Rapport Speċjali
03 2023

Integrazzjoni tas-suq intern tal-elettriku Arkitettura legali kumplessa, dewmien, dgħufijiet fil-governanza u sorveljanza tas-suq inkompleta jfixklu l-ilħuq sħiħ tal-objettiv ambizzjuż

Dwar ir-rapport:Il-bini ta’ suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ bdiet fl-1996, u l-finalizzazzjoni tal-proġett saret saħansitra aktar urġenti minħabba l-kriżi tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja li ċ-ċittadini tal-UE qed jiffaċċjaw attwalment.

Aħna vvalutajna jekk l-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni u s-sorveljanza mill-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) ikkontribwewx biex l-integrazzjoni tiġi kkompletata u biex is-suq intern tal-elettriku tal-UE jiffunzjona sew.

Minkejja ċerti kisbiet sinifikanti li saru matul l-aħħar 10 snin, il-progress bl-integrazzjoni kienet bil-mod u mhux uniformi fost is-segmenti tas-suq u fir-reġjuni fi ħdan l-UE. Seba’ snin wara d-data ta’ skadenza inizjali tal-2014 mogħtija mill-Kunsill, l-ebda waħda mil-linji gwida regolatorji vinkolanti ma ġiet implimentata bis-sħiħ, u ħafna dewmien akkumula prinċipalment minħabba l-arkitettura legali kumplessa u minħabba dgħufijiet fil-qafas ta’ governanza tal-UE.

L-ACER ma għandhiex is-setgħa li tiżgura infurzar konsistenti tar-regoli fil-livell nazzjonali, u s-sorveljanza tas-suq imwettqa minnha għadha inkompleta - żewġ fatturi li jwasslu għal għadd limitat ta’ penali.

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tissimplifika l-qafas regolatorju u ta’ infurzar, u tqawwi l-governanza tal-ACER. Jenħtieġ li l-ACER issaħħaħ l-attivitajiet ta’ sorveljanza li hija twettaq, u ttejjeb l-akkontabbiltà ta’ xogħolha.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport speċjali: awditu tal-integrazzjoni tas-suq intern tal-elettriku tal-UE

Sommarju eżekuttiv

I Il-ħidma lejn suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ dejjem kienet kwistjoni importanti, iżda saret saħansitra aktar urġenti minħabba l-kriżi tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja li ċ-ċittadini tal-UE qed jiffaċċjaw attwalment. Suq intern tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb jikkontribwixxi għal:

  • benefiċċju mill-aħjar prezzijiet tal-elettriku;
  • sigurtà tal-provvista tal-enerġija;
  • kisba tat-tranżizzjoni ekoloġika.

II Il-bini ta’ suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ beda fl-1996, meta l-monopolji nazzjonali tal-enerġija nfetħu gradwalment għal aktar kompetizzjoni kif previst fl-ewwel (1996) u fit-tieni (2003) pakketti dwar l-enerġija. It-tielet pakkett dwar l-enerġija segwa fl-2009. Wieħed mill-objettivi ewlenin kien li titħaffef l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku billi jiġu armonizzati l-prattiki tal-kummerċ fis-swieq bl-ingrossa organizzati, u b’hekk titrawwem il-kompetizzjoni transfruntiera. Il-pakkett kien ikkomplementat aktar minn sett ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (kodiċijiet u linji gwida tan-network), li kienu meħtieġa biex jiġu speċifikati regoli tas-suq armonizzati, regoli dwar l-operat tal-grilja u regoli dwar il-konnessjoni tal-grilja. Żieda importanti mat-tielet pakkett dwar l-elettriku kien ir-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT), li ħoloq qafas għall-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, sabiex tiġi individwata u skoraġġuta l-manipulazzjoni tas-suq.

III Aħna wettaqna dan l-awditu biex nivvalutaw jekk l-azzjoni fil-livell tal-UE kkontribwietx għall-applikazzjoni effettiva, effiċjenti u konsistenti tar-regolament dwar is-suq tal-elettriku, biex b’hekk tgħin lis-suq intern tal-elettriku jiffunzjona sew. L-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandha rwol ċentrali fl-iżgurar tal-operat bla xkiel tas-suq tal-elettriku tal-UE permezz tal-koordinazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) fil-livell tal-UE. Il-qafas legali ma jipprovdix għodod ta’ infurzar lill-Aġenzija, u jekk ma tkunx appoġġata sew mill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha ta’ konverġenza, jaf ma tkunx tista’ tilħaq l-għanijiet intenzjonati tagħha.

IV F’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk mill-2015 ’il quddiem, l-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni (użu ta’ linji gwida) u l-monitoraġġ mill-ACER ikkontribwewx biex itejbu l-integrazzjoni u l-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku tal-UE. L-awditu ffoka fuq kif il-Kummissjoni nqdiet bil-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida biex tiżgura l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku, u fuq il-monitoraġġ mill-Kummissjoni u mill-ACER tal-implimentazzjoni tal-kodiċijiet u tal-linji gwida tan-network għas-swieq tal-elettriku. L-awditu ffoka wkoll fuq is-sorveljanza mill-ACER tal-abbuż tas-suq u tat-trasparenza.

V B’mod ġenerali, aħna sibna li l-kisba tas-suq intern tal-elettriku tfixklet minħabba l-għażla li l-Kummissjoni kienet għamlet tal-għodod regolatorji. Dawn wasslu għall-arkitettura legali kumplessa tar-regoli tal-kummerċ transfruntier u għal dewmien fl-implimentazzjoni. Dgħufijiet fil-qafas ta’ governanza tal-UE wkoll fixklu l-kisba tas-suq intern tal-elettriku. Barra minn hekk, l-approċċ ta’ monitoraġġ adottat mill-Kummissjoni u mill-ACER ma skattax titjib suffiċjenti tal-funzjonament tas-suq tal-elettriku tal-UE. B’żieda ma’ dan, is-sorveljanza tas-suq biex jiġu individwati u skoraġġuti l-abbuż u l-manipulazzjoni tas-suq kienet inkompleta.

VI Minkejja ċerti kisbiet sinifikanti li saru matul l-aħħar 10 snin, il-progress fl-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku kien bil-mod. Id-data ta’ skadenza inizjali tal-2014 ġiet stabbilita fl-2009, iżda sibna li sa tmiem l-2021, jiġifieri seba’ snin wara, l-ebda waħda mil-linji gwida ma kienet ġiet implimentata bis-sħiħ, il-livell ta’ implimentazzjoni tagħhom kien imħallat fost is-swieq u l-pajjiżi, u ħafna dewmien kien akkumula. Il-linji gwida kienu wkoll mistennija jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transfruntiera disponibbli, u b’hekk irawmu l-effettività tal-akkoppjament tas-swieq. Minkejja li qed jiżdiedu l-isforzi ta’ koordinazzjoni mill-ACER bejn l-operaturi tas-sistemi, ma kien sar l-ebda progress sostanzjali.

VII L-għan li jiġi kkompletat is-suq intern tal-elettriku tfixkel minn valutazzjoni tal-impatt insuffiċjenti, l-għażla ta’ għodod regolatorji u minn dgħufijiet fil-qafas ta’ governanza tal-UE. Filwaqt li huwa meħtieġ li r-regoli jitħaddmu, il-kodiċijiet u l-linji gwida tan-network tal-Kummissjoni ma ċċarawhomx b’mod adegwat. Dawn wasslu għal armonizzazzjoni kumplessa u mdewma tar-regoli tal-kummerċ transfruntier. L-ACER għalhekk kellha rwol kruċjali u uniku biex tasal għal ftehimiet vinkolanti bejn l-ARN u l-operaturi tal-grilja u tas-suq dwar dettalji tekniċi (termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-linji gwida). B’mod ġenerali l-ACER ħadet deċiżjonijiet fi żmien xieraq biex issolvi nuqqasijiet ta’ qbil dwar il-kontenut ta’ dawn id-dettalji tekniċi.

VIII Il-Kummissjoni sserraħ fil-biċċa l-kbira fuq l-ACER għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni konsistenti tal-kodiċijiet u tal-linji gwida tan-network. Madankollu, il-monitoraġġ mill-ACER tal-implimentazzjoni konsistenti tagħhom madwar l-Istati Membri u r-rappurtar tagħha kienu insuffiċjenti. Dan kien partikolarment minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u data, nuqqas ta’ segwitu, nuqqas ta’ strateġija ta’ monitoraġġ, riżorsi limitati, u koordinazzjoni fqira mal-Kummissjoni f’termini ta’ monitoraġġ. L-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni żied b’mod konsiderevoli u bla meħtieġ il-piż amministrattiv, il-ħtiġijiet tar-riżorsi u l-ispejjeż għall-ACER, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u l-operaturi tas-sistemi u tas-swieq.

IX Is-sorveljanza tas-suq, maħsuba biex tidentifika u tiskoraġġixxi l-abbuż u l-manipulazzjoni tas-suq, ukoll ma kinitx kompluta. Is-sorveljanza mill-ACER saret operattiva bis-sħiħ fi tmiem l-2017, iżda l-ġbir ta’ data ma kienx komprensiv u l-valutazzjoni tad-data miġbura kopriet għadd limitat ta’ tipi ta’ mġiba abbużiva. Barra minn hekk, l-ACER allokat riżorsi insuffiċjenti għall-analizzar tad-data miġbura, li wkoll fixkel il-valutazzjoni li wettqet. Barra minn hekk, l-ACER ma setgħetx tappoġġa investigazzjonijiet dwar l-għadd dejjem jikber ta’ każijiet potenzjali ta’ abbuż tas-suq transfruntier. Fl-aħħar nett, l-ACER kellha fil-pussess tagħha għodod limitati biex tiżgura li r-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq ġew applikati sew fil-livell nazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar, minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, is-sorveljanza tal-ACER ma wasslitx għal ħafna sanzjonijiet.

X L-ACER ma kellhiex ukoll struttura ta’ governanza xierqa u l-kompetenzi meħtieġa biex tikkoordina b’mod effettiv l-azzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali fit-tlestija ta’ proġetti ambizzjużi ta’ integrazzjoni. Barra minn hekk, l-għodda ewlenija ta’ trasparenza u akkontabbiltà tal-ACER – is-sit web tagħha – titħaddem b’mod ineffettiv.

XI Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tissimplifika l-qafas regolatorju;
  • tqawwi l-qafas ta’ monitoraġġ għal-linji gwida tan-network;
  • issaħħaħ il-governanza tal-ACER;
  • tivvaluta l-ħtieġa għal qafas għall-applikazzjoni konsistenti tal-penali.

XII Aħna nirrakkomandaw li l-ACER:

  • tirrieżamina r-riżorsi allokati għall-monitoraġġ tal-linji gwida;
  • issaħħaħ is-sorveljanza tagħha tal-integrità tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa;
  • ittejjeb it-trasparenza u l-akkontabbiltà ta’ xogħolha.

XIII Il-miżuri li jmiss tal-UE għar-riforma tas-swieq tal-elettriku huma opportunità għall-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jindirizzaw id-dgħufijiet identifikati f’dan l-awditu.

Introduzzjoni

Deskrizzjoni tal-qasam tal-awditjar

Sfond tal-politika

01 Fi Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija li kien jinkludi “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares ’il Quddiem” u “Pjan Direzzjonali għall-Unjoni tal-Enerġija”. L-objettiv ta’ Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar il-klima fil-qalba tagħha huwa li tagħti lill-konsumaturi tal-UE, jiġifieri lill-unitajiet domestiċi u n-negozji, enerġija li hija sigura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli.

Figura 1 – Il-ħames dimensjonijiet tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija

Sors: il-QEA.

02 Taħt it-tieni dimensjoni, l-iżgurar tal-funzjonament ta’ suq intern tal-elettriku integrat bis-sħiħ għandu l-għan li jippermetti l-fluss ħieles tal-enerġija fl-UE, billi tiġi pprovduta infrastruttura adegwata u mingħajr ostakli tekniċi jew regolatorji. Huwa mistenni li l-kummerċ transfruntier tal-elettriku jippermetti dispaċċ tal-enerġija prodotta l-irħas lin-negozji u liċ-ċittadini, irrispettivament minn fejn tkun tinsab dik l-enerġija fl-UE. Illum, tabilħaqq l-UE għandha regoli tal-enerġija li huma stabbiliti fil-livell Ewropew, iżda r-realtà hija li fil-prattika, għandha 27 qafas regolatorju nazzjonali. Skont l-istrateġija tal-UE dwar l-enerġija tal-20151 huwa meħtieġ suq tal-enerġija integrat biex tinħoloq aktar kompetizzjoni u biex twassal għal effiċjenza akbar tas-suq.

03 Hemm sfidi quddiemna. L-ilħuq tal-objettivi klimatiċi tal-UE se jirrikjedi li aktar mill-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE jiġu ssodisfati minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-produzzjoni tal-elettriku mxerrda tagħhom (permezz ta’ diversi komunitajiet tal-enerġija u produtturi żgħar), in-natura intermittenti ta’ enerġiji rinnovabbli, u n-nuqqas attwali ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ekonomikament vijabbli, joħolqu sfidi ġodda għall-ġestjoni tal-grilji elettriċi u għall-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda.

04 Huwa mistenni li l-kisba tas-suq intern tal-elettriku ġġib diversi benefiċċji.

  • Jenħtieġ li din twassal għall-aħjar prezzijiet ġenerali tal-elettriku għall-konsumaturi Ewropej, billi l-orħos riżorsi madwar l-UE jistgħu jintużaw biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-elettriku.
  • Jenħtieġ li hija żżid is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, billi l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkondividu r-riżorsi, f’każ li jseħħ tfixkil mhux previst.
  • Jenħtieġ li hija tikkontribwixxi b’mod kosteffettiv għall-ilħuq tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE, billi ttejjeb il-flessibbiltà tal-provvista tal-enerġija u tiżgura li l-atturi tas-suq jistgħu jaġġustaw il-pożizzjonijiet tagħhom skont it-tbassiriet aġġornati tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

05 Minkejja l-isforzi fl-UE kollha biex jiġu integrati s-swieq nazzjonali, il-prezzijiet tal-elettriku bl-imnut ikomplu jvarjaw bil-kbir bejn il-pajjiżi. Il-prezzijiet bl-imnut għadhom influwenzati ħafna mill-Istati Membri, permezz ta’ taxxi nazzjonali u debiti tan-network regolati2, aktar milli permezz tal-kompetizzjoni. Ara l-Figura 2.

Figura 2 – Prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi fl-UE fl-2021 (EUR/MWh)

Nota: tirrappreżenta prezzijiet medji annwali għall-konsum ta’ bejn 2 500 KWh u 4 999 KWh.

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

06 Barra minn hekk, fit-tieni nofs tal-2021 u fl-ewwel nofs tal-2022, il-prezzijiet tal-elettriku fis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa laħqu qċaċet bla preċedent madwar l-Ewropa (fiż-żmien tal-finalizzazzjoni ta’ dan l-awditu). Dawn il-qċaċet kienu xprunati minn prezzijiet għoljin tal-fjuwils fossili, aggravati kemm mill-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll minn diversi fatturi sekondarji, bħall-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 (ara l-Figura 3). Kienu partikolarment esposti l-Istati Membri li kellhom konnessjoni fqira man-network tal-elettriku tal-UE u dawk li serrħu ħafna fuq il-gass għall-ġenerazzjoni tal-enerġija.

Figura 3 – Medja annwali tal-prezzijiet tal-elettriku ġurnata bil-quddiem Ottubru 2021 (EUR/MWh)

Nota: filwaqt li mhumiex parti mill-UE, in-Norveġja u l-Iżvizzera jipprovdu wkoll data lill-Pjattaforma ta’ Trasparenza tal-ENTSO-E.

Sors: l-ACER – Wholesale Electricity Markets Monitoring 2021.

Swieq tal-elettriku bl-ingrossa

07 Fis-swieq bl-ingrossa, il-produtturi tal-elettriku jbigħu l-elettriku lil konsumaturi industrijali kbar u lil fornituri tal-elettriku. Il-fornituri mbagħad ibigħu l-elettriku lill-konsumaturi finali fis-swieq bl-imnut. Skont il-jum tal-konsenja fiżika tal-kummerċi li jkunu saru, is-swieq tal-elettriku bl-ingrossa huma organizzati f’erba’ segmenti (skedi ta’ żmien): swieq bil-quddiem, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u swieq tal-ibbilanċjar, kif iddettaljat fl-Anness I.

08 F’xi Stati Membri, l-aktar kummerċ fl-elettriku jseħħ f’boroż tal-elettriku organizzati. Fuq dawn il-boroż, il-biċċa l-kbira mill-elettriku jitwettaqlu l-kummerċ bl-użu ta’ prodotti standard fl-iskeda ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem. Madankollu, fil-livell tal-UE, il-biċċa l-kbira mill-enerġija jitwettqilha l-kummerċ barra mill-boroż tal-elettriku organizzati, magħruf bħala kummerċ barra l-borża (OTC).

Qafas regolatorju tal-UE

09 Ir-responsabbiltà għall-politika tal-UE dwar l-enerġija hija kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha3. Jeżistu diversi strumenti differenti tal-politika tal-UE, li huma maħsuba biex jintegraw is-swieq tal-elettriku tal-UE. Dawn jinkludu elementi tal-politika tal-kompetizzjoni, strumenti biex jirregolaw atturi u swieq speċifiċi, u miżuri biex jipprovdu finanzjament mill-UE għal investimenti fin-network. Il-leġiżlazzjoni globali fis-seħħ tikkonsisti fid-Direttiva dwar l-Elettriku (Direttiva-E) u r-Regolament dwar l-Elettriku (Regolament-E), li flimkien jipprovdu sett ta’ prinċipji u regoli komuni għall-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali tal-elettriku, bħall-armonizzazzjoni tal-aspetti tas-swieq bl-ingrossa li għandhom implikazzjonijiet transfruntiera.

10 Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-UE ta lill-Kummissjoni d-dritt li timplimenta r-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni permezz tal-adozzjoni tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (kodiċijiet u/jew linji gwida tan-network). Il-linji gwida kienu jeħtieġu wkoll li jiġu adottati ftehimiet vinkolanti msejħa termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji (TCMs), jew bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN), jew inkella li jiġu approvati mill-Aġenzija għall-kooperazzjoni tar-regolaturi tal-enerġija (ACER).

11 Qabel ma bdiet l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija fl-1996, is-swieq nazzjonali tal-enerġija kienu ddominati l-aktar minn monopolji. Fl-ewwel stadju tal-integrazzjoni, dawn il-monopolji nfetħu gradwalment għal aktar kompetizzjoni. Dan kien il-fokus tal-ewwel (1996) u t-tieni (2003) pakketti dwar l-enerġija, li bidlu b’mod komprensiv il-qafas li jirregola s-swieq tal-enerġija tal-UE. Fost affarijiet oħra dawn il-pakketti kellhom l-għan li jintroduċu l-libertà għall-konsumaturi li jixtru l-elettriku minn kwalunkwe fornitur tal-għażla tagħhom sal-1 ta’ Lulju 2007.

12 Fl-2009 daħal fis-seħħ it-tielet pakkett dwar l-enerġija. Dan kien fih aktar miżuri biex jippromwovu l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, u stabbilixxa l-ACER u n-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E). L-ACER kellha wkoll il-kompitu li tikkoordina l-azzjoni tal-ARN u li timla d-distakk regolatorju fil-livell tal-UE fejn meħtieġ4.

13 Ir-Regolament tal-2011 dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT)5 jikkomplementa t-tielet pakkett dwar l-enerġija. Ikopri kwistjonijiet relatati mal-integrità tas-suq, l-informazzjoni privileġġjata u l-abbuż tas-suq, u jintroduċi bażi legali għall-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa biex tiġi individwata u skoraġġuta l-manipulazzjoni tas-suq. Ir-REMIT jagħti lill-ACER rwol importanti f’dan il-kompitu.

14 Ir-raba’ pakkett dwar l-enerġija (2019), bl-isem “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” (CEP), ikompli jibni fuq il-qafas eżistenti tal-politika dwar l-enerġija. Dan jintroduċi regoli ġodda biex titrawwem il-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku bl-imnut, biex jiġu integrati aħjar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq, biex tiġi kkoordinata l-adegwatezza tar-riżorsi tal-elettriku fil-livell tal-UE u biex tiġi mmaniġġjata d-domanda permezz tal-aggregazzjoni u l-ħżin tal-enerġija. Jindirizza wkoll xi wħud mid-dgħufijiet identifikati fit-tielet pakkett dwar l-enerġija, bħal distakki fil-kompetenzi tal-ACER.

Politika tal-UE dwar l-enerġija: min jagħmel xiex

15 Fil-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija (DĠ Enerġija) huwa responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-enerġija fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 194 TFUE. Dan jinkludi l-iżgurar tal-operat tas-suq tal-enerġija, l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE, u l-promozzjoni tal-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li:

  1. tipproponi dokumenti/strateġiji ta’ politika u miżuri leġiżlattivi kif meħtieġ;
  2. tinforza l-konformità mad-dritt tal-UE, billi tivverifika li l-pakketti dwar l-enerġija jiġu trasposti b’mod korrett fid-dritt nazzjonali u applikati b’mod effettiv mill-Istati Membri;
  3. tadotta l-kodiċijiet u linji gwida tan-network.

16 L-ACER hija aġenzija tal-UE, li tippromwovi l-ikkompletar tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass u tikkoordina xogħol l-ARN dwar kwistjonijiet b’rilevanza transfruntiera6. Il-kompiti tal-ACER jinkludu: (1) l-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni, lill-ENTSO-E u lill-ARN dwar it-tfassil tas-suq tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista, (2) l-individwar u l-prevenzjoni tal-abbuż fil-kummerċ tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, u (3) timmonitorja kif pereżempju l-kodiċijiet/linji gwida tan-network jiġu implimentati fis-swieq tal-elettriku u tal-gass. L-ACER għandha wkoll setgħat eżekuttivi biex toħroġ deċiżjonijiet f’oqsma speċifiċi. Dawn id-deċiżjonijiet jorbtu direttament lill-ARN jew lill-parteċipanti fis-suq li lilhom huma indirizzati. Il-korp deċiżjonali tal-ACER, jiġifieri l-Bord tar-Regolaturi, huwa magħmul minn rappreżentanti mill-ARN ta’ kull Stat Membru.

17 L-ARN huma stabbiliti mil-leġiżlatur nazzjonali u jridu jkunu kompletament indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali. Fost kompiti oħra, l-ARN huma responsabbli biex jiżguraw il-konformità domestika mal-kodiċijiet u mal-linji gwida tan-network tal-UE. L-ARN għandhom setgħat ta’ infurzar fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, jistgħu jwettqu investigazzjonijiet, u jimponu penali. Huma għandhom ukoll obbligu ġenerali li jippromwovu s-suq intern tal-elettriku fi ħdan l-UE.

18 L-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni (TSOs), li huma entitajiet regolati nazzjonali, jimmaniġġjaw is-sigurtà u l-istabbiltà (swieq tal-ibbilanċjar) ta’ sistemi ta’ enerġija ta’ vultaġġ għoli u interkonnetturi fil-livell nazzjonali jew żonali, u jiksbu d-dħul minn tariffi tan-network u introjtu mill-konġestjoni tan-network. Huma jikkooperaw ma’ xulxin fil-qafas tal-ENTSO–E7, li għandu jaġixxi bil-ħsieb li jistabbilixxi suq intern tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb u li jkun integrat. L-ENTSO-E huwa meħtieġ jiżviluppa u jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ kodiċijiet u linji gwida, pjattaformi u għodod tan-network biex jiżgura l-koordinazzjoni tal-operaturi tas-sistema tal-UE kemm f’kundizzjonijiet normali kif ukoll f’kundizzjonijiet ta’ emerġenza.

