Grupp żgħażagħ minn etniċitajiet differenti, id f’id u jżommu l-bandiera tal-UE fuq rashom filwaqt li jitbissmu u jħarsu ’l isfel lejn il-kamera.

X’inhi
l-Unjoni Ewropea?

L-Unjoni Ewropea (UE) hija unjoni ekonomika u politika unika bejn 27 pajjiż Ewropew. Dawn jaħdmu flimkien biex itejbu l-ħajja tan-nies fl-Ewropa u anke lil hinn minnha.

L-UE ilha taħdem għall-paċi, għall-prosperità u għall-benesseri taċ-ċittadini tagħha aktar minn 60 sena. Minn sitt pajjiżi fundaturi — jew Stati Membri — fil-ħamsinijiet, din kibret f’Unjoni ta’ 27 pajjiż b’popolazzjoni ta’ kważi 450 miljun persuna.

Dak li beda bħala proġett ekonomiku biex jgħin jogħlew l-istandards tal-għejxien fl-Ewropa ta’ wara l-gwerra, wassal għall-ħolqien tal-akbar żona b’suq uniku fid-dinja, fejn in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-flus jistgħu jimxu minn pajjiż għal ieħor b’mod liberu. Matul is-snin, l-UE wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal oqsma fejn il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi twassal għal riżultati aħjar. Il-pajjiżi li jappartjenu għall-UE jemmnu li, billi jaħdmu flimkien, huma aktar b’saħħithom u jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jindirizzaw l-isfidi l-kbar tal-lum, bħall-COVID-19, it-tibdil fil-klima u t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà tagħna.

Din il-gwida fiha ħafna informazzjoni utli dwar l-UE u dwar dak li tagħmel l-UE, kif ukoll suġġerimenti dwar minn fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni.

Infografika li tippreżenta xi data ewlenija dwar l-Unjoni Ewropea.

Deskrizzjoni twila. L-UE hija magħmula minn 27 pajjiż b’popolazzjoni kkombinata ta’ aktar minn 447 miljun persuna. Għandha 24 lingwa uffiċjali u 340 miljun persuna jużaw l-ewro f’19-il pajjiż differenti tal-UE. Il-bandiera tal-UE għandha sfond blu b’ċirku ta’ 12-il stilla safra fiċ-ċentru. Il-motto tal-UE huwa “Magħqudin fid-diversità”. Jum l-Ewropa huwa d-9 ta’ Mejju.

Unjoni ta’ valuri

Minkejja li l-Ewropej jitkellmu b’lingwi differenti u għandhom tradizzjonijiet differenti, huma jikkondividu l-istess sett ta’ valuri li fuqhom twaqqfet l-UE. Dawn huma r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Dawn il-valuri huma stabbiliti fit-trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tiġbor flimkien id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha li jgawdu n-nies fl-UE.

Fl-2021, 13.7 miljun persuna fl-UE kienu ċittadini ta’ pajjiż tal-UE differenti minn dak li kienu qed jgħixu fih.

Jekk int ċittadin ta’ wieħed mis-27 pajjiż li jiffurmaw l-UE, inti wkoll ċittadin tal-UE. Dan jagħtik drittijiet addizzjonali importanti, bħal-libertà li tibdel il-post, tgħix, taħdem u tistudja fi kwalunkwe pajjiż tal-UE u d-dritt li tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet lokali u dawk Ewropej, anke jekk tkun tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE. Għandek ukoll id-dritt li tressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li tirrikorri għall-Ombudsman Ewropew u li tikteb lil kwalunkwe istituzzjoni tal-UE f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Ritratt minn fuq ta’ grupp persuni b’kuluri ta’ ġilda differenti minn xulxin, bilwieqfa f’ċirku u jestendu jdejhom lejn xulxin fin-nofs.

Minbarra li tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini u tan-nies tagħha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea, l-UE tippromwovi wkoll id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet ġusti madwar id-dinja. Kull sena, il-Parlament Ewropew jagħti l-Premju Sakharov lil individwu jew lil organizzazzjoni li tiġġieled għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali.

Il-ħajja fl-UE ġġib magħha xi drittijiet u benefiċċji importanti, bħal dawn:

jien protett(a) kontra d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, inkluż is-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika jew soċjali, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

għandi d-dritt li d-data personali tiegħi tiġi protetta;

nista’ nixtri online u nixtri minn kwalunkwe pajjiż tal-UE b’rasi mistrieħa, grazzi għal protezzjoni tal-konsumatur b’saħħitha tal-UE;

saħħti hija protetta mill-istandards ambjentali stretti tal-UE, bħar-regoli dwar il-kwalità tal-arja u tal-ilma.

Daqqa t’għajn lejn l-UE

Bis-saħħa tas-Suq Komuni, il-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-flus jistgħu jimxu minn pajjiż għal ieħor b’mod liberu fis-27 pajjiż tal-UE kważi bl-istess libertà daqslikieku f’pajjiż wieħed.

22 Stat Membru tal-UE u erba’ pajjiżi mhux tal-UE — l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera — jappartjenu għaż- żona Schengen . Dan ifisser li ma għandekx għalfejn turi l-passaport tiegħek meta taqsam il-fruntiera bejn dawn il-pajjiżi. Il-pandemija tal-COVID-19 kienet ta’ xkiel għall-ivvjaġġar. Skopri l-aħħar informazzjoni dwar l-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19 fuq reopen.europa.eu/mt

Mappa tal-Ewropa u r-reġjuni ultraperiferiċi tagħha.

Deskrizzjoni twila. Il-mappa turi l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fl-Ewropa kontinentali kif ukoll ir-reġjuni ekstra-Ewropej ta’ Franza (il-Guyana, Réunion, Martinique, Mayotte, Guadeloupe u St Martin), Spanja (il-Gżejjer Kanarji), il-Portugall (Madeira u l-Azores) u n-Netherlands (St Maarten).

