Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2023 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Kelmtejn dwar id-dokument “2023 - Awditu tal-UE fil-qosor”
Id-dokument “2023 - Awditu tal-UE fil-qosor” jagħti stampa ġenerali tar-Rapporti Annwali 2023 tagħna dwar il-baġit ġenerali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fejn nippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li għamilna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Koprejna wkoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u nipprovdu opinjoni separata dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tagħha. L-“Awditu tal-UE fil-qosor” jiddeskrivi wkoll fil-qosor is-sejbiet ewlenin tagħna rigward id-dħul u l-oqsma prinċipali ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll is-sejbiet relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja.
It-testi sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq eca.europa.eu.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, niġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.
Saistītie dokumenti
Daħla tal-President

Hekk kif nilħqu l-punt nofsani tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE għall-perjodu 2021‑2027, l-Unjoni għaddiet minn xi snin trasformattivi kkaratterizzati minn sfidi bla preċedent li ntlaqgħu b’risponsi sinifikanti ta’ politika u ta’ finanzjament. Dan jenfasizza l-importanza essenzjali ta’ ġestjoni finanzjarja robusta u sorveljanza fil-livelli kollha tal-UE. Permezz tal-ħidma tagħha, il-QEA tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ġestjoni finanzjarja tal-politiki tal-UE u għall-effettività tagħhom. Ir-Rapport Annwali tagħna jservi ta’ għodda ewlenija biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
Aħna noħorġu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-2023 u nikkonkludu li dawn jirriflettu b’mod preċiż il-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Ir-Rapport Annwali tagħna għal darba oħra sab li d-dħul tal-UE kien ħieles minn żball materjali.
Għat-tielet sena konsekuttiva nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa għas-sena finanzjarja 2023: waħda għall-baġit tradizzjonali tal-UE u waħda għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Nibdew bil-baġit tradizzjonali tal-UE jew il-QFP, fejn l-istima tagħna tal-livell ta’ żball fl-infiq tal-baġit tal-UE żdiedet għal 5.6 % (2022: 4.2 %). Għalhekk aħna noħorġu opinjoni avversa dwar in-nefqa tal-baġit tal-UE.
Jippersistu żbalji sinifikanti f’“Koeżjoni, reżiljenza u valuri”, li jilħqu 9.3 % (2022: 6.4 %, 2021: 3.6 %) u f-’“Suq uniku, innovazzjoni u diġitali” bi 3.3 % (2022: 2.7 %). L-iżbalji f’“Riżorsi naturali” għadhom 2.2 % (2022: 2.2 %). L-aktar tipi ta’ żbalji komuni għadhom dawk marbuta ma’ proġetti, kostijiet u akkwist pubbliku ineliġibbli.
Iż-żieda sostanzjali fil-livell ta’ żball stmat għall-baġit tal-UE, xprunata l-aktar mill-iżbalji li nstabu fin-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni (żieda ta’ 45 % sena wara sena), hija ta’ tħassib. Żidiet qawwijin bħal dawn spiss iseħħu matul il-perjodi ta’ għeluq tal-QFP, fejn il-pressjoni fuq l-infiq tintensifika, titfa’ piż żejjed fuq ir-riżorsi amministrattivi u żżid ir-riskju ta’ żball. Din il-pressjoni fuq ir-riżorsi amministrattivi tkompli tiġi aggravata mill-assorbiment simultanju ta’ diversi fondi kompetituri tal-UE, inkluża l-RRF.
Sa tmiem l-2023, it-tielet sena ta’ implimentazzjoni tagħha, madwar 40 % (33 % eskluż il-prefinanzjament) tal-fondi ta’ għotja allokati taħt l-RRF kienu tħallsu. Fl-2023, in-nefqa taħt l-RRF ammontat għal total ta’ EUR 53.6 biljun. L-awditu li wettaqna kopra t-23 pagament ta’ għotja lkoll lil 17-il Stat Membru, li ammontaw għal EUR 46.3 biljun, kif ukoll l-approvazzjoni tal-prefinanzjamenti, li ammonta għal total ta’ EUR 7.3 biljun.
Il-valutazzjoni li wettaqna tat-talbiet għall-pagament taħt l-RRF hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet ta’ pagament stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF, li huwa li l-istadji importanti u l-miri jridu l-ewwel jintlaħqu b’mod sodisfaċenti u jenħtieġ li jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet ewlenin oħra ta’ eliġibbiltà. Abbażi tal-valutazzjoni li wettaqna tat-talbiet għall-pagament u tas-sejbiet kwalitattivi, bħal każijiet ta’ tfassil dgħajjef tal-istadji importanti u tal-miri, kif ukoll dgħufijiet fis-sistemi ta’ rappurtar u kontroll tal-Istati Membri, aħna noħorġu opinjoni kwalifikata dwar in-nefqa taħt l-RRF.
Il-pagamenti tal-RRF li saru lill-Istati Membri mhumiex ibbażati fuq il-kostijiet reali tal-miżuri, u l-Istati Membri ma jirrappurtawx in-nefqa reali tar-riċevituri finali. Barra minn hekk, il-konformità mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali mhijiex kundizzjoni biex isir pagament taħt l-RRF. Il-ħidma tagħna fil-qasam tal-Koeżjoni żvelat dgħufijiet serji f’termini ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-regoli, b’żieda qawwija fir-rata ta’ żball matul l-aħħar 3 snin. Meta jitqies li dawn il-proġetti huma simili għal dawk iffinanzjati taħt l-RRF u spiss ikkontrollati mill-istess korpi nazzjonali, fil-fehma tagħna, hemm riskju li jeżistu żbalji simili għan-nefqa taħt l-RRF. Madankollu,taħt l-RRF, il-konformità mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali ma tiġix ivverifikata b’mod sistematiku.
Preċedentement enfasizzajna dan in-nuqqas fl-aċċertament f’rapport tal-awditjar speċifiku dwar il-qafas ta’ kontroll tal-RRF tal-Kummissjoni. Aktar reċentement, qajjimna aktar tħassib rigward it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-RRF. L-ewwel nett, sibna li l-qafas ta’ monitoraġġ tagħha mhuwiex biżżejjed biex titkejjel il-prestazzjoni kumplessiva tagħha. Barra minn hekk, għad hemm riskju sinifikanti għall-assorbiment u t-twettiq tal-miżuri fit-tieni nofs tal-implimentazzjoni tal-RRF. Billi l-Kummissjoni mistennija tippreżenta QFP ġdid fl-2025, it-tfassil tiegħu jenħtieġ li jiżgura li l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu protetti b’mod adegwat, sal-livell tar-riċevituri finali.
B’ħarsa ’l quddiem lejn il-QFP li jmiss, ir-rapport annwali tagħna jenfasizza diversi riskji u sfidi li qed jiffaċċja l-baġit tal-UE. Dawn jinkludu r-riskju ta’ diżimpenji, żieda fl-esponiment finanzjarju, u r-riskji finanzjarji li qed jikbru minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna. Barra minn hekk, prijoritajiet ġodda għall-futur, bħas-sigurtà u d-difiża, kif ukoll it-tkabbir, se jeħtieġu żieda sinifikanti fil-finanzjament. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet se jkollhom jidentifikaw modi biex jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet finanzjarji. Nistennew bil-ħerqa li naħdmu mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew li għadhom kif inħatru u li nsaħħu l-ġestjoni u s-sorveljanza tal-fondi tal-UE. Il-missjoni tagħna tibqa’ li nibnu l-fiduċja taċ-ċittadini billi ntejbu l-għoti ta’ rendikont u t-trasparenza fl-attivitajiet kollha tal-UE.
Fl-aħħar nett, irrid nirrikonoxxi d-dedikazzjoni u l-għarfien espert tal-persunal tal-QEA. L-impenn u l-professjonaliżmu tiegħu huma kruċjali għall-produzzjoni tar-rapport annwali tagħna u biex l-Istituzzjoni tagħna titmexxa ’l quddiem.

Tony Murphy
Il-President
Riżultati kumplessivi
Sejbiet ewlenin
Aħna noħorġu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2023.
Noħorġu wkoll opinjoni favorevoli dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul għall‑2023.
Nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa għall‑2023:
- l-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa baġitarja tal-UE hija avversa;
- l-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija kwalifikata.
F’“Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna”, aħna nipprovdu aktar informazzjoni dwar il-bażi għall-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa għall‑2023.
- B’mod kumplessiv, il-livell ta’ żball stmat fin-nefqa baġitarja tal-UE kien materjali f’rata ta’ 5.6 % (2022: 4.2 %).
- Fil-valutazzjoni tar-riskju li wettaqna, aħna nidentifikaw bħala b’riskju għoli n-nefqa tal-UE fejn il-benefiċjarji spiss ikollhom isegwu regoli kumplessi meta jippreżentaw talbiet għal kostijiet li jkunu ġarrbu. Il-proporzjon ta’ nefqa b’riskju għoli fil-popolazzjoni li awditjajna baqa’ sostanzjali f’rata ta’ 64.4 % (2022: 66.0 %). Din is-sena, nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 7.9 % (2022: 6.0 %) f’din il-parti tal-popolazzjoni li awditjajna. Dan l-iżball huwa materjali u pervażiv, u aħna qed noħorġu opinjoni avversa dwar in-nefqa baġitarja tal-UE.
- Għan-nefqa taħt l-RRF, fl-2023, il-Kummissjoni għamlet 23 pagament ta’ għotja lill-Istati Membri, li kienu jinkludu total ta’ 542 stadju importanti u l-miri kollha, li huma 135. Aħna identifikajna sejbiet kwantitattivi f’seba’ pagamenti. Sitta minn dawn il-pagamenti kienu milquta minn żball materjali, u aħna qed noħorġu opinjoni kwalifikata dwar in-nefqa taħt l-RRF.
- L-istima ta’ żball (riskju fil-waqt tal-pagament) imwettqa mill-Kummissjoni, kif iddivulgata fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR) 2023, hija ta’ 1.9 %, li hija sinifikattivament taħt il-firxa indikata minna. Il-limitazzjonijiet fil-verifiki ex post tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-Intestaturi 1, 2 u 6 tal-QFP jolqtu r-riskju fil-waqt tal-pagament iddivulgat fl-AMPR, u għalhekk il-valutazzjoni tar-riskju tal-Kummissjoni.
- Fl-2023, lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) irrappurtajnielu 20 każ (2022: 14‑il każ) ta’ frodi suspettata, 19 li konna identifikajna matul l-awditu li wettaqna tan-nefqa għall-2022, u wieħed mill-awditu li wettaqna tan-nefqa għall-2021, abbażi ta’ dan l-OLAF diġà fetaħ 4 investigazzjonijiet. B’mod parallel, irrappurtajna 17 minn dawn il-każijiet lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li minnhom l-UPPE fetaħ 9 investigazzjonijiet. Matul l-awditu li wettaqna tan-nefqa għall-2023, diġà identifikajna 12-il każ ta’ frodi suspettata.
- L-impenji pendenti mill-baġit tal-UE u l-finanzjament tal-għotjiet tal-NGEU, li jirrappreżentaw djun futuri jekk ma jiġux diżimpenjati, laħqu livell rekord ta’ EUR 543 biljun fi tmiem l-2023 (2022: EUR 453 biljun). 90.3 % ta’ dawn l-impenji pendenti saru wara l-2021.
- Id-dejn pendenti tal-UE mit-teħid b’self (valur nominali) żdied b’mod sinifikanti għal EUR 458.5 biljun sa tmiem l-2023 (2022: EUR 348 biljun). Il-biċċa l-kbira minn dan l-ammont pendenti huwa relatat mat-teħid b’self taħt l-NGEU, li jammonta għal EUR 268.4 biljun. Għall-NGEU, l-UE tista’ tissellef EUR 443.6 biljun addizzjonali sa tmiem l-2026. Il-kostijiet kollha mġarrba mill-UE fir-rigward tat-teħid b’self ta’ fondi għas-self taħt l-NGEU, inklużi dawk marbuta mal-ġestjoni tar-rata tal-imgħax u riskji finanzjarji oħra, iridu jitħallsu mill-pajjiżi benefiċjarji. Il-kostijiet kollha assoċjati mal-għotjiet tal-NGEU u mas-supplimenti tal-programmi jitħallsu mill-baġit tal-UE.
- L-esponiment tal-baġit tal-UE, li jikkonsisti f’garanziji għas-self tal-UE żborżat lil Stati Membri jew lil pajjiżi mhux tal-UE u ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti, żdied minn EUR 248 biljun fl-2022 għal EUR 298 biljun fl-2023. Dan kien dovut prinċipalment għas-self taħt l-RRF li ngħata lill-Istati Membri u s-self taħt l-AMF+ li ngħata lill-Ukrajna. L‑esponiment tal-baġit tal-UE se jkompli jiżdied bi ftehimiet għal EUR 211.7-il biljun f’self taħt l-RRF li ġew iffirmati iżda li ma ġewx żborżati sa tmiem l-2023.
- L-esponiment tal-baġit tal-UE għall-Ukrajna żdied b’aktar mid-doppju fl-2023 meta mqabbel mal-2022 (minn EUR 16-il biljun għal EUR 33.7 biljun). Enfasizzajna li t-trasferiment tar-riskji ta’ ripagamenti inadempjenti possibbli għall-futur jista’ jpoġġi pressjoni fuq il-baġits u l-ħtiġijiet ta’ pagament futuri.

It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali 2023 tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l‑attivitajiet iffinanzjati mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp jista’ jinstab fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
X’awditjajna
Il-baġit tal-UE għall-2023 f’ċifri
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw baġit annwali tal-UE, fi ħdan il-qafas ta’ baġit fuq żmien itwal maqbul għal perjodu ta’ diversi snin (magħruf bħala l-“qafas finanzjarju pluriennali” jew il-QFP). Fl-2023, il-pagamenti totali minn dan il-baġit kienu ta’ EUR 162.0 biljun, jew 98.1% tal-ammont disponibbli.
Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pagamenti addizzjonali ta’ EUR 74.7 biljun mid-dħul assenjat (prinċipalment għotjiet tal-RRF ta’ EUR 48.0 biljun u supplimenti tal-NGEU għall-programmi tal-QFP ta’ EUR 19.0-il biljun) u EUR 2.4 biljun ta’ riporti mill-2022, il-pagamenti mingħand l-UE ammontaw għal EUR 239.2 biljun. L-użu tal-baġit totali disponibbli għall-pagamenti ta’ EUR 265.7 biljun kien ta’ 90.0 %.
Mingħajr l-għotjiet tal-RRF ta’ EUR 48.0 biljun, l-infiq tal-baġit tal-UE għall-2023 ammonta għal EUR 191.2 biljun.
Minn fejn jiġu l-flus?
Id-dħul totali għall-2023 kien ta’ EUR 248.4 biljun. L-akbar sehem tal-baġit tal-UE huwa ffinanzjat minn ammonti li l-Istati Membri jikkontribwixxu approporzjon tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom (EUR 97.7 biljun). Sorsi oħra jinkludu kontribuzzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud miġbura mill-Istati Membri (EUR 22.5 biljun), id-dazji doganali (EUR 22.1 biljun), u kontribuzzjoni bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat (EUR 7.2 biljun). L‑ammonti mislufa biex jiġi ffinanzjat l-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli mogħti lill-Istati Membri fil-kuntest tal-NGEU jipprovdu EUR 67.6 biljun tad-dħul tal-UE. Hemm ukoll dħul ieħor (EUR 31.3 biljun). L-aktar sinifikanti minn dan id-dħul huwa l-kontribuzzjonijiet u r-rifużjonijiet marbuta mal-ftehimiet u l-programmi tal-UE.
Fuq xiex jintefqu l-flus?
Il-baġit tal-UE jintefaq f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, kif jidher fil-Figura 1.
Madwar tliet kwarti tal-baġit jintefaq taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”. Skont dan il-metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri jqassmu l-fondi, jagħżlu l-proġetti u jimmaniġġjaw in-nefqa tal-UE, filwaqt li l-Kummissjoni tibqa’ fl-aħħar mill-aħħar responsabbli. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-Intestaturi “Riżorsi naturali u ambjent” u “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” tal-QFP.
Taħt l-RRF, l-Istati Membri jistabbilixxu bil-quddiem riformi u investimenti fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, u l-Kummissjoni tħallashom talli jkunu laħqu l‑istadji importanti u l-miri relatati. L-Istati Membri jistgħu jitolbu żborżi sa darbtejn fis-sena, jekk jipprovdu evidenza suffiċjenti li l-istadji importanti u l-miri relatati jkunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Is-sistema ta’ kontroll tal-Kummissjoni trid tiżgura li l-pagamenti taħt l-RRF huma legali u regolari, u dan huwa prinċipalment kontinġenti fuq l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri. Sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni kienet għamlet 37 pagament ta’ għotja (wieħed fl-2021, 13 fl-2022, u 23 fl-2023) li jammontaw għal EUR 141.6 biljun, inkluż EUR 22.7 biljun fi prefinanzjament li kien għadu ma ġiex approvat.
X’koprejna?
Kull sena, aħna nawditjaw l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u l-konformità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-introjtu u tan-nefqa. Fl-2023, il-popolazzjoni li awditjajna għall-ittestjar tad-dħul ammontat għal EUR 248.4 biljun. Il-popolazzjoni li awditjajna tat-tranżazzjonijiet tan-nefqa tkopri pagamenti interim u finali kif ukoll approvazzjonijiet ta’ pagamenti bil-quddiem. Aħna ma neżaminawx il-pagamenti bil-quddiem, Il-popolazzjoni tagħna għall-ittestjar tan-nefqa kienet tammonta għal total ta’ EUR 161.2 biljun taħt il-baġit ġenerali u EUR 53.5 biljun taħt l-RRF. In-nefqa taħt l-RRF kienet tinkludi 23 pagament ta’ għotjiet li jammontaw għal EUR 46.3 biljun u l-approvazzjoni relatata ta’ prefinanzjament ta’ EUR 7.2 biljun. Dawn il-pagamenti saru lil 17-il Stat Membru u kienu jikkonċernaw 542 stadju importanti u 135 mira.
