Rapport Speċjali
26 2021

Regolarità tal-infiq fil-politika ta’ Koeżjoni tal-UE: Il-Kummissjoni tiddivulga, kull sena, livell ta’ żball stmat minimu li mhuwiex finali

Dwar ir-rapport:Il-politika ta’ Koeżjoni tirrappreżenta waħda mill-akbar partijiet mill-baġit tal-UE. Huwa wkoll qasam ta’ politika, fejn aħna nqisu li r-riskju ta’ nefqa irregolari huwa għoli. Għalhekk, livell ta’ żball stmat li jkun rilevanti u affidabbli fin-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni huwa element ewlieni għad-divulgazzjoni u l-monitoraġġ mill-Kummissjoni ta’ jekk in-nefqa f’dan il-qasam ta’ politika kinitx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali. Is-sejbiet tagħna jwassluna biex nikkonkludu li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni relatati li ġew ippubblikati fir-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali rilevanti u fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-Kummissjoni jirrappreżentaw livell ta’ żball minimu u mhumiex finali. Dan huwa minħabba l-kopertura limitata mill-Kummissjoni, kemm tal-programmi operazzjonali kif ukoll tal-operazzjonijiet permezz tal-awditi tal-konformità tagħha, il-limitazzjonijiet inerenti tal-analiżijiet tagħha mhux fuq il-post, u problemi relatati max-xogħol tal-awditjar tagħha.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport Speċjali: Regolarità tal-infiq fil-politika ta’ Koeżjoni tal-UE

Sommarju eżekuttiv

I “Koeżjoni” tirrappreżenta waħda mill-akbar partijiet mill-baġit tal-UE. Huwa wkoll qasam ta’ politika, fejn aħna nqisu li r-riskju ta’ nefqa irregolari huwa għoli. Livell ta’ żball stmat li jkun rilevanti u affidabbli fil-Koeżjoni huwa element ewlieni għad-divulgazzjoni u l-monitoraġġ mill-Kummissjoni ta’ jekk in-nefqa f’dan il-qasam ta’ politika kinitx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali. Hija wkoll il-bażi biex jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa.

II L-informazzjoni dwar ir-regolarità fil-Koeżjoni hija bbażata fuq ix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri kif ukoll fuq il-verifikazzjoni u l-valutazzjoni sussegwenti li l-Kummissjoni twettaq ta’ xogħolhom u tar-riżultati tagħhom. Ir-riżultat ta’ dan ix-xogħol tal-awditjar huwa ppreżentat fir-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali rilevanti u fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-Kummissjoni bħala indikatur ewlieni annwali tal-prestazzjoni għal-livell ta’ żball stmat fin-nefqa tal-programmi ta’ bażi.

III Fir-rapporti annwali tagħna, aħna diġà enfasizzajna li d-dgħufijiet li sibna fix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar jillimitaw id-dipendenza li tista’ titqiegħed fuq dak ix-xogħol. Għalhekk, l-objettiv prinċipali ta’ dan l-awditu kien li titwettaq valutazzjoni ta’ jekk il-proċessi tal-awditjar tal-Kummissjoni jikkumpensawx għal din il-limitazzjoni u jippermettulhiex tiddivulga stima rilevanti u affidabbli tal-livell ta’ żball fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni fir-rapporti annwali tal-attività u fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni.

IV Għal dan l-iskop, aħna eżaminajna l-proċessi u l-proċeduri tal-Kummissjoni għall-aċċettazzjoni tal-kontijiet u għall-valutazzjoni li hija twettaq tar-regolarità tal-infiq li fuqu huma bbażati l-kontijiet annwali, li jipprovdi l-bażi għall-validazzjoni u l-konferma tar-rati tal-iżball residwu annwali rrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar. Aħna eżaminajna wkoll il-mod kif il-Kummissjoni tħejji u tippreżenta l-informazzjoni dwar ir-regolarità fir-rapporti annwali tal-attività u fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni.

V Filwaqt li d-Direttorati Ġenerali jippreżentaw l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni bħala l-aħjar stima li għandhom tal-livell ta’ żball, aħna nikkonkludu b’mod ġenerali li dawn mhumiex finali u jirrappreżentaw livell ta’ żball minimu fil-livell tad-Direttorati Ġenerali u, b’konsegwenza ta’ dan, fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni.

VI F’konformità mal-qafas regolatorju, il-Kummissjoni taċċetta l-kontijiet annwali tal-Istati Membri mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-regolarità tan-nefqa relatata. B’konsegwenza ta’ dan, ir-ritenzjoni ta’ 10 % mill-pagamenti, introdotta bl-intenzjoni li jiġi salvagwardjat il-baġit tal-UE, tiġi rilaxxata, saħansitra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri kienu kkonfermaw żball residwu ogħla mis-soll ta’ materjalità ta’ 2 % u fejn il-kontrolli tar-regolarità mwettqa mill-Kummissjoni kienu għadhom iridu jiġu kkompletati.

VII Fl-analiżijiet mhux fuq il-post imwettqa minnha, il-Kummissjoni tivverifika l-konsistenza tal-informazzjoni dwar ir-regolarità li tkun inkluża fil-pakketti ta’ aċċertament. Madankollu, l-analiżijiet mhux fuq il-post mhumiex maħsuba biex jaqbdu nfiq ineliġibbli addizzjonali, u dan jillimita l-valur miżjud tagħhom.

VIII Dawn l-analiżijiet mhux fuq il-post jikkontribwixxu għall-approċċ tal-Kummissjoni bbażat fuq ir-riskju biex din tagħżel l-awtoritajiet tal-awditjar għall-awditi tal-konformità tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni mhux dejjem għażlet l-awtoritajiet tal-awditjar bl-ogħla punteġġ tar-riskju, u ma ddokumentatx b’mod suffiċjenti l-ġustifikazzjoni għall-għażla ta’ dawn l-awtoritajiet tal-awditjar.

IX L-awditi tal-konformità, fejn il-Kummissjoni tirrieżamina l-eliġibbiltà tal-operazzjonijiet, jirrappreżentaw element l-aktar importanti għall-valutazzjoni li hija twettaq tax-xogħol tal-awtorità tal-awditjar u r-riżultati relatati. Filwaqt li sabet għadd ta’ żbalji li ma kinux inqabdu fl-awditi tal-konformità li rrieżaminajna, il-Kummissjoni ta’ sikwit kienet tirrevedi r-riżultati tal-awditjar finali tagħha f’fażi ta’ segwitu mal-Istati Membri. Aħna osservajna wkoll il-frekwenza għolja ta’ żbalji mhux maqbuda li nstabu mill-Kummissjoni fil-każijiet li rrieżaminajna. Flimkien mal-kampjun tagħha ta’ operazzjonijiet, li ta’ sikwit kien limitat, dan jindika li aktar tipi ta’ żbalji x’aktarx ikunu preżenti fil-bqija tal-kampjun tal-awtorità tal-awditjar li ma ġiex rieżaminat mill-Kummissjoni. Dan ifisser li r-rata tal-iżball residwu totali hija rata minima fil-livell tal-programmi.

X Il-Kummissjoni tirrapporta r-riżultati ta’ xogħolha fir-rapporti annwali tal-attività bħala indikatur ewlieni tal-prestazzjoni. Filwaqt li dan l-indikatur jirrappreżenta l-aħjar stima li l-Kummissjoni għandha tal-livell ta’ żball, aħna nqisu li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ppubblikati mid-Direttorati Ġenerali jirrappreżentaw livell minimu. Dan huwa minħabba l-kopertura limitata kemm tal-programmi operazzjonali kif ukoll tal-operazzjonijiet permezz tal-awditi tal-konformità, il-limitazzjonijiet inerenti tal-analiżijiet mhux fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni, u problemi oħra relatati max-xogħol tal-awditjar tagħha. Aħna nqisu wkoll li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ppubblikati mhumiex finali, u għalhekk huma proviżorji.

XI Bil-ħsieb li ttejjeb ir-rappurtar ta’ informazzjoni dwar l-irregolarità fil-qasam tal-Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tipproponi reviżjoni leġiżlattiva biex tiżgura li l-qafas legali jipproteġi b’mod adegwat ir-ritenzjoni mill-pagamenti qabel ma din tiġi rilaxxata;
  • ittejjeb ix-xogħol tal-awditjar, id-dokumentazzjoni tal-awditjar u l-proċess ta’ rieżaminar tagħha u;
  • tqawwi l-elementi prinċipali tal-informazzjoni dwar ir-regolarità pprovduta fir-rapporti annwali tal-attività.

Nirrakkomandaw ukoll li s-Servizzi Ċentrali jirċievu struzzjonijiet dwar il-produzzjoni tar-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni mingħand sidhom, il-Kulleġġ tal-Kummissarji.


Introduzzjoni

Il-Koeżjoni, qasam ewlieni ta’ nfiq tal-UE b’żewġ ċikli ta’ kontroll

01 Il-politika tal-Koeżjoni, li tiffoka fuq it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE, tifforma parti sinifikanti mill-baġit tal-UE. Hija tiġi implimentata permezz ta’ programmi operazzjonali pluriennali (PO) li l-Istati Membri ġeneralment jippreżentaw fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ programmazzjoni. Il-Figura 1 turi għal dawn l-aħħar ħames snin l-ammonti sinifikanti involuti fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

Figura 1 – Proporzjon ta’ nfiq fil-qasam tal-Koeżjoni fi ħdan il-baġit tal-UE

Sors: il-QEA.

02 Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, l-intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2, li tinkludi żewġ subintestaturi distintivi “QFP 2a - Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali Ewropea” u “QFP 2b - Reżiljenza u valuri”, tirrappreżenta 35 % tal-baġit tal-UE u saret l-akbar qasam ta’ politika. Il-baġit għall-QFP 2a, ekwivalenti għal “Koeżjoni” taħt il-QFP 2014-2020, jammonta għal EUR 372.6 biljun għall-perjodu 2021-2027.

03 Fir-rapport annwali tal-awditjar tagħna, aħna nivvalutaw li n-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni hija ta’ riskju għoli, minħabba li r-regoli huma kumplessi u ħafna mill-infiq huwa bbażat fuq ir-rimborż tal-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarji nfushom[1]. Ripetutament insibu livell materjali ta’ żball għal Koeżjoni fix-xogħol tal-awditjar tagħna relatat mad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali. Flimkien mal-ammont sinifikanti ta’ nfiq involut, dan jitlob sistema robusta ta’ kontroll u ta’ aċċertament li tista’ tiżgura r-regolarità tan-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni. Jenħtieġ li din tagħti wkoll stima rilevanti u affidabbli tal-livell reali ta’ żball f’dan il-qasam.

04 Il-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament li jintuża għat-twassil ta’ din l-informazzjoni dwar ir-regolarità għal Koeżjoni ġie rivedut għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Introduċa l-aċċettazzjoni annwali mill-Kummissjoni tan-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni ppreżentata mill-Istati Membri, li tikkomplementa l-arranġamenti tal-għeluq fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni. Huwa introduċa wkoll indikatur annwali tar-riskju residwu, li huwa magħruf bħala r-rata tal-iżball residwu totali (RTER). L-RTER tippreżenta stima tan-nefqa irregolari li jifdal fil-kontijiet annwali tal-programmi operazzjonali, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-proċeduri ta’ kontroll, l-irkupri u l-korrezzjonijiet kollha li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu għamlu.

05 Il-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament huwa ċċentrat madwar żewġ ċikli ta’ kontroll: ċiklu nazzjonali fil-livell tal-Istati Membri u ċiklu sussegwenti fil-livell tal-Kummissjoni. Dan jirrifletti l-fatt li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jimmaniġġjaw b’mod konġunt l-implimentazzjoni tal-politika ta’ Koeżjoni u l-finanzjament tagħha, kunċett magħruf bħala ġestjoni kondiviża.

Iċ-ċiklu nazzjonali ta’ kontroll

06 L-ewwel element fil-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament huwa ċ-ċiklu nazzjonali ta’ kontroll, deskritt fil-qosor fil-Figura 2.

Figura 2 – Iċ-ċiklu annwali ta’ kontroll tal-Istati Membri

Sors: il-QEA.

07 L-ewwel linja ta’ difiża fiċ-ċiklu nazzjonali ta’ kontroll għas-salvagwardja tal-baġit tal-UE tinkludi l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni u dawk maniġerjali tal-Istati Membri. Filwaqt li l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni jieħdu ħsieb l-applikazzjonijiet tal-Istati Membri għall-pagamenti u jfasslu l-kontijiet tagħhom, l-awtoritajiet maniġerjali huma responsabbli mill-għażla tal-operazzjonijiet iffinanzjati fi ħdan il-programmi u mill-verifikazzjonijiet ta’ ġestjoni, li għandhom l-għan li jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu rimborż biss għan-nefqa li tkun regolari. L-għadd tal-iżbalji li jinqabdu permezz ta’ xogħol il-Kummissjoni u xogħolna juri li l-kontrolli fis-seħħ għadhom ma jimmitigawx suffiċjentement ir-riskju inerenti għoli ta’ żball f’dan il-qasam. Fir-rapport annwali tagħna, aħna rrappurtajna li dan jikkonċerna b’mod partikolari l-awtoritajiet maniġerjali li l-verifikazzjonijiet imwettqa minnhom mhumiex effettivi fil-prevenzjoni jew id-detezzjoni ta’ irregolaritajiet fin-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji[2].