Tabella li fiha data dwar l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Deskrizzjoni twila. L-Awstrija ssieħbet fl-UE fl-1995; għandha popolazzjoni ta’ 9.0 miljun persuna u tuża l-ewro. Il-Belġju ssieħeb fl-UE fl-1958; għandu popolazzjoni ta’ 11.6 miljun persuna u juża l-ewro. Il-Bulgarija ssieħbet fl-UE fl-2007; għandha popolazzjoni ta’ 6.8 miljun persuna u tuża l-lev; mhijiex parti miż-żona Schengen. Il-Kroazja ssieħbet fl-UE fl-2013; għandha popolazzjoni ta’ 3.9 miljun persuna u tuża l-kuna; mhijiex parti miż-żona Schengen. Ċipru ssieħeb fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 0.9 miljun persuna u tuża l-ewro; mhijiex parti miż-żona Schengen. Iċ-Ċekja ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 10.5 miljun persuna u tuża l-krona. Id-Danimarka ssieħbet fl-UE fl-1973; għandha popolazzjoni ta’ 5.9 miljun persuna u tuża l-krona. L-Estonja ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 1.3 miljun persuna u tuża l-ewro. Il-Finlandja ssieħbet fl-UE fl-1995; għandha popolazzjoni ta’ 5.5 miljun persuna u tuża l-ewro. Franza ssieħbet fl-UE fl-1958; għandha popolazzjoni ta’ 67.8 miljun persuna u tuża l-ewro. Il-Ġermanja ssieħbet fl-UE fl-1958; għandha popolazzjoni ta’ 83.2 miljun persuna u tuża l-ewro. Il-Greċja ssieħbet fl-UE fl-1981; għandha popolazzjoni ta’ 10.6 miljun persuna u tuża l-ewro. L-Ungerija ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 9.7 miljun persuna u tuża l-forint. L-Irlanda ssieħbet fl-UE fl-1973; għandha popolazzjoni ta’ 5.1 miljun persuna u tuża l-ewro; mhijiex parti miż-żona Schengen. L-Italja ssieħbet fl-UE fl-1958; għandha popolazzjoni ta’ 59.0 miljun persuna u tuża l-ewro. Il-Latvja ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 1.9 miljun persuna u tuża l-ewro. Il-Litwanja ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 2.8 miljun persuna u tuża l-ewro. Il-Lussemburgu ssieħeb fl-UE fl-1958; għandu popolazzjoni ta’ 0.6 miljun persuna u juża l-ewro. Malta ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 0.5 miljun persuna u tuża l-ewro. In-Netherlands issieħbet fl-UE fl-1958; għandha popolazzjoni ta’ 17.6 miljun persuna u tuża l-ewro. Il-Polonja ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 37.7 miljun persuna u tuża ż-zloty. Il-Portugall issieħeb fl-UE fl-1986; għandu popolazzjoni ta’ 10.4 miljun persuna u juża l-ewro. Ir-Rumanija ssieħbet fl-UE fl-2007; għandha popolazzjoni ta’ 19.0-il miljun persuna u tuża l-leu; mhijiex parti miż-żona Schengen. Is-Slovakkja ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 5.4 miljun persuna u tuża l-ewro. Is-Slovenja ssieħbet fl-UE fl-2004; għandha popolazzjoni ta’ 2.1 miljun persuna u tuża l-ewro. Spanja ssieħbet fl-UE fl-1986; għandha popolazzjoni ta’ 47.4 miljun persuna u tuża l-ewro. L-Iżvezja ssieħbet fl-UE fl-1995; għandha popolazzjoni ta’ 10.5 miljun persuna u tuża l-krona.

Żewġ ħaddiema tal-protezzjoni ċivili jarmaw apparat mediku f’żona tat-tagħbija. Mal-ġenb, kaxxa tar-RescEU bil-bandiera Ewropea.
Konsenja ta’ tagħmir mediku mir-riżerva tar-rescEU fi Praga, iċ-Ċekja, l-24 ta’ Ottubru 2020.

X’qed tagħmel l-UE
biex tindirizza l-kwistjonijiet il-kbar li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum?

F’din it-taqsima tista’ ssib informazzjoni dwar xi wħud mill-kwistjonijiet il-kbar li qed taħdem fuqhom l-UE biex ittejjeb il-ħajja tan-nies. Biex tara kif l-UE tieħu azzjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ prijorità fl-aġenda tagħha, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima “Min jagħmel xiex?”. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha tal-UE fuq is-sit web tal-UE: europa.eu

COVID-19

Il-pandemija tal-coronavirus wasslet għal traġedja umana, lockdowns u tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u l-UE kif ukoll il-bqija tad-dinja għaddew minn prova li qatt ma kienu raw qabel. Il-prijorità tal-UE mill-bidu tal-kriżi kienet li ssalva l-ħajjiet u tipproteġi l-impjiegi. Minbarra li ħadet azzjoni biex trażżan it-tixrid tal-virus, hija ħadmet biex tappoġġa s-sistemi tas-saħħa nazzjonali u biex tgħin lill-Ewropa terġa’ tqum fuq saqajha.

Sal-aħħar tal-2021, ġew awtorizzati ħames tilqimiet kontra l-COVID-19 biex jintużaw fl-UE. Filwaqt li l-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-politiki tas-saħħa tagħhom stess u għat-tilqim taċ-ċittadini tagħhom stess, l-UE tipprovdi appoġġ u tgħin fil-koordinazzjoni, pereżempju billi tiżgura l-provvisti tat-tilqim biex b’hekk l-ebda pajjiż ma spiċċa b’xejn.

Il-programmi ta’ tilqim bdew madwar l-UE f’Diċembru tal-2020 u sa tmiem l-2021, kważi 80 % tal-popolazzjoni adulta tal-UE kienet irċeviet tal-inqas doża waħda tal-vaċċin. Sistema komuni ta’ ċertifikati tat-tilqim għenet ukoll biex in-nies fl-UE jerġgħu jibdew jivvjaġġaw faċilment.

