Rapport Speċjali: Appoġġ mill-UE għat-turiżmu
27 2021

Appoġġ mill-UE lit-turiżmu: Ħtieġa għal orjentazzjoni strateġika ġdida u approċċ ta’ finanzjament aħjar

Dwar ir-rapport:It-turiżmu huwa settur ekonomiku ewlieni fl-UE. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt drammatiku u mingħajr preċedent fuq is-settur tat-turiżmu filwaqt li naqqset drastikament il-flussi tat-turiżmu u b’hekk id-dħul tan-negozji relatati mat-turiżmu. Lil hinn minn dan ix-xokk immedjat, is-settur tat-turiżmu qed jiffaċċja sfidi oħra li huma aktar fuq terminu twil u li huma relatati mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tiegħu, il-kompetittività tiegħu, kif ukoll is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tiegħu.

Il-Kummissjoni ddefiniet l-istrateġija attwali tagħha għat-turiżmu tal-UE fl-2010. Mill-2015 ’il hawn, u sal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni rrevediet il-prijoritajiet tat-turiżmu fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ politika usa’, iżda ma sarrfitx dawn il-prijoritajiet fi pjan ta’ azzjoni konkret biex tappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom. Bħala reazzjoni għall-impatt drammatiku tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu tal-UE, il-Kummissjoni tat bidu għal azzjonijiet għad-definizzjoni ta’ aġenda dwar it-turiżmu għall-2030. L-analiżi li wettaqna fir-rigward tal-proġetti tal-FEŻR dwar it-turiżmu sabet riżultati mħallta: xi proġetti kienu sostenibbli u kkontribwew għat-trawwim tal-attività tat-turiżmu fir-reġjun; oħrajn kellhom biss impatt limitat. F’bosta każijiet, in-nuqqasijiet fl-ippjanar inizjali tal-proġetti u fil-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, kif ukoll fl-istadju tal-għażla tal-proġetti, irriżultaw fi tnaqqis fl-ambitu tal-proġetti kif ukoll f’dewmien u spejjeż akbar milli ppjanat matul l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Kummissjoni ressqet miżuri biex jiġi mmitigat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-industrija tat-turiżmu tal-UE.

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija ġdida għat-turiżmu tal-UE. Jenħtieġ ukoll li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex japplikaw proċeduri tal-għażla għall-investimenti fit-turiżmu li huma ffinanzjati mill-FEŻR biex jappoġġaw din l-orjentazzjoni strateġika l-ġdida.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport Speċjali: Appoġġ mill-UE għat-turiżmu

Sommarju eżekuttiv

I L-UE hija l-aktar reġjun li jżuruh nies fid-dinja, b’madwar 37 % tal-wasliet kollha ta’ turisti internazzjonali fl-2019. Dan jagħmel lit-turiżmu settur ekonomiku ewlieni fl-UE, li jirrappreżenta 9.9 % tal-prodott domestiku gross u 11.6 % tal-impjiegi kollha fl-2019. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt drammatiku u mingħajr preċedent fuq is-settur tat-turiżmu filwaqt li naqqset drastikament il-flussi tat-turiżmu u b’hekk id-dħul tan-negozji relatati mat-turiżmu. Lil hinn minn dan ix-xokk immedjat, is-settur tat-turiżmu qed jiffaċċja sfidi oħra li huma aktar fuq terminu twil u li huma relatati mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tiegħu, il-kompetittività tiegħu, kif ukoll is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tiegħu.

II L-UE għandha rwol komplementari fil-politika tat-turiżmu, billi tappoġġa u tikkoordina l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri. Fil-perjodu 2014-2020, ma kien hemm l-ebda baġit tal-UE li kien iddedikat għat-turiżmu. L-appoġġ finanzjarju għat-turiżmu jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ diversi programmi tal-UE. Dan għadu l-każ għall-perjodu 2021-2027.

III Meta titqies ir-rilevanza tal-industrija tat-turiżmu fl-UE, aħna ddeċidejna li nwettqu awditu biex nivvalutaw jekk il-Kummissjoni kinitx tat kontribut effettiv fl-appoġġ tal-industrija tat-turiżmu tal-UE u biex jiġu kkomplementati l-azzjonijiet tal-Istati Membri f’dan is-settur matul il-perjodu 2014-2020. Aħna rrieżaminajna jekk l-istrateġija tal-Kummissjoni għat-turiżmu kinitx tindirizza l-ħtiġijiet tas-settur tat-turiżmu b’mod effettiv u kinitx ġiet aġġornata regolarment biex tirrifletti l-prijoritajiet li qed jinbidlu. Aħna analizzajna jekk l-appoġġ finanzjarju tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għal investimenti pubbliċi fit-turiżmu kienx konsistenti mal-istrateġiji eżistenti għat-turiżmu tal-UE u ma’ dawk nazzjonali u reġjonali, kif ukoll jekk kienx sostenibbli u ffukat fuq investimenti li jżidu l-valur lil hinn mill-proġett innifsu. Fl-aħħar nett, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni bdietx azzjoni biex jiġi mmitigat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu.

IV Dan l-awditu huwa maħsub biex jipprovdi input għall-ħidma tal-Kummissjoni fid-definizzjoni ta’ strateġija komprensiva għat-turiżmu għall-2030 b’objettivi fuq terminu medju u fuq terminu twil. Aħna nistennew li dan l-awditu jikkontribwixxi wkoll għal tfassil u implimentazzjoni aħjar tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għal investimenti fit-turiżmu fil-perjodu 2021-2027, bil-ħsieb li jinkisbu riżultati effettivi u sostenibbli.

V B’mod ġenerali, aħna sibna li matul il-perjodu 2014-2020 l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni fl-appoġġ tal-industrija tat-turiżmu tal-UE kienu parzjalment effettivi:

  •  Il-Kummissjoni ddefiniet l-istrateġija attwali għat-turiżmu tal-UE fl-2010. Mill-2015 ’il hawn, u sal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni rrevediet il-prijoritajiet tat-turiżmu fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ politika usa’, iżda ma sarrfitx dawn il-prijoritajiet fi pjan ta’ azzjoni konkret biex tappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom. Bħala reazzjoni għall-impatt drammatiku tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu tal-UE, il-Kummissjoni tat bidu għal azzjonijiet għad-definizzjoni ta’ aġenda dwar it-turiżmu għall-2030. Aħna nqisu li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda ċerti elementi għadhom ma mmaterjalizzawx.
  •  Fi ħdan il-Programmi Operazzjonali tal-FEŻR, il-prijoritajiet għall-investimenti fit-turiżmu ġew stabbiliti b’referenza għall-istrateġiji eżistenti għat-turiżmu tal-UE, kif ukoll għal dawk nazzjonali u reġjonali. L-analiżi li wettaqna fir-rigward tal-proġetti tal-FEŻR dwar it-turiżmu sabet riżultati mħallta: xi proġetti kienu sostenibbli u kkontribwew għat-trawwim tal-attività tat-turiżmu fir-reġjun; oħrajn kellhom biss impatt limitat. F’bosta każijiet, in-nuqqasijiet fl-ippjanar inizjali tal-proġetti u fil-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, kif ukoll fl-istadju tal-għażla tal-proġetti, irriżultaw fi tnaqqis fl-ambitu tal-proġetti kif ukoll f’dewmien u spejjeż akbar milli ppjanat matul l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-leġiżlazzjoni tal-FEŻR għall-perjodu 2014-2020 kienet tinkludi indikatur komuni wieħed tal-output għall-investimenti fit-turiżmu ffinanzjati mill-FEŻR. Barra minn hekk, l-Istati Membri setgħu jagħmlu użu mill-indikaturi speċifiċi għal programm. Madankollu, matul il-perjodu 2007-2013, ma kien intuża l-ebda indikatur komuni tar-riżultati. L-indikatur komuni tal-output ma jippermettix li l-kisbiet intenzjonati tal-proġetti jitkejlu fil-każijiet kollha, anki jekk dawn ikunu ġew iddikjarati fil-proposta tal-proġett. Sa tmiem l-2024, il-Kummissjoni trid twettaq evalwazzjoni ex post tal-appoġġ taħt il-FEŻR għall-perjodu 2014-2020.
  •  Is-settur tat-turiżmu tal-UE kien suġġett għal xokk bla preċedent b’segwitu għall-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni ressqet miżuri u proposti biex jiġi mmitigat l-impatt ta’ din il-kriżi fuq l-industrija tat-turiżmu tal-UE.

VI F’dan ir-rapport, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  •  tistabbilixxi strateġija ġdida għall-ekosistema tat-turiżmu tal-UE, li jkollha l-għan espliċitu li tappoġġa investimenti li jikkontribwixxu għal forma aktar sostenibbli ta’ turiżmu; u
  •  tħeġġeġ lill-Istati Membri biex japplikaw proċeduri tal-għażla għall-investimenti fit-turiżmu li huma ffinanzjati mill-FEŻR biex jappoġġaw din l-orjentazzjoni strateġika l-ġdida.

Introduzzjoni

Rilevanza tat-turiżmu fl-UE

01 It-terminu “turiżmu” jirreferi għall-attività ta’ viżitaturi li jagħmlu vjaġġ lejn destinazzjoni barra mir-residenza abitwali tagħhom, għal perjodu ta’ inqas minn sena. Dan jista’ jkun minħabba negozju jew divertiment[1]. Is-settur tat-turiżmu jkopri grupp wiesa’ ta’ attivitajiet ekonomiċi li jipprovdu oġġetti u servizzi mitluba minn viżitaturi biex jappoġġaw, direttament jew indirettament, l-attività tat-turiżmu tagħhom. Dawn jistgħu jkunu: servizzi tat-trasport li jiffaċilitaw il-moviment tal-persuni, aġenziji tal-ivvjaġġar u operaturi turistiċi; akkomodazzjoni; servizzi ta’ ristoranti u catering; faċilitajiet kulturali, sportivi u rikreattivi; u oġġetti u servizzi tat-turiżmu lokali[2].

02 L-Unjoni Ewropea hija l-aktar reġjun li jżuruh nies fid-dinja (ara l-Figura 1). Fl-2019, l-EU-27 irċevew madwar 539 miljun wasla ta’ turisti internazzjonali, kważi 37 % tat-total globali. Fl-istess sena, id-dħul mit-turiżmu internazzjonali tal-EU-27 kien ta’ EUR 383 biljun, 28.9 % tad-dħul mit-turiżmu globali. F’termini ta’ wasliet ta’ turisti internazzjonali u dħul mit-turiżmu[3], 4 Stati Membri tal-UE (Franza, Spanja, l-Italja u l-Ġermanja) huma individwalment fl-ewwel 10 pajjiżi fid-dinja.

Figura 1 – Wasliet internazzjonali u dħul mit-turiżmu fl-2019, skont ir-reġjun

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-UNWTO, International Tourism Highlights, l-Edizzjoni tal-2020.

03 Fl-2019, l-importanza diretta u indiretta (effetti konsegwenzjali) tas-settur tat-turiżmu għall-PDG tal-UE kienet stmata għal 9.9 %. Barra minn hekk, 11.6 % tal-forza tax-xogħol totali tal-UE taħdem fit-turiżmu (li jirrappreżenta madwar 23.5 miljun impjieg)[4]. Aktar minn 99 % tan-negozji fis-settur tat-turiżmu tal-UE huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)[5].

04 L-importanza ekonomika tas-settur tat-turiżmu tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri, minn 4 % għal 6 % tal-PDG fl-Irlanda, il-Polonja, il-Belġju u l-Litwanja għal aktar minn 20 % fil-Kroazja u fil-Greċja (ara l-Figura 2).

Figura 2 – Kontribut tat-turiżmu għall-PDG u l-impjiegi fl-2019

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-WTTC, Economic Impact Reports 2021.

05 Il-proporzjon bejn il-viżitaturi domestiċi u dawk barranin ivarja bejn l-Istati Membri (ara l-Figura 3). Fl-Iżvezja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Ġermanja aktar minn 75 % tal-wasliet ta’ turisti huma viżitaturi domestiċi. Il-pajjiżi b’popolazzjoni żgħira (il-Lussemburgu u Malta) kif ukoll il-Kroazja għandhom l-ogħla proporzjon ta’ viżitaturi barranin (it-tnejn madwar 90 %). Fi tnejn mid-destinazzjonijiet prinċipali tat-turiżmu tal-UE, l-Italja u Spanja, id-distribuzzjoni hija aktar uniformi.

Figura 3 – Turiżmu domestiku u dak barrani skont l-Istat Membru - perċentwali fl-2019

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Eurostat, Arrivals at tourist accommodation establishments.

Qafas legali u istituzzjonali

06 Il-politika tat-turiżmu hija primarjament prerogattiva tal-Istati Membri, filwaqt li l-UE tikkomplementa u tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri. L-azzjoni mill-UE tinvolvi b’mod wiesa’ l-promozzjoni tal-kompetittività u l-iżvilupp tal-impriżi fis-settur u t-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. It-Trattat tal-UE jippermetti wkoll li jiġu stabbiliti miżuri leġiżlattivi speċifiċi biex jikkomplementaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri[6].

07 Bil-politika tagħha tat-turiżmu, il-Kummissjoni għandha l-għan li żżomm il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni ewlenija filwaqt li timmassimizza l-kontribut tal-industrija għat-tkabbir u l-impjiegi u tippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-iskambju ta’ prattika tajba[7]. Fl-2020, il-Kummissjoni ddefiniet it-turiżmu bħala wieħed mill-14-il ekosistema industrijali fil-politika industrijali tagħha[8].

