Kulma tagħmel l-UE huwa bbażat fuq trattati li fihom ir-regoli dwar kif taħdem l-UE. Il-pajjiżi kollha tal-UE qablu b’mod volontarju u demokratiku ma’ dawn it-trattati.
It-Trattati tal-UE jispeċifikaw min jista’ jgħaddi l-liġijiet u f’liema oqsma: l-UE, il-gvernijiet nazzjonali jew it-tnejn. Il-pajjiżi tal-UE għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu d-deċiżjonijiet u li joħolqu l-liġijiet tagħhom stess f’ċerti oqsma ta’ politika nazzjonali, bħall-industrija, is-saħħa u l-edukazzjoni, filwaqt li l-UE tipprovdi appoġġ.
Għal ħafna oqsma, it-trattati jispeċifikaw li jistgħu jaġixxu kemm l-UE kif ukoll il-gvernijiet nazzjonali. F’dawn il-każijiet, id-deċiżjonijiet dejjem jittieħdu fl-eqreb livell possibbli taċ-ċittadini. Dan ifisser li jekk kwistjoni tista’ tiġi solvuta fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, l-UE ma tintervjenix.
L-UE tieħu azzjoni f’dawk l-oqsma fejn l-Istati Membri tagħha jkunu tawha l-awtorizzazzjoni biex taġixxi u fejn ikun jagħmel sens li kulħadd jaġixxi flimkien, bħat-tibdil fil-klima jew il-kummerċ madwar id-dinja. Biex jilħqu l-għanijiet tagħhom, il-pajjiżi tal-UE ħolqu għadd ta’ istituzzjonijiet biex jieħdu deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u mbagħad iwettquhom.
Il-Parlament Ewropew, li jinsab fi Strasburgu u fi Brussell, jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini tal-UE. Flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dan huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-UE.
Is-720 Membru tal-Parlament Ewropew, magħrufa wkoll bħala Membri tal-PE, jiġu eletti direttament mill-votanti tal-UE kull 5 snin. L-elezzjoni li jmiss se ssir fl-2029. Kull pajjiż tal-UE jeleġġi għadd ta’ membri, b’mod proporzjonali għall-popolazzjoni tiegħu. Il-Membri tal-PE ma jpoġġux fi gruppi abbażi tan-nazzjonalità tagħhom iżda fi gruppi politiċi li jkopru bosta pajjiżi jew bħala membri indipendenti.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, magħruf ukoll bħala l-Kunsill, huwa magħmul mill-ministri tal-gvernijiet tal-pajjiżi kollha tal-UE. Flimkien mal-Parlament Ewropew, dan huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-UE. Kull 6 xhur pajjiż differenti tal-UE jkollu l-Presidenza tal-Kunsill. Biex jiżguraw il-kontinwità, il-Presidenzi jaħdmu flimkien mill-qrib fi gruppi ta’ tlieta fuq aġenda komuni matul perjodu ta’ 18-il xahar.
Wieħed ma għandux jitfixklu mal-Kunsill Ewropew, li huwa magħmul mill-mexxejja tal-pajjiżi kollha tal-UE. Dan jistabbilixxi d-direzzjoni politika u l-prijoritajiet tal-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea hija s-servizz ċivili tal-UE. Hija għandha d-dritt li tipproponi azzjonijiet u liġijiet ġodda, imbagħad il-Parlament u l-Kunsill jieħdu deċiżjoni dwarhom. Għandha wkoll ir-responsabbiltà li tiżgura li r-regoli tal-UE jiġu applikati kif suppost. Il-Kummissjoni hija mmexxija minn president maħtur u tim ta’ kummissarji — wieħed minn kull pajjiż tal-UE.
Il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea jridu jsegwu r-regoli tal-UE u jilħqu l-miri li jidħlu għalihom; jekk le l-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni kontrihom.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi infurzat u applikat bl-istess mod f’kull pajjiż tal-UE.
Il-Bank Ċentrali Ewropew jieħu ħsieb l-euro. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jżomm il-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro.