
DAĦLA
L-ordni ġuridiku maħluq mill-unjoni ewropea (ue) sar komponent stabbilit tal-ħajja politika u s-soċjetà tagħna. kull sena, abbażi tat-trattati tal-unjoni, jittieħdu eluf ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod determinanti lill-istati membri tal-ue u l-ħajjiet taċ-ċittadini tagħhom. L-individwi m’għadhomx biss ċittadini tal-pajjiż, tal-belt jew tal-komunità tagħhom; huma wkoll ċittadini tal-unjoni. għal din ir-raġuni waħidha, huwa ta’ importanza fundamentali li jiġu infurmati dwar l-ordni ġuridiku li jaffettwa l-ħajja tagħhom ta’ kuljum. madankollu l-kumplessitajiet tal-istruttura tal-unjoni u l-ordni ġuridiku tagħha mhumiex faċli biex tifhimhom. dan huwa parzjalment dovut għall-formulazzjoni tat-trattati nfushom, li ħafna drabi hija kemxejn ambigwa, b’implikazzjonijiet li mhumiex faċli biex tapprezzahom. fattur addizzjonali huwa n-nuqqas ta’ familjarità ta’ bosta kunċetti li bihom it-trattati jippruvaw jittrattaw sitwazzjonijiet ġodda. għalhekk, il-paġni li ġejjin huma tentattiv sabiex iċ-ċittadini interessati jingħataw għarfien inizjali dwar l-istruttura tal-unjoni u l-pilastri li fuqhom huwa mibni l-ordni ġuridiku ewropew.
LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET
BĊE | Il-Bank Ċentrali Ewropew |
ECR | Il-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
EFTA | L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles |
KE | Il-Komunità Ewropea |
KEDB | Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem |
KEE | Il-Komunità Ekonomika Ewropea |
KEEA | Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika |
KEFA | Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar |
MES | Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà |
OECD | L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi |
PE | Il-Parlament Ewropew |
QĠ | Il-Qorti Ġenerali |
QTĠ-UE | Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea |
TFUE | It-Trattat dwar Il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
TUE | It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea |
UE | L-Unjoni Ewropea |
MINN PARIĠI GĦAL LISBONA PERMEZZ TA’ RUMA, MAASTRICHT, AMSTERDAM U NIZZA
Sa ftit taż-żmien wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-kunċett tagħna ta’ stat u tal-ħajja politika tagħna kienu żviluppaw kważi kompletament abbażi ta’ kostituzzjonijiet u liġijiet nazzjonali. Kien fuq din il-bażi li nħolqu r-regoli ta’ kondotta li jorbtu mhux biss liċ-ċittadini u l-partijiet fl-istati demokratiċi tagħna iżda wkoll lill-istat u lill-organi tiegħu. Kellu jkun il-kollass totali tal-Ewropa u d-deterjorament politiku u ekonomiku tagħha sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal bidu ġdid u jingħata impetu ġdid għall-idea ta’ ordni Ewropew ġdid.
F’termini ġenerali, l-isforzi għall-unifikazzjoni fl-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija ħolqu taħlita konfużjonarja ta’ organizzazzjonijiet kumplessi li diffiċli żżomm kont tagħhom. Pereżempju, l-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi), in-NATO (Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea jeżistu flimkien mingħajr l-ebda rabta reali bejniethom.
Din il-varjetà ta’ organizzazzjonijiet takkwista struttura loġika biss jekk inħarsu lejn l-għanijiet speċifiċi tagħhom. Dawn jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi ewlenin.
L-ewwel grupp: l-organizzazzjonijiet Ewro-Atlantiċi
L-organizzazzjonijiet Ewro-Atlantiċi nħolqu b’riżultat tal-alleanza bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Ma kienx b’kumbinazzjoni li l-ewwel organizzazzjoni Ewropea tal-perjodu ta’ wara l-gwerra, jiġifieri l-OEEC (Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni Ekonomika Ewropea), li ġiet stabbilita fl-1948, inħolqot fuq inizjattiva tal-Istati Uniti. Fl-1947, is-Segretarju tal-Istat Amerikan ta’ dak iż-żmien, George Marshall, ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej sabiex jingħaqdu flimkien għall-bini mill-ġdid tal-ekonomiji tagħhom u wiegħed l-għajnuna Amerikana. Din ġiet fil-forma tal-Pjan Marshallc li pprovda l-bażi għar-rikostruzzjoni rapida tal-Ewropa tal-Punent. Għall-bidu, l-għan prinċipali tal-OEEC kien li tilliberalizza l-kummerċ bejn il-pajjiżi. Fl-1960, meta ssieħbu l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada, żdied għan ieħor, jiġifieri l-promozzjoni tal-progress ekonomiku fit-Tielet Dinja permezz ta’ għajnuna għall-iżvilupp. L-OEEC b’hekk saret l-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi), li llum għandha 35 membru.

Is-7 ta’ Mejju 1948, L-Aja
Winston Churchill jingħata merħba mill-qalb fil-Kungress tal-Ewropa. L-eks Prim Ministru Ingliż, u f’dak iż-żmien kap tal-oppożizzjoni, ippresieda s-sessjoni inawgurali tal-Kungress. Fid-19 ta’ Settembru 1946, fid-diskors tiegħu ta’ Zurich huwa kien sejjaħ għall-unità Ewropea.
Fl-1949, twaqqfet in-NATO bħala alleanza militari mal-Istati Uniti u l-Kanada. L-għan tan-NATO huwa d-difiża kollettiva u l-appoġġ kollettiv. Din kienet maħsuba bħala parti minn ċintorin ta’ sigurtà globali sabiex titrażżan l-influwenza Sovjetika. Wara l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid fl-1989 u x-xoljiment sussegwenti tal-Unjoni Sovjetika, l-organizzazzjoni ħadet dejjem aktar il-kompiti tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-promozzjoni tal-istabbiltà. In-NATO għandha 28 pajjiż membru, li jikkonsistu minn 22 Stat Membru tal-UE (m’hemmx l-Awstrija, l-Iżvezja, il-Finlandja, l-Irlanda, Malta u Ċipru) u l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, it-Turkija, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Albanija. Fl-1954 inħolqot l-Unjoni Ewropea tal-Punent (UEP) sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-politika tas-sigurtà bejn il-pajjiżi tal-Ewropa. L-UEP immarkat il-bidu ta’ politika ta’ sigurtà u ta’ difiża fl-Ewropa. Madankollu, ir-rwol tagħha ma żviluppax aktar, billi l-maġġoranza tas-setgħat tagħha ġew trasferiti lil istituzzjonijiet internazzjonali oħra, b’mod partikolari n-NATO, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UE. Konsegwentement, l-UEP ġiet xolta fit-30 ta’ Ġunju 2011.
It-tieni grupp: Il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE
Il-karatteristika komuni tat-tieni grupp ta’ organizzazzjonijiet Ewropej hija li huma strutturati sabiex jippermettu l-parteċipazzjoni tal-akbar numru ta’ pajjiżi possibbli. Fl-istess ħin, kien hemm għarfien li dawn l-organizzazzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn kooperazzjoni internazzjonali normali.
Dawn l-organizzazzjonijiet jinkludu l-Kunsill tal-Ewropa, li ġie stabbilit bħala istituzzjoni politika fil-5 ta’ Mejju 1949 u llum għandu 47 membru, inklużi l-Istati Membri attwali kollha tal-UE. L-istatut tiegħu ma jagħmel l-ebda referenza għal bidliet lejn federazzjoni jew unjoni, u lanqas ma jipprovdi għat-trasferiment jew il-fużjoni tad-drittijiet sovrani. Id-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet importanti kollha jeħtieġu l-unanimità, li jfisser li kull pajjiż għandu s-setgħa tal-veto. Għalhekk, il-Kunsill tal-Ewropa huwa mfassal biss bil-ħsieb ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

Id-Dikjarazzjoni Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950 fis-sala tal-arloġġ tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż fuq il-Quai d’Orsay f’Pariġi: Il-ministru tal-affarijiet barranin Franċiż Robert Schuman ippropona li l-industrija Ewropea tal-faħam u l-azzar tingħaqad flimkien sabiex tinħoloq il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Kien maħsub li dan jagħmel gwerra bejn il-pajjiżi parteċipanti mhux biss impensabbli, iżda materjalment impossibbli.
Il-Kunsill ikkonkluda diversi konvenzjonijiet fl-oqsma tal-ekonomija, tal-kultura, tal-politika soċjali u tal-liġi. L-aktar waħda importanti – u l-aktar magħrufa – minnhom hija l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) tal-4 ta’ Novembru 1950; is-47 membru kollha tal-Kunsill issa huma parti għall-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni mhux biss ippermettiet li jiġi stabbilit standard minimu għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi membri; stabbiliet ukoll sistema ta’ protezzjoni legali li tippermetti lill-korpi stabbiliti fi Strasburgu taħt il-Konvenzjoni (il-Kummissjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem) jikkundannaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi membri.
Dan il-grupp ta’ organizzazzjonijiet jinkludi wkoll l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), li ġiet stabbilita fl-1994 bħala s-suċċessur tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (CSCE). L-OSKE, li attwalment għandha 57 stat parteċipant, hija marbuta bil-prinċipji u bl-għanijiet stabbiliti fl-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-1975 u fil-Karta ta’ Pariġi tal-1990. Minbarra miżuri sabiex tiżdied il-fiduċja bejn il-pajjiżi tal-Ewropa, dawn l-għanijiet jinkludu wkoll il-ħolqien ta’ “xibka ta’ sikurezza” sabiex il-kunflitti jkunu jistgħu jiġu solvuti b’mezzi paċifiċi.
It-tielet grupp: L-Unjoni Ewropea
It-tielet grupp ta’ organizzazzjonijiet Ewropej jinkludi l-Unjoni Ewropea (UE). Il-karatteristika li hija kompletament ġdida fl-UE u li tiddistingwiha mit-tip normali ta’ assoċjazzjoni internazzjonali ta’ stati hija li l-Istati Membri ċedew xi wħud mid-drittijiet sovrani tagħhom lill-UE u taw setgħat lill-Unjoni sabiex taġixxi b’mod indipendenti. Fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat, l-UE tista’ tadotta leġiżlazzjoni Ewropea li għandha l-istess saħħa bħal-liġijiet nazzjonali fl-istati individwali.
Il-pedament tal-Unjoni Ewropea ġie stabbilit mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż ta’ dak iż-żmien Robert Schuman fid-dikjarazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Mejju 1950, fejn huwa ressaq il-pjan kien fassal ma’ Jean Monnet biex jiġbor flimkien l-industriji tal-faħam u tal-azzar Ewropej biex jiffurmaw Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Huwa ddikjara li din kellha tikkostitwixxi inizjattiva storika għal “Ewropa organizzata u ħajja”, li kienet “indispensabbli għaċ-ċiviltà” u “li mingħajrha ma setgħetx tinżamm il-paċi dinjija”.
Il-“Pjan Schuman” finalment sar realtà bil-konklużjoni tat-Trattat fundatur tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) mis-sitt stati fundaturi (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands) fit-18 ta’ April 1951 f’Pariġi (it-Trattat ta’ Pariġi) u d-dħul fis-seħħ tiegħu fit-23 ta’ Lulju 1952. Din il-Komunità kienet stabbilita għal perjodu ta’ 50 sena, u ġiet “integrata” fil-Komunità Ewropea meta t-Trattat fundatur tagħha skada fit-23 ta’ Lulju 2002. Żvilupp ieħor seħħ xi snin wara bit-Trattati ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 1957, li ħolqu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom); dawn bdew l-attivitajiet tagħhom meta t-Trattati daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1958.
Il-ħolqien tal-Unjoni Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Maastricht immarka pass ieħor fit-triq lejn l-unifikazzjoni politika tal-Ewropa. Għalkemm it-Trattat ġie ffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, minħabba għadd ta’ ostakoli fil-proċess ta’ ratifika (l-approvazzjoni mill-poplu Daniż seħħet biss wara t-tieni referendum; azzjoni legali fil-Ġermanja biex l-approvazzjoni tat-Trattat mill-Parlament tiġi ddikjarata bħala mhux kostituzzjonali) dan ma daħalx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Novembru 1993. It-Trattat irrefera għalih innifsu bħala “pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa”. Kien jinkludi l-istrument li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, għalkemm ma jtemmx dan il-proċess. L-Unjoni Ewropea ma ħaditx post il-Komunitajiet Ewropej iżda minflok poġġiethom taħt l-istess umbrella bħall-politiki u l-forom ta’ kooperazzjoni l-ġodda. Għalhekk it-“tliet pilastri” li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea. L-ewwel pilastru kien jikkonsisti mill-Komunitajiet Ewropej: il-KEE (li bdiet tissejjaħ il-KE), il-KEFA (sal-2002) u l-Euratom. It-tieni pilastru kien jikkonsisti mill-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni. It-tielet pilastru kien ikopri l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.
Żvilupp ulterjuri seħħ fil-forma tat-Trattati ta’ Amsterdam u ta’ Nizza, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999 u fl-1 ta’ Frar 2003. L-għan ta’ dawn ir-riformi kien li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-UE għal azzjoni effettiva anke f’Unjoni mkabbra b’għadd imdaqqas ta’ membri ġodda. Għalhekk, iż-żewġ Trattati ffukaw fuq riformi istituzzjonali. Meta mqabbel ma’ riformi preċedenti, ir-rieda politika biex tiġi msaħħa l-integrazzjoni Ewropea kienet relattivament dgħajfa.
Il-kritika sussegwenti minn bosta kwartieri wasslet għall-bidu ta’ dibattitu dwar il-ġejjieni tal-UE u l-istruttura istituzzjonali tagħha. Bħala riżultat, fil-5 ta’ Diċembru 2001 f’Laeken (il-Belġju), il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern adottaw Dikjarazzjoni dwar il-Ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, li fiha l-UE impenjat ruħha li ssir aktar demokratika, trasparenti u effettiva u tiftaħ it-triq għal kostituzzjoni. L-ewwel pass sabiex jintlaħaq dan l-għan ittieħed permezz tal-istabbiliment ta’ konvenzjoni Ewropea, ippreseduta mill-eks President ta’ Franza, Valéry Giscard d’Estaing, bil-mandat li titfassal kostituzzjoni Ewropea. L-abbozz tat-“Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa” mfassal mill-Konvenzjoni kien ippreżentat uffiċjalment lill-President tal-Kunsill Ewropew fit-18 ta’ Lulju 2003 u ġie adottat, b’diversi emendi, mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fis-17 u t-18 ta’ Lulju 2004 fi Brussell.
Il-Kostituzzjoni kienet maħsuba biex l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea kif konna nafuhom, tibdilhom f’Unjoni Ewropea ġdida u unika li tkun ibbażata fuq trattat kostituzzjonali wieħed. Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika biss kellha tibqa’ teżisti bħala Komunità separata – għalkemm tibqa’ assoċjata mill-qrib mal-Unjoni Ewropea l-ġdida. Madankollu, dan it-tentattiv ta’ kostituzzjoni falla waqt il-proċess ta’ ratifika mwettaq mill-Istati Membri. Wara li l-voti inizjali kienu pożittivi fi 13 mill-25 Stat Membru ta’ dak iż-żmien, it-Trattat ġie miċħud f’referendums fi Franza (b’54.68 % jivvutaw kontra, minn parteċipazzjoni ta’ 69.34 %) u fin-Netherlands (b’61.7 % jivvutaw kontra, minn parteċipazzjoni ta’ 63 %).
Wara perjodu ta’ riflessjoni ta’ kważi sentejn, fl-ewwel nofs tal-2007 tnieda pakkett ġdid ta’ riformi. Dan il-pakkett ta’ riformi kien jirrappreżenta bidla formali mill-idea ta’ kostituzzjoni Ewropea li biha t-Trattati eżistenti kollha jiġu revokati u jkunu sostitwiti minn test uniku msejjaħ it-“Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa”. Minflok, tfassal Trattat ta’ Riforma, li, bħat-Trattati ta’ Maastricht, ta’ Amsterdam u ta’ Nizza qablu, għamel bidliet fundamentali fit-Trattati eżistenti tal-UE sabiex isaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi ġewwa u barra l-Unjoni, iżid il-leġittimità demokratika tagħha u jtejjeb l-effiċjenza tal-azzjoni tal-UE b’mod ġenerali. Skont it-tradizzjoni, dan it-Trattat ta’ Riforma ġie msemmi għall-post fejn ġie ffirmat: it-Trattat ta’ Lisbona. It-Trattat ġie abbozzat aktar malajr mis-soltu, prinċipalment minħabba l-fatt li l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern infushom iddefinew fid-dettall fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007 fi Brussell kif u sa fejn il-bidliet innegozjati għat-Trattat ta’ Riforma kellhom jiġu inkorporati fit-Trattati eżistenti. L-approċċ tagħhom kien differenti minn tas-soltu billi ma llimitawx ruħhom għal direzzjonijiet ġenerali li kellhom jiġu implimentati minn Konferenza Intergovernattiva, iżda huma nfushom fasslu l-istruttura u l-kontenut tal-bidliet li kellhom isiru, u fil-fatt ħafna drabi speċifikaw il-kliem eżatt ta’ dispożizzjoni.
Il-punti prinċipali tal-argumentazzjoni kienu d-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, il-ġejjieni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, ir-rwol ġdid tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ integrazzjoni, l-inkorporazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fid-dritt tal-Unjoni u l-progress possibbli fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Minħabba f’hekk, il-Konferenza Intergovernattiva li tlaqqgħet fl-2007 ftit kellha possibbiltà li tagħmel tibdil u setgħet biss timplimenta l-bidliet meħtieġa b’mod tekniku. Il-ħidma tal-Konferenza Intergovernattiva tlestiet sat-18 u d-19 ta’ Ottubru 2007, u kisbet l-approvazzjoni politika tal-Kunsill Ewropew, li kien qiegħed jiltaqa’ b’mod informali f’Lisbona fl-istess żmien.
Finalment, it-Trattat ġie ffirmat b’mod formali mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas-27 Stat Membru tal-UE ta’ dak iż-żmien (il-Kroazja ssieħbet fl-UE fl-2013) fit-13 ta’ Diċembru 2007 f’Lisbona. Madankollu, anki għal dan it-Trattat il-proċess ta’ ratifika kien diffiċli ħafna. Għalkemm it-Trattat ta’ Lisbona, b’differenza mit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, ġie rratifikat b’suċċess fi Franza u fin-Netherlands, fil-bidu weħel fl-ostakolu tal-ewwel referendum fl-Irlanda fit-12 ta’ Ġunju 2008 (bi 53.4 % jivvutaw kontra, minn parteċipazzjoni ta’ 53.1 %). Kien biss wara għadd ta’ assigurazzjonijiet legali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni (limitat) tat-Trattat il-ġdid li ċ-ċittadini Irlandiżi kienu mitluba jivvotaw fit-tieni referendum dwar it-Trattat ta’ Lisbona f’Ottubru 2009. Din id-darba t-Trattat kiseb l-appoġġ wiesa’ tal-popolazzjoni Irlandiża (b’67.1 % jivvutaw favur, minn parteċipazzjoni ta’ 59 %). Is-suċċess tar-referendum fl-Irlanda fetaħ it-triq ukoll għar-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka. Fil-Polonja, għall-President Kaczyński l-iffirmar tal-istrument ta’ ratifika kien jiddependi minn riżultat favorevoli fir-referendum Irlandiż. Anki l-President Ċek, Václav Klaus, għall-ewwel ried jistenna r-riżultat tar-referendum tal-Irlanda, iżda mbagħad biddel fehemtu u ffirma l-istrument tar-ratifika bil-patt u l-kundizzjoni li Trattat ta’ Lisbona, u b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali inkorporata fit-Trattat tal-UE, ma jkunux jaffettwaw l-hekk imsejħa d-“Digrieti Beneš” tal-1945, li ma kinux jippermettu pretensjonijiet għal art f’żoni tar-Repubblika Ċeka li qabel kienu Ġermaniżi. Ladarba nstabet soluzzjoni għal din it-talba, il-President Ċek iffirma l-istrument ta’ ratifika fit-3 ta’ Novembru 2009. Għalhekk, il-proċess ta’ ratifika ġie konkluż b’suċċess, u t-Trattat ta’ Lisbona seta’ jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.
It-Trattat ta’ Lisbona jgħaqqad lill-Unjoni Ewropea u lill-Komunità Ewropea f’Unjoni Ewropea waħda. Il-kelma “Komunità” hija sostitwita kompletament bil-kelma “Unjoni”. L-Unjoni tieħu post u ssegwi l-Komunità Ewropea. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni għadu msawwar mit-tliet Trattati li ġejjin:
It-Trattati attwalment fis-seħħ tal-UE
IT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat UE – “TUE”) huwa maqsum fis-sitt titoli li ġejjin: Dispożizzjonijiet Komuni (I), Dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi (II), Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet (III), Dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa (IV), Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (V), u Dispożizzjonijiet Finali (VI).
IT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ġie żviluppat mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Għandu tista’ tgħid l-istess struttura bħat-Trattat tal-KE. Il-bidliet ewlenin jirrigwardaw l-azzjoni esterna tal-UE u l-introduzzjoni ta’ kapitoli ġodda, b’mod partikolari dwar il-politika dwar l-enerġija, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, l-astronawtika jew l-isport u t-turiżmu.
IT-TRATTAT LI JISTABBILIXXI L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Trattat KEEA) ġie emendat fi stadji differenti. F’kull każ, l-emendi speċifiċi saru fi Protokolli annessi mat-Trattat ta’ Lisbona.
It-TUE u t-TFUE għandhom l-istess valur legali u l-ebda wieħed ma huwa superjuri jew subordinat għall-ieħor. Din il-kjarifika legali espliċita hija neċessarja, billi l-livelli ta’ regolamentazzjoni fiż-żewġ Trattati u t-titolu ġdid tat-Trattat tal-KE preċedenti (Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE) jagħtu l-impressjoni li t-TUE huwa xi tip ta’ kostituzzjoni jew trattat bażiku, filwaqt li t-TFUE huwa maħsub bħala trattat ta’ implimentazzjoni. It-TUE u t-TFUE lanqas ma huma formalment ta’ natura kostituzzjonali. It-termini użati fit-Trattati b’mod ġenerali jirriflettu din il-bidla fl-approċċ mill-abbozz ta’ kostituzzjoni preċedenti: l-espressjoni “kostituzzjoni” m’għadhiex tintuża; il-“ministru tal-affarijiet barranin tal-UE” jissejjaħ ir-“Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà”; u d-definizzjonijiet ta’ “liġi” u “liġi kwadru” ġew abbandunati. It-Trattati emendati ma fihom ukoll l-ebda artikolu li jirreferi għas-simboli tal-UE, bħall-bandiera jew l-innu. Il-preminenza tad-dritt tal-UE mhijiex stabbilita espliċitament fi trattat, iżda hija derivata, bħal qabel, minn dikjarazzjoni li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija rilevanti għall-kwistjoni tal-preminenza.
It-Trattat ta’ Lisbona jabbanduna wkoll it-“Tliet Pilastri” tal-UE. Madankollu, il-proċeduri speċjali relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, inkluża d-difiża Ewropea, baqgħu fis-seħħ; id-dikjarazzjonijiet tal-Konferenza Intergovernattiva mehmuża mat-Trattat jenfasizzaw in-natura speċjali ta’ dan il-qasam ta’ politika u r-responsabbiltajiet partikolari tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.
Fil-preżent, l-UE għandha 28 Stat Membru. Dawn jinkludu l-ewwel nett is-sitt membri fundaturi tal-KEE, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja (inkluż it-territorju tal-eks Repubblika Demokratika tal-Ġermanja wara l-unifikazzjoni taż-żewġ Ġermanji fit-3 ta’ Ottubru 1990), Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Fl-1 ta’ Jannar 1973, id-Danimarka (li issa ma tinkludix Greenland, li f’referendum fi Frar 1982 ivvota b’maġġoranza żgħira biex ma jibqax fil-KE), l-Irlanda u r-Renju Unit issieħbu fil-Komunità; l-adeżjoni ppjanata tan-Norveġja ġiet rifjutata f’referendum f’Ottubru 1972 (bi 53.5 % jivvutaw kontra s-sħubija fil-KE).
It-“tkabbir lejn in-Nofsinhar” beda bl-adeżjoni tal-Greċja fl-1 ta’ Jannar 1981 u tlesta fl-1 ta’ Jannar 1986 bl-adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall. It-tkabbir li jmiss seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995 meta l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ssieħbu fl-UE. Fin-Norveġja, referendum wassal għal ripetizzjoni tar-riżultat ta’ 22 sena qabel, b’maġġoranza żgħira (52.4 %) jivvutaw kontra s-sħubija Norveġiża fl-UE. Fl-1 ta’ Mejju 2004 l-Istati Baltiċi tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, l-Istati Ewropej tal-Lvant u Ċentrali tar-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja u ż-żewġ gżejjer Mediterranji ta’ Ċipru u Malta ssieħbu fl-UE. Kien biss ftit aktar minn sentejn wara li kompla t-tkabbir lejn il-Lvant bl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-1 ta’ Jannar 2007.
Il-Kroazja saret l-aħħar membru tal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013. Dan tella’ n-numru ta’ Stati Membri għal 28 u żied il-popolazzjoni tal-Unjoni għal 510 miljun ċittadin. Dan it-tkabbir storiku tal-UE huwa l-qofol ta’ proċess twil li wassal għar-riunifikazzjoni ta’ Ewropa li kienet maqsuma għal aktar minn nofs seklu mill-Purtiera tal-Ħadid u l-Gwerra Bierda. Fuq kollox, dan it-tkabbir jirrifletti x-xewqa li tinkiseb il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità ekonomika f’kontinent Ewropew magħqud.
L-UE hija miftuħa wkoll għall-adeżjoni ta’ aktar pajjiżi, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993:
- kriterji politiċi: l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi;
- kriterji ekonomiċi: l-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona li tista’ tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-UE;
- kriterji legali: l-abbiltà li l-pajjiż jassumi l-obbligi tas-sħubija fl-UE, inkluża l-aċċettazzjoni tal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja.
Il-proċedura tal-adeżjoni tikkonsisti minn tliet stadji, li jridu jiġu approvati mill-Istati Membri attwali kollha tal-UE:
- Pajjiż jiġi offrut il-prospett tas-sħubija.
- Pajjiż jirċievi l-istatus uffiċjali ta’ kandidat ladarba jkun issodisfa l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni – iżda dan mhux neċessarjament ifisser li jkunu nfetħu n-negozjati formali.
- Jibdew in-negozjati formali tal-adeżjoni mal-pajjiż kandidat, fejn jiġu miftiehma l-arranġamenti u l-proċeduri għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE.
Meta n-negozjati u r-riformi ta’ akkumpanjament ikunu tlestew għas-sodisfazzjon taż-żewġ naħat, is-sejbiet u l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni jiġu stabbiliti fi Trattat tal-Adeżjoni. L-ewwel nett, il-Parlament Ewropew irid japprova dan it-trattat ta’ adeżjoni b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu. Il-Kunsill imbagħad irid jagħti l-approvazzjoni – unanima – tiegħu. Wara dan, it-Trattat tal-Adeżjoni jrid jiġi ffirmat mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE u l-pajjiż ta’ adeżjoni. It-Trattat tal-Adeżjoni mbagħad irid jiġi “ratifikat” mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiż ta’ adeżjoni skont id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi. Bid-depożitu tal-istrumenti ta’ ratifika, jitlesta l-proċess tal-adeżjoni u t-trattat tal-adeżjoni jidħol fis-seħħ. Il-pajjiż ta’ adeżjoni mbagħad isir Stat Membru.
Bħalissa għaddejjin negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija (mill-2005), mas-Serbja (mill-2014) u mal-Montenegro (mill-2014).
It-Turkija ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-14 ta’ April 1987. Madankollu, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija jmorru lura aktar minn hekk. Diġà fl-1963, it-Turkija u l-KEE daħlu fi ftehim ta’ assoċjazzjoni fejn saret referenza għall-prospett ta’ sħubija. Fl-1995, ġiet iffurmata unjoni doganali u, f’Diċembru 1999 f’Ħelsinki, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti uffiċjalment lit-Turkija l-istatus ta’ kandidat għall-adeżjoni. Dan kien jirrifletti t-twemmin li l-pajjiż kellu l-karatteristiċi bażiċi ta’ sistema demokratika, għalkemm kien għad għandu nuqqasijiet serji f’termini tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi. F’Diċembru 2004, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew fl-aħħar ta l-approvazzjoni tiegħu għall-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija; dawn in-negozjati ilhom għaddejjin minn Ottubru 2005. L-għan aħħari ta’ dawn in-negozjati huwa l-adeżjoni, iżda ma hemm l-ebda garanzija li dan l-għan se jintlaħaq. Id-data fil-mira għall-adeżjoni possibbli fl-2014, li kienet stabbilita fl-1999, għaddiet u ma ġietx miftiehma skeda ta’ żmien ġdida. L-adeżjoni tat-Turkija trid tiġi ppreparata bir-reqqa sabiex il-pajjiż jiġi integrat mingħajr ma jiġu pperikolati l-kisbiet ta’ aktar minn sittin sena ta’ integrazzjoni Ewropea.
L-Iżlanda ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fis-17 ta’ Lulju 2009. In-negozjati tal-adeżjoni nfetħu formalment fl-2010; dawn wkoll għamlu progress tajjeb għall-ewwel, iżda, wara l-bidla fil-gvern, waqfu qabel ma eventwalment ġew abbandunati għalkollox, biex wara l-Iżlanda rtirat l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fit-12 ta’ Marzu 2015.
L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Albanija għandhom status ta’ kandidat uffiċjali, li ngħata fl-2009 u fl-2014, rispettivament. Il-prospett ta’ sħubija futura fl-UE ġie offrut ukoll lill-Bożnija-Ħerzegovina u lill-Kosovo (1).
Sar provvediment ukoll għall-ħruġ mill-UE. Fit-Trattat tal-UE ġiet inkorporata klawsola ta’ ħruġ, li tippermetti li Stat Membru jitlaq mill-UE. Ma hemmx kundizzjonijiet għal tali ħruġ mill-Unjoni; kulma huwa meħtieġ huwa ftehim bejn l-UE u l-Istat Membru kkonċernat dwar l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu. Jekk ftehim bħal dan ma jkunx jista’ jintlaħaq, il-ħruġ isir effettiv mingħajr l-ebda ftehim sentejn wara n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Din il-possibbiltà ġiet eżerċitata aktar kmieni milli xi ħadd seta’ jistenna. Fit-23 ta’ Ġunju 2016, 52 % tal-pubbliku Brittaniku (minn parteċipazzjoni ta’ 71.8 %) ivvota biex ir-Renju Unit ma jibqax fl-Unjoni Ewropea. Issa huwa f’idejn il-Gvern tar-Renju Unit biex jibda l-proċess tal-ħruġ (l-Artikolu 50 tat-Trattat tal-UE) billi jipprovdi notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ.
Madankollu, ma hemm l-ebda provvediment għat-tkeċċija ta’ Stat Membru mill-UE kontra r-rieda ddikjarata tiegħu, anki għal ksur serju u persistenti tat-Trattati.
IL-VALURI FUNDAMENTALI TAL-UNJONI EWROPEA
L-Artikolu 2 tat-TUE (il-valuri tal-Unjoni)
L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
L-Artikolu 3 tat-TUE (l-għanijiet tal-Unjoni)
- Il-mira tal-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha.
- L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.
- L-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern. Hija għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent. Hija għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku.
Għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.
Għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.
Għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.
- L-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro.
- Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Hija għandha tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
[…]
Il-pedamenti ta’ Ewropa magħquda kienu stabbiliti fuq ideat u valuri fundamentali li l-Istati Membri qablu magħhom fl-Artikolu 2 tat-TUE u li huma tradotti f’realtà prattika mill-istituzzjonijiet operattivi tal-UE. Dawn il-valuri fundamentali jinkludu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-libertà u s-solidarjetà. L-għanijiet iddikjarati tal-UE huma li tissalvagwardja l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt li huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha, u li tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem.
Dawn il-valuri mhux biss jistabbilixxu l-istandard għall-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE fil-ġejjieni; il-ksur serju u persistenti ta’ dawn il-valuri u l-prinċipji minn Stat Membru jista’ jiġi penalizzat ukoll skont l-Artikolu 7 tat-Trattat UE. Qabelxejn, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fil-Kunsill Ewropew iridu jistabbilixxu b’mod unanimu l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti tal-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni. Dan l-istabbiliment isir mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fuq proposta minn terz tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni Ewropea, u wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Imbagħad, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill jista’jissospendi ċerti drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattat tla-UE u mit-TFUE lill-Istat Membru inkwistjoni, inklużi d-drittijiet tal-vot fil-Kunsill. Min-naħa l-oħra, l-obbligi fuq l-Istat Membru inkwistjoni skont it-Trattati jibqgħu jorbtu. Jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-effetti fuq id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini u l-intrapriżi.
L-UE bħala garanti tal-paċi
M’hemmx motivazzjoni akbar għall-unifikazzjoni Ewropea mix-xewqa għall-paċi (ara l-Artikolu 3 tat-Trattat UE). Fis-seklu li għadda, saru żewġ gwerer dinjija fl-Ewropa bejn pajjiżi li issa huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, politika għall-Ewropa tfisser fl-istess ħin politika għall-paċi. It-twaqqif tal-UE ħoloq il-qofol ta’ qafas għall-paċi fl-Ewropa li jirrendi impossibbli gwerra bejn l-Istati Membri. Is-sebgħin sena ta’ paċi fl-Ewropa huma prova ta’ dan. Aktar ma jissieħbu Stati Ewropej fl-UE, aktar isir b’saħħtu dan il-qafas ta’ paċi. L-aħħar tkabbiriet tal-UE għamlu kontribut importanti f’dan ir-rigward. Fl-2012, l-UE rċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi għall-ħidma tagħha favur il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.
L-unità u l-ugwaljanza bħala t-tema rikorrenti
L-unità hija t-tema rikorrenti. Il-problemi prinċipali tal-lum jistgħu jiġu megħluba biss jekk il-pajjiżi Ewropej jitkellmu u jaġixxu flimkien, filwaqt li jippreservaw id-diversità tagħhom. Ħafna nies iħossu li mingħajr integrazzjoni Ewropea, mhuwiex possibbli li jiġu żgurati l-paċi (kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja), id-demokrazija, il-liġi u l-ġustizzja, il-prosperità ekonomika u s-sigurtà soċjali, u li dawn jiġu ggarantiti għall-ġejjieni. Kwistjonijiet bħall-qgħad, it-tkabbir inadegwat, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u t-tniġġis ambjentali ilhom li ma baqgħux sempliċement problemi nazzjonali, u ma jistgħux jiġu solvuti fuq livell nazzjonali. Huwa biss fil-kuntest tal-UE li jista’ jiġi stabbilit ordni ekonomiku stabbli u huwa biss permezz ta’ sforzi Ewropej konġunti li nistgħu nassiguraw politika ekonomika internazzjonali li ttejjeb il-prestazzjoni tal-ekonomija Ewropea u tikkontribwixxi għall-ġustizzja soċjali. Mingħajr koeżjoni interna, l-Ewropa ma tistax tafferma l-indipendenza politika u ekonomika tagħha mill-bqija tad-dinja, tirbaħ lura l-influwenza tagħha fix-xena internazzjonali u terġa’ tikseb ir-rwol tagħha fil-politika dinjija.
L-unità tista’ tippersisti biss fejn hemm l-ugwaljanza. L-ebda ċittadin tal-Unjoni ma jista’ jitqiegħed fi żvantaġġ jew issir diskriminazzjoni kontrih minħabba n-nazzjonalità tiegħu. It-trattament diskriminatorju abbażi tas-sess, ir-razza, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jrid jiġi miġġieled. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tmur lil hinn minn dan. Hija pprojbita kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħall-kulur, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f’minorità nazzjonali, il-proprjetà jew it-twelid. Barra minn hekk, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni huma ugwali quddiem il-liġi. Fir-rigward tal-Istati Membri, il-prinċipju tal-ugwaljanza jfisser li l-ebda Stat ma għandu preċedenza fuq ieħor, u differenzi naturali bħad-daqs, il-popolazzjoni u strutturi differenti għandhom jitqiesu biss skont il-prinċipju tal-ugwaljanza.

Fl-2012, l-UE rċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi għall-ħidma tagħha favur il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa. Herman van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew mill-2009 sal-2014, José Manuel Barroso, President tal-Kummissjoni Ewropea mill-2004 sal-2014, u Martin Schulz, President tal-Parlament Ewropew mill-2012 sal-2017, aċċettaw il-premju f’Oslo fl-10 ta’ Diċembru 2012.
Il-libertajiet fundamentali
Il-libertà tirriżulta direttament mill-paċi, l-unità u l-ugwaljanza. Il-ħolqien ta’ entità akbar permezz tal-għaqda flimkien ta’ 28 Stat joffri fl-istess ħin il-libertà ta’ moviment lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dan ifisser, b’mod partikolari, il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-moviment liberu tal-merkanzija u l-moviment liberu tal-kapital. Dawn il-libertajiet fundamentali jiggarantixxu lin-nies tan-negozju l-libertà tat-teħid tad-deċiżjonijiet, lill-ħaddiema l-libertà li jagħżlu l-post tax-xogħol tagħhom u lill-konsumaturi l-libertà tal-għażla bejn l-akbar varjetà possibbli ta’ prodotti. Il-libertà tal-kompetizzjoni tippermetti lin-negozji li joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom lil ċirku ferm aktar wiesa’ ta’ klijenti potenzjali. Il-ħaddiema jistgħu jfittxu impjieg u jibdlu l-impjieg skont ix-xewqat u l-interessi tagħhom fit-territorju kollu tal-UE. Il-konsumaturi jistgħu jagħżlu l-irħas u l-aqwa prodotti mill-firxa ferm akbar ta’ oġġetti offruti li tirriżulta minn kompetizzjoni akbar.
Madankollu, it-trattat tal-adeżjoni ħafna drabi jistabbilixxi regoli tranżitorji għall-adeżjoni ta’ pajjiż fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment. Dawn ir-regoli jippermettu lill-Istati Membri “l-qodma” tal-UE li jużaw il-liġi nazzjonali jew ftehimiet bilaterali eżistenti sabiex jikkontrollaw l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fundamentali għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri ġodda sa massimu ta’ seba’ snin.
Il-prinċipju tas-solidarjetà
Is-solidarjetà hija l-korrettiv meħtieġ għal-libertà, għax it-tħaddim tal-libertà mingħajr konsiderazzjoni dejjem ikun għad-detriment ta’ ħaddieħor. Għal din ir-raġuni, jekk qafas Komunitarju jrid jibqa’ jeżisti, dan irid jirrikonoxxi dejjem ukoll is-solidarjetà tal-membri tiegħu bħala prinċipju fundamentali, u jaqsam kemm il-vantaġġi, jiġifieri l-prosperità, kif ukoll il-piżijiet b’mod ugwali u ġust fost il-membri tiegħu.
Ir-rispett għall-identità nazzjonali
L-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri huma rispettati. L-idea mhijiex li l-Istati Membri jiġu “assorbiti” fl-UE, iżda pjuttost li dawn jikkontribwixxu l-kwalitajiet partikolari proprji tagħhom. Hija preċiżament din il-varjetà ta’ karatteristiċi u identitajiet nazzjonali li tagħti lill-UE l-awtorità morali tagħha, li min-naħa tagħha tintuża għall-benefiċċju tal-UE kollha kemm hi.
Il-ħtieġa tas-sigurtà
Dawn il-valuri fundamentali kollha fl-aħħar mill-aħħar jiddependu mis-sigurtà. B’mod partikolari wara l-attakk tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti u ż-żieda fl-għadd ta’ attakki terroristiċi dejjem aktar brutali fl-Ewropa, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata fl-Ewropa reġgħet ingħatat prominenza. Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja kompliet tiġi konsolidata, u l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE ġiet intensifikata.
Madankollu, is-sigurtà fil-kuntest Ewropew tfisser ukoll is-sigurtà soċjali taċ-ċittadini kollha li jgħixu fl-UE, is-sigurtà tal-impjiegi u kundizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ġenerali siguri. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-UE huma msejħa sabiex jagħmluha possibbli għaċ-ċittadini u n-negozji li jikkalkolaw il-ġejjieni tagħhom billi joħolqu l-kundizzjonijiet li jiddependu minnhom.
Id-drittijiet fundamentali
Il-valuri u l-kunċetti fundamentali fil-qalba tal-UE jinkludu wkoll id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini individwali tal-Unjoni. L-istorja tal-Ewropa għal aktar minn 200 sena kienet ikkaratterizzata minn sforzi kontinwi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Mid-dikjarazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili fis-seklu tmintax, id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili issa huma ankrati sewwa fil-kostituzzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-istati ċivilizzati. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-Istati Membri tal-UE, li s-sistemi legali tagħhom huma mibnija fuq il-bażi tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-dinjità, il-libertà u d-dritt għall-iżvilupp personali tal-individwu. Hemm ukoll diversi konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li fosthom il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) hija ta’ importanza kbira ħafna għall-Ewropa.
Kien biss fl-1969 li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet ġabra ta’ ġurisprudenza biex isservi bħala qafas tad-drittijiet fundamentali. Qabel dan, il-Qorti kienet ċaħdet ir-rikorsi kollha relatati mad-drittijiet bażiċi bl-argument li hija ma kellhiex għalfejn tinvolvi ruħha fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Il-Qorti kellha tbiddel il-pożizzjoni tagħha mhux l-anqas minħabba li hija nnifisha kienet l-espressjoni tal-preminenza tad-dritt tal-Unjoni u l-preċedenza tiegħu fuq il-liġi nazzjonali; din il-preminenza tista’ tiġi stabbilita b’mod sod biss jekk id-dritt tal-Unjoni jkun biżżejjed fih innifsu sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet bażiċi bl-istess saħħa legali daqslikieku skont il-Kostituzzjonijiet nazzjonali.
Il-punt tat-tluq f’din il-ġurisprudenza kien is-sentenza Stauder, li fiha l-punt inkwistjoni kien il-fatt li benefiċjarju ta’ benefiċċji soċjali għall-vittmi tal-gwerra qies il-ħtieġa li jagħti ismu meta jirreġistra għax-xiri tal-butir bi prezzijiet imnaqqsa fi żmien il-Milied bħala ksur tad-dinjità umana tiegħu u tal-prinċipju tal-ugwaljanza. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Unjoni, li ma kienx neċessarju li l-benefiċjarji jagħtu isimhom biex hekk, fil-fatt, l-eżami tal-kwistjoni ta’ ksur ta’ dritt fundamentali kien superfluwu, hija finalment iddikjarat li l-prinċipji fundamentali ġenerali tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tissalvagwardja, kienu jinkludu r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Din kienet l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ qafas tal-UE tad-drittijiet fundamentali tagħha stess.
Fil-bidu, il-Qorti żviluppat is-salvagwardji tagħha għad-drittijiet fundamentali minn numru ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għad-diversi projbizzjonijiet fuq id-diskriminazzjoni li, f’ċirkustanzi speċifiċi, jindirizzaw aspetti partikolari tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza. Xi eżempji huma l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza (l-Artikolu 18 tat-TFUE), il-prevenzjoni li persuni jiġu ttrattati b’mod differenti minħabba s-sess, ir-razza, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (l-Artikolu 10 tat-TFUE), it-trattament ugwali ta’ merkanzija jew persuni fir-rigward tal-erba’ libertajiet bażiċi (il-moviment liberu tal-merkanzija - l-Artikolu 34 tat-TFUE; il-moviment liberu tal-persuni - l-Artikolu 45 tat-TFUE; id-dritt tal-istabbiliment - l-Artikolu 49 tat-TFUE; u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi - l-Artikolu 57 tat-TFUE), il-libertà tal-kompetizzjoni (l-Artikolu 101 f. TFEU) u l-paga ugwali għall-irġiel u n-nisa (l-Artikolu 157 tat-TFUE). L-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni, li jiggarantixxu l-libertajiet bażiċi tal-ħajja professjonali, jistgħu jitqiesu wkoll bħala dritt fundamentali tal-Unjoni għal-libertà tal-moviment u l-libertà tal-professjoni. Jiġu pprovduti garanziji espliċiti wkoll għad-dritt ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 153 tat-TFUE), id-dritt ta’ petizzjoni (l-Artikolu 24 tat-TFUE) u l-protezzjoni tas-segretezza kummerċjali u professjonali (l-Artikolu 339 tat-TFUE).
Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat u żiedet b’mod kostanti ma’ dawn it-tentattivi inizjali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tad-dritt tal-Unjoni. Hija għamlet dan billi rrikonoxxiet u applikat prinċipji legali ġenerali, billi bbażat fuq il-kunċetti li huma komuni għall-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u fuq il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kienu partijiet għall-konklużjoni tagħhom. Prominenti fost dawn tal-aħħar hija l-KEDB, li għenet sabiex jiġu msawra s-sustanza tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni u l-mekkaniżmi għall-protezzjoni tagħhom. Fuq din il-bażi, il-Qorti rrikonoxxiet numru ta’ libertajiet bħala drittijiet bażiċi garantiti mid-dritt tal-Unjoni: id-dritt għall-proprjetà, il-libertà li wieħed jeżerċita professjoni, l-invjolabbiltà tad-dar, il-libertà ta’ opinjoni, id-drittijiet ġenerali tal-personalità, il-protezzjoni tal-familja (eż. id-drittijiet tal-membri tal-familja li jingħaqdu ma’ ħaddiem migrant), il-libertà ekonomika, il-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin, kif ukoll numru ta’ drittijiet proċedurali fundamentali bħad-dritt għal proċess legali xieraq, il-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn avukat u klijent (magħrufa bħala “komunikazzjonijiet privileġġjati” fil-pajjiżi tal-liġi komuni), il-projbizzjoni li wieħed jiġi punit darbtejn għall-istess reat, jew ir-rekwiżit li tiġi pprovduta ġustifikazzjoni għal att legali tal-UE.
Prinċipju partikolarment importanti invokat b’mod regolari f’tilwimiet legali huwa l-prinċipju tat-trattament ugwali. Fi kliem sempliċi, dan ifisser li kawżi simili għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġuni oġġettivament ġustifikabbli sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, dan il-prinċipju ma jipprekludix liċ-ċittadini u l-oġġetti prodotti lokalment milli jkunu suġġetti għal rekwiżiti aktar stretti minn ċittadini jew prodotti minn Stati Membri oħra (din hija magħrufa bħala “diskriminazzjoni inversa” fil-lingwaġġ legali). Dan ir-riżultat huwa attribwit għall-kamp ta’ applikazzjoni limitat tas-setgħat tal-Unjoni, li, fil-prinċipju, japplikaw biss għall-kummerċ transfruntiera. Ir-regoli li jirregolaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti prodotti lokalment jew l-istatus legali taċ-ċittadini fl-Istat Membru proprju tagħhom huma affettwati mid-dritt tal-Unjoni biss jekk l-Unjoni tkun introduċiet miżuri ta’ armonizzazzjoni.
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat ukoll lill-Unjoni korp estensiv ta’ liġi kważi kostituzzjonali. F’termini prattiċi, il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa l-aktar wieħed importanti fost dawn. Dan ifisser li l-għanijiet segwiti u l-mezzi użati jridu jintiżnu u jsir tentattiv sabiex dawn jinżammu f’bilanċ tajjeb sabiex iċ-ċittadin ma jkunx soġġett għal piżijiet eċċessivi. Fost il-prinċipji fundamentali l-oħra li fuqhom huwa bbażat id-dritt tal-Unjoni hemm l-prinċipji ġenerali tal-liġi amministrattiva u l-kunċett ta’ proċess ġust: l-aspettattivi leġittimi jridu jiġu mħarsa, huma preklużi provvedimenti retroattivi li jimponu piżijiet jew jieħdu lura vantaġġi miksuba b’mod leġittimu u d-dritt għal proċess legali ġust - ġustizzja naturali huwa t-terminu tradizzjonali għal dan - għandu jiġi assigurat fil-proċeduri amministrattivi tal-Kummissjoni u fil-proċeduri ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għandha valur partikolari wkoll it-trasparenza akbar, li jfisser li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu bl-aktar mod miftuħ possibbli, u kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadin. Aspett importanti ta’ din it-trasparenza huwa li kwalunkwe ċittadin tal-UE jew persuna ġuridika rreġistrata fi Stat Membru jista’ jkollhom aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. L-għotjiet u s-sussidji kollha mill-baġit tal-UE jridu jiġu żvelati wkoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi permezz ta’ databases aċċessibbli għal kull ċittadin tal-Unjoni.
Bir-rispett dovut kollu għall-kisbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-iżvilupp ta’ drittijiet fundamentali mhux miktuba, dan il-proċess ta’ ħruġ tad-“drittijiet fundamentali Ewropej” kellu żvantaġġ serju: il-Qorti tal-Ġustizzja kienet limitata għall-każ partikolari li tkun qiegħda tittratta. Għalhekk hija ma setgħetx tiżviluppa drittijiet fundamentali mill-prinċipji legali ġenerali għall-oqsma kollha fejn dan kien jidher neċessarju jew mixtieq. Ma setgħetx lanqas telabora l-kamp ta’ applikazzjoni u l-limiti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bil-mod ġenerali u distintiv kif kien meħtieġ. Minħabba f’hekk, l-istituzzjonijiet tal-UE ma setgħux jivvalutaw bi preċiżjoni suffiċjenti jekk kinux fil-periklu li jiksru dritt fundamentali jew le. L-ebda ċittadin tal-Unjoni li kien affettwat ma seta’ jiġġudika lanqas mingħajr sforz ulterjuri f’kull każ jekk kienx inkiser xi wieħed mid-drittijiet fundamentali tiegħu.
Għal żmien twil, l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB kienet meqjusa bħala żbokk minn din is-sitwazzjoni. Madankollu, fl-Opinjoni 2/94 tagħha, il-Qorti kienet iddeċidiet li, kif kien id-dritt tal-Unjoni f’dak iż-żmien, l-UE ma kellha l-ebda kompetenza biex taderixxi mal-konvenzjoni. Il-Qorti sostniet li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kien kundizzjoni għal-legalità tal-atti tal-UE. Madankollu, l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tinvolvi bidla sostanzjali fis-sistema preżenti tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem billi tinvolvi li l-UE tidħol f’sistema istituzzjonali internazzjonali distinta kif ukoll l-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni. Il-Qorti qieset li modifika bħal din tas-sistema għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE, b’implikazzjonijiet istituzzjonali daqstant ieħor fundamentali għall-Unjoni u għall-Istati Membri, tkun ta’ sinifikat kostituzzjonali u għalhekk tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat dispożittivi previsti fl-Artikolu 352 tat-TFUE. Dan in-nuqqas kien rimedjat bit-Trattat ta’ Lisbona. L-adeżjoni tal-UE mal-konvenzjoni issa hemm provvediment speċifiku għaliha fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat UE. In-negozjati tal-adeżjoni mbagħad kienu nfetħu mill-ġdid fl-2010. Fir-rebbiegħa tal-2013, intlaħaq ftehim dwar l-abbozz tal-ftehim ta’ adeżjoni. Il-Kummissjoni bagħtet dan l-abbozz lill-Qorti tal-Ġustizzja u talbet opinjoni dwar il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni. Fl-Opinjoni 2/13 tagħha, il-Qorti kkonkludiet li, fil-forma proposta, l-abbozz ta’ ftehim dwar l-adeżjoni tal-UE mal-KEDB ma kienx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Punt ta’ kritika sinifikanti kien li, kieku l-UE kellha taderixxi mal-KEDB, il-QtĠ-UE jkollha toqgħod għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni tkun soġġetta wkoll għas-superviżjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-QEDB. L-Imħallfin qiesu li dan kien imur kontra prinċipji strutturali importanti tal-UE. Għalkemm, fit-teorija, l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB tibqa’ possibbli wara din id-deċiżjoni, fil-prattika għalissa din hija eskluża, minħabba li qabel iridu jiġu emendati numru ta’ dettalji tekniċi fl-abbozz tal-adeżjoni.

Il-kawża Eugen Schmidberger kienet tirrigwarda dimostrazzjoni fuq l-awtostrada Brenner li wasslet għall-għeluq totali tal-awtostrada għat-traffiku stradali għal 30 siegħa. Il-kumpanija tat-trasport Schmidberger talbet lir-Repubblika tal-Awstrija – li l-awtoritajiet tagħha ma kinux ipprojbew id-dimostrazzjoni – tħallas id-danni għat-telf li sofriet b’riżultat tal-għeluq.
Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li n-nuqqas ta’ projbizzjoni tad-dimostrazzjoni llimita l-moviment liberu tal-merkanzija iżda seta’ jkun oġġettivament ġustifikat. Sostniet li d-deċiżjoni kienet tirrispetta d-drittijiet fundamentali tad-dimostranti għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta’ għaqda, li huma garantiti mill-Kostituzzjoni Awstrijaka u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti sabet li għalhekk, l-awtoritajiet Awstrijaċi ma setax jingħad li wettqu ksur tal-liġi li jwassal għal responsabbiltà.
Irrispettivament mill-adeżjoni tal-UE għall-KEDB, it-Trattat ta’ Lisbona għamel pass deċiżiv ieħor lejn il-ħolqien ta’ dritt kostituzzjonali komuni għall-UE u poġġa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fuq sisien ġodda. Artikolu ġdid dwar id-drittijiet fundamentali (l-Artikolu 6 tat-TUE) jissottometti l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri, sa fejn dawn japplikaw u jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li saret legalment vinkolanti fuq livell tal-UE b’referenza f’dak l-artikolu. Din il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija bbażata fuq abbozz imfassal qabel minn konvenzjoni ta’ 16-il rappreżentant tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri u tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, 16-il Membru tal-Parlament Ewropew u 30 membru ta’ parlamenti nazzjonali (tnejn minn kull wieħed mill-15-il Stat Membru ta’ dak iż-żmien) taħt il-presidenza tal-Professur Roman Herzog. Dan l-abbozz ġie pproklamat b’mod solenni bħala l-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea fil-bidu tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000. Matul in-negozjati dwar kostituzzjoni Ewropea, din il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet riveduta u saret parti integrali mit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa tad-29 ta’ Ottubru 2004. Wara l-falliment tat-Trattat, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet proklamata mill-ġdid b’mod solenni bħala l-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”, din id-darba bħala strument separat, mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasburgu. It-Trattat UE jirreferi għal din il-verżjoni tal-karta f’forma vinkolanti. Dan jagħmel il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali legalment vinkolanti u jistabbilixxi wkoll l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan ma japplikax għall-Polonja u għar-Renju Unit. Dawn iż-żewġ Stati Membri ma setgħux, jew ma xtaqux, jadottaw is-sistema tad-drittijiet fundamentali tal-karta, minħabba li huma kienu mħassba li kienu se jkunu obbligati jċedu jew tal-anqas ibiddlu ċerti pożizzjonijiet nazzjonali rigward, pereżempju, kwistjonijiet reliġjużi jew it-trattament tal-minoranzi. Għalhekk dawn mhumiex marbuta mid-drittijiet fundamentali tal-karta, iżda mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, bħal qabel.
IL-METODI GĦALL-UNIFIKAZZJONI TAL-EWROPA
L-unifikazzjoni Ewropea hija kkaratterizzata minn żewġ kunċetti differenti biex jiġi definit il-mod li bih il-pajjiżi tal-Ewropa jaħdmu flimkien: il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni. Il-“kooperazzjoni msaħħa” ħarġet bħala metodu ieħor.
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
L-essenza tal-kooperazzjoni hija li, għalkemm l-Istati Membri huma lesti li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom biex jaħdmu flimkien ma’ Stati Membri oħra, huma jagħmlu dan biss jekk is-sovranità nazzjonali tagħhom tiġi ppreservata bħala kwistjoni ta’ prinċipju. Għalhekk, l-isforzi ta’ unifikazzjoni bbażati fuq il-kooperazzjoni ma għandhomx l-għan li joħolqu stat wieħed ġdid, iżda minflok huma limitati għall-konnessjoni ta’ stati sovrani sabiex tiġi ffurmata federazzjoni ta’ stati fejn ikunu ppreservati l-istrutturi nazzjonali (konfederazzjoni). Il-metodi ta’ ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OECD huma konsistenti mal-prinċipju tal-kooperazzjoni.
Il-kunċett ta’ integrazzjoni
Il-kunċett ta’ integrazzjoni jmur lil hinn mill-eżistenza parallela tradizzjonali ta’ stati nazzjon. L-idea tradizzjonali li s-sovranità tal-istati hija invjolabbli u indiviżibbli ċċedi postha għall-konvinzjoni li l-ordni imperfetta tal-koeżistenza umana u nazzjonali, l-inadegwatezza inerenti tas-sistema nazzjonali u l-bosta istanzi fl-istorja Ewropea ta’ stat wieħed li jasserixxi s-setgħa tiegħu fuq stat ieħor (“eġemonija”) jistgħu jingħelbu biss jekk is-sovranitajiet nazzjonali individwali jinġabru flimkien sabiex tinħoloq sovranità komuni u, f’livell ogħla, jiġu amalgamati f’komunità supranazzjonali (federazzjoni).
L-UE hija ħolqien ta’ dan il-kunċett ta’ integrazzjoni, mingħajr l-amalgamazzjoni tas-sovranità nazzjonali. L-Istati Membri ma kinux lesti li jċedu l-istruttura tal-istat nazzjon tagħhom – li kienu għadhom kif irkupraw u mbagħad ikkonsolidaw wara t-Tieni Gwerra Dinjija – għall-benefiċċju ta’ konfederazzjoni Ewropea. Għalhekk, għal darba oħra, kellu jinstab kompromess, li, mingħajr ma kellu għalfejn joħloq konfederazzjoni Ewropea, assigura aktar minn sempliċi kooperazzjoni bejn l-istati. Is-soluzzjoni kienet tikkonsisti fit-tnaqqis inkrimentali tad-differenzi bejn il-preservazzjoni tal-indipendenza nazzjonali u konfederazzjoni Ewropea. L-Istati Membri ma ntalbux iċedu s-sovranità tagħhom għalkollox, iżda sempliċement iwarrbu t-twemmin li din hija indiviżibbli. Għalhekk, fil-bidu kien biss każ ta’ identifikazzjoni tal-oqsma li fihom l-Istati Membri kienu lesti li jċedu biċċa mis-sovranità tagħhom b’mod volontarju għall-benefiċċju ta’ komunità li kienet superjuri għalihom kollha. It-tliet trattati fundaturi – il-KEFA, il-K(E)E u l-Euratom – jirriflettu r-riżultat ta’ dawn l-isforzi.
Dawn it-trattati u t-Trattati tal-Unjoni tal-lum jispeċifikaw l-oqsma li fihom id-drittijiet sovrani ġew trasferiti lill-UE. F’dan il-kuntest, l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha ma huma mogħtija l-ebda setgħa ġenerali biex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu segwiti l-għanijiet tat-Trattati, iżda pjuttost in-natura u l-firxa tas-setgħat ta’ azzjoni huma stipulati fid-dispożizzjonijiet rispettivi tat-Trattati (il-prinċipju tal-għoti speċifiku ta’ setgħat). B’dan il-mod, l-Istati Membri jistgħu jimmonitorjaw u jikkontrollaw il-konsenja tas-setgħat tagħhom.
Kooperazzjoni msaħħa
L-istrument ta’ kooperazzjoni msaħħa jifforma l-bażi għall-implimentazzjoni tal-idea ta’ integrazzjoni b’veloċitajiet differenti. L-idea hija li anke gruppi relattivament żgħar ta’ Stati Membri jingħataw l-opportunità li jżidu l-integrazzjoni tagħhom f’qasam partikolari li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UE, mingħajr ma jiġu mfixkla mill-Istati Membri li jkunu riluttanti jew mhux lesti li jagħmlu dan.
Billi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-użu ta’ dan l-istrument kienu oriġinarjament (it-Trattat ta’ Amsterdam) stretti ħafna, dawn ġew rilassati xi ftit fid-dawl tat-tkabbir tal-UE (it-Trattat ta’ Nizza). It-Trattat ta’ Lisbona jgħaqqad id-dispożizzjonijiet preċedenti dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-Artikolu 20 tat-TUE (kundizzjonijiet qafas) u fl-Artikoli 326 sa 334 tat-TFUE (kondizzjonijiet supplimentari, parteċipazzjoni, proċeduri, regoli tal-votazzjoni).
Ir-regoli għall-kooperazzjoni msaħħa jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
- Kooperazzjoni bħal din tista’ tintuża biss fil-qafas tal-kompetenzi eżistenti tal-UE u għandha sservi biex tmexxi ’l quddiem l-għanijiet tal-Unjoni u tirrinforza l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea (l-Artikolu 20 tat-TUE). Għalhekk ma tistax ittaffi n-nuqqasijiet tal-unjoni ekonomika u monetarja li huma inkorporati fl-arkitettura tat-Trattati tal-UE. Il-kooperazzjoni msaħħa m’għandhiex timmina s-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE. Barra minn hekk, hija ma għandhiex tkun ta’ ostakolu jew ta’ diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas tfixkel il-kompetizzjoni (l-Artikolu 326 tat-TFUE). Il-kompetenzi, id-drittijiet, l-obbligi u l-interessi ta’ dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni jridu jiġu rrispettati (l-Artikolu 327 tat-TFUE).
- Il-kooperazzjoni msaħħa trid tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jitħallew ukoll jipparteċipaw fil-kooperazzjoni fi kwalunkwe ħin, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jikkonformaw mad-deċiżjonijiet meħuda fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jassiguraw li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa l-akbar numru ta’ Stati Membri possibbli (l-Artikolu 328 tat-TFUE).
- Il-kooperazzjoni msaħħa tista’ titwettaq biss bħala l-aħħar riżorsa, meta jkun ġie stabbilit fi ħdan il-Kunsill li l-għanijiet ta’ tali kooperazzjoni ma jkunux jistgħu jintlaħqu fi żmien perjodu raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati. Il-limitu minimu għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa huwa ta’ disa’ Stati Membri (l-Artikolu 20(2) tat-Trattat UE).
- L-atti adottati fil-qafas ta’ kooperazzjoni msaħħa mhumiex meqjusa bħala parti mill-acquis tal-UE. Dawn l-atti għandhom applikabbiltà diretta biss fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (l-Artikolu 20(4) tat-Trattat UE). Madankollu, l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiha m’għandhomx ifixklu l-implimentazzjoni tagħha.
- In-nefqa li tirriżulta minn kooperazzjoni msaħħa, għajr l-ispejjeż amministrattivi, għandha tiġi ffinanzjata mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm il-membri kollha tal-Kunsill, li jaġixxu b’unanimità wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċidux mod ieħor (l-Artikolu 332 tat-TFUE).
- Il-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jassiguraw il-konsistenza tal-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa mal-politiki u l-attivitajiet l-oħra tal-Unjon (l-Artikolu 334 tat-TFUE).
Fil-prattika, dan l-istrument intuża biss f’żewġ każijiet sa issa: Għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE, l-Istati Membri għamlu użu mill-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa sabiex joħolqu regolament li jippermetti konjuġi ta’ nazzjonalitajiet differenti li jagħżlu l-liġi applikabbli għal divorzju. Wara li proposta tal-Kummissjoni għal dak il-għan fl-2006 naqset milli tikseb l-unanimità meħtieġa fil-Kunsill, dan tal-aħħar ta l-awtorizzazzjoni għal kooperazzjoni msaħħa bid-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2010. Fuq il-bażi ta’ proposta ġdida tal-Kummissjoni, 14-il Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija) qablu dwar tali dispożizzjonijiet għad-divorzju jew is-separazzjoni ta’ konjuġi ta’ nazzjonalitajiet differenti. Ir-riżultat huwa stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali.
It-tieni każ li fih ġiet implimentata l-kooperazzjoni msaħħa jirrigwarda l-protezzjoni tal-privattivi fl-Ewropa. Mingħajr il-Kroazja u Spanja, u bil-parteċipazzjoni sussegwenti tal-Italja, total ta’ 26 Stat Membru tal-UE qablu dwar kooperazzjoni msaħħa sabiex tinħoloq protezzjoni tal-privattiva unitarja. Ir-Regolament li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja u r-Regolament dwar l-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni daħlu fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2013. Madankollu, ir-regolamenti se japplikaw biss ladarba l-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi jkun daħal fis-seħħ. Biex dan iseħħ, il-Ftehim irid jiġi ratifikat minn tal-anqas 13-il Stat Membru; s’issa rratifikawh 11.
IL-“KOSTITUZZJONI” TAL-UNJONI EWROPEA
Kull organizzazzjoni soċjali għandha kostituzzjoni. Kostituzzjoni hija l-mezz li bih tiġi definita l-istruttura ta’ sistema politika, jiġifieri tiġi speċifikata r-relazzjoni tal-partijiet differenti ma’ xulxin u mal-ħaġa sħiħa, jiġu definiti l-għanijiet komuni u jiġu stabbiliti r-regoli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet vinkolanti. Għalhekk, il-kostituzzjoni tal-UE, bħala assoċjazzjoni ta’ stati li ġiet assenjata kompiti u funzjonijiet pjuttost speċifiċi, trid tkun kapaċi twieġeb l-istess mistoqsijiet bħall-kostituzzjoni ta’ stat.
Fl-Istati Membri, il-korp politiku huwa msawwar minn żewġ prinċipji ewlenin: l-istat tad-dritt u d-demokrazija. L-attivitajiet kollha tal-Unjoni, jekk iridu jirrispettaw ir-rekwiżiti fundamentali tal-liġi u d-demokrazija, irid ikollhom leġittimità kemm legali kif ukoll demokratika: l-elementi li fuqhom hija mibnija, l-istruttura tagħha, is-setgħat tagħha, il-mod kif topera, il-pożizzjoni tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom, u l-pożizzjoni taċ-ċittadini.
Wara l-falliment tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa tad-29 ta’ Ottubru 2004, il-“kostituzzjoni” tal-UE għadha mhijiex stabbilita f’dokument kostituzzjonali komprensiv, kif inhi fil-biċċa l-kbira tal-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri tagħha, iżda tirriżulta mit-totalità tar-regoli u l-valuri fundamentali li bihom iħossuhom marbuta dawk li jinsabu fl-awtorità. Dawn ir-regoli jinstabu parzjalment fit-Trattati Ewropej jew fl-istrumenti legali prodotti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda huma bbażati parzjalment ukoll fuq l-użanza.
In-natura legali tal-UE
Kwalunkwe konsiderazzjoni tan-natura legali tal-UE trid tibda billi wieħed iħares lejn il-karatteristiċi tipiċi tagħha. Għalkemm in-natura legali tal-UE kienet stabbilita f’żewġ sentenzi ta’ preċedent, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-1963 u fl-1964, relatati ma’ dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea, is-sentenzi għadhom validi għall-Unjoni Ewropea fil-forma attwali tagħha.
Van Gend & Loos
F’din it-tilwima legali, il-kumpanija Olandiża tat-trasport Van Gend & Loos ressqet azzjoni kontra l-awtoritajiet doganali tan-Netherlands talli dawn imponew dazju tal-importazzjoni fuq prodott kimiku mill-Ġermanja li kien ogħla mid-dazji fuq l-importazzjonijiet preċedenti. Il-kumpanija qieset dan bħala ksur tal-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-KEE, li jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ dazji ġodda tal-importazzjoni jew kwalunkwe żieda fid-dazji doganali eżistenti bejn l-Istati Membri. Il-qorti fin-Netherlands imbagħad issospendiet il-proċedimenti u rrinvijat il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika rigward il-kamp ta’ applikazzjoni u l-implikazzjonijiet legali tal-artikolu hawn fuq imsemmi tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE.
Il-Qorti tal-Ġustizzja użat dan il-każ bħala opportunità sabiex tistabbilixxi numru ta’ osservazzjonijiet ta’ natura fundamentali dwar in-natura legali tal-KEE. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ddikjarat li:
L-għan tat-Trattat KEE, li huwa li jistabbilixxi Suq Komuni, li l-funzjonament tiegħu huwa ta’ interess dirett għall-partijiet interessati fil-Komunità, jimplika li dan it-Trattat huwa aktar minn ftehim li sempliċement joħloq obbligi reċiproċi bejn l-Istati kontraenti. Din il-fehma hija kkonfermata mill-preambolu tat-Trattat li jirreferi mhux biss għall-gvernijiet iżda wkoll għall-popli. Hija kkonfermata wkoll b’mod aktar speċifiku bit-twaqqif ta’ istituzzjonijiet mogħnija bi drittijiet sovrani, li l-eżerċizzju tagħhom jaffettwa lill-Istati Membri u anki liċ-ċittadini tagħhom… Il-konklużjoni li għandha tinstilet minn dan hija li l-Komunità tikkostitwixxi ordni ġuridiku ġdid tad-dritt internazzjonali li għall-benefiċċju tiegħu l-istati llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom, għalkemm f’oqsma limitati, u li s-suġġetti tiegħu jinkludu mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom.”
Costa vs ENEL
Sena biss wara, il-kawża Costa vs ENEL tat opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispjega l-pożizzjoni tagħha f’aktar dettall. Il-fatti ta’ din il-kawża kienu dawn. Fl-1962, l-Italja nnazzjonalizzat il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku u ttrasferiet l-assi tal-impriżi tal-elettriku lill-bord nazzjonali tal-elettriku, l-ENEL. Bħala azzjonist ta’ Edison Volta, waħda mill-kumpaniji li ġiet nazzjonalizzata, is-Sur Costa ħass li huwa kien ġie mċaħħad mid-dividend tiegħu u konsegwentement irrifjuta li jħallas kont tal-elettriku li kien jammonta għal ITL 1 926. Fi proċedimenti quddiem il-qorti tal-arbitraġġ f’Milan, wieħed mill-argumenti mressqa mis-Sur Costa biex jiġġustifika l-imġiba tiegħu kien li l-att ta’ nazzjonalizzazzjoni kien jikser numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE. Sabiex tkun tista’ tivvaluta s-sottomissjonijiet tas-Sur Costa fid-difiża tiegħu, il-qorti talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta diversi aspetti tat-Trattat KEE. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan li ġej fir-rigward tan-natura legali tal-KEE:
B’kuntrast ma’ trattati internazzjonali ordinarji, it-Trattat KEE ħoloq is-sistema legali proprja tiegħu li… saret parti integrali mis-sistemi legali tal-Istati Membri u li l-qrati tagħhom huma marbuta li japplikaw. Bil-ħolqien ta’ Komunità ta’ tul ta’ żmien mingħajr limitu, li għandha l-istituzzjonijiet proprji tagħha, il-personalità proprja tagħha, il-kapaċità legali proprja tagħha u l-kapaċità ta’ rappreżentanza fuq livell internazzjonali u, b’mod partikolari, setgħat reali li jirriżultaw mil-limitazzjoni tas-sovranità jew it-trasferiment ta’ setgħat mill-Istati lill-Komunità, l-Istati Membri llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom… u b’hekk ħolqu korp ta’ liġi li jorbot kemm liċ-ċittadini tagħhom kif ukoll lilhom infushom.”
Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet dettaljati tagħha, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li ġejja:
Minn dawn l-osservazzjonijiet kollha jirriżulta li l-liġi li toħroġ mit-Trattat, sors ta’ liġi indipendenti, ma tistax, minħabba n-natura speċjali u oriġinali tagħha, tiġi annullata minn dispożizzjonijiet legali domestiċi, ikunu kemm ikunu kwadrati, mingħajr ma tiġi mċaħħda mill-karattru tagħha bħala dritt Komunitarju u mingħajr ma tiġi kkontestata l-bażi legali tal-Komunità nnifisha. It-trasferiment min-naħa tal-Istati, tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat, mis-sistema legali domestika tagħhom għas-sistema legali Komunitarja, iġorr miegħu limitazzjoni permanenti tad-drittijiet sovrani tagħhom, li kontra tagħha ma jistax jipprevali att unilaterali sussegwenti mhux kompatibbli mal-kunċett tal-Komunità.”
Fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi, l-elementi li flimkien tipikament jikkaratterizzaw in-natura legali speċjali tal-UE huma:
- l-istruttura istituzzjonali, li tassigura li l-azzjoni mill-UE tkun ikkaratterizzata wkoll mill-interess Ewropew ġenerali, jiġifieri tkun riflessa fi jew influwenzata mill-interess tal-Unjoni kif stabbilit fl-għanijiet;
- it-trasferiment ta’ setgħat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’mod akbar milli f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, u li jestendi għal oqsma li fihom l-istati normalment iżommu d-drittijiet sovrani tagħhom;
- l-istabbiliment tal-ordni ġuridiku proprju tagħha li huwa indipendenti mill-ordnijiet legali tal-Istati Membri:
- l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-Unjoni, li tagħmel id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli b’mod sħiħ u uniformi fl-Istati Membri kollha, u tagħti drittijiet u timponi obbligi kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq iċ-ċittadini tagħhom;
- il-preminenza tad-dritt tal-Unjoni, li tassigura li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi revokat jew emendat mil-liġi nazzjonali u li dan jieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali jekk dawn jiġu f’kunflitt.