Għall-infiq baġitarju ġenerali, neżaminaw in-nefqa fil-punt meta r-riċevituri finali tal-fondi tal-UE jkunu wettqu attivitajiet jew ikunu ġarrbu kostijiet. Għall-RRF, il-kundizzjoni prinċipali biex il-Kummissjoni tagħmel pagament lill-Istati Membri hija li l-istadji importanti jew il-miri predefiniti jintlaħqu b’mod sodisfaċenti. Aħna neżaminaw in-nefqa taħt l-RRF fil-punt meta l‑Istati Membri jitolbu pagament għall-ilħuq tal-istadji importanti jew il-miri predefiniti tagħhom u fil-punt meta l-Kummissjoni tkun aċċettatu. Iffukajna fuq jekk l-istadji importanti u l-miri ġewx issodisfati b’mod sodisfaċenti, u jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ġewx issodisfati. L-awditu li wettaqna ma jkoprix il-komponent tas-self tal-RRF.
X’sibna
Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE
Skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), aħna nipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tkopri l-affidabbiltà tal-kontijiet konsolidati tal-UE u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet. Din hija l-element ċentrali tar-rapport annwali tagħna.
Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta
Il-kontijiet tal-UE għall-2023 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, ir-riżultati finanzjarji tal-UE u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku.
Għalhekk, aħna nistgħu nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet, kif ilna nagħmlu kull sena mill-2007 ’l hawn.
Il-karta tal-bilanċ tal-UE tinkludi obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati li ammontaw għal EUR 90.8 biljun fi tmiem l-2023 (2022: EUR 80.6 biljun). Iż-żieda fl-obbligazzjoni tal-pensjoni fl-2023 hija prinċipalment dovuta għat-tnaqqis fir-rata ta’ skont nominali u l-aġġornament tat-Tabella tal-UE dwar il-Ħajja tal-Impjegati taċ-Ċivil. Ir-rata ta’ skont kienet influwenzata primarjament mill-evoluzzjoni tar-rati tal-imgħax u mill-inflazzjoni futura mistennija.
Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ma baqax Stat Membru tal-UE. Fid-data tal-karta tal-bilanċ, il-kontijiet tal-UE wrew ammont riċevibbli nett dovut mingħand ir-Renju Unit ta’ EUR 15.5‑il biljun (2022: EUR 23.9 biljun) abbażi tal-obbligi reċiproċi ddefiniti fil-ftehim dwar il-ħruġ.
L-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna fuq is-self u l-għotjiet mogħtija fil-kontijiet tal-UE ġie vvalutat, u ġie kontabilizzat u ddivulgat b’mod xieraq skont ir-rekwiżit tar-regoli kontabilistiċi.
Aħna noħorġu opinjoni favorevoli dwar id-dħul
Nikkonkludu li d-dħul huwa ħieles minn żball materjali. Is-sistemi għall-ġestjoni tad-dħul li eżaminajna kienu b’mod ġenerali effettivi.
Aħna noħorġu opinjoni avversa dwar l-infiq tal-baġit tal-UE
Niddefinixxu żball bħala ammont ta’ flus li ma kellux jitħallas mill-baġit tal-UE. Żbalji jseħħu meta l-flus ma jintużawx skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u b’hekk mhux kif kien maħsub mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew meta adottaw dik il-leġiżlazzjoni, jew meta l-flus ma jintużawx skont regoli nazzjonali speċifiċi.
Għall-infiq tal-baġit tal-UE, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball jinsab bejn 4.4 % u 6.8 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, li qabel kien magħruf bħala r-“rata tal-iżball l-aktar probabbli”, żdied meta mqabbel mas-sena l-oħra, minn 4.2 % għal 5.6 % – ara l-Figura 2.
Aktar minn nofs il-popolazzjoni li awditjajna hija milquta għal darba oħra minn żball materjali
Fl-2023, in-nefqa b’riskju għoli kienet tirrappreżenta 64.4 % tal-popolazzjoni li awditjajna, meta mqabbla ma’ 66.0 % fis-sena preċedenti. Aħna komplejna nsibu li n-nefqa b’riskju baxx kienet ħielsa minn żball materjali, iżda li n-nefqa b’riskju għoli baqgħet milquta minn żball materjali, u għaldaqstant il-mod kif il-fondi jiġu żborżati għandu impatt fuq ir-riskju ta’ żball. Nistmaw li l‑livell ta’ żball fin-nefqa b’riskju għoli huwa ta’ 7.9 % (2022: 6.0 %) (ara l-Figura 3).
Figura 3 – Diżaggregazzjoni tal-popolazzjoni li awditjajna għall‑2023, f’nefqa b’riskju għoli u nefqa b’riskju baxx
Sors: il-QEA.
Il-livell ta’ żball kumplessiv huwa mmexxi prinċipalment minn “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” (3.5 punti perċentwali), segwita minn “Riżorsi naturali u ambjent”(0.8 punti perċentwali) u “Viċinat u d-dinja” (0.8 punti perċentwali). Il-Figura 4 tqabbel il-livelli ta’ żball stmati minna għal “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”, “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” u “Riżorsi naturali u ambjent” bejn l-2019 u l-2023.
Fl-2023, komplejna nsibu li l-iżbalji ta’ eliġibbiltà kkontribwew l-aktar għal-livell ta’ żball stmat għan-nefqa b’riskju għoli, għal 53 %, prinċipalment f’“Koeżjoni, reżiljenza u valuri”, “Riżorsi naturali u ambjent”, “Viċinat u d-dinja” u “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”. Barra minn hekk, l-iżbalji relatati ma’ ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku u tal-għajnuna mill-Istat ikkontribwew 31 % għal-livell ta’ żball stmat għal nefqa b’riskju għoli.
Tqabbil bejn l-istimi tal-livell ta’ żball imwettqa minna u dawk imwettqa mill-Kummissjoni
L-AMPR, li għalih il-kulleġġ tal-Kummissarji huwa responsabbli, jiġbor fil-qosor l-informazzjoni ewlenija mir-rapporti annwali tal-attività (RAA) dwar il-kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja. Huwa jinkludi r-riskju fil-waqt tal-pagament, li huwa l-istima mill-Kummissjoni tal-ammont li tħallas mingħajr ma kien skont ir-regoli applikabbli. Fil-każ tal-Kummissjoni, ir-riskju fil-waqt tal-pagament għall-2023 huwa ta’ 1.9 %, li huwa taħt il-livell ta’ żball stmat minna ta’ 5.6 % (2022: 4.2 %) u taħt il-firxa indikata minna, li hija bejn 4.4 % u 6.8 %.
Bħal-livell ta’ żball stmat minna, l-istima mill-Kummissjoni ma tinkludix in-nefqa taħt l-RRF, li għaliha hija tiddivulga r-riżultati tal-kontroll b’mod separat abbażi ta’ valutazzjoni kwalitattiva. Barra minn hekk, ir-RAA ta’ kull direttorat ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni jinkludi dikjarazzjoni li fiha d-direttur ġenerali jipprovdi aċċertament li r-rapport jippreżenta l-informazzjoni finanzjarja b’mod xieraq u li t-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu huma legali u regolari. Għal dan l-iskop, id-DĠ kollha pprovdew stimi tar-riskju fil-waqt tal-pagament fl-infiq tagħhom, ħlief għall-RRF, li għaliha l-Kummissjoni tivvaluta r-riżultati tal-kontroll abbażi ta’ kombinament tar-riżultati miksuba mill-awditi u mill-kontrolli tal-Istati Membri u tagħha stess.
Għal kull intestatura tal-QFP fejn nipprovdu valutazzjoni speċifika, aħna qabbilna r-riskju fil‑waqt tal-pagament tal-Kummissjoni għall-2023 mal-livell ta’ żball stmat minna. It-tqabbil juri li ċ-ċifri tal-Kummissjoni huma taħt l-istimi li wettaqna għal tliet oqsma ta’ politika. Sibna li għal “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament ta’ 1.4 % kienet fin-nofs inferjuri tal-firxa indikata minna, taħt il-livell ta’ żball stmat minna, għal “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”, l-istima mill-Kummissjoni kienet ta’ 2.6 %, li kienet sinifikattivament taħt il-firxa indikata minna għal-livell ta’ żball stmat u, għal “Riżorsi naturali u ambjent”, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament (1.9%) kienet fin-nofs inferjuri tal-firxa indikata minna, taħt il-livell ta’ żball stmat minna.
Fl-AMPR, il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tar-riskju kumplessiva tagħha għan-nefqa annwali tal-2023 sabiex tidentifika u tiffoka l-azzjoni fuq oqsma ta’ riskju għoli. Il-Kummissjoni tistma li r-riskju huwa baxx għal 67 % tan-nefqa, medju għal 9 % u għoli għal 24 %. Madankollu, xogħolna żvela limitazzjonijiet fix-xogħol ex post imwettaq mill-Kummissjoni, li, meħuda flimkien, jolqtu r-robustezza tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni. Wieħed mill‑oqsma l-aktar milquta kien “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”, fejn ivvalutajna l-maġġoranza tal-infiq bħala b’riskju għoli, filwaqt li l-Kummissjoni kklassifikat biss minoranza tal-infiq b’dan il-mod.
Aħna ħriġna opinjoni kwalifikata dwar in-nefqa taħt l-RRF fl-2023
L-RRF hija strument temporanju mwassal u ffinanzjat b’mod li huwa fundamentalment differenti min-nefqa baġitarja tal-UE. Filwaqt li l-benefiċjarji tal-infiq tal-baġit tal-UE jitħallsu talli jkunu wettqu ċerti attivitajiet jew jiġu rrimborżati għall-kostijiet imġarrba, taħt l-RRF l-Istati Membri jitħallsu talli jilħqu b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti jew il-miri predefiniti. Għaldaqstant, għall-RRF, aħna eżaminajna jekk l-istadji importanti jew il-miri predefiniti ntlaħqux b’mod sodisfaċenti u jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà orizzontali ġewx issodisfati.
L-evidenza kumplessiva għall-awditjar mix-xogħol tagħna turi li 16 mill-452 stadju importanti u mira tal-RRF li eżaminajna ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet ta’ pagament jew ta’ eliġibbiltà. Dawn jikkonċernaw seba’ pagamenti f’seba’ Stati Membri. Identifikajna wkoll każijiet ta’ stadji importanti u miri ddefiniti b’mod vag, dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri u problemi bl-affidabbiltà tal-informazzjoni li l-Istati Membri inkludew fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni tagħhom.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar is-sejbiet prinċipali tista’ tinsab fil-Kapitolu 1 u fil-Kapitolu 11 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna. It-test sħiħ tar-rapport annwali tagħna jista’ jinstab fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riżultati tagħna

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE kienet għolja għall-impenji iżda baxxa għall-pagamenti
L-2023 kienet it-tielet sena tal-QFP 2021-2027. Il-Figura 5 turi n-nefqa baġitarja kumplessiva tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-NGEU, li kien hemm disponibbli.
Figura 5 – Approprjazzjonijiet totali disponibbli fil-Baġit 2023 tal-UE inklużi l-għotjiet taħt l-NGEU
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet konsolidati annwali tal-UE għall-2023.
Fl-2023, intużaw kważi l-approprjazzjonijiet ta’ impenn kollha tal-baġit annwali tal-UE
Il-baġit finali tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 186.5 biljun kien ogħla mil-limitu massimu tal-QFP ta’ EUR 182.7 biljun. Dan sar possibbli permezz ta’ strumenti speċjali tal-QFP, bħar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (BAR), il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, u r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza. Dawn l-istrumenti jipprovdu fondi addizzjonali lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP għal avvenimenti ġodda jew mhux previsti. L-impenji totali li saru taħt il-baġit tal-2023 kienu ta’ EUR 184.4 biljun.
Il-pagamenti kienu kemm aktar baxxi milli kien ippjanat inizjalment kif ukoll taħt il-limitu massimu tal-QFP
Fl-2023, il-baġit finali totali kien ta’ EUR 165.2 biljun, li kien taħt il-limitu massimu tal-QFP. Il-pagamenti totali li saru taħt il-baġit finali kienu ta’ EUR 162.0 biljun. Ara l-Figura 6.
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet konsolidati annwali tal-UE għall-2023.
Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pagamenti addizzjonali ta’ EUR 74.7 biljun mid-dħul assenjat (prinċipalment l-għotjiet tal-NGEU), u EUR 2.4 biljun ta’ riporti mill-2022, il-pagamenti totali fl-2023 laħqu EUR 239.2 biljun. L-użu tal-baġit għall-pagamenti kien ta’ 90.0 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament totali ta’ EUR 265.7 biljun.
L-assorbiment tal-FSIE 2014‑2020 naqqas ir-ritmu fl-2023, iżda d-data ta’ skadenza għat-talbiet għall-pagamenti u d-dokumenti tal-għeluq ġiet estiża b’sena
Il-pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) fl-2023, bl-esklużjoni tar-riżorsi tal-NGEU, ammontaw għal EUR 54.7 biljun, li kienu inqas mit-3 snin preċedenti (EUR 64.7 biljun fl-2022, EUR 75.1 biljun fl-2021 u EUR 72 biljun fl-2020). Fi tmiem l-2023, il-pagamenti totali għall-FSIE 2014‑2020 ammontaw għal EUR 450.6 biljun, mill-allokazzjoni totali ta’ EUR 492.6 biljun, u dan irriżulta f’rata ta’ assorbiment ta’ 91.5 %. Filwaqt li d-differenzi fil-mod kif l-Istati Membri assorbew il-fondi SIE kienu inqas sinifikanti meta mqabbla mal-2022, ir-rati ta’ assorbiment ta’ erba’ Stati Membri baqgħu taħt il-85 % fi tmiem l-2023 (ara l-Figure 7).
Figura 7 – Assorbiment tal-FSIE 2014‑2020 mill-Istati Membri (bl‑esklużjoni tal-NGEU), fi tmiem l‑2023
Sors: il-QEA, abbażi tal-pjattaforma tad-data miftuħa tal-Kummissjoni, kif kienet fit-8 ta’ Jannar 2024, u ta’ data oħra pprovduta mill-Kummissjoni.
Il-pagamenti mill-fondi taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2021‑2027 skont ir-RDK baqgħu baxxi
Fl-2023, il-pagamenti annwali għall-fondi taħt ġestjoni kondiviża skont ir-RDK (EUR 6.3 biljun) kienu għal EUR 4.1 biljun ta’ prefinanzjament u EUR 2.2 biljun ta’ pagamenti interim. Fl-2023, 11-il Stat Membru ma talbu pagamenti interim għall-ebda wieħed mill-fondi koperti mir-RDK. Fi tmiem l-2023, il-pagamenti totali ammontaw għal EUR 12.8-il biljun, li huwa biss 3.2 % tal-ammont totali tal-QFP 2021‑2027.
Fl-2023, l-Istati Membri pprijoritizzaw l-isforzi biex jassorbu l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2014‑2020, u jħaffu l-implimentazzjoni tal-NGEU. Meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, id-dewmien aggregat jindika defiċit fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni ekwivalenti għal diskrepanza ta’ sena.
Il-pagamenti mill-FAEŻR taħt il-PAK il-ġdida bdew bil-mod fl-2023
Mill-2023, il-FAEŻR beda jiġi kopert mir-regolamenti l-ġodda tal-Politika Agrikola Komuni. Fi tmiem l-2023, il-pagamenti mill-FAEŻR ammontaw għal EUR 0.7 biljun, b’rata ta’ assorbiment ta’ 1 % biss.
Il-pagamenti mis-supplimenti tal-RRF u tal-NGEU għall-programmi kienu aktar baxxi milli mistenni fl-2023
Fi Frar 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill emendaw ir-Regolament dwar l-RRF sabiex kapitolu REPowerEU, iffinanzjat mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u mill-BAR, ikun jista’ jiġi inkluż fil-pjanijiet tal-RRF tal-Istati Membri. Sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni kienet għamlet l-impenji kollha taħt l-RRF iffinanzjati mill-NGEU għall-għotjiet (EUR 337.9 biljun). L-impenji għall-kapitoli REPowerEU kienu ta’ EUR 18.5-il biljun (EUR 17.3‑il biljun mill-ETS u EUR 1.2 biljun mir-RAB), u l-EUR 0.4 biljun li jifdal mill-BAR għandhom jiġu impenjati f’data aktar tard. Il-pagamenti annwali tal-għotjiet taħt l-RRF ammontaw għal total ta’ EUR 48 biljun fl-2023. B’kuntrast ma’ dan, f’Ġunju 2022, il-Kummissjoni kienet stenniet li l-pagamenti totali taħt l-RRF iffinanzjati mill-NGEU marbuta mal-istadji importanti u l-miri (li ma jinkludux REPowerEU) fl-2023 jammontaw għal EUR 76.4 biljun. Skont il-Kummissjoni, diversi fatturi, bħall-inflazzjoni għolja, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, il-problemi fil-ktajjen tal-provvista globali, in-nuqqas ta’ ħaddiema jew il-kapaċità amministrattiva insuffiċjenti, jolqtu b’mod negattiv l-implimentazzjoni tal-RRF. B’pagamenti ta’ EUR 141.6 biljun minn EU 356.4 biljun ta’ impenji li saru, total sa EUR 215.2-il biljun ta’ għotjiet taħt l-RRF jibqa’ disponibbli biex jitħallas sa tmiem l-2026. Ara l-Figura 8.
Figura 8 – Implimentazzjoni tal-għotjiet taħt l-RRF skont is-sors, fi tmiem l‑2023
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet konsolidati annwali tal-UE għall-2023.
Hemm differenzi sinifikanti fil-mod kif l-Istati Membri assorbew l-għotjiet taħt l-RRF. Sa tmiem l-2023, erba’ Stati Membri (l-Irlanda, l-Ungerija, in-Netherlands, u l-Iżvezja) la kienu rċevew prefinanzjament u lanqas ma kienu ppreżentaw talba għall-pagament, filwaqt li tliet Stati Membri (il-Belġju, il-Polonja u l-Finlandja) kienu rċevew biss prefinanzjament.
L-impenji totali tas-supplimenti tal-NGEU għall-programmi tal-QFP ammontaw għal total ta’ EUR 82.9 biljun minn allokazzjoni inizjali ta’ EUR 83.1 biljun. Il-pagamenti annwali tas-supplimenti tal-NGEU għall-programmi eżistenti tal-QFP żdiedu minn EUR 16.1-il biljun fl‑2022 għal EUR 19.0-il biljun fl-2023. Pagamenti sa EUR 40.6 biljun jistgħu jsiru sa tmiem l-2026.
