Rapport Speċjali
06 2023

Il-kunflitt ta’ interess fl-infiq fl-oqsma tal-koeżjoni u tal-agrikoltura tal-UE Hemm qafas fis-seħħ iżda jeżistu lakuni fil-miżuri ta’ trasparenza u ta’ identifikazzjoni

Dwar ir-rapport:Il-kunflitti ta’ interess huma irregolaritajiet li jaffettwaw il-baġit tal-UE, li jseħħu meta l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta’ persuna involuta fil-ġestjoni tal-baġit tal-UE jkun kompromess minn raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess personali ieħor.

Aħna eżaminajna jekk il-kunflitti ta’ interess humiex indirizzati b’mod adegwat fil-politika agrikola u fil-politika ta’ koeżjoni. Nikkonkludu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom qafas fis-seħħ għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess, iżda li għad hemm lakuni fil-promozzjoni tat-trasparenza u l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet f’riskju.

Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tieħu azzjonijiet biex ittejjeb il-kapaċità tagħha li tipprevieni, tidentifika u tirrapporta l-kunflitti ta’ interess, u li tippromwovi t-trasparenza.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport Speċjali: Awditu dwar il-kunflitt ta’ interess fl-infiq fl-oqsma tal-koeżjoni u tal-agrikoltura tal-UE

Sommarju eżekuttiv

I Kunflitt ta’ interess huwa irregolarità li taffettwa l-baġit tal-UE li jaf tkun marbuta ma’ attivitajiet frodulenti. Huwa ddefinit fir-Regolament Finanzjarju tal-UE u fid-Direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku.

II Fl-2018, reviżjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju estendiet b’mod espliċitu l-obbligi biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess lil nies involuti fil-ġestjoni ta’ fondi tal-UE fl-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża. Kunflitt ta’ interess ikun jeżisti fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta’ dawk involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE jkun kompromess għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess personali dirett jew indirett ieħor.

III L-iskop tal-awditu kien li jiġi vverifikat, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni riveduta, ta’ każijiet reċenti u tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati ewlenin u tal-pubbliku, jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri indirizzawx adegwatament il-kunflitti ta’ interess fil-politika agrikola komuni u fil-politika ta’ koeżjoni. L-awditu kien maħsub biex jiġbed l-attenzjoni għal nuqqasijiet possibbli fl-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess fil-livell tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri u biex jirrakkomanda titjib.

IV Aħna vvalutajna l-qafas u l-proċeduri li hemm fis-seħħ biex nipprevienu l-kunflitti ta’ interess, kif ukoll biex nidentifikaw il-każijiet, insolvuhom u nirrapportaw dwarhom.

V Sibna li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri kienu għamlu sforzi biex jindirizzaw il-kunflitti ta’ interess, iżda li kien għad hemm il-lakuni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-promozzjoni tat-trasparenza, u, fl-Istati Membri, l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet f’riskju, kif ukoll ir-rappurtar komprensiv tal-każijiet ta’ kunflitt ta’ interess sabiex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkollhom stampa ġenerali ċara.

VI Aħna nirrakkomandaw miżuri biex jgħinu lill-Kummissjoni ttejjeb il-kapaċità tagħha li tipprevieni u tidentifika l-kunflitti ta’ interess u tippromwovi t-trasparenza.

Introduzzjoni

Il-kunflitti ta’ interess u l-baġit tal-UE

01 Kunflitt ta’ interess huwa irregolarità li taffettwa l-baġit tal-UE li jaf tkun marbuta ma’ attivitajiet frodulenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li “kunflitt ta’ interess jikkostitwixxi, oġġettivament u fih innifsu, irregolarità serja mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li dan jiġi kkwalifikat, billi jitqiesu l-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jekk dawn kinux qed jaġixxu in bona fide1. Il-kunflitt ta’ interess huwa ddefinit fir-Regolament Finanzjarju tal-UE2 u fid-Direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku3.

02 Reviżjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju li saret fl-2018 testendi b’mod espliċitu l-obbligi sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess lil nies involuti fil-ġestjoni ta’ fondi tal-UE fl-Istati Membri. L-Artikolu japplika wkoll għal persuni involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar atti preparatorji għall-programmi ta’ nfiq tal-UE, bħalma huma l-membri tal-gvern. Skont l-Artikolu 61(3), kunflitt ta’ interess ikun jeżisti fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta’ persuna involuta fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE jkun kompromess għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess personali dirett jew indirett ieħor.

03 Meta jiġi identifikat kunflitt ta’ interess perċepit jew reali, l-awtorità rilevanti trid tiżgura li l-persuna inkwistjoni twaqqaf kull attività fil-kwistjoni. L-Artikolu 36(3) tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi kontroll intern effettiv fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, abbażi tal-aħjar prattiki internazzjonali u inkluż l-evitar tal-kunflitti ta’ interess.

04 Għall-iskop ta’ dan ir-rapport, aħna niddefinixxu “interess” bħala impenn, obbligu, dmir jew għan assoċjat ma’ rwol jew prattika soċjali u ekonomika partikolari. Tali interess jista’ jiġi maħsub jew biex jiffavorixxi lil ċerti individwi jew gruppi, jew biex joħolqilhom żvantaġġ. Interess jista’ jiġi kkategorizzat bħala dirett jew indirett, u finanzjarju jew mhux finanzjarju (ara l-Figura 1).

Figura 1 – Kategoriji ta’ interess

Sors: Victorian Public Sector Commission, 2016.

05 L-OECD4 tiddistingwi bejn tipi differenti ta’ kunflitt ta’ interess: reali, potenzjali u perċepit. Id-differenza bejniethom, li mhijiex iddefinita fid-dritt tal-UE, hija ppreżentata fil-Figura 2 hawn taħt kif applikata għall-kuntest tal-finanzjament mill-UE:

Figura 2 – Eżempji ta’ kunflitt ta’ interess reali, perċepit u potenzjali

Sors: il-QEA.

06 Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali jistgħu jindirizzaw ukoll kunflitti ta’ interess li jikkonċernaw lil benefiċjarji privati ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE (pereżempju bejn il-benefiċjarji u l-fornituri tagħhom), u dan mhuwiex kopert mir-Regolament Finanzjarju. Dawn ir-regoli s-soltu għandhom l-għan li jevitaw l-inflazzjoni tal-prezzijiet, l-għoti ta’ evidenza falza biex jiġu ġġustifikati l-ispejjeż, jew iċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà5. L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) identifika tali każijiet fi snin reċenti6.

Kunflitti ta’ interess u ġestjoni kondiviża

07 Madwar nofs l-infiq tal-UE huwa taħt ġestjoni kondiviża mill-Kummissjoni u l-Istati Membri (ara l-Figura 3). Dan jinkludi ż-żewġ fondi agrikoli – il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – u t-tliet fondi ta’ koeżjoni prinċipali: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK).

Figura 3 – Infiq tal-UE taħt ġestjoni kondiviża fl-2021

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Kummissjoni Ewropea, il-Kontijiet Annwali tal-Unjoni Ewropea 2021.

08 Taħt il-ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà ġenerali mill-implimentazzjoni tal-baġit. Il-Kummissjoni tikseb aċċertament mis-sistemi ta’ kontroll intern u ta’ rappurtar li hemm fis-seħħ, tipprovdi gwida u appoġġ lill-korpi ta’ implimentazzjoni u tal-awditjar fl-Istati Membri, twettaq awditi, u tista’ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji jekk l-Istati Membri jonqsu milli jipproteġu l-baġit tal-UE. L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri effettivi u proporzjonati biex jipprevienu, jaqbdu u jikkoreġu l-irregolaritajiet (bħall-kunflitti ta’ interess) fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, inklużi dawk minħabba l-frodi, u biex jirkupraw ammonti li jkunu tħallsu indebitament.

09 Fil-qasam tal-koeżjoni, l-awtoritajiet maniġerjali huma responsabbli mill-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet, mill-għażla ta’ proġetti għall-finanzjament, mit-twettiq ta’ verifikazzjonijiet amministrattivi u fuq il-post, mill-awtorizzazzjoni tal-pagamenti, mill-ġbir tad-data dwar kull operazzjoni, u mill-istabbiliment ta’ miżuri kontra l-frodi. L-awtoritajiet maniġerjali jistgħu jafdaw uħud mill-funzjonijiet tagħhom lil korpi intermedjarji jew delegati, li jistgħu jkunu ministeri jew korpi pubbliċi jew privati oħra. L-awtoritajiet indipendenti tal-awditjar jivverifikaw il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u l-kontrolli interni ta’ programm operazzjonali.

10 Fl-agrikoltura (ara l-Figura 4), l-awtoritajiet maniġerjali jimmaniġġjaw programmi tal-iżvilupp rurali ffinanzjati permezz tal-FAEŻR. L-aġenziji tal-pagamenti huma responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-infiq mill-FAEG u l-FAEŻR. Huma jistgħu jiddelegaw funzjonijiet bħalma huwa l-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew il-verifiki fuq il-post fuq riċevituri finali lil awtoritajiet pubbliċi jew privati oħra. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jipprovdu opinjoni dwar il-kompletezza, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali tal-aġenzija tal-pagamenti, dwar il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll intern tagħha u dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq li għalih ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni.

Figura 4 – Ġestjoni kondiviża fil-PAK

Sors: il-QEA.

Riskji ta’ kunflitt ta’ interess u l-protezzjoni tal-istat tad-dritt

11 Rapport mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)7 juri kif il-kunflitti ta’ interess fil-ġestjoni kondiviża jistgħu jikkostitwixxu riskju sinifikanti tul iċ-ċiklu ta’ ġestjoni ta’ proġett. Matul il-fażi ta’ applikazzjoni u għażla tal-proġetti, il-kollużjoni bejn l-uffiċjali pubbliċi, l-applikanti u l-partijiet terzi jistgħu jwasslu biex il-proġetti jingħataw b’mod inġust. L-awturi ta’ reat jaf ixaħħmu lil uffiċjali pubbliċi u jiffalsifikaw id-dokumentazzjoni. Matul il-fażi ta’ għeluq u evalwazzjoni tal-proġetti, il-kunflitti ta’ interess jaf jipperikolaw l-oġġettività tar-rapporti ta’ evalwazzjoni.

12 F’Jannar 2022, Transparency International ippubblikat l-aktar verżjoni reċenti tal-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni (CPI). Dan l-indiċi jkopri t-tixħim, iżda wkoll forom oħra ta’ devjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Huwa jivvaluta l-mekkaniżmi preventivi bħall-kapaċità tal-gvern li jinforza l-mekkaniżmi ta’ integrità jew l-eżistenza ta’ liġijiet adegwati dwar id-divulgazzjoni finanzjarja, il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-aċċess għall-informazzjoni. B’mod ġenerali, l-UE, bħala medja, hija perċepita bħala inqas korrotta minn reġjuni oħra. Id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Finlandja huma fost dawk bl-aħjar prestazzjoni. Ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Bulgarija jikklassifikaw l-aħħar fost il-pajjiżi tal-UE (ara l-Figura 5).

Figura 5 – Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2021 – Unjoni Ewropea

Sors: il-QEA, ibbażat fuq Transparency International, Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2021, 2022.

