Appoġġ mogħti mill-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja
Dwar ir-rapport:It-traffikar tal-bnedmin ġie identifikat bħala theddida ewlenija għall-UE, li hija impenjata li tiġġieled kontrih kemm fi ħdan il-fruntieri tagħha kif ukoll lil hinn minnhom. L-awditu eżamina kemm l-approċċ tal-UE kien komprensiv f’dan ir-rigward, u jekk il-proġetti tal-UE kkontribwewx b’mod effettiv għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja. Il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin huwa proċess li neċessarjament jieħu fit-tul, u jirrikjedi li l-kawżi ewlenin jiġu indirizzati u li n-netwerks kriminali jiġu sfaxxati. Fid-dawl ta’ dan, aħna sibna li l-UE kienet parzjalment effettiva fl-appoġġ li tat għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp ulterjuri tal-qafas strateġiku kontra t-traffikar tal-bnedmin u għall-ottimizzazzjoni tal-impatt tal-proġetti, bl-integrazzjoni tagħhom f’qafas komprensiv.
Sommarju Eżekuttiv
IIt-traffikar tal-bnedmin huwa reat li jrendi qligħ kbir, huwa ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u jirrappreżenta theddida globali għas-sigurtà. Filwaqt li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri, l-UE hija impenjata wkoll li teqirdu u adottat bosta azzjonijiet biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dan ir-rigward.
IIFilwaqt li t-traffikar tal-bnedmin huwa problema globali li ebda pajjiż mhuwa kompletament ħieles minnha, l-UE tinsab partikolarment vulnerabbli billi hija destinazzjoni attraenti għal vittmi minn firxa wiesgħa ta’ pajjiżi. L-Asja, ir-reġjun l-aktar ippopolat fid-dinja, huwa reġjun sinifikanti għal vittmi ta’ traffikar transreġjonali. It-traffikar tal-bnedmin ma jistax jiġi iżolat mill-faqar, l-aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa, id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew l-inġustizzji fuq minoranzi. Huwa aċċettat b’mod ġenerali li l-faqar, id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u l-kunflitt huma fost il-kawżi ewlenin l-aktar importanti tat-traffikar.
IIIId-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona rrinforza r-rwol tal-Kummissjoni fil-koordinazzjoni u l-orjentament tar-rispons tal-UE. Fl-2011 ġiet adottata Direttiva, u ftit wara nħarġet strateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin (Strateġija THB 2012-2016). Din l-istrateġija hija kkomplementata minn għadd ta’ dokumenti ta’ politika oħra li, meta jittieħdu flimkien, jistipulaw l-approċċ tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Għadha ma ġietx ippreżentata strateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin għal wara l-2016.
IVF’dan ir-rapport, aħna neżaminaw l-effettività tal-appoġġ mogħti mill-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja. L-awditu eżamina kemm l-approċċ tal-UE kien komprensiv f’dan ir-rigward fir-reġjuni msemmija, u jekk il-proġetti tal-UE relatati mat-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja matul il-perjodu 2009-2015 ikkontribwewx b’mod effettiv għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
VIl-qerda tat-traffikar tal-bnedmin huwa proċess li neċessarjament jieħu fit-tul. Dan jirrikjedi li jiġu indirizzati għadd ta’ kawżi ewlenin (eż. inugwaljanza bejn is-sessi, faqar, drittijiet tal-minoranzi, edukazzjoni u saħħa) u li l-attivitajiet ta’ netwerks kriminali jiġu sfaxxati. It-traffikar tal-bnedmin huwa, min-natura tiegħu, reat klandestin li rarament ikun hemm data statistika suffiċjenti u kumparabbli dwaru. Minħabba dan il-kuntest kumpless, il-ħafna prijoritajiet mifruxa u r-riżorsi limitati, aħna sibna li l-UE kienet parzjalment effettiva fl-appoġġ li tat għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja.
VIIl-qafas ta’ politika tal-UE f’dak li jirrigwarda t-traffikar tal-bnedmin jipprevedi approċċ komprensiv għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin, għalkemm xi aspetti għadhom mhumiex żviluppati għalkollox jew mhumiex rilevanti għall-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja. Il-Kummissjoni u s-SEAE jużaw varjetà ta’ għodod fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, kemm direttament kif ukoll indirettament: djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem huma partikolarment utli; għodod oħra jinkludu djalogi bilaterali u appoġġ għal fora reġjonali (jiġifieri ASEAN u ASEM fl-Asja). Sa issa għadhom ma nħolqux sħubiji ġodda, bejn l-UE u xi wieħed mill-pajjiżi fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja, li huma ddedikati għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
VIIMinkejja dgħufijiet speċifiċi, il-biċċa l-kbira mill-proġetti eżaminati fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja taw xi riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, għalkemm is-sostenibbiltà kienet problematika. Mill-2009 ‘l hawn, kien hemm titjib ġenerali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, għalkemm hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u huwa diffiċli li tinstab konnessjoni bejn l-iżvilupp ġenerali u r-riżultati li nkisbu minn azzjonijiet speċifiċi tal-UE. Il-qafas għall-għażla tal-proġetti ma ffaċilitax l-użu ta’ approċċ komprensiv u t-tfassil tal-proġetti kellu xi dgħufijiet, b’mod partikolari fil-formulazzjoni tal-objettivi u l-indikaturi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ġiet imxekkla minn limitazzjonijiet lokali u minn dewmien.
VIIIFuq il-bażi ta’ dan l-awditu, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mas-SEAE:
- Tkompli tiżviluppa l-qafas strateġiku kontra t-traffikar tal-bnedmin, billi tagħmlu aktar rilevanti għall-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja
- Tottimizza l-impatt tal-proġetti billi tintegrahom f’qafas komprensiv.
Introduzzjoni
Informazzjoni ta’ sfond: Traffikar tal-bnedmin
01It-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju u huwa ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Il-vittmi jiġu sfruttati kemm f’pajjiżhom stess kif ukoll barra minn pajjiżhom, għall-benefiċċju tat-traffikanti. Ebda pajjiż mhuwa kompletament ħieles minn dan il-fenomenu, kemm bħala pajjiż ta’ oriġini, pajjiż ta’ tranżitu u/jew pajjiż ta’ destinazzjoni għall-vittmi. It-traffikar tal-bnedmin sar theddida globali għas-sigurtà, kif jidher mill-valutazzjonijiet li saru mill-UE, min-NU u mill-Istati Uniti1.
02Hemm kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa li jinqered it-traffikar tal-bnedmin. Sa issa, 170 pajjiż2 irratifikaw il-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, li ġiet adottata fis-sena 2000 (il-Protokoll ta’ Palermo). Il-Protokoll ta’ Palermo kien l-ewwel strument internazzjonali li huwa legalment vinkolanti u li fih definizzjoni maqbula tat-traffikar tal-bnedmin.
03It-traffikar tal-bnedmin jinvolvi r-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-kenn jew l-akkoljenza ta’ persuni permezz tal-użu tal-forza, ta’ frodi, jew ta’ ġegħil għall-fini ta’ sfruttament3. It-traffikar tal-bnedmin għandu dimensjoni qawwija relatata mal-ġeneru (jiġifieri l-biċċa l-kbira mill-vittmi huma nisa u bniet). Din trid titqies meta jitfasslu miżuri ta’ appoġġ. Ix-xogħol furzat u l-isfruttament sesswali huma t-tipi ta’ sfruttament l-aktar prevalenti madwar id-dinja. Tipi oħra ta’ sfruttament tal-bnedmin huma t-tħaddim tat-tfal, it-tneħħija tal-organi u ż-żwieġ furzat.
04Bħal reati oħra, it-traffikar tal-bnedmin huwa attività klandestina li ma tistax tiġi osservata u mkejla faċilment. Meta jkun transkonfinali, it-traffikar spiss iseħħ minn pajjiżi inqas żviluppati għal dawk aktar żviluppati. Il-maġġoranza tal-vittmi jiġu ttraffikati ġewwa l-limiti ta’ pajjiżhom (42 %) jew tar-reġjuni tagħhom (36 %), u spiss kemm il-vittmi kif ukoll it-traffikanti jkunu ġejjin mill-istess post, jitkellmu l-istess lingwa jew ikollhom l-istess sfond etniku. It-traffikar tal-bnedmin ma jistax jiġi iżolat mill-faqar, l-aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa, id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew l-inġustizzji fuq minoranzi. Huwa aċċettat b’mod ġenerali li l-faqar, id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u l-kunflitt huma fost il-kawżi ewlenin l-aktar importanti tal-problema.
05It-traffikar tal-bnedmin ġie ffaċilitat mill-globalizzazzjoni ekonomika. L-aċċess wiesa’ għas-suq ta’ ħaddiema irħas u prodotti rħas jimmultiplika l-opportunitajiet tat-traffikanti biex jibbenefikaw mill-isfruttament ta’ vittmi vulnerabbli. Għalhekk, il-globalizzazzjoni żiedet il-probabbiltà li l-konsumaturi ta’ oġġetti u servizzi jkunu indirettament konnessi mat-traffikar tal-bnedmin, pereżempju mat-tifel jew tifla li qed jiġu sfurzati jħitu l-blalen tal-futbol, mal-migrant imġiegħel jaħdem bħala sajjied f’kundizzjonijiet ta’ skjavitù, u maż-żagħżugħ jew żagħżugħa li jaħarbu mid-dar u jisfaw vittmi ta’ traffikar għal skopijiet sesswali viċin destinazzjoni turistika.
06Dawn il-fatturi jispjegaw l-attenzjoni li l-midja tagħti lill-problema tat-traffikar tal-bnedmin madwar id-dinja. Fl-2016, il-Premju Pulitzer għas-Servizz Pubbliku ngħata lil grupp ta’ ġurnalisti li wettqu investigazzjoni internazzjonali dwar l-industrija tas-sajd fix-Xlokk tal-Asja, investigazzjoni li wasslet għall-ħelsien ta’ aktar minn 2000 skjav. Il-frott tal-baħar li huma qabdu seta’ jiġi ttraċċat għas-supermarkets u għall-fornituri ta’ ikel għall-annimali f’pajjiżi żviluppati.
07Tabilħaqq, it-traffikar tal-bnedmin huwa reat li jrendi qligħ kbir. L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) jistma li r-rikavat annwali mit-traffikar tal-bnedmin huwa aktar minn EUR 29 biljun4. Filwaqt li n-nuqqas ta’ statistika affidabbli jagħmilha diffiċli biex jiġi aċċertat il-kobor tat-traffikar tal-bnedmin, huwa stmat li 46 miljun persuna jinsabu maqbuda f’sitwazzjonijiet ta’ skjavitù modern5.
Mappa 1
Flussi transreġjonali tat-traffikar tal-bnedmin
Sors: UNODC, “Global Report on Trafficking in Persons 2016” (Rapport Globali dwar it-Traffikar tal-Bnedmin 2016).
Huwa stmat li żewġ terzi mill-għadd totali ta’ persuni li qed jgħixu fl-iskjavitù modern ġejjin mill-Asja, ir-reġjun l-aktar ippopolat fid-dinja. L-Asja hija wkoll reġjun ta’ oriġini sinifikanti għal vittmi ta’ traffikar transreġjonali6. Il-kxif mill-midja ta’ sitwazzjonijiet ta’ traffikar tal-bnedmin ġibed l-attenzjoni għall-ġlieda ta’ gvernijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u donaturi kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-reġjun.
09L-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin huwa sforz li jieħu fit-tul. Dan jirrikjedi bidliet fl-attitudnijiet, l-applikazzjoni tal-istat tad-dritt u soċjetà ċivili b’saħħitha. Is-sostenibbiltà ta’ proġetti xprunati mid-drittijiet umani dejjem tkun ta’ sfida billi spiss tkun teħtieġ l-appoġġ kontinwu tad-donaturi u t-trawwim ta’ impenn nazzjonali biex ikomplu jinżammu r-riżultati li jkunu nkisbu. Barra minn hekk, il-flussi u l-prattiki tat-traffikar tal-bnedmin huma dinamiċi u jistgħu jiġu adattati għal inizjattivi relatati mal-infurzar tal-liġi. Bħalma normalment jiġri għal kwistjonijiet oħra li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem, huwa biss fit-terminu twil li jkun possibbli li jiġi vvalutat jekk l-azzjonijiet li jiġu implimentati jkunux ikkontribwew għall-qerda tiegħu.
Ir-rwol tal-UE u l-atturi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin lil hinn mill-fruntieri tal-UE
10Fl-2009 ġie introdott qafas strateġiku tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin f’pajjiżi terzi, meta l-Kunsill adotta d-Dokument Orjentat lejn l-Azzjoni dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin7. Dan id-dokument appella għal azzjoni kkoordinata mill-UE u l-Istati Membri, biex jipprevienu u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin fi sħubija ma’ pajjiżi terzi, reġjuni u organizzazzjonijiet fil-livell internazzjonali. Dan l-approċċ kien ikkonfermat mill-programm pluriennali usà rigward l-oqsma ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għall-2010-2014 (“il-programm ta’ Stokkolma”)8.
11It-Trattat ta’ Lisbona estenda l-metodu tal-UE għal oqsma li preċedentement kienu jaqgħu taħt il-pilastru ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja9, bidla li żiedet ir-rwol tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu10 (id-Direttiva) tirrepeti l-appell għal approċċ komprensiv tal-UE li jikkombina d-dimensjonijiet interni u esterni. Id-Direttiva tappella lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Koordinatur ta’ Kontra t-Traffikar biex jikkontribwixxu għal “strateġija koordinata u konsolidata tal-Unjoni”.
12Fl-2012, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija tal-UE 2012-2016 Għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (l-Istrateġija THB). Din stabbiliet il-qafas kumplessiv ta’ politika u identifikat ħames prijoritajiet li huwa meħtieġ li l-UE tiffoka fuqhom: il-protezzjoni tal-vittmi, il-prevenzjoni tal-isfruttament ta’ persuni vulnerabbli, il-prosekuzzjoni tat-traffikanti, it-tisħiħ tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni, u l-kondiviżjoni tal-għarfien. L-Istrateġija THB kienet tinkludi 40 azzjoni li kellhom jiġu implimentati mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri. L-istrateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin għal wara l-2016 għadha trid tiġi ppreżentata (is-sitwazzjoni f’April 2017).
13Ma hemm ebda strument ta’ finanzjament mill-UE li huwa mmirat speċifikament lejn it-traffikar tal-bnedmin. Dak ifisser li l-finanzjament huwa pprovdut minn firxa wiesgħa ta’ strumenti, minn programmi xprunati mis-sigurtà għal strumenti purament ta’ żvilupp. Kull strument għandu bażi legali differenti; filwaqt li xi strumenti jinkludu t-trattament tat-traffikar tal-bnedmin bħala objettiv speċifiku, xi oħrajn jirreferu għal problemi usà bħall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-applikazzjoni tal-istat tad-dritt jew il-migrazzjoni illegali.
14Kumplessivament, dan ifisser li huwa diffiċli li tinħareġ data komprensiva dwar il-finanzjament kumplessiv mogħti mill-UE biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin11. Rapport tal-Kummissjoni fl-2016 dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin12 josserva li, bejn l-2011 u l-2013, id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) iffinanzja 53 proġett b’ammont ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 37 miljun. Ir-rapport ma jipprovdix informazzjoni dwar il-proġetti li huma mmaniġġjati mid-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR) jew mis-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija, u lanqas ma jipprovdi informazzjoni dwar jekk il-finanzjament li huwa mmaniġġjat mid-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni bbenefikax pajjiżi terzi.
15Rigward l-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja, id-DĠ DEVCO huwa d-dipartiment prinċipali li huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-assistenza għall-iżvilupp. L-istrumenti l-aktar importanti li jintużaw mid-DĠ DEVCO bħala appoġġ għal proġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin huma l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR).
Ambitu u approċċ tal-awditjar
16Ir-rispons tal-UE għat-traffikar tal-bnedmin tista’ tieħu ħafna forom, eż. assistenza finanzjarja, djalogu ta’ politika jew azzjonijiet multilaterali13. Għalhekk, l-UE għandha l-opportunità li tuża firxa sħiħa ta’ għodod, strumenti u riżorsi biex l-azzjoni esterna tagħha fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tkun aktar konsistenti, aktar effettiva u aktar strateġika. Dan jissejjaħ l-approċċ komprensiv tal-UE, li jindirizza wkoll ir-responsabbiltà kondiviża tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri14.
17Aħna ddeċidejna li niffukaw l-awditu fuq ir-reġjuni tal-Asja t’Isfel u tax-Xlokk tal-Asja minħabba l-firxa estensiva ta’ traffikar tal-bnedmin f’dawn ir-reġjuni u l-prijoritajiet li esprima l-Kunsill. L-Indiċi Globali tal-Iskjavitù 2016 sab li hemm kważi 46 miljun vittma tat-traffikar tal-bnedmin madwar id-dinja, kważi żewġ terzi fl-Asja/mill-Asja; l-Asja t’Isfel u x-Xlokk tal-Asja15 flimkien jinkludu għadd relattivament kbir ta’ pajjiżi li ġew identifikati mill-Kunsill bħala prijoritajiet fit-traffikar tal-bnedmin.
