Rapport Speċjali
Nru15 2019

Implimentazzjoni tal-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 fil-Kummissjoni - Iffrankar sinifikanti, iżda mhux mingħajr konsegwenzi għall-persunal

Dwar ir-rapport: Ir-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu l-qafas li jirregola l-impjieg ta’ uffiċjali u ta’ membri oħra tal-persunal mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Wara l-ewwel riforma estensiva fl-2004, ir-regoli reġgħu ġew emendati fl-2014 fi sforz biex titnaqqas in-nefqa fuq il-persunal tal-UE u biex jiġi razzjonalizzat aktar is-servizz pubbliku tal-UE. Aħna ħarisna lejn l-impatt tar-riformi tal-2014 fil-Kummissjoni u kkonkludejna li dawn wasslu għal iffrankar konsiderevoli fuq terminu twil. Madankollu, minkejja li l-forza tax-xogħol tal-Kummissjoni saret aktar diversa u flessibbli, l-impatt reali tal-bidliet fuq it-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi umani kien pjuttost limitat. Aħna sibna wkoll li l-pakkett tal-2014 kellu impatt negattiv fuq l-attraenza tal-Kummissjoni bħala impjegatur. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi futuri, jenħtieġ li l-monitoraġġ tal-forza tax-xogħol tal-Kummissjoni jkun immirat aħjar fuq ir-riskji emerġenti.
Ir-Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-Unjoni Ewropea timpjega madwar 60 000 persuna, b’tipi differenti ta’ kuntratti – permanenti u b’terminu qasir – fl-UE u f’pajjiżi terzi. It-termini ta’ impjieg tagħhom huma stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Madwar nofs il-membri tal-persunal tal-UE huma impjegati mill-Kummissjoni, li hija responsabbli biex tagħmel proposti għar-riformi tar-Regolamenti tal-Persunal. Is-salarji tal-persunal tal-Kummissjoni jammontaw għal EUR 3.2 biljun fis-sena, jew madwar 2 % tal-baġit totali tal-UE.

II

Fil-kuntest tan-negozjati baġitarji għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 (QFP), l-UE adottat pakkett ta’ miżuri biex tnaqqas in-nefqa fuq il-persunal u ttejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi umani (HR). Il-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 kien jinkludi tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet għall-persunal, iffriżar temporanju tas-salarji u tal-pensjonijiet, u reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

III

F’dan l-awditu aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni indirizzat l-isfida li tilħaq l-objettiv doppju kemm li jsir iffrankar baġitarju kif ukoll titjib fir-riżorsi umani. Aħna ddeċidejna li nwettqu dan ix-xogħol issa biex nipprovdu valutazzjoni tal-pakkett ta’ riformi tal-2014 lill-Kummissjoni u lill-awtorità baġitarja. Dan jista’ jkun utli fi kwalunkwe dibattitu futur dwar żviluppi fir-Regolamenti tal-Persunal. Il-partijiet ikkonċernati tagħna esprimew ukoll interess fir-riżultati kwalitattivi tal-pakkett ta’ riformi.

IV

L-għan tal-awditu kien li tiġi vvalutata l-effettività tar-riformi tal-2014, b’fokus fuq il-Kummissjoni. Aħna eżaminajna l-miżuri li ttieħdu biex niddeterminaw:

  • jekk kisbux l-iffrankar baġitarju li kien mistenni fil-livell tal-UE;
  • jekk tejbux is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fil-Kummissjoni; u
  • jekk inġenerali tħejjewx tajjeb, kif ukoll jekk l-implimentazzjoni tagħhom fil-Kummissjoni kinitx immonitorjata kif xieraq.
V

Aħna sibna li l-miżuri għat-tnaqqis tal-ispejjeż iġġeneraw iffrankar sinifikanti għall-baġit tal-UE. B’kollox, l-iffrankar taħt il-QFP għall-perjodu 2014-2020 x’aktarx jilħaq EUR 4.2 biljun, li huwa aktar mill-ammont li dwaru kien intlaħaq qbil oriġinarjament. Il-Kummissjoni tistenna wkoll li l-iffrankar fuq terminu twil li jirriżulta minn bidliet fl-età tal-irtirar, fl-istruttura tal-karriera u fil-pensjonijiet jirriżulta fi tnaqqis fin-nefqa amministrattiva tal-UE ta’ EUR 19.2 biljun matul il-perjodu mill-2014 sal-2064.

VI

Madankollu, l-impatt tal-pakkett ta’ riformi tal-2014 fuq il-ġestjoni tar-riżorsi umani kien varju. Il-bidliet fl-istruttura tal-karriera għamluha possibbli li jiġu allinjati aħjar is-salarji mal-livelli ta’ responsabbiltà, u li jiġu kkoreġuti l-effetti sekondarji tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2004. Iż-żieda fl-età tal-irtirar u t-tnaqqis fir-reklutaġġ qed jikkontribwixxu għal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Il-Kummissjoni qed tiddependi aktar fuq aġenti kuntrattwali biex tlaħħaq maż-żieda fl-ammont ta’ xogħol u t-tnaqqis fl-opportunitajiet ta’ reklutaġġ, għalkemm l-impatt fuq id-dipartimenti tagħha jvarja konsiderevolment. Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet tal-impjieg inqas favorevoli naqqsu l-attraenza tax-xogħol mal-UE, fi żmien meta hija qed tiffaċċja diffikultajiet biex tattira biżżejjed persunal minn għadd ta’ Stati Membri.

VII

Barra minn hekk, aħna sibna li l-Kummissjoni ftit li xejn ivvalutat il-konsegwenzi probabbli fuq il-ġestjoni tar-riżorsi umani li l-miżuri ta’ ffrankar tal-ispejjeż u l-miżuri mhux finanzjarji fil-pakkett ta’ riformi seta’ kellhom. L-arranġamenti ta’ monitoraġġ tagħha ma ppermettewlhiex tidentifika l-konsegwenzi negattivi b’mod sħiħ jew f’waqtu.

VIII

B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 irnexxielu jikseb l-iffrankar tal-ispejjeż mixtieq kif ukoll xi titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi umani. Madankollu, xi konsegwenzi negattivi għad-Direttorati Ġenerali u għall-persunal setgħu jiġu evitati jew immitigati qabel, li kieku r-riformi tħejjew u ġew immonitorjati aħjar.

IX

Se jkun jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna l-mod ta’ kif timmaniġġja l-ammont ta’ xogħol, il-monitoraġġ li twettaq tar-riżorsi umani, u l-arranġamenti ta’ rappurtar li tuża, kif ukoll twettaq valutazzjoni minn qabel tal-miżuri eventwali kollha relatati ma’ pakkett ġdid ta’ riformi tal-persunal. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tiżviluppa pjan ta’ ġestjoni tal-forza tax-xogħol;
  • ittejjeb il-qafas tagħha għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ kwistjonijiet relatati mar-riżorsi umani;
  • twettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet u tal-impatti potenzjali qabel ma terġa’ tirrevedi r-Regolamenti tal-Persunal.

Introduzzjoni

01

L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE jimpjegaw madwar 60 000 uffiċjal u persunal ieħor fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi. Din iċ-ċifra tinkludi madwar 32 000 membru tal-persunal impjegati mal-Kummissjoni Ewropea. Il-Figura 1 hawn taħt tippreżenta l-fatti u ċ-ċifri ewlenin dwar il-persunal tal-Kummissjoni fl-20181.

Figura 1

Il-persunal tal-Kummissjoni Ewropea fil-qosor, 2018

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-rapporti tad-DĠ Riżorsi Umani, iċ-ċifri ewlenin tar-riżorsi umani għall-2018.

02

Fil-Baġit 2018, l-approprjazzjonijiet għar-riżorsi umani fil-Kummissjoni ammontaw għal EUR 3.2 biljun2, minn total ta’ EUR 5.5 biljun għall-persunal kollu tal-UE.

03

Il-membri tal-persunal tal-UE huma impjegati u kkategorizzati skont it-tip ta’ impjieg: jiġifieri uffiċjali li huma maħtura u għandhom impjieg permanenti, u aġenti temporanji u kuntrattwali3. Hemm ukoll il-persunal lokali fid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi. Il-persunal permanenti u temporanju jappartjeni għal wieħed minn tliet gruppi ta’ funzjoni: amministraturi (AD), assistenti (AST) u segretarji u skrivani (AST/SC). Kull grupp ikopri firxa differenti ta’ gradi tas-salarji: AD5 sa AD16, AST1 sa AST11, u AST/SC1 sa AST/SC6.

04

Id-drittijiet, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet bażiċi tal-impjegatur u tal-impjegat huma definiti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (flimkien nirreferu għalihom bħala r-“Regolamenti tal-Persunal”). Dawn it-testi ġew adottati għall-ewwel darba fl-1962. Sal-bidu tas-snin 2000, ftit li xejn saru bidliet fir-Regolamenti tal-Persunal, minkejja l-modifiki fl-istruttura tal-Kummissjoni u r-reviżjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħra kif ukoll f’bosta servizzi pubbliċi tal-Istati Membri. Madankollu, fl-2003, il-Kummissjoni pproponiet għadd ta’ emendi importanti u estensivi (“ir-riforma tal-2004”) fil-kuntest tat-tkabbir tal-UE tal-2004.

05

Reviżjoni ġdida tar-Regolamenti tal-Persunal daħlet fis-seħħ fl-2014. Dan kien mistenni li jkun pass importanti lejn it-triq għal amministrazzjoni aktar effiċjenti, ibbażata fuq iffrankar baġitarju u titjib f’xi aspetti tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-istituzzjonijiet tal-UE4. Għan iddikjarat ta’ din ir-reviżjoni kien “li l-ġestjoni tar-riżorsi umani fis-servizz pubbliku Ewropew issir bl-aħjar mod possibbli, u li fost il-karatteristiċi tas-servizz pubbliku Ewropew ikun hemm l-eċċellenza, il-kompetenza, l-indipendenza, il-lealtà, l-imparzjalità u l-istabbiltà tiegħu, kif ukoll diversità kulturali u lingwistika u kundizzjonijiet attraenti ta’ reklutaġġ”5.

06

Ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2014 seħħet fil-kuntest tan-negozjati baġitarji għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 (QFP). Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni6 inkludiet impenn biex jitnaqqas l-għadd ta’ persunal li sussegwentement ġie inkorporat fil-Ftehim Interistituzzjonali li jakkumpanja l-proposta tal-QFP (it-tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet ta’ impjieg)7. Matul in-negozjati, il-Kunsill introduċa miżuri addizzjonali, inkluż iffriżar tas-salarji u tal-pensjonijiet għal sentejn. Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, it-tnaqqis tal-persunal, l-iffriżar tas-salarji u tal-pensjonijiet kif ukoll l-emendi tal-2014 għar-Regolamenti tal-Persunal jissejħu “il-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014”.

07

Il-kronoloġija hawn taħt (ara l-Figura 2) turi kif in-negozjati baġitarji u avvenimenti esterni oħra ġew integrati fil-proċess ta’ reviżjoni tal-2014.

Figura 2

Avvenimenti li ħallew impatt fuq ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal imwettqa fl-2014

Sors: Il-QEA.

08

Fiż-żmien meta kienet qed tiġi diskussa r-reviżjoni proposta tar-Regolamenti tal-Persunal, il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri kienu taħt pressjoni b’segwitu għall-kriżi ekonomika u finanzjarja mondjali8. Bosta Stati Membri kienu ħabbru miżuri biex inaqqsu l-ispejjeż tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom. Dawn il-miżuri ffukaw primarjament fuq l-iffriżar tas-salarji u tar-reklutaġġ, fuq sigħat itwal tax-xogħol, fuq żieda fl-età tal-irtirar, u fuq it-tnaqqis tal-persunal.

09

Fl-aħħar, b’segwitu għan-negozjati ta’ “trilogu” bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, intlaħaq qbil dwar l-emendi għar-Regolamenti tal-Persunal, li ffukaw fuq żewġ objettivi: l-iffrankar baġitarju fin-nefqa amministrattiva u t-titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi umani (ara l-Figura 3).

Figura 3

Il-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 kien jinkludi miżuri għall-iffrankar tal-flus u għal titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi umani

Sors: Il-QEA.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

10

Aħna eżaminajna l-miżuri li ttieħdu biex niddeterminaw:

  1. jekk kisbux l-iffrankar baġitarju li kien mistenni fil-livell tal-UE;
  2. jekk tejbux is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fil-Kummissjoni;
  3. jekk tħejjewx fuq bażi soda, u jekk l-implimentazzjoni tagħhom fil-Kummissjoni kinitx immonitorjata.
11

Aħna koprejna r-riżultati fuq terminu qasir (sal-2020) u fuq terminu twil (sal-2064) tal-pakkett ta’ riformi tal-2014, kif ukoll uħud mill-effetti tar-riforma tal-2004, fejn dan kien rilevanti. Aħna ffukajna fuq is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fil-Kummissjoni, li tirrappreżenta l-akbar sehem mill-baġit tar-remunerazzjonijiet tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-UE (58 %) u l-postijiet ta’ impjieg disponibbli (53 %). Aħna nqisu li n-natura tal-bidliet li saru se jkunu simili għall-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. L-awditu tagħna ma kienx jestendi sal-impatti finanzjarji tal-miżuri, bħall-esternalizzazzjoni ta’ ċerti attivitajiet amministrattivi, meħuda mill-Kummissjoni biex tikkumpensa għat-tnaqqis tal-persunal. Lanqas ma vvalutajna l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-istrateġiji għar-riżorsi umani li jikkonċernaw il-ħiliet u l-kompetenzi tal-persunal tagħha.

