Rapport Speċjali
08 2023

Trasport intermodali tal-merkanzija L-UE għadha ’l bogħod milli tittrasferixxi l‑merkanzija lil hinn mit-toroq

Dwar ir-rapport:It-trasport intermodali tal-merkanzija jikkonsisti fit-trasport tal-oġġetti f’unità ta’ tagħbija unika (bħal kontejner) permezz ta’ kombinament ta’ modi ta’ trasport: bit-triq, bil-ferrovija, mill-passaġġi fuq l-ilma jew bl-ajru. Huwa jista’ jottimizza l-punti pożittivi relattivi ta’ kull mod ta’ trasport mil-lat ta’ flessibbiltà, veloċità, kostijiet u prestazzjoni ambjentali. Għall-perjodu 2014-2020, il-finanzjament totali mill-UE impenjat għal proġetti li jappoġġaw l-intermodalità ammonta għal madwar EUR 1.1 biljun.

Il-Kummissjoni stabbiliet miri fil-livell tal-UE biex jiżdied l-użu tal-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-miri ma kinux realistiċi, u l-miri li kellhom l-Istati Membri ma kinux allinjati magħhom. B’mod ġenerali, ikkonkludejna li t-trasport intermodali tal-merkanzija għadu ma jistax jikkompeti fuq l-istess livell mat-trasport bit-triq minħabba ostakli regolatorji u infrastrutturali. Għamilna għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex inżidu l-effettività tal-appoġġ mill-UE f’dan il-qasam.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport Speċjali: Trasport intermodali tal-merkanzija

Sommarju eżekuttiv

I It-trasport intermodali tal-merkanzija jikkonsisti fit-trasport tal-oġġetti f’unità ta’ tagħbija unika (bħal kontejner) permezz ta’ kombinament ta’ modi ta’ trasport: bit-triq, bil-ferrovija, mill-passaġġi fuq l-ilma jew bl-ajru. Huwa għandu l-potenzjal li jottimizza l-punti pożittivi relattivi ta’ kull mod mil-lat ta’ flessibbiltà, veloċità, kostijiet u prestazzjoni ambjentali. Għall-perjodu 2014-2020, il-finanzjament totali mill-UE permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) iddedikat għal proġetti li jappoġġaw l-intermodalità ammonta għal EUR 1.1 biljun.

II Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu biex ninfurmaw lil dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet ikkonċernati dwar l-effettività tal-appoġġ regolatorju u finanzjarju tal-UE għat-trasport intermodali tal-merkanzija mill-2014 ’il hawn. Għal dan il-għan, ivvalutajna jekk il-miri tal-UE dwar l-intermodalità, fl-istrateġija usa’ tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija, kinux imfassla u mmonitorjati sew. Ivvalutajna wkoll jekk il-qafas legali tal-UE kienx jappoġġa t-trasport intermodali tal-merkanzija b’mod xieraq u jekk in-network tal-UE fil-qasam tal-infrastruttura kienx adatt għall-ħtiġijiet tal-intermodalità. Aħna wettaqna l-awditu tagħna f’7 Stati Membri u eżaminajna kampjun ta’ 16-il proġett li kienu rċevew finanzjament mill-UE sal-2020.

III B’mod ġenerali, ikkonkludejna li l-appoġġ regolatorju u finanzjarju tal-UE fil-qasam tat-trasport intermodali tal-merkanzija ma kienx effettiv biżżejjed billi kien għad m’hemmx kundizzjonijiet ekwi għat-trasport intermodali tal-merkanzija fl-UE minħabba ostakli regolatorji u infrastrutturali. Dan ifisser li t-trasport intermodali tal-merkanzija għadu ma jistax jikkompeti fuq l-istess livell mat-trasport bit-triq. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma kellhiex strateġija tal-UE ddedikata għall-intermodalità. Minflok, l-intermodalità kienet parti minn strateġiji usa’ dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija u l-bidla modali.

IV Il-Kummissjoni ma stabbilietx miri kwantitattivi għas-sehem tat-trasport intermodali tal-merkanzija, u stabbiliet miri tal-UE mhux realistiċi għall-2030 u l-2050 f’dak li jikkonċerna t-tiżjid tal-użu tal-ferroviji u tal-passaġġi fuq l-ilma interni għat-trasport tal-merkanzija. Dawn il-miri ma kinux ibbażati fuq simulazzjonijiet robusti ta’ kemm tista’ tinkiseb bidla modali. Sibna wkoll li l-Istati Membri stabbilew il-mira tagħhom li jżidu t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija mingħajr ma allinjawha ma’ dik tal-UE u f’livell saħansitra aktar ambizzjuż. Il-monitoraġġ min-naħa tal-Kummissjoni tal-ilħuq tal-miri tal-UE ġie mfixkel b’mod sinifikanti minn nuqqas ta’ data mingħand l-Istati Membri.

V Ir-regolamentazzjoni tas-suq hija fattur ewlieni fis-sostenn ta’ għażliet ta’ politika. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat – l-uniku att leġiżlattiv tal-UE speċifiku għat-trasport intermodali – mhumiex aġġornati. Il-Kummissjoni għamlet diversi tentattivi biex tirrevedi d-Direttiva, iżda ma rnexxilhiex tikseb il-qbil tal-Istati Membri. Hemm ukoll dispożizzjonijiet regolatorji tal-UE, b’mod partikolari dawk li jirregolaw it-trasport bit-triq, li b’mod parzjali jaġixxu kontra l-għan li tiżdied l-attraenza tal-intermodalità. Finalment, il-Kummissjoni ħadet passi biex tissimplifika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat immirati lejn bidla modali ’l bogħod mit-triq li tinvolvi l-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni jew it-trasport multimodali.

VI Aħna sibna li wieħed minn dawn il-fatturi li jiskuraġġixxu lill-operaturi tal-loġistika milli jagħżlu l-intermodalità kien in-nuqqas ta’ informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar it-terminals intermodali u dwar il-kapaċitajiet tan-network f’ħin reali. Barra minn hekk, filwaqt li infrastruttura xierqa hija fattur ewlieni ieħor li jippermetti t-trasport intermodali, il-Kummissjoni ma għandhiex stampa ġenerali tat-terminals attwali u tat-terminals li għad iridu jinbnew jew jiġu ammeljorati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-industrija. Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2021 għar-reviżjoni tar-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għandha l-potenzjal li ttejjeb is-sitwazzjoni: l-Istati Membri jkollhom jivvalutaw il-ħtiġijiet għall-infrastruttura tat-terminals u l-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi dati ta’ skadenza u kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ sezzjonijiet tan-network. Finalment, id-dewmien min-naħa tal-Istati Membri biex jiżguraw il-konformità tal-infrastruttura lineari (bħal-linji ferrovjarji jew il-passaġġi fuq l-ilma interni) mar-rekwiżiti tekniċi għan-network TEN-T ixekkel il-kompetittività tat-trasport intermodali.

VII L-implimentazzjoni ta’ proġetti dwar l-intermodalità ffinanzjati mill-UE ddewmet f’għadd ta’ każijiet fil-kampjun tagħna. B’mod partikolari, karatteristika speċifika osservata f’xi proġetti intermodali, jiġifieri struttura ta’ sjieda kumplessa għat-terminals, ikkontribwiet għal dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-finanzjament mill-UE pprovdut lil proġetti ta’ infrastruttura intermodali permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni tul il-perjodu 2014-2020 ma kienx marbut mal-ksib ta’ riżultati speċifiċi f’dak li jikkonċerna l-bidla modali. Finalment, sibna li l-monitoraġġ ta’ dawn il-proġetti ffoka fuq l-outputs, aktar milli fuq ir-riżultati u l-impatti.

VIII Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  1. tistabbilixxi miri fir-rigward tas-sehem modali tul il-Kurituri tan-Network Ewlieni u tirrapporta dwarhom;
  2. tħejji bidliet regolatorji biex ittejjeb il-kompetittività tat-trasport intermodali;
  3. tistabbilixxi l-bażi għal valutazzjoni kkoordinata min-naħa tal-Istati Membri tal-ħtiġijiet tat-terminals intermodali;
  4. tivvaluta l-bidla modali potenzjali f’analiżijiet tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji għal proġetti ffinanzjati mill-UE.

INTRODUZZJONI

It-trasport intermodali jottimizza l-punti pożittivi relattivi ta’ modi ta’ trasport differenti

01 It-trasport intermodali tal-merkanzija jikkonsisti fit-trasport tal-oġġetti f’unità ta’ tagħbija unika (bħal kontejner, kaxxa skambjabbli jew semitrejler), mingħajr maniġġ separat, bl-użu ta’ kombinament ta’ modi ta’ trasport1: bit-triq, bil-ferrovija, minn passaġġi fuq l-ilma interni jew bl-ajru. Għaldaqstant huwa forma speċifika ta’ trasport multimodali. Billi ma jsirx maniġġ separat minħabba l-użu ta’ unità ta’ tagħbija unika, il-kostijiet għall-maniġġ involuti fit-trasport intermodali tal-merkanzija huma inqas minn dawk tat-trasport multimodali.

02 Il-Figura 1 turi vjaġġ intermodali, li jinvolvi t-trasport tal-istess unità ta’ tagħbija mill-ewwel port ta’ dħul fl-UE sad-destinazzjoni finali tal-oġġetti.

Figura 1 – Eżempju ta’ katina tal-loġistika għat-trasport intermodali tal‑merkanzija

Sors: il-QEA.

03 It-trasport bit-triq huwa l-aktar mod flessibbli ta’ trasport tal-merkanzija, billi jipprovdi vjaġġ minn bieb sa bieb. Għal ħafna tipi ta’ merkanzija, spiss huwa wkoll l-aktar mod rapidu u rħis biex titwassal il-merkanzija, anki fuq distanzi twal. Bħala medja, u fl-assenza ta’ miżuri ta’ appoġġ, it-trasport intermodali tal-merkanzija jiswa 56 % aktar mill-alternattiva li tipprevedi biss l-użu tat-trasport bit-triq2 (ara l-Figura 2).

Figura 2 – Paragun tal-kostijiet bejn it-trasport intermodali tal‑merkanzija u t-trasport tal-merkanzija bit-triq biss

Nota: Il-kalkolu tal-kostijiet intermodali huwa bbażat fuq vjaġġ bil-ferrovija/bit-triq medju u twil.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.

04 Għall-kuntrarju tat-trasport bit-triq, modi oħra ta’ trasport, bħat-trasport ferrovjarju u t-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni, idumu aktar u huma inqas flessibbli. Huma jirrikjedu wkoll infrastruttura speċifika, li ma tistax tiġi rreplikata f’kull post ta’ tbaħħir. Mil-lat pożittiv, dawn il-modi joffru prestazzjoni aħjar f’dak li jikkonċerna s-sikurezza u l-ambjent, u jistgħu jnaqqsu l-pressjoni minn fuq toroq ikkonġestjonati. L-intermodalità tippermettilna nieħdu vantaġġ tal-punti pożittivi relattivi ta’ modi ta’ trasport differenti.

05 Il-Figura 3 turi l-evoluzzjoni mill-2010 sal-2020 tas-sehem relattiv ta’ kull mod ta’ trasport għall-merkanzija interna (jiġifieri bl-esklużjoni tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru u bil-baħar). Fl-2010, it-trasport ferrovjarju u dak mill-passaġġi fuq l-ilma interni rrappreżentaw madwar 25 % tat-total u, sal-2020, is-sehem tagħhom kompla jonqos sa taħt it-23 %.

Figura 3 – Ripartizzjoni modali tat-trasport intern tal-merkanzija tal-UE (% tat-total ta’ tunnellati-kilometri)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Eurostat (il-kodiċi tad-data online: tran_hv_frmod).

It-tiżjid tal-intermodalità huwa mod wieħed kif jiġi ddekarbonizzat it-trasport

06 L-emissjonijiet tal-gassijiet serra huma meqjusa bħala kawża ewlenija tat-tibdil fil-klima. Attwalment, is-settur tat-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Ewropa. Kważi tliet kwarti ta’ dan l-ammont (72 % fl-2019) huwa kkawżat mit-trasport bit-triq. It-trakkijiet u l-vannijiet li jġorru l-merkanzija fit-toroq huma responsabbli minn kważi kwart tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq3. Il-Figura 4 turi l-prestazzjoni ambjentali ta’ kull mod ta’ trasport fl-2018, mil-lat ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (CO2) fi grammi għal kull tunnellata-kilometru.

Figura 4 – Emissjonijiet tas-CO2 skont il-mod ta’ trasport tal-merkanzija

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-2018 mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

07 Bidla modali li tittrasferixxi t-trasport ’il bogħod mit-toroq u żieda fl-użu tat-trasport intermodali jistgħu jkollhom rwol ewlieni biex it-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa jsir aktar rispettuż tal-ambjent. F’White Paper tal-2011, il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport4, il-Kummissjoni stabbiliet mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-settur tat-trasport għall-ewwel darba, bil-għan li dawn jonqsu b’60 % sal-2050 meta mqabbla maċ-ċifri tal-1990. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ setturi ekonomiċi oħra, l-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur tat-trasport ma naqasx, iżda żdied b’24 % bejn l-1990 u l-20195. Filwaqt li l-effiċjenza tat-trasport b’vetturi tqal (vetturi u loġistika) tjiebet matul dan il-perjodu, iż-żidiet fid-domanda għat-trasport tal-merkanzija huma ferm akbar minn dawn il-kisbiet fl-effiċjenza6.

08 Fl-2019, fl-aktar dokument strateġiku reċenti tagħha li jindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew7, il-Kummissjoni appellat għal tnaqqis saħansitra akbar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport (jiġifieri 90 % sal-2050), sabiex sal-2050 l-UE ssir ekonomija newtrali għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

09 Sussegwentement, fl-2020, il-Kummissjoni ppubblikat l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti8 fejn appellat għal bidla modali sostanzjali lejn it-trasport ferrovjarju, it-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni jew it-trasport marittimu fuq distanzi qosra. It-trasport marittimu fuq distanzi qosra jirreferi għall-moviment ta’ merkanzija bil-baħar bejn portijiet li jinsabu fl-Ewropa ġeografika, jew bejn dawk il-portijiet u portijiet li jinsabu f’pajjiżi mhux Ewropej b’kosta li tħares lejn l-ibħra magħluqa li jmissu mal-Ewropa.

Qafas regolatorju tal-UE rilevanti għat-trasport intermodali tal-merkanzija u responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tal-politiki

10 Fil-bidu tas-snin disgħin, l-Istati Membri ddeċidew li jistabbilixxu politika dwar l-infrastruttura tat-trasport li tapplika fl-UE kollha. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari d-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ MOVE), hija responsabbli mit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din il-politika. L-att legali prinċipali fir-rigward tan-network madwar l-Ewropa kollha għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, minn passaġġi fuq l-ilma interni, bil-baħar u bl-ajru tal-passiġġieri u tal-oġġetti huwa r- Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)9, li l-verżjoni attwali tiegħu ġiet adottata fl-2013 (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Network Trans-Ewropew tat-Trasport

In-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) jidentifika “network ewlieni” ta’ infrastrutturi ta’ trasport, inklużi disa’ Kurituri tan-Network Ewlieni kif ukoll żewġ prijoritajiet orizzontali (is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u l-“awtostradi tal-baħar”). Dawn għandhom jiġu kkompletati sal-2030. B’mod komplementari, huwa ddefinixxa “network komprensiv”, li għandu jiġi żviluppat sal-2050. Dan tal-aħħar għandu l-għan li jiżgura l-aċċessibbiltà u l-konnettività tar-reġjuni kollha fl-UE, inklużi r-reġjuni remoti, insulari u ultraperiferiċi.

Il-mapep tan-network TEN-T kif ġew inklużi fir-Regolament dwar it-TEN-T tal-2013 jindikaw l-infrastruttura lineari (jiġifieri għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u minn passaġġi fuq l-ilma interni), il-portijiet, u l-post fejn jinsabu jew jenħtieġ li jkunu jinsabu n-nodi u t-terminals (pereżempju fejn jaf isir trasferiment mill-ferroviji għat-triq jew għal port intern). Barra minn hekk, ir-Regolament dwar it-TEN-T fih lista ta’ parametri tekniċi li miegħu trid tkun konformi l-infrastruttura tat-trasport fin-network ewlieni sal-2030.

F’konformità mar-Regolament dwar it-TEN-T, il-Kummissjoni nnominat Koordinatur Ewropew għal kull wieħed mid-disa’ kurituri tan-network, kif ukoll għaż-żewġ prijoritajiet orizzontali. Dawn il-koordinaturi jfasslu u jaġġornaw il-pjanijiet ta’ ħidma tal-kurituri, inkluża analiżi tal-investimenti meħtieġa (lista ta’ proġetti), u jirrappurtaw kull sena dwar il-progress.

Fl-2021, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni10 tar-Regolament dwar it-TEN-T, segwita minn proposta oħra11 fl-2022 wara li bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Uħud mill-bidliet proposti għandhom il-potenzjal li jappoġġaw ulterjorment it-trasport intermodali.