18L-awditu eżamina jekk l-appoġġ mogħti mill-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja kienx effettiv. Għall-iskop ta’ din il-valutazzjoni, l-awditu wieġeb is-sottomistoqsijiet li ġejjin:
- L-UE kellha approċċ komprensiv għat-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja?
- Il-proġetti tal-UE kkontribwew b’mod effettiv għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja?
Aħna identifikajna u eżaminajna l-proġetti kollha relatati mat-traffikar tal-bnedmin li ġew implimentati fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja matul il-perjodu 2009-2015 (ara l-Anness I), b’finanzjament totali ta’ EUR 31 miljun. L-2009 kienet is-sena meta l-UE adottat l-ewwel qafas strateġiku tagħha għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin f’pajjiżi terzi (id-Dokument Orjentat lejn l-Azzjoni, ara l-paragrafu 10). Il-Kummissjoni pprovditilna lista ta’ proġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja (22 proġett b’total ta’ EUR 13-il miljun) li kkomplementajna bi proġetti addizzjonali f’dawn ir-reġjuni li għandhom relazzjoni ċara mat-traffikar tal-bnedmin (13-il proġett addizzjonali b’total ta’ EUR 18-il miljun). Il-35 proġett koprew 10 mid-19-il pajjiż f’dawn ir-reġjuni16.
20Ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien jikkonsisti f’analiżi fl-uffiċċju ta’ dokumentazzjoni tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), intervisti ma’ persunal mill-Kummissjoni u mis-SEAE, u żjara tal-awditjar fit-Tajlandja li hija ċ-ċentru prinċipali tal-attività tan-NU fl-Asja u fil-Paċifiku. L-objettiv tal-missjoni kien li niġbru aktar informazzjoni u nintervistaw lill-persunal tad-delegazzjoni tal-UE, rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, benefiċjarji, donaturi oħra u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-missjoni serviet ukoll biex isiru laqgħat mar-rappreżentanti tal-kwartieri reġjonali tal-aġenziji rilevanti tan-NU.
Osservazzjonijiet
Fil-biċċa l-kbira, il-qafas ta’ politika tal-UE f’dak li jirrigwarda t-traffikar tal-bnedmin jipprevedi approċċ komprensiv għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin, għalkemm xi aspetti għadhom mhumiex żviluppati għalkollox
Il-qafas ta’ politika tal-UE f’dak li jirrigwarda t-traffikar tal-bnedmin huwa stipulat f’għadd ta’ dokumenti interkonnessi
21F’din it-taqsima, aħna neżaminaw jekk l-UE bbażatx l-istrateġija tagħha fuq data rilevanti u affidabbli dwar it-traffikar tal-bnedmin; jekk issettjatx miri, kif ukoll prijoritajiet ċari u rilevanti li jkopru aspetti kriminali u aspetti ta’ drittijiet tal-bniedem; u jekk indirizzatx it-traffikar tal-bnedmin bħala prijorità fl-istrateġiji nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.
L-Istrateġija THB hija dokument ta’ livell għoli li jipprovdi gwida limitata dwar id-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin
22It-tħejjija tal-istrateġija kontra t-traffikar tal-bnedmin ma kienx fiha data statistika suffiċjenti u kumparabbli. Minbarra d-diffikultajiet inerenti biex tinkiseb data dwar kwalunkwe attività kriminali17, ma hemm ebda kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja dwar it-traffikar tal-bnedmin.
23L-Istrateġija THB tinkludi 40 azzjoni, maqsumin bejn il-5 prijoritajiet (il-protezzjoni tal-vittmi, il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni tat-traffikanti, it-tisħiħ tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni, u l-kondiviżjoni tal-għarfien). Waħda biss mill-40 azzjoni tittratta d-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Sa April 2017, il-Kummissjoni kienet għadha ma ppubblikatx evalwazzjoni komprensiva tar-riżultati li nkisbu taħt l-Istrateġija THB; u lanqas ma ppreżentat qafas ta’ politika kontra t-traffikar għal wara l-201618.
24L-Istrateġija THB ma kinitx tinkludi objettivi u miri speċifiċi, li kienu jkunu utli għat-tħejjija ta’ azzjonijiet iffukati fuq il-post għall-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba. L-Istrateġija THB ddikjarat ukoll li “lista ta’ pajjiżi u reġjuni terzi prijoritarji għal sħubijiet futuri għandha tiġi żviluppata. Fl-2013 fil-pajjiżi u reġjuni terzi prijoritarji jistgħu jiġu kkunsidrati mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni f’delegazzjonijiet tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni, jinħolqu s-sħubijiet u titjieb il-koordinazzjoni u l-koerenza”.
25F’Diċembru 2012, il-Kunsill qabel dwar lista bħal din ta’ reġjuni u pajjiżi prijoritarji, ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni19. Meta jitqies il-finanzjament limitat involut, aħna sibna li l-prijoritizzazzjoni ġeografika ma kinitx speċifika biżżejjed biex tiggwida l-azzjoni, billi l-biċċa l-kbira mill-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp ġew inklużi jew individwalment jew inkella bħala parti minn reġjun ġeografiku. Barra minn hekk, ma sar ebda segwitu tar-riżultati li nkisbu b’dan l-approċċ. Dan lanqas ma kien jinkludi aġġornamenti regolari jew konferma dwar jekk il-prijoritajiet ġeografiċi kinux għadhom rilevanti. Rigward l-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja, il-prijoritajiet ġeografiċi jinkludu l-Vjetnam, ir-reġjun tar-Rotta tal-ħarir20 (b’mod partikolari l-Indja) u l-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja (b’mod partikolari t-Tajlandja, il-Laos, il-Kambodja u l-Filippini).
L-Istrateġija THB hija kkomplementata minn dokumenti oħra ta’ politika
26It-traffikar tal-bnedmin huwa fenomenu kumpless li jista’ jiġi indirizzat minn angoli differenti. Rigward il-perspettiva ta’ drittijiet tal-bniedem, xi dokumenti rilevanti biex jikkomplementaw l-approċċ tal-UE għat-traffikar tal-bnedmin huma l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà; il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti 2015-2020; il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019; il-qafas il-ġdid għall-attivitajiet tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fir-relazzjonijiet esterni tal-UE għall-2016-2020, u l-Involviment Strateġiku tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019.
27L-UE hija impenjata li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha, mingħajr eċċezzjoni21. Meta taħdem ma’ sħab bilaterali, il-mekkaniżmu preferut tal-UE huwa li tiżviluppa approċċi mfasslin apposta li jiġu riflessi fi strateġij lokali tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem22. Dawn l-istrateġiji huma maħsuba biex jiġu integrati mill-UE u mill-Istati Membri, iservu bħala bażi għad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem u jingħataw segwitu regolari mid-delegazzjonijiet u mill-amministrazzjoni ċentrali tal-UE f’rapporti u analiżijiet annwali tal-progress.
28L-UE żviluppat strateġiji dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-pajjiżi kollha li huma koperti mill-awditu. L-Istati Membri kkontribwew b’mod attiv għal dawn l-istrateġiji, mill-istadju tat-tħejjija sa dak tal-approvazzjoni. L-involviment tal-Istati Membri kien jinkludi rappreżentanti għall-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Asja u l-Oċeanja (COASI) u għall-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM), li huma l-gruppi ta’ ħidma responsabbli biex jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-Asja jew mad-drittijiet tal-bniedem inġenerali23. Il-parteċipazzjoni taż-żewġ gruppi ta’ ħidma ssalvagwardjat il-konsistenza reġjonali u tematika.
29Kwistjonijiet dwar it-traffikar tal-bnedmin ġeneralment jiġu inklużi fl-istrateġiji dwar id-drittijiet tal-bniedem bil-mod li s-SEAE jqis bħala l-aktar xieraq u aċċettabbli għall-UE u għall-pajjiż kontroparti, biex jiġi żgurat bilanċ effiċjenti bejn il-kwistjonijiet dwar it-traffikar tal-bnedmin u kwistjonijiet prijoritarji oħra. L-istrateġiji dwar id-drittijiet tal-bniedem li aħna eżaminajna kienu jindirizzaw b’mod adegwat il-kwistjonijiet rilevanti dwar it-traffikar tal-bnedmin, fit-taqsimiet li jittrattaw in-nisa, it-tfal jew id-drittijiet tal-minoranzi.
30Rigward il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin bħala reat, din il-perspettiva ġiet indirizzata primarjament mir-rapport tal-UE tal-2013 dwar il-Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata, li identifika t-traffikar tal-bnedmin bħala theddida ewlenija għall-UE (valutazzjoni li ġiet ikkonfermata fl-201724). Dan wassal għall-approvazzjoni, mill-Kunsill, ta’ Pjan Strateġiku Pluriennali li huwa speċifiku għat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll għal Pjanijiet annwali ta’ Azzjoni Operazzjonali. Dawn id-dokumenti jindirizzaw il-perspettiva kriminali tat-traffikar tal-bnedmin, li mhijiex koperta mill-Istrateġija THB. Huma jiffukaw fuq l-aspett tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Ewropa, u għalhekk jinkludu għadd limitat ta’ azzjonijiet f’pajjiżi terzi. Ebda waħda minn dawn l-azzjonijiet ma hija relatata ma’ pajjiżi fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja.
Il-qafas ta’ politika tal-UE huwa appoġġat minn varjetà ta’ għodod: Id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem huwa partikolarment utli, filwaqt li għodod oħra jistgħu jintużaw aktar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja
31F’din it-taqsima, aħna neżaminaw jekk l-użu ta’ diversi għodod (inklużi l-programmazzjoni, il-koordinazzjoni u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem) iffaċilitawx it-twettiq ta’ azzjoni komprensiva. Aħna nivvalutaw ukoll jekk ġewx konklużi sħubiji relatati mat-traffikar tal-bnedmin, ma’ pajjiżi terzi, reġjuni u organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja.
L-UE pprovdiet assistenza finanzjarja għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja, iżda l-programmazzjoni ma kinitx tinkludi loġika u direzzjoni ġenerali u ma ntużax il-potenzjal kollu tagħha
32Għad ma hemm ebda strument ta’ finanzjament mill-UE li huwa mmirat speċifikament lejn it-traffikar tal-bnedmin. Dan ifisser li l-istrumenti eżistenti jridu jintużaw b’mod ikkoordinat biex jiffinanzjaw attivitajiet f’dan il-qasam. Il-proġetti awditjati ġew iffinanzjati permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Żvilupp (DCI) u tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet marbutin mad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dak li jirrigwarda t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja. Attwalment, il-Kummissjoni qed teżamina dawn l-istrumenti ta’ finanzjament estern (l-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu tad-DCI u tal-EIDHR), u hija mistennija tiffinalizza l-eżamnar tagħha f’nofs l-2017.
33Il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri jipparteċipaw fid-definizzjoni ta’ strateġiji ta’ għajnuna, prijoritajiet u allokazzjonijiet ta’ strumenti finanzjarji permezz tal-proċess ta’ programmazzjoni. Il-pajjiżi kollha eżaminati inkludew mill-inqas dokument ta’ strateġija wieħed li ġie adottat wara l-Istrateġija THB. Id-dokumenti ta’ programmazzjoni għall-10 pajjiżi koperti mill-awditu ma jinkludux referenzi għall-Istrateġija THB jew għall-prijoritajiet ġeografiċi tal-Kunsill.
34Barra minn hekk, ma hemmx data komprensiva dwar l-appoġġ finanzjarju li l-UE pprovdiet għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-perjodu 2009-201525. Il-Kummissjoni żżomm database ta’ proġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin (id-database tas-sit web iddedikat għall-ġlieda kontra t-traffikar). Madankollu, aħna sibna li d-database ma kinitx kompluta bħala sors ta’ informazzjoni dwar il-finanzjament. Għaldaqstant, hija ma tistax tagħti appoġġ effiċjenti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-prattikanti rilevanti fl-issettjar ta’ prijoritajiet u ta’ azzjonijiet direzzjonali. Dan huwa dovut għan-nuqqas ta’ kriterji ċari li jiddefinixxu x’jikkostitwixxi azzjoni rilevanti għat-traffikar tal-bnedmin (ara l-Anness III)26. Dan ifisser li ma nistgħux nivvalutaw jekk id-distribuzzjoni ta’ fondi bejn ir-reġjuni tikkonformax mal-prijoritajiet tal-Kunsill.
35Il-biċċa l-kbira mill-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja jsir permezz ta’ għotjiet mill-UE (ara l-paragrafu 46). Fl-2014, il-Kummissjoni tat struzzjonijiet formali lid-delegazzjonijiet tal-UE biex iżidu d-daqs minimu tal-għotjiet għal sejħiet nazzjonali għal proposti, sabiex inaqqsu l-għadd ta’ kuntratti27. Il-Kummissjoni tistenna li l-ħidma ma’ NGOs akbar u aktar professjonali tiżgura ġestjoni aħjar u tfassil aħjar. Madankollu, din id-deċiżjoni ma tirrikonoxxix bis-sħiħ li l-għadd ta’ NGOs li huma attivi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin ivarja minn pajjiż għall-ieħor u li f’xi pajjiżi jista’ jkun diffiċli li jiġu ffurmati gruppi bl-esperjenza neċessarja.
Id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem wera li huwa għodda utli fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin
36Strumenti ta’ assistenza għall-iżvilupp jistgħu jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin mill-perspettiva ta’ drittijiet tal-bniedem. Wieħed mill-għodod l-aktar importanti tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huwa d-djalogi regolari ma’ pajjiżi sħab. Dawn id-djalogi huma għodod diplomatiċi li jiffaċilitaw id-diskussjoni dwar kwistjonijiet sensittivi li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem. L-effettività tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem tinsab fil-kapaċità tiegħu li jalimenta oqsma ta’ politika oħra, bħall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-kummerċ, u djalogi ta’ politika ta’ livell ogħla.
37Id-djalogu ta’ politika jista’ jiġi ffaċilitat b’appoġġ konkret permezz ta’ strumenti ta’ assistenza teknika: l-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni u l-Faċilità ta’ Appoġġ għad-Djalogu ta’ Politika.
38L-UE jkollha djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ aktar minn 40 pajjiż, inklużi l-10 pajjiżi fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja li huma koperti minn dan l-awditu. Dawn id-djalogi jiġu stabbiliti skont il-Linji Gwida tal-UE għad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jagħtu rwol importanti lid-delegazzjonijiet tal-UE fil-fażijiet ta’ tħejjija, ta’ implimentazzjoni u ta’ komunikazzjoni. Għall-10 pajjiżi li huma koperti mill-awditu, sar djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem f’intervalli regolari, li ta opportunitajiet lill-UE biex tqajjem kwistjonijiet rilevanti relatati mat-traffikar tal-bnedmin. Ir-rappurtar intern dwar id-diskussjonijiet li jsiru matul id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem jintuża mis-SEAE bħala referenza għall-programmazzjoni tal-EIDHR.
39Qabel kull djalogu, il-pożizzjoni tal-UE tiġi stabbilita mid-dipartimenti tas-SEAE li huma responsabbli għar-reġjun rispettiv u għad-drittijiet tal-bniedem. Dan spiss ikun jeħtieġ li s-suġġetti jiġu pprijoritizzati. Għall-10 pajjiżi kollha, kien hemm mill-inqas djalogu wieħed li kien jinkludi mill-inqas aspett wieħed relatat mat-traffikar tal-bnedmin. Aħna sibna li l-parteċipazzjoni tad-dipartimenti rilevanti inkarigati mid-drittijiet tal-bniedem fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE ffaċilitat il-konsistenza bejn l-inizjattivi multilaterali kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-objettivi strateġiċi tal-UE relatati mad-drittjiet tal-bniedem, għall-pajjiżi fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja.
L-UE appoġġat l-inizjattivi reġjonali fl-ogħla livell, iżda għadha daħlitx fi sħubiji ddedikati għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin ma’ ebda wieħed mill-pajjiżi fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja
40Waħda mis-sħab ewlenin tal-UE fir-reġjun hija l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li l-Kunsill iqis bħala “kontributur ewlieni għall-istabbiltà fir-reġjun Asja-Paċifiku”28. F’dan il-kuntest, l-UE preċedentement appoġġat l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu tal-ASEAN favur id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-istabbiliment tal-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem. Fis-27 Summit tal-ASEAN fl-201529, ġiet approvata Konvenzjoni tal-ASEAN Kontra t-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li hija legalment vinkolanti. Wara r-ratifika mill-minimu ta’ sitt pajjiżi30, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ f’Marzu 2017.