19 L-Operaturi Nominati tas-Suq tal-Elettriku (NEMOs) huma entitajiet nazzjonali deżinjati mill-ARN biex jiżguraw li l-boroż tal-elettriku fl-UE jkunu interkonnessi u jaħdmu sew għall-iskedi ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata.

20 L-Operaturi tas-Sistema tad-Distribuzzjoni (DSOs) huma entitajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku lill-konsumaturi finali. Ir-rwol tad-DSOs qed jespandi biex ikopri l-ottimizzazzjoni tal-ġenerazzjoni u l-konsum lokali tal-elettriku.

21 Il-parteċipanti fis-suq għandhom diversi rwoli ekonomiċi u setgħat tas-suq u jikkompetu fis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa jew bl-imnut. Dawn jinkludu produtturi tal-elettriku, konsumaturi finali kbar, fornituri tal-elettriku, fornituri ta’ servizzi anċillari lil TSOs/DSOs u sensara. Il-konsumaturi finali żgħar, jiġifieri l-unitajiet domestiċi u konsumaturi oħra b’konsum tal-enerġija ta’ inqas minn 600 MWh/sena, jixtru l-elettriku minn fornituri tal-elettriku (kumpaniji tal-utilità) fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut.

L-iżviluppi l-aktar reċenti

22 F’Ottubru 2021, il-Kummissjoni8 pproponiet firxa ta’ miżuri biex twieġeb għall-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin riċenti tal-gass u tal-elettriku fl-UE. Biex tipproteġi lill-konsumaturi vulnerabbli kontra l-faqar enerġetiku, ipproponiet miżuri li kienu jinkludu limiti massimi tal-prezz u mekkaniżmi ta’ trasferiment. Biex ittaffi l-impatt tal-ispejjeż għoljin tal-enerġija fuq l-industrija, ipproponiet miżuri bħal emendi għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’Marzu 2022, hekk kif is-sitwazzjoni ddeterjorat aktar minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-Kummissjoni pproponiet pjan ta’ azzjoni9, li kien jinkludi diversi miżuri biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE għall-gass fuq ir-Russja fuq terminu medju. Dan ġie spjegat aktar mill-Pjan REPowerEU tal-Kummissjoni propost f’Mejju 202210. Il-QEA reċentement ippubblikat opinjoni11 dwar l-emendi proposti biex REPowerEU jiġi inkluż fir-Regolament dwar l-RRF.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

23 Fir-Rapport Speċjali 16/2015 tagħna aħna kkonkludejna li l-objettiv tal-UE li s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat sal-2014 ma kienx intlaħaq. Kien għad fadal ħafna xi jsir qabel ma t-tielet pakkett dwar l-enerġija jkun jista’ jitqies li ġie implimentat bis-sħiħ12. Din kienet waħda mir-raġunijiet prinċipali għalfejn ivvalutajna jekk l-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni u s-sorveljanza mill-ACER sa mill-2015 kinux ikkontribwew għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku tal-UE f’dan l-awditu. Barra minn hekk, il-QEA qatt ma awditjat ir-REMIT, jew il-kodiċijiet u l-linji gwida tan-network.

24 Raġuni oħra għal dan l-awditu hija l-fatt li l-ACER għandha rwol ċentrali fl-iżgurar tal-operat mingħajr xkiel tas-suq tal-elettriku tal-UE permezz tal-koordinazzjoni tal-ARN fil-livell tal-UE. Il-qafas legali ma jipprovdix għodod ta’ infurzar lill-Aġenzija, u jekk ma tkunx appoġġata sew mill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha ta’ konverġenza, jaf ma tkunx tista’ tilħaq l-għanijiet intenzjonati tagħha.

25 L-objettiv tar-rapport tagħna huwa li jinforma lill-partijiet ikkonċernati u jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex jappoġġa l-iżvilupp tal-politika u aktar integrazzjoni tas-suq tal-elettriku.

26 Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet jekk l-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni u s-sorveljanza mill-ACER ikkontribwewx għall-integrazzjoni tas-suq intern tal-elettriku. Il-persuni awditjati prinċipali kienu l-ACER u l-Kummissjoni.

27 L-awditu ffoka fuq:

  • il-progress li sar fl-integrazzjoni tas-suq intern tal-elettriku;
  • l-użu mill-Kummissjoni ta’ kodiċijiet u linji gwida tan-network biex tiżgura l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku;
  • il-monitoraġġ mill-Kummissjoni u mill-ACER tal-implimentazzjoni tal-linji gwida tan-network għas-swieq tal-elettriku;
  • is-sorveljanza mill-ACER tal-abbuż u tat-trasparenza tas-swieq (REMIT);
  • l-istruttura ta’ tmexxija u l-kompetenzi tal-ACER.

28 Ħarisna lejn l-azzjonijiet tal-UE biex tintegra s-swieq tal-elettriku, li prinċipalment kienu jikkonċernaw is-swieq tal-elettriku bl-ingrossa (billi la l-Kummissjoni u lanqas l-ACER ma għandha xi kompetenzi ewlenin fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut, u l-flussi transfruntiera jitwettqilhom il-kummerċ prinċipalment fis-swieq bl-ingrossa). B’mod partikolari, ħarisna lejn l-attività tal-ACER fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tat-tliet linji gwida prinċipali tas-suq tal-elettriku: il-linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (CACM)13, il-linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (FCA)14 u l-linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (EB)15, kif ukoll fl-implimentazzjoni tar-Regolament REMIT.

29 Il-kriterji tal-awditjar ġew idderivati​mil-leġiżlazzjoni applikabbli, id-dokumenti tal-ippjanar tal-ACER, l-aħjar prattiki internazzjonali, inklużi dawk ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA), kif ukoll minn evalwazzjonijiet u studji disponibbli. Aktar informazzjoni dwar il-kriterji użati hija spjegata fil-bidu ta’ kull taqsima.

30 L-evidenza għall-awditjar inġabret fuq il-bażi ta’:

  • rieżamijiet u analiżijiet tad-dokumenti rilevanti kollha tal-Kummissjoni kif ukoll ir-rappurtar operazzjonali, il-linji gwida interni, id-dokumentazzjoni dwar l-akkontabbiltà tal-ġestjoni tal-ACER, u dokumenti rilevanti oħra;
  • rieżamijiet ta’ rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, l-OECD), riċerka akkademika u studji disponibbli biex jiġu identifikati eżempji ta’ prattika tajba;
  • kwestjonarji, intervisti kif ukoll laqgħat ma’ persunal u ma’ espert estern b’għarfien espert rilevanti fis-settur tal-elettriku, magħżula permezz ta’ proċedura ta’ akkwist.

31 L-awditu li wettaqna kopra l-perjodu minn nofs l-2015 sa tmiem l-2021. Għalhekk, il-miżuri kollha li ttieħdu wara biex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija kienu barra mill-ambitu tal-awditjar.

32 L-awditu li wettaqna ffoka fuq it-tielet pakkett dwar l-enerġija. Aħna ma koprejniex il-miri tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, is-swieq tal-bejgħ bl-imnut u s-sistemi tad-distribuzzjoni tal-enerġija lill-konsumaturi finali, jew l-attivitajiet b’mandat mill-ACER skont ir-Regolament TEN-E.

Osservazzjonijiet

Progress bil-mod fl-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku meta mqabbel mal-pjanijiet inizjali ambizzjużi

33 L-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku għandha l-għan li twassal għażliet għall-konsumaturi kollha tal-UE, tipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ negozju, u tneħħi l-ostakli għall-kummerċ transfruntier, biex b’hekk tikseb kisbiet fl-effiċjenza, prezzijiet kompetittivi u standards ogħla ta’ servizz biex jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà. L-ikkompletar tas-suq intern tal-elettriku suppost kellu jintlaħaq sal-201416. L-istrumenti legali li l-UE użat biex tneħħi l-ostakli għall-kummerċ transfruntier huma r-Regolament u d-Direttiva dwar l-Elettriku, kif ukoll leġiżlazzjoni subordinata (ara l-paragrafi 09 sa 14).

34 Għal din it-taqsima użajna l-objettivi leġiżlattivi li ġejjin bħala kriterji tal-awditjar (ara speċifikat hawn fuq):

  • It-trawwim tal-integrazzjoni tas-suq permezz tal-akkoppjament tas-swieq fl-UE kollha (jiġifieri l-interkonnessjoni tal-boroż tal-elettriku fl-Istati Membri);
  • L-iżgurar tal-kapaċità disponibbli tal-interkonnetturi għall-kummerċ f’kull ħin.

Huwa mistenni li dawn it-tnejn jiffaċilitaw il-konverġenza tal-prezzijiet fis-swieq bl-ingrossa tal-elettriku tal-UE.

35 Il-leġiżlaturi tal-UE taw il-kompitu lill-Kummissjoni biex tadotta kodiċijiet tan-network biex tarmonizza r-regoli tekniċi għall-ġestjoni tal-akkoppjament ta’ swieq organizzati fuq terminu qasir (swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar). L-akkoppjament tas-swieq huwa meqjus li jaċċellera l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku fuq terminu qasir. Jippermetti li l-prezzijiet tas-suq u l-volumi tal-elettriku nnegozjati jiġu kkalkulati abbażi tal-provvista tal-elettriku fl-UE kollha u tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transfruntiera. Barra minn hekk, kellha tiġi stabbilita sistema għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transfruntiera futura sabiex tingħata spinta lis-swieq bil-quddiem tal-elettriku. It-TSOs u n-NEMOs kienu responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din is-sistema permezz ta’ diversi proġetti tekniċi taħt is-superviżjoni tal-ARN u l-koordinazzjoni tal-ACER.

36 L-Istati Membri jridu jiżguraw li t-TSOs jagħmlu disponibbli l-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni u jinvestu f’interkonnetturi f’konformità mal-objettivi tal-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku tal-UE.

Għadha ma ġietx ikkompletata l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq permezz ta’ akkoppjament sħiħ tas-swieq

37 Sar progress importanti iżda bil-mod fl-aħħar 20 sena, permezz tad-diversi inizjattivi għall-akkoppjament tal-boroż tal-elettriku Ewropej (ara l-Anness II). Il-mira tal-Kunsill Ewropew li tiġi kkompletata l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija sal-2014 ma kinitx intlaħqet sa tmiem l-2021. Fl-2015 il-Kummissjoni reġgħet iddikjarat li l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija kien objettiv ewlieni, u inkludietu fil-Pjan Strateġiku tad-DĠ ENER għall-perjodu 2016-2020. Madankollu, l-akkoppjament tas-swieq kien elenkat bħala objettiv fil-Pjan Strateġiku tad-DĠ ENER għall-perjodu 2020-2024 biss, jiġifieri b’dewmien ta’ ħames snin. Il-Kummissjoni kienet diġà adottat it-tliet linji gwida rilevanti tan-network bejn l-2015 u l-2017 (ara l-Anness III), iżda sa tmiem l-2021, skont l-informazzjoni tal-ACER, l-ebda waħda mil-linji gwida ma kienet ġiet implimentata bis-sħiħ fl-UE.

38 Il-progress ma kienx indaqs fis-swieq kollha kif jidher mid-differenzi f’kemm l-interkonnetturi ntużaw b’mod effiċjenti fit-tliet segmenti tas-suq li kellhom jiġu akkoppjati (ara l-Figura 4). Barra minn hekk, l-akkoppjament tas-swieq fuq terminu qasir wassal benefiċċji soċjali ta’ mill-inqas EUR 1 000 000 00017 fis-sena sa issa, meta mqabbel mal-kisbiet totali kkawżat mill-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku matul għexieren ta’ snin, li l-valur tagħhom ġie stmat mill-ACER f’ammont ta’ madwar EUR 34 biljun fis-sena (għall-2021). Madankollu, din l-istima kienet ibbażata fuq xenarju mingħajr l-ebda kummerċ transfruntier18. Għad hemm lok sinifikanti għal aktar integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku bejn ir-reġjuni fi ħdan l-Ewropa.

Figura 4 – Użu effiċjenti tal-interkonnetturi fl-UE fl-iskedi ta’ żmien differenti fl-2020

Nota: l-indikatur huwa ddefinit bħala użu perċentwali tal-kapaċità kummerċjali disponibbli fid-“direzzjoni ekonomika t-tajba”, jiġifieri għat-trasport tal-elettriku minn żoni ta’ offerti bi prezz baxx għal dawk bi prezz għoli.

Sors: ir-Rapport 2020 tal-ACER dwar il-monitoraġġ tas-suq, p. 12.

39 Lanqas l-implimentazzjoni ma kienet indaqs fil-pajjiżi kollha. Fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, inkisbu l-biċċa l-kbira mill-benefiċċji ekonomiċi (madwar EUR 1 000 000 000 fis-sena) minħabba l-akkoppjament volontarju ta’ 19-il borża tal-elettriku tal-Punent li jkopru l-Majjistral tal-Ewropa (madwar ¾ tal-volum tal-elettriku tal-UE nnegozjat fil-boroż tal-elettriku) qabel l-2015. B’riżultat tal-linja gwida tas-CACM, il-progress fi ħdan is-seba’ pajjiżi l-oħra kien jikkonsisti f’sensiela ta’ akkoppjamenti bilaterali, mifruxa fuq il-perjodu 2015-2022. Fl-2022, l-iskambji kollha tal-enerġija ġew akkoppjati għal dan il-perjodu. Il-linja gwida tas-CACM ikkontribwiet għal aktar akkoppjamenti fis-swieq tal-istess ġurnata. Madankollu, minkejja l-isforzi tal-ACER, sa tmiem l-2021, l-akkoppjamenti ma kinux ġew ikkompletati, għalkemm il-Kummissjoni kienet ipprevediet li jkunu jiġu kkompletati sal-2018. Id-DĠ ENER stabbilixxa l-2024 bħala data ta’ skadenza ġdida fil-Pjan Strateġiku tiegħu għall-perjodu 2020-2024, mingħajr ma pprovda l-ebda spjegazzjoni għad-dewmien.

40 L-integrazzjoni tas-swieq tal-ibbilanċjar hija aktar dgħajfa milli għas-swieq l-oħra fuq terminu qasir. Madwar 10 TCMs li kienu meħtieġa mil-linji gwida tan-network biex titwettaq l-interkonnessjoni tas-swieq tal-ibbilanċjar ma kinux ġew adottati sa tmiem l-2021. Barra minn hekk, sa tmiem l-2021, tnejn biss mill-erba’ pjattaformi ta’ kummerċ transfruntier immirati meħtieġa mill-kodiċijiet tan-network kienu operazzjonali. Dawn is-swieq huma importanti kemm għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista, biex b’hekk jiġi evitat il-qtugħ tad-dawl fl-UE kollha, kif ukoll għall-integrazzjoni tas-sorsi varjabbli ta’ enerġija rinnovabbli fis-swieq (ara l-Anness I).

41 Is-swieq bil-quddiem huma importanti għaliex joffru kemm lill-produtturi kif ukoll lill-konsumaturi l-opportunità li jiħħeġġjaw ir-riskju ta’ flutwazzjonijiet estremi fil-prezzijiet u potenzjalment jippermettu lill-produtturi li jkollhom prospett ta’ investiment aktar stabbli. Il-Kummissjoni adottat linji gwida tan-network li ma kinux maħsuba biex issir l-interkonnessjoni ta’ dawn is-swieq, iżda pjuttost biss biex irawmu l-użu effiċjenti tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni transfruntiera għal kummerċ futur, permezz ta’ pjattaforma madwar l-UE kollha għall-irkantar tad-drittijiet ta’ trażmissjoni. Il-progress kien parzjali u mhux indaqs fl-UE kollha: It-TSOs ma ħarġux tali drittijiet fil-fruntieri kollha intra-UE19. Fl-2022, l-ACER irrappurtat ukoll li l-likwidità baxxa tas-swieq bil-quddiem illimitat l-opportunitajiet biex jiħħeġġjaw il-volatilità attwali tal-prezzijiet20 u rrikonoxxiet il-fatt li kien hemm dgħufijiet fit-tfassil ta’ dan is-suq21.

42 Minkejja l-progress fl-inizjattivi ta’ akkoppjament tas-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, ma nkisbitx konverġenza sħiħa tal-prezzijiet transfruntiera (ara l-Figura 5). Barra minn hekk, il-livell ta’ diverġenzi fil-prezzijiet tal-elettriku bejn il-pajjiżi żdied b’mod qawwi mit-tieni nofs tal-2021 ’il hawn, minħabba l-kriżi globali tal-prezzijiet tal-enerġija u l-gwerra fl-Ukrajna. Waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dan hija l-kapaċità limitata ta’ trażmissjoni transfruntiera. Il-kummerċ transfruntier staġnat fl-elettriku fil-perjodu wara l-2015 jirrifletti wkoll in-nuqqas ta’ konverġenza tal-prezzijiet u l-fatt li l-biċċa l-kbira mill-akkoppjament tas-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem kien inkiseb qabel l-adozzjoni tal-linja gwida tas-CACM fl-2015 (ara l-paragrafu 39 u l-Anness II).

Figura 5 – Prezzijiet medji annwali fis-swieq tal-elettriku għal ġurnata bil-quddiem (EUR/Mwh) u volumi ta’ kummerċ transfruntier fl-elettriku fl-UE (TWh)

Nota: il-prezzijiet tal-elettriku qabel l-2015 mhumiex disponibbli. Il-volumi tal-kummerċ għall-2021 ma kinux disponibbli fl-istadju tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Pjattaforma ta’ Trasparenza (ENTSO-E), l-Eurostat.

Il-kapaċità disponibbli tal-interkonnetturi ma żdiditx minkejja l-implimentazzjoni tal-linji gwida tan-network u minkejja l-isforzi tal-ACER

43 It-TSOs għandhom obbligu legali li jagħmlu l-kapaċità massima tal-interkonnetturi disponibbli għas-suq22, billi din hija prekundizzjoni għal aktar integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku tal-UE u konverġenza tal-prezzijiet. Anke jekk is-swieq huma akkoppjati, il-konverġenza tal-prezzijiet tista’ ma tintlaħaqx jekk ikun hemm limitazzjonijiet għall-kummerċ transfruntier minħabba konġestjoni fil-livell tal-grilji elettriċi. Il-kapaċità disponibbli tista’ tissaħħaħ u l-konġestjoni tittaffa permezz ta’:

  • koordinazzjoni aħjar tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni mit-TSOs ġirien, li tirriżulta f’inqas konġestjoni tan-network;
  • investimenti f’interkonnetturi, li jirriżultaw f’kapaċità akbar ta’ interkonnessjoni installata.

44 Minkejja l-implimentazzjoni tal-linji gwida tan-network, ma kien hemm l-ebda progress sinifikanti fil-livell tal-kapaċitajiet disponibbli: l-ACER uriet li fl-2020, diversi reġjuni kisbu konformità fqira mal-mira tal-leġiżlatur tal-UE li jagħmlu tal-anqas 70 % tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni installata f’kull Stat Membru disponibbli għall-kummerċ transfruntier sa mhux aktar tard mill-2025 (ara t-Tabella 1). Sitwazzjoni simili kienet riflessa fl-201623.

Tabella 1 – Prestazzjoni reġjonali fir-rigward tal-kapaċità transżonali disponibbli fl-2020

Reġjun bil-kapaċità kkalkulata Perċentwal ta’ żmien ta’ konformità mal-mira ta’ 70 %
Ewlenin 12 %
L-Italja tat-Tramuntana 48 %
SEE 8 %
SWE 51 %

Nota: Ir-Regolament-E riformulat introduċa obbligu għat-TSOs kollha biex jagħmlu disponibbli għas-suq mill-inqas 70 % tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transżonali tagħhom, b’konformità sa mhux aktar tard minn tmiem l-2025. Reġjuni elenkati: Ewlenin (l-Awstrija, il-Belġju, Franza, in-Netherlands u l-Ġermanja/il-Lussemburgu, jiġifieri CWE, u l-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja, jiġifieri CEE), l-Italja tat-Tramuntana (l-Awstrija, l-Italja tat-Tramuntana, Franza u s-Slovenja), SEE (il-Bulgarija, il-Greċja u r-Rumanija), SWE (Franza, il-Portugall u Spanja).

Sors: ir-Rapport 2020 tal-ACER dwar il-monitoraġġ tas-suq, p. 49.

45 Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li qed jikbru s-sorsi varjabbli ta’ enerġija rinnovabbli, li ma kienx objettiv strateġiku tal-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku, u li jista’ jżid il-konġestjoni fil-grilji u l-interkonnetturi domestiċi, iżid l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-konġestjoni, u jnaqqas il-kapaċità ta’ trażmissjoni disponibbli għall-kummerċ transfruntier. Id-data tal-Pjattaforma ta’ Trasparenza tal-ENTSO-E turi li bejn l-2015 u l-2017, l-ispejjeż tat-TSOs għal azzjonijiet ta’ rimedju biex titneħħa l-konġestjoni tan-network żdiedu b’madwar 25 %, minn EUR 999 miljun għal EUR 1.27 biljun. Pereżempju, fil-Ġermanja, il-kumpens imħallas mit-TSOs lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, minħabba t-tnaqqis tal-produzzjoni tagħhom (jiġifieri l-produtturi kienu obbligati jipproduċu inqas) kien jirrappreżenta kważi nofs l-ispejjeż totali24.

46 Fl-2002, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa mira ta’ 10 % interkonnessjoni tal-elettriku bħala proporzjon tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni għal kull Stat Membru, li kellha tintlaħaq sal-2005. Id-data ta’ skadenza ġiet estiża għall-2020, u mira ġdida ta’ 15 % ġiet stabbilita għall-203025. Minkejja l-miżuri fil-livell tal-UE, ir-rapporti annwali tal-attività tal-Kummissjoni ma juru l-ebda progress sinifikanti li sar mill-Istati Membri: 11-il Stat Membru kellhom kapaċità ta’ interkonnessjoni nominali taħt il-livell fil-mira fl-2011; sal-2019 din is-sitwazzjoni ma kinitx tjiebet.

Id-direzzjoni għal regoli tal-kummerċ transfruntiera armonizzati hija stabbilita, iżda l-qafas ta’ politika fih dgħufijiet

47 Suq uniku tal-elettriku u integrazzjoni sħiħa tas-suq huma possibbli biss b’qafas armonizzat ta’ regoli tal-kummerċ transfruntier26. Il-koleġiżlaturi tal-UE stabbilew dan il-qafas permezz ta’ strumenti legali differenti (ara l-paragrafi 09 sa 14). Il-kodiċijiet u l-linji gwida tan-network tal-Kummissjoni huma regolamenti tal-UE li għandhom l-għan li jispeċifikaw regoli tas-suq komuni, operat tal-grilja u regoli dwar il-konnessjoni. Ir-regolamenti tal-UE jridu jorbtu fl-intier tagħhom u jridu jkunu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha27. F’din it-taqsima aħna se nivvalutaw l-għodod regolatorji magħżula biex jippermettu aktar integrazzjoni tas-suq tal-elettriku.

48 Aħna użajna r-rekwiżiti minn bażijiet legali rilevanti tal-UE (it-Trattati, ir-Regolament u d-Direttiva dwar l-Elettriku, tmien kodiċijiet u linji gwida tan-network) u l-“istrumenti għal regolamentazzjoni aħjar” tal-Kummissjoni bħala kriterji tal-awditjar. Aħna użajna wkoll l-aħjar prattiki tal-OECD dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji biex nivvalutaw il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-evalwazzjoni ex ante tal-għażliet ta’ politika għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku permezz ta’ kodiċijiet tan-network u linji gwida. Jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jintegraw il-valutazzjonijiet tal-impatt fl-istadji bikrija tal-proċess tal-politika biex jifformulaw proposti regolatorji ġodda, li jistgħu jgħinu fil-promozzjoni tal-koerenza tal-politika billi jagħmlu trasparenti l-kompromessi inerenti fil-proposti regolatorji28.