11 Flimkien mar-Regolament dwar it-TEN-T li jindirizza aspetti tal-infrastruttura, jeżistu atti legali oħra li jirregolaw is-suq tat-trasport li huma partikolarment rilevanti għat-trasport intermodali tal-merkanzija:

  • id-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat12 mill-1992 hija l-uniku att leġiżlattiv speċifiku għat-trasport intermodali tal-merkanzija. It-trasport ikkombinat huwa tip ta’ trasport intermodali iżda b’limitazzjonijiet fuq it-tip ta’ unità ta’ trasport permessa u tul massimu għall-parti tal-vjaġġ bit-triq. Id-Direttiva tkopri l-flussi ta’ trasport intermodali transfruntiera kollha sakemm ma jaqsmux il-fruntiera ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Flussi purament nazzjonali għadhom ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Id-Direttiva tipprovdi inċentivi regolatorji u finanzjarji, bħal eżenzjonijiet minn taxxi tal-vetturi għal operazzjonijiet li għalihom jintuża t-trasport ikkombinat.
  • Atti legali oħra, b’mod partikolari għat-trasport bit-triq, jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetittività tat-trasport intermodali. Pereżempju, id-Direttiva dwar il-Eurovignette13 tirregola l-ħlasijiet li jistgħu jiġu imposti fuq vetturi tat-triq sabiex jiġu ġġustifikati l-kostijiet esterni tat-trasport bit-triq.

12 L-Istati Membri jibqgħu responsabbli mit-traspożizzjoni ta’ direttivi tal-UE relatati mat-trasport (bħad-Direttiva dwar il-Eurovignette jew id-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat) u mill-implimentazzjoni tar-regolamenti tal-UE. L-Istati Membri jiddeċiedu dwar il-politika nazzjonali tagħhom dwar it-trasport, li tista’ tiġi stabbilita fil-pjanijiet nazzjonali dwar it-trasport. B’hekk, huma jiddeċiedu liem proġetti ta’ infrastruttura (eż. terminals intermodali jew linji ferrovjarji) jenħtieġ li jiġu pprijoritizzati għall-implimentazzjoni. Il-finanzjament għal dawn il-proġetti jiġi primarjament mill-baġits nazzjonali/reġjonali.

Finanzjament mill-UE għal proġetti ta’ infrastruttura intermodali

13 Matul il-perjodu 2014-2020, l-UE ffinanzjat proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport nazzjonali u reġjonali permezz taż-żewġ sorsi prinċipali li ġejjin:

  • il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), li l-ġestjoni tagħhom hija kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali u Urbana (id-DĠ REGIO) japprova l-programmi pluriennali, inklużi prijoritajiet ta’ finanzjament, li jiġu mfassla mill-Istati Membri, u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali jew reġjonali mbagħad huma responsabbli mill-għażla u l-implimentazzjoni ta’ proġetti speċifiċi kkofinanzjati mill-FEŻR u l-FK.
  • Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), li hija ġestita direttament mill-Kummissjoni (DĠ MOVE). Hija ddelegat ir-responsabbiltà għall-għoti ta’ għotjiet u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (CINEA).

14 Għall-perjodu 2014-2020 ma kien hemm l-ebda rekwiżit biex il-promoturi tal-proġetti jew l-awtoritajiet jużaw kodiċi ta’ rappurtar speċifiku għal proġetti li jappoġġaw it-trasport intermodali tal-merkanzija, iżda tali kodiċijiet kienu jeżistu għall-modi ta’ trasport individwali u għall-kategorija usa’ ta’ trasport multimodali. Għaldaqstant, aħna kellna nistmaw l-ammont ta’ finanzjament mill-UE pprovdut taħt il-FEŻR/FK f’dak il-perjodu. Fl-1 ta’ Lulju 2021, l-ammont impenjat għal tali proġetti kien ta’ EUR 1 118 miljun (FNE EUR 514 miljun; FEŻR EUR 175 miljun; FK EUR 429 miljun).

15 Għall-perjodu 2021-2027, dawn it-tliet strumenti se jibqgħu disponibbli. Barra minn hekk, għall-perjodu li jibda mill-2021 u jispiċċa fl-2026, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza14 tipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali biex ittaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19. Il-Faċilità għandha baġit ta’ EUR 724 biljun (fi prezzijiet attwali). Hija tista’ tintuża mill-Istati Membri għall-finanzjament ta’ riformi u ta’ proġetti ta’ infrastruttura, inklużi dawk fil-qasam tat-trasport. L-allokazzjoni eżatta tal-fond u tal-miri li għandhom jintlaħqu għall-iżborż tal-kontribuzzjoni mill-UE jingħataw fid-dettall fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-Anness I jinkludi stampa ġenerali tal-proġetti li identifikajna bħala proġetti li jappoġġaw l-intermodalità fil-pjanijiet ta’ għadd magħżul ta’ Stati Membri.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

16 Dan ir-rapport jivvaluta l-effettività tal-appoġġ regolatorju u finanzjarju mill-UE għat-trasport intermodali tal-merkanzija mill-2014 ’il hawn. Għal dan l-għan, aħna eżaminajna jekk:

  • il-miri għat-trasport intermodali, bil-għan li jiġi ekoloġizzat it-trasport tal-merkanzija, tfasslux u ġewx immonitorjati sew;
  • il-qafas legali tal-UE appoġġax it-trasport intermodali tal-merkanzija b’mod xieraq biex jippermettilu jsir aktar kompetittiv;
  • in-network tal-infrastruttura tal-UE kienx adatt għall-ħtiġijiet tal-intermodalità.

17 Aħna eżaminajna evidenza minn firxa ta’ sorsi:

  • analizzajna l-istrateġiji tal-UE f’dak li jikkonċerna t-trasport, il-qafas leġiżlattiv u d-dokumenti ta’ politika rilevanti, kif ukoll rapporti ppubblikati minn Istituzzjonijiet Supremi oħra tal-Awditjar, korpi tar-riċerka, assoċjazzjonijiet tal-industrija u akkademiċi dwar it-trasport intermodali tal-merkanzija;
  • għal kampjun ta’ sitt Stati Membri (il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands u l-Polonja) analizzajna strateġiji nazzjonali għat-trasport u dokumenti leġiżlattivi u ta’ politika;
  • intervistajna membri tal-persunal minn Direttorati Ġenerali rilevanti fil-Kummissjoni u mis-CINEA, kif ukoll rappreżentanti tal-korpi nazzjonali;
  • iltqajna mal-assoċjazzjonijiet tal-industrija tal-ispedituri u l-operaturi tal-loġistika fil-livell Ewropew u nazzjonali, kif ukoll ma’ membri tal-persunal mill-Forum Internazzjonali tat-Trasport fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); u
  • għal kampjun ta’ seba’ Stati Membri (is-6 li semmejna hawn fuq, u l-Kroazja) analizzajna kampjun ta’ 16-il proġett li rċevew finanzjament mill-baġit tal-UE fil-perjodu 2014-2020 (ara l-Anness II). Żorna wħud minn dawn il-proġetti u wettaqna analiżi mhux fuq il-post għal oħrajn.

18 Il-Figura 5 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-pajjiżi u l-kampjun ta’ proġetti li jappoġġaw it-trasport intermodali tal-merkanzija li kienu suġġetti għall-awditu tagħna.

Figura 5 – Stati Membri u proġetti intermodali magħżula għall-awditu

Sors: il-QEA.

19 Aħna għażilna l-Istati Membri abbażi tal-materjalità tal-finanzjament mill-FEŻR/FK u mill-FNE allokat lil proġetti ta’ infrastruttura intermodali f’kull pajjiż u l-volum ta’ flussi transfruntiera ta’ merkanzija. Bil-pajjiżi magħżula, inkopru tliet flussi kummerċjali ewlenin, li jikkoinċidu ma’ sezzjonijiet tal-kurituri TEN-T: il-kuritur Renu-Alpi (li jibda mill-Belġju u n-Netherlands u jibqa’ sejjer sal-Italja), il-kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana-Baltiku (bejn il-Polonja u l-Ġermanja), u l-kurituri tal-Baħar Atlantiku u tal-Baħar Mediterran (li jgħaqqdu lill-Ġermanja ma’ Spanja minn Franza).

20 Il-kampjun tagħna ta’ proġetti jkopri diversi kombinamenti ta’ modi ta’ trasport u tipi ta’ appoġġ għall-intermodalità (bħal pjattaformi tal-loġistika jew konnessjonijiet tal-aħħar mil) u stadji ta’ implimentazzjoni (jiġifieri kemm proġetti li għaddejjin kif ukoll proġetti magħluqa). Meta jitqiesu flimkien, il-finanzjament mill-UE impenjat għal dawn il-proġetti jammonta għal EUR 403 miljun u jkopri 36 % tal-popolazzjoni rilevanti (ara l-paragrafu 14).

21 L-awditu tagħna jkopri l-perjodu li jibda mill-adozzjoni tal-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport tal-Kummissjoni fl-2011 (ara l-paragrafu 07) u jiffoka b’mod partikolari fuq l-investimenti appoġġati mill-UE fil-perjodu 2014-2020.

22 Dan ir-rapport jikkomplementa s-sensiela ta’ rapporti tagħna li jindirizzaw ċerti aspetti relatati mat-trasport intermodali. L-ewwel rapport tagħna ta’ dan it-tip inħareġ fl-2013 u ffoka fuq il-kategorija usa’ ta’ trasport multimodali fl-UE15. L-Anness III jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-rapporti kollha tagħna rilevanti għat-trasport intermodali.

23 Dan ir-rapport huwa maħsub biex jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet dwar il-proposti futuri għal atti leġiżlattivi, li għandhom l-għan li jżidu l-kompetittività tat-trasport intermodali u jiżguraw l-investimenti neċessarji biex jadattawh għal sfidi futuri. Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu billi d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport tinsab fil-qalba tal-għan tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-trasport intermodali tal-merkanzija huwa għodda ewlenija li tagħmel parti minn dak l-isforz.

Osservazzjonijiet

Il-miri għall-intermodalità, bil-għan li jiġi ekoloġizzat it-trasport tal-merkanzija, la ġew stabbiliti b’mod effettiv u lanqas ma ġew immonitorjati b’mod speċifiku

24 Strateġija tal-UE mmirata lejn il-ksib ta’ bidla modali fit-trasport tal-merkanzija jenħtieġ li tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet robusti u li tistabbilixxi miri realistiċi għad-diversi livelli ta’ governanza involuti. Il-monitoraġġ huwa meħtieġ biex min ifassal il-politika u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-implimentazzjoni tal-politika hijiex “fit-triq it-tajba” u biex jiġġeneraw informazzjoni li tista’ tintuża biex jiġi evalwat jekk tkunx laħqet l-objettivi tagħha16.

25 Għaldaqstant, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx:

  • iddefiniet miri realistiċi għall-intermodalità u l-bidla modali għall-merkanzija fl-istrateġiji tagħha;
  • żgurat l-aderenza tal-Istati Membri ma’ dawn il-miri;
  • immonitorjat il-kontribut tat-trasport intermodali tal-merkanzija għall-objettivi tagħha f’dak li jikkonċerna l-bidla modali.

Il-Kummissjoni ma għandhiex miri għall-intermodalità, filwaqt li l-miri għall-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija ma kinux realistiċi, la fl-2011 u lanqas fl-2020

26 It-tiżjid tal-użu ta’ modi ta’ trasport li jiġġeneraw inqas emissjonijiet ta’ CO2 fl-operazzjonijiet tagħhom, jiġifieri t-trasport ferrovjarju u t-trasport fuq l-ilma, huwa essenzjali biex tinkiseb politika tat-trasport aktar sostenibbli. Dan ifisser kemm bidla sinifikanti fil-volumi ta’ trasport bejn il-modi, kif ukoll żieda fl-użu tat-trasport intermodali. Tali bidla tirrikjedi kombinament ta’ miżuri regolatorji, finanzjament u azzjonijiet operazzjonali kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma kellhiex strateġija tal-UE ddedikata għall-intermodalità. Minflok, l-intermodalità kienet parti minn strateġiji usa’ dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija u l-bidla modali.

27 Dawn l-istrateġiji, il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport tal-2011 u l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-2020, jispeċifikaw il-miri kwantitattivi għal żieda fl-użu tal-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Madankollu, huma jikkwantifikawhom b’mod differenti (ara l-Figura 6):

  • Fl-2011, il-mira ġiet espressa f’termini ta’ sehem ta’ vvjaġġar bit-triq għat-trasport tal-merkanzija li jaqbeż it-300 km u li għandu jiġi ttrasferit għal modi oħra; u
  • Fl-2020, il-miri għall-ferroviji u għall-passaġġi fuq l-ilma interni ġew espressi f’termini ta’ żieda fit-traffiku (inkluż it-trasport marittimu fuq distanzi qosra).

Figura 6 – Il-miri tal-UE għall-2011 u l-2020 f’dak li jikkonċerna t-trasport tal-merkanzija sostenibbli

Sors: il-QEA.

28 L-ebda dokument ma stabbilixxa miri tal-UE speċifiċi għas-sehem tat-trasport intermodali tal-merkanzija. Madankollu, proporzjon kbir ta’ volumi addizzjonali ta’ trasport ferrovjarju u ta’ trasport fuq l-ilma huwa mistenni li jkun intermodali sabiex jintlaħqu l-miri msemmija fil-Figura 6, billi l-ewwel u l-aħħar partijiet tal-vjaġġ għall-biċċa l-kbira tal-oġġetti jibqgħu jirrikjedu l-użu tat-trasport bit-triq.

29 L-analiżi tagħna wriet li l-miri tal-Kummissjoni ma kinux ibbażati fuq simulazzjonijiet robusti ta’ kemm jista’ jkun realistiku l-ilħuq ta’ bidla modali, meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet tal-infrastruttura fuq terminu twil għall-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni u l-ostakli regolatorji li jaffettwaw il-kompetittività tat-trasport intermodali tal-merkanzija. Pereżempju:

  • il-valutazzjoni tal-impatt għall-White Paper tal-2011 issopponiet li l-ferroviji b’tul massimu ta’ 1 500 metri jkunu permessi fin-network (għall-kuntrarju tar-rekwiżit ta’ 740 metru fir-Regolament dwar it-TEN-T);
  • il-valutazzjoni tal-impatt li fuqha hija bbażata l-Istrateġija tal-2020 irreferiet għal diskrepanza fl-investiment ta’ EUR 100 biljun kull sena għall-perjodu 2021-2030 li tkun teħtieġ tingħalaq sabiex il-proġezzjonijiet tagħha jsiru realtà. Madankollu, il-Kummissjoni ma speċifikatx kif tiżgura li l-Istati Membri jkunu għamlu disponibbli l-finanzjament meħtieġ fi żmien xieraq.

30 Barra minn hekk, l-istimi tal-Kummissjoni tal-volumi ta’ traffiku meħtieġa għat-trasport ferrovjarju u għal dak fuq l-ilma sabiex jintlaħqu l-miri kienu ottimisti żżejjed. Bħala eżempju, fil-White Paper tal-2011, il-Kummissjoni stmat li t-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija jiżdied b’60 % bejn l-2005 u l-2030 u b’87 % bejn l-2005 u l-2050. X’aktarx, din il-previżjoni mhijiex se ssir realtà fl-assenza ta’ politiki ġodda, u dan fid-dawl tal-fatt li t-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija kiber biss bi 8 % tul l-aħħar għaxar snin (mill-2010 sal-2019)17.

31 Meta mqabbla mat-tkabbir tat-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija stmat fil-White Paper tal-2011, l-Istrateġija tal-2020 stabbiliet miri ta’ volumi aktar baxxi għall-2030 u ogħla għall-2050. Peress li mill-2010 sal-2019 kien hemm biss żieda limitata fis-sehem ferrovjarju, ir-rati annwali ta’ tkabbir meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija tal-2020 issa huma aktar ambizzjużi minn dawk tal-2011 (ara l-Figura 7).

Figura 7 – Paragun tal-miri ferrovjarji mar-realtà (volumi ta’ merkanzija f’tunnellata-kilometru, volumi tal-2005 = 100)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq stimi tal-Kummissjoni u data mill-EU Statistical Pocketbook.

32 Għall-miri tal-passaġġi fuq l-ilma interni, japplikaw kunsiderazzjonijiet simili. Meta mqabbla mal-White Paper tal-2011, l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-2020 naqqset il-mira tal-volumi rilevanti għall-2030, filwaqt li l-mira għall-2050 baqgħet stabbli. B’riżultat ta’ dan, it-tkabbir annwali meħtieġ sabiex tintlaħaq il-mira għall-2050 issa huwa akbar minn kif kien fl-2011 (ara l-Figura 8).

Figura 8 – Paragun tal-miri tal-passaġġi fuq l-ilma interni mar-realtà (volumi ta’ merkanzija f’tunnellata-kilometru, volumi tal-2005 = 100)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq stimi tal-Kummissjoni u data mill-EU Statistical Pocketbook.

L-Istati Membri stabbilew miri saħansitra aktar ambizzjużi, li ma kinux allinjati mal-miri mhux vinkolanti tal-UE

33 Il-miri tal-UE jistgħu jintlaħqu biss jekk l-isforzi tal-Istati Membri jkunu allinjati ma’ dawn il-miri. Għaldaqstant, aħna vvalutajna jekk:

  • il-miri fil-livell tal-UE ġewx ripartiti f’miri u objettivi vinkolanti fil-livell tal-Istati Membri; u
  • il-Kummissjoni vverifikatx il-koerenza bejn l-objettivi u l-miri nazzjonali u tal-UE.

34 Il-miri tal-UE stabbiliti mill-White Paper tal-2011 u mill-Istrateġija tal-2020 mhumiex vinkolanti għall-Istati Membri. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma ftehmitx dwar dawn il-miri tal-UE mal-Istati Membri, u lanqas ma qablet dwar l-implikazzjonijiet li rriżultaw għalihom. Fil-fatt, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żewġ dokumenti strateġiċi juru li l-Istati Membri kellhom riżervi dwar dawn il-miri (ara l-Kaxxa 2). Fl-aħħar nett, dawn ma ġewx ripartiti f’sottomiri ġeografiċi, la fil-livell tal-Istati Membri u lanqas fil-livell tal-kurituri.