12

Ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna kien jikkonsisti minn:

  1. analiżi tar-rapporti tal-Kummissjoni mħejjija f’konformità mal-obbligi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, rigward ir-rappurtar finanzjarju u operazzjonali fil-qasam tar-riżorsi umani. Dawn kienu jinkludu r-rapporti annwali tal-attività u l-pjanijiet ta’ ġestjoni; ir-rapport dwar l-ekwivalenza tal-istrutturi tal-karriera9, ir-rapporti tal-Eurostat dwar is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet mill-2011 sal-2016, u r-rapport dwar il-bilanċ ġeografiku fl-istituzzjonijiet tal-UE10;
  2. analiżi tal-istatistika tar-riżorsi umani, dokumenti tal-baġit u stħarriġ tal-persunal għall-perjodu 2012-2018;
  3. intervisti ma’ aġenti:
    1. mill-ħames direttorati ġenerali operattivi tal-Kummissjoni (SANTE, FISMA, DEVCO, DGT u HOME) li ffaċċjaw l-akbar bidla assoluta fl-għadd ta’ pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment li verament intużaw fis-snin 2012-2017,
    2. mid-DĠ taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li huwa d-DĠ li għandu r-ripartizzjoni ġeografika l-aktar wiesgħa tal-persunal, u liema persunal jinsab f’diversi lokalitajiet,
    3. id-DĠ Riżorsi Umani, id-DĠ BUDG u l-Eurostat;
    4. it-trade unions tal-persunal.
  4. analiżi tar-rapporti mħejjija minn esperti esterni, minn akkademiċi u mill-OECD dwar bidliet tal-forza tax-xogħol Ewropea u tat-termini ta’ impjieg.

Osservazzjonijiet

Il-pakkett tal-2014 qed isarraf fi ffrankar sinifikanti għall-baġit tal-UE

13

Aħna eżaminajna kif il-pakkett ta’ riformi tal-2014 ittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-limiti massimi tal-QFP 2014-2020 għan-nefqa amministrattiva, u jekk il-miżuri li ttieħdu kisbux l-iffrankar mistenni.

Iffrankar baġitarju akbar mill-ammonti maqbula fin-negozjati dwar il-QFP

14

Fil-proposta tagħha għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2011, il-Kummissjoni stmat li l-bidliet fir-Regolamenti tal-Persunal u tnaqqis ta’ 5 % fl-għadd kumplessiv tal-persunal ikun iwassal għal iffrankar baġitarju ta’ madwar EUR 1 000 000 000. Fl-2013, il-proposta tal-Kummissjoni ġiet ikkonkretizzata fi tnaqqis vinkolanti ta’ 5 % fil-postijiet ta’ impjieg kollha11. Sussegwentement, il-Kunsill ippropona iffriżar tas-salarji u tal-pensjonijiet għal sentejn, jiġifieri għall-perjodu 2013-2014 biex jiġu ġġenerati EUR 1.5 biljun addizzjonali fi ffrankar baġitarju. L-iffrankar totali ta’ EUR 2.5 biljun tnaqqas mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni għall-QFP 2014-2020, biex b’hekk tnaqqas il-limitu massimu globali għal dawn l-ispejjeż fuq dan il-perjodu.

15

Minbarra t-tnaqqis fil-limitu massimu tal-QFP, l-awtoritajiet leġiżlattivi qablu li jillimitaw l-aċċess għal gradi AD ta’ tmiem tal-karriera sabiex jiġi ġġenerat iffrankar addizzjonali ta’ EUR 0.2 biljun. B’riżultat ta’ dan, matul il-perjodu kopert mill-QFP 2014-2020, ir-reviżjoni tal-2014 tar-Regolamenti tal-Persunal wasslet għal iffrankar stmat fis-salarji u fil-pensjonijiet ta’ madwar EUR 2.7 biljun, jew 6 % tal-baġit amministrattiv ta’ EUR 45.6 biljun allokati għas-salarji u għall-pensjonijiet.

16

In-negozjati baġitarji għan-nefqa amministrattiva ffukaw fuq l-iffrankar fuq terminu qasir u fuq terminu medju sa tmiem il-QFP. Minbarra l-iffrankar relatat mal-pakkett ta’ riformi tal-2014, ġie ffrankat ammont stmat addizzjonali ta’ EUR 1.4 biljun minħabba li fl-201112 u l-201213 ma ġiex applikat il-metodu għall-aġġustament tas-salarji u tal-pensjonijiet f’konformità mal-aġġustamenti ekwivalenti fi grupp ta’ Stati Membri ta’ referenza.

17

Kollox ma’ kollox, l-impatt baġitarju dirett tal-iffrankar fis-salarji u fil-pensjonijiet fuq il-QFP 2014-2020 x’aktarx jilħaq madwar EUR 4.2 biljun — aktar milli kien ippjanat. L-iffriżar (fl-2011, fl-2013 u fl-2014) u l-aġġustament aktar baxx (fl-2012) tas-salarji u tal-pensjonijiet jirrappreżentaw il-parti l-kbira mill-iffrankar. Il-Figura 4 turi t-totalità tal-iffrankar baġitarju, skont is-sors u t-tip ta’ miżura.

Figura 4

Miżuri relatati mas-salarji u mal-pensjonijiet iġġeneraw l-akbar iffrankar fil-QFP 2014-2020

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq dokumenti li rċeviet mid-DĠ BUDG u d-DĠ HR, bi prezzijiet tal-2011.

Iffrankar baġitarju saħansitra ikbar fuq terminu twil

18

Parti sinifikanti mill-iffrankar fuq terminu twil fuq il-livell fin-nefqa amministrattiva se jkun iġġenerat minn tnaqqis fl-infiq fuq il-pensjonijiet. Il-pakkett ta’ riformi tal-2014 introduċa bosta miżuri li jwasslu, direttament u indirettament, għal tnaqqis fl-infiq fuq terminu twil fuq il-pensjonijiet għat-30 sa 50 sena li ġejjin (ara t-Tabella 1 għad-dettalji).

Tabella 1 - Miżuri diretti u indiretti inklużi fil-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 biex titnaqqas in-nefqa għall-pensjonijiet fuq terminu twil

Miżuri b’impatt dirett Miżuri prinċipali b’impatt indirett
  • Żieda fl-età pensjonabbli minn 63 għal 66, b’miżuri tranżizzjonali għall-persunal irreklutat qabel l-2014
  • Rata ta’ akkumulu annwali stabbilita għal 1,8 % għall-persunal irreklutat wara l-1 ta’ Jannar 2014, 1,9 % għall-persunal irreklutat bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2013, u 2,0 % għall-persunal irreklutat qabel l-1 ta’ Mejju 2004
  • Iffriżar tas-salarji u tal-pensjonijiet fl-2013 u l-2014
  • Tnaqqis ta’ 5 % fl-għadd ta’ pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment
  • Ħolqien ta’ grupp funzjoni ġdid SC/AST u bidliet fl-istruttura tal-karriera tal-AST u l-AD, b’aċċess limitat għall-ogħla gradi (AST10 u 11, AD13 u 14)

Sors: Il-QEA.

19

L-iffrankar fil-pensjonijiet se jkun aktar sinifikanti wara l-2020. Matul il-50 sena li ġejjin, dan l-iffrankar huwa stmat li se jammonta għal EUR 19.2 biljun sal-2064, minbarra l-ammont ta’ EUR 24.8 biljun li huwa mistenni li jiġi ġġenerat mir-riforma tal-2004 fis-snin 2004-205914. Attwalment, in-nefqa fuq il-pensjonijiet għadha qed tiżdied. Madankollu, persunal li jirtira qed jiġi sostitwit minn persunal impjegat taħt il-kundizzjonijiet inqas favorevoli li ġew introdotti permezz tar-riformi konsekuttivi tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk l-infiq baġitarju fuq terminu twil huwa mistenni li jonqos b’madwar 30 % sal-2059 meta mqabbel mas-sitwazzjoni ipotetika, mingħajr il-pakkett tal-2014 (ara l-Figura 5 għal aktar dettalji).

Figura 5

Iffrankar baġitarju mistenni fin-nefqa għall-pensjonijiet (f’EUR miljun)

Sors: Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, studju tal-Eurostat dwar l-implikazzjonijiet baġitarji fuq terminu twil tal-ispejjeż għall-pensjonijiet, SWD (2016) 268 final, Brussell, 28.7.2016, p. 19.

20

L-effett kumulattiv tal-bidliet tal-2004 u l-2014 għar-regoli tas-salarji u tal-pensjonijiet, inkluża s-sospensjoni għal sentejn tal-aġġustament tas-salarji, mill-pakkett ta’ riformi tal-2014, huwa għalhekk mistenni li jiġġenera ffrankar sostanzjali, anki ħafna wara l-QFP attwali. Il-Figura 6 tippreżenta l-istimi għall-QFP 2014-2020 u lil hinn minnu.

Figura 6

Stima tal-iffrankar fuq is-salarji u l-pensjonijiet tal-persunal relatata mar-riformi suċċessivi

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq dokumenti li rċeviet mid-DĠ BUDG u d-DĠ HR.

Ir-riforma kellha diversi impatti fuq ir-riżorsi umani

21

Il-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 kellu impatt fuq għadd ta’ aspetti importanti tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fil-Kummissjoni. Aħna eżaminajna l-effetti tal-miżuri ta’ titjib fil-qasam tar-riżorsi umani fuq ir-ripartizzjoni tal-persunal skont il-grupp ta’ funzjoni u grad (struttura tal-karriera), il-bilanċ bejn is-sessi, il-profil tal-età, l-għadd ta’ aġenti kuntrattwali, l-għadd ta’ persunal fid-Direttorati Ġenerali u fis-servizzi u l-attraenza tal-kundizzjonijiet tal-impjieg.

Bidliet sinifikanti fl-istruttura tal-karriera

22

Ir-riforma tal-2004 ġabet magħha bidla kbira fl-istruttura tal-karriera tal-persunal fil-Kummissjoni. Hija għaqqdet flimkien il-kategoriji tal-persunal tas-segretarji, tal-iskrivani u tal-assistenti, fi grupp ta’ funzjoni ta’ assistenti ġenerali (AST) u ħolqot progressjoni aktar lineari fil-karriera.

23

Dawn il-bidliet ġabu magħhom effetti sekondarji li firdu r-rabta bejn is-salarju u l-grad mil-livell ta’ responsabbiltà15. Huma naqqsu wkoll is-salarju tal-bidu ta’ amministraturi aġġunti16 u żiedu l-potenzjal tad-dħul fuq terminu twil tas-segretarji u tal-iskrivani. Speċifikament, il-konsegwenzi prinċipali kienu:

  • l-amministraturi aġġunti qalgħu inqas salarju taħt l-iskema l-ġdida milli taħt dik qadima (3 % inqas għall-persunal irreklutat fl-AD5, 11 % għall-persunal irreklutat fl-AD6);
  • is-segretarji u l-iskrivani rreklutati reċentement qalgħu aktar salarju taħt is-sistema l-ġdida milli taħt dik qadima (bħala medja, 16 % aktar minn qabel l-2004);
  • f’Mejju 2009, ċerti membri tal-persunal fil-Kummissjoni qalgħu aktar salarju minn dak tad-Direttur Ġenerali tagħhom, minkejja li din hija l-ogħla kariga ta’ responsabbiltà;
  • kap ta’ unità jista’ jaqla’ inqas mill-uffiċjali l-oħra kollha taħt ir-responsabbiltà tiegħu, inklużi s-segretarji u l-iskrivani.
24

Il-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 kellu l-għan li jindirizza xi wħud minn dawn is-sitwazzjonijiet billi joħloq grupp ta’ funzjoni AST/SC għas-segretarji u l-iskrivani u billi jimblokka l-avvanz tal-grad fil-gruppi ta’ funzjoni AST u AD.

25

Il-grupp ta’ funzjoni AST/SC ġdid kien intenzjonat biex itejjeb ir-rabta bejn il-grad u r-responsabbiltà. Madankollu, se jkun irid jgħaddi ammont ta’ żmien konsiderevoli sakemm is-segretarji u l-iskrivani kollha, li attwalment jagħmlu parti mill-grupp ta’ funzjoni AST, jiġu ssostitwiti b’persunal AST/SC. Ibbażat fuq l-istruttura attwali ta’ din il-popolazzjoni, l-effett sekondarju mhux intenzjonat tar-riforma tal-2004 rigward is-segretarji u l-iskrivani għandu jiġi kkoreġut għalkollox fis-snin 2040.

26

Ir-riformi tal-persunal tal-2014 imblokkaw ukoll l-avvanz fil-gradi AST9 u AD12. Il-promozzjonijiet ’il fuq mill-grad AST9 huma kundizzjonali fuq applikazzjoni għall-post ta’ assistent f’livell għoli. Il-promozzjonijiet ’il fuq mill-grad AD12 jirrikjedu post ta’ espert f’livell għoli jew inkella post maniġerjali, fejn hemm għadd limitat ta’ pożizzjonijiet disponibbli. L-imblukkar tal-karrieri japplika għall-persunal eżistenti; dan affettwa madwar żewġ terzi tal-persunal AST u AD, li kienu fil-post ta’ impjieg fl-01/01/2014. L-impatt kien immedjat għall-persunal fil-grupp ta’ funzjoni AST9 u AD12 (madwar 11 % tal-persunal impjegat kollu). Il-persunal l-aktar żagħżugħ fil-gradi tad-dħul f’kull grupp (AST1 u AD5) mhux se jesperjenzaw dan l-imblukkar sas-snin 2040.