L-impenji pendenti mill-baġit tal-UE u mill-finanzjament ta’ għotjiet taħt l-NGEU laħqu ammont rekord ta’ EUR 543 biljun
Impenji pendenti huma s-somma ta’ impenji li saru iżda li għadhom ma tħallsux. Sa tmiem l‑2023, l-impenji pendenti totali, li se jkollhom jitħallsu fis-snin ta’ wara sakemm ma jiġux diżimpenjati, laħqu livell għoli rekord ta’ EUR 543 biljun. Din kienet żieda ta’ EUR 90.2 biljun meta mqabbla mal-2022 (EUR 452.8 biljun). L-impenji pendenti huma prinċipalment relatati mal-baġit tal-UE u r-riporti (EUR 263.6 biljun) u l-finanzjament tal-għotjiet tal-NGEU (EUR 238.6 biljun). Fl-2022, għamilna rakkomandazzjoni biex innaqqsu sostanzjalment il-livell ta’ impenji pendenti. Ara l-Figura 9.
Figura 9 – Impenji pendenti totali skont is-sena tal-oriġini u t-tip ta’ finanzjament, fi tmiem l‑2023
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2023 u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit mis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni.
Riskji u sfidi
Ir-reviżjoni tal-QFP introduċiet miżuri biex tindirizza r-riskji relatati mal-kostijiet ta’ finanzjament NGEU addizzjonali u mal-arretrati ta’ pagamenti
Fi Frar 2024, il-Kunsill emenda l-QFP b’rispons għal diversi sfidi (eż. appoġġ kontinwu għall-Ukrajna, rati tal-imgħax ogħla, żieda fil-migrazzjoni u l-ħtieġa li jiġu promossi teknoloġiji strateġiċi). Ir-reviżjoni tal-QFP iżżid l-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-perjodu 2024‑2027 b’EUR 21.0 biljun, li minnhom EUR 17-il biljun huma għall-finanzjament tal-Faċilità għall-Ukrajna li għadha kif inħolqot.
Il-Kunsill introduċa wkoll “mekkaniżmu ta’ kaskata”. L-għan tiegħu huwa li, jekk ma jkunux jistgħu jinstabu fondi fil-baġit eżistenti tal-UE u sa tmiem il-QFP attwali, ikopri l-kostijiet tat-teħid b’self taħt l-NGEU li jaqbżu l-ammonti annwali stabbiliti fir-Regolament QFP rivedut. L-istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru NextGenerationEU huwa strument speċjali lil hinn mil-limitu massimu tal-QFP u ma għandu l-ebda ammont fiss. Il-Kummissjoni stmat li l-imgħax addizzjonali u l-ħlas tal-kupuni addizzjonali għat-teħid b’self taħt l-NGEU fi ħdan il-QFP attwali għandhom mnejn ivarjaw minn EUR 17-il biljun sa EUR 27 biljun.
Riskju ta’ diżimpenji fil-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-QFP 2021‑2027
L-assorbiment tal-FSIE u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-QFP 2021‑2027 baqa’ baxx fl-2023. B’riżultat ta’ dan, l-awtorità baġitarja naqqset l-approprjazzjonijiet ta’ pagament tal‑2023 għall-FEŻR (- EUR 1.1 biljun) u għall-FSE+ (- EUR 0.7 biljun). Ir-riskju ta’ diżimpenji jista’ diġà jimmaterjalizza fi tmiem l-2025 għall-impenji li saru fl-2022 skont ir-RDK għall-perjodu 2021‑2027.
Fl-2023, il-Kummissjoni bassret diżimpenji għall-perjodu 2024‑2027 f’ammont ta’ EUR 8.1 biljun (tbassir għall-2022: EUR 7.6 biljun għall-perjodu 2023‑2027). Għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni FK, il-FEŻR, u l-FSE+, il-Kummissjoni tbassar li d-diżimpenji totali għall-perjodu 2024‑2027 jammontaw għal EUR 2.2 biljun, aktar minn ħames darbiet l-ammont ta’ EUR 0.4 biljun li bassret fl-2022. Għall-JTF, id-dewmien fl-adozzjoni tal-QFP u l-leġiżlazzjoni speċifika għall-programmi, u l-implimentazzjoni baxxa fl-2023 se jqiegħdu ammonti importanti f’riskju ta’ diżimpenn mill-2025 ’il quddiem. Ammont importanti ta’ diżimpenji għandu mnejn jipperikola l-ilħuq tal-objettivi tal-UE.
Id-dejn tal-UE mit-teħid b’self żdied fl‑2023
It-teħid b’self pendenti tal-UE żdied b’aktar minn 30 % fl‑2023
Fi tmiem l-2023, il-valur nominali tas-self pendenti tal-UE żdied għal aktar minn EUR 458.5 biljun, żieda fis-sena ta’ EUR 110.5 biljun. L-UE issa saret waħda mill-akbar emittenti ta’ dejn fl-Ewropa. Il-Figura 10 turi l-maturitajiet u r-rati tal-imgħax effettivi tat-teħid b’self kollu tal-UE.
Figura 10 – Il-maturitajiet u r-rati tal-imgħax effettivi tat-teħid b’self mill-baġit tal-UE, fi tmiem l‑2023
Nota: ammonti f’valur nominali.
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet konsolidati annwali tal-UE għall-2023.
It-teħid b’self taħt l-NGEU jaf jikber b’aktar mid-doppju sal-2026, filwaqt li l-biċċa l-kbira mir-ripagament tiġi differita għal QFP futuri
Fi tmiem l-2023, l-UE kellha bonds pendenti tal-UE għal valur nominali ta’ EUR 268.4 biljun biex tiffinanzja self u għotjiet tal-NGEU u programmi oħra ffinanzjati mill-NGEU. Għall-NGEU, l-UE għandha mnejn tissellef EUR 443.6 biljun addizzjonali sa tmiem l-2026, ara l-Figura 11.
Figura 11 – Teħid b’self u żborżi taħt l-NGEU, fi tmiem l‑2023
Nota: l-ammont misluf ma jinkludix il-EUR 15.2-il biljun f’kambjali tal-UE li jkunu għal żmien qasir. Ammont misluf ta’ EUR 7.0 biljun kien għadu ma ġiex żborżat sa tmiem l-2023, u l-fondi inżammu fil-Bank Ċentrali Ewropew.
Sors: il-QEA, abbażi ta’ COM(2024) 93 u tal-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2023.
Ir-ripagament tat-teħid b’self taħt l-NGEU jrid jibda qabel tmiem l-2027, jekk l-approprjazzjonijiet mhux użati jibqgħu disponibbli fil-linja baġitarja biex ikopru l-kostijiet tal-finanzjament NGEU, u jrid jitlesta sa mhux aktar tard mill-2058. Il-biċċa l-kbira mir-ripagamenti hija għalhekk differita għal QFP futuri. Il-kostijiet kollha mġarrba mill-UE fir-rigward tat-teħid b’self ta’ fondi għas-self taħt l-NGEU, inklużi dawk marbuta mal-ġestjoni tar-rata tal-imgħax u riskji finanzjarji oħra, iridu jitallsu mill-pajjiżi benefiċjarji. Il-kostijiet kollha assoċjati mal-għotjiet u mas-supplimenti tal-NGEU jitħallsu mill-baġit tal-UE.
Sabiex jinkiseb tnaqqis kostanti u prevedibbli tad-dejn tal-NGEU sal-2058, il-Kummissjoni jaf ikollha bżonn tirriporta d-dejn li jkun se jiskadi billi toħroġ strumenti ta’ dejn ġodda biex tħallas dawk qodma hekk kif jimmaturaw. Bidliet potenzjali fil-kundizzjonijiet tas-suq għandhom mnejn jirriżultaw f’kostijiet ogħla f’dak li jikkonċerna t-teħid b’self li, għad-dejn tal-NGEU relatat mal-għotjiet u għas-supplimenti tal-NGEU, se jkollhom jitħallsu mill-baġit tal-UE.
Id-dħul assenjat estern mid-dejn tal-NGEU għandu impatt sinifikanti fuq ir-riżultat ekonomiku
L-ammonti mislufa taħt l-NGEU jiġu diretti f’għotjiet u supplimenti tal-NGEU għall-programmi tal-UE permezz ta’ dħul assenjat estern, li huwa addizzjonali għall-approprjazzjonijiet ivvutati fil-baġit tal-UE. L-implimentazzjoni tal-NGEU ma tolqotx formalment il-prinċipju li d-dħul u n-nefqa murija fil-baġit annwali tal-UE jenħtieġ li jibbilanċjaw (il-prinċipju tal-ekwilibriju). Madankollu, minn perspettiva kontabilistika, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja ma jinkludix bħala dħul l-ammont misluf taħt l-NGEU, filwaqt li jinkludi l-ispejjeż relatati mal-għotjiet taħt l-NGEU. Konsegwentement, dan għandu impatt negattiv fuq ir-riżultat ekonomiku tas-sena. Riżultati ekonomiċi negattivi jżidu d-defiċit fl-assi netti kif rifless fil-karta tal-bilanċ tal-UE, u għalhekk iridu jiġu ffinanzjati minn baġits futuri (ara l-Figura 12). Ir-ripagament tat-teħid b’self taħt l-NGEU huwa garantit fi ħdan il-limiti massimi tar-riżorsi proprji.
Figura 12 – Riżultat ekonomiku (surplus/defiċit) għal kull sena mill‑2018 sal‑2023
Nota: iċ-ċifra għall-2020 tinkludi EUR 47.5 biljun ta’ dħul relatat mal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit.
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet annwali konsolidati tal-UE mill-2018 sal-2023.
L-esponiment tal-baġit tal-UE żdied fl-2023 u huwa pproġettat li jkompli jiżdied
L-esponiment tal-baġit tal-UE mill-garanziji tal-baġit tal-UE għat-teħid b’self mis-suq u l-obbligazzjonijiet kontinġenti mill-garanziji baġitarji kien jammonta għal EUR 298.0 biljun fi tmiem l-2023, li kien żieda minn EUR 248.3 biljun fi tmiem l-2022. Il-Figura 13 tipprovdi diżaggregazzjoni dettaljata tal-esponiment (muri bil-vjola) skont is-sors. Fil-figura, saffi ta’ kopertura tar-riskju, li jirrappreżentaw livelli differenti ta’ kopertura, jintwerew bħala ċrieki konċentriċi. Iċ-ċirku maġenb l-esponiment jirrappreżenta l-ewwel saff ta’ kopertura tar-riskju li se jintuża. Aktar ’il ġewwa, iċ-ċrieki sussegwenti jindikaw saffi addizzjonali ta’ kopertura tar-riskju.
Figura 13 – Esponiment totali tal-baġit tal-UE fi tmiem l‑2023, bis-sors ta’ esponiment u l-kopertura tar-riskju
(*) Garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD): EUR 0.5 biljun, garanzija taħt InvestEU: EUR 1.4 biljun, u l-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+): EUR 0.6 biljun; self tal-Euratom: EUR 0.3 biljun.
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2023, u r-regolamenti applikabbli.
Iż-żieda tal-2023 fl-esponiment tal-baġit tal-UE kienet prinċipalment relatata ma’ teħid b’self għall-EUR 34.1 biljun addizzjonali ta’ self taħt l-RRF li saru lill-Istati Membri (2022: EUR 27.2 biljun), li minnhom EUR 5.4 biljun kienu għal self taħt REPowerEU, flimkien mas-self ta’ EUR 18.0-il biljun taħt l-AMF+ lill-Ukrajna. L-esponiment għall-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-garanziji baġitarji żdied għal EUR 44.0 biljun sa tmiem l-2023 minn EUR 42.9 biljun fi tmiem l-2022. Dan kien prinċipalment minħabba aktar żborżi għal investimenti koperti mill-garanzija taħt InvestEU. F’Ottubru 2023, il-Kummissjoni stmat li l-marġni ta’ manuvra disponibbli għall-perjodu 2024‑2027 ikun adegwat biex ikopri t-telf potenzjali li jirriżulta minn obbligazzjonijiet garantiti b’marġni ta’ manuvra.
L-esponiment tal-baġit tal-UE fi tmiem l-2023 huwa mistenni li jiżdied fl-2024 u fl-2025, prinċipalment minħabba self ġdid taħt l-RRF. Sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni kienet iffirmat ftehimiet ta’ self taħt l-RRF mal-Istati Membri għal EUR 290.9 biljun, li minnhom EUR 211.7‑il biljun kienu għadhom ma ġewx żborżati.
Fil-bidu tal-2024, il-leġiżlatur tal-UE stabbilixxa l-Faċilità għall-Ukrajna. Self li jilħaq it-EUR 33 biljun se jiġi ffinanzjat mit-teħid b’self tas-suq finanzjarju u se jiġi appoġġat mill-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-UE, kif inhu l-każ għas-self taħt l-AMF+. Fl-opinjoni tagħna dwar il-Faċilità għall-Ukrajna, aħna enfasizzajna li dan l-approċċ jinvolvi riskji konsiderevoli għall-baġit tal-UE.
Il-Figura 14 tqabbel l-esponiment tal-baġit tal-UE fil-passat u dak ipproġettat mill-2019 ’il quddiem.
Nota: ammonti f’valuri nominali.
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet annwali konsolidati tal-UE mill-2019 sal-2023 u informazzjoni mill-Kummissjoni.
Il-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna tkompli tkabbar ir-riskji finanzjarji għall-baġits futuri tal-UE
L-esponiment tal-baġit tal-UE għall-Ukrajna żdied minn EUR 16-il biljun fi tmiem l-2022 għal EUR 33.7 biljun fi tmiem l-2023. Dan kien jinkludi EUR 18-il biljun ta’ self taħt l-AMF+, EUR 11.6-il biljun ta’ self taħt l-AMF, EUR 0.3 biljun ta’ self tal-Euratom, u EUR 3.8 biljun ta’ garanziji baġitarji għal self pendenti pprovdut mill-BEI u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet allowance għal indeboliment għas-self taħt l-AMF u tal-AMF+ li ngħata lill-Ukrajna ta’ EUR 8.8 biljun (EUR 2.2 biljun fl-2022), li rrifletta t-telf mistenni matul il-ħajja tas-self.
Fl-2023, l-istrument tal-AMF+ ipprovda appoġġ ta’ EUR 18-il biljun lill-Ukrajna fil-għamla ta’ self aġevolanti ħafna li għandu jitħallas lura fuq massimu ta’ 35 sena mill-2033 ’il quddiem. Is-self taħt l-AMF+ ma jirrikjedix proviżjonament biex ikopri r-riskju ta’ inadempjenza billi huwa garantit permezz tal-marġni ta’ manuvra tal-baġit tal-UE. Enfasizzajna li t-trasferiment tar-riskji ta’ ripagamenti inadempjenti possibbli għall-futur jista’ jpoġġi pressjoni fuq il-baġits u l-ħtiġijiet ta’ pagament futuri. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħna, il-faċilità għall-Ukrajna stabbilita fl-2024 biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal ammont addizzjonali sa EUR 33 biljun f’self għall-perjodu mill-2024 sal-2027, li ma jirrikjedix proviżjonament, tinvolvi riskji konsiderevoli għall-baġit tal-UE.
L-inflazzjoni għolja fl-2022 u fl-2023 qed tkompli tolqot il-baġit tal-UE
Abbażi tat-tbassir tal-inflazzjoni tal-Kummissjoni, aħna nistmaw li l-baġit tal-UE jista’ jitlef madwar 13 % tal-kapaċità tal-akkwist tiegħu sa tmiem l-2025, ara l-Figura 15.
Figura 15 – Bidliet fil-kapaċità tal-akkwist tal-baġit tal-UE (2020‑2025)
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-Eurostat u t-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.
X’nirrakkomandaw
Sabiex ittaffi r-riskju ta’ diżimpenji, nirrakkomandaw li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-progress fl-għażla tal-operazzjonijiet u tieħu l-azzjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-programmi f’riskju.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja tista’ tinstab fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Kisba ta’ riżultati mill-baġit tal-UE
Kull sena, aħna nanalizzaw għadd ta’ aspetti relatati mal-prestazzjoni u r-riżultati miksuba mill-baġit tal-UE, li jiġi implimentat mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Din is-sena, l-analiżi li wettaqna tkopri:
- ir-riżultati u l-messaġġi ewlenin mir-rapporti speċjali tagħna tal-2023 dwar il-prestazzjoni, kif ukoll informazzjoni relatata mingħand il-Kummissjoni u mingħand l-awtoritajiet baġitarji u leġiżlattivi (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea);
- kif il-Kummissjoni rrappurtat dwar il-prestazzjoni għall-Intestatura 4, “Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri” tal-QFP (għandna l-għan li neżaminaw intestaturi differenti tal-QFP b’rotazzjoni matul is-snin ta’ wara);
- l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport 2020 tagħna dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE; u
- l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-rapporti speċjali li ppubblikajna fl-2020.
Messaġġi ewlenin mir-rapporti speċjali tagħna tal-2023 dwar il-prestazzjoni
Ir-rapporti speċjali tagħna jeżaminaw kemm il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba ġew applikati tajjeb fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Fl-2023, ippubblikajna 29 rapport speċjali li jindirizzaw ħafna mill-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE fl-oqsma differenti ta’ nfiq u fil-politiki tagħha. L-entitajiet li awditjajna għandhom id-dritt li jipprovdu risposti għall-osservazzjonijiet tagħna. Ir-rapporti speċjali tagħna tal-2023 kien fihom 220 rakkomandazzjoni dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti, li prinċipalment kienu indirizzati lill-Kummissjoni, u li 85 % minnhom ġew aċċettati bis-sħiħ.
Huma indirizzaw ħames oqsma strateġiċi, jiġifieri r-rispons tal-UE għall-irkupru ta’ wara l-kriżi, iż-żieda fil-kompetittività ekonomika tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, ir-reżiljenza fil-konfront ta’ theddid għas-sigurtà tal-UE, u r-rispett għall-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; it-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali; il-politiki fiskali u l-finanzi pubbliċi fl-UE (ara t-Tabella 1).
