Rapport Speċjali
04 2020

L-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għall-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni: b’mod ġenerali sar progress kostanti, iżda għall-monitoraġġ tal-klima u tal-ambjent dan seħħ aktar bil-mod

Dwar ir-rapport: Teknoloġiji ġodda ta’ immaġni, bħas-satelliti Copernicus Sentinels li tagħhom l-UE għandha s-sjieda, għandhom il-potenzjal li jġibu bidla radikali fil-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni filwaqt li jipprovdu wkoll benefiċċji għall-bdiewa u għall-ambjent. Aħna sibna li l-Kummissjoni kienet stimolat l-użu li l-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri jagħmlu minn teknoloġiji ġodda, speċjalment għall-monitoraġġ tal-għajnuna skont l-erja fil-għamla ta’ pagamenti diretti. Fl-2019, 15-il aġenzija tal-pagamenti f’5 Stati Membri użaw data tas-Sentinels biex jivverifikaw applikazzjonijiet għall-għajnuna, iżda hemm ammont ta’ xkiel li attwalment qed ifixkel l-użu aktar mifrux li l-aġenziji tal-pagamenti jagħmlu minn teknoloġiji ġodda. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni timmitiga dan ix-xkiel u tagħmel użu aħjar mit-teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Politika Agrikola Komuni għandha storja twila f'dak li jirrigwarda l-użu ta’ immaġnijiet bis-satellita jew mill-ajru għall-verifikazzjoni tal-għajnuna bbażata fuq l-erja, li llum tirrappreżenta kważi 80 % tal-finanzjament li jiġi pprovdut mill-UE għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Filwaqt li dawn l-immaġnijiet is-soltu jkollhom riżoluzzjoni spazjali għolja ħafna, qabel l-2017 dawn ma kinux disponibbli bi frekwenza suffiċjenti biex setgħet titwettaq verifikazzjoni tal-attivitajiet li kienu jseħħu fuq art agrikola matul is-sena (eż. ħsad).

II

Is-Satelliti Copernicus Sentinels 1 u 2, li huma l-proprjetà tal-UE, ilhom minn Marzu 2017 jipprovdu immaġnijiet b’riżoluzzjoni għolja fuq bażi frekwenti u mingħajr ħlas, u għandhom il-potenzjal li jġibu bidla radikali fit-teknoloġija tal-osservazzjoni tad-Dinja għall-monitoraġġ ta’ attivitajiet agrikoli. Peress li l-immaġnijiet jittieħdu frekwentement, l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data f’sensiela kronoloġika matul l-istaġun tat-tkabbir jagħmilha possibbli li jiġu identifikati l-għelejjel, mingħajr intervent mill-bniedem, u li jiġu mmonitorjati ċerti prattiki agrikoli fuq irqajja’ art individwali (bħal ħdim tar-raba’, qtugħ tal-ħaxix). Mill-2018 ’il hawn, l-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jużaw data tal-Copernicus Sentinels minflok verifiki tradizzjonali bbażati fuq spezzjonijiet fuq il-post.

III

Skont il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati fil-PAK, id-data tal-Copernicus Sentinels u teknoloġiji oħra għall-monitoraġġ tal-għajnuna skont l-erja għandhom benefiċċji potenzjali sinifikanti għall-bdiewa, għall-amministrazzjonijiet u għall-ambjent. L-awditu tagħna eżamina jekk il-Kummissjoni kinitx stimolat b’mod effettiv l-użu mifrux ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda u jekk l-Istati Membri kinux ħadu azzjoni adegwata biex jużawhom. Aħna eżaminajna d-data tas-satelliti Copernicus Sentinels, l-immaġnijiet li kienu ttieħdu minn droni, u l-immaġnijiet immarkati bil-post ġeografiku. It-twettiq ta’ valutazzjoni tal-progress li sar fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ immaġni huwa ta’ rilevanza speċjali issa, billi r-riżultati tal-awditu tagħna jistgħu jiġu applikati fil-PAK ta’ wara l-2020.

IV

Aħna sibna li kemm il-Kummissjoni kif ukoll xi Stati Membri ħadu azzjoni biex jisfruttaw il-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġiji ġodda. Il-Kummissjoni ppromwoviet l-użu ta’ teknoloġiji ġodda permezz ta’ ħafna konferenzi u sessjonijiet ta’ ħidma, u pprovdiet appoġġ bilaterali lil ħafna aġenziji tal-pagamenti. Minn 66 aġenzija tal-pagamenti, 15 użaw id-data tal-Copernicus Sentinels fl-2019 għall-verifikazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna għal xi skemi u xi gruppi ta’ benefiċjarji (“verifiki permezz tal-monitoraġġ”). L-awditu li wettaqna żvela li ħafna aġenziji tal-pagamenti jqisu li hemm xkiel għall-użu aktar mifrux tat-teknoloġiji ġodda.

V

Għalkemm il-Kummissjoni ppruvat tneħħi jew timmitiga parti mix-xkiel, l-aġenziji tal-pagamenti jistennew li jirċievu gwida ulterjuri mingħand il-Kummissjoni sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin u jnaqqsu r-riskju ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fil-ġejjieni.

VI

It-tranżizzjoni għal verifiki permezz tal-monitoraġġ tirrikjedi bidliet sinifikanti fis-sistemi tal-IT, riżorsi speċifiċi u għarfien espert. Il-Kummissjoni ħadet inizjattivi biex tiffaċilita l-aċċess għad-data tas-Sentinels u għas-servizzi ta’ pproċessar tal-cloud diġitali, iżda l-adozzjoni tagħhom mill-aġenziji tal-pagamenti għal skopijiet operazzjonali għadha f’livell baxx.

VII

Għal dak li jirrigwarda l-iskemi ta’ żvilupp rurali u l-kundizzjonalità, aħna osservajna użu limitat ta’ teknoloġiji ġodda kemm għall-monitoraġġ tal-kundizzjonalità kif ukoll għal dak tal-prestazzjoni ta’ rekwiżiti klimatiċi u ambjentali. Aħna nikkonkludu wkoll li, fil-biċċa l-kbira, il-ġabra attwalment proposta ta’ indikaturi tal-prestazzjoni tal-PAK ta’ wara l-2020 mhijiex imfassla għal monitoraġġ dirett permezz tad-data tas-Sentinels.

VIII

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tipprovdi inċentivi lill-Istati Membri biex, bħala sistema ta’ kontroll ewlieni, jużaw verifiki permezz tal-monitoraġġ fil-PAK ta’ wara l-2020. Aħna nirrakkomandaw ukoll li l-Kummissjoni tagħmel użu aħjar minn teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi.

Introduzzjoni

Il-Politika Agrikola Komuni

01

Il-ġestjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE tinvolvi kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri. L-aġenziji tal-pagamenti fl-Istati Membri huma responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, mit-twettiq ta’ verifiki rigward l-applikanti, mill-għemil ta’ pagamenti, u mill-monitoraġġ tal-użu ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni tistabbilixxi parti kbira mill-qafas għall-infiq, tivverifika u timmonitorja x-xogħol li jsir mill-aġenziji tal-pagamenti, u tibqa' responsabbli mill-użu tal-fondi tal-UE. L-appoġġ tal-PAK huwa maqsum fi tliet blokok:

  • pagamenti diretti biex jiġi pprovdut appoġġ għall-introjtu għall-bdiewa;
  • miżuri tas-suq biex jittrattaw sitwazzjonijiet diffiċli tas-suq bħal waqgħa għal għarrieda fil-prezzijiet; u
  • miżuri ta’ żvilupp rurali bi programmi nazzjonali u reġjonali biex il-ħtiġijiet speċifiċi u l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żoni rurali jiġu indirizzati.
02

Il-Figura 1 turi li erba’ partijiet minn ħamsa tal-infiq tal-PAK isiru fuq skemi bbażati fuq l-erja taħt pagamenti diretti jew taħt miżuri ta’ żvilupp rurali. Kull sena, l-aġenziji tal-pagamenti jipproċessaw il-pagament ta’ appoġġ ibbażat fuq l-erja li jingħata lill-bdiewa, ibbażat fuq l-għadd ta’ ettari maħduma u fuq l-aderenza tal-bdiewa għal regoli ta’ eliġibbiltà speċifiċi.

Figura 1

Skemi ewlenin ta’ appoġġ taħt il-PAK u n-nefqa tagħhom (EUR miljun) fl-2018

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mill-AGREX u mill-Kummissjoni.

03

L-ammont li l-bdiewa jirċievu jista’ jitnaqqas jekk spezzjoni taqbad li dawn ikunu naqsu milli jirrispettaw ir-regoli rigward is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, il-klima u l-ambjent, il-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma, il-benessri tal-annimali u l-kundizzjonijiet li fihom tinżamm ir-raba’1. Dawn ir-rabtiet kundizzjonali huma magħrufa bħala “kundizzjonalità”2.

Użu ta’ immaġnijiet bis-satellita għall-verifikazzjoni tal-għajnuna skont l-erja

04

Il-PAK għandha storja twila f'dak li jirrigwarda l-użu ta’ ritratti mill-ajru u ta’ immaġnijiet bis-satellita għall-verifikazzjoni ta’ parti mill-appoġġ tagħha bbażat fuq l-erja. Permezz tar-riforma tal-PAK tal-1992, setgħu jintużaw immaġnijiet bis-satellita minflok ispezzjonijiet fuq il-post (ara l-paragrafu 07). Permezz tar-riforma tal-PAK tal-2003, l-Istati Membri kienu meħtieġa joħolqu sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata tal-irqajja’ agrikoli kollha. Bir-riforma tal-PAK tal-2013, sar obbligatorju l-użu ta’ din is-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS) flimkien ma’ Applikazzjoni ta’ Għajnuna Ġeospazjali (GSAA), li ġiet introdotta progressivament mill-2015 ’il hawn biex titjieb il-verifikazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna.

05

L-LPIS hija bbażata fuq ritratti mill-ajru u fuq immaġnijiet bis-satellita li jiġu kkoreġuti f’każ ta’ distorsjoni ġeometrika ("ortorettifikati"). L-aġenziji tal-pagamenti jużaw l-LPIS għall-kontroverifiki tal-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna biex jivverifikaw li huma jħallsu biss għall-art agrikola eliġibbli u darba biss għal erja partikolari ta’ art agrikola. L-ortoimmaġnijiet tal-LPIS għandhom riżoluzzjoni spazjali għolja ħafna (fil-biċċa l-kbira 25-50 cm għal kull pixel – ara l-Istampa 1), u inġenerali jiġu aġġornati kull tliet snin.

Stampa 1

Ortoritratt mill-ajru f’LPIS

© MAPA – Ministeru tal-Agrikoltura, Sajd u Ikel, Spanja.

06

L-LPIS hija l-ġebla tax-xewka tas-sistemi integrati ta’ amministrazzjoni u kontroll (SIAK) li l-aġenziji tal-pagamenti jużaw għall-iskemi bbażati fuq l-erja. Filwaqt li r-Rapport Speċjali Nru 25/2016 dwar l-LPIS, li nħareġ mill-QEA, identifika lok għal titjib, huwa għaraf ukoll l-azzjoni li l-Kummissjoni u l-aġenziji tal-pagamenti ħadu matul is-snin biex din issir aktar affidabbli3. Minħabba l-frekwenza baxxa ta’ aġġornamenti għall-immaġni tal-LPIS, l-aġenziji tal-pagamenti ma jistgħux jużawhom biex jivverifikaw attivitajiet li jseħħu fuq ir-roqgħa art matul is-sena (tħawwil, ħsad, qtugħ tal-ħaxix, eċċ.). Biex jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-bdiewa u l-aderenza tagħhom għar-regoli ta' eliġibbiltà, l-aġenziji tal-pagamenti kellhom iwettqu spezzjonijiet fuq il-post għal kampjun ta’ madwar 5 % tal-bdiewa (ara l-Istampa 2).

Stampa 2

Spezzjoni fuq il-post

Sors: il-QEA.

07

Spezzjonijiet fuq il-post jieħdu l-ħin u jqumu l-flus, u jipprovdu rekord ta’ darba tas-sitwazzjoni fuq il-post. Mill-1992 ’il hawn, il-Kummissjoni żviluppat approċċ alternattiv għall-ispezzjonijiet ta’ rqajja agrikoli permezz ta’ immaġnijiet bis-satellita li jaslu mingħand fornituri kummerċjali (bħal SPOT, WorldView, PlanetScope) u li jittieħdu fi żminijiet differenti matul is-sena, u dawn jissejħu “verifiki permezz tat-telerilevament” (ara l-Istampa 3). Skont iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea, madwar l-UE issa qed jitwettqu medja ta’ 80 % tal-ispezzjonijiet fuq il-post bl-użu tat-telerilevament. Jekk l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ tislet konklużjoni bbażata fuq dawn l-immaġnijiet, ikun hemm spettur li jwettaq “żjara rapida fuq il-post” fl-irqajja’ art ikkonċernati. Filwaqt li l-verifiki permezz tat-telerilevament iqumu inqas flus4, dawn xorta waħda jirrikjedu intervent mill-bniedem fil-għamla ta’ operaturi, li jinterpretaw immaġnijiet bis-satellita li jkollhom riżoluzzjoni għolja ħafna (VHR), billi tintuża l-fotointerpretazzjoni assistita mill-kompjuter.

Stampa 3

Immaġnijiet bis-satellita li jintużaw għal verifiki permezz tat-telerilevament

Sors: il-JRC.

08

Permezz tal-introduzzjoni tal-GSAA (ara l-paragrafu 04), il-bdiewa jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet għall-għajnuna u talbiet għall-ħlas elettronikament, flimkien mal-ġeolokalizzazzjoni tal-irqajja’ agrikoli tagħhom li jkunu ddikjaraw. Għalhekk, is-sistemi tal-IT li jintużaw mill-aġenziji tal-pagamenti issa jorbtu l-informazzjoni ġeospazjali ma’ rqajja’ art agrikoli.

09

Is-satelliti Sentinels 1 u 2 (ara l-Figura 2), li huma l-proprjetà tal-UE, u li tniedu taħt il-programm Copernicus, jiġifieri l-infrastruttura tal-UE għall-monitoraġġ tad-Dinja mill-ispazju, ilhom minn Ġunju 2015 jipprovdu immaġnijiet b’riżoluzzjoni għolja mingħajr ħlas. Skont l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), il-Kummissjoni u l-esperti li ġew ikkonsultati, dawn jirrappreżentaw bidla radikali potenzjali fit-teknoloġija tal-osservazzjoni tad-Dinja għall-monitoraġġ tal-PAK minħabba li huma:

  • joffru riżoluzzjoni spazjali għolja bi frekwenza għolja u, minn Marzu 2017 ’il hawn, immaġni ġdida b’riżoluzzjoni spazjali ta’ 10 metri għal kull pixel tkun disponibbli kull 5 ijiem, meta mqabbla ma’ riżoluzzjoni ta’ 30 metru kull 16-il jum għal Landsat, il-programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja bis-satellita li jintuża mill-Istati Uniti;
  • jipproduċu data komparabbli fuq firxa ta’ żmien twil, bi kwalità għolja ta’ kalibrazzjoni; u
  • hemm impenn fuq terminu twil min-naħa tal-Kummissjoni biex dawn l-immaġnijiet jibqgħu jiġu fornuti.

Figura 2

Copernicus Sentinels 1 u 2

© ESA/ATG medialab.

10

Peress li l-immaġnijiet ta’ Sentinels 1 u 2 jittieħdu frekwentement, l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data f’sensiela kronoloġika matul l-istaġun tat-tkabbir jagħmilha possibbli li jiġu identifikati l-għelejjel u li jiġu mmonitorjati ċerti prattiki agrikoli fuq irqajja’ art individwali (bħal ħdim tar-raba’, ħsad, qtugħ tal-ħaxix). Il-Figura 3 turi kif l-għelejjel jistgħu jiġu identifikati bl-użu ta’ sensiela kronoloġika ta’ data tas-Sentinels. Dan jagħmilha possibbli li tiġi mmonitorjata l-popolazzjoni kollha ta’ riċevituri ta’ għajnuna, minflok li l-fokus ikun fuq verifiki ta’ kampjun ta’ bdiewa.

