Rapport Speċjali
16 2022

Data fil-Politika Agrikola Komuni Potenzjal mhux imwettaq tal-big data għall-evalwazzjonijiet tal-politika

Dwar ir-rapport:L-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-evidenza fid-deċiżjonijiet ta’ politika jirrikjedi data varja minn sorsi differenti u analiżi sussegwenti. Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni hijiex tinqeda tajjeb bid-data u bl-analitika tad-data għat-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki rigward il-Politika Agrikola Komuni, li tirrappreżenta aktar minn terz tal-baġit tal-UE. Sibna li l-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex tinqeda aħjar bid-data li teżisti. Madankollu, jibqa’ xi xkiel biex isir l-aħjar użu mid-data miġbura. Xkiel bħal nuqqas ta’ standardizzazzjoni u limitazzjonijiet minħabba aggregazzjoni tad-data jnaqqas id-disponibbiltà u l-utilizzabbiltà tad-data. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, li jinkludu t-titjib tal-użu ta’ data diżaggregata miksuba mingħand l-Istati Membri.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport speċjali: Użu ta’ Big Data fil‑Politika Agrikola Komuni (PAK)

Sommarju eżekuttiv

I Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tirrappreżenta aktar minn terz tal-baġit tal-UE. Il-politika għandha għadd kbir ta’ objettivi kumplessi u interrelatati, li jvarjaw minn standards tal-għajxien fil-komunità agrikola sa aspetti ambjentali u relatati mal-klima kif ukoll l-iżvilupp taż-żoni rurali. L-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-evidenza fid-deċiżjonijiet ta’ politika jirrikjedi data varja minn sorsi differenti u analiżi sussegwenti.

II L-objettiv tal-awditu kien li titwettaq valutazzjoni ta’ jekk il-Kummissjoni hijiex qed tinqeda tajjeb bid-data u bl-analitika biex twettaq analiżi tal-politika tal-PAK. Din il-valutazzjoni hija rilevanti kemm għall-PAK li tibda fl-2023 kif ukoll għall-PAK ta’ wara l-2027.

III L-ewwel nett, aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni użat id-data disponibbli għall-analiżi tal-politika fi snin reċenti, u jekk id-data disponibbli hijiex suffiċjenti. Imbagħad, eżaminajna x’qed tagħmel il-Kummissjoni biex tindirizza l-lakuni fid-data, inkluż l-użu tal-big data.

IV Sibna li l-Kummissjoni żżomm ammonti kbar ta’ data għat-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK. Il-Kummissjoni tuża għodod konvenzjonali bħal spreadsheets biex tanalizza d-data li hija tiġbor mill-Istati Membri. Id-data u l-għodod attwali ma jwasslux ċerti elementi sinifikanti (eż. dettalji tal-prattiki ambjentali applikati, u introjtu mhux tal-azjendi agrikoli) li huma meħtieġa għal tfassil ta’ politika infurmat tajjeb. Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi leġiżlattivi u inizjattivi oħra biex tinqeda aħjar bid-data eżistenti, iżda jibqa’ xi xkiel biex isir l-aħjar użu mid-data miġbura. Xkiel bħal nuqqas ta’ standardizzazzjoni u limitazzjonijiet minħabba aggregazzjoni tad-data jnaqqas id-disponibbiltà u l-utilizzabbiltà tad-data.

V Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tistabbilixxi qafas għall-użu ta’ data diżaggregata miksuba mingħand l-Istati Membri; u
  • tinqeda aktar bis-sorsi tad-data u tiżviluppahom biex il-ħtiġijiet ta’ politika jiġu ssodisfati.

Introduzzjoni

Il-Politika Agrikola Komuni hija qasam ta’ politika wiesa’

01 Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tnediet fl-1962 u tirrappreżenta aktar minn terz tal-baġit tal-UE: għall-perjodu 2014-2020, in-nefqa agrikola ammontat għal EUR 408 biljun b’kollox. L-objettivi ġenerali tat-Trattat1 għall-politika huma speċifikati f’aktar dettall fir-regolamenti dwar il-PAK (ara l-Figura 1). Il-politika tfittex li tħalli impatt mhux biss fuq il-produzzjoni agrikola u l-bdiewa, iżda wkoll fuq l-aspetti ambjentali, dawk relatati mal-klima u dawk soċjali.

Figura 1 – Objettivi ġenerali tal-perjodi 2014-2020 u 2023-2027 tal-PAK

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Artikolu 110(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

02 Taħt il-PAK, il-benefiċjarji jirċievu l-akbar sehem ta’ sussidju fuq il-bażi tal-art għad-dispożizzjoni tagħhom. Porzjon ieħor ta’ sussidju jista’ jitħallas bħala rimborż tal-ispejjeż għat-twettiq ta’ attivitajiet speċifiċi, u għall-finanzjament ta’ investimenti. Id-dritt tal-UE jistabbilixxi l-bażi għall-biċċa l-kbira mill-pagamenti. Id-data dwar l-azjendi agrikoli tinħoloq u tinġabar permezz ta’ diversi mezzi (il-Figura 2).

Figura 2 – Eżempji ta’ data maħluqa u miġbura li hija rilevanti għall-PAK

Sors: il-QEA.

Rwol tad-data f’ċiklu tal-politika

03 Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni jitolbu approċċ ibbażat fuq l-evidenza, li jfisser li d-deċiżjonijiet ta’ politika jeħtieġ li jkunu bbażati fuq l-aħjar evidenza disponibbli. Skont il-Kummissjoni, id-definizzjoni ta’ evidenza hija: data, informazzjoni, u għarfien mingħand diversi sorsi, inkluża data kwantitattiva bħal statistika u kejl, data kwalitattiva bħal opinjonijiet, input mill-partijiet ikkonċernati, konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll pariri xjentifiċi u esperti2. Ċiklu tal-politika konvenzjonali fih id-diversi passi li jidhru fil-Figura 3. Politika bbażata fuq l-evidenza teħtieġ data rilevanti f’kull stadju taċ-ċiklu.

Figura 3 – Użu tad-data f’ċiklu tal-politika

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar.

04 Globalment, l-organizzazzjonijiet qed jagħmlu użu dejjem akbar mill-“big data”, u b’hekk jistgħu jużaw data li tkun inkisbet b’diversi modi. Fir-rapport, aħna nqisu li “big data” hija data li hija kumplessa wisq jew kbira wisq għal sistemi tradizzjonali tal-ipproċessar ta’ data, u li tirrikjedi għodod u qawwa komputazzjonali avvanzati.

05 L-agrikoltura hija settur fejn l-innovazzjonijiet u t-teknoloġiji diġitali qed jiġu applikati dejjem aktar; il-Figura 4 tippreżenta eżempji ta’ teknoloġiji diġitali fl-agrikoltura. Is-settur pubbliku jista’ juża ħafna minn dawn it-teknoloġiji. Avvanzi teknoloġiċi jistgħu jnaqqsu l-iskeda ta’ żmien għat-tiswir tal-politiki, u jżidu l-bażi ta’ evidenza għad-deċiżjonijiet ta’ politika3. Dan it-titjib jippermetti lill-gvernijiet jadottaw politiki mmexxija mid-data, b’mod partikolari billi jagħmilha possibbli li4:

  • jiġu mifhuma aħjar l-impatti ambjentali tal-agrikoltura, u jiġu fformulati objettivi ta’ politika li jindirizzaw dawk l-impatti b’mod olistiku;
  • jitfasslu politiki differenzjati u mmirati; u
  • jiġu applikati sistemi ġodda ta’ monitoraġġ immexxija mid-data.

Figura 4 – Teknoloġiji diġitali għall-agrikoltura

Sors: il-QEA, ibbażat fuq it-Tabella 2.1 ta’ “Digital Opportunities for Better Agricultural Policies” tal-OECD, OECD Publishing, Pariġi, 2019.

L-ambizzjonijiet tal-UE rigward id-data

06 Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet diversi dokumenti li jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ titjib u massimizzazzjoni tal-użu tad-data għal tfassil aħjar ta’ politiki, jew biex ikun hemm impatt fuq il-kondiviżjoni tad-data jew l-għodod fl-UE (ara l-Figura 5).

Figura 5 – Inizjattivi prinċipali tal-Kummissjoni relatati mad-data

Sors: il-QEA, ibbażat fuq C(2016) 6626, DataStrategy@EC, C(2018) 7118, COM(2021) 37, COM (2018) 234/id-Direttiva (UE) 2019/1024, COM(2020) 66, COM(2020) 767, COM(2021) 118, COM(2021) 205 u COM(2021) 206.

07 Il-Komunikazzjoni tal-2016 mill-Kummissjoni dwar “Data, information and knowledge management at the Commission” enfasizzat il-ħtieġa li jittejbu l-irkupru u t-twassil tal-informazzjoni, u li jiġi massimizzat l-użu tad-data għal tfassil aħjar ta’ politiki. Hija ddikjarat li l-big data għandha l-potenzjal li żżid sinifikattivament il-kapaċitajiet tal-Kummissjoni billi tippermetti detezzjoni bikrija tat-tendenzi u feedback aktar rapidu b’appoġġ għal Regolamentazzjoni Aħjar u tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza kif ukoll li ttejjeb il-wiri tar-riżultati lill-partijiet ikkonċernati kollha. Il-Kummissjoni ppjanat li tiżviluppa l-ħiliet, l-għodod u l-infrastruttura komputazzjonali meħtieġa biex tappoġġa kapaċità ta’ big data. Hija enfasizzat ukoll li l-ħtiġijiet tad-data u l-lakuni fl-għarfien jeħtieġ li jiġu antiċipati aħjar biex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli, utilizzabbli u utli għall-valutazzjonijiet tal-impatt, għall-monitoraġġ, għar-rappurtar u għall-evalwazzjoni5. L-istrateġija interna għad-data tal-Kummissjoni (DataStrategy@EC) hija l-għodda prinċipali li tintuża biex il-Komunikazzjoni titqiegħed fil-prattika.

08 F’Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea biex sal-2022 issir amministrazzjoni ttrasformata diġitalment, iffukata fuq l-utent u mmexxija mid-data. Hija affermat id-direzzjoni stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-2016. Mid-disa’ azzjonijiet elenkati fl-istrateġija, aħna nqisu li t-tnejn li ġejjin huma l-aktar rilevanti għall-ambitu tal-awditu li wettaqna:

  • integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fl-ambjent tal-IT tal-Kummissjoni; u
  • iffaċilitar tal-fluss liberu tad-data li għandha x’taqsam ma’ politiki mifruxa mal-UE kollha, bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

09 Fi Frar 2020, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni li ġġib it-titolu “Strateġija Ewropea għad-data6 għall-perjodu 2021-2027, li l-ambitu tagħha mar ferm lil hinn mill-Kummissjoni nnifisha. L-istrateġija għandha l-għan li twettaq il-“viżjoni għal suq uniku ġenwin tad-data” permezz ta’ azzjonijiet bħall-istabbiliment ta’ qafas ta’ governanza għall-aċċess u l-użu tad-data, u l-investiment fl-infrastruttura tad-data u fil-ħiliet. Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati jinkludu: id-disponibbiltà tad-data, l-interoperabbiltà u l-kwalità tad-data, il-governanza tad-data, l-infrastruttura u t-teknoloġiji tad-data (eż. kapaċità tal-ipproċessar ta’ data, u infrastruttura tal-cloud), u ċ-ċibersigurtà.

10 Il-proposta tal-Kummissjoni fl-2020 għal Att dwar il-Governanza tad-Data7 kellha l-għan li tiffaċilita l-użu mill-ġdid ta’ ċerti kategoriji ta’ data protetta tas-settur pubbliku, iżżid il-fiduċja fis-servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, u tippromwovi l-altruwiżmu mil-lat ta’ data fl-UE.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

11 L-awditu li wettaqna kellu l-għan li jivvaluta jekk il-Kummissjoni tinqediex tajjeb bid-data u bl-analitika tad-data għall-analiżi tal-politika tal-PAK. L-ewwel nett, aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni użat id-data disponibbli għall-analiżi tal-politika, u jekk id-data hijiex suffiċjenti. Imbagħad, eżaminajna jekk il-Kummissjoni hijiex qed tindirizza l-lakuni fid-data, inkluż l-użu tal-big data, u jekk kienx hemm proġetti ta’ riċerka tal-UE li kienu reċenti jew għadhom għaddejjin u li setgħu jgħinu biex dawk il-lakuni jiġu indirizzati u biex l-analiżi tal-politika tal-PAK tittejjeb.

12 L-ambitu tal-awditjar tagħna kien iħaddan it-tfassil tal-politika, il-monitoraġġ matul l-implimentazzjoni, u l-evalwazzjoni. L-awditu kopra l-perjodu mill-2015 sa Frar 2022. Il-valutazzjoni tal-governanza tad-data tal-PAK hija rilevanti, billi r-rapport tagħna jista’ jkollu impatt kemm fuq il-PAK li se tibda fl-2023 kif ukoll fuq il-PAK ta’ wara l-2027. Ir-responsabbiltà primarja għall-PAK hija f’idejn id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) tal-Kummissjoni.

13 Bħala parti mix-xogħol tal-awditjar tagħna, aħna:

  • irrieżaminajna data u dokumenti rilevanti, inklużi dokumenti xjentifiċi, strateġiċi, leġiżlattivi, ta’ politika u ta’ proġetti;
  • intervistajna l-persunal ta’ erba’ direttorati ġenerali tal-Kummissjoni (Agrikoltura u Żvilupp Rurali, l-Eurostat, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), u Networks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija);
  • kellna intervisti mal-organizzazzjoni umbrella agrikola COPA-Cogeca dwar il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE dwar il-kondiviżjoni tad-data agrikola bi ftehim kuntrattwali, u mar-rappreżentanti tal-proġett Sen4CAP;
  • ikkonsultajna s-27 Stat Membru kollha tal-UE permezz ta’ stħarriġ indirizzat lill-ministeru/lid-dipartiment responsabbli mill-PAK u, abbażi tar-risposti għall-istħarriġ, kellna diskussjonijiet ta’ segwitu mal-awtoritajiet fil-Belġju, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Netherlands u Spanja;
  • wettaqna analiżi, mhux fuq il-post, ta’ tliet pajjiżi mhux tal-UE (l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Ġappun) għal skopijiet ta’ valutazzjoni komparattiva. It-tim tal-awditjar għażel dawn il-pajjiżi abbażi ta’ ekonomija agrikola sinifikanti, inizjattivi innovattivi jew diġitali għall-ġestjoni agrikola, u d-disponibbiltà ta’ data pubblika; u
  • organizzajna panel ta’ diskussjoni ma’ esperti xjentifiċi, politiċi u amministrattivi.