49 Matul il-perjodu 2015-2017, il-Kummissjoni adottat erba’ kodiċijiet tan-network u erba’ linji gwida. Tlieta minn dawn il-linji gwida kellhom l-akbar kamp ta’ applikazzjoni billi kienu jikkonċernaw is-swieq tal-elettriku u tat-trażmissjoni fl-UE kollha fl-iskedi ta’ żmien kollha (ara l-Anness III).

Serħan fuq TCMs wassal għal armonizzazzjoni kumplessa u mdewma tar-regoli tal-kummerċ transfruntier

50 Ir-Regolament-E kien jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta kodiċijiet tan-network biex tarmonizza r-regoli tal-kummerċ transfruntier fl-elettriku. Sabiex jadottaw il-kodiċijiet tan-network, l-ENTSO-E, il-Kummissjoni u l-ACER kienu involuti fi proċessi kumplessi ta’ abbozzar u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati matul il-perjodu 2009-2017 (ara l-Figura 6), iżda minkejja dan, mhux id-dettalji tekniċi kollha ġew diskussi. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tadotta linji gwida (minflok kodiċijiet tan-network) li kienu jirrikjedu aktar speċifikazzjonijiet ta’ dettalji tekniċi permezz ta’ TCMs minflok kodiċijiet tan-network għar-regoli kollha tas-suq, u li tiddelega l-adozzjoni sussegwenti ta’ deċiżjonijiet dwar diversi TCMs lill-ARN jew lill-ACER.

Figura 6 – Proċess u skeda ta’ żmien għall-adozzjoni ta’ Kodiċijiet u Linji Gwida tan-Network

Sors: il-QEA.

51 B’riżultat ta’ dan, il-qafas regolatorju għar-regoli tas-suq sar aktar kumpless, u l-linji gwida tal-Kummissjoni ma setgħux jiġu applikati b’mod sħiħ u immedjatament, filwaqt li ma kien hemm l-ebda limitu ta’ żmien li fih il-linji gwida jkunu jidħlu fis-seħħ bis-sħiħ. Dan fisser li l-linji gwida ċaqalqu proporzjon kbir tal-iżvilupp tar-regoli għal stadju aktar tard, li ppermettew għal flessibbiltà akbar minn naħa, iżda naqqsu r-ritmu jew ikkumplikaw l-implimentazzjoni tal-linji gwida u l-integrazzjoni ġenerali tas-swieq min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, filwaqt li t-TCMs iċċaraw il-linji gwida, dawn ma bbenefikawx mill-istess standards ta’ xogħol ta’ tħejjija, billi ma kellhomx valutazzjonijiet tal-impatt ex ante.

52 Il-proċessi ta’ approvazzjoni għat-TCMs kienu kumplessi, twal u jieħdu ħafna ħin, u ħolqu piż amministrattiv eċċessiv. Aħna sibna li l-ACER u l-ARN approvaw 161 TCM għall-4 linji gwida matul il-perjodu 2016-2021; ħafna minn dawn ġew approvati mill-ARN. Għal ċerti TCMs, l-emendi kellhom jiġu adottati permezz tal-istess proċedura bħal dik tal-approvazzjoni inizjali (35 emenda b’kollox). Xi wħud mill-emendi kienu jirrikjedu wkoll l-adozzjoni mill-ARN ta’ standards operattivi fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, ir-reviżjoni li jmiss tal-linja gwida tas-CACM tista’ twassal għal mewġa ġdida ta’ emendi tat-TCMs29.

53 L-adozzjoni tat-TCMs bdiet fl-2016, u fi tmiem l-2021 sibna li kien għad hemm 11-il TCM pendenti għall-approvazzjoni. Minkejja l-monitoraġġ regolari tal-ACER tad-dewmien u r-rappurtar sistematiku tagħha lill-Kummissjoni, it-TSOs u l-ARN ma laħqux id-dati ta’ skadenza preskritti fil-linji gwida għall-adozzjoni ta’ ħafna TCMs.

54 Fost raġunijiet oħra, l-adozzjoni fit-tul tat-TCMs kienet dovuta għal:

  • nuqqas ta’ qbil fost l-ARN ta’ Stati Membri differenti li jsegwu l-interessi nazzjonali tagħhom, jew bejn l-ARN u t-TSOs, aggravat mill-proċess deċiżjonali ineffiċjenti stabbilit fil-linji gwida. Il-Kummissjoni rreaġiet għal xi ineffiċjenzi, iżda l-bidliet leġiżlattivi għal-linji gwida tan-network jew seħħew tard (fl-2019 jew fl-2021), jew inkella kienu għadhom ma nbdewx;
  • effett kaskata tad-dewmien. Minħabba l-interdipendenzi bejn it-TCMs, xi dewmien f’TCM wieħed wassal għal dewmien fl-adozzjoni ta’ TCMs sussegwenti: eż. id-dewmien fl-adozzjoni tat-TCM dwar ir-reġjuni tal-kalkolu tal-kapaċità ppospona l-adozzjoni tal-proposta għat-TCM dwar il-kalkolu kkoordinat tal-kapaċità.

55 Fejn l-ARN ma setgħux jilħqu ftehim, fuq talba konġunta tagħhom jew fil-każ ta’ TCMs madwar l-UE kollha (mill-2019), l-ACER trid tadotta deċiżjoni rigward il-proposta ta’ TCM sottomessa fi żmien sitt xhur30. L-ACER ġeneralment adottat id-deċiżjonijiet fil-ħin. Minkejja l-fatt li l-ACER kellha tieħu deċiżjonijiet rigward għadd dejjem jikber ta’ TCMs, l-ACER ippubblikat biss 2 deċiżjonijiet b’dewmien ta’ xahrejn, mill-50 deċiżjoni adottati matul il-perjodu 2016-2021 kollu kemm hu.

56 Għadd relattivament għoli ta’ deċiżjonijiet tal-ACER dwar it-TCMs ġew ikkontestati permezz ta’ appelli li saru lill-Bord tal-Appell. Ħafna mill-isfidi legali kienu relatati man-nuqqas ta’ ċarezza f’termini tal-proċeduri, il-kriterji, u l-kompetenzi pprovduti fil-linji gwida.

Distakki fil-valutazzjoni tal-impatt li l-Kummissjoni wettqet tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni dgħajfu l-qafas ta’ politika

57 Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati u abbozzat valutazzjonijiet tal-impatt qabel ma ġew adottati l-linji gwida tan-network, kif meħtieġ mir-regoli interni31. Madankollu, il-Kummissjoni ppubblikat il-valutazzjonijiet tal-impatt lejn tmiem il-proċess ta’ konsultazzjoni, u b’hekk l-utilità tagħhom iddgħajfet. Barra minn hekk, il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni ma vverifikax il-kwalità tal-valutazzjoni tal-impatt tal-linji gwida tas-CACM u tal-FCA. Barra minn hekk, id-dokumenti ma indirizzawx ċerti aspetti ewlenin tal-implimentazzjoni u tal-governanza. Pereżempju, ma kien hemm l-ebda valutazzjoni tal-piż u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni għall-atturi rilevanti u l-ebda diskussjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-għażla tal-għodod regolatorji (eż. TCMs) għall-implimentazzjoni tal-linji gwida u l-monitoraġġ sussegwenti tagħhom.

58 Aħna sibna wkoll li l-valutazzjonijiet tal-impatt elenkaw ċerti indikaturi ta’ monitoraġġ għall-eżiti tal-linji gwida iżda dawn ma kinux iddefiniti b’mod ċar u ma kellhomx miri stabbiliti (biex jitkejlu l-impatti ex post tal-leġiżlazzjoni fuq is-swieq u fuq il-benesseri soċjali). Dan potenzjalment dgħajjef il-monitoraġġ tar-regoli, u wassal għal gwida insuffiċjenti mill-ACER dwar dan it-tip ta’ monitoraġġ. L-ACER żviluppat tali indikaturi progressivament (ara l-paragrafu 80). Il-Kummissjoni semmiet ċerti indikaturi li ma ġewx immonitorjati mill-ACER (eż. l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar). Il-Kummissjoni ma semmietx ċerti indikaturi ewlenin għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni, pereżempju, indikaturi dwar il-prestazzjoni tal-algoritmi użati minn NEMOs biex isir l-akkoppjament tal-boroż tal-elettriku, li aktar tard ġew inklużi fit-TCMs.

59 Aspett ewlieni ieħor li ma ġiex analizzat bis-sħiħ fil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-linji gwida tas-CACM u tal-FCA, kien l-għażla tal-metodi tal-ipprezzar għall-enerġija nnegozjata fuq boroż tal-elettriku akkoppjati u żoni tal-offerti. Il-metodi preskritti ma ġewx analizzati u diskussi (eż. ir-rifjut ta’ block orders32), billi d-dettalji tekniċi ewlenin ġew deċiżi mill-ACER permezz tat-TCMs fi stadju aktar tard. Madankollu, it-TCMs mhumiex appoġġati minn valutazzjonijiet tal-impatt.

60 Il-kriżi tal-enerġija attwali turi n-nuqqas ta’ tħejjija f’termini tar-regoli għall-metodi tal-ipprezzar f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi fejn il-metodu jista’ jwassal għal profitti eċċessivi (ara l-Kaxxa 1). Waħda mill-miżuri ta’ kriżi li l-Kummissjoni pproponiet biex tikkoreġi tali distorsjonijiet hija li jiġu ntaxxati l-profitti mhux mistennija iżda l-Kummissjoni ma studjatx l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-swieq interni tal-enerġija tal-UE33.

61 Komponent wieħed nieqes mhux analizzat fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni li jippermetti funzjonament aħjar tas-swieq tal-elettriku, huwa l-flessibbiltà tad-domanda għall-elettriku b’reazzjoni għall-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa. Dan jista’ jinkiseb bl-użu ta’ diversi għodod bħall-aggregazzjoni tad-domanda, il-ħżin tal-enerġija, it-tnaqqis tad-domanda remunerata, u l-koordinazzjoni bejn id-DSOs u t-TSOs. Studju riċenti tal-Kummissjoni34 enfasizza l-isfidi li jeżistu bl-integrazzjoni tas-suq bl-ingrossa, fir-rigward tal-flessibbiltà tad-domanda tal-konsumaturi żgħar. Eżempji ta’ dawn l-isfidi huma qafas mhux ċar għall-aggregazzjoni tad-data, u t-trasferimenti tad-data bejn l-operaturi tal-grilja u tas-suq. Stimi prudenti tal-benefiċċji soċjali mill-flessibbiltà tad-domanda jvarjaw bejn EUR 3 biljun u EUR 5 biljun fis-sena35.

Kaxxa 1

Distakki fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni tar-regola dwar l-ipprezzar marġinali

L-Artikolu 38 tal-linja gwida tas-CACM adotta l-prattika tas-suq Ewropew li l-akkoppjament tal-boroż tal-elettriku fl-iskedi ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem irid ikun ibbażat fuq ir-regola tal-ipprezzar marġinali. Din ir-regola tgħid li l-offerti kollha aċċettati mill-fornituri jrid ikollhom l-istess prezz għal kull żona ta’ offerti u għal kull unità ta’ ħin, u jkunu remunerati bl-ogħla offerta li tikklerja s-suq f’ordni ta’ mertu (il-metodu “pay as clear”). Inġenerali, dan il-prezz tal-ikklerjar huwa stabbilit minn impjanti tal-enerġija bbażati fuq il-fjuwils fossili (jiġifieri faħam, żejt, jew gass). Dan il-metodu huwa maħsub biex jiżgura li l-produtturi ekoloġiċi jagħmlu profitt, u għalhekk qligħ fuq l-investiment, u biex iżid il-provvista tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u jnaqqas il-prezzijiet (ara l-graff).

Sors: il-QEA, ibbażat fuq Next Kraftwerke GmbH.

Fl-2014, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-linja gwida proposta. Din il-valutazzjoni ma kienet tinkludi la kwalunkwe analiżi tal-implikazzjonijiet tal-metodu attwali tal-akkoppjament tal-prezzijiet, u lanqas kwalunkwe alternattiva għalih, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi fejn iseħħ tfixkil fis-swieq tal-input (eż. prezzijiet tal-gass). Fit-tieni nofs tal-2021, ġiet osservata żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa fis-swieq kollha tal-UE, minħabba li l-prezzijiet tal-gass laħqu livelli għolja rekord: il-prezzijiet medji tal-elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem żdiedu b’200 % bejn April u Ottubru 2021, u l-prezzijiet tal-gass żdiedu b’400 %36.

Fit-tul, l-ebda xenarju tal-ENTSO-E jew tal-Kummissjoni ma kien bassar tali żidiet fil-prezz tal-elettriku. Tkabbir bil-mod fil-provvista dekarbonizzata jista’ jirriżulta f’dipendenza fuq terminu twil mill-volatilità tal-ispejjeż tal-ġenerazzjoni bbażata fuq il-fossili għall-prezzijiet tal-elettriku tal-UE. Il-volatilità tal-prezzijiet tista’ ma tipprovdix is-sinjali tal-prezz fit-tul li l-investiment fil-produzzjoni jirrikjedi: produzzjoni intensiva fil-kapital li ssir min sorsi rinnovabbli teħtieġ ċertezza f’termini ta’ dħul fuq terminu twil, sabiex tirkupra prinċipalment l-ispejjeż fissi. Il-Kummissjoni ndunat ukoll li t-tfassil tas-suq jista’ jeħtieġ li jevolvi37.

Ma kien hemm l-ebda spjegazzjoni dwar kif il-metodu tal-ipprezzar ikun jiżgura remunerazzjoni suffiċjenti bbażata fuq is-suq għall-investiment f’kapaċitajiet ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju. Matul l-aħħar 10 snin, skemi ta’ għajnuna mill-Istat li qed jikbru biex jappoġġaw l-investiment fil-kapaċitajiet tal-elettriku ekoloġiku38 wrew li l-prezzijiet tas-suq ma kinux jiżguraw remunerazzjoni suffiċjenti bbażata fuq is-suq għal tali investimenti.

F’każijiet ta’ żidiet mhux mistennija fil-prezz, il-metodu tal-ipprezzar jista’ għalhekk jiġġenera profitti għoljin mhux mistennija għall-produtturi li joperaw ferm taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni (eż. sorsi ta’ enerġija rinnovabbli), speċjalment filwaqt li jibbenefikaw minn għajnuna nazzjonali mill-Istat għall-enerġija ekoloġika. B’riżultat tal-kriżi tal-perjodu 2021-2022, ċerti Stati Membri ħadu miżuri biex jintaxxaw il-profitti mhux mistennija tal-produtturi tal-elettriku, li mbagħad jistgħu jintroduċu distorsjonijiet ġodda fl-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku.

Il-monitoraġġ u r-rappurtar fil-livell tal-UE dwar l-integrazzjoni tas-suq ma jwasslux biex problemi jiġu individwati b’mod f'waqtu

62 Minħabba l-flessibbiltà permessa, u l-kumplessità tal-implimentazzjoni tal-linji gwida tan-network (spjegati fit-taqsima preċedenti), il-monitoraġġ kontinwu u sistematiku mill-ACER u mill-Kummissjoni huwa metodu ewlieni ta’ kontroll biex tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti u omoġena fl-Istati Membri kollha u individwar f’waqtu tal-problemi ta’ implimentazzjoni. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-ACER għandhom kompetenzi legali f’termini ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida u l-effetti ekonomiċi tagħhom. Aħna użajna l-bażi legali u l-istandards tal-OECD biex nivvalutaw il-qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar tal-Kummissjoni u tal-ACER (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Standards tal-OECD għall-promozzjoni ta’ konformità effettiva

Jenħtieġ li l-monitoraġġ tal-konformità mill-awtoritajiet pubbliċi, li jirriżulta f’infurzar regolatorju aħjar, ikun prevedibbli permezz ta’ strateġija fformulata tajjeb li tipprovdi l-inċentivi korretti għal suġġetti regolati. Ikun tajjeb li l-frekwenza tal-monitoraġġ u r-riżorsi użati jkunu proporzjonali għal-livell ta’ riskju. Jenħtieġ li r-riżultati tal-monitoraġġ iwasslu għar-rikonoxximent ta’ nuqqasijiet fit-tfassil tar-regoli u l-adozzjoni f’waqtha ta’ miżuri korrettivi (eż. deċiżjonijiet tal-ACER, rakkomandazzjonijiet tagħha)39.

Jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jippubblikaw regolarment rapporti dwar l-applikazzjoni u l-prestazzjoni tal-politika regolatorja biex itejbu r-riżultati tar-regolamentazzjoni. Jenħtieġ li jfasslu u jivvalutaw strateġiji ta’ ġbir ta’ data u ġestjoni ta’ informazzjoni biex jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa ta’ kwalità għolja tkun disponibbli għat-tħejjija tar-rapporti40.

63 Taħt is-sistema legali attwali, l-ACER għandha mandat biex timmonitorja l-implimentazzjoni u l-effetti ekonomiċi tal-kodiċijiet u tal-linji gwida tan-network tal-UE, u biex lill-Kummissjoni tirrappurtalha problemi ta’ implimentazzjoni li jkunu ġew individwati. F’din it-taqsima aħna se nanalizzaw il-qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar tal-ACER fir-rigward ta’: l-implimentazzjoni tal-qafas legali mill-ARN, it-TSOs u n-NEMOs, u l-effetti tal-implimentazzjoni fuq l-integrazzjoni tas-suq41.

64 Barra minn hekk, bħala wieħed mill-kriterji tal-awditjar tagħna, użajna ir-rekwiżiti legali li jiddikjaraw li l-ACER trid tiżgura li l-pubbliku u l-partijiet kollha interessati, fejn xieraq, jingħataw informazzjoni oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli faċilment, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżultati tal-ħidma tagħha42.

65 Waħda mill-għodod prinċipali tal-ACER għall-valutazzjoni tal-effetti tal-integrazzjoni tas-suq u l-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni u lil-leġiżlatur tal-UE hija r-rapporti annwali ta’ monitoraġġ tas-suq (MMRs) dwar il-monitoraġġ tas-swieq bl-ingrossa u bl-imnut tal-elettriku u tal-gass naturali, li jenħtieġ li jidentifikaw kwalunkwe ostaklu għat-twettiq tas-suq intern u jqanqlu azzjoni ta’ rimedju43. Għalhekk, isservi wkoll bħala strument biex timmonitorja l-effetti tal-kodiċijiet/linji gwida tan-network fuq l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku (ara wkoll il-paragrafu 63). Fuq din il-bażi, l-ACER tista’ tissottometti l-opinjonijiet tagħha dwar miżuri potenzjali biex jitneħħew dawn l-ostakli.

66 L-attivitajiet ta’ monitoraġġ jistgħu jwasslu biex l-ACER tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-ARN dwar kif għandhom jiġu implimentati r-regoli jew lill-Kummissjoni dwar l-emendar tal-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida jew biex tieħu miżuri ta’ infurzar kontra l-Istati Membri f’każ ta’ implimentazzjoni insuffiċjenti tar-regoli. L-ACER ma għandha l-ebda setgħa ta’ infurzar iżda għandha rwol ġenerali ta’ koordinazzjoni għall-ARN fl-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE.

67 Aħna vverifikajna wkoll kif il-Kummissjoni u l-ACER ikkoordinaw il-monitoraġġ tagħhom tal-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni għandha obbligu legali li timmonitorja u tinforza l-implimentazzjoni uniformi u preċiża tar-Regolament-E u l-kodiċijiet/linji gwida tan-network mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet skont dawn it-Trattati44. L-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar strett tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija eżistenti u dik relatata hija l-ewwel prijorità biex tiġi stabbilita l-Unjoni tal-Enerġija45. Ir-rwol tal-Kummissjoni jinkludi wkoll l-appoġġ tal-ACER u s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-ACER.

Dgħufijiet sinifikanti fil-qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar tal-ACER

68 Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tispeċifikax kif jenħtieġ li l-ACER timmonitorja l-implimentazzjoni ġenerali tal-kodiċijiet/linji gwida tan-network u l-effetti tagħhom (eż. il-frekwenza, l-outputs mistennija), jew kif jenħtieġ li tirrapporta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma pprevedietx tali qafas ta’ rappurtar (eż. il-frekwenza u l-kontenut tar-rapporti). Barra minn hekk, l-ACER ma adottat l-ebda strateġija speċifika għall-monitoraġġ.

69 Mill-2016, il-programmi ta’ ħidma annwali tal-ACER semmew b’mod konsistenti li l-monitoraġġ huwa kompitu kritiku. Madankollu, il-programmi ta’ ħidma mhumiex espliċiti suffiċjentement sabiex jiġi ċċarat kif il-monitoraġġ u r-rappurtar huma ppjanati, minkejja l-obbligu tal-ACER li tippreżenta l-outputs kollha mistennija46. Dan jirriskja li jdgħajjef l-akkontabbiltà tal-ACER u jista’ wkoll ifixkel il-fehim mill-partijiet ikkonċernati rigward il-ħtiġijiet tad-data tal-ACER u l-involviment tagħha fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni.

70 Aħna sibna li l-ACER użat diversi sorsi biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex twettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ, bħal:

  • skambji regolari ma’ esperti mill-ARN fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Elettriku (EWG) tal-ACER u task forces relatati;
  • konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitati Ewropej tal-Partijiet Ikkonċernati47, il-Forum ta’ Firenze48, u l-Grupp ta’ Implimentazzjoni u Monitoraġġ (IMG) tal-Kodiċi tan-Network49;
  • rapporti ta’ monitoraġġ tal-ENTSO-E50 u informazzjoni oħra ppubblikata fuq is-sit web tiegħu;
  • attendenza fil-laqgħat tal-progress tal-partijiet ikkonċernati għall-implimentazzjoni tad-diversi proġetti tal-kodiċijiet/linji gwida tan-network (b’kopertura reġjonali jew tal-UE);
  • kwestjonarji/stħarriġiet mibgħuta lill-ARN;
  • għodda bbażata fuq l-internet li permezz tagħha l-ARN setgħu jirrappurtaw u jiżvelaw l-adozzjoni tat-TCMs (mill-2019 ’il quddiem)51; din l-għodda ma kinitx ipprovduta għall-adozzjoni min-NEMOs, jew mit-TSOs, tat-TCMs.

71 Xi wħud minn dawn is-sorsi ta’ komunikazzjoni ma kinux kompletament effettivi, u fixklu l-kapaċità tal-ACER li tikseb informazzjoni komprensiva f’waqtha, u b’hekk laqtu l-kapaċità tal-ACER li taqbad problemi. Pereżempju, l-involviment jew il-preżenza ta’ esperti nazzjonali fl-EWG huma volontarji u bbażati fuq ftehim mal-ARN; l-ARN iżgħar għandhom tendenza li jkunu inqas attivi (ara l-Anness VI). L-attendenza tal-persunal tal-ACER fil-laqgħat tal-progress tal-partijiet ikkonċernati kienet sporadika minħabba riżorsi insuffiċjenti52.

72 L-informazzjoni disponibbli fuq is-sit web tal-ACER ma tipprovdix inventarju regolari u faċli għall-utent tal-proġetti u t-TCMs għall-adozzjoni jew l-implimentazzjoni, lanqas ma tqabbel il-miri u d-dati ta’ skadenza tal-implimentazzjoni mar-riżultati attwali.