08 L-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri huma t-tieni linja ta’ difiża. Iwettqu awditi annwali tal-kontijiet tal-programmi, u ta’ kampjuni rappreżentattivi ta’ operazzjonijiet, li għalihom in-nefqa tkun ġiet iddikjarata lill-Kummissjoni. Huma responsabbli wkoll għall-valutazzjoni tal-funzjonament xieraq tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. Fir-rapporti annwali ta’ kontroll tagħhom, l-awtoritajiet tal-awditjar jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-livell ta’ żball li jkun inqabad fin-nefqa ddikjarata (rata ta’ żball totali (TER)). Fejn abbażi ta’ xogħolhom it-TER titla’ sa livell ogħla minn 2 %, l-awtoritajiet tal-awditjar jirrakkomandaw il-korrezzjonijiet li huma meħtieġa biex ir-rata tal-iżball residwu totali (RTER) titnaqqas għal taħt it-2 %. L-awtoritajiet tal-awditjar jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-korrezzjonijiet.

09 Ir-rapport annwali ta’ kontroll jifforma parti mill-pakkett ta’ aċċertament annwali, li jista’ jkopri PO jew grupp ta’ PO. Dan il-pakkett huwa sett ta’ dokumenti, li kull Stat Membru jippreżenta lill-Kummissjoni kull sena fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE), li jinkludu l-kontijiet annwali, is-sommarju annwali, id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u l-opinjoni tal-awditjar li tinħareġ mill-awtorità tal-awditjar flimkien mar-rapport annwali ta’ kontroll. L-awtoritajiet tal-awditjar joħorġu opinjoni tal-awditjar dwar il-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet, il-legalità u r-regolarità tan-nefqa fil-kont u l-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll. Il-pakketti ta’ aċċertament iridu jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Frar kull sena għas-sena kontabilistika preċedenti.

Iċ-ċiklu ta’ kontroll tal-Kummissjoni

10 Il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà aħħarija għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Wara li ċ-ċiklu nazzjonali ta’ kontroll jiġi kkompletat, kull sena l-Kummissjoni tniedi ċ-ċiklu annwali ta’ kontroll tagħha għall-kontijiet annwali u twettaq valutazzjoni tal-pakketti ta’ aċċertament riċevuti fis-sena. Il-Figura 3 turi l-passi ewlenin involuti, li laħqu l-qofol tagħhom fir-rappurtar tal-RTERs fir-rapporti annwali tal-attività tal-Kummissjoni (RAA).

Figura 3 – Iċ-ċiklu annwali ta’ kontroll tal-Kummissjoni

Sors: il-QEA.

Aċċettazzjoni tal-kontijiet

11 Il-Kummissjoni twettaq kontrolli amministrattivi tal-kompletezza u l-preċiżjoni tal-kontijiet. Jekk il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tirriżulta fl-aċċettazzjoni tal-kontijiet tal-Istat Membru min-naħa tagħha, hija tista’ mbagħad tħallas il-bilanċ annwali tan-nefqa dovuta lill-Istat Membru, inklużi l-10 % li jkunu ġew ritenuti meta saru l-pagamenti interim, introdotta biex tissalvagwardja l-baġit tal-UE[3].

Valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità

12 Skont l-istrateġija tal-awditjar tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tikseb aċċertament raġonevoli li l-RTER għal kull PO hija taħt it-2 %. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta, permezz ta’ analiżi mhux fuq il-post, informazzjoni dwar ir-regolarità fir-rapporti annwali ta’ kontroll maħruġa mill-awtoritajiet tal-awditjar. Hija tuża wkoll l-informazzjoni miksuba matul l-analiżijiet mhux fuq il-post, u minn xogħol tal-awditjar preċedenti flimkien mal-valutazzjoni mwettqa minnha tar-rapporti tal-awditjar tas-sistema li jkunu nħarġu mill-awtoritajiet tal-awditjar, għall-valutazzjoni tar-riskju tagħha biex jintgħażlu dawk l-awtoritajiet tal-awditjar u l-PO li għalihom se jkunu qed iwettqu awditu tal-konformità fuq il-post.

13 L-awditi tal-konformità primarjament jiffukaw fuq it-twettiq mill-ġdid tal-awditi ta’ operazzjonijiet fil-livell tal-awtoritajiet tal-awditjar. Dawn huma l-kontributur prinċipali għall-aċċertament proprju tal-Kummissjoni. L-awditi tal-konformità jivvalutaw l-affidabbiltà tax-xogħol imwettaq mill-awtorità tal-awditjar għall-opinjoni tal-awditjar u l-RTER. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni taġġusta l-RTER u titlob korrezzjonijiet finanzjarji addizzjonali, li huma miżuri biex jipproteġu l-baġit tal-UE minn nefqa irregolari billi jirtiraw din in-nefqa jew jirkuprawha.

14 Il-Kummissjoni tikkalkula medja ponderata tal-RTERs aġġustati bħala l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPI 5) tagħha. Il-KPI 5 huwa l-indikatur prinċipali tar-regolarità rrappurtat fir-rapporti annwali tal-awditjar. Fl-aħħar nett, fir-rapport annwali tagħha dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni (AMPR), il-Kummissjoni tikkonsolida l-KPIs tad-DĠ (Direttorat Ġeneral) tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (EMPL) u d-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana (REGIO) biex tipprovdi l-istima tagħha tal-livell ta’ żball fin-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni (magħruf bħala r-“riskju fil-waqt tal-pagament”).

Ix-xogħol preċedenti tagħna juri li aħna mhux dejjem nistgħu noqogħdu fuq ir-rati ta’ żball irrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar

15 Fl-erba’ snin li aħna konna qed neżaminaw n-nefqa għall-perjodu 2014-2020, aħna qbadna żbalji addizzjonali f’operazzjonijiet li preċedentement kienu ġew awditjati mill-awtoritajiet tal-awditjar. Għalhekk ma stajniex naqblu mal-konklużjonijiet tal-awtoritajiet tal-awditjar li l-RTERs kienu taħt it-2 % għal nofs il-pakketti ta’ aċċertament awditjati, li jirrappreżenta wkoll nofs in-nefqa awditjata. Abbażi ta’ din l-osservazzjoni, ikkonkludejna li aħna mhux dejjem nistgħu noqogħdu fuq ir-rati ta’ żball irrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar. Il-Figura 4 turi r-riżultati tagħna matul is-snin[4].

Figura 4 – Pakketti ta’ aċċertament fejn ir-riżultati tal-awditjar tagħna tellgħu r-rati residwi sa livell ogħla minn 2 %

Sors: il-QEA.

16 Għalhekk ir-rati ta’ żball irrappurtati fir-rapporti annwali tal-awditjar maħruġa mid-DĠ REGIO u mid-DĠ EMPL, u aggregati fl-AMPR, jistgħu ikunu affidabbli biss jekk iċ-ċiklu ta’ kontroll tal-Kummissjoni jista’ jikkumpensa għal dawn il-limitazzjonijiet fix-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar. Dan huwa s-suġġett ta’ dan ir-rapport. Ir-riżultati tal-awditu tagħna jistgħu jkunu input importanti għall-Kummissjoni fit-tfassil tax-xogħol tal-awditjar tagħha għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

17 L-awditu li wettaqna kopra l-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament għall-perjodu 2014-2020 li kellu l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni tirrapporta riskju ta’ żball residwu annwali għal kull sena kontabilistika. Aħna staqsejna jekk il-Kummissjoni:

  • twettaqx xogħol tal-awditjar li jkun suffiċjenti u xieraq biex jinħareġ riskju ta’ żball residwu annwali li jkun affidabbli u rilevanti għal kull pakkett ta’ aċċertament (RTER);
  • tiddivulgax riskju ta’ żball residwu annwali li jkun affidabbli fir-rapporti annwali tal-attività ta’ kull DĠ (KPI 5);
  • tippreżentax, fl-AMPR, livell ta’ żball annwali (riskju fil-waqt tal-pagament) li jkun affidabbli għal Koeżjoni.

18 Aħna vvalutajna l-proċessi u l-proċeduri rilevanti għall-aċċettazzjoni tal-kontijiet, il-valutazzjoni tar-regolarità tan-nefqa li fuqha huma bbażati l-kontijiet annwali tal-pakketti ta’ aċċertament u l-mod kif il-Kummissjoni tħejji u tippreżenta l-informazzjoni dwar ir-regolarità fir-rapporti annwali tal-attività u fl-AMPR.

19 Għal dan il-fini, aħna analizzajna x-xogħol li sar mill-Kummissjoni biex tikkalkula RTER għaż-żewġ DĠ prinċipali ta’ Koeżjoni, jiġifieri REGIO u EMPL, u f’livell aggregat fl-AMPR:

  • Għal 10 pakketti ta’ aċċertament – 5 minn kull DĠ – aħna analizzajna l-analiżijiet mhux fuq il-post li kienu twettqu għas-snin kontabilistiċi 2015/2016, 2016/2017 u 2017/2018;
  • Aħna għażilna 10 awditi tal-konformità kkompletati – għal darba oħra, 5 għal kull DĠ – li l-Kummissjoni kienet wettqet għas-snin kontabilistiċi 2016/2017 u 2017/2018;
  • Għal kull wieħed mill-awditi tal-konformità magħżula, aħna ħadna operazzjoni waħda li kienet ġiet awditjata mill-Kummissjoni u rrieżaminajna l-fajl tal-awditjar fid-dettall;
  • Irrieżaminajna l-korrezzjonijiet finanzjarji li rriżultaw minn 26 awditu tal-konformità li kienu twettqu fl-2018.

20 Aħna eskludejna mill-ambitu tal-awditjar tagħna x-xogħol li kien sar mill-Kummissjoni għas-sena kontabilistika 2018/2019, billi ċ-ċiklu ta’ kontroll għal dik is-sena kien għadu ma ġiex ikkompletat fiż-żmien meta wettaqna l-awditu. Għalhekk, il-fokus prinċipali tagħna kien ix-xogħol li kien sar mill-Kummissjoni għas-snin kontabilistiċi 2016/2017 u 2017/2018.

Osservazzjonijiet

Dispożizzjonijiet legali ġodda jindirizzaw xi limitazzjonijiet fl-aċċettazzjoni tal-kontijiet, iżda jibqgħu xi riskji fil-waqt tar-rilaxx tar-ritenzjoni mill-pagamenti

21 Ir-rieżaminar li wettaqna ta’ kampjun ta’ 10 pakketti ta’ aċċertament ikkonferma li l-Kummissjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali, twettaq xogħol immirat fuq il-kontijiet tal-Istati Membri. Hija taċċettahom meta l-awtorità tal-awditjar tkun ipprovdiet opinjoni tal-awditjar mhux kwalifikata dwar il-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tagħhom, dment li l-Kummissjoni ma jkollhiex evidenza speċifika li din l-opinjoni tal-awditjar mhijiex affidabbli. Il-livell ta’ żball mhuwiex fattur fid-determinazzjoni tal-aċċettazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni tirrilaxxa r-ritenzjoni ta’ 10 % mill-pagamenti li inizjalment tkun inżammet, anke jekk ikollha evidenza li n-nefqa fil-kontijiet fiha livell materjali ta’ żball - RTER ogħla minn 2 %. Għalhekk id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-proċedura ta’ aċċettazzjoni ma jistgħux iwasslu l-objettiv ġenerali ta’ protezzjoni tal-baġit tal-UE qabel ma l-valutazzjoni tar-regolarità tkun ġiet ikkompletata. Il-Kaxxa 1 turi din il-limitazzjoni.

Kaxxa 1

Aċċettazzjoni tal-kontijiet b’livell materjali ta’ żball

L-awtorità nazzjonali tal-awditjar ipprovdiet opinjoni kwalifikata tal-awditjar dwar il-pakkett ta’ aċċertament għall-perjodu 2017-2018 u kkonfermat RTER ta’ 8.54 %. Il-Kummissjoni talbet lill-awtorità tal-awditjar timmodifika l-opinjoni tal-awditjar dwar il-kontijiet biex issir mhux kwalifikata, bl-argument li r-rata tal-iżball residwu għolja ma kellha l-ebda impatt fuq il-kontijiet iżda biss fuq il-legalità u r-regolarità tan-nefqa u fuq is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. B’konsegwenza ta’ dan, l-awtorità tal-awditjar immodifikat l-opinjoni kwalifikata tagħha. Neħħiet il-kwalifika li kienet għamlet fuq il-kontijiet, iżda żammet kwalifika dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa u l-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll. F’konformità mar-regolament, dan kien ifisser li l-kontijiet ġew aċċettati u r-ritenzjoni ta’ 10 % ġiet rilaxxata qabel l-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet meħtieġa biex l-RTER tinġieb għal livell taħt it-2 %.

22 Il-qafas legali l-ġdid għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 jindirizza l-limitazzjonijiet tal-aċċettazzjoni tal-kontijiet. Ir-ritenzjoni se titnaqqas għal 5 % u l-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-kontijiet, jekk l-RTER irrappurtata mill-awtoritajiet tal-awditjar tkun ogħla minn 2 %. Madankollu, il-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni rigward l-affidabbiltà tal-RTER irrappurtata, u rigward ir-regolarità relatata tan-nefqa kkonċernata, xorta se ssir wara l-aċċettazzjoni tal-kontijiet. Qajjimna l-istess kwistjoni fl-Opinjoni Nru 6/2018 tagħna, fejn aħna enfasizzajna li l-aċċettazzjoni tal-kontijiet mill-Kummissjoni ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ebda korrezzjoni finanzjarja sussegwenti mill-Kummissjoni, u lanqas il-ħtieġa li r-rati ta’ żball jiġu emendati, peress li n-nefqa relatat hija suġġetta għal kontrolli addizzjonali li jitwettqu mill-Kummissjoni wara l-aċċettazzjoni tal-kontijiet[5].