L-UE għalhekk hija entità awtonoma bid-drittijiet sovrani proprji tagħha u ordni ġuridiku indipendenti mill-Istati Membri, li għalih huma suġġetti kemm l-Istati Membri nfushom kif ukoll iċ-ċittadini fl-oqsma ta’ kompetenza tal-UE.
Min-natura tagħha stess, l-UE għandha ċerti karatteristiċi komuni mat-tip normali ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew struttura tat-tip federali, kif ukoll għadd ta’ differenzi.
L-UE nnifisha għadha mhijiex “prodott lest”; hija tinsab fil-proċess li tevolvi u l-forma li finalment tieħu għadha ma tistax tiġi mbassra.
L-unika karatteristika li l-UE għandha inkomuni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tradizzjonali hija li hija wkoll bdiet bħala riżultat ta’ trattati internazzjonali. Madankollu, l-UE diġà tbiegħdet sewwa minn dan il-bidu. Dan minħabba li t-Trattati li jistabbilixxu l-UE wasslu għall-ħolqien ta’ Unjoni indipendenti bid-drittijiet u r-responsabbiltajiet sovrani proprji tagħha. L-Istati Membri ċedew xi wħud mis-setgħat sovrani tagħhom lil din l-Unjoni u ttrasferewhom lill-UE sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati b’mod konġunt.
Permezz ta’ dawn id-differenzi bejn l-UE u t-tip tradizzjonali ta’ organizzazzjoni internazzjonali, l-UE qiegħda fil-proċess li takkwista status simili għal dak ta’ stat individwali. B’mod partikolari, il-konsenja parzjali tad-drittijiet sovrani min-naħa tal-Istati Membri tqieset bħala sinjal li l-UE kienet diġà strutturata fuq il-linji ta’ stat federali. Madankollu, din il-fehma tonqos milli tqis li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom setgħat biss f’ċerti oqsma sabiex isegwu l-għanijiet speċifikati fit-Trattati. Dan ifisser li mhumiex ħielsa li jagħżlu l-objettivi tagħhom bl-istess mod bħal stat sovran; u lanqas ma huma f’pożizzjoni li jilqgħu l-isfidi li jiffaċċjaw l-istati moderni llum. L-UE la għandha l-ġurisdizzjoni komprensiva li jgawdu l-istati sovrani u lanqas is-setgħat sabiex tistabbilixxi oqsma ġodda ta’ responsabbiltà (“ġurisdizzjoni fuq ġurisdizzjoni”).
L-UE għalhekk la hija organizzazzjoni internazzjonali fis-sens normali u lanqas assoċjazzjoni ta’ stati, iżda pjuttost entità awtonoma xi mkien bejn it-tnejn. Fiċ-ċrieki legali, issa jintuża t-terminu “organizzazzjoni supranazzjonali”.
Il-kompiti tal-UE
Il-lista tal-kompiti fdati lill-UE tixbah ħafna l-ordni kostituzzjonali ta’ stat. Dawn mhumiex il-kompiti tekniċi limitati li normalment jassumu l-organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda oqsma ta’ kompetenza li, meħudin flimkien, jiffurmaw attributi essenzjali ta’ stat.
Il-lista tal-kompiti fdati lill-UE hija wiesgħa ħafna, u tkopri l-azzjoni ekonomika, soċjali u politika.
Kompiti ekonomiċi
Il-kompiti ekonomiċi huma ċċentrati madwar l-istabbiliment ta’ suq komuni li jgħaqqad is-swieq nazzjonali tal-Istati Membri u li fih il-prodotti u s-servizzi kollha jistgħu jiġu offruti u mibjugħa bl-istess kundizzjonijiet bħal f’suq intern u li għalih iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkollhom l-istess aċċess liberu. Il-pjan sabiex jinħoloq suq komuni ġie essenzjalment imwettaq permezz tal-programm immirat lejn it-tlestija tas-suq intern sal-1992, li kien inbeda mill-President tal-Kummissjoni ta’ dak iż-żmien, Jacques Delors, u ġie approvat mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, bl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirnexxilhom jistabbilixxu qafas legali għal suq uniku funzjonali. Dan il-qafas issa ġie mlaħħam b’mod estensiv b’miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali, bir-riżultat li s-suq uniku diġà sar realtà. Dan is-suq uniku jinħass ukoll fil-ħajja ta’ kuljum, speċjalment meta wieħed jivvjaġġa fl-UE, fejn il-kontrolli fuq il-persuni u l-merkanzija fil-fruntieri nazzjonali ilhom li twaqqfu.
Is-suq intern huwa sostnut mill-unjoni ekonomika u monetarja.

Is-suq intern bl-erba’ libertajiet karatteristiċi tiegħu (ara l-Artikolu 26 tat-TFUE) huwa element ċentrali tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: il-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikolu 34), il-moviment liberu tal-persuni (l-Artikolu 45 u 49), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 57) u l-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63).
Il-kompitu tal-UE fil-politika ekonomika mhuwiex, madankollu, li tistabbilixxi u tħaddem politika ekonomika Ewropea, iżda li tikkoordina l-politiki ekonomiċi nazzjonali sabiex id-deċiżjonijiet ta’ politika ta’ Stat Membru wieħed jew aktar ma jkollhomx riperkussjonijiet negattivi għat-tħaddim tas-suq uniku. Għal dan il-għan, ġie adottat Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex jagħti lill-Istati Membri l-kriterji dettaljati li jridu jilħqu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-politika baġitarja. Jekk huma jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni Ewropea tista’ toħroġ twissijiet u, f’każijiet ta’ defiċit baġitarju eċċessiv persistenti, il-Kunsill tal-UE jista’ wkoll jimponi penali. Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, il-kooperazzjoni fil-politika ekonomika fuq livell tal-UE ġiet imsaħħa aktar mill-2010 sal-2012. Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika f’livell tal-UE ġiet supplimentata b’mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet, li jikkonsisti prinċipalment mill-elementi li ġejjin: it-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni, l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ korrezzjoni awtomatika, l-istabbiliment ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-ogħla livell politiku, il-koordinazzjoni miftiehma fis-Semestru Ewropew b’obbligi ta’ rappurtar aktar stretti għall-Istati Membri, it-tisħiħ tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, u l-impenji volontarji li għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi nazzjonali. Fil-qalba ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid għall-kriżijiet hemm is-Semestru Ewropew.
Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu li matulu l-Istati Membri tal-UE jikkoordinaw il-politika ekonomika u fiskali tagħhom. Il-fokus tiegħu huwa fuq l-ewwel sitt xhur ta’ sena, għalhekk jissejjaħ is-“Semestru”. Matul is-Semestru Ewropew, l-Istati Membri jallinjaw il-politiki baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-objettivi u r-regoli maqbula fil-livell tal-UE. L-għan tas-Semestru Ewropew għalhekk huwa li jikkontribwixxi sabiex jassigura finanzi pubbliċi sodi, jippromwovi t-tkabbir ekonomiku u jevita żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fl-UE.
Dan il-mekkaniżmu ta’ kriżi għandu jitqies bħala l-aħħar riżorsa; il-kompitu aħħari tiegħu hu li jipproteġi l-unjoni ekonomika u monetarja. Madankollu, l-orjentazzjoni bażika tal-politika tibqa’ l-istess: ir-responsabbiltà nazzjonali fil-politika ekonomika u finanzjarja, fejn l-Istati Membri jridu jittrattaw l-azzjonijiet tagħhom bħala kwistjoni ta’ interess komuni.
Il-kompitu tal-UE fil-politika monetarja kien u għadu li tintroduċi munita unika fl-UE u li tikkontrolla l-kwistjonijiet monetarji b’mod ċentrali. Diġà nkiseb xi suċċess f’dan il-qasam. Fl-1 ta’ Jannar 1999, l-euro ġie introdott bħala l-munita unika Ewropea fl-Istati Membri li diġà kienu laħqu l-kriterji ta’ konverġenza stabbiliti għal dak il-għan (rata ta’ inflazzjoni ta’ 1.5 %, defiċit tal-gvern = dejn annwali ġdid: 3 %, dejn tal-gvern: 60 %, rata tal-imgħax fit-tul: 2 %). Dawn kienu l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja. Fl-1 ta’ Jannar 2002 il-muniti nazzjonali ta’ dawn l-Istati ġew sostitwiti b’karti tal-flus u muniti tal-euro. Minn dakinhar, il-pagamenti u t-tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ kuljum tagħhom saru f’munita waħda biss – l-euro. Fis-snin ta’ wara, numru dejjem jiżdied ta’ Stati Membri laħqu l-kriterji biex jadottaw l-euro: il-Greċja (fl-1 ta’ Jannar 2001), is-Slovenja (fl-1 ta’ Jannar 2007), Ċipru (fl-1 ta’ Jannar 2008), Malta (fl-1 ta’ Jannar 2008), is-Slovakkja (fl-1 ta’ Jannar 2009), l-Estonja (fl-1 ta’ Jannar 2011), il-Latvja (fl-1 ta’ Jannar 2014) u fl-aħħar nett il-Litwanja (fl-1 ta’ Jannar 2015). Iż-“żona tal-euro” – il-pajjiżi li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom – issa tkopri 19-il Stat Membru.
Min jagħmel xiex fis-Semestru Ewropew?
Jerġa’ jibda ċiklu ġdid lejn l-aħħar tas-sena, meta l-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Istħarriġ Annwali tagħha dwar it-Tkabbir għas-sena li jmiss.
Id-dijagramma hija disponibbli f’24 lingwa fis-sit http://www.consilium.europa.eu/mt/policies/european-semester/
Fil-prinċipju, l-Istati Membri li fadal huma obbligati wkoll li jadottaw l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom malli jilħqu l-kriterji ta’ konverġenza. L-uniċi eċċezzjonijiet għal dan huma d-Danimarka u r-Renju Unit. Dawn l-Istati Membri assiguraw nonparteċipazzjoni, li tippermettilhom li jiddeċiedu jekk u meta tinbeda l-proċedura għall-verifika tal-konformità mal-kriterji għas-sħubija fil-munita unika. L-Iżvezja, li m’għandhiex klawsola ta’ nonparteċipazzjoni, tirrappreżenta każ speċjali. L-adozzjoni tagħha tal-euro tiddependi minflok fuq jekk il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew jirrakkomandawx il-parteċipazzjoni tal-Iżvezja lill-Kunsill. Jekk issir tali rakkomandazzjoni u din tiġi approvata mill-Kunsill, l-Iżvezja ma tkunx tista’ tirrifjuta li tipparteċipa. Madankollu, attwalment ftit hemm appoġġ fost il-popolazzjoni Żvediża sabiex tingħaqad maż-żona tal-euro. F’referendum tal-2003, 55.9 % kienu kontra l-introduzzjoni tal-euro. Fi stħarriġ f’Diċembru 2005, 49 % kienu għadhom kontra l-euro, filwaqt li 36 % kienu favur.
Minkejja t-tħassib kollu, l-euro żviluppa f’munita b’saħħitha u rikonoxxuta internazzjonalment li tifforma wkoll rabta soda bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Anke l-kriżi tad-dejn sovran li bdiet fl-2010 ma bidlitx dan. Pjuttost bil-kontra. L-UE wieġbet għall-kriżi billi introduċiet mekkaniżmi ta’ appoġġ temporanju, li ġew sostitwiti b’mod permanenti bil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fl-2013. Bħala qafas permanenti għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet, il-MES jipprovdi lill-Istati Membri taż-żona tal-euro assistenza finanzjarja esterna, b’kapaċità ta’ self effettiva ta’ EUR 500 biljun. L-Istati tal-euro jistgħu jirċievu din l-assistenza finanzjarja biss taħt kundizzjonijiet stretti, li huma mmirati għal konsolidament fiskali rigoruż u huma riflessi fi programm ta’ aġġustament ekonomiku li għandu jiġi nnegozjat mill-Kummissjoni u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew. Bil-MES, l-UE għandha l-kapaċità li taġixxi sabiex tiddefendi l-euro, anke fix-xenarji tal-akbar pressjoni. Din hija riflessjoni ċara tal-interess komuni u s-solidarjetà fiż-żona tal-euro, kif ukoll tar-responsabbiltà individwali ta’ kull Stat Membru quddiem il-pari tiegħu.
Minbarra l-qasam tal-politika ekonomika u monetarja, hemm bosta oqsma oħra tal-politika ekonomika fejn l-UE għandha responsabbiltajiet. Dawn jinkludu b’mod partikolari l-politika agrikola u tas-sajd, il-politika tat-trasport, il-politika tal-konsumatur, il-politika strutturali u ta’ koeżjoni, il-politika dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, il-politika spazjali, il-politika ambjentali, il-politika tas-saħħa, il-politika kummerċjali u l-politika dwar l-enerġija.
Kompiti soċjali
Fil-politika soċjali l-UE għandha l-kompitu li tfassal ukoll id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku u tassigura li l-benefiċċji tal-integrazzjoni ekonomika ma jinħassux biss minn dawk attivi fl-ekonomija. Wieħed mill-punti ta’ tluq għal dan kienet l-introduzzjoni ta’ sistema tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti. B’din is-sistema, il-ħaddiema li jkunu ħadmu f’aktar minn Stat Membru wieħed, u għalhekk kienu jaqgħu taħt skemi tas-sigurtà soċjali differenti, ma jsofrux żvantaġġ fir-rigward tas-sigurtà soċjali tagħhom (il-pensjoni tal-irtirar, il-pensjoni tal-invalidità, il-kura tas-saħħa, il-benefiċċji tal-familja, il-benefiċċji tal-qgħad). Kompitu prijoritarju ieħor tal-politika soċjali, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-qgħad fl-UE, li kienet sors ta’ tħassib għal numru ta’ snin, kienet il-ħtieġa li titfassal strateġija Ewropea dwar l-impjiegi. Dan jitlob li l-Istati Membri u l-UE jiżviluppaw strateġija dwar l-impjiegi u b’mod partikolari li jippromwovu forza tax-xogħol imħarrġa u adattabbli, minbarra li s-swieq tax-xogħol iridu jsiru wkoll adattabbli għat-tibdil ekonomiku. Il-promozzjoni tal-impjiegi hija meqjusa bħala kwistjoni ta’ interess komuni u titlob li l-Istati Membri jikkoordinaw il-miżuri nazzjonali tagħhom fi ħdan il-Kunsill. L-UE se tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ impjiegi billi tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, tikkumplimenta l-azzjoni tagħhom filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tagħhom.
Kompiti politiċi
Fir-rigward tal-qasam politiku proprju, l-UE għandha kompiti fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-politika dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni saħħet aktar id-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini tal-Istati Membri fi ħdan l-UE. Iċ-ċittadini jgawdu d-dritt li jiċċaqalqu b’mod liberu fi ħdan l-Unjoni (l-Artikolu 21 tat-TFUE), id-dritt li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet lokali (l-Artikolu 22 tat-TFUE), l-intitolament għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru (l-Artikolu 23 tat-TFUE), id-dritt li jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew (l-Artikolu 24 tat-TFUE) u, fil-kuntest tal-projbizzjoni ġenerali fuq id-diskriminazzjoni, id-dritt li jiġu trattati mill-Istati Membri kollha bl-istess mod li jittrattaw liċ-ċittadini proprji tagħhom (l-Artikolu 20(2) flimkien mal-Artikolu 18 tat-TFUE).
Fir-rigward tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, l-UE għandha, b’mod partikolari, il-kompiti li tissalvagwardja l-valuri komuni, l-interessi fundamentali u l-indipendenza tal-UE, li ssaħħaħ is-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, li tassigura l-paċi dinjija u żżid is-sigurtà internazzjonali, li tippromwovi d-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-kooperazzjoni internazzjonali, li tissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet bażiċi u li tistabbilixxi difiża komuni.
Billi l-UE mhijiex stat individwali, dawn il-kompiti jistgħu jitwettqu biss pass pass. Tradizzjonalment, il-politika estera u speċjalment il-politika tas-sigurtà huma oqsma fejn l-Istati Membri huma partikolarment ħerqana li jżommu s-sovranità proprja tagħhom. Raġuni oħra għaliex l-interessi komuni f’dan il-qasam huma diffiċli biex jiġu definiti hija li Franza u r-Renju Unit biss għandhom armi nukleari. Problema oħra hija li xi Stati Membri mhumiex qegħdin fin-NATO. Il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet dwar il-“politika estera u ta’ sigurtà komuni” għalhekk għadhom jittieħdu abbażi ta’ kooperazzjoni bejn l-istati. Sadanittant, madankollu, tfaċċat firxa ta’ strumenti indipendenti, li tat il-kooperazzjoni bejn l-istati qafas legali sod.
Fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, ir-rwol ewlieni tal-UE huwa li twettaq kompiti li huma fl-interessi tal-Ewropa kollha kemm hi. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Billi l-kriminalità organizzata m’għadhiex tista’ tiġi miġġielda aktar b’mod effettiv fuq livell nazzjonali, hija meħtieġa risposta konġunta fuq livell tal-UE. Diġà ttieħdu żewġ passi pożittivi ħafna bid-direttiva dwar il-ħasil tal-flus u l-ħolqien ta’ awtorità Ewropea tal-pulizija, il-Europol, li ilha taħdem mill-1998 (l-Artikolu 88 tat-TFUE). Din il-kooperazzjoni hija kkonċernata wkoll bl-iffaċilitar u t-tħaffif tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-proċedimenti u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, l-iffaċilitar tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri, l-istabbiliment ta’ regoli minimi relatati mal-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u mal-pieni fl-oqsma tal-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta’ drogi u t-traffikar illeċitu ta’ armi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni (l-Artikolu 83 tat-TFUE).
Wieħed mill-aktar żviluppi sinifikanti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE kien il-ħolqien tal-Eurojust f’April 2003 (l-Artikolu 85 tat-TFUE). Il-Eurojust, li għandu s-sede tiegħu fl-Aja, huwa tim ta’ maġistrati u prosekuturi mill-pajjiżi kollha tal-UE. Ix-xogħol tiegħu huwa li jgħin fil-koordinazzjoni tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji bejn il-fruntieri. Mill-Eurojust, il-Kunsill jista’ jistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex jiġġieled reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (l-Artikolu 86 TFEU). Sar aktar progress bil-mandat ta’ arrest Ewropew, li ilu validu madwar l-UE kollha minn Jannar tal-2004. Il-mandat jista’ jinħareġ għal kwalunkwe persuna akkużata b’reat li għalih il-piena minima tkun ta’ aktar minn sena priġunerija. Il-mandat ta’ arrest Ewropew ħa post il-proċeduri twal ta’ estradizzjoni tal-imgħoddi.
Is-setgħat tal-UE
It-Trattati li jistabbilixxu l-UE ma jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-ebda setgħa ġenerali sabiex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat, iżda f’kull kapitolu jistabbilixxu l-firxa tas-setgħat ta’ azzjoni. Bħala prinċipju bażiku, l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha m’għandhomx is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-bażi legali u l-kompetenzi tagħhom; jibqa’ japplika l-prinċipju tal-għoti speċifiku ta’ setgħat (l-Artikolu 2 tat-TFUE). Dan il-metodu ntgħażel mill-Istati Membri sabiex jiġi assigurat li l-konsenja tas-setgħat tagħhom tkun tista’ tiġi mmonitorjata u kkontrollata aktar faċilment.
Il-firxa tal-kwistjonijiet koperti mill-għoti speċifiku ta’ setgħat tvarja skont in-natura tal-kompiti assenjati lill-UE. Il-kompetenzi li ma ġewx trasferiti lill-UE jibqgħu fil-poter esklussiv tal-Istati Membri. It-Trattat tal-UE jiddikjara espliċitament li l-kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali jibqgħu taħt l-awtorità esklussiva tal-Istati Membri.
Dan naturalment iqajjem il-mistoqsija ta’ fejn tinsab il-linja diviżorja bejn il-kompetenzi tal-UE u dawk tal-Istati Membri. Din il-linja diviżorja titfassal fuq il-bażi ta’ tliet kategoriji ta’ kompetenza:
- Kompetenza esklussiva tal-UE (l-Artikolu 3 tat-TFUE) f’oqsma fejn wieħed jista’ jassumi li miżura f’livell tal-UE tkun aktar effettiva minn miżura fi kwalunkwe Stat Membru li ma tkunx ikkoordinata. Dawn l-oqsma huma stabbiliti b’mod ċar u jinkludu l-unjoni doganali, l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern, il-politika monetarja tal-Istati tal-euro, il-politika kummerċjali komuni u partijiet mill-politika komuni tas-sajd. F’dawn l-oqsma ta’ politika l-Unjoni Ewropea biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan huma stess biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni Ewropea jew għall-implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni (l-Artikolu 2(1) tat-TFUE).
- Kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri (l-Artikolu 4 tat-TFUE) f’oqsma fejn azzjoni fuq livell Ewropew iżżid il-valur fuq azzjoni mill-Istati Membri. Hemm kompetenza kondiviża għar-regoli tas-suq intern, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-agrikoltura u s-sajd, l-ambjent, it-trasport, in-netwerks trans-Ewropej, il-provvista tal-enerġija u l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll għall-interessi komuni tas-sigurtà fi kwistjonijiet tas-saħħa pubblika, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, l-ispazju, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. F’dawn l-oqsma kollha, l-UE tista’ teżerċita l-kompetenza l-ewwel hi, iżda biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet stabbiliti fl-istrument rilevanti tal-Unjoni, u mhux għall-qasam kollu ta’ politika. L-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-UE ma tkunx eżerċitat, jew iddeċidiet li ma tkomplix teżerċita, il-kompetenza tagħha (l-Artikolu 2(2) tat-TFUE). Is-sitwazzjoni tal-aħħar tinħoloq meta l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE jiddeċiedu li jirrevokaw att leġiżlattiv, b’mod partikolari biex jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Il-Kunsill jista’, fuq inizjattiva ta’ wieħed jew aktar mill-membri tiegħu, jitlob li l-Kummissjoni tissottometti proposti għat-tħassir ta’ att leġiżlattiv.
- Kompetenza li twettaq azzjoni ta’ appoġġ (l-Artikolu 6 tat-TFUE): Il-kompetenza tal-UE li twettaq azzjoni ta’ appoġġ hija limitata għall-koordinazzjoni jew il-provvediment ta’ azzjoni kumplimentari għall-azzjoni tal-Istati Membri; l-UE ma tistax tarmonizza l-liġi nazzjonali fl-oqsma kkonċernati (l-Artikolu 2(5) tat-TFUE). Ir-responsabbiltà għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni għalhekk tibqa’ tal-Istati Membri, li b’hekk għandhom libertà konsiderevoli ta’ azzjoni. L-oqsma koperti minn din il-kategorija ta’ kompetenza huma l-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem, l-industrija, il-kultura, it-turiżmu, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-isport u t-taħriġ vokazzjonali, il-protezzjoni ċivili u l-kooperazzjoni amministrattiva. Fl-oqsma tal-impjiegi u l-politika ekonomika, l-Istati Membri jirrikonoxxu espliċitament il-ħtieġa li jikkoordinaw il-miżuri nazzjonali fi ħdan l-UE.
Minbarra dawn is-setgħat speċjali sabiex jaġixxu, it-Trattati tal-Unjoni jagħtu wkoll lill-istituzzjonijiet is-setgħa li jaġixxu meta dan ikun essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku jew biex tiġi żgurata kompetizzjoni mingħajr xkiel (ara l-Artikolu 352 tat-TFUE – setgħat dispożittivi jew klawsola ta’ flessibbiltà). Madankollu, dawn l-artikoli ma jagħtu lill-istituzzjonijiet l-ebda setgħa ġenerali li tippermettilhom iwettqu kompiti li jaqgħu barra mill-għanijiet stabbiliti fit-Trattati, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jestendu s-setgħat tagħhom għad-detriment ta’ dawk tal-Istati Membri. Fil-prattika, il-possibbiltajiet offruti minn din is-setgħa ntużaw ta’ sikwit ħafna fil-passat, billi matul iż-żmien l-UE kellha tiffaċċja ripetutament kompiti ġodda li ma kinux previsti meta ġew konklużi t-Trattati fundaturi, u li għalihom għalhekk ma kienet konferita l-ebda setgħa xierqa fit-Trattati. Eżempji huma l-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumaturi jew it-twaqqif tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bħala mezz sabiex titnaqqas id-differenza bejn ir-reġjuni żviluppati u dawk sottożviluppati tal-UE. Issa, madankollu, ingħatat ġurisdizzjoni speċifika fl-oqsma hawn fuq imsemmija. Dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi fissru li l-importanza prattika tas-setgħat dispożittivi naqset ħafna. L-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fl-aħħar nett, hemm setgħat oħra sabiex jittieħdu dawk il-miżuri li jkunu indispensabbli għall-implimentazzjoni effettiva u sinifikanti tas-setgħat li diġà ngħataw b’mod espliċitu (setgħat implikati). Dawn is-setgħat kisbu sinifikat speċjali fit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni. Huma jippermettu lill-UE li tassumi obbligi lejn pajjiżi mhux membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fl-oqsma koperti mil-lista tal-kompiti fdati lill-UE. Eżempju eċċezzjonali huwa pprovdut mill-kawża Kramer deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kawża kienet tikkonċerna l-kapaċità tal-UE li tikkopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-iffissar ta’ kwoti tas-sajd u, fejn meqjus xieraq, li tassumi obbligi dwar il-kwistjoni skont id-dritt internazzjonali. Billi ma kien hemm ebda dispożizzjoni speċifika stabbilita fit-Trattat tal-UE, il-Qorti ddeduċiet il-kompetenza esterna neċessarja tal-UE mill-kompetenza interna tagħha għall-politika tas-sajd skont il-politika agrikola komuni.
Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat, l-UE hija mmexxija mill-prinċipju tas-sussidjarjetà, meħud mid-duttrina soċjali Kattolika Rumana, li akkwistat status virtwalment kostituzzjonali bl-inklużjoni fit-Trattat tal-UE (l-Artikolu 5(3) tat-TUE). Hemm żewġ aspetti għal dan: id-dikjarazzjoni affermattiva li l-UE għandha taġixxi fejn l-għanijiet li jridu jiġu segwiti jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Unjoni, li żżid is-setgħat tagħha; u d-dikjarazzjoni negattiva li hija ma għandhiex taġixxi fejn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod individwali, li tillimitahom. Fil-prattika dan ifisser li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, imma speċjalment il-Kummissjoni, iridu dejjem juru li hemm ħtieġa reali għal regoli komuni u azzjoni komuni. Biex wieħed jikkwota lil Montesquieu, meta ma jkunx neċessarju li l-UE tieħu azzjoni, huwa neċessarju li ma tieħu l-ebda azzjoni. Jekk tintwera l-ħtieġa ta’ regoli tal-Unjoni, il-mistoqsija l-oħra li tqum tirrigwarda l-intensità u l-forma li dawn għandhom jieħdu. Ir-risposta toħroġ mill-prinċipju tal-proporzjonalità, li huwa stabbilit fit-Trattat UE flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza (l-Artikolu 5(4)). Dan ifisser li l-ħtieġa tal-istrument legali speċifiku trid tiġi valutata bir-reqqa biex wieħed jara jekk jeżistix mezz anqas limitattiv sabiex jinkiseb l-istess riżultat. F’termini ġenerali wieħed jikkonkludi li r-regolamenti qafas, l-istandards minimi u r-rikonoxximent reċiproku tal-istandards eżistenti tal-Istati Membri għandhom jiġu ppreferuti fuq dispożizzjonijiet legali dettaljati żżejjed, u kull fejn ikun possibbli għandhom jiġu evitati d-dispożizzjonijiet armonizzati.
Il-parlamenti nazzjonali issa jistgħu jivverifikaw ukoll il-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Għal dan il-għan, ġiet introdotta sistema ta’ twissija bikrija, li tippermetti lill-parlamenti nazzjonali joħorġu pożizzjoni motivata fi żmien tmien ġimgħat wara t-trasmissjoni ta’ proposta leġiżlattiva tal-UE, li tispjega għaliex il-proposta leġiżlattiva inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Jekk din il-pożizzjoni motivata tkun appoġġata minn tal-anqas terz tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali (fejn kull parlament nazzjonali għandu żewġ voti, jew, fil-każ ta’ sistemi ta’ kmamar, vot wieħed għal kull kamra), il-proposta leġiżlattiva trid tiġi rieżaminata mill-istituzzjoni li tkun ħarġitha (ġeneralment il-Kummissjoni). Wara dan ir-rieżami, il-proposta tista’ tinżamm, tiġi emendata jew irtirata. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li żżomm l-abbozz, hija trid toħroġ opinjoni motivata fejn tiddikjara għaliex hija tqis li l-abbozz isegwi l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din l-opinjoni motivata tintbagħat lil-leġiżlatur tal-UE flimkien mal-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati fil-proċedura leġiżlattiva. Jekk, b’maġġoranza ta’ 55 % tal-Membri tal-Kunsill tal-UE jew b’maġġoranza tal-voti mitfugħa fil-Parlament Ewropew, il-leġiżlatur tal-UE jkun tal-fehma li l-proposta ma tikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, din ma tiġix eżaminata aktar.
L-istituzzjonijiet tal-UE
L-Artikolu 13 tat-Trattat tal-UE (qafas istituzzjonali)
- L-Unjoni għandha qafas istituzzjonali maħsub sabiex jippromwovi l-valuri tagħha, isegwi l-objettivi tagħha, iservi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kontinwità tal-politika u tal-azzjonijiet tagħha.
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma:
- il-Parlament Ewropew,
- il-Kunsill Ewropew,
- il-Kunsill,
- il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Kummissjoni”),
- il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
- il-Bank Ċentrali Ewropew,
- il-Qorti tal-Awdituri.
- Kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skont il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-kooperazzjoni leali.
- Id-dispożizzjonijiet dwar il-Bank Ċentrali Ewropew u dwar il-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-istituzzjonijiet l-oħrajn, jinsabu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
- Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu assistiti minn Kumitat Ekonomiku u Soċjali u minn Kumitat tar-Reġjuni, li jeżerċitaw funzjonijiet konsultattivi.
Kwistjoni oħra li tinħoloq b’rabta mal-kostituzzjoni tal-Unjoni Ewropea hija dik tal-organizzazzjoni tagħha. X’inhuma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni? Billi l-UE teżerċita funzjonijiet normalment riservati għall-istati, għandha gvern, parlament, awtoritajiet amministrattivi u qrati bħal dawk li aħna familjari magħhom fl-Istati Membri? L-azzjoni dwar il-kompiti assenjati lill-UE u d-direzzjoni tal-proċess ta’ integrazzjoni intenzjonalment ma tħallietx f’idejn l-Istati Membri jew għall-kooperazzjoni internazzjonali. L-UE għandha sistema istituzzjonali li tippermettilha li tagħti stimoli u għanijiet ġodda għall-unifikazzjoni tal-Ewropa u li toħloq korp ta’ liġi uniformi u vinkolanti fl-Istati Membri kollha fil-kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha.
L-atturi prinċipali fis-sistema istituzzjonali tal-UE huma l-istituzzjonijiet tal-UE – il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri. Il-korpi anċillari fis-sistema istituzzjonali tal-UE huma l-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.
L-istituzzjonijiet
Il-Parlament Ewropew (l-Artikolu 14 tat-TUE)
Il-Parlament Ewropew jirrappreżenta l-popli tal-Istati Membri tal-UE. Huwa amalgamazzjoni tal-Assemblea Konġunta tal-KEFA, l-Assemblea tal-KEE u l-Assemblea tal-Euratom, li ġew magħqudin flimkien sabiex jiffurmaw “assemblea” skont il-Konvenzjoni tal-1957 dwar Ċerti Istituzzjonijiet Komuni għall-Komunitajiet Ewropej (“l-ewwel Trattat li jgħaqqad”). L-isem ma nbidilx uffiċjalment għal “Parlament Ewropew” qabel ma t-Trattat KE ġie emendat mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Maastricht), għalkemm dan il-pass sempliċement kien jirrifletti dak li diġà kien użu komuni li jmur lura għall-bidla fl-isem tal-Assemblea stess għal “Parlament Ewropew” fl-1958.
MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW
PRESIDENT
14-il Viċi President
5 Kwesturi (konsultattivi)
Il-President, il-Viċi Presidenti u l-Kwesturi (membri tal-Parlament Ewropew fdati b’kompiti amministrattivi u finanzjarji) jiffurmaw il-Bureau, li jiġi elett mill-Parlament għal termini ta’ sentejn u nofs. Hemm ukoll Konferenza tal-Presidenti, li tikkonsisti mill-President tal-Parlament u l-presidenti tal-gruppi politiċi. Din hija responsabbli għall-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Parlament, u r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u ma’ istituzzjonijiet mhux tal-Unjoni.
Stat Membru | Siġġijiet fil-Parlament Ewropew |
---|---|
Il-Ġermanja | 96 |
Franza | 74 |
L-Italja | 73 |
Ir-Renju Unit | 73 |
Spanja | 54 |
Il-Polonja | 51 |
Ir-Rumanija | 32 |
In-Netherlands | 26 |
Il-Belġju | 21 |
Ir-Repubblika Ċeka | 21 |
Il-Greċja | 21 |
L-Ungerija | 21 |
Il-Portugall | 21 |
L-Iżvezja | 20 |
L-Awstrija | 18 |
Il-Bulgarija | 17 |
Id-Danimarka | 13 |
Is-Slovakkja | 13 |
Il-Finlandja | 13 |
L-Irlanda | 11 |
Il-Kroazja | 11 |
Il-Litwanja | 11 |
Il-Latvja | 8 |
Is-Slovenja | 8 |
L-Estonja | 6 |
Ċipru | 6 |
Il-Lussemburgu | 6 |
Kompożizzjoni u elezzjoni
Il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew hija murija f’forma grafika hawn taħt; din hija s-sitwazzjoni fil-perjodu leġiżlattiv preżenti 2014-19.
Sal-1979, ir-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew kienu jintgħażlu minn fost il-membri tal-parlamenti nazzjonali u jiġu ddelegati minnhom lill-Parlament Ewropew. L-elezzjoni ġenerali diretta tal-MPEs mill-popli tal-Istati Membri kienet prevista fit-Trattati nfushom, iżda l-ewwel elezzjonijiet diretti ma sarux qabel Ġunju 1979, billi numru ta’ inizjattivi preċedenti kienu bla suċċess. L-elezzjonijiet issa jsiru kull ħames snin, li jikkorrispondi għat-tul ta’ “perjodu leġiżlattiv”. Wara deċennji ta’ sforzi, fl-aħħar kienet introdotta proċedura elettorali uniformi bl-att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali fl-1976 li mbagħad ġiet riformata b’mod fundamentali bl-Att dwar l-Elezzjonijiet Diretti fl-2002. Skont dan l-att, kull Stat Membru jistabbilixxi l-proċedura elettorali proprja tiegħu, iżda jrid japplika l-istess regoli demokratiċi bażiċi:
- elezzjoni ġenerali diretta,
- rappreżentanza proporzjonali,
- vot sigriet u ħieles,
- età minima (għad-dritt tal-vot, din hija 18-il sena fl-Istati Membri kollha ħlief fl-Awstrija, fejn l-età tal-vot tnaqqset għal 16-il sena),
- mandat ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded,
- inkompatibbiltajiet (il-MPEs ma jistax ikollhom żewġ karigi fl-istess ħin, eż. il-kariga ta’ mħallef, prosekutur pubbliku, Ministru, eċċ.; huma soġġetti wkoll għal-liġijiet ta’ pajjiżhom, li jistgħu jillimitaw ulterjorment l-abbiltà tagħhom li jokkupaw aktar minn kariga jew uffiċċju wieħed),
- data tal-elezzjoni,
- uwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. F’xi pajjiżi (il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Greċja), il-votazzjoni hija obbligatorja.
Barra minn hekk, fl-2009 daħal fis-seħħ statut uniformi għall-Membri tal-Parlament Ewropew, li jagħmel it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħidma tal-MPEs aktar trasparenti u jinkludi regoli ċari. Huwa jintroduċi wkoll salarju uniformi għall-MPEs kollha, li jitħallas mill-baġit tal-UE.