13 F’Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament 2020/2092 li jistabbilixxi reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ir-Regolament jidentifika għadd ta’ sitwazzjonijiet li jaf jindikaw ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament, “in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interess” jikkostitwixxi sitwazzjoni minnhom. Meta tali ksur ikollu impatt suffiċjentement dirett fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE, jew ikun hemm riskju serju li jagħmel dan, il-Kummissjoni jeħtiġilha tipproponi miżuri xierqa. F’Marzu 2022 ġew ippubblikati Linji gwida tal-Kummissjoni dwar kif għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet8. Fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ notifika lill-Ungerija, u b’hekk formalment tat bidu għall-proċedura prevista skont ir-Regolament 2092/2020 biex tipproteġi l-baġit tal-UE. Fit-18 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet miżuri lill-Kunsill biex jipproteġi l-baġit tal-UE u l-interessi finanzjarji tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija9.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

14 L-għan tagħna kien li nivverifikaw jekk il-kunflitti ta’ interess humiex indirizzati adegwatament fil-politika agrikola komuni u fil-politika ta’ koeżjoni, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni riveduta, il-każijiet reċenti u l-interessi tal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħalma huma l-Parlament Ewropew u l-pubbliku. Sabiex nagħmlu dan ivvalutajna jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux:

  • stabbilew qafas legali komprensiv, żviluppaw proċeduri adegwati u ħadu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni biex jipprevienu sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess; u kinux
  • ħadu miżuri biex jidentifikaw kunflitti ta’ interess, isolvuhom u jirrappurtaw dwarhom.

15 Aħna ffukajna fuq il-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża kif iddefinit fir-Regolament Finanzjarju u d-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku, iżda koprejna wkoll kunflitti ta’ interess li jinvolvu benefiċjarji privati ta’ nfiq tal-UE. Koprejna miżuri ffinanzjati mill-FEŻR u l-FK, l-FSE u l-FAEG kif ukoll il-FAEŻR, li jirrappreżentaw kważi 95 % tal-infiq kollu taħt il-ġestjoni kondiviża.

16 Aħna ġbarna evidenza għall-awditjar permezz ta’:

  • analiżi mhux fuq il-post ta’ dokumenti strateġiċi, leġiżlattivi, politiċi u ta’ gwida dwar il-kunflitti ta’ interess;
  • intervisti ma’ rappreżentanti ta’ ħames direttorati ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni10 u l-OLAF, l-UPPE11, l-Ombudsman tal-UE, l-OECD, il-GRECO12, l-uffiċċju tal-etika tan-NU, l-esperti xjentifiċi u l-akkademiċi, il-gruppi ta’ riflessjoni u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;
  • intervisti ma’ rappreżentanti minn ’il fuq minn 50 awtorità nazzjonali u reġjonali f’4 Stati Membri (il-Ġermanja13, l-Ungerija, Malta u r-Rumanija), li jimmaniġġjaw il-fondi ta’ koeżjoni u l-fondi agrikoli, u organizzazzjonijiet nongovernattivi. Aħna għażilna dawn l-erba’ Stati Membri skont kriterji bħalma huma d-daqs, l-istruttura nazzjonali u reġjonali, il-kopertura ġeografika, il-materjalità tal-għajnuna tal-UE għall-koeżjoni u l-agrikoltura, il-klassifikazzjoni f’indiċijiet tal-korruzzjoni differenti u r-rappurtar min-naħa tal-Istati Membri dwar il-kunflitti ta’ interess lill-Kummissjoni (OLAF). Barra minn hekk, ikkuntattjajna lil żewġ Stati Membri oħra (l-Italja u l-Lussemburgu) rigward każijiet individwali ta’ kunflitt ta’ interess identifikati mill-media u inkludejna eżempji rilevanti miċ-Ċekja li jirriżultaw mill-ħidma fuq id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna;
  • stħarriġ li għamilna tal-Istati Membri kollha tal-UE biex niġbru informazzjoni u opinjonijiet li jikkomplementaw ix-xogħol tal-awditjar tagħna fil-kampjun li ħadna tal-Istati Membri. Aħna indirizzajna l-istħarriġ lill-korpi ewlenin fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, b’mod partikolari l-awtoritajiet maniġerjali, l-aġenziji tal-pagamenti, l-awtoritajiet tal-awditjar, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni u l-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni. Ksibna rata ta’ rispons ta’ ’l fuq minn 90 %.

17 F’Diċembru 2021 organizzajna panel ta’ diskussjoni dwar il-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża ma’ esperti mill-oqsma tax-xjenza, il-politika u l-amministrazzjoni. Il-panel għenna nivverifikaw u niżviluppaw is-sejbiet tal-awditjar tagħna.

Osservazzjonijiet

Il-miżuri għat-titjib tat-trasparenza u għall-protezzjoni tal-informaturi għadhom mhumiex fis-seħħ

18 Ikun tajjeb li l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża jkollhom politika b’saħħitha dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, abbażi ta’ qafas legali, strateġiji u proċeduri ċari u komprensivi, kif ukoll ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni rikorrenti. L-aċċess trasparenti għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE u l-protezzjoni tal-informaturi wkoll jgħinu fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess.

19 Bil-għan li l-kunflitti ta’ interess jiġu impediti internament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika r-riskji relatati, toħloq sensibilizzazzjoni dwar il-problema u tipprovdi taħriġ rilevanti lill-persunal. Billi l-Kummissjoni, fl-aħħar mill-aħħar, hija responsabbli għall-baġit tal-UE, jenħtieġ li hija tivverifika li s-sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri li jindirizzaw ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess qed jaħdmu b’mod effettiv u tipprovdi gwida lill-awtoritajiet rilevanti.

Il-Kummissjoni toffri taħriġ komprensiv u tirrikjedi dikjarazzjonijiet obbligatorji, iżda hemm xi dgħufijiet fil-proċeduri tagħha f’dak li jikkonċerna r-revolving doors

20 Għal skopijiet interni, il-Kummissjoni tindirizza l-kunflitti ta’ interess bħala parti mill-qafas tagħha dwar l-etika u l-integrità, li huwa kopert primarjament mir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE14, id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom15, kif ukoll il-kodiċijiet tal-etika u l-gwidi tal-etika tagħhom. Ir-regoli tal-Kummissjoni jirrikjedu li l-persunal jippreżenta dikjarazzjonijiet ad hoc dwar il-kunflitti ta’ interess li jistgħu jxekklu l-imparzjalità tagħhom. Ir-regoli jirregolaw l-aċċettazzjoni ta’ rigali, ospitalità u favuri, id-dikjarazzjoni ta’ attivitajiet professjonali li jitwettqu mill-konjuġi jew is-sħab tal-membri tal-persunal, u r-rekwiżit li tintalab awtorizzazzjoni minn qabel għal kwalunkwe attività esterna u li jiġu ddikjarati l-attivitajiet li jsiru wara l-impjieg. Il-proċeduri ta’ implimentazzjoni jvarjaw minn DĠ għal ieħor.

21 Il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni jridu jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar kunflitti ta’ interess possibbli f’diversi mumenti tal-ħajja professjonali tagħhom: mad-dħul tagħhom fis-servizz, jekk isiru involuti fi proċedura ta’ akkwist pubbliku, kif ukoll meta jitilqu mill-istituzzjoni tagħhom u meta jiġu lura mil-liv fuq raġunijiet personali. Fid-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u fid-DĠ tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), l-awdituri jippreżentaw dikjarazzjonijiet qabel kull assenjament ta’ awditjar, filwaqt li awdituri fid-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) iridu jirrappurtaw sitwazzjonijiet li fihom jaf isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess.

22 Il-Kummissjoni ħarġet gwida interna16, u għandha politika komprensiva għat-taħriġ dwar l-etika, kif ukoll paġna ddedikata fl-intranet tagħha. Jenħtieġ li l-membri tal-persunal li jemmnu li jaf jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess jinfurmaw minnufih lill-entità organizzattiva responsabbli mill-ħatra tagħhom (“awtorità tal-ħatra”), u jingħataw parir li jinfurmaw ukoll lis-superjur ġerarkiku tagħhom. L-awtorità tal-ħatra hija responsabbli mill-prevenzjoni ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali. Id-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-persunal jinħażnu fl-applikazzjoni tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni. Il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar ta’ funzjonijiet sensittivi tiffoka fuq il-ġestjoni tar-riskji ta’ kontroll intern b’mod aktar effettiv u proattiv. Dan jinkludi t-tfassil mill-ġdid tal-proċessi, l-introduzzjoni ta’ kontrolli interni msaħħa, miżuri ta’ sensibilizzazzjoni jew kombinament ta’ dawn ta’ hawn fuq. Il-gwida tagħti l-parir li ssir rotazzjoni obbligatorja tal-persunal f’funzjonijiet sensittivi bħala l-aħħar alternattiva.

23 Mill-2013 ’il hawn, l-Ombudsman Ewropew, li huwa korp indipendenti u imparzjali li jinvestiga lmenti dwar amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, ittratta madwar 70 każ li jikkonċernaw kunflitti ta’ interess fl-istituzzjonijiet tal-UE. Il-biċċa l-kbira minn dawn (44 każ) kienu jikkonċernaw kunflitti ta’ interess fil-Kummissjoni, inkluża l-problema tar-“revolving doors”, li fiha persuna tiċċaqlaq minn rwol ta’ uffiċjal pubbliku għal wieħed relatat fis-settur privat. Fl-2019, l-Ombudsman ikkonkludiet li, filwaqt li l-prattiki tal-Kummissjoni kkonformaw mar-regoli, jista’ jsir aktar biex dawk ir-regoli jsiru aktar effettivi u aktar sinifikanti. L-Ombudsman irrakkomandat li l-Kummissjoni tieħu approċċ aktar robust meta tittratta każijiet li jinvolvu uffiċjali għoljin17.

24 Aktar reċentement, l-Ombudsman eżaminat 100 deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttieħdu bejn l-2019 u l-2021 rigward ċaqliq li jinvolvi “revolving door” min-naħa tal-membri tal-persunal tagħha18. Mindu għamlet l-aħħar inkjesta tagħha din sabet li kien sar titjib iżda għamlet ukoll diversi suġġerimenti. Wieħed minn dawn kien li l-Kummissjoni tipprojbixxi temporanjament lil dawk kollha li kienu uffiċjali milli jaċċettaw impjiegi jekk kienu jikkostitwixxu riskju li ma jkunx jista’ jiġi mmitigat permezz ta’ restrizzjonijiet immonitorjati u infurzati sew19.

Il-Kummissjoni ssib dgħufijiet fil-proċeduri ta’ prevenzjoni tal-Istati Membri u tipprovdi gwida utli

25 Il-Kummissjoni tindirizza r-riskju ta’ kunflitt ta’ interess fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża fl-Istati Membri prinċipalment permezz ta’ awditi tas-sistemi li hija twettaq tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri, u billi tipprovdi gwida. L-awditi tas-sistemi huma maħsuba biex jiksbu assigurazzjoni li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri huma effettivi fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbalji u l-irregolaritajiet, inklużi dawk marbuta mal-kunflitti ta’ interess. Barra minn hekk, fil-qasam tal-koeżjoni, minn tmiem l-2021 ’il hawn, il-Kummissjoni wettqet diversi awditi tematiċi tal-miżuri meħuda taħt programmi speċifiċi jew fi Stati Membri speċifiċi biex jevitaw il-kunflitti ta’ interess.

26 Aħna rrieżaminajna kampjun tal-fajls tal-awditi tas-sistemi tal-Kummissjoni, 10 fil-qasam tal-koeżjoni u 10 fil-qasam tal-agrikoltura. L-10 awditi fil-qasam tal-koeżjoni vvalutaw is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-akkwist pubbliku, u inkludew sejbiet speċifiċi dwar in-nuqqas ta’ evidenza ta’ verifiki dwar il-kunflitti ta’ interess (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Dgħufijiet fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku fl-Ungerija

Fl-2019, il-Kummissjoni identifikat defiċjenzi serji fil-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll fl-Ungerija b’rabta mal-kontrolli fuq il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għall-kuntratti kollha affettwati.