Figura 3

Eżempju ta’ profil taż-żmien tal-informazzjoni dderivata mis-Sentinels fejn jidhru bidliet fil-kopertura veġetali għal għelejjel differenti

Sors: Instituto Tecnológico Agrario de Castilla y León.

Użu ta’ data tal-Copernicus Sentinels għall-monitoraġġ tal-għajnuna skont l-erja

11

F’Mejju 2017, l-aġenziji tal-pagamenti tal-UE ffirmaw memorandum informali, id-”Dikjarazzjoni ta’ Malta”, li jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża teknoloġiji ġodda għas-simplifikazzjoni tas-SIAK. F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni pproponiet bidliet leġiżlattivi li permezz tagħhom l-Istati Membri setgħu japplikaw approċċ ġdid magħruf bħala “verifiki permezz tal-monitoraġġ” mill-2018 ’il quddiem5. Dan l-approċċ juża proċessi awtomatizzati li huma bbażati fuq id-data tal-Copernicus Sentinels. Ir-regoli emendati jippermettu wkoll l-użu ta’ teknoloġiji ġodda oħra, bħal droni u ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew data li tkun inqabdet minn satelliti oħra, bħala evidenza addizzjonali għall-verifikazzjoni tal-konformità taħt il-PAK.

12

F’Mejju 2018, għall-ewwel darba fl-Italja, aġenzija tal-pagamenti bdiet tuża l-approċċ ġdid għall-verifiki tagħha fi provinċja waħda(Foggia, il-Puglia). Fl-2019, 15-il aġenzija tal-pagamenti (fil-Belġju, id-Danimarka, l-Italja, Malta u Spanja) użaw verifiki permezz tal-monitoraġġ għal xi wħud mill-iskemi tagħhom. Il-Figura 4 turi dati ewlenin fl-introduzzjoni ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ.

Figura 4

Kronoloġija ta’ avvenimenti ewlenin li wasslu għall-introduzzjoni ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ, bl-użu ta’ data tal-Copernicus Sentinels

Sors: il-QEA.

13

Il-verifiki permezz tal-monitoraġġ jikkombinaw id-data tal-Copernicus Sentinels 1 u 2, li tkun inkisbet kull ħamest ijiem, mal-informazzjoni li l-bdiewa jipprovdu fl-applikazzjonijiet tagħhom. Permezz ta’ tagħlim awtomatiku jew permezz ta’ algoritmi oħra li jkunu adatti għall-ipproċessar ta’ kwantitajiet kbar ta’ data, l-aġenziji tal-pagamenti jiksbu informazzjoni dwar it-tipi ta’ għelejjel u l-attività agrikola fuq l-irqajja’ art/azjendi agrikoli kollha ddikjarati għal kull waħda mill-iskemi ta’ għajnuna. Imbagħad, l-aġenziji tal-pagamenti jivvalutaw l-irqajja’ art/azjendi agrikoli, bl-użu ta’ sistema ta’ bnadar imlewna li jkunu ġew assenjati għal kull roqgħa art/azjenda agrikola (ara l-Istampa 4).

Stampa 4

Simulazzjoni tal-eżitu possibbli mill-valutazzjoni tal-irqajja’ art

Sors: simulazzjoni tal-JRC.

14

L-aġenziji tal-pagamenti jivvalutaw l-attività li tkun seħħet fuq l-irqajja’ art/azjendi agrikoli matul is-sena, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni d-data tas-Sentinels u l-informazzjoni l-aktar reċenti u disponibbli li tkun inkisbet mill-bdiewa. Pereżempju, roqgħa art ta’ bur tkun tiġi assenjata bandiera safra sa meta d-data tas-Sentinels tindika li l-ħaxix tagħha jkun inqata’ fi ħdan id-data ta’ skadenza regolatorja, u mbagħad l-istatus tal-bandiera tagħha jsir aħdar. Minħabba r-riżoluzzjoni spazjali tagħha, id-data tas-Sentinels mhijiex adatta għall-kejl tal-erja ta’ roqgħa art. Għaldaqstant, l-aġenziji tal-pagamenti jkejlu l-erja ta’ roqgħa art fl-LPIS, li tuża immaġnijiet b’riżoluzzjoni spazjali ogħla. Għalhekk, qabel ma tipproċedi għal verifiki permezz tal-monitoraġġ, jeħtieġ li l-LPIS tal-aġenzija tal-pagamenti tkun ta’ kwalità tajba kemm f’termini tal-preċiżjoni tal-erja eliġibbli rreġistrata kif ukoll f’termini tal-frekwenza tal-aġġornament tagħha. Il-Figura 5 tagħti eżempju ta’ kif jaħdem l-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ.

Figura 5

Eżempju simplifikat tal-applikazzjoni ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ

Sors: il-QEA, ibbażat fuq proċeduri fl-aġenzija tal-pagamenti ta’ Kastilja u León, Spanja.

Benefiċċji mistennija tal-approċċ ġdid ta’ monitoraġġ

15

Il-Kummissjoni, l-aġenziji tal-pagamenti, il-partijiet ikkonċernati rilevanti, u l-esperti jaqblu li l-approċċ ta’ monitoraġġ bl-użu ta’ data tal-Copernicus Sentinels jirrappreżenta bidla kbira fil-ġestjoni u l-kontroll tal-PAK.

Żieda fil-kundizzjonalità, billi l-bdiewa jiġu megħjuna biex jissodisfaw ir-rekwiżiti

16

Is-sistema tradizzjonali ta’ talbiet għall-għajnuna u ta’ verifiki hija sistema sekwenzjali, filwaqt li l-verifiki permezz tal-monitoraġġ huma sistema interattiva. L-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ jista’ jieħu informazzjoni ġdida inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe żmien matul l-istaġun tat-tkabbir (bħal data tas-Sentinels, ritratti mmarkati bil-post ġeografiku, jew dokumenti oħra mibgħuta mill-bdiewa, li jkunu għadhom kif inkisbu u li jkunu aktar reċenti), u għalhekk jipprovdi aktar opportunitajiet biex il-bdiewa jirrettifikaw it-talbiet tagħhom qabel ma dawn jiġu finalizzati (ara l-Figura 6). L-aġenziji tal-pagamenti jistgħu wkoll jibagħtu messaġġi ta’ twissija lill-bdiewa, u b’hekk jagħtuhom l-opportunità li jieħdu azzjoni korrettiva (eż. li jaqtgħu l-ħaxix ta’ għalqa). Għalhekk, l-approċċ ta’ monitoraġġ jista’ jservi bħala prevenzjoni tal-okkorrenza ta’ xi nuqqas ta’ konformità, aktar milli biex jippenalizza l-bdiewa wara.

Figura 6

Tqabbil bejn il-verifiki tradizzjonali u l-verifiki permezz tal-monitoraġġ

Sors: il-QEA.

Il-bdiewa kollha jiġu koperti, u b’hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv u tittejjeb il-kosteffettività

17

Taħt l-approċċ tradizzjonali bl-użu ta’ verifiki fuq il-post, l-aġenziji tal-pagamenti jagħżlu kampjuni żgħar ta’ bdiewa x’jivverifikaw. Jekk titwettaq żjara kampjun fuq il-post, ikun hemm spettur li jivverifika l-erja tar-roqgħa art kif ukoll l-għelejjel li jkunu tkabbru, bi tqabbil mal-informazzjoni li l-bidwi jkun ipprovda fil-talba għall-għajnuna.

18

Taħt l-approċċ il-ġdid, l-irqajja’ agrikoli kollha f’reġjun huma suġġetti għall-istess proċess ta’ monitoraġġ. Żjarat fuq il-post jitwettqu biss jekk l-eżitu tal-proċess ta’ monitoraġġ ikun inkonklużiv u l-impatt finanzjarju potenzjali tan-nuqqas ta’ konformità jkun jaqbeż ċertu soll. Jekk dan iwassal għal inqas żjarat fuq il-post, huwa jnaqqas il-piż fuq il-bidwi kif ukoll l-ispejjeż għall-aġenzija tal-pagamenti. Skont studju reċenti6, l-awtomatizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda għall-ġestjoni u l-kontrolli jistgħu jgħinu fil-mitigazzjoni tal-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-PAK. Jekk l-użu ta’ satelliti jfisser li ż-żjarat fuq il-post qed jiġu mmirati lejn azjendi agrikoli li għandhom l-akbar probabbiltà li ma jkunux konformi, dan itejjeb l-effiċjenza tagħhom.

Titjib ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tal-azjendi agrikoli

19

L-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ jiġġenera data li tkun utli għall-biedja intelliġenti (li tuża teknoloġija moderna biex jiżdiedu l-kwantità u l-kwalità tal-prodotti agrikoli), li tista’ tipprovdi lill-bdiewa b’benefiċċji ekonomiċi. Pereżempju, immaġnijiet bis-satellita jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-kontenut tan-nitroġenu fil-ħamrija jew l-istress minn nixfa, li tista’ tottimizza l-applikazzjoni tal-fertilizzanti jew it-tisqija, u b’hekk jinqatgħu xi spejjeż għall-bidwi u jitnaqqsu l-impatti ambjentali negattivi tal-attività agrikola. Billi jipprovdu aċċess għad-data tagħhom (l-LPIS, immaġnijiet tas-Sentinels u ta’ satelliti oħra, informazzjoni dwar ir-rekwiżiti ambjentali), l-aġenziji tal-pagamenti għaldaqstant għandhom il-possibbiltà li jipprovdu servizz lill-bdiewa tagħhom, u b’hekk ikattru l-benefiċċji tat-teknoloġiji ġodda.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

20

L-awditu li wettaqna eżamina jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadux passi suffiċjenti biex jisfruttaw il-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għall-monitoraġġ tal-PAK. B’mod partikolari, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx stimolat b’mod effettiv l-użu mifrux tat-teknoloġiji ġodda u jekk l-Istati Membri kinux ħadu azzjoni adegwata biex jużawhom. Aħna ħdimna wkoll biex nidentifikaw eżempji ta’ prassi tajba fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tal-PAK, kif ukoll biex nixħtu dawl fuq ix-xkiel li qed ifixkel l-użu usa’ tagħhom. It-twettiq ta’ valutazzjoni tal-progress li sar fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ immaġni huwa ta’ rilevanza speċjali issa, billi r-riżultati tal-awditu tagħna jistgħu jiġu applikati fil-PAK ta’ wara l-2020. L-użu akbar ta’ teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tal-PAK jista’ jaffettwa l-approċċ tal-awditjar li l-korpi tal-awditjar nazzjonali u dawk tal-UE se jieħdu fil-ġejjieni.

21

It-teknoloġiji ġodda ta’ immaġni li ġew inklużi fl-ambitu tal-awditu tagħna huma d-data tas-satelliti Copernicus Sentinels, l-immaġnijiet li kienu ttieħdu minn droni, u l-immaġnijiet immarkati bil-post ġeografiku. L-awditu li wettaqna ma kopriex l-użu tad-data tas-satelliti Copernicus Sentinels għal applikazzjonijiet għall-biedja intelliġenti, tbassiriet dwar ir-rendiment tal-għelejjel, jew erjas li kienu barra mill-ambitu tal-PAK.

22

Aħna ksibna l-evidenza tagħna minn:

  • analiżijiet dokumentarji u intervisti mal-persunal f’erba’ Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni (Agrikoltura u Żvilupp Rurali; Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs; Ċentru Konġunt tar-Riċerka, u Ambjent), l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka;
  • żjarat f’erba’ aġenziji tal-pagamenti li jinsabu fil-Belġju, id-Danimarka, l-Italja, Malta u Spanja, u li implimentaw verifiki permezz tal-monitoraġġ fl-2019;
  • stħarriġ ta’ 66 aġenzija tal-pagamenti li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-miżuri relatati mal-erja f’27 Stat Membru (aħna eskludejna r-Renju Unit billi dan kien daħal fil-proċess biex jitlaq mill-UE skont l-Artikolu 50). L-istħarriġ għamel mistoqsijiet dwar l-użu tat-teknoloġiji ġodda ta’ immaġni, il-progress lejn l-implimentazzjoni ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ, u l-isfidi li kienu ġew identifikati fit-tħejjija għall-PAK ta’ wara l-2020. Aħna rċevejna reazzjonijiet minn 59 aġenzija tal-pagamenti (rata ta’ reazzjoni ta’ 89 %);
  • żjara fl-Aġenzija Spazjali Ewropea u laqgħa ta’ bord tal-esperti li kienet tinvolvi r-rappreżentanti tal-aġenziji tal-pagamenti, kif ukoll dawk tar-riċerka, tal-industrija u tal-EEA; u
  • analizzar tar-riżultati li nkisbu mill-Istati Membri fl-ispezzjonijiet dwar il-kundizzjonalità għas-snin 2015-2017.

Osservazzjonijiet

Il-Kummissjoni stimulat l-użu ta’ teknoloġiji ġodda

23

Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, it-teknoloġiji ġodda ta’ immaġni joffru benefiċċji sinifikanti f’termini ta’ titjib tal-monitoraġġ tal-effiċjenza tal-PAK (ara l-paragrafi 15 sa 19). Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni ħaditx passi suffiċjenti biex twettaq dawn il-benefiċċji permezz ta’:

  • introduzzjoni ta’ bidliet fil-leġiżlazzjoni u fil-linji gwida biex ikunu jistgħu jintużaw teknoloġiji ġodda għall-verifikazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna;
  • għoti ta’ appoġġ f’waqtu għall-aġenziji tal-pagamenti u promozzjoni tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda;
  • identifikazzjoni ta’ eżempji ta’ prassi tajba u ta’ soluzzjonijiet għal sfidi li qed jiffaċċjaw l-aġenziji tal-pagamenti;
  • faċilitar tal-aċċess għad-data tal-Copernicus Sentinels mill-aġenziji tal-pagamenti; u
  • tnedija u finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka, li għandhom il-potenzjali li jżidu l-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tal-PAK.

Il-qafas legali għall-verifiki permezz tal-monitoraġġ sar aktar ċar

24

Skont ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna, madwar żewġ aġenziji tal-pagamenti minn kull ħamsa jqisu li l-leġiżlazzjoni inizjali adottata f’Mejju 2018 (ara l-paragrafu 11) ma kinitx tippermetti li jinstabu soluzzjonijiet prammatiċi għall-implimentazzjoni ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ. Il-Kummissjoni għarfet li kien hemm ħtieġa ta’ aktar kjarifikazzjoni u emendat il-qafas legali li kien applikabbli għas-sena tat-talba 20197.

25

L-istħarriġ tagħna juri li għal 52 minn 59 aġenzija tal-pagamenti, xkiel importanti partikolari huwa l-fatt li hemm inċertezza dwar il-proċedura ta' approvazzjoni tal-konformità li tintuża mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approċċ il-ġdid. Filwaqt li, fil-każ ta’ verifiki tradizzjonali, jeżistu regoli dettaljati dwar kif għandhom jitwettqu verifiki fuq il-post jew permezz tat-telerilevament, ma hemmx regoli ta’ dan it-tip għal verifiki permezz tal-monitoraġġ. Għaldaqstant, l-aġenziji tal-pagamenti jinsabu mħassba dwar il-possibbiltà li, aktar tard, il-Kummissjoni tqajjem dubju dwar l-approċċ tagħhom u dwar id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu, u tapplika korrezzjonijiet finanzjarji.

