Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Kelmtejn dwar id-dokument “2022 - Awditu tal-UE fil-qosor”
Id-dokument “2022 - Awditu tal-UE fil-qosor” jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-Rapporti Annwali 2022 tagħna dwar il-baġit ġenerali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fejn aħna nippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li għamilna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din is-sena, għall-ewwel darba, permezz tax-xogħol li wettaqna, aħna koprejna wkoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u nipprovdu opinjoni separata dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq tagħha. L-“Awditu tal-UE fil-qosor” jiddeskrivi wkoll fil-qosor is-sejbiet ewlenin tagħna rigward id-dħul u l-oqsma prinċipali ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll is-sejbiet relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna.
It-testi sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq eca.europa.eu.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, niġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.
Saistītie dokumenti
Daħla tal-President
Ir-rapport annwali huwa l-prodott ewlieni tal-QEA. Il-ħruġ tiegħu jirrikjedi sforz konċertat u ammont sostanzjali ta’ xogħol tal-awditjar u tal-appoġġ. Din is-sena, bħal fi snin preċedenti, nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Aħna nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet għall-2022. Id-dħul għall-2022 kien legali, regolari, u ħieles minn żball materjali.
Il-pakkett baġitarju fit-tul tal-UE jinkludi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021‑2027, flimkien ma’ NextGenerationEU (NGEU), li huwa pakkett, temporanju u maħsub għall-irkupru, ta’ fondi addizzjonali ffinanzjat permezz tal-ħruġ ta’ bonds. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tirrappreżenta madwar 90 % tal-finanzjament taħt l-NGEU. Għat-tieni sena konsekuttiva, aħna nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa għall-2022: waħda dwar il-baġit tradizzjonali tal-UE u waħda dwar l-RRF.
Għall-2022, l-istima tagħna tal-livell kumplessiv ta’ żball fl-infiq tal-baġit tal-UE żdiedet għal 4.2 % (2021: 3.0 %). Għaldaqstant, aħna noħorġu opinjoni avversa dwar in-nefqa. Fl-oqsma prinċipali tal-infiq li għalihom nipprovdu valutazzjoni speċifika, il-livell ta’ żball huwa materjali. Dan żdied b’mod sostanzjali fil-każ ta’ “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”, f’livell ta’ 6.4 % (2021: 3.6 %). Il-livell ta’ żball għal “Riżorsi naturali” huwa ta’ 2.2 % (2021: 1.8 %).
Fl-2022, it-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-RRF, kien hemm livell akbar ta’ pagamenti, u aħna stajna nibbenefikaw minn stampa ġenerali li pprovditilna aktar informazzjoni dwar kif ġiet implimentata l-RRF. Filwaqt li l-progress sar aktar bil-mod milli mistenni, 11-il Stat Membru rċevew 13-il pagament ta’ għotja b’valur totali ta’ EUR 46.9 biljun. Barra minn hekk, ġie approvat prefinanzjament li jammonta għal EUR 6.8 biljun. Għall-awditu li wettaqna, aħna eżaminajna 244 minn 274 stadju importanti u l-miri kollha, li huma 37, assoċjati mat-13-il pagament li saru fl-2022.
Aħna bbażajna l-valutazzjoni tagħna prinċipalment fuq il-kundizzjoni stabbilita mir-Regolament dwar l-RRF għall-pagamenti, jiġifieri li l-istadji importanti u l-miri l-ewwel iridu jintlaħqu b’mod sodisfaċenti, iżda vvalutajna wkoll il-konformità mal-kundizzjonijiet ewlenin ta’ eliġibbiltà fir-Regolament. Ikkonkludejna li, mill-281 stadju importanti u mira li eżaminajna, 15 kienu milquta minn problemi ta’ regolarità. Jew ma ntlaħqux b’mod sodisfaċenti jew inkella l-miżuri assoċjati kienu ineliġibbli. Barra minn hekk, il-valutazzjoni li wettaqna tqis l-impatt tas-sejbiet kwalitattivi, bħal każijiet ta’ tfassil dgħajjef fil-miżuri u fl-istadji importanti jew fil-miri ta’ bażi, u dgħufijiet fis-sistemi ta’ rappurtar u kontroll tal-Istati Membri. Għalhekk, aħna noħorġu opinjoni kwalifikata dwar in-nefqa taħt l-RRF għall-2022 ibbażata kemm fuq kriterji kwantitattivi kif ukoll fuq kriterji kwalitattivi.
Din l-opinjoni kwalifikata tirrappreżenta r-riżultat tal-awditu annwali tal-konformità li wettaqna dwar ir-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF. Il-valutazzjoni tar-regolarità għadha tikkostitwixxi sfida, billi l-evalwazzjoni tal-kisbiet kwalitattivi tirrikjedi bosta ġudizzji, li jwasslu għal varjetà ta’ interpretazzjonijiet possibbli. Barra minn hekk, fix-xogħol tal-awditjar kollu li nwettqu, niltaqgħu ripetutament ma’ stadji importanti jew miri li tant ikunu definiti b’mod vag li nsibuha diffiċli biex nivvalutaw jekk ikunux intlaħqu jew le.
Huwa importanti li jiġi osservat li l-awditu tal-konformità li wettaqna dwar ir-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF huwa biss aspett wieħed tal-ġabra komprensiva ta’ xogħol li fuqha ninsabu impenjati biex nivvalutaw dan l-istrument il-ġdid. L-ewwel nett, diġà pproduċejna għadd ta’ rapporti tal-awditjar li jiġbdu l-attenzjoni għan-nuqqasijiet u t-tħassib serji rigward it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-RRF. Dawn se jiġu kkomplementati minn awditi oħra, kemm dawk li għaddejjin bħalissa kif ukoll dawk ippjanati, dwar kwistjonijiet bħall-assorbiment, is-sistemi ta’ kontroll, it-tranżizzjoni diġitali u t-trasformazzjoni ekoloġika. Huwa biss billi nikkombinaw ir-riżultati ta’ dan ix-xogħol tal-awditjar kollu li se nkunu f’pożizzjoni li nivvalutaw il-prestazzjoni kumplessiva tal-RRF.
Hekk kif qed nibdew noħorġu minn dik li, xi drabi, dehret kriżi kontinwa, ta’ min isemmi n-natura bla preċedent tar-rispons tal-UE, f’termini ta’ strumenti u inizjattivi fl-oqsma kollha tal-baġit. Attwalment l-Istati Membri qed jassorbu fondi minn diversi strumenti fl-istess ħin. Huma u jagħlqu l-programmi mill-perjodu 2014‑2020, jeħtiġilhom jibdew jaħdmu wkoll fuq il-kompitu mdewwem tal-implimentazzjoni tal-QFP 2021‑2027. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri issa qed jimplimentaw il-finanzjament tal-NGEU, fejn għad irid jiġi żborżat ammont sinifikanti ta’ flus.
Il-pressjoni fuq l-infiq iżżid il-pressjoni fuq ir-riżorsi amministrattivi u, konsegwentement, ir-riskju ta’ żball. Barra minn hekk, dment li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-fondi taħt ġestjoni kondiviża ma taċċellerax sinifikattivament fl-2024 u fl-2025, ir-riskju ta’ diżimpenji aktar tard fiċ-ċiklu tal-QFP se jiżdied b’mod esponenzjali.
Is-sejbiet tagħna għall-2022 juru li jeħtiġilna nibqgħu viġilanti, u li verifiki effettivi huma meħtieġa fil-livelli kollha biex jiġi aċċertat kif il-fondi tal-UE qed jintefqu u jekk ir-riżultati intenzjonati humiex qed jinkisbu. Se nkomplu naħdmu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mal-Istati Membri biex intejbu l-ġestjoni u s-superviżjoni tal-fondi tal-UE. Bħal dejjem, il-missjoni tagħna hija li nsaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini billi ntejbu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza fl-oqsma kollha tal-ħidma tal-UE sabiex hija tkun tista’ tirrispondi b’mod effettiv għall-isfidi attwali u futuri.
Fl-aħħar nett, nixtieq nirrikonoxxi d-dedikazzjoni u l-għarfien espert tal-persunal tal-QEA. L-impenn u l-professjonaliżmu tiegħu huma ċentrali għall-produzzjoni tar-rapport annwali tagħna u biex l-Istituzzjoni tagħna titmexxa ’l quddiem.
Tony Murphy
Il-President
Riżultati kumplessivi
Sejbiet ewlenin
Sommarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2022
Aħna noħorġu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2022.
Noħorġu wkoll opinjoni favorevoli dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul għall-2022.
Nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa għall-2022:
- l-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa baġitarja tal-UE hija avversa;
- l-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija kwalifikata.
F’“Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna”, aħna nipprovdu aktar informazzjoni dwar il-bażi għall-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa għall-2022.
- Nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE.
- Id-dħul għall-2022 kien legali u regolari, u kien ħieles minn żball materjali.
- B’mod kumplessiv, il-livell ta’ żball stmat fin-nefqa baġitarja tal-UE kien materjali b’rata ta’ 4.2 % (2021: 3.0 %).
- Fil-valutazzjoni tar-riskju li wettaqna, aħna nidentifikaw bħala b’riskju għoli n-nefqa tal-UE fejn il-benefiċjarji spiss ikollhom isegwu regoli kumplessi meta jippreżentaw talbiet għal kostijiet li jkunu ġarrbu. Il-proporzjon ta’ nefqa b’riskju għoli fil-popolazzjoni li awditjajna kompla jiżdied u kien sostanzjali f’rata ta’ 66.0 % (2021: 63.2 %). Din is-sena, nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 6.0 % (2021: 4.7 %) f’din il-parti tal-popolazzjoni li awditjajna. Dan l-iżball huwa materjali u pervażiv, u aħna qed noħorġu opinjoni avversa dwar in-nefqa baġitarja tal-UE.
- Għan-nefqa taħt l-RRF, fl-2022, il-Kummissjoni għamlet 13-il pagament ta’ għotja lill-Istati Membri, li kienu jinkludu total ta’ 274 stadju importanti u l-miri kollha, li huma 37. Aħna identifikajna sejbiet kwantitattivi fi 11-il pagament. Sitta minn dawn il-pagamenti kienu milquta minn żball materjali, u aħna qed noħorġu opinjoni kwalifikata dwar in-nefqa taħt l-RRF.
- L-istima ta’ żball (riskju fil-waqt tal-pagament) imwettqa mill-Kummissjoni, kif iddivulgata fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR) 2022, hija ta’ 1.9 %, li hija sinifikattivament taħt il-firxa indikata minna. Limitazzjonijiet fil-verifiki ex post imwettqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, fl-Intestaturi 1, 2 u 6 tal-QFP, jolqtu r-riskju fil-waqt tal-pagament iddivulgat fl-AMPR u, b’hekk, il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni.
- Fl-2022, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) irrappurtajnielu 14-il każ (2021: 15-il każ) ta’ frodi suspettata li konna identifikajna matul l-awditu li wettaqna tan-nefqa għall-2021, u abbażi ta’ dan l-OLAF diġà fetaħ 2 investigazzjonijiet. Irrappurtajna sitta minn dawn il-każijiet b’mod parallel lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li minnhom l-UPPE fetaħ tliet investigazzjonijiet. Matul l-awditu li wettaqna tan-nefqa għall-2022, identifikajna 14-il każ ta’ frodi suspettata.
- L-impenji pendenti mill-baġit tal-UE u mill-finanzjament ta’ għotjiet taħt l-NGEU, li jirrappreżentaw djun futuri jekk ma jiġux diżimpenjati, laħqu livell rekord ta’ aktar minn EUR 450 biljun fi tmiem l-2022. Dan kien prinċipalment minħabba impenji ġodda għall-NGEU flimkien ma’ impenji ġodda għall-fondi taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2021‑2027.
- Fl-2022, id-dejn tal-UE żdied sinifikattivament għal EUR 344.3 biljun sa tmiem is-sena (2021: EUR 236.7 biljun), prinċipalment minħabba teħid b’self ġdid għall-NGEU, għall-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) u għall-Assistenza Makrofinanzjarja (AMF). Minn dan it-teħid b’self, l-istrument NGEU biss ġarr riskju tal-imgħax għall-baġit tal-UE. Fl-2022, l-imgħax nett imħallas fuq it-teħid b’self tal-NGEU ammonta għal EUR 0.5 biljun.
- L-esponiment tal-baġit tal-UE, li jikkonsisti f’obbligazzjonijiet relatati ma’ self żborżat permezz ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament u ma’ obbligazzjonijiet kontinġenti, żdied minn EUR 205 biljun fl-2021 għal EUR 248 biljun fl-2022. Dan kien dovut prinċipalment għas-self addizzjonali taħt l-NGEU u taħt ix-SURE ipprovdut lill-Istati Membri u s-self taħt l-AMF ipprovdut lill-Ukrajna. Barra minn hekk, fi tmiem l-2022, kien hemm EUR 126 biljun addizzjonali f’self diġà mogħti iżda li kien għadu ma ġiex żborżat. Għalhekk l-esponiment tal-baġit tal-UE se jkompli jiżdied.
- L-esponiment tal-baġit tal-UE għall-Ukrajna rdoppja u aktar fl-2022 meta mqabbel mal-2021 (minn EUR 7 biljun għal EUR 16-il biljun). L-approvazzjoni ta’ EUR 18-il biljun addizzjonali għall-AMF+ fi tmiem l-2022 se żżid sinifikattivament dan l-esponiment għal baġits futuri.
It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali 2022 tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l-attivitajiet iffinanzjati mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp jinsab fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
X’awditjajna
Il-baġit tal-UE għall-2022 f’ċifri
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw baġit annwali tal-UE, fi ħdan il-qafas ta’ baġit fuq żmien itwal maqbul għal perjodu ta’ diversi snin (magħruf bħala l-“qafas finanzjarju pluriennali” jew il-QFP). Fl-2022, l-infiq tal-baġit tal-UE ammonta għal total ta’ EUR 196.0 biljun, li huwa l-ekwivalenti ta’ 2.5 % tal-infiq totali tal-gvernijiet estiżi tal-Istati Membri tal-UE u 1.3 % tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom.
F’Mejju 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-NGEU, li huwa strument temporanju li ġie stabbilit b’rispons għall-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID‑19 u li jiġi ffinanzjat permezz tal-ħruġ ta’ bonds. L-RRF tirrappreżenta madwar 90 % tal-finanzjament taħt l-NGEU. Fl-2022, l-infiq fuq l-appoġġ mhux ripagabbli taħt l-RRF (għotjiet) ammonta għal EUR 47.2 biljun.
Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-infiq taħt l-RRF, il-pagamenti mingħand l-UE fl-2022 ammontaw għal total ta’ EUR 243.3 biljun.
Minn fejn jiġu l-flus?
Id-dħul totali għall-2022 kien ta’ EUR 245.3 biljun. L-akbar sehem tal-baġit tal-UE huwa ffinanzjat minn ammonti li l-Istati Membri jikkontribwixxu approporzjon tal-introjtu nazzjonali gross tagħhom (EUR 103.9 biljun). Sorsi oħra jinkludu dazji doganali (EUR 25.9 biljun), kontribuzzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud li tinġabar mill-Istati Membri (EUR 19.7-il biljun), kontribuzzjoni bbażata fuq l-iskart mhux riċiklat mill-imballaġġ tal-plastik (EUR 6.3 biljun), u dħul ieħor (EUR 6.4 biljun). Id-dħul addizzjonali ammonta għal EUR 83.1 biljun fl-2022, inklużi EUR 62.2 biljun ta’ dħul assenjat estern għal garanziji baġitarji u għal operazzjonijiet ta’ għoti u ta’ teħid b’self (NGEU) kif ukoll EUR 20.9 biljun ta’ kontribuzzjonijiet u rifużjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet u programmi tal-UE.
Fuq xiex jintefqu l-flus?
Il-baġit tal-UE jintefaq f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, kif jidher fil-Figura 1.
Madwar tliet kwarti tal-baġit jintefqu taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”. Skont dan il-metodu ta’ implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri jqassmu l-fondi, jagħżlu l-proġetti u jimmaniġġjaw in-nefqa tal-UE, filwaqt li l-Kummissjoni tibqa’ fl-aħħar mill-aħħar responsabbli. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-Intestaturi “Riżorsi naturali u ambjent” u “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” tal-QFP.
L-infiq taħt l-RRF jiffinanzja investimenti u riformi f’oqsma ta’ politika ta’ rilevanza għall-UE kollha, strutturati f’sitt pilastri (ara l-Figura 2).