Limitazzjonijiet inerenti fl-analiżijiet mhux fuq il-post inaqqsu l-kontribut tagħhom għall-konferma tal-RTER

L-analiżijiet mhux fuq il-post li jsiru mill-Kummissjoni mhumiex maħsuba biex nefqa ineliġibbli addizzjonali tinqabad

23 Fl-analiżijiet mhux fuq il-post li jsiru għall-valutazzjoni tar-regolarità, il-Kummissjoni tanalizza l-informazzjoni li tkun ipprovduta f’kull pakkett ta’ aċċertament bl-użu ta’ listi ta’ kontroll standardizzati. Għall-kuntrarju tal-proċedura ta’ aċċettazzjoni tal-kontijiet, dawn l-analiżijiet mhux fuq il-post għandhom l-għan li jkopru l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ bażi u li jikkonfermaw l-affidabbiltà tal-RTERs li jiġu rrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar.

24 Għal dan il-fini, il-Kummissjoni mhux biss tivvaluta l-pakketti ta’ aċċertament li jiġu riċevuti iżda wkoll tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni oħra tal-awditjar. Din l-informazzjoni oħra tal-awditjar normalment ma tkunx relatata biss max-xogħol tal-awtorità tal-awditjar, iżda wkoll tkopri elementi oħra tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, abbażi tal-awditi tas-sistemi ta’ prevenzjoni bikrija tal-Kummissjoni u awditi tematiċi oħra.

25 L-analiżi mhux fuq il-post li tivverifika l-informazzjoni dwar ir-regolarità tkopri l-informazzjoni pprovduta fir-rapport annwali ta’ kontroll, fl-opinjoni tal-awditjar u fid-dokumenti l-oħra fil-pakkett ta’ aċċertament. Biex tikkomplementa l-analiżijiet mhux fuq il-post, il-Kummissjoni tista’ wkoll twettaq missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet tal-awditjar qabel jew wara li tirċievi l-pakkett ta’ aċċertament. Madankollu, sar-reviżjoni tal-2020, il-metodoloġija tal-Kummissjoni għall-analiżijiet mhux fuq il-post u għall-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni ma kinitx tipprevedi l-valutazzjoni jew il-verifikazzjoni tar-regolarità tal-operazzjonijiet individwali jew tal-partiti tan-nefqa. Ir-rieżaminar li wettaqna ta’ 10 pakketti ta’ aċċertament wera li l-Kummissjoni vvalutat kull pakkett ta’ aċċertament b’mod strutturat, iżda l-impatt ta’ dawn il-valutazzjonijiet fuq ir-regolarità tan-nefqa kien limitat, kif stabbilit fil-paragrafi li ġejjin.

26 Aħna osservajna li, abbażi tal-analiżijiet tagħha mhux fuq il-post, il-Kummissjoni kienet emendat l-RTERs li kienu ġew irrappurtati preċedentement mill-awtoritajiet tal-awditjar. Analizzajna kampjun ta’ 10 każijiet bħal dawn relatati mas-sena kontabilistika 2017/2018, fejn seħħet modifika sostanzjali. Aħna sibna li fil-każijiet kollha, il-modifika kienet ibbażata fuq żball fil-kalkoli li kien sar mill-awtorità tal-awditjar jew inkella fuq sejbiet minn inkarigi oħra tal-awditjar, bħall-awditi tas-sistemi ta’ prevenzjoni bikrija tal-Kummissjoni, l-awditi tal-konformità preċedenti tagħha jew minn xogħolna stess. Sabiex issib żbalji addizzjonali minbarra dawk diġà maqbuda mill-awtorità tal-awditjar fl-awditi li din tkun wettqet rigward l-operazzjonijiet, il-Kummissjoni tkun teħtieġ twettaq xogħol addizzjonali fil-livell tal-operazzjonijiet, u dan juri l-limitazzjoni inerenti fl-analiżijiet mhux fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni.

27 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tivvaluta kull rapport tal-awditjar tas-sistema nazzjonali u tieħu l-informazzjoni inkunsiderazzjoni għall-konklużjoni wara l-analiżi mhux fuq il-post dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa li tiġi ċċertifikata fil-pakkett ta’ aċċertament. Madankollu, id-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni rigward ix-xogħol li sar biex jiġu rieżaminati r-rapporti tal-awditjar tas-sistema nazzjonali ma kinitx suffiċjentement dettaljata. Il-listi ta’ kontroll li ntużaw mill-Kummissjoni jinkludu tliet mistoqsijiet li għalihom l-awdituri ta’ spiss wieġbu iva/le mingħajr kummenti ta’ spjegazzjoni. In-nuqqas ta’ informazzjoni aktar dettaljata ma ppermettiex li nifhmu x’xogħol kien sar u li nikkonfermaw li dan kien suffiċjenti.

Kemm l-awditi tal-konformità li saru mill-Kummissjoni kif ukoll l-awditi li twettqu minna sabu żbalji materjali li ma setgħux inqabdu mill-analiżijiet mhux fuq il-post

28 L-analiżi li wettaqna wriet li, b’riżultat tal-awditi tal-konformità li twettqu mill-Kummissjoni bejn l-2018 u l-2020 għas-snin kontabilistiċi 2016/2017 u 2017/2018, il-Kummissjoni kienet aġġustat għadd sinifikanti ta’ RTERs. Għal bejn wieħed u ieħor tnejn minn kull ħamsa (42 %) mill-każijiet, il-Kummissjoni sabet żbalji li kkontribwew għal żieda tal-RTER sa livell ogħla minn 2 % kif deskritt fil-qosor fil-Figura 5. Għal kważi wieħed minn kull ħamsa (17 %) minn dawn il-każijiet, l-RTER kienet ogħla minn 5 %. L-iżbalji addizzjonali li rriżultaw f’RTER aġġustata ma kinux instabu mill-analiżijiet mhux fuq il-post imwettqa preċedentement.

Figura 5 – Għadd ta’ PO li għalihom il-Kummissjoni bidlet l-RTER wara awditu tal-konformità

Sors: il-QEA.

29 Barra minn hekk, ix-xogħol tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni proprja tagħna fl-2017[6], fl-2018[7] u fl-2019[8] wera li fi 23 mis-47 pakkett ta’ aċċertament (49 %), l-RTER kienet ġiet irrappurtata b’mod insuffiċjenti sinifikattivament mill-awtorità tal-awditjar. Fit-23 każ kollha, l-RTER kien imissha ġiet irrappurtata bħala ogħla mis-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.

30 Filwaqt li l-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni strutturata tal-informazzjoni pprovduta fil-pakketti ta’ aċċertament, b’mod partikolari tar-rapporti annwali ta’ kontroll, l-analiżi li wettaqna wriet li n-nefqa irregolari baqgħet ma nqabditx u ma ġietx ikkoreġuta mill-analiżijiet mhux fuq il-post:. L-analiżijiet mhux fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni mhumiex maħsuba biex jaqbdu nefqa ineliġibbli addizzjonali, fatt li jillimita l-valur miżjud tagħhom f’termini ta’ konferma tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-validità tal-RTER irrappurtata mill-awtoritajiet tal-awditjar.

Il-Kummissjoni mhux dejjem segwiet l-approċċ tagħha bbażat fuq ir-riskju biex tagħżel l-awtoritajiet tal-awditjar l-aktar riskjużi għall-awditi tal-konformità

31 L-istrateġija tal-awditjar li tintuża mill-Kummissjoni tipprevedi li ssegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Għal dan il-fini, hija twettaq valutazzjoni tar-riskju annwali biex tagħżel l-awtoritajiet tal-awditjar l-aktar riskjużi li għandhom jiġu koperti mill-awditi tal-konformità tagħha. Iż-żewġ DĠ jużaw l-istess kriterji u approċċ għall-valutazzjoni tar-riskju annwali tagħhom, li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni miksuba mill-analiżi mhux fuq il-post tal-pakketti ta’ aċċertament. Ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju huwa li l-awtoritajiet tal-awditjar jingħataw klassifikazzjoni tar-rata tar-riskju u jiġu assenjati punteġġ tar-riskju speċifiku.

32 Barra minn hekk, il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta’ fatturi tar-riskji speċifiċi għal kull PO. Wara li tkun ivvalutat il-livell ta’ riskju assoċjat mal-programmi operazzjonali taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-awditjar li jkunu rċevew klassifikazzjoni tar-rata tar-riskju, il-Kummissjoni tagħżel l-awtoritajiet tal-awditjar u l-programmi operazzjonali għall-awditi tal-konformità tagħha.

33 Fl-eżaminar li wettaqna tal-valutazzjonijiet tar-riskju li saru miż-żewġ DĠ fis-snin 2018 u 2019, aħna sibna li l-Kummissjoni mhux dejjem segwiet il-proċedura tagħha. Pereżempju, hija attribwiet valur ta’ 20 għal riskju partikolari, filwaqt li l-proċedura kienet tipprevedi biss 5 punti. F’xi każijiet, hija ma attribwietx valur ta’ 0 (għal “iva”) u 10 (għal “le”), iżda attribwiet 5 punti, u dan jirrifletti l-fatt li l-proċeduri tagħha ma kinux jipprevedu din l-għażla. L-inkonsistenzi kellhom impatt fuq il-punteġġ tar-riskju kumplessiv għall-awtoritajiet tal-awditjar individwali u, għaldaqstant, fuq kif il-Kummissjoni kklassifikathom meta ħejjiet il-pjan tal-awditjar. Huma jindikaw ukoll dgħufijiet f’dan il-proċess.

34 Biex nivvalutaw ir-robustezza tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni, aħna analizzajna jekk ir-riżultati kif ippreżentati fir-rapporti finali tal-awditjar tal-konformità tal-2017, l-2018 u l-2019 kinux jikkorroboraw il-valutazzjoni tar-riskju inizjali tagħha - jiġifieri jekk l-awtoritajiet tal-awditjar kinux ġew ivvalutati b’mod korrett bħala b’riskju għoli jew b’riskju baxx. Aħna qisna li awtorità tal-awditjar hija b’riskju għoli meta l-punteġġ tar-riskju tagħha jkun ogħla mill-punteġġ medju tar-riskju tal-Kummissjoni, u konsegwentement ikun b’riskju baxx meta jkun taħtu. Sibna li, għal 11 mit-13-il awtorità tal-awditjar b’riskju baxx, il-Kummissjoni kienet irrevediet l-RTER. F’żewġ każijiet, din ir-reviżjoni ġabet l-RTER minn taħt it-2 % għal livell ogħla minn 2 %. Fid-disa’ każijiet li jifdal din ir-reviżjoni ma bidlitx il-konklużjoni, li l-RTER irrappurtata kienet taħt it-2 %. Dan juri li tnejn mill-awtoritajiet tal-awditjar ma kinux tassew b’riskju baxx. Għall-awtoritajiet b’riskju għoli, hija rrevediet ir-rati ta’ żball aktar ta’ sikwit biex dawn telgħu sa livell ogħla minn 2 % (f’20 minn 39 każ).

35 Wara x-xogħol tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni proprja tagħna, aħna qisna li l-RTERs ikunu ogħla minn 2 % għal tlieta minn tmien awtoritajiet tal-awditjar b’riskju baxx li ġew koperti mill-ittestjar sostantiv li wettaqna. F’termini ta’ impatt, il-Figura 6 turi li l-aġġustament medju tal-RTERs irrappurtati minn awtoritajiet tal-awditjar b’riskju baxx huwa ogħla mill-aġġustament li huwa meħtieġ għall-awtoritajiet tal-awditjar b’riskju għoli. Dan ifisser li l-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni ta’ x’jikkostitwixxi awtorità b’riskju baxx tiddependi mill-informazzjoni li tkun disponibbli f’mument partikolari, u li għandha limitazzjonijiet inerenti.

Figura 6 – Impatt medju tax-xogħol li wettaqna fuq ir-rati tal-iżball residwu rrappurtati minn awtoritajiet tal-awditjar b’riskju għoli u dawk b’riskju baxx (AA)

Sors: il-QEA.

36 Aħna rrieżaminajna wkoll il-pjan tal-awditjar tal-Kummissjoni għall-2019 biex insiru nafu jekk l-awtoritajiet tal-awditjar ikklassifikati bħala l-aktar riskjużi kinux intgħażlu. Sibna li 8 mit-12-il awtorità tal-awditjar magħżula mid-DĠ EMPL kellhom punteġġ tar-riskju taħt il-medja ġenerali ta’ 32 %. Madankollu, il-Kummissjoni ma ddokumentatx il-ġustifikazzjoni għal din id-devjazzjoni mill-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha. B’konsegwenza ta’ dan, aħna ma stajniex nikkonfermaw jekk il-Kummissjoni dejjem segwietx l-approċċ tagħha bbażat fuq ir-riskju meta għażlet l-awtoritajiet tal-awditjar l-aktar riskjużi għall-awditi tal-konformità. It-Tabella 1 turi l-punteġġ tar-riskju u l-awtoritajiet tal-awditjar magħżula għal kull DĠ.

Tabella 1 – Ħarsa ġenerali lejn il-punteġġ tar-riskju għall-awtoritajiet tal-awditjar magħżula

2019 – valutazzjoni tar-riskju REGIO EMPL
Għadd ta’ awtoritajiet tal-awditjar ivvalutati 83 101
Punteġġ medju tar-riskju tal-AA vvalutati 38 % 30 %
2019 – pjan tal-awditjar    
Awditi tal-konformità li saru 14 12
Awtoritajiet tal-awditjar magħżula għall-awditi tal-konformità 11 12
Punteġġ medju tar-riskju għall-awtoritajiet tal-awditjar magħżula 53 % 26 %
Awtoritajiet tal-awditjar magħżula b’punteġġ tar-riskju ogħla mill-medja 10 4

Sors: il-QEA.

