Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Kelmtejn dwar “L-awditu tal-UE fil-qosor għall-2017” L-awditu tal-UE fil-qosor” għall-2017 jipprovdi stampa ġenerali tar-Rapporti Annwali 2017 tagħna, fejn aħna nippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Huwa jiddeskrivi wkoll is-sejbiet ewlenin tagħna rigward id-dħul u l-oqsma prinċipali ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll is-sejbiet relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, l-użu li jsir mill-informazzjoni dwar il-prestazzjoni, u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna.

It-testi sħaħ tar-rapporti huma disponibbli fuq is-sit web www.eca.europa.eu jew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, niġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintnefqu flushom.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF EPUB PRINT
PDF General Report EPUB General Report Paper General Report

Kelmtejn ta’ qabel mill-President

Din is-sena, qed nippubblikaw ir-rapport annwali tagħna filwaqt li għaddej id-dibattitu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss tal-Unjoni Ewropea, qafas li se jkopri s-snin mill-2021 sal-2027. Mhijiex ir-responsabbiltà tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li tesprimi l-fehmiet tagħha dwar id-daqs jew l-allokazzjoni tal-infiq tal-UE. Madankollu, huwa l-kompitu tagħha li twissi dwar ir-riskji u li tipprovdi pariri bil-għan li jsir titjib fil-ġestjoni finanzjarja, fit-trasparenza u fl-obbligu ta’ rendikont tal-baġit tal-UE

Is-sejbiet tar-rapport annwali ta’ din is-sena huma prinċipalment relatati mal-infiq tal-UE taħt il-QFP attwali (2014-2020), iżda hemm xi oqsma li huma relatati mal-QFP tal-perjodu preċedenti (2007-2013). Dan jissottolinja l-fatt li, għall-biċċa l-kbira mill-baġit tal-UE, iridu jgħaddu bosta snin minn meta tittieħed deċiżjoni politika sa ma l-fondi jiġu effettivament allokati għad-diversi politiki, programmi u proġetti. Juri wkoll kemm huwa importanti li l-problemi jiġu evitati mill-bidu nett, meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet dwar kif l-UE għandha tonfoq flusha, għaliex dawn id-deċiżjonijiet ikollhom implikazzjonijiet għal bosta snin fil-futur. Aħna biħsiebna naqdu r-rwol tagħna bis-sħiħ f’dan il-proċess, u għalhekk qed nippubblikaw għadd ta’ dokumenti informattivi u analitiċi kif ukoll ta’ opinjonijiet, biex nippreżentaw il-fehmiet tagħna dwar kif jista’ jkompli jsir titjib fil-proposti tal-Kummissjoni. Dan qed nagħmluh bil-ħsieb li nilħqu l-objettiv prinċipali tagħna għal baġit tal-UE fejn l-infiq mhux biss ikun jikkonforma mar-regoli, iżda jwassal ukoll riżultati.

Fl-2017, bħal fis-snin preċedenti, aħna nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Barra minn hekk, bħas-sena li għaddiet, aħna qed noħorġu opinjoni kwalifikata (u mhux opinjoni avversa) dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għall-2017. Fi kliem ieħor, parti sinifikanti mill-infiq tal-2017 li awditjajna ma kienx milqut minn livell materjali ta’ żball. L-ittestjar li wettaqna juri wkoll li l-livell ta’ irregolaritajiet fl-infiq tal-UE kompla jonqos

Fid-dawl ta’ dan it-titjib sostnut fil-ġestjoni tal-finanzi tal-UE, u kif stipulajna fl-istrateġija tagħna għall-2018-2020, aħna ħadna l-ewwel passi biex nimmodifikaw l-approċċ tagħna għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. It-tħassib prinċipali tagħna f’dan ir-rigward huwa li nieħdu kont akbar tal-livelli differenti ta’ kontrolli interni li jintużaw fil-Kummissjoni Ewropea u fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri fejn jiġu mmaniġġjati l-fondi tal-UE. Kull fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfati, aħna biħsiebna nitbiegħdu mill-prattika ta’ ttestjar dirett (ibbażat fuq evidenza li niġbru aħna stess) li konna nadottaw, u minflok nużaw approċċ ta’ attestazzjoni (fejn nerġgħu nivvalutaw mill-ġdid l-evidenza li tkun diġà ġiet eżaminata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni). Għall-2017, aħna adottajna, bħala proġett pilota, approċċ modifikat fil-qasam “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”. Id-differenza essenzjali kienet li eżaminajna u erġajna wettaqna mill-ġdid il-kontrolli li qabel kienu twettqu minn dawk responsabbli għall-infiq. L-approċċ il-ġdid jagħmilha aktar ċara fejn għad hemm nuqqasijiet, kemm fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, u b’hekk jgħinna nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u nkomplu ntejbu l-ġestjoni tal-finanzi tal-UE. Is-sena d-dieħla, aħna biħsiebna nestendu l-proġett għal oqsma oħra ta’ nfiq.

Ippermettuli nżid kumment finali. Huwa probabbli li l-UE tikseb il-biċċa l-kbira mill-impatt tagħha permezz ta’ azzjonijiet regolatorji u, pereżempju fil-qasam tal-kummerċ, permezz ta’ ftehimiet internazzjonali. L-impatt tagħha fuq il-baġit huwa ferm iżgħar. Għalkemm il-baġit totali tal-UE, li jlaħħaq madwar EUR 140 biljun kull sena, huwa kbir ħafna, huwa jirrappreżenta mhux aktar minn madwar 1 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE kollha kemm hi. L-infiq totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-pajjiżi tal-UE huwa 50 darba akbar. Dan juri kemm huwa għalhekk importanti li l-baġit tal-UE jintnefaq b’mod effettiv.

Madankollu, fl-istess ħin, irridu nkunu realistiċi dwar x’jista’ jinkiseb bil-flus li jiġu fdati lill-UE, aktar u aktar hekk kif qed noqorbu lejn il-QFP li jmiss. Jekk noħolqu aspettattivi li ma jistgħux jintlaħqu, aħna nitilfu l-kredibbiltà f’għajnejn iċ-ċittadini tagħna; u aktar importanti minn dan, nitilfu l-fiduċja tagħhom. Il-konklużjoni hija ċara: l-UE ma għandhiex twiegħed dak li ma tistax twettaq.

Klaus-Heiner LEHNE
President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Riżultati kumplessivi

Sejbiet ewlenin

Sommarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2017

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tagħti opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2017.

Id-dħul għall-2017, meħud fl-intier tiegħu, kien legali u regolari, bħal fis-snin preċedenti.

Il-pagamenti għall-2017 kienu legali u regolari, ħlief għar-rimborżi tal-ispejjeż.

Għat-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, nitolbuk tirreferi għall-Kapitolu 1 tar-Rapport Annwali 2017.

  • Il-kontijiet għall-2017 tħejjew skont standards internazzjonali u jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja. Għalhekk, kif kien il-każ kull sena mill-2007 ’l hawn, aħna nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tagħhom.
  • Il-livell ta’ żball stmat għall-pagamenti mill-baġit tal-UE qed ikompli juri titjib. Fl-2017, dan kien ta’ 2.4 %, li juri tnaqqis minn 3.1 % fl-2016 u 3.8 % fl-2015. Barra minn hekk, fl-2017, parti sinifikanti mill-infiq awditjat – prinċipalment pagamenti bbażati fuq drittijiet – ma kinitx milquta minn livell materjali ta’ żball. Għalhekk, din is-sena – għat-tieni sena konsekuttiva – aħna qed noħorġu opinjoni kwalifikata dwar il-pagamenti.
    • Pagamenti bbażati fuq drittijiet isiru lil benefiċjarji talli jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, aktar milli bħala rimborż tal-ispejjeż. Dawn jirrappreżentaw 53 % tal-infiq awditjat għall-2017 u jinkludu għajnuna diretta lill-bdiewa, li tirrappreżenta l-akbar sehem tal-infiq taħt “Riżorsi Naturali: Appoġġ dirett” u “Amministrazzjoni”. Dawn iż-żewġ oqsma kellhom livell ta’ żball stmat li kien taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %. Attivitajiet oħra ffinanzjati permezz ta’ pagamenti bbażati fuq drittijiet huma fellowships għall-istudenti u għar-riċerka, u miżuri agroambjentali.
    • Rimborżi tal-ispejjeż isiru lil benefiċjarji li jkunu ġarrbu spejjeż li jistgħu jiġu rimborżati mill-baġit tal-UE. Dawn jinkludu nfiq fl-oqsma li għandhom l-ogħla rati ta’ żball: l-intestatura “Riżorsi Naturali: Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, l-ambjent, azzjoni klimatika u sajd” u “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (Koeżjoni)”. Attivitajiet oħra ffinanzjati permezz tar-rimborż tal-ispejjeż huma proġetti ta’ riċerka, skemi ta’ taħriġ u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp.
  • Il-komponenti individwali tal-informazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regolarità mhux dejjem jikkonformaw mas-sejbiet tagħna. L-istima tal-livell ta’ żball li saret mill-Kummissjoni taqbel b’mod ġenerali mal-istima tagħna għal “Riżorsi naturali” u “Amministrazzjoni”, iżda hija aktar baxxa għal “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” u “Koeżjoni”.
  • Kien hemm disponibbli informazzjoni suffiċjenti biex proporzjon sinifikanti ta’ żbalji jiġu prevenuti, jew biex jinqabdu u jiġu kkoreġuti. Li kieku l-awtoritajiet nazzjonali użaw din l-informazzjoni biex jikkoreġu l-iżbalji, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq, pereżempju, “Riżorsi naturali” kien ikun taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % fl-2017.
  • L-Istati Membri għadhom qed isibuha diffiċli biex jużaw ir-riżorsi disponibbli mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE), u l-baġit tal-UE qed ikompli jiffaċċja pressjoni sinifikanti minħabba l-valur tal-pagamenti li l-UE impenjat lilha nfisha li tħallas fis-snin li ġejjin. Il-miżuri li ttieħdu biex tiżdied il-flessibbiltà tal-baġit fl-2017 kienu ta’ għajnuna, iżda jistgħu ma jkunux suffiċjenti biex jgħinu lill-UE tindirizza l-isfidi possibbli fil-futur. Impenji għoljin flimkien ma’ pagamenti baxxi żiedu l-impenji baġitarji pendenti għal livell għoli ġdid ta’ EUR 267.3 biljun. Jeħtieġ li ġestjoni aħjar tar-riskju ta’ arretrati ta’ pagamenti tkun prijorità fl-ippjanar tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu li jibda fl-2021.
  • Aħna eżaminajna l-użu li l-Kummissjoni tagħmel mill-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u kkonkludejna li jenħtieġ li hija tagħmel użu aħjar mill-informazzjoni proprja tagħha dwar il-prestazzjoni u li tiżviluppa kultura interna aktar iffukata fuq il-prestazzjoni.
  • Aħna sibna 13-il każ ta’ frodi suspettata fis-703 tranżazzjonjiet li awditjajna għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni u għal awditi oħra tal-prestazzjoni u/jew tal-konformità. Aħna rrappurtajna dawn il-każijiet lill-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea Kontra l-Frodi.

 

It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali 2017 tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=46515)

Min aħna

Bħala l-awditur estern tal-UE, il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, u li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif qed jintnefqu flushom.

X’awditjajna

Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE

Il-baġit tal-UE jiġi maqbul kull sena mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-kuntest tal-oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP). Hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura li l-baġit jintnefaq kif suppost.

Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-baġit tal-UE, filwaqt li neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli, u jekk it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq jikkonformawx mar-regoli applikabbli fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.

Dan ix-xogħol jifforma l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill taħt l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-baġit tal-UE għall-2017 f’ċifri

L-infiq baġitarju huwa strument sinifikanti għall-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE.

Fl-2017, l-infiq ammonta għal total ta’ EUR 137.4 biljun, li huwa l-ekwivalenti ta’ 2 % tal-infiq totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE u għal 0.9 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE.

Minn fejn jiġu l-flus?

Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat b’diversi mezzi. L-akbar sehem (EUR 78.4 biljun) jitħallas mill-Istati Membri, proporzjonalment għall-introjtu nazzjonali gross tagħhom. Sorsi oħra jinkludu dazji doganali (EUR 20.3 biljun) u l-kontribuzzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud li tinġabar mill-Istati Membri (EUR 16.6 biljun).

Fuq xiex jintnefqu l-flus?

Il-baġit annwali tal-UE jintnefaq fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma (ara l-Figura 1).

Figura 1

Infiq tal-2017 li ġie awditjat

Il-pagamenti jsiru biex jappoġġaw attivitajiet varji, bħall-biedja u l-iżvilupp ta’ żoni rurali u urbani, proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport, riċerka, taħriġ għal persuni qiegħda, appoġġ għal pajjiżi li jixtiequ jissieħbu mal-UE, u għajnuna lil pajjiżi ġirien u lil pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Madwar żewġ terzi tal-baġit jintnefaq taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”, fejn huma l-Istati Membri individwali li jiddistribwixxu l-fondi u jimmaniġġjaw l-infiq f’konformità mad-dritt tal-UE u dak nazzjonali (eż. fil-każ tal-infiq fuq “Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”).

Din is-sena, l-Intestatura “Riżorsi naturali” kkostitwiet l-akbar sehem mill-popolazzjoni kumplessiva tal-awditjar tagħna (56 %), filwaqt li, meta mqabbel ma’ snin preċedenti, is-sehem tal-infiq fuq “Koeżjoni” kien relattivament żgħir (8 %) minħabba l-livell baxx ta’ nfiq aċċetat fl-2017.

X’sibna

Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja

Il-kontijiet tal-UE għall-2017 tħejjew skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku, u jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, stampa vera u ġusta tar-riżultati finanzjarji tal-UE għas-sena u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena.

Għalhekk, aħna nistgħu nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà (jiġifieri ċ-“ċertifikazzjoni” minna) tal-kontijiet, kif ilna nagħmlu kull sena mill-2007 ’l hawn.

L-infiq tal-UE huwa legali u regolari, ħlief għar-rimborżi tal-ispejjeż

Aħna nittestjaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet mill-baġit kollu tal-UE biex nipprovdu stimi tal-punt sa fejn id-dħul u l-oqsma differenti ta’ nfiq huma milquta minn żball. Għal aktar informazzjoni dwar l-approċċ tal-awditjar tagħna u l-livell ta’ żball stmat, ara ikklikkja hawn.

Aħna nikkonkludu li d-dħul kien ħieles minn żball materjali.

Għall-2017, aħna noħorġu opinjoni kwalifikata dwar il-pagamenti li saru mill-baġit tal-UE.

Aħna nistmaw li l-livell ta’ żball fl-infiq, meħud fl-intier tiegħu, huwa ta’ 2.4 % (ara l-Figura 2), imqabbel ma’ 3.1 % fl-2016 u 3.8 % fl-2015.

Figura 2

Livell ta’ żball stmat għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu (2015-2017)

Nota:
Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nistmaw il-livell ta’ żball. Aħna nistgħu naffermaw, bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % li l-livell ta’ żball għall-popolazzjoni jinsab fil-firxa bejn il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball (għal aktar dettalji, ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2017).

Il-mod kif il-fondi tal-UE jiġu żborżati għandu impatt fuq ir-riskju ta’ żball

Ir-riżultati tal-awditjar tagħna għall-2017 jikkonfermaw is-sejbiet tagħna għall-2015 u l-2016: jiġifieri, il-mod li bih il-fondi jiġu żborżati għandu impatt fuq ir-riskju ta’ żball.

L-iżbalji kienu prinċipalment limitati għar-rimborżi tal-ispejjeż, li din is-sena kienu jirrappreżentaw 47 % tal-popolazzjoni li awditjajna. Għal dawk il-partijiet tal-baġit tal-UE fejn il-pagamenti jsiru fuq il-bażi ta’ rimborżi tal-ispejjeż, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 3.7 % (4.8 % fl-2016). Ir-rata ta’ żball għal pagamenti bbażati fuq drittijiet kienet taħt is-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 % (ara l-Figura 3).

Figura 3

Madwar nofs l-infiq tal-2017 li ġie awditjat kien ħieles minn żball materjali

Għalhekk, aħna nikkonkludu li l-livell ta’ żball mhuwiex pervażiv u li, bl-eċċezzjoni tar-rimborżi tal-ispejjeż, il-pagamenti għall-2017 kienu legali u regolari.

X’inhuma pagamenti bbażati fuq drittijiet u pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż?

L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:

  • Pagamenti bbażati fuq drittijiet, fejn il-pagamenti huma bbażati fuq l-issodisfar ta’ ċerti kundizzjonijiet; pagamenti bħal dawn jinkludu fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi”), għajnuna diretta għall-bdiewa (“Riżorsi naturali”), kif ukoll salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (“Amministrazzjoni”).
  • Rimborżi tal-ispejjeż, fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli. Din il-kategprija tkopri, pereżempju, proġetti ta’ riċerka (taħt “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi”), investiment fi żvilupp reġjonali u rurali u skemi ta’ taħriġ (“Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”) u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (“Ewropa Globali”).

“Riżorsi naturali” kellu l-akbar sehem ta’ nfiq awditjat (56 %). “Appoġġ dirett”, li prinċipalment jikkonsisti f’pagamenti ta’ għajnuna diretta lill-bdiewa, kien jirrappreżenta 74 % ta’ dan il-qasam u kien ħieles minn żball materjali. “Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, l-ambjent, azzjoni klimatika u sajd” huwa l-komponent l-ieħor ta’ “Riżorsi naturali”.

Il-qasam “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” kkostitwixxa t-tieni l-akbar sehem ta’ nfiq awditjat (15 %) u kien milqut minn livell materjali ta’ żball. Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji f’dan il-qasam kienu dovuti għar-rimborż ta’ spejjeż għall-persunal li kienu ineliġibbli, spejjeż diretti ineliġibbli oħra jew spejjeż indiretti ineliġibbli.

L-istima tar-rata ta’ żball għal “Koeżjoni” tieħu kont tal-iżbalji kollha li ġew ikkwantifikati mill-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri jew inkella minna nfusna, u l-aġġustamenti għall-korrezzjonijiet finanzjarji rilevanti kollha jsiru mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew inkella mill-Kummissjoni. Fuq il-bażi ta’ dan kollu, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball kien materjali.

Il-qasam “Amministrazzjoni” kien ħieles minn żball materjali. Il-biċċa l-kbira mill-infiq f’dan il-qasam isir fil-forma ta’ salarji, pensjonijiet u allowances imħallsa mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

Fil-Figura 4 jingħata tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati fid-diversi oqsma ta’ nfiq bejn l-2015 u l-2017. Aktar informazzjoni dwar ir-riżultati fid-dħul u f’kull qasam ta’ nfiq tingħata hawn, u fil-kapitoli rilevanti tar-Rapport Annwali 2017.

Figura 4

Tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati għall-oqsma ta’ nfiq tal-UE (2015-2017)

%Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq l-iżbalji kwantifikabbli li identifikajna permezz tax-xogħol tagħna, notevolment l-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nieħdu dan il-kampjun u biex nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 għar-Rapport Annwali 2017).

F’ċerti ċirkustanzi, aħna nieħdu inkunsiderazzjoni l-azzjoni korrettiva li tkun ittieħdet meta nistmaw il-livell ta’ żball

L-Istati Membri u l-Kummissjoni japplikaw miżuri korrettivi f’każijiet ta’ nfiq irregolari u meta żbalji fil-pagamenti ma jkunux inqabdu aktar kmieni fil-proċess. Aħna nagħmlu ħilitna biex, fir-riżultati tal-awditjar tagħna, nieħdu kont ta’ dawn il-miżuri meta jittieħdu qabel il-pagament jew qabel l-eżaminar li nwettqu. Aħna mbagħad nivverifikaw ir-riżultati tal-applikazzjoni ta’ dawn il-korrezzjonijiet u naġġustaw il-livell ta’ żball stmat minna fejn ikun xieraq.

Barra minn hekk, kien hemm disponibbli informazzjoni suffiċjenti biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jipprevienu jew biex jaqbdu u jikkoreġu proporzjon sinifikanti tal- iżbalji qabel ma jiddikjaraw l-infiq lill-Kummissjoni. Li kieku l-awtoritajiet nazzjonali użaw din l-informazzjoni biex jikkoreġu l-iżbalji, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” kien ikun ta’ 2.7 % u, għal “Riżorsi naturali” kien ikun taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.

Il-komponenti individwali tal-informazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regolarità mhux dejjem jikkonformaw mas-sejbiet tagħna

Kull Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni jipproduċi rapport annwali tal-attività. Dan jinkludi dikjarazzjoni li fiha d-Direttur Ġenerali jipprovdi aċċertament li r-rapport jippreżenta b’mod xieraq l-informazzjoni finanzjarja u li t-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu huma legali u regolari. Id-Direttorati Ġenerali kollha pprovdew stimi tal-livelli ta’ żball tagħhom, li b’mod ġenerali jikkonformaw mal-istimi tagħna għal “Riżorsi naturali” u “Amministrazzjoni” u li huma aktar baxxi mill-istimi tagħna għal “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” u “Koeżjoni”.

Aħna nirrappurtaw każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF

Il-frodi hija att ta’ qerq deliberat biex jinkiseb benefiċċju. Għalhekk, l-istima tagħna tal-livell ta’ żball fil-baġit tal-UE la hija kejl ta’ frodi u lanqas ta’ ineffiċjenza jew ħela. Hija pjuttost stima tal-flus li ma kellhomx jitħallsu minħabba li ma ntużawx f’konformità mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.

Aħna nirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata li jkunu nqabdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-OLAF, l-uffiċċju tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi. Imbagħad, hija r-responsabbiltà tal-OLAF li jinvestiga u jagħti segwitu lil dawn il-każijiet, fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Għall-2017, aħna sibna 13-il każ ta’ frodi suspettata fis-703 tranżazzjonjiet li awditjajna għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni u għal awditi oħra tal-prestazzjoni u/jew tal-konformità (2016: 11).

