Rapport Speċjali
14 2022

Ir-rispons tal-Kummissjoni għall-frodi fil-Politika Agrikola Komuni – Wasal il-waqt li l-kwistjoni tiġi indirizzata aktar fil-fond

Dwar ir-rapport:Il-frodi tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE u tipprevieni li r-riżorsi tal-UE jilħqu l-objettivi ta’ politika. F’dan ir-rapport, aħna nippreżentaw ħarsa ġenerali lejn ir-riskji ta’ frodi li jaffettwaw il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u nivvalutaw ir-rispons tal-Kummissjoni għall-frodi fil-PAK. Nikkonkludu li l-Kummissjoni rreaġiet għall-każijiet ta’ frodi fl-infiq taħt il-PAK, iżda ma kinitx suffiċjentement proattiva fl-indirizzar tal-impatt tar-riskju tal-ħtif illegali tal-art fuq il-pagamenti taħt il-PAK, fil-monitoraġġ tal-miżuri kontra l-frodi meħuda mill-Istati Membri, u fl-isfruttament tal-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda. Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tieħu azzjonijiet biex tapprofondixxi l-għarfien tagħha dwar ir-riskji ta’ frodi u l-miżuri kontra l-frodi, u biex sussegwentement taġixxi fuq il-valutazzjoni tagħha u żżid ir-rwol tagħha fil-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għall-prevenzjoni u l-kxif tal-frodi.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport speċjali: miżuri kontra l-frodi fil-PAK

Sommarju eżekuttiv

I L-infiq taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) jagħti appoġġ lill-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-UE permezz ta’:

  • pagamenti diretti lill-bdiewa, li b’mod ġenerali huma bbażati fuq l-erja tal-art agrikola għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji;
  • miżuri tas-suq fis-settur agrikolu, li jgħinu lis-setturi agrikoli tal-UE jadattaw għall-bidliet fis-suq;
  • programmi tal-iżvilupp rurali nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri, li jagħtu appoġġ lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku fiż-żoni rurali u jipprovdu għajnuna abbażi ta’ kriterji ambjentali u relatati mal-klima.

II Fil-perjodu 2018-2020, fl-EU-27, il-pagamenti diretti ammontaw għal medja ta’ EUR 38.5 biljun kull sena; il-miżuri tas-suq u l-infiq għall-iżvilupp rurali bħala medja ammontaw għal EUR 2.7 biljun u EUR 13.1 biljun rispettivament.

III Il-frodi tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE u tipprevieni li r-riżorsi tal-UE jilħqu l-objettivi ta’ politika. Nistennew li r-rapport tagħna jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom kontra l-frodi taħt il-politika agrikola komuni l-ġdida għall-perjodu 2023-2027.

IV Diversi korpi jipproteġu l-finanzjament taħt il-PAK mill-frodi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. L-awditu li wettaqna eżamina jekk il-Kummissjoni ħaditx azzjoni xierqa dwar il-frodi fl-infiq taħt il-PAK, billi vvalutat ir-riskji ta’ frodi inerenti fl-iskemi ta’ pagament tal-PAK, u jekk il-Kummissjoni identifikatx u rreaġietx b’mod xieraq għar-riskji ta’ frodi li jaffettwaw l-infiq taħt il-PAK.

V Sibna li l-Kummissjoni rreaġiet għall-każijiet ta’ frodi fl-infiq taħt il-PAK, iżda ma kinitx suffiċjentement proattiva fl-indirizzar tal-impatt tar-riskju tal-ħtif illegali tal-art fuq il-pagamenti taħt il-PAK, fil-monitoraġġ tal-miżuri kontra l-frodi meħuda mill-Istati Membri, u fl-isfruttament tal-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda.

VI Ir-riskji ta’ frodi jvarjaw bejn l-iskemi ta’ pagament tal-PAK. F’dan ir-rapport, aħna nippreżentaw ħarsa ġenerali lejn ir-riskji ta’ frodi li jaffettwaw id-diversi skemi ta’ pagament taħt il-PAK. Identifikajna riskji marbuta ma’ benefiċjarji li jaħbu ksur tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, mal-kumplessità tal-miżuri ffinanzjati, u ma’ forom illegali ta’ “ħtif tal-art”.

VII Il-Kummissjoni vvalutat ir-riskji ta’ frodi fl-infiq taħt il-PAK, u rrikonoxxiet il-miżuri ta’ investiment fl-iżvilupp rurali u ċerti miżuri tas-suq bħala li jippreżentaw riskju ogħla minn skemi oħra ta’ pagament. Reċentement hija ħarġet xi gwida lill-aġenziji tal-pagamenti relatata mal-“ħtif tal-art” u l-kunċett ta’ “art għad-dispożizzjoni tal-bidwi”.

VIII Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri gwida dwar kwistjonijiet relatati mal-frodi. Il-maġġoranza tal-aġenziji tal-pagamenti apprezzaw din il-gwida, iżda xi wħud qiesu li setgħet tinkludi b’mod utli eżempji aktar prattiċi. L-analiżi l-aktar reċenti li twettqet mill-Kummissjoni fir-rigward tar-riskju ta’ frodi fil-PAK tmur lura għall-2016, u l-Kummissjoni qed tippjana li twettaq waħda ġdida qabel ma l-PAK il-ġdida tidħol fis-seħħ f’Jannar 2023.

IX Il-Kummissjoni twettaq verifiki relatati mal-akkreditazzjoni u l-konformità tal-aġenziji tal-pagamenti biex tivvaluta s-sistemi ta’ kontroll tagħhom, li jistgħu jkopru miżuri kontra l-frodi. Il-Kummissjoni tiddependi fuq ir-rieżamijiet annwali tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex timmonitorja l-konformità tal-aġenziji tal-pagamenti mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni tagħhom, inklużi l-miżuri kontra l-frodi. Xi rapporti tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni ftit li xejn ipprovdew analiżi tal-miżuri kontra l-frodi tal-aġenziji tal-pagamenti, iżda l-Kummissjoni ma talbitx li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jipprovdu aktar dettalji f’dawn il-każijiet.

X Il-Kummissjoni ppromwoviet l-użu ta’ teknoloġiji ġodda biex il-verifiki jiġu awtomatizzati, bħal fil-każ tal-“verifiki permezz tal-monitoraġġ” li jimmonitorjaw il-popolazzjoni kollha ta’ riċevituri tal-għajnuna għal skema partikolari, u żviluppat Arachne, l-għodda tagħha stess għall-klassifikazzjoni tar-riskju, biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri fil-prevenzjoni tal-frodi. L-użu ta’ dawn it-teknoloġiji huwa volontarju, u l-Istati Membri rreaġew b’pass kajman. L-intelliġenza artifiċjali u l-big data għandhom potenzjal fil-ġlieda kontra l-frodi, iżda l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet u l-Kummissjoni bdiet tippromwovi dawn it-teknoloġiji.

XI Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex b’hekk tkun tista’ tikseb u tikkondividi għarfien aktar profond tar-riskji ta’ frodi u tal-miżuri fl-infiq taħt il-PAK biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE, u tippromwovi l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-prevenzjoni u l-kxif tal-frodi.

Introduzzjoni

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK)

01 L-infiq taħt il-PAK jappoġġa l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-UE permezz ta’:

  • pagamenti diretti lill-bdiewa, li huma ffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE, u b’mod ġenerali huma bbażati fuq l-erja tal-art agrikola għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji;
  • miżuri tas-suq fis-settur agrikolu, li huma wkoll iffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti miżuri kofinanzjati mill-Istati Membri; il-miżuri tas-suq jinkludu appoġġ għall-ħżin pubbliku u privat ta’ prodotti agrikoli f’każ ta’ tfixkil fis-suq, skemi ta’ għajnuna speċifiċi għas-settur (eż. fis-setturi tal-inbid jew tal-frott u l-ħaxix), u r-rimborż tal-ispejjeż tal-promozzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli tal-UE;
  • programmi tal-iżvilupp rurali nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri, kofinanzjati mill-baġit tal-UE u mill-Istati Membri, li jinvolvu kemm ir-rimborż tal-ispejjeż tal-proġetti kif ukoll il-pagamenti bbażati fuq l-erja tal-art agrikola tal-benefiċjarji jew fuq l-għadd ta’ annimali.

02 Fil-perjodu 2018-2020, fl-EU-27, il-pagamenti diretti ammontaw għal medja ta’ EUR 38.5 biljun kull sena; il-miżuri tas-suq u l-infiq għall-iżvilupp rurali bħala medja ammontaw għal EUR 2.7 biljun u EUR 13.1 biljun rispettivament.

03 Is-settur tal-biedja tal-UE juri varjazzjonijiet sinifikanti f’termini tat-tipi ta’ benefiċjarji, id-daqs tal-azjendi, u l-forom ta’ pussess ta’ art agrikola. Dan jagħmilha diffiċli li jitfasslu regoli u sistemi ta’ kontroll li jkunu adatti għax-xenarji kollha.

04 Il-benefiċjarji tal-PAK ivarjaw minn individwi privati għal kooperattivi, kumpaniji u korpi tas-settur pubbliku. Fis-sena finanzjarja 2020 madwar 6.2 miljun benefiċjarju rċevew pagamenti diretti, 3.5 miljun (tipikament ukoll riċevituri ta’ pagamenti diretti) irċevew pagamenti taħt miżuri ta’ żvilupp rurali, u 102 000 irċevew appoġġ ta’ miżuri tas-suq.

05 Il-biċċa l-kbira mill-benefiċjarji tal-PAK jirċievu inqas minn EUR 10 000 kull sena: il-proporzjon kien qed jonqos, iżda xorta jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-benefiċjarji (ara l-Figura 1).

Figura 1 – Distribuzzjoni tal-pagamenti fost il-benefiċjarji tal-PAK fil-perjodu 2014-2020

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tad-DĠ AGRI.

06 Fir-rigward tal-istruttura tal-azjendi agrikoli, 67 % tal-irziezet tal-UE huma inqas minn 5 ettari, filwaqt li 3 % għandhom aktar minn 100 ettaru. Is-sitwazzjoni tvarja fost l-Istati Membri. Pereżempju, f’Malta u fir-Rumanija, aktar minn 90 % tal-irziezet huma inqas minn ħames ettari, filwaqt li fid-Danimarka u fil-Finlandja 4 % biss tal-irziezet jaqgħu f’din il-kategorija.

07 Id-distribuzzjoni tal-art agrikola tvarja wkoll. Fis-Slovakkja, 9 % tal-irziezet huma akbar minn 100 ettaru u jkopru 89 % tal-erja agrikola nazzjonali, filwaqt li fis-Slovenja dawn l-irziezet ikopru biss 7 % tal-art agrikola. Fil-Figura 2 nuru s-sitwazzjoni fil-livell tal-UE, fit-tliet Stati Membri magħżula (ara l-paragrafu 26) u fiż-żewġ Stati Membri fit-tarf tal-ispettru.

Figura 2 – Distribuzzjoni tar-raba’ (EU-27 u Stati Membri magħżula, 2016)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Eurostat.

08 Fir-rigward tal-pussess ta’ art agrikola, 82 % tal-bdiewa Pollakki huma s-sidien tal-art tagħhom, filwaqt li 78 % tal-bdiewa Maltin jikruha, u fil-Greċja terz tal-erja agrikola hija art komuni (ara l-Anness I).

Protezzjoni tal-baġit tal-PAK kontra l-frodi

09 Il-leġiżlazzjoni tal-UE1 tiddefinixxi l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE bħala ksur intenzjonat (att jew ommissjoni) li huwa, jew li jista’ jkun, ta’ preġudizzju għall-baġit tal-UE permezz ta’:

  • l-użu jew il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompleti,
  • in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni bi ksur ta’ obbligu speċifiku, jew
  • l-applikazzjoni ħażina ta’ fondi għal skopijiet oħra għajr dawk li għalihom ikunu ngħataw oriġinarjament.

10 Il-kunċett ta’ intenzjoni huwa l-fattur ewlieni li jiddistingwi bejn frodi u irregolarità. Irregolarità tista’ tkun ir-riżultat ta’ interpretazzjoni mhux korretta ta’ regola, filwaqt li l-frodi hija r-riżultat ta’ ksur intenzjonat ta’ regola.