Issa li jiġi elett b’mod dirett, il-Parlament igawdi leġittimità demokratika u jista’ verament jgħid li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE. Iżda s-sempliċi eżistenza ta’ Parlament elett direttament ma tistax tissodisfa r-rekwiżit fundamentali ta’ kostituzzjoni demokratika, li huwa li l-awtorità pubblika kollha trid tiġi mill-poplu. Dan ma jfissirx biss li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet irid ikun trasparenti u l-istituzzjonijiet li jieħdu d-deċiżjonijiet iridu jkunu rappreżentattivi; huwa meħtieġ kontroll parlamentari, u l-Parlament irid jagħti l-leġittimità lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Anki f’dan il-qasam sar progress kbir f’dawn l-aħħar snin. Mhux biss id-drittijiet tal-Parlament ġew estiżi b’mod kontinwu, iżda t-Trattat ta’ Lisbona stabbilixxa b’mod espliċitu l-obbligu ta’ azzjoni mill-Unjoni Ewropea sabiex taderixxi mal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni huma rappreżentati b’mod dirett fil-Parlament u għandhom id-dritt li jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja demokratika tal-UE. L-għan bażiku ta’ dan huwa li d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jittieħdu kemm jista’ jkun b’mod miftuħ u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Il-partiti politiċi fil-livell tal-UE għandhom jikkontribwixxu għat-tiswir ta’ identità Ewropea u sabiex jartikolaw ir-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni. Jekk hemm defiċit fil-mudell demokratiku attwali tal-UE, dan huwa li l-Parlament Ewropew, b’differenza mill-parlamenti veri f’demokrazija parlamentari, ma jeleġġix gvern responsabbli lejh.
L-Artikolu 10 tat-TUE (demokrazija rappreżentattiva)
- Il-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva.
- Fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew.
L-Istati Membri huma rappreżentati fil-Kunsill Ewropew mill-Kap tal-Istat jew tal-Gvern tagħhom u fil-Kunsill mill-gvernijiet tagħhom, li jkunu demokratikament responsabbli kemm lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll lejn iċ-ċittadini tagħhom.
- Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.
- Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni.
Madankollu, ir-raġuni għal dan id-defiċit hija li, b’mod pjuttost sempliċi, ma jeżistix gvern fis-sens normali f’livell tal-UE. Minflok, il-funzjonijiet analogi għall-gvern previsti fit-Trattati tal-Unjoni jitwettqu mill-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea skont forma ta’ tqassim tax-xogħol. Fl-istess waqt, it-Trattat ta’ Lisbona ta lill-Parlament setgħat estensivi fir-rigward tal-ħatriet fil-Kummissjoni, li jvarjaw mill-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew, għall-vot ta’ approvazzjoni tal-kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji mill-Parlament (id-“dritt ta’ investitura”). Madankollu, il-Parlament ma għandu l-ebda influwenza bħal din fuq il-kompożizzjoni tal-Kunsill, li huwa suġġett għall-kontroll parlamentari biss sa fejn kull wieħed mill-membri tiegħu, bħala Ministru nazzjonali, huwa responsabbli lejn il-parlament nazzjonali.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-proċess leġiżlattiv tal-UE żdied b’mod konsiderevoli. Il-promozzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni għal-livell tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fir-realtà, bidlet il-Parlament Ewropew f’“koleġiżlatur” flimkien mal-Kunsill. Fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament mhux biss jista’ jressaq emendi għal-leġiżlazzjoni f’diversi qari iżda wkoll, sa ċerti limiti, iġib l-aċċettazzjoni tagħhom mill-Kunsill. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tgħaddi mingħajr qbil bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.
Tradizzjonalment, il-Parlament kellu rwol ewlieni wkoll fil-proċedura baġitarja. It-Trattat ta’ Lisbona estenda aktar is-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew, fejn dan jistipula li l-Parlament irid japprova l-pjan finanzjarju pluriennali u jagħtih setgħat ta’ kodeċiżjoni fuq in-nefqa kollha.
Il-Parlament għandu d-dritt ta’ kunsens għall-ftehimiet internazzjonali prinċipali kollha dwar qasam kopert b’kodeċiżjoni, u għat-Trattati tal-Adeżjoni konklużi ma’ Stati Membri ġodda li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tal-ammissjoni.
Is-setgħat superviżorji tal-Parlament Ewropew ukoll żdiedu b’mod sinifikanti matul iż-żmien. Dawn huma eżerċitati prinċipalment mill-fatt li l-Kummissjoni trid twieġeb lill-Parlament, tiddefendi l-proposti tagħha quddiemu u tippreżentalu rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-UE għal dibattitu. Il-Parlament jista’, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, jgħaddi mozzjoni ta’ ċensura u b’hekk iġiegħel lill-Kummissjoni tirriżenja b’mod kollettiv (l-Artikolu 234 tat-TFUE). Ġew ippreżentati diversi mozzjonijiet bħal dawn quddiem il-Parlament, iżda l-ebda waħda ma kisbet il-maġġoranza meħtieġa (2). Billi fil-prattika l-Kunsill iwieġeb wkoll mistoqsijiet parlamentari, il-Parlament għandu l-opportunità ta’ dibattitu politiku dirett ma’ żewġ istituzzjonijiet ewlenin.

Ir-rebbiegħa qiegħda fl-arja madwar il-bini tal-Parlament Ewropew.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, dawn is-setgħat superviżorji tal-Parlament ġew imsaħħa. Issa għandu s-setgħa wkoll li jwaqqaf Kumitati ta’ Inkjesta speċjali sabiex jeżaminaw speċifikament każijiet ta’ allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni jew amministrazzjoni ħażina. Kumitat minn dawn ġie mwaqqaf f’Ġunju 2016 fid-dawl tar-rivelazzjonijiet tal-“Panama Papers” dwar kumpaniji offshore u s-sidien sigrieti tagħhom. Il-kompitu tiegħu huwa li jinvestiga ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Miktub ukoll fit-Trattati hemm id-dritt ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tindirizza petizzjonijiet lill-Parlament, li mbagħad jiġu ttrattati minn Kumitat permanenti għall-Petizzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-Parlament għamel użu wkoll mis-setgħa tiegħu li jaħtar Ombudsman li lilu jistgħu jiġu referuti lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Ombudsman jista’ jwettaq inkjesti u għandu jinforma lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat b’tali azzjoni, u għandu jissottometti lill-Parlament rapport dwar ir-riżultat tal-inkjesti tiegħu.
Is-sede
Il-Parlament għandu s-sede tiegħu fi Strasburgu, fejn jinżammu t-12-il perjodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit. Il-perjodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali jsiru fi Brussell, fejn jiltaqgħu wkoll il-kumitati. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament, madankollu, huwa bbażat fil-Lussemburgu. Id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar dawn il-lokalitajiet fl-1992 kienet ikkonfermata fil-Protokoll Nru 6 għat-Trattat ta’ Lisbona. Ir-riżultat mhux sodisfaċenti ta’ din id-deċiżjoni huwa li l-MPEs u xi uffiċjali u impjegati tal-Parlament iridu jivvjaġġaw bejn Strasburgu, Brussell u l-Lussemburgu – biċċa xogħol li tiswa ħafna flus.
Il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 15 tat-TUE)
Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern u l-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew mill-anqas darbtejn kull sitt xhur fi Brussell.
Kompożizzjoni u Kompiti
KOMPOŻIZZJONI TAL-KUNSILL EWROPEW
Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri
Il-President tal-Kunsill Ewropew
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
Kompiti
Jiddefinixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE
It-Trattat ta’ Lisbona ħoloq il-kariga ta’ President tal-Kunsill Ewropew. Il-President tal-Kunsill Ewropew, b’differenza mill-Presidenza sa issa, għandu mandat Ewropew, mhux wieħed nazzjonali, għal sentejn u nofs fuq bażi full-time. Il-persuna maħtura President għandha tkun personalità eċċezzjonali, magħżula permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tal-Membri tal-Kunsill Ewropew. L-elezzjoni mill-ġdid hija possibbli darba. Il-kompiti tal-President jinkludu t-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u r-rappreżentanza tal-UE f’summits internazzjonali fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà.
Il-Kunsill Ewropew ma jeżerċitax funzjonijiet leġiżlattivi. Il-funzjoni tiegħu hija li jistabbilixxi l-linji gwida ta’ politika ġenerali għall-azzjoni tal-UE. Dawn jieħdu l-forma ta’ “konklużjonijiet”, li jiġu adottati b’kunsens u jinkludu deċiżjonijiet bażiċi ta’ politika jew struzzjonijiet u linji gwida lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew b’dan il-mod mexxa l-ħidma dwar l-unjoni ekonomika u monetarja, is-Sistema Monetarja Ewropea, l-elezzjonijiet diretti għall-Parlament u numru ta’ kwistjonijiet ta’ adeżjoni.
Il-Kunsill (l-Artikolu 16)
Kompożizzjoni u Presidenza
Il-Kunsill huwa magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri. It-28 Stat Membru kollha jibagħtu rappreżentant wieħed – bħala regola, għalkemm mhux neċessarjament, il-ministru dipartimentali jew subaltern responsabbli għall-kwistjonijiet taħt konsiderazzjoni. Huwa importanti li dawn ir-rappreżentanti jkollhom is-setgħa li jaġixxu b’effett vinkolanti fuq il-gvernijiet tagħhom. Il-fatt innifsu li l-gvernijiet jistgħu jkunu rappreżentati b’diversi modi ovvjament ifisser li m’hemmx membri permanenti tal-Kunsill; minflok, ir-rappreżentanti fil-Kunsill jiltaqgħu f’għaxar konfigurazzjonijiet differenti skont is-suġġetti li jkunu qed jiġu diskussi.
L-GĦAXAR KONFIGURAZZJONIJIET TAL-KUNSILL
Rappreżentant wieħed ta’ kull gvern ta’ Stat Membru f’livell ministerjali, bil-kompożizzjoni tvarja skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss
Presedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
- Affarijiet Barranin
Presedut mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill
- Affarijiet Ġenerali
- Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
- Ġustizzja u Affarijiet Interni
- Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur
- Kompetittività
- Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija
- Agrikoltura u Sajd
- Ambjent
- Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport
Il-“Kunsill Affarijiet Barranin” jieħu ħsieb l-azzjoni tal-UE barra l-pajjiż skont il-linji gwida strateġiċi tal-Kunsill Ewropew u jassigura li l-azzjoni tal-UE tkun konsistenti u koerenti. Il-“Kunsill Affarijiet Ġenerali” jikkoordina l-ħidma tal-Kunsill fid-diversi konfigurazzjonijiet tiegħu u, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, jipprepara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Il-Presidenza tal-Kunsill – bl-eċċezzjoni tal-“Kunsill Affarijiet Barranin”, li huwa presedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà – titmexxa minn kull Stat Membru meta jmissu għal sitt xhur. L-ordni li fiha jiġi okkupat l-uffiċċju ta’ President tiġi deċiża b’mod unanimu mill-Kunsill. Il-Presidenza tinbidel fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena (2016: in-Netherlands u s-Slovakkja; 2017: Malta u l-Estonja (3); 2018: il-Bulgarija u l-Awstrija; 2019: ir-Rumanija u l-Finlandja; 2020: il-Kroazja u l-Ġermanja, eċċ.). Minħabba dan id-“dawran” pjuttost rapidu, kull Presidenza tibbaża l-azzjoni tagħha fuq programm ta’ ħidma miftiehem maż-żewġ Presidenzi li jmiss u għalhekk validu għal perjodu ta’ 18-il xahar (“triju ta’ presidenzi”). Il-Presidenza hija prinċipalment responsabbli għall-koordinament ġenerali tal-ħidma tal-Kunsill u tal-kumitati li jipprovdulu input. Hija importanti wkoll f’termini politiċi billi l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-UE jgawdi rwol aktar importanti fix-xena dinjija, u b’hekk l-Istati Membri ż-żgħar, b’mod partikolari, jingħataw l-opportunità li jitħalltu mal-“atturi ewlenin” u jħallu l-marka tagħhom fil-politika Ewropea.
Il-ħidma tal-Kunsill tiġi ppreparata minn numru konsiderevoli ta’ korpi preparatorji (kumitati u gruppi ta’ ħidma) komposti minn rappreżentanti mill-Istati Membri. L-aktar korp preparatorju importanti fosthom huwa l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (“Coreper I u II”), li bħala regola ġenerali jiltaqa’ mill-inqas darba fil-ġimgħa.
Il-Kunsill huwa appoġġat minn Segretarjat Ġenerali, li jikkonsisti f’madwar 2 800 uffiċjal u jaqa’ taħt l-awtorità ta’ Segretarju Ġenerali maħtur mill-Kunsill.
Is-sede tal-Kunsill tinsab fi Brussell.
Kompiti
Il-Kunsill għandu ħames kompiti ewlenin:
- L-ewwel prijorità tal-Kunsill hija l-leġiżlazzjoni, li huwa jwettaq flimkien mal-Parlament fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
- Il-Kunsill huwa responsabbli wkoll sabiex jassigura l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.
- Huwa jiżviluppa l-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE abbażi ta’ linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew.
- Il-Kunsill huwa responsabbli biex jikkonkludi ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi mhux membri fl-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
- Huwa jistabbilixxi l-baġit abbażi ta’ abbozz preliminari mill-Kummissjoni, li mbagħad irid jiġi approvat mill-Parlament. Barra minn hekk, huwa joħroġ rakkomandazzjoni lill-Parlament dwar l-għoti tal-kwittanza lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit,
u huwa responsabbli biex jaħtar il-membri tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni.
Negozjati u teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill
Huwa fil-Kunsill li l-interessi individwali tal-Istati Membri u l-interess tal-Unjoni jiġu bbilanċjati. Għalkemm l-Istati Membri jiddefendu primarjament l-interessi proprji tagħhom fil-Kunsill, il-membri tiegħu fl-istess ħin huma obbligati li jqisu l-għanijiet u l-ħtiġijiet tal-Unjoni kollha kemm hi. Il-Kunsill huwa istituzzjoni tal-Unjoni u mhux konferenza intergovernattiva. Għaldaqstant mhuwiex l-iżgħar denominatur komuni bejn l-Istati Membri li jiġi mfittex fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill, iżda pjuttost il-bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Unjoni u l-interessi tal-Istati Membri.
Il-Kunsill jiddiskuti u jiddeċiedi biss dwar dokumenti u abbozzi li huma disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali (Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Irlandiż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż). Jekk kwistjoni tkun urġenti, din ir-regola tista’ titwarrab bi qbil unanimu. Dan japplika wkoll għall-proposti għal emendi mressqa u diskussi waqt laqgħa.
Skont it-Trattati tal-UE, fil-votazzjoni tal-Kunsill tiġi applikata r-regola tal-maġġoranza – bħala regola ġenerali, maġġoranza kwalifikata hija suffiċjenti (l-Artikolu 16(3) tat-TUE). Maġġoranza sempliċi, fejn kull membru tal-Kunsill għandu vot wieħed, tiġi applikata biss f’ċerti oqsma, b’mod partikolari fi kwistjonijiet proċedurali. (Il-maġġoranza sempliċi għal 28 Stat Membru tintlaħaq bi 15-il vot).
Skont is-sistema ta’ maġġoranza doppja, maġġoranza kwalifikata tintlaħaq meta l-proposta tal-Kummissjoni tkun appoġġjata minn tal-anqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li jinkludu mill-anqas sittax-il Stat Membru li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-UE (l-Artikolu 16(4) tat-TUE).
Sabiex jiġi evitat li Stati Membri anqas popolati jimblokkaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, minoranza li timblokka trid tkun magħmula minn tal-anqas erba’ Stati Membri li jirrappreżentaw mill-inqas 35 % tal-popolazzjoni tal-UE. Is-sistema hija kkumplimentata minn mekkaniżmu supplimentari: jekk ma tintlaħaqx minoranza li timblokka, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jista’ jiġi sospiż. F’dan il-każ, il-Kunsill ma jipproċedix bil-vot, iżda jkompli n-negozjati għal perjodu ta’ żmien raġonevoli, jekk jiġi mitlub minn Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw mill-anqas 75 % tal-popolazzjoni jew mill-anqas 75 % tal-għadd ta’ Stati Membri meħtieġ għal minoranza li timblokka.

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ma’ Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, fis-Summit tan-NATO f’Varsavja fit-8/9 ta’ Lulju 2016
Fil-każ ta’ deċiżjonijiet li jridu jittieħdu f’oqsma politiċi partikolarment sensittivi, it-Trattati jitolbu l-unanimità. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni, madankollu, ma tistax tiġi imblukkata permezz ta’ astensjonijiet. L-unanimità xorta hija meħtieġa għad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet bħat-taxxi, is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, l-istabbiliment ta’ jekk Stat Membru kisirx il-prinċipji kostituzzjonali, u għad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu prinċipji għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni u li jimplimentawha, jew ċerti deċiżjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali.
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (l-Artikolu 18 tat-TUE)
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ma sarx il-ministru tal-affarijiet barranin tal-UE, kif kien ippjanat fil-proġett kostituzzjonali; madankollu, il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-istruttura istituzzjonali ġiet imsaħħa u estiża b’mod konsiderevoli. Ir-Rappreżentant Għoli għandu bażi kemm fil-Kunsill, fejn huwa għandu l-presidenza tal-Kunsill Affarijiet Barranin, kif ukoll fil-Kummissjoni, fejn huwa l-Viċi President responsabbli mill-affarijiet barranin. Ir-Rappreżentant Għoli jinħatar mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, bil-qbil tal-President tal-Kummissjoni. Huwa assistit minn Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), li nħoloq ġdid fl-2011 u li ġie ffurmat permezz ta’ fużjoni tad-dipartimenti tal-politika barranija tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u l-integrazzjoni ta’ diplomatiċi mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali.
Il-Kummissjoni Ewropea (l-Artikolu 17 tat-TUE)
KOMPOŻIZZJONI
28 Membru
Li jinkludu
Il-President
L-ewwel Viċi President
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
5 Viċi Presidenti addizzjonali
20 Kummissarju
Kompiti
Tibda l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Timmonitorja l-osservanza u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni
Tamministra u timplimenta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Tirrappreżenta lill-UE f’organizzazzjonijiet internazzjonali
Kompożizzjoni
Il-Kummissjoni Ewropea tikkonsisti minn 28 membru, membru wieħed għal kull Stat Membru, jiġifieri 28 kummissarju (b’diversi funzjonijiet) huma attwalment attivi fil-Kummissjoni (l-Artikolu 17(4) tat-TUE). Wara deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 17(5) tat-TUE biex mill-1 ta’ Novembru 2011 id-daqs tal-Kummissjoni jitnaqqas għal żewġ terzi tal-għadd ta’ Stati Membri ma ġietx attivata.
Il-Kummissjoni hija mmexxija minn President, li għandu pożizzjoni b’saħħitha fi ħdan il-Kummissjoni. Il-President m’għadux sempliċement “l-ewwel fost l-ugwali” iżda jgawdi pożizzjoni prominenti billi huwa jistabbilixxi l-linji gwida li bihom trid taħdem il-Kummissjoni u jiddeċiedi wkoll dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni (l-Artikolu 17(6)(a) u (b) tat-TUE). Il-President għalhekk għandu kemm l-awtorità li joħroġ linji gwida kif ukoll il-kontroll tal-organizzazzjoni. B’dawn is-setgħat, il-President huwa responsabbli sabiex jassigura li l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni tkun konsistenti u effiċjenti, u tikkonforma mal-prinċipju tal-kolleġġjalità, li huwa rifless b’mod partikolari mill-fatt li d-deċiżjonijiet jittieħdu bħala korp kolleġġjali (l-Artikolu 250(1) tat-TFUE). Huwa jorganizza u jqassam ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fost il-membri tagħha, u jista’ jqalleb l-allokazzjoni ta’ dawk ir-responsabbiltajiet matul il-mandat tal-Kummissjoni (l-Artikolu 248 tat-TFUE). Il-President jaħtar l-Ewwel Viċi President u l-Viċi Presidenti l-oħra, bl-eċċezzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li huwa Viċi President tal-Kummissjoni ex officio. Barra minn hekk, huwa stipulat b’mod espliċitu li membru tal-Kummissjoni jrid jirriżenja jekk il-President jitlob dan (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tat-TUE). Fl-aħħar nett, il-pożizzjoni prominenti tal-President hija riflessa wkoll mid-dritt tiegħu li jinstema’ fir-rigward tal-għażla ta’ membri oħra tal-Kummissjoni u mill-fatt li huwa membru tal-Kunsill Ewropew.
Il-Kummissarji jiffurmaw timijiet tal-proġett taħt it-tmexxija ta’ Viċi President, li kull wieħed minnhom jieħu ħsieb wieħed mill-oqsma ta’ politika li ġejjin: 1. Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li Tħares ’il Quddiem; 2. Impjiegi, Tkabbir, Investiment u Kompetittività; 3. Is-Suq Uniku Diġitali; 4. L-Euro u d-Djalogu Soċjali; 5. Baġit u Riżorsi Umani.
Il-Viċi Presidenti jaġixxu f’isem il-President bħala r-rappreżentanti tiegħu. Huma jmexxu u jikkoordinaw il-ħidma ta’ diversi Kummissarji fil-qasam tar-responsabbiltà tagħhom. L-Ewwel Viċi President għandu rwol speċjali, billi jaġixxi bħala “l-id il-leminija” tal-President u huwa fdat b’kompiti orizzontali bħall-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, ir-relazzjonijiet interistituzzjonali, l-istat tad-dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Proposta tal-Kummissjoni lanqas biss tasal għad-diskussjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma tkun ġiet rikonoxxuta bħala miżura meħtieġa mill-Ewwel Viċi President.
Il-President u l-Membri tal-Kummissjoni jiġu maħtura għal perjodu ta’ ħames snin bl-użu tal-proċedura ta’ investitura, li r-regoli tagħha nbidlu mit-Trattat ta’ Lisbona fl-Artikolu 17(6) tat-TUE. Il-proċedura tikkonsisti f’diversi stadji. L-ewwel, jiġi nnominat il-President, u mbagħad jintagħżlu l-persuni li jridu jinħatru bħala membri tal-Kummissjoni. Fit-tielet stadju, il-President tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Membri l-oħra tal-Kummissjoni jiġu maħtura b’mod uffiċjali.
Wara li jagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jipproponi lill-Parlament Ewropew kandidat għall-President tal-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu kkunsidrati meta jintgħażel il-kandidat għall-kariga ta’ President. Dan ir-rekwiżit ġdid għandu l-għan li jżid il-livell ta’ politiċizzazzjoni tal-Kummissjoni. Dan fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-gruppi politiċi li jikkontrollaw il-maġġoranza fil-Parlament għandhom influwenza sinifikanti meta jinnominaw il-President.
Għan-nomina ta’ Jean-Claude Juncker, il-Parlament saħansitra ġiegħel lill-Kunsill jipproponilu l-kandidat imressaq mill-grupp politiku ta’ maġġoranza fil-Parlament (PPE). Għal dan il-għan, il-Parlament għamel użu mir-regola li, jekk il-kandidat għall-kariga ta’ President jiġi rifjutat mill-Parlament, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, irid jipproponi kandidat ġdid fi żmien xahar mid-deċiżjoni tal-Parlament, li jiġi nominat skont l-istess proċedura. Dan iżid valur konsiderevoli għan-nomina, min-naħa tal-partiti, ta’ Spitzenkandidaten, jew kandidati ewlenin, għall-elezzjonijiet tal-Parlament u jagħmel l-importanza tal-parteċipazzjoni aktar viżibbli għaċ-ċittadini, billi l-vot tagħhom jagħtihom ukoll sehem indirett fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni. Il-Parlament jeleġġi l-kandidat propost b’maġġoranza tal-membri tiegħu.
Wara li jiġi elett il-President, il-Kunsill jadotta “b’kunsens” (l-Artikolu 15(4) tat-TUE) il-lista tal-persuni l-oħra li jkun beħsiebu jaħtar bħala Membri tal-Kummissjoni, li titfassal skont il-proposti tal-Istati Membri. Il-persuni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali u l-impenn Ewropew tagħhom u għandhom ikunu wkoll kompletament indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom. Maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill hija biżżejjed għall-ħatra tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (l-Artikolu 18(1) tat-TUE). Il-Kunsill u l-President elett tal-Kummissjoni jridu jilħqu qbil dwar il-kandidati. Il-ħatra tar-Rappreżentant Għoli teħtieġ ukoll il-qbil ċar tal-President nominat tal-Kummissjoni. Il-membri l-oħra tal-Kummissjoni ma jistgħux jinħatru jekk il-President elett joħroġ veto kontra dan.
Ladarba l-President ikun ġie elett u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-membri l-oħra tal-Kummissjoni jkunu ġew nominati, il-kulleġġ ikun suġġett għal vot ta’ approvazzjoni mill-Parlament. Madankollu, il-Kummissarji nominati l-ewwel iridu jwieġbu għal mistoqsijiet mill-membri parlamentari waqt seduta ta’ smigħ. Il-mistoqsijiet ġeneralment ikunu dwar suġġetti li jaqgħu fl-ambitu previst tar-responsabbiltajiet u l-attitudnijiet personali dwar il-ġejjieni tal-UE. Wara li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu, li għalih hija suffiċjenti maġġoranza sempliċi, il-President u l-Membri l-oħra tal-Kummissjoni jinħatru mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-Kummissjoni tibda l-funzjonijiet tagħha malli jinħatru l-Membri tagħha.
Is-sede tal-Kummissjoni Ewropea tinsab fi Brussell.
Kompiti
Il-Kummissjoni hija qabelxejn il-forza li tixpruna l-politika tal-Unjoni. Hija l-punt tat-tluq għal kull azzjoni tal-Unjoni, billi hija l-Kummissjoni li trid tippreżenta proposti u abbozzi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni lill-Kunsill (dan jissejjaħ id-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni). Il-Kummissjoni mhijiex libera li tagħżel l-attivitajiet proprji tagħha. Hija obbligata li taġixxi jekk l-interess tal-Unjoni jitlob dan. Il-Kunsill (l-Artikolu 241 tat-TFUE), il-Parlament Ewropew (l-Artikolu 225 tat-TFUE) u grupp ta’ ċittadini tal-UE li jaġixxu f’isem inizjattiva taċ-ċittadini (l-Artikolu 11(4) tat-TUE) jistgħu wkoll jitolbu lill-Kummissjoni tfassal proposta. Il-Kummissjoni għandha s-setgħat primarji biex tibda l-leġiżlazzjoni f’ċerti oqsma (bħall-baġit tal-UE, il-Fondi Strutturali, miżuri sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fiskali, l-għoti ta’ finanzjament, u l-klawsoli ta’ salvagwardja). Ferm aktar estensivi, madankollu, huma s-setgħat għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-Unjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill u l-Parlament (l-Artikolu 290 tat-TFUE)).

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, waqt id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fl-14 ta’ Settembru 2016 fil-Parlament Ewropew. Fl-isfond jidhru Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President, Federica Mogherini, Viċi President u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, flimkien ma’ Membri oħra tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni hija wkoll il-“gwardjana tad-dritt tal-Unjoni”. Hija timmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja tal-Unjoni mill-Istati Membri, tibda proċeduri ta’ ksur f’każ ta’ kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 258 tat-TFUE) u, jekk ikun meħtieġ, tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni tintervjeni wkoll jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew, jiġi miksur minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, u timponi penali kbar. Matul dawn l-aħħar snin, l-isforzi sabiex jiġi prevenut l-abbuż mir-regoli tal-Unjoni saru parti ewlenija mill-ħidma tal-Kummissjoni.
Il-kompitu li tirrappreżenta l-interessi tal-Unjoni jorbot mill-qrib mar-rwol ta’ gwardjana. Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-Kummissjoni ma tista’ sservi l-ebda interessi għajr dawk tal-Unjoni. Trid taħdem b’mod kontinwu, f’dawk li sikwit jirriżultaw negozjati diffiċli fi ħdan il-Kunsill, biex iġġib fuq quddiem l-interess tal-Unjoni u tfittex soluzzjonijiet ta’ kompromess li jieħdu kont ta’ dak l-interess. B’dan il-mod taqdi r-rwol ukoll ta’ medjatur bejn l-Istati Membri, rwol li għalih, minħabba n-newtralità tagħha, hija partikolarment adattata u kwalifikata.
Fl-aħħar nett, – għalkemm f’miżura limitata – il-Kummissjoni hija korp eżekuttiv. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala awtorità amministrattiva normali, tikkontrolla l-fatti, tagħti l-approvazzjoni jew toħroġ projbizzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, timponi penali. Is-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Fondi Strutturali u l-baġit tal-UE huma daqstant ieħor estensivi. Bħala regola, madankollu, huma l-Istati Membri nfushom li jridu jassiguraw li r-regoli tal-Unjoni jiġu applikati fil-każijiet individwali. Din is-soluzzjoni magħżula mit-Trattati tal-Unjoni għandha l-vantaġġ li ċ-ċittadini jinġiebu eqreb lejn dik li għalihom għadha r-realtà “barranija” tas-sistema Ewropea permezz tal-ħidmiet u fil-forma familjari tas-sistema nazzjonali proprja tagħhom.
L-ISTRUTTURA AMMINISTRATTIVA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni
(28 Membru) [Kabinetti]
Is-Segretarjat Ġenerali
Is-Servizz Legali
Is-Servizz ta’ Kelliem Uffiċjali
Id-Direttorati Ġenerali:
- Agrikoltura u Żvilupp Rurali (AGRI)
- Baġit (BUDG)
- Azzjoni Klimatika (CLIMA)
- Komunikazzjoni (COMM)
- Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija (CNECT)
- Kompetizzjoni (COMP)
- Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECFIN)
- Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport u Kultura (EAC)
- Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni (EMPL)
- Enerġija (ENER)
- Ambjent (ENV)
- Eurostat (ESTAT)
- Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali (FISMA)
- Saħħa u Sikurezza Alimentari (SANTE)
- Riżorsi Umani u Sigurtà (HR)
- Protezzjoni Ċivili u Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO)
- Informatika (DIGIT)
- Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs (GROW)
- Kooperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp (DEVCO)
- Interpretazzjoni (SCIC)
- Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)
- Ġustizzja u Konsumaturi (JUST)
- Affarijiet Marittimi u Sajd (MARE)
- Migrazzjoni u Affarijiet Interni (HOME)
- Mobilità u Trasport (MOVE)
- Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir (NEAR)
- Politika Reġjonali u Urbana (REGIO)
- Riċerka u Innovazzjoni (RTD)
- Segretarjat Ġenerali (SG)
- Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI)
- Tassazzjoni u Unjoni Doganali (TAXUD)
- Kummerċ (TRADE)
- Traduzzjoni (DGT)
Uffiċċji
- Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO)
- Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet (OP)
- L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni
- Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SRSS)
- Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
- Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)
- Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika (ĊESP)
- Uffiċċju għall-Infrastruttura u Loġistika (Brussell, Lussemburgu) (OIB, OIL)
- Arkivji storiċi
- Servizz tal-Awditjar Intern (IAS)
- Servizz Legali (SJ)
- Librerija Ċentrali

Sessjoni tal-Awla Manja tal-Qorti
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 19 tat-TUE)
Kwalunkwe sistema tibqa’ teżisti biss jekk ir-regoli tagħha jiġu sorveljati minn awtorità indipendenti. Barra minn hekk, f’unjoni ta’ stati r-regoli komuni – jekk ikunu soġġetti għal kontroll mill-qrati nazzjonali – jiġu interpretati u applikati b’mod differenti minn stat għall-ieħor. L-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha għalhekk tkun ipperikolata. Dawn il-konsiderazzjonijiet wasslu għall-istabbiliment ta’ Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità fl-1952, hekk kif inħolqot l-ewwel Komunità (il-KEFA). Fl-1957 hija mbagħad saret ukoll il-korp ġudizzjarju għaż-żewġ Komunitajiet l-oħra (il-K(E)E u l-Euratom). Illum hija l-korp ġudizzjarju tal-UE.
Il-ħidma ġudizzjarja llum titwettaq fuq żewġ livelli minn:
- il-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-ogħla istanza fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni (l-Artikolu 253 tat-TFUE) u
- il-Qorti Ġenerali (l-Artikolu 254 tat-TFUE).
Fl-2004, sabiex inaqqas il-piż minn fuq il-Qorti tal-Ġustizzja u jtejjeb il-protezzjoni legali fl-UE, il-Kunsill tal-UE żied qorti speċjalizzata għall-kawżi tas-servizz ċivili mal-Qorti Ġenerali (ara l-Artikolu 257 tat-TFUE). Fl-2015, madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jżid gradwalment l-għadd ta’ Mħallfin fil-Qorti Ġenerali għal 56 u jittrasferilha l-ġurisdizzjoni tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili. It-Tribunal għalhekk ġie xolt fl-1 ta’ Settembru 2016.
Kompożizzjoni
28 imħallef u
11-il Avukat Ġenerali
maħtura mill-Gvernijiet tal-Istati
Membri bi qbil komuni għal perjodu ta’ sitt sitt
Tipi ta’ proċeduri
Rikorsi għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont it-Trattati: Il-Kummissjoni vs Stat Membru (l-Artikolu 258 tat-TFUE); Stat Membru vs Stat Membru (l-Artikolu 259 tat-TFUE)
Rikorsi għal annullament u rikorsi minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni ppreżentati minn istituzzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru (kontra l-PE u/jew il-Kunsill) b’rabta ma’ att illegali jew nuqqas ta’ azzjoni (l-Artikolu 263 u 265 tat-TFUE)
Kawżi rinvijati mill-qrati nazzjonali għal deċiżjonijiet preliminari biex tiġi ċċarata l-interpretazzjoni u l-validità tad-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 267 tat-TFUE)
Appelli kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali (l-Artikolu 256 tat-TFUE).
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-ogħla awtorità ġudizzjarja fi kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. F’termini ġenerali, il-kompitu tagħha huwa li “tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati”.
Din id-deskrizzjoni ġenerali tar-responsabbiltajiet tinkludi tliet oqsma ewlenin:
- il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kemm fir-rigward tal-imġiba tal-istituzzjonijiet tal-UE meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri u l-individwi;
- l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;
- it-tfassil ulterjuri tad-dritt tal-Unjoni.
Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, il-ħidma tal-Qorti tinvolvi kemm pariri legali kif ukoll aġġudikazzjoni. Il-pariri legali jingħataw fil-forma ta’ opinjonijiet vinkolanti dwar il-ftehimiet li l-UE tkun tixtieq tikkonkludi ma’ pajjiżi mhux membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, il-funzjoni tagħha bħala korp għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija ferm aktar importanti. Fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni, topera fi kwistjonijiet li fl-Istati Membri jkunu assenjati lil tipi differenti ta’ qorti, skont is-sistemi nazzjonali tagħhom. Taġixxi bħala qorti kostituzzjonali meta quddiemha jkollha tilwim bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni jew meta tkun trid teżamina strumenti leġiżlattivi għal-legalità tagħhom; bħala qorti amministrattiva meta teżamina l-atti amministrattivi tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; bħala qorti tax-xogħol jew tribunal industrijali meta tittratta l-libertà tal-moviment, is-sigurtà soċjali u l-opportunitajiet indaqs; bħala qorti fiskali meta tittratta kwistjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-interpretazzjoni tad-direttivi fl-oqsma tat-tassazzjoni u l-liġi doganali; u bħala qorti ċivili meta tisma’ talbiet għad-danni jew tinterpreta d-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
Il-Qorti Ġenerali
In-numru ta’ każijiet rinvijati lill-Qorti Ġenerali żdied b’mod kostanti u se jkompli jikber, minħabba l-potenzjal ta’ tilwim li nħoloq bl-għadd enormi ta’ direttivi li ġew adottati fil-kuntest tas-suq uniku u trasposti fil-liġi nazzjonali fl-Istati Membri. Is-sinjali diġà qegħdin hemm li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qajjem aktar kwistjonijiet li finalment iridu jiġu solvuti mill-Qorti. Din hija r-raġuni għaliex, fl-1988, kienet stabbilita Qorti Ġenerali biex tneħħi l-pressjoni minn fuq il-Qorti tal-Ġustizzja.
Kompożizzjoni
attwalment 44 imħallef
kull Stat Membru jrid jaħtar mill-anqas imħallef wieħed maħtura mill-Gvernijiet tal-Istati Membri bi qbil komuni għal perjodu ta’ sitt sitt
Tipi ta’ proċeduri
Rikorsi għal annullament u lmenti ta’ nuqqas ta’ azzjoni mressqa minn persuni fiżiċi u ġuridiċi minħabba illegalità jew nuqqas ta’ atti legali tal-Unjoni; Rikorsi mressqa mill-Istati Membri kontra l-Kummissjoni u/jew il-Kunsill fl-oqsma tas-sussidji, l-antidumping u s-setgħat ta’ implimentazzjoni (l-Artikoli 263 u 265 tat-TFUE)
Rikorsi għad-danni minħabba responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali (l-Artikoli 268 u 340(1) u (2) tat-TFUE)
Il-Qorti Ġenerali mhijiex istituzzjoni ġdida tal-Unjoni iżda pjuttost komponent kostitwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, hija korp awtonomu separat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’termini organizzattivi. Hija għandha r-reġistru u r-regoli ta’ proċedura proprji tagħha. Il-kawżi ttrattati mill-Qorti Ġenerali huma identifikati permezz ta’ “T” (= Tribunal) (eż. T-1/99), filwaqt li dawk rinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom il-kodiċi “C” (= Qorti) (eż. C-1/99).
