Sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li jappoġġjaw il-kontroll fil-fruntieri – għodda b’saħħitha, iżda tenħtieġ aktar enfasi fuq data li tkun f’waqtha u kompleta
Dwar ir-rapport:
L-abolizzjoni tal-verifiki fil-fruntieri, jiġifieri fil-fruntieri interni taż-żona Schengen saħħet l-importanza ta’ kontroll u sorveljanza effettivi tal-fruntieri esterni tagħha. Sabiex tgħin lill-gwardji tal-fruntiera jwettqu dawn il-kontrolli, l-UE stabbiliet għadd ta’ sistemi ta’ informazzjoni. L-awditu tagħna eżamina jekk is-sistemi prinċipali ta’ informazzjoni tal-UE għas-sigurtà interna jappoġġjawx il-kontrolli fil-fruntieri b’mod effiċjenti. Aħna sibna li l-gwardji tal-fruntieri qed jużaw u jiddependu dejjem aktar mis-sistemi meta jwettqu l-verifiki fil-fruntieri. Madankollu, attwalment hemm xi data li mhijiex inkluża fis-sistemi, filwaqt li data oħra jew mhijiex kompleta jew inkella ma tiddaħħalx b’mod f’waqtu. Dan inaqqas l-effiċjenza ta’ xi verifiki fil-fruntieri. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, pereżempju li l-proċeduri tal-kontroll tal-kwalità tad-data jittejbu u li d-dewmien tad-dħul tad-data kif ukoll iż-żmien meħtieġ biex jiġu identifikati d-dgħufijiet jitnaqqas.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IIl-ħolqien taż-żona Schengen abolixxa l-verifiki fil-fruntieri bejn pajjiżi parteċipanti li jinkludu 22 Stat Membru tal-UE u 4 pajjiżi Ewropej oħra. Madankollu, l-abolizzjoni tal-fruntieri interni ssaħħaħ l-importanza ta’ kontroll u sorveljanza effettivi tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen. Il-kontroll tal-fruntieri esterni huwa ta’ interess qawwi għaċ-ċittadini tal-UE u għal partijiet ikkonċernati oħra.
IIBiex tgħin lill-gwardji tal-fruntieri jikkontrollaw il-fruntieri esterni taż-żona Schengen, l-UE stabbiliet is-sistemi ta’ informazzjoni li ġejjin jew oqfsa komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni: is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II); is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS); l-Eurodac (Database Ewropea ta’ Rekords Dattiloskopiċi ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil - Sistema għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’). Barra minn hekk, is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) u s-sistemi tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) jipprovdu appoġġ ulterjuri lill-awtoritajiet tal-fruntieri.
IIIL-istabbiliment u ż-żamma ta’ dawn is-sistemi kienu jirrikjedu investiment sostanzjali kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati parteċipanti ta’ Schengen. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, aħna nistmaw li l-baġit tal-UE pprovda aktar minn EUR 600 miljun biex dawn is-sistemi jiġu stabbiliti. Meta wieħed iqis il-pressjoni dejjem tiżdied fuq il-fruntieri esterni tal-UE kkawżata minn sitwazzjonijiet reċenti ta’ sigurtà u migrazzjoni, l-awditu li wettaqna kellu l-għan li jidentifika aspetti fit-tfassil u l-użu ta’ dawn is-sistemi li jistgħu jgħinu lill-gwardji tal-fruntieri jagħmlu xogħolhom b’mod aktar effiċjenti. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna jistgħu jgħinu fl-immirar tal-finanzjament mogħti mill-UE li se jkun disponibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss b’appoġġ għal dawn is-sistemi.
IVIl-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna kienet “Is-sistemi ta’ informazzjoni prinċipali tal-UE għas-sigurtà interna qed jappoġġjaw il-kontrolli fil-fruntieri b’mod effiċjenti?” Aħna nikkonkludu li l-gwardji tal-fruntieri qed jużaw u jiddependu dejjem aktar minn dawn is-sistemi meta jwettqu l-verifiki fil-fruntieri. Madankollu, attwalment hemm xi data li mhijiex inkluża fis-sistemi, filwaqt li data oħra jew mhijiex kompleta jew inkella ma tiddaħħalx b’mod f’waqtu. Dan inaqqas l-effiċjenza ta’ xi verifiki fil-fruntieri.
VAħna sibna li, b’mod ġenerali, is-sistemi huma mfassla tajjeb biex jiffaċilitaw il-verifiki fil-fruntieri u li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri (il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Polonja) li żorna kienu jikkonformaw mal-qafas legali applikabbli. Minkejja dan, il-komponenti nazzjonali SIS II u VIS ta’ xi pajjiżi jiffaċilitaw verifiki fil-fruntieri li jisfaw aktar effiċjenti minn oħrajn.
VIKien hemm dewmien twil fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-IT għall-Eurosur u l-PNR, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. Dan impedixxa lill-gwardji tal-fruntieri u lil awtoritajiet oħra li jgawdu mill-benefiċċji intenzjonati ta’ dawn is-sistemi.
VIIIl-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen għandu rwol importanti fis-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE. B’mod ġenerali, l-evalwazzjonijiet isiru bir-reqqa u jkunu metodiċi, u jindirizzaw aspetti ewlenin tas-sistemi. Madankollu, jieħu żmien twil biex l-Istati Membri jirrimedjaw id-dgħufijiet li jkunu ġew identifikati. Dan huwa minħabba nuqqas ta’ skadenzi vinkolanti għall-adozzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni kif ukoll nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ azzjonijiet korrettivi.
VIIIGħalkemm l-Istati Membri qed jagħmlu użu dejjem aktar mis-sistemi ta’ informazzjoni, dan l-użu jista’ jkun aktar sistematiku. Aħna wettaqna stħarriġ fost il-gwardji tal-fruntieri u sibna li aktar minn nofshom kienu, f’xi punt, ħallew nies jaqsmu l-fruntieri mingħajr ma kkonsultaw is-sistemi. Barra minn hekk, osservajna diskrepanza bejn l-għadd ta’ viżi maħruġa u l-għadd ta’ viżi vverifikati.
IXIl-gwardji tal-fruntieri jużaw id-data fis-sistemi bħala l-bażi tagħhom biex jieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw is-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej. Il-kwalità ta’ din id-data hija għalhekk tal-akbar importanza. F’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, ir-responsabbiltà għall-kwalità tad-data taqa’ taħt l-Istati Membri. Aħna ftit li xejn sibna referenza għall-kontroll tal-kwalità tad-data fl-atti legali li jirregolaw is-sistemi ta’ informazzjoni Ewropej. Għalkemm l-eu-LISA twettaq verifiki awtomatiċi ta’ kull xahar tal-kwalità tad-data fis-SIS II, ir-riżultati li nkisbu huma disponibbli biss għall-Istati Membri kkonċernati, u għalhekk mhuwiex possibbli għall-Aġenzija jew għall-Kummissjoni li jevalwaw il-progress li sar minn pajjiżi differenti fl-indirizzar tal-problemi relatati mal-kwalità tad-data. La l-eu-LISA u lanqas il-Kummissjoni ma għandhom setgħat ta’ infurzar biex jiżguraw li l-Istati Membri jikkoreġu problemi relatati mal-kwalità tad-data b’mod f’waqtu.
XIl-gwardji tal-fruntieri mhux dejjem jiksbu data f’waqtha u kompleta mis-sistemi ta’ informazzjoni. Pereżempju, meta l-gwardji tal-fruntieri jiċċekkjaw isem fis-SIS II, huma jistgħu jirċievu mijiet ta’ riżultati (fil-biċċa l-kbira, riżultati pożittivi foloz), li huma meħtieġa legalment li jivverifikaw manwalment. Dan mhux biss jirrendi l-verifiki fil-fruntieri anqas effiċjenti, iżda jżid ukoll ir-riskju li l-hits reali jiġu injorati. Ir-rekords inkompleti fis-SIS II jaffettwaw ukoll sistemi oħra marbutin magħha.
XIĦlief fil-każ tal-Eurodac, ġeneralment ma hemm l-ebda skadenza obbligatorja biex tiddaħħal id-data. Pereżempju, l-Eurosur suppost tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri. Madankollu, filwaqt li xi wħud mill-pajjiżi koperti mill-awditu li wettaqna tabilħaqq idaħħlu informazzjoni fl-Eurosur fuq bażi ta’ ħin reali, oħrajn jagħmlu dan darba fil-ġimgħa biss. Minn meta l-Eurodac bdiet topera fl-2003, ma kienx hemm sena waħda li fiha l-Istati Membri kollha għaddew l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin. It-trażmissjoni mdewma tista’ twassal biex jiġi ddeżinjat il-pajjiż il-ħażin bħala dak responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-ażil.
XIIAħna nagħmlu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kummissjoni:
- Jiġi promoss l-użu ta’ ambjenti ta’ taħriġ għas-SIS II u għall-VIS
- Titħaffef il-korrezzjoni tad-dgħufijiet li jinqabdu matul l-evalwazzjonijiet ta’ Schengen
- Jiġu analizzati d-diskrepanzi fil-verifiki tal-viżi
- Jittejbu l-proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità tad-data
- Jitnaqqas id-dewmien fid-dħul tad-data
Introduzzjoni
Iż-żona Schengen
01Il-ħolqien taż-żona Schengen, li attwalment tinkludi 26 Stat ta’ Schengen, (ara l-Figura 1), ippermetta lill-vjaġġaturi kollha jaqsmu l-fruntieri interni mingħajr ma jkunu suġġetti għal verifiki fil-fruntieri. Minbarra l-abolizzjoni tal-verifiki fil-fruntieri, il-pajjiżi parteċipanti qablu dwar politika komuni dwar il-viżi u fformalizzaw il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja.
Figura 1
Mappa attwali taż-żona Schengen
Sors: Il-Parlament Ewropew.
Żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE jaraw iż-żona Schengen bħala waħda mill-kisbiet prinċipali tal-UE. Madankollu, kważi 70 % jistennew li l-UE tagħmel aktar biex tipproteġi l-fruntieri esterni tagħha1.
Is-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw għall-kontroll tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen
03L-abolizzjoni tal-fruntieri interni tirrikjedi kontroll u sorveljanza effettivi tal-fruntieri esterni sabiex jiġu evitati l-kriminalità u t-terroriżmu u biex il-migrazzjoni tiġi kkontrollata. Sabiex tgħin lill-gwardji tal-fruntiera jikkontrollaw il-fruntieri esterni taż-żona Schengen, l-UE stabbiliet għadd ta’ sistemi ta’ informazzjoni jew oqfsa komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni. Is-sistemi li jintużaw l-aktar huma: is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II); is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS); l-Eurodac (Database Ewropea ta’ Rekords Dattiloskopiċi ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil - Sistema għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’); is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) u s-sistemi tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) (ara l-Figura 2). Barra minn hekk, l-UE qed tiżviluppa żewġ sistemi ta’ informazzjoni addizzjonali rilevanti għas-sigurtà tal-fruntieri, is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, li jenħtieġ li jkunu operattivi fl-2020 u fl-2021 rispettivament.
Figura 2
Sistemi ta’ informazzjoni qabel u fil-fruntiera esterna
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-gwardji tal-fruntieri fl-Istati ta’ Schengen jużaw is-SIS II, il-VIS u l-Eurodac biex iwettqu verifiki ta’ individwi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. L-Eurosur u l-PNR jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar avvenimenti li jseħħu fil-fruntieri esterni tal-UE u lil hinn minnhom u dwar il-passiġġieri fuq titjiriet li jaslu fil-fruntieri. Dawn jgħinu biex jiġu antiċipati avvenimenti rilevanti għas-sigurtà tal-fruntieri. Il-Figura 3 turi kif il-gwardji tal-fruntieri huma mistennija li jużaw dawn is-sistemi waqt il-verifiki fil-fruntieri, b’deskrizzjoni aktar dettaljata, inkluż liema mis-sistemi ta’ informazzjoni huma disponibbli għal liema pajjiżi, mogħtija fl-Anness.