08 Il-partijiet ikkonċernati u l-korpi istituzzjonali prinċipali tal-UE huma:

  •  il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) tal-Parlament Ewropew, u t-Task Force tiegħu dwar it-Turiżmu;
  •  il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (fejn suġġetti relatati mat-turiżmu ġeneralment jiġu ttrattati mill-Kunsill Kompetittività);
  •  il-Kumitat Konsultattiv tat-Turiżmu (TAC)[9], ippresedut mill-Kummissjoni (id-DĠ GROW), li huwa forum għall-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni, fejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jiskambjaw informazzjoni u jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-politika tat-turiżmu u mal-forniment ta’ servizzi għat-turisti.

09 Filwaqt li għadd kbir ta’ servizzi tal-Kummissjoni jaħdmu fuq suġġetti li huma direttament rilevanti għat-turiżmu, iż-żewġ Direttorati Ġenerali prinċipali li jittrattaw il-politika tat-turiżmu u l-finanzjament mill-UE għat-turiżmu huma:

  •  id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (id-DĠ GROW), bħala s-servizz fi ħdan il-Kummissjoni li huwa responsabbli għall-politika tat-turiżmu; u
  •  id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (id-DĠ REGIO) li jimmaniġġja l-FEŻR (li jipprovdi l-biċċa l-kbira mill-finanzjament tal-UE għat-turiżmu) flimkien mal-Istati Membri.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (id-DĠ SANTE) kellu rwol partikolari fir-rigward tat-tħejjija tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment mill-ġdid tal-ivjaġġar ħieles fi ħdan l-Unjoni.

10 L-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin fil-qasam tat-turiżmu jinkludu l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNWTO), l-OECD u l-Kunsill Dinji tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu (WTTC). Il-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu (ETC), li hija assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali tat-turiżmu, taħdem ukoll biex tippromwovi lill-Ewropa bħala destinazzjoni tat-turiżmu fi swieq terzi.

L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu tal-UE

11 Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt drammatiku u mingħajr preċedent fuq is-settur tat-turiżmu madwar id-dinja, filwaqt li naqqset drastikament il-flussi tat-turiżmu u b’hekk id-dħul tan-negozji relatati mat-turiżmu. Fl-ewwel tliet kwarti tal-2020, il-wasliet internazzjonali fl-UE kienu 67.5 % anqas milli fl-istess perjodu fl-2019. It-tnaqqis kien ivarja minn 46 % għal 84 %, skont l-Istat Membru kkonċernat (ara l-Figura 4). Il-biċċa l-kbira mill-partijiet ikkonċernati fit-turiżmu li intervistajna esprimew dubji dwar il-fatt li d-domanda għat-turiżmu se tmur lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi qabel l-2024.

Figura 4 – Wasliet internazzjonali fl-UE, bidla minn Jannar għal Settembru 2019 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2020

Noti: Ma hemm l-ebda data disponibbli għal Franza, l-Irlanda u l-Polonja.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Barometru tal-UNWTO, Diċembru 2020.

12 It-tnaqqis fl-għedud tal-viżitaturi minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fis-seħħ wassal għal tnaqqis sostanzjali fil-kontribuzzjoni tas-settur tat-turiżmu għall-ekonomija. Fl-2020, l-UE tilfet madwar żewġ miljun impjieg fis-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu, u l-kontribuzzjoni tagħha għall-PDG naqset bin-nofs meta mqabbla mal-2019 (minn madwar 10% għal 5 % tal-PDG)[10]. Destinazzjonijiet tradizzjonali tat-turiżmu bħall-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, Malta u Spanja ġarrbu l-akbar tnaqqis (aktar minn 60 %), flimkien mal-Irlanda (ara l-Figura 5).

Figura 5 – Tnaqqis fil-kontribuzzjoni tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu għall-PDG f’kull Stat Membru, mill-2019 sal-2020

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-WTTC, Economic Impact Reports 2021.

13 Il-kapaċità ta’ investiment tas-settur tat-turiżmu wkoll intlaqtet b’mod qawwi. Fil-kuntest tal-pakkett Next Generation EU li ġe propost f’Mejju 2020, il-Kummissjoni stmat li l-ekosistema tat-turiżmu tkun suġġetta għal tnaqqis fid-dħul ta’ madwar EUR 171 biljun fl-UE fl-2020 u l-2021, minħabba l-konsegwenzi tal-pandemija u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar[11]. Mill-14-il ekosistema tan-negozju li ġew analizzati mill-Kummissjoni, it-turiżmu huwa l-industrija li l-ħtiġijiet bażiċi ta’ investiment tagħha huma stmati li huma l-ogħla u ferm lil hinn mill-biċċa l-kbira tal-ħtiġijiet tal-ekosistemi l-oħra. Il-Kummissjoni stmat li l-ħtiġijiet bażiċi ta’ investiment għall-irkupru tal-ekosistema tat-turiżmu jammontaw għal EUR 161 biljun (mhumiex inklużi l-ħtiġijiet ta’ investimenti rigward it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali).

Appoġġ finanzjarju tal-UE għall-investimenti fit-turiżmu

14 Ma hemm l-ebda baġit iddedikat għat-turiżmu fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Bosta inizjattivi u programmi tal-UE jistgħu jipprovdu finanzjament għall-investimenti fit-turiżmu. Għall-perjodu 2014-2020, hemm 12-il programm li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw azzjonijiet fis-settur tat-turiżmu, kemm taħt ġestjoni diretta kif ukoll dik kondiviża. Għall-perjodu 2021-2027, dan l-għadd jiżdied għal 14-il programm ta’ dan it-tip, inklużi dawk li nħolqu biex jimmitigaw l-impatt tal-pandemija tal-COVID. L-Anness I jelenka l-programmi relatati mat-turiżmu fiż-żewġ perjodi u jagħti ħarsa ġenerali lejn it-tipi ta’ azzjonijiet appoġġati minn kull wieħed minnhom. Il-qafas leġiżlattiv tal-Fond Ewropew dwar l-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-perjodu 2021-2027 jinkludi objettiv ta’ politika speċifiku li huwa relatat mat-turiżmu sostenibbli[12]. Minbarra dan l-objettiv speċifiku, it-turiżmu sostenibbli jista’ jiġi appoġġat permezz ta’ kwalunkwe objettiv ta’ politika ieħor dment li l-investimenti jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettiv korrispondenti u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet jew ir-rekwiżiti abilitanti applikabbli.

15 Il-FEŻR jipprovdi l-biċċa l-kbira mill-appoġġ finanzjarju tal-UE għal investimenti li huma relatati direttament mat-turiżmu: madwar EUR 6.4 biljun fil-perjodu 2007-2013 (ara t-Tabella 1) u madwar EUR 4.3 biljun sa issa fil-perjodu 2014-2020 (ara t-Tabella 2).

Tabella 1 – Allokazzjonijiet baġitarji tal-FEŻR għat-turiżmu (2007-2013)

Kodiċi ta’ Intervent Deskrizzjoni Ammont iddikjarat (f’miljun EUR)
55 Promozzjoni tal-assi naturali 844
56 Protezzjoni u żvilupp tal-wirt naturali 765
57 Assistenza oћra biex jittejbu s-servizzi tat-turiżmu 4 830
  TOTAL 6 439

Sors: il-QEA, ibbażat fuq tal-Pjattaforma tad-Data Miftuħa tal-Kummissjoni għall-Fondi SIE.

Tabella 2 – Allokazzjonijiet baġitarji tal-FEŻR għat-turiżmu (2014-2020)

Kodiċi ta’ Intervent Deskrizzjoni Ammont iddikjarat (f’miljun EUR)
74 Żvilupp u promozzjoni ta’ assi tat-turiżmu fl-SMEs 561
75 Żvilupp u promozzjoni ta’ servizzi tat-turiżmu fl-SMEs jew għalihom 1 140
91 Żvilupp u promozzjoni ta’ żoni naturali 1 180
92 Protezzjoni, żvilupp u promozzjoni ta’ assi tat-turiżmu 830
93 Żvilupp u promozzjoni ta’ servizzi tat-turiżmu pubbliċi 546
  TOTAL 4 257

Sors: il-Pjattaforma tad-Data Miftuħa tal-Kummissjoni għall-Fondi SIE.

16 L-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri jagħżlu proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-programmi operazzjonali (PO) u jagħtu segwitu għall-implimentazzjoni tagħhom. Fi ħdan il-kompetenzi regolatorji tagħha, il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali biex tiżgura li l-flus jintefqu b’mod effettiv. Il-Figura 6 turi l-allokazzjoni tal-finanzjament mill-FEŻR għall-kodiċijiet ta’ intervent tat-turiżmu f’kull Stat Membru fl-aħħar żewġ perjodi ta’ programmazzjoni.

Figura 6 – Allokazzjonijiet baġitarji tal-FEŻR għat-turiżmu skont l-Istat Membru (f’miljun EUR)

Noti: Fil-Lussemburgu, ma ġie allokat l-ebda baġit għall-kodiċijiet ta’ intervent tat-turiżmu; in-nefqa relatata mat-turiżmu fuq programmi operazzjonali transfruntiera mhijiex inkluża.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq tal-Pjattaforma tad-Data Miftuħa tal-Kummissjoni għall-Fondi SIE.

17 Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF)[13] tipprovdi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiffinanzjaw investimenti u riformi, inkluż fis-settur tat-turiżmu, bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs) tagħhom. Minn Ottubru 2021, 26 minn 27 NRRP ġew ippreżentati lill-Kummissjoni u 19 ġew adottati mill-Kunsill. Il-finanzjament disponibbli mill-RRF irid jiġi impenjat sa tmiem l-2023. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-RRF sa Frar 2024, u rapport ta’ evalwazzjoni ex post sa Diċembru 2028.

18 Saż-żmien meta sar l-awditu, fil-każ tal-erba’ Stati Membri koperti, l-NRRP Spanjol ġie approvat mill-Kummissjoni f’Ġunju 2021 u sussegwentement ġie adottat mill-Kunsill f’Lulju 2021; l-NRRP Rumen ġie approvat mill-Kummissjoni f’Settembru 2021; l-NRRPs taż-żewġ Stati Membri l-oħra għadhom fl-istadju ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni. Tlieta minn dawk l-erba’ Stati Membri (il-Polonja, Spanja u r-Rumanija) kienu inkludew fl-abbozzi tal-NRRPs tagħhom appoġġ speċifiku għal investimenti fis-settur tat-turiżmu (ara t-Tabella 3).

Tabella 3 – Appoġġ għat-turiżmu fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri koperti fl-awditu

Stat Membru Appoġġ għat-turiżmu Pakkett finanzjarju (f’miljun EUR)
Il-Polonja L-appoġġ huwa pprovdut taħt il-komponent dwar l-iżgurar tar-reżiljenza tal-ekonomija għall-kriżijiet, iż-żieda fil-produttività, u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja. 500
Spanja Taħt il-prijorità tal-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekosistema tal-kumpaniji tagħna hemm pjan għall-modernizzazzjoni u l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu. 3 400
Ir-Rumanija Taħt il-komponent tat-Turiżmu u l-kultura tar-raba’ pilastru dwar il-“Koeżjoni soċjali u territorjali”, l-appoġġ jingħata biex jiġu mħeġġa r-roti, il-mixi u forom oħra ta’ trasport u ta’ turiżmu mhux motorizzati kif ukoll biex tiġi implimentata l-istrateġija tar-Rumanija għat-turiżmu kulturali. 449
L-Ungerija L-ebda miżura speċifika relatata mat-turiżmu. -

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-analiżi tal-RRPs tal-Istati Membri li huma koperti fl-awditu.

Sfidi u xejriet futuri

19 Fit-terminu qasir, il-biċċa l-kbira mill-esperti fl-organizzazzjonijiet internazzjonali li intervistajna jemmnu li l-vaganzi domestiċi u dawk reġjonali kif ukoll il-vjaġġi qosra se jkunu predominanti fid-domanda għat-turiżmu, ladarba jingħeleb l-impatt immedjat tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, b’mod aktar importanti, l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu tal-UE qed jiffaċċja sfidi kbar fuq terminu medju u fuq terminu twil li huma relatati b’mod partikolari mat-trasformazzjoni ekoloġika, mad-diġitalizzazzjoni u l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll mal-kompetittività u r-reżiljenza tiegħu[14].

20 Sadanittant, l-imġiba tat-turisti qed tevolvi wkoll f’xejriet ġodda, li jirriflettu xi wħud mill-isfidi msemmija hawn fuq. Id-domanda futura għat-turiżmu x’aktarx li tkun xprunata minn kuxjenza ambjentali dejjem akbar, l-użu estiż ta’ servizzi diġitali u teknoloġiji ġodda, il-bidla għal esperjenzi tal-ivvjaġġar aktar personalizzati, il-benesseri u l-interazzjoni aħjar mal-komunitajiet u l-kultura lokali, kif ukoll iż-żieda fit-tħassib dwar il-protokolli tas-sikurezza u s-saħħa (ara l-Figura 7).

Figura 7 – Xejriet ġodda tat-turiżmu

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-analiżi ta’ dokumenti mill-UNWTO, l-OECD u d-WTTC.