Sors: il-Kummissjoni.

27 Mill-10 fajls tal-awditjar dwar l-agrikoltura li rrieżaminajna, 4 minnhom ikkonċernaw l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti, filwaqt li 6 kkonċernaw l-investimenti għall-iżvilupp rurali minn benefiċjarji pubbliċi. Prinċipalment is-sejbiet ikkonċernaw in-nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, bħal dikjarazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess nieqsa jew mingħajr data, jew listi ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti li ma jkollhomx dettalji suffiċjenti. Sibna li, apparti l-verifiki tas-sistema fuq il-kriterji ta’ akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti, l-awditi tad-DĠ AGRI ma koprewx speċifikament il-miżuri għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-pagamenti diretti sal-2021, għalkemm il-kunflitti ta’ interess jistgħu jokkorru fil-ġestjoni tal-pagamenti diretti (ara l-eżempji fil-Kaxxa 2 hawn taħt).

Kaxxa 2

Kunflitti ta’ interess fil-pagamenti diretti

Fil-Lussemburgu, impjegat tal-Ministeru għall-Agrikoltura b’aċċess għal data kunfidenzjali dwar biċċiet raba’ li ħadd ma kien talab appoġġ għalihom qasam din l-informazzjoni ma’ martu, li hija bidwija. Martu mbagħad talbet appoġġ għal din l-art. L-impjegat, li ma kienx żvela dan il-kunflitt ta’ interess lis-superjur ġerarkiku tiegħu, ingħata sentenza ta’ ħabs għal sentejn, bi 18-il xahar probation.

Fir-Rumanija, uffiċjal fl-aġenzija tal-pagamenti responsabbli għall-pagamenti diretti approva applikazzjonijiet għall-għajnuna għal kumpanija li fiha kien azzjonist. L-Aġenzija Nazzjonali Rumena għall-Integrità kkonfermat li dan ikkostitwixxa kunflitt ta’ interess u talbet lill-aġenzija tal-pagamenti tieħu miżuri xierqa. Wara proċedimenti dixxiplinari, l-uffiċjal ġie sanzjonat permezz ta’ tnaqqis fis-salarju ta’ tliet xhur.

Sors: il-QEA.

28 F’April 2021, il-Kummissjoni ppubblikat gwida ġdida dwar il-kunflitti ta’ interess li kopriet il-modi ta’ ġestjoni kollha. Il-linji gwida preċedenti li koprew speċifikament il-kunflitti ta’ interess, imħejjija f’konsultazzjoni mal-esperti mill-Istati Membri, imorru lura għall-2015 fil-qasam tal-agrikoltura, u għall-2013 fil-qasam tal-koeżjoni20 Iċ-Ċentru tal-Għarfien ta’ Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni ppubblika gwida dwar l-identifikazzjoni, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-kunflitti ta’ interess taħt il-FEŻR u l-FSE. Is-sit web tagħhom jinkludi librerija ta’ studji tal-każ, b’każijiet anonimizzati ta’ identifikazzjoni tal-frodi u t-tagħlimiet meħuda. Fl-2011, l-OLAF ippubblika wkoll kompendju ta’ darba rigward każijiet anonimizzati ta’ identifikazzjoni tal-frodi u t-tagħlimiet meħuda, li jinkludi kapitolu dwar il-każijiet ta’ kunflitt ta’ interess.

L-Istati Membri għandhom qafas biex jipprevienu l-kunflitti ta’ interess, iżda dan ma nbidilx mindu ġiet adottata d-definizzjoni l-ġdida tal-UE

29 L-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, dwar il-kunflitti ta’ interess, huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-Istati Membri u r-reġjuni kollha fil-kampjun tagħna għandhom definizzjonijiet jew deskrizzjonijiet tal-kunflitti ta’ interess u regoli nazzjonali jew reġjonali għall-uffiċjali pubbliċi u l-membri tal-gvern. Fl-Istati Membri li eżaminajna, sibna li dawn ir-regoli nazzjonali jew reġjonali huma mifruxa f’għadd kbir ta’ liġijiet amministrattivi u kriminali, u dan jirriżulta f’qafas legali frammentat ħafna li s-soltu jkollu kamp ta’ applikazzjoni inqas dettaljat mill-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju.

30 Pereżempju, fil-Ġermanja, ir-regoli ma jinkludux espliċitament sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżultaw mill-“affinità politika” jew il-“ħajja emozzjonali”. Fl-erba’ Stati Membri kollha fil-kampjun tagħna, ir-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess jagħmlu parti mill-qafas kumplessiv dwar l-etika, l-integrità u l-azzjoni kontra l-frodi applikabbli għall-impjegati taċ-ċivil kollha. Aħna sibna li ma kien hemm l-ebda tibdil sinifikanti fir-regoli u l-proċeduri tal-Istati Membri kkampjunati li jirregolaw il-fondi tal-UE mindu ġiet introdotta l-ġestjoni kondiviża fir-Regolament Finanzjarju fl-2018.

L-Istati Membri għandhom proċeduri biex jimmaniġġjaw il-kunflitti ta’ interess, iżda fadal ċerti dgħufijiet

31 Fil-qasam agrikolu, il-kriterji ta’ akkreditazzjoni jirrikjedu li l-aġenziji tal-pagamenti jieħdu miżuri xierqa biex jevitaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni mill-kampjun tagħna ta’ Stati Membri u reġjuni ma rrappurtaw l-ebda dgħufija sistematika li tikkonċerna tali miżuri fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

32 Fil-qasam tal-koeżjoni, qabel ma bdew il-programmi tal-perjodu 2014-2020, l-awtoritajiet maniġerjali kellhom iwettqu valutazzjonijiet tar-riskju dwar l-impatt u l-probabbiltà ta’ frodi b’rabta mal-proċessi ewlenin ta’ ġestjoni tal-programmi, u jistabbilixxu miżuri adegwati biex jimmitigaw dawk ir-riskji. L-istabbiliment tal-miżuri kontra l-frodi kellu jiġi vverifikat minn korp tal-awditjar indipendenti bħala parti mill-proċess ta’ deżinjazzjoni għall-awtoritajiet maniġerjali. L-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri kontra l-frodi kienet suġġetta għal għadd ta’ awditi sussegwenti kemm mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-Istati Membri.

33 L-aktar miżura preventiva komuni użata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li eżaminajna hija l-awtodikjarazzjonijiet ta’ interess. Dawn ġeneralment jimtlew fil-fażi ta’ reklutaġġ u qabel ma jittieħdu passi importanti fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE (l-għoti ta’ sussidji, akkwist pubbliku, kontrolli u awditi), iżda ma jimtlewx minn ministri jew segretarji tal-Istat, li jħejju u jieħdu deċiżjonijiet dwar programmi tal-UE. Ir-Rumanija hija l-uniku Stat Membru fil-kampjun tagħna li jiġbor u jippubblika dikjarazzjonijiet annwali ta’ ġid u interessi mill-impjegati taċ-ċivil kollha. Madankollu, l-aġenzija ma tanalizzax jew ma tivverifikax il-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet sakemm ma tinbediex investigazzjoni.

34 F’Malta, l-Ungerija u r-Rumanija, il-ministri tal-gvern iridu jipprovdu dikjarazzjonijiet regolari tal-introjtu u tal-assi. Dan mhuwiex il-każ fil-Ġermanja, la fil-livell federali u lanqas fil-livell reġjonali. Il-ministri huma meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjonijiet biss jekk ikunu wkoll membri tal-parlament, u dawn jinkludu inqas elementi minn dawk osservati fi Stati Membri oħra fil-kampjun tagħna.

35 Skont l-Artikolu 61(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjali pubbliċi fl-Istati Membri jridu jiddikjaraw sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu kunflitti ta’ interess lis-superjur ġerarkiku tagħhom, u jekk il-kunflitt ta’ interess jiġi kkonfermat, iwaqqfu kull attività fil-kwistjoni. Mill-awtoritajiet li intervistajna tgħallimna li tali dikjarazzjonijiet jinġabru f’forma stampata, jinħażnu mid-dipartiment tar-riżorsi umani u jistgħu jintużaw f’każ li aktar tard isiru allegazzjonijiet dwar kunflitti ta’ interess. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali s-soltu ma jirreġistrawx dawn id-dikjarazzjonijiet f’bażi ta’ data ċentrali, ħlief ir-Rumanija u l-aġenzija tal-pagamenti għall-fondi agrikoli fl-Ungerija.

36 L-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-kampjun tagħna qiesu li l-miżuri ta’ taħriġ u ta’ informazzjoni dwar l-evitar tal-kunflitti ta’ interess huma importanti. B’mod ġenerali, sibna li dawn ipprovdew taħriġ rilevanti dwar l-etika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi. Il-kunflitti ta’ interess huma ġeneralment koperti bħala parti mit-taħriġ dwar il-frodi, għad li spiss bħala komponent marġinali.

37 L-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu wkoll azzjonijiet relatati mas-sensibilizzazzjoni fost il-membri tal-persunal involuti fl-immaniġġjar tal-fondi tal-UE. Sibna eżempji ta’ prattika tajba f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni (ara pereżempju fil-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Attivitajiet biex tinħoloq sensibilizzazzjoni internament dwar ir-riskju tal-kunflitt ta’ interess fl-entitajiet pubbliċi

Fir-Rumanija, permezz tal-proġett LINC, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità, flimkien ma’ Transparency International, organizzat sessjonijiet ta’ informazzjoni fil-ministeri, fl-awtoritajiet maniġerjali u fil-korpi intermedjarji dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni. L-aġenzija żviluppat gwidi dwar kif għandhom jiġu ddikjarati l-interessi u l-assi, kif ukoll kompendju ta’ każijiet ta’ kunflitt ta’ interess. L-awtoritajiet maniġerjali u l-aġenziji fir-Rumanija jipprovdu sessjonijiet ta’ taħriġ annwali dwar kif għandhom jimtlew dawn id-dikjarazzjonijiet.

Fil-Ġermanja, żewġ awtoritajiet maniġerjali organizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ konġunti għal kontra l-korruzzjoni bil-għan li jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ xulxin. Reġjun ieħor joffri lill-membri kollha tal-persunal tas-settur pubbliku korsijiet dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess permezz ta’ pjattaforma ta’ apprendiment online.

Sors: il-QEA.

38 L-awtoritajiet Ġermaniżi jippubblikaw rapporti annwali dwar il-korruzzjoni u l-integrità fejn jindikaw il-livell kumplessiv ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku fil-livell federali. Ir-rapporti jinkludu statistika dwar reati kriminali relatati u eżempji anonimizzati ta’ każijiet ta’ korruzzjoni, inklużi l-kunflitti ta’ interess. Ir-rapport ma jagħti l-ebda informazzjoni dwar il-korruzzjoni fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE, u ma hemmx rapporti komparabbli disponibbli fil-livell reġjonali, fejn jiġu mmaniġġjati l-biċċa mill-programmi tal-UE fl-oqsma tal-koeżjoni u tal-agrikoltura.

39 Fir-Rumanija, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità tippubblika rapporti annwali u trimestrali tal-attività fis-sit web tagħha, fejn tippreżenta informazzjoni bħall-għadd ta’ każijiet ta’ kunflitt ta’ interess ikkonfermati mill-qrati, l-għadd ta’ impjegati taċ-ċivil li jkunu ġew sanzjonati, il-pożizzjoni tagħhom u l-istituzzjoni li jaħdmu għaliha, u t-tipi ta’ sanzjoni imposti. Dawn ir-rapporti, għad li ddettaljati ħafna, jippreżentaw biss il-każijiet investigati mill-ispetturi tal-aġenzija.