Aħna għaddejna dawn il-każijiet lill-OLAF, flimkien ma’ sitt każijiet oħra li l-pubbliku ġibdilna l-attenzjoni għalihom. Il-każijiet ta’ frodi suspettata kienu jikkonċernaw il-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb finanzjament mill-UE, id-dikjarazzjoni ta’ spejjeż li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà u irregolaritajiet fl-akkwist.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali tingħata fil-Kapitolu 1 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.
It-test sħiħ tar-rapport annwali huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=46515).

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja qed tiffaċċja l-isfidi

L-impenji baġitarji pendenti qed ikomplu jiżdiedu

Fl-2017, l-UE impenjat EUR 158.7 biljun (99.3 %) mill-ammont disponibbli għall-impenji. Madankollu, il-pagamenti ammontaw għal EUR 124.7 biljun, li kien konsiderevolment aktar baxx milli bbaġitjat, u dan kien prinċipalment dovut għall-fatt li l-Istati Membri ppreżentaw inqas klejms milli kien antiċipat għall-programmi pluriennali tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) 2014-2020.

L-użu kważi sħiħ tal-ammont disponibbli għall-impenji, flimkien mal-livell baxx ta’ pagamenti, żiedu l-impenji baġitarji pendenti għal rekord ġdid ta’ EUR 267.3 biljun. Ħtiġijiet ta’ pagamenti konsiderevolment ogħla lejn tmiem il-QFP attwali jistgħu jwasslu għal pressjoni fuq il-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament, u għal riskju sinifikattivament ogħla li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli ma jkunux suffiċjenti biex jitħallsu l-klejms kollha għall-pagament. Aħna tal-opinjoni li previżjoni aktar preċiża dwar il-pagamenti tgħin biex dan ir-riskju jiġi mmaniġġjat.

L-Istati Membri għadhom qed isibuha diffiċli biex jużaw ir-riżorsi disponibbli mill-Fondi SIE

F’bosta Stati Membri, l-impenji pendenti mill-Fondi SIE fl-2017 huma pjuttost sinifikanti, speċjalment meta mqabbla mal-infiq annwali totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi (ara l-Figura 5). Sa tmiem l-2017, ir-rata medja kumplessiva ta’ assorbiment (16 %) għall-QFP 2014-2020 kienet jerġa’ aktar baxxa minn dik fis-sena korrispondenti tal-QFP preċedenti (2010: 22 %). Dan kien prinċipalment dovut għall-għeluq tal-QFP preċedenti li sar aktar tard milli previst, l-adozzjoni tardiva ta’ atti legali, id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda għall-QFP attwali u l-bidla fir-regoli ta’ diżimpenn minn n+2 għal n+3, kif ukoll għall-piż amministrattiv marbut mat-trikkib bejn il-perjodi tal-QFP. Nixtiequ wkoll niġbdu l-attenzjoni għall-possibbiltà li dan ikollu impatt fuq il-kwalità tal-proġetti kif ukoll għall-importanza li jkun jeżisti qafas legali stabbli biżżejjed.

Figura 5

Impenji pendenti mill-Fondi SIE fi tmiem l-2017

Hemm aktar flessibbiltà fil-baġit tal-UE, iżda jibqa’ r-riskju ta’ arretrati ta’ pagamenti

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP għamel il-baġit tal-UE aktar flessibbli. Huwa żied il-Marġni Globali għall-Pagamenti (MGP), li jippermetti li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament li ma jkunux intużaw jiġu riportati għal snin fil-futur. Barra minn hekk, sar ukoll titjib fl-istrumenti speċjali. L-ammonti disponibbli għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza u għall-Istrument ta’ Flessibbiltà żdiedu b’EUR 0.7 biljun. Minbarra dan, mill-2017 ‘il quddiem, l-ammonti annullati taħt il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea setgħu jiġu ttrasferiti għall-Istrument ta’ Flessibbiltà.

Dawn il-miżuri kienu ta’ għajnuna, iżda jistgħu ma jkunux suffiċjenti biex jagħmlu l-baġit tal-UE flessibbli biżżejjed biex jindirizza l-isfidi possibbli fil-futur. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-istrumenti speċjali għandhomx jingħaddu fil-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament, għadha ma ġietx riżolta. Din l-inċertezza żżid ir-riskju li jkun hemm arretrati ta’ pagamenti.

Il-baġit tal-UE jkompli jiffaċċja esponiment sinifikanti

Il-baġit tal-UE jkompli jiffaċċja akkumulazzjoni ta’ obbligi legali biex isiru pagamenti f’data fil-futur, suġġett għal diversi kundizzjonijiet. Dawn l-obbligi jinkludu obbligazzjonijiet kontinġenti fil-forma ta’ garanziji li jistgħu jkunu jeħtieġu finanzjament f’każ li jseħħ avveniment futur.

Meta tippreżenta proposti leġiżlattivi li jkunu jinkludu l-ħolqien jew iż-żieda ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti mdaqqsin, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tinkludi wkoll stampa ġenerali tal-valur totali tal-obbligazzjonijiet kontinġenti li jingħataw appoġġ mill-baġit, flimkien ma’ analiżi tax-xenarji tas-simulazzjoni ta’ kriżi u l-impatt possibbli tagħhom fuq il-baġit.

Il-ħruġ previst tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-2019 jippreżenta sfidi addizzjonali għall-baġit tal-UE.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali li jirrigwardaw il-ġestjoni baġitarja u finanzjajrja tingħata fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

Jeħtieġ li jsir użu aħjar mill-informazzjoni dwar il-prestazzjoni

Il-Kummissjoni tuża l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni biex timmaniġġja l-programmi u l-politiki, għalkemm mhux dejjem tieħu azzjoni xierqa meta l-miri ma jintlaħqux

L-għan tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni huwa li tagħti indikazzjoni dwar jekk il-politiki, il-proġetti u l-programmi humiex qed jilħqu l-objettivi tagħhom b’mod effiċjenti u effettiv. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tintuża biex jitfasslu l-miżuri korrettivi meħtieġa, u biex jingħata appoġġ għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

Is-sena li għaddiet, aħna eżaminajna l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni bi tqabbil mal-prattika tajba. Din is-sena, aħna eżaminajna speċifikament l-użu li hija tagħmel mill-informazzjoni dwar il-prestazzjoni għall-programmi ta’ nfiq u għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki.

Aħna nikkonkludu din it-taqsima billi nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tirrazzjonalizza u tissimplifika l-oqfsa strateġiċi li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, u b’hekk tirrinforza l-obbligu ta’ rendikont għar-riżultati u żżid iċ-ċarezza u t-trasparenza għall-partijiet ikkonċernati kollha;
  • tinkludi informazzjoni aġġornata fir-rappurtar dwar il-prestazzjoni rigward il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-miri, u dejjem tieħu, jew tipproponi, azzjoni xierqa meta dawn il-miri ma jintlaħqux;
  • tirrazzjonalizza l-indikaturi dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE u ttejjeb l-allinjament bejn l-objettivi ġenerali ta’ livell għoli u l-objettivi speċifiċi tal-programmi u tal-politiki;
  • fir-rapporti ewlenin dwar il-prestazzjoni, tipprovdi informazzjoni dwar kif l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tkun intużat fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;
  • tintroduċi miżuri u inċentivi biex tistimula fokus akbar fuq il-prestazzjoni fil-kultura interna tagħha, filwaqt li tkompli tibni fuq il-progress li diġà sar.
Fl-2017, ġew ippubblikati 28 rapporti speċjali dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti

Aħna nivvalutaw il-prestazzjoni b’mod regolari fir-rapporti speċjali tagħna, li l-biċċa l-kbira minnhom huma bbażati fuq awditi tal-prestazzjoni jew fuq kombinament ta’ valutazzjonijiet tal-konformità u tal-prestazzjoni. Fir-rapporti tagħna tal-2017, aħna vverifikajna inpartikolari jekk l-objettivi tal-politiki u l-programmi magħżula tal-UE kinux intlaħqu, jekk ir-riżultati kinux inkisbu b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk il-finanzjament mill-UE kienx ipprovda valur miżjud. It-28 rapport speċjali li ġew ippubblikati fl-2017 huma kollha elenkati fil-grafika segwenti.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar il-valutazzjoni li wettaqna tal-prestazzjoni tingħata fil-Kapitolu 3 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

Ir-rapporti speċjali tagħna — li huma prinċipalment awditi tal-prestazzjoni — huma disponibbli bi 23 lingwa tal-UE fuq is-sit web tagħna (http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/AuditReportsOpinions.aspx?ty=Special%20report&tab=tab4)

Il-Kummissjoni timplimenta perċentwal kbir tar-rakkomandazzjonijiet tagħna

Kull sena, aħna neżaminaw il-punt sa fejn il-Kummissjoni tkun ħadet azzjoni korrettiva relatata mar-rakkomandazzjonijiet tagħna. F’konformità mal-istrateġija tagħna għall-2018-2020, aħna se nwettqu segwitu tar-rakkomandazzjonijiet kollha għall-awditi tal-prestazzjoni li għamilna lill-Kummissjoni fit-tliet snin preċedenti.

Din is-sena, l-analiżi ta’ segwitu kopriet 100 rakkomandazzjoni li saru fir-rapporti speċjali tagħna ppubblikati fl-2014. Il-Kummissjoni implimentat 75 rakkomandazzjoni bis-sħiħ jew fil-biċċa l-kbira mill-aspetti. Aħna sibna li sitt rakkomandazzjonijiet biss ma kinux ġew implimentati (ara l-Figura 6).

Figura 6

Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li l-QEA għamlet fl-2014 ġew implimentati

Ħarsa aktar mill-qrib lejn id-dħul u l-oqsma ta’ nfiq

Dħul
EUR 139.7 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra l-parti tal-baġit tal-UE li tikkonċerna d-dħul, u li permezz tiegħu hija tiffinanzja l-infiq. Aħna eżaminajna ċerti sistemi ewlenin ta’ kontroll għall-kalkolu u l-ġbir tar-riżorsi proprji, u kampjun ta’ tranżazzjonijiet relatati mad-dħul.

Il-kontribuzzjonijiet li saru mill-Istati Membri, ibbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom u fuq id-dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), kienu jirrappreżentaw 56 % u 12 % rispettivament tad-dħul totali tal-UE fl-2017. Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ statistika u stimi makroekonomiċi pprovduti mill-Istati Membri.

Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), li jikkonsistu prinċipalment f’dazji doganali fuq importazzjonijiet miġbura mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri f’isem l-UE, ikkontribwew għal 15 % oħra tad-dħul tal-UE. Is-17 % tad-dħul tal-UE li jifdal ġew minn sorsi oħra (eż. kontribuzzjonijiet u rifużjonijiet li jirriżultaw mill-ftehimiet u l-programmi tal-UE, il-bilanċ pożittiv mis-sena finanzjarja 2016, kif ukoll il-multi imposti mill-Kummissjoni u l-imgħax ta’ inadempjenza).

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Le

Livell ta’ żball stmat:

0.0 % (2016: 0.0 %)

B’mod ġenerali, is-sistemi relatati mad-dħul li aħna eżaminajna kienu effettivi. Madankollu, għall-RPT, aħna sibna li xi wħud mill-kontrolli kienu biss parzjalment effettivi. Sibna wkoll li kien hemm lok għal titjib fl-azzjonijiet tal-Kummissjoni għas-salvagwardja tad-dħul tal-UE f’xi oqsma. Inpartikolari, kien hemm dgħufijiet fil-mod kif hija mmaniġġjat ir-riskju tas-sottovalutazzjoni ta’ importazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-RPT, kif ukoll fil-verifikazzjonijiet tagħha dwar ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT. Dgħufijiet f’dawn iż-żewġ oqsma jistgħu jaffettwaw il-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri għall-baġit tal-UE.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • ittejjeb il-monitoraġġ tagħha tal-flussi ta’ importazzjoni, billi, fost l-oħrajn, tagħmel użu aktar wiesa’ mit-tekniki tal-estrazzjoni tad-data biex tanalizza xejriet mhux tas-soltu u r-raġunijiet sottostanti għalihom, u billi taġixxi fil-pront biex tiżgura li l-ammonti dovuti tal-RPT jsiru disponibbli;
  • teżamina l-qafas ta’ kontroll eżistenti u tiddokumenta aħjar l-applikazzjoni tiegħu meta ssir verifikazzjoni tal-kalkoli li l-Istati Membri jwettqu tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT.

 

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tad-dħul tal-UE tingħata fil-Kapitolu 4 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi
EUR 14.9 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra l-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-sistemi tal-edukazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, is-suq uniku diġitali, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, kif ukoll l-immodernizzar tas-settur tat-trasport u t-titjib tal-ambjent ekonomiku, partikolarment għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

Għall-2017, ġie awditjat infiq ta’ EUR 14.9 biljun f’dan il-qasam. Il-biċċa l-kbira mill-infiq kien f’forma ta’ għotjiet lil benefiċjarji pubbliċi jew privati li pparteċipaw fi proġetti.

L-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li fl-2017 kien jirrappreżenta 53 % tal-infiq taħt din is-subintestatura, isir permezz tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku 2007-2013 (FP7) u Orizzont 2020, il-programm qafas għall-2014-2020.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta’ żball stmat:

4.2 % (2016: 4.1 %)

Ir-riskju prinċipali għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet huwa li l-benefiċjarji jiddikjaraw spejjeż ineliġibbli li la jinqabdu u lanqas ma jiġu kkoreġuti qabel ma l-Kummissjoni tirrimborżahom. Fil-fatt, aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-iżbalji kienu relatati mar-rimborż ta’ spejjeż ineliġibbli għall-persunal, spejjeż diretti ineliġibbli oħra (eż. spejjeż għall-ivvjaġġar u għal tagħmir li ma kinux relatati mal-proġett) jew spejjeż indiretti ineliġibbli li ġew iddikjarati mill-benefiċjarji. Huma kienu jinkludu żbalji ta’ kalkolu, nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn għall-ispejjeż iddikjarati u spejjeż li ġġarrbu barra mill-perjodu ta’ żmien permess (ara l-eżempji fil-kaxxa).

Eżempji: Spejjeż ineliġibbli

F’każ partikolari li eżaminajna, benefiċjarju tal-SMEs kien uża metodoloġija skorretta biex jikkalkula r-rati fis-siegħa u ddikjara b’mod eċċessiv is-sigħat ta’ xogħol ta’ xi wħud mill-impjegati. Barra minn hekk, l-impjegati kollha li kienu qed jaħdmu fuq il-proġett kienu fil-fatt impjegati minn kumpanija oħt li ma kinitx parti mill-ftehim ta’ għotja.

F’każ ieħor, benefiċjarju kien iddikjara imposti futuri li, fiż-żmien meta l-Kummissjoni aċċettat l-ispejjeż, la kienu ġew iffatturati u lanqas ma kienu tħallsu, u ma kienx hemm evidenza li x-xogħlijiet relatati kienu fil-fatt twettqu.

Kien hemm disponibbli informazzjoni suffiċjenti biex proporzjon sinifikanti ta’ żbalji jiġu prevenuti, jew biex jinqabdu u jiġu kkoreġuti. Li kieku din l-informazzjoni ntużat biex l-iżbalji jiġu kkoreġuti, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq kumplessiv fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” kien ikun 1.5 punti perċentwali aktar baxx.

Aħna sibna wkoll bosta każijiet ta’ dewmien fid-distribuzzjoni tal-finanzjament mill-UE, min-naħa tal-koordinatur ta’ proġett, lill-parteċipanti l-oħra tal-proġett. Għalkemm xi wħud minn dawn il-każijiet ta’ dewmien kienu komprensibbli, aħna nosservaw li kwalunkwe dewmien fit-trasferiment tal-fondi tal-UE jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji serji għall-parteċipanti tal-proġetti, speċjalment għall-SMEs.

Regoli għal Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Aħna konna rrappurtajna qabel li Orizzont 2020 għandu regoli ta’ finanzjament li huma aktar sempliċi mill-FP7. Madankollu, ir-regoli dwar l-ispejjeż għall-persunal għadhom diffiċli biex jinftiehmu u biex jiġu applikati. Dan huwa kkonfermat mill-awditi tagħna u mill-awditi tal-Kummissjoni, li juru livell ta’ żball fl-ispejjeż għall-persunal li huwa persistentement għoli.

Aħna osservajna regoli ta’ eliġibbiltà vagi u suġġetti għall-interpretazzjoni fi programmi oħra wkoll. Taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), ma hemmx gwida dwar l-evidenza meħtieġa biex jintwera li spiża tkun iġġarrbet, li huwa prerekwiżit għall-eliġibbiltà. Aħna tal-opinjoni li jekk ir-regoli jiġu ssimplifikati u kkjarifikati aktar, dan jirriżulta f’titjib tal-ġestjoni finanzjarja u f’armonizzazzjoni tat-trattament tal-benefiċjarji.

Il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-legalità u r-regolarità

Ir-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, kif ukoll dawk tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) taw valutazzjoni ġusta tal-ġestjoni finanzjarja mwettqa mid-Direttorati Ġenerali u mill-aġenziji f’termini tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. B’mod ġenerali, l-informazzjoni pprovduta kienet tikkorrobora s-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna. Aħna osservajna wkoll li s-servizzi tal-Kummissjoni li jimplimentaw programmi ta’ riċerka u innovazzjoni adottaw approċċ aktar armonizzat biex jiddeterminaw l-ammonti stmati li jinsabu f’riskju.

Għar-riċerka u l-innovazzjoni, aħna eżaminajna l-metodoloġija ta’ kampjunar u tal-awditjar tal-Kummissjoni, li fuqha hija bbażata l-informazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità fir-rapporti annwali tal-attività, kif ukoll il-fajls tal-awditjar li jinżammu mill-Kummissjoni u mid-ditti privati tal-awditjar li jwettqu awditi għall-Kummissjoni dwar l-FP7, Orizzont 2020 u Erasmus+.

Ix-xogħol li wettaqna dwar l-istrateġija u l-metodoloġija tal-Kummissjoni u tal-aġenziji nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-awditjar ex post għal Erasmus+ wera li l-aġenziji u l-awtoritajiet nazzjonali awditjati kienu stabbilew sistemi adegwati ta’ superviżjoni u kontroll. Madankollu, f’żewġ każijiet mit-tlieta eżaminati, aħna identifikajna dgħufijiet fir-reqqa u fid-dokumentazzjoni tal-kontrolli li twettqu mill-korpi indipendenti tal-awditjar magħżula mill-awtoritajiet nazzjonali.

Id-ditti privati tal-awditjar ma kinux armonizzaw għalkollox il-programmi tal-awditjar tagħhom għall-FP7.

Il-programmi tal-awditjar għal Orizzont 2020 kienu konsistenti, iżda d-dokumentazzjoni disponibbli tal-awditjar ma kinitx suffiċjenti biex ssir analiżi kompleta. Barra minn hekk, peress li l-valutazzjoni tagħna ma koprietx id-ditti privati tal-awditjar li jwettqu awditi f’isem il-Kummissjoni, aħna ma nistgħux nifformulaw konklużjonijiet dwar il-kwalità tal-awditi ex post għal Orizzont 2020.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

Aħna vvalutajna r-rappurtar tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tal-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni kkampjunati. Għalkemm il-biċċa l-kbira mill-proġetti kienu kisbu l-outputs u r-riżultati mistennija minnhom, kien hemm każijiet fejn il-progress li ġie rrappurtat kien jikkonforma parzjalment biss mal-objettivi li dwarhom kien intlaħaq qbil jew fejn l-ispejjeż irrappurtati ma tqisux raġonevoli meta mqabbla mal-progress li kien sar. Barra minn hekk, f’xi każijiet, l-outputs u r-riżultati tal-proġetti kienu ġew disseminati parzjalment biss.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • fir-rigward ta’ Orizzont 2020, tikkjarifika aktar ir-regoli ta’ eliġibbiltà relatati mal-ispejjeż għall-persunal, teżamina l-metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż għall-persunal, u tikkompleta l-lista ta’ kwistjonijiet applikabbli f’ċerti pajjiżi;
  • fir-rigward tas-CEF, iżżid il-livell ta’ sensibilizzazzjoni tal-benefiċjarji f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari billi tagħmel distinzjoni ċara bejn kuntratt ta’ implimentazzjoni u sottokuntratt;
  • tindirizza minnufih id-dgħufijiet identifikati mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni fil-proċess ta’ ġestjoni tal-għotjiet Erasmus+ mill-EACEA u fil-monitoraġġ tal-proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.

 

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” tingħata fil-Kapitolu 5 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
EUR 8 biljun

X’awditjajna

L-infiq taħt is-Subintestatura 1b tal-QFP “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (“Koeżjoni”) jiffoka fuq it-tnaqqis tad-diverġenzi fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE, u fuq it-tisħiħ tal-kompetittività tar-reġjuni kollha. Għall-2017, ġie awditjat infiq ta’ EUR 8 biljun biss f’dan il-qasam. Dan kien dovut għal-livell baxx ta’ nfiq aċċettat; iċ-ċifra x’aktarx li tkun sostanzjalment akbar għall-2018.

L-infiq huwa mmaniġġjat taħt ir-responsabbiltà ta’ żewġ Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni. L-ewwel wieħed huwa d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO), li prinċipalment jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK). L-infiq li jimmaniġġja jirrappreżenta 65 % tal-popolazzjoni li awditjajna. It-tieni wieħed huwa d-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), li prinċipalment jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). L-infiq taħt ir-responsabbiltà tiegħu jirrappreżenta 35 % tal-popolazzjoni li awditjajna.

Il-ġestjoni tal-infiq hija kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u tinvolvi l-kofinanzjament tal-programmi operazzjonali pluriennali li minnhom jiġu ffinanzjati l-proġetti.