73 Ir-rapporti pubbliċi tal-ACER dwar l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet/linji gwida tan-network mhuma mmexxija minn l-ebda valutazzjoni tar-riskju espliċita, u lanqas mhuma sistematiċi, la f’termini tal-preparazzjoni tagħhom u lanqas fl-għadd ta’ rapporti. Fir-rigward tat-tliet linji gwida tas-suq, li għandhom impatti fuq l-akbar firxa ta’ partijiet ikkonċernati, rapport wieħed biss ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ (RIM) ġie ppubblikat fl-2019, li ma kienx ikopri l-linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku. Madankollu, dan ir-rapport la fih ħarsa ġenerali komprensiva lejn it-TCMs kollha, u lanqas deskrizzjoni tal-istadju tal-implimentazzjoni tal-proġett għal kull Stat Membru. Ir-rapport huwa wkoll inqas ċar fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet imressqa. B’mod partikolari, mhuwiex ċar liema mir-rakkomandazzjonijiet ġew indirizzati lill-Kummissjoni. L-ACER u l-Kummissjoni taw segwitu parzjali għal dan ir-rapport fl-2021.

74 Fil-każ li d-deċiżjonijiet ta’ deroga tal-ARN kienu debitament iġġustifikati, il-linji gwida ppermettew derogi mir-rekwiżiti ġenerali. L-ACER ma mmonitorjatx jew ma ħarġitx rakkomandazzjonijiet lill-ARN f’termini ta’ kif japplikaw id-derogi b’mod uniformi, li jista’ jirriżulta f’derogi li jsiru mezz biex jiġu evitati r-rekwiżiti legali.

75 Minħabba li l-ACER ma għandhiex setgħat ta’ infurzar, ir-rappurtar sistematiku mill-ACER seta’ żied l-għarfien kemm tal-pubbliku kif ukoll tal-Kummissjoni f’waqtu dwar in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-kodiċijiet/linji gwida tan-network, rawwem pressjoni mill-pari mill-ARN, u ggwidahom b’mod koordinat f’termini tal-monitoraġġ u l-infurzar tagħhom stess.

Tfixklu l-monitoraġġ u r-rappurtar tal-ACER minħabba riżorsi limitati

76 Id-Dipartiment tal-Elettriku tal-ACER huwa d-dipartiment ewlieni li jimmonitorja l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija (ara l-Anness IV). Iż-żidiet prinċipali tal-persunal għad-Dipartiment tal-Elettriku ġew approvati mill-Kummissjoni fl-2019 u l-2020 biex ilaħħqu mal-kompiti l-ġodda stabbiliti fis-CEP. Matul il-perjodu 2016-2020, l-ACER ma għamlet l-ebda talba sostanzjali għal persunal addizzjonali għad-dipartiment.

77 Proporzjon sinifikanti ħafna tal-persunal assenjat għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ġie riallokat b’mod rikorrenti biex japprova t-TCMs, l-emendi, u l-appelli tat-TCM. Dan kien parzjalment minħabba l-għadd għoli mhux mistenni ta’ tali proċeduri.

78 Attivitajiet oħra tad-Dipartiment tal-Elettriku ffaċċjaw ukoll limitazzjonijiet f’termini ta’ ambitu minħabba nuqqas ta’ riżorsi, pereżempju:

  • limitazzjonijiet fl-ambitu tal-MMRs (ara l-paragrafu 80);
  • dewmien u limitazzjonijiet tal-ambitu f’termini tar-rappurtar tal-ACER dwar il-benchmarking tat-tariffi tan-network tal-UE.

79 Aħna nosservaw li l-ACER ma emendatx il-programmi ta’ ħidma annwali tagħhom biex jirriflettu l-bidliet mhux mistennija fl-ammont ta’ xogħol u l-allokazzjoni tar-riżorsi (kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju tal-ACER).

Ir-rapporti ta’ monitoraġġ tas-suq tal-ACER huma utli, iżda mdgħajfa minn diffikultajiet fil-ġbir tad-data u nuqqas ta’ segwitu

80 Aħna sibna li maż-żmien l-ACER għamlet l-MMRs aktar rilevanti billi inkludiet aktar indikaturi dwar l-integrazzjoni tas-suq, spjegat il-metodoloġiji u billi pprovdiet analiżi akbar tal-ostakli għall-ikkompletar tas-suq intern. Sibna wkoll li ċerti oqsma għadhom jeħtieġu li jiġu analizzati (eż. investimenti f’interkonnessjonijiet, volumi negozjati transfruntiera, konverġenza tal-prezzijiet għall-iskedi ta’ żmien kollha). Barra minn hekk, seba’ ostakli tas-suq identifikati mill-ACER ma ġewx immonitorjati (eż. skemi ta’ appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli). L-ACER ħabbret li mhux se tipproduċi rapport sħiħ fl-2022, u dan huwa fattur li jirriskja nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti legali.

81 L-ACER iffaċċjat restrizzjonijiet fl-iżvilupp ta’ indikaturi rilevanti, billi kellha diffikultajiet biex tiġbor id-data meħtieġa (eż. għall-MMR tal-202053). Barra minn hekk, ma hemm l-ebda strateġija koerenti tad-data tal-enerġija tal-UE li tista’ tagħti bidu għal ġbir sistematiku u komprensiv ta’ data dwar is-swieq tal-enerġija, jew mill-Kummissjoni jew mill-ACER. Fl-Istati Uniti, hemm aġenzija federali inkarigata mill-ġbir u t-tixrid tad-data dwar is-swieq tal-enerġija tal-Istati Uniti54. L-Eurostat, id-DĠ ENER u l-ACER jippubblikaw flussi ta’ data differenti b’tulijiet varji ta’ serje ta’ żmien, aċċessibbiltà, u proċeduri ta’ verifikazzjoni differenti, u dan jipprevieni d-data milli tintuża b’mod sistematiku.

82 Pjattaforma ewlenija għall-ġbir u l-iżvelar tad-data dwar is-swieq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE hija l-Pjattaforma ta’ Trasparenza, li ilha mmaniġġjata mill-ENTSO-E mill-201555. L-ACER hija utent ewlieni ta’ din il-pjattaforma. Studju tal-Kummissjoni tal-2017 juri li l-Pjattaforma ta’ Trasparenza għandha l-potenzjal li tkun sors qawwi ta’ data komprensiva dwar l-enerġija fl-UE, iżda hemm diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni attwali tagħha, li huma relatati mal-kwalità u l-aċċessibbiltà tad-data56. Il-Kummissjoni ma wettqitx segwitu ta’ dan l-istudju. Kien biss fl-2018 li l-ACER iffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni mal-ENTSO-E dwar il-forniment ta’ data għall-monitoraġġ tal-Linji Gwida tan-Network. Fl-2021, l-ACER xorta ltaqgħet ma’ diffikultajiet fl-aċċess għad-data57.

83 Informazzjoni insuffiċjenti rigward l-effetti tal-linji gwida tan-network fuq l-integrazzjoni u l-funzjonament tas-swieq bl-ingrossa tista’ tolqot l-akkuratezza tar-rappurtar tal-ACER lill-ARN, lill-Kummissjoni u lill-pubbliku, u l-individwar f’waqtu ta’ problemi dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida u t-TCMs.

84 Wieħed mill-punti qawwijin ewlenin tal-MMRs huwa l-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Mill-2016, l-MMRs inkludew regolarment rakkomandazzjonijiet jew prijoritajiet għal azzjoni akbar sabiex jintegraw is-swieq tal-elettriku bl-ingrossa. Skont ir-Regolament-E, ir-rakkomandazzjonijiet tal-MMR jistgħu jiġu segwiti b’opinjonijiet. Madankollu, matul il-perjodu 2015-2021, l-ACER ma ppreżentat l-ebda opinjoni uffiċjali la lill-Kummissjoni u lanqas lill-Parlament Ewropew58.

85 L-inklużjoni tar-rakkomandazzjonijiet fl-MMRs tvarja fost l-edizzjonijiet u l-volumi – ma kien hemm l-ebda approċċ sistematiku. Ir-rakkomandazzjonijiet ħafna drabi sempliċement itennu l-objettivi tal-politika; kultant huma żejda peress li jirrepetu l-obbligi legali diġà inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-impatt tagħhom huwa mdgħajjef aktar minn nuqqas ta’ ċarezza f’termini ta’ lil min huma indirizzati r-rakkomandazzjonijiet, minn nuqqas ta’ ideat ċari dwar kif jissolvew l-ostakli tas-suq identifikati permezz tal-politika tal-UE, u minn nuqqas ta’ skadenzi. L-impatt tagħhom huwa mdgħajjef ukoll min-nuqqas ta’ segwitu fl-MMRs sussegwenti. Osservajna dgħufijiet bħal dawn fl-edizzjonijiet tal-2019 u tal-2020 tal-MMR.

Il-monitoraġġ tat-TSOs mill-ACER ma rriżultax fi progress sostanzjali fl-interkonnessjoni tal-infrastruttura tal-elettriku

86 Il-monitoraġġ huwa l-għodda prinċipali tal-ACER għat-trawwim ta’ aktar integrazzjoni tal-grilji tal-enerġija, anke jekk il-monitoraġġ waħdu ma jwassalx għall-implimentazzjoni konsistenti tal-kodiċijiet u l-linji gwida tan-network mill-Istati Membri. Aħna eżaminajna tliet aspetti ta’ monitoraġġ ta’ importanza ewlenija għat-trawwim tal-kapaċità tan-network (kif spjegat fil-paragrafi 43 sa 46):

  • rieżaminar regolari tal-konfigurazzjoni taż-żoni tal-offerti;
  • monitoraġġ ta’ investimenti f’interkonnetturi;
  • rappurtar regolari dwar id-disponibbiltà ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transfruntiera.

87 Iż-żewġ investimenti li jespandu l-kapaċità ta’ trażmissjoni transfruntiera kif ukoll il-konfigurazzjoni xierqa taż-żoni tal-offerti jwasslu għall-massimizzazzjoni sostenibbli tad-disponibbiltà tal-kapaċità għall-kummerċ fl-iskedi ta’ żmien kollha. Dan huwa essenzjali għat-tkabbir tal-kummerċ transfruntier u l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern. Id-differenzi fil-kapaċitajiet transżonali disponibbli madwar l-UE għandhom ir-riskju li l-parteċipanti fis-suq jistgħu ma jkunux fuq l-istess livell fir-rigward tal-aċċess għal opportunitajiet ta’ negozjar. B’mod partikolari, it-TSOs jistgħu jnaqqsu strutturalment il-kapaċitajiet transżonali disponibbli sabiex isolvu l-konġestjoni tan-netwerk intrażonali ġġenerata minn żoni tal-offerti mhux xierqa.

88 L-ACER immonitorjat il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti tal-UE u pprovdiet evidenza li l-konfigurazzjoni attwali ma kinitx xierqa. Madankollu, minħabba setgħat deċiżjonali insuffiċjenti (id-deċiżjoni finali trid tittieħed mill-Istati Membri abbażi tal-analiżi tal-ENTSO-E), difetti metodoloġiċi, dispożizzjonijiet mhux ċari fil-Linja Gwida tas-CACM u evidenza insuffiċjenti (minħabba nuqqas ta’ data), tali monitoraġġ ma wassal għall-ebda konfigurazzjoni mill-ġdid taż-żona tal-offerti jew xi talba mill-ACER biex issir rieżaminar59 (ara l-Anness V).

89 Permezz ta’ opinjonijiet biennali, l-ACER ilha timmonitorja l-investimenti tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transfruntiera fil-pjanijiet ta’ 10 snin għall-iżvilupp tan-network imfassla mill-ENTSO-E. Madankollu, sibna li fl-2019, l-implimentazzjoni ta’ madwar nofs il-proġetti ta’ investiment b’rilevanza transfruntiera kienu suġġetti għal dewmien, minkejja l-monitoraġġ tal-ACER60.

90 Mill-ewwel MMR fl-2012, l-ACER immonitorjat ukoll regolarment id-disponibbiltà tat-TSOs ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transżonali. It-TSOs għandhom l-obbligu legali li jagħmlu disponibbli għas-suq il-kapaċità massima tal-interkonnetturi u n-networks ta’ trażmissjoni li jolqtu l-flussi transfruntiera. Il-monitoraġġ mill-ACER identifika l-kalkolu żbaljat tat-TSOs tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transżonali, iżda ma setax jipprevieni li l-kapaċitajiet jitnaqqsu bla meħtieġ (ara l-paragrafu 44).

91 Bi tweġiba għad-dgħufijiet identifikati mill-ACER fi ħdan il-qafas, u permezz tar-Regolament-E l-ġdid (2019), il-leġiżlatur tal-UE adotta mira vinkolanti għall-marġni minimu ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni disponibbli għall-kummerċ (jiġifieri 70 % tal-kapaċità installata f’kull Stat Membru sa mhux aktar tard mill-202561).

92 Billi l-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ 70 % ma kinitx ċara, l-ACER ħadet għadd ta’ miżuri limitati biex tikkoordina l-kalkolu armonizzat tal-marġini tat-TSOs u tal-ARN62. Minkejja l-fatt li l-ACER mhijiex legalment obbligata li timmonitorjah63, u li l-ENTSO-E ma qabilx dwar il-kalkoli:

  • L-ACER ħarġet rakkomandazzjoni lill-ARN u lit-TSOs, biex tiċċara l-mira64;
  • billi r-rakkomandazzjoni ma kinitx vinkolanti, xi TSOs u għadd limitat ta’ ARN ma qablux mar-rakkomandazzjoni u ddeċidew li jieħdu approċċ differenti. L-ACER ippubblikat ukoll żewġ rapporti ta’ monitoraġġ dwar il-mira ta’ 70 % fl-2021. L-ACER ma nnutatx titjib viżibbli fil-kapaċitajiet transżonali disponibbli.

Dgħufijiet fil-monitoraġġ imwettaq mill-Kummissjoni jirriskjaw li ma jkunx hemm konformità mar-regoli tal-kummerċ transfruntier tal-UE

93 Ir-rappurtar tal-ACER kien element ewlieni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni. L-ACER ma għandha l-ebda obbligu legali li tindividwa u tirrapporta każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli transfruntiera tal-UE. F’Diċembru 2021, l-ACER adottat qafas ta’ monitoraġġ tal-konformità biex tikkoordina l-azzjonijiet ta’ infurzar tal-ARN fir-rigward ta’ entitajiet fil-livell tal-UE (bħal ENTSO-E) u l-obbligi tat-TSOs b’effetti transfruntiera. Għalhekk, il-Kummissjoni ffaċċjat distakk fil-monitoraġġ, peress li s-serħan fuq l-ACER ma kinitx suffiċjenti biex timmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mal-kodiċi/linji gwida tan-network u r-Regolament-E. Ma kien hemm l-ebda ftehim ta’ kooperazzjoni jew pjan direzzjonali biex ir-rwoli ta’ monitoraġġ jiġu ċċarati u biex sensji bejn l-ACER u l-Kummissjoni jiġu evitati. Filwaqt li ssemmew biss l-ACER u l-ENTSO-E, il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida tan-network ma indikawx ir-rwol tal-Kummissjoni fil-qafas ta’ monitoraġġ.

94 Bħala osservatur, il-Kummissjoni attendiet regolarment laqgħat tal-korpi governattivi u l-gruppi ta’ ħidma tal-ACER, kif ukoll laqgħat tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, iżda sa tmiem l-2021, hija ma kinitx ipproduċiet ir-rapporti tagħha stess dwar il-konformità jew il-kontrolli tal-konformità.

95 Fir-rapporti ta’ attività annwali matul il-perjodu 2016-2020, id-DĠ ENER immonitorja ftit li xejn indikaturi tal-integrazzjoni tas-suq (konverġenza tal-prezzijiet u mira ta’ interkonnessjoni), u ma ġiet stabbilita l-ebda mira għall-konverġenza tal-prezzijiet. L-ACER immonitorjat indikatur differenti tal-konverġenza tal-prezzijiet. Barra minn hekk, taħt il-pjan strateġiku ġdid tad-DĠ ENER għall-perjodu 2020-2024, tali indikaturi mhux se jibqgħu jiġu mmonitorjati.

96 Il-Kummissjoni u l-ACER ma mmonitorjawx kif l-Istati Membri ttrasponew sanzjonijiet xierqa u komparabbli fil-liġi domestika, jew kif l-ARN inforzaw kodiċijiet/linji gwida tan-network u drittijiet oħra tal-UE. Ir-Regolament-E preċedenti (2009) ma speċifika l-ebda obbligu għall-Istati Membri biex jissanzjonaw in-nuqqas ta’ konformità mal-kodiċijiet/linji gwida tan-network. Id-Direttiva 2009/72/KE dwar l-Elettriku tipprevedi penali għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha jew ma’ “kwalunkwe deċiżjoni legalment obbligatorja rilevanti tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-Aġenzija, jew li jipproponu li qorti kompetenti għandha timponi dawn il-penali”65. Ir-Regolament-E riformulat (2019) jistabbilixxi regoli preċiżi dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-kodiċijiet tan-network adottati skont l-Artikolu 59, u l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 61.

97 In-nuqqas ta’ separazzjoni ċara tar-rwoli ta’ monitoraġġ bejn il-Kummissjoni u l-ACER jirriskja li joħloq ineffiċjenzi f’termini ta’ monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-enerġija tal-UE. Dan jista’ jdgħajjef il-konverġenza tal-prattiki tal-ARN għall-monitoraġġ u l-infurzar tar-regoli tas-suq tal-elettriku tal-UE u b’hekk ifixkel il-progress fir-rigward tal-integrazzjoni tas-swieq reġjonali.

Għaxar snin wara, l-implimentazzjoni tas-sorveljanza tas-suq għadha inkompleta

98 Biex il-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa Ewropej tkun miftuħa u ġusta, huwa importanti ħafna li l-prezzijiet jirriflettu d-domanda u l-provvista, u ma jiġux distorti minn abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew forom oħra ta’ manipulazzjoni tas-suq. Distorsjonijiet bħal dawn ixekklu l-fiduċja tal-parteċipanti fis-suq fl-integrità tas-suq u jwasslu lil xi wħud minnhom biex jabbandunaw is-suq għal kollox, u b’hekk idgħajfu l-kompetizzjoni fis-suq. Dan jirriżulta fi prezzijiet ogħla u fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’kontijiet tal-elettriku ogħla għall-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi. Għalhekk jenħtieġ li s-swieq jitfasslu b’regoli li jiskoraġġixxu u jindividwaw imġiba abbużiva66.

99 Ir-Regolament tar-REMIT ħoloq qafas għall-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, biex tiġi individwata u skoraġġuta l-manipulazzjoni tas-suq. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014 dwar ir-rappurtar tad-data tar-REMIT speċifika aktar obbligi ta’ rappurtar dwar tranżazzjonijiet u data fundamentali. Aħna użajna r-rekwiżiti tar-Regolament bħala kriterji tal-awditjar għal din it-taqsima, biex nivvalutaw kif ġiet implimentata s-sorveljanza tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa.

100 Il-parteċipanti fis-suq iridu jirrappurtaw it-tranżazzjonijiet kollha tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa fil-livell tal-UE lill-ACER. L-ACER imbagħad teżamina din l-informazzjoni biex tidentifika abbużi possibbli tas-suq u, fejn meħtieġ, twissi u tikkoordina mal-ARN, li huma responsabbli għall-infurzar tal-konformità u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Biex jiġi żgurat li l-ARN iwettqu l-attivitajiet tagħhom taħt ir-REMIT b’mod koordinat u konsistenti, l-ACER tippubblika gwida dwar l-applikazzjoni tar-REMIT, għalkemm mhijiex vinkolanti.

101 L-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-ARN jingħataw is-setgħat li jippermettu li jiġu imposti penali effettivi, dissważivi u proporzjonati fuq il-parteċipanti fis-suq li wettqu ksur tar-REMIT67. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-penali jkunu leġiżlati b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju mill-parteċipanti fis-suq.

Is-sorveljanza tas-suq saret operazzjonali biss sitt snin wara l-approvazzjoni tar-REMIT, u tfixklet minn kollass tas-sistema tal-IT

102 Sibna li l-2017 kienet l-ewwel sena sħiħa tar-rappurtar tat-tranżazzjonijiet. Fit-tieni nofs tal-2017, l-ACER bdiet tuża b’mod regolari s-software ta’ sorveljanza tagħha biex teżamina awtomatikament id-data rrappurtata. Il-Figura 7 turi l-iskeda ta’ żmien tar-REMIT.

103 Wara sentejn u nofs biss ta’ attività ta’ sorveljanza tas-suq, ikkollassa l-komponent tas-sistema ta’ informazzjoni tar-REMIT (ARIS) li jdaħħal it-tranżazzjonijiet irrappurtati għal ġewwa l-bażi ta’ data tal-ARIS, peress li kien ingħeleb mill-għadd dejjem jikber ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati u mill-fatt li kien qed ibati minn nuqqas ta’ investiment kroniku. Il-perjodi ta’ waqfien ripetuti wasslu biex id-data meħtieġa għas-sorveljanza tas-suq ma tkunx disponibbli minn Lulju 2020 sa Marzu 2021. Matul dan il-perjodu, prattikament ma kien hemm l-ebda sorveljanza effettiva tas-suq, u każijiet potenzjali ta’ abbuż tas-suq setgħu baqgħu ma ġewx individwati. Is-sorveljanza tas-suq reġgħet bdiet gradwalment f’nofs l-2021, iżda x-xogħol b’lura għall-perjodu minn Lulju sa Diċembru 2020 ġie vvalutat bl-użu ta’ metodi statistiċi, jiġifieri forma eħfef ta’ valutazzjoni użata għal twissijiet bi prijorità baxxa. Madankollu, l-eżitu tal-analiżi statistika mhuwiex suffiċjenti biex l-ARN jintalbu jiftħu investigazzjoni.

Figura 7 – Skeda ta’ żmien tas-sorveljanza tas-suq tar-REMIT

Sors: il-QEA.

Il-ġbir tad-data mhuwiex komprensiv, ma jindirizzax l-oqsma prinċipali ta’ riskju, u ftit iżid valur għat-trasparenza tas-suq

104 Ir-REMIT jirrikjedi li l-parteċipanti fis-suq jirrappurtaw it-tranżazzjonijiet kollha tas-suq tal-enerġija bl-ingrossa lill-ACER, u li jiżvelaw informazzjoni privileġġjata u data fundamentali għall-fini tat-trasparenza. Ir-REMIT jirrikjedi wkoll li l-ACER tikkondividi d-data li tiġbor, taħt ċerti kundizzjonijiet. Aħna vvalutajna jekk il-ġbir ta’ data u informazzjoni relatata mat-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq kienx komprensiv, u jekk kienx hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ trasparenza. Ivverifikajna wkoll jekk l-ACER ikkondivietx id-data li ġabret kif meħtieġ u kkondivietx id-data miġbura mhux sensittiva kummerċjalment għal skopijiet ta’ riċerka, li jikkontribwixxi għat-trawwim tat-trasparenza.

105 Skont iċ-ċifri pprovduti mid-DĠ ENER68 u miksuba minn fornituri prominenti tad-data, is-swieq barra l-borża (OTC) kienu jirrappreżentaw 68 % tal-volumi tal-elettriku nnegozjati fl-2019 u 74 % ta’ dawk innegozjati fl-2020 (in-negozjar bilaterali OTC kien jirrappreżenta 44 % fl-2019 u 46 % fl-2020). Il-maġġoranza tal-elettriku bl-ingrossa għalhekk jiġi nnegozjat fis-swieq l-inqas trasparenti u għalhekk huwa aktar suxxettibbli għal manipulazzjoni. Aħna sibna li l-ACER ma tirrikonċiljax b’mod sistematiku d-data tar-REMIT rigward il-volumi annwali tal-elettriku nnegozjat fuq boroż tal-elettriku jew barra l-Borża mad-data divulgata mid-DĠ ENER, li jfisser li l-ACER ma tistax tindividwa jekk is-sistema tal-IT tar-REMIT taqbadx in-negozjar OTC kollu, u lanqas ma tista’ tieħu azzjoni dwar kwalunkwe diskrepanza.