11 Il-frodi tista’ tiġi kkategorizzata bħala “interna” jew “esterna”2. Fil-kuntest tal-PAK:

  • il-frodi interna tista’ titwettaq mill-membri tal-persunal tal-awtoritajiet pubbliċi involuti fl-amministrazzjoni tal-fondi tal-PAK jew mill-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-UE. Din tista’ tinvolvi kunflitti ta’ interess mhux iddikjarati, ksur tal-kunfidenzjalità professjonali, jew korruzzjoni passiva;
  • il-frodi esterna tirreferi għal frodi mwettqa minn benefiċjarji tal-finanzjament taħt il-PAK. Eżempji huma l-frodi fl-akkwist pubbliku (eż. kollużjoni bejn l-offerenti, sottokuntrattar irregolari jew fittizju, korruzzjoni attiva), il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti, l-inflazzjoni tal-ispejjeż, jew il-ħabi ta’ rabtiet bejn kumpaniji.

12 Il-frodi tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE u tipprevieni li r-riżorsi tal-UE jilħqu l-objettivi ta’ politika. Ġlieda effettiva kontra l-frodi tirrikjedi qafas komprensiv ta’ ġestjoni tar-riskju, li jkopri ċ-ċiklu sħiħ ta’ kontra l-frodi ta’ prevenzjoni, kxif u rispons għall-frodi (ara l-Figura 3).

Figura 3 – Proċess ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ frodi

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-qafas tal-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet li Jisponsorjaw il-Kummissjoni Treadway (COSO).

Diversi korpi jipproteġu l-finanzjament taħt il-PAK mill-frodi

13 Fil-Kummissjoni:

  • id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) jikkondividi l-ġestjoni tal-PAK mal-aġenziji tal-pagamenti akkreditati fl-Istati Membri, filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ responsabbli għall-politika. Id-DĠ AGRI jikseb aċċertament dwar l-operat tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri;
  • l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi dwar attivitajiet illegali li jaffettwaw b’mod avvers il-baġit tal-UE, u dwar imġiba ħażina serja fl-istituzzjonijiet tal-UE. L-OLAF jospita s-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS), li fiha data ppreżentata mill-Istati Membri dwar irregolaritajiet u frodi fl-infiq tal-UE. L-OLAF janalizza d-data li tiġi pprovduta mill-Istati Membri u jippubblika r-“Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Il-ġlieda kontra l-frodi” (ir-“Rapport PIF”) tal-Kummissjoni3. L-OLAF għandu rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-politika tal-UE kontra l-frodi.

14 F’Ġunju 2021, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) beda jopera bħala l-prosekutur pubbliku indipendenti tal-UE. L-UPPE għandu s-setgħa li jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-ġustizzja reati kontra l-baġit tal-UE, bħall-frodi u l-korruzzjoni, fil-qrati kompetenti tat-22 Stat Membru li jipparteċipaw fl-UPPE4.

15 L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu miżuri biex jipprevienu, jikxfu u jikkoreġu l-frodi u irregolaritajiet oħra, u biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE bl-istess mod bħall-interessi finanzjarji tagħhom stess. Huma jridu jirrappurtaw il-każijiet ta’ irregolaritajiet u frodi li jaqbżu l-EUR 10 000 lill-Kummissjoni permezz tal-IMS.

16 Bħala parti mill-kriterji ta’ akkreditazzjoni tagħhom, l-aġenziji tal-pagamenti huma meħtieġa jistabbilixxu attivitajiet ta’ kontroll intern imfassla biex jipprevienu u jikxfu l-frodi (ara l-Kaxxa 1). Id-diretturi tal-aġenziji tal-pagamenti jipprovdu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni dwar il-funzjonament xieraq tas-sistemi ta’ kontroll intern, fejn iridu jikkonfermaw li hemm fis-seħħ miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi, li jieħdu kont tar-riskji identifikati5.

17 Filwaqt li l-aġenziji tal-pagamenti mhumiex responsabbli għall-investigazzjoni tal-frodi, jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jipprevienu u jikxfu l-frodi, u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-infurzar li jwettqu l-investigazzjonijiet.

Kaxxa 1

Aspetti relatati mal-frodi fil-kriterji ta’ akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti

  • Jenħtieġ li l-aġenziji tal-pagamenti jawtorizzaw talba għal pagament biss wara li jkunu wettqu verifiki suffiċjenti biex jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-UE, inklużi verifiki għall-prevenzjoni u l-kxif tal-frodi.
  • Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti jinkludu proċeduri ta’ monitoraġġ biex jipprevienu u jikxfu frodi u irregolarità b’attenzjoni partikolari għal dawk l-oqsma ta’ nfiq taħt il-PAK, li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ frodi jew irregolaritajiet serji oħra.
  • Il-membri tal-persunal fil-livelli operazzjonali kollha jridu jitħarrġu kif xieraq, inkluż rigward is-sensibilizzazzjoni dwar il-frodi.

18 Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni maħtura mill-Istati Membri jirrieżaminaw kull sena s-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenziji tal-pagamenti, u l-konformità tagħhom mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni. Huma jipprovdu opinjoni annwali dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq.

19 Il-Figura 4 turi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-korpi prinċipali li jiġġieldu kontra l-frodi fil-PAK.

Figura 4 – Rwoli u responsabbiltajiet tal-korpi prinċipali li jiġġieldu kontra l-frodi fil-PAK

Sors: il-QEA.

20 F’konformità mal-istandards tal-awditjar, aħna viġilanti wkoll għar-riskji ta’ frodi. B’mod partikolari:

  • nieħdu kont tar-riskju ta’ frodi meta nippjanaw u nwettqu l-awditi tagħna;
  • nirrappurtaw każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF u lill-UPPE;
  • ippubblikajna żewġ rapporti speċjali reċenti dwar il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE6, u eżaminajna l-politiki u l-proċeduri tal-Kummissjoni kontra l-frodi fir-rigward tal-infiq taħt il-PAK fix-xogħol tagħna għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 20197.

L-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-ammont ta’ frodi li jikxfu fl-infiq taħt il-PAK

21 Ir-rapport PIF tal-Kummissjoni jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-frodi fl-infiq taħt il-PAK, f’termini ta’ għadd ta’ każijiet irrappurtati u ammonti finanzjarji, u jikkomplementa l-istatistika b’analiżijiet sottostanti. Mill-2016 sal-2020, il-PAK kienet tirrappreżenta 11 % tal-ammonti frodulenti rrappurtati fl-IMS, filwaqt li l-politika ta’ Koeżjoni kienet tirrappreżenta 86 % tat-total (ara t-Tabella 1).

Tabella 1 – Ammonti tal-irregolaritajiet li ġew irrappurtati bħala frodulenti (2016-2020)

QASAM TA’ POLITIKA Perjodu totali (2016-2020)
  %
Politika Agrikola Komuni 226 529 858 10.9
Pagamenti diretti u miżuri tas-suq 112 857 342 5.4
Żvilupp rurali 107 624 816 5.2
Pagamenti diretti / miżuri tas-suq / żvilupp rurali 6 035 208 0.3
Mhuwiex ċar (*) 12 492 0.0
Politika ta’ koeżjoni u tas-sajd 1 802 679 114 86.4
Politika ta’ Qabel l-Adeżjoni 12 578 346 0.6
Ġestjoni diretta 44 940 000 2.2
TOTAL 2 086 727 318 100.0

(*) Il-kategorija “mhuwiex ċar” tintuża fir-rapport PIF fejn l-informazzjoni titqies li hija insuffiċjenti biex l-irregolarità tiġi kklassifikata fi kwalunkwe kategorija oħra.

Sors: Rapport PIF tal-2020 – Evalwazzjoni statistika (il-Partijiet 1 u 2).

22 L-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet frodulenti rrappurtati għall-PAK huwa ġeneralment baxx: fil-perjodu 2016-2020, dan ammonta għal 0.09 % tal-pagamenti totali tal-PAK. Il-Figura 5 turi r-rata ta’ kxif tal-frodi, jiġifieri l-proporzjon bejn l-ammonti ta’ każijiet ta’ frodi (suspettata u stabbilita) irrappurtati u l-pagamenti għall-komponenti tal-PAK.

Figura 5 – Rata ta’ kxif tal-frodi skont il-komponent tal-PAK (2016-2020)

Sors: Rapport PIF tal-2020 – Evalwazzjoni statistika (il-Parti 1).

23 Madankollu, kif spjegat fir-rapport PIF tal-20208, l-għadd ta’ irregolaritajiet li ġew irrappurtati bħala frodulenti - u l-ammonti assoċjati - mhumiex indikatur dirett tal-livell tal-frodi li taffettwa l-baġit tal-UE, iżda pjuttost tal-ħidma tal-Istati Membri biex jiġġieldu l-frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Fl-awditi preċedenti tagħna, sibna li dawn iċ-ċifri ma pprovdewx stampa kompleta tal-livell tal-frodi identifikata fl-infiq tal-UE9.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

24 L-awditu li wettaqna eżamina xejriet ta’ frodi fl-iskemi ta’ pagament tal-PAK. Ivvalutajna jekk il-Kummissjoni identifikatx b’mod xieraq ir-riskji ta’ frodi li jaffettwaw l-infiq taħt il-PAK, u jekk irrispondietx b’mod adegwat għal dawk ir-riskji.

25 Koprejna l-miżuri li ġew iffinanzjati mill-PAK taħt ġestjoni kondiviża (pagamenti diretti, miżuri tas-suq u żvilupp rurali), filwaqt li eżaminajna data mill-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020. Ma eżaminajniex l-infiq taħt il-PAK taħt ġestjoni diretta (madwar 0.8 % tal-infiq taħt il-PAK), u ma koprejniex il-kunflitt ta’ interess, li huwa s-suġġett ta’ rapport speċjali separat tal-QEA li għandu jiġi ppubblikat fl-2022. L-UPPE, li beda jopera f’Ġunju 2021, ma kienx inkluż fl-ambitu tal-awditu tagħna.

26 Aħna ksibna l-evidenza tagħna minn:

  • analiżijiet dokumentarji u vidjokonferenzi fl-OLAF u fid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali;
  • analiżijiet dokumentarji fi tliet Stati Membri (Franza, l-Italja u s-Slovakkja). L-għażla tagħhom kienet ibbażata fuq indikaturi relatati mal-frodi, il-konċentrazzjoni tal-art, u l-ammonti ta’ finanzjament;
  • stħarriġiet indirizzati lill-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tat-tliet Stati Membri magħżula, u lill-aġenziji tal-pagamenti, lis-servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS) u lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni fis-27 Stat Membru kollha. L-istħarriġ kopra r-riskji ta’ frodi, il-miżuri kontra l-frodi u l-kontrolli fis-seħħ fl-Istati Membri. Kemm l-AFCOS u l-aġenziji tal-pagamenti minn 23 Stat Membru kif ukoll il-korpi taċ-ċertifikazzjoni minn 13-il Stat Membru wieġbu għall-istħarriġ tagħna;
  • analiżi ta’ data estratta mill-IMS u minn settijiet ta’ data tal-uffiċċju tal-istatistika tal-UE (Eurostat).

27 Nistennew li r-rapport tagħna jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom kontra l-frodi taħt il-politika agrikola komuni l-ġdida għall-perjodu 2023-2027.

Osservazzjonijiet

Ir-riskji ta’ frodi jvarjaw bejn l-iskemi ta’ pagament tal-PAK

28 Meta tipproponi atti leġiżlattivi, il-Kummissjoni hija responsabbli biex tiżgura li t-tfassil u r-regoli tad-diversi skemi ta’ appoġġ tal-PAK jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskju inerenti ta’ frodi10.

29 Ivvalutajna l-esponiment għar-riskju ta’ frodi tal-kategoriji prinċipali tal-infiq taħt il-PAK. Ħadna inkunsiderazzjoni r-riżultati ta’ awditi li wettaqna preċedentement, flimkien mal-każijiet irrappurtati fl-IMS, u l-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF.