41Il-Proċess ta’ Bali huwa inizjattiva biex jiġu indirizzati problemi speċifiċi marbutin mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin u mal-migrazzjoni irregolari fir-reġjun. Dan jitmexxa mill-Indoneżja u mill-Awstralja u għandu aktar minn 48 membru, inklużi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u l-UNODC. Il-Kummissjoni u 12-il Stat Membru tal-UE jipparteċipaw bħala osservaturi. Għalkemm il-Proċess ta’ Bali ffoka prinċipalment fuq problemi ta’ migrazzjoni (huwa għandu roster ta’ esperti dwar il-migrazzjoni, iżda ebda roster ta’ esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin), huwa stabbilixxa Grupp ta’ Ħidma dwar it-Traffikar tal-Bnedmin li ltaqa’ għall-ewwel darba f’Marzu 2015.
42In-nuqqas ta’ komunità b’saħħitha ta’ esperti dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin affettwat il-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-għarfien. Il-Kummissjoni ħejjiet lista ta’ punti fokali ddedikati għat-traffikar tal-bnedmin31, iżda din ma kinitx kompleta (l-Indoneżja, il-Myanmar, in-Nepal, il-Pakistan u t-Tajlandja ma kinux inklużi). Dawn il-punti fokali ngħataw biss taħriġ inizjali u pakketti ta’ informazzjoni. Id-delegazzjonijiet tal-UE għamlu użu mill-istrutturi eżistenti tal-punti fokali ddedikati għad-drittijiet tal-bniedem. Filwaqt li dan kien jagħmel sens mill-perspettiva tal-effiċjenza, dan fisser li l-għarfien espert dwar it-traffikar tal-bnedmin li ġie żviluppat kien inqas speċjalizzat.
43Il-pajjiżi kollha fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja huma parti għall-Protokoll ta’ Palermo (ara l-paragrafu 2), bl-eċċezzjoni tal-Bangladesh, il-Bhutan, il-Laos u n-Nepal32. L-Istrateġija THB tappella għall-użu ta’ sħubiji biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin lil hinn mill-fruntieri tal-UE. L-UE għandha relazzjonijiet u sħubiji li ilhom stabbiliti għal żmien twil mal-fora tal-ASEAN u tal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM), minbarra djalogi bilaterali. L-UE tuża dawn il-fora bħala strutturi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Sa issa għadhom ma nħolqux sħubiji ġodda, bejn l-UE u xi wieħed mill-pajjiżi fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja, li huma ddedikati għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Minkejja d-dgħufijiet identifikati, il-biċċa l-kbira mill-proġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin taw riżultati pożittivi, għalkemm is-sostenibbiltà kienet problematika
Il-qafas għall-għażla tal-proġetti ma ffaċilitax l-użu ta’ approċċ komprensiv u t-tfassil tal-proġetti kellu xi dgħufijiet, b’mod partikolari fil-formulazzjoni tal-objettivi u l-indikaturi
44F’din it-taqsima, aħna neżaminaw jekk il-proġetti kinux konsistenti mal-prijoritajiet u l-azzjonijiet strateġiċi tal-politika tal-UE, jekk il-proġetti kellhomx objettivi u indikaturi adegwati33 u jekk id-dgħufijiet fit-tfassil ġewx indirizzati mill-Kummissjoni fil-ħin.
Il-proġetti kienu konsistenti mal-Istrateġija THB ġenerali, iżda ġew ittrattati bħala eżerċizzji ta’ darba
45Aħna sibna li l-35 proġett kollha li huma relatati mat-traffikar tal-bnedmin, u li aħna eżaminajna, kienu konsistenti mal-Istrateġija THB (approvata fl-2012); mal-istrateġiji rilevanti tal-UE, kemm l-istrateġija għall-pajjiż kif ukoll l-istrateġija tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem; u mad-dokumenti ta’ programmazzjoni għal strumenti ta’ għajnuna speċifiċi. Il-proġetti kienu fil-biċċa l-kbira ffukati fuq aspetti tad-drittijiet tal-bniedem u enfasizzaw, b’mod konsistenti, id-drittijiet u l-benessri tan-nisa u t-tfal.
46Il-proġetti ntgħażlu primarjament permezz ta’ sejħiet għal proposti (32 minn 35 proġett). Il-proposti ġew evalwati u tqabblu ma’ proposti oħra li ntbagħtu b’rispons għall-istess sejħa għal proposti. Il-mekkaniżmu ta’ tqabbil kellu l-għan li tintgħażel l-aħjar proposta għal proġett f’kull sejħa, iżda ma qiesx is-sinerġiji u l-interazzjoni possibbli ma’ proġetti jew għodod oħra.
47Billi l-proġetti ntgħażlu permezz ta’ sejħiet, kull għażla kienet eżerċizzju ta’ darba fejn il-Kummissjoni kellha opportunità limitata (f’termini ta’ żmien u ta’ gwida34) biex tiżgura li l-portafoll tagħha ta’ proġetti kien jindirizza l-ħames prijoritajiet kollha li huma msemmija fl-Istrateġija THB (ara l-paragrafu 22). Aħna sibna li ebda wieħed mill-proġetti fil-kampjun ma kkonċentra primarjament fuq il-prosekuzzjoni jew il-kondiviżjoni tal-għarfien, filwaqt li l-maġġoranza kkonċentraw fuq il-prevenzjoni u/jew il-protezzjoni (31 proġett b’kollox). Proġett wieħed biss 35 indirizza l-komponent kriminali tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi attivitajiet biex tingħata aktar setgħa lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi biex jiġġieldu r-reati tat-traffikar tal-bnedmin billi jaqbdu u jisfaxxaw in-netwerks kriminali.
Ħafna proġetti kellhom objettivi u/jew indikaturi dgħajfin
48Ħafna proġetti (23) kellhom problemi fir-rigward tad-definizzjoni tal-objettivi u/jew l-indikaturi tagħhom36. L-objettivi spiss ma kinux speċifiċi biżżejjed jew ma setgħux jitkejlu biżżejjed (14-il proġett u 8 proġetti rispettivament). L-indikaturi kienu partikolarment dgħajfin f’termini ta’ robustezza, kredibbiltà u faċilità ta’ użu, u kultant ġew ikkwantifikati b’mod li ma kienx pertinenti.
Kaxxa 1
Definizzjonijiet dgħajfin ta’ objettivi u indikaturi
Eżempji ta’ objettivi dgħajfin
Il-proġett Philippines1 indirizza l-problemi tal-vjolenza domestika u t-traffikar f’komunitajiet urbani fqar. Huwa ddefinixxa l-objettiv ġenerali tiegħu bħala li jikkontribwixxi għal ambjent ta’ governanza li jkun iċċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jissodisfa l-obbligi ta’ entitajiet tal-gvern lokali biex iżidu l-kapaċitajiet tan-nisa li jasserixxu d-drittijiet tagħhom. Dan l-objettiv ma jistax jitkejjel b’mod suffiċjenti u mhuwiex speċifiku biżżejjed37.
Eżempji ta’ indikaturi dgħajfin
Il-proġett Bangladesh5 kellu l-għan li jippromwovi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-ħaddiema fil-pjantaġġuni tat-té li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ rbit. Huwa kien jinkludi indikaturi bħal azzjonijiet differenti li jġibu lill-ħaddiema fl-industrija tat-té wiċċ’imb wiċċ mal-membri parlamentari, leħen aktar b’saħħtu għall-ħaddiema fl-industrija tat-té, u li l-benefiċjarji finali jagħmlu għażliet infurmati meta jagħżlu lill-kandidati fl-elezzjonijiet nazzjonali. L-indikaturi msemmija hawn fuq mhumiex RACER billi mhumiex kredibbli, faċli jew robusti biżżejjed.
Eżempji ta’ indikaturi li ma kinux pertinenti
Il-proġett India1 kien jinkludi indikatur għat-tnaqqis fl-ispiża medja ta’ emigrazzjoni għall-ħaddiem; madankollu, fiż-żmien meta saret il-proposta l-ispiża medja ta’ emigrazzjoni setgħet tiġi stmata b’mod ġenerali biss minn studju tal-2008 li twettaq minn aġenzija oħra, u minn evidenza aneddottali. L-attività li suppost kellha tipproduċi l-istima (l-istħarriġ ta’ familji migranti) ġiet posposta u eventwalment ma twettqitx minħabba li t-tfassil tal-proġett ma kienx jippermetti biżżejjed żmien u riżorsi biex isir l-istudju.
Għalkemm għal 21 proġett kien ippjanat li jsiru studji ta’ referenza, l-effettività u l-valur miżjud ta’ dawn l-istudji kienu mħallta. F’żewġ każijiet, il-valuri ta’ referenza ma kinux utli għas-sistema ta’ monitoraġġ intern jew għat-titjib tal-logframe ta’ intervent minħabba li nkisbu tard wisq, ma kinux iddettaljati biżżejjed jew ma kinux allinjati kompletament mal-indikaturi tal-proġetti38. Madankollu, għal erba’ proġetti (Bangladesh1, Bangladesh3, Nepal2 u Nepal3), il-valuri ta’ referenza kienu lesti fil-bidu tal-proġett u servew bħala punt tat-tluq utli għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-proġetti.
Xi dgħufijiet fit-tfassil tal-proġetti ma ġewx ikkoreġuti fil-ħin mill-Kummissjoni, b’mod partikolari qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt tal-għotja
50Ir-riskji u t-tagħlimiet meħuda ġew riflessi fit-tfassil tal-biċċa l-kbira mill-proġetti, iżda kien għal seba’ proġetti biss li ġew ivvalutati xenarji dwar il-probabbiltà ta’ riskju (jiġifieri l-probabbiltà li jseħħu riskji u l-impatt tagħhom jekk iseħħu)39. Għal bosta proġetti, id-dgħufijiet fil-logframe ġew osservati mill-evalwaturi40 fl-istadju tal-proposta, iżda ma ttiħdux inkunsiderazzjoni kompletament meta l-proġett ġie implimentat.
- Fil-każ tal-proġett Indonesia1, wieħed mill-evalwaturi tal-proposta sħiħa ġibed l-attenzjoni għal indikaturi dgħajfin, iżda dan ma kienx rifless fir-rapport ta’ evalwazzjoni u l-indikaturi ma ġewx modifikati.
- L-evalwaturi tal-proġett Philippines2 osservaw li l-formulazzjoni tal-objettivi speċifiċi kienet dgħajfa (sempliċiment pletora ta’ attivitajiet, simili ħafna għar-riżultati mistennija); madankollu, dan ma ġiex indirizzat qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt tal-għotja.
- L-evalwatur tal-proġett Nepal3 osserva li ma kien hemm ebda stħarriġ ta’ referenza jew valutazzjoni komparattiva, u li l-logframe kien imissu jitfassal mill-ġdid b’indikaturi kwantitattivi adegwati. F’dan il-każ, l-istħarriġ ta’ referenza sar bħala attività tal-proġett u l-logframe ġie rivedut qabel it-tieni rapport interim; madankollu, xi wħud mill-indikaturi baqgħu mhux kwantifikabbli u suġġettivi41.
F’każ wieħed (il-proġett Bangladesh5), id-delegazzjoni tal-UE indirizzat il-logframe dgħajjef waqt li l-proġett kien qed jiġi implimentat, u talbet lill-benefiċjarju jikkoreġih. Madankollu, il-bidliet saru biss sitt xhur wara li l-proġett intemm f’April 2016; li jfisser li l-intervent tad-delegazzjoni sar tard wisq (id-durata tal-proġett kienet ta’ tliet snin).
52Ir-riżultati mistennija tal-biċċa l-kbira mill-proġetti kienu relattivament realistiċi fl-istadju tat-tfassil42. Madankollu, kien hemm eċċezzjonijiet:
- Fil-proġett Bangladesh1, matul id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-proġett, deher ċar li t-tfassil tal-proġett kien ambizzjuż wisq, speċjalment fir-rigward tal-użu ta’ database. Billi l-proġett twettaq f’żoni remoti, in-nuqqas ta’ elettriku u l-problemi bil-konnettività tal-Internet kienu ostakli importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-attivitajiet tal-proġett, fatt li ma ngħatax biżżejjed importanza fl-istadju tat-tfassil tal-proġett.
- Bosta attivitajiet li kienu inklużi fil-proġett India1 u li mbagħad ġew ikkanċellati kienu ambizzjużi żżejjed fl-istadju tat-tfassil: il-proġett kellu l-intenzjoni li jeżamina xi emendi legali li kienu mistennija u li kienu diġà ġew posposti ripetutament (mill-2004), iżda dawn ma ġewx adottati matul l-implimentazzjoni tal-proġett (2011-2014).
L-implimentazzjoni tal-proġetti kienet imxekkla minn limitazzjonijiet lokali u minn dewmien
53F’din it-taqsima aħna neżaminaw, fost affarijiet oħra, jekk il-Kummissjoni mmonitorjatx il-proġetti b’mod adegwat u jekk irreaġietx għal bidliet mhux mistennija b’mod f’waqtu, kif ukoll jekk il-proġetti ġewx implimentati skont il-pjan (iż-żmien, il-baġit u l-attivitajiet).
Il-Kummissjoni mmonitorjat il-proġetti b’mod adegwat, iżda l-implimentazzjoni kienet affettwata minn sjieda limitata fil-livell nazzjonali, minn bidliet fis-sekwenza ta’ attivitajiet mis-sħab, u minn dewmien
54Aħna sibna li l-proġetti ġew immonitorjati b’mod adegwat mill-Kummissjoni, li wettqet żjarat fuq il-post għal 26 proġett u “monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati”43 għal 4 proġetti. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni ħadet azzjoni korrettiva f’waqtha biex tappoġġa l-implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-proġetti44. Madankollu, aħna sibna li l-valutazzjoni kontinwa tas-sostenibbiltà għal 14-il proġett kienet dgħajfa (ara l-paragrafu 66), minkejja li, għall-inqas f’xi każijiet, dan kien diġà jidher ċar fl-istadju tat-tfassil.
55Sa Lulju 2016, kienu ġew ikkompletati 27 mill-35 proġett. Madankollu, il-perjodu ta’ implimentazzjoni għal 10 proġetti45 ġie estiż b’bejn 3 xhur u 12-il xahar. Nofs l-estensjonijiet kienu relatati ma’ fatturi esterni bħal approvazzjonijiet tardivi mill-awtoritajiet, inkwiet politiku u problemi ta’ sigurtà; in-nofs l-ieħor kienu dovut għal limitazzjonijiet interni tal-proġetti relatati mal-kapaċità tas-sħab.
56Tmien proġetti kienu suġġetti għal bidla fl-ordni loġika tal-attivitajiet tagħhom. Dawn il-bidliet affettwaw l-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet relatati, li jfisser li ma kienx possibbli li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ għal sinerġiji. Aħna sibna li l-istudji ta’ referenza u l-valutazzjonijiet ma kinux disponibbli meta kienu meħtieġa, l-attivitajiet ta’ taħriġ saru tard wisq u l-prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet relatati ma kinitx ideali.
Kaxxa 2
Eżempji tal-impatt ta’ bidliet fis-sekwenza tal-attivitajiet
Bidla fl-ordni
Il-proġett Cambodia2: Inizjalment, is-sekwenza tal-attivitajiet kienet 1.1 Analiżi tal-istampa, osservazzjoni, analiżi tal-kopertura mill-istampa ta’ traffikar u monitoraġġ tat-tfal, 1.2 Sensibilizzazzjoni u taħriġ ta’ ġurnalisti dwar it-traffikar u d-drittijiet tat-tfal u 1.3 Promozzjoni ta’ netwerking nazzjonali fost ġurnalisti speċjalizzati. Il-fatt li l-proġett biddel din l-ordni affettwa l-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet relatati, billi l-analiżi tal-istampa suppost kellha tiżvela l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-ġurnalisti, u t-taħriġ kien imissu ngħata segwitu b’netwerking. Minflok, il-proġett beda b’attivitajiet ta’ netwerking qabel ma saru l-analiżi tal-istampa u t-taħriġ.
Dewmien sinifikanti f’attività waħda partikolari
Il-proġett India2: Limmappjar tal-vulnerabbiltà (eż. il-postijiet fejn nies vulnerabbli kienu l-aktar f’riskju ta’ traffikar) kien disponibbli f’Marzu 2011, iżda sa Frar 2013 dan kien għadu ma ġiex approvat mill-ministeru rilevanti. Dan irriżulta fis-sospensjoni tal-attivitajiet kollha, inklużi l-istudji ta’ referenza li suppost kellhom jalimentaw l-implimentazzjoni tal-proġett. Finalment, il-valur ta’ referenza ġie rrivedut tard wisq biex ikun utli.
F’10 mill-każijiet46 li eżaminajna, xi attivitajiet importanti ma kinux twettqu kif kien ippjanat. Dan kien dovut għal nuqqas ta’ impenn, jew mill-gvern (ħames każijiet), jew mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni (erba’ każijiet), jew mit-tnejn li huma (każ wieħed), ara l-Kaxxa 3.