Osservazzjonijiet

Id-data u l-għodod attwali jwasslu parzjalment l-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil ta’ politika infurmat tajjeb fil-livell tal-UE

14 Il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-prestazzjoni tal-PAK fir-rigward tat-tliet objettivi ġenerali tagħha8 (ara l-Figura 1). Jenħtieġ li l-evidenza li l-Kummissjoni tiġbor għat-tfassil tal-politika tkun proporzjonata u xierqa biex tinforma l-għażliet ta’ politika u biex tindirizza l-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni9. Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet jiżguraw ukoll li l-evidenza rilevanti tkun disponibbli biex tappoġġa t-tħejjija ta’ inizjattivi ġodda (il-prinċipju “l-ewwel evalwa”).

15 Aħna eżaminajna jekk id-DĠ AGRI jużax firxa suffiċjenti ta’ sorsi tad-data u ta’ data għall-analiżi tal-politika tal-PAK, u jekk japplikax għodod analitiċi rilevanti. Esplorajna x’tip ta’ data, sistemi tal-IT u analitika tad-data jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni u x’tuża. Biex niddeterminaw jekk id-data u l-għodod humiex suffiċjenti, irrieżaminajna l-evalwazzjonijiet u d-dokumenti ta’ tħejjija tal-politika.

Id-DĠ AGRI jiġbor fil-biċċa l-kbira data amministrattiva, u prinċipalment juża għodod konvenzjonali għall-analiżi tad-data

16 Biex ifassal, jimmonitorja u jevalwa l-PAK, id-DĠ AGRI għandu fil-pussess tiegħu volumi kbar ta’ data prinċipalment amministrattiva (eż. prezzijiet tas-suq u pagamenti, u informazzjoni tal-kontabbiltà agrikola) li jirċievi l-aktar mingħand l-Istati Membri, li jiġbru d-data sabiex iwettqu l-politika. L-istatistika agrikola tal-UE miġbura mill-Eurostat tiġi minn varjetà ta’ sorsi: stħarriġiet, data amministrattiva, data mingħand azjendi agrikoli u negozji oħra, kif ukoll data fil-livell tal-azjendi agrikoli minn ċensimenti agrikoli u kampjuni10.

17 Id-DĠ AGRI jsegwi l-istrateġija għad-data interna tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha inventarju tad-data li jindika s-sjieda, l-aċċessibbiltà, il-ħżin u r-riutilizzabbiltà ta’ kull assi tad-data. Dan l-eżerċizzju ta’ rendikont ma semmiex informazzjoni dwar lakuni jew trikkib.

18 L-inventarju tad-data tad-DĠ AGRI fi Frar 2022 kien jikkonsisti f’57 assi tad-data maħżuna f’diversi sistemi tal-IT u bażijiet ta’ data (għal eżempji, ara l-Figura 6). Il-bażijiet ta’ data fihom prinċipalment data amministrattiva strutturata, u d-DĠ AGRI essenzjalment juża għodod statistiċi biex jipproċessaha. Għadd ta’ dokumenti li d-DĠ AGRI jiġbor mingħand l-Istati Membri (eż. rapporti annwali ta’ implimentazzjoni) jinkludu data mhux strutturata, li għaliha d-DĠ AGRI ma għandu l-ebda għodda ta’ pproċessar awtomatizzat jew semiawtomatizzat.

Figura 6 – Eżempji ta’ sistemi tal-IT u bażijiet ta’ data prinċipali għad-data tal-PAK

Sors: il-QEA.

19 Id-DĠ AGRI għandu ftehim mal-JRC għall-analiżi tad-data u biex jesplora modi kif jinqeda aħjar bid-data li teżisti. Abbażi ta’ dan, huwa juża xi metodi avvanzati fl-analiżi li jwettaq fir-rigward tal-politika tal-PAK (bħall-mudell IFM-PAK, mudelli ekonometriċi, u analitika predittiva). Il-mudell IFM-PAK huwa l-Mudell tal-Azjenda Agrikola Individwali għall-Analiżi tal-Politika Agrikola Komuni, li għandu l-għan li jivvaluta l-impatti tal-PAK fuq l-ekonomija tal-azjendi agrikoli u l-effetti ambjentali tagħha.

20 L-analiżi li wettaqna tal-erba’ sistemi tal-IT (l-ISAMM, il-CATS/COMBO, l-Agriview, u l-SFC) u tal-bażi ta’ data tal-FADN li jikkontribwixxu għall-portal tad-data Agroalimentari (ara l-Figura 6) stabbiliet li d-DĠ AGRI prinċipalment jiġbor data aggregata. Minn dawn, il-CATS/COMBO biss fiha data diżaggregata fil-livell tal-azjendi agrikoli.

21 Id-DĠ AGRI jippubblika data konsolidata fuq il-Portal tad-Data Agroalimentari, li joffri informazzjoni mingħand ħafna assi tad-data tad-DĠ AGRI u mingħand l-istatistika agrikola tal-Eurostat, viżwalizzazzjonijiet interattivi, u dashboards. L-utenti jistgħu jikkonsultaw is-serje kronoloġika, mapep interattivi, ċarts u tabelli, kif ukoll iniżżlu data mhux ipproċessata għall-użu mill-ġdid u għall-analiżi offline. Id-DĠ AGRI jaġġorna l-portal kontinwament. Aħna nqisu li l-portal huwa prattika tajba għad-data li hija disponibbli għall-pubbliku, billi joffri punt uniku ta’ aċċess għal sett kbir ta’ data dwar is-swieq agroalimentari, l-analiżi, l-indikaturi tal-PAK, u l-finanzjament mill-UE.

22 Is-sistemi tal-IT ewlenin li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw għall-PAK jiffukaw fuq analitika deskrittiva u dijanjostika; ftit huma dawk li huma predittivi jew preskrittivi (ara l-Figura 7).

Figura 7 – Erba’ tipi ta’ analitika tad-data u l-użu tagħhom

Sors: il-QEA, ibbażat fuq Gartner u fuq id-dokumenti tal-Kummissjoni.

23 Ibbażat fuq intervisti u r-risposti tal-Istati Membri għall-istħarriġ tagħna, sibna ħafna xkiel għall-użu ta’ big data mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri (ara l-paragrafu 04) u l-analitika avvanzata għall-analiżi tal-politika tal-PAK, bħal:

  1. differenzi fl-istandards tal-kwalità jew fir-rekwiżiti bejn sorsi differenti tad-data;
  2. regoli dwar il-kunfidenzjalità li jillimitaw l-użu ta’ data fil-livell tal-azjendi agrikoli;
  3. disponibbiltà limitata tad-data u data li ma tkunx fl-istess format jew fil-format it-tajjeb; u
  4. livell baxx ta’ litteriżmu fid-data u nuqqas ta’ persunal ikkwalifikat.

24 Minħabba nuqqas ta’ referenzi komuni, bħal identifikatur uniku, huwa diffiċli li tiġi kkombinata data fil-livell tal-azjendi agrikoli mingħand sorsi differenti tad-data għall-analiżi tal-PAK. Kieku jkun hemm identifikatur uniku jew tekniki alternattivi ta’ kombinament tad-data, ikun possibbli li jkun hemm link tad-data minn sorsi differenti tad-data li għandha x’taqsam mal-istess azjenda agrikola (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1 – Eżempju fejn tekniki ta’ kombinament tad-data jkunu utli

Identifikatur uniku jew teknika oħra ta’ kombinament tad-data jistgħu jkunu utli biex ikun hemm kollegament u kombinament ta’ data fil-livell tal-azjendi agrikoli miġbura fi stħarriġiet mill-FADN u kampjuni tal-ħamrija mill-Istħarriġ Qafas tal-Użu tal-Art u taż-Żona ta’ Kopertura (LUCAS). Din tkun tipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-rabta bejn il-prattiki tal-biedja u l-istatus bijofiżiku ta’ roqgħa art, speċjalment għall-ġbir futur potenzjali ta’ data, eż. dwar il-ġestjoni tal-ħamrija speċifika għall-għelejjel jew dwar in-newba tal-għelejjel.

25 Normalment, id-DĠ AGRI jivvaluta manwalment l-informazzjoni testwali li l-Istati Membri jipprovdu fir-rapporti annwali tagħhom, u ma jużax tekniki tal-big data bħall-analitika testwali jew l-estrazzjonijiet awtomatizzati. L-analiżi li wettaqna turi li aktar awtomatizzazzjoni hija possibbli (ara l-Kaxxa 2 għal eżempju).

Kaxxa 2 – Awtomatizzazzjoni tal-estrazzjoni tad-data għar-rappurtar

L-Istati Membri jippreżentaw rapporti annwali ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-fondi magħrufa bħala l-SFC. Dawn ir-rapporti fihom informazzjoni numerika u testwali, prinċipalment fl-ilsna nazzjonali.

Il-persunal tad-DĠ AGRI jdaħħal data manwalment minn madwar 115-il rapport f’tabella Excel biex janalizza l-informazzjoni. Aħna ttestjajna jekk kienx possibbli li tintuża għodda awtomatizzata għal parti minn dan ix-xogħol. Għal dan l-iskop, żviluppajna soluzzjoni robotika li tilloggja fl-SFC, u mbagħad tinnaviga u testratta awtomatikament il-kampijiet tad-data rilevanti. Dan is-software wettaq estrazzjoni awtomatizzata tad-data mill-SFC u kompilazzjoni awtomatizzata ta’ għodda għall-iskrinjar Excel, li d-DĠ AGRI kien ipproduċa manwalment preċedentement.

Ċerti karatteristiċi tad-data u s-sistemi li jeżistu jillimitaw l-użu tagħhom għall-analiżi tal-politika

26 Aħna vvalutajna l-użu u l-limitazzjonijiet ta’ tliet sorsi tad-data differenti ħafna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw b’mod mifrux (ara t-Tabella 1).

Tabella 1 – Eżempju tal-użu attwali ta’ sorsi tad-data f’diversi fażijiet tal-politika

  SIAK
Data amministrattiva fil-livell tal-azjendi agrikoli u data spazjali
Copernicus
Data satellitari
FADN
Data tal-istħarriġiet
Ippjanar/tfassil tal-politika Stati Membri: xi użu, eż. biex jiġi stmat l-għadd potenzjali ta’ applikanti għal miżuri speċifiċi Stati Membri u l-Kummissjoni: użu limitat, għajr użu mill-ġdid tad-data ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni Il-Kummissjoni: ammonti diversi ta’ analiżi u mmudellar ekonomiċi u xi wħud ambjentali
Kontroll u ġestjoni Stati Membri: biex jiġu vverifikati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-erja u mal-annimali, u biex tiġi vverifikata u maħżuna l-informazzjoni. Id-data li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-CATS/COMBO hija bbażata l-aktar fuq informazzjoni fis-SIAK Stati Membri: “Verifiki permezz tal-Monitoraġġ” biex jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post Mhux użati
Monitoraġġ għar-rappurtar dwar il-prestazzjoni Stati Membri: indikaturi tal-output u tar-riżultati, eż. għadd ta’ ettari taħt skema speċifika ta’ appoġġ Il-Kummissjoni: indikaturi tal-kuntest u tal-impatt, eż. kopertura tal-art Il-Kummissjoni: indikaturi tal-kuntest u tal-impatt, eż. il-valur miżjud nett tal-azjenda agrikola
Evalwazzjoni Stati Membri u l-Kummissjoni: l-indikaturi mill-monitoraġġ jintużaw bħala sors wieħed tad-data għall-evalwazzjoni Il-Kummissjoni: meta tintuża d-data dwar il-monitoraġġ għall-evalwazzjonijiet Il-Kummissjoni: ammonti diversi ta’ analiżi u mmudellar ekonomiċi u xi wħud ambjentali

Sors: il-QEA.

Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll

27 Il-Kummissjoni għandha aċċess limitat għas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) tal-Istati Membri, li hija l-element kostitwenti prinċipali tal-ġestjoni tal-pagamenti tal-PAK fl-Istati Membri. Għall-PAK tal-perjodu 2014-2020, is-SIAK tikkonsisti f’għadd ta’ bażijiet ta’ data diġitali u interkonnessi, b’mod partikolari11:

  1. sistema għall-identifikazzjoni tal-irqajja’ agrikoli kollha fil-pajjiżi tal-UE, magħrufa bħala s-sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art (LPIS);
  2. sistema li permezz tagħha l-bdiewa jistgħu jindikaw b’mod grafiku l-erjas agrikoli li għalihom qed japplikaw għall-għajnuna (l-applikazzjoni ta’ għajnuna ġeospazjali, jew il-GSAA);
  3. sistema għar-reġistrazzjoni tal-identità ta’ kull benefiċjarju li jissottometti applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.
  4. sistema integrata ta’ kontroll biex jiġu vverifikati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, ibbażata fuq kontroverifiki kompjuterizzati u kontrolli fiżiċi fl-azjendi agrikoli.