Filwaqt li taqbad nefqa irregolari fl-awditi tal-konformità tagħha, il-Kummissjoni ta’ sikwit tirrevedi r-riżultati tal-awditjar finali tagħha fil-fażi ta’ segwitu mal-Istati Membri

L-awditi tal-konformità sabu nefqa irregolari, iżda fil-kampjun tagħna żewġ żbalji baqgħu ma nqabdux

37 Bl-awditi tal-konformità tagħha, il-Kummissjoni tfittex aċċertament raġonevoli li x-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar huwa affidabbli. Għal dan il-fini, f’kull awditu tal-konformità l-Kummissjoni normalment tirrieżamina bejn 8 u 10 operazzjonijiet li preċedentement ikunu ġew eżaminati mill-awtorità tal-awditjar.

38 Aħna analizzajna kampjun ta’ 10 awditi tal-konformità li b’kollox kienu jinvolvu 73 operazzjoni. Għal 28 minn dawn it-73 operazzjoni, il-Kummissjoni, fir-rapport finali tal-awditjar tal-konformità tagħha, irrappurtat sejbiet b’impatt finanzjarju. Dan ifisser li nqabdet nefqa ineliġibbli li tista’ taffettwa l-RTER. Fil-kampjun tagħna ta’ 10 operazzjonijiet magħżula b’mod aleatorju, aħna sibna żbalji addizzjonali għal 2 operazzjonijiet li l-Kummissjoni ma kinitx qabdet.

39 F’każ minnhom, aħna sibna li l-ispejjeż ġenerali kienu ġew rimborżati abbażi ta’ rata fissa (għażla ta’ spejjeż simplifikati). Filwaqt li r-regolament jipprevedi li l-għażliet ta’ spejjeż simplifikati jridu jiġu approvati u mogħtija bil-quddiem, ir-rata fissa f’dan il-każ ġiet approvata biss matul l-implimentazzjoni tal-operazzjoni. Barra minn hekk, la l-awtorità tal-awditjar u lanqas l-awdituri tal-Kummissjoni ma kienu qabdu l-fatt li l-ispejjeż ma kinux ġew iddikjarati f’konformità mal-metodoloġija li kienet iddefinita fil-ftehim ta’ għotja. F’dan ir-rigward, aħna osservajna li l-Kummissjoni, fid-dokumenti ta’ ħidma tagħha, kienet irreferiet għad-dispożizzjoni legali żbaljata. Aħna nikkonkludu li l-ispejjeż li kienu ġew iddikjarati ma kinux konformi mal-bażi ġuridika u għalhekk kienu ineliġibbli. L-impatt ta’ dan l-iżball ifisser li l-RTER irrappurtata mill-Kummissjoni fir-rapport finali tal-awditjar tal-konformità tagħha ġiet iddikjarata b’mod insuffiċjenti.

40 Fit-tieni każ, operazzjoni kienet tikkonċerna l-akkwist ta’ żewġ bastimenti li kienu intenzjonati għall-organizzazzjoni ta’ kruċieri fuq ix-xmajjar fuq medda ta’ bosta ġranet. Skont l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-attivitajiet ġew ikklassifikati bħala “attivitajiet oħra ta’ divertiment u rikreazzjoni”, u l-għajnuna ġiet eżentata min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat. Billi fl-applikazzjoni l-benefiċjarju ta indikazzjoni li l-bastimenti kellhom jitħaddmu parzjalment minn entitajiet fi ħdan l-istess grupp li l-benefiċjarju kien jagħmel parti minnu, l-għajnuna x’aktarx tagħti appoġġ għall-attivitajiet fis-settur tal-kruċieri. Il-Kummissjoni kkategorizzat b’mod espliċitu dan is-settur bħala li huwa parti mis-settur tat-trasport, li mhuwiex eżentat mir-rekwiżit ta’ notifika dwar l-għajnuna mill-Istat. Billi la l-istruttura tal-grupp u lanqas il-ftehimiet operattivi ma ġew analizzati mill-Istati Membri jew mill-awdituri tal-Kummissjoni, aħna nikkonkludu li jista’ jkun li ma ġewx issodisfati l-elementi ta’ eliġibbiltà li kienu meħtieġa għall-approvazzjoni tal-operazzjoni u li n-nefqa ma kienx imissha ġiet iddikjarata bħala eliġibbli.

41 Minbarra l-kwistjonijiet identifikati hawn fuq, għal awditu wieħed mill-10 awditi tal-konformità li rrieżaminajna aħna sibna li d-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL kienu laħqu konklużjonijiet differenti dwar l-RTERs finali (ara l-Kaxxa 2). F’dan il-każ, l-awtorità tal-awditjar kienet irrappurtat rata ta’ żball komuni li tkopri l-fondi taż-żewġ DĠ. Aħna identifikajna wkoll kwistjoni simili għal waħda mill-analiżijiet mhux fuq il-post fil-kampjun tagħna. F’dan il-kuntest, aħna nosservaw l-istruttura f’Lulju 2021 tad-Direttorat tal-awditjar konġunt għal Koeżjoni (DAK), li tħaddan l-attivitajiet kollha tal-awditjar tan-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni. Il-missjoni tad-DAK hija li jipprovdi funzjonijiet tal-aċċertament u tal-awditjar liż-żewġ Diretturi Ġenerali u li jkopri l-funzjonijiet kollha tal-awditjar taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Huwa mistenni li l-fużjoni taż-żewġ direttorati tal-awditjar tad-DĠ REGIO u tad-DĠ EMPL, li preċedentement kienu separati, se tgħin biex il-konsistenza fix-xogħol tal-awditjar u l-valutazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni tiġi żgurata.

Kaxxa 2

Awditu tal-konformità - Kampjun komuni ta’ erba’ PO li jkopri l-FEŻR u l-FSE

Awtorità tal-awditjar ipprovdiet l-opinjoni tagħha dwar il-legalità u r-regolarità abbażi ta’ kampjun komuni ta’ operazzjonijiet li jkopri l-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR u l-FSE għas-sena kontabilistika 2016/2017. Billi ħadet kampjun komuni bejn żewġ fondi, l-awtorità tal-awditjar iġġenerat rata ta’ żball komuni waħda biex tirrappreżenta ż-żewġ fondi.

Wara l-awditu tal-kampjun komuni tal-operazzjonijiet, l-awtorità tal-awditjar irrappurtat RTER komuni ta’ 0.0 %. Kemm id-DĠ REGIO kif ukoll id-DĠ EMPL iddeċidew li jwettqu awditu tal-konformità.

Wara l-awditu tal-konformità mwettaq mid-DĠ REGIO ta’ tmien operazzjonijiet għall-programmi operazzjonijiet taħt il-FEŻR, hija aġġustat l-RTER komuni għal 6.9 %. Filwaqt li d-DĠ REGIO uża r-rata ta’ żball komuni, id-DĠ EMPL irrapporta rata ta’ żball għall-programmi operazzjonali taħt l-FSE biss, li tammonta għal 0.3 %. Billi l-RTER għall-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR biss tkun tammonta għal 21.3 %, dan iwassal għal stima insuffiċjenti sinifikanti fil-livell tal-Kummissjoni.

F’dan il-każ, id-daqs tal-kampjun kien jippermetti li kull DĠ jikkonkludi dwar il-fondi tiegħu. Madankollu, huma kien imisshom ikkoordinaw u segwew l-istess approċċ, jew billi t-tnejn li huma jqisu l-RTER għall-fondi tagħhom, jew inkella billi t-tnejn li huma jqisu r-rata komuni, sabiex jevitaw stima insuffiċjenti tar-riskju fil-livell tal-Kummissjoni.

42 Aħna rrieżaminajna d-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol li kienet wettqet għat-73 operazzjoni koperti mill-awditi tal-konformità tagħha. Dokumentazzjoni adegwata hija rekwiżit tal-istandards internazzjonali tal-awditjar, b’mod partikolari meta awdituri oħra jkunu biħsiebhom jiddependu mix-xogħol tal-awditjar u mis-sejbiet.

43 Kull DĠ żviluppa listi ta’ kontroll speċifiċi għar-rieżaminar minnu tal-operazzjonijiet magħżula. Aħna sibna li aktar minn terz (37 %) mil-listi ta’ kontroll ma kinux ġew ikkompletati, billi mistoqsija tal-awditjar waħda jew aktar ma kinux twieġbu. Fejn kienu twieġbu, it-tweġiba kienet ħafna drabi limitata għal “iva” jew “le”, mingħajr l-ebda informazzjoni addizzjonali li tkun tippermetti lil eżaminatur indipendenti jivvaluta l-adegwatezza tax-xogħol ta’ bażi li wassal għal dan ir-rispons. Id-dokumentazzjoni relatata man-nefqa ttestjata mill-Kummissjoni wriet ukoll nuqqasijiet billi, għal kważi wieħed minn kull ħamsa (18 %) mill-fajls tal-awditjar eżaminati, l-informazzjoni dwar l-għadd u l-valur tal-partiti tan-nefqa ttestjati ma kinitx disponibbli. Il-Figura 7 tiġbor fil-qosor in-nuqqasijiet li sibna fid-dokumentazzjoni tal-awditjar li ntużat mill-Kummissjoni.

Figura 7 – Nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni tal-awditjar li ntużat mill-Kummissjoni

Sors: il-QEA.

Il-Kummissjoni ta’ sikwit tirrevedi r-riżultati tal-awditjar finali tagħha matul il-fażi ta’ segwitu mal-Istati Membri

44 Meta l-Kummissjoni tkun ikkompletiet xogħolha, hija toħroġ abbozz ta’ rapport tal-awditjar li jinkludi s-sejbiet tal-awditi tal-konformità tagħha. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-RDK[9] (Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) u mal-istandards internazzjonali tal-awditjar, l-Istati Membri għandhom l-opportunità jikkummentaw dwar il-valutazzjoni inizjali mwettqa mill-Kummissjoni u jikkontestawha. Wara l-analiżi mill-Kummissjoni tar-risposti tal-Istat Membru, il-Kummissjoni, f’konformità mar-regoli interni tagħha, toħroġ rapport finali tal-awditjar li jenħtieġ li jinkludi l-konklużjonijiet finali tagħha u, fejn meħtieġ, jindika l-korrezzjonijiet meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tliet xhur wara l-awditu mwettaq minnha fuq il-post biex tipprovdi l-abbozz ta’ rapport tagħha, u tliet xhur oħra biex toħroġ ir-rapport finali wara li tkun irċeviet risposta kompleta mill-awtoritajiet nazzjonali.

45 Wara l-ħruġ tar-rapport finali tal-awditjar, il-Kummissjoni tagħti bidu għall-fażi ta’ segwitu li fiha hija tivverifika jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri aċċettawx u applikawx il-korrezzjonijiet li rriżultaw mis-sejbiet tagħha, jew jekk jenħtieġx li l-Kummissjoni tniedi proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja[10]. Inġenerali, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-korrezzjonijiet u meta meħtieġ ikollha involviment f’diskussjonijiet ulterjuri.

46 Għal 2 mill-10 rapporti tal-awditjar tal-konformità li rrieżaminajna, l-Istati Membri aċċettaw ir-riżultati tal-awditjar u implimentaw il-korrezzjonijiet. Għat-tmien rapporti tal-awditjar tal-konformità li jifdal, aħna osservajna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri komplew jiskambjaw informazzjoni u fehmiet. Għal tlieta minnhom, il-Kummissjoni rrevediet il-valutazzjoni li hija kienet wettqet fir-rapport finali: f’każ minnhom, il-Kummissjoni rtirat sejba waħda; u għaż-żewġ każijiet l-oħra, il-Kummissjoni rrivalutat l-impatt finanzjarju tal-iżbalji – ara l-Kaxxa 3 hawn taħt. Il-5 każijiet li kien fadal kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, f’każ minnhom 24-il xahar wara li kien inħareġ ir-rapport finali tal-awditjar, mingħajr l-ebda deċiżjoni finali mill-Kummissjoni. Konsegwentement, il-konklużjonijiet ippreżentati fir-rapporti finali tal-awditjar li eżaminajna kienu, fil-prattika, mhux finali u kienu suġġetti għal aktar bidliet. F’dan il-kuntest aħna nosservaw li l-Kummissjoni ma tikkonfermax formalment rata ta’ żball finali.

Kaxxa 3

Ir-rati ta’ żball finali mhumiex finali

Id-DĠ EMPL wettaq awditu tal-konformità għal PO wieħed, fejn irrieżamina tmien operazzjonijiet li preċedentement kienu ġew eżaminati mill-awtorità tal-awditjar. Ir-rapport finali tal-Kummissjoni kkonkluda li sitt operazzjonijiet kellhom żbalji addizzjonali, fosthom wieħed li kien żball 100 % minħabba li l-operazzjoni ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà indikata fil-PO. Hija rrikalkulat l-RTER minn 1.8 % għal 5.5 %. Id-DĠ EMPL informa wkoll lill-Istat Membru dwar il-korrezzjonijiet li kien jeħtieġ jimplimenta biex inaqqas l-RTER għal taħt it-2 %.

Madankollu, l-Istat Membru ma qabilx mal-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. F’ittra ta’ segwitu sussegwenti, id-DĠ EMPL aċċetta l-argument tal-Istat Membru li l-iżball ma kienx “aleatorju”, jiġifieri ma reġax seħħ fil-popolazzjoni li jifdal, iżda kien “sistemiku”, jiġifieri reġa’ seħħ biss f’ċirkustanzi speċifiċi, li wassal għal RTER ta’ 2.0 %.

Fil-fehma tagħna, ir-riklassifikazzjoni ta’ żball aleatorju għal żball sistemiku ma kinitx ġustifikata billi ma kinitx issegwi d-definizzjoni tal-gwida mogħtija mill-Kummissjoni[11]. L-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonfermaw lill-Kummissjoni li dan l-iżball ma kellu l-ebda impatt fi kwalunkwe operazzjoni mhux awditjata fil-popolazzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, l-RTER ma kinitx finali fir-rapport tal-awditjar finali u baqgħet stmata b’mod insuffiċjenti.

Il-Kummissjoni għadha ma implimentatx korrezzjonijiet finanzjarji netti

47 Ir-rieżaminar li wettaqna tas-26 awditu tal-konformità li saru fl-2018 (l-aktar sena kompleta disponibbli fil-bidu tal-awditu li wettaqna) wera li l-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet hija proċess twil, li jista’ jieħu bosta snin u jirrifletti d-dritt legali tal-Istati Membri li jikkontestaw it-talba tal-Kummissjoni għal korrezzjonijiet finanzjarji[12]. Minn dawn l-awditi tal-konformità, 19 kienu jirrikjedu korrezzjoni finanzjarja skont ir-rapport tal-awditjar finali li nħareġ mill-Kummissjoni. F’disa’ każijiet, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu implimentaw bis-sħiħ il-korrezzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2020. B’hekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri setgħu jissostitwixxu din in-nefqa irregolari b’nefqa oħra f’perjodi kontabilistiċi sussegwenti. Fl-10 każijiet l-oħra kollha, id-diskussjonijiet mal-Istati Membri, inkluż xogħol addizzjonali li kellu jitwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar, kienu għadhom għaddejjin. Minn dawn l-10 awditi tal-konformità, 2 jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-korrezzjonijiet li għandhom isiru.

48 Sa tmiem l-2020, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu kkoreġu terz biss mill-ammont li kellu jiġi kkoreġut. Din ir-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tirrifletti t-tul tal-proċedura.

49 Il-qafas legali għall-perjodu 2014-2020 jistipula li jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika korrezzjonijiet finanzjarji netti f’każ ta’ defiċjenzi serji li ma jkunux ġew identifikati mill-Istat Membru[13] taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 145(7) tal-RDK. Korrezzjonijiet finanzjarji netti jfissru li hemm tnaqqis definittiv tal-fondi għall-Istati Membri kkonċernati. Sa Novembru 2021, il-Kummissjoni għadha ma implimentatx korrezzjoni finanzjarja netta.

50 Biex jistabbilixxi indikatur tar-regolarità fil-livell tal-politika, kull DĠ (REGIO u EMPL) l-ewwel jikkalkula RTER medja ponderata għall-programmi operazzjonali taħt il-ġestjoni tiegħu u jippubblikaha bħala KPI fir-RAA rispettivi. Dawn il-kalkoli jieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati kemm tal-analiżijiet mhux fuq il-post kif ukoll tal-awditi tal-konformità.

51 Filwaqt li d-DĠ jippreżentaw il-KPI bħala l-aħjar stima li għandhom tal-RTER, aħna sibna għadd ta’ problemi metodoloġiċi li jfissru li l-KPI ppubblikat mid-Direttorati Ġenerali jirrappreżenta livell ta’ żball stmat li huwa minimu biss. Nosservaw ukoll li l-KPIs ippubblikati mhumiex finali, peress li l-RTERs ta’ bażi fil-livell tal-PO xorta waħda jistgħu jiġu riveduti minħabba xogħol tal-awditjar li jkun għaddej jew li jkun irid jitwettaq fil-ġejjieni. Nippreżentaw dawn il-problemi metodoloġiċi fil-paragrafi li ġejjin.

Il-limitazzjonijiet fil-metodoloġija li tintuża mill-Kummissjoni ġeneralment jippermettu biss li tiġi stabbilita rata ta’ żball minima fil-livell tal-PO

52 L-awditi tal-konformità mwettqa mill-Kummissjoni huma bbażati fuq kampjun ta’ PO li jkunu diġà ġew awditjati mill-awtorità tal-awditjar. F’konformità mal-metodoloġija tagħha, il-Kummissjoni ġeneralment tirrieżamina bejn 8 u 10 operazzjonijiet għal kull wieħed mill-awditi tal-konformità tagħha. Normalment il-Kummissjoni tagħżel dawn l-operazzjonijiet fuq bażi ta’ ġudizzju, filwaqt li tieħu kont ta’ għadd ta’ fatturi ta’ riskju, bħall-preżenza potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat, l-użu tal-akkwist pubbliku, u t-tip ta’ benefiċjarju. Meta tagħżel l-operazzjonijiet, hija tqis ukoll id-daqs tal-operazzjoni u l-assi prijoritarji differenti.

53 Aħna vvalutajna l-għażla mill-Kummissjoni tal-kampjun tagħha u sibna li d-dokumentazzjoni ma kinitx suffiċjenti biex nagħmlu rabta bejn riskji speċifiċi u l-operazzjonijiet magħżula. Nosservaw ukoll li l-għadd ta’ operazzjonijiet magħżula jistgħu mhux dejjem jagħtuha lok li tkopri t-tipi kollha ta’ operazzjonijiet fil-kampjun tal-awtoritajiet tal-awditjar u r-riskji relatati, b’mod li jirrifletti d-diversità tal-prijoritajiet tal-programmi operazzjonali u tal-operazzjonijiet li jirċievu finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni. Dan huwa speċjalment il-każ meta rapport annwali ta’ kontroll ikopri diversi PO.

54 Għall-10 awditi tal-konformità li rrieżaminajna, aħna analizzajna l-frekwenza tal-iżbalji (il-proporzjon ta’ operazzjonijiet bi żbalji li ma nqabdux mill-awtoritajiet tal-awditjar), u ż-żieda fl-RTER f’termini ta’ punti perċentwali – ara t-Tabella 2.

Tabella 2 – Ħarsa ġenerali lejn l-iżbalji addizzjonali identifikati fl-10 awditi tal-konformità rrieżaminati

Nru tal-awditu Daqs tal-kampjun tal-AA1 Daqs tal-kampjun tal-KUMM1 Kopertura (Għadd ta’ operazzjonijiet2 Għadd ta’ operazzjonijiet bi żbalji2 Frekwenza tal-iżbalji addizzjonali Żieda f’punti % fl-RTER
Ġenerali
Total għall-10 awditi tal-konformità rieżaminati 487 73 15 % 28 38 % 1.94 %
DĠ REGIO
awditu 1 99 8 8 % 3 38 % 0.36 %
awditu 2 34 8 24 % 1 13 % 6.82 %
awditu 3 6 4 67 % 1 25 % 0.86 %
awditu 4 146 8 5 %  6 75 % 2.25 %
awditu 5 30 8 27 % 3 38 % 4.20 %
DĠ EMPL
awditu 6 40 8 20 % 4 50 % 0.29 %
awditu 7 30 8 27 % 1 13 % 0.05 %
awditu 8 30 5 17 % 1 20 % 0.00 %
awditu 9 30 8 27 % 4 50 % 2.22 %
awditu 10 42 8 19 % 4 50 % 2.38 %

1 AA tfisser awtorità tal-awditjar, KUMM tfisser Kummissjoni.

2 In-numri jirreferu għall-kampjun tal-Kummissjoni.

Sors: il-QEA.

55 Inġenerali l-għadd ta’ operazzjonijiet ikkampjunati mill-Kummissjoni kien konformi mal-metodoloġija tagħha, u b’hekk din tista’ tkopri parzjalment l-operazzjonijiet li ġew awditjati mill-awtorità tal-awditjar. Għall-10 awditi tal-konformità li rrieżaminajna, id-DĠ koprew 15 % tal-operazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-awditjar awditjaw, u din ir-rata tirrappreżenta 24 % tan-nefqa li ġiet koperta mill-kampjun tal-awtoritajiet tal-awditjar. Huma qabdu żbalji addizzjonali, li ma kinux inqabdu preċedentement mill-awditi tal-awtoritajiet tal-awditjar, fi 38 % tal-operazzjonijiet li huma awditjaw, fejn ta’ sikwit qabdu bosta tipi differenti ta’ żbalji. Għall-iżbalji li qabdet, il-Kummissjoni vvalutat jekk l-istess tipi ta’ żball seħħewx f’operazzjonijiet oħra awditjati mill-awtoritajiet tal-awditjar. F’5 mill-10 awditi tal-konformità li rrieżaminajna, xi żbalji kienu għadhom rikorrenti u l-Kummissjoni ddeterminat l-impatt ta’ dawn l-iżbalji. F’9 mill-10 awditi tal-konformità, hija qieset li żbalji oħra ma kinux rikorrenti. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni ma testendix il-kampjun tagħha sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ tipi differenti addizzjonali ta’ żbalji li ma jkunux inqabdu preċedentement

56 Fil-fehma tagħna, il-frekwenza għolja ta’ żbalji mhux maqbuda li nstabu mill-Kummissjoni fil-kampjun tagħha ta’ operazzjonijiet, li ta’ sikwit kien limitat, tindika li aktar tipi ta’ żbalji x’aktarx ikunu preżenti fil-bqija tal-kampjun tal-awtorità tal-awditjar li ma ġiex rieżaminat mill-Kummissjoni. Dan ifisser li f’każijiet bħal dawn l-RTER hija rata minima fil-livell tal-PO.

57 Il-Kaxxa 4 turi kif l-approċċ tal-Kummissjoni jippermettilha tistabbilixxi biss rata ta’ żball minima.

Kaxxa 4

Awditi tal-konformità – żbalji addizzjonali baqgħu ma nqabdux u ma ġewx ikkoreġuti

Id-DĠ REGIO wettaq awditu tal-konformità li jkopri diversi PO għas-sena kontabilistika 2016-2017. Matul l-awditu, hija wettqet mill-ġdid l-awditu ta’ 8 mid-99 operazzjoni li kienu ġew awditjati mill-awtorità tal-awditjar. Għal tlieta mit-tmien operazzjonijiet, sabet żbalji addizzjonali li l-awtorità tal-awditjar ma kinitx qabdet. Dawn l-iżbalji addizzjonali kellhom impatt fuq l-RTER, li hija aġġustat minn 1.18 % għal 1.54 %. Għalkemm 3 żbalji addizzjonali kienu preżenti fil-kampjun tal-Kummissjoni, din qieset li kellha aċċertament raġonevoli li ma kien hemm l-ebda żball li baqa’ ma nqabadx fil-91 operazzjoni li hija ma kinitx irrieżaminat. Id-DĠ REGIO qagħad fuq ix-xogħol tal-awditjar imwettaq mill-awtorità tal-awditjar għal dawk l-operazzjonijiet.

Matul l-awditu li wettaqna għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tal-2018, aħna awditjajna 9 mill-91 operazzjoni li ma kinux ġew awditjati mill-Kummissjoni, u identifikajna żbalji kwantifikabbli f’6 minnhom. Dawn is-sitt operazzjonijiet bi żbalji kwantifikabbli kien fihom tipi differenti ta’ żbalji. Filwaqt li l-Kummissjoni kienet konxja mill-iżbalji (tat-tip) relatati mal-għajnuna mill-Istat misjubin minna, ma kinitx qabdet it-tipi l-oħra ta’ żbalji fil-kampjun tagħha. Bħala riżultat ta’ xogħolna, aħna stmajna li l-RTER kien mill-inqas 7.10 % meta mqabbel mal-1.54 % li rriżultat mill-awditu tal-konformità mwettaq mill-Kummissjoni. Minħabba l-frekwenza għolja ta’ żbalji b’impatt finanzjarju, x’aktarx li żbalji addizzjonali għadhom preżenti fl-operazzjonijiet li ma ġewx awditjati, la mill-Kummissjoni u lanqas minna.

Il-metodoloġija tal-Kummissjoni tippermettilha biss li tistma rata ta’ żball minima fil-livell tad-DĠ

58 Aħna sibna li l-analiżijiet mhux fuq il-post mhumiex maħsuba biex jaqbdu nfiq ineliġibbli addizzjonali, u dan jillimita l-valur miżjud biex jikkonfermaw il-validità tar-rati ta’ żball irrappurtati. Ma huma l-ebda sostitut għall-awditi tal-konformità (ara l-paragrafu 30). Minkejja dan, id-DĠ joqogħdu fuq l-analiżijiet mhux fuq il-post bħala parti mill-metodoloġija tagħhom biex jistabbilixxu rata ta’ żball kemm fil-livell tal-Fond kif ukoll f’dak tad-DĠ (KPI 5). Madankollu, huma ma jistmawx l-impatt li l-iżbalji misjuba fl-awditi tal-konformità kellhom fuq il-PO mhux awditjati (analiżijiet mhux fuq il-post) biex tiġi stmata r-rata ta’ żball aggregata (KPI 5).

59 Fil-fehma tagħna, ma hemmx ġustifikazzjoni għas-suppożizzjoni li l-PO mhux awditjati huma ħielsa minn żbalji addizzjonali. Filwaqt li l-Kummissjoni taqbad għadd sinifikanti ta’ żbalji mhux irrappurtati fil-kampjun ta’ operazzjonijiet/PO awditjati mill-awtoritajiet tal-awditjar, id-dgħufijiet metodoloġiċi fl-approċċ tagħha jfissru li r-rati ta’ żball li hija tirrapporta fil-livell tad-DĠ bħala KPI jistgħu jkunu biss rata ta’ żball minima. Għalhekk, x’aktarx li l-livell reali ta’ żball huwa ogħla.

60 Minbarra dan il-KPI, mill-2018 ’il hawn, iż-żewġ DĠ iddivulgaw ukoll stima tar-rata ta’ żball massima, imfassla biex tieħu kont tal-impatt potenzjali tax-xogħol tal-awditjar li għaddej fuq l-informazzjoni dwar ir-regolarità ppreżentata fir-rapporti annwali tal-attività. Sabiex jiddeterminaw din ir-rata massima, iż-żewġ DĠ użaw rati fissi għall-programmi operazzjonali fejn l-eżitu tax-xogħol tal-awditjar imwettaq kien għadu pendenti.