Kaxxa 3
Eżempji ta’ nuqqas ta’ sjieda/impenn
Mill-gvern
Il-proġett Bangladesh1: Is-softwer għar-reġistrazzjoni tat-tfal ma ġiex attivat mill-gvern qabel tmiem il-proġett. Għal din ir-raġuni, l-uffiċjali ma setgħux jitħarrġu waqt li l-proġett kien operazzjonali.
Il-proġett Indonesia1: Il-proġett kellu l-għan li jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ pjan nazzjonali kontra t-traffikar. Ma sarux laqgħat ma’ uffiċjali tal-gvern ta’ livell għoli, kif kien previst, minħabba nuqqas ta’ impenn politiku, u dawn kellhom jiġu ssostitwiti b’laqgħat ma’ uffiċjali bbażati fil-komunità.
Mis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni
Il-proġett Myanmar1: Il-materjali ta’ taħriġ mistennija dwar il-migrazzjoni jew dwar il-protezzjoni tat-tfal ma ġewx żviluppati taħt il-proġett, u ma kienx hemm distribuzzjoni sistematika ta’ materjali, sistematikament, matul is-sessjonijiet ta’ taħriġ għall-Gruppi ta’ Protezzjoni tat-Tfal. Barra minn hekk, attivitajiet rikreattivi għat-tfal ma ġewx organizzati fuq bażi regolari, billi kull Grupp ta’ Protezzjoni tat-Tfal li kien ibbażat fil-komunità ħadem indipendentement fuq il-promozzjoni u l-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal. Xi gruppi ma kinux attivi biżżejjed (eż. 3 każijiet f’sena, meta mqabbel ma’ 20 każ f’villaġġ ieħor). Is-sieħeb kien imissu indirizza ż-żewġ kwistjonijiet (id-disponibbiltà tal-materjali u l-livell ta’ involviment) fil-ħin.
Miż-żewġ naħat
Il-proġett India1: Żewġ attivitajiet kritiċi ġew ikkanċellati. L-ewwel nett l-analiżi, mill-perspettiva ta’ drittijiet tal-bniedem, li kellha ssir fir-rigward tal-politika Indjana dwar il-migrazzjoni u tal-emendi għal-liġi eżistenti dwar it-traffikar tal-bnedmin, fil-bidu ddewmet, u mbagħad ġiet ikkanċellata, billi l-gvern ma approvax politika migratorja ġdida u l-liġi dwar it-traffikar tal-bnedmin ma ġietx emendata. Ir-riskju ta’ dewmien bħal dan kien prevedibbli, ibbażat fuq l-għadd ta’ tentattivi preċedenti biex jinbidel il-qafas legali, li ma rnexxewx. It-tieni nett, l-attività li kienet tinvolvi li r-responsabbiltà soċjali korporattiva ta’ linji tal-ajru u banek tiġi ggwidata lejn id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni u l-forniment ta’ lil ħaddiema migranti ma ġietx implimentata minħabba nuqqas ta’ fondi u ta’ kapaċitajiet loġistiċi. Dan ukoll seta’ jiġi previst fil-fażi ta’ tfassil tal-proġett.
L-implimentazzjoni tal-baġit kienet imxekkla mill-kapaċità limitata tas-sħab lokali
58Aħna sibna seba’ każijiet fejn l-infiq kien sinifikattivament insuffiċjenti u ħames każijiet oħra fejn il-proġetti kellhom jiġu estiżi biex il-baġit għalihom ikun jista’ jintuża47. Il-kuntratti tal-għotja jissettjaw il-kontribuzzjoni massima mill-UE u l-infiq insuffiċjenti mhuwiex neċessarjament negattiv, speċjalment jekk ir-riżultati kollha mistennija jinkisbu. Madankollu, meta l-baġit ta’ proposta magħżula jkun ġie stmat b’mod sinifikattivament eċċessiv, u dan ma jiġix ikkoreġut qabel jitfassal kuntratt, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tieħu vantaġġ sħiħ mis-sejħa għal proposti (u mill-fondi disponibbli) biex tappoġġa proġetti oħra. F’xi każijiet, aħna sibna li l-proposta inizjali tas-sħab ma kinitx realistika (ambizzjuża wisq/stmata b’mod eċċessiv) meta mqabbla mal-kapaċità tagħhom. Pereżempju:
- Għal wieħed mill-proġetti (Regional1) intuża biss 65 % mill-baġit oriġinali. Is-sieħeb ewlieni inkarigat mill-implimentazzjoni qabel li ħafna mil-linji baġitarji inizjalment ġew stmati b’mod eċċessiv (b’mod partikolari għall-infiq relatat ma’ tagħmir u mal-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni)48.
- Kważi nofs il-valur tal-kuntratt tal-proġett India3 ma kienx intuża sad-data ta’ tmiem oriġinali tal-proġett, parzjalment minħabba li attivitajiet ta’ għajnuna għall-vittmi fuq terminu twil kienu koperti minn finanzjament mill-Istat li huwa potenzjalment aktar attraenti (aktar fit-tul, aktar iffukat).
- Il-proġett Regional2 ħtieġ żewġ estensjonijiet ta’ żmien (minn 36 xahar sa 48 xahar) biex juża 90 % tal-kontribuzzjoni ppjanata mill-UE49.
Il-proġetti taw xi riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, għalkemm is-sostenibbiltà kienet problematika
59F’din it-taqsima, aħna neżaminaw: jekk l-ouputs ippjanati twasslux/jitwasslux f’waqthom u fi ħdan il-baġit; jekk il-proġetti kkontribwewx b’mod pożittiv għall-qerda tat-traffikar tal-bnedmin; u jekk ir-riżultati tal-proġetti humiex sostenibbli.
Il-proġetti taw xi riżultati pożittivi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, iżda huwa diffiċli li tinstab konnessjoni bejnhom u t-titjib ġenerali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin li seħħ fir-reġjun
60Mill-2009 ‘l hawn, kien hemm titjib ġenerali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-reġjuni li huma koperti mill-awditu, għalkemm hemm differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi, bi tnejn minnhom biss li jissodisfaw l-aħjar standards kompletament. Skont id-data mir-rapport “Trafficking in Persons” (Traffikar tal-Bnedmin) tal-Istati Uniti (ara t-Tabella 1), il-pajjiżi li tejbu s-sitwazzjoni huma l-Bangladesh, il-Kambodja, l-Indja, il-Filippini u l-Pakistan; erba’ pajjiżi baqgħu ma bidlux is-sitwazzjoni (l-Indoneżja, in-Nepal, il-Myanmar u l-Vjetnam); u kien f’pajjiż wieħed biss (it-Tajlandja) li s-sitwazzjoni ddeterjorat fil-perjodu kopert mill-awditu.
| Pajjiż | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 | 2013 | 2014 | 2015 | 2016 | ||||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Il-Kambodja | 2WL | 2 | 2 | 2 | 2WL | 2WL | 2WL | 2 | ||||||||
| L-Indoneżja | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | ||||||||
| In-Nepal | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | ||||||||
| Il-Myanmar | 3 | 3 | 3 | 2WL | 2WL | 2WL | 2WL | 3 | ||||||||
| It-Tajlandja | 2 | 2WL | 2WL | 2WL | 2WL | 3 | 3 | 2WL | ||||||||
| Il-Vjetnam | 2 | 2WL | 2WL | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | ||||||||
| L-Indja | 2WL | 2WL | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | ||||||||
| Il-Filippini | 2WL | 2WL | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | 1 | ||||||||
| Il-Pakistan | 2WL | 2 | 2 | 2 | 2 | 1 | 1 | 1 | ||||||||
| Il-Bangladesh | 2WL | 2WL | 2WL | 2 | 2 | 2 | 2 | 2 | ||||||||
Nota: Ir-rapport “Trafficking in Persons” (Traffikar tal-Bnedmin) maħruġ mill-Istati Uniti (ir-rapport US TIP) iqiegħed lill-pajjiżi f’erba’ kategoriji: Livell 1 (jissodisfaw l-istandards kompletament), Livell 2 (ma jissodisfawx l-istandards kompletament iżda qed isiru sforzi sinifikanti), Livell 2 Lista’ ta’ Sorveljanza (2WL, l-istess bħal-Livell 2 iżda l-impatt huwa aggravat minħabba l-għadd ta’ vittmi, in-nuqqas ta’ forniment ta’ evidenza li l-isforzi qed jiżdiedu, jew in-nuqqas ta’ rispett tal-impenji) u Livell 3 (ma jissodisfawx l-istandards).
Sors: Ir-rapport “Trafficking in Persons” (Traffikar tal-Bnedmin) maħruġ mid-Dipartiment tal-Istat, l-Istati Uniti, 2016.
61Aħna sibna li għall-proġetti kollha eżaminati, stajna nidentifikaw xi riżultati pożittivi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra dan it-traffikar. Aħna sibna wkoll li l-appoġġ mogħti mill-UE, b’mod partikolari l-finanzjament immirat taħt l-EIDHR, għen biex jissaħħu l-NGOs li huma bbażati fil-komunitajiet, u huma ddedikati għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Minkejja dan, dawn ir-riżultati ma jistgħux jintrabtu mal-progress globali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-reġjuni kkonċernati. Barra minn hekk, huwa diffiċli li jiġi identifikat l-impatt ta’ inizjattivi xprunati mid-drittijiet tal-bniedem, billi dawn jappoġġaw bidliet fuq terminu twil li, min-natura tagħhom, spiss ma jkunux jistgħu jitkejlu faċilment.
62Il-proġett Indonesia1 huwa eżempju tajjeb ta’ kif l-appoġġ mogħti mill-UE jista’ jikkontribwixxi għal bidla fuq terminu twil fl-attitudnijiet u fl-impenn lokali. Dan il-proġett serva biex jikkonsolida koalizzjoni emerġenti ta’ NGOs lokali li huma attivi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, billi bena l-kapaċità tal-koalizzjoni kif ukoll tejjeb il-viżibbiltà u l-influwenza internazzjonali tagħha. B’riżultat ta’ dan, il-koalizzjoni setgħet tipprovdi input rilevanti fir-rigward tal-isfidi relatati mat-traffikar tal-bnedmin fil-kuntest tal-eżaminar perjodiku, immexxi min-NU, tar-rekord tad-drittijiet tal-bniedem fl-Indoneżja50.
63Bl-istess mod, il-proġetti Cambodia2 u Cambodia3 ġew implimentati minn koalizzjoni ta’ NGOs nazzjonali. Huma kkontribwew għal żieda fil-viżibbiltà, il-kapaċità u l-influwenza tal-koalizzjoni, bir-riżultat li l-koalizzjoni u l-membri tagħha tejbu l-ħiliet tagħhom fil-ġestjoni ta’ proġetti u rnexxielhom ikomplu jirċievu l-appoġġ tad-donaturi għal xi wħud mill-attivitajiet tagħhom.
64Kif ġie deskritt hawn fuq (ara l-paragrafu 47), l-għażla tal-proġetti permezz ta’ sejħiet għal proposti illimitat il-possibbiltajiet tal-Kummissjoni li tintegra l-proġetti f’approċċ komprensiv. Minkejja dan, aħna identifikajna proġett wieħed li rnexxielu jorbot l-assistenza għall-iżvilupp ma’ għodod ta’ politika oħra tal-UE (ara l-Kaxxa 4). Donaturi oħra qegħdin ukoll jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin billi jadottaw approċċ komprensiv li jinkorpora tipi differenti ta’ appoġġ51.
Kaxxa 4
Il-proġett Thailand3 – Kooperazzjoni b’suċċess fost id-dipartimenti u użu effettiv ta’ strumenti disponibbli biex jintlaħqu objettivi relatati mat-traffikar tal-bnedmin – l-eżempju ta’ proġett Tajlandiż fil-qasam tas-sajd
Ir-Regolament IUU (sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat) tal-UE52 għandu l-għan li jiżgura li ebda prodott tas-sajd li jkun inqabad b’mod illegali ma jispiċċa fuq is-suq tal-UE. Fl-2011, il-Kummissjoni bdiet djalogu informali mat-Tajlandja rigward il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.
Fl-2015, sensiela ta’ artikli żvelaw ir-rabtiet bejn xi kumpaniji Tajlandiżi tas-sajd u t-traffikar tal-bnedmin. Il-midja kienet kixfet ir-rwol estensiv tal-awtoritajiet, is-sajjieda u t-traffikanti fit-tjassir ta’ eluf ta’ persuni.
Il-Kummissjoni qieset li d-djalogu informali mal-awtoritajiet Tajlandiżi ma kienx qed jiżgura progress sodisfaċenti. Għaldaqstant, fil-21 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ħarġet notifika ta’ intimazzjoni (l-hekk imsejħa “karta safra”) kontra t-Tajlandja talli din ma kinitx ħadet miżuri suffiċjenti fil-ġlieda internazzjonali kontra s-sajd illegali. Kienu ġew identifikati nuqqasijiet fil-qafas legali tat-Tajlandja għas-sajd sostenibbli, kif ukoll fil-monitoraġġ, il-kontroll u t-traċċabbiltà tal-qbid. Minbarra dawn il-problemi, il-midja kienet akkużat lill-flotta Tajlandiża b’abbuż gravi tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-bniedem (ara l-paragrafu 6).
Għalkemm il-ħruġ ta’ notifika ta’ intimazzjoni ma kienx previst bħala għodda biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin, dan ikkontribwixxa għall-appoġġ ta’ din il-ġlieda fit-Tajlandja. Id-deċiżjoni ġiet segwita minn proċedura formali ta’ djalogu mal-awtoritajiet Tajlandiżi, biex jinstab qbil dwar il-miżuri korrettivi neċessarji. In-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jista’ jwassal biex l-UE tipprojbixxi l-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin mit-Tajlandja, u dan kien ta’ inċentiv akbar biex l-awtoritajiet Tajlandiżi jaġixxu mingħajr dewmien.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni pprovdiet l-impetu għal riformi li kienu ilhom li jmisshom saru, eż. riformi tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u d-DĠ DEVCO ġibdu l-attenzjoni ta’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni (responsabbli għall-kummerċ u għall-istandards tax-xogħol) għall-opportunità li jfasslu intervent li jagħti appoġġ lill-awtoritajiet Tajlandiżi fl-għan tagħhom li jnaqqsu x-xogħol furzat, it-tħaddim tat-tfal u forom oħra inaċċettabbli ta’ xogħol, u li progressivament jeliminaw l-isfruttament tal-ħaddiema fis-setturi Tajlandiżi tas-sajd u tal-ipproċessar ta’ prodotti tal-baħar. Il-proġett li rriżulta jagħmel parti minn sforz aktar wiesa’ li jinkludi djalogu bejn l-UE u t-Tajlandja dwar kwistjonijiet relatati mas-sajd u max-xogħol.
Il-proġett huwa implimentat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li ffirmat kuntratt f’Diċembru 2015. L-attivitajiet bdew fi Frar 2016 u d-durata prevista hija ta’ 42 xahar. Huwa mistenni li dan se jgħin lill-awtoritajiet Tajlandiżi permezz tal-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali għar-ratifika ta’ konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, li huwa effett kollaterali pożittiv li jmur lil hinn mis-settur tas-sajd. Il-miżuri li ttieħdu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd issa qed jiġu disseminati f’setturi oħra tal-ekonomija, sabiex id-drittijiet tax-xogħol jiġu standardizzati fil-pajjiż kollu. B’mod simili, donaturi oħra qed jiġbru informazzjoni dwar il-proġett biex tiġi vvalutata l-possibbiltà li dan jiġi replikat f’pajjiżi oħra fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja (eż. fil-Bangladesh, li wkoll għandu settur tas-sajd importanti).
Is-sostenibbiltà tar-riżultati tal-proġetti ma ġietx żgurata sistematikament
65Aħna stajna nivvalutaw il-prospetti ta’ sostenibbiltà ta’ 25 proġett53. Għall-10 proġetti li jifdal, jew il-proġett kien għadu għaddej, jew inkella r-rapport finali kien għadu ma ġiex approvat jew ma kienx iddettaljat biżżejjed. Aħna sibna li s-sostenibbiltà tista’ tiġi ddimostrata għal 11-il proġett. Għall-14-il proġett li jifdal, huwa probabbli li s-sostenibbiltà tiġi affettwata mill-insuffiċjenza ta’ kontribuzzjonijiet ulterjuri mid-donaturi (8 proġetti) u minn impenn insuffiċjenti mis-sħab jew mill-gvern (6 proġetti).
Kaxxa 5
Eżempji ta’ problemi ta’ sostenibbiltà
Insuffiċjenza ta’ kontribuzzjonijiet ulterjuri mid-donaturi
Għall-proġett Nepal1, is-sieħeb ewlieni ma għadux jaħdem fi tliet distretti u biddel il-prijoritajiet territorjali u tematiċi tiegħu. Għalkemm wieħed mis-sħab għadu jwettaq attivitajiet ta’ mikrokreditu b’appoġġ minn donatur ieħor, l-attivitajiet b’rabta aktar diretta mat-traffikar tal-bnedmin ma tkomplewx.