21 F’dan ir-rigward, it-turiżmu sostenibbli huwa wieħed mill-aktar kunċetti prominenti fl-iżvilupp tat-turiżmu. Dan jinvolvi l-ibbilanċjar tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjokulturali tal-iżvilupp tat-turiżmu biex jiġi ggarantit li t-turiżmu jkun sostenibbli fit-terminu twil[15]. Dan jikkonċerna wkoll il-kwistjoni ta’ kif għandu jiġi indirizzat l-impatt tat-turiżmu fuq it-tibdil fil-klima. Fl-UE, il-Patt Ekoloġiku Ewropew[16] jipprovdi l-qafas ta’ politika globali biex jinkiseb turiżmu sostenibbli.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

22 L-awditu li wettaqna vvaluta jekk l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni bl-għan li jappoġġaw l-industrija tat-turiżmu tal-UE matul il-perjodu 2014-2020 kinux effettivi. Biex nagħmlu dan, aħna eżaminajna jekk:

  •  l-istrateġija tal-Kummissjoni għat-turiżmu kinitx tindirizza l-ħtiġijiet tas-settur tat-turiżmu b’mod effettiv u kinitx ġiet aġġornata regolarment biex tirrifletti l-prijoritajiet li qed jinbidlu;
  •  l-appoġġ finanzjarju tal-FEŻR għal investimenti pubbliċi fit-turiżmu kienx konsistenti mal-istrateġiji eżistenti għat-turiżmu tal-UE u ma’ dawk nazzjonali u reġjonali, kif ukoll jekk kienx sostenibbli u ffukat fuq investimenti li jżidu l-valur lil hinn mill-proġett innifsu;
  •  il-Kummissjoni bdietx azzjoni biex jiġu mmitigati l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu.

23 Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, aħna analizzajna l-attivitajiet li twettqu mill-Kummissjoni u d-dokumentazzjoni disponibbli b’rabta mal-istrateġija tagħha għat-turiżmu, il-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Membri, u l-appoġġ u l-gwida li pprovdiet għall-finanzjament ta’ investimenti fit-turiżmu, b’mod partikolari, permezz tal-FEŻR. Dan kopra l-attivitajiet tad-DĠ GROW u tad-DĠ REGIO.

24 Aħna eżaminajna l-aktar programm operazzjonali rilevanti tal-FEŻR f’termini ta’ nefqa relatata mat-turiżmu f’erba’ Stati Membri (l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u Spanja), biex nirrieżaminaw it-tfassil tal-PO fir-rigward tal-investimenti fit-turiżmu. Għażilna dawn l-Istati Membri abbażi tal-ammont ta’ finanzjament għal investiment fit-turiżmu appoġġat mill-UE li rċevew, fuq is-sinifikanza tas-setturi tat-turiżmu tagħhom għall-PDG tagħhom u fuq id-diversità ġeografika.

25 Aħna eżaminajna kampjun ta’ 32 proġett tat-turiżmu pubbliku li huma ffinanzjati mill-FEŻR u li huma implimentati mill-awtoritajiet pubbliċi f’dawn l-erba’ pajjiżi. Iffukajna fuq dawn il-proġetti billi dawn offrew potenzjal li jistimulaw l-iżvilupp tal-industrija tat-turiżmu fir-reġjun tagħhom. Il-kampjun huwa magħmul minn 17-il proġett mill-perjodu 2014-2020 biex tiġi vvalutata l-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti kif ukoll il-monitoraġġ tar-riżultati tagħhom. Biex nivvalutaw aktar is-sostenibbiltà tal-proġetti, aħna għażilna wkoll 15-il proġett li ġew ikkompletati mill-perjodu 2007-2013 fl-istess pajjiżi. L-Anness II jelenka l-programmi operazzjonali li għażilna u l-għadd ta’ proġetti kkampjunati għal kull PO. L-Anness III jinkludi mapep li jidentifikaw it-titolu u l-post tal-proġetti li ġew rieżaminati għal dan l-awditu.

26 Aħna identifikajna l-miżuri ewlenin li ġew proposti mill-Kummissjoni biex twieġeb għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu Ewropew. Fl-aħħar nett, aħna koprejna l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni b’rabta mat-tfassil tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għat-turiżmu għall-perjodu 2021-2027.

27 Aħna intervistajna:

  •  il-persunal tal-Kummissjoni, ir-rappreżentanti mill-awtoritajiet kompetenti (pereżempju l-ministeri inkarigati mit-turiżmu), l-awtoritajiet maniġerjali tal-PO magħżula u l-benefiċjarji tal-proġetti kkampjunati fl-erba’ Stati Membri;
  •  esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin fil-qasam tat-turiżmu: l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU (UNWTO), l-OECD, il-Kunsill Dinji tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu (WTTC), il-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu (ETC), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar u tal-Operaturi Turistiċi (ECTAA) u l-NECSTour (ir-Reġjuni Ewropej għal Turiżmu Sostenibbli u Kompetittiv).

28 Minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 fis-seħħ matul l-awditu, aħna ma stajniex inwettqu żjarat fuq il-post fl-erba’ Stati Membri koperti minn dan l-awditu. Għalhekk, ma ġbarniex evidenza diretta relatata mal-implimentazzjoni fiżika tal-proġetti magħżula. L-osservazzjonijiet kollha tagħna relatati ma’ dan l-aspett huma bbażati fuq evidenza dokumentarja.

29 Dan l-awditu huwa maħsub biex jipprovdi input għall-ħidma tal-Kummissjoni fid-definizzjoni ta’ strateġija komprensiva għat-turiżmu għall-2030 b’objettivi fuq terminu medju u fuq terminu twil. Aħna nistennew li dan l-awditu jikkontribwixxi wkoll għal tfassil u implimentazzjoni aħjar tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għal investimenti fit-turiżmu fil-perjodu 2021-2027, bil-ħsieb li jinkisbu riżultati effettivi u sostenibbli.

Osservazzjonijiet

L-istrateġija għat-turiżmu tal-UE mhijiex adattata għall-isfidi l-ġodda li s-settur qed jiffaċċja

30 Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-orjentazzjonijiet ta’ politika u l-prijoritajiet ta’ finanzjament tagħha, ibbażat fuq l-objettivi ddefiniti mil-leġiżlaturi, fi strateġiji jew f’dokumenti simili. Sabiex tkun effettiva, jenħtieġ li strateġija tiddefinixxi prijoritajiet speċifiċi, tidentifika azzjonijiet u skeda ta’ żmien tal-appoġġ mill-UE, kif ukoll tiddeskrivi r-riżorsi assoċjati għall-implimentazzjoni tagħha. Jenħtieġ li hija twieġeb ukoll għall-ħtiġijiet u l-isfidi tas-settur li qed jevolvu u tiġi aġġornata kif xieraq. Aħna rrieżaminajna l-istrateġija tal-Kummissjoni għat-turiżmu li kien hemm fis-seħħ matul il-perjodu 2014-2020, kif ukoll dawk l-istrateġiji fil-livell nazzjonali fl-erba’ Stati Membri koperti mill-awditu. Staqsejna wkoll lill-partijiet ikkonċernati rigward il-fehmiet tagħhom dwar l-approċċ tal-Kummissjoni għat-turiżmu.

L-istrateġija tal-Kummissjoni għat-turiżmu tal-UE tmur lura għall-2010

Matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni aġġornat darbtejn il-prijoritajiet tagħha tat-turiżmu, iżda mingħajr ma biddlet l-istrateġija tagħha

31 F’Ġunju 2010, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-istrateġija l-aktar reċenti għat-turiżmu tal-UE[17]. Hija ddikjarat l-intenzjoni tagħha “li tiffavvorixxi approċċ ikkoordinat tal-inizjattivi marbuta mat-turiżmu u tistabbilixxi qafas ta’ azzjoni ġdid biex issaħħaħ il-kompetittività tagħha u l-kapaċità tagħha li tikber b’mod sostenibbli”. Hija identifikat erba’ prijoritajiet wiesgħa għall-promozzjoni tat-turiżmu (ara l-Figura 8) u sett ta’ azzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni marbuta ma’ dawn il-prijoritajiet. Madankollu, hija ma indikat l-ebda data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, l-istrateġija tal-Kummissjoni lanqas ma speċifikat kif l-Istati Membri u d-direttorati ġenerali tagħha stess jenħtieġ li jagħmlu użu mill-finanzjament disponibbli mill-UE biex jinkisbu dawn il-prijoritajiet.

Figura 8 – Evoluzzjoni tal-prijoritajiet tat-turiżmu

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2010/352 u fuq minuti tal-laqgħat tat-TAC.

32 Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-prijoritajiet tat-turiżmu - għalkemm mhux l-istrateġija nfisha - ġew riveduti darbtejn b’segwitu għall-ħatra ta’ Kummissjonijiet ġodda, wara konsultazzjoni mat-TAC:

  •  F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni ħabbret sett ta’ prijoritajiet tat-turiżmu riveduti. Dan is-sett ta’ prijoritajiet irrifletta elementi ġodda rilevanti għall-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu li ma kinux ġew indirizzati fil-Komunikazzjoni tal-2010, bħad-diġitalizzazzjoni u t-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu. Madankollu, il-prijoritajiet riveduti ma kinux akkumpanjati minn azzjonijiet speċifiċi, għalkemm dan kien ġie inizjalment propost fid-dokument ta’ diskussjoni tal-Kummissjoni indirizzat lill-Istati Membri[18].
  •  F’Novembru 2019, il-Kummissjoni aġġustat il-prijoritajiet tat-turiżmu tal-UE f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi tat attenzjoni speċifika lit-turiżmu sostenibbli u responsabbli u espandiet il-fokus tal-komponent diġitali mat-turiżmu intelliġenti u l-innovazzjoni. Għal darba oħra, dawn il-prijoritajiet aġġustati la kienu assoċjati ma’ azzjonijiet speċifiċi u lanqas ma’ proposti dwar kif l-aħjar jintuża l-finanzjament mill-UE biex dawn jintlaħqu.

33 L-istrateġija formalment fis-seħħ għadha dik iddefinita fil-Komunikazzjoni tal-2010. Barra minn hekk, filwaqt li l-Kummissjoni rrevediet il-prijoritajiet tat-turiżmu tagħha matul il-perjodu 2014-2020 fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ politika usa’, hija ma stabbilietx pjan ta’ azzjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha u l-prijoritajiet riveduti tagħha.

Tnaqqis sinifikanti fil-persunal tal-Kummissjoni għall-politika tat-turiżmu mill-2014 ’il hawn

34 In-nuqqas ta’ ambizzjoni fid-definizzjoni ta’ strateġija ġdida għat-turiżmu huwa rifless ukoll fl-evoluzzjoni tal-għadd ta’ membri tal-persunal li jittrattaw direttament il-politika tat-turiżmu fi ħdan il-Kummissjoni. Sal-2014, kien hemm żewġ unitajiet li jittrattaw kwistjonijiet relatati mat-turiżmu[19] (waħda dwar kwistjonijiet ta’ politika ġenerali u oħra li tiffoka fuq l-istrumenti kulturali għat-turiżmu), li kumplessivament kellhom madwar 40 membru tal-persunal. Fl-2014, id-DĠ GROW ġie stabbilit b’unità waħda li tittratta t-turiżmu, li tinkludi l-persunal taż-żewġ unitajiet eżistenti preċedenti, iżda din l-unità saret responsabbli wkoll għat-tessuti u l-industriji kreattivi. Bejn l-2014 u l-2018, il-persunal kumplessiv ta’ din l-unità tnaqqas bin-nofs. Ir-riorganizzazzjoni tad-DĠ GROW, li saret f’Marzu 2021, ma biddlitx is-sitwazzjoni b’mod sinifikanti: issa ġiet stabbilita unità responsabbli għat-“Turiżmu u t-Tessuti”, iżda l-għadd tal-membri tal-persunal li jittrattaw direttament kwistjonijiet relatati mat-turiżmu għadu simili (12-il persuna).

L-Istati Membri koperti fl-awditu stabbilew l-istrateġiji għat-turiżmu tagħhom stess li jindirizzaw prijoritajiet simili għal dawk fl-istrateġija tal-UE

35 Kull Stat Membru jistabbilixxi l-istrateġija għat-turiżmu tiegħu stess. L-Anness IV jelenka l-istrateġiji nazzjonali eżistenti għat-turiżmu fl-Istati Membri kollha. Aħna nistennew li l-istrateġiji tal-UE u dawk nazzjonali jkunu kompatibbli u żviluppati b’mod ikkoordinat. Għall-erba’ Stati Membri koperti minn dan l-awditu, aħna rrieżaminajna jekk l-istrateġiji tagħhom għat-turiżmu jiħdux kont tal-istrateġija tal-Kummissjoni (il-Kaxxa 1 tiddeskrivi dawn l-istrateġiji).

Kaxxa 1 – Aspetti ewlenin tal-istrateġiji għat-turiżmu fl-erba’ Stati Membri koperti

L-Ungerija

L-istrateġija nazzjonali attwali għat-turiżmu hija l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tat-Turiżmu 2030[20]. L-objettiv fuq terminu twil tagħha huwa li t-turiżmu jsir settur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiż. Madankollu, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, l-istrateġija attwalment qed tiġi riveduta. L-awtoritajiet Ungeriżi enfasizzaw li s-sostenibbiltà, flimkien mas-sigurtà u d-diġitalizzazzjoni, se tkun ta’ importanza primarja fl-istrateġija l-ġdida.

Il-Polonja

L-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu fis-seħħ hija l-Programm għall-Iżvilupp tat-Turiżmu sal-2020[21]. L-oqsma prijoritarji prinċipali tal-istrateġija jinkludu: sistemi moderni ta’ ġestjoni tat-turiżmu; riżorsi umani kompetenti għat-turiżmu; turiżmu kompetittiv; u l-istimolu tal-iżvilupp reġjonali u lokali kif ukoll tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Il-ħidma fuq strateġija ġdida tinsab fi stadju preliminari.

Ir-Rumanija

Hemm fis-seħħ Pjan Regolatorju għall-Investiment fit-Turiżmu, flimkien ma’ żewġ strateġiji settorjali nazzjonali: waħda dwar l-Ekoturiżmu, u oħra dwar it-Turiżmu tal-Ispas[22]. Il-Gvern Rumen qed jaħdem fuq strateġija nazzjonali integrata għat-turiżmu. L-objettiv prinċipali ta’ din l-istrateġija huwa li r-Rumanija ssir destinazzjoni tat-turiżmu ta’ kwalità għolja sal-2030, iċċentrata fuq il-wirt kulturali u naturali uniku tagħha. Minħabba l-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19, bħalissa dan ix-xogħol jinsab wieqaf.