27

B’mod ġenerali, l-imblukkar tal-karrieri naqqas il-promozzjonijiet għal gradi ogħla. Il-Figura 7 turi l-effett ta’ dan l-imblukkar fuq ir-rati ta’ promozzjoni. Ir-rata ta’ promozzjoni hija rrappreżentata bħala l-għadd ta’ persunal li ħa promozzjoni f’sena partikolari diviż mill-għadd ta’ persunal f’dak il-grad fis-sena ta’ qabel.

Figura 7

Effett tal-imblukkar tal-karrieri - rati ta’ promozzjoni wara l-2014

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

28

B’mod ġenerali, l-imblukkar tal-karrieri ġġenera ffrankar baġitarju. Huwa tejjeb ukoll ir-rabta bejn il-grad u r-responsabbiltà billi l-gradi aktar għoljin inżammu għall-persunal b’livelli ogħla ta’ responsabbiltà. L-imblukkar joħloq sfidi sinifikanti fil-qasam tar-riżorsi umani fid-Direttorati Ġenerali li għandhom ħafna membri tal-persunal ta’ livell għoli, fejn il-prospetti għall-promozzjoni ta’ dan il-persunal ġew affettwati b’mod negattiv. Il-problema tal-progressjoni fil-karriera għall-gradi AD11 u 12 hija kkonċentrata f’għadd limitat ta’ Direttorati Ġenerali: 39 % mit-total tal-persunal AD11-12 kienu impjegati f’5 mill-45 Direttorat Ġenerali (ara l-Figura 8).

Figura 8

Proporzjon ta’ persunal AD11-12 għal kull DĠ qabel ir-riforma (sitwazzjoni fil-31.12.2013)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

29

Ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2014 inkludiet ukoll bidliet fil-proċedura għat-tnaqqis fil-grad u t-tkeċċija, f’każ ta’ inkompetenza ta’ membru tal-persunal. Madankollu, sa issa ftit każijiet biss ta’ dan it-tip ġew irrappurtati fi ħdan il-Kummissjoni. Il-bidliet ma ssimplifikawx il-proċedura jew naqqsu d-durata tagħha. Minħabba li ħames rapporti konsekuttivi annwali ta’ evalwazzjoni insodisfaċenti huma meħtieġa qabel ma tkun tista’ ssir tkeċċija, huwa kmieni wisq biex jinsiltu konklużjonijiet rigward din il-miżura. Pereżempju, fid-DĠT ġew irreġistrati 12-il rapport tal-persunal insodisfaċenti bejn l-2014 u l-2017. Għall-Kummissjoni kollha kemm hi huwa stmat li r-rapporti insodisfaċenti jammontaw għal madwar 20 kull sena (inqas minn 0.1 % tal-persunal).

30

L-għadd ta’ postijiet disponibbli kull sena għall-promozzjoni huwa ddeterminat fuq il-bażi tar-rati li jingħataw fl-Anness IB tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn ir-rati jistgħu jintużaw biex tiġi stmata l-progressjoni fil-karriera matul iż-żmien. Rata ta’ 33 % tfisser li, bħala medja, uffiċjal li l-prestazzjoni tiegħu tkun sodisfaċenti jibqa’ fil-grad għal 3 snin qabel ma jingħata promozzjoni. Bl-eċċezzjoni tal-persunal fil-gradi AST9 u AD12, il-membri tal-persunal bi prestazzjoni tajba jistgħu jistennew li jingħataw promozzjoni kull 3 sa 6 snin, skont ir-rata ddefinita għall-grad tagħhom.

Kontribut għal arranġamenti ta’ xogħol favur il-familja u għall-bilanċ bejn is-sessi

31

Id-dispożizzjonijiet fir-riformi tal-2014 għal arranġamenti ta’ xogħol favur il-familja (permezz tal-estensjoni tal-liv tal-ġenituri, ix-xogħol part-time, il-ħinijiet flessibbli ta’ xogħol u t-telexogħol) kienu intenzjonati biex il-Kummissjoni ssir amministrazzjoni aktar moderna u flessibbli, li tippromwovi bilanċ bejn is-sessi17.

32

Ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2014 ipprovdiet qafas legali komuni għall-istituzzjonijiet kollha biex jistabbilixxu l-arranġamenti tagħhom stess ta’ ħin flessibbli ta’ xogħol. Madankollu, il-Kummissjoni ma vvalutatx il-kontribut li l-istituzzjonijiet kienu mistennija jipprovdu għat-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi, jew fit-tħejjija tar-riformi inkella sussegwentement.

33

Qabel l-2014, l-istituzzjonijiet kollha għarfu l-importanza tal-bilanċ bejn is-sessi u l-ħtieġa li jiżdied il-proporzjon tan-nisa f’karigi maniġerjali. Il-pjan strateġiku tad-DĠ HR għall-2016-2020 kien jinkludi d-diversità bħala prinċipju ewlieni u stabbilixxa objettiv ta’ 40 % tan-nisa f’karigi maniġerjali fil-Kummissjoni sal-2020. Il-proporzjon tan-nisa f’karigi maniġerjali għolja żdied minn 30 % fl-2014 għal 34 % fl-2017. Dan irriżulta primarjament minn għadd ta’ azzjonijiet li ttieħdu mid-DĠ HR li ma kinux speċifikament marbuta mal-pakkett ta’ riformi tal-2014.

34

Il-Figura 9 tqabbel il-bilanċ bejn is-sessi fil-Kummissjoni fl-2018 mas-sitwazzjoni fl-2013 għall-gradi kollha AD. Għadd sinifikanti ta’ membri tal-persunal f’karigi għolja (gradi AD12 u aktar) huma rġiel. Madankollu, kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ membri tal-persunal irġiel fil-grad AD13 bejn l-2013 u l-2018, prinċipalment minħabba fatturi demografiċi. Il-membri tal-persunal ikkonċernati ġeneralment bdew jaħdmu mal-Kummissjoni fis-snin tmenin u disgħin u issa qegħdin fl-età tal-irtirar jew viċin.

Figura 9

Lejn bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-gradi AD, 2013–2018

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

35

Ir-ripartizzjoni bejn is-sessi turi proporzjon dejjem jikber ta’ nisa fi gradi AD:

  • mill-2013 sal-2018, l-għadd kumplessiv ta’ uffiċjali u persunal temporanju nisa fil-grad AD żdied bi kważi 8 %, filwaqt li dak tal-kontropartijiet irġiel naqas bi kważi 3 %,
  • fl-2013, in-nisa kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri tal-persunal fil-gradi AD 5 u 6. Fl-2018, huma kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri tal-persunal fil-gradi AD 5 sa 8.
36

Aħna sibna li, minkejja ż-żieda reċenti fl-għadd ta’ nisa fil-grupp ta’ funzjoni AD u l-ħatra ta’ aktar nisa f’karigi maniġerjali, l-irġiel għadhom jokkupaw il-biċċa l-kbira mill-postijiet tal-ogħla gradi. Madankollu, minħabba l-fatt li issa n-nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri tal-persunal AD ġodda, huwa mistenni li l-proporzjon ta’ nisa fi gradi ogħla u f’karigi maniġerjali jiżdied matul iż-żmien.

37

Il-Figura 10 hawn taħt turi l-bilanċ bejn is-sessi fil-Kummissjoni skont il-grad, bil-membri tal-persunal miġbura biex jiġi rifless il-livell tas-salarju (jiġifieri AST5 u AD5 flimkien, u AST1 u SC2 flimkien). Il-gruppi ta’ funzjoni AST u AST/SC jibqgħu fil-biċċa l-kbira nisa minħabba r-rati għoljin ta’ kandidati nisa għall-kompetizzjonijiet rilevanti.

Figura 10

Il-mudell attwali ta’ rġiel/nisa: l-irġiel għadhom jokkupaw il-maġġoranza ta’ postijiet fl-ogħla gradi

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni, - uffiċjali u persunal temporanju biss.

Forza tax-xogħol li qed tixjieħ

38

Fl-2018, l-età medja tal-persunal kienet ta’ 48 sena. L-Eurostat jirrapporta li fl-2012 l-età medja tad-dħul fis-servizz pubbliku Ewropew kienet ta’ 35 sena18. Fl-2018, 25,3 % mill-uffiċjali u l-persunal temporanju kellhom 55 sena jew aktar. Perċentwal ta’ 4,2 % biss kienu taħt il-35 sena u dan il-proporzjon qiegħed dejjem jonqos (6, 8 % fl-2016, 5,3 % fl-2017). Il-Figura 11 turi li mill-2014 ’l hawn, l-età medja tal-persunal tal-Kummissjoni (uffiċjali u persunal temporanju) żdiedet progressivament b’medja ta’ sitt xhur kull sena. It-tnaqqis osservat fl-2013 irriżulta mill-fatt li għadd ta’ membri tal-persunal għażlu rtirar bikri qabel id-dħul fis-seħħ tar-reviżjoni tal-2014, li naqqset din il-possibbiltà.

Figura 11

Forza tax-xogħol li qed tixjieħ

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

39

Il-mira ta’ tnaqqis tal-għadd ta’ persunal b’5% wasslet għal tnaqqis progressiv fir-reklutaġġ ta’ uffiċjali u ta’ persunal temporanju. Il-Figura 12 turi kif ir-reklutaġġ mal-Kummissjoni evolva bejn l-2012 u l-2017 skont l-għadd u l-istatus tal-impjieg (uffiċjali/persunal temporanju).

Figura 12

Reklutaġġ mal-Kummissjoni bejn l-2012 u l-2017

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

40

Barra minn hekk, bħala parti mill-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014, l-età tal-irtirar għall-persunal tal-UE ttellgħet għal 66, u tirrifletti żidiet simili fl-età tal-irtirar fis-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri (ara l-Figura 13). Dan se jikkontribwixxi jerġa’ għal aktar tixjiħ tal-forza tax-xogħol tal-Kummissjoni fis-snin li ġejjin.

Figura 13

B’segwitu għar-reviżjoni tal-2014, l-età tal-irtirar fil-Kummissjoni, jiġifieri ta’ 66 sena hija fost l-ogħla fl-UE

Sors: OECD Pensions Outlook 2012 (Perspettivi tal-OECD dwar il-Pensjonijiet 2012), OECD (2012), OECD Publishing.

41

Fid-dawl taż-żieda fl-età tal-irtirar u t-tnaqqis fir-reklutaġġ, issa l-Kummissjoni qed tiffaċċja l-isfida li tirrappreżenta l-ġestjoni ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ. B'mod partikolari, hija jista’ jkollha bżonn taġġorna l-politiki tagħha dwar it-taħriġ, il-benessri, l-iżvilupp tal-karriera u l-ġestjoni tal-għarfien.

Aktar membri tal-persunal fuq kuntratti b’terminu fiss

42

It-tnaqqis tal-persunal b’5 % ġie implimentat sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal għal uffiċjali u persunal temporanju koperti mir-Regolamenti tal-Persunal. Biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ politika tagħha li qed jinbidlu, il-Kummissjoni setgħet timpjega aġenti kuntrattwali.

43

Għalkemm l-għadd kumplessiv ta’ persunal ma nbidilx bejn l-2013 sal-2018, il-kompożizzjoni tal-forza tax-xogħol fil-fatt inbidlet. Il-proporzjon ta’ uffiċjali u ta’ persunal temporanju (eskluż il-persunal lokali) naqas minn 80 % għal 76 %, filwaqt li l-persunal kuntrattwali żdied minn 20 % għal 24 % rispettivament (ara l-Figura 14).

Figura 14

Tnaqqis ta’ persunal: tnaqqis qawwi fil-postijiet AST

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni, uffiċjali u persunal temporanju u kuntrattwali biss.

44

Jeżistu tliet kategoriji prinċipali ta’ impjegaturi ta’ persunal kuntrattwali fil-Kummissjoni:

  • Uffiċċji li jipprovdu kompiti ta’ sostenn bħal-loġistika u l-ġestjoni tad-drittijiet finanzjarji, bħall-OIB u l-PMO jimpjegaw prinċipalment aġenti kuntrattwali tal-grupp ta’ funzjoni19 GFI u GFII (aktar minn 60 %, sa 74,3 % fil-PMO) li jwettqu kompiti manwali jew kompiti ta’ sostenn;
  • fid-Direttorati Ġenerali responsabbli għad-delegazzjonijiet tal-UE (DĠ NEAR u DĠ DEVCO), madwar 50 % tal-persunal huma impjegati fuq bażi kuntrattwali fil-gruppi ta’ funzjoni GFIII (assistenza) u GFIV (amministrazzjoni);
  • id-Direttorati Ġenerali operazzjonali jagħmlu użu minn persunal kuntrattwali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ad hoc.

Aħna sibna li 50 % tat-total tal-persunal kuntrattwali fil-Kummissjoni huma impjegati f’ħames Direttorati Ġenerali u servizzi biss: JRC, DEVCO, OIB, NEAR u PMO.