Għall-proġett India1, is-sostenibbiltà finanzjarja diretta għal parti mill-attivitajiet kienet żgurata minn donatur ieħor, iżda ma setgħux jitkomplew l-attivitajiet kollha.
Insuffiċjenza fl-impenn tas-sħab u fis-sjieda tal-gvern
Għall-proġett India2, li jappoġġa l-Panchayats fiż-żamma ta’ kumitati ta’ viġilanza u ċentri ta’ azzjoni, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ma għamlux arranġamenti ta’ sostenibbiltà mal-pulizija u mhumiex se jkunu jistgħu jappoġġaw l-azzjonijiet tagħhom finanzjarjament wara li l-programm ikun ġie kkompletat.
Għall-proġett Bangladesh3, il-proġett isir sostenibbli biss jekk il-gvern nazzjonali jibdel il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tar-refuġjati Rohingya (jiġifieri, ebda rikonoxximent, ebda aċċess għax-xogħol u ebda aċċess għall-edukazzjoni sekondarja). Madankollu, ma ttieħdet ebda azzjoni ulterjuri mid-delegazzjoni tal-UE. Dan in-nuqqas ta’ segwitu wassal biex xi attivitajiet tal-proġett relatati mat-traffikar tal-bnedmin jiġu kkanċellati/imdewma.
Għall-14-il proġett fejn is-sostenibbiltà ma kinitx ċerta, aħna sibna li l-fatturi sottostanti li jaffettwaw is-sostenibbiltà setgħu ġew indirizzati aħjar fl-istadju tat-tfassil. B’mod partikolari, il-proġetti ma kinux jinkludu strateġija ta’ ħruġ għat-trażmissjoni tal-prattiki tal-proġetti u tar-riżultati miksuba, kif inhu rrakkomandat mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni taċ-Ċiklu ta’ Proġett54, u fatturi eżoġeni/theddid ma ġewx immitigati biżżejjed u allura komplew jippersistu matul il-fażi ta’ implimentazzjoni. Il-valutazzjoni kontinwata tas-sostenibbiltà li saret mill-Kummissjoni kienet imxekkla wkoll minn dokumentazzjoni insuffiċjenti dwar l-impatt tal-bidliet matul l-implimentazzjoni.
67Aħna fil-fatt sibna eżempju ta’ proġett sostenibbli, li juri l-benefiċċji li jirriżultaw meta l-problemi ta’ sostenibbiltà jiġu indirizzati kmieni fil-fażi ta’ tfassil (ara l-Kaxxa 6).
Kaxxa 6
Shubha Yatra: Promozzjoni u Protezzjoni tad-Drittijiet ta’ Nisa Migranti Nepaliżi (Nepal3)
Prattika tajba
Il-proġett għandu l-għan li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet ta’ nisa migranti Nepaliżi permezz tal-organizzazzjoni ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-għarfien. L-istrateġija ta’ ħruġ kienet ġiet diskussa fil-fond mal-partijiet interessati ewlenin fl-istadju ta’ tfassil, u kienet ġiet ivvalutata kontinwament matul l-implimentazzjoni. B’mod partikolari, il-proġett kien jinkludi attivitajiet li setgħu jattiraw appoġġ ulterjuri mid-donaturi, sabiex tiġi żgurata s-sostenbbiltà tar-riżultati miksuba wara li l-proġett ikun ikkompletat.
Ir-riżultati li nkisbu mill-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni kienu sostenibbli. B’appoġġ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), wieħed mis-sħab kien qed jopera programm ta’ migrazzjoni sikura fid-distrett ta’ Ruphendi. B’mod simili, b’appoġġ finanzjarju mill-awtoritajiet lokali, iċ-Ċentru ta’ Servizzi għal Nisa Migranti (il-Federazzjoni ta’ Ħaddiema Migranti nisa li ġiet stabbilita matul l-operat tal-Shubha Yatra) jorganizza regolarment laqgħat distrettwali ta’ koordinazzjoni ffukati fuq id-difiża tad-drittijiet ta’ nisa migranti.
Barra minn hekk, ċentri ta’ informazzjoni f’Uffiċċji Amministrattivi Distrettwali (Hetauda u Bhairahawa) għadhom qed joperaw u jikkollaboraw ma’ aktar minn 22 NGO lokali li jaħdmu favur id-drittijiet tan-nisa. B’mod simili, uffiċċji ta’ informazzjoni fl-ajruport internazzjonali u fil-fruntieri komplew l-operat tagħhom bl-appoġġ ta’ diversi donaturi u fondazzjonijiet privati. Iż-żewġ sħab qed imexxu dawn l-inizjattivi b’mod attiv.
Rigward il-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-għarfien, is-sieħeb ewlieni, NGO internazzjonali, ikkondivida informazzjoni dwar il-mudell għall-promozzjoni ta’ migrazzjoni sikura li ġie propost mill-proġett, u attwalment qed jimplimenta proġetti f’Rupendhi u f’Makwanpur. Dawn il-proġetti jkomplu jibnu fuq ix-xogħol li sar taħt proġett iffinanzjat mill-UE biex tfal bniet jingħataw is-setgħa permezz tal-edukazzjoni u biex jitnaqqas iż-żwieġ prekoċi.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
68L-awditu eżamina l-effettività tal-appoġġ mogħti mill-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja. Il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin huwa proċess li neċessarjament jieħu fit-tul. Dan jirrikjedi l-indirizzar ta’ għadd ta’ kawżi ewlenin (eż. inugwaljanza bejn is-sessi, nuqqas ta’ drittijiet tal-minoranzi, edukazzjoni u saħħa) u li l-attivitajiet ta’ netwerks kriminali jiġu sfaxxati. It-traffikar tal-bnedmin huwa, min-natura tiegħu, reat klandestin li rarament ikun hemm data statistika suffiċjenti u kumparabbli dwaru. Minħabba dan il-kuntest kumpless, il-ħafna prijoritajiet mifruxa u r-riżorsi limitati, aħna sibna li l-UE kienet parzjalment effettiva fl-appoġġ li tat għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja.
69Fil-biċċa l-kbira, il-qafas ta’ politika tal-UE f’dak li jirrigwarda t-traffikar tal-bnedmin jipprevedi approċċ komprensiv għall-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin, għalkemm xi aspetti għadhom mhumiex żviluppati għalkollox. L-Istrateġija THB (2012-2016) kienet dokument ta’ livell għoli li kien jipprovdi gwida limitata dwar id-dimensjoni esterna tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Sa April 2017, il-Kummissjoni kienet għadha ma ppubblikatx evalwazzjoni komprensiva tar-riżultati li nkisbu taħt l-Istrateġija THB; u lanqas ma ppreżentat qafas ta’ politika kontra t-traffikar għal wara l-2016.
70L-Istrateġija THB hija kkomplementata minn dokumenti ta’ politika oħra li flimkien jindirizzaw l-aspetti prinċipali tat-traffikar tal-bnedmin. Il-Kummissjoni u s-SEAE jużaw varjetà ta’ għodod fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, kemm direttament kif ukoll indirettament: id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem huma partikolarment utli; għodod oħra jinkludu djalogi bilaterali u appoġġ għal fora reġjonali (jiġifieri ASEAN u ASEM fl-Asja). Sa issa għadhom ma nħolqux sħubiji ġodda, bejn l-UE u xi wieħed mill-pajjiżi fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja, li huma ddedikati għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (ara l-paragrafi 22 sa 43).
Rakkomandazzjoni 1 – Żvilupp ulterjuri tal-qafas strateġiku kontra t-traffikar tal-bnedmin, billi tiżdied ir-rilevanza tiegħu għall-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja
Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mas-SEAE u filwaqt li tqis l-implikazzjonijiet tal-analiżi ta’ nofs it-terminu dwar l-istrumenti ta’ finanzjament estern, tiżviluppa aktar il-qafas strateġiku kontra t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari billi:
- tipproponi lill-Kunsill lista aġġornata ta’ prijoritajiet, li tkun ibbażata fuq ir-riżultati li nkisbu sa issa, il-firxa tat-traffikar tal-bnedmin f’pajjiżi/reġjuni individwali, u l-prijoritajiet għall-politiki tematiċi;
- tiżgura li jkun hemm data suffiċjenti u kumparabbli dwar attivitajiet appoġġati kontra t-traffikar tal-bnedmin, li titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta’ prattikanti;
- tiżviluppa objettivi u miri ċari għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u b’hekk tiffaċilita t-tfassil ta’ azzjonijiet rilevanti, koerenti u komprensivi fil-pajjiżi/reġjuni prijoritarji maqbula. Jenħtieġ li l-objettivi jiġu kkonkretizzati fi gwida operazzjonali aktar iddettaljata li tkun ċara biżżejjed biex tagħti direzzjoni lill-attivitajiet fuq il-post, eż. billi tuża oqfsa tal-pajjiżi, strateġiji tal-pajjiżi, eżerċizzji ta’ programmazzjoni u rapporti ta’ ġestjoni eżistenti li jkunu rilevanti;
- tidentifika u sussegwentement tevalwa u tirrapporta dwar liema objettivi l-aħjar li jintlaħqu permezz ta’ proġetti, permezz tal-użu ta’ għodod oħra (eż. djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, strumenti ta’ assistenza teknika, sħubiji ddedikati kontra t-traffikar tal-bnedmin eċċ.), jew permezz ta’ kombinament ta’ bosta għodod.
Data fil-mira: Nofs l-2018
71Minkejja dgħufijiet speċifiċi, il-proġetti li ġew eżaminati fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja taw xi riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Madankollu, l-impatt ta’ dawn ir-riżultati seta’ kien akbar li kieku kien ġie adottat approċċ komprensiv, li jippermetti interazzjoni akbar u aktar sinerġiji bejn il-proġetti u għodod oħra li huma rilevanti għat-traffikar tal-bnedmin. Madwar żewġ terzi tal-proġetti fil-kampjun kellhom dgħufijiet fir-rigward tal-formulazzjoni tal-objettivi u/jew l-indikaturi, u xi dgħufijiet fit-tfassil ma ġewx indirizzati fil-ħin, b’mod partikolari qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt tal-għotja (ara l-paragrafi 45 sa 52).
72Il-Kummissjoni mmonitorjat il-proġetti b’mod adegwat, iżda l-implimentazzjoni ġiet affettwata minn sjieda nazzjonali limitata u minn dgħufijiet fil-kapaċità tas-sħab u fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet minnhom. Hemm titjib ġenerali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja, iżda huwa diffiċli li tinstab konnessjoni bejn dan it-titjib u azzjonijiet speċifiċi tal-UE (kemm f’termini ta’ allokazzjoni ta’ fondi kif ukoll ta’ riżultati miksuba). Għalkemm kien għadu kmieni wisq biex tiġi vvalutata s-sostenibbiltà tar-riżultati kollha tal-proġetti, aħna osservajna li s-sostenibbiltà tagħhom ma ġietx żgurata sistematikament (14-il proġett minn 25) (ara l-paragrafi 54 sa 67).
Rakkomandazzjoni 2 – Ottimizzazzjoni tal-impatt tal-proġetti billi dawn jiġu integrati f’qafas komprensiv
Jenħtieġ li l-Kummissjoni, matul it-tħejjija ta’ sejħiet għal proposti u l-proċedura tal-għażla u tal-għoti, timmira li tappoġġa l-proġetti li l-aktar huma probabbli li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-reġjun/il-pajjiż prijoritarju rilevanti, billi:
- tinkludi kriterji tal-għażla li jappoġġaw approċċ komprensiv fir-reġjun/fil-pajjiż, kopertura adegwata tal-prijoritajiet iddefiniti kollha, u l-possibbiltà li jinkisbu interazzjoni u sinerġiji bejn il-proġetti u għodod oħra;
- tivvaluta t-tip u d-daqs tal-għotjiet li jaqblu l-aktar mas-saħħa u l-kapaċità tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż;
- tiżgura li t-tfassil tal-proġetti magħżula jinkludi objettivi SMART u indikaturi RACER, u li r-riżultati mistennija jkunu realistiċi f’termini ta’ żmien, baġit u kapaċità tas-sħab;
- tagħmel aktar enfasi fuq is-sostenibbiltà tar-riżultati mistennija mill-proġetti, minn stadju bikri u tul iċ-ċiklu intier tal-ħajja tal-proġetti, eż. billi tinkludi l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ħruġ li jieħdu inkunsiderazzjoni sorsi alternattivi ta’ finanzjament u billi tħeġġeġ sjieda nazzjonali wara li l-proġetti jkunu kkompletati.