Figura 3
L-użu tas-sistemi ta’ informazzjoni magħżula għas-sigurtà tal-fruntieri
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Aġenziji nazzjonali differenti tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll l-awtoritajiet doganali, tal-viża u dawk ġudizzjarji huma wkoll utenti tas-sistema. Fl-istess ħin, huma responsabbli biex idaħħlu d-data rilevanti f’dawn is-sistemi. Fil-każ tal-PNR, l-informazzjoni hija pprovduta mil-linji tal-ajru.
06Il-gwardji tal-fruntieri (u awtoritajiet oħra) li jużaw is-sistemi fl-Istati Membri għandhom aċċess għas-sistemi ċentrali tal-UE permezz tas-sistemi nazzjonali tagħhom stess, li huma żviluppati speċifikament għal dan l-iskop. Il-leġiżlaturi tal-UE stabbilew rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni ta’ dawn is-sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali fid-dritt tal-Unjoni2.
07Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea, b’mod speċifiku d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME), għandha r-responsabbiltà ġenerali għall-iżvilupp u l-iffinanzjar tas-sistemi ta’ informazzjoni, ħlief il-PNR li ma għandux komponent ċentrali fil-livell tal-UE (iżda jista’ jibbenefika mill-finanzjament tal-UE). Sa mill-2012, il-Kummissjoni inkarigat lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (“eu-LISA”) bil-ħżin tad-data u ż-żamma tas-SIS II, tal-Eurodac, u tal-VIS. Sadanittant, l-Eurosur hija mmaniġġjata mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA), magħrufa bħala l-Frontex, u mill-Istati Membri.
08Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, aħna nistmaw li l-baġit tal-UE pprovda aktar minn EUR 600 miljun3 biex ikopri l-ispejjeż tal-istabbiliment tal-komponenti fil-livell tal-UE għas-sistemi koperti mill-awditu li wettaqna. L-ispiża totali annwali biex is-sistemi jiġu operati kien madwar EUR 61.5 miljun4. Barra minn hekk, l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni tas-sistemi nazzjonali mill-baġits tagħhom stess. Għalkemm l-informazzjoni dwar l-infiq tal-Istati Membri fis-sistemi nazzjonali tagħhom mhux dejjem tkun disponibbli, hemm indikazzjonijiet li dawn l-ammonti huma sinifikanti. Pereżempju, l-Istati Membri nefqu madwar EUR 235 miljun biex jistabbilixxu s-SIS II minbarra EUR 95 miljun imħallsa mill-baġit tal-UE5.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
09L-UE qed taħdem mingħajr waqfien biex ittejjeb is-sigurtà fil-fruntieri tagħha, li huwa suġġett importanti għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Meta wieħed iqis il-pressjoni dejjem tiżdied fuq il-fruntieri esterni tal-UE kkawżata minn sitwazzjonijiet reċenti ta’ sigurtà u migrazzjoni, l-awditu li wettaqna kellu l-għan li jidentifika aspetti fit-tfassil u l-użu ta’ dawn is-sistemi li jistgħu jgħinu lill-gwardji tal-fruntieri jagħmlu xogħolhom b’mod aktar effiċjenti. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna jistgħu jgħinu fl-immirar tal-finanzjament tal-UE li se jkun disponibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss b’appoġġ għal dawn is-sistemi.
10Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet:
- Is-sistemi ta’ informazzjoni prinċipali tal-UE għas-sigurtà interna qed jappoġġjaw il-kontrolli fil-fruntieri b’mod effiċjenti?
Din il-mistoqsija tal-awditjar kienet maqsuma fis-sottomistoqsijiet li ġejjin:
- Is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għas-sigurtà interna huma mfassla tajjeb biex jiffaċilitaw il-verifiki effiċjenti fil-fruntieri?
- Is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għas-sigurtà interna jipprovdu lill-gwardji tal-fruntieri informazzjoni rilevanti, f’waqtha u kompleta waqt il-verifiki fil-fruntieri?
L-awditu li wettaqna kien ikopri l-ħames sistemi li ġejjin: is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II); is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS); l-Eurodac (Database Ewropea ta’ Rekords Dattiloskopiċi ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil - Sistema għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’); is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) u s-sistemi tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR).
13Aħna vvalutajna kemm is-sistemi (kemm komponenti nazzjonali kif ukoll dawk ċentrali tas-sistemi tal-UE) ippermettew lill-gwardji tal-fruntieri u uffiċjali oħra biex jiċċekkjaw individwi li jidħlu fiż-żona Schengen f’punti ta’ qsim tal-fruntiera awtorizzati6.Dawn jinkludu punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-art, portijiet tal-baħar u ajruporti (li, għal xi Stati Membri, huma l-uniċi fruntieri esterni tal-UE).
14Aħna analizzajna d-dokumenti strateġiċi, l-evalwazzjonijiet u l-istatistika relatati mal-ħames sistemi koperti mill-awditu li wettaqna, kif ukoll dokumenti diversi relatati mal-implimentazzjoni tagħhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Barra minn hekk, żorna l-punti ta’ qsim tal-fruntieri u intervistajna l-awtoritajiet tal-fruntieri fil-Finlandja, fi Franza, fl-Italja, fil-Lussemburgu u fil-Polonja. Intervistajna wkoll il-persunal tad-DĠ HOME, tal-Frontex u tal-eu-LISA.
15Wettaqna wkoll stħarriġ tal-gwardji tal-fruntieri tal-UE fi 28 Stat Membru tal-UE u 4 Stati assoċjati ma’ Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) biex niksbu l-fehmiet tagħhom bħala utenti tas-sistemi. Aħna rċevejna 951 risposta.
Osservazzjonijiet
It-tfassil tas-sistemi ta’ informazzjoni jiffaċilita verifiki effiċjenti fil-fruntieri, iżda d-dgħufijiet jieħdu ħafna żmien biex jiġu solvuti
16Aħna vvalutajna jekk l-Istati ta’ Schengen li żorna kinux stabbilew is-sistemi ta’ informazzjoni kif u meta meħtieġa mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Eżaminajna wkoll il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u sa liema livell l-Istati ta’ Schengen kienu użaw il-finanzjament disponibbli tal-UE biex jistabbilixxu u jtejbu s-sistemi nazzjonali tagħhom.
B’mod ġenerali, is-sistemi ta’ informazzjoni kienu konformi mar-rekwiżiti tal-UE iżda ma kinux jaħdmu b’effiċjenza ndaqs
17Filwaqt li kull Stat ta’ Schengen għandu r-responsabbiltà unika għall-protezzjoni tal-fruntieri tiegħu stess, il-kooperazzjoni effettiva bejniethom biex jipproteġu ż-żona tirrikjedi ċertu livell ta’ armonizzazzjoni tal-verifiki fil-fruntieri. Ir-rekwiżiti minimi ta’ governanza jgħinu biex jiżguraw il-konsistenza u l-kwalità tal-verifiki fil-fruntieri kif ukoll tad-data li tiddaħħal fis-sistemi ta’ informazzjoni.
18Kull Stat ta’ Schengen irid jistabbilixxi s-sistemi nazzjonali komplementari tiegħu stess, li jorbtu mas-sistemi ċentrali tal-UE. L-Istati ta’ Schengen li żorna kienu lkoll għamlu dan f’konformità mar-rekwiżiti ddefiniti fil-leġiżlazzjoni rilevanti. Minkejja dan, sibna li, filwaqt li s-sistemi kollha ssodisfaw ir-rekwiżiti minimi komuni, mhux is-sistemi nazzjonali kollha kienu effiċjenti b’mod indaqs. Il-paragrafi li ġejjin jipprovdu xi eżempji ta’ dan.
19Xi pajjiżi ma jagħmlux disponibbli l-funzjonijiet kollha offruti fis-sistemi ċentrali tal-UE permezz tas-sistemi nazzjonali tagħhom, u b’hekk inaqqsu l-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri. Pereżempju, is-sistema ċentrali SIS II toffri l-għażla li taħżen u tivverifika l-marki tas-swaba’. Dan huwa importanti għaliex mhux dejjem ikun possibbli li tidentifika unikament persuna mid-data personali bażika bħall-isem jew id-data tat-twelid. Din id-data tista’ tkun iffalsifikata, jew persuna tista’ tirrifjuta li tipprovdiha. Il-marki tas-swaba’ jagħmluha possibbli li tiġi identifikata persuna b’livell ta’ ċertezza ferm ogħla. Madankollu, l-għażla biex jitwettaq tiftix bijometriku abbażi tal-marki tas-swaba’ maħżuna fis-SIS għadha mhijiex disponibbli fis-sistemi nazzjonali kollha tal-Istati ta’ Schengen, billi xi wħud minnhom jirrikjedu aktar żmien minn oħrajn biex jimplimentaw is-soluzzjonijiet tekniċi meħtieġa. Meta l-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ kienet disponibbli fil-livell ċentrali, kienu biss 10 Stati ta’ Schengen li kkonfermaw li kienu lesti biex jużawha.
20Il-gwardji tal-fruntieri li jiċċekkjaw viża jew passaport kultant jirċievu messaġġi ta’ żball mis-sistemi. Dawn jista’ jkollhom bosta kaġuni, bħal marki tas-swaba’ ta’ kwalità insuffiċjenti, problemi bil-konnettività jew problemi biex tinqara l-viża. Filwaqt li s-sistemi ċentrali tal-UE s-soltu jindikaw in-natura tal-iżball, xi sistemi nazzjonali, bħal dawk tal-Lussemburgu u tal-Finlandja, sempliċement jissenjalaw il-fatt li seħħ żball mingħajr ma jipprovdu dijanjożi. Dan ifisser li l-gwardji tal-fruntieri jridu jinvestigaw il-kaġun tal-iżball u potenzjalment jirreferu l-passiġġier għal aktar verifikazzjoni (magħrufa bħala “it-tieni linja ta’ kontroll”), u b’hekk il-verifiki tagħhom u l-vjaġġ tal-passiġġier jiddewmu.
21Fil-każ tas-SIS II, l-Istati ta’ Schengen jistgħu jew ikollhom aċċess għal u jippreżentaw il-mistoqsijiet fid-database ċentrali jew inkella joħolqu l-kopji nazzjonali tagħhom stess għal dan l-iskop. Filwaqt li l-biċċa l-kbira minnhom iħaddmu l-kopji nazzjonali tagħhom stess, xi wħud (id-Danimarka, il-Finlandja, il-Liechtenstein, in-Norveġja u s-Slovenja) jaqbdu direttament mad-database Ewropea. Fejn l-Istati ta’ Schengen jużaw kopji nazzjonali tas-SIS II, dawn iridu jkunu sinkronizzati mad-database ċentrali Ewropea f’kull ħin sabiex jiġi żgurat li l-verifiki fil-fruntieri jkunu bbażati fuq l-aktar informazzjoni aġġornata. Madankollu, fi tnejn mill-pajjiżi fil-kampjun tagħna (il-Polonja u Franza), l-evalwazzjonijiet indikaw diskrepanzi bejn ir-rekords fil-kopji nazzjonali u fid-database ċentrali.