30 Ix-xogħol tagħna għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni wera li l-kumplessità tar-regoli u l-mod kif il-fondi tal-UE jiġu żborżati għandhom impatt fuq ir-riskju ta’ żball. Fir-Rapport Annwali 201911 tagħna, aħna osservajna li r-riskju ta’ frodi huwa wkoll akbar f’oqsma ta’ nfiq suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà aktar kumplessi (ara l-Figura 6).

Figura 6 – Fatturi li għandhom impatt fuq l-irregolaritajiet u l-frodi

Sors: il-QEA.

Xi benefiċjarji jaħbu l-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà

31 Xi skemi ta’ pagament tal-PAK li għandhom l-għan li jappoġġaw kategoriji speċifiċi ta’ benefiċjarji wrew li huma suxxettibbli għall-frodi, billi xi rikorrenti jonqsu milli jiddivulgaw informazzjoni rilevanti jew joħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet biex jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà u jibbenefikaw indebitament mill-għajnuna taħt il-PAK.

Appoġġ lill-SMEs u nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ rabtiet bejn kumpaniji

32 Waħda mill-prijoritajiet tal-UE għall-iżvilupp rurali hija li jiġu ffaċilitati d-diversifikazzjoni, il-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Sabiex jiġi stabbilit jekk benefiċjarju huwiex eliġibbli bħala SME, id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni affidabbli dwar l-għadd ta’ impjegati, il-fatturat annwali u t-total annwali tal-karta tal-bilanċ hija essenzjali, bħalma hija essenzjali wkoll id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar kumpaniji relatati.

33 Fix-xogħol tagħna għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, aħna identifikajna każijiet fejn benefiċjarji kienu naqsu milli jiddivulgaw ir-rabtiet tagħhom ma’ kumpaniji oħra. L-OLAF investiga wkoll dawn il-każijiet (ara l-eżempji fil-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Eżempji ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ rabtiet bejn il-kumpaniji

Fil-Litwanja, kooperattiva rċeviet EUR 200 000 f’appoġġ għall-investiment għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli. Sibna li l-kooperattiva kienet sussidjarja ta’ kumpanija multinazzjonali kbira, u għalhekk ma kinitx eliġibbli għall-appoġġ12.

Fil-Polonja, benefiċjarju, flimkien ma’ membri oħra ta’ familtu, ippreżentaw applikazzjoni konġunta għal appoġġ biex jinbena maqjel tal-ħnieżer. Kull wieħed mill-applikanti konġunti applika għall-appoġġ massimu possibbli (madwar EUR 200 000 kull wieħed). Il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kienu jistipulaw li l-azjendi tal-applikanti ma jrid ikollhom la daqs ekonomiku ta’ aktar minn EUR 250 000 u lanqas erja li tkun akbar minn 300 ettaru. Il-benefiċjarju u l-membri l-oħra tal-familja ddikjaraw li joperaw negozji indipendenti. Sibna li huma kellhom ishma f’kumpanija tal-familja li topera fl-istess sit. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni s-sehem tal-benefiċjarju fil-kumpanija tal-familja, l-azjenda kienet taqbeż il-limitu massimu stabbilit għad-daqs ekonomiku13.

Fil-Bulgarija, investigazzjoni mwettqa mill-OLAF sabet li intrapriżi agrikoli stabbiliti, li kienu laħqu l-limitu għall-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-azjendi jew il-grupp ta’ azjendi tagħhom, applikaw u kisbu fondi tal-UE permezz ta’ entitajiet oħra apparentement indipendenti, li fil-fatt kienu taħt il-kontroll dirett tal-intrapriżi stabbiliti. L-impatt finanzjarju tal-każijiet li l-OLAF kien analizza kien ta’ madwar EUR 10 miljun14.

Benefiċjarji ineliġibbli li jitolbu pagamenti bħala “bdiewa żgħażagħ”

34 Il-PAK tfittex li tħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura billi tagħti finanzjament addizzjonali lill-persuni li jikkwalifikaw bħala “bdiewa żgħażagħ”. Sabiex ikunu eliġibbli għal dan l-appoġġ, il-bdiewa jrid ikollhom mhux aktar minn 40 sena meta jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-għajnuna u jridu jistabbilixxu azjenda agrikola għall-ewwel darba bħala l-kap tal-azjenda.

35 Bidwi żagħżugħ jista’ jistabbilixxi azjenda waħdu jew b’mod konġunt ma’ bdiewa oħra, irrispettivament mill-forma ġuridika. Madankollu, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, bidwi żagħżugħ irid jeżerċita kontroll effettiv u fuq terminu twil fuq l-entità f’termini ta’ deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni, il-benefiċċji u r-riskji finanzjarji.

36 L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu regoli aktar stretti għall-bdiewa żgħażagħ li jirċievu appoġġ għal negozji ġodda fil-qasam tal-iżvilupp rurali. Pereżempju, fi Franza, ir-regoli nazzjonali ta’ eliġibbiltà jirrikjedu li l-introjtu ta’ bidwi żagħżugħ irid jiġi prinċipalment minn attivitajiet agrikoli. Fl-IMS, xi każijiet urew li meta r-razzett il-ġdid ma ġġenerax il-fatturat mistenni, il-bdiewa żgħażagħ sabu impjiegi oħra (xi drabi full-time) biex iżidu l-introjtu tagħhom, u b’hekk saru ineliġibbli. Każijiet oħra wrew li l-benefiċjarji ma kinux il-kap tal-azjenda agrikola, u lanqas ma kienu fil-fatt qed jaħdmu fir-razzett.

37 Dawn il-każijiet jistgħu jitqiesu bħala frodi meta benefiċjarju, li ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, jippreżenta informazzjoni falza jew mhux kompleta biex jirrappreżenta b’mod żbaljat is-sitwazzjoni vera tiegħu.

Falsifikazzjoni ta’ dokumenti u simulazzjoni ta’ attivitajiet

38 F’xi każijiet, il-benefiċjarji jistgħu jiffalsifikaw dokumenti jew jissimulaw attivitajiet sabiex jikkwalifikaw għall-għajnuna taħt il-PAK (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Eżempji ta’ attivitajiet simulati u ta’ dokumenti ffalsifikati biex jinkisbu fondi tal-UE

Fil-Polonja, bidwi fil-qasam tal-ħalib irċieva EUR 17 000 taħt miżura li tappoġġa lill-bdiewa li jixtru erieħ minn merħliet oħra biex iżidu l-kompetittività tal-azjenda tagħhom. Sibna li l-bidwi rċieva l-appoġġ wara li xtara erieħ mingħand missieru, li kien ukoll bidwi fil-qasam tal-ħalib u kien iżomm il-merħla tiegħu fl-istess stalla tal-benefiċjarju. Jumejn qabel, il-benefiċjarju kien biegħ għadd simili ta’ erieħ lil missieru, li wkoll irċieva appoġġ taħt l-istess miżura. Ma kien hemm l-ebda trasferiment fiżiku tal-annimali, u l-għadd totali ta’ annimali tal-benefiċjarju u ta’ missieru baqa’ ma nbidilx15.

Fl-2014, kumpanija agrikola fis-Slovakkja ressqet talba għal bwar permanenti taħt l-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja. Il-bidwi ddikjara li ssottokuntratta xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq l-irqajja’ (ħsad, ħdim tar-raba’, ġbir ta’ ħaxix ippakkjat). Billi l-aġenzija tal-pagamenti ssuspettat li d-dokumenti kuntrattwali relatati ġew iffalsifikati u li ma kienet twettqet l-ebda attività ta’ dan it-tip, ċaħdet it-talba u rreferiet il-każ lill-qrati, li sabu lir-rikorrent ħati u evitaw dannu ta’ EUR 140 00016.

Ir-riskji ta’ frodi żdiedu minħabba l-kumplessità tal-proġetti

39 Fi ħdan il-miżuri tas-suq, il-programmi ta’ appoġġ għas-settur tal-inbid jiffinanzjaw għadd ta’ miżuri, suġġetti għal varjetà ta’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, bħar-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji, l-assigurazzjoni tal-ħsad, l-investiment fl-intrapriżi, l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda, u l-promozzjoni f’pajjiżi mhux tal-UE.

40 Azzjonijiet promozzjonali f’pajjiżi mhux tal-UE huma partikolarment suxxettibbli għal riskju. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu ta’ sfida biex jiġu vverifikati, minħabba li:

  • in-natura ta’ ħafna attivitajiet promozzjonali (eż. ir-relazzjonijiet pubbliċi) hija tranżitorja u intanġibbli;
  • il-verifiki fuq il-post f’pajjiżi mhux tal-UE huma rari;
  • il-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet promozzjonali jiġu sottokuntrattati, speċjalment meta jseħħu f’pajjiżi oħra għajr dak tal-benefiċjarju.

41 Il-Kaxxa 4 turi eżempju li nkixef matul ix-xogħol tagħna għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni.

Kaxxa 4

Attivitajiet potenzjalment frodulenti fil-promozzjoni tal-inbid.

Fl-2016, fl-Italja, aħna awditjajna tranżazzjoni ta’ madwar EUR 300 000 li kienet relatata mal-promozzjoni tal-inbid f’pajjiżi mhux tal-UE17.

Il-benefiċjarju kien ippreżenta rapport dwar l-azzjonijiet imwettqa, inklużi stampi ta’ attività promozzjonali. Sibna li, f’diversi każijiet, l-istampi għal ċertu avveniment kienu fil-fatt minn post jew sena differenti. Xi stampi li ġew ippreżentati bħala evidenza ta’ azzjonijiet promozzjonali kienu diġà ġew ippreżentati f’talbiet għall-pagament preċedenti. Għall-biċċa l-kbira mill-infiq li vverifikajna, aħna ma rċevejniex evidenza li l-azzjonijiet kienu twettqu.

Pagamenti diretti u “ħtif tal-art”

42 Sabiex jirċievu pagamenti diretti bbażati fuq l-erja, il-benefiċjarji jridu jiddikjaraw l-għadd eliġibbli ta’ ettari “għad-dispożizzjoni tagħhom”18. Dan ifisser li l-benefiċjarji jrid ikollhom bażi ġuridika xierqa biex jiddikjaraw l-art.

43 Il-pagamenti diretti ġew assoċjati mat-terminu “ħtif tal-art”, għalkemm it-terminu huwa kontroversjali (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

X’inhu “ħtif tal-art”?

Ma hemm l-ebda definizzjoni ġuridika preċiża ta’ “ħtif tal-art”, u lanqas fehma awtorevoli dwar kif it-terminu għandu jiġi interpretat, għalkemm hemm kunsens li l-“ħtif tal-art” fih innifsu mhuwiex neċessarjament illegali, la skont id-dritt tal-UE u lanqas taħt id-dritt nazzjonali19.

It-terminu “ħtif tal-art” oriġinarjament kien jirreferi għall-akkwiżizzjonijiet fuq skala kbira ta’ raba’ għall-agrikoltura tal-pjantaġġuni f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju fl-Afrika, l-Asja u l-Amerka Latina, minn kumpaniji privati jew pubbliċi barranin20.

Fil-kuntest tal-UE, il-“ħtif tal-art” ġie assoċjat mal-konċentrazzjoni ta’ art agrikola u mas-sussidji tal-PAK f’idejn kumpaniji u investituri kbar, speċjalment fl-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant21.

Il-“ħtif tal-art” jista’ jkun marbut ma’ prattiki frodulenti, bħall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti, il-koerċizzjoni, l-użu ta’ influwenza politika jew ta’ informazzjoni privileġġjata, il-manipulazzjoni ta’ proċeduri jew il-ħlas ta’ tixħim. L-awditu li wettaqna ffoka fuq din il-forma illegali ta’ ħtif tal-art.

44 Meta wieġbu għall-istħarriġ tagħna, kważi 60 % tal-aġenziji tal-pagamenti indikaw li ma kinux iqisu l-“ħtif tal-art” bħala indikatur tar-riskju. Ħames aġenziji tal-pagamenti fi Stat Membru wieħed assoċjaw il-“ħtif tal-art” mas-sitwazzjoni fejn talbiet eliġibbli kienu ġew ippreżentati minn benefiċjarji mingħajr ma kellhom bażi ġuridika biex jiddikjaraw l-art.