106 Id-data rrappurtata lill-ACER rigward negozjar barra l-boroż tal-elettriku hija milquta minn bosta problemi ta’ kwalità69. Il-parteċipanti fis-suq għandhom l-obbligu li jirrappurtaw id-data, madankollu, mhumiex obbligati josservaw il-gwida mhux vinkolanti tal-ACER dwar ir-rappurtar. Għalhekk, l-ACER ma tistax tiggarantixxi li d-data sottomessa tkun kompleta, jew ta’ kwalità suffiċjenti. Dan jipprevieni lill-ACER milli tipproċessa bis-sħiħ id-data miġbura. Il-fatt li l-akbar parti mis-suq tal-elettriku bl-ingrossa mhijiex immonitorjata bis-sħiħ idgħajjef l-effettività tar-REMIT.

107 Tranżazzjonijiet relatati ma’ kuntratti għal servizzi ta’ bbilanċjar jeħtieġ li jiġu rrappurtati biss fuq talba tal-ACER70. Sal-lum, l-ACER qatt ma talbet kwalunkwe tali informazzjoni71. Madankollu, il-manipulazzjoni tas-suq isseħħ ukoll fis-suq tal-ibbilanċjar. Fi tliet każijiet, l-ARN tar-Renju Unit applikat total ta’ GBP 50 miljun f’sanzjonijiet, li jirrappreżentaw 99.3 % tas-sanzjonijiet finali kollha applikati għal ksur regolatorju fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa sal-lum (ara l-Anness VII). Dan in-nuqqas ta’ ġbir ta’ data jissarraf f’nuqqas ta’ valutazzjoni, li jnaqqas mill-komprensività tas-sorveljanza tas-suq mill-ACER.

108 L-ACER ma tistax timmonitorja modi ġodda ta’ kummerċ li żviluppaw fi snin reċenti. Il-qafas legali tar-REMIT ma ġiex aġġornat minn meta ġie adottat. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rekwiżiti legali assoċjati mad-data li għandha tiġi rrappurtata ma għadhomx xierqa, u dan ifixkel l-eżawrjenza tas-sorveljanza.

109 Ir-REMIT jirrikjedi72 li l-parteċipanti fis-suq jiżvelaw l-informazzjoni privileġġjata73 u data fundamentali74 għall-fini tat-trasparenza. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jispeċifika75 li l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġjata jista’ jsir jew fuq is-sit web tal-parteċipant fis-suq, li għandu jipprovdi web feeds biex jippermetti lill-ACER tiġbor din l-informazzjoni b’mod effiċjenti, jew bl-użu ta’ pjattaformi ta’ informazzjoni privileġġjata (IIPs) immexxija minn partijiet terzi.

110 L-ACER jeħtiġilha tivvaluta kontinwament l-operat u t-trasparenza ta’ kategoriji differenti ta’ suq u modi differenti ta’ kummerċ, u tirrapporta dwarhom fir-rapport annwali tagħha ta’ attivitajiet taħt ir-REMIT76. Madankollu, il-pubblikazzjoni tar-rapport ma tkomplietx fl-2017 (ix-xogħol ta’ rappurtar li sar fl-2016), hekk kif bdiet topera s-sorveljanza taħt ir-REMIT.

111 Minflok ir-rapport annwali tagħha, l-ACER ippubblikat informazzjoni dwar l-operat u t-trasparenza ta’ kategoriji differenti ta’ suq u modi differenti ta’ kummerċ fir-rapporti tagħha ta’ kull tliet xhur tar-REMIT. Madankollu, l-informazzjoni żvelata hija inqas dettaljata. Pereżempju, ma jinkludux informazzjoni dwar volumi tal-kummerċ jew dwar il-konformità tal-produtturi u t-TSOs mar-rekwiżiti ta’ żvelar. Ir-rapporti ta’ kull tliet xhur tar-REMIT lanqas ma jinkludu rakkomandazzjonijiet, għall-kuntrarju tal-prattika applikata fir-rapporti annwali tal-attivitajiet taħt ir-REMIT li ġew ippubblikati fi snin preċedenti. Minnbarra dan, l-ACER ippubblikat ittra waħda miftuħa77 fl-2018 li tirrapporta l-eżitu tal-analiżi tagħha tal-attivitajiet ta’ pubblikazzjoni tal-parteċipanti fis-suq. L-ACER ikkonkludiet li deher li kien hemm ħtieġa għal aktar trasparenza fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġjata.

112 Fil-gwida tagħha dwar l-applikazzjoni tar-REMIT fl-2019, u biex tissaħħaħ it-trasparenza, l-ACER irrakkomandat b’mod proattiv l-użu tal-IIPs bħala l-aktar soluzzjoni effiċjenti78. Mill-2020, l-ACER żammet reġistru ta’ IIPs li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità għall-iżvelar effettiv ta’ informazzjoni privileġġjata79. Il-lista tal-IIPs irreġistrati hija ppubblikata fuq is-sit web tal-ACER. Madankollu, il-gwida tal-ACER dwar ir-REMIT mhijiex legalment vinkolanti80. Il-parteċipanti fis-suq għalhekk xorta jistgħu jieħdu l-pass inqas effettiv li jippubblikaw informazzjoni privileġġjata fuq is-sit web tal-kumpanija tagħhom stess.

113 L-ACER jeħtiġilha tikkondividi l-informazzjoni li tiġbor mal-ARN u awtoritajiet rilevanti oħra, bħall-awtoritajiet finanzjarji nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u l-ESMA81, dment li dawn l-awtoritajiet jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ sigurtà għat-trasferiment tad-data82. L-ACER attwalment tikkondividi d-data miġbura mal-10 ARN83 li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ konnessjoni sigura tagħha. Jinsab għaddej ix-xogħol biex tiġi stabbilita konnessjoni sigura ma’ ħamsa oħra84. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra hija limitata u ssir biss fuq bażi ad hoc. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda kondiviżjoni sistematika mad-DĠ COMP85, anke jekk ksur tar-REMIT jista’ wkoll jikser il-liġi tal-kompetizzjoni, pereżempju fil-każ ta’ żamma tal-kapaċità. Żewġ awtoritajiet regolatorji finanzjarji biss esprimew interess fid-data tar-REMIT. In-nuqqas ta’ interess fl-użu tad-data jipprevieni l-awtoritajiet rilevanti milli jieħdu vantaġġ mill-informazzjoni disponibbli.

114 L-ACER trid tagħmel il-bażi ta’ data tal-kummerċ tagħha li mhix kummerċjalment sensittiva disponibbli għal skopijiet ta’ riċerka, u tista’ tiddeċiedi li tippubblikaha fl-interess li ttejjeb it-trasparenza tas-suq86. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ riżorsi, l-ACER87 għadha ma ppubblikat l-ebda data u kkondividiet biss sa livell limitat ħafna. Il-pubblikazzjoni u l-kondiviżjoni tad-data jkunu jżidu t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, peress li jkunu jippermettu lil partijiet terzi ikkonċernati li jwettqu analiżijiet tas-suq, element li jista’ jikkomplementa x-xogħol ta’ sorveljanza mwettaq mill-ACER stess.

115 Aħna osservajna wkoll li l-ACER b’mod ġenerali ma setgħetx tislet l-informazzjoni li hija utli għall-produzzjoni tal-MMRs tal-elettriku tagħha mill-bażi ta’ data tal-kummerċi tagħha, minħabba problemi ta’ kwalità tad-data; pereżempju, il-volumi tal-elettriku nnegozjati fi swieq organizzati (OMP) u OTC, u skont l-iskeda ta’ żmien. L-ACER ma tużax l-informazzjoni li diġà għandha fil-pussess tagħha; minflok, terġa’ tikseb l-informazzjoni minn fornituri esterni tad-data bi ħlas. Dan ifisser li attwalment id-data miġbura hija ta’ ftit li xejn użu għall-ACER stess, għad-DĠ ENER jew għal partijiet terzi, għal kompiti li jmorru lil hinn mill-individwar tal-manipulazzjoni tas-suq. Skont l-ACER, it-tariffi tar-REMIT (ara l-paragrafu 139) huma mistennija li jipprovdu lill-ACER bir-riżorsi meħtieġa biex jippromwovu l-użu tad-data tar-REMIT, u b’hekk iżidu l-valur tagħha88.

Is-sorveljanza tas-suq imwettqa mill-ACER mhijiex komprensiva

116 Aħna vvalutajna jekk il-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet irrappurtati biex jiġu identifikati każijiet ta’ manipulazzjoni tas-suq kienx komprensiv, li huwa prerekwiżit għal sorveljanza effettiva. L-ACER tuża proċess f’żewġ stadji biex timmonitorja l-attività ta’ negozjar fi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa (l-ewwel pass huwa skrinjar awtomatiku u t-tieni pass jinkludi valutazzjoni u analiżi inizjali manwali - ara l-Figura 8) biex jiġu individwati u pprevenuti l-manipulazzjoni tas-suq u l-abbuż minn informazzjoni privileġġjata89 bl-involviment ta’ software ta’ sorveljanza speċjalizzat (SMARTS) u timijiet speċjalizzati.

Figura 8 – Diviżjoni tar-responsabbiltajiet ta’ monitoraġġ bejn l-ACER u l-ARN

Sors: l-ACER.

117 Skont stħarriġiet dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-ARN, li ilhom imwettqa fuq bażi annwali mill-2016, ir-rwol tal-ACER huwa importanti peress li l-ARN jistgħu jkopru proporzjon żgħir biss tas-suq tal-elettriku, u b’hekk iserrħu fuq l-ACER biex timmonitorja l-bqija.

118 L-ACER żviluppat allerti bbażati fuq prattiki identifikati bħala riskjużi li jistgħu jindikaw għemil ħażin. Fl-2017, l-ACER ippubblikat lista inizjali li tidentifika 20 minn dawk il-prattiki li qieset meħtieġa għal monitoraġġ effettiv90. Il-lista ġiet aġġornata għall-ewwel darba fl-2021, abbażi ta’ konsultazzjonijiet mal-esperti. Il-verżjoni attwali tal-lista tal-ACER fiha dettalji ta’ 29 prattika suspettuża bħal dawn għal swieq kontinwi. Il-lista tal-ACER tinkludi wkoll dettalji ta’ 15-il prattika bħal din għas-swieq tal-irkant.

119 Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-ACER, il-prattiki individwati suppost huma dawk bl-akbar impatt, u dawk li jseħħu l-aktar ta’ spiss. Sibna li l-allerti implimentati biex tiġi individwata l-manipulazzjoni jkopru inqas minn nofs il-prattiki suspettużi ta’ riskju għoli u dak medju fuq il-lista tal-ACER. Dan ifisser li għad jeħtieġ li jsir aktar qabel il-monitoraġġ tal-ACER ikun jista’ jitqies effettiv b’mod adegwat.

120 5.5 % biss tal-persunal totali tal-ACER (108 fl-2021, ara t-Tabella 4) huma involuti fit-twettiq ta’ dan il-kompitu, li huwa kritiku biex l-ACER tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha. Tim stabbli iżda b’għadd insuffiċjenti ta’ persunal (sitt analisti mill-2017 ’il hawn, u ħamsa fl-2019, inklużi żewġ mexxejja ta’ timijiet) kien responsabbli għall-ipproċessar tal-għadd dejjem jikber ta’ tranżazzjonijiet. Dan iżid konsiderevolment l-għadd medju ta’ allerti ta’ riskju għoli li jiġu pproċessati manwalment mill-analisti (ara t-Tabella 2), bir-riskju li jitbaxxew il-kwalità u l-kompletezza tas-sorveljanza.

Tabella 2 – Għadd medju ta’ allerti ta’ riskju għoli pproċessati manwalment mill-analisti

Allerti 2017 2018 2019 2020 2021
Medja kull xahar 723 1 072 1 633 1 670 1 745
Medja ta’ persunal 121 179 327 278 291

Sors: l-ACER.

121 Minħabba r-restrizzjonijiet tar-riżorsi umani, l-ACER kellha tirrikorri għall-prijoritizzazzjoni: frazzjoni biss tal-allerti attivati ġew ivvalutati manwalment91. It-tisħiħ ta’ allerti eżistenti u l-iżvilupp ta’ twissijiet addizzjonali (ara l-paragrafu 118) naqsu b’mod sinifikanti, u b’hekk dgħajfu l-kopertura tas-sorveljanza tas-suq92 u fl-aħħar mill-aħħar l-effettività tar-REMIT. L-għadd ta’ każijiet ta’ ksur potenzjali tar-REMIT identifikati b’riżultat tas-sorveljanza mill-ACER attwalment huwa baxx (20 biss minn 431 każijiet identifikati ġew individwati mill-ACER matul il-perjodu 2017-2021, ara wkoll l-Anness VIII), u b’hekk il-kontribut tal-ACER kien limitat93.

L-ACER ma għandhiex is-setgħa li tiżgura infurzar nazzjonali konsistenti tar-regoli fil-livell nazzjonali għal prevenzjoni tal-abbuż tas-suq

122 Aħna vvalutajna jekk l-ACER għandhiex l-għodda xierqa biex tiżgura li r-REMIT jiġi applikat sew fil-livell nazzjonali, jekk hijiex kapaċi tiżgura l-koordinazzjoni ta’ u tipprovdi appoġġ lill-ARN fl-investigazzjonijiet tagħhom, u l-impatt tas-sorveljanza tal-ACER f’termini tal-penali applikati għall-abbuż tas-suq.

123 Taħt il-qafas legali attwali, l-ACER ma għandhiex is-setgħa li twettaq investigazzjonijiet, jew li tinforza regoli kontra l-abbuż tas-suq. Dawn id-dmirijiet huma tal-ARN, fi ħdan l-oqfsa legali nazzjonali tagħhom94. L-ACER tinnotifika lill-ARN dwar imġiba suspettuża li tidentifika. Abbażi tal-valutazzjoni tagħhom stess, l-ARN imbagħad jiddeċiedu jekk jiftħux investigazzjoni jew le. L-ARN jipprovdu feedback lill-ACER dwar każijiet li ddeċidew li jwarrbu.

124 Jekk meħtieġ, l-ACER tista’ wkoll titlob formalment lill-ARN biex jiftħu investigazzjonijiet95; madankollu, ma għandha l-ebda mezz biex tinforza tali talbiet, u dan ma jħallihiex tkun għodda kompletament effettiva. Fil-perjodu awditjat, l-ACER qatt ma kienet użat din is-setgħa.

125 Ir-rwol tal-ACER huwa li tiżgura li l-ARN iwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-REMIT b’mod ikkoordinat u konsistenti96. Għal dan il-għan, l-ACER għandha l-kompitu li tipproduċi gwida, għalkemm ma tkunx vinkolanti97. Sibna li l-ACER tippubblika u taġġorna regolarment il-gwida tagħha dwar l-applikazzjoni tar-REMIT, li attwalment tinsab fis-sitt edizzjoni tagħha. L-ACER tippubblika wkoll noti ta’ gwida li jipprovdu informazzjoni fil-fond dwar tipi speċifiċi ta’ prattiki abbużivi98. Id-dokumenti ta’ gwida teknika huma ppreżentati u diskussi ma’ rappreżentanti mill-ARN waqt laqgħat regolari tal-kumitat permanenti għall-monitoraġġ tas-suq.

126 Il-penali huma stabbiliti mil-leġiżlaturi nazzjonali. Ir-REMIT jipprovdi biss ċerti prinċipji ġenerali; jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dispożizzjonijiet dwar penali u kwalunkwe emenda99. Aħna sibna li d-DĠ ENER ma ħax miżuri biex jiżgura li l-penali jkunu konsistenti fl-Istati Membri kollha. B’riżultat ta’ dan, il-multi jistgħu jvarjaw minn eluf sa għexieren ta’ miljuni ta’ euro (ara l-Anness VII).

127 Minħabba l-kundizzjonijiet ta’ infurzar laxki murija hawn fuq u d-differenzi sinifikanti fil-penali applikati madwar l-Istati Membri, aħna nqisu li hemm riskju li l-parteċipanti fis-suq jistgħu jisfruttaw il-lakuni jew, agħar minn hekk, li l-Istati Membri jistgħu jikkompetu biex jipprovdu l-aktar ambjent permissiv għall-parteċipanti fis-suq, f’termini ta’ penali u infurzar. Dan ikun ta’ detriment għall-integrità tas-suq.

128 It-tranżazzjonijiet transfruntiera żdiedu minn 51.5 % tat-tranżazzjonijiet totali rrappurtati mill-parteċipanti fis-suq fl-2017, għal 69 % fl-2021. Il-każijiet suspettati ta’ abbuż tas-suq transfruntier qed jiżdiedu wkoll, minn 20 każ fl-2017 (24 % tat-total tal-każijiet ġodda), għal 51 każ fl-2021 (47 % tat-total tal-każijiet ġodda). L-ammont ta’ każijiet transfruntiera b’lura kiber ukoll (ara t-Tabella 3).

Tabella 3 – Statistika dwar każijiet transfruntiera

Sena Total ta’ każijiet ta’ ksur potenzjali ġdid Għadd ta’ każijiet transfruntiera ġodda Perċentwal ta’ każijiet transfruntiera ġodda Total ta’ każijiet magħrufa Għadd ta’ każijiet transfruntiera magħrufa Perċentwal ta’ każijiet transfruntiera magħrufa
2017 85 20 24 % 138 54 39 %
2018 102 32 31 % 189 60 32 %
2019 110 47 43 % 218 85 39 %
2020 102 45 44 % 282 113 40 %
2021 109 51 47 % 298 123 41 %

Sors: l-ACER.

129 Ħafna ARN mhumiex mgħammra b’mod xieraq biex janalizzaw swieq kumplessi, jew biex jieħdu inkunsiderazzjoni d-dimensjonijiet multinazzjonali100. Minħabba prijoritajiet nazzjonali differenti, każijiet transfruntiera b’implikazzjonijiet fuq l-iżvilupp tas-suq intern tal-UE xi drabi jiġu deprijoritizzati.

130 L-ACER ma tistax tipprovdi appoġġ, minkejja li għandha ħarsa ġenerali lejn il-kummerċ transfruntier, xi ħaġa li fit-teorija tikkostitwixxi vantaġġ ta’ valur. Skont l-ACER101, dan huwa minħabba nuqqas ta’ riżorsi. L-appoġġ għall-koordinazzjoni huwa tabilħaqq limitat għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat tal-każijiet (l-aktar darbtejn fis-sena) u diskussjonijiet waqt il-laqgħat tal-kumitat permanenti għall-monitoraġġ tas-suq (sitta fis-sena). L-ACER tista’ tistabbilixxi u tikkoordina gruppi investigattivi biex twieġeb għal ksur li jinkludi impatt transfruntier. Madankollu, il-parteċipazzjoni tal-ACER f’timijiet ta’ investigazzjoni transfruntiera twaqqfet minħabba nuqqas ta’ riżorsi102.

131 L-impatt tal-attività tal-ACER fuq l-individwar tal-abbuż tas-suq fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa, u fuq l-infurzar tal-penali, kien baxx. Sa issa, ħlief tnejn, il-multi kollha103 imposti għall-manipulazzjoni tas-suq jew għandhom x’jaqsmu ma’ abbużi f’setturi tas-suq mhux immonitorjati mill-ACER (ara l-paragrafu 107), jew inkella ma’ ksur ta’ qabel l-aħħar kwart tal-2017, meta l-ACER bdiet l-attività tagħha ta’ sorveljanza tas-suq (ara l-paragrafu 102 u ara l-Anness VII).

L-ACER b’mod regolari indikat nuqqasijiet ta’ baġit sabiex twettaq sorveljanza tas-suq, iżda ma allokatx ir-riżorsi tajjeb

132 Taħt il-qafas legali, jenħtieġ li l-ACER tingħata r-riżorsi xierqa biex twettaq il-kompiti tagħha104. Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovdiet lill-ACER riżorsi xierqa, u jekk l-ACER min-naħa tagħha kinitx allokathom kif suppost sabiex twettaq il-mandat tagħha.

133 Fid-dokumenti ta’ programmazzjoni tagħha għall-perjodu 2016-2021, l-ACER regolarment qajmet tħassib li ma kellhiex biżżejjed persunal jew riżorsi, li potenzjalment jipperikola l-kapaċità tagħha li twettaq il-mandat tagħha. Għalkemm in-nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji ġie identifikat bħala riskju għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet, dan tqies biss bħala riskju kritiku għall-attivitajiet tar-REMIT mill-Kummissjoni u mill-ACER. Skont l-ACER, in-nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji kien ir-raġuni għad-deprijoritizzazzjoni ta’ ħafna attivitajiet tar-REMIT u l-kawża tal-kollass tal-ARIS fl-2020 (ara l-paragrafu 103).

134 Studju indipendenti105 kkummissjonat mill-Parlament Ewropew sab li kien hemm diskrepanza persistenti bejn it-talbiet baġitarji tal-ACER u l-ammont mogħti mill-Kummissjoni. L-istudju jissuġġerixxi li d-diskrepanza hija riżultat ta’ ħtiġijiet ta’ riżorsi li ġew sottovalutati meta ġew assenjati responsabbiltajiet ġodda lill-ACER (pereżempju r-REMIT), u l-interpretazzjonijiet differenti tal-ACER u tal-awtoritajiet baġitarji dwar il-mandat tal-ACER.

135 Fl-opinjonijiet tagħha dwar l-abbozzi tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-ACER għall-perjodu 2017-2021, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-ACER għandha tittratta r-restrizzjonijiet baġitarji billi tiffoka fuq il-kompiti tagħha b’mandat legali, billi tnaqqas l-għadd ta’ membri tal-persunal li jaħdmu fuq attivitajiet ta’ appoġġ, u billi żżid l-għadd ta’ membri tal-persunal assenjati għal attivitajiet prominenti.

136 Madankollu, sibna li matul il-perjodu 2016-2021, id-daqs tad-dipartiment tas-servizzi korporattivi żdied bi 47 %, minkejja li l-ACER kienet esternalizzat ħafna attivitajiet orizzontali106, u dan id-dipartiment kien iserraħ fuq ħafna mill-persunal interim impjegat mill-ACER. Matul l-istess perjodu, il-persunal tal-ACER fl-intier tiegħu żdied bi 17 %. Id-daqs taż-żewġ dipartimenti tar-REMIT, li huma l-aktar dipartimenti li jeħtieġu riżorsi, żdied b’14 % biss matul dan il-perjodu (ara t-Tabella 4).

Tabella 4 – Ripartizzjoni tal-persunal skont id-dipartiment

Persunal attwalment impjegat mill-ACER 2016 2017 2018 2019 2020 2021 Differenza 2021-2016 Żieda f’%
Uffiċċju tad-Direttur 14 13 11 12 13 14 0 0 %
Servizzi korporattivi 15 15 17 18 20 22 7 47 %
Elettriku 13 14 16 22 25 20 7 54 %
Gass 19 15 16 16 14 16 -3 -16 %
REMIT (MIT +MSC) 29 30 30 29 33 33 4 14 %
Tot. 90 87 90 97 105 105 15 17 %

Sors: ibbażat fuq data ppubblikata fid-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-ACER.