22Aħna sibna wkoll li ċerti restrizzjonijiet legali fil-livell ta’ Stat Membru (regoli dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà nazzjonali) ma ppermettewx li ssir kondiviżjoni effiċjenti tar-riżorsi umani. Fil-fatt, il-gwardji tal-fruntieri li jżuru pajjiż ieħor ta’ Schengen (eż. biex jassistu fil-kontrolli msaħħa waqt il-kriżi tal-migrazzjoni fil-Greċja u fl-Italja) ma għandhomx permess jużaw is-sistemi nazzjonali ta’ dak il-pajjiż. Bħala prinċipju, ma jistgħux iwettqu kontrolli b’mod indipendenti, iżda jgħinu biss lill-gwardji nazzjonali tal-fruntieri. Filwaqt li jistgħu jipprovdu livelli differenti ta’ għajnuna fit-tieni linja ta’ kontroll (eż. Stat ta’ Schengen għandu mnejn juża espert dwar dokumenti foloz minn Stat ieħor ta’ Schengen), dawn jistgħu jipprovdu għajnuna limitata biss matul il-verifiki tad-dokumenti fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri (fl-ewwel linja ta’ kontroll). Ostakolu ieħor huwa l-isfidi lingwistiċi marbuta mal-ħidma fi Stat ieħor ta’ Schengen.
23Il-benefiċċju li l-gwardji tal-fruntieri jieħdu mis-sistemi jiddependi minn kemm huma mħarrġa sew biex jużawhom. Aħna sibna li ma kien hemm l-ebda ambjent ta’ taħriġ għas-SIS II u għall-VIS, implimentat fuq livell nazzjonali fl-Istati Membri li żorna, għaldaqstant il-gwardji tal-fruntiera kellhom jipprattikaw fuq dawn is-sistemi f’ambjent “live” minflok f’ambjent “sikur” fejn setgħu jesperjenzaw karatteristiċi u xenarji li ma jiltaqgħux magħhom ta’ spiss fuq ix-xogħol (eż. hit li tidentifika terrorist suspettat f’punt ta’ qsim tal-fruntiera, jew minorenni nieqes).
Dewmien fl-implimentazzjoni tal-Eurosur u tal-PNR impedixxa lill-awtoritajiet tal-fruntiera milli jiskambjaw informazzjoni importanti
24Għall-Eurosur u l-PNR, l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni kienu differenti għal dawk is-sistemi li jiġu żviluppati u mmaniġġjati mill-eu-LISA. Għal raġunijiet differenti, l-implimentazzjoni taż-żewġ sistemi batiet minn xi dati ta’ skadenza mhux irrispettati u dewmien. B’riżultat ta’ dan, informazzjoni importanti li dawn is-sistemi kienu maħsuba biex jipprovdu baqgħet mhux disponibbli għal bosta xhur.
25L-Eurosur ġiet żviluppata mill-Frontex (il-komponent Ewropew) u mill-Istati Membri (il-komponenti nazzjonali). L-interfaċċja tagħha għall-utent aħħari hija l-istess għall-awtoritajiet nazzjonali parteċipanti kollha. Is-sistema hija maħsuba biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-Istati Membri tal-UE, biex ikun hemm titjib fl-għarfien tagħhom u fir-rispons tagħhom għas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkontribwixxu b’informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri tagħhom (magħrufa bħala “l-istampi tas-sitwazzjoni nazzjonali” tagħhom, filwaqt li juru informazzjoni dwar qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, kriminalità transkonfinali, sitwazzjonijiet ta’ kriżi u avvenimenti oħra rilevanti għall-kontroll tal-fruntieri esterni) sabiex tinbena intelliġenza kondiviża u stampa tas-sitwazzjoni fl-Ewropa kollha. Dan huwa utli, pereżempju, biex tingħata prijorità lill-iskjerament tal-gwardji tal-fruntiera jew biex jinqabdu vetturi/bastimenti suspettużi.
26Id-dewmien fir-rigward tal-Eurosur kien jikkonċerna l-ħolqien taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCCs). L-NCCs jikkoordinaw l-iskambju tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni. Ir-regolament dwar l-Eurosur kien jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu l-NCCs tagħhom sa Diċembru 2014. Madankollu, kważi erba’ snin wara f’evalwazzjoni nstab li bosta Stati Membri għadhom mhumiex konformi kompletament ma’ dan ir-rekwiżit7. Barra minn hekk, nofs l-Istati Membri biss kienu qed jikkondividu informazzjoni fakultattiva dwar l-iskjerament minnhom tar-riżorsi ta’ sorveljanza u informazzjoni addizzjonali mill-istampi tas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom.
27L-implimentazzjoni tal-Eurosur kienet ukoll waqgħet lura fil-livell tal-UE. Il-Frontex ma kisbitx iċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà meħtieġa għan-netwerk tagħha sa tmiem l-2017 – tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni. Mingħajr din iċ-ċertifikazzjoni, ma kienx possibbli li tiġi kondiviża l-informazzjoni klassifikata fuq in-netwerk tal-Eurosur. Id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Eurosur fisser li l-istampa tas-sitwazzjoni fl-UE kollha ma kinitx kompleta, u dan fixkel il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.
28Il-PNR għadu mhuwiex kompletament operattiv. B’differenza mis-sistemi l-oħra, dan ġie stabbilit permezz ta’ direttiva aktar milli ta’ regolament. B’konsegwenza ta’ dan, tħalla f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu s-sistemi tal-PNR tagħhom stess separatament, mingħajr l-ebda pjattaforma Ewropea komuni. Id-deċiżjoni favur implimentazzjoni deċentralizzata kienet xprunata prinċipalment minn nuqqas ta’ kunsens dwar il-protezzjoni, il-ħżin u d-divulgazzjoni ta’ data personali.
29Ħafna Stati Membri ma implimentawx il-PNR b’mod f’waqtu. Erbatax-il Stat Membru naqsu milli jimplimentaw ir-regoli dwar id-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri fil-ħin8. Kien mistenni li sal-25 ta’ Mejju 2018 ikunu konformi mad-direttiva9. Madankollu, sa tmiem Marzu 2019, 10 xhur wara d-data ta’ skadenza, Spanja, in-Netherlands u l-Finlandja kienu għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura meħuda fuq livell nazzjonali biex jimplimentaw il-PNR10.
30Il-PNR jirrikjedi li d-data tal-passiġġieri tingħadda mit-titjiriet kollha lejn u miż-żona Schengen. Fiż-żmien tal-awditu li wettaqna, l-ebda wieħed mill-Istati Membri li żorna, ħlief il-Lussemburgu, ma kien ikkonkluda ftehim għal dan l-iskop mal-linji tal-ajru rilevanti kollha.
31Il-PNR kien maħsub biex ikun għodda importanti għall-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni tat-terroriżmu u ta’ forom oħra ta’ kriminalità serja. Permezz ta’ tqabbil tad-data tal-PNR ma’ informazzjoni li tinsab fid-databases tas-sigurtà, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jaqbdu individwi perikolużi. Il-fatt li xi sistemi tal-PNR għadhom mhumiex stabbiliti jċaħħad lill-awtoritajiet tal-fruntieri f’dawk il-pajjiżi minn informazzjoni bil-quddiem dwar individwi ta’ riskju għoli li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri tagħhom.
32Peress li l-PNR jiġbor biss data ta’ identifikazzjoni u vvjaġġar tal-passiġġieri, huwa jeħtieġ databases oħra biex jivverifika jekk passiġġier partikolari joħloqx theddida għas-sigurtà. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jużaw is-SIS II għal dan l-iskop. Madankollu, ir-regolament jagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti. Pereżempju, Franza interpretat ir-regolament dwar is-SIS II b’mod li ma jippermettilhiex tuża l-mistoqsijiet tas-SIS II fuq il-listi tal-passiġġieri. Fil-prattika, dan ifisser li meta tiċċekkja l-listi tal-passiġġieri għal terroristi suspettati, Franza tuża biss l-informazzjoni mid-databases nazzjonali tagħha. Jekk ikun hemm twissija dwar suspettat fis-SIS II, u dak is-suspettat huwa magħruf minn awtoritajiet oħra Ewropej iżda mhux mill-awtoritajiet Franċiżi, il-verifika tal-PNR tagħhom ma taqbadx lil dik il-persuna.
L-evalwazzjonijiet ta’ Schengen jivvalutaw il-verifiki fil-fruntieri nazzjonali, iżda d-dgħufijiet jieħdu ħafna żmien biex jiġu solvuti
33Mill-2013 ’il hawn, l-Istati ta’ Schengen u l-Kummissjoni għandhom responsabbiltà konġunta għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni previst fir-regoli dwar iż-żona Schengen (l-“Acquis ta’ Schengen”). L-għan tal-mekkaniżmu huwa li jiżgura li l-Istati ta’ Schengen japplikaw ir-regoli ta’ Schengen b’mod effettiv, konsistenti u trasparenti. Aħna eżaminajna jekk l-għan tal-mekkaniżmu huwiex qed jintlaħaq.
34Il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali attwali ġie stabbilit fl-2014 għall-perjodu 2015-2019 u jkopri s-26 pajjiż ta’ Schengen kollha. Kull pajjiż jiġi evalwat darba matul il-perjodu ta’ ħames snin.
35Il-Kaxxa 1 tiddeskrivi żjara ta’ evalwazzjoni standard. Il-membri tat-tim ta’ evalwazzjoni jiġu nnominati mill-Istati ta’ Schengen fuq il-bażi ta’ sejħa għal nominazzjonijiet introdotta mill-Kummissjoni (kull evalwazzjoni għandha sejħa separata għal nominazzjonijiet, bi skadenza ta’ ġimagħtejn għall-Istati ta’ Schengen biex jaħtru r-rappreżentanti tagħhom). L-evalwaturi mill-eu-LISA jistgħu jipparteċipaw f’dawn iż-żjarat, iżda ma jipparteċipawx fihom regolarment. L-ispiża tal-evalwazzjonijiet ta’ Schengen hija relattivament baxxa meta mqabbla man-nefqa fuq is-sistemi ta’ informazzjoni. Għall-perjodu 2014-2018, il-Kummissjoni allokat EUR 11.9 miljun għall-evalwazzjonijiet ta’ Schengen. Il-programm pluriennali attwali ġie implimentat kif ippjanat permezz ta’ programmi ta’ evalwazzjoni annwali.
Kaxxa 1
Iż-żjarat tat-tim ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen fl-Istati ta’ Schengen
F’Lulju tas-sena ta’ qabel li jkollha ssir iż-żjara ta’ evalwazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati jirċievu kwestjonarju standard, li jkunu jridu jwieġbu għalih fi żmien tmien ġimgħat. It-tim ta’ evalwazzjoni jħejji ż-żjarat tiegħu fuq il-bażi tat-tweġibiet li jirċievi.
Iż-żjarat ta’ evalwazzjoni normalment idumu ġimgħa. It-timijiet jikkonsistu minn massimu ta’ tmien esperti li jinħatru mill-Istati ta’ Schengen, flimkien ma’ żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni. Il-membri tat-tim għandhom tipi differenti ta’ għarfien espert, li jippermettilhom ikopru l-aspetti kollha tal-Acquis ta’ Schengen. Kull tim huwa mmexxi minn żewġ esperti ewlenin (wieħed mill-Istati Membri u l-ieħor mill-Kummissjoni), li huma responsabbli għall-kontenut u l-kwalità tar-rapport finali.