61 Mill-2019 ’il hawn, iż-żewġ RAA jispjegaw ukoll li r-rati massimi jieħdu kont ta’ kwalunkwe żball potenzjali li jkun barra mill-kampjun tal-operazzjonijiet f’PO awditjati jew mill-Kummissjoni jew inkella mill-QEA. Fir-Rapport Annwali 2019 tagħna, aħna qisna li din ir-rata kienet aktar adatta, minħabba li tieħu kont tal-impatt potenzjali tax-xogħol tal-awditjar li għaddej[14]. Filwaqt li d-DĠ REGIO applika l-approċċ kif deskritt fir-RAA, id-DĠ EMPL ma ħax kont sħiħ tal-iżbalji potenzjali lil hinn minn dawk li nqabdu. L-approċċ tal-Kummissjoni, kif applikat mid-DĠ REGIO, huwa maħsub biex iwieġeb għas-sejba tagħna[15] li x-xogħol tal-awditjar ikompli wara li r-rati jkunu ġew irrappurtati fir-rapporti annwali tal-awditjar. Madankollu, huwa ma jindirizzax problemi metodoloġiċi oħra, bħall-inabbiltà tal-analiżijiet mhux fuq il-post biex tiġi identifikata nefqa ineliġibbli, il-kopertura limitata tal-programmi operazzjonali mill-awditi tal-konformità tal-Kummissjoni u r-riskju li l-iżbalji jibqgħu ma jinqabdux fir-rieżaminar li hija twettaq tal-operazzjonijiet tagħha.

Ir-rati ta’ żball annwali fil-livell tal-fond jew tad-DĠ mhumiex finali

62 Fir-Rapport Annwali 2018 tagħna, aħna enfasizzajna l-fatt li l-biċċa l-kbira mid-dispożizzjonijiet li jittrattaw l-għeluq tal-programmi tal-perjodu 2014-2020 idewmu għal stadju aktar tard, normalment fl-għeluq, il-valutazzjoni finali tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati għal xi wħud mill-operazzjonijiet[16]. Dan huwa l-każ għal firxa ta’ operazzjonijiet f’ħafna PO, b’mod partikolari għal operazzjonijiet li jinvolvu investimenti li jsiru minn strumenti finanzjarji, l-ikklerjar ta’ pagamenti bil-quddiem relatati mal-għajnuna mill-Istat, il-valutazzjoni finali tal-operazzjonijiet li jiġġeneraw id-dħul, u t-trattament ta’ operazzjonijiet mhux funzjonali. Filwaqt li l-Kummissjoni eskludiet pagamenti bil-quddiem għall-istrumenti finanzjarji mill-KPIs li hija tirrapporta fir-rapporti annwali tal-attività tagħha, il-valutazzjoni mdewma tal-kwistjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà tista’ tolqot ir-rati ta’ żball irrappurtati għas-snin inkwistjoni. Dan ikompli jappoġġa l-konklużjoni tagħna li r-rati ppreżentati fir-rapporti annwali tal-attività mhux bilfors jirriflettu l-valutazzjoni finali mwettqa mid-Direttorati Ġenerali. Jekk żball jimmaterjalizza aktar tard f’dan it-tip ta’ operazzjonijiet, ir-rati ta’ żball tal-PO kkonċernati se jeħtieġu jiġu rivalutati u kkoreġuti ’l fuq.

Ir-riżervi huma affettwati min-nuqqas ta’ informazzjoni kompleta

63 Fir-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali jipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti jagħtu l-garanziji meħtieġa dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Id-Diretturi Ġenerali jistgħu jżidu riżerva relatata ma’ oqsma ddefiniti ta’ dħul u nefqa, fejn iqisu li d-dikjarazzjoni ġenerali ma tapplikax. Fil-Koeżjoni, id-Diretturi Ġenerali jagħmlu riżervi fil-livell tal-PO, aktar milli fil-livell tal-fond.

64 L-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni jipprevedu li l-PO jiġu inklużi fir-riżerva għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 jekk mill-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin jiġi ssodisfat[17]:

  • rata ta’ żball totali (TER) ogħla minn 10 %;
  • defiċjenzi f’elementi ewlenin tas-sistemi, li jistgħu jirriżultaw fi/iwasslu għal irregolaritajiet ogħla minn 10 % u li għalihom għadha ma ġiet implimentata l-ebda miżura korrettiva adegwata biex tirrimedja d-defiċjenzi;
  • RTER ogħla minn 2 %;
  • problemi materjali f’dak li jirrigwarda l-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet.

Fid-deċiżjoni dwar jekk tagħmilx riżerva jew le, il-Kummissjoni tieħu kont ukoll ta’ nuqqasijiet kwalitattivi li jkollhom impatt sinifikanti fuq ir-reputazzjoni tagħha.

65 Il-Kummissjoni tapplika dawn il-kriterji għan-nefqa ddikjarata fil-pakketti ta’ aċċertament l-aktar reċenti li jkunu disponibbli. Filwaqt li dawn ikunu suġġetti għax-xogħol li l-Kummissjoni twettaq għall-aċċettazzjoni tal-kontijiet fis-sena li fiha jiġu ppubblikati r-RAA, il-Kummissjoni tikkompleta l-valutazzjoni tar-regolarità tagħha u tikkonferma l-RTERs għal kull PO fir-rapporti annwali tal-attività tas-snin sussegwenti.

66 Aħna eżaminajna r-rati kkonfermati għas-snin kontabilistiċi 2016/2017 u 2017/2018 fir-rapporti annwali tal-attività tas-snin sussegwenti (2018 u 2019 rispettivament). Għal kull wieħed mill-PO għaż-żewġ DĠ, aħna analizzajna informazzjoni minn xogħol sussegwenti ta’ konformità u xogħol ieħor tal-awditjar wara li kienu saru r-riżervi. Ir-riżultati qegħdin fil-Figura 8 u juru l-limitazzjonijiet inerenti fis-sistema.

Figura 8 – Ħarsa ġenerali lejn il-programmi operazzjonali taħt riżerva b’rati ta’ żball għolja u/jew b’rati ogħla mill-materjalità

Sors: il-QEA.

67 B’mod ġenerali, l-analiżi li wettaqna turi li d-Diretturi Ġenerali ddikjaraw li kellhom aċċertament raġonevoli dwar ir-regolarità tan-nefqa fir-rapporti annwali tal-attività fuq il-bażi tar-rati preliminari għall-programmi operazzjonali. Madankollu, ix-xogħol tal-awditjar sussegwenti żvela li l-valuri aġġustati għat-TER qabżu l-10 % u/jew l-RTER qabżet it-2 % f’għadd sinifikanti ta’ każijiet. Dan juri l-limitazzjonijiet inerenti fl-approċċ tal-Kummissjoni li tagħmel riżervi dwar in-nefqa għas-sena kalendarja. Fil-Kaxxa 5 aħna nipprovdu eżempju li juri dawn il-limitazzjoni inerenti.

Kaxxa 5

DĠ EMPL – Ir-riżervi jsiru fin-nuqqas ta’ informazzjoni kompleta

Wara r-rieżaminar li huwa wettaq rigward pakkett ta’ aċċertament għas-sena kontabilistika 2017/2018, fejn kopra n-nefqa mill-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018, id-DĠ EMPL qies li l-RTER għal PO reġjonali kien jammonta għal 2.00 %. Peress li din ir-rata ma qabżitx is-soll rilevanti d-DĠ EMPL ma għamilx riżerva, u pprovda aċċertament dwar in-nefqa tal-2018 għal dan il-PO fir-RAA tiegħu għall-2018.

L-awditu tal-konformità mwettaq wara l-pubblikazzjoni tar-RAA għall-2018, irriżulta f’RTER aġġustata ta’ 4.38 %, li, kieku ċ-ċiklu ta’ kontroll kien ġie kkompletat, kienet tkun tiġġustifika l-ħtieġa għal riżerva.

L-informazzjoni dwar ir-regolarità fil-qasam tal-Koeżjoni ġewwa l-AMPR tiret in-nuqqasijiet tar-rapporti annwali tal-attività

Bl-appoġġ tas-Servizzi Ċentrali, il-Kulleġġ tal-Kummissarji jadotta l-AMPR u huwa responsabbli mill-kontenut tiegħu

68 Fil-paragrafi li ġejjin, aħna niffukaw fuq il-preżentazzjoni taċ-ċifri dwar ir-regolarità fit-Taqsima 2 tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR), bil-qasam tal-Koeżjoni inkluż. L-AMPR huwa l-kontribut prinċipali li l-Kummissjoni tagħti għall-proċedura annwali ta’ kwittanza u jikkonsisti f’żewġ partijiet:

  • Taqsima 1 – Prestazzjoni u riżultati – li tagħti ħarsa ġenerali ta’ livell għoli lejn ir-riżultati miksuba[18] u
  • Taqsima 2 – Kontroll intern u ġestjoni finanzjarja – li tippreżenta l-ġestjoni mill-Kummissjoni tal-baġit tal-UE, inkluż sommarju tal-informazzjoni mir-rapporti annwali tal-attività, stima tal-livell ta’ żball fl-infiq tal-UE, u r-riskju stmat tal-Kummissjoni fil-waqt tal-pagament għan-nefqa annwali rilevanti tal-UE kumplessivament u għall-oqsma ta’ politika differenti, inkluż il-qasam tal-Koeżjoni[19].

69 L-informazzjoni dwar il-kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja ppreżentata fl-AMPR hija bbażata fuq ir-rapporti annwali tal-attività tad-diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni. Ir-responsabbiltà mill-informazzjoni li tiġi ddivulgata fl-AMPR issegwi t-tqassim tar-responsabbiltajiet li huwa stabbilit fl-arranġamenti ta’ governanza tal-Kummissjoni. Id-Diretturi Ġenerali huma responsabbli mill-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta fir-RAA rispettivi tagħhom, filwaqt li l-Kulleġġ tal-Kummissarji jadotta l-AMPR u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar huwa responsabbli mill-produzzjoni tar-rapport u l-informazzjoni li huwa jippreżenta, u għandu s-sjieda tagħhom.

70 Il-proċess li jwassal għall-AMPR, li jirrifletti dan it-tqassim tar-responsabbiltajiet u jiddeskrivi fil-qosor il-kontribut tad-Diretturi Ġenerali (fir-rapporti annwali tal-attività), is-Servizzi Ċentrali u s-Servizz tal-Awditjar Intern, huwa ppreżentat fil-Figura 9.

Figura 9 – Proċess ta’ abbozzar għat-Taqsima 2 tal-AMPR

Sors: il-QEA.

L-AMPR jiret il-limitazzjonijiet tal-informazzjoni dwar ir-regolarità inkluża fir-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ REGIO u tad-DĠ EMPL

71 Is-Servizzi Ċentrali tal-Kummissjoni, id-DĠ Baġit u s-Segretarjat Ġenerali, huma responsabbli mit-tħejjija tal-AMPR, abbażi tar-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali differenti. Għal dan il-fini, huma jirrieżaminaw il-kontenut tar-rapporti annwali tal-attività, jipprovdu feedback u jorganizzaw evalwazzjonijiet bejn il-pari mad-Direttorati Ġenerali, iżda l-mandat biex isir kwalunkwe tibdil jibqa’ f’idejn id-Direttur Ġenerali, f’konformità mal-istatus tagħhom bħala li jżommu r-responsabbiltà tal-ġestjoni ta’ kuljum għad-Direttorati Ġenerali tagħhom.

72 Is-Servizzi Ċentrali jinfurmaw lill-Bord tal-Ġestjoni Korporattiva dwar kwalunkwe problema sinifikanti li jsibu matul l-evalwazzjoni bejn il-pari. Fis-snin li rrieżaminajna, huma ma indikaw l-ebda problema li kien fadal bl-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ppreżentati fir-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ REGIO u tad-DĠ EMPL. Effettivament dan jimplika li s-Servizzi Ċentrali aċċettaw ir-rati rrappurtati f’dawn ir-rapporti annwali tal-attività, flimkien mal-approċċ ta’ bażi.

73 Għalhekk, ir-riskju fil-waqt tal-pagament għall-qasam tal-Koeżjoni divulgat fl-AMPRs li rrieżaminajna huwa suġġett għall-istess limitazzjonijiet bħaċ-ċifri ta’ bażi ppreżentati fir-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali. Għar-raġunijiet deskritti fil-qosor hawn fuq, hija biss rata minima (ara l-paragrafi 58-62) li mhijiex finali u x’aktarx hija stmata b’mod insuffiċjenti.

74 F’dan il-kuntest aħna osservajna li s-Servizzi Ċentrali joħorġu struzzjonijiet/gwida għar-rapporti annwali tal-attività, inklużi rekwiżiti standard għall-kwalità u l-kumparabbiltà fil-Kummissjoni kollha, iżda dawn ma jiġux ipprovduti mis-sid tal-AMPR bi struzzjonijiet dettaljati dwar il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-AMPR u r-rieżaminar relatat tar-rapporti annwali tal-attività ta’ DĠ oħra. Il-ħruġ ta’ tali struzzjonijiet ikun jgħin lill-Kulleġġ tal-Kummissarji biex jiżgura li jipprovdi informazzjoni rilevanti u affidabbli fl-AMPR[20].

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

75 F’dan l-awditu, aħna eżaminajna x-xogħol tal-Kummissjoni dwar il-pakketti ta’ aċċertament annwali tal-Istati Membri, li jipprovdi l-bażi għall-validazzjoni u l-konferma tar-rati tal-iżball residwu annwali rrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar. Flimkien mar-rappurtar li sar mill-Kummissjoni fir-rapporti annwali tal-attività (RAA) tagħha u fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni (AMPR), aħna analizzajna l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar ir-regolarità pprovduta mill-Kummissjoni. Permezz tar-rakkomandazzjonijiet tagħna, aħna għandna l-għan li nkomplu ntejbu l-funzjonament tas-sistema attwali ta’ ġestjoni u kontroll, mingħajr ma nżidu livelli addizzjonali magħha.

76 B’mod ġenerali, aħna sibna li l-Kummissjoni twettaq ammont sostanzjali ta’ xogħol relatat mal-aċċettazzjoni tal-kontijiet annwali tal-Istati Membri u mal-verifikazzjoni tal-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar ir-regolarità pprovduta fir-rapporti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Madankollu, l-osservazzjonijiet tagħna jwassluna biex nikkonkludu li l-Kummissjoni tipprovdi biss stima minima tal-livell ta’ żball li mhuwiex finali, fil-livell tal-programm operazzjonali (PO) u tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) u konsegwentement fl-AMPR tagħha.

77 Aħna osservajna li, għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni, f’konformità mal-qafas regolatorju, aċċettat il-kontijiet annwali mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni r-regolarità tan-nefqa relatata (il-paragrafu 21). Għalkemm il-leġiżlatur introduċa r-ritenzjoni ta’ 10 % mill-pagamenti, bl-intenzjoni li jiġi salvagwardjat il-baġit tal-UE, il-Kummissjoni kellha tirrilaxxaha, saħansitra meta l-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri kienu kkonfermaw żball residwu ogħla mis-soll ta’ materjalità ta’ 2 % u meta l-kontrolli tar-regolarità mwettqa mill-Kummissjoni kienu għadhom iridu jiġu kkompletati. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw dawn l-arranġamenti nbidlu għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 (il-paragrafu 22). Filwaqt li l-Kummissjoni ma tistax tibqa’ taċċetta kontijiet b’rata tal-iżball residwu totali (RTER) ikkonfermata li tkun ogħla mis-soll ta’ materjalità ta’ 2 %, hija se tkompli tirrilaxxa r-ritenzjoni mnaqqsa ta’ 5 % qabel ma tkun ikkompletat il-kontrolli tar-regolarità tagħha.

Rakkomandazzjoni 1 – Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi reviżjoni leġiżlattiva biex tiżgura li r-ritenzjoni mill-pagamenti tkun protetta b’mod adegwat qabel ma din tiġi rilaxxata

Sabiex jiġi salvagwardjat il-baġit tal-UE, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-qafas legali għall-perjodu 2021-2027 biex tindirizza r-riskju li jifdal meta tiġi rilaxxata r-ritenzjoni ta’ 5 %. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrilaxxaha biss meta tkun temmet ix-xogħol relatat mar-regolarità għal PO għal perjodu kontabilistiku speċifiku jew mhux aktar tard mill-għeluq tal-programm.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ir-reviżjoni li jmiss, mhux aktar tard mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas legali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.

78 L-analiżijiet mhux fuq il-post, imwettqa mill-Kummissjoni, tal-pakketti ta’ aċċertament annwali kollha ppreżentati mill-Istati Membri mhumiex maħsuba biex jaqbdu nefqa ineliġibbli addizzjonali (il-paragrafi 23-25). L-aġġustamenti tar-rati ta’ żball, wara l-analiżijiet mhux fuq il-post, normalment ikunu bbażati fuq problemi li jkunu nqabdu fis-snin preċedenti (il-paragrafu 26). L-analiżi li wettaqna wriet li n-nefqa irregolari baqgħet ma nqabditx u ma ġietx ikkoreġuta mill-analiżijiet mhux fuq il-post (il-paragrafi 28-30). Għalhekk, dawn għandhom biss valur limitat rigward il-konferma tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-validità tal-RTERs irrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar.

79 Għalkemm, fl-istrateġija tal-awditjar tagħha, il-Kummissjoni tipprevedi approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jintgħażlu l-awtoritajiet tal-awditjar għall-awditi tal-konformità tagħha, aħna sibna li l-klassifikazzjoni tar-riskju tal-awtoritajiet tal-awditjar mhux dejjem kienet tirrifletti l-għażla tal-awtoritajiet tal-awditjar, għall-awditjar tal-konformità (il-paragrafi 33-35). Barra minn hekk, aħna sibna li l-għażla finali tal-awtoritajiet tal-awditjar, b’mod partikolari għad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, ma kinitx kompletament konformi mar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu u l-Kummissjoni ma ddokumentatx il-ġustifikazzjoni għal din id-devjazzjoni (il-paragrafu 36).

80 Il-valutazzjoni li wettaqna tax-xogħol tal-awditjar li sar mill-Kummissjoni żvelat bosta dgħufijiet. Aħna sibna nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni tal-awditjar, u b’hekk kien diffiċli għalina li nivvalutaw x-xerqien tax-xogħol li hija wettqet (il-paragrafi 4243). Fi 2 mill-10 operazzjonijiet li rrieżaminajna, aħna sibna żbalji addizzjonali li jaffettwaw ir-regolarità tan-nefqa kkonċernata, li l-Kummissjoni ma kinitx qabdet. Dan għandu wkoll impatt fuq ir-rati ta’ żball irrappurtati relatati (il-paragrafi 38-40).

81 Aħna sibna li l-Kummissjoni toħroġ ir-rapporti tal-awditjar tal-konformità tagħha fil-limiti ta’ żmien preskritti mil-leġiżlazzjoni (il-paragrafu 44). Madankollu, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet li rrieżaminajna, il-Kummissjoni kompliet tiskambja informazzjoni u fehmiet mal-Istati Membri f’fażi ta’ segwitu wara li kien intbagħat ir-rapport finali, fejn hija tivverifika jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri aċċettawx u applikawx il-korrezzjonijiet meħtieġa. Dan ifisser li r-riżultati u r-rati ta’ żball ippreżentati fir-rapporti finali mhux dejjem kienu finali (il-paragrafi 4546). F’dan il-kuntest, aħna nosservaw li l-Kummissjoni ma tikkonfermax formalment rata ta’ żball finali lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

82 Ir-rieżaminar li wettaqna ta’ kampjun ta’ korrezzjonijiet wera li dawn jiġu implimentati wara proċess twil, li jista’ jieħu bosta snin, li jirrifletti d-dritt legali tal-Istati Membri li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (il-paragrafi 4748). Sa Novembru 2021, il-Kummissjoni għadha ma implimentatx korrezzjoni finanzjarja netta (il-paragrafu 49).

83 Xi kriterji ta’ eliġibbiltà jistgħu jiġu vverifikati biss fil-waqt tal-għeluq tal-programm. Dan jaffettwa l-valutazzjoni annwali li titwettaq mill-Kummissjoni u jfisser li jista’ jkun li r-rati ta’ żball annwali tal-PO kkonċernati ma jkunux finali u jista’ jkun li jkollhom jiġu rivalutati u kkoreġuti ’l fuq. In-nefqa irregolari potenzjali f’dawn il-PO tibqa’ ma tinqabadx u ma tiġix ikkoreġuta sal-għeluq f’sistema ta’ ġestjoni u kontroll għan-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni, li kienet maħsuba biex tipprevedi aċċettazzjoni annwali tal-kontijiet. Ir-rakkomandazzjoni li għamilna dwar din il-problema fir-Rapport Annwali 2018 tagħna[21] tibqa’ valida (il-paragrafu 62).

Rakkomandazzjoni 2 – Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb ix-xogħol tal-awditjar, id-dokumentazzjoni tal-awditjar u l-proċess ta’ rieżaminar tagħha

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa, biex tiżgura li:

  1. il-pjan tal-awditjar tal-konformità tagħha jirrifletti l-valutazzjoni tar-riskju tagħha. Meta fatturi oħra jitqiesu u jirriżultaw f’bidliet, jenħtieġ li l-Kummissjoni b’mod ċar tiddokumenta u tispjega r-raġunijiet għal dik il-bidla.
  2. ix-xogħol tal-awditjar tagħha jkun dokumentat suffiċjentement,
  3. il-proċess ta’ rieżaminar tagħha jitqawwa sabiex dgħufijiet potenzjali fix-xogħol proprju tagħha jinqabdu u jiġu kkoreġuti,
  4. l-Istati Membri jirċievu konferma formali separata tal-RTER finali għall-PO u għal kull sena kontabilistika.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sena kontabilistika 2020/2021.

84 Il-Kummissjoni, fl-awditi tal-konformità tagħha, u bl-użu ta’ ġudizzju professjonali, normalment tagħżel u tirrieżamina bejn 8 u 10 operazzjonijiet li jkunu ntgħażlu mill-kampjun proprju, tal-awtorità tal-awditjar, ta’ operazzjonijiet magħżula għall-awditjar (il-paragrafu 52). Dan ir-rieżaminar huwa element importanti għall-valutazzjoni li hija twettaq tax-xogħol tal-awtorità tal-awditjar u tar-riżultati relatati. Filwaqt li sabet għadd ta’ żbalji li ma kinux inqabdu fl-awditi tal-konformità li rrieżaminajna, il-fatt li l-Kummissjoni tkopri volum limitat ta’ ttestjar li l-awtoritajiet tal-awditjar iwettqu fuq l-operazzjonijiet kif ukoll ir-riżultati tagħna stess ifisser li aktar żbalji x’aktarx li jibqgħu ma jinqabdux u ma jiġux ikkoreġuti (il-paragrafi 53-55). B’riżultat ta’ dan, il-metodoloġija li tintuża mill-Kummissjoni ġeneralment tippermetti biss li din tal-aħħar tistabbilixxi rata ta’ żball minima fil-livell tal-PO (il-paragrafi 5657).

85 Biex jistabbilixxi indikatur tar-regolarità fil-livell tal-politika, kull Direttorat Ġenerali (id-DĠ Politika Reġjonali u Urbana kif ukoll id-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni) l-ewwel jikkalkula RTER medja ponderata għall-programmi operazzjonali taħt il-ġestjoni tiegħu u jippubblikaha bħala indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPI) fir-RAA rispettivi. Dawn il-kalkoli jieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati kemm tal-analiżijiet mhux fuq il-post kif ukoll tal-awditi tal-konformità. Iż-żewġ DĠ it-tnejn li huma jiddivulgaw ukoll stima tar-rata ta’ żball massima, imfassla biex tieħu kont tal-impatt potenzjali tax-xogħol tal-awditjar li għaddej fuq l-informazzjoni dwar ir-regolarità ppreżentata fir-rapporti annwali tal-attività. Filwaqt li d-DĠ jippreżentaw il-KPIs bħala l-aħjar stima li għandhom tar-rata ta’ żball, ix xogħol li wettaqna jġiegħlna nqisu li l-KPI ppubblikat mid-Direttorati Ġenerali jirrappreżenta livell minimu. Dan huwa minħabba l-kopertura limitata mill-Kummissjoni, kemm tal-programmi operazzjonali kif ukoll tal-operazzjonijiet permezz tal-awditi tal-konformità tagħha, il-limitazzjonijiet inerenti tal-analiżijiet tagħha mhux fuq il-post, u l-problemi relatati max-xogħol tal-awditjar tagħha (il-paragrafi 5859). Aħna nqisu wkoll li l-KPIs ippubblikati mhumiex finali, peress li l-RTERs ta’ bażi fil-livell tal-PO xorta waħda jistgħu jiġu riveduti minħabba xogħol tal-awditjar li jkun għaddej jew li jkun irid jitwettaq fil-ġejjieni (il-paragrafi 4662).

86 Ir-riżervi tad-Direttorati Ġenerali dwar programmi individwali huma element ewlieni ieħor relatat mar-regolarità tan-nefqa fil-qasam tal-Koeżjoni. Id-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana u d-DĠ tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni jagħmlu riżervi bbażati fuq in-nefqa, li tkun għadha ma għaddietx mill-kontrolli tar-regolarità tal-Kummissjoni (il-paragrafu 65). Il-limitazzjonijiet inerenti fiż-żmien tal-proċess ta’ kontroll kienu jfissru li l-maġġoranza tal-PO fejn ix-xogħol tal-awditjar tal-Kummissjoni wassal għal livell materjali ta’ żball ma kienx kopert minn riżerva fir-RAA preċedenti (il-paragrafi 6667).

Rakkomandazzjoni 3 – Jenħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-elementi prinċipali tal-informazzjoni dwar ir-regolarità pprovduta fir-rapporti annwali tal-attività

Il-livell ta’ żball stmat u r-riżervi jirrappreżentaw informazzjoni ewlenija dwar ir-regolarità, li jenħtieġ li l-Kummissjoni tqawwi. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  1. tindirizza l-problemi metodoloġiċi li sibna f’dan l-awditu, li rriżultaw f’KPI minimu (rata ta’ żball). Jenħtieġ li approċċ bħal dan jippermetti li l-KPI jieħu inkunsiderazzjoni, għan-nefqa mhux awditjata, il-frekwenza għolja tal-iżbalji b’impatt finanzjarju li jinstabu f’awditi tal-konformità meta r-rata ta’ żball aggregata tkun qed tiġi stmata.
  2. tiffaċilita l-fehim, għall-qarrejja, ta’ kwistjoni teknika u kumplessa u tispjega b’mod aktar ċar u prominenti fir-rapporti annwali tal-attività li r-riżervi huma bbażati fuq rati ta’ żball li mhumiex ikkonfermati, flimkien mar-riskju relatat.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sena kontabilistika 2020/2021.

87 L-AMPR huwa dokument ewlieni ta’ għoti ta’ rendikont li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar il-kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-Kulleġġ tal-Kummissarji huwa responsabbli fl-aħħar mill-aħħar mill-informazzjoni ppreżentata f’dan id-dokument, is-Servizzi Ċentrali jappoġġaw lill-Kulleġġ tal-Kummissarji fil-produzzjoni tiegħu. Għalkemm is-Servizzi Ċentrali għandhom rwol ewlieni fil-produzzjoni tal-AMPR, aħna osservajna li ma jeżistux struzzjonijiet dettaljati dwar il-firxa tal-kontenut u l-istruttura tal-AMPR u lanqas dwar l-evalwazzjonijiet bejn il-pari relatati tar-rapporti annwali tal-attività (il-paragrafu 74).