Tabella 1 – Oqsma strateġiċi tal-QEA koperti minn rapporti speċjali fl-2023
![]() |
|
![]() |
|
![]() |
|
![]() |
|
![]() |
|
Sors: il-QEA.
Prestazzjoni tal-programmi taħt l-intestatura 4 “Migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri” tal-QFP
Biex nipprovdu aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE, din is-sena analizzajna l-informazzjoni disponibbli dwar il-prestazzjoni rigward intestatura magħżula tal-QFP. Iffukajna fuq l-Intestatura 4 – Migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, u ż-żewġ fondi li ġejjin: il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), u l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBMF), li jikkonsisti fil-Politika għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi u l-Istrument għat-Tagħmir ta’ Kontroll Doganali. Informazzjoni komprensiva dwar il-prestazzjoni għall-programmi ffinanzjati taħt intestatura tal-QFP issir aktar disponibbli qrib il-perjodu ta’ programmazzjoni u wara tmiemu. Aħna osservajna li:
- hemm qafas imtejjeb għar-rappurtar dwar il-prestazzjoni għall-perjodu attwali tal-QFP;
- l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni għall-AMIF u l-IBMF għall-perjodu attwali hija, sa issa, skarsa u turi livell baxx ta’ progress;
- il-biċċa l-kbira mill-indikaturi għall-perjodu 2014‑2020 juru progress tajjeb lejn l-ilħuq tal-miri tagħhom. L-indikaturi mhux bilfors juru l-punt sa fejn l-azzjonijiet iffinanzjati indirizzaw il-ħtiġijiet. Għad ma hemmx informazzjoni suffiċjenti dwar ir-riżultati ġenerali tal-programmi, inklużi l-ekonomija u l-effiċjenza tagħhom;
- l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li l-Kummissjoni enfasizzat fl-AMPR 2022 tal-Fond għas-Sigurtà Interna — Fruntieri u viża kienu inqas ibbilanċjati milli għall-AMIF. Id-dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-programmi pprovdew spjegazzjonijiet raġonevoli meta l-miri ma ntlaħqux bis-sħiħ, madankollu l-Kummissjoni inkludiet kisbiet futuri mistennija fit-taqsima tagħha “programme in a nutshell”.
Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tippreżenta l-kisbiet reali fil-parti “Programme in a nutshell” tad-dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-programmi, mhux kisbiet potenzjali fil-futur, u tiddivulga fl-AMPR tagħha liema indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kienu bbażati fuq sorsi li kienu differenti mir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri.
Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tagħna dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE – status fi tmiem l‑2020
Ir-rapport tagħna dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE li jkopri s-sena finanzjarja 2020 kien fih ħames rakkomandazzjonijiet li kollha kemm huma ġew indirizzati lill-Kummissjoni u aċċettati minnha. Id-data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni ta’ tlieta mill-ħames rakkomandazzjonijiet li wettaqna segwitu tagħhom kienet għadha ma għaddietx saż-żmien meta wettaqna r-rieżaminar ta’ segwitu. Miż-żewġ rakkomandazzjonijiet li jifdal, il-Kummissjoni implimentat waħda fil-biċċa l-kbira mill-aspetti, u l-oħra f’xi wħud mill-aspetti.
Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti speċjali tagħna tal-2020
Kull sena, aħna nirrieżaminaw il-punt sa fejn l-entitajiet li awditjajna jkunu ħadu azzjoni b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tagħna 3 snin wara li nkunu għamilniehom. Din is-sena, analizzajna 195 rakkomandazzjoni mis-26 rapport speċjali kollha li ppubblikajna fl-2020. Minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet, 185 ġew indirizzati lill-Kummissjoni, li minnhom 7 ġew indirizzati liċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti li jopera bħala sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment. L-10 rakkomandazzjonijiet li kien jifdal ġew indirizzati lill-aġenziji deċentralizzati tal-UE u korpi oħra u lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal. Aħna sibna li:
- il-proporzjon ta’ rakkomandazzjonijiet aċċettati mill-entitajiet li awditjajna baqa’ f’livell għoli b’ 80 % aċċettati bis-sħiħ u 13 % aċċettati parzjalment;
- il-proporzjon tar-rakkomandazzjonijiet implimentati bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti naqas kemxejn minn 70 % għal 68 %;
- 68 % tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni ġew implimentati bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti;
- 78 % tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil entitajiet awditjati oħra ġew implimentati bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti;
- żdied il-proporzjon tar-rakkomandazzjonijiet li ġew implimentati b’mod f’waqtu minn 38 % għal 52 %. Għalkemm tjiebet il-puntwalità tal-azzjonijiet li l-entitajiet awditjati ħadu biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħna, din għadha ma ġietx lura għal-livell ta’ qabel il-pandemija tal-COVID‑19; u
- ir-rakkomandazzjonijiet relatati mat-tfassil tal-politiki jew tal-programmi juru l-ogħla livell ta’ aċċettazzjoni, implimentazzjoni u puntwalità.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-Kisba ta’ riżultati mill-baġit tal-UE tista’ tinstab fil-Kapitolu 3 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Dħul
X’awditjajna
L-awditu li wettaqna kopra l-parti tal-baġit tal-UE li tikkonċerna d-dħul, li tiffinanzja n-nefqa tal-UE. Aħna eżaminajna sistemi ta’ kontroll ewlenin magħżula għall-ġestjoni tar-riżorsi proprji, u kampjun ta’ tranżazzjonijiet relatati mad-dħul.
Diżaggregazzjoni għall‑2023 (*)
(*) It-total ta’ EUR 248.4 biljun jirrappreżenta d-dħul tal-baġit reali tal-UE. L-ammont ta’ EUR 171.9 biljun ippreżentat fir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja huwa kkalkulat bl-użu tal-kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti.
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2023.
Il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING mill-Istati Membri kienu jirrappreżentaw 39 % tad-dħul tal-UE fl-2023, filwaqt li r-riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kienet tirrappreżenta 9 %. Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ statistika u stimi makroekonomiċi pprovduti mill-Istati Membri. Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), li jikkonsistu f’dazji doganali fuq l-importazzjonijiet miġbura mill-Istati Membri f’isem l-UE, ipprovdew 9 % oħra tad-dħul tal-UE.
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart mhux riċiklat mill-imballaġġ tal-plastik ipprovdiet 3 % tad-dħul tal-UE. Din tiġi kkalkulata bl-applikazzjoni ta’ rata uniformi fuq il-ponderazzjoni tal-iskart mhux riċiklat mill-imballaġġ tal-plastik iġġenerat f’kull Stat Membru.
Id-dħul estern assenjat, li jirrigwarda l-ammonti mislufa sabiex l-Istati Membri jingħataw appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, irrappreżenta 27 % tad-dħul tal-UE.
X’sibna
Ammont awditjat | Kien milqut minn żball materjali? |
---|---|
EUR 248.4 biljun | Le – ħieles minn żball materjali fl-2023 |
L-evidenza kumplessiva għall-awditjar tindika li l-livell ta’ żball fit-tranżazzjonijiet relatati mad-dħul ma kienx materjali. Is-sistemi għall-ġestjoni tad-dħul li eżaminajna kienu b’mod ġenerali effettivi. Madankollu, xi wħud mill-elementi għall-ġestjoni tar-riżervi tal-ING u dawk tal-VAT, il-punti miftuħa tar-RPT fil-Kummissjoni, il-kontrolli interni ewlenin tar-RPT li vvalutajna f’ċerti Stati Membri, u s-sistemi għall-iżgurar tal-affidabbiltà u l-kumparabbiltà tad-data għall-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-plastik kienu parzjalment effettivi.
Ix-xogħol ta’ verifikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ING huwa milqut minn dewmien min-naħa tal-Istati Membri, li jwassal għal dewmien fix-xogħol tal-Kummissjoni biex tivverifika l-informazzjoni pprovduta u tneħħi r-riżervi. Dan iżid l-inċertezza fil-baġits nazzjonali u f’dawk tal-UE rigward il-kontribuzzjoni bbażata fuq l-ING. Il-Kummissjoni ma imponietx imgħax ta’ inadempjenza meta r-riżervi tal-ING ġew indirizzati parzjalment wara d-data ta’ skadenza. Dan neħħa inċentiv għall-Istati Membri biex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa ħalli r-riżervi jiġu indirizzati sad-data ta’ skadenza.
Kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ riżervi tal-VAT u ta’ punti miftuħa tar-RPT, iżda għad hemm kwistjonijiet li ilhom pendenti. Għad hemm dgħufijiet fil-kontabbiltà u l-ġestjoni tar-RPT imwettqa mill-Istati Membri.

Osservajna defiċjenzi fl-affidabbiltà u fil-kumparabbiltà tad-data użata għall-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-plastik. Fir-rapport speċjali tagħna dwar dan is-sors ta’ dħul, osservajna dgħufijiet fid-data użata għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u n-nuqqas ta’ aċċertament li l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik fil-fatt qed jiġi riċiklat.
Kien hemm progress insuffiċjenti fl-implimentazzjoni ta’ xi azzjonijiet mill-Pjan ta’ Azzjoni Doganali. Il-Kummissjoni rabtet għadd sinifikanti ta’ azzjonijiet minn dan il-pjan mal-proposta ta’ Riforma Doganali, li għadha ma ġietx adottata. Fil-fehma tagħna, xi wħud mill-azzjonijiet imdewma jistgħu jingħalqu biss ladarba jiġu applikati d-dispożizzjonijiet relatati tar-reviżjoni proposta tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (mistennija mill-2028 ’il quddiem).
Osservajna wkoll segwitu insuffiċjenti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-kriterji u l-istandards tar-riskju finanzjarju. Kif irrappurtajna qabel, in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-UE ta’ dawn il-kriterji u standards joħloq riskju għall-Unjoni Doganali kollha billi l-operaturi xorta jistgħu jimmiraw lejn punti ta’ dħul tal-UE b’livell aktar baxx ta’ kontrolli.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- timponi mgħax ta’ inadempjenza fuq l-Istati Membri meta r-riżervi tal-ING ma jiġux indirizzati bis-sħiħ sad-data ta’ skadenza; u
- tivverifika l-progress irrappurtat mill-Istati Membri u tidentifika l-elementi ewlenin tal-kriterji u l-istandards tar-riskju finanzjarju li għandhom jiġu implimentati.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tad-dħul tal-UE tista’ tinstab fil-Kapitolu 4 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Suq uniku, innovazzjoni u diġitali
X’awditjajna
Il-programmi ffinanzjati taħt “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali” huma diversi u għandhom l-għan li jiffinanzjaw proġetti li jikkontribwixxu għal, fost affarijiet oħra,ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-infrastruttura Ewropea fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u dak diġitali, il-komunikazzjoni, it-trasformazzjoni diġitali u s-suq uniku, kif ukoll il-politika dwar l-ispazju. Il-programmi prinċipali għar-riċerka u l-innovazzjoni huma Orizzont 2020, u s-suċċessur tiegħu, Orizzont Ewropa, għalkemm dan tal-aħħar għadu jirrappreżenta biss proporzjon żgħir tal-popolazzjoni li awditjajna għall-2023.
Din l-intestatura tal-QFP tiffinanzja wkoll proġetti ta’ infrastruttura kbar bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), u l-programmi spazjali, li jinkludu: Galileo, is-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), u Copernicus, li huwa l-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja. Tinkludi wkoll il-Fond InvestEU, li, flimkien ma’ Orizzont Ewropa, jibbenefika minn finanzjament addizzjonali mingħand in-NextGenerationEU (NGEU).
Diżaggregazzjoni tal-pagamenti għall-2023 skont il-fond
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2023.
Għall-2023, EUR 15.5-il biljun kienu suġġetti għall-awditjar f’dan il-qasam. Il-biċċa l-kbira mill-infiq huwa mmaniġġjat direttament mill-Kummissjoni, inkluż permezz ta’ aġenziji eżekuttivi, u jieħu l-forma ta’ għotjiet lil benefiċjarji pubbliċi jew privati li jipparteċipaw fi proġetti. Il-Kummissjoni tipprovdi prefinanzjamenti lill-benefiċjarji mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ għotja, u aktar tard tirrimborża l-kostijiet iffinanzjati mill-UE, mingħajr ma tinkludi l-prefinanzjamenti. Il-programmi spazjali jiġu ġeneralment immaniġġjati b’mod indirett fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ delega u ftehimiet ta’ kontribuzzjoni ffirmati bejn il-Kummissjoni u korpi ta’ implimentazzjoni ddedikati (bħall-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali). L-istrumenti finanzjarji taħt InvestEU jiġu implimentati prinċipalment mill-Bank Ewropew tal-Investiment jew mill-Fond Ewropew tal-Investiment, li min-naħa tagħhom jużaw intermedjarji finanzjarji.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
---|---|---|
EUR 15.5-il biljun | Iva | 3.3 % (2022: 2.7 %) |
B’mod ġenerali, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’ “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali” huwa materjali. Fl-2023, 39 (31 %) mill-127 tranżazzjoni li eżaminajna kienu milquta minn żbalji.
L-infiq taħt Orizzont 2020 jibqa’ b’riskju għoli u huwa s-sors prinċipali tal-iżbalji li naqbdu. Sibna żbalji kwantifikabbli relatati ma’ kostijiet ineliġibbli fi 30 mis-97 tranżazzjoni li kkampjunajna fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż wieħed f’Orizzont Ewropa. Dan jirrappreżenta 71 % tal-livell ta’ żball stmat minna għal din l-intestatura fl-2023.
Fil-każ ta’ programmi u attivitajiet oħra, qbadna żbalji kwantifikabbli fi 2 mit-30 tranżazzjoni li kkampjunajna, li t-tnejn li huma jikkonċernaw proġetti taħt il-FNE. Wieħed minn dawn l-iżbalji huwa relatat ma’ ksur serju tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, li wassal għall-aġġudikazzjoni tal-kuntratt lil konsorzju li ma ssodisfax il-kriterji tal-għażla.
Wara 9 snin ta’ implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020, il-kalkolu tal-kostijiet għall-persunal għadu sors ewlieni ta’ żball fit-talbiet dwar il-kostijiet. Mit-30 tranżazzjoni milquta minn żbalji kwantifikabbli fil-kampjun tagħna ta’ tranżazzjonijiet fil-qasam tar-riċerka, 22, jiġifieri madwar 73 %, kienu milquta mill-applikazzjoni skorretta tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet għall-persunal.
Żbalji oħra relatati mal-kostijiet għall-persunal kienu jinkludu kalkolu skorrett tar-rati fis-siegħa f’H2020, kalkolu skorrett tar-rati ta’ kuljum għall-għotjiet taħt Orizzont Ewropa u ksur tar-regola tal-limitu massimu doppju. Sibna wkoll żbalji relatati ma’ kostijiet diretti ineliġibbli oħra.
Eżempju ta’ bosta żbalji f’talba waħda dwar il-kostijiet
Benefiċjarju pubbliku intergovernattiv fi Franza ddikjara kostijiet għall-persunal u għal servizzi oħra. Fil-każ ta’ impjegat wieħed, il-benefiċjarju inkluda fil-kostijiet bonus li ma kellux bażi legali u lanqas dokumentazzjoni ta’ sostenn. Fil-każ ta’ impjegat ieħor, il-benefiċjarju applika għadd skorrett ta’ sigħat produttivi, li wassal għal rata fis-siegħa esaġerata. Barra minn hekk, meta ddikjara l-kostijiet għal servizzi oħra, il-benefiċjarju inkluda l-ammonti tal-VAT, minkejja li l-organizzazzjoni setgħet tingħata rimborż mingħand l-awtorità tat-taxxa Franċiża.
Waħda mill-istrateġiji biex tingħata spinta lir-riċerka Ewropea hija li tiżdied il-parteċipazzjoni tas-settur privat, speċjalment minn parteċipanti ġodda u SMEs. L-SMEs irrappreżentaw 11 % tal-kampjun (14 minn 127 tranżazzjoni) iżda kienu jirrappreżentaw 25 % tar-rata ta’ żball stmata. Barra minn hekk, sibna żbalji fit-talbiet dwar il-kostijiet ta’ 4 mit-12-il parteċipant ġdid li awditjajna, li minnhom 2 kienu wkoll SMEs. Dawn ir-riżultati jindikaw li l-SMEs u l-parteċipanti l-ġodda huma aktar suxxettibbli għal żbalji minn benefiċjarji oħra, kif ġie konkluż ukoll kemm mill-awditi tal-Kummissjoni kif ukoll fir-rapporti annwali preċedenti tagħna.
Is-sistema ta’ kontroll ex ante tas-CINEA għall-għotjiet mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fis-setturi tat-trasport u tal-enerġija
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (CINEA) hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għat-trasport u l-enerġija. Bħalissa għaddejjin żewġ perjodi ta’ programmazzjoni, jiġifieri l-FNE1 (2014‑2020) u l-FNE2 (2021‑2027).
Irrieżaminajna l-istrateġiji ta’ kontroll ex ante għall-FNE1 u l-FNE2 u t-titjib bejn il-FNE1 u l-FNE2. It-tfassil taż-żewġ strateġiji huwa bbażat fuq analiżi soda tar-riskji u tal-irregolaritajiet tal-passat. Madankollu, is-CINEA ma tipprevedix li twettaq verifiki fil-fond fuq l-akkwist fi proġetti tal-FNE2 f’ċerti każijiet. Aħna nqisu li dan għandu mnejn inaqqas il-livell ta’ aċċertament ipprovdut mill-kontrolli ex ante.
L-approċċi tal-kampjunar tal-istrateġiji ta’ kontroll ex ante għall-FNE1 u l-FNE2 huma riflessi b’mod korrett fil-linji gwida korrispondenti. Madankollu, il-linji gwida għall-akkwist mhumiex dettaljati biżżejjed billi ma jiddeskrivux il-firxa tal-verifiki li għandhom jitwettqu fuq il-kampjuni.
Rapporti Annwali tal-Attività tal-Kummissjoni u arranġamenti oħra ta’ governanza
Ir-rapporti annwali tal-attività li eżaminajna (dawk tad-DĠ RTD u l-HaDEA) irriflettew l-informazzjoni disponibbli fid-DĠ/Aġenzija rispettiv u, abbażi tagħha, taw valutazzjoni ġusta tal-ġestjoni finanzjarja fir-rigward tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi relatati man-nefqa tal-QFP 1.
