L-Unjoni Ewropea (UE) hija unjoni ekonomika u politika unika bejn 27 pajjiż Ewropew. Dawn jaħdmu flimkien biex itejbu l-ħajja tan-nies fl-Ewropa u anke lil hinn minnha.
L-UE ilha taħdem għall-paċi, għall-prosperità u għall-benesseri taċ-ċittadini tagħha aktar minn 60 sena. Minn sitt pajjiżi fundaturi — jew Stati Membri — fis-snin ħamsin, kibret f’Unjoni ta’ 27 pajjiż b’popolazzjoni ta’ kważi 450 miljun persuna.
Dak li beda bħala proġett ekonomiku biex jgħin jgħolli l-istandards tal-għajxien fl-Ewropa ta’ wara l-gwerra, wassal għall-ħolqien tal-akbar żona b’suq uniku fid-dinja, fejn in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-flus jistgħu jimxu minn pajjiż għal ieħor b’mod liberu. Matul is-snin, l-UE wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal oqsma fejn il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi twassal għal riżultati aħjar. Il-pajjiżi li jappartjenu għall-UE jemmnu li billi jaħdmu flimkien huma aktar b’saħħithom u aktar kapaċi jindirizzaw l-isfidi kbar tal-lum, bħat-tibdil fil-klima u t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà tagħna, u theddid kbir għas-saħħa u s-sigurtà bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Din il-gwida fiha ħafna informazzjoni utli dwar l-UE u dwar dak li tagħmel l-UE, kif ukoll suġġerimenti dwar minn fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni.
27
pajjiż
449.2
miljun ċittadin
24
lingwa uffiċjali
Magħqudin
fid-diversità
9
ta’ Mejju Jum l-Ewropa
347
miljun persuna li jużaw l-euro kuljum f’20 pajjiż tal-UE
Minkejja li l-Ewropej jitkellmu b’lingwi differenti u għandhom tradizzjonijiet differenti, huma jikkondividu l-istess sett ta’ valuri li fuqhom twaqqfet l-UE. Dawn huma r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
Dawn il-valuri huma stabbiliti fit-trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tiġbor flimkien id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha li jgawdu n-nies fl-UE.
© Jacob Lund /Adobe Stock
Fl-2023, 13.9 miljun persuna fl-UE kienu ċittadini ta’ pajjiż tal-UE differenti minn dak li kienu jgħixu fih.
Jekk int ċittadin ta’ wieħed mis-27 pajjiż li jiffurmaw l-UE, inti wkoll ċittadin tal-UE. Dan jagħtik xi drittijiet addizzjonali importanti, bħal-libertà li tirriloka, tgħix, taħdem u tistudja fi kwalunkwe pajjiż tal-UE u d-dritt li tivvota u d-dritt għall-kandidatura fl-elezzjonijiet lokali u dawk Ewropej, anke meta tkun qed tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE.
Għandek ukoll id-dritt li tressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li tirrikorri għall-Ombudsman Ewropew u li tikteb lil kwalunkwe istituzzjoni tal-UE f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.
Minbarra li tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini u tan-nies tagħha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea, l-UE tippromwovi wkoll id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet ġusti madwar id-dinja. Kull sena, il-Parlament Ewropew jagħti l-Premju Sakharov lil individwu jew lil organizzazzjoni li tiġġieled għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali.
L-għajxien fl-UE iġib miegħu xi drittijiet u benefiċċji importanti, bħal dawn li ġejjin.
Skopri aktar dwar drittijietek.
Bis-saħħa tas-suq uniku, il-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-flus jistgħu jimxu minn pajjiż għal ieħor b’mod liberu fis-27 pajjiż tal-UE kważi bl-istess libertà daqslikieku f’pajjiż wieħed.
Ħamsa u għoxrin Stat Membru tal-UE u erba’ pajjiżi mhux tal-UE — l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera — jappartjenu għal dik li hija magħrufa bħala ż-żona Schengen. Dan ifisser li ma għandekx għalfejn turi l-passaport tiegħek meta taqsam il-fruntieri bejn dawn il-pajjiżi. B’mod eċċezzjonali, jistgħu jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri fiż-żona Schengen għal perjodu limitat jekk ikun hemm theddida serja għas-sikurezza jew għas-sigurtà pubblika.
-
9 TA’ MEJJU 1950Id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza Robert Schuman jipproponi li l-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar tinġabar flimkien sabiex l-ebda pajjiż ma jkun jista’ joħloq l-armi u jdur kontra pajjiż ieħor.
-
23 TA’ LULJU 1952Tiġi stabbilita l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar..
-
25 TA’ MARZU 1957It-Trattati ta’ Ruma huma ffirmati minn sitt pajjiżi — il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Dawn joħolqu suq komuni, il-Komunità Ekonomika Ewropea, mill-1 ta’ Jannar 1958.
-
30 TA’ LULJU 1962.Titnieda l-politika agrikola komuni, li tgħin biex jiġu ssalvagwardjati l-provvisti tal-ikel u jiġu appoġġati l-bdiewa u ż-żoni rurali.
-
1 TA’ LULJU 1968Jiġu eliminati d-dazji doganali bejn is-sitt Stati Membri.
-
7-10 TA’ ĠUNJU 1979Għall-ewwel darba, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jivvutaw għal min jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew.
-
15 TA’ ĠUNJU 1987Jitnieda l-programm ta’ skambju tal-istudentiErasmus.
-
1989Il-kollass tal-komuniżmu jwassal għal mewġa ta’ bidla favur id-demokrazija fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
-
1 TA’ JANNAR 1993Jitnieda s-suq uniku, fejn in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-flus jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu.
-
1 TA’ NOVEMBRU 1993Tinħoloq l-Unjoni Ewropea.
-
26 TA’ MARZU 1995Il-Ftehim ta’ Schengen ineħħi l-kontrolli fil-fruntieri bejn ċerti Stati Membri, b’25 minnhom issa jgawdu dan il-vantaġġ.
-
1 TA’ JANNAR 2002Jidhru għall-ewwel darba l-karti u l-muniti tal-euro, li issa jintużaw f’20 pajjiż tal-UE.
-
1 TA’ APRIL 2012Titnieda l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.
-
10 TA’ DIĊEMBRU 2012L-UE tingħata l-Premju Nobel għall-Paċi.
-
12 TA’ DIĊEMBRU 2015Total ta’ 195 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, jadottaw il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.
-
15 TA’ ĠUNJU 2017Jispiċċaw it-tariffi tar-roaming.
-
JANNAR 2020Il-COVID-19 tilħaq l-Ewropa, u dan jagħti bidu għall-akbar rispons għal emerġenza tas-saħħa pubblika li qatt kien hemm fl-istorja tal-UE.
-
9 TA’ MEJJU 2021Titnieda l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li tagħti liċ-ċittadini tal-UE l-opportunità li jsawru l-futur komuni tagħhom.
-
2022L-UE u s-sħab internazzjonali tagħha jikkundannaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u joffru assistenza politika, finanzjarja u umanitarja b’saħħitha lill-Ukrajna.
Robert Schuman jiffirma t-Trattat ta’ Pariġi li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, Pariġi, Franza, it-18 ta’ April 1951.
Minn ġellieda tar-reżistenza u mexxejja politiċi għal attur famuż madwar id-dinja, skopri aktar dwar in-nisa u l-irġiel li ispiraw il-ħolqien tal-Ewropa li ngħixu fiha llum.