137 Barra minn hekk, f’Diċembru 2021, l-għadd ta’ pożizzjonijiet ekwivalenti full-time (FTE) allokati lit-tim tat-twettiq tal-istrateġija u l-komunikazzjonijiet tal-ACER fi ħdan l-uffiċċju tad-direttur (sitt pożizzjonijiet FTE u tnejn interim) qabeż l-għadd allokat lit-tim tagħha ta’ sorveljanza tas-suq (sitt pożizzjonijiet FTE u żewġ trainees). L-ACER tirrikonoxxi li t-tim responsabbli għas-sorveljanza tas-suq ma għandux biżżejjed persunal (ara l-paragrafu 120). L-allokazzjoni tal-karigi tal-ACER tikser l-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) 2019/942, li jistipula li l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni m’għandhiex tipperikola l-attivitajiet ewlenin tal-ACER.

138 F’diversi okkażjonijiet, l-ACER qajmet twissijiet dwar is-sistema tal-IT tar-REMIT li ma għandhiex riżorsi biżżejjed. Aħna sibna li matul is-snin, il-finanzjament insuffiċjenti wassal għal problemi f’diversi oqsma (pereżempju, infrastruttura u software skaduti u insuffiċjenti, appoġġ inadegwat għall-utenti, u nuqqas ta’ servizzi ta’ ħżin tad-data fit-tul).

139 Fl-2021, l-ACER irnexxielha timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni107 dwar il-ġbir ta’ tariffi għall-finanzjament ta’ attivitajiet tar-REMIT (“tariffi REMIT”). Dan ta lill-ACER fluss ta’ dħul addizzjonali ta’ EUR 8.8 miljun. Dan id-dħul addizzjonali, parzjalment ikkumpensat minn tnaqqis ta’ EUR 2.5 miljun fil-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-baġit tal-ACER, ippermetta lill-ACER iżżid l-ammont tal-baġit tal-2021 għan-nefqa operattiva fuq is-sistema tal-IT tar-REMIT għal EUR 6.2 miljun, jiġifieri 88 % ogħla mill-baġit finali tal-2020. Madankollu, l-approprjazzjonijiet riportati relatati man-nefqa operattiva għas-sistema tal-IT tar-REMIT fl-2021 kienu erba’ darbiet ogħla milli fl-2020 (EUR 4.0 miljun fl-2021, u EUR 1.1 miljun fl-2020). Fil-qosor, għalkemm ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-impenji għall-proġett taħt ir-REMIT laħqet is-97.58 %, il-biċċa l-kbira mill-fluss tal-flus iġġenerat mit-tariffi tar-REMIT fl-ewwel sena ma ntefaqx matul is-sena.

140 Fl-2020 l-ACER enfasizzat in-nuqqas ta’ finanzjament bħala raġuni biex jiġu posposti investimenti fis-sistema tal-IT tar-REMIT108. Barra minn hekk, l-ACER ittardjat l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għall-2021, u ġġustifikat dan bl-inċertezza dwar il-ġbir effettiv tat-tariffi tar-REMIT. Dan imbagħad ittardja l-bidu ta’ bosta proġetti operattivi sa wara t-30 ta’ April 2021, li kienet id-data tas-saldu stabbilita għall-ewwel pagament parzjali tat-tariffi tar-REMIT tal-2021109. Madankollu, żewġ terzi tat-tariffi tar-REMIT kienu nġabru sa tmiem April 2021, u l-oqsma fejn is-sistema tal-IT tar-REMIT kienet teħtieġ titjib kienu ilhom magħrufa għal snin sħaħ. Dan kien jitlob ippjanar aħjar u azzjoni aktar mgħaġġla.

L-għodod ta’ konverġenza u l-istruttura ta’ governanza tal-ACER ma jikkontribwux għall-effettività u l-akkontabbiltà tagħha

141 Skont ir-Regolament tal-ACER, il-missjoni ewlenija tal-ACER hija li tikkoordina l-ħidma tal-ARN biex tinkiseb implimentazzjoni konverġenti tar-regoli tal-kummerċ transfruntier għas-swieq tal-elettriku. F’din it-taqsima aħna vvalutajna l-kompetenzi tal-ACER kontra l-qafas legali tal-UE u l-benchmarks tal-UE bħall-kompetenzi ta’ aġenziji simili tal-UE u tal-Kummissjoni. L-ACER jenħtieġ li jkollha s-setgħat meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet regolatorji tagħha b’mod effiċjenti, trasparenti, raġunat u fuq kollox indipendenti110. Aħna vvalutajna wkoll l-istruttura ta’ governanza tal-ACER ibbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD biex niżguraw li d-deċiżjonijiet tal-aġenziji regolatorji jittieħdu fuq bażi oġġettiva, imparzjali u konsistenti, mingħajr l-ebda kunflitt ta’ interess, preġudizzju jew influwenza mhux xierqa111. L-OECD tirrakkomanda wkoll li l-organizzazzjonijiet u l-uffiċjali pubbliċi għandhom jiżguraw aċċess miftuħ fil-proċess ta’ soluzzjoni jew ġestjoni ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess112.

142 L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE jridu wkoll iwettqu xogħolhom bl-aktar mod miftuħ possibbli sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u b’hekk jippromwovu governanza tajba113. L-ACER hija legalment meħtieġa li tikkomunika b’mod trasparenti dwar ix-xogħol tagħha lill-pubbliku u lil kwalunkwe parti kkonċernata114. Aħna vvalutajna wkoll it-trasparenza online tal-ACER kontra l-benchmarks tal-UE bħall-għodod ta’ aġenziji simili tal-UE u tal-Kummissjoni.

L-għodod ta’ konverġenza tal-ACER ma jippermettux koordinazzjoni sħiħa tal-ARN

143 Is-setgħa tal-ACER li jkollha aċċess għal data kunfidenzjali kienet waħda mill-problemi rikorrenti li ltaqgħet magħha l-ACER waqt l-attivitajiet ta’ monitoraġġ (eż. ara l-paragrafu 81, 82). Ir-Regolament tal-ACER riformulat ta lill-ACER is-setgħa li toħroġ deċiżjonijiet vinkolanti biex titlob informazzjoni mingħand l-ARN, it-TSOs, l-ENTSO-E, u n-NEMOs (l-Artikolu 3). Madankollu, l-ACER ma għandha l-ebda setgħa li timponi penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ tali deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tabilħaqq għandha tali setgħat fejn l-Istati Membri ma jipprovdux informazzjoni suffiċjenti lill-Kummissjoni115.

144 L-ACER tista’, u hekk għamlet, tadotta opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lil atturi ewlenin, bħall-ENTSO-E u l-ARN. Ir-Regolament tal-ACER ġeneralment ma jipprovdi l-ebda obbligu għall-ACER biex issegwi dawn. Id-destinatarji (eż. l-ARN, il-Kummissjoni, l-ENTSO-E) mhumiex meħtieġa jirrappurtaw lill-ACER dwar il-konformità tagħhom mal-opinjonijiet/mar-rakkomandazzjonijiet jew li jispjegaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità. Tali approċċ (jiġifieri “ikkonforma jew spjega”) huwa stabbilit fir-Regolament tal-ESMA għar-rakkomandazzjonijiet tal-ESMA116.

145 Bl-istess mod, ir-Regolament tal-ACER ma jobbligax lill-ACER timmonitorja l-konformità mad-deċiżjonijiet vinkolanti tagħha (eż. deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ TCMs). L-ACER ma għandhiex is-setgħa tinfurzahom, dawn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma użat is-setgħat ta’ infurzar tagħha għat-TCMs.

146 B’żieda ma’ dan, ir-Regolament tal-ACER ma jagħtix lill-ACER ċerti għodod ta’ konverġenza superviżorja li huma disponibbli għal aġenziji oħra tal-UE (eż. l-EBA, l-ESMA), pereżempju, rieżamijiet bejn il-pari tal-ARN, jew investigazzjonijiet ta’ ksur tad-dritt tal-UE fuq inizjattiva tagħha stess. Prerogattivi bħal dawn jistgħu jrawmu l-implimentazzjoni tal-output konsultattiv u regolatorju tal-ACER u l-effettività tal-koordinazzjoni tal-prattiki superviżorji tal-ARN jew jiżguraw allinjament aħjar tal-ħidma tal-ENTSO-E mal-interessi tal-UE.

147 It-TSOs jaqilgħu dħul sostanzjali mill-konġestjoni mill-kummerċ transfruntier fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem (ara l-paragrafu 18). L-ARN iridu jivverifikaw jekk it-TSOs jinvestux tali dħul f’kapaċità ta’ interkonnessjoni f’konformità mar-Regolament-E. L-ACER ma għandha l-ebda mandat speċifiku biex tivvaluta l-użu tad-dħul mill-konġestjoni mit-TSOs, u lanqas biex tikkoordina l-prattiki superviżorji tal-ARN f’dan il-qasam.

L-istruttura ta’ governanza tal-ACER tfixkel l-effettività u l-indipendenza tagħha

148 Id-Direttur tal-ACER huwa meħtieġ jikseb opinjoni favorevoli għall-outputs regolatorji ewlenin (eż. id-deċiżjonijiet tal-ACER dwar l-adozzjoni tat-TCMs, il-biċċa l-kbira mill-aħjar prattiki tagħha, ir-rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet tagħha) mill-Bord tar-Regolaturi (BoR), li jikkonsisti f’rappreżentant wieħed tal-ARN għal kull Stat Membru. Il-BoR japprova wkoll il-ħatra tad-Direttur tal-ACER, li jissottometti tali abbozzi regolatorji lill-BoR għall-approvazzjoni. Filwaqt li l-BoR huwa meħtieġ li jaġixxi fl-interess uniku tal-UE kollha kemm hi, ir-Regolament tal-ACER ma għandu l-ebda salvagwardji leġiżlattivi biex jevita l-involviment tar-rappreżentanti f’deċiżjonijiet tal-BoR li jkunu f’kunflitt ma’ deċiżjonijiet speċifiċi tal-ARN jew mal-interessi nazzjonali (fejn difiżi mill-ARN f’konformità mal-istatus legali tagħhom). Dan għaliex il-valutazzjoni tal-benefiċċji netti tal-benessri nazzjonali u fil-livell tal-UE li joħorġu mill-interventi tal-ACER tista’ tvarja. Bħala tqabbil, xi salvagwardji huma inkorporati fir-reviżjoni tal-2019 tar-Regolament tal-ESMA117.

149 Matul l-awditu, osservajna wkoll nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tar-regoli interni tal-ACER118 dwar il-ġestjoni u l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi għall-membri tal-BoR u tal-Bord Amministrattiv. Aktar trasparenza fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet u l-gruppi ta’ ħidma tal-ACER tista’ tikkontribwixxi għall-iskrutinju pubbliku tal-interessi konfliġġenti (eż. pubblikazzjoni tal-minuti u r-riżultati tal-votazzjoni, ara l-Anness IX).

150 Billi l-BoR jipprovdi l-opinjonijiet tiegħu abbażi ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li minoranza żgħira tista’ tagħmel veto fuq il-proposti tad-direttur tal-ACER, li jwassal għal inizjattivi regolatorji falluti jew imdewma, u li kien hemm kwistjonijiet rikorrenti bl-indipendenza tal-ARN mill-gvernijiet u l-adegwatezza tar-riżorsi tagħhom (rekwiżit tad-Direttiva-E)119. Madankollu, l-ebda riforma ta’ mitigazzjoni ma ġiet inkluża fir-Regolament tal-ACER riformulat. Fl-2021, diskussjoni tal-BoR qajmet tħassib dwar l-indipendenza tal-ARN u d-delimitazzjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-ARN u l-gvernijiet nazzjonali120. Barra minn hekk, l-għarfien espert estern fl-ACER jiddependi ħafna fuq l-involviment tal-esperti tal-ARN fil-gruppi ta’ ħidma u t-task forces. L-esperti tal-ARN jistgħu wkoll ikunu suġġetti għall-kunflitti ta’ interess imsemmija hawn fuq. Madankollu, mhumiex meħtieġa jiffirmaw xi dikjarazzjoni li tikkonċerna kunflitti ta’ interess.

151 Minkejja li jiġu allokati riżorsi sinifikanti biex jitwettqu l-istrateġija u l-komunikazzjonijiet, l-għodda ewlenija ta’ komunikazzjoni tal-ACER – is-sit web tagħha – titħaddem b’mod ineffettiv. Pereżempju, dokumenti essenzjali mhumiex aċċessibbli faċilment, jew assolutament mhumiex ippubblikati. Is-sit web huwa nieqes mit-trasparenza meħtieġa għal għodda ta’ governanza tajba. F’ċerti każijiet, lanqas biss jikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji (ara l-Anness IX).

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

152 Il-proġett ambizzjuż u kumpless tal-kisba tas-suq intern tal-elettriku tfixkel minħabba l-għażla li l-Kummissjoni kienet għamlet tal-għodod regolatorji, li wassal għall-arkitettura legali kumplessa tar-regoli tal-kummerċ transfruntier u għal dewmien. Dan tfixkel ukoll minn dgħufijiet fil-qafas ta’ governanza tal-UE. L-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni, kif ukoll l-approċċ ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni u tal-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) ma kkontribwewx suffiċjentement għat-titjib tal-funzjonament tas-suq tal-elettriku tal-UE. B’żieda ma’ dan, is-sorveljanza tas-suq biex jiġu individwati u skoraġġuti l-abbuż u l-manipulazzjoni tas-suq kienet inkompleta.

153 Il-progress fl-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku permezz tal-akkoppjament tas-swieq nazzjonali kollha tal-elettriku meħtieġa mil-linji gwida tan-network tal-UE kien għaddej bil-mod matul il-perjodu 2015-2021. Il-progress fl-integrazzjoni kien imħallat fost l-iskedi ta’ żmien tas-suq (segmenti), u ma kienx ġie ffinalizzat sa tmiem l-2021. Dan kien seba’ snin wara d-data ta’ skadenza inizjali, minkejja li proġetti ewlenin ta’ akkoppjament inbdew volontarjament qabel ma l-linji gwida ġew adottati. L-ebda waħda mil-linji gwida ma kienet attwalment implimentata bis-sħiħ. Għad hemm benefiċċji ekonomiċi mhux sfruttati, li jirriżultaw minn konverġenza akbar fil-prezzijiet, li hija skattata mit-tkabbir tal-kummerċ transfruntier. L-effettività tal-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku tfixklet ukoll min-nuqqas ta’ progress fil-kapaċità disponibbli tal-interkonnetturi transżonali (ara l-paragrafu 37 sal-paragrafu 46).

154 Il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni matul il-perjodu 2015-2017 kienu pass ewlieni fit-twettiq tal-objettivi tal-leġiżlatur tal-UE li jrawwem il-kompetizzjoni transfruntiera fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku u jneħħi l-ostakli regolatorji għall-kummerċ transfruntier. Madankollu, l-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni, jiġifieri l-għażla tat-Termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji (TCMs) li għandhom jiġu adottati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) u mill-ACER, wassal għall-implimentazzjoni kumplessa żżejjed u mdewma ta’ dawn ir-regoli.

155 Minkejja l-approvazzjoni f’waqtha tal-ACER tat-TCMs taħt il-mandat tagħha, kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni tal-kodiċijiet/linji gwida, partikolarment minħabba l-għadd kbir ta’ TCMs, dewmien fil-ftehimiet dwar it-TCMs mill-ARN u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs) u proċessi ta’ approvazzjoni ineffiċjenti stabbiliti fil-linji gwida tan-network (ara l-paragrafu 50 sal-paragrafu 56). Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni ma analizzatx suffiċjentement l-impatti tat-tfassil tas-suq u l-governanza stabbiliti, b’mod partikolari l-aspetti ewlenin relatati mad-delega tax-xogħol regolatorju lill-ARN u lill-ACER, u l-koerenza tat-tfassil tas-suq, eż. l-implikazzjonijiet tal-metodi tal-ipprezzar f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi b’disturbi fis-swieq tal-input u fid-dawl tat-tkabbir fl-enerġija rinnovabbli (ara l-paragrafu 57 sal-paragrafu 61).

Rakkomandazzjoni 1 – Simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. meta tiżviluppa kodiċijiet tan-network ġodda u linji gwida ġodda, tivvaluta b’mod sistematiku l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-istabbiliment tal-implimentazzjoni ulterjuri tagħhom permezz tal-adozzjoni ta’ termini u kundizzjonijiet jew metodoloġiji, b’mod partikolari fid-dawl tal-piż amministrattiv li jistgħu jinvolvu għall-ACER, għall-ARN u għal partijiet oħra involuti;
  2. tirrivvaluta r-regoli tal-UE li jirregolaw il-formazzjoni tal-prezz tal-elettriku bl-ingrossa fid-dawl tal-kriżi tal-enerġija attwali u ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli;
  3. tistabbilixxi regoli li jinċentivaw il-flessibbiltà tad-domanda.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2023 għal 1(a) u 1(b); l-2025 għal 1(c).

156 L-għażla tal-Kummissjoni li sserraħ fuq linji gwida tan-network u fuq it-TCMs għall-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq – għażla li ngħatat qawwa minħabba l-pressjoni mill-pari mill-partijiet ikkonċernati – tħalli lill-Istati Membri aktar libertà ta’ implimentazzjoni milli b’regolamentazzjoni diretta. Dan imbagħad kien jirrikjedi rwoli ta’ monitoraġġ b’saħħithom għall-korpi tal-UE responsabbli (il-Kummissjoni u l-ACER), biex jiġi żgurat li jkun hemm progress konsistenti fl-implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha.

157 L-ACER u l-Kummissjoni għandhom responsabbiltà kondiviża fil-koordinazzjoni tal-infurzar uniformi mill-ARN tal-kodiċijiet/linji gwida tan-network. L-ACER immonitorjat l-adozzjoni tat-TCMs, identifikat dewmien u ġeneralment approvat it-TCMs taħt il-mandat tagħha fi żmien xieraq (ara l-paragrafu 54). Madankollu, naqset milli tieħu rendikont u tirrapporta regolarment lill-Kummissjoni u lill-ARN dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-linji gwida tan-network u tat-TCMs, minħabba n-nuqqas ta’ strateġija ta’ monitoraġġ ċara, u restrizzjonijiet fuq ir-riżorsi (ara l-paragrafi 68 sa 78). Il-monitoraġġ mill-ACER tal-effetti tar-regoli tas-suq tfixkel ukoll minn data insuffiċjenti u ma rriżultax f’rakkomandazzjonijiet robusti għall-ARN. L-ACER ma pprovdietx miżuri possibbli biex trawwem l-integrazzjoni tas-suq billi ħarġet opinjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Parlament (ara l-paragrafi 80 sa 85).

158 Il-Kummissjoni u l-ACER ma kellhomx qafas komuni għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet/linji gwida (ara l-paragrafi 93 sa 97). Il-monitoraġġ tal-ACER ma kkontribwiex għal azzjonijiet ta’ infurzar ikkoordinati mill-ARN. Parzjalment minħabba dispożizzjonijiet mhux ċari fil-linji gwida tan-network jew data ta’ kwalità fqira jew nieqsa (eż. Pjattaforma ta’ Trasparenza), il-monitoraġġ mill-ACER ma kkontribwiex għall-progress fuq aspetti ta’ implimentazzjoni ewlenin, jiġifieri r-rieżaminar taż-żoni tal-offerti u l-massimizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni (il-paragrafi 86 sa 92). Bħala riżultat, l-ACER ma ssodisfatx il-potenzjal tagħha li trawwem l-infurzar f’waqtu u konverġenti tal-linji gwida mill-ARN u, fl-aħħar mill-aħħar, l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku tal-UE.

Rakkomandazzjoni 2 – Tisħiħ tal-qafas ta’ monitoraġġ għal-linji gwida tan-network

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-ACER jiċċaraw l-istrateġija tagħhom fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-effetti tal-kodiċijiet/linji gwida tan-network, u japplikawha b’mod konsistenti maż-żmien u fl-Istati Membri kollha.
  2. Bl-appoġġ tal-ACER, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi d-dgħufijiet tal-Pjattaforma ta’ Trasparenza u tal-qafas tad-data dwar l-enerġija tal-UE u, jekk meħtieġ, tadotta miżuri leġiżlattivi korrettivi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2023 għal 2(a); l-2025 għal 2(b)

159 Il-monitoraġġ mill-ACER tal-integrità tas-swieq tal-elettriku bl-ingrossa (REMIT) mhuwiex eżawrjenti (ara l-paragrafu 117 sal-paragrafu 121). Il-ġbir ta’ data ma kienx komprensiv, ma indirizzax oqsma ta’ riskju prinċipali (ara l-paragrafu 105 sal-paragrafu 108) u s-sistema tal-IT tar-REMIT tfixklet minn nuqqas ta’ investiment (ara l-paragrafu 103). Barra minn hekk, l-infurzar tar-regoli kontra l-abbuż tas-suq kien inkonsistenti minħabba approċċi nazzjonali differenti u minħabba li s-setgħat u r-riżorsi tal-ACER huma limitati. L-ARN għandhom rwol deċiżiv fir-rigward tal-aktar aspetti kruċjali tal-proċess ta’ infurzar (ara l-paragrafu 123 sal-paragrafu 127), u l-ACER ma għandhiex il-mezzi biex tipprovdi valur miżjud fil-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet transfruntiera, li qed isiru dejjem aktar frekwenti (ara l-paragrafu 128 sal-paragrafu 130). Is-sorveljanza mill-ACER ma wasslitx għal ħafna sanzjonijiet (ara l-paragrafu 131).

160 Sa issa, saret l-akbar enfasi fuq il-ġbir ta’ data ta’ kwalità tajba. Dan huwa aspett ewlieni tar-REMIT, iżda huwa sekondarju għall-għan prinċipali tar-Regolament, li huwa li jiżgura li titwettaq is-sorveljanza tas-suq (ara l-paragrafu 100), u li d-data li tirriżulta tintuża biex issaħħaħ it-trasparenza tas-suq (ara l-paragrafu 113 sal-paragrafu 115).

161 Għaxar snin wara li daħal fis-seħħ, u minkejja l-progress li sar, ir-Regolament tar-REMIT għadu ma wettaqx bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu li jipprevjeni l-abbuż tas-suq u jippromwovi t-trasparenza fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa għar-raġunijiet deskritti hawn fuq. B’riżultat ta’ dan, is-suq tal-elettriku tal-UE jirriskja li jiġi distort bil-manipulazzjoni tas-suq, għad-detriment tal-konsumaturi finali (ara l-paragrafu 102 sal-paragrafu 140).

Rakkomandazzjoni 3 – Tisħiħ tas-sorveljanza mill-ACER tal-integrità tas-swieq bl-ingrossa

Sabiex ittejjeb is-sorveljanza tas-suq u tevita distorsjonijiet potenzjali tas-suq, jenħtieġ li l-ACER timplimenta bis-sħiħ ir-regolament tar-REMIT, pereżempju billi twettaq il-kopertura tad-data tas-sorveljanza tas-suq tar-REMIT, ittejjeb il-kopertura tal-imġiba abbużiva li timmonitorja, u trawwem kooperazzjoni investigattiva transfruntiera billi tistabbilixxi gruppi investigattivi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025.

162 Matul il-perjodu 2016-2021, l-ACER ripetutament wissiet li ma kellhiex biżżejjed riżorsi, u li dan in-nuqqas ta’ riżorsi konsegwentement se jkollu impatt negattiv fuq it-twettiq tal-mandat tagħha. Tabilħaqq, l-ACER batiet nuqqasijiet strutturali ta’ baġit (ara l-paragrafu 133 sal-paragrafu 134); madankollu, sibna wkoll evidenza li tagħti x’nifhmu li dawn il-problemi huma aggravati mill-allokazzjoni fqira mill-ACER tar-riżorsi umani u finanzjarji (ara l-paragrafu 135 sal-paragrafu 140).