Spanja

L-istrateġija nazzjonali attwali għat-turiżmu hija l-Pjan Orizzont 2020 għat-Turiżmu Spanjol [23], li matul iż-żmien ġie rivedut parzjalment biex jinkludi elementi ġodda u biex jiġu aġġornati diversi azzjonijiet u linji strateġiċi. Qed tiġi żviluppata Strateġija Nazzjonali ġdida għat-Turiżmu Sostenibbli 2030. Hija se tqis l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u tistabbilixxi linji gwida strateġiċi għall-politika tat-turiżmu fi Spanja, filwaqt li tanalizza l-isfidi li s-settur tat-turiżmu se jkun qed jiffaċċja fl-10 snin li ġejjin.

36 B’mod ġenerali, l-analiżi li wettaqna wriet li l-erba’ strateġiji nazzjonali kollha indirizzaw prijoritajiet simili għal dawk identifikati mill-istrateġija tal-Kummissjoni, bħas-sostenibbiltà u l-kwalità tat-turiżmu, id-diġitalizzazzjoni u l-kompetittività. L-ebda waħda minnhom ma tagħmel referenza għall-prijoritajiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 jew għal kwalunkwe aġġornament tagħhom fl-2015 u l-2019.

37 L-istrateġiji ta’ dawn l-erba’ Stati Membri attwalment qed jiġu riveduti biex ikunu rilevanti għall-perjodu sal-2030. Billi dan ix-xogħol jitwettaq minn kull Stat Membru b’mod indipendenti, hemm riskju li l-aspetti transfruntiera tat-turiżmu ma jiġux indirizzati b’mod adegwat. Sadanittant, il-Kummissjoni qed tħejji l-aġenda dwar it-turiżmu tal-UE għall-2030 (ara l-paragrafu 41).

L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 iwassal għal strateġija mġedda tal-UE dwar it-turiżmu

L-awtoritajiet nazzjonali jagħtu valutazzjoni aktar pożittiva tal-istrateġija tal-Kummissjoni matul il-perjodu 2014-2020 mir-rappreżentanti tal-industrija tat-turiżmu

38 L-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-politika tat-turiżmu fl-erba’ Stati Membri koperti f’dan l-awditu taw valutazzjoni ġeneralment pożittiva tal-prijoritajiet tat-turiżmu tal-UE matul il-perjodu 2014-2020 u tal-azzjonijiet ta’ appoġġ tagħha. Madankollu, huma indikaw ukoll li, fid-dawl tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu, ikun rilevanti li tiġi aġġornata l-istrateġija għat-turiżmu tal-UE b’rispons għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu u li titfassal it-triq għal settur aktar reżiljenti għall-futur.

39 Sadanittant, ir-rappreżentanti tal-industrija tat-turiżmu tal-UE u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali tat-turiżmu li ġew intervistati għal dan l-awditu qalu li, minkejja l-pożizzjoni dominanti tagħha fid-dinja bħala destinazzjoni tat-turiżmu, l-UE hija nieqsa minn strateġija komuni għat-turiżmu u minn pjan direzzjonali għall-futur tas-settur. Barra minn hekk, huma osservaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha rwol ewlieni kemm fl-iżvilupp ta’ strateġija bħal din kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni ħadet l-ewwel inizjattivi favur strateġija ġdida għat-turiżmu

40 F’Mejju 2020, fid-dawl tal-impatt profond tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni intitolata “It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn”[24]. Il-Komunikazzjoni kienet tinkludi rakkomandazzjonijiet fuq terminu qasir biex jiġi indirizzat l-impatt tal-COVID-19 fuq l-istaġun tas-sajf tal-2020 (ara l-paragrafu 66). Fir-rigward tal-aspett li jħares ’il quddiem, il-Kummissjoni pproponiet li torganizza Konvenzjoni Ewropea dwar it-Turiżmu biex tirrifletti rigward it-turiżmu tal-ġejjieni u tibda tibni Aġenda Ewropea għat-Turiżmu għall-2050.

41 F’Mejju 2021, il-Kummissjoni ħabbret it-tnedija ta’ azzjoni speċifika partikolari: “Ħolqien konġunt ta’ perkorsi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali”[25]. Sussegwentement, f’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat dokument intitolat “Scenarios towards co-creation of transition pathway for tourism for a more resilient, innovative and sustainable ecosystem”[26], li jikkonċerna l-perjodu sal-2030. Hija bdiet ukoll konsultazzjoni pubblika biex tidentifika l-aktar azzjonijiet xierqa biex jintlaħaq dak l-għan.

Il-leġiżlaturi tal-UE jappellaw għal strateġija ġdida għat-turiżmu tal-UE għal wara l-COVID-19

42 Il-Parlament Ewropew semma’ leħnu biex jappella lill-Kummissjoni sabiex taġġorna l-istrateġija tagħha għat-turiżmu[27]. F’Marzu 2021, huwa adotta riżoluzzjoni dwar “l-istabbiliment ta’ strateġija tal-UE għal turiżmu sostenibbli”[28], li fiha appella lill-Kummissjoni biex fl-2021 tippreżenta pjan ta’ azzjoni u biex tiżviluppa strateġija aġġornata tal-UE biex tissostitwixxi dik stabbilita fil-komunikazzjoni tal-2010 għal turiżmu sostenibbli u strateġiku.

43 Bl-istess mod, il-Kunsill Kompetittività li sar f’Mejju 2021[29] stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu Aġenda Ewropea għat-Turiżmu għall-2030/2050. Jenħtieġ li din titwettaq f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u tindirizza l-isfidi strateġiċi ewlenin biex jiġu xprunati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-ekosistema tat-turiżmu u jissaħħu l-kompetittività tagħha, kif ukoll ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tagħha.

L-appoġġ finanzjarju tal-FEŻR għall-perjodu 2014-2020 għal investimenti pubbliċi fit-turiżmu indirizza l-objettivi tat-turiżmu tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali, iżda n-nuqqasijiet fl-għażla tal-proġetti llimitaw l-effettività tiegħu

It-tfassil tal-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR kien konsistenti mal-istrateġiji għat-turiżmu tal-UE u ma’ dawk nazzjonali u reġjonali

44 Aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni kienet ivvalutat il-konsistenza tal-ftehimiet ta’ sħubija u tal-programmi operazzjonali mal-istrateġija u l-prijoritajiet tat-turiżmu tagħha. Irrieżaminajna wkoll jekk il-prijoritajiet ta’ investiment tal-programmi operazzjonali kinux konformi mal-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali għat-turiżmu li kienu fis-seħħ, li huma ddefiniti b’mod indipendenti barra mill-programmazzjoni tal-UE.

45 Id-DĠ REGIO, f’konsultazzjoni ma’ direttorati ġenerali oħra tal-Kummissjoni, mexxa l-proċess għall-valutazzjoni tal-konsistenza tal-objettivi tematiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment tal-programmi operazzjonali mal-kontenut tal-ftehimiet ta’ sħubija. Din il-valutazzjoni hija parti mill-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-programmi operazzjonali.

46 Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija u tal-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR magħżula rriżultat f’għadd ta’ kummenti li ntbagħtu lill-Istati Membri fl-ittri ta’ osservazzjonijiet formali dwar il-programmi operazzjonali. L-osservazzjonijiet relatati mat-turiżmu f’dawn l-ittri ffukaw fuq il-konsistenza mal-istrateġiji ġenerali għall-iżvilupp reġjonali. Il-Kummissjoni talbet kjarifiki u informazzjoni ulterjuri, u dan wassal għal korrezzjonijiet fil-programmi operazzjonali.

47 Il-qafas regolatorju tal-FEŻR għall-perjodu 2014-2020 ma kien jinkludi l-ebda prijorità ta’ investiment speċifika jew xi kundizzjonalità ex ante għall-investimenti fit-turiżmu. Billi ma kien hemm l-ebda obbligu legali, il-Kummissjoni ma vverifikatx speċifikament il-konsistenza tal-programmi operazzjonali mal-prijoritajiet tal-istrateġija tat-turiżmu tal-UE, jew mal-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali eżistenti għat-turiżmu.

48 B’mod ġenerali, l-analiżi li wettaqna wriet li l-appoġġ finanzjarju għall-investimenti fit-turiżmu taħt il-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR li ġew eżaminati għal dan l-awditu kien immirat b’mod li kien konsistenti mal-valutazzjoni ex ante mwettqa mill-awtoritajiet maniġerjali u mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sħubija korrispondenti. Għall-PO magħżula, aħna identifikajna l-erba’ prijoritajiet ġenerali komuni li ġejjin:

  •  l-iżvilupp ta’ infrastrutturi u prodotti tat-turiżmu;
  •  l-istimolu tal-kompetittività tal-impriżi tat-turiżmu;
  •  il-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ siti naturali u kulturali bħala riżorsi tat-turiżmu; u
  •  it-trawwim tal-iżvilupp tal-ekonomiji lokali u l-ħolqien tal-impjiegi.

Dawn il-prijoritajiet kollha kienu ġeneralment konformi mal-objettivi tal-pjanijiet ta’ żvilupp reġjonali eżistenti u, fejn applikabbli, ma’ strateġiji għat-turiżmu speċifiċi nazzjonali u reġjonali.

Il-proġetti jintgħażlu bl-użu ta’ proċeduri differenti, iżda n-nuqqasijiet fl-ippjanar inizjali u fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet jinvolvu riskji għall-effettività u għas-sostenibbiltà tal-investimenti kkofinanzjati mill-UE dwar it-turiżmu

49 Aħna eżaminajna kif kien intgħażel u ġie implimentat kampjun ta’ proġetti li ġew ippreżentati mill-awtoritajiet pubbliċi fl-erba’ Stati Membri. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk il-kriterji tal-għażla tal-proġetti kinux konformi mal-prijoritajiet ta’ investiment tal-PO u mal-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għat-turiżmu; jekk il-proċess tal-għażla kienx żgura li ntgħażlu biss proġetti maturi u ppjanati sew u jekk il-proġetti magħżula kinux implimentati b’mod effettiv, kinux sostenibbli u kellhomx impatt li jmur lil hinn mill-proġett individwali.

L-Istati Membri użaw proċeduri tal-għażla differenti

50 L-Istati Membri użaw proċeduri differenti biex jivvalutaw u jagħżlu l-proġetti tat-turiżmu ppreżentati mill-awtoritajiet pubbliċi: sejħiet kompetittivi għal proposti, espressjonijiet ta’ interess, proċedura “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” jew listi magħżula minn qabel ta’ siti tat-turiżmu li għandhom jiġu appoġġati. Dawn il-proċeduri kollha jistgħu jkunu leġittimi għal dan it-tip ta’ proġetti u hija għażla li taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu liema għandhom isegwu. L-analiżi li wettaqna tissuġġerixxi li l-proċeduri tal-għażla kienu ġeneralment konformi mar-regoli applikabbli, mal-orjentazzjonijiet strateġiċi u mal-kriterji tal-għażla approvati fil-PO korrispondenti.

Bosta proġetti ma kellhomx ippjanar inizjali adegwat u valutazzjoni tal-ħtiġijiet adegwata

51 F’bosta mill-proġetti eżaminati, aħna sibna li l-proposti tal-proġetti ma kellhomx ippjanar inizjali u valutazzjoni tal-ħtiġijiet, inkluża analiżi tad-domanda, li kienu adegwati. Dan spiss wassal għal dewmien, spejjeż akbar milli ppjanat u bidliet fl-ambitu tal-proġett matul l-implimentazzjoni tal-proġett (ara eżempju bħal dan fil-Kaxxa 2).

Kaxxa 2 – Eżempju ta’ proġett Spanjol li ffaċċja tnaqqis sinifikanti fl-ambitu u dewmien

Fl-2017 beda proġett biex jinbnew 368 km ta’ tliet mogħdijiet għaċ-ċikliżmu, li waħda minnhom tagħmel parti mir-Rotta EuroVelo 8, fil-provinċja Spanjola ta’ Cádiz. Il-baġit inizjali kien ta’ EUR 13.1 miljun li minnhom EUR 10.5 miljun kienu se jiġu kkontribwiti mill-UE. Il-proġett kien immirat biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tat-turiżmu sostenibbli fir-reġjun. Madankollu, matul l-implimentazzjoni, l-ambitu tal-proġett tnaqqas b’mod sinifikanti għal tul fil-mira ta’ 149 km minħabba diversi kwistjonijiet amministrattivi u tekniċi li ma kinux previsti fil-fażi tal-ippjanar tal-proġett. Sa Marzu 2021, żewġ kilometri biss tal-mogħdijiet għaċ-ċikliżmu kienu qed joperaw.

Minkejja dan it-tnaqqis sinifikanti fl-ambitu, il-baġit inizjali żdied b’madwar 30 % għal EUR 17.3 miljun, li minnhom EUR 13.8 miljun ikunu jiġu pprovduti mill-UE. Iż-żieda fil-baġit kienet dovuta għal bidliet fid-dettalji tat-tfassil u tal-kostruzzjoni: pereżempju, bidliet biex titjieb is-sodezza tal-mogħdijiet bil-ħsieb li tiġi minimizzata l-manutenzjoni futura tagħhom jew il-kostruzzjoni ta’ mogħdijiet itwal biex jiġu evitati t-toroq jew il-passaġġi tal-ilma. Il-proġett, li inizjalment kien ippjanat li jiġi kkompletat sa tmiem l-2020, issa huwa skedat li jitlesta sa Ġunju 2023.