Iż-żjarat jibdew fuq livell strateġiku, b’laqgħat fil-ministeri u fil-kwartieri ġenerali tal-awtorità tal-fruntieri, segwiti minn attivitajiet fuq livell operattiv. Il-membri tat-tim ta’ evalwazzjoni jiġu allokati għall-oqsma differenti tal-għarfien espert tagħhom u jiltaqgħu ma’ prattikanti nazzjonali differenti, bħal gwardji tal-fruntieri, uffiċjali tal-pulizija u esperti tal-IT.
Pereżempju, matul l-evalwazzjoni ta’ Schengen li saret fl-2017 rigward l-implimentazzjoni tas-SIS II fi Franza, it-tim żar 38 post fuq is-sit, inklużi ċ-Ċentru Nazzjonali tal-IT tas-SIS II, għases tal-pulizija, uffiċċji doganali, portijiet, ajruporti u stazzjonijiet tal-ferrovija.
Aħna eżaminajna l-evalwazzjonijiet ta’ Schengen tal-pajjiżi li żorna. Sibna li dawn l-evalwazzjonijiet kienu saru bir-reqqa u b’mod metodiku, u kienu jindirizzaw aspetti ewlenin tas-sistemi. Kienu jipprovdu sett dettaljat ta’ rakkomandazzjonijiet operazzjonali u rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar it-titjib tas-sistemi ta’ informazzjoni. Madankollu, jista’ jieħu bosta snin biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati.
37L-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni jitlesta sitt ġimgħat wara l-missjoni ta’ evalwazzjoni, iżda tista’ tgħaddi sena qabel ma l-Kummissjoni tadotta r-rapport u l-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjonijiet. Dan jinvolvi għadd kbir ta’ proċeduri għall-konsultazzjonijiet mal-Istat ta’ Schengen u mal-Kummissjoni. Ma hemm l-ebda dati ta’ skadenza miftiehma għal dawn il-konsultazzjonijiet.
38Ladarba l-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjonijiet, l-Istati ta’ Schengen ikkonċernati jkollhom tliet xhur biex jippreżentaw pjan ta’ azzjoni biex jindirizzaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Dan il-pjan ta’ azzjoni jeħtieġ li jiġi rivedut u approvat mill-Kummissjoni u mit-tim ta’ evalwazzjoni.
39Ma hemm l-ebda data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni, għalkemm l-Istati ta’ Schengen iridu jibdew jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tagħhom sitt xhur wara li l-pjan jiġi approvat. Dan ifisser li mill-mument meta nuqqas jinqabad, jista’ jieħu kważi sentejn qabel Stat ta’ Schengen jibda jirrapporta dwar l-azzjoni korrettiva li jkun ħa. Il-Figura 4 turi l-proċedura wara żjara ta’ evalwazzjoni.
Figura 4
Il-passi proċedurali tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Sa issa, l-ebda Stat ta’ Schengen għadu ma kien suġġett għal aktar minn żjara ta’ evalwazzjoni waħda mħabbra taħt iċ-ċiklu attwali ta’ evalwazzjonijiet. Il-Kummissjoni toqgħod fuq ir-rappurtar proprju mwettaq mill-Istati ta’ Schengen dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-pjan ta’ azzjoni miftiehem. Għaldaqstant hemm riskju li d-defiċjenzi jibqgħu mhux indirizzati sal-fażi li jmiss ta’ evalwazzjonijiet ħames snin wara. Imbagħad jistgħu jgħaddu sentejn oħra biex l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż jimplimentaw azzjoni korrettiva.
41Il-Kummissjoni tista’ tissuġġerixxi li jitwettqu żjarat ta’ segwitu jekk Stat ta’ Schengen jonqos milli jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu, iżda ma hemm l-ebda mekkaniżmu ieħor fis-seħħ biex jinforza l-implimentazzjoni. Fit-teorija, jekk jiġu identifikati defiċjenzi serji persistenti fi Stat ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, il-Kunsill jista’, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, jirrakkomanda li l-pajjiż jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri tiegħu ma’ Stati oħra ta’ Schengen.
42Skont ir-regolament tal-2013 dwar il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen11, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tirrapporta kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-qagħda attwali fir-rigward ta’ azzjoni ta’ rimedju. Il-Kummissjoni għadha ma pproduċietx tali rapport.
43Bl-eċċezzjoni tal-Finlandja, li r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha ma kienx ġie kkompletat fiż-żmien meta sar l-awditu, l-Istati kollha ta’ Schengen li żorna kienu ġew suġġetti għal evalwazzjoni. Segwejna l-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom u sibna varjetà ta’ rati ta’ implimentazzjoni. Skont l-evidenza pprovduta, il-Polonja kienet implimentat 79 % tar-rakkomandazzjonijiet tagħha sentejn wara ż-żjara ta’ evalwazzjoni, Franza kienet implimentat 87 % tar-rakkomandazzjonijiet erba’ snin wara ż-żjara ta’ evalwazzjoni u l-Lussemburgu, li ġie evalwat fl-2018, implimenta 92 % tar-rakkomandazzjonijiet. L-evidenza mill-Italja tat x’tifhem li, sentejn wara ż-żjara ta’ evalwazzjoni, il-pajjiż kien fil-proċess li jimplimenta 15 % tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
L-Istati Membri tal-UE jagħmlu użu limitat biss mill-finanzjament disponibbli tal-UE biex itejbu s-sistemi ta’ informazzjoni għall-kontroll fil-fruntieri
44L-istrument prinċipali tal-UE għall-appoġġ tal-kontroll fil-fruntieri huwa l-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI) b’allokazzjoni inizjali ta’ EUR 3.8 biljun għall-perjodu 2014-2020. Huwa magħmul minn:
- FSI Fruntieri (EUR 2.76 biljun), li jipprovdi appoġġ għall-immaniġġjar tal-fruntieri esterni u l-politika komuni dwar il-viżi. L-Istati kollha tal-UE minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-istrument FSI Fruntieri. L-erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) jipparteċipaw ukoll fl-istrument FSI Fruntieri u Viżi.
- FSI Pulizija (EUR 1.04 biljun), li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluża l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. L-Istati Membri kollha tal-UE minbarra d-Danimarka u r-Renju Unit jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-FSI Pulizija.
Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri ma rrapportaw l-ebda nefqa sinifikanti sal-2017. Billi l-infiq beda tard, l-Istati Membri damu biex jużaw il-flus. Skont il-Kummissjoni, dan huwa dovut prinċipalment minħabba l-proċeduri ta’ akkwist ikkumplikati involuti. L-Istati Membri koperti mill-awditu osservaw ukoll il-piż amministrattiv addizzjonali li dan jinvolvi. Pereżempju, huma osservaw li anke żieda żgħira fl-ammont allokat għal programm nazzjonali tirrikjedi reviżjoni kompleta ta’ dak il-programm.
46Il-pajjiżi koperti mill-awditu li wettaqna ddedikaw bejn 3 % u 29 % tal-allokazzjonijiet tagħhom taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna (EUR 61.2 miljun) għall-ħames sistemi awditjati (ara l-Figura 5). Minn dan, huma allokaw 43 % (EUR 26.5 miljun) għal proġetti ta’ manutenzjoni u 57 % (EUR 34.7 miljun) għal proġetti ta’ estensjoni. Huma użaw dawn il-flus l-aktar għall-manutenzjoni tas-SIS II u tal-VIS u għall-estensjonijiet tal-Eurosur u tal-PNR.
Figura 5
Perċentwal mill-finanzjament tal-FSI allokat għall-proġetti tal-IT
Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri bbażata fuq id-data tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-gwardji tal-fruntieri mhux dejjem jiksbu data kompleta mis-sistemi, fatt li jdgħajjef l-effiċjenza tal-verifiki
47Aħna vvalutajna sa liema livell l-Istati Membri jikkondividu informazzjoni rilevanti, f’waqtha u kompleta permezz tas-sistemi ta’ informazzjoni koperti mill-awditu. Aħna analizzajna l-istatistika disponibbli sabiex nivvalutaw kemm il-pajjiżi ta’ Schengen qed jużaw is-sistemi għall-verifiki fil-fruntieri tagħhom u għall-iskambju ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, eżaminajna jekk dawn il-pajjiżi daħħlux id-data kompleta mill-ewwel.
L-Istati Membri qed jagħmlu użu dejjem aktar mis-sistemi biex jikkondividu l-informazzjoni, iżda l-verifiki jistgħu jkunu aktar sistematiċi
48Mill-mument li l-individwi jippreżentaw ruħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera għaż-żona Schengen, il-gwardji tal-fruntieri jirrikjedu sistemi ta’ informazzjoni Ewropej biex jgħinuhom jikkonfermaw l-identità tal-persuna u jivverifikaw li huma awtorizzati jidħlu fiż-żona Schengen.
SIS II
49Jenħtieġ li kwalunkwe Stat ta’ Schengen b’informazzjoni dwar persuna li tiġi interċettata fil-fruntiera (kif preskritt fil-leġiżlazzjoni rilevanti) joħloq twissija fis-SIS II. Dan jippermetti lill-gwardji tal-fruntiera fi kwalunkwe pajjiż parteċipant biex jaġixxu fuqha meta jiltaqgħu ma’ dak l-individwu waqt il-verifiki fil-fruntiera (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Hit fuq il-persuna fil-mira t-tajba
Meta persuna tippreżenta dokument tal-ivvjaġġar, il-gwardja tal-fruntiera juża skanner, li jaqra identifikatur fuq id-dokument tal-ivvjaġġar. Id-dokumenti l-aktar moderni fihom ċippa elettronika, filwaqt li dokumenti aktar antiki għandhom kodiċi speċjali fil-qiegħ tal-paġna (magħrufa bħala l-parti li tinqara minn magna jew MRZ) u xi dokumenti ma għandhom xejn (pereżempju, ħafna mill-karti tal-identità Taljani). Jekk l-għadd tad-dokument ma jkunx jista’ jinqara mill-iskanner, il-gwardja tal-fruntiera jista’ jdaħħlu fis-sistema manwalment.
Abbażi tad-data trasferita fuq il-kompjuter, tintbagħat mistoqsija fuq il-persuna lid-databases nazzjonali jew Ewropej ta’ SIS II. Jekk ikun hemm konkordanza bejn ir-rekord fid-database u d-data miġbura mill-gwardja tal-fruntiera, din tissejjaħ hit.
Jekk it-twissija inizjali rreġistrata fid-database ġiet maħluqa f’pajjiż li mhux dak li minnu tintbagħat il-mistoqsija, il-hit tissejjaħ hit barranija.
Il-hits jistgħu jseħħu jekk l-awtoritajiet rilevanti jkunu rreġistraw persuna bħala mfittxija, jew jekk id-dokument tal-ivvjaġġar ikun ġie mmarkat fis-sistema.
Madankollu, xi kultant l-awtoritajiet li joħorġu twissija ma jkollhomx l-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jidentifikaw persuna b’mod uniku. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm tqabbil għal individwu li fil-fatt mhuwiex il-persuna mfittxija, iżda jkollu l-istess isem. Dan it-tip ta’ tqabbil jissejjaħ pożittiva falza. F’dawn il-każijiet, il-gwardji tal-fruntiera jridu jieħdu passi ulterjuri sabiex jistabbilixxu l-identità ta’ dik il-persuna.
Il-bijometrika (jiġifieri l-marki tas-swaba’) ġeneralment titqies bħala mod kif tiġi identifikata persuna b’mod uniku, u huwa għalhekk li għadd dejjem jiżdied ta’ twissijiet fis-SIS II jinkludu informazzjoni dwar il-marki tas-swaba’.
Sibna li, bejn l-2013 u l-2017, l-għadd ta’ hits relatati ma’ persuni u oġġetti mfittxija bbażati fuq twissijiet li joriġinaw f’pajjiżi oħra kważi ttripla (ara l-Figura 6).