163 Fl-2021, l-ACER irnexxielha timplimenta l-ġbir tat-tariffi tar-REMIT, li tawha fluss ta’ dħul ġdid ta’ EUR 8.8 miljun. Madankollu, il-biċċa l-kbira mil-likwidità ġġenerata mit-tariffi tar-REMIT baqgħet mhux użata fl-2021. Fil-futur, se jkun kruċjali għall-ACER li tagħmel l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi finanzjarji addizzjonali sostanzjali għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza fil-pront il-kwistjonijiet strutturali.

Rakkomandazzjoni 4 – Tħaffif tal-użu tat-tariffi tar-REMIT biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sorveljanza tas-suq mill-ACER

Jenħtieġ li l-ACER tħaffef l-użu ta’ riżorsi finanzjarji addizzjonali li tirċievi mit-tariffi tar-REMIT biex tindirizza nuqqasijiet fl-attivitajiet tar-REMIT tagħha (pereżempju, sistema tal-IT li ma għadhiex tintuża, nuqqas ta’ persunal). Jenħtieġ li l-ACER ittejjeb il-monitoraġġ tal-ħtiġijiet ta’ persunal fid-dipartimenti abbażi tal-prijoritajiet stabbiliti tagħha.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2023.

164 Minkejja l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex taġġorna r-Regolament tal-ACER, l-ACER għadha tiffaċċja restrizzjonijiet f’termini tal-effettività tas-setgħat u l-governanza meħtieġa biex trawwem l-implimentazzjoni uniformi mill-ARN, mit-TSOs u mill-Operaturi nominati tas-suq tal-elettriku (NEMOs) tar-regoli tas-suq tal-elettriku tal-UE (ara l-paragrafi 143 sa 150).

Rakkomandazzjoni 5 – Tisħiħ tal-governanza tal-ACER

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa u tipproponi titjib fil-governanza tal-ACER billi ssaħħaħ l-indipendenza mill-ARN u l-interessi nazzjonali, is-setgħat tal-infurzar, u l-għodod ta’ konverġenza.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025.

165 L-għodda ewlenija tal-komunikazzjoni tal-ACER – is-sit web tagħha – titħaddem b’mod ineffettiv. Id-dokumenti ewlenin għall-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali mhumiex aċċessibbli faċilment, jew assolutament mhumiex ippubblikati. Is-sit web huwa nieqes mit-trasparenza meħtieġa għal għodda ta’ komunikazzjoni. F’ċerti każijiet, lanqas biss jikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji (ara l-paragrafu 151).

Rakkomandazzjoni 6 – Titjib tat-trasparenza u l-akkontabbiltà tal-ACER

Jenħtieġ li lACER ittejjeb it-trasparenza u l-akkontabbiltà ta’ xogħolha billi tiffaċilita l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u d-data li jinsabu fuq is-sit web tagħha, tiżgura l-pubblikazzjoni sħiħa u f’waqtha tad-deċiżjonijiet u tad-data tagħha skont ir-rekwiżiti legali, u tintroduċi politika ta’ trasparenza definita b’mod ċar ibbażata fuq l-aħjar prattiki.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sal-2024.

166 Il-penali huma għodda importanti biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti legali tal-UE. Biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi fl-UE, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-penali jkunu konsistenti fl-Istati Membri kollha.

167 La l-Kummissjoni u lanqas l-ACER ma mmonitorjaw kif l-Istati Membri ttrasponew penali xierqa u kumparabbli fil-liġi domestika, jew kif l-ARN inforzaw kodiċijiet/linji gwida tan-network u drittijiet oħra tal-UE. Ir-REMIT jipprovdi biss għal ċerti prinċipji ġenerali, filwaqt li l-penali huma stabbiliti mil-leġiżlaturi nazzjonali. Aħna sibna li l-Kummissjoni ma aġixxietx biex tiżgura li l-penali kienu konsistenti fl-Istati Membri kollha, la għall-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida, u lanqas għar-REMIT (ara l-paragrafi 96 u 126).

Rakkomandazzjoni 7 – Valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ qafas għall-applikazzjoni konsistenti tal-penali

Biex titrawwem il-konformità mar-regoli tal-UE u jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tivvaluta jekk il-penali għall-ksur tar-regoli tal-UE humiex leġiżlati u applikati b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha.
  2. jekk ikun iġġustifikat, tiżviluppa qafas li jistabbilixxi rekwiżiti minimi komuni għall-penali.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Mihails Kozlovs, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Annessi

Anness I – Swieq tal-elettriku bl-ingrossa

L-elettriku huwa komodità partikolari. Diversi proprjetajiet jagħmluha meħtieġa li jkun hemm erba’ tipi ta’ suq tal-elettriku bl-ingrossa.

  • Ladarba jiġi prodott, l-elettriku ma jistax jinħażen ekonomikament. Barra minn hekk, xi impjanti tal-enerġija jistgħu jibdlu biss il-produzzjoni tagħhom bil-mod, minħabba li jieħdu diversi sigħat biex jistartjaw, u dan jista’ jiġġenera żidiet konsiderevoli fil-prezzijiet li mbagħad jiġu mgħoddija lill-konsumaturi. Dan jagħmilha meħtieġ li jkun hemm swieq ta’ ġurnata bil-quddiem fejn il-produzzjoni tkun tista’ tiġi ppjanata u nnegozjata ġurnata qabel.
  • Billi hemm proporzjon dejjem jikber ta’ enerġija rinnovabbli, il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tista’ tinbidel malajr. Pereżempju, l-output attwali mir-riħ u mix-xemx huwa impossibbli li jiġi previst u jista’ jkun magħruf biss viċin il-ħin reali. Barra minn hekk, peress li l-elettriku ġġenerat ma jistax jinħażen, il-qtugħ tal-infrastruttura jwassal għal tnaqqis immedjat fil-provvista. Dan jagħmilha meħtieġ li jkun hemm swieq fejn id-domanda ppjanata tista’ tiġi aġġustata fi żmien qasir: is-swieq tal-istess ġurnata.
  • Biex jiġi evitat ir-riskju ta’ qtugħ ta’ dawl, id-domanda u l-provvista fil-grilja jridu dejjem ikunu mqabbla. Dan jagħmilha meħtieġ li jkun hemm swieq fejn qrib il-ħin tal-konsenja fiżika, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs) jistgħu jakkwistaw l-enerġija meħtieġa biex iżommu l-grilja f’bilanċ: is-swieq tal-ibbilanċjar.
  • Il-volatilità tal-prezzijiet spot maħluqa min-nuqqas ta’ ħżin tagħmilha importanti għall-bejjiegħa bl-imnut u l-produtturi li jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom fis-swieq bil-quddiem (dan jista’ jkun snin, xhur jew ġimgħat qabel id-data tal-konsenja).

Sors: il-QEA, ibbażat fuq Tennet 2019.

Billi n-networks iridu jitħaddmu skont limiti ta’ kapaċità sikuri, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jallokaw il-kapaċità ta’ interkonnessjoni għan-negozju għall-konsenja bejn iż-żoni tal-offerti. Iż-żoni tal-offerti huma żoni tan-network li jenħtieġ li ma jiġux affettwati minn konġestjoni strutturali. Skont it-tip ta’ swieq bl-ingrossa, jintużaw metodi ta’ allokazzjoni differenti. Fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jbigħu l-kapaċità ta’ trażmissjoni b’mod impliċitu, bl-użu ta’ algoritmu, li jqabbel il-provvista u d-domanda tal-elettriku u l-kapaċità transżonali. Fis-suq bil-quddiem, id-drittijiet tat-trażmissjoni huma nnegozjati b’mod separat mill-elettriku. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jistgħu wkoll jieħdu azzjoni ta’ rimedju biex isolvu konġestjonijiet tan-network mhux ippjanati (eż. dispaċċ mill-ġdid u skambju kumpensatorju).

Anness II – Żviluppi prinċipali fl-akkoppjament tal-boroż tal-elettriku

Akkoppjament tas-swieq volontarju:

  • 1996-2000: is-swieq spot tal-enerġija Norveġiżi u Żvediżi huma akkoppjati (Nord Pool – skedi ta’ żmien ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, tal-ibbilanċjar); il-Finlandja u d-Danimarka jingħaqdu ma’ Nord Pool;
  • 2006: Il-Belġju, Franza, in-Netherlands jakkoppjaw is-swieq tagħhom (Akkoppjament tas-Swieq Trilaterali, jiġifieri TMC);
  • 2010: il-Ġermanja u l-Lussemburgu jingħaqdu mat-TMC (u jiffurmaw l-Ewropa tal-Punent Kontinentali, jiġifieri CWE);
  • 2012: l-akkoppjament taċ-Ċekja, l-Ungerija u s-Slovakkja;
  • 2013: l-Awstrija tingħaqad mas-CWE;
  • 2014: l-akkoppjament tas-CWE, ir-Renju Unit, Nord Pool, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja; l-akkoppjament ta’ Spanja u l-Portugall mas-CWE; l-akkoppjament tal-Ungerija mar-Rumanija (u jiffurmaw 4M MC);
  • 2015: l-akkoppjament tal-Italja ma’ Franza, l-Awstrija u s-Slovenja (u jiffurmaw żona MRC b’19-il Stat Membru akkoppjat);
  • 2015: is-CWE timplimenta l-akkoppjament tas-swieq ibbażat fuq il-flussi.

Azzjonijiet obbligatorji (wara l-adozzjoni tal-Linji Gwida/tat-TCMs tas-suq):

  • 2018: l-akkoppjament tas-swieq tal-istess ġurnata ta’ 15-il Stat Membru (is-CWE flimkien ma’ Stati Membri kontinentali oħra);
  • 2019: seba’ Stati Membri oħra jingħaqdu mal-akkoppjament tal-istess ġurnata;
  • 2020: l-akkoppjament ta’ ġurnata bil-quddiem tal-Italja u tal-Greċja;
  • 2021: l-akkoppjament ta’ ġurnata bil-quddiem tal-Greċja u tal-Bulgarija; il-proġett ta’ akkoppjament interim ta’ ġurnata bil-quddiem ta’ 4M MC ma’ MRC; l-akkoppjament ta’ ġurnata bil-quddiem tar-Rumanija u tal-Bulgarija; l-akkoppjament tal-istess ġurnata tal-Italja mat-22 Stat Membru akkoppjat l-ieħor.

Anness III – Ħarsa ġenerali lejn ir-rekwiżiti prinċipali inklużi fil-linji gwida tan-network

Segment tas-suq Linja gwida tal-Kummissjoni Rekwiżiti prinċipali
Swieq ta’ ġurnata bil-quddiem

Swieq tal-istess ġurnata
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (CACM)
  1. Regoli għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata
  2. Il-kalkolu u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transfruntiera bbażata fuq il-flussi kienu aktar effiċjenti mill-kalkolu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni netta (NTC)121
  3. Konfigurazzjoni effiċjenti taż-żoni tal-offerti li tirrifletti l-konġestjoni tan-network strutturali
  4. Algoritmi ta’ pprezzar armonizzati, ħinijiet tal-għeluq tan-negozju u prodotti
  5. Regoli għad-distribuzzjoni tad-dħul tal-konġestjoni bejn it-TSOs
Swieq bil-quddiem Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (FCA)
  1. Ħruġ ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni fit-tul fil-fruntieri kollha (ħlief għad-derogi)
  2. Pjattaforma unika Ewropea għall-irkant ta’ allokazzjoni espliċita ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni għal perjodi ta’ żmien itwal minn ġurnata bil-quddiem
  3. Prodotti parzjalment armonizzati u metodi ta’ pprezzar
  4. Regoli għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni bil-quddiem
  5. Regoli għad-distribuzzjoni tad-dħul tal-konġestjoni bejn it-TSOs
Swieq tal-ibbilanċjar Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat-23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (EB)
  1. Rwoli tal-partijiet responsabbli mill-ibbilanċjar u tal-fornituri tas-servizzi tal-ibbilanċjar
  2. Proċessi separati għall-akkwist tal-enerġija tal-ibbilanċjar u tal-kapaċità tal-ibbilanċjar
  3. Erba’ pjattaformi tal-ibbilanċjar madwar l-UE kollha li jipprovdu aċċess lit-TSOs għall-prodotti tal-enerġija tal-ibbilanċjar
  4. Algoritmi ta’ pprezzar armonizzati, ħinijiet tal-għeluq tan-negozju u prodotti
  5. Regoli għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ trażmissjoni tal-ibbilanċjar

Sors: il-QEA.

Anness IV – Organigramma tal-ACER

Nota: It-Twettiq tal-Istrateġija u l-Komunikazzjonijiet u s-Servizzi Legali huma amministrattivament taħt id-Direttur, l-Eċċellenza tad-Data hija taħt l-MIT u l-ITSP hija taħt l-MIT u s-Servizzi Korporattivi flimkien.

Anness V – Ħarsa ġenerali lejn il-monitoraġġ taż-żoni tal-offerti tal-ACER

Iż-żoni tal-offerti (BZs) huma żoni ġeografiċi li fihom il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-elettriku mingħajr ma jkollhom għalfejn jiksbu l-kapaċità ta’ trażmissjoni biex ikunu jistgħu jsiru t-tranżazzjonijiet tagħhom. Il-linja gwida tas-CACM tgħid li l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet lill-parteċipanti fis-swieq għandha tkun ibbażata fuq l-ipprezzar ħieles tal-konġestjoni tat-trażmissjoni fil-fruntieri bejn il-BZs. Il-konfigurazzjoni xierqa tal-BZs tista’ tagħti spinta lill-kapaċità ta’ trażmissjoni disponibbli għall-kummerċ u fl-aħħar mill-aħħar għall-kummerċ u l-kompetizzjoni transfruntiera. Il-BZs jistgħu jiġu mmodifikati bil-qsim, l-amalgamazzjoni jew l-aġġustament tal-konfini taż-żoni.

Il-linja gwida tas-CACM tirrikjedi li l-ACER:

  • tevalwa l-impatt tal-konfigurazzjoni tal-BZs fuq l-effiċjenza tas-suq kull tliet snin (“rapport dwar is-suq”), abbażi ta’ rapport tekniku tal-ENTSO-E;
  • tiskatta reviżjoni tal-konfigurazzjonijiet eżistenti taż-żoni tal-offerti mit-TSOs rispettivi fil-każ li jiġu identifikati ineffiċjenzi tas-suq.

Il-linja gwida tas-CACM ma tistipulax il-konfigurazzjoni tal-BZs, iżda tippermetti lill-ACER, lill-ARN, lit-TSOs, u lill-Istati Membri f’reġjun ta’ kalkolu tal-kapaċità li jitolbu lit-TSOs rispettivi biex iniedu reviżjoni tal-konfigurazzjonijiet eżistenti tal-BZs. Abbażi ta’ reviżjoni bħal din, it-TSOs se jissottomettu proposta konġunta, li l-Istati Membri rispettivi se jiddeċiedu dwarha.

L-ACER ipprovdiet żewġ rapporti dwar is-suq (fl-2018 u fl-2021) kif meħtieġ mil-linja gwida tas-CACM. Barra minn hekk, l-ACER mexxiet proġett pilota konġunt mal-ENTSO-E dwar il-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-BZs (li tnieda fl-2012 qabel l-adozzjoni tal-linja gwida tas-CACM, u ġie ffinalizzat fl-2018).

Minkejja li pprovdiet evidenza dwar ineffiċjenzi għal tliet snin (2015-2017) kif stipulat fil-linja gwida, il-valutazzjoni ġenerali tal-2018 tal-ACER kienet inkonklussiva f’termini tal-ħtieġa li tiġi emendata kwalunkwe BZ speċifika. Wara l-valutazzjoni tagħha, l-ACER ma tatx bidu għal reviżjoni fl-2018 u pprovdiet rakkomandazzjonijiet ġeneriċi għal aktar investigazzjonijiet.

Sibna żewġ tipi ta’ kawża għan-nuqqas ta’ konklużjonijiet ċari:

  • L-ACER argumentat li dan kien minħabba data u informazzjoni insuffiċjenti, inkluża evidenza insuffiċjenti pprovduta mill-ENTSO-E.
  • Il-valutazzjoni tal-ACER kienet ibbażata fuq ir-rapport ta’ reviżjoni tal-ENTSO-E tal-2018 li jkopri biss ċerti reġjuni tal-UE (mitluba mill-ACER fil-qafas tal-proġett pilota) minflok fuq ir-rapport tekniku tal-ENTSO-E (li sar f’Ottubru tal-2018), minħabba d-dewmien tal-ENTSO-E b’dan ir-rapport (l-iskadenza legali nqabżet bi tliet xhur). /li>

Barra minn hekk, id-distakki fil-qafas legali ma kkontribwewx għaċ-ċarezza tal-argumenti u tal-konklużjonijiet tal-ACER. Il-linja gwida tas-CACM ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ BZ u ma tistipulax kriterji speċifiċi għall-valutazzjonijiet mill-ACER tal-BZs. Mhuwiex ċar jekk ir-rapport dwar is-suq ivvalutax bis-sħiħ l-impatt tal-konfigurazzjoni fuq l-effiċjenza tas-suq: L-ACER ma applikatx kriterji bħal-likwidità fis-suq u s-saħħa fis-suq (anke jekk huma msemmija fil-linja gwida tas-CACM, ara l-Artikolu 33).

L-ACER wettqet it-tieni valutazzjoni tal-BZs fl-2021 (li tkopri l-perjodu 2018-2020). Din kienet kemm ineffiċjenti kif ukoll inkonklussiva. Tabilħaqq, ħabtet mar-reviżjoni li għaddejja tal-BZs attivata mill-implimentazzjoni tar-Regolament-E mnedija fl-2020 (l-Artikolu 14). Barra minn hekk, l-ACER tenniet il-konklużjoni li “sa issa, il-konfigurazzjonijiet taż-żoni tal-offerti ma rriflettewx il-konġestjonijiet strutturali sottostanti, iżda pjuttost, isegwu l-aktar il-fruntieri nazzjonali”. Ir-rapport wera li diversi reġjuni kellhom prestazzjoni fqira f’termini ta’ effiċjenza tas-suq. Madankollu, għal darb’oħra, it-tieni rapport ma rrakkomanda l-ebda tibdil fil-konfigurazzjoni, biss studji aktar dettaljati.

Ma hemm l-ebda rekwiżit legali għall-ACER li tipprovdi evalwazzjoni ex post tar-reviżjonijiet tal-BZs. Madankollu, rapport dwar is-suq tal-ACER maħruġ fl-2018 kif ukoll ir-RIM dwar il-linji gwida tas-CACM u l-FCA (2019) taw suġġerimenti lill-Kummissjoni dwar tibdil fil-proċess ta’ reviżjoni tal-BZs, ibbażati fuq it-tagħlimiet meħuda mill-proġett pilota. Is-suġġerimenti tal-ACER kellhom impatt: ir-Regolament-E l-ġdid (l-Artikolu 14) jirrikjedi t-tnedija ta’ proċess ta’ reviżjoni b’karatteristiċi aktar speċifiċi (eż. passi u skadenzi aktar ċari, l-approvazzjoni tal-metodoloġija mill-ACER eċċ.). Madankollu, għadu mhux ċar sa liema punt il-proċeduri u l-kriterji għall-proċess ta’ reviżjoni definiti fil-linja gwida tas-CACM għadhom applikabbli, kemm għal din ir-reviżjoni mfassla mill-ġdid kif ukoll għal oħrajn fil-futur qrib. Il-linja gwida tas-CACM ma ġietx emendata abbażi ta’ dawn ir-rekwiżiti ġodda taħt ir-Regolament-E.

Dan il-proċess ta’ reviżjoni ġdid (skattat mill-Artikolu 14 tar-Regolament-E riformulat) ġie sostanzjalment ittardjat (b’aktar minn sena) minħabba talbiet addizzjonali tal-ACER għal informazzjoni, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar konfigurazzjonijiet alternattivi li għandhom jiġu kkunsidrati mir-reviżjoni li ġejja tat-TSOs tal-BZs.

Anness VI – Il-parteċipazzjoni tal-ARN fil-Grupp ta’ Ħidma tal-ACER dwar l-Elettriku (2019-2021)

Għadd ta’ laqgħat li saru 26
L-Awstrija 26
Il-Ġermanja 26
Franza 26
Il-Belġju 25
Spanja 26
L-Iżvezja 26
Il-Portugall 26
L-Italja 26
In-Netherlands 26
Il-Polonja 26
L-Ungerija 20
Id-Danimarka 25
Il-Finlandja 25
Iċ-Ċekja 24
L-Irlanda 24
Il-Lussemburgu 19
Is-Slovenja 10
Il-Kroazja 11
Il-Greċja 19
Il-Litwanja 13
Il-Latvja 18
Malta 0
Ir-Rumanija 17
L-Estonja 4
Ċipru 4
Il-Bulgarija 0
Is-Slovakkja 10
Ir-Renju Unit 13

Sors: l-ACER.

Anness VII – Deċiżjonijiet ta’ infurzar tal-ARN dwar ir-REMIT – Suq tal-elettriku bl-ingrossa (status fl-4 ta’ Ġunju 2022)

Data tal-ksur Data tad-deċiżjoni ARN, Stat Membru Parteċipant fis-Suq Tip ta’ ksur tar-REMIT Li jinvolvi s-Suq tal-ibbilanċjar Multa Status
Ottubru 2016 25 ta’ April 2022 CRE (FR) Electricité de France SA L-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 Le EUR 500 000 Appell possibbli
Novembru 2016 25 ta’ April 2022 CRE (FR) EDF Trading Limited L-Artikolu 5 Le EUR 50 000 Appell possibbli
Ġunju 2019 30 ta’ Settembru 2021 BNetzA (DE) Energi Danmark A/S L-Artikolu 5 Le EUR 200 000 Finali
Ġunju 2019 30 ta’ Settembru 2021 BNetzA (DE) Optimax Energy GmbH L-Artikolu 5 Le EUR 175 000 Taħt appell
Marzu 2019 - Settembru 2020 24 ta’ Awwissu 2021 OFGEM (UK) ESB Independent Generation Trading Limited u Carrington Power Limited L-Artikolu 5 Iva GBP 6 000 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 7 miljun) Finali
Settembru 2017 - Marzu 2020 16 ta’ Diċembru 2020 OFGEM (UK) EDF Energy (Thermal Generation) Limited L-Artikolu 5 Iva GBP 6 000 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 6.7 miljun) Finali
Xitwa 2016 25 ta’ Marzu 2020 OFGEM (UK) InterGen (UK) Ltd, Coryton Energy Company Ltd, Rocksavage Power Company Ltd, Spalding Energy Company Ltd L-Artikolu 5 Iva GBP 37 291 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 42.5 miljun) Finali
18 ta’ Marzu 2019 Settembru 2019 MEKH (HU) MAVIR Magyar Villamosenergia-ipari Átviteli Rendszerirányító Zártkörűen Működő Részvénytársaság L-Artikolu 5 Le HUF 1 000 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 3 000) Finali
2015 21 ta’ Diċembru 2018 Prosekutur/DUR (DK) Neas Energy A/S L-Artikolu 5 Le DKK 153 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 20 400) Finali
2015 30 ta’ Ottubru 2018 Prosekutur/DUR (DK) Energi Danmark A/S L-Artikolu 5 Le DKK 1 104 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 147 000) Finali
30 ta’ Novembru - 23 ta’ Diċembru 2013 24 ta’ Novembru 2015 CNMC (ES) Iberdrola Generación S.A.U. L-Artikolu 5 Le EUR 25 000 000 Taħt appell
        Multi totali   EUR 82 295 400  

Sors: il-QEA.