52 B’mod partikolari, id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti kien problema frekwenti fil-proġetti kkampjunati. Mis-17-il proġett ikkampjunat għall-perjodu 2014-2020, 11 kienu jew huma mistennija li jiddewmu b’6 xhur jew aktar meta mqabbla mad-data tat-tmiem maqbula fil-ftehim ta’ għotja oriġinali. Dan jinkludi erba’ proġetti fl-Ungerija, wieħed fil-Polonja, tnejn fir-Rumanija u erbgħa fi Spanja. Proġett ieħor fl-Ungerija ġie rtirat matul ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna fuq il-post. Ir-raġunijiet prinċipali li jispjegaw dan id-dewmien huma relatati ma’:

  •  problemi amministrattivi: proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti li jdumu jew li ma jirnexxux, dewmien fil-kisba ta’ permessi għall-kostruzzjoni, diffikultajiet fl-akkwist tal-artijiet, bidliet fil-gvernijiet reġjonali/lokali; u
  •  problemi ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol: kwistjonijiet tekniċi jew ambjentali li jirrikjedu t-tfassil mill-ġdid tal-proġett, sospensjoni temporanja tax-xogħlijiet minħabba kundizzjonijiet tat-temp, miżuri restrittivi relatati mal-pandemija tal-COVID-19.

53 Nuqqas speċifiku ieħor fl-ippjanar tal-proġett li jista’ jqiegħed f’riskju l-effettività u s-sostenibbiltà tal-proġett huwa l-finanzjament ta’ proġetti simili f’postijiet fil-qrib (ara l-eżempju fil-Kaxxa 3).

Kaxxa 3 – Eżempju ta’ proġett Pollakk li rċieva finanzjament mill-UE minkejja li jinsab viċin proġett simili ffinanzjat mill-UE

Proġett immirat lejn ir-rinnovazzjoni taż-żoni pubbliċi storiċi fiċ-ċentru ta’ belt termali ġie kkofinanzjat fil-Polonja. Il-proġett jaqbel ħafna mal-istrateġija tal-belt li jiġu żviluppati infrastruttura u faċilitajiet tat-turiżmu, rikreattivi u tal-ispas, li kienu jinkludu għadd ta’ proġetti kkofinanzjati addizzjonali.

Madankollu, aħna sibna pjan ta’ żvilupp ieħor fis-seħħ f’belt oħra qrib il-belt termali (10 km biss ’il bogħod) li jibbenefika minn riżorsi naturali simili. Dan il-pjan kien jinkludi proġetti kkofinanzjati mill-UE b’outputs simili. Minflok ma jfasslu pjan ta’ żvilupp komuni biex joħolqu offerta tat-turiżmu konġunta u komplementari, iż-żewġ bliet kienu fasslu l-pjanijiet individwali u l-proġetti assoċjati tagħhom stess, bir-riskju potenzjali li jillimitaw l-effettività u s-sostenibbiltà tal-appoġġ billi jiffinanzjaw infrastruttura simili f’postijiet li jkunu viċin.

Mhux il-proġetti kollha li ġew ikkompletati kellhom impatt pożittiv fuq l-attività tat-turiżmu fir-reġjun

54 Aħna rrieżaminajna wkoll kampjun ta’ 15-il proġett ikkompletat, b’fokus partikolari fuq proġetti li kienu ilhom li ġew ikkompletati għadd ta’ snin, il-biċċa l-kbira minnhom ġew iffinanzjati taħt il-perjodu 2007-2013, biex nanalizzaw is-sostenibbiltà u l-impatt tagħhom fuq l-attività ġenerali tat-turiżmu fir-reġjun.

55 L-analiżi li wettaqna pprovdiet stampa mħallta. Aħna sibna bosta proġetti li kienu laħqu (jew saħansitra qabżu) l-objettivi tagħhom u kkontribwew b’suċċess għat-trawwim tal-attivitajiet tat-turiżmu fir-reġjun tagħhom (ara l-eżempji fil-Kaxxa 4). Li għandhom komuni bejniethom dawn il-proġetti kollha huwa li qed itejbu l-kwalità tat-turiżmu u d-domanda għalih fir-reġjun lil hinn mill-proġett innifsu, u b’hekk qed jiġġeneraw effetti konsegwenzjali potenzjali fl-ekonomiji lokali.

Kaxxa 4 – Eżempji ta’ proġetti kkompletati li kienu effettivi fit-trawwim tat-turiżmu fir-reġjun

  •   Proġett partikolari kien jinvolvi l-iżvilupp ta’ kumpless kulturali u faċilitajiet turistiċi oħra f’kastell fil-Grigal tal-Ungerija. Wara li ġie kkompletat, il-proġett laħaq l-objettivi ppjanati tiegħu li jżid l-għadd ta’ viżitaturi. Il-kastell irċieva żewġ rikonoxximenti bħala destinazzjoni tajba għall-familja u fl-2020 irċieva l-premju “Travellers’ Choice”. Bis-saħħa taż-żieda fid-domanda għat-turiżmu, il-benefiċjarju ffirma wkoll ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ sħab lokali bħal fornituri tal-akkomodazzjoni u ristoranti għal attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni.
  •   Proġett ieħor kien jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ sezzjoni ta’ mogħdija għaċ-ċikliżmu madwar lag pittoresk qrib il-muntanji fin-Nofsinhar tal-Polonja. Qabel il-lag ftit li xejn kien jiġi esplorat mit-turisti minħabba n-nuqqas ta’ infrastruttura tat-turiżmu. Il-proġett ġie kkompletat b’suċċess, u huwa operazzjonali. Skont il-muniċipalità, il-mogħdija tintuża b’mod intensiv u ġiet imfaħħra ħafna miċ-ċiklisti, u dan iġġenera flussi turistiċi addizzjonali. Barra minn hekk, din tista’ tiffunzjona wkoll barra mill-istaġun: pereżempju bħala mogħdija għall-iskijing cross-country fix-xitwa. Hija rebħet kompetizzjoni reċenti għal attrazzjonijiet turistiċi reġjonali uniċi u titqies bħala waħda mill-mogħdijiet għaċ-ċikliżmu l-aktar sbieħ fil-Polonja.
  •   Proġett ieħor kien jinvolvi r-rinnovazzjoni ta’ bini antik eżistenti f’sit arkeoloġiku ta’ Wirt Dinji f’Andalusija (Spanja). Il-proġett ġie kkompletat, u l-bini rinnovat qed jintuża bħala ċentru għall-viżitaturi u mużew b’wirjiet permanenti u temporanji biex tiġi spjegata r-rilevanza tas-sit arkeoloġiku. Ġie stabbilit mudell ta’ governanza u ta’ ġestjoni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà operazzjonali u finanzjarja tas-sit. Ladarba l-faċilitajiet il-ġodda jkunu operazzjonali bis-sħiħ wara li jintemmu r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, huwa mistenni li jkun hemm spinta sinifikanti fl-għedud ta’ viżitaturi.

56 Il-proġetti l-oħra kellhom biss impatt limitat (jew l-ebda impatt) fl-istimolu tat-turiżmu. Ir-raġunijiet prinċipali għalfejn kellhom impatt limitat fuq it-turiżmu kienu dawn li ġejjin:

  •  l-investimenti kienu iżolati minħabba li ma kinux konnessi ma’ infrastruttura oħra tat-turiżmu jew minħabba li ma kinux ġew implimentati proġetti komplementari;
  •  in-nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni effettiva u ta’ informazzjoni turistika; jew
  •  l-infrastruttura appoġġata tintuża primarjament mill-komunità lokali (eżempju partikolari huwa deskritt fil-Kaxxa 5).

Kaxxa 5 – Eżempju ta’ proġett Pollakk li ġie kkompletat u li ma kienx effettiv fit-trawwim tat-turiżmu fir-reġjun minħabba li jintuża primarjament mill-komunità lokali

Proġett partikolari kien jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ ċentru ta’ rikreazzjoni u ta’ divertiment f’villaġġ, viċin lag artifiċjali li nħoloq reċentement fil-Polonja. Iċ-ċentru nbena madwar stadju tal-futbol eżistenti, u x-xogħlijiet kienu jinkludu l-kostruzzjoni ta’ għadd ta’ faċilitajiet sportivi u ta’ divertiment fuq barra, kif ukoll xogħol ta’ rinnovazzjoni u estensjoni fuq bini eżistenti, biex jinkludi kamra rikreattiva, kamra għall-qari, punt ta’ informazzjoni turistika u kmamar fejn l-utenti tal-faċilitajiet sportivi jkunu jistgħu jbiddlu.

Il-proġett huwa investiment ta’ darba u iżolat: huwa ġie inkluż fil-pjan ta’ żvilupp għal-lag li hemm fil-qrib, iżda kważi l-ebda proġett ieħor stabbilit fil-pjan ma ġie implimentat, u ftit li xejn hemm infrastruttura tat-turiżmu madwar il-lag. Il-proġett jibbenefika l-aktar lill-komunità lokali, u għandu biss impatt limitat fl-appoġġ għall-iżvilupp tat-turiżmu. L-uniku komponent ċar tat-turiżmu tiegħu – punt ta’ informazzjoni turistika – ma joperax b’mod attiv: ma għandu l-ebda sit web jew ma jippubblika l-ebda informazzjoni online.

Il-gwida tal-Kummissjoni kienet tinkludi l-effettività u s-sostenibbiltà tal-investimenti fit-turiżmu, iżda bosta aspetti ma ġewx indirizzati

57 Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni ħarġitx linji gwida rigward il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-FEŻR għall-investimenti fit-turiżmu u biex tgħin lill-Istati Membri fl-għażla u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti kkofinanzjati mit-turiżmu li huma effettivi u sostenibbli.

58 Fl-2014, id-DĠ REGIO ħareġ gwida tematika speċifika[30] dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-investimenti li jsiru taħt il-FEŻR fis-settur tat-turiżmu jistgħu jiġu vvalutati matul il-perjodu 2014-2020. Din il-gwida tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet maniġerjali fl-Istati Membri. B’mod partikolari, il-gwida kienet tinkludi:

  •  eżempji ta’ investimenti rilevanti għas-settur tat-turiżmu rigward: id-diversifikazzjoni tal-offerta tat-turiżmu u l-estensjoni tal-istaġun tat-turiżmu; l-iżvilupp ta’ prodotti tat-turiżmu b’valur miżjud għoli jew immirati lejn gruppi speċifiċi; is-servizzi innovattivi u d-diġitalizzazzjoni;
  •  eżempji negattivi li jirrappreżentaw riskji sinifikanti għall-effettività tal-proġetti tat-turiżmu, bħal proġetti ta’ darba jew iżolati; investimenti fit-turiżmu li jistgħu jwasslu għal duplikazzjoni ta’ faċilitajiet jew effett ta’ spostament; kofinanzjament ta’ lukandi b’ħames stilel jew ta’ organizzazzjonijiet sportivi professjonali;
  •  il-ħtieġa li titqies is-sostenibbiltà finanzjarja tal-proġetti, kif ukoll l-effetti konsegwenzjali tal-investimenti, b’mod partikolari f’termini ta’ impjieg, jew l-attività ekonomika barra mill-istaġuni tat-turiżmu.

59 Il-gwida tematika tal-Kummissjoni tindika li jenħtieġ li l-proġetti ta’ infrastruttura tat-turiżmu ffinanzjati mill-UE jiġu integrati fi strateġiji rilevanti ta’ tkabbir u/jew ta’ żvilupp, li jkunu sostenibbli u kosteffettivi. Madankollu, il-gwida ma indirizzatx suffiċjentement ir-riskju li żoni ġirien bl-istess potenzjal turistiku (jew simili) ma għandhomx strateġiji kompatibbli; li l-proġetti magħżula għall-appoġġ mill-UE ma jkunux jikkoinċidu ma’ proġetti oħra fil-qrib li jkunu ffinanzjati mill-UE (li mbagħad inaqqas is-sostenibbiltà tagħhom); u li l-proġetti jinżammu b’mod xieraq fis-snin wara l-ikkompletar tagħhom. L-awditu li wettaqna wera li xi wħud minn dawn ir-riskji mmaterjalizzaw f’għadd ta’ każijiet (ara l-eżempju fil-Kaxxa 3).

Monitoraġġ tar-riżultati: użu limitat tal-indikatur komuni għat-turiżmu u t-tipi kollha ta’ riżultati tal-proġetti mhumiex koperti b’mod komprensiv

60 Jenħtieġ li r-riżultati ta’ proġetti kkofinanzjati mill-UE jiġu mmonitorjati abbażi ta’ indikaturi rilevanti. Aħna rrieżaminajna l-qafas ta’ monitoraġġ għat-turiżmu u, b’mod partikolari, l-indikaturi stabbiliti għall-interventi tat-turiżmu fir-Regolament dwar l-FEŻR. Eżaminajna wkoll l-arranġamenti ta’ monitoraġġ applikabbli għall-proġetti kkampjunati.

Matul il-perjodu 2014-2020 kien hemm biss indikatur komuni wieħed tal-output għat-turiżmu

61 Il-leġiżlazzjoni tal-FEŻR għall-perjodu 2014-2020 kienet tinkludi indikatur komuni wieħed tal-output għat-turiżmu[31]: “Żieda fin-numru mistenni ta’ żjarat ta’ siti appoġġati ta’ wirt kulturali u naturali u attrazzjonijiet” (unità: żjarat/sena). Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar id-definizzjoni u l-kejl ta’ dan l-indikatur kif deskritt fil-Kaxxa 6.

Kaxxa 6 – Indikatur komuni għat-turiżmu (il-perjodu 2014-2020)

Żieda fin-numru mistenni ta’ żjarat ta’ siti appoġġati ta’ wirt kulturali jew naturali u attrazzjonijiet (unità: żjarat/sena)

Dan l-indikatur ikejjel iż-żieda stmata ex ante fin-numru ta’ żjarat f’sit fis-sena ta’ wara dik meta proġett ikun ġie kkompletat. Huwa validu għal titjib fis-sit li għandu l-għan li jattira u jaċċetta viżitaturi għal turiżmu sostenibbli. Dan jinkludi siti b’attività tat-turiżmu preċedenti jew mingħajr (pereżempju parks naturali jew binjiet ikkonvertiti f’mużew).