Kaxxa 2

Siltiet meħudin mill-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-dokumenti strateġiċi tal-Kummissjoni

Fir-rigward tal-White Paper tal-2011, ċerti Stati Membri “esprimew id-dubju dwar ix-xerqien ta’ ċerti proposti estensivi”18, bħall-miri għall-bidla mit-trasport bit-triq għal modi ta’ trasport oħra.

Rigward l-Istrateġija tal-2020, il-konklużjonijiet tal-Kunsill baqgħu vagi dwar il-grad ta’ sforz nazzjonali, billi ddikjaraw li “l-isforzi biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jenħtieġ li jsiru b’mod kollettiv bl-aktar mod kosteffettiv possibbli, bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha f’dawk l-isforzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja u solidarjetà, u tal-punti ta’ tluq differenti u taċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi tal-Istati Membri”19.

35 L-analiżi tagħna wriet li s-sitt Stati Membri kollha koperti mill-awditu tagħna stabbilew miri nazzjonali biex iżidu l-użu tal-ferroviji. Għal tlieta minnhom, l-istrateġiji nazzjonali rilevanti u l-miri tal-bidla modali ġew ippubblikati qabel l-Istrateġija tal-UE għall-2020, filwaqt li għat-tlieta l-oħra ġew ippubblikati ftit wara. Meta l-miri tal-UE u dawk tal-Istati Membri setgħu jitqabblu (erbgħa Stati Membri minn dawk ikkampjunati, jiġifieri l-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja), aħna sibna li l-miri nazzjonali kienu saħansitra aktar ambizzjużi minn dawk tal-Kummissjoni mil-lat tar-rata annwali ta’ tkabbir meħtieġa (ara l-Figura 9). Barra minn hekk, żewġ Stati Membri minn dawk awditjati, jiġifieri l-Ġermanja u n-Netherlands, li għalihom kien l-aktar rilevanti t-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni, stabbilew objettivi anke b’rabta mal-passaġġi fuq l-ilma interni. Fl-aħħar nett, l-ebda Stat Membru, ħlief il-Polonja, ma kellu miri għas-sehem tat-trasport intermodali.

Figura 9 – Tqabbil ta’ miri tal-UE u miri nazzjonali f’dak li jikkonċerna t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija mil-lat tar-rati annwali ta’ tkabbir

Nota: * Il-formulazzjoni tal-istrateġija ma tippermettix li tinkiseb rata ta’ tkabbir meħtieġa għas-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija sħiħ.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq analiżi ta’ strateġiji tal-UE u strateġiji nazzjonali.

36 Aħna sibna li fis-sitt każijiet kollha li eżaminajna, l-Istati Membri kienu ddefinew il-miri tagħhom għall-bidla modali abbażi tal-analiżijiet u l-kunsiderazzjonijiet ta’ politika tagħhom stess. Filwaqt li l-istrateġiji nazzjonali għamlu riferiment għad-dokumenti ta’ politika tal-UE, il-miri tagħhom ma kinux allinjati mal-miri tal-UE. F’xi każijiet, il-miri nazzjonali kienu ddefiniti bi tqabbil ma’ linji bażi differenti (pereżempju, Franza stabbiliet mira għaż-żieda tat-traffiku tal-merkanzija, filwaqt li Spanja stabbiliet mira għas-sehem tal-ferrovija fit-trasport tal-merkanzija). Dan ifisser li matul l-implimentazzjoni l-Kummissjoni ma tistax tivvaluta jekk l-isforzi miftiehma tal-Istati Membri humiex biżżejjed biex jiksbu l-miri tal-UE f’dak li jikkonċerna l-bidla modali.

37 Fl-aħħar nett, aħna vverifikajna wkoll il-punt sa fejn il-Kummissjoni analizzat id-dokumenti ta’ politika nazzjonali fir-rigward tal-aspetti relatati mal-bidla modali u l-intermodalità u pprovdejna kummenti dwarhom. Fl-analiżi mhux fuq il-post li wettaqna, ħarisna lejn il-pjanijiet nazzjonali għat-trasport, il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima, il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u l-ftehimiet ta’ sħubija tal-perjodu 2014-2020 għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni (ara l-Anness IV). F’xi każijiet, il-Kummissjoni pprovdiet kummenti dwar kwistjonijiet relatati mal-intermodalità, iżda ma sibna l-ebda evidenza ta’ kontrolli konsistenti biex tiġi żgurata l-koerenza tal-istrateġiji u l-miri nazzjonali għall-bidla modali ma’ dawk stabbiliti fil-livell tal-UE.

38 Mill-kampjun tagħna, identifikajna lin-Netherlands bħala eżempju tajjeb ta’ ħidma lejn l-ilħuq tal-objettiv tal-bidla modali b’miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu għaż-żieda tas-sehem ta’ flussi intermodali, u ta’ kif issir ripartizzjoni tagħhom tul il-kurituri tat-trasport nazzjonali prinċipali. Din l-istrateġija hija marbuta wkoll mal-finanzjament għal proġetti ta’ infrastruttura intermodali (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

L-approċċ Netherlandiż għall-operazzjonalizzazzjoni tal-miri tal-bidla modali

F’Ġunju 2019, il-Ministeru Netherlandiż għall-Infrastruttura u l-Immaniġġjar tal-Ilma ppubblika l-Istrateġija għall-Mobbiltà 2040.

L-Istrateġija kienet akkumpanjata minn diversi dokumenti ta’ politika oħra, inkluża l-Aġenda tat-Trasport tal-Merkanzija, li fiha pjan ta’ azzjoni għar-ripartizzjoni tal-miri għall-bidla modali tal-Istrateġija għall-Mobbiltà f’objettivi li jistgħu jitkejlu. Il-pjan jiffoka fuq żewġ kurituri tat-trasport nazzjonali prinċipali, lejn il-Lvant (il-port ta’ Rotterdam mir-reġjun Arnhem-Nijmegen għall-Ġermanja) u x-Xlokk (il-port ta’ Rotterdam mir-reġjun Venlo għall-Ġermanja), u jistabbilixxi l-objettivi għall-volumi tal-merkanzija ttrasportati bil-ferroviji u għall-bidla modali.

Fil-bidu tal-2020, l-operaturi ekonomiċi, l-akkademiċi u l-awtoritajiet għamlu ripartizzjoni ulterjuri ta’ dawn l-għanijiet f’mira operazzjonali biex jittrasferixxu 2,000 unità ekwivalenti għal 20 pied (TEUs) kuljum mit-trasport bit-triq għat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni tul iż-żewġ kurituri.

Barra minn hekk, il-Ministeru ta bidu għal skema ta’ inċentivi biex jappoġġa bidla modali sostenibbli, u dan billi jiffinanzja proġetti li jridu jwasslu għall-ilħuq ta’ objettivi TEU individwali.

Il-monitoraġġ min-naħa tal-Kummissjoni huwa mxekkel minn nuqqas ta’ data dwar it-trasport intermodali mingħand l-Istati Membri

39 Il-Kummissjoni ssegwi l-iżviluppi attwali fis-sehem modali kumplessiv għall-merkanzija permezz tal-istatistika prodotta mill-Eurostat dwar il-volumi ta’ merkanzija (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Indikaturi tal-Eurostat għat-trasport intermodali

Abbażi tad-data miġbura għal kull mod ta’ trasport (ara l-Istatistical Pocketbook20), l-Eurostat jipproduċi ħames indikaturi21 għat-trasport intermodali. Huma jiffokaw fuq dik li tissejjaħ rata ta’ ħlas skont l-unità, jiġifieri l-ammont ta’ merkanzija, imqassam skont il-mod ta’ trasport, li jivvjaġġa f’unitajiet ta’ trasport intermodali. B’mod parallel, l-Eurostat jikkalkula wkoll kejl tal-potenzjal tal-bidla modali, u b’hekk juri s-sehem ta’ kontejners li jivvjaġġaw bit-triq għal distanzi li jaqbżu t-300 kilometru.

Madankollu, l-indikaturi ma jippermettux li l-flussi ta’ traffiku intermodali jiġu ttraċċati u mqabbla b’mod konsistenti bejn modi ta’ trasport differenti, u dan billi hemm differenzi fil-mod ta’ kif tinġabar id-data (eż. il-flussi jitkejlu f’tunnellati-kilometru għat-trasport ferrovjarju, iżda f’tunnellati għat-trasport marittimu).

40 Id-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat tirrikjedi li l-Kummissjoni, bl-assistenza tal-Istati Membri, tħejji rapport kull sentejn għall-Kunsill, fost oħrajn, dwar l-iżvilupp ekonomiku tat-trasport ikkombinat u dwar id-definizzjoni ta’ miżuri ta’ promozzjoni ulterjuri, fejn ikun meħtieġ22. Minkejja dan ir-rekwiżit, ġew ippubblikati biss żewġ rapporti ta’ dan it-tip, fl-1997 u fl-2002 rispettivament. Dan minħabba l-fatt li l-Istati Membri ma pprovdewx data rilevanti lill-Kummissjoni.

41 Biex tindirizza n-nuqqas ta’ data mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex issaħħaħ ir-rekwiżiti għall-ġbir tad-data. Madankollu, dawn l-inizjattivi ma ntlaqgħux mill-Istati Membri minħabba l-kost u l-piż amministrattiv involut, u fl-aħħar mill-aħħar ma ġewx implimentati. B’mod parallel, il-Kummissjoni kkuntrattat konsulenti esterni biex iwettqu studju tas-suq komprensiv23. L-istudju ġie ppubblikat fl-2015 u ġie aġġornat fl-2017. Huwa enfasizza l-livell inferjuri tal-kwalità u tal-profondità tad-data dwar il-merkanzija ttrasportata minn servizzi ta’ trasport ikkombinat, li attwalment jimpedixxi t-twettiq ta’ analiżi forensika tal-attività eżistenti, jew l-opportunitajiet biex tissaħħaħ u tiġi estiża dik l-attività.

Hawn nuqqas ta’ regoli tal-UE, jew dawk li jeżistu huma kontroproduttivi, u dan jinibixxi l-attraenza tat-trasport intermodali

42 L-oqfsa legali tal-UE u tal-Istati Membri jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jinċentivaw jew ifixklu t-trasport intermodali. Fl-2020, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li sabiex “jappoġġa l-ekoloġizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-merkanzija fl-Ewropa, il-qafas eżistenti għat-trasport intermodali jeħtieġ tiġdid sostanzjali u jrid jinbidel f’għodda effettiva”24. Għaldaqstant, aħna eżaminajna jekk:

  • il-qafas regolatorju tal-UE rigward it-trasport jappoġġax it-trasport intermodali tal-merkanzija b’mod xieraq biex jippermettilu jsir aktar kompetittiv;
  • il-proġetti ffinanzjati permezz ta’ fondi tal-UE jisfruttawx l-opportunitajiet kollha pprovduti mill-qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat.

Xi dispożizzjonijiet legali tal-UE mhumiex aġġornati filwaqt li oħrajn inaqqsu l-inċentivi għall-intermodalità

43 Id-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat li hija fis-seħħ attwalment tmur lura għall-1992 (ara l-paragrafu 11). Il-Kummissjoni kienet diġà identifikat il-ħtieġa għal reviżjoni fl-1998, meta ħarġet proposta leġiżlattiva ġdida. Billi l-koleġiżlaturi ma tawx il-kunsens tagħhom, hija ħarġet it-tieni proposta ta’ reviżjoni kważi 20 sena wara fl-2017. Il-Kummissjoni rtirat din il-proposta fl-2020, billi l-emendi proposti mill-koleġiżlaturi xekklu b’mod parzjali l-iskop inizjali, u ma setax jintlaħaq qbil. Fir-rebbiegħa tal-2022, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika, bil-għan li toħroġ proposta oħra għal reviżjoni fl-2023.

44 Il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali li intervistajna kkonfermaw li l-verżjoni attwali tad-Direttiva mhijiex aġġornata u ma tippromwovix b’mod effettiv it-trasport intermodali fl-UE. Il-kwistjonijiet prinċipali li ġew enfasizzati, u li l-Kummissjoni diġà pruvat tindirizza fil-proposta preċedenti tagħha, kienu dawn li ġejjin:

  • is-soll minimu ta’ 100 km għall-parti tal-vjaġġ li mhix bit-triq, li jeskludi mill-applikazzjoni tad-Direttiva dawk is-servizzi li jgħaqqdu l-portijiet maż-żona interna immedjata tagħhom;
  • ir-rekwiżit għal dokument fiżiku stampat mill-awtoritajiet ferrovjarji jew portwarji matul il-vjaġġ, minflok fluss tax-xogħol diġitalizzat.

45 Il-partijiet ikkonċernati ġibdu l-attenzjoni għal-livell għoli ta’ disparità fit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet min-naħa tal-Istati Membri bħala fattur li joħloq inċertezza għall-operaturi tal-loġistika dwar kif jorganizzaw il-vjaġġi transfruntiera. Bħala eżempju, il-vjaġġi bit-triq bejn il-postijiet fejn jitgħabbew l-oġġetti u l-eqreb stazzjon ferrovjarju adatt huma koperti mid-Direttiva. Madankollu, skont studju tal-Kummissjoni25, sitt Stati Membri biss ddefinew il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-eqreb stazzjon ferrovjarju adatt. Barra minn hekk, dawn il-kriterji varjaw minn Stat Membru għal ieħor.

46 Minbarra l-limitazzjonijiet tad-Direttiva, il-kompetittività tat-trasport intermodali meta mqabbel ma’ soluzzjonijiet li jipprevedu biss l-użu tat-trasport bit-triq hija affettwata wkoll mill-prestazzjoni tal-modi ta’ trasport individwali li jikkostitwixxu l-katina intermodali. L-Anness V jagħti ħarsa ġenerali lejn l-ostakli regolatorji prinċipali għal vjaġġi bil-ferrovija, mill-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra mingħajr xkiel, li rrappurtat dwarhom ukoll il-Kummissjoni26.

47 Il-ferrovija kienet il-mod ta’ trasport li dwaru l-partijiet ikkonċernati esprimew il-biċċa l-kbira mill-preokuppazzjonijiet tagħhom minħabba kwistjonijiet marbuta mal-ġestjoni tal-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà li x’aktarx jippersistu fl-assenza ta’ azzjoni leġiżlattiva ġdida min-naħa tal-UE (eż. dwar l-ippjanar ta’ slots għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jew ir-regoli ta’ prijorità għall-passiġġieri mqabbla mal-ferroviji tal-merkanzija). Dawn il-kwistjonijiet jaffettwaw b’mod negattiv il-prestazzjoni tal-ferroviji tal-merkanzija fl-UE kollha mil-lat ta’ veloċità, puntwalità u affidabbiltà, u potenzjalment iwasslu lill-operaturi ekonomiċi biex jagħżlu modi alternattivi ta’ trasport għall-merkanzija tagħhom. Il-Figura 10 tippreżenta l-istatus tal-prestazzjoni ferrovjarja fis-sitt Stati Membri magħżula.

Figura 10 – Prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-Istati Membri li żorna

Nota: Il-Ġermanja (għall-merkanzija internazzjonali) u n-Netherlands (kemm għall-merkanzija domestika kif ukoll għal dik internazzjonali) ma jirrappurtawx data dwar il-veloċità; Spanja ma tirrappurtax dwar il-puntwalità u l-affidabbiltà għall-merkanzija internazzjonali.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data mill-2018 mir-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-Monitoraġġ tas-Suq Ferrovjarju.

48 Minn barra dan ta’ hawn fuq, identifikajna tliet atti legali, speċifiċi għat-trasport bit-triq, b’eżenzjonijiet jew dispożizzjonijiet għall-flessibbiltà li jnaqqsu l-inċentivi għall-intermodalità: id-Direttiva dwar il-Eurovignette, id-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet u regolament wieħed mill-Pakkett dwar il-Mobbiltà I.

49 L-ewwel nett, skont id-Direttiva dwar il-Eurovignette, il-vetturi għat-trasport ta’ oġġetti tqal jenħtieġ li jiġu suġġetti għal ħlasijiet ibbażati fuq id-distanza f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Madankollu, l-Istati Membri xorta jistgħu jiddeċiedu f’każijiet debitament iġġustifikati li jeżentaw lil ċerti sezzjonijiet ta’ infrastruttura tat-triq minn ħlasijiet ibbażati fuq id-distanzi u li, minflok, jużaw sistema ta’ vignettes ibbażata fuq iż-żmien (eż. li jkunu validi għal xahar), jew li ma jiġbru l-ebda ħlas. Dan għandu jitqabbel mat-trasport ferrovjarju, li għalih kull servizz jiġi suġġett għal ħlasijiet ta’ aċċess għal-linja ferrovjarja għall-vjaġġ sħiħ.

50 It-tieni, id-Direttiva dwar il-Piżijiet u d-Dimensjonijiet27 tal-1996 tistabbilixxi d-dimensjonijiet u l-piżijiet massimi għal ċerti kategoriji ta’ vetturi tat-triq (inklużi vetturi tal-merkanzija u trejlers li jiżnu aktar minn 3.5 tunnellati). Hija tinkludi inċentiv għal operazzjonijiet ta’ trasport ikkombinat billi tippermetti tul u piż addizzjonali għal vetturi involuti f’partijiet tal-vjaġġ bit-triq ta’ vjaġġi bi trasport ikkombinat. Dan jiġġenera ekonomiji ta’ skala u jieħu inkunsiderazzjoni l-piż akbar tal-unitajiet ta’ tagħbija intermodali.

51 Madankollu, id-Direttiva tippermetti wkoll li l-Istati Membri jżidu l-piż massimu permess f’operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali, irrispettivament min-natura intermodali tas-servizz. Fiż-żmien li sar l-awditu, 11-il Stat Membru għamlu użu minn din l-opzjoni, jiġifieri estendew l-allowance ta’ piż previst għat-trasport intermodali għal vjaġġi bit-triq biss oħra, u b’hekk prattikament innewtralizzaw il-benefiċċju tad-Direttiva għall-intermodalità.