28 L-Istati Membri jużaw is-SIAK biex jirċievu applikazzjonijiet għall-għajnuna, għal verifiki amministrattivi u kontrolli oħra (eż. verifiki fuq il-post u verifiki permezz tal-monitoraġġ), u biex jagħmlu pagamenti12. L-Istati Membri jistgħu jużaw soluzzjonijiet tekniċi differenti għas-SIAK tagħhom. Nuqqas ta’ standardizzazzjoni, sidien differenti tad-data (jiġifieri mhux dejjem l-istess tip ta’ awtorità), u żviluppi indipendenti tal-IT joħolqu frammentazzjoni, jagħmluha diffiċli biex titqabbel id-data, u jillimitaw kif id-data tista’ tiġi kondiviża jew użata mill-ġdid. Dan inaqqas il-possibbiltajiet li analitika avvanzata jew tekniki oħra tal-big data jintużaw biex jiġi vvalutat l-impatt tal-fondi tal-UE13. Il-Kummissjoni għandha aċċess limitat għat-42 sistema (nazzjonali jew reġjonali) differenti tal-Istati Membri, li jinkludu data dettaljata dwar l-azjendi agrikoli u n-negozji14. Dan jagħmilha diffiċli, pereżempju, li jkun hemm informazzjoni dettaljata dwar id-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE.

29 Ibbażat fuq ir-rieżaminar li wettaqna ta’ diversi proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE15, sibna li l-approċċ deċentralizzat tas-SIAK jillimita l-integrazzjoni ulterjuri u l-ħolqien ta’ kollegament għal dawn is-sorsi tad-data ma’ sorsi oħra tad-data tal-Kummissjoni, prinċipalment minħabba:

  1. problemi ta’ kompatibbiltà (soluzzjonijiet tekniċi differenti) u nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi tad-data;
  2. regoli dwar il-kunfidenzjalità li ma jippermettux il-kollegament tad-data tal-azjendi agrikoli li tkun ġejja minn diversi sorsi tad-data (eż. is-SIAK u l-FADN); u
  3. granularità baxxa ta’ bażijiet ta’data oħrajn, jiġifieri data b’livell insuffiċjenti ta’ dettall, u nuqqas ta’ identifikaturi komuni biex jaqblu mad-data tas-SIAK.

30 Biex itejjeb il-kondiviżjoni u d-disponibbiltà tad-data, id-DĠ AGRI qed iħeġġeġ l-Istati Membri jikkondividu d-data ġeospazjali mhux personali tagħhom tas-SIAK permezz tal-ġeoportal Inspire komuni (ara l-Figura 8), bl-appoġġ tekniku tal-JRC. Il-portal jipprovdi aċċess għas-servizzi ta’ tniżżil u ta’ konsultazzjoni għal data ġeospazjali ambjentali kkompilata mill-Istati Membri.

Figura 8 – Ġeoportal Inspire

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-JRC.

31 Il-livell sa fejn id-data tiġi kondiviża permezz tal-ġeoportal Inspire jvarja skont l-Istat Membru. Eżempji tal-għadd ta’ rekords tal-metadata għal tliet temi magħżula huma ppreżentati fil-Figura 9. L-Istati Membri jippubblikaw ukoll xi data ġeospazjali permezz tal-ġeoportali nazzjonali (jew reġjonali) indipendenti tagħhom.

Figura 9 – Rekords tal-metadata kondiviżi fuq il-ġeoportal Inspire fuq tliet temi (skont l-għadd u s-sehem tar-rekords totali għal kull suġġett)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-ġeoportal Inspire (fis-17.2.2022).

Data satellitari ta’ Copernicus

32 Id-data satellitari ta’ Copernicus tissodisfa d-definizzjoni ta’ big data (ara l-paragrafu 04). Il-Kummissjoni tikkoordina l-approċċ ta’ “Verifiki permezz tal-Monitoraġġ” (abbażi tad-data ta’ Copernicus), li huwa eżempju ta’ monitoraġġ awtomatizzat tal-PAK fl-Istati Membri.

33 Taħt “Verifiki permezz tal-Monitoraġġ”, jiġu analizzati flussi kontinwi tad-data satellitari ta’ Copernicus sabiex jiġi vverifikat jekk irqajja’ art speċifiċi jikkonformawx mal-kriterji ta’ eliġibbiltà. L-awtoritajiet nazzjonali ilhom mill-2018 jistgħu jużaw id-data ta’ Copernicus biex jissostitwixxu l-ispezzjonijiet tradizzjonali fuq il-post. Skont il-Kummissjoni, fl-2021, il-“Verifiki permezz tal-Monitoraġġ” kienu japplikaw għal 13.1 % tal-erja li kienet qed tirċievi pagamenti diretti. Il-mira għall-2024 hija 50 %16. Fl-2021, 10 Stati Membri applikaw il-proċess għal mill-inqas skema waħda ta’ għajnuna f’mill-inqas parti mit-territorju tagħhom, filwaqt li fl-2020, meta ħriġna rapport speċjali li jkopri l-“Verifiki permezz tal-Monitoraġġ”17 (ara l-Kaxxa 3), l-għadd kien 5.

Kaxxa 3 – Rakkomandazzjoni mir-Rapport Speċjali 04/2020

Fir-Rapport Speċjali 04/2020 tagħna dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ immaġni18, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tagħmel użu aħjar minn teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi, u indikajna Diċembru 2021 bħala data ta’ skadenza. Il-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni.

B’mod aktar speċifiku, irrakkomandajna li tintuża informazzjoni li tkun ġejja mit-teknoloġiji ġodda biex jingħata fehim approfondit aħjar rigward il-prestazzjoni tal-politika tal-PAK ta’ wara l-2020. Bis-sostituzzjoni tal-“Verifiki permezz tal-Monitoraġġ” fakultattivi b’Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja obbligatorja, il-Kummissjoni tistimola użu akbar tad-data satellitari ta’ Copernicus għal interventi relatati mal-erja fil-PAK ta’ wara l-2020. Is-sistema l-ġdida tipprevedi l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data mis-satelliti ta’ Copernicus u ritratti fuq il-post.

Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola

34 Is-sors prinċipali tad-data ekonomika huwa l-FADN. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw l-FADN f’livell mifrux għall-immudellar, għall-evalwazzjonijiet u għar-rappurtar.

35 L-FADN ilu mill-1965 bil-għan li jipprovdi “informazzjoni oġġettiva u rilevanti dwar id-dħul [l-introjtu] […] u dwar l-operazzjonijiet kummerċjali ta’ azjendi agrikoli” għall-PAK19. L-FADN huwa s-sors tad-data mikroekonomika armonizzata li hemm disponibbli biex jitkejjel l-impatt tal-PAK. Huwa bbażat fuq stħarriġiet nazzjonali, huwa volontarju għall-azjendi agrikoli, u jkopri azjendi agrikoli tal-UE li huma kbar biżżejjed biex jitqiesu kummerċjali20.

36 Minħabba l-esklużjoni ta’ azjendi agrikoli mhux kummerċjali u ta’ azjendi agrikoli żgħar, l-FADN huwa inqas rappreżentattiv tal-benefiċjarji tal-PAK. Fl-2015, l-istħarriġ kien jinkludi madwar 83 000 azjenda agrikola. Filwaqt li din iċ-ċifra tirrappreżenta madwar 90 % tal-erja agrikola totali utilizzata u tal-produzzjoni agrikola totali21, hija tirrappreżenta 4.7 miljun minn total ta’ 10.8 miljun azjenda fl-UE22. L-FADN mhuwiex imfassal biex ikun rappreżentattiv tal-benefiċjarji tal-PAK. Skont il-Kummissjoni, fl-2019 is-sehem tal-benefiċjarji mhux rappreżentati tal-pagamenti diretti taħt il-PAK kien ivarja minn 5 % fin-Netherlands sa 78 % fis-Slovakkja.

Nuqqas ta’ data adegwata jillimita l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-PAK

37 Jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet jużaw l-aħjar evidenza disponibbli, meħuda minn firxa diversa u xierqa ta’ metodi u sorsi (triangolazzjoni)23. Id-data granulari tagħmilha aktar faċli biex tinħoloq rabta bejn l-objettivi tal-politika u r-riżultati/l-impatt24. Skont il-leġiżlazzjoni, jenħtieġ li l-informazzjoni li tintuża biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-PAK tkun ibbażata, sa fejn ikun possibbli, fuq sorsi tad-data stabbiliti bħall-FADN u l-Eurostat25. Huwa mistenni li monitoraġġ tajjeb jiġġenera data fattwali tas-serje kronoloġika biex tittejjeb il-kwalità ta’ evalwazzjoni u ta’ valutazzjoni tal-impatt futuri26.

38 Aħna eżaminajna ħames evalwazzjonijiet jew studji li jappoġġaw l-evalwazzjoni, imwettqa mill-Kummissjoni, li jkopru mill-inqas evalwazzjoni waħda għal kull wieħed mit-tliet objettivi ġenerali tal-PAK fil-Figura 1. Sibna li l-evalwazzjonijiet inqdew b’varjetà ta’ data miġbura għall-ġestjoni jew għall-monitoraġġ tal-politika, eż. l-indikaturi tal-PAK27, l-FADN, il-CATS/COMBO, l-istatistika tal-Eurostat, u s-Sistema ta’ Informazzjoni għall-Ġestjoni tas-Suq Agrikolu (ISAMM). Din id-data spiss tiġi kkomplementata minn data esterna (eż. mingħand l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, in-Nazzjonijiet Uniti, u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura), studji tal-każijiet, kwestjonarji, u intervisti.

39 Għat-tliet objettivi kollha tal-PAK, il-Kummissjoni u l-evalwaturi jużaw evalwazzjoni tal-impatt kontrofattwali28. Din tirrikjedi data dwar il-gruppi ta’ kontroll, jiġifieri entitajiet li ma japplikawx il-politika. L-FADN jipprovdi data dwar iż-żewġ gruppi, u jista’ jkun utli għal analiżi ta’ dan it-tip. Pereżempju, nuqqas ta’ data kontrofattwali jillimita l-istimi tal-kontribut mogħti mill-PAK għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Skont il-Kummissjoni, il-PAK ġiet applikata għal żmien twil wisq u tkopri qasam kbir wisq biex tagħti lok għal data komparattiva29, jiġifieri ma hemm l-ebda ambitu għal tqabbil tas-sitwazzjoni qabel u wara, jew bil-politika u mingħajrha. Huwa diffiċli wkoll li jintużaw metodi kontrofattwali għall-iżvilupp territorjali, billi l-biċċa l-kbira mir-reġjuni jirċievu appoġġ taħt il-PAK. Biex jindirizza din il-problema, il-JRC żviluppa qafas analitiku kwantitattiv ibbażat fuq metodi ta’ evalwazzjoni tal-impatt kontrofattwali biex jipprovdi fehim approfondit dwar ir-rabta kawżali bejn il-politika u r-riżultati tagħha, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-firxa diversa ta’ miżuri li jintużaw fiż-żoni rurali30.

Produzzjoni vijabbli tal-ikel

40 Is-sorsi prinċipali tad-data għall-evalwazzjoni tal-objettiv ta’ produzzjoni vijabbli tal-ikel huma l-FADN u l-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura (KEA) (ara t-Tabella 2). Il-Kummissjoni stabbiliet it-tnejn li huma speċifikament biex tipprovdi data għall-valutazzjoni tal-PAK. Pereżempju, biex tevalwa kif l-appoġġ taħt il-PAK iħalli impatt fuq l-introjtu tal-bdiewa, il-Kummissjoni tuża l-istatistika tal-Eurostat dwar l-introjtu tal-fattur (jiġifieri l-introjtu derivat mill-art, mill-kapital u mix-xogħol), u l-FADN31.

Tabella 2 – Data għall-objettiv ta’ “produzzjoni vijabbli tal-ikel”

Sorsi ewlenin ta’ evidenza li ntużaw Eżempji ta’ lakuni u limitazzjonijiet fid-data li ġew identifikati mill-evalwaturi jew mill-Kummissjoni
  • FADN
  • L-Eurostat: Statistika tal-KEA u dwar l-input ta’ xogħol
  • Data dwar il-pagamenti mill-CATS/COMBO
  • Agriview
  • Il-bażi ta’ data tal-FADN ma tirrappreżentax azjendi agrikoli mhux kummerċjali u lanqas azjendi agrikoli żgħar ħafna.
  • Id-data tal-FADN u tal-CATS/COMBO ssir disponibbli gradwalment f’perjodu ta’ sentejn mis-sena bażi jew mis-sena tat-talba.
  • Id-data organizzata skont il-prodott fil-livell tal-UE dwar il-kwantitajiet ikkummerċjalizzati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-frott u l-ħaxix mhijiex disponibbli.
  • Minħabba l-aggregazzjoni tad-data, mhuwiex possibbli li jiġu identifikati l-bdiewa li jipproduċu l-ħawħ u n-nuċiprisk, pereżempju, minn fost il-bdiewa li jispeċjalizzaw fil-frott.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-evalwazzjoni u l-istudju li jappoġġa l-evalwazzjoni dwar “produzzjoni vijabbli tal-ikel”.

41 L-Istati Membri jieħdu sena biex jiġbru u jivvalidaw id-data tal-FADN, u sena biex il-Kummissjoni tivverifika u tivvalida d-data tal-FADN li tasal mingħand l-Istati Membri. B’riżultat ta’ dan, jgħaddu mill-inqas sentejn qabel ma d-data tkun disponibbli fil-bażi ta’ data tal-FADN. Meta l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta leġiżlattiva għall-PAK ta’ wara l-2020 fl-2018, kienet disponibbli biss data minn sena waħda tal-PAK attwali (dik mill-istħarriġ tal-FADN li twettaq fl-2015). Dan ifisser li l-Kummissjoni għamlet il-proposta tagħha qabel ma kellha d-data l-aktar reċenti tal-FADN dwar il-prestazzjoni u l-impatti tal-politika attwali.

Ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika

42 Għall-objettiv tal-PAK dwar ir-riżorsi naturali u l-klima, jista’ jgħaddi perjodu twil bejn l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ politika u x-xhieda tal-impatt tagħha. Sabiex tiġi ddeterminata rabta kawżali bejn miżura tal-PAK u r-riżultati tagħha, irid jiġi kkombinat ammont varju ta’ data u jitqiesu fatturi esterni. Mill-erba’ komponenti tal-objettiv (ara l-Figura 1), aħna eżaminajna l-bijodiversità. La l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni ma setgħu jipprovdu evidenza tajba li kien hemm rabta kawżali bejn standards ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba32 u l-istat tal-bijodiversità33. Eżempji ta’ evidenza li ntużat u l-limitazzjonijiet fuq il-valutazzjoni tal-komponent Bijodiversità huma ppreżentati fit-Tabella 3.

Tabella 3 – Data dwar il-komponent Bijodiversità tal-objettiv “ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali”

Sorsi ewlenin ta’ evidenza li ntużaw Eżempji ta’ lakuni u limitazzjonijiet fid-data li ġew identifikati mill-evalwaturi jew mill-Kummissjoni
  • Il-kuntest tal-PAK, l-indikaturi tal-output, tar-riżultati u tal-impatt
  • Indikaturi Simplifikati tal-Bijodiversità Ewropea (SEBI)
  • Indikaturi tal-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti rrappurtati mill-Istati Membri lil Forest Europe
  • Indikaturi agroambjentali tal-Kummissjoni
  • Data tal-FADN fil-livell tal-azjendi agrikoli dwar il-produzzjoni, il-profittabbiltà, il-lok (ġewwa jew barra żona Natura 2000) u l-adozzjoni tal-miżuri tal-PAK
  • Id-data dwar l-adozzjoni tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ taħt il-miżuri agroambjentali klimatiċi mhijiex disponibbli.
  • Id-data dwar il-monitoraġġ rigward l-impatti reali tal-miżuri individwali tal-PAK mhijiex suffiċjenti.
  • L-ebda data reċenti għal ħafna mill-indikaturi statistiċi.
  • Id-data dwar il-kwantitajiet ta’ fertilizzanti u pestiċidi li jintużaw fuq l-art agrikola fl-UE mhijiex disponibbli.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq Evaluation support study of the impact of the CAP on habitats, landscapes, biodiversity.

43 Evalwazzjoni tal-2019 ikkonkludiet li ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni kumplessiva tal-impatt tal-politika fuq il-bijodiversità minħabba n-nuqqas ta’ data adatta dwar il-monitoraġġ34. Ħafna mill-indikaturi ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni ma jiġux alimentati b’data regolarment. Pereżempju, mhux l-Istati Membri kollha jiġbru u jirrappurtaw data dwar l-indikatur tal-impatt għall-astrazzjoni tal-ilma fl-agrikoltura.

44 Limitazzjoni oħra fuq l-evalwazzjoni tal-objettiv ambjentali hija li ma kienet disponibbli l-ebdadata komprensiva dwar il-kwantitajiet ta’ fertilizzanti u pestiċidi li jintużaw fl-UE fuq l-art agrikola. Mill-2021 ’il hawn, id-data dwar il-kwantitajiet ta’ pestiċidi li jintużaw fuq l-art agrikola kienet disponibbli, iżda għal inqas minn nofs l-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-evalwaturi użaw id-data tal-FADN dwar l-infiq fuq il-fertilizzanti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull ettaru bħala indikatur.

45 L-istatistika tal-UE disponibbli għall-pubbliku dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tirrigwarda l-ammonti (kg) ta’ sustanzi attivi li jinsabu fil-prodotti mibjugħa għall-protezzjoni tal-pjanti35. Fir-Rapport Speċjali 5/202036, aħna rrappurtajna li r-raggruppament ta’ dawn is-sustanzi attivi bil-manjiera li hija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE jillimita l-informazzjoni li l-Eurostat jista’ jippubblika jew saħansitra jikkondividi ma’ Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni. L-istatistika kkompilata dwar l-użu agrikolu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE mhijiex komparabbli u l-Eurostat ma setax jippubblika statistika dwar l-użu fl-UE kollha.

Żvilupp territorjali bbilanċjat

46 F’evalwazzjoni tal-202137, il-Kummissjoni u l-evalwaturi użaw indikaturi tal-output tal-PAK, data dwar il-pagamenti mill-CATS/COMBO, il-bażi ta’ data Ardeco tad-DĠ REGIO, u l-bażi ta’ data reġjonali tal-Eurostat għat-tielet objettiv tal-PAK. Id-disponibbiltà limitata ta’ data kompluta, dettaljata u aġġornata dwar l-istatus soċjoekonomiku taż-żoni rurali affettwat ir-robustezza tal-evalwazzjoni38. Il-kuntratturi sostnew li d-data kienet skarsa għal xi wħud mill-aspetti ewlenin tas-soċjetà, u, jekk kienet disponibbli, spiss ma kinitx tiġi aġġornata regolarment, iżda prodotta fuq bażiad hoc minn proġetti speċifiċi ta’ riċerka39. F’xi każijiet, l-evalwaturi kienu applikaw indikaturi. Kumplessivament, huma semmew id-disponibbiltà u l-kwalità tal-indikaturi u n-nuqqas ta’ data dwar ir-reġjuni ż-żgħar bħala l-limitazzjonijiet prinċipali fuq l-analiżijiet kwantitattivi.

47 Bl-eċċezzjoni tad-data dwar il-pagamenti fil-CATS/COMBO u d-data individwali dwar l-azjendi agrikoli fl-FADN, il-biċċa l-kbira mid-data li l-Kummissjoni tiġbor mingħand l-Istati Membri hija aggregata, u trendi ċifra waħda għal Stat Membru jew reġjun kollu kemm hu. Dan jillimita l-potenzjal li d-data tintuża mill-ġdid għal skopijiet ta’ evalwazzjoni ulterjuri jew ta’ tfassil ta’ politika. Għal xi aspetti soċjoekonomiċi (eż. inklużjoni soċjali), id-data kienet disponibbli biss fil-livell nazzjonali jew f’riżoluzzjoni ġeografika baxxa, u dan mhuwiex suffiċjenti għall-analiżijiet tad-divrenzjar territorjali40. Id-data dwar il-monitoraġġ tal-PAK ukoll hija nieqsa minn dettalji għal analiżijiet aktar immirati, eż. informazzjoni dwar l-età jew il-ġeneru tal-benefiċjarji41. Din id-data normalment tkun disponibbli fil-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri, iżda mhijiex aċċessibbli għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni ma għandhiex biżżejjed evidenza għall-valutazzjoni li wettqet tal-ħtiġijiet tal-politika tal-PAK

48 Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja proposta leġiżlattiva tibda billi tivverifika li problema tkun teżisti42. Hija trid tistabbilixxi r-raġunament loġiku li jorbot il-problema mal-kawżi tagħha ta’ bażi u l-objettivi relatati, kif ukoll toffri firxa ta’ għażliet ta’ politika biex tindirizza l-problema.

49 Biex neżaminaw l-użu tad-data fl-istadji tat-tfassil tal-politika jew tal-ippjanar, aħna rrieżaminajna l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva tal-PAK ta’ wara l-202043 u diversi dokumenti tal-Kummissjoni li jappoġġawha. Identifikajna dgħufijiet fil-mod kif ġiet ipprovduta data rilevanti biex tappoġġa d-deskrizzjoni tal-problema li l-politika tindirizza taħt l-objettiv speċifiku ta’ “introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli”. Fl-opinjoni tagħna dwar il-proposti leġiżlattivi tal-PAK ta’ wara l-2020, iddikjarajna li d-data u l-argumenti li l-Kummissjoni użat biex tappoġġa l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għall-introjti tal-bdiewa mhumiex suffiċjenti44. Il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni dwar l-introjtu tal-bdiewa jew dak tal-unitajiet domestiċi tal-biedja li mhuwiex ġej mill-biedja, u l-medji jaħbu varjazzjoni kbira fis-sitwazzjoni tal-introjtu. Barra minn hekk, fir-rapport tagħna tal-2021 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, aħna enfasizzajna li n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ statistika dwar l-introjti tal-unitajiet domestiċi tal-bdiewa u dwar l-introjtu disponibbli tal-azjendi agrikoli ripartita skont is-sessi huwa wkoll lakuna kbira fid-data meta jiġu analizzati l-effetti tal-pagamenti diretti fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri45.

50 Fl-2018, irrakkomandajna li “qabel ma tagħmel xi proposta għat-tfassil futur tal-PAK, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-pożizzjoni tal-introjtu għall-gruppi kollha ta’ bdiewa u tanalizza l-ħtieġa tagħhom ta’ appoġġ għall-introjtu”, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni aspetti bħall-introjtu mill-ikel u minn produzzjoni agrikola oħra, kif ukoll minn sorsi mhux agrikoli46. Il-Kummissjoni aċċettat parzjalment ir-rakkomandazzjoni, filwaqt li żiedet li l-politika hija mmirata lejn dawk il-bdiewa li jaħdmu b’mod attiv biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Studju tal-201547 dwar l-introjtu tal-unitajiet domestiċi agrikoli wera lakuna kbira fl-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-PAK, billi ma kien hemm l-ebda sistema statistika jew ta’ monitoraġġ tal-UE biex titwettaq valutazzjoni tal-introjti totali tal-unitajiet domestiċi tal-bdiewa u biex dawn jitqabblu ma’ gruppi oħra fis-soċjetà. Sa Frar 2022, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda progress f’dan il-qasam.

51 Kull tlieta sa erba’ snin, l-Eurostat jirċievi mingħand l-Istati Membri data ta’ “Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli” dwar attivitajiet bi qligħ oħra fl-azjendi agrikoli. Id-data tal-istħarriġ tindika jekk l-attivitajiet bi qligħ oħra humiex attività prinċipali jew sekondarja tal-proprjetarju-maniġer, iżda mhux is-sehem jew il-firxa ta’ introjtu minnha. Id-data l-aktar reċenti ppubblikata fuq is-sit web tal-Eurostat hija għall-201648.

52 Il-lista standard attwali ta’ varjabbli tal-FADN ma tinkludix informazzjoni dwar l-introjtu mhux tal-azjendi agrikoli, billi l-istħarriġ huwa dwar l-azjendi agrikoli u mhux dwar il-bdiewa. Waħidha, id-data dwar it-taxxa fuq l-introjtu fir-reġistri tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali mhijiex suffiċjenti biex tipprovdi dik id-data, minħabba li ma fihiex informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-azjendi agrikoli u fiha introjti agrikoli ta’ dawk il-persuni wkoll li l-attività prinċipali tagħhom mhijiex il-biedja49.

53 Xi Stati Membri (eż. l-Irlanda u n-Netherlands) jiġbru data dwar l-introjtu mhux tal-azjendi agrikoli bl-użu ta’ stħarriġiet nazzjonali tal-FADN, u dan jista’ jimla waħda mil-lakuni fid-data rigward l-introjti reali tal-bdiewa. L-awtoritajiet Irlandiżi regolarment jippubblikaw data indirettament dwar l-introjtu mhux tal-azjendi agrikoli, li tinkludi: “il-preżenza ta’ impjieg mhux tal-azjendi agrikoli”, “il-ġranet u s-sigħat maħduma mhux tal-azjendi agrikoli” u “s-settur fejn saret il-ħidma”.

Il-Kummissjoni għandha diversi inizjattivi biex tinqeda aħjar bid-data eżistenti, iżda għad hemm xkiel

54 Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu aktar inizjattivi biex tindirizza d-dgħufijiet li jeżistu u ttejjeb il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data sabiex tevalwa l-PAK u biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ politika futura. Ikun tajjeb li dawn l-inizjattivi jitqiegħdu fil-prattika f’konformità mal-iskeda ta’ żmien u r-riżultati ddefiniti. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tadatta u tqawwi s-sorsi tad-data li jeżistu għall-PAK il-ġdida. Jenħtieġ li hija wkoll tesplora u timmobilizza sorsi ġodda tad-data biex tnaqqas il-piż fuq il-bdiewa u fuq l-amministrazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb il-bażi ta’ evidenza għall-politika50.

55 Fil-pjan ta’ azzjoni tal-istrateġija interna tagħha dwar id-data, il-Kummissjoni stabbiliet għaliha nnifisha objettivi biex jiġi garantit aċċess għal data li tkun rilevanti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-funzjonament fl-organizzazzjoni kollha, u biex jitrawwem l-użu ta’ teknoloġiji moderni tal-analitika tad-data sabiex xejriet u tendenzi jiġu identifikati aktar malajr u b’mod aktar effettiv.

56 Eżaminajna liema inizjattivi ħadet il-Kummissjoni biex tinqeda aħjar bid-data disponibbli u bit-teknoloġiji l-ġodda sabiex tindirizza l-lakuni fid-data u l-isfidi identifikati hawn fuq. Barra minn hekk, ħarisna lejn proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE u inizjattivi tal-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu għall-analiżi tal-politika tal-PAK u jimlew xi wħud mil-lakuni.

Il-Kummissjoni qed tespandi s-sorsi tad-data u tistimula l-kondiviżjoni tad-data sabiex tindirizza l-lakuni fid-data u tissodisfa l-ħtiġijiet tad-data għall-PAK

57 L-istrateġija interna tal-Kummissjoni dwar id-data tiddikjara li s-sorsi tad-data interni u esterni jeħtieġ jiġu sfruttati kemm jista’ jkun biex tiġi ġġenerata evidenza li tappoġġa d-deċiżjonijiet. L-ispejjeż u l-piż amministrattiv tal-ġbir ta’ data addizzjonali għall-monitoraġġ tal-politika jridu jkunu proporzjonati mal-ħtiġijiet tad-data. Skont is-Sett ta’ Għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar51, mhux il-lakuni kollha fid-data jridu jimtlew.