L-Istati Membri jistabbilixxu bil-quddiem dawn ir-riformi u l-investimenti fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, u l-Kummissjoni tħallashom talli jkunu laħqu l-istadji importanti u l-miri relatati.
X’koprejna?
Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u n-nefqa tal-UE, billi neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-introjtu u tan-nefqa jikkonformawx mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali. Aħna neżaminaw in-nefqa fil-mument meta r-riċevituri finali tal-fondi tal-UE jkunu wettqu attivitajiet jew ġarrbu kostijiet jew, fil-każ tan-nefqa taħt l-RRF, fil-mument meta l-Istati Membri jitolbu pagament biex jilħqu l-istadji importanti jew il-miri predefiniti tagħhom, u fil-mument meta l-Kummissjoni tkun aċċettat in-nefqa. Fil-prattika, dan ifisser li l-popolazzjoni ta’ tranżazzjonijiet li awditjajna tkopri l-pagamenti interim u dawk finali. Ma eżaminajniex il-pagamenti bil-quddiem imħallsa fl-2022, dment li dawn ma ġewx approvati wkoll matul is-sena.
Fl-2022, il-popolazzjoni li awditjajna għall-ittestjar tad-dħul kienet tammonta għal EUR 245.3 biljun. Il-popolazzjoni tagħna għall-ittestjar tan-nefqa kienet tammonta għal total ta’ EUR 220.5 biljun. Aħna awditjajna popolazzjonijiet separati għall-infiq tal-baġit tal-UE (EUR 166.8 biljun) u għall-infiq taħt l-RRF (EUR 53.7 biljun) biex nappoġġaw l-opinjonijiet rispettivi tagħna.
X’sibna
Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE
Skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), aħna nipprovdu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tkopri l-affidabbiltà tal-kontijiet konsolidati tal-UE u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet. Din hija l-element ċentrali tar-rapport annwali tagħna.
L-RRF hija strument temporanju mwassal u ffinanzjat b’mod li huwa fundamentalment differenti min-nefqa baġitarja tal-UE. Filwaqt li l-benefiċjarji tal-infiq tal-baġit tal-UE jitħallsu talli jkunu wettqu ċerti attivitajiet jew jiġu rrimborżati għall-kostijiet imġarrba, taħt l-RRF l-Istati Membri jitħallsu talli jilħqu b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti jew il-miri predefiniti. Għaldaqstant, għall-RRF, aħna eżaminajna jekk l-istadji importanti jew il-miri predefiniti ntlaħqux b’mod sodisfaċenti u jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà orizzontali ġewx issodisfati. Għalhekk nipprovdu żewġ opinjonijiet separati dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa: waħda għall-infiq tal-baġit tal-UE u oħra għall-infiq taħt l-RRF.
Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta
Il-kontijiet tal-UE għall-2022 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, ir-riżultati finanzjarji tal-UE u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku.
Għalhekk, aħna nistgħu nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet, kif ilna nagħmlu kull sena mill-2007 ’l hawn.
Il-karta tal-bilanċ tal-UE tinkludi obbligazzjoni għall-pensjoni u għal benefiċċji oħra tal-impjegati li ammontaw għal EUR 80.6 biljun fi tmiem l-2022 (2021: EUR 122.5 biljun). It-tnaqqis fl-obbligazzjoni tal-pensjoni fl-2022 huwa prinċipalment dovut għaż-żieda fir-rata ta’ skont nominali, li hija milquta minn rati tal-imgħax globali telgħin.
Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ma baqax Stat Membru tal-UE. Fid-data tal-karta tal-bilanċ, il-kontijiet tal-UE wrew ammont riċevibbli nett dovut mingħand ir-Renju Unit ta’ EUR 23.9 biljun (2021: EUR 41.8 biljun) abbażi tal-obbligi reċiproċi ddefiniti fil-ftehim dwar il-ħruġ.
Fil-kontijiet tal-UE, l-impatt tal-invażjoni mir-Russja fuq is-self u l-għotjiet mogħtija lill-Ukrajna ġie vvalutat, u ġie kontabilizzat u ddivulgat b’mod xieraq skont ir-rekwiżit tar-regoli kontabilistiċi.
Aħna noħorġu opinjoni favorevoli dwar id-dħul
Nikkonkludu li d-dħul huwa ħieles minn żball materjali. Is-sistemi għall-ġestjoni tad-dħul li eżaminajna kienu b’mod ġenerali effettivi.
Aħna noħorġu opinjoni avversa dwar l-infiq tal-baġit tal-UE
Niddefinixxu żball bħala ammont ta’ flus li ma kellux jitħallas mill-baġit tal-UE. Żbalji jseħħu meta l-flus ma jintużawx skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u b’hekk mhux kif kien maħsub mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew meta adottaw dik il-leġiżlazzjoni, jew meta l-flus ma jintużawx skont regoli nazzjonali speċifiċi.
Għall-infiq tal-baġit tal-UE, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball jinsab bejn 3.1 % u 5.3 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, li qabel kien magħruf bħala r-“rata tal-iżball l-aktar probabbli”, żdied meta mqabbel mas-sena l-oħra, minn 3.0 % għal 4.2 % – ara l-Figura 3.
Aktar minn nofs il-popolazzjoni li awditjajna hija milquta għal darba oħra minn żball materjali
Fl-2022, in-nefqa b’riskju għoli kienet tirrappreżenta 66.0 % tal-popolazzjoni li awditjajna, li hija żieda minn 63.2 % fis-sena preċedenti. Aħna komplejna nsibu li n-nefqa b’riskju baxx kienet ħielsa minn żball materjali, iżda li n-nefqa b’riskju għoli baqgħet milquta minn żball materjali, u għaldaqstant il-mod kif il-fondi jiġu żborżati għandu impatt fuq ir-riskju ta’ żball. Aħna nistmaw li l-livell ta’ żball fin-nefqa b’riskju għoli huwa ta’ 6.0 % (2021: 4.7 %) (ara l-Figura 4).
Figura 4 – Diżaggregazzjoni tal-popolazzjoni li awditjajna għall-2022, f’nefqa b’riskju għoli u nefqa b’riskju baxx
Sors: il-QEA.
Il-livell ta’ żball huwa mmexxi prinċipalment minn “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”, segwita minn “Riżorsi naturali u ambjent”, “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali” u “Viċinat u d-dinja” (ara l-Figura 5).
L-iżbalji ta’ eliġibbiltà huma dawk li għadhom jikkontribwixxu l-aktar għal-livell ta’ żball stmat għan-nefqa b’riskju għoli. Iż-żieda fil-livell ta’ żball stmat għal “Koeżjoni, reżiljenza u valuri ma ssegwix xejra ġeografika. Madankollu, kien hemm żieda fi żbalji speċifiċi, bħal kostijiet ineliġibbli u nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.
Tqabbil bejn l-istimi tal-livell ta’ żball imwettqa minna u dawk imwettqa mill-Kummissjoni
L-AMPR, li għalih il-kulleġġ tal-Kummissarji huwa responsabbli, jiġbor fil-qosor l-informazzjoni ewlenija mir-rapporti annwali tal-attività (RAA) dwar il-kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja. Huwa jinkludi r-riskju fil-waqt tal-pagament, li huwa l-istima mill-Kummissjoni tal-ammont li tħallas mingħajr ma kien skont ir-regoli applikabbli. Fil-każ tal-Kummissjoni, ir-riskju fil-waqt tal-pagament għall-2022 huwa ta’ 1.9 %, li huwa taħt il-livell ta’ żball stmat minna ta’ 4.2 % (2021: 3.0 %) u taħt il-firxa indikata minna, li hija bejn 3.1 % u 5.3 %.
Bħal-livell ta’ żball stmat minna, l-istima mill-Kummissjoni ma tinkludix in-nefqa taħt l-RRF, li għaliha hija tiddivulga r-riżultati tal-kontroll b’mod separat abbażi ta’ valutazzjoni kwalitattiva. Barra minn hekk, ir-RAA ta’ kull direttorat ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni jinkludi dikjarazzjoni li fiha d-direttur ġenerali jipprovdi aċċertament li r-rapport jippreżenta l-informazzjoni finanzjarja b’mod xieraq u li t-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu huma legali u regolari. Għal dan l-iskop, id-DĠ kollha pprovdew stimi tar-riskju fil-waqt tal-pagament fl-infiq tagħhom, ħlief għall-RRF, li għaliha l-Kummissjoni tivvaluta r-riżultati tal-kontroll abbażi ta’ kombinament tar-riżultati miksuba mill-awditi u mill-kontrolli tal-Istati Membri u tagħha stess.
Għal kull intestatura tal-QFP li għaliha nipprovdu valutazzjoni speċifika, aħna qabbilna r-riskju fil-waqt tal-pagament stmat mill-Kummissjoni għall-2022 mal-livell ta’ żball stmat minna. It-tqabbil juri li ċ-ċifri tal-Kummissjoni huma taħt l-istimi li wettaqna għal tliet oqsma ta’ politika. Sibna li għal “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament ta’ 1.5 % kienet fin-nofs inferjuri tal-firxa indikata minna, taħt il-livell ta’ żball stmat minna, għal “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”, l-istima mill-Kummissjoni kienet ta’ 2.6 %, li kienet sinifikattivament taħt il-firxa indikata minna għal-livell ta’ żball stmat u, għal “Riżorsi naturali u ambjent”, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament (1.7%) kienet fin-nofs inferjuri tal-firxa indikata minna, taħt il-livell ta’ żball stmat minna.
Fl-AMPR, il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tar-riskju kumplessiv li wettqet tan-nefqa annwali għall-2022 sabiex tidentifika u tiffoka l-azzjoni fuq oqsma b’riskju għoli. Il-Kummissjoni tistma li r-riskju huwa baxx għal 63 % tan-nefqa, medju għal 12 % u għoli għal 25 %. Madankollu, xogħolna żvela limitazzjonijiet fix-xogħol ex post imwettaq mill-Kummissjoni, li, meħuda flimkien, jolqtu r-robustezza tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Kummissjoni.
Aħna ħriġna opinjoni kwalifikata dwar in-nefqa taħt l-RRF fl-2022
L-evidenza kumplessiva għall-awditjar li ksibna permezz tax-xogħol li wettaqna turi li mit-13-il pagament taħt l-RRF (u l-approvazzjonijiet relatati tal-prefinanzjamenti), 11 kienu milquta minn sejbiet kwantitattivi. Sitta minn dawn il-pagamenti kienu milquta minn żball materjali. Identifikajna wkoll każijiet ta’ tfassil dgħajjef fl-istadji importanti jew fil-miri, u problemi bl-affidabbiltà tal-informazzjoni li l-Istati Membri inkludew fid-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni tagħhom.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar is-sejbiet prinċipali tinsab fil-Kapitolu 1 u l-Kapitolu 11 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna. It-test sħiħ tar-rapport annwali tagħna jinsab fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riżultati tagħna
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
Ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-UE kienet għolja għall-impenji u l-pagamenti
L-2022 kienet it-tieni sena tal-QFP 2021‑2027. Il-Figura 6 turi d-disponibbiltà ġenerali tan-nefqa baġitarja tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-NGEU.
Figura 6 – Id-disponibbiltà ġenerali tan-nefqa baġitarja tal-UE għall-2022, inklużi l-għotjiet tal-NGEU
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2022.
Fl-2022, intużaw il-biċċa l-kbira mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn
L-awtorità baġitarja approvat baġit inizjali ta’ EUR 169.5 biljun għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn. Matul l-2022, kien hemm ħames emendi li żiedu l-baġit għal EUR 182.2 biljun, ammont li huwa ogħla mil-limitu massimu tal-QFP ta’ EUR 179.8 biljun. Dan sar possibbli bis-saħħa ta’ strumenti speċjali, bħall-Istrument ta’ Flessibbiltà, ir-riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza. Fil-baġit finali, ġie impenjat total ta’ EUR 179.4 biljun matul l-2022, u għaldaqstant intuża aktar minn 98 % tal-ammont disponibbli.
L-approprjazzjonijiet ta’ pagament finali ntużaw kważi kompletament
Il-baġit inizjali għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kien stabbilit fl-ammont ta’ EUR 170.6 biljun, u eventwalment dan tnaqqas għal EUR 170.0 biljun. Kien hemm ħtiġijiet addizzjonali ta’ pagament li rriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll minn inflazzjoni għolja u prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu. Mill-EUR 170.0 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli fil-baġit tal-UE ntużaw EUR 167.3 biljun. Ara l-Figura 7.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2022.
Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni pagamenti addizzjonali mid-dħul assenjat ta’ EUR 71.8 biljun, u EUR 4.2 biljun ta’ riporti mill-2021, il-pagamenti fl-2022 ammontaw għal total ta’ EUR 243.3 biljun. B’hekk, l-użu tal-baġit għall-pagamenti kien ta’ 93 % tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha ta’ EUR 261.3 biljun.
L-assorbiment tal-FSIE 2014‑2020 kompla fl-2022, għalkemm aktar bil-mod milli fl-2021 u fl‑2020
Il-pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), bl-esklużjoni tar-riżorsi tal-NGEU, ammontaw għal EUR 64.9 biljun, li huwa ammont aktar baxx minn dak fl-2021 (€75.1 biljun) u fl-2020 (€72.0 biljun). Fi tmiem l-2022, il-pagamenti kollha għall-programmi operazzjonali tal-FSIE 2014‑2020 b’hekk ammontaw għal EUR 396.1 biljun, mill-allokazzjoni totali ta’ EUR 492.6 biljun (80.4 %). Hemm differenzi sinifikanti fl-assorbiment tal-FSIE mill-Istati Membri (ara l-Figura 8).
Figura 8 – Livelli ta’ assorbiment tal-FSIE 2014‑2020 (bl-esklużjoni tar-riżorsi tal-NGEU)
Nota: ammonti “li jridu jiġu assorbiti” huma pagamenti li l-Istati Membri għad jistgħu jitolbu mill-Kummissjoni. Huma mhux neċessarjament jirrappreżentaw il-progress sħiħ tal-implimentazzjoni tal-proġetti fl-Istati Membri. Id-differenzi huma dovuti għall-ittondjar.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni impenjat aktar riżorsi mill-fondi taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2021‑2027 taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, iżda l-approvazzjoni tardiva tal-programmi tal-Istati Membri wasslet għal pagamenti baxxi
Fil-bidu tal-QFP il-ġdid, kien hemm tranżizzjoni mill-FSIE 2014-2020 għall-fondi taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2021‑2027. Għal dawn il-fondi taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri impenjaw EUR 65.4 biljun fl-2022, jiġifieri 90 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli (fl-2021, huma impenjaw biss 2 % mill-EUR 50.1 biljun disponibbli).
Diversi strumenti ta’ finanzjament tal-UE ntużaw bħala rispons ta’ emerġenza
Fl-2022, intużaw diversi strumenti ta’ finanzjament tal-UE bħala rispons ta’ emerġenza għal avvenimenti mhux mistennija. Ġew introdotti miżuri ta’ flessibbiltà ġodda biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li kienu qed jindirizzaw il-pandemija tal-COVID‑19, il-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija. Ara l-Figura 9.
Figura 9 – Miżuri ewlenin tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet fil-perjodu 2020‑2023
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE.
L-implimentazzjoni tal-NGEU aċċellerat fl-2022, iżda l-progress mexa aktar bil-mod milli mistenni
L-impenji taħt l-NGEU aċċelleraw fl-2022, u żdiedu għal EUR 306.0 biljun sa tmiem is-sena (2021: EUR 143.5 biljun). L-Istati Membri se jeħtiġilhom jimpenjaw il-EUR 115.1-il biljun li jifdal fl-2023, billi dan mhux se jkunu jistgħu jagħmluh aktar tard. Fl-2022, l-Istati Membri rċevew EUR 47.1 biljun f’pagamenti ta’ għotjiet taħt l-RRF (2021: EUR 46.4 biljun). Għalkemm kemxejn aktar milli kienu rċevew fl-2021, kien inqas mit-EUR 63.0 biljun mistennija mill-Kummissjoni. Madankollu, il-pagamenti fl-2022 kienu relatati kważi kompletament mal-ilħuq tal-istadji importanti u tal-miri, filwaqt li fl-2021 kienu relatati prinċipalment mal-prefinanzjament. Ara l-Figura 10.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2022 u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit mis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni.