45

Il-parti l-kbira miż-żieda fl-għadd ta’ persunal kuntrattwali tirriżulta minn użu akbar tal-persunal fil-gruppi ta’ funzjoni GFIII u GFIV (+1 655 bejn l-2013 u l-2018). Din iż-żieda hija dovuta prinċipalment għal tliet Direttorati Ġenerali: JRC, ECHO u CNECT. Hija tirrifletti jew il-karatteristiċi speċifiċi tal-politika implimentata mid-DĠ (eż. ir-riċerka għall-JRC), inkella l-ħtieġa li jiġi rreklutat persunal malajr sabiex tiġi indirizzata sitwazzjoni ta’ kriżi, bħall-migrazzjoni (ara l-Figura 15).

Figura 15

Kif l-għadd tal-persunal fid-DĠ ECHO evolva minn meta nbdiet il-kriżi tal-migrazzjoni fl-2015

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

46

Ir-reklutaġġ ta’ persunal kuntrattwali jippermetti lill-Kummissjoni biex tirreaġixxi b’mod rapidu għal żidiet f’daqqa u temporanji fl-ammont ta’ xogħol. Madankollu, iż-żieda fl-għadd ta’ persunal b’kuntratti fuq terminu qasir għandha implikazzjonijiet fuq terminu itwal f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni tal-għarfien u l-kontinwità tal-operat.

Metodi ġodda ta’ ħidma biex jiġi assorbit it-tnaqqis ta’ persunal f’ċerti Direttorati Ġenerali

47

L-isfida prinċipali tal-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 għad-Direttorati Ġenerali individwali kienet relatata mat-tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet ta’ impjieg. It-tħassib ewlieni tal-Kummissjoni kien li jiġi żgurat li dan it-tnaqqis ma jkollux effett negattiv fuq il-kapaċità tad-dipartiment tagħha biex iwettaq il-prijoritajiet politiċi tiegħu u jikkompleta l-programmi ta’ ħidma annwali tiegħu. Fl-2017, il-QEA ppubblikat analiżi dwar dan it-tnaqqis ta’ persunal20.

48

Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat metodoloġija21 għar-riallokazzjoni tal-persunal fost id-Direttorati Ġenerali b’segwitu għat-tnaqqis ta’ persunal b’5 %, filwaqt li ttieħed kont tal-prijoritajiet tagħha.

49

B’riżultat ta’ dan, uħud mid-DĠ operazzjonali osservaw livelli aktar baxxi fl-għadd tal-persunal tagħhom meta mqabbel mal-2013 (13 % fid-DĠ AGRI, 18 % fid-DĠ SANTE), filwaqt li oħrajn esperjenzaw żieda sinifikanti ħafna (40 % fid-DĠ ECHO, 70 % fid-DĠ HOME). Il-Figura 16 turi kif l-għadd tal-persunal evolva bejn l-2013 u l-2018 f’ċerti Direttorati Ġenerali.

Figura 16

Eżempji tal-akbar żidiet u l-akbar tnaqqis fl-għadd tal-persunal fid-Direttorati Ġenerali matul il-perjodu 2013-2018

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni, f’Diċembru 2013 użata bħala bażi 100.

50

Aħna sibna li d-Direttorati Ġenerali affettwati mit-tnaqqis użaw firxa ta’ għodod (valutazzjoni komparattiva, evalwazzjoni tar-riżorsi, eċċ.) biex jallokaw mill-ġdid il-persunal bejn id-dipartimenti. Billi l-persunal fil-biċċa l-kbira tad-Direttorati Ġenerali kienu diġà qed jaħdmu medja ta’ sigħat aktar mill-massimu tat-42 siegħa fil-ġimgħa stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, iż-żieda tal-ġimgħa minima tax-xogħol għal 40 siegħa ma setgħetx tikkumpensa għat-tnaqqis ta’ persunal.

51

Barra minn hekk, peress li d-Direttorati Ġenerali kellhom ukoll inqas opportunitajiet biex jirreklutaw, uħud minnhom irrevedew il-proċessi interni tagħhom u żviluppaw metodi ta’ ħidma ġodda biex jiżguraw il-kontinwità tal-operat (ara l-Kaxxa 1 għall-eżempji).

Kaxxa 1

Eżempji ta’ metodi u proċessi riveduti

  • DĠT — Użu ta’ ambjent modulari ta’ traduzzjoni assistita mill-kompjuter - bl-għan li jiġu appoġġati l-kwalità u l-effiċjenza fit-traduzzjoni. F’Novembru 2017, id-DĠT, id-DĠ DIGIT u d-DĠ CONNECT nedew b’mod konġunt l-eTranslation, servizz imtejjeb ta’ traduzzjoni awtomatika. Dan is-servizz jipprovdi riżultati aktar rapidi u mexxejja permezz ta’ bidla minn traduzzjoni bbażata fuq statistika għal traduzzjoni awtomatika newrali, li tidħol fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali.
  • DĠ DEVCO — Reġjonalizzazzjoni ta’ ċerti proċessi (eż. appoġġ amministrattiv) Biex tiżdied l-effiċjenza, jiġi ottimizzat l-użu tal-persunal u jiġu ġġenerati ekonomiji ta’ skala, id-DĠ DEVCO irreveda l-użu li jsir mill-persunal tiegħu fid-delegazzjonijiet u għaqqad flimkien ċerti kompiti f’għadd limitat ta’ delegazzjonijiet.
  • DĠ JRC — Strutturar tal-programm ta’ ħidma bbażat fuq “proġetti” aktar milli fuq unitajiet. Id-DĠ jivvaluta sistematikament il-valur miżjud tal-proġetti tiegħu (l-Istrateġija 2030 tad-DĠ JRC, b’mod partikolari l-Kapitolu 4 “Garanzija tal-valur miżjud”).
  • DĠ FISMA — Użu ta’ task forces ibbażati fuq il-ħiliet rilevanti mid-Direttorati Ġenerali kollha. Dan jippermetti kombinament aħjar ta’ perspettivi mikro u makroekonomiċi fit-twettiq ta’ proġetti speċifiċi.

Ċerti konsegwenzi negattivi għall-persunal

52

Il-pakkett ta’ riformi tal-2014 kien intenzjonat biex itejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi umani. Il-miżuri għat-tnaqqis tal-ispejjeż daħħlu ċertament xi titjib, bħal metodi riveduti ta’ ħidma, għall-Kummissjoni kollha kemm hi. Madankollu, huma kellhom ukoll konsegwenzi negattivi għall-forza tax-xogħol tal-Kummissjoni, kif jidher fil-Figura 17.

Figure 17

Konsegwenzi tal-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014

Sors: Il-QEA, ir-Regolament (UE) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Premessa 7.

Tnaqqis fis-sodisfazzjon fl-impjieg

53

Kull sentejn, il-Kummissjoni twettaq stħarriġ tal-persunal biex tipprovdi fehim lill-maniġment rigward il-ħtiġijiet, il-perċezzjonijiet u l-aspettattivi professjonali tagħhom. Il-maniġment juża l-informazzjoni miksuba biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol u biex jidentifika l-punti b’saħħithom kif ukoll l-opportunitajiet għat-titjib tal-involviment tal-persunal. Il-Kummissjoni tanalizza d-data tal-istħarriġ biex tipprovdi rispons għat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni.

54

Ir-riżultati tal-istħarriġiet tal-persunal li ilhom isiru mill-2014 jirriflettu l-perċezzjoni tal-persunal li l-kundizzjonijiet tax-xogħol qed jiddeterjoraw. Ir-riżultati tat-tweġibiet għal għadd ta’ mistoqsijiet relatati mas-sodisfazzjon fl-impjieg, il-post tax-xogħol u l-prospetti tal-karriera tal-persunal issa qed ikunu konsistentement aktar baxxi minn qabel.

55

L-istħarriġiet juru tnaqqis fil-perċezzjoni ġenerali li l-Kummissjoni hija organizzazzjoni li tieħu ħsieb il-benessri tal-persunal, u dan huwa marbut ma’ tħassib li qed jikber dwar l-ammont ta’ xogħol. Kważi terz tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni jħossu li l-ammont ta’ xogħol tagħhom mhuwiex aċċettabbli (27 % fl-2016 u 31 % fl-2018), għalkemm il-maġġoranza (59 % fl-2016 u 56 % fl-2018) għadhom iqisu li l-ammont ta’ xogħol huwa fil-fatt aċċettabbli.

56

Ir-rati ta’ assenza minħabba mard tal-persunal jintużaw ġeneralment bħala indikatur tal-impenn tal-persunal li jista’ jaffettwa l-effiċjenza ta’ organizzazzjoni. Il-Kummissjoni ma identifikatx il-korrelazzjonijiet possibbli li jista’ jkun hemm bejn ir-rata ta’ assenza minħabba mard u l-ammont ta’ xogħol, it-tnaqqis fil-persunal jew miżuri oħra fil-pakkett ta’ riformi. Aħna wettaqna analiżi limitata taċ-ċifri disponibbli.

57

Ir-rata kumplessiva ta’ assenza minħabba mard fil-Kummissjoni żdiedet kemxejn bejn l-2012 u l-2017. Madankollu, kien hemm deterjorament sinifikanti f’xi Direttorati Ġenerali: l-akbar żidiet fl-għadd ta’ jiem ta’ liv minħabba mard għal kull persuna, inkluża assenza fit-tul, ġew osservati fid-DĠ JUST (minn 10.3 ijiem bħala medja fl-2013-2015 għal 17-il jum fl-2016, u 18.9 ijiem fl-2017) u d-DĠ HOME (minn 9.4 ijiem għal 14.9 ijiem u 15.1-il jum rispettivament).

58

Il-pakkett ta’ riformi tal-2014 naqqas l-għadd ta’ jiem ta’ liv annwali bi 42 % (minn tlett ijiem u nofs għal jumejn kull xahar) għall-persunal fid-delegazzjonijiet u introduċa bidliet fil-metodu ta’ kalkolu tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien. B'mod ġenerali, il-perċezzjoni min-naħa tal-membri tal-persunal li l-kundizzjonijiet tax-xogħol iddeterjoraw hija aktar qawwija fid-delegazzjonijiet milli fil-Kummissjoni kollha kemm hi. Fl-201622, inqas minn 50 % tal-persunal fid-delegazzjonijiet indikaw li l-Kummissjoni kienet post tax-xogħol attraenti, u 21 % biss ikkunsidraw li r-riżorsi umani kienu jikkorrispondu mal-ammont ta’ xogħol.

59

Waħda mir-raġunijiet għall-bidliet li ġew introdotti fir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal relatati mad-delegazzjonijiet kienet li jiġi ġġenerat iffrankar tal-ispejjeż23. Madankollu, l-infiq fuq il-persunal fid-delegazzjonijiet jirrappreżenta biss 4,7 % tan-nefqa totali mill-baġit għall-amministrazzjoni24. Aħna sibna li l-iffrankar żgħir mill-baġit wassal għal impatt negattiv sinifikanti fuq il-persunal.

Żieda fid-diversità tal-kuntratti u tas-salarji

60

Il-persunal irreklutat wara l-2004 u l-2014 huwa impjegat taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli preċedentement. Ir-riforma tal-2004 naqqset is-salarji tal-gradi tad-dħul, u l-pakkett tal-2014 ħoloq il-grupp ta’ funzjonijiet AST/SC, b’livell inqas attraenti fit-tabella tas-salarji.

61

Billi l-użu tal-persunal kuntrattwali qed isir aktar komuni, kien hemm żieda korrispondenti fid-diversità tal-istatus u s-salarji tal-forza tax-xogħol tal-Kummissjoni. Pereżempju, il-membri tal-persunal kuntrattwali GFIV li jissodisfaw l-istess rekwiżiti minimi ta’ reklutaġġ (f’termini tal-livell ta’ edukazzjoni u esperjenza) bħal amministraturi aġġunti jistgħu jaqilgħu 28 % inqas minn dawn tal-aħħar. Attwalment, madwar 6 % tal-persunal, kollha kemm huma membri tal-persunal kuntrattwali GFI u GFII, jaqilgħu inqas mill-uffiċjali li huma mħallsa l-inqas (AST/SC1, b’salarju annwali bażiku ta’ madwar EUR 32 400). Terz ieħor tal-persunal (fil-kategoriji kollha) jaqilgħu sa darbtejn aktar minn hekk.

62

Barra minn hekk, jeżistu diskrepanzi bejn il-grad u l-livell ta’ responsabbiltà fost l-uffiċjali. Professjonisti b’esperjenza fi gradi li jikkorrispondu għall-bidu tal-karriera (AD6 sa AD8) jistgħu jiġu assenjati aktar responsabbiltà minn persunal fi gradi ogħla li ġew irreklutati qabilhom.

  • Perċentwal ta’ 22.4 % biss tar-reklutaġġ kien fil-livell AD7 bejn l-2012 u l-2017, billi ħafna kandidati b’esperjenza li xtaqu jaħdmu mal-Kummissjoni applikaw f’kompetizzjonijiet fil-grad tad-dħul (AD5/AD6). Minħabba l-esperjenza professjonali u l-prestazzjoni tagħhom, dawn ir-rekluti l-ġodda ħafna drabi malajr ġew assenjati ċerti responsabbiltajiet (eż. kap tal-kooperazzjoni f’delegazzjoni, kap tat-tim f’attivitajiet oħra).