58 Fl-2018 il-Kummissjoni bdiet tqiegħed fil-prattika l-istrateġija tagħha dwar id-data. L-attivitajiet ivarjaw mill-ħolqien ta’ inventarju tad-data (ara l-paragrafi 17-18) sa regoli dwar il-governanza tad-data, analitika tad-data, kif ukoll taħriġ u ħiliet. Fi tmiem l-2020, id-DĠ AGRI waqqaf bord u grupp ta’ ħidma biex jimplimenta l-istrateġija. Minn Jannar 2022 ’il hawn, kellu unità speċifika ta’ “Governanza tad-Data” biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-ġestjoni tad-data.

59 Il-Kummissjoni tat bidu għal diversi azzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal analiżi aħjar tal-politika billi jtejbu l-infrastruttura tad-data u l-użu tad-data għall-PAK (eż. soluzzjonijiet diġitali, għodod elettroniċi, algoritmi, u prattiki tajba). Ara l-Anness għal eżempji.

60 Evalwazzjoni tal-Eurostat fl-2016 tal-istatistika agrikola52 kkonkludiet li l-istatistika tal-agrikoltura, tal-forestrija, tal-użu tal-art u dik tal-ambjent mhijiex suffiċjentement armonizzata u koerenti. Ir-raġunijiet għal dan jinkludu l-fatt li l-leġiżlazzjoni ġiet żviluppata f’sajlos, iżda wkoll li jeżistu definizzjonijiet u kunċetti differenti f’diversi żoni agrikoli. Biex tindirizza din il-problema, il-Kummissjoni introduċiet żewġ regolamenti ġodda u emendat regolament wieħed li kien jeżisti (ara l-Figura 10).

Figura 10 – Qafas legali tas-sistema Ewropea tal-istatistika agrikola

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Regolament (UE) 2018/1091, COM(2021) 37, ir-Regolament (UE) 2022/590.

61 Fl-2019, l-Eurostat ħareġ sejħa għal proposti biex jiġi stabbilit network ta’ istituti nazzjonali tal-istatistika interessati fl-iżvilupp ta’ metodi għall-immodernizzar tal-istatistika agrikola. Waħda miż-żewġ prijoritajiet kienet tikkonċerna attivitajiet li jisfruttaw l-użu ta’ sorsi ġodda ta’ data għall-istatistika agrikola (eż. big data, immaġni bis-satellita, informazzjoni ġeoreferenzjata, biedja ta’ preċiżjoni), li jinkludu l-aspetti ta’ aċċess, kunfidenzjalità u valutazzjoni tal-kwalità. Is-sejħa ma rċeviet l-ebda applikazzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri qalu li raġuni waħda għal dan kienet li l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika ma kellhomx riżorsi suffiċjenti biex jistabbilixxu u jikkoordinaw network bħal dan.

62 Inizjattivi oħra biex jiġu indirizzati l-lakuni fid-data jaqgħu f’żewġ kategoriji ġenerali: il-kondiviżjoni tad-data mingħand l-Istati Membri jew il-partijiet ikkonċernati, u ż-żieda ta’ varjabbli ġodda fis-sorsi tad-data li jeżistu.

63 Taħt il-proġett “DG AGRI process for IACS data sharing under INSPIRE”, id-DĠ AGRI, f’kollaborazzjoni mal-JRC, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent u d-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika, qed jibni qafas u proċeduri ta’ appoġġ għall-kondiviżjoni ta’ data spazjali mhux personali tas-SIAK fl-UE kollha. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li d-data spazjali tas-SIAK tkun faċilment lokalizzabbli, aċċessibbli b’mod effiċjenti (permezz ta’ punt ta’ dħul uniku), u li tista’ tintuża mill-ġdid b’mod effettiv f’ambjent ta’ politika koerenti (ara l-Figura 11).

Figura 11 – Tliet għanijiet interkonnessi li jiġu indirizzati fil-proċedura ta’ esplorazzjoni tad-data tas-SIAK

Sors: il-QEA, ibbażat fuq “Joint Technical Report: IACS data exploration and integration”, il-KE, 2021, p. 7.

64 Fl-Istrateġija Ewropea għad-Data53, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-kondiviżjoni tad-data biex id-disponibbiltà tad-data tittejjeb. Fl-istrateġija, il-Kummissjoni ħabbret il-pjan tagħha li tistabbilixxi disa’ spazji tad-data settorjali komuni fl-UE kollha, inkluż “Spazju Komuni tad-Data tal-Patt Ekoloġiku Ewropew” u “Spazju Komuni Ewropew tad-Data dwar l-Agrikoltura”. Dan tal-aħħar għandu l-għan li jiffaċilita l-kondiviżjoni, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data dwar il-produzzjoni, id-data miftuħa, u possibbilment data pubblika oħra (eż. data dwar il-ħamrija)54.

65 L-istrateġija telenka żewġ attivitajiet speċifiċi ta’ tħejjija għall-ispazju tad-data dwar l-agrikoltura: li tistħarreġ l-esperjenzi bil-“kodiċi tal-kondotta tal-partijiet ikkonċernati għall-kondiviżjoni tad-data agrikola”55, u li tistħarreġ l-ispazji tad-data agrikola li kienu jeżistu fl-2020 u fil-bidu tal-2021. Attwalment il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq dawn l-attivitajiet bħala parti mill-Programm ta’ Ħidma Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2022, li hija approvat f’Novembru 2021. Skont il-Kummissjoni, l-ispazju tad-data se jkun inkluż fil-programm ta’ ħidma għall-perjodu 2023-2024, bil-possibbiltà ta’ prototip fl-2024 u tnedija ulterjuri tal-ispazju tad-data fis-snin ta’ wara.

66 Taħt l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt56, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikkonverti l-FADN lejn Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN), bil-ħsieb li tiġbor data fil-livell tal-azjendi agrikoli dwar il-miri tal-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u tal-Istrateġija għall-Bijodiversità, u indikaturi oħra tas-sostenibbiltà. Il-Kummissjoni ppubblikat pjan direzzjonali f’Ġunju 2021, u qed tippjana li tippreżenta proposta għal regolament fit-tieni kwart tal-202257.

Azzjonijiet speċifiċi fil-kuntest tal-PAK tal-perjodu 2023-2027 jiffukaw fuq it-titjib tad-data dwar il-monitoraġġ

67 Ħlief għall-bidla mill-FADN għall-FSDN, il-Kummissjoni ma tippjana l-ebda bidla sinifikanti fis-sistemi ewlenin tal-IT li huma ppreżentati fil-Figura 6. Madankollu, hija qed taħdem biex iżżid il-funzjonalità ta’ Arachne, li hija għodda ta’ estrazzjoni ta’ data li l-Istati Membri jużaw fuq bażi volontarja fil-kontrolli amministrattivi tagħhom. L-għodda hija utli, pereżempju, biex jiġu identifikati proġetti jew benefiċjarji li għandhom mnejn ikunu suxxettibbli għal riskji ta’ frodi jew kunflitti ta’ interess, għalkemm l-użu mhux obbligatorju għandu mnejn jillimita l-benefiċċji tagħha. L-effettività tal-analitika tad-data tal-għodda tiddependi mill-input ta’ data. Dan ifisser li aktar ma tittella’ data ta’ kwalità, aktar ikunu preċiżi, komprensivi u informattivi l-outputs tas-sistema.

68 Id-DĠ AGRI juża teknoloġiji ġodda u data satellitari biex itejjeb l-indikaturi tal-monitoraġġ. Pereżempju, introduċa indikatur tal-impatt ġdid għall-monitoraġġ tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ għall-perjodu 2023-2027. Il-PAK tal-perjodu 2014-2020 ma kinitx tinkludi indikatur tal-impatt dwar il-pajsaġġi; dan dgħajjef il-valutazzjoni tal-impatt tal-PAK fuq il-ħabitats, il-pajsaġġi u l-bijodiversità (ara t-Tabella 3). Għall-indikatur il-ġdid (is-sehem tal-art agrikola koperta b’karatteristiċi tal-pajsaġġ), il-Kummissjoni se tuża data mis-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Art ta’ Copernicus, li fih informazzjoni dwar ringieli ta’ sġajriet lineari u siġar mhux żviluppati, ringieli ta’ siġar, u rqajja’ iżolati ta’ siġar.

69 Għall-PAK tal-perjodu 2023-2027, il-Kummissjoni se tiddefinixxi qafas ġdid, li jinkludi att ta’ implimentazzjoni, biex tirċievi data dwar tranżazzjonijiet individwali għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-tfassil tal-politika. Skont il-Kummissjoni, billi tiġbor id-data individwali dwar l-applikazzjoni/it-talba, u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarju u l-azjenda agrikola/in-negozju tiegħu, hija se tipprova ssolvi l-problema ta’ diżaggregazzjoni tad-data.

Inizjattivi ta’ riċerka jesploraw l-ambitu għall-immodernizzar tad-data u l-għodod

70 Taħt Orizzont 2020 (H2020), il-Kummissjoni tiffinanzja proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni. Aħna identifikajna għadd ta’ proġetti reċenti jew li għadhom għaddejjin taħt H2020 u proġetti oħra ta’ riċerka li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-infrastruttura tad-data u l-użu tad-data (eż. soluzzjonijiet diġitali, għodod elettroniċi, u algoritmi) li huma meħtieġa biex tiġi pprovduta data aħjar għall-PAK (ara l-Figura 12). Xi proġetti (bħal NIVA u Sen4CAP) diġà pproduċew riżultati rilevanti, li jistgħu jkunu utli għal żviluppi futuri.

Figura 12 – Eżempji ta’ proġetti ta’ riċerka b’element ta’ analiżi tal-politika

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-bażi ta’ data Cordis tal-Kummissjoni Ewropea.

71 Il-proġett NIVA (Viżjoni Ġdida tas-SIAK f’Azzjoni) jindirizza xi wħud mil-limitazzjonijiet tas-SIAK (ara l-paragrafi 28-29), speċjalment billi jnaqqas il-piż amministrattiv u juża l-potenzjal tad-data. L-objettiv tal-proġett huwa li jimmodernizza s-SIAK billi jinqeda b’mod effiċjenti b’soluzzjonijiet diġitali u għodod elettroniċi, u b’hekk joħloq metodoloġiji affidabbli u settijiet ta’ data armonizzati biex il-prestazzjoni agrikola tiġi mmonitorjata.

72 Proġett ieħor iffinanzjat mill-UE, FLINT (Farm-Level Indicators for New Topics in policy evaluation (Indikaturi fil-Livell tal-Azjendi Agrikoli għal Suġġetti Ġodda fl-evalwazzjoni tal-politika)), indirizza d-distakk bejn il-ħtiġijiet tad-data għall-evalwazzjoni tal-politika u l-istatistika agrikola disponibbli58. Dan il-proġett huwa potenzjalment rilevanti għar-reviżjoni ppjanata tal-FADN, minħabba li l-proġett kopra indikaturi tas-sostenibbiltà u uża l-FADN bħala qafas. Il-proġett ippropona 33 suġġett jew indikatur rigward l-aspetti ambjentali, soċjali, ekonomiċi u tal-innovazzjoni li għandhom jinġabru fil-futur59. Fil-pjan direzzjonali tagħha60, il-Kummissjoni ddikjarat li l-qalba lejn l-FSDN se tibni fuq il-proġett FLINT. Madankollu, fi Frar 2022, kien kmieni wisq biex din id-dikjarazzjoni tiġi vvalutata.

L-Istati Membri għandhom l-inizjattivi tad-data proprji tagħhom għall-PAK

73 L-istħarriġ li wettaqna tas-27 Stat Membru kollha sab li l-maġġoranza tagħhom jirrikonoxxu l-valur miżjud tal-analitika avvanzata, u li l-biċċa l-kbira minnhom jagħżlu teħid ta’ deċiżjonijiet aktar malajr, analiżi predittiva u transsettorjali, tnaqqis fl-ispejjeż, u komunikazzjoni aktar effettiva mal-bdiewa u mal-partijiet ikkonċernati, minn lista pprovduta ta’ elementi possibbli.

74 Fir-risposti tagħhom għall-istħarriġ li wettaqna, aktar minn nofs l-Istati Membri ssuġġerew il-miżuri li ġejjin bħala prijoritajiet biex jappoġġaw l-użu li jagħmlu mill-big data: aktar finanzjament mill-Kummissjoni għal għodod tal-IT u proġetti ta’ analitika tad-data (67 %), linji gwida/manwali addizzjonali (56 %), u appoġġ għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji ġodda jew standardizzazzjoni (52 %). Inqas Stati Membri għażlu appoġġ għal teknoloġiji analitiċi (48 %), soluzzjonijiet ta’ aċċess għad-data (41 %), u appoġġ għar-riċerka u proġetti ta’ riċerka komuni (48 %).

75 L-istħarriġ u l-intervisti ta’ segwitu li wettaqna wrew differenzi bejn l-Istati Membri dwar kif jinkorporaw sorsi ġodda tad-data u tekniki avvanzati tal-analitika tad-data. Il-Kaxxa 4 u l-Kaxxa 5 jinkludu eżempji ta’ azzjonijiet li ttieħdu mill-Istati Membri.

Kaxxa 4 – Eżempji ta’ kombinament ta’ sorsi tad-data ma’ analitika moderna

Spanja

  • Reġjun Spanjol wieħed (Kastilja u León) ilu mill-2019 utent avvanzat tal-approċċ “Verifiki permezz tal-Monitoraġġ”. Il-metodoloġija ta’ monitoraġġ li huwa juża hija bbażata fuq ipproċessar u analiżi permezz ta’ intelliġenza artifiċjali tal-immaġnijiet ipprovduti mis-satelliti Sentinel ta’ Copernicus. L-użu ta’ indiċijiet u markaturi speċifiċi, u sussegwentement l-applikazzjoni ta’ sensiela ta’ regoli, jippermetti lill-awtoritajiet jaslu għal konklużjoni dwar l-eliġibbiltà tal-erjas iddikjarati.
  • L-awtoritajiet Spanjoli japplikaw fotointerpretazzjoni awtomatika bl-użu ta’ tekniki ta’ klassifikazzjoni tal-“Apprendiment Profond”, pereżempju algoritmu Foresta Aleatorja għall-klassifikazzjoni tal-għelejjel. Jużawha wkoll biex jivvalutaw ir-riskju indikattiv tal-abbandun tal-art.
  • Għodod analitiċi avvanzati għat-tbassir tal-ħsad permezz tat-tagħlim awtomatiku jippermettu lill-awtoritajiet jivvalutaw il-preżenza ta’ attività agrikola u jipprevedu l-imġiba tas-suq.