L-impenji pendenti mill-baġit tal-UE u mill-finanzjament ta’ għotjiet taħt l-NGEU laħqu ammont rekord ta’ EUR 453 biljun
L-impenji pendenti mill-baġit tal-UE u mill-finanzjament ta’ għotjiet taħt l-NGEU, li jirrappreżentaw djun futuri jekk ma jiġux diżimpenjati, laħqu livell rekord ta’ EUR 453 biljun fi tmiem l-2022. Dan prinċipalment kien ir-riżultat ta’ impenn akbar ta’ fondi matul it-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-NGEU, kif ukoll il-bidu tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2021‑2027. Skont il-Kummissjoni, wara żieda oħra għal xi EUR 460 biljun fl-2023, huwa mistenni li l-impenji pendenti jonqsu bejn l-2024 u l-2026, speċjalment billi ma hemmx impenji ġodda taħt l-NGEU wara l-2023. Ara l-Figura 11.
Figura 11 – Impenji pendenti skont is-sena u t-tip ta’ finanzjament (il-baġit tal-UE u l-NGEU)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2022 u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit mis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni.
Riskji u sfidi
Il-kostijiet tat-teħid b’self għad-dejn tal-UE żdiedu sinifikattivament
Fl-2022, id-dejn tal-UE – jiġifieri t-teħid b’self mingħand is-swieq għall-NGEU, ix-SURE, l-AMF, l-EFSM, il-BOP, u l-Euratom – żdied għal EUR 344.3 biljun sa tmiem is-sena (2021: EUR 236.7 biljun), prinċipalment minħabba teħid b’self ġdid għall-NGEU, għax-SURE u għall-AMF. Il-Figura 12 turi l-maturitajiet u r-rati tal-imgħax effettivi tat-teħid b’self.
Figura 12 – Il-maturitajiet u r-rati tal-imgħax effettivi tat-teħid b’self tal-baġit tal-UE
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2022.
Minn dan it-teħid b’self, l-istrument NGEU biss kien jinvolvi riskju tar-rata tal-imgħax għall-baġit tal-UE. Fl-2022, minħabba li r-rati tal-imgħax tas-suq kienu qed jiżdiedu, il-kost ta’ finanzjament ġdid taħt l-NGEU żdied minn 0.14 % fit-tieni nofs tal-2021 għal 2.60 % fit-tieni nofs tal-2022. Fl-2022, l-imgħax nett imħallas fuq it-teħid b’self taħt l-NGEU kien jammonta għal EUR 0.5 biljun.
L-esponiment totali tal-baġit tal-UE kien ogħla milli kien fl-2021
L-esponiment totali tal-baġit tal-UE ammonta għal total ta’ EUR 248.3 biljun sa tmiem l-2022, li kienet żieda minn EUR 204.9 biljun fl-2021. Din iż-żieda kienet prinċipalment marbuta mat-teħid b’self għas-self addizzjonali taħt l-RRF u taħt ix-SURE, f’ammonti ta’ EUR 27.2 biljun u EUR 8.7 biljun rispettivament (2021: EUR 18.0-il biljun u EUR 89.7 biljun rispettivament) li ngħata lill-Istati Membri, u s-self taħt l-AMF lill-Ukrajna ta’ EUR 7.2 biljun. Il-Figura 13 tipprovdi diżaggregazzjoni tal-esponiment skont it-tipi ta’ sorsi u l-kopertura tar-riskju tiegħu.
Figura 13 – Esponiment totali tal-baġit tal-UE fi tmiem l-2022, skont it-tip ta’ sors u l-kopertura tar-riskju
(*) Self għall-Bilanċ tal-Pagamenti – EUR 0.2 biljun, self taħt l-Euratom – Stati Membri EUR 0.03 biljun.
(**) Garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) – EUR 0.4 biljun, il-garanzija InvestEU – EUR 0.3 biljun u l-garanzija EFSD+ – EUR 0.2 biljun.
Nota: id-differenzi huma dovuti għall-ittondjar.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2022.
Ir-riskju ta’ esponiment tal-baġit tal-UE huwa parzjalment immitigat minn garanziji riċevuti mingħand l-Istati Membri u mill-fond ta’ proviżjonament komuni. L-ammonti mmaniġġjati mill-Fond ta’ Proviżjonament Komuni (CPF) żdiedu minn EUR 12.3-il biljun fl-2021 għal EUR 14.4-il biljun fl-2022.
Il-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna tkabbar ir-riskji finanzjarji għall-baġits futuri tal-UE
L-esponiment tal-baġit tal-UE għall-Ukrajna rdoppja u aktar fl-2022 meta mqabbel mal-2021 (minn EUR 7 biljun għal EUR 16-il biljun). L-approvazzjoni ta’ EUR 18-il biljun addizzjonali għall-AMF+ fi tmiem l-2022 se żżid b’mod sinifikanti dan l-esponiment għal baġits futuri. Barra minn hekk, billi l-ammont addizzjonali ta’ EUR 18-il biljun ma jeħtieġ l-ebda proviżjonament, ir-riskju għal baġits futuri tal-UE jiżdied. Kwalunkwe telf relatat se jkollu jiġi kopert minn baġits futuri tal-UE jew mill-“marġni ta’ manuvra” baġitarju bejn il-limitu massimu tal-QFP u l-limitu massimu tar-riżorsi proprji. Ara l-Figura 14.
Figura 14 – Skeda ta’ żmien ta’ self approvat taħt l-AMF lill-Ukrajna, inklużi l-proviżjonamenti
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli.
Implimentazzjoni parallela u mdewma ta’ diversi strumenti żżid ir-riskju li l-Istati Membri jitilfu finanzjament
Attwalment l-Istati Membri qed jassorbu fondi minn diversi strumenti fl-istess ħin: il-programmi tal-FSIE li fadal mill-QFP 2014‑2020, il-fondi taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2021‑2027 taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) u l-RRF. Flimkien ma’ dan kollu, jeħtieġu jsegwu miżuri introdotti b’konnessjoni mal-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri bdew jallokaw riżorsi finanzjarji mill-fondi taħt ġestjoni kondiviża għall-perjodu 2021‑2027 taħt ir-RDK lil proġetti tard fl-2022 biss minħabba dewmien fl-approvazzjoni tal-leġiżlazzjoni u mbagħad tal-ftehimiet ta’ sħubija u tal-programmi. Jekk l-implimentazzjoni tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża ma taċċellerax sinifikattivament fl-2024 u fl-2025, ir-riskju ta’ diżimpenji aktar tard fil-perjodu se jiżdied b’mod esponenzjali. Ara l-Figura 15.
Figura 15 – Skeda ta’ żmien għall-impenjar u l-ħlas tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża tal-FSIE, l-RRF u r-RDK
(*) Għall-FAEŻR, ġie introdott perjodu tranżizzjonali għall-2021 u l-2022 li warajh se jaqa’ kompletament taħt il-qafas tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK. Dan ifisser li l-perjodi għall-impenji u għall-pagamenti huma effettivament estiżi b’sentejn għall-FAEŻR (2022 u 2025 rispettivament).
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli.
L-inflazzjoni għolja tolqot il-baġit tal-UE
Inflazzjoni għolja tolqot il-baġit tal-UE b’diversi modi. Billi l-baġit tal-UE jiġi aġġustat annwalment b’deflatur fiss ta’ 2 %, il-kapaċità tal-akkwist tiegħu titnaqqas mid-differenza bejn dik iċ-ċifra u r-rata medja ta’ inflazzjoni. Abbażi tat-tbassir tal-inflazzjoni tal-Kummissjoni, nistmaw li l-baġit tal-UE jista’ jitlef kważi 10 % tal-kapaċità tal-akkwist tiegħu sal-2023. L-inflazzjoni għolja żżid b’mod partikolari l-kostijiet fissi, bħall-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet tal-finanzjament. Hija tolqot ukoll il-proporzjon ta’ dħul minn sorsi differenti. Ara l-Figura 16.
Figura 16 – Bidliet fil-kapaċità tal-akkwist tal-baġit tal-UE
Sors: il-QEA, ibbażat fuq it-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- fid-dawl tal-livell għoli ta’ impenji pendenti li qed jistennew il-pagament mingħand baġits futuri tal-UE, tidentifika modi biex tgħin lill-Istati Membri jaċċelleraw l-użu tal-fondi mogħtija mill-UE, b’mod partikolari tal-fondi taħt ġestjoni kondiviża taħt ir-RDK, filwaqt li tirrispetta l-ġestjoni finanzjarja tajba;
- tivvaluta l-impatt ta’ inflazzjoni għolja fuq diversi snin fuq il-baġit tal-UE u tidentifika għodod biex timmitiga r-riskji ewlenin li jirriżultaw. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproteġi l-abbiltà tal-baġit tal-UE biex jissodisfa l-impenji legali u kuntrattwali tiegħu, bħall-kostijiet ta’ finanzjament li qed jiżdiedu.
- fid-dawl tal-esponiment dejjem jikber tal-baġit tal-UE mit-teħid b’self għal ħtiġijiet ta’ pagament addizzjonali, bħal dawk skattati mill-pandemija tal-COVID‑19 u mill-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll mill-garanziji baġitarji, tieħu kwalunkwe azzjoni xierqa li tkun meħtieġa biex tiżgura li l-għodod ta’ mitigazzjoni tar-riskju tagħha, bħall-fond ta’ proviżjonament komuni, ikollhom kapaċità suffiċjenti, u tippubblika l-istima li tkun wettqet tal-esponiment annwali totali.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja tinsab fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Kisba ta’ riżultati mill-baġit tal-UE
Kull sena, aħna nanalizzaw għadd ta’ aspetti relatati mal-prestazzjoni u r-riżultati miksuba mill-baġit tal-UE, li jiġi implimentat mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Din is-sena, l-analiżi li wettaqna tkopri:
- ir-riżultati u l-messaġġi ewlenin mir-rapporti speċjali tagħna tal-2022 dwar il-prestazzjoni, kif ukoll informazzjoni relatata li ksibna mingħand il-Kummissjoni u mingħand l-awtoritajiet baġitarji u leġiżlattivi (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea);
- l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tagħna tal-2019 dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE;
- l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-rapporti speċjali, li ppubblikajna fl-2019.
Il-messaġġi ewlenin mir-rapporti speċjali tagħna tal-2022 dwar il-prestazzjoni
Ir-rapporti speċjali tagħna jeżaminaw kemm il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba ġew applikati tajjeb fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Fl-2022, ippubblikajna 28 rapport speċjali li jindirizzaw ħafna mill-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE fl-oqsma differenti ta’ nfiq u ta’ politiki tagħha. L-entitajiet li awditjajna għandhom id-dritt li jipprovdu risposti għall-osservazzjonijiet tagħna. Ir-rapporti speċjali tagħna tal-2022 kien fihom 214-il rakkomandazzjoni dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti, li prinċipalment kienu indirizzati lill-Kummissjoni, u li 91 % minnhom ġew aċċettati bis-sħiħ. Huma indirizzaw ħames oqsma strateġiċi, jiġifieri: ir-rispons tal-UE għall-COVID‑19; il-kompetittività tal-UE; ir-reżiljenza u l-valuri Ewropej; it-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali; u l-politiki fiskali u l-finanzi pubbliċi (ara t-Tabella 1).
Tabella 1 – Oqsma strateġiċi tal-QEA koperti minn rapporti speċjali fl‑2022
| RS 13/2022: Moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID‑19 RS 18/2022: Istituzzjonijiet tal-UE u COVID‑19 RS 19/2022: L-akkwist ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19 fl-UE RS 21/2022: Il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza RS 28/2022: Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) |
|
| RS 03/2022: Tnedija tal-5G fl-UE RS 06/2022: Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-UE RS 07/2022: Strumenti ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs RS 08/2022: Appoġġ taħt il-FEŻR għall-kompetittività tal-SMEs RS 15/2022: Il-miżuri biex titwessa’ l-parteċipazzjoni f’Orizzont 2020 RS 16/2022: Data fil-Politika Agrikola Komuni RS 23/2022: Sinerġiji bejn Orizzont 2020 u Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej RS 24/2022: Azzjonijiet dwar il-Gvern elettroniku li huma mmirati lejn in-negozji |
|
| RS 01/2022: L-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent RS 05/2022: Ċibersigurtà tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE RS 14/2022: Ir-rispons tal-Kummissjoni għall-frodi fil-Politika Agrikola Komuni RS 27/2022: Appoġġ mill-UE għall-kooperazzjoni transfruntiera ma’ pajjiżi tal-viċinat |
|
| RS 02/2022: Effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi RS 09/2022: L-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 RS 10/2022: LEADER u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità RS 12/2022: Durabbiltà fl-iżvilupp rurali RS 20/2022: Azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra s-sajd illegali RS 22/2022: L-appoġġ li ngħata mill-UE lir-reġjuni tal-faħam |
|
| RS 04/2022: Fondi ta’ investiment RS 11/2022: Protezzjoni tal-baġit tal-UE RS 17/2022: Konsulenti esterni fil-Kummissjoni Ewropea RS 25/2022: Verifikazzjoni tal-Introjtu Nazzjonali Gross għall-finanzjament tal-baġit tal-UE RS 26/2022: Statistika Ewropea |
Sors: il-QEA.
Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tagħna dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE – status fi tmiem l-2019
Ir-rapport tagħna dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE li jkopri s-sena finanzjarja 2019 kien fih ħames rakkomandazzjonijiet li ġew indirizzati lill-Kummissjoni u aċċettati minnha. Huma rrakkomandaw li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali sakemm isiru l-pagamenti (implimentata bis-sħiħ), tkompli ttejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni (implimentata f’xi wħud mill-aspetti), ixxerred it-tagħlimiet meħuda mill-iskrutinju mwettaq mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (implimentata bis-sħiħ), tispjega aħjar kif il-miri u l-indikaturi huma stabbiliti, u ttejjeb diversi aspetti tar-rapporti li twettaq dwar il-prestazzjoni (implimentati f’xi wħud mill-aspetti).
Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti speċjali tagħna tal‑2019
Kull sena, aħna nirrieżaminaw il-punt sa fejn l-entitajiet awditjati minna jkunu ħadu azzjoni b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tagħna tliet snin wara li nkunu għamilniehom. Din is-sena analizzajna 213-il rakkomandazzjoni ta’ 22 rapport speċjali mill-25 li ppubblikajna fl-2019. Minn dawn, 179 kienu indirizzati lill-Kummissjoni. L-34 rakkomandazzjoni li jifdal kienu indirizzati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”). Aħna sibna li:
- il-proporzjon ta’ rakkomandazzjonijiet aċċettati bis-sħiħ mill-entitajiet li awditjajna naqas kemxejn, minn 83 % għal 79 %;
- il-proporzjon ta’ rakkomandazzjonijiet implimentati bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti wkoll naqas kemxejn, minn 75 % għal 70 %;
- 73 % tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni ġew implimentati bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti;
- 56 % tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil entitajiet oħra li awditjajna ġew implimentati bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti;
- il-proporzjon ta’ rakkomandazzjonijiet implimentati fil-ħin naqas minn 60 % għal 38 %, u l-entitajiet li awditjajna semmew il-pandemija tal-COVID‑19 bħala r-raġuni prinċipali għad-dewmien;
- il-livell ta’ implimentazzjoni huwa korrelatat mal-aċċettazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar min-naħa tal-entitajiet awditjati.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-Kisba ta’ riżultati mill-baġit tal-UE tinsab fil-Kapitolu 3 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Dħul
X’awditjajna
L-awditu li wettaqna kopra l-parti tal-baġit tal-UE li tikkonċerna d-dħul, li tiffinanzja n-nefqa tal-UE. Aħna eżaminajna għażla ta’ sistemi ewlenin ta’ kontroll użati għall-ġestjoni tar-riżorsi proprji, u kampjun ta’ 65 tranżazzjoni relatati mad-dħul.
Il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) ipprovduti mill-Istati Membri kienu jirrappreżentaw 42.3 % tad-dħul tal-UE fl-2022, filwaqt li r-riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kienet tirrappreżenta 8.0 %. Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ statistika u stimi makroekonomiċi pprovduti mill-Istati Membri.
Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), li jikkonsistu f’dazji doganali fuq importazzjonijiet miġbura mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri f’isem l-UE, ipprovdew 10.6 % oħra tad-dħul tal-UE.
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart mhux riċiklat mill-imballaġġ tal-plastik ipprovdiet 2.6 % tad-dħul tal-UE. Din tiġi kkalkulata bl-applikazzjoni ta’ rata uniformi fuq il-ponderazzjoni tal-iskart mhux riċiklat mill-imballaġġ tal-plastik iġġenerat f’kull Stat Membru.
Id-dħul estern assenjat, li jirrigwarda l-aktar l-ammonti mislufa sabiex l-Istati Membri jingħataw appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli fil-kuntest tal-NGEU, irrappreżenta 25.4 % tad-dħul tal-UE.