Ir-riskju stmat fil-waqt tal-pagament fl-AMPR 2023 tal-Kummissjoni huwa ta’ 1.4 %. Dan il-perċentwal jinsab fil-limitu inferjuri tal-firxa indikata minna tal-livell ta’ żball stmat u huwa taħt is-soll ta’ materjalità. Għalhekk, fil-fehma tagħna, minkejja l-miżuri li diġà ttieħdu mill-Kummissjoni, din ir-rata għadha ddikjarata b’mod insuffiċjenti.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- issaħħaħ il-konformità tal-benefiċjarji mar-regoli dwar ir-rata ta’ kuljum;
- tiżgura ċ-ċarezza fid-dokumenti ta’ Orizzont Ewropa; u
- tiżviluppa l-linji gwida dwar il-kontrolli ex ante dwar l-akkwist għal proġetti tal-FNE.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE fuq “Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali” tista’ tinstab fil-Kapitolu 5 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Koeżjoni, reżiljenza u valuri
X’awditjajna
L-infiq taħt din l-intestatura jiffoka fuq it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE (is-Subintestatura 2a) kif ukoll fuq azzjonijiet li jappoġġaw u jipproteġu l-valuri tal-UE, biex b’hekk l-UE ssir aktar reżiljenti għall-isfidi tal-preżent u dawk tal-futur (is-Subintestatura 2b).
Diżaggregazzjoni tal-pagamenti għall-2023 skont il-fond
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2023.
Il-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-FK u l-FSE) jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira min-nefqa, fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkondividu l-ġestjoni tal-fondi, u fejn il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà aħħarija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. L-UE tikkofinanzja programmi operazzjonali (PO) jew azzjonijiet pluriennali, li minnhom il-finanzjament imur għal proġetti. L-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fil-qafas ta’ kontroll u aċċertament għall-infiq fil-perjodu 2014‑2020 taħt ġestjoni kondiviża. Fil-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEŻR u l-FK, filwaqt li d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) huwa responsabbli għall-FSE. Il-finanzjament mill-UE għal programmi li mhumiex taħt ġestjoni kondiviża jiġi mmaniġġjat jew b’mod dirett mid-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jew inkella b’mod indirett bl-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet sħab jew awtoritajiet oħra.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Livell tal-iżball l-aktar probabbli stmat |
---|---|---|
EUR 60.2 biljun | Iva | 9.3 % (2022: 6.4 %) |
B’mod ġenerali, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball għal“Koeżjoni reżiljenza u valuri” huwa materjali.
Dan huwa bbażat fuq l-awditu li wettaqna ta’ 238 tranżazzjoni, li fihom identifikajna u kkwantifikajna 49 żball li ma kinux inqabdu jew ma kinux ġew ikkoreġuti biżżejjed mill-awtoritajiet tal-awditjar. L-istima li wettaqna tinkludi wkoll is-sejbiet tal-awtoritajiet tal-awditjar, li rrappurtaw 52 żball fl-istess tranżazzjonijiet. Biex wasalna għall-istima tagħna, ħadna kont tal-korrezzjonijiet applikati mill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi (valur totali ta’ EUR 337.0 miljun).
Din is-sena l-istima tagħna tar-rata ta’ żball għal darba oħra hija sinifikattiviment ogħla mis-soll ta’ materjalità ta’ 2 %. Nosservaw li diversi fatturi tefgħu pressjoni addizzjonali fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u żiedu r-riskju rigward il-kapaċità tagħhom li jiżguraw li l-infiq kien regolari. Dawn il-fatturi jinkludu r-riżorsi addizzjonali sinifikanti ta’ REACT-EU li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, u d-data tat-tmiem tal-31 ta’ Diċembru 2023 għall-perjodu ta’ eliġibbiltà tal-koeżjoni 2014‑2020, li għall-aħħar ftit snin jikkoinċidi mal-perjodu ta’ eliġibbiltà tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).
Il-proġetti ineliġibbli kienu l-aktar kontributuri sinifikanti għal-livell ta’ żball stmat minna.
Eżempju ta’ proġett iffinanzjat minkejja l-ineliġibbiltà
Kumpanija privata fiċ-Ċekja rċeviet finanzjament mill-FEŻR biex tixtri tagħmir ġdid tal-IT bil-ħsieb li żżid il-bejgħ u l-kompetittività. Is-sejħa kienet teħtieġ li l-applikazzjonijiet jiddeskrivu b’mod suffiċjenti partiti individwali tal-proġett u jiġġustifikaw ir-rabta tagħhom mal-attivitajiet tal-proġett, inkella jiġu esklużi.
Aħna sibna li l-kumpanija ma ddeskrivietx u ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti t-tagħmir tal-IT għax-xiri fl-applikazzjoni tagħha għall-proġett. Barra minn hekk, il-maġġoranza tat-tagħmir ma kienx relatat direttament mal-attivitajiet tal-proġett u lanqas kien jikkonforma mal-kriterju ta’ ekonomija tal-proġett. L-awtorità maniġerjali missha għalhekk eskludiet l-applikazzjoni tal-proġett mill-finanzjament. Għalhekk, inqisu l-proġett bħala ineliġibbli.
Barra minn hekk, iż-żjara tagħna fuq il-post żvelat li xi tagħmir mixtri ġdid ma ntużax mill-benefiċjarju, iżda pjuttost mill-kumpanija sussidjarja tiegħu li ma kinitx eliġibbli għal finanzjament permezz tas-sejħa maħruġa taħt il-programm inkwistjoni. Għalhekk, inqisu li l-kostijiet relatati mat-tagħmir li ntuża mill-kumpanija sussidjarja huma ineliġibbli.
Proġetti ineliġibbli u ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku kienu wkoll kontributuri importanti għal-livell ta’ żball stmat minna.
Eżempju ta’ ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku
Fl-Ungerija, konsorzju ta’ tliet entitajiet (il-benefiċjarju) irċieva għotja biex jipprovdi assistenza legali b’xejn lill-impjegati u lill-impjegaturi fir-rigward tal-liġi tax-xogħol u problemi oħra ta’ natura legali u b’rabta man-negozju.
Il-benefiċjarju nieda proċeduri ta’ akkwist pubbliku miftuħa minħabba li l-ammont involut kien ogħla mis-soll tal-UE. Madankollu, il-korp ta’ kontroll nazzjonali tal-akkwist pubbliku kkonkluda li l-imġiba tal-offerenti setgħet fixklet b’mod illegali l-kompetizzjoni, u għalhekk ipprovda opinjoni negattiva dwar il-proċedura. Sussegwentement, il-benefiċjarju qasam il-kuntratt inizjali f’għadd ta’ kuntratti b’valur aktar baxx. Kull kuntratt individwali kien taħt is-soll stabbilit mid-Direttiva tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku, u konsegwentement ikkuntrattat permezz ta’ proċeduri ta’ aġġudikazzjoni diretta, minflok b’sejħa għal offerti. Il-benefiċjarju aġġudika wieħed minn dawn il-kuntratti lil offerent involut fil-kollużjoni suspettata fil-proċedura inizjali ta’ sejħa għal offerti.
Inqisu li n-nefqa relatata ma’ dawn il-kuntratti hija ineliġibbli minħabba n-nuqqas ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku konformi mad-Direttiva tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku.
Valutazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar
L-awtoritajiet maniġerjali huma l-“ewwel linja ta’ difiża”. Il-kontroll effettiv li jwettqu huwa indispensabbli biex jiġu żgurati kemm il-konformità tal-operazzjonijiet mal-qafas legali kif ukoll il-prestazzjoni tagħhom. Ir-riżultati tal-awditjar tagħna matul l-aħħar 7 snin juru li dawn il-kontrolli għadhom mhumiex effettivi biżżejjed. L-awtoritajiet tal-awditjar huma t-“tieni linja ta’ difiża” li tivverifika, abbażi ta’ kampjuni, ir-regolarità tan-nefqa ddikjarata mill-awtoritajiet maniġerjali lill-Kummissjoni. Mil-lat funzjonali jeħtiġilhom ikunu indipendenti mill-awtoritajiet maniġerjali.
Ivvalutajna x-xogħol ta’ 19 minn 116-il awtorità tal-awditjar, fi 13-il Stat Membru u fir-Renju Unit. Il-kampjun tagħna kien jinkludi 29 pakkett ta’ aċċertament. Ħlief għal erba’ każijiet, l-awtoritajiet tal-awditjar kienu rrappurtaw lill-Kummissjoni rata tal-iżball residwu ta’ 2 % jew inqas. Meta wieħed iqis l-iżbalji li nqabdu mill-Kummissjoni u s-sejbiet tal-awditjar proprji tagħna, ix-xogħol li wettaqna fuq il-kampjun ta’ din is-sena juri li r-rata tal-iżball residwu kienet ogħla minn 2 % f’16 mid-29 pakkett ta’ aċċertament awditjati.
Sibna diversi tipi ta’ dgħufijiet fix-xogħol tad-19-il awtorità tal-awditjar kollha li awditjajna. B’mod simili għall-2022, dawn id-dgħufijiet laqtu aktar minn nofs it-tranżazzjonijiet li eżaminajna. L-iżbalji li sibna f’dawn it-tranżazzjonijiet setgħu, u kellhom, jinqabdu mill-awtoritajiet tal-awditjar meta wettqu l-verifiki tagħhom. Dan inaqqas il-punt sa fejn il-Kummissjoni tista’ sserraħ fuq ir-riżultati ta’ xogħolhom.
Defiċjenzi persistenti fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll
Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-awditi proprji tal-Kummissjoni u r-riżultati tagħna ta’ 49 żball li baqgħu ma nqabdux u d-diversi dgħufijiet fix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar, aħna nikkonkludu li fi tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà (il-31 ta’ Diċembru 2023), mhux is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri kollha jiffunzjonaw b’mod effettiv. Billi l-Kummissjoni – bħala t-tielet linja ta’ difiża – tibbaża l-valutazzjonijiet tagħha fuq kontrolli affidabbli limitati mwettqa fuq livell nazzjonali, l-affidabbiltà tar-rati ta’ żball tal-Kummissjoni hija milquta wkoll. Dan juri li hemm lok kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri biex itejbu l-mod kif iwettqu l-verifiki tagħhom fuq l-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni.
Għeluq tal-programmi tal-perjodi 2007‑2013 u 2014‑2020
Sa tmiem l-2023, għall-għeluq tal-perjodu 2007‑2013, programm wieħed taħt id-DĠ REGIO u tlieta taħt id-DĠ EMPL baqgħu kompletament miftuħa.
Hemm inċertezzi dwar l-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014‑2020 Il-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-infiq fil-qasam tal-koeżjoni jibda fl-1 ta’ Jannar 2014 u jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru 2023, u d-data ta’ skadenza għall-Istati Membri biex jippreżentaw id-dikjarazzjoni tan-nefqa finali tagħhom ġiet estiża reċentement għal nofs l-2025. Għall-perjodu 2014‑2020, l-għeluq tal-programmi se jkun ibbażat unikament fuq id-dokumenti relatati mas-sena kontabilistika finali u r-rapport ta’ implimentazzjoni finali. Il-Kummissjoni rrappurtat żewġ PO għall-perjodu 2014‑2020 bħala magħluqa fl-2023. Madankollu, aħna sibna li, fiż-żewġ każijiet, il-komunikazzjoni dwar is-saldu tal-ammonti aċċettati kienet għadha għaddejja fl-2024.

X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tagħti segwitu, b’mod f’waqtu, għad-dgħufijiet kollha fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri li identifikajna u rrappurtajna dwarhom fil-kuntest tal-eżerċizzju tagħna tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni għall-perjodu 2014‑2020 li ntemm;
- tidentifika, flimkien mal-awtoritajiet tal-awditjar, it-tagħlimiet ewlenin meħuda fis-segwitu u tapplikahom għall-arranġamenti għall-perjodu 2021‑2027, u tikkomunika l-azzjonijiet meħtieġa u tappoġġa l-aħjar prattiki lill-awtoritajiet tal-programm tal-Istati Membri;
- tistabbilixxi trattament armonizzat tal-irregolaritajiet fl-akkwist pubbliku għal proġetti ffinanzjati kemm taħt ġestjoni diretta kif ukoll taħt ġestjoni kondiviża, bħal proġetti ffinanzjati kemm mill-FNE kif ukoll mill-FEŻR. L-irregolaritajiet li jirriżultaw mill-ksur tal-istess dispożizzjonijiet legali jenħtieġ li jwasslu għall-istess valutazzjoni u rata ta’ korrezzjoni;
- tiżgura li l-Istati Membri jistabbilixxu proċess biex jivverifikaw sistematikament it-twettiq tal-obbligi kuntrattwali wara l-pagament, li permezz tiegħu l-benefiċjarju jkun impenja ruħu li jilħaq indikaturi tal-prestazzjoni marbuta ma’ azzjonijiet li jseħħu wara l-implimentazzjoni tal-proġett; u
- telabora proċeduri ta’ għeluq dettaljati li jindirizzaw ir-riskji identifikati fir-rapporti annwali tagħna, billi tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ tal-għeluq biex jiġi traċċat l-istatus tal-PO 2014‑2020 kollha, l-ammonti effettivament magħluqa matul is-sena u b’mod kumulattiv, l-ammonti li għadhom miftuħa, u l-azzjonijiet li għadhom pendenti għall-għeluq; u tiddivulga din l-informazzjoni fir-RAA. Din l-informazzjoni dwar l-għeluq tal-perjodu 2014‑2020 jenħtieġ li jkun fiha wkoll id-diżimpenn tal-fondi pendenti fil-kontijiet tal-Kummissjoni.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri” tista’ tinstab fil-Kapitolu 6 tar-Rapport Annwali tagħna.

Riżorsi naturali
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd, u parti mill-infiq tal-UE fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika.
L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jammontaw għal 97 % tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali u ambjent” u huma implimentati permezz tal-PAK, li għandha tliet objettivi ġenerali:
- produzzjoni vijabbli tal-ikel, b’enfasi fuq l-introjtu agrikolu, il-produttività agrikola u l-istabbiltà tal-prezz;
- ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, b’enfasi fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma;
- żvilupp territorjali bbilanċjat.
Diżaggregazzjoni tal-pagamenti għall‑2023 skont il-fond
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2023.
Filwaqt li l-Kummissjoni (id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali (AGRI)) hija fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-PAK, hija tikkondividi l-ġestjoni ta’ din tal-aħħar mal-aġenziji tal-pagamenti fl-Istati Membri. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni indipendenti fl-Istati Membri ilhom mill‑2015 jipprovdu opinjonijiet annwali dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-aġenziji tal-pagamenti.
Din l-intestatura tal-QFP tkopri wkoll l-infiq tal-UE fuq il-politika marittima u tas-sajd iffinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE), u l-programm LIFE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorati Ġenerali għall-Ambjent (DĠ ENV), l-Azzjoni Klimatika (DĠ CLIMA) u l-Enerġija (DĠ ENER).
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Livell tal-iżball l-aktar probabbli stmat |
---|---|---|
EUR 58.6 biljun | Iva | 2.2 % (2022: 2.2 %) |
B’mod ġenerali, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball għall-Intestatura 3 tal-QFP huwa materjali.
Mill-218-il tranżazzjoni li eżaminajna, 56 (26 %) kien fihom żbalji. Ibbażat fuq is-37 żball li kkwantifikajna, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball għall-Intestatura 3 tal-QFP huwa ta’ 2.2 %.
Ir-riżultati tagħna jindikaw li l-livell ta’ żball ma kienx materjali għall-pagamenti diretti, li jirrappreżenta 66 % tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP, filwaqt li kien għadu materjali għall-oqsma l-oħra ta’ nfiq meħuda fl-intier tagħhom (żvilupp rurali, miżuri tas-suq, marittimu, sajd, ambjent u azzjoni klimatika), li jirrappreżenta 34 % tal-infiq.
It-tranżazzjonijiet tal-iżvilupp rurali kienu jirrappreżentaw l-akbar għadd ta’ żbalji kwantifikabbli li sibna (16). Aħna sibna 15-il żball kwantifikabbli f’pagamenti diretti, 3 f’miżuri tas-suq, u 3 fin-nefqa li ma taqax taħt il-PAK. Is-sors prinċipali tal-livell ta’ żball stmat kien l-ineliġibbiltà tal-benefiċjarji, tal-attivitajiet, tal-proġetti jew tan-nefqa.
L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni kienu applikaw miżuri korrettivi li laqtu direttament 39 mit-tranżazzjonijiet li kkampjunajna. Dawn il-miżuri kienu rilevanti għall-kalkoli tagħna, billi naqqsu l-livell ta’ żball stmat minna għal dan il-kapitolu b’0.5 punt perċentwali. Fi 30 każ ta’ żbalji kwantifikabbli, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu, l-iżball qabel ma jaċċettaw in-nefqa. Li kieku l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għamlu użu xieraq mill-informazzjoni kollha li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, il-livell ta’ żball stmat għal dan il-kapitolu kien ikun aktar baxx b’1.0 punt perċentwali.
Pagamenti diretti
Fit-88 tranżazzjoni tal-pagamenti diretti li ġew ittestjati, sibna 15-il żball kwantifikabbli, li 8 minnhom rriżultaw minn bdiewa li ddikjaraw b’mod eċċessiv l-erja eliġibbli ta’ art agrikola jew minn pagamenti li ġew ikkalkulati b’mod żbaljat. F’każ wieħed, il-benefiċjarju evita l-limitu massimu fuq l-ammont massimu ta’ appoġġ riċevibbli billi stabbilixxa diversi kumpaniji biex ikun jista’ jagħmel bosta applikazzjonijiet għal appoġġ mill-UE.
Eżempju ta’ dikjarazzjoni eċċessiva tal-erja eliġibbli
Fil-Litwanja, benefiċjarju kellu erja eliġibbli ddeterminata ta’ 15.02-il ettaru għall-azjenda tiegħu. Matul iż-żjara tagħna fuq il-post, ikkonfermajna l-erja ddeterminata ħlief għal roqgħa art waħda, fejn il-benefiċjarju ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti minimi, billi f’parti waħda kien hemm veġetazzjoni mhux mixtieqa li kienet kibret iżżejjed. Il-kejl irriżulta fi tnaqqis tal-erja eliġibbli tar-roqgħa art b’1.64 ettaru, u dan jirrappreżenta żball kwantifikabbli ta’ aktar minn 10 % għaż-żona kumplessiva tal-azjenda. Ir-ritratt mill-ajru juri l-erja b’veġetazzjoni li kibret iżżejjed fuq ir-roqgħa art li sibna matul iż-żjara tagħna fuq il-post.