Sors: il-QEA u l-awtoritajiet Spanjoli.

Kaxxa 5 – Tentattiv biex jinħoloq kollegament bejn diversi bażijiet ta’ data

L-awtoritajiet Estonjani taw bidu għal programm ta’ big data agrikola, bil-għan li joħolqu aktar valur miżjud fis-settur agrikolu billi jipprovdu għodod immexxija mid-data għall-bdiewa. L-intenzjoni hija li tiġi stabbilita sistema elettronika (għodda) għall-big data agrikola, li hija mistennija toħloq kollegament tad-data li teżisti ma’ mudelli analitiċi u applikazzjonijiet prattiċi rilevanti.

Għall-analiżi tal-politika, is-sistema tal-big data tista’ tiffaċilita l-ġbir ta’ data dwar il-prestazzjoni agronomika fil-livell tal-azjendi agrikoli.

Studju ta’ fattibbiltà kkonkluda li:

  • mhuwa meħtieġ l-ebda tibdil estensiv fis-sistema legali, iżda jenħtieġ li r-regolamenti dwar l-ipproċessar ta’ data agrikola jiġu modifikati, u li jiġi stabbilit qafas komuni;
  • huwa rilevanti u possibbli li jiġu inklużi 83 % tal-41 bażi ta’ data analizzati fis-Sistema tal-Big Data, iżda 10 % biss tal-bażijiet ta’ data jistgħu jiġu inklużi mingħajr aktar żvilupp;
  • servizzi potenzjali lill-Ministeru tal-Affarijiet Rurali jistgħu jinkludu:
  • monitoraġġ tat-tendenzi fil-prestazzjoni ekonomika tal-azjendi agrikoli;
  • li tingħata ħarsa ġenerali lejn l-użu ta’ fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (reġistru diġitali dwar l-għelieqi huwa prerekwiżit).

Sa Frar 2022, is-sistema kienet għadha ma bdietx tiġi żviluppata. Il-pjan huwa li tiġi żviluppata sistema elettronika, li tinkludi reġistru elettroniku dwar l-għelieqi u possibbilment xi għodod elettroniċi oħra, eż. kalkolatur tal-bilanċ tal-ħumus, u rakkomandazzjonijiet għall-protezzjoni tal-pjanti.

Sors: il-QEA, Long-Term Knowledge Transfer Program on Agricultural big data, u l-awtoritajiet tal-Estonja.

Xi lakuni u sfidi notevoli fid-data għad iridu jiġu indirizzati

76 Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ħolqien ta’ kollegament bejn is-sorsi tad-data li jeżistu huwa sfida ewlenija biex jiġi żgurat li jkun hemm data xierqa biex il-PAK tiġi evalwata61. Hija qed taħdem biex tuża d-data tas-SIAK mill-ġdid u biex tespandi l-FADN, iżda ma tatx bidu għal azzjonijiet speċifiċi biex timla l-lakuna fid-data rigward l-introjti tal-bdiewa li mhumiex ġejjin mill-biedja (“introjtu mhux tal-azjendi agrikoli”), jew biex tikkombina diversi sorsi tad-data rigward data diżaggregata sabiex iżżid il-valur tad-data li diġà nġabret.

77 Il-Kummissjoni esprimiet il-ħtieġa ta’ identifikatur uniku komuni għall-azjendi agrikoli li permezz tiegħu jsir possibbli li jinħoloq kollegament tad-data fil-livell tal-azjendi agrikoli li tkun ġejja minn diversi sorsi tad-data (eż. reġistri amministrattivi, u stħarriġiet)62. L-identifikatur ikollu jieħu kont tas-sistemi differenti tal-Istati Membri u l-istrutturi kumplessi tal-azjendi agrikoli b’kombinamenti u postijiet differenti. Dan jirrikjedi definizzjoni komuni ta’ azjenda agrikola, u din id-definizzjoni għandha impatt fuq indikaturi finanzjarji bħalma huwa l-introjtu tal-azjenda agrikola63. Identifikatur uniku jista’ jgħin biex tiżdied l-aċċessibbiltà tad-data u jista’ jipprovdi informazzjoni aktar affidabbli dwar l-impatt tal-politika. Sa Frar 2022, ma kien sar l-ebda progress dwar dan l-identifikatur.

78 Id-data fil-livell tal-azjendi agrikoli mingħand applikazzjonijiet u sistemi ta’ ġestjoni hija sors ġdid u rikk ta’ informazzjoni. Hemm ħafna soluzzjonijiet kummerċjali li joffru varjetà ta’ servizzi għaż-żamma tar-rekords diġitali, il-monitoraġġ fuq il-post u t-traċċar tax-xogħol, u ħafna aspetti tal-operazzjonijiet ta’ azjendi agrikoli jistgħu jissaħħu permezz ta’ applikazzjonijiet bħal dawn (ara l-eżempju fil-Kaxxa 6). Il-Kummissjoni ma tafx kemm bdiewa jużaw software għall-ġestjoni tal-azjendi agrikoli, iżda l-kampanja dwar Statistika Integrata tal-Azjendi Agrikoli64 ppjanata għall-2023 tista’ tgħin biex tipprovdi għarfien dwar l-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni u tagħmir tal-biedja ta’ preċiżjoni.

Kaxxa 6 – Eżempju ta’ ġbir ta’ data fil-livell tal-azjendi agrikoli

Akkerweb fin-Netherlands hija eżempju tajjeb ta’ applikazzjoni għall-ġbir ta’ data mingħand l-azjendi agrikoli. L-istruttura tal-pjattaforma tappoġġa diversi applikazzjonijiet, u tuża data mingħand azjendi agrikoli individwali u mill-produzzjoni. Il-bdiewa jistgħu jagħżlu liema applikazzjonijiet jużaw, u jkollhom l-opportunità li joħolqu kollegament ma’ sistemi oħra.

Attwalment, Akkerweb tgħin lill-bdiewa jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq informazzjoni pubblika u d-data tal-azjendi agrikoli tagħhom stess. Fil-futur, l-awtoritajiet Netherlandiżi qed jippjanaw li jtejbu l-kondiviżjoni tad-data bejn is-sorsi tad-data tal-amministrazzjoni pubblika u l-pjattaformi tad-data privata.

Sors: il-QEA u l-awtoritajiet Netherlandiżi.

79 L-użu ta’ reġistru diġitali dwar l-għelieqi, fejn il-bdiewa jirreġistraw l-attivitajiet tagħhom, ikun pass ’il quddiem għad-diġitalizzazzjoni tal-azjendi agrikoli u għat-titjib tal-monitoraġġ tal-konsum u l-impatt fir-rigward ta’ pestiċidi, fertilizzanti, ilma u ħamrija. Il-pjattaforma FaST (Għodda għas-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli għan-Nutrienti) li ġiet proposta mill-Kummissjoni hija għodda b’arkitettura flessibbli li tipprovdi analitika moderna u interoperabbiltà ma’ ħafna sorsi tad-data. FaST tibni fuq diversi sorsi tad-data, li huma jew konnessi (sorsi live) jew inkella importati (sorsi statiċi) fuq il-pjattaforma. Sabiex il-bdiewa jiġu pprovduti aċċess għad-data proprja tagħhom, FaST tikkonnettja mas-SIAK reġjonali/nazzjonali (jew reġistru tal-azjendi agrikoli ekwivalenti), fejn id-data tal-bdiewa tkun maħżuna.

80 Id-data dwar il-biedja ta’ preċiżjoni tista’ tkun sors tad-data siewi65. Eżempji ta’ data ta’ dan it-tip jinkludu data tas-sensuri u tal-makkinarju dwar l-umdità u n-nutrijenti tal-ħamrija, u data speċifika għal-lok dwar l-użu tal-pestiċidi. Il-proġett NIVA msemmi hawn fuq jesplora l-possibbiltajiet għal reġistru elettroniku tal-azjendi agrikoli li jista’ jiġi kollegat mas-SIAK. Għandu wkoll l-għan li jintegra d-data dwar il-biedja tal-magni/ta’ preċiżjoni fis-SIAK. Madankollu, hemm xkiel biex dan isir, bħan-natura diversa tal-magni tal-azjendi agrikoli u nuqqas ta’ standardizzazzjoni.

81 L-aċċess għal data individwali biex titwettaq analiżi tal-politika jista’ jkun diffiċli, u ma hemm l-ebda qafas legali jew tekniku għall-użu ta’ informazzjoni kummerċjali biex titwettaq analiżi tal-politika. Skont studju wieħed66, il-bdiewa jsibuha bi tqila jikkondividu data għal raġunijiet bħalma huma: ir-riskju li d-data tiġi kondiviża għal skopijiet oħra, nuqqas ta’ ċarezza dwar xi tfisser “data personali”, u reżistenza ġenerali għal teknoloġiji moderni tal-pjattaformi tad-data. Skont il-PAK tal-perjodu 2023-2027, is-servizzi ta’ konsulenza għall-azjendi agrikoli għall-bdiewa huma meħtieġa jkopru teknoloġiji diġitali67.

82 Il-Figura 13 hawn taħt tiġbor fil-qosor l-isfidi prinċipali relatati mad-data li l-Kummissjoni qed tiffaċċja, u l-valutazzjoni li wettaqna tal-livell sa fejn dawn ġew indirizzati.

Figura 13 – Valutazzjoni tal-livell sa fejn l-inizjattivi jindirizzaw l-isfidi

Sors: il-QEA.

83 Fl-analiżi li wettaqna, mhux fuq il-post, ta’ prattiki kumparabbli barra mit-territorju tal-UE, aħna ħarisna lejn tliet pajjiżi mhux tal-UE: l-Awstralja, il-Ġappun u l-Istati Uniti. Dawn il-pajjiżi jippreżentaw informazzjoni fid-dominju pubbliku dwar l-integrazzjoni ta’ tekniki moderni tad-data fl-agrikoltura; il-Kaxxa 7 tippreżenta xi wħud mill-inizjattivi tagħhom.

Kaxxa 7 – Eżempji ta’ prattiki barra mit-territorju tal-UE

L-Awstralja

Il-bażi ta’ data FLAD-BLADE68 tipprevedi l-produzzjoni agrikola fil-livell tal-azjendi agrikoli, abbażi ta’ kundizzjonijiet klimatiċi prevalenti (eż. ix-xita u t-temperatura), prezzijiet tal-prodotti bażiċi u karatteristiċi tal-azjendi agrikoli (eż. il-lok u d-daqs). Il-bażi ta’ data tista’ tiġġenera informazzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli dwar il-produzzjoni u l-eżiti finanzjarji għal, essenzjalment, kull azjenda agrikola fl-Awstralja69.

Barra minn hekk, il-Commonwealth Scientific and Industrial Research Organisation tal-Awstralja esplorat l-użu tal-computing kunfidenzjali biex ittejjeb l-aċċess għad-data fil-livell tal-azjendi agrikoli għall-politika jew għar-riċerka, filwaqt li żżomm il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data. Il-computing kunfidenzjali jippermetti metodu ġdid u bi frizzjoni baxxa għal ħolqien ta’ kollegament esploratorju u għal analiżi tas-sorsi tad-data. Permezz ta’ dan l-approċċ, jistgħu jiġu skoperti konnessjonijiet ġodda bejn sorsi tad-data, filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità tad-data70.

Il-Ġappun

L-awtoritajiet Ġappuniżi stabbilew Pjattaforma għall-Kollaborazzjoni tad-Data Agrikola (WAGRI)71. Il-pjattaforma tikkoordina, tikkondividi u tforni data relatata mal-agrikoltura. Tinkludi data pubblika, bħall-pożizzjoni u d-daqs tal-art agrikola, u informazzjoni meteoroloġika. Il-pjanijiet ta’ żvilupp futur jinkludu: konsolidazzjoni tad-data miżmuma mill-bdiewa, mill-manifatturi tal-makkinarju agrikolu, mill-bejjiegħa tal-ICT u oħrajn, u użu tal-big data biex tiġi ottimizzata l-ġestjoni tal-produzzjoni agrikola.

L-Istati Uniti

Crop-CASMA (Analitika dwar il-Kundizzjoni tal-Għelejjel u dwar it-Tira) hija applikazzjoni ġeospazjali bbażata fuq il-web fejn data tal-indiċi ġeospazjali tista’ tintuża bit-telerilevament biex jiġu vvalutati l-kundizzjonijiet tal-veġetazzjoni tal-għelejjel tal-Istati Uniti u l-kundizzjoni tal-umdità tal-ħamrija tagħha72.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

84 Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni tinqediex tajjeb bid-data u bl-analitika tad-data għall-analiżi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-PAK għandha ħafna objettivi kumplessi u interrelatati. Id-determinazzjoni ta’ jekk l-istrumenti ta’ politika humiex rilevanti, u jekk jindirizzawx b’mod effiċjenti dawk l-objettivi, tirrikjedi data u informazzjoni mingħand firxa ta’ sorsi, kemm interni kif ukoll esterni.

85 Sibna li għalkemm il-Kummissjoni qed tuża ammont sinifikanti ta’ data dwar l-aspetti ekonomiċi, ambjentali, klimatiċi u soċjali, f’xi oqsma d-data u l-għodod attwali ma jwasslux ċerti elementi sinifikanti tal-informazzjoni li huma meħtieġa għat-tfassil ta’ politika infurmat tajjeb (il-paragrafi 16-53). Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex tinqeda aħjar bid-data li teżisti (il-paragrafi 57-69), iżda minbarra dewmien fid-disponibbiltà tad-data (il-paragrafu 41), għad hemm xkiel (il-paragrafi 76-81).