52 Barra minn hekk, aħna nosservaw li l-partijiet ikkonċernati appellaw biex tiġi emendata d-Direttiva sabiex tippermetti li unitajiet ta’ tagħbija intermodali jiġu ttrasportati bit-triq, bil-għan li jiżdiedu l-ekonomiji ta’ skala. Jekk dan jiġi awtorizzat għat-trasport bit-triq, x’aktarx ikun impossibbli li tali unitajiet jiġu ttrasportati bħala parti minn vjaġġ intermodali minħabba l-limitazzjonijiet eżistenti tan-network ferrovjarju (li diġà qed iħabbat wiċċu ma’ sfidi marbuta mal-implimentazzjoni tal-gauge P400, ara l-paragrafu 81).

53 It-tielet, ir-Regolament (UE) Nru 2020/105528, adottat bħala parti mill-Pakkett dwar il-Mobbiltà I, introduċa dispożizzjonijiet għas-servizzi ta’ kabotaġġ (jiġifieri l-għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ għat-trasport tal-merkanzija bit-triq fi Stat Membru minn trasportatur stabbilit fi Stat Membru ieħor). L-operazzjonijiet ta’ trasport ikkombinat ma jaqgħux taħt limitazzjonijiet ta’ kabotaġġ bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat. B’riżultat ta’ dan, l-operaturi tat-trasport huma permessi jorganizzaw il-parti tal-vjaġġ bit-triq ta’ operazzjoni ta’ trasport ikkombinat bit-trakkijiet tagħhom stess jew permezz ta’ kontroparti, anke jekk il-parti tal-vjaġġ bit-triq issir fi Stat Membru ieħor.

54 Skont l-evalwazzjoni ex post tal-Kummissjoni29, il-partijiet ikkonċernati kellhom il-perċezzjoni li din id-dispożizzjoni toffri l-akbar benefiċċju fost l-inċentivi kollha previsti mid-Direttiva. Madankollu, sabiex jiġi evitat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jintużaw ħażin, billi l-operaturi tat-trasport jżommu preżenza kostanti fl-Istat Membru ospitanti lil hinn mill-kuntest tat-trasport ikkombinat, ir-Regolament il-ġdid jippermetti wkoll li l-Istati Membri japplikaw restrizzjonijiet fuq il-kabotaġġ għall-partijiet tal-vjaġġ bit-triq ta’ operazzjoni ta’ trasport ikkombinat, dment li dawn il-partijiet tal-vjaġġ bit-triq ma jaqsmux fruntiera. Fiż-żmien li sar l-awditu, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja kienu diġà nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jużaw din id-deroga.

Il-Kummissjoni ħadet passi biex tissimplifika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat iżda l-proġetti ffinanzjati mill-UE ma jisfruttawx l-opportunitajiet kollha pprovduti

55 Is-sussidji ad hoc, mogħtija lil proġetti individwali, kif ukoll l-iskemi ta’ sussidju huma suġġetti għall-qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-kunċett ta’ għajnuna kif iddefinit mit-Trattat30. Fl-2016, aħna rrappurtajna dwar kif intlaħqet il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni31.

56 Hemm żewġ tipi ta’ għajnuna rilevanti għall-proġetti intermodali:

  • għajnuna għall-investimenti fl-infrastruttura, li għandha l-għan li toħloq l-infrastruttura filwaqt li tevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni; u
  • għajnuna biex tiġi inċentivata l-bidla modali, li tista’ tinkludi kemm l-għajnuna għall-investimenti fl-infrastruttura kif ukoll l-għajnuna operatorja.

57 Meta dawn is-sussidji jkunu suġġetti għall-qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, li mbagħad jeħtiġilha tivvaluta jekk hemmx għajnuna, u jekk hemm, tivvaluta jekk hijiex kompatibbli mas-suq intern. Mhijiex meħtieġa notifika obbligatorja f’dawk il-każijiet fejn l-għajnuna għall-investimenti fl-infrastruttura tkun koperta mill-hekk imsejħa eżenzjoni ta’ kategorija.

58 Fil-fatt, skont ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa l-aktar reċenti32, jekk japplikaw ċerti kundizzjonijiet, l-investimenti (i) għall-kostruzzjoni, is-sostituzzjoni jew l-ammeljorament ta’ infrastrutturi ta’ portijiet marittimi jew interni, (ii) għall-infrastruttura biex jiġi aċċessat il-port huma permessi u eżenti min-notifika. Fiż-żmien li sar l-awditu, ma kinux jeżistu klawżoli simili għal terminals intermodali barra l-portijiet, iżda huma jistgħu jiġu eżentati wkoll jekk jitqiesu bħala għajnuna għall-infrastrutturi lokali.

59 Sabiex jiġi evitat li tinħoloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi tal-infrastruttura, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jirrikjedu jew li l-infrastruttura ssussidjata ssir disponibbli għall-utenti skont it-termini tas-suq, jew, f’każ li jkun hemm l-intenzjoni li jiġu applikati tariffi mnaqqsa għall-utenti, valutazzjoni u approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-iskema ta’ għajnuna rilevanti mmirata biex tinċentiva l-bidla modali. Osservajna prattika tajba fil-Ġermanja, fejn, taħt tali skema ffinanzjata mill-baġit nazzjonali, l-awtoritajiet federali jagħtu għotjiet diretti lil kumpaniji privati għall-kostruzzjoni jew l-estensjoni ta’ terminals ta’ trasport ikkombinat, bl-għan espliċitu li jnaqqsu l-kost tat-trażbord għall-utenti finali (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

L-iskema Ġermaniża għall-finanzjament tal-faċilitajiet tat-trażbord

Mill-2002 ’il hawn, il-Ġermanja timplimenta skema li tippermetti li l-benefiċjarji tal-proġetti jirċievu għotja sa 80 % tal-kostijiet eliġibbli mġarrba tul il-kostruzzjoni ta’ terminal.

L-iskema tippermetti lis-sidien tat-terminals inaqqsu t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura. Sabiex jimminimizzaw kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni, flimkien ma’ rekwiżiti oħra fl-istadju tal-għażla, l-awtoritajiet Ġermaniżi jimmonitorjaw it-tnaqqis fil-kostijiet biex jiżguraw li ma jaqbżux ammont speċifikat għal kull unità ta’ tagħbija. Is-soll massimu huwa kkalkulat bħala t-tnaqqis tal-kost stmat neċessarju biex it-trasport ikkombinat jitqiegħed fuq l-istess livell tat-trasport bit-triq.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet jirrikjedu li l-operaturi tat-terminals jipprovdu informazzjoni annwali dwar diversi indikaturi bħall-ammont ta’ unitajiet ta’ tagħbija, previżjoni tat-traffiku mistenni u x-xejra fit-tariffi għat-tagħbija. Din l-informazzjoni tiġi analizzata biex jiġu identifikati distorsjonijiet potenzjali tas-suq u tittieħed inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet il-ġodda.

60 Fir-rigward tal-proġetti FEŻR/FK li jikkofinanzjaw l-infrastruttura tat-terminals fil-kampjun tagħna, aħna sibna li l-awtoritajiet nazzjonali ma vvalutawx, huma u jevalwaw l-applikazzjonijiet għall-proġett, jekk it-tariffi tat-terminals previsti kinux baxxi biżżejjed biex irawmu bidla modali jew jekk kinitx meħtieġa għotja akbar biex jiġu koperti l-investimenti kapitali. Sabiex il-benefiċċji tal-għotja jkunu jistgħu jingħaddu lill-utenti, billi jitnaqqsu t-tariffi, l-għotja tkun trid tingħata taħt skema ta’ sussidju approvata mill-Kummissjoni mmirata biex tinċentiva l-bidla modali. Għaldaqstant, filwaqt li l-proġetti mmiraw li jtejbu l-infrastruttura, it-tfassil tagħhom ma kkunsidrax il-possibbiltà li jbaxxi t-tariffi taħt skema ta’ għajnuna mill-Istat nnotifikata.

61 Fir-rigward tal-proġetti FNE fil-kampjun tagħna (jiġifieri, li fihom, l-għotjiet ma jaqgħux taħt il-qafas tal-għajnuna mill-Istat u għaldaqstant ma jirrikjedu l-ebda notifika biex jistabbilixxu tariffi f’livell li jrawwem bidla modali), ma sibna l-ebda rekwiżit biex il-promoturi tal-proġett, fl-applikazzjoni tagħhom għal proġett, jinkludu valutazzjoni tal-impatt tal-għotja fuq il-livell tat-tariffi u fuq il-bidla modali potenzjali li min-naħa tiegħu jiġġenera l-proġett.

62 Minbarra s-sussidji ad hoc għall-infrastruttura intermodali tat-terminals, l-Istati Membri waqqfu wkoll skemi nazzjonali bl-għan li jinċentivaw il-bidla modali u jagħtu kumpens għall-kostijiet intrinsikament ogħla tat-trażbord. Dawn l-iskemi, li huma suġġetti għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, jistgħu jkunu differenti fin-natura tagħhom, pereżempju:

  • jistgħu jissussidjaw kostijiet operazzjonali bħat-tnaqqis tat-tariffi ta’ aċċess ferrovjarju għall-ferroviji ta’ trasport ikkombinat (tali skemi sibnihom pereżempju fil-Ġermanja u fin-Netherlands);
  • jistgħu jipprovdu sussidju għal żieda fl-operazzjonijiet ta’ bidla modali (ara l-Kaxxa 6 għal eżempju ta’ dan it-tip fl-Italja).

Kaxxa 6

L-iskema Marebonus tal-Italja

Il-verżjoni attwali tal-iskema Marebonus li tnediet fl-2017 tipprovdi appoġġ finanzjarju lil kumpaniji tat-tbaħħir għat-tnedija ta’ servizzi ġodda (b’pakkett annwali ta’ bejn EUR 19.5-il miljun u EUR 25 miljun mill-2021 sal-2026). Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jippreżentaw pjan ta’ tliet snin, li jkun appoġġat minn operaturi ekonomiċi kommessi, għat-twaqqif ta’ servizzi multimodali tal-merkanzija ġodda jew imtejba.

Is-sussidju jipprovdi massimu ta’ 10 ċenteżmi tal-euro għal kull unità ttrasportata (kontejner, semitrejler jew vettura) immultiplikati bl-għadd ta’ kilometri ta’ triq li ġew evitati billi, minflok, intuża t-trasport marittimu. Il-kumpaniji tat-tbaħħir huma obbligati jittrasferixxu mill-inqas 70 % tas-sussidju lil klijenti li jkunu ttrasportaw mill-inqas 150 unità f’sena, u 80 % lil klijenti li jkunu ttrasportaw mill-inqas 4 000 unit.

Il-Ministru responsabbli stma li l-iskema waslet sabiex fl-2019 tnaqqsu 113 000 unità mit-trasport bit-triq, jiġifieri sa 1 % tat-traffiku tal-merkanzija li jivvjaġġa fit-toroq Taljani (imkejjel f’tunnellata-kilometru).

63 F’Diċembru 2022, il-Kunsill adotta regolament33 biex jissimplifika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat relatati mal-inċentivar għall-bidla modali. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tadotta regolamenti li jeżentaw l-għajnuna mill-Istat għat-trasport bil-ferrovija, minn passaġġi fuq l-ilma interni u multimodali, min-notifika minn qabel u b’hekk mill-valutazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu rilevanti tat-Trattat34.

In-network tal-UE fil-qasam tal-infrastruttura għadu mhux adatt għall-bżonnijiet intermodali, iżda r-reviżjoni tat-TEN-T hija opportunità biex tittejjeb is-sitwazzjoni

64 Jekk l-operaturi ekonomiċi jridu jagħżlu alternattivi għat-trasport bit-triq biss, għandhom bżonn li jkun hemm fis-seħħ infrastruttura fiżika interoperabbli. Komponent ewlieni ta’ din l-infrastruttura huma t-terminals tat-trażbord, jew pjattaformi interni jew portijiet marittimi li jistgħu jimmaniġġjaw unitajiet ta’ tagħbija tal-merkanzija, jiġifieri li jittrasferuhom minn mod ta’ trasport għal ieħor.

65 Minbarra terminals f’pożizzjoni tajba u aċċessibbli, vjaġġ intermodali kompetittiv jeħtieġ li kull mod ta’ trasport involut ikun effiċjenti minnu nnifsu. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-impriżi tat-trasport ikunu f’pożizzjoni li jidentifikaw malajr opzjonijiet alternattivi f’każ li mod minnhom ma jkunx jista’ jintuża (eż. il-livell tal-ilma jkun baxx wisq f’passaġġ fuq l-ilma intern), sabiex jiggarantixxu vjaġġ intermodali affidabbli u jevitaw bidla modali bil-maqlub lejn trasport bit-triq, li intrinsikament huwa aktar flessibbli.

66 Ivvalutajna jekk:

  • l-operaturi tal-loġistika kellhomx informazzjoni aċċessibbli minnufih dwar it-terminals intermodali eżistenti u l-kapaċitajiet tan-network, li biha setgħu jippjanaw vjaġġ effiċjenti;
  • il-Kummissjoni kellhiex stampa ġenerali tal-ħtiġijiet għall-infrastruttura tat-terminal;
  • kienx sar biżżejjed progress fit-titjib tal-infrastruttura lineari biex jiġi stimulat it-trasport intermodali; u
  • intużawx proġetti ffinanzjati mill-UE biex tittejjeb il-bidla modali.

Informazzjoni diffiċilment aċċessibbli dwar terminals intermodali eżistenti tipprevieni lill-operaturi milli joffru l-aqwa vjaġġ intermodali possibbli lill-klijenti tagħhom

67 Aħna sibna li l-informazzjoni elettronika fuq aspetti bħall-post fejn jinsab it-terminal u s-servizzi, kif ukoll dwar il-kapaċità f’ħin reali tat-terminal, ma kinitx aċċessibbli minnufih għal parti kbira tan-network. Dan jiskoraġġixxi lill-operaturi tal-loġistika milli jagħżlu l-intermodalità billi l-informazzjoni meħtieġa biex jitfasslu vjaġġi intermodali ġodda għall-merkanzija tagħhom tieħu aktar ħin u tiswa aktar flus.

68 Fl-2015, il-Kummissjoni nediet grupp ta’ esperti, il-Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali, biex jindirizza din il-kwistjoni. Il-grupp ingħata l-kompitu li jfassal rakkomandazzjonijiet tekniċi dwar kif għandhom jiġu strutturati l-flussi ta’ informazzjoni, kemm min-negozji lill-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll bejn in-negozji, u l-grupp huwa mistenni joħroġ ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu sa tmiem l-2022. Madankollu u safrattant, l-Istati Membri bdew jiżviluppaw is-soluzzjonijiet nazzjonali tagħhom stess biex javvanzaw id-diġitalizzazzjoni tal-katina tal-loġistika, b’governanza u varjazzjonijiet differenti fit-tip ta’ informazzjoni miġbura. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma kellhiex stampa ġenerali kompluta tal-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-pjattaformi diġitali nazzjonali.

69 Il-Kummissjoni ppruvat ukoll tindirizza n-nuqqas ta’ informazzjoni aċċessibbli dwar it-terminals għat-trasport ferrovjarju billi nediet sit web fl-2015, li setgħu jużaw l-operaturi tat-terminals flimkien ma’ għodod oħra biex jippubblikaw informazzjoni aġġornata dwar il-faċilitajiet tagħhom, kif rikjesti mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE35. Madankollu, l-operaturi pprovdew biss data limitata. Fil-fatt, huma ma għandhom l-ebda obbligu li jipprovdu data lil dan is-sit web speċifiku, anke jekk huma benefiċjarji tal-finanzjament mill-UE. Fl-2020 il-Kummissjoni ttrasferiet is-sjieda tas-sit web lill-industrija (assoċjazzjoni ta’ Maniġers tal-Infrastruttura u Korpi ta’ Allokazzjoni), filwaqt li kompliet tappoġġa finanzjarjament l-iżvilupp tal-portal.

70 Sa llum, is-sit web ipprovda informazzjoni dwar il-post fejn jinsabu aktar minn 10 000 faċilità tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u bnadi oħra (inkluż fit-Türkiye u fir-Renju Unit). Madankollu, għall-biċċa l-kbira mill-faċilitajiet, l-informazzjoni hija limitata għall-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tas-sid tal-faċilità b’link għas-sit web tat-terminal. Għalhekk, m’hemmx informazzjoni dwar it-teknoloġija tat-terminals għat-tagħbija u l-karatteristiċi tal-infrastruttura (bħat-tqassim tal-linji), il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, il-kapaċitajiet diġitali jew it-tariffi tas-servizzi. Bl-istess mod, ma tiġi murija l-ebda informazzjoni f’ħin reali dwar il-kapaċità disponibbli fit-terminals. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, aħna sibna li s-sit web attwalment għandu użu limitat.

71 Fuq livell nazzjonali, sibna li f’żewġ Stati Membri mis-sitta li żorna (il-Ġermanja u n-Netherlands), kien hemm mappa diġitali indirizzata lill-operaturi tal-loġistika li tagħti dettalji dwar il-post fejn jinsabu t-terminals intermodali fit-territorju tagħhom.

Il-Kummissjoni ma għandhiex stampa ġenerali tal-ħtiġijiet għat-terminals

72 Sibna li l-Kummissjoni ma kellhiex stampa ġenerali tat-terminals attwali u tat-terminals li kienu għad iridu jinbnew jew jiġu ammeljorati abbażi tad-domanda tas-suq, jiġifieri biex jipprovdu lill-operaturi tal-loġistika infrastruttura xierqa ħalli jkunu jistgħu joffru soluzzjonijiet ta’ trasport intermodali lill-klijenti tagħhom.