Il-kontrolli attwali kkontribwew għat-tnaqqis tar-riskju ta’ żball

45 L-għodda prinċipali ta’ ġestjoni biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-pagamenti diretti hija s-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), li tinkorpora s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS).

46 Is-SIAK torbot flimkien il-bażijiet ta’ data tal-azjendi agrikoli, it-talbiet għall-għajnuna, l-erjas agrikoli u r-reġistri tal-annimali, li l-aġenziji tal-pagamenti jużaw biex iwettqu kontroverifiki amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna. L-LPIS hija sistema ta’ informazzjoni ġeografika b’settijiet ta’ data spazjali minn bosta sorsi, li flimkien jiffurmaw rekord ta’ erjas agrikoli fl-Istati Membri.

47 Kif ikkonfermat mix-xogħol tagħna għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, is-SIAK, u l-LPIS b’mod partikolari, tifforma sistema ta’ ġestjoni u kontroll effettiva biex tiżgura li l-pagamenti ta’ għajnuna diretta fl-intier tagħhom ma jiġux affettwati minn żball materjali.

48 L-introduzzjoni fis-SIAK tal-applikazzjoni għall-għajnuna ġeospazjali (GSAA), li tippermetti lill-bdiewa jippreżentaw talbiet għall-pagament online, u l-fatt li l-aġenziji tal-pagamenti jwettqu kontroverifiki preliminari fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati mill-bdiewa, ikkontribwew ukoll biex jitnaqqas il-livell ta’ żball.

Xi sitwazzjonijiet huma aktar suxxettibbli għall-“ħtif tal-art”

49 Peress li s-SIAK-LPIS tagħmilha diffiċli li l-erja eliġibbli tiġi ddikjarata b’mod eċċessiv (eż. permezz ta’ talbiet doppji jew billi tiġi ddikjarata art mhux agrikola), il-frodaturi jfittxu li jakkwistaw art agrikola b’mod illeċitu u mbagħad jitolbu appoġġ (ara l-Figura 7).

Figura 7 – Sitwazzjonijiet aktar suxxettibbli għall-“ħtif tal-art”

Sors: il-QEA.

50 L-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF u mill-awtoritajiet nazzjonali sabu li l-erjas agrikoli l-aktar suxxettibbli għal dan it-tip ta’ attività frodulenti huma art bi sjieda pubblika jew art privata bi sjieda mhux ċara (ara l-Kaxxa 6 u l-Kaxxa 7).

51 Il-frodaturi li jiddikjaraw b’mod illeċitu art għal appoġġ ta’ pagament dirett jistgħu jippreżentaw dokumenti ffalsifikati, u jirrikorru għal prattiki kriminali, bħall-estorsjoni u l-kollużjoni ma’ uffiċjali (frodi interna). Il-Kaxxa 6 turi eżempju.

Kaxxa 6

Eżempju ta’ art iddikjarata b’mod illeċitu fl-Italja

Fl-2017, l-OLAF, f’kollaborazzjoni mal-pulizija finanzjarja nazzjonali, wettaq investigazzjoni fl-Italja u sab li xi ċentri ta’ assistenza agrikola, li jappoġġaw lill-bdiewa biex jippreżentaw applikazzjonijiet għall-għajnuna, kienu introduċew għadd ta’ “bdiewa foloz” fil-bażi ta’ data tal-aġenzija tal-pagamenti nazzjonali, u dan ippermetta li applikanti ineliġibbli jirċievu sussidji mill-UE22. L-investigazzjoni mwettqa mill-OLAF żvelat li l-applikazzjonijiet kienu:

  • ibbażati fuq dikjarazzjonijiet ineliġibbli ta’ konċessjoni ta’ art pubblika; jew
  • appoġġati minn kuntratti ta’ lokazzjoni foloz, billi l-kerrejja jew kienu mietu jew inkella ma kinux jafu bil-lokazzjoni; jew
  • ippreżentati għal art taħt sekwestru b’segwitu għal reati ta’ kriminalità organizzata, jew ippreżentati minn individwi suġġetti għal miżuri ta’ prekawzjoni kontra l-mafja.

L-OLAF irrakkomanda l-irkupru ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 32 miljun.

52 Il-frodaturi jistgħu jisfruttaw ukoll dgħufijiet fil-verifiki tal-Istati Membri (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

Dgħufijiet fil-verifiki fuq l-art għad-dispożizzjoni tal-bdiewa

Fis-Slovakkja, investigazzjoni imwettqa mill-OLAF, li ġiet iffinalizzata f’Diċembru 2020, sabet li erjas, li kienu ġew iddikjarati għal snin minn xi kumpaniji, ma kinux koperti minn kuntratti ta’ lokazzjoni validi. Il-verifiki nazzjonali fuq il-bażi ġuridika tal-applikanti għad-dikjarazzjoni tal-art kienu limitati ħafna, u ġew applikati biss fil-każ ta’ talbiet li jikkoinċidu.

L-OLAF sab ukoll li l-proċeduri ta’ verifika tal-awtorità nazzjonali Slovakka inkarigata mill-ġestjoni ta’ art agrikola taħt sjieda tal-Istat jew ta’ art mingħajr sid privat magħruf wrew dgħufijiet fir-rigward tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali. Kien hemm ukoll mistoqsijiet dwar jekk il-proċess ġiex applikat b’mod effiċjenti u mhux diskriminatorju.

L-OLAF qies li l-pagamenti żejda jistgħu jammontaw għal aktar minn EUR 1 000 00023.

Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni kkjarifikaw ir-regoli applikabbli għall-verifiki fuq il-bażi ġuridika għall-użu tal-art

53 Il-leġiżlazzjoni tal-PAK ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “art għad-dispożizzjoni tal-bidwi”, u lanqas ma tirrikjedi li l-bdiewa jagħtu prova tad-dritt tagħhom li jużaw l-art meta jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna24. Japplikaw ir-regoli nazzjonali dwar is-sjieda, il-kirjiet jew forom oħra ta’ pussess legali.

54 L-Istati Membri jridu jwettqu verifiki fuq it-talbiet kollha biex jipprevienu u jikkoreġu l-irregolaritajiet u jirkupraw il-pagamenti mhux dovuti25, u għal dan il-fini, jistgħu jitolbu lir-rikorrent jipprovdi evidenza li l-art hija legalment għad-dispożizzjoni tiegħu26, b’mod partikolari f’każ ta’ dubju.

55 Il-verifiki fuq id-dritt legali tal-bdiewa li jużaw l-art iddikjarata jvarjaw bejn l-Istati Membri. Skont ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna, tmien aġenziji tal-pagamenti f’żewġ Stati Membri jivverifikaw dan fil-każijiet kollha. Minn 47 aġenzija tal-pagamenti li wieġbu għall-istħarriġ tagħna, 9 ddikjaraw li huma jagħmlu verifiki biss f’każ ta’ talbiet li jikkoinċidu, filwaqt li l-aġenziji tal-pagamenti li jifdal iwettqu wkoll verifiki mmirati f’sitwazzjonijiet oħra: eż.

  •  f’każ ta’ art li tiġi ddikjarata għall-ewwel darba jew li tkun proprjetà ta’ entità pubblika,
  •  f’każ ta’ dubji li jitqajmu matul il-verifiki amministrattivi jew iż-żjarat fuq il-post.

56 Meta l-art tiġi ddikjarata minn aktar minn persuna waħda li tagħti x’tifhem li għandha bażi ġuridika biex tagħmel it-talba, japplika l-prinċipju ta’ “setgħa deċiżjonali”, f’termini ta’ benefiċċji u riskji finanzjarji mġarrba mill-bidwi27. Sentenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja introduċiet xi kjarifiki dwar il-kwistjonijiet involuti, u ġibdet l-attenzjoni għar-rilevanza tal-fatt li l-art tkun legalment għad-dispożizzjoni tal-applikant. Il-Qorti ddeċidiet li meta l-art tiġi ddikjarata kemm mis-sid kif ukoll minn parti terza li tuża l-art mingħajr bażi ġuridika, l-art titqies li tkun għad-dispożizzjoni tas-sid28.

57 B’segwitu għal din is-sentenza, f’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet gwida lill-Istati Membri29. Il-gwida tispjega li biex benefiċjarju jkollu art li tkun legalment għad-dispożizzjoni tiegħu huwa jrid ikun kiseb id-dritt li jużaha b’mod legali. Il-gwida tiddikjara wkoll li l-Istati Membri jistgħu jfasslu l-verifiki tagħhom stess, iżda li dawk il-verifiki jridu jipprevienu u jikkoreġu l-irregolaritajiet b’mod effettiv, u jenħtieġ li ma jkunux limitati għal talbiet doppji.

Fondi mitluba għal art mingħajr it-twettiq tal-ebda attività agrikola

58 Il-frodaturi jistgħu wkoll jfittxu li jakkwistaw art – legalment jew le – għall-iskop uniku li jirċievu pagamenti diretti, mingħajr ma jwettqu l-ebda attività agrikola. Ir-riskju huwa ogħla għal ċerti mergħat u żoni muntanjużi, fejn huwa aktar diffiċli għall-aġenziji tal-pagamenti biex jivverifikaw l-attività agrikola meħtieġa, bħar-ragħa (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

L-attraenza tal-mergħat u taż-żoni muntanjużi għall-frodaturi

Fl-2018 fi Franza, l-OLAF sab talbiet li ġew ippreżentati għal diversi snin għal irqajja’ f’żoni muntanjużi, li ma kellhom l-ebda infrastruttura adatta għall-biedja, bħal provvista tal-ilma, imqawel jew faċilitajiet tal-għalf, jew kienu jinsabu fuq irdumijiet weqfin.

L-OLAF sab ukoll talbiet li ġew ippreżentati għal merħliet ineżistenti.

L-OLAF irrakkomanda l-irkupru ta’ madwar EUR 536 00030.

Ir-rappurtar tagħna ta’ każijiet ta’ frodi suspettata

59 Matul ix-xogħol tagħna għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni kull sena, aħna nikxfu għadd ta’ irregolaritajiet potenzjalment frodulenti, iżda ma nistgħux inkunu ċerti li fil-fatt kienet seħħet frodi.

60 Fil-perjodu 2018-2020, ir-rata ta’ żball kumplessiva li rrappurtajna għall-infiq fuq “Riżorsi naturali” naqset minn 2.4 % għal 2.0 % tat-total imħallas. Il-PAK tirrappreżenta madwar 97 % tal-infiq fuq “Riżorsi naturali”. Matul dawk is-snin, aħna awditjajna 698 pagament taħt il-PAK u kkwantifikajna żbalji f’101 każ. Fi 17 minn dawk il-każijiet, issuspettajna li l-iżball seta’ jiġi assoċjat ma’ frodi.

61 Aħna m’aħniex intitolati li ninvestigaw il-frodi, u għaddejna 12 mis-17-il każ lill-OLAF, filwaqt li fil-5 każijiet li jifdal kienu diġà għaddejjin investigazzjonijiet jew proċeduri ta’ rkupru, jew l-ammont baxx involut ma kienx jissodisfa l-kriterji tal-OLAF għal investigazzjoni minħabba raġunijiet ta’ proporzjonalità.

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni dwar il-frodi fl-infiq taħt il-PAK iżda ma kinitx suffiċjentement proattiva

62 Sabiex tiġġieled il-frodi, aħna nistennew li l-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex tikseb ħarsa ġenerali lejn il-frodi u r-riskji ta’ frodi fl-infiq taħt il-PAK, u tirreaġixxi b’mod xieraq għalihom31.

63 Skont l-Istrateġija tiegħu Kontra l-Frodi32, id-DĠ AGRI ħa azzjoni biex jirrinforza l-kooperazzjoni tiegħu mal-OLAF (f’termini ta’ rappurtar tal-każijiet lill-OLAF u għoti ta’ segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF), jagħti taħriġ u gwida lill-persunal tiegħu, jipprovdi gwida lill-Istati Membri u jżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-frodi kemm internament kif ukoll esternament.