86 Ix-xkiel prinċipali għad-data, skont l-istadji tal-ġbir u l-ipproċessar ta’ data, huma:

  • li d-data ma tinġabarx: pereżempju dwar l-inputs tal-biedja (eż. il-kwantità ta’ pestiċidi kimiċi u mhux kimiċi li jiġu applikati, il-kwantità ta’ fertilizzant minerali/organiku li jiġi applikat u għal liema għalla), u l-prattiki agrikoli b’impatt ambjentali (ara t-Tabella 3, il-paragrafi 42-45);
  • li d-data ma tkunx aċċessibbli: informazzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli hija miżmuma, immaniġġjata u maħżuna fis-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) tal-Istati Membri li għaliha l-Kummissjoni għandha aċċess limitat (ara l-paragrafi 27-29);
  • aggregazzjoni eċċessiva: il-Kummissjoni tirċievi fil-biċċa l-kbira data aggregata mingħand l-Istati Membri, u b’hekk il-livell sa fejn tista’ testratta valur minnhom huwa limitat (ara t-Tabella 2, il-paragrafu 47);
  • restrizzjonijiet fuq il-kombinament ta’ sorsi tad-data, eż. minħabba n-nuqqas ta’ identifikatur komuni (ara l-paragrafu 24).

87 B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni għandha għarfien parzjali tal-impatt tal-linja bażi jew tal-politika f’oqsma bħall-introjti tal-bdiewa mhux tal-azjendi agrikoli, l-informazzjoni/il-prattiki ambjentali, u l-iżvilupp soċjoekonomiku. Dawn il-lakuni fid-disponibbiltà tad-data jaffettwaw il-kwalità tal-evidenza f’xi evalwazzjonijiet (ara l-paragrafi 39-47) u valutazzjonijiet tal-impatt (ara l-paragrafi 48-53).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi stabbilit qafas għall-użu ta’ data diżaggregata mingħand is-SIAK

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi qafas tekniku u amministrattiv għall-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta’ data diżaggregata mingħand is-SIAK (lil hinn minn dik meħtieġa għar-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni) sabiex timmonitorja, tevalwa u fl-aħħar mill-aħħar tfassal il-politika. Jenħtieġ li dan jirrispetta l-prinċipji tal-effiċjenza, u b’hekk jimminimizza l-piż amministrattiv kif ukoll l-ispejjeż fuq il-benefiċjarji u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2024

Rakkomandazzjoni 2 – Isir aktar użu mis-sorsi tad-data, u dawn jiġu żviluppati biex il-ħtiġijiet ta’ politika jiġu ssodisfati

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza l-lakuni fid-data identifikati fl-evalwazzjonijiet tal-PAK tal-perjodu 2014-2020 u fil-valutazzjoni tal-impatt tal-PAK ta’ wara l-2020 billi:

  1. tinqeda aktar bis-sorsi tad-data li jeżistu (eż. data amministrattiva u stħarriġiet statistiċi, u data ta’ Copernicus), tqis sorsi tad-data ġodda, jew tikkombina dawk li jeżistu;
  2. teżamina l-possibbiltà li tuża indikaturi jew sorsi tad-data indiretti meta l-użu ta’ sorsi diretti ma jkunx fattibbli għall-valutazzjoni ta’ indikaturi jew aspetti ewlenin; u
  3. tivvaluta l-possibbiltà li tkabbar l-użu ta’ data dwar il-makkinarju tal-azjendi agrikoli.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025

88 Fil-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għandu ftehim maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-analiżi tad-data u biex jesplora kif id-data li teżisti tista’ tintuża aħjar. Abbażi ta’ dan il-ftehim, il-Kummissjoni tuża analiżi kwantitattiva avvanzata u mudelli għall-analiżi tal-politika tal-PAK. Madankollu, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali ma jużax tekniki tal-big data għall-analitika testwali, l-estrazzjoni tat-test jew l-estrazzjoni awtomatizzata nnifisha. Hemm benefiċċji potenzjali fis-sostituzzjoni ta’ proċeduri manwali u li jieħdu ħafna ħin b’għodod awtomatizzati (ara l-paragrafi 19, 25 u l-Kaxxa 2).

89 Fl-UE kollha, hemm diversi inizjattivi, xi drabi ffinanzjati mill-UE taħt Orizzont 2020 jew programmi oħra, li jesploraw il-possibbiltajiet għall-immodernizzar tad-data u tal-għodod tal-IT għat-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK. Xi wħud minn dawn l-inizjattivi diġà pproduċew riżultati tanġibbli fil-qasam tal-interoperabbiltà kif ukoll indikaturi ġodda u aktar komprensivi. Il-proġetti jinsabu f’diversi stadji, u jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet simili minn angoli differenti (il-paragrafi 70-75). Il-Kummissjoni għadha ma identifikatx l-elementi li jistgħu jitqiegħdu fil-prattika għall-PAK.

90 Għalhekk hemm ambitu sinifikanti għall-Kummissjoni biex tinkorpora analitika avvanzata kosteffettiva u għodod relatati fis-sistemi tal-IT eżistenti u/jew f’soluzzjonijiet oħra tal-IT għall-ipproċessar awtomatizzat tal-informazzjoni (eż. is-sostituzzjoni ta’ proċeduri manwali jew mhux riproduċibbli) u biex tinqeda aħjar bl-assi tad-data (eż. iżżid l-eżiti tal-ipproċessar ta’ data) għall-analiżi tal-politika.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sa Joëlle Elvinger, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-18 ta’ Mejju 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Anness – Azzjonijiet u ambizzjonijiet magħżula tal-Kummissjoni relatati mad-data

- ikkompletata - kmieni wisq biex tiġi vvalutata, jew id-dewmien huwa inqas minn sena - dewmien ta’ aktar minn sena

Suġġett/sfida Dokument sors Ambizzjoni/
azzjoni
Objettiv/skop Data ta’ skadenza Stat ta’
implimentaz­zjoni
Passi li jmiss, inkluż it-twaqqit
Modernizzar tal-istatistika agrikola Ewropea Strategy for agricultural statistics for 2020 and beyond Regolament qafas ġdid għall-Istatistika Integrata tal-Azjendi Agrikoli jidħol fis-seħħ mhux aktar tard mill-2018. Jiżgura li tkompli s-sensiela ta’ stħarriġiet dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli Ewropej, u b’hekk jiżgura serje kronoloġika konsistenti, filwaqt li jissodisfa l-ħtiġijiet ġodda u dawk emerġenti għad-data fil-livell tal-azjendi agrikoli. 2018 Ir-Regolament (UE) 2018/1091 daħal fis-seħħ f’Awwissu 2018. Iċ-ċensiment agrikolu twettaq fl-2020 u l-ġbir ta’ data li jmiss huwa fl-2023.
Regolament Qafas rigward l-Istatistika dwar l-Inputs/Outputs Agrikoli (SAIO) fis-seħħ sal-2022. Jarmonizza u jintegra aħjar l-istatistika dwar l-inputs fl-agrikoltura u l-outputs minnha (eż. għelejjel u annimali, pestiċidi, nutrijenti, prezzijiet agrikoli); jieħu kont ta’ ħtiġijiet ġodda tad-data; li d-data miġbura ssir aktar faċli biex titqabbel. 2022 Il-Kummissjoni adottat il-proposta (COM (2021) 37) fi Frar 2021, li attwalment għaddejja mill-proċess leġiżlattiv. Il-Kummissjoni se tniedi proċeduri leġiżlattivi għall-implimentazzjoni u l-atti delegati skont ir-regolament qafas.
Tniedi proċeduri leġiżlattivi għall-atti delegati/ta’ implimentazzjoni dwar ir-regolament qafas SAIO. Tispeċifika settijiet ta’ data għal SAIO. 2021 L-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni ssir possibbli wara li l-koleġiżlaturi jadottaw l-att legali prinċipali. Adozzjoni stmata tal-att legali prinċipali: 2022. L-iskeda ta’ żmien attwali għall-adozzjoni tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni hija l-perjodu 2022-2023.
Temenda r-Regolament 138/2004 dwar il-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura Inklużjoni tal-kontijiet ekonomiċi reġjonali (NUTS 2) 2021 Ftehim milħuq, iżda għad mhux adottat  
Teknoloġiji għall-analitika tad-data Komunikazzjoni:Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, COM(2018) 795.

u rieżami tal-2021 (COM(2021) 205)
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jfittxu li jistabbilixxu siti tal-ittestjar u l-esperimentazzjoni minn ta’ quddiem nett fid-dinja għal prodotti u servizzi mqawwija bl-IA madwar l-Ewropa Sabiex jiġi ottimizzat l-investiment u jiġu evitati d-duplikazzjoni jew l-isforzi li jikkompetu ma’ xulxin, numru limitat ta’ siti ta’ referenza fuq skala kbira speċjalizzati fl-IA għandhom jiġu żviluppati u jinfetħu għall-partijiet ikkonċernati kollha madwar l-Ewropa. 2020 Il-Faċilità għall-Ittestjar u l-Esperimentazzjoni tal-IA Agroalimentari hija inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2022. Is-sejħa tnediet fil-Q1 2022.

(Nota: hemm dewmien ġenerali fl-implimentazzjoni tal-Programm Ewropa Diġitali)
 
Kondiviżjoni tad-data/li d-data ssir miftuħa Komunikazzjoni: Strateġija Ewropea għad-data (COM/2020/66) Il-Kummissjoni se tistħarreġ l-esperjenzi miksuba bil-kodiċi tal-kondotta tal-partijiet konċernati għall-kondiviżjoni tad-data agrikola bi ftehim kuntrattwali, anke abbażi tas-suq attwali għas-soluzzjonijiet diġitali tal-azjendi agrikoli u r-rekwiżiti tagħhom fejn jidħlu d-disponibbiltà u l-użu tad-data. Azzjoni ta’ tħejjija għall-ispazju tad-data agrikola. Q3/Q4 2020 Data ta’ skadenza mhux milħuqa. Il-korp li se jagħmel dan għad irid jiġi stabbilit.

Is-sejħa għall-Azzjoni Kkoordinata u ta’ Appoġġ (l-“azzjoni ta’ tħejjija” tnediet fi tmiem l-2021 u se tagħlaq fi Frar 2022, u l-evalwazzjoni sussegwenti tal-proposti u l-ikkuntrattar u t-tnedija tal-proġett mistennija matul l-2022.

(Nota: hemm dewmien ġenerali fl-implimentazzjoni tal-Programm Ewropa Diġitali)
Ir-riżultati tal-Azzjoni Kkoordinata u ta’ Appoġġ se jinfurmaw it-tnedija tal-azzjoni ta’ implimentazzjoni sussegwentement iffinanzjata taħt it-tieni programm ta’ ħidma tal-Programm Ewropa Diġitali.
Il-Kummissjoni se tistħarreġ l-ispazji tad-data agrikola fl-użu attwali, inklużi dawk iffinanzjati taħt il-programm Orizzont 2020, u flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet konċernati u tal-Istati Membri u mbagħad tieħu deċiżjoni dwar approċċ tal-UE. Azzjoni ta’ tħejjija għall-ispazju tad-data agrikola. Q4 2020/ Q1 2021 Data ta’ skadenza mhux milħuqa. Il-korp li se jibda jagħmel dan għad irid jiġi stabbilit.

(Nota: hemm dewmien ġenerali fl-implimentazzjoni tal-Programm Ewropa Diġitali)
Ir-riżultati tal-Azzjoni Kkoordinata u ta’ Appoġġ se jinfurmaw it-tnedija tal-azzjoni ta’ implimentazzjoni sussegwentement iffinanzjata taħt it-tieni programm ta’ ħidma tal-Programm Ewropa Diġitali.
Tibda proċedura biex tadotta att ta’ implimentazzjoni dwar settijiet ta’ data ta’ valur għoli. Jinfetħu settijiet ta’ data ta’ referenza ewlenin għas-settur pubbliku għal raġunijiet ta’ innovazzjoni, u jsiru disponibbli fl-UE kollha mingħajr ħlas, f’format li jinqara mill-magni u b’Interfaċċi standardizzati għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs). Q1 2021 Fi Frar 2022, l-abbozz ta’ att għadu qed jiġi diskuss fil-Kummissjoni Konsultazzjoni pubblika fl-2022
Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali – Rieżami tal-2021 Tistabbilixxi spazju tad-data agrikola. Issaħħaħ il-prestazzjoni mil-lat ta’ sostenibbiltà u kompetittività tas-settur agrikolu bl-ipproċessar u bl-analiżi tad-data tal-produzzjoni u ta’ data oħra ħalli tkun tista’ ssir applikazzjoni preċiża u mfassla apposta tal-approċċi tal-produzzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli. 2024 Kmieni wisq biex titwettaq valutazzjoni.  
Tnaqqas il-frammentazzjoni u l-piż amministrattiv possibbli Komunikazzjoni: Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE - Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040 (COM(2021) 345) Biex tkompli ttejjeb il-ġbir u l-analiżi tad-data dwar iż-żoni rurali 2022 Kmieni wisq biex titwettaq valutazzjoni.

