Fi żminijiet reċenti, l-UE ħabbtet wiċċha ma’ sfidi bla preċedent: pandemija globali segwita mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija sussegwenti, flimkien ma’ sitwazzjoni internazzjonali dejjem aktar instabbli aggravata mill-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas.
Dawn l-avvenimenti wrew il-ħtieġa tas-27 Stat Membru kollha li jaħdmu aktar mill-qrib flimkien u jkunu jistgħu jirrispondu malajr u b’mod determinat għal sitwazzjonijiet ġodda.
Biex tiżgura rkupru ekonomiku rapidu mill-pandemija, l-UE stabbiliet fond speċjali għall-irkupru magħruf bħala n-NextGenerationEU. B’investiment ta’ aktar minn EUR 800 biljun, in-NextGenerationEU mhux biss ippermetta lill-UE tirrispondi għall-isfidi ppreżentati mill-pandemija tal-COVID-19, iżda qed jgħin ukoll lill-pajjiżi tal-UE jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-ekonomiji tagħhom. Billi jinvesti fi proġetti u inizjattivi li jagħmlu lill-UE aktar b’saħħitha, aktar ekoloġika u aktar diġitali, in-NextGenerationEU qed jagħmel ukoll lill-UE mħejjija aħjar biex tindirizza l-isfidi futuri. Pereżempju, fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi globali tal-enerġija, diġà qed jappoġġa lill-pajjiżi tal-UE fl-isforzi tagħhom biex jeliminaw gradwalment il-fjuwils fossili Russi u biex jagħmlu tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
Il-flus li tonfoq l-UE (il-baġit tal-UE) jiġu minn diversi sorsi: id-dazji doganali; il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud miġbura mill-pajjiżi tal-UE; u kontribuzzjonijiet diretti mill-pajjiżi tal-UE. Sors ġdid ta’ dħul — imposta fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat — ġie introdott f’Jannar 2021.
Mill-kontribut għal toroq, ferroviji u ajruporti ġodda u aħjar sal-iżvilupp ta’ żoni rurali u l-iffaċilitar ta’ opportunitajiet ta’ studju barra mill-pajjiż, il-baġit tal-UE jgħin biex jinkisbu riżultati dwar l-affarijiet li huma importanti għan-nies fl-UE. Minbarra li qed imexxi t-trasformazzjoni diġitali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, dan jgħin ukoll biex inaqqas id-disparitajiet fi ħdan il-pajjiżi tal-UE u bejniethom.
Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022, l-UE tat rispons malajr b’appoġġ għall-Ukrajna u l-poplu tagħha. Dan kien jinkludi għajnuna umanitarja, assistenza ta’ emerġenza, appoġġ finanzjarju u operazzjonali, assistenza u appoġġ militari fil-fruntiera tal-UE u fil-Moldova.
Bħala parti mill-assistenza umanitarja tagħha, l-UE kienet qed tipprovdi ikel, kenn u għajnuna medika lill-persuni li ġew affettwati mill-kunflitt. Ħadet ukoll il-miżura eċċezzjonali li tagħti protezzjoni temporanja lil miljuni ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, u pprovditilhom aċċess għal akkomodazzjoni, skejjel, kura tas-saħħa u impjiegi fl-UE.
L-assistenza finanzjarja tal-UE għenet biex tiġi stabbilizzata l-ekonomija tal-Ukrajna, tiġi restawrata l-infrastruttura u jittejbu l-kapaċitajiet ta’ difiża u sigurtà.

L-UE kienet ukoll minn ta’ quddiem fil-kundanna internazzjonali kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u imponiet sanzjonijiet ħorox kontra r-Russja u dawk kompliċi fil-gwerra. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jiżolaw lir-Russja ekonomikament u jillimitaw il-kapaċità tagħha għal aggressjoni militari.
L-UE, flimkien mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, immobilizzat kważi EUR 120 biljun f’appoġġ ġenerali għall-Ukrajna.
Skopri aktar dwar l-appoġġ tal-UE provdut lill-Ukrajna.
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fixklet bil-kbir is-sistema tal-enerġija tad-dinja billi kkawżat żidiet fil-prezzijiet u inċertezza fuq il-provvista tal-gass, u aggravat sitwazzjoni diġà diffiċli fis-suq tal-enerġija wara l-pandemija.
X’qed tagħmel l-ue biex tindirizza dan?