Għall-ewwel darba, l-awditu tagħna kien relatat mal-pagamenti tal-għeluq għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u mal-infiq approvat għall-perjodu 2014-2020 taħt il-qafas il-ġdid ta’ kontroll u ta’ aċċertament. B’kont meħud ta’ dan il-qafas rivedut, din is-sena l-awditu tagħna kopra x-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar u tal-Kummissjoni. Aħna ħadna kampjun statistikament rappreżentattiv ta’ tranżazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-awditjar kienu diġà eżaminaw u analizzajna x-xogħol tagħhom. Għat-tranżazzjonijiet fejn identifikajna nuqqasijiet, aħna mbagħad erġajna wettaqna mill-ġdid l-awditu tagħhom fil-livell tal-benefiċjarji.

L-għan tal-awditu tagħna kien li nikkontribwixxu għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni kumplessiva u li nivvalutaw il-qafas il-ġdid ta’ kontroll u ta’ aċċertament, u l-punt sa fejn huwa affidabbli. Dan twettaq bil-ħsieb li possibbilment isir aktar użu minnu fil-futur u, għalhekk jiġi identifikat fejn huwa meħtieġ isir aktar titjib.

X’sibna

Il-qasam ta’ nfiq kien milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta’ żball stmat1:

3.0 % (2016: 4.8 %)

L-għadd u l-impatt tal-iżbalji li sibna jindikaw li għad hemm dgħufijiet fir-rigward tar-regolarità tal-infiq iddikjarat mill-awtoritajiet maniġerjali. L-istrumenti finanzjarji kkontribwew l-aktar għal-livell ta’ żball stmat minna, segwiti mill-ispejjeż ineliġibbli (ara l-eżempju).

Eżempju: Self ineliġibbli li ġie approvat għal strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża

Il-kofinanzjament mill-FEŻR għal self irid jintuża primarjament (jiġifieri aktar minn 50 % tal-valur totali tas-self) biex jappoġġa l-SMEs. Madankollu, wieħed mill-istrumenti finanzjarji li awditjajna kien investa kważi 80 % tal-valur totali approvat tas-self f’kumpaniji li ma kinux SMEs. La l-awtorità tal-awditjar u lanqas il-Kummissjoni ma qabdu dan il-ksur tar-rekwiżit bażiku tal-eliġibbiltà stabbilit mil-leġiżlatur.

Valutazzjoni tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar

Ix-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar huwa parti kruċjali tal-qafas il-ġdid ta’ aċċertament u ta’ kontroll li jiżgura r-regolarità tal-infiq fil-qasam “Koeżjoni”. Għalhekk, din is-sena, aħna għamilna enfasi akbar fuq l-eżaminar tal-elementi ewlenin tal-kontrolli li wettqu.

F’bosta każijiet, l-analiżi li wettaqna tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar żvelat nuqqasijiet li affettwaw l-affidabbiltà tar-rati tal-iżball residwu rrappurtati. Aħna sibna dgħufijiet relatati mal-ambitu, mal-kwalità u mad-dokumentazzjoni tax-xogħol tagħhom kif ukoll mar-rappreżentattività tal-kampjunar tagħhom. Il-Kummissjoni ma identifikatx dawn il-problemi. Fil-pakketti kollha ta’ aċċertament u ta’ għeluq li eżaminajna, l-awtoritajiet tal-awditjar kienu rrappurtaw rata tal-iżball residwu inqas minn 2 %.

Madankollu, minħabba l-iżbalji addizzjonali li qbadna, ir-rata kkalkulata minna mill-ġdid kienet ogħla minn 2 % għal 6 mit-12-il pakkett ta’ aċċertament li awditjajna għall-perjodu 2014-2020 u għal 3 mill-10 pakketti ta’ għeluq li awditjajna għall-perjodu 2007-2013.

Ix-xogħol tal-Kummissjoni u r-rappurtar tagħha dwar ir-rata tal-iżball residwu fir-rapporti annwali tal-attività tagħha

Ir-rapporti annwali tal-attività (RAA) huma l-għodda prinċipali li permezz tagħhom il-Kummissjoni tirrapporta jekk ikollhiex aċċertament raġonevoli li l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti jiżgurawx ir-regolarità tal-infiq. Il-qafas il-ġdid ta’ kontroll u ta’ aċċertament tfassal biex jiġi żgurat li r-rati tal-iżball residwu ta’ kull sena jkunu taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %. Madankollu, għall-qasam “Koeżjoni”, ir-RAA 2017 tad-DĠ EMPL u d-DĠ REGIO jagħtu bosta rati differenti bħala miżura tal-infiq f’riskju. Dawn jinkludu r-rati tal-iżball residwu għal kull pakkett ta’ aċċertament fis-sena kontabilistika mill-1 ta’ Lulju 2015 sat-30 ta’ Ġunju 2016. Fil-fehma tagħna, dawn ir-rati huma l-uniċi rati li għalihom il-Kummissjoni jista’ jkollha l-aċċertament meħtieġ mill-awtoritajiet tal-awditjar u mix-xogħol proprju tagħha relatat mar-regolarità.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jsir aktar titjib fix-xogħol li l-Kummissjoni twettaq biex taċċetta l-kontijiet, biex tivvalida r-rati individwali tal-iżball residwu u biex tistabbilixxi rata kumplessiva tal-iżball residwu.

Ix-xogħol li wettaqna juri li r-rati kumplessivi tal-iżball residwu ppreżentati fir-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Kummissjoni għas-sena kontabilistika 2015/2016 huma stmati b’mod insuffiċjenti, u attwalment aħna ma nistgħux noqogħdu fuqhom.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

Wieħed mill-objettivi prinċipali tad-dispożizzjonijiet regolatorji għall-perjodu 2014-2020 kien li titqiegħed aktar enfasi fuq il-prestazzjoni u r-riżultati. L-analiżi li wettaqna ta’ 113-il proġett uriet li, b’mod ġenerali, hemm rabta ċara bejn l-objettivi tal-outputs fil-livell tal-programmi operazzjonali u dawk fil-livell tal-proġetti. Fejn ġew issettjati miri, dawn fil-biċċa l-kbira ġew irrappurtati li ntlaħqu, tal-inqas parzjalment. Madankollu, ħafna mis-sistemi għall-kejl tal-prestazzjoni ma għandhomx indikaturi tar-riżultati, li jagħmilha diffiċli biex tiġi vvalutata l-kontribuzzjoni kumplessiva ta’ proġett għall-objettivi speċifiċi ta’ PO.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tiżgura li l-arranġamenti tal-awditjar fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji mmaniġġjati mill-FEI jkunu adegwati fil-livell tal-intermedjarji finanzjarji;
  • tipproponi li, għall-qafas finanzjarju wara l-2020, isiru bidliet leġiżlattivi biex tiġi eskluża l-possibbiltà li jsir rimborż tal-VAT lil korpi pubbliċi mill-fondi tal-UE;
  • tindirizza d-dgħufijiet li identifikajna fil-verifikazzjoni li twettaq tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar fil-kuntest tal-awditi tagħha tar-regolarità;
  • tindirizza l-kumplessità tal-informazzjoni ppreżentata, fir-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ REGIO u tad-DĠ EMPL, dwar il-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament 2014-2020;
  • tiżgura li l-arranġamenti tal-awditjar jinbidlu skont il-proposta għall-istrumenti finanzjarji fil-qafas regolatorju wara l-2020, biex, għall-kalkolu tar-rati tal-iżball residwu, jintużaw biss il-fondi li verament ikunu ntużaw fil-livell tar-riċevituri finali;
  • tiddivulga rata kumplessiva tal-iżball residwu għall-qasam “Koeżjoni” għal kull sena kontabilistika;
  • twettaq kontrolli tar-regolarità li jkunu suffiċjenti biex tkun tista’ tifformula konklużjonijiet dwar l-effettività tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar u biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar ir-regolarità tal-infiq sa mhux aktar tard milli fir-rapporti annwali tal-attività li tippubblika s-sena ta’ wara dik li għaliha tkun aċċettat il-kontijiet.

 

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” tingħata fil-Kapitolu 6 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

Riżorsi naturali
EUR 56.5 billion

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd (PKS) u parti mill-infiq tal-UE fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika. Għall-2017, ġie awditjat infiq ta’ EUR 56.5 biljun f’dan il-qasam.

Il-PAK hija l-bażi għall-infiq tal-UE fuq l-agrikoltura. It-tliet objettivi ġenerali tagħha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE huma:

  • produzzjoni vijabbli tal-ikel, b’enfasi fuq l-introjtu agrikolu, il-produttività agrikola u l-istabbiltà tal-prezzijiet;
  • ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, b’enfasi fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma;
  • żvilupp territorjali bbilanċjat.

Il-ġestjoni tal-infiq taħt il-PAK hija kondiviża mal-Istati Membri. Hija tkopri:

  • il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) – pagamenti diretti li kienu jirrappreżentaw 74 % tal-infiq f’dan il-qasam;
  • il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jikkofinanzja l-programmi tal-iżvilupp rurali flimkien mal-Istati Membri u li kien jirrappreżenta 19 % tal-infiq;
  • il-FAEG – miżuri tas-suq, li kienu jirrappreżentaw 5 % tal-infiq.

L-infiq taħt il-PAK jitwassal permezz ta’ madwar 80 aġenzija tal-pagamenti, li huma responsabbli biex jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u biex jagħmlu pagamenti lill-benefiċjarji.

Il-PKS huwa wkoll immaniġġjat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża.

Il-politika ambjentali tal-UE hija mmaniġġjata mill-Kummissjoni f’livell ċentrali. Il-programm għall-ambjent u l-azzjoni klimatika (LIFE) huwa l-akbar strument għall-infiq f’dan il-qasam.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Iva

Livell ta’ żball stmat:

2.4 % (2016: 2.5 %)

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu applikaw miżuri korrettivi li naqqsu l-livell ta’ żball stmat minna għal dan il-kapitolu b’1.1 punti perċentwali. Madankollu, għal proporzjon sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet li fihom żbalji kwantifikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevjenu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jiddikjaraw l-infiq lill-Kummissjoni. Li kieku l-awtoritjajiet nazzjonali għamlu użu xieraq minn din l-informazzjoni kollha li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, il-livell ta’ żball stmat għal dan il-kapitolu kien ikun aktar baxx b’0.9 punti perċentwali.

Il-pagamenti diretti kienu ħielsa minn żball materjali

Is-superfiċje ta’ art agrikola hija l-fattur varjabbli prinċipali għal pagamenti diretti. Titjib kontinwu fis-sistemi ta’ kontroll għen biex, fl-2017, il-livell ta’ żball jinżamm taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.

”Pagamenti ta’ ekoloġizzazzjoni” huma intenzjonati biex jagħtu appoġġ lill-bdiewa li jadottaw prattiki li jkunu ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent. Bħala parti mill-ittestjar li wettaqna ta’ 121 pagament dirett, żorna 35 benefiċjarju li jirċievu pagamenti ta’ ekoloġizzazzjoni; aħna sibna każ wieħed biss ta’ ksur dirett tar-rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni. Kif indikajna qabel, ir-rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni mhumiex impenjattivi u, fil-biċċa l-kbira, jirriflettu l-prattika agrikola normali. Għal aktar informazzjoni ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2017 tagħna intitolat “Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta’ appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva”.

Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, l-ambjent, azzjoni klimatika u sajd

Il-livell ta’ żball f’dawn l-oqsma ta’ nfiq għadu għoli.

