
L-UE fl-2019 [Updated: 11/03/2020 10:29]
Skopri kull ma għandek bżonn tkun taf dwar il-kisbiet tal-Unjoni Ewropea fl-2019.
Ir-Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea jaġġornak dwar kif l-UE qed twettaq l-10 prijoritajiet tagħha, inklużi azzjonijiet biex tingħata spinta lill-impjiegi u lill-ekonomija.
Tgħallem ukoll dwar kif l-UE qed toħloq Suq Uniku Diġitali għall-benefiċċju taċ-ċittadini, qed tmexxi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u qed taqbel dwar ftehimiet kummerċjali ġodda ma’ sħab ewlenin bħall-Ġappun.
Tista’ ssib informazzjoni dwar dawn u bosta kwistjonijiet oħrajn f’L-UE fl-2019.
Daħla

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea
Għandi pjaċir nippreżenta dan ir-rapport dwar l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea fl-2019. Ħadt il-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta’ Diċembru 2019, u għalhekk nixtieq inrodd ħajr lill-predeċessur tiegħi, Jean-Claude Juncker, peress li l-biċċa l-kbira tal-kisbiet enfasizzati f’dan ir-rapport saru matul il-mandat tiegħu.
Fl-elezzjonijiet Ewropej li saru f’Mejju li għadda, iċ-ċittadini Ewropej urewna b’mod ċar li jridu li l-Unjoni tkun minn ta’ quddiem nett u li tieħu azzjoni reali. Għalhekk, saħansitra qabel tmiem is-sena, ipproponejt il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-ewwel inizjattiva tal-Kummissjoni l-ġdida. Ħadna l-impenn li l-Ewropa nagħmluha l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050. Dan huwa ta’ ġid għan-nies, għall-pjaneta u għall-ekonomija.
Nispera li, bħali, issibu ħafna x’jispirakom f’dan ir-rapport. Il-firxa vasta ta’ azzjonijiet u ta’ inizjattivi li jiddeskrivi, turi, għal darb’oħra, kemm nistgħu niksbu xorti flimkien.
Viva l-Ewropa.

Ursula von der Leyen
L-UE fl-2019: sena ta’ bidla

Il-mexxejja l-ġodda tal-UE. Christine Lagarde, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, jattendu ċ-ċerimonja tal-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida u l-10 anniversarju tat-Trattat ta’ Lisbona f’Dar l-Istorja Ewropea, fi Brussell, il-Belġju, l-1 ta’ Diċembru 2019.
Fl-2019 intemm il-mandat ta’ ħames snin tal-Kummissjoni Juncker. Matulu kien hemm titjib sinifikanti fl-ekonomija Ewropea, ittieħdu passi għat-twettiq tal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, saret enfasi fuq it-titjib tad-demokrazija u tat-trasparenza, u kien hemm l-isfida tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. L-elezzjonijiet Ewropej saru f’Mejju bl-ogħla numru ta’ nies li ħarġu jivvutaw fl-aħħar 25 sena, b’iktar minn 200 miljun persuna jivvutaw fl-akbar eżerċizzju demokratiku transnazzjonali fid-dinja.
David Sassoli sar il-President tal-Parlament Ewropew fit-3 ta’ Lulju 2019, Charles Michel laħaq President tal-Kunsill Ewropew minflok Donald Tusk fl-1 ta’ Diċembru u fl-istess data Ursula von der Leyen saret il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Jean-Claude Juncker, l-eks President tal-Kummissjoni Ewropea, jiżvelaw l-inkwatru tiegħu fil-Gallerija tal-Presidenti fil-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea, fi Brussell, il-Belġju, it-3 ta’ Diċembru 2019.
L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew
Mit-23 sas-26 ta’ Mejju 2019, saru elezzjonijiet fit-28 Stat Membru tal-UE biex jintgħażlu r-rappreżentanti tan-nies għall-Parlament Ewropew. Total ta’ 751 Membru tal-Parlament Ewropew (MEPs) ġew eletti, u bidliet fil-preferenzi tal-votanti biddlu d-distribuzzjoni politika tas-siġġijiet.
Għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin, il-maġġoranza tal-votanti eliġibbli fl-UE kollha ħarġu jivvutaw. Din kienet ukoll l-ewwel darba mill-1979 (meta saru l-ewwel elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew) ’l hawn li l-għadd kumplessiv ta’ nies li ħarġu jivvutaw żdied, minn 42.6 % fl-2014 għal 50.7 %. Kien hemm ukoll livell għoli ta’ mobilizzazzjoni fost il-votanti żgħażagħ, b’żieda ta’ 14 % fil-votanti ta’ 16-il sena jew 18-il sena sa 24 sena u żieda ta’ 12 % fil-votanti ta’ bejn 25 sena u 39 sena.
Wara l-elezzjonijiet, l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ħareġ fid-dieher li n-nies kienu motivati biex joħorġu jivvutaw primarjament minħabba tħassib dwar l-ekonomija u t-tibdil fil-klima.
Qabel l-elezzjonijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ħadmu spalla ma’ spalla, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell lokali fl-Istati Membri, biex jimmobilizzaw liċ-ċittadini u jagħtuhom is-setgħa jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-futur tal-Ewropa. Abbażi ta’ din l-esperjenza, fil-5 ta Diċembru ż-żewġ istituzzjonijiet iffirmaw ftehim dwar komunikazzjoni konġunta għas-servizz taċ-ċittadini u d-demokrazija sabiex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom lil hinn mill-elezzjonijiet.

“Din id-darba se nivvota”, hija kampanja mnedija mill-Parlament Ewropew f’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, li tħeġġeġ lill-pubbliku jieħu sehem fil-futur tal-proġett Ewropew b’mod attiv.© Il-Parlament Ewropew, 2019

Il-perċentwal ta’ nies li ħarġu jivvutaw fl-aħħar erba’ elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kien 45.5 % fl-2004, 43 % fl-2009, 42.6 % fl-2014 u 50.7 % fl-2019. Sors: il-Parlament Ewropew f’kollaborazzjoni ma’ Kantar.
Il-Parlament Ewropew 2019–2024
Il-Partit Popolari Ewropew baqa’ l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew, u rebaħ 182 siġġu minn 751, segwit mill-qrib mill-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, b’154 siġġu. Minkejja li baqgħu l-akbar żewġ gruppi politiċi, it-tnejn li huma tilfu l-voti ta’ votanti li ppreferew jivvutaw lil gruppi oħra li jxaqilbu iktar lejn il-lemin u lejn ix-xellug tal-ispettru politiku. Renew Europe, il-Ħodor/l-Alleanza Ħielsa Ewropea, u Identità u Demokrazija kollha għamlu kisbiet sinifikanti meta mqabbel mal-elezzjonijiet preċedenti għall-Parlament Ewropew. L-għadd totali ta’ MEPs nisa laħaq l-40.4 %, l-ogħla livell mill-ewwel elezzjonijiet Ewropej tal-1979 ’l hawn.
Fl-1 ta’ Lulju, il-Parlament Ewropew uxxenti kellu l-aħħar sessjoni plenarja tat-tmien leġiżlatura tiegħu, u l-għada l-Parlament Ewropew il-ġdid iltaqa’ għas-sessjoni kostituttiva tiegħu fi Strasburgu.
Matul l-ewwel sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew il-ġdid, l-MEPs eleġġew il-President u l-Viċi Presidenti l-ġodda tagħhom. Fit-3 ta’ Lulju, l-MEP Taljan David Sassoli, li kien ilu jaqdi dmiru f’diversi mandati, ġie elett President.

Fl-2019, il-Parlament Ewropew issawwar b’751 Membru tal-Parlament Ewropew maqsuma f’seba’ gruppi politiċi. Mix-xellug għal-lemin politikament, dawn kienu: ix-Xellug Magħqud Ewropew ‒ ix-Xellug Aħdar Nordiku, b’41 siġġu; l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, b’154 siġġu; il-Ħodor/l-Alleanza Ħielsa Ewropea, b’74 siġġu; Renew Europe, b’108 siġġijiet; il-Partit Popolari Ewropew, b’182 siġġu; il-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej, bi 62 siġġu; u Identità u Demokrazija, bi 73 siġġu. Barra minn hekk, il-membri mhux affiljati kellhom 57 siġġu. Sors: il-Parlament Ewropew Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea
F’dawn l-elezzjonijiet Ewropej, iċ-ċittadini vvutaw abbażi ta’ appoġġ qawwi ħafna għall-UE u b’konvinzjoni ħafna aktar b’saħħitha li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE.
David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew
L-14-il Viċi President ġew eletti fl-istess jum u ġejjin minn sitt gruppi politiċi u minn 10 Stati Membri.
Il-Kunsill Ewropew
Donald Tusk, li ġie elett għall-ewwel darba fl-1 ta’ Diċembru 2014, temm it-tieni mandat tiegħu bħala l-President tal-Kunsill Ewropew ħames snin wara. Fit-2 ta’ Lulju 2019, il-mexxejja tal-UE eleġġew lil Charles Michel minfloku. Huwa ħa l-kariga tiegħu fl-1 ta’ Diċembru.

Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew.
Il-Kummissjoni Ewropea
F’Ġunju, il-mexxejja tal-UE pproponew lil Ursula von der Leyen bħala l-kandidat tagħhom għal President tal-Kummissjoni. Ix-xahar ta’ wara, hija ppreżentat il-prijoritajiet politiċi tagħha biex tiggwida l-ħidma tal-Kummissjoni fil-ħames snin li ġejjin.

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji għall-mandat mill-2019 sal-2024 huwa magħmul kif ġej. Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea; Frans Timmermans, il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew; Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali; Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies; Josep Borrell Fontelles, ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President għal Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja; Maroš Šefčovič, il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva; Věra Jourová, il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza; Dubravka Šuica, il-Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija; Margaritis Schinas, il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna; Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni; Phil Hogan, il-Kummissarju għall-Kummerċ; Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ; Nicolas Schmit, il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali; Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija; Janusz Wojciechowski, il-Kummissarju għall-Agrikoltura; Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern; Elisa Ferreira, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi; Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari; Didier Reynders, il-Kummissarju għall-Ġustizzja; Helena Dalli, il-Kummissarju għall-Ugwaljanza; Ylva Johansson, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni; Janez Lenarčič, il-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet; Adina Vălean, il-Kummissarju għat-Trasport; Olivér Várhelyi, il-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir; Jutta Urpilainen, il-Kummissarju għas-Sħubijiet Internazzjonali; Kadri Simson, il-Kummissarju għall-Enerġija; Virginijus Sinkevičius, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd. Sors: il-Kummissjoni Ewropea Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji għall-mandat mill-2019 sal-2024 huwa magħmul kif ġej. Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea; Frans Timmermans, il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew; Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali; Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies; Josep Borrell Fontelles, ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President għal Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja; Maroš Šefčovič, il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva; Věra Jourová, il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza; Dubravka Šuica, il-Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija; Margaritis Schinas, il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna; Johannes Hahn, il-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni; Phil Hogan, il-Kummissarju għall-Kummerċ; Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ; Nicolas Schmit, il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali; Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija; Janusz Wojciechowski, il-Kummissarju għall-Agrikoltura; Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern; Elisa Ferreira, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi; Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari; Didier Reynders, il-Kummissarju għall-Ġustizzja; Helena Dalli, il-Kummissarju għall-Ugwaljanza; Ylva Johansson, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni; Janez Lenarčič, il-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet; Adina Vălean, il-Kummissarju għat-Trasport; Olivér Várhelyi, il-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir; Jutta Urpilainen, il-Kummissarju għas-Sħubijiet Internazzjonali; Kadri Simson, il-Kummissarju għall-Enerġija; Virginijus Sinkevičius, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd. Sors: il-Kummissjoni Ewropea Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea
Fis-16 ta’ Lulju, il-Parlament Ewropew eleġġa lil Ursula von der Leyen bħala l-President li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea. Din kienet l-ewwel darba li ntgħażlet mara għal din il-kariga. F’konsultazzjoni mal-mexxejja nazzjonali, sawret Kulleġġ ta’ Kummissarji, innominati minn 26 Stat Membru, b’enfasi qawwija fuq il-ħolqien ta’ tim b’bilanċ bejn iż-żewġ sessi li jinkludi 12-il mara, inkluża von der Leyen.
Wara s-seduti ta’ smigħ għal kull Kummissarju nnominat u wara dibattitu parlamentari, fis-27 ta’ Novembru l-Parlament Ewropew approva l-Kulleġġ ta’ Kummissarji ta’ von der Leyen f’votazzjoni f’sessjoni plenarja. Il-Kummissjoni l-ġdida bdiet il-mandat tagħha fl-1 ta’ Diċembru.

David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew, u Ursula von der Leyen, il-President elett tal-Kummissjoni Ewropea, f’sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, fi Strasburgu, Franza, is-16 ta’ Lulju 2019.
Il-Bank Ċentrali Ewropew
Il-President uxxenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi, temm il-mandat tiegħu ta’ tmien snin fil-31 ta’ Ottubru 2019. L-eks Direttur tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Christine Lagarde, bdiet minfloku fl-1 ta’ Novembru. Din hija l-ewwel darba li l-Bank Ċentrali Ewropew qed jitmexxa minn mara.

Christine Lagarde, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.
© L-Unjoni Ewropea, 2019; il-Bank Ċentrali Ewropew
L-ewwel Kap Prosekutur Ewropew
F’Settembru, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħatru lil Laura Codruţa Kövesi bħala l-ewwel Kap Prosekutur Ewropew. Hija tmexxi l-Uffiċċju indipendenti tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, filwaqt li tipproteġi l-flus ta’ min iħallas it-taxxa billi tinvestiga l-frodi u reati kriminali oħra kontra l-baġit tal-UE.

Laura Codruţa Kövesi, l-ewwel Kap Prosekutur Ewropew.
Kif se taħdem il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida
Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida stabbiliet sitt prijoritajiet għall-2019–2024:
- Patt Ekoloġiku Ewropew;
- Ekonomija li taħdem għan-nies;
- Ewropa lesta għall-era diġitali;
- Il-promozzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna;
- Ewropa iktar b’saħħitha fid-dinja;
- Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea.
Il-President von der Leyen ħatret tmien Viċi Presidenti tal-Kulleġġ, inkluż ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Josep Borrell Fontelles. Tlieta minnhom se jkunu wkoll Viċi Presidenti Eżekuttivi, u kull wieħed minnhom se jkun responsabbli għal waħda mit-tliet linji gwida politiċi ewlenin fl-aġenda tal-President, apparti l-portafoll tagħhom stess.
Il-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans qed jikkoordina l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea rigward il-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-portafoll tiegħu huwa l-Azzjoni Klimatika. Flimkien mal-ħidma tagħha bħala Kummissarju għall-Kompetizzjoni, il-Viċi President Eżekuttiv Margrethe Vestager hija responsabbli għall-prijorità “Ewropa lesta għall-era diġitali”. Il-Viċi President Eżekuttiv Valdis Dombrovskis sar Kummissarju għas-Servizzi Finanzjarji u huwa responsabbli għat-twettiq tal-prijorità “Ekonomija għas-Servizz tan-Nies”.
Minbarra l-ħidma fuq is-sitt prijoritajiet, il-President von der Leyen iddikjarat li se tippresiedi fuq Kulleġġ li ħa jonora l-impenji tiegħu, li jifhem lill-Ewropa u li jagħti widen lil dak li jixtiequ l-Ewropej. Għan ewlieni tal-Kummissjoni l-ġdida huwa li tiffaċilita l-ħajja tan-nies u tan-negozji. Meta l-Kummissjoni toħloq liġijiet u Regolamenti ġodda, se tħaddem il-politika “one in, one out” (waħda minflok oħra) biex tnaqqas il-burokrazija għaċ-ċittadini.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

L-għan tagħna huwa li nirrikonċiljaw l-ekonomija mal-pjaneta tagħna, li nirrikonċiljaw il-mod kif nipproduċu u l-mod kif nikkonsmaw mal-pjaneta tagħna, u li nagħmlu ħilitna biex dan kollu jaħdem għaċ-ċittadini tagħna. Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fi Brussell, il-Belġju, il-11 ta’ Diċembru 2019.
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fi Brussell, il-Belġju, il-11 ta’ Diċembru 2019.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-ewwel u l-iktar prijorità importanti mis-sitt prijoritajiet, ġie ppreżentat mill-President von der Leyen fil-11 ta’ Diċembru 2019, inqas minn ġimagħtejn wara li l-Kummissjoni bdiet il-mandat tagħha. Din il-politika ewlenija, li tipprova tagħmel lill-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050, tinkludi sett estremament ambizzjuż ta’ miżuri li permezz tagħhom iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa rispons komprensiv għall-emerġenza klimatika immedjata li qed thedded lill-pjaneta tagħna. Huwa wkoll opportunità unika għall-UE biex tkun minn ta’ quddiem nett fit-tranżizzjoni ekoloġika globali. Madankollu, l-ekoloġizzazzjoni ma tfissirx li t-tkabbir irid jiġi ssagrifikat. Il-Patt Ekoloġiku jħejji lill-ekonomija tal-UE għall-futur biex ma tbatix mit-tnaqqir tar-riżorsi u jistabbilixxi kif l-UE tista’ tilħaq l-għan tagħha tan-newtralità għall-klima — filwaqt li joħloq l-impjiegi, itejjeb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies, jieħu ħsieb in-natura u ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura.
Impenn favur il-bidla
Permezz tal-ewwel liġi Ewropea dwar il-klima, din it-tranżizzjoni se tkun irriversibbli. B’hekk l-ambizzjoni politika tal-Ewropa li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima se tkun ankrata f’leġiżlazzjoni. Il-Patt Ekoloġiku se jirfed il-politiki futuri kollha tal-UE u se jiżgura li l-UE tibqa’ minn ta’ quddiem nett fir-rigward tal-azzjoni Ewropea u globali għas-sostenibbiltà.

Bejn l-1990 u l-2018, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu bi 23 %, filwaqt li l-ekonomija kibret b’61 %.

L-Unjoni Ewropea ħadet l-impenn biex issir newtrali għall-klima sal-2050, biex tipproteġi l-ħajja umana, l-annimali u l-pjanti billi tnaqqas it-tniġġis, u biex tgħin lill-kumpaniji jsiru mexxejja dinjija fi prodotti u f’teknoloġiji nodfa, filwaqt li tiżgura tranżizzjoni ġusta u inklużiva. Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qalet, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tagħna għat-tkabbir. Dan se jgħinna nnaqqsu l-emissjonijiet filwaqt li noħolqu l-impjiegi. Frans Timmermans, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, stqarr, Aħna nipproponu tranżizzjoni ekoloġika u inklużiva biex tkun ta’ għajnuna għat-titjib tal-benesseri tan-nies u biex ikollna pjaneta f’saħħitha għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan l-impenn huwa ankrat ukoll fil-konvinzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Ewropej; 93 % tal-Ewropej jaraw it-tibdil fil-klima bħala problema serja u qalu li ħadu minn tal-inqas azzjoni waħda biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; 79 % tal-Ewropej jaqblu li t-teħid ta’ azzjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima jwassal għall-innovazzjoni. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Il-Patt se jkollu impatt fuq l-oqsma kollha tal-ekonomija tal-UE, fosthom dawk li jniġġsu ħafna bħas-settur tat-trasport, il-kostruzzjoni, l-enerġija, u l-agrikoltura, u fuq l-industriji bħal tal-azzar, tas-siment, tat-teknoloġija tal-informazzjoni, tat-tessuti u tas-sustanzi kimiċi.
Minħabba n-natura komprensiva tiegħu l-enfasi hija fuq il-prevenzjoni u mhux biss kif se jitranġaw l-affarijiet. Il-politiki eżistenti, bħall-mitigazzjoni tal-impatt tal-industrija permezz tar-riċiklaġġ, se jissaħħu permezz ta’ politiki biex jitnaqqsu l-iskart jew il-ħsara li ssir fl-ewwel istanza, l-ewwel u qabel kollox bil-proċess ta’ manifattura.
Minbarra li jnaqqas l-emissjonijiet, il-Patt Ekoloġiku se jsawwar l-istrateġija l-ġdida ta’ tkabbir tal-Ewropa, u b’hekk jinħolqu l-impjiegi bis-saħħa ta’ strateġija industrijali ġdida tal-UE li tippermetti lin-negozji Ewropej jinnovaw u jiżviluppaw teknoloġiji ġodda.

L-Unjoni Ewropea se tkun newtrali għall-klima fl-2050. Il-Kummissjoni se tipproponi liġi Ewropea dwar il-klima sabiex l-impenn politiku jsir obbligu legali u jattira l-investiment. Sabiex din il-mira tintlaħaq jeħtieġ li tittieħed azzjoni mis-setturi kollha tal-ekonomija tagħna. Is-settur tal-enerġija se jiġi dekarbonizzat u attwalment jirrappreżenta iktar minn 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE. Il-bini se jiġi rinnovat biex b’hekk in-nies ikunu jistgħu jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u l-użu tal-enerġija tagħhom, peress li 40 % tal-enerġija tagħna tiġi kkunsmata mill-bini. Mill-materjali li tuża l-industrija Ewropea attwalment, 12 % biss huma materjali riċiklati. L-industrija Ewropea se tiġi mħeġġa tkun innovattiva u ssir mexxejja globali fl-ekonomija ekoloġika. U fis-settur tat-trasport, li jirrappreżenta 25 % tal-emissjonijiet tagħna, se jiġu introdotti forom ta’ trasport privat u pubbliku iktar nodfa, orħos u b’inqas impatt fuq is-saħħa. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika
Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jkun meħtieġ investiment sinifikanti. Il-finanzjament jeħtieġ jiġi kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku — il-Kummissjoni Ewropea se twitti t-triq bi Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli biex tgħin sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ investiment. Minn tal-inqas 25 % tal-baġit fit-tul tal-UE għandu jkun iddedikat għall-azzjoni klimatika, u l-Bank Ewropew tal-Investiment se jagħti iktar appoġġ.
Minkejja li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija sforz komuni, mhux ir-reġjuni u l-Istati Membri kollha jibdew mill-istess punt. Matul it-tranżizzjoni, Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jappoġġa lir-reġjuni li jiddependu ħafna fuq attivitajiet intensivi ħafna fl-użu tal-karbonju u se jappoġġa liċ-ċittadini li huma l-iktar vulnerabbli billi, pereżempju, jagħti aċċess għal programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u għal opportunitajiet ta’ impjieg f’setturi ekonomiċi ġodda.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jittrasforma l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea għal futur sostenibbli. Se jiffinanzja din it-tranżizzjoni billi jżid l-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni Ewropea għall-2030 u għall-2050, billi jipprovdi enerġija nadifa, tajba għall-but ta’ kulħadd u sigura, billi tiġi mmobilizzata l-industrija għal ekonomija nadifa u ċirkolari, u billi l-bini u r-rinnovazzjoni jsiru b’mod effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. Se jiżgura li t-tranżizzjoni tkun ġusta u li ħadd ma jitħalla lura billi tiġi mmobilizzata r-riċerka u billi titrawwem l-innovazzjoni. Dan ifisser ambizzjoni ta’ żero tniġġis għal ambjent ħieles mit-tossiċità, il-preservazzjoni u l-irpiljar tal-ekosistemi u tal-bijodiversità, u approċċ ġdid “mill-għalqa sal-platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent. Barra minn hekk, se jaċċellera l-bidla favur mobbiltà sostenibbli u intelliġenti. Finalment, l-Unjoni Ewropea se taġixxi bħala mexxej globali fi kwistjonijiet marbuta mal-klima u se taħdem favur Patt Klimatiku Ewropew reali. Sors: il-Kummissjoni Ewropea Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea

Sabiex jinkisbu d-diplomazija b’rabta mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u rwol mexxej globali fuq il-kwistjonijiet klimatiċi, il-passi li jmiss li jridu jittieħdu se jkunu l-proposta għal liġi klimatika Ewropea u l-introduzzjoni tal-istrateġiji industrijali u tal-ekonomija ċirkolari f’Marzu 2020, u ż-żieda tal-miri klimatiċi eżistenti tal-Unjoni Ewropea għall-2030 sa minn tal-inqas 50 % fis-sajf tal-2020. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Il-futur tal-Ewropa
F’Sibiu, ir-Rumanija, fid-9 ta’ Mejju, il-mexxejja tal-EU-27 (mill-Istati Membri kollha ħlief ir-Renju Unit) irriflettew fuq l-Aġenda Strateġika li jmiss, li tistabbilixxi l-prijoritajiet u li tiggwida l-ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-2019–2024. Il-mexxejja adottaw ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Sibiu, u din tassew kienet turija tal-għaqda bejn l-Istati Membri ftit qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Il-laqgħa f’Sibiu kienet il-qofol tal-proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-Ewropa b’impenn imġedded għal Unjoni Ewropea li twassal ir-riżultati b’rabta mal-kwistjonijiet li huma tassew importanti għaċ-ċittadini.
L-ewwel passi “fit-triq lejn Sibiu” ttieħdu f’Settembru 2016, meta l-President Juncker ħabbar aġenda pożittiva għall-Ewropa, u beda l-proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-Ewropa b’27 Stat Membru. Imbagħad, il-mexxejja tal-UE adottaw żewġ dikjarazzjonijiet importanti f’din it-“triq”: fi Bratislava, is-Slovakkja, f’Settembru 2016 u f’Ruma, l-Italja, f’Marzu 2017.
F’Marzu 2017, qabel is-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper fuq il-Ġejjieni tal-Ewropa. Il-Kummissjoni ddeskriviet ħames xenarji possibbli għall-futur tal-UE b’27 Stat Membru. Dan kien il-punt tat-tluq għal dibattitu wiesa’ dwar il-futur tal-Ewropa, li kien ta’ ispirazzjoni għall-prijoritajiet ewlenin ta’ politika tal-Aġenda Strateġika. Il-Kummissjoni ppromwoviet bi ħġarha l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, żviluppat formati ġodda ta’ djalogi u ta’ konsultazzjonijiet taċ-ċittadini, għamlet id-dibattitu iktar flessibbli u interattiv, ġabitu online u għamlet ħilitha biex tilħaq udjenza usa’ u b’iktar diversità. Mijiet ta’ eluf ta’ ċittadini ta’ nazzjonalitajiet, ta’ etajiet u ta’ reliġjonijiet differenti u b’fehmiet politiċi differenti ħadu sehem fi kważi 1,800 dibattitu bl-istil tal-muniċipji fis-swali tal-muniċipji, fl-universitajiet u f’postijiet oħra madwar l-Unjoni tagħna. Iktar minn 80,000 persuna wieġbu l-kwestjonarju online dwar il-futur tal-Ewropa, li tfassal minn panel ta’ 96 ċittadin Ewropew.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat diversi dokumenti ta’ riflessjoni li taw ħarsa fid-dettall lejn kwistjonijiet speċifiċi biex ikomplu jlaħħmu d-dibattitu. L-aħħar wieħed minn dawn id-dokumenti ta’ riflessjoni, dwar l-iżvilupp sostenibbli, ġie ppubblikat fit-30 ta’ Jannar 2019. Bi tħejjija għal Sibiu, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tagħha stess għall-Aġenda Strateġika tal-UE, li kienu ċċentrati fuq ħames temi: Ewropa protettiva, Ewropa kompetittiva, Ewropa ġusta, Ewropa sostenibbli u Ewropa li jkollha influwenza fuq entitajiet oħra. Matul il-proċess ta’ riflessjoni, il-mexxejja tal-UE ltaqgħu regolarment biex jiddiskutu dwar il-kwistjonijiet jaħarqu tal-mument, u dwar il-kwistjonijiet li huma ta’ interess għall-Ewropej.
Peress li l-Kummissjoni tat widen lill-fehmiet u lit-tħassib taċ-ċittadini, l-Aġenda Strateġika tal-UE tibni fuq il-progress li għamlet l-Unjoni tagħna f’dawn l-aħħar snin. Adottata formalment mill-mexxejja fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2019, l-Aġenda tiffoka fuq erba’ prijoritajiet ewlenin: il-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-libertajiet; l-iżvilupp ta’ bażi ekonomika b’saħħitha u vibranti; il-bini ta’ Ewropa newtrali għall-klima, ekoloġika, ġusta u soċjali; u l-promozzjoni tal-interessi u tal-valuri Ewropej fix-xenarju globali. L-Aġenda hija r-rispons tal-UE liċ-ċittadini dwar kif se jiġu indirizzati l-isfidi li qed niffaċċjaw u kif se nisfruttaw l-opportunitajiet li jkollna filwaqt li nixħtu ħarsitna lejn il-futur.
Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa biex l-Ewropej ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar kif jaħsbu li l-Unjoni tagħhom għandha titmexxa u x’riżultati għandha tikseb. Il-Konferenza se tibda fl-2020 u se ddum sentejn. Se tlaqqa’ flimkien liċ-ċittadini ta’ kull età mill-UE kollha kif ukoll lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Kapitlu 1
Spinta ġdida lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment

© Fotolia
Is-sena 2019 hi s-seba’ sena konsekuttiva li matulha l-ekonomija Ewropea baqgħet tikber. Daqstant mistennija tikber ukoll fl-2020 u fl-2021. Is-swieq tax-xogħol baqgħu b’saħħithom. L-impjiegi laħqu livell rekord u l-qgħad niżel għal 6.3 %, l-iktar livell baxx sa mill-bidu tas-seklu. Il-livelli tad-dejn pubbliku komplew jonqsu għall-ħames sena konsekuttiva għax il-gvernijiet ibbenefikaw minn rati baxxi tal-imgħax, u kollox kien jidher li dawn il-livelli kienu se jkomplu jonqsu.
Madankollu, l-ekonomija globali ħadet xejra għall-agħar u l-inċertezza qawwija dwar il-politiki ta’ ħafna Stati Membri xekklet lis-settur tal-manifattura. B’hekk iddgħajfu l-prospetti għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, u kollox kien jidher li l-ekonomija kienet se tkun għaddejja minn żmien twil ta’ tkabbir u ta’ inflazzjoni iktar baxxi.
L-enfasi tal-UE fuq it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment kienet evidenti tul is-sena kollha u fil-firxa kollha tal-attivitajiet tagħha, speċjalment fis-Semestru Ewropew, fiċ-ċiklu annwali tagħha ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, u fil-monitoraġġ tagħha tal-finanzi pubbliċi.
L-UE sfruttat għalkollox il-baġit tagħha biex tistimula l-investiment bi programmi innovattivi, fosthom il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Sa Ottubru, l-għadd ta’ impriżi żgħar u medji (SMEs) li bbenefikaw minn dan il-pjan sa mill-bidu tiegħu kien laħaq kważi l-miljun, u l-investiment totali li dan immobilizza kien iktar minn €439.4 biljun.
Investiment għall-impjiegi u għat-tkabbir
Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa
Dan il-Pjan ta’ Investiment għandu l-għan li jxejjen l-ostakli għall-investiment, li jagħti ċertu viżibbiltà u assistenza teknika lill-proġetti tal-investiment, u li jħaddem ir-riżorsi finanzjarji b’mod iktar intelliġenti. Ir-riżultati tal-2019 joħorġu fid-dieher li dan ħalla impatt makroekonomiku sinifikattiv u kiseb benefiċċji tanġibbli għan-nies u għan-negozji.

L-impatt makroekonomiku tal-Pjan Juncker kien waħda mill-kisbiet sinifikanti tal-perjodu bejn l-2014 u l-2019. Sal-2019, l-investimenti fil-qafas tal-Pjan Juncker kienu żiedu l-prodott domestiku gross b’0.9 % u ħolqu 1.1 miljun impjieg. Sal-2022, l-investimenti fil-qafas tal-Pjan Juncker se jżidu l-prodott domestiku gross b’1.8 % u se joħolqu 1.7 miljun impjieg. L-investiment fl-Unjoni Ewropea reġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi u qed jiżdied b’mod kostanti. Il-Pjan Juncker kellu rwol ewlieni wkoll fit-tkattir tal-impjiegi u tat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea, u issa iktar minn miljun start-up u negozju żgħir se jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għall-finanzjament. Minn Ottubru 2019 ’il quddiem, huwa mistenni li l-Pjan Juncker se jwassal €439.4 biljun f’investiment addizzjonali fl-Unjoni Ewropea kollha. Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Il-Pjan Juncker irriżulta f’531,000 appartament mibnija jew rinnovati u li huma tajbin għall-but ta’ kulħadd; 1,039,000 start-up u negozju żgħir b’aċċess għal finanzjament ġdid; 28.3 miljun miter intelliġenti tad-dawl li ġew installati; 8 miljun linja tal-broadband b’veloċità għolja ħafna li ġew attivati; trattament aħjar tal-iskart għal 33.3 miljun persuna; u enerġija rinnovabbli li issa hija disponibbli għal 10.4 miljun unità domestika. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Sa mill-bidu tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni Juncker (Novembru 2014–Novembru 2019) poġġiet il-prijoritajiet soċjali fil-qalba tal-azzjoni tagħha u fil-qalba tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa. Il-progress li sar hu ġmielu: bħalissa hawn iktar minn 241 miljun persuna b’impjieg, jiġifieri madwar 14-il miljun iktar meta mqabbla mal-2014: ir-rata tal-impjiegi attwali qatt ma ntlaħqet (73.9 %) filwaqt li r-rata tal-qgħad hi l-iktar baxxa mis-sena 2000 ’l hawn. Għalkemm għadu għoli wisq, il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas ferm, mill-ogħla livell ta’ 24.1 % fl-2013 għal 14.3 % f’Novembru 2019.

L-ikbar perċentwal ta’ fondi ta’ investiment (30 %) ġie allokat għall-kumpaniji ż-żgħar, segwit b’26 % għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni, 18 % għas-settur tal-enerġija, 11 % għas-settur diġitali, 7 % għat-trasport, 4 % għall-infrastruttura soċjali, u 4 % oħra għall-ambjent u għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-investiment totali b’rabta mal-approvazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kien jammonta għal €439.4 biljun. Inkluż fih kien hemm finanzjament approvat ta’ €81 biljun tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (magħmul minn €58.8 biljun approvati mill-Bank Ewropew tal-Investiment u €22.2 biljun approvati mill-Fond Ewropew tal-Investiment), li minnu €62.6 biljun diġà ġew iffirmati. Il-mira totali għall-2020 tammonta għal €500 biljun. Fir-rigward tal-investiment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi b’rabta mal-prodott domestiku gross, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Portugall kellhom livelli għoljin ta’ investiment. L-Irlanda, Franza, l-Italja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Finlandja u l-Iżvezja kienu fit-tieni saff. Warajhom b’inqas investimenti kien hemm il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Kroazja, in-Netherlands, ir-Rumanija u s-Slovenja. Finalment, fl-aħħar saff kien hemm il-Ġermanja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, l-Awstrija, is-Slovakkja u r-Renju Unit. Iċ-ċifri huma bbażati fuq operazzjonijiet approvati sal-15 ta’ Ottubru 2019. Bis-saħħa ta’ dawn l-investimenti, inbnew jew ġew rinnovati 531,000 appartament li huma tajbin għall-but ta’ kulħadd, it-trattament tal-iskart ittejjeb għal 33.3 miljun persuna u l-enerġija rinnovabbli twasslet lil 10.4 miljun unità domestika. Sors: il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-Kummissjoni Ewropea

F’dawn l-aħħar snin, it-tkabbir kien madwar 2 % fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona tal-ewro, u sa issa ż-żewġ entitajiet irreġistraw tkabbir għal 25 trimestru konsekuttiv. 49 % tal-Ewropej għandhom opinjoni pożittiva dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija Ewropea. Id-defiċit pubbliku fl-Unjoni Ewropea naqas minn 6.6 % fl-2009 għal 0.7 % fl-2018, u l-proporzjon tad-dejn pubbliku fl-Unjoni Ewropea naqas minn 88.3 % fl-2014 għal 81.9 % fl-2018. Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Ir-rata ta’ impjieg mill-2014 ’l hawn fl-Unjoni Ewropea żdiedet b’mod konsistenti, b’226.8 miljun impjegat fl-2014, 229.3 miljun impjegat fl-2015, 232.2 miljun impjegat fl-2016, 235.9 miljun impjegat fl-2017, 239.9 miljun impjegat fl-2018, u 241.3 miljun impjegat sat-tieni trimestru tal-2019. Mill-2014 ’l hawn, fl-ekonomija żdiedu 14-il miljun impjieg. Sors: il-Eurostat, il-kontijiet nazzjonali, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Fl-istess ħin, sa Settembru 2019 il-livell tal-qgħad naqas bl-istess mod kostanti minn kemxejn iktar minn 10 % fl-2014 għal kemxejn iktar minn 6 %. Sors: l-Istħarriġ tal-Eurostat dwar il-Forza tax-Xogħol.
Il-politika ekonomika u fiskali
Is-Semestru Ewropew
Is-Semestru Ewropew hu ċ-ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali bejn l-Istati Membri li għandu l-għan li jixpruna t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Bħala parti minn dan il-proċess, kull sena l-Kummissjoni Ewropea tipproponi sett ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill maħsuba għall-Istati Membri. Għall-ewwel darba, issa li f’Awwissu 2018 il-Greċja ħarġet mill-programm tagħha ta’ aġġustament ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet kienu indirizzati lit-28 Stat Membru kollha.
Din is-sena, il-proposti tal-Kummissjoni kellhom l-objettiv ġenerali li jħeġġu lill-Istati Membri jżidu l-potenzjal ta’ tkabbir tagħhom billi jimmodernizzaw l-ekonomiji u jsaħħu r-reżiljenza tagħhom. Minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli u l-inċertezzi attwali madwar id-dinja, l-Istati Membri kollha ġew imħeġġa jagħtu prijorità lir-riformi li jippromwovu tkabbir sostenibbli li jkun ta’ ġid għal kulħadd, u li jħaddmu strateġiji tal-investiment immirati tajjeb u politiki fiskali responsabbli. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet adottahom il-Kunsill f’Lulju.
Il-kuntest ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet jixhed il-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-żona tal-ewro. Dawn huma msejsa fuq l-analiżi dettaljata tar-rapporti tal-pajjiżi li ġiet ippubblikata fi Frar 2019 u huma msejsa wkoll fuq il-valutazzjoni tal-programmi nazzjonali li ġiet ippreżentata f’April. Dan ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija jidentifika 13-il Stat Membru għal rieżami dettaljat li jivvaluta jekk ġewx affettwati minn żbilanċi, jew jekk kienx hemm ir-riskju li jiġu affettwati minnhom. Mir-rieżami tagħhom ħareġ li 10 Stati Membri kienu qed iġarrbu żbilanċi u t-tlieta l-oħra kienu qed iġarrbu żbilanċi eċċessivi.
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jinkludu enfasi akbar fuq li jiġu identifikati u prijoritizzati l-ħtiġijiet tal-investiment fil-livell nazzjonali u fuq li tingħata attenzjoni speċjali lid-disparitajiet reġjonali u territorjali. Dan jaqbel mal-analiżi bir-reqqa tal-ħtiġijiet tal-investiment u l-ostakli identifikati fir-rapporti ta’ kull Stat Membru u għandu jgħin jipprijoritizza l-użu tal-fondi tal-UE fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE (2021–2027).
Ir-rakkomandazzjonijiet jirrikonoxxu li biex jingħelbu l-isfidi attwali u futuri, l-ekonomiji dejjem iktar diġitalizzati u globalizzati tagħna jeħtieġu investimenti iktar intelliġenti fl-infrastruttura, fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fil-ħiliet; u jeħtieġu iktar miżuri li jipprovdu sistemi sostenibbli u inklużivi tal-protezzjoni soċjali għall-popolazzjonijiet tagħna li qed jixjieħu.
Is-Semestru kien jixhed ukoll il-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; u protezzjoni u inklużjoni soċjali. L-Istati Membri lkoll irċevew rakkomandazzjoni dwar il-ħiliet, u bosta minnhom irċevew ukoll rakkomandazzjonijiet biex iwettqu riformi fis-suq tax-xogħol. Rakkomandazzjonijiet oħrajn iffukaw, pereżempju, fuq il-ħtieġa ta’ politiki li jagħtu s-setgħa lil gruppi żvantaġġati bħall-ħaddiema bi ftit ħiliet, iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Minkejja li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali qed jitjiebu, għad hemm xi nuqqasijiet fil-kopertura u xi ostakli għall-aċċess.
Il-finanzi pubbliċi
L-istabbiltà ekonomika u t-tkabbir sostenibbli huma bbażati fuq finanzi pubbliċi sodi. Hu importanti li d-dejn u d-defiċits jonqsu biex niżguraw li l-gvernijiet ikollhom buffer fiskali ħalli jtaffu l-effetti ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Filwaqt li d-dejn pubbliku għadu qed jonqos fl-UE, il-progress ma kienx regolari u l-livelli għadhom għoljin wisq f’diversi Stati Membri.
It-tkabbir ma jistax isir mingħajr stabbiltà makroekonomika u għaldaqstant l-UE għandha regoli u proċeduri biex tidentifika d-dejn u d-defiċits u ma tħallihomx jheddu t-tkabbir fl-Istati Membri. Fl-2019, l-iżbilanċi fiż-żona tal-ewro komplew jonqsu iżda jeħtieġ tittieħed iktar azzjoni ta’ politika. Fi Frar, l-analiżi tal-Kummissjoni wriet li 10 Stati Membri kienu qed iġarrbu żbilanċi, u li l-iżbilanċi fil-Greċja, fl-Italja u f’Ċipru tqiesu eċċessivi.
Fil-proposti tagħha għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, il-Kummissjoni tistabbilixxi miri li jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-objettivi baġitarji tagħhom fi żmien medju. L-Istati Membri li jifilħu jagħmlu dan, għandhom jużaw il-politiki fiskali u strutturali biex iżidu l-investiment pubbliku ta’ kwalità, speċjalment fl-oqsma li jtejbu l-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku bħall-edukazzjoni u l-ħiliet, l-infrastruttura u l-innovazzjoni.
F’Ġunju, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Kunsill biex tintemm il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv ta’ Spanja, u dan ifisser li d-defiċit tal-pajjiż kien tniżżel inqas minn 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tiegħu b’mod dewwiemi. B’hekk ma kien baqa’ l-ebda Stat Membru fil-parti korrettiva tar-regoli dwar id-defiċit tal-UE, meta mqabbel mal-24 Stat Membru fl-2011.
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni stħarrġet il-konformità ta’ diversi Stati Membri mar-regoli tal-UE dwar id-dejn pubbliku u d-defiċit pubbliku biex tivvaluta jekk kienx ġustifikat li tinfetaħ xi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Il-Kummissjoni kkonkludiet li għalkemm il-Belġju, Franza u Ċipru kienu konformi, l-Italja kienet teħtieġ Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Madankollu, wara l-isforzi fiskali addizzjonali li ħabbru l-awtoritajiet Taljani f’Lulju, il-Kummissjoni kkonkludiet li m’għadx hemm bżonn jiġi propost li tinfetaħ proċedura ta’ dak it-tip.
Il-Kummissjoni tat ukoll twissijiet lill-Ungerija u lir-Rumanija għax kienu għadhom ferm ’il bogħod mill-miri baġitarji tagħhom għaż-żmien medju u rrakkomandat li dawn jieħdu azzjoni biex jilħquhom. Sadanittant jidher li l-Greċja kienet bdiet timxi ’l quddiem b’mod raġonevoli fejn jidħlu r-riformi ta’ wara l-programm tagħha, iżda kien jidher ukoll li l-implimentazzjoni ta’ wħud minnhom kienet għaddejja bil-mod u kien hemm ir-riskju li ċerti impenji setgħu ma jintlaħqux.
L-evitar tat-taxxa jnaqqas l-introjtu nazzjonali, ixekkel il-kompetizzjoni ġusta u jħalli impatt negattiv fuq it-tkabbir. Is-Semestru Ewropew jikkoordina l-politiki nazzjonali biex niżguraw il-konverġenza u Ewropa b’saħħitha, kompetittiva u soċjali. Għalhekk hu importanti li niġġieldu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u li naħdmu għal koordinazzjoni tat-taxxa ħalli nħarsu liċ-ċittadini tal-Ewropa u l-kompetittività tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni ħarġet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi lil diversi Stati Membri u liż-żona tal-ewro kollha biex tindirizza l-kwistjoni tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa.
L-Unjoni tas-Swieq Kapitali
Għat-tkabbir, għall-impjiegi u għall-investiment hu essenzjali li jkollna swieq kapitali stabbli u effiċjenti. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali tinkludi taħlita ta’ riformi regolatorji u mhux regolatorji biex iżżewweġ aħjar l-iffrankar mal-investiment, u hi parti integrali mill-istrateġija tal-UE li tippromwovi dawn l-oqsma.
L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha l-għan li ssaħħaħ is-sistema finanzjarja tal-Ewropa billi tipprovdi sorsi alternattivi ta’ finanzjament u iktar opportunitajiet għall-investituri istituzzjonali u għal dawk fil-livell tal-konsumaturi. B’hekk tiftaħ il-bibien għal iktar opportunitajiet ta’ finanzjament għall-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs u għan-negozji ġodda, bħalma huma l-kapital tar-riskju u s-swieq kapitali. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali jeħtieġ tkun b’saħħitha wkoll biex tikkomplementa l-Unjoni Bankarja ħalli jissaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u r-rwol internazzjonali tal-ewro.
Qed issir enfasi qawwija fuq il-finanzjament sostenibbli, issa li s-settur finanzjarju beda jgħin lill-investituri konxji mis-sostenibbiltà biex jagħżlu proġetti u kumpaniji adegwati. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali tgħin biex l-investiment jingħata din id-direzzjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-aġenda tal-UE dwar l-enerġija, il-klima u l-ambjent.
Issa li ntlaħaq qbil fuq 11-il proposta minn 13, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tkun tassew mutur għall-investiment u se tipprovdi sorsi addizzjonali ta’ finanzjament lill-kumpaniji tal-UE u opportunitajiet liċ-ċittadini biex ifaddlu għall-futur tagħhom. Hemm sitt proposti li jagħmlu l-aqwa użu mill-potenzjal tas-Suq Uniku permezz ta’ prodotti, tikketti u passaporti Ewropej ġodda; ħames proposti li jissimplifikaw ir-regoli għall-kumpaniji u għall-investituri, u jagħmluhom iktar proporzjonati; u żewġ proposti li jżidu s-superviżjoni tas-swieq kapitali.
F’April, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu fuq emendi mmirati għal żewġ biċċiet ewlenin ta’ leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji: ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament dwar il-Prospett. L-emendi għar-regoli dwar l-abbuż tas-suq joħolqu bilanċ aħjar bejn it-tnaqqis tal-burokrazija għan-negozji ż-żgħar u s-salvagwardja tal-integrità tas-suq u tal-protezzjoni tal-investituri.
Bil-bidliet proposti fir-Regolament dwar il-Prospett, l-emittenti fl-SMEs jingħataw aċċess għas-swieq tat-tkabbir biex jipproduċu prospett eħfef meta jittrasferixxu lejn suq regolat (jiġifieri borża ewlenija), u b’hekk jistgħu jiffrankaw bosta spejjeż meta jiddeċiedu li jkabbru xi negozji ta’ dan it-tip.
Stadju importanti ieħor biex tinkiseb l-Unjoni tas-Swieq Kapitali kien l-introduzzjoni tal-Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (il-PEPP), skema volontarja ta’ tfaddil għall-pensjoni offruta minn firxa wiesgħa ta’ fornituri finanzjarji fl-UE kollha. Din se tikkomplementa s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi u okkupazzjonali eżistenti, kif ukoll l-iskemi tal-pensjonijiet privati nazzjonali eżistenti. Ir-Regolament ġie adottat fl-14 ta’ Ġunju u se jibda japplika fi żmien sentejn, meta l-ewwel prodotti ta’ dan it-tip jibdew jitqiegħdu fis-suq.
Bil-PEPP, il-konsumaturi tiżdidilhom l-għażla, igawdu minn iktar kompetizzjoni, u jkollhom iktar trasparenza u flessibbiltà fejn jidħlu l-alternattivi tal-prodotti. Iċ-ċittadini mobbli se jkunu jistgħu jibqgħu jikkontribwixxu għall-istess prodott irrispettivament mir-residenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea.
Fil-31 ta’ Lulju daħlu fis-seħħ regoli ġodda biex irawmu distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi tal-investiment. Il-qafas aġġornat ikompli jissimplifika d-distribuzzjoni, iħaffifha u jraħħasha, u fl-aħħar mill-aħħar iżid il-kompetizzjoni bejn il-fondi tal-investiment. L-investituri se jgawdu minn iktar għażla u valur aħjar, u se jiksbu livell ogħla ta’ protezzjoni.
Intlaħaq qbil ukoll fuq Direttiva li se tgħin lill-kumpaniji vijabbli li jġarrbu xi diffikultajiet finanzjarji biex jiġu ristrutturati b’mod effiċjenti. Lill-imprendituri onesti li jfallu, din tagħtihom opportunità oħra.
F’Marzu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu wkoll fuq regoli ġodda li se jagħmluha iktar faċli biex jingħata finanzjament lin-negozji ż-żgħar permezz tas-swieq kapitali. Ir-regoli se jnaqqsu l-burokrazija għan-negozji li jixtiequ jaċċessaw “is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs”, kategorija ġdida ta’ post tan-negozjar maħsuba għall-emittenti żgħar, billi jintroduċu approċċ iktar proporzjonat li jappoġġa l-elenkar tagħhom.
Nagħtu spinta lir-riċerka, lill-innovazzjoni u lit-teknoloġija
Eċċellenza xjentifika u innovazzjoni rivoluzzjonarja
Fl-2019, il-programm tal-UE Orizzont 2020 nieda finanzjament ta’ €11-il biljun bħala appoġġ għar-riċerka u għall-innovazzjoni.
Issa li kulma jmur qed tiżdied l-importanza ekonomika tal-innovazzjoni rivoluzzjonarja u fixkiela, u wara s-suċċess bikri tal-fażi pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, tul is-sentejn li fadal ta’ din il-fażi pilota se tissokta bil-kbir l-espansjoni. Għall-2019–2020 ġie approvat finanzjament ta’ iktar minn €2 biljun li jkopri l-katina kollha tal-innovazzjoni: minn proġetti ta’ “pathfinder” li jappoġġaw it-teknoloġiji avvanzati mill-bażi tar-riċerka mhux konvenzjonali, għal finanzjament “aċċelleratur” li jgħin lin-negozji ġodda u lill-SMEs jiżviluppaw u jkabbru l-innovazzjonijiet sal-istadju li jkun jista’ jattira l-investiment privat.