Żvilupp rurali, miżuri tas-suq u pagamenti oħra
Aħna eżaminajna:
- 59 pagament għall-iżvilupp rurali bbażati fuq l-erjas jew l-għedud ta’ annimali ddikjarati mill-bdiewa, inklużi pagamenti biex jiġu ssodisfati impenji agroambjentali klimatiċi speċifiċi, pagamenti ta’ kumpens għall-biedja organika, pagamenti favur bdiewa f’żoni b’restrizzjonijiet naturali u kumpens għall-biedja f’żoni protetti Natura 2000. Minn dawn, 19 kien fihom żbalji: 13 minnhom żbalji kwantifikabbli, bi 8 relatati ma’ dikjarazzjoni eċċessiva ta’ erjas eliġibbli;
- 49 pagament ta’ żvilupp rurali li kienu saru għal proġetti ta’ investiment, bħal investimenti f’assi fiżiċi, għajnuna lil bdiewa żgħażagħ biex jibdew negozju u l-ġestjoni tar-riskju (assigurazzjoni). Ikkwantifikajna żbalji fi tliet pagamenti, li rriżultaw minn benefiċjarji li ddikjaraw nefqa jew attivitajiet li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà;
- 14-il tranżazzjoni ta’ miżuri tas-suq u sibna 3 każijiet li fihom l-aġenziji tal-pagamenti kienu rrimborżaw kostijiet ineliġibbli;
- 8 tranżazzjonijiet fl-oqsma tal-affarijiet marittimi, is-sajd, u l-ambjent u l-azzjoni klimatika u sibna 3 żbalji kwantifikabbli fit-tranżazzjonijiet li kienu taħt ġestjoni diretta fil-qafas tal-programm LIFE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika.
Eżempju ta’ appoġġ għall-biedja organika taż-żebbuġ
Fi Spanja, produttur żgħir taż-żebbuġ talab appoġġ taħt il-miżura ta’ żvilupp rurali 11 għall-biedja organika. L-appoġġ ippermetta li l-produttur jippreserva l-imsaġar taż-żebbuġ b’siġar taż-żebbuġ antiki ħafna u jipproduċi ż-żebbuġ mingħajr fertilizzant jew pestiċida fuq irqajja’ art inklinati, fejn ma kienx possibbli li l-ħsad taż-żebbuġ jiġi mekkanizzat. Matul l-awditu li wettaqna, aħna kkonfermajna li l-benefiċjarju kien irrispetta l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Ir-ritratt juri wieħed mill-imsaġar taż-żebbuġ.

Informazzjoni miġbura dwar sistemi ġodda ta’ rappurtar dwar il-prestazzjoni tal-PAK
L-introduzzjoni ta’ rapporti annwali dwar il-prestazzjoni (APR) hija element ewlieni tal-mudell il-ġdid ta’ implimentazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni għall-PAK 2023‑2027. Biex tkun eliġibbli għall-appoġġ mill-UE, in-nefqa ddikjarata mill-aġenziji tal-pagamenti skont il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom trid tkun akkumpanjata minn output irrappurtat korrispondenti. Il-Kummissjoni tivverifika l-korrispondenza bejn in-nefqa ddikjarata u l-outputs. Aħna eżaminajna l-progress li sar mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Bulgarija, tal-Kroazja u tal-Greċja fl-iżvilupp tar-rappurtar annwali dwar il-prestazzjoni u l-approċċi li qed jieħdu biex jimplimentaw is-sistemi tal-APR tagħhom.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Id-DĠ AGRI, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni x-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni u l-awditi tiegħu stess, ikkalkula li l-“ammont stmat f’riskju fil-waqt tal-pagament” huwa ta’ EUR 1 064 miljun, jiġifieri madwar 1.9 % tan-nefqa totali taħt il-PAK fl‑2023. Id-DĠ AGRI stma riskju fil-waqt tal-pagament (rata ta’ żball aġġustata) ta’ madwar 1.5 % għall-pagamenti diretti, 2.8 % għall-iżvilupp rurali u 2.3 % għall-miżuri tas-suq.
Wettaqna wkoll rieżaminar limitat tal-informazzjoni dwar ir-regolarità fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ ENV. Aħna osservajna li l-metodoloġija għall-kalkolu tar-riskju fil-waqt tal-pagament u fl-għeluq għad-DĠ AGRI u d-DĠ ENV kienet konformi mal-linji gwida tal-Kummissjoni.
Għal “Riżorsi naturali”, l-istima tar-riskju fil-waqt tal-pagament, imwettqa mill-Kummissjoni u ppreżentata fl-AMPR tagħha, hija ta’ 1.9 %.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li, minħabba r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jimmiraw l-appoġġ għall-introjtu lejn dawk li l-aktar jeħtiġuh, li l-Kummissjoni teżamina l-effettività tal-miżuri tal-Istati Membri biex jillimitaw il-pagamenti diretti għal azjendi agrikoli kbar.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE fuq “Riżorsi naturali” tista’ tinstab fil-Kapitolu 7 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri, Sigurtà u difiża
X’awditjajna
Minħabba l-importanza dejjem tiżdied tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri fi snin reċenti, l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-Intestatura 4 tal-QFP 2021‑2027 speċifikament għal dawn l-oqsma ta’ politika.
Porzjon sinifikanti tal-infiq f’din l-intestatura fl-2023 kien għadu jikkonċerna t-tlestija ta’ proġetti u skemi pendenti mill-QFP 2014‑2020.
Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri: Diżaggregazzjoni tal-pagamenti għall‑2023 skont il-fond
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-kontijiet konsolidati tal-UE għall-2023.
Għalhekk, il-biċċa l-kbira min-nefqa tirrigwarda l-istralċ tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) għall-perjodu 2014‑2020 u t-tlestija tal-finanzjament mill-Fond għas-Sigurtà Interna – Strument għall-Fruntieri u l-Viżi (FSI-BV). Dawn il-fondi tal-perjodu 2014‑2020 ġew sostitwiti fil-QFP 2021‑2027 minn, rispettivament, AMIF ġdid, u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (BMVI) tal-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.
Qasam ta’ nfiq sinifikanti ieħor għall-Intestatura 4 tal-QFP huwa l-finanzjament għall-aġenziji deċentralizzati (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA)).
Sigurtà u difiża: Diżaggregazzjoni tal-pagamenti għall-2023 skont il-fond
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-kontijiet konsolidati tal-UE għall-2023.
Fil-QFP 2021‑2027, l-Intestatura 5 hija ddedikata għas-sigurtà u d-difiża. Il-komponent “sigurtà” jinkludi finanzjament mill-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI) għall-perjodu 2021‑2027 u t-tlestija ta’ proġetti u skemi ffinanzjati mill-Fond għas-Sigurtà Interna – Strument tal-Pulizija (FSI-P) għall-perjodu 2014‑2020, li kien jinkludi porzjon sinifikanti mill-infiq f’dan il-qasam fl-2023. Dan il-komponent jinkludi wkoll finanzjament għad-dekummissjonar nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja, u finanzjament għall-aġenziji deċentralizzati tal-UE fil-qasam tas-sigurtà (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL)). Il-komponent “difiża” jinkludi l-Fond Ewropew għad-Difiża li jagħti appoġġ lil proġetti ta’ difiża kollaborattivi fl-istadji kollha tar-riċerka u l-iżvilupp. Il-komponent jagħti appoġġ ukoll lill-mobbiltà militari permezz ta’ baġit iddedikat fi ħdan il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li jirrigwarda l-adattament tat-taqsimiet tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport għal skopijiet ta’ użu doppju ċivili-militari.
Il-ġestjoni tal-biċċa l-kbira mill-finanzjament taħt l-AMIF u l-FSI għall-perjodu 2014‑2020, u l-biċċa l-kbira tal-finanzjament tal-AMIF, il-BMVI u l-FSI għall-perjodu 2021‑2027 hija kondiviża bejn l-Istati Membri (jew il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen) u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME). Taħt dan l-arranġament, l-Istati Membri jimplimentaw programmi nazzjonali pluriennali li ġew approvati mill-Kummissjoni.
X’sibna
Regolarità tat-tranżazzjonijiet
Mit-23 tranżazzjoni li eżaminajna, 7 kienu milquta minn żbalji. Aħna kkwantifikajna erba’ żbalji li kellhom impatt finanzjarju fuq l-ammonti ddebitati lill-baġit tal-UE. Dawn l-iżbalji kienu jirrigwardaw in-nefqa ineliġibbli, in-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn, u problemi relatati mal-akkwist pubbliku.
Sibna wkoll 10 każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali u finanzjarji f’7 tranżazzjonijiet (iżda li ma kellhom l-ebda impatt finanzjarju dirett fuq il-baġit tal-UE). Dawn kienu jirrigwardaw, pereżempju, nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni ta’ għotjiet, problemi relatati mal-akkwist pubbliku, u n-nuqqas ta’ rispett tal-parametri tekniċi tal-eliġibbiltà.
Għalkemm mhumiex milquta minn żbalji ta’ regolarità, sibna wkoll tliet tranżazzjonijiet li ma kinux konformi mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba. Dawn kienu jirrigwardaw problemi bir-rimborż tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil korpi pubbliċi, u n-nuqqas ta’ bażi oġġettiva għall-applikazzjoni ta’ allowances supplimentari għas-salarji.
Eżaminar ta’ elementi tas-sistemi ta’ kontroll intern
Aħna vvalutajna kif id-DĠ HOME kien stabbilixxa l-faċilitajiet tematiċi għall-QFP 2021‑2027 u rrikalkulajna l-allokazzjonijiet u l-ponderazzjonijiet għat-tqassim tal-finanzjament għall-programmi nazzjonali tal-Istati Membri fil-qafas tal-AMIF, tal-BMVI u tal-FSI. Ikkonfermajna li l-istabbiliment, mid-DĠ HOME, tal-faċilitajiet tematiċi u l-implimentazzjoni tal-metodoloġiji ta’ allokazzjoni kienu konformi mar-rekwiżiti tar-regolamenti rilevanti.
Ivvalutajna wkoll l-appoġġ u l-gwida li d-DĠ HOME offra lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni tal-fondi tal-AMIF, tal-BMVI u tal-FSI għar-RDK il-ġdid fil-QFP 2021‑2027. Il-ħames Stati Membri magħżula (il-Ġermanja u Franza għall-AMIF, l-Ungerija u l-Polonja għall-BMVI, il-Latvja għall-FSI) kienu ffinalizzaw id-deskrizzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, u l-biċċa l-kbira minnhom kienu għadhom fil-proċess li jiffinalizzaw l-istrateġiji tal-awditjar tagħhom (wieħed minnhom kien diġà għamel dan). Il-ħames Stati Membri li żorna kienu biħsiebhom jippreżentaw l-ewwel kontijiet annwali tagħhom għall-AMIF, il-BMVI u l-FSI lill-Kummissjoni fl-2024, u mhux qabel. B’mod ġenerali, il-ħames awtoritajiet tal-awditjar qiesu li l-appoġġ tad-DĠ HOME pprovdut lill-Istati Membri kien sodisfaċenti. Huma għamlu progress raġonevoli fit-tħejjijiet tagħhom għall-AMIF, il-BMVI u l-FSI tal-perjodu 2021‑2027.

Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Għas-sena finanzjarja 2023, irrieżaminajna r-RAA tad-DĠ HOME. L-analiżi li wettaqna ffukat fuq jekk id-DĠ HOME kienx ippreżenta l-informazzjoni dwar ir-regolarità fir-RAA tiegħu skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni, u jekk din l-informazzjoni kinitx konsistenti mal-għarfien li konna ksibna matul l-awditi li wettaqna. Ma sibna l-ebda informazzjoni li għandha mnejn tikkontradixxi s-sejbiet tagħna.
Irrieżaminajna l-istimi tad-DĠ HOME għal riskji fil-waqt tal-pagament u fil-waqt tal-għeluq. Sibna li dawn ġew ikkalkulati u rrappurtati fl-AMPR skont il-metodoloġija interna.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tipprovdi aktar gwida lill-Istati Membri dwar ir-regoli applikabbli; u
- tivverifika l-aspetti tekniċi tal-proġetti qabel ma taġġudika għotjiet.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE għal “Migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, is-Sigurtà u d-Difiża” tista’ tinstab fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Viċinat u d-dinja
X’awditjajna
Il-qasam ta’ nfiq jinkludi diversi strumenti ta’ finanzjament, notevolment l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (“NDICI- Ewropa Globali”) il-ġdid u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. Huwa jkopri wkoll il-baġit għall-għajnuna umanitarja.
Diżaggregazzjoni tal-pagamenti għall‑2023 skont il-fond
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2023.
L-objettiv ġenerali tal-NDICI – Ewropa Globali huwa li jsostni u jippromwovi l-valuri, il-prinċipji u l-interessi fundamentali tal-UE madwar id-dinja, u jgħin fil-promozzjoni ta’ multilateraliżmu u ta’ sħubijiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Huwa jirrifletti żewġ bidliet ewlenin, meta mqabbla mal-QFP 2014‑2020, fil-mod kif l-UE tiffinanzja l-azzjoni esterna (politika barranija):
- il-kooperazzjoni mal-pajjiż sħab Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, li qabel kienet iffinanzjata mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, issa nġiebet taħt il-baġit ġenerali tal-UE;
- kooperazzjoni ta’ dan it-tip u l-politika tal-viċinat tal-UE issa huma ffinanzjati taħt l-istess Strument NDICI- Ewropa Globali filwaqt li jippreservaw il-karatteristiċi speċifiċi taż-żewġ tipi ta’ appoġġ.
L-objettiv ġenerali tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni huwa li jagħti appoġġ lill-pajjiżi benefiċjarji fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa għall-allinjament mal-valuri tal-UE bil-ħsieb ta’ sħubija, u b’hekk jikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tagħhom. L-UE tipprovdi wkoll assistenza umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet lil persuni milquta minn diżastri kkawżati mill-bniedem u minn perikli naturali, b’fokus partikolari fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli.
Id-direttorati ġenerali u s-servizzi prinċipali li huma involuti fl-implimentazzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE huma d-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR), id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA), id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja (DĠ ECHO) u s-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI).
Fl-2023, il-pagamenti għal “Viċinat u d-dinja” ammontaw għal EUR 15.2-il biljun (pagamenti ta’ prefinanzjament, interim u finali) u ġew żborżati bl-użu ta’ diversi strumenti u metodi ta’ twassil. Dawn jinkludu kuntratti ta’ xogħlijiet/provvisti/servizzi, għotjiet, self speċjali, garanziji ta’ self u assistenza finanzjarja, appoġġ baġitarju u forom immirati oħra ta’ għajnuna baġitarja f’pajjiżi mhux tal-UE.
X’sibna
Minkejja d-daqs limitat tal-kampjun, ir-riżultati tal-awditjar tagħna jindikaw li r-riskju ta’ żball f’din l-intestatura tal-QFP huwa għoli. Mit-72 tranżazzjoni li eżaminajna, 37 (51.4 %) kienu milquta minn żbalji. Aħna kkwantifikajna 31 żball li kellhom impatt finanzjarju fuq l-ammonti ddebitati lill-baġit tal-UE. Dawn l-iżbalji kienu relatati ma’ benefiċjarji ineliġibbli, kostijiet ineliġibbli, nefqa mhux imġarrba u akkwist pubbliku.
Eżempju: Implimentazzjoni tal-baġit fdata lil benefiċjarju ineliġibbli
Aħna awditjajna fattura li tiswa EUR 3.5 miljun taħt ftehim ta’ delega ma’ sieħeb ta’ implimentazzjoni vvalutat skont il-pilastru. Wara li ffirma l-ftehim, is-sieħeb ta’ implimentazzjoni ssottodelega l-implimentazzjoni kollha lil kumpanija privata rreġistrata taħt il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru tal-UE. Din il-kumpanija ma setgħetx turi l-missjoni tagħha ta’ servizz pubbliku, u b’hekk ma setgħetx turi l-eliġibbiltà tagħha biex tgħaddi minn valutazzjoni tal-pilastri u timmaniġġja l-fondi tal-UE f’isem il-Kummissjoni.
Madankollu, la l-Kummissjoni u lanqas is-sieħeb ta’ implimentazzjoni ma talbu kjarifika dwar jekk il-kumpanija fl-Istat Membru kinitx eliġibbli, u b’mod partikolari dwar jekk setgħetx titqies li għandha missjoni ta’ servizz pubbliku. Il-kumpanija lanqas ma kellha l-obbligu li tgħaddi mill-valutazzjoni ex ante meħtieġa qabel ma ffirmat il-kuntratt ta’ sottodelega.
Is-sieħeb ta’ implimentazzjoni konsegwentement issottodelega l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ delega awditjat lil entità ineliġibbli, u b’hekk il-pagament relatat sar ineliġibbli.
Aħna sibna wkoll 19-il każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali u finanzjarji (iżda li ma kellhom l-ebda impatt finanzjarju dirett fuq il-baġit tal-UE). Dawn kienu relatati, pereżempju, mal-akkwist pubbliku, ma’ allokazzjoni mhux ċara tal-kostijiet, nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar il-viżibbiltà, u evidenza insuffiċjenti.
Għal tranżazzjonijiet relatati ma’ kuntratti taħt ġestjoni indiretta ma’ organizzazzjonijiet ivvalutati skont il-pilastru (organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u aġenziji tal-Istat), il-Kummissjoni aċċettat in-nefqa abbażi ta’ rapport finanzjarju u dikjarazzjoni ta’ ġestjoni. Madankollu, aħna sibna żbalji fi tranżazzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet ivvalutati skont il-pilastru, li jindikaw li r-rapporti finanzjarji ta’ tali organizzazzjonijiet mhumiex ħielsa minn żbalji u li dawn l-iżbalji ma jiġux irrappurtati fid-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni tagħhom.