L-UE hija impenjata li tiżgura li tilqimiet sikuri jaslu f'kull naħa tad-dinja, u esportat mijiet ta’ miljuni ta’ dożi lil pajjiżi oħrajn. Hija wkoll wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-COVAX, l-inizjattiva globali għal aċċess ġust għat-tilqim kontra l-COVID-19. L-UE qed taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha biex tiżgura li d-dinja tkun ippreparata għal pandemiji futuri. Ħolqot l-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) li se tiżgura li l-UE jkollha l-mediċini u t-tagħmir li teħtieġ meta jseħħ theddid għas-saħħa.

L-UE u l-Istati Membri tagħha wrew solidarjetà liema bħalha matul il-pandemija. Pereżempju, l-isptarijiet madwar l-Ewropa ttrattaw pazjenti minn pajjiżi oħra, filwaqt li l-UE kkoordinat it-trasport ta’ tagħmir protettiv lejn fejn kien l-aktar meħtieġ. Ir-riżerva medika tar-rescEU (il-ħażna komuni Ewropea ta’ tagħmir mediku ta’ emerġenza) għenet lill-Istati Membri li kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ tagħmir.

Ħaddiem tas-saħħa bl-irkaptu protettiv jagħti vaċċin lil mara mit-tieqa tal-karozza.
Post fejn in-nies jitlaqqmu fil-karozza, Milan, l-Italja, it-23 ta’ Marzu 2021.

L-UE qed tieħu azzjoni wkoll biex tiżgura rkupru ekonomiku rapidu mill-pandemija. Mill-2021 sal-2027, il-finanzjament ta’ € 2 018 biljun (fi prezzijiet attwali) se jgħin lin-nies, lill-kumpaniji u lir-reġjuni madwar l-UE. Dan it-total jinkludi fond ta’ rkupru speċjali ta’ € 807 biljun, magħruf bħala n-NextGenerationEU. L-UE għandha l-għan li tiżgura l-irkupru b’saħħtu tal-Ewropa mill-COVID-19 billi tinvesti fi proġetti u f’inizjattivi biex tagħmilha aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar kapaċi tindirizza l-isfidi futuri.

Ħarsa ġenerali lejn l-infiq tal-UE mill-2021 sal-2027

Deskrizzjoni twila. It-total ta’ EUR 2 018 biljun huwa magħmul mill-baġit tal-UE għal seba’ snin (EUR 1 211-il biljun) flimkien ma’ EUR 807 biljun minn NextGenerationEU, il-pakkett ta’ rkupru għall-COVID-19.

Barra minn hekk , l-inizjattiva SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza) qed tgħin biex jinżammu l-impjiegi u jiġu appoġġati l-familji f’19-il Stat Membru.

Sir af aktar dwar l-azzjoni tal-UE dwar il-COVID-19.

Tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima u l-ħsara lill-ambjent huma ta’ theddida għall-Ewropa u għad-dinja.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija tal-UE biex tinħoloq ekonomija Ewropea moderna u kompetittiva. L-għan tiegħu hu li jagħmel l-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, u f’dak il-punt ma nibqgħux nipproduċu aktar gassijiet serra milli jistgħu jassorbu l-ekosistemi tagħna b’mod naturali.

Bħala l-ewwel stadju importanti f’din it-triq ambizzjuża, l-UE stabbiliet mira ġdida li tnaqqas l-emissjonijiet netti tagħha ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-oqsma kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija se jkollhom rwol x’jaqdu — mill-industrija, l-enerġija u t-trasport, sal-produzzjoni tal-ikel, l-agrikoltura u l-kostruzzjoni. Se jingħata appoġġ finanzjarju lil dawk ir-reġjuni, l-industriji u l-ħaddiema li jħabbtu wiċċhom mal-akbar sfidi. F’Lulju 2021 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett ta’ miżuri biex tiżgura li l-UE tilħaq l-objettivi tagħha skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Xi tfisser għalik?

Infografika dwar il-benefiċċji tal-mira li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Deskrizzjoni twila. Uħud mill-benefiċċji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra se jkunu: 40 % ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE sal-2030; mill-inqas 55 % inqas imwiet minħabba t-tniġġis tal-arja sal-2030; miljun punt tal-iċċarġjar elettriku madwar l-UE sal-2025; tranżizzjoni ġusta, ibbażata fuq is-solidarjetà Ewropea; miljun impjieg ekoloġiku addizzjonali fl-UE sal-2030; trasport pubbliku aktar nadif u fjuwils aktar sostenibbli; protezzjoni u r-restawr tal-foresti Ewropej, 3 biljun siġra addizzjonali miżrugħa sal-2030 u ekonomija tal-UE modernizzata u reżiljenti.

Il-benefiċċji tal-mira li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Ilkoll nistgħu nagħtu s-sehem tagħna — nistgħu nnaqqsu kemm naħlu ikel u nirriċiklaw aktar, nużaw ir-rota minflok il-karozza, jew inkella nħawlu siġra. Jekk tixtieq tinvolvi ruħek, ħares ftit lejn il-Patt Klimatiku Ewropew, li jlaqqa’ lin-nies u lill-organizzazzjonijiet flimkien biex jaqsmu informazzjoni dwar l-azzjoni klimatika? Għinna noħolqu Ewropa aktar ekoloġika!

Natura 2000 huwa l-akbar network tad-dinja ta’ żoni protetti, li jissalvagwardja eluf ta’ postijiet ta’ kenn għallispeċijiet u l-ħabitats l-aktar prezzjużi u mhedda tal-Ewropa.

Linċi Iberiku jħares fil-kamera b’żewġt ifrieħ fl-isfond.

© LIFE06 NAT/E/000209/Aixa SOPEÑA.

Il-linċi Iberiku ma għadux fil-periklu tal-estinzjoni fil-Portugall u fi Spanja bis-saħħa tal-isforzi ta’ bosta, fosthom tal-ħidma ta’ proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE tal-UE. L-irkupru ta’ din l-ispeċi huwa waħda mill-aqwa stejjer ta’ suċċess tal-Ewropa fejn tidħol il-konservazzjoni tal-annimali.

