Rapport Speċjali
Nru32 2018

Il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika: għodda flessibbli, iżda mhuwiex iffukat biżżejjed

Dwar ir-rapport Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika (l-“EUTF għall-Afrika”) għandu l-għan li jippromwovi l-istabbiltà u jgħin biex il-migrazzjoni tiġi mmaniġġjata aħjar billi jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża d-destabilizzazzjoni, l-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari. Huwa jappoġġa attivitajiet f’26 pajjiż fi tliet reġjuni tal-Afrika: is-Saħel u l-Lag Chad, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta’ Fuq. L-awditu tagħna eżamina jekk l-EUTF għall-Afrika huwiex imfassal u implimentat tajjeb. Aħna nikkonkludu li l-EUTF għall-Afrika huwa għodda flessibbli, iżda meta nqisu l-isfidi mingħajr preċedent li huwa qed jiffaċċja, jidhrilna li t-tfassil tiegħu kellu jkun aktar iffukat. Meta mqabbel ma’ strumenti tradizzjonali, l-EUTF għall-Afrika kien aktar rapidu fit-tnedija tal-proġetti, iżda ffaċċja sfidi simili bħall-istrumenti tradizzjonali, li jdewmu l-implimentazzjoni tagħhom. Il-proġetti awditjati kienu f’fażi bikrija, iżda kienu bdew jipproduċu l-outputs.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Minn Jannar 2013 'il hawn, ir-Regolament Finanzjarju li jirregola l-baġit tal-UE ppermetta lill-Kummissjoni Ewropea toħloq u tamministra l-fondi fiduċjarji tal-Unjoni Ewropea għal azzjonijiet esterni. Dawn huma fondi fiduċjarji multidonaturi għal azzjonijiet ta’ emerġenza, ta’ wara emerġenza jew tematiċi.

II

Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika (l-“EUTF għall-Afrika”) għandu l-għan li jippromwovi l-istabbiltà u jgħin biex il-migrazzjoni tiġi mmaniġġjata aħjar billi jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża d-destabilizzazzjoni, l-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari. Dan intlaħaq qbil dwaru fis-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni li sar f’Novembru 2015. Huwa jappoġġa attivitajiet f’26 pajjiż fi tliet reġjuni tal-Afrika (imsejħa “żoni”): is-Saħel u l-Lag Chad, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta’ Fuq.

III

Aħna eżaminajna jekk l-EUTF għall-Afrika huwiex imfassal u implimentat tajjeb. Aħna nikkonkludu li l-EUTF għall-Afrika huwa għodda flessibbli, iżda meta nqisu l-isfidi mingħajr preċedent li huwa qed jiffaċċja, jidhrilna li t-tfassil tiegħu kellu jkun aktar iffukat. Meta mqabbel ma’ strumenti tradizzjonali, l-EUTF għall-Afrika kien aktar rapidu fit-tnedija tal-proġetti. B’mod kumplessiv, huwa rnexxielu jħaffef l-iffirmar tal-kuntratti u l-ħlas ta’ pagamenti bil-quddiem. Madankollu, il-proġetti jiffaċċjaw sfidi simili bħal dawk tal-istrumenti tradizzjonali li jdewmu l-implimentazzjoni tagħhom.

IV

Aħna sibna li l-objettivi tal-EUTF għall-Afrika huma ġenerali. Dan ippermetta li jkun hemm flessibbiltà f’termini ta’ adattament tal-appoġġ għal sitwazzjonijiet differenti u li qed jinbidlu, iżda huwa inqas utli fl-orjentazzjoni tal-azzjoni fit-tliet żoni u fil-kejl tal-impatt. Il-Kummissjoni ma analizzatx u ma kkwantifikatx b’mod komprensiv il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati mill-fond fiduċjarju, u lanqas il-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Aħna sibna wkoll li l-gwida strateġika pprovduta lill-maniġers tat-tliet żoni ma kinitx speċifika biżżejjed, u li l-aggregazzjoni tar-riżorsi u l-kapaċitajiet tad-donaturi għadha mhix effettiva biżżejjed.

V

Fir-rigward tal-implimentazzjoni, aħna sibna li l-proċeduri għall-għażla tal-proġetti kienu jvarjaw bejn iż-żoni u li l-kriterji għall-valutazzjoni tal-proposti għall-proġetti ma kinux ċari jew iddokumentati biżżejjed. Barra minn hekk, il-vantaġġ kumparattiv tal-finanzjament tal-proġetti permezz tal-EUTF għall-Afrika mhux dejjem ġie spjegat tajjeb.

VI

Filwaqt li l-EUTF għall-Afrika adotta sistema komuni ta’ monitoraġġ, din għadha mhix operazzjonali u t-tliet żoni jużaw sistemi differenti għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni. Aħna sibna li l-objettivi tal-proġetti spiss ma kinux SMART, u li l-indikaturi użati għall-kejl tal-prestazzjoni tal-proġetti kellhom nuqqas ta’ linji bażi. Il-proġetti awditjati kienu f’fażi bikrija tal-implimentazzjoni, iżda kienu bdew jipproduċu l-outputs.

VII

L-EUTF għall-Afrika kkontribwixxa għall-isforz li sar biex jitnaqqas l-għadd ta’ migranti irregolari li jaqsmu mill-Afrika għall-Ewropa, iżda dan il-kontribut ma jistax jitkejjel b’mod preċiż.

VIII

Fuq il-bażi tal-awditu tagħna, aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, li għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli, peress li l-EUTF għall-Afrika huwa mistenni li jintemm fl-2020. Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • ittejjeb il-kwalità tal-objettivi tal-EUTF għall-Afrika,
  • tirrevedi l-proċedura tal-għażla għall-proġetti,
  • tieħu miżuri biex tħaffef l-implimentazzjoni,
  • ittejjeb il-monitoraġġ tal-EUTF għall-Afrika.

Introduzzjoni

Dwar il-fondi fiduċjarji tal-UE

01

Il-fondi fiduċjarji (TFs) li jiġu stabbiliti għal skop speċifiku ta’ żvilupp, b’kontribuzzjonijiet finanzjarji minn donatur wieħed jew aktar, ġeneralment jiġu amministrati minn organizzazzjoni internazzjonali bħall-Bank Dinji jew in-Nazzjonijiet Uniti. Mis-snin disgħin 'il hawn, it-TFs qed jintużaw dejjem aktar bħala strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni internazzjonali. Huma spiss jiġu stabbiliti b’reazzjoni għal kriżijiet bħal diżastri naturali jew kunflitti.

02

Mill-2013 ‘il hawn, ir-Regolament Finanzjarju ppermetta lill-Kummissjoni toħloq fondi fiduċjarji tal-Unjoni Ewropea (EUTFs)1. L-EUTFs huma magħmulin minn fondi aggregati mill-baġit tal-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), flimkien ma’ kontribuzzjonijiet minn donatur wieħed jew aktar donaturi oħra, inklużi l-Istati Membri u pajjiżi donaturi mhux tal-UE. L-EUTFs għal azzjoni ta’ emerġenza jew ta’ wara emerġenza jistgħu jiġu implimentati jew direttament mill-Kummissjoni jew inkella indirettament billi l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit jiġu fdati f'idejn korpi speċifiċi2.

L-EUTF għall-Afrika

03

Fl-2014, l-għadd ta’ migranti li kienu qed jippruvaw jaslu fl-Ewropa billi jaqsmu l-fruntieri tan-Nofsinhar tagħha żdied drastikament, b’konsegwenza tal-instabbiltà fis-Sirja, fl-Iraq, fl-Eritrea u fl-Afganistan, kif ukoll fir-reġjuni tas-Saħel u tal-Lag Chad. Ħafna migranti minn reġjuni differenti fl-Afrika tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran biex jippruvaw jaslu fl-Ewropa. Dawn ir-reġjuni saru l-punt fokali tal-politika esterna tal-UE dwar il-migrazzjoni, b’mod partikolari minn meta ngħalqet l-hekk imsejħa rotta tal-Balkani fl-2016, wara l-ftehim bejn l-UE u t-Turkija.

04

F’April 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jirreaġixxi għal din il-kriżi, billi laqqa’ summit internazzjonali biex jiddiskuti kwistjonijiet ta’ migrazzjoni ma’ Stati Afrikani u ma’ pajjiżi ewlenin oħra. Is-summit seħħ fil-11 u t-12 ta’ Novembru 2015 fil-Belt Valletta (Malta). Huwa rriżulta f’dikjarazzjoni komuni u Pjan ta' Azzjoni mibnija madwar 5 oqsma ta’ prijorità u 16-il inizjattiva ta’ prijorità. Barra minn hekk, fit-12 ta’ Novembru 2015, 25 Stat Membru tal-UE, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw il-Ftehim Kostituttiv3, li stabbilixxa uffiċjalment il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika (l-“EUTF għall-Afrika”), flimkien mal-istrateġija tiegħu li takkumpanjah.

05

L-EUTF għall-Afrika huwa t-tielet minn erba’ TFs4 li ġew immaniġġjati sa issa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”). Huwa ta’ benefiċċju għal 26 pajjiż Afrikan5 fit-tliet reġjuni (li għal finijiet amministrattivi jissejħu “żoni”): is-Saħel u l-Lag Chad (SLC), il-Qarn tal-Afrika (HoA) u l-Afrika ta’ Fuq (NoA). Il-pajjiżi koperti mill-EUTF jidhru fil-Figura 1.

Figura 1

Pajjiżi koperti mill-EUTF għall-Afrika

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, “2017 annual report of the EUTF for Africa” (Rapport Annwali 2017 dwar l-EUTF għall-Afrika).

06

Il-Ftehim Kostituttiv tal-EUTF għall-Afrika stabbilixxa l-korpi ta’ governanza u dawk maniġerjali:

  1. Bord tal-Fond Fiduċjarju ppresedut mill-Kummissjoni (id-DĠ DEVCO) u assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u minn servizzi oħra tal-Kummissjoni. Huwa magħmul minn rappreżentanti tad-donaturi (l-Istati Membri tal-UE kif ukoll il-pajjiżi l-oħra, li kkontribwew mill-inqas EUR 3 miljun), u minn rappreżentanti tal-Kummissjoni li jaġixxu f’isem l-Unjoni Ewropea. Sa issa, l-ebda pajjiż Afrikan ma ddeċieda li jipparteċipa fl-EUTF għall-Afrika bħala Membru sħiħ bid-dritt ta' vot. Id-donaturi li ma tawx il-kontribuzzjoni minima jipparteċipaw bħala osservaturi6 (ara l-Anness I). Fejn ikun rilevanti, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi kkonċernati u l-organizzazzjonijiet reġjonali tagħhom jistgħu jiġu wkoll mistiedna bħala osservaturi. Mill-2017 ’il hawn, il-Parlament Ewropew ingħata l-istatus ta’ osservatur. Il-Bord tal-Fond Fiduċjarju jipprovdi linji gwida strateġiċi dwar l-użu tal-fondi;
  2. Kumitat Operazzjonali (OpCom) għal kull żona biex jeżamina u japprova l-azzjonijiet iffinanzjati mit-TF. Huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni7, tas-SEAE, kif ukoll minn rappreżentanti tad-donaturi (l-Istati Membri tal-UE kif ukoll pajjiżi oħra), li kkontribwew mill-inqas EUR 3 miljun. Fir-rigward tal-Bord tal-Fond Fiduċjarju, id-donaturi li ma tawx il-kontribuzzjoni minima, l-Istati Membri tal-UE mhux kontributuri, il-pajjiżi kkonċernati u l-organizzazzjonijiet reġjonali tagħhom jistgħu jattendu għal laqgħat bħala osservaturi. Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew ma għandhomx l-istatus ta’ osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat Operazzjonali;
  3. il-ġestjoni tal-fond fiduċjarju tiġi żgurata mill-Kummissjoni (fiduċjarju) li taġixxi bħala s-segretarjat tal-Bord tal-Fond Fiduċjarju u tal-Kumitati Operazzjonali. Hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-fond fiduċjarju u tiddelega l-kompiti ta’ ġestjoni lill-membri tal-persunal tagħha (Maniġers tat-TF) f’konformità mar-regoli ta' proċedura (ara l-Anness II).
07