Eżaminar ta’ elementi tas-sistemi ta’ kontroll intern
Żorna ħames delegazzjonijiet tal-UE (fl-Albanija, l-Armenja, il-Kambodja, il-Georgia u l-Indja) u identifikajna xi nuqqasijiet f’elementi tas-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom relatati, pereżempju, ma’ baġit insuffiċjenti għal żjarat ta’ monitoraġġ u dewmien fl-implimentazzjoni ta’ kuntratti ta’ finanzjament imħallat.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Aħna eżaminajna r-RAA tal-FPI għas-sena finanzjarja 2023. Iffukajna fuq jekk il-FPI kienx ippreżenta l-informazzjoni dwar ir-regolarità fir-RAA tiegħu skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u jekk kienx konsistenti meta applika l-metodoloġija biex jiġu stmati l-korrezzjonijiet u l-irkupri futuri.
Min-nefqa totali aċċettata fl-2023 (EUR 865 miljun), il-FPI stma li l-ammont totali f’riskju fil-waqt tal-pagament kien ta’ EUR 7.2 miljun (0.83 %). Huwa stma li l-valur tal-korrezzjonijiet li jirriżultaw mill-verifiki li wettaq fis-snin sussegwenti kien ta’ EUR 0.9 miljun (0.1 % tan-nefqa rilevanti totali). Dan wassal biex il-Kap tas-Servizz tal-FPI jiddikjara li l-esponiment finanzjarju tas-servizz kien taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.
L-analiżi li wettaqna tar-Rapport Annwali tal-Attività 2023 tal-FPI u l-verifiki li wettaqna fuq il-pagamenti taħt ir-responsabbiltà tal-FPI fl-2023 ma żvelaw l-ebda żball jew nuqqas.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tieħu miżuri biex ittejjeb is-sistemi ta’ kontroll għall-approvazzjoni tal-prefinanzjament;
- tipprovdi, lill-benefiċjarji, gwida dwar l-allokazzjoni ta’ kostijiet kondiviżi;
- tiżgura li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-viżibbiltà;
- tiżgura li jsiru biżżejjed żjarat ta’ monitoraġġ fuq il-post mid-delegazzjonijiet tal-UE; u
- issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u tmexxija għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament imħallat.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE għal “Viċinat u d-Dinja” tista’ tinstab fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Amministrazzjoni pubblika Ewropea
X’awditjajna
L-awditu li wettaqna kopra n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE.
Diżaggregazzjoni tal-pagamenti għall‑2023
Sors: il-QEA, abbażi ta’ data mill-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2023.
Fl-2023, l-istituzzjonijiet u l-korpi nefqu total ta’ EUR 12.3-il biljun fuq l-amministrazzjoni. Dan l-ammont kien jinkludi nfiq fuq salarji u pensjonijiet (madwar 70 % tat-total), bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u teknoloġija tal-informazzjoni.
Awditur estern jeżamina n-nefqa proprja tagħna u r-rapporti finanzjarji proprji tagħna. Kull sena, aħna nippubblikaw l-opinjoni u r-rapport tal-awditjar li jirriżultaw f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? |
---|---|
EUR 12.3-il biljun | Le – ħieles minn żball materjali fl-2022 u fl-2023 |
Aħna eżaminajna 70 tranżazzjoni, li jkopru l-Istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE. Bħal fi snin preċedenti, nistmaw li l-livell ta’ żball huwa taħt is-soll ta’ materjalità.
Aħna ma identifikajna l-ebda problema sinifikanti li tikkonċerna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jew l-Ombudsman Ewropew. L-awditur estern tagħna ma rrapporta l-ebda problema speċifika.
Il-Parlament Ewropew
Fl-2023 eżaminajna 16-il tranżazzjoni fil-Parlament, inkluża n-nefqa tal-gruppi politiċi tal‑Parlament. Kif irrappurtajna fl-2022, ir-regoli interni għall-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet tal-gruppi politiċi ma kinux konformi mar-Regolament Finanzjarju. Dan għaliex ma jirrikjedux l-użu ta’ proċeduri ta’ akkwist miftuħa jew ristretti għal kuntratti ta’ valur għoli, iżda pjuttost l-użu ta’ proċeduri ta’ akkwist innegozjati, u dan jillimita l-kompetizzjoni. Aħna identifikajna żewġ każijiet fejn il-gruppi politiċi kienu aġġudikaw kuntratti ta’ valur għoli ta’ dan it-tip. Identifikajna żewġ każijiet oħra fejn il-gruppi politiċi ma rrispettawx bis-sħiħ ir-regoli interni tal-Parlament, billi mhux dejjem fittxew li jiksbu biżżejjed offerti. Qbadna wkoll każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri ta’ akkwist.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Ma identifikajna l-ebda żball kwantifikabbli fl-erba’ pagamenti li eżaminajna. F’każ wieħed inqisu li l-Kunsill ma spjegax b’mod ċargħalfejn kuntratt ta’ manutenzjoni tal-bini kellu durata ta’ 10 snin.
Il-Kummissjoni Ewropea
Identifikajna 2 żbalji kwantifikabbli fis-26 pagament li eżaminajna mill-Kummissjoni, wieħed li jikkonċerna kalkolu tas-salarji, u l-ieħor li jikkonċerna kuntratt ta’ bini.
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Sibna żball kwantifikabbli f’wieħed mit-13-il pagament li eżaminajna, fir-rigward tan-nuqqas ta’ proċedura ta’ akkwist valida qabel ma ġie ffirmat kuntratt ta’ kiri għal Delegazzjoni tal-UE.
Il-Kumitat tar-Reġjuni
F’waħda miż-2 tranżazzjonijiet li eżaminajna, identifikajna li l-Kumitat ma spjegax b’mod ċar għalfejn kuntratt ta’ manutenzjoni tal-bini kellu durata ta’ 10 snin.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
Għall-pagament tas-salarji li eżaminajna, identifikajna dewmien fit-twassil u l-verifika ta’ dikjarazzjonijiet dwar id-drittijiet għall-allowances tal-familja u tat-tfal.
Fl-2023, eżaminajna s-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll fil-Parlament Ewropew, u kkonċentrajna fuq l-erba’ direttorati ġenerali bl-ogħla nfiq, li fihom ivarjaw l-approċċi għall-kontrolli ex ante u ex post fuq in-nefqa. Il-Parlament Ewropew ħa inizjattivi biex jipprevieni u jidentifika l-frodi, iżda ma kellu l-ebda strateġija kontra l-frodi fl-istituzzjoni kollha, biex jikkoordina l-azzjonijiet fl-organizzazzjoni kollha.
X’nirrakkomandaw
Nirrakkomandaw li l-Parlament Ewropew jibni fuq l-azzjonijiet li diġà ħa fil-ġlieda kontra l-frodi billi jiżviluppa strateġija kontra l-frodi għall-istituzzjoni kollha.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE għal“Amministrazzjoni Pubblika Ewropea” tista’ tinstab fil-Kapitolu 10 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
X’awditjajna
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) appoġġat riformi u investimenti fl-Istati Membri minn Frar 2020 (mill-1 ta’ Frar 2022 fil-każ ta’ REPowerEU) u se tibqa’ għaddejja sal-2026. L-RRF oriġinarjament kienet iffinanzjata b’EUR 723 biljun f’għotjiet mhux ripagabbli (EUR 338 biljun) u self (EUR 385 biljun). Sa tmiem l-2023, kienu ġew impenjati EUR 648 biljun, li jikkonsistu f’EUR 356.8 biljun f’għotjiet u EUR 290.9 biljun f’self. Billi s-self seta’ jintalab sa Awwissu 2023, EUR 94.5 biljun ma għadhomx disponibbli għas-self. L-objettiv prinċipali tal-RRF huwa li timmitiga l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID‑19, filwaqt li l-ekonomiji tal-Istati Membri tagħmilhom aktar reżiljenti u mħejjija aħjar għall-isfidi tal-ġejjieni, anki billi taċċellera triqithom lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
Il-Kummissjoni timplimenta l-RRF permezz ta’ ġestjoni diretta, u dan ifisser li l-Kummissjoni hija direttament responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha. Il-pagamenti taħt l-RRF isiru bil-kundizzjoni li l-Istati Membri li jilħqu b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri stabbiliti fl-Annessi għad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (CIDs) li japprovaw il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) tagħhom. Rekwiżiti oħra huma: li l-miri jew l-istadji importanti li preċedentement intlaħqu b’mod sodisfaċenti ma kellhomx jitreġġgħu lura, u li ma hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ finanzjament doppju. Il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fir-Regolament jinkludu l-konformità mal-perjodu ta’ eliġibbiltà, il-prinċipju “La Tagħmilx Ħsara Sinifikanti”, u n-nuqqas ta’ sostituzzjoni ta’ nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti.
L-Istati Membri jistgħu jitolbu żborżi sa darbtejn fis-sena, jekk jipprovdu evidenza suffiċjenti li l-istadji importanti u l-miri relatati jkunu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Jeħtieġ ukoll li jakkumpanjaw it-talbiet għall-pagament tagħhom b’sommarju tal-awditi u dikjarazzjoni ta’ ġestjoni rigward l-informazzjoni pprovduta. Is-sistemi ta’ kontroll tal-Kummissjoni jipprevedu valutazzjonijiet preliminari (verifikazzjonijiet ex ante) tat-talbiet għall-pagament tal-Istati Membri u tal-awditi ex post fl-Istati Membri li jitwettqu wara li jkun sar il-pagament.
Sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni kienet għamlet 37 pagament ta’ għotjiet (wieħed fl‑2021, 13 fl‑2022, u 23 fl‑2023) li b’kollox jammontaw għal EUR 141.6 biljun. Ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar l-ammonti globali mħallsa mill-Istati Membri lir-riċevituri finali.
Il-popolazzjoni li awditjajna għall-2023 ammontat għal total ta’ EUR 53.5 biljun u kienet tinkludi t-23 pagament ta’ għotja kollha li ammontaw għal EUR 46.3 biljun u l-approvazzjoni tal-prefinanzjament relatat li ammonta għal EUR 7.2 biljun. L-awditu li wettaqna ma kopriex il-parti tas-self tal-RRF. Eżaminajna 325 stadju importanti u 127 mira, inklużi l-valutazzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni biex jiġi vvalutat jekk dawn jikkonformawx mal-kundizzjonijiet ta’ pagament u ta’ eliġibbiltà. Ivverifikajna 30 mill-miri fuq il-post f’6 Stati Membri. Eżaminajna wkoll l-awditi ex post tal-Kummissjoni.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? |
---|---|
EUR 53.5 biljun | 2023: l-effetti kumplessivi tas-sejbiet tagħna huma materjali, iżda mhux pervażivi |
L-evidenza kumplessiva għall-awditjar mix-xogħol tagħna turi li 16 mill-452 stadju importanti u mira li eżaminajna ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet ta’ pagament jew ta’ eliġibbiltà. Dawn jikkonċernaw seba’ pagamenti f’seba’ Stati Membri. Minħabba n-natura tal-mudell ta’ nfiq tal-RRF, u meta jitqies li l-metodoloġija ta’ sospensjoni tal-pagamenti tal-Kummissjoni tiddependi mill-għemil ta’ ħafna ġudizzji, li possibbilment iwasslu għal interpretazzjonijiet differenti, aħna ma nipprovdux rata ta’ żball kumparabbli ma’ oqsma oħra ta’ nfiq tal-UE.
Filwaqt li nieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-limitazzjonijiet, nistmaw li l-impatt finanzjarju minimu ta’ dawn is-sejbiet huwa ogħla mis-soll ta’ materjalità tagħna. Dawn is-sejbiet kienu relatati mal-ilħuq mhux sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri, il-miżuri li bdew qabel il-perjodu ta’ eliġibbiltà u s-sostituzzjoni tan-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti.
Eżempju ta’ mira li ma ntlaħqitx b’mod sodisfaċenti
Mira M1C1-9 tal-Italja – “Appoġġ għat-titjib tal-istrutturi tas-sigurtà T1”
Deskrizzjoni tal-mira fis-CID tal-Italja:
“Mill-inqas ħames interventi ta’ tisħiħ li jtejbu l-istrutturi tas-sigurtà tlestew fis-setturi tal-Perimetru tas-Sigurtà Nazzjonali għaċ-Ċibernetika (PSNC) u tas-Sistemi tan-Networks u tal-Informazzjoni (NIS). […]’
L-Istat Membru pprovda seba’ rapporti biex jagħti prova tal-interventi ta’ tisħiħ li jtejbu l-istrutturi tas-sigurtà. Dawn ir-rapporti kienu jinkludu analiżi tal-pożizzjoni ċibernetika u analiżi tar-riskju u tal-impatt, filwaqt li d-Direttiva NIS2 tqis dawn l-azzjonijiet bħala element wieħed biss mill-10 elementi meħtieġa għall-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni.
Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dawn is-seba’ rapporti jirrappreżentaw interventi ta’ tisħiħ.
Aħna konna tal-fehma li sitt rapporti ma kinux jikkostitwixxu titjib tal-kapaċitajiet interni ta’ monitoraġġ u kontroll iżda kienu sempliċiment analiżi ta’ dawk il-kapaċitajiet. L-interventi pprovdew il-bażi għal pjanijiet biex jissaħħu d-difiżi ċibernetiċi iżda ma kinux jikkostitwixxu interventi ta’ tisħiħ li jtejbu l-istrutturi tas-sigurtà kif meħtieġ mis-CID.
Aħna sibna li l-istadji importanti/il-miri ma ntlaħqux b’mod sodisfaċenti anki f’pagamenti għall-Awstrija, iċ-Ċekja, Franza, il-Greċja u l-Portugall.
Sibna wkoll 15-il każ ta’ stadji importanti u miri ddefiniti b’mod vag li kkontribwew għal valutazzjoni aktar diskrezzjonali tal-ilħuq sodisfaċenti tagħhom u/jew li jimminaw ir-riżultati li jistgħu jinkisbu mill-RRF.
Eżempju ta’ stadju importanti mhux speċifiku biżżejjed
L-istadju importanti 2 ta’ Spanja – “Emendi għall-Kodiċi Tekniku tal-Bini (għad irid jiġi kkonfermat) ir-Regolament Elettrotekniku dwar il-Vultaġġ Baxx (LVER) u l-approvazzjoni ta’ Digriet Irjali biex jiġu rregolati s-servizzi pubbliċi tal-irriċarġjar”.
Deskrizzjoni tal-istadju importanti fis-CID ta’ Spanja:
“Dħul fis-seħħ ta’: […].ii) emendi għar-Regolament Elettrotekniku dwar il-Vultaġġ Baxx (LVER) biex jiġu inkorporati l-obbligi għall-infrastruttura tal-iċċarġjar tal-parkeġġi li mhumiex marbuta ma’ bini u […].”
Fost affarijiet oħra, l-istadju importanti jirrikjedi emendi għal-leġiżlazzjoni LVER biex tinkludi l-obbligu li jiġu installati punti tal-iċċarġjar fil-parkeġġi mhux marbuta ma’ bini. Madankollu, huwa ma jispeċifikax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu, b’mod partikolari l-għadd jew il-perċentwal ta’ punti tal-iċċarġjar li għandhom jiġu installati. B’riżultat ta’ dan, kwalunkwe emenda, għalkemm mhux impenjattiva, tkun suffiċjenti biex l-istadju importanti jintlaħaq b’mod sodisfaċenti.
Il-Kummissjoni aġġornat l-istrateġija tal-awditjar ex post tagħha biex tinkludi verifiki fuq it-treġġigħ lura, iżda mhux fuq is-sostituzzjoni tan-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti. L-awditi ex post issa jinkludu xi verifiki dwar il-konformità mal-perjodu ta’ eliġibbiltà iżda, bħala l-bidu ta’ miżura, jieħdu d-data tal-kostijiet imġarrba aktar milli d-data tal-impenn legali rilevanti.
Matul ir-reviżjoni tal-2023 tal-NRRPs, il-Kummissjoni żiedet 10 stadji importanti oħra ta’ kontroll għal 7 Stati Membri biex jindirizzaw dgħufijiet li jkunu għadhom kemm ġew identifikati fis-sistemi ta’ kontroll tagħhom. Għal dawk l-Istati Membri li t-tieni jew it-tielet pagament tagħhom kienu kundizzjonali fuq l-ilħuq ta’ stadji importanti ta’ kontroll, id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll tagħhom joħolqu riskju għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, b’impatt potenzjali fuq ir-regolarità tan-nefqa.
Kien hemm dgħufijiet persistenti fis-sistemi ta’ rappurtar u kontroll tal-Istati Membri. Dan joħloq riskju għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, b’impatt potenzjali fuq ir-regolarità tan-nefqa.
Dgħufijiet persistenti fis-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri li rrappurtajna fl-2022
Spanja: Is-sistema ta’ rappurtar ma għandhiex informazzjoni kompleta dwar il-progress tal-istadji importanti/tal-miri mhux milħuqa u dwar is-sidien benefiċjarji, is-sorsi ta’ finanzjament tal-UE, u l-ammonti mħallsa.
Franza: Is-sistema ta’ ġestjoni u rappurtar mhijiex konnessa ma’ sistemi oħra tal-IT għall-ġestjoni tal-miżuri tal-RRF. Fin-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni integrata ddedikata għall-NRRP, il-fluss ta’ informazzjoni mhuwiex awtomatizzat u għalhekk jinvolvi riskju għall-kwalità tad-data.
Il-Kroazja: Is-sistema ta’ repożitorju għadha ma tistax tipprovdi data dwar sejħiet għal proposti li ngħataw qabel ma ġiet stabbilita s-sistema.
L-informazzjoni li l-Istati Membri inkludew fid-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni tagħhom mhux dejjem kienet affidabbli.