73 Ir-regolament dwar it-TEN-T tal-2013 ma jeħtieġx analiżi (i) tax-xerqien tat-terminals intermodali eżistenti għall-flussi tat-traffiku tal-merkanzija attwali u potenzjali u (ii) dwar il-ħtieġa għal terminals futuri. Fl-2020, l-Unjoni Internazzjonali Ferrovjarja (UIC) wettqet analiżi dwar il-post fejn jinsabu t-terminals eżistenti, li wriet differenzi sinifikanti fid-densità tat-terminals fl-UE (ara l-Figura 11).

Figura 11 – Densità tat-terminals intermodali skont il-pajjiż

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Unjoni Internazzjonali Ferrovjarja, 2020 Report on Combined Transport in Europe.

74 Ir-Regolament dwar it-TEN-T tal-2013 lanqas ma jirrikjedi l-ġbir ta’ informazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura tat-terminals. Il-livell ta’ diġitalizzazzjoni huwa importanti għall-operaturi tal-loġistika biex jikkondividu informazzjoni b’mod effiċjenti tul il-katina tal-loġistika, jevitaw dewmien minħabba kapaċità insuffiċjenti tat-terminals jew nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ servizzi ta’ trażbord. In-nuqqas ta’ informazzjoni ma jħallix lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni fil-fond tal-prontezza tal-infrastruttura biex timmaniġġja l-flussi intermodali tal-merkanzija b’mod effettiv. Fost il-kurituri li jaqsmu l-Istati Membri li żorna, il-kuritur Skandinavu-Mediterran biss jittraċċa l-preżenza ta’ sistemi diġitali fit-terminals.

75 Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni billi, fil-proposta tagħha tal-2021 li tirrevedi r-Regolament dwar it-TEN-T, inkludiet dispożizzjonijiet rilevanti li jirrigwardaw kemm il-post fejn jinsabu t-terminals kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tat-terminals. Din il-proposta għadha għaddejja mill-proċess leġiżlattiv. L-Istati Membri se jkollhom iwettqu studju tas-suq tat-trasport, li għandu jiġi kondiviż mal-Kummissjoni, biex jidentifikaw il-flussi tat-traffiku prinċipali u t-terminals intermodali eżistenti, u biex jivvalutaw il-ħtieġa għal terminals ġodda. L-istudju jrid ikun akkumpanjat minn pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp ta’ network multimodali tat-terminals tal-merkanzija.

76 Il-Kummissjoni inkludiet ukoll dispożizzjoni ġdida fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu 2021-202736. Ir-Regolament jirregola fost l-oħrajn il-FEŻR u l-FK. Għall-kuntrarju tar-rekwiżit aktar ġenerali, taħt il-perjodu 2014-2020, biex jippreżentaw pjanijiet ta’ trasport37, ir-Regolament il-ġdid jirrikjedi li l-Istati Membri li fil-programmi tagħhom jinkludu investimenti fit-trasport jippreżentaw mappa multimodali tal-infrastrutturi eżistenti u ppjanati, inklużi l-postijiet fejn jinsabu t-terminals. Billi l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipprovdi l-ebda gwida lill-Istati Membri dwar dan il-kompitu, il-pjanijiet sottomessi mill-Istati Membri jvarjaw ħafna, u kwalunkwe analiżi orizzontali fil-livell tal-UE jagħmluha diffiċli u kumplessa.

Id-dewmien min-naħa tal-Istati Membri biex jiżguraw il-konformità tal-infrastruttura lineari mar-rekwiżiti tekniċi jxekkel il-kompetittività tal-intermodalità

77 Filwaqt li fil-livell tal-UE jiġu vvalutati l-ħtiġijiet fir-rigward tal-infrastruttura lineari u r-rekwiżiti tekniċi (gauge tal-binarji, gauge ferrovjarju tat-tagħbija, veloċità tal-linja eċċ) u jiġu mfassla listi ta’ proġetti (ara l-Kaxxa 1), deċiżjonijiet ta’ jekk u meta dawn il-proġetti se jiġu eventwalment implimentati jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

78 Fil-proposta tal-2021 li tirrevedi r-Regolament dwar it-TEN-T, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet ġodda li għandhom l-għan li jsaħħu r-rwol tal-Kummissjoni fl-iżgurar tal-iżvilupp tal-kurituri tan-networks. B’mod partikolari, għal kull Pjan ta’ Ħidma tal-Kuritur, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li huma vinkolanti għall-Istati Membri kkonċernati. Dan għandu jippermetti li jiġu stabbiliti dati ta’ skadenza speċifiċi u kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-kurituri. Il-proposta tagħti wkoll lill-Kummissjoni l-għażla li tadotta atti ta’ implimentazzjoni għal sezzjonijiet speċifiċi tal-kurituri, b’mod partikolari sezzjonijiet transfruntiera kumplessi, jew għal rekwiżiti tal-infrastruttura tat-trasport speċifiċi.

79 Filwaqt li fl-aħħar ftit snin kien hemm progress mil-lat ta’ żvilupp tal-infrastruttura u ta’ konformità mal-parametri tekniċi, għadhom jippersistu problemi ta’ interoperabbiltà u konġestjonijiet. L-aħħar rapport biennali ta’ progress tal-Kummissjoni38 dwar l-implimentazzjoni tat-TEN-T (li jkopri s-snin 2018-2019) juri li, filwaqt li l-maġġoranza tal-parametri tekniċi mmonitorjati (10 minn 14) kellhom rata ta’ konformità ’l fuq minn 75 %, il-prestazzjoni kienet ħafna agħar għal 2 parametri li huma partikolarment importanti għall-intermodalità. Dawn jikkonċernaw il-possibbiltà tal-operat ta’ ferroviji tal-merkanzija:

  • b’tul totali ta’ aktar minn 740 metru, biex jisfruttaw l-ekonomiji ta’ skala; u
  • b’gauge P400, biex jakkomodaw l-akbar tip ta’ kontejners. Għalkemm m’hemmx rekwiżit għal gauge ferrovjarju tat-tagħbija ’l fuq minn P400, li huwa standard ta’ kejl għal semitrejlers mgħobbija fuq vagun but, l-indikatur huwa madankollu mmonitorjat.

80 Il-partijiet ikkonċernati li kkonsultajna ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-operat ta’ ferroviji ta’ 740 metru jkun wieħed mit-titjib bl-ogħla kosteffettività għat-trasport intermodali fl-isforz biex jikkompeti mat-trasport bit-triq. Dan ġie ssottolinjat ukoll fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Rotterdam tal-201039. Madankollu, tul ta’ ferrovija ta’ 740 metru teoretikament jista’ jinkiseb fuq 53 % biss ta’ dawn il-kurituri. Barra minn hekk, kif irrappurtat il-Kummissjoni, din ir-rata x’aktarx li ġiet iddikjarata b’mod eċċessiv40. Bħala eżempju, ċerti sezzjonijiet tal-ferrovija jistgħu jiġu ddikjarati teknikament konformi b’tul tal-ferrovija ta’ 740 metru, għalkemm ferroviji ta’ dan it-tul jistgħu jiġu operati hemmhekk biss f’ħinijiet limitati. Barra minn hekk, għadd kbir ta’ terminals għadhom ma jipprovdux binarji tat-trażbord għal ferroviji b’tul ta’ 740 metru, u b’hekk jeħtieġu proċeduri ta’ shunting li jieħdu ħafna ħin.

81 Element pożittiv ieħor tal-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi r-Regolament dwar it-TEN-T huwa r-rekwiżit il-ġdid għal-linji tal-merkanzija biex ikunu konformi mal-gauge P400 tal-ferrovija, sabiex jakkomodaw l-akbar tipi ta’ kontejners. Filwaqt li din il-karatteristika hija ta’ benefiċċju kbir għall-intermodalità, 40 % tal-kurituri tan-network ewlieni biss huma attwalment konformi. Mis-sitt Stati Membri li żorna, il-konformità mal-istandard P400 kienet partikolarment limitata fi Spanja (6 %)), Franza (25 %), il-Polonja (36 %) u l-Italja (43 %)41. Għalhekk l-implimentazzjoni sħiħa tal-proposta se teħtieġ investimenti sinifikanti u eżerċizzji ta’ prijoritizzazzjoni min-naħa tal-Istati Membri.

82 Fl-aħħar nett, nosservaw illi jistgħu jkunu preżenti konġestjonijiet multipli f’modi ta’ trasport fuq l-istess assi. Barra minn hekk, anke sezzjonijiet konformi jistgħu jsiru konġestjonijiet minħabba ċirkustanzi esterni mhux previsti (livelli tal-ilma estremi, inċidenti, eċċ). Il-Kaxxa 7 tipprovdi xi eżempji għall-kuritur Renu-Alpi.

Kaxxa 7

Eżempji ta’ fatturi li jillimitaw il-vjaġġi intermodali fil-kuritur Renu-Alpi

Il-Kuritur Renu-Alpi jgħaqqad il-portijiet tal-Baħar tat-Tramuntana fil-Belġju u n-Netherlands mal-port Mediterran ta’ Ġenova, u jgħaddi mill-Iżvizzera. Huwa l-kuritur bl-akbar sehem ta’ trasport mhux bit-triq fl-UE: madwar 50 % tal-volumi annwali ta’ merkanzija fil-kuritur (jiġifieri 138 biljun tunnellata-kilometri) jivvjaġġaw fuq l-ilma, filwaqt li t-trasport ferrovjarju għandu sehem ta’ 16 %. It-trasport bit-triq jirrappreżenta l-34 % li jifdal42. Ir-regolamenti fl-Iżvizzera li jillimitaw it-traffiku tal-merkanzija fit-toroq jikkontribwixxu għal din is-sitwazzjoni.

It-trasport bil-kontejners jirrappreżenta 9 % tal-merkanzija totali ttrasportata fuq ix-xmara Renu bejn Basel u l-fruntiera Ġermaniża-Netherlandiza. Mill-2009 sal-2017, dan il-volum kiber b’27 % (minn 13.3-il miljun tunnellata għal 16.9-il miljun tunnellata)43. Biex tiżdied il-kapaċità tax-xmara, fil-pjan tat-trasport tal-Ġermanja kien inkluż proġett biex il-fond tal-kanal navigabbli jiżdied minn 1.90 m għal 2.10 m, bħala proġett ta’ prijorità44. Il-proġett għadu fil-fażi ta’ ppjanar bikrija tiegħu u għadha ma ġietx stabbilita data prevista għall-ikkompletar.

Barra minn hekk, kif ġie esperjenzat ukoll fl-2022, in-nixfa u l-livelli baxxi tal-ilma li rriżultaw jistgħu jaffettwaw serjament in-navigabbiltà ta’ sezzjonijiet differenti tax-xmara. Fl-2018, nixfa serja wasslet għal tnaqqis ta’ 13 % tat-traffiku tal-kontejners.

It-trasport ferrovjarju jista’ jkun ukoll opzjoni biex il-merkanzija tkompli tersaq ’il bogħod mit-triq tul il-kuritur, jew ikun opzjoni alternattiva f’każ ta’ nixfiet. Madankollu, in-network ferrovjarju tul ir-Renu fil-Ġermanja u Franza attwalment ma għandux biżżejjed kapaċità biex dan iseħħ. Barra minn hekk, fl-2018, xogħlijiet ta’ kostruzzjoni skedati biex jammeljoraw in-network fuq in-naħa Ġermaniża wasslu għall-kollass ta’ mina, u dan ħoloq konġestjoni addizzjonali tat-traffiku. Attwalment għaddejjin xogħlijiet biex iżidu l-kapaċità fuq l-istess sezzjoni, u d-data fil-mira għall-ikkompletar prevista hija l-204145.

Proġetti ffinanzjati mill-UE ma stmawx b’mod sistematiku r-riżultati dwar il-bidla modali, u r-riżultati lanqas ma huma mmonitorjati fit-terminu twil

83 Fil-perjodu 2014-2020, il-FEŻR/FK u l-FNE pprovdew appoġġ għall-intermodalità prinċipalment permezz tal-finanzjament ta’ proġetti ta’ infrastruttura, bħat-terminals tat-trażbord (ara l-Istampa 1) jew infrastruttura tat-trasport lineari (binarji tal-ferrovija, konnessjonijiet bit-toroq tal-aħħar mil, eċċ). Biex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jikkontribwixxu b’mod effettiv u sostenibbli għal bidla modali tat-traffiku tal-merkanzija ’l bogħod mit-toroq, jenħtieġ li dan jiġi ppjanat u l-impatti fuq terminu twil jiġu mmonitorjati. Għalhekk, aħna vvalutajna l-ippjanar u l-monitoraġġ għall-proġetti kkampjunati tagħna.

Stampa 1 – Il-kostruzzjoni ta’ krejnijiet għat-tagħbija f’terminal intermodali kkofinanzjat mill-UE fil-Polonja

Sors: il-QEA.

84 Hekk kif l-applikanti jissottomettu l-proposti tal-proġett tagħhom, is-CINEA (għall-FNE) jew l-awtorità maniġerjali rilevanti (għall-FEŻR/FK) twettaq proċedura tal-għażla biex tidentifika liema proġetti se żżomm għall-finanzjament. Il-mudell għall-applikazzjonijiet taħt il-FNE jirrikjedi li l-benefiċjarji jiddeskrivu l-impatti pożittivi u negattivi mistennija fuq il-bidla modali. Abbażi tal-kampjun ta’ proġetti tagħna li jappoġġaw l-intermodalità, aħna sibna li 9 biss mis-16-il applikazzjoni għall-proġett kienu jinkludu sezzjoni dwar ir-riżultati previsti tal-bidla modali wara l-implimentazzjoni tal-proġett (eż. l-għadd ta’ tunnellati stmat biex issir il-bidla mit-triq għall-ferrovija bis-saħħa tal-proġett). Għalkemm il-bidla modali hija waħda mill-benefiċċji prinċipali mistennija għal proġetti intermodali, ma kien hemm l-ebda rekwiżit biex issir stima kwantifikata tal-bidla modali fl-applikazzjonijiet, u l-ebda ftehim ta’ għotja ma kien jinkludi l-mira korrispondenti ta’ bidla modali bħala objettiv li jrid jintlaħaq.

85 Kif irrappurtajna fil-passat, l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ trasport ta’ spiss iġġarrab dewmien46. Għas-16-il proġett fil-kampjun tagħna sibna li l-implimentazzjoni ddewmet b’mod sinifikanti f’għadd ta’ każijiet:

  • Fiż-żmien li sar l-awditu kellhom jitlestew 10 proġetti skont il-pjanijiet inizjali tagħhom. Minnhom tlestew biss sitta. Erbgħa laħqu l-outputs previsti tagħhom, filwaqt li tnejn ġew iffinalizzati b’ambitu ridott, u dan wassal għal riskju potenzjali ta’ żbilanċ bejn il-provvista mibnija u d-domanda għas-servizzi tat-terminals (ara t-Tabella 1).
  • 14-il proġett kellhom dewmien, b’dewmien medju ta’ 21 xahar. Dawn kienu dovuti għal diversi fatturi, inklużi l-proċeduri twal ta’ ppjanar u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Billi 10 proġetti (li minnhom 9 kellhom dewmien) ma ġewx iffinalizzati fi tmiem l-awditu tagħna, ma konniex f’pożizzjoni li nivvalutaw l-ilħuq tal-objettivi tagħhom.

Tabella 1 – Dewmien fl-implimentazzjoni għas-sitt proġetti kkompletati fil-kampjun tagħna

Objettiv tal-proġett Ikkompletat kif ippjanat? Dewmien (f’xhur)
Terminal intermodali ġdid fil-Port ta’ Rijeka (il-Kroazja): kostruzzjoni ta’ binarji tal-ferrovija u r-rikostruzzjoni ta’ marshalling yard. Iva

B’kostijiet aktar baxxi milli stmati minħabba t-tfaddil wara l-akkwist tax-xogħlijiet.
12
Ammeljorament tal-infrastruttura tal-Port ta’ Rijeka (il-Kroazja): estensjoni tal-ħajt tal-moll, rikostruzzjoni tas-sezzjoni tal-merkanzija tal-istazzjon tal-ferrovija, u l-kostruzzjoni ta’ marshalling yard. Iva 21
Kostruzzjoni ta’ terminal stradali-ferrovjarju f’Badajoz (Spanja) u żona għal-loġistika madwaru. Le, ambitu ridott

It-terminal stradali-ferrovjarju nbena bil-kapaċità operazzjonali ppjanata, filwaqt li ż-żona tal-pjattaforma tal-loġistika tnaqqset bi 58 % meta mqabbla mal-pjanijiet. Dan jimplika riskju ta’ domanda insuffiċjenti għat-terminal. Biex jindirizza dan ir-riskju, il-benefiċjarju beda proġett ġdid, ikkofinanzjat mill-FEŻR, sabiex jikkompleta ż-żona tal-pjattaforma loġistika. Il-proġett huwa mistenni li jiġi ffinalizzat f’Settembru 2023.
24
Titjib tal-konnessjonijiet bit-toroq u bil-ferrovija fil-Port ta’ barra ta’ Gdansk (il-Polonja). Iva 5
Xiri ta’ pjattaformi għas-sottokontejners għall-operat ta’ konnessjonijiet intermodali f’Poznan (il-Polonja). Iva -
Ammeljorament tal-irmiġġi u tal-faċilitajiet ta’ immaniġġjar u ta’ ħżin għall-vetturi tat-triq, fil-portijiet ta’ Rostock (il-Ġermanja) u Hanko (il-Finlandja) – Awtostrada Baltika tal-Baħar. Le, ambitu ridott

L-ispazju l-ġdid li kien maħsub għall-immaniġġjar u l-ħżin fil-Port ta’ Rostock ma setax jiġi akkwistat. Madankollu, l-irmiġġi ġew ammeljorati kif kien ippjanat oriġinarjament biex jippermettu aktar kapaċità. Dan jimplika riskju ta’ konġestjoni ġdid jekk il-faċilità ta’ mmaniġġjar u ħżin turi li mhix suffiċjenti.
9

Sors: il-QEA.