Figura 6
L-għadd ta’ hits fis-SIS II ibbażati fuq twissijiet minn pajjiżi oħra
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-eu-LISA.
L-għadd akbar ta’ hits huwa konsistenti maż-żieda kostanti fl-għadd ta’ twissijiet fis-SIS II, minn madwar 50 miljun fl-2013 għal aktar minn 76 miljun fl-2017. Il-biċċa l-kbira mit-twissijiet (76 %) jikkonċernaw dokumenti mitlufa jew misruqa.
52Skont id-data tal-Eurostat12, l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma tħallewx jidħlu fil-fruntieri esterni varja minn dak baxx ta’ 440 000 fl-2017 għal dak għoli ta’ kważi 500 000 fl-2009. Is-sistemi ta’ informazzjoni jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-identifikazzjoni tar-raġunijiet irrappurtati l-aktar tipiċi għar-rifjut. Madankollu, l-Istati ta’ Schengen mhux dejjem jispeċifikaw jew jirreġistraw ir-raġuni għalfejn individwu ġie rrifjutat fil-fruntiera esterna.
53Kif deskritt hawn fuq, l-għadd ta’ mistoqsijiet ippreżentati lis-sistemi ta’ informazzjoni qiegħed dejjem jikber. Waqt l-intervisti li saru matul l-awditu, l-awtoritajiet nazzjonali ddikjaraw li huma jivverifikaw kull individwu li jipprova jaqsam il-fruntiera esterna. Madankollu, l-istħarriġ tagħna żvela li aktar minn nofs il-gwardji tal-fruntiera kienu f’sitwazzjoni fejn kellhom jiddeċiedu jekk iħallux lil xi ħadd jgħaddi mingħajr ma jikkonsultaw is-sistemi.
Figura 7
Stħarriġ: Qatt kellek tieħu deċiżjoni dwar jekk tħallix persuna tgħaddi mingħajr ma stajt tikkonsulta d-data mis-sistema?
Sors: Stħarriġ tal-QEA.
L-użu tas-sistemi ta’ informazzjoni jiddependi wkoll mill-ambjent estern li fih isiru l-verifiki. Xi tipi ta’ qsim tal-fruntieri huma aktar diffikultużi minn oħrajn. Pereżempju, il-verifiki mwettqa abbord vapuri spiss ibatu minn problemi bil-konnettività. Matul iż-żjarat tagħna f’żewġ pajjiżi, osservajna problemi bħal dawn li ma jippermettux it-twettiq ta’ verifiki kompleti fil-fruntieri. It-twettiq ta’ verifiki fuq il-ferroviji mexjin joħloq sfidi tekniċi simili.
Eurodac
55Eżempju ieħor ta’ skambju akbar tad-data fost l-Istati ta’ Schengen huwa permezz tas-sistema Eurodac, li tippermettilhom jirreġistraw lil dawk li jfittxu l-ażil u lill-persuni li jippruvaw jaqsmu l-fruntiera b’mod irregolari billi jieħdu l-marki tas-swaba’ tagħhom. Mill-2003 ’l hawn, hemm ftehim13 bejn l-Istati Membri tal-UE li l-applikazzjonijiet għall-ażil jenħtieġ li jiġu pproċessati fil-pajjiż fejn l-applikant l-ewwel jiddikjara l-intenzjoni tiegħu jew tagħha li jfittex l-ażil. Kull meta amministrazzjoni nazzjonali tqabbel il-marki tas-swaba’ ta’ persuna ma’ dawk irreġistrati fl-Eurodac, tirċievi lura hit jekk dik il-persuna tkun talbet għall-ażil qabel f’pajjiż ieħor tal-UE u jenħtieġ li tintbagħat hemm.
56L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil li saru minn individwi li diġà kienu ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru ieħor kiber sinifikattivament sal-2016, li kienet il-quċċata tal-kriżi tal-migrazzjoni. Il-biċċa l-kbira mill-applikanti ppruvaw ifittxu l-ażil fi Franza jew fil-Ġermanja wara li inizjalment waslu f’pajjiż ieħor tal-UE, kif jidher fil-Figura 8.
Figura 8
Dawk li jfittxu l-ażil b’applikazzjoni preċedenti fi Stat Membru ieħor
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-eu-LISA.
Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri
57Il-PNR hija sistema ġdida. Filwaqt li l-Istati Membri jikkondividu bażi legali komuni għall-implimentazzjoni tagħha, il-kapaċità tagħhom li jużawha biex jiskambjaw l-informazzjoni tibqa’ limitata, kif spjegat fil-paragrafu 28.
Eurosur
58L-użu tal-Eurosur huwa irregolari ħafna fost l-Istati Membri. Bejn l-2013 u l-2017, aktar minn 140 000 inċident ġew irreġistrati fl-Eurosur. Madankollu, bosta pajjiżi parteċipanti ma rreġistrawx għadd sinifikanti ta’ inċidenti14. L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, Franza, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, l-Iżvezja u s-Slovenja rreġistraw inqas minn 5 000 inċident kull wieħed, filwaqt li l-Ungerija, l-aktar pajjiż attiv, irreġistrat aktar minn 25 000. It-tip ta’ informazzjoni li l-Istati Membri jikkondividu tvarja wkoll. Jistgħu jagħżlu jekk idaħħlux biss informazzjoni obbligatorja (pereżempju data relatata mal-migrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u informazzjoni mis-sorveljanza tal-fruntieri tal-art u tal-baħar) jew informazzjoni addizzjonali estiża bħal informazzjoni dwar miżuri legali jew amministrattivi wara l-interċettazzjoni u informazzjoni dwar il-fruntieri tal-ajru u l-verifiki fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Pereżempju l-Finlandja għażlet li tikkondividi l-informazzjoni kollha mill-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali tagħha, kemm obbligatorja kif ukoll fakultattiva, filwaqt li l-Polonja u Franza jdaħħlu biss l-informazzjoni obbligatorja.
VIS
59L-Istati ta’ Schengen għandhom politika komuni dwar il-viżi. Jistgħu joħorġu viżi komuni għal żjara qasira li jippermettu lid-detentur joqgħod sa 90 jum fi kwalunkwe wieħed mis-26 pajjiż ta’ Schengen. Fl-2018, l-Istati ta’ Schengen ħarġu aktar minn 14-il miljun viża ta’ dan it-tip15.
60Is-sistema tagħmilha possibbli li tiġi vverifikata l-identità ta’ detentur ta’ viża ta’ Schengen kullimkien fiż-żona Schengen. Id-detentur ta’ viża ta’ Schengen jista’ jaqsam il-fruntieri esterni taż-żona diversi drabi u jista’ jagħmel dan fi Stati ta’ Schengen differenti. L-istatistika tal-VIS turi l-għadd ta’ drabi li jsiru mistoqsijiet dwar il-viżi fil-fruntieri. Fl-ewwel disa’ xhur tal-2017, 35 miljun verifika tal-viżi twettqu fuq il-fruntieri, meta mqabbla ma’ 12-il miljun viża maħruġa f’dak il-perjodu. L-għadd ta’ verifiki mwettqa jvarja sinifikattivament fost l-Istati ta’ Schengen.
61Sibna li bejn Ottubru 2015 u Settembru 2017, il-ħames pajjiżi (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u l-Greċja) li ħarġu l-ogħla għadd ta’ viżi wettqu inqas verifiki tal-viżi fil-fruntieri tagħhom mill-għadd ta’ viżi maħruġa. Għal total ikkombinat ta’ kważi 18-il miljun viża maħruġa, dawn il-pajjiżi wettqu inqas minn 14-il miljun verifika.
62Fit-teorija, dan jista’ jkun minħabba li għadd sinifikanti ta’ vjaġġaturi b’viża maħruġa minn dawk il-pajjiżi daħlu fiż-żona Schengen minn pajjiż ieħor, jew ipposponew jew ikkanċellaw il-vjaġġi tagħhom. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-biċċa l-kbira mill-vjaġġaturi x’aktarx japplikaw għal viża mill-pajjiż li biħsiebhom jidħlu fih, u li l-viża ta’ Schengen tiswa l-flus16, dan jista’ jindika li l-viżi ma jiġux ivverifikati sistematikament fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera kollha.
L-informazzjoni ma kinitx kompluta f’xi wħud mis-sistemi
63Il-kwalità tad-data fis-sistemi ta’ informazzjoni hija tal-akbar importanza. Id-dħul tad-data fis-sistema huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll tal-awtoritajiet tal-fruntiera nazzjonali tal-Istati Membri. Il-gwardji tal-fruntieri jużaw din id-data bħala l-bażi tagħhom biex jieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw is-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej.
64F’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, ir-responsabbiltà għall-kwalità tad-data taqa’ taħt l-Istati Membri. Għaldaqstant, sibna ftit li xejn referenza għall-proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità tad-data fil-livell tal-UE. Kien biss ir-Regolament dwar l-Eurodac li stabbilixxa l-bażi għal qafas ta’ kontroll tal-kwalità tal-marki tas-swaba’ billi qiegħed lill-eu-LISA responsabbli għall-istabbiliment ta’ standards ta’ kwalità.
65Ir-regolament dwar is-SIS II ma involviex lill-Kummissjoni jew lill-eu-LISA fil-proċess tal-kwalità tad-data. Minflok, għamel lill-Istati Membri responsabbli għall-preċiżjoni, it-tempestività u r-rilevanza tad-data fis-sistema17. L-Uffiċċji Nazzjonali jikkoordinaw il-funzjonament tas-SIS II u huma responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kontroll tal-kwalità tal-informazzjoni mdaħħla fis-sistemi18.
66Fl-2018, il-kwalità tad-data kisbet prominenza permezz tar-regolament il-ġdid tal-eu-LISA19, li jassenja lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA r-responsabbiltajiet fil-proċess ta’ aċċertament tal-kwalità tad-data. Ir-regolament introduċa r-rekwiżit li l-eu-LISA twettaq verifiki awtomatizzati tal-kwalità tad-data u tirrapporta dwar l-indikaturi tal-kwalità tad-data għas-SIS II, għall-VIS u għall-Eurodac.
67Minn April 2017 ’il hawn, l-eu-LISA wettqet verifiki awtomatizzati ta’ kull xahar dwar il-kwalità tad-data fuq ċerti twissijiet tas-SIS II (eż. għal problemi bit-traslitterazzjoni ta’ ismijiet minn lingwi b’alfabetti mhux Latini, jew verifiki awtomatizzati li jinqabżu billi jiddaħħal kliem ġeneriku bħal “MHUX MAGĦRUF”). Dawn il-verifiki jiġġeneraw rapport li jelenka t-twissijiet individwali bi problemi potenzjali relatati mal-kwalità u jgħadduha direttament lill-pajjiż ikkonċernat. Madankollu, f’konformità mar-rekwiżiti legali dwar il-protezzjoni tad-data, l-eu-LISA nfisha ma tistax tara dawn it-twissijiet individwali – l-aġenzija tista’ tara biss in-numri aggregati ta’ problemi relatati mal-kwalità għal kull tip ta’ twissija u għal kull pajjiż.