Pakkett tas-salarju inqas attraenti matul is-snin

63

Ir-reviżjoni tal-2014 tar-Regolamenti tal-Persunal kellha l-għan li żżomm il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ attraenti. Għalkemm il-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol (inkluż is-salarji tad-dħul) jibqgħu attraenti għall-maġġoranza tal-gradwati tal-UE, il-Kummissjoni qed tiffaċċja diffikultajiet biex tattira kandidati kkwalifikati minn ċerti nazzjonalitajiet u b’ċerti profili. L-attraenza tas-salarji tiddependi parzjalment mill-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali tal-UE fil-lokalitajiet differenti fejn jaħdmu. Is-salarji jiġu aġġornati kull sena biex jiġi żgurat “paralleliżmu” mal-bidliet fis-salarji tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku nazzjonali u biex jirriflettu l-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja għall-uffiċjali tal-UE fil-Belġju u fil-Lussemburgu.

64

Il-metodu annwali għall-aġġornament tas-salarji u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-UE ġie mmodifikat fl-2004 u reġa’ ġie emendat fl-2014. Dan il-metodu issa jinkludi żewġ elementi ewlenin:

  • indikatur speċifiku globali (GSI): ibbażat fuq bidliet fil-kapaċità tal-akkwist ta’ ħaddiema tas-servizzi pubbliċi nazzjonali fil-gvernijiet ċentrali ta’ 11-il Stat Membru (qabel 8 biss kienu jintużaw);
  • l-indiċi komuni Belġju-Lussemburgu25 (JBLI) ta’ bidliet fl-għoli tal-ħajja fil-Belġju u fil-Lussemburgu, jieħu kont ukoll tal-inflazzjoni fiż-żewġ pajjiżi.
65

F’pajjiżi barra l-Belġju u l-Lussemburgu, is-salarji u l-pensjonijiet tal-persunal tal-UE jiġu kkoreġuti b’tali mod biex iżommu l-parità tal-kapaċità tal-akkwist b’referenza għal Brussell. Għal dan il-għan, l-Eurostat jikkalkula l-koeffiċjenti korrettivi annwali għal ċerti lokalitajiet.

66

L-użu tal-metodu rriżulta f’żidiet regolari fis-salarji nominali, ħlief meta s-salarji kienu ffriżati, jiġifieri fl-2011, l-2013 u l-2014. Matul il-perjodu 2011-2018, is-salarji tal-uffiċjali tal-UE ġew aġġustati kif jidhru fit-Tabella 2.

Tabella 2 - Aġġustamenti annwali għas-salarji tal-uffiċjali tal-UE, 2011-2018

Sena 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 2018
Koeffiċjent ta’ aġġornament annwali bbażat fuq il-GSI u l-JBLI 0 % (iffriżar) 0,8 % 0 % (iffriżar) 0 % (iffriżar) 2,4 % 3,3 % 1,5 % 1,7 %

Sors: Ir-Rapporti tal-Eurostat dwar l-aġġornamenti annwali tar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-UE.

67

Mill-2003 ’l hawn, naqset l-kapaċità tal-akkwist ta’ ħaddiema mas-servizzi pubbliċi nazzjonali fil-gvernijiet ċentrali tal-UE kollha. Konsegwentement, f’konformità mal-prinċipju ta’ paralleliżmu, din il-kapaċità tal-akkwist ta’ uffiċjali tal-UE evolviet bl-istess mod. Madankollu, l-iffriżar fis-snin 2011, 2013 u 2014 għamlu t-tnaqqis aktar evidenti fil-każ tal-persunal tal-UE (ara l-Figura 18).

Figura 18

Evoluzzjoni tal-kapaċità tal-akkwist ta’ uffiċjali tal-UE fi Brussell u ta’ persunal fil-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat.

68

Ir-rapporti tal-Eurostat26 jipprovdu informazzjoni indikattiva dwar id-differenza fil-kapaċità tal-akkwist ta’ persunal tal-UE li jaħdmu u jgħixu fil-Lussemburgu u fi Brussell, rispettivament. Din id-differenza tirriżulta prinċipalment miż-żieda aktar rapida fil-prezzijiet tal-kiri fil-Lussemburgu. Ladarba l-ispejjeż tal-kiri jiġu esklużi, il-kapaċità tal-akkwist ta’ persunal ibbażat fil-Lussemburgu kienet ogħla fl-2017 u aktar baxxa fl-2018. Minħabba l-iskala tad-differenza sinifikanti li teżisti, il-Kummissjoni qed twettaq studju dwar l-attraenza tagħha bħala istituzzjoni u l-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu. Dan l-istudju għandu jitlesta fit-tielet kwart tal-2019.

69

Id-distribuzzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni skont il-pajjiż ta’ oriġini tirrifletti l-attraenza relattiva tal-kundizzjonijiet tax-xogħol offruti. Bl-istess mod, l-iżbilanċi huma viżibbli fin-nazzjonalitajiet tal-kandidati fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO, fejn ċerti pajjiżi (eż. Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands) mhumiex irrappreżentati b’mod suffiċjenti27.

70

Aħna wettaqna analiżi dettaljata tal-istatistika dwar in-nazzjonalitajiet tal-persunal tal-Kummissjoni biex niddeterminaw jekk setgħux jiġu osservati żbilanċi li ma kinux iġġustifikati minn kriterji oġġettivi. Aħna qabbilna l-proporzjon tal-persunal tal-Kummissjoni ta’ kull nazzjonalità mal-proporzjon nazzjonali korrispondenti tal-popolazzjoni attiva tal-UE (jiġifieri s-sors ta’ rekluti potenzjali), billi kkalkulajna kemm membri tal-persunal kull Stat Membru “huwa mistenni” jipprovdi skont il-firxa tal-gradi. Il-Figura 19 tippreżenta r-riżultati ta’ din l-analiżi.

Figura 19

Żbilanċi ġeografiċi fost il-persunal skont in-nazzjonalità (2018)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

71

Id-distribuzzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni skont il-pajjiż tal-oriġini tiżvela differenzi sinifikanti bejn in-nazzjonalitajiet, biċ-ċittadini Belġjani l-aktar irrappreżentati28, filwaqt li ċ-ċittadini Brittaniċi u Ġermaniżi huma l-inqas irrappreżentati, fil-gradi kollha. Iċ-ċittadini Spanjoli, Franċiżi, Pollakki u Netherlandiżi huma partikolarment sottorappreżentati fil-gradi li ġejjin:

  • fil-gradi AD intermedji (5-8) għal Spanja, Franza u n-Netherlands, u
  • fil-gradi AST intermedji (5-9) u l-gradi AD ogħla (9-12) għall-Polonja.
72

Aħna sibna li l-mudell ta’ rappreżentanza baxxa u għolja mhuwiex konsistenti fil-gradi kollha. Ċerti pajjiżi huma rrappreżentati b’mod eċċessiv fil-gradi AST aktar baxxi (il-Bulgarija u r-Rumanija), filwaqt għal oħrajn dan huwa l-każ għall-gradi AD ogħla (partikolarment l-Iżvezja, il-Finlandja, il-Greċja u l-Italja).

73

B’mod ġenerali, il-bidliet fil-kundizzjonijiet tal-impjieg naqqsu l-attraenza relattiva tax-xogħol mal-UE għal xi nazzjonalitajiet li diġà huma sottorappreżentati. L-evidenza li ġbarna turi d-disparità fil-kapaċità tal-Kummissjoni biex tattira l-gradwati. Il-barometru taż-żgħażagħ gradwati tal-Istitut Trendence kklassifika l-karrieri fil-Kummissjoni u fl-UE fil-15-il post fil-lista tal-impjegaturi potenzjali l-aktar popolari fl-UE fl-201629. Ir-riżultati skont il-pajjiż juru d-disparitajiet sinifikanti fil-perċezzjoni tal-attraenza tal-Kummissjoni. Fl-2017, il-Kummissjoni kienet ikklassifikata fis-6 post (7,4 %) fl-Awstrija, u fl-2016 kienet fis-7 post (4,8 %) fi Franza u fil-15-il post fi Spanja (3,5 %), iżda fil-31 post biss (2,2 %) fil-Ġermanja u fit-48 post (1,5 %) fil-Polonja.

Tħejjija aħjar tal-pakkett ta’ riformi tal-2014 setgħet għenet biex jiġu mmitigati l-konsegwenzi negattivi tiegħu

74

Minħabba d-daqs u n-natura tal-impatti finanzjarji u mhux finanzjarji potenzjali tal-pakkett ta’ riformi tal-2014, aħna konna nistennew li l-Kummissjoni tkun wettqet valutazzjoni simili għal dawk li jsiru fil-każ ta’ proposti leġiżlattivi importanti oħra b’implikazzjonijiet baġitarji.

Ftit ingħatat attenzjoni għall-aspetti mhux finanzjarji

75

Il-Kummissjoni qieset li ma kinitx legalment obbligata li twettaq analiżi approfondita tal-konsegwenzi eventwali tal-bidliet proposti. B’riżultat ta’ dan, l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-2014 ma kinitx preċeduta minn analiżi kumplessiva, la tal-problemi li kellhom jiġu indirizzati u lanqas tal-konsegwenzi probabbli fuq terminu qasir u fuq terminu twil, li l-miżuri magħżula seta’ jkollhom fuq il-ġestjoni tar-riżorsi umani.

76

L-analiżi preparatorja tal-Kummissjoni ffukat l-aktar fuq l-istimar tal-effetti finanzjarji probabbli tal-miżuri proposti għall-iffrankar tal-ispejjeż. Aħna sibna li l-analiżi tal-iffrankar baġitarju kienet ibbażata fuq metodoloġija soda li kienet tispjega s-suppożizzjonijiet ewlenin li saru.

77

Fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-riżorsi umani, il-Kummissjoni ffukat l-aktar fuq l-iżvilupp ta’ miżuri li jirrimedjaw il-konsegwenzi speċifiċi tar-riforma tal-2004. Dawn il-miżuri kienu mmotivati minn analiżi mwettqa matul il-perjodu 2009-2011, b’mod partikolari:

  • studju tal-Eurostat dwar l-implikazzjonijiet baġitarji fuq terminu twil tal-ispejjeż għall-pensjonijiet, li ffoka fuq il-previżjoni tax-xejriet prinċipali f’dan il-qasam mill-2010 sal-2059;
  • rapport dwar l-ekwivalenza bejn l-istruttura l-qadima tal-karriera (qabel l-2004) u dik ġdida, fejn ġie konkluż li ma nżammitx ekwivalenza għall-gruppi ta’ funzjoni kollha u li kienet meħtieġa korrelazzjoni aktar ċara bejn il-livelli ta’ responsabbiltà u l-livelli tas-salarji.
78

Madankollu, l-implikazzjonijiet tal-miżuri għall-iffrankar tal-ispejjeż fuq ir-riżorsi umani ma ġewx ivvalutati kollha bl-istess livell ta’ dettall. B’mod partikolari, ma saret l-ebda analiżi tar-riskju jew valutazzjoni tal-konsegwenzi pożittivi jew negattivi tal-miżuri li ġejjin:

  • bidliet fil-kriterji għat-tnaqqis fil-grad u t-tkeċċija;
  • estensjoni tal-liv tal-ġenituri;
  • bidliet fir-regoli dwar l-irkupru tal-ħinijiet flessibbli;
  • tnaqqis fl-intitolament għal-liv annwali għall-ivvjaġġar;
  • bidliet fit-termini ta’ impjieg fid-delegazzjonijiet, pereżempju l-liv annwali u l-metodu għall-kalkolu tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien.
79

B’riżultat ta’ dan, xi wħud mill-bidliet proposti rigward il-kundizzjonijiet tal-impjieg elenkati hawn fuq ma kinux ibbażati fuq analiżi tal-problemi mistennija jew identifikati. Xi wħud minnhom ġew introdotti matul l-istadju tat-trilogu u kienu ġġustifikati prinċipalment mill-perspettiva ta’ iffrankar baġitarju.

Monitoraġġ u rappurtar insuffiċjenti dwar il-konsegwenzi fuq il-qasam tar-riżorsi umani

80

Aħna sibna dgħufijiet fil-monitoraġġ li l-Kummissjoni wettqet tal-effetti prinċipali li l-miżuri inklużi fil-pakkett tal-2014 kellhom fuq ir-riżorsi umani, bħaż-żieda fil-ħin tal-ġimgħa tax-xogħol u t-tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet tal-persunal.

81

Sabiex il-persunal jiġi assenjat il-kompiti ta’ prijorità, jeħtieġ li jkun hemm sistema b’data affidabbli biżżejjed biex jiġi vvalutat l-ammont ta’ xogħol fil-Kummissjoni kollha kemm hi. L-informazzjoni dwar ir-riżorsi li jintużaw għal kompiti speċifiċi (objettivi) hija rekwiżit biex jiġi żgurat għoti ta’ rendikont maniġerjali, b’appoġġ għad-dikjarazzjoni annwali ta’ assigurazzjoni.

82

Il-pakkett tar-riformi tal-2014 introduċa ġimgħa ta’ xogħol minima ta’ 40 siegħa u kien jinkludi regoli dwar arranġamenti ta’ ħin flessibbli tax-xogħol. Dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq monitoraġġ bir-reqqa u ġestjoni rigoruża tal-ħin tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni ta’ riżorsi limitati tal-persunal.