L-UE ffinanzjat il-konverżjoni ta’ żewġ bastimenti tal-passiġġieri u tal-merkanzija biex minflok b'żejt tqil jaħdmu b'batteriji elettriċi aktar ekoloġiċi. Dawn joperaw fuq ir-rotta attiva bejn Helsingør (id-Danimarka) u Helsingborg (l-Iżvezja). Il-bastimenti kkonvertiti jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tal-arja f’dawn iż-żoni b’popolazzjoni densa.

Mill-inqas 30 % tal-infiq tal-UE bejn l-2021 u l-2027 se jmur għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu.

Nisfruttaw it-trasformazzjoni diġitali kemm nifilħu

Fis-soċjetà tal-lum, hemm bżonn li lkoll inkunu nifhmu fit-tekonoloġija diġitali, kemm jekk biex nużaw servizzi bankarji online u nixtru mid-dar, u kemm biex nużaw it-teknoloġija fl-impjiegi tagħna. Biex iżżomm lil kulħadd aġġornat, u biex tiżgura li l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem nett fejn tidħol it-teknoloġija, l-UE qiegħda tinvesti f’kollox, mill-ħiliet diġitali u s-supercomputing, sal-konnettività b’veloċità għolja u ċibersigurtà aħjar.

L-UE qed taħdem biex tiżgura li d-dinja online tkun sikura u ġusta kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji. Bis-saħħa tar-regoli tal-UE, illum għandna aktar kontroll fuq id-data personali tagħna u fuq kif jużaha ħaddieħor.

L-UE fid-dinja

L-UE taħdem biex tippromwovi, tippreserva u tiddefendi l-paċi fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Taħdem ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet sħab biex twieġeb għal theddid globali u transreġjonali għas-sigurtà u l-paċi.

Labra tal-bandiera tal-UE fuq żigarella blu u safra li tissimbolizza s-solidarjetà mal-Ukrajna.

Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022, l-UE tat rispons malajr b’appoġġ għall-Ukrajna u l-poplu tagħha. Dan kien jinkludi għajnuna umanitarja, assistenza ta’ emerġenza, appoġġ finanzjarju u operazzjonali, assistenza u appoġġ militari fil-fruntiera tal-UE u fir- Repubblika tal-Moldova.

L-UE ħadet ukoll il-miżura eċċezzjonali li tagħti protezzjoni temporanja lil miljuni ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Dan ifisser li issa għandhom aċċess għal akkomodazzjoni, skejjel, kura tas-saħħa u impjiegi fl-UE.

L-UE tinsab f’solidarjetà mal-Ukrajna. Mexxiet il-kundanna internazzjonali talaggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u imponiet sensiela ta’ sanzjonijiet li jolqtu ħażin lir-Russja u lil dawk kompliċi fil-gwerra.

Flimkien, l-UE u l-pajjiżi membri tagħha huma l-akbar donatur ta’ għajnuna internazzjonali fid-dinja. Fl-2021, ipprovdew € 70.2 biljun biex jgħinu fl-indirizzar tal-faqar, javvanzaw l-iżvilupp sostenibbli globali u jindirizzaw l-impatt tal-pandemija tal- COVID-19.

Sir af aktar dwar l-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna.

Apparti milli taħdem mill-qrib mal-ġirien tagħha, l-UE qed tibni sħubijiet ġodda, b’mod partikolari mal-Afrika, u qed taħdem ma’ pajjiżi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, biex tindirizza sfidi komuni bħat-tibdil fil-klima u l-COVID-19. L-UE tagħmel ukoll ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi oħrajn, l-aktar reċentement mal-Kanada, mal-Ġappun u mal-Messiku. Dawn il-ftehimiet jespandu l-kummerċ li jappoġġa l-ekonomija tal-UE u li joħloq l-impjiegi.

Ngħinu lin-nies isibu xogħol

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus jgħin lin-nies isibu impjieg (jew impjieg aħjar), fosthom dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ xi żvantaġġi. Kull sena, il-fond jgħin lil madwar 10 miljun persuna jsibu impjieg jew ikomplu jsaħħu l-ħiliet li jkollhom.

L-UE qed tgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol. Pereżempju, l-iskema ta’ garanzija għaż-żgħażagħ għandha l-għan li tiżgura li kwalunkwe persuna taħt it-30 sena tirċievi offerta ta’ impjieg, edukazzjoni, apprendistat jew taħriġ ta’ kwalità tajba fi żmien 4 xhur minn meta tisfa qiegħda jew minn meta titlaq mill-edukazzjoni. Il-programm “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” jgħin ukoll liż-żgħażagħ isibu xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE.

Il-volontarjat huwa mod tajjeb ħafna kif tikkontribwixxi għall-komunitajiet lokali f’pajjiżek jew barra minnu, filwaqt li tiżviluppa ħiliet ġodda u tagħmel il-ħbieb. Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jagħmlu l-volontarjat jew li jaħdmu fi proġetti f’pajjiżhom stess jew barra minn pajjiżhom. Il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja joffri lil dawk li għandhom aktar minn 18-il sena l-opportunità li jipparteċipaw fi proġetti umanitarji madwar id-dinja.

Insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer

L-UE hija ddeterminata li twettaq bidliet kbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-kanċer. B’€ 4 biljun ta’ finanzjament, il-Pjan tal-Ewropa Biex Jingħeleb il-Kanċer ifassal approċċ ġdid tal-UE għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-kanċer. Il-finanzjament mill-UE diġà wassal għal riċerka rivoluzzjonarja — mill-immudellar 3D tat-tumuri għall-identifikazzjoni tal-kanċer min-nifs ta’ dak li jkun.

Professjonist fil-kura tas-saħħa qed iwettaq MRI fuq pazjent.
Infermier ilesti l-magna biex pazjent jagħmel MRI, Liège University Hospital, il-Belġju, l-24 ta’ Jannar 2020.

Unjoni ta’ ugwaljanza

L-UE qed tibni Ewropa ta’ ugwaljanza. Dan ifisser li n-nisa u l-irġiel għandhom jingħataw paga ugwali għal xogħol ugwali, li l-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod ugwali fl-aspetti kollha tal-ħajja, u li r-razziżmu ma jiġix ittollerat. Ifisser li n-nies ma għandhomx jiġu esklużi jew emarġinati, u li n-nies għandu jkollhom il-libertà li jħobbu lil min iridu.