Data fil-mira: Bidu tal-2018
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sur Karel PINXTEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Mejju 2017.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Ħarsa ġenerali lejn il-proġetti
| Pajjiż | Delegazzjoni inkarigata mill-proġett | Referenza CRIS tal-Kuntratt | Referenza fit-test | Titolu tal-Proġett | Ammont totali ppjanat (EUR) | Fondi mill-UE (EUR) |
|---|---|---|---|---|---|---|
| Il-Kambodja | Il-Kambodja | EIDHR/2011/272-402 | Cambodia1 | Safe migration and reduced trafficking (SMART) | 333 261 | 244 855 |
| Il-Kambodja | Il-Kambodja | EIDHR/2009/218-621 | Cambodia2 | Enhancing capacity to address trafficking especially in children from a human rights perspective in nine provinces and Phnom Penh municipality of Cambodia | 285 580 | 188 483 |
| Il-Kambodja | Il-Kambodja | EIDHR/2011/272-403 | Cambodia3 | Enhancing the Community to Prevent Human Trafficking, especially Women and Children and to Assist the Victims of Trafficking to Access to Justice | 555 330 | 299 878 |
| Il-Kambodja | Il-Kambodja | EIDHR/2015/369-068 | Cambodia4 | MIGRA ACTION- Advocate, Monitor and Communicate to Combat Human Trafficking and Unsafe Migration in Cambodia | 500 000 | 475 000 |
| L-Indoneżja | L-Indoneżja | EIDHR/2010/253-189 | Indonesia1 | Strengthening Advocacy Works and Young People Participation: A Supporting Action to the Implementation of the National Plan of Action on the Eradication of Criminal Acts of Trafficking in Person and Sexual Exploitation of Children 2009-2014 | 106 564 | 99 004 |
| In-Nepal | In-Nepal | EIDHR/2009/158-139 | Nepal1 | Community Empowerment Action for Protection and Promotion of Rights of Women and Children | 126 080 | 100 864 |
| In-Nepal | In-Nepal | EIDHR/2009/158-158 | Nepal2 | Initiative to capacitate Local Institutions to combat human trafficking (ICLICHT) | 49 000 | 49 000 |
| In-Nepal | In-Nepal | DCI-MIGR/2010/228-798 | Nepal3 | Shubha Yatra: Promotion and Protection of Rights of Nepali Migrant Women | 700 000 | 560 000 |
| Il-Myanmar | It-Tajlandja | DCI-HUM/2009/155-012 | Myanmar1 | Protection of vulnerable children in Myanmar from trafficking and other forms of harm | 663 293 | 596 963 |
| It-Tajlandja | It-Tajlandja | DCI-HUM/2009/154-928 | Thailand1 | Protecting Migrant Children from Trafficking and Exploitation in the Mekong Sub-region | 649 969 | 584 972 |
| It-Tajlandja | It-Tajlandja | DCI-MIGR/2008/153-312 | Thailand2 | Going back - Moving on: Economic and Social Empowerment of Migrants Including Victims of Trafficking Returned from the EU countries. | 2 199 813 | 1 758 813 |
| It-Tajlandja | It-Tajlandja | DCI-HUM/2015/371-801 | Thailand3 | Combatting Unacceptable Forms of Work in the Thai Fishing and Seafood Industry | 4 200 000 | 3 700 000 |
| Il-Vjetnam | Il-Vjetnam | EIDHR/ 2010 /248-231 | Vietnam1 | Standing Up Against Violence (Stand Up) | 205 649 | 195 366 |
| Il-Vjetnam | Il-Vjetnam | EIDHR/2010/248-732 | Vietnam2 | Vesta II | 279 902 | 251 912 |
| L-Indja | Il-Kwartieri Ġenerali tad-DEVCO/deċentralizzat għad-delegazzjoni tal-UE għall-Indja fl-2011 | DCI-MIGR/2010/224-427 | India1 | Enhancing the Protection of Indian Migrant Workers in Oman through Evidence-Based Capacity-Building with Government and Civil Society | 700 410 | 560 328 |
| L-Indja | L-Indja | EIDHR/2010/232-393 | India2 | To support the Government of India’s efforts to stop trafficking in women and girls through community action at the Panchayat level in partnership with the National Commission for Women | 300 000 | 240 000 |
| L-Indja | L-Indja | EIDHR/2012/278-640 | India3 | Strengthening law enforcement and mobilising community action to combat trafficking of women and children | 345 518 | 293 690 |
| Il-Filippini | Il-Filippini | EIDHR/2009/220-287 | Philippines1 | Private and Public Faces of Violence Against Women: Addressing Domestic Violence and Trafficking in the Urban Poor Communities and ‘’Red Light Districts’’ of Angeles City and Olongapo City | 175 151 | 140 121 |
| Il-Filippini | Il-Filippini | EIDHR/2010/246-141 | Philippines2 | Working towards better implementation of International and Local Laws on anti-child trafficking and other forms of child abuse in selected areas of the Philippines | 207 557 | 172 364 |
| Il-Pakistan | Il-Pakistan | EIDHR/2011/277-432 | Pakistan1 | HRG - ‘’Meri Awaz Suno’’ (Listen to my voice) | 493 949 | 443 295 |
| L-Indja - in-Nepal - il-Bangladesh | L-Indja | DCI-MIGR/2009/153-330 | Regional1 | SANYUKT, “connected “– Regional project on case management and fight against trafficking within and from South Asia | 2 199 704 | 1 759 763 |
| L-Indja - in-Nepal | L-Indja | DCI-HUM/2008/155-098 | Regional2 | The Protection and Quality of Care - Anti-trafficking Action, piloted by Terre des hommes Child Relief with Sanlaap India | 592 120 | 470 902 |
| Subtotal (It-traffikar tal-bnedmin bħala attività prinċipali) | 15 868 850 | 13 185 573 | ||||
| Il-Kambodja | Il-Kambodja | DCI-MIGR/2013/282-889 | Cambodia5 | MIGRA-SAFE: Safe Labour Migration for Vulnerable Cambodian Migrant Workers to Thailand | 714 300 | 571 000 |
| Il-Bangladesh | Il-Bangladesh | DCI-NSAPVD/2011/270-442 | Bangladesh1 | Rural Urban Child Migration Project | 1 349 994 | 998 996 |
| Il-Bangladesh | Il-Bangladesh | EIDHR/2011/223-092 | Bangladesh2 | Improving child protection and rehabilitation of children from sexual abuse and exploitation in Bangladesh | 1 403 971 | 1 094 915 |
| Il-Bangladesh | Il-Bangladesh | DCI-ASIE/2013/314-090 | Bangladesh3 | Protection, essential services and durable solutions for refugees in Bangladesh | 3 770 680 | 1 500 000 |
| Il-Bangladesh | Il-Bangladesh | DCI-HUM/2013/323-276 | Bangladesh4 | Community actions for child protection from violence | 1 854 538 | 1 483 445 |
| Il-Bangladesh | Il-Bangladesh | EIDHR/2013/297-201 | Bangladesh5 | Mapping and capacity-building of tea plantation workers and little-known ethnic communities of Bangladesh | 299 999 | 239 999 |
| Il-Bangladesh | Il-Bangladesh | DCI-ASIE/2014/337-018 | Bangladesh6 | Protection, essential services and durable solutions for refugees in Bangladesh; Phase IV | 10 442 840 | 6 000 000 |
| Il-Bangladesh | Il-Bangladesh | EIDHR/2015/367-497 | Bangladesh7 | Combatting commercial sexual exploitation of children (CCSEC) in Bangladesh | 839 003 | 750 000 |
| Il-Bangladesh | Il-Bangladesh | EIDHR/2010/254-352 | Bangladesh8 | Promotion of Human Rights for Preventing Violence and Discrimination against Women and Girls (PPVD) | 300 000 | 285 000 |
| It-Tajlandja | It-Tajlandja | DCI-NSAPVD/2011/280-905 | Thailand4 | Empowering Women’s Networks to Improve Women’s Rights Protection and Access to Reproductive Health Services | 529 593 | 476 633 |
| It-Tajlandja | It-Tajlandja | DCI-ASIE/2010/254-483 | Thailand5 | Protection Assistance to Myanmar Refugees in Thailand | 1 204 213 | 963 370 |
| It-Tajlandja | It-Tajlandja | DCI-NSAPVD/2011/280-903 | Thailand6 | To act toward a better inclusion of Burmese migrants and a better recognition of their rights in Thailand | 665 775 | 499 331 |
| Reġjonali | L-Indoneżja | DCI-ASIE/2015/360-522 | Regional3 | UE-ASEAN Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri II | 3 200 000 | 3 200 000 |
| Subtotal (It-traffikar tal-bnedmin bħala attività addizzjonali) | 26 574 906 | 18 062 690 | ||||
| Total kumplessiv | 42 443 755 | 31 248 263 |
Anness II
Objettivi tal-proġetti u valutazzjonijiet individwali
| Adegwatezza tat-tfassil | Monitoraġġ u implimentazzjoni | Riżultati u sostenibbiltà tar-riżultati tal-proġetti | ||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Pajjiż | Referenza fit-test | Objettiv tal-proġett | Objettivi SMART / Indikaturi RACER | Aspetti oħra tat-tfassil (eż. Il-valur ta’ referenza, it-tagħlimiet meħuda, il-baġit) | Monitoraġġ | Implimentazzjoni u kwistjonijiet oħra | Riżultati | Problemi ta’ sostenibbiltà |
| Il-Kambodja | Cambodia1 | Il-proġett għandu l-għan li jippromwovi l-migrazzjoni sikura sabiex titnaqqas l-inċidenza tat-traffikar tal-bnedmin (domestiku u internazzjonali) fil-Kambodja, u li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ aġenziji tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali (tal-komun, distrettwali, provinċjali) għall-prevenzjoni ta’ migrazzjoni mhux sikura u t-traffikar, u għall-għoti ta’ setgħa lil gruppi li jinsabu f’riskju biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati. | ||||||
| Il-Kambodja | Cambodia2 | Il-proġett għandu l-għan li jrawwem l-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fix-xogħol tal-awtoritajiet tal-gvern kontra t-traffikar, kif ukoll fil-prattiki tal-NGOs u tal-komunitajiet, billi jippromwovi bidliet fil-perċezzjonijiet soċjali. | ||||||
| Il-Kambodja | Cambodia3 | L-Azzjoni tindirizza l-vulnerabbiltà estrema ta’ tfal li jkunu ġew spostati billi tipprevieni li dawn jiġu sfruttati u tippermetti, b’mod xieraq, li tfal li jisfaw vittma jkunu jistgħu jirkupraw u jkomplu jgħixu ħajjithom. Hija tistinka mhux biss biex tiġġenera azzjoni mill-ġenituri u mill-komunità dwar ir-riskji u l-vulnerabbiltà, iżda wkoll biex toħloq opportunitajiet u tippermetti l-iżvilupp personali tat-tfal. | ||||||
| Il-Kambodja | Cambodia4 | Il-proġett għandu l-għan li jżid l-għarfien biex jintgħarfu każijiet ta’ sfruttament, kif ukoll li jżid l-appoġġ u l-ħiliet ta’ komunikazzjoni tal-OSĊ, tal-Awtoritajiet Lokali, tal-migranti u tal-familji tagħhom sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali. Soċjetà ċivili li tkun imħejjija u mgħammra aħjar iżżid l-opportunitajiet biex is-sitwazzjoni reali tingħata l-viżibbiltà fuq il-post, filwaqt li tenfasizza l-lakuni li jeżistu fil-konnessjonijiet u fiċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni bejn il-livell lokali u dak nazzjonali. | ||||||
| L-Indoneżja | Indonesia1 | L-azzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ ix-xogħol ta’ appoġġ tal-OSĊ fi kwistjonijiet relatati mat-traffikar tal-persuni u l-isfruttament sesswali tat-tfal, permezz tal-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ. | ||||||
| In-Nepal | Nepal1 | Il-proġett kellu l-għan li jagħti setgħa lill-gruppi l-aktar vulnerabbli ta’ tliet distretti fil-Punent Ċentrali tan-Nepal biex ikollhom aċċess għad-drittijiet tal-bniedem u protezzjoni kontra l-vjolenza. | ||||||
| In-Nepal | Nepal2 | Biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-drittijiet ta’ komunitajiet vulnerabbli billi jiġġieled kontra t-traffikar ta’ nisa u bniet fir-Reġjun tal-Punent Imbiegħed tan-Nepal | ||||||
| In-Nepal | Nepal3 | Il-proġett għandu l-għan li jippromwovi l-migrazzjoni sikura u li jipproteġi d-drittijiet ta’ ħaddiema migranti nisa permezz tal-mobilizzazzjoni u t-tisħiħ tar-rispons tas-soċjetà ċivili. | ||||||
| Il-Myanmar | Myanmar1 | L-objettiv ġenerali huwa li fil-Myanmar tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta’ protezzjoni tat-tfal li tkun effettiva, għall-benefiċċju ta’ 6 miljun tifel u tifla vulnerabbli. | ||||||
| It-Tajlandja | Thailand1 | L-objettiv speċifiku huwa li jiġu żviluppati sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal fil-livell tal-komunitajiet u tat-townships, li jipprevienu t-traffikar u forom oħra ta’ abbuż, negliġenza, vjolenza u sfruttament, u li jipproteġu lil tfal vulnerabbli fi tliet townships, biex b’hekk dawn is-sistemi jikkontribwixxu għall-proċess ta’ żvilupp ta’ sistema effettiva ta’ protezzjoni tat-tfal fil-livell nazzjonali. | ||||||
| It-Tajlandja | Thailand2 | Il-proġett għandu l-għan li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-isfruttament ta’ ħaddiema u tal-isfruttament sesswali ta’ migranti, inklużi l-vittmi tat-traffikar, permezz ta’ appoġġ għal proċess umanitarju ta’ ritorn u riintegrazzjoni li jenfasizza l-għoti ta’ setgħa ekonomika u soċjali. Sa tmiem il-proġett, il-kapaċitajiet tal-fornituri tas-servizzi biex jirritornaw u jirriintegraw migranti li jkunu esperjenzaw sfruttament bħala ħaddiema kif ukoll sfruttament sesswali, inklużi l-vittmi tat-traffikar, se jkunu ssaħħu fit-Tajlandja, fil-Filippini, kif ukoll fl-UE u f’pajjiżi ġirien permezz ta’ koordnazzjoni msaħħa u riferiment bejn aġenziji fokali u partijiet interessati ewlenin. | ||||||
| It-Tajlandja | Thailand3 | Il-proġett għandu l-għan li jnaqqas ix-xogħol furzat, it-tħaddim tat-tfal u forom oħra inaċċettabbli ta’ xogħol, u li progressivament jelimina l-isfruttament ta’ ħaddiema, b’mod partikolari ta’ ħaddiema migranti, fis-setturi Tajlandiżi tas-sajd u ta’ prodotti tal-baħar, u b’hekk itejjeb il-konformità mad-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol. | ||||||
| Il-Vjetnam | Vietnam1 | Il-proġett għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-isforzi nazzjonali biex tonqos il-vjolenza kontra n-nisa, billi jtejjeb il-protezzjoni u l-appoġġ għal nisa li jkunu esperjenzaw il-vjolenza. | ||||||
| Il-Vjetnam | Vietnam2 | Il-proġett għandu l-għan li jippromwovi u jsaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-libertajiet fundamentali ta’ nisa li jgħixu f’żoni foqra u remoti fil-Vjetnam, b’mod partikolari dawk li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli bħal minoranzi nazzjonali, nisa mingħajr edukazzjoni u vittmi tat-traffikar li jkunu rritornaw fi djarhom. | ||||||
| L-Indja | India1 | Il-proġett għandu l-għan li jikkontribwixxi għad-drittijiet ta’ ħaddiema migranti Indjani li jemigraw lejn/fil-pajjiżi tal-Golf billi jibni l-kapaċità ta’ 20 attur Mhux Statali u 50 uffiċjal tal-gvern mill-ministeri rilevanti (id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni tal-Ministeru tal-Intern, Affarijiet Barranin, Xogħol, Żvilupp tan-Nisa u tat-Tfal, Benessri Soċjali) kemm fl-Indja kif ukoll fl-Istati tal-Golf, għall-promozzjoni tad-drittijiet ta’ ħaddiema migranti. | ||||||
| L-Indja | India2 | L-għan kumplessiv tal-azzjoni huwa li sal-2015, l-isforzi tal-Gvern tal-Indja biex joħloq mekkaniżmi ta’ prevenzjoni istituzzjonalizzati sabiex jieqaf it-traffikar fid-distretti ta’ oriġini, jiġu appoġġati u jissaħħu permezz ta’ azzjoni komunitarja. | ||||||
| L-Indja | India3 | Il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ nisa u tfal permezz ta’ Bini tal-Kapaċità, Taħriġ u sensibilizzazzjoni tal-aġenziji tal-Infurzar tal-Liġi; Appoġġ għall-Vittmi u Protezzjoni tal-Vittmi; Prosekuzzjoni u sfaxxar ta’ netwerks kriminali li huma involuti fit-traffikar ta’ nisa u tfal billi jinħolqu netwerks u sħubiji fost aġenziji fiż-żoni ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni. | ||||||
| Il-Filippini | Philippines1 | Jikkontribwixxi għal ambjent ta’ governanza ċċentrat fuq il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li jissodisfa b’mod partikolari l-obbligu ta’ entitajiet tal-gvern lokali (UGL) li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli kontra t-traffikar u l-vjolenza, u li jżid il-kapaċitajiet tan-nisa li jasserixxu d-drittijiet tagħhom. | ||||||
| Il-Filippini | Philippines2 | Il-proġett għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Protokoll Fakultattiv dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal, l-Att tal-2003 dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar ta’ Persuni (l-Att tar-Repubblika 9208) u liġijiet rilevanti oħra fil-Filippini. | ||||||
| Il-Pakistan | Pakistan1 | Il-proġett għandu tliet objettivi: 1) Mitigazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal, l-isfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal u t-traffikar intern tat-tfal; 2) Żvilupp tal-kapaċitajiet lokali biex jirreaġixxu għall-abbuż tat-tfal; u 3) Żvilupp ta’ proċessi demokratiċi paċifiċi li jkunu bbażati fuq id-djalogu, is-solidarjetà u l-ekwità biex jippromwovu l-Protezzjoni tat-tfal. | ||||||
| L-Indja - in-Nepal - il-Bangladesh | Regional1 | Prevenzjoni ta’ migrazzjoni mhux sikura u ta’ traffikar ta’ tfal u adolexxenti mill-Indja (il-Bengal tal-Punent u Andhra Pradesh) u mill-Bangladesh (distretti u villaġġi ta’ oriġini prinċipali), riabilitazzjoni tal-vittmi li jiġu ttraffikati mill-Indja (il-Bengal tal-Punent u Andhra Pradesh), min-Nepal u mill-Bangladesh. | ||||||
| L-Indja - in-Nepal | Regional2 | L-integrazzjoni b’suċċess ta’ tfal superstiti tat-traffikar fil-komunità. Objettiv speċifiku: li jitjiebu l-protezzjoni, il-kwalità tal-kura u l-integrazzjoni fil-komunità ta’ tfal ittraffikati fl-Indja u n-Nepal. | ||||||
| Il-Kambodja | Cambodia5 | L-objettiv ġenerali tal-proġett huwa li tiġi promossa migrazzjoni sikura sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta’ migranti Kambodjani (inklużi nisa u tfal) u titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għall-isfruttament ta’ ħaddiema u t-traffikar tal-bnedmin. | ||||||
| Il-Bangladesh | Bangladesh1 | Il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ is-servizzi ta’ Istituzzjonijiet Pubbliċi Lokali (LGIs) f’kooperazzjoni ma’ Atturi Mhux Statali (AMS) għat-tnaqqis tal-migrazzjoni mhux sikura ta’ tfal minn żoni rurali għal żoni urbani, u t-titjib tas-sitwazzjoni ta’ tfal migranti. | ||||||
| Il-Bangladesh | Bangladesh2 | Il-proġett għandu l-għan li jnaqqas il-każijiet ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali ta’ tfal fiż-żoni tal-proġett, u li jirriabilita u jirriintegra b’suċċess lil dawk it-tfal fis-soċjetà. | ||||||
| Il-Bangladesh | Bangladesh3 | L-objettiv u l-iskop ġenerali ta’ dan il-proġett huma li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tar-refuġjati, li jwassal biex dawn jingħataw is-setgħa u t-tħejjija biex isibu soluzzjonijiet durabbli fil-futur. L-objettiv speċifiku huwa li r-refuġjati jingħataw is-setgħa u l-għajnuna biex jilħqu livell ta’ awtodipendenza li hija neċessarja biex jgħixu ħajjiet kostruttivi f’ambjent sigur u mingħajr periklu. | ||||||
| Il-Bangladesh | Bangladesh4 | L-azzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità u l-abbiltà ta’ atturi statali u atturi mhux statali li jeliminaw kull forma ta’ vjolenza kontra t-tfal. Dan se jinkiseb permezz tat-tisħiħ ta’ azzjonijiet komunitarji, min-nies fil-komunità, għall-protezzjoni tat-tfal u permezz ta’ appoġġ legali u riabilitazzjoni komprensiva għar-riintegrazzjoni ta’ tfal li jkunu vittmi tal-vjolenza. | ||||||
| Il-Bangladesh | Bangladesh5 | Il-proġett għandu l-għan li jippromwovi d-drittijiet, il-libertajiet fundamentali, u r-rappreżentanza ta’ ħaddiema fil-pjantaġġuni tat-té li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ rbit, kif ukoll ta’ gruppi etniċi li mhumiex magħrufa ħafna fil-kuntesti soċjokulturali u politikoekonomiċi usà fil-Bangladesh, permezz ta’ azzjonijiet ta’ riċerka (immappjar), bini tal-kapaċità, u sensibilizzazzjoni u appoġġ. | ||||||
| Il-Bangladesh | Bangladesh6 | Il-proġett għandu l-għan li jiffaċilita ambjent fil-Bangladesh fejn ir-refuġjati Rohingya jingħataw protezzjoni internazzjonali adegwata, filwaqt li titkompla t-tfittxija għal soluzzjoni durabbli. | ||||||
| Il-Bangladesh | Bangladesh7 | L-objettiv ġenerali tal-Azzjoni għall-Ġlieda kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal (CCSEC) fil-Bangladesh huwa li din tikkontribwixi għall-qerda tal-isfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal. L-objettiv speċifiku tal-Azzjoni huwa li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet ta’ tfal superstiti u tfal f’riskju ta’ sfruttament sesswali kummerċjali billi tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 182 tal-ILO (ILO-C182) u tal-Protokoll Fakultattiv 2 (UNCRC-OP-2) fil-Bangladesh. | ||||||
| Il-Bangladesh | Bangladesh8 | L-objettiv ġenerali huwa li l-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza u diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari nisa u tfal, permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’żoni speċifiċi tal-Bangladesh. | ||||||
| It-Tajlandja | Thailand4 | L-objettiv ġenerali tal-proġett huwa li n-nisa fi 12-il provinċja fil-Grigal tat-Tajlandja li huma vulnerabbli għall-vjolenza domestika jew sesswali, kif ukoll għat-traffikar tal-bnedmin, jew li jsibuha diffiċli biex jaċċessaw servizzi tas-saħħa, speċjalment għas-saħħa riproduttiva, ikollhom aċċess aħjar għal protezzjoni legali u għas-servizzi tas-saħħa meta l-proġett jintemm f’4 snin. | ||||||
| It-Tajlandja | Thailand5 | L-objettiv tal-proġett huwa li refuġjati bbażati f’kampijiet u persuni li jfittxu asil mill-Myanmar jibbenefikaw minn ambjent ta’ protezzjoni aħjar fit-Tajlandja. | ||||||
| It-Tajlandja | Thailand6 | L-azzjoni għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità ta’ 205 atturi mhux statali li jaħdmu favur il-migranti f’żoni b’popolazzjonijiet kbar ta’ migranti Burmiżi, filwaqt li tirrappreżenta d-drittijiet tal-migranti u tippermetti li jsiru bidliet leġiżlattivi (fil-livelli lokali, provinċjali u nazzjonali) permezz ta’ pjattaformi għal djalogu fost l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili Tajlandiża u l-komunitajiet Burmiżi. | ||||||
| Reġjonali | Regional3 | L-objettiv tal-Programm huwa li jagħti appoġġ lill-ASEAN fil-proċess tagħha ta’ integrazzjoni permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju dwar il-Konnettività tal-ASEAN, b’mod partikolari konnettività bejn persuni, u li jsaħħaħ in-netwerks u l-kooperazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-hubs reġjonali ta’ tranżitu prinċipali, bl-għajnuna ta’ studju dwar it-tnaqqis tar-rekwiżiti għall-ksib ta’ viża għal Ċittadini tal-ASEAN u dawk mhux tal-ASEAN, fi ħdan l-ASEAN. | ||||||
Nota: Waqt l-evalwazzjoni ta’ dawn il-proġetti, aħna qiesna l-isfidi inerenti li huma assoċjati ma’ proġetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem. Pereżempju, is-sostenibbiltà tar-riżultati spiss tkun teħtieġ li jingħata appoġġ kontinwu mid-donaturi u li titrawwem sjieda nazzjonali biex jinżammu r-riżultati li jkunu nkisbu.
Nota: Kien hemm 10 proġetti li għalihom ma evalwajniex is-sostenibbiltà tar-riżultati tal-proġetti, jew minħabba li kienu għadhom għaddejjin (7), jew minħabba li r-rapport finali ma kienx ġie approvat fiż-żmien l-eżaminar tagħna (1), jew inkella minħabba li ma kienx iddettaljat biżżejjed (2). Fost dawn il-proġetti, aħna osservajna problemi sinifikanti ta’ sostenibbiltà fil-proġett Bangladesh6, fejn il-gvern nazzjonali ma kkooperax biżżejjed, u f’Cambodia4, fejn il-mudell ta’ ambaxxaturi tal-komunità li kienu mħallsa kien partikolarment dgħajjef.
Didaskalja tal-kuluri:
Anness III
Dgħufijiet relatati mad-database tas-sit web iddedikat għall-ġlieda kontra t-traffikar
01Is-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni Relex (CRIS) tal-Kummissjoni ma tindikax jekk proġett ikunx jikkonċerna t-traffikar tal-bnedmin. Fil-prinċipju, proġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin jiġu inklużi sistematikament f’database speċifika għat-traffikar tal-bnedmin, li hija aċċessibbli permezz tas-sit web kontra t-traffikar. Aħna analizzajna d-database tas-sit web iddedikat għall-ġlieda kontra t-traffikar u sibna li ma hemmx konsistenza fil-klassifikazzjoni tal-proġetti bħala proġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin.
02F’Settembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat id-dokument “Study on Comprehensive Policy Review of EC-funded anti-trafficking projects” (Studju dwar Analiżi Komprensiva tal-Politika ta’ proġetti kontra t-traffikar tal-bnedmin li huma ffinanzjati mill-KE). L-awtur ta’ dan ir-rapport inkluda riżerva li tindika wkoll li d-database ma tistax titqies bħala robusta jew affidabbli biżżejjed, u li filwaqt li sar kull sforz mill-uffiċċju tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar biex jipprovdi informazzjoni lill-kuntrattur dwar il-proġetti ffinanzjati kollha, mis-servizzi kollha, għall-perjodu kollu li ġie eżaminat, l-istudju ma jistax jitqies bħala stampa kompletament eżawrjenti tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin.
03In-nuqqas ta’ konsistenza bejn il-proġetti fid-database jista’ jiġi osservat ukoll mill-analiżi tal-kampjun. Filwaqt li l-proġett Cambodia5 ġie kklassifikat mill-Kummissjoni bħala proġett relatat mat-traffikar tal-bnedmin, il-proġett Cambodia4 - li tqies bħala kontinwazzjoni minn wieħed mill-evalwaturi - ma ġiex ikklassifikat bl-istess mod.
| Eżempji ta’ proġetti li jinsabu/ma jinsabux fid-database iddedikata għall-ġlieda kontra t-traffikar | |
|---|---|
| Proġetti inklużi fid-database tas-sit web iddedikat għall-ġlieda kontra t-traffikar | Proġett simili li mhumiex inklużi |
Faċilitazzjoni tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fil-qasam tat-Traffikar tal-Bnedmin (HOME/2011/ISEC/AG/THB/4000001962) L-għan prinċipali tal-proġett huwa li titjieb il-prevenzjoni ta’ traffikar tal-bnedmin għall-iskopijiet ta’ sfruttament ta’ ħaddiema, billi jiġu kkonkretizzati u implimentati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGP) fil-qasam tat-Traffikar tal-Bnedmin. Il-mira se tkun fuq tliet setturi: l-agrikoltura, il-kostruzzjoni u t-turiżmu (sit web kontra t-traffikar). | Sħubiji fil-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal permezz tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) fil-Bangladesh (CRIS 266430) Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb il-ħajjiet u l-għajxien ta’ ħaddiema tfal fil-Bangladesh fis-settur privat, kemm dak formali kif ukoll dak informali. It-tħaddim tat-tfal jitqies bħala l-aktar ksur komuni tad-drittijiet tat-tfal fil-Bangladesh, b’madwar 7.4 miljun tifel u tifla jaħdmu regolarment f’ambjenti perikolużi. Il-problema ġenerali li l-Azzjoni għandha l-għan li tindirizza hija n-nuqqas ta’ għarfien dwar is-CSR u l-istandards ta’ konformità soċjali fis-settur privat, u l-applikazzjoni insuffiċjenti ta’ dawn l-obbligi, li jwassal għat-tħaddim perikoluż tat-tfal. (Deskrizzjoni tal-azzjoni, 1.6.2) |
Prevenzjoni ta’ Traffikar ta’ Żgħażagħ Vulnerabbli u Nisa fil-Kosovo (EIDHR/2008/168-436) L-għan tal-proġett kien li tissaħħaħ il-prevenzjoni ta’ traffikar permezz tal-bini tal-kapaċità f’NGOs lokali li huma attivi fi programmi kontra t-traffikar fil-Kosovo. Barra minn hekk, il-proġett kellu l-għan li jżid is-sensibilizzazzjoni dwar it-traffikar fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli – bħal studenti tal-primarja, vittmi ta’ vjolenza sessista, u bniet li waqfu jmorru l-iskola - f’żoni rurali tal-Kosovo. Dan kellu wkoll l-għan li jippromwovi taħriġ vokazzjonali għal nisa żgħażagħ sabiex inaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għat-traffikar, filwaqt li jgħinhom jibnu ħajjiet indipendenti (is-sit web kontra t-traffikar). | Titjib tal-Protezzjoni tat-Tfal u Riabilitazzjoni tat-Tfal Vittmi ta’ Abbuż u Sfruttament Sesswali fil-Bangladesh (CRIS 223-092) Il-proġett għandu l-għan li jnaqqas il-każijiet ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali ta’ tfal fiż-żoni koperti mill-proġett, u li jirriabilita u jirriintegra b’suċċess lil dawk it-tfal fis-soċjetà. |
Sors: Analiżi mill-QEA tad-database tas-sit web iddedikat għall-ġlieda kontra t-traffikar u tal-CRIS.
Akronimi u Abbrevjazzjonijiet
ASEAN: Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja
ASEM: Laqgħa Asja-Ewropa
DCI: Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
DĠ DEVCO: Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp
DĠ NEAR: Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir
DOA: Dokument Orjentat lejn l-Azzjoni
EIDHR: Strument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem
EUROPOL: Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija
FRONTEX: Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
Id-Direttiva: Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).
ILO: Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol
Protokoll ta’ Palermo: Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali
SEAE: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Strateġija THB: Strateġija tal-UE 2012 Għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin
UNODC: Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità
Glossarju
Dimensjoni esterna: Politiki u azzjonijiet interni tal-UE jistgħu jkollhom impatti sinifikanti lil hinn mill-fruntieri tal-UE, bl-istess mod li avvenimenti esterni jistgħu jaffetwaw ukoll id-dinamika interna tal-UE. Id-”dimensjoni esterna tal-politiki interni” ġeneralment tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn l-aspetti esterni tal-politiki interni tal-UE jkollhom dimensjoni ta’ politika barranija u politika ta’ sigurtà li dejjem tkun qed tikber.
Aspetti esterni ta’ ġustizzja u affarijiet interni fil-livell globali jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-UE. Pereżempju, stat tad-dritt dgħajjef f’pajjiż terz jista’ jipprovdi opportunitajiet biex it-traffikanti li huma attivi fl-Ewropa jwettqu ħasil tar-rikavat minn attività kriminali, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex ir-reati tagħhom jiġu investigati. Għalhekk, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt f’pajjiż terz jista’ jkollha impatt pożittiv madwar l-UE kollha.
Logframe: Logframe (li jissejjaħ ukoll matriċi logframe) huwa għodda għall-ġestjoni ta’ proġetti li tipprovdi mod sistematiku u loġiku biex jiġu ssettjati l-objettivi kumplessivi u speċifiċi ta’ proġett u biex jiġu ddefiniti l-attivitajiet tiegħu. Logframe jippreżenta r-relazzjonijiet kawżali bejn il-livelli differenti ta’ objettivi, jipprovdi indikaturi biex jiġi ċċekkjat jekk dawk l-objettivi jkunux intlaħqu, u jidentifika s-suppożizzjonijiet li jsiru.
Mainstream: Terminu li jintuża biex jirreferi għall-integrazzjoni (jew “mainstreaming”) ta’ xi prinċipji/kunsiderazzjonijiet fil-politiki u l-fażijiet differenti tal-programm tal-UE u fiċ-ċiklu tal-proġetti. Fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, dan jirriferi għal proċess li permezz tiegħu id-drittijiet tal-bniedem jagħtu sura lil politiki, programmi, proġetti u interventi oħra.
Programmazzjoni: Proċess deċiżjonali essenzjali li s-SEAE u l-Kummissjoni jużaw biex jiddefinixxu strateġiji, prijoritajiet u allokazzjonijiet ta’ għajnuna.
Studju ta’ referenza: Studju ta’ referenza jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar sitwazzjoni partikolari qabel jibda proġett. Huwa għodda siewja biex titqabbel is-sitwazzjoni qabel u wara li proġett jiġi implimentat, u biex jiġu vvalutati fatturi oħra li jistgħu jinfluwenzaw il-bidliet li jiġu osservati matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni.
Noti finali
Introduzzjoni
1 Ir-rapport tal-UE tal-2013 dwar il-Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata (SOCTA) identifika t-traffikar tal-bnedmin bħala theddida ewlenija għall-UE. It-traffikar tal-bnedmin huwa wieħed mis-suġġetti li huma inklużi fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tal-2015. L-UNODC jiddikjara li t-traffikar tal-bnedmin huwa problema globali u huwa wieħed mill-aktar reati tal-mistħija fid-dinja, u li t-theddida sottostanti li jippreżenta t-traffikar tal-bnedmin huwa r-raġuni għalfejn il-problema qed tiġi rikonoxxuta dejjem aktar bħala problema ta’ sigurtà globali (UNODC, An Introduction to Human Trafficking Vulnerability, Impact and Action, Background Paper (UNODC, Introduzzjoni għall-Vulnerabbiltà għat-Traffikar tal-Bnedmin, l-Impatt Tiegħu u l-Azzjoni Kontrih), Dokument ta’ Sfond). It-traffikar tal-bnedmin huwa wieħed mir-reati li l-Kunsill tas-Siġurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti jelenka bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali.
2 L-istatus f’Jannar 2017.
3 Il-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali. “Ir-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-kenn jew l-akkoljenza ta’ persuni, permezz tat-theddid jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta’ ġegħil, ta’ ħtif, ta’ frodi, ta’ qerq, tal-abbuż tal-poter jew ta’ pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà jew tal-għoti jew tar-riċeviment ta’ ħlasijiet jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta’ persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta’ sfruttament.”
4 Il-Europol, “The THB Financial Business Model, Assessing the Current State of Knowledge, July 2015” (Il-Mudell Kummerċjali Finanzjarju għat-Traffikar tal-Bnedmin, Valutazzjoni tal-Istat Attwali tal-Għarfien, Lulju 2015).
5 Stimi pprovduti mill-Indiċi Globali tal-Iskjavitù 2016. Filwaqt li t-terminu “skjavitù modern” jintuża b’mod mifrux, ma hemmx definizzjoni maqbula jew standard komuni, kif osservat fir-Rapport Globali dwar it-Traffikar tal-Bnedmin 2016, li nħareġ mill-UNODC.
6 Fil-biċċa l-kbira tal-partijiet l-oħra tad-dinja, il-maġġoranza vasta tal-vittmi jiġu ttraffikati ġewwa l-istess reġjun. Ara r-Rapport Globali dwar it-Traffikar tal-Bnedmin (2014), UNODC, 2014.
7 Dok. 11450/5/09 REV 5.
8 Il-programm ta’ Stokkolma appella għall-”bini u t-tisħiħ ta’ sħubiji ma’ pajjiżi terzi, it-titjib ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni fl-Unjoni u mal-mekkaniżmi tad-dimensjoni esterna tal-UE”. Il-programm ta’ Stokkolma tħejja mill-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u ġie diskuss matul laqgħa informali f’Lulju 2009. Wara t-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-ministri tal-intern u l-ministri għall-ġustizzja, il-Kunsill Ewropew adotta l-programm f’Diċembru 2009.
9 Skont il-metodu tal-UE, materji tal-pulizija u dawk ġudizzjarji jiġu ttrattati minn strumenti tradizzjonali tal-UE (regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet) u r-rwol tal-Parlament Ewropew ġie rrinforzat (preċedentement, dan kien jiġi kkonsultat biss). Preċedentement, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja kienet ibbażata fuq kooperazzjoni fil-livell intergovernattiv aktar milli fil-livell tal-UE. L-Artikoli 82 sa 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
10 Din id-Direttiva kienet l-ewwel miżura tal-UE relatata mal-liġi kriminali li ġiet adottata taħt it-Trattat ta’ Lisbona.