64 Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni:

  • wettqitx valutazzjoni komprensiva tar-riskju ta’ frodi, u mmonitorjatx il-ħolqien ta’ tipoloġiji ġodda ta’ frodi;
  • ipprovdietx gwida xierqa u żiditx is-sensibilizzazzjoni tal-Istati Membri dwar ir-riskji ta’ frodi identifikati;
  • immonitorjatx b’mod adegwat il-miżuri tal-Istati Membri kontra l-frodi;
  • ippromwovietx l-użu ta’ teknoloġiji ġodda biex is-sistemi ta’ kontroll jiġu rinforzati.

Il-Kummissjoni identifikat riskji ewlenin ta’ frodi u reċentement ħarġet xi gwida relatata mal-“ħtif tal-art”

65 Wieħed mill-objettivi strateġiċi stabbiliti fl-Istrateġija tad-DĠ AGRI Kontra l-Frodi kien “it-tisħiħ tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi”. Id-DĠ AGRI rrapporta dwar l-analiżijiet tiegħu f’verżjonijiet suċċessivi tal-Istrateġija tiegħu Kontra l-Frodi (ara t-Tabella 2). Id-DĠ AGRI qies:

  • il-miżuri ta’ investiment fl-iżvilupp rurali u ċerti miżuri tas-suq (azzjonijiet ta’ promozzjoni u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi) bħala ta’ riskju ogħla,
  • il-pagamenti diretti, il-pagamenti l-oħra relatati mal-erja u l-pagamenti relatati mal-annimali bħala inqas suxxettibbli għal riskju.

Tabella 2 – Eżitu tal-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ frodi li twettqu mid-DĠ AGRI

Strateġija Kontra l-Frodi Riskju aktar baxx ta’ frodi Riskju ogħla ta’ frodi
Verżjoni 1 (2012) Lista ta’ riskji ta’ frodi (prinċipalment interni għad-DĠ u l-awtoritajiet tal-Istati Membri) mingħajr analiżi ulterjuri
Verżjoni 2 (2014) • Pagamenti diretti

• Miżuri relatati mal-erja taħt l-iżvilupp rurali

• Xi miżuri tas-suq (rifużjonijiet tal-esportazzjoni, azzjonijiet ta’ promozzjoni, għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn)
• Miżuri ta’ investiment taħt l-iżvilupp rurali
Verżjoni 3 (2016) • Pagamenti diretti

• Il-biċċa l-kbira mill-miżuri tas-suq (eż. ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, is-settur tal-qoton)
• Miżuri tas-suq speċifiċi (azzjonijiet ta’ promozzjoni, appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi)

• Miżuri ta’ investiment taħt l-iżvilupp rurali
Verżjoni 4 (2020) • Pagamenti diretti

• Il-biċċa l-kbira mill-miżuri tas-suq

• Miżuri relatati mal-erja u mal-annimali taħt l-iżvilupp rurali
• Miżuri tas-suq speċifiċi (azzjonijiet ta’ promozzjoni, appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi)

• Miżuri ta’ investiment taħt l-iżvilupp rurali

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-Istrateġiji tad-DĠ AGRI Kontra l-Frodi.

66 Mill-2014, id-DĠ AGRI impenja lilu nnifsu li jimmonitorja tipoloġiji emerġenti ta’ frodi. Fl-2016, huwa wettaq analiżi estensiva tar-riskju ta’ frodi u ħa l-impenn li jaġġornaha kull sena. Mill-2017 ’il hawn, id-DĠ AGRI qies li ma kienx meħtieġ aġġornament tal-analiżi tar-riskju tiegħu, fuq il-bażi li r-riskji ma kinux inbidlu u ma kienet feġġet l-ebda xejra ġdida ta’ frodi. Id-DĠ AGRI qed jippjana li jwettaq analiżi ġdida tar-riskju ta’ frodi qabel ma l-PAK il-ġdida tidħol fis-seħħ f’Jannar 2023.

67 Fil-perjodu 2017-2019, l-OLAF investiga każijiet ta’ abbużi sistematiċi fir-rigward tal-pagamenti diretti fl-Italja, fi Franza u fis-Slovakkja (ara l-Kaxxa 6, il-Kaxxa 7 u l-Kaxxa 8). Id-DĠ AGRI ma kkomplementax il-valutazzjoni tiegħu tar-riskju ta’ frodi biex tkun tkopri l-“ħtif tal-art”, billi ma qiesx li dan huwa frodi diretta kontra l-PAK.

68 Fl-istrateġija tiegħu Kontra l-Frodi tal-2020, id-DĠ AGRI ddeskriva l-“ħtif tal-art” bħala l-approprjazzjoni illeċita ta’ art agrikola li għaliha l-frodaturi mbagħad jitolbu pagamenti diretti b’mod legali. Id-DĠ AGRI ddikjara li l-istrateġija kopriet ukoll ir-riskji għar-reputazzjoni mingħajr impatt dirett fuq l-interessi finanzjarji tal-UE, li jistgħu jinkludu l-“ħtif tal-art” u mġiba ħażina oħra. F’dan il-kuntest, id-DĠ AGRI vvaluta li dawn il-fenomeni ma joriġinawx minn dgħufijiet fil-leġiżlazzjoni tal-PAK, iżda huma kwistjoni relatata mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kkonċernati.

69 Kif irrappurtajna fil-Kaxxa 5, il-“ħtif tal-art” jista’ jkun marbut ma’ firxa ta’ prattiki frodulenti bħall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti, il-koerċizzjoni, l-użu ta’ influwenza politika jew ta’ informazzjoni privileġġjata, il-manipulazzjoni ta’ proċeduri jew il-ħlas ta’ tixħim. Skont il-gwida tal-Kummissjoni bbażata fuq il-ġurisprudenza reċenti (ara l-paragrafu 57), biex benefiċjarju jkollu art li tkun legalment għad-dispożizzjoni tiegħu huwa jrid ikun kiseb id-dritt li jużaha b’mod legali. Bħala konsegwenza, meta jiġi stabbilit, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li tali dritt ikun inkiseb billi jkun sar użu minn prattiki frodulenti, dan jagħmel il-pagamenti sottostanti irregolari. F’każijiet bħal dawn, l-aġenziji tal-pagamenti jista’ jkollhom rwol billi jużaw id-data għad-dispożizzjoni tagħhom biex jidentifikaw sinjali ta’ allarm u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jwettqu l-investigazzjonijiet.

Il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri, iżda xi aġenziji tal-pagamenti indikaw ħtieġa għal aktar pariri prattiċi

70 Id-DĠ AGRI ħa azzjonijiet maħsuba biex iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mal-frodi u pprovdielhom gwida u indikaturi tal-frodi (“sinjali ta’ allarm”). Il-Figura 8 tiġbor fil-qosor dawn l-attivitajiet.

Figura 8 – Azzjonijiet tad-DĠ AGRI li huma indirizzati lill-Istati Membri

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumentazzjoni tad-DĠ AGRI.

71 Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tagħna dwar il-gwida li rċevew mill-Kummissjoni, l-aġenziji tal-pagamenti semmew l-inizjattivi tad-DĠ AGRI, iżda rreferew ukoll għal sorsi oħra ta’ informazzjoni:

  • il-gwida tal-Kummissjoni kontra l-frodi għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;
  • informazzjoni skambjata fil-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi (COCOLAF) u fin-Network ta’ Tagħlim tad-DĠ AGRI;
  • “Rapporti PIF” u gwida oħra pprovduta mill-OLAF.

72 Il-maġġoranza tal-aġenziji tal-pagamenti mistħarrġa sabu li l-gwida tal-Kummissjoni kienet ta’ għajnuna, għalkemm tnejn minnhom qalu li xi analiżijiet (eż. fir-rapporti PIF) huma interessanti iżda ġeneriċi wisq biex ikunu utli fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Seba’ aġenziji tal-pagamenti apprezzaw l-eżempji ta’ każijiet ta’ frodi, li ġew ipprovduti matul is-seminars kontra l-frodi. Żewġ aġenziji tal-pagamenti qiesu li jenħtieġ li l-gwida tiġi kkomplementata minn eżempji aktar prattiċi.

73 Il-Figura 9 turi l-gwida li ġiet ipprovduta mid-DĠ AGRI mill-2012 ’il hawn.

Figura 9 – Skeda ta’ żmien tal-gwida tad-DĠ AGRI lill-Istati Membri

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumentazzjoni tad-DĠ AGRI.

74 Id-DĠ AGRI ma ħareġ l-ebda nota ta’ gwida dwar l-indikaturi tar-riskju ta’ frodi (“sinjali ta’ allarm”) wara l-2013, għalkemm l-istabbiliment ta’ indikaturi addizzjonali tal-frodi jkun ta’ benefiċċju biex l-aġenziji tal-pagamenti jiġu ggwidati f’xogħolhom. Il-biċċa l-kbira mis-seminars iddedikati kontra l-frodi saru bejn l-2013 u l-2018; reġgħu bdew fl-2021. Mill-2020, l-Istati Membri u d-DĠ AGRI ddiskutew regolarment dwar il-miżuri kontra l-frodi matul il-laqgħat tagħhom tan-Network ta’ Tagħlim.

Il-Kummissjoni timmonitorja l-miżuri kontra l-frodi li ġew implimentati mill-Istati Membri, iżda l-ħarsa ġenerali tagħha għandha lakuni

75 Sabiex jikkonformaw mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni relatati mal-frodi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE33 (ara l-Kaxxa 1), fl-2014 il-Kummissjoni (DĠ AGRI) irrakkomandat li l-aġenziji tal-pagamenti jadottaw miżuri speċifiċi (ara l-Kaxxa 9).

Kaxxa 9

Miżuri kontra l-frodi li ġew irrakkomandati mid-DĠ AGRI lill-aġenziji tal-pagamenti

Pass 1. Jiġu ddeterminati, ikklassifikati u rreġistrati b’mod sistematiku r-riskji ta’ frodi li għalihom huwa espost l-infiq taħt il-PAK immaniġġjat mill-aġenzija tal-pagamenti (valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi)

Pass 2. Jiġu analizzati l-proċeduri amministrattivi u ta’ kontroll eżistenti biex possibbilment jiżdiedu l-prevenzjoni u l-kxif tal-frodi

Pass 3. Jiġi stabbilit reġistru ta’ indikaturi tal-frodi (sinjali ta’ allarm)

Pass 4. Jiġu adottati regoli interni ċari dwar l-indirizzar ta’ suspett ta’ frodi

Pass 5. Tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-membri tal-persunal dwar il-frodi u jingħataw informazzjoni dwar ir-regoli interni rilevanti

76 Kull sena, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni fl-Istati Membri jirrieżaminaw il-konformità tal-aġenziji tal-pagamenti mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni u mas-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom. Skont il-Kummissjoni, jenħtieġ li huma jivvalutaw ukoll l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri kontra l-frodi li ġew irrakkomandati (ara l-Kaxxa 9). Il-Kummissjoni teżamina r-rapporti annwali tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, u tagħti segwitu għan-nuqqasijiet identifikati.

77 Fl-2016, il-Kummissjoni pprovdiet lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni linji gwida dwar il-kriterji ta’ akkreditazzjoni, inkluża taqsima dwar il-prevenzjoni u l-kxif tal-frodi, iżda ma tat l-ebda gwida dwar il-verifiki li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu mistennija jwettqu.

78 Irrieżaminajna r-rapporti tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni mill-2018 sal-2020 dwar ħames aġenziji tal-pagamenti. Tliet korpi taċ-ċertifikazzjoni rrappurtaw dwar il-verifiki tagħhom u għamlu rakkomandazzjonijiet meta sabu dgħufijiet, filwaqt li ż-żewġ korpi taċ-ċertifikazzjoni li jifdal ma inkludewx din l-informazzjoni fir-rapporti tagħhom. Il-Kummissjoni ma talbitx lil dawn iż-żewġ korpi taċ-ċertifikazzjoni biex jipprovdu xi dettalji ulterjuri.

79 Rieżaminar u rappurtar mhux kompleti mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jistgħu jfixklu l-aċċertament dwar il-kwalità tal-miżuri kontra l-frodi fis-seħħ fl-aġenziji tal-pagamenti. F’laqgħa mal-korpi taċ-ċertifikazzjoni li saret f’Novembru 2021, il-Kummissjoni kompliet tiddiskuti r-rwol tagħhom f’dan ir-rigward.

