finanzjament, il-Kummissjoni ma rrevedietx l-objettivi ambizzjużi inizjali tagħha matul il-15-il sena tal-inizjattiva. Barra minn hekk, fit-tieni fażi, il-kriterji tal-Kummissjoni għall-allokazzjoni tal-finanzjament wasslu biex proporzjonalment jiġi allokat inqas appoġġ lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli.
72 Il-Kummissjoni ma analizzatx suffiċjentement ir-raġonevolezza tal-kostijiet ibbaġitjati tal-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet ikkampjunati. L-analiżi li wettaqna wriet li l-kostijiet ta’ ġestjoni tal-azzjonijiet kienu jvarjaw ħafna u kienu partikolarment għoljin fil-Paċifiku. Sibna li l-Kummissjoni setgħet għamlet iffrankar b’analiżi aktar dettaljata tal-kostijiet.
73 Għalkemm l-inizjattiva bdiet fl-2007 u appoġġat aktar minn 80 pajjiż, is-sensibilizzazzjoni baqgħet limitata kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE. Dan kien parzjalment minħabba li l-azzjonijiet iffinanzjati ma kinux distingwibbli minn azzjonijiet oħra tal-UE li jindirizzaw it-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Barra minn hekk, l-effiċjenza tal-inizjattiva kienet milquta mill-kumplessità tal-organizzazzjoni tagħha, b’mod partikolari d-duplikazzjoni tal-faċilitajiet ta’ appoġġ u tal-flussi ta’ finanzjament.
74 Mhux se jkun hemm fażijiet addizzjonali tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima, iżda hija pprovdiet lezzjonijiet utli għal kwalunkwe inizjattiva oħra ta’ żvilupp globali li l-UE tista’ timplimenta fil-futur (il-paragrafi 27-31 u 45-67).
Rakkomandazzjoni 2 – It-tagħlimiet meħuda jiġu inkorporati fl-inizjattivi futuri għall-iżvilupp globali
Meta tistabbilixxi l-inizjattivi futuri għall-iżvilupp globali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkorpora t-tagħlimiet meħuda mill-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima, b’mod partikolari dawn li ġejjin:
- jiġu riveduti l-objettivi meta jkun evidenti, matul l-implimentazzjoni, li ma hemmx finanzjament suffiċjenti disponibbli;
- jiġi allokat il-finanzjament b’mod strateġiku billi jiġu applikati kriterji oġġettivi li jieħdu kont ukoll tal-appoġġ finanzjarju riċevut minn pajjiżi sħab minn sorsi oħra għall-istess settur;
- tiġi analizzata u ddokumentata b’mod sistematiku r-raġonevolezza tal-kostijiet ibbaġitjati tal-azzjonijiet;
- tiġi promossa sensibilizzazzjoni ġenerali dwar l-inizjattiva permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni mmirati lejn pajjiżi benefiċjarji u donaturi potenzjali.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: April 2024
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Jannar 2023.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Tony Murphy
Il-President
Anness
Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet ikkampjunati
| Nru | Pajjiż/ Reġjun | Titolu tal-kuntratt | Komponent ta’ finanzjament | Ammont ikkuntrattat f’EUR | Ammont imħallas f’EUR (f’4/2022) | Modalità ta’ implimentazzjoni | Status | Sit web | Valutazzjoni tal-ħtiġijiet | Analiżi tal-kostijiet | Riżultati | Sostenibbiltà |
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| 1 | Il-Paċifiku | Espansjoni tal-Adattament tal-Paċifiku: komponent tal-Komunità tal-Paċifiku u s-Segretarjat tal-Programm Ambjentali Reġjonali tal-Paċifiku | Globali | 12.790.000 | 6.794.115 | Ftehim ta’ Finanzjament | għadu għaddej | https://gccasupa.org/ | Xi dgħufijiet | Mhux sodisfaċenti | Xi dgħufijiet | Mhux applikabbli |
| 2 | Il-Paċifiku | Espansjoni tal-Adattament tal-Paċifiku: komponent tal-Università tan-Nofsinhar tal-Paċifiku | Globali | 2.100.000 | 1.548.306 | Għotjiet għal Azzjoni | għadu għaddej | https://gccasupa.org/ | Xi dgħufijiet | Mhux sodisfaċenti | Xi dgħufijiet | Mhux applikabbli |
| 3 | Il-Paċifiku | Tiżdied ir-Reżiljenza Klimatika tal-Istati Gżejjer Żgħar tal-Paċifiku permezz tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima (GCCA) | Globali | 11.356.556 | 11.356.556 | Ftehim ta’ Finanzjament | magħluq | https://ccprojects.gsd.spc.int/eu-gcca-psis/ | Xi dgħufijiet | Xi dgħufijiet | Xi dgħufijiet | Xi dgħufijiet |
| 4 | Il-Paċifiku | Appoġġ lill-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima (GCCA) permezz tal-Bini tal-Kapaċitajiet, l-Involviment tal-Komunità u r-Riċerka Applikata | Intra-AKP | 7.602.439 | 7.602.439 | Għotjiet għal Azzjoni | magħluq | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti | |
| 5 | Il-Paċifiku | Adattament tal-Paċifiku għat-Tibdil fil-Klima u Bini tar-Reżiljenza | Intra-AKP | 9.500.000 | 6.314.867 | Ftehim ta’ Finanzjament | għadu għaddej | Xi dgħufijiet | Mhux sodisfaċenti | Sodisfaċenti | Mhux applikabbli | |
| 6 | Il-Bangladesh | Inizjattiva tal-Gvern Lokali dwar it-Tibdil fil-Klima (LoGIC): komponent tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti | Globali | 7.443.312 | 5.385.252 | Ftehim ta’ Finanzjament | għadu għaddej | https://mptf.undp.org/fund/jbd40 | Sodisfaċenti | Tajjeb | Sodisfaċenti | Mhux applikabbli |
| 7 | Il-Bangladesh | Inizjattiva tal-Gvern Lokali dwar it-Tibdil fil-Klima (LoGIC): komponent tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp tal-Kapital | Globali | 7.434.392 | 5.373.032 | Ftehim ta’ Finanzjament | għadu għaddej | https://mptf.undp.org/fund/jbd40 | Sodisfaċenti | Tajjeb | Sodisfaċenti | Mhux applikabbli |
| 8 | Il-Bhutan | Adattament għat-Tibdil fil-Klima fis-settur tar-Riżorsi Naturali Rinnovabbli | Globali | 3.746.972 | 3.746.972 | Appoġġ Baġitarju | magħluq | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti | |
| 9 | Il-Bhutan | Programm għall-Iżvilupp Rurali u r-Rispons għat-Tibdil fil-Klima | Globali | 5.000.000 | 5.000.000 | Appoġġ Baġitarju | magħluq | Sodisfaċenti | Tajjeb | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti | |
| 10 | L-Etjopja | Assistenza Teknika b’Appoġġ għall-GCCA+/Integrazzjoni tal-Ippjanar Intelliġenti fil-Livell Klimatiku u tal-Approċċi ta’ Implimentazzjoni fil-Programm IV dwar ix-Xibka ta’ Sikurezza Produttiva fl-Etjopja | Globali | 8.136.790 | 5.632.128 | Servizzi | għadu għaddej | Xi dgħufijiet | Xi dgħufijiet | Xi dgħufijiet | Mhux applikabbli | |
| 11 | L-Etjopja | Ittestjar Pilota tal-Attivitajiet tat-Tibdil fil-Klima fi ħdan il-Programm tal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Art | Globali | 6.247.634 | 6.247.634 | Ftehim ta’ Finanzjament | magħluq | Sodisfaċenti | Xi dgħufijiet | Xi dgħufijiet | Mhux sodisfaċenti | |
| 12 | L-Afrika | ClimDev Africa | Intra-AKP | 7.740.166 | 7.740.166 | Ftehim ta’ Finanzjament | magħluq | https://www.climdev-africa.org/ | Sodisfaċenti | Xi dgħufijiet | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti |
| 13 | In-Niġer | Appui au Développement de la résilience des ménages face au changement climatique dans la région de Zinder | Globali | 1.318.160 | 1.307.189 | Għotjiet għal Azzjoni | magħluq | Tajjeb | Mhux sodisfaċenti | Sodisfaċenti | Sodisfaċenti | |
| 14 | Kuba | Construyendo resiliencia costera en Cuba a través de soluciones naturales para la adaptación al cambio climático | Globali | 5.000.000 | 4.577.110 | Ftehim ta’ Finanzjament | għadu għaddej | Sodisfaċenti | Mhux sodisfaċenti | Xi dgħufijiet | Mhux applikabbli | |
| 15 | Faċilità Globali | FAĊILITÀ TA’ APPOĠĠ tal-GCCA+ | Globali | 8.415.622 | 6.852.729 | Servizzi | għadu għaddej | https://www.gcca.eu/gcca-support-facility | ||||
| 16 | Faċilità Intra-AKP | Assistenza Teknika lis-Segretarjat tal-AKP għall-Programm Intra-AKP tal-GCCA+ u l-Ġestjoni tal-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Klima | Intra-AKP | 5.499.320 | 4.181.663 | Servizzi | għadu għaddej | https://intraacpgccaplus.org/ |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
Abbrevjazzjonijiet
AKP: Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
DCI: Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
DĠ INTPA: Id-Direttorat Ġenerali Għas-Sħubijiet Internazzjonali
FEŻ: Fond Ewropew għall-Iżvilupp
GCCA(+): Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima (Plus)
IPCC: Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
LDCs: Pajjiżi l-Anqas Żviluppati
LOGIC: Inizjattiva tal-Gvern Lokali dwar it-Tibdil fil-Klima
MIPs: Programmi indikattivi pluriennali
NDC: Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali
ND-GAIN: Inizjattiva ta’ Adattament Globali tal-Università ta’ Notre Dame
NDICI: Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali
OSAKP: L-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
QFP: Qafas Finanzjarju Pluriennali
SIDS: Stati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw
Glossarju
Adattament għat-tibdil fil-klima: It-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-pajjiżi u tal-komunitajiet għat-tibdil fil-klima billi tiżdied l-abbiltà tagħhom li jassorbu l-impatti tiegħu.