68Ir-rapporti ta’ kull xahar juru madwar 3 miljun twissija li jindikaw problemi potenzjali relatati mal-kwalità tad-data (minn total medju ta’ rekords li jammontaw għal 82 miljun), li jfisser li din id-data tista’ ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-kwalità tad-data tal-SIS II. Sibna li la l-eu-LISA u lanqas il-Kummissjoni ma għandhom setgħat ta’ infurzar biex jiżguraw li l-Istati Membri jikkoreġu problemi relatati mal-kwalità tad-data b’mod f’waqtu. Tabilħaqq, ir-rapporti ta’ kull xahar ma juru l-ebda tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ twissijiet relatati mal-kwalità tad-data għas-SIS II. Barra minn hekk, billi l-eu-LISA ma tistax tara t-twissijiet individwali, ma għandha l-ebda mod li tkun taf jekk it-twissijiet f’xahar partikolari humiex ġodda jew għadhomx mhux solvuti minn rapporti preċedenti. Minbarra din l-istampa ġenerali, li hija ta’ użu limitat bħala għodda ta’ ġestjoni tal-kwalità, ma ksibna l-ebda evidenza ta’ verifiki tal-kwalità tad-data awtomatizzati oħra fil-livell tal-UE.
69Skont l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fir-rigward tas-SIS II20, l-Istati ta’ Schengen irreferew għall-problemi ta’ kwalità tad-data bħala problema frekwenti u rikorrenti. B’mod ġenerali, żewġ problemi prinċipali relatati mal-kwalità tad-data joħorġu mill-pajjiżi li żorna: waħda tikkonċerna l-kompletezza tad-data, u l-oħra tikkonċerna dewmien fid-dħul tad-data fis-sistemi.
70Jenħtieġ li d-data fis-sistema tippermetti lill-gwardji tal-fruntiera jidentifikaw b’mod uniku lill-persuna li tkun qed tiġi vverifikata u jiddeterminaw jekk għandhomx iħalluha tgħaddi. Sibna li, xi kultant, il-gwardji tal-fruntieri ma jingħatawx informazzjoni adegwata mis-sistema biex jieħdu din id-deċiżjoni.
71Pereżempju, sibna twissijiet fejn l-ewwel isem tal-persuna kien imdaħħal bħala kunjom u d-dati tat-twelid kienu nieqsa jew mhux kompluta, u dan jagħmilha diffiċli biex persuna tiġi identifikata21. Bħala riżultat ta’ problemi bħal dawn, meta l-gwardji tal-fruntieri jiċċekkjaw isem fis-SIS II, huma jistgħu jirċievu mijiet ta’ riżultati (l-aktar pożittivi foloz), li huma jridu jiċċekkjaw manwalment. Dan mhux biss jirrendi l-kontroll fuq il-fruntieri anqas effiċjenti, iżda wkoll iżid ir-riskju li hits reali jiġu injorati.
72Ir-rekords mhux kompleti fis-SIS II inaqqsu wkoll l-effiċjenza ta’ sistemi oħra marbuta magħha. Pereżempju, meta l-awtoritajiet tal-Istati ta’ Schengen ikunu qed jiċċekkjaw l-informazzjoni dwar il-passiġġieri fil-lista tal-PNR, normalment jiċċekkjawha bi tqabbil mat-twissijiet fis-SIS II. Twissijiet mhux kompleti jiġġeneraw għadd kbir ta’ pożittivi foloz li jindikaw b’mod żbaljat li passiġġier huwa suspettat. Billi kull twissija trid tiġi ċċekkjata manwalment, dan jiġġenera ammont ta’ xogħol sinifikanti għall-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri li jipproċessaw il-listi tal-PNR. Barra minn hekk id-data tal-PNR tista’ wkoll tkun mhux kompleta. Id-data pprovduta mis-sistemi ta’ prenotazzjoni tagħhom jista’ jkun fiha biss ftit informazzjoni bħall-ismijiet tal-passiġġieri u n-numru tat-titjira.
73Il-VIS tista’ tirreġistra biss viżi ta’ Schengen li jkunu fuq terminu qasir, għalkemm l-Istati ta’ Schengen għadhom jużaw aktar minn 200 tip differenti ta’ viżi nazzjonali u permessi ta’ residenza biex jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu u jivvjaġġaw fiż-żona Schengen. Dawn il-permessi huma rreġistrati biss f’databases nazzjonali, li mhumiex kondiviżi ma’ pajjiżi oħra. Fl-2017, inħarġu kważi 2.6 miljun permess ta’ dan it-tip fiż-żona Schengen22. Attwalment ma hemm l-ebda bażi legali kif jiġu rreġistrati dawn il-permessi fis-sistema VIS ċentrali.
74Il-Kummissjoni identifikat dan in-nuqqas ta’ informazzjoni u attwalment qed taħdem fuq regolament biex tindirizza l-kwistjoni23. Madankollu, peress li dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar jistgħu jkunu validi għal 10 snin, dawn jibqgħu barra mis-sistema għal snin qabel ma n-nuqqas ta’ informazzjoni jimtela.
75Fir-rigward tal-Eurosur, waħda mid-dgħufijiet hija l-fatt li l-Istati Membri jippreżentaw ir-rapporti tagħhom f’formati differenti. Dan ifisser li l-informazzjoni ma tistax tiġi aggregata faċilment u tista’ lanqas biss tkun aċċessibbli għal Stati Membri oħra għal raġunijiet tekniċi.
76Id-data ġeneralment tiddaħħal fl-Eurosur manwalment. Meta jkun hemm żieda fl-avvenimenti fil-fruntieri, jista’ jkun diffiċli għall-operatur li jirreġistra dawn malajr fis-sistema. Bħala riżultat tista’ tbati l-kwalità tad-data24. Barra minn hekk, xi Stati Membri jirrapportaw inċidenti fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li oħrajn jipprovdu biss data aggregata. Xi Stati Membri joħolqu rapport ta’ inċident għal kull individwu, filwaqt li oħrajn joħolqu rapport ta’ inċident wieħed li jkopri bosta persuni. Dan jirrendi l-istatistika dwar l-għadd ta’ inċidenti rrappurtati mill-Istati Membri bħala irrelevanti, minħabba li ma turix l-iskala vera tal-problema. Jagħmilha wkoll diffiċli għall-Frontex biex timmonitorja l-iżviluppi u tipprijoritizza l-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali kif meħtieġ.
L-avvenimenti mhux dejjem jiġu rreġistrati fil-pront fis-sistemi
77Il-gwardji tal-fruntieri jeħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar il-persuni li jaqsmu l-fruntiera sabiex jagħmlu xogħolhom b’mod effettiv. Madankollu, xi kultant, l-Istati Membri ma jdaħħlux l-informazzjoni malli jsiru jafu biha.
78Id-data tal-PNR hija ġġenerata waqt il-prenotazzjoni, u l-linji tal-ajru huma suġġetti għal multi jekk il-listi tal-passiġġieri jaslu tard. Għall-VIS, id-data tiġi ġġenerata awtomatikament meta tinħareġ viża. Għall-Eurodac hemm data ta’ skadenza legali biex tiddaħħal l-informazzjoni dwar l-applikanti għall-ażil. Madankollu, is-SIS II u l-Eurosur ma għandhomx tali limiti ta’ żmien speċifiċi għad-dħul tal-informazzjoni25.
79L-Eurosur suppost tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri, iżda l-puntwalità tal-informazzjoni tiddependi minn kemm l-Istati Membri jdaħħluha fil-pront. Xi wħud mill-pajjiżi koperti mill-awditu li wettaqna tabilħaqq idaħħlu informazzjoni fl-Eurosur fuq bażi ta’ ħin reali, filwaqt li oħrajn jagħmlu dan darba fil-ġimgħa biss. Dan ifisser li inċident fil-fruntiera (jiġifieri grupp kbir ta’ migranti li jaslu) għandu mnejn ma jidhirx fis-sistema Ewropea sa ġimgħa wara.
80Ir-Regolament ta’ Dublin26 jiddikjara li l-pajjiż li minnu dawk li jfittxu l-ażil daħlu għall-ewwel darba fl-Unjoni Ewropea huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil. L-Istati Membri għandhom limitu ta’ żmien massimu ta’ 72 siegħa27 biex jieħdu l-marki tas-swaba’ u jgħadduhom lill-Eurodac, sa mill-mument li persuna tfittex l-ażil jew li tiġi interpellata waqt qsim irregolari tal-fruntiera. Jekk il-persuna li tfittex l-ażil tmur fi Stat Membru ieħor, it-trażmissjoni mdewma tista’ twassal biex l-Istat Membru l-ħażin jiġi ddeżinjat bħala dak responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-ażil (ara l-paragrafi 55-56).
Stampa 1
Ġbir tal-marki tas-swaba’ għar-reġistrazzjoni fl-Eurodac
© UE, 2015/Sors: KE - Servizz Awdjoviżiv/Fotografu: Angelos Tzortzinis
Minn meta l-Eurodac bdiet topera, ma kienx hemm sena waħda li fiha l-Istati Membri kollha jgħaddu l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin. Il-medja tal-ħinijiet tat-trażmissjoni ta’ 15-il pajjiż qabżet il-limitu ta’ żmien biex jiddaħħlu l-marki tas-swaba’ fl-2017 – ara l-Figura 9. Għalkemm ir-Regolament jipprevedi derogi dwar l-iskadenzi għad-dħul tad-data, ma ġie stabbilit l-ebda mekkaniżmu biex jiddistingwihom minn dewmien irregolari.
Figura 9
Dewmien medju fit-trażmissjoni tal-marki tas-swaba’ fl-2017
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-eu-LISA, ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet tal-2017 tas-sistema ċentrali tal-Eurodac.
Kif jidher fil-Figura 9, Spanja damet, pereżempju, 30 jum bħala medja biex tgħaddi l-marki tas-swaba’ fl-Eurodac fl-2017. Dan ifisser li persuna li ġiet interpellata waqt qsim irregolari ta’ fruntiera għal ġo Spanja kellha, bħala medja, 30 jum biex tasal fi Stat Membru ieħor u tapplika għall-ażil hemmhekk. L-awtoritajiet f’dak il-pajjiż l-ieħor li jiċċekkjaw il-marki tas-swaba’ bi tqabbil mad-data fl-Eurodac ma kienu se jsibu l-ebda tqabbil. B’konsegwenza ta’ dan, il-pajjiż l-ieħor kien ikun obbligat jipproċessa l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
83Aħna eżaminajna jekk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għas-sigurtà interna jappoġġjawx il-kontrolli fil-fruntieri b’mod effiċjenti. Ikkonkludejna li l-gwardji tal-fruntieri qed jużaw u jiddependu dejjem aktar minn dawn is-sistemi meta jwettqu l-verifiki fil-fruntieri. Madankollu, attwalment hemm xi data li mhijiex inkluża fis-sistemi, filwaqt li data oħra mhijiex kompleta jew inkella ma tiddaħħalx b’mod f’waqtu. Dan inaqqas l-effiċjenza ta’ xi verifiki fil-fruntieri.
84Sibna li, b’mod ġenerali, is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE kienu mfassla tajjeb biex jiffaċilitaw il-verifiki fil-fruntieri. Il-pajjiżi li żorna stabbilew is-sistemi tagħhom f’konformità mal-qafas legali applikabbli. Madankollu, xi komponenti i nazzjonali SIS II u VIS kienu jiffaċilitaw verifiki fil-fruntieri li sfaw aktar effiċjenti minn oħrajn (ara l-paragrafi 17-21).
85Filwaqt li l-Istati Membri qed jikkondividu dejjem aktar l-informazzjoni permezz tas-sistemi, restrizzjonijiet legali (protezzjoni tad-data u regoli tas-sigurtà nazzjonali) ma jippermettux il-kondiviżjoni tar-riżorsi umani. Il-gwardji tal-fruntieri li jżuru Stati Membri oħra ma jistgħux jaċċessaw is-sistemi ta’ informazzjoni tal-pajjiżi ospitanti tagħhom biex iwettqu verifiki fil-fruntieri. Aħna osservajna wkoll li s-sistemi ġew stabbiliti mingħajr ambjent ta’ taħriġ li fih il-gwardji tal-fruntieri setgħu jipprattikaw xenarji li ma jiltaqgħux magħhom ta’ spiss fuq ix-xogħol (ara l-paragrafi 22-23).
Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi promoss l-użu ta’ ambjenti ta’ taħriġ għas-SIS II u għall-VISJenħtieġ li l-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-ambjenti ċentrali ta’ taħriġ għas-SIS II u l-VIS mill-Istati Membri, li jkun jippermetti lill-gwardji tal-fruntiera biex matul it-taħriġ tagħhom jesperjenzaw sitwazzjonijiet tal-ħajja reali.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2020.
86L-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-IT xi kultant kellha dewmien, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. Erba’ snin wara li r-regolament dwar l-Eurosur daħal fis-seħħ, nofs l-Istati Membri biss kienu qed jikkondividu l-informazzjoni obbligatorja u fakultattiva kollha fuq il-pjattaforma tal-Eurosur. Erbatax-il pajjiż naqsu milli jimplimentaw ir-regoli dwar id-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri fil-ħin. Dan impedixxa lill-awtoritajiet tal-fruntieri milli jkollhom stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen kif ukoll minn informazzjoni bil-quddiem dwar individwi ta’ riskju għoli li jkunu qed jaqsmuhom (ara l-paragrafi 24-32).
87Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen għandu rwol importanti fil-monitoraġġ tal-konformità tal-Istati ta’ Schengen mar-regoli ta’ Schengen. Sibna li, b’mod ġenerali, dawn l-evalwazzjonijiet kienu saru bir-reqqa u b’mod metodiku, u kienu jindirizzaw aspetti ewlenin tas-sistemi. Madankollu, jieħu żmien twil biex l-Istati ta’ Schengen jirrimedjaw id-dgħufijiet li jkunu ġew identifikati matul l-evalwazzjonijiet. Dan huwa minħabba n-nuqqas ta’ skadenzi għall-adozzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni korrettivi (ara l-paragrafi 33-41).
88Il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li tirrapporta kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjonijiet li saru. Sibna li sa erba’ snin wara l-evalwazzjonijiet tagħhom, l-ebda wieħed mill-Istati ta’ Schengen koperti mill-awditu ma kien implimenta bis-sħiħ il-pjanijiet ta’ azzjoni tiegħu. Dan juri li l-proċess ta’ evalwazzjoni ma jirrimedjax malajr id-dgħufijiet identifikati (ara l-paragrafi 42-43).
Rakkomandazzjoni 2 – Titħaffef il-korrezzjoni tad-dgħufijiet li jinqabdu matul l-evalwazzjonijiet ta’ SchengenJenħtieġ li l-Kummissjoni:
- meta tippreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, previst skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, tinkludi informazzjoni dwar id-dewmien li ġie iffaċċjat fl-implimentazzjoni evalwata tal-Istati ta’ Schengen tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.
- tipproponi miżuri leġiżlattivi u proċedurali xierqa sabiex tqassar il-perjodu ta’ żmien taċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2020.
89L-UE tipprovdi lill-Istati Membri b’finanzjament mill-Fond tas-Sigurtà Interna għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni koperti mill-awditu li wettaqna. Bħala medja, il-pajjiżi li żorna ddedikaw 15 % tal-allokazzjonijiet tal-Fond tas-Sigurtà Interna tagħhom għal dawn il-ħames sistemi. Huma użaw dawn il-flus tal-UE l-aktar għall-manutenzjoni tas-SIS II u tal-VIS u għall-estensjonijiet tal-Eurosur u tal-PNR (ara l-paragrafi 44-46).
90Sibna li l-Istati Membri qed jagħmlu użu dejjem akbar mis-sistemi. Bejn l-2013 u l-2017, l-għadd ta’ hits fis-SIS II relatati ma’ persuni u oġġetti mfittxija bbażat fuq twissijiet li joriġinaw f’pajjiżi oħra kważi ttripla (ara l-paragrafi 47-58).
91Madankollu, dan l-użu jista’ jkun aktar sistematiku. L-istħarriġ tagħna jiżvela li aktar minn nofs il-gwardji tal-fruntieri kienu f’sitwazzjoni fejn kellhom jiddeċiedu jekk iħallux lil xi ħadd jgħaddi mingħajr ma jikkonsultaw is-sistemi. B’mod partikolari, aħna osservajna diskrepanza bejn l-għadd ta’ viżi maħruġa u l-għadd ta’ viżi vverifikati. Barra minn hekk, il-VIS tista’ tittratta biss viżi ta’ Schengen li jkunu fuq terminu qasir – attwalment mhijiex maħsuba biex takkomoda data dwar viżi nazzjonali, li wkoll jippermettu lid-detenturi jidħlu fi kwalunkwe Stat ta’ Schengen. Fl-2017 biss, inħarġu kważi 2.6 miljun minn dawn il-viżi (ara l-paragrafi 59-62). Il-Kummissjoni identifikat dan in-nuqqas ta’ informazzjoni u ppreżentat proposta biex tirrevedi l-qafas legali tal-VIS.
Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu analizzati d-diskrepanzi fil-verifiki tal-viżiJenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza r-raġunijiet għal diskrepanzi bejn l-għadd ta’ viżi ta’ Schengen maħruġa u l-għadd ta’ viżi vverifikati, u tipproponi miżuri korrettivi.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2020.
92Il-gwardji tal-fruntieri jużaw id-data fis-sistemi bħala l-bażi tagħhom biex jieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw is-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej. Il-kwalità ta’ din id-data hija għalhekk tal-akbar importanza. Sibna ftit li xejn referenza għall-problema relatata mal-kwalità tad-data fl-atti legali li jirregolaw is-sistemi ta’ informazzjoni Ewropej. Ir-Regolament dwar is-SIS II ta lill-Istati Membri r-responsabbiltà għall-kwalità tad-data u ma involviex lill-Kummissjoni jew lill-eu-LISA (ara l-paragrafi 63-65).
93Għalkemm l-eu-LISA twettaq verifiki awtomatiċi ta’ kull xahar tal-kwalità tad-data fis-SIS II u tgħaddi r-riżultati lill-pajjiżi kkonċernati, l-Aġenzija tista’ tara biss l-għadd aggregat tal-problemi relatati mal-kwalità identifikati għall kull tip ta’ twissija u għal kull pajjiż. Dan ir-rapport mhuwiex dettaljat biżżejjed biex juri l-progress li jkun sar fl-indirizzar ta’ problemi relatati mal-kwalità tad-data. Barra minn hekk, la l-eu-LISA u lanqas il-Kummissjoni ma għandhom setgħat ta’ infurzar biex jiżguraw li l-Istati ta’ Schengen jikkoreġu problemi relatati mal-kwalità tad-data b’mod f’waqtu (ara l-paragrafi 67-70).
94Sibna li l-gwardji tal-fruntieri mhux dejjem jiksbu data f’waqtha u kompleta mis-sistemi ta’ informazzjoni, li jdgħajjef l-effiċjenza tal-verifiki fil-fruntieri. Pereżempju, meta l-gwardji tal-fruntieri jiċċekkjaw isem fis-SIS II, huma jistgħu jirċievu mijiet ta’ riżultati (fil-biċċa l-kbira, riżultati pożittivi foloz), li huma jridu jivverifikaw manwalment. Dan mhux biss jirrendi l-verifiki fil-fruntieri anqas effiċjenti, iżda wkoll iżid ir-riskju li hits reali jiġu injorati (ara l-paragrafi 71-76).
Rakkomandazzjoni 4 – Jittejbu l-proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità tad-dataJenħtieġ li l-Kummissjoni:
- titlob lill-eu-LISA tinkludi, fil-monitoraġġ ta’ kull xahar tagħha, statistika dwar il-korrezzjonijiet li jsiru mill-Istati ta’ Schengen.
- jekk il-monitoraġġ tal-kwalità tad-data ma jindikax titjib tieħu l-passi meħtieġa, eż. permezz ta’ gwida jew gruppi konsultattivi eżistenti, biex tħeġġeġ lill-Istati ta’ Schengen iżidu l-azzjonijiet korrettivi tagħhom.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2020
95Ħlief fil-każ tal-Eurodac, ġeneralment ma hemm l-ebda data ta’ skadenza obbligatorja biex tiddaħħal id-data. Pereżempju, l-Eurosur suppost tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni. Madankollu, filwaqt li xi wħud mill-pajjiżi koperti mill-awditu li wettaqna tabilħaqq idaħħlu informazzjoni fl-Eurosur fuq bażi ta’ ħin reali, oħrajn jagħmlu dan darba fil-ġimgħa biss. Minn meta l-Eurodac bdiet topera fl-2003, ma kienx hemm sena waħda li fiha l-Istati Membri kollha għaddew l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin. It-trażmissjoni mdewma tista’ twassal biex jiġi ddeżinjat il-pajjiż il-ħażin bħala dak responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-ażil (ara l-paragrafi 77-82).
Rakkomandazzjoni 5 – Jitnaqqas id-dewmien fid-dħul tad-dataJenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tanalizza l-kawżi ta’ dewmien irregolari fid-dħul tad-data tal-Eurodac u tieħu azzjoni xierqa fir-rigward tal-Istati Membri kkonċernati.
- fir-reviżjoni li jmiss tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-Eurosur, tipproponi li jiġu introdotti skadenzi vinkolanti għad-dħul tad-data.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina JAKOBSEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
President
Anness
Deskrizzjoni qasira tas-sistemi ta’ informazzjoni magħżula
SIS II
Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) hija l-aktar sistema użata u bl-akbar kondiviżjoni ta’ informazzjoni għas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-Ewropa. Is-SIS II tagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bħall-pulizija u l-gwardji tal-fruntieri, biex jidħlu u jikkonsultaw it-twissijiet dwar persuni jew oġġetti. Twissija tas-SIS mhux biss ikun fiha informazzjoni dwar persuna jew oġġett partikolari iżda wkoll struzzjonijiet għall-awtoritajiet dwar x’għandhom jagħmlu meta jinstabu l-persuna jew l-oġġett.
Is-SIS II tikkonsisti fi tliet komponenti ewlenin: sistema ċentrali, is-sistemi nazzjonali u infrastruttura ta’ komunikazzjoni (netwerk) bejn is-sistemi. Twissija mdaħħla fis-SIS II fi Stat ta’ Schengen wieħed tingħadda f’ħin reali fis-sistema ċentrali. Imbagħad issir disponibbli fl-Istati l-oħra kollha ta’ Schengen.
Kull Stat ta’ Schengen li juża s-SIS II huwa responsabbli biex jistabbilixxi, jopera u jżomm is-sistema nazzjonali tiegħu u l-Uffiċċju SIRENE tiegħu, li jservi bħala punt ta’ kuntatt uniku għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari u għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet relatati ma’ allerti SIS II.
L-Aġenzija tal-UE għal Sistemi ta’ Informazzjoni fuq skala kbira (eu-LISA) hija responsabbli għall-ġestjoni operattiva tas-sistema ċentrali u għall-infrastruttura ta’ komunikazzjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għas-superviżjoni u l-evalwazzjoni ġenerali tas-sistema u għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni.
Is-SIS II topera fi 30 pajjiż Ewropew, inklużi 26 Stat Membru tal-UE (l-Irlanda u Ċipru biss għadhom mhumiex konnessi mas-SIS II) u 4 Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (l-Iżvizzera, in-Norveġja, Liechtenstein u l-Iżlanda).