88 L-informazzjoni dwar ir-regolarità rrappurtata għall-qasam tal-Koeżjoni hija aggregazzjoni sempliċi taċ-ċifri pprovduti fir-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana u d-DĠ tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, jiġifieri l-problemi kollha li identifikajna rigward dawn iċ-ċifri japplikaw ukoll għall-AMPR. B’riżultat ta’ dan, ir-rata ta’ żball irrappurtata tista’ tkun biss rata minima li x’aktarx tistma b’mod insuffiċjenti l-livell reali ta’ żball fil-qasam tal-Koeżjoni (il-paragrafu 73).

Rakkomandazzjoni 4 – Jenħtieġ li s-Servizzi Ċentrali jirċievu struzzjonijiet għall-produzzjoni tal-AMPR minn sidha, il-Kulleġġ tal-Kummissarji

L-AMPR huwa dokument ewlieni ta’ responsabbiltà tal-Kummissjoni li jikkontribwixxi għall-proċedura ta’ kwittanza. Sabiex jiġi żgurat li sidu, jiġifieri l-Kulleġġ tal-Kummissarji, jipprovdi informazzjoni rilevanti u affidabbli fl-AMPR, u biex jirrifletti aħjar ir-responsabbiltajiet tal-atturi differenti involuti fil-produzzjoni u l-adozzjoni tiegħu, nirrakkomandaw li s-sid tal-AMPR jipprovdi struzzjonijiet lis-Servizzi Ċentrali, filwaqt li jiddeskrivi fil-qosor il-kontenut u l-istruttura tal-AMPR u jiddefinixxi l-ambitu tar-rieżaminar, imwettaq mis-Servizzi Ċentrali, tar-rapporti annwali tal-attività ta’ bażi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Għall-kwittanza tal-2021.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Tony Murphy, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Novembru 2021.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AA: Awtorità tal-Awditjar

AMPR: Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE

BUDG: Baġit

DAK: Direttorat tal-awditjar konġunt għal Koeżjoni

DĠ: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni

EMPL: Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FSE: Fond Soċjali Ewropew

FSIE: Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

IAS: Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

KPI: Indikatur Ewlieni tal-Prestazzjoni

PO: Programm Operazzjonali

QFP: Qafas Finanzjarju Pluriennali

RAA: Rapport Annwali tal-Attività

RDK: Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

REGIO: Politika Reġjonali u Urbana

RTER: rata tal-iżball residwu totali

SG: Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni

TER: rata ta’ żball totali

Glossarju

Analiżi mhux fuq il-post: Analiżi, ibbażata fuq dokumenti, tal-informazzjoni pprovduta fil-pakketti ta’ aċċertament.

Awditu tal-konformità: Awditu biex jikkonferma li attività taderixxi mar-regoli u r-regolamenti applikabbli u mat-termini ta’ kwalunkwe kuntratt jew ftehim.

Awtorità Maniġerjali: L-awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (pubblika jew privata) deżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġja programm iffinanzjat mill-UE.

Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni: Korp deżinjat minn Stat Membru biex jiċċertifika l-preċiżjoni u l-konformità tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq u t-talbiet għal pagament.

Awtorità tal-Awditjar: Entità nazzjonali indipendenti responsabbli għall-awditjar tas-sistemi u l-operazzjonijiet ta’ programm ta’ nfiq tal-UE.

Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE): Il-ħames fondi prinċipali tal-UE li flimkien jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fl-UE kollha: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta’ kif il-baġit tal-UE jintefaq fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’ġestjoni diretta, il-Kummissjoni tiddelega lill-Istat Membru iżda tibqa’ finalment responsabbli hi.

Għeluq: Is-saldu finanzjarju ta’ programm jew fond tal-UE, permezz tal-pagament tal-bilanċ dovut lil Stat Membru jew pajjiż benefiċjarju ieħor, jew tal-irkupru ta’ fondi mingħandhom.

Irregolarità: Ksur tar-regoli tal-UE (jew tar-regoli nazzjonali rilevanti) jew tal-obbligi kuntrattwali.

Kwittanza: Deċiżjoni annwali li tittieħed mill-Parlament Ewropew u li permezz tagħha l-Kummissjoni tingħata l-approvazzjoni finali għall-mod kif ikun ġie implimentat il-baġit.

Livell ta’ żball stmat: Stima statistika tal-livell ta’ żball li jolqot popolazzjoni, ibbażata fuq l-ittestjar ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ operazzjonijiet.

Pakkett ta’ aċċertament: Il-“pakkett ta’ assigurazzjoni” li għandu jiġi ppreżentat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri sal-15.2 (jew l-1.3 f’każijiet eċċezzjonali maqbula mill-Kummissjoni) kull sena jinkludi: il-kontijiet imfassla mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, id-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u s-sommarju annwali tar-rapporti finali tal-awditjar u l-kontrolli mwettqa mill-awtorità maniġerjali, l-opinjoni tal-awditjar annwali u r-rapport ta’ kontroll maħruġa mill-awtorità tal-awditjar.

Politika ta’ koeżjoni: Il-politika tal-UE li għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri billi tippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, u l-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali.

Proċedura kontradittorja: Proċedura li fiha l-Kummissjoni tiddiskuti r-riżultati tal-kontrolli tagħha mal-korp jew mad-dipartiment li jkunu sarulu l-kontrolli biex tiżgura li dawn ikunu ġustifikati.

Programm Operazzjonali (PO): PO jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta’ Stat Membru u jiddeskrivi kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat) se jintuża matul perjodu partikolari (ġeneralment ta’ seba’ snin) għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet. Il-finanzjament tal-PO jista’ jiġi mill-FEŻR, mill-FK u/jew mill-FSE.

Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR): Rapport li l-Kummissjoni tħejji kull sena dwar il-ġestjoni tagħha tal-baġit tal-UE u tar-riżultati miksuba, li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni fir-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali tagħha u tal-aġenziji eżekuttivi tagħha.

Rapport Annwali ta’ Kontroll (RAK): Dokument imħejji minn awtorità tal-awditjar ta’ Stat Membru u ppreżentat lill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett ta’ aċċertament annwali ta’ dak il-pajjiż.

Rapport Annwali tal-Attività (RAA): Rapport maħruġ minn kull Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni u istituzzjoni u korp tal-UE, li jippreżenta kif kienet il-prestazzjoni tagħhom meta mqabbla mal-objettivi, kif ukoll il-mod kif ikunu użaw ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħhom.

Rata ta’ żball rappreżentattiva: Stima statistika tal-iżball li jolqot popolazzjoni, ibbażata fuq l-ittestjar ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ tranżazzjonijiet meħud minn dik il-popolazzjoni.

Rata ta’ żball totali (TER): Ir-rata ta’ żball totali tikkorrispondi għas-somma tal-iżbalji li ġejjin: żbalji aleatorji pproġettati (inklużi żbalji stabbiliti fl-istrati eżawrjenti), żbalji sistemiċi delimitati u żbalji anomali mhux ikkoreġuti.

Rata tal-iżball residwu totali (RTER): Il-proporzjon ta’ popolazzjoni li ma jitqiesx regolari wara li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-proċeduri ta’ kontroll, l-irkupri u l-korrezzjonijiet kollha.

Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK): Ir-regolament li jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kollha kemm huma.

Regolarità: Il-punt sa fejn tranżazzjoni jew attività tkun tikkonforma mar-regoli u mar-regolamenti applikabbli u ma kwalunkwe obbligu kuntrattwali.

Riskju fil-waqt tal-pagament: Ir-riskju kumplessiv u stmat “fil-waqt tal-pagament” huwa l-aħjar stima konservattiva li l-Kummissjoni jkollha tan-nefqa li tkun ġiet awtorizzata matul is-sena bi ksur tad-dispożizzjonijiet regolatorji u kuntrattwali li jkunu japplikaw fiż-żmien meta jsir il-pagament, f’termini ta’ valur.

Riżerva: Dgħufija ssenjalata minn Direttur Ġenerali fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li huma jipprovdu f’rapport annwali tal-attività.

Standards tal-awditjar li huma aċċettati internazzjonalment: Sett ta’ standards professjonali li jistabbilixxu r-responsabbiltajiet tal-awdituri, maħruġa minn diversi korpi li jistabbilixxu l-istandards.

Żball aleatorju: L-iżbalji li mhumiex meqjusa bħala sistemiċi, magħrufa jew anomali huma klassifikati bħala żbalji aleatorji. Dan il-kunċett jippreżumi l-probabbiltà li żbalji aleatorji misjuba fil-kampjun awditjat huma preżenti wkoll fil-popolazzjoni mhux awditjata.

Żball kwantifikabbli: Klassifikazzjoni użata mill-QEA, fir-rappurtar tar-riżultati tal-ittestjar tat-tranżazzjonijiet, meta l-ammont ta’ tranżazzjoni milquta minn żball ikun jista’ jitkejjel.

Żball sistemiku: Żbalji sistemiċi huma żbalji misjuba fil-kampjun awditjat; u għandhom impatt fuq il-popolazzjoni mhux awditjata; u jseħħu f’ċirkustanzi ddefiniti sew u simili. Żbalji bħal dawn jista’ jkollhom karatteristika komuni, eż. tip ta’ operazzjoni, post, jew perjodu. Inġenerali jkunu assoċjati ma’ proċeduri ineffettivi ta’ kontroll fi ħdan (parti minn) is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll.

Żball: Ir-riżultat ta’ kalkolu skorrett jew ta’ irregolarità li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti legali u kuntrattwali.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u amministrazzjoni tal-UE, li hija mmexxija minn Tony Murphy, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Tony Murphy, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Wolfgang Stolz, Kap tal-Kabinett u Brian Murphy, Attaché tal-Kabinett; Juan Ignacio Gonzalez Bastero, Maniġer Prinċipali; Susanna Rafalzik, Kap tal-Kompitu; Anna Despotopoulou, Deputat Kap tal-Kompitu; Johan Adriaan Lok, Jiří Beneš, Marcel Bode, Peter Borsos, Maria Pia Brizzi, Kevin Deceuninck, Przemyslaw Dowgialo, Sandra Dreimane, Andrea Ferraris, Laure Gatter, Jorge Guevara Lopez, Martina Jurjevic, Agnieszka Kondzielska, Nikolaos Kylonis, Borja Martin Simon, Dana Christina Mohamed, Rene Reiterer, Orsolya Szarka, Peggy Vercauteren, u Dilyanka Zhelezarova, Awdituri. James Verity ipprovda appoġġ lingwistiku.

 

Ir-ringiela ta’ wara mix-xellug għal-lemin: Brian Murphy, Wolfgang Stolz, Johan Adriaan Lok, Juan Ignacio González Bastero, Nikolaos Kylonis

Ir-ringiela ta’ quddiem mix-xellug għal-lemin: Niamh Mahon, Susanna Rafalzik, Tony Murphy, Anna Despotopoulou, Peter Borsos

Noti finali

[1] Ir-Rapport Annwali 2020, il-paragrafu 1.21.

[2] Ir-Rapport Annwali 2020, il-paragrafu 5.17.

[3] L-Artikolu 130 tar-Regolament (UE) 1303/2013, li jillimita r-rimborż ta’ pagamenti interim għal 90 %.

[4] Ir-Rapport Annwali 2020, il-paragrafu 5.42.

[5] L-Opinjoni Nru 6/2018 rigward il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni, il-paragrafu 122.

[6] Ir-Rapport Annwali 2017, il-paragrafi 6.67-6.72.

[7] Ir-Rapport Annwali 2018, il-paragrafi 6.73-6.75.

[8] Ir-Rapport Annwali 2019, il-paragrafu 5.39.

[9] L-Artikolu 75 (2a) (a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

[10] L-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

[11] Żbalji sistemiċi jinstabu fil-kampjun awditjat; u għandhom impatt fuq il-popolazzjoni mhux awditjata; u jseħħu f’ċirkustanzi ddefiniti sew u simili (il-gwida EGESIF_15-0002-04, p. 39).

[12] L-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

[13] L-Artikolu 145(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

[14] Ir-Rapport Annwali 2019, il-paragrafu 5.56.

[15] Ir-Rapport Annwali 2018, il-paragrafu 6.63.

[16] Ir-Rapport Annwali 2018, il-paragrafi 6.68-6.71 u r-Rakkomandazzjoni 6.4.

[17] Kif stabbilit fl-Anness IV tar-rapporti annwali tal-attività għall-2019.

[18] Din il-parti tal-AMPR hija r-rapport tal-Kummissjoni meħtieġ mill-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

[19] L-Artikolu 247(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju: Ir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni li jipprovdi sommarju ċar u konċiż tal-kisbiet tal-kontroll intern u tal-ġestjoni finanzjarja msemmija fir-rapporti annwali dwar l-attività ta’ kull uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b’delega u li jinkludi informazzjoni dwar l-arranġamenti ewlenin ta’ governanza fil-Kummissjoni kif ukoll:

(i) stima tal-livell ta’ żball fin-nefqa tal-Unjoni bbażata fuq metodoloġija konsistenti u stima ta’ korrezzjonijiet futuri;

(ii) informazzjoni dwar l-azzjonijiet preventivi u korrettivi li jkopru l-baġit, li għandha tippreżenta l-impatt finanzjarju tal-azzjonijiet meħudin għall-protezzjoni tal-baġit kontra nefqa li tikser il-liġi;

(iii) informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi.

[20] Ir-Rapport Annwali 2020, il-paragrafu 1.36.

[21] Ir-Rapport Annwali 2018, ir-Rakkomandazzjoni 6.4 – Arranġamenti tal-għeluq 2014-2020.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-7099-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/931645 QJ-AB-21-026-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-7125-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/255318 QJ-AB-21-026-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u d-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.