26

Il-Kummissjoni fehmet dan it-tħassib u ħadet passi biex tikkjarifika l-mod kif il-verifiki permezz tal-monitoraġġ se jiġu awditjati fil-ġejjieni billi se:

  • tivvaluta kull notifika ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ bi tqabbil ma’ ġabra ta’ elementi legali u tekniċi8;
  • tikkomunika r-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet lill-aġenziji tal-pagamenti; u
  • tibgħat ittra lill-aġenziji tal-pagamenti kollha li jimplimentaw verifiki permezz tal-monitoraġġ fl-2019, filwaqt li se tesprimi li hija lesta biex ikollha diskussjonijiet u tasal għal soluzzjoni jekk jinħolqu problemi kbar.
27

Xi wħud mill-aġenziji tal-pagamenti li żorna matul l-awditu li wettaqna kienu jistennew li l-Kummissjoni tapprova l-metodoloġija tagħhom għal verifiki permezz tal-monitoraġġ. Filwaqt li l-aġenziji tal-pagamenti ddiskutew għadd ta’ aspetti tekniċi mal-esperti tal-JRC, il-Kummissjoni ma approvatx il-metodoloġiji u ma għandhiex pjan li tagħmel dan.

28

Fil-linji gwida tekniċi9 tagħha, il-Kummissjoni tiddeskrivi xi regoli bażiċi għall-verifikazzjoni ta’ jekk is-sistema interpretatx id-data tas-Sentinels korrettament, billi tqabbilha mas-sitwazzjoni misjuba fuq il-post. Għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tas-sistema awtomatizzata li tintuża għall-valutazzjoni tal-irqajja’ art, il-Kummissjoni stabbiliet żewġ sollijiet inizjali li ma jridux jinqabżu mis-sistemi li jintużaw mill-aġenziji tal-pagamenti:

  • 5 % ta’ żbalji ħomor foloz, li jseħħu meta bidwi b’dikjarazzjoni korretta jiġi vvalutat bħala mhux konformi. Dan l-iżball ftit li xejn ikollu impatt fuq il-baġit tal-UE billi l-bidwi x’aktarx li jkun jappella; u
  • 10-20 % ta’ żbalji ħodor foloz, li jseħħu meta bidwi li ma jkunx konformi bis-sħiħ jew parzjalment jitħallas mingħajr ma s-sistema taqbad dan in-nuqqas ta' konformità. Dan it-tip ta’ żball jista’ jirriżulta f’pagament eċċessiv, u għaldaqstant ikollu impatt ċar fuq il-baġit tal-UE. Hekk kif is-sistemi jittejbu, il-Kummissjoni tistenna li hija tkun tista’ tbaxxi dan is-soll.
29

Il-linji gwida tekniċi ma jipprovdux informazzjoni dwar xi elementi ewlenin tal-arranġamenti ta’ kontroll tal-kwalità (għadd minimu ta’ kampjuni għall-ittestjar, kriterji tal-għażla, rekwiżiti ta’ rappurtar). Qafas ta’ valutazzjoni tal-kwalità robust ikun jista' jipprovdi informazzjoni siewja għall-aġenziji tal-pagamenti li jimplimentaw is-sistema ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ, filwaqt li jnaqqas ir-riskju ta’ korrezzjonijiet finanzjarji. Fl-2010, il-Kummissjoni stabbiliet dan il-qafas ta’ valutazzjoni tal-kwalità għal-LPIS, li kien jirrikjedi li l-Istati Membri jittestjaw il-kwalità tagħha kull sena u jieħdu azzjoni ta’ rimedju fejn ikun meħtieġ. Filwaqt li identifikajna dgħufijiet fil-qafas ta’ kwalità tal-LPIS fir-Rapport Speċjali Nru 25/201610 tagħna, aħna għarafna wkoll il-kontribut li huwa ta għat-titjib tal-kwalità tal-LPIS.

30

Problema waħda, li l-bidliet leġiżlattivi tal-Kummissjoni ma rriżolvewx għalkollox, hija l-kumplessità ta’ xi rekwiżiti tal-iskemi ta’ għajnuna skont l-erja. Dawn huma kombinament ta’ regoli tal-UE u regoli nazzjonali, u tfasslu fi żmien meta Copernicus u teknoloġiji oħra ma kinux disponibbli. Huma jistgħu jkunu kumplessi ħafna għal xi miżuri ta’ għajnuna taħt il-PAK, bħall-ekoloġizzazzjoni, li jinvolvu l-għemil ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa li jadottaw jew iżommu prattiki agrikoli li jgħinu fl-ilħuq tal-għanijiet ambjentali u klimatiċi. Dawn mhux dejjem jistgħu jiġu mmonitorjati mill-bogħod, jiġifieri l-aġenziji tal-pagamenti jibqgħu jkunu jeħtieġu spezzjonijiet tradizzjonali fuq il-post (ara t-Tabella 1). L-introduzzjoni tal-PAK ta’ wara l-2020 tirrappreżenta opportunità ta’ rivalutazzjoni kemm tal-benefiċċji kif ukoll tal-ħtieġa ta’ xi wħud minn dawn ir-rekwiżiti.

Tabella 1 – Eżempji ta’ rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni u jekk dawn jistgħux jiġu mmonitorjati mill-bogħod permezz ta’ data tas-Sentinels

Jistgħu jiġu mmonitorjati Ma jistgħux jiġu mmonitorjati
Preżenza ta’ għalla tat-titwiq Preżenza ta’ għalla li tassimila n-nitroġenu Art mistrieħa Preżenza ta’ żewġ speċijiet ta’ pjanti fl-għalla tat-titwiq Elementi tal-pajsaġġ (ringieli ta’ siġar, sisien tal-ħaxix, għadajjar, kanali) li jkunu wesgħin inqas minn 20m

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti u diskussjonijiet tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni ppromwoviet u appoġġat l-approċċ il-ġdid

31

L-istħarriġ li wettaqna jindika li żewġ terzi tal-aġenziji tal-pagamenti jqisu li l-Kummissjoni pprovdiet appoġġ suffiċjenti biex huma jkunu jistgħu jimplimentaw l-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ. Filwaqt li aġenzija waħda tal-pagamenti minn kull ħamsa ma qisitx li l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni kien adegwat, dawn ma pprovdewx ġustifikazzjoni valida għal din id-dikjarazzjoni. Il-wiġġieba li kien jifdal kienu newtrali. Aħna sibna li l-Kummissjoni kienet attiva fil-promozzjoni u fl-appoġġ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ b’diversi modi:

  • minn Mejju 2017 ’il hawn, hija organizzat aktar minn 15-il konferenza, sessjoni ta' ħidma, laqgħa ta’ grupp espert u seminar fejn il-verifiki permezz tal-monitoraġġ kienu espliċitament fuq l-aġenda;
  • minn Jannar 2018 sa Awwissu 2019, hija kellha laqgħat bilaterali mal-aġenziji tal-pagamenti li kienu interessati li jimplimentaw verifiki permezz tal-monitoraġġ fi 15-il Stat Membru; u
  • hija rrispondiet għall-mistoqsijiet mill-Istati Membri, u għamlet disponibbli dokument uniku ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-approċċ ġdid ta’ monitoraġġ.

Il-Kummissjoni kienet qed tfittex soluzzjonijiet biex tnaqqas l-għadd ta’ rqajja’ art li jirrikjedu segwitu

32

Kważi 9 minn 10 aġenziji tal-pagamenti li rrispondew għall-istħarriġ tagħna qiesu li r-riskju li jkun hemm wisq irqajja’ art b’bandiera safra kien żvantaġġ sinifikanti jew sinifikanti ħafna. Jekk il-parti kompletament awtomatizzata tas-sistema tiġġenera għadd kbir ta’ rqajja’ art inkonklużivi mill-grupp kollu kemm hu ta’ dawk li għamlu xi talba, il-piż ta’ xogħol tal-aġenzija tal-pagamenti jista’ jkun ogħla jekk din tkun użat verifiki tradizzjonali fuq il-post għal kampjun żgħir ta’ dawk li għamlu t-talba. Jista’ jkun hemm ħtieġa li jingħata segwitu għall-irqajja’ art b’bandiera safra li jiġu suġġetti għal verifiki permezz tal-monitoraġġ (wara li jkunu tqiesu s-sollijiet tal-impatt finanzjarju deskritti fil-paragrafu 35) billi:

  1. jiġu vverifikati, b’mod viżiv, l-immaġnijiet disponibbli għal dik ir-roqgħa art;
  2. tintalab u tiġi vverifikata informazzjoni addizzjonali mill-bidwi;
  3. u fejn dawn ma jippermettux li jinsiltu konklużjonijiet:

  4. tiġi spezzjonata l-għalqa.
33

Irqajja’ art żgħar spiss jiġu assenjati bnadar sofor, prinċipalment minħabba insuffiċjenza tar-riżoluzzjoni spazjali tas-Sentinels (għadd insuffiċjenti ta’ pixels li jaqgħu kompletament fi ħdan il-konfini tar-roqgħa art). Aġenziji tal-pagamenti għandhom definizzjonijiet differenti ta’ rqajja’ art żgħar, minn 0.2 ha sa 1 ha. Huma jistgħu jkunu kbar fil-għadd, u jikkaġunaw ħafna xogħol għall-aġenzija tal-pagamenti, anke jekk is-soltu jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-erja agrikola kumplessiva li l-aġenzija tal-pagamenti tkun tkopri. It-Tabella 2 turi l-proporzjon ta’ rqajja’ art żgħar b’bandiera safra, mill-irqajja’ art kollha għat-tliet aġenziji tal-pagamenti li żorna.

Tabella 2 – Proporzjon ta’ rqajja’ art żgħar b’bandiera safra (<0.5 ha), mill-irqajja’ art kollha għat-tliet aġenziji tal-pagamenti li jużaw verifiki permezz tal-monitoraġġ

Aġenzija tal-pagamenti Proporzjon ta’ rqajja’ art żgħar f’termini ta’ għadd Proporzjon ta’ rqajja’ art żgħar f’termini ta’ erja
Il-Belġju (Flanders) 1.9 % 0.2 %
Id-Danimarka 5.7 % 0.3 %
Spanja (Kastilja u León) 1.0 % 0.1 %

Sors: Aġenziji tal-pagamenti fil-Belġju (Flanders), id-Danimarka u Spanja (Kastilja u León).

34

Il-Kummissjoni pproponiet dawn il-modi biex jiġu ttrattati l-irqajja’ art żgħar:

  • Aggregazzjoni ta’ rqajja’ art agrikoli żgħar kontigwi tal-istess azjenda agrikola, bl-istess użu ta’ art iddikjarat, f’“karatteristika ta’ interess” unika. L-aġenzija tal-pagamenti f’Kastilja u León (Spanja) tuża dan l-approċċ.
  • Segwitu ta’ rqajja’ art żgħar inkonklużivi waqt l-aġġornament tal-LPIS, minflok twettiq ta’ żjara fuq il-post. Il-Kummissjoni tippermetti li tintgħażel din l-alternattiva biss meta jittieħdu ritratti mill-ajru kull sena għall-pajjiż kollu. Id-Danimarka użat din l-alternattiva.
  • Kisba ta’ data ta’ riżoluzzjoni għolja ħafna permezz ta’ satellita, biex tiġi pprovduta informazzjoni aħjar dwar irqajja’ art żgħar, biex b’hekk titneħħa l-ħtieġa ta’ żjara fuq il-post. Reċentement, il-JRC ikkonkluda kuntratt ma’ fornitur ta’ data ta’ dan it-tip biex jittestja dan l-approċċ għall-2019. Skont dan il-kuntratt, l-aġenziji tal-pagamenti li jimplimentaw il-verifiki permezz tal-monitoraġġ fl-2019 jistgħu jiksbu sensiela kronoloġika għall-irqajja’ art żgħar, li tiġi dderivata minn immaġnijiet b’riżoluzzjoni għolja li jkunu ttieħdu permezz ta’ satellita (daqs tal-pixels: 4m). Minkejja dan, id-data se tkun disponibbli tard wisq biex tintuża b’mod effettiv mill-aġenziji tal-pagamenti fil-proċedura ta’ segwitu fl-2019.
35

Dawn l-alternattivi jgħinu biex inaqqsu l-għadd ta’ rqajja’ art b’bandiera safra. Għal dawk li jkun jifdal, il-Kummissjoni ddefiniet sollijiet monetarji fil-linji gwida tekniċi11 tagħha kif ukoll dokument ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet, b’azzjonijiet ta’ segwitu korrispondenti.

  • Jekk l-impatt tal-irqajja’ art kollha b’bandiera safra fuq il-pagament lill-benefiċjarju huwa mistenni li jkun baxx (taħt EUR 50 fil-livell tal-iskema), l-ebda segwitu mhuwa meħtieġ.
  • Jekk l-impatt huwa mistenni li jkun medju (aktar minn EUR 50 fil-livell tal-iskema u inqas minn EUR 250 fil-livell tal-benefiċjarju), jenħtieġ li jingħata segwitu għal kampjun ta’ 5 % tal-irqajja’ art b’bandiera safra.
  • Jekk l-impatt huwa mistenni li jkun għoli (aktar minn EUR 250 fil-livell tal-benefiċjarju), huwa meħtieġ li jsir segwitu tal-benefiċjarji kollha ta’ dan it-tip.
36

Sollijiet aktar baxxi jimplikaw livell ogħla ta’ aċċertament, iżda jwasslu wkoll għal aktar verifiki ta’ segwitu u għaldaqstant spiża ogħla ta’ kontrolli. Filwaqt li l-Kummissjoni wettqet analiżi tas-sollijiet monetarji fil-leġiżlazzjoni tal-PAK eżistenti u kkonsultat data dwar l-ispejjeż taż-żjarat fuq il-post biex tiddefinixxi s-soll ta’ EUR 250, hija ma għamlitx dan għas-soll ta’ EUR 50.

37

Xi attivitajiet agrikoli huma diffiċli biex jiġu mmonitorjati b’satelliti Sentinel, bħal pereżempju rigħi estensiv fuq bur, jew kultivazzjoni ta’ għelejjel f’serer, bħalma huwa wkoll in-nuqqas ta’ attività agrikola (eż. abbandun ta’ art). F’xi Stati Membri, dan jista’ jwassal ukoll għal għedud kbar ta’ rqajja’ art b’bandiera safra. Bħala soluzzjonijiet possibbli għad-detezzjoni ta’ xi wħud minn dawn l-attivitajiet, il-Kummissjoni ppermettiet l-użu ta’ ritratti mmarkati bil-post ġeografiku bħala evidenza addizzjonali. Matul l-2019, l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea kienet qed taħdem fuq l-iżvilupp ta’ applikazzjoni għas-smartphone għal ritratti mmarkati bil-post ġeografiku. L-aġenziji tal-pagamenti fid-Danimarka u fl-Italja jikkooperaw ma’ kumpaniji privati biex jiżviluppaw applikazzjonijiet iddedikati. Madankollu, l-aġenziji tal-pagamenti li żorna kienu għadhom ma użawx ritratti mmarkati bil-post ġeografiku fis-sena tat-talba 2019 (ħlief għall-ittestjar pilota fl-Italja).

Is-servizzi bbażati fuq il-cloud, iffinanzjati mill-UE, intużaw għall-ittestjar aktar milli għall-monitoraġġ operazzjonali

38

Copernicus huwa l-akbar fornitur ta’ data spazjali fid-dinja, u attwalment jipproduċi 12-il terabyte kuljum. Biex tiffaċilita u tistandardizza l-aċċess għal din id-data, il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tiffinanzja l-użu ta’ ħames pjattaformi diġitali bbażati fuq il-cloud li jipprovdu aċċess ċentralizzat kemm għad-data u l-informazzjoni ta’ Copernicus, kif ukoll għall-għodod tal-ipproċessar. Dawn il-pjattaformi huma magħrufa bħala s-Servizzi ta’ Aċċess għad-Data u l-Informazzjoni (DIAS). Erbgħa minnhom joffru servizzi li huma rilevanti għall-agrikoltura fl-201912. Huma jridu jissodisfaw diversi rekwiżiti tekniċi u jridu jipprovdu d-data ta’ Copernicus mingħajr ħlas, iżda jistgħu jitolbu l-ħlas għal servizzi supplimentari (bħal ipproċessar ta’ data, ħżin ta’ data, u kombinament ta’ data ta’ Copernicus ma’ settijiet oħra ta’ data)13.