80 Id-DĠ AGRI jwettaq kontrolli tal-konformità u tal-akkreditazzjoni biex jivvaluta s-sistemi ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti, li jistgħu jkopru l-miżuri kontra l-frodi. Fir-rigward tal-kontrolli tal-akkreditazzjoni, aħna rrieżaminajna r-rapporti ta’ akkreditazzjoni tad-DĠ AGRI għall-Istati Membri li għażilna u sibna li:

  • għal Franza, ma twettaq l-ebda kontroll reċenti tal-akkreditazzjoni għat-tliet aġenziji tal-pagamenti magħżula,
  • għall-Italja, fl-2015 u fl-2019 twettqu inkjesti fl-aġenzija tal-pagamenti magħżula, iżda dawn iffukaw fuq il-ġestjoni tad-dejn aktar milli fuq il-miżuri kontra l-frodi,
  • għas-Slovakkja, id-DĠ AGRI ffoka fuq il-miżuri kontra l-frodi (ara l-paragrafu li jmiss u l-Kaxxa 10).

81 F’każijiet speċifiċi, fejn il-Kummissjoni ssir taf li jkun qed isir użu ħażin possibbli tal-fondi, l-aġenzija tal-pagamenti tista’ tkun suġġetta għal verifiki approfonditi (ara l-Figura 10 u l-Kaxxa 10).

Figura 10 – Korpi li jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ użu ħażin tal-fondi fis-Slovakkja

Sors: il-QEA.

Kaxxa 10

Ir-rispons tal-Kummissjoni għall-allegazzjonijiet ta’ użu ħażin tal-fondi tal-PAK fis-Slovakkja

Fl-2016, il-Kummissjoni saret taf b’allegazzjonijiet ta’ użu ħażin tal-fondi tal-PAK fis-Slovakkja. Mill-2016 ’il hawn, l-allegazzjonijiet ġew minn sorsi differenti: media, Membri tal-Parlament Ewropew, ilmenti minn ċittadini, l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar Slovakk. L-OLAF u l-korpi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi wettqu investigazzjonijiet34.

Fl-2018, id-DĠ AGRI staqsa lill-Awtorità Kompetenti Slovakka (il-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali) dwar allegazzjonijiet rigward nuqqasijiet sistemiċi fl-aġenzija tal-pagamenti. Wara diversi skambji, l-Awtorità Kompetenti talbet lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex jiffoka fuq dawk l-allegazzjonijiet bħala parti mill-verifiki taċ-ċertifikazzjoni tiegħu għas-sena finanzjarja 2018. Il-korp taċ-ċertifikazzjoni rrapporta li l-aġenzija tal-pagamenti Slovakka ma kinitx konformi mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni dwar il-monitoraġġ tar-riskju ta’ frodi.

Sadanittant, id-DĠ AGRI wettaq verifiki tal-konformità fuq il-pagamenti diretti u l-miżuri ta’ żvilupp rurali, u talab lill-aġenzija tal-pagamenti biex tadotta pjanijiet ta’ azzjoni sabiex tindirizza d-dgħufijiet identifikati.

Fl-2020, b’segwitu għal proċedimenti kriminali kontra xi wħud mill-impjegati tal-aġenzija tal-pagamenti, ditta tal-awditjar wettqet proċeduri forensiċi addizzjonali u sabet dgħufijiet kbar fis-sistemi ta’ kontroll intern tal-aġenzija tal-pagamenti għall-iżvilupp rurali. Il-korp taċ-ċertifikazzjoni rrapporta wkoll dgħufijiet kbar fis-sistemi ta’ kontroll intern għall-pagamenti diretti.

Bħala miżura ta’ prekawzjoni, id-DĠ AGRI ssospenda l-pagamenti għal xi miżuri ta’ investiment fl-iżvilupp rurali, u talab lill-awtorità kompetenti Slovakka biex tqiegħed l-akkreditazzjoni tal-aġenzija tal-pagamenti taħt prova sa Ottubru 2021. F’Ottubru 2021, l-awtorità kompetenti Slovakka neħħiet l-istatus ta’ prova tal-aġenzija tal-pagamenti, għalkemm il-Kummissjoni kienet irrakkomandat li l-perjodu ta’ prova jiġi estiż b’erba’ xhur.

Il-Kummissjoni ppromwoviet l-użu ta’ teknoloġiji ġodda iżda dawn mhumiex sfruttati b’mod suffiċjenti

82 Il-Kummissjoni ppromwoviet l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fit-twettiq ta’ verifiki amministrattivi permezz tal-IACS. Hija ħeġġet ukoll l-użu tal-“verifiki permezz tal-monitoraġġ” u Arachne.

83 Mill-2018 ’il hawn, l-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jwettqu “verifiki permezz tal-monitoraġġ”. Dan l-approċċ juża proċessi awtomatizzati biex jivverifikaw il-konformità mar-regoli tal-PAK għal karatteristiċi li jistgħu jiġu mmonitorjati abbażi ta’ data tas-satelliti. Sa issa, l-aġenziji tal-pagamenti użaw prinċipalment il-“verifiki permezz tal-monitoraġġ” biex jivvalutaw it-talbiet għall-għajnuna bbażati fuq l-erja taħt skemi ta’ pagament dirett.

84 L-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jqabblu d-data tas-satelliti dwar it-tipi ta’ għelejjel u l-attività agrikola mal-informazzjoni pprovduta mill-bdiewa fl-applikazzjonijiet tagħhom għall-għajnuna. Fejn il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha ta’ skema ta’ pagament partikolari jkunu jistgħu jiġu evalwati mill-ispazju, dan jippermetti li l-aġenziji tal-pagamenti jimmonitorjaw mill-bogħod il-popolazzjoni kollha tal-irqajja’ ddikjarati.

85 L-approċċ il-ġdid jippermetti li l-aġenziji tal-pagamenti jwissu lill-bdiewa dwar nuqqas ta’ konformità potenzjali matul l-istaġun tat-tkabbir (pereżempju, il-ħsad ta’ għalqa sa ċerta data). Dan jipprovdi lill-bdiewa aktar opportunitajiet biex jikkoreġu t-talbiet tagħhom qabel ma jiġu ffinalizzati, u jħeġġeġ il-konformità mar-regoli tal-iskema35.

86 Il-“verifiki permezz tal-monitoraġġ” għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-piż amministrattiv u jtejbu l-kosteffettività36. Billi jipprovdu osservazzjonijiet regolari tal-attività agrikola ta’ popolazzjoni kollha kemm hi ta’ benefiċjarji, huma għandhom effett ta’ deterrent u jistgħu jgħinu biex jiġu identifikati sinjali ta’ allarm għal frodi potenzjali.

87 Mill-2013 ’il hawn, il-Kummissjoni żviluppat Arachne, l-għodda tal-IT tagħha stess għall-klassifikazzjoni tar-riskju, li hija disponibbli għall-Istati Membri mingħajr ħlas u fuq bażi volontarja. Arachne tipproċessa u tanalizza d-data pprovduta mill-Istati Membri dwar il-benefiċjarji, il-kuntratturi u l-partijiet ikkonċernati l-oħra li jkunu relatati ma’ proġett, u tagħmel kontroverifika tad-data ma’ informazzjoni minn bażijiet ta’ data esterni dwar kumpaniji u persuni marbuta ma’ dawk il-kumpaniji. Din tista’ tidentifika proġetti, benefiċjarji u kuntratturi li jkunu f’riskju ta’ frodi.

88 Oriġinarjament żviluppata għall-qasam tal-infiq fuq il-koeżjoni, Arachne ġiet estiża għall-PAK permezz ta’ proġett pilota li tnieda fi Frar 2019 li jkopri proġetti tal-iżvilupp rurali.

89 Il-leġiżlazzjoni li se tirregola l-PAK mill-202337 tirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel l-għodda disponibbli biex tintuża b’mod volontarju mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tippubblika rapport ta’ valutazzjoni fl-2025. Permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ħadu l-impenn li jeżaminaw proposta dwar l-użu obbligatorju tal-għodda, b’segwitu għar-rapport ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni38.

L-implimentazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji mill-Istati Membri tieħu ż-żmien

90 Fir-rapport speċjali tagħna dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għall-monitoraġġ tal-PAK, irrakkomandajna li l-Kummissjoni tippromwovi l-“verifiki permezz tal-monitoraġġ” bħala sistema ta’ kontroll ewlieni għall-PAK ta’ wara l-202039, u l-Kummissjoni impenjat lilha nfisha li tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw dan l-approċċ il-ġdid.

91 Fi tmiem l-2020, sentejn mill-bidu tal-għodda, il-“verifiki permezz tal-monitoraġġ” koprew 5.7 % tal-erja totali li tirċievi pagamenti diretti40. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, sa tmiem l-2021 din il-kopertura kienet laħqet it-13.1 %.

92 Skont il-PAK il-ġdida, l-analiżi awtomatizzata permezz tad-data tas-satelliti se tkun obbligatorja għall-miżuri bbażati fuq l-erja fl-Istati Membri kollha permezz tas-“Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Erja” (AMS). Il-Kummissjoni tistenna li dan ir-rekwiżit iżid l-erja li tiġi mmonitorjata bis-satellita.

93 Sentejn wara t-tnedija tal-proġett pilota Arachne għall-PAK, 741 minn 76 aġenzija tal-pagamenti tellgħu d-data u sa ċertu punt użaw l-għodda, 442 jinsabu fil-modalità tal-ittestjar u 1043 bdew diskussjonijiet preliminari bil-ħsieb li jużawha. Peress li Arachne hija għodda għall-klassifikazzjoni tar-riskju bbażata fuq l-estrazzjoni ta’ data, l-utilità tagħha tiddependi fuq kemm l-awtoritajiet tal-Istati Membri jtellgħu data u jekk din tintużax.

Jeħtieġ li jiġi sfruttat il-potenzjal għal aktar żvilupp teknoloġiku

94 L-Intelliġenza Artifiċjali għandha potenzjal sinifikanti biex ittejjeb l-għodod tax-xogħol, u b’hekk tippermetti l-kxif ta’ xejriet fost biljuni ta’ punti ta’ data. L-għodod tal-estrazzjoni ta’ data jistgħu jagħmlu s-sistemi ta’ monitoraġġ aktar effiċjenti u kapaċi jikxfu l-frodi u l-immaniġġjar ħażin tal-fondi pubbliċi.

L-użu tal-big data fl-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji

95 Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u ta’ rappurtar pubbliċi huma essenzjali biex jippermettu l-obbligu ta’ rendikont u l-iskrutinju għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-frodi.

96 F’Mejju 2021, il-Parlament Ewropew ippubblika studju44, li janalizza l-benefiċjarji li rċevew fondi tal-PAK fl-2018 u l-2019, u l-fondi ta’ koeżjoni bejn l-2014 u l-2020, sabiex jiġu identifikati l-akbar benefiċjarji. L-istudju għamel distinzjoni bejn “benefiċjarji diretti” – ir-riċevituri diretti tal-fondi tal-UE – u “benefiċjarji finali” (sidien benefiċjarji), jiġifieri persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jikkontrollaw direttament jew indirettament l-akbar sehem tal-benefiċjarju dirett. L-istudju enfasizza d-diffikultajiet tekniċi u legali biex tinkiseb ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-benefiċjarji finali u l-ammonti ta’ fondi riċevuti mill-UE.

97 Ir-rapport wera li l-korpi pubbliċi, il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata u persuni ġuridiċi oħra kienu jikkostitwixxu madwar wieħed minn kull għaxra tal-benefiċjarji diretti, iżda rċevew aktar minn terz tal-fondi tal-PAK fil-perjodu 2018-2019. Sabiex jingħelbu l-frammentazzjoni u l-isfidi fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE, ir-rapport issuġġerixxa l-ħolqien ta’ bażi ta’ data komuni tal-UE li tinkludi l-proġetti kollha ffinanzjati mill-PAK u mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. F’Settembru 2021, il-Parlament Ewropew ippubblika studju dwar ir-rekwiżiti għal bażi ta’ data unika dwar il-benefiċjarji45.