Hemm ukoll sorsi oħra ta’ dħul tal-UE. L-aktar sinifikanti fost dawn is-sorsi huma l-kontribuzzjonijiet u r-rifużjonijiet marbuta mal-ftehimiet u l-programmi tal-UE (8.5 % tad-dħul tal-UE).
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? |
|---|---|
| EUR 245.3 biljun | Le – ħieles minn żball materjali fl-2021 u fl-2022 |
L-evidenza kumplessiva għall-awditjar tindika li l-livell ta’ żball fit-tranżazzjonijiet relatati mad-dħul ma kienx materjali. Is-sistemi għall-ġestjoni tad-dħul li eżaminajna kienu b’mod ġenerali effettivi. Madankollu, xi wħud mill-kontrolli interni ewlenin tar-RPT li vvalutajna f’ċerti Stati Membri, il-ġestjoni ta’ każijiet ta’ tħassir tar-RPT, kif ukoll il-ġestjoni tar-riżervi tal-VAT u l-punti miftuħa tar-RPT fil-Kummissjoni kienu parzjalment effettivi.
Aħna rrappurtajna dewmien fir-rivalutazzjoni ta’ każijiet ta’ tħassir tad-djun doganali mill-Kummissjoni li ma kinux suġġetti għal limitu ta’ żmien regolatorju, li wħud minnhom kienu ilhom pendenti mill-2015. Osservajna wkoll tnaqqis limitat fl-għadd ta’ riżervi tal-VAT u ta’ punti miftuħa tar-RPT, kif ukoll dgħufijiet persistenti fil-ġestjoni tagħhom.
Bħalma ddikjarajna fir-rapport speċjali reċenti tagħna dwar l-ING, ir-riskji fil-kumpilazzjoni tad-data kienu koperti sew b’mod ġenerali mill-verifika li twettqet mill-Kummissjoni iżda kien hemm lok għal prijoritizzazzjoni akbar tal-azzjonijiet tagħha. Ir-rapport speċjali stabbilixxa rakkomandazzjonijiet għal titjib fiċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni tal-ING li jibda fl-2025.
Ikkonkludejna wkoll li kien hemm aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet magħżula fil-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-Kummissjoni li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fin-nuqqas doganali. Din id-dgħufija ma tolqotx l-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar id-dħul, billi ma tikkonċernax it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet iżda pjuttost ir-riskju li r-RPT ma jkunux kompleti.
L-informazzjoni dwar ir-regolarità pprovduta fir-Rapporti Annwali tal-Attività 2022 ippubblikati mid-DĠ BUDG u mill-Eurostat kienet tikkorrobora b’mod ġenerali s-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tirrieżamina l-proċeduri tagħha għall-ġestjoni ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-VAT li jista’ jkollhom impatt fuq il-baġit tal-UE billi:
- timmonitorja l-iskedi ta’ żmien sistematikament għad-diversi passi kemm tal-proċedura ta’ ksur kif ukoll ta’ azzjonijiet ta’ infurzar oħra li huma intenzjonati li jirriżolvu n-nuqqas ta’ konformità, u tieħu azzjoni f’waqtha biex tevita dewmien eċċessiv;
- tivvaluta jekk in-nuqqas ta’ konformità li jolqot ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT li ġie identifikat fi Stat Membru wieħed huwiex trażversali min-natura tiegħu u jistax għalhekk jiġi applikat għal Stati Membri oħra; u
- tieħu azzjoni f’waqtha, u possibbilment tistabbilixxi riżervi trażversali li jiżguraw il-pagament korrett tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-VAT għall-baġit tal-UE;
- tikkonkludi, mingħajr dewmien, ir-rivalutazzjoni ta’ talbiet li waslu mingħand l-Istati Membri (qabel Mejju 2022 li mhumiex suġġetti għal limiti regolatorji) li jesprimu nuqqas ta’ qbil mal-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni rigward każijiet ta’ tħassir tar-RPT.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tad-dħul tal-UE tinsab fil-Kapitolu 4 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
X’awditjajna
Il-programmi ffinanzjati taħt “Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali” huma diversi u għandhom l-għan li jiffinanzjaw proġetti li jikkontribwixxu għal, fost oħrajn, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej tat-trasport, il-komunikazzjoni, l-enerġija, it-trasformazzjoni diġitali u s-suq uniku, kif ukoll il-politika dwar l-ispazju. Il-programm prinċipali għar-riċerka u l-innovazzjoni jibqa’ Orizzont 2020, billi s-suċċessur tiegħu, Orizzont Ewropa, għadu jirrappreżenta biss proporzjon żgħir tal-popolazzjoni li awditjajna għall-2022. Din l-intestatura tal-QFP tiffinanzja wkoll proġetti ta’ infrastruttura kbar bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), il-programmi spazjali, bħal Galileo, is-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), u Copernicus, li huwa l-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja. Hija tinkludi wkoll il-Fond InvestEU, li, flimkien ma’ Orizzont Ewropa, jibbenefika minn finanzjament addizzjonali mingħand l-NGEU.
Għall-2022, EUR 17.3-il biljun kienu suġġetti għall-awditjar f’dan il-qasam. Il-biċċa l-kbira mill-infiq huwa mmaniġġjat direttament mill-Kummissjoni (id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (RTD), id-DĠ għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju (DEFIS)), inkluż permezz ta’ aġenziji eżekuttivi, u jieħu l-forma ta’ għotjiet lil benefiċjarji pubbliċi jew privati li jipparteċipaw fi proġetti. Il-Kummissjoni tipprovdi prefinanzjamenti lill-benefiċjarji mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ għotja, u aktar tard tirrimborża l-kostijiet iffinanzjati mill-UE, mingħajr ma tinkludi l-prefinanzjamenti. Il-programmi spazjali jiġu ġeneralment immaniġġjati b’mod indirett fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ delega u ftehimiet ta’ kontribuzzjoni ffirmati bejn il-Kummissjoni u korpi ta’ implimentazzjoni ddedikati (bħall-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali). L-istrumenti finanzjarji taħt InvestEU jiġu implimentati prinċipalment mill-Bank Ewropew tal-Investiment jew mill-Fond Ewropew tal-Investiment, li min-naħa tagħhom jużaw intermedjarji finanzjarji.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
|---|---|---|
| EUR 17.3-il biljun | Iva | 2.7 % (2021: 4.4 %) |
B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’“Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali” huwa materjali. Fl-2022, 43 (34 %) mill-127 tranżazzjoni li eżaminajna kienu milquta minn żbalji.
L-infiq taħt Orizzont 2020 jibqa’ b’riskju għoli u huwa s-sors prinċipali tal-iżbalji li naqbdu. Sibna żbalji kwantifikabbli relatati ma’ kostijiet ineliġibbli f’35 mit-92 tranżazzjoni li kkampjunajna fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jirrappreżenta 98 % tal-livell ta’ żball stmat minna għal din l-intestatura fl-2022.
Fil-każ ta’ programmi u attivitajiet oħra, qbadna żbalji kwantifikabbli f’1 mill-35 tranżazzjoni li kkampjunajna. Dan kien jikkonċerna irregolarità fil-proċedura ta’ akkwist ta’ proġett tal-FNE.
Ir-regoli għad-dikjarazzjoni tal-kostijiet għall-persunal taħt Orizzont 2020 għadhom kumplessi. Mill-35 tranżazzjoni milquta minn żbalji kwantifikabbli fil-kampjun tagħna ta’ tranżazzjonijiet fil-qasam tar-riċerka, 25 kienu milquta mill-applikazzjoni skorretta tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet għall-persunal. Żbalji oħra relatati mal-kostijiet għall-persunal kienu jinkludu kalkolu skorrett tar-rati fis-siegħa, dgħufijiet fir-rappurtar tal-ħin u ksur tar-regola tal-limitu massimu doppju. Sibna wkoll żbalji relatati ma’ sottokuntrattar ineliġibbli u kostijiet diretti.
Eżempju: Ksur tar-regola tal-limitu massimu doppju
Fin-Netherlands, benefiċjarju ta’ proġett taħt Orizzont 2020 kien ukoll ir-riċevitur ta’ żewġ għotjiet mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) li l-iskedi ta’ żmien tagħhom kienu jikkoinċidu parzjalment ma’ dawk tal-proġett taħt Orizzont 2020 li ġie awditjat. Xi wħud mill-membri tal-persunal involuti fil-proġett taħt Orizzont 2020 kienu involuti wkoll fl-implimentazzjoni ta’ wieħed mill-proġetti taħt il-FEŻR jew tat-tnejn li huma. Meta ddikjara l-kostijiet għall-persunal għall-proġett taħt Orizzont 2020 li ġie awditjat, il-benefiċjarju ma ħax kont tas-sigħat li kienu diġà ġew iddikjarati għall-proġetti taħt il-FEŻR u għalhekk, talab sinifikattivament aktar sigħat mill-massimu permess (1 720 siegħa jew pro rata korrispondenti għall-persuni li ma jaħdmux full time). Is-sigħat żejda (jiġifieri total ta’ aktar minn 1 900 siegħa għal 6 membri tal-persunal) kienu ineliġibbli.
Waħda mill-istrateġiji biex tingħata spinta lir-riċerka Ewropea hija li tiżdied il-parteċipazzjoni tas-settur privat. Madankollu, l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) u intrapriżi ġodda huma suxxettibbli għal żball. L-SMEs kienu jirrappreżentaw 11 % tal-kampjun tal-awditjar tagħna (14 minn 127 tranżazzjoni) iżda kienu jirrappreżentaw 29 % tar-rata ta’ żball stmata. Barra minn hekk, l-iżbalji kwantifikabbli li nstabu fit-talbiet dwar il-kostijiet ta’ tliet parteċipanti ġodda privati kienu jirrappreżentaw kważi nofs ir-rata ta’ żball stmata.
Il-proċeduri tal-Kummissjoni għall-finanzjament fl-għamla ta’ somma f’daqqa fil-qasam tar‑riċerka
L-għan tal-finanzjament fl-għamla ta’ somma f’daqqa fil-qasam tar-riċerka, b’pagamenti bbażati fuq l-attivitajiet imwettqa aktar milli fuq il-kostijiet imġarrba, huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji u konsegwentement titnaqqas ir-rata ta’ żball. Is-somom f’daqqa ntużaw fi proġett pilota mill-2018 sal-2020 taħt Orizzont 2020.
Fl-2022, irrieżaminajna l-proċeduri u l-gwida tal-Kummissjoni dwar għotjiet iffinanzjati b’somom f’daqqa fil-qasam tar-riċerka billi eżaminajna d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ta’ somom f’daqqa, speċjalment id-deċiżjoni dwar somom f’daqqa. Aħna eżaminajna wkoll il-proċedura li ntużat biex jiġi ddeterminat il-baġit finali ta’ 10 għotjiet iffinanzjati b’somma f’daqqa b’baġits li jvarjaw minn EUR 0.5 miljun sa EUR 11-il miljun, b’enfasi fuq il-valutazzjonijiet li saru minn evalwaturi esterni.
Sibna li d-deċiżjoni dwar somom f’daqqa ma kienx fiha l-ġustifikazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament Finanzjarju rigward ir-riskju ta’ irregolaritajiet u frodi, u f’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda regola speċifika li tirrikjedi konformità mar-regoli dwar l-akkwist matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Matul ir-rieżaminar li wettaqna tal-10 proġetti magħżula li jibbenefikaw minn somom f’daqqa, sibna li l-gwida li l-Kummissjoni tat lill-evalwaturi esperti ma tobbligahomx jużaw il-“parametri referenzjarji rilevanti” meħtieġa meta jivvalutaw il-baġits tal-proġetti. Barra minn hekk, kien hemm dokumentazzjoni limitata li tappoġġa l-valutazzjonijiet imwettqa mill-esperti rigward il-baġits.
Rapporti Annwali tal-Attività tal-Kummissjoni u arranġamenti oħra ta’ governanza
Ir-rapporti annwali tal-attività li eżaminajna (DĠ RTD u DĠ DEFIS) kienu jirriflettu l-informazzjoni disponibbli fid-DĠ rispettivi u taw valutazzjoni ġusta tal-ġestjoni finanzjarja f’dak li jirrigwarda r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi relatati man-nefqa taħt il-QFP1.
Irrieżaminajna l-informazzjoni li tinsab fl-AMPR 2022 tal-Kummissjoni rigward ir-riskju stmat fil-waqt tal-pagament fl-oqsma ta’ politika taħt il-QFP1. Il-Kummissjoni kkalkulat rata ta’ żball ta’ 1.5 % għall-QFP1. Dan il-perċentwal jinsab fil-limitu inferjuri tal-firxa indikata minna tal-livell ta’ żball stmat u huwa taħt is-soll ta’ materjalità.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- fil-qafas tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ Orizzont Ewropa, tinkludi evalwazzjoni tal-finanzjament fl-għamla ta’ somma f’daqqa sabiex tivvaluta jekk ċerti tipi ta’ proġetti (f’termini ta’ kontenut, daqs, eċċ.) humiex adatti jew le għal finanzjament fl-għamla ta’ somma f’daqqa, kif ukoll tkopri r-riskju ta’ irregolaritajiet u frodi;
- qabel is-sejħiet li jmiss ta’ Orizzont Ewropa, tivvaluta x-xerqien tal-użu ta’ għotjiet iffinanzjati b’somom f’daqqa għal proġetti b’baġit kbir u tal-iffissar ta’ ammont massimu għal tali għotjiet.
- għall-għotjiet ta’ somom f’daqqa, tiżgura li l-evalwazzjonijiet li l-esperti jwettqu fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet, b’mod partikolari l-proposti tal-baġit fihom, isiru b’kunsiderazzjonijiet dovuti tal-parametri referenzjarji rilevanti u jiġu ddokumentati kif xieraq.
- għall-għotjiet ta’ somom f’daqqa, tispeċifika aktar ir-rekwiżiti li jiddefinixxu l-implimentazzjoni xierqa, inklużi l-elementi ta’ kull pakkett ta’ ħidma li se jiskattaw pagament, kif ukoll tipprovdi gwida dettaljata lil dawk involuti fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti;
- għall-għotjiet ta’ somom f’daqqa, tiddefinixxi l-ambitu tal-verifiki ex post, li jenħtieġ li jinkludu l-verifiki fuq oqsma b’riskju għoli, bħar-regoli dwar l-akkwist, l-assenza ta’ kunflitt ta’ interess u l-użu tar-riżorsi indikati fil-ftehim ta’ għotja.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE fuq “Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali” tinsab fil-Kapitolu 5 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Koeżjoni, reżiljenza u valuri
X’awditjajna
L-infiq taħt din l-intestatura jiffoka fuq it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE (is-Subintestatura 2a), kif ukoll fuq azzjonijiet li jappoġġaw u jipproteġu l-valuri tal-UE, biex b’hekk l-UE ssir aktar reżiljenti għall-isfidi tal-preżent u dawk tal-futur (is-Subintestatura 2b). Għas-Subintestatura 2a (koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali), il-finanzjament isir permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). Għas-Subintestatura 2b (reżiljenza u valuri), il-finanzjament jiġi pprovdut permezz ta’ programmi bħal Erasmus+, għadd ta’ skemi iżgħar u strumenti speċifiċi li nħolqu b’rispons għall-pandemija tal-COVID‑19.
Il-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-FK u l-FSE) jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira min-nefqa, fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkondividu l-ġestjoni tal-fondi. L-UE tikkofinanzja programmi operazzjonali (PO) jew azzjonijiet pluriennali, li minnhom il-finanzjament imur għal proġetti. Fil-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEŻR u l-FK, filwaqt li d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) huwa responsabbli għall-FSE. Il-finanzjament mill-UE għal programmi li mhumiex taħt ġestjoni kondiviża jiġi mmaniġġjat jew b’mod dirett mid-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jew inkella b’mod indirett bl-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet sħab jew awtoritajiet oħra.
Aħna nawditjaw in-nefqa ladarba l-Kummissjoni tkun aċċettatha. Għar-Rapport Annwali 2022, aħna awditjajna nefqa ta’ EUR 66.9 biljun f’dan il-qasam, inkluża nefqa ta’ EUR 63.5 biljun taħt is-Subintestatura 2a u EUR 3.4 biljun taħt is-Subintestatura 2b (2021: EUR 47.9 biljun b’kollox). F’konformità mal-approċċ tagħna, dan l-ammont kien jinkludi nefqa b’valur ta’ EUR 872 miljun mill-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti li l-Kummissjoni kienet aċċettat jew approvat fl‑2022.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
|---|---|---|
| EUR 66.9 biljun | Iva | 6.4 % (2021: 3.6 %) |
B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball għal “Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri” huwa materjali.