Il-baġit totali għal Orizzont 2020 mill-2014 sal-2020 huwa €77 biljun, li minnu €11-il biljun kienu sejħiet li tnedew fl-2019. Xi eżempji ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea fil-qafas ta’ dan il-programm jinkludu: €206 miljun għat-trasformazzjoni tas-setturi intensivi fl-użu tal-enerġija f’industriji kompetittivi, b’livell baxx ta’ karbonju u ċirkolari, u b’hekk titnaqqas l-impronta ambjentali tagħhom; €132 miljun għall-promozzjoni tar-rwol mexxej tal-Ewropa fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ batteriji, b’appoġġ għal futur reżiljenti u b’livell baxx ta’ karbonju; €135 miljun għal azzjonijiet li jikkontribwixxu b’modi differenti għall-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar il-plastik; €396 miljun għall-promozzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, li hija l-qofol tal-iktar avvanzi rivoluzzjonarji promettenti tal-lum; u €116-il miljun għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u fil-prevenzjoni tagħha.

L-ewwel ritratt spazjali ta’ toqba sewda li qatt ġie meħud, ippubblikat fl-10 ta’ April 2019 mit-tim ta’ Event Horizon Telescope, li huwa tim globali li jinkludi riċerkaturi ffinanzjati mill-UE.
L-UE fis-settur spazjali
Biex jiżguraw li l-UE tibqa’ l-ewwel fid-dinja fejn tidħol it-teknoloġija spazjali u biex jippromwovu industrija spazjali kompetittiva fl-Ewropa, tul l-2019 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħqu ftehim proviżorju parzjali dwar il-programm spazjali tal-UE għall-2021–2027.

L-investiment tal-Unjoni Ewropea fl-ispazju kien jammonta għal €4.6 biljun mill-2007 sal-2013, għal €11.1-il biljun mill-2014 sal-2020, u huwa ppjanat li jilħaq €16-il biljun għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Iċ-ċifri huma bil-prezzijiet kurrenti. Sors: il-Kummissjoni Ewropea Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea
Għal dan il-programm qed jiġi propost baġit ta’ €16-il biljun; u hu maħsub biex iġib l-appoġġ kollu tal-UE għall-ispazju taħt kappa waħda u jżid il-livelli attwali ta’ finanzjament b’iktar minn terz. Se jibni fuq il-ħtiġijiet il-ġodda u t-teknoloġiji disponibbli, se jsaħħaħ l-aċċess tal-Ewropa għall-ispazju u se jniedi approċċ Ewropew li jappoġġa industrija spazjali innovattiva u kompetittiva.
Galileo, is-sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita tal-Ewropa, hi l-iktar sistema globali SatNav preċiża disponibbli. F’Settembru, l-għadd ta’ utenti ta’ Galileo, fosthom l-utenti tal-ismartphones u tat-tablets li jaqblu ma’ Galileo, qorob il-biljun madwar id-dinja. Il-programm Copernicus, l-akbar fornitur dinji ta’ data tal-osservazzjoni tad-dinja, jgħin fil-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima u fl-immaniġġjar tas-sigurtà tal-fruntieri u tad-diżastri l-kbar madwar id-dinja. Copernicus jipprovdi 12-il terabyte ta’ data kuljum: minjiera ta’ big data u pproċessar tal-cloud li hi disponibbli kollha b’mod miftuħ u liberu biex tintuża miċ-ċittadini u min-negozji. Mill-2019 ’l hawn, b’Copernicus setgħu jsiru trasferimenti aħjar tad-data, b’mod partikolari tal-immaġnijiet, u l-utenti setgħu jiskopru, iniżżlu u jipproċessaw id-data tiegħu b’mod iktar faċli għax saru aġġornamenti ġodda fis-Servizzi tal-Aċċess għad-Data u għall-Informazzjoni.
Id-difiża u l-industrija tal-UE
Tlieta minn kull erba’ ċittadini tal-UE jixtiequ iktar sigurtà (l-Ewrobarometru, Novembru 2018). Għalhekk l-UE żiedet l-ambizzjoni u l-impenn tagħha għal Unjoni tad-Difiża. Il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti attivata f’Diċembru 2017 tgħaqqad lil 25 Stat Membru parteċipant li lesti jieħdu iktar impenji vinkolanti biex jaħdmu flimkien fuq is-sigurtà u d-difiża u jieħdu sehem fl-iktar missjonijiet esiġenti. Diġà tnedew 34 proġett, fosthom dwar il-mobbiltà militari, is-sorveljanza marittima u ċ-ċibersigurtà. Il-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur fuq stedina tal-Istati Membri parteċipanti.
Iż-żewġ programmi pilota tal-Fond Ewropew għad-Difiża, b’baġit ikkombinat ta’ €590 miljun, ħadmu kif ippjanat meta l-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (2017–2019) kienet waslet fl-aħħar sena tagħha. Il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (2019–2020) jikkofinanzja l-iżvilupp kooperattiv tal-kapaċitajiet tad-difiża; f’Marzu ntlaħaq qbil dwar il-programm ta’ ħidma tiegħu u s-sejħiet għall-proposti ġew ippubblikati f’April.
Ninvestu fir-reġjuni, fil-bliet u fiż-żoni rurali
Tul l-2019, il-Politika ta’ Koeżjoni kompliet tappoġġa l-impjiegi u t-tkabbir b’eluf ta’ investimenti kbar u żgħar fl-UE kollha. Fl-aħħar ħames snin ġew appoġġati miljun negozju, u dan wassal biex inħolqu mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda. Miljuni ta’ persuni rċevew għajnuna għat-taħriġ, għall-edukazzjoni jew biex isibu impjieg; djarhom tgħammru bi broadband aħjar, u bbenefikaw minn infrastruttura tat-trasport aħjar u minn innovazzjonijiet fis-settur tas-saħħa.
Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali appoġġa wkoll lil żewġ Stati Membri u lil 10 reġjuni tal-UE waqt it-tranżizzjoni industrijali: il-Litwanja, is-Slovenja, it-Tramuntana u l-Lvant tal-Finlandja (il-Finlandja), Norra Mellansverige (l-Iżvezja), Greater Manchester (ir-Renju Unit), Sachsen (il-Ġermanja), Wallonie (il-Belġju), Piemonte (l-Italja), Cantabria (Spanja), u Hauts-de-France, Centre-Val de Loire u Grand Est (Franza). L-UE se tagħti għotja ta’ €300,000 lil kull waħda minn dawn it-12-il skema pilota biex tinkiseb tranżizzjoni industrijali u jitfasslu strateġiji tal-iżvilupp imsejsa fuq l-oqsma tagħhom li għandhom saħħa komparattiva, l-hekk imsejħa assi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

Sessjoni ta’ diskussjoni matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, fi Brussell, il-Belġju, id-9 ta’ Ottubru 2019.
Anki l-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni qed jiġu investiti f’negozji ġodda innovattivi. Ngħidu aħna kif tħabbar f’April, bis-saħħa ta’ €32.5 miljun mill-Fond Ewropew tal-Investiment, il-Fond tal-Kapital tar-Riskju fil-Kroazja se jinvesti fi proġetti ġodda b’potenzjal qawwi ta’ tkabbir fil-pajjiż. Iktar minn 100 negozju ġdid se jgawdu aċċess aħjar għall-finanzi.
Fuq skala akbar, fl-istess xahar, il-Kummissjoni ħabbret finanzjament ta’ €4 biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni għal 25 proġett infrastrutturali kbir f’10 Stati Membri. Il-proġetti jkopru firxa wiesgħa ta’ temi, fosthom il-pipelines tal-gass transfruntiera bejn il-Bulgarija u l-Greċja, l-immaniġġjar tal-ilma f’Malta, il-faċilitajiet tar-riċerka f’università fil-Ġermanja, u l-linji ferrovjarji modernizzati fit-Tramuntana tal-Portugall. B’kofinanzjament nazzjonali, l-investiment totali f’dawn il-proġetti jlaħħaq it-€8 biljun.
L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali
Il-Politika Agrikola Komuni kompliet tikkontribwixxi għat-tkabbir u għall-investiment b’appoġġ għall-produzzjoni vijabbli tal-ikel, l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura rurali u l-inklużjoni soċjali. Sa tmiem it-tielet trimestru tal-2019, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) ipprovda appoġġ ta’ €8 biljun għall-Programmi tal-Iżvilupp Rurali 2014–2020. Il-finanzjament saħħaħ il-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli, il-kompetittività ta’ kull tip ta’ agrikoltura, il-promozzjoni tat-teknoloġiji agrikoli innovattivi u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti.
Il-Politika tal-Iżvilupp Rurali għandha l-għan ukoll li tipproteġi l-ambjent, u ttaffi t-tibdil fil-klima u tadatta għalih. Il-bdiewa jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju biex jissieħbu fi skemi ħalli jiżviluppaw prattiki tal-immaniġġjar tal-azjendi agrikoli favur l-ambjent, biex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-bijodiversità jew biex isawru mill-ġdid l-artijiet mistagħdra għall-assimilazzjoni tal-karbonju fil-ħamrija. B’mod ġenerali, l-appoġġ tal-FAEŻR għat-tiswir mill-ġdid, għall-preservazzjoni u għat-titjib tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u mal-forestrija laħaq kważi s-€27 biljun. Intefqu €2 biljun oħra għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u għall-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u li tiflaħ għat-tibdil fil-klima fis-setturi tal-agrikoltura, tal-ikel u tal-forestrija. Il-FAEŻR ipprovda wkoll kważi €5 biljun għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, għat-tnaqqis tal-faqar u għall-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem għal katina iktar ġusta u iktar bilanċjata tal-provvista tal-ikel biex tgħin lill-bdiewa jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-settur agroalimentari li kulma jmur qed isir iktar orjentat lejn is-suq. F’April daħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar prattiki kummerċjali inġusti, bl-għan li jipproteġu lill-bdiewa u lill-kumpaniji agroalimentari minn prattiki inġusti. L-Istati Membri jridu jittrasponu r-regoli fil-liġi nazzjonali tagħhom sa Mejju 2021. Ġiet adottata wkoll inizjattiva li żżid it-trasparenza tas-suq agroalimentari; u din se żżid l-informazzjoni disponibbli tul il-katina tal-provvista tal-ikel għall-operaturi kollha tas-suq.
L-Ekonomija Blu

Il-kontribuzzjoni tal-ekonomija blu għall-ekonomija kumplessiva tal-Unjoni Ewropea f’termini ta’ Valur Miżjud Gross baqgħet relattivament stabbli madwar 1.5 % bejn l-2009 u l-2017 b’xejra kemxejn ta’ tnaqqis mill-2011 ’l hawn. Fl-istess perjodu, l-impjieg fl-ekonomija blu bħala kontribuzzjoni għall-ekonomija kumplessiva tal-Unjoni Ewropea baqa’ bejn 1.5 % u 2 %, b’perjodu ta’ tkabbir kostanti mill-2015 ’l hawn. Id-data għall-2017 hija proviżorja. Sors: kalkoli tal-Eurostat (l-Istatistika Strutturali tan-Negozju), tal-Qafas għall-Ġbir tad-Data, tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Fir-rigward tat-tkabbir tal-prodott domestiku gross f’termini reali, fejn il-prodott domestiku gross huwa skont il-kost tal-fatturi u għaldaqstant ekwivalenti għall-Valur Miżjud Gross, kien hemm fluttwazzjoni tat-tkabbir bejn l-2004 u kmieni fl-2020. Wara li l-prodott domestiku gross kiber għal iktar minn 3 % bejn l-2004 u l-2006, il-kriżi finanzjarja tal-2008 irriżultat fi tnaqqis qawwi, għal ‒ 5 % fl-2009. Żieda rapida bl-istess mod wasslet biex it-tkabbir tal-prodott domestiku gross tal-ekonomija blu jerġa’ lura għal 2 % fl-2010, u mbagħad reġa’ naqas għal kemm kemm taħt 0 % fl-2012. Mill-2012 sal-2014, it-tkabbir kien stabbli u wassal għal valuri madwar 2 %, fejn stabbilizza sal-bidu tal-2020, għajr għal xi fluttwazzjonijiet żgħar. Id-data għall-2019–2020 hija tbassir. Sors: il-Kummissjoni Ewropea.
L-Ekonomija Blu tal-UE, li tiġbor l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli kollha relatati mal-oċeani, mal-ibħra u maż-żoni kostali, qed tkompli tikber. Skont it-tieni Rapport dwar l-Ekonomija Blu tal-UE, ippubblikat f’Mejju, tul l-2017 is-settur iġġenera €74.3 biljun fi qligħ gross u ħaddem iktar minn erba’ miljun persuna. L-aħħar ċifri jindikaw rati għoljin ta’ tkabbir kemm fis-setturi tradizzjonali tal-Ekonomija Blu kif ukoll f’dawk emerġenti. Ir-rapport għandu l-għan li jgħin biex jixpruna iktar tkabbir billi jipprovdi data, analiżi u għarfien aħjar dwar il-baħar.

Sajjied jaqbad awwista b’idu, f’Guilvinec, Franza, l-20 ta’ Awwissu 2019.
Ir-rapport ekonomiku annwali tal-2019 dwar il-flotta tas-sajd tal-UE, ippubblikat f’Awwissu, ħareġ fid-dieher li s-settur baqa’ miexi b’saħħtu tul l-2017. Dan seħħ l-iktar għax tħaddmu metodi sostenibbli tas-sajd u bis-saħħa ta’ prezzijiet medji ogħla tal-ħut, prezzijiet baxxi kontinwi tal-fjuwil u status aħjar ta’ xi stokkijiet importanti. Din ix-xejra pożittiva mistennija tissokta.
It-trasport għal Ewropa konnessa
Tul l-2019, intgħażlu 108 proġett biex jirċievu għotjiet li jlaħħqu l-€538 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) għal infrastruttura tat-trasport iktar sikura, iktar intelliġenti, u iktar ekoloġika. Minn dawk il-proġetti, 39 (€117-il miljun) se jnaqqsu l-istorbju li jagħmlu l-ferroviji tal-merkanzija, se jiżviluppaw konnessjonijiet ferrovjarji minn fruntiera għall-oħra u se jaġġornaw l-infrastruttura kruċjali fil-portijiet. Ġew allokati wkoll €109 miljun oħra biex jappoġġaw il-pjattaformi loġistiċi multimodali ħalli l-merkanzija tkun tista’ tibda tiġi ttrasportata b’modalitajiet differenti tat-trasport. Żewġ prijoritajiet oħra jikkonċernaw lis-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti għat-toroq (finanzjament ta’ €80 miljun) u lill-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda (€71 miljun).
F’Marzu, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment niedu Faċilità ġdida għal Taħlit tat-Trasport tas-CEF, strument finanzjarju innovattiv li jsostni l-proġetti li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ambjentali u għall-effiċjenza tas-settur tat-trasport fl-Ewropa. Il-faċilità bdiet b’baġit ta’ €200 miljun u se tiffinanzja investimenti fis-Sistema Ewropea tal-Immaniġġjar tat-Traffiku Ferrovjarju u fl-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Iż-żewġ organizzazzjonijiet qed jaħdmu flimkien ukoll biex jappoġġaw l-investimenti fis-sikurezza tat-trasport: il-Pjattaforma għal Trasport iktar Sikur se tagħti aċċess faċli għal pariri tekniċi u finanzjarji, b’mod partikolari għat-toroq.
Ninvestu fin-negozji
L-SMEs jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-Ewropa u huma parti kruċjali tal-ekonomija tal-UE. L-UE tappoġġahom billi taħdem għal ambjent tan-negozju aħjar, u b’hekk tagħmilhielhom iktar faċli biex jaċċessaw il-finanzjament, u billi toffri servizzi differenti ħalli tgħinhom jespandu fl-UE u lil hinn.
Partikolarment permezz tal-programm għall-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji (COSME), tul l-2018, l-UE għenet biex twassal finanzjament ta’ €10 biljun lil 140,000 impriża ta’ dan it-tip, permezz ta’ firxa ta’ strumenti finanzjarji fosthom il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI).
Ninvestu fin-nies
Ir-riformi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma prijorità kbira għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u ssemmew b’mod prominenti fis-Semestru Ewropew tal-2019. Hu importanti li ninvestu fl-edukazzjoni u fil-ħiliet biex nixprunaw l-innovazzjoni u ż-żieda fil-produttività, speċjalment f’dinja tax-xogħol li qed tinbidel malajr u li kulma jmur qed iġġarrab iktar skarsezza ta’ ħiliet. L-inugwaljanza fl-eżiti tal-edukazzjoni hi theddida għall-koeżjoni soċjali u għall-prosperità dejjiema tal-Ewropa. L-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità hu essenzjali wkoll għall-gruppi żvantaġġati, u peress li d-dinja tax-xogħol qed tinbidel malajr, jeħtieġ li iktar adulti jiġu mħeġġa jtejbu l-ħiliet tagħhom b’mod kontinwu u jħaddnu l-apprendiment tul il-ħajja. Kull Stat Membru ngħata rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li għandha x’taqsam mal-edukazzjoni u mat-taħriġ.
Bħala parti mill-ħidma biex sal-2025 tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, f’Mejju l-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar l-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija u dwar it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi. Ix-xahar ta’ wara, permezz tal-programm Erasmus+, il-Kummissjoni ħabbret l-ewwel 17-il alleanza tal-universitajiet Ewropej li jinvolvu 114-il istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja f’24 Stat Membru. Dawn l-alleanzi se jtejbu l-kwalità u l-attraenza tal-edukazzjoni għolja u se jixprunaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-istudenti u l-persunal tagħhom.
L-UE baqgħet tinvesti wkoll fit-taħriġ. L-appoġġ u l-kofinanzjament lill-programm Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ (EYE) jagħtu l-opportunità lill-imprendituri stabbiliti ġodda u aspiranti biex jitħarrġu ma’ persuni tal-esperjenza fit-tmexxija ta’ SME f’pajjiż ieħor. Is-sena li għaddiet ħadu sehem 1,300 imprenditur ġdid fl-Ewropa u lil hinn, u 120 se jibbenefikaw mill-EYE Global, programm pilota li jinvolvi lil Iżrael, lil Singapore, u lil żewġ stati fl-Istati Uniti, New York u Pennsylvania.

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija impenn politiku li ħadu l-Istati Membri f’April 2013 biex kull persuna taħt l-età ta’ 25 sena tingħata offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta ssir qiegħda jew titlaq mill-edukazzjoni formali. Il-Garanzija, imnedija mill-Kummissjoni, għenet biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Mill-2013 ’l hawn, 2.5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa inqas sfaw qiegħda u 2 miljun żagħżugħ u żagħżugħa inqas kienu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Mill-2014 ’l hawn, iktar minn 25 miljun żagħżugħ u żagħżugħa rreġistraw, u iktar minn 18-il miljun żagħżugħ u żagħżugħa aċċettaw offerta ta’ impjieg, edukazzjoni, traineeship jew apprendistat. Sors: il-Kummissjoni Ewropea Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea
B’baġit ta’ iktar minn €3.2 biljun, il-programm Erasmus+ għall-edukazzjoni, għat-taħriġ, għaż-żgħażagħ u għall-isport ta opportunitajiet lil madwar 650,000 żagħżugħ u żagħżugħa u lil 237,000 membru tal-persunal tal-istituzzjonijiet edukattivi u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. L-Inizjattiva Favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ ipprovdiet €350 miljun liż-żgħażagħ li jgħixu f’reġjuni b’rata partikolarment għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.
Ngħaqqdu lin-nies flimkien
Madwar 35,000 żagħżugħ u żagħżugħa setgħu jesploraw l-Ewropa permezz tal-pass tal-ivvjaġġar DiscoverEU, u iktar minn 90,000 persuna rreġistraw mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fejn 12,000 minnhom ħadu sehem f’attivitajiet ta’ solidarjetà fl-Ewropa kollha tul l-2019.

Il-vjaġġaturi ta’ DiscoverEU jiddiskutu dwar is-sostenibbiltà fl-ewwel laqgħa tad-DiscoverEU li qatt saret, f’Nijmegen, in-Netherlands, it-12 ta’ Lulju 2019.
Ewropa iktar f’saħħitha
Il-Kummissjoni ngħaqdet mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiċi u mal-Osservatorju Ewropew għas-Sistemi u għall-Politiki tas-Saħħa biex taħdem fuq studji dettaljati dwar is-sistemi tas-saħħa fl-UE. L-istat tas-saħħa fl-UE u r-rapport ta’ akkumpanjament jinkludu 30 profil tas-sistemi nazzjonali, u fl-2019 iffukaw fuq ħames temi orizzontali: l-eżitazzjoni għat-tilqim; it-trasformazzjoni diġitali tal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard; il-lakuni fl-aċċessibbiltà għas-sistemi tas-saħħa; it-trasferiment tal-kompiti fost il-ħaddiema tas-saħħa; u l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini.

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, juri flokk ta’ #VaccinesWork (it-tilqim jaħdem) ma’ Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, waqt is-Summit Globali dwar it-Tilqim, fi Brussell, il-Belġju, it-12 ta’ Settembru 2019.
Fi Frar, l-UE introduċiet karatteristiċi ġodda ta’ verifika u ta’ sikurezza għall-mediċini bir-riċetta biex tieħu azzjoni li tiżgura s-sikurezza tal-mediċini mibjugħa fl-Istati Membri. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-manifatturi jridu jpoġġu barcode 2D u apparat kontra t-tbagħbis fuq il-kaxxi tal-mediċini bir-riċetta, u l-ispiżeriji (inkluż dawk online) u l-isptarijiet iridu jivverifikaw l-awtentiċità tal-mediċini qabel ma jagħtuhom lill-pazjenti. Dan hu l-aħħar pass fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Mediċini Ffalsifikati adottata fl-2011, bl-għan li tiżgura s-sikurezza u l-kwalità tal-mediċini mibjugħa fl-UE.

Logħba rugby għaż-żgħażagħ organizzata quddiem il-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, fi Brussell, il-Belġju, it-23 ta’ Settembru 2019.
Baġit tal-UE ffukat fuq it-twettiq u l-kontinwità
Il-baġit tal-UE għen biex l-ekonomija Ewropea tkun b’saħħitha u reżiljenti, u biex jisseddqu s-solidarjetà u s-sigurtà fiha u lil hinn mill-fruntieri tagħha.
Kważi nofs il-fondi impenjati (€80 biljun) marru għal miżuri li jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u li jnaqqsu d-differenzi ekonomiċi bejn ir-reġjuni. Mill-finanzjament tal-UE, €12.2-il biljun marru għar-riċerka u għall-innovazzjoni fil-qafas tal-programm Orizzont 2020, inkluż bl-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew. Il-baġit żdied għall-edukazzjoni u għat-taħriġ (17.8 % iktar għall-Erasmus+ fl-2018) u għat-trasport u għall-infrastruttura diġitali (37.0 % iktar għas-CEF). L-appoġġ għall-agrikoltura u għaż-żoni rurali baqa’ stabbli bi kważi €60 biljun, u għen fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli. Il-baġit tal-2019 ta l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġi indirizzat l-aspett intern tal-kwistjonijiet tal-migrazzjoni, bi €386.3 miljun mogħtija lill-Istati Membri permezz ta’ programmi operazzjonali nazzjonali minn baġit totali ta’ €1.2 biljun għall-appoġġ mill-Fond għall-Ażil, għall-Migrazzjoni u għall-Integrazzjoni, flimkien ma’ €442.7 miljun għall-immaniġġjar tal-fruntieri u €92.7 miljun għas-sigurtà mill-Fond għas-Sigurtà Interna. B’kollox ġew allokati €5 miljun biex jinħoloq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ġdid għall-prosekuzzjoni ta’ reati kontra l-baġit tal-UE, fosthom il-frodi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.
Kapitlu 2
Suq Uniku Diġitali konness

© Fotolia
Is-sena 2019 kienet sena importanti oħra biex titkompla t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna, li diġà qed twassal benefiċċji għall-konsumaturi u għan-negozji fl-UE kollha u lil hinn minnha. Din it-trasformazzjoni kienet possibbli biss għax kulħadd ġibed ħabel wieħed fl-UE.
F’Mejju, it-telefonati u l-messaġġi minn Stat Membru għall-ieħor raħsu bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta’ regoli ġodda li jistabbilixxu prezz massimu għat-telefonati jew għall-messaġġi mil-linji fissi jew mill-mowbajls. Madwar l-Ewropa, l-għadd ta’ hotspots tal-WiFi mingħajr ħlas żdied permezz ta’ skema ffinanzjata mill-UE li toffri fondi lill-bliet u lill-irħula biex ikopru l-ispejjeż tal-installazzjoni.
Żviluppi oħra ħejjew il-pedamenti għall-futur diġitali tal-Ewropa. Kulma jmur, il-prodotti u s-servizzi li jużaw l-intelliġenza artifiċjali (IA) qed isiru dejjem iktar mifruxa. Permezz ta’ linji gwida ġodda tal-UE, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jserrħu rashom li t-teknoloġija se tgħin lill-bnedmin, u mhux teħdilhom posthom.
Il-fatt li ġew żvelati tmien siti ġodda li se jospitaw il-faċilitajiet tas-supercomputing ta spinta kbira lill-ambizzjoni tal-Ewropa li jkollha rwol mexxej dinji fil-qasam tas-supercomputing. It-tħassib dwar is-sigurtà tan-netwerks tal-komunikazzjoni ewlenin u tad-data trażmessa minnhom ġie indirizzat. Dan sar, fost affarijiet oħra, permezz ta’ proposti ġodda dwar it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tan-netwerks 5G, rwol ferm akbar għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, u r-regoli tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-prodotti, tal-proċessi u tas-servizzi, kif ukoll impenn biex jiġu żviluppati netwerks kwantistiċi ultrasiguri ġodda.
Bir-regoli l-ġodda dwar id-drittijiet tal-awtur, ix-xogħol online tal-ġurnalisti u tal-ħallieqa ta’ kontenut se jiġi ppremjat u protett b’mod iktar ġust.
Konnettività iktar sikura, orħos u aħjar
Għal darb’oħra, il-konnettività kienet kwistjoni ewlenija għall-UE fl-2019. Peress li kulma jmur, l-ekonomija u s-soċjetà tagħna qed isiru dejjem iktar diġitali u qed inqattgħu iktar ħin nużaw il-prodotti u s-servizzi online, sar importanti iktar minn qatt qabel li jkollna konnettività sikura, affidabbli u tajba għall-but ta’ kulħadd.

Is-Suq Uniku Diġitali: telefonati orħos lejn pajjiżi oħra tal-UE. © L-Unjoni Ewropea, 2019
Il-prezz tat-telefonati u tal-messaġġi minn Stat Membru għall-ieħor u bejn partijiet oħra tal-Ewropa varja b’mod sinifikanti. Bħala medja, il-prezz standard biex wieħed iċempel numru f’pajjiż ieħor mil-linji fissi jew mill-mowbajls kien tliet darbiet ogħla mill-prezz standard ta’ telefonata fl-istess pajjiż, u l-prezz standard ta’ messaġġ kien id-doppju. Il-limiti fuq il-prezzijiet introdotti f’Mejju jistabbilixxu li l-prezz massimu tat-telefonati mil-linji fissi jew mill-mowbajls huwa mhux iktar minn €0.19 + it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kull minuta, filwaqt li l-messaġġi issa jiswew €0.06 + il-VAT. Wara t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming tal-mowbajl fl-2017, il-limitu fuq it-telefonati internazzjonali fl-Ewropa jwassal benefiċċju ċar u immedjat għall-konsumaturi u għan-negozji.

It-tneħħija tal-ostakli diġitali hija kruċjali għall-konsumaturi u għan-negozji. Fid-dinja online, l-erba’ libertajiet tal-UE — il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital, tas-servizzi u tal-ħaddiema — għadhom mhumiex realtà. Għal din ir-raġuni, tul il-mandat tagħha, il-Kummissjoni Juncker indirizzat dawn il-problemi. Qabel l-2014, l-Ewropej ma setgħux jużaw l-abbonamenti online tagħhom waqt il-vjaġġi tagħhom, u l-istreaming tal-programmi televiżivi preferiti tagħhom jaf kienu jiġu imblukkati malli jsiefru barra minn pajjiżhom. Kienu jiffaċċjaw ukoll prezzijiet tar-roaming għoljin biex jużaw il-mowbajl barra minn pajjiżhom fl-Ewropa; fl-2007, telefonata kienet tiswa iktar minn €0.50 għal kull minuta u SMS kien jiswa €0.28. Id-drittijiet tal-konsumaturi ma kinux adattati għall-era diġitali, u l-konsumaturi kienu imblukkati ġeografikament milli jaċċessaw l-oġġetti u s-servizzi online f’pajjiżi oħra, pereżempju kien hemm il-ħtieġa li l-ħlas isir b’karta tad-debitu jew tal-kreditu minn pajjiż speċifiku biss. Minn April 2018 ’l hawn, l-Ewropej jistgħu jaċċessaw l-abbonamenti online tagħhom għal films, avvenimenti sportivi, kotba elettroniċi, logħob diġitali jew servizzi tal-mużika waqt li jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Ma jħallsux tariffi tar-roaming meta jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea, u din hija politika li skont 70 % tal-Ewropej diġà qed twassal il-benefiċċji tagħha. Barra minn hekk, ir-regoli aġġornati dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u r-regoli l-ġodda dwar il-kuntratti diġitali se jagħtu iktar drittijiet lill-konsumaturi fid-dinja online u se jwasslu biex il-konsumaturi jkunu kunfidenti meta jixtru online u minn Stati Membri differenti. Mit-3 ta’ Diċembru 2018 ’l hawn, ir-regoli l-ġodda kontra l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat jiżguraw li l-konsumaturi jistgħu jaċċessaw l-oġġetti u s-servizzi online mingħajr ma jkollhom għalfejn jinkwetaw minħabba diskriminazzjoni jew restrizzjonijiet ġeografiċi. Sors: il-Kummissjoni Ewropea

In-netwerks iffinanzjati permezz tal-Wifi4EU jridu jkunu mingħajr ħlas, mingħajr reklamar u d-data tagħhom ma tridx terġa’ tintuża għal skopijiet kummerċjali. Barra minn hekk, l-ispazji pubbliċi ddeżinjati jridu juru l-identità viżiva tal-WiFi4EU kif ukoll juru li huma kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Meta tnediet skema biex tgħin lill-awtoritajiet lokali jinstallaw hotspots tal-WiFi mingħajr ħlas, waslu benefiċċji tanġibbli oħra. L-inizjattiva WiFi4EU għandha l-għan li tgħin sa 8,000 komunità madwar l-UE biex itejbu l-konnettività tagħhom. L-awtoritajiet lokali għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom għotjiet tal-UE li jammontaw għal €15,000 biex jiffinanzjaw l-installazzjoni ta’ hotspots. Saru żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet, u kien hemm iktar minn 5,000 komunità li bbenefikaw mill-iskema minbarra l-2,800 komunità li diġà rċevew l-għajnuna fl-2018. Il-komunitajiet ikollhom 18-il xahar biex jinvestu l-finanzjament fit-tagħmir neċessarju biex joħolqu l-hotspots pubbliċi tal-WiFi tagħhom.
Matul is-sena, il-konnettività fiż-żoni rurali ngħatat spinta wkoll. 53 % biss tan-nies li jgħixu f’żoni remoti u rurali għandhom aċċess għall-internet veloċi, meta mqabbel ma’ 82 % fl-UE kollha. Li nagħlqu dan id-distakk diġitali huwa prijorità ewlenija. In-Netwerk tal-Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-Broadband kiber ġmielu fl-2019, b’116-il uffiċċju nazzjonali u reġjonali li issa qed jgħinu biex jiġu kkoordinati l-isforzi biex il-kopertura tal-broadband titwessa’ sal-iktar inħawi mbiegħda tal-UE. Permezz ta’ kopertura tal-broadband aħjar u iktar veloċi, jittejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni, għas-saħħa, għas-servizzi tal-gvern u għan-negozji, jiġu ffaċilitati l-impjiegi u l-investiment u jiġu appoġġati l-komunitajiet f’dawk l-inħawi.
It-twessigħ tan-netwerk twettaq malli f’April l-Istati Membri wiegħdu li se jaħdmu flimkien biex jisfruttaw il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali, klimatiċi u ambjentali importanti u urġenti li qed tħabbat wiċċha magħhom l-ekonomija rurali usa’, inkluż is-setturi tal-ikel u tal-biedja tal-UE.
Fit-tħejjija tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Mejju, saret kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza online kontra n-nisa, #DigitalRespect4Her, li fiha membri parlamentari, esperti u ġurnalisti nisa taw ix-xhieda tagħhom u saħqu fuq il-problemi partikolari li n-nisa jħabbtu wiċċhom magħhom fuq il-midja soċjali u bnadi oħra online.
Id-diġitalizzazzjoni qed tgħin ukoll sabiex tirfed il-ħidma usa’ biex jitneħħew l-ostakli fis-Suq Uniku tal-UE, u t-tnedija tal-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali kienet eżempju tanġibbli ta’ dan. Il-proġett jgħin lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-UE kollha, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera jiskambjaw l-informazzjoni dwar każijiet li jinvolvu ċittadini li jiċċaqilqu minn post għall-ieħor, li jgħixu u li jaħdmu f’iktar minn pajjiż wieħed. Sar operattiv f’Jannar 2019 u issa s-sistema qed tiġi implimentata f’31 pajjiż. Dawn kienu diġà skambjaw informazzjoni dwar iktar minn 175,000 każ sal-aħħar tas-sena. Is-sistema hija mfassla biex tgħin liċ-ċittadini jaċċessaw l-informazzjoni tagħhom b’mod iktar effettiv u biex il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tagħhom jiġu kkalkulati iktar malajr u b’iktar reqqa, kif ukoll biex tgħin lill-amministrazzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiġġieldu b’mod iktar effettiv kontra l-frodi.
B’mod simili, il-ġbir tal-VAT mill-bejjiegħa online se jittejjeb ukoll permezz ta’ regoli ġodda li ntlaħaq qbil dwarhom f’Marzu u li se jippermettu lin-negozji online jirreġistraw darba biss għall-iskopijiet tal-VAT minflok f’kull Stat Membru fejn ibigħu. Dan se jnaqqas ferm l-ispiża f’termini ta’ ħin u ta’ flus għall-kumpaniji ż-żgħar li joperaw online minn pajjiż għall-ieħor. Ir-regoli l-ġodda se jgħinu wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa jiġbru iktar faċilment il-VAT dovuta minn kumpaniji mhux tal-UE li jbigħu oġġetti lill-konsumaturi tal-UE mis-swieq online li jużaw, u b’hekk se jgħinuhom jirkupraw €5 biljun fi dħul mit-taxxa li jintilef fis-settur kull sena.
Nipproteġu d-drittijiet fl-era diġitali
Ġew introdotti inizjattivi oħra mfassla biex jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumaturi u tan-negozji online, inkluż regoli ġodda dwar il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali u dwar il-kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li huma ta’ għajnuna biex in-negozju online jkun jista’ jsir b’mod iktar ċar u sempliċi. Sett uniku ta’ regoli fl-UE kollha se jgħin lin-negozji jifhmu l-obbligi tagħhom, filwaqt li l-konsumaturi se jibbenefikaw minn rimedji ċari meta l-kontenut, is-servizzi u l-oġġetti diġitali, inkluż il-prodotti b’element diġitali (eż. il-friġġijiet intelliġenti), ikollhom xi difett.
Intlaħaq qbil ukoll dwar regoli ġodda tal-UE li jaġġornaw ir-regolamenti kumplessi dwar id-drittijiet tal-awtur għad-dinja diġitali. Is-servizzi ta’ streaming tal-mużika, il-pjattaformi tal-video-on-demand, l-aggregaturi tal-aħbarijiet u l-pjattaformi b’kontenut imtella’ mill-utenti saru l-punti ewlenin ta’ aċċess għax-xogħlijiet kreattivi u għall-artikli tal-istampa. Ir-regoli l-ġodda jiggarantixxu rimunerazzjoni iktar ġusta għall-ħallieqa ta’ kontenut, drittijiet iktar b’saħħithom għall-utenti u responsabbiltà iktar ċara għall-pjattaformi. L-għan huwa li jittejjeb l-aċċess għall-materjal online protett bid-drittijiet tal-awtur minn pajjiż għall-ieħor, li jiġu stabbiliti drittijiet u responsabbiltajiet ġodda għall-pjattaformi online li jospitaw ix-xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur, li jingħata inkoraġġiment lill-istampa u lill-ġurnaliżmu online u li tittejjeb ir-rimunerazzjoni għall-ġurnalisti, u li l-materjal protett bid-drittijiet tal-awtur ikun jista’ jintuża iktar faċilment għal skopijiet ta’ edukazzjoni u ta’ riċerka.
L-Ewropa kompliet taġixxi b’mod deċiżiv biex tindirizza l-prattiki inġusti tan-negozju fl-ekonomija diġitali. F’Marzu, Google ġiet immultata €1.49 biljun talli imponiet restrizzjonijiet kuntrattwali kontra l-kompetizzjoni fuq is-siti web ta’ partijiet terzi, li ma ppermettewx lir-rivali jpoġġu r-riklami tat-tfittxija tagħhom fuqhom jew li naffruhom milli jagħmlu dan. F’Ġunju, saret investigazzjoni formali b’rabta mal-prattiki ta’ Broadcom, kumpanija bi rwol mexxej globali fil-komponenti għall-apparati tal-komunikazzjoni bil-wajers, bħal modems u decoders tat-televixin, biex jiġi vvalutat jekk eskludietx xi kompetituri b’mod illegali. F’Ottubru, il-Kummissjoni ressqet miżuri interim b’rabta ma’ Broadcom bil-ħsieb li jiġi żgurat li ma jkunx hemm danni gravi u irreparabbli għall-kompetizzjoni sakemm issir l-investigazzjoni tagħha dwar il-merti ta’ ċerti prattiki mill-kumpanija li allegatament kienu ta’ esklużjoni. F’Lulju, Qualcomm ġiet immultata €242 miljun talli biegħet bl-irħis is-settijiet taċ-ċipep li jikkollegaw l-ismartphones u t-tablets man-netwerks ċellulari, bl-intenzjoni li telimina r-rivali prinċipali tagħha fis-segment tas-suq. Infetħet ukoll investigazzjoni dwar kif Amazon tuża d-data minn negozjanti oħra li jbigħu l-oġġetti fuq is-siti web tagħha.
Minn Lulju ’l hawn, bdew japplikaw regoli ġodda dwar ir-relazzjonijiet bejn il-pjattaformi u n-negozji online, u daħħlu fis-seħħ qafas armonizzat għal trasparenza minima u għal drittijiet ta’ rimedju. Dawn ir-regoli jipproteġu lill-kumpaniji li jiddependu fuq il-pjattaformi online biex jilħqu lill-konsumaturi, filwaqt li jissalvagwardjaw il-potenzjal ta’ innovazzjoni tal-pjattaformi; ir-regoli huma akkumpanjati mill-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online.
In-netwerks nagħmluhom iktar siguri
Kien hemm ukoll regoli ġodda mill-UE dwar iċ-ċibersigurtà tan-netwerks inġenerali. Dawn jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà tan-netwerks 5G tal-ġenerazzjoni li jmiss, fejn huwa mistenni li l-kapaċità ta’ prestazzjoni għolja se twassal għal espansjoni ulterjuri fl-għadd u fil-firxa ta’ prodotti u ta’ servizzi diġitali, kif ukoll għal dħul li huwa stmat li se jilħaq il-€225 biljun fl-2025. Bejn Marzu u Ġunju, l-Istati Membri wettqu valutazzjonijiet estensivi tar-riskji tal-infrastruttura tan-netwerks 5G tagħhom u ssikkaw ir-regoli tagħhom biex itejbu s-sigurtà tan-netwerks pubbliċi.
L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà daħal fis-seħħ f’Ġunju, u stabbilixxa d-direzzjoni futura tal-politika tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà. Din id-direzzjoni tinkludi l-bidu tal-ħidma għall-iżvilupp ta’ qafas ġdid għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti, għas-servizzi u għall-proċessi diġitali, kif ukoll rwol iktar b’saħħtu għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà. Minbarra li taqdi rwol ewlieni fl-istabbiliment u fiż-żamma tal-qafas għaċ-ċertifikazzjoni, l-Aġenzija għandha mandat biex iżżid il-kooperazzjoni operattiva fil-livell tal-UE, u b’hekk tgħin lill-Istati Membri li jitolbu l-għajnuna biex jittrattaw l-inċidenti taċ-ċibersigurtà u tappoġġa l-koordinazzjoni tal-UE f’każ ta’ attakki u ta’ kriżijiet ċibernetiċi transfruntiera fuq skala kbira.
Fl-istess xahar, seba’ Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta u n-Netherlands) wiegħdu li se jħaffu l-iżvilupp ta’ netwerks kwantistiċi ultrasiguri biex jagħtu spinta lill-kapaċitajiet Ewropej fit-teknoloġiji kwantistiċi u taċ-ċibersigurtà u biex jiggarantixxu s-sikurezza u s-sigurtà tan-netwerks tal-futur. Sabiex il-proposti ambizzjużi tagħhom ikunu jistgħu jitwettqu, hemm bżonn infrastruttura ġdida tal-komunikazzjoni kwantistika li permezz tagħha l-informazzjoni u d-data jkunu jistgħu jiġu trażmessi u jinħażnu b’mod ultrasigur, u li tkun tista’ tikkollega l-assi tal-komunikazzjoni fl-UE kollha. B’hekk tkun tista’ tintegra t-teknoloġiji u s-sistemi kwantistiċi f’infrastrutturi konvenzjonali tal-komunikazzjoni u tkun magħmula minn żewġ komponenti: komponent ibbażat fuq l-art, li juża n-netwerks eżistenti tal-komunikazzjoni bil-fibri li jikkollegaw is-siti strateġiċi fil-livelli nazzjonali u transfruntiera, u komponent ibbażat fl-ispazju, li jkopri distanzi twal fl-Ewropa u f’kontinenti oħra.
L-użu ta’ dan in-netwerk għall-infrastruttura kritika u għas-sistemi ta’ kriptaġġ se jgħin biex il-grilji intelliġenti tal-enerġija, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-banek, il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, eċċ. jiġu protetti mill-hacking. B’hekk ukoll, iċ-ċentri tad-data jkunu jistgħu jaħżnu u jiskambjaw l-informazzjoni b’mod sikur, u tkun tista’ tinżamm il-privatezza fit-tul tad-data tal-gvernijiet.
F’Mejju, il-Kunsill stabbilixxa qafas li jippermetti lill-UE timponi miżuri restrittivi mmirati li jiskoraġġixxu l-attakki ċibernetiċi li huma ta’ theddida esterna għall-UE jew għall-Istati Membri tagħha, u li jirrispondu għalihom. Fost dawn l-attakki ċibernetiċi nsibu dawk kontra l-pajjiżi mhux tal-UE jew kontra l-organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn il-miżuri restrittivi jitqiesu li huma neċessarji biex jinkisbu l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.
Nippreparaw għat-teknoloġiji tal-futur
L-intelliġenza artifiċjali
B’ħarsa wkoll lejn il-futur, l-Ewropa trid tibbenefika għalkollox mill-ħafna titjib potenzjali li tista’ ġġib magħha l-IA, u f’dawn l-aħħar snin investiet bil-kbir fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-IA tagħha. Madankollu, f’kuntest ta’ tħassib dwar l-iżvilupp tal-IA, fl-2019 grupp ta’ esperti ta’ livell għoli beda jiżviluppa linji gwida għall-iżvilupp etiku tat-teknoloġija biex jiġi żgurat li din tkompli taqdi lis-soċjetà, u mhux tagħmlilha l-ħsara. Il-linji gwida għall-iżvilupp etiku ta’ IA affidabbli tfasslu minn esperti mill-UE kollha u huwa mistenni li se jiffurmaw parti minn proposti futuri dwar l-IA ċċentrata fuq il-bnedmin ippjanati għal kmieni fl-2020. Il-linji gwida jkopru kwistjonijiet differenti ħafna bħal kif tiġi evitata d-diskriminazzjoni fl-iżvilupp tas-sistemi tal-IA u kif jiġi żgurat li dawn ikunu sostenibbli u favur l-ambjent.
Is-supercomputing
Il-kwantitajiet ta’ data meħtieġa biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-IA jirrikjedu ammonti konsiderevoli ta’ qawwa komputazzjonali, u l-Ewropa tradizzjonalment baqgħet lura meta mqabbel mal-bqija tad-dinja f’dan ir-rigward. F’Ġunju, intgħażlu tmien siti minn madwar il-kontinent biex jospitaw superkompjuters Ewropej ġodda, megħjuna b’finanzjament ta’ €840 miljun mill-UE u mill-Istati Membri. Eventwalment, is-siti f’Sofija (il-Bulgarija), f’Ostrava (iċ-Ċekja), f’Barċellona (Spanja), f’Bolonja (l-Italja), f’Bissen (il-Lussemburgu), f’Minho (il-Portugall), f’Maribor (is-Slovenja) u f’Kajaani (il-Finlandja) se jospitaw superkompjuters ġodda li jistgħu jsaħħu l-kapaċità ta’ supercomputing tal-Ewropa b’erba’ sa ħames darbiet iktar milli hi bħalissa, bl-għan li jkollha rwol mexxej globali f’dan il-qasam. Is-superkompjuters jistgħu jintużaw biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ mediċini personalizzati, fit-titjib tad-disinn tal-mediċini u tal-materjali, u fl-iżvilupp ta’ tekniki ġodda tal-bijoinġinerija, kif ukoll fit-tbassir tat-temp u fil-ħolqien ta’ mudelli tat-tibdil fil-klima.
Inħarsu ’l quddiem: l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali
Suq Uniku Diġitali komplut jgħin lill-UE żżomm ir-rwol mexxej dinji tagħha fl-ekonomija diġitali. Mit-tnedija tal-istrateġija fl-2015 ’l hawn, tressqu 30 proposta legali differenti u, sa tmiem l-2019, intlaħaq qbil għal 28 minnhom, jiġifieri ħamsa iktar minn tmiem is-sena ta’ qabel. Fl-2020 huwa mistenni li jintlaħaq qbil għaż-żewġ proposti li fadal, l-ewwel waħda li tkopri l-privatezza online u t-tieni li tkopri ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea tat prijorità wkoll lil għadd ta’ kwistjonijiet diġitali, fosthom li tibni fuq il-linji gwida etiċi sabiex tressaq leġiżlazzjoni għal approċċ Ewropew ikkoordinat fir-rigward tal-implikazzjonijiet tal-IA fuq il-bnedmin u fuq l-etika, u li tgħaddi Att ġdid dwar is-Servizzi Diġitali sabiex jiġu aġġornati r-regoli dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza għall-pjattaformi, għas-servizzi u għall-prodotti diġitali.
Kapitlu 3
Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem

© Fotolia
Fl-2019, il-kriżi klimatika baqgħet fil-quċċata tal-aġenda politika fil-kuntest tal-appelli dejjem jiżdiedu għal azzjoni globali iktar ambizzjuża, filwaqt li l-impatti tat-tibdil fil-klima baqgħu jinħassu madwar l-Ewropa u d-dinja.
L-UE wriet li għandha rwol mexxej fil-qasam tal-klima fix-xena dinjija billi daħħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni li twettaq l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi u li tmur lil hinn minnhom u billi adottat strateġija fit-tul biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050. F’Diċembru, din l-ambizzjoni mxiet ferm ’il quddiem permezz tal-iżvelar tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-politika ewlenija tal-Kummissjoni von der Leyen. Dan il-patt se jgħinna nipproduċu, niċċaqilqu, nikkonsmaw u ngħixu b’mod li jirrispetta iktar lill-ambjent filwaqt li ma jħalli l-ebda individwu jew reġjun jibqa’ lura.
L-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija saħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala mexxej globali fl-effiċjenza enerġetika u fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u se jirfed it-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa fis-setturi kollha tal-ekonomija. L-Istati Membri ppreżentaw l-ewwel abbozz tal-pjanijiet tagħhom dwar l-enerġija u l-klima sabiex jiġu vvalutati mill-Kummissjoni skont ir-regoli l-ġodda tal-governanza.
L-UE qed taċċellera t-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomija ċirkolari, u l-54 azzjoni fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari issa twettqu. Ir-regoli l-ġodda tal-UE li jipprojbixxu ċertu tipi ta’ plastik li jintuża darba biss daħlu fis-seħħ f’Lulju u issa għandhom jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri.
L-UE kompliet bl-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-finanzi ħalli twassal fis-suq teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u sar progress tajjeb fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi tat-triq u mit-trasport marittimu.
Ewropa newtrali għall-klima sal-2050
It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jippreżentaw theddida eżistenzjali għall-Ewropa u għad-dinja. Sabiex tegħleb din l-isfida, l-Ewropa teħtieġ mudell tat-tkabbir ġdid li jittrasforma l-Unjoni Ewropea f’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, li fiha ma jkunx hemm emissjonijiet netti tal-gassijiet serra sal-2050, it-tkabbir ekonomiku ma jkunx jiddependi mill-użu tar-riżorsi u fejn ħadd u l-ebda reġjun ma jitħalla lura.
Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni tagħha għal UE newtrali għall-klima sal-2050 abbażi ta’ seba’ elementi importanti: żieda fl-effiċjenza enerġetika; żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; sistema ta’ mobbiltà nadifa u konnessa; industrija kompetittiva tal-ekonomija ċirkolari; infrastrutturi konnessi ta’ standard għoli; tisħiħ tal-bijoekonomija u tal-bjar tal-karbonju naturali; u l-użu tal-qbid u tal-ħżin tal-karbonju. Wara dibattitu estensiv mal-partijiet ikkonċernati, u fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku ppreżentata mill-President von der Leyen, dan l-objettiv ġie approvat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2019.
L-UE diġà għandha rekord b’saħħtu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra filwaqt li jibqa’ jkollha tkabbir ekonomiku: fl-2018, l-emissjonijiet kienu 23 % inqas mill-1990, filwaqt li l-ekonomija kibret b’61 % matul l-istess perjodu. Madankollu, jeħtieġ li jsir iktar. Minħabba l-esperjenza estensiva tagħha, l-UE hija minn ta’ quddiem nett fil-ħolqien ta’ ekonomija ekoloġika u inklużiva permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-politika ewlenija tal-Kummissjoni von der Leyen, ippreżentat f’Diċembru. Fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku hemm l-impenn li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050.
Dan il-patt jagħmel qabża enormi ’l quddiem biex din issir realtà fil-prattika. Jistabbilixxi mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u jwitti t-triq għall-azzjonijiet li jridu jittieħdu fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Għal iktar informazzjoni, ara t-taqsima “L-UE fl-2019: sena ta’ bidla”.
Sabiex jiġi enfasizzat l-impenn tal-UE, l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 se jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni permezz tal-ewwel liġi Ewropea dwar il-klima. Barra minn hekk, il-Patt Ekoloġiku jwitti t-triq għal tranżizzjoni li tkun xierqa u soċjalment ġusta. Il-Patt huwa mfassal b’tali mod li ma jħalli l-ebda individwu jew reġjun jibqa’ lura fit-trasformazzjoni l-kbira li għandna quddiemna.
L-Unjoni Ewropea hija l-ewwel ekonomija ewlenija li se tibdel l-impenji li ħadet fil-Ftehim ta’ Pariġi f’liġijiet vinkolanti u diġà qabżet il-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet b’20 % sal-2020. Jekk il-miżuri kollha li ntlaħaq qbil dwarhom jiġu implimentati għalkollox, l-UE taqbeż il-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet b’40 % sal-2030. Madankollu, huma meħtieġa miri iktar ambizzjużi, u fil-fatt il-Patt Ekoloġiku se jżid din il-mira għal minn tal-inqas 50 % (u sa 55 %) meta mqabbel mal-livelli tal-1990.
L-UE diġà bdiet timmodernizza u tittrasforma l-ekonomija. Fl-2019, l-azzjoni klimatika ssoktat f’kull qasam: għandna vetturi li jniġġsu inqas u arja iktar nadifa, investejna f’soluzzjonijiet teknoloġiċi, u ħadna azzjoni biex nipproteġu l-foresti tagħna u biex in-nies jingħataw is-setgħa li jagħtu s-sehem individwali tagħhom.

Il-pavaljun tal-UE fil-COP25, il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, f’Madrid, Spanja, it-3 ta’ Diċembru 2019.
F’konformità mar-regoli l-ġodda dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, għall-ewwel darba l-Istati Membri fasslu abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u għall-klima. Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet, li ġiet ippubblikata f’Ġunju, uriet li, sabiex jinkisbu l-għanijiet klimatiċi tal-UE, kien hemm bżonn iktar ambizzjoni fil-pjanijiet finali li l-Istati Membri kellhom jippreżentaw sal-aħħar tas-sena.

It-triq hija mwittija għall-mira tal-2030 tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’minn tal-inqas 40 %. Bejn l-1990 u l-2018, l-Unjoni Ewropea diġà naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 23 %, u qabżet il-mira ta’ 20 % stabbilita għall-2020. Stimi ulterjuri jbassru tnaqqis kumplessiv ta’ 45 % sal-2030, 5 punti perċentwali iktar mill-mira oriġinali għal dik is-sena (40 %). Sors: il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Ħidma fuq livell internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
L-emissjonijiet tal-UE jammontaw għal madwar 9 % biss tat-total globali, u għalhekk huwa ċar li l-Ewropa ma tistax tindirizza t-tibdil fil-klima waħedha u li l-pajjiżi kollha jridu jaħdmu flimkien biex tinstab soluzzjoni. Is-Summit tan-NU dwar l-Azzjoni Klimatika li sar fi New York f’Settembru ta l-opportunità lill-UE biex tiddiskuti ma’ sħabha dwar kif tista’ tkun iktar ambizzjuża u tħaffef l-azzjoni biex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Kummissjoni ppreparat għas-Summit tan-NU billi adottat Komunikazzjoni li affermat mill-ġdid l-impenn tal-UE li taċċellera l-ambizzjoni klimatika.
F’Diċembru, in-negozjaturi tal-UE attendew il-COP25, il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Madrid. Il-ftehimiet ta’ suċċess dwar it-tieni rieżami tal-Mekkaniżmu Internazzjonali ta’ Varsavja u l-ħolqien ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel kienu aħbarijiet inkoraġġanti.
Minkejja l-isforzi tad-delegazzjoni tal-UE biex jintlaħaq kunsens dwar il-kwistjoni tas-swieq internazzjonali tal-karbonju, il-COP25 ma wasslitx ir-riżultat ambizzjuż li teħtieġ id-dinja u li xtaqu ħafna. Iżda dan isaħħaħ il-ħtieġa li l-Ewropa tieħu rwol ta’ tmexxija rigward il-Patt Ekoloġiku u tinvolvi ruħha mas-sħab internazzjonali. Fl-2020 se jkun hemm żieda fl-ambizzjonijiet globali dwar il-klima: sal-COP26 li se ssir fi Glasgow f’Novembru, jeħtieġ li l-partijiet jaġġornaw il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali tagħhom u jippreżentaw strateġiji fit-tul f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE lesta li tagħmel dan.
Fl-1 ta’ Jannar 2019 beda t-tnaqqis gradwali globali tal-idrofluworokarburi, li huma gassijiet li jikkawżaw it-tisħin tal-klima u li jintużaw b’mod komuni fit-tagħmir tat-tisħin u tat-tkessiħ. Huwa mistenni li din l-azzjoni, immexxija mill-UE, tagħti kontribut sinifikanti għall-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 °C.
Matul is-sena, l-UE kompliet is-sensibilizzazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha rigward il-kwistjonijiet klimatiċi. F’Ġunju, il-Kummissjoni, il-Kanada u ċ-Ċina ospitaw flimkien laqgħa internazzjonali ewlenija dwar il-klima fi Brussell; fit-tielet Laqgħa Ministerjali dwar l-Azzjoni Klimatika nġabru flimkien ir-rappreżentati ta’ livell għoli minn iktar minn 30 pajjiż, inkluż Ministri mill-G20.
L-UE tibqa’ impenjata ferm li tappoġġa l-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Flimkien mal-Istati Membri tagħha, tibqa’ l-akbar fornitur ta’ finanzjament pubbliku għall-klima, b’kontribuzzjoni ta’ €21.7 biljun fl-2018 għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li żdiedet minn €20.4 biljun fl-2017.

Il-persunal tal-UE jaħdem id f’id mal-komunitajiet lokali biex inaddfu l-iskart fil-baħar bħala parti mill-kampanja globali #EUBeachCleanUp (l-UE tnaddaf il-bajjiet), f’Koh Sak, it-Tajlandja, it-13 ta’ Settembru 2019.
Nikkompletaw Unjoni tal-Enerġija moderna u ambizzjuża
L-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, imnedija fl-2015, kellha l-għan li lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji Ewropej twasslilhom enerġija sigura, sostenibbli, kompetittiva u tajba għall-but ta’ kulħadd. Ir-Raba’ Rapport dwar l-istat tal-Unjoni tal-Enerġija wera li l-Kummissjoni wettqet għalkollox il-viżjoni tagħha b’rabta ma’ din l-istrateġija. Fost il-kisbiet ewlenin kien hemm it-tlestija f’Mejju tal-pakkett leġiżlattiv ta’ Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, magħmul minn tmien biċċiet ta’ leġiżlazzjoni. Dan se jittrasforma radikalment is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa, u se jagħmilha iktar favur il-klima u se jagħmilha għas-servizz tal-konsumaturi, tal-ekonomija u tal-kompetittività tal-Ewropa.
Il-pakkett jinkludi miri ġodda u ambizzjużi għall-2030: żieda ta’ minn tal-inqas 32.5 % fl-effiċjenza enerġetika u sehem tal-użu tal-enerġija ta’ minn tal-inqas 32 % minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Jirriforma b’mod komprensiv is-swieq tal-elettriku biex jgħin l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja u jiżgura li kulħadd ikun jista’ jipparteċipa fit-tranżizzjoni tal-enerġija billi lill-konsumaturi u lill-komunitajiet jagħtihom is-setgħa biex jiġġeneraw l-elettriku tagħhom stess. B’mod kruċjali, ir-regoli l-ġodda se jtemmu s-sussidji lill-impjanti li jniġġsu l-iktar.

L-Unjoni Ewropea stabbiliet mira ġdida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ minn tal-inqas 32.5 % sal-2030. Barra minn hekk, regoli iktar ċari u iktar sempliċi dwar it-tikkettar dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jgħinu lill-unitajiet domestiċi jiffrankaw kważi €150 kull sena u €18-il biljun mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ġew allokati għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija bejn l-2014 u l-2020. Attwalment fl-Ewropa hemm 900,000 impjegat fis-settur tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
L-UE adottat ukoll sett ġdid ta’ tikketti tal-enerġija iktar ċari u iktar sempliċi li se jgħinu lill-konsumaturi jiffrankaw l-enerġija (l-ekwivalenti tal-konsum annwali tal-enerġija tad-Danimarka) u l-flus (medja ta’ €150 fis-sena għal kull unità domestika) sal-2030. Barra minn hekk, f’Ottubru l-Kummissjoni adottat miżuri ġodda biex l-apparati domestiċi bħall-friġġijiet, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, il-magni tal-ħasil tal-platti u t-televixins ikunu iktar sostenibbli. Għall-ewwel darba dawn il-miżuri jinkludu rekwiżiti ta’ tiswija u ta’ riċiklaġġ li jikkontribwixxu għal ekonomija ċirkolari.
F’Novembru, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel riżultati ta’ inizjattiva mnedija fl-2018 biex tgħin lil 10 reġjun tal-UE u żewġ Stati Membri li għaddejjin minn tranżizzjoni industrijali biex jibnu ekonomiji reżiljenti u b’livell baxx ta’ karbonju. B’hekk ġew imnedija 12-il skema pilota biex jingħelbu ostakli speċifiċi, u kull skema rċeviet għotja tal-UE b’valur ta’ €300,000. Il-Kummissjoni kompliet ukoll bl-isforzi tagħha biex tappoġġa r-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni biex trawwem “tranżizzjoni ġusta” fejn l-ebda reġjun ma jitħalla lura.
Fi Frar, 26 gżira Ewropea niedu t-tranżizzjoni tagħhom lejn enerġija nadifa. Dawn se jippubblikaw l-aġendi tagħhom sa nofs l-2020.
Is-sigurtà tal-enerġija u s-solidarjetà
Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-konsumaturi tal-UE hija element essenzjali tal-Unjoni tal-Enerġija. Bħala parti minn dan l-isforz, intlaħaq qbil biex jiġi żgurat li l-pipelines tal-gass kollha minn pajjiżi mhux tal-UE u lejhom ikunu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija.
Sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fl-istati Baltiċi, il-Kummissjoni u l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja ffirmaw pjan direzzjonali politiku li jistabbilixxi s-swieq tal-elettriku li qed jiġu sinkronizzati man-netwerk kontinentali Ewropew mill-Polonja. L-UE tat għotja ta’ €323 miljun biex tappoġġa l-proġett.
L-UE kompliet tinvesti f’infrastruttura tal-enerġija sikura u sostenibbli permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, inkluż bi €800 miljun għall-infrastruttura tal-enerġija prijoritarja u b’€750 miljun għal proġetti b’benefiċċji transfruntiera kbar. €214.9 miljun oħra ngħataw għall-proġett ta’ infrastruttura tal-gass tal-Pipe Baltiku li jgħaqqad il-Polonja u d-Danimarka man-Norveġja.

Ġew implimentati iktar minn 30 proġett ta’ interess komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija u 75 proġett ieħor se jiġu implimentati sal-2022. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa rċeviet €3.4 biljun bħala finanzjament tal-enerġija mill-2014 ’l hawn u €1.3 biljun addizzjonali mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ġew allokati għas-sigurtà tal-enerġija. B’kollox, il-finanzjament pubbliku mill-Unjoni Ewropea fl-infrastruttura tal-enerġija wassal investimenti totali ta’ madwar €50 biljun.
L-indirizzar tal-kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà fis-settur tal-enerġija sar prijorità ewlenija, peress li l-Ewropej kollha jiddependu fuq id-disponibbiltà tal-enerġija. Sabiex tindirizza t-theddidiet potenzjali, l-UE adottat rakkomandazzjoni li tagħti gwida dwar kif jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi taċ-ċibersigurtà.
L-UE kompliet taħdem fuq applikazzjonijiet siguri, mingħajr periklu u innovattivi tax-xjenza u tat-teknoloġija nukleari għal skopijiet oħra minbarra l-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari. Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sikurezza nukleari kompliet matul l-2019.
Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija
L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet kompliet twassal riżultati pożittivi, fosthom tnaqqis tal-emissjonijiet mill-installazzjonijiet b’4.1 % fl-2018 meta mqabbel mal-2017.
Sabiex jiġi indirizzat is-surplus attwali ta’ kwoti fis-sistema, f’Jannar bdiet topera riżerva tal-istabbiltà tas-suq. Din se ttejjeb ir-reżiljenza tas-sistema għax-xokkijiet ekonomiċi kbar billi taġġusta l-provvista tal-kwoti għall-irkantar. L-UE żiedet inċentiv għan-negozji biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom billi jqiegħdu kważi 400 miljun kwota mis-sistema fir-riżerva bejn Settembru 2019 u Awwissu 2020, u b’hekk iżidu l-prezz tal-emissjonijiet u jwasslu biex it-teknoloġiji nodfa jkunu iktar kosteffettivi. Il-prezzijiet ogħla fis-suq Ewropew tal-karbonju fl-2018 wasslu għal ammont rekord ta’ dħul għall-Istati Membri, u ġġeneraw madwar €14-il biljun — iktar mid-doppju tal-ammont tal-2017.
F’Diċembru, l-UE u l-Iżvizzera lestew il-proċess li jippermettilhom jgħaqqdu s-sistemi tagħhom għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Mill-2020, jistgħu jintużaw kwoti miż-żewġ sistemi biex jikkumpensaw għall-emissjonijiet prodotti f’sistema jew f’oħra. Dan il-Ftehim ta’ Konnessjoni huwa l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta u juri li sistemi bħal dawn jistgħu jwittu t-triq għal swieq internazzjonali tal-karbonju usa’. Iktar kmieni fis-sena, it-tneħħija tal-ostakli regolatorji kienet ippermettiet lill-Iżlanda, lil-Liechtenstein u lin-Norveġja jipparteċipaw fil-pjattaforma tal-irkantar tal-UE għan-negozjar tal-kwoti ta’ emissjonijiet.
Sabiex tħaffef il-progress internazzjonali fil-bini ta’ qafas internazzjonali b’saħħtu għas-swieq tal-karbonju, il-Kummissjoni ospitat diversi konferenzi biex tidentifika soluzzjonijiet potenzjali għall-ostakli li jfixklu l-istabbiliment ta’ sistemi affidabbli għall-iskambju internazzjonali tal-kwoti ta’ emissjonijiet.
Trasport nadif u sostenibbli
Bidla iktar mgħaġġla favur trasport nadif u sostenibbli hija essenzjali biex jittejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej, jingħata kontribut biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE u tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija. F’Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat pjan direzzjonali ta’ azzjonijiet biex tiġi żgurata tranżizzjoni iktar mgħaġġla lejn vetturi li ma jniġġsux. Fl-2019, fost il-kisbiet ewlenin fil-qafas tal-aġenda tal-UE għal mobbiltà nadifa, sikura u konnessa, kien hemm l-adozzjoni tal-ewwel miri tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-UE kollha għat-trakkijiet, ta’ standards ġodda tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet, u ta’ regoli ġodda li jħeġġu lill-awtoritajiet pubbliċi jużaw trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

Xjentist miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jimmonitorja s-sustanzi li jniġġsu l-arja, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Osservatorju Atmosferiku tal-Kummissjoni Ewropea, f’Ispra, l-Italja, l-1 ta’ Mejju 2019.
Wara l-iskandlu tad-Dieselgate, l-UE ssikkat ir-regoli b’mod sinifikanti biex tiżgura li jkun hemm proċeduri tal-ittestjar iktar indipendenti u affidabbli għall-vetturi. F’Jannar, daħlu fis-seħħ il-Proċedura ta’ Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief u r-regoli l-ġodda dwar l-Emissjonijiet f’Sewqan Reali. F’Settembru, il-kejl tal-NOx (l-ossidi tan-nitroġenu) imwettaq bl-użu tar-regoli dwar l-Emissjonijiet f’Sewqan Reali sar obbligatorju għall-karozzi l-ġodda kollha li jinbiegħu fl-Ewropa.
Sar ukoll progress biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mit-trasport marittimu bl-adozzjoni ta’ proposta biex tiġi reveduta s-sistema tal-UE għall-monitoraġġ, għar-rappurtar u għall-verifika tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vapuri, u kienet l-ewwel darba li ġiet ippubblikata din id-data. Dan jirrappreżenta pass importanti biex jiġi żgurat li t-trasport marittimu internazzjonali jagħti s-sehem ġust tiegħu ta’ tnaqqis globali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.
Batteriji
Il-batteriji huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa kif ukoll għall-elettromobbiltà. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija biex tibni ekosistema kompetittiva, sostenibbli u innovattiva tal-batteriji fl-Ewropa. Dan huwa l-objettiv ewlieni tal-Alleanza Ewropea għall-Batteriji, inizjattiva mmexxija mill-industrija b’madwar 260 organizzazzjoni industrijali u tal-innovazzjoni li bħalissa qed jevalwaw il-potenzjal għal proġetti transfruntiera. F’April, il-Kummissjoni rrappurtat dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġika tal-Kummissjoni dwar il-batteriji. F’Ġunju, il-Kummissjoni nediet pjattaforma Ewropea ġdida għat-teknoloġija u għall-innovazzjoni tal-batteriji biex issaħħaħ l-appoġġ għar-riċerka u għall-innovazzjoni. Fl-2019, l-UE allokat €132 miljun għall-proġetti dwar il-batteriji fil-qafas tal-programm Orizzont 2020.

Fl-2018 kien hemm iktar minn 4 miljun vettura elettrika fit-triq; sal-2028, huwa mistenni li l-għadd ta’ vetturi elettriċi jilħaq bejn 50 miljun u 200 miljun, u li dawn jiżdiedu sa 900 miljun vettura elettrika fit-toroq Ewropej sal-2040. Fl-2018, l-ammont ta’ ċelloli tal-batteriji tal-joni tal-litju mibjugħa kien jirrappreżenta iktar minn 77 siegħa Gigawatt u huwa mistenni li jilħaq bejn 250 siegħa Gigawatt u 1,100 siegħa Gigawatt sal-2028, u bejn 600 siegħa Gigawatt u 4,000 siegħa Gigawatt sal-2040. Is-sehem Ewropew tal-manifattura globali taċ-ċelloli mistenni jiżdied minn 3 % fl-2018 għal bejn 7 % u 25 % fl-2028, bil-ħsieb li jkun hemm titjib kontinwu sal-2040. Sors: JRC
Lejn ekonomija ċirkolari
Filwaqt li huwa essenzjali li nittrasformaw il-mod kif nipproduċu u nużaw l-enerġija sabiex nindirizzaw it-tibdil fil-klima, din hija biss parti mis-soluzzjoni. L-ekonomija ċirkolari diġà saret element ċentrali fl-istrateġija industrijali u ekonomika tal-UE u tirfed l-azzjoni tal-UE għall-prevenzjoni tal-iskart, għad-disinn aħjar u għal rati ogħla ta’ riċiklaġġ. Issa, l-54 azzjoni fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni, kollha twettqu jew qed jiġu implimentati, u b’hekk qed jiġu stabbiliti l-pedamenti għal iktar żvilupp.
L-indirizzar tal-plastik kien prijorità ewlenija, billi ta’ spiss jiġri li l-mod kif jiġi prodott, jintuża u jintrema, jagħmel ħsara lill-ambjent u jonqos milli jieħu l-benefiċċji ekonomiċi ta’ approċċ iktar “ċirkolari”. Il-miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik li jispiċċa fl-oċeani kull sena huwa wieħed mill-iktar sinjali viżibbli u allarmanti ta’ din il-problema.
F’Lulju, daħlu fis-seħħ regoli ġodda tal-UE biex jindirizzaw l-iskart fil-baħar li ġej mill-10 oġġetti li ta’ spiss iniġġsu l-iktar il-bajjiet Ewropej, bħal platti tal-plastik, pożati, straws, stikek tal-bżieżaq u tajjar tal-widnejn li jintużaw darba biss, li sal-2021 se jiġu pprojbiti. L-Istati Membri qablu li jilħqu mira ta’ ġbir ta’ 90 % għall-fliexken tal-plastik sal-2029 u li jissodisfaw ir-rekwiżit li dawn ikun fihom minn tal-inqas 25 % kontenut riċiklat sal-2025 u 30 % sal-2030. Din l-azzjoni hija parti mill-ewwel strateġija għall-plastik madwar l-Ewropa mnedija fl-2018 bil-viżjoni li l-imballaġġ tal-plastik kollu mqiegħed fis-suq tal-UE jkun jista’ jerġa’ jintuża jew ikun riċiklabbli sal-2030.

Ħaddiem ta’ fabbrika jipproduċi l-boroż u l-folji kompostabbli minn materjali rinnovabbli, f’Herent, il-Belġju, it-28 ta’ Ottubru 2019.
Filwaqt li r-rata ta’ riċiklaġġ għall-imballaġġ tal-plastik fl-Ewropa kważi rdoppjat mill-2005 ’l hawn, din tammonta xorta waħda għal inqas minn 30 % tal-25 miljun tunnellata ta’ skart tal-plastik prodott mill-Ewropej kull sena. Bħala parti mill-isforzi biex ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-plastiks jingħataw spinta, f’Ottubru iktar minn 170 sieħeb pubbliku u privat mill-industrija tal-plastik wiegħdu li se jużaw 10 miljun tunnellata ta’ plastik riċiklat fil-prodotti ġodda sal-2025. Din l-inizjattiva ġejja mill-Alleanza Ċirkolari dwar il-Plastik, li kellha l-ewwel laqgħa tagħha fi Frar.
Wara li vvalutat ir-riskji għas-saħħa u għall-ambjent, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet f’Jannar li r-restrizzjoni taż-żieda intenzjonali ta’ mikroplastiks fil-prodotti tal-UE tkun ġustifikata.

L-industrija Ewropea tal-plastik timpjega kważi 1.5 miljun persuna b’fatturat annwali ta’ €350 biljun, u tirrappreżenta 18 % tal-produzzjoni globali tal-plastik kull sena. L-impriżi żgħar u medji jgħidu li ħadu azzjoni favur effiċjenza aħjar fl-użu tar-riżorsi, billi mminimizzaw il-ħela (65 %) jew billi ffrankaw l-enerġija (63 %). 41 % tal-impriżi żgħar u medji jqisu li l-azzjonijiet favur l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi naqqsu l-kostijiet tal-produzzjoni. Sors: l-Ewrobarometru, 2018.
Finanzi għall-azzjoni klimatika u għal teknoloġiji ġodda
Fl-2019, il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għen lil iktar ċittadini Ewropej jiksbu l-enerġija tagħhom minn sorsi rinnovabbli, biex b’hekk it-total ta’ unitajiet domestiċi megħjuna mill-pjan tela’ għal 7.4 miljun. Il-Fond għall-Innovazzjoni l-ġdid huwa strument ewlieni għat-twettiq tal-impenji mifruxa fl-ekonomija kollha tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi u għall-appoġġ tal-viżjoni strateġika tal-Kummissjoni ta’ Ewropa newtrali għall-klima sal-2050. Fi Frar, il-Kummissjoni ħabbret investiment b’valur ta’ iktar minn €10 biljun għal teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju f’diversi setturi sabiex tagħti spinta lill-kompetittività globali tagħhom permezz tal-fond. Id-dħul se jiġi mill-irkantar ta’ 450 miljun kwota mill-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet mill-2020 sal-2030. L-inizjattivi ffinanzjati fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 jagħtu wkoll kontribut importanti biex jitwasslu teknoloġiji ġodda fis-suq.
Il-flejjes pubbliċi waħedhom mhux se jkunu biżżejjed biex niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima, u għalhekk l-UE qed tagħmilha iktar faċli biex tgħin lill-investituri jidentifikaw u jaħtfu l-opportunitajiet ta’ investiment ekoloġiku fid-dinja kollha. F’Ottubru, nediet il-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli flimkien mal-awtoritajiet rilevanti mill-Arġentina, mill-Kanada, miċ-Ċilì, miċ-Ċina, mill-Indja, mill-Kenja u mill-Marokk.

L-ewwel sejħa għall-proġetti tal-Fond tal-Innovazzjoni fl-2020 se timmobilizza €10 biljun f’investimenti għall-futur newtrali għall-klima tal-Unjoni Ewropea sal-2030, b’mod prinċipali billi jiġu evitati l-emissjonijiet u tiġi xprunata l-kompetittività. Bis-saħħa tal-finanzjament mis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea, is-sejħa se tappoġġa wkoll l-innovazzjoni fl-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, fl-enerġija rinnovabbli u fil-ħżin tal-enerġija, kif ukoll fil-qbid, fl-użu u fil-ħżin tal-karbonju. Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Huma meħtieġa investimenti privati u pubbliċi kbar biex l-ekonomija tal-UE tiġi ttrasformata ħalli jintlaħqu l-għanijiet tas-sostenibbiltà klimatika, ambjentali u soċjali, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Permezz tal-finanzi sostenibbli, il-kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà jiffurmaw parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet finanzjarji. Dan ifisser iktar proġetti newtrali għall-klima, ċirkolari u ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. Il-finanzi sostenibbli huma meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Finalment, l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà se tnaqqas l-impatt tad-diżastri naturali u tal-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali li jistgħu jaffettwaw l-ekonomija u s-swieq finanzjarji. Jekk l-investituri jużaw il-kapital tagħhom għal investimenti sostenibbli, ir-riżultat ikun li jkollna pjaneta f’saħħitha b’inqas ħsara ekonomika kkawżata minn żieda fid-danni relatati mat-temp, b’ritorn pożittiv fuq l-investiment inizjali. Barra minn hekk, investimenti sostenibbli konsistenti se jwasslu għal kunsiderazzjoni ikbar tal-preferenzi tal-investituri rigward is-sostenibbiltà għall-futur. Sors: il-Kummissjoni Ewropea

Il-parteċipanti jieħdu sehem f’diskussjoni fi grupp waqt konferenza matul il-Ġimgħa Ekoloġika tal-UE, fi Brussell, il-Belġju, is-16 ta’ Mejju 2019.
F’Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat linji gwida ġodda dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni korporattiva relatata mal-klima bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli. B’hekk, madwar 6,000 kumpanija, bank u ditta tal-assigurazzjoni elenkati fl-UE jkollhom rakkomandazzjonijiet prattiċi dwar kif għandhom jirrappurtaw b’mod iktar preċiż l-impatt li l-attivitajiet tagħhom ikollhom fuq il-klima kif ukoll l-impatt li t-tibdil fil-klima jkollu fuq in-negozju tagħhom.
Il-ħarsien tal-ambjent
F’April, il-Kummissjoni ppubblikat it-tieni Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali, bħala parti mill-inizjattiva tagħha tal-2016 biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-UE u r-regoli li ntlaħaq qbil dwarhom b’mod komuni fl-Istati Membri kollha. Dan mhuwiex biss essenzjali għal ambjent f’saħħtu iżda jiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ leġiżlazzjoni bħal din tista’ tiffranka lill-ekonomija tal-UE madwar €55 biljun kull sena fi spejjeż għas-saħħa u fi spejjeż diretti għall-ambjent. Il-pakkett jinkludi komunikazzjoni ġenerali u 28 rapport tal-pajjiżi li juru l-istat attwali fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE kif ukoll l-opportunitajiet għal titjib f’kull Stat Membru.
Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija tal-UE għall-foresti kkonkluda li sar progress sinifikanti biex jintlaħqu l-objettivi tagħha għall-2020. Sa mill-adozzjoni tagħha, l-istrateġija ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-oqsma ta’ politika kollha tal-UE li huma rilevanti għall-foresti u għas-settur ibbażat fuq il-foresti u ppromoviet approċċ konsistenti kemm fil-politiki domestiċi kif ukoll f’dawk internazzjonali. F’Lulju, il-Kummissjoni stabbiliet qafas ġdid ta’ azzjoni biex tipproteġi l-foresti tad-dinja u tgħinhom jirpiljaw. Dawn jospitaw 80 % tal-bijodiversità fuq l-art, jappoġġaw l-għajxien ta’ madwar kwart tal-popolazzjoni tad-dinja u huma vitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
L-UE għandha rwol mexxej fil-kooperazzjoni internazzjonali għal oċeani iktar sikuri, mingħajr periklu, iktar nodfa u ġestiti b’mod iktar sostenibbli fl-Ewropa u madwar id-dinja. F’Marzu, ippubblikat rapport konġunt li janalizza l-aġenda tal-UE dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani. S’issa ġew implimentati b’suċċess 50 azzjoni konkreta, inkluż il-ġlieda kontra s-sajd illegali u l-leġiżlazzjoni li tiġġieled kontra t-tniġġis tal-baħar.
Il-baġit fit-tul futur tal-UE
Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri sabiex jintlaħaq qbil dwar il-baġit fit-tul futur tal-UE għall-2021–2027.
F’Mejju 2018, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal baġit tal-UE ġust, ibbilanċjat u modern biex ikopri dak il-perjodu. Kienet ir-riżultat ta’ diskussjoni miftuħa u inklużiva mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri, mal-benefiċjarji tal-finanzjament mill-UE u ma’ partijiet kkonċernati oħra. Kellha l-għan li tgħammar lill-Ewropa b’riżorsi suffiċjenti biex twettaq il-prijoritajiet tagħha, biex twieġeb għall-isfidi li ġejjin u biex tindirizza d-domandi taċ-ċittadini.
Il-baġit propost jammonta għal 1.114 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-EU-27 — jew għall-ġid nazzjonali. B’paragun ma’ dan, il-baġits nazzjonali jammontaw għal medja ta’ 47.1 % tal-ING tas-27 Stat Membru (ċifra medja għall-2014–2020).
Din il-proposta qafas ġiet segwita mill-ewwel minn abbozz ta’ leġiżlazzjoni għas-37 programm settorjali li jagħmlu parti mill-baġit fit-tul futur. Dawn huma r-regoli li jispeċifikaw, pereżempju, kif il-bdiewa se jkomplu jirċievu s-sussidji tagħhom jew kif iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu japplikaw għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ għotjiet fil-qafas tal-programm Erasmus+.
Is-sena 2019 kienet sena ddedikata għal negozjati intensivi. Il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu progress biex jintlaħaq qbil kemm dwar il-qafas ġenerali kif ukoll dwar il-proposti settorjali.
Fir-rigward tal-qafas ġenerali, sa Ġunju d-diskussjonijiet kienu avvanzaw biżżejjed biex il-mexxejja tal-UE jittrattaw is-suġġett għall-ewwel darba minn meta saret il-proposta. Fil-Kunsill Ewropew f’Diċembru, iddeċidew li n-negozjati kienu se jitmexxew f’data iktar kmieni mill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil fil-bidu tal-2020. Ladarba l-Istati Membri jilħqu konsensus bejniethom, tkun meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-qbil finali.
B’mod parallel, komplew in-negozjati dwar il-programmi settorjali. Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri rnexxielhom jilħqu qbil preliminari dwar programmi li jkopru prijoritajiet bħar-riċerka, id-difiża, l-investiment u t-trasformazzjoni diġitali. Ladarba jintlaħaq qbil dwarhom, dawn il-programmi, pereżempju:
- se jippermettu lil mijiet ta’ eluf ta’ persuni jistudjaw, jitħarrġu, jgħallmu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom bis-saħħa tal-programm ta’ mobbiltà taż-żgħażagħ tal-Ewropa, Erasmus+;
- se jwasslu investimenti ta’ bosta mijiet ta’ biljuni ta’ ewro fil-qafas tal-programm InvestEU, u b’hekk jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju u impjiegi;
- se jiffaċilitaw it-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa permezz ta’ investimenti fis-supercomputing, fl-intelliġenza artifiċjali, fiċ-ċibersigurtà u fil-fiduċja, u se jiżguraw li l-Ewropej ikunu mgħammra bil-ħiliet li jwasslu biex ikunu adatti għall-era diġitali.
Dawn huma biss ftit mill-benefiċċji li l-baġit tal-UE għandu għall-Ewropa u għaċ-ċittadini tagħha. Filwaqt li n-negozjati għadhom għaddejjin, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-baġit mhuwiex logħba fejn il-gwadann ta’ naħa jissarraf f’telf għan-naħa l-oħra.
Bis-saħħa tal-baġit, l-Istati Membri jiggwadanjaw milli jkunu parti mis-Suq Uniku u milli jkunu kapaċi jindirizzaw l-isfidi bħall-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tibdil fil-klima flimkien. Jistgħu wkoll jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li l-politika ta’ koeżjoni — il-politika ewlenija ta’ investiment tal-UE — toħloq għan-negozji mill-Unjoni kollha.
L-UE tagħti kontribut sinifikanti wkoll lill-ekonomiji tal-Istati Membri tagħha. Skont id-data miġbura mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jikkontribwixxu madwar 0.9 % tal-ING tagħhom għall-baġit tal-UE u jiksbu 5.92 % tal-ING tagħhom bis-saħħa tas-Suq Uniku. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jħallsu €1 fil-baġit, iżda fl-istess ħin jiksbu €6 bis-saħħa tas-Suq Uniku.
Kapitlu 4
Suq intern iktar profond u ġust b’bażi industrijali msaħħa

© Fotolia
Is-suq intern, magħruf ukoll bħala s-Suq Uniku, huwa waħda mill-akbar kisbiet tal-UE. Itejjeb il-ħajja tagħna ta’ kuljum u jservi ta’ xprun uniku għall-kumpaniji biex jinnovaw u jespandu lil hinn mill-fruntieri. Fis-sena 2019 kien hemm ukoll il-25 anniversarju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li testendi s-suq għall-Iżlanda, għal-Liechtenstein u għan-Norveġja.
L-UE taħdem bla heda biex tapprofondixxi s-Suq Uniku u żżid il-benefiċċji tiegħu. Fl-2019, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti finali tagħha biex jitlesta s-sett ambizzjuż ta’ miżuri stabbilit fl-istrateġija għal Suq Uniku, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, filwaqt li proposti pendenti oħra ġew adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
B’riżultat ta’ dan, issa l-Ewropej jistgħu jibbenefikaw minn prodotti iktar sikuri fis-suq tal-UE, fosthom karozzi iktar sikuri u li jniġġsu inqas, iktar protezzjoni kontra s-sustanzi kimiċi li jagħmlu l-ħsara u informazzjoni aħjar dwar il-prodotti tal-ikel.
L-UE kompliet tissimplifika l-proċeduri amministrattivi biex in-negozji joperaw fil-kontinent kollu, u żgurat li r-regoli jiġu infurzati u rrispettati. Għamlitha iktar sempliċi wkoll biex wieħed jagħmel tranżazzjonijiet bl-ewro fl-UE kollha u eħfef għall-awtoritajiet biex jindividwaw il-frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġdida se tgħin ukoll biex tagħti pariri liċ-ċittadini u lin-negozji dwar l-opportunitajiet biex wieħed jgħix, jaħdem jew jopera fi Stat Membru ieħor.
Il-Kummissjoni ħadet diversi deċiżjonijiet ta’ profil għoli b’rabta mal-kompetizzjoni biex tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji u biex is-Suq Uniku jibqa’ jiffunzjona sew. L-UE qed taħdem ukoll mal-industrija u mal-awtoritajiet nazzjonali biex tiżgura li l-industriji tagħna jadattaw għall-isfidi futuri tal-innovazzjoni u tas-sostenibbiltà u jibqgħu kompetittivi globalment.
Niċċelebraw il-25 anniversarju taż-Żona Ekonomika Ewropea

L-inizjalar tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, fi Brussell, il-Belġju, l-14 ta’ April 1992.
Wara li fl-2018 iċċelebrajna l-25 anniversarju tas-Suq Uniku tal-UE, fis-sena ta’ wara ċċelebrajna stadju importanti ieħor: 25 sena mill-ħolqien taż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-Ftehim dwar iż-ŻEE, li ġie ffirmat fl-1992 u li daħal fis-seħħ fl-1994, jestendi l-erba’ libertajiet tas-Suq Uniku u l-politiki relatati għall-Iżlanda, għal-Liechtenstein u għan-Norveġja. Issa l-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċaqilqu liberament fil-31 pajjiż taż-ŻEE kważi bl-istess mod daqslikieku f’pajjiż wieħed. Iċ-ċittadini taż-ŻEE jistgħu jistudjaw, jgħixu, jixtru, jaħdmu u jirtiraw fi kwalunkwe pajjiż tagħha. Tneħħew mijiet ta’ ostakli tekniċi, legali u burokratiċi għall-kummerċ ħieles u għall-moviment liberu bejn dawn il-pajjiżi. B’hekk il-kumpaniji setgħu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom u l-kompetizzjoni baxxiet il-prezzijiet u tat iktar għażla lill-konsumaturi.

Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni fil-programm Erasmus+. Permezz tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa, in-nies ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa medikament neċessarja u pprovduta mill-istat waqt soġġorn temporanju fi kwalunkwe pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea. Barra minn hekk, mingħajr tariffi tar-roaming, jistgħu jċemplu, jibagħtu messaġġi u jużaw id-data fi kwalunkwe pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea daqslikieku qegħdin f’pajjiżhom, u l-klijenti tal-linji tal-ajru jistgħu jitolbu kumpens jekk jaslu fid-destinazzjoni tagħhom b’dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat.
Suq Uniku li jaħdem aħjar għan-nies u għan-negozji
L-UE qed taħdem kontinwament biex issaħħaħ u tapprofondixxi s-Suq Uniku sabiex tiżgura li jkun jista’ jirrispondi għal sfidi ġodda u jwassal benefiċċji għaċ-ċittadini u għan-negozji tagħna.
Bħala parti minn dawn l-isforzi, f’Ġunju l-UE laħqet qbil fuq regoli ġodda biex tiżgura konformità aħjar mal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku b’rabta mal-prodotti mhux tal-ikel. Dawn ir-regoli, li huma applikabbli mill-2021, se jsaħħu l-verifiki mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-uffiċjali tad-dwana u se jtejbu l-verifiki fuq il-prodotti fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, se jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u se jiffaċilitaw azzjoni rapida kontra l-prodotti illegali.
L-UE adottat ukoll regolament ġdid li jsaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għall-prodotti mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha. Dan se jkattar l-opportunitajiet għall-kumpaniji biex jespandu lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Minn April 2020, il-kumpaniji se jkunu jistgħu jsibu malajr l-informazzjoni imtejba dwar ir-regoli tekniċi nazzjonali applikabbli fi Stat Membru ieħor u jużaw proċeduri ssimplifikati biex juru li l-prodott tagħhom jissodisfa r-rekwiżiti nazzjonali rilevanti.
Barra minn hekk, l-istandard il-ġdid dwar il-fatturazzjoni elettronika, li daħal fis-seħħ f’April, se jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jipproċessaw il-pagamenti tal-kumpaniji kollha b’mod awtomatiku u fil-pront.
Bażi industrijali b’saħħitha u innovattiva
L-industriji Ewropej għandhom rwol mexxej globali f’ħafna oqsma iżda jeħtieġ li jadattaw għal sfidi ġodda bħat-teknoloġiji li qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla, it-tibdil fil-klima u kuntest ġeopolitiku globali li qed jinbidel. Sabiex tagħti viżjoni ġdida lill-industrija Ewropea, il-Kummissjoni stabbiliet ir-Roundtable Industrijali ta’ Livell Għoli tal-Industrija għall-2030 u ppubblikat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha f’Ġunju. Dawn jiffukaw fuq kif l-industrija Ewropea għandha tibni l-vantaġġ kompetittiv tagħha permezz ta’ teknoloġiji avvanzati u rivoluzzjonarji, fuq ir-rispett għall-ambjent u għall-bijodiversità, fuq l-investiment fin-nies, u fuq alleanzi intelliġenti Ewropej u globali.
Għalhekk jeħtieġ li l-Ewropa tibni fuq il-punti b’saħħithom u fuq l-assi tagħha biex tiżviluppa l-bażi industrijali tagħha. L-intelliġenza artifiċjali, il-batteriji u ċ-ċibersigurtà huma wħud mill-ħafna oqsma strateġiċi u orjentati lejn il-futur, li fihom jista’ jiġi ġġenerat tkabbir billi tingħata spinta lill-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa. Sabiex jiġu identifikati l-oqsma ta’ importanza strateġika, il-Kummissjoni stabbiliet il-Forum Strateġiku tal-Istati Membri u tar-rappreżentanti tal-industrija li, fir-rapport tiegħu ppubblikat f’Novembru, identifika sitt oqsma ta’ prijorità, ta rakkomandazzjonijiet b’rabta mat-teħid ta’ azzjonijiet politiċi fil-futur u kkoordina l-investimenti transnazzjonali.
L-industriji b’saħħithom ukoll jeħtieġ li jadattaw u jinnovaw b’mod kostanti. Ir-rapport dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea tal-2019 ħareġ fid-dieher li l-prestazzjoni fl-innovazzjoni ttejbet f’24 Stat Membru, u għaldaqstant l-UE qed tkompli ttejjeb il-pożizzjoni tagħha. Fl-UE, l-Iżvezja kienet fuq quddiem nett fl-innovazzjoni, segwita mill-Finlandja, mid-Danimarka u min-Netherlands. L-innovaturi bl-iktar ritmu mgħaġġel ta’ innovazzjoni kienu l-Litwanja, il-Greċja, il-Latvja, Malta, ir-Renju Unit, l-Estonja u n-Netherlands. L-iktar fatt importanti kien li għall-ewwel darba l-prestazzjoni fl-innovazzjoni tal-UE kienet aħjar minn dik tal-Istati Uniti u li l-UE qatgħet b’mod konsiderevoli lill-Brażil, lill-Indja, lir-Russja u lill-Afrika t’Isfel.

Is-sitt oqsma strateġiċi għall-industrija Ewropea huma l-vetturi konnessi, awtonomi u li ma jniġġsux; is-saħħa intelliġenti; industrija b’emissjonijiet baxxi tad-diossidu tal-karbonju; it-teknoloġiji u s-sistemi tal-idroġenu; l-Internet tal-Oġġetti industrijali; u ċ-ċibersigurtà.

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea għall-2019 turi li fl-Ewropa l-mexxejja fl-innovazzjoni kienu d-Danimarka, in-Netherlands, il-Finlandja u l-Iżvezja, filwaqt li l-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, Franza, il-Lussemburgu, l-Awstrija, is-Slovenja u r-Renju Unit huma kklassifikati bħala innovaturi qawwija. Iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja huma innovaturi moderati, u l-Bulgarija u r-Rumanija jikklassifikaw bħala innovaturi modesti. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Niżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku
Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għandha l-għan li tappoġġa t-tkabbir, l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi billi tipproteġi lill-konsumaturi u lill-kumpaniji li josservaw il-liġi mill-imġiba illegali fin-negozju. Peress li l-kumpaniji qed jikkompetu ma’ xulxin biex joffru prezzijiet orħos u għażla usa’ ta’ prodotti innovattivi, il-konsumaturi jinsabu f’qagħda aħjar u l-ekonomija tal-Ewropa qed issir iktar b’saħħitha, iktar kompetittiva u iktar attraenti għall-investituri.
Fl-2019, il-Kummissjoni ħadet 362 deċiżjoni dwar fużjonijiet, 10 deċiżjonijiet dwar l-antitrust, ħames deċiżjonijiet dwar każijiet ta’ kartell u 248 deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat. B’kollox, tat multi li jammontaw għal iktar minn €4 biljun fir-rigward ta’ kumpaniji li nstab li kienu qed jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE u ordnat lill-Istati Membri biex jirkupraw mill-benefiċjarji minn tal-inqas €65 miljun li rriżultaw li kienu għajnuna illegali u inkompatibbli.
Il-Kummissjoni tuża l-kontroll tal-fużjonijiet biex tiżgura li s-Suq Uniku jilħaq il-potenzjal tiegħu billi jipprevjeni r-riskji għall-kompetizzjoni. Il-maġġoranza tal-fużjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni jiġu approvati. S’issa, 10 biss ġew ipprojbiti, u tlieta minnhom fl-2019. Dawn jinkludu l-akkwist ta’ Alstrom min-naħa ta’ Siemens fl-industrija ferrovjarja u l-akkwist ta’ Aurubis Rolled Products u Schwermetall min-naħa ta’ Wieland, it-tnejn li huma fi Frar, u l-impriża konġunta bejn il-ġganti tal-azzar Tata Steel u ThyssenKrupp f’Ġunju. F’dawn il-każijiet, il-kumpaniji naqsu milli jipproponu rimedji għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-kumpaniji mir-riskji possibbli. F’każijiet oħra ta’ profil għoli, pereżempju Praxair/Linde u GSK/Pfizer, il-partijiet tal-fużjonijiet offrew rimedji adegwati u mbagħad il-Kummissjoni setgħet tapprova t-tranżazzjonijiet.

Il-Kummissjoni pprojbiet il-fużjoni Siemens‒Alstom biex tipproteġi lill-operaturi u lill-passiġġieri ferrovjarji. Is-sistemi tas-sinjalazzjoni ferrovjarja huma essenzjali biex jipprevjenu l-kolliżjonijiet u biex il-passiġġieri ferrovjarji u tal-metrò jinżammu sikuri, u l-ferroviji b’veloċità għolja huma importanti għat-tranżizzjoni lejn trasport ambjentalment sostenibbli. Li kieku l-fużjoni sseħħ, Siemens u Alstom ma jibqgħux jikkompetu, u dan jirriżulta fi prezzijiet ogħla, f’inqas għażla u f’inqas innovazzjoni għall-operaturi ferrovjarji.
Il-Kummissjoni tieħu azzjoni wkoll kontra l-kumpaniji li jippruvaw jiksbu vantaġġ kompetittiv inġust. F’Jannar, Mastercard ingħatat multa ta’ €570 miljun talli imponiet restrizzjonijiet transfruntiera fl-użu tal-karti tal-pagamenti. F’Mejju, AB InBev, l-akbar birrerija fid-dinja, ingħatat multa ta’ €200 miljun talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Belġjan tal-birra. Kumpaniji oħra li l-Kummissjoni mmultat kienu qed jirrestrinġu l-bejgħ transfruntiera tal-prodotti ta’ merchandising ta’ wħud mill-klabbs tal-futbol l-iktar magħrufa tal-Ewropa u tal-prodotti b’Hello Kitty li Sanrio għandha s-sjieda tagħhom. F’każijiet li jinvolvu diversi film studios ewlenin ta’ Hollywood, dawn wiegħdu li jneħħu r-restrizzjonijiet li kienu qed jipprevjenu l-kompetizzjoni transfruntiera bejn ix-xandara tat-televiżjoni bi ħlas u ħadu l-impenji li l-Kummissjoni għamlithom legalment vinkolanti f’Marzu.
Il-Kummissjoni kompliet telimina l-każijiet ta’ kartell u tat multi ħorox lill-kumpaniji involuti. F’Marzu, issanzjonat lil tliet kumpaniji li jfornu ċ-ċinturini tas-sikurezza u tagħmir ieħor ta’ sikurezza lill-manifatturi tal-karozzi tal-Ewropa u tathom multi li jammontaw għal €368 miljun. Xahrejn wara, ħames banek ewlenin — Barclays, RBS, Citigroup, JPMorgan u MUFG — innegozjaw saldu ta’ iktar minn €1 biljun talli pparteċipaw f’kartell ta’ negozjar tal-kambju fil-pront.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżgura li l-appoġġ li l-Istati Membri jagħtu lill-kumpaniji ma jiffavorix b’mod inġust lil xi kumpaniji a skapitu ta’ oħrajn. F’April, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u ordnat lir-Renju Unit jirkupra l-benefiċċji selettivi fuq it-taxxa li l-awtoritajiet taw lil xi kumpaniji multinazzjonali u li kienu jirriżultaw minn eżenzjonijiet fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet maħsuba għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva.

Kumpanija multinazzjonali “X” ibbażata fir-Renju Unit ittrasferiet il-kapital lejn waħda mis-sussidjarji offshore tagħha, li mbagħad tat self lil kumpanija ta’ grupp barrani tal-istess kumpanija multinazzjonali “X”. L-imgħax iġġenerat mis-self favur is-sussidjarja offshore ma kienx taxxabbli mill-amministrazzjoni tat-taxxa tar-Renju Unit bis-saħħa tal-eżenzjoni tal-finanzjament tal-grupp, u b’hekk jagħti vantaġġ illegali tat-taxxa.
Il-politika tal-kompetizzjoni tista’ wkoll tgħin lill-UE ssawwar politika industrijali moderna. Dan joħroġ fid-dieher permezz tal-appoġġ pubbliku ta’ €3.2 biljun offrut minn seba’ Stati Membri u approvat mill-Kummissjoni għal Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-produzzjoni tal-batteriji. Dan huwa t-tieni l-akbar investiment f’IPCEI li ġie approvat wara dak tal-mikroelettronika ta’ €1.7 biljun li kien jinvolvi lill-Ġermanja, lil Franza, lill-Italja u lir-Renju Unit u li ġie approvat f’Diċembru 2018.
It-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi
L-UE ħadmet biex issaħħaħ ir-regoli f’setturi speċifiċi ħalli jkun iktar faċli għan-negozji biex ibigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom lil hinn mill-fruntieri u ħalli tittejjeb is-sikurezza tal-prodotti fis-suq tal-UE.
It-titjib tar-regoli fis-setturi tas-sustanzi kimiċi u tal-prodotti farmaċewtiċi
F’Ġunju, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi. Ħareġ fid-dieher li l-armonizzazzjoni u l-istandards komuni wasslu biex is-suq uniku għas-sustanzi kimiċi jkun iktar b’saħħtu u iktar effiċjenti, filwaqt li dan joffri l-ogħla livelli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fid-dinja. L-UE ħadet ukoll sensiela ta’ miżuri biex tipproteġi lill-ħaddiema u lill-konsumaturi mis-sustanzi kimiċi li jagħmlu l-ħsara, inkluż 29 deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tar-REACH li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ ċerti sustanzi kimiċi, awtorizzazzjoni waħda miċħuda u restrizzjoni waħda fuq l-amplifikatur ta’ fibri ddożati bit-tulju, li huwa sustanza li tikkawża problemi respiratorji meta tintuża fi sprejs. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni ġiet aġġornata biż-żieda ta’ ħames sustanzi fil-lista ta’ sustanzi kimiċi li huwa rikonoxxut li jikkawżaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol. Dan ifisser li issa hemm 27 sustanza kimika ta’ dan it-tip li huma koperti bid-Direttiva.
L-UE adottat ukoll regoli ġodda biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-settur tal-prodotti farmaċewtiċi. Dawn ir-regoli se jagħmluha iktar faċli biex il-kumpaniji tal-UE jesportaw il-mediċini ġeneriċi u bijosimili lejn pajjiżi mhux tal-UE li fihom il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali skadiet jew qatt ma eżistiet, filwaqt li se jippreservaw id-drittijiet li ilhom jeżistu fl-UE li jħeġġu l-innovazzjoni u r-riċerka.
Suq Uniku għall-akkwist pubbliku
L-UE għandha suq tal-akkwist miftuħ, li huwa l-akbar wieħed fid-dinja u li huwa stmat li jammonta għal €2 triljun kull sena. Minħabba li kulma jmur l-akkwist pubbliku qed isir iktar globali, l-UE qed tieħu approċċ strateġiku biex tiżgura li l-offerenti kollha, kemm domestiċi kif ukoll barranin, jikkonformaw mar-regoli tal-UE. Għal dan l-għan, f’Lulju l-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar il-parteċipazzjoni tal-offerenti barranin fis-suq tal-UE.
Servizzi finanzjarji aħjar
Bħala parti mill-isforzi biex fl-Ewropa tinħoloq Unjoni tas-Swieq Kapitali iktar profonda u iktar integrata, l-UE adottat Regolament revedut dwar il-pagamenti transfruntiera, li jiżgura li t-tariffi għall-pagamenti transfruntiera bl-ewro fl-Unjoni jkunu allinjati mat-tariffi għall-pagamenti nazzjonali korrispondenti magħmula bil-valuta tal-Istat Membru li fih ikun jinsab il-fornitur tas-servizz tal-pagamenti tal-utent tas-servizz tal-pagamenti. B’hekk il-konsumaturi u n-negozji fil-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-ewro jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tranżazzjonijiet transfruntiera bl-ewro bi prezz baxx, daqslikieku qegħdin fiż-żona tal-ewro. B’riżultat ta’ dan, pereżempju, huwa mistenni li l-prezz ta’ tranżazzjoni intra-UE bl-ewro mill-Bulgarija għall-Finlandja jonqos minn €15 u €24 għal madwar €1. Ir-Regolament se jiżgura li t-tariffi tal-kambju tal-valuta jkunu trasparenti u komparabbli f’ATM jew f’punt tal-bejgħ, u b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jiffrankaw il-flus mill-ispejjeż tal-kambju tal-valuta meta jivvjaġġaw jew jixtru barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, l-UE żiedet l-isforzi tagħha biex tappoġġa l-iżvilupp u d-disponibbiltà tal-pagamenti istantanji transfruntiera.

Qabel il-15 ta’ Diċembru 2019, meta wieħed kien jibgħat il-flus minn pajjiż taż-żona tal-ewro lejn pajjiż mhux taż-żona tal-ewro ma kien iġarrab l-ebda tariffa jew kien iġarrab tariffi baxxi u min kien jirċievi l-flus kien iġarrab tariffi għolja. Meta wieħed kien jibgħat il-flus minn pajjiż mhux taż-żona tal-ewro lejn pajjiż mhux taż-żona tal-ewro jew lejn pajjiż taż-żona tal-ewro kien iġarrab tariffi għolja wkoll. It-trasferimenti fiż-żona tal-ewro biss ma kinux iġarrbu tariffi jew kienu jġarrbu tariffi baxxi għaż-żewġ naħat. Mill-15 ta’ Diċembru 2019 ’l hawn, it-trasferimenti kollha bl-ewro, jew fiż-żona tal-ewro u fiż-żoni mhux tal-ewro jew inkella bejniethom, ma jġarrbu l-ebda tariffa jew iġarrbu tariffi baxxi.
Niżguraw sistema tat-taxxa ġusta
Il-politika tal-UE dwar it-taxxa għandha l-għan li tappoġġa l-kompetittività tal-UE u li tistimola l-investiment, it-tkabbir u l-imprenditorija fis-Suq Uniku tagħha. Permezz tas-simplifikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa, għandu jkun iktar faċli biex in-negozji jkunu jistgħu joperaw lil hinn mill-fruntieri u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaħdmu lil hinn mill-fruntieri. Barra minn hekk, it-tir tal-UE huwa li t-taxxi mhux talli ma jkunux inġusti talli jkunu soċjalment ġusti, b’mod partikolari permezz tal-ġlieda kontra l-abbuż fil-qasam tat-taxxa fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali, kif ukoll permezz tat-tnaqqis tal-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fis-Suq Uniku u lil hinn minnu.
Sabiex tiġġieled kontra l-frodi tat-taxxa u sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġbir tad-dħul fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, f’Mejju l-Kummissjoni nediet l-għodda ta’ Analiżi tan-Netwerks tat-Tranżazzjonijiet, li permezz tagħha n-netwerk tal-UE ta’ esperti kontra l-frodi jkollu aċċess malajr u faċli għal informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet transfruntiera, u dan għandu jwassal biex tittieħed azzjoni rapida u kkoordinata meta tiġi indikata frodi potenzjali tal-VAT. F’Settembru, saret l-ewwel laqgħa tas-Summit tal-UE dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, li huwa netwerk ta’ kooperazzjoni għall-kapijiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u għall-Kummissjoni.
Sabiex tindirizza l-frodi tal-VAT b’rabta mal-karozzi ġodda u użati, f’Lulju l-Kummissjoni adottat miżuri ta’ implimentazzjoni li jappoġġaw l-iskambju awtomatizzat tal-informazzjoni tad-dwana u tar-reġistrazzjoni tal-vetturi bejn l-awtoritajiet nazzjonali. F’Marzu ġiet adottata l-lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta’ taxxa, għodda komuni għall-Istati Membri biex jindirizzaw ir-riskji esterni tal-abbuż u tal-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa. F’Settembru, il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjonijiet dwar żewġ Direttivi: waħda dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u oħra dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija.
Lejn mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol
L-UE qed taħdem biex issaħħaħ il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol billi tistabbilixxi regoli ċari u ġusti, billi tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u billi tiġġieled kontra l-kawżi tal-abbuż. Bħala parti minn din il-ħidma, f’Lulju ġiet stabbilita l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, u l-ewwel attivitajiet tal-Awtorità bdew f’Ottubru. Ir-rwol tagħha huwa li tgħin biex jiġu infurzati r-regoli dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fl-Istati Membri kollha. Dan se tagħmlu billi tiffaċilita l-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini u lin-negozji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom rigward l-opportunitajiet biex wieħed jgħix, jaħdem jew jopera f’pajjiż ieħor, billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u billi jkollha rwol ta’ medjazzjoni sabiex jinstabu soluzzjonijiet meta jkun hemm każijiet ta’ tilwim transfruntiera. L-Awtorità se tkun ibbażata fi Bratislava, is-Slovakkja u huwa mistenni li se tilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa sal-2024.

L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol se tinforza r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema b’mod ġust, sempliċi u effettiv. Għandha l-għan li tegħleb l-ostakli għall-mobbiltà tal-ħaddiema bħal appoġġ fjakk għall-individwi u għan-negozji, diffikultajiet għall-awtoritajiet nazzjonali fil-koordinazzjoni bejn il-fruntieri, in-nuqqas ta’ attivitajiet konġunti regolari ta’ infurzar transfruntiera, u n-nuqqas ta’ medjazzjoni bejn l-Istati Membri fit-tilwim transfruntiera. Se tixpruna wkoll il-mobbiltà tal-ħaddiema billi tipprovdi aċċess iktar faċli għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi fil-qasam tal-mobbiltà transfruntiera, billi ssaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar tat-tilwim transfruntiera tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, billi tarrikkixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jittrattaw ix-xogħol mhux iddikjarat, u billi tassisti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex isolvu t-tilwim transfruntiera. Sors: il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea
Nagħmlu progress għal mobbiltà sikura, nadifa u konnessa
Il-mobbiltà taqdi rwol kbir fil-konnessjoni u fl-integrazzjoni tas-Suq Uniku. L-UE qed taħdem biex timmodernizza s-sistemi tat-trasport tal-Ewropa, biex b’hekk in-nies ikunu jistgħu jibbenefikaw minn traffiku iktar sikur, minn vetturi li jniġġsu inqas u minn soluzzjonijiet teknoloġiċi aħjar, filwaqt li tiġi appoġġata l-kompetittività tal-industrija tat-trasport.
F’Marzu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil dwar ir-Regolament revedut dwar is-sikurezza ġenerali, li għandu l-għan li jintroduċi b’mod obbligatorju t-teknoloġiji ġodda fil-qasam tas-sikurezza fil-vetturi kollha mibjugħa, irreġistrati jew li jitqiegħdu fis-servizz mill-2022 ’il quddiem. Dan se jtejjeb il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE, se jgħin biex l-għadd ta’ aċċidenti fit-toroq jonqos u se jtejjeb il-qafas legali għall-approvazzjoni tal-vetturi awtomatizzati u konnessi. Fi Frar, il-Kummissjoni ħejjiet ukoll linji gwida għall-approvazzjoni tal-vetturi awtomatizzati, u f’Ġunju nediet pjattaforma tal-UE biex jiġu kkoordinati l-esperimenti li jinvolvu l-vetturi awtomatizzati u konnessi.
Iktar kmieni fis-sena, l-UE ħadet ukoll miżuri biex tiżgura li jsiru valutazzjonijiet dwar is-sikurezza tal-infrastruttura għat-toroq primarji, biex tgħin ħalli l-investimenti jiġu mmirati aħjar u biex twitti t-triq għas-sewqan awtonomu fl-UE kollha. Il-Kummissjoni adottat ukoll regoli armonizzati ġodda dwar it-traffiku tad-droni biex tlaħħaq mal-għadd ta’ droni li kulma jmur qed jiżdied fl-Ewropa kollha.

L-użu tad-dokumentazzjoni elettronika l-ġdida għall-ġarr tal-merkanzija fl-Ewropa se jgħin biex l-atturi kollha involuti jiffrankaw ħafna ħin. Attwalment, madwar 390 miljun siegħa ta’ xogħol jitqattgħu biex tiġi pproċessata l-informazzjoni dwar it-trasport tal-merkanzija. Fil-futur, permezz tal-iskambju diġitali ta’ din l-informazzjoni, is-settur tan-negozju se jiffranka bejn 75 miljun u 102 miljun siegħa ta’ xogħol. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Ġew adottati wkoll diversi miżuri biex jittaffa l-piż amministrattiv fis-settur tat-trasport kollu. F’Ġunju, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji tat l-ewwel awtorizzazzjoni Ewropea għall-vetturi ferrovjarji, li kienet valida f’diversi pajjiżi fil-kontinent kollu. Intlaħaq qbil ukoll dwar proposta għall-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija, li se tgħin biex jiġu ffrankati miljuni ta’ sigħat li qabel kienu jiġu mqattgħin għall-immaniġġjar tad-dokumenti stampati.
Sabiex tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi tat-trasport, f’Mejju l-Kummissjoni adottat sett ta’ miżuri li jindirizzaw l-interoperabbiltà ferrovjarja, l-aċċessibbiltà tal-ferroviji u l-istorbju ferrovjarju. Id-Direttiva dwar is-sistemi ta’ pedaġġ elettroniku daħlet fis-seħħ u se ttejjeb l-interoperabbiltà tal-pedaġġi elettroniċi, se tissimplifika l-proċeduri amministrattivi u se tnaqqas il-frodi.
Kapitlu 5
Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar profonda u iktar ġusta

Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) iktar profonda hija prijorità għall-UE minħabba li hija għodda qawwija biex jinkisbu iktar impjiegi, tkabbir iktar b’saħħtu, investiment akbar u iktar ġustizzja soċjali, kif ukoll stabbiltà makroekonomika u reżiljenza msaħħa.
F’Ġunju, l-Istati Membri laħqu qbil wiesa’ dwar għadd ta’ passi importanti, inkluż il-ħolqien ta’ strument baġitarju għall-konverġenza u għall-kompetittività fiż-żona tal-ewro.
Reviżjoni proposta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà tippermetti li l-fond ta’ salvataġġ ikun jista’ jipprovdi garanzija ta’ kontinġenza finanzjarja għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li jgħin lill-banek f’diffikultà.
Leġiżlazzjoni ġdida f’April biex jitnaqqsu r-riskji fis-settur bankarju se tgħin biex l-Unjoni Bankarja tissaħħaħ. Komplew ukoll il-pjanijiet biex tinħoloq skema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti għall-banek taż-żona tal-ewro u l-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta fis-settur.
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għen biex issir enfasi fuq il-ġustizzja fl-UEM, permezz ta’ leġiżlazzjoni adottata f’Ġunju li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, permezz ta’ liġi ġdida li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u permezz tad-dħul fis-seħħ f’Awwissu tal-liv tal-ġenituri li se jkun ugwali għan-nisa u għall-irġiel.
L-UE ħadet azzjoni wkoll biex iżżid l-aċċess għas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u biex tħeġġeġ l-imprenditorija.
L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar profonda hija prijorità għall-UE għaliex issaħħaħ l-istabbiltà ekonomika, ir-reżiljenza u l-potenzjal tagħha għat-tkabbir.
F’Ġunju, l-Istati Membri taż-żona tal-ewro mxew iktar ’il quddiem biex jilħqu dan il-għan billi qablu dwar il-karatteristiki ewlenin ta’ strument baġitarju għaż-żona. Dan l-istrument huwa magħruf bħala l-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività, u huwa maħsub biex jappoġġa r-riformi strutturali u l-investiment bl-għan li tingħata spinta lit-tkabbir u li tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika tal-ekonomiji taż-żona tal-ewro kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jirkupraw mix-xokkijiet ekonomiċi. F’Ottubru, ittieħdu iktar deċiżjonijiet dwar id-dettalji ta’ kif se jaħdem l-istrument. Se jintlaħaq qbil dwar id-daqs tiegħu fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE.
L-Istati Membri taż-żona tal-ewro qablu wkoll li jippermettu lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jipprovdi garanzija ta’ kontinġenza finanzjarja li tiġi attivata biss bħala assigurazzjoni tal-aħħar istanza fil-każ ta’ riżoluzzjoni bankarja. Din il-garanzija tkun f’forma ta’ linja ta’ kreditu jew għadd ta’ garanziji għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex min iħallas it-taxxa ma jkollux għalfejn iħallas għar-riżoluzzjoni ta’ banek f’diffikultà. Fl-aħħar mill-aħħar, l-użu tal-garanzija ta’ kontinġenza jitħallas permezz tal-kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju Ewropew.

L-inizjattivi biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-ewro jistgħu jinqasmu f’erba’ oqsma differenti. L-ewwel qasam huwa l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. It-tieni qasam fih miżuri biex jissawwar settur finanzjarju Ewropew profond, bħat-tisħiħ tal-likwidità u tar-reżiljenza tal-infrastruttura tas-suq Ewropew; l-iżgurar ta’ qafas affidabbli għal rata referenzjarja tal-imgħax li wieħed jista’ joqgħod fuqha; l-appoġġ għal sistema ta’ pagament immedjat li tkun integrata għalkollox fl-Unjoni Ewropea; u t-tnedija ta’ konsultazzjoni dwar il-likwidità tal-ewro fis-swieq tal-kambju. It-tielet qasam ikopri inizjattivi marbuta mas-settur finanzjarju internazzjonali, bħall-appoġġ għall-kollaborazzjoni tal-banek ċentrali biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja globali; iż-żieda fis-sehem tad-dejn iddenominat bl-ewro mill-korpi Ewropej; it-trawwim tad-diplomazija ekonomika biex jiġi promoss l-użu tal-ewro fil-pagamenti u bħala valuta ta’ riżerva; u l-għoti ta’ appoġġ tekniku biex jittejjeb l-aċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-sistema tal-pagamenti bl-ewro. Ir-raba’ qasam jippromwovi l-użu tal-ewro f’setturi strateġiċi ewlenin bħall-enerġija, b’rakkomandazzjonijiet biex jiġi promoss użu usa’ tal-ewro fil-ftehimiet u fit-tranżazzjonijiet internazzjonali dwar l-enerġija, u konsultazzjonijiet dwar it-twessigħ tal-użu ta’ tranżazzjonijiet iddenominati bl-ewro fiż-żejt, fil-prodotti raffinati u fil-gass. Jinkludi wkoll konsultazzjonijiet dwar iż-żieda fl-użu tal-ewro fil-kummerċ tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi tal-ikel u dwar it-twessigħ tal-użu tal-ewro mill-manifatturi tas-settur tat-trasport (il-qasam tal-inġenji tal-ajru, il-qasam marittimu u l-qasam ferrovjarju). Sors: il-Kummissjoni Ewropea Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea għamlet progress kbir fl-approfondiment tal-UEM mill-kriżi finanzjarja tal-2008 ’l hawn. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni f’Ġunju tat rendikont tal-progress li għamlet l-UE minn mindu pprovdiet il-viżjoni tagħha għal UEM iktar profonda fir-rapport tal-ħames presidenti tal-2015. Skont il-Komunikazzjoni, sar progress partikolari fit-titjib tal-qafas tal-governanza ekonomika u tal-applikazzjoni tar-regoli fiskali, b’enfasi akbar fuq il-prijoritajiet soċjali bħal iktar opportunitajiet għas-sħab soċjali fil-livelli kollha biex jiddiskutuhom. Barra minn hekk, il-Bord Fiskali Ewropew (stabbilit fl-2015) sar parti integrali mill-qafas fiskali tal-UE, u jipprovdi valutazzjonijiet u pariri indipendenti lill-Kummissjoni.
L-elementi ewlenin ta’ Unjoni Bankarja u ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, bħall-pakkett bankarju għat-tisħiħ tar-reżiljenza u tar-riżolvibbiltà tal-banek tal-UE u proposta għal Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, ġew stabbiliti wkoll fis-sod. Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti leġiżlattivi kollha li ġew stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u fir-rieżami ta’ nofs it-terminu sabiex tħejji l-pedamenti ewlenin tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-Kummissjoni pproponiet sitt miżuri leġiżlattivi biex tintroduċi regoli ġodda fl-UE kollha għall-prodotti, għat-tikketti u għall-passaporti, u ħames miżuri leġiżlattivi biex tipprovdi regoli iktar sempliċi, iktar ċari u iktar proporzjonati għall-imprendituri, għan-negozji u għall-istituzzjonijiet finanzjarji (ara l-Kapitlu 1).
Ipproponiet ukoll żewġ miżuri leġiżlattivi biex tiżgura li jkun hemm superviżjoni iktar integrata u iktar effiċjenti tas-swieq kapitali, li hija ċentrali għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali u li hija neċessarja biex ikun hemm iktar integrazzjoni finanzjarja u iktar kondiviżjoni tar-riskji fil-qasam privat. Il-Kummissjoni adottat ukoll tliet proposti leġiżlattivi biex tippermetti lis-settur finanzjarju jkun fit-tmun ta’ ekonomija ċirkolari newtrali għall-klima, iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u iktar reżiljenti.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku dwar kważi dawn il-proposti kollha; minkejja dan, għad fadal ħafna iktar xi jsir. Fir-rapport ta’ Ġunju, il-Kummissjoni saħqet li hemm bżonn iktar titjib fit-trasparenza u fl-effettività tal-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika tal-UE u tad-dimensjoni soċjali ta’ dak il-qafas. Jistgħu jsiru wkoll bidliet istituzzjonali biex jissaħħu r-responsabbiltà demokratika fl-UE u t-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi fiż-żona tal-ewro, u biex il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jiddaħħal fil-qafas legali tal-UE. Mekkaniżmi biex tiġi stabbilizzata ż-żona tal-ewro f’każ ta’ xokkijiet ekonomiċi jkunu ta’ siwi wkoll u jistgħu jinkludu Funzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti u skema komuni ta’ riassigurazzjoni f’każ ta’ qgħad.
L-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja
Is-swieq bankarji u kapitali tal-UE huma elementi vitali tal-UEM tagħha. Flimkien, jippromwovu sistema finanzjarja iktar integrata u stabbli tal-UE. Iżidu r-reżiljenza tal-UEM kontra xokkijiet ekonomiċi avversi billi jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tar-riskji fil-qasam privat minn fruntiera għall-oħra filwaqt li fl-istess ħin inaqqsu l-ħtieġa ta’ kondiviżjoni tar-riskji fil-qasam pubbliku. Il-ħidma fuq iż-żewġ proġetti ssoktat matul is-sena.
B’mod partikolari, sar progress sinifikanti fit-tnaqqis tar-riskji fl-Unjoni Bankarja. L-adozzjoni tal-pakkett bankarju f’April kienet stadju importanti fit-tisħiħ tas-settur bankarju tal-UE. Il-pakkett jistabbilixxi sett komprensiv ta’ riformi li se jkomplu jsaħħu r-reżiljenza u r-riżolvibbiltà tal-banek, flimkien mal-proposta għal Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. Jistabbilixxi wkoll sensiela ta’ standards internazzjonali importanti u għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ikkompletar tal-aġenda regolatorja ta’ wara l-kriżi.
Il-Kummissjoni qed taħdem flimkien mal-Istati Membri kkonċernati biex tindirizza l-livell għoli ta’ selfiet mhux produttivi, inkluż permezz tas-Semestru Ewropew, u biex toħroġ b’soluzzjonijiet komprensivi biex tindirizza s-selfiet ħżiena, f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Is-superviżuri u l-banek tal-Istati Membri għamlu progress konsiderevoli wkoll fit-tnaqqis tal-livelli tad-dejn tagħhom, fit-titjib tal-kwalità tal-portafolli tas-self tagħhom u fiż-żieda tal-likwidità mill-kriżi ’l hawn.
L-aħħar rapport ta’ progress tal-Kummissjoni wera li l-proporzjon tas-selfiet mhux produttivi għall-banek kollha tal-UE kompla jonqos għal-livelli ta’ qabel il-kriżi u kien naqas għal 3.3 % fit-tielet trimestru tal-2018. Fl-2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar regoli ġodda biex ir-rekwiżiti kapitali jiġu applikati għall-banek b’selfiet mhux produttivi fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom. L-għan tar-riforma huwa li jiġi żgurat li l-banek iwarrbu biżżejjed riżorsi proprji meta s-selfiet ġodda jsiru selfiet mhux produttivi, u li jinħolqu inċentivi xierqa biex jiġi evitat li s-selfiet mhux produttivi jakkumulaw.
Il-pass importanti li jmiss fl-Unjoni Bankarja u fl-approfondiment tal-UEM se jkun li jsir progress fir-rigward ta’ skema komuni ta’ garanzija tad-depożiti għaż-żona tal-ewro.
Ir-rwol internazzjonali tal-ewro
L-isforzi tal-UE biex tippromwovi l-użu tal-ewro internazzjonalment huma marbuta mill-qrib mal-approfondiment tal-UEM. Settur finanzjarju u UEM iktar profondi u b’saħħithom iwasslu biex l-ewro jkun valuta internazzjonali iktar attraenti, u permezz ta’ ewro iktar importanti globalment, is-sistema finanzjarja tal-Ewropa tissaħħaħ. Iż-żona tal-ewro qed tikber ukoll. Fil-fatt il-Kroazja u l-Bulgarija ddeċidew li jibdew it-tħejjijiet biex jidħlu fil-Mekkaniżmu Ewropew tar-Rati tal-Kambju, l-ERM II, li huwa l-ewwel pass lejn is-sħubija fiż-żona tal-ewro.
Użu internazzjonali akbar tal-ewro jwassal bosta benefiċċji għan-negozji, għall-konsumaturi u għall-gvernijiet Ewropej, fosthom inqas spejjeż kummerċjali, rati tal-imgħax iktar baxxi, aċċess aħjar għall-finanzjament, awtonomija legali akbar u sistema finanzjarja iktar reżiljenti li tkun inqas vulnerabbli għax-xokkijiet fir-rati tal-kambju.

L-Unjoni Ewropea tiċċelebra #EUROat20 (l-ewro jagħlaq għoxrin sena) fl-2019. Hawnhekk, jiġu rilaxxati l-bżieżaq quddiem il-Kunsill Ewropew wara ċerimonja li fakkret l-iffissar oriġinali tar-rati tal-kambju bejn l-ewro u l-valuti tal-Istati Membri taż-żona tal-ewro, fi Brussell, il-Belġju, il-31 ta’ Diċembru 1998.
Fl-2019, il-Kummissjoni Ewropea kkonsultat ir-rappreżentanti tas-swieq tal-kambju u tas-setturi tal-enerġija, tal-materja prima, tal-agrikoltura u tat-trasport. Dawn il-konsultazzjonijiet ikkonfermaw li hemm appoġġ wiesa’ għall-użu tal-ewro iktar internazzjonalment u li huwa l-unika valuta internazzjonali alternattiva għad-dollaru Amerikan li hija vijabbli. Dawk ikkonsultati qablu wkoll li kien hemm il-potenzjal li jiġu ddenominati iktar tranżazzjonijiet bl-ewro, b’mod partikolari fis-swieq tal-prodotti tal-enerġija u tal-gass naturali, u l-Kummissjoni qablet li taħdem fuq kwalunkwe impediment li jiġi identifikat.

L-ewro joffri ħafna benefiċċji għall-ekonomija, għandu rekord qawwi ta’ stabbiltà fil-prezzijiet u joffri ambjent tan-negozju prevedibbli. Huwa wkoll it-tieni l-iktar valuta li tintuża fid-dinja, b’60 pajjiż u territorju barra l-UE (b’total ta’ 175 miljun persuna) li rabtu l-valuta tagħhom direttament jew indirettament mal-ewro. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
L-UE għamlet progress ukoll fuq miżuri li jappoġġaw l-użu tal-ewro, inkluż emendi regolatorji biex jiżdiedu r-reżiljenza u l-likwidità tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, tittejjeb l-affidabbiltà tal-parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u jiġi promoss l-użu tal-pagamenti istantanji.
Opportunitajiet ġusti u kompetizzjoni ġusta
UEM profonda u ġusta tiddependi fuq opportunitajiet ġusti u kompetizzjoni ġusta. Sabiex tittejjeb l-UEM, f’Ġunju l-UE adottat id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u t-tieni opportunità biex tippermetti li jiġu salvati n-negozji vijabbli f’diffikultà u biex l-individwi onesti iżda li jkunu fallew jingħataw opportunità oħra.
Id-Direttiva l-ġdida se tgħin lill-kumpaniji vijabbli b’diffikultajiet finanzjarji biex jaċċessaw oqfsa ta’ ristrutturar preventiv fi stadju bikri sabiex ikunu jistgħu jevitaw l-insolvenza, ikomplu l-attività tagħhom u jippreservaw l-impjiegi.
Bir-regoli l-ġodda, l-UE qed tagħti opportunità oħra lill-imprendituri b’reputazzjoni tajba iżda li jkunu fallew, u qed teżonerahom għalkollox mid-dejn tagħhom wara perjodu massimu ta’ tliet snin, b’eżenzjonijiet ġustifikati sabiex jiġi evitat l-abbuż.
Ir-regoli se jżidu wkoll l-effiċjenza tal-proċeduri tal-insolvenza, tar-ristrutturar u tal-kwittanza, u b’hekk se jnaqqsu d-dewmien u l-ispejjeż proċedurali eċċessivi f’ħafna Stati Membri.
Dawn ir-regoli se jikkontribwixxu għat-tneħħija ta’ ostakli importanti għall-iżvilupp tas-swieq kapitali, billi se jipprovdu iktar ċertezza legali għall-investituri u għall-kumpaniji transfruntiera li joperaw fl-UE kollha.
L-UE dejjem tkun għassa li tiżgura l-ġustizzja tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju u s-sena 2019 ma kinitx eċċezzjoni. Minkejja li s-settur irkupra kważi għalkollox mill-kriżi ’l hawn, għad hemm għadd ta’ punti ta’ vulnerabbiltà, u hemm banek f’xi Stati Membri li għadhom mgħobbija bil-piż ta’ proporzjon għoli ta’ selfiet mhux produttivi. Il-Kummissjoni kompliet taqdi r-rwol tagħha biex tgħinhom jirristrutturaw u jindirizzaw id-diffikultajiet temporanji ta’ likwidità jew il-problemi strutturali mingħajr ma jkun hemm distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Pereżempju, il-banek tas-Slovenja lestew il-proċess tar-ristrutturar li kienu bdew fl-2012/2013. Is-Slovenja pprivatizzat 75 % tal-NLB u 100 % ta’ Abanka — żewġ eks entitajiet li jsellfu li kienu jinsabu f’diffikultà. Il-banek Taljani ħadu iktar passi biex inaqqsu l-ammont ta’ selfiet mhux produttivi. L-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ garanzija kienet strumentali f’dan ir-rigward biex il-banek setgħu jeħilsu mis-selfiet mhux produttivi skont it-termini tas-suq. Fl-Italja wkoll, il-Kummissjoni approvat l-appoġġ biex Carige, bank reġjonali ta’ daqs medju fil-Majjistral tal-pajjiż, seta’ jindirizza l-ħtiġijiet temporanji ta’ likwidità li kienu jammontaw għal €3 biljun.

X’inhuma? Self jiġi kklassifikat mhux produttiv meta min jissellef ma jkunx għamel pagamenti skedati fuq l-imgħax jew ir-rimborżi kapitali għal 90 jum jew iktar wara d-data tal-maturità, jew ikun għadu qed iħallas is-self iżda b’probabbiltà baxxa li jibqa’ jirnexxilu jagħmel dan fil-futur. Għalfejn hemm bżonn nindirizzawhom? Sabiex innaqqsu r-riskji għall-istabbiltà tal-banek u għas-sistema finanzjarja kollha, sabiex il-banek ikunu jistgħu jsellfu iktar lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji, u sabiex it-tkabbir ekonomiku jiġi mħeġġeġ billi l-finanzjament ikun disponibbli għall-kumpaniji vijabbli.
Iktar ġustizzja soċjali fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sar parti integrali mis-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE. Bl-għajnuna tal-Pilastru ġew promossi diversi miżuri tal-politika soċjali dwar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli u mobbiltà transfruntiera ġusta. Il-Pilastru jħaddan sett ta’ 20 prinċipju tal-politika soċjali li huma orjentati lejn il-futur u li l-Istati Membri laħqu qbil dwarhom.
Bidu ġdid biex jiġi appoġġat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw
F’Ġunju ġiet adottata d-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u din tħeġġeġ il-kondiviżjoni iktar ugwali tar-responsabbiltajiet tal-indukrar bejn in-nisa u l-irġiel. Tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-Istati Membri u lil kull ġenitur tagħtih id-dritt ta’ minn tal-inqas erba’ xhur liv tal-ġenituri, li minnhom xahrejn ma jistgħux jiġu ttrasferiti minn ġenitur għall-ieħor u li għandhom jiġu kkumpensati b’livell adegwat stabbilit mill-Istati Membri. Id-Direttiva tintroduċi wkoll id-dritt għal minn tal-inqas għaxart ijiem liv tal-paternità wara t-twelid ta’ wild, li minn tal-inqas għandhom jiġu kkumpensati bl-istess livell ta’ paga f’każ ta’ mard. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tagħti wkoll lill-persuni li jindukraw u li jaħdmu d-dritt li jieħdu ħamest ijiem fis-sena biex jindukraw lill-membri tal-familja. Barra minn hekk, il-ġenituri kollha li jaħdmu u li jkollhom tfal sal-età ta’ minn tal-inqas tmien snin, għandhom id-dritt li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli (sigħat tax-xogħol imnaqqsa, sigħat tax-xogħol flessibbli u flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol). Dawn ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u li jtejbu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Id-Direttiva l-ġdida dwar il-bilanċ bejn ix‒xogħol u l-ħajja privata se tagħti lill-missirijiet kollha li jaħdmu minn tal-inqas għaxart ijiem liv tal-paternità lejn żmien it-twelid ta’ uliedhom, u minn tal-inqas erba’ xhur liv tal-ġenituri għal kull ġenitur, li minnhom xahrejn ma jkunux trasferibbli. Il-ġenituri se jkollhom ukoll iktar flessibbiltà fil-liv tagħhom bħala ġenituri. Finalment, kull ħaddiem għandu d-dritt għal minn tal-inqas ħamest ijiem liv kull sena għall-persuni li jindukraw. Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Drittijiet ġodda għal iktar ħaddiema
F’Ġunju ġiet adottata wkoll id-Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli. L-għan tagħha huwa li jitwessgħu u li jiġu mmodernizzati l-obbligi eżistenti biex kull ħaddiem, inkluż min ikollu forom ta’ impjieg mhux standard, jiġi infurmat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Id-Direttiva tintroduċi wkoll għadd ta’ drittijiet minimi ġodda, pereżempju limitu għat-tul ta’ perjodi ta’ prova fil-bidu ta’ impjieg. L-Istati Membri għandhom sa nofs l-2022 biex jittrasponu r-regoli l-ġodda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Aċċess aħjar għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kollha
L-Istati Membri ħadu l-impenn li jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom aċċess effettiv għall-protezzjoni soċjali irrispettivament mill-istatus fl-impjieg tagħhom. F’Novembru l-Kunsill adotta rakkomandazzjoni biex jgħinhom jagħlqu l-lakuni li jaffettwaw lill-ħaddiema atipiċi u lil dawk li jaħdmu għal rashom, u biex jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mid-dinja tax-xogħol li qed tiġi diġitalizzata b’pass mgħaġġel.

Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel. 40 % tal-persuni impjegati huma ħaddiema mhux standard (li ma jaħdmux b’kuntratt full-time jew permanenti) jew huma persuni li jaħdmu għal rashom. Il-ħaddiem Ewropew medju jkollu 10 impjiegi differenti tul il-karriera tiegħu, u kulma jmur il-forom ġodda ta’ xogħol qed jiżdiedu. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali jeħtieġ li jiġu adattati; spiss ma jkunux imfassla fuq il-ħtiġijiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom u tal-ħaddiema mhux standard, u b’hekk dawn jitħallew mingħajr biżżejjed protezzjoni. Pereżempju, mhux il-ħaddiema kollha għandhom id-dritt jikkontribwixxu u jipparteċipaw fl-iskemi kollha tal-protezzjoni soċjali. Fost l-ostakli għall-aċċess għall-benefiċċji nsibu l-ebda aċċess għall-iskemi tal-pensjoni għal uħud mill-ħaddiema mhux standard fi 13-il Stat Membru, l-ebda kopertura f’każ li l-persuni li jaħdmu għal rashom jindarbu fuq il-post tax-xogħol f’10 Stati Membri, u perjodu ta’ xogħol minimu għall-persuni li jaħdmu għal rashom f’disa’ Stati Membri. Linji gwida ġodda tal-Unjoni Ewropea jippruvaw itejbu s-sitwazzjoni billi jestendu l-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad, tal-mard u tal-kura tas-saħħa, tal-benefiċċji tal-maternità u tal-paternità, tal-benefiċċji tal-invalidità, tal-benefiċċji tal-età avvanzata u tal-benefiċċji f’każ li wieħed jindarab fuq il-post tax-xogħol jew jimrad b’mard relatat max-xogħol lill-persuni impjegati kollha u lil dawk li jaħdmu għal rashom. Il-linji gwida se jneħħu l-ostakli għall-aċċess għall-benefiċċji billi tingħata għajnuna biex jiġu ppreservati, akkumulati u/jew trasferiti l-intitolamenti, billi jiġi pprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni, u billi tingħata informazzjoni trasparenti dwar l-intitolamenti u l-obbligi individwali. Xi Stati Membri diġà qed jieħdu passi biex jestendu l-kopertura. Fis-Slovenja l-forom kollha ta’ xogħol issa huma inklużi fis-sistemi tas-sigurtà soċjali, u fid-Danimarka l-ħaddiema mhux standard u l-persuni li jaħdmu għal rashom huma integrati fl-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni f’każ ta’ qgħad.
Is-sena 2019 fi stampi

Jacinda Ardern, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, tiltaqa’ ma’ Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fi Brussell, il-Belġju, il-25 ta’ Jannar 2019.