Il-migranti u ċ-ċittadini tal-UE li għandhom sfond ta’ migrazzjoni jaqdu rwol ewlieni fis-soċjetà Ewropea, inkluż bħala ħaddiema essenzjali. L-UE qed taħdem biex tiżgura li kulħadd ikun jista’ jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà billi tiffoka fuq affarijiet bħal aċċess aħjar għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Nipproteġu n-nies

Is-sikurezza u s-sigurtà tan-nies fl-Ewropa, kemm fid-dinja fiżika kif ukoll f’dik diġitali, huma prijorità ewlenija għall-UE. Hija taħdem kuljum biex tindirizza t-theddid bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-kummerċ tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin.

Il-gideb dwar il-COVID-19, it-tqarriq perikoluż, it-teoriji ta’ komplott u l-frodi tal-konsumatur kollha huma ta’ theddida, inkluż għas-saħħa pubblika. L-UE qed taħdem ma’ kumpaniji tal-media soċjali u ma’ pjattaformi online biex tillimita t-tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa u ta’ aħbarijiet foloz fl-Ewropa. L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali jappoġġa l-ħidma ta’ verifikaturi indipendenti tal-fatti u għandu l-għan li jsir iċ-ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online.

Sir af aktar dwar il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea.

Ewropa tfisser kultura

X’għandhom komuni dawn il-films kollha li rebħu Oscar: Slumdog Millionaire, Son of Saul, The Father u Another Round? Kollha kemm huma ngħataw appoġġ mit-taqsima MEDIA tal-programm Ewropa Kreattiva tal-UE.

Il-belt tiegħek hija l-Kapitali Ewropea tal-Kultura li jmiss? Dan it-titolu tant preġjat ingħata lil aktar minn 50 belt madwar l-UE. Huwa jitfa’ dawl fuq l-artisti lokali u fuq il-ġid kulturali uniku ta’ kull belt.

Esplora l-arti u l-kultura tal-Ewropa mill-kumdità ta’ darek! Il-pjattaforma diġitali Europeana tagħti aċċess għal aktar minn 58 miljun oġġett minn kollezzjonijiet ta’ aktar minn 4 000 istituzzjoni kulturali.

Tifla b’xi karti tal-logħob bl-istilel mill-bandiera tal-UE fuq in-naħa ta’ wara.

X’inhuma wħud
mill-affarijiet li tagħmel l-UE għalija?

Tista’ tgħix u taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE. Agħti titwila lejn il-portal tal-EURES għall-pożizzjonijiet tax-xogħol vakanti u pariri prattiċi.

Tista’ tirtira fi kwalunkwe pajjiż tal-UE (flimkien mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera) u tirċievi l-pensjoni tal-istat tiegħek hemmhekk.

Tista’ tistudja jew tagħmel kors ta’ taħriġ f’pajjiż ieħor tal-UE. Aktar minn 10 miljun persuna ħadu sehem fil-programm Erasmus mindu beda fl-1987.

L-UE neħħiet it-tariffi tar-roaming fl-2017: issa huwa irħas biex iżżomm kuntatt mal-ħbieb u mal-familja int u tivvjaġġa madwar l-UE. L-abbonamenti diġitali li jkollok jivvjaġġaw miegħek ukoll!

Jekk timrad waqt li tkun qed iżżur pajjiż ieħor tal-UE, il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiżgura li tista’ tikseb kura tas-saħħa pprovduta mill-istat. Tiġi ttrattat(a) bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess rati bħall-persuni assigurati f’dak il-pajjiż.

Tista’ taqbad mal-internet b’xejn bil-hotspots WiFi4EU, li jinsabu f’żoni pubbliċi f’madwar 8 000 komunità lokali madwar l-UE. Fittex dan is-simbolu:

Tista’ tuża munita waħda — l-euro — f'19-il pajjiż tal-UE.

Tista’ ddur madwar l-UE b’moħħok mistrieħ. Meta tivvjaġġa bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur, b’tal-linja jew bil-coach, tkun protett(a) b’sett sħiħ ta’ drittijiet tal-passiġġieri.

Il-ġugarelli jridu jissodisfaw regoli stretti dwar is-sikurezza qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu fl-UE.

Ir-regoli tal-UE jagħmluha possibbli li tikkanċella jew li tirritorna prodott li tkun xtrajt online fi żmien 14-il jum bla ma jkollok tagħti raġuni.

In-nies fl-UE jibbenefikaw minn uħud mill-aktar standards stretti tad-dinja għal ikel sikur u tajjeb għas-saħħa.

Flus sa € 100 000 mfaddlin il-bank dejjem jiġu protetti.

Sir af aktar dwar x’qed tagħmel l-UE għalik.

Familja tiċċikla minn ċentru tal-belt fil-Ħadd Bla Karozzi.

X’qed tagħmel l-UE
biex ittejjeb l-affarijiet fejn ngħix jien?

Bejn l-2014 u l-2020, l-UE investiet ’il fuq minn € 460 biljun fir-reġjuni tagħha.

L-UE tinvesti lokalment fl-ibliet u fir-reġjuni biex tagħti spinta lill-impjiegi u lill-ekonomija u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja. Hija għandha l-għan li tagħmel differenza f’ħames oqsma ewlenin:

  • tgħin lin-nies biex isibu xogħol u jirċievu edukazzjoni, jew tgħin biex tinkludihom fis-soċjetà;
  • in-negozji żgħar u ta’ daqs medju;
  • ir-riċerka u l-innovazzjoni;
  • il-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent;
  • l-immodernizzar tat-trasport u tal-enerġija biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.

Ninvestu fin-nies u fil-postijiet

Ħares waħda madwarek u ma ddumx ma tilmaħ skola, pont, sptar jew proġett ieħor li bbenefika mill-finanzjament mill-UE. Eluf ta’ proġetti rċevew appoġġ mill-programmi reġjonali tal-UE matul is-snin. Hawn taħt hawn biss ftit eżempji ta’ proġetti li, jew issa jew minn hawn u ftit ieħor, jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies madwar l-UE.