© Adobe Stock
It-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili Russi

L-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (idroġenu, eolika, solari)

Tnaqqis fil-kontijiet għaċ-ċittadini u n-negozji

Tnaqqis fid-domanda għall-enerġija

© Adobe Stock
Żieda fil-ħażna tal-gass għax-xitwa

© Adobe Stock
Li l-pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jixtru l-enerġija flimkien biex jiksbu prezzijiet aħjar

© Adobe Stock
It-tisħiħ tar-regoli biex jiġi żgurat li kwalunkwe pajjiż tal-UE jirċievi għajnuna f’emerġenza

© Adobe Stock
Investiment fl-infrastruttura sabiex il-pajjiżi kollha tal-UE jkollhom mill-inqas żewġ sorsi ta’ provvista tal-gass

L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi sabiex ikun jista’ jkollhom kuntratti multipli u jaqsmu l-elettriku li jipproduċu mal-ġirien
Skopri aktar dwar il-ħidma tal-UE biex tiżgura enerġija sikura, nadifa u affordabbli.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija tal-UE biex tinħoloq ekonomija Ewropea moderna u kompetittiva. L-għan tiegħu hu li jagħmel l-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, u f’dak il-punt ma nibqgħux nipproduċu aktar gassijiet serra milli jistgħu jassorbu l-ekosistemi tagħna b’mod naturali.
Bħala l-ewwel stadju importanti f’dan il-perkors ambizzjuż, l-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti tagħha b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-UE diġà daħħlet fis-seħħ il-miżuri ewlenin meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan. L-oqsma kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija se jkollhom rwol x’jaqdu, mill-industrija, l-enerġija u t-trasport, sal-produzzjoni tal-ikel, l-agrikoltura u l-kostruzzjoni. Se jingħata appoġġ finanzjarju lir-reġjuni, l-industriji u l-ħaddiema li jħabbtu wiċċhom mal-akbar sfidi.
Biex l-UE tibqa’ fil-perkors tagħha lejn in-newtralità klimatika, il-pass li jmiss se jkun li l-pajjiżi tal-UE jaqblu dwar mira għall-2040.
Mill-inqas 30 % tal-infiq tal-UE bejn l-2021 u l-2027 se jmur għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu.
Xi tfisser għalik?
Ilkoll nistgħu nagħtu s-sehem tagħna, nistgħu nnaqqsu kemm naħlu ikel u nirriċiklaw aktar, nużaw rota minflok karozza, jew nistgħu saħansitra nħawlu siġra. Jekk tixtieq tinvolvi ruħek, ħares ftit lejn il-patt klimatiku Ewropew, li jlaqqa’ lin-nies u lill-organizzazzjonijiet flimkien biex jaqsmu informazzjoni dwar l-azzjoni klimatika. Għinna noħolqu Ewropa aktar ekoloġika!

© LIFE06 NAT/E/000209/Aixa SOPEÑA.
Il-linċi Iberiku m’għadux fil-periklu tal-estinzjoni fi Spanja u fil-Portugall bis-saħħa tal-isforzi li għamlu bosta nies, inkluż ix-xogħol ta’ proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE tal-UE. L-irkupru ta’ din l-ispeċi huwa waħda mill-aqwa stejjer ta’ suċċess tal-Ewropa fejn tidħol il-konservazzjoni tal-annimali.

Natura 2000 huwa l-akbar network tad-dinja ta’ żoni protetti, li jissalvagwardja eluf ta’ postijiet ta’ kenn għall-ispeċijiet u l-ħabitats l-aktar prezzjużi u mhedda tal-Ewropa.
L-UE ffinanzjat il-konverżjoni ta’ żewġ bastimenti tal-passiġġieri u tal-merkanzija biex minflok b’żejt tqil jaħdmu b’batteriji elettriċi aktar ekoloġiċi. Dawn joperaw fuq ir-rotta attiva bejn Helsingør (id-Danimarka) u Helsingborg (l-Iżvezja). Il-bastimenti kkonvertiti jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tal-arja f’dawn iż-żoni b’popolazzjoni densa.