Greta Thunberg tipparteċipa fi strajk tal-iskejjel għall-klima, fi Brussell, il-Belġju, il-21 ta’ Frar 2019.

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Xi Jinping, il-President taċ-Ċina, Emmanuel Macron, il-President ta’ Franza, u Angela Merkel, il-Kanċillier tal-Ġermanja, jiltaqgħu waqt laqgħa dwar il-governanza globali, f’Pariġi, Franza, is-26 ta’ Marzu 2019.

Paul Kagame, il-President tar-Rwanda, jiltaqa’ ma’ Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex ifakkru l-ġenoċidju tar-Rwanda, f’Kigali, ir-Rwanda, it-8 ta’ April 2019.

Poster li jippromwovi sensiela ta’ filmati “A day in the life” (Jum fil-ħajja) li jispjegaw kif l-UE ttejjeb il-ħajja taż-żgħażagħ, bħala parti mill-kampanja #EUandMe (l-UE u jien).

Posters storiċi mwaħħlin fil-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea, matul il-Jum għall-Pubbliku, fi Brussell, il-Belġju, l-4 ta’ Mejju 2019.

Esperti tat-tifi tan-nar mit-Tim tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE jagħtu pariri lill-forzi lokali tat-tifi tan-nar fil-Gwatemala meta l-pajjiż talab assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili wara staġun estiż ta’ nirien fil-foresti, f’Petén, il-Gwatemala, l-24 ta’ Mejju 2019.

Installazzjoni li tippromwovi l-kampanja tal-UE “Din id-darba se nivvota” biex tħeġġeġ lin-nies joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-istazzjon ferrovjarju ta’ Bruxelles-Luxembourg, fi Brussell, il-Belġju, l-24 ta’ Mejju 2019.

Il-bnadar mezzasta tal-UE fil-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea, wara l-mewt tal-eks President ta’ Franza, Jacques Chirac, fi Brussell, il-Belġju, it-30 ta’ Settembru 2019.

Filippo Grandi, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, jitkellem waqt il-Konferenza Internazzjonali ta’ Solidarjetà dwar il-Kriżi tar-Refuġjati u tal-Migranti tal-Venezwela, fi Brussell, il-Belġju, id-29 ta’ Ottubru 2019.

Ritratt ta’ biċċa mill-Ħajt ta’ Berlin bi graffiti tal-eks President tal-Istati Uniti Kennedy quddiem il-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea, qabel it-30 anniversarju tal-waqgħa tal-ħajt, fi Brussell, il-Belġju, id-29 ta’ Ottubru 2019.

L-ewwel “ritratt tal-grupp” tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida wara li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, fi Brussell, il-Belġju, is-27 ta’ Novembru 2019.

Jean-Claude Juncker fl-aħħar konferenza stampa tiegħu ta’ nofsinhar bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, fi Brussell, il-Belġju, id-29 ta’ Novembru 2019.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, tirċievi “id-dawl tal-paċi” tal-Milied, fi Brussell, il-Belġju, il-11 ta’ Diċembru 2019.

L-erba’ mexxejja tal-istituzzjonijiet. Christine Lagarde, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, u David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew, iżommu kopja tat-Trattat ta’ Lisbona f’idejhom fl-10 anniversarju tad-dħul fis-seħħ tiegħu, fi Strasburgu, Franza, is-17 ta’ Diċembru 2019.

Jewher Ilham taċċetta l-Premju Sakharov tal-2019 għal-Libertà tal-Ħsieb f’isem missierha, Ilham Tohti, għaref Uyghur li safa mitfugħ il-ħabs minħabba li ġġieled għad-drittijiet tal-minoranza Musulmana Uyghur fiċ-Ċina, fi Strasburgu, Franza, it-18 ta’ Diċembru 2019.
Kapitlu 6
Politika kummerċjali bbilanċjata u progressiva li tisfrutta l-globalizzazzjoni

© Fotolia
Fl-2019 l-UE kkonfermat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha bħala potenza kummerċjali minn ta’ quddiem, baqgħet waħda mill-ekonomiji l-iżjed miftuħin u qed issegwi aġenda ta’ negozjati kummerċjali ambizzjuża li l-għan tagħha hu li tiftaħ is-swieq u toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji tal-UE madwar id-dinja. L-ekonomija Ewropea tiddependi fuq il-kummerċ: kull €1 biljun ta’ esportazzjonijiet isostni 14,000 impjieg fl-Ewropa. L-aċċess miftuħ flimkien ma’ standards għoljin għadhom l-aqwa mezzi li bihom il-globalizzazzjoni tkun tajba għal kulħadd fl-Ewropa.
Sabiex issostni l-prosperità, l-UE ħadet l-impenn li toħloq sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli. L-UE baqgħet taqdi rwol ewlieni fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u filwaqt li baqgħet tiddefendiha, ipproponiet xi ideat biex tirriformaha. Meta jkun hemm min jikser ir-regoli kummerċjali internazzjonali jew min iwettaq prattiki kummerċjali inġusti, l-UE tiddefendi lin-negozji, lill-ħaddiema u liċ-ċittadini tagħha.
Fil-konfront ta’ tendenzi protezzjonisti u ostakli għall-kummerċ li kulma jmur qegħdin jiżdiedu, l-UE pproteġiet l-interessi tagħha. Daħħlet fis-seħħ regoli iktar b’saħħithom u iktar effettivi li jiddefendu l-kummerċ. L-UE stabbiliet ukoll qafas ġdid għall-iskrinjar ta’ investimenti strateġiċi minn barra l-UE.
Ikkonkludiet ftehimiet kummerċjali ma’ 72 pajjiż madwar id-dinja, li jammontaw għal 40 % tal-prodott domestiku gross dinji. Fl-2019 laħqet ftehim ġdid mal-blokk kummerċjali tal-Mercosur tal-Amerka t’Isfel, iffirmat ftehim mal-Vjetnam u daħal fis-seħħ il-ftehim kummerċjali bejnha u l-Ġappun. Ġie konkluż ftehim maċ-Ċina dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. L-UE għamlet ukoll ħafna progress fin-negozjati kummerċjali, fost l-oħrajn, mal-Awstralja, maċ-Ċilì u ma’ New Zealand.
Is-salvagwardja tar-regoli multilaterali
Il-politika kummerċjali trid tkun effettiva, trasparenti u bbażata fuq il-valuri. Il-valuri fundamentali tal-Istrateġija Kummerċ għal Kulħadd tal-2015 baqgħu jiggwidaw l-approċċ li ħadet l-UE fl-2019: l-aċċess miftuħ flimkien ma’ standards għoljin għadhom l-aqwa mezzi li bihom il-globalizzazzjoni tkun tajba għal kulħadd.

Il-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea hija magħmula minn netwerk ta’ 41 ftehim kummerċjali ma’ 72 pajjiż, u 15 minnhom għandhom ftehimiet kummerċjali mal-Unjoni Ewropea li daħlu fis-seħħ mill-2014 ’l hawn. Dawn il-ftehimiet kummerċjali kellhom żieda ta’ 15 % fl-esportazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bejn l-2014 u l-2018. Il-kummerċ mal-pajjiżi mhux tal-Unjoni jappoġġa lil 36 miljun impjieg tal-Unjoni Ewropea, 5 miljun iktar milli fl-2014. Ta aċċess għal €6.1 biljun f’opportunitajiet addizzjonali ta’ esportazzjoni permezz tat-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ. Fl-2018, l-ewwel sena sħiħa ta’ applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada, l-Unjoni Ewropea kellha żieda ta’ 10 % fit-trasport ta’ oġġetti tal-Unjoni Ewropea lejn il-Kanada. Sors: il-Eurostat.
Fl-2019 komplew jiżdiedu l-isfidi għas-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli li ssostni d-WTO. Iż-żieda ta’ nazzjonaliżmu u ta’ protezzjoniżmu wasslet għal żieda ta’ miżuri unilaterali kif ukoll għat-theddida li s-sistema kummerċjali globali tissejjes fuq is-saħħa minflok fuq il-ġustizzja. L-UE kompliet tibni fuq l-inizjattivi tagħha tal-2018, u ressqet xi proposti lid-WTO biex ittejjeb it-trasparenza u biex tindirizza t-tħassib tal-Istati Membri dwar ċerti prattiki kummerċjali b’mod iktar effiċjenti.
L-UE ħadmet id f’id ma’ sħab kummerċjali ewlenin biex issaħħaħ ir-regoli dwar is-sussidji u t-trasferimenti sfurzati tat-teknoloġija. Sabiex tissalvagwardja s-sistema tad-WTO għas-soluzzjoni tat-tilwimiet, ressqet xi proposti biex jiġu żblukkati l-ħatriet pendenti tal-Korp tal-Appell. Il-Korp m’għadx għandu kworum peress li l-mandati ta’ tnejn mill-aħħar tliet membri spiċċaw f’Diċembru, u b’hekk ma setax isegwi l-appelli fit-tilwimiet. Il-Kummissjoni Ewropea rreaġixxiet bil-proposta li temenda r-Regolament tal-UE dwar l-infurzar, biex jekk is-sħab kummerċjali jostakolaw is-soluzzjoni effettiva tat-tilwimiet, l-UE tkun tista’ taġixxi b’mod determinat biex tipproteġi l-interessi tagħha. Abbażi tar-regoli eżistenti tad-WTO, l-UE laħqet qbil ukoll dwar arranġament proviżorju tal-arbitraġġ tal-appell mal-Kanada u man-Norveġja biex tippreżerva sistema vinkolanti ta’ soluzzjoni tat-tilwimiet u d-dritt tal-appell f’każijiet ta’ tilwimiet bejniethom meta jieqaf jiffunzjona l-Korp tal-Appell.
Ewropa li tipproteġi
Meta ma jirnexxux l-interventi diplomatiċi, l-UE ma taħsibhiex darbtejn li tuża l-mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwimiet tad-WTO biex tinforza d-drittijiet tagħha u biex takkwista l-benefiċċji kollha tas-sħubija għan-negozji, għall-ħaddiema, u għall-bdiewa tagħha. Fl-2019 l-UE nediet proċeduri kontra t-Turkija b’rabta mal-prodotti farmaċewtiċi, kontra l-Indja b’rabta mat-trattament tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni tagħha, kontra l-Istati Uniti b’rabta mad-dazji kumpensatorji u mal-miżuri anti-dumping fuq iż-żebbuġ Spanjol, u kontra l-Kolombja b’rabta mal-miżuri anti-dumping fuq il-patata moqlija tal-friża mill-Belġju, mill-Ġermanja u min-Netherlands.
L-UE użat ukoll il-ftehimiet bilaterali tagħha għas-soluzzjonijiet tat-tilwimiet billi fetħet proċeduri kontra l-Korea t’Isfel biex tiddefendi l-istandards fundamentali tal-impjieg, kontra l-Ukrajna b’rabta ma’ projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-injam, u kontra r-restrizzjonijiet tal-Unjoni Doganali tan-Nofsinhar tal-Afrika b’rabta mal-importazzjoni tat-tjur tat-trobbija.
F’konformità mar-regoli tad-WTO u mal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-UE fetħet 15-il investigazzjoni ġdida b’rabta mal-importazzjonijiet b’dumping u l-importazzjonijiet issussidjati, u imponiet seba’ miżuri ġodda ta’ difiża tal-kummerċ. Dawn kienu jinkludu r-roti elettriċi miċ-Ċina u l-bijodiżil mill-Arġentina u mill-Indoneżja. L-UE fetħet ukoll sitt investigazzjonijiet ġodda ta’ rieżami u ġeddet 16-il miżura eżistenti għal ħames snin oħra.
Fl-2019 l-UE ressqet miżuri definittivi ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ 26 kategorija ta’ prodotti tal-azzar biex tindirizza l-potenzjal li ssir devjazzjoni kummerċjali tal-azzar lejn l-UE minn pajjiżi oħra minħabba tariffi addizzjonali imposti mill-Istati Uniti. Lejn tmiem is-sajf, wettqet rieżami tagħhom biex tadattahom għall-iktar qagħda reċenti.
L-UE ddefendiet ukoll lill-industriji tagħha meta pajjiżi mhux tal-UE fetħu investigazzjonijiet ta’ difiża tal-kummerċ tagħhom kontra l-esportazzjonijiet mill-UE. Xi eżempji huma l-investigazzjoni ta’ salvagwardja tat-Turkija dwar l-importazzjonijiet tat-tajers, l-investigazzjoni ta’ anti-dumping tal-Indja b’rabta mal-importazzjonijiet ta’ karta miksija u l-miżuri tal-Kolombja b’rabta mal-importazzjonijiet tal-patata moqlija tal-friża.
F’Marzu, id-WTO kkonfermat li fl-2020 l-UE se tingħata d-drittijiet ta’ ritaljazzjoni fit-tilwima kummerċjali mal-Istati Uniti b’rabta mas-sussidji lil Boeing, il-manifattur tal-inġenji tal-ajru. L-Istati Uniti ma kinux ikkonformaw ma’ deċiżjonijiet preċedenti dwar is-sussidji illegali lil dik il-kumpanija, li kkawżaw ħsara sinifikanti lill-kompetitur Ewropew tagħha, Airbus. F’Ottubru, f’tilwima kummerċjali li kienet għaddejja fl-istess żmien, id-WTO tat id-drittijiet ta’ ritaljazzjoni lill-Istati Uniti fil-kawża kontra Airbus. L-Istati Uniti introduċew tariffi addizzjonali fuq firxa ta’ prodotti minn għadd ta’ Stati Membri. L-UE għadha żżomm mal-impenn li ħadet biex tinstab soluzzjoni bbilanċjata li tista’ tiġi nnegozjata mal-Istati Uniti għal dawn it-tilwimiet.
Il-Kummissjoni lestiet l-adattament tal-proċeduri tagħha tad-difiża tal-kummerċ għal-leġiżlazzjoni mmodernizzata kontra s-sussidji u għal-leġiżlazzjoni dwar l-anti-dumping, li daħlu fis-seħħ fl-2017 u fl-2018, rispettivament. Bl-istess mod, għalqet lakuna biex mill-ħarifa tal-2019 setgħet tapplika miżuri ta’ difiża tal-kummerċ għall-oġġetti (pereżempju, l-pipelines ta’ taħt il-baħar) importati fil-blata kontinentali/fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni saħħet il-ġlieda tagħha kontra ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ u nediet investigazzjonijiet relatati b’rabta mal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-azzar inossidabbli, tal-persulfati u tal-oġġetti taċ-ċeramika għal fuq il-mejda, u fuq dawn tal-aħħar imponiet il-miżuri.
F’April daħal fis-seħħ Regolament ġdid għall-ewwel qafas fl-UE kollha għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani. Minn Ottubru tal-2020, dan se jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jidentifikaw u jindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà b’rabta ma’ investimenti speċifiċi minn barra l-UE.

L-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ tal-Unjoni Ewropea qed jiddefendu 360,000 impjieg Ewropew.
Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma importanti għat-tkabbir ekonomiku u huma kruċjali biex l-UE tkun tista’ tistimula l-innovazzjoni u tibqa’ kompetittiva globalment. L-UE żiedet l-isforzi tagħha biex tipproteġi u tinforza dawn id-drittijiet fil-livell internazzjonali, inkluż bl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni maċ-Ċina, max-Xlokk tal-Asja u mal-Amerka Latina, u bit-tnedija ta’ proġett ġdid ta’ assistenza għall-Afrika. Organizzat ukoll djalogi ma’ pajjiżi ta’ prijorità bħaċ-Ċina, it-Tajlandja, it-Turkija u l-Ukrajna. Bħala parti mill-ħidma tagħha b’rabta mal-Lista ta’ Sorveljanza għall-Falsifikazzjoni u għall-Piraterija, il-Kummissjoni saħħet il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, u organizzat djalogi regolari man-negozji tal-UE.
Iż-żieda ta’ protezzjoniżmu kienet tfisser li kulma jmur l-ostakli għall-kummerċ internazzjonali għal dawn in-negozji kienu qegħdin jiżdiedu. Ir-Rapport Annwali dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u għall-Investiment wera li l-istrateġija tal-UE dwar l-aċċess għas-swieq irnexxielha tindirizza dawn l-ostakli b’mod effettiv.

L-esportaturi tal-Unjoni Ewropea jiffaċċjaw 425 ostaklu għall-kummerċ f’59 pajjiż, u fl-2018 iffaċċjaw 45 ostaklu ġdid. Fl-istess sena, tneħħew 35 ostaklu, u total ta’ 123 ostaklu tneħħew tul il-mandat tal-Kummissjoni Juncker. It-tneħħija tal-ostakli bejn l-2014 u l-2017 wasslet €6 biljun addizzjonali f’esportazzjonijiet għall-kumpaniji tal-Unjoni Ewropea fl-2018. Sors: il-Kummissjoni Ewropea, “Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment — mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2018”, Ġunju 2019.
Matul is-sena kollha, l-UE kompliet it-taħditiet trilaterali mal-Ġappun u mal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet kummerċjali globali ewlenin, fost l-oħrajn dwar kif għandhom jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kummerċjanti billi jiġu żviluppati regoli multilaterali ġodda dwar is-sussidji industrijali u t-trasferiment sfurzat tat-teknoloġija.
Bħala membru fundatur tal-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Tortura, li ġiet stabbilita fl-2017, l-UE baqgħet tieħu pożizzjoni ċara dwar l-oġġetti li jintużaw għall-piena kapitali u għat-tortura. Wara l-impenn li ħadet l-Alleanza fl-2018 biex tippromwovi riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar din il-kwistjoni, f’Ġunju l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għaddiet riżoluzzjoni li l-mira tagħha kienet l-abolizzjoni tal-kummerċ ta’ tagħmir li jintuża għat-tortura.
Politika kummerċjali li tħares lejn il-futur
Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE huma maħsuba mhux biss biex jinfetħu swieq ġodda, iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-kummerċ ikun tajjeb għal kulħadd. Il-ftehimiet jissalvagwardjaw l-istandards tal-UE b’rabta mal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, u jgħinu lill-pajjiżi sħab iżommu mal-obbligi internazzjonali tagħhom. Pereżempju, l-UE nediet programmi ta’ bini ta’ kapaċità u programmi ta’ sensibilizzazzjoni b’valur ta’ €9 miljun biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi tal-impjiegi u ambjentali permezz ta’ ktajjen tal-provvista responsabbli, kemm fl-Asja kif ukoll fl-Amerka Latina.
L-UE kellha rwol ewlieni fid-diskussjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-riforma ta’ kif l-investituri jistgħu jsolvu t-tilwimiet mal-pajjiżi. F’Jannar ressqet proposta lill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Kummerċjali Internazzjonali biex tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ dan it-tip ta’ tilwimiet. Din il-proposta tirrappreżenta innovazzjoni kbira fil-governanza globali.
F’Settembru, il-Kummissjoni Ewropea ospitat konferenza ta’ livell għoli fi Brussell dwar l-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz tal-kummerċ.
Proċess ta’ negozjati trasparenti u inklużiv
It-trasparenza u l-involviment tal-pubbliku għadhom ingredjenti essenzjali tal-politika kummerċjali tal-UE biex jiġi żgurat li jkun hemm proċess demokratiku, fiduċja tal-pubbliku u responsabbiltà. Dawn iridu jkunu hemm qabel ma jibdew in-negozjati, waqt in-negozjati, u warajhom, kif ukoll meta l-ftehimiet jiġu implimentati.

Fl-2019, kien hemm 24 laqgħa ma’ għaqdiet tal-karità, organizzazzjonijiet taċ-ċittadini, gruppi tan-negozju, eċċ., u 14-il laqgħa uffiċjali mal-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew għal djalogu miftuħ dwar il-kummerċ. In-numru ta’ proposti rigward it-testi tan-negozjati żdied minn 11 fl-2016 għal 48 fl-2017, għall-ogħla numru ta’ 177 fl-2018 u lura għal 42 fl-2019. In-numru ta’ rapporti tar-rawnds ta’ negozjati li tfasslu żdied b’mod kostanti minn 11 fl-2016 għal 16 fl-2017, għal 18 fl-2018 u għal 19 fl-2019. In-numru ta’ skedi informattivi li tfasslu żdied ferm, minn sitta fl-2016 għal 93 fl-2017, għall-ogħla numru ta’ 103 fl-2018 u lura għal 17 fl-2019.
Il-Kummissjoni kompliet tippubblika r-rapporti tar-rawnds tan-negozjati, id-dokumenti ta’ pożizzjoni u l-proposti għal testi fil-ftehimiet kummerċjali li kienu qed jiġu nnegozjati. Ippubblikat ukoll it-tielet Rapport Annwali komprensiv tagħha fejn ġiet ivvalutata l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Permezz tiegħu, il-partijiet ikkonċernati, is-soċjetà ċivili u istituzzjonijiet oħra tal-UE setgħu jiskrutinizzaw il-mod kif l-UE qed timplimenta l-ftehimiet, u pprovda tagħlimiet għan-negozjati kummerċjali li hemm għaddejjin u għal dawk tal-futur.

Il-Kummissjoni tikkollabora ma’ 529 organizzazzjoni rreġistrata tas-soċjetà ċivili permezz ta’ qafas permanenti dedikat tad-Djalogu mas-Soċjetà Ċivili. Fl-2019, iktar minn 1,000 ċittadin ipparteċipaw f’24 laqgħa tad-Djalogu mas-Soċjetà Ċivili, u Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Kummerċ tal-Unjoni Ewropea, organizzat żewġ Djalogi taċ-Ċittadini fl-Istati Membri.
Il-Grupp ta’ Esperti tal-Ftehimiet Kummerċjali ltaqa’ sitt darbiet fl-2019 biex jiddiskuti kwistjonijiet bħall-kummerċ elettroniku, ir-riforma tad-WTO u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali. Il-Grupp, magħmul minn 28 organizzazzjoni li jirrappreżentaw in-negozji, it-trade unions, il-konsumaturi u l-korpi ambjentali, għandu l-għan li jrawwem id-djalogu u li jiġbor il-fehmiet ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati.
Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur
F’Ġunju, l-UE waslet għal qbil politiku dwar ftehim kummerċjali komprensiv mal-Mercosur, inkluż l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj.

Il-ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l‒Mercosur huwa importanti għaliex iż-żewġ naħat ħadu impenn ċar favur kummerċ internazzjonali miftuħ u bbażat fuq ir-regoli. Il-ftehim se jneħħi iktar minn €4 biljun ta’ dazji tal-Mercosur fuq l-importazzjoni, u l-pajjiżi tal-Mercosur se jiksbu aċċess aħjar għas-suq tal-Unjoni Ewropea. Se jankra u jappoġġa wkoll ir-riformi ekonomiċi interni fil-pajjiżi tal-Mercosur filwaqt li jissalvagwardja l-ogħla standards tas-sikurezza tal-ikel u tal-protezzjoni tal-konsumatur. Jenfasizza d-dritt li r-regoli ambjentali jiġu bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, u fih impenji legalment vinkolanti rigward id-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni ambjentali, inkluż rigward l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l‒Mercosur se jipproteġi iktar minn 350 speċjalità tal-ikel tradizzjonali Ewropej mill-imitazzjoni. Se jiżgura wkoll it-tneħħija tat-tariffi fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-UE, bħall-karozzi (it-tariffa attwali hija 35 %), il-prodotti farmaċewtiċi (it-tariffi sa 14 %), il-ħwejjeġ (35 %), iż-żraben tal-ġilda (35 %), l-inbid (27 %) u ċ-ċikkulata (20 %). Sors: il-Kummissjoni Ewropea
Bħala parti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni iktar wiesa’ bejn iż-żewġ blokok, il-ftehim il-ġdid se jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi mill-qrib bejniethom, u se joħloq suq ta’ 780 miljun persuna. L-UE hija l-ikbar sieħeb kummerċjali u ta’ investiment tal-Mercosur, u hija l-ewwel sieħeb li għamel ftehim kummerċjali komprensiv mal-Mercosur.
Ladarba dan il-ftehim jidħol fis-seħħ, se jbaxxi t-tariffi, se jżid l-opportunitajiet ta’ negozju, se jwessa’ l-għażla għall-konsumaturi, se jnaqqas il-burokrazija, se jagħti spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività, se jippromwovi valuri kondiviżi bħall-iżvilupp sostenibbli u se jkattar l-impjiegi. Se jippromwovi wkoll standards għoljin ambjentali u tal-impjiegi. Barra minn hekk, l-UE u l-Mercosur ħadu l-impenn li jimplimentaw b’mod effettiv il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Ġappun
Fl-1 ta’ Frar tal-2019, daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, li kien ġie ffirmat f’Lulju tal-2018. Dan ħoloq żona kummerċjali miftuħa għal iktar minn 570 miljun persuna. Jelimina kważi d-dazji Ġappuniżi kollha fuq l-importazzjoni, b’valur ta’ €1 biljun, li jħallsu kull sena l-kumpaniji tal-UE li jesportaw lejn il-Ġappun, u jelimina wkoll għadd ta’ ostakli regolatorji li ilhom stabbiliti.

Shinzō Abe, il-Prim Ministru tal-Ġappun, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fil-Forum dwar il-Konnettività bejn l-UE u l-Asja, fi Brussell, il-Belġju, is-27 ta’ Settembru 2019.
Il-ftehim iżid l-esportazzjonijiet mill-UE, joħloq opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji Ewropej, pereżempju jiffaċilitalhom l-aċċess għas-swieq Ġappuniżi tal-akkwist pubbliku, jagħti għażla iktar wiesgħa għall-konsumaturi, u jgħin l-isforzi konġunti tagħhom biex ifasslu regoli kummerċjali globali. Dan huwa l-ewwel ftehim kummerċjali tal-UE li jinkludi impenn speċifiku għall-konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Matul is-sena, l-UE kompliet bin-negozjati mal-Ġappun b’rabta mal-istandards tal-protezzjoni tal-investiment u b’rabta mar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet.
L-Asja u l-Awstralasja
L-iffirmar ta’ ftehimiet bejn l-UE u l-Vjetnam dwar il-kummerċ ħieles u l-protezzjoni tal-investiment fit-30 ta’ Ġunju, kien stadju importanti fis-sħubija ta’ bejniethom. Dawn il-ftehimiet huma l-iżjed ftehimiet ambizzjużi li qatt ġew innegozjati bejn l-UE u ekonomija emerġenti. Wara r-ratifika, il-ftehim ta’ kummerċ ħieles jista’ jidħol fis-seħħ f’nofs l-2020. Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru.
Il-ftehimiet ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jsaħħu l-involviment tal-UE f’dan ir-reġjun. L-UE organizzat ukoll tliet rawnds ta’ negozjati għal ftehim kummerċjali mal-Indoneżja. Saru tliet rawnds ta’ taħditiet waqt in-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali mal-Awstralja u erbgħa ma’ New Zealand.

L-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam iffirmaw ftehim ta’ kummerċ ħieles u ftehim ta’ protezzjoni tal-investiment fit-30 ta’ Ġunju 2019. Huwa l-iktar ftehim ta’ kummerċ ħieles ambizzjuż li qatt ġie konkluż ma’ pajjiż li qed jiżviluppa. Se jwassal għat-tneħħija ta’ 99 % tad-dazji doganali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam. Fl-2018, il-kummerċ tal-oġġetti bejn l-UE u l-Vjetnam kien jammonta għal €49 biljun. L-Unjoni Ewropea se tesporta oġġetti elettriċi u ta’ teknoloġija avvanzata, makkinarju u inġenji tal-ajru, u se timporta settijiet tat-telefon, żraben, ross u tessuti. Il-ftehim jikkunsidra wkoll żvilupp sostenibbli, peress li l-Vjetnam ħa impenji biex jiġu implimentati l-istandards internazzjonali ewlenin tax-xogħol, favur il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex tiġi protetta l-bijodiversità. Sors: il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Singapore huwa l-ewwel sieħeb kummerċjali tal-Unjoni Ewropea fix-Xlokk tal-Asja. Il-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment konklużi se jistabbilixxu l-parametru referenzjarju għall-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi l-oħra fir-reġjun. L-oqsma ewlenin koperti minn dawn il-ftehimiet huma t-tikkettar u l-ittestjar għas-sikurezza, il-proprjetà intellettwali, l-enerġija rinnovabbli, il-kumpaniji żgħar, l-akkwist pubbliku, l-ambjent u x-xogħol. Dawn se jiġġeneraw valur totali ta’ kummerċ bilaterali ta’ €58.1 biljun, u €21.1 biljun f’esportazzjonijiet Ewropej. L-Unjoni Ewropea se tesporta karozzi u makkinarju u se timporta prodotti kimiċi u farmaċewtiċi. Fir-rigward tal-kummerċ tas-servizzi, il-valur totali tal-kummerċ bilaterali se jkun €44.4 biljun. Xi 10,000 kumpanija tal-Unjoni Ewropea diġà jużaw Singapore bħala hub reġjonali. Fl-2016 il-valur tal-investimenti bilaterali tal-Unjoni Ewropea kien €255.5 biljun, b’żieda ta’ 25 % fl-investimenti bilaterali totali bejn l-2014 u l-2015. Benefiċċji oħra tal-ftehim ġdid bejn l‒Unjoni Ewropea u Singapore huma l-eliminazzjoni tat-tariffi kollha ta’ Singapore fuq l-esportazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea u tal-biċċa l-kbira tat-tariffi tal-Unjoni Ewropea fuq il-prodotti ta’ Singapore, kif ukoll it-tneħħija tal-ostakli mhux tariffarji f’oqsma bħall-elettronika, fejn Singapore se tirrikonoxxi l-istandards tal-Unjoni Ewropea. Il-ftehim se jgħin ukoll biex jiġu protetti d-drittijiet tal-persuni fuq il-post tax-xogħol u se jintroduċi ftehim ta’ protezzjoni tal-investiment fl-UE kollha. Sors: il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
L-Istati Uniti
Fin-negozjati mal-Istati Uniti, il-prijoritajiet baqgħu l-iżvilupp ta’ aġenda kummerċjali pożittiva, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni u l-evitar ta’ tilwimiet kummerċjali. Dawn kienu bbażati fuq l-istqarrija konġunta maħruġa fl-2018 mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker u mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li stabbiliet Grupp ta’ Ħidma Eżekuttiv biex jiffaċilita l-kummerċ u biex jiżviluppa aġenda kummerċjali Transatlantika pożittiva.

L-Istati Uniti huma l-ikbar suq tal-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-oġġetti. Fl-2018, kienu jirrappreżentaw €407 biljun u 21 % tal-esportazzjonijiet totali ta’ oġġetti mill-Unjoni Ewropea. Sors: il-Eurostat.
Fl-2019, il-Grupp iffoka fuq kwistjonijiet regolatorji. F’April, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja mal-Istati Uniti b’rabta mat-tariffi industrijali u l-valutazzjoni tal-konformità.
F’Lulju, il-Kummissjoni ppubblikat rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta, li wera li nkisbu riżultati pożittivi, b’mod partikolari f’setturi bħal tal-enerġija, tal-fażola tas-sojja, tal-prodotti farmaċewtiċi, taċ-ċibersigurtà u tal-apparati mediċi. Fl-2019, l-importazzjonijiet tal-UE ta’ gass naturali likwifikat mill-Istati Uniti laħqu l-ogħla volum li qatt intlaħaq, u b’hekk il-provvista tal-enerġija fl-UE saret iktar diversifikata u sigura. Saret iktar ħidma kkonċentrata fuq il-valutazzjoni tal-konformità, fuq l-istandards għat-teknoloġiji l-ġodda u għal dawk li qed jiġu żviluppati, u fuq il-progress kontinwu f’setturi speċifiċi. Sakemm titkompla din il-ħidma, iż-żewġ naħat qablu li ma jintroduċux tariffi ġodda fil-kummerċ tagħhom.
F’Lulju, l-UE qablet li żżid is-sehem tal-kwoti tal-Istati Uniti b’rabta mal-importazzjoni ta’ ċanga ħielsa mill-ormoni. Bħala att reċiproku, l-Istati Uniti aċċettaw li ma jerġgħux jieħdu azzjoni kontra l-UE fl-investigazzjoni tat-Taqsima 301 tal-miżuri tal-UE b’rabta mal-laħam u l-prodotti tal-laħam. Daħal fis-seħħ ukoll il-ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ispezzjonijiet tas-siti tal-manifattura tal-mediċini għall-użu mill-bniedem.
Iċ-Ċina
Is-summit bejn l-UE u ċ-Ċina f’April irriżulta f’diversi impenji konġunti. Iċ-Ċina aċċettat li tneħħi diversi ostakli għall-kummerċ u ħadet l-impenn li tikkonkludi ftehim dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (l-ismijiet ta’ prodotti tal-ikel u tax-xorb tradizzjonali Ewropej) u li tlesti n-negozjati komprensivi dwar l-investiment sal-2020.

Il-Ftehim dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi bejn l-Unjoni Ewropea u ċ‒Ċina huwa trattat storiku bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina. Huwa eżempju konkret ta’ kooperazzjoni bejn żewġ partijiet u jirrifletti l-ftuħ u r-rispett għar-regoli internazzjonali bħala bażi għar-relazzjonijiet kummerċjali. 100 indikazzjoni ġeografika tal-Unjoni Ewropea huma protetti fiċ-Ċina u 100 indikazzjoni ġeografika taċ-Ċina huma protetti fl-Unjoni Ewropea. Il-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea li jridu jiġu protetti fiċ-Ċina tinkludi prodotti bħall-Mozzarella di Bufala Campana, il-Languedoc, l-Elia Kalamatas u l-Münchener Bier. Fost il-prodotti Ċiniżi, il-lista tinkludi l-Wuyuan Lü Cha (it-te aħdar ta’ Wuyuan), iċ-Chaidamu Gou Qi (il-goġi ta’ Chaidamu), il-Panjin Da Mi (ir-ross ta’ Panjin) u l-Wuchuan Yue Bing (il-mooncake ta’ Wuchuan). Iċ-Ċina għandha suq ta’ 1.4 biljun konsumatur u hija t-tieni l-ikbar destinazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-prodotti agroalimentari tal-Unjoni Ewropea, u laħqet kummerċ ta’ €13.5-il biljun bejn Novembru 2018 u Ottubru 2019. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 27.2 % f’sena waħda. Is-suq Ċiniż huwa suq b’potenzjal tat-tkabbir kbir għall-ikel u għax-xorb Ewropej, u għandu klassi medja li qed tikber u li hija midħla tal-prodotti ikoniċi Ewropej. Għandu wkoll sistema ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tiegħu stess li hija stabbilita ferm, u li issa, bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, il-konsumaturi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiskopruha iktar. Wara l-konklużjoni tan-negozjati, il-ftehim issa se jgħaddi minn skrutinju legali. Min-naħa tal-Unjoni Ewropea, se tintalab l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-ftehim mistenni jidħol fis-seħħ qabel tmiem l-2020. Erba’ snin wara li jidħol fis-seħħ, l-ambitu tal-ftehim se jiġi estiż biex ikopri 175 isem ieħor ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi miż-żewġ naħat. Dawn l-ismijiet ikollhom isegwu l-istess proċedura ta’ reġistrazzjoni bħall-100 isem li diġà huma koperti mill-ftehim. Sors: il-Eurostat.
F’Novembru, in-negozjati dwar il-protezzjoni ta’ dawn l-indikazzjonijiet ġew konklużi wara disa’ snin ta’ ħidma. Dan il-ftehim, meta jidħol fis-seħħ, għandu jagħti livell għoli ta’ protezzjoni lil 200 isem, u lil 175 isem ieħor sa erba’ snin wara. Iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar suq tal-UE għall-prodotti agroalimentari, u hija suq li qed jikber għall-prodotti li jkollhom indikazzjoni ġeografika speċifika.
L-UE u ċ-Ċina kellhom sitt rawnds ta’ taħditiet biex jaslu għal ftehim ta’ investiment u komplew il-ħidma b’rabta mar-riforma tad-WTO.

L-Unjoni Ewropea hija l-ikbar sieħeb kummerċjali taċ-Ċina filwaqt li ċ-Ċina hija t-tieni l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina kellu valur ta’ €1.7 biljun kuljum fl-2018. Fl-2018, l-Unjoni Ewropea esportat oġġetti b’valur ta’ €211 biljun lejn iċ-Ċina u importat oġġetti b’valur ta’ €395 biljun. L-Unjoni Ewropea esportat servizzi b’valur ta’ €51 biljun lejn iċ-Ċina, filwaqt li ċ-Ċina esportat servizzi b’valur ta’ €30 biljun lejn l-Unjoni Ewropea. Attwalment l-Unjoni Ewropea qed tinnegozja ftehim komprensiv dwar l-investiment maċ-Ċina. Dan il-ftehim għandu joħloq kundizzjonijiet iktar ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozju u opportunitajiet tas-suq ġodda għaż-żewġ naħat. Għandu jħeġġeġ ukoll liċ-Ċina tavvanza r-riformi ekonomiċi tagħha u tagħti rwol iktar deċiżiv lis-suq. Dan se jwitti t-triq għal ambizzjonijiet kummerċjali usa’ meta l-kundizzjonijiet ikunu tajbin. Sors: il-Eurostat.
Il-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk ġie emendat biex ikun jinkludi n-nies tas-Saħara tal-Punent, u b’hekk iwitti t-triq biex jerġgħu jibdew it-taħditiet biex jiġi approfondit il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk. F’Mejju, in-negozjati għal Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva mat-Tuneżija ġew sospiżi minħabba l-qagħda politika f’dak il-pajjiż.
L-UE organizzat diskussjonijiet bilaterali dwar il-kummerċ u l-investiment ma’ wħud mill-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf. Fil-bidu tal-2019 daħlu fis-seħħ it-titjibiet fl-iskema tar-Regoli dwar l-Oriġini li kienu ġew innegozjati mal-Ġordan biex jappoġġaw l-impjieg ta’ refuġjati Sirjani.
Fil-każ taż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, mal-Moldova u mal-Ukrajna, l-UE ffukat fuq l-implimentazzjoni. Laħqet ftehim ukoll mal-Ukrajna biex tillimita l-esportazzjonijiet tat-tjur tat-trobbija tagħha lejn l-UE. Fis-6 ta’ Lulju, l-UE inizjalat Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni mal-Kirgiżistan li fih kapitli importanti dwar il-kummerċ.
L-Amerka Latina
Fl-2019 tkompliet il-ħidma mal-Messiku għall-iffirmar u għall-konklużjoni tal-Ftehim Globali Modernizzat. L-UE u ċ-Ċilì kellhom tliet rawnds ta’ negozjati biex jaġġornaw il-ftehim kummerċjali tal-2002 ta’ bejniethom. L-għan hu li jaslu għal ftehim ambizzjuż, ibbilanċjat u progressiv li jkompli jilliberalizza l-kummerċ u l-investiment, jippromwovi l-valuri tal-UE u jittratta kwistjonijiet bħall-kummerċ u bħall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Id-dispożizzjonijiet dwar din il-kwistjoni tal-aħħar se jsaħħu l-fehim tad-diffikultajiet u tal-opportunitajiet li jkollhom in-nisa fil-kummerċ internazzjonali, u se jikkondividu l-aqwa prattiki li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa.

Inbejjed Franċiżi f’supermarket fil-Belt tal-Messiku li jbigħ prodotti Ewropej. Il-Ftehim Globali mmodernizzat bejn l-UE u l-Messiku se jilliberalizza 99 % tal-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet.
F’Ġunju, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali, saret il-ħames laqgħa tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, u f’Ottubru, l-UE, il-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù ltaqgħu fil-qafas tar-raggruppament tal-kumitat kummerċjali.
Il-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku
Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika huma ftehimiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp bejn l-UE u pajjiżi u reġjuni tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Attwalment hemm ftehimiet ta’ dan it-tip li huma fis-seħħ proviżorjament ma’ 31 pajjiż jew reġjun minnhom. Dawn il-ftehimiet jistgħu jitqiesu bħala l-ewwel passi lejn żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-kontinenti inkwistjoni, li hi waħda mill-għanijiet fit-tul tal-Alleanza l-ġdida bejn l-Afrika u l-Ewropa għal Investiment u għal Impjiegi Sostenibbli, li tappoġġa l-isforzi Afrikani biex tinkiseb żona ta’ kummerċ ħieles kontinentali. Fi Frar, Comoros issieħeb fil-ftehim tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika, u f’Ottubru, l-UE nediet taħditiet ma’ ħames pajjiżi li qed jimplimentaw il-ftehim attwali biex jestenduh lil hinn mit-tneħħija tat-tariffi, sabiex jittratta ostakli oħra għall-kummerċ u għall-investiment, u sabiex joħloq l-opportunitajiet. L-UE ddiskutiet ukoll dwar il-kummerċ u l-investiment bħala parti min-negozjati li għadhom għaddejjin biex jissawwar ftehim qafas li jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Cotonou.
Kapitlu 7
Żona ta’ ġustizzja u drittijiet fundamentali bbażata fuq il-fiduċja reċiproka

© Fotolia
Id-demokrazija tista’ tirnexxi fis-soċjetà tagħna biss jekk ikollna qrati indipendenti li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili, soċjetà ċivili attiva u midja ħielsa, li flimkien jiżguraw il-pluraliżmu. Fl-2019, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar sensiela ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ azzjonijiet immirati lejn il-promozzjoni aħjar ta’ dan il-prinċipju fundamentali, lejn il-prevenzjoni mtejba tat-theddidiet u lejn rispons aħjar għall-ksur relatat miegħu.
Il-liġijiet modernizzati tal-UE jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur billi jiġġieldu kontra l-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa, billi jintroduċu regoli effettivi dwar il-penali u billi jipprovdu rimedji lill-vittmi ta’ prattiki inġusti.
Forom ġodda ta’ protezzjonijiet għall-informaturi jsaħħu l-infurzar tar-regoli tal-UE f’każijiet li fihom ksur jinvolvi ħsara serja għall-interess pubbliku. L-UE qed tieħu pożizzjoni b’saħħitha billi tipproteġi lil dawk li jieħdu riskju meta jitkellmu sabiex jikxfu ksur tal-liġi tal-UE. Dawn ir-regoli jipproteġu wkoll il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, peress li l-informaturi huma sorsi kruċjali għall-ġurnalisti investigattivi.
Il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019 kienet l-ogħla waħda (50.7 %) mill-1994 ’l hawn. Approċċ koordinat mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż l-implimentazzjoni tal-pakkett elettorali tal-Kummissjoni, għen biex it-tieni l-akbar elezzjonijiet demokratiċi fid-dinja jiġu protetti minn manipulazzjonijiet u interferenzi.
It-tisħiħ tal-istat tad-dritt
L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea; l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom responsabbiltà kondiviża li jissalvagwardjawh.
L-osservanza tal-istat tad-dritt hija essenzjali għall-funzjonament tal-UE fl-oqsma kollha, mis-suq intern għall-kooperazzjoni fil-ġustizzja u l-affarijiet interni. Is-salvagwardja tal-istat tad-dritt tfisser ukoll li jrid jiġi żgurat li l-imħallfin nazzjonali, li huma wkoll imħallfin tal-UE, ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom meta jittrattaw kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.
F’April, il-Kummissjoni nediet eżerċizzju ta’ rendikont li jagħti ħarsa lejn l-għodod disponibbli għall-monitoraġġ, għall-valutazzjoni u għall-protezzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni. L-eżerċizzju ta ħarsa lejn l-esperjenza tas-snin li għaddew u ppropona li jsir dibattitu Ewropew usa’ dwar kif jista’ jissaħħaħ iktar. L-esperjenza tal-passat indikat il-ħtieġa li jkun hemm promozzjoni aħjar tal-istat tad-dritt, prevenzjoni bikrija tar-riskji jew tal-ksur, u rispons effettiv meta dawn iseħħu.
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni oħra, li fiha stabbiliet il-proposti tagħha stess fit-tliet oqsma tal-promozzjoni, tal-prevenzjoni u tar-rispons.
Rigward l-ewwel qasam, jiġifieri l-promozzjoni, il-Kummissjoni se ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha mal-pubbliku ġenerali dwar l-istat tad-dritt, se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u se tipprovdi finanzjament għall-partijiet ikkonċernati, inkluż is-soċjetà ċivili, li jippromwovu kultura komuni tal-istat tad-dritt.
Għat-tieni qasam, jiġifieri l-prevenzjoni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi ċiklu annwali ta’ rieżami tal-istat tad-dritt biex timmonitorja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha. Sabiex tappoġġa dan il-proċess, se tħejji Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt, se tiżviluppa iktar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, u se ssaħħaħ id-djalogu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.
Għat-tielet qasam, jiġifieri r-rispons, il-Kummissjoni se jkollha approċċ strateġiku għall-proċeduri ta’ ksur, filwaqt li se tibni fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li qed tiġi żviluppata.

L-għan tal-qafas tal-istat tad-dritt hu li jiġu indirizzati t-theddidiet sistemiċi għall-istat tad-dritt permezz ta’ djalogu b’diversi stadji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati. Dan jaħdem permezz ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni segwita minn opinjoni u rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u minn proċess ta’ monitoraġġ tas-segwitu tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. L-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa miżura eċċezzjonali u tal-aħħar istanza biex tipprevjeni jew issolvi ksur serju tal-istat tad-dritt fi Stat Membru. Il-mekkaniżmu jiġi attivat mill-Parlament Ewropew, mill-Kummissjoni jew minn terz tal-Istati Membri, segwit mill-Kunsill Ewropew li jiddetermina li jkun sar ksur tal-valuri tal-Artikolu 2. Flimkien ma’ din id-deċiżjoni hemm il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet estensivi, inkluż is-sospensjoni mid-dritt għall-vot fil-Kunsill. Il-proċeduri ta’ ksur għandhom l-għan li jiġi żgurat li l-liġi tal-Unjoni Ewropea qed tiġi implimentata b’mod korrett u qed tiġi rrispettata fil-livell nazzjonali. Il-proċeduri ta’ ksur huma proċess bi tliet stadji bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, u li fi tmiemu l-Kummissjoni tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni appellat ukoll għall-adozzjoni rapida tal-proposta ppreżentata fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-UE f’każ li n-nuqqasijiet ġeneralizzati tal-istat tad-dritt joħolqu riskju għall-interessi finanzjarji tal-UE.
Il-Kummissjoni ressqet diversi proċedimenti ta’ ksur relatati mal-istat tad-dritt. Fl-24 ta’ Ġunju u fil-5 ta’ Novembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjonijiet finali fi proċedimenti ta’ ksur li tressqu mill-Kummissjoni kontra l-Polonja, li jikkonfermaw li l-leġiżlazzjoni Pollakka dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-imħallfin tal-qrati ordinarji qiegħda tikser il-liġi tal-UE rigward l-indipendenza ġudizzjarja. Barra minn hekk, fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur rigward ir-reġim dixxiplinarju l-ġdid għall-imħallfin, peress li dan ir-reġim ixekkel l-indipendenza ġudizzjarja għaliex ma jagħtix il-garanziji meħtieġa biex l-imħallfin Pollakki jkunu protetti mill-kontroll politiku.
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja għall-Kroazja, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, Malta, il-Portugall u s-Slovakkja.
Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
L-iżgurar tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà
L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà ġie adottat f’April u jiżgura li ċerti prodotti u servizzi bħall-mowbajls, il-kompjuters, il-kotba elettroniċi, il-kummerċ elettroniku, is-siti web dwar it-trasport u s-servizzi bankarji għall-konsumaturi jkunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.