Irrieżaminajna wkoll ir-rappurtar mid-DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECFIN) dwar ir-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF għall-2023 fir-Rapport Annwali tal-Attività (RAA) tiegħu u l-mod kif din l-informazzjoni hija ppreżentata fl-AMPR. Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna mhumiex konformi mad-dikjarazzjoni pprovduta mill-uffiċjal awtorizzanti tad-DĠ ECFIN. Is-sistema ta’ kontroll għall-RRF tipprovdi biss informazzjoni limitata fil-livell tal-UE dwar jekk il-proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill-RRF ikkonformawx mar-regoli tal-UE u ma’ dawk nazzjonali, u dan kellu impatt fuq l-aċċertament li setgħet tipprovdi l-Kummissjoni, u b’hekk irriżulta f’nuqqas fl-aċċertament. Skont ir-RAA 2023, il-Kummissjoni aġġornat l-istrateġiji ta’ kontroll u awditjar tal-RRF, inklużi kontrolli msaħħa fuq is-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri. Madankollu, l-aċċertament għas-sena finanzjarja 2023 ipprovduta mid-DĠ ECFIN jiddikjara biss li l-Istati Membri jwettqu verifiki regolari u xorta ma jkoprix l-effettività tal-verifiki mwettqa mill-Istati Membri. Dan huwa partikolarment inkwetanti billi n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE u ma’ dawk nazzjonali, bħall-akkwist, l-għajnuna mill-Istat u r-regoli ta’ eliġibbiltà, huwa prevalenti fi programmi ta’ nfiq oħra tal-UE u s-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri huma milquta minn dgħufijiet.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà billi tapplika d-data tal-ewwel impenn (legali) bħala l-bidu tal-miżura;
- tiddefinixxi kriterji speċifiċi għal dak li jikkostitwixxi s-sostituzzjoni tan-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti;
- tiżgura li l-Istati Membri jieħdu azzjoni ta’ rimedju fil-pront biex jindirizzaw id-dgħufijiet li fadal fis-sistemi ta’ kontroll; u
- tuża r-riżultati tal-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni fuq is-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri biex tesprimi konklużjoni ċara dwar l-effettività tagħhom.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ tinstab fil-Kapitolu 11 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.

Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
X’awditjajna
Imnedija fl-1959, il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) kienu l-istrumenti prinċipali, barra mill-baġit ġenerali tal-UE, li permezz tagħhom l-UE ffinanzjat l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ pajjiżi Afrikani (sub-Saħarjani), tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE) sa tmiem l-2020. L-objettiv primarju tal-FEŻ huwa li jnaqqsu u eventwalment jeqirdu l-faqar, f’konformità mal-objettiv primarju tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Sors: il-QEA, abbażi tal-kontijiet annwali tad-9, tal-10, u tal-11-il FEŻ għall-2023.
Il-11-il FEŻ ikopri l-QFP 2014‑2020. Għall-QFP 2021‑2027, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi AKP ġiet inkorporata fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, bħala parti mill-baġit ġenerali tal-UE, u l-kooperazzjoni mal-PTEE ġiet inkorporata fid-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea, inkluża Greenland.
In-nefqa koperta f’dan ir-rapport tirrigwarda appoġġ li jitwassal f’76 pajjiż bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ metodi bħal kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi, għotjiet, appoġġ baġitarju, stimi tal-programmi u ftehimiet ta’ kontribuzzjoni u ftehimiet ta’ delega konklużi ma’ entitajiet ivvalutati skont il-pilastru (bħal organizzazzjonijiet internazzjonali).
Il-FEŻ huma mmaniġġjati kważi interament mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Sħubijiet Internazzjonali (id-DĠ INTPA). Proporzjon żgħir (7 %) tal-pagamenti li saru fl-2023 taħt il-FEŻ kien immaniġġjat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR).
X’sibna
Sibna li l-kontijiet kienu ħielsa minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
It-tranżazzjonijiet relatati mad-dħul ma kienx fihom livell materjali ta’ żball.
In-nefqa għas-sena finanzjarja 2023 hija materjalment milquta minn żball u aħna nipprovdu opinjoni avversa.
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Livell tal-iżball l-aktar probabbli stmat |
---|---|---|
EUR 2.8 biljun | Iva | 8.9 % (2022: 7.1 %) |
Biex nawditjaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet, eżaminajna kampjun ta’ 140 tranżazzjoni li kien rappreżentattiv tal-firxa sħiħa tal-infiq taħt il-FEŻ. Dan kien jinkludi 31 tranżazzjoni relatati mal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, 3 tranżazzjonijiet relatati mal-Fond Fiduċjarju Bêkou, 87 tranżazzjoni li ġew awtorizzati minn 14-il delegazzjoni tal-UE (l-Angola, il-Benin, il-Kosta tal-Avorju, il-Fiġi, il-Ghana, il-Guinea-Bissau, il-Kenja, il-Madagascar, il-Malawi, Mauritius, il-Mozambique, il-Gambja, it-Togo u l-Uganda) u 19-il tranżazzjoni li ġew approvati mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni. Fejn konna qbadna żbalji fit-tranżazzjonijiet, analizzajna l-kawżi sottostanti biex nidentifikaw id-dgħufijiet potenzjali.
Mill-140 tranżazzjoni li eżaminajna, 62 (44.3 %) kien fihom żbalji. Abbażi tat-52 żball li kkwantifikajna, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 8.9 %. It-tliet tipi ta’ żball l-aktar komuni kienu nfiq mhux imġarrab (45 %), nuqqas ta’ dokumenti essenzjali ta’ sostenn (31 %), u nefqa ineliġibbli (23 %). Fl-2023, l-iżbalji kwantifikabbli kollha li qbadna kienu fi tranżazzjonijiet relatati ma’ stimi tal-programmi u għotjiet kif ukoll ma’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni u ta’ delega ma’ pajjiżi benefiċjarji, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-Istati Membri. Mill-112-il tranżazzjoni ta’ dan it-tip li eżaminajna, 52 kien fihom żbalji kwantifikabbli, li kienu jirrappreżentaw 100 % tal-livell ta’ żball stmat.
Nefqa mhux imġarrba: approvazzjoni ta’ ammont eċċessiv ta’ prefinanzjament
Awditjajna fattura b’valur ta’ EUR 2.3 miljun fl-ambitu ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni ffirmat ma’ organizzazzjoni internazzjonali, li ġie implimentat taħt ġestjoni indiretta u ffinanzjat kompletament mill-UE. Il-fattura kienet relatata mal-approvazzjoni tal-kostijiet abbażi tar-rapport finanzjarju ppreżentat mill-organizzazzjoni internazzjonali għall-perjodu sal-15°ta’ April 2023.
Matul l-awditu li wettaqna, sibna li dan ir-rapport finanzjarju kien jinkludi EUR 1.8 miljun f’pagamenti bil-quddiem, li ma jitqisux bħala kostijiet imġarrba u għalhekk huma ineliġibbli. Barra minn hekk, osservajna li l-Kummissjoni ma kinitx implimentat kontrolli suffiċjenti biex ittaffi r-riskju ta’ approvazzjoni ta’ nefqa ineliġibbli. Sibna 14-il tranżazzjoni bi żbalji simili.
Bħal fi snin preċedenti, ħabbatna wiċċna ma’ dewmien biex nirċievu d-dokumentazzjoni mitluba mingħand xi organizzazzjonijiet internazzjonali u, konsegwentement, biex inwettqu xogħolna. Dawn l-organizzazzjonijiet ipprovdew biss aċċess limitat għad-dokumenti (eż. f’format li jinqara biss), u dan fixkel l-ippjanar, l-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-kwalità tal-awditu li wettaqna. Dawn id-diffikultajiet baqgħu jippersistu minkejja t-tentattivi tal-Kummissjoni biex issolvihom billi tikkomunika kontinwament mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati.
Rapport annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Kif kien għamel fi snin preċedenti, id-DĠ INTPA ħareġ pjan ta’ azzjoni biex jindirizza d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tiegħu. Fl-2021 u l‑2022, irrappurtajna dwar il-progress sodisfaċenti li sar fir-rigward tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-2020 u l‑2021.
Sa April 2024, l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2021 kien tjieb meta mqabbel mas-sena l-oħra. Il-Kummissjoni kienet ikkompletat azzjoni oħra, u b’hekk l-għadd totali ta’ azzjonijiet li ġew ikkompletati żdied għal ħamsa. Tliet azzjonijiet baqgħu għaddejjin. Fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu tal-2022, id-DĠ INTPA għal darba oħra żied l-għadd ta’ azzjonijiet, din id-darba għal 10. Erbgħa kienu ġew ikkompletati u sitta kienu għadhom għaddejjin. Il-Pjan ta’ Azzjoni 2023 jikkonsisti fi 13-il azzjoni, inklużi 4 azzjonijiet ġodda. F’April 2024 kienu ġew ikkompletati ħames azzjonijiet, u tmienja kienu għadhom għaddejjin.
Studju dwar l-RER tad-DĠ INTPA
Fl-2023, it-12-il studju dwar l-RER tad-DĠ INTPA twettaq minn kuntrattur estern. L-iskop tal-istudju huwa li tiġi stmata r-rata ta’ dawk l-iżbalji li ma jkunux inqabdu mill-verifiki ta’ ġestjoni kollha tad-DĠ INTPA għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ tali żbalji fil-qasam kollu kemm hu ta’ responsabbiltà tiegħu, sabiex tintlaħaq konklużjoni dwar l-effettività ta’ dawk il-verifiki.
Għall-istudju tal-2023 dwar l-RER, id-DĠ INTPA uża daqs ta’ kampjun ta’ 480 tranżazzjoni, bħal fi snin preċedenti (xi wħud mit-tranżazzjonijiet ikkampjunati kellhom valur ogħla mill-intervall tal-kampjunar; għaldaqstant, id-daqs tal-kampjun finali kien ta’ 413). L-istudju stma li l-RER kumplessiva kienet ta’ 0.97 % – taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % tal-Kummissjoni għat-8 sena konsekuttiva.
L-istudju dwar l-RER ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu; huwa bbażat fuq il-metodoloġija relatata mal-istudju dwar l-RER u fuq il-manwal ipprovdut mid-DĠ INTPA. Ir-rapporti annwali preċedenti tagħna dwar il-FEŻ diġà ddeskrivew limitazzjonijiet fl-istudji li setgħu kkontribwew għall-istima insuffiċjenti tal-RER.
Rieżami tar-RAA tal-2023
Fir-RAA 2023, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Ġenerali ma tinkludi l-ebda riżerva. Mill‑2018 ’il quddiem, id-DĠ INTPA naqqas sinifikattivament l-ambitu tar-riżervi (jiġifieri s-sehem tan-nefqa koperta minnhom), inizjalment minn 16 % għal 1 % u mbagħad għal żero.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- meta tikkalkula l-istimi tal-cut-off, tieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet li saru fil-kuntratti wara l-perjodu ta’ rappurtar;
- issaħħaħ il-verifiki qabel ma tagħmel il-pagamenti; u
- tieħu miżuri biex ittejjeb is-sistemi ta’ kontroll għall-approvazzjoni tal-prefinanzjament imħallas lill-organizzazzjonijiet ivvalutati skont il-pilastru.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-FEŻ tista’ tinstab fir-Rapport Annwali 2023 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
Informazzjoni ġenerali
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u x-xogħol tagħha
Il-QEA hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna ninsabu fil-Lussemburgu u nimpjegaw madwar 900 membru tal-persunal min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE. Il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, u li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, kif ukoll li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE. Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali fil-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Dawn jintużaw biex jintalab rendikont mingħand dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u pratika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.
Nota: f’Lulju 2024.
L-output tagħna
Aħna noħorġu:
- rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati ta’ xogħol tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità relatat mal-baġit tal-UE u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll ma’ aspetti li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-baġit;
- rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma speċifiċi ta’ politika jew ta’ nfiq, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni;
- rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE;
- opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva tagħna stess;
- rapporti analitiċi, li jipprovdu deskrizzjoni ta’ politiki, sistemi, strumenti jew suġġetti aktar iffukati, jew informazzjoni dwarhom.
L-approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, fil-qosor
L-opinjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.
Kif iddikjarat fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021‑2025, għall-QFP 2021‑2027 se nkomplu niżviluppaw l-approċċ tal-awditjar tagħna u nużaw id-data u l-informazzjoni disponibbli, li se jippermettulna nkomplu nipprovdu aċċertament b’saħħtu, abbażi tal-mandat tagħna skont it-Trattat u f’konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tal-awditjar tas-settur pubbliku.
Affidabbiltà tal-kontijiet
Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?
Kull sena, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jiġġeneraw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, filwaqt li jiġbru informazzjoni minn ħafna sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna nivverifikaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu kif suppost u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b’mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq fir-rapporti finanzjarji tal-UE. Għall-awditu tal-affidabbiltà tal-kontijiet, aħna applikajna l-approċċ ta’ attestazzjoni sa mill-ewwel opinjoni tagħna fl-1994.
- Nevalwaw is-sistema kontabilistika biex niżguraw li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta’ data affidabbli.
- Nivvalutaw proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex niżguraw li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
- Inwettqu verifiki analitiċi tad-data kontabilistika biex niżguraw li din tiġi ppreżentata b’mod konsistenti u tkun tidher raġonevoli.
- Nivverifikaw b’mod dirett kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex niżguraw li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi jkunu jeżistu u li dawn ikunu ġew irreġistrati b’mod preċiż.
- Nivverifikaw ir-rapporti finanzjarji biex niżguraw li dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja b’mod ġust.
Regolarità tat-tranżazzjonijiet
It-tranżazzjonijiet relatati mal-introjtu u mal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż, u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli?
Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji, kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, nivvalutaw is-sistemi li permezz tagħhom l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż (jiġifieri l-pagamenti finali u l-approvazzjoni tal-pagamenti bil-quddiem) jiġu amministrati u vverifikati, u neżaminaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet.
Fejn it-termini tal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti jkunu ġew issodisfati, aħna nirrieżaminaw u nerġgħu nwettqu l-verifiki u l-kontrolli li jkunu twettqu minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għaldaqstant, aħna nieħdu kont sħiħ ta’ kwalunkwe miżura korrettiva li tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ dawn il-verifiki.
- Nivvalutaw is-sistemi għad-dħul u n-nefqa biex niddeterminaw kemm dawn huma effettivi biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet huma regolari.
- Nieħdu kampjuni statistiċi ta’ tranżazzjonijiet biex nipprovdu bażi għat-twettiq ta’ ttestjar dettaljat mill-awdituri tagħna. Neżaminaw it-tranżazzjonijiet ikkampjunati fid-dettall, inklużi dawk għand ir-riċevituri finali (eż. bdiewa, istituti tar-riċerka jew kumpaniji li jipprovdu xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku), biex niksbu evidenza li kull avveniment ta’ bażi jkun jeżisti, ikun ġie rreġistrat kif xieraq u jkun jikkonforma mar-regoli biex isiru pagamenti.
- Aħna nanalizzaw l-iżbalji u nikklassifikawhom bħala kwantifikabbli jew mhux kwantifikabbli. It-tranżazzjonijiet ikunu milquta minn żball kwantifikabbli jekk, abbażi tar-regoli, il-pagament ma kellux jiġi awtorizzat. Nestrapolaw l-iżbalji kwantifikabbli biex niksbu livell ta’ żball stmat għal kull qasam li fih nagħmlu valutazzjoni speċifika. Aħna, imbagħad, inqabblu l-livell ta’ żball stmat ma’ soll ta’ materjalità ta’ 2 % u nivvalutaw jekk l-iżbalji humiex pervażivi.
- L-opinjonijiet tagħna jieħdu kont ta’ dawn il-valutazzjonijiet u ta’ informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti minn awdituri esterni oħra.
- Aħna niddiskutu s-sejbiet kollha tagħna kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni biex nikkonfermaw li l-fatti tagħna huma korretti.
X’inhuma l-approċċ u l-metodoloġija tal-awditjar tagħna għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar ir-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF?
- Aħna noħorġu opinjoni separata dwar ir-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF bħala parti mid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE. Dan għaliex aħna nqisu li l-mudell ta’ implimentazzjoni tal-RRF huwa differenti u li huwa strument temporanju. B’din l-opinjoni, għandna l-għan li nipprovdu aċċertament raġonevoli dwar il-pagamenti, u nipprovdu informazzjoni dettaljata bbażata fuq din l-opinjoni fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (ara l-Figura 16).
- Il-biċċa l-kbira mill-aċċertament li nipprovdu niksbuh mill-ittestjar sostantiv u mill-valutazzjoni tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll. L-aċċertament li nipprovdu jiġi kkomplementat mir-RAA u l-AMPR, kif ukoll mir-rapporti tas-Servizz tal-Awditjar Intern.
- Xogħolna jikkonforma mal-istandards internazzjonali tal-awditjar u jiżgura li l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna jkunu appoġġati minn evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa.


Il-prodotti kollha tagħna jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna: www.eca.europa.eu. Aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar jew id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tista’ tinstab fl-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2023 tagħna.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
NB: ta’ min jinnota li, minħabba l ittondjar, xi totali fiċ-ċifri ppreżentati f’dan id dokument jaf ma jkunux ugwali għas somma tal elementi individwali.
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024
ISBN 978-92-849-2742-5 | ISSN 2812-166X | doi:10.2865/887499 | QJ-AS-24-001-MT-C | |
ISBN 978-92-849-2704-3 | ISSN 2812-1651 | doi:10.2865/859582 | QJ-AS-24-001-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-849-2693-0 | ISSN 2812-1651 | doi:10.2865/889258 | QJ-AS-24-001-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© Unjoni Ewropea, 2024
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA li jkun proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja tal-Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
L-użu mill-ġdid tar-ritratti li ġejjin huwa awtorizzat dment li jiġu indikati d-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u, fejn ikun meħtieġ, l-ismijiet tal-fotografi:
*: © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri/Sophie Margue.
*: © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
*: © L‑Unjoni Ewropea, sors: il‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri. Periti tal‑binjiet: Paul Noël (1988) u Jim Clemes (2004 u 2013).
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
*: il-Figura 1 tfasslet bl-użu ta’ ikoni minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.
*: it-Tabella 1 tfasslet bl-użu ta’ ikoni minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.
*: © Getty Images, 2017/vgajic.
*: © stock.adobe.com/Bits and Splits.
*: © depositphotos.com.
*: © stock.adobe.com/bluedesign.
*: © stock.adobe.com/Max Zolotukhin.
*: il-Figura 16 tfasslet bl-użu ta’ ikoni minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati, bħalma hija l-ikona fl-għamla ta’ ger immodifikata mill-QEA, © stock.adobe.com/Ramziia.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fid-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ taqra l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.