Ħares waħda madwarek u ma ddumx ma tilmaħ skola, pont, sptar jew proġett ieħor li bbenefika mill-finanzjament mill-UE. Eluf ta’ proġetti rċevew appoġġ mill-programmi reġjonali tal-UE matul is-snin. Hawn taħt hawn biss ftit eżempji ta’ proġetti li, jew issa jew minn hawn u ftit ieħor, jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies madwar l-UE.
Titjib fl-istandards tal-kura tas-saħħa fil-Polonja
L-akbar sptar pubbliku f’Toruń ġie ttrasformat f’waħda mill-faċilitajiet mediċi ewlenin tal-Polonja, bis-saħħa ta’ rinnovazzjoni appoġġata mill-UE ta’ EUR 52.7 miljun. Kura tas-saħħa ċentralizzata u ta’ kwalità għolja tfisser li l-pazjenti issa jdumu jistennew inqas għat-trattament.
© Adobe Stock
Konnessjonijiet tat-toroq aħjar fil-Greċja
Ir-residenti, it-turisti u n-negozji fil-Greċja kollha se jibbenefikaw minn sezzjoni ġdida importanti tal-awtostradi. Finanzjament mill-UE b’valur ta’ EUR 255 miljun qed jappoġġa l-kostruzzjoni tal-konnessjoni nieqsa bejn Lamia u Xyniada. Din se tgħaqqad ir-reġjuni tal-Greċja Ċentrali u tat-Tessalija tal-Punent man-network ewlieni tal-awtostradi.
© Hebi B. / Pixabay
Għawm sostenibbli fil-Belġju
Rinnovazzjoni ta’ pixxina fil-Vrije Universiteit Brussel (l-Università Libera ta’ Brussell) qed tiġbed ħafna attenzjoni għas-sostenibbiltà tagħha. Il-faċilità l-ġdida tuża 60 % inqas enerġija u temetti 500 tunnellata ta’ CO2 inqas kull sena meta mqabbla mal-pixxina l-qadima, u hija miftuħa għal għawwiema minn barra l-Università. Il-proġett irċieva ftit aktar minn EUR 2 miljun f’finanzjament mill-UE.
© Adobe Stock
Bliet u reġjuni aktar ekoloġiċi
Provvista tal-enerġija aktar affidabbli u effiċjenti fiċ-Ċekja, 21 ferrovija elettrika ġdida biex jittejjeb in-network ferrovjarju fil-Kroazja u miżuri biex tiżdied is-sikurezza kontra l-għargħar fl-Ungerija huma fost 14-il proġett ekoloġiku li se jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE. Aktar minn EUR 1.4 biljun ta’ fondi tal-UE qed jiġu investiti f’seba’ pajjiżi tal-UE f’oqsma bħall-ambjent, is-saħħa, it-trasport u l-enerġija.
© iStock.com/kynny
Broadband b’veloċità għolja tgħaqqad lir-Rumanija rurali
Il-proġett RO-Net appoġġat mill-UE għaqqad 400 000 persuna, aktar minn 8 500 negozju u kważi 3 000 istituzzjoni pubblika f’żoni rurali remoti tar-Rumanija mal-broadband. Madwar 665 villaġġ u belt issa għandhom aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u x-xiri online. In-nies jistgħu jbigħu wkoll prodotti minn unitajiet domestiċi u azjendi agrikoli lokali online.
© iStock.com/ FatCamera
Postijiet għal-logħob ekoloġiċi f’Pariġi
Btieħi tal-iskejjel tal-konkrit f’Pariġi qed jinbidlu fi gżejjer friski u ekoloġiċi li kapaċi jaħżnu l-ilma u jnaqqsu s-sħana. Bl-appoġġ ta’ kważi EUR 5 miljun f’finanzjament mill-UE, il-proġett OASIS qed jgħin biex jipproteġi lill-Pariġini mill-effetti tat-tibdil fil-klima, filwaqt li joħloq spazji fejn it-tfal jistgħu jieħdu gost.
Previous
Next