Insalvaw il-ħajjiet bi sptar ta’ emerġenza ġdid fir-Rumanija

Qed jiġu investiti € 47 miljun f’finanzjament mill-UE biex jinbena sptar fi Cluj, ir-Rumanija, mgħammar b’teknoloġija avvanzata biex jgħin lil pazjenti b’mard serju. Dan se jifforma parti minn network ta’ sptarijiet ta’ emerġenza reġjonali u se jikkontribwixxi għall-isforzi tar-Rumanija biex iżżid l-aċċess għall-kura tas-saħħa.

Konnessjonijiet tat-toroq aħjar fil-Greċja

Ir-residenti, it-turisti u n-negozji fil-Greċja kollha se jibbenefikaw minn sezzjoni ġdida importanti tal-awtostradi. Finanzjament mill-UE b’valur ta’ € 255 miljun qed jappoġġa l-kostruzzjoni tal-konnessjoni nieqsa bejn Lamia u Xyniada. Din se tgħaqqad ir-reġjuni tal-Greċja Ċentrali u tat-Tessalija tal-Punent man-network ewlieni tal-awtostradi.

Għawm sostenibbli fil-Belġju

Rinnovazzjoni ta’ pixxina f’Vrije Universiteit Brussel (l-Università Libera ta’ Brussell) qed tiġbed ħafna attenzjoni għas-sostenibbiltà tagħha. Il-faċilità l-ġdida tuża 60 % inqas enerġija u tarmi 500 tunnellata ta’ CO2 inqas fis-sena meta mqabbla mal-pixxina l-qadima, u hija miftuħa għal għawwiema minn barra l-Università. Il-proġett irċieva ftit aktar minn € 2 miljun f’finanzjament mill-UE.

Bliet u reġjuni aktar ekoloġiċi

Provvista tal-enerġija aktar affidabbli u effiċjenti fiċ-Ċekja, 21 ferrovija elettrika ġdida biex jittejjeb in-network ferrovjarju fil-Kroazja u miżuri biex tiżdied is-sikurezza kontra l-għargħar fl-Ungerija huma fost 14-il proġett ekoloġiku li se jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE. Aktar minn € 1.4 biljun ta’ fondi mill-UE qed jiġu investiti f’seba’ pajjiżi tal-UE f’oqsma bħall-ambjent, is-saħħa, it-trasport u l-enerġija.

Konnessjonijiet tal-internet aktar veloċi fi Sqallija

Aktar minn 2.3 miljun persuna fi Sqallija, l-Italja, qed jibbenefikaw minn aċċess għall-internet b’veloċità għolja bis-saħħa ta' proġett appoġġat minn € 55 miljun f’finanzjament mill-UE. Aktar minn 1.2 miljun unità domestika ġew konnessi ma’ broadband ultraveloċi fid-disa’ provinċji ta’ Sqallija.

Postijiet għal-logħob ekoloġiċi f’Pariġi

Btieħi tal-iskejjel tal-konkrit f’Pariġi qed jinbidlu fi gżejjer friski u ekoloġiċi li kapaċi jaħżnu l-ilma u jnaqqsu s-sħana. Bl-appoġġ ta’ kważi € 5 miljun f’finanzjament mill-UE, il-proġett OASIS qed jgħin biex jipproteġi lir-residenti ta’ Pariġi mill-effetti tat-tibdil fil-klima, filwaqt li joħloq spazji fejn it-tfal jistgħu jieħdu gost.

Kif nista’ nirċievi l-għajnuna bil-finanzjament?

Riċerkatur, bidwi, imprenditur jew artist? Sir af min huwa eliġibbli għall-finanzjament:

https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/how-apply/eligibility-who-can-get-funding_mt

Sir af kif taċċessa l-finanzjament għar-reġjuni:

https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/funding/accessing-funds/

Pijunieri tal-UE

Pijunieri tal-UE. Minn ġellieda tar-reżistenza u mexxejja politiċi, għal attur famuż madwar id-dinja, sir af aktar dwar in-nisa u l-irġiel li ispiraw il-ħolqien tal-Ewropa li ngħixu fiha llum. Dawn jinkludu lil: Konrad Adenauer, Ursula Hirschmann, Anna Lindh, Melina Mercouri, Jean Monnet, Robert Schuman, Altiero Spinelli, Simone Veil, Louise Weiss.

Minn ġellieda ta’ reżistenza u mexxejja politiċi, għal attur famuż madwar id-dinja, sir af aktar dwar in-nisa u l-irġiel li ispiraw il-ħolqien tal-Ewropa li ngħixu fiha llum.

Avvenimenti sinifikanti tal-UE

1950

9 ta’ Mejju

Id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza Robert Schuman jipproponi li l-produzzjoni tal-faħam u tal- azzar tinġabar flimkien sabiex l-ebda pajjiż ma jkun jista’ joħloq l-armi u jdur kontra pajjiż ieħor.

1952

23 ta’ Lulju

Tiġi stabbilita l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

1957

25 ta’ Marzu

Jiġu ffirmati t-Trattati ta’ Ruma minn sitt pajjiżi — il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Dawn joħolqu suq komuni, il-Komunità Ekonomika Ewropea, mill-1 ta’ Jannar 1958.

1962

30 ta’ Lulju

Titnieda l-politika agrikola komuni, li tgħin biex jiġu ssalvagwardjati l-provvisti tal-ikel u jiġu appoġġati l-bdiewa u ż-żoni rurali.

1968

1 ta’ Lulju

Jiġu eliminati d-dazji doganali bejn is-sitt Stati Membri.

1979

7–10 ta’ Ġunju

Għall-ewwel darba, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jivvutaw għal min jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew.

1987

15 ta’ Ġunju

Jitnieda l-programm ta’ skambju tal-istudenti Erasmus.

1989

 

Il-kollass tal-komuniżmu iwassal għal mewġa ta’ bidla favur id-demokrazija fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

1993

1 ta’ Jannar

Jitnieda s-Suq Uniku, fejn in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-flus jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu.