40 L-awtoritajiet tal-Istati Membri japplikaw ukoll miżuri preventivi oħra:

  • id-diviżjoni funzjonali tal-kompiti (segregazzjoni tad-dmirijiet);
  • l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ erba’ għajnejn aħjar minn tnejn;
  • verifiki kemm matul il-fażi ta’ applikazzjoni kif ukoll matul dik ta’ implimentazzjoni ta’ proġett;
  • verifiki, inklużi dawk mill-awdituri interni jew, fil-każ tal-awtoritajiet subordinati/lokali, mill-awtorità ta’ livell ogħla;
  • awditi mill-korp taċ-ċertifikazzjoni/awtorità tal-awditjar, mill-istituzzjonijiet nazzjonali jew reġjonali tal-awditjar, mill-Kummissjoni u mill-QEA;
  • ir-rotazzjoni tal-persunal fejn possibbli, jew il-bdil tar-responsabbiltajiet.

41 Ir-rotazzjoni tal-persunal hija għodda importanti biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess. Madankollu, l-awtoritajiet involuti fil-ġestjoni kondiviża fl-Istati Membri kkampjunati ma applikawx ir-rotazzjoni tal-persunal b’mod regolari u konsistenti. Fil-Ġermanja, kien hemm enfasi akbar fuq is-segregazzjoni tad-dmirijiet u l-prinċipju ta’ erba’ għajnejn aħjar minn tnejn. F’Malta, ma kienx hemm biżżejjed membri tal-persunal b’esperjenza u mħarrġa biex tkun effettiva r-rotazzjoni. Fir-Rumanija, l-impjegati taċ-ċivil li jaħdmu għall-unità li tagħżel u tevalwa l-proġetti għall-finanzjament taħt il-qasam tal-koeżjoni ma kinux suġġetti għar-rotazzjoni minħabba l-ħtieġa li jiġu ppreservati l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għal dan ix-xogħol.

42 Il-politiki dwar ir-“revolving doors” (ara l-paragrafu 23) jistgħu jgħinu wkoll fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess. Id-dispożizzjonijiet legali maħsuba biex jillimitaw dan ir-riskju jeżistu fi tliet Stati Membri mill-erbgħa li eżaminajna, bl-eċċezzjoni tal-Ungerija. Madankollu, fir-Rumanija u l-Ġermanja, il-korpi involuti fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE ma jivverifikawx jekk dawk il-membri tal-persunal li jitilqu mill-organizzazzjoni jsegwux ir-regoli ta’ wara l-impjieg. F’Malta, in-nies li jkollhom pożizzjoni li tinvolvi funzjonijiet regolatorji jew ta’ spettorat huma suġġetti għad-direttiva dwar il-politika tar-revolving doors għall-impjegati mas-settur pubbliku. Madankollu, l-anness tad-direttiva ma jelenkax l-impjegati tal-awtoritajiet li awditjajna bħala nies li jwettqu tali funzjonijiet, u dan ifisser li mhumiex suġġetti għad-direttiva. Awditu intern li sar fl-2021 mill-awtoritajiet maniġerjali Rumeni għall-fondi strutturali wkoll sab dgħufijiet fil-miżuri għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess u r-revolving doors.

Għaddejjin sforzi biex tiżdied it-trasparenza dwar il-benefiċjarji tal-finanzjament mill-UE

43 Informazzjoni miftuħa, komparabbli u trasparenti dwar il-benefiċjarji finali tal-finanzjament mill-UE tiffaċilita l-iskrutinju pubbliku u l-investigazzjoni f’każ ta’ kunflitti ta’ interess suspettati. Dan iżid il-probabbiltà li jiġi identifikat kunflitt ta’ interess u għaldaqstant jaf ikollu effett preventiv u ta’ deterrent.

44 Is-siti web tad-DĠ tal-Kummissjoni involuti fil-ġestjoni kondiviża jinkludu links għal siti web nazzjonali u reġjonali li jelenkaw il-benefiċjarji ta’ finanzjament mill-UE fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-koeżjoni21. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-pjattaforma online, Kohesio, b’informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati mill-fond ta’ koeżjoni fl-Istati Membri kollha. Madankollu, id-data ppubblikata għal skopijiet ta’ trasparenza hija limitata, min-naħa sabiex tevita li tikser ir-regolamenti tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data. Pereżempju, l-identità tal-benefiċjarji tal-PAK li jirċievu sa €1 250 ma tiġix żvelata22. Is-siti web ma fihom l-ebda informazzjoni dwar riċevituri finali li jkunu persuni ġuridiċi, billi ma kinitx rikjesta mil-leġiżlazzjoni għall-perjodu 2014-2020.

45 Studju reċenti kkummissjonat mill-Parlament Ewropew irrapporta li l-korpi pubbliċi, il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata u persuni ġuridiċi oħra kienu jirrappreżentaw madwar 1 minn kull 10 tal-benefiċjarji tal-PAK iżda xorta rċevew aktar minn terz tal-fondi tal-UE23. Fil-qasam tal-koeżjoni, l-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji finali ta’ kumpaniji li jirċievu finanzjament mill-UE hija obbligatorja fil-perjodu ta’ programmazzjoni wara l-2014-202024. Il-qafas legali għall-agrikoltura għall-perjodu 2023-2027 jirrikjedi li l-benefiċjarji jipprovdu informazzjoni dwar il-gruppi ta’ impriżi li jipparteċipaw fihom25, fejn applikabbli. Madankollu, ma jirrikjedix l-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji finali.

46 Fl-2017, id-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus introduċiet reġistri ta’ sidien benefiċjarji. Transparency International enfasizzat li r-reġistri fl-Ungerija u r-Rumanija mhumiex pubbliċi, filwaqt li dawk fil-Ġermanja u Malta jirrikjedu ħlas ta’ tariffa għall-aċċess. L-awtoritajiet involuti fil-ġestjoni kondiviża inklużi fil-kampjun tagħna ta’ Stati Membri ma għandhomx il-bażijiet ta’ data tagħhom proprji interkonnessi ma’ dawn ir-reġistri, u dan iżid ir-riskju li l-kunflitti ta’ interess jibqgħu ma jiġux identifikati. Madankollu, tali żieda fit-trasparenza jeħtieġ li tirrispetta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ta’ Novembru 2022 dwar l-aċċess għad-data dwar is-sjieda benefiċjarja.

Dewmien fit-traspożizzjoni tad-direttiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi

47 L-iżvelar ta’ informazzjoni protetta hija meta persuna tiżvela informazzjoni li hija tkun kisbet fil-kuntest tax-xogħol tagħha għal organizzazzjoni jew ma’ organizzazzjoni rigward korruzzjoni jew għemil ħażin ieħor li jkun sar f’dik l-organizzazzjoni jew mill-istess organizzazzjoni. Persuna tikkwalifika biss bħala informatur jekk hija tkun parti minn dik l-organizzazzjoni u għaldaqstant jaf issofri ritaljazzjoni– għall-kuntrarju, pereżempju, ta’ klijenti jew nies oħra li ma jaħdmux għall-organizzazzjoni jew magħha. Il-miżuri biex jiġu protetti l-informaturi jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-korruzzjoni u l-frodi. L-Istati Membri kellhom sa Diċembru 2021 biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-UE dwar l-Informaturi li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ nies li jirrappurtaw ksur tad-dritt tal-UE, inklużi kunflitti ta’ interess li jaffettwaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

48 Fil-bidu tal-2022, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ intimazzjoni lil 24 Stat Membru li ma kinux innotifikaw il-miżuri biex jiżguraw it-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva sad-data ta’ skadenza tas-17 ta’ Diċembru 2021. Minn Mejju 2022, tmien Stati Membri biss kienu inkorporaw id-direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom26. Il-Kummissjoni qed tagħti segwitu għall-każijiet li fadal. Mill-Istati Membri li rrieżaminajna, Malta biss ittrasponiet id-Direttiva, iżda l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa osservat difetti serji fl-Att ta’ Malta dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi27.

Lakuni fil-miżuri biex jiġu identifikati, jiġu solvuti u jsir rappurtar dwar il-kunflitti ta’ interess

49 Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkollhom proċeduri stabbiliti biex jidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess li jinvolvu l-membri tal-persunal tagħhom. Taħt il-ġestjoni kondiviża, l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli primarjament biex jidentifikaw u jindirizzaw il-kunflitti ta’ interess fil-livell tal-benefiċjarji. Il-Kummissjoni jaf tidentifika wkoll kunflitti ta’ interess fl-Istati Membri hija u tivverifika l-operat tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali. L-estrazzjoni ta’ data, permezz tat-tqabbil ta’ informazzjoni minn sorsi differenti, għandha l-potenzjal li tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess possibbli.

50 Ladarba jinqabdu l-irregolaritajiet li jinvolvu kunflitti ta’ interess, jenħtieġ li dawn jiġu trattati kif xieraq u solvuti. Bil-għan li r-riskji assoċjati jiġu mmonitorjati aħjar, huwa essenzjali li tinġabar informazzjoni affidabbli dwar il-kunflitti ta’ interess li jkunu nqabdu.

Il-Kummissjoni tiffoka fuq każijiet suspettati li jkunu ġew irrappurtati

51 L-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) imexxi inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari li jikkonċernaw lil membri tal-persunal tal-Kummissjoni. L-IDOC iwettaq inkjesta abbażi tal-mandat li jirċievi mill-awtorità tal-ħatra meta lil din jaslulha allegazzjonijiet minn informatur jew sors ieħor. L-eżattezza, l-affidabbiltà u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta lill-awtorità tal-ħatra tibqa’ r-responsabbiltà individwali ta’ kull membru tal-persunal.

52 Id-DĠ inklużi fil-kampjun tagħna li huma responsabbli mill-oqsma ta’ politika taħt il-ġestjoni kondiviża wkoll ma jivverifikawx l-informazzjoni pprovduta fl-awtodikjarazzjonijiet tal-persunal (ara l-paragrafu 22) sakemm ma jkunx hemm raġuni biex jitwemmen li jaf tkun iġġustifikata investigazzjoni. Fl-2020, skont ir-rapport tal-attività tal-IDOC28, 3 każijiet minn 83 każ li kienu għadhom kemm ġew irreġistrati kienu jikkonċernaw kunflitti ta’ interess fi ħdan il-Kummissjoni.

53 L-OLAF ukoll jista’ jinvestiga reati serji possibbli mwettqa minn membri tal-persunal tal-UE b’rabta mal-attivitajiet professjonali tagħhom u jagħmel rakkomandazzjonijiet dixxiplinari. Fir-rapport annwali tiegħu għall-202029, l-OLAF ippubblika stampa ta’ rakkomandazzjonijiet dixxiplinari li saru bejn l-2016 u l-2020. F’21 każ dawn ikkonċernaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali.

54 Minn żmien għal żmien, il-Kummissjoni tidentifika l-kunflitti ta’ interess matul l-awditi tas-sistemi ġenerali tagħha fl-Istati Membri. Il-kampjun ta’ 20 awditu tas-sistemi tal-Kummissjoni li rrieżaminajna (ara l-paragrafi 26 u 27) kien jinkludi każ wieħed fejn id-DĠ AGRI kien sab kunflitt ta’ interess min-naħa tal-persunal ta’ korp delegat fi Spanja u applika korrezzjoni finanzjarja.

55 Id-DĠ responsabbli għal oqsma ta’ politika speċifiċi (bħad-DĠ REGIO u d-DĠ AGRI) ukoll jagħtu segwitu għal allegazzjonijiet minn informaturi jew mill-media, bħalma ġara fil-każ tal-eks Prim Ministru taċ-Ċekja, ara l-Kaxxa 4.