Fl-2022, aħna ttestjajna 260 tranżazzjoni. Identifikajna u kkwantifikajna 50 żball u s-sejbiet tal-awtoritajiet tal-awditjar li rrappurtaw 58 żball ta’ dan it-tip. Barra minn hekk, ħadna kont ta’ korrezzjonijiet b’valur totali ta’ EUR 618-il miljun li ġew applikati mill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi. Nistmaw li l-livell ta’ żball għall-Intestatura 2 tal-QFP huwa ta’ 6.4 %. Il-livell ta’ żball stmat għas-Subintestatura 2a waħedha huwa ta’ 6.6 %.
Kostijiet u proġetti ineliġibbli, u ksur tar-regoli tas-suq intern (b’mod partikolari nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist u dwar l-għajnuna mill-Istat) ikkontribwew l-aktar għal-livell ta’ żball stmat minna.
Din is-sena, kemm l-istima tar-rata ta’ żball tagħna kif ukoll l-għadd ta’ żbalji li sibna kienu ogħla milli kienu fi snin preċedenti. Dawn iż-żidiet ma jsegwux xejra ġeografika. Madankollu, aħna identifikajna żieda ta’ tipi speċifiċi ta’ żbalji, bħal kostijiet ineliġibbli u nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Osservajna wkoll li resqin lejn tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà (il-31 ta’ Diċembru 2023), b’xi pressjoni fuq l-assorbiment. Barra minn hekk, l-Istati Membri ngħataw flessibbiltà konsiderevoli fir-riprogrammazzjoni tal-fondi u fid-dikjarazzjoni tan-nefqa mill-2020 ’il hawn. Matul il-perjodu tal-COVID‑19, l-effettività tal-verifiki mill-awtoritajiet maniġerjali u tal-awditjar setgħet naqset.
Eżempju: Nefqa ineliġibbli għall-appoġġ ta’ emerġenza tal-COVID‑19 minħabba dikjarazzjoni mhux kompleta tal-introjtu mill-bejgħ
L-objettiv ta’ miżura tal-FSE awditjata fis-Slovakkja kien li jiġi mmitigat l-impatt tal-pandemija tal-COVID‑19 fuq l-impjiegi u s-suq tax-xogħol billi jingħata appoġġ finanzjarju lill-impjegaturi jew lill-persuni li jaħdmu għal rashom. Biex jirċievi appoġġ għal 13-il ħaddiem, dan il-benefiċjarju finali rrapporta tnaqqis ta’ 43.5 % fil-fatturat f’Mejju 2020 meta mqabbel ma’ Mejju 2019. Dan it-tnaqqis, madankollu, ma kienx preċiż minħabba li rrifletta biss it-tnaqqis fil-bejgħ fuq il-post. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ permezz ta’ mezzi oħra, it-tnaqqis kumplessiv fil-fatturat tal-kumpanija kien biss 9 %. Dan kien inferjuri għat-tnaqqis minimu rikjest fil-bejgħ ta’ 20 % biex jikkwalifika għall-għajnuna. Għalhekk, inqisu li l-appoġġ għax-xahar ta’ Mejju 2020 huwa ineliġibbli.
Aħna sibna li, minħabba rappurtar skorrett tal-introjtu, żewġ benefiċjarji finali oħra tal-istess miżura rċevew aktar appoġġ milli kien previst skont ir-regoli nazzjonali.
Sibna wkoll kostijiet ineliġibbli b’rabta ma’ miżuri tal-COVID‑19 ukoll fil-Greċja (li diġà kienu nqabdu parzjalment mill-Kummissjoni), fl-Italja u każ ieħor fis-Slovakkja.
Ġestjoni finanzjarja tajba
Il-baġit tal-UE jrid jiġi implimentat b’mod legali u regolari, skont il-ġestjoni finanzjarja tajba, li tinkludi l-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività. F’xogħolna, identifikajna 11-il każ fil-Ġermanja, il-Kroazja, l-Italja, il-Litwanja u l-Ungerija fejn dawn il-prinċipji ma kinux ġew irrispettati. Pereżempju, f’PO wieħed fl-Italja, il-benefiċjarji ta’ erba’ operazzjonijiet kienu ddikjaraw b’mod korrett il-kostijiet eliġibbli abbażi ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji, iddeterminati mill-awtorità maniġerjali abbażi tal-Artikolu 67 tar-RDK. Madankollu, l-ammont iddikjarat mill-awtorità maniġerjali lill-Kummissjoni kien ġie kkalkulat abbażi ta’ mudell ieħor, bl-użu tal-iskali standard ta’ kostijiet unitarji tal-Kummissjoni (skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament FSE). B’riżultat ta’ dan, l-ammonti ċċertifikati lill-Kummissjoni u mħallsa mill-baġit tal-UE għal kull operazzjoni kkonċernata kienu bejn 16 % u 30 % ogħla minn dawk maqbula u mħallsa lill-benefiċjarji.
Valutazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar
L-awtoritajiet maniġerjali huma l-“ewwel linja ta’ difiża”. Il-kontroll effettiv tagħhom huwa indispensabbli biex jiġu żgurati kemm il-konformità tal-operazzjonijiet mal-qafas legali kif ukoll il-prestazzjoni tagħhom. Ir-riżultati tal-awditjar tagħna tul dawn l-aħħar sitt snin juru li dawn il-kontrolli għadhom ma jpattux biżżejjed għar-riskju inerenti għoli ta’ żball fil-koeżjoni. L-awtoritajiet tal-awditjar huma t-“tieni linja ta’ difiża” li tivverifika, abbażi ta’ kampjuni, ir-regolarità tan-nefqa ddikjarata mill-awtoritajiet maniġerjali lill-Kummissjoni. Mil-lat funzjonali jeħtiġilhom ikunu indipendenti mill-awtoritajiet maniġerjali.
Ivvalutajna x-xogħol ta’ 24 minn 116-il awtorità tal-awditjar, fi 18-il Stat Membru u fir-Renju Unit. Il-kampjun tagħna kien jinkludi 34 pakkett ta’ aċċertament u pakkett wieħed ta’ għeluq. Ħlief għal tliet każijiet, l-awtoritajiet tal-awditjar kienu rrappurtaw rata tal-iżball residwu daqs, jew taħt, it-2 % lill-Kummissjoni. B’kont meħud tal-iżbalji addizzjonali identifikati mill-Kummissjoni u tas-sejbiet tal-awditjar proprji tagħna, ix-xogħol li wettaqna fuq il-kampjun ta’ din is-sena juri li r-rata tal-iżball residwu kienet ogħla minn 2 % f’16 mill-34 pakkett ta’ aċċertament awditjati.
Miżuri biex tiġi miġġielda u rrappurtata l-frodi kontra l-baġit tal-UE
Skont id-dritt tal-UE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtiġilhom jipproteġu l-baġit tal-UE minn frodi u irregolaritajiet. Għal dan il-fini, huma meħtieġa jistabbilixxu sistemi ta’ kontroll li jkunu effettivi.
Aħna sibna li l-awtoritajiet tal-awditjar indirizzaw b’mod espliċitu r-riskju ta’ frodi għal 65 % tal-operazzjonijiet awditjati fil-perjodu 2014‑2020 (145 minn 222). Dan huwa titjib fuq it-38 % li sibna s-sena l-oħra, iżda xorta għadu insuffiċjenti.
Sibna tliet każijiet ta’ investigazzjonijiet ta’ frodi li kienu għadhom għaddejjin li ma kinux ġew irrappurtati fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet operata mill-OLAF. L-awtoritajiet inkarigati mill-programmi fl-Istati Membri jew ma kinux konxji mill-investigazzjoni li kienet qed titwettaq mill-korp ta’ investigazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni rilevanti, jew kienu ttraskuraw l-obbligu regolatorju tagħhom li jirrappurtawhom.
Ix-xogħol ta’ aċċertament imwettaq mill-Kummissjoni u r-rappurtar tar-rata tal-iżball residwu fir-rapporti annwali tal-attività tagħha
Fil-qasam tal-koeżjoni, fir-RAA tagħha l-Kummissjoni tirrapporta r-rati tal-iżball residwu bħala indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPI) dwar il-legalità u r-regolarità. Għas-sena kontabilistika 2021/2022, id-DĠ REGIO rrapporta KPI ta’ 1.9 % u “rata massima” ta’ 2.7 %. Ir-rati tad-DĠ EMPL kienu 1.9 % għall-KPI u 2.8 % għar-riskju massimu. Għall-ewwel darba dawn il-KPIs jinsabu barra mill-firxa ta’ żball stmat minna. Bl-istess mod, fl-AMPR tal-2022, l-indikaturi rrappurtati mill-Kummissjoni jinsabu barra mill-firxa ta’ żball stmat minna.
L-analiżijiet mhux fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni li jivvalutaw xogħol l-awtoritajiet tal-awditjar għandhom limitazzjonijiet inerenti meta jiġu biex jikkonfermaw ir-rata tal-iżball residwu totali. Dan jidher mill-iżbalji addizzjonali li qbadna matul l-awditi li wettaqna.
L-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2017‑2013 għadu għaddej
Sa tmiem l-2022, id-DĠ REGIO kien għalaq 276 minn 322 PO għall-perjodu 2007‑2013. Għal 44 PO oħra, id-DĠ REGIO għamel pagament ta’ qabel l-għeluq li jkopri biss l-ammonti mhux ikkontestati, filwaqt li kwistjonijiet pendenti għad iridu jiġu riżolti. Id-DĠ EMPL għalaq 101 minn 117-il PO u għalaq minn qabel 13-il PO. Sitt programmi għadhom kompletament miftuħa minħabba kwistjonijiet pendenti. Peress li ma hemmx data ta’ skadenza finali għall-għeluq fil-qafas legali, mhuwiex possibbli li jiġi mbassar kemm se jenħtieġ żmien biex jingħalqu l-PO kollha tal-perjodu 2007‑2013.
X’nirrakkomandaw
Fost affarijiet oħra, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- issaħħaħ il-miżuri mfassla biex jindirizzaw l-iżbalji rikorrenti, speċifikament b’rabta ma’ kostijiet u proġetti ineliġibbli, tiżgura kopertura suffiċjenti tax-xogħol tal-awditjar proprju tagħha għall-awtoritajiet tal-awditjar kollha, u xxerred ir-riżultati biex tnaqqas l-okkorrenza u l-impatt tal-infiq irregolari;
- tivverifika, meta tagħlaq il-programmi għall-2014‑2020, li n-nefqa marbuta ma’ notifiki ta’ proġetti kbar biss ġiet aċċettata;
- tippjana u timplimenta awditi tematiċi ffukati fuq il-kunflitt ta’ interess għall-programmi 2021‑2027, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju proprja tagħha u fid-dawl tan-nuqqasijiet identifikati;
- twettaq verifiki speċifiċi mmirati fl-awditi tal-għeluq tagħha għall-2014-2020 biex tiżgura li l-Istati Membri applikaw il-korrezzjoni finanzjarja neċessarja għal żbalji identifikati f’sena kontabilistika waħda li jaffettwaw ukoll in-nefqa f’perjodi kontabilistiċi oħra;
- tiżgura li l-awtoritajiet tal-awditjar għandhom fis-seħħ metodi xierqa biex jiċċekkjaw il-validità u l-affidabbiltà tal-awtodikjarazzjonijiet u jikkondividu prattiki tajba;
- tippjana u timplimenta awditi tematiċi ffukati rigward is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju tal-awtoritajiet maniġerjali u l-użu tal-għodod għall-estrazzjoni ta’ data u għall-kejl tar-riskju għall-programmi 2021‑2027, tispeċifika rekwiżiti minimi għall-awtoritajiet tal-awditjar biex ikopru r-riskju ta’ frodi fil-listi ta’ kontroll u x-xogħol tal-awditjar tagħhom, u tfakkar lill-Istati Membri bl-obbligi tagħhom rigward ir-rappurtar tal-frodi;
- tmexxi ’l quddiem id-data għall-mobilizzazzjoni tal-għodda unika integrata tal-IT għall-estrazzjoni tad-data u għall-kejl tar-riskju mill-2028 għall-2025, l-ewwel sena li fiha mistenni jiġi ddikjarat ammont sinifikanti tan-nefqa għall-2021-2027. sadanittant, tiżgura li l-OLAF, l-UPPE u l-QEA jkollhom aċċess għal Arachne.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE fuq “Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri” tinsab fil-Kapitolu 6 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Riżorsi naturali
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd, u parti mill-infiq tal-UE fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika.
L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jirrappreżentaw 97 % tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali u ambjent” u jiġu implimentati permezz tal-PAK, li għandha tliet objettivi ġenerali:
- produzzjoni vijabbli tal-ikel, b’enfasi fuq l-introjtu agrikolu, il-produttività agrikola u l-istabbiltà tal-prezz;
- ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, b’enfasi fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma;
- żvilupp territorjali bbilanċjat.
Filwaqt li l-Kummissjoni (id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali (AGRI)) hija fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-PAK, hija tikkondividi l-ġestjoni ta’ din tal-aħħar mal-aġenziji tal-pagamenti fl-Istati Membri. Mill-2015 ’il hawn, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni indipendenti fl-Istati Membri kienu u għadhom qed jipprovdu opinjonijiet annwali dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa tal-aġenziji tal-pagamenti.
Din l-intestatura tal-QFP tkopri wkoll l-infiq tal-UE fuq il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE), u l-programm LIFE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorati Ġenerali għall-Ambjent (DĠ ENV) u għall-Azzjoni Klimatika (DĠ CLIMA). Għall-ewwel darba, taħt il-QFP 2021‑2027, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija (DĠ ENER) ukoll qed jimplimenta parti mill-programm LIFE.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
|---|---|---|
| EUR 58.0 biljun | Iva | 2.2 % (2021: 1.8 %) |
B’mod ġenerali, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball għall-Intestatura 3 tal-QFP huwa materjali.
Mill-218-il tranżazzjoni li eżaminajna, 46 (21 %) kien fihom żbalji. Abbażi tat-32 żball li kkwantifikajna, nistmaw li l-livell ta’ żball għall-Intestatura 3 tal-QFP huwa ta’ 2.2 %.
Ir-riżultati tagħna jindikaw li l-livell ta’ żball ma kienx materjali għall-pagamenti diretti, li jirrappreżentaw 66 % tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP, filwaqt li kien għadu materjali għall-oqsma l-oħra ta’ nfiq (l-iżvilupp rurali, il-miżuri tas-suq, l-affarijiet marittimi, is-sajd, l-ambjent u l-azzjoni klimatika), li jirrappreżentaw 34 % tal-infiq. Barra minn hekk, nosservaw li l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet eċċessivi żgħar tal-erjas, kemm għall-pagamenti diretti kif ukoll għall-miżuri tal-iżvilupp rurali, żdied minn 4 żbalji fl-2021 għal 16-il żball fl-2022, li jaf jindikaw dgħufijiet speċifiċi fil-ġestjoni tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art min-naħa ta’ xi Stati Membri.
Il-maġġoranza tal-iżbalji kwantifikati li sibna laqtu t-tranżazzjonijiet tal-iżvilupp rurali (21). Aħna sibna seba’ żbalji kwantifikabbli f’pagamenti diretti, tnejn f’miżuri tas-suq, u tnejn fin-nefqa li ma taqax taħt il-PAK. Is-sors prinċipali tal-livell ta’ żball stmat kien il-forniment ta’ informazzjoni impreċiża dwar l-erjas jew l-annimali.
L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni kienu applikaw miżuri korrettivi li laqtu direttament 49 mit-tranżazzjonijiet li kkampjunajna. Dawn il-miżuri kienu rilevanti għall-kalkoli tagħna, billi naqqsu l-livell ta’ żball stmat minna għal dan il-kapitolu b’0.9 punt perċentwali. F’19-il każ ta’ żbalji kwantifikabbli, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu, l-iżball qabel ma jaċċettaw in-nefqa. Li kieku l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għamlu użu xieraq mill-informazzjoni kollha li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, il-livell ta’ żball stmat għal dan il-kapitolu kien ikun aktar baxx b’1.3 punt perċentwali.
Pagamenti diretti
Fit-88 tranżazzjoni tal-pagamenti diretti li ġew ittestjati, sibna 6 żbalji żgħar kwantifikabbli, li rriżultaw minn bdiewa li ddikjaraw b’mod eċċessiv l-erja eliġibbli ta’ art agrikola. Sibna wkoll żball kwantifikabbli kbir, fejn l-attività agrikola ddikjarata ma kinitx seħħet.