1993

1 ta’ Novembru

Tinħoloq l-Unjoni Ewropea.

1995

26 ta’ Marzu

Il-Ftehim ta’ Schengen ineħħi l-kontrolli fuq il-fruntieri bejn ċerti Stati Membri. Issa hemm 22 minnhom li jibbenefikaw minn dan il-vantaġġ.

2002

1 ta’ Jannar

Jidhru għall-ewwel darba l-karti u l-muniti tal-Euro, li llum il-ġurnata jintużaw f'19-il pajjiż tal-UE.

2012

1 ta’ April

Titnieda l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

2012

10 ta’ Diċembru

L-UE tingħata l-Premju Nobel għall-Paċi.

2015

12 ta’ Diċembru

Total ta’ 195 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, jadottaw il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

2017

15 ta’ Ġunju

Jispiċċaw it-tariffi tar-roaming.

2020

Jannar

Il-COVID-19 tilħaq l-Ewropa, u dan jagħti bidu għall-akbar rispons għal emerġenza tas-saħħa pubblika li qatt kien hemm fl-istorja tal-UE.

2021

9 ta’ Mejju

Titnieda l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li tagħti liċ-ċittadini tal-UE l-opportunità li jsawru l-futur komuni tagħhom.

Ritratt minn fuq b’angolu wiesa’ tal-Parlament Ewropew qed jimtela’ bin-nies.
Is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell, il-Belġju, is-26 ta’ April 2021.

Kif taħdem l-Unjoni Ewropea?

Kulma tagħmel l-UE huwa bbażat fuq trattati li fihom ir-regoli dwar kif taħdem l-UE. Dawn ġew miftiehma b’mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi kollha tal-UE.

L-UE tieħu azzjoni f’dawk l-oqsma fejn l-Istati Membri tagħha jkunu tawha l-awtorizzazzjoni biex taġixxi u fejn ikun jagħmel sens li kulħadd jaġixxi flimkien, bħat-tibdil fil-klima jew il-kummerċ madwar id-dinja.

It-trattati tal-UE jispeċifikaw min jista’ jgħaddi l-liġijiet u f’liema oqsma jistgħu jgħadduhom: l-UE, il-gvernijiet nazzjonali jew it-tnejn. Il-pajjiżi tal-UE għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu d-deċiżjonijiet u li joħolqu l-liġijiet tagħhom stess f’ċerti oqsma ta’ politika nazzjonali, bħall-industrija, is-saħħa u l-edukazzjoni, filwaqt li l-UE tipprovdi appoġġ. F’oqsma fejn l-UE jew il-gvernijiet nazzjonali jistgħu jaġixxu, l-UE tista’ tagħmel dan biss jekk tista’ taġixxi b’mod aktar effettiv.

Biex jilħqu l-għanijiet tagħhom, il-pajjiżi tal-UE ħolqu għadd ta’ istituzzjonijiet biex jieħdu deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u mbagħad iwettquhom.

Min jagħmel xiex?

Il-Parlament Ewropew, li jinsab fi Strasburgu u fi Brussell, jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini tal-UE. Flimkien mal-Kunsill, dan huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-UE.

Is-705 Membri tal-Parlament Ewropew, magħrufa wkoll bħala MPE, jiġu eletti direttament mill-votanti tal-UE kull 5 snin. L-aktar elezzjoni riċenti kienet fl-2019. Kull pajjiż tal-UE jeleġġi għadd ta’ membri, b’mod proporzjonali għall-popolazzjoni tiegħu. L-MEPs ma jpoġġux fi gruppi skont in-nazzjonalità tagħhom, iżda fi gruppi politiċi li jkopru diversi pajjiżi, jew inkella bħala membri indipendenti. Roberta Metsola hija l-President attwali tal-Parlament Ewropew.

Rappreżentazzjoni tal-kompożizzjoni attwali tal-Parlament Ewropew.

Deskrizzjoni twila. Il-Parlament Ewropew huwa magħmul minn 705 Membri. Maqsumin fi gruppi politiċi. Il-gruppi (f’ordni dixxendenti skont l-għadd ta’ membri) huma: Il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani); Il-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew; Il-Grupp Renew Europe; Il-Grupp Identità u Demokrazija; Il-Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea; Il-Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej; Il-Grupp tax-Xellug fil-Parlament Ewropew - GUE/NGL; Membri mhux affiljati.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, magħruf ukoll bħala l-Kunsill, huwa magħmul mill-ministri tal-gvernijiet tal-pajjiżi kollha tal-UE. Flimkien mal-Parlament Ewropew, dan huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-UE. Kull 6 xhur, pajjiż differenti tal-UE jkollu l-presidenza tal-Kunsill. Biex jiżguraw il-kontinwità, il-Presidenzi jaħdmu flimkien mill-qrib fi gruppi ta’ tlieta fuq aġenda komuni matul perjodu ta’ 18-il xahar.

Wieħed ma għandux jitfixklu mal-Kunsill Ewropew, li huwa magħmul mill-mexxejja tal-pajjiżi kollha tal-UE. Dan jistabbilixxi d-direzzjoni politika u l-prijoritajiet tal-UE. Charles Michel huwa l-President attwali tal-Kunsill Ewropew.

Il-Kummissjoni Ewropea hija s-servizz ċivili tal-UE. Hija għandha d-dritt li tipproponi azzjonijiet u liġijiet ġodda, imbagħad il-Parlament u l-Kunsill jieħdu deċiżjoni dwarhom. Għandha wkoll ir-responsabbiltà li tiżgura li r-regoli tal-UE jiġu applikati kif suppost. Il-Kummissjoni titmexxa mill-President Ursula von der Leyen u mit-tim ta’ Kummissarji tagħha — wieħed minn kull pajjiż tal-UE.

Il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea jridu jsegwu r-regoli tal-UE u jilħqu l-miri li jidħlu għalihom; jekk le l-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni kontrihom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi infurzat u applikat bl-istess mod f’kull pajjiż tal-UE.