F’Diċembru, Varsavja rebħet il-Premju ta’ Belt Aċċessibbli tal-2020, li jirrikonoxxi r-rieda, l-abbiltà u l-isforzi ta’ belt biex issir iktar aċċessibbli.© L-Unjoni Ewropea, 2019
F’Mejju l-Kummissjoni nediet il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni “Kif l-UE tgħin fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol”, li tinforma lin-nies u lill-kumpaniji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
Il-protezzjoni tal-informaturi
F’Ottubru ġew adottati standards għall-UE kollha biex jiġi garantit livell għoli ta’ protezzjoni għall-informaturi li jirrappurtaw ksur tar-regoli tal-UE. Id-Direttiva tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ewlenin bħall-akkwist pubbliku; is-sikurezza tal-prodotti, tal-ikel u tat-trasport; il-protezzjoni ambjentali; is-saħħa pubblika; u s-sikurezza nukleari. Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu mezzi kif jista’ jsir rappurtar kunfidenzjali, kemm fl-organizzazzjonijiet privati u pubbliċi kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi, u se jipproteġu lill-impjegati mit-tkeċċija u minn forom oħra ta’ ritaljazzjoni.
Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, ir-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda
F’Jannar, ir-raba’ evalwazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diskors illegali ta’ mibegħda online ffirmat fl-2016 ma’ kumpaniji kbar tal-IT, uriet li l-inizjattiva qed tkompli twassal riżultati pożittivi. Il-kumpaniji tal-IT jirrieżaminaw 89 % tal-kontenut issenjalat fi żmien 24 siegħa u jneħħuh fi 72 % tal-każijiet, meta mqabbel ma’ 40 % u 28 %, rispettivament, meta l-kodiċi ġie mniedi fl-2016. L-evalwazzjoni indikat ukoll l-oqsma fejn il-kumpaniji jridu jtejbu l-feedback tagħhom lill-utenti.
Qabel l-elezzjonijiet Ewropej, il-Kummissjoni ppubblikat rapporti ta’ kull xahar minn Facebook, Google u Twitter li wrew li nkiseb xi progress rigward l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklamar, it-trasparenza tar-reklamar politiku, l-għeluq tal-kontijiet foloz u s-sistemi ta’ mmarkar ta’ bots awtomatizzati. Madankollu, il-firmatarji jeħtieġ jintensifikaw l-isforzi tagħhom, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiżviluppaw għodod li jżidu t-trasparenza u l-affidabbiltà ta’ siti web bir-reklami.

Fl-ewwel rawnd ta’ monitoraġġ f’Diċembru 2016, ir-rata ta’ notifiki rieżaminati fl-ewwel 24 siegħa laħqet 60 % għal YouTube, 50 % għal Facebook, u 20 % għal Twitter. Fit-tieni rawnd ta’ monitoraġġ f’Mejju 2017, ir-rata ta’ notifiki rieżaminati fl-ewwel 24 siegħa laħqet 40 % għal YouTube, kemm kemm inqas minn 60 % għal Facebook, u kemm kemm inqas minn 40 % għal Twitter. Fit-tielet rawnd ta’ monitoraġġ f’Diċembru 2017, ir-rata ta’ notifiki rieżaminati fl-ewwel 24 siegħa laħqet 60 % għal YouTube, kemm kemm inqas minn 90 % għal Facebook, u 80 % għal Twitter. Fir-raba’ rawnd ta’ monitoraġġ f’Diċembru 2018, ir-rata ta’ notifiki rieżaminati fl-ewwel 24 siegħa laħqet 80 % għal YouTube, iktar minn 90 % għal Facebook, u kemm kemm inqas minn 90 % għal Twitter. F’dan ir-rawnd ġew rieżaminati Instagram u Google+, fejn fin-notifiki rieżaminati fl-ewwel 24 siegħa rreġistraw kemm kemm inqas minn 80 % u 60 %, rispettivament. Ir-rata medja ta’ notifiki rieżaminati kibret b’mod kontinwu, minn 40 % f’Diċembru 2016, 50 % f’Mejju 2017 u 80 % f’Diċembru 2017, għal kważi 90 % f’Diċembru 2018.

L-Unjoni Ewropea għandha azzjoni konġunta u kkoordinata kontra d-diżinformazzjoni. Bdiet bit-tnedija tat-Task Force East StratCom tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna f’Marzu 2015, segwita bil-ħolqien ta’ qafas konġunt għall-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi f’April 2016. Fir-rebbiegħa tal-2018, ġiet rilaxxata Komunikazzjoni msejħa “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: approċċ Ewropew”, segwit minn Pakkett ta’ miżuri li jiżguraw elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti u Kodiċi tal-prattika kontra d-diżinformazzjoni f’Settembru 2018 u t-tnedija tal-Osservatorju għall-Analiżi tal-Midja Soċjali f’Novembru tal-istess sena. Fix-xahar ta’ wara ġie rilaxxat pjan ta’ azzjoni kontra d-diżinformazzjoni. F’Jannar 2019, saret il-laqgħa ta’ inawgurazzjoni tan-netwerk Ewropew ta’ kooperazzjoni għall-elezzjonijiet, u bejn dak iż-żmien u Mejju 2019, twettaq rapportar mill-pjattaformi online. F’Marzu 2019, ġiet organizzata l-Ġimgħa Ewropea għal-Litteriżmu Medjatiku u ġiet stabbilita s-Sistema ta’ Twissija Bikrija. F’Mejju 2019, il-Kummissjoni Ewropea tat kontribut fil-laqgħa informali tal-mexxejja tal-EU-27 (l-Istati Membri kollha għajr ir-Renju Unit) li saret f’Sibiu.
Protezzjoni iktar b’saħħitha tad-data personali
Fl-ewwel sena wara li nediet ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), il-prijorità tal-Kummissjoni kienet li tiżgura li dan jiġi applikat kif suppost. Fir-rapport ta’ Lulju l-Kummissjoni kkonkludiet li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri stabbilew il-qafas legali meħtieġ u se timmonitorja kif dawn jikkonformaw mal-GDPR, filwaqt li se tillimita l-frammentazzjoni tal-qafas tal-protezzjoni tad-data.
In-negozji qed jiżviluppaw kultura ta’ konformità, filwaqt li ċ-ċittadini saru iktar konxji dwar l-importanza tal-protezzjoni tad-data u dwar drittijiethom. Bħala riżultat ta’ dan, qed jeżerċitawhom dejjem iktar. Fl-istess ħin, il-konverġenza lejn standards għoljin tal-protezzjoni tad-data miexja ’l quddiem fil-livell internazzjonali.

Wojciech Wiewiórowski nħatar bħala l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’Diċembru 2019 b’mandat ta’ ħames snin.
Eżempju tal-benefiċċji li qed iġġib magħha din il-konverġenza globali huwa l-arranġament ta’ adegwatezza reċiproka bejn l-UE u l-Ġappun li daħal fis-seħħ fi Frar, u li ħoloq l-akbar żona ta’ flussi sikuri u liberi ta’ data fid-dinja. L-Ewropej se jibbenefikaw minn standards għoljin ta’ privatezza meta d-data tagħhom tiġi trasferita lejn il-Ġappun, u l-kumpaniji tal-UE se jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għas-suq Ġappuniż.
Il-Kummissjoni qed timmonitorja wkoll it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-infurzar tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, u b’riżultat ta’ dan ressqet diversi proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri.
L-ugwaljanza
Id-Direttiva l-ġdida dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li ġiet adottata f’Ġunju se tħeġġeġ il-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet tal-indukrar bejn in-nisa u l-irġiel. Ara l-Kapitlu 5 għal iktar informazzjoni.
Il-Kummissjoni kompliet bis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet ta’ persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI). L-aħħar rapport annwali dwar l-avvanz tal-ugwaljanza tal-LGBTI, ippubblikat f’Marzu, jagħti ħarsa ġenerali lejn is-sett ta’ miżuri tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Il-binja tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-UE mdawla bil-kuluri tal-bandiera qawsalla bħala ċelebrazzjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija, fi Brussell, il-Belġju, is-16 ta’ Mejju 2019.
Il-Kummissjoni avvanzat fit-tħejjija tal-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom wara l-2020. Dan il-qafas huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ strumenti u ta’ strutturi tal-UE u nazzjonali maħsuba biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom.
Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea
F’Jannar, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar skemi ta’ ċittadinanza tal-investituri (“passaporti tad-deheb”) li joffru ċerti Stati Membri. Permezz ta’ dawn l-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza tal-investituri, persuna tista’ tikseb in-nazzjonalità jew il-permess ta’ residenza ta’ Stat Membru billi tagħmel investiment u mingħajr ma tagħti prova ta’ rabta ġenwina ma’ dak l-Istat Membru. Dawn jaffettwaw iċ-ċittadinanza tal-UE. B’mod ġenerali, l-Istati Membri jispeċifikaw din ir-rabta bħala rekwiżit għaċ-ċittadinanza nazzjonali u, abbażi ta’ dan, aċċettaw li ċ-ċittadinanza tal-UE tingħata b’mod awtomatiku lil kull min isir ċittadin ta’ Stat Membru.
Ir-rapport tal-Kummissjoni identifika r-riskji li l-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza tal-investituri joħolqu għall-UE, b’mod speċifiku f’termini ta’ sigurtà, ħasil tal-flus, evażjoni tat-taxxa u korruzzjoni, u esprima t-tħassib li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri mhumiex dejjem biżżejjed biex inaqqsu dawn ir-riskji. Il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta’ esperti mill-Istati Membri biex jeżaminaw ir-riskji li jirriżultaw mill-iskemi u biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ trasparenza u ta’ governanza tajba, u se tkompli timmonitorja l-konformità ta’ dawn l-iskemi mal-liġi tal-UE. Ara l-Kapitlu 8 għal iktar informazzjoni.
Bħala parti minn sforzi wiesgħa biex tipproteġi l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri fit-tnedija u fl-organizzazzjoni tal-laqgħat ta’ netwerk Ewropew ta’ kooperazzjoni għall-elezzjonijiet. Dan in-netwerk ilaqqa’ flimkien lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli għall-kwistjonijiet elettorali u permezz tiegħu jkunu jistgħu jsiru skambji prattiċi dwar kwistjonijiet rilevanti għal elezzjonijiet liberi u ġusti, inkluż il-protezzjoni tad-data, iċ-ċibersigurtà, it-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni. In-netwerk se jkompli jindirizza r-riskji potenzjali, se jidentifika s-soluzzjonijiet u se jikkontribwixxi biex jinbnew sistemi elettorali u demokratiċi iktar reżiljenti fl-UE kollha.

Sabiex il-karti tal-identità nazzjonali jkunu iktar siguri, il-karti kollha jrid ikollhom ċippa għal tranżazzjonijiet mingħajr kuntatt u jridu jkunu magħmula minn plastik solidu minflok karta. Iċ-ċippa b’sigurtà għolja trid tinkludi immaġni tal-wiċċ u żewġ marki tas-swaba’, peress li dan huwa l-iktar mod affidabbli biex jiġu vverifikati l-identità ta’ persuna u l-awtentiċità ta’ dokument tal-ivvjaġġar. Se jkun hemm iżjed protezzjoni għaċ-ċittadini kontra l-falsifikazzjoni, l-ikkupjar, il-frodi u l-użu ħażin tad-dokumenti tagħhom. Il-verifiki jkunu jistgħu jsiru iktar faċilment u dan jirriżulta f’kontrolli iktar rapidi u iktar effiċjenti fil-fruntieri, pereżempju fl-ajruporti. Il-karti tal-identità l-ġodda se jkunu validi għal massimu ta’ għaxar snin biex jiġu kkunsidrati l-bidliet fl-immaġni tal-wiċċ u l-iżviluppi tas-sigurtà fil-ġejjieni. Il-karti tal-identità maħruġa lil persuni li jkollhom 70 sena u iktar jistgħu jkunu validi għal iktar minn għaxar snin. Il-karti tal-identità antiki u li mhumiex siguri biżżejjed, li għadhom qed jintużaw bħalissa, se jkollhom jiġu sostitwiti biex jiġu eliminati d-diskrepanzi fis-sigurtà.
F’Ġunju, bħala parti mill-azzjonijiet tagħha biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirresjedi liberament fejn irid fl-Unjoni, l-UE adottat Regolament dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità u tad-dokumenti tar-residenza. Ir-regoli l-ġodda jiddefinixxu standards minimi komuni għall-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-UE u għall-karti tar-residenza tal-membri tal-familja mhux mill-UE, kif ukoll il-kontenut minimu għad-dokumenti tar-residenza taċ-ċittadini tal-UE. B’hekk, dawn id-dokumenti se jkunu iktar siguri u iktar affidabbli u se jżidu l-fiduċja u l-aċċettazzjoni, u b’riżultat ta’ dan, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jivvjaġġaw iktar faċilment fl-UE kollha, filwaqt li se jitnaqqsu l-ostakli għall-eżerċitar tad-dritt tal-libertà tal-moviment u jingħalqu l-lakuni li t-terroristi u kriminali oħra jistgħu jippruvaw jisfruttaw.
Bil-ħsieb li jissaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għal protezzjoni konsulari f’pajjiżi mhux tal-UE fejn l-Istat Membru tagħhom ma jkollux rappreżentanza, ġew adottati regoli ġodda biex jinħoloq dokument proviżorju modern tal-ivvjaġġar tal-UE. Dawn ir-regoli se jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jirċievu, mingħajr dewmien u minn kwalunkwe Stat Membru, dan id-dokument sigur u aċċettat b’mod wiesa’ li jippermettilhom jirritornaw f’pajjiżhom mingħajr problemi.
Il-protezzjoni tal-konsumatur
F’Lulju, biex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-protezzjoni minn klawżoli kuntrattwali inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi, bħal-limitazzjoni mhux xierqa tad-drittijiet legali tal-konsumaturi u bidliet unilaterali, il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar klawżoli kuntrattwali inġusti.
F’Novembru, id-Direttiva dwar l-infurzar aħjar u l-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ġiet adottata bħala parti mill-Patt Ġdid għall-Konsumaturi li ġie propost mill-Kummissjoni f’April 2018. Id-Direttiva tadatta d-drittijiet tal-konsumatur għal teknoloġiji ġodda billi tintroduċi rekwiżiti importanti ġodda online. Dawn jinkludu l-projbizzjoni ta’ reklamar moħbi fir-riżultati tat-tfittxija u l-projbizzjoni ta’ reċensjonijiet “foloz” mill-konsumaturi; l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-kontropartijiet fi pjattaformi online (konsumaturi privati jew bejjiegħa bl-imnut professjonisti); u l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-parametri li jintużaw għall-klassifikazzjonijiet u għall-personalizzazzjoni tal-prezzijiet permezz tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mezzi awtomatizzati.
Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu wkoll multi ta’ deterrent għal “każijiet ta’ ksur mifruxa” tad-drittijiet tal-konsumatur soġġetti għal azzjonijiet ikkoordinati skont ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għadhom qed jinnegozjaw proposta separata għal sistema Ewropea ta’ rimedju kollettiv għal sitwazzjonijiet fejn gruppi ta’ konsumaturi jkunu ġarrbu ħsara.
Wara negozjati mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-pjattaforma Airbnb ħadet ħsieb li l-prattiki u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ tagħha jkunu konformi għalkollox mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Pereżempju, il-prezz finali u l-informazzjoni dwar jekk proprjetà hijiex offruta minn individwu jew minn professjonist issa jiġu ppreżentati b’mod ċar fil-paġni tar-riżultati.
Wara sejħa mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE, ħames mexxejja fil-qasam tal-industrija — Avis, Europcar, Enterprise, Hertz u Sixt — biddlu l-mod kif jippreżentaw il-prezzijiet tal-kiri tal-karozzi, u għamluhom kompletament trasparenti għall-konsumaturi.
Wara l-iskandlu ta’ Cambridge Analytica u wara djalogu twil mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE, Facebook immodifikat it-termini tas-servizz tagħha. Issa dawn jispjegaw b’mod iktar ċar kif il-kumpanija tuża d-data tal-utenti tagħha biex tiżviluppa attivitajiet ta’ tfassil ta’ profili u reklamar immirat, bħala sors tad-dħul tagħha u biex tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-kumpanija f’każ ta’ negliġenza.
L-UE tiffaċilita x-xiri online billi tippermetti lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jixtru b’mod sikur. Il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni #YourEURight (id-dritt tal-UE tiegħek) tnediet fl-2019 biex tfakkar lill-konsumaturi li għandhom drittijiet sinifikanti meta jixtru minn kwalunkwe ħanut online li jbigħ lill-konsumaturi Ewropej.
Sabiex tiġi indirizzata aħjar il-kwalità dupliċi tal-oġġetti tal-konsum, ġew adottati regoli ġodda. B’mod parallel, il-Kummissjoni ħadmet biex tiċċara meta l-bejgħ ta’ prodotti ta’ kwalità dupliċi (oġġetti mibjugħa fl-Ewropa kollha b’kompożizzjonijiet differenti f’imballaġġ identiku jew simili) jikkostitwixxi prattika kummerċjali illegali, filwaqt li żviluppat metodoloġija komuni. F’Ġunju 2019 ippubblikat ir-riżultati ta’ kampanja ta’ ttestjar fl-UE kollha li fiha ġew imqabbla diversi prodotti tal-ikel minn Stati Membri differenti. Dawn urew li filwaqt li kważi terz tal-prodotti tal-ikel li ġew ittestjati kienu qed jinbiegħu bi preżentazzjoni identika jew simili iżda kellhom kompożizzjoni differenti, ma setgħet tiġi identifikata l-ebda xejra ġeografika speċifika. Ir-riżultati ma jwasslux għal konklużjoni dwar jekk id-differenzi jaffettwawx il-kwalità jew jekk humiex assoċjati ma’ prattika qarrieqa f’każijiet individwali.
Wara l-adozzjoni ta’ linji gwida biex l-awtoritajiet nazzjonali jiġu megħjuna japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur u dwar l-ikel fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel ta’ kwalità dupliċi, il-Kummissjoni ddedikat iktar minn €4.5 miljun biex tillimita l-kwalità dupliċi u biex issaħħaħ l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel daħlet fis-seħħ f’April.
F’Ġunju, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport finali tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, li jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar prattiki kummerċjali ġusti u effiċjenti u dwar it-trasparenza. Ir-rapport jenfasizza wkoll il-problemi ta’ restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista li jipprevjenu lill-bejjiegħa bl-imnut milli jiksbu l-prodotti tagħhom minn fejn iridu. Il-Kummissjoni nediet ukoll proġett biex iżżid l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-distribuzzjoni tal-flus tul il-katina tal-provvista tal-ikel.
Il-ġustizzja ċivili
F’Ġunju wkoll, il-Kunsill adotta reviżjoni tar-Regolament Brussell IIa. Din ittejjeb in-normi ġuridiċi li jipproteġu lit-tfal f’tilwimiet transfruntiera dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bħal dawk relatati mal-kustodja, mad-drittijiet ta’ aċċess u mal-ħtif tat-tfal. Bir-regoli l-ġodda, il-kooperazzjoni ġudizzjarja se tkun iktar rapida u iktar effiċjenti biex jiġi żgurat li l-aqwa interessi tat-tfal jiġu l-ewwel u qabel kollox.
Il-liġi tal-kumpaniji
F’Ġunju ġew adottati wkoll regoli ġodda tal-UE li jagħmluha iktar faċli għall-imprendituri biex jirreġistraw il-kumpaniji tagħhom online u lil hinn mill-fruntieri, biex jistabbilixxu fergħat ġodda jew biex jibagħtu dokumenti f’reġistru kummerċjali. Sett komplementari ta’ regoli tal-UE tal-liġi tal-kumpaniji adottat f’Novembru jiffaċilita l-konverżjonijiet, il-fużjonijiet u d-diviżjonijiet transfruntiera tal-kumpaniji filwaqt li jiżgura protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-impjegati, tal-azzjonisti f’minoranza u tal-kredituri. Ir-regoli l-ġodda joħolqu ċertezza legali, jiffrankaw il-flus, inaqqsu l-piż amministrattiv u jagħtu s-setgħat meħtieġa biex ikun imblukkat kwalunkwe abbuż.
Ir-regoli l-ġodda dwar il-governanza tad-ditti tal-investiment u r-remunerazzjoni tal-persunal maniġerjali tagħhom li ġew adottati f’Novembru għandhom l-għan li jkunu proporzjonati mad-daqs, mar-riskji u mal-attivitajiet tad-ditti tal-investiment, filwaqt li jiżguraw superviżjoni xierqa tal-istituzzjonijiet il-kbar kollha li jistgħu joħolqu riskju sistemiku. F’Mejju ġew aġġornati r-regoli dwar il-governanza tal-banek u r-remunerazzjoni tal-persunal maniġerjali tagħhom. B’mod partikolari, dawn saħħew is-setgħat tal-awtoritajiet biex ineħħu membri tal-korp maniġerjali ta’ bank jekk ikun hemm kwalunkwe suspett li setgħu kienu involuti fil-ħasil tal-flus jew fil-finanzjament tat-terroriżmu.
L-indirizzar tat-terroriżmu u tal-ħasil tal-flus
Fl-2019, il-Kummissjoni żiedet l-appoġġ finanzjarju, operattiv u politiku tagħha għall-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jimplimentaw l-Unjoni tas-Sigurtà iktar malajr. Sal-aħħar tas-sena, 16-il inizjattiva mit-22 inizjattiva leġiżlattiva tal-Unjoni tas-Sigurtà saru liġi. L-UE kienet minn ta’ quddiem nett fl-indirizzar tal-kontenut terroristiku online permezz ta’ Regolament propost li jobbliga lill-pjattaformi tal-internet biex ineħħu l-kontenut terroristiku fi żmien siegħa minn meta jirċievu ordni ta’ tneħħija. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għamlu progress importanti b’rabta mal-proposta tal-Kummissjoni u l-ħidma se tkompli fl-ewwel trimestru tal-2020.
B’mod parallel, il-Kummissjoni, il-Ministri tal-Istati Membri għall-Affarijiet Interni u r-rappreżentanti mis-settur privat approvaw Protokoll ta’ Kriżi tal-UE dwar ir-rispons għat-tixrid virali ta’ kontenut terroristiku jew estremist vjolenti fuq l-internet bħala parti mir-rispons globali għas-Sejħa għall-Azzjoni ta’ Christchurch. Il-miżuri fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2017 dwar il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi, inkluż mit-theddidiet terroristiċi baqgħu jiġu implimentati.
L-UE kompliet bil-ħidma vitali tagħha biex iċċaħħad lit-terroristi mill-mezzi biex iwettqu l-atti tagħhom, permezz ta’ regoli aġġornati dwar il-kummerċjalizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi li jintużaw mit-terroristi bħala komponenti fi splussivi illegali u dwar l-aċċess għalihom, kif ukoll permezz ta’ miżuri ġodda li joħonqu l-finanzjament tat-terroriżmu. L-UE kompliet tikkoopera fil-livell internazzjonali, inkluż permezz tal-iskambju tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Awstralja u mal-Istati Uniti, u ħadmet biex jiġi finalizzat abbozz ta’ ftehim ġdid mal-Kanada u biex jiġi ffirmat il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Fl-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni pproponiet li tiftaħ negozjati mal-Ġappun rigward l-iskambju ta’ data tal-PNR, u li tagħmel l-istess ma’ New Zealand rigward l-iskambju ta’ data personali għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol). Il-Kummissjoni approvat ukoll arranġamenti bilaterali mal-awtoritajiet tal-Albanija, tal-Bożnija-Ħerzegovina, tal-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), tal-Montenegro, tal-Maċedonja ta’ Fuq u tas-Serbja għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu fil-Balkani tal-Punent.
L-UE adottat għadd ta’ miżuri għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Fl-2019 kompliet issaħħaħ ir-rwol superviżorju tal-Awtorità Bankarja Ewropea. Se jiġu introdotti regoli uniformi fl-UE kollha biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jaċċessaw ir-reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji jew is-sistemi għall-irkupru tad-data, u li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet. Barra minn hekk, erba’ rapporti tal-Kummissjoni enfasizzaw il-ħtieġa li r-raba’ u l-ħames Direttiva kontra l-ħasil tal-flus jiġu implimentati għalkollox u b’mod korrett. F’Diċembru, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet strateġiċi rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. It-test huwa ambizzjuż rigward il-ħtieġa għal regoli iktar dettaljati u l-allokazzjoni ta’ ċerti kompiti lil korpi tal-UE.
L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-kriminalità
Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f’isem l-UE, ftehim mal-Istati Uniti dwar l-aċċess transfruntiera għal evidenza elettronika fi kwistjonijiet kriminali, kif ukoll biex tipparteċipa fin-negozjati tat-tieni protokoll addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità.
Fl-2019, il-Kummissjoni ħadmet biex jiġi stabbilit l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li għandu jsir operattiv fl-aħħar tal-2020. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħatru lil Laura Codruţa Kövesi bħala l-ewwel Kap Prosekutur Ewropew.
L-UE ħadet azzjoni biex tipprevjeni t-traffikar illeċitu ta’ oġġetti kulturali. Ir-Regolament dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ oġġetti ta’ dan it-tip fl-UE, li ġie adottat f’April, għandu l-għan li jtemm it-traffikar illeċitu li ta’ spiss jappoġġa lit-terroriżmu u lil attivitajiet kriminali oħra.
Sistema Ewropea iktar b’saħħitha biex jiġu indirizzati d-diżastri naturali

L-Operazzjoni Shark Bait: dimostrazzjoni f’ħin reali ta’ missjoni tas-salvataġġ tal-UE li fiha tintuża d-data satellitari ta’ Galileo, f’Ostend, il-Belġju, is-26 ta’ Settembru 2019.
Minħabba li d-diżastri kienu iktar frekwenti u spiss seħħew b’mod simultanju fl-Ewropa kollha, kien iktar diffiċli li l-Istati Membri jgħinu lil xulxin fir-rispons għad-diżastri naturali, u għalhekk l-UE stabbiliet ir-rescEU, sabiex issaħħaħ il-Mekkaniżmu eżistenti tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet taħdem biex ir-rescEU ssir operattiva. Il-flotta tat-tranżizzjoni tar-rescEU kellha rwol kruċjali fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti fil-Greċja f’Awwissu 2019.

Il-flotta inizjali tar-rescEU (riżerva Ewropea ta’ kapaċitajiet ta’ emerġenza) se tkun magħmula minn assi mill-Greċja, minn Spanja, minn Franza, mill-Kroazja, mill-Italja u mill-Iżvezja, u se tinkludi disa’ ajruplani tat-tifi tan-nar u sitt ħelikopters tat-tifi tan-nar.
Kapitlu 8
Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni

© Fotolia
Fl-2019 l-UE kompliet timplimenta l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni b’approċċ komprensiv u uman għall-immaniġġjar tal-migrazzjoni. Mill-2015 ’l hawn, l-iskemi ta’ risistemazzjoni ffinanzjati mill-UE pprovdew rotot legali u sikuri lejn l-Ewropa lil iktar minn 67,000 refuġjat vulnerabbli, u diversi proġetti pilota innovattivi ġew implimentati ma’ għadd ta’ Stati Membri interessati favur il-migrazzjoni tal-ħaddiema mill-pajjiżi sħab fl-Afrika.
Kompliet il-ħidma biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari, b’kollaborazzjoni mal-pajjiżi sħab, biex issir ġlieda kontra n-netwerks ta’ faċilitazzjoni tad-dħul klandestin fis-Saħel u biex tittejjeb ir-rata effettiva ta’ ritorn għall-persuni mingħajr dritt ta’ residenza fl-UE. Dan kien possibbli permezz ta’ ftehimiet formali ta’ riammissjoni jew arranġamenti prattiċi dwar ir-ritorn u r-riammissjoni ma’ 23 pajjiż.
Sal-aħħar tas-sena, il-qsim irregolari tal-fruntieri kien 92 % inqas mill-ogħla livelli tal-2015. Mill-2015 ’l hawn, l-UE wriet is-solidarjetà tagħha billi pprovdiet iktar minn €12-il biljun biex tgħin lir-refuġjati u lill-migranti vulnerabbli fil-pajjiżi ġirien u fil-pajjiżi sħab. Barra minn hekk, ipprovdiet kważi €11.3-il biljun lill-Istati Membri biex jimmaniġġjaw aħjar il-migrazzjoni u l-fruntieri.
Is-sena 2019 kienet sena importanti għall-immaniġġjar tal-fruntieri Ewropej, u regoli ġodda li jsaħħu lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta saru liġi f’Diċembru. Dan ir-Regolament ambizzjuż ġdid se jistabbilixxi korp permanenti ta’ 10,000 membru tal-persunal operattiv, li se jkollhom setgħat eżekuttivi u t-tagħmir tagħhom stess biex jintervjenu kull fejn ikun meħtieġ tul il-fruntieri esterni tal-UE, kif ukoll kull meta jintalbu minn pajjiżi mhux ġirien.
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
F’Settembru 2017, l-Istati Membri għamlu l-akbar impenn kollettiv dwar ir-risistemazzjoni s’issa u wegħdu li jirrisistemaw iktar minn 50,000 persuna li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. L-implimentazzjoni mxiet ’il quddiem matul l-2019 u l-Kummissjoni kompliet tassisti lill-Istati Membri biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom. Billi għad hemm ħafna ħtiġijiet globali ta’ risistemazzjoni, l-isforzi kontinwi Ewropej huma essenzjali. Sa Diċembru, 43,800 persuna ġew risistemati fil-qafas tal-iskema, jiġifieri iktar minn 87 % tal-wegħda kumplessiva tal-Istati Membri.

Il-kontinent tas-solidarjetà: il-filmat li jiġi mar-rapport ta’ progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.© L-Unjoni Ewropea, 2019

Mill-2015 ’l hawn, żewġ programmi ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ suċċess għenu lil iktar minn 67,000 persuna mill-iktar vulnerabbli u li kellhom bżonn protezzjoni internazzjonali biex isibu kenn fl-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri li jirrisistemaw il-persuni li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali permezz ta’ dawn il-programmi jirċievu appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE. Fil-qafas tal-iskema attwali ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni Ewropea (2017–2019), ġie stabbilit li din il-kontribuzzjoni tkun €10,000 għal kull persuna risistemata.
L-immaniġġjar tal-fruntieri
F’Diċembru, ir-regoli l-ġodda li jsaħħu l-mod kif l-UE timmaniġġja l-fruntieri esterni tagħha saru liġi u dawn se jippermettu lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tistabbilixxi korp permanenti ta’ 10,000 membru tal-persunal operattiv.
Il-membri tal-korp permanenti se jkollhom setgħat eżekuttivi u t-tagħmir tagħhom stess biex jintervjenu kull fejn ikun meħtieġ tul il-fruntieri esterni tal-UE, kif ukoll f’pajjiżi mhux tal-UE li jkunu lesti li jaċċettaw timijiet tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri (u l-pajjiżi mhux tal-UE kkonċernati) iżommu s-sovranità tagħhom u r-responsabbiltà għall-operazzjonijiet imwettqa fil-fruntieri tagħhom u għall-proċeduri ta’ ritorn tagħhom f’kull ħin. Se jinħatru erbgħin uffiċjal tad-drittijiet fundamentali biex jiżguraw li l-membri tal-korp permanenti jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jaqsmu l-fruntieri esterni (kemm jekk b’mod regolari kif ukoll jekk le) jew li huma soġġetti għal operazzjonijiet ta’ ritorn.
Il-Kummissjoni rnexxielha tinnegozja ftehimiet dwar l-istatus li jippermettu l-iskjerament ta’ timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta ma’ ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-ftehim mal-Albanija daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019, u tliet ġimgħat wara ġie segwit bl-iskjerament operattiv tat-timijiet. Il-Kummissjoni u l-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill iffirmaw ftehim dwar l-istatus mal-Montenegro fis-7 ta’ Ottubru, u mas-Serbja fid-19 ta’ Novembru. Il-finalizzazzjoni ta’ ftehimiet bħal dawn mal-Bożnija-Ħerzegovina u mal-Maċedonja ta’ Fuq għadha għaddejja.
Is-sistemi ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà, il-migrazzjoni u l-immaniġġjar tal-fruntieri
F’Ġunju, daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni Ewropea ġdida, li permezz tagħha diversi sistemi ta’ informazzjoni li jappoġġaw l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jiskambjaw id-data u jaqsmu l-informazzjoni. Ladarba din il-pjattaforma interkonnessa tidħol fis-seħħ (dan huwa mistenni fl-2023), l-awtoritajiet tal-fruntieri, tal-migrazzjoni, tal-viżi, ġudizzjarji u tal-pulizija jkunu jistgħu jagħmlu kontroverifika tad-data dwar l-identità mas-sistemi ta’ informazzjoni kollha rilevanti tal-UE fuq skrin wieħed u jkunu jistgħu immedjatament jindividwaw lil xi ħadd li jkun qed jipprova juża identitajiet multipli.

L-iskalar tal-aġenzija Ewropea tal-fruntieri żied l-għadd ta’ gwardji tal-fruntieri Ewropej skjerati minn inqas minn 300 unità fl-2014 għall-1,300 unità attwali, b’persunal ta’ riżerva ta’ 1,500 gwardja tal-fruntieri miżjuda fl-2019. L-investiment fl-immaniġġjar tal-fruntieri ilu jikber b’mod kostanti mill-2006 ’l hawn (€2.4 biljun mill-2006 sal-2013, u €5.6 biljun mill-2014 sal-2020). Il-baġit approvat għall-perjodu 2021–2027 jirrappreżenta żieda konsiderevoli fl-investiment sa €21.3 biljun. Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Dħul/Ħruġ li tikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tal-immaniġġjar tal-fruntieri esterni billi ttejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri esterni taż-Żona Schengen. Se tgħin lill-Istati Membri jlaħħqu mal-għadd dejjem jikber ta’ vjaġġaturi lejn l-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkollhom għalfejn iżidu l-għadd ta’ gwardji tal-fruntieri. Se ssaħħaħ is-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji, u se tidentifika b’mod sistematiku lil dawk li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn (l-individwi li jibqgħu fiż-Żona Schengen wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn tagħhom).
Tkompliet il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) u tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS). L-ewwel sistema se tieħu post il-metodu attwali tal-ittimbrar manwali tal-passaporti b’reġistru elettroniku tad-data dwar l-identità u d-dokumenti tal-ivvjaġġar, kif ukoll il-postijiet u d-dati tad-dħul u tal-ħruġ. Se tgħin biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE ma jibqgħux iktar milli jkunu awtorizzati, biex jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-kontrolli tal-fruntieri esterni u biex l-Istati Membri jingħataw għajnuna ħalli jieħdu ħsieb l-għadd dejjem jikber ta’ vjaġġaturi. L-ETIAS se tiżgura wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom iktar informazzjoni dwar jekk il-persuni li jivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr viża jistgħux joħolqu riskju ta’ sigurtà jew ta’ immigrazzjoni irregolari qabel ma jaslu fil-fruntieri esterni. Jekk ikun meħtieġ, l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom tista’ tiġi miċħuda.

It-tisħiħ tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. © L-Unjoni Ewropea, 2019
L-immaniġġjar tal-migrazzjoni u s-salvataġġ fil-baħar
L-operazzjonijiet konġunti u l-missjonijiet navali tal-UE kkontribwew għas-salvataġġ ta’ iktar minn 760,000 persuna fuq il-baħar u appoġġaw lill-Istati Membri li ospitaw wasliet ġodda mill-Mediterran.
F’Awwissu daħlet fis-seħħ ir-reviżjoni tar-Regolament dwar in-netwerks bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti tal-2015. Din se tiżgura kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni li l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE jiskjeraw f’pajjiżi mhux tal-UE sabiex iwieġbu b’mod iktar effettiv u jipprevjenu l-immigrazzjoni irregolari u l-kriminalità transfruntiera relatata magħha u jiġġieldu kontrihom.

Bejn l-2014 u l-2019, il-qsim irregolari tal-fruntieri fit-tliet rotot migratorji ewlenin, jiġifieri r-rotta tal-Lvant tal-Mediterran, ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u r-rotta tal-Punent tal-Mediterran, esperjenza xejra ta’ fluttwazzjoni li fil-biċċa l-kbira tagħha baqgħet taħt il-50,000 wasla fix-xahar. Ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran b’mod konsistenti esperjenzat l-ogħla għadd ta’ qsim tal-fruntieri, segwita mir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u mir-rotta tal-Punent tal-Mediterran. Bejn il-bidu tal-2015 u l-bidu tal-2016 ġew irreġistrati livelli ogħla ta’ qsim tal-fruntieri; l-għadd ta’ qsim tal-fruntieri fir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran żdied ferm iktar mill-medja, u f’Ottubru 2015 laħaq il-200,000 qsim tal-fruntieri fix-xahar, l-ogħla għadd ta’ qsim tal-fruntieri; fl-20 ta’ Ottubru ġew irreġistrati 10,000 wasla. Minn dak iż-żmien, l-għadd ta’ qsim irregolari tal-fruntieri fit-tliet rotot ewlenin naqas għal-livelli tal-2014, ferm inqas minn 50,000 wasla fix-xahar. Sors: id-data mir-“Rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”, COM(2019) 481 final, is-16 ta’ Ottubru 2019. Sors tad-data: l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Il-Kummissjoni kompliet tagħti l-kontribut tagħha favur l-isforzi li jipprevjenu li l-migranti prospettivi jagħmlu vjaġġi migratorji irregolari lejn l-UE u li l-faċilitaturi tad-dħul klandestin tal-migranti jipperikolawlhom ħajjithom. Iffinanzjat tmien kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, li huma direttament immirati lejn il-komunitajiet ta’ migranti irregolari prospettivi f’pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll lejn il-komunitajiet fdati tad-dijaspora tagħhom fl-Ewropa, b’informazzjoni oġġettiva li tippermetti lill-migranti jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Il-Kummissjoni żiedet ukoll il-finanzjament tagħha tas-Sħubijiet Operattivi Komuni, li jinkludu l-Iskwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta, għal €22.5 miljun. Dawn is-sħubijiet bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-pajjiżi mhux tal-UE huma mmirati lejn il-faċilitaturi tad-dħul klandestin tal-migranti fil-Punent u fit-Tramuntana tal-Afrika.
Arranġamenti temporanji
L-avvenimenti ta’ żbark fil-Mediterran ċentrali wrew b’mod ċar li huma meħtieġa soluzzjonijiet komuni bbażati fuq is-solidarjetà, it-teħid tar-responsabbiltà u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni ilha tappoġġa b’mod attiv il-konklużjoni ta’ arranġamenti temporanji bejn l-Istati Membri li jiffaċilitaw l-iżbark wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ fil-Mediterran sakemm jintlaħaq qbil dwar sistema sostenibbli fit-tul fir-riforma tas-sistema Ewropea tal-ażil. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE u fuq talba tal-Istati Membri, ilha tikkoordina wkoll ir-rilokazzjoni volontarja matul l-2019, b’1,608 persuna rilokati.
Ir-ritorn u r-riammissjoni
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill komplew jinnegozjaw rigward il-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 biex tissaħħaħ id-Direttiva dwar ir-Ritorn. Il-bidliet fir-regoli komuni tal-UE dwar ir-ritorn jinkludu s-simplifikazzjoni tar-ritorni għal dawk li ma jingħatawx l-ażil matul il-proċeduri fil-fruntieri, l-introduzzjoni ta’ proċeduri iktar ċari u iktar rapidi għall-ħruġ ta’ deċiżjonijiet tar-ritorn u li jeħtieġu li tittieħed deċiżjoni tar-ritorn immedjatament wara li tittieħed deċiżjoni li jintemm soġġorn legali.
Il-kapaċità tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta li tipprovdi assistenza għar-ritorni ssaħħet f’Diċembru b’Regolament ġdid li sar liġi tal-UE. Dan jagħti rwol iktar proattiv lill-Aġenzija meta tassisti l-Istati Membri abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom u jwessa’ l-ambitu tal-assistenza potenzjali għall-istadji kollha tal-proċedura tar-ritorn.
L-Unjoni Ewropea kkonkludiet 23 strument ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Fl-2019, il-ħidma kompliet, b’negozjati li għadhom għaddejjin rigward ftehimiet jew oqfsa usa’ ta’ kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni ma’ sitt pajjiżi oħra.
Il-protezzjoni ta’ dawk li huma fil-bżonn
Ir-riforma tal-ażil
Minkejja sforzi bla heda mill-Presidenzi Rumeni u Finlandiżi tal-Kunsill, l-Istati Membri naqsu milli jilħqu konsensus u l-proposti għar-riforma tal-politika tal-UE dwar l-ażil għadhom weqfin. Malli ħadu l-kariga tagħhom f’Diċembru, il-Viċi President Margaritis Schinas u l-Kummissarju Ylva Johansson ħarġu fit-toroq u bdew sensiela ta’ żjarat biex jagħtu widen lill-gvernijiet tal-Istati Membri, bi żjarat fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fi Franza, fl-Italja u fl-Ungerija. It-tnejn li huma kellhom ukoll dibattitu strutturat mal-Parlament Ewropew. Il-konsultazzjoni hija aspett importanti tal-impenn tal-President von der Leyen biex tinstab soluzzjoni fil-kwistjoni tal-migrazzjoni u se tgħin biex jissawwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li se jiġi propost fl-2020.
Hotspots u appoġġ għall-Greċja, għal Ċipru, għal Malta, għall-Italja u għal Spanja
Mill-2015 ’l hawn, il-Kummissjoni pprovdiet €2.2 biljun f’appoġġ finanzjarju biex tassisti lill-awtoritajiet Griegi, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) fl-immaniġġjar tal-migrazzjoni. Dan ingħata fil-qafas tal-Fond għall-Ażil, għall-Migrazzjoni u għall-Integrazzjoni (AMIF), tal-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI) u tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet tipprovdi appoġġ strutturali lill-awtoritajiet Griegi, bi preżenza permanenti fuq il-gżejjer tal-Eġew.
Minn Settembru 2019 ’l hawn, il-Kummissjoni kellha preżenza permanenti f’Ċipru biex tappoġġa lill-awtoritajiet Ċiprijotti fl-immaniġġjar tal-migrazzjoni b’mod effiċjenti. Mill-2014 ’l hawn, il-finanzjament mill-UE lejn il-pajjiż laħaq il-€103.5 miljun. Bejn l-2014 u l-aħħar tal-2019, Malta ngħatat appoġġ mill-UE li jammonta għal €112.85 miljun fil-qafas tal-finanzjamenti tal-AMIF u tal-FSI.
Fir-rigward tal-Italja, l-ammont ta’ €59.4 miljun allokat fl-2019 żied l-ammont totali ta’ assistenza ta’ emerġenza għal €285.2 miljun. Dan jikkumplementa l-ammont ta’ €737.4 miljun f’appoġġ mill-UE pprovdut lill-Italja fil-qafas tal-programmi nazzjonali tagħha għall-AMIF u għall-FSI bejn l-2014 u l-2020.
Il-Kummissjoni kompliet tappoġġa lil Spanja billi tat iktar minn €52 miljun f’assistenza ta’ emerġenza mill-2018 ’l hawn biex tipprovdi appoġġ lill-migranti, biex tistabbilixxi ċentri ta’ reġistrazzjoni lokali u ċentri ta’ qabel l-akkoljenza u biex tiskjera iktar forzi tal-Guardia Civil.
Il-migranti li jaslu f’hotspots fil-Greċja u fl-Italja, kif ukoll f’ċentri ta’ reġistrazzjoni fil-kosta tan-Nofsinhar ta’ Spanja, komplew jiġu rreġistrati, jiġu identifikati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba’ kif suppost.
Appoġġ finanzjarju għall-immaniġġjar effiċjenti tal-migrazzjoni
L-UE tappoġġa l-isforzi nazzjonali biex jittejjeb l-immaniġġjar tal-migrazzjoni u tal-fruntieri permezz ta’ finanzjament sinifikanti allokat lill-programmi nazzjonali ta’ azzjoni mmaniġġjati mill-Istati Membri. Fl-2019, ipprovdiet €467 miljun fil-qafas tal-AMIF, €442.7 miljun fil-qafas tal-FSI (Fruntieri u Viżi) u €92.7 miljun fil-qafas tal-FSI (Pulizija).

Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni jappoġġa lill-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-flussi migratorji, inkluż fl-oqsma tal-ażil, tal-integrazzjoni, tal-migrazzjoni legali u tar-ritorn. Il-Fond għas-Sigurtà Interna jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jipproteġu aħjar is-sigurtà taċ-ċittadini u biex jipproteġu u jimmaniġġjaw aħjar il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa magħmul minn żewġ strumenti: il-Fond għas-Sigurtà Interna (il-Fruntieri u l-Viżi) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (il-Pulizija). Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea
Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija
Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija kompliet tipprovdi alternattivi għar-rotot perikolużi u ssalva l-ħajjiet fil-Baħar Eġew. L-għadd ta’ migranti irregolari li waslu bil-baħar mit-Turkija għall-Greċja fl-2019 (madwar 60,000) kien konsiderevolment inqas minn qabel ma saret id-dikjarazzjoni (qabel Ottubru 2015) L-Istati Membri fetħu rotot organizzati, sikuri u legali biex ir-refuġjati Sirjani fit-Turkija jiġu fl-Ewropa billi għamlet risistemazzjoni ta’ madwar 25,700 minnhom (sal-aħħar tal-2019). Fl-2019, kien hemm 3,854 ritorn volontarju mill-Greċja lejn pajjiżi mhux tal-UE fil-qafas tal-programm ta’ Ritorn Volontarju Assistit u ta’ Integrazzjoni Mill-Ġdid, li minnhom 3,260 mill-Greċja kontinentali u 594 mill-gżejjer Griegi. Mill-2016 ’l hawn, 17,900 migrant irritornaw volontarjament kemm mill-gżejjer Griegi kif ukoll mill-Greċja kontinentali bl-appoġġ tal-programm.
Fl-istess ħin, l-UE kompliet tappoġġa lit-Turkija fl-isforzi tagħha biex tospita r-refuġjati b’€6 biljun għall-2016–2019 permezz tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija tagħha.
Sal-aħħar tal-2019, il-baġit kollu kien ġie allokat għall-attivitajiet. Mill-€4.7 biljun li kienu ġew ikkuntrattati, kienu tħallsu €3.2 biljun. Iktar minn 1.7 miljun refuġjat għadhom jibbenefikaw minn assistenza ta’ kull xahar fi flus kontanti msejħa is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza li tgħinhom jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, u iktar minn 500,000 tifel u tifla refuġjati għandhom aċċess għall-edukazzjoni.

Refuġjat Sirjan minn Raqqa, li huwa benefiċjarju tas-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza ffinanzjata mill-UE, jitkellem ma’ membru tal-persunal tal-Programm Dinji tal-Ikel f’daru, f’Ankara, it-Turkija, l-24 ta’ Settembru 2019.
It-titjib ta’ rotot sikuri, ordnati u legali lejn l-Ewropa
Il-politika dwar il-viżi
L-UE kompliet taġġorna u tissimplifika l-politika tagħha dwar il-viżi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen. Minn Frar 2020, il-Kodiċi revedut dwar il-Viżi se jnaqqas il-burokrazija żejda u se jiffaċilita l-proċeduri tal-viżi għall-vjaġġaturi fdati ta’ soġġorn qasir filwaqt li jżomm is-sigurtà. Il-kodiċi revedut jistabbilixxi mekkaniżmu ġdid li jiskatta kundizzjonijiet iktar stretti għall-ipproċessar tal-viżi meta pajjiż sieħeb ma jikkooperax biżżejjed fir-rigward tar-riammissjoni taċ-ċittadini tiegħu stess li jkunu qed joqogħdu fl-UE b’mod irregolari. Għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jtawlu ż-żmien tal-ipproċessar tal-viżi, inaqqsu t-tul tal-validità tal-viżi maħruġa u jżidu l-livell tat-tariffi tal-viżi, kif ukoll jimmodulaw l-eżenzjoni minn tariffi bħal dawn.
Il-faċilitazzjoni tal-viżi u s-sospensjoni tal-viżi
F’Ġunju ġew iffinalizzati n-negozjati bejn l-UE u l-Belarussja rigward il-Ftehimiet dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viżi u dwar ir-Riammissjoni u l-ftehimiet ġew inizjalati mill-kapijiet negozjaturi. Issa ż-żewġ naħat qed jaħdmu biex ilestu l-proċeduri interni tagħhom sabiex jippermettu l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehimiet. Iż-żewġ ftehimiet se jiġu ffirmati u se jidħlu fis-seħħ simultanjament.
Il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viżi ssaħħaħ fl-2017 biex jippermetti rispons rapidu f’każ ta’ urġenza. F’Ġunju 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika min-Netherlands fil-qafas tal-mekkaniżmu rigward l-Albanija. Wara kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-kontenut tan-notifika u abbażi tal-informazzjoni disponibbli u d-data rilevanti, il-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-ċirkostanzi meħtieġa biex jiskatta l-mekkaniżmu ma kinux ġew issodisfati, u ħadet l-impenn li timmonitorja s-sitwazzjoni.
Ir-reċiproċità tal-viżi
Illum, iċ-ċittadini ta’ madwar 60 pajjiż minn madwar id-dinja jistgħu jivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr il-ħtieġa ta’ viża. Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini tal-UE għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn dawn il-pajjiżi bl-istess mod. Dan il-prinċipju ta’ reċiproċità huwa ċentrali għall-politika komuni tagħna dwar il-viżi. Kien sar progress mal-Istati Uniti meta, f’Settembru, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ħabbret li l-Polonja kienet tikkwalifika biex tissieħeb fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tagħha. Filwaqt li l-Istati Uniti għadhom jirrikjedu viżi għaċ-ċittadini tal-Bulgarija, tal-Kroazja, ta’ Ċipru, u tar-Rumanija, dan l-iżvilupp jispjega għaliex il-Kummissjoni qed tieħu l-approċċ ta’ diplomazija paċenzjuża mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti.
L-Istati Uniti indikaw li lesti jdaħħlu lil dawn l-Istati Membri fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża ladarba jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti, pereżempju rigward il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u t-tnaqqis tar-rata ta’ rifjut tal-viżi.
Passaporti tad-deheb u viżi tad-deheb
F’Jannar, il-Kummissjoni ppreżentat rapport komprensiv dwar l-iskemi ta’ residenza u ta’ ċittadinanza tal-investituri li joffru għadd ta’ Stati Membri. Permezz ta’ dawn l-iskemi, magħrufa iktar bħala “passaporti tad-deheb” u “viżi tad-deheb”, rispettivament, persuna tista’ tikseb nazzjonalità ġdida jew permess ta’ residenza ġdid abbażi ta’ investiment biss. Fir-rigward tal-pajjiżi li jgawdu minn aċċess mingħajr viża għall-UE, ir-rapport tal-Kummissjoni enfasizza li dawn il-pajjiżi jridu jwettqu kontrolli ta’ sigurtà u ta’ sfond tal-applikanti għall-iskemi taċ-ċittadinanza tal-investituri bl-ogħla standards possibbli. Il-Kummissjoni qed timmonitorjahom bħala parti mill-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viżi. Rigward il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, l-iskemi taċ-ċittadinanza jiġu mmonitorjati wkoll fil-kuntest tal-proċess tal-adeżjoni mal-UE. Jekk jogħġbok ara wkoll il-Kapitlu 7.
Inħeġġu l-migrazzjoni msejsa fuq il-ħtiġijiet
Fl-2019, l-UE saħħet il-kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament sfurzat, jittejjeb l-immaniġġjar tal-fruntieri u jiġu appoġġati r-ritorni volontarji u l-mobbiltà tal-bniedem. Ħadmet ukoll mal-Unjoni Afrikana u man-Nazzjonijiet Uniti permezz tat-TaskForce konġunta tagħhom.
Il-Kummissjoni kompliet taħdem fuq l-iżvilupp ta’ rotot għall-migrazzjoni legali sabiex tgħin lin-nies bil-ħiliet u bit-talenti li s-suq tax-xogħol għandu bżonn jiġu fl-UE. Fir-rebbiegħa, il-Kummissjoni lestiet evalwazzjoni kumplessiva tar-regoli tal-UE dwar il-migrazzjoni legali. Ir-riżultati ta’ dan il-“kontroll tal-idoneità” kkonfermaw l-importanza ta’ politika effettiva dwar il-migrazzjoni legali bħala pilastru fundamentali ta’ politika Ewropea komprensiva dwar il-migrazzjoni.
Matul is-sena, il-Kummissjoni kompliet taħdem f’kooperazzjoni mal-Istati Membri rigward l-iżvilupp ta’ proġetti pilota dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema flimkien ma’ pajjiżi sħab ewlenin, l-ewwel u qabel kollox mal-pajjiżi Afrikani. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ finanzjarju, inkluż fil-qafas tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika.
L-integrazzjoni
Il-politika dwar l-integrazzjoni hija responsabbiltà nazzjonali. Madankollu, fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-NGOs u ta’ atturi oħra permezz ta’ koordinazzjoni tal-politiki, skambju ta’ prattiki, monitoraġġ u finanzjament. Dawn il-miżuri ġew stabbiliti biex titrawwem l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jkunu ngħataw status ta’ refuġjat. Fl-2019, il-Kummissjoni ffinanzjat tmien netwerks transnazzjonali kbar ta’ bliet u reġjuni, li jlaqqgħu flimkien iktar minn 40 belt u 10 reġjuni Ewropej biex jikkooperaw rigward kwistjonijiet ta’ integrazzjoni. Fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew għall-Integrazzjoni, il-Kummissjoni appoġġat diversi attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku għall-awtoritajiet nazzjonali, inkluż programm innovattiv ta’ appoġġ bejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu jew itejbu politika jew programm speċifiċi dwar l-integrazzjoni.
Kapitlu 9
Attur globali iktar b’saħħtu

Fi żminijiet ta’ diżordni globali, meta l-idea tal-multilateraliżmu qed tiġi mhedda, l-Unjoni Ewropea qiegħda fuq quddiem nett biex tingħata spinta globali sabiex l-isfidi tal-lum jiġu indirizzati permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali. Fl-2019, l-UE ħadmet biex tiddefendi u ssaħħaħ il-ftehimiet tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ftehimiet multilaterali kruċjali, fosthom il-ftehim nukleari mal-Iran, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.
L-UE appoġġat it-taħditiet immexxija min-NU bl-għan li jiġu indirizzati l-agħar kunflitti ta’ żminijietna, pereżempju fis-Sirja u fil-Libja, u tat kontribut għall-Ftehim ta’ Stokkolma dwar il-Jemen li kien innegozjat min-NU. Akkumpanjat in-negozjati li wasslu għall-ftehim ta’ paċi fil-Mozambique, kienet preżenti għall-iffirmar tiegħu u appoġġat l-implimentazzjoni tiegħu.
L-UE ħolqot Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela mal-pajjiżi Ewropej u tal-Amerka Latina sabiex tkun tista’ tinstab soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kriżi. Ospitat ukoll Konferenza Internazzjonali ta’ Solidarjetà għar-refuġjati u għall-migranti Venezwelani. Saru summits ewlenin mal-Ukrajna, maċ-Ċina, mal-Ġappun u, għall-ewwel darba, mal-Lega tal-Istati Għarab.
L-UE appoġġat ir-riformi fil-Balkani tal-Punent, kif ukoll fil-viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, u kkonsolidat is-sħubijiet tagħha ma’ dawn il-pajjiżi.
L-UE saħħet ir-rwol tagħha fis-sigurtà u fid-difiża billi investiet fl-industrija tad-difiża, kif ukoll fil-kapaċitajiet u fit-teknoloġija militari u ċivili tal-Ewropa. L-UE mxiet pass ieħor ’il quddiem biex jiġi stabbilit il-Fond Ewropew għad-Difiża u biex jitrawmu relazzjonijiet eqreb man-NATO.
L-UE kompliet ukoll il-missjoni umanitarja tagħha u qassmet €1.6 biljun f’għajnuna lill-pajjiżi milquta minn diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.
Il-viċinat tal-Unjoni Ewropea
Il-viċinat tal-Lvant
Fl-2019, l-UE kompliet tappoġġa u trawwem l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll tiżviluppa sħubijiet b’saħħithom mal-pajjiżi tal-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar.
F’Mejju, saru Laqgħa Ministerjali u Konferenza ta’ Livell Għoli fi Brussell li ċċelebraw għeluq l-10 snin tas-Sħubija tal-Lvant. Sar progress fir-riformi fl-oqsma kollha tal-20 Riżultat Tanġibbli għall-2020, b’mod partikolari fl-ekonomija, fil-qasam diġitali, fit-trasport, fil-konnettività, fl-enerġija u fil-mobbiltà, filwaqt li għad fadal sfidi fl-oqsma tal-governanza u tat-tiswir tal-istituzzjonijiet. Wara konsultazzjoni wiesgħa li saret fl-2019 dwar il-futur tas-sħubija, l-objettivi ta’ politika fit-tul għandhom jiġu ppreżentati qabel is-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li se jsir fl-ewwel nofs tal-2020.

Żgħażagħ mill-UE u mis-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna) jattendu t-tielet edizzjoni tal-Kamp tas-Sajf tal-Iskola Ewropea, f’Tbilisi, il-Georgia, is-17 ta’ Awwissu 2019.
Ir-relazzjonijiet mal-Ukrajna
Fis-summit tagħhom fi Kiev f’Lulju, l-UE u l-Ukrajna ħarġu dikjarazzjoni konġunta u l-UE tenniet l-impenn tagħha għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ukrajna. L-UE affermat ukoll l-appoġġ tagħha għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ Minsk u għall-ħidma tal-Format tan-Normandija, tal-Grupp ta’ Kuntatt trilaterali dwar l-Ukrajna u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) bl-għan li tinstab soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt. Il-Kummissjoni u l-gvern Ukren iffirmaw erba’ programmi għall-pajjiż b’valur ta’ €109 miljun mill-pakkett ta’ appoġġ annwali tal-Kummissjoni għall-2019. Dawn se jiffukaw fuq id-deċentralizzazzjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, il-kooperazzjoni teknika għar-riformi ewlenin u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva mal-pajjiż.
Ir-Russja
L-UE kompliet timplimenta approċċ fuq żewġ binarji rigward ir-Russja, li baqgħet sfida strateġika: ġew imposti sanzjonijiet b’rispons għall-ksur mir-Russja tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukrajna, u kien hemm involviment selettiv kif meħtieġ fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interess għall-UE, bħaż-żgħażagħ u l-iskambji kulturali u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fil-qasam tal-edukazzjoni.
Il-viċinat tan-Nofsinhar
L-assistenza finanzjarja u teknika tal-UE fl-2019 għenet biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tar-reġjun: il-kunflitti fis-Sirja, fil-Libja u bejn Iżrael u l-Palestina (din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri f’din il-kwistjoni), il-pressjoni migratorja persistenti, il-governanza mwiegħra u l-ambjent dgħajjef tan-negozju. F’Ġunju ngħata impetu ġdid lir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk permezz ta’ dikjarazzjoni politika konġunta mmirata lejn l-iżvilupp ta’ sħubija għal prosperità kondiviża. Il-Pjan ta’ Investiment Estern kien strumentali biex jiġi ffinanzjat is-settur privat u biex tingħata spinta lill-iżvilupp ekonomiku u lill-ħolqien tal-impjiegi fir-reġjun tal-viċinat tan-Nofsinhar u fl-Afrika.
Il-Balkani tal-Punent u l-proċess tat-tkabbir
Fl-2019, l-istituzzjonijiet tal-UE komplew jappoġġaw il-perspettiva ta’ sħubija tal-Balkani tal-Punent, f’konformità mal-Istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent u mal-Aġenda ta’ Prijoritajiet ta’ Sofija, li għandhom l-għan li jsaħħu t-trasformazzjoni politika, ekonomika u soċjali tar-reġjun. L-UE kompliet tappoġġa wkoll il-kooperazzjoni biex il-potenzjal ekonomiku u soċjali tar-reġjun jiġi sfruttat għalkollox u biex ma jibqgħux ibatu minħabba l-legat tal-passat. Pereżempju, il-ftehim reġjonali dwar ir-roaming fil-Balkani tal-Punent daħal fis-seħħ f’Lulju, u naqqas b’mod sinifikanti t-tariffi tar-roaming fir-reġjun u se jwassal biex fl-2021 l-ispejjeż tar-roaming jgħebu. Fi Frar, id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Prespa, il-ftehim storiku bejn il-Greċja u l-Maċedonja ta’ Fuq, kien pass ’il quddiem importanti fir-reġjun.
L-ewwel laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali saret fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Ġunju. Il-Ministri mit-Trojka tal-Presidenza tal-Kunsill (ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Kroazja), flimkien mal-Kummissjoni, iltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom tal-Balkani tal-Punent biex jiddiskutu firxa ta’ kwistjonijiet relatati mal-impjiegi u mal-politika soċjali. Huwa mistenni li l-laqgħa ssir kull sena, u għandha l-għan li jsir skambju ta’ fehmiet dwar l-isfidi għar-riformi soċjali u tal-qasam tal-impjiegi li jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha fir-reġjun.
F’Ottubru, il-Kunsill Ewropew analizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq u ddeċieda li jittratta l-kwistjoni tat-tkabbir tal-UE qabel is-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f’Zagreb f’Mejju 2020.
It-Turkija
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija komplew fl-isfond tas-sitwazzjoni kritika tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali, u tal-indipendenza tal-ġudikatura fit-Turkija, kif ukoll fl-isfond tat-tensjonijiet li qed jinġemgħu fil-Lvant tal-Mediterran. L-UE kompliet tassisti lir-refuġjati fil-qafas tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, li tamministra finanzjament ta’ €6 biljun biex jiġu megħjuna iktar minn erba’ miljun refuġjat ospitati fil-pajjiż.
Ir-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-Ewropa
L-UE nediet sħubija bla preċedent mal-Afrika, u investiet f’relazzjoni politika ġenwina bejn partijiet ugwali. Is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika tkopri varjetà ta’ oqsma, inkluż l-iżvilupp, il-paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni, il-klima, l-enerġija, l-agrikoltura, il-kummerċ, l-investiment sostenibbli u l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.
Fl-2019, sar progress fl-implimentazzjoni tal-Alleanza bejn l-Afrika u l-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli tal-2018. L-UE diġà mmobilizzat €3.7 biljun fil-qafas tal-Pjan ta’ Investiment Estern, li huwa mistenni li se jimmobilizza investimenti b’valur ta’ €37.1 biljun fil-Viċinat tal-UE u fl-Afrika sub-Saħarjana. Barra minn hekk, l-UE żammet mal-impenn li tiddedika iktar minn €300–350 miljun fis-sena bejn l-2018 u l-2020 biex issaħħaħ l-ambjent tan-negozju u l-klima tal-investiment, u investiet €718-il miljun fl-2018 biss.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Gedu Andargachew, il-Ministru Etjopjan għall-Affarijiet Barranin, jiltaqgħu f’Addis Ababa, l-Etjopja, is-7 ta’ Diċembru 2019.
Fir-rigward tal-mobbiltà, l-UE żammet mal-impenn li tappoġġa lil 35,000 student u impjegat sal-2020, u madwar 25,000 persuna bbenefikaw sal-aħħar tal-2019. Fir-rigward tal-integrazzjoni ekonomika u l-kummerċ, l-UE se tappoġġa liż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana bi €62.5 biljun sal-2020. Fl-aħħar nett, il-ħidma tal-erba’ task forces stabbiliti flimkien mal-esperti Afrikani u Ewropej fl-oqsma tal-agrikoltura, tal-ekonomija diġitali, tal-enerġija u tat-trasport tat il-frott.
L-Amerka ta’ Fuq u l-Amerka Latina
L-UE kompliet taħdem ma’ wieħed mis-sħab ewlenin tagħha, l-Istati Uniti. Eżempji ta’ din il-kooperazzjoni huma rigward il-Balkani tal-Punent u l-Ukrajna, rigward l-enerġija, u rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu u ċ-ċibersigurtà. Is-sħubija msaħħa tal-UE man-NATO hija turija tal-ispazju dejjem iktar interkonness għas-sigurtà Transatlantika.
L-UE ngħaqdet mal-Kanada biex tiddefendi l-multilateraliżmu u l-ordni globali abbażi tar-regoli, inkluż sistema ta’ kummerċ internazzjonali ħieles u ġust. Fis-summit tagħhom li sar f’Montreal f’Lulju, iż-żewġ naħat ħadu l-impenn li jimplimentaw għalkollox il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Kanada.
F’April, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni ppubblikaw komunikazzjoni konġunta li tistabbilixxi viżjoni għal sħubija iktar b’saħħitha u iktar moderna mal-Amerka Latina u mal-Karibew li tkun iffukata fuq il-kummerċ, l-investiment u l-kooperazzjoni settorjali. Fl-2019, l-UE kompliet tkun minn ta’ quddiem nett biex tappoġġa l-ftehim ta’ paċi fil-Kolombja, ikkonsolidat il-fażi l-ġdida fir-relazzjoni tagħha ma’ Kuba fit-tieni Kunsill Konġunt ta’ livell ministerjali bejn l-UE u Kuba fil-qafas tal-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni u stabbiliet il-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela bħala għajnuna biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-pajjiż. F’Ottubru, il-Konferenza Internazzjonali ta’ Solidarjetà dwar il-kriżi tar-refuġjati u tal-migranti Venezwelani laqqgħet flimkien il-pajjiżi tar-reġjun, l-UE, l-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Aġenzija tan-NU għall-Migrazzjoni (IOM) biex jippruvaw itejbu l-koordinazzjoni tal-paċi u r-rispons umanitarju.
L-Asja u l-Paċifiku
L-UE u l-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali — il-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan — ilhom b’relazzjoni bbażata fuq interessi reċiproċi b’saħħithom. F’Mejju, l-UE stabbiliet il-viżjoni tagħha għal sħubija iktar b’saħħitha ma’ dawn il-pajjiżi, li tiffoka fuq ir-reżiljenza, il-prosperità u kooperazzjoni aħjar.
Il-Ġappun
Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun tal-2018, li ġie applikat b’mod proviżorju minn Frar 2019 ’l hawn, u l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, li ilu fis-seħħ minn dak iż-żmien ukoll, bdew jagħtu l-frott fl-2019. Is-26 summit bejn l-UE u l-Ġappun sar fi Brussell f’April. Fis-7 ta’ Settembru, il-President Juncker u l-Prim Ministru Abe ffirmaw Sħubija dwar il-Konnettività Sostenibbli u l-Infrastruttura ta’ Kwalità. Din hija l-ewwel sħubija ta’ dan it-tip u tenfasizza l-importanza strateġika ta’ din ir-relazzjoni, li ż-żewġ partijiet ħadu l-impenn li jsaħħuha.
Iċ-Ċina
F’Marzu, fl-isfond tal-qawwa ekonomika u tal-influwenza politika dejjem jikbru taċ-Ċina, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli rrieżaminaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina u l-opportunitajiet u l-isfidi relatati f’komunikazzjoni konġunta. Stabbilew 10 azzjonijiet konkreti li mbagħad ġew diskussi mill-mexxejja fil-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu.
Fis-summit tagħhom f’April, l-UE u ċ-Ċina impenjaw ruħhom li japprofondixxu s-sħubija strateġika u li jadottaw aġenda ġdida ta’ kooperazzjoni lil hinn mill-2020 sas-summit li jmiss tagħhom. Iż-żewġ naħat qablu li jidentifikaw kurituri ferrovjarji komuni bejn l-UE u l-Asja u qed jaħdmu fuq l-iżvilupp lokali fil-pajjiżi ta’ tranżitu. It-tnejn huma iktar impenjati fuq is-sigurtà fl-Asja, permezz ta’ kooperazzjoni militari mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja u permezz tal-appoġġ għad-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana.
Fl-2019, approċċ iktar strateġiku rigward l-Asja kien parti mill-għan tal-UE li jkollha approċċ koerenti rigward il-proġett ta’ konnettività taċ-Ċina lejn il-Punent. L-istrateġija tal-konnettività tal-UE tippromwovi politika li tinkludi l-proġetti tal-infrastruttura li joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġusti u li jrawmu konnettività sostenibbli.
Il-Lvant Nofsani
L-Iran
Fl-2019, l-UE kompliet tappoġġa l-ftehim mal-Iran dwar il-qasam nukleari u l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu f’kull aspett. L-UE jiddispjaċiha li l-Istati Uniti rtiraw mill-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt u li reġgħu imponew is-sanzjonijiet, u kienet imħassba ħafna li l-Iran beda jagħmel attivitajiet li ma kinux konsistenti mal-impenji tiegħu skont il-ftehim. F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2019, l-UE qed ikollha approċċ komprensiv mal-Iran sabiex tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib u sabiex tibbilanċja l-elementi ta’ kritika rilevanti bi djalogu kostruttiv ta’ livell għoli, inkluż permezz tad-djalogu politiku mal-Iran immexxi mill-UE dwar kwistjonijiet reġjonali.
Iżrael, il-Palestina u l-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani
L-UE kompliet tiddefendi u tippromwovi l-prinċipju ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina abbażi tal-parametri internazzjonali miftiehma. L-UE pprovdiet ukoll kważi €350 miljun f’appoġġ finanzjarju lill-Palestinjani, u ħafna mill-finanzjament kien immirat lejn sforzi biex jinbnew il-pedamenti tal-istat Palestinjan futur.

Studenti fl-istand tal-għoti ta’ informazzjoni dwar l-Erasmus+ waqt il-wirja u s-sessjoni ta’ netwerking taż-żjarat tal-kampusijiet #EU4YOUth jippromwovu lill-UE maż-żgħażagħ, f’Birzeit, il-Palestina, il-21 ta’ Frar 2019.
Is-Sirja
Waqt il-Konferenza ta’ Brussell III dwar is-Sirja li saret f’Marzu, l-UE wiegħdet €560 miljun għall-2020 biex tappoġġa l-attivitajiet umanitarji, ta’ reżiljenza u ta’ żvilupp fil-pajjiż kif ukoll fil-Ġordan u fil-Libanu.
Il-Libja
Fl-2019, l-UE ffukat l-impenn tagħha li tappoġġa l-isforzi internazzjonali u reġjonali biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi politika fil-Libja u biex jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.
Is-sigurtà u d-difiża
Issa l-Istati Membri jistgħu jipproteġu aħjar liċ-ċittadini, jinvestu fil-kooperazzjoni fuq id-difiża, jonfqu b’mod iktar effiċjenti u jkunu involuti ma’ sħabhom u mal-ġirien saħansitra iktar minn qabel.
Fl-2019, l-UE kompliet bl-isforzi tagħha biex tiġġieled kontra t-theddidiet ibridi. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni rrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-qafas konġunt tal-2016 dwar il-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi u l-komunikazzjoni konġunta tal-2018 dwar iż-żieda fir-reżiljenza u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex dawn jiġu indirizzati.
L-UE kompliet issaħħaħ it-tliet Task Forces iddedikati għall-Komunikazzjoni Strateġika (tal-Lvant, tal-Balkani tal-Punent u tan-Nofsinhar). Sar progress ukoll fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni minn sorsi esterni u interni. Il-Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni tal-2018 iggwida din il-ħidma, li kienet iffukata fuq l-identifikazzjoni u l-analiżi tal-attivitajiet ta’ diżinformazzjoni, fuq l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri billi tiġi stabbilita Sistema ta’ Twissija Bikrija, fuq ix-xogħol mal-pjattaformi tal-midja soċjali fil-qafas tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-2018 u fuq it-tisħiħ tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. L-UE kkooperat ukoll ma’ sħab internazzjonali tal-qasam, bħall-G7 u n-NATO. Ara wkoll il-Kapitlu 7.
Fl-2019, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra t-Theddidiet Ibridi għamel progress b’iktar membri, programm ta’ ħidma approvat u baġit għall-ħidma. Iċ-Ċentru kompla jagħti appoġġ f’oqsma ewlenin bħat-taħriġ u l-eżerċizzji.
Matul is-sena sar rendikont tal-progress tal-Istati Membri fit-twettiq tal-impenji tagħhom fil-qafas tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO). L-UE nnutat li l-Istati Membri parteċipanti għamlu progress fiż-żieda tal-baġits għad-difiża u fl-investiment konġunt għad-difiża, b’baġits aggregati għad-difiża li żdiedu bi 3.3 % fl-2018 u b’4.6 % fl-2019. Kulma jmur, l-Istati Membri parteċipanti qed jużaw dejjem iktar l-istrumenti tal-UE fl-ippjanar tad-difiża nazzjonali, bħall-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet revedut u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża, li infurmaw il-programm ta’ ħidma għall-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża.

L-Unjoni Ewropea teħtieġ Fond Ewropew għad-Difiża għal diversi raġunijiet. L-ewwel, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża huwa stmat li jiswa bejn €25 biljun u €100 biljun kull sena. Barra minn hekk, madwar 80 % tal-akkwist fil-qasam tad-difiża attwalment isir fuq bażi purament nazzjonali, u dan iwassal għal duplikazzjoni għalja tal-kapaċitajiet militari. Finalment, mill-2010 ’l hawn, kull sena ntefqu inqas minn €200 miljun fuq ir-riċerka u t-teknoloġija kollaborattivi Ewropej fil-qasam tad-difiża.
L-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja
L-għajnuna għall-iżvilupp
L-UE kompliet tkun waħda mill-iktar entitajiet li taw imbottatura lill-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Fi New York, f’Settembru, seħħ l-ewwel Summit tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fejn iltaqgħet mal-mexxejja dinjija u rrappurtat dwar il-progress li sar fir-Rapport ta’ Sinteżi Konġunt.

Il-parteċipanti fil-kampanja “Faces2Hearts” tal-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp tal-2019 jiddiskutu dwar l-inugwaljanzi fl-iżvilupp globali, fi Brussell, il-Belġju, id-19 ta’ Ġunju 2019.
It-tema tal-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp tal-2019 kienet l-“Inugwaljanzi” u l-Kummissjoni ħarġet dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, permezz tal-inizjattiva “Spotlight”, l-UE għenet fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u għaqdet il-forzi tagħha man-NU u ma’ pajjiżi sħab ġodda biex tkompli x-xogħol vitali fuq il-programmi reġjonali, inkluż it-tnedija ta’ konsultazzjoni fil-Paċifiku rigward it-tfassil tal-programm ta’ €50 miljun għar-reġjun.
L-UE kompliet tibni fuq is-sħubija tagħha mal-Afrika. L-Alleanza bejn l-Afrika u l-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli għamlet progress sinifikanti, b’mod partikolari bit-twassil ta’ investimenti b’valur ta’ iktar minn €40 biljun li sar s’issa fil-qafas tal-Pjan ta’ Investiment Estern.

Il-finanzjament umanitarju tal-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni fl-emerġenzi żdied minn €13-il miljun fl-2015 għal €63 miljun fl-2016 u fl-2017, għal €91 miljun fl-2018 u għal €164 miljun fl-2019.
Ir-rispons għall-kriżijiet u għall-emerġenzi umanitarji
Il-baġit umanitarju tal-UE ta’ €1.6 biljun għen lil miljuni ta’ nies madwar id-dinja fl-2019. L-ikbar ammont ġie allokat għar-refuġjati u għall-persuni spostati f’pajjiżhom mill-kunflitti fis-Sirja u fil-Jemen. Iktar minn 10 % tal-baġit ġie allokat għall-“kriżijiet minsija”, bħas-sitwazzjoni tar-refuġjati reġjonali fil-Burundi, il-kunflitt fl-Ukrajna u l-kwistjonijiet umanitarji fil-Kolombja.
L-UE allokat rekord ta’ 10 % tal-baġit umanitarju tagħha biex tipprovdi edukazzjoni sikura u ta’ kwalità tajba lit-tfal fl-emerġenzi. Kienet ukoll donatur ewlieni fir-rispons għall-Ebola.
Fl-2019, l-UE attivat il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tagħha 17-il darba bħala rispons għad-diżastri li seħħew għall-għarrieda fl-Albanija, fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerka Latina. Meta ċ-Ċiklun Idai ħakem il-Mozambique fl-2019, intbagħtu tmien timijiet ta’ speċjalisti tal-protezzjoni ċivili, flimkien ma’ tagħmir għat-tisfija tal-ilma, tined, settijiet tal-iġjene u ikel.

Il-baġit totali tal-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea għall-2019 kien €1.6 biljun. Mill-baġit totali, ġew allokati €385 miljun lill-Afrika sub-Saħarjana; €860 miljun lill-kriżi Sirjana, li jkopru l-finanzjament fl-Eġittu, fil-Ġordan, fil-Libanu, fis-Sirja u fit-Turkija; €88 miljun lill-Iraq, lill-Palestina u lill-Jemen; €105 miljun lill-Asja, lill-Amerka Latina, lill-Paċifiku u lill-Karibew; u €32 miljun lit-Tramuntana tal-Afrika u lill-viċinat tal-Unjoni Ewropea. €174 miljun ġew allokati għal riżervi u għal allokazzjonijiet mhux ġeografiċi. Sors: il-Kummissjoni Ewropea Drittijiet tal-awtur: l-Unjoni Ewropea
Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija
L-UE baqgħet ferm impenjata fil-promozzjoni u fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija madwar id-dinja: permezz ta’ azzjonijiet konġunti man-NU, bħall-kampanja ewlenija bejn l-UE u l-Unicef #TheRealChallenge (l-isfida reali) li fakkret it-30 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u permezz tal-linji gwida l-ġodda tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-tortura fuq skala globali. L-UE kienet attiva fis-seba’ Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, wettqet diversi missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali u adottat konklużjonijiet ġodda dwar id-demokrazija f’Ottubru.
L-appoġġ tal-UE għall-multilateraliżmu, għall-governanza globali u għal sistema bbażata fuq ir-regoli
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti

Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-NU, f’New York, l-Istati Uniti, is-26 ta’ Settembru 2019.
Fiż-żminijiet meta s-sistema tan-NU ġiet ikkontestata, l-UE żiedet l-impenn tagħha għall-multilateraliżmu u għall-organizzazzjoni internazzjonali. L-UE hija l-ikbar kontributur tal-missjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU u tal-baġit tan-NU. Appoġġat it-taħditiet ta’ paċi mmexxija min-NU, rigward is-Sirja u l-Libja, u stabbiliet inizjattivi bħas-sħubija trilaterali bejn l-UE, in-NU u l-Unjoni Afrikana. L-Assemblea Ġenerali annwali tan-NU wriet il-profondità ta’ dan l-appoġġ.
Sħubija iktar b’saħħitha bejn l-UE u n-NATO
Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija parti integrali mill-ħidma tal-UE fit-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa. Ippubblikat f’Ġunju, ir-raba’ rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta’ proposti approvati min-NATO u mill-UE fl-2016 u fl-2017 enfasizza riżultati konkreti fl-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni u b’mod partikolari fl-oqsma ewlenin tat-tisħiħ tad-djalogu politiku, il-mobbiltà militari, il-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi, l-eżerċizzji paralleli u kkoordinati u l-kapaċitajiet tad-difiża.
L-UE fil-G7 u fil-G20

Il-mexxejja dinjija Lee Hsien Loong, il-Prim Ministru ta’ Singapore, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Donald Trump, il-President tal-Istati Uniti, Shinzō Abe, il-Prim Ministru tal-Ġappun, u Xi Jinping, il-President taċ-Ċina, jiltaqgħu għas-summit tal-G20, f’Osaka, il-Ġappun, it-28 ta’ Ġunju 2019.
L-Unjoni Ewropea hija membru tal-G7 u tal-G20. F’dawn il-fora, tiġġieled biex iżżomm l-ordni internazzjonali abbażi tar-regoli, li bħalissa jinsab taħt pressjoni kbira, f’termini ta’ kummerċ, sigurtà, tibdil fil-klima u drittijiet tal-bniedem. Bħal fis-snin preċedenti, matul l-2019 l-UE baqgħet tappoġġa ferm il-kooperazzjoni internazzjonali. Fis-Summit tal-G20 f’Osaka, il-Ġappun, il-koordinazzjoni fost il-mexxejja Ewropej kienet strumentali biex tinkiseb dikjarazzjoni finali li tippreserva l-impenji tal-passat rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u li tagħfas biex ikun hemm progress ambizzjuż fuq ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u biex tinstab soluzzjoni globali għat-tassazzjoni diġitali. F’Awwissu, f’Biarritz, Franza, il-mexxejja tal-G7 laħqu qbil fuq dikjarazzjoni li tindirizza għadd ta’ sfidi tal-politika barranija bħas-sitwazzjoni fl-Iran, fl-Ukrajna, fil-Libja u f’Hong Kong. F’konformità mal-prijoritajiet tagħha għall-kooperazzjoni mal-Afrika, l-UE approvat ukoll inizjattivi ġodda tal-G7 li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet għall-akkwist pubbliku, li jippromwovu d-diġitalizzazzjoni, li jżidu l-aċċess għall-finanzi għall-imprendituri nisa fl-Afrika, li jsaħħu l-kooperazzjoni fis-Saħel, li jiġġieldu kontra l-pandemiji, u li jappoġġaw in-nisa li jisfaw vittmi ta’ vjolenza sesswali fiż-żoni ta’ kunflitt.
Kapitlu 10
Unjoni ta’ bidla demokratika

“Naħdmu flimkien sabiex nerġgħu niksbu l-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew” kien l-objettiv tal-President Jean-Claude Juncker għall-mandat li beda fl-2014 u li wasal fi tmiemu lejn l-aħħar tal-2019. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Kummissjoni Juncker ħadet l-impenn li lill-UE tagħmilha iktar demokratika u iktar trasparenti.
Il-laqgħa informali tal-mexxejja tal-UE f’Sibiu, ir-Rumanija, tad-9 ta’ Mejju, kienet opportunità għall-UE biex iġġedded l-unità u l-iskop tagħha. Id-Dikjarazzjoni ta’ Sibiu ġiet adottata. Hemmhekk kien wasal iż-żmien li l-UE turi li t-tħassib taċ-ċittadini kien qed jiġi kkunsidrat fl-Aġenda Strateġika tal-Unjoni. Iċ-ċittadini taw ir-rispons tagħhom fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li kellhom l-ogħla għadd ta’ nies li ħarġu jivvutaw mill-1994 ’l hawn, b’iktar minn 50 % tal-Ewropej b’vot eliġibbli li ħadu l-opportunità biex jivvutaw.
Fl-2019 kien hemm ukoll bidla fir-regoli tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej biex ikun iktar faċli għaċ-ċittadini li jsawru l-Ewropa billi jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta leġiżlattiva. Ir-regoli riformati se jwasslu biex l-inizjattiva tkun iktar aċċessibbli u tkun iktar faċli biex tintuża.
Il-Parlament Ewropew
Fl-aħħar sessjonijiet tiegħu qabel l-elezzjonijiet f’Mejju, il-Parlament uxxenti adotta leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u li tiżgura protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE. Il-Parlament Ewropew ħadem qatigħ favur mira ambizzjuża ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet ġodda sal-2030. Qabel mar-regoli l-ġodda dwar id-drittijiet tal-awtur, ta l-kunsens tiegħu għall-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Ġappun u appoġġa l-pjanijiet biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma għax-xorb. Aġġorna wkoll ir-regoli ta’ proċedura interni tiegħu.
Il-leġiżlatura l-ġdida bdiet fit-2 ta’ Lulju wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li saru mit-23 sas-26 ta’ Mejju. Il-perċentwal ta’ 50.7 % ta’ nies li ħarġu jivvutaw kien l-ogħla wieħed mill-1994 ’l hawn u żdied minn 42.6 % fl-2014.
Fis-16 ta’ Ottubru, il-Parlament Ewropew fassal lista tal-“ħidma mhux mitmuma” tiegħu u adottaha. Din hija essenzjali għat-tkomplija tan-negozjati informali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE rigward l-abbozzi tar-regoli tal-UE li ma setgħux jiġu ffinalizzati qabel tmiem il-mandat tal-Parlament Ewropew. Fit-22 ta’ Ottubru, il-President tal-Kummissjoni Juncker għamel dikjarazzjoni quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew u rrieżamina l-azzjonijiet u l-kisbiet ewlenin tal-Kummissjoni mmexxija minnu matul l-ħames snin ta’ qabel.
Il-Kunsill Ewropew
F’Marzu, il-Kunsill Ewropew iddiskuta dwar il-kwistjonijiet ekonomiċi, it-tibdil fil-klima, id-diżinformazzjoni u r-relazzjonijiet esterni. Fil-laqgħa tas-27 Stat Membru li ddiskutew dwar il-Brexit, ġiet indirizzata l-estensjoni tal-Artikolu 50 sat-12 ta’ April jew sat-22 ta’ Mejju, skont jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ kienx se jiġi rratifikat mir-Renju Unit matul il-ġimgħa ta’ wara l-laqgħa. Iktar tard f’April, is-27 mexxejja tal-UE qablu li jestendu l-Artikolu 50 sal-31 ta’ Ottubru 2019.
Fid-9 ta’ Mejju, il-mexxejja tal-UE ltaqgħu b’mod informali f’Sibiu, ir-Rumanija, biex jirriflettu fuq l-Aġenda Strateġika għall-2019–2024. Iktar informazzjoni dwar dawn id-diskussjonijiet tinsab fit-taqsima “Il-futur tal-Ewropa”.
F’ċena informali iktar tard f’dak ix-xahar, il-Membri tal-Kunsill ikkunsidraw ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u bdew il-proċess ta’ nomina tal-kapijiet il-ġodda tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Donald Tusk, l-eks President tal-Kunsill Ewropew, u Charles Michel, il-President attwali tal-Kunsill Ewropew, waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew, fi Brussell, il-Belġju.
F’Ġunju, il-mexxejja komplew id-diskussjonijiet dwar il-karigi ta’ livell għoli tal-UE, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, it-tibdil fil-klima, id-diżinformazzjoni u t-theddidiet ibridi, it-tkabbir tal-UE, is-Semestru Ewropew u r-relazzjonijiet esterni. Adottaw ukoll l-Aġenda Strateġika.
Il-mexxejja tal-UE reġgħu ltaqgħu iktar tard f’dak ix-xahar biex jiddiskutu u jilħqu qbil dwar in-nomini għall-karigi ta’ livell għoli fl-istituzzjonijiet tal-UE.
F’Ottubru, il-mexxejja ddiskutew dwar il-baġit futur tal-UE (2021–2027) u dwar is-segwitu għall-Aġenda Strateġika, kif ukoll dwar it-tibdil fil-klima, it-tkabbir tal-UE, it-Turkija u t-twaqqigħ tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines. Il-Kunsill Ewropew iltaqa’ f’format skont l-Artikolu 50 biex jiddiskuti dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Brexit. Fl-aħħar ta’ Ottubru, il-mexxejja tal-EU-27 (l-Istati Membri kollha ħlief ir-Renju Unit) qablu li jestendu l-Artikolu 50 sal-31 ta’ Jannar 2020.
Il-mexxejja mbagħad iltaqgħu f’Diċembru biex jiddiskutu dwar it-tibdil fil-klima u reġgħu ddiskutew dwar il-baġit fit-tul tal-UE.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Ir-Rumanija u l-Finlandja kellhom il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Matul l-ewwel nofs tas-sena, ir-Rumanija ffukat fuq suġġetti bħall-migrazzjoni u s-sigurtà, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, l-ekonomija u l-Ewropa bħala attur globali. Matul it-tieni nofs tas-sena, il-Finlandja ffukat fuq l-azzjoni klimatika u s-sigurtà u fuq it-tisħiħ tal-valuri komuni, inkluż l-istat tad-dritt, biex l-UE ssir iktar kompetittiva u soċjalment inklużiva.

Il-laqgħa ta’ inawgurazzjoni tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE, f’Bucharest, ir-Rumanija, il-11 ta’ Jannar 2019.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew appoġġa l-kampanja tal-Parlament Ewropew “Din id-darba se nivvota” b’għadd ta’ attivitajiet. Fosthom l-avveniment ta’ Frar is-Soċjetà Ċivili għar-rEUnaissance, bil-parteċipazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker u tal-attivista favur il-klima Greta Thunberg.
It-tema tal-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili tal-2019 kienet id-“demokrazija sostenibbli”, u l-korruzzjoni u l-aħbarijiet foloz ġew identifikati bħala t-theddidiet ewlenin għad-demokrazija tal-Ewropa. F’Novembru, il-Kumitat organizza konferenza dwar l-istat tad-dritt fejn talab li jkun hemm djalogu strutturat bejn il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili biex l-istat tad-dritt fl-UE ma jibqax sejjer lura.
F’Marzu, ippreżenta “Sibiu u lil hinn”, il-viżjoni tiegħu għall-futur li fiha l-Ewropa ssir il-mexxej globali fl-iżvilupp sostenibbli. F’sensiela ta’ opinjonijiet orjentati lejn il-futur, ta ideat dwar kif jistgħu jinkisbu s-sostenibbiltà, tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija diġitali u t-tassazzjoni ġusta.
F’Marzu, fit-tmien Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet f’Bucharest, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta dikjarazzjoni msejħa “Nibnu l-UE mill-ġdid mar-reġjuni u l-bliet tagħna”, u fiha argumenta li d-deċiżjonijiet u l-politiki tal-UE jridu jiġu ankrati lokalment sabiex l-UE terġa’ tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini u jkollha riżorsi xierqa. Il-Kumitat huwa favur ħafna s-sussidjarjetà attiva, filwaqt li jisħaq dwar l-importanza li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jkunu involuti f’kull fażi tal-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Il-Kumitat iċċelebra l-25 anniversarju tiegħu billi organizza ċerimonja matul is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Diċembru.
Fil-qasam tar-regolamentazzjoni aħjar, il-Kumitat stabbilixxa netwerk ta’ hubs reġjonali (“RegHub”) biex jevalwa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-livelli lokali u reġjonali. In-netwerk jinkludi 20 reġjun li jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-politiki. Fl-2019 ġew organizzati tliet evalwazzjonijiet: dwar l-akkwist pubbliku, dwar il-kwalità tal-arja u dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera.
Matul is-sena, iż-żewġ Kumitati organizzaw attivitajiet biex jippromwovu l-idea konġunta tagħhom ta’ mekkaniżmu permanenti għall-konsultazzjonijiet u għad-djalogi strutturati maċ-ċittadini kif ukoll għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li se ssir iktar ’il quddiem.
Ara wkoll it-taqsima “Il-futur tal-Ewropa”.
L-ikkompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar
Ħidma għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni

Waħda mill-kisbiet ewlenin bejn l-2014 u l-2019 kienet is-simplifikazzjoni regolatorja u leġiżlattiva. Matul il-mandat tal-Kummissjoni Barroso II, il-medja ta’ inizjattivi ewlenin kienet 130 fis-sena (117 fl-aħħar 11-il xahar tal-2010, 196 fl-2012, 108 fl-2013, 146 fl-2014 u 79 sa Ottubru 2015). Matul il-mandat tal-Kummissjoni Juncker, l-għadd ta’ inizjattivi ewlenin naqas bi 83 %, u ġew ippreżentati 23 inizjattiva ewlenija fl-2015 u fl-2016, 21 fl-2017, 26 fl-2018, u 15 biss fl-2019. Matul il-perjodu mill-2015 sal-2019, kien hemm 142 proposta għall-irtirar, 84 liġi mħassra, u 162 inizjattiva għas-simplifikazzjoni regolatorja. Sors: il-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet
Fl-2016 u fl-2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea qablu fuq żewġ dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE. Saħqu fuq 89 inizjattiva li għalihom kien meħtieġ li jingħata trattament prijoritarju fil-proċess leġiżlattiv. Dan kien jirrappreżenta impenn komuni mit-tliet istituzzjonijiet biex jiġi żgurat li jsir progress sostanzjali u li, meta possibbli, dan isir qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju.
Sal-ewwel nofs tal-2018, il-Kummissjoni kienet adottat l-inizjattivi kollha li tħabbru fid-dikjarazzjonijiet konġunti u, sal-elezzjonijiet Ewropej, kien intlaħaq qbil politiku jew kien hemm adozzjoni formali mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill rigward 61 mid-89 inizjattiva fid-dikjarazzjonijiet konġunti. Fl-aħħar tas-sena, kien għad hemm 22 inizjattiva pendenti.
Fl-2019, il-Kummissjoni Ewropea rnexxielha tikkonkludi n-negozjati mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill rigward kriterji mhux vinkolanti għall-għażla bejn l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati. Din l-għażla spiss tikkomplika n-negozjati leġiżlattivi u għalhekk il-kriterji għandhom ikunu ta’ għajnuna fil-proċess leġiżlattiv. Dawn in-negozjati wasslu għall-konklużjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, li ġie ppubblikat f’Lulju. Barra minn hekk, il-koleġiżlatur qabel mal-allinjament ta’ 68 att eżistenti mat-Trattat ta’ Lisbona billi l-proċedura regolatorja li tintuża tinbidel. Dan isir bi skrutinju biex jiġi kkontrollat kif il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha rigward l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE
Ir-rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, ippubblikat f’Lulju, jistabbilixxi kif il-Kummissjoni mmonitorjat u infurzat il-liġi tal-UE fl-2018.
Pereżempju, il-Kummissjoni ħadet azzjoni soda biex tinforza r-regoli fl-oqsma tal-ambjent, il-mobbiltà u t-trasport, kif ukoll is-suq intern, l-industrija, l-imprenditorija u l-impriżi żgħar u medji. Appoġġat lill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali fl-implimentazzjoni ta’ regoli dwar l-arja nadifa u l-ilma nadif. Ħadet azzjoni wkoll kontra l-Istati Membri li naqsu milli jonoraw l-impenji tagħhom u milli jimplimentaw ir-regoli tal-UE dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat is-setgħat ta’ infurzar meta xi Stati Membri ma ħadux azzjoni malajr biżżejjed biex itejbu l-aċċess għal siti web u għal applikazzjonijiet oħra tal-mowbajl għall-persuni b’diżabbiltà. Jekk il-liġi tal-UE ma tiġix applikata kif suppost, iċ-ċittadini u n-negozji ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom jew igawdu l-benefiċċji pprovduti minnha.

Il-każijiet ta’ ksur li nfetħu bejn tmiem l-2014 u l-11 ta’ Ottubru 2019. Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea fetħet 1,347 każ ta’ ksur. Il-Kummissjoni Juncker bdiet il-mandat tagħha f’Novembru 2014, u s-sena ta’ wara kienu nfetħu 1,368 każ ta’ ksur. Dan l-għadd żdied għal 1,657 fl-2016, naqas għal 1,559 fl-2017 u reġa’ żdied għal 1,571 fl-2018, b’1,581 każ ta’ ksur li nfetħu sal-11 ta’ Ottubru 2019. Fl-2014 ingħalqu 699 każ ta’ ksur qabel it-tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Wara l-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker f’Novembru 2014, l-għadd ta’ każijiet ta’ ksur li ngħalqu qabel it-tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien 657 fl-2015, 646 fl-2016, 772 fl-2017, 564 fl-2018 u 663 sal-11 ta’ Ottubru 2019. Sors: il-Kummissjoni Ewropea.
Ir-regolamentazzjoni aħjar fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE
Il-Kummissjoni ħadet l-impenn li taġixxi biss fejn l-UE tkun ta’ valur miżjud u tipprovdi benefiċċji għan-nies u għan-negozji filwaqt li tevita spejjeż bla bżonn. Dan tagħmlu abbażi tal-aqwa evidenza disponibbli u tħares lejn l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali u lejn impatti sinifikanti oħra. Qabel ma tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, tevalwaha biex tifhem fejn l-affarijiet mixjin ħarir u fejn le, u b’hekk tgħin biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni.
Bħala parti mill-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tagħha, il-Kummissjoni qed tagħti iktar widen mill-qrib lill-fehmiet taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati biex tindirizza l-ħtiġijiet tagħhom. Mill-2015 ’l hawn, il-Kummissjoni organizzat iktar minn 400 konsultazzjoni pubblika, li fihom kienu involuti miljuni ta’ Ewropej. L-għadd ta’ kontributi għall-konsultazzjonijiet pubbliċi li waslu minn dak iż-żmien ’l hawn żdied b’iktar minn erba’ darbiet.
Il-portal il-ġdid “Semma’ leħnek”, sistema ta’ “punt uniku ta’ kuntatt” għall-Ewropej biex jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-UE, ġie kkonsultat kważi 900,000 darba fl-2018 u qabeż il-miljun viżitatur fl-2019. F’April, il-Kummissjoni ħarġet rapport biex tagħti rendikont tal-miżuri li ġew introdotti fil-Kummissjoni Juncker biex jinkisbu riżultati aħjar għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE permezz ta’ tfassil tal-politika iktar miftuħ, trasparenti u bbażat fuq l-evidenza. Ir-riżultati tar-rendikont kienu ċari: ir-regolamentazzjoni aħjar tejbet il-mod kif titfassal il-politika tal-UE u għandha tibqa’ fil-qalba tal-metodi ta’ ħidma tagħha għall-futur filwaqt li tkompli ttejjeb l-għodod tagħha, b’mod partikolari s-sensibilizzazzjoni u l-feedback taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati, l-analiżi tal-impatti u l-kwalità tal-evalwazzjonijiet.
It-trasparenza u r-responsabbiltà finanzjarja
Ir-Reġistru tat-Trasparenza konġunt
Il-kuntatt mal-partijiet ikkonċernati u mas-soċjetà ċivili huwa parti mill-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE. Fl-istess waqt, it-trasparenza u r-responsabbiltà finanzjarja huma essenzjali biex iċ-ċittadini Ewropej jibqa’ jkollhom fiduċja fil-leġittimità tal-proċessi politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi tal-UE.
It-trasparenza tar-rappreżentanza tal-interessi hija importanti b’mod speċjali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-attivitajiet ta’ dawk li jfittxu li jinfluwenzaw il-proċess tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ressqet proposta fl-2016 għal ftehim interistituzzjonali ġdid dwar Reġistru tat-Trasparenza obbligatorju li jkopri lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u, għall-ewwel darba, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. In-negozjati dwar din il-proposta għadhom għaddejjin bħalissa.
Kważi 12,000 entità huma elenkati fir-reġistru. Dawn huma marbuta b’Kodiċi ta’ Kondotta, li jistabbilixxi n-normi etiċi li r-rappreżentanti jridu josservaw meta jinteraġixxu mal-istituzzjonijiet tal-UE.
Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni
Fl-2018, il-Kummissjoni adottat Kodiċi ta’ Kondotta ġdid għall-Kummissarji, li jistabbilixxi regoli iktar stretti u standards etiċi ogħla u jintroduċi iktar trasparenza f’għadd ta’ oqsma. Kull xahrejn minn Frar 2018 ’l hawn, il-Kummissjoni tippubblika informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Kummissarji fuq is-siti web rispettivi tagħhom.
F’Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport annwali dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta. Ir-rapport ikkonferma li mill-adozzjoni tal-kodiċi aġġornat ’l hawn, il-Kummissjoni kisbet livell saħansitra akbar ta’ trasparenza rigward il-kondotta tal-membri tagħha.
Barra minn hekk, fil-qafas tal-kodiċi l-ġdid, ġie stabbilit Kumitat Indipendenti tal-Etika msaħħaħ u magħmul minn tliet membri esterni ta’ kalibru għoli biex jagħti pariri dwar il-kwistjonijiet etiċi kollha.
Iktar kmieni fis-sena, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida etiċi għall-Kummissarji li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Dawn waslu wara li l-kodiċi l-ġdid ippermettielhom jipparteċipaw fil-kampanji elettorali mingħajr ma jkollhom jieħdu liv, kif kien il-każ qabel.
Il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ ukoll dispożizzjoni ġdida tal-kodiċi, li tipprevedi li għandhom jiġu ppubblikati deċiżjonijiet dwar attivitajiet wara l-mandat tal-Membri tal-Kummissjoni u dwar opinjonijiet relatati tal-Kumitat Indipendenti tal-Etika. F’Ottubru kien hemm l-ewwel pubblikazzjoni, filwaqt li qabel l-aħħar tas-sena kien hemm pubblikazzjonijiet oħra.
L-aċċess għad-dokumenti
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat ir-rapport dwar l-aċċess għad-dokumenti tagħha. Ir-rapport juri li l-għadd ta’ talbiet inizjali għal aċċess għad-dokumenti ppreżentati skont ir-regoli relevanti dwar l-aċċess pubbliku għalihom żdied bi kważi 9.5 % (minn 6,716 talba fl-2017 għal 7,257 fl-2018) u l-għadd ta’ talbiet ta’ konferma żdied b’4.4 % (minn 288 fl-2017 għal 318 fl-2018).
Il-Kummissjoni hija l-istituzzjoni tal-UE li tittratta l-akbar għadd ta’ talbiet għal aċċess, b’xejra ta’ żieda kostanti mill-2016 ’l hawn. Għaldaqstant iċ-ċittadini tal-UE u applikanti oħra qed jeżerċitaw b’mod attiv dan id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti.
Fl-2018, il-Kummissjoni żvelat għalkollox jew parzjalment id-dokumenti mitluba f’iktar minn 80 % tal-każijiet, u tat aċċess usa’ jew saħansitra għalkollox fi kważi 41 % tal-288 każ rieżaminat fl-istadju ta’ konferma.
B’mod parallel, il-Kummissjoni kompliet tippubblika b’mod proattiv ammonti kbar ta’ dokumentazzjoni u ta’ informazzjoni fuq is-siti web tagħha u fid-diversi reġistri pubbliċi tagħha, li jkopru l-oqsma kollha ta’ attivitajiet tal-UE. Id-data mhux biss tikkonferma l-approċċ miftuħ tal-Kummissjoni iżda wkoll l-importanza tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti bħala parti mill-politika kumplessiva ta’ trasparenza tal-istituzzjoni.
Il-kontroll tal-baġit tal-UE
Qafas ta’ kontroll u qafas ta’ prestazzjoni huma fis-seħħ biex jipprovdu aċċertament raġonevoli li l-fondi mill-UE jitħallsu f’konformità mar-regoli rilevanti u li jittieħdu miżuri biex jiġu evitati, individwati u kkoreġuti l-iżbalji, filwaqt li tiżdied l-enfasi fuq il-ksib tar-riżultati.
F’Marzu, wara rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni finali tiegħu għall-mod kif il-Kummissjoni implimentat il-baġit tal-UE fl-2017. Permezz tal-proċedura ta’ kwittanza annwali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iżommu lill-Kummissjoni responsabbli politikament għall-implimentazzjoni tal-baġit, u jiżguraw li l-immaniġġjar tal-flus ta’ min iħallas it-taxxa jkun taħt kontroll demokratiku.
F’Lulju, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett tar-Rapporti Finanzjarji u tar-Responsabbiltà Finanzjarja Integrati, li jiġbor l-informazzjoni disponibbli kollha dwar l-implimentazzjoni, il-prestazzjoni, ir-riżultati, l-immaniġġjar finanzjarju tajjeb u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE għall-2018. Ir-rapporti wrew li l-baġit kiseb riżultati li kienu konformi mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni u li ġie implimentat kif suppost.
Il-Kummissjoni kompliet taħdem biex jiġi stabbilit l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li se jieħu ħsieb il-prosekuzzjoni kontra r-reati transfruntiera li jaffettwaw il-baġit tal-UE, inkluż il-frodi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni, fit-22 Stat Membru parteċipanti. Huwa mistenni li l-Uffiċċju se jkun operattiv qabel tmiem l-2020.
F’Ottubru, għat-12-il sena konsekuttiva, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ħarġet dokument ta’ aċċertament tal-korrettezza tal-kontijiet annwali tal-UE, u sabet li kienu veri u ġusti. Il-Qorti kkonfermat l-opinjoni kwalifikata (iktar milli avversa) tagħha dwar ir-regolarità tan-nefqa. Il-livell kumplessiv ta’ żbalji ġie stmat li kien 2.6 %, jiġifieri kemxejn iktar milli fl-2017 (b’0.2 %), iżda ferm inqas mis-snin ta’ qabel. Għal bejn wieħed u ieħor nofs l-infiq tal-UE, ir-rata ta’ żbalji lanqas biss laħqet il-livell li l-Qorti kkunsidrat bħala żbalji materjali. Min-naħa tad-dħul tal-baġit jew fin-nefqa amministrattiva, ma nstabux żbalji materjali.
Il-parlamenti nazzjonali
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat ir-rapport annwali tal-2018 dwar ir-relazzjonijiet tagħha mal-parlamenti nazzjonali u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Ir-rapport jagħti stampa komprensiva tar-relazzjonijiet intensivi u siewja tal-parlamenti nazzjonali mal-Kummissjoni u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-parlamenti nazzjonali ppreżentaw 569 opinjoni, jiġifieri għadd simili għall-2017. Dan juri li l-biċċa l-kbira minnhom huma involuti b’mod attiv ħafna mal-Kummissjoni rigward l-inizjattivi tagħha u rigward firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
37 “opinjoni motivata” biss indikaw tħassib dwar il-mod kif il-proposti tal-Kummissjoni jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jfisser li l-politiki Ewropej jiġu deċiżi u implimentati fl-iktar livell xieraq, irrispettivament ikunx il-livell reġjonali, nazzjonali jew Ewropew. It-Task Force għas-sussidjarjetà, għall-proporzjonalità u biex isir inqas b’mod iktar effiċjenti, stabbilita fl-2018 mill-President Juncker u ppreseduta mill-Ewwel Viċi President Timmermans, tat ħarsa lejn modi biex il-parlamenti nazzjonali kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu involuti aħjar fit-tħejjija u fis-segwitu tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-UE. Miżuri li ħadet il-Kummissjoni biex dan jinkiseb jinkludu l-għoti ta’ tweġibiet aggregati jekk għadd sinifikanti ta’ parlamenti nazzjonali jesprimu tħassib dwar is-sussidjarjetà, u b’hekk f’dokument pubbliku wieħed tiġi ppreżentata l-istampa sħiħa ta’ dak it-tħassib kollu li jkun ġie espress u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwaru.
Iż-żjarat li għamlu l-Membri tal-Kummissjoni lill-parlamenti nazzjonali jew li d-delegazzjonijiet mill-parlamenti nazzjonali għamlu lill-Kummissjoni (55 żjara fl-2019 u 915-il żjara matul il-mandat kollu tal-Kummissjoni Juncker) saħħew id-djalogu bejn il-partijiet.
L-Ombudsman Ewropew
L-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew dwar każijiet allegati ta’ amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-Unjoni Ewropea koprew varjetà ta’ suġġetti, bħat-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-fenomenu tal-“bibien iduru”, l-attivitajiet ta’ wara l-mandat tal-eks Kummissarji, l-aċċess għad-dokumenti, id-drittijiet fundamentali, il-kwistjonijiet etiċi, il-kuntratti, l-għotjiet jew il-kwistjonijiet individwali tal-persunal. Bħala medja, il-Kummissjoni tikkonforma ma’ madwar tliet kwarti tal-proposti tal-Ombudsman (proposti għal soluzzjoni, suġġerimenti għal titjib u rakkomandazzjonijiet) u ma nstab l-ebda każ ta’ amministrazzjoni ħażina f’madwar 95 % tal-inkjesti.
F’Ġunju, l-Ombudsman tat it-tieni Premju Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba lill-inizjattivi tal-Kummissjoni biex jitnaqqas it-tniġġis mill-plastik u biex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni. Il-premju għandu l-għan li jirrikonoxxi inizjattivi, proġetti u tipi oħra ta’ ħidmiet minn dipartimenti differenti tal-istituzzjonijiet tal-UE li jkollhom impatt pożittiv dirett u viżibbli fuq ħajjet in-nies fl-Ewropa u lil hinn minnha.
F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew, li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (l-istatut revedut tagħhom).
F’Diċembru, Emily O’Reilly reġgħet ġiet eletta mill-Parlament Ewropew bħala l-Ombudsman Ewropew. It-tieni mandat tagħha huwa ta’ ħames snin.
Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) f’konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
B’hekk beda jiskorri perjodu ta’ sentejn biex isiru n-negozjati meħtieġa u biex jiġi konkluż ftehim mar-Renju Unit li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jitqies il-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-UE.
In-negozjar ta’ Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika dwar il-qafas tar-relazzjoni futura
Il-Kummissjoni Ewropea ngħatat is-setgħa biex tinnegozja Ftehim dwar il-Ħruġ mar-Renju Unit f’isem il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50, magħmul mill-mexxejja tal-Istati Membri kollha minbarra tar-Renju Unit) u nnominat lil Michel Barnier bħala n-negozjatur ewlieni tagħha. In-negozjati formali bdew fid-19 ta’ Ġunju 2017, wara l-elezzjoni ġenerali tar-Renju Unit.
Fl-14 ta’ Novembru 2018, wara 17-il xahar ta’ negozjati intensivi, in-negozjaturi tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit qablu dwar Ftehim dwar il-Ħruġ rigward it-termini tal-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE. Fit-22 ta’ Novembru, huma qablu dwar id-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.
Fil-25 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ewropew approva formalment il-Ftehim dwar il-Ħruġ u approva d-Dikjarazzjoni Politika.
Fil-11 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u bagħat l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim lill-Parlament Ewropew għall-kunsens tiegħu.
Estensjonijiet tal-Artikolu 50
Minkejja l-kjarifiki li ġew ippreżentati fi skambju ta’ ittri fl-14 ta’ Jannar 2019 bejn il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May u l-Presidenti Tusk u Juncker, u l-ftehim addizzjonali tal-11 ta’ Marzu 2019 dwar Strument relatat mal-Ftehim dwar il-Ħruġ u Dikjarazzjoni Konġunta li tissupplimenta d-Dikjarazzjoni Politika, il-gvern tar-Renju Unit ma kisibx l-appoġġ meħtieġ mill-parlament tiegħu biex jipproċedi bl-iffirmar u bir-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
B’rispons għal talba mir-Renju Unit biex tiġi estiża l-iskadenza tad-29 ta’ Marzu, il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) inizjalment ta estensjoni sat-12 ta’ April 2019 u wara qabel li tingħata estensjoni oħra sal-31 ta’ Ottubru 2019. Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu bi qbil mar-Renju Unit.
Il-mexxejja tal-EU-27 saħqu li r-Renju Unit kien se jkollu jorganizza l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju 2019 jekk sa dak iż-żmien ikun għadu Stat Membru tal-UE. B’kollox ġew eletti 751 Membru tal-Parlament Ewropew, inkluż 72 mir-Renju Unit.
Ħidma kontinwa ta’ tħejjija mill-atturi kollha għax-xenarji kollha
Matul is-sena, bħalma sar fl-2018, l-UE kompliet bil-ħidma tagħha f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, fuq it-tħejjija fil-livelli kollha b’rabta mal-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit, anke fil-każ li ma jkunx hemm ftehim fis-seħħ. F’April, f’Ġunju u f’Settembru, il-Kummissjoni adottat tliet komunikazzjonijiet addizzjonali li fihom stabbiliet l-approċċ koordinat tal-Unjoni għat-tħejjija u l-prinċipji li huwa msejjes fuqhom l-approċċ, u ppreżentat il-qagħda tat-tħejjijiet fil-livell tal-UE. Ħeġġet lill-atturi kkonċernati kollha biex jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jippreparaw għax-xenarji kollha possibbli.
Sabiex jittaffew l-agħar konsegwenzi ta’ xenarju potenzjali ta’ ħruġ mingħajr ftehim għall-EU-27, il-Kummissjoni adottat għadd ta’ miżuri ta’ kontinġenza unilaterali, inkluż diversi proposti leġiżlattivi f’oqsma differenti bħall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, Erasmus+, il-possibbiltà li r-Renju Unit ikompli jikkontribwixxi għall-baġits tal-UE għall-2019 u għall-2020, u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd. Dawn il-miżuri leġiżlattivi ġew ikkomplementati minn madwar 60 att mhux leġiżlattiv f’diversi oqsma. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppubblikat 102 avviżi biex tinforma lill-partijiet ikkonċernati dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mingħajr ftehim.
Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura l-koerenza u l-effettività tal-approċċ tal-Unjoni, u organizzat diversi seminars flimkien mal-Istati Membri biex ikunu jistgħu jsiru diskussjonijiet settorjali u tekniċi u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreparaw għal kull xenarju. Biex tiżgura li l-ippjanar ta’ kontinġenza f’livell nazzjonali kien fit-triq it-tajba u biex tipprovdi l-kjarifiki meħtieġa dwar azzjonijiet ta’ tħejjija u ta’ kontinġenza, bejn Jannar u Marzu l-Kummissjoni żaret is-27 Stat Membru kollha.
Negozjati mal-gvern il-ġdid tar-Renju Unit
Wara li Theresa May irriżenjat mir-rwol ta’ Prim Ministru, il-gvern il-ġdid tar-Renju Unit talab li jsiru modifiki tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq mehmuż mal-Ftehim dwar il-Ħruġ approvat mill-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) fil-25 ta’ Novembru 2018. Il-gvern tar-Renju Unit talab ukoll li jsiru emendi għad-Dikjarazzjoni Politika bil-ħsieb li jirrifletti l-livell il-ġdid tiegħu ta’ ambizzjoni għar-relazzjoni futura mal-UE.
Wara n-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit li saru f’Settembru u f’Ottubru 2019, intlaħaq qbil dwar test revedut kemm tal-Protokoll kif ukoll tad-Dikjarazzjoni Politika.
Fis-17 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew approva l-Ftehim emendat dwar il-Ħruġ u t-test revedut tad-Dikjarazzjoni Politika.
Fid-19 ta’ Ottubru, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-iskadenza tal-31 ta’ Ottubru 2019. Bil-ħsieb li jingħata iktar żmien biex tiġi ffinalizzata r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kunsill Ewropew adotta deċiżjoni biex il-perjodu skont l-Artikolu 50 jiġi estiż sal-31 ta’ Jannar 2020. Id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil mar-Renju Unit.
Għat-tul kollu tal-estensjoni, ir-Renju Unit baqa’ Stat Membru bid-drittijiet u bl-obbligi kollha skont il-liġi tal-UE.
Il-Ftehim revedut dwar il-Ħruġ
Il-Protokoll revedut dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq jipprevedi soluzzjoni operattiva legalment biex tiġi evitata fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda, sabiex tiġi protetta l-ekonomija tal-gżira kollha, sabiex jiġi protett il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (ta’ Belfast) fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-Suq Uniku. Din is-soluzzjoni hija rispons għaċ-ċirkostanzi uniċi fuq il-gżira tal-Irlanda bl-għan li jiġu protetti l-paċi u l-istabbiltà.
L-Irlanda ta’ Fuq se tibqa’ allinjata ma’ sett limitat ta’ regoli tas-Suq Uniku biex tiġi evitata fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda. Il-Protokoll revedut se jevita wkoll li jkun hemm fruntiera doganali fil-gżira tal-Irlanda. Filwaqt li l-Irlanda ta’ Fuq għadha parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit, l-awtoritajiet tar-Renju Unit se japplikaw il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għall-merkanzija kollha li tasal fl-Irlanda ta’ Fuq, u l-Protokoll jipprevedi mekkaniżmi xierqa ta’ superviżjoni u ta’ infurzar tal-UE. L-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq se tkun deċiżiva fl-applikazzjoni fit-tul tal-liġi rilevanti tal-UE fl-Irlanda ta’ Fuq. B’kuntrast mal-Protokoll preċedenti, dan huwa permanenti u ma jridx jiġi sostitwit b’arranġamenti alternattivi.
L-elementi l-oħra kollha tal-Ftehim dwar il-Ħruġ baqgħu l-istess fis-sustanza tagħhom, skont il-qbil li ntlaħaq fl-14 ta’ Novembru 2018. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ iġib ċertezza legali fejn il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE joħloq inċertezza: id-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju, perjodu ta’ tranżizzjoni minn tal-inqas sal-aħħar tal-2020, il-governanza, il-protokolli dwar Ċipru u Ġibiltà, u firxa ta’ kwistjonijiet oħra ta’ separazzjoni.
Id-Dikjarazzjoni Politika reveduta
Il-bidla ewlenija fid-Dikjarazzjoni Politika reveduta hija marbuta mar-relazzjoni ekonomika futura bejn l-UE u r-Renju Unit, fejn il-gvern attwali tar-Renju Unit għażel ftehim ta’ kummerċ ħieles. Id-Dikjarazzjoni tikkonferma l-ambizzjoni li jiġi konkluż ftehim ta’ kummerċ ħieles b’żero tariffi u kwoti bejn l-UE u r-Renju Unit u tiddikjara li impenji sodi rigward kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għandhom jiżguraw kompetizzjoni miftuħa u ġusta u għandhom jipprevjenu vantaġġi kompetittivi inġusti.
Fit-22 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet, fuq l-inizjattiva ta’ Ursula von Leyen, li dak iż-żmien kienet il-President elett, li tirristruttura t-task force eżistenti u li tistabbilixxi task force ġdida għar-relazzjonijiet mar-Renju Unit. Michel Barnier inħatar bħala l-kap tat-task force, li se tikkoordina l-ħidma tal-Kummissjoni b’rabta mal-kwistjonijiet strateġiċi, operattivi, legali u finanzjarji kollha relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 2019.
Il-passi li jmiss
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ kellu jiġi ratifikat mill-UE u mir-Renju Unit qabel ma seta’ jidħol fis-seħħ.
Wara r-riżultat tal-elezzjoni tar-Renju Unit fit-12 ta’ Diċembru 2019, kien mistenni li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi ratifikat u konkluż miż-żewġ naħat sa tmiem Jannar 2020, biex ir-Renju Unit ikun jista’ joħroġ mill-UE b’mod ordnat u jsir pajjiż mhux tal-UE fl-1 ta’ Frar 2020.
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2020. Dan jista’ jiġi estiż darba, b’massimu ta’ sena jew sentejn, iżda d-deċiżjoni trid tittieħed abbażi ta’ ftehim reċiproku bejn l-UE u r-Renju Unit qabel l-1 ta’ Lulju 2020. Matul dan il-perjodu, il-liġi tal-UE se tkompli tapplika għar-Renju Unit u fih. L-UE se tittratta lir-Renju Unit daqslikieku kien Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-parteċipazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-UE u fl-istrutturi ta’ governanza.
L-UE kienet lesta tippreżenta mandat ta’ negozjar lill-Kunsill għar-relazzjoni futura mar-Renju Unit malli dan tal-aħħar isir pajjiż mhux tal-UE. Il-Kummissjoni kienet ukoll lesta tibda n-negozjati malli jiġi approvat il-mandat.
Nersqu iktar qrib iċ-ċittadini
L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
Fl-2019 il-Kummissjoni rreġistrat 16-il inizjattiva ġdida taċ-ċittadini (iktar mid-doppju tal-inizjattivi fl-2018), jiġifieri l-istess daqs kemm ġew irreġistrati fl-2012 (l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-inizjattiva).
Parti kbira miż-żieda tista’ tiġi attribwita lill-kampanja ta’ komunikazzjoni ddedikata li nbdiet f’April 2018, li kellha l-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni dwar din l-għodda permezz tal-promozzjoni fuq il-midja soċjali u permezz ta’ avvenimenti mmirati fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-pjattaforma kollaborattiva online mnedija f’Mejju 2018 tippromwovi skambji tal-aqwa prattiki permezz ta’ forum ta’ diskussjoni, u tipprovdi pariri indipendenti minn esperti dwar kwistjonijiet legali jew organizzattivi.
Fis-17 ta’ April 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar riforma tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Ir-regoli l-ġodda, li japplikaw minn Jannar 2020, għandhom l-għan li jagħmluha iktar faċli għaċ-ċittadini biex jorganizzaw u jappoġġaw l-inizjattivi. Dan jinkludi proċeduri mtejba, iktar għajnuna u iktar informazzjoni għaċ-ċittadini, kif ukoll għodod ġodda tal-IT. L-istabbiliment ta’ sistema ċentrali għall-ġbir online ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, li se jiġi mmaniġġjat mill-Kummissjoni, huwa kemm rekwiżit ewlieni kif ukoll prijorità ewlenija.
Fit-13 ta’ Ġunju 2019, ġie adottat formalment Regolament ġdid dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari. It-test tfassal b’rispons għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej rigward il-politika tal-UE dwar il-pestiċidi.
Id-Djalogi taċ-Ċittadini
Permezz tad-Djalogi taċ-Ċittadini, ħareġ b’mod iktar ċar li l-populiżmu, l-għajdut u d-diżinformazzjoni dwar l-Ewropa jistgħu jonqsu jekk l-UE tkun iktar qrib iċ-ċittadini tagħha u tispjega kif taħdem u x’tagħmel. Id-Djalogi ppermettew lill-Kummissjoni twassal id-dibattitu dwar l-Ewropa lil pubbliku usa’ u wrew li kulma jmur qed tiżdied id-domanda għal avvenimenti li jippermettu lin-nies isemmgħu leħinhom.
Waħda mill-prijoritajiet li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni Juncker kienet li ċ-ċittadini jitħallew isemmgħu leħinhom, u li jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw u li jiġu involuti fit-tiswir tal-UE tal-futur. Minn Jannar 2015 ’l hawn, dan l-impenn wassal għal iktar minn 1,800 Djalogu taċ-Ċittadini f’iktar minn 600 belt. Ħadu sehem iktar minn 212,000 persuna b’etajiet differenti u minn sfondi differenti, flimkien mal-President u l-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni, il-Kummissarji, il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-politiċi nazzjonali u l-persunal tal-UE.
Dawn id-Djalogi, li ġew organizzati bħal dibattiti muniċipali, ħafna drabi flimkien ma’ sħab nazzjonali u lokali, kienu għodda ta’ komunikazzjoni siewja biex ikun hemm komunikazzjoni diretta maċ-ċittadini mingħajr filtri jew intermedjarji. Il-fehmiet taċ-ċittadini li nġabru matul id-Djalogi ġew integrati fil-proċess tat-tfassil tal-politiki u jidher li hemm potenzjal akbar biex jibqa’ jsir hekk fil-futur.
Minn eżerċizzju ta’ smigħ għal impenn reali
Id-Djalogi taċ-Ċittadini evolvew matul is-snin. Kienu jakkumpanjaw id-dibattiti dwar il-futur tal-Ewropa li skattaw mill-White Paper ta’ Marzu 2017 u kienu jikkumplementaw il-konsultazzjonijiet taċ-ċittadini li kienu jsiru fl-Istati Membri. Id-Djalogi espandew u jħaddnu formati ġodda, bħal sessjonijiet ta’ ħidma parteċipattivi b’ġerarkija minn isfel għal fuq, diskussjonijiet online u djalogi transnazzjonali fir-reġjuni tal-fruntiera.

Mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker, saru Djalogi taċ-Ċittadini fl-Ewropa kollha.
Id-dibattiti wrew li, fil-kuntest tal-bidla, iċ-ċittadini jinsabu fuq quddiem nett, billi għandhom ħafna aspettattivi dwar l-ekonomija ċirkolari u l-ekonomija diġitali u dwar il-modi ġodda kif ikun hemm parteċipazzjoni demokratika. In-nies qed jitolbu li tittieħed azzjoni rigward kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali, iżda qed jistennew ukoll li l-UE tiggarantixxi l-benesseri, l-istandards tal-għajxien u l-pensjonijiet tagħhom. Iċ-ċittadini jqisu wkoll lill-UE bħala l-entità li tiggarantixxi t-tradizzjonijiet agrikoli u rurali tagħhom, kif ukoll l-identità, il-kultura u l-valuri Ewropej tagħhom.
Il-Kummissjoni se żżomm l-impenn li ħadet li tkun qrib iċ-ċittadini u li tistimola l-parteċipazzjoni tagħhom billi tiżviluppa l-għodod għal interazzjoni eqreb magħhom, kif ukoll billi ttejjeb l-integrazzjoni tat-tħassib u tal-aspettattivi tagħhom fit-tfassil tal-politiki. L-għarfien espert miksub bejn l-2015 u l-2019 jista’ jservi bħala punt ta’ tluq għat-tiswir tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa mħabbra minn Ursula von der Leyen bħala parti mill-prijorità politika tal-Kummissjoni “Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea”.
Forum għal dibattiti li qed jevolvu
Meta nbdew id-djalogi fl-2015, li hija s-sena li fiha ġie rreġistrat l-ogħla numru ta’ wasliet ta’ refuġjati u ta’ migranti lejn l-UE, wieħed mis-suġġetti l-iktar jaħarqu kien dak tal-migrazzjoni. Is-sena ta’ wara, it-tħassib dwar iż-żieda ta’ terroriżmu u ta’ radikalizzazzjoni fl-Ewropa u l-interess fir-rammifikazzjonijiet tal-Brexit u fir-relazzjonijiet mal-amministrazzjoni l-ġdida ta’ Trump fl-Istati Uniti kienu suġġetti dominanti fid-dibattiti. Fl-2017 u fl-2018, id-Djalogi taċ-Ċittadini ffukaw dejjem iktar fuq il-futur tal-UE, li hu suġġett li kompla jkun dominanti fl-2019 flimkien ma’ dak dwar it-tħassib rigward il-populiżmu, l-Ewroxettiċiżmu, l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni. Is-suġġett tat-trasformazzjoni diġitali, speċjalment l-intelliġenza artifiċjali, qanqal ukoll ħafna dibattiti. Barra minn hekk, il-klima u l-ambjent kienu suġġetti jaħarqu, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

It-tfal jieħdu sehem fil-konferenza u fl-avveniment tat-tħawwil tas-siġar “Il-Foresti Tagħna, il-Futur Tagħna” biex juru l-impenn tal-UE għal settur tal-forestrija sostenibbli, fi Brussell, il-Belġju, is-26 ta’ April 2019.
It-tħejjija għall-futur
Fl-2019, saru 547 Djalogu taċ-Ċittadini f’27 Stat Membru, li laqqgħu flimkien iktar minn 60,000 persuna. L-opinjonijiet tagħhom infurmaw lill-mexxejja tal-EU-27 x’inhuma t-tamiet u l-ħolm taċ-ċittadini għall-futur tal-Ewropa, qabel il-laqgħa informali tagħhom li saret f’Mejju f’Sibiu, ir-Rumanija.
Il-konklużjonijiet meħuda mid-djalogi u mill-konsultazzjonijiet online li saru matul is-sena kkontribwew għall-viżjoni li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fid-dokument “It-tħejjija għal Unjoni iktar magħquda, iktar b’saħħitha u iktar demokratika f’dinja li dejjem iktar qed issir inċerta”. Il-messaġġ kien wieħed ċar: biex l-Ewropa tirnexxi, l-Istati Membri jridu jaħdmu id f’id.
Dan id-dokument, imlaħħam bil-feedback u bl-interazzjoni taċ-ċittadini, ġie ppreżentat bħala l-kontribut tal-Kummissjoni għall-Aġenda Strateġika tal-UE għall-perjodu mill-2019 sal-2024, li ġiet adottata f’Ġunju. Ara t-taqsima bit-titlu “Il-futur tal-Ewropa” għal iktar informazzjoni.
Ewropa li tikkomunika
Li jkun hemm komunikazzjoni effettiva maċ-ċittadini fil-kontinent kollu hija sfida unika għall-UE. Il-politiki u l-komunikazzjoni huma żewġ naħat tal-istess munita. Filwaqt li qieset dan kollu, għall-ewwel darba l-Kummissjoni fasslet sett ta’ ħames rakkomandazzjonijiet dwar il-komunikazzjoni għas-servizz taċ-ċittadini u tad-demokrazija fil-kontribut tagħha għall-Aġenda Strateġika l-ġdida tal-UE fis-Summit ta’ Sibiu li sar fid-9 ta’ Mejju 2019. B’responsabbiltà kondiviża mill-istituzzjonijiet, mill-Istati Membri u mill-gvernijiet fil-livelli kollha għall-komunikazzjoni dwar l-UE, l-ewwel rakkomandazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm iktar komunikazzjoni permezz ta’ messaġġi komuni, li jispjegaw xi jfissru d-deċiżjonijiet u l-politiki għan-nies, u x’riżultati tanġibbli jwasslu. It-tieni rakkomandazzjoni tiffoka fuq li jiżdied l-involviment u l-interazzjoni tal-UE maċ-ċittadini rigward il-politiki u l-kwistjonijiet tal-UE. It-tielet rakkomandazzjoni għandha l-għan li tiżgura li fil-futur l-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu iktar mill-qrib flimkien fil-kampanji ta’ komunikazzjoni korporattiva tal-UE bbażati fuq valuri Ewropej kondiviżi. Fir-raba’ rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li nagħmlu ħilitna biex niġġieldu kontra d-diżinformazzjoni, permezz ta’ komunikazzjoni tal-UE bbażata fuq il-fatti. Fl-aħħar nett, fil-ħames rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-promozzjoni tat-tagħlim u tal-apprendiment dwar l-UE fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.

Ir-Rokna tat-Tagħlim, imnedija mill-Kummissjoni Ewropea f’Marzu 2019, tgħin lit-tfal tal-iskola primarja u sekondarja jitgħallmu dwar l-UE b’mod divertenti, kemm fil-klassi kif ukoll id-dar.
L-UE fir-reġjun tiegħi
Bħala parti mill-kampanja “L-UE fir-reġjun tiegħi”, li tħeġġeġ liċ-ċittadini jiskopru proġetti ffinanzjati mill-UE qrib fejn jgħixu, madwar nofs miljun ċittadin żaru iktar minn 2,000 proġett matul ix-xahar ta’ Mejju. Il-kampanja nħolqot u tiġi mmaniġġjata b’mod konġunt mir-reġjuni u mill-Kummissjoni.
Sessjonijiet ta’ ħidma deliberattivi għaċ-ċittadini: il-ksib ta’ prijoritajiet ta’ politika b’ġerarkija minn isfel għal fuq miċ-ċittadini
Fl-2017, il-Kummissjoni introduċiet tip ġdid ta’ avveniment: sessjonijiet ta’ ħidma parteċipattivi għaċ-ċittadini. Matul dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma, iċ-ċittadini ddiskutew dak li hu importanti għalihom, għamlu proposti dwar il-futur li jixtiequ għall-Ewropa u mbagħad għamlu dibattitu dwar dawk l-ideat ma’ persuna li għandha rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma kienu mod sinifikattiv biex jiġi identifikat x’jaħsbu ċ-ċittadini rigward suġġetti differenti, billi ċ-ċittadini stess jingħataw il-kontroll tal-konverżazzjoni. Fl-2019 ġew organizzati tmien sessjonijiet ta’ ħidma dwar il-futur tal-Ewropa li saru fil-Belġju, fl-Italja, f’Ċipru, fl-Ungerija, fil-Polonja u fil-Finlandja. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma enfasizzaw l-oqsma fejn, fil-fehma taċ-ċittadini, l-azzjonijiet fil-livell Ewropew jistgħu jagħmlu differenza.
Diskussjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew
Fl-2018 u fl-ewwel xhur tal-2019, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew spiss ġew diskussi waqt id-djalogi. In-nies kienu mħassba dwar iż-żieda ta’ populiżmu u ta’ Ewroxettiċiżmu f’diversi Stati Membri, u ħafna kienu mħassba dwar id-diżinformazzjoni. Is-suġġetti relatati li ġew diskussi kienu kontromiżuri li tista’ tieħu l-Ewropa; l-effetti destabbilizzanti li setgħat barranin jista’ jkollhom f’xi pajjiżi billi jinfluwenzaw elezzjonijiet importanti; il-libertà tal-espressjoni; u x’jista’ jsir biex in-nies ikunu jistgħu jiddistingwu bejn sorsi ta’ informazzjoni affidabbli u oħrajn mhux affidabbli.
Il-fehmiet u l-azzjonijiet taż-żgħażagħ matul is-sena
F’ħafna djalogi li saru matul l-2019, iż-żgħażagħ esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-kundizzjoni li jinsab fiha l-istat tad-dritt f’diversi Stati Membri, u xi parteċipanti xtaqu jkunu jafu x’tista’ tagħmel l-UE biex tiżgura li l-istat tad-dritt jiġi ssalvagwardjat. F’xi pajjiżi, kien hemm ukoll tħassib kbir dwar il-korruzzjoni.
Il-parteċipanti talbu wkoll lill-UE u lill-politiċi nazzjonali biex b’mod attiv ikomplu jipproteġu l-ambjent, jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jużaw enerġija iktar nadifa minn sorsi Ewropej.

L-avveniment tad-Djalogu taċ-Ċittadini Żgħażagħ matul is-summit ta’ Sibiu, f’Sibiu, ir-Rumanija, id-9 ta’ Mejju 2019.
Stennew ukoll li l-UE tirregola u tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn soċjetà iktar sostenibbli u li tinkoraġġixxi bidla fl-imġiba f’oqsma bħall-ekonomija ċirkolari, l-ħela tal-ikel u t-tnaqqis tal-plastik.
Waqt ħafna Djalogi taċ-Ċittadini saru mistoqsijiet dwar id-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa u dwar il-ħtieġa li l-UE timplimenta miżuri biex tiżgura l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Saru wkoll talbiet biex l-Ewropa tkun iktar soċjali, fost l-oħrajn b’żieda fil-baġit tal-UE biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet soċjali, u bit-tnaqqis ta’ inugwaljanzi bejn l-Istati Membri kif ukoll fihom stess.
Id-Djalogu taċ-Ċittadini Żgħażagħ “Ejjew insawru l-futur tal-Ewropa flimkien!” sar fit-8 ta’ Mejju f’Sibiu. Iktar minn 300 żagħżugħ u żagħżugħa mill-Ewropa kollha b’età ta’ bejn 18-il sena u 25 sena attendew biex jiddiskutu dwar il-futur tal-Ewropa mal-mexxejja tal-UE qabel is-summit tad-9 ta’ Mejju. Kien hemm skambji ta’ ideat u ġew diskussi kwistjonijiet relatati ma’ ħames suġġetti ewlenin: l-involviment, id-demokrazija, il-ġustizzja, l-Ewropa diġitali u t-tibdil fil-klima. Fir-rigward tal-futur tal-UE, huma talbu li jkollhom iktar influwenza fit-tfassil tal-politiki, speċjalment fid-dawl taż-żieda reċenti ta’ attiviżmu fost iż-żgħażagħ b’rabta mal-emerġenza klimatika.
Inħarsu ’l quddiem
Dan ir-rapport iddeskriva l-bosta kisbiet tal-UE fl-2019 u l-isfidi li għadna qed niffaċċjaw. Ir-riedni jinsabu f’idejn mexxejja ġodda u, bl-involviment u bil-parteċipazzjoni dejjem akbar taċ-ċittadini filħajja demokratika tal-Ewropa, l-UE hija mgħammra tajjeb biex twieġeb għal dawk l-isfidi b’mod kunfidenti.
Dan ir-rapport jiġi ppubblikat fir-rebbiegħa tal-2020, meta l-UE tkun impenjata ferm biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew jissarraf f’azzjonijiet, biex l-Ewropa tkun lesta għall-era diġitali, biex taħdem favur il-ġustizzja soċjali u l-prosperità f’ekonomija għas-servizz tan-nies, u biex tħejji l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Dawn huma biss uħud mill-bosta prijoritajiet u inizjattivi li se jiġu deskritti fl-edizzjoni tal-2020 tar-Rapport Ġenerali.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit:
https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
— bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
— fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
— bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq:
https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Data Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
Dwar
L-UE fl-2019 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
1049 Brussell
IL-BELGJU
L-UE fl-2019 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fid-19 ta’ Frar 2020 bir-referenza C(2020) 860.
Dwar
Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
ISBN 978-92-76-14814-2 | ISSN 1725-6941 | doi:10.2775/29115 | NA-AD-20-001-MT-C | |
ISBN 978-92-76-14779-4 | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/803104 | NA-AD-20-001-MT-N | |
EPUB | ISBN 978-92-76-14728-2 | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/753245 | NA-AD-20-001-MT-E |
HTML | ISBN 978-92-76-14754-1 | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/292461 | NA-AD-20-001-MT-Q |
Punti ewlenin
ISBN 978-92-76-14877-7 | ISSN 2443-9274 | doi:10.2775/36918 | NA-AP-20-001-MT-C | |
ISBN 978-92-76-14851-7 | ISSN 2443-9509 | doi:10.2775/445606 | NA-AP-20-001-MT-N | |
EPUB | ISBN 978-92-76-14829-6 | ISSN 2443-9509 | doi:10.2775/468991 | NA-AP-20-001-MT-E |

Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minħabba l-użu mill-ġdid ta’ din il-pubblikazzjoni.
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020
© L-Unjoni Ewropea, 2020

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).
Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0)
(https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.
KREDITI
Ir-ritratti kollha huma © L-Unjoni Ewropea, ħlief jekk jingħad mod ieħor.
Fuq il-qoxra

- Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, tippreżenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-Kunsill Ewropew, fi Brussell, il-Belġju, it-12 ta’ Diċembru 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- Il-mexxejja tal-EU-27 jinġabru għal laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew biex jiddiskutu l-futur tal-Unjoni Ewropea, f’Sibiu, ir-Rumanija, id-9 ta’ Mejju 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- Il-vjaġġaturi ta’ DiscoverEU fl-ewwel laqgħa tad-DiscoverEU li qatt saret, f’Nijmegen, in-Netherlands, it-12 ta’ Lulju 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- Logħba rugby għaż-żgħażagħ organizzata quddiem il-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, fi Brussell, il-Belġju, it-23 ta’ Settembru 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- L-erba’ mexxejja ġodda tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea: Christine Lagarde, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew; David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew; Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea; u Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, fi Brussell, il-Belġju, l-1 ta’ Diċembru 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- Installazzjoni li tippromwovi l-kampanja tal-UE “Din id-darba se nivvota” biex tħeġġeġ lin-nies joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-istazzjon ferrovjarju ta’ Bruxelles-Luxembourg, fi Brussell, il-Belġju, l-24 ta’ Mejju 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- It-tfal jieħdu sehem fil-konferenza u fl-avveniment tat-tħawwil tas-siġar “Il-Foresti Tagħna, il-Futur Tagħna” biex juru l-impenn tal-UE għal settur tal-forestrija sostenibbli, fi Brussell, il-Belġju, is-26 ta’ April 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- Antonio Tajani, l-eks President tal-Parlament Ewropew, jieħu b’id David Sassoli, il-President attwali tal-Parlament Ewropew. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- Charles Michel, il-President attwali tal-Kunsill Ewropew, jieħu b’id Donald Tusk, l-eks President tal-Kunsill Ewropew. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Jean-Claude Juncker, l-eks President tal-Kummissjoni Ewropea, waqt l-iżvelar tal-inkwatru tiegħu fil-Gallerija tal-Presidenti fil-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea, fi Brussell, il-Belġju, it-3 ta’ Diċembru 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)
- Il-persunal tal-protezzjoni ċivili tal-UE waqt laqgħa operattiva mal-awtoritajiet Albaniżi lokali wara t-terremot ta’ 6.4 fuq l-iskala Richter u t-theżżiżiet sekondarji tiegħu, fi Krujë, l-Albanija, l-4 ta’ Diċembru 2019. (© L-Unjoni Ewropea, 2019)