Eżempju ta’ dikjarazzjoni skorretta ta’ attività agrikola
Bidwi fl-Italja rċieva għajnuna diretta biex iżomm għalla permanenti (siġar tal-lumi) fuq proporzjon kbir tal-azjenda tiegħu (enfasizzata bil-blu). Ir-ritratti mill-għoli ma wrewx linji ta’ siġar bħal dawk fuq irqajja’ art kontigwi. Iż-żjara tagħna fuq il-post ikkonfermat li l-erja ddikjarata ma kellha l-ebda siġra tal-lumi fuqha u ma kinitx inżammet fi stat agrikolu għal diversi snin. L-awtoritajiet nazzjonali ma identifikawx dan l-iżball.
Żvilupp rurali, miżuri tas-suq u pagamenti oħra
Aħna eżaminajna:
- 56 pagament għall-iżvilupp rurali bbażati fuq l-erjas jew l-għedud ta’ annimali ddikjarati mill-bdiewa, inklużi pagamenti biex jiġu ssodisfati impenji agroambjentali klimatiċi speċifiċi, pagamenti ta’ kumpens għall-biedja organika, u pagamenti favur bdiewa f’żoni b’restrizzjonijiet naturali. Minn dawn, 15 kien fihom żbalji, li 9 minnhom kienu żbalji kwantifikabbli relatati ma’ dikjarazzjoni eċċessiva ta’ erjas eliġibbli;
- 52 pagament għall-iżvilupp rurali li kienu saru għal proġetti ta’ investiment, bħal investimenti f’assi fiżiċi, l-iżvilupp tal-azjendi agrikoli u tan-negozji, u l-ġestjoni tar-riskju. Ikkwantifikajna żbalji fi tmien pagamenti, li rriżultaw minn benefiċjarji li ddikjaraw nefqa jew attivitajiet li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà;
- fost l-14-il tranżazzjoni tal-miżuri tas-suq li ttestjajna sibna 2 każijiet fejn l-aġenziji tal-pagamenti kienu rrimborżaw kostijiet ineliġibbli;
- għall-oqsma tal-affarijiet marittimi, is-sajd, l-ambjent u l-azzjoni klimatika, awditjajna 8 tranżazzjonijiet u sibna 2 żbalji kwantifikabbli fit-tranżazzjonijiet li kienu taħt ġestjoni diretta.
Verifiki tal-koerenza rigward l-istatistika ta’ kontroll tal-Istati Membri u fuq id-data tagħhom dwar pagamenti
Kull sena, l-Istati Membri jippreżentaw data dwar il-verifiki tagħhom tal-pagamenti ta’ għajnuna (“statistika ta’ kontroll”) lill-Kummissjoni, kif ukoll data dwar il-pagamenti li jsiru lill-benefiċjarji. Din id-data hija l-bażi li fuqha l-Kummissjoni tirrimborża l-fondi tal-UE lill-Istati Membri. Għas-sena finanzjarja 2022, eżaminajna l-kwalità u l-koerenza tal-istatistika ta’ kontroll u d-data dwar pagamenti li ġew irrappurtati minn sitt aġenziji tal-pagamenti li ntgħażlu fil-kampjun li ħadna ta’ pagamenti diretti. Sibna li, minkejja xi inkonsistenzi, is-sistemi tal-aġenziji tal-pagamenti magħżula kkalkulaw b’mod affidabbli l-pagamenti ta’ għajnuna, u li ħadu inkunsiderazzjoni b’mod korrett l-aġġustamenti li rriżultaw mid-data dwar il-kontroll.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Id-DĠ AGRI, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni x-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni u l-awditi tiegħu stess, ikkalkula li l-“ammont stmat f’riskju fil-waqt tal-pagament” huwa EUR 996 miljun, jiġifieri madwar 1.8 % tan-nefqa totali taħt il-PAK fl-2022. Id-DĠ AGRI stma riskju fil-waqt tal-pagament (rata ta’ żball aġġustata) ta’ madwar 1.3 % għall-pagamenti diretti, 2.7 % għall-iżvilupp rurali u 2.9 % għall-miżuri tas-suq.
Aħna wettaqna wkoll rieżaminar limitat tal-informazzjoni dwar ir-regolarità fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ MARE. Osservajna li l-metodoloġija għall-kalkolu tar-riskju finali fil-waqt tal-pagament (jew l-għeluq) għad-DĠ AGRI u d-DĠ MARE kienet konformi mal-linji gwida tal-Kummissjoni.
Għal “Riżorsi naturali”, l-istima tar-riskju fil-waqt tal-pagament, imwettqa mill-Kummissjoni u ppreżentata fl-AMPR tagħha, hija ta’ 1.8 %. Dan jinsab fil-firxa ta’ żbalji stmata minna.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li, peress li l-erja agrikola se tkun il-bażi għall-indikaturi tal-prestazzjoni taħt il-PAK għall-perjodu 2023‑2027, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja kemm l-Istati Membri jivvalutaw b’mod preċiż l-erja eliġibbli fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE fuq “Riżorsi naturali” tinsab fil-Kapitolu 7 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntier, Sigurtà u difiża
X’awditjajna
Minħabba l-importanza dejjem tiżdied tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri fi snin reċenti, l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-Intestatura 4 tal-QFP 2021‑2027 speċifikament għal dawn l-oqsma ta’ politika.
Porzjon sinifikanti tal-infiq f’dan il-qasam fl-2022 kienu għadu jikkonċerna l-ikkompletar ta’ proġetti u skemi pendenti mill-QFP 2014‑2020.
L-objettiv tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) 2014-2020 kien li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u li jwassal għal approċċ komuni fil-livell tal-UE għall-ażil u l-immigrazzjoni. L-għan tal-Fond għas-Sigurtà Interna – Strument għall-Fruntieri u l-Viżi (FSI-BV) kien li jikkontribwixxi biex jiżgura livell għoli ta’ sigurtà fl-UE filwaqt li jiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu, permezz ta’ livell uniformi u għoli ta’ kontroll fil-fruntieri esterni u l-ipproċessar effettiv tal-viżi ta’ Schengen.
Dawn il-fondi tal-perjodu 2014‑2020 ġew sostitwiti fil-QFP 2021‑2027 minn, rispettivament, AMIF ġdid u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (BMVI) tal-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBMF). L-Intestatura 4 tinkludi wkoll finanzjament għal tliet aġenziji deċentralizzati, jiġifieri l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA).
Fil-QFP 2021-2027, l-Intestatura 5 hija ddedikata għas-sigurtà u d-difiża. Il-komponent “sigurtà” jinkludi appoġġ finanzjarju mill-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) għad-dekummissjonar ta’ installazzjonijiet nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja, u finanzjament għal tliet aġenziji deċentralizzati tal-UE fil-qasam tas-sigurtà (iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL)). Il-komponent “difiża” jinkludi l-Fond Ewropew għad-Difiża, li jappoġġa proġetti ta’ difiża kollaborattivi fl-istadji kollha tar-riċerka u l-iżvilupp.
Il-ġestjoni tal-biċċa l-kbira mill-finanzjament mill-AMIF u mill-FSI għall-perjodu 2014‑2020, u l-biċċa l-kbira mill-finanzjament mill-AMIF, il-BMVI u l-FSI għall-perjodu 2021‑2027 hija kondiviża bejn l-Istati Membri (jew il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen) u d-DĠ għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME) tal-Kummissjoni. Taħt dan l-arranġament, l-Istati Membri jimplimentaw programmi nazzjonali pluriennali li ġew approvati mill-Kummissjoni.
X’sibna
Regolarità tat-tranżazzjonijiet
L-eżaminar li wettaqna tat-tranżazzjonijiet juri li n-nefqa hija milquta minn kwistjonijiet ta’ eliġibbiltà u ta’ akkwist. Filwaqt li ma awditjajniex biżżejjed tranżazzjonijiet biex nistmaw il-livell ta’ żball għal dawn l-intestaturi tal-QFP, ir-riżultati tal-awditjar tagħna jindikaw li dan huwa qasam b’riskju għoli. Ir-riżultati tal-ittestjar tat-tranżazzjonijiet jikkontribwixxu għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna.
Mit-23 tranżazzjoni li eżaminajna, 11 (48 %) kienu milquta minn żbalji. Aħna kkwantifikajna disa’ żbalji li kellhom impatt fuq l-ammonti ddebitati lill-baġit tal-UE. Dawn l-iżbalji kienu relatati ma’ nefqa ineliġibbli (pereżempju xi kostijiet tal-persunal jew tat-tagħmir, it-taxxa fuq il-valur miżjud) u kwistjonijiet ta’ akkwist pubbliku.
Eżaminar ta’ elementi tas-sistemi ta’ kontroll intern
Għall-AMIF, il-BMVI u l-FSI għall-perjodu 2021‑2027, ivvalutajna x-xogħol ta’ sitt awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri (il-Ġermanja, Spanja u r-Rumanija għall-AMIF, il-Latvja għall-BMVI, iċ-Ċekja u l-Kroazja għall-FSI). Dawn l-awtoritajiet tal-awditjar diġà kellhom stampa ċara tal-bidliet prinċipali meħtieġa fl-istrateġija tal-awditjar, fl-awditi tas-sistemi u fl-awditi tal-operazzjonijiet meta mqabbla mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014‑2020. Madankollu, billi l-ebda waħda minnhom ma kienet iffinalizzat id-deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tagħha fiż-żmien meta għamilna ż-żjarat tagħna, kienu għadhom ma setgħux japprovaw l-istrateġija tal-awditjar tagħhom. B’mod ġenerali, osservajna li s-sitt Stati Membri kienu qed jagħmlu progress fil-preparamenti tagħhom għall-AMIF, il-BMVI u l-FSI għall-perjodu 2021‑2027, anke jekk l-istrateġiji tal-awditjar tagħhom kienu għadhom ma ġewx adottati.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Għas-sena finanzjarja 2022, irrieżaminajna r-RAA tad-DĠ HOME. L-analiżi li wettaqna ffukat fuq jekk id-DĠ HOME kienx ippreżenta l-informazzjoni dwar ir-regolarità fir-RAA tiegħu skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni, u jekk din l-informazzjoni kinitx konsistenti mal-għarfien li konna ksibna matul l-awditi li wettaqna. Ma sibna l-ebda informazzjoni li għandha mnejn tikkontradixxi s-sejbiet tagħna. Sibna li l-istimi tad-DĠ HOME għal riskji fil-waqt tal-pagament u fil-waqt tal-għeluq ġew ikkalkulati skont il-metodoloġija interna u rrappurtati b’mod korrett fl-AMPR.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkommandaw li l-Kummissjoni twettaq verifiki ex ante mmirati aħjar fuq l-eliġibbiltà tan-nefqa għal azzjonijiet tal-UE, b’fokus speċjali fuq ir-riskji potenzjali relatati ma’, pereżempju, it-tip ta’ nefqa (eżempju l-kostijiet tal-persunal, it-tagħmir, l-akkwist), jew it-tip ta’ benefiċjarju. Meta tipprepara l-valutazzjoni tar-riskju tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċertifikati tal-awditjar li jappoġġaw it-talbiet għall-pagament tal-benefiċjarji għandhom il-limitazzjonijiet.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE għal “Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri, Sigurtà u Difiża” tinsab fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Viċinat u d-Dinja
X’awditjajna
Il-qasam ta’ nfiq jinkludi diversi strumenti ta’ finanzjament, notevolment l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (“NDICI-Ewropa Globali”) il-ġdid u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. Huwa jkopri wkoll il-baġit għall-għajnuna umanitarja.
L-objettiv ġenerali tal-NDICI – Ewropa Globali huwa li jsostni u jippromwovi l-valuri, il-prinċipji u l-interessi fundamentali tal-UE madwar id-dinja, u jgħin fil-promozzjoni ta’ multilateraliżmu u ta’ sħubijiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Huwa jirrifletti żewġ bidliet ewlenin, meta mqabbla mal-QFP 2014‑2020, fil-mod kif l-UE tiffinanzja l-azzjoni esterna (politika barranija):
- il-kooperazzjoni mal-pajjiż sħab Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, li qabel kienet iffinanzjata mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, issa nġiebet taħt il-baġit ġenerali tal-UE;
- tali kooperazzjoni issa hija ffinanzjata taħt l-istess strument bħall-politika tal-viċinat tal-UE, filwaqt li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi taż-żewġ tipi ta’ appoġġ.
L-objettiv ġenerali tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni huwa li jagħti appoġġ lill-pajjiżi benefiċjarji fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa għall-allinjament mal-valuri tal-UE bil-ħsieb ta’ sħubija, u b’hekk jikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tagħhom.
Fl-2022, il-pagamenti għal “Viċinat u d-dinja” ammontaw għal EUR 14.5-il biljun (pagamenti ta’ prefinanzjament, interim u finali) u ġew żborżati bl-użu ta’ diversi strumenti u metodi ta’ twassil. Dawn jinkludu kuntratti ta’ xogħlijiet/provvisti/servizzi, għotjiet, self speċjali, garanziji ta’ self u assistenza finanzjarja, appoġġ baġitarju u forom immirati oħra ta’ għajnuna baġitarja f’pajjiżi mhux tal-UE.
Id-direttorati ġenerali u s-servizzi prinċipali li huma involuti fl-implimentazzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE huma d-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR), id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali (DĠ INTPA), id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja (DĠ ECHO) u s-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI).
X’sibna
L-eżaminar li wettaqna tat-tranżazzjonijiet u tas-sistemi ġibed l-attenzjoni għal erba’ oqsma fejn hemm lok għal titjib. Filwaqt li ma awditjajniex biżżejjed tranżazzjonijiet biex nistmaw il-livell ta’ żball għal din l-intestatura tal-QFP, ir-riżultati tal-awditjar tagħna jindikaw li dan huwa qasam b’riskju għoli. Ir-riżultati tal-ittestjar tat-tranżazzjonijiet jikkontribwixxu għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna.
Mit-72 tranżazzjoni li eżaminajna, 34 (47 %) kienu milquta minn żbalji. Aħna kkwantifikajna 25 żball li kellhom impatt finanzjarju fuq l-ammonti ddebitati lill-baġit tal-UE. Dawn l-iżbalji kienu jirrigwardaw kostijiet ineliġibbli, nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn, żbalji fl-akkwist pubbliku, u nefqa mhux imġarrba.
Sibna wkoll 17-il każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali u finanzjarji, li ma kellhomx impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-UE. Dawn kienu jirrigwardaw, pereżempju, proċeduri obbligatorji mhux segwiti, evidenza insuffiċjenti, allokazzjoni mhux ċara tal-kostijiet u nuqqas ta’ rendikont tal-entrati.
Eżempju: Valutazzjoni tar-riskju obbligatorja mhux imwettqa
Aħna awditjajna l-pagament finali għal proġett biex jitwassal u jiġi installat tagħmir ta’ komunikazzjoni għal awtorità tal-gvern fil-pajjiż benefiċjarju. Il-kuntratt ta’ provvista ġie ffirmat ma’ fornitur lokali għal total ta’ EUR 255 492. Mal-iffirmar tal-kuntratt, il-Kummissjoni għamlet pagament ta’ prefinanzjament ta’ EUR 102 197, li jirrappreżenta 40 % tal-prezz tal-kuntratt miftiehem.
Il-manwal tal-proċeduri jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tar-riskju biex tiżgura li l-pagamenti ta’ prefinanzjament bejn EUR 60 000 u EUR 300 000 isiru biss mingħajr garanzija bankarja jekk ir-riskju jiġi vvalutat bħala baxx. F’dan il-każ, kienet meħtieġa valutazzjoni tar-riskju billi l-ammont tal-prefinanzjament kien ta’ EUR 102 197. Madankollu, il-Kummissjoni għamlet il-pagament mingħajr ma wettqet din il-valutazzjoni tar-riskju u mingħajr ma kisbet garanzija bankarja.