Kaxxa 4

Allegati kunflitti ta’ interess fiċ-Ċekja

Xi NGOs u l-media għamlu allegazzjonijiet kontra dak li dak iż-żmien kien il-Prim Ministru taċ-Ċekja minħabba kunflitt ta’ interess li jikkonċerna kumpaniji taħt il-kontroll tiegħu u l-istatus tagħhom bħala benefiċjarji tal-għajnuna mill-UE fil-oqsma tal-agrikoltura u tal-koeżjoni. Il-Kummissjoni (id-DĠ AGRI, EMPL u REGIO) wettqet awditu kkoordinat fil-bidu tal-2019. Id-DĠ EMPL u d-DĠ REGIO ħarġu r-rapport finali tal-awditjar f’Diċembru 2019. Matul l-2020 u l-2021, id-DĠ EMPL u d-DĠ REGIO mmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet Ċeki. Fid-dawl tal-interess pubbliku u t-talba mingħand il-Parlament Ewropew, ir-rapport finali tal-awditjar ġie ppubblikat fl-24 ta’ April 2021. Fir-rapport annwali tal-attività tiegħu għall-2021, id-DĠ REGIO informa lill-pubbliku li kien sar progress fuq il-biċċa l-kbira mir-rakkomandazzjonijiet iżda tlieta minnhom kienu għadhom qed jiġu implimentati, inkluża r-rakkomandazzjoni li tikkonċerna l-allegat kunflitt ta’ interess. F’Lulju 2022, id-DĠ EMPL u d-DĠ REGIO għalqu s-segwitu li kienu taw għal dan l-awditu wara l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet pendenti kollha.

Id-DĠ AGRI awditja l-miżuri ta’ investiment tal-FAEŻR ikkonċernati. Huwa għamel riżerva għall-aġenzija tal-pagamenti Ċeka b’rabta mal-programm tal-iżvilupp rurali, kif iddeskriva fir-rapport annwali tal-attività tiegħu għall-2021. Ir-riżerva rriżultat fi pjan ta’ azzjoni li talab lill-awtoritajiet Ċeki jieħdu azzjoni ta’ rimedju, li tinsab għaddejja bħalissa. L-awditu wassal għad-deċiżjoni li fuq iċ-Ċekja jiġu imposti korrezzjonijiet finanzjarji.

Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

56 Barra minn hekk, l-OLAF għandu s-setgħa li jinvestiga l-każijiet potenzjali ta’ frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, inklużi l-kunflitti ta’ interess, jekk ikun hemm raġunijiet suffiċjenti biex iqum suspett. L-investigazzjonijiet tal-OLAF jistgħu jikkonkludu b’rakkomandazzjonijiet lid-DĠ biex jirkupraw ammonti minfuqa irregolarment, u dan jista’ jgħaddi l-każijiet lill-korpi ta’ prosekuzzjoni nazzjonali jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

57 L-OLAF għalaq 10 każijiet mill-aħħar 3 perjodi ta’ programmazzjoni li involvew proġetti marbuta mal-PAK b’komponent ta’ kunflitt ta’ interess (5 li involvew finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni, 1 mill-perjodu 2000-2006, 3 mill-perjodu 2007-2013 u 1 mill-perjodu 2014-2020). L-OLAF irrakkomanda li d-DĠ AGRI jirkupra total ta’ EUR 20 347 891 mill-Istati Membri kkonċernati.

58 Fil-qasam tal-koeżjoni, bejn l-2000 u l-2021, l-OLAF għalaq 18-il każ ta’ kunflitt ta’ interess li kkonċernaw lill-FEŻR u l-FK. Minn dawn il-każijiet 16 kienu jinkludu rakkomandazzjonijiet finanzjarji lid-DĠ REGIO li jammontaw għal total ta’ EUR 162 970 401. L-OLAF ma fetaħ l-ebda investigazzjoni dwar kunflitt ta’ interess li jikkonċerna l-FSE tul il-perjodu 2000-2022.

L-Istati Membri jqiegħdu enfasi kbira fuq l-identifikazzjoni tal-kunflitt ta’ interess fil-qasam tal-akkwist pubbliku iżda ma jiddedikawx attenzjoni suffiċjenti lil xi allarmi ħomor

59 L-Artikolu 61(3) tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-individwi li jimplimentaw il-fondi tal-UE, u dawk li jħejju l-qafas legali korrispondenti, ma jiġux “[kompromessi] għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess personali dirett jew indirett ieħor.” Għadd ta’ awtoritajiet li intervistajna qalulna li l-informazzjoni dwar il-ħajja emozzjonali, l-affinitajiet politiċi u l-interessi personali ta’ tali individwi diffiċilment setgħet tinkiseb u li f’ħafna każijiet tkun koperta minn regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Għaldaqstant, mhux ir-raġunijiet kollha wara l-kunflitti ta’ interess jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ kontroverifiki bi tqabbil ma’ reġistri u bażijiet ta’ data.

60 L-awtoritajiet tal-Istati Membri jqiegħdu enfasi akbar fuq l-identifikazzjoni tal-kunflitti ta’ interess fi proċeduri ta’ akkwist milli fuq oqsma ta’ attività oħra. Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, maħruġa fl-2019, jirrakkomandaw korrezzjoni ta’ 100 % kull meta kunflitt ta’ interess mhux żvelat jew immitigat b’mod inadegwat ikun ġie identifikat b’impatt fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ akkwist.

61 L-awditi li wettaqna tad-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fi snin reċenti identifikaw l-irregolaritajiet li preċedentement ma ġewx impediti jew ikkoreġuti min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, u li involvew kunflitti ta’ interess potenzjali fejn l-applikanti kienu assoċjati ma’ partijiet ikkonċernati oħra involuti fi proġetti ffinanzjati mill-UE (ara l-eżempji fil-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Eżempji ta’ kunflitti ta’ interess fl-akkwist pubbliku li jinvolvu benefiċjarji privati

Fiċ-Ċekja, fil-kuntest ta’ proġett għax-xiri ta’ karozzi tal-linja li jitħaddmu bil-gass naturali kkompressat biex jieħdu post dawk antiki, sibna li l-benefiċjarju u l-offerent rebbieħ kienu proprjetà tal-istess grupp u taħt il-kontroll tiegħu. Il-benefiċjarju ma rrikjediex li l-offerenti potenzjali jkollhom kwalunkwe esperjenza, u dan xejn ma kien tas-soltu meta jitqiesu r-referenzi li s-soltu jiġu rikjesti għal proġetti simili. Il-benefiċjarju ma weriex suffiċjentement li huwa kien ħa l-miżuri xierqa biex jipprevieni, jidentifika u jirrimedja l-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw mis-sjieda u r-rabtiet personali mal-offerent rebbieħ u ma’ min jissottometti l-offerta. Dan il-punt ma ġiex kopert fil-lista ta’ kontroll tal-awtorità tal-awditjar.

Fir-Rumanija, kumpanija rċeviet appoġġ mill-UE għar-ristrutturar u t-trasformazzjoni tal-vinji li jkopru żona ta’ 15-il ettaru mikrija mingħajr ħlas minn persuna fiżika għal perjodu ta’ 15-il sena, li warajh il-vinja tkun tingħata lura lil dik il-persuna. Il-liġi Rumena tirrikjedi li l-benefiċjarji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw sitwazzjonijiet li jirriżultaw f’kunflitti ta’ interess, b’mod partikolari fejn jeżistu konnessjonijiet bejn il-benefiċjarji u l-fornituri tagħhom. Il-benefiċjarju ffirma kuntratt ma’ kumpanija oħra għat-tneħħija mekkanika u manwali tal-ħaxix ħażin mill-pjantaġġun u għall-installazzjoni ta’ sistema ta’ appoġġ. Sibna li sid l-art kien l-uniku azzjonist u amministratur ta’ dan il-fornitur. Aħna għaddejna dan il-każ lill-OLAF għal aktar investigazzjoni.

Sors: il-QEA.

62 Osservajna li fl-Istati Membri teżisti varjetà kbira ta’ verifiki u proċeduri relatati mal-akkwist. Tali verifiki ġeneralment jiffukaw fuq dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitti ta’ interess u kultant jinvolvu l-verifikazzjoni tal-ismijiet ta’ min ikun ħa d-deċiżjonijiet fil-bażijiet ta’ data dwar il-popolazzjoni jew li jsiru kontroverifiki bi tqabbil ma’ għodod ibbażati fuq l-internet disponibbli għall-pubbliku, bħalma huma r-reġistri tal-kummerċ. Eżempji oħra ta’ sitwazzjonijiet li jaf jindikaw kunflitt ta’ interess, magħrufa komunement bħala “allarmi oħra”, jidhru fil-Kaxxa 6.

Kaxxa 6

Eżempji ta’ allarmi ħomor għall-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-akkwist pubbliku

L-awtoritajiet maniġerjali tal-FEŻR għal Saarland u l-Bavarja, fil-verifiki regolari tagħhom fuq il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, identifikaw għadd ta’ allarmi ħomor li jindikaw kunflitti ta’ interess potenzjali. Dawn jinkludu:

  • l-istess kuntrattur dejjem jirbaħ proċeduri organizzati minn awtorità kontraenti partikolari;
  • devjazzjonijiet minn proċeduri ta’ sejħa għall-offerti standard għall-ebda raġuni, eż. meta tingħażel proċedura nnegozjata meta setgħet tintuża proċedura miftuħa;
  • l-offerti sottomessi mill-offerenti jvarjaw dejjem bl-istess perċentwal, eż. waħda tkun dejjem 10 % aktar baxxa mill-oħra.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miġbura waqt l-awditu.

63 Allarmi ħomor oħra għal kunflitti ta’ interess potenzjali fil-qasam tal-akkwist pubbliku jinkludu perċentwal għoli ta’ proċeduri b’offerent wieħed biss (proċeduri ta’ “offerta unika”) jew għadd mhux tas-soltu ta’ ordnijiet diretti (jiġifieri akkwist mingħajr l-ebda proċedura kompetittiva għas-sottomissjoni tal-offerti). Fir-rapport tal-pajjiż dwar l-akkwist pubbliku tagħha, l-Ungerija informat lill-Kummissjoni li, bejn l-2015 u l-2017, il-proporzjon ta’ proċeduri ta’ offerta unika użat mid-diversi aġenziji kontraenti tal-pajjiż kien ivarja bejn 10 % u 28 %. B’mod ġenerali, tali proċeduri kienu ntużaw għal kważi 17 % ta’ bejn wieħed u ieħor 8 800 kuntratt konkluż fl-Ungerija. Malta wkoll irrappurtat perċentwal simili (18.9 %) ta’ proċeduri ta’ offerta unika, filwaqt li r-Rumanija rrappurtat 50 %30. Ir-rapporti tal-pajjiż li jkopru l-perjodu 2018-2020 l-aktar reċenti ma għadhomx jinkludu tali informazzjoni kwantitattiva.

64 It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku tal-Kummissjoni turi proporzjon pjuttost għoli ta’ proċeduri b’offerent wieħed biss fl-2020 li jvarja bejn 9 % fil-Litwanja u l-Iżvezja u 51 % fil-Polonja. Għall-Istati Membri inklużi fil-kampjun tagħna, din tirrapporta rata ta’ 41 % fir-Rumanija, 39 % fl-Ungerija, 19 % fil-Ġermanja u 16 % f’Malta. F’dan il-kuntest, l-istituzzjoni nazzjonali tal-awditjar ta’ Malta esprimiet tħassib dwar l-użu tal-akkwist pubbliku, bħall-ordnijiet diretti, mingħajr l-approvazzjonijiet meħtieġa u mingħajr ma jiġu ppubblikati fil-ġurnal dwar l-akkwist pubbliku ddedikat tal-pajjiż31. L-Indikatur 2 tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku huwa dwar il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jinvolvu n-negozjar ma’ kumpanija mingħajr sejħa għall-offerti, li huma aktar suxxettibbli għall-kunflitti ta’ interess milli huma l-proċeduri miftuħa. Iċ-ċifri għal dan l-indikatur huma pjuttost baxxi għall-kampjun ta’ Stati Membri tagħna. Madankollu, dan it-tip ta’ proċedura ntuża fir-Rumanija fit-22 % tal-każijiet.

Il-korpi tal-awditjar fl-Istati Membri sabu dgħufijiet fl-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess

65 Fil-qasam tal-agrikoltura, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jfasslu opinjoni annwali dwar il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti u dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq li għalih ikun intalab rimborż mill-Kummissjoni. Skont il-linji gwida rilevanti tal-Kummissjoni32, jeħtieġ li din il-ħidma tkopri l-irregolaritajiet bħalma huma l-kunflitti ta’ interess. Fl-Istati Membri inklużi fil-kampjun, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma rrappurtawx dgħufijiet sistematiċi fl-immaniġjar, min-naħa tal-aġenziji tal-pagamenti, tal-kunflitti ta’ interess. Fi snin reċenti, meta vvalutaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet, fl-Ungerija u l-Ġermanja (il-Bavarja) identifikaw inqas minn 10 żbalji (fil-biċċa l-kbira formali) marbuta mal-kunflitti ta’ interess.

66 Fil-qasam tal-koeżjoni, fil-perjodu 2014-2020 l-awtoritajiet tal-awditjar nazzjonali jew reġjonali wettqu awditi biex jivvalutaw is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri, inkluża l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess. L-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali ma rrappurtaw l-ebda dgħufija fil-kampjun tagħna fil-Ġermanja u l-Ungerija. L-awtorità tal-awditjar ta’ Malta kkonkludiet li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fil-pajjiż kienu qed jaħdmu iżda kienu jeħtieġu xi titjib. L-awtorità tal-awditjar tar-Rumanija semmiet xi dgħufijiet fl-użu ta’ Arachne (l-għodda għall-klassifikazzjoni tar-riskju pprovduta mill-Kummissjoni, kif spjegat fil-paragrafi 67 sa 69) fil-ġestjoni tal-FEŻR u tal-FK.

L-estrazzjoni ta’ data ma tintużax suffiċjentement għall-identifikazzjoni tal-kunflitti ta’ interess

67 Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw l-applikazzjoni għall-estrazzjoni ta’ data, Arachne, li hija pprovduta mill-Kummissjoni mingħajr ħlas, biex jgħinu fil-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi. Arachne hija għodda għall-klassifikazzjoni tar-riskju li tgħaqqad flimkien sorsi ta’ data u tindika proġetti u benefiċjarji potenzjalment riskjużi.

68 F’Arachne l-Kummissjoni toffri modulu li jippermetti lill-awtoritajiet maniġerjali u lill-aġenziji tal-pagamenti jivvalutaw ir-riskju ta’ frodi u kunflitti ta’ interess matul il-fażi tal-għażla tal-proġetti. L-għodda nnifisha ma tistax turi l-kunflitti ta’ interess reali, iżda tista’ tgħin lill-awtoritajiet maniġerjali u lill-aġenziji tal-pagamenti jidentifikaw allarmi ħomor li jitolbu investigazzjoni ulterjuri. Arachne tista’ tkun utli fl-indikazzjoni tal-kunflitti ta’ interess fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku fil-livell tal-benefiċjarji/tal-kuntratturi/tas-sottokuntratturi. Madankollu s-settijiet ta’ data tagħha ma inkludewx informazzjoni dwar uffiċjali pubbliċi li japprovaw applikazzjonijiet għall-proġetti taħt il-ġestjoni kondiviża u li huma responsabbli għall-kontrolli fl-Istati Membri inklużi fil-kampjun tagħna.

69 L-użu ta’ Arachne fil-ġestjoni kondiviża fil-livell tal-Istati Membri huwa aktar komuni fil-qasam tal-koeżjoni milli f’dak tal-agrikoltura. Madwar kwart tal-korpi involuti fil-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi tal-UE li rrispondew għall-istħarriġ tagħna użaw Arachne biex jivverifikaw hemmx kunflitti ta’ interess u jidentifikawho (26 %). Kważi nofs ir-rispondenti ma użawx Arachne (49 %) u kwart minnhom jew ma kinux jafu jew inkella ma xtaqux jgħidu (25 %). L-aktar li jużaw Arachne huma l-awtoritajiet maniġerjali (47 %) u l-anqas li jużawha huma l-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni (12 % u 6 %, rispettivament). Minn 130 aġenzija li jużaw Arachne, ’il fuq minn nofshom (54 %) jagħmlu dan “dejjem” jew “ta’ spiss”, filwaqt li l-bqija jagħmlu dan biss “xi kultant” jew “rarament” (ara l-Figura 6 hawn taħt):

Figura 6 – Użu ta’ Arachne biex jiġi vverifikat hemmx kunflitti ta’ interess fil-proġetti*

* Kien hemm 160 rispondent għall-istħarriġ fl-Istati Membri kollha (prinċipalment awtoritajiet maniġerjali u spiss li jkunu qed jaġixxu bħala koordinaturi) li pprovdew risposti għal 501 istituzzjoni b’kollox.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq stħarriġ li sar fl-Istati Membri kollha.

70 Fl-2016, il-Kummissjoni stabbiliet Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES)33 għal fondi li jintefqu taħt ġestjoni diretta u indiretta. Is-sistema tiżgura li l-applikanti li jikkostitwixxu riskju għall-interessi finanzjarji tal-UE jinqabdu minn kmieni u jiġu esklużi mill-proċeduri għall-għoti jew mill-għażla biex jimplimentaw fondi tal-UE. B’mod partikolari, l-esklużjoni hija applikabbli għal dawk suspettati jew li nstabu ħatja ta’ frodi, korruzzjoni, imġiba ħażina professjonali gravi (inklużi tentattivi biex proċedura ta’ għoti tiġi influwenzata b’mod mhux xieraq) jew attivitajiet illegali oħra. L-informazzjoni dwar tali applikanti tkun rilevanti wkoll għall-ġestjoni kondiviża. Kif irrappurtajna fir-Rapport Speċjali 11/2022: “Protezzjoni tal-baġit tal-UE: Jeħtieġ li jsir użu aħjar mill-blacklisting”, attwalment ma hemm l-ebda mekkaniżmu biex kontropartijiet jiġu esklużi taħt il-ġestjoni kondiviża, u Arachne mhijiex interkonnessa mal-EDES. Meta wieħed iqis li ż-żewġ applikazzjonijiet huma żviluppati mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ integrazzjoni bejniethom tfisser li qed jintilfu l-opportunitajiet biex jiġu impediti sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess.

71 L-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-kampjun tagħna spjegaw li huma ppreferew jużaw bażijiet ta’ data nazzjonali, bħar-reġistri nazzjonali tal-kummerċ u l-bażijiet ta’ data dwar il-popolazzjoni. Fil-fehma tagħhom, tali bażijiet ta’ data huma aktar aġġornati u jinkludu informazzjoni aktar kompleta minn dik li wieħed isib f’Arachne. Barra minn hekk, fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw proċeduri ta’ akkwist ġusti u jevitaw il-kunflitti ta’ interess, għadd ta’ awtoritajiet fl-Ungerija, Malta u r-Rumanija jużaw għodod nazzjonali għall-estrazzjoni ta’ data (ara l-eżempju fil-Kaxxa 7). L-awtoritajiet Ġermaniżi la jużaw Arachne u lanqas għodod nazzjonali għall-estrazzjoni ta’ data minħabba tħassib dwar il-protezzjoni tad-data u l-preċiżjoni u l-affidabbiltà tad-data f’Arachne.

Kaxxa 7

Sistema PREVENT fir-Rumanija

L-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità tar-Rumanija stabbiliet PREVENT, sistema ta’ informazzjoni għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Is-sistema hija bbażata fuq “formoli ta’ integrità”, li huma ġġenerati mis-sistema tal-IT użata għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku kollha li jingħaddu mis-sistema elettronika tal-pajjiż għat-tressiq tal-offerti. F’dawn il-formoli ta’ integrità, l-awtoritajiet kontraenti jridu jdaħħlu l-ismijiet ta’ dawk kollha rilevanti li jieħdu d-deċiżjonijiet, mill-organizzazzjoni tagħhom u mill-organizzazzjonijiet offerenti. PREVENT imbagħad tqabbel din l-informazzjoni b’mod awtomatiku ma’ data fir-reġistru dwar il-popolazzjoni u fir-reġistru tal-kummerċ. Din tagħti punteġġ ta’ 0 jew 1, fejn 1 jindika sitwazzjoni potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess. F’dan il-każ, spettur għall-integrità janalizza l-każ bil-għan li jeskludi pożittiv falz u, jekk jiġi kkonfermat kunflitt ta’ interess, joħroġ twissija dwar l-integrità lill-awtorità kontraenti.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miġbura waqt l-awditu.

72 Is-sistema PREVENT fir-Rumanija hija eżempju ta’ kif it-teknoloġija tista’ tintuża biex tiskrutinizza eluf ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Madankollu, b’sistema bħal din hemm ukoll nuqqasijiet. Pereżempju, hija tista’ tintuża biss għal offerti ppubblikati fis-sistema elettronika għat-tressiq tal-offerti (16 % tal-offerti bejn l-2018 u l-2020 ma kinux), ma hemm l-ebda sanzjoni għall-awtoritajiet kontraenti li jonqsu milli jimlew il-formoli ta’ integrità, u l-kunflitti ta’ interess potenzjali jistgħu jibqgħu ma jiġux identifikati billi dawk il-każijiet li jingħataw punteġġ ta’ 1 biss jiġu fil-fatt investigati. Fl-2020, 19 506 proċeduri ta’ akkwist pubbliku ġew analizzati permezz ta’ PREVENT, u l-ispetturi għall-integrità ħarġu 10 twissijiet dwar l-integrità, fosthom 4 li kienu jikkonċernaw fondi tal-UE. Barra minn hekk, l-effettività ta’ tali għodda tiddependi ħafna mill-kwalità tal-algoritmu tagħha u tad-data miksuba mill-formoli tal-integrità.

73 Id-disponibbiltà dejjem akbar tal-“big data” dwar l-akkwist pubbliku, flimkien mal-iżviluppi fil-kapaċità tal-għodod diġitali li janalizzaw tali data, jagħmluha possibbli li fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi34 jiġu analizzati xejriet li jaf jindikaw allarmi ħomor biex issir investigazzjoni ulterjuri. L-istess japplika għall-għoti ta’ għotjiet pubbliċi. B’mod ġenerali, l-użu ta’ għodod għall-estrazzjoni ta’ data biex jinqabdu l-kunflitti ta’ interess għadu sottożviluppat.

Hemm mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni fis-seħħ, iżda l-proċeduri jaf jieħdu ż-żmien

74 Il-kunflitti ta’ interess jaf ikunu marbuta ma’ mġiba irregolari jew frodulenti oħra. Dan huwa rifless fil-firxa ta’ għażliet disponibbli biex jiġu indirizzati tali każijiet ladarba jiġu identifikati, bħal:

  • sanzjonijiet jew proċeduri dixxiplinari kontra uffiċjali tal-UE jew nazzjonali li jinstabu qed jiksru r-regoli jew l-obbligi professjonali;
  • proċeduri li għandhom l-għan li jipproteġu l-baġit tal-UE, bħall-irkupru ta’ fondi żborżati b’mod irregolari mill-benefiċjarju jew l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji min-naħa tal-Kummissjoni;
  • proċedimenti kriminali fil-qrati nazzjonali.