Anness VIII – Għadd totali ta’ każijiet ġodda ta’ ksur potenzjali tar-REMIT kull sena u għal kull ARN

ARN Ewlenija 2017 2018 2019 2020 2021 Total Każijiet mis-Sorveljanza tal-ACER Każijiet minn Notifiki oħra
ARN 1 7 5 10 8 6 36 2 34
ARN 2 1 2 0 0 0 3   3
ARN 3 2 3 3 13 6 27 2 25
ARN 4 2 5 0 2 1 10   10
ARN 5 9 15 14 13 12 63 4 59
ARN 6 19 13 4 2 12 50   50
ARN 7 16 4 7 7 12 46   46
ARN 8 2 5 3 6 2 18   18
ARN 9 0 1 0 3 0 4   4
ARN 10 2 7 3 8 8 28 1 27
ARN 11 2 0 3 6 12 23 2 21
ARN 12 0 0 0 2 0 2   2
ARN 13 1 2 4 5 4 16   16
ARN 14 7 5 7 10 5 34 1 33
ARN 15 0 1 0 0 0 1   1
ARN 16 3 5 14 0 4 26 1 25
ARN 17 3 2 1 5 2 13   13
ARN 18 2 4 7 3 7 23   23
ARN 19 3 3 1 0 2 9   9
ARN 20 0 2 0 0 0 2   2
ARN 21 3 15 19 5 1 43   43
ARN 22 0 0 0 1 0 1   1
ARN 23 0 0 0 2 1 3   3
ARN 24 0 2 5 1 1 9   9
ARN 25 0 0 2 0 2 4   4
ARN 26 0 0 0 0 0 0   0
ARN 27 0 0 0 0 0 0   0
ARN 28 0 0 0 0 0 0   0
Aktar minn ARN ewlenija waħda 1 1 3 0 9 14 7 7
Total (il-ksur kollu tar-REMIT) 85 102 110 102 109 508 20 488
Każijiet mis-Sorveljanza tal-ACER 0 2 4 5 9 20    
Każijiet minn Notifiki oħra 85 100 106 97 100 488    
Total (ksur tal-Artikoli 3 u 5 tar-REMIT) 64 82 90 93 102 431 20 411
Każijiet mis-Sorveljanza tal-ACER 0 2 4 5 9 20    
Każijiet minn Notifiki oħra 64 80 86 88 93 411    

Sors: l-ACER.

Anness IX – Sit web tal-ACER: għodda ewlenija ta’ trasparenza mmexxija b’mod ineffettiv

Is-sit web tal-ACER ma jilħaqx l-aspettattivi meta mqabbel mas-sit web tal-Kummissjoni jew ma’ dawk ta’ aġenziji oħra tal-UE. Pereżempju:

  • Is-sit web mhuwiex faċli għall-utent biex jikkonsultah. Meta mqabbla mas-siti web tal-Kummissjoni jew tal-ESMA, l-għodda tat-tiftix għas-sit web kollu hija impreċiża, u ħafna drabi ma tagħti l-ebda riżultat meta tfittex dokument speċifiku. Peress li l-ebda għażla ta’ filtrazzjoni mhija disponibbli, l-utenti esterni ma jistgħux jirkupraw lottijiet ta’ dokumenti bbażati fuq kriterji speċifiċi. L-għodda tal-filtrazzjoni li suppost tippermetti lill-utenti esterni jfittxu notifiki speċifiċi tal-ARN relatati mat-TCMs ma taħdimx122.
  • Mhux it-TCMs kollha huma disponibbli pubblikament fuq is-sit web tal-ACER, u ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar liema verżjonijiet huma fis-seħħ u liema ġew sostitwiti.
  • Is-sit web ma jipprovdix dettalji ta’ kif titlob aċċess mingħand l-ACER għal dokumenti li mhumiex aċċessibbli direttament.
  • L-ACER ma tippubblikax dokumenti dwar l-attivitajiet tal-gruppi ta’ ħidma, tat-task forces jew tal-gruppi ta’ esperti tal-ACER: pereżempju, minuti jew aġendi ta’ laqgħat, lista ta’ parteċipanti fil-laqgħat, pjanijiet ta’ azzjoni, riżultati, jew rappurtar. Ir-regoli interni tal-ACER jeħtieġu trasparenza fir-rigward ta’ laqgħat ma’ organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom123.
  • Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tar-Regolaturi ma jiddokumentawx liema ARN ivvutaw kontra deċiżjonijiet u opinjonijiet speċifiċi, jew għaliex.
  • Ċerti dokumenti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija rekwiżit legali ma jiġu ppubblikati xejn124. Pereżempju, dokumenti ta’ sfond għal-laqgħat tal-Bord Amministrattiv jew tal-Bord tar-Regolaturi125. Barra minn hekk, xi deċiżjonijiet tad-Direttur jew deċiżjonijiet AB ma kinux disponibbli126, u l-ebda dokument uffiċjali ma ġie ppubblikat mill-Bord tar-Regolaturi fl-2022127.
  • Id-data għal kull MMR, pereżempju, hija mehmuża mal-edizzjoni tal-MMR rispettiv, minflok ma tinħoloq bażi tad-data waħda li tista’ ssir tfittxija fiha bbażata fuq filtri, u li tista’ tiġġenera serje ta’ żmien128.
  • L-ACER ma tippubblika l-ebda data mill-bażi tad-data tar-REMIT (ara l-paragrafu 114) u ċerta data tal-MMR ma tiġix ippubblikata129 (l-ebda ġustifikazzjoni mhija disponibbli pubblikament).

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

ACER: Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

ARN: Awtorità regolatorja nazzjonali

CACM: Linja gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u l-ġestjoni tal-konġestjoni

DĠ COMP: Il-Kummissjoni – id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

DĠ ENER: Il-Kummissjoni – id-Direttorat għall-Enerġija

DSO: Operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni

ENTSO-E: Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku

ESMA: Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq

EU-DSO: Operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni Ewropew

NEMO: Operatur nominat tas-suq tal-elettriku

OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

Regolament-E/Direttiva-E: Regolament/Direttiva dwar l-Elettriku

REMIT: Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa

RIM: Rapport ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ

TCMs: Termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji

TSO: Operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni

Glossarju

Barra l-borża: In-negozjar bejn il-parteċipanti fis-suq, bilateralment jew permezz ta’ sensar, mingħajr l-involviment ta’ borża tal-elettriku.

Borża tal-elettriku: Is-suq virtwali għan-negozjar tal-elettriku bl-ingrossa skont regoli formali.

Interkonnettur: Il-konnessjoni fiżika tan-network tat-trażmissjoni bejn żewġ żoni tal-offerti jew pajjiżi.

Kapaċità ta’ trażmissjoni: L-ammont ta’ enerġija li jista’ jiġi ttrasportat bejn iż-żoni tal-offerti fil-grilja tal-enerġija.

Konġestjoni tan-network: Is-sitwazzjoni li fiha l-provvista tal-elettriku taqbeż il-kapaċità tal-grilja.

Operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni: Il-kumpanija responsabbli għal grilja nazzjonali ta’ vultaġġ għoli.

Suq bil-quddiem: Is-suq li fih l-elettriku kif ukoll id-drittijiet tat-trażmissjoni huma nnegozjati jiem, ġimgħat jew xhur qabel il-konsenja.

Suq ta’ ġurnata bil-quddiem: Is-suq li fih il-kapaċità tal-elettriku u tat-trażmissjoni hija nnegozjata ġurnata bil-quddiem il-ġurnata tal-konsenja.

Suq tal-elettriku bl-ingrossa: Is-suq li fih jiġi nnegozjat l-elettriku bejn kumpaniji tal-ġenerazzjoni u kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut, li jinvolvi wkoll intermedjarji finanzjarji, kummerċjanti tal-enerġija u konsumaturi kbar.

Suq tal-ibbilanċjar: Is-suq għan-negozjar tal-enerġija meħtieġa biex tibbilanċja l-provvista mad-domanda fil-grilja elettrika f’ħin reali, imħaddem mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni.

Suq tal-istess ġurnata: Is-suq li fih il-kapaċità tal-elettriku u tat-trażmissjoni hija nnegozjata fl-istess ġurnata bħall-konsenja tal-elettriku.

Termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji: L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jikkomplementaw il-kodiċijiet u l-linji gwida tan-network, u li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.

Żona tal-offerti: L-akbar żona ġeografika li fiha l-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-enerġija mingħajr ma jkollhom għalfejn jiksbu kapaċità ta’ trażmissjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar bil-għan li dawn iħallu impatt massimu billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar, Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Mihails Kozlovs, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Mihails Kozlovs, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Edite Dzalbe, Kap tal-Kabinett u minn Laura Graudiņa, Attaché tal-Kabinett; Valeria Rota u Juan Ignacio Gonzalez Bastero, Maniġers Prinċipali; Stefano Sturaro, Kap tal-Kompitu; Adrian Savin, Deputat Kap tal-Kompitu, Marc Hertgen u Satu Levelä-Ylinen, Awdituri. Richard Moore u Laura Mcmillan ipprovdew appoġġ lingwistiku. Zsolt Varga pprovdiet appoġġ tad-data.

Mix-xellug għal-lemin: Adrian Savin, Stefano Sturaro, Laura Graudina, Mihails Kozlovs, Edite Dzalbe, Juan Ignacio Gonzalez Bastero.

Noti finali

1 Strateġija tal-UE dwar l-enerġija (2015), p. 3.

2 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Rapport tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika”, 14.10.2020 COM(2020) 950 final, p. 10.

3 L-Artikolu 194 tat-TFUE.

4 Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija.

5 Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa.

6 https://www.acer.europa.eu/

7 https://www.entsoe.eu/

8 COM(2021) 660 final tat-13 ta’ Ottubru 2021: L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ.

9 COM(2022) 108 final tat-8 ta’ Marzu 2022: REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli.

10 https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_3131

11 L-Opinjoni 04/2022 – REPower EU.

12 Ir-Rapport Speċjali 16/2015 tal-QEA, il-paragrafi 113 u 115.

13 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (CACM).

14 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (FCA).

15 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat-23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (EB).

16 Il-Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fl-4 ta’ Frar 2011.

17 MMR 2013 tal-ACER, il-paragrafu 288.

18 ACER’s Final Assessment of the EU Wholesale Electricity Market Design (2022), p. 22.

19 MMR 2020 tal-ACER – suq tal-elettriku bl-ingrossa, p. 53.

20 ACER’s Final Assessment of the EU Wholesale Electricity Market Design (2022), p. 37 u 44.

21 https://www.ceer.eu/documents/104400/-/-/8fca26ef-8791-7da0-1fa2-e64518b4ebf8

22 L-Artikolu 16.3 tar-Regolament-E ta’ qabel u l-paragrafu 1.7 tal-Anness I; l-Artikolu 16.4 tar-Regolament-E attwali.

23 Ir-Rapport 2016 tal-ACER dwar il-monitoraġġ tas-suq.

24 https://eepublicdownloads.entsoe.eu/clean-documents/Publications/ENTSO-E general publications/ENTSO-E_PowerFacts_2019.pdf

25 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta’ Marzu 2002 u tat-23-24 ta’ Ottubru 2014.

26 Il-Premessa 74 tar-Regolament-E.

27 L-Artikolu 288 tat-TFUE.

28 Ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar il-Politika Regolatorja u l-Governanza”, 2012.

29 https://www.acer.europa.eu/events-and-engagement/news/acer-provides-recommendation-reasoned-amendments-capacity-allocation-and congestion management regulation

30 Ara, pereżempju, l-Artikolu 9(11) tal-linja gwida dwar is-CACM.

31 L-“istrumenti għal regolamentazzjoni aħjar” tal-Kummissjoni.

32 “Adapting market design to high shares of variable renewable energy” (IRENA, 2017), it-Taqsima 2.2.

33 REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli (COM(2022) 108 final).

34 https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/38fbccf2-35de-11eb-b27b-01aa75ed71a1/language-mt

35 ir-Rapport 2013 tal-ACER dwar il-monitoraġġ tas-suq, il-paragrafu 237.

36 https://documents.acer.europa.eu/en/The_agency/Organisation/Documents/ Energy Prices_Final.pdf

37 “Investment perspectives in electricity markets” (SWD(2015) 142).

38 https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/be5268ba-3609-11ec-bd8e-01aa75ed71a1/language-mt.

39 OECD Best Practice Principles for Regulatory Policy Regulatory Enforcement and Inspections, 2014.

40 Ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar il-Politika Regolatorja u l-Governanza”, 2012.

41 L-Artikolu 5.1.e tar-Regolament tal-ACER (UE) 2019/942 u l-Artikolu 6.6 tar-Regolament tal-ACER ta’ qabel (KE) 713/2009.

42 L-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-ACER (UE) 2019/942 u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-ACER ta’ qabel (KE) 713/2009.

43 L-Artikolu 11 tar-Regolament-E ta’ qabel u l-Artikolu 15 tar-Regolament-E attwali.

44 L-Artikolu 17 TUE.

45 COM(2015) 80 final.

46 L-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni 8/2019 tal-Bord Amministrattiv dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-ACER.

47 Ġew stabbiliti Kumitati Ewropej tal-Partijiet Ikkonċernati (ESCs) biex jinfurmaw u jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati dwar ir-rekwiżiti inklużi fil-kodiċijiet/linji gwida tan-network tal-elettriku matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni. Mill-2015, l-ACER u l-ENTSO-E kkoorganizzaw tliet ESCs, wieħed għal kull familja ta’ kodiċijiet (suq, operat tas-sistema, konnessjoni tal-grilja).

48 https://ec.europa.eu/info/events/european-electricity-regulatory-forum-florence-forum_en#past-events

49 https://www.entsoe.eu/network_codes/esc/#network-code-implementation-and-monitoring-group

50 L-ENTSO-E jippubblika rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tas-CACM u l-FCA msejjaħ “Rapport tas-Suq” (2016-2021) u żewġ rapporti dwar il-linja gwida dwar is-suq tal-ibbilanċjar (2020.2022): https://www.entsoe.eu/network_codes/monitoring/

51 https://surveys.acer.europa.eu/eusurvey/runner/ACERnotification

52 Ara l-paragrafu 123 tar-rapport ta’ implimentazzjoni tal-ACER dwar il-linji gwida tas-CACM/tal-FCA: Minħabba nuqqas ta’ riżorsi, l-ACER ma setgħetx issegwi b’mod attiv id-diskussjonijiet kollha fir-reġjuni kollha tal-kalkolu tal-kapaċità.

53 MMR – wholesale electricity markets 2020, p. 15 (it-Tabella i u ii).

54 https://www.eia.gov/.

55 F’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013.

56 A review of the ENTSO-E Transparency Platform - Output 1' (2017).

57 ACER report on the result of monitoring the margin available for cross-zonal electricity trade in the EU in the second half of 2020.

58 L-Artikolu 11(3) tar-Regolament-E ta’ qabel u l-Artikolu 15(3) tar-Regolament-E l-ġdid.

59 L-Artikolu 34(7) tal-linja gwida dwar is-CACM.

60 L-Opinjoni 6/2019 tal-ACER.

61 L-Artikolu 16 tar-Regolament-E riformulat.

62 Ir-Rakkomandazzjoni 1/2019 tal-ACER dwar l-implimentazzjoni tal-marġni minimu disponibbli għall-kummerċ transżonali; żewġ Rapporti tal-ACER dwar ir-riżultat tal-monitoraġġ tal-marġni disponibbli għall-kummerċ tal-elettriku transżonali fl-UE (ippubblikati fl-2020 u fl-2021).

63 L-Artikolu 15 tar-Regolament-E riformulat jirrikjedi biss li t-TSOs jissottomettu l-valutazzjonijiet ta’ konformità annwali tagħhom u l-pjanijiet ta’ konformità lill-ACER.

64 Ir-Rakkomandazzjoni 1/2019 tal-ACER dwar l-implimentazzjoni tal-marġni minimu disponibbli għall-kummerċ transżonali skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) 2019/943.

65 L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE.

66 Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011, il-Premessi (1), (2) u (3).

67 L-Artikolu 18 tar-REMIT.

68 Ir-Rapport ta’ Kull Tliet Xhur dwar is-swieq Ewropej tal-elettriku – Q4 2020.

69 REMIT Quarterly Q2/2022; 6th REMIT Forum, is-slajd 86 tal-preżentazzjoni.

70 L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014.

71 No-action relief letters tas-7 ta’ Jannar 2015 (ACER-VZ-pp 2015-3), tal-15 ta’ Diċembru 2016 (ACER-VZ-MG-mm-up-201 6-662) u tal-14 ta’ Diċembru 2017 (ACER-VZ-MG-tl-653). Mill-2018 ’il hawn, in-“no-action relief letters” twaqqfu, għalkemm inżammet il-politika. Kienet sempliċement miżjuda mad-Dokument ta’ Programmazzjoni (PD), pereżempju, fit-taqsima 2.10 f’p. 115 tal-PD tal-2019: Barra minn hekk, l-Aġenzija mhux se titlob ir-rappurtar ta’ kuntratti rapportabbli fuq talba tal-Aġenzija skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 1348/2014 fl-2019.

72 L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

73 L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

74 jiġifieri informazzjoni relatata mal-kapaċità u l-użu tal-faċilitajiet għall-produzzjoni, għall-ħżin, għall-konsum jew għat-trażmissjoni tal-elettriku, inkluż in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat jew mhux ippjanat ta’ dawn il-faċilitajiet.

75 L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1348/2014.

76 L-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

77 Ittra Miftuħa dwar l-iżvelar ta’ Informazzjoni Privileġġjata u l-użu ta’ Pjattaformi ta’ Informazzjoni Privileġġjata (IIPs) tat-30 ta’ Mejju 2018 – ACER-VZ-az-jws-tl-2018-266.

78 ACER Guidance on the application of Regulation (EU) 1227/2011 of the European Parliament and of the Council of 25 October 2011 on wholesale energy market integrity and transparency 6th Edition, it-Taqsima 4.2.1.

79 https://www.acer-remit.eu/portal/list-inside-platforms

80 L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

81 L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

82 L-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

83 AT, FR, Sl, DK, DE, SE, NL HU, FI, BE.

84 IT, LT, RO, LV, CZ - preżentazzjoni tal-ACER tal-4 ta’ Marzu 2021.

85 REMIT Forum 2021 – Special session: “REMIT data and technology” – REMIT data features – is-slajd 3.

86 L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

87 Id-Dokument ta’ Programmazzjoni tal-ACER 2020-2022, p. 79.

88 Il-Forum tar-REMIT 2021, Sessjoni speċjali “REMIT data and technology” – Information Management and Technology, is-slajd 7.

89 Ir-Rapport Annwali 2016 tar-REMIT, p. 25.

90 CAAR 2017, p. 8.

91 CAAR 2020, p. 34.

92 CAAR 2020, p. 33.

93 Is-sorveljanza tas-suq imwettqa mill-ACER bdiet fl-aħħar tliet xhur tal-2017.

94 L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

95 L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

96 L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

97 L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

98 In-Nota ta’ Gwida 1/2017 - Wash Trades; in-Nota ta’ Gwida 1/2018 – Transmission Capacity Hoarding; in-Nota ta’ Gwida 1/2019 – Layering and Spoofing.

99 L-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

100 “1/3 tal-ARN enfasizzaw nuqqas ta’ riżorsi (finanzjament) li fil-fehma tagħhom mhuwiex konsistenti mal-prinċipji tal-indipendenza tal-ARN” Kunsill tar-Regolaturi Ewropej, Rapport dwar il-Monitoraġġ tal-Indipendenza tal-ARN, April 2021, p. 7.

101 CAAR 2020, p. 17.

102 CAAR 2020, p. 33.

103 BNETZ (DE NRA) deċiżjonijiet tat-30 ta’ Settembru 2021 kontra Energy Denmark A/S (id-Danimarka) għal EUR 200 000 u kontra Optimax Energy GmbH (il-Ġermanja) għal EUR 175 000.

104 Ir-Regolament 942/2019 riformulat tal-ACER, il-Premessa 37.

105 Budget and staffing needs for the Agency for the Cooperation of Energy Regulators (ACER), PE 658.177, Novembru 2020.

106 Minn Settembru 2010 ’il hawn, l-ACER esternalizzat il-kalkoli tagħha tas-salarji u l-intitolamenti tal-persunal lill-PMO, u minn Settembru 2017 ’il hawn, esternalizzat il-kontabbiltà tagħha lid-DĠ BUDG. Hija esternalizzat ukoll l-appoġġ, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-IT lil kuntratturi esterni u lill-Kummissjoni [ABAC, ARES, SYSPER].

107 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2152 tas-17 ta’ Diċembru 2020.

108 CAAR 2020.

109 CAAR 2021, p. 84.

110 Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-ACER, il-premessa 33.

111 Ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar il-Politika Regolatorja u l-Governanza”, 2012.

112 Ir-“Rakkomandazzjoni tal-OECD tal-Kunsill dwar il-Linji Gwida tal-OECD għall-Immaniġġjar ta’ Kunflitt ta’ Interess fis-Servizz Pubbliku”, 2003.

113 L-Artikolu 15 TFUE.

114 L-Artikolu 14.2 tar-Regolament 942/2019 (ir-Regolament tal-ACER riformulat).

115 L-Artikolu 22 tar-Regolament-E ta’ qabel u l-Artikolu 66 tar-Regolament-E.

116 Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), l-Artikoli 14,15,16. Dispożizzjonijiet simili jinsabu fir-Regolamenti tal-EBA u tal-EIOPA.

117 Pereżempju, l-ARN jistgħu ma jibqgħux jivvutaw f’panels dwar każijiet ta’ “ksur tad-dritt tal-Unjoni” li jikkonċernaw lilhom infushom (l-Art. 41 tar-Regolament tal-ESMA).

118 Id-Deċiżjoni 02/2015 tal-Bord Amministrattiv tal-ACER.

119 Ara wkoll Commission Evaluation of the third energy package: SWD(2016) 412 final, it-Taqsima 7.1.1.

120 https://documents.acer.europa.eu/Official_documents/BoR/Meeting_Docs/ A21-BoR-98-02.pdf.

121 Il-kapaċità ta’ trażmissjoni netta tirrappreżenta l-ammont massimu kkalkulat ex ante ta’ enerġija li jista’ jiġi trasferit permezz ta’ interkonnettur f’ċerta direzzjoni, meta l-marġni ta’ affidabbiltà (jiġifieri l-fattur ta’ sikurezza) jiġi skontat.

122 https://surveys.acer.europa.eu/eusurvey/publication/ACERnotification.

123 Id-Deċiżjoni 2017-35 tad-Direttur dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar laqgħat ma’ organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom.

124 L-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2019/942 u l-Artikolu 10(4) tar-Regolament ta’ qabel (KE) Nru 713/2009

125 Pereżempju, ir-rapport tal-ACER dwar l-Użu tad-Dħul mill-Konġestjoni 2020.

126 Pereżempju, l-ebda Deċiżjoni uffiċjali tad-Direttur ma ġiet ippubblikata dwar l-istabbiliment tal-Kumitat tar-REMIT.

127 https://acer.europa.eu/the-agency/organisation-and-bodies/board-of-regulators/bor-official-documents.

128 Pereżempju, https://ec.europa.eu/energy/data-analysis/energy-union-indicators/scoreboard_en.

129 MMR – wholesale electricity markets 2020, p. 15 (data għat-Tabelli i u ii).

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

PDF ISBN 978-92-847-9317-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/442226 QJ-AB-23-003-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-9353-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/759954 QJ-AB-23-003-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), kontenut tal-QEA li huwa proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux jgħawġu t-tifsira jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Il-logo tal-QEA ma jridx jintuża mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.