39

Is-servizzi pprovduti mill-fornituri tad-DIAS saru disponibbli matul l-2018. Fil-ħarifa tal-2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti appoġġ lill-aġenziji tal-pagamenti li jimplimentaw l-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ, billi tissussidja l-aċċess individwali tagħhom għal waħda mill-erba’ pjattaformi DIAS għall-2019. Is-sussidju ammonta għal EUR 120 000 għal kull fornitur tad-DIAS biex jiġu koperti tliet fażijiet: ir-rieżami tal-istat ta’ tħejjija teknika tal-fornituri tad-DIAS min-naħa tal-Kummissjoni, l-onboarding tal-aġenziji tal-pagamenti rigward wieħed mill-fornituri tad-DIAS, u l-użu operazzjonali tad-DIAS mill-aġenziji tal-pagamenti fl-2019. Għalkemm l-aġenziji tal-pagamenti kollha li żorna kienu sabu li kien utli li setgħu jittestjaw pjattaforma DIAS mingħajr ħlas, il-biċċa l-kbira minnhom użaw l-infrastruttura jew il-kuntratti eżistenti tagħhom bħala soluzzjonijiet ta’ pproċessar primarju għal verifiki permezz tal-monitoraġġ fl-2019. Konsegwentement, għad irid jiġi stabbilit il-valur miżjud ipprovdut min-nefqa tal-Kummissjoni, li tammonta għal EUR 480 000.

40

Skont l-istħarriġ li aħna wettaqna f’Ġunju 2019, il-biċċa l-kbira mill-aġenziji tal-pagamenti mhumiex biħsiebhom li jgħaddu dalwaqt għal pjattaforma DIAS. Id-diskussjonijiet tagħna mal-aġenziji tal-pagamenti u mal-bord ta’ esperti bejn April u Settembru 2019 ġibdu l-attenzjoni għall-inċertezzi li ġejjin, li jdewwmu t-tranżizzjoni għall-fornituri tad-DIAS.

  • L-ispiża attwali u dik tal-ġejjieni tas-servizzi DIAS. Minħabba t-teknikalitajiet u l-mudelli kummerċjali ta’ ħlas skont l-użu, il-biċċa l-kbira mill-aġenziji tal-pagamenti ma jafux kemm tkun l-ispiża biex iwettqu verifiki permezz tal-monitoraġġ fuq pjattaformi DIAS f’pajjiżhom jew fir-reġjun tagħhom.
  • Il-fatt li jkun hemm erba’ fornituri tad-DIAS disponibbli, kull wieħed b’teknoloġija u struttura differenti, jikkomplika t-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-aġenziji tal-pagamenti. Filwaqt li l-Kummissjoni tiddikjara li għandha soluzzjoni għat-trasferibbiltà tad-data minn pjattaforma DIAS għal oħra, l-aġenziji tal-pagamenti għadhom mhumiex konxji tagħha. Din is-sitwazzjoni tikkomplika aktar minħabba l-inċertezza li hemm dwar il-kontinwità tas-servizzi ta’ xi wħud mill-fornituri tad-DIAS, jew ta’ kollha kemm huma, wara li jintemmu l-kuntratti tagħhom.

Ir-riżultati tal-proġetti ta’ riċerka għadhom iridu jiġu sfruttati

41

Taħt Orizzont 2020, il-programm tagħha għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Kummissjoni tat madwar EUR 94 miljun għal firxa ta’ proġetti ta’ riċerka li għandhom l-għan li jimmonitorjaw l-agrikoltura bl-użu ta’ data tal-Copernicus Sentinels14. Fost dawn il-proġetti, aħna identifikajna tlieta li kkontribwew b’mod dirett għal żviluppi li jinsabu għaddejjin fil-monitoraġġ tal-PAK15. Minbarra dawn, hemm proġett ewlieni li beda f’Ġunju 2019, li jismu “New IACS Vision in Action” (Viżjoni Ġdida tas-SIAK f’Azzjoni) (NIVA), u li għalih il-finanzjament mill-UE huwa mistenni li jammonta għal kważi EUR 10 miljun. Huwa għandu l-għan li jimmodernizza s-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll li tintuża mill-aġenziji tal-pagamenti, billi jagħmel użu effiċjenti minn soluzzjonijiet diġitali u minn għodod elettroniċi biex il-piż amministrattiv jitnaqqas u l-prestazzjoni ambjentali tittejjeb.

42

L-ESA ffinanzjat proġett, fejn esplorat kif il-Copernicus Sentinels jistgħu jiġu utilizzati għall-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-PAK. F’Lulju 2017, konsorzju ta’ ħames kumpaniji li jaħdmu flimkien ma’ aġenziji tal-pagamenti f’sitt Stati Membri16 bdew il-proġett imsejjaħ Sen4CAP. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġu pprovduti algoritmi, prodotti, flussi ta’ xogħol, u eżempju ta’ prassi tajba għall-ħolqien ta’ markaturi dderivati mis-satelliti kif ukoll informazzjoni rilevanti għall-monitoraġġ tal-PAK.

43

Verżjoni preliminari tas-sistema ta’ pproċessar Sen4CAP (ara l-Figura 7) saret disponibbli f’Mejju 2019 u hemm verżjoni finali ppjanata għall-bidu tal-2020. Għaldaqstant, l-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jużaw il-prodotti Sen4CAP bħala bażi biex jiżviluppaw is-sistemi proprji tagħhom għal verifiki permezz tal-monitoraġġ, iżda se jkunu jeħtieġu jfasslu l-algoritmi apposta biex dawn jaqblu maċ-ċirkustanzi lokali. Pereżempju, filwaqt li l-markaturi Sen4CAP għall-ħsad jaħdmu tajjeb fil-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Ewropa, huma se jkollhom jiġu adattati għas-sitwazzjoni speċifika fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, fejn it-tnixxif naturali tal-għelejjel jista’ jiġi interpretat bi żball bħala ħsad.

Figura 7

Il-fluss tal-proċess ta’ SEN4CAP

© Sen4CAP, adattat mill-QEA.

44

Billi l-biċċa l-kbira mill-proġetti ta’ riċerka jinsabu għaddejjin, l-aġenziji tal-pagamenti li kienu qed jimplimentaw l-approċċ ta’ monitoraġġ fl-2019 setgħu jibbenefikaw parzjalment biss mir-riżultati tagħhom.

Xi Stati Membri ħadu azzjoni biex jużaw it-teknoloġiji ġodda għal pagamenti diretti

45

Aħna stennejna li l-Istati Membri jieħdu passi adegwati biex jużaw teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għall-monitoraġġ tal-PAK. B’konsegwenza ta’ dan, aħna eżaminajna jekk l-aġenziji tal-pagamenti:

  • implimentawx verifiki permezz tal-monitoraġġ fis-sena tat-talba 2019;
  • użawx id-data tal-Copernicus Sentinels b’mod sistematiku biex jivverifikaw xi wħud mir-rekwiżiti tal-għajnuna;
  • użawx ritratti mmarkati bil-post ġeografiku jew droni;
  • ipparteċipawx fi proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE jew mill-ESA rigward l-użu tat-teknoloġiji ġodda; u
  • wettqux proġetti pilota biex jittestjaw l-użu tat-teknoloġiji ġodda.

Fl-2019, 15-il aġenzija tal-pagamenti għamlu użu selettiv ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ

46

Kif jidher fil-Figura 8, għas-sena tat-talba 2019, 15 mis-66 aġenzija tal-pagamenti f’5 Stati Membri implimentaw verifiki permezz tal-monitoraġġ fuq l-erja kollha, jew parti minnha, li għaliha huma responsabbli, għall-iskemi kollha ta’ għajnuna jew xi wħud minnhom. Il-Figura 8 turi wkoll seba’ Stati Membri li qed jipparteċipaw fil-proġett Sen4CAP.

Figura 8

Użu ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ u parteċipazzjoni fil-proġett Sen4CAP fl-2019

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li nżaru.

47

Billi ħadu inkunsiderazzjoni l-linji gwida tekniċi li ġew abbozzati mill-JRC, dawn il-15-il aġenzija tal-pagamenti żviluppaw diversi metodoloġiji għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti differenti tal-iskemi ta’ għajnuna applikabbli fir-reġjuni tagħhom (ara l-Figura 9 u l-Kaxxa 1). It-tipi ta’ għelejjel, il-prattiki agrikoli u l-kundizzjonijiet agroklimatiċi huma fatturi importanti li huma involuti.

Figura 9

Varjetà ta’ approċċi għall-verifiki permezz tal-monitoraġġ

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni riċevuta matul iż-żjarat fl-Istati Membri.

Kaxxa 1

Eżempji ta’ metodoloġiji u użu ta’ data tas-Sentinels għal verifiki permezz tal-monitoraġġ fl-2019

Fil-Belġju (Flanders), l-aġenzija tal-pagamenti timmonitorja r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà għal tliet skemi. Għal dawk l-iskemi, il-bdiewa jridu juru l-użu tal-art tagħhom għal xi forma ta’ attività agrikola.

Algoritmu ta’ intelliġenza artifiċjali, li jkun imħarreġ bl-użu ta’ sensiela kronoloġika ta’ immaġnijiet tas-Sentinels 1 u 2 (flimkien mal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-bdiewa), jipprevedi l-probabbiltà li kull roqgħa art tkun taqa’ taħt waħda minn ħames klassijiet (raba’ li jinħadem, bwar, għelejjel tal-legumi, raba’ mistrieħ u mhux eliġibbli). L-irqajja’ art fejn l-eżitu tal-algoritmu ma jkunx jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-bidwi jirċievu bandiera ħamra u jingħataw segwitu bi żjara fuq il-post. Meta l-eżitu tal-algoritmu ma jkunx konklużiv (bandiera safra), l-irqajja’ art jingħataw segwitu fuq l-iskrin u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ żjara fuq il-post. Fl-2019, l-għelejjel permanenti huma esklużi minn dan il-proċess, billi jiġu vverifikati bl-użu ta’ aġġornament tal-LPIS.

Fi Spanja (Kastilja u León), l-aġenzija tal-pagamenti timmonitorja r-rekwiżiti għal disa’ skemi. Għall-iskemi bażiċi, huwa suffiċjenti li jiġi vverifikat jekk l-użu tal-art huwiex bħala art li tinħadem, bħala bur, jew għal għelejjel permanenti. Għall-ekoloġizzazzjoni u għall-appoġġ akkoppjat volontarju (VCS) hija meħtieġa identifikazzjoni tal-għelejjel aktar preċiża.

Għaldaqstant, l-aġenzija tal-pagamenti twettaq klassifikazzjoni (26 klassi tal-għelejjel u 9 klassijiet mhux tal-għelejjel) bl-użu ta’ algoritmu tat-tagħlim awtomatiku mħarreġ bid-dikjarazzjonijiet tal-bdiewa għal klassijiet tal-għelejjel u bl-użu ta’ sorsi oħra tad-data biex jiġu identifikati klassijiet mhux tal-għelejjel. Il-klassifikazzjoni titwettaq b’sensiela kronoloġika ta’ immaġnijiet tas-Sentinel 2 (flimkien mad-data dwar il-klima, u informazzjoni dwar l-elevazzjoni, l-aspett u x-xaqlib). Ġew żviluppati wkoll tipi oħra ta’ markaturi, eż. dawk relatati mat-tip ta’ għalla, jew biex jinqabdu ċerti avvenimenti (pereżempju, it-tħejjija tal-art biex jitkabbru l-għelejjel). L-irqajja’ art inkonklużivi jew l-irqajja’ li possibbilment għandhom nuqqas ta’ konformità lkoll jirċievu bandiera safra. L-irqajja’ art ’il fuq minn ċertu soll finanzjarju jingħataw segwitu fl-uffiċċju (ara l-Figura 5), u jekk ikunu għadhom inkonklużivi, imbagħad issir żjara fuq il-post.

48

Għalkemm il-preżenza ta’ kopertura tas-sħab ma ddgħajjifx id-data tar-radar mis-Sentinel-1, din id-data tintuża inqas ta’ spiss mill-aġenziji tal-pagamenti minħabba li hija aktar diffiċli biex tiġi pproċessata u interpretata. Madankollu, xi aġenziji tal-pagamenti (il-Belġju (Flanders) u d-Danimarka) integrawha b’suċċess fl-algoritmi tagħhom tat-tagħlim awtomatiku, filwaqt li aġenziji oħrajn jużawha biex jaqbdu l-qtugħ tal-ħaxix fil-bwar (l-Italja).

49

Rigward l-iskema ta’ għajnuna skont l-erja ewlenija (Skema ta’ pagament bażiku), it-Tabella 3 turi li l-erba’ aġenziji tal-pagamenti li żorna spiċċaw bi proporzjonijiet differenti ta’ rqajja’ art sofor u ħomor, li jistgħu jingħataw segwitu ulterjuri. Il-varjazzjonijiet bejn il-proporzjonijiet ta’ rqajja’ art b’bandiera ħamra/safra huma prinċipalment dovuti għad-daqs tal-irqajja’ art maħduma, it-tip ta’ rqajja’ art jew attivitajiet immonitorjati (l-attività ta’ qtugħ tal-ħaxix hija aktar faċli biex tinqabad mir-rigħi) u l-metodoloġiji applikati (eż. l-għadd u l-preċiżjoni tal-markaturi). Minkejja dan, il-proporzjon massimu ta’ rqajja’ art li jirrikjedu spezzjoni fuq il-post huwa ta' 1 % għal dawn l-aġenziji tal-pagamenti.

Tabella 3 – Sommarju tal-ewwel riżultati tal-verifiki tal-2019 permezz tal-monitoraġġ għall-BPS (kif ipprovduti mill-aġenziji tal-pagamenti sas-7/1/2020)

Pajjiż (Reġjun) Erja totali ta’ rqajja art mmonitorjati
(ha)
Għadd totali ta’ rqajja art mmonitorjati Irqajja’ art b’bandiera ħamra/safra wara pproċessar awtomatizzat Irqajja’ art b’bandiera ħamra/safra li ngħataw segwitu fl-uffiċċju Irqajja’ art b’bandiera ħamra/safra li ġew spezzjonati fuq il-post
Il-Belġju (Flanders) 599 545 397 568 3.5 % 1.5 % 1.0 %
Id-Danimarka 2 537 188 506 717 11.2 % 11.1 % 0.1 %
L-Italja (sitt provinċji mmonitorjati) 1 104 491 718 692 3.3 % 1.0 % mhux magħrufa
Spanja (Kastilja u León) 329 029 128 479 2.9 % 1.9 % 0.2 %

Sors: Aġenziji tal-pagamenti fil-Belġju (Flanders), id-Danimarka, l-Italja (AGEA) u Spanja (Kastilja u León).

50

L-istħarriġ li wettaqna juri li 13-il aġenzija oħra tal-pagamenti fi 8 Stati Membri, fl-2020 biħsiebhom jibdew verifiki permezz tal-monitoraġġ. Dan ikun ifisser li fl-2020, 28 aġenzija tal-pagamenti fi 13-il Stat Membru jistgħu jkunu qed japplikaw l-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ għal xi skemi ta' għajnuna u għal parti mill-erja li huma responsabbli għaliha (ara l-Figura 10). Sabiex fl-2020 ikunu lesti għall-implimentazzjoni, 11 minn dawk it-13-il aġenzija tal-pagamenti investew f’infrastruttura tal-IT u wettqu proġetti pilota. Tmienja minnhom tejbu wkoll il-kwalità tal-LPIS tagħhom u għamlu bidliet għall-proċessi organizzazzjonali. Sitta minnhom diġà għamlu konsultazzjonijiet mal-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa.