Is-sorsi prinċipali ta’ żball kienu n-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, il-forniment ta’ informazzjoni impreċiża dwar l-erjas jew l-għadd ta’ annimali, u n-nuqqas ta’ konformità mill-benefiċjarji mal-impenji agroambjentali (ara l-eżempju).

Eżempju: Il-benefiċjarju ma ssodisfax l-impenji agroambjentali

Aħna eżaminajna każ fejn bidwi rċieva għajnuna taħt miżura għall-ottimizzazzjoni ambjentali ta’ tekniki agronomiċi u tat-tisqija. Sabiex jirċievi l-għajnuna, il-benefiċjarju kellu jimpenja lilu nnifsu li jiżra’ ċerti għelejjel fuq parti mill-azjenda, li jnaqqas l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi u tal-ilma għat-tisqija, u li jżomm reġistri tal-kultivazzjoni u tat-tisqija. Aħna sibna li l-benefiċjarju ma kien ikkonforma mal-ebda wieħed minn dawn l-impenji. Wara ż-żjara tagħna, l-aġenzija tal-pagamenti niedet proċedura biex tirkupra l-għajnuna.

Rappurtar mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali dwar il-legalità u r-regolarità

Ir-rati ta’ żball aġġustati għall-oqsma prinċipali ta’ nfiq tal-qasam “Riżorsi naturali”, ippreżentati fir-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI), huma konsistenti mal-konklużjoni tal-awditjar tagħna, jiġifieri li l-livell ta’ żball fl-infiq fuq dan il-qasam fl-intier tiegħu kien materjali, u li l-iskemi ta’ għajnuna diretta tal-FAEG, li jirrappreżentaw 74 % tal-infiq taħt din l-intestatura tal-QFP, ma kinux milquta minn livell materjali ta’ żball.

Mill-2015 ’il hawn, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni fl-Istati Membri kienu meħtieġa jagħtu opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-aġenziji tal-pagamenti. Ix-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni jikkontribwixxi għall-mudell ta’ aċċertament tal-Kummissjoni għall-infiq taħt il-PAK: id-DĠ AGRI jieħu kont tax-xogħol tagħhom meta jkun qed jikkalkula r-rati ta’ żball aġġustati għall-oqsma prinċipali ta’ nfiq. Madankollu, jeħtieġ li jsir titjib ulterjuri biex il-Kummissjoni tkun tista’ tilħaq l-objettiv tagħha li tuża x-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni bħala s-sors primarju tagħha ta’ aċċertament dwar ir-regolarità tal-infiq taħt il-PAK.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

L-applikazzjoni għall-għajnuna ġeospazjali (GSAA) hija applikazzjoni web li l-bdiewa jistgħu jużaw biex jippreżentaw online klejms għall-għajnuna bbażata fuq l-erja li mbagħad jiġu pproċessati mill-aġenziji tal-pagamenti. Dawn tal-aħħar iridu jagħmlu l-GSAA disponibbli għall-benefiċjarji kollha tal-għajnuna bbażata fuq l-erja sal-2018.

Aħna żorna aktar minn 100 azjenda agrikola biex neżaminaw l-użu tal-applikazzjoni u stħarriġna 24 aġenzija tal-pagamenti dwar l-introduzzjoni tagħha. Il-maġġoranza tal-applikanti għall-għajnuna bbażata fuq l-erja li żorna, kienu diġà użaw il-GSAA, li fil-biċċa l-kbira mill-każijiet irriżulta f’inqas żbalji u aktar ħin iffrankat. Madankollu, mill-bdiewa intervistati, 23 % kienu għadhom qed jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom mingħajr l-użu tal-GSAA.

Aħna eżaminajna 29 proġett ta’ investiment fil-qasam tal-iżvilupp rurali biex nivvalutaw il-prestazzjoni tagħhom. Globalment, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kienu allinjati mal-prijoritajiet identifikati fil-programmi tal-iżvilupp rurali u l-proċeduri tal-għażla kienu xierqa. Il-benefiċjarji li żorna ġeneralment wettqu kif kien ippjanat il-proġetti ta’ investiment fil-qasam tal-iżvilupp rurali li ġew ikkampjunati, u l-Istati Membri vverifikaw li l-ispejjeż kienu raġonevoli. Madankollu, l-Istati Membri ftit li xejn għamlu użu mill-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tivvaluta l-effettività tal-azzjonijiet tal-Istati Membri li l-għan tagħhom huwa li jindirizzaw il-kawżi tal-iżbalji fil-pagamenti relatati mal-miżuri tas-suq u l-iżvilupp rurali, u toħroġ gwida ulterjuri fejn ikun meħtieġ;
  • teżamina aktar mill-qrib il-kwalità tal-ittestjar tat-tranżazzjonijiet imwettaq mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni;
  • tivverifika l-implimentazzjoni tal-azzjoni ta’ rimedju meħuda mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, fejn il-Kummissjoni tkun sabet li ma setgħetx toqgħod fuq ix-xogħol tal-korp taċ-ċertifikazzjoni, jew setgħet toqgħod fuqu b’mod limitat biss;
  • timmonitorja l-progress li jkun sar mill-aġenziji tal-pagamenti fl-għoti ta’ appoġġ lill-bdiewa li kienu għadhom mhumiex qed jużaw il-GSAA u tippromwovi l-aħjar prattiki, sabiex timmassimizza l-benefiċċji tas-sistema l-ġdida u tikseb l-implimentazzjoni sħiħa tagħha qabel id-dati ta’ skadenza regolatorji.

 

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali” tingħata fil-Kapitolu 7 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna

Sigurtà u ċittadinanza
EUR 2.7 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ta’ nfiq jiġbor flimkien diversi politiki li l-objettiv komuni tagħhom huwa li jissaħħaħ il-kunċett ta’ ċittadinanza tal-UE billi tinħoloq żona ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà mingħajr fruntieri interni.

Għall-2017, ġie awditjat infiq ta’ EUR 2.7 biljun f’dan il-qasam. Dan l-ammont kopra l-protezzjoni tal-fruntieri, il-politika dwar l-immigrazzjoni u l-asil, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kultura, iż-żgħażagħ, l-informazzjoni u d-djalogu maċ-ċittadini. Dan huwa sehem relattivament żgħir, iżda li dejjem qed jikber, mill-baġit tal-UE (bejn wieħed u ieħor 2 % fl-2017).

Parti sinifikanti mill-infiq issir permezz ta’ 12-il aġenzija deċentralizzata li aħna nirrappurtaw dwarhom separatament fis-sensiela ta’ rapporti annwali speċifiċi tagħna.

L-infiq għal “Migrazzjoni u sigurtà”, li jirrappreżenta 45 % tal-infiq, jiġi implimentat fil-biċċa l-kbira permezz ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-fondi l-aktar importanti taħt din l-intestatura huma:

  • il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), li l-għan tiegħu hu li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u għall-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-asil u l-immigrazzjoni;
  • il-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI), li l-għan tiegħu hu li jinkiseb livell għoli ta’ sigurtà fl-UE.

Dawn il-fondi bdew fl-2014, meta ssostitwew il-programm SOLID (“Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”), u se jibqgħu joperaw sal-2020.

Minbarra s-sistemi magħżula, aħna eżaminajna għadd żgħir ta’ tranżazzjonijiet li kienu jkopru l-politiki prinċipali ta’ dan il-qasam ta’ nfiq.

Minħabba d-daqs ta’ dan il-kampjun, aħna ma ninsabux f’pożizzjoni li nikkalkulaw rata ta’ żball rappreżentattiva għall-qasam “Sigurtà u ċittadinanza”, kif għamilna għal oqsma oħra ta’ nfiq.

X’sibna

L-eżaminar tagħna żvela inkonsistenzi fil-mod kif l-Istati Membri ttrattaw l-eliġibbiltà tat-taxxa fuq il-valur miżjud li ġiet iddikjarata mill-korpi pubbliċi, u dan idgħajjef il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-infiq tal-UE. Barra minn hekk, aħna sibna li r-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-AMIF/l-FSI, li ġew stabbiliti għall-kontijiet għall-2017, ma ppermettewx li l-Kummissjoni tikseb l-informazzjoni finanzjarja kollha li hija teħtieġ biex twettaq is-superviżjoni tagħha.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar l-użu ta’ fondi tal-UE skont il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-linji gwida ta’ implimentazzjoni għall-AMIF/l-FSI jispeċifikaw li, meta l-korpi pubbliċi jimplimentaw l-azzjonijiet tal-UE, il-kofinanzjament mill-UE ma jistax jaqbeż it-total tal-infiq eliġibbli eskluża l-VAT;
  • tirrikjedi li l-Istati Membri, fil-kontijiet annwali tal-programmi nazzjonali tagħhom taħt l-AMIF u l-FSI, jisseparaw l-ammonti li jirrappurtaw skont jekk dawn ikunux irkupri, prefinanzjamenti jew infiq li verament ikun iġġarrab; u, fir-rapporti annwali tal-attività tagħha mill-2018 ’il quddiem, tirrapporta l-infiq reali minn kull fond.

 

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Sigurtà u ċittadinanza” tingħata fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

Ewropa Globali
EUR 8.2 biljun

X’awditjajna

Dan il-qasam ikopri l-infiq fl-oqsma ta’ politika barranija, appoġġ għal pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE, kif ukoll l-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja li tiġi pprovduta lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u lil pajjiżi ġirien (bl-eċċezzjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp – għal aktar informazzjoni ikklikkja hawn).

Għall-2017, ġie awditjat infiq ta’ EUR 8.2 biljun, żborżat f’aktar minn 150 pajjiż, f’dan il-qasam. L-infiq jiġi implimentat jew direttament minn għadd ta’ Direttorati Ġenerali fil-Kummissjoni (mis-sede tagħhom fi Brussell jew permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi riċevituri), jew inkella indirettament mill-pajjiżi benefiċjarji jew organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni u metodi ta’ twassil.

Minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun, aħna ma ninsabux f’pożizzjoni li nikkalkulaw rata ta’ żball rappreżentattiva għall-qasam “Ewropa Globali”, kif għamilna għal oqsma oħra ta’ nfiq.

X’sibna

F’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet mill-UE għall-baġit ġenerali tal-pajjiżi riċevituri (appoġġ baġitarju), il-Kummissjoni għandha flessibbiltà konsiderevoli biex tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jkunux ġew irrispettati. Kwalunkwe dgħufija fil-ġestjoni finanzjarja li twassal għal użu ħażin fil-livell nazzjonali ma tirriżultax fi żbalji li jistgħu jinqabdu fl-awditu tagħna. Dan huwa wkoll il-każ għal fondi tal-UE li jinġabru flimkien ma’ dawk ta’ donaturi internazzjonali oħra u li ma jkunux assenjati għal elementi speċifiċi ta’ nfiq. F’dawn il-każijiet, l-ispejjeż jitqiesu eliġibbli skont ir-regoli tal-UE, dment li l-ammont miġbur flimkien ikun jinkludi biżżejjed infiq eliġibbli biex ikopri l-kontribuzzjoni li ssir mill-UE.