Għalkemm il-Qorti Ġenerali oriġinarjament kienet responsabbli għal firxa limitata biss ta’ każijiet, issa għandha l-kompiti li ġejjin:
- Fl-ewwel istanza, jiġifieri suġġetta għas-superviżjoni legali tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar rikorsi għall-annullament u rikorsi għan-nuqqas ta’ azzjoni mressqa minn persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra korp tal-Unjoni, dwar rikorsi mressqa mill-Istati Membri kontra l-Kummissjoni u/jew il-Kunsill fl-oqsma tas-sussidji, l-antidumping u s-setgħat ta’ implimentazzjoni, dwar klawsola ta’ arbitraġġ kontenuta f’kuntratt konkluż mill-UE jew f’isimha, u dwar rikorsi għad-danni ppreżentati kontra l-UE.
- Huwa ppjanat ukoll li l-Qorti Ġenerali tingħata ġurisdizzjoni għall-proċeduri ta’ deċiżjoni preliminari dwar ċerti oqsma; madankollu, din l-opzjoni għadha ma ntużatx.
Il-Bank Ċentrali Ewropew (l-Artikoli 129 u 130 tat-TFUE)
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li għandu s-sede tiegħu fi Frankfurt-am-Main, qiegħed fil-qalba tal-unjoni ekonomika u monetarja. Il-kompitu tiegħu huwa li jżomm l-istabbiltà tal-munita Ewropea, l-euro, u jikkontrolla l-ammont ta’ munita fiċ-ċirkolazzjoni (l-Artikolu 128 tat-TFUE).
Sabiex iwettaq dan il-kompitu, l-indipendenza tal-BĊE hija ggarantita minn diversi dispożizzjonijiet legali. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom jew fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom, la l-BĊE u lanqas bank ċentrali nazzjonali ma jista’ jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet tal-Unjoni, gvernijiet tal-Istati Membri jew kwalunkwe korp ieħor. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri mhux se jfittxu li jinfluwenzaw lill-BĊE (l-Artikolu 130 tat-TFUE).
Is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) hija magħmula mill-BĊE u mill-banek ċentrali tal-Istati Membri (l-Artikolu 129 tat-TFUE). Hija għandha l-kompitu li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni, u għandha d-dritt esklussiv li tawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti fl-Unjoni. Hija tamministra wkoll ir-riżervi monetarji uffiċjali tal-Istati Membri u tassigura l-operat mingħajr problemi tas-sistemi tal-pagamenti (l-Artikolu 127(2) tat-TFUE).
Il-Qorti tal-Awdituri (l-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE)
Il-Qorti tal-Awdituri ġiet stabbilita fit-22 ta’ Lulju 1975 u bdiet taħdem fil-Lussemburgu f’Ottubru 1977. Minn dak iż-żmien ’l hawn telgħet għall-grad ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (l-Artikolu 13 tat-Trattat UE). Hija tikkonsisti minn 28 membru, li jikkorrispondu għan-numru preżenti ta’ Stati Membri. Dawn jinħatru għal sitt snin mill-Kunsill, li japprova, b’maġġoranza kwalifikata u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, lista ta’ membri mfassla skont il-proposti mressqa mill-Istati Membri (l-Artikolu 286(2) tat-TFUE). Il-membri jeleġġu l-President tal-Qorti tal-Awdituri minn fosthom għal perjodu ta’ tliet snin; il-President jista’ jiġi rielett.
Il-kompitu tal-Qorti tal-Awdituri huwa li teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u n-nefqa kollha tkunx saret b’mod legali u regolari u jekk il-ġestjoni finanzjarja kinitx tajba. L-arma prinċipali tagħha hija l-fatt li tista’ tagħmel is-sejbiet tagħha pubbliċi. Ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħha jiġu ppreżentati fil-qosor f’rapport annwali fit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u b’hekk jinġiebu għall-attenzjoni pubblika. Hija tista’ tagħmel ukoll rapporti speċjali fi kwalunkwe ħin dwar oqsma speċifiċi tal-ġestjoni finanzjarja, u dawn jiġu ppubblikati wkoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali.
Korpi konsultattivi
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (l-Artikolu 301 tat-TFUE)
L-għan tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa li jagħti lid-diversi gruppi ekonomiċi u soċjali (speċjalment min iħaddem u l-ħaddiema, il-bdiewa, l-operaturi tat-trasport, in-nies tan-negozju, l-artiġjana, il-professjonijiet u l-maniġers tan-negozji żgħar u ta’ daqs medju) rappreżentanza f’istituzzjoni tal-UE. Huwa jipprovdi wkoll forum għall-konsumaturi, il-gruppi ambjentali u l-assoċjazzjonijiet.
Il-KESE huwa ffurmat minn 350 membru (konsulenti), ġejjin mill-organizzazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi fl-Istati Membri individwali. Dawn jinħatru għal ħames snin mill-Kunsill, li jadotta lista ta’ membri mfassla skont il-proposti magħmula minn kull Stat Membru.
L-allokazzjoni tas-siġġijiet hija kif ġej:
Numru rispettiv ta’ membri fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u fil-Kumitat tar-Reġjuni | |
---|---|
Il-Ġermanja, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit | 24 |
Il-Polonja, Spanja | 21 |
Ir-Rumanija | 15 |
Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, l-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija | 12 |
Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Litwanja, is-Slovakkja | 9 |
Il-Latvja, is-Slovenja | 7 |
L-Estonja | 6 |
Il-Lussemburgu, Malta, Ċipru | 5 |
Il-membri huma maqsumin fi tliet gruppi (min iħaddem, ħaddiema u partijiet oħra rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili). L-opinjonijiet għall-adozzjoni fis-sessjonijiet plenarji jiġu mfassla minn “gruppi ta’ studju”. Il-KESE jaħdem mill-qrib ukoll mal-kumitati tal-Parlament Ewropew.
F’ċerti ċirkostanzi, huwa jrid jiġi kkonsultat fil-proċedura leġiżlattiva. Huwa joħroġ ukoll opinjonijiet fuq inizjattiva proprja. Dawn l-opinjonijiet jirrappreżentaw sinteżi ta’ perspettivi xi drabi diverġenti ħafna u huma ferm utli għall-Kummissjoni u għall-Kunsill minħabba li juru x’bidliet jixtiequ jaraw il-gruppi direttament affettwati minn proposta.
Il-Kumitat tar-Reġjuni (l-Artikolu 305 tat-TFUE)
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Maastricht) stabbilixxa korp konsultattiv ġdid flimkien mal-KESE: il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR). Bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, dan mhuwiex strettament istituzzjoni tal-UE, billi l-funzjoni tiegħu hija purament konsultattiva. Mhuwiex il-kompitu tiegħu li jipproduċi deċiżjonijiet legalment vinkolanti bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet tal-UE (il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, il-Bank Ċentrali Ewropew).
Bħall-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni jikkonsisti minn 350 membru. Il-membri huma rappreżentanti ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Istati Membri li jrid ikollhom mandat ibbażat fuq elezzjonijiet mill-awtoritajiet li jirrappreżentaw, jew iridu jkunu politikament responsabbli lejhom.
Hemm għadd ta’ oqsma fejn hija meħtieġa konsultazzjoni mill-Kunsill tal-UE jew mill-Kummissjoni (“konsultazzjoni obbligatorja”): l-edukazzjoni; il-kultura; is-saħħa pubblika; in-netwerks trans-Ewropej; it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-infrastruttura tal-enerġija; il-koeżjoni ekonomika u soċjali; il-politika tal-impjiegi u l-leġiżlazzjoni soċjali. Il-Kunsill jikkonsulta wkoll lill-Kumitat tar-Reġjuni b’mod regolari, u mingħajr l-ebda obbligu legali, b’rabta ma’ firxa wiesgħa ta’ abbozzi ta’ leġiżlazzjoni (“konsultazzjoni mhux obbligatorja”).
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (l-Artikolu 308 tat-TFUE)
Bħala aġenzija ta’ finanzjament għall-“iżvilupp ekwilibrat u regolari” tal-UE, l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Bank Ewropew tal-Investiment, li jinsab fil-Lussemburgu. Il-BEI jipprovdi self u garanziji fis-setturi ekonomiċi kollha, speċjalment sabiex jippromwovi l-iżvilupp tar-reġjuni anqas żviluppati, sabiex jiġu modernizzati jew konvertiti impriżi jew jinħolqu impjiegi ġodda u sabiex jassisti proġetti ta’ interess komuni għal diversi Stati Membri.
L-ORDNI LEGALI TAL-UE
Il-kostituzzjoni tal-UE deskritta hawn fuq, u b’mod partikolari l-valuri fundamentali li hija tinkorpora, huma inizjalment astratti ħafna u jridu jiġu definiti mid-dritt tal-Unjoni. Dan jagħmel l-UE realtà legali f’żewġ sensi differenti: hija maħluqa mil-liġi u hija Unjoni bbażata fuq il-liġi.
L-UE bħala ħolqien tal-liġi u Unjoni msejsa fuq il-liġi
Dak li huwa kompletament ġdid dwar l-UE u jiddistingwiha minn tentattivi preċedenti għall-unifikazzjoni tal-Ewropa huwa l-fatt li din ma taħdimx permezz tal-forza jew is-sottomissjoni iżda sempliċement permezz tal-liġi. Għaliex hija biss unità msejsa fuq deċiżjoni libera li wieħed jista’ jistennieha li ddum fit-tul: unità msejsa fuq il-valuri fundamentali bħal-libertà u l-ugwaljanza, u protetta u tadotta f’realtà mil-liġi. Din hija l-idea li fuqha huma bbażati t-Trattati li ħolqu l-Unjoni Ewropea.
Madankollu, l-UE mhijiex biss ħolqien tal-liġi iżda ssegwi l-għanijiet tagħha wkoll purament permezz tal-liġi. Hija Unjoni msejsa fuq il-liġi. Il-ħajja ekonomika u soċjali komuni tal-popli tal-Istati Membri hija regolata mhux bit-theddida tal-forza iżda bid-dritt tal-Unjoni. Din hija l-bażi tas-sistema istituzzjonali. Hija tistabbilixxi l-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tirregola r-relazzjoni tagħhom ma’ xulxin. Hija tipprovdi lill-istituzzjonijiet il-mezzi – fil-forma ta’ regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet – sabiex jippromulgaw strumenti legali li jorbtu lill-Istati Membri u liċ-ċittadini tagħhom. Għalhekk l-individwi nfushom isiru l-fokus ewlieni tal-Unjoni. L-ordni ġuridiku tagħha jaffettwa direttament il-ħajja tagħhom ta’ kuljum b’mod dejjem akbar. Huwa jagħtihom drittijiet u jimponi fuqhom obbligi, sabiex bħala ċittadini kemm tal-Istat tagħhom kif ukoll tal-Unjoni huma regolati minn ġerarkija ta’ ordnijiet legali – fenomenu familjari minn kostituzzjonijiet federali. Bħal kwalunkwe ordni ġuridiku ieħor, dak tal-UE jipprovdi sistema awtonoma ta’ protezzjoni legali għall-finijiet tar-rikors għal, u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni. Id-dritt tal-Unjoni jiddefinixxi wkoll ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jassiguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-azzjoni meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huma jridu jiffaċilitaw il-kisba tal-kompiti tal-UE u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-kisba tal-għanijiet tat-Trattati. L-Istati Membri huma responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-UE għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni.
Is-sorsi legali tad-dritt tal-Unjoni
It-terminu “sors legali” għandu żewġ tifsiriet: fit-tifsira oriġinali tiegħu, huwa jirreferi għar-raġuni għat-tfaċċar ta’ dispożizzjoni legali, jiġifieri l-motivazzjoni wara l-ħolqien ta’ kunċett legali. Skont din id-definizzjoni, is-“sors legali” tad-dritt tal-Unjoni huwa r-rieda li tinżamm il-paċi u tinħoloq Ewropa aħjar permezz ta’ rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib – żewġ pilastri tal-UE. Fil-lingwaġġ legali, min-naħa l-oħra, “sors legali” jirreferi għall-oriġini u l-forma tal-liġi.
It-trattati fundaturi tal-UE bħala s-sors primarju tad-dritt tal-Unjoni
L-ewwel sors tad-dritt tal-Unjoni f’dan is-sens huma t-trattati fundaturi tal-UE, bid-diversi annessi, appendiċi u protokolli mehmuża magħhom, u ż-żidiet u l-emendi sussegwenti. Dawn it-Trattati fundaturi u l-istrumenti li jemendawhom u jissupplimentawhom (prinċipalment it-Trattati ta’ Maastricht, Amsterdam, Nizza u Lisbona) u d-diversi Trattati ta’ Adeżjoni jinkludu d-dispożizzjonijiet bażiċi dwar l-għanijiet, l-organizzazzjoni u l-modus operandi tal-UE u partijiet mil-liġi ekonomika tagħha. L-istess jgħodd għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 6(1) tat-TUE). Dawn għalhekk jistabbilixxu l-qafas kostituzzjonali għall-ħajja tal-UE, li mbagħad jiġi elaborat fl-interess tal-Unjoni permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva u amministrattiva mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. It-Trattati, billi huma strumenti legali maħluqa direttament mill-Istati Membri, huma magħrufa fiċ-ċrieki legali bħala d-dritt primarju tal-Unjoni.
L-istrumenti legali tal-UE bħala s-sors sekondarju tad-dritt tal-Unjoni
Il-leġiżlazzjoni magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom tissejjaħ leġiżlazzjoni sekondarja, it-tieni sors importanti tad-dritt tal-UE.
Din tikkonsisti f’atti leġiżlattivi, atti mhux leġiżlattivi (strumenti legali sempliċi, atti delegati, atti ta’ implimentazzjoni), strumenti mhux vinkolanti (opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet) u atti oħra li mhumiex atti legali (eż. ftehimiet interistituzzjonali, riżoluzzjonijiet, dikjarazzjonijiet, programmi ta’ azzjoni). L-“atti leġiżlattivi” huma atti legali adottati permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali (l-Artikolu 289 tat-TFUE). L-“atti delegati” (l-Artikolu 290 tat-TFUE) huma atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali u vinkolanti biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Dawn jiġu adottati mill-Kummissjoni; irid jitfassal att leġiżlattiv li jiddelega b’mod espliċitu s-setgħa lill-Kummissjoni għal dan il-għan. Fejn ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-UE, dan isir permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni xierqa, li ġeneralment jiġu adottati mill-Kummissjoni, u f’ċerti każijiet eċċezzjonali, mill-Kunsill (l-Artikolu 291 tat-TFUE). L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet fil-forma ta’ strumenti mhux vinkolanti. Fl-aħħar nett, hemm sett sħiħ ta’ “atti li mhumiex atti legali” li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jużaw sabiex joħorġu miżuri u dikjarazzjonijiet mhux vinkolanti jew li jirregolaw il-ħidma interna tal-UE jew l-istituzzjonijiet tagħha, bħal ftehimiet jew arranġamenti bejn l-istituzzjonijiet, jew regoli ta’ proċedura interni.
Dawn l-atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi jistgħu jieħdu forom differenti ħafna. L-aktar importanti minn dawn huma elenkati u definiti fl-Artikolu 288 tat-TFUE. Bħala atti legali vinkolanti, il-lista tinkludi r-regolamenti, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet. Bħala atti legali mhux vinkolanti, il-lista tinkludi r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. Din il-lista ta’ atti, madankollu, mhijiex eżawrjenti. Bosta atti legali oħra ma jidħlux f’kategoriji speċifiċi. Dawn jinkludu r-riżoluzzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet, il-programmi ta’ azzjoni jew il-White u l-Green Papers. Hemm differenzi konsiderevoli bejn id-diversi atti f’termini tal-proċedura involuta, l-effett legali tagħhom u d-destinatarji tagħhom; dawn id-differenzi se jiġu ttrattati f’aktar dettall fis-sezzjoni dwar l-“istrumenti ta’ azzjoni”.
Il-ħolqien tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni huwa proċess gradwali. Il-ħolqien tagħha jagħti l-ħajja lil-leġiżlazzjoni primarja li toħroġ mit-Trattati tal-Unjoni, u jiġġenera u jsaħħaħ progressivament l-ordni ġuridiku Ewropew.
Ftehimiet internazzjonali tal-UE
It-tielet sors tad-dritt tal-Unjoni huwa marbut mar-rwol tal-UE fil-livell internazzjonali. Bħala wieħed mill-punti fokali tad-dinja, l-Ewropa ma tistax tillimita ruħha għall-ġestjoni tal-affarijiet interni tagħha biss; hija trid tieħu ħsieb ukoll ir-relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi mal-bqija tad-dinja. L-UE għalhekk tikkonkludi ftehimiet fid-dritt internazzjonali ma’ pajjiżi mhux membri (“pajjiżi terzi”) u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; ta’ min isemmi b’mod partikolari l-ftehimiet li ġejjin:
Ftehimiet ta’ assoċjazzjoni
L-assoċjazzjoni tmur lil hinn mis-sempliċi regolamentazzjoni tal-politika kummerċjali u tinvolvi kooperazzjoni ekonomika mill-qrib u assistenza finanzjarja estensiva mill-UE għall-pajjiż ikkonċernat (l-Artikolu 217 tat-TFUE). Tista’ ssir distinzjoni bejn tliet tipi differenti ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni.
Ftehimiet li jżommu rabtiet speċjali bejn ċerti Stati Membri u pajjiżi mhux membri
Raġuni partikolari għall-ħolqien tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni kienet l-eżistenza ta’ pajjiżi u territorji barra mill-Ewropa li magħhom il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Italja, in-Netherlands u r-Renju Unit żammew rabtiet ekonomiċi partikolarment mill-qrib bħala legat tal-passat kolonjali tagħhom. L-introduzzjoni ta’ tariffa esterna komuni fl-UE kienet tfixkel serjament il-kummerċ ma’ dawn it-territorji, li fisser li kienu meħtieġa arranġamenti speċjali. L-għan tal-assoċjazzjoni għalhekk huwa li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Unjoni kollha kemm hi (l-Artikolu 198 tat-TFUE). B’riżultat ta’ dan, hemm firxa sħiħa ta’ ftehimiet preferenzjali li jippermettu l-importazzjoni ta’ merkanzija minn dawn il-pajjiżi u territorji b’rati doganali mnaqqsa jew żero. L-assistenza finanzjarja u teknika mill-UE ġiet mgħoddija permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Iżda bla dubju ta’ xejn l-aktar ftehim importanti fil-prattika huwa l-Ftehim ta’ Sħubija UE-AKP bejn l-UE u 70 Stat fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (“l-AKP”). Dan il-ftehim bħalissa qiegħed jiġi konvertit fi ftehimiet ta’ sħubija ekonomika reġjonali, li gradwalment jagħtu lill-pajjiżi AKP aċċess liberu għas-suq intern Ewropew.
Ftehimiet bħala tħejjija għall-adeżjoni possibbli fl-Unjoni jew għall-istabbiliment ta’ unjoni doganali
L-arranġamenti ta’ assoċjazzjoni jintużaw ukoll fit-tħejjija tal-pajjiżi għal sħubija possibbli fl-Unjoni. L-arranġament iservi bħala stadju preliminari għall-adeżjoni li matulu l-pajjiż applikant jista’ jaħdem biex jikkonverġi l-ekonomija tiegħu ma’ dik tal-UE. Din l-istrateġija fil-preżent qiegħda tiġi implimentata għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro, il-Kosovo). Hawnhekk, il-proċess ta’ adeżjoni qed jiġi appoġġat mill-proċess estiż ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni (PSA), li jikkostitwixxi l-qafas ġenerali għall-progressjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, sal-adeżjoni tagħhom. Il-PSA jsegwi tliet għanijiet: 1. l-istabbilizzazzjoni u t-tranżizzjoni rapida għal ekonomija tas-suq li tiffunzjona; 2. l-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali; 3. il-prospett ta’ sħubija fl-UE. Il-PSA huwa bbażat fuq sħubija progressiva li fiha l-UE toffri konċessjonijiet kummerċjali, appoġġ ekonomiku u finanzjarju u relazzjoni kuntrattwali fil-forma ta’ Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Kull pajjiż irid jagħmel progress speċifiku fil-qafas tal-PSA sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sħubija potenzjali. Il-progress tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn sħubija possibbli fl-UE jiġi evalwat f’rapporti annwali.

In-Norveġja (dehra tal-Fjord ta’ Geiranger, provinċja ta’ Møre og Romsdal) hija membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, li tinkludi wkoll l-Iżlanda u l-Liechtenstein kif ukoll it-28 Stat Membru tal-UE. L-erba’ libertajiet (il-moviment liberu tal-merkanzija, persuni, servizzi u kapital) japplikaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)
Il-Ftehim ŻEE jġib il-pajjiżi (li fadal) fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) fis-suq intern u, billi jesiġi li dawn jinkorporaw kważi żewġ terzi tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jistabbilixxi bażi soda għal adeżjoni sussegwenti. Fiż-ŻEE, fuq il-bażi tal-acquis communautaire (il-korp tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja tal-Unjoni), irid ikun hemm moviment liberu tal-merkanzija, persuni, servizzi u kapital, regoli uniformi dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, u kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar politiki orizzontali u ta’ appoġġ (l-ambjent, ir-riċerka u żvilupp, l-edukazzjoni).
Ftehimiet ta’ kooperazzjoni
Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mhumiex komprensivi daqs il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, billi huma mmirati biss lejn kooperazzjoni ekonomika intensiva. L-UE għandha ftehimiet bħal dawn mal-Istati tal-Magreb (l-Alġerija, il-Marokk u t-Tuneżija), l-Istati tal-Maxreq (l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja) u ma’ Iżrael, pereżempju.
Ftehimiet kummerċjali
L-Unjoni għandha wkoll numru konsiderevoli ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi individwali mhux membri tal-UE, ma’ gruppi ta’ pajjiżi bħal dawn jew fi ħdan organizzazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, relatati mal-politika tariffarja u kummerċjali. L-aktar ftehimiet kummerċjali internazzjonali importanti huma: il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO) u l-ftehimiet kummerċjali multilaterali li joħorġu minnu, inkluż b’mod partikolari l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT 1994); il-Kodiċi tal-Antidumping u s-Sussidji, il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS); u l-Qbil dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim. Madankollu, il-ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles saru aktar popolari mill-ftehimiet multilaterali. Minħabba d-diffikultajiet inerenti enormi biex jiġu konklużi ftehimiet multilaterali ta’ liberalizzazzjoni fil-qafas tad-WTO, pereżempju, il-qawwiet kummerċjali kollha, inkluża l-UE, bdew jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles. L-aktar eżempji riċenti huma l-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati mal-Kanada (CETA – Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv) u Singapore, kif ukoll in-negozjati li għaddejjin mal-Istati Uniti (TTIP – Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment) u mal-Ġappun.
Sorsi tal-liġi mhux miktuba
Is-sorsi tad-dritt tal-Unjoni deskritti sa issa għandhom karatteristika komuni bejniethom li kollha jipproduċu liġi miktuba. Bħas-sistemi kollha tal-liġi, madankollu, l-ordni ġuridiku tal-UE ma jistax jikkonsisti għalkollox minn regoli miktuba: dejjem se jkun hemm lakuni li jridu jimtlew b’liġi mhux miktuba.
Il-prinċipji ġenerali tal-liġi
Is-sorsi mhux miktuba tad-dritt tal-Unjoni huma l-prinċipji ġenerali tal-liġi. Dawn huma regoli li jirriflettu l-kunċetti elementari tal-liġi u l-ġustizzja li jridu jiġu rrispettati minn kwalunkwe sistema legali. Id-dritt miktub tal-Unjoni fil-biċċa l-kbira jittratta biss kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, u jista’ jistabbilixxi regoli ta’ dan it-tip sa ċertu punt biss, li jfisser li l-prinċipji ġenerali tal-liġi jiffurmaw wieħed mill-aktar sorsi importanti tad-dritt fl-Unjoni. Dawn jippermettu li jimtlew il-lakuni u l-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-liġi eżistenti jiġu solvuti bl-aktar mod ġust.
Dawn il-prinċipji jingħataw effett meta tiġi applikata l-liġi, b’mod partikolari fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija responsabbli sabiex tassigura li “fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat, il-liġi tiġi osservata”. Il-punti ta’ referenza ewlenin sabiex jiġu determinati l-prinċipji ġenerali tal-liġi huma l-prinċipji komuni għall-ordnijiet legali tal-Istati Membri. Huma jipprovdu l-isfond li bih jistgħu jiġu żviluppati r-regoli tal-UE meħtieġa għas-soluzzjoni ta’ problema.
Flimkien mal-prinċipji tal-awtonomija, l-applikabbiltà diretta u l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni, prinċipji legali oħra jinkludu l-garanzija tad-drittijiet bażiċi (tal-anqas għall-Polonja u r-Renju Unit, li mhumiex soġġetti għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minħabba nonparteċipazzjoni), il-prinċipju tal-proporzjonalità (li fil-fatt ġie regolat permezz ta’ dispożizzjoni pożittiva fl-Artikolu 5(4) tat-TUE), il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dritt għal smigħ xieraq u l-prinċipju li l-Istati Membri huma responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni.
L-użanza legali
Id-dritt mhux miktub tal-Unjoni jinkludi wkoll l-użanza legali. Din tfisser prattika li ġiet segwita u aċċettata u b’hekk saret legalment stabbilita, u li żżid ma’ jew timmodifika l-leġiżlazzjoni primarja jew sekondarja. L-istabbiliment possibbli tal-użanza legali fid-dritt tal-Unjoni huwa rikonoxxut fil-prinċipju. Madankollu, hemm limitazzjonijiet konsiderevoli biex din tiġi stabbilita fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. L-ewwel ostakolu huwa l-eżistenza ta’ proċedura speċjali għall-emenda tat-Trattati (l-Artikolu 54 tat-TUE). Din ma teskludix it-tfaċċar possibbli tal-użanza legali, iżda tagħmel il-kriterji li bihom prattika titqies li ġiet segwita u aċċettata għal perjodu sostanzjali, ferm aktar diffiċli biex jintlaħqu. Ostakolu ieħor għall-istabbiliment tal-użanza legali fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa l-fatt li kwalunkwe azzjoni minn istituzzjoni tista’ tikseb il-validità tagħha biss mit-Trattati, u mhux mill-imġiba attwali ta’ dik l-istituzzjoni jew kwalunkwe intenzjoni min-naħa tagħha li toħloq relazzjonijiet legali. Dan ifisser li, fil-livell tat-Trattati, l-użanza legali ma tista’ fl-ebda ċirkustanza tiġi stabbilita mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; l-aktar l-aktar, l-Istati Membri biss jistgħu jagħmlu dan – u mbagħad soġġett biss għall-kundizzjonijiet stretti msemmija hawn fuq. Il-proċeduri u l-prattiċi segwiti u aċċettati bħala parti mil-liġi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu, madankollu, jintużaw fl-interpretazzjoni tar-regoli legali stabbiliti minnhom, li jista’ jibdel l-implikazzjonijiet legali u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-att legali kkonċernat. Madankollu, hawnhekk iridu jiġu kkunsidrati wkoll il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni primarja tal-Unjoni.
Ftehimiet bejn l-Istati Membri
Is-sors finali tad-dritt tal-UE jinkludi l-ftehimiet bejn l-Istati Membri. Ftehimiet ta’ dan it-tip jistgħu jiġu konklużi għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mill-qrib mal-attivitajiet tal-UE, iżda ma tkun ġiet trasferita l-ebda setgħa lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (pereżempju t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, it-“Trattat dwar il-Patt Fiskali tal-2012”, li sar mingħajr ir-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka). Hemm ukoll ftehimiet internazzjonali fuq skala sħiħa (trattati u konvenzjonijiet) bejn l-Istati Membri mmirati b’mod partikolari biex jegħlbu l-iżvantaġġi ta’ arranġamenti limitati b’mod territorjali u biex joħolqu liġi li tapplika b’mod uniformi madwar l-UE kollha. Dan huwa importanti prinċipalment fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat (pereżempju l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (1980)).
L-istrumenti ta’ azzjoni tal-UE
Is-sistema tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kellha titfassal mill-bidu meta ġiet stabbilita l-UE. Qabelxejn ried jiġi deċiż x’forom kellha tieħu l-leġiżlazzjoni u x’effetti kellu jkollha. L-istituzzjonijiet riedu jkunu jistgħu jallinjaw il-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u mhux l-anqas dawk ambjentali differenti fl-Istati Membri varji, u jagħmlu dan b’mod effettiv, jiġifieri mingħajr ma jkunu jiddependu fuq ir-rieda tajba tal-Istati Membri, sabiex ikunu jistgħu jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet tal-għajxien possibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ma kellhomx jindaħlu fis-sistemi legali nazzjonali aktar milli meħtieġ. Is-sistema leġiżlattiva sħiħa tal-UE għalhekk hija bbażata fuq il-prinċipju li fejn l-istess arranġament, anki fuq punti ta’ dettall, irid japplika fl-Istati Membri kollha, l-arranġamenti nazzjonali jridu jiġu sostitwiti bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda fejn dan ma jkunx meħtieġ, għandu jittieħed kont xieraq tal-ordnijiet legali eżistenti fl-Istati Membri.
F’dan l-isfond ġiet żviluppata firxa ta’ strumenti li ppermettew lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinfluwenzaw fi gradi differenti s-sistemi legali nazzjonali. L-aktar azzjoni drastika hija s-sostituzzjoni ta’ regoli nazzjonali b’regoli tal-Unjoni. Hemm ukoll regoli tal-Unjoni li bihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu biss fuq is-sistemi legali tal-Istati Membri b’mod indirett. Jistgħu jittieħdu wkoll miżuri li jaffettwaw biss destinatarju definit jew identifikabbli, sabiex jittrattaw każ partikolari. Fl-aħħar nett, hemm provvediment ukoll għal atti legali li ma għandhom l-ebda forza vinkolanti, la fuq l-Istati Membri u lanqas fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni.
Jekk inħarsu lejn il-firxa ta’ strumenti legali f’termini tal-persuni li lejhom huma indirizzati u l-effetti prattiċi tagħhom fl-Istati Membri, is-sistema tal-istrumenti legali tal-UE tista’ tinqasam kif ġej, fuq il-bażi tal-Artikolu 288 tat-TFUE.
Ir-Regolamenti bħala l-“liġijiet” tal-Unjoni
L-atti legali li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinfluwenzaw l-aktar is-sistemi legali nazzjonali huma r-regolamenti. Hemm żewġ karatteristiċi insoliti ħafna fid-dritt internazzjonali li jiddistingwuhom.
- L-ewwel waħda hija n-natura tagħhom tal-Unjoni, li tfisser li huma jistabbilixxu l-istess liġi madwar l-Unjoni kollha, irrispettivament mill-fruntieri internazzjonali, u japplikaw b’mod sħiħ fl-Istati Membri kollha. Stat Membru m’għandux is-setgħa li japplika regolament b’mod mhux komplet jew li jagħżel biss dawk id-dispożizzjonijiet li huwa japprova bħala mezz sabiex jassigura li strument li huwa jkun oppona fil-mument tal-adozzjoni tiegħu jew li jmur kontra l-interess nazzjonali perċepit tiegħu ma jingħatax effett. Lanqas ma jista’ jinvoka dispożizzjonijiet jew prattiċi tal-liġi nazzjonali sabiex jipprekludi l-applikazzjoni obbligatorja ta’ regolament.
- It-tieni karatteristika hija l-applikabbiltà diretta, li tfisser li l-atti legali m’għandhomx għalfejn jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali iżda jagħtu drittijiet jew jimponu obbligi fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni bl-istess mod bħal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-qrati li jmexxuhom huma marbutin direttament bid-dritt tal-Unjoni u jridu jikkonformaw miegħu bl-istess mod bħal-liġi nazzjonali.
Ix-xebh bejn dawn l-atti legali u l-liġi statutorja mgħoddija fl-Istati Membri individwali huwa ċar ħafna. Jekk jiġu promulgati bl-involviment tal-Parlament Ewropew (bil-“proċedura leġiżlattiva ordinarja” – ara s-sezzjoni li jmiss), huma jiġu deskritti bħala “atti leġiżlattivi”. Il-Parlament ma għandu l-ebda responsabbiltà għar-regolamenti, li jiġu ppromulgati biss mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk, tal-anqas minn perspettiva proċedura, dawn m’għandhomx il-karatteristiċi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip.
Direttivi
Id-direttiva hija l-aktar strument leġiżlattiv importanti flimkien mar-regolament. L-għan tagħha huwa li tirrikonċilja ż-żewġ għanijiet kemm li tiġi assigurata l-uniformità neċessarja tad-dritt tal-Unjoni u kif ukoll li tiġi rrispettata d-diversità tat-tradizzjonijiet u tal-istrutturi nazzjonali. Għalhekk, l-għan prinċipali tad-direttiva mhuwiex l-unifikazzjoni tal-liġi, li huwa l-għan tar-regolament, iżda l-armonizzazzjoni tagħha. L-idea hija li jitneħħew il-kontradizzjonijiet u l-kunflitti bejn il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali jew li gradwalment jitneħħew l-inkonsistenzi sabiex, sa fejn ikun possibbli, ikunu jeżistu l-istess kundizzjonijiet materjali fl-Istati Membri kollha. Id-direttiva hija wieħed mill-mezzi prinċipali użati fil-bini tas-suq uniku.
Direttiva torbot lill-Istati Membri fir-rigward tal-objettiv li jkun irid jintlaħaq iżda tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar kif l-objettiv maqbul tal-Unjoni għandu jiġi inkorporat fis-sistemi legali domestiċi tagħhom. Ir-raġunament wara din il-forma ta’ leġiżlazzjoni huwa li din tippermetti li l-intervent fl-istrutturi ekonomiċi u legali domestiċi jieħu forma aktar moderata. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont ta’ ċirkostanzi domestiċi speċjali meta jimplimentaw ir-regoli tal-Unjoni. Li jiġri huwa li d-direttiva ma tiħux post il-liġijiet tal-Istati Membri iżda tobbliga lill-Istati Membri jadattaw il-liġi nazzjonali tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni. Ir-riżultat ġeneralment huwa proċess ta’ tfassil tal-liġijiet f’żewġ stadji:
L-ewwel, fl-istadju inizjali, id-direttiva tistabbilixxi l-objettiv li jrid jintlaħaq f’livell tal-UE mill-Istati Membri kollha, jew xi wħud minnhom, li tkun indirizzata lilhom, fi żmien speċifikat. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu fir-realtà jiddefinixxu l-objettiv f’termini tant dettaljati li ma jħallu lill-Istati Membri l-ebda flessibbiltà, u dan fil-fatt sar f’direttivi dwar standards tekniċi u l-protezzjoni tal-ambjent.
It-tieni, fl-istadju nazzjonali, l-objettiv stabbilit fuq livell tal-UE jiġi tradott f’dispożizzjonijiet legali jew amministrattivi proprji fl-Istati Membri. Anki jekk l-Istati Membri fil-prinċipju huma liberi li jiddeċiedu l-forma u l-metodi li jużaw biex jittrasponu l-obbligu tagħhom tal-UE fil-liġi domestika, jintużaw kriterji tal-UE sabiex jiġi valutat jekk dawn għamlux dan skont id-dritt tal-UE. Il-prinċipju ġenerali huwa li trid tiġi ġġenerata sitwazzjoni legali li fiha d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mid-direttiva jistgħu jiġu rikonoxxuti b’ċarezza u ċertezza suffiċjenti sabiex iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jinvoka jew, jekk ikun xieraq, jikkontestahom fil-qrati nazzjonali. Dan normalment jinvolvi l-promulgazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi nazzjonali jew it-tħassir jew l-emenda ta’ regoli eżistenti. Il-prassi amministrattiva waħidha mhijiex biżżejjed billi din, min-natura tagħha stess, tista’ tinbidel mill-awtoritajiet ikkonċernati meta jridu, u m’għandhiex lanqas profil għoli biżżejjed.
Id-direttivi bħala regola ma jagħtux direttament drittijiet jew jimponu obbligi fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawn huma indirizzati espliċitament lill-Istati Membri waħidhom. Id-drittijiet u l-obbligi għaċ-ċittadini joħorġu biss mill-miżuri promulgati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jimplimentaw id-direttiva. Dan il-punt ma huwa tal-ebda importanza għaċ-ċittadini sakemm l-Istati Membri fil-fatt jikkonformaw mal-obbligu tagħhom tal-Unjoni. Iżda hemm żvantaġġi għaċ-ċittadini tal-Unjoni meta Stat Membru ma jiħux il-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji biex jilħaq għan stabbilit f’direttiva li tkun ta’ benefiċċju għalihom, jew fejn il-miżuri meħuda ma jkunux adegwati. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tittollera żvantaġġi bħal dawn, u sensiela twila ta’ kawżi stabbiliet li f’ċirkostanzi bħal dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jitolbu li d-direttiva jew ir-rakkomandazzjoni jkollha effett dirett fir-rikorsi fil-qrati nazzjonali sabiex ikunu assigurati d-drittijiet mogħtija lilhom minnha. L-effett dirett huwa definit mill-Qorti kif ġej:

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija) tinkludi pakkett ta’ miżuri vinkolanti maħsuba sabiex jikkontribwixxu biex l-UE tilħaq l-objettiv tagħha li żżid l-effiċjenza enerġetika b’20 % sal-2020. L-Istati Membri tal-UE kellhom jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali sal-5 ta’ Ġunju 2014.
- Id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jridu jistabbilixxu d-drittijiet taċ-ċittadin/impriża tal-UE b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti;
- L-eżerċizzju tad-drittijiet ikun bla kundizzjonijiet;
- L-awtoritajiet leġiżlattivi nazzjonali ma jistgħu jingħataw l-ebda flessibbiltà fir-rigward tal-kontenut tar-regoli li għandhom jiġu ppromulgati;
- Iż-żmien permess għall-implimentazzjoni tad-direttiva jkun skada.
Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett huma bbażati fuq il-fehma ġenerali li l-Istat Membru jkun qiegħed jaġixxi b’mod ekwivoku u illegali jekk japplika l-liġi l-antika tiegħu mingħajr ma jadattaha għar-rekwiżiti tad-direttiva. Dan huwa abbuż tad-drittijiet mill-Istat Membru u r-rikonoxximent tal-effett dirett tad-direttiva jfittex li jiġġieldu billi jassigura li l-Istat Membru ma jikseb l-ebda benefiċċju mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-Unjoni. L-effett dirett għalhekk għandu l-effett li jippenalizza lill-Istat Membru ħati ta’ ksur. F’dan il-kuntest huwa sinifikanti li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju biss f’kawżi bejn iċ-ċittadin u l-Istat Membru, u mbagħad biss meta d-direttiva kienet għall-benefiċċju taċ-ċittadin u mhux għad-detriment tiegħu – fi kliem ieħor meta l-pożizzjoni taċ-ċittadin skont il-liġi kif emendata bid-direttiva kienet aktar favorevoli milli skont il-liġi l-antika (magħruf bħala “effett dirett vertikali”).
L-effett dirett tad-direttivi fir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini nfushom (“effett dirett orizzontali”) ma ġiex aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tikkonkludi min-natura punittiva tal-prinċipju li dan ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn individwi privati, billi dawn ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat Membru. Pjuttost, l-individwi jistgħu joqogħdu fuq iċ-ċertezza fil-liġi u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Iċ-ċittadin irid ikun jista’ jserraħ moħħu li l-effett ta’ direttiva jintlaħaq permezz tal-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat prinċipju tad-dritt primarju li skontu l-kontenut ta’ linja gwida huwa applikabbli wkoll għal kwistjonijiet tad-dritt privat, bil-kundizzjoni li dan jagħti espressjoni għall-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni. Il-ħsieb tal-Qorti tal-Ġustizzja jmur lil hinn mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, li, kif imfissra fid-direttivi rispettivi, tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali u b’mod partikolari lill-qrati nazzjonali jipprovdu, fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom, il-protezzjoni legali li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-UE u li jassiguraw l-effettività sħiħa ta’ dak id-dritt, billi jneħħu jekk ikun hemm bżonn kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dak il-prinċipju. Għalhekk, minħabba l-preminenza tad-dritt tal-UE, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni kif stabbilita mid-direttivi rispettivi tieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali f’kunflitt. Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti ma xeħtitx dubji fuq il-ġurisprudenza tagħha dwar in-nuqqas ta’ effett orizzontali tad-direttivi, hija effettivament waslet għal dik il-konklużjoni fir-rigward tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fil-każijiet kollha fejn din tal-aħħar hija espressa f’direttiva. Il-Qorti qabel kienet sabet li dan kien il-każ għal-linji gwida relatati mad-diskriminazzjoni tradizzjonali bbażata fuq in-nazzjonalità, is-sess jew l-età. Din madankollu għandha tapplika għal-linji gwida kollha li jiġu adottati sabiex jiġu miġġielda r-raġunijiet għad-diskriminazzjoni elenkati fl-Artikolu 19 tat-TFUE.
L-effett dirett ta’ direttiva mhux neċessarjament jimplika li dispożizzjoni tad-direttiva tagħti drittijiet lill-individwu. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkollhom effett dirett sa fejn ikollhom l-effett ta’ liġi oġġettiva. Għar-rikonoxximent ta’ dan l-effett japplikaw l-istess kundizzjonijiet bħal tar-rikonoxximent ta’ effett dirett, l-unika eċċezzjoni hija li, minflok liġi ċara u preċiża stabbilita għaċ-ċittadin jew l-intrapriża tal-Unjoni, jiġi stabbilit obbligu ċar u preċiż għall-Istati Membri. Fejn dan ikun il-każ, l-istituzzjonijiet kollha, jiġifieri l-leġiżlatur, l-amministrazzjoni u l-qrati tal-Istati Membri, ikunu marbuta bid-direttiva u jridu awtomatikament jikkonformaw magħha u japplikawha bħala d-dritt tal-Unjoni bi preminenza. F’termini konkreti, huma għalhekk ikunu obbligati wkoll li jinterpretaw il-liġi nazzjonali skont id-direttivi jew jagħtu d-dispożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni l-prijorità ta’ applikazzjoni fuq il-liġi nazzjonali f’kunflitt. Barra minn hekk, id-direttivi għandhom ċerti effetti ta’ limitazzjoni fuq l-Istati Membri – anke qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni. Minħabba n-natura vinkolanti ta’ direttiva u d-dmir tagħhom li jiffaċilitaw il-kisba tal-kompiti tal-Unjoni (l-Artikolu 4 tat-TUE), l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura, qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni, minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-kisba tal-objettiv tad-direttiva.
Fis-sentenzi tagħha fi Francovich u Bonifaci fl-1991, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Istati Membri huma responsabbli għall-ħlas tad-danni meta t-telf jiġġarrab minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva b’mod sħiħ jew parzjali. Iż-żewġ kawżi ġew imressqa kontra l-Italja għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni fil-ħin tad- Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal-20 ta’ Ottubru 1980 dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom, li kellha l-għan li tipproteġi d-drittijiet tal-impjegat għar-remunerazzjoni fil-perjodu li jippreċedi l-insolvenza u t-tkeċċija minħabba insolvenza. Għal dak il-għan, kellhom jiġu stabbiliti fondi ta’ garanzija bi protezzjoni mill-kredituri; dawn kellhom jiġu ffinanzjati minn min iħaddem, mill-awtoritajiet pubbliċi, jew mit-tnejn. Il-problema ffaċċjata mill-Qorti kienet li, għalkemm l-għan tad-Direttiva kien li jagħti lill-ħaddiema impjegati d-dritt personali għall-ħlas kontinwu tar-remunerazzjoni mill-fondi ta’ garanzija, dan id-dritt ma setax jingħata effett dirett mill-qrati nazzjonali, li kien ifisser li dawn ma setgħux jinfurzawh kontra l-awtoritajiet nazzjonali, billi fin-nuqqas ta’ miżuri li jittrasponu d-Direttiva, il-fond ta’ garanzija ma kienx ġie stabbilit u ma kienx possibbli jiġi aċċertat min kien id-debitur b’rabta mal-insolvenza. Il-Qorti ddeċidiet li, bin-nuqqas tagħha li timplimenta d-Direttiva, l-Italja kienet ċaħħdet lill-ħaddiema impjegati inkwistjoni mid-drittijiet tagħhom u għalhekk kienet responsabbli għad-danni. Anki jekk l-obbligu ta’ kumpens mhuwiex miktub fid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqisu bħala parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-UE, billi l-effett sħiħ tiegħu ma jkunx assigurat u d-drittijiet mogħtija minnu ma jkunux protetti kieku ċ-ċittadini tal-Unjoni ma kellhomx il-possibbiltà li jfittxu u jiksbu kumpens għall-ksur tad-drittijiet tagħhom minn Stati Membri li jaġixxu bi ksur tad-dritt tal-UE(4).
Deċiżjonijiet
Bid-“deċiżjonijiet”, it-Trattat ta’ Lisbona għamel żieda mal-firxa ta’ strumenti legali. Tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ deċiżjonijiet: deċiżjonijiet li jispeċifikaw id-destinatarji, u deċiżjonijiet ġenerali, li m’għandhomx destinatarji speċifiċi (ara l-Artikolu 288(4) tat-TFUE). Filwaqt li d-deċiżjonijiet li jispeċifikaw lil min huma indirizzati jieħdu post id-deċiżjonijiet preċedenti għar-regolamentazzjoni ta’ każijiet individwali, id-deċiżjonijiet ġenerali li m’għandhomx destinatarji speċifiċi jinkludu varjetà ta’ strumenti li jikkondividu l-fatt li ma jirregolawx każijiet individwali. Huwa sfortunat li żewġ tipi differenti ħafna ta’ strument legali jissejħu bl-istess isem, billi l-kwistjonijiet inevitabbli ta’ delimitazzjoni jwasslu għal ħafna inċertezza legali. Kien ikun aħjar li jintuża terminu wieħed għall-miżuri li jipprovdu għal każijiet individwali, b’effett estern legalment vinkolanti fuq l-individwu, u li jiġi introdott terminu addizzjonali għall-istrumenti legali l-oħra b’forza vinkolanti.
Il-korpi tal-UE (b’mod partikolari l-Kunsill u l-Kummissjoni) ġeneralment jużaw deċiżjonijiet li jispeċifikaw id-destinatarji sabiex iwettqu l-funzjoni eżekuttiva tagħhom. Deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jitolbu li Stat Membru, kumpanija jew ċittadin tal-Unjoni jwettqu jew joqogħdu lura minn azzjoni, jew jistgħu jagħtu drittijiet jew jimponu obbligi fuqhom. Is-sitwazzjoni fis-sistemi tal-Istati Membri nfushom hija eżattament l-istess; l-awtoritajiet japplikaw il-leġiżlazzjoni f’każ individwali permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva.
Il-karatteristiċi bażiċi ta’ din it-tip ta’ deċiżjoni jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
- Hija differenti mir-regolament billi għandha applikabbiltà individwali: id-destinatarji jridu jkunu msemmija fiha u huma l-uniċi li huma marbuta biha. Dan ir-rekwiżit jintlaħaq jekk, meta tinħareġ id-deċiżjoni, il-kategorija tad-destinatarji tkun tista’ tiġi identifikata u wara ma tistax tiġi estiża. Il-kontenut attwali tad-deċiżjoni jrid ikun tali li jkollu impatt dirett u individwali fuq is-sitwazzjoni taċ-ċittadin. Anki parti terza tista’ taqa’ taħt id-definizzjoni jekk, minħabba kwalitajiet jew ċirkostanzi personali li jiddistingwuha minn oħrajn, hija tiġi affettwata b’mod individwali u tkun identifikabbli bħala tali bl-istess mod bħad-destinatarju.
- Hija differenti mid-direttiva minħabba li torbot fl-intier tagħha (filwaqt li d-direttiva sempliċement tistabbilixxi l-objettiv li jrid jintlaħaq).
- Hija torbot direttament lid-destinatarji. Deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru jista’ fil-fatt ikollha l-istess effett dirett fir-rigward taċ-ċittadin bħal direttiva.
Id-deċiżjonijiet ġenerali li ma jispeċifikawx id-destinatarju huma vinkolanti fl-intier tagħhom, għalkemm mhuwiex ċar lil min jorbtu. Dan finalment jista’ jiġi stabbilit biss mill-kontenut ta’ kull deċiżjoni. Għad-deċiżjonijiet ġenerali, tista’ ssir distinzjoni bejn it-tipi ta’ strumenti li ġejjin:
- Deċiżjonijiet biex jiġu emendati dispożizzjonijiet tat-Trattati: Dawn id-deċiżjonijiet huma applikabbli b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri jorbtu lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kollha tal-UE kif ukoll lill-Istati Membri. Wieħed jista’ jsemmi d-deċiżjonijiet għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-adozzjoni (l-Artikolu 81(3), l-Artikolu 192(2)(c) tat-TFUE) jew għar-rilassament tar-rekwiżiti tal-maġġoranza (l-Artikolu 312(2), l-Artikolu 333(1) tat-TFUE);
- Deċiżjonijiet għaż-żieda ta’ sustanza fil-liġi tat-Trattati: Dawn id-deċiżjonijiet għandhom effett vinkolanti fuq l-UE kollha, jew fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji rilevanti tal-UE fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tagħhom; huma m’għandhom l-ebda effett estern fuq l-individwu;
- Deċiżjonijiet għall-adozzjoni ta’ liġi intraistituzzjonali jew interistituzzjonali: Dawn id-deċiżjonijiet jorbtu lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-UE li jkunu affettwati u involuti. Eżempji jinkludu r-regoli ta’ proċedura interni tal-istituzzjonijiet kif ukoll il-ftehimiet interistituzzjonali li jsiru bejn il-korpi tal-UE;
- Deċiżjonijiet fil-kuntest tal-kontroll organizzattiv: Dawn id-deċiżjonijiet (eż. ħatriet, remunerazzjoni) jorbtu lid-detentur tal-kariga jew lill-membri tal-korpi rilevanti;
- Deċiżjonijiet għat-tfassil tal-politika: Dawn id-deċiżjonijiet jikkompetu mar-regolamenti u d-direttivi iżda mhumiex maħsuba sabiex ikollhom effett estern, legalment vinkolanti fuq l-individwu. Fil-prinċipju, l-effett vinkolanti tagħhom huwa limitat għall-istituzzjonijiet involuti fil-ħruġ tagħhom, b’mod partikolari meta jirrigwardaw orjentazzjonijiet jew linji gwida għall-politika futura. F’każijiet eċċezzjonali biss għandhom effetti legali ta’ natura ġenerali u astratta jew konsegwenzi finanzjarji;
- Deċiżjonijiet fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni: Dawn id-deċiżjonijiet huma legalment vinkolanti fuq l-UE. Il-punt sa fejn dawn jorbtu lill-Istati Membri huwa limitat permezz ta’ dispożizzjonijiet speċjali (eż. l-Artikolu 28(2) u (5); l-Artikolu 31(1) tat-TUE). Huma mhumiex soġġetti għas-supremazija tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
Kategorija finali ta’ miżuri legali espliċitament previsti fit-Trattati hija r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. Dawn jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jesprimu opinjoni lill-Istati Membri, u f’xi każijiet lil ċittadini individwali, li ma torbotx u ma tqiegħed l-ebda obbligu legali fuq id-destinatarju.
Fir-rakkomandazzjonijiet, id-destinatarju jintalab, iżda ma jitqiegħed taħt l-ebda obbligu legali, li jġib ruħu b’mod partikolari. Pereżempju, f’każijiet fejn l-adozzjoni jew l-emenda ta’ dispożizzjoni legali jew amministrattiva fi Stat Membru tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Istat ikkonċernat dawk il-miżuri li jkunu xierqa sabiex tiġi evitata din id-distorsjoni (ara l-Artikolu 117(1), it-tieni sentenza, tat-TFUE).
L-opinjonijiet, min-naħa l-oħra, jinħarġu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jagħtu valutazzjoni ta’ sitwazzjoni jew żviluppi partikolari fl-Unjoni jew fi Stati Membri individwali. F’xi każijiet, huma jħejju t-triq ukoll għal atti legalment vinkolanti sussegwenti, jew ikunu rekwiżit għall-bidu ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Artikoli 258 u 259 tat-TFUE).
Is-sinifikat reali tar-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet huwa politiku u morali. Meta ħasbu għal atti legali ta’ dan it-tip, dawk li fasslu t-Trattati antiċipaw li, minħabba l-awtorità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-viżjoni aktar wiesgħa tagħhom u l-għarfien wiesa’ ta’ kundizzjonijiet lil hinn mill-qafas nazzjonali aktar dejjaq, dawk ikkonċernati kienu se jikkonformaw b’mod volontarju mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom u kienu se jirreaġixxu b’mod xieraq għall-valutazzjoni ta’ sitwazzjoni partikolari mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet jista’ jkollhom effett legali indirett meta jkunu preliminari għal strumenti obbligatorji sussegwenti jew meta l-istituzzjoni emittenti tkun impenjat ruħha, u b’hekk ħolqot aspettattivi leġittimi li jridu jintlaħqu.
Riżoluzzjonijiet, dikjarazzjonijiet u programmi ta’ azzjoni
Minbarra l-atti legali previsti fit-Trattati, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ukoll disponibbli varjetà ta’ forom oħra ta’ azzjoni sabiex jiffurmaw u jsawru l-ordni ġuridiku tal-UE. L-aktar importanti minn dawn huma r-riżoluzzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-programmi ta’ azzjoni.
Riżoluzzjonijiet: Ir-riżoluzzjonijiet jistgħu jinħarġu mill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Huma jistabbilixxu fehmiet u intenzjonijiet komuni dwar il-proċess ġenerali ta’ integrazzjoni u kompiti speċifiċi fi ħdan u barra l-UE. Ir-riżoluzzjonijiet relatati mal-ħidma interna tal-UE jirrigwardaw, pereżempju, kwistjonijiet bażiċi relatati mal-unjoni politika, il-politika reġjonali, il-politika dwar l-enerġija, u l-unjoni ekonomika u monetarja (b’mod partikolari s-Sistema Monetarja Ewropea). L-importanza primarja ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet hija li dawn jgħinu biex jagħtu l-ħidma futura tal-Kunsill direzzjoni politika. Bħala manifestazzjonijiet ta’ rieda politika komuni, ir-riżoluzzjonijiet jagħmluha konsiderevolment aktar faċli sabiex jintlaħaq kunsens fil-Kunsill, minbarra li jiggarantixxu tal-anqas livell minimu ta’ korrelazzjoni bejn il-ġerarkiji tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Komunità u fl-Istati Membri. Kwalunkwe valutazzjoni tas-sinifikat legali tagħhom trid tqis ukoll dawn il-funzjonijiet, jiġifieri huma għandhom jibqgħu strument flessibbli u ma jkunux imxekkla b’ammont eċċessiv ta’ rekwiżiti u obbligi legali.
Dikjarazzjonijiet: Hemm żewġ tipi differenti ta’ dikjarazzjonijiet. Jekk dikjarazzjoni tkun tirrigwarda l-iżvilupp ulterjuri tal-Unjoni, bħad-Dikjarazzjoni dwar l-UE, id-Dikjarazzjoni dwar id-Demokrazija u d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali, din tkun prattikament ekwivalenti għal riżoluzzjoni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ dan it-tip jintużaw prinċipalment biex jilħqu udjenza wiesgħa jew grupp speċifiku ta’ destinatarji. It-tip l-ieħor ta’ dikjarazzjoni jinħareġ fil-kuntest tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill u jistabbilixxi l-fehmiet tal-membri kollha jew ta’ membri individwali tal-Kunsill dwar l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Id-dikjarazzjonijiet interpretattivi ta’ dan it-tip huma prattika standard fil-Kunsill u huma mezz essenzjali sabiex jintlaħqu l-kompromessi. Is-sinifikat legali tagħhom għandu jiġi vvalutat skont il-prinċipji bażiċi tal-interpretazzjoni, li skonthom il-fattur determinanti fl-interpretazzjoni tat-tifsira ta’ dispożizzjoni legali għandu f’kull każ ikun l-intenzjoni sottostanti tal-oriġinatur tagħha. Dan il-prinċipju, madankollu, ikun validu biss jekk id-dikjarazzjoni tirċievi l-attenzjoni pubblika neċessarja; dan għaliex, pereżempju, il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni li tagħti drittijiet diretti lill-individwi ma tistax tiġi ristretta minn ftehimiet sekondarji li ma jkunux saru pubbliċi.
Programmi ta’ azzjoni: Dawn il-programmi jitfasslu mill-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea fuq inizjattiva proprja jew fuq inizjattiva tal-Kunsill Ewropew u jservu sabiex ipoġġu fil-prattika l-programmi leġiżlattivi u l-għanijiet ġenerali stabbiliti fit-Trattati. Jekk programm ikun previst b’mod speċifiku fit-Trattati, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu marbuta b’dawk id-dispożizzjonijiet meta jippjanawh. Min-naħa l-oħra, programmi oħra fir-realtà huma meqjusin sempliċement bħala linji gwida ġenerali mingħajr effett legalment vinkolanti. Dawn, madankollu, huma indikazzjoni tal-azzjonijiet maħsuba tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Il-“White Papers” u l-“Green Papers” huma wkoll ta’ importanza konsiderevoli fl-Unjoni. Il-White Papers jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni u jinkludu proposti konkreti għal miżuri tal-UE f’qasam ta’ politika speċifiku. Jekk White Paper tiġi riċevuta b’mod favorevoli mill-Kunsill, din tista’ tifforma l-bażi għal programm ta’ azzjoni tal-Unjoni. Eżempji ta’ dan jinkludu l-White Papers dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (2004), dwar politika ta’ komunikazzjoni Ewropea (2006) jew dwar il-ġejjieni tal-Ewropa (2017). Il-Green Papers huma maħsuba sabiex jistimulaw id-diskussjoni dwar suġġetti partikolari fuq livell Ewropew u jiffurmaw il-bażi għal konsultazzjoni u dibattitu pubbliċi dwar is-suġġetti ttrattati fil-Green Paper. Dawn jistgħu jwasslu għal żviluppi leġiżlattivi li mbagħad jiġu deskritti fil-White Papers.
Pubblikazzjoni u komunikazzjoni
L-atti leġiżlattivi jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje L (Leġislazzjoni). Huma jidħlu fis-seħħ fid-data speċifikata fihom jew, jekk ma tkun speċifikata l-ebda data, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.
L-atti mhux leġiżlattivi jiġu ffirmati mill-President tal-istituzzjoni li tkun adottathom. Dawn jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C (“informazzjoni u avviżi” [C = Komunikazzjoni]).
L-atti leġiżlattivi li jispeċifikaw lil min huma indirizzati, jiġu nnotifikati lid-destinatarji u jidħlu fis-seħħ ma’ dik in-notifika.
M’hemm l-ebda obbligu li jiġu ppubblikati u kkomunikati l-istrumenti mhux vinkolanti, iżda dawn ġeneralment jiġu ppubblikati wkoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali (“informazzjoni u avviżi”).
Il-proċess leġiżlattiv fl-UE
Filwaqt li fi Stat, ir-rieda tal-poplu normalment tiġi espressa fil-parlament, għal żmien twil kienu r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kunsill li kellhom ir-rwol deċiżiv sabiex jesprimu r-rieda tal-UE. Dan kien sempliċement għaliex l-UE ma tikkonsistix minn “nazzjon Ewropew” iżda taf l-eżistenza u l-forma tagħha għall-kontribut magħqud tal-Istati Membri tagħha. Dawn ma ttrasferewx sempliċement parti mis-sovranità tagħhom lill-UE, iżda ġabruha flimkien bil-patt li jżommu s-setgħa konġunta li jeżerċitawha. Madankollu, hekk kif il-proċess ta’ integrazzjoni tal-Unjoni żviluppa u ssaħħaħ, din id-diviżjoni tas-setgħat fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, oriġinarjament orjentata lejn id-difiża tal-interessi nazzjonali mill-Istati Membri, evolviet f’xi ħaġa ferm aktar ibbilanċjata, b’titjib kostanti tal-istatus tal-Parlament Ewropew. Il-proċedura oriġinali li biha l-Parlament kien jiġi sempliċement ikkonsultat ġiet l-ewwel nett imwessgħa sabiex tinkludi l-kooperazzjoni mal-Kunsill, u l-Parlament eventwalment ingħata setgħat ta’ kodeċiżjoni fil-proċess leġiżlattiv tal-UE.
Il-proċedura leġiżlattiva fl-UE ġiet riorganizzata u ristrutturata bit-Trattat ta’ Lisbona. Għandha ssir distinzjoni bejn: 1. il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi (l-Artikolu 289(1) tat-TFUE), li essenzjalment tikkorrispondi għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni preċedenti u tapplika bħala regola ġenerali għat-tfassil tal-liġijiet fil-livell tal-UE, kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva speċjali (l-Artikolu 289(2) tat-TFUE), li fiha l-atti leġiżlattivi jiġu adottati mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill, jew minn dan tal-aħħar bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew. 2. Ċerti atti legali jridu jgħaddu minn proċedura ta’ approvazzjoni fil-Parlament qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ. 3. L-atti mhux leġiżlattivi jiġu adottati fi proċedura simplifikata. 4. Hemm fis-seħħ proċeduri speċjali għall-adozzjoni ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni.
Proċedura għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi
Proċedura leġiżlattiva ordinarja
Ordni tal-proċedura
Stadju tal-formulazzjoni
Il-proċess, fil-prinċipju, jinbeda mill-Kummissjoni, li tfassal proposta għall-miżura tal-Unjoni li trid tittieħed (magħruf bħala d-“dritt ta’ inizjattiva”). Il-proposta tiġi ppreparata mid-dipartiment tal-Kummissjoni li jieħu ħsieb il-qasam partikolari; ħafna drabi d-dipartiment jikkonsulta wkoll esperti nazzjonali f’dan l-istadju. Dan xi drabi jieħu l-forma ta’ deliberazzjonijiet f’kumitati msejħa apposta; inkella, l-esperti jistgħu jsirulhom mistoqsijiet mid-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex obbligata taċċetta l-parir tal-esperti nazzjonali meta tkun qiegħda tfassal il-proposti tagħha. L-abbozz imfassal mill-Kummissjoni, li jistabbilixxi l-kontenut u l-forma tal-miżura sal-anqas dettall, imur quddiem il-Kummissjoni sħiħa, meta maġġoranza sempliċi hija suffiċjenti biex dan jiġi adottat. Issa tkun “proposta tal-Kummissjoni” u tintbagħat simultanjament lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew u, meta tkun meħtieġa konsultazzjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, b’rimarki ta’ spjegazzjoni dettaljati.
L-ewwel qari fil-Parlament u fil-Kunsill
Il-President tal-Parlament Ewropew jgħaddi l-proposta lil kumitat ta’ koordinazzjoni tal-Parlament għal aktar konsiderazzjoni. L-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-kumitat jiġi diskuss f’sessjoni plenarja tal-Parlament, u jiġi stabbilit f’opinjoni li tista’ taċċetta jew tiċħad il-proposta jew tipproponi emendi. Il-Parlament imbagħad jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill.
Il-Kunsill issa jista’ jaġixxi kif ġej fl-ewwel qari.
- Jekk japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, l-att jiġi adottat fil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Parlament; dan jimmarka t-tmiem tal-proċess leġiżlattiv. Fil-prattika, saret fil-fatt ir-regola li l-proċess leġiżlattiv jitlesta fl-ewwel qari. Għal dan il-għan, sar użu mit-“trilogu informali”, li fih rappreżentanti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jpoġġu madwar mejda sabiex ifittxu kompromess aċċettabbli għal kulħadd f’dan l-istadju bikri tal-proċess leġiżlattiv.
- Jekk il-Kunsill ma japprovax il-pożizzjoni tal-Parlament, jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Parlament Ewropew.
Il-Kunsill jinforma b’mod sħiħ lill-Parlament Ewropew dwar ir-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni tinforma b’mod sħiħ lill-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tagħha.
It-tieni qari fil-Parlament u fil-Kunsill
Il-Parlament Ewropew għandu tliet xhur li jibdew mill-komunikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill biex jagħmel waħda minn dawn li ġejjin:
- japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill jew ma jiħux deċiżjoni; l-att ikkonċernat imbagħad jitqies li ġie adottat fil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
- jiċħad, b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, il-pożizzjoni tal-Kunsill; l-att propost imbagħad jitqies li ma ġiex adottat u l-proċess leġiżlattiv jintemm;
- jagħmel, b’maġġoranza tal-membri tiegħu, emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill; it-test emendat b’dan il-mod imbagħad jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li tagħti opinjoni dwar dawk l-emendi.
Il-Kunsill jiddiskuti l-pożizzjoni emendata u għandu tliet xhur mid-data li jirċievi l-emendi tal-Parlament biex jagħmel waħda minn dawn li ġejjin:
- huwa jista’ japprova l-emendi kollha tal-Parlament; l-att inkwistjoni mbagħad jitqies li ġie adottat. Maġġoranza kwalifikata hija biżżejjed jekk il-Kummissjoni wkoll taqbel mal-emendi; jekk le, il-Kunsill jista’ japprova l-emendi tal-Parlament biss b’unanimità.
- huwa jista’ jagħżel li ma japprovax l-emendi kollha tal-Parlament jew ma jilħaqx il-maġġoranza meħtieġa; dan iwassal għal proċedura ta’ konċiljazzjoni.
Proċedura ta’ konċiljazzjoni
Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tinbeda mill-President tal-Kunsill bi qbil mal-President tal-Parlament Ewropew. Fil-qalba tagħha hemm il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, li bħalissa huwa kompost minn 28 rappreżentant kull wieħed mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu l-kompitu li jilħaq ftehim dwar test konġunt b’maġġoranza kwalifikata fi żmien sitt ġimgħat minn meta jissejjaħ, fuq il-bażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni qari. Dan jinvolvi soluzzjoni ta’ kompromess li għandha tinstab fuq il-bażi ta’ “eżami tal-aspetti kollha tan-nuqqas ta’ qbil”. Madankollu, dejjem huwa sempliċement każ li jintlaħaq kompromess bejn iż-żewġ pożizzjonijiet diverġenti tal-Parlament u tal-Kunsill. Għal dan il-għan, jistgħu jintużaw elementi ġodda li jiffaċilitaw il-proċess ta’ kompromess, bil-kundizzjoni li dawn jidħlu fl-eżitu finali tat-tieni qari. Madankollu, mhuwiex possibbli jintużaw emendi li ma jkunx irnexxielhom jiksbu l-maġġoranzi meħtieġa fit-tieni qari.
Il-Kummissjoni tieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tieħu l-inizjattivi kollha neċessarji sabiex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Jekk, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jitlaqqa’, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ma japprovax it-test konġunt, l-att propost jitqies li ma ġiex adottat.
It-tielet qari fil-Parlament u fil-Kunsill
Jekk, fi żmien is-sitt ġimgħat, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni japprova test konġunt, il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, u l-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, kull wieħed ikollu perjodu ta’ sitt ġimgħat minn dik l-approvazzjoni sabiex jadotta l-att inkwistjoni skont it-test konġunt. Jekk huma jonqsu milli jagħmlu dan, l-att propost jitqies li ma ġiex adottat u l-proċess leġiżlattiv jintemm.
Pubblikazzjoni
It-test finali (fl-24 lingwa uffiċjali attwali tal-Unjoni: Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Irlandiż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż), jiġi ffirmat mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u mbagħad jiġi ppubblikat f”Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew, jekk ikun indirizzat lil grupp speċifiku, jiġi nnotifikat lid-destinatarji.
Il-proċedura ta’ kodeċiżjoni tirrappreżenta kemm sfida kif ukoll opportunità għall-Parlament. Biex il-proċedura taħdem b’suċċess, irid ikun hemm qbil fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Madankollu, il-proċedura tibdel radikalment ukoll ir-relazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill. Iż-żewġ istituzzjonijiet issa jkunu fuq l-istess livell fil-proċess leġiżlattiv, u huma l-Parlament u l-Kunsill li jridu juru l-kapaċità tagħhom għall-kompromess u jidderieġu l-enerġiji tagħhom fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni biex jaslu għal ftehim.
Il-proċedura leġiżlattiva speċjali
Il-proċedura leġiżlattiva speċjali ġeneralment tkun ikkaratterizzata mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, jieħu deċiżjoni (eż. l-Artikolu 308 tat-TFUE: Statut tal-Bank Ewropew tal-Investiment) jew mill-Parlament Ewropew li jadotta att legali wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Kunsill (eż. l-Artikolu 226(3) tat-TFUE: l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta permezz ta’ kumitat parlamentari ta’ inkjesta; l-Artikolu 228(4) tat-TFUE: il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dmirijiet tal-Ombudsman).
Hemm forom oħra ta’ tfassil tal-liġijiet li huma differenti minn dawn il-każijiet regolari iżda xorta waħda huma attribwibbli għall-proċedura leġiżlattiva speċjali:
- it-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-baġit (l-Artikolu 314 tat-TFUE): il-proċedura għandha regoli dettaljati u fil-biċċa l-kbira tikkorrispondi mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
- Il-Kunsill jieħu deċiżjoni b’maġġoranza fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew (jew istituzzjonijiet u korpi konsultattivi oħra tal-UE); din kienet oriġinarjament il-proċedura ta’ konsultazzjoni li fil-bidu kienet il-proċedura leġiżlattiva standard fil-livell tal-UE iżda issa tintuża biss f’każijiet iżolati bħala proċedura leġiżlattiva speċjali (eż.: l-Artikolu 140(2) tat-TFUE: derogi fil-kuntest tal-unjoni ekonomika u monetarja; l-Artikolu 128(2) tat-TFUE: il-ħruġ ta’ muniti).
- Il-Kunsill jieħu deċiżjoni mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew. Madankollu, din tikkostitwixxi eċċezzjoni rari, u – għajr fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, fejn il-Parlament jiġi infurmat b’deċiżjonijiet tal-Kunsill (l-Artikolu 36 tat-TUE) – isseħħ biss f’każijiet iżolati ħafna (eż. l-Artikolu 31 tat-TFUE: l-istabbiliment ta’ Tariffa Doganali Komuni; l-Artikolu 301(2) tat-TFUE: il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali).
L-oqsma ta’ politika li għalihom hija prevista proċedura leġiżlattiva speċjali jistgħu jinqalbu għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja permezz ta’ “klawsoli passerelle”, jew l-unanimità fil-Kunsill tista’ tiġi sostitwita b’maġġoranza kwalifikata. Għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ klawsoli passerelle. L-ewwel nett, hemm il-klawsola passerelle ġenerali li tapplika għall-oqsma kollha ta’ politika; l-użu ta’ din il-klawsola jrid iseħħ permezz ta’ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Ewropew. It-tieni, hemm klawsoli passerelle speċifiċi li japplikaw għal ċerti oqsma ta’ politika (eż. il-qafas finanzjarju pluriennali – l-Artikolu 312 tat-TFUE; il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-liġi tal-familja – l-Artikolu 81 tat-TFUE; il-kooperazzjoni msaħħa – l-Artikolu 333 tat-TFUE; il-qasam soċjali – l-Artikolu 153 tat-TFUE u l-ambjent – l-Artikolu 192 tat-TFUE). Dawn il-klawsoli huma differenti mill-klawsoli passerelle ġenerali billi, bħala regola ġenerali, il-parlamenti nazzjonali m’għandhomx id-dritt tal-veto u d-deċiżjoni tista’ tittieħed ukoll mill-Kunsill u mhux neċessarjament mill-Kunsill Ewropew.
Proċedura ta’ approvazzjoni
Forma prinċipali oħra ta’ involviment tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv tal-UE hija l-proċedura ta’ approvazzjoni, li biha strument legali jista’ jiġi adottat biss bl-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament. Din il-proċedura, madankollu, ma tagħti lill-Parlament l-ebda possibbiltà li jinfluwenza direttament in-natura tad-dispożizzjonijiet legali. Pereżempju, huwa ma jistax jipproponi emendi jew jassigura l-aċċettazzjoni tagħhom matul il-proċedura ta’ approvazzjoni; ir-rwol tiegħu huwa limitat għall-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tal-istrument legali ppreżentat lilu. Sar provvediment għal din il-proċedura b’rabta mal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 218(6)a) tat-TFUE), il-kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 329(1) tat-TFUE) jew għall-eżerċizzju ta’ setgħat dispożittivi (l-Artikolu 352(1) tat-TFUE). Il-proċedura ta’ approvazzjoni tista’ tifforma parti kemm minn proċedura leġiżlattiva speċjali għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi kif ukoll mill-proċedura leġiżlattiva simplifikata għall-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi, vinkolanti.
Proċedura għall-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi
L-atti mhux leġiżlattivi jiġu adottati fi proċedura simplifikata li fiha istituzzjoni tal-UE jew korp ieħor jadotta att legali fi ħdan is-setgħat proprji tiegħu. L-awtorità biex jagħmlu dan toħroġ mill-bażi rilevanti ta’ kompetenza fit-Trattati tal-UE.