98 Bażi ta’ data komuni tal-benefiċjarji tal-UE tkun tiġbor data dwar miljuni ta’ operaturi. Din il-big data tkun tippermetti l-identifikazzjoni ta’ xejriet fid-distribuzzjoni tal-fondi u tikkontribwixxi għat-twissija dwar sitwazzjonijiet frodulenti potenzjali.

99 Kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni fir-rapport PIF tagħha tal-202046, titjib fit-trasparenza dwar il-benefiċjarji (inklużi kuntratturi, sottokuntratturi u sidien benefiċjarji) ta’ finanzjament pubbliku (tal-UE u nazzjonali), u ġbir u użu aktar effiċjenti tad-data, filwaqt li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mill-interkonnettività tal-IT, l-estrazzjoni ta’ data u l-għodod għall-klassifikazzjoni tar-riskju, huma kruċjali għall-ġlieda kontra l-frodi.

100 Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027 fil-qasam tal-koeżjoni47 jirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament mill-UE. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-PAK tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw il-benefiċjarji, inkluża l-identifikazzjoni tal-grupp li jipparteċipaw fih, iżda ma ssemmix l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji48.

L-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-identifikazzjoni tar-riskji ta’ frodi

101 Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-aġenziji tal-pagamenti jistabbilixxu reġistru ta’ indikaturi tar-riskju ta’ frodi (“sinjali ta’ allarm”). B’rispons għall-istħarriġ tagħna, l-aġenziji tal-pagamenti pprovdew xi eżempji (il-Figura 11).

Figura 11 – Eżempji ta’ sinjali ta’ allarm stabbiliti mill-aġenziji tal-pagamenti

Sors: analiżi tal-QEA, ibbażat fuq stħarriġ lill-aġenziji tal-pagamenti.

102 Xi sinjali ta’ allarm, speċjalment dawk li jikkonċernaw il-pagamenti diretti, jistgħu jiġu inkorporati direttament fil-bażi ta’ data tas-SIAK. Pereżempju, l-awtoritajiet Taljani qed jippjanaw li jtellgħu fis-sistema tagħhom dettalji dwar l-irqajja’, li ġew ikkonfiskati, jew li huma suġġetti għal proċedimenti ġudizzjarji, biex b’hekk is-sistema tkun tista’ tagħti twissija.

103 It-tekniki ta’ tagħlim awtomatiku jistgħu jiġu sfruttati biex il-verifiki jkomplu jiġu awtomatizzati u jiżdiedu s-sinjali ta’ allarm. L-aġenzija tal-pagamenti fl-Estonja applikat tekniki ta’ tagħlim awtomatiku għall-immaġnijiet bis-satellita biex tipprevieni u tikxef nuqqasijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti dwar il-ħsad. L-aġenzija tal-pagamenti tqis li din is-sistema żiedet is-sensibilizzazzjoni fost il-benefiċjarji li l-attività ta’ monitoraġġ tagħha tkopri 100 % tal-irqajja’, u dan wassal għal effett ta’ deterrent u kkontribwixxa għall-prevenzjoni tal-irregolaritajiet u l-frodi. Aġenzija tal-pagamenti oħra implimentat sistema bbażata fuq algoritmu li jfittex indikaturi ta’ rqajja’ f’riskju ta’ talbiet irregolari. L-aġenzija tal-pagamenti mbagħad tidentifika l-kumpaniji b’għadd sinifikanti ta’ rqajja’ ta’ dan it-tip, fejn jista’ jkun hemm riskju akbar ta’ irregolarità u frodi.

104 Fl-Italja, inizjattiva konġunta bejn l-aġenzija tal-pagamenti nazzjonali u l-Ministeru għall-Intern għandha l-għan li tistabbilixxi mudell ta’ tfassil ta’ profili biex jiġu identifikati l-muniċipalitajiet bi probabbiltà għolja ta’ erjas b’fokus kriminali, billi jintużaw l-estrazzjoni ta’ data u l-fotointerpretazzjoni. Filwaqt li jeżamina l-immaġnijiet bis-satellita disponibbli fl-LPIS, il-proġett janalizza varjazzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi tal-elementi territorjali potenzjalment attribwibbli għal attivitajiet kriminali, bħal landfills illegali, tixrid, kwartieri foqra, artefatti illegali, u bini abbandunat. Meta jqabblu din l-informazzjoni mad-data dwar il-muniċipalitajiet, il-proġetti għandhom l-għan li jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn ikunu seħħew jew jistgħu potenzjalment iseħħu attivitajiet kriminali.

105 L-intelliġenza artifiċjali għandha potenzjal kbir iżda tirrikjedi volumi kbar ta’ data, f’format aċċessibbli, u interkonnessjoni tal-bażijiet ta’ data. B’risposta għall-istħarriġ tagħna, xi aġenziji tal-pagamenti enfasizzaw l-ostakli biex jaċċessaw id-data, bħal:

  • l-iskambju ta’ informazzjoni bejn atturi u bażijiet ta’ data differenti jista’ jiġi mxekkel minn rekwiżiti legali dwar is-segretezza bankarja jew il-protezzjoni tad-data;
  • l-interkonnessjoni tal-bażijiet ta’ data u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi u tal-kontrolli jirrikjedu kapaċità u għarfien espert speċifiċi fl-IT;
  • l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-IT meħtieġa jirrikjedi investiment finanzjarju sostanzjali, li jista’ jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-ammont ta’ fondi allokati għal xi miżuri, għal Stati Membri żgħar jew għal-livell ta’ frodi potenzjali.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

106 L-awditu li wettaqna eżamina jekk il-Kummissjoni ħaditx azzjoni xierqa dwar il-frodi fl-infiq taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Ivvalutajna xejriet ta’ frodi fl-iskemi ta’ pagament tal-PAK. Eżaminajna jekk il-Kummissjoni identifikatx u weġbitx kif xieraq għar-riskji ta’ frodi li jaffettwaw l-infiq taħt il-PAK.

107 Il-konklużjoni kumplessiva tagħna hija li l-Kummissjoni rreaġiet għall-każijiet ta’ frodi fl-infiq taħt il-PAK, iżda ma kinitx suffiċjentement proattiva fl-indirizzar tar-riskju tal-ħtif tal-art, fil-monitoraġġ tal-miżuri kontra l-frodi meħuda mill-Istati Membri, u fl-isfruttament tal-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda.

108 F’dan ir-rapport, aħna ppreżentajna ħarsa ġenerali lejn ir-riskji ta’ frodi li jaffettwaw il-PAK. Identifikajna riskji marbuta ma’ benefiċjarji li jaħbu ksur tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà (il-paragrafi 31 sa 38), mal-kumplessità tal-miżuri ffinanzjati (il-paragrafi 39 sa 41), u ma’ forom illegali ta’ “ħtif tal-art” (il-paragrafi 42 sa 58).

109 Il-Kummissjoni vvalutat ir-riskji ta’ frodi fl-infiq taħt il-PAK, u rrikonoxxiet il-miżuri ta’ investiment fl-iżvilupp rurali u ċerti miżuri tas-suq bħala dawk l-aktar f’riskju (il-paragrafu 65). Fl-2016 il-Kummissjoni wettqet l-aħħar analiżi tar-riskju ta’ frodi fil-PAK, u qed tippjana analiżi ġdida qabel ma l-PAK il-ġdida tidħol fis-seħħ f’Jannar 2023 (il-paragrafu 66).

110 Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri gwida dwar kwistjonijiet relatati mal-frodi (il-paragrafu 70), u l-maġġoranza tal-aġenziji tal-pagamenti apprezzaw din il-gwida (il-paragrafu 72). Mill-2020, il-Kummissjoni ddiskutiet dwar il-miżuri kontra l-frodi mal-Istati Membri matul laqgħat regolari (il-paragrafu 74), u fl-2021 ħarġet gwida speċifika dwar il-verifiki li l-aġenziji tal-pagamenti jeħtieġ li jwettqu fuq il-bażi ġuridika tal-art agrikola ddikjarata (il-paragrafu 57).

111 Il-verifiki tal-Kummissjoni fir-rigward tal-akkreditazzjoni u l-konformità tal-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jkopru l-miżuri kontra l-frodi (il-paragrafu 80). Il-Kummissjoni tiddependi fuq ir-rieżamijiet annwali tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex tiġi mmonitorjata l-konformità tal-aġenziji tal-pagamenti mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni tagħhom, inklużi l-miżuri kontra l-frodi (il-paragrafu 76). Fl-2016, il-Kummissjoni pprovdiet lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni linji gwida dwar il-kriterji ta’ akkreditazzjoni, iżda ma tat l-ebda gwida dwar il-verifiki li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu mistennija jwettqu fir-rigward tal-frodi (il-paragrafu 77). Xi rapporti tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni ftit li xejn ipprovdew analiżi tal-miżuri kontra l-frodi tal-aġenziji tal-pagamenti, iżda l-Kummissjoni ma talbitx li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni jipprovdu aktar dettalji f’dawn il-każijiet (il-paragrafu 78).

112 Il-Kummissjoni ppromwoviet l-użu ta’ teknoloġiji ġodda biex il-verifiki jiġu awtomatizzati, bħal fil-każ ta’ “verifiki permezz tal-monitoraġġ” ibbażati fuq immaġnijiet bis-satellita (il-paragrafi 83 sa 86), u żviluppat Arachne, l-għodda tagħha stess għall-klassifikazzjoni tar-riskju, biex tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jipprevienu l-frodi (il-paragrafi 87 sa 89). L-Istati Membri adottaw dawn it-teknoloġiji b’pass kajman (il-paragrafi 9193). L-intelliġenza artifiċjali u l-big data għandhom potenzjal fil-ġlieda kontra l-frodi (il-paragrafi 94104) iżda l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet (il-paragrafu 105). u l-Kummissjoni bdiet tippromwovi dawn it-teknoloġiji.

Rakkomandazzjoni 1 – Jinkiseb u jiġi kondiviż għarfien aktar profond tar-riskji ta’ frodi u tal-miżuri fl-infiq taħt il-PAK

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Taġġorna l-linji gwida għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex tikkjarifika r-rwol tagħhom fil-valutazzjoni tal-miżuri kontra l-frodi tal-aġenziji tal-pagamenti, u tivverifika kif il-korpi taċ-ċertifikazzjoni jsegwu l-linji gwida;
  2. tirrieżamina kif l-aġenziji tal-pagamenti jimplimentaw il-gwida dwar il-verifikazzjoni li l-art tkun għad-dispożizzjoni legali tal-applikanti, u xxerred l-aħjar prattiki li jindirizzaw ir-riskji tal-ħtif illegali tal-art;
  3. fuq il-bażi ta’ a) u b), taġġorna l-valutazzjoni tagħha tal-punt sa fejn l-iskemi ta’ nfiq differenti huma esposti għal riskji ta’ frodi u sa liema punt il-miżuri kontra l-frodi implimentati fil-livell tal-Istati Membri huma kapaċi jikxfuhom, jipprevenuhom u jikkoreġuhom, u tieħu l-miżuri meħtieġa biex jittaffew ir-riskji ewlenin ta’ frodi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2023

Rakkomandazzjoni 2 – Jiġi promoss l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-prevenzjoni u l-kxif tal-frodi fl-infiq taħt il-PAK

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tappoġġa lill-aġenziji tal-pagamenti fl-użu tagħhom tal-“verifiki permezz tal-monitoraġġ” u tas-“sistema ta’ monitoraġġ tal-erja” tal-ġejjieni billi tidentifika l-konġestjonijiet fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u tikkondividi l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet tekniċi dwar kif jitneħħew dawn il-konġestjonijiet;
  2. tippromwovi l-użu ta’ għodod għall-kxif tal-frodi, bħal Arachne, fost l-aġenziji tal-pagamenti, sabiex jiżdied l-għadd ta’ Stati Membri li jużawhom;
  3. tikkondividi mal-Istati Membri l-aħjar prattiki dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u t-tagħlim awtomatiku biex jiġu identifikati xejriet li jindikaw il-frodi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2024

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sinjura Joëlle Elvinger, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Mejju 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I — Pussess ta’ art agrikola (EU-27, 2016)

Abbrevjazzjonijiet

AFCOS: Servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi

AMS: Sistema ta’ monitoraġġ tal-erja

COCOLAF: Il-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi

COSO: Il-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet li Jisponsorjaw il-Kummissjoni Treadway

DĠ AGRI: Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

GSAA: Applikazzjoni ta’ għajnuna ġeospazjali

IMS: Sistema ta’ ġestjoni tal-irregolaritajiet

LPIS: Sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art

OLAF: L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

PAK: Politika agrikola komuni

PIF: Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, mill-Franċiż “protection des intérêts financiers

SIAK: Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll

SMEs: Intrapriżi żgħar u medji

UPPE: L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

VAT: Taxxa fuq il-valur miżjud

Glossarju

Aġenzija tal-pagamenti: Korp akkreditat minn Stat Membru biex jimmaniġġja u jikkontrolla l-infiq agrikolu tal-UE.