It-testijiet li wettaqna fuq it-tranżazzjonijiet żvelaw xi dgħufijiet ta’ kontroll fis-sistemi tal-Kummissjoni li affettwaw il-proċeduri ta’ akkwist tat-tieni livell (proċeduri ta’ akkwist imwettqa mill-benefiċjarju), u fir-rimborż tas-salarji tal-Konsulenti Residenti ta’ Ġemellaġġ (RTAs) issekondati għall-proġetti ffinanzjati mill-UE.

Rappurtar dwar il-konformità mid-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir

Bħal fi snin preċedenti u, bħala parti mill-isforzi tiegħu biex inaqqas l-iżbalji fil-pagamenti, id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR) ikkummissjona studju biex tiġi vvalutata r-“rata tal-iżball residwu” (RER) fl-infiq f’dan il-qasam. Bħal fil-valutazzjonijiet preċedenti tagħna tal-istudju sibna li, b’mod ġenerali, il-metodoloġija applikata kienet adatta għall-iskop u effettiva. Madankollu, aħna identifikajna għadd ta’ oqsma fejn jista’ jsir titjib, bħas-stratifikazzjoni tal-popolazzjoni bbażata fuq ir-riskju, il-livell ta’ ġudizzju li l-kuntrattur għandu fl-istimi tal-iżbalji għal tranżazzjonijiet individwali, u l-iżbalji li ġew esklużi.

Waqt li konna qed neżaminaw ir-Rapport Annwali tal-Attività (RAA) 2017 tad-DĠ NEAR, aħna osservajna li huwa kien għamel sforzi konsiderevoli biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tagħna dwar id-dikjarazzjoni eċċessiva tal-kapaċità korrettiva u kien adotta approċċ prudenti meta analizza l-ordnijiet ta’ rkupru.

Valutazzjoni tal-prestazzjoni

Minbarra li vverifikajna r-regolarità, aħna vvalutajna wkoll aspetti tal-prestazzjoni għal seba’ proġetti kkompletati. Il-proġetti kollha eżaminati kellhom indikaturi tal-prestazzjoni ċari u rilevanti. L-oqfsa loġiċi tagħhom kienu strutturati tajjeb, u l-outputs tagħhom kienu realisitiċi. Madankollu, aħna sibna għadd ta’ kwistjonijiet fil-mod kif il-proġetti ġew implimentati. Dawn il-kwistjonijiet naqqsu mill-prestazzjoni tal-proġetti (ara l-eżempju).

Eżempju: Kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni fil-proġetti li żorna

Aħna eżaminajna żewġ każijiet fejn l-ispiża għat-trasport ta’ provvisti kienet ħafna ogħla mill-valur tal-provvisti nfushom. Fl-ewwel każ, intnefqu EUR 152 000 għat-trasport ta’ merkanzija li l-valur tagħha kien ta’ EUR 78 000. Fit-tieni każ, intnefqu EUR 131 500 għat-trasport ta’ merkanzija li l-valur tagħha kien ta’ EUR 70 150.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • tipprovdi linji gwida aktar preċiżi dwar il-kontroll tal-proċeduri ta’ akkwist tat-tieni livell, lill-kuntrattur estern responsabbli għat-twettiq tal-istudju li jmiss dwar ir-rata tal-iżball residwu;
  • għall-istudju li jmiss dwar ir-rata tal-iżball residwu, tistratifika l-popolazzjoni fuq il-bażi tar-riskju inerenti għall-proġetti, u tagħti aktar importanza lil għotjiet taħt ġestjoni diretta u anqas lil tranżazzjonijiet relatati mal-appoġġ baġitarju;
  • tiżvela, fir-rapport annwali tal-attività li jmiss, il-limitazzjonijiet tal-istudju dwar ir-rata tal-iżball residwu;
  • tirrevedi l-gwida attwali li tiġi pprovduta lill-benefiċjarji tal-proġetti implimentati taħt ġestjoni indiretta bl-għan li tiżgura li l-attivitajiet ippjanati jitwettqu b’mod f’waqtu u li l-outputs tal-proġetti jkunu fil-fatt intużaw, sabiex jinkiseb l-aħjar valur għall-flus.

 

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Ewropa Globali” tingħata fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

Amministrazzjoni
EUR 9.7 biljun

X’awditjajna

L-awditu tagħna kopra n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Fl-2017, ġie awditjat infiq ta’ EUR 9,7 biljun li sar mill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. Dan l-ammont kien jinkludi infiq fuq riżorsi umani (madwar 60 % tat-total), fuq bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u teknoloġija tal-informatika.

Ir-riżultati tal-awditi li wettaqna tal-aġenziji tal-UE, il-korpi deċentralizzati l-oħra u l-Iskejjel Ewropej jingħataw f’rapporti annwali speċifiċi li aħna nippubblikaw separatament, u f’sommarju konsolidat ta’ dawn l-awditi.

Ir-rapporti finanzjarji tagħna jiġu awditjati minn awditur estern, u r-rapport tal-awditjar jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.

X’sibna

Milqut minn żball materjali?

Le

Livell ta’ żball stmat:

0.5 % (2016: 0.2 %)

Kumplessivament, l-eżaminar li wettaqna tas-sistemi ma żvela l-ebda dgħufija sinifikanti. Madankollu, aħna sibna oqsma fejn kien hemm lok għal titjib. Dawn id-dgħufijiet qed jiġu indirizzati permezz tar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Parlament:

  • fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, itejjeb il-linji gwida dwar il-kriterji tal-għażla u tal-għoti għall-proċeduri ta’ akkwist;
  • matul ir-reviżjoni li jmiss tar-regoli tiegħu dwar l-akkoljenza ta’ gruppi ta’ viżitaturi, isaħħaħ il-proċedura għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq.

Aħna nirrakkomandaw ukoll li l-Kummissjoni ttejjeb, mill-aktar fis possibbli, is-sistemi tagħha għall-ġestjoni tal-allowances statutorji tal-familja.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Amministrazzjoni” tingħata fil-Kapitolu 10 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
EUR 3.5 biljun

X’awditjajna

Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) jipprovdu assistenza mill-UE fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE). L-infiq u l-istrumenti ta’ kooperazzjoni taħt il-FEŻ għandhom l-għan li jegħlbu l-faqar, u li jippromwovu żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP u l-PTEE fl-ekonomija dinjija.

Għall-2017, ġie awditjat infiq ta’ EUR 3.5 biljun f’dan il-qasam. Il-FEŻ huma ffinanzjati mill-Istati Membri tal-UE u jiġu implimentati jew permezz ta’ proġetti individwali jew inkella permezz ta’ appoġġ baġitarju (kontribuzzjoni għall-baġit ġenerali jew għall-baġit settorjali ta’ pajjiż). Kull FEŻ huwa rregolat mir-regolament finanzjarju proprju tiegħu.

Il-FEŻ huma mmaniġġjati, barra mill-qafas tal-baġit tal-UE, mill-Kummissjoni Ewropea (li timmaniġġja l-parti prinċipali tagħhom) u mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

X’sibna

Affidabbiltà tal-kontijiet tal-FEŻ:

Il-kontijiet għall-2017 jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-fluss tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti.

Bħal fil-qasam Ewropa Globali, il-Kummissjoni għandha flessibbiltà konsiderevoli biex tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jkunux ġew irrispettati, u l-użu ħażin tal-fondi tal-UE fil-livell nazzjonali mhux neċessarjament jirriżulta fi żbalji li jistgħu jiġu identifikati fl-awditu tagħna. Dan huwa wkoll il-każ għal fondi tal-UE li jinġabru flimkien ma’ dawk ta’ donaturi internazzjonali oħra u li ma jkunux assenjati għal elementi speċifiċi ta’ nfiq. F’dawn il-każijiet, l-ispejjeż jitqiesu eliġibbli skont ir-regoli tal-UE, dment li l-ammont miġbur flimkien ikun jinkludi biżżejjed infiq eliġibbli biex ikopri l-kontribuzzjoni li ssir mill-UE.

L-infiq li ma ġġarrabx kien jirrappreżenta 42 % tar-rata kumplessiva ta’ żball fil-FEŻ (ara l-eżempju hawn taħt). Tipi sinifikanti oħra ta’ żball jinkludu każijiet fejn dokumenti essenzjali ta’ sostenn kienu neqsin, u n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ akkwist.

Eżempju: Infiq mhux imġarrab

Aħna eżaminajna proġett ta’ ġestjoni tar-riżorsi naturali u sibna li l-Kummissjoni kienet irrimborżat bi żball EUR 2 miljun aktar milli s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni kien iddikjara bħala nfiq. Meta eżaminajna elementi individwali ta’ nfiq, aħna sibna li tlieta minnhom kienu milquta minn żball, peress li l-ammont iddikjarat ma kienx verament iġġarrab fl-intier tiegħu.

Għal għadd ta’ tranżazzjonijiet li fihom żbalji kwantifikabbli, il-Kummissjoni kellha informazzjoni suffiċjenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni, jew biex taqbad u tikkoreġi l-iżbalji. Li kieku l-Kummissjoni għamlet użu xieraq minn din l-informazzjoni, il-livell ta’ żball stmat għall-infiq għall-FEŻ kien ikun ta’ 2.8 %.

Rappurtar dwar il-konformità mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp

Bħal fi snin preċedenti u, bħala parti mill-isforzi tiegħu biex inaqqas l-iżbalji fil-pagamenti, id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) ikkummissjona studju biex tiġi vvalutata r-“rata tal-iżball residwu” (RER) fl-infiq f’dan il-qasam.

Fl-istudju tal-2017 dwar ir-RER, ma kienx twettaq ittestjar sostantiv għal 67 % tat-tranżazzjonijiet minħabba li tpoġġiet fiduċja sħiħa, b’mod skorrett jew mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, fuq xogħol preċedenti ta’ kontroll. Minħabba dan, flimkien mal-iżbalji li qbadna, aħna nikkonkludu li r-riżultati tal-2017 ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk mis-snin preċedenti. Dan għandu impatt fuq ir-rata tal-iżball residwu. Il-Kummissjoni ma mmonitorjatx b’mod xieraq ix-xogħol li twettaq mill-kuntrattur RER u għalhekk ma setgħetx tipprevjeni l-problemi milli jseħħu.

Id-DĠ DEVCO, fir-Rapport Annwali tal-Attività 2017 tiegħu, inkluda biss riżerva relatata ma’ għotjiet f’ġestjoni diretta. Din ir-riżerva kienet ibbażata fuq ir-riżultati tal-istudju dwar ir-RER. Li kieku dan l-istudju segwa l-istess approċċ prudenti bħal dak li ġie applikat fis-snin preċedenti, l-eżitu tiegħu, u b’hekk id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, probabbilment kienu jkunu differenti.

Is-sistema ta’ kontroll tad-DĠ DEVCO hija bbażata fuq kontrolli ex ante li jitwettqu qabel ma jiġi rimborżat l-infiq ikklejmjat mill-benefiċjarji. Din is-sena wkoll, il-frekwenza tal-iżbalji li sibna – inklużi xi wħud li nstabu fil-klejms finali li kienu ġew suġġetti għal awditi esterni ex ante u verifikazzjonijiet tal-infiq ex ante – tkompli tindika l-preżenza ta’ dgħufijiet f’dawn il-kontrolli.