Il-Bank Ċentrali Ewropew jieħu ħsieb l-ewro. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jżomm il-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-ewro.

Min iħallas għall-UE?

Il-flus li tonfoq l-UE (il-baġit tal-UE) jiġu minn diversi sorsi: id-dazji doganali; il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) miġbura mill-pajjiżi tal-UE; u kontribuzzjonijiet diretti mill-pajjiżi tal-UE. Sors ġdid ta’ dħul — imposta fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat — ġie introdott f’Jannar 2021.

Kemm jekk jikkontribwixxi għal toroq, ferroviji u ajruporti ġodda u aħjar, jew jiżviluppa ż-żoni rurali jew jiffaċilita opportunitajiet ta’ studju barra, il-baġit tal-UE jgħin biex l-affarijiet li huma importanti għan-nies fl-UE jissarrfu f’realtà. Minbarra li qed imexxi t-trasformazzjoni diġitali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, dan jgħin ukoll biex inaqqas id-disparitajiet fi ħdan il-pajjiżi tal-UE u bejniethom.

Ritratt mill-qrib ta’ parteċipanta li minn fost l-udjenza qed tieħu ritratt tal-panel.
Persuni jieħdu sehem fit-tielet sessjoni tal-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar id-demokrazija, il-valuri u d-drittijiet Ewropej, l-istat tad-dritt u s-sigurtà, Fiesole, l-Italja, it-12 ta’ Diċembru 2021.

Kif nista’
ninvolvi ruħi?

L-Ewropej jistgħu jgħinu fit-tiswir u fit-titjib tal-UE b’ħafna modi. Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, pereżempju, ipprovdiet opportunità unika għaċ-ċittadini biex jaqsmu t-tamiet u l-aspettattivi tagħhom għas-snin.

Imnedija fir li ġejjin. rebbiegħa tal-2021 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-inizjattiva għal sena sħiħa kienet tinvolvi sensiela ta’ dibattiti u diskussjonijiet immexxija miċ-ċittadini dwar għadd ta’ prijoritajiet u sfidi ewlenin.

Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu wkoll isemmgħu leħinhom billi jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej kull 5 snin.

Skopri aktar dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Sir af liema MEPs jirrappreżentaw lil pajjiżek.

Qatt ħsibt jekk hemmx liġi tal-UE li tista’ tkun aħjar? Jekk iva, tista’ tgħin biex ir-regoli tal-UE jsiru adattati għall-futur billi tagħti suġġerimenti dwar kif il-liġijiet eżistenti jistgħu jiġu ssimplifikati u mmodernizzati. Tista’ wkoll taqsam ħsibijietek dwar politiki ġodda. Qis li ssemma’ leħnek dwar il-kwistjonijiet li huma importanti għalik. Tista’ tikkontribwixxi fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Jekk jogħġbuk id-dibattiti pubbliċi, għaliex ma tiħux sehem f’wieħed mill-ħafna djalogi maċ-ċittadini li jsiru madwar l-UE kull sena? Dan huwa ċ-ċans biex tistaqsi mistoqsijiet lill-politiċi tal-UE u tgħidilhom kif il-politiki tal-UE jaffettwawk. Ara meta u fejn se jsiru d-djalogi li ġejjin.

Permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tista’ titlob lill-Kummissjoni tipproponi liġi ġdida. L-ewwel trid tiġbor appoġġ għall-kawża tiegħek. Kif inizjattiva tilħaq miljun firma, il-Kummissjoni tiddeċiedi x’azzjoni tieħu. S’issa, sitt inizjattivi taċ-ċittadini laħqu n-numru ta’ firem meħtieġ.

L-ewwel inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ta’ suċċess, Right2Water, wasslet għal regoli ġodda biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-kwalità tal-ilma tax-xorb, kif ukoll aċċess aktar faċli għalih għal gruppi vulnerabbli.

Raġel jipparteċipa fi Djalogu maċ-Ċittadini bilwieqfa u qed jitkellem.
Membru tal-udjenza jingħaqad fid-dibattitu fi djalogu maċ-ċittadini, Esch-sur-Alzette, il-Lussemburgu, l-20 ta’ Jannar 2020.

Fejn nista’ nsib iktar informazzjoni?

Hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru tiegħek hawnhekk: https://europa.eu/european-union/contact/meet-us_mt

Tista’ tikkuntattja lill-Europe Direct:

— fuq in-numru tat-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jistgħu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),

— fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew

— bl-email fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu.

Tista’ tniżżel jew tordna pubblikazzjonijiet tal-UE kemm dawk li huma b’xejn kif ukoll dawk li huma bi ħlas minn: https://op.europa.eu/mt/web/general-publications/publications

Għall-għajnuna u pariri għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE, żur L-Ewropa Tiegħek: https://europa.eu/youreurope/index_mt.htm

Għal materjal edukattiv, logħob u kwiżżijiet, żur ir-Rokna tat-Tagħlim: https://europa.eu/learning-corner/home_mt

Skopri l-Portal taż-Żgħażagħ: https://europa.eu/youth/EU_mt

Il-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżek: https://ec.europa.eu/info/about-european-commission/contact/representations-member-states_mt

Il-Parlament Ewropew f’pajjiżek: https://www.europarl.europa.eu/at-your-service/mt/stay-informed/liaison-offices-in-your-country

In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/consumer-rights-and-complaints/resolve-your-consumer-complaint/european-consumer-centres-network-ecc-net_mt

Print ISBN 978-92-76-44232-5 doi:10.2775/773386 NA-05-21-344-MT-C
PDF ISBN 978-92-76-44217-2 doi:10.2775/290518 NA-05-21-344-MT-N
HTML ISBN 978-92-76-44243-1 doi:10.2775/76888 NA-05-21-344-MT-Q

Gwida Qasira għall-UE

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni

Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata

1049 Brussell

IL-BELĠJU

Kuntatt: COMM-A2@ec.europa.eu

Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minħabba l-użu mill-ġdid ta’ din il-pubblikazzjoni.

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39). Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.

Ir-ritratti kollha huma protetti mid-drittijiet tal-awtur © tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor.