Rapport Speċjali
11 2022

Protezzjoni tal-baġit tal-UE – Jeħtieġ li jsir użu aħjar mill-blacklisting

Dwar ir-rapport:Il-“blacklisting” hija miżura li l-għan tagħha huwa l-prevenzjoni tal-frodi. Permezz tal-bażi ta’ data tal-EDES tagħha, l-UE tipprova teskludi kontropartijiet mhux affidabbli, bħal dawk involuti fi frodi, korruzzjoni jew irregolaritajiet oħra, milli jirċievu fondi pubbliċi. L-awditu li wettaqna vvaluta jekk il-blacklisting jintużax b’mod effettiv biex il-baġit tal-UE jiġi protett. Aħna kkonkludejna li s-sistema attwali mhijiex effettiva billi ma hemmx sett koerenti ta’ obbligi għall-modi ta’ pagament differenti. Barra minn hekk, għall-fondi mmaniġġati mill-Istati Membri, l-użu ta’ sistemi ta’ esklużjoni mhuwiex obbligatorju. Responsabbiltajiet frammentati u nuqqasijiet fl-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet li jistgħu jiġu esklużi jwasslu għal ftit li xejn każijiet fuq il-blacklist tal-EDES. Għaldaqstant nirrakkomandaw li l-użu tal-EDES jiġi estiż lejn fondi mmaniġġati mill-Istati Membri, fejn attwalment tapplika taħlita ta’ obbligi legali dwar l-esklużjoni. Nirrakkomandaw ukoll li jsir użu aħjar mid-data u mill-għodod diġitali biex kontropartijiet mhux affidabbli jiġu identifikati.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport speċjali: blacklisting ta’ operaturi ekonomiċi biex il-baġit tal-UE jiġi protett

Sommarju eżekuttiv

I L-UE u l-Istati Membri huma responsabbli b’mod konġunt għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fir-rigward tal-fondi tal-UE. “Blacklisting” (jew esklużjoni) hija għodda ewlenija li l-korpi internazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali jużaw biex jipproteġu l-finanzi pubbliċi tagħhom. L-objettiv huwa li jiġi evitat id-dħul fi ftehimiet finanzjarji ma’ kontropartijiet mhux affidabbli, bħal dawk involuti fi frodi, korruzzjoni, imġiba professjonali ħażina, ħasil tal-flus, jew nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi. Fl-2020, l-UE ħallset madwar EUR 150 biljun skont ftehimiet finanzjarji. Mill-2016 ’il hawn, il-Kummissjoni kienet u għadha responsabbli biex topera s-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) għall-kwart tal-infiq tal-UE (EUR 39 biljun) li hija timmaniġġa b’mod dirett jew indirett permezz ta’ sħab ta’ implimentazzjoni f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-UE. Għat-tliet kwarti tal-infiq tal-UE li jinvolvu lill-awtoritajiet nazzjonali (EUR 111-il biljun), l-Istati Membri jridu jsegwu obbligi relatati mal-esklużjoni iżda mhumiex meħtieġa jistabbilixxu sistemi ta’ esklużjoni jew bażijiet ta’ data, per se.

II L-għan ta’ dan l-awditu kien li jivvaluta jekk l-esklużjoni hijiex qed tintuża b’mod effettiv biex tipproteġi l-fondi tal-UE minn kontropartijiet mhux affidabbli. Iffukajna primarjament fuq il-valutazzjoni ta’ jekk l-EDES kinitx qed topera b’mod effettiv fil-ġestjoni diretta u f’dik indiretta. B’mod partikolari, fir-rigward tal-EDES, eżaminajna l-effettività tas-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, il-proċeduri ta’ esklużjoni, il-blacklist ta’ kontropartijiet esklużi, u l-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. Fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża, għażilna erba’ Stati Membri biex nirrieżaminaw l-arranġamenti ta’ esklużjoni tagħhom u biex nidentifikaw prattiki tajbin. Wettaqna dan l-awditu bil-ħsieb li nikkontribwixxu għall-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu riveduti r-regoli finanzjarji tal-UE u għall-pjanijiet tagħha biex jissaħħaħ l-użu ta’ għodod diġitali u ta’ data sabiex l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu protetti.

III Ikkonkludejna li l-esklużjoni mhijiex qed tintuża b’mod effettiv biex tipproteġi l-fondi tal-UE minn kontropartijiet mhux affidabbli. Għalkemm l-EDES għandha firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni u proċeduri robusti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni rreġistraw ftit li xejn esklużjonijiet fis-sistema minħabba nuqqasijiet fl-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. Fil-ġestjoni kondiviża, fejn l-EDES ma tapplikax, l-approċċi differenti tal-Istati Membri jdgħajfu l-effettività kumplessiva tal-użu tal-esklużjoni biex jiġi protett il-baġit tal-UE.

IV Fir-rigward tal-ġestjoni diretta, sibna li l-EDES għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ u proċedura robusta ta’ esklużjoni, ibbażata fuq valutazzjoni ċentrali tal-każijiet minn bord indipendenti li jiżgura trattament konsistenti u ġust tal-kontropartijiet. Madankollu, nuqqasijiet fl-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni kkontribwew għal-livell baxx ta’ esklużjonijiet. B’mod partikolari, ir-responsabbiltà għall-esklużjoni hija frammentata u d-dipartimenti tal-Kummissjoni jiffaċċjaw diffikultajiet legali u tekniċi biex jaċċessaw data tal-Istati Membri dwar sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, bħal reġistri kummerċjali u fedini penali. Anke fejn teżisti data rilevanti fil-livell tal-UE, pereżempju rigward investigazzjonijiet ta’ frodi, din mhux dejjem tintuża jew tkun tista’ tintuża. Fil-prattika, il-Kummissjoni tqiegħed livell għoli ta’ dipendenza fuq dikjarazzjonijiet fuq l-unur minn kontropartijiet tal-UE rigward in-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ esklużjoni. F’dan il-kuntest, aħna sibna monitoraġġ u sorveljanza ċentrali limitati tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-każijiet tal-EDES kif ukoll opportunitajiet ulterjuri biex jiġi promoss l-użu tal-EDES u jiġu promossi l-kondiviżjoni tad-data u l-għodod diġitali.

V Fir-rigward tal-ġestjoni indiretta, sibna li s-sħab ta’ implimentazzjoni taw kontribut żgħir għall-għadd ta’ każijiet ta’ esklużjoni rreġistrati fl-EDES. Dan huwa spjegat l-aktar mill-istess fatturi li japplikaw fil-ġestjoni diretta. Fatturi kontributorji oħra jinkludu: ftehimiet mas-sħab ta’ implimentazzjoni li ma jkoprux is-sitwazzjonijiet kollha ta’ esklużjoni, u l-fatt li s-sħab ta’ implimentazzjoni ma tħallewx jeskludu kontropartijiet qabel sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali. Sibna wkoll li l-Kummissjoni damet biex tikkompleta l-valutazzjoni tagħha tal-arranġamenti ta’ esklużjoni li jintużaw mis-sħab ta’ implimentazzjoni.

VI Fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża, li fil-biċċa l-kbira tkopri l-infiq fil-qasam tal-agrikoltura u tal-koeżjoni u li mhijiex koperta mill-EDES, iż-żjarat tagħna f’erba’ Stati Membri ġibdu l-attenzjoni għal differenzi konsiderevoli ta’ approċċ għall-esklużjoni, li jikkontribwixxu għal nuqqas ta’ uniformità fil-protezzjoni tal-fondi tal-UE. Sibna wkoll li xi Stati Membri jistgħu jinqdew aħjar bid-data u l-għodod fil-livell tal-UE, inkluża data dwar il-frodi u l-irregolaritajiet, u bl-għodda tal-estrazzjoni ta’ data u tal-għoti ta’ punteġġ tar-riskju, Arachne. Fl-aħħar nett, aħna sibna li l-Kummissjoni hija nieqsa mill-ħarsa ġenerali lejn is-sistemi ta’ esklużjoni li jintużaw mill-Istati Membri u d-data disponibbli meħtieġa biex tiġi żviluppata strateġija għat-titjib tal-kapaċità tagħha stess, u ta’ dik tas-sħab ta’ implimentazzjoni u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, biex jiġu identifikati kontropartijiet li huma f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni jew f’riskju li jkunu f’din is-sitwazzjoni.

VII Aħna nirrakkomandaw lill-Kummissjoni biex:

  • testendi aktar il-firxa ta’ esklużjoni;
  • tqawwi l-implimentazzjoni tal-EDES;
  • ittejjeb il-monitoraġġ tal-EDES taħt ġestjoni indiretta;
  • testendi l-EDES lejn il-ġestjoni kondiviża;
  • tinqeda aħjar bid-data u bl-għodod diġitali għal skopijiet ta’ esklużjoni.

Introduzzjoni

Responsabbiltajiet tal-UE u tal-Istati Membri għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE

01 Fl-2020, l-UE ħallset madwar EUR 150 biljun1 skont ftehimiet finanzjarji. Il-ftehimiet prinċipalment ikopru għotjiet mogħtija, kuntratti għal xogħol, oġġetti jew servizzi, u strumenti finanzjarji, bħal self, garanziji jew investimenti ta’ ekwità. Il-kontropartijiet tal-ftehimiet ivarjaw minn individwi privati, bħal bdiewa u riċerkaturi, sa entitajiet kbar, bħal intrapriżi kummerċjali, muniċipalitajiet u organizzazzjonijiet nongovernattivi.

02 Il-Kummissjoni għandha responsabbiltà kumplessiva għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE. Fl-2020, il-Kummissjoni implimentat madwar 19 % tal-infiq operazzjonali (EUR 28 biljun) skont ftehimiet b’mod dirett permezz tad-direttorati ġenerali proprji tagħha u permezz ta’ dipartimenti oħra kif ukoll 7 % oħra b’mod indirett (EUR 11-il biljun)2, permezz ta’ “sħab ta’ implimentazzjoni” magħżula, bħall-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma involuti fl-implimentazzjoni tal-74 % li jifdal (EUR 111-il biljun) tal-infiq annwali tal-UE permezz ta’ dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”, li tkopri l-aktar l-infiq fil-qasam tal-agrikoltura u tal-koeżjoni.

03 Il-Kummissjoni tiddelega r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE fid-diversi oqsma ta’ politika lill-“uffiċjali tal-awtorizzazzjoni” fid-dipartimenti (direttorati ġenerali) tagħha3. Dmirijiethom jinkludu l-iffirmar ta’ ftehimiet finanzjarji mal-kontropartijiet tal-UE (taħt ġestjoni diretta)4 jew mas-sħab ta’ implimentazzjoni (taħt ġestjoni indiretta) biex jiġu fdati bl-iffirmar ta’ ftehimiet mal-kontropartijiet f’isem il-Kummissjoni. Fil-ġestjoni kondiviża, l-awtoritajiet maniġerjali u l-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri huma responsabbli biex jidħlu fi ftehimiet mal-kontropartijiet.

04 Skont id-dritt tal-UE, il-Kummissjoni, is-sħab ta’ implimentazzjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jridu jipproteġu l-baġit tal-UE minn frodi u irregolaritajiet5. Għal dan il-fini, huma meħtieġa jistabbilixxu sistemi ta’ kontroll li jkunu effettivi6. Biex jiġġieldu kontra frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tal-UE, l-Istati Membri jridu jieħdu l-istess miżuri li jieħdu biex jiġgieldu kontra frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tagħhom stess7. Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tiżgura livell simili ta’ protezzjoni f’kull tip ta’ arranġament ta’ ġestjoni - diretta, indiretta u kondiviża8.

Esklużjoni ta’ kontropartijiet mhux affidabbli milli jirċievu fondi

05 L-esklużjoni hija għodda importanti li organizzazzjonijiet, bħal korpi internazzjonali u awtoritajiet nazzjonali, jużaw biex jipprevienu kontropartijiet mhux affidabbli milli japplikaw għal għotjiet jew kuntratti tal-gvern u milli jirċevuhom. L-elementi ewlenin tas-sistema ta’ esklużjoni li organizzazzjoni tuża9 jinkludu:

  • “blacklist” ta’ kontropartijiet esklużi milli jidħlu fi ftehimiet finanzjarji mal-organizzazzjoni;
  • sett ta’ raġunijiet għall-esklużjoni ta’ kontroparti, bħal imġiba professjonali ħażina, frodi, korruzzjoni, ħasil tal-flus, jew taxxi mhux imħallsa (“sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni”);
  • proċess biex jinżdiedu kontropartijiet fil-blacklist u biex jitneħħew minnha (“proċedura ta’ esklużjoni”);
  • arranġamenti biex jiġi vverifikat jekk il-kontropartijiet jinsabux f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, li tinkludi l-użu tal-blacklist.

06 Il-Figura 1 turi r-relazzjonijiet bejn l-elementi ewlenin ta’ sistema ta’ esklużjoni.

Figura 1 – Elementi ewlenin ta’ sistema ta’ esklużjoni

Sors: il-QEA.

07 Fil-fatt, permezz tal-blacklist, maniġers finanzjarji f’parti waħda minn organizzazzjoni jistgħu jserrħu fuq kontrolli li maniġers finanzjarji f’partijiet oħra mill-istess organizzazzjoni jkunu wettqu preċedentement fuq kontroparti. Il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-kontropartijiet esklużi testendi dan il-benefiċċju lejn il-maniġers finanzjarji f’organizzazzjonijiet oħra u tipprovdi effett ta’ deterrent. Il-Gvern federali tal-Istati Uniti u l-Grupp tal-Bank Dinji ilhom żmien twil jużaw il-blacklisting u pprovdew ispirazzjoni għas-sistema ta’ esklużjoni li l-baġit tal-UE juża. Il-Kaxxa 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sistema ta’ esklużjoni li l-Gvern federali tal-Istati Uniti juża u li tiġi implimentata mill-aġenziji federali tal-Istati Uniti.

Kaxxa 1

Esklużjoni fl-aġenziji federali tal-Istati Uniti

Il-kontropartijiet inklużi fuq blacklist ma jistgħux jipparteċipaw fil-proċeduri tal-aġenziji federali tal-Istati Uniti għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ għotjiet u ta’ kuntratti. L-aġenziji federali kollha jużaw l-istess sistemi, bħall-Federal Awardee Performance and Integrity Information System u s-System for Award Management, biex jivverifikaw il-kontropartijiet għal sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni u biex jirreġistraw kontropartijiet fil-blacklist.

Kull aġenzija federali għandha “uffiċjal ta’ esklużjoni”, li jkun indipendenti mill-funzjoni kontraenti u responsabbli biex jieħu deċiżjonijiet biex jeskludi kontropartijiet. L-esklużjonijiet li jsiru minn aġenzija federali waħda japplikaw għall-aġenziji federali l-oħra kollha, u jipprevienu kontroparti milli tirċievi aktar għotjiet jew kuntratti mill-baġit federali tal-Istati Uniti. L-ismijiet tal-kontropartijiet esklużi jiġu ppubblikati online.

Il-qafas legali tal-UE għall-esklużjoni

08 Il-prevenzjoni ta’ bgħit ta’ fondi lil kontropartijiet li ma għandhomx permess li jirċevuhom hija prerekwiżit għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE10. Ir-regoli finanzjarji tal-UE (ir-Regolament Finanzjarju)11 jirrikjedu li l-Kummissjoni tistabbilixxi u topera sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni (EDES) għall-fondi tal-UE li jintefqu taħt ġestjoni diretta u dik indiretta. Il-Kummissjoni stabbiliet l-EDES fl-2016.

09 Ir-Regolament Finanzjarju jipprevedi l-esklużjoni u/jew il-penalizzazzjoni finanzjarja ta’ kontropartijiet li jinstabu li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni12 (il-Kaxxa 2). F’każijiet gravi, isem il-kontroparti jista’ jiġi ppubblikat bħala deterrent13.

Kaxxa 2

Sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni skont l-EDES

Skont l-EDES, huwa possibbli li kontroparti tiġi eskluża għar-raġunijiet li ġejjin:

  • falliment, insolvenza u sitwazzjonijiet analogi;
  • nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;
  • imġiba ħażina professjonali gravi;
  • frodi, korruzzjoni, u attivitajiet illegali oħra;
  • irregolaritajiet rigward attivitajiet iffinanzjati mill-UE;
  • nuqqas ta’ konformità sinifikanti mal-obbligi prinċipali skont kuntratti ffinanzjati mill-baġit tal-UE;
  • ċirkomvenzjoni ta’ obbligi fiskali, soċjali jew legali oħra jew il-ħolqien ta’ entità għal dan l-iskop.

10 L-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni huma responsabbli biex jidentifikaw kontropartijiet li jistgħu jiġu esklużi u milli jirreġistraw14 każijiet ta’ esklużjoni fil-bażi ta’ data tal-EDES (il-“blacklist”). Il-proċedura ta’ esklużjoni li għandha tiġi segwita tiddependi mit-tip ta’ sitwazzjoni ta’ esklużjoni. Jenħtieġ li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jeskludu b’mod dirett kontropartijiet għal falliment jew insolvenza kif ukoll għal nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali abbażi ta’ sentenzi finali jew ta’ deċiżjonijiet amministrattivi.

11 F’sitwazzjonijiet oħra ta’ esklużjoni, jenħtieġ li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jibgħat talba għall-esklużjoni lill-Bord tal-EDES. Dan il-korp huwa magħmul minn president indipendenti, żewġ membri permanenti ddeżinjati mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, u rappreżentant tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni li jkun qed jagħmel it-talba għall-esklużjoni. Huwa inkarigat milli jivvaluta l-fatti u s-sejbiet stabbiliti u, fejn ma jkun hemm l-ebda sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva, milli jagħmel “klassifikazzjoni preliminari fil-liġi”15.

12 Il-Bord tal-EDES16 jivvaluta l-każijiet li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jkunu rreferulu u joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar jekk kontroparti għandhiex tiġi eskluża, ippenalizzata finanzjarjament u/jew ikollha isimha ppubblikat17. Il-Bord huwa responsabbli wkoll biex jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-kontropartijiet, inkluż id-“dritt ta’ smigħ”. Wara li jirċievi r-rakkomandazzjoni tal-Bord, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni li rreġistra l-każ huwa responsabbli biex jieħu deċiżjoni finali dwar is-sanzjonar tal-kontroparti.

13 L-identifikazzjoni bikrija għandha l-għan li twissi lill-komunità ta’ uffiċjali tal-awtorizzazzjoni dwar kontropartijiet riskjużi18. Jenħtieġ li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jirreġistraw kontroparti taħt il-mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni bikrija, jekk jippreżumu li din qiegħda f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, iżda jeħtieġ li jiġbru l-evidenza meħtieġa biex jagħmlu esklużjoni. Jenħtieġ li jinnotifikaw lill-kontroparti, dment li din in-notifikazzjoni ma tkunx tikkomprometti investigazzjoni li tkun għaddejja. Kontroparti mmarkata bħala każ ta’ identifikazzjoni bikrija tista’ tkompli tapplika għal fondi tal-UE u tirċevihom. Jenħtieġ li każijiet ta’ identifikazzjoni bikrija ma jibqgħux miftuħa għal aktar minn sena. Biex il-perjodu jiġi estiż, jenħtieġ li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jirreferi l-każ lill-Bord.

14 Attwalment l-EDES hija l-unika sistema ta’ esklużjoni li topera fil-livell tal-UE. Għalkemm l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu sistemi ta’ kontroll fil-ġestjoni kondiviża biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, id-dritt tal-UE ma jirrikjedix li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ esklużjoni per se19. Il-Figura 2 tiġbed l-attenzjoni għall-parti tal-baġit tal-UE li hija koperta mill-EDES.

Figura 2 – Kopertura tal-baġit tal-UE mill-EDES

Sors: il-QEA.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

15 L-għan ta’ dan l-awditu kien li jivvaluta jekk l-esklużjoni hijiex qed tintuża b’mod effettiv biex tipproteġi l-fondi tal-UE minn kontropartijiet mhux affidabbli. L-awditu kopra l-perjodu 2016-2020.

16 Iffukajna primarjament fuq il-valutazzjoni ta’ jekk l-EDES kinitx topera b’mod effettiv fil-ġestjoni diretta u f’dik indiretta. B’mod partikolari, ivvalutajna jekk fir-rigward tal-EDES:

  • is-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jipprovdux ambitu suffiċjenti biex kontropartijiet mhux affidabbli jiġu esklużi;
  • il-proċedura ta’ esklużjoni tipprevedix li jittieħdu deċiżjonijiet b’mod robust rigward kontropartijiet li jkunu ġew identifikati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni;
  • il-bażi ta’ data tal-kontropartijiet esklużi (il-“blacklist”) fihiex ismijiet adegwati biex jingħata kontribut sinifikanti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;
  • l-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni humiex adegwati.

17 Ġbarna u analizzajna informazzjoni dwar l-operat tal-EDES li kienet waslet mingħand:

  • żewġ dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli biex jawtorizzaw nefqa operazzjonali fil-ġestjoni diretta – l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – u fil-ġestjoni indiretta – id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA);
  • żewġ dipartimenti tal-Kummissjoni b’responsabbiltajiet transsettorjali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE — id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DĠ BUDG) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);
  • is-sħab prinċipali fil-ġestjoni indiretta li huma responsabbli biex jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji tal-UE, jiġifieri l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u għażla tal-intermedjarji finanzjarji tiegħu f’erba’ Stati Membri (l-Estonja, l-Italja, il-Polonja u l-Portugall).

18 Qabbilna l-EDES mas-sistemi ta’ esklużjoni tal-Gvern federali tal-Istati Uniti u l-Grupp tal-Bank Dinji, li żorna fi Frar 2020. Barra minn hekk, analizzajna u wettaqna kontroverifiki tal-informazzjoni dwar il-kontropartijiet u s-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni fl-EDES, fis-sistema kontabilistika tal-UE u f’bażijiet ta’ data oħra fil-livell tal-UE, fis-sorsi ta’ data nazzjonali, u f’għodda tad-data dwar il-konformità disponibbli kummerċjalment20.

19 Fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża, irrieżaminajna l-arranġamenti f’erba’ Stati Membri (l-Estonja, l-Italja, il-Polonja u l-Portugall), li għażilna biex jirriflettu d-diversità tal-approċċ fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi. Għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, għażilna aġenzija tal-pagamenti waħda u awtorità maniġerjali waħda responsabbli għall-infiq fil-qasam tal-agrikoltura u tal-koeżjoni. Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, serraħna fuq analiżi ta’ dokumenti uffiċjali, tweġibiet bil-miktub mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-mistoqsijiet tagħna dwar kif jinqdew bl-esklużjoni, u intervisti mill-bogħod ma’ uffiċjali f’dawk l-awtoritajiet. Minbarra dan, ġbarna u analizzajna informazzjoni dwar l-esklużjoni fil-ġestjoni kondiviża li kienet waslet mingħand id-dipartimenti prinċipali tal-Kummissjoni involuti, jiġifieri d-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana u d-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. Użajna wkoll l-għodda tad-data dwar il-konformità biex niskrinjaw kampjun stratifikat ta’ kontropartijiet fil-ġestjoni kondiviża għal sitwazzjonijiet possibbli ta’ esklużjoni.

20 Wettaqna dan l-awditu bil-ħsieb li nikkontribwixxu għall-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut ir-Regolament Finanzjarju fl-2022 u għall-pjanijiet tagħha biex jissaħħaħ l-użu ta’ għodod diġitali u ta’ data sabiex l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu protetti billi tagħmel disponibbli sistema ta’ informazzjoni u monitoraġġ integrata u interoperabbli li tkopri l-benefiċjarji kollha tal-fondi tal-UE21.

Osservazzjonijiet

Ġestjoni diretta: Minkejja xi punti b’saħħithom tas-sistema ta’ esklużjoni, in-nuqqasijiet jillimitaw l-effettività tagħha

Is-sistema ta’ esklużjoni li l-Kummissjoni tuża għandha ambitu wiesa’ u proċeduri ta’ esklużjoni robusti

L-EDES tkopri firxa wiesgħa ta’ kontropartijiet, ta’ tipi ta’ ftehim finanzjarju, u ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni

21 Biex tiġi massimizzata l-utilità tagħha, aħna nkunu nistennew li sistema effettiva ta’ esklużjoni tapplika għat-tipi kollha ta’ kontroparti potenzjali, tkopri t-tipi kollha ta’ ftehimiet finanzjarji, u tinkludi lista komprensiva ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni.

22 Sibna li l-esklużjoni tapplika għat-tipi kollha ta’ kontropartijiet tal-UE li huma eliġibbli biex japplikaw għal fondi u biex jirċevuhom. Madankollu, il-possibbiltà li jiġu esklużi partijiet relatati, bħal affiljati, sidien benefiċjarji, u maniġers responsabbli (fejn huma stess ma jkunux riċevituri ta’ fondi tal-UE) hija relattivament limitata skont ir-Regolament Finanzjarju22.

23 Sibna wkoll li, minn mindu ġie rivedut ir-Regolament Finanzjarju fl-2016, is-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni japplikaw għat-tipi kollha ta’ ftehimiet finanzjarji, notevolment kuntratti, għotjiet, premjijiet, u strumenti finanzjarji.

24 Fl-aħħar nett, sibna li r-Regolament Finanzjarju jipprevedi firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, komparabbli ma’ dawk li l-Gvern federali tal-Istati Uniti juża. Aħna osservajna differenza sinifikanti waħda biss: ir-regoli finanzjarji tal-UE ma jipprevedux l-esklużjoni ta’ kontropartijiet li jkollhom djun lejn il-baġit tal-UE; madankollu l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jistgħu jimmitigaw ir-riskju billi jpaċu kwalunkwe dejn kontra pagamenti futuri, u għalhekk l-esklużjoni mhijiex meħtieġa.

Il-proċeduri tal-EDES jipprevedu li d-deċiżjonijiet dwar l-esklużjoni jittieħdu b’mod robust

25 Inkunu nistennew li teżisti proċedura robusta għaż-żieda u t-tneħħija tal-kontropartijiet biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet dwar l-esklużjoni jkunu validi, konsistenti, ġusti u proporzjonati. It-Tabella 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn it-tqabbil tagħna tal-EDES mas-sistema ta’ esklużjoni li l-Istati Uniti tuża. Is-sistema ta’ esklużjoni li tintuża mill-Grupp tal-Bank Dinji għandha karatteristiċi inkomuni mal-EDES u mas-sistema ta’ esklużjoni li l-Istati Uniti tuża.

Tabella 1 – Tqabbil tal-EDES mas-sistema ta’ esklużjoni li l-Istati Uniti tuża

Karatteristika EDES Sistema tal-Istati Uniti
Evidenza meħtieġa Sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva.

Jew fatti u sejbiet suffiċjenti li teżisti sitwazzjoni ta’ esklużjoni (klassifikazzjoni preliminari fil-liġi)
Sentenza ċivili jew kundanna.

Jew evidenza suffiċjenti li l-fatt tas-sitwazzjoni ta’ esklużjoni huwa probabbilment aktar veru milli le (preponderanza tal-evidenza)
Min jieħu d-deċiżjonijiet Uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tad-dipartiment jew l-aġenzija responsabbli (wara konsultazzjoni mal-Bord tal-EDES) Sospensjoni u esklużjoni tal-uffiċjal tal-aġenzija responsabbli
Notifika ta’ kontroparti Iva Iva
Dritt ta’ smigħ Iva Iva
Konsegwenzi għall-kontropartijiet Esklużi minn finanzjament ġdid għal perjodu ta’ bejn sena u ħames snin

Pubblikazzjoni f’każijiet gravi

Possibbiltà ta’ penali finanzjarja
Esklużi minn finanzjament ġdid għal perjodu ta’ bejn sena u ħames snin

Pubblikazzjoni fil-każijiet kollha

Sors: il-QEA.

26 Sibna li l-EDES għandha proċeduri robusti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-esklużjoni. Il-validità tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiġi aċċertata billi jkun hemm serħan fuq sentenzi finali jew deċiżjonijiet amministrattivi. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali (li għandha mnejn iddum xhur jew saħansitra snin biex toħroġ), ir-Regolament Finanzjarju jagħti lok għall-esklużjoni ta’ kontropartijiet, meta l-interessi finanzjarji tal-UE jkunu f’riskju sinifikanti u l-fatti jew is-sejbiet disponibbli jkunu suffiċjenti biex isostnu deċiżjoni ta’ esklużjoni. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jrid jirreferi l-każ lill-Bord tal-EDES.

27 Bħal fis-sistema tal-Istati Uniti, ir-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-kontropartijiet jingħataw notifika minn qabel u opportunità li jagħmlu osservazzjonijiet qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ esklużjoni. Il-Bord tal-EDES iqis l-osservazzjonijiet tal-kontropartijiet flimkien mal-fatti u s-sejbiet ipprovduti mill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni u joħroġ rakkomandazzjonijiet. Il-proċedura ta’ valutazzjoni li l-Bord juża tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-kontropartijiet, bħad-dritt ta’ smigħ23.

28 Mill-2016 sal-2020, l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni rreferew 98 każ lill-Bord. Il-Bord għamel 57 rakkomandazzjoni – 43 biex il-kontroparti kkonċernata tiġi eskluża u 14 biex din ma tiġix eskluża24. Il-41 riferiment li jifdal kienu jinkludu każijiet li kienu ġew irtirati mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi, każijiet fejn il-Bord ma kienx f’pożizzjoni li jagħmel rakkomandazzjoni, u każijiet li kienu għadhom għaddejjin. Mill-2016 ’il hawn, l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni dejjem għażlu li jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord25. Il-kompożizzjoni u l-esperjenza tal-Bord fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet ċentrali tal-każijiet ta’ esklużjoni jgħinu biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod konsistenti. It-tim ta’ uffiċjali tad-DĠ BUDG li jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Bord tal-EDES ukoll jgħin biex tiġi żgurata l-konsistenza billi jagħti pariri lill-uffiċjali tal-awtorizzazjoni f’dipartimenti oħra rigward jekk għandhomx jirreferu każijiet.

29 Ladarba l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jkun ħa deċiżjoni ta’ esklużjoni, uffiċjali tal-awtorizzazzjoni oħra huma meħtieġa jirrispettawha sa meta l-kontroparti tkun ikkompletat il-perjodu ta’ esklużjoni. Minbarra li jistgħu jkollhom aċċess għall-bażi ta’ data tal-EDES, id-dipartimenti jistgħu jivverifikaw direttament fis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni jekk kontroparti hijiex elenkata fil-bażi ta’ data tal-EDES qabel ma jidħlu f’impenn finanzjarju ġdid. Il-kontropartijiet awtomatikament ma jibqgħux elenkati fil-blacklist fl-EDES fi tmiem il-perjodu ta’ esklużjoni tagħhom. L-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jistgħu wkoll jitolbu lill-Bord jirrevedi rakkomandazzjoni dwar l-esklużjoni biex jittieħed kont ta’ fatti ġodda jew ċirkustanzi ġodda – pereżempju, ladarba l-awtorità rilevanti tkun waslet għal sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva, jew il-kontroparti tkun ħadet azzjoni ta’ rimedju.

Il-“blacklist” tal-EDES fiha ftit li xejn kontropartijiet esklużi

30 L-utilità ta’ “blacklist” tiddependi bil-kbir mid-daqs u l-ambitu tagħha, li huma prinċipalment iddeterminati minn elementi ewlenin oħra tas-sistema ta’ esklużjoni (ara l-Figura 1 hawn fuq):

  • il-firxa ta’ kontropartijiet, ta’ tipi ta’ ftehim finanzjarju, u ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni koperti;
  • l-operat tal-proċedura ta’ esklużjoni; u
  • l-arranġamenti li jsiru biex jiġi vverifikat jekk il-kontropartijiet humiex f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, li jipprovdu l-input prinċipali għall-proċedura ta’ esklużjoni.

31 Analizzajna d-data dwar il-każijiet ta’ esklużjoni rreġistrati fil-bażi ta’ data tal-EDES matul il-perjodu 2016-2020. B’kollox, fil-31 ta’ Diċembru 2020 il-blacklist tal-UE semmiet 448 kontroparti eskluża, 430 minħabba insolvenza u falliment u 18 relatati ma’ raġunijiet oħra. Kontropartijiet insolventi u falluti jippreżentaw ftit li xejn riskju ulterjuri għall-interessi finanzjarji tal-UE, billi dawn x’aktarx li ma japplikawx għal aktar fondi tal-UE26. Żewġ każijiet biss kienu jirrigwardaw frodi u korruzzjoni. Il-Figura 3 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-esklużjonijiet skont it-tip ta’ sitwazzjoni.

Figura 3 – Esklużjonijiet skont it-tip ta’ sitwazzjoni ta’ esklużjoni

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-bażi ta’ data tal-EDES tal-Kummissjoni.

32 L-UE teskludi ftit li xejn kontropartijiet meta mqabbla mal-Gvern federali tal-Istati Uniti u mal-Bank Dinji. B’aġġustament magħmul għall-ammont ta’ fondi involuti, aħna nistmaw li l-Gvern federali tal-Istati Uniti jeskludi aktar minn 50 darba aktar kontropartijiet milli tagħmel l-UE skont l-EDES (it-Tabella 2). Filwaqt li hemm differenzi sinifikanti fil-baġits u l-kontropartijiet tal-Gvern tal-Istati Uniti u tal-Bank Dinji meta mqabbla mal-UE, ir-rata ta’ esklużjoni relattivament baxxa għall-EDES tindika li jista’ jkun hemm nuqqasijiet fl-arranġamenti tal-UE għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni.

Tabella 2 – Tqabbil tar-rati ta’ esklużjoni

Deskrizzjoni EDES Gvern federali tal-Istati Uniti Grupp tal-Bank Dinji
Rata ta’ esklużjoni (bil-kontropartijiet esklużi, għal kull biljun EUR) 0.5 25 27
Kontropartijiet esklużi fil-31 ta’ Diċembru 2020 (mhux inklużi każijiet ta’ falliment u ta’ insolvenza) 18 140 000 1 250
Baġit annwali relatat għall-2020 (f’biljun EUR) 39* 5 500** 46***

* It-Taqsima 2.1.1 tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE - Sena Finanzjarja 2020, minbarra “Amministrazzjoni u servizzi oħrajn”.

** Ibbażat fuq ċifri tal-Gvern tal-Istati Uniti għall-2020, EUR 1=USD 1,1922 (InforEuro Diċembru 2020).

*** Ir-Rapport Annwali 2020 tal-Grupp tal-Bank Dinji, EUR 1=USD 1,1922 (InforEuro Diċembru 2020).

Sors: il-QEA.

33 Il-Gvern federali tal-Istati Uniti jippubblika l-esklużjonijiet kollha. Skont ir-Regolament Finanzjarju, il-pubblikazzjoni titqies bħala sanzjoni addizzjonali li trid tiġi applikata b’mod proporzjonat. Fil-31 ta’ Diċembru 2021, il-bażi ta’ data online tal-EDES27 elenkat seba’ kontropartijiet.

34 Sibna li l-kontropartijiet, ladarba jiġu esklużi, x’aktarx li ma jirċevux aktar fondi tal-UE f’ġestjoni diretta. Qabbilna l-lista ta’ kontropartijiet esklużi fl-EDES mal-lista tal-impenji finanzjarji miftuħa kollha li kienu rreġistrati fis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni. Ma identifikajna l-ebda każ ta’ uffiċjali tal-awtorizzazzjoni li daħlu f’impenji finanzjarji ġodda ma’ kontropartijiet esklużi.

Nuqqasijiet fl-arranġamenti biex jiġu vverifikati sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jillimitaw l-effettività tal-EDES

35 Filwaqt li l-EDES għandha ambitu wiesa’ u proċedura robusta ta’ esklużjoni, hemm għadd ta’ nuqqasijiet fl-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, li kkontribwew sinifikattivament għar-rata ta’ esklużjoni relattivament baxxa (ara s-sottotaqsimiet hawn taħt, il-paragrafi 36-63).

Ir-responsabbiltà għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet li jistgħu jiġu esklużi hija frammentata fi ħdan il-Kummissjoni

36 F’konformità mal-mudell ta’ governanza deċentralizzata tagħha għall-ġestjoni finanzjarja, il-Kummissjoni ddelegat lill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni tagħha l-awtorità biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ esklużjoni. Madankollu, il-kompitu reali ta’ verifikazzjoni ta’ jekk il-kontropartijiet humiex f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni normalment jitwettaq minn “uffiċjali tal-awtorizzazzjoni b’delega”, bosta membri tal-persunal f’kull dipartiment, li huma responsabbli biex jagħmlu impenji baġitarji u legali u jawtorizzaw pagamenti.

37 L-għadd kbir ta’ uffiċjali potenzjalment involuti jqajjem ir-riskju ta’ approċċi inkonsistenti biex jiġi identifikat jekk il-kontropartijiet humiex f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni. Ħames dipartimenti, responsabbli bejniethom għall-ġestjoni ta’ madwar 50 % tal-fondi taħt ġestjoni diretta, kienu jirrappreżentaw madwar 80 % tal-każijiet kollha (b’każijiet ta’ falliment inklużi), bi kważi nofs il-każijiet kollha rreġistrati mid-dipartiment u mill-aġenzija eżekuttiva responsabbli għall-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni (id-DĠ RTD u r-REA). Il-Figura 4 turi l-każijiet tal-EDES skont id-dipartiment tal-Kummissjoni. Filwaqt li ħarisna biss lejn sitwazzjonijiet li ma kinux jinvolvu falliment u insolvenza, aħna sibna li 17 mis-56 dipartiment u aġenzija eżekuttiva tal-Kummissjoni rreġistraw każijiet ta’ esklużjoni mill-2016 sal-2020. Kien hemm 39 mid-dipartimenti u l-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni li qatt ma rreġistraw każ ta’ esklużjoni mhux relatat mal-falliment fl-EDES.

Figura 4 – Każijiet tal-EDES skont id-dipartiment tal-Kummissjoni

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-bażi ta’ data tal-EDES tal-Kummissjoni.

38 F’dan il-kuntest, nosservaw li fl-2019 is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni rrapporta28 li l-Kummissjoni ma kellhiex approċċ sistematiku biex tivverifika jekk il-kontropartijiet humiex f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u jenħtieġx li jkunu suġġetti għall-proċedura ta’ esklużjoni. Aħna sibna li d-dipartimenti li rrieżaminajna ma għandhomx persunal speċjalizzat fi, jew inkarigat esklużivament minn, il-verifikazzjoni ta’ kontropartijiet għal sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni u r-reġistrazzjoni ta’ każijiet fl-EDES. L-IAS irrapporta wkoll nuqqas ġenerali ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-EDES fil-Kummissjoni kollha kemm hi. B’rispons għar-rapport, il-Kummissjoni kienet u għadha twettaq attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni, inkluż dwar l-għodod li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jridu jużaw biex jidentifikaw u jirrappurtaw kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni.

39 Il-frammentazzjoni tar-responsabbiltà biex jiġu identifikati kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni hija apparenti wkoll fir-rigward ta’ każijiet ta’ suspett ta’ frodi kontra l-baġit tal-UE. F’każijiet bħal dawn, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli huwa meħtieġ jinnotifika lill-OLAF dwar is-suspett ta’ frodi u jenħtieġ li jivverifika jekk għandux jirreġistra każ ta’ identifikazzjoni bikrija fl-EDES jew le. L-OLAF huwa responsabbli biex iwettaq investigazzjonijiet u biex jikkomunika r-riżultati tagħhom f’rapport b’rakkomandazzjonijiet. Madankollu, l-OLAF mhuwiex meħtieġ espliċitament jirrakkomanda r-reġistrazzjoni ta’ każ ta’ identifikazzjoni bikrija jew ta’ esklużjoni. Jenħtieġ li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF inġenerali29 u jenħtieġ li jivverifika jekk għandux jirreferi l-każ lill-Bord jew le jekk l-investigazzjoni tal-OLAF tikkonferma l-frodi.

40 Aħna sibna li ma kienx hemm linji gwida jew proċeduri ċari rigward l-għemil ta’ rakkomandazzjonijiet mill-OLAF lill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ każijiet fl-EDES. Fiż-żmien meta twettaq l-awditu, l-OLAF kien qed jirrevedi l-proċeduri tiegħu għall-għemil ta’ rakkomandazzjonijiet u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom. L-OLAF kien qed jaħdem ukoll mad-DĠ BUDG fuq struzzjonijiet ġodda għall-abbozzar ta’ rakkomandazzjonijiet relatati mal-EDES. Barra minn hekk, għalkemm l-OLAF jispeċifika fir-rapport tiegħu l-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi tal-fatti li jiġu stabbiliti kif meħtieġ30, id-deskrizzjonijiet tal-fatti jirrikjedu analiżi ulterjuri u aktar dettalji qabel ma l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jkunu jistgħu jirreferu każ ta’ esklużjoni lill-Bord tal-EDES.

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw id-data tal-Istati Membri dwar kontropartijiet

41 Ta’ spiss, l-arranġamenti tal-Kummissjoni biex jiġi identifikat jekk kontropartijiet humiex f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni jserrħu fuq aċċess għad-data tal-Istati Membri, billi ma hemmx reġistri jew rekords mifruxa mal-UE kollha. Il-Figura 5 tenfasizza t-tipi prinċipali ta’ sorsi ta’ data nazzjonali għal firxa ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni tal-EDES31.

Figura 5 – Data tal-Istati Membri dwar sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju.

42 Fil-ġestjoni diretta, l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jista’ jkollhom jittrattaw kontropartijiet minn firxa wiesgħa ta’ Stati Membri u pajjiżi oħra. Meta jagħmlu dan, huma jiffaċċjaw xkiel prattiku, legali u tekniku kbir biex jaċċessaw id-data. Inġenerali, id-dipartimenti b’responsabbiltajiet ta’ ġestjoni diretta ma għandhomx aċċess privileġġat għad-data tal-Istati Membri u għalhekk iridu jserrħu fuq bażijiet ta’ data disponibbli għall-pubbliku li hemm mnejn ikunu bbażati fuq tariffi u aċċessibbli biss bl-ilsien tal-Istat Membru.

43 Sibna li l-aċċess għad-data jvarja skont is-sitwazzjoni ta’ esklużjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Pereżempju, l-aċċess għad-data dwar kumpaniji falluti u insolventi huwa tajjeb b’mod ġenerali. L-Estonja, l-Italja, il-Polonja u l-Portugall ilkoll ipprovdew informazzjoni li kienet disponibbli għall-pubbliku dwar l-istatus ta’ solvenza ta’ kumpaniji; madankollu, in-natura eżatta tal-informazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor.

44 L-arranġamenti għall-verifikazzjoni ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li ma jkunux tħallsu jvarjaw ukoll fost l-erba’ Stati Membri. Pereżempju, l-Estonja tipprovdi aċċess pubbliku mingħajr ħlas permezz tar-reġistru kummerċjali online tagħha dwar djun tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali li ma jkunux tħallsu u li jkunu f’ammont ta’ aktar minn EUR 100. Ir-reġistru kummerċjali tal-Polonja wkoll jipprovdi informazzjoni pubblika mingħajr ħlas dwar djun bħal dawn, jekk ikunu għadhom ma tħallsux 60 jum wara l-bidu ta’ proċedura ta’ rkupru. Fl-Italja, awtorità speċifika tipprovdi ċertifikat dwar it-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mhux imħallsa permezz ta’ sit web iddedikat iżda biss jekk min jagħmel it-talba jirreġistra l-identità tiegħu. Fil-Portugall, l-informazzjoni dwar it-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mhux imħallsa hija ristretta għall-utenti awtorizzati tal-pjattaforma tal-IT tal-Gvern.

45 Barra minn hekk, hemm restrizzjonijiet legali fuq l-aċċess għall-fedini penali rilevanti. B’mod partikolari, informazzjoni rigward kontroparti tista’ teħtieġ awtorizzazzjoni mingħand l-awtoritajiet tal-Istati Membri jew saħansitra mingħand il-persuna kkonċernata. F’xi każijiet, il-fedina penali ta’ persuna tkun disponibbli biss fl-għamla ta’ ċertifikat li l-awtentiċità tiegħu tista’ ma tkunx faċilment verifikabbli mill-Kummissjoni.

46 Problema oħra li qed tiffaċċja l-Kummissjoni hija l-identifikazzjoni tal-kontroparti fid-diversi reġistri. Minħabba li ma hemmx identifikatur uniku tal-UE għal kumpanija jew persuna partikolari, huwa diffiċli li jitqabblu fedini li jkunu ġejjin minn settijiet ta’ data differenti. Identifikaturi uniċi bħal dawn jintużaw f’xi ġuriżdizzjonijiet, bħall-Istati Uniti. Fl-erba’ Stati Membri li rrieżaminajna, in-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa ta’ kumpanija jew ta’ persuna kienu disponibbli għall-użu mill-uffiċċji tal-Gvern nazzjonali. Madankollu, dawn l-identifikaturi ma ġewx ippubblikati fir-reġistri pubbliċi rilevanti kollha, u għalhekk ma kinux disponibbli għall-Kummissjoni.

47 Mod wieħed kif jittaffew l-impatt tal-frammentazzjoni tad-data u n-nuqqas ta’ identifikaturi ċari huwa li jintużaw għodod tal-estrazzjoni ta’ data. Dawn l-għodod jintużaw b’mod mifrux fis-settur finanzjarju biex kontropartijiet riskjużi jiġu identifikati. Madankollu, l-għodod kummerċjali attwali tal-estrazzjoni ta’ data mhumiex adattati tajjeb għall-ħtiġijiet tal-Kummissjoni billi ma jkoprux ir-raġunijiet kollha tal-UE għall-esklużjoni u jserrħu fuq data pubblika ta’ kwalità u kompletezza inċerti. Filwaqt li dawn l-għodod jistgħu jiġbru flimkien informazzjoni rilevanti għal każijiet ta’ identifikazzjoni bikrija, ma jistgħux jipprovdu l-fatti u s-sejbiet meħtieġa għal esklużjoni fl-EDES.

48 Il-Kummissjoni kienet u għadha tiżviluppa għodda tal-estrazzjoni ta’ data u tal-għoti ta’ punteġġ tar-riskju, primarjament għal skopijiet ta’ awditjar u ta’ kontroll fil-ġestjoni kondiviża (il-paragrafu 84). Din l-għodda tista’ tkun utli wkoll għall-ġestjoni diretta u dik indiretta. Madankollu, jekk din trid tkun utli għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, se jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet għax-xkiel prattiku, tekniku u legali deskritt fil-qosor hawn fuq. Dan se jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiftaħ l-aċċess għad-data eżistenti tal-Istati Membri, kif ukoll aktar diġitalizzazzjoni, kondiviżjoni ta’ data u analiżi fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE.

Is-sorsi ta’ data fil-livell tal-UE jiġu sfruttati b’mod insuffiċjenti fl-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet li jistgħu jiġu esklużi

49 Ir-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jinqdew b’għadd ta’ sorsi ta’ data fil-livell tal-UE biex jidentifikaw kontropartijiet f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni32. Il-Figura 6 tiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjonijiet prinċipali ta’ esklużjoni li għalihom hemm sorsi ta’ data fil-livell tal-UE. Meta l-informazzjoni mingħand dawn is-sorsi ta’ data tindika riskju li kontroparti tkun f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, jenħtieġ li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jirreġistra każ ta’ identifikazzjoni bikrija jew ta’ esklużjoni33. Sa ċertu livell hemm trikkib tas-sorsi, billi l-identifikazzjoni bikrija u l-esklużjoni jistgħu jirriżultaw minn investigazzjonijiet tal-OLAF li jkunu nbdew oriġinarjament abbażi tal-evidenza miġbura matul awditi jew kontrolli oħra fil-livell tal-UE. Aħna eżaminajna l-użu li sar mill-identifikazzjoni bikrija u minn sorsi oħra ta’ data fil-livell tal-UE fil-verifikazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni.

Figura 6 – Sorsi ta’ data fil-livell tal-UE dwar sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju.

Identifikazzjoni bikrija

50 Billi l-identifikazzjoni bikrija tirrigwarda kontropartijiet li dwarhom huwa preżunt li huma f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, aħna konna nistennew li din ta’ spiss tkun tirriżulta f’esklużjoni. B’kollox, kien hemm biss 90 każ ta’ identifikazzjoni bikrija magħluqa mill-2016 sal-2020. Mid-90 każ, 15 biss wasslu għall-esklużjoni, 8 minħabba falliment jew insolvenza u 7 għal raġunijiet oħra. Mill-75 każ li jifdal, 13 ingħalqu qabel id-data ta’ skadenza ta’ sena, bl-ebda raġuni rreġistrata fil-bażi ta’ data tal-EDES, u 62 skadew awtomatikament fi tmiem il-perjodu ta’ sena. Fil-31 ta’ Diċembru 2020, 11-il każ ta’ identifikazzjoni bikrija kienu miftuħa fil-bażi ta’ data tal-EDES. L-għadd ta’ każijiet jidher baxx meta jitqiesu s-sorsi ta’ data li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni huma meħtieġa jużaw.

51 L-iskadenza awtomatika ta’ każijiet wara sena34 tista’ ddħajjef ir-rwol li l-identifikazzjoni bikrija għandha fil-monitoraġġ ta’ kontropartijiet riskjużi jekk il-proċess jieħu aktar minn sena biex tasal sentenza finali tal-Qorti jew deċiżjoni amministrattiva finali. Madankollu, l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jistgħu biss jestendu d-data ta’ skadenza għall-każijiet li jiġu riferuti lill-Bord tal-EDES għall-esklużjoni35.

Data tal-OLAF dwar investigazzjonijiet ta’ frodi

52 Konna nistennew li proporzjon sinifikanti ta’ investigazzjonijiet tal-OLAF jkunu jirriżultaw fir-reġistrazzjoni tal-kontropartijiet involuti bħala każijiet ta’ identifikazzjoni bikrija. Aħna sibna li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jirreġistraw ftit li xejn każijiet fl-EDES b’rispons għall-investigazzjonijiet tal-OLAF. Minn 257 investigazzjoni li ġew konklużi mill-OLAF mill-2016 sa nofs l-202036 b’rabta mal-infiq taħt ġestjoni diretta, 143 każ kienu jew suspett ta’ frodi (76 każ) jew inkella irregolarità (67 każ). Mill-kontropartijiet ikkonċernati, 10 ġew esklużi - 5 għall-falliment u 5 għal raġunijiet oħra. Barra minn hekk, sitt kontropartijiet ġew irreġistrati bħala każijiet ta’ identifikazzjoni bikrija.

53 Kif spjegat fil-qosor hawn fuq (il-paragrafi 3940), l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jirċievu informazzjoni dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-OLAF fil-għamla ta’ rapporti. Ir-rapporti huma bbażati fuq data li tinżamm fis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF. Huwa importanti wkoll li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jkunu konxji mill-investigazzjonijiet rilevanti li jkunu għaddejjin. Madankollu, id-data rilevanti għall-identifikazzjoni bikrija u għall-esklużjoni mhijiex disponibbli b’mod dirett għall-Kummissjoni.

54 Minn meta beda jopera f’Ġunju 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kien responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. Fiż-żmien meta twettaq l-awditu, l-UPPE kien fil-proċess li jistabbilixxi s-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tiegħu stess37. Skont ir-Regolament dwar l-UPPE, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar jekk kontroparti hijiex taħt investigazzjoni huwa possibbli bejn is-sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF u tal-UPPE. Barra minn hekk, l-UPPE jinforma lill-Kummissjoni dwar is-segwitu li jagħti għall-każijiet riferuti lilu38.

Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet

55 Ir-Regolament Finanzjarju jipprevedi wkoll li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni f’ġestjoni diretta jinqdew bid-data li l-Istati Membri huma meħtieġa jirrappurtaw dwar frodi u irregolaritajiet f’ġestjoni kondiviża39. Ir-rappurtar isir permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS), li hija disponibbli għall-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni kollha. Huma responsabbli biex jivverifikaw jekk xi waħda mill-kontropartijiet “tagħhom” humiex elenkati fis-sistema40. Fl-2019, l-IAS irrapporta li d-dipartimenti responsabbli ma jivverifikawx is-sistema b’mod sistematiku għal din l-informazzjoni41. L-analiżi li wettaqna ma pproduċiet l-ebda evidenza li xi wieħed mill-2 473 każ li l-Istati Membri rrappurtaw mill-perjodu 2016-2020 ġie rreġistrat fl-EDES. Madankollu, aħna identifikajna seba’ każijiet fejn il-Kummissjoni daħlet f’impenji ulterjuri fil-ġestjoni diretta ma’ kontropartijiet irreġistrati fis-sistema, iżda għal dawn ma sibna l-ebda evidenza ta’ valutazzjonijiet preċedenti tal-esklużjoni. Dawn is-sejbiet jindikaw li jista’ jsir użu aħjar mid-data tal-IMS għal skopijiet ta’ esklużjoni fil-ġestjoni diretta.

Awditi u kontrolli ex post

56 Ir-Regolament Finanzjarju jirrikonoxxi wkoll awditi u kontrolli ex post li jitwettqu mill-QEA, mill-IAS, u mid-dipartimenti tal-Kummissjoni bħala sorsi potenzjali ta’ każijiet tal-EDES. Il-QEA tgħaddi d-dettalji tal-irregolaritajiet li ssib lill-Kummissjoni u wkoll, f’każijiet ta’ suspett ta’ frodi, lill-OLAF u lill-UPPE42. Bl-istess mod, fejn awditi jew kontrolli ex post tal-Kummissjoni jidentifikaw suspett ta’ frodi, l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni huma meħtieġa jibagħtu l-informazzjoni lill-OLAF għall-investigazzjoni. L-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni huma responsabbli biex jużaw dawn is-sorsi ta’ data bħala bażi għal każijiet ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni. Il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda esklużjoni għal raġunijiet ta’ irregolarità minkejja li rrappurtat kważi 8 000 irregolarità fil-ġestjoni diretta għall-perjodu 2016-202043 abbażi ta’ kontrolli u awditi ex post.

Il-Kummissjoni sserraħ wisq fuq id-dikjarazzjonijiet tal-kontropartijiet dwar in-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ esklużjoni

57 Fil-prattika, minħabba diffikultajiet fil-verifikazzjoni tal-kontroparti mas-sorsi ta’ data prinċipali fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE (il-paragrafi 4156), id-dipartimenti responsabbli tal-Kummissjoni ma jivverifikawx kull kontroparti għal kull sitwazzjoni ta’ esklużjoni qabel ma jidħlu fi ftehimiet finanzjarji. Ir-Regolament Finanzjarju normalment jirrikjedi li l-kontropartijiet jiddikjaraw jekk humiex f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni44. Pereżempju, jistgħu jkunu meħtieġa jiddikjaraw kull sitwazzjoni fejn hemm45 “fatti stabbiliti fil-kuntest ta’ verifiki jew investigazzjonijiet” imwettqa mill-UPPE, il-QEA, l-OLAF jew l-awditur intern, jew stabbiliti minn “kwalunkwe aċċertament, verifika jew kontroll ieħor li jitwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal awtorizzanti”.

58 Dikjarazzjonijiet fuq l-unur dwar in-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ esklużjoni huma meħtieġa fil-biċċa l-kbira mill-każijiet. L-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux lill-kontropartijiet jipprovdu evidenza biex jappoġġaw id-dikjarazzjoni fuq l-unur. Pereżempju, id-DĠ INTPA ma jirrikjedix dikjarazzjoni fuq l-unur għal għotjiet ta’ inqas minn EUR 15 000 jew li jiġu ppreżentati dokumenti ta’ sostenn għal dikjarazzjoni għal għotjiet ta’ inqas minn EUR 60 00046. Għall-kuntratti ta’ akkwist, l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni ta’ spiss jirrikjedu li l-kontropartijiet jipprovdu prova dokumentarja, jew dikjarazzjonijiet meħtieġa skont il-liġi ta’ pajjiżhom, li mhumiex f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni.

59 Is-serħan mill-Kummissjoni fuq dikjarazzjonijiet fuq l-unur fil-proċeduri tagħha ta’ għoti ta’ għotjiet u ta’ akkwist tnaqqas il-probabbiltà li jiġi identifikat li kontroparti qiegħda f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni qabel l-iffirmar ta’ ftehim finanzjarju. Imur ukoll kontra r-raġunament prinċipali għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ esklużjoni, jiġifieri: tbegħid minn mudell għall-protezzjoni tal-finanzi li jiddependi mill-identifikazzjoni u l-korrezzjoni, lejn mudell ibbażat fuq il-prevenzjoni.

Ir-responsabbiltà għall-monitoraġġ u għas-sorveljanza, fil-livell ċentrali, tal-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet li jistgħu jiġu esklużi hija limitata

60 Minħabba li bosta uffiċjali tal-awtorizzazzjoni fil-Kummissjoni kollha kemm hi huma responsabbli biex jidentifikaw kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tagħhom huma essenzjali biex jiġi żgurat l-operat effettiv tal-EDES. Għalkemm ir-Regolament Finanzjarju jistipula li jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni ċentrali tal-każijiet ta’ esklużjoni rreġistrati, dan ma jipprevedix it-twettiq ta’ monitoraġġ u rappurtar fil-livell ċentrali dwar l-effettività tad-dipartimenti responsabbli biex jidentifikaw dawn il-każijiet.

61 Fil-prattika sibna monitoraġġ u sorveljanza limitati, fil-livell ċentrali, tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-każijiet tal-EDES mill-2016 sal-2020. F’Jannar 2021, l-OLAF u d-DĠ BUDG irrappurtaw dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li kienu nħarġu bejn l-2012 u nofs l-2019 lill-Bord tal-Ġestjoni Korporattiva tal-Kummissjoni47. Dan l-eżerċizzju indirizza osservazzjoni tal-IAS dwar in-nuqqas ta’ monitoraġġ korporattiv adegwat rigward is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF48. Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, ma kien sar l-ebda monitoraġġ ċentrali rigward kif l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni nqdew b’sorsi oħra ta’ data, bħal każijiet tal-IMS, awditi tal-QEA u tal-IAS, jew kontrolli ex post mid-dipartimenti tal-Kummissjoni.

62 L-IAS ikkummenta wkoll dwar il-ħtieġa li jitqawwew il-linji gwida u li l-EDES tiġi applikata fil-prattika49. B’mod partikolari, l-IAS sab li l-arranġamenti fi ħdan id-dipartimenti għall-identifikazzjoni ta’ każijiet li jkun mistenni li jiskattaw proċedura tal-EDES kellhom jittejbu sabiex din issir parti aktar integrata mis-sistema ta’ kontroll intern. Aħna nosservaw li f’Ottubru 2018 inħarġet gwida korporattiva għall-EDES. Il-gwida tipprovdi informazzjoni ċara dwar meta għandhom jiġu rreġistrati l-każijiet tal-EDES kif ukoll dwar l-ambitu u l-operat tal-proċedura ta’ esklużjoni. Madankollu, hemm nuqqas ta’ gwida dwar kif l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni għandhom jużaw id-diversi sorsi ta’ data biex jidentifikaw kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni.

63 In-nuqqas ta’ monitoraġġ ċentrali jdgħajjef il-kapaċità tal-Kummissjoni li ttejjeb l-effettività tal-EDES. Monitoraġġ aħjar ikun jipprovdi bażi biex tiġi identifikata prattika tajba u biex tiġi żviluppata gwida għall-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni. Din il-gwida tista’ tgħin biex jiġi promoss approċċ aktar sistematiku għall-użu ta’ sorsi ta’ data disponibbli biex jiġu identifikati kontropartijiet f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u jiġu rreġistrati fil-bażi ta’ data tal-EDES. Barra minn hekk, id-dipartiment responsabbli biex iwettaq dan il-monitoraġġ ċentrali jkun f’qagħda tajba biex jippromwovi t-titjib fid-disponibbiltà tad-data fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.

Ġestjoni indiretta: l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Identifikazzoni Bikrija u ta’ Esklużjoni damet aktar milli kien ippjanat

Is-sħab ta’ implimentazzjoni taw kontribut żgħir għall-għadd ta’ każijiet ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni

64 Mill-2016 ’il hawn, l-EDES applikat għall-fondi tal-UE li l-Kummissjoni timmaniġġa b’mod indirett skont ftehimiet mas-sħab ta’ implimentazzjoni. Aħna eżaminajna l-implimentazzjoni fil-ġestjoni indiretta tal-elementi ewlenin tal-EDES (il-bażi ta’ data tal-EDES rigward il-kontropartijiet fil-blacklist, is-sitwazzjonijiet u l-proċeduri ta’ esklużjoni, u l-arranġamenti għall-kontroll tal-kontropartijiet).

65 Skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tista’ sserraħ fuq is-sħab ta’ implimentazzjoni dment li jkunu kapaċi jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE sa livell adegwat. Ir-Regolament Finanzjarju50 jirrikjedi li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jagħmlu “valutazzjoni tal-pilastri” tal-arranġamenti ta’ ġestjoni finanzjarja li s-sħab prinċipali ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jkunu stabbilew.

66 Skont il-ftehimiet tagħhom mal-Kummissjoni, jenħtieġ li s-sħab ta’ implimentazzjoni ma jipprovdux appoġġ finanzjarju tal-UE lil kontroparti f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni u jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kontroparti li jsibu f’sitwazzjoni bħal din. Permezz ta’ dan, l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jistgħu jivvalutaw jekk jenħtieġx li l-kontroparti tkun suġġetta għal proċedura ta’ esklużjoni li tkopri l-fondi kollha li jkunu taħt ġestjoni diretta u dik indiretta. Madankollu, mill-2016 sal-2020, aħna ma sibna l-ebda evidenza fl-EDES li kien hemm każijiet ta’ esklużjoni rigward notifiki mingħand is-sħab ta’ implimentazzjoni. Pereżempju, id-DĠ INTPA, li huwa d-dipartiment tal-Kummissjoni bl-akbar għadd ta’ sħab ta’ implimentazzjoni, identifika każ wieħed biss.

67 In-nuqqas ta’ każijiet tal-EDES rigward kontropartijiet tas-sħab ta’ implimentazzjoni huwa spjegat fil-biċċa l-kbira mill-istess fatturi li japplikaw fil-ġestjoni diretta:

  • Frammentazzjoni tar-responsabbiltà għall-esklużjoni - Il-Kummissjoni għandha ftehimiet ma’ madwar 200 sieħeb ta’ implimentazzjoni, li min-naħa tagħhom jistgħu jserrħu fuq sottokuntratturi jew intermedjarji oħra biex jimplimentaw l-azzjonijiet tal-UE. Pereżempju, il-FEI jipprovdi finanzjament lil intrapriżi żgħar u medji permezz ta’ intermedjarji finanzjarji. Il-Figura 7 turi l-ħafna atturi u livelli ta’ ftehim fil-ġestjoni indiretta.
  • Diffikultajiet fl-aċċess għad-data nazzjonali - Il-kontrolli tas-sħab ta’ implimentazzjoni fuq il-kontropartijiet hija ristretta minħabba d-disponibbiltà ta’ data nazzjonali rilevanti dwar ċerti sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. Ħafna mis-sħab prinċipali ta’ implimentazzjoni, bħall-Grupp tal-BEI, jittrattaw kontropartijiet li jkunu stabbiliti f’firxa wiesgħa ta’ ġuriżdizzjonijiet.
  • Sorsi ta’ data fil-livell tal-UE - Is-sħab ta’ implimentazzjoni jiffaċċjaw restrizzjonijiet simili (jew saħansitra akbar) għall-Kummissjoni fir-rigward tal-użu ta’ sorsi ta’ data fil-livell tal-UE. Pereżempju, għall-kuntrarju tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-intermedjarji ma għandhomx aċċess għall-parti mhux pubblika tal-bażi ta’ data tal-EDES jew l-IMS.
  • Serħan fuq dikjarazzjonijiet fuq l-unur - Is-sħab ta’ implimentazzjoni jistgħu (u ta’ spiss ikollhom) iserrħu fuq dikjarazzjonijiet fuq l-unur rigward in-nuqqas ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni meta jidħlu fi ftehimiet ma’ kontropartijiet.
  • Responsabbiltajiet ċentrali dgħajfa għall-monitoraġġ u s-sorveljanza - il-Kummissjoni għadha ma eżaminatx għalfejn is-sħab ta’ implimentazzjoni rrappurtaw ammont daqshekk ftit ta’ każijiet ta’ kontropartijiet li huma f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni.

Figura 7 – Ħafna atturi u livelli ta’ ftehim fil-ġestjoni indiretta

Sors: il-QEA.

68 Sibna għadd ta’ fatturi oħra li jistgħu jkunu qed jikkontribwixxu wkoll għal-livell baxx ta’ notifiki mingħand is-sħab ta’ implimentazzjoni tal-kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni għal għotjiet u kuntratti:

  • Jista’ jkun li l-ftehimiet mas-sħab ta’ implimentazzjoni ma jkoprux is-sitwazzjonijiet kollha ta’ esklużjoni billi d-derogi jiġu nnegozjati biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-arranġamenti li jintużaw mis-sħab ta’ implimentazzjoni. Pereżempju, il-Ftehimiet Qafas Finanzjarji u Amministrattivi mal-BEI51 u mal-FEI52 jkopru ħamsa mis-seba’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni tal-EDES.
  • Jista’ jkun li s-sħab ta’ implimentazzjoni mhumiex f’pożizzjoni li jeskludu kontropartijiet qabel ma jkun hemm sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali.

69 Fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji, sistemi effettivi għall-iskrinjar tal-kontropartijiet inaqqsu l-probabbiltà li kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jirċievu appoġġ finanzjarju mill-UE. Pereżempju, il-BEI jivverifika l-affidabbiltà tal-kontropartijiet tiegħu qabel ma jqis jekk humiex eliġibbli għal appoġġ mill-UE. Proċeduri simili jiġu applikati mill-intermedjarji finanzjarji tal-FEI.

Kien hemm dewmien konsiderevoli fl-ikkompletar tal-valutazzjonijiet tas-sistemi ta’ esklużjoni li s-sħab ta’ implimentazzjoni jużaw

70 Fiż-żmien meta twettaq l-awditu, il-Kummissjoni ma kellhiex ħarsa ġenerali komprensiva lejn is-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ esklużjoni applikati mis-sħab ta’ implimentazzjoni jew l-arranġamenti ta’ esklużjoni tagħhom. Dan kien parzjalment minħabba dewmien fil-valutazzjonijiet tal-pilastri tal-arranġamenti ta’ ġestjoni finanzjarja li s-sħab ta’ implimentazzjoni qed jużaw għall-infiq tal-UE matul il-perjodu 2021-2027.

71 Il-valutazzjonijiet jirrikjedu li s-sħab ta’ implimentazzjoni jqabbdu awdituri esterni biex dawn jeżaminaw u jirrappurtaw dwar is-sistemi tagħhom. Qabel l-2019, il-valutazzjonijiet tal-pilastri ma kinux ikopru b’mod speċifiku l-arranġamenti ta’ esklużjoni li s-sħab ta’ implimentazzjoni kienu jużaw. Fl-2019, il-Kummissjoni żiedet pilastru ġdid dwar l-esklużjoni fil-valutazzjonijiet tas-sħab ta’ implimentazzjoni għall-perjodu 2021-202753. Id-dispożizzjonijiet tal-EDES huma riflessi fit-termini ta’ referenza tal-valutazzjoni tal-pilastri.

72 Fil-31 ta’ Diċembru 2020, 5 % biss tal-valutazzjonijiet tal-pilastri kienu ġew aġġornati minħabba dewmien li rriżulta mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni estendiet id-data ta’ skadenza għall-finalizzazzjoni tal-valutazzjonijiet sa tmiem l-2021. Sa tmiem l-2021, madwar 42 % tal-valutazzjonijiet tal-pilastri kienu ġew aġġornati. Il-valutazzjonijiet aġġornati tal-pilastri huma mistennija li jtejbu l-fehim li l-Kummissjoni għandha ta’ kif is-sħab ta’ implimentazzjoni jinqdew b’sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ esklużjoni, u l-arranġamenti tagħhom għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet biex dawn tal-aħħar jiġu esklużi. Madankollu, mingħajr monitoraġġ ta’ kif is-sħab ta’ implimentazzjoni joperaw sussegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiżgura bis-sħiħ li l-ħarsa ġenerali tagħha lejn l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ esklużjoni hija preċiża.

Ġestjoni kondiviża: id-differenzi fl-approċċ idgħajfu l-effettività kumplessiva tal-esklużjoni

L-approċċi differenti li l-Istati Membri jieħdu għall-esklużjoni jikkontribwixxu għal nuqqas ta’ uniformità fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

73 Sistemi ta’ esklużjoni, bħall-EDES, jistgħu jikkontribwixxu biex tiġi żgurata protezzjoni uniformi tal-interessi finanzjarji tal-UE fil-fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża. Aħna eżaminajna l-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt tal-UE b’rabta mal-esklużjoni u rrieżaminajna l-arranġamenti li japplikaw għall-infiq fil-qasam tal-koeżjoni u tal-agrikoltura f’erba’ Stati Membri (l-Estonja, l-Italja, il-Polonja u l-Portugall).

74 Id-dritt tal-UE ma jirrikjedix li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ esklużjoni komparabbli mal-EDES, la għall-fondi tal-UE u lanqas għall-fondi pubbliċi tagħhom stess. Madankollu, ir-Regolament Finanzjarju, il-leġiżlazzjoni settorjali għall-infiq taħt ġestjoni kondiviża, u d-direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku joħolqu għadd ta’ obbligi relatati mal-esklużjoni għall-Istati Membri biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE.

75 Ir-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistabbilixxu sistemi effettivi ta’ kontroll intern għall-prevenzjoni jew l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet u tal-frodi;54, iżda ma jirrikjedix li jżommu blacklist u li japplikaw sitwazzjonijiet u proċeduri ta’ esklużjoni li jkunu analogi għall-EDES, li tkopri biss l-infiq taħt ġestjoni diretta u dik indiretta. Ir-Regolament Finanzjarju u l-leġiżlazzjoni settorjali55 jipprevedu wkoll li l-Istati Membri jużaw l-IMS biex jirrappurtaw każijiet ta’ frodi u ta’ irregolarità rigward il-fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża56. Madankollu, il-Kummissjoni trid tikkonsulta lill-Istati Membri qabel ma tuża d-data rrappurtata b’dan il-mod57 u tista’ tuża biss id-data biex teskludi kontropartijiet milli jirċievu fondi taħt ġestjoni diretta jew indiretta.

76 Il-leġiżlazzjoni settorjali li tkopri l-infiq taħt ġestjoni kondiviża ma tirrikjedix li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ esklużjoni fl-oqsma korrispondenti, għalkemm xi dispożizzjonijiet fl-infiq fil-qasam tal-koeżjoni u l-iżvilupp rurali huma rilevanti għall-esklużjoni. Pereżempju, ir-regolamenti dwar il-koeżjoni ma jippermettux li kumpaniji f’diffikultà finanzjarja jirċievu fondi tal-UE58, li huwa kumparabbli mas-sitwazzjoni ta’ esklużjoni tal-EDES rigward il-falliment u l-insolvenza59. Fl-agrikoltura, ħlief għal possibbiltajiet ta’ esklużjoni mill-istess miżuri għal sentejn60, ma hemmx rekwiżiti legali biex sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jiġu applikati għal kontropartijiet li japplikaw għal pagamenti bbażati fuq drittijiet li jiffurmaw il-biċċa l-kbira mill-infiq tal-UE f’dak il-qasam, minkejja li r-riċevituri jistgħu jkunu kumpaniji mdaqqsa jew individwi b’valur nett għoli.

77 Id-direttiva tal-UE dwar l-akkwist pubbliku61 tirrikjedi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jeskludu l-kontropartijiet f’ċerti sitwazzjonijiet. Ir-rekwiżit japplika għall-akkwist pubbliku kollu fl-Istati Membri, inkluż l-akkwist pubbliku li jinvolvi fondi tal-UE. Id-direttiva telenka sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni obbligatorji u fakultattivi biex l-Istati Membri jimplimentawhom fid-dritt nazzjonali. Is-sitwazzjonijiet fakultattivi jinkludu dawk li huma obbligatorji għall-EDES, bħal falliment, insolvenza u kwalunkwe sitwazzjoni analoga. Fil-prattika, f’xi ġuriżdizzjonijiet, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw diskrezzjoni konsiderevoli dwar liema sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni japplikaw fi proċeduri ta’ akkwist speċifiċi.

78 Din it-taħlita ta’ obbligi relatati mal-esklużjoni mhijiex bażi effettiva biex l-esklużjoni tintuża għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE f’ġestjoni kondiviża. B’mod partikolari, dan ifisser li ma hemm l-ebda klassifikazzjoni komuni fil-liġi ta’ x’jikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ esklużjoni għal kontropartijiet li jirċievu fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża. Id-direttiva lanqas ma tipprevedi li kontropartijiet esklużi milli jirċievu fondi tal-UE fi Stat Membru wieħed jiġu esklużi b’mod simili fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri mhumiex meħtieġa jikkonsultaw jew japplikaw il-lista ta’ esklużjoni tal-EDES (il-paragrafu 83)62.

79 Fin-nuqqas ta’ sett koerenti ta’ obbligi fil-livell tal-UE, aħna osservajna differenzi konsiderevoli fl-approċċ għall-esklużjoni meħud mill-Istati Membri. Il-livell sa fejn l-Istati Membri jużaw l-esklużjoni biex jipprevienu kontropartijiet mhux affidabbli milli jirċievu fondi taħt ġestjoni kondiviża jiddependi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. L-ebda wieħed mill-erba’ Stati Membri koperti mill-awditu li wettaqna ma kien stabbilixxa sistema sħiħa ta’ esklużjoni li tkopri t-tipi differenti kollha ta’ fondi tal-UE taħt il-ġestjoni tagħhom.

80 In-nuqqas ta’ konsistenza fil-ġestjoni kondiviża jfisser li l-kontropartijiet f’sitwazzjonijiet simili jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti. Pereżempju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Polonja dwar il-finanzi pubbliċi tistabbilixxi sistema ta’ esklużjoni limitata li tkopri r-riċevituri tal-fondi strutturali tal-UE bi djun jew kundanni ta’ frodi, korruzzjoni jew reati kriminali oħra kontra l-baġit tal-UE. Fl-Estonja, il-kontropartijiet jistgħu jitwaqqfu milli jirċievu fondi tal-UE jekk jinstabu ħatja ta’ frodi, korruzzjoni jew attivitajiet kriminali oħra mhux relatati mal-fondi tal-UE. Fl-Italja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi li l-benefiċjarji finali jgħaddu l-kontrolli kontra l-mafja u jiksbu ċertifikat qabel ma jirċievu l-fondi agrikoli jew ta’ koeżjoni tal-UE. Fil-Portugall, il-kontropartijiet bi djun taħt il-Fond ta’ Koeżjoni ma jitħallewx jirċievu finanzjament ulterjuri mill-UE.

81 Kontropartijiet f’sitwazzjonijiet simili se jiġu ttrattati wkoll b’mod differenti taħt ġestjoni kondiviża meta mqabbla mal-ġestjoni diretta. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda bażi legali tal-UE taħt ġestjoni kondiviża biex jiġi applikat il-kunċett ta’ klassifikazzjoni preliminari fil-liġi biex jiġu esklużi l-kontropartijiet. Fl-erba’ Stati Membri koperti mill-awditu li wettaqna, aħna sibna differenzi, fir-rigward tad-diversi sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, fil-livell sa fejn sentenzi finali jew deċiżjonijiet amministrattivi finali kienu meħtieġa qabel ma l-awtoritajiet jistgħu jeskludu kontroparti milli tapplika għal fondi tal-UE jew tirċevihom. Fil-fatt, ir-regoli finanzjarji attwali tal-UE jagħtu inqas lok biex tintuża l-esklużjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE taħt ġestjoni kondiviża milli taħt ġestjoni diretta.

L-Istati Membri jistgħu jinqdew aħjar bid-data u l-għodod fil-livell tal-UE

82 L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom tliet sorsi prinċipali ta’ data fil-livell tal-UE għad-dispożizzjoni tagħhom għal skopijiet ta’ esklużjoni: l-EDES; data tal-OLAF dwar frodi u irregolaritajiet; u Arachne, għodda tal-estrazzjoni ta’ data u tal-għoti ta’ punteġġ tar-riskju. Aħna eżaminajna kif l-Istati Membri jinqdew bis-sorsi u l-għodod tad-data disponibbli fil-livell tal-UE.

83 Filwaqt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw l-EDES, mhumiex obbligati jagħmlu dan bir-regoli finanzjarji tal-UE. Kif iddikjara r-Rapport 2019 dwar l-EDES maħruġ mill-IAS, 16-il Stat Membru biss kienu ħatru Amministratur Nazzjonali tal-Utenti għall-EDES u 4 minnhom biss kellhom aċċess għall-EDES b’mod regolari. Bl-istess mod, l-IAS sab li l-awtoritajiet maniġerjali mhumiex konxji mill-investigazzjonijiet tal-OLAF u mill-każijiet tal-IMS li jikkonċernaw il-kontropartijiet tal-awtoritajiet maniġerjali ta’ Stati Membri oħra.

84 Arachne hija l-għodda tal-estrazzjoni ta’ data fil-livell tal-UE għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Hija maħsuba biex tidentifika kontropartijiet riskjużi, għalkemm mhux speċifikament dawk f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. Oriġinarjament, il-Kummissjoni żviluppat Arachne biex tassisti lill-awtoritajiet maniġerjali tal-Istati Membri fil-koeżjoni biex iwettqu awditi u kontrolli. Taħt il-proġett pilota għall-agrikoltura, seba’ aġenziji tal-pagamenti qed jużaw Arachne u erba’ aġenziji tal-pagamenti oħra qegħdin f’fażi tal-ittestjar.

85 L-utilità ta’ għodda tal-estrazzjoni ta’ data tiddependi bil-kbir mill-kwantità u l-kwalità tad-data ta’ bażi li tkun disponibbli. Aħna sibna li l-utilità ta’ Arachne għal skopijiet ta’ esklużjoni kienet limitata mill-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tagħha fi ħdan il-ġestjoni kondiviża (koeżjoni u proġett pilota fl-agrikoltura) u min-nuqqas ta’:

  • data tal-UE mill-OLAF, mill-IMS, u mill-EDES;
  • kontrolli ta’ kompletezza u ta’ preċiżjoni fuq proġetti mill-Istati Membri;
  • indikaturi ddefiniti b’mod ċar li jkopru s-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni tal-EDES.

86 Nosservaw li l-Kummissjoni tat l-impenn tagħha biex tesplora l-possibbiltajiet għall-estensjoni tal-użu ta’ Arachne għat-tipi kollha ta’ ġestjoni (diretta, indiretta u kondiviża), bħala parti mill-istrateġija tagħha kontra l-frodi63.

87 Il-leġiżlazzjoni settorjali għall-perjodu 2021-2027, li tkopri l-fondi taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u l-Politika Agrikola Komuni kif ukoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, u r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, tipprevedi l-użu tal-għodda unika tal-estrazzjoni ta’ data u tal-għoti tal-punteġġ tar-riskju (jiġifieri Arachne), tal-Kummissjoni. Għalkemm l-għodda se tibqa’ volontarja għall-Istati Membri, il-ftehim interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja għall-perjodu inkwistjoni jimpenja lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-għodda bil-ħsieb li eventwalment din tintuża mill-Istati Membri kollha64.

Il-Kummissjoni hija nieqsa mill-ħarsa ġenerali meħtieġa lejn l-arranġamenti u d-data dwar l-esklużjoni tal-Istati Membri

88 L-intervisti tagħna mad-direttorati ġenerali prinċipali li huma responsabbli għall-ġestjoni kondiviża żvelaw li dawn ma għandhomx ħarsa ġenerali lejn l-arranġamenti ta’ esklużjoni tal-Istati Membri. Din il-ħarsa ġenerali tista’ tgħin biex jiġu diretti l-isforzi lejn it-titjib tal-użu tal-esklużjoni u d-data biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE fit-tipi kollha ta’ ġestjoni. Tista’ tintuża wkoll biex tinforma lill-atturi finanzjarji involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE dwar id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ data nazzjonali li jkunu rilevanti għall-esklużjoni. L-użu u l-użu mill-ġdid aħjar tad-data disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-UE huma prerekwiżit għall-ħolqien ta’ għodda effettiva tal-estrazzjoni ta’ data li tkun kapaċi tgħin lill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni jidentifikaw kontropartijiet li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jew f’riskju li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

89 L-għan ta’ dan l-awditu kien li jivvaluta jekk l-esklużjoni hijiex qed tintuża b’mod effettiv biex tipproteġi l-fondi tal-UE minn kontropartijiet mhux affidabbli. Aħna kkonkludejna li dan mhuwiex il-każ. Għalkemm l-EDES għandha ambitu wiesa’ u proċeduri robusti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni kellha biss 18-il esklużjoni mhux relatati ma’ falliment irreġistrati fis-sistema fi tmiem l-2020 minħabba nuqqasijiet fl-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. Dan huwa prinċipalment minħabba r-responsabbiltà frammentata għall-esklużjoni, id-diffikultajiet fl-aċċess għad-data tal-Istati Membri, in-nuqqas ta’ sfruttament tad-data tal-UE, is-serħan żejjed fuq l-awtodikjarazzjonijiet tal-kontropartijiet, kif ukoll il-monitoraġġ u s-sorveljanza ċentrali limitati. Fil-ġestjoni kondiviża, fejn l-EDES ma tapplikax, id-differenzi bejn l-approċċi meħuda mill-Istati Membri jdgħajfu l-effettività kumplessiva tal-użu tal-esklużjoni biex jiġi protett il-baġit tal-UE.

90 Fir-rigward tal-ġestjoni diretta, aħna sibna li l-EDES tkopri firxa wiesgħa ta’ kontropartijiet, tipi ta’ ftehimiet finanzjarji u sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. Madankollu, hemm xi lok għal espansjoni tal-firxa ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni (il-paragrafi 21-24).

Rakkomandazzjoni 1 – Espansjoni tal-firxa ta’ esklużjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza l-problema li ġejja meta tkun qed tħejji l-proposta tagħha lil-leġiżlatur dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju: l-esklużjoni ta’ affiljati, sidien benefiċjarji u maniġers responsabbli ta’ kontropartijiet tal-UE, anki jekk huma stess mhumiex kontropartijiet tal-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022

91 Aħna sibna wkoll li l-proċeduri ta’ esklużjoni tal-EDES jipprevedu t-teħid robust ta’ deċiżjonijiet dwar il-kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. B’mod partikolari, permezz tagħhom il-kontropartijiet jistgħu jiġu esklużi mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew is-snin għal sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali. Il-valutazzjoni ċentrali tal-każijiet minn bord indipendenti tgħin biex jiġi żgurat trattament konsistenti u ġust tal-kontropartijiet (il-paragrafi 25-29).

92 Madankollu, sibna għadd ta’ nuqqasijiet fl-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ jekk il-kontropartijiet humiex f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. Dawn ikkontribwew għall-għadd baxx ta’ esklużjonijiet:

  • Ir-responsabbiltà frammentata għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet li jistgħu jiġu esklużi ddgħajjef il-valutazzjoni sistematika tal-kontropartijiet;
  • Il-Kummissjoni ma tinqediex b’mod suffiċjenti b’xi wħud mis-sorsi prinċipali ta’ data fil-livell tal-UE;
  • Il-Kummissjoni qed tiffaċċja diffikultajiet biex taċċessa data nazzjonali dwar ċerti sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni minħabba restrizzjonijiet legali u xkiel tekniku;
  • Ta’ spiss, il-Kummissjoni sserraħ fuq id-dikjarazzjonijiet tal-kontropartijiet rigward in-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ esklużjoni mingħajr ma twettaq kontrolli ulterjuri (il-paragrafi 30-59).

93 Il-monitoraġġ u s-sorveljanza ċentrali limitati tal-identifikazzjoni, min-naħa tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, ta’ kontropartijiet li jistgħu jiġu esklużi għenu biex jipperpetwaw dawn in-nuqqasijiet. Fil-fehma tagħna, arranġamenti ta’ monitoraġġ u sorveljanza aktar b’saħħithom se jkunu kruċjali biex isir użu aħjar mill-esklużjoni. Monitoraġġ ta’ dan it-tip ikun jibbenefika minn sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet li tkun kapaċi tagħti ħarsa ġenerali lejn il-każijiet li jkunu għaddejjin u dawk magħluqa. Huwa jkun jibbenefika wkoll minn kontrolli ex post aħjar ta’ jekk il-kontropartijiet humiex f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, gwida għall-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni dwar l-użu tad-data disponibbli, u aktar promozzjoni tal-użu tal-EDES (il-paragrafi 60-63).

Rakkomandazzjoni 2 – Tqawwija tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni fil-ġestjoni diretta u f’dik indiretta

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Tiżviluppa sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet li tkun kapaċi tagħti ħarsa ġenerali lejn il-każijiet li jkunu għaddejjin u dawk magħluqa.
  2. Tqawwi s-sorveljanza korporattiva tal-operat effettiv tal-EDES, ukoll billi timmonitorja x-xogħol imwettaq mill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni dwar:
    1. segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u tal-UPPE rigward l-identifikazzjoni bikrija jew l-esklużjoni;
    2. attivitajiet u użu ta’ sorsi ta’ data disponibbli biex jidentifikaw każijiet ta’ esklużjoni, bħal każijiet ta’ identifikazzjoni bikrija, rekords tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, każijiet ta’ investigazzjoni ta’ frodi tal-OLAF u tal-UPPE li jkunu għaddejjin, riżultati tal-awditjar finali, deċiżjonijiet relatati ma’ kompetizzjoni, u notifiki tas-sħab ta’ implimentazzjoni;
    3. implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-EDES.
  3. Twettaq kontrolli ex post biex taċċerta jekk il-kontropartijiet humiex f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, b’mod partikolari fejn l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jserrħu fuq dikjarazzjonijiet fuq l-unur.
  4. Tiżviluppa proċeduri u linji gwida standard għall-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni rigward l-użu ta’ sorsi ta’ data fil-livell tal-UE, bħal: każijiet ta’ identifikazzjoni bikrija, rekords tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, każijiet ta’ investigazzjoni ta’ frodi tal-OLAF u tal-UPPE, sejbiet tal-awditjar, każijiet ta’ kompetizzjoni, u notifiki tas-sħab ta’ implimentazzjoni.
  5. Tippromwovi sensibilizzazzjoni dwar l-identifikazzjoni bikrija u l-esklużjoni fost id-dipartimenti tal-Kummissjoni, is-sħab ta’ implimentazzjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023

94 Fir-rigward tal-ġestjoni indiretta, sibna li s-sħab ta’ implimentazzjoni taw kontribut żgħir għall-għadd ta’ każijiet ta’ esklużjoni rreġistrati fl-EDES. Dan huwa spjegat l-aktar mill-istess fatturi li japplikaw fil-ġestjoni diretta. Sibna wkoll tliet fatturi kontributorji oħra: ftehimiet mas-sħab ta’ implimentazzjoni li ma jkoprux is-sitwazzjonijiet kollha ta’ esklużjoni; il-fatt li s-sħab ta’ implimentazzjoni ma jistgħux jeskludu kontropartijiet qabel sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali; u l-prattika li jiġu skrinjati kontropartijiet mhux affidabbli qabel ma jitqiesu għall-appoġġ finanzjarju tal-UE (il-paragrafi 64-69).

95 Il-Kummissjoni damet biex tikkompleta l-valutazzjoni li wettqet tas-sistemi ta’ esklużjoni li s-sħab ta’ implimentazzjoni jużaw. Ladarba din tiġi kkompletata, il-Kummissjoni se tkun f’qagħda aħjar biex tinvestiga u tindirizza r-raġunijiet ta’ bażi għalfejn l-għadd ta’ kontropartijiet fil-ġestjoni indiretta huwa baxx. Imbagħad se jkun essenzjali wkoll li l-Kummissjoni timmonitorja l-operat tas-sistemi ta’ esklużjoni li s-sħab ta’ implimentazzjoni jkunu stabbilew (il-paragrafi 70-72).

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal-monitoraġġ rigward l-identifikazzjoni bikrija u l-esklużjoni taħt ġestjoni indiretta

Biex jinkiseb livell konsistenti ta’ protezzjoni tal-fondi tal-UE taħt ġestjoni indiretta, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li s-sħab tagħha jwettqu l-obbligu tagħhom li jinnotifikawha meta kontropartijiet jiġu identifikati bħala li huma f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tibda fl-2023

96 Rigward il-ġestjoni kondiviża, li fil-biċċa l-kbira tkopri l-infiq fil-qasam tal-agrikoltura u tal-koeżjoni, aħna sibna li ma hemm l-ebda mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex kontropartijiet jiġu esklużi. Fin-nuqqas ta’ sett koerenti ta’ obbligi biex tintuża l-esklużjoni, ir-rieżaminar li wettaqna ta’ erba’ Stati Membri ġibed l-attenzjoni għal differenzi konsiderevoli fl-approċċ, li jikkontribwixxu għal nuqqas ta’ uniformità fil-protezzjoni tal-fondi tal-UE. Aħna sibna wkoll li xi Stati Membri jistgħu jinqdew aħjar bid-data u l-għodod fil-livell tal-UE, b’mod partikolari l-bażi ta’ data EDES, id-data tal-OLAF dwar il-frodi u l-irregolaritajiet, u l-għodda tal-estrazzjoni ta’ data u tal-għoti ta’ punteġġ tar-riskju Arachne biex l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu protetti (il-paragrafi 73-87).

Rakkomandazzjoni 4 – Estensjoni tal-identifikazzjoni bikrija u l-esklużjoni lejn il-ġestjoni kondiviża

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza l-problema li ġejja meta tkun qed tħejji l-proposta tagħha lil-leġiżlatur dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju: jiġu applikati l-elementi ewlenin tal-EDES għal fondi taħt ġestjoni kondiviża, biex b’hekk il-kontropartijiet li jinstabu li huma f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni jiġu ttrattati b’manjiera konsistenti fil-modi ta’ ġestjoni kollha.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022

97 Fl-aħħar nett, aħna sibna li l-Kummissjoni hija nieqsa minn ħarsa ġenerali lejn is-sistemi ta’ esklużjoni u d-data fl-Istati Membri. Din il-ħarsa ġenerali tista’ tgħin biex jiġu diretti l-isforzi lejn it-titjib tal-użu tal-esklużjoni u d-data biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE fit-tipi kollha ta’ ġestjoni u biex tinħoloq għodda tal-estrazzjoni ta’ data biex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jew f’riskju li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni (il-paragrafu 88).

Rakkomandazzjoni 5 – Użu aħjar mid-data eżistenti u mill-għodod diġitali

Fi ħdan il-kuntest tal-isforzi usa’ tagħha biex tuża d-data u l-għodod diġitali biex tipproteġi l-baġit tal-UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex ittejjeb l-użu ta’ data li hija rilevanti għall-esklużjoni, b’mod partikolari billi:

  1. twettaq eżerċizzju ta’ mmappjar biex jiġu identifikati s-sorsi ta’ data li jkunu rilevanti għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE, inkluża d-data nazzjonali, u biex jiġi ddeterminat kif dawn jistgħu jiġu aċċessati;
  2. tipproponi bażi legali adegwata għall-aċċess u l-użu tad-data dwar kontropartijiet tal-UE, inkluża d-data nazzjonali, għal skopijiet ta’ awditjar u ta’ kontroll;
  3. tiżviluppa għodda komuni tal-estrazzjoni ta’ data u tal-għoti ta’ punteġġ tar-riskju b’aċċess għad-data rilevanti kollha tal-UE u dik nazzjonali bis-sjieda fil-livell korporattiv;
  4. tiżgura li d-data tkun disponibbli, u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-istess data fil-livell korporattiv; u
  5. tiżviluppa strateġija biex jiġi żgurat li d-data nazzjonali u tal-UE dwar il-kontropartijiet tal-UE tkun diġitali, aċċessibbli, standardizzata u interoperabbli.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: għar-Rakkomandazzjonijiet 5(1) u (2) sal-2023, għar-Rakkomandazzjoni 5(3) sal-2025, għar-Rakkomandazzjoni 5(4) sal-bidu tal-Qafas Finanzjarju Plurennali li jmiss, u għar-Rakkomandazzjoni 5(5) sal-2023 għal dak li jirrigwarda data tal-UE u sad-data meta jiġi applikat ir-Regolament Finanzjarju rivedut għal dak li jirrigwarda data nazzjonali

Dan ir-Rapport Speċjali ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Tony Murphy, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-26 ta’ April 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
Il-President

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

Arachne: Għodda tal-estrazzjoni ta’ data u tal-għoti ta’ punteġġ tar-riskju żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea

BEI: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

DĠ BUDG: Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit

DĠ INTPA: Id-Direttorat Ġenerali Għas-Sħubijiet Internazzjonali

EDES: Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni

FEI: Fond Ewropew tal-Investiment

IAS: Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea.

IMS: Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet

OLAF: Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

REA: L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka

UPPE: Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Glossarju

Aġenzija tal-pagamenti: Korp maħtur minn Stat Membru biex jamministra l-infiq agrikolu tal-UE.

Akkwist pubbliku: Ix-xiri, minn korp pubbliku jew minn awtorità oħra ta’ xogħlijiet, fornimenti jew servizzi, permezz ta’ proċedura miftuħa u kompetittiva, bl-iskop li jinkisbu l-kwalità u l-valur għall-flus.

Awtorità maniġerjali: L-awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (pubblika jew privata) deżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġa programm iffinanzjat mill-UE.

Bank Ewropew tal-Investiment: Bank tal-UE, li huwa proprjetà tal-Istati Membri, u li jipprovdi finanzjament għal proġetti b’appoġġ għall-politika tal-UE, prinċipalment fl-UE, iżda wkoll esternament.

Diġitalizzazzjoni: Il-bidla lejn l-inkorporazzjoni u l-użu tat-teknoloġija diġitali u tal-informazzjoni diġitalizzata biex il-proċessi u l-kompiti jsiru aktar sempliċi, aktar rapidi, aktar effiċjenti u/jew aktar ekonomiċi.

Fond Ewropew tal-Investiment: Fornitur speċjalist ta’ finanzjament ta’ riskju lill-intrapriżi żgħar u medji fl-UE u f’ċerti pajjiżi mhux tal-UE. Parti mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Frodi: Użu intenzjonat u illegali ta’ qerq biex jinkiseb vantaġġ materjali billi parti oħra tiġi mċaħħda minn proprjetà jew flus.

Ġestjoni diretta: Ġestjoni ta’ fond jew ta’ programm tal-UE li titwettaq mill-Kummissjoni waħidha, b’kuntrast ma’ ġestjoni kondiviża jew ġestjoni indiretta.

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta’ kif il-baġit tal-UE jintefaq fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’ġestjoni diretta, il-Kummissjoni tiddelega lill-Istat Membru iżda tibqa’ finalment responsabbli hi.

Grupp tal-BEI: Il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment.

Intrapriżi żgħar u medji: Definizzjoni skont id-daqs, li tiġi applikata għal kumpaniji u għal organizzazzjonijiet oħra, fuq il-bażi tal-għadd ta’ impjegati u ta’ ċerti kriterji finanzjarji. L-intrapriżi żgħar ikollhom inqas minn 50 impjegat, u fatturat jew total tal-karta tal-bilanċ mhux ogħla minn EUR 10 miljun. L-intrapriżi ta’ daqs medju jkollhom inqas minn 250 impjegat, u fatturat mhux ogħla minn EUR 50 miljun jew total tal-karta tal-bilanċ mhux ogħla minn EUR 43 miljun.

Klassifikazzjoni preliminari fil-liġi: Valutazzjoni legali tal-fatti u s-sejbiet dwar kwistjoni speċifika, imwettqa qabel ma l-awtorità kompetenti tkun waslet għal sentenza finali jew għal deċiżjoni amministrattiva.

Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni: Regolament li jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej kollha fil-perjodu 2014-2020.

Strument finanzjarju: Appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE fl-għamla ta’ investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità, self jew garanziji, jew strumenti oħra għall-kondiviżjoni tar-riskji.

Uffiċjal tal-awtorizzazzjoni: Persuna responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq ta’ korp tal-UE.

Valutazzjoni tal-pilastri: Valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-arranġamenti ta’ ġestjoni finanzjarja li s-sieħeb ta’ implimentazzjoni jkun stabbilixxa.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar bil-għan li dawn iħallu impatt massimu billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u amministrazzjoni tal-UE, li hija mmexxija minn Tony Murphy, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Helga Berger, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Silvia Janik, Kap tal-Kabinett, u Franz Ebermann, Attaché tal-Kabinett; Judit Oroszki, Maniġer Prinċipali; James McQuade, Kap tal-Kompitu; Tomasz Kokot u Attila Horvay-Kovacs, Awdituri. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku.

L-ewwel ringiela, mix-xellug għal-lemin: is-Sa Judit Oroszki, is-Sur James McQuade, is-Sa Helga Berger, is-Sa Silvia Janik, is-Sur Attila Horvay-Kovács
It-tieni ringiela, mix-xellug għal-lemin: is-Sur Thomas Everett, is-Sur Tomasz Kokot, is-Sur Franz Ebermann

Noti finali

1 It-Taqsima 2.1.1 tar-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni għall-Baġit tal-UE - Sena Finanzjarja 2020, minbarra “Amministrazzjoni u servizzi oħrajn”.

2 Ibid.

3 L-Artikolu 73 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ir-Regolament Finanzjarju).

4 L-Artikolu 74 tar-Regolament Finanzjarju.

5 L-Artikoli 80 u 63 tar-Regolament Finanzjarju.

6 Il-Premessa 5 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF).

7 L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

8 Il-Premessa 5 tad-Direttiva PIF.

9 Identifikati mill-QEA abbażi ta’ analiżi tal-Grupp Bankarju Dinji u l-Gvern Federali tal-Istati Uniti.

10 L-Artikolu 135 tar-Regolament Finanzjarju.

11 Ibid.

12 Ibid.

13 EDES database: List of economic operators excluded or subject to financial penalty.

14 L-Artikolu 135(3) tar-Regolament Finanzjarju.

15 L-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju.

16 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1220.

17 L-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju.

18 L-Artikolu 135 tar-Regolament Finanzjarju.

19 L-Artikolu 142(5) tar-Regolament Finanzjarju.

20 LexisNexis Bridger Insight.

21 Il-paragrafu 32 tal-Ftehim interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar dixxiplina baġitarja.

22 L-Artikolu 136(4) tar-Regolament Finanzjarju.

23 L-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju.

24 Ir-Rapporti Annwali dwar il-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE mill-2016 sal-2020: SWD(2017)268, SWD(2018)382, SWD(2020)157, SWD(2021)256.

25 Il-Punt 7 ta’ SWD(2020)157.

26 L-Artikolu 167(2) u l-Artikolu 198(2) tar-Regolament Finanzjarju.

27 EDES database: List of economic operators excluded or subject to financial penalty.

28 Ir-Rapport tal-Awditjar tal-IAS: IAS.B4-2017-BUDG-001 tal-25 ta’ Jannar 2019.

29 L-Artikolu 136(2) tar-Regolament Finanzjarju.

30 L-Artikolu 11 tar-Regolament 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF.

31 L-Artikolu 136(1) (a) sa (d) tar-Regolament Finanzjarju.

32 L-Artikolu 136(1) (d), (e) u (f) tar-Regolament Finanzjarju.

33 L-Artikolu 142(2) tar-Regolament Finanzjarju.

34 L-Artikolu 142(4) tar-Regolament Finanzjarju.

35 Ibid.

36 Data pprovduta mill-OLAF fuq talbet il-QEA.

37 L-Artikolu 44 tar-Regolament UE/2017/1939.

38 L-Artikolu 6 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

39 L-Artikolu 142.2 (d) tar-Regolament Finanzjarju.

40 L-Artikolu 136.2 (d) tar-Regolament Finanzjarju.

41 Ir-Rapport tal-Awditjar tal-IAS: IAS.B4-2017-BUDG-001 tal-25 ta’ Jannar 2019.

42 Arranġament Amministrattiv bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

43 It-Tabella DM3 fil-p. 133 tal-Parti 2 tal-Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrappurtati għall-2020 - SWD(2021) 258 final.

44 L-Artikolu 137(1) tar-Regolament Finanzjarju.

45 Eżempju ta’ mudell ta’ dikjarazzjoni fuq l-unur li l-Kummissjoni tuża.

46 Contract Procedures for European Union External Action – A practical guide.

47 Il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-Ġestjoni Korporattiva tas-27 ta’ Jannar 2021.

48 Ir-Rapport tal-Awditjar tal-IAS: IAS.B4-2017-BUDG-001 tal-25 ta’ Jannar 2019.

49 Ibid.

50 L-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju.

51 Il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv tat-8 ta’ Ottubru 2019.

52 Il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv tal-14 ta’ Frar 2020.

53 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2019/C 191/02 tas-17 ta’ April 2019.

54 L-Artikolu 36(2)(d) tar-Regolament Finanzjarju.

55 L-Artikolu 144 tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 u l-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970.

56 L-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014; l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014; l-Artikolu 21(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

57 L-Artikolu 144 tar-Regolament Finanzjarju.

58 Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni.

59 L-Artikolu 136(1) (a) tar-Regolament Finanzjarju.

60 L-Artikoli 19 u 35(5) tar-Regolament Nru 640/2014.

61 L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-Akkwist Pubbliku.

62 L-Artikolu 142(5) tar-Regolament Finanzjarju.

63 L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi: azzjoni iktar b’saħħitha għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE COM/2019/196 final.

64 Il-paragrafu 32 tal-Ftehim interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar dixxiplina baġitarja.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-7772-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/814 QJ-AB-22-006-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-7738-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/601920 QJ-AB-22-006-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Figura 7: ikoni magħmulin minn Pixel Perfect minn fuq https://flaticon.com.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.