75 L-awtoritajiet tal-Istati Membri inklużi fil-kampjun tagħna indikaw li, meta jissanzjonaw il-kunflitti ta’ interess, ġeneralment ma jagħmlux distinzjoni bejn fondi tal-UE u fondi nazzjonali. L-awtoritajiet Rumeni infurmawna bi tliet każijiet fil-perjodu 2014-2020 li fihom kienu ssanzjonaw membri tal-persunal minħabba kunflitti ta’ interess (ara l-Figura 7).

Figura 7 – Jeħtieġ iż-żmien biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta’ interess

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miġbura waqt l-awditu.

76 Meta l-fatti jikkwalifikaw bħala reat kriminali, il-prosekuturi jistgħu jressqu l-każijiet quddiem qorti (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

Il-kunflitti ta’ interess jaf ikunu marbuta ma’ varjetà ta’ reati kriminali li jkunu għadhom qed jiġu investigati

Fl-Italja, delegati minn aġenzija tal-pagamenti li kellhom aċċess għas-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-biċċiet raba’ ġew akkużati li pprovdew informazzjoni lil partijiet terzi dwar biċċiet raba’ li l-ebda bidwi ma kien għadu talab. Dawn il-partijiet terzi huma akkużati li talbu dawn il-biċċiet art, mingħajr titolu legali validu fuq l-art u mingħajr ma wettqu l-ebda attività agrikola fuqhom. Dawn l-allegati reati jagħmlu parti minn każ kbir ta’ frodi ssuspettata li jikkonċerna talbiet li jmorru lura għall-2010, li għalih il-proċedimenti kriminali bdew fl-2021 u għadhom għaddejjin.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miksuba waqt l-.

77 Meta kunflitt ta’ interess jirriżulta fl-iżborżament irregolari ta’ fondi tal-UE, l-ammonti kkonċernati jridu jiġu rkuprati mill-benefiċjarju35. Jekk Stat Membru ma jiħux l-azzjoni ta’ rkupru adegwata, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tapplika korrezzjonijiet finanzjarji bi tqabbil mal-baġit nazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika korrezzjonijiet finanzjarji meta tidentifika dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll tal-korpi nazzjonali involuti fil-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi tal-UE, bħal fil-każ deskritt fil-Kaxxa 1 hawn fuq.

Ir-rappurtar dwar il-kunflitti ta’ interess mhuwiex komplet

78 Il-Kummissjoni u l-Istati Membri inklużi fil-kampjun tagħna ma jippubblikawx informazzjoni dwar l-iskala tal-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża. Ma tista’ tinsab l-ebda informazzjoni kwantitattiva komprensiva dwar il-każijiet jew is-sejbiet b’rabta mal-kunflitt ta’ interess fir-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ, fir-rapporti annwali tal-OLAF jew fir-rapporti annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, u ma hemm l-ebda indikatur korrispondenti li jkejjel il-frekwenza u l-kobor tal-irregolaritajiet tal-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża.

79 L-Istati Membri jirrappurtaw l-irregolaritajiet u l-frodi lill-OLAF permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS). Mis-sena 2000 ’il hawn, l-Istati Membri rrappurtaw 440 każ ta’ kunflitt ta’ interess fl-oqsma tal-koeżjoni u tal-agrikoltura fl-IMS. ’Il fuq minn nofs dawk il-każijiet (55.4 %) ġew irrappurtati għall-FEŻR, 19 % għall-fondi ta’ qabel l-adeżjoni, 17 % għall-FSE u l-għadd l-aktar baxx għall-FAEG u l-FK (2 % u 3.4 % rispettivament), (ara l-Figura 8 hawn taħt). Il-każijiet ta’ kunflitt ta’ interess irreġistrati fl-IMS jirrappreżentaw 0.4 % tal-għadd totali ta’ irregolaritajiet irrappurtati (data minn Marzu 2022).

Figura 8 – Każijiet ta’ kunflitt ta’ interess fl-IMS skont il-fond

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-IMS.

80 Minħabba derogi legali36, madankollu, mhux l-irregolaritajiet kollha jiddaħħlu fl-IMS. Skont il-manwal tal-UE dwar ir-rappurtar tal-irregolaritajiet, ma hemm l-ebda obbligu li l-irregolaritajiet jiġu rrappurtati lill-OLAF jekk dawn jiġu identifikati u kkorreġuti mill-Istati Membri qabel ma dawn jippreżentaw l-infiq lill-Kummissjoni għar-rimborż, jew jekk l-ammont involut ikun taħt l-EUR 10 000. Bħalma sibna f’awditi preċedenti37, il-kwantità u l-kwalità tad-data u l-informazzjoni rreġistrata fl-IMS ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Fl-IMS ma jiġux irreġistrati l-każijiet kollha investigati mill-OLAF, lanqas. Pereżempju, min-naħa tal-Istati Membri kkonċernati ġew irreġistrati fl-IMS biss 6 każijiet mit-18 miftuħa mill-OLAF b’komponent ta’ kunflitt ta’ interess fil-qasam tal-koeżjoni. L-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll kunflitt ta’ interess bħala komponent minuri f’każ usa’ ta’ frodi (eż. dokumenti jew dikjarazzjonijiet iffalsifikati, korruzzjoni, tixħim) u ma jirrappurtawx tali każijiet bħala każijiet marbuta ma’ kunflitti ta’ interess.

81 Minbarra d-data fl-IMS, id-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL jirċievu informazzjoni dwar każijiet ta’ kunflitt ta’ interess u rkupri relatati fil-qasam tal-akkwist pubbliku mill-Istati Membri fl-FSE, l-FK u l-FEŻR permezz tal-SFC, is-sistema tal-UE għall-ġestjoni tal-fondi. Fil-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri kkomunikaw 31 irregolarità marbuta mal-kunflitti ta’ interess, li ammontaw għal total ta’ EUR 3.4 miljun, u li kienu affettwaw l-eżitu ta’ proċeduri ta’ akkwist (4 taħt il-FK, 24 taħt il-FEŻR u 3 taħt il-FSE). Dawk il-31 każ huma relatati ma’ 16-il programm fi 11-il Stat Membru.

82 Id-DĠ AGRI ma jirċevix tali informazzjoni dwar każijiet simili taħt il-FAEŻR permezz tal-SFC, billi l-Istati Membri jibagħtu biss tabelli sommarju, li ma jurux it-tip ta’ irregolarità f’kull każ.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

83 Il-konklużjoni ġenerali tagħna hija li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għamlu sforzi biex jindirizzaw il-kunflitti ta’ interess, iżda li għad hemm lakuni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-promozzjoni tat-trasparenza u l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet f’riskju.

84 Il-qafas tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess internament huwa bbażat fuq ir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE, id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll il-kodiċijiet tal-etika u l-gwidi tal-etika tagħhom, u jinkludi taħriġ komprensiv dwar l-etika (il-paragrafi 20 sa 22). Barra minn hekk, l-Ombudsman Ewropew analizzat il-prattiki tal-Kummissjoni rigward ir-revolving doors u rrakkomandat li b’mod temporanju din tipprojbixxi lil eks uffiċjali milli jibdew impjiegi jekk jikkostitwixxu riskju li ma jkunx jista’ jiġi mmitigat permezz ta’ restrizzjonijiet immonitorjati u infurzati sew (ara l-paragrafu 24).

85 L-awditi li l-Kummissjoni wettqet fl-oqsma tal-koeżjoni u l-agrikoltura jkopru kunflitti ta’ interess fejn ikun rilevanti, inkluż għall-pagamenti diretti lill-bdiewa mill-2021 ’il quddiem. Awditi mwettqa mill-Kummissjoni jgħinu biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, li spiss jikkonċernaw problemi proċedurali iżda wkoll dgħufijiet aktar ġenerali fil-ġestjoni tal-akkwist pubbliku (il-paragrafi 25 sa 28).

86 L-Istati Membri li eżaminajna għandhom fis-seħħ regoli u proċeduri biex jipprevienu u jimmaniġġjaw il-kunflitti ta’ interess, iżda dawn ma għaddew minn l-ebda bidla sostanzjali mindu ġie aġġornat ir-Regolament Finanzjarju fl-2018. L-awtodikjarazzjonijiet huma l-aktar metodu użat, flimkien ma’ attivitajiet ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni fl-oqsma tal-etika u l-integrità, filwaqt li r-rotazzjoni tal-persunal hija anqas ippreferuta. Il-membri tal-gvern involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-allokazzjonijiet tal-finanzjament għal programmi tal-UE ma kellhom jipprovdu l-ebda tip ta’ dikjarazzjoni (il-paragrafi 29 sa 42).

87 Li jkun hemm informazzjoni miftuħa, komparabbli u trasparenti dwar ir-riċevituri finali tal-fondi tal-UE jagħti lok ukoll għal skrutinju pubbliku aħjar. Fis-sit web tagħha, il-Kummissjoni tippubblika links għal siti web nazzjonali u reġjonali li jelenkaw il-benefiċjarji ta’ finanzjament mill-UE fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-koeżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-pjattaforma online, Kohesio, b’informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati mill-fond ta’ koeżjoni fl-Istati Membri kollha. Dawk is-siti web attwalment ma fihom l-ebda informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali li huma persuni ġuridiċi, u dan jillimita t-trasparenza. L-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji finali ta’ kumpaniji li jibbenefikaw minn finanzjament mill-UE se tkun obbligatorja fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri fil-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid fil-qasam tal-koeżjoni. Mill-2023 ’il quddiem, il-benefiċjarji ta’ fondi agrikoli se jkollhom jipprovdu informazzjoni dwar gruppi ta’ impriżi li jipparteċipaw fihom (il-paragrafi 43 sa 46).

88 Mill-iskambji tagħna mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, ikkonkludejna li l-informazzjoni dwar il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika u l-interessi personali hija diffiċli biex tinkiseb u f’ħafna każijiet tkun protetta minn regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Fil-qasam tal-akkwist, osservajna varjetà ta’ proċeduri ta’ verifikazzjoni fl-Istati Membri, li ġeneralment iffukaw fuq dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u xi drabi inkludew verifiki fuq l-ismijiet ta’ min ikun ħa d-deċiżjonijiet bi tqabbil ma’ bażijiet ta’ data dwar il-popolazzjoni u għodod ibbażati fuq l-internet disponibbli għall-pubbliku, bħar-reġistri tal-kummerċ (il-paragrafi 59 sa 62).

89 L-awtoritajiet involuti fil-ġestjoni kondiviża jivverifikaw ukoll sitwazzjonijiet ta’ akkwist li jaf jindikaw kunflitt ta’ interess, komunement magħrufa bħala “allarmi ħomor”. Madankollu sibna li ċerti allarmi ħomor ma ngħatawx attenzjoni suffiċjenti, bħal proporzjon għoli ta’ proċeduri li fihom hemm offerent wieħed biss jew fejn il-kuntratti jiġu nnegozati ma’ fornituri mingħajr proċedura kompetittiva għas-sottomissjoni tal-offerti (il-paragrafi 63 u 64).

90 L-użu ta’ Arachne huwa volontarju. Barra minn hekk, l-għodda ma fihiex informazzjoni dwar uffiċjali pubbliċi involuti fil-ġestjoni u l-kontroll ta’ fondi tal-UE. Dan jillimita t-tip ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess li jistgħu jiġu identifikati bis-saħħa tagħha (il-paragrafi 67 sa 69). Bħal kwalunkwe għodda għall-estrazzjoni ta’ data, l-utilità tagħha tiddependi ħafna mill-kwantità u l-kwalità tad-data ta’ bażi disponibbli.

91 L-Istati Membri jiġbru data dwar il-kunflitti ta’ interess bħala parti mill-obbligu tagħhom li jirreġistraw l-irregolaritajiet u jirrappurtawhom lill-Kummissjoni. Minħabba dgħufijiet fir-rappurtar, la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma għandhom stampa ġenerali kompleta tal-ammonti milquta mill-kunflitti ta’ interess fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża u ma hemm l-ebda indikatur korrispondenti (il-paragrafi 78 sa 82).

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-kapaċità għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-kunflitti ta’ interess

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Tiffaċilita u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, u fosthom, dwar kif jidentifikaw id-diversi sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess deskritti fl-Artikolu 61(3) tar-Regolament Finanzjarju: il-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interessi ekonomiċi jew kwalunkwe interess dirett jew indirett ieħor;
  2. Tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-użu tal-big data u l-għodod għall-estrazzjoni ta’ datafl-Istati Membri biex jiġu identifikati l-kunflitti ta’ interess u tistieden lill-Istati Membri biex dawn l-għodod jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet kollha tagħhom u biex jużawhom b’mod sistematiku;
  3. Tistabbilixxi gwida ċara għall-Istati Membri dwar meta u kif jirrappurtaw il-frodi u l-irregolaritajiet li jinvolvu l-kunflitti ta’ interess b’mod komplet u uniformi lill-Kummissjoni permezz tal-IMS.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2024

Rakkomandazzjoni 2 – Promozzjoni tat-trasparenza

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Tidentifika u xxerred l-aħjar prattika, inklużi proċeduri li ġew applikati biex jipprevienu l-kunflitti ta’ interess meta programmi u miżuri jiġu mfassla u adottati;
  2. Tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri rigward ir-rekwiżit tad-dikjarazzjonijiet dwar l-introjtu u l-assi tal-membri tal-persunal tas-settur pubbliku nazzjonali jew reġjonali li jaħdmu f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u jitnaqqas ir-riskju ta’ kunflitti ta’ interess mhux żvelati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2024

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sa Joëlle Elvinger, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Jannar 2023.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Abbrevjazzjonijiet

DĠ AGRI: Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

DĠ BUDG: Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit

DĠ EMPL: Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

DĠ HR: Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà

DĠ REGIO: Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana

EDES: Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni

FAEG: Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija

FAEŻR: Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FK: Fond ta’ Koeżjoni

FSE: Fond Soċjali Ewropew

GRECO: Il-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni

IDOC: Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni

IMS: Sistema ta’ ġestjoni tal-irregolaritajiet

OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

OLAF: Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

PAK: Politika agrikola komuni

SFC: Sistema għall-Ġestjoni tal-Fondi fl-Unjoni Ewropea

UPPE: Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Glossarju

Aġenzija tal-pagamenti: Korp maħtur minn Stat Membru biex jamministra l-infiq agrikolu tal-UE.

Arachne: Għodda għall-estrazzjoni ta’ data u għall-klassifikazzjoni tar-riskju żviluppata mill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-awtoritajiet maniġerjali u lill-aġenziji tal-pagamenti fil-ġestjoni u l-kontroll tal-Fondi SIE u PAK.

Awtorità maniġerjali: L-awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (pubblika jew privata) deżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġja programm iffinanzjat mill-UE.

Benefiċjarju: Persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi għotja jew selfa mill-baġit tal-UE.

Big data: Ammonti kbar ta’ data mhux strutturata minn sorsi differenti, u l-ipproċessar, il-ġbir, il-ħżin u l-analiżi tagħha biex jiġu żvelati xejriet, tendenzi u assoċjazzjonijiet ta’ sinifikat.

Dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni: Dikjarazzjoni ppubblikata fir-rapport annwali tal-QEA, li tistabbilixxi l-opinjoni tal-awditjar tagħha dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

Frodi suspettata: Irregolarità li tagħti lok għal proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji biex jiġi stabbilit jekk kinitx frodulenti.

Frodi: Użu intenzjonat u illegali ta’ qerq biex jinkiseb vantaġġ materjali billi parti oħra tiġi mċaħħda minn proprjetà jew flus.

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta’ kif il-baġit tal-UE jintefaq fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’ġestjoni diretta, il-Kummissjoni tiddelega lill-Istat Membru iżda tibqa’ finalment responsabbli hi.

Informatur: Persuna, spiss impjegat, li tiżvela informazzjoni dwar għemil ħażin fi ħdan negozju jew organizzazzjoni.

Irregolarità: Ksur tar-regoli tal-UE (jew tar-regoli nazzjonali rilevanti) jew tal-obbligi kuntrattwali.

Korp taċ-ċertifikazzjoni: Fil-każ tal-infiq agrikolu, entità pubblika jew privata deżinjata minn Stat Membru biex takkredita lill-aġenziji tal-pagamenti u tiċċertifika annwalment l-affidabbiltà tal-kontijiet tagħhom, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

Korruzzjoni: Abbuż ta’ poter pubbliku, korporattiv jew personali għal qligħ illeċitu.

Pagamenti diretti: Pagamenti ta’ appoġġ, fil-biċċa l-kbira għajnuna relatata maż-żona, li jsiru direttament lill-bdiewa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija.

Pjan ta’ azzjoni: Dokument li jistabbilixxi l-passi li għandhom jittieħdu biex jintlaħaq għan partikolari.

Programm operazzjonali: Qafas għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ koeżjoni ffinanzjati mill-UE f’perjodu stabbilit, li jirrifletti l-prijoritajiet u l-objettivi stabbiliti fi ftehimiet ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u Stati Membri individwali.

Programm tal-iżvilupp rurali: Sett ta’ objettivi u azzjonijiet pluriennali nazzjonali jew reġjonali, approvati mill-Kummissjoni, għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE.

Revolving doors: Sitwazzjoni li fiha xi ħadd jitlaq minn rwol leġiżlattiv jew regolatorju biex jieħu pożizzjoni relatata fis-settur privat, jew vice versa.

Sid benefiċjarju finali: Persuna li fl-aħħar mill-aħħar tibbenifika minn negozju jew organizzazzjoni jew għandha interess fihom.

Sinjal ta’ allarm: Indikazzjoni li tranżazzjoni jew attività oħra jaf ikunu frodulenti.

Sistema ta’ ġestjoni tal-irregolaritajiet: Applikazzjoni li l-Istati Membri jużaw biex jirrappurtaw l-irregolaritajiet, inkluża l-frodi suspettata, lill-OLAF.

Żball: Ir-riżultat ta’ kalkolu skorrett jew ta’ irregolarità li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti legali u kuntrattwali.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar – Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Pietro Russo, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Chiara Cipriani, Kap tal-Kabinett, u Benjamin Jakob, Attaché tal-Kabinett; Richard Hardy, Maniġer Prinċipali; Jan Huth, Kap tal-Kompitu; Anca Florinela Cristescu, Deputat Kap tal-Kompitu, u Servane de Becdelièvre, Maciej Szymura, Mihaela Vacarasu, Lutz Venske, Awdituri. Marika Meisenzahl ipprovdiet appoġġ grafiku. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Pietro Russo, Benjamin Jakob, Anca Florinela Cristescu, Richard Hardy, Servane de Becdelièvre, Jan Huth

Noti finali

1 Ismeri Europa vs il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej.

2 Ir-Regolament Finanzjarju tal-UE, l-Artikolu 61.

3 L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/25/UE.

4 OECD, Managing conflict of interest in the public sector, 2005.

5 Ara eż. l-OECD, Collusion and Corruption in Public Procurement, 2010.

6 Ara r-rapport tal-OLAF għall-2021, p. 18 jew ir-rapport tal-OLAF għall-2020, pp. 14-15.

7 OECD, Fraud and Corruption in European Structural and Investment Funds, 2019.

8 Il-Linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, C(2022) 1382 final, 2.3.2022, Brussell.

9 Il-Proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija, COM/2022/485 final.

10 Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI), id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DĠ BUDG), id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà (DĠ HR) u d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) tal-Kummissjoni.

11 L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa uffiċċju indipendenti tal-prosekutur pubbliku tal-Unjoni Ewropea.

12 Il-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) huwa l-korp tal-Kunsill tal-Ewropa għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

13 Iffukati primarjament fuq ir-reġjuni tal-Bavarja u Saarland.

14 Ir-Regolament tal-Persunal tal-UE.

15 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2018 dwar attivitajiet u kompiti esterni u dwar attivitajiet okkupazzjonali wara t-tluq mis-servizz, C(2018) 4048 final, 29.6.2018, Brussell.

16 Il-Gwida dwar l-evitar tal-kunflitti ta’ interess u l-ġestjoni tagħhom skont ir-Regolament Finanzjarju, (2021/C 121/01).

17 Id-Deċiżjoni tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni Ewropea timmaniġġja r-“revolving doors”.

18 Id-Deċiżjoni tal-Ombudsman: sitwazzjonijiet li jinvolvu “revolving doors”.

19 Stqarrija għall-istampa tal-Ombudsman Ewropew Nru 3/2022: EU administration at critical point in treatment of “revolving doors”, it-18 ta’ Mejju 2022.

20 Il-portal tal-Kummissjoni Ewropea għall-azzjoni Kontra l-Frodi.

21 Għall-koeżjoni ara s-Sit Web tal-Kummissjoni “Benefiċjarji tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea” u għall-agrikoltura ara s-Sit Web tal-Kummissjoni “Beneficiaries of CAP funds”.

22 Skont l-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

23 Studju għall-Parlament Ewropew, il-Kumitat CONT: The largest 50 beneficiaries in each EU Member State of CAP and Cohesion Funds, 2021.

24 L-Artikolu 69(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

25 L-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

26 Ċipru, id-Danimarka, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Portugall u l-Iżvezja.

27 Agence Europe: “Parliamentary Assembly of Council of Europe considers that Malta’s Whistleblower Protection Act does not meet its objective”, l-20 ta’ Diċembru 2021.

28 Ir-Rapport tal-Attività tal-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC), 2020.

29 Ir-Rapport Annwali tal-OLAF, 2020.

30 Ara r-rapporti tal-pajjiż dwar l-akkwist pubbliku (Rapporti tal-pajjiż u informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-UE) tal-2018, ippreżentati mill-pajjiżi tal-UE u taż-ŻEE lill-Kummissjoni Ewropea.

31 Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali, 2019, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta.

32 Il-Kummissjoni Ewropea (DĠ AGRI), il-Linja gwida Nru 1 – Linji gwida għall-awditu taċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet FAEG/FAEŻR – Linja gwida għall-akkreditazzjoni, is-sena finanzjarja 2021.

33 Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni.

34 Ara eż. Elizabeth Dávid-Barrett u Mihály Fazekas, Grand corruption and government change: an analysis of partisan favoritism in public procurement, European Journal on Criminal Policy and Research 26, 411-430 (2020).

35 L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1303/2013.

36 L-Artikolu 122(2) tar-Regolament Nru 1303/2013; l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

37 Ir-Rapport Speċjali 01/2019Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE”, il-paragrafi 23-28, u r-Rapport Speċjali 06/2019L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni tal-UE”, il-paragrafi 47-57.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

PDF ISBN 978-92-847-9567-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/92863 QJ-AB-23-006-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-9569-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/50182 QJ-AB-23-006-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA li jkun proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Figuri 4 u 7 – Ikoni: il-figuri tfasslu bl-użu ta’ riżorsi minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.