X’nirrakkomandaw

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-istudju dwar ir-rata tal-iżball residwu, b’mod partikolari biex tiżgura li, fejn titpoġġa fiduċja sħiħa fuq xogħol preċedenti ta’ kontroll, dan ikun f’konformità mal-metodoloġija applikabbli u ġġustifikat kif xieraq;
  • tiddivulga għal darba oħra fir-rapport annwali tal-attività l-limitazzjonijiet tal-istudju dwar ir-rata tal-iżball residwu, li jassumi li l-popolazzjoni mhux ittestjata hija ħielsa minn żball;
  • tieħu passi deċiżivi biex tiżgura li l-gwida dwar l-aċċettazzjoni tal-infiq tiġi infurzata sabiex tevita li jiġu approvati ammonti eċċessivi;
  • tadotta miżuri biex tiżgura li l-ispejjeż imġarrba biss jiġu ċċertifikati bħala nfiq għat-tranżazzjonijiet taħt il-Fond Fiduċjarju għall-Infrastruttura Afrikana;
  • iżżid indikatur biex timmonitorja ż-żmien li jkun għadda mill-kontribuzzjonijiet bil-quddiem li jsiru fil-fondi fiduċjarji;
  • tipproponi soluzzjoni rilevanti għall-inkonsistenzi bejn il-proċess baġitarju u l-proċess ta’ obbligu ta’ rendikont f’dak li jirrigwarda l-FEŻ, bħala parti mill-istudji attwali ta’ wara Cotonou.

 

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-FEŻ tingħata fir-Rapport Annwali 2017 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

1 Din l-istima tinkludi 50 żball li kienu nqabdu preċedentement mill-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri u tieħu kont tal-korrezzjonijiet, b’valur totali ta’ EUR 101 miljun, għal infiq miż-żewġ perjodi.

Informazzjoni ġenerali

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u x-xogħol tagħha

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-Unjoni Ewropea. Is-sede tagħha huwa fil-Lussemburgu u timpjega madwar 900 persuna min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE f’attivitajiet professjonali u ta’ appoġġ.

Il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, u li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali fil-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Dawn jintużaw biex jintalab rendikont mingħand dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri.

Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintnefqu flushom.

L-output tagħna

Aħna nipproduċu:

  • rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati ta’ awditi finanzjarji u tal-konformità relatati mal-baġit tal-UE u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll aspetti li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-baġit;
  • rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma ta’ politika jew ta’ nfiq speċifiċi, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni speċifiċi;
  • rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE;
  • opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva tagħna stess;
  • pubblikazzjonijiet analitiċi, bħal:
    • analiżijiet panoramiċi: dokumenti deskrittivi u analitiċi dwar oqsma ta’ politika jew kwistjonijiet ta’ ġestjoni kumplessi u fuq skala kbira, li fihom aħna nippreżentaw l-esperjenza u l-għarfien akkumulati tagħna dwar is-suġġett magħżul, spiss minn perspettiva trażversali;
    • dokumenti informattivi u analitiċi: simili għall-analiżijiet panoramiċi, iżda jindirizzaw suġġetti li jkunu aktar iffukati;
    • analiżijiet rapidi dwar każijiet speċifiċi: jippreżentaw u jistabbilixxu fatti li jikkonċernaw kwistjonijiet jew problemi speċifiċi ħafna u, jekk ikun meħtieġ, jinkludu analiżi li tgħin fil-fehim ta’ dawk il-fatti.

L-approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, fil-qosor

L-opinjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.

Kif iddikjarajna fl-istrateġija għall-2018-2020, l-għan tagħna hu li napplikaw l-approċċ ta’ attestazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni kollha kemm hi, li jfisser li aħna nibbażaw l-opinjoni tal-awditjar tagħna fuq id-dikjarazzjoni li ssir mill-(maniġment tal-)Kummissjoni. Dan huwa l-każ għax-xogħol li ilna nwettqu mill-1994 fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kontijiet. Din is-sena, wettaqna eżerċizzju pilota fil-qasam “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” biex nestendu dan l-approċċ għall-infiq tal-UE.

Affidabbiltà tal-kontijiet

Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?

Kull sena, id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni jiġġeneraw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, filwaqt li jiġbru informazzjoni minn bosta sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna nivverifikaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu kif suppost u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b’mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq fir-rapporti finanzjarji tal-UE. Għall-awditu tal-affidabbiltà tal-kontijiet, aħna ilna napplikaw l-approċċ ta’ attestazzjoni minn meta fformulajna l-ewwel opinjoni tagħna fl-1994.

  • Aħna nevalwaw is-sistema kontabilistika biex niżguraw li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta’ data affidabbli.
  • Aħna nivverifikaw proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex niżguraw li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
  • Aħna nwettqu kontrolli analitiċi tad-data kontabilistika biex niżguraw li din tkun ippreżentata b’mod konsistenti u li tkun tidher raġonevoli.
  • Aħna niċċekkjaw b’mod dirett kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex niżguraw li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi jkunu jeżistu u li dawn ikunu ġew irreġistrati b’mod preċiż.
  • Aħna nivverifikaw ir-rapporti finanzjarji biex niżguraw li dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja b’mod ġust.

Regolarità tat-tranżazzjonijiet

It-tranżazzjonijiet tal-UE relatati mal-introjtu u mal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż, u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli applikabbli?

Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji, kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, aħna nivvalutaw is-sistemi li permezz tagħhom l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż (jiġifieri l-pagamenti finali u l-ikklerjar tal-pagamenti bil-quddiem) jiġu amministrati u vverifikati, u neżaminaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet.

Fejn it-termini tal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti ikunu ġew issodisfati, aħna neżaminaw u nerġgħu nwettqu mill-ġdid il-kontrolli li jkunu twettqu minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għaldaqstant, aħna nieħdu kont sħiħ ta’ kull miżura korrettiva li tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ dawn il-kontrolli.

  • Aħna nivvalutaw is-sistemi għad-dħul u l-infiq biex niddeterminaw kemm dawn huma effettivi biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet huma regolari.
  • Aħna nieħdu kampjuni statistiċi ta’ tranżazzjonijiet biex nipprovdu bażi għal ittestjar dettaljat mill-awdituri tagħna. Aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ikkampjunati fid-dettall, inklużi dawk għand ir-riċevituri finali (eż. bdiewa, istituti tar-riċerka jew kumpaniji li jipprovdu xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku), biex niksbu evidenza li kull avveniment ta’ bażi jkun jeżisti, li jkun ġie rreġistrat kif xieraq u li jkun jikkonforma mar-regoli biex isiru pagamenti.
  • Aħna nanalizzaw l-iżbalji u nikklassifikawhom bħala kwantifikabbli jew mhux kwantifikabbli. It-tranżazzjonijiet ikunu milquta minn żball kwantifikabbli jekk, ibbażat fuq ir-regoli, il-pagament ma kellux jiġi awtorizzat. Aħna nestrapolaw l-iżbalji kwantifikabbli biex niksbu livell ta’ żball stmat għal kull qasam li fih nagħmlu valutazzjoni speċifika. Aħna, imbagħad, inqabblu l-livell ta’ żball stmat ma’ soll ta’ materjalità ta’ 2 % u nivvalutaw jekk l-iżbalji jkunux pervażivi.
  • L-opinjonijiet tagħna jieħdu kont ta’ dawn il-valutazzjonijiet u ta’ informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti minn awdituri esterni oħra.
  • Aħna niddiskutu s-sejbiet kollha tagħna kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni sabiex nikkonfermaw li l-fatti tagħna jkunu korretti.

 

Il-prodotti kollha tagħna jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna: http://www.eca.europa.eu.
Aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tingħata fl-Anness 1.1 tar-Rapporti Annwali 2017 tagħna.
Is-sit web tagħna fih glossarju tat-termini tekniċi li nużaw fil-pubblikazzjonijiet tagħna (https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/GLOSSARY_AR_2017/GLOSSARY_AR_2017_MT.pdf).

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUauditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet. Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

Print ISBN 978-92-847-0198-8 doi:10.2865/024152 QJ-02-18-847-MT-C
PDF ISBN 978-92-847-0186-5 doi:10.2865/30534 QJ-02-18-847-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-0219-0 doi:10.2865/710357 QJ-02-18-847-MT-Q

 

TWISSIJA DWAR ID-DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2018.

Ir-riproduzzjoni tal-kontenut għajr ir-ritratti hija awtorizzata, dment li s-sors jiġi rikonoxxut.

Għar-ritratti li ġejjin, ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li jiġu rikonoxxuti s-sors u l-isem tal-fotografi u/jew tal-periti (fejn ikunu indikati):

Paġna *: ©L-Unjoni Ewropea, 2018, sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Paġna *: ©Il-Komunitajiet Ewropej, 2001, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv

Paġna *: ©L-Unjoni Ewropea, 2018, sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Paġna *: ©L-Unjoni Ewropea, 2017, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Mauro Bottaro. Periti: Lucien De Vestel, Jean Gilson, A&J Polak; Rinnovazzjoni: Berlaymont 2000.

Paġna *: ©L-Unjoni Ewropea, 2014, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Georges Boulougouris

Paġna * (xellug): ©L-Unjoni Ewropea, 2018/Charly Triballeau

Paġna * (lemin): ©L-Unjoni Ewropea, 2012, sors: Il-PE/Thierry Roge

Paġna * (xellug): ©L-Unjoni Ewropea, 2017, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Jennifer Jacquemart

Paġna * (lemin): ©L-Unjoni Ewropea, 2017/Jennifer Jacquemart

Paġna * (xellug): ©L-Unjoni Ewropea, sors: Il-PE, Referenza EP044217/Mohammed Kamal

Paġna * (lemin): ©L-Unjoni Ewropea, 2008, sors: Il-PE

Paġna * (xellug): ©L-Unjoni Ewropea, 2017, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Paul Faith

Paġna * (lemin): ©L-Unjoni Ewropea, 2011/Etienne Ansotte

Paġna * (xellug): ©L-Unjoni Ewropea, 2014, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Rémy Gabalda

Paġna * (lemin): ©L-Unjoni Ewropea, 2011, sors: Il-PE, Referenza 7644

Paġna *: ©L-Unjoni Ewropea, 2017, sors: Il-KE, Servizz Awdjoviżiv/Ashraf Shazly

Paġna * (xellug): ©L-Unjoni Ewropea, 2017, sors: Il-PE/Fred Marvaux. Il-binja Louise WEISS: © Architecture Studio.

Paġna * (lemin): ©L-Unjoni Ewropea, 2018/Etienne Ansotte. Perit: Philippe Samyn.

Paġna *: ©Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna - SEAE

Paġna *: ©L-Unjoni Ewropea, sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Periti inkarigati mill-bini tal-Qorti: Jim Clemes (2004 & 2013) u Paul Noël (1988).

 

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment

Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: http://europa.eu/contact

Bit-telefown jew bil-posta elettronika

Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: http://europa.eu/contact

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://publications.europa.eu/eubookshop. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.