Figura 10

Użu intenzjonat ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ minn 28 aġenzija tal-pagamenti fl-2020, skont l-iskema u l-ambitu tal-applikazzjoni

Sors: l-istħarriġ tal-QEA.

L-aġenziji tal-pagamenti jużaw ukoll teknoloġiji ġodda ta’ immaġni fix-xogħol tagħhom barra l-verifiki permezz tal-monitoraġġ

51

Ħafna aġenziji tal-pagamenti, anke dawk li ma jużawx verifiki permezz tal-monitoraġġ, qed jużaw teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għal aspetti oħra tax-xogħol tagħhom (ara l-Figura 11).

Figura 11

Użi tat-teknoloġiji ta’ immaġni, min-naħa tal-aġenziji tal-pagamenti, għal verifiki tal-konformità fuq sussidji ta’ erjas taħt il-PAK sa Ġunju 2019

Sors: l-istħarriġ tal-QEA.

52

L-użu ad hoc ta’ immaġnijiet tas-Sentinels għal verifiki viżwali u r-ritratti mmarkati bil-post ġeografiku huma l-użu l-aktar mifrux. Kważi nofs l-aġenziji tal-pagamenti jużaw ritratti mmarkati bil-post ġeografiku, ġeneralment li jkunu meħuda mill-ispetturi tagħhom aktar milli mill-bdiewa.

53

Minbarra l-15-il aġenzija tal-pagamenti, li fl-2019 implimentaw verifiki permezz tal-monitoraġġ, 12-il aġenzija tal-pagamenti rrispondew li huma jużaw id-data tal-Copernicus Sentinels jew data ta’ satelliti oħra għal verifiki fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna. Xi aġenziji tal-pagamenti kienu involuti wkoll fi proġetti ewlenin ta’ riċerka bħal Sen4CAP (ara l-paragrafu 42), Sentinels Synergy for Agriculture (SensAgri), Reinforcing CAP (RECAP) jew Earth Observation for Agriculture (EO4AGRI).

54

Ir-riżultati tal-istħarriġ li wettaqna wrew li 8 minn 59 aġenzija tal-pagamenti kienu użaw droni. Fid-Danimarka, l-ispetturi tal-aġenzija tal-pagamenti jużaw droni biex jivverifikaw erjas li huma diffiċli biex jiġu aċċessati, u b’hekk inaqqsu r-riskju għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom, kif ukoll iż-żmien meħtieġ għall-verifiki. Fil-biċċa l-kbira, l-aġenziji tal-pagamenti jsemmu awtonomija limitata u restrizzjonijiet regolatorji bħala r-raġunijiet għalfejn ma jagħmlux aktar użu minn droni.

Xkiel li jfixkel l-użu tat-teknoloġiji ġodda

55

L-istħarriġ li wettaqna identifika ammont ta’ xkiel, li jdewwem l-implimentazzjoni ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ mill-aġenziji tal-pagamenti (ara l-Figura 12).

Figura 12

Xkiel li jipprevieni lill-aġenziji tal-pagamenti milli japplikaw verifiki permezz tal-monitoraġġ

Sors: l-istħarriġ tal-QEA.

56

Filwaqt li l-azzjoni tal-Kummissjoni tista’ tneħħi jew timmitiga parti minn dan ix-xkiel (ara l-paragrafi 2934 sa 40), hemm xkiel ieħor li jeħtieġ jiġi indirizzat mill-aġenziji tal-pagamenti. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-IT, l-adattament tal-proċessi interni u t-tibdil tal-istruttura organizzazzjonali biex jiġi appoġġat l-użu effettiv ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ.

57

Id-diskussjonijiet tagħna mal-aġenziji tal-pagamenti u mal-esperti ġibdu l-attenzjoni għal tliet sfidi ewlenin:

  • l-investiment fl-approċċ ġdid ta’ monitoraġġ filwaqt li hemm inċertezza dwar il-PAK ta’ wara l-202017 (li għaliha l-Kummissjoni pproponiet mudell ta’ implimentazzjoni ġdid u sistema ġdida ta’ monitoraġġ tal-erja li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri);
  • l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-IT, bħall-ipproċessar ta’ sensiela kronoloġika tad-data tas-Sentinels (volum għoli ta’ data) u algoritmi tat-tagħlim awtomatiku (minflok għodod standard tal-ipproċessar tal-immaġni) fejn xi aġenziji tal-pagamenti għandhom nuqqas ta’ għarfien espert rilevanti; u
  • il-kisba ta’ sinerġiji potenzjali fost l-aġenziji billi jaħdmu flimkien (jew fl-UE kollha jew fi gruppi volontarji). Dan jista’ jkun jgħodd għall-ipproċessar minn qabel tad-data tal-Copernicus Sentinels, għall-arkivjar, jew għall-forniment ta’ immaġnijiet ta’ riżoluzzjoni għolja ħafna għas-segwitu ta’ rqajja’ art żgħar (ara l-paragrafu 34).
58

Minkejja l-isfidi, il-Figura 13 turi li l-biċċa l-kbira mill-aġenziji tal-pagamenti għandhom pjan li jużaw teknoloġiji ġodda fis-sistemi tagħhom tal-PAK ta’ wara l-2020 għall-verifikazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, għalkemm it-tipi u l-użi mistennija tat-teknoloġija jvarjaw.

Figura 13

Proċessi li l-aġenziji tal-pagamenti jistennew li jużaw fil-ġejjieni biex jivverifikaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna fil-PAK ta’ wara l-2020

Sors: l-istħarriġ tal-QEA.

Progress aktar bil-mod biex titwieġeb l-isfida li jintużaw teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi

59

Minbarra l-użu ta’ teknoloġiji ġodda biex jitwettqu verifiki ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna skont l-erja fil-qasam tal-pagament dirett, aħna stennejna li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jieħdu inizjattivi fl-użu ta’ dawn it-teknoloġiji għall-monitoraġġ ta’ ċerti rekwiżiti ambjentali u klimatiċi, bħall-obbligu li titkabbar għalla tat-titwiq jew il-projbizzjoni fuq il-ħruq tal-qasbija.

60

Din it-teknoloġija se ssir aktar importanti fil-PAK ta’ wara l-2020, peress li l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni jintroduċu sistema obbligatorja ta’ monitoraġġ tal-erja għall-iskopijiet ta’ monitoraġġ tal-politika agroambjentali klimatika.

61

Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet passi xierqa lejn l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità u r-rekwiżiti agroambjentali klimatiċi tal-iżvilupp rurali permezz:

  • ta’ proposta ta’ bidliet għal-leġiżlazzjoni;
  • ta’ valutazzjoni tal-livell sa fejn ir-rekwiżiti attwali jistgħu jiġu mmonitorjati minn teknoloġiji ġodda;
  • tal-identifikazzjoni, il-kondiviżjoni u l-appoġġar ta’ eżempji ta’ prassi tajba; u
  • tal-valutazzjoni ta’ kemm it-teknoloġiji ġodda jistgħu jgħinu fil-monitoraġġ tar-rekwiżiti klimatiċi u ambjentali.
62

Aħna eżaminajna wkoll jekk l-aġenziji tal-pagamenti kinux bdew jużaw it-teknoloġiji ġodda biex jimmonitorjaw il-kundizzjonalità jew l-iskemi agroambjentali klimatiċi, jew jekk kinux biħsiebhom jagħmlu dan fil-futur qarib.

L-appoġġ li l-Kummissjoni tat għall-approċċ ta’ monitoraġġ ta prijorità lill-iskemi ta’ pagament dirett

63

Ir-regoli tal-kundizzjonalità (ara l-paragrafu 03) jinkludu standards għall-Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba (KAAT) tal-art, li huma stabbiliti f’livell nazzjonali, u Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni (SMRs) li huma stabbiliti f’livell tal-UE18. Hemm seba’ standards tal-KAAT u tliet SMRs relatati mal-erja li jkopru l-ambjent, it-tibdil fil-klima, u l-kundizzjoni agrikola tajba tal-art.

64

L-iskemi ta’ pagament agroambjentali huma diversi madwar l-UE. Huma għandhom l-għan li jtejbu r-relazzjoni agrikola ambjentali klimatika billi jħeġġu lill-bdiewa biex jidħlu għal prattiki li jirrispettaw l-ambjent. Il-parteċipazzjoni tal-bdiewa f’dawn il-miżuri hija volontarja.

65

Sal-lum, ix-xogħol tal-Kummissjoni ta prijorità lill-użu ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ għal skemi ta' pagamenti diretti ibbażati fuq l-erja, aktar milli għall-kundizzjonalità u għal skemi agroambjentali klimatiċi tal-iżvilupp rurali. Il-qafas legali biex jiġu applikati verifiki permezz tal-monitoraġġ għall-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali ilu disponibbli minn Mejju 2018 (ara l-paragrafu 11), u matul l-201919 il-Kummissjoni ħejjiet qafas legali biex tapplika approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ għall-kundizzjonalità (ara l-paragrafu 24).

66

Fl-2019, il-Kummissjoni bdiet rieżami tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità biex tidentifika dawk ir-rekwiżiti bbażati fuq l-erja li jistgħu jiġu mmonitorjati mill-bogħod. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll b’mod informali l-użu tad-data tas-Sentinels biex timmonitorja r-rekwiżiti taħt miżuri agroambjentali klimatiċi. Billi l-awtoritajiet tal-Istati Membri jfasslu skemi agroambjentali klimatiċi u dawn ivarjaw sinifikattivament fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, il-Kummissjoni wettqet din l-analiżi informali għal kampjun ta’ aġenziji tal-pagamenti. Hija sabet li ħafna rekwiżiti huma wisq kumplessi għall-monitoraġġ bid-data tas-Sentinels biss (ara t-Tabella 4). L-analiżi inizjali li l-Kummissjoni wettqet tal-applikabbiltà potenzjali ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ għall-kundizzjonalità turi li ħafna rekwiżiti taħt il-KAAT jistgħu jiġu mmonitorjati iżda, attwalment, mis-seba’ standards attwali tal-KAAT, standard wieħed biss huwa meqjus bħala li jista’ jiġi mmonitorjat bis-sħiħ (b’eċċezzjonijiet limitati). L-ebda wieħed mit-tliet SMRs attwali ma jistgħu jiġu mmonitorjati bis-sħiħ.

Tabella 4 – Ambitu għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, u tal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà agroambjentali klimatiċi tal-iżvilupp rurali, bl-użu tad-data tas-Sentinels

Attwalment jistgħu jiġu mmonitorjati bl-użu tas-Sentinels biss Attwalment ma jistgħux jiġu mmonitorjati bl-użu tas-Sentinels biss
Preżenza ta’ kopertura veġetali matul ċerti perjodi ta’ żmien Newba tal-għelejjel Bċejjeċ art ta’ lqugħ (> 20 m wiesgħa) Projbizzjoni ta’ ħruq tal-qasbija fir-raba’ tal-ħrit Żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ (sisien tal-ħaxix, siġar f’linja, gruppi ta’ siġar, eċċ.) skont id-daqs/wisa’ tagħhom Qtugħ tal-ħaxix fi bwar f’ċertu perjodu (eż. ġimagħtejn) Projbizzjoni ta’ ħdim tar-raba’ Bċejjeċ art ta’ lqugħ (< 20 m wiesgħa) Projbizzjoni tal-użu ta’ pestiċidi fuq biċċiet art ta’ lqugħ Projbizzjoni ta’ qtugħ ta’ sisien tal-ħaxix u ta’ siġar matul l-istaġun tat-tgħammir/tibjit tal-għasafar Żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ (ħniedaq, siġar iżolati, ħitan tradizzjonali tal-ġebel) Bċejjeċ art ħielsa mill-kultivazzjoni u bċejjeċ art tal-fjuri ta’ daqs limitat Tneħħija ta’ balal tal-ħuxlief wara l-qtugħ Kontroll ta’ speċijiet invażivi

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti u diskussjonijiet tal-Kummissjoni.

67

Bil-ħsieb li titfassal il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ satelliti Sentinel (wara l-2030), il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġbir tar-rekwiżiti tal-utenti u biex dawn hija tipprovdihom lill-ESA. Ir-rekwiżiti miġbura juru domanda għal data termika, b’riżoluzzjoni spazjali u temporali li hija simili għal dik tas-Sentinel 2, kif ukoll riżoluzzjoni spazjali ogħla tas-sistemi eżistenti. Attwalment, waħda mill-missjonijiet ta’ prijorità għolja fil-ġejjieni li qed jitqiesu mill-ESA tkun iġġorr sensur infraaħmar termiku ta’ riżoluzzjoni għolja biex jipprovdi osservazzjonijiet tat-temperatura tal-wiċċ tal-art bi frekwenza temporali għolja20. Sensur bħal dan ikun jaqbad l-istress idriku fil-pjanti, u b’hekk ikun utli biex jimmonitorja t-tisqija, biex jittraċċa l-astrazzjoni illegali tal-ilma, jew biex jaġġusta l-kwantitajiet ta’ tisqija fil-biedja intelliġenti.

L-aġenziji tal-pagamenti għadhom ma jużawx l-approċċ ta’ monitoraġġ għal verifiki tal-kundizzjonalità u għall-iskemi agroambjentali klimatiċi tal-iżvilupp rurali

68

Fl-2019, l-ebda waħda mill-aġenziji tal-pagamenti ma implimentat l-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ għall-kundizzjonalità u għall-iskemi agroambjentali tal-iżvilupp rurali. L-aġenziji tal-pagamenti li żorna ma kellhomx il-pjan li jestendu l-verifiki permezz tal-monitoraġġ għall-iskemi agroambjentali klimatiċi tal-iżvilupp rurali. Għall-kundizzjonalità, huma indikaw li fil-ġejjieni hemm ċans li jimmonitorjaw xi wħud mir-rekwiżiti (bħall-projbizzjoni ta’ ħruq tal-qasbija jew il-preżenza ta’ għata minima tal-ħamrija). Il-Figura 14 turi, skont l-istħarriġ tagħna, il-proporzjonijiet tal-aġenziji tal-pagamenti li fl-2020 qed jippjanaw li jużaw id-data tal-Copernicus Sentinels għall-monitoraġġ ta’ miżuri agroambjentali klimatiċi u ċerti rekwiżiti tal-kundizzjonalità.

Figura 14

Użu intenzjonat tad-data tal-Copernicus Sentinels għal verifiki sistematiċi fuq il-kundizzjonalità u fuq miżuri agroambjentali klimatiċi mill-2020 ’il quddiem

Sors: l-istħarriġ tal-QEA.

69

Ir-raġunijiet għalfejn l-aġenziji tal-pagamenti ma jużawx id-data tal-Copernicus Sentinels għal verifiki tal-kundizzjonalità, kif ġie spjegat mill-aġenziji tal-pagamenti li żorna, huma għax ma jistgħux jimmonitorjaw ir-rekwiżiti kollha tal-kundizzjonalità mill-bogħod (ara t-Tabella 4) u xorta jkunu jeħtieġu jwettqu spezzjonijiet fuq il-post għal rekwiżiti oħra. Dan jillimita l-benefiċċji ta’ tranżizzjoni għall-monitoraġġ. Fid-Danimarka, l-aġenzija tal-pagamenti qieset li biex tgħin lill-bdiewa jaċċettaw il-verifiki permezz tal-monitoraġġ għar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, ikollhom jiddaħħlu sanzjonijiet b’mod gradwali.