Eżaminar ta’ elementi tas-sistemi ta’ kontroll intern
Żorna erba’ delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Rwanda u s-Serbja) u eżaminajna elementi tas-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom. Aħna vvalutajna wkoll is-sensibilizzazzjoni fost il-persunal tad-delegazzjonijiet fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-frodi, l-etika u l-integrità. Identifikajna xi nuqqasijiet fil-funzjonament tal-elementi tas-sistema ta’ kontroll intern li eżaminajna. Dawn in-nuqqasijiet kienu jirrigwardaw verifiki tan-nefqa, taħriġ għall-prevenzjoni tal-frodi u s-sistema tal-IT OPSYS tal-Kummissjoni.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza
Aħna eżaminajna r-RAA tad-DĠ NEAR għas-sena finanzjarja 2022. Iffukajna fuq jekk id-DĠ NEAR kienx ippreżenta l-informazzjoni dwar ir-regolarità fir-RAA tiegħu skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u jekk kienx konsistenti meta applika l-metodoloġija biex jiġu stmati l-korrezzjonijiet u l-irkupri futuri. Id-DĠ NEAR jinqeda bi studju, magħruf bħala r-rata tal-iżball residwu (RER), magħmul minn kuntrattur estern, biex iħejji ċ-ċifri ewlenin fir-RAA tiegħu. Ir-rapporti annwali preċedenti tagħna ddeskrivew il-limitazzjonijiet tal-istudju dwar l-RER. Sibna wkoll li ċ-ċifra tal-kapaċità korrettiva tal-2022 tad-DĠ NEAR ġiet iddikjarata b’mod eċċessiv minħabba żbalji li ma nqabdux, jiġifieri l-inklużjoni fil-kalkolu ta’ ordnijiet ta’ rkupru rigward prefinanzjament li ma ntefaqx.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- issaħħaħ il-kontrolli bħala prevenzjoni tat-tibdil irregolari ta’ proposti fl-istadju tal-ikkuntrattar meta taġġudika għotjiet fuq il-bażi ta’ sejħa għal proposti.
- twettaq valutazzjonijiet tar-riskju, kif meħtieġ mill-manwal tal-proċeduri, biex tiżgura li l-pagamenti ta’ prefinanzjament ta’ bejn EUR 60 000 u EUR 300 000 isiru biss mingħajr garanzija bankarja jekk ir-riskju jiġi vvalutat bħala baxx.
- tistabbilixxi skeda ta’ żmien xierqa biex b’hekk ir-rapporti ta’ verifika tan-nefqa li jinħarġu mill-kuntratturi għal kuntratti ta’ għotja jkunu disponibbli qabel l-ipproċessar tal-pagamenti jew l-approvazzjoni tan-nefqa.
- issaħħaħ il-kontrolli biex teskludi, mill-kalkolu tal-kapaċità korrettiva tad-DĠ NEAR, ordnijiet ta’ rkupru għal prefinanzjament li ma jintefaqx.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE għal “Viċinat u d-Dinja” tinsab fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Amministrazzjoni pubblika Ewropea
X’awditjajna
L-awditu li wettaqna kopra n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-QEA, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Fl-2022, l-istituzzjonijiet u l-korpi nefqu total ta’ EUR 11.6-il biljun fuq l-amministrazzjoni. Dan l-ammont kien jinkludi nfiq fuq riżorsi umani u pensjonijiet (madwar 70 % tat-total), bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u teknoloġija tal-informazzjoni.
Awditur estern jeżamina r-rapporti finanzjarji proprji tagħna. Kull sena, aħna nippubblikaw l-opinjoni u r-rapport tal-awditjar li jirriżultaw f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? |
|---|---|
| EUR 11.6-il biljun | Le – ħieles minn żball materjali fl-2021 u fl-2022 |
Aħna eżaminajna 60 tranżazzjoni, li jkopru l-Istituzzjonijiet kollha. Bħal fi snin preċedenti, nistmaw li l-livell ta’ żball huwa taħt is-soll ta’ materjalità.
Ma identifikajniex xi problemi speċifiċi li jikkonċernaw lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Ibbażat fuq ix-xogħol li wettaq, l-awditur estern tagħna ma rrapporta l-ebda problema speċifika.
Fl-2022, aħna eżaminajna s-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li għażilna tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u ma sibna l-ebda problema sinifikanti.
Il-Parlament Ewropew
Qbadna tliet żbalji kwantifikabbli fil-pagamenti li saru mill-Parlament Ewropew lill-gruppi politiċi Ewropej u lil fondazzjoni politika Ewropea. Ir-regoli interni tal-Parlament Ewropew, li l-gruppi politiċi jeħtiġilhom jirrispettaw, huma inkonsistenti mar-Regolament Finanzjarju billi jillimitaw il-kompetizzjoni taħt l-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, il-gruppi politiċi ma rrispettawx bis-sħiħ dawn ir-regoli interni, billi mhux dejjem fittxew li jiksbu biżżejjed offerti. Qbadna wkoll każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri ta’ akkwist.
Il-Kummissjoni Ewropea
Ma identifikajna l-ebda żball kwantifikabbli fil-pagamenti tal-Kummissjoni, iżda l-fajls tal-pensjonijiet għal tnejn mit-tmien pagamenti tal-pensjonijiet li awditjajna ma kienx fihom ċertifikat ta’ ħajja reċenti.
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Sibna żewġ żbalji kwantifikabbli f’pagamenti li saru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Wieħed kien jikkonċerna n-nuqqas ta’ kuntratt sottostanti validu għal servizzi tas-sigurtà miksuba minn Delegazzjoni tal-UE. L-ieħor kien relatat mal-allowances għall-ulied li membru tal-persunal rċieva minn sorsi oħra iżda li ma tnaqqsux mill-paga tiegħu.
X’nirrakkomandaw
Aħna rrakkomandajna li l-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew issaħħaħ il-gwida tagħha tal-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet baġitarji min-naħa tal-gruppi politiċi Ewropej, u tipproponi lill-Bureau tal-Parlament azzjonijiet li jirrikjedu li l-gruppi politiċi japplikaw b’mod effettiv ir-regoli interni u jiżguraw il-konformità mal-proċeduri ta’ akkwist.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tan-nefqa tal-UE għal “Amministrazzjoni Pubblika Ewropea” tinsab fil-Kapitolu 10 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
X’awditjajna
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) ilha tappoġġa riformi u proġetti ta’ investiment fl-Istati Membri sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID‑19 fi Frar 2020, u se tibqa’ tagħmel dan sal-31 ta’ Diċembru 2026. Hija ġiet iffinanzjata permezz ta’ EUR 723.8 biljun f’selfiet (EUR 385.8 biljun) u kontribuzzjonijiet finanzjarji mhux ripagabbli, imsejħa “għotjiet” (EUR 338 biljun). L-objettiv prinċipali tagħha huwa li timmitiga l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID‑19, filwaqt li tibni l-ekonomiji tal-Istati Membri biex ikunu aktar reżiljenti u mħejjija aħjar għall-isfidi tal-ġejjieni, inkluż li taċċellera triqithom lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
L-RRF hija implimentata permezz ta’ ġestjoni diretta mill-Kummissjoni, li jfisser li l-Kummissjoni hija direttament responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ programm.
L-Istati Membri kienu meħtieġa jħejju l-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) tagħhom u jfasslu sistemi ta’ ġestjoni u kontroll li jkunu xierqa. Jenħtieġ li l-RRPs jinkludu pakkett koerenti ta’ investimenti pubbliċi u riformi miġbura flimkien f’komponenti, u jistabbilixxu stadji importanti u/jew miri li jkunu xierqa.
L-iżborżi taħt l-RRF isiru bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jilħqu b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri. Il-miri jew l-istadji importanti li preċedentement intlaħqu b’mod sodisfaċenti ma kellhomx jitreġġgħu lura, u jenħtieġ li jkun hemm konformità mal-prinċipju ta’ finanzjament doppju. Irid ikun hemm konformità wkoll mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà rilevanti.
Qabel ma jsir il-pagament, il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-istadji importanti u l-miri li fuqhom hija bbażata t-talba għall-pagament intlaħqux b’mod sodisfaċenti. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li stadju importanti jew mira ma ntlaħqux b’mod sodisfaċenti, jenħtieġ li l-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha jiġi sospiż għal massimu ta’ sitt xhur.
Wara li l-pagament ikun sar, il-Kummissjoni twettaq awditi ex post tal-istadji importanti u l-miri. Hija twettaq ukoll awditi tas-sistemi relatati u awditi li jiffukaw fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.
L-Istati Membri jistgħu jitolbu prefinanzjament li mbagħad jiġi approvat b’mod proporzjonali permezz tal-pagamenti sussegwenti. Sa tmiem l-2022, l-RRPs kollha tas-27 Stat Membru kienu ġew approvati mill-Kunsill u 21 Stat Membru kienu rċevew prefinanzjament. L-Istati Membri kienu ppreżentaw 27 talba għall-pagament lill-Kummissjoni u hija kienet għamlet 14-il pagament (1 fl-2021 u 13 fl-2022). It-13-il pagament ta’ għotja u l-approvazzjonijiet tal-prefinanzjamenti li saru mill-Kummissjoni lil 11-il Stat Membru fl-2022 kienu jikkonċernaw l-ilħuq ta’ 274 stadju importanti u 37 mira.
Il-popolazzjoni li awditjajna għall-2022 ammontat għal total ta’ EUR 53.7 biljun u kienet tinkludi t-13-il pagament ta’ għotja kollha li ammontaw għal EUR 46.9 biljun u l-approvazzjoni tal-prefinanzjament relatat li ammonta għal EUR 6.8 biljun. L-awditu li wettaqna ma kopriex il-parti tas-selfiet tal-RRF. Aħna eżaminajna l-ilħuq sodisfaċenti tal-244 stadju importanti u tal-miri kollha, li huma 37, inklużi l-valutazzjonijiet preliminari mwettqa mill-Kummissjoni. Iċċekkjajna 20 mill-miri fuq il-post f’5 Stati Membri.
X’sibna
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? |
|---|---|
| EUR 53.7 biljun | 2022: l-effetti kumplessivi tas-sejbiet tagħna huma materjali, iżda mhux pervażivi |
L-evidenza kumplessiva għall-awditjar li ksibna permezz tax-xogħol li wettaqna turi li:
- 15 mill-281 stadju importanti u mira kienu milquta minn problemi ta’ regolarità. Minħabba n-natura tal-mudell ta’ nfiq tal-RRF, u meta jitqies li l-metodoloġija ta’ sospensjoni tal-pagamenti tal-Kummissjoni tiddependi mill-għemil ta’ ħafna ġudizzji, li possibbilment iwasslu għal interpretazzjonijiet differenti, aħna ma nipprovdux rata ta’ żball komparabbli ma’ oqsma oħra ta’ nfiq tal-UE. B’kont meħud ta’ dawn il-limitazzjonijiet, nistmaw li l-impatt finanzjarju minimu ta’ dawn is-sejbiet huwa qrib is-soll ta’ materjalità tagħna. Dawn is-sejbiet kienu relatati mal-ilħuq mhux sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri, mal-finanzjament ta’ nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti, mal-miżuri li bdew qabel il-perjodu ta’ eliġibbiltà, mal-finanzjament doppju u mat-treġġigħ lura ta’ miżura;
- kien hemm każijiet ta’ tfassil dgħajjef fil-miżuri u fl-istadji importanti jew fil-miri ta’ bażi. Dment li l-istadji importanti u l-miri ma jkunux definiti b’mod ċar huwa diffiċli li jiġi vvalutat jekk dawn intlaħqux, u l-objettiv inizjali għandu mnejn ma jintlaħaqx;
- kien hemm problemi b’rabta mal-affidabbiltà tal-informazzjoni li l-Istati Membri inkludew fid-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni tagħhom;
- l-ambitu tal-valutazzjonijiet preliminari u tal-awditi ex post imwettqa mill-Kummissjoni ma jkoprix b’mod sistematiku l-kundizzjonijiet ewlenin għall-pagament bħall-konformità mal-perjodu ta’ eliġibbiltà u n-nuqqas ta’ sostituzzjoni ta’ nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti. Il-proċeduri tal-awditjar ex post ma jipprevedux verifiki biex jiġi vverifikat jekk il-miri awditjati li preċedentement ġew ivvalutati bħala miri li ntlaħqu ma treġġgħux lura wara l-pagament;
- l-introduzzjoni ta’ stadji importanti ta’ kontroll tfisser li s-sistemi rilevanti tal-Istati Membri ma kinux kompletament funzjonali meta l-pjanijiet bdew jiġu implimentati, u b’hekk joħolqu riskju għar-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF u għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Sibna wkoll li l-istadji importanti ta’ kontroll ivarjaw sinifikattivament fil-granularità u fir-rekwiżiti tagħhom, għalkemm mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni valida;
- għad hemm dgħufijiet fis-sistemi ta’ rappurtar u kontroll tal-Istati Membri. Barra minn hekk, identifikajna problema orizzontali marbuta ma’ limitazzjonijiet fid-disponibbiltà tad-data dwar is-sidien benefiċjarji ta’ kumpaniji barranin. Dan għaliex ma hemm l-ebda bażi ta’ data ċentralizzata tal-UE li tipprovdi data kompleta dwar is-sidien benefiċjarji kollha tal-kumpaniji rreġistrati fl-UE.
Irrieżaminajna wkoll ir-rappurtar mid-DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECFIN) dwar ir-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF għall-2022 fir-Rapport Annwali tal-Attività (RAA) tiegħu u l-mod kif din l-informazzjoni hija ppreżentata fl-AMPR. Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna mhumiex konformi mad-dikjarazzjoni pprovduta mill-uffiċjal awtorizzanti tad-DĠ ECFIN.
Eżempju ta’ stadju importanti li ma ntlaħaqx b’mod sodisfaċenti
Stadju Importanti 42 tal-Greċja – “Punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi – Dħul fis-seħħ tal-qafas legali”
Deskrizzjoni tal-istadju importanti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-Greċja:
“Id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjonijiet Ministerjali kollha pprovduti fil-liġi 4710/2020 u ffirmati mill-Ministru tal-Ambjent u l-Enerġija; il-Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport, il-Ministru tal-Intern u l-Ministru tal-Finanzi, l-organizzazzjoni tas-suq tal-vetturi elettriċi, b’enfasi fuq is-suq tas-servizzi tal-iċċarġjar u jipprovdi inċentivi bbażati fuq it-taxxa għax-xiri ta’ vetturi elettriċi u l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi”.
Il-liġi primarja pprevediet id-dħul fis-seħħ ta’ 12-il deċiżjoni ministerjali meħtieġa għall-organizzazzjoni tas-suq tal-vetturi elettriċi. Sibna li l-istadju importanti ma ntlaħaqx b’mod sodisfaċenti billi tliet deċiżjonijiet ministerjali (penali għall-atturi tas-suq, rekwiżiti għall-punti tal-iċċarġjar f’insedjamenti tradizzjonali, u taħriġ ta’ persunal tekniku tal-vetturi elettriċi) ma daħlux fis-seħħ meta sar il-pagament.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- ittejjeb il-valutazzjonijiet preliminari u l-awditi ex post:
- fil-valutazzjonijiet preliminari u l-awditi ex post li twettaq, tkopri l-konformità mal-perjodu ta’ eliġibbiltà u mal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ sostituzzjoni ta’ nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti;
- tirrevedi l-proċeduri tal-awditjar ex post tagħha biex b’hekk dawn jipprevedu verifiki biex jiġi vverifikat jekk il-miri awditjati li preċedentement ġew ivvalutati bħala li ntlaħqu treġġgħux lura;
- abbażi tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-RRF, tivverifika li l-RRPs irrieżaminati jiddefinixxu b’mod ċar l-istadji importanti u l-miri kollha u li l-elementi ewlenin kollha ta’ miżura jkunu koperti minn stadji importanti u miri.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tinsab fil-Kapitolu 11 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
X’awditjajna
Imnedija fl-1959, il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) kienu l-istrumenti prinċipali, barra mill-baġit ġenerali tal-UE, li permezz tagħhom l-UE ffinanzjat l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp kemm mal-pajjiżi u r-reġjuni Afrikani (sub-Saħarjani) u tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) kif ukoll mal-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej (PTEE) sa tmiem l-2020. Il-11-il FEŻ ikopri l-QFP 2014‑2020. Il-qafas li jirregola r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi AKP u l-PTEE kien ftehim ta’ sħubija li ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 għal perjodu ta’ 20 sena. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu attwalment ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2023. L-objettiv primarju tal-FEŻ huwa li jnaqqsu u eventwalment jeqirdu l-faqar, f’konformità mal-objettiv primarju tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE. Għall-QFP 2021‑2027, l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi u r-reġjuni AKP hija koperta mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (“NDICI-Ewropa Globali”) u l-kooperazzjoni mal-PTEE ġiet inkorporata fid-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Ekstra-Ewropea, inkluża Greenland. Madankollu, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ infushom ma ġewx inkorporati fil-baġit ġenerali tal-UE u qed ikomplu jiġu implimentati u rrappurtati separatament sal-għeluq tagħhom.