Persuna teknika teżamina mikroċippa f’laboratorju għall-analiżi tal-materjali, Dresden, il-Ġermanja, it-8 ta’ Frar 2022. Laboratorji bħal dan huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tipproduċi l-mikroċipep tagħha stess u ssir teknoloġikament indipendenti.
Fis-soċjetà tal-lum, hemm bżonn li lkoll inkunu nifhmu fit-teknoloġija diġitali, kemm jekk biex nużaw servizzi bankarji online u nixtru mid-dar, u kemm biex nużaw it-teknoloġija fl-impjiegi tagħna. Biex iżżomm lil kulħadd aġġornat, u biex tiżgura li l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem nett fejn tidħol it-teknoloġija, l-UE qiegħda tinvesti f’kollox, mill-ħiliet diġitali u s-supercomputing, sal-konnettività b’veloċità għolja u ċibersigurtà aħjar.
L-UE qed taħdem biex tiżgura li d-dinja online tkun sikura u ġusta kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji. Bis-saħħa tar-regoli tal-UE, illum għandna aktar kontroll fuq id-data personali tagħna u fuq kif jużaha ħaddieħor.
Skopri aktar dwar ir-regoli tal-UE għal ambjent diġitali aktar sikur.
Il-Fond Soċjali Ewropew Plus jgħin lin-nies isibu impjieg (jew impjieg aħjar), fosthom dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ xi żvantaġġi. Kull sena, il-fond jgħin lil madwar 10 miljun persuna ssib impjieg jew tkompli ssaħħaħ il-ħiliet li jkollha.
L-UE qed tgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol. Pereżempju, l-iskema ta’ garanzija għaż-żgħażagħ għandha l-għan li tiżgura li kwalunkwe persuna taħt it-30 sena tirċievi offerta ta’ impjieg, edukazzjoni, apprendistat jew taħriġ ta’ kwalità tajba fi żmien 4 xhur minn meta tisfa qiegħda jew minn meta titlaq mill-edukazzjoni.

Żagħżugħ jaħdem fuq proġetti ta’ kostruzzjoni, Setúbal, il-Portugall, il-5 ta’ Awwissu 2021.
Il-volontarjat huwa mod tajjeb ħafna kif tikkontribwixxi għall-komunitajiet lokali f’pajjiżek jew barra minnu, filwaqt li tiżviluppa ħiliet ġodda u tagħmel il-ħbieb. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jagħmlu l-volontarjat jew li jaħdmu fi proġetti f’pajjiżhom stess jew barra minn pajjiżhom. L-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE toffri lil dawk li għandhom ’il fuq minn 18-il sena l-opportunità li jipparteċipaw fi proġetti umanitarji fid-dinja kollha.

Infermier qed iħejji l-magna tal-MRI għal pazjent fl-Isptar tal-Università ta’ Liège, il-Belġju, l-24 ta’ Jannar 2020.
L-UE hija ddeterminata li twettaq bidliet kbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-kanċer. B’finanzjament ta’ EUR 4 biljun, il-pjan tal-Ewropa biex jingħeleb il-kanċer ifassal approċċ ġdid tal-UE għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-kanċer. Il-finanzjament mill-UE diġà wassal għal riċerka rivoluzzjonarja, mill-immudellar 3D tat-tumuri għall-identifikazzjoni tal-kanċer min-nifs ta’ dak li jkun.
L-UE qed tibni Ewropa ta’ ugwaljanza. Dan ifisser li n-nisa u l-irġiel għandhom jingħataw paga ugwali għal xogħol ugwali, il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod ugwali fl-aspetti kollha tal-ħajja, u li r-razziżmu ma jkunx ittollerat. Dan ifisser ukoll li l-persuni ma għandhomx jiġu esklużi jew emarġinati, u kulħadd għandu jkun liberu li jħobb lil min irid.
Il-migranti u ċ-ċittadini tal-UE li għandhom sfond ta’ migrazzjoni jaqdu rwol ewlieni fis-soċjetà Ewropea, inkluż bħala ħaddiema essenzjali. L-UE qed taħdem biex tiżgura li kulħadd ikun jista’ jipparteċipa bi sħiħ fis-soċjetà billi tiffoka fuq affarijiet bħal aċċess aħjar għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