70

L-aġenziji tal-pagamenti jivverifikaw l-aderenza mar-regoli tal-kundizzjonalità (ara l-paragrafu 03) għal minimu ta’ 1 % tal-bdiewa. Jekk bidwi jkun kiser xi regoli tal-kundizzjonalità, l-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jnaqqsu l-għajnuna b’bejn 1 % u 5 %, skont id-daqs, is-severità u l-permanenza tal-ksur, dment li l-ksur ikun minimu u l-bidwi jkun jista’ jirrimedja s-sitwazzjoni. Ir-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI juri li aktar minn 2 % tal-bdiewa kollha tal-UE ġew spezzjonati għas-sena tat-talba 2017. Bidwi minn kull ħamsa spezzjonati kellu l-għajnuna mnaqqsa għal ksur ta’ mill-inqas waħda mir-regoli tal-kundizzjonalità. Bħala medja, il-bdiewa li nstabu li kisru r-regoli tal-kundizzjonalità kellhom tnaqqis ta’ 2.6 % fl-għajnuna li jitħallsu21. B’kollox, l-ammont totali ta’ dawn il-penali kien kważi EUR 40 miljun, li huwa madwar 0.07 % tal-infiq tal-PAK.

71

Il-Figura 15 turi l-livell medju ta’ tliet snin ta’ ksur irrappurtat għal tliet standards ewlenin tal-kundizzjonalità li jistgħu jiġu mmonitorjati mill-bogħod.

Figura 15

Perċentwal ta’ aġenziji tal-pagamenti għal kull livell ta’ ksur tal-kundizzjonalità li nstab (medja għall-perjodu 2015-2017)

Sorsi: Statistika tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-Istati Membri tal-ispezzjonijiet tagħhom tal-kundizzjonalità għall-2015-2017.

72

Fl-aħħar sena li għaliha kienet disponibbli l-informazzjoni, jiġifieri l-2017, aħna kkalkulajna li 18-il aġenzija tal-pagamenti ma qabdu l-ebda ksur ta’ xejn għal dawn it-tliet standards, filwaqt li 15 qabdu livelli li jaqbżu l-5 % ta’ bdiewa li kisru l-kundizzjonijiet f’mill-inqas wieħed minn dawn l-istandards.

Il-Kummissjoni ma tirrikjedix mill-Istati Membri li dawn jużaw teknoloġiji ġodda biex jimmonitorjaw direttament l-impatt ambjentali u klimatiku tal-agrikoltura ta’ wara l-2020

73

Il-proposti tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2018 għall-PAK ta’ wara l-2020 fihom objettivi ambjentali u klimatiċi speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw dawn l-objettivi fil-pjanijiet strateġiċi tagħhom għall-PAK.

74

Il-Kummissjoni tipproponi għadd ta’ indikaturi tal-prestazzjoni, li huma intenzjonati li jkejlu l-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi. Hawn taħt huma d-definizzjonijiet standard tagħna ta’ x’inhuma indikaturi tal-prestazzjoni22 (flimkien ma’ eżempji fil-qasam tal-agrikoltura).

  • Indikaturi tal-output: ikejlu xi ħaġa li tiġi prodotta jew miksuba minn proġett iffinanzjat mill-UE (eż. l-għadd ta’ ettari li huma koperti minn projbizzjoni ta’ bexx ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti).
  • Indikaturi tar-riżultati: ikejlu l-effett immedjat ta’ proġett jew programm malli jiġi kkompletat (eż. is-sehem ta’ art agrikola maħduma mingħajr prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti).
  • Indikaturi tal-impatt: ikejlu l-konsegwenzi fuq terminu twil ta’ proġett jew programm ikkompletat, li jistgħu jkunu soċjoekonomiċi, ambjentali jew finanzjarji (eż. il-konċentrazzjoni ta’ residwi tal-protezzjoni tal-pjanti fl-ilma tal-wiċċ).
75

F’rapporti preċedenti23, aħna osservajna ripetutament li l-indikatur tal-riżultati li l-Kummissjoni tuża u li jkejjel is-“Sehem taż-żona maħduma skont prattiki aktar ekoloġiċi” kien ta’ użu limitat għall-monitoraġġ tar-riżultati li kienu nkisbu permezz tal-ekoloġizzazzjoni. Fl-Opinjoni Nru 7/201824 tagħna rigward il-proposti tal-Kummissjoni għall-PAK ta’ wara l-2020, aħna nirreferu għal għadd ta’ rapporti tal-awditjar li ħriġna u li jikkritikaw il-qafas attwali komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK. Fl-Anness I ta’ din l-Opinjoni, aħna kkummentajna dwar il-pertinenza u l-kwalità tal-indikaturi proposti. Fost problemi oħra aħna osservajna li, pereżempju, l-indikaturi li jkejlu erjas taħt impenji klimatiċi ma jiħdux inkunsiderazzjoni differenzi fil-kontributi tagħhom għat-tibdil fil-klima (kull ettaru jgħodd b’mod indaqs). Dan ifisser li minħabba l-kundizzjonijiet differenti tal-Istati Membri li magħhom il-bdiewa għandhom iżommu, l-impatt ta’ dawn il-miżuri jista’ jkun kompletament differenti.

76

Fil-valutazzjoni li hija wettqet tal-indikaturi għall-PAK ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni identifikat tliet indikaturi (I.10, I.13 u I.2025) li, flimkien ma’ sorsi oħra, jistgħu jiġu bbażati fuq data tas-Sentinels. Hija tipproponi li ħafna indikaturi oħra jiġu bbażati fuq stħarriġiet/bażijiet ta’ data eżistenti li huma mmaniġġjati mill-Istati Membri (eż. l-LPIS), mill-Eurostat (eż. l-Istħarriġ qafas statistiku tal-Użu tal-Art taż-Żona Koperta) u mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

77

Skont il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati fil-PAK, l-użu tad-data tal-Copernicus Sentinels u teknoloġiji oħra ta’ immaġni għall-monitoraġġ tal-għajnuna skont l-erja għandu benefiċċji potenzjali sinifikanti għall-bdiewa, għall-amministrazzjonijiet u għall-ambjent (ara l-paragrafi 15 sa 19). L-awditu tagħna eżamina jekk il-Kummissjoni kinitx stimolat b’mod effettiv l-użu mifrux ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda u jekk l-Istati Membri kinux ħadu azzjoni adegwata biex jużawhom (ara l-paragrafi 20 sa 22).

78

Aħna sibna li l-Kummissjoni kienet stimolat l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, speċjalment għall-monitoraġġ tal-għajnuna skont l-erja fil-għamla ta’ pagamenti diretti. F’Mejju 2018, daħal fis-seħħ il-qafas legali li jippermetti l-użu tad-data tas-Sentinels għall-verifikazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-bdiewa għall-għajnuna skont l-erja. Il-bidliet leġiżlattivi li twettqu f’Ottubru 2019 iċċaraw ħafna oqsma tal-approċċ ġdid ta’ monitoraġġ, iżda l-aġenziji tal-pagamenti għadhom imħassba dwar l-eżiti possibbli tal-awditi tal-Kummissjoni li se jitwettqu fil-ġejjieni, peress li r-regoli għall-approċċ ġdid mhumiex daqshekk iddettaljati daqs dawk għall-verifiki tradizzjonali. Filwaqt li dan jagħti lok għall-innovazzjoni u l-Kummissjoni esprimiet li hija lesta biex ikollha diskussjonijiet u tasal għal soluzzjonijiet jekk jinħolqu problemi kbar, l-aġenziji tal-pagamenti jistennew li jirċievu gwida ulterjuri mingħand il-Kummissjoni sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin u jnaqqsu r-riskju ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fil-ġejjieni. Problema oħra hija l-kumplessità tal-miżuri attwali ta’ għajnuna taħt il-PAK, billi xi wħud mir-rekwiżiti mhux dejjem jistgħu jiġu mmonitorjati mill-bogħod (ara l-paragrafi 24 sa 30).

79

Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istħarriġ tagħna huma mħassba wkoll dwar ir-riskju li ma jkunux jistgħu jilħqu konklużjonijiet dwar għadd kbir ta’ rqajja’ art bl-użu tal-awtomatizzazzjoni, speċjalment jekk dawn ikollhom jiġu segwiti bi żjarat fuq il-post. Dan jista’ jkun il-każ għal irqajja’ art żgħar, kif ukoll għal irqajja’ art b’ċerti tipi ta’ attività (eż. rigħi estensiv). Il-Kummissjoni ħadet passi biex issib soluzzjonijiet għal dawn il-problemi iżda għadu jeħtieġ li dawn jiġu ttestjati f’ambjenti operazzjonali (ara l-paragrafi 32 sa 37).

80

It-tranżizzjoni għal verifiki permezz tal-monitoraġġ tirrikjedi bidliet sinifikanti għas-sistemi tal-IT u mhux l-aġenziji tal-pagamenti kollha iqisu li attwalment għandhom ir-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa biex jagħmlu dan. Il-Kummissjoni ħadet inizjattivi biex tiffaċilita l-aċċess għad-data tas-Sentinels u għas-servizzi ta’ pproċessar tal-cloud diġitali, iżda l-adozzjoni tagħhom mill-aġenziji tal-pagamenti għal skopijiet operazzjonali għadha f’livell baxx (ara l-paragrafi 38 sa 40).

81

Il-Kummissjoni bdiet u ffinanzjat proġetti ta’ riċerka, li l-biċċa l-kbira minnhom għadhom għaddejjin, b’hekk, ir-riżultati ta’ dawn l-isforzi se jkunu biss viżibbli bis-sħiħ fis-snin li ġejjin (ara l-paragrafi 41 sa 44).

82

Aħna sibna li 5 Stati Membri kienu ħadu azzjoni għall-pagamenti diretti, billi 15 mill-aġenziji tal-pagamenti tagħhom diġà kienu qed jużaw l-approċċ ġdid ta’ monitoraġġ fl-2019, għalkemm ġeneralment għal ċerti skemi ta' għajnuna u ċerti gruppi ta’ bdiewa biss (ara l-paragrafi 45 sa 54). Hemm 13-il aġenzija tal-pagamenti oħra li biħsiebhom jintroduċu verifiki permezz tal-monitoraġġ fl-2020, iżda aħna osservajna li hemm ammont ta’ xkiel li attwalment ifixkel l-użu aktar mifrux tat-teknoloġiji ġodda (ara l-paragrafi 55 sa 58).

Rakkomandazzjoni 1 – Promozzjoni tal-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ bħala sistema ta' kontroll ewlieni għall-aġenziji tal-pagamenti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi appoġġ u inċentivi lill-Istati Membri biex jużaw l-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ fil-PAK ta’ wara l-2020 bħala sistema ta’ kontroll ewlieni tagħhom, billi:

  1. iżżomm katalgu ta’ eżempji ta’ prassi teknika tajba li jkunu ġew dokumentati għal verifiki permezz tal-monitoraġġ, li l-aġenziji tal-pagamenti jkunu jistgħu jfasslu apposta skont ħtiġijiethom;
  2. tistabbilixxi qafas ta’ valutazzjoni tal-kwalità għal verifiki permezz tal-monitoraġġ;
  3. tipprovdi pjattaforma għal skambji bejn l-aġenziji tal-pagamenti bl-għan li jiġu identifikati sinerġiji għall-ipproċessar ta’ data, il-ħżin ta’ data, il-kisba ta’ data, jew servizzi oħra relatati, li jkunu jipprovdu benefiċċji u ffrankar reċiproċi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2021

83

Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jużaw l-approċċ ta’ verifiki permezz tal-monitoraġġ biex jivverifikaw ċerti rekwiżiti ta’ żvilupp rurali u tal-kundizzjonalità, il-biċċa l-kbira minnhom mhumiex se jagħmlu dan qabel l-2021. Dan huwa minħabba n-natura ta’ xi wħud minn dawn ir-rekwiżiti, li ma jistgħux jiġu mmonitorjati mill-bogħod, iżda wkoll għax l-aġenziji tal-pagamenti jistennew biss benefiċċji limitati f’termini ta’ prestazzjoni u ffrankar tal-ispejjeż (ara l-paragrafi 59 sa 71).

84

Filwaqt li s-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja jista’ jkollha rwol importanti fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni ambjentali u klimatika tal-PAK, fil-biċċa l-kbira l-ġabra ta’ indikaturi attwalment proposti għall-PAK ta’ wara l-2020 mhijiex imfassla għal monitoraġġ dirett permezz tad-data tas-Sentinels (ara l-paragrafi 73 sa 76).

Rakkomandazzjoni 2 – Isir użu aħjar minn teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tidentifika x-xkiel li jfixkel l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għall-verifikazzjoni tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità u tal-iżvilupp rurali, u tiżviluppa pjan ta' azzjoni biex jitneħħa, fejn dan ikun kosteffettiv;
  2. tuża, u tippromwovi l-użu ta', informazzjoni li tkun ġejja mit-teknoloġiji ġodda biex jingħata fehim approfondit rigward il-prestazzjoni tal-politika tal-PAK ta’ wara l-2020.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2021

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos Milionis, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Jannar 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AMS: Sistema ta’ monitoraġġ tal-erja

BPS: Skema ta’ pagament bażiku

DĠ AGRI: Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

DIAS: Servizzi ta’ Aċċess għad-Data u l-Informazzjoni

ESA: Aġenzija Spazjali Ewropea

GNSS: Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita

GROW: Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

GSAA: Applikazzjoni ta’ Għajnuna Ġeospazjali

IT: Teknoloġija tal-informazzjoni

JRC: Ċentru Konġunt tar-Riċerka

KAAT: Kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba

LPIS: Sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art

PAK: Politika Agrikola Komuni

QEA: Qorti Ewropea tal-Awdituri

Sen4CAP: Sentinels għall-Politika Agrikola Komuni

SIAK: Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll

SMR: Rekwiżiti statutorji tal-immaniġġjar

UE: Unjoni Ewropea

VCS: Appoġġ akkoppjat volontarju

YFS: Skema għal bdiewa żgħażagħ

Glossarju

Applikazzjoni ta’ għajnuna ġeospazjali (GSAA): Għodda online li permezz tagħha jiġu sottomessi t-talbiet għall-għajnuna agrikola, ibbażati fuq l-erja.

Biedja intelliġenti: l-użu ta’ teknoloġija moderna għat-traċċar, il-monitoraġġ, l-awtomatizzazzjoni u l-analizzar ta’ operazzjonijiet biex jiżdiedu l-kwantità u l-kwalità tal-prodotti agrikoli.

Dron: Inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ li huwa kkontrollat mill-bogħod u jista’ jieħu ritratti.

Ekoloġizzazzjoni: L-adozzjoni ta’ prattiki agrikoli li jkunu ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent. Terminu użat ukoll komunement biex jirreferi għall-iskema ta’ appoġġ korrispondenti tal-UE.

Immarkar bil-post ġeografiku: Il-proċess li bih tiżdied metadata ġeografika (u possibbilment temporali) – miksuba bis-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita tat-tagħmir stess – għal mezzi tal-midja, bħal ritratt.

Markatur: bidla karatteristika maż-żmien, ta’ sinjal mis-satellita, li tista’ tkun marbuta ma’ avveniment ta’ kopertura tal-art (bħat-tkabbir rapidu tal-veġetazzjoni jew l-apparenza ta’ veġetazzjoni xotta).

Maskra tas-sħab: Filtru li permezz tiegħu l-pixels ikkontaminati mis-sħab jiġu esklużi minn immaġni bis-satellita.

(Miżura) impenn agroambjentali klimatiku/a: Prattika, li tmur lil hinn mir-rekwiżiti ambjentali tas-soltu, li l-bdiewa jistgħu jagħżlu li japplikaw u li għaliha huma jirċievu pagament mill-baġit tal-UE.

Pixel: l-iżgħar unità ta’ immaġni li tista’ tintwera fuq tagħmir diġitali.

Proċedura ta' approvazzjoni tal-konformità: Il-proċess li permezz tiegħu l-Kummissjoni tivverifika jekk Stat Membru jkunx għamel użu korrett mill-fondi agrikoli li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, u jekk is-sistemi tiegħu ta’ ġestjoni u kontroll ikunux iffunzjonaw b’mod effettiv. Fil-każ ta’ ksur tar-regoli, il-proċedura tista’ twassal biex l-Istat Membru jagħmel rimborż.

Riżoluzzjoni spazjali: il-livell ta’ dettall li jista’ jinqabad minn sensur tas-satellita jew li jista’ jintwera f’immaġni bis-satellita, espress f’(ċenti)metri għal kull pixel.

Sistema ta' identifikazzjoni tal-irqajja' tal-art (LPIS): Bażi ta’ data tal-art agrikola fl-Istati Membri, li tintuża għall-ħlas ta’ għajnuna diretta taħt il-politika agrikola komuni u għall-verifiki tal-eliġibbiltà fuq it-talbiet li jsiru mill-bdiewa.

Sistema ta’ monitoraġġ tal-erja (AMS): Teknoloġija għall-osservazzjoni, it-traċċar u l-valutazzjoni sistematiċi tal-attivitajiet agrikulturali bl-użu tad-data tas-satelliti Copernicus Sentinels jew l-ekwivalenti.

Tagħlim awtomatiku: applikazzjoni ta’ intelliġenza artifiċjali li biha s-sistemi tal-kompjuter jużaw algoritmi u mudelli statistiċi biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom ta’ kompitu speċifiku (bħall-klassifikazzjoni tal-immaġnijiet) mingħajr ma jkunu pprogrammat għal dik il-fini.

Verifiki permezz tal-monitoraġġ: Sostitut għal verifiki fuq il-post, li jinvolvu l-osservazzjoni, it-traċċar u l-valutazzjoni sistematiċi tal-kriterji ta' eliġibbiltà u tal-obbligi, bl-użu tad-data tal-Copernicus Sentinels.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tkompli tissimplifika u timmodernizza waħda mill-ewwel u l-akbar politiki tal-UE, il-Politika Agrikola Komuni (PAK), u tilqa’ r-rapport tal-QEA.

Dan l-approċċ innovattiv ħafna ta’ kontrolli permezz tal-monitoraġġ huwa bbażat fuq analiżi awtomatizzata ta’ data mis-satelliti Copernicus Sentinels biex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tal-benefiċjarji għall-pagamenti tal-PAK biex b’hekk jiġu sostitwiti spezzjonijiet li jikkunsmaw ir-riżorsi fir-razzett. Huma previsti metodi ta’ segwitu li jużaw teknoloġiji ġodda oħra (bħal ritratti geo-tagged) f’każ ta’ evidenza tas-satellita inkonklussiva. Il-kontrolli permezz tal-monitoraġġ jippermettu li jintbagħtu messaġġi ta’ twissija lill-bdiewa u li tingħatalhom il-possibbiltà li jieħdu azzjoni korrettiva biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u jirċievu l-pagamenti.

Sabiex jitħaffef l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, is-servizzi tal-Kummissjoni investew sforzi sinifikanti biex jipprovdu qafas ġuridiku u tekniku għall-Istati Membri biex jadottaw approċċ ta’ “kontrolli permezz tal-monitoraġġ”. Il-Kummissjoni offriet gwida u taħriġ prattiku lil dawk li jkunu minn tal-ewwel li jadottaw l-approċċ, kif ukoll appoġġ finanzjarju għat-tnedija tas-Servizzi ta’ Aċċess għad-Data u għall-Informazzjoni ta’ Copernicus (DIAS).

L-użu tal-kontrolli permezz tal-monitoraġġ fl-2019 minn ħames Stati Membri skont il-PAK attwali għandu jitqies bħala fażi inizjali, li fuqha se tkun ibbażata s-Sistema ta’ Monitoraġġ taż-Żona futura (prevista taħt il-qafas ġuridiku propost għall-PAK ta’ wara l-2020).

L-aħħar informazzjoni mill-Istati Membri li jimplimentaw il-kontrolli permezz tal-monitoraġġ hija pożittiva u rassikuranti. F’ħafna każijiet, il-punti negattivi antiċipati qabel il-bidu, ma wrewx li huma ta’ tħassib kbir.

II

Sentinel 1A, Sentinel 2A, Sentinel 1B u Sentinel 2B tnedew rispettivament fit-3 ta’ April 2014, il-25 ta’ Ġunju 2015, il-25 ta’ April 2016 u s-7 ta’ Marzu 2017. Wara ftit xhur ta’ perjodi ta’ kummissjonar li jibdew minn dawn id-dati tat-tnedija, kull waħda mis-satellita Sentinel kienet qed tipprovdi b’mod operattiv data tal-osservazzjoni tad-dinja mqassma skont il-politika dwar id-data b’xejn, sħiħa u miftuħa ta’ Copernicus.

VII

Il-Kummissjoni tifhem li l-kontrolli permezz ta’ monitoraġġ huma proċess innovattiv ħafna li jitlob estensjoni gradwali fl-ambitu tal-miżuri u r-rekwiżiti koperti, bil-bini ukoll fuq l-esperjenza li nġabret. L-emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ġiet adottata biss f’Ottubru 2019. Dan joħloq il-bażi ġuridika biex jibdew jiġu implimentati kontrolli permezz tal-monitoraġġ għall-kundizzjonalità.

S’issa, sitt Stati Membri implimentaw studji pilota fl-2019 għal kontrolli ta’ kundizzjonalità permezz tal-monitoraġġ għajr it-twettiq ta’ kontrolli ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna diretta skont iż-żona.

Il-Kummissjoni tistenna aktar adeżjoni mill-Istati Membri għall-kontrolli permezz tal-monitoraġġ għall-kundizzjonalità u għall-miżuri tal-Iżvilupp Rurali bbażati fuq iż-żona.

VIII

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet.

Introduzzjoni

3

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandu l-prinċipju li hemm rabta permezz tas-sistema ta’ kundizzjonalità (cross-compliance, CC) bejn il-wasla sħiħa tal-appoġġ tal-PAK mill-bdiewa u r-rispett ta’ sett ta’ regoli bażiċi relatati mat-tliet oqsma ta’ aspettattivi pubbliċi dwar l-ambjent, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali.

11

L-importanza tad-“dikjarazzjoni ta’ Malta” hija wkoll l-ixprunar tal-bidla, sa fejn hu possibbli, mill-kontroll għall-prevenzjoni. L-użu ta’ teknoloġiji ġodda u monitoraġġ elettroniku kontinwu ta’ attivitajiet agrikoli jipprovdi lill-aġenziji tal-pagamenti b’informazzjoni li tista’ tintuża biex tagħti pariri u trawwem il-konformità mar-regoli ta’ eliġibbiltà, b’mod preventiv u proattiv, minflok ma jiġu imposti sanzjonijiet ex-post. Dan l-aspett ta’ appoġġ kien kruċjali għal azzjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni u wieħed mill-prinċipji ta’ gwida biex jiġi emendat il-qafas ġuridiku biex ikunu jistgħu jsiru kontrolli permezz tal-monitoraġġ.

17

Waħda mir-raġunijiet deċiżivi biex jinbdew il-kontrolli permezz tal-monitoraġġ hija l-kapaċità li jiġu evitati l-penali billi jiġi informat il-benefiċjarju dwar nuqqasijiet ta’ konformità potenzjali u li jiġu permessi azzjonijiet ta’ rimedju. Bil-kontrolli permezz tal-monitoraġġ, il-benefiċjarji għandhom il-possibbiltà li jemendaw l-applikazzjoni għall-għajnuna abbażi ta’ informazzjoni aġġornata kontinwament dwar l-attivitajiet fir-razzett u djalogu mal-aġenzija tal-pagamenti responsabbli. Din l-għażla mhijiex possibbli bl-approċċ klassiku ta’ kontroll. Wara spezzjoni klassika fuq il-post, jiġu applikati tnaqqis u penali għan-nuqqasijiet ta’ konformità li jinstabu.

19

Huwa fattibbli li jiġu previsti sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jipprovdu servizzi mingħajr il-ħtieġa li jagħtu “aċċess għad-data tagħhom”. Dan huwa pereżempju previst fil-kuntest tas-Sistema ta’ Monitoraġġ taż-Żona — li hija Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) fil-proposta tal-Kummissjoni dwar il-PAK wara l-2020.

Osservazzjonijiet

25

Is-servizz responsabbli għall-ikklerjar tal-kontijiet kien involut fl-istadji kollha tal-introduzzjoni tal-kontrolli permezz tal-monitoraġġ. Meta l-Istati Membri ppreżentaw il-proposti tagħhom, l-unità tal-verifika kienet preżenti biex twieġeb kwalunkwe mistoqsija li jista’ jkollhom dwar il-proċedura applikata fil-verifiki tal-konformità.

26

Fl-ittri tagħha lill-aġenziji tal-pagamenti li jimplimentaw il-kontrolli permezz tal-monitoraġġ fl-2019, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda garanzija bil-quddiem iżda minflok esprimiet li hija lesta li torganizza diskussjonijiet u ssib soluzzjoni f’każ ta’ kwistjonijiet sistemiċi rrappurtati fi żmien xieraq.

27

Il-Kummissjoni ma tapprovax il-metodoloġiji ta’ kontroll. Hija tistabbilixxi għanijiet ġenerali u tipprovdi gwida. Madankollu, il-Kummissjoni pprovdiet ċerta assigurazzjoni fis-sens li l-metodi użati għall-kontrolli permezz tal-monitoraġġ ġew diskussi, kif ikkonfermat f’ittri ta’ faraġ mid-Direttur Ġenerali, li jindikaw kwistjonijiet potenzjali.

28

Il-Kummissjoni tinnota li r-regoli ġenerali tal-PAK dwar l-irkupri japplikaw għal tranżazzjonijiet soġġetti għall-kontrolli permezz tal-monitoraġġ. Dan ifisser li l-pagamenti mhux dovuti jridu jiġu rkuprati, irrispettivament minn jekk jiġix applikat l-approċċ tradizzjonali jew il-Kontrolli permezz tal-Monitoraġġ. Iċ-ċiklu ta’ aġġornament tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS) flimkien mal-proċeduri ta’ rkupru retroattivi obbligatorji jiżguraw id-detezzjoni u s-segwitu ta’ pagamenti żejda.

Sa mill-bidu, il-Kummissjoni ħabbret li l-livelli aċċettabbli ta’ żbalji ħodor u żbalji ħomor foloz iridu jiġu riveduti. Mill-esperjenza tal-2019, u msaħħa bl-informazzjoni li ġejja mill-industrija, il-Kummissjoni se tkun f’pożizzjoni li tirrevedi l-valuri għall-2020.

29

L-iżvilupp ta’ qafas ta’ Valutazzjoni tal-Kwalità (Quality Assessment — QA) jeħtieġ biżżejjed esperjenza bil-metodu inkwistjoni. Minħabba li l-qafas ġuridiku għall-kontrolli permezz tal-monitoraġġ ilu disponibbli biss minn Mejju 2018, u minħabba li kien hemm aġenzija tal-pagamenti waħda biss li timplimenta l-Kontrolli permezz tal-Monitoraġġ fl-2018, wieħed jista’ jifhem li l-istruzzjonijiet dettaljati tal-QA għadhom qed jiġu ffinalizzati.

30

Filwaqt li l-kontrolli permezz tal-monitoraġġ jagħmlu użu mid-data ta’ Sentinel għall-monitoraġġ awtomatizzat tal-attivitajiet u l-kundizzjonijiet agrikoli, dan jipprovdu wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li jużaw teknoloġiji ġodda oħra — bħal ritratti geo-tagged — għas-segwitu ta’ pakketti inkonklużivi.

L-elementi tal-Ekoloġizzazzjoni kollha elenkati fit-Tabella 1 jistgħu jiġu ttrattati b’immaġni geo-tagged fil-kuntest ta’ segwitu permess (għal pakketti li kienu mmonitorjati b’mod inkonklussiv b’data ta’ Sentinel) taħt l-approċċ tal-Kontroll permezz tal-Monitoraġġ.

33

Il-Kummissjoni tinnota li l-esperjenza tal-2019 turi li l-għadd ta’ pakketti sofor, u x-xogħol addizzjonali għall-aġenziji tal-pagamenti, mhumiex għoljin daqs kemm kien antiċipat mill-Istati Membri.

39

Għalkemm ma ntużawx fil-mod operattiv, is-Servizzi ta’ Aċċess għad-Data u għall-Informazzjoni (DIAS) ġew ittestjati b’mod effettiv minn xi aġenziji tal-pagamenti fil-qafas ta’ din l-inizjattiva. Dan wassal għal esperjenza prattika fl-analiżi sistematika tad-data ta’ Sentinel f’ambjenti ta’ cloud differenti u żviluppi ġodda. L-aġenziji tal-pagamenti u l-Kummissjoni kisbu esperjenza siewja u r-rispons huwa pożittiv. Xi Stati Membri qed jesprimu r-rieda tagħhom li jipparteċipaw f’din l-iskema. Għandu jiġi enfasizzat li l-għażla tal-infrastruttura tal-IT u l-akkwist relatat normalment isiru wara analiżi bir-reqqa b’ċikli ta’ investiment ħafna drabi twal, b’mod partikolari meta l-Istati Membri jkunu diġà investew fl-infrastruttura tagħhom stess.

40

Id-DIAS huma, kif indikat, inizjattiva riċenti ħafna li titbiegħed mill-aċċess tradizzjonali għad-data u li teħtieġ xi żmien biex tistabbilixxi lilha nnifisha. Fid-dawl tal-volumi li dejjem qed jiżdiedu tal-arkivju ta’ data ta’ Sentinel, it-twassil tad-data ta’ Sentinel lill-utenti joħloq konġestjonijiet, jikkonsma ammont kbir ta’ wisa’ tal-banda tan-netwerk u jillimita lill-utenti biex jimmaniġġjaw huma stess din id-data u l-infrastruttura biex tipproċessaha. L-alternattiva moderna hija li tgħaqqad l-algoritmi tal-utenti mad-data u tippermetti lill-utent iwaqqaf il-katina tal-ipproċessar tiegħu u servizzi li jżidu l-valur flimkien mal-lagi tad-data. Id-DIAS ġew stabbiliti wara dan il-mudell il-ġdida. L-utenti mbagħad ikunu jistgħu jibnu komunitajiet jew negozji flimkien ma’ dawn id-DIAS u jaqsmu s-softwer u l-għarfien mal-utenti tagħhom stess. Bħala inizjattivi ġodda, id-DIAS jeħtieġ li jagħmlu s-servizzi u l-mudell tan-negozju tagħhom aktar magħrufa u mifhuma mill-utenti. Huma qed jimxu f’ambjent kompetittiv u għandhom il-libertà li jadattaw ruħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti potenzjali tagħhom. It-tranżizzjoni minn infrastruttura bi sjieda privata għal servizzi pubbliċi tal-cloud tbiddel il-mudelli tal-akkwist u tal-kost u l-utenti x’aktarx li jkunu għadhom dipendenti fuq infrastrutturi diġà akkwistati. Madankollu, għas-snin li ġejjin, huwa neċessarju li jkun hemm kollokazzjoni tad-data, il-ħażna, il-kapaċitajiet tal-ipproċessar u s-softwer ta’ Copernicus għall-benefiċċju tal-utenti.

46

Il-Kummissjoni tilqa’ dan il-progress mgħaġġel ħafna fl-użu ta’ teknoloġija innovattiva meta wieħed iqis l-ambjent ferm regolat tal-kontrolli tal-pagamenti tal-PAK.

49

Il-Kummissjoni tindika li ma hemm l-ebda rekwiżit ġuridiku biex l-aġenziji tal-pagamenti jwettqu żjarat ta’ segwitu għal pakketti li ma jkunux konformi (ħomor) b’mod konklużiv.