Il-FEŻ huma mmaniġġjati kważi kompletament mill-Kummissjoni (id-DĠ INTPA). Proporzjon żgħir (5 %) tal-pagamenti li saru fl-2022 taħt il-FEŻ kien immaniġġjat mid-DĠ ECHO.
Għall-2022, il-valur totali tan-nefqa li kienet suġġetta għall-awditjar li wettaqna f’dan il-qasam kien ta’ EUR 3.0 biljun. Din in-nefqa tirrigwarda d-9, l-10 u l-11-il FEŻ, u twasslet fi 78 pajjiż bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ metodi bħal kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi, għotjiet, appoġġ baġitarju, stimi ta’ programmi u ftehimiet ta’ kontribuzzjoni u ta’ delega.
X’sibna
Aħna sibna li l-kontijiet ma kinux milquta minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.
It-tranżazzjonijiet relatati mad-dħul ma kienx fihom livell materjali ta’ żball.
L-opinjoni tagħna dwar in-nefqa għas-sena finanzjarja 2022 hija avversa.
| Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli |
|---|---|---|
| EUR 3.0 biljun | Iva | 7.1 % (2021: 4.6 %) |
Biex nawditjaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet, aħna eżaminajna kampjun ta’ 140 tranżazzjoni (il-pagamenti kollha saru permezz tad-DĠ INTPA) li kien rappreżentattiv tal-firxa sħiħa tal-infiq taħt il-FEŻ. Dan kien jinkludi 27 tranżazzjoni li kienu relatati mal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, 98 tranżazzjoni li ġew awtorizzati minn 20 delegazzjoni tal-UE, u 15-il tranżazzjoni li ġew approvati mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni. Fejn konna qbadna żbalji fit-tranżazzjonijiet, aħna analizzajna l-kawżi sottostanti biex nidentifikaw id-dgħufijiet potenzjali.
Mill-140 tranżazzjoni li eżaminajna, 57 (40.7 %) kien fihom żbalji. Abbażi tat-48 żball li kkwantifikajna, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 7.1 %. It-tliet tipi ta’ żball l-aktar komuni kienu nefqa mhux imġarrba (51 %), nefqa ineliġibbli (24 %) u nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku (16 %).
Bħalma ġara fil-passat, il-Kummissjoni u s-sħab tagħha inkarigati mill-implimentazzjoni wettqu aktar żbalji fi tranżazzjonijiet relatati ma’ stimi tal-programm u għotjiet u ma’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni u ta’ delega ma’ pajjiżi benefiċjarji, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-Istati Membri milli għamlu f’forom oħra ta’ appoġġ (bħalma huma dawk li jkopru l-kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi). Mid-99 tranżazzjoni ta’ dan it-tip li eżaminajna, 46 kien fihom żbalji kwantifikabbli, li kienu jirrappreżentaw 86 % tal-livell ta’ żball stmat.
Eżempju ta’ nefqa mhux imġarrba: defiċjenza fis-sistemi ta’ kontroll tad-delegazzjonijiet tal-UE għall-approvazzjoni tal-prefinanzjament
F’delegazzjoni waħda tal-UE li żorna din is-sena, sibna li sitta mid-disa’ tranżazzjonijiet li awditjajna kienu milquta mill-istess tip ta’ żball. Il-Kummissjoni kienet approvat tranżazzjonijiet ta’ prefinanzjament abbażi tan-nefqa totali ddikjarata tal-benefiċjarju ta’ EUR 11-il miljun. Il-verifiki tagħna żvelaw li n-nefqa reali għall-proġetti kkonċernati kienet ta’ EUR 3.8 miljun. Id-differenza, EUR 7.2 miljun, kienet tinkludi impenji li kienu għadhom ma ntefqux. Għalhekk qisna li din in-nefqa ma ġġarrbitx u għalhekk ma kinitx eliġibbli.
Il-fatt li qbadna dan l-iżball f’żewġ terzi tat-tranżazzjonijiet li awditjajna jindika dgħufija fil-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll intern tad-delegazzjoni għall-approvazzjoni tal-prefinanzjament.
Bħal fi snin preċedenti, ħabbatna wiċċna ma’ dewmien biex nirċievu d-dokumentazzjoni mitluba minn xi organizzazzjonijiet internazzjonali u, konsegwentement, biex inwettqu xogħolna. Dawn l-organizzazzjonijiet ipprovdew biss aċċess limitat għad-dokumenti (eż. f’format li jinqara biss), u dan fixkel l-ippjanar, l-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-kwalità tal-awditu li wettaqna. Dawn id-diffikultajiet baqgħu jippersistu minkejja t-tentattivi tal-Kummissjoni biex issolvihom billi tikkomunika kontinwament mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati.
Studju dwar l-RER tad-DĠ INTPA
Fl-2022, il-11-il studju tad-DĠ INTPA dwar l-RER twettaq minn kuntrattur estern. L-iskop tal-istudju huwa li tiġi stmata r-rata ta’ dawk l-iżbalji li ma jkunux inqabdu mill-verifiki ta’ ġestjoni kollha tad-DĠ INTPA għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ tali żbalji fil-qasam kollu kemm hu ta’ responsabbiltà tiegħu, sabiex tintlaħaq konklużjoni dwar l-effettività ta’ dawk il-verifiki.
Għall-istudju tal-2022 dwar l-RER, id-DĠ INTPA uża daqs ta’ kampjun ta’ 480 tranżazzjoni, bħal fi snin preċedenti (xi wħud mit-tranżazzjonijiet ikkampjunati kellhom valur ogħla mill-intervall tal-kampjunar; għaldaqstant, id-daqs tal-kampjun finali kien ta’ 407). L-istudju stma li l-RER kumplessiva kienet ta’ 1.15 % – taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % tal-Kummissjoni għas-seba’ sena konsekuttiva.
L-istudju dwar l-RER ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu; huwa bbażat fuq il-metodoloġija relatata mal-istudju dwar l-RER u fuq il-manwal ipprovdut mid-DĠ INTPA. Ir-rapporti annwali preċedenti tagħna dwar il-FEŻ diġà ddeskrivew limitazzjonijiet fl-istudji li setgħu kkontribwew għall-istima insuffiċjenti tal-RER.
Aħna eżaminajna l-metodu ta’ kalkolu użat għall-istudju tal-2022 dwar l-RER u sibna li l-metodoloġija għall-estrapolazzjoni ta’ entrati ta’ valur għoli ma kinitx ċara biżżejjed. B’riżultat ta’ dan, il-kuntrattur estern ma kienx estrapola b’mod korrett entrati ta’ valur għoli (jiġifieri dawk b’valur ogħla mill-intervall tal-kampjunar) mill-kampjun. Aħna nqisu li l-RER ma ġietx stmata b’mod suffiċjenti. Il-kalkolu tagħna jrendi RER ta’ 1.35 %.
Rieżaminar tar-RAA 2022
Fir-RAA 2022, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Ġenerali ma tinkludi l-ebda riżerva. Aħna nsibu li n-nuqqas ta’ riżervi fir-RAA 2022 mhuwiex iġġustifikat, u nqisu li dan jirriżulta parzjalment mil-limitazzjonijiet tal-istudju dwar l-RER.
Minħabba l-estrapolazzjoni skorretta ta’ entrati ta’ valur għoli, ir-rata ta’ żball għan-nefqa relatata mal-ġestjoni indiretta ma’ organizzazzjonijiet terzi qabżet is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %. Għalhekk, il-Kummissjoni kien imissha fformulat riżerva għal din il-kategorija ta’ nefqa, li tirrappreżenta 42.7 % tan-nefqa rilevanti tal-INTPA.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tivverifika li l-bilanċi kontabilistiċi kollha għall-FEŻ magħluqa jiġu approvati u li l-informazzjoni fil-kontijiet annwali tiġi aġġornata b’mod f’waqtu;
- tivverifika li l-prefinanzjament u l-fatturi jiġu approvati b’mod f’waqtu;
- tieħu miżuri xierqa biex jittejbu s-sistemi ta’ kontroll tad-delegazzjonijiet tal-UE ħalli l-ammonti li jkunu għadhom ma ntefqux, iżda li jkunu ntalbu bħala kostijiet imġarrba, jiġu identifikati qabel ma jsiru l-pagamenti jew tiġi approvata n-nefqa;
- lill-benefiċjarji tal-proġetti tal-UE ttennilhom li jeħtiġilhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet kuntrattwali relatati mal-eliġibbiltà tal-VAT, u jwettqu l-verifiki meħtieġa biex jiżguraw li l-VAT deduċibbli ma tiġix imposta fuq il-proġetti.
- tqis l-informazzjoni teknika u finanzjarja kollha disponibbli biex jiġu impediti, jew identifikati, u jiġu kkoreġuti l-iżbalji qabel ma tiġi aċċettata n-nefqa; u
- ittejjeb il-metodoloġija użata għall-istudju dwar l-RER sabiex l-entrati ta’ valur għoli jiġu estrapolati b’mod korrett, u jiġi vverifikat li l-kuntrattur japplikaha kif suppost.
Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni sħiħa dwar l-awditu li wettaqna tal-FEŻ tinsab fir-Rapport Annwali 2022 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mid-9, mill-10 u mill-11-il Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.
Informazzjoni ġenerali
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u x-xogħol tagħha
Il-QEA hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna ninsabu fil-Lussemburgu u nimpjegaw madwar 900 membru tal-persunal min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE. Il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, u li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, kif ukoll li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE. Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali fil-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Dawn jintużaw biex jintalab rendikont mingħand dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u pratika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.
Nota: F’Lulju 2023.
L-output tagħna
Aħna noħorġu:
- rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati ta’ xogħol tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità relatat mal-baġit tal-UE u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll ma’ aspetti li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-baġit;
- rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma speċifiċi ta’ politika jew ta’ nfiq, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni;
- rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE;
- opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva tagħna stess;
- rapporti analitiċi, li jipprovdu deskrizzjoni ta’ politiki, sistemi, strumenti jew suġġetti aktar iffukati, jew informazzjoni dwarhom.
Approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna – daqqa t’għajn
L-opinjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.
Kif iddikjarat fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021‑2025, għall-QFP 2021‑2027, aħna se nkomplu niżviluppaw l-approċċ tal-awditjar tagħna u nużaw id-data u l-informazzjoni disponibbli, li se jippermettulna nkomplu nipprovdu aċċertament qawwi, ibbażat fuq il-mandat tagħna skont it-Trattat u f’konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tal-awditjar tas-settur pubbliku.
Affidabbiltà tal-kontijiet
Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?
Kull sena, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jiġġeneraw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, filwaqt li jiġbru informazzjoni minn ħafna sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna nivverifikaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu kif suppost u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b’mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq fir-rapporti finanzjarji tal-UE. Għall-awditu tal-affidabbiltà tal-kontijiet, aħna ilna napplikaw l-approċċ ta’ attestazzjoni minn meta fformulajna l-ewwel opinjoni tagħna fl-1994.
- Aħna nevalwaw is-sistema kontabilistika biex niżguraw li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta’ data affidabbli.
- Nivvalutaw proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex niżguraw li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
- Inwettqu verifiki analitiċi tad-data kontabilistika biex niżguraw li din tiġi ppreżentata b’mod konsistenti u tkun tidher raġonevoli.
- Nivverifikaw b’mod dirett kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex niżguraw li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi jkunu jeżistu u li dawn ikunu ġew irreġistrati b’mod preċiż.
- Nivverifikaw ir-rapporti finanzjarji biex niżguraw li dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja b’mod ġust.
Regolarità tat-tranżazzjonijiet
It-tranżazzjonijiet relatati mal-introjtu u mal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż, u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli?
Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji, kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, aħna nivvalutaw is-sistemi li permezz tagħhom l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż (jiġifieri l-pagamenti finali u l-ikklerjar tal-pagamenti bil-quddiem) jiġu amministrati u vverifikati, u neżaminaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet.
Fejn it-termini tal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti jkunu ġew issodisfati, aħna nirrieżaminaw u nerġgħu nwettqu l-verifiki u l-kontrolli li jkunu twettqu minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għaldaqstant, aħna nieħdu kont sħiħ ta’ kwalunkwe miżura korrettiva li tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ dawn il-verifiki.
- Nivvalutaw is-sistemi għad-dħul u n-nefqa biex niddeterminaw kemm dawn huma effettivi biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet huma regolari.
- Nieħdu kampjuni statistiċi ta’ tranżazzjonijiet biex nipprovdu bażi għat-twettiq ta’ ttestjar dettaljat mill-awdituri tagħna. Neżaminaw it-tranżazzjonijiet ikkampjunati fid-dettall, anke għand ir-riċevituri finali (eż. bdiewa, istituti tar-riċerka jew kumpaniji li jipprovdu xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku), biex niksbu evidenza li kull avveniment ta’ bażi jkun jeżisti, ikun ġie rreġistrat kif xieraq u jkun jikkonforma mar-regoli biex isiru pagamenti.
- Aħna nanalizzaw l-iżbalji u nikklassifikawhom bħala kwantifikabbli jew mhux kwantifikabbli. It-tranżazzjonijiet ikunu milquta minn żball kwantifikabbli jekk, ibbażat fuq ir-regoli, il-pagament ma kellux jiġi awtorizzat. Nestrapolaw l-iżbalji kwantifikabbli biex niksbu livell ta’ żball stmat għal kull qasam li fih nagħmlu valutazzjoni speċifika. Aħna, imbagħad, inqabblu l-livell ta’ żball stmat ma’ soll ta’ materjalità ta’ 2 % u nivvalutaw jekk l-iżbalji jkunux pervażivi.
- L-opinjonijiet tagħna jieħdu kont ta’ dawn il-valutazzjonijiet u ta’ informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti minn awdituri esterni oħra.
- Aħna niddiskutu s-sejbiet kollha tagħna kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni biex nikkonfermaw li l-fatti tagħna huma korretti.
X’inhuma l-approċċ u l-metodoloġija tal-awditjar tagħna għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar ir-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF?
- Aħna noħorġu opinjoni separata dwar ir-regolarità tan-nefqa taħt l-RRF bħala parti mid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE. Dan għaliex aħna nqisu li l-mudell ta’ implimentazzjoni tal-RRF huwa differenti u li huwa strument temporanju. B’din l-opinjoni, għandna l-għan li nipprovdu aċċertament raġonevoli dwar il-pagamenti, u li nipprovdu informazzjoni dettaljata abbażi ta’ din l-opinjoni fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (ara l-Figura 17).
- Il-biċċa l-kbira mill-aċċertament li nipprovdu niksbuh mill-ittestjar sostantiv u mill-valutazzjoni tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll. L-aċċertament li nipprovdu jiġi kkomplementat mir-RAA u l-AMPR, kif ukoll mir-rapporti tas-Servizz tal-Awditjar Intern.
- Xogħolna jikkonforma mal-istandards internazzjonali tal-awditjar u jiżgura li l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna jkunu appoġġati minn evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa.
Il-prodotti kollha tagħna jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna: www.eca.europa.eu. Aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar jew id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tinsab fl-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2022 tagħna.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023
| ISBN 978-92-849-0864-6 | doi:10.2865/456746 | QJ-09-23-357-MT-C | |
| ISBN 978-92-849-0908-7 | doi:10.2865/397723 | QJ-09-23-357-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-849-0865-3 | doi:10.2865/815356 | QJ-09-23-357-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2023
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA li jkun proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
L-użu mill-ġdid tar-ritratti li ġejjin huwa awtorizzat dment li jiġu indikati d-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u, fejn ikun meħtieġ, l-ismijiet tal-fotografi:
*, *: © L-Unjoni Ewropea, 2023, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
*: il-Figura 2 tfasslet bl-użu ta’ ikoni minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.
*: it-Tabella 1 tfasslet bl-użu ta’ ikoni minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.
*: © Getty Images, 2017/Miorag Gajic.
*: © stock.adobe.com/Bits and Splits.
*: proprjetà tal-AGEA u mmodifikat minnha - © CGR SpA (Compagnia Generale Ripreseaeree), id-drittijiet kollha huma riżervati.
*: © stock.adobe.com/BillionPhotos.com.
*: © depositphotos.com.
*: © stock.adobe.com/bluedesign.
*: © stock.adobe.com/RioPatuca Images.
*: © stock.adobe.com/Andrii Yalanskyi.
*: il-Figura 17 tfasslet bl-użu ta’ ikoni minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati, bħalma hija l-ikona fl-għamla ta’ ger immodifika mill-QEA, © stock.adobe.com/Ramziia.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fid-dominju europa.eu, tipprovdi links għas-siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ tirrevedi l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.