Appoġġ baġitarju: It-trasferiment dirett ta’ għajnuna mill-UE lit-Teżor nazzjonali ta’ pajjiż sieħeb, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.
Mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: It-tnaqqis jew il-limitazzjoni tal-emissjoni ta’ gassijiet serra minħabba l-effett tagħhom fuq il-klima.
Stima ta’ programm: Dokument, imfassal minn pajjiż sieħeb u approvat mill-Kummissjoni Ewropea, li jistabbilixxi x-xogħol ta’ kooperazzjoni jew ta’ żvilupp li jrid jiġi implimentat, kif ukoll ir-riżorsi finanzjarji, umani u materjali meħtieġa.
Risposti tal-Kummissjoni
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni Esterna, Sigurtà u Ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Hannu Takkula, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Turo Hentila, Kap tal-Kabinett, u Nita Tennilä, Attaché tal-Kabinett; Alejandro Ballester Gallardo, Maniġer Prinċipali; Loulla Puisais – Jauvin, Kap tal-Kompitu; Mark Marshall u Flavia Di Marco, Awdituri. Zoe Dennis ipprovdiet appoġġ lingwistiku. Alexandra Mazilu pprovdiet appoġġ fid-disinn grafiku. Britta Gauckler u Roussalia Nikolova pprovdew appoġġ relatat mal-istħarriġ. Katja Dudzińska u Gitana Letukytė pprovdew appoġġ amministrattiv.
Noti finali
1 Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change, Working Group III Contribution to the IPCC Sixth Assessment Report.
2 Il-Parlament Ewropew, Rapport dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq il-popolazzjonijiet vulnerabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, 7.4.2021.
3 Global Trends 2040, Marzu 2021, National Intelligence Council.
4 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-bini ta’ Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, COM(2007) 540.
5 Analiżi Ekonomika tad-Dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti.
6 L-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-Pajjiżi Mingħajr Kosta li qed Jiżviluppaw u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw.
7 Pereżempju, l-Unjoni Afrikana, il-Forum tal-Karibew u s-Segretarjat tal-Programm Ambjentali tal-Paċifiku.
9 In-nota kunċettwali tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima+ tistabbilixxi l-prijoritajiet tat-tieni fażi tal-inizjattiva għall-perjodu 2015-2020. (Ara: The plus of GCCA+. The Global Climate Change Alliance Plus. An EU flagship initiative supporting climate resilience, 18.12.2015).
10 UN WomenWatch: Women, Gender Equality and Climate Change.
11 L-Azzjonijiet 6, 7, 13.
12 Il-Kummissjoni Nazzjonali għan-Nisa u t-Tfal, il-Gvern Irjali tal-Bhutan, 2020: “Gender and Climate Change in Bhutan”.
13 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2007) 540.
14 L-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima Plus Impact and Sustainability Report, 2021.
15 L-Artikolu 181.6 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, Lulju 2018.
16 L-Azzjonijiet 1, 6, 7, 8, 9, 11, 13, 14.
17 L-Azzjonijiet 3, 4, 5, 12.
18 L-Azzjonijiet 2 u 10.
19 L-Azzjonijiet 3, 4, 8, 9, 11, 12, 13.
20 L-Azzjonijiet 4, 8, 9, 12, 13.
21 L-Azzjonijiet 3, 8 u 12.
22 L-Azzjonijiet 3, 4, 8, 9 u 12.
23 L-Azzjonijiet 11 u 13.
24 Evaluation of the Global Climate Change Alliance (GCCA) Global programme World-Wide: Final Report, 2015.
25 UN Framework Convention on Climate Change (UNFCCC) loss and damage.
26 Walter Kennes, 2019: The origins of the GCCA: remembering how the alliance was born.
27 University of Notre Dame-Global Adaptation Index.
28 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2007) 540.
30 Anders Wijkman, Rapporteur tal-PE: “Global Climate Change Alliance between the European Union and poor developing countries most vulnerable to climate change”, 23.9.2008.
31 L-Estonja (EUR 0.8 miljun), l-Irlanda (EUR 23 miljun), Ċipru (EUR 0.6 miljun) u l-Iżvezja (EUR 4.4 miljun).
32 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Qafas ta’ Implimentazzjoni tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima, SEC(2008) 2319.
34 Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2008) 2319.
35 www.gcca.eu, www.intraacpgccaplus.org, www.europa.eu/capacity4dev/gcca-community.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023
| ISBN 978-92-847-9479-9 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/517235 | QJ-AB-23-005-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-9469-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/982341 | QJ-AB-23-005-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2023
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA li huwa proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
- Il-Figura 2 u t-Tabella 1 – Ikoni: dawn il-figuri tfasslu bl-użu ta’ riżorsi minn https://flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.