Din il-proċedura inizjalment tapplika għal atti leġiżlattivi vinkolanti (sempliċi) li jiġu adottati minn istituzzjoni tal-UE fi ħdan is-setgħat proprji tagħha (eż. il-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat – l-Artikolu 108(2) tat-TFUE).
Il-proċedura simplifikata tintuża wkoll għall-adozzjoni ta’ strumenti mhux vinkolanti, speċjalment rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi konsultattivi.
Proċedura għall-adozzjoni ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni
Il-Kunsill u l-Parlament ilhom żmien twil jagħtu setgħat leġiżlattivi u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Is-setgħat mogħtija ġew eżerċitati bit-twaqqif ta’ kumitati tal-komitoloġija, li fihom l-influwenza tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, tal-Istati Membri u tal-Parlament kienet tvarja. Madankollu, ma kien hemm l-ebda separazzjoni ċara bejn id-delega ta’ setgħat ta’ tfassil tal-liġijiet (setgħa leġiżlattiva) u l-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni (setgħa eżekuttiva). It-Trattat ta’ Lisbona għamel distinzjoni li messha ilha li saret fil-liġi primarja fir-rigward tat-twettiq ta’ kompiti leġiżlattivi u kompiti eżekuttivi (l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE).
L-adozzjoni ta’ atti delegati titwettaq mill-Kummissjoni abbażi ta’ awtorizzazzjoni speċjali pprovduta b’att leġiżlattiv mgħoddi mill-Kunsill u l-Parlament (l-Artikolu 290 tat-TFUE). Is-suġġett tad-delega jista’ jikkonsisti biss fl-emenda ta’ ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv; l-elementi essenzjali ta’ qasam m’għandhomx ikunu s-suġġett ta’ delega tas-setgħa. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet fundamentali jiġu adottati mill-fergħa leġiżlattiva nnifisha u m’għandhomx jiġu ddelegati lill-fergħa eżekuttiva. Dan iqis il-prinċipji tad-demokrazija u tas-separazzjoni tas-setgħat. Jekk ikunu involuti deċiżjonijiet politikament importanti b’konsegwenzi estensivi, il-Parlament u l-Kunsill għandhom dejjem jerfgħu r-responsabbiltà primarja tagħhom li jilleġiżlaw. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-għanijiet politiċi ta’ azzjoni leġiżlattiva, l-għażla tal-mezzi sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet u l-implikazzjonijiet possibbli tad-dispożizzjonijiet għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Barra minn hekk, l-atti delegati għandhom jemendaw jew jissupplimentaw biss att leġiżlattiv, sabiex ma jikkompromettux l-iskop tiegħu. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu emendati jew supplimentati permezz tal-att delegat iridu jkunu speċifikati b’mod ċar fl-att leġiżlattiv. L-atti delegati għalhekk jistgħu jinkludu adattamenti leġiżlattivi għall-iżviluppi futuri, bħall-bidliet fl-aktar stat avvanzat (state of the art), l-allinjament għall-bidliet prevedibbli f’leġiżlazzjoni oħra jew l-assigurazzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv jiġu applikati anke meta jinqalgħu ċirkostanzi speċjali jew toħroġ informazzjoni ġdida. Id-delega tas-setgħat tista’ tingħata limitu ta’ żmien jew, jekk din tkun trid titwettaq għal żmien indefinittiv, jista’ jkun hemm provvediment għad-dritt li tiġi revokata. Minbarra l-possibbiltà ta’ revoka tas-setgħat, il-Kunsill u l-Parlament jistgħu jipprovdu għad-dritt li jesprimu oġġezzjonijiet għad-dħul fis-seħħ ta’ atti delegati tal-Kummissjoni. Jekk il-Kunsill u l-Parlament ikunu ddelegaw is-setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni. M’hemm l-ebda dispożizzjoni tal-liġi primarja li tippermetti l-inklużjoni ta’ istituzzjonijiet oħra. Madankollu, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tikkonsulta b’mod partikolari esperti nazzjonali, u ġeneralment tagħmel dan fil-prattika.
L-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni (l-Artikolu 291 tat-TFUE) hija maħsuba bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni amministrattiva tad-dritt tal-UE (l-Artikolu 289(1) tat-TFUE) u għalhekk taqa’ taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Din hija bidla sinifikanti mill-pożizzjoni legali preċedenti, li fiha l-proċedura ta’ komitoloġija kienet tagħti lill-Kunsill u lill-Parlament drittijiet ta’ kodeterminazzjoni fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni. Din il-bidla tirrifletti l-fatt li s-separazzjoni ċara tal-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni kienet tfisser li d-drittijiet ta’ kontroll u parteċipazzjoni kellhom jiġu organizzati mill-ġdid skont dan. Filwaqt li, bħala l-leġiżlatur tal-UE, il-Kunsill u l-Parlament għandhom aċċess għall-atti delegati, dan huwa f’idejn l-Istati Membri fil-każ tal-atti ta’ implimentazzjoni, f’konformità mar-responsabbiltà inerenti tagħhom għall-implimentazzjoni amministrattiva tad-dritt tal-UE. F’konformità mal-mandat leġiżlattiv tiegħu, il-leġiżlatur tal-UE (jiġifieri l-Kunsill u l-Parlament) stabbilixxa regoli u prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (ir-“Regolament dwar il-Proċedura ta’ Kumitat”). Ir-Regolament dwar il-Proċedura ta’ Kumitat naqqas l-għadd ta’ proċeduri ta’ kumitat għal tnejn: il-proċedura konsultattiva u l-proċedura ta’ eżami. Inħolqu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għażla tal-proċedura.
Fil-proċedura konsultattiva, kumitat konsultattiv jagħti opinjonijiet b’maġġoranza sempliċi, li jiġu rreġistrati fil-minuti. Il-Kummissjoni għandha tagħtihom l-akbar konsiderazzjoni, iżda mhijiex obbligata li tagħmel dan.
Fil-proċedura ta’ eżami, il-kumitat tal-komitoloġija, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, jivvota fuq l-abbozz tal-Kummissjoni għal miżuri ta’ implimentazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Jekk dan jiġi approvat, il-Kummissjoni trid tadotta l-miżuri kif ippreżentati. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ kworum, il-Kummissjoni tista’ fil-prinċipju tadotta l-abbozz tagħha. Fil-każ ta’ opinjoni negattiva mill-kumitat jew nuqqas ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tissottometti abbozz ġdid fil-kumitat dwar il-proċedura ta’ eżami jew tirreferi l-abbozz oriġinali lil kumitat ta’ appell.
Il-kumitat ta’ appell huwa t-tieni istanza fil-proċedura ta’ eżami. L-għan tar-rinviju lill-kumitat ta’ appell huwa li jintlaħaq kompromess bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq riżultat fil-kumitat dwar il-proċedura ta’ eżami. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni tadotta l-att ta’ implimentazzjoni. Hija tista’ tagħmel dan ukoll jekk ma tingħata l-ebda opinjoni.
Is-sistema ta’ protezzjoni legali tal-UE
Unjoni li taspira li tkun komunità regolata mil-liġi għandha tipprovdi liċ-ċittadini tagħha sistema kompluta u effettiva ta’ protezzjoni legali. Is-sistema ta’ protezzjoni legali tal-Unjoni Ewropea tissodisfa dan ir-rekwiżit. Hija tirrikonoxxi d-dritt tal-individwu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-UE. Din il-protezzjoni, li hija kodifikata fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hija wieħed mill-prinċipji legali fundamentali li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikoli 6 u 13 KEDB). Hija ggarantita mis-sistema legali tal-UE (il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali) (l-Artikolu 19(1) tat-TUE). Għal dan il-għan hija disponibbli sensiela ta’ proċeduri, kif deskritt hawn taħt.
Proċeduri għall-ksur tat-Trattat (l-Artikolu 258 tat-TFUE)
Din hija proċedura sabiex jiġi stabbilit jekk Stat Membru jkunx naqas milli jissodisfa obbligu impost fuqu mid-dritt tal-Unjoni. Hija titwettaq esklussivament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Minħabba l-gravità tal-akkuża, ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jrid ikun preċedut minn proċedura preliminari li fiha l-Istat Membru jingħata l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk it-tilwima ma tiġix solvuta f’dak l-istadju, il-Kummissjoni (l-Artikolu 258 tat-TFUE) jew Stat Membru ieħor (l-Artikolu 259 tat-TFUE) jistgħu jibdew azzjoni fil-Qorti. Fil-prattika, l-inizjattiva ġeneralment tittieħed mill-Kummissjoni. Il-Qorti tinvestiga l-ilment u tiddeċiedi jekk Trattat ikunx inkiser. Jekk iva, l-Istat Membru ħati ta’ ksur imbagħad ikun meħtieġ jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ sentenza mogħtija kontrih, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà tat-tieni deċiżjoni tal-qorti li tordna lil dak l-Istat iħallas multa ta’ somma f’daqqa u/jew penali (l-Artikolu 260 tat-TFUE). Għalhekk hemm implikazzjonijiet finanzjarji serji għal Stat Membru li jkompli jinjora sentenza tal-Qorti kontrih għall-ksur ta’ Trattat.

Fil-kawża Jégo-Quéré, kumpanija tas-sajd talbet l-annullament ta’ partijiet minn regolament dwar il-protezzjoni tal-merluzz żgħir. B’mod speċifiku, din kienet tirrigwarda l-projbizzjoni tax-xbieki tas-sajd li kellhom daqs tal-malja ta’ 8 cm, bħal dawk użati minn Jégo-Quéré. Sabiex tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kunċett tal-interess individwali b’mod estensiv u sabet li r-rikors kien ammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx. Hija sabet li l-impożizzjoni diretta ta’ regolament ta’ applikazzjoni ġenerali ma setgħetx titqabbel ma’ interess individwali.
Rikorsi għal annullament (l-Artikolu 263 tat-TFUE)
Ir-rikorsi għal annullament huma mezz għall-kontroll ġudizzjarju effettiv tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni (stħarriġ ġudizzjarju astratt) u jipprovdu liċ-ċittadin aċċess għall-ġustizzja tal-UE, għalkemm b’xi restrizzjonijiet (garanzija ta’ protezzjoni legali individwali).
Dawn jistgħu jitressqu kontra l-miżuri kollha tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni li jipproduċu effetti legali vinkolanti li x’aktarx jaffettwaw l-interessi tal-applikant billi jibdlu serjament il-pożizzjoni legali tiegħu. Minbarra mill-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni wkoll jistgħu jippreżentaw rikorsi għal annullament bil-kundizzjoni li jinvokaw il-ksur tad-drittijiet mogħtija lilhom.
Iċ-ċittadini u l-impriżi, min-naħa l-oħra, jistgħu jipproċedu biss kontra deċiżjonijiet li jkunu indirizzati personalment lilhom jew li, għalkemm ikunu indirizzati lil ħaddieħor, ikollhom effett individwali dirett fuqhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ikun il-każ jekk persuna tiġi affettwata b’mod tant speċifiku li tkun teżisti distinzjoni ċara bejnu jew bejnha u individwi jew impriżi oħra. Dan il-kriterju ta’ “immedjatezza” huwa maħsub sabiex jassigura li kwistjoni tiġi rinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali biss jekk il-fatt tal-effett negattiv fuq il-pożizzjoni legali tar-rikorrent ikun stabbilit b’mod ċar flimkien man-natura ta’ dawk l-effetti negattivi. Ir-rekwiżit tal-“interess individwali” huwa maħsub ukoll sabiex jipprevjeni li jiġu ppreżentati “kawżi relaturi”.
It-Trattat ta’ Lisbona introduċa wkoll kategorija addizzjonali ta’ atti li kontrihom jistgħu jitressqu rikorsi għall-annullament direttament minn persuni fiżiċi u ġuridiċi. Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi issa għandhom il-possibbiltà wkoll li jibdew proċedimenti kontra “att regolatorju”, bil-kundizzjoni li dan “ikun ta’ interess dirett għalihom u ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”. Din il-kategorija ġdida għalqet “lakuna fil-protezzjoni legali” li kienet ġiet innotata mill-Qorti fil-kawża Jégo-Quéré, billi l-protezzjoni ġudizzjarja qabel ma kinitx garantita f’każijiet li fihom, għalkemm operatur ekonomiku kien direttament affettwat minn att leġiżlattiv tal-UE, ma kienx possibbli li tiġi eżaminata l-legalità ta’ dak l-att billi jintużaw ir-rimedji disponibbli għal dak il-għan: il-kontestazzjonijiet permezz ta’ rikors għall-annullament (l-Artikolu 263 tat-TFUE) kienu bla suċċess minħabba n-nuqqas ta’ interess individwali; il-proċedura għal deċiżjoni preliminari (l-Artikolu 267 tat-TFUE) ma setgħetx tintuża minħabba n-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali (ħlief f’ċerti proċedimenti kriminali rigward in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni mill-operatur ekonomiku li, madankollu, iridu jiġu injorati għaliex l-operatur ekonomiku ma jistax jiġi mistenni li jikkawża eżami tal-legalità permezz ta’ imġiba illegali); fl-aħħar nett, ir-rikorsi għad-danni ma setgħu fl-ebda każ iwasslu għal soluzzjoni li tkun fl-interessi taċ-ċittadin tal-Unjoni, billi dawn ma jistgħux lanqas jintużaw sabiex jitneħħa att leġiżlattiv illegali mill-ordni ġuridiku tal-UE.
Minħabba l-fatt li l-Artikolu 263(4) tat-TFUE neħħa l-ħtieġa tal-“interess individwali” meta jiġu rikużati atti regolatorji u minflok jeħtieġ biss l-interess dirett u n-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali, parti minn din il-lakuna ġiet magħluqa.
It-tifsira ta’ “atti regolatorji”, madankollu, hija problematika. Meta jiġi interpretat b’mod restrittiv, it-terminu jinftiehem li jirreferi biss għal atti ta’ applikazzjoni ġenerali li mhumiex atti leġiżlattivi, filwaqt li, meta jiġi interpretat b’mod wiesa’, huwa jinftiehem li jinkludi l-atti kollha ta’ applikazzjoni ġenerali, inklużi l-atti leġiżlattivi. Fis-sentenza tagħha fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami, il-Qorti Ġenerali ttrattat dawn iż-żewġ approċċi fid-dettall u, abbażi ta’ interpretazzjoni grammatikali, storika u teleoloġika, ikkonkludiet li l-“atti regolatorji” jistgħu jitqiesu biss bħala atti ta’ applikazzjoni ġenerali li mhumiex atti leġiżlattivi. Minbarra l-atti delegati (ara l-Artikolu 290 tat-TFUE) u l-atti ta’ implimentazzjoni (ara l-Artikolu 291 tat-TFUE), dawn jinkludu wkoll id-direttivi, bil-kundizzjoni li dawn ikunu direttament applikabbli skont il-ġurisprudenza, u d-deċiżjonijiet ta’ natura astratta u ġenerali, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux ġew adottati fil-proċedura leġiżlattiva. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali adottat b’mod ċar interpretazzjoni dejqa tal-kunċett ta’ “regolatorji”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-konklużjoni fis-sentenza tagħha fl-appell fl-2013. Dan huwa ta’ dispjaċir mill-perspettiva tal-garanzija ta’ protezzjoni legali effettiva, billi l-lakuna stabbilita fil-protezzjoni legali tista’ tingħalaq parzjalment biss bl-użu ta’ approċċ restrittiv.
L-atti tal-korpi u uffiċċji oħra tal-UE, b’mod partikolari dawk tad-diversi aġenziji, issa jistgħu jiġu eżaminati għal-legalità (l-Artikolu 263(5) tat-TFUE). Għalhekk, lakuna fil-protezzjoni legali li qabel kienet imraqqgħa biss mill-ġurisprudenza ġiet rimedjata, u l-liġi primarja tqis ukoll il-fatt li xi wħud minn dawk il-korpi ngħataw setgħat li jippermettulhom li jwettqu atti li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ partijiet terzi u għalhekk, fl-interess li jkun hemm sistema ta’ protezzjoni legali li tkun ħielsa mil-lakuni, ir-rikors għall-azzjoni legali jrid ikun disponibbli wkoll fir-rigward ta’ dawk l-atti.
Jekk l-azzjoni tirnexxi, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali tista’ tiddikjara l-istrument null b’effett retroattiv. F’ċerti ċirkustanzi, tista’ tiddikjarah null biss mid-data tas-sentenza. Madankollu, sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-interessi ta’ dawk li jressqu rikorsi legali, id-dikjarazzjoni ta’ nullità tista’ tiġi eżentata minn kwalunkwe restrizzjoni bħal din.
Rikorsi għan-nuqqas ta’ azzjoni (l-Artikolu 265 tat-TFUE)
Din il-forma ta’ azzjoni tissupplimenta l-protezzjoni legali disponibbli kontra l-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew. Hemm proċedura preliminari li biha r-rikorrent javża lill-istituzzjoni biex twettaq id-dmir tagħha. L-ordni mfittex f’rikors mill-istituzzjonijiet hija dikjarazzjoni li l-korp ikkonċernat ikun kiser it-Trattat billi naqas milli jieħu deċiżjoni meħtieġa minnu. Meta r-rikors jitressaq minn ċittadin tal-Unjoni jew minn impriża, dan ikun għal dikjarazzjoni li l-istituzzjoni tal-Unjoni kisret it-Trattat billi naqset milli tindirizza deċiżjoni individwali għalihom. Is-sentenza sempliċement issib li n-negliġenza kienet illegali. Il-Qorti tal-Ġustizzja/Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni biex tordna li tittieħed deċiżjoni: il-parti li kontriha tingħata s-sentenza hija meħtieġa biss li tieħu miżuri biex tikkonforma mas-sentenza (l-Artikolu 266 tat-TFUE)).
Rikorsi għad-danni (l-Artikoli 268 u 340(2) tat-TFUE)
Iċ-ċittadini u l-impriżi – kif ukoll l-Istati Membri – li jsofru danni minħabba tort imwettaq mill-persunal tal-UE għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikorsi għad-danni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-bażi għar-responsabbiltà tal-UE mhijiex stabbilita b’mod sħiħ mit-Trattati u hija regolata mod ieħor mill-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri. Il-Qorti elaborat dan, fejn sostniet li jridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin qabel ma jkunu jistgħu jiġu aġġudikati d-danni: 1. irid ikun hemm att illegali minn istituzzjoni tal-Unjoni jew minn membru tal-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew tagħha. Att illegali jseħħ meta jkun hemm ksur serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li tagħti drittijiet lil individwu, impriża jew Stat Membru jew li tkun ġie mgħoddija biex tipproteġihom. Il-liġijiet rikonoxxuti li għandhom natura protettiva huma b’mod partikolari d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suq intern jew il-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-proporzjonalità, iżda wkoll kwalunkwe regola oħra direttament applikabbli tal-liġi li tagħti drittijiet personali liċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-ksur ikun suffiċjentement serju jekk l-istituzzjoni kkonċernata taqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod konsiderevoli. Il-Qorti ħafna drabi tapplika l-konklużjonijiet tagħha għal-limitatezza tal-kategorija tal-persuni affettwati mill-miżura ta’ ksur u l-iskala tad-danni sofruti, li trid taqbeż ir-riskju kummerċjali li wieħed raġonevolment jista’ jistenna fis-settur kummerċjali kkonċernat; 2. irid ikun ġie sofrut dannu reali; 3. irid ikun hemm rabta kawżali bejn l-att tal-istituzzjoni tal-Unjoni u d-dannu sofrut; 4. il-ħsieb jew in-negliġenza m’għandhomx għalfejn jiġu ppruvati.
Rikorsi mill-persunal tal-Unjoni (l-Artikolu 270 tat-TFUE)
It-tilwim bejn l-UE u l-membri tal-persunal tagħha jew il-membri tal-familja superstiti tagħhom, li jirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg, jista’ jitressaq ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-ġurisdizzjoni għal dawn ir-rikorsi hija f’idejn il-Qorti Ġenerali.
Deċiżjonijiet preliminari (l-Artikolu 256 tat-TFUE)
Ir-relazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali hija mfassla b’mod li s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali huma soġġetti għad-dritt ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar punti legali biss. L-appell jista’ jsir minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali, ksur tal-proċedura li jaffettwa ħażin l-interessi tal-appellant jew il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali. Jekk l-appell ikun iġġustifikat u proċeduralment ammissibbli, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tiġi revokata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk il-kwistjoni tkun tajba għal deċiżjoni tal-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti is-sentenza proprja tagħha; inkella, hija trid tirrinvija l-kwistjoni lura lill-Qorti Ġenerali, li tkun marbuta bil-valutazzjoni legali tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Protezzjoni legali proviżorja (l-Artikoli 278 u 279 tat-TFUE)
Ir-rikorsi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, jew l-appelli ppreżentati kontra s-sentenzi tagħhom, m’għandhomx effett ta’ sospensjoni. Madankollu, huwa possibbli li wieħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali għal ordni biex tissospendi l-applikazzjoni tal-att ikkontestat (l-Artikolu 278 tat-TFUE) jew għal ordni interim tal-qorti (l-Artikolu 279 tat-TFUE).
Il-merti ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal miżuri interim jiġu valutati mill-qrati abbażi tat-tliet kriterji li ġejjin: 1. il-prospett ta’ suċċess fuq il-kwistjoni prinċipali (fumus boni juris): dan jiġi valutat mill-qorti f’eżami preliminari fil-qosor tal-argumenti ppreżentati mill-appellant; 2. l-urġenza tal-ordni: din tiġi valutata fuq il-bażi ta’ jekk l-ordni mitluba mill-appellant tkunx meħtieġa sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli. Il-kriterji użati biex issir din il-valutazzjoni jinkludu n-natura u l-gravità tal-ksur, u l-effetti negattivi speċifiċi u irriversibbli tiegħu fuq il-proprjetà tal-appellant u oġġetti oħra ta’ protezzjoni legali. It-telf finanzjarju jitqies li jkun ta’ natura serja u irreparabbli biss jekk dan ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat anki jekk l-appellant ikollu suċċess fil-proċedimenti ewlenin; 3. valutazzjoni tal-interessi: l-effetti negattivi li x’aktarx isofri l-appellant jekk l-applikazzjoni għal ordni interim tiġi miċħuda jiġu valutati mal-interess tal-UE fl-implimentazzjoni immedjata tal-miżura, u mal-effetti detrimentali fuq partijiet terzi kieku kellha tinħareġ l-ordni interim.
Deċiżjonijiet preliminari (l-Artikolu 267 tat-TFUE)
Din hija l-proċedura li biha l-qrati nazzjonali jistgħu jfittxu gwida dwar id-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta qorti nazzjonali tkun meħtieġa tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’kawża quddiemha, hija tista’ twaqqaf il-proċedimenti u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika dwar il-validità tal-istrument tal-Unjoni inkwistjoni u/jew l-interpretazzjoni tal-istrument u tat-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fil-forma ta’ sentenza pjuttost milli opinjoni konsultattiva; dan jenfasizza n-natura vinkolanti tad-deċiżjoni tagħha. Il-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari, b’differenza mill-proċeduri l-oħra kkunsidrati hawnhekk, mhijiex proċedura kontenzjuża iżda sempliċiment stadju wieħed fil-proċeduri li jibdew u jispiċċaw fil-qrati nazzjonali.
L-għan ta’ din il-proċedura huwa qabelxejn li tiġi assigurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u b’hekk l-unità tal-ordni ġuridiku tal-UE. Flimkien mal-funzjoni tal-aħħar, il-proċedura hija ta’ importanza wkoll fil-protezzjoni tad-drittijiet individwali. Il-qrati nazzjonali jistgħu jivvalutaw biss il-kompatibbiltà tal-liġi nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni u, f’każ ta’ kwalunkwe inkompatibbiltà, jinfurzaw id-dritt tal-Unjoni – li jieħu l-preċedenza u japplika direttament – jekk il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jkunu stabbiliti b’mod ċar. Din iċ-ċarezza normalment tista’ tinkiseb biss b’deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jfisser li l-proċeduri għal tali deċiżjoni joffru liċ-ċittadini tal-Unjoni opportunità sabiex jikkontestaw azzjonijiet tal-Istat Membru proprju tagħhom li jkunu qegħdin jiksru d-dritt tal-UE u jassiguraw l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali. Din il-funzjoni doppja tal-proċeduri ta’ deċiżjoni preliminari tikkumpensa sa ċertu punt għar-restrizzjonijiet biex individwi jippreżentaw direttament rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk hija kruċjali għall-protezzjoni legali tal-individwu. Madankollu, is-suċċess f’dawn il-proċedimenti jiddependi fl-aħħar mill-aħħar minn kemm l-imħallfin u l-qrati nazzjonali jkunu “ħerqana” li jirrinvijaw każijiet lil awtorità ogħla.
Suġġett: Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni u teżamina l-validità tal-atti ta’ importanza legali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali ma jistgħux ikunu soġġetti għal deċiżjoni preliminari. Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex is-setgħa sabiex tinterpreta l-liġi nazzjonali jew tivvaluta l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Dan il-fatt spiss jiġi injorat fil-kwistjonijiet rinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi mitluba teżamina bosta kwistjonijiet li jirrigwardaw speċifikament il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, jew li tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni fi proċeduri pendenti quddiem qorti nazzjonali. Għalkemm dawn il-kwistjonijiet fil-fatt huma proċeduralment inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrinvijahomx sempliċement lura lill-qorti nazzjonali; minflok, hija tinterpreta mill-ġdid il-kwistjoni rinvijata lilha bħala talba mill-qorti tar-rinviju għal kriterji bażiċi jew essenzjali għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni inkwistjoni, biex hekk il-qorti nazzjonali tkun tista’ tagħti l-valutazzjoni proprja tagħha tal-kompatibbiltà bejn id-dritt nazzjonali u dak tal-Unjoni. Il-proċedura adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija li toħroġ mid-dokumentazzjoni ppreżentata – b’mod partikolari r-raġunijiet għar-rinviju – dawk l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jridu jiġu interpretati għall-finijiet tat-tilwima legali sottostanti.
Kapaċità li jipproċedu: Il-proċedura hija disponibbli għall-“qrati tal-Istati Membri” kollha. Din l-espressjoni għandha tinftiehem skont it-tifsira tad-dritt tal-Unjoni u tiffoka mhux fuq l-isem iżda pjuttost fuq il-funzjoni u l-pożizzjoni okkupati minn korp ġudizzjarju fi ħdan is-sistemi ta’ protezzjoni legali fl-Istati Membri. Fuq din il-bażi, “qrati” huma mifhuma li jfissru l-istituzzjonijiet indipendenti kollha (jiġifieri mhux soġġetti għal struzzjonijiet) li għandhom is-setgħa li jsolvu tilwim fi stat kostituzzjonali bi proċess dovut tal-liġi. Skont din id-definizzjoni, il-qrati kostituzzjonali fl-Istati Membri u l-awtoritajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim barra s-sistema ġudizzjarja tal-istat – iżda mhux it-tribunali privati tal-arbitraġġ – huma intitolati wkoll li jirrinvijaw każijiet. Id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali dwar jekk tagħmilx rinviju jew le tiddependi fuq ir-rilevanza tal-punt tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha, li hija kwistjoni li trid tivvalutaha l-qorti nazzjonali. Il-partijiet jistgħu biss jitolbuha, iżda mhux jesiġuha li tirrinvija każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ir-rilevanza tal-punt f’termini biss ta’ jekk il-kwistjoni kkonċernata tkunx suxxettibbli għal rinviju (jiġifieri jekk fil-fatt tirrigwardax l-interpretazzjoni tat-Trattati tal-Unjoni jew il-validità legali ta’ att minn istituzzjoni tal-Unjoni) jew jekk tkunx involuta kwistjoni legali ġenwina (jiġifieri jekk il-kwistjonijiet li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja trid tagħti l-opinjoni legali tagħha f’deċiżjoni preliminari jkunux biss ipotetiċi jew jirrigwardawx punt tal-liġi li diġà jkun ġie deċiż). Huwa eċċezzjonali li l-Qorti tirrifjuta li tikkunsidra kwistjoni għal dawn ir-raġunijiet għaliex, minħabba l-importanza speċjali tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-Qorti teżerċita kontroll fuqha nnifisha meta tapplika dawn il-kriterji. Madankollu, is-sentenzi riċenti tal-Qorti juru li din saret aktar stretta fir-rigward tal-eliġibbiltà għar-rinviju minħabba li hija partikolari ħafna dwar ir-rekwiżit diġà stabbilit li l-ordni għar-rinviju jkun fiha spjegazzjoni suffiċjentement ċara u dettaljata tal-isfond fattwali u legali tal-proċeduri oriġinali, u li jekk ma tingħatax din l-informazzjoni, hija tiddikjara ruħha li ma tistax tagħti interpretazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni u tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli.
Obbligu ta’ rinviju: Qorti jew tribunal nazzjonali li fil-liġi nazzjonali ma jkun hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tagħhom, huma obbligati jagħmlu rinviju. Il-kunċett tad-dritt ta’ appell jinkludi l-forom kollha ta’ rimedju legali li permezz tagħhom deċiżjoni tal-qorti tista’ tiġi rieżaminata fil-fatt u fil-liġi (appell) jew biss fil-liġi (appell fuq punti tal-liġi). Dan il-kunċett, madankollu, ma jinkludix ir-rimedji legali ordinarji b’effetti limitati u speċifiċi (eż. proċedimenti ġodda, ilment kostituzzjonali). Qorti obbligata li tirrinvija każ tista’ tevita tali rinviju biss jekk il-kwistjoni ma tkun tal-ebda importanza materjali għall-eżitu tal-każ quddiemha jew tkun diġà ġiet imwieġba mill-Qorti tal-Ġustizzja jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tkunx miftuħa għal dubju raġonevoli. Madankollu, l-obbligu ta’ rinviju huwa inkondizzjonali meta tkun ikkontestata l-validità ta’ strument tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha pjuttost ċara f’dan ir-rigward li hija biss għandha s-setgħa li tirrifjuta dispożizzjonijiet illegali tad-dritt tal-Unjoni. Il-qrati nazzjonali għalhekk iridu japplikaw u jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni sakemm dan jiġi ddikjarat mhux validu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Japplika arranġament speċjali għall-qrati fi proċedimenti għall-għoti ta’ protezzjoni legali proviżorja. Skont sentenzi riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-qrati għandhom is-setgħa, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, li jissospendu l-infurzar ta’ att amministrattiv nazzjonali li jirriżulta minn regolament tal-Unjoni, jew li joħorġu ordnijiet interim sabiex jiddeterminaw provviżorjament l-arranġamenti tar-relazzjonijiet legali waqt li jinjoraw dispożizzjoni eżistenti tad-dritt tal-Unjoni.
In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ rinviju jikkostitwixxi ksur tat-Trattati tal-Unjoni, li jista’ jagħmel lill-Istat Membru kkonċernat suxxettibbli għal proċeduri ta’ ksur. Madankollu, fil-prattika l-effetti ta’ azzjoni bħal din huma limitati ħafna, billi l-gvern tal-Istat Membru kkonċernat ma jista’ jikkonforma mal-ebda ordni maħruġa mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-indipendenza tal-ġudikatura tiegħu u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat ifisser li huwa ma jistax jagħti istruzzjonijiet lill-qrati nazzjonali. Issa li ġie rikonoxxut il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni, għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dan id-dritt (ara s-sezzjoni li jmiss), il-possibbiltà li individwi jippreżentaw rikorsi għad-danni li setgħu rriżultaw għaliex l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ rinviju, toffri prospetti ta’ suċċess aħjar.
Effett: Id-deċiżjoni preliminari, maħruġa fil-forma ta’ ordni tal-qorti, torbot direttament lill-qorti tar-rinviju u lill-qrati l-oħra kollha li jkunu qegħdin jisimgħu l-istess każ. Fil-prattika hija għandha wkoll status għoli ħafna bħala preċedent għal kawżi sussegwenti ta’ natura simili.
Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni
Ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni mġarrba minn individwi b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil dak l-Istat kienet stabbilita fil-prinċipju mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Marzu 1996 fil-Kawżi Magħquda C-46/93 Brasserie du pêcheur u C-48/93 Factortame. Din kienet sentenza li tistabbilixxi preċedent fuq l-istess livell ta’ sentenzi preċedenti tal-Qorti dwar il-preminenza tad-dritt tal-Unjoni, l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u r-rikonoxximent tas-sett ta’ drittijiet fundamentali tal-Unjoni nnifisha. Is-sentenza saħansitra tissejjaħ mill-Qorti nnifisha bħala “l-korollarju neċessarju tal-effett dirett tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li l-ksur tagħhom ikun ikkawża d-dannu sofrut”, u ttejjeb b’mod konsiderevoli l-possibbiltajiet ta’ individwu li jġiegħel l-organi Statali tat-tliet ċentri kollha tal-poter (jiġifieri l-leġiżlattiv, l-eżekuttiv u l-ġudikatura) jikkonformaw ma’ u jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Is-sentenza hija żvilupp ulterjuri tad-deċiżjonijiet tal-Qorti fi Francovich u Bonifaci. Filwaqt li s-sentenzi preċedenti kienu jillimitaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal każijiet fejn l-individwi jkunu sofrew dannu minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni fi żmien xieraq ta’ direttiva li tagħtihom drittijiet personali iżda li ma tkunx indirizzata direttament lilhom, l-aħħar sentenza stabbiliet il-prinċipju tar-responsabbiltà ġenerali li jinkludi kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil Stat Membru.
Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni hija definita minn tliet kriterji li huma fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dawk li japplikaw għall-Unjoni f’sitwazzjoni simili:
- l-għan tad-dispożizzjoni tal-Unjoni li tkun inkisret għandu jkun li tagħti drittijiet lill-individwu;
- il-ksur irid ikun suffiċjentement serju, jiġifieri Stat Membru jrid ikun qabeż b’mod ċar il-limiti tas-setgħat diskrezzjonali tiegħu b’mod konsiderevoli. Dan irid jiġi deċiż mill-qrati nazzjonali, li għandhom ir-responsabbiltà unika sabiex jivverifikaw il-fatti u jivvalutaw il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja madankollu toffri lill-qrati nazzjonali numru ta’ linji gwida bażiċi:
Il-fatturi li l-qorti kompetenti tista’ tikkunsidra jinkludu ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura, l-ammont ta’ diskrezzjoni mħolli minn dik ir-regola lill-awtoritajiet nazzjonali jew tal-[Unjoni], jekk il-ksur u d-dannu kkawżat kienx intenzjonat jew involontarju, jekk kwalunkwe żball tal-liġi kienx skużabbli jew mhux skużabbli, il-fatt li l-pożizzjoni meħuda minn istituzzjoni [tal-Unjoni] setgħet ikkontribwiet għall-ommissjoni, u l-adozzjoni taż-żamma ta’ miżuri jew prattiċi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt [tal-Unjoni]. Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt [tal-Unjoni] ikun b’mod ċar suffiċjentement serju jekk dan ikun ippersista minkejja sentenza li tikkonstata li l-ksur inkwistjoni jkun stabbilit, jew deċiżjoni preliminari jew ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti dwar il-kwistjoni li minnha jkun ċar li l-imġiba inkwistjoni kienet tikkostitwixxi ksur.”
- Trid tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu tal-Istat Membru u d-dannu mġarrab mill-parti danneġġjata. Mhuwiex meħtieġ li jintwera t-tort (intenzjoni jew negliġenza) minbarra li jiġi stabbilit li seħħ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha pjuttost ċara li l-prinċipji stabbiliti minnha sabiex tiġi determinata r-responsabbiltà japplikaw ukoll għall-aħħar waħda mit-tliet setgħat ċentrali, jiġifieri l-ġudikatura. Is-sentenzi tagħha issa mhumiex soġġetti biss għal rieżami fl-istadji suċċessivi tal-appell; jekk dawn ikunu ngħataw b’diżrispett jew ksur tad-dritt tal-Unjoni, dawn jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ rikors għad-danni quddiem il-qrati kompetenti fl-Istati Membri. Fl-aċċertament tal-fatti dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa ta’ sentenza, il-proċedimenti ta’ dan it-tip iridu jirrikunsidraw ukoll il-kwistjonijiet relatati mas-sustanza tad-dritt tal-Unjoni, li fil-proċess tagħhom il-qorti kkonċernata ma tistax tinvoka biss l-effetti vinkolanti tas-sentenza tal-qorti speċjalizzata li lilha jiġi rinvijat il-każ. Il-qorti li lilha l-qrati nazzjonali kompetenti jridu jirrinvijaw kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u/jew tal-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll tal-kompatibbiltà tar-reġimi ta’ responsabbiltà nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, hija għal darba oħra l-Qorti tal-Ġustizzja, li lilha jistgħu jiġu rinvijati kwistjonijiet skont il-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari (l-Artikolu 267 tat-TFUE). Madankollu, ir-responsabbiltà għal ksur permezz ta’ sentenza se tibqa’ l-eċċezzjoni. Minħabba l-kundizzjonijiet stretti marbuta, ir-responsabbiltà tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk qorti tinjora apposta d-dritt tal-Unjoni jew, bħal fil-kawża Köbler, qorti tal-aħħar istanza, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, tagħti saħħa legali lil deċiżjoni għad-detriment tal-individwu mingħajr ma qabel tkun talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara s-sitwazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li jkun rilevanti għad-deċiżjoni. F’dan il-każ tal-aħħar, huwa essenzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni li jinvokaw id-dritt tal-Unjoni, li d-danni kkawżati lilhom minn qorti tal-aħħar istanza jiġu kkumpensati.