86 Meta mqabbla ma’ proġetti li jinvolvu mod ta’ trasport wieħed, il-proġetti intermodali jeħtieġu aktar koordinazzjoni, billi s-sidien tal-infrastrutturi differenti li jridu jingħaqdu jistgħu jkunu differenti, u jistgħu jinkludu entitajiet kemm pubbliċi kif ukoll privati, kull wieħed bil-prijoritajiet u l-proċessi ta’ ppjanar tiegħu. Dawn l-isfidi jikkontribwixxu għal dewmien fl-implimentazzjoni kif jidher mill-eżempji fil-Kaxxa 8.

Kaxxa 8

Eżempji ta’ sfidi fil-koordinazzjoni

  1. Il-port ta’ Trieste huwa l-port Taljan bl-ogħla sehem ta’ kontejners ittrasportati bil-ferrovija fil-port u ’l barra minnu (52 % fl-2020). L-UE (permezz tal-FNE) iffinanzjat l-ammeljorament tal-infrastruttura tal-ferrovija fiż-żona tal-port fejn jinġemgħu l-ferroviji tal-merkanzija (ara l-Istampa 2) u l-varar ta’ soluzzjonijiet tal-IT relatati mal-merkanzija. L-awtorità portwarja u l-maniġer tal-infrastruttura nazzjonali tal-ferrovija huma responsabbli, kull wieħed, minn sezzjoni tal-infrastruttura tal-ferrovija. Matul l-implimentazzjoni, iż-żewġ korpi ddeċidew li jingħaqdu, u dan wassal għal bidla fit-tfassil biex l-operazzjonijiet isiru aktar effiċjenti. Dan ikkontribwixxa għad-dewmien f’dan il-proġett.

    Stampa 2 – Iż-żona fejn jinġemgħu l-ferroviji tal-merkanzija fil-port ta’ Trieste

    Sors: il-QEA.

  2. L-UE (permezz tal-FNE) iffinanzjat l-ammeljorament tal-faċilitajiet ta’ trasport intermodali f’terminal tal-merkanzija trimodali fil-port ta’ Rotterdam, li huwa l-akbar port tal-UE f’termini ta’ tunnellati li jimmaniġġja. Is-sidien tat-terminal huma azzjonisti privati minn pajjiżi differenti. L-azzjoni ddewmet b’sentejn minħabba (i) bidliet ippjanati fl-istruttura tas-sjieda tat-terminal, li saru wara l-approvazzjoni tal-finanzjament u għadhom ma ġewx implimentati u (ii) il-kriżi tal-COVID-19 u problemi relatati mal-awtorizzazzjoni. Fiż-żmien li sar l-awditu, id-deċiżjoni finali dwar l-espansjoni kienet sospiża sa ma seħħ il-qbil mill-azzjonisti.

87 Fir-rigward tal-FNE u l-FEŻR/FK, aħna sibna li s-CINEA u l-awtoritajiet maniġerjali mmonitorjaw l-outputs tal-proġett, iżda kważi qatt ma ġabru data dwar ir-riżultati u l-impatti tal-infrastruttura (eż. dwar l-għadd ta’ tunnellati attwalment trasferiti mit-trasport bit-triq lejn modi ta’ trasport li jniġġsu inqas). Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet ex post ma twettqux sistematikament biex jivvalutaw ir-riżultati u l-impatti. Minkejja l-ħin meħtieġ biex jidhru r-riżultati u l-impatti, dan xekkel l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba u ta’ sfidi komuni fil-finanzjament ta’ proġetti intermodali, u jikkorrobora sejbiet preċedenti tal-QEA47.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

88 B’mod ġenerali, nikkonkludu li l-appoġġ regolatorju u finanzjarju tal-UE fil-qasam tat-trasport intermodali tal-merkanzija ma kienx effettiv biżżejjed, billi għad m’hemmx kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-UE għat-trasport intermodali tal-merkanzija meta mqabbel mat-trasport bit-triq. Dan huwa dovut għal (i) dgħufijiet fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-miri tal-UE għat-trasport intermodali, fil-kuntest tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija; (ii) dispożizzjonijiet regolatorji li jaġixxu kontra l-għan tal-inċentivar tat-trasport intermodali; u (iii) sfidi fl-iżvilupp ta’ terminals u infrastruttura lineari. Il-kompettitività tat-trasport intermodali tal-merkanzija fl-UE tista’ tiżdied biss jekk dawn il-problemi jiġu indirizzati b’mod urġenti.

89 Sibna li l-Kummissjoni ma kellhiex strateġija tal-UE ddedikata għall-intermodalità. Minflok, l-intermodalità kienet parti minn strateġiji usa’ dwar l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija u l-bidla modali, jiġifieri l-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport tal-2011 u l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-2020. Dawn kienu jinkludu miri bl-għan li jżidu s-sehem tal-modi ta’ trasport sostenibbli iżda ma kienx hemm miri għat-trasport intermodali. Barra minn hekk, dawn il-miri tal-UE għadhom mhux realistiċi, billi s-suppożizzjonijiet sottostanti ma kinux ibbażati fuq simulazzjonijiet robusti ta’ kemm jista’ jkun realistiku l-ilħuq ta’ bidla modali meta wieħed iqis:(i) ir-restrizzjonijiet tal-infrastruttura fuq terminu twil għall-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni u (ii) l-ostakli regolatorji li jaffettwaw il-kompettività tat-trasport intermodali (ara l-paragrafi 26-32).

90 Barra dan, il-miri li ġew stabbiliti fil-livell tal-UE ma ġewx maqbula mal-Istati Membri u ma ġewx ripartiti f’miri infurzabbli fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-kuritur. L-Istati Membri żviluppaw l-istrateġiji tagħhom stess għall-bidla modali u stabbilew il-miri tagħhom stess, li ma kinux allinjati mal-ekwivalenti tal-UE tagħhom u kienu saħansitra aktar ambizzjużi. Il-Kummissjoni ma mmonitorjatx b’mod konsistenti l-koerenza ta’ dawn l-istrateġiji mal-miri tal-UE, parzjalment minħabba d-diversità tal-miri nazzjonali u l-iskedi ta’ żmien għall-ilħuq tagħhom (ara l-paragrafi 33-38).

91 Fl-aħħar nett, il-monitoraġġ min-naħa tal-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni tal-intermodalità biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija ġie mfixkel b’mod sinifikanti minn nuqqas ta’ data mingħand l-Istati Membri (ara l-paragrafi 39-41).

Rakkomandazzjoni 1 – Tistabbilixxi miri fir-rigward tas-sehem modali tul il-Kurituri tan-Network Ewlieni u tirrapporta dwarhom

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tispeċifika, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati, il-miri għal kull Kuritur tan-Network Ewlieni rigward is-sehem modali tal-flussi tat-traffiku tal-merkanzija, inklużi l-flussi intermodali;
  2. teħtieġ illi l-Koordinaturi Ewropej jirrappurtaw dwar l-ilħuq ta’ dawn il-miri u jidentifikaw l-investiment meħtieġ biex jikkonformaw magħhom;
  3. ittejjeb il-ġbir ta’ data nazzjonali dwar it-trasport intermodali tal-merkanzija, f’kollaborazzjoni mal-EUROSTAT u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, notevolment billi tivvaluta l-ħtieġa għal rekwiżiti għall-forniment tad-data li għandhom jiġu inklużi f’att leġiżlattiv.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2024 għal (a) u (b), sa tmiem l-2026 għal (c).

92 Ir-regolamentazzjoni tas-suq hija fattur ewlieni fis-sostenn ta’ għażliet ta’ politika. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat – l-uniku att leġiżlattiv tal-UE speċifiku għat-trasport intermodali – mhumiex aġġornati. Barra minn hekk, it-traspożizzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u joħolqu inċertezza għall-operaturi tal-loġistika. Il-Kummissjoni għamlet diversi tentattivi biex tirrevedi d-Direttiva, iżda ma rnexxilhiex tikseb il-qbil tal-Istati Membri (ara l-paragrafi 43-45).

93 L-eżenzjonijiet jew opzjonijiet eżistenti fil-qafas legali tal-UE li jikkonċernaw it-trasport bit-triq jaġixxu kontra dispożizzjonijiet oħra li għandhom l-għan li jinċentivaw l-intermodalità. Barra minn hekk, fir-rigward tal-qafas regolatorju tal-UE speċifiku għat-trasport ferrovjarju, hemm tħassib marbut mal-ġestjoni tal-kapaċità u l-interoperabbiltà li x’aktarx se jippersistu fin-nuqqas ta’ azzjoni leġiżlattiva ġdida (ara l-paragrafi 46-54).

94 Il-Kummissjoni ħadet passi biex tkompli tissimplifika l-qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat, li huwa applikabbli f’każ li s-sussidji li jingħataw jissodisfaw il-kunċett ta’ għajnuna kif stabbilit fit-Trattat. Fl-2022, il-Kunsill adotta regolament biex iwitti t-triq għall-eżenzjoni ta’ miżuri li jirriżultaw f’bidla modali ’l bogħod mit-trasport bit-triq minn din il-proċedura. L-eżenzjonijiet ikunu japplikaw għat-trasport bit-triq, bil-passaġġ fuq l-ilma intern u t-trasport multimodali (ara l-paragrafi 55-63).

95 In-nuqqas ta’ (i) informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar it-terminals intermodali eżistenti u s-servizzi offruti hemmhekk, u (ii) informazzjoni f’ħin reali dwar il-kapaċitajiet tan-network huma fatturi li jimpedixxi lill-ispedituri u lill-operaturi tal-loġistika milli joffru lill-klijenti tagħhom l-aqwa vjaġġi intermodali possibbli. Filwaqt li l-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq l-elaborazzjoni ta’ standards tekniċi komuni rigward id-diġitalizzazzjoni tal-flussi ta’ informazzjoni, l-Istati Membri diġà qegħdin jiżviluppaw il-pjattaformi loġistiċi tagħhom stess, b’varjazzjonijiet fit-tip ta’ informazzjoni li tinġabar. Barra minn hekk, tentattiv mill-Kummissjoni biex fl-2015 tibni sit web tal-UE b’informazzjoni dwar it-terminals tal-ferrovija pproduċa riżultati limitati, billi l-operaturi tal-loġistika ssottomettew data limitata biss (ara l-paragrafi 67-71).

Rakkomandazzjoni 2 – Tħejji bidliet regolatorji biex ittejjeb il-kompetittività tat-trasport intermodali

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji r-reviżjoni tal-qafas regolatorju:

  1. sabiex it-trasport ferrovjarju jneħħi l-ostakli regolatorji eżistenti biex ikun jista’ jkun alternattiva kompetittiva għat-trasport bit-triq biss. B’mod partikolari, huma meħtieġa dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-kapaċità biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet tas-servizzi tal-merkanzija, u biex jiġu rregolati standards tekniċi u operazzjonali li huma attwalment nazzjonali;
  2. kemm għat-trasport ikkombinat, biex l-ambitu tiegħu jkopri wkoll lit-trasport intermodali, kif ukoll għat-trasport bit-triq biss. Dawn ir-reviżjonijiet jenħtieġ li jkollhom l-għan li jnaqqsu d-diversità ta’ implimentazzjoni li titwettaq mill-Istati Membri, jinkludu dispożizzjonijiet fuq id-diġitalizzazzjoni tal-flussi ta’ informazzjoni, u jirrinforzaw l-inċentivi għat-trasport intermodali meta mqabbla mat-trasport bit-triq biss.

Data ta’ implimentazzjoni fil-mira: sa tmiem l-2024.

96 Sibna li l-Kummissjoni ma kellhiex stampa ġenerali tat-terminals attwali u tat-terminals li kienu għadhom iridu jinbnew jew jiġu ammeljorati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-industrija. Sibna wkoll li n-nuqqas ta’ konformità ta’ sezzjonijiet tan-Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) b’rekwiżiti tekniċi speċifiċi, bħall-possibbiltà li jinstaqu ferroviji twal 740 metru, ikompli jillimita l-potenzjal għal aktar żidiet fit-trasport intermodali (ara l-paragrafi 72-82).

97 Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2021 għar-reviżjoni tar-Regolament dwar it-TEN-T għandha l-potenzjal li ttejjeb is-sitwazzjoni: l-Istati Membri jkollhom jivvalutaw il-ħtiġijiet għall-infrastruttura tat-terminals (studju tas-suq) u l-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi dati ta’ skadenza u kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ sezzjonijiet tan-network (ara l-paragrafi 72-82).

Rakkomandazzjoni 3 – Tistabbilixxi l-bażi għal valutazzjoni kkoordinata min-naħa tal-Istati Membri tal-ħtiġijiet tat-terminals intermodali

Jenħtieġ li, bħala pass ulterjuri għall-proposta tal-2021 għar-reviżjoni tar-Regolament dwar it-TEN-T, il-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b’linji gwida ċari dwar (i) kif iwettqu l-istudju tas-suq u (ii) kif ifasslu pjan ta’ żvilupp għat-terminals, b’attenzjoni partikolari għall-aspetti transfruntiera u tul il-Kurituri tan-Network Ewlieni.

Definizzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni: 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid dwar it-TEN-T.

98 L-implimentazzjoni tal-proġetti tat-trasport ta’ spiss tiltaqa’ ma’ dewmien: dan kien il-każ għal 14 minn 16-il proġett ikkampjunat li jappoġġa l-intermodalità. Flimkien ma’ problemi oħra (bħal proċeduri tal-ippjanar twal u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19), aħna sibna li karatteristika speċifika tal-proġetti intermodali, jiġifieri l-ħtieġa li jiġu kkoordinati d-diversi atturi pubbliċi u privati, ikkontribwiet għal dan id-dewmien (ara l-paragrafi 83- 87).

99 Il-promoturi ta’ proġetti li jappoġġaw l-intermodalità li rċevew finanzjament mingħand il-Kummissjoni permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew mingħand l-awtoritajiet maniġerjali permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew tal-Fond ta’ Koeżjoni matul il-perjodu 2014-2020 ma kinux meħtieġa jagħmlu stima tar-riżultati speċifiċi f’termini tal-bidla modali fl-applikazzjonijiet tal-proġett tagħhom. Għalkemm xi promoturi fil-kampjun tagħna pprovdew tali stimi, dawn ma kinux inklużi bħala miri fil-ftehimiet ta’ għotja. Il-monitoraġġ ta’ proġetti intermodali ffinanzjati mill-UE jiffoka fuq l-outputs, aktar milli fuq ir-riżultati u l-impatti. B’riżultat ta’ dan, u minkejja l-ħin meħtieġ biex jimmaterjalizzaw ruħhom ir-riżultati u l-impatti, ma jistgħux jiġu identifikati b’mod sistematiku prattiki tajba u sfidi fl-iffinanzjar ta’ proġetti intermodali (ara l-paragrafi 83-87).

100 Filwaqt li l-UE tipprovdi għotjiet għall-infrastruttura ta’ terminals intermodali biex tnaqqas l-kost ta’ investiment tas-sid, aħna sibna li għall-proġetti kkampjunati tagħna, ma kienx hemm rekwiżit biex fl-applikazzjoni tal-proġett tiġi inkluża valutazzjoni tal-adegwatezza tal-għotja għal-livell ta’ tariffi previst u l-bidla modali potenzjali ġġenerata mill-proġett. Din hija opportunità mitlufa sabiex is-servizzi ta’ trasport intermodali tal-merkanzija jsiru aktar kompetittivi (ara l-paragrafi 55- 61).

Rakkomandazzjoni 4 – Tivvaluta l-bidla modali potenzjali f’analiżijiet tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji għal proġetti ffinanzjati mill-UE

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, biex tkompli tistimula l-bidla modali bi proġetti ffinanzjati mill-UE:

  1. tirrikjedi li l-benefiċjarji tal-proġetti li huma ffinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (ġestjoni diretta) u li jimmiraw lejn bidla modali (b’mod partikolari l-infrastruttura tat-terminals u tal-portijiet) jinkludu, fl-analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji li diġà hija parti obbligatorja tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet, stima kwantifikata tal-potenzjal tal-proġett biex jiġġenera bidla modali u l-livell ta’ tariffi li fih tiġi indotta bidla modali.
  2. għal proġetti taħt ġestjoni kondiviża, tippromwovi l-kunċetti taħt (a) lill-awtoritajiet maniġerjali, b’mod partikolari meta jfasslu l-programmi operazzjonali, u lill-kumitati ta’ monitoraġġ tal-programmi.