60

L-Artikolu 68 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u joperaw sistema ta’ monitoraġġ taż-żona. “Sistema ta’ Monitoraġġ taż-Żona” tfisser proċedura ta’ osservazzjoni, intraċċar u valutazzjoni regolari u sistematika ta’ attivitajiet u prattiki agrikoli f’żoni agrikoli permezz ta’ data mis-satelliti Sentinels ta’ Copernicus jew data oħra li għandha tal-anqas valur ekwivalenti.

61

L-emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ġiet adottata biss f’Ottubru 2019, li tippermetti wkoll lill-Istati Membri jwettqu kontrolli permezz tal-monitoraġġ għall-kundizzjonalità.

Sitt Stati Membri implimentaw studji pilota fl-2019 għal kontrolli ta’ kundizzjonalità permezz tal-monitoraġġ għajr it-twettiq ta’ kontrolli ta’ eliġibbiltà għal għajnuna f’żona ta’ pagament dirett.

Il-Kummissjoni tistieden lill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri kollha biex jagħmlu sessjonijiet ta’ ħidma darbtejn fis-sena biex jippreżentaw l-aħħar informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda ta’ monitoraġġ.

65

Abbażi tal-kapaċitajiet tekniċi f’dak iż-żmien, il-ħidma tal-Kummissjoni bdiet bl-użu ta’ kontrolli permezz tal-monitoraġġ għal skemi ta’ pagamenti diretti bbażati fuq iż-żona, aktar milli għal skemi agro-ambjentali ta’ kundizzjonalità u żvilupp rurali, fejn jeħtieġ li jiġu kkunsidrati rekwiżiti aktar speċifiċi u kwalitattivi. Għalhekk, fl-2019 il-kontrolli permezz tal-monitoraġġ ġew estiżi għall-kundizzjonalità.

66

It-tabella tal-istandards proposti tal-Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba (KAAT) (kif elenkati fl-Anness III tar-regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK) tipproponi għaxar standards KAAT futuri, li ħamsa minnhom huma kkunsidrati bħala monitorabbli (1,3,7,8 u 9) (b’xi limitazzjonijiet). Erba’ standards oħra tal-KAAT se jkunu tal-anqas parzjalment monitorabbli (sottorekwiżit wieħed jew aktar huwa monitorabbli). L-istandard, KAAT 5, li jifdal, se jitwassal permezz ta’ għodda tal-IT, li se tiffaċilita l-kontrolli awtomatizzati, mingħajr żjara fuq il-post. Għalhekk, dan l-istandard jista’ jitqies kompletament monitorabbli (għalkemm mhux permezz ta’ data ta’ Sentinel).

Rigward il-Ħtiġijiet Amministrattivi Statutorji (Statutory Management Requirements, SMRs), jista’ jkun hemm ċerti elementi bbażati fuq iż-żona li jistgħu jiġu mmonitorjati, skont id-daqs/in-natura tal-miżuri fil-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati (Nitrates Action Programme, NAP) jew il-Pjan ta’ Ġestjoni (Management Plan, MP) skont Direttiva dwar in-natura. Għalhekk, dawn l-SMRs huma mill-inqas monitorjati parzjalment.

67

Il-monitoraġġ tat-Temperatura tas-Superfiċje tal-Art (Land Surface Temperature Monitoring, LSTM) huwa wieħed mill-missjonijiet ta’ prijorità għolja ta’ Copernicus imfassal mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Il-LSTM ġie propost taħt il-missjonijiet ta’ Espansjoni li se jitnedew wara l-2025. L-ispeċifikazzjonijiet tal-missjoni ġew definiti mal-esperti internazzjonali, inkluż mill-Kummissjoni. Meta jitqiesu l-possibbiltajiet teknoloġiċi u r-Rekwiżiti tal-Utent tal-Politika, ir-riżoluzzjoni spazjali prevista hija ta’ 50 metru. Se tiġi żgurata l-interoperabbiltà sħiħa mal-Ġenerazzjoni li Jmiss S2 u S2.

68

Il-kapaċitajiet tekniċi tat-teknoloġija attwali jillimitaw il-monitorabbiltà sħiħa għal KAAT waħda skont ir-regoli attwali ta’ kundizzjonalità u mbagħad parzjalment għal erbgħa mis-seba’ l-oħra, fejn is-sottorekwiżiti jistgħu jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati.

Il-Kummissjoni tistenna wkoll li eventwalment il-monitoraġġ se jiġi estiż għal miżuri tal-Iżvilupp Rurali bbażati fuq iż-żona.

69

Il-kontrolli permezz tal-monitoraġġ ma jistgħux jivverifikaw ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità kollha, pereżempju: is-sikurezza tal-ikel, l-identifikazzjoni tal-annimali u l-benesseri tal-annimali.

74

Fil-proposta tagħha għall-PAK ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni pproponiet indikaturi abbażi ta’ dan li ġej:

  • Indikaturi tal-output: iservu biex ikun hemm rabta bejn in-nefqa u l-outputs. Dawn jintużaw għall-ikklerjar tal-prestazzjoni annwali.
  • L-indikaturi tar-riżultati: jintużaw biex l-outputs jintrabtu ma’ għanijiet speċifiċi, għall-iffissar ta’ miri (realizzati minn interventi approvati) u għall-monitoraġġ tal-progress tal-implimentazzjoni (analiżi tal-prestazzjoni).
  • L-indikaturi tal-impatt: jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-PAK b’rabta mal-objettivi speċifiċi tal-PAK (evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u ex post).
75

L-indikaturi futuri tagħna tal-PAK huma pertinenti u rilevanti biex jitkejlu l-impenji tal-bdiewa lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Madankollu, il-kejl tal-kontribuzzjoni attwali tal-PAK għat-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa kumpless wisq u mhux meħtieġ għall-Istati Membri fir-rapport annwali.

76

Minbarra dawn it-tliet indikaturi tal-impatt, li jistgħu jkunu parzjalment ibbażati fuq data ta’ Sentinel u ta’ Copernicus, il-Kummissjoni qed titlob lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema biex jiġbru data affidabbli u preċiża (output u riżultat) dwar l-implimentazzjoni tal-PAK u s-satelliti jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jagħmlu dan.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

77

Il-Kummissjoni tilqa’ l-konklużjonijiet tal-QEA u se tkompli taħdem biex trawwem l-użu tat-teknoloġiji ġodda kemm mill-amministrazzjonijiet kif ukoll mill-bdiewa. L-isforzi għamlu possibbli l-kisbiet sinifikanti li saru s’issa: it-teknoloġiji l-ġodda qed jiżdiedu u l-implimentazzjoni fil-ħajja reali tinsab fit-triq it-tajba f’diversi Stati Membri. Huwa mistenni aktar progress, anke bħala riżultat li l-Kummissjoni timplimenta azzjonijiet biex tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet proposti mill-QEA f’dan ir-Rapport Speċjali.

78

Il-bidliet fil-leġiżlazzjoni kif ukoll il-gwida mogħtija lill-Istati Membri tħejjew f’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-esperti tal-politika u tal-verifika tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-ħtieġa li tiġi pprovduta flessibbiltà ġiet ibbilanċjata billi jiġi żgurat riskju minimu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji potenzjali.

79

Ir-riżultati minn dawk l-Istati Membri li fil-fatt implimentaw il-kontrolli permezz tal-monitoraġġ fl-2019, juru li r-riskju ta’ għadd kbir ta’ riżultati inkonklussivi ma seħħx. Din l-informazzjoni, ippreżentata mill-QEA fit-Tabella 3, kienet disponibbli biss wara li l-QEA wettqet l-istħarriġ tagħha (jiġifieri fi tmiem is-sena ta’ talba 2019).

82

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ ġdid ta’ monitoraġġ permezz ta’ introduzzjoni gradwali, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri u l-gruppi ta’ bdiewa koperti.

Ir-riżultati mill-Istati Membri li jimplimentaw l-approċċ il-ġdid ta’ monitoraġġ huma pożittivi ħafna u ma kkonfermawx l-ostakli indikati mill-aġenziji tal-pagamenti fl-istħarriġ.

Rakkomandazzjoni 1 — Promozzjoni tal-kontrolli permezz tal-approċċ tal-monitoraġġ bħala sistema ta’ kontroll ewlenija għall-aġenziji tal-pagamenti

Peress li l-PAK futura tipprevedi livell ogħla ta’ sussidjarjetà mogħti lill-Istati Membri, il-Kummissjoni tifhem ir-rakkomandazzjoni 1 tal-QEA skont il-limiti tas-sussidjarjetà.

(1) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tipprovdi faċilità għall-Istati Membri biex tippermetti l-iskambju tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet tekniċi implimentati mill-aġenziji tal-pagamenti.

(2) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Qed isiru sforzi biex tiġi definita sistema ta’ QA għall-Kontrolli permezz tal-Monitoraġġ.

(3) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Dan għandu jsir bl-użu ta’ servizzi eżistenti, bħal DIAS, li qed jipprovdu ambjent diġitali li jippermetti lill-komunitajiet jaqsmu algoritmi, softwer, għarfien u data bejn l-utenti tagħhom.

83

Il-kapaċitajiet tekniċi tat-teknoloġija attwali jillimitaw il-monitorabbiltà sħiħa għal KAAT waħda skont ir-regoli attwali dwar il-kundizzjonalità, u mbagħad parzjalment biss għal erbgħa mis-seba’ l-oħra, fejn is-sottorekwiżiti jistgħu jiġu mmonitorjati.

L-att ġuridiku jippermetti issa li l-Istati Membri jibdew iwettqu kontrolli permezz tal-monitoraġġ għall-kundizzjonalità u ħafna Stati Membri qegħdin f’fażi ta’ studju li tivvaluta l-impatt tal-kontrolli permezz tal-monitoraġġ fuq is-sistema ta’ kontroll tal-kundizzjonalità.

84

Setinel hija xierqa għal monitoraġġ dirett ta’ ċerti indikaturi tal-output u tar-riżultati mill-Istati Membri.

Copernicus tipprovdi opportunitajiet għall-monitoraġġ tal-indikaturi tal-PAK.

Rakkomandazzjoni 2 — L-użu aħjar tat-teknoloġiji l-ġodda għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti ambjentali u klimatiċi

(1) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se tidentifika l-ostakli ewlenin għall-estensjoni tal-ambitu tal-kontrolli billi timmonitorja u tipproponi soluzzjonijiet ġuridiċi u tekniċi adegwati.

(2) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex trawwem l-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-politika, u b’hekk tippermetti lill-partijiet interessati kollha fis-settur agrikolu jgwadu mill-benefiċċji tal-innovazzjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Phil Wynn Owen, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Gareth Roberts, Kap tal-Kabinett; Ramona Bortnowschi u Olivier Prigent, Attachés tal-Kabinett; Richard Hardy, Maniġer Prinċipali; Jindrich Dolezal, Kap tal-Kompitu; Els Brems, Deputat Kap tal-Kompitu; Paulo Braz, Antonio Caruda Ruiz, Arfah Chaudry, Michail Konstantopoulos, Anne Poulsen, Bruno Scheckenbach u Pekka Ulander, Awdituri. Richard Moore pprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Pekka Ulander, Arfah Chaudry, Richard Moore, Jindrich Dolezal, Richard Hardy, Ramona Bortnowschi, Phil Wynn Owen, Olivier Prigent.

Noti finali

1 Għall-perjodu 2014-2020, ir-regoli dwar ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità huma ddefiniti fl-Artikolu 93 u fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni.

2 Għal aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonalità, ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 26/2016: Iż-żieda fl-effettività tal-kundizzjonalità u l-ksib ta’ simplifikazzjoni għadhom diffikultużi, maħruġ mill-QEA.

3 Ara wkoll ir-Rapport Annwali 2018 tagħna, il-paragrafi 7.16 sa 7.18.

4 Id-DĠ AGRI u l-ECORYS, “Analysis of administrative burden arising from the CAP” (Analiżi tal-piż amministrattiv li jinħoloq minħabba l-PAK), 2018, p. 99.

5 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/746 tat-18 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fir-rigward ta’ modifiki ta’ applikazzjonijiet uniċi u talbiet u verifiki tal-ħlas.

6 Id-DĠ AGRI u l-ECORYS, “Analysis of administrative burden arising from the CAP”, 2018, p. 153.

7 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1804 tat-28 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 f’dak li għandu x’jaqsam mal-emendi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, mal-verifiki fil-kuntest tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u mas-sistema ta’ kontroll b’rabta mal-kundizzjonalità.

8 Stipulat fl-Artikoli 40a u 40b tar-Regolament 809/2014 u fil-JRC “Technical guidance on the decision to go for substitution of OTSC by monitoring” (Gwida teknika dwar id-deċiżjoni li tingħażel is-sostituzzjoni ta’ verifiki fuq il-post permezz tal-monitoraġġ); 2018; pp. 3 sa 8.

9 JRC; “Second discussion document on the introduction of monitoring in place of on the spot checks: rules for processing applications in 2018-2019” (It-tieni dokument ta’ diskussjoni dwar l-introduzzjoni tal-monitoraġġ minflok il-verifiki fuq il-post: regoli għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet fil-perjodu 2018-2019); 2018, p. 16.

10 Il-QEA, ir-Rapport Speċjali Nru 25/2016: “Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art: għodda utli għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ art agrikola – iżda l-ġestjoni tagħha tista’ tittejjeb aktar”, il-paragrafi 65-72.

11 JRC; “Second discussion document on the introduction of monitoring in place of on the spot checks: rules for processing applications in 2018-2019”, p. 18.

12 CREODIAS, MUNDI, ONDA u SOBLOO.

13 Il-Qorti bdiet awditu dwar l-isforzi mwettqa mill-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ servizzi pprovduti mill-programmi spazjali prinċipali tal-UE, COPERNICUS u GALILEO. Dan l-awditu jkopri wkoll id-DIAS.

14 L-ammont jirreferi għat-total tal-kontribuzzjoni mill-UE li kienet ippjanata għal 34 proġett ta’ riċerka. Il-bażi ta’ data CORDIS tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet ikkonsultata fi Frar 2019.

15 RECAP (2016-2018), SensAgri (2016-2019) u EO4AGRI (2018-2020) għal kontribuzzjoni totali ta’ EUR 6.7 miljun mill-UE.

16 Iċ-Ċekja, l-Italja (ħames reġjuni), il-Litwanja, in-Netherlands, ir-Rumanija u Spanja (Kastilja u León). Franza ilha involuta fil-proġett minn April 2019 (reġjun wieħed, dipartiment wieħed).

17 Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the financing, management and monitoring of the common agricultural policy and repealing Regulation (EU) 1306/2013 (Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) 1306/2013). SWD(2018) 01 final.

18 Il-lista sħiħa ta’ KAAT u SMRs tinsab fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

19 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1804 tat-28 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 f’dak li għandu x’jaqsam mal-emendi tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, mal-verifiki fil-kuntest tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u mas-sistema ta’ kontroll b’rabta mal-kundizzjonalità.

20 https://www.esa.int/Our_Activities/Observing_the_Earth/Copernicus/Candidate_missions

21 Id-DĠ AGRI; ir-Rapport Annwali tal-Attività għall-2018; Annessi; p. 198-199.

22 Il-QEA, Glossarju għar-Rapport Annwali tagħna għas-sena finanzjarja 2018.

23 Il-QEA, ir-Rapport Annwali għall-2018, il-paragrafu 7.63 u r-Rapport Speċjali Nru 21/2017:“Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta’ appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva”, il-paragrafi 26-33.

24 Il-QEA, l-Opinjoni Nru 7/2018 rigward il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu wara l-2020, il-paragrafu 72.

25 COM(2018) 392: L-Anness I għall-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 27.3.2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 14.11.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 8.1.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 24.1.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-4253-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/536702 QJ-AB-20-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-4224-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/638486 QJ-AB-20-001-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© European Union, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.