VIS
Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) tappoġġja l-implimentazzjoni tal-politika komuni tal-UE dwar il-viżi. Permezz tagħha, l-Istati ta’ Schengen jistgħu jiskambjaw data dwar il-viżi. Is-sistema tista’ twettaq tqabbil bijometriku, primarjament tal-marki tas-swaba’, għal skopijiet ta’ identifikazzjoni u verifikazzjoni.
Il-VIS tagħti l-kapaċità lill-gwardji tal-fruntieri biex jivverifikaw li l-persuna li tippreżenta viża hija d-detentur leġittimu tagħha, li l-viża hija awtentika u li l-persuna għadha tissodisfa r-rekwiżiti tal-viża.
Ir-ritratt diġitali u l-10 marki tas-swaba’ jinġabru mill-persuni li japplikaw għal viża. Din id-data bijometrika, flimkien ma’ data pprovduta fil-formola tal-applikazzjoni għall-viża, jiġu rreġistrati f’database ċentrali sigura. L-użu ta’ data bijometrika biex tikkonferma l-identità tad-detentur tal-viża jippermetti verifiki aktar veloċi, preċiżi u siguri. Is-sistema tiffaċilita wkoll il-proċess tal-ħruġ tal-viżi.
Il-VIS tikkonsisti f’sistema tal-IT ċentrali u f’infrastruttura ta’ komunikazzjoni li tgħaqqad is-sistema ċentrali mas-sistemi nazzjonali. Il-VIS tgħaqqad il-konsulati f’pajjiżi terzi u l-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni kollha tal-Istati ta’ Schengen. Tipproċessa u taħżen data u deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjonijiet għal viżi għal żjara qasira.
Bħala strument ta’ Schengen, il-VIS tapplika għall-pajjiżi kollha taż-Żona Schengen. L-Aġenzija tal-UE għal sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira, l-eu-LISA, hija responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal-VIS.
Eurodac
L-EURODAC hija database tal-UE tal-marki tas-swaba’ ta’ dawk li jfittxu l-ażil. L-objettiv ewlieni tagħha huwa li sservi l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (“ir-Regolament ta’ Dublin”). Meta xi ħadd japplika għall-ażil, ikunu fejn ikunu fl-UE, il-marki tas-swaba’ tagħhom jingħaddu lis-sistema ċentrali tal-EURODAC.
Sa minn meta ġiet stabbilita fl-2003, l-EURODAC tassisti fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-ażil.
L-EURODAC tinkludi biss marki tas-swaba’ (flimkien ma’ data u l-post tar-reġistrazzjoni) iżda l-ebda informazzjoni personali oħra. Il-pajjiżi li jużaw is-sistema huma t-28 Stat Membru tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
Eurosur
Is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) tistabbilixxi qafas ta’ governanza għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-EBCGA (“Frontex”) sabiex jitjieb l-għarfien tas-sitwazzjoni Ewropea u biex tiżdied il-kapaċità ta’ reazzjoni fil-fruntieri esterni. L-għan huwa li tipprevjeni l-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni irregolari u tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ħajja tal-migranti.
Taħt ir-Regolament dwar l-Eurosur, kull Stat ta’ Schengen għandu Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCC) li jikkoordina u jiskambja l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni kif ukoll ma’ NCCs oħra u mal-Frontex.
Il-Frontex hija responsabbli biex tikkoordina l-hekk imsejħa applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza: l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-assistenza mill-Frontex fil-monitoraġġ ta’ żoni magħżula jew bastimenti ta’ interess għall-finijiet tal-Eurosur billi jużaw għodod bħal immaġni bis-satellita jew sistemi ta’ rappurtar tal-vapuri. Dan jista’ jintuża biex jinqabdu każijiet ta’ migrazzjoni irregolari jew kriminalità transkonfinali, iżda wkoll biex tiġi lokalizzata dgħajsa f’diffikultà.
L-Eurosur tintuża fil-pajjiżi kollha taż-żona Schengen, kif ukoll fil-Bulgarija, fir-Rumanija u fil-Kroazja.
PNR
Ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri jiddeskrivi l-informazzjoni pprovduta mill-passiġġieri lil-linji tal-ajru meta jagħmlu l-prenotazzjonijiet u jwettqu l-proċess ta’ check-in. Jista’ jinkludi informazzjoni, bħal dati tal-ivvjaġġar, itinerarju tal-ivvjaġġar, informazzjoni dwar il-biljett, dettalji ta’ kuntatt, aġent tal-ivvjaġġar, mezzi ta’ pagament, numru tas-sit u informazzjoni dwar il-bagalji. Fis-27 ta’ April 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2016/681 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.
L-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief id-Danimarka28, huma meħtieġa li jistabbilixxu entitajiet speċifiċi responsabbli għall-ġbir, għall-ħażna u għall-ipproċessar tad-data tal-PNR: l-Unitajiet ta’ Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIUs). Il-PIUs jiġbru d-data tal-PNR mingħand it-trasportaturi tal-ajru permezz ta’ sistema tal-IT apposta u jqabblu d-data tal-PNR ma’ databases tal-infurzar tal-liġi rilevanti. Huma jipproċessawhom ukoll bi tqabbil ma’ kriterji determinati minn qabel, sabiex jidentifikaw persuni li jistgħu jkunu involuti f’reat terroristiku jew kriminalità serja. Il-PIUs huma inkarigati wkoll mit-tixrid tad-data tal-PNR lill-gwardji tal-fruntiera u awtoritajiet kompetenti nazzjonali oħra, l-Europol u l-PIUs ta’ Stati Membri oħra.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
DĠ HOME: Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni
EBCG: Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
eu-LISA: Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-Informazzjoni fuq Skala Kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja
Eurodac: Dattiloskopija Ewropea
Eurosur: Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri
Frontex: ara EBCG
FSI: Fond għas-Sigurtà Interna
NCC: Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni
PNR: Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri
SIS II: Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II
VIS: Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża
Glossarju
Gwardja tal-fruntiera: kull uffiċjal pubbliku assenjat, skont il-liġi nazzjonali, ma’ xi punt ta’ qsim tal-fruntiera jew matul il-fruntiera jew fil-viċinanza immedjata ta’ dik il-fruntiera li jwettaq xogħol ta’ kontroll fuq il-fruntiera.
Interoperabbiltà: l-interoperabbiltà hija komunement imsejħa l-abbiltà ta’ sistemi ta’ informazzjoni differenti biex jikkomunikaw, jiskambjaw id-data u jużaw l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata.
L-ewwel linja: il-post fejn titwettaq verifika fuq il-persuni kollha fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera.
Pajjiżi taż-żona Schengen: 26 pajjiż Ewropew li eliminaw il-kontrolli kollha tal-passaport fil-fruntieri komuni tagħhom, li 22 minnhom huma Stati Membri tal-UE u 4 huma pajjiżi tal-EFTA: il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera.
Punt ta’ qsim tal-fruntiera: kwalunkwe punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jinqasmu l-fruntieri esterni.
Stati Assoċjati ma’ Schengen: erba’ stati membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera), li mhumiex membri tal-UE, iżda ffirmaw ftehimiet f’assoċjazzjoni mal-Ftehim ta’ Schengen.
Verifika tat-tieni linja: verifika ulterjuri li tista’ titwettaq f’lok speċjali lil hinn mil-lok li fih titwettaq verifika fuq kull persuna (l-ewwel linja).
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar Azzjoni esterna/Sigurtà u ġustizzja, immexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA li ngħatat appoġġ minn Katja Mattfolk, Kap tal-Kabinett u Kim Storup, Attaché tal-Kabinett; Alejandro Ballester Gallardo, Maniġer Prinċipali; Piotr Senator, Alexandre Tan u Mirko Iaconisi, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.
Mix-xellug għal-lemin: Mirko Iaconisi, Piotr Senator, Michael Pyper, Bettina Jakobsen, Alejandro Ballester Gallardo, Katja Mattfolk.
Noti finali
1 Ewrobarometru 89.2, 2018.
2 Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 għas-SIS II, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI dwar is-SIS II Nru 767/2008 għall-VIS, ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 għall-Eurodac u r-Regolament (UE) Nru 1052/2013 għall-Eurosur. Id-Direttiva (UE) 2016/681 għall-PNR.
3 Dan l-ammont huwa bbażat fuq informazzjoni inkluża f’dokumenti ppubblikati mill-Kummissjoni jew fuq informazzjoni li nkisbet mis-sistema kontabilistika (għas-SIS II u għall-VIS). Dan l-ammont ma jkoprix l-ispiża għall-iżvilupp tal-Eurodac, li għalih ma kienet disponibbli l-ebda ċifra aggregata.
4 Din tinkludi l-impenji tal-eu-LISA għall-2017 relatati direttament mas-sistemi ta’ informazzjoni koperti mill-awditu u l-impenji tal-Frontex għall-2017 relatati mal-Eurosur, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-SIS/għall-VIS/għall-Eurodac mid-DĠ Home 2017.
5 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 03/2014 “Tagħlimiet mill-iżvilupp imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)”.
6 Aħna diġà eżaminajna xi aspetti marbutin mal-migrazzjoni illegali fir-Rapport Speċjali Nru 6/2017 “Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ ‘hotspot’” u se nkomplu nanalizzaw dawn il-kwistjonijiet f’pubblikazzjonijiet futuri.
7 Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR), COM(2018) 632 final.
8 https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/MEMO_18_4486
9 Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.
10 http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-19-1472_mt.htm
11 L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013.
12 https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-datasets/-/migr_eirfs
13 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ir-“Regolament Dublin II”).
14 Ir-Regolament ta’ Evalwazzjoni (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri, SWD(2018) 410, 19.12.2018.
15 https://ec.europa.eu/home-affairs/what-we-do/policies/borders-and-visas/visa-policy#stats
16 Viża Schengen tiswa EUR 60.
17 L-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006.
18 L-Artikolu 7, idem.
19 L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1726 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA).
20 Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) f’konformità mal-Artikoli 24(5), 43(3) u 50(5) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikoli 59(3) u 66(5) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, 21.12.2016, p. 11.
21 Bosta Stati Membri semmew problemi relatati mal-kwalità tad-data bħala problema frekwenti u rikorrenti skont il-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tas-SIS II. Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) skont l-Artikoli 24(5), 43(3) u 50(5) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikoli 59(3) u 66(5) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, 21.12.2016.
22 Statistika tal-Eurostat (l-ewwel permessi fl-2017): http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=migr_resfirst&lang=en
23 COM(2018) 302, Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (KE) Nru 810/2009, ir-Regolament (UE) 2017/2226, ir-Regolament (UE) 2016/399, ir-Regolament XX/2018 [ir-Regolament dwar l-Interoperabbiltà], u d-Deċiżjoni 2004/512/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI.
24 Sors: Evalwazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur), 12.9.2018, p. 44.
25 Id-data tal-PNR tiġi ġġenerata waqt il-prenotazzjoni, u l-linji tal-ajru huma suġġetti għal multi jekk il-listi tal-passiġġieri jaslu tard. Għall-VIS, id-data tiġi ġġenerata awtomatikament meta tinħareġ il-viża.
26 Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013.
27 L-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament dwar l-Eurodac.
28 Abbażi tal-Protokoll 22 għat-Trattati, id-Danimarka ma tipparteċipax fid-Direttiva dwar il-PNR.
Kronoloġija
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 17.4.2018 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) | 11.7.2019 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 8.10.2019 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 31.10.2019 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019
| ISBN 978-92-847-3855-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/150718 | QJ-AB-19-020-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-3823-6 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/948301 | QJ-AB-19-020-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2019
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li mhuwiex taħt id-drittijiet tal-awtur tal- L-Unjoni Ewropea, għandu jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