11 L-Istudju tal-2016 dwar analiżi komprensiva tal-politika għal proġetti kontra t-traffikar tal-bnedmin, li kien iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, jgħid li fil-perjodu 2004-2015 il-Kummissjoni ffinanzjat 321 proġett relatati mat-traffikar tal-bnedmin, li globalment, ammontaw għal total ta’ EUR 158 miljun; madankollu, ir-riżerva li hija inkluża fl-istudju tissuġġerixxi li dawn iċ-ċifri jistgħu jirrappreżentaw stima insuffiċjenti tal-ammont sħiħ tal-appoġġ mogħti mill-UE.
12 COM(2016) 267 final u SWD(2016) 159 final.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
13 Azzjonijiet multilaterali jistgħu jsiru billi jingħata appoġġ għax-xogħol ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU) jew l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li huma min-natura tagħhom multilaterali, jew billi diversi pajjiżi jitħeġġew jaħdmu favur għan waħdieni.
14 Ara Join (2013) 30 final għal aktar dettall dwar l-approċċ komprensiv tal-UE.
15 Ir-reġjun tal-Asja t’Isfel jinkludi l-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, il-Maldivi, in-Nepal, l-Indja, il-Pakistan u s-Sri Lanka. Ir-reġjun tax-Xlokk tal-Asja jinkludi l-Brunei, il-Kambodja, Timor Leste, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Myanmar, il-Filippini, Singapore, it-Tajlandja u l-Vjetnam.
16 Il-Bangladesh, il-Kambodja, l-Indja, l-Indoneżja, il-Myanmar, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, it-Tajlandja u l-Vjetnam.
Osservazzjonijiet
17 L-Eurostat jipproduċi statistika dwar il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikanti fl-Ewropa u f’xi pajjiżi terzi, iżda mhux fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja. In-noti metodoloġiċi tal-Eurostat jenfasizzaw id-diffikultajiet li jiġu ffaċċjati biex tinkiseb data kumparabbli u affidabbli (ara “Trafficking in human beings – Eurostat 2015” (Traffikar tal-bnedmin – Eurostat 2015)). Dawn id-diffikultajiet jinsabu wkoll fil-produzzjoni ta’ statistika dwar il-kriminalità internazzjonali u l-UNODC jirrapporta tliet raġunijiet prinċipali għal dan: definizzjonijiet differenti għal tipi speċifiċi ta’ reati f’pajjiżi differenti, livelli differenti ta’ rappurtar u tradizzjonijiet differenti fil-ħidma tal-pulizija; u kuntesti soċjali, ekonomiċi u politiċi differenti (Sors: il-paġna web tal-UNODC, it-taqsima dwar il-Kompilazzjoni u t-tqabbil tal-Istatistika dwar il-Kriminalità Internazzjonali).
18 Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat “l-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin mill-adozzjoni tad-Direttiva kontra t-traffikar” (COM(2016) 267 final) kif meħtieġ mill-Artikolu 20 tad-Direttiva THB. Dan ir-rapport jirrikonoxxi “d-diffikultà li tkejjel ir-riżultati u l-impatt tal-azzjonijiet ta’ kontra t-traffikar”, kif ukoll l-iżvilupp limitat ta’ indikaturi rilevanti mill-Istati Membri. Għalhekk, ir-rapport “jenfasizza l-azzjonijiet ewlenin li ttieħdu mill-Istati Membri fi tliet oqsma tematiċi ewlenin stabbiliti fid-Direttiva u l-Istrateġija tal-UE kontra t-traffikar”. Preċedentement, fl-2014, il-Kummissjoni ppubblikat rapport ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija THB. Dan ir-rapport ipprovda informazzjoni dwar azzjonijiet differenti li ttieħdu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, iżda ma inkludiex evalwazzjoni tar-riżultati li kienu nksibu mill-Istrateġija THB sa dak iż-żmien, u ma ntużax biex jingħelbu n-nuqqasijiet tal-Istrateġija THB, eż. in-nuqqas ta’ miri.
19 Il-konklużjonijiet tal-Kunsill 13661/3/12. Il-lista hija bbażata fuq statistika disponibbli dwar it-traffikar tal-bnedmin minn sorsi differenti (bħall-Eurostat, il-Europol, il-Frontex u l-Aġenziji tan-NU) u fuq il-prijoritajiet ġeografiċi u operazzjonali li ġew identifikati fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM).
20 Ir-Rotta storika tal-ħarir kienet netwerk antik ta’ rotot tal-kummerċ li kien jgħaqqad il-Lvant mal-Punent, u li kien iwassal mill-peniżola Koreana u l-Ġappun sal-Baħar Mediterran. Liema pajjiżi huma inklużi taħt dan it-terminu mhuwiex dejjem ċar, billi kien hemm ħafna rotot, jew Rotot tal-ħarir, differenti. Fl-2013, il-Kummissjoni u l-Istati Membri pparteċipaw fit-tnedija ta’ “Sħubija tar-Rotot tal-Ħarir għall-Migrazzjoni “. Il-”Proġett ta’ sħubija tar-rotot tal-ħarir” li jappoġġa l-inizjattiva jinkludi l-Afganistan, il-Bangladesh, l-Iran, l-Iraq u l-Pakistan.
21 Ara l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
22 Kif inhu rifless fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, 11855/12.
23 Il-COHOM jittratta l-aspetti kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, u jlaqqa’ flimkien lid-Diretturi għad-Drittijiet tal-Bniedem u lid-delegati mill-Istati Membri, is-SEAE u l-Kummissjoni. Il-COASI huwa responsabbli għar-relazzjonijiet tal-UE mal-Asja u mal-Oċeanja. L-organizzazzjoni ta’ laqgħat konġunti tiżgura li l-opinjonijiet kollha jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel il-wasla tad-dokumenti għand il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà. Il-Kummissjoni kienet irrappreżentata fil-laqgħat konġunti tal-COHOM u l-COASI.
24 Valutazzjoni tal-2017 tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata, Europol, 2017.
25 Ir-rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2016) ma fihx informazzjoni kkonsolidata u l-informazzjoni ppreżentata tirreferi għal perjodi ta’ żmien differenti, jew inkella mhijiex iddettaljata biżżejjed.
26 F’Settembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat id-dokument “Study on Comprehensive Policy Review of Anti-Trafficking Projects” (Studju dwar Analiżi Komprensiva tal-Politika għal Proġetti Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin) li kien ibbażat fuq din id-database. L-awturi inkludew riżerva li tiddikjara li filwaqt li sar kull sforz mill-uffiċċju tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar biex jipprovdi informazzjoni lill-kuntrattur dwar il-proġetti ffinanzjati kollha, mis-servizzi kollha, għall-perjodu kollu li ġie eżaminat, l-istudju ma jistax jitqies bħala stampa kompletament eżawrjenti tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin….Il-Kummissjoni Ewropea ma tiggarantix il-preċiżjoni tad-data li hija inkluża f’dan l-istudju, p. 2.
27 Fl-2008, id-daqs minimu tal-għotjiet għall-proġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin li kienu ffinanzjati mill-EIDHR kien ta’ EUR 50 000. Fl-2015, f’konformità mal-istruzzjoni, dan kien ta’ EUR 250 000.
28 Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-relazzjonijet UE-ASEAN, 22.6.2015.
29 Il-konvenzjoni kienet rispons reġjonali għal tħassib dejjem akbar dwar it-traffikar, b’mod partikolari l-eluf ta’ refuġjati Rohingya u migranti Bangladeshi maqbuda fuq dgħajjes iffullati f’nofs ta’ baħar, u l-iskoperta ta’ oqbra tal-massa fuq il-fruntiera Malasjana-Tajlandiża li huwa maħsub li fihom prinċipalment nies Rohingya vittmi tat-traffikanti tal-bnedmin.
30 Il-Kambodja, il-Myanmar, il-Filippini, Singapore, it-Tajlandja u l-Vjetnam. Ir-ratifika tas-6 ta’ Frar 2017 mill-Filippini, li kien is-sitt pajjiż li għamel dan, skatta d-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni.
31 Imfassla fl-2014 iżda mhux aġġornati regolarment.
32 Is-sitwazzjoni fi Frar 2017.
33 Għal din l-analiżi, aħna użajna l-istandards SMART/RACER li huma aċċettati b’mod ġenerali. Objettivi SMART huma Speċifiċi, Jistgħu Jitkejlu u Jinkisbu, Rilevanti u Marbuta mal-Ħin. Indikaturi RACER huma Rilevanti, Aċċettati, Kredibbli, Faċli u Robusti.
34 Rigward iż-żmien, ladarba titnieda sejħa, il-Kummissjoni ma jkollhiex għalfejn tħeġġeġ lill-applikanti biex jippreżentaw proposti li jindirizzaw problemi partikolari, li jkunu mmirati lejn ċerti tipi ta’ benefiċjarji jew li jkollhom ċerti objettivi fil-mira. Filwaqt li l-Kummissjoni tista’ u tabilħaqq tinfluwenza lill-applikanti potenzjali permezz tat-tħejjija tat-termini ta’ referenza għal kull sejħa, il-gwida ma tistax tkun speċifika wisq għax inkella toħloq distorsjoni fin-natura kompetittiva tal-mekkaniżmu.
35 Il-proġett UE-ASEAN Regional3, Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri II, f’kollaborazzjoni mal-Interpol.
36 It-23 proġett kienu mqassmin kif ġej: Kien hemm 11-il proġett li kellhom dgħufijiet fir-rigward tal-objettivi u l-indikaturi; 6 proġetti li kellhom dgħufijiet fir-rigward tal-indikaturi biss; u 6 proġetti li kellhom dgħufijiet fir-rigward tal-objettivi biss.
37 L-objettivi speċifiċi kienu l-identifikazzjoni ta’ fatturi li jillimitaw l-applikazzjoni effettiva ta’ żewġ liġijiet, u l-bini ta’ kapaċitajiet tal-partijiet interessati biex jindirizzaw dawn il-fatturi, li wkoll ma setgħux jitkejlu b’mod suffiċjenti jew ma kinux speċifiċi biżżejjed.
38 Fil-proġett Cambodia1, il-valur ta’ referenza li nkiseb ma kienx iddettaljat biżżejjed. Fil-proġett India2, id-data ta’ referenza ma kinitx tikkorrispondi kompletament mal-indikaturi tal-proġett u saret disponibbli tard wisq biex tkun utli għall-proġett.
39 Proġetti li kellhom xi valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ riskju: Bangladesh1, Bangladesh2, Cambodia1, Cambodia4, Nepal1, Thailand1 u Thailand3.
40 L-evalwaturi huma l-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li huwa responsabbli għall-valutazzjoni tal-proposti. Huma jinħatru personalment mill-Kummissjoni. Għall-proġetti fil-kampjun l-evalwaturi kienu membri tal-persunal tal-Kummissjoni.
41 Perċentwal ta’ rġiel miżżewġin/membri tal-familja li għandhom relazzjoni armonjuża ma’ nisa migranti fid-destinazzjoni (fl-Emirati Għarab Magħquda, fil-Kuwajt u fl-Arabja Sawdija), għadd akbar ta’ sħab tal-NGOs (ebda speċifikazzjoni dwar iż-żieda), NGOs sħab li jieħdu għadd akbar ta’ azzjonijiet immirati tul il-continuum tal-mobbiltà... (ebda speċifikazzjoni dwar iż-żieda) jew perċentwal akbar ta’ persuni ddeportati minn distretti tal-proġett li ġew irriabilitati (ebda speċifikazzjoni dwar il-perċentwal).
42 Kumplessivament, aħna sibna li disa’ proġetti kienu jinkludu riżultati li jidhru ottimisti wisq fl-istadju tat-tfassil: Bangladesh1, Bangladesh6, Bangladesh8, Cambodia3, India1, India2, Regional1, Thailand4, u Thailand6.
43 Il-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati jipprovdi stampa konċiża tal-implimentazzjoni ta’ intervent f’mument partikolari. Dan iservi mhux biss bħala għodda ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-proġetti, billi jinforma lill-partijiet interessati dwar il-prestazzjoni ta’ intervent speċifiku, iżda jikkontribwixxi wkoll tagħlimiet li jistgħu jintużaw għal programmazzjoni, tfassil u implimentazzjoni ulterjuri ta’ interventi.
44 Minbarra f’erba’ każijiet fejn damet wisq biex tipproċessa talba għal addendum, każ fejn in-natura tas-sieħeb għamlitha neċessarja li tistenna l-pubblikazzjoni ta’ “monitoraġġ tar-riżultati” biex tindirizza problemi magħrufa, każ fejn ittrattat il-bidla tas-sieħeb xahar wara li l-kuntratt ġie ffirmat bħala formalità, u każ fejn għal bosta xhur ma rreaġietx għall-assenza ta’ maniġer tal-proġett.
45 Il-proġetti Nepal3, Bangladesh1, Bangladesh2, Thailand2, Vietnam1, India2, India3, Philippines2, Pakistan1 u Regional2.
46 L-10 proġetti huma Philippines2, Bangladesh1, Bangladesh2, Indonesia1, India2, Cambodia3, Nepal2, Myanmar1, India1 u Bangladesh4. Seba’ proġetti għadhom qed jiġu implimentati. L-analiżi hija limitata għal dak li ġie kkompletat.
47 Proġetti fejn l-infiq kien insuffiċjenti: Thailand2, Bangladesh1, India2, India3, Philippines2, Regional1 u Regional2. Proġetti li bbenefikaw minn estensjonijiet ta’ żmien: India1, Nepal3, Pakistan1, Bangladesh2 u Vietnam3.
48 Il-finanzjament li ngħata mill-UE kien ta’ EUR 1.7 miljun, ħafna aktar mid-daqs minimu tal-għotja li kienet issettjata f’ammont ta’ EUR 500 000. Ir-riżultati ppjanati fil-biċċa l-kbira nkisbu.
49 Il-finanzjament li ngħata mill-UE kien ta’ EUR 470 902 miljun, ħafna aktar mid-daqs minimu tal-għotja li kienet issettjata f’ammont ta’ EUR 300 000. Ir-riżultati ppjanati fil-biċċa l-kbira nkisbu.
50 L-Eżaminar Perjodiku Universali huwa proċess uniku li jinvolvi eżamnar perjodiku tar-rekords relatati mad-drittijiet tal-bniedem, tal-193 Stat Membru kollha tan-NU.
51 Il-Programm Awstralja-Asja għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (AATIP: 2013-2018) b’finanzjament ta’ AUD 50 miljun, jipprovdi appoġġ għall-ASEAN u għal korpi reġjonali u nazzjonali, u jindirizza n-nuqqas ta’ data li tipprovdi evidenza konkreta. US Aid reċentement nediet proġett reġjonali relatat mat-traffikar tal-bnedmin li huwa maħsub biex jiżgura li l-interazzjoni bejn l-interventi timmassimizza l-impatt mistenni.
52 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999.
53 Ara l-Anness II.
54 Skont id-dokument tal-Kummissjoni Ewropea, Metodi ta’ Twassil ta’ Għajnuna: Volum 1, Linji Gwida dwar il-Ġestjoni taċ-Ċiklu ta’ Proġett, 2004, p. 45, huwa meħtieġ li jkun hemm pjan għall-eliminazzjoni gradwali ta’ kull assistenza esterna u għat-trasferiment ta’ kull responsabbiltà ta’ ġestjoni.
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 15.3.2016 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 16.3.2017 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 2.5.2017 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 8.6.2017 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tal-prestazzjoni u tal-konformità tagħha f’dak li jirrigwarda oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III – immexxija mill-Membru tal-QEA Karel Pinxten – li hija responsabbli għall-awditjar tal-oqsma ta’ nfiq ta’ azzjonijiet esterni, sigurtà u ġustizzja. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Bettina Jakobsen. Fit-tħejjija tar-rapport, hija ngħatat appoġġ mill-Kap tal-kabinett tagħha, Katja Mattfolk; Beatrix Lesiewicz, Maniġer prinċipali; Francisco Javier de Miguel Rodriguez, Kap tal-kompitu; Kim Hublé, Alina Milasiute u Alexandre Tan, Awdituri, u Kim Storup, Attaché.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Appoġġ mogħti mill-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja
(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017
| 978-92-872-7469-4 | 1977-5741 | 10.2865/6721 | QJAB17009MTN | |
| HTML | 978-92-872-7486-1 | 1977-5741 | 10.2865/975876 | QJAB17009MTQ |
© L-Unjoni Ewropea, 2017
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata, dment li s-sors jiġi rikonoxxut.
Għal kull użu jew riproduzzjoni tal-Mappa 1, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur.
KIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE
Pubblikazzjonijiet bla ħlas:
- kopja waħda:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu);
- iżjed minn kopja waħda jew posters/mapep:
- mir-rappreżentanzi tal-Unjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/represent_mt.htm),
- mid-delegazzjonijiet f'pajjiżi li mhumiex fl-UE (http://eeas.europa.eu/delegations/index_mt.htm),
- billi tikkuntatja s-servizz Europe Direct (http://europa.eu/europedirect/index_mt.htm)
- jew ċempel 00 800 6 7 8 9 10 11 (numru tat-telefown bla ħlas minn kullimkien fl-UE) (*).
Pubblikazzjonijiet bi ħlas:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu).