Data ta’ implimentazzjoni fil-mira: sa tmiem l-2023.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sra Annemie Turtelboom, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Frar 2023.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Annessi

Anness I – Riformi u investimenti prinċipali relatati mal-intermodalità fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Istati Membri magħżula għall-awditu

Stat Membru Deskrizzjoni tar-(R)iforma jew (I)nvestiment (R)/
(I)
Baġit (miljun EUR) Data ta’ skadenza
Franza Rieżami tal-liġi dwar il-Mobbiltà u aġġornament tal-ipprogrammar finanzjarju u operazzjonali tal-investimenti tal-Istat fl-infrastruttura tat-trasport R m.a. Ir-raba’ trimestru tal-2023
Rinnovazzjoni u modernizzazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma, inklużi xatbiet u digi (100 proġett) I 1001 Ir-raba’ trimestru tal-2024
Rinnovazzjoni ta’ total ta’ 330 km ta’ linji ferrovjarji I 40 Ir-raba’ trimestru tal-2025
Il-Ġermanja Ma identifikajniex riformi / investimenti li jikkontribwixxu b’mod dirett lejn l-intermodalità fil-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
L-Italja Simplifikazzjoni tal-proċessi ta’ ppjanar strateġiċi fil-portijiet R m.a. Ir-raba’ trimestru tal-2022
Id-diġitalizzazzjoni tan-network tal-katina loġistika tal-portijiet u tat-terminals tal-merkanzija I 47 It-tieni trimestru tal-2024
663 km ta’ linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri / merkanzija mibnija lesti biex jaħdmu I 14 750 It-tieni trimestru tal-2026
ERTMS lesta biex taħdem fuq 4 800 km tan-network ferrovjarju I 2 970 It-tieni trimestru tal-2026
In-Netherlands Varar tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS); 130 stazzjon bażi riċetrażmettitriċi (arbli tal-istandard GSM-Rail); twassil tas-sistemi adattati lill-utenti; u Sistema ta’ Sigurtà Ċentrali li taħdem I 149 Ir-raba’ trimestru tal-2024
Żvilupp ta’ infrastruttura bażika tad-data u l-ilħuq ta’ 30 % ta’ prontezza diġitali fis-settur loġistiku tan-Netherlands I 36 Ir-raba’ trimestru tal-2025
Spanja Adozzjoni u pubblikazzjoni tal-Istrateġija Indikattiva tal-Ferrovija inklużi azzjonijiet fuq il-modalità u spinta lit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija R m.a. Ir-raba’ trimestru tal-2022
1 400 km ta’ linji ferrovjarji ammeljorati fil-kurituri tan-network ewlieni TEN-T, inkluż it-tiġdid tal-binarji, l-elettrifikazzjoni, l-ERTMS I 2 988 It-tieni trimestru tal-2026
900 km fuq in-network ferrovjarju komprensiv ammeljorat u interoperabbli prinċipalment b’rabta mat-TEN-T I 1 010 It-tieni trimestru tal-2026
Terminals intermodali u infrastruttura tal-loġistika I 802 It-tieni trimestru tal-2026
Trasport sostenibbli u diġitali, inkluż l-ERTMS I 447 It-tieni trimestru tal-2026
Il-Polonja Emenda tal-Att dwar it-Trasport Ferrovjarju biex jingħata kumpens lill-maniġers tal-infrastruttura għat-tnaqqis fil-ħlasijiet ta’ aċċess R m.a. Ir-raba’ trimestru tal-2022
Estensjoni tas-sistema ta’ pedaġġ stradali fuq 1400 km addizzjonali ta’ awtostradi u toroq espressi biex tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur ferrovjarju R m.a. L-ewwel trimestru tal-2023
Żieda fil-kapaċità operazzjonali ta’ mmaniġġjar tat-terminals ta’ mill-inqas 5 %, ibbażata fuq kapaċità installata ta’ 9.1 miljun TEU/fis-sena (linja bażi għall-2020). I 175 It-tieni trimestru tal-2026
Immodernizzar ta’ 478 km ta’ linji ferrovjarji, li minnhom 200 km huma fin-network ewlieni tat-TEN-T I 1 731 It-tieni trimestru tal-2026
Varar tal-ERTMS: installazzjoni ta’ 35 punt ta’ kontroll awtomatizzati, ammeljorament ta’ 45 passaġġ invell u l-installazzjoni ta’ 180 ERTMS unità abbord. I 341 It-tieni trimestru tal-2026

1 Il-baġit ta’ EUR 100 miljun mhuwiex allokat biss għall-100 proġett fuq digi u xatbiet, iżda jinkludi wkoll investimenti fi stazzjonijiet tal-iċċarġjar miftuħa għall-pubbliku u korsiji riżervati għat-trasport pubbliku.

Sors: il-QEA.

Anness II – Lista ta’ proġetti kkofinanzjati mill-UE kkampjunati għall-awditu

A - Lista ta’ proġetti kkofinanzjati mill-FNE li saritilhom żjara u rieżami matul l-awditu

Stat Membru Titolu tal-proġett u deskrizzjoni Tipi ta’ appoġġ għall-intermodalità Data tal-bidu Data tal-ikkompletar (ippjanata vs attwali1) Kost totali eliġibbli (EUR) (ippjanat vs attwali) Rata ta’ kofinanzjament tal-UE Kofinanzjament tal-UE impenjat (EUR) (ippjanat vs attwali)
Il-Kroazja Żvilupp tal-pjattaforma multimodali tal-Port ta’ Rijeka u interkonnessjoni mat-terminal għall-kontejners “Adriatic Gate" Infrastruttura tat‑terminals 16.7.2015 31.12.2019

31.12.2020
35 556 000

34 545 179
85 % 30 222 600

29 363 402
Ammeljorament tal‑infrastruttura tal-Port ta’ Rijeka - Terminal għall-kontejners tal-Moll ta’ Zagreb Infrastruttura tat‑terminals 1.10.2016 31.12.2020

30.9.2022
31 587 125 85 % 26 849 056
Il-Ġermanja / Il-Finlandja Żvilupp tal-kapaċità tal-port għal-link(s) integrati tal‑Awtostrada Baltika tal-Baħar (Rostock – Hanko) Titjib tal-kapaċità tal-port (MoS) 7.2.2017 31.12.2019

30.9.2020
21 219 901

19 569 902
22.72 %

22.53 %
4 821 370

4 408 870
Franza Port ta’ Le Havre - Xogħlijiet għat-titjib tal-aċċess mix-xmara għal Port 2000 Titjib tal-kapaċità tal-port 1.4.2019 30.11.2023

31.12.2024
125 000 000 20 % 24 900 000
Terminal ta’ trasport ikkombinat awtomatizzat f’Calais li jippermetti l-bidla modali ta’ kull tip ta’ semitrejlers mit-triq għall‑ferrovija Kostruzzjoni ta’ terminal stradali‑ferrovjarju għas-semitrejlers 1.11.2018 31.12.2023 31 219 307 22.47 % 7 015 401
L-Italja Ammeljorament tal‑infrastrutturi ferrovjarji tal‑Port ta’ Trieste Ammeljorament tal‑infrastruttura ferrovjarja fiż-żona fejn jinġemgħu l‑ferroviji tal‑merkanzija fil-port 10.4.2018 31.12.2023

31.12.2024
32 700 000 20 % 6 540 000
In-Netherlands Ammeljorament tal-World Gateway terminal ta’ Rotterdam għat-trasport ikkombinat Ammeljorament tal‑World Gateway terminal ta’ Rotterdam għat-trasport ikkombinat 25.10.2018 31.12.2022

31.12.2024
27 945 000 20 % 5 589 000
Il-Polonja Titjib tal-aċċess ferrovjarju għall-port ta’ Gdansk Titjib tal-aċċess ferrovjarju għall-port 1.9.2016 31.12.2020

31.12.2022
141 509 434

132 774 644
81.75 % 115 683 962

108 543 272
Estensjoni u modernizzar tan‑network tat-toroq u tal‑ferrovija Titjib tal-aċċess ferrovjarju / mit-toroq għall-port 16.2.2016 31.12.2020

30.6.2021
28 765 560 85 % 24 450 726
Spanja Pjattaforma għal-Loġistika Intermodali fil-Lbiċ tal-Ewropa (Badajoz) Kostruzzjoni ta’ terminal stradali‑ferrovjarju intermodali 14.4.2014 15.9.2020

15.9.2022
35 766 385

24 244 401
21.18 % 7 576 522

5 272 125

1 Data tal-ikkompletar reali kif riflessa fl-aktar ftehim ta’ għotja riċenti.

Sors: Data pprovduta minn DĠ MOVE / CINEA / awtoritajiet maniġerjali u l-analiżi proprja tal-QEA.

A - Lista ta’ proġetti kkofinanzjati mill-FEŻR/FK li saritilhom żjara u rieżami matul l-awditu

Stat Membru Titolu u deskrizzjoni tal-proġett Tipi ta’ appoġġ għall-intermodalità Data tal-bidu Data ta’ kkompletar (ippjanata vs attwali) Kost totali eliġibbli (EUR) (ippjanat vs attwali) Rata ta’ kofinanzjament tal-UE Kofinanzjament tal-UE impenjat (EUR) (ippjanat vs attwali)
L-Italja Kostruzzjoni ta’ triq bypass b’tul ta’ madwar 6.3 km, inklużi l-mini, li tgħaqqad il-Port ta’ Salerno man-network ewlieni TEN-T (kuritur Skand-Med) – fażi II ta’ proġett maġġuri Kostruzzjoni ta’ triq bypass biex ikun hemm aċċess għall-port ta’ Salerno 27.12.2006 30.6.2019

31.12.2022
60 567 974 75 % 45 425 981
Il-Polonja Modernizzazzjoni ta’ linja ta’ aċċess ferrovjarju għall-Port ta’ Gdansk b’tul ta’ madwar 11-il km, inkluż l-ammeljorament tal-pontijiet u l-punti ta’ qsim – fażi II ta’ proġett maġġuri Titjib tal-aċċess ferrovjarju għall-port 27.10.2015 31.10.2017

30.9.2023
43 810 890

39 682 750
85 % 35 048 712

33 730 388
Modernizzazzjoni tal-aċċess bit-triq għall-Port ta’ Szczecin biex titjieb l-aċċessibbiltà tal-port1 Titjib tal-aċċess bit-triq għall-port 23.7.2020 31.3.2023

30.6.2023
42 985 038 85 % 36 537 283
Xiri ta’ tagħmir intermodali minn operatur privat tat-terminals Appoġġ għall-infrastruttura intermodali tat-terminals (stradali‑ferrovjarji) 23.1.2017 30.9.2019 18 387 568 50 % 9 189 284
Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għat-tħejjija ta’ żona ta’ ħżin, xiri u installazzjoni ta’ krejn portiku, reach stackers u sistemi tal‑ġestjoni tat-traffiku Appoġġ għall-infrastruttura tat‑terminals intermodali (stradali-ferrovjarji) 1.10.2019 31.12.2021

31.3.2023
13 801 021 62 % 8 533 357
Spanja Varar tal-ewwel fażi taż-żona tal‑loġistika Antequera Kostruzzjoni ta’ terminal intermodali u taż-żona tal-loġistika ta’ madwaru 1.1.2019 31.12.2022

31.12.2023
41 530 092 63 % 26 174 279

1 Il-proġett ġie identifikat bħala rilevanti għall-intermodalità min-naħa tal-awtorità maniġerjali. Il-Kummissjoni tqisu bħala proġett rilevanti biss għat-triq.

Sors: Data pprovduta mill-awtoritajiet maniġerjali u mill-analiżi li wettqet il-QEA stess.

Anness III – Rapporti speċjali u rapporti analitiċi preċedenti tal-QEA li huma rilevanti għat-trasport intermodali

Ir-Rapport Analitiku 09/2018: “Lejn settur tat-trasport ġewwa l-UE li jkollu suċċess: sfidi li jridu jiġu indirizzati (Analiżi panoramika)”.

Ir-Rapport Speċjali 13/2017: “Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà?”.

Ir-Rapport Speċjali 23/2016: “It-trasport marittimu fl-UE: f’baħar ta’ inkwiet — sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli”.

Ir-Rapport Speċjali 08/2016: “It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba”.

Ir-Rapport Speċjali 01/2015: “Trasport minn Passaġġi fuq l-Ilma Interni fl-Ewropa: L‑ebda titjib sinifikanti fis-sehem modali u fil-kundizzjonijiet ta’ navigabbiltà mill-2001 ’il hawn”.

Ir-Rapport Speċjali 03/2013: “Il-programmi Marco Polo kienu effettivi fiċ-ċaqliq tat-traffiku lil hinn mit-toroq?”.

Ir-Rapport Speċjali 08/2010: “It-titjib tal-prestazzjoni tat-trasport fuq l-assi ferrovjarji trans-Ewropej: L-investiment tal-UE fl-infrastruttura ferrovjarja kien effettiv?”.

Anness IV – L-analiżi li wettaqna fuq erba’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni

Tip ta’ valutazzjoni Bażi ġuridika Sejbiet
Pjanijiet nazzjonali għat‑trasport Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 L-Artikolu 49 tar-Regolament dwar it-TEN-T jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu l-pjanijiet u l-programmi nazzjonali tagħhom għat-trasport lill-Kummissjoni għall-informazzjoni.

Madankollu, dan ma jseħħx sistematikament, billi l‑Kummissjoni ma titlobx is-sottomissjoni b’mod attiv. Barra minn hekk, l-Istati Membri mhumiex obbligati jfasslu pjanijiet nazzjonali għat-trasport jew li jsegwu metodoloġija komuni jekk ifassluhom. B’hekk, ma hemm l-ebda obbligu li jiġu inklużi objettivi rigward il‑bidla modali. Is-sitt Stati Membri kkampjunati madankollu żviluppaw dan it-tip ta’ strateġija. Madankollu, ma sibniex evidenza ta’ kummenti speċifiċi mqajma mill-Kummissjoni dwar l-objettivi tal‑bidla modali f’dawn il-pjanijiet u l-allinjament tagħhom mal-objettivi Ewropej.
Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1999 L-Artikolu 9 tar-Regolament jeħtieġ illi l-Istati Membri jibagħtu Pjan Nazzjonali integrat għall-Enerġija u l‑Klima lill-Kummissjoni. L-Istati Membri jeħtiġilhom jieħdu kont kif dovut tar-rakkomandazzjonijiet tal‑Kummissjoni jew jippubblikaw ir-raġunijiet tagħhom jekk ma jagħmlux dan.

Ma hemm l-ebda rekwiżit biex jiġu inklużi l-miżuri għal bidla modali f’dawn il-pjanijiet. Mill-Istati Membri kkampjunati, l-Italja biss inkludiet dawn il-miżuri b’mod espliċitu. Madankollu, il-valutazzjoni tal-pjan li wettqet il-Kummissjoni ma kinitx tinkludi analiżi tar‑riżultati mistennija tagħhom b’rabta mal-objettivi tal-UE.

Il-Kummissjoni qieset il-pjanijiet nazzjonali meta bniet ix-xenarju bażi li fuqu huwa bbażat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Madankollu, dan ix-xenarju ma għandux proġezzjonijiet speċifiċi fuq it-trasport intermodali u l‑bidla modali.
Pjanijiet għall-Irkupru u r‑Reżiljenza (ara l-paragrafu 15) Ir-Regolament (UE) Nru 2021/241 L-Artikolu 18 tar-Regolament jeħtieġ illi l-Istati Membri jibagħtu l-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom lill-Kummissjoni għal valutazzjoni. F’każ ta’ valutazzjoni pożittiva, il-Kummissjoni tipprepara deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex tiġi approvata mill‑Kunsill.

L-Istati Membri mhumiex obbligati li jinkludu objettivi għat-trasport fil-pjanijiet tagħhom, iżda l-pjanijiet iridu jikkontribwixxu lejn l-indirizzar tal-isfidi kollha jew ta’ subsett sinifikanti minnhom, identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti jew f’dokumenti oħra (eż. ir-Rapporti tal-Pajjiżi) adottati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Minn fost l-Istati Membri kollha li żorna, il-Polonja (2019) u Spanja (2020) kienu rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-bidla modali. Il-Kummissjoni vverifikat illi ż-żewġ Stati Membri kienu inkludew riformi u miżuri rilevanti fil-pjanijiet tagħhom. Osservajna, madankollu, li l‑Kummissjoni ma kkumentatx fuq il-pjan Ġermaniż, li ma kien jinkludi l-ebda miżura relatata mal‑intermodalità, minkejja li r-Rapport tal-Pajjiż tal‑2020 kien saħaq dwar dgħufijiet rigward in‑navigabbiltà u l‑effiċjenza tat-trasport ta’ diversi passaġġi fuq l-ilma interni. Ir-rapport ġibed l-attenzjoni għall-fatt li bidla modali effiċjenti mit-triq għall‑ferrovija u l-passaġġ fuq l-ilma intern ma setgħetx tiġi żgurata meta s-settur tat-toroq għandu l‑akbar sehem fit-trasport tal-merkanzija.
Ftehimiet ta’ Sħubija Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (UE) 1303/2013 Il-Ftehimiet ta’ Sħubija jipprovdu l-bażi għad-direzzjoni strateġika tal-programmi mmaniġġjati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni. L‑Artikolu 14 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni rrikjeda li l-Istati Membri jibagħtu l-Ftehim lill‑Kummissjoni għall-approvazzjoni. Bħala parti minn din il-proċedura ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni tivverifika l-eżistenza ta’ pjan nazzjonali għat-trasport, b’sezzjonijiet dwar il-modi differenti ta’ trasport.

Matul in-negozjati mal-Istati Membri għall‑perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni stiednet lill‑Istati Membri kkampjunati kollha, fejn l‑investimenti fit-trasport setgħu jiġu appoġġati prinċipalment permezz tal-FK (Spanja, il-Kroazja, l‑Italja u l-Polonja), biex jagħtu prijorità lill‑investimenti fit-trasport sostenibbli, inkluża l‑intermodalità. Aħna nosservaw, madankollu, li fil-każ tal-Polonja l-influwenza tal-Kummissjoni kienet limitata minkejja r-rakkomandazzjonijiet li tennitilha. Filwaqt li l-awtoritajiet Pollakki żiedu l-finanzjament allokat għall-ferrovija fil-Programm Operazzjonali għall-Infrastruttura u l-Ambjent, l‑allokazzjoni għat-trasport bit-triq kienet għadha d‑doppju ta’ dik għall‑ferrovija.

Sors: il-QEA.