L-Osservatorju se jinħoloq taħt iċ-Ċentru tal-Għarfien għall-Politiki Territorjali.
L-ewwel dashboards tal-pjattaforma tad-data rurali huma skedati tentattivament għal tmiem l-2022.
Użu ta’ data adegwata għall-analiżi tal-politika Analysis of links between CAP Reform and Green Deal (SWD(2020) 93) Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex taqleb l-FADN lejn in-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli. Barra minn hekk, biex tiġbor data dwar il-miri ta’ “Mill-Għalqa sal-Platt” u indikaturi oħra tas-sostenibbiltà, f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. L-ebda data ta’ skadenza speċifika L-ebda data ta’ skadenza speċifika. Il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta proposta leġiżlattiva fil-Q2 tal-2022.  
Impact Assessment accompanying the post-2020 CAP legislative proposals (SWD(2018) 301) Jenħtieġ li sorsi ġodda tad-data bħall-monitoraġġ bis-satellita (Copernicus), is-soluzzjonijiet tal-big data, u l-kooperazzjoni ma’ fornituri speċifiċi tad-data jintużaw aħjar. Tnaqqas il-piż fuq il-bdiewa u fuq l-amministrazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb il-bażi ta’ evidenza għall-politika. L-ebda data ta’ skadenza speċifika Is-sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja (AMS) se tiġi introdotta fil-PAK ta’ wara l-2020. L-AMS se tinqeda bid-data ta’ Copernicus Sentinels u sorsi oħra tad-data li għandhom mill-inqas valur ekwivalenti, bħal ritratti ġeottaggjati, immaġnijiet ortorettifikati u/jew b’riżoluzzjoni spazjali għolja ħafna. Mhux applikabbli – proċess kontinwu mingħajr tmiem speċifikat.
Ġestjoni tal-informazzjoni fid-DĠ AGRI Programm ta’ Ħidma tal-Ġestjoni tad-Data għall-perjodu 2021-2022 tad-DĠ AGRI Implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ governanza tad-data korporattiva għall-assi tad-data ewlenin tad-DĠ AGRI. Biex tiġi implimentata strateġija dwar id-data korporattiva. Jannar 2021 – Diċembru 2024 Kmieni wisq biex titwettaq valutazzjoni. Il-valutazzjoni tal-politiki tad-data tal-ISAMM ġiet iffinalizzata. Il-valutazzjoni għas-sistema Agriview bdiet, u se tiġi segwita mill-FADN.
Testendi t-tixrid tad-data tad-DĠ AGRI permezz tal-portal tad-data Agroalimentari.   Jannar 2021 – Diċembru 2022 Kmieni wisq biex titwettaq valutazzjoni.

Id-DĠ AGRI għandu pjan pluriennali għall-portal.
 
Tippromwovi u tippermetti l-kondiviżjoni tad-data u l-analitika tad-data fid-DĠ AGRI:
  • Portal/dashboard tal-għarfien tad-data tal-pajjiżi
  • Dashboards tematiċi
Tippromwovi u tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data Marzu 2021 – Diċembru 2022 Kmieni wisq biex titwettaq valutazzjoni.

Ġiet ippubblikata data tal-pajjiżi fil-għamla ta’ skedi informattivi analitiċi.
 

Q = kwart

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti u intervisti tal-Kummissjoni.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AMS: Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja

ATLAS: Sistema ta’ Interoperabbiltà u Analiżi Agrikola

CATS: Sistema ta’ Rendikont tal-Entrati għall-Approvazzjoni tal-Kontijiet

CROP-CASMA: Analitika dwar il-Kundizzjoni tal-Għelejjel u dwar it-Tira

FADN: Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola

FaST: Għodda għas-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli għan-Nutrijenti

FSDN: Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli

GSAA: Applikazzjoni ta’ Għajnuna Ġeospazjali

IFM-PAK: Mudell tal-Azjenda Agrikola Individwali għall-Politika Agrikola Komuni

IFS: Statistika Integrata tal-Azjendi Agrikoli

ISAMM: Sistema ta’ Informazzjoni għall-Ġestjoni tas-Suq Agrikolu

LPIS: Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art

LUCAS: Stħarriġ Qafas tal-Użu tal-Art/taż-Żona Koperta

MEF4CAP: Oqfsa ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni għall-Politika Agrikola Komuni

NIVA: New IACS Vision in Action (Viżjoni ġdida tas-SIAK f’Azzjoni)

SAIO: Statistika dwar l-Inputs u l-Outputs Agrikoli

SEN4CAP: Sentinels għall-Politika Agrikola Komuni

SFC: Sistema għall-Ġestjoni tal-Fondi

SIAK: Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll

Glossarju

Analitika avvanzata: Użu ta’ metodi b’teknoloġija avvanzata bħall-immudellar predittiv u t-tagħlim awtomatiku biex tiġi analizzata l-big data.

Analitika tad-data: Xjenza li biha d-data tiġi analizzata bl-użu ta’ metodi komputazzjonali sistematiċi biex jiġi prodott fehim approfondit.

Analiżi tad-data: Il-proċess ta’ ġbir, immudellar u eżaminar tad-data biex jiġi estratt fehim approfondit li jappoġġa t-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Apprendiment profond: Teknika ta’ intelliġenza artifiċjali li tinvolvi taħriġ ta’ sistema ta’ software bl-użu ta’ miljuni ta’ eżempji.

Assi tad-data: Sistema tal-IT, applikazzjoni jew bażi ta’ data li tkun proprjetà ta’ entità.

Bażi ta’data: Sett strutturat ta’ data maħżuna elettronikament u disponibbli għall-konsultazzjoni u l-estrazzjoni.

Big data: Settijiet ta’ data li l-volum, il-veloċità u l-varjetà tagħhom dejjem jiżdiedu: it-tliet V-jiet. Ta’ sikwit, il-big data ma tkunx strutturata.

Data mhux strutturata: Informazzjoni maħżuna fil-format oriġinali tagħha mingħajr kategorizzazzjoni jew organizzazzjoni predefinita, li spiss tagħmilha aktar kumplessa biex tiġi analizzata. Din tista’ tinkludi informazzjoni kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva, bħal immaġnijiet, test, dati, emails, jew numri.

Data spazjali: Data li tirreferi għal lok speċifiku jew żona ġeografika speċifika u l-karatteristiċi naturali jew mibnija tagħha.

Data strutturata: Informazzjoni kwantitattiva standardizzata li ssegwi struttura ta’ data predefinita, li tagħmilha faċli biex tiġi analizzata.

Data: Fatti, kejl jew osservazzjonijiet konkreti u oġġettivi li jeħtieġ jiġu pproċessati biex tiġi ġġenerata l-informazzjoni.

Interoperabbiltà: Il-ħila ta’ sistema li tikkomunika u taħdem ma’ sistemi oħra, inkluż permezz tal-iskambju ta’ data.

Lakuna fid-data: Kwalunkwe data li tkun meħtieġa għal skop speċifiku iżda li ma tkunx disponibbli.

Riutilizzabbiltà tad-data: Il-faċilità li biha d-data miġbura għal skop wieħed tista’ tintuża għal skop ieħor.

Stħarriġ qafas tal-Użu tal-Art/taż-Żona Koperta (LUCAS): Stħarriġ regolari u armonizzat imwettaq fuq il-post fl-Istati Membri kollha tal-UE biex tinġabar informazzjoni dwar kif tintuża l-art u x’qed jikber fuqha, inkluża analiżi tal-ħamrija sottostanti.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Liia Laanes, Kap tal-Kompitu; Dimitrios Maniopoulos, Deputat Kap tal-Kompitu; Ildikó Preiss, Kap tal-Kabinett; Paolo Pesce u Charlotta Törneling, Attachés tal-Kabinett; Emmanuel Rauch, Maniġer Prinċipali; Claudia Albanese, Awditur u xjentist tad-data; Marika Meisenzahl, Awditur u disinn grafiku; Michał Szwed, Awditur; Mark Smith ipprovda appoġġ lingwistiku.

Noti finali

1 L-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2 Better Regulation Toolbox, 2021, p. 20.

3 Höchtl, J., Parycek, P. & Schöllhammer, R., “Big data in the policy cycle: Policy decision making in the digital era”, Journal of Organizational Computing and Electronic Commerce, 2016, 26(1-2), pp. 147-169.

4 L-OECD: Digital Opportunities for Better Agricultural Policies, 2019, OECD Publishing, p. 13.

5 C(2016) 6626, il-Komunikazzjoni “Data, Information and Knowledge Management at the European Commission”.

6 COM(2020) 66.

7 COM(2020) 767.

8 L-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

9 Better Regulation Toolbox, p. 20.

10 Memorandum ta’ Spjegazzjoni ta’ COM(2016) 786.

11 L-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

12 L-Artikoli 67-78 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

13 Digitalisation of European reporting, monitoring and audit, l-EPRS. Settembru 2021.

14 NIVA roadmap for IACS transformation, p. 24.

15 Riżultati tanġibbli tan-NIVA u tal-proġetti tal-IoF2020, dokumenti tal-ATLAS u proġetti tad-DEMETER; Digitalisation of European reporting, monitoring and audit, l-EPRS. Settembru 2021.

16 Ir-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI, l-Anness 2, p. 25.

17 Ir-Rapport Speċjali 04/2020 L-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għall-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni: b’mod ġenerali sar progress kostanti, iżda għall-monitoraġġ tal-klima u tal-ambjent dan seħħ aktar bil-mod.

18 Ibid., ir-Rakkomandazzjoni 2.

19 Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 79/65/KEE.

20 In-Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola.

21 Evaluation Helpdesk, “Best Use of FADN for the Assessment of RDP Effects on Fostering the Competitiveness in Agriculture”, 2021, p. 9.

22 Il-Kummissjoni, EU Farm Economics Overview based on 2015 (and 2016) FADN data, 2018, p. 5.

23 Better Regulation Guidelines, pp. 6 u 26.

24 Better Regulation Toolbox, p. 572.

25 L-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

26 Better Regulation Guidelines, p. 45.

27 Għall-iżvilupp rurali, l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 808/2014.

28 Better Regulation Toolbox, il-Kapitolu VIII – l-Għodda 68.

29 SWD(2021) 115, p. 20.

30 Dumangane, M. et al., An Evaluation of the CAP impact: a discrete policy mix analysis, 2021.

31 Evaluation support study on ‘viable food production’, pp. 30-32.

32 L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

33 Ir-Rapport Speċjali 13/2020 – Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis, il-paragrafi 48-50.

34 Evaluation of the impact of the CAP on habitats, landscapes, biodiversity, Sommarju eżekuttiv, 2019.

35 Ir-Rapport Speċjali 05/2020 – L-użu sostenibbli ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: progress limitat fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji

36 Ibid.

37 Evaluation on impact of the CAP on territorial development of rural areas.

38 SWD(2021) 394.

39 Evaluation support study on the impact of the CAP on territorial development of rural areas, 2020.

40 Evaluation support study on the impact of the CAP on territorial development of rural areas, 2020.

41 SWD(2021) 394 u Evaluation support study on the impact of the CAP on territorial development of rural areas: socioeconomic aspects; ir-Rapport Speċjali 10/2021 – L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f’azzjoni, il-paragrafu 90.

42 Better Regulation Guidelines, p. 10.

43 SWD(2018) 301.

44 L-Opinjoni 07/2018, il-paragrafu 2.

45 Ir-Rapport Speċjali 10/2021 – L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f’azzjoni, il-paragrafi 89 u 90.

46 Ir-Rapport Speċjali 10/2018 – Skema ta’ Pagament Bażiku għall-bdiewa – qed topera tajjeb, iżda għandha impatt limitat fuq is-simplifikazzjoni, l-immirar u l-konverġenza tal-livelli ta’ għajnuna, ir-Rakkomandazzjoni 3.

47 Hill, B. & Dylan Bradley, B. (2015), “Comparison of farmers’ incomes in the EU Member States”. Studju mħejji għall-Parlament Ewropew.

48 Sett ta’ data dwar attivitajiet bi qligħ oħra (ef_oga_main).

49 Hansen, H. U Forstner, B. (2021), “A differentiated look at the economic situation of German farmers”, preżentazzjoni fis-27 laqgħa tan-Network tal-OECD għall-Analiżi fil-Livell tal-Azjendi Agrikoli.

50 SWD(2018) 301, p. 51.

51 Better Regulation Toolbox, p. 363.

52 SWD(2017) 96, Evaluation accompanying the document “Strategy for Agricultural Statistics 2020 and beyond and subsequent potential legislative scenarios”.

53 COM(2020) 66.

54 C(2021) 7914, Annex to the Commission Implementing Decision on the financing of the Digital Europe Programme and the adoption of the multiannual work programme for 2021-2022, p. 54.

55 EU Code of conduct on agricultural data sharing by contractual agreement.

56 COM(2020) 381.

57 Pjan Direzzjonali: Qalba lejn Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN).

58 Poppe, K., Vrolijk, H., Dolman, M., u Silvis, H., 2016, FLINT – Farm-level Indicators for New Topics in policy evaluation: an introduction.Studies in Agricultural Economics, 118, pp. 116-122.

59 Final report summary of FLINT project.

60 Pjan Direzzjonali: Qalba lejn Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN).

61 SWD(2018) 301, il-Parti I, p. 51.

62 Ara, pereżempju, Strategy for agricultural statistics for 2020 and beyond, pp. 8, 12 u 16-17.

63 Poppe, K. J. u Vrolijk, H.C.J. (2019), How to measure farm income in the era of complex farms, Dokument imħejji biex jiġi ppreżentat fil-171 Seminar tal-European Association of Agricultural Economists.

64 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2286.

65 Punt, T. u Snijkers, G., Exploring precision farming data: a valuable new data source? A first orientation, 2020. Dokument ippreżentat fis-Sessjoni ta’ Ħidma tal-UNECE fl-2019 dwar il-Ġbir ta’ Data Statistika “New sources and New technologies”.

66 Internet of Food and Farm 2020: Policy Recommendations from IoF2020.

67 L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

68 Agricultural Data Integration Project.

69 Hughes, N. et al. (2020), The Agricultural Data Integration Project, ABARES research report, Canberra.

70 Digital Opportunities for Better Agricultural Policies, 2019, l-OECD.

71 Il-paġna web ta’ WAGRI.

72 Il-Gwida għall-Utent ta’ Crop-CASMA.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-8267-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/15082 QJ-AB-22-014-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-8261-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/92739 QJ-AB-22-014-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Il-Figuri 1, 4, 8, 11: Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Il-logos fil-Figura 12: Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.