IL-POŻIZZJONI TAD-DRITT TAL-UNJONI FIR-RIGWARD TAL-ORDNI LEGALI ĠENERALI
Wara dak kollu li sirna nafu dwar l-istruttura tal-UE u l-istruttura legali tagħha, mhuwiex faċli wieħed jassenja lid-dritt tal-Unjoni l-post leġittimu tiegħu fl-ordni ġuridiku ġenerali u jiddefinixxi l-konfini bejnu u ordnijiet legali oħra. Żewġ approċċi possibbli għall-klassifikazzjoni tiegħu jridu jiġu mwarrba mill-bidu nett. Id-dritt tal-Unjoni m’għandux jitqies bħala sempliċi ġabra ta’ ftehimiet internazzjonali, u lanqas ma jista’ jitqies bħala parti minn, jew appendiċi għal, is-sistemi legali nazzjonali.
L-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-UE
Bl-istabbiliment tal-Unjoni, l-Istati Membri llimitaw is-sovranità leġiżlattiva tagħhom u b’dan il-mod ħolqu korp awtonomu ta’ liġi li jorbot lilhom, liċ-ċittadini tagħhom u lill-qrati tagħhom.
Waħda mill-aktar kawżi magħrufa mismugħa fil-Qorti tal-Ġustizzja kienet Costa vs ENEL fl-1964, li fiha s-Sur Costa ppreżenta rikors kontra n-nazzjonalizzazzjoni tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, u t-trasferiment konsegwenti tan-negozju tal-kumpaniji tal-elettriku preċedenti fl-ENEL, il-korporazzjoni pubblika ġdida.
L-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-UE hija ta’ importanza fundamentali għan-natura tal-UE, billi hija l-unika garanzija li d-dritt tal-Unjoni mhux se jiġi mdgħajjef bl-interazzjoni mal-liġi nazzjonali, u li se japplika b’mod uniformi madwar l-Unjoni kollha. Din hija r-raġuni għaliex il-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni huma interpretati fid-dawl tal-għanijiet tal-ordni ġuridiku tal-UE u tal-Unjoni b’mod ġenerali. Din l-interpretazzjoni speċifika għall-Unjoni hija indispensabbli, billi drittijiet partikolari huma garantiti mid-dritt tal-Unjoni u mingħajru dawn ikunu pperikolati, billi kull Stat Membru mbagħad ikun jista’, billi jinterpreta d-dispożizzjonijiet b’modi differenti, jiddeċiedi individwalment dwar is-sustanza tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni suppost jiggarantixxi. Eżempju ta’ dan huwa l-kunċett ta’ “ħaddiem”, li fuqu huwa bbażat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett tal-moviment liberu. Il-kunċett speċifiku ta’ ħaddiem, tal-Unjoni, jista’ pjuttost jiddevja mill-kunċetti li huma magħrufa u applikati fl-ordnijiet legali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-uniku standard li bih jitkejlu l-istrumenti legali tal-Unjoni huwa d-dritt tal-Unjoni nnifsu, u mhux il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew id-dritt kostituzzjonali.
Fl-isfond ta’ dan il-kunċett tal-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-UE, x’inhi r-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali?
Anki jekk id-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi ordni ġuridiku awtosuffiċjenti fir-rigward tal-ordnijiet legali tal-Istati Membri, din is-sitwazzjoni m’għandhiex titqies bħala waħda fejn l-ordni ġuridiku tal-UE u s-sistemi legali tal-Istati Membri huma superimposti fuq xulxin bħas-saffi ta’ sodda tal-blat. Il-fatt li huma japplikaw għall-istess persuni, li b’hekk isiru simultanjament ċittadini ta’ Stat nazzjonali u tal-UE, ineħħi tali demarkazzjoni riġida ta’ dawn l-ordnijiet legali. It-tieni, approċċ bħal dan jinjora l-fatt li d-dritt tal-Unjoni jista’ jsir operattiv biss jekk jifforma parti mill-ordnijiet legali tal-Istati Membri. Il-verità hija li l-ordni ġuridiku tal-UE u l-ordnijiet legali nazzjonali huma interkonnessi u interdipendenti.
Interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali
Dan l-aspett tar-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali jkopri dawk l-oqsma fejn iż-żewġ sistemi jikkumplimentaw lil xulxin. L-Artikolu 4(3) tat-TUE huwa ċar biżżejjed:
Skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu. L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni.”
Dan il-prinċipju ġenerali tal-kooperazzjoni leali kien ispirat minn għarfien li l-ordni ġuridiku tal-UE waħdu mhuwiex kapaċi jilħaq b’mod sħiħ l-għanijiet segwiti mill-istabbiliment tal-UE. B’differenza minn ordni ġuridiku nazzjonali, l-ordni ġuridiku tal-UE mhuwiex sistema awtonoma iżda jiddependi fuq l-appoġġ tas-sistemi nazzjonali għall-funzjonament tiegħu. It-tliet fergħat kollha tal-gvern – il-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura – għalhekk iridu jirrikonoxxu li l-ordni ġuridiku tal-UE mhuwiex sistema “barranija” u li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbilew rabtiet indissolubbli bejniethom biex jilħqu l-għanijiet komuni tagħhom. L-UE mhijiex biss komunità ta’ interessi; hija komunità bbażata fuq is-solidarjetà. Għalhekk l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa mhux biss li josservaw it-Trattati tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni sekondarja; huma jridu wkoll jimplimentawhom u jagħtuhom il-ħajja. L-interazzjoni bejn iż-żewġ sistemi tant fiha faċċati li hemm bżonn ta’ ftit eżempji.
L-ewwel eżempju ta’ kif l-ordnijiet legali tal-UE u dawk nazzjonali jingħaqdu u jikkumplimentaw lil xulxin hija d-direttiva, li diġà ġiet trattata fil-kapitolu dwar il-leġiżlazzjoni. Kulma tistabbilixxi d-direttiva nnifisha f’termini vinkolanti huwa r-riżultat li jrid jintlaħaq mill-Istat Membru; huma l-awtoritajiet nazzjonali, permezz tal-liġi domestika, li jridu jiddeċiedu kif u b’liema mezzi fil-fatt jintlaħaq ir-riżultat. Fil-qasam ġudizzjarju, iż-żewġ sistemi jitħalltu permezz tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 267 tat-TFUE, fejn il-qrati nazzjonali jistgħu, jew xi kultant ikollhom, jirrinvijaw mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-deċiżjoni tagħha tista’ tkun deċiżiva sabiex tissolva t-tilwima quddiemhom. Żewġ affarijiet huma ċari: l-ewwel, il-qrati fl-Istati Membri huma meħtieġa li josservaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni; u t-tieni, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u d-dikjarazzjonijiet dwar il-validità tiegħu jistgħu jsiru biss mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-interdipendenza tad-dritt tal-UE u l-liġi nazzjonali hija illustrata ulterjorment minn dak li jseħħ meta jkunu jridu jimtlew lakuni fid-dritt tal-UE. Id-dritt tal-Unjoni jirreferi lura għar-regoli eżistenti tal-liġi nazzjonali sabiex jikkompleta r-regoli li jistabbilixxi huwa stess. Minn ċertu punt ’il quddiem, id-destin ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għalhekk jiġi determinat mid-dispożizzjonijiet rispettivi tal-liġi nazzjonali. Dan il-prinċipju japplika għall-firxa sħiħa tal-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni sakemm dan tal-aħħar ma jkunx stabbilixxa regoli għall-infurzar tiegħu stess. Fi kwalunkwe każ bħal dan, l-awtoritajiet nazzjonali jinfurzaw id-dritt tal-Unjoni bid-dispożizzjonijiet tas-sistemi legali proprji tagħhom. Imma dan il-prinċipju huwa soġġett għal kundizzjoni waħda: l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni trid tiġi ppreservata, għaliex ikun kompletament inaċċettabbli li ċ-ċittadini u l-impriżi jiġu ġġudikati bi kriterji differenti – u għalhekk jiġu ttrattati b’mod inġust.
Kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali
Madankollu, ir-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali hija kkaratterizzata wkoll minn “nuqqas ta’ qbil” jew kunflitt okkażjonali bejn l-ordni ġuridiku tal-Unjoni u l-ordnijiet legali nazzjonali. Sitwazzjoni bħal din dejjem tinħoloq meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tagħti drittijiet u timponi obbligi direttament fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni filwaqt li l-kontenut tagħha ma jaqbilx ma’ regola tal-liġi nazzjonali. Moħbija wara dan il-qasam problematiku apparentement sempliċi hemm żewġ kwistjonijiet fundamentali li fuqhom hija msejsa l-kostruzzjoni tal-UE, li t-tweġibiet għalihom kienu destinati li jsiru t-test kritiku għall-eżistenza tal-ordni ġuridiku tal-UE, jiġifieri: l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-Unjoni u l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi nazzjonali f’kunflitt.
Applikabbiltà diretta tad-dritt tal-unjoni għal-liġi nazzjonali
L-ewwel nett, il-prinċipju tal-applikabbiltà diretta sempliċement ifisser li d-dritt tal-Unjoni jagħti drittijiet u jimponi obbligi direttament mhux biss fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri iżda wkoll fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni.
Waħda mill-kisbiet eċċezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li din infurzat l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-Unjoni minkejja r-reżistenza inizjali ta’ ċerti Stati Membri, u b’hekk iggarantiet l-eżistenza tal-ordni ġuridiku tal-UE. Il-ġurisprudenza tagħha dwar dan il-punt bdiet b’kawża li diġà ssemmiet, jiġifieri dik tal-kumpanija Olandiża tat-trasport Van Gend & Loos. Il-kumpanija ressqet rikors f’qorti Olandiża kontra l-awtoritajiet doganali Olandiżi, li kienu imponew dazji doganali miżjuda fuq prodott kimiku importat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fl-aħħar mill-aħħar, l-eżitu ta’ dawn il-proċedimenti kien jiddependi minn jekk l-individwi wkoll jistgħux jinvokaw l-Artikolu 12 tat-Trattat KEE, li jipprojbixxi speċifikament l-introduzzjoni mill-Istati Membri ta’ dazji doganali ġodda u ż-żieda tad-dazji eżistenti fis-suq komuni. Minkejja l-parir ta’ diversi gvernijiet u tal-Avukat Ġenerali tagħha, il-Qorti ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura u l-objettiv tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienu direttament applikabbli fil-każijiet kollha. Fir-raġunijiet għas-sentenza tagħha, il-Qorti ddikjarat li:
… il-Komunità tikkostitwixxi ordni ġuridiku ġdid… li s-suġġetti tiegħu jinkludu mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom. B’mod indipendenti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, id-dritt Komunitarju mhux biss jimponi obbligi fuq l-individwi iżda huwa maħsub ukoll biex jagħtihom drittijiet. Dawn id-drittijiet jirriżultaw mhux biss meta jkunu mogħtija b’mod espliċitu mit-Trattat, iżda wkoll minħabba l-obbligi li t-Trattat jimponi b’mod definit b’mod ċar fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità.”
Dik id-dikjarazzjoni kategorika, madankollu, ma twassalniex ’il bogħod wisq, billi tibqa’ l-mistoqsija ta’ liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma direttament applikabbli. Il-Qorti qabelxejn eżaminat din il-kwistjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni primarja tal-Unjoni u ddikjarat li l-individwi jistgħu jkunu direttament soġġetti għad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati tal-Unjoni li (i) jistabbilixxu kundizzjonijiet assoluti, (ii) ikunu kompleti fihom infushom u awtonomi f’termini legali u għalhekk (iii) ma jkunu jeħtieġu l-ebda azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu mħarsa jew jakkwiżixxu effett legali.
Il-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 12 KEE preċedenti kien jissodisfa dawn il-kriterji, u li l-kumpanija Van Gend & Loos għalhekk setgħet ukoll tikseb drittijiet minnu li l-qorti fin-Netherlands kienet obbligata tissalvagwardja, u b’konsegwenza ta’ dan, il-qorti Olandiża invalidat id-dazji doganali imposti bi ksur tat-Trattat. Sussegwentement, il-Qorti kompliet tapplika dan ir-raġunament fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat KEE li huma ta’ importanza ferm akbar għaċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 12. Is-sentenzi li huma partikolarment notevoli hawnhekk jirrigwardaw l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu (l-Artikolu 45 tat-TFUE), il-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE) u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 56 tat-TFUE).
Fir-rigward tal-garanziji dwar il-libertà tal-moviment, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza li ddikjarathom direttament applikabbli fil-kawża Van Duyn. Il-fatti ta’ din il-kawża kienu dawn. Is-Sinjura Van Duyn, ċittadina Olandiża, f’Mejju 1973 kienet rifjutata l-permess li tidħol fir-Renju Unit biex tibda taħdem bħala segretarja mal-Knisja ta’ Scientology, organizzazzjoni meqjusa mill-Home Office bħala “soċjalment ta’ ħsara”. Billi invokat ir-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema, is-Sinjura van Duyn ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Superjuri, fejn talbet deċiżjoni li hija kellha d-dritt li toqgħod fir-Renju Unit għall-iskop ta’ impjieg u li titħalla tidħol fir-Renju Unit. Bi tweġiba għal mistoqsija rinvijata mill-Qorti Superjuri, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 48 tat-Trattat KEE (issa l-Artikolu 45 tat-TFUE) kien direttament applikabbli u għalhekk kien jagħti lill-individwi drittijiet li huma infurzabbli quddiem il-qrati ta’ Stat Membru.
Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba mill-Conseil d’État Belġjan biex tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-libertà tal-istabbiliment. Il-Conseil d’État kellu jiddeċiedi dwar rikors imressaq minn avukat, J. Reyners, li xtaq jasserixxi d-drittijiet tiegħu li joħorġu mill-Artikolu 52 tat-Trattat KEE (l-Artikolu 49 tat-TFUE). Is-Sur Reyners ħassu obbligat li jressaq ir-rikors wara li dan kien ġie miċħud l-ammissjoni fil-professjoni legali fil-Belġju minħabba n-nazzjonalità barranija tiegħu, minkejja l-fatt li kien għadda mill-eżamijiet meħtieġa Belġjani. Fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 1974, il-Qorti sostniet li t-trattament mhux ugwali taċ-ċittadini nazzjonali u l-barranin fir-rigward tal-istabbiliment ma setax jinżamm aktar, billi l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE kien direttament applikabbli mit-tmiem tal-perjodu tranżitorju u għalhekk dan kien jagħti d-dritt liċ-ċittadini tal-Unjoni li jibdew u jwettqu impjieg bi ħlas fi Stat Membru ieħor bl-istess mod bħal ċittadin ta’ dak l-Istat. B’riżultat ta’ din is-sentenza, is-Sur Reyners kellu jiġi ammess fil-professjoni legali fil-Belġju.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat opportunità fil-kawża Van Binsbergen sabiex tistabbilixxi speċifikament l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dawn il-proċedimenti kienu jinvolvu, fost affarijiet oħra, il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni legali Olandiża li skontha persuni abitwalment residenti fl-Olanda biss setgħu jaġixxu bħala rappreżentanti legali quddiem qorti tal-appell kinitx kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-Qorti ddeċidiet li din ma kinitx kompatibbli għar-raġuni li r-restrizzjonijiet kollha li ċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jkunu suġġetti għalihom minħabba n-nazzjonalità jew il-post tar-residenza tagħhom jiksru l-Artikolu 59 tat-Trattat KEE (l-Artikolu 56 tat-TFUE) u għalhekk huma nulli.
Ta’ importanza konsiderevoli wkoll f’termini prattiċi huwa r-rikonoxximent tal-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikolu 41 tat-TFUE), il-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa (l-Artikolu 157 tat-TFUE), il-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni (l-Artikolu 25 tat-TFUE) u l-libertà tal-kompetizzjoni (l-Artikolu 101 tat-TFUE).
Rigward il-leġiżlazzjoni sekondarja, il-kwistjoni tal-applikabbiltà diretta tinħoloq biss fir-rigward tad-direttivi u d-deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri, minħabba li r-regolamenti u d-deċiżjonijiet indirizzati lill-individwi diġà jidderivaw l-applikabbiltà diretta tagħhom mit-Trattati tal-Unjoni (l-Artikolu 288(2) u (4) tat-TFUE). Mill-1970, il-Qorti estendiet il-prinċipji tagħha dwar l-applikabbiltà diretta għad-dispożizzjonijiet fid-direttivi u d-deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri.
L-importanza prattika tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni fil-forma li ġie żviluppat u mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tista’ tiġi enfasizzata żżejjed. Huwa jtejjeb il-pożizzjoni tal-individwu billi jibdel il-libertajiet tas-suq komuni fi drittijiet li jistgħu jiġu infurzati f’qorti nazzjonali. L-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni għalhekk huwa wieħed mill-pilastri tal-ordni ġuridiku tal-UE.
Preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi nazzjonali
L-applikabbiltà diretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni twassal għal mistoqsija oħra daqstant ieħor fundamentali: x’jiġri jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni toħloq drittijiet u obbligi diretti għaċ-ċittadin tal-Unjoni u b’hekk tiġi f’kunflitt ma’ regola tal-liġi nazzjonali?
Tali kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali jista’ jiġi solvut biss jekk waħda tagħti l-preċedenza lill-oħra. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma fiha l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar il-kwistjoni. L-ebda wieħed mit-Trattati tal-Unjoni ma fih dispożizzjoni li tgħid, pereżempju, li d-dritt tal-Unjoni jirbaħ fuq jew li huwa subordinat għal-liġi nazzjonali. Madankollu, l-uniku mod biex jiġu solvuti l-kunflitti bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali huwa li d-dritt tal-Unjoni jingħata l-preminenza u jitħalla jirbaħ fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha li jiddevjaw minn regola tal-Unjoni u jieħu posthom fl-ordnijiet legali nazzjonali. Wara kollox, ftit jifdal mill-ordni ġuridiku tal-UE kieku dan kellu jiġi subordinat għal-liġi nazzjonali. Ir-regoli tal-Unjoni jistgħu jitwarrbu bi kwalunkwe liġi nazzjonali. Ma jkunx hemm aktar kwistjoni tal-applikazzjoni uniformi u ugwali tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha. L-UE ma tkunx tista’ lanqas twettaq il-kompiti fdati lilha mill-Istati Membri. Il-kapaċità tal-Unjoni li tiffunzjona tkun ipperikolata, u l-bini ta’ sistema komuni ta’ dritt Ewropew li fuqha jistrieħu tant tamiet qatt ma jintlaħaq.
Ma teżisti l-ebda problema bħal din fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-dritt internazzjonali u l-liġi nazzjonali. Minħabba li d-dritt internazzjonali ma jsirx parti mill-ordni ġuridiku proprju ta’ pajjiż qabel ma dan jiġi assorbit permezz ta’ att ta’ inkorporazzjoni jew traspożizzjoni, il-kwistjoni tal-preminenza tiġi deċiża abbażi tal-liġi nazzjonali waħedha. Skont l-ordni ta’ preċedenza attribwita lid-dritt internazzjonali minn sistema legali nazzjonali, dan jista’ jieħu preċedenza fuq il-liġi kostituzzjonali, jiġi kklassifikat bejn il-liġi kostituzzjonali u l-liġi statutorja ordinarja, jew sempliċement ikollu l-istess status bħal-liġi statutorja. Ir-relazzjoni bejn id-dritt internazzjonali inkorporat jew traspost u l-liġi nazzjonali tiġi determinata bl-applikazzjoni tar-regola li biha d-dispożizzjonijiet legali adottati l-aħħar jirbħu fuq dawk li kienu fis-seħħ qabel (lex posterior derogat legi priori). Madankollu, dawn ir-regoli nazzjonali dwar il-kunflitt tal-liġijiet ma japplikawx għar-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, minħabba li d-dritt tal-Unjoni ma jifforma parti mill-ebda ordni ġuridiku nazzjonali. Kwalunkwe kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali jista’ jiġi solvut biss abbażi tal-ordni ġuridiku tal-UE.
Għal darba oħra reġgħet kienet il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ dawn l-implikazzjonijiet, li tistabbilixxi – minkejja l-oppożizzjoni minn diversi Stati Membri – il-prinċipju tal-preminenza tad-dritt tal-Unjoni li huwa essenzjali għall-eżistenza tal-ordni ġuridiku tal-UE. B’dan il-mod, hija stabbiliet it-tieni pilastru tal-ordni ġuridiku tal-UE flimkien mal-applikabbiltà diretta, li finalment kellu jittrasforma dak l-ordni ġuridiku fi struttura solida.
F’Costa vs ENEL, il-Qorti għamlet żewġ osservazzjonijiet importanti dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali:
- L-ewwel: l-Istati Membri ttrasferew definittivament id-drittijiet sovrani lil Komunità maħluqa minnhom, u miżuri unilaterali sussegwenti ma jkunux konsistenti mal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni;
- It-tieni: huwa prinċipju tat-Trattat li l-ebda Stat Membru ma jista’ jikkontesta l-istatus tad-dritt tal-Unjoni bħala sistema applikabbli b’mod uniformi u ġenerali fl-Unjoni kollha.
Minn dan isegwi li: id-dritt tal-Unjoni, li ġie ppromulgat skont is-setgħat stabbiliti fit-Trattati, għandu preminenza fuq kwalunkwe liġi konfliġġenti tal-Istati Membri. Mhux biss huwa aktar b’saħħtu mil-liġi nazzjonali preċedenti, iżda għandu wkoll effett limitattiv fuq il-liġijiet li jiġu adottati wara.
Fl-aħħar mill-aħħar, fis-sentenza tagħha dwar Costa vs ENEL, il-Qorti ma kkontestatx in-nazzjonalizzazzjoni tal-industrija Taljana tal-elettriku, iżda stabbiliet b’mod pjuttost qawwi l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi nazzjonali.
Il-konsegwenza legali ta’ din ir-regola tal-preċedenza hija li, f’każ ta’ kunflitt tal-liġijiet, il-liġi nazzjonali li tkun qiegħda tikser id-dritt tal-Unjoni ma tibqax tapplika u ma tista’ tiġi introdotta l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida sakemm din ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Qorti sostniet b’mod konsistenti din il-konklużjoni u, fil-fatt, żviluppatha f’aspett wieħed. Filwaqt li s-sentenza Costa kienet tirrigwarda biss il-kwistjoni tal-preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġijiet nazzjonali ordinarji, il-Qorti kkonfermat il-prinċipju tal-preminenza wkoll fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt kostituzzjonali nazzjonali. Wara eżitazzjoni inizjali, il-qrati nazzjonali fil-prinċipju aċċettaw l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fin-Netherlands, ma setgħet tinqala’ l-ebda diffikultà xorta waħda, minħabba li l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi statutorja nazzjonali hija stabbilita b’mod ċar fil-kostituzzjoni (l-Artikoli 65 sa 67). Fl-Istati Membri l-oħra, il-prinċipju tal-preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi nazzjonali ġie rikonoxxut bl-istess mod mill-qrati nazzjonali. Madankollu, il-qrati kostituzzjonali tal-Ġermanja u l-Italja fil-bidu rrifjutaw li jaċċettaw il-preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi kostituzzjonali nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni garantita tad-drittijiet fundamentali. Huma rtiraw l-oġġezzjonijiet tagħhom biss wara li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ordni ġuridiku tal-UE kienet laħqet standard li kien jikkorrispondi fis-sustanza għal dak tal-Kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-Qorti Kostituzzjonali Federali tal-Ġermanja għad għandha riżervi dwar l-integrazzjoni ulterjuri, kif għamlitha pjuttost ċara fis-sentenzi tagħha dwar it-Trattat ta’ Maastricht u, aktar riċentement, dwar it-Trattat ta’ Lisbona.
Interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni
Sabiex jiġi evitat il-kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regola tal-preċedenza, il-korpi Statali kollha li speċifikament jimplimentaw jew jiddeċiedu l-liġi jridu inizjalment jibbażaw fuq l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.
Ħa żmien twil mhux ħażin biex il-kunċett tal-interpretazzjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jiġi rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja u inkorporat fl-ordni ġuridiku tal-UE. Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet inizjalment qisitu xieraq li tassigura li l-liġijiet nazzjonali jkunu f’armonija ma’ direttiva biss meta tintalab tagħmel dan mill-qrati nazzjonali, hija stabbiliet l-obbligu li l-liġi nazzjonali tiġi interpretata skont id-direttivi għall-ewwel darba fl-1984 fil-kawża Von Colson u Kamann.Din il-kawża ddeċidiet dwar l-ammont ta’ kumpens li għandu jingħata għad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet legali Ġermaniżi rilevanti kienu jipprovdu biss għal kumpens għall-“Vertrauensschaden” (dipendenza inutli fuq aspettattiva leġittima), id-Direttiva 76/207/KEE tgħid li l-liġi nazzjonali trid tipprovdi għal penali effettivi sabiex ikun assigurat li jiġu pprovduti opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg. Madankollu, billi l-penali rilevanti ma kinux stabbiliti f’aktar dettall, id-direttiva ma setgħetx titqies direttament applikabbli fuq dan il-punt, u kien hemm ir-riskju li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li, għalkemm il-liġi nazzjonali naqset milli tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, ma kien hemm l-ebda bażi biex il-qrati nazzjonali ma jqisux il-liġi nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-qrati nazzjonali kienu obbligati li jinterpretaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fi kwistjonijiet ċivili b’mod li jkun hemm penali effettivi għad-diskriminazzjoni abbażi tas-sess. Kumpens purament simboliku ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ applikazzjoni effettiva tad-direttiva.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tattribwixxi l-bażi legali għall-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni għall-prinċipju ġenerali tal-kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) tat-TUE). Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattat UE jew li jirriżultaw mill-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jitwettqu. L-awtoritajiet nazzjonali għalhekk huma obbligati wkoll li jġibu l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, li hija sekondarja għad-dritt tal-Unjoni, f’konformità mal-formulazzjoni u l-għan tad-dritt tal-Unjoni (id-dmir ta’ kooperazzjoni – il-kawżaPfeiffer). Għall-qrati nazzjonali, dan huwa rifless fir-rwol tagħhom bħala qrati Ewropej fis-sens li huma jassiguraw l-applikazzjoni korretta u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.
Mod partikolari ta’ interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali skont id-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-interpretazzjoni skont id-direttivi, li bih l-Istati Membri huma obbligati li jimplimentaw id-direttivi. Il-professjonisti legali u l-qrati għandhom jgħinu lill-Istati Membri tagħhom jissodisfaw dan l-obbligu b’mod sħiħ billi japplikaw il-prinċipju tal-interpretazzjoni skont id-direttivi. L-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali skont id-direttivi tassigura li jkun hemm konformità mad-direttivi fil-livell li fih tiġi applikata l-liġi, u b’hekk tassigura li l-liġi ta’ implimentazzjoni nazzjonali tiġi interpretata u applikata b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Dan jevita li kwistjonijiet li jkunu għadhom kif ġew armonizzati fuq livell Ewropew permezz ta’ direttiva jiġu differenzjati fil-livell nazzjonali.
Il-limiti ta’ interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni qegħdin fil-formulazzjoni ċara ta’ liġi nazzjonali li ma tkunx miftuħa għall-interpretazzjoni; għalkemm hemm obbligu skont id-dritt tal-Unjoni li l-liġi nazzjonali tiġi interpretata skont id-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali ma tistax tiġi interpretata “contra legem”. Dan japplika wkoll f’każijiet fejn il-leġiżlatur nazzjonali jirrifjuta b’mod espliċitu li jittrasponi direttiva fil-liġi nazzjonali. Il-kunflitt li jirriżulta bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali jista’ jiġi solvut biss permezz ta’ proċedimenti kontra l-Istat Membru kkonċernat għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont it-Trattat (l-Artikolu 258 u 259 tat-TFUE).
KONKLUŻJONIJIET
Xi stampa ġenerali toħroġ tal-ordni ġuridiku tal-UE?
L-ordni ġridiku tal-UE huwa l-bażi vera tal-Unjoni, li jagħtiha sistema komuni ta’ liġi li biha topera. Huwa biss bil-ħolqien u l-ħarsien ta’ liġi ġdida li jistgħu jintlaħqu l-għanijiet fundamentali tal-Unjoni. L-ordni ġuridiku tal-UE diġà wettaq ħafna f’dan ir-rigward. Huwa bis-saħħa mhux l-anqas ta’ dan l-ordni ġuridiku ġdid li l-fruntieri fil-biċċa l-kbira miftuħa, il-kummerċ sostanzjali f’oġġetti u servizzi, il-migrazzjoni tal-ħaddiema u l-għadd kbir ta’ rabtiet transnazzjonali bejn kumpaniji, diġà għamlu s-suq intern Ewropew parti mill-ħajja ta’ kuljum għal 510 miljun ruħ. Karatteristika oħra storikament importanti tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni hija r-rwol tiegħu ta’ paċifikatur. Bl-objettiv tiegħu li jżomm il-paċi u l-libertà, huwa jissostitwixxi l-forza bħala mezz sabiex jiġu solvuti l-kunflitti, b’regoli tal-liġi li jorbtu kemm lill-individwi kif ukoll lill-Istati Membri f’komunità unika. Għaldaqstant, l-ordni ġuridiku tal-Unjoni huwa strument importanti għall-preservazzjoni u l-ħolqien tal-paċi.
Il-komunità tad-dritt tal-Unjoni u l-ordni ġuridiku sottostanti tagħha jistgħu jibqgħu jeżistu biss jekk l-osservanza u s-salvagwarda ta’ dak l-ordni ġuridiku jiġu ggarantiti miż-żewġ pilastri: l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-Unjoni u l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq il-liġi nazzjonali. Dawn iż-żewġ prinċipji, li l-eżistenza u ż-żamma tagħhom hija sostnuta b’mod sod mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiggarantixxu l-applikazzjoni uniformi u prijoritarja tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha.
Minkejja l-imperfezzjonijiet kollha tiegħu, l-ordni ġuridiku tal-UE jagħmel kontribut imprezzabbli għas-soluzzjoni tal-problemi politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni.
IL-ĠURISPRUDENZA KKWOTATA
Id-deċiżjonijiet kollha maħruġa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jistgħu jinstabu fis-sit: www.eur-lex.europa.eu. Barra minn hekk, is-sit EUR-Lex.europa jagħtik ukoll aċċess b’xejn, fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, għal dawn li ġejjin:
- id-dritt tal-UE (it-Trattati, ir-regolamenti, id-direttivi, id-deċiżjonijiet, il-leġiżlazzjoni konsolidata, eċċ. tal-UE),
- il-ħidma preparatorja (proposti leġiżlattivi, rapporti, Green u White Papers, eċċ.),
- il-konvenzjonijiet internazzjonali,
- is-sommarji tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jpoġġu l-atti leġiżlattivi fil-kuntest politiku tagħhom.
In-natura u l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni
Il-kawża 26/62 Van Gend & Loos [1963] ECR 1 (in-natura tad-dritt tal-Unjoni; id-drittijiet u l-obbligi tal-individwi).
Il-kawża 6/64 Costa vs ENEL [1964] ECR 1251 (in-natura tad-dritt tal-Unjoni; l-applikabbiltà diretta, il-preminenza tad-dritt tal-Unjoni).
Il-kawża 14/83 Von Colson u Kamann [1984] ECR 1891 (l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni).
Il-kawża C-213/89 Factortame [1990] ECR I-2433 (l-applikabbiltà diretta u l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni).
Il-kawżi magħquda C-6/90 Francovich u C-9/90 Bonifaci [1991] ECR I-5357 (l-effett tad-dritt tal-Unjoni; ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-Unjoni; hawnhekk: in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva).
Il-kawżi magħquda C-46/93 Brasserie du pêcheur u C-48/93 Factortame [1996] ECR I-1029 (l-effett tad-dritt tal-Unjoni; ir-responsabbiltà ġenerali tal-Istati Membri għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-Unjoni).
Il-kawżi magħquda C-397/01 sa C-403/01 Pfeiffer u oħrajn [2004] ECR I-8835 (l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni).
Is-setgħat tal-UE
Il-kawża 6/76 Kramer [1976] ECR 1279 (ir-relazzjonijiet esterni; l-impenji internazzjonali; l-awtorità tal-UE).
L-Opinjoni 2/91 [1993] ECR I-1061 (id-distribuzzjoni tas-setgħat bejn l-UE u l-Istati Membri).
L-Opinjoni 2/94 [1996] ECR I-1759 (l-adeżjoni tal-KE għall-KEDB; in-nuqqas ta’ setgħat).
L-Opinjoni 2/13 – EU:C:2014:2454 (l-inkompatibbiltà bejn l-abbozz ta’ ftehim dwar l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB u d-dritt tal-UE).
L-effetti tal-atti legali
Il-kawża 2/74 Reyners [1974] ECR 631 (l-applikabbiltà diretta; il-libertà tal-istabbiliment).
Il-kawża 33/74 van Binsbergen [1974] ECR 1299 (l-applikabbiltà diretta; il-forniment ta’ servizzi).
Il-kawża 41/74 van Duyn [1974] ECR 1337 (l-applikabbiltà diretta; il-libertà tal-moviment).
Id-drittijiet fundamentali
Il-kawża 29/69 Stauder [1969] ECR 419 (id-drittijiet fundamentali; il-prinċipji ġenerali tal-liġi).
Il-kawża C-112/00 Eugen Schmidberger [2003] ECR I-5659 (il-moviment liberu tal-merkanzija, id-drittijiet fundamentali).
Il-protezzjoni legali
Il-kawża T-177/01, Jégo-Quéré et Cie vs il-Kummissjoni [2002] ECR II-2265 (lakuna fil-protezzjoni legali f’atti b’effett dirett iżda li huma neqsin mill-interess individwali); il-pożizzjoni differenti meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fl-appell, il-kawża C-263/02 P, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré et Cie, [2004], ECR I-3425.
Il-kawża T-18/10, Inuit Tapiriit Kanatami [2010] ECR II-5599 (id-definizzjoni ta’ “att regolatorju”); ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fl-appell tat-3.10.2013, il-kawża C-583/11 P.
NOTI FINALI
(1) Kif definit mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
(2) Ir-riżenja tal-Kummissjoni Santer fl-1999 kienet ikkawżata mir-rifjut tal-Parlament li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja; il-mozzjoni ta’ ċensura li ġiet ukoll ippreżentata ma għaddietx, għalkemm b’marġni żgħir biss.
(3) Wara r-referendum dwar Brexit, ir-Renju Unit ċeda l-Presidenza tiegħu tal-Kunsill li kienet skedata għat-tieni nofs tal-2017.
(4) Aktar dettalji fis-sezzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni.
DWAR
Il-pubblikazzjoni “L-ABĊ tad-Dritt tal-UE” tista’ tinstab fuq l-internet fis-sit
www.op.europa.eu/mt/web/general-publications/publications
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
L-Unità għall-Informazzjoni taċ-Ċittadini
1049 Brussell
IL-BELĠJU
Il-manuskritt tlesta f’Diċembru 2016
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017
L-informazzjoni u l-fehmiet f’din il-pubblikazzjoni huma biss dawk tal-awtur u mhux bilfors jirriflettu l-pożizzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Krediti tar-ritratti:







NA-07-16-024-MT-C | ISBN 978-92-79-63630-1 | doi:10.2775/372782 | |
NA-07-16-024-MT-N | ISBN 978-92-79-63641-7 | doi:10.2775/132161 | |
EPUB | NA-07-16-024-MT-E | ISBN 978-92-79-63676-9 | doi:10.2775/352540 |
Site | NA-07-16-024-MT-Q | ISBN 978-92-79-71676-8 | doi:10.2775/46127 |
© L-Unjoni Ewropea, 2017
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata. Għal kwalunkwe użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti individwali, għandek tfittex il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.