Anness V – Tipi ta’ ostakli operazzjonali identifikati skont il-mod ta’ trasport

`
Mod ta’ trasport Ostaklu Deskrizzjoni u impatt
Bil-ferrovija Nuqqas ta’ standards ta’ interoperabbiltà għal unitajiet ta’ tagħbija intermodali Il-maniġers tal-infrastruttura tal-ferroviji jistgħu jqisu ċerti tipi ta’ unitajiet ta’ tagħbija intermodali bħala “trasport eċċezzjonali”, u b’hekk jirrikjedu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ad hoc għal operazzjonijiet fuq ċerti sezzjonijiet tan-network ferrovjarju.
Bil-ferrovija Nuqqas ta’ kapaċità garantita minima għall-merkanzija fl‑allokazzjoni u l‑immaniġġjar tal‑mogħdijiet tal‑ferrovija Il-maniġers tal-infrastruttura fil-biċċa l-kbira jagħtu inqas prijorità lil talbiet għal mogħdijiet għall-forniment ta’ servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija milli t-talbiet ekwivalenti għas-servizzi tal-passiġġieri. B’hekk, il-kapaċità għas-servizzi tal-merkanzija tirriskja li tispiċċa limitata waqt slottijiet ta’ ħin speċifiċi.
Bil-ferrovija Flessibbiltà baxxa fl‑ibbukkjar tal‑mogħdijiet ferrovjarji Il-mogħdijiet ferrovjarji jistgħu jiġu bbukkjati ħafna bil-quddiem (madwar sena) jew, jekk ikun hemm bżonn, fi żmien qasir permezz ta’ talbiet ad hoc. Skont rapport tal-Kummissjoni1, it-traffiku tal‑merkanzija jirrappreżenta l-maġġoranza tat-talbiet ad hoc (72 % fl-2018). Filwaqt li d-domanda għall-merkanzija hija volatili ħafna, biex jevitaw ir‑riskju li ma jirċevux mogħdijiet ad hoc ta’ kwalità adatta, l-impriżi ferrovjarji jispiċċaw jibbukkjaw il‑mogħdijiet bil-quddiem, biex imbagħad jikkanċellawhom jekk ma jkunux meħtieġa, u dan iwassal għal allokazzjoni ta’ mogħdijiet subottimali. Il-partijiet ikkonċernati jqisu li dan in-nuqqas ta’ flessibbiltà fl-iskedar tas-servizzi ta’ trasport huwa żvantaġġ sinifikanti meta mqabbel ma’ modi oħra ta’ trasport, bħat-toroq.
Bil-ferrovija Koordinazzjoni mhux suffiċjenti fl‑allokazzjoni tal‑mogħdijiet transfruntiera Minkejja l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni li hemm fis-seħħ bejn il-maniġers tal-infrastruttura, kull wieħed minnhom jibqa’ responsabbli mill‑allokazzjoni ta’ mogħdija ferrovjarja partikolari fi ħdan in-network tagħha. Jekk ferrovija tkun teħtieġ mogħdija ad hoc għal vjaġġ transfruntier, pereżempju wara interruzzjoni fl-ivvjaġġar, hija tirriskja li tirċievi sensiela ta’ mogħdijiet li ma jingħaqdux fil-ħin. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw li din is-sitwazzjoni hija rikorrenti, u li l-ferroviji tal‑merkanzija jkollhom jieqfu (xi kultant saħansitra għal ġranet sħaħ) waqt li jistennew il-mogħdija disponibbli li jmiss biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom. Dan imbagħad jaffettwa negattivament l-affidabbiltà tas-servizzi tal-merkanzija, li jwassal lill-konsumaturi biex jagħżlu soluzzjonijiet oħra għat-trasport tal‑oġġetti tagħhom.
Bil-ferrovija Penalizzazzjoni sproporzjonata tas‑servizzi tal‑merkanzija minħabba skedar ta’ manutenzjoni Il-maġġoranza l-kbira tal-interventi ta’ manutenzjoni fuq in-network ferrovjarju jiġu skedati għal billejl biex jikkawżaw l-inqas ammont ta’ interruzzjoni. Dan huwa s-slott ta’ ħin meta jiġu skedati l-biċċa l-kbira mis-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija, billi l-kapaċità tan-network tkun ogħla minħabba li l-ferroviji tal-passiġġieri jsegwu skeda ta’ żmien ridotta. B’konsegwenza ta’ dan, it-trasport ferrovjarju tal‑merkanzija jiġi affettwat ferm aktar mit-trasport tal-passiġġieri mix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni skedati fuq in-network.
Bil-ferrovija Eżistenza ta’ dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-ferroviji jieqfu mal-fruntieri Jeżistu dispożizzjonijiet operazzjonali li jeħtieġu li l‑ferroviji jieqfu mal-fruntieri biex jakkomodaw bidliet fil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-Istat Membri li sejrin jidħlu fih. Eżempju wieħed hija d-Direttiva 2007/59/KE2 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji, li tirrikjedi li s-sewwieqa ta’ lokomottiva jkollhom livell ta’ kompetenza B1 fil‑lingwa ta’ kull pajjiż li fih isuqu ferrovija. Dan ir-rekwiżit ta’ spiss jiġi ssodisfat bis‑sostituzzjoni tas-sewwieq mal-fruntiera, u jista’ jikkawża kanċellazzjonijiet tas-servizz jekk il-ferrovija jkollha bżonn tieħu rotta alternattiva fi Stat Membru differenti minn dak ippjanat. Regoli nazzjonali oħra, bħal dawk dwar kif jiġu ttestjati l-brejkijiet jew tiġi stabbilita l-kompożizzjoni ta’ ferrovija, ukoll jistgħu jikkawżaw dewmien (li, skont studju ta’ każ3 li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar il-Kuritur 7 tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija, jista’ jdum sa 25 siegħa).

Dan irid jiġi mqabbel mas-sitwazzjoni tat-trasport bit-triq fejn, fiż-żona Schengen, it-trasportaturi ma humiex obbligati jieqfu mal-fruntieri ħlief f’każ ta’ verifiki straordinarji.
Trasport marittimu fuq distanzi qosra Hemm obbligi ta’ rappurtar għal vapuri anke meta jidħlu f’portijiet intra-UE Oġġetti li jidħlu u joħorġu minn portijiet marittimi, anke jekk is-servizz jinvolvi biss portijiet fl-UE, huma attwalment suġġetti għal obbligi ta’ rappurtar li ma humiex applikabbli għat-trasport intern. Eżempji ta’ dawn l-obbligi jinkludu n-notifiki tal-wasla, dikjarazzjoni ta’ oġġetti trasportati u komunikazzjonijiet ta’ sigurtà.
Passaġġi fuq l-ilma interni Koordinazzjoni mhux suffiċjenti fix-xatbiet Anke fin-nuqqas ta’ skedi ta’ żmien formali u regoli ta’ prijorità speċifiċi, hemm tendenza dejjem akbar li tingħata prijorità lill-passaġġ tal-bastimenti tal‑passiġġieri minflok il-bastimenti tal-merkanzija max-xatbiet.

1 Commission Staff Working Document accompanying the Seventh monitoring report on the development of the rail market, SWD(2021) 1, p. 113.

2 Id-Direttiva 2007/59/KE dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji.

3 L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, Full Impact Assessment. TSI OPE Revision, 24.10.2018.

Sors: il-QEA.

Abbrevjazzjonijiet

CINEA: L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, l-Infrastruttura u l-Ambjent

DĠ MOVE: Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport

DĠ REGIO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana

ERTMS: Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FK: Fond ta’ Koeżjoni

FNE: Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

TEN-T Network Trans-Ewropew tat-Trasport

TFUE: Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

TUE: Unità ekwivalenti ta’ 20 pied

Glossarju

Awtorità maniġerjali: L-awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (pubblika jew privata) deżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġa programm iffinanzjat mill-UE.

Benefiċjarju: Persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi għotja jew selfa mill-baġit tal-UE.

Bidla modali: Bidla minn mod ta’ trasport għal ieħor.

Diġitalizzazzjoni: Il-bidla lejn l-inkorporazzjoni u l-użu tat-teknoloġija diġitali u tal-informazzjoni diġitalizzata biex il-proċessi u l-kompiti jsiru aktar sempliċi, aktar rapidi, aktar effiċjenti u/jew aktar ekonomiċi.

Evalwazzjoni ex post: Valutazzjoni indipendenti tal-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE, ta’ proġett jew ta’ programm ikkompletat.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Il-mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE biex jiġi mmitigat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 u jiġi stimulat l-irkupru, filwaqt li tiġi promossa t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa: Strument tal-UE li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ħolqien ta’ infrastruttura interkonnessa sostenibbli fis-setturi tal-enerġija, tat-trasport, u tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: Fond tal-UE li jqawwi l-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni.

Fond ta' Koeżjoni: Fond tal-UE għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-UE bl-iffinanzjar ta’ investimenti fl-Istati Membri fejn l-introjtu nazzjonali gross għal kull abitant ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Ftehim ta’ Pariġi: Ftehim internazzjonali ffirmat fl-2015 biex jillimita t-tisħin globali għal inqas minn 2 C, b’kull sforz biex jiġi limitat għal 1.5 C.

Ftehim ta’ Sħubija: Ftehim bejn il-Kummissjoni u Stat Membru jew pajjiż(i) terz(i) fil-kuntest ta’ programm ta’ nfiq tal-UE, fejn jiġu stabbiliti pereżempju, il-pjanijiet strateġiċi, il-prijoritajiet ta’ investiment jew inkella t-termini ta’ kummerċ jew il-provvediment ta’ għajnuna għall-iżvilupp.

Ġestjoni diretta: Ġestjoni ta’ fond jew ta’ programm tal-UE li titwettaq mill-Kummissjoni waħidha, b’kuntrast ma’ ġestjoni kondiviża jew ġestjoni indiretta.

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta’ kif il-baġit tal-UE jintefaq fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’ġestjoni diretta, il-Kummissjoni tiddelega lill-Istat Membru iżda tibqa’ finalment responsabbli hi.

Għajnuna mill-Istat: Appoġġ, dirett jew indirett, li l-gvern jagħti għal negozju jew għal organizzazzjoni, u li jagħtihom vantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom.

Monitoraġġ: Osservazzjoni u ċċekkjar sistematiku tal-progress, parzjalment permezz ta’ indikaturi, lejn l-ilħuq ta’ objettiv.

Operatur ekonomiku: Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi prodott jew servizz bi skambju għal pagament.

Patt Ekoloġiku Ewropew: L-istrateġija tal-UE għat-tkabbir adottata fl-2019, bl-għan li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.

Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas: Prinċipju li jeħtieġ lil dawk li jikkawżaw, jew li x’aktarx jikkawżaw, it-tniġġis biex iġarrbu l-kost ta’ miżuri ħalli jipprevenuh, jikkontrollawh jew jirrimedjawh.

Programm operazzjonali: Qafas għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ koeżjoni ffinanzjati mill-UE f’perjodu stabbilit, li jirrifletti l-prijoritajiet u l-objettivi stabbiliti fi ftehimiet ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u Stati Membri individwali.

Rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż: Gwida annwali li l-Kummissjoni tissottometti lill-Kunsill għall-approvazzjoni u mbagħad toħroġ, bħala parti mis-Semestru Ewropew, lill-Istati Membri individwali dwar il-politiki makroekonomiċi, baġitarji u strutturali tagħhom.

Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni: Regolament li jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kollha kemm huma.

Semestru Ewropew: Ċiklu annwali li jipprovdi qafas għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri tal-UE u għall-monitoraġġ tal-progress.

Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju Inizjattiva biex jiġi introdott sett wieħed ta’ standards għall-UE kollha għas-sistemi ta’ kontroll u ta’ kmand tal-ferroviji, li b’hekk jiżgura l-interoperabbiltà transfruntiera.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta' politiki u programmi tal-UE, jew ta' suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar bl-għan li dawn iħallu impatt massimu billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza f’Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Annemie Turtelboom, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Annemie Turtelboom, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Paul Sime, Kap tal-Kabinett u Celil Ishik, Attaché tal-Kabinett, Marion Colonerus u Niels-Erik Brokopp, Maniġers Prinċipali; Guido Fara, Kap tal-Kompitu; Manja Ernst, Deputat Kap tal-Kompitu; u Tomasz Kapera, Annabelle Miller u Laurence Szwajkajzer, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Marion Colonerus, Paul Sime, Manja Ernst, Tomasz Kapera, Annemie Turtelboom, Guido Fara, Niels-Erik Brokopp, Celil Ishik, Laurence Szwajkajzer.

Noti finali

1 L-Eurostat, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Forum Internazzjonali tat-Trasport fl-OECD, Glossary for transport statistics, 2019.

2 Commission impact assessment regarding the Combined Transport Directive proposal, SWD(2017) 362.

3 Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (Kummissjoni Ewropea), EU transport in figures. Statistical pocketbook 2021, 2021.

4 Il-White Paper tal-Kummissjoni, COM(2011) 144.

5 L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Greenhouse gas emissions from transport in Europe, 18.11.2021.

6 L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Dokument informattiv Nru 15/2022, Reducing greenhouse gas emissions from heavy-duty vehicles in Europe, 7.9.2022.

7 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640.

8 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, COM(2020) 789.

9 Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

10 Il-Proposta tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2021, COM(2021) 812.

11 Il-Proposta tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2022, COM(2022) 384.

12 Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE.

13 Id-Direttiva (UE) 2022/362.

14 Ir-Regolament (UE) Nru 2021/241.

15 Ir-Rapport Speċjali 03/2013: “Il-programmi Marco Polo kienu effettivi fiċ-ċaqliq tat-traffiku lil hinn mit-toroq?”.

16 Il-Kummissjoni Ewropea, l-Għodda għal Regolamentazzjoni Aħjar #43, Mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u indikaturi, 2021.

17 Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (Kummissjoni Ewropea), EU transport in figures. Statistical pocketbook 2021, 2021.

18 Il-Kunsill tal-UE, Presidency’s Synthesis of Member States’ views, 11255/11, 2011.

19 Il-Kunsill tal-UE, Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-Kummissjoni, 8824/21, 2021.

20 Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (Kummissjoni Ewropea), EU transport in figures. Statistical pocketbook 2021, 2021.

21 L-Eurostat,Intermodal transport - unitisation in freight transport (tran_im).

22 L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE.

23 Il-Kummissjoni Ewropea, Analysis of the EU Combined Transport. Final Report, Jannar 2015.

24 Il-Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti, COM(2020) 789.

25 Il-Kummissjoni Ewropea, Analysis of the EU combined transport, 2015.

26 Ara bħala eżempju: ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2021 dwar il-Monitoraġġ tas-Suq Ferrovjarju.

27 Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE.

28 Ir-Regolament (UE) Nru 2020/1055.

29 Il-Kummissjoni Ewropea, REFIT ex-post evaluation of Combined Transport Directive 92/106/EEC, SWD(2016) 140, 20.4.2016.

30 L-Artikolu 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

31 Ir-Rapport Speċjali 24/2016: “Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni”.

32 L-Artikoli 56b u 56c tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014.

33 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2022/2586.

34 L-Artikolu 93 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

35 Id-Direttiva (UE) 2012/34/UE u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/2177.

36 Il-kundizzjoni abilitanti 3.1, Anness IV tar-Regolament (UE) 2021/1060.

37 Il-kundizzjonalitajietex ante 7.1, 7.2 u 7.3, Anness XI tar-Regolament (UE) 1303/2013.

38 Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar il-progress tal-implimentazzjoni tan-Network trans-Europew tat-trasport fl-2018 u fl-2019, COM(2021) 818, 14.12.2021.

39 Rotterdam Declaration of Ministers on Rail Freight Corridors, 14.6.2010.

40 Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress, ibid.

41 Il-Kummissjoni Ewropea, Comparative evaluation of transhipment technologies for intermodal transport and their cost, 2022.

42 Il-Kummissjoni Ewropea, Study on the Rhine-Alpine TEN-T Core Network Corridor 2020.

43 Osservazzjoni tas-suq mill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR). Rapport Annwali 2022.

44 Projektinformationssystem (PRINS) zum Bundesverkehrswegeplan 2030, W 25 Abladeoptimierung der Fahrinnen am Mittelrhein.

45 Deutsche Bahn, Ausbau- und Neubaustrecke Karlsruhe–Basel, Ottubru 2022.

46 Fost l-oħrajn ir-Rapport Speċjali 08/2016: “It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE: għadu mhux fit-triq it-tajba”, ir-Rapport Speċjali 23/2016: “It-trasport marittimu fl-UE: f’baħar ta’ inkwiet — sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli” u r-Rapport Analitiku 09/2018: “Lejn settur tat-trasport ġewwa l-UE li jkollu suċċess: sfidi li jridu jiġu indirizzati (Analiżi panoramika)”.

47 Fost l-oħrajn ir-Rapport Analitiku 05/2021: “Il-qafas tal-UE għal proġetti kbar ta’ infrastruttura tat-trasport: tqabbil internazzjonali”, ir-Rapport Speċjali 10/2020: “Infrastrutturi tat-trasport fl-UE: tinħtieġ aktar rapidità fl-implimentazzjoni ta’ megaproġetti biex l-effetti tan-network jitwasslu fil-ħin” u r-Rapport Speċjali 19/2019: “L-INEA: il-benefiċċji twasslu iżda n-nuqqasijiet tal-FNE għad iridu jiġu indirizzati”.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

PDF ISBN 978-92-847-9668-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/820636 QJ-AB-23-007-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-9676-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/884165 QJ-AB-23-007-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA li jkun proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

- Il-Figuri 1 u 6 – Ikoni: dawn il-figuri tfasslu bl-użu ta’ riżorsi minn https://flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.