Sors: Dokument ta’ Gwida tad-DĠ REGIO dwar il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni. Indikatur 9 fil-paġna 22.

62 Il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni rigward l-użu tal-indikatur komuni tal-output għat-turiżmu fil-livell tal-PO. Din l-informazzjoni tinkludi l-mira ddefinita fil-programmi operazzjonali u l-valuri kumulattivi miksuba skont ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-awtoritajiet maniġerjali. Skont il-Kummissjoni, 16 mis-27 Stat Membru jużaw dan l-indikatur komuni għal mill-inqas wieħed mill-programmi operazzjonali tagħhom taħt il-FEŻR. Barra minn hekk, l-Istati Membri setgħu jagħmlu użu mill-indikaturi speċifiċi għal programm. Madankollu, matul il-perjodu 2007-2013, ma kien intuża l-ebda indikatur komuni tar-riżultati.

63 Għall-perjodu 2021-2027, il-qafas leġiżlattiv tal-FEŻR jinkludi żewġ indikaturi komuni relatati mat-turiżmu[32]: “Siti ta’ kultura u turiżmu appoġġati” (bħala indikatur tal-output) u “Viżitaturi ta’ siti ta’ kultura u turiżmu appoġġati” (bħala indikatur tar-riżultati). L-indikatur tal-aħħar huwa simili għal dak użat fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, iżda issa ġie kklassifikat b’mod aktar xieraq bħala indikatur tar-riżultati.

L-indikatur komuni għall-perjodu 2014-2020 ma ppermettiex li jitkejlu t-tipi kollha ta’ riżultati tal-proġetti

64 L-indikatur komuni tal-output li jiffoka fuq iż-żieda fl-għadd ta’ viżitaturi ma jippermettix li l-kisbiet intenzjonati tal-proġetti jitkejlu fil-każijiet kollha, anki jekk dawn ikunu ġew iddikjarati fil-proposta tal-proġett. Pereżempju, il-proġetti tat-turiżmu jistgħu jimmiraw lejn it-tnaqqis tal-istaġjonalità, iż-żieda fin-nefqa relatata mat-turiżmu, il-ħolqien ta’ negozju ġdid tat-turiżmu jew it-tnaqqis tal-impatt ambjentali tas-siti u tal-faċilitajiet tat-turiżmu. Għalhekk, abbażi tal-informazzjoni ta’ monitoraġġ biss, ir-riżultati tal-finanzjament mill-FEŻR ta’ investimenti fit-turiżmu ma jistgħux jiġu vvalutati b’mod komprensiv. Aħna nosservaw li jenħtieġ li l-evalwazzjoni ex post tal-appoġġ taħt il-FEŻR għall-perjodu 2014-2020, li mistennija ssir sa tmiem l-2024[33], tippermetti li l-Kummissjoni tevalwa l-impatt tal-finanzjament tagħha fuq is-settur tat-turiżmu tal-UE matul dak il-perjodu. Barra minn hekk, sa tmiem l-2024 hija ppjanata wkoll evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu għall-perjodu 2021-2027[34].

Il-Kummissjoni stabbiliet azzjonijiet biex jiġi mmitigat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu tal-UE

65 Aħna analizzajna jekk il-Kummissjoni kinitx ressqet miżuri u proposti biex jiġi mmitigat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu tal-UE u biex jitrawwem l-irkupru tagħha fil-ħin għas-sajf tal-2021.

66 F’Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet b’impatt speċifiku fuq it-turiżmu[35] (ara wkoll il-paragrafu 40). Dan is-sett kien jinkludi:

  •  approċċ komuni għar-ritorn tal-moviment liberu u t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fil-fruntieri interni tal-UE;
  •  qafas biex is-servizzi tat-trasport jiġu appoġġati sabiex jerġgħu jibdew b’mod gradwali, filwaqt li tiġi żgurata s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-persunal;
  •  kriterji biex l-attivitajiet tat-turiżmu jissoktaw b’mod sikur u gradwali u għall-iżvilupp ta’ protokolli tas-saħħa għal stabbilimenti tal-ospitalità bħalma huma l-lukandi.

67 Barra minn hekk, f’Ġunju 2020, il-Kummissjoni nediet is-sit web “Re-open EU” li jipprovdi informazzjoni rigward ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u r-rekwiżiti sanitarji fis-seħħ f’kull Stat Membru.

68 Minn Novembru 2020 ’il hawn, il-Kummissjoni diġà appoġġat il-ħidma tal-Istati Membri dwar iċ-ċertifikati fin-Network tal-e-Saħħa, li huwa network volontarju li jgħaqqad l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-e-Saħħa. L-ewwel linji gwida ġew ippubblikati f’Jannar 2021. Fi tmiem Mejju 2021, il-Kummissjoni pproponiet[36] li tiġi aġġornata r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill[37] dwar il-koordinazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu fl-UE, li tistabbilixxi regoli ċari dwar il-kundizzjonijiet biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal persuni li huma detenturi ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

69 F’Ġunju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim rigward dan iċ-ċertifikat li ġie implimentat mill-1 ta’ Lulju 2021 taħt l-isem “Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”. Ir-Regolament se japplika għal 12-il xahar, iżda d-durata tiegħu tista’ tiġi estiża (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7 – Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE – xi informazzjoni ġenerali

Is-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tkopri tliet tipi differenti ta’ ċertifikati tal-COVID-19: ċertifikat tat-tilqim, ċertifikat tat-test, u ċertifikat tal-fejqan. Iċ-ċittadini kollha tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll in-nazzjonali ta’ pajjiż terz li jkunu qed jgħixu jew jirrisjedu legalment fl-Istati Membri u li jkollhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra, ikunu eliġibbli li jirċievu dawn iċ-ċertifikati mingħajr ħlas. Iċ-ċertifikat tal-UE jinkludi biss sett minimu ta’ informazzjoni meħtieġa biex jiġi kkonfermat u vverifikat l-istatus tat-tilqim, tal-ittestjar jew tal-fejqan tad-detentur. Ġie żviluppat mudell ta’ tfassil komuni[38] mal-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent taċ-Ċertifikati COVID tal-UE maħruġa f’format stampat. Iċ-ċertifikat jinħareġ u jista’ jintuża fl-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll fl-Iżlanda, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

70 Bl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri qablu li joqogħdu lura milli jimponu restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar fuq id-detenturi ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, sakemm ma jkunux meħtieġa u proporzjonati biex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika. F’każ bħal dan, l-Istat Membru jrid jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha b’mod f’waqtu u jipprovdi raġunijiet għal dawn il-miżuri l-ġodda.

71 Matul is-sajf tal-2021, dan iċ-ċertifikat intuża miċ-ċittadini tal-UE bħala evidenza dokumentarja biex jingħataw moviment liberu u aċċess għal, pereżempju, avvenimenti kulturali u sportivi, ristoranti u faċilitajiet rikreattivi. Sa nofs Ottubru 2021 kienu nħarġu madwar 591 miljun[39] ċertifikat.

72 Dawn l-inizjattivi tal-Kummissjoni kienu essenzjali biex jerġgħu jiġu stabbiliti l-attivitajiet tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu intra-UE matul is-sajf tal-2021. Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali fl-erba’ Stati Membri koperti minn dan l-awditu, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tat-turiżmu u l-industrija tat-turiżmu li kkonsultajna matul l-awditu tagħna kienu wkoll pożittivi rigward il-proposti tal-Kummissjoni u l-miżuri li implimentat biex jiġi mmitigat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-settur tat-turiżmu.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

73 B’mod ġenerali, l-awditu li wettaqna sab li l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni biex tiġi appoġġata l-industrija tat-turiżmu tal-UE matul il-perjodu 2014-2020 kienu parzjalment effettivi.

74 Il-Kummissjoni stabbiliet l-istrateġija attwali għat-turiżmu tal-UE fl-2010. Mill-2015 ’il hawn, u sal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni rrevediet il-prijoritajiet tat-turiżmu tal-UE fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ politika usa’, iżda mingħajr ma stabbiliet pjan ta’ azzjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-istrateġija tal-Kummissjoni lanqas ma speċifikat kif l-Istati Membri u d-direttorati ġenerali tagħha stess jenħtieġ li jagħmlu użu mill-finanzjament disponibbli tal-UE biex jinkisbu dawn il-prijoritajiet. Il-Kummissjoni bdiet azzjonijiet li jħarsu ’l quddiem biex tiġi ddefinita aġenda dwar it-turiżmu għall-2030, li hija pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, dan għad irid jimmaterjalizza fi strateġija u pjan ta’ azzjoni għal wara l-COVID b’objettivi fuq terminu medju u fuq terminu twil, kif ukoll b’arranġamenti effettivi ta’ governanza u riżorsi adegwati (ara l-paragrafi 30- 43).

Rakkomandazzjoni 1 – Tistabbilixxi strateġija ġdida għall-ekosistema tat-turiżmu tal-UE, li jkollha l-għan espliċitu li tappoġġa investimenti li jikkontribwixxu għal forma aktar sostenibbli ta’ turiżmu

Sabiex tiżviluppa aġenda effettiva dwar it-turiżmu għall-2030, jenħtieġ li il-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija ġdida konsolidata għall-ekosistema tat-turiżmu tal-UE. Jenħtieġ li din l-istrateġija, li għandha tiġi żviluppata f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tindirizza l-objettiv tal-UE ta’ turiżmu aktar ekoloġiku u aktar sostenibbli u l-mod kif għandhom jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-istrateġija tispeċifika l-azzjonijiet u l-iskeda ta’ żmien meħtieġa u tieħu kont ta’ kif il-finanzjament disponibbli mill-UE (inkluż permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) qed jintuża għall-investimenti fit-turiżmu li jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ dawn l-objettivi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Sa nofs l-2022.

75 Il-programmi operazzjonali tal-FEŻR ħadu inkunsiderazzjoni l-istrateġiji eżistenti għat-turiżmu tal-UE, kif ukoll dawk nazzjonali u reġjonali, fit-tfassil u fl-immirar tal-prijoritajiet ta’ investiment għat-turiżmu (ara l-paragrafi 44- 48).

76 L-analiżi li wettaqna fir-rigward tal-proġetti tal-FEŻR dwar it-turiżmu sabet riżultati mħallta: xi proġetti kienu sostenibbli u kkontribwew għat-trawwim tal-attività tat-turiżmu fir-reġjun; oħrajn kellhom biss impatt limitat. F’bosta każijiet, in-nuqqasijiet fl-ippjanar inizjali tal-proġetti u fil-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, kif ukoll fl-istadju tal-għażla tal-proġetti, irriżultaw fi tnaqqis fl-ambitu tal-proġetti kif ukoll f’dewmien u spejjeż akbar milli ppjanat matul l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-gwida tal-Kummissjoni dwar kif għandu jintuża l-finanzjament mill-FEŻR għat-turiżmu kienet utli iżda xi aspetti rilevanti ma kinux ġew indirizzati b’mod suffiċjenti (ara l-paragrafi 49- 59)

Rakkomandazzjoni 2 – Tħeġġeġ lill-Istati Membri biex japplikaw proċeduri tal-għażla għall-investimenti fit-turiżmu li huma ffinanzjati mill-FEŻR biex jappoġġaw din l-orjentazzjoni strateġika l-ġdida

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw proċeduri tal-għażla tal-proġetti li jgħinu fit-tmexxija tal-appoġġ finanzjarju tal-FEŻR għal proġetti tat-turiżmu li:

  •  ikunu appoġġati minn analiżi tad-domanda u valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, li jkunu adegwati, biex jiġi limitat ir-riskju ta’ ineffettività;
  •  ikunu kkoordinati ma’ proġetti f’żoni ġirien, filwaqt li jiġu evitati t-trikkib u l-kompetizzjoni;
  •  ikollhom impatt lil hinn mill-proġett innifsu fuq l-istimolu tal-attività tat-turiżmu fir-reġjun; u
  •  ikunu sostenibbli u jinżammu kif xieraq fis-snin wara li jiġu kkompletati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Fil-ħin għall-implimentazzjoni tal-programmi fil-perjodu 2021-2027 u, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2022 ladarba l-istrateġija tkun disponibbli.

77 Il-leġiżlazzjoni tal-FEŻR għall-perjodu 2014-2020 kienet tinkludi indikatur komuni wieħed tal-output għall-investimenti fit-turiżmu ffinanzjati mill-FEŻR. Barra minn hekk, l-Istati Membri setgħu jagħmlu użu mill-indikaturi speċifiċi għal programm. Madankollu, matul il-perjodu 2007-2013, ma kien intuża l-ebda indikatur komuni tar-riżultati. L-indikatur komuni tal-output ma jippermettix li l-kisbiet intenzjonati tal-proġetti jitkejlu fil-każijiet kollha, anki jekk dawn ikunu ġew iddikjarati fil-proposta tal-proġett. Sa tmiem l-2024, il-Kummissjoni trid twettaq evalwazzjoni ex post tal-appoġġ taħt il-FEŻR għall-perjodu 2014-2020 (ara l-paragrafi 60- 64).