© Adobe Stock
Is-sikurezza u s-sigurtà tan-nies fl-Ewropa, kemm fid-dinja fiżika kif ukoll f’dik diġitali, huma prijorità ewlenija għall-UE. Hija taħdem kuljum biex tindirizza t-theddid bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-kummerċ tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin.
Il-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna enfasizzaw ukoll it-theddid u l-isfidi li d-diżinformazzjoni toħloq għas-soċjetajiet tagħna.
L-UE qed taħdem ma’ kumpaniji tal-midja soċjali u ma’ pjattaformi online biex tillimita t-tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa u ta’ aħbarijiet foloz fl-Ewropa. L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali jappoġġa l-ħidma ta’ verifikaturi indipendenti tal-fatti u għandu l-għan li jsir iċ-ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online.
Skopri aktar dwar il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-karattri tradizzjonali ta’ Puerto Plata Carnival, ir-Repubblika Dominicana, imlew it-toroq ta’ Nizza, Franza, fi Frar 2023, bis-saħħa tal-programm Transcultura, li għandu l-għan japprofondixxi l-integrazzjoni kulturali fil-Karibew u jsaħħaħ il-kooperazzjoni ta’ dak ir-reġjun mal-UE.

Għajnuna umanitarja għal Gaża, Novembru 2023. L-UE hi l-akbar donatur internazzjonali għall-poplu Palestinjan. Mill-2000 ’l hawn, l-UE pprovdiet aktar minn €1 biljun f’għajnuna biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom.
L-UE taħdem id f’id mal-ġirien tagħha u ma’ pajjiżi madwar id-dinja biex tibni sħubijiet ġodda u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha. Permezz ta’ sforzi konġunti f’oqsma bħad-diġitalizzazzjoni, il-klima, l-enerġija, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni, l-UE tfittex li tindirizza l-isfidi globali u li toħloq komunità globali aktar konnessa u prospera.
L-UE tagħmel ukoll ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi oħra, l-aktar reċenti maċ-Ċilì u ma’ New Zealand. Dawn il-ftehimiet jespandu l-kummerċ li jappoġġa l-ekonomija tal-UE u li joħloq l-impjiegi.
Flimkien, l-UE u l-pajjiżi membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-assistenza għall-iżvilupp fid-dinja. Fl-2023, huma pprovdew EUR 96 biljun jew 42 % tal-assistenza totali. Huma jikkontribwixxu wkoll aktar min-nofs l-għajnuna globali kollha għall-edukazzjoni f’aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja.
Bil-ħtieġa globali għall-għajnuna umanitarja li qed tiżdied, l-UE qed tipprovdi għajnuna fuq quddiem nett tal-agħar kriżijiet fid-dinja. B’baġit ta’ EUR 2.4 biljun fl-2023 biss, hija kollettivament waħda mill-akbar donaturi tal-għajnuna umanitarja. B’rispons għall-ħtiġijiet umanitarji fil-Lvant Nofsani, li ġew aggravati mill-attakki tal-Ħamas f’Ottubru 2023 u l-kunflitt sussegwenti f’Gaża, l-UE żiedet b’mod sinifikanti l-appoġġ tagħha għall-Palestinjani f’Gaża u stabbiliet kuritur marittimu biex tipprovdi sokkors urġenti.
Skopri aktar dwar l-istrateġija tal-UE biex tgħaqqad id-dinja.
Skopri aktar dwar l-appoġġ mogħti mill-UE lill-Palestinjani.