83

Il-bidla għal ġimgħa tax-xogħol ta’ 40 siegħa ma kinitx biżżejjed biex tikkumpensa għat-tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet ta’ impjieg fis-servizzi kollha, minħabba li ħafna membri tal-persunal kienu diġà jaħdmu sigħat itwal mill-perjodu statutorju. Minflok, it-tnaqqis fil-postijiet ta’ impjieg wassal għal ristrutturar u għall-iżvilupp ta’ metodi ta’ xogħol ġodda f’ċerti Direttorati Ġenerali u servizzi.

84

Għalkemm kien hemm żieda żgħira biss fil-medja tal-ħin tal-ġimgħa tax-xogħol bejn l-2015 u l-2017, minn 42.6 għal 42.9 sigħat, għall-Kummissjoni kollha kemm hi, din l-istatistika tvarja b’mod sinifikanti minn DĠ għal ieħor. L-itwal ġimgħa tax-xogħol irrappurtata minn DĠ (medja kkalkulata fuq il-perjodu mill-2015 sal-2017) kienet ta’ 51 siegħa, u l-iqsar kienet ta’ 40.6 sigħat.

85

Is-sistema ta’reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol użata fil-Kummissjoni ma tipprovdix data kompleta u affidabbli biżżejjed biex ikun jista’ jitqabbel l-ammont ta’ xogħol fid-dipartimenti differenti. Aħna sibna li kważi 30 % tal-iskedi ta’ rendikont tal-ħin tax-xogħol (timesheets) kollha ma jiġux ivvalidati30. L-affidabbiltà ta’ dawk ivvalidati ma tistax tiġi ggarantita għalkollox: il-persunal xi drabi jirreġistra sigħat ta’ xogħol standard u mhux dawk li jkun ħadem tassew. Barra minn hekk, it-telexogħol dejjem jingħadd bħala jum sħiħ jew nofs, irrispettivament minn kemm-il siegħa tkun verament inħadmet. Ir-rata ta’ validazzjoni fil-Kummissjoni (għal darb’oħra, medja kkalkulata fuq perjodu ta’ 3 snin) tvarja minn 24 % sa 87 %. Dan jillimita l-kapaċità tal-maniġment li jidentifika l-effetti negattivi tat-tnaqqis tal-għadd tal-persunal, partikolarment iż-żieda fl-ammont ta’ xogħol għall-bqija tal-persunal.

86

Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, id-DĠ Riżorsi Umani juża d-data dwar il-ħin tax-xogħol irreġistrat biex jivvaluta l-ammont ta’ xogħol tad-Direttorati Ġenerali individwali fil-qafas tar-riallokazzjoni tal-persunal. Din is-sitwazzjoni tista’ ddgħajjef il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-għadd tal-membri tal-persunal u l-fattibilità ta’ aktar tnaqqis.

87

Minbarra r-reġistrazzjoni tal-ħin tal-persunal, il-Kummissjoni tfassal u timmonitorja għadd ta’ politiki relatati mar-riżorsi umani, inklużi l-allokazzjoni, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-ġestjoni ta’ talenti kif ukoll il-benessri tal-membri tal-persunal. Madankollu, hija ma tużax id-data u l-indikaturi disponibbli fil-qasam tar-riżorsi umani biex tistabbilixxi objettivi ta’ prestazzjoni u biex tiddefinixxi indikaturi ta’ ġestjoni li jiffukaw fuq il-problemi emerġenti f’dak li jirrigwarda l-forza tax-xogħol. Dan jillimita l-kapaċità tal-Kummissjoni li tkun tista’ tidentifika u tirreaġixxi għal kull effett sekondarju (eż. żieda fil-liv minħabba mard f’DĠ partikolari, żieda sinifikanti fil-kuntratti għal terminu qasir jew fl-ammont ta’ xogħol, jew tnaqqis fis-sodisfazzjon fl-impjieg tal-persunal) li jista’ jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ riformi tal-2014.

88

L-obbligi rigward ir-rappurtar dwar l-effetti tar-riformi tal-2014 huma maħsuba primarjament biex jinfurmaw lill-awtorità baġitarja dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-pakkett. L-ewwel rapport dwar il-funzjonament ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi ppubblikat fi tmiem l-2020, u fl-2022 għandhom joħorġu rapporti oħra dwar l-implikazzjonijiet baġitarji tas-sistema tal-pensjonijiet u l-evoluzzjoni tal-kapaċità tal-akkwist.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

89

B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014 irnexxielu jikseb l-iffrankar tal-ispejjeż mixtieq kif ukoll xi titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi umani. Madankollu, ċerti konsegwenzi negattivi għad-Direttorati Ġenerali u għall-persunal setgħu jiġu evitati jew immitigati qabel, li kieku r-riformi tħejjew u ġew immonitorjati aħjar (il-paragrafi 14 sa 88).

90

Aħna sibna li l-pakkett tal-2014 qed isarraf fi iffrankar sinifikanti għall-baġit tal-UE li jaqbeż dak mistenni oriġinarjament. B’kollox, l-iffrankar taħt il-QFP attwali x’aktarx jilħaq EUR 4.2 biljun. Huwa stmat li l-iffrankar baġitarju fuq terminu twil li jirriżulta mit-tnaqqis fl-infiq fuq il-pensjonijiet ikun ta’ EUR 19.2 biljun. Is-sorsi prinċipali tal-iffrankar huma t-tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet għall-persunal, l-iffriżar temporanju tas-salarji u l-pensjonijiet, iż-żieda fl-età tal-irtirar u t-tnaqqis fir-rata ta’ akkumulu annwali għall-pensjonijiet, kif ukoll inqas opportunitajiet ta’ promozzjoni għal gradi ogħla. Dawn l-ammonti huma addizzjonali għall-iffrankar attribwit għar-riforma tal-2004. L-effett sħiħ ta’ dawn il-bidliet mhux se jkun viżibbli għal kważi 30 sena (il-paragrafi 14 sa 20).

91

Il-pakkett ta’ riformi tal-2014 kellu impatt fuq għadd ta’ aspetti importanti tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fil-Kummissjoni, inklużi d-distribuzzjoni tal-persunal fil-gruppi ta’ funzjoni u l-gradi, il-bilanċ bejn il-ġeneri, il-profil tal-età, l-għadd ta’ persunal kuntrattwali, l-ammont ta’ xogħol tal-persunal fid-Direttorati Ġenerali u s-servizzi, u l-attraenza tal-kundizzjonijiet tal-impjieg. B’mod ġenerali, l-impatt kien varju (il-paragrafi 22 sa 73).

92

Il-pakkett kien jinkludi żewġ bidliet sinifikanti fl-istruttura tal-karriera. Sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi bejn ir-responsabbiltajiet u l-gradi tas-salarji li rriżultaw mir-riforma tal-2004, ir-reviżjoni tal-2014 ipprevediet il-ħolqien tal-grupp ta’ funzjoni AST/SC għas-segretarji u l-iskrivani u l-imblukkar tal-karrieri fil-gruppi ta’ funzjoni AST u AD. Dawn il-bidliet diġà kkontribwew għal allinjament aħjar tas-salarji u r-responsabbiltajiet u se jwasslu għal bidliet fuq terminu twil fid-distribuzzjoni tal-persunal skont il-grad tas-salarju. Madankollu, dan l-imblukkar il-ġdid tal-karrieri joħloq sfidi sinifikanti fil-qasam tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fid-Direttorati Ġenerali li għandhom ħafna membri tal-persunal ta’ livell għoli, peress li l-prospetti għall-promozzjoni tagħhom ġew affettwati b’mod negattiv (il-paragrafi 22 sa 30).

93

Ir-riformi tal-2014 wasslu fil-biċċa l-kbira għal armonizzazzjoni tal-arranġamenti tax-xogħol favur il-familja li diġà kienu jeżistu fost l-istituzzjonijiet. L-iżviluppi prinċipali lejn forza tax-xogħol b’rappreżentanza aktar ibbilanċjata ta’ nisa u rġiel matul il-perjodu 2013-2018 mhumiex attribwibbli għar-reviżjoni tal-2014 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-grupp ta’ funzjoni AD, huwa mistenni li fuq terminu twil l-inugwaljanzi fi gradi ogħla se jonqsu minħabba li aktar u aktar nisa qed jiġu rreklutati fil-gradi tal-livell tad-dħul u dawn imbagħad jingħataw promozzjoni permezz tas-sistema. Il-gruppi ta’ funzjoni AST u AST/SC jibqgħu fil-biċċa l-kbira nisa minħabba r-rata għolja ta’ kandidati nisa fil-kompetizzjonijiet rilevanti (il-paragrafi 31 sa 37).

94

It-tnaqqis fil-livell ta’ reklutaġġ wara t-tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet ta’ impjieg u ż-żieda fl-età tal-irtirar qed jikkontribwixxu għal forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Iż-żieda fl-età ta’ rekluti ġodda hija fattur ieħor importanti f’dan ir-rigward (il-paragrafi 38 sa 40).

95

Il-proporzjon ta’ persunal kuntrattwali żdied fil-Kummissjoni kollha kemm hi. Il-fattur prinċipali jinsab fil-bidliet li saru fil-prijoritajiet politiċi kemm fil-livell tad-Direttorati Ġenerali kif ukoll f’dak tal-Kummissjoni, u l-ħtieġa li xi Direttorati Ġenerali jirreklutaw persunal malajr biex jindirizzaw sitwazzjonijiet bħall-kriżi tal-migrazzjoni. Jenħtieġ li din il-bidla tinftiehem fil-kuntest usa’ tar-riallokazzjoni ta’ postijiet ta’ impjieg bejn id-Direttorati Ġenerali biex jiġi rifless l-ammont ta’ xogħol, fejn ġiet irreġistrata żieda sinifikanti fl-għadd tal-membri tal-persunal fid-DĠ HOME u d-DĠ ECHO u tnaqqis fid-DĠ AGRI u d-DĠ SANTE (il-paragrafi 42 sa 51).

96

B’mod ġenerali, il-pakkett tal-2014 kellu konsegwenzi negattivi għall-persunal. Kien hemm tnaqqis sinifikanti fis-sodisfazzjon fl-impjieg tal-persunal u żieda fil-liv minħabba mard, partikolarment fost dawk l-aktar milquta mill-bidliet fir-Regolamenti tal-Persunal u mill-ammont ta’ xogħol tagħhom. Il-perċezzjoni ta’ deterjorament fit-termini ta’ impjieg hija b’saħħitha l-aktar fost il-persunal tad-delegazzjonijiet. Il-kundizzjonijiet tal-impjieg saru inqas favorevoli għall-persunal eżistenti. L-interess fost rekluti potenzjali ġodda naqas ukoll. Il-bidliet x’aktarx jaggravaw id-diffikultajiet eżistenti fir-reklutaġġ tal-persunal minn xi pajjiżi li diġà huma sottorappreżentati b’mod sinifikanti fil-Kummissjoni (il-paragrafi 52 sa 73).

97

Aħna sibna wkoll li kemm ir-riżultati pożittivi (l-iffrankar tal-ispejjeż) kif ukoll l-impatti inqas pożittivi (bħan-nuqqas ta’ sodisfazzjon fl-impjieg tal-persunal) jirriflettu l-mod kif tħejja l-pakkett tal-2014 u kif l-implimentazzjoni tiegħu ġiet immonitorjata. Fl-istadju ta’ tħejjija, il-Kummissjoni ffukat prinċipalment fuq miżuri għat-tnaqqis tal-baġit għas-salarji u għall-pensjonijiet kif ukoll fuq l-indirizzar tal-effetti sekondarji tar-riforma tal-2004. Ftit li xejn ma saret valutazzjoni tal-konsegwenzi probabbli fuq il-ġestjoni tar-riżorsi umani ta’ dawn il-miżuri ta’ ffrankar jew miżuri oħra fil-pakkett ta’ riformi. L-arranġamenti ta’ monitoraġġ li kienet implimentat il-Kummissjoni ma kinux suffiċjenti biex tidentifika dawk il-konsegwenzi negattivi b’mod korrett jew f’waqtu (il-paragrafi 74 sa 88). L-Anness I jippreżenta s-sommarju tas-sejbiet tagħna dwar il-konsegwenzi tal-miżuri prinċipali tar-riforma tal-2014 fuq il-baġit tal-UE, fuq l-arranġamenti relatati mar-riżorsi umani tal-Kummissjoni u fuq il-persunal tagħha.

Rakkomandazzjoni 1 - Żvilupp ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-forza tax-xogħol

Biex ittejjeb il-mod kif timmaniġġja l-ammont ta’ xogħol tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni tal-forza tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq il-punti li ġejjin:

1.1 Tidentifika liema kompiti jitwettqu minn liema kategoriji ta’ persunal, sabiex tkun tista’ tallinja aħjar il-politiki u l-prattiki tar-riżorsi umani mal-ħtiġijiet istituzzjonali tagħha u tidentifika liema rwoli jikkontribwixxu l-aktar għall-objettivi tagħha;

1.2 Tfassal pjan ta’ azzjoni biex tattira, tħarreġ u żżomm persuni li jkollhom firxa wiesgħa ta’ esperjenza professjonali u ta’ nazzjonalitajiet.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.

Rakkomandazzjoni 2 - Titjib fil-qafas għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ kwistjonijiet relatati mar-riżorsi umani

Sabiex tindirizza aħjar l-iżviluppi fil-qasam tar-riżorsi umani, jenħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ u r-rappurtar li hija twettaq dwar aspetti relatati mar-riżorsi umani fil-livell korporattiv. Jenħtieġ li hija tuża d-data u l-indikaturi disponibbli biex tidentifika r-riskji tal-forza tax-xogħol li jistgħu jipperikolaw l-objettivi tagħha.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.