78 Is-settur tat-turiżmu tal-UE kien suġġett għal xokk bla preċedent b’segwitu għall-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni ressqet miżuri u proposti biex jiġi mmitigat l-impatt ta’ din il-kriżi fuq l-industrija tat-turiżmu tal-UE. B’mod partikolari, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien essenzjali biex l-ivvjaġġar intra-UE jissokta fil-ħin għas-sajf tal-2021 (ara l-paragrafi 65- 72).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-10 ta’ Novembru 2021.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
Il-President

Annessi

Anness I – Sorsi ta’ finanzjament mill-UE għat-turiżmu

Ħarsa ġenerali lejn is-sorsi ta’ finanzjament tal-UE għat-turiżmu fil-perjodu 2014-2020 u l-perjodu 2021-2027, kif ukoll it-tipi ta’ azzjonijiet appoġġati

Perjodu 2014-2020 Perjodu 2021-2027
  1.  Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)   1.  Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RFF)
Infrastrutturi tal-ivvjaġġar (ajruporti reġjonali, portijiet, eċċ.); effiċjenza fl-enerġija tal-lukandi u tar-resorts tat-turiżmu; rivitalizzazzjoni ta’ artijiet abbandunati għal skopijiet ta’ rikreazzjoni; ftehimiet ta’ finanzjament tal-SMEs fit-turiżmu; “Pjattaformi ta’ investiment” iddedikati għat-turiżmu. Kif iddefinit fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza
  2.  Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (FEŻR/FK)   2.  Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (FEŻR/FK)
FEŻR: Prodotti tal-RTD&I u tal-ICT relatati mat-turiżmu; servizzi innovattivi tat-turiżmu; protezzjoni, promozzjoni u żvilupp ta’ assi naturali u kulturali tat-turiżmu u servizzi relatati; infrastruttura tat-turiżmu kulturali u sostenibbli fuq skala żgħira; taħriġ vokazzjonali, titjib tal-ħiliet.
FK: Skont il-ħtiġijiet ta’ kull Stat Membru eliġibbli, kif iddefinit fil-programmi operazzjonali tagħhom.
FEŻR: Investimenti biex jissaħħu s-sostenibbiltà ambjentali u soċjoekonomika kif ukoll ir-reżiljenza tat-turiżmu fit-terminu twil, li jittrasformaw is-settur billi jitgħallmu minn soluzzjonijiet innovattivi;
FK: investimenti relatati mat-turiżmu fl-ambjent u fin-networks trans-Ewropej tat-trasport, b’mod partikolari f’reġjuni b’ekonomija li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu
  3.  Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)   3.  Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)
Taħriġ tal-ħaddiema biex jgħinu lill-kumpaniji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ ristrutturar jew nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati; taħriġ ta’ persuni f’diffikultà u dawk minn gruppi żvantaġġati biex jiksbu ħiliet u impjiegi aħjar; appoġġ tat-tagħlim reċiproku, stabbiliment ta’ networks, u tixrid u promozzjoni ta’ prattiki u metodoloġiji tajba fil-qasam tal-innovazzjoni soċjali Azzjonijiet li jappoġġaw il-miżuri tal-impjieg taż-żgħażagħ; li jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali billi jixprunaw investiment fl-impjiegi u fl-opportunitajiet ta’ ħiliet
  4.  Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)   4.  Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
Taħriġ vokazzjonali u akkwiżizzjoni ta’ ħiliet, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u azzjonijiet ta’ informazzjoni; servizzi ta’ konsulenza biex jgħinu lill-bdiewa, lis-sidien ta’ foresti, lil ġesturi oħra tal-art u lill-SMEs f’żoni rurali biex itejbu l-prestazzjoni ekonomika tagħhom; negozji ġodda u investimenti għal attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali; tfassil u aġġornament ta’ pjanijiet għall-iżvilupp ta’ muniċipalitajiet u rħula f’żoni rurali; investimenti għall-użu pubbliku fl-infrastruttura rikreattiva, fl-informazzjoni turistika u fl-infrastruttura tat-turiżmu fuq skala żgħira; studji u investimenti assoċjati maż-żamma, ir-restawr u t-titjib tal-wirt kulturali u naturali tal-irħula, tal-pajsaġġi rurali u tas-siti ta’ valur naturali għoli, u ma’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni ambjentali; ħolqien ta’ raggruppamenti u networks. Investimenti relatati mat-turiżmu inklużi fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-Politika Agrikola Komuni
  5.  Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMS)   5.  Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMS)
Studji; proġetti, inklużi proġetti ta’ ttestjar u proġetti ta’ kooperazzjoni; konferenzi, seminars, sessjonijiet ta’ ħidma; informazzjoni pubblika u kondiviżjoni tal-aħjar prattika, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ disseminazzjoni assoċjati; taħriġ professjonali, tagħlim tul il-ħajja u l-akkwiżizzjoni ta’ ħiliet professjonali ġodda li jippermettu lill-professjonisti tas-settur tas-sajd jew lis-sħab fil-ħajja tagħhom jidħlu f’attivitajiet tat-turiżmu jew iwettqu attivitajiet komplementari fil-qasam tat-turiżmu Proġetti relatati mat-turiżmu bħall-ekoturiżmu, it-turiżmu tas-sajd, il-gastronomija lokali (ristoranti tal-ħut u tal-frott tal-baħar), akkomodazzjoni, mogħdijiet turistiċi, għadis, kif ukoll appoġġ ta’ sħubijiet lokali fit-turiżmu kostali
  6.  Programm LIFE   6.  Programm LIFE
Għotjiet għal “proġetti tradizzjonali”: proġetti pilota, proġetti ta’ dimostrazzjoni, proġetti tal-aħjar prattika u proġetti ta’ informazzjoni, sensibilizzazzjoni u tixrid
Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali - self u/jew garanziji bankarji għal infrastrutturi ekoloġiċi u tipi oħra ta’ investiment bil-quddiem previst fi proġetti pilota li jiġġeneraw dħul jew li jiffrankaw l-ispejjeż, eż. pagamenti għal servizzi tal-ekosistema, negozji favur id-diversità u ta’ adattament
Finanzjament Privat għall-Istrument tal-Effiċjenza fl-Enerġija - self u/jew garanziji bankarji għal investimenti żgħar fl-effiċjenza fl-enerġija
Proġetti ambjentalment sostenibbli relatati mat-turiżmu, speċjalment dawk li jimmitigaw l-emissjonijiet tas-CO2 permezz tal-effiċjenza fl-enerġija jew l-enerġija rinnovabbli; proġetti li jgħaqqdu flimkien il-miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima mat-turiżmu
  7.  Orizzont 2020   7.  Orizzont Ewropa
Azzjonijiet Marie Curie - Fellowships Individwali; Networks ta’ Taħriġ Innovattivi; Skambju tal-Persunal għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
Tmexxija fit-Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali - Azzjonijiet ta’ Innovazzjoni - prodotti, għodod, applikazzjonijiet u servizzi innovattivi tal-ICT għas-setturi kulturali u kreattivi; azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ - attivitajiet mhux ta’ riċerka bħat-tixrid ta’ riżultati u l-promozzjoni tal-użu tal-innovazzjoni xprunata mill-ICT bis-saħħa ta’ network sostenibbli ta’ “multiplikaturi”
Riflessivi - Azzjonijiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni, Azzjonijiet ta’ Innovazzjoni, Azzjonijiet ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ dwar it-trażmissjoni tal-wirt kulturali Ewropew, il-preservazzjoni tal-pajsaġġi kulturali kostali u marittimi Ewropej, assi kulturali diġitali u mużewijiet virtwali, immudellar 3D tal-wirt kulturali u mudelli innovattivi għall-użu mill-ġdid tal-wirt kulturali
Strument għall-SMEs - Valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika u kummerċjali ta’ kunċett innovattiv u żvilupp ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju; appoġġ tal-fażijiet ta’ żvilupp u ta’ dimostrazzjoni; iffaċilitar tal-aċċess għal finanzjament ta’ riskju
L-iżvilupp ta’ approċċi, kunċetti u prattiki ġodda għal turiżmu kulturali sostenibbli, aċċessibbli u inklużiv (attivitajiet ta’ riċerka tar-Raggruppament 2)
  8.  Programm Ewropa Kreattiva   8.  Programm Ewropa Kreattiva
Attivitajiet tranżnazzjonali fi ħdan u barra l-UE, immirati lejn l-iżvilupp, il-ħolqien, il-produzzjoni, it-tixrid u l-preservazzjoni ta’ oġġetti u servizzi li jinkorporaw espressjonijiet kulturali, artistiċi jew espressjonijiet kreattivi oħra Skema Kapitali Ewropea tal-Kultura; proġetti jew pjattaformi ta’ kooperazzjoni, inklużi avvenimenti kulturali fil-forma ta’ festivals tal-mużika jew tal-arti tal-ispettaklu; festivals u swieq tal-films; markar tal-belt permezz tal-kultura; żvilupp tal-aspetti kreattivi tat-turiżmu kulturali sostenibbli, tas-setturi tad-disinn u tal-moda, u l-promozzjoni u r-rappreżentanza ta’ dawk is-setturi barra mit-territorju tal-UE
  9.  Erasmus+   9.  Erasmus+
Opportunitajiet ta’ tagħlim għall-individwi permezz ta’ Proġetti ta’ Mobbiltà għall-Istudenti u l-Persunal tal-Edukazzjoni Għolja; skema ta’ garanzija għal self biex tgħin lill-istudenti tal-lawrja ta’ Master jiffinanzjaw l-istudji tagħhom barra mill-pajjiż; Proġetti ta’ Mobbiltà għall-Istudenti u l-Persunal tal-ETV
Kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi, negozji, awtoritajiet lokali u reġjonali u NGOs, prinċipalment permezz ta’ Lawrji ta’ Master Konġunt
Sħubijiet Strateġiċi/Alleanzi ta’ Għarfien/Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali; avvenimenti sportivi Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ li jħeġġu l-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attività fiżika
Proġetti li jkopru l-mobbiltà, l-iżvilupp tal-kompetenza u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fit-turiżmu, il-ħiliet diġitali fil-wirt kulturali, it-tagħlim tal-ospitalità, u l-innovazzjoni fir-riċerka dwar it-turiżmu
  10.  Kompetittività tal-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ daqs Medju (COSME)   10.  Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta
Aċċess - Tranżazzjonijiet jew investimenti għall-iżvilupp ta’ attivitajiet leġittimi tal-SMEs
Turiżmu - Żvilupp u/jew promozzjoni ta’ prodotti tematiċi tranżnazzjonali sostenibbli tat-turiżmu; żvilupp u/jew promozzjoni ta’ prodotti niċċa li jisfruttaw sinerġiji bejn l-industriji tat-turiżmu u dawk kreattivi fil-livell Ewropew; sħubijiet pubbliċi u privati tranżnazzjonali li jiżviluppaw prodotti tat-turiżmu mmirati lejn gruppi ta’ età speċifiċi biex iżidu l-flussi tat-turiżmu bejn il-pajjiżi Ewropej matul l-eqqel staġuni u dawk kwieti; skemi ta’ bini tal-kapaċità għal “turiżmu aċċessibbli”
Skema ta’ skambju għall-imprendituri żgħażagħ
SMEs fit-turiżmu: investimenti f’kapital fiss jew f’assi immaterjali. Appoġġ għad-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika, ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju u għajnuna lin-nies biex jadattaw għal suq tax-xogħol li qed jinbidel
  11.  Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali (EaSI)   11.  Programm Ewropa Diġitali
Progress - Xogħol analitiku utli għat-tfassil tal-politika, għall-innovazzjoni soċjali u għall-esperimentazzjoni tal-politika soċjali
EURES - Jappoġġa l-mobbiltà tal-ħaddiema u jgħin lill-kumpaniji li jirreklutaw f’pajjiż Ewropew ieħor permezz ta’ skemi ta’ mobbiltà mmirati
Appoġġ finanzjarju għall-istabbiliment jew l-iżvilupp ta’ negozji żgħar/intrapriżi soċjali
Ħolqien ta’ spazji tad-data: l-Ispazju Komuni Ewropew tad-Data għall-Wirt Kulturali - appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-wirt kulturali tal-Ewropa; ħolqien ta’ spazji tad-data: mobbiltà – appoġġ għall-interoperabbiltà; Network ta’ Hubs Ewropej ta’ Innovazzjoni Diġitali – appoġġ lill-SMEs tat-turiżmu fit-trasformazzjoni diġitali
  12.  Appoġġ minn REACT-EU taħt il-FEŻR u l-FSE   12.  Programm tas-Suq Uniku
Skont l-ambitu tal-appoġġ f’kull pajjiż jew reġjun tal-UE. Eżempji jinkludu l-kapital operatorju u l-investimenti produttivi fl-SMEs, l-investimenti fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jew it-taħriġ tal-ħaddiema. Titjib fil-kompetittività tal-intrapriżi tas-settur tat-turiżmu, partikolarment l-SMEs, u appoġġ tal-aċċess tagħhom għas-swieq.
    13.  InvestEU
  Investimenti biex jissaħħu l-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-ktajjen tal-valur tat-turiżmu; miżuri sostenibbli, innovattivi u diġitali, li jistgħu jgħinu biex titnaqqas l-impronta klimatika u ambjentali tas-settur
    14.  Appoġġ miIl-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ)
  Qafas għat-Turiżmu Inklużiv – investimenti fil-lukandi u fl-operaturi turistiċi; Qafas Integrat għall-Wirt Kulturali - proġetti li jinsabu qrib jew fi ħdan sit ta’ wirt kulturali, it-tisħiħ tal-kummerċjalizzazzjoni, il-ġestjoni u l-operat sostenibbli, il-konnettività u l-aċċessibbiltà, il-kwalità u d-disponibbiltà ta’ faċilitajiet, tal-infrastruttura muniċipali, kif ukoll proġetti li jiksbu konnessjonijiet b’lura Il-programm ta’ Konsulenza għan-Negozji ż-Żgħar – appoġġ lill-SMEs tat-turiżmu permezz tan-network ta’ konsulenti tal-BERŻ

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament mill-UE għas-settur tat-turiżmu (2014-2020) u l-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament mill-UE għat-turiżmu għall-perjodu 2021-2027.