Applikazzjoni ta’ għajnuna ġeospazjali: Għodda online li permezz tagħha jiġu ppreżentati t-talbiet għall-għajnuna agrikola, ibbażati fuq l-erja.

Benefiċjarju: Persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi għotja jew selfa mill-baġit tal-UE.

Big data: L-ipproċessar, il-ġbir, il-ħżin u l-analiżi ta’ ammonti kbar ta’ data mhux strutturata, li joffru l-potenzjal li l-informazzjoni li tirriżulta tintuża għal għarfien ġdid.

Diġitalizzazzjoni: Il-bidla lejn l-inkorporazzjoni u l-użu tat-teknoloġija diġitali u tal-informazzjoni diġitalizzata biex il-proċessi u l-kompiti jsiru aktar sempliċi, aktar rapidi, aktar effiċjenti u/jew aktar ekonomiċi.

Dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni: Dikjarazzjoni ppubblikata fir-rapport annwali tal-QEA, li tistabbilixxi l-opinjoni tal-awditjar tagħha dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-UE u dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

Frodi stabbilita: Irregolarità li qorti tkun iddeċidiet li hija frodi.

Frodi suspettata: Irregolarità li tagħti lok għal proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji biex jiġi stabbilit jekk kinitx frodulenti.

Frodi: Użu intenzjonat u illegali ta’ qerq biex jinkiseb vantaġġ materjali billi parti oħra tiġi mċaħħda minn proprjetà jew flus.

Ġestjoni kondiviża: Metodu ta’ kif il-baġit tal-UE jintefaq fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ f’ġestjoni diretta, il-Kummissjoni tiddelega lill-Istat Membru iżda tibqa’ finalment responsabbli hi.

Il-bażi ta’ data Arachne: Għodda tal-estrazzjoni ta’ data żviluppata mill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-awtoritajiet maniġerjali u lill-aġenziji tal-pagamenti fil-ġestjoni u l-kontroll tal-Fondi SIE.

Il-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi: Korp tal-OLAF li jikkoordina kif il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġġieldu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE.

Intelliġenza artifiċjali: L-użu ta’ kompjuters biex tiġi simulata l-intelliġenza umana permezz ta’ kapaċitajiet bħat-tagħlim u s-soluzzjoni tal-problemi.

Intrapriżi żgħar u medji: Definizzjoni skont id-daqs, li tiġi applikata għal kumpaniji u għal organizzazzjonijiet oħra, fuq il-bażi tal-għadd ta’ impjegati u ta’ ċerti kriterji finanzjarji. L-intrapriżi żgħar ikollhom inqas minn 50 impjegat, u fatturat jew total tal-karta tal-bilanċ mhux ogħla minn EUR 10 miljun. L-intrapriżi ta’ daqs medju jkollhom inqas minn 250 impjegat, u fatturat mhux ogħla minn EUR 50 miljun jew total tal-karta tal-bilanċ mhux ogħla minn EUR 43 miljun.

Irregolarità: Ksur tar-regoli tal-UE (jew tar-regoli nazzjonali rilevanti) jew tal-obbligi kuntrattwali.

Korp taċ-ċertifikazzjoni: Fil-każ tal-infiq agrikolu, entità pubblika jew privata deżinjata mill-Istat Membru biex tiċċertifika kull sena l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti, il-legalità u r-regolarità tal-infiq, kif ukoll il-funzjonament xieraq tas-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom.

Korruzzjoni: Abbuż ta’ poter pubbliku, korporattiv jew personali għal qligħ illeċitu.

Miżura tas-suq: Intervent pubbliku fis-swieq agrikoli għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tnaqqis fil-prezzijiet u d-diffikultajiet strutturali permezz ta’ appoġġ speċifiku għas-settur (eż. frott u ħxejjex, inbid, ħalib għall-iskejjel).

Pagamenti diretti: Pagamenti ta’ appoġġ, fil-biċċa l-kbira għajnuna relatata maż-żona, li jsiru direttament lill-bdiewa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija.

Pjan ta’ azzjoni: Dokument li jistabbilixxi l-passi li għandhom jittieħdu biex jintlaħaq għan partikolari.

Programm tal-iżvilupp rurali: Sett ta' objettivi u azzjonijiet pluriennali nazzjonali jew reġjonali, approvati mill-Kummissjoni, għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ żvilupp rurali tal-UE.

Servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi: Korp maħtur minn kull Stat Membru biex jiffaċilita l-kooperazzjoni mal-OLAF.

Sinjal ta’ allarm: Indikatur tar-riskju li tranżazzjoni jew attività oħra jistgħu jkunu frodulenti.

Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll: Mekkaniżmu tal-UE li l-Istati Membri jużaw biex jimmaniġġjaw u jivverifikaw pagamenti li jsiru favur il-bdiewa taħt il-politika agrikola komuni.

Sistema ta’ ġestjoni tal-irregolaritajiet: Applikazzjoni li l-Istati Membri jużaw biex jirrappurtaw l-irregolaritajiet, inkluża l-frodi suspettata, lill-OLAF. 

Sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art: Bażi ta’ data tal-art agrikola fl-Istati Membri, li tintuża għall-ħlas ta’ għajnuna diretta taħt il-politika agrikola komuni u għall-verifiki ta’ eliġibbiltà fuq it-talbiet li jsiru mill-bdiewa.

Sistema ta’ monitoraġġ tal-erja: Teknoloġija għall-osservazzjoni, it-traċċar u l-valutazzjoni sistematiċi tal-attivitajiet agrikulturali bl-użu tad-data tas-satelliti.

Tagħlim awtomatiku: Il-proċess li fih applikazzjoni tal-IT tuża l-intelliġenza artifiċjali biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha f’kompitu speċifiku.

Verifiki permezz tal-monitoraġġ: Sostitut għal verifiki fuq il-post, li jinvolvu l-osservazzjoni, it-traċċar u l-valutazzjoni sistematiċi tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u tal-obbligi, bl-użu tad-data tas-satelliti.

Żball: Ir-riżultat ta’ kalkolu skorrett jew ta’ irregolarità li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti legali u kuntrattwali.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn João Figueiredo, Membru tal-QEA, li mbagħad ġie sostitwit minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA, bl-appoġġ ta’ Paula Betencourt u Kristian Sniter, Kapijiet tal-Kabinett u Matteo Tartaggia, Attaché tal-Kabinett; Richard Hardy, Maniġer Prinċipali; Michela Lanzutti, Kap tal-Kompitu; Antonio Caruda Ruiz, Servane De Becdelievre, Jan Machán, Adrien Meric u Milan Šmíd, Awdituri. Marika Meisenzahl ipprovdiet appoġġ grafiku.

 

Mix-xellug għal-lemin: Antonio Caruda Ruiz, Michela Lanzutti, Matteo Tartaggia, Nikolaos Milionis, Kristian Sniter, Servane De Becdelievre, Jan Machán, Marika Meisenzahl.

Noti finali

1 L-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 (“Direttiva PIF”). L-abbrevjazzjoni PIF ġejja mill-Franċiż “protection des intérêts financiers” u tirreferi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

2 Ara eż. id-dokument Association of Certified Fraud Examiners.

3 Ir-rapporti PIF huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

4 Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja.

5 L-Artikolu 7(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013; l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014.

6 Ir-Rapport Speċjali 01/2019 “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE”, u r-Rapport Speċjali 06/2019 “L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni tal-UE”.

7 Ir-Rapport Annwali 2019, il-paragrafi 6.34-6.41 u 6.44.

8 Ir-rapport PIF tal-2020 tal-Kummissjoni, Anness 1, COM(2021)578.

9 Ir-Rapport Speċjali 01/2019 “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE”, il-paragrafi 23-28, u r-Rapport Speċjali 06/2019 “L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni tal-UE”, il-paragrafi 47-57.

10 L-Istrateġija tad-DĠ AGRI kontra l-frodi, il-Verżjoni 4.0 – Ares(2020)5099349, il-paragrafu 7.3.1.

11 Ir-Rapport Annwali 2019, il-paragrafi 6.35 u 6.36.

12 Ir-Rapport Annwali 2016, l-Anness 7.3, l-eżempju 1.

13 Ir-Rapport Annwali 2018, il-Kaxxa 7.3.

14 Ir-Rapport 2018 tal-OLAF, p. 28.

15 Ir-Rapport Annwali 2017, il-Kaxxa 7.6.

16 Każ li ġie rrappurtat fil-bażi ta’ data tal-IMS.

17 Tranżazzjoni awditjata għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2016.

18 L-Artikoli 33(1) u 36(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

19 Il-Parlament Ewropew (PE), “Extent of farmland grabbing in the EU”, p. 15; Istitut Transnazzjonali (TNI)-European Coordination Via Campesina (ECVC), “Land concentration, land grabbing and people’s struggles in Europe”, p. 16.

20 Il-PE, “Addressing the human rights impacts of ‘land grabbing’”.

21 Il-PE, “Extent of farmland grabbing in the EU”.

22 Ir-Rapport 2017 tal-OLAF, pp. 20-21.

23 Stqarrija għall-istampa Nru 03/2021 tal-OLAF.

24 Is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Land Berlin, il-Kawża C-216/19, il-paragrafu 34.

25 L-Artikoli 58(2) u 59(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

26 Is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, Luigi Pontini et, il-Kawża C-375/08, il-paragrafu 90.

27 L-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014; il-Kawża C-216/19, il-paragrafu 42-43.

28 Il-Kawża C-216/19, il-paragrafu 45.

29 Nota tad-DĠ AGRI dwar ir-rekwiżit ta’ “ettari eliġibbli għad-dispożizzjoni tal-bidwi” (DS/CDP/2021/08).

30 Ir-Rapport 2018 tal-OLAF, pp. 27-28.

31 Is-COSO, Fraud risk management guide, p. ix.

32 L-Istrateġija tad-DĠ AGRI kontra l-frodi, il-Verżjoni 4.0 – Ares(2020)5099349, pp. 22-26.

33 L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 907/2014.

34 Tweġiba mogħtija mill-Kummissarju għall-mistoqsija parlamentari P-004224/2020 fis-27 ta’ Awwissu 2020.

35 Ir-Rapport Speċjali 04/2020, il-paragrafi 11-12 u 16-18.

36 Ir-Rapport Speċjali 04/2020, il-paragrafi 17-18.

37 L-Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

38 Dikjarazzjonijiet dwar ir-Regolament (UE) 2021/2116 (2021/C 488/02).

39 Ir-Rapport Speċjali 04/2020, il-paragrafu 82.

40 Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2020 tad-DĠ AGRI, l-Anness 2, p. 25 (indikatur tar-riżultati 3.5).

41 L-aġenziji tal-pagamenti mill-Estonja, il-Kroazja, l-Italja, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

42 L-aġenziji tal-pagamenti mill-Greċja u minn Spanja (3).

43 L-aġenziji tal-pagamenti mill-Belġju, il-Bulgarija, Spanja (2), Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall u l-Iżvezja.

44 The Largest 50 Beneficiaries in each EU Member State of CAP and Cohesion Funds.

45 Requirements for a single database of beneficiaries.

46 Rapport PIF tal-2020 tal-Kummissjoni, p. 44.

47 L-Artikolu 69(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

48 L-Artikolu 59(4) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-8018-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/006585 QJ-AB-22-011-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-8006-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/643 QJ-AB-22-011-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux jgħawġu t-tifsira jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu

Data Miftuħa mill-UE
Il-portal Data Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.