Rakkomandazzjoni 3 - Valutazzjoni tal-ħtiġijiet u tal-impatti potenzjali qabel ma ssir reviżjoni ulterjuri tar-Regolamenti tal-Persunal

Qabel ma twettaq reviżjoni ulterjuri tar-Regolamenti tal-Persunal, jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika aħjar il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati u tiddetermina l-objettivi u l-impatti potenzjali tal-proposta, kemm dawk finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji u l-miżuri ta’ akkumpanjament.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: qabel ma ssir reviżjoni ulterjuri tar-Regolamenti tal-Persunal.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Lazaros S. Lazarou, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ Lulju 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Annessi

Annex I — Impatt kumplessiv tal-miżuri introdotti mill-pakkett ta’ riformi tal-persunal tal-2014

Miżura Iffrankar iġġenerat fis-salarji u fil-pensjonijiet Titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi umani Konsegwenzi fuq il-persunal
Iffrankar baġitarju maġġuri
Tnaqqis tal-għadd ta’ persunal b’5 % u sigħat ta’ xogħol itwal
Metodu rivedut għall-aġġustament tas-salarji u tal-pensjonijiet
Iffriżar tas-salarji u tal-pensjonijiet
Żieda fl-età tal-irtirar u tnaqqis fir-rata’ ta’ akkumulu annwali għall-pensjonijiet
Iffrankar baġitarju ieħor/kundizzjonijiet tal-impjieg
Ħolqien tal-kategorija AST/SC
Aċċess limitat għal gradi AST u AD ta’ tmiem il-karriera
Tnaqqis fil-grad wara tliet rapporti negattivi
Bidla fil-liv annwali u fl-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien fid-delegazzjonijiet

Sors: Il-QEA

Kriterji li ntużaw għall-valutazzjoni kumplessiva tal-impatt pożittiv u negattiv tal-miżuri introdotti mir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2014

Kulur Iffrankar iġġenerat Titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi umani Konsegwenzi għall-persunal
Il-miżura ġġenerat iffrankar sinifikanti (’il fuq minn EUR 100 miljun) Meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel ir-reviżjoni, il-miżura kkontribwiet b’mod sinifikanti għal fokus aktar b’saħħtu fuq il-kompiti l-aktar importanti, titjib fil-ġestjoni tal-għarfien u tar-responsabbiltajiet u l-iffaċilitar tal-mobbiltà tal-persunal bejn servizzi jew lokalitajiet differenti. Meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel ir-reviżjoni tal-2014, il-miżura tejbet l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ewlenin, is-sodisfazzjon tal-persunal fuq il-post tax-xogħol, il-prospetti tal-impjiegi u tal-karriera u l-involviment tal-persunal.
Il-miżura kienet finanzjarjament newtrali jew iġġenerat iffrankar relattivament żgħir (inqas minn EUR 100 miljun) Meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel ir-reviżjoni, il-miżura kienet newtrali f’dak li jirrigwarda l-fokus fuq il-kompiti l-aktar importanti, il-ġestjoni tal-għarfien u r-responsabbiltajiet u l-iffaċilitar tal-mobbiltà tal-persunal bejn servizzi jew lokalitajiet differenti. Meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel ir-reviżjoni tal-2014, il-miżura kienet newtrali f’dak li jirrigwarda l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ewlenin, is-sodisfazzjon tal-persunal fuq il-post tax-xogħol, il-prospetti tal-impjiegi u tal-karriera u l-involviment tal-persunal.
Il-miżura ma kkontribwietx direttament għall-iffrankar u lanqas ma ġġenerat spejjeż addizzjonali Meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel ir-reviżjoni, il-miżura ħolqot riskji jew problemi f’dak li jirrigwarda l-fokus fuq il-kompiti l-aktar importanti, il-ġestjoni tal-għarfien u r-responsabbiltajiet kif ukoll il-mobbiltà tal-persunal bejn servizzi jew lokalitajiet differenti. Meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel ir-reviżjoni, il-miżura ħolqot riskji jew problemi f’dak li jirrigwarda l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ewlenin u naqqset is-sodisfazzjon tal-persunal fuq il-post tax-xogħol, il-prospetti tal-impjiegi u tal-karriera u l-involviment tal-persunal.

Annex II — Kategoriji ta’ persunal impjegat mal-Kummissjoni

Il-forza tax-xogħol tal-Kummissjoni hija magħmula minn diversi kategoriji ta’ persunal. F’kull kategorija hemm gradi differenti, li jirriflettu rekwiżiti professjonali u edukattivi u livelli ta’ responsabbiltà dejjem akbar.

I Persunal kopert mir-Regolamenti tal-Persunal

Uffiċjal huwa persuna li tkun inħatret, wara li tkun għaddiet minn kompetizzjoni, f’post permanenti f’waħda mill-istituzzjonijiet. Il-Kummissarji mhumiex uffiċjali.

Hemm tliet gruppi ta’ funzjoni fil-kategorija ta’ uffiċjali:

  • Amministraturi (AD), karriera fil-gradi AD5 sa AD15;
  • Assistenti (AST), karriera fil-gradi AST1 sa AST11;
  • Segretarji u skrivani (AST/SC), karriera fil-gradi AST/SC1 sa AST/SC6.

II Persunal kopert mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra

Persunal temporanju jiġi rreklutat:

  • fuq kuntratt għal terminu qasir (massimu ta’ sitt snin) biex jokkupa post permanenti f’waħda mill-istituzzjonijiet jew fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;
  • fuq kuntratt għal terminu qasir jew, aktar rari, għal perjodu indefinit, biex jimla’ post temporanju f’istituzzjoni jew f’aġenzija;
  • biex jassisti persuna li għandha kariga (eż. Kummissarju), f’liema każ it-tul tal-kuntratt tagħhom ikun marbut mal-kariga tat-titulari.

Il-gruppi ta’ funzjoni għall-persunal temporanju huma l-istess bħal dawk għall-uffiċjali.

Persunal kuntrattwali ma jiġix assenjat għal post stabbilit. L-aġenti kuntrattwali jinqasmu f’erba’ gruppi ta’ funzjonijiet (GFI sa GFIV) skont il-kompiti li jwettqu: minn GFI għal kompiti manwali sa GFIV għal kompiti amministrattivi. Aġenti assenjati għal GFI jew li jaħdmu f’aġenzija jew f’delegazzjoni, rappreżentanza jew uffiċċju (eż. OIL, OIB) jistgħu jiġu rreklutati għal perjodu indefinit; il-kuntratti ta’ aġenti oħra ma jistgħux jaqbżu sitt snin.

Persunal lokali jiġi rreklutat f’lokalitajiet barra l-Unjoni Ewropea skont r-regoli u l-prattiki lokali. Dawn l-aġenti ma jiġux assenjati għal post stabbilit.

Annex III — Rekwiżiti ta’ dħul għal kull kategorija ta’ persunal

It-tabella hawn taħt tippreżenta fil-qosor il-kwalifiki minimi u l-ħiliet lingwistiċi meħtieġa għal uffiċjali, persunal temporanju u persunal kuntrattwali, kif ukoll il-kompiti indikattivi għal kull grupp ta’ funzjoni.

Uffiċjali u persunal temporanju Persunal kuntrattwali
Kwalifiki
AD GFIV
Studji universitarji kkompletati ta’ mill-anqas tliet snin iċċertifikati b’lawrja
AST u AST/SC GFIII u GFII
Edukazzjoni post-sekondarja ċċertifikata b’diploma, jew edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b’diploma, u esperjenza professjonali ta’ mill-anqas tliet snin
M/A GFI
Ikkompletar b’suċċess ta’ edukazzjoni mandatorja
Rekwiżiti lingwistiċi
Għall-gruppi ta’ funzjoni kollha: għarfien approfondit ta’ waħda mil-lingwi tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra. Għall-uffiċjali, l-għarfien tat-tielet lingwa huwa rekwiżit għall-promozzjoni.
Kompiti indikattivi
AD GFIV
Amministratur: avukat, traduttur, awditur, ekonomist eċċ. Simili għall-kompiti ta’ persunal AD, iżda mwettqa taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali jew ta’ persunal temporanju
AST GFIII
Rwol eżekuttiv jew tekniku fl-amministrazzjoni, il-finanzi, il-komunikazzjoni, ir-riċerka jew l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika Simili għall-kompiti ta’ persunal AST, iżda mwettqa taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali jew ta’ persunal temporanju
AST/SC GFII
Kompiti klerikali u segretarjali, kompiti ta’ amministrazzjoni ta’ uffiċċju Simili għall-kompiti ta’ persunal AST/SC, iżda mwettqa taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali jew ta’ persunal temporanju.
M/A GFI
Kompiti manwali u amministrattiv (eż. xufiera, persunal ta’ appoġġ u loġistika) imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali jew ta’ persunal temporanju

Annex IV — Id-Direttorati Ġenerali, 45 b’kollox, kif ukoll is-servizzi u l-uffiċċji tal-Kummissjoni kif ukoll il-Kulleġġ

Isem sħiħ Isem sħiħ
AGRI Agrikoltura u Żvilupp Rurali HOME Migrazzjoni u Affarijiet Interni
BUDG Baġit HR Riżorsi Umani u Sigurtà
CLIMA Azzjoni Klimatika IAS Servizz tal-Awditjar Intern
CNECT Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija JRC Ċentru Konġunt tar-Riċerka
COLLÈGE Kabinetti tal-Kummissarji JUST Ġustizzja u Konsumaturi
COMM Komunikazzjoni MARE Affarijiet Marittimi u Sajd
COMP Kompetizzjoni MOVE Mobbiltà u Trasport
DEVCO Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp NEAR Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir
DGT Traduzzjoni OIB Uffiċċju għall-Infrastruttura u Loġistika fi Brussell
DIGIT Informatika (Teknoloġija tal-informatika) OIL Uffiċċju għall-Infrastruttura u Loġistika fil-Lussemburgu
EAC Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport u Kultura OLAF Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
ECFIN Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji PO Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet
ECHO Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej PMO Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali
EMPL Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni REGIO Politika Reġjonali u Urbana
ENER Enerġija RTD Riċerka u Innovazzjoni
ENV Ambjent SANTE Saħħa u Sikurezza Alimentari
EPSC Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika SCIC Interpretazzjoni
EPSO Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal Segretarjat Ġenerali
ESTAT Eurostat - Statistika Ewropea SJ Servizz legali
FISMA Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali TAXUD Tassazzjoni u Unjoni Doganali
FPI Strumenti tal-Politika Barranija TF50 Task force għall-preparazzjoni u t-tmexxija tan-negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50
GROW Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs TRADE Kummerċ

Abbrevjazzjonijiet

AD: Grupp ta’ funzjoni tal-amministraturi

AST: Grupp ta’ funzjoni tal-assistenti

AST/SC: Grupp ta’ funzjoni tas-segretarji u l-iskrivani

CEOS: Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea

CPA: Amministrazzjoni Pubblika Ċentrali

CPI: Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur

DĠ: Direttorat Ġenerali

EPSO: Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal

EUROSTAT: Direttorat Ġenerali Eurostat - Statistika Ewropea

FG: Grupp ta’ funzjoni tal-aġenti kuntrattwali

GSI: Indikatur Speċifiku Globali

HICP: Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur

HR: Riżorsi umani

JBLI: Indiċi Konġunt - Belġju - Lussemburgu

KE: Il-Kummissjoni Ewropea

PDG: Prodott Domestiku Gross

QFP: Qafas Finanzjarju Pluriennali

SR: Regolamenti tal-Persunal

UE: L-Unjoni Ewropea

Glossarju

Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra: Ir-regoli li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi ta’ uffiċjali u persunal ieħor tal-UE, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-karrieri tagħhom mir-reklutaġġ sal-irtirar, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, l-emolumenti, l-allowances u l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali.

Tabella tal-persunal: Lista ta’ postijiet permanenti u temporanji f’kull istituzzjoni, uffiċċju jew aġenzija. Dan huwa anness mal-baġit rispettiv tagħhom.

Trilogi: Laqgħat tripartitiċi bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li fihom dawn l-istituzzjonijiet jinnegozjaw il-proposti leġiżlattivi. Il-ftehimiet informali li jintlaħqu f’dan il-kuntest ikunu mbagħad iridu jiġu approvati formalment mill-Parlament u mill-Kunsill.

Qafas finanzjarju pluriennali (QFP): Pjan ta’ nfiq ta’ seba’ snin li jittrasponi l-prijoritajiet tal-UE f’termini finanzjarji. Il-perjodu tal-QFP attwali beda fl-2014 u se jintemm fl-2020.

Amministrazzjoni pubblika ċentrali: B’mod ġenerali, din hija korp amministrattiv jew istituzzjoni amministrattiva li joperaw b’mod ċentrali fil-livell nazzjonali u huma subordinati għad-dipartimenti tal-gvern (ġeneralment il-ministeri) li huma responsabbli għat-tfassil tal-politika. Il-korpi sussidjarji tal-amministrazzjoni pubblika ċentrali jinkludu fergħat u aġenziji reġjonali u lokali.

Rata ta’ akkumulu annwali tad-drittijiet għall-pensjonijiet: Ir-rata li biha impjegat jakkumula l-benefiċċji tal-pensjoni matul l-impjieg tiegħu (2 %, 1.9 % jew 1.8 % fis-sena). Pereżempju, rata ta’ akkumulu annwali ta’ 2 % tfisser li, għal kull sena ta’ servizz, l-impjegat jakkumula 2 % ta’ benefiċċji għall-pensjoni.