Anness II – PO magħżula u għadd ta’ proġetti kkampjunati għal kull PO

Stat Membru Programm Operazzjonali tal-FEŻR
QFP 2014-2020
Għadd ta’ proġetti kkampjunati magħżula
L-Ungerija Żvilupp u Innovazzjoni Ekonomiċi 5
Il-Polonja Małopolskie Voivodeship 4
Spanja Andalusija 4
Ir-Rumanija Programm Reġjonali Integrat 4
Stat Membru Programm Operazzjonali tal-FEŻR
QFP 2007-2013
Għadd ta’ proġetti kkampjunati magħżula li ġew ikkompletati
L-Ungerija L-Ungerija tat-Tramuntana 3
Il-Polonja Ekonomija Innovattiva 4
Spanja Andalusija 4
Ir-Rumanija Programm Operazzjonali Reġjonali 4

Anness III – Proġetti li ġew irrieżaminati għal dan l-awditu

 

Anness IV – Inventarju tal-istrateġiji nazzjonali għat-turiżmu

Nru Stat Membru Strateġiji nazzjonali għat-turiżmu Perjodu ta’ żmien
1 L-Awstrija Pjan T – Pjan Regolatorju għat-Turiżmu 2019-m/a1
2 Il-Belġju Ma teżisti l-ebda strateġija nazzjonali. It-turiżmu huwa mmaniġġjat fil-livell reġjonali (Flanders, Wallonia u Brussell) Mhux applikabbli
3 Il-Bulgarija Strateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli tat-Turiżmu fir-Repubblika tal-Bulgarija sal-2030 2018-2030
4 Il-Kroazja Strateġija għall-Iżvilupp tat-Turiżmu 2020 2013-2020
5 Ċipru Strateġija Nazzjonali għat-Turiżmu 2030 2020-2030
6 Ir-Repubblika Ċeka Politika Nazzjonali tat-Turiżmu 2014-2020 2014-2020
7 Id-Danimarka Strateġija Nazzjonali għat-Turiżmu 2016-2025
8 L-Estonja Pjan Nazzjonali għall-Iżvilupp tat-Turiżmu 2014-2020 2014-2020
9 Il-Finlandja Strateġija għat-Turiżmu 2019-2028 2019-2028
10 Franza Il-Kunsill Interministerjali tat-Turiżmu, li ġie stabbilit fl-2017, stabbilixxa pjan direzzjonali għall-iżvilupp tat-turiżmu madwar sitt oqsma ta’ prijorità. Ma jeżisti l-ebda dokument ta’ strateġija formali Mhux applikabbli
11 Il-Ġermanja Il-prinċipji għal strateġija nazzjonali għat-turiżmu ġew adottati fl-2019. Fit-23.6.2021 ġie adottat pjan ta’ azzjoni Mhux applikabbli
12 Il-Greċja Qafas ta’ Referenza Strateġiku Nazzjonali għas-Settur tat-Turiżmu 2014-2020
13 L-Ungerija Strateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tat-Turiżmu 2030 2016-2030
14 L-Irlanda People, Place and Policy: Growing Tourism to 2025 2015-2025
15 L-Italja Pjan Strateġiku Nazzjonali għat-Turiżmu 2017-2022 2017-2022
16 Il-Litwanja Programm għall-Iżvilupp tat-Turiżmu 2014-2020 2014-2020
17 Il-Latvja Linji Gwida għall-Iżvilupp tat-Turiżmu għall-perjodu 2014-2020 2014-2020
18 Il-Lussemburgu Qafas Strateġiku għall-Iżvilupp tas-Settur tat-Turiżmu 2018-2022 2018-2022
19 Malta Politika Nazzjonali tat-Turiżmu għall-perjodu 2015-2020 2015-2020
20 In-Netherlands Perspective Destination Netherlands 2030 2019-2030
21 Il-Polonja Programm għall-Iżvilupp tat-Turiżmu sal-2020 2015-2020
22 Il-Portugall Strateġija għat-Turiżmu 2027 2017-2027
23 Ir-Rumanija Pjan Regolatorju għall-Investiment fit-Turiżmu u żewġ strateġiji settorjali: l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ekoturiżmu u l-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu tal-Ispas. Qed tiġi żviluppata strateġija nazzjonali għat-turiżmu Mhux applikabbli
24 Is-Slovakkja Strateġija għall-Iżvilupp tat-Turiżmu sal-2020 2013-2020
25 Is-Slovenja Strateġija għat-tkabbir sostenibbli tat-turiżmu Sloven għall-perjodu 2017-2021 2017-2021
26 Spanja Plan del Turismo Español Horizonte 2020 2008-2020
27 L-Iżvezja Qed tiġi żviluppata strateġija nazzjonali għat-turiżmu Mhux applikabbli

1 Adottat fl-2019. Perjodu ta’ żmien mhux speċifikat fid-dokument.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq OECD Tourism Trends and Policies 2020 u fuq riċerka proprja.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

DĠ GROW: Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

DĠ REGIO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana

ECTAA: L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar u tal-Operaturi Turistiċi

ETC: Il-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu

FEŻR: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FK: Fond ta’ Koeżjoni

FSIE: Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

NECSTour: Ir-Reġjuni Ewropej għal Turiżmu Sostenibbli u Kompetittiv

NRRP: Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza

OECD: L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

PDG: Prodott Domestiku Gross

PO: Programm Operazzjonali

QEA: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

QFP: Qafas Finanzjarju Pluriennali

RRF: Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

SMEs: Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

TAC: Il-Kumitat Konsultattiv tat-Turiżmu

TFUE: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

UNWTO: L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti

WTTC: Il-Kunsill Dinji tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu

Glossarju

Awtorità maniġerjali: L-awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (pubblika jew privata) deżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġja programm iffinanzjat mill-UE.

Ekosistema tat-turiżmu: Katina tal-valur globalizzata u interkonnessa li tinkludi fornituri ta’ informazzjoni u servizzi offline u online (uffiċċji turistiċi, pjattaformi diġitali, fornituri tat-teknoloġija tal-ivvjaġġar), aġenti tal-ivvjaġġar u operaturi turistiċi, fornituri tal-akkomodazzjoni, organizzazzjonijiet għall-ġestjoni tad-destinazzjoni, attrazzjonijiet u attivitajiet għat-trasport tal-passiġġieri.

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF): Il-mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE biex jiġi mmitigat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 u jiġi stimulat l-irkupru f’nofs it-terminu, filwaqt li tiġi promossa t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali. L-RRF hija implimentata permezz tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR): Fond tal-UE li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni.

Fond ta’ Koeżjoni (FK): Fond tal-UE għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-UE bl-iffinanzjar ta’ investimenti fl-Istati Membri fejn l-introjtu nazzjonali gross għal kull abitant ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Ftehim ta’ sħubija (FS): Ftehim bejn il-Kummissjoni u Stat Membru fil-kuntest ta’ programm ta’ nfiq tal-UE, fejn jiġu stabbiliti pereżempju, il-pjanijiet strateġiċi, il-prijoritajiet ta’ investiment jew inkella t-termini ta’ kummerċ jew il-provvediment ta’ għajnuna għall-iżvilupp.

Kodiċi ta’ intervent: Il-kategoriji wesgħin ta’ interventi inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-FEŻR u użati mill-awtoritajiet maniġerjali tal-programmi operazzjonali biex jidentifikaw il-kontenut tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati għall-ilħuq tal-objettivi tematiċi tagħhom.

Objettiv tematiku (OT): Ir-riżultat globali intenzjonat ta’ prijorità ta’ investiment, ripartit f’objettivi speċifiċi għal skopijiet ta’ implimentazzjoni.

Programm operazzjonali (PO): Il-qafas bażiku għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ koeżjoni ffinanzjati mill-UE f’perjodu stabbilit, li jirrifletti l-prijoritajiet u l-objettivi stabbiliti fil-ftehimiet ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u Stati Membri individwali.

Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP): Il-pjan ta’ nfiq tal-UE li jistabbilixxi prijoritajiet (ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika) u limiti massimi, taħt sitt intestaturi prinċipali, ġeneralment għal perjodu ta’ seba’ snin. Huwa jipprovdi l-istruttura li fi ħdanha jiġu stabbiliti l-baġits annwali tal-UE, u jillimita l-ammont li jintefaq għal kull kategorija ta’ nfiq. Il-QFP attwali jkopri l-perjodu 2021-2027.

Settur tat-turiżmu: Is-settur tat-turiżmu jkopri grupp wiesa’ ta’ attivitajiet ekonomiċi: servizzi tat-trasport li jiffaċilitaw il-moviment tal-persuni, aġenziji tal-ivvjaġġar u operaturi turistiċi; akkomodazzjoni; servizzi ta’ ristoranti u catering; faċilitajiet kulturali, sportivi u rikreattivi; oġġetti u servizzi tat-turiżmu lokali.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Pietro Russo, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Chiara Cipriani, Kap tal-Kabinett u Benjamin Jakob, Attaché tal-Kabinett; Pietro Puricella, Maniġer Prinċipali; Luis de la Fuente Layos, Kap tal-Kompitu; Luc T’Joen, Janka Nagy-Babos, Katarzyna Solarek, Andras Augustin Feher, u Francisco Carretero, Awdituri.

Ir-ringiela ta’ wara mix-xellug għal-lemin: Luc T’Joen, Chiara Cipriani, Francisco Carretero u Benjamin Jakob

Ir-ringiela ta’ quddiem mix-xellug għal-lemin: Pietro Puricella, Pietro Russo, Luis de la Fuente Layos u Katarzyna Solarek

Noti finali

[1] L-Eurostat, Tourism - Overview.

[2] Il-UNWTO, Methodological notes to the Tourism Statistics Database.

[3] Il-UNWTO, International Tourism Highlights, l-Edizzjoni tal-2020. Is-slajds 8 u 17. Data minn Novembru 2020.

[4] Id-WTMK, Economic Impact Report 2021. L-Unjoni Ewropea.

[5] Il-Kummissjoni Ewropea, Annual Single Market Report 2021, SWD(2021) 351 final.

[6] L-Artikolu 195 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, parti mil-leġiżlazzjoni li hija ta’ rilevanza għat-turiżmu għandha bażi ġuridika, oħra, eż. il-protezzjoni tal-konsumatur, is-suq intern jew il-politika ta’ koeżjoni.

[7] Il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ GROW, Overview of EU Tourism Policy.

[8] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, COM(2020) 102 final tal-10.3.2020.

[9] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 li tistabbilixxi proċedura ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu.

[10] Id-WTMK, Economic Impact Report 2021. L-Unjoni Ewropea.

[11] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Identifying Europe's recovery needs, accompanying the document Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions, Europe's moment: Repair and Prepare for the Next Generation, SWD(2020) 98 final tas-27.5.2020.

[12] L-Artikolu 3 (1) (d) (vi) tar-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

[13] Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

[14] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Scenarios towards co-creation of transition pathway for tourism for a more resilient, innovative and sustainable ecosystem, SWD(2021) 164 final tal-21.6.2021.

[15] Il-UNWTO, Sustainable development.

[16] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final tal-11.12.2019.

[17] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew, KUMM(2010) 352 finali.

[18] Skambju ta’ fehmiet mal-Grupp ta’ Ħidma COMPCRO tal-Kunsill, 21.4.2015.

[19] Iż-żewġ unitajiet kienu parti mid-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi (id-DĠ ENTR). Fl-2014, dan id-DĠ ingħaqad mad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern (id-DĠ MARKT) biex inħoloq id-DĠ GROW.

[20] L-Aġenzija Ungeriża għat-Turiżmu, L-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tat-Turiżmu 2030, Ottubru 2017.

[21] Il-Ministeru tal-Isport u t-Turiżmu, Programm għall-Iżvilupp tat-Turiżmu sal-2020, Settembru 2015.

[22] Il-Gvern Rumen: il-Pjan Regolatorju Nazzjonali għall-Investiment fit-Turiżmu, id-Deċiżjoni Nru 558 tal-4/8/2017; l-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu tal-Ispas, id-Deċiżjoni Nru 572 tat-8/8/2019; l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ekoturiżmu, id-Deċiżjoni Nru 358 tal-30/5/2019.

[23] Il-Ministeru tal-Industrija, it-Turiżmu u l-Kummerċ, il-Pjan Orizzont 2020 għat-Turiżmu Spanjol, Novembru 2007.

[24] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn, COM(2020)550 final tat-13.5.2020.

[25] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”. COM(2021) 350 final tal-5.5.2021.

[26] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Scenarios towards co-creation of transition pathway for tourism for a more resilient, innovative and sustainable ecosystem, SWD(2021) 164 final tal-21.6.2021

[27] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Ottubru 2015 dwar “Sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa” (2014/2241(INI)) u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “It-Trasport u t-Turiżmu fl-2020 u lil hinn” tad-19 ta’ Ġunju 2020 (2020/2649(RSP)).

[28] P9_TA(2021)0109 - Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar l-istabbiliment ta’ strateġija tal-UE għal turiżmu sostenibbli (2020/2038(INI)).

[29] Tourism in Europe for the next decade: sustainable, resilient, digital, global and social - Konklużjonijiet tal-Kunsill (adottati fis-27.5.2021).

[30] Thematic Guidance Fiche for Desk Officers on Tourism, il-Verżjoni 2, 19.3.2014.

[31] L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006.

[32] L-Anness I, it-Tabella 1 tar-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

[33] L-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

[34] L-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi.

[35] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn, COM(2020) 550 final tat-13.5.2020.

[36] Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. COM(2021) 294 final.

[37] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

[38] https://ec.europa.eu/health/sites/default/files/ehealth/docs/covid-certificate_paper_guidelines_en.pdf

[39] Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19, COM(2021) 649 final tat-18.10.2021.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-7152-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/067 QJ-AB-21-027-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-7147-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/803263 QJ-AB-21-027-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.