Parallelliżmu fl-evoluzzjoni tas-salarji fl-amministrazzjonijiet ċentrali u dawk tal-UE: Il-prinċipju li skontu l-livelli tas-salarji tal-uffiċjali u ta’ persunal ieħor tal-UE għandhom jiġu aġġustati biex jirriflettu l-bidliet fil-kapaċità tal-akkwist tal-aġenti tas-servizz pubbliku nazzjonali. Għalhekk, jekk il-kapaċità tal-akkwist ta’ dawn il-ħaddiema tas-servizz pubbliku nazzjonali tiżdied b’1 %, jenħtieġ li żieda simili fil-kapaċità tal-akkwist tiġi applikata għall-persunal tal-UE. Il-fatt li tiġi segwita l-evoluzzjoni tal-kapaċità tal-akkwist ma jfissirx li l-persunal tal-UE jingħata l-istess kapaċità ta’ akkwist bħall-aġenti tas-servizz pubbliku nazzjonali.

Risposti tal-Kummissjoni

Osservazzjonijiet

32

Il-Kummissjoni tat importanza kbira lill-kwistjoni tal-bilanċ bejn is-sessi meta kkunsidrat il-kontribuzzjoni meħtieġa li għandha ssir. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma ġewx dokumentati b’mod formali.

33

Il-Kummissjoni tikkonferma li l-mira ta’ 40 % ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ maniġment se tinkiseb qabel tmiem il-mandat tal-Kummissjoni.

45

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li ż-żieda għall-JRC hija primarjament dovuta għad-deċiżjoni tal-2014 li “titolari ta’ boroż ta’ studju” jinqalbu għal persunal kuntrattwali. Jidher li hemm żieda fil-persunal kuntrattwali li huwa fl-istess skala ta’ AD, filwaqt li l-għadd ta’ persunal kuntrattwali fl-iskala ta’ AST baqa’ kostanti matul il-perjodu kkunsidrat.

46

Il-Kummissjoni tenfasizza li tqiesu l-implikazzjonijiet fit-tul fil-verżjoni riveduta tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant:

  • It-tul massimu ta’ kuntratt għall-persunal kuntrattwali żdied minn tliet snin għal sitt snin;
  • Il-persunal kuntrattwali għandu l-possibilità li japplika għall-kompetizzjonijiet interni sabiex isir uffiċjal.
56

Il-Kummissjoni ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tiġġestixxi b’mod avvanzat l-assenzi billi żviluppat indikaturi, għodod tal-IT, sistema ta’ twissija u l-arranġamenti ta’ rappurtar li jirriżultaw. Twaqqfet unità ġdida ta’ kontroll mediku, li fl-istrateġija ta’ kontroll tagħha tinkorpora l-għodod, l-informazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien.

58

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni li l-espressjonijiet ta’ interess għal stazzjonar f’Delegazzjonijiet għadhom għoljin, u dan jikkonferma bħala regola ġenerali l-attrazzjoni tal-ħidma f’Delegazzjonijiet.

61

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal kuntrattwali fil-GFIV jwettqu l-kompiti tagħhom taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali jew tal-persunal temporanju. Barra minn hekk, ir-rekwiżit minimu ta’ reklutaġġ għall-amministraturi minuri jinkludu li dawn jkunu għaddew minn kompetizzjoni, li mhuwiex il-każ tal-persunal kuntrattwali.

62

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-regoli ta’ promozzjoni fis-seħħ, kif ukoll il-kompetizzjonijiet interni, jippermettu li persunal bi prestazzjoni għolja jkollu karriera rapida.

70

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-analiżi mwettqa mill-QEA. Il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li l-metodoloġija stabbilita fir-rapport tagħha dwar il-bilanċ ġeografiku hija differenti u aktar iffukata fuq il-grupp ta’ funzjoni AD u fuq il-gradi li fihom jista’ jsir ir-reklutaġġ (prinċipalment il-gradi AD5-8). Għalhekk, il-konklużjoni f’termini ta’ nuqqas ta’ rappreżentazzjoni tista’ tkun differenti minn dawk stabbiliti mill-QEA.

73

Il-Kummissjoni tqis li l-evalwazzjoni tal-attrattività tagħha fl-Istati Membri differenti tiddependi fuq diversi fatturi, pereż. il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, il-kundizzjonijiet lokali, eċċ.

78

Minħabba n-natura dinamika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq sistematikament analiżi tal-impatt għall-miżuri proposti ġodda kollha li jirriżultaw waqt in-negozjati.

79

Peress li l-Kummissjoni ma kellhiex kontroll fuq it-twaqqit tal-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet, ma kienx possibbli li jiġi analizzat formalment l-impatt potenzjali tal-miżuri kollha.

Il-Kummissjoni, meta adottat id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, qieset l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-kundizzjonijiet tal-impjieg.

85

Il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li l-għan tas-sistema ta’ rapportar tal-ħin huwa li timmonitorja l-ħin tax-xogħol skont ir-regoli fis-seħħ. Il-kwistjoni tal-allokazzjoni tar-riżorsi hija ttrattata bl-użu ta’ informazzjoni addizzjonali (eż. l-iskrinjar ta’ karigi) u bbażata fuq prijoritajiet politiċi.

87

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li s-sodisfazzjon tal-persunal kif imkejjel fl-istħarriġ tal-persunal żdied fl-2018 meta mqabbel mal-2016.

Barra minn hekk, il-politiki u l-azzjonijiet li ġejjin tfasslu u ġew implimentati biex itaffu l-effetti negattivi tar-riforma fuq il-persunal:

  • l-istrateġija għall-ġestjoni tat-talenti;
  • l-istrateġija ta’ taħriġ u żvilupp;
  • l-istrateġija tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, ibbażata fuq, filwaqt li tinkludi:
    • għodda għall-monitoraġġ tas-saħħa li tanalizza u tagħti rendikont dwar assenzi u l-kawżi tagħhom mill-2010-2015;
    • il-miżuri kollha fis-seħħ biex l-assenzi jkunu ġestiti sew;
    • l-unità ta’ kontroll medika l-ġdida.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

89

Il-Kummissjoni implimentat strateġiji interni biex ittaffi xi effetti tar-riforma.

Peress li l-Kummissjoni ma kellhiex kontroll fuq it-twaqqit tal-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet matul in-negozjati, ma kienx possibbli li jiġi analizzat formalment l-impatt potenzjali tal-miżuri kollha.

97

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 79 u 87.

Rakkomandazzjoni 1 – L-iżvilupp ta’ pjan ta’ ġestjoni għall-forza tax-xogħol

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li l-pjan ta’ azzjoni biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni se jiddependi b’mod ċar fuq għadd ta’ aspetti li mhumiex fil-kontroll tagħha.

Wieħed mill-aspetti importanti huwa l-evoluzzjoni tal-kompiti mwettqa mill-Kummissjoni bħala reazzjoni għall-prijoritajiet politiċi.

Rakkomandazzjoni 2 – It-titjib tal-qafas għall-monitoraġġ u għar-rappurtar dwar kwistjonijiet tar-Riżorsi Umani

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 3 – Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u tal-impatti potenzjali qabel kwalunkwe reviżjoni oħra fir-Regolamenti tal-Persunal

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u Amministrazzjoni tal-Unjoni, li hija mmexxija minn Lazaros S. Lazarou, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Pietro Russo, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Chiara Cipriani, Kap tal-Kabinett u Benjamin Jakob, Attaché tal-Kabinett; Bertrand Albugues, Maniġer Prinċipali; Daria Bochnar, Kap tal-Kompitu; Marion Kilhoffer u Tomasz Plebanowicz, Awdituri. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Chiara Cipriani, Benjamin Jakob, Pietro Russo, Tomasz Plebanowicz, Marion Kilhoffer, Bertrand Albugues, Daria Bochnar.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 24.4.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 23.5.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 9.7.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 24.7.2019

Noti finali

1 Aktar dettalji dwar il-45 Direttorat Ġenerali u s-servizzi jingħataw fl-Anness IV.

2 Dan l-ammont jinkludi l-ispejjeż għas-salarji tal-persunal tal-Kummissjoni.

3 Ara l-Anness II għad-dettalji - Kategoriji tal-persunal impjegati mal-Kummissjoni.

4 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Baġit għall-Ewropa 2020”, 29.6.2011, KUMM(2011) 500 finali.

5 Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-Premessa 7.

6 Il-Proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, KUMM(2011) 890 finali, Brussell 13.12.2011, p. 2.

7 Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, tal-20.12.2013, p. 1).

8 http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/pages/publication15887_en.pdf

9 KUMM(2011) 171 finali - Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Ekwivalenza bejn strutturi tal-karriera qodma u ġodda.

10 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Artikolu 12 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (Bilanċ ġeografiku), COM(2018) 377 final.

11 Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, tal-20.12.2013, p. 1).

12 Il-Kawża C-63/12 tal-QĠUE, il-Kummissjoni Ewropea vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013. Il-Kunsill kien irrifjuta li jadotta ż-żieda proposta fis-salarji u fil-pensjonijiet tal-persunal tal-UE, billi qies li l-kriżi ekonomika li kienet għaddejja kkostitwiet deterjorament serju u f’daqqa tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni, u dan iġġustifika s-sospensjoni tal-metodu ta’ aġġustament. Il-Qorti kkonkludiet li l-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kunsill kienu suffiċjenti biex isostnu d-deċiżjoni tiegħu li ma jadottax l-aġġornament propost.

13 B’segwitu għas-sentenza li ngħatat fil-Kawża C-63/12, f’Diċembru 2013 il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida għal żieda ta’ 0,9 % fl-2011 u 0,9 % fl-2012. In-negozjati ta’ trilogu wasslu għall-adozzjoni tar-Regolamenti (UE) 22/2014 u 423/2014, li jistipulaw l-aġġustament tas-salarji u tal-pensjonijiet għall-2011 u l-2012 għal 0 % u 0,8 %, rispettivament.

14 Ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-Iskema tal-Pensjoni tal-Uffiċjali Ewropej u ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, COM(2012) 37 final, Brussell, 7.2.2012, p. 4.

15 Il-gradi u r-responsabbiltajiet huma spjegati fl-Anness II u l-Anness III.

16 Ir-Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Ekwivalenza bejn strutturi tal-karriera qodma u ġodda, 30.3.2011, KUMM(2011) 171 finali.

17 Ir-Regolament (UE, EUROATOM) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013, il-Premessa (23).

18 COM(2012)37 final tas-7.2.2012 - Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-Iskema tal-Pensjoni tal-Uffiċjali Ewropej u ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea.

19 Ara l-Anness II għal aktar dettalji dwar il-gruppi ta’ funzjoni u l-kompiti.

20 Analiżi rapida dwar każ speċifiku rigward l-implimentazzjoni tat-tnaqqis ta’ 5 % fil-postijiet għall-persunal ippubblikata fil-21.12.2017. Ara www.eca.europa.eu/.

21 SEC(2016)171/2 tat-22.3.2016, Komunikazzjoni lill-Kummissjoni, Allokazzjoni ta’ postijiet fit-tabella tal-persunal għall-2016.

22 Ir-riżultati sħaħ tal-istħarriġ tal-persunal tal-2018 ma kinux disponibbli fiż-żmien tal-awditjar: aħna użajna r-riżultati tal-istħarriġ tal-2016 għad-DĠ DEVCO.

23 Ara r-Regolament (UE, EURATOM) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013, il-Premessa (27): “Huwa meħtieġ li jiġu mmodernizzati l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi u biex dawn isiru aktar kosteffiċjenti filwaqt li jiġġeneraw iffrankar tal-ispejjeż”.

24 Proporzjon mill-infiq fuq il-persunal fid-delegazzjonijiet imqabbla man-nefqa kumplessiva taħt l-Intestatura 5 (esklużi l-Pensjonijiet u l-Iskejjel Ewropej).

25 Għall-perjodu ta’ referenza mill-1.7.2004 sal-31.12.2012, ġie kkalkulat “Indiċi Internazzjonali ta’ Brussell” (BII), f’konformità mal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kif emendat bir-Regolament 723/2004.

26 Rapporti ta’ kategoriji analitiċi, li jissupplimentaw ir-rapporti dwar l-aġġornamenti annwali tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-UE https://ec.europa.eu/eurostat/web/civil-servants-remuneration/publications.

27 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Artikolu 12 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (Bilanċ ġeografiku), COM(2018) 377 final.

28 Il-Belġju huwa pajjiż ospitant, li għandu impatt fuq l-għadd ta’ persunal li jaħdem mal-Kummissjoni.

29 Fi stħarriġ ta’ 300 000 gradwat minn 24 pajjiż Ewropew, il-Kummissjoni kisbet 2,94 % ta’ tweġibiet pożittivi, meta mqabbel ma’ 11,54 % għall-ewwel impjegatur elenkat.

30 L-iskedi ta’ rendikont tal-ħin tax-xogħol li permezz tagħhom jiġu rreġistrati s-sigħat li jaħdmu l-aġenti, suppost jiġu vvalidati fis-Sysper, li hija l-għodda komprensiva tal-IT tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tar-riżorsi umani.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-3464-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/090939 QJ-AB-19-011-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-3439-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/068646 QJ-AB-19-011-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.