L-EUTF għall-Afrika huwa mistenni li jopera mill-2015 sa tmiem l-2020. Fi tmiem Awwissu 2018, il-kontribuzzjonijiet għall-EUTF għall-Afrika ammontaw għal total ta’ EUR 4.09 biljun. L-akbar parti ta’ dan l-ammont (EUR 3.6 biljun, li jirrappreżentaw 89 % tal-kontribuzzjonijiet totali) kienet tikkonsisti fi trasferimenti mill-FEŻ u mill-baġit tal-UE. L-Istati Membri tal-UE, flimkien man-Norveġja u l-Iżvizzera, ikkontribwew EUR 439 miljun (11 %). Il-Figura 2 tqabbel il-kontribuzzjonijiet li saru għall-fondi fiduċjarji kollha tal-UE.

Figura 2

Kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u minn donaturi oħra għall-fondi fiduċjarji tal-UE fil-31 ta’ Awwissu 2018

Fondi Fiduċjarji tal-UE
Isem Kontribuzzjonijiet totali (miljun EUR) Kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ donaturi oħra (miljun EUR) Kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ donaturi oħra bħala perċentwal tat-total
EUTF għall-Afrika 4 092 439 11 %
EUTF Bêkou 240 66 27 %
EUTF għall-Kolombja 96 23 24 %
EUTF Madad 1 571 152 10 %

Sors: Ir-Rapport ta’ Kull Xahar dwar l-Implimentazzjoni Pluriennali tal-fondi fiduċjarji tal-UE fil-31 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Baġit. Iċ-ċifri kollha ġew arrotondati.

08

Meta ġie stabbilit għall-ewwel darba fi tmiem l-2015, l-EUTF għall-Afrika kien jirrappreżenta 1.5 % tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp kollha li tingħata lill-pajjiżi li huwa jkopri.

09

Minħabba t-tipi differenti ta’ emerġenzi u s-sitwazzjonijiet lokali diffiċli, l-EUTF għall-Afrika jinkludi attivitajiet li jvarjaw minn assistenza ta’ emerġenza sa għajnuna għall-iżvilupp.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

10

L-awditu tal-prestazzjoni tagħna eżamina jekk l-EUTF għall-Afrika huwiex imfassal u implimentat tajjeb. Aħna koprejna l-perjodu minn meta ġie stabbilit fi tmiem l-2015 sa tmiem Frar 2018. L-ewwel parti ta’ dan ir-rapport teżamina t-tfassil tal-EUTF għall-Afrika (l-objettivi tiegħu, l-analiżi tal-ħtiġijiet tal-Kummissjoni u l-finanzjament). It-tieni parti teżamina aspetti speċifiċi tal-implimentazzjoni tal-EUTF għall-Afrika (il-proċeduri tal-għażla għall-proġetti, is-sistema ta’ monitoraġġ u l-outputs mogħtija mill-proġetti awditjati).

11

Aħna wettaqna l-awditu bejn Novembru 2017 u Marzu 2018. Ix-xogħol tagħna kien jinkludi analiżi dokumentarja tal-evidenza tad-dokumenti, bħal dokumenti ta’ programmazzjoni, rapporti ta’ progress, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġetti, kif ukoll dokumentazzjoni rilevanti dwar il-mekkaniżmi tal-fondi fiduċjarji f’organizzazzjonijiet Internazzjonali (in-NU u l-Bank Dinji). Aħna wettaqna żjarat fuq il-post fin-Niġer u lid-delegazzjoni tal-UE għal-Libja8. Aħna intervistajna persunal inkarigat mill-EUTF għall-Afrika fid-DĠ DEVCO, fis-SEAE, fid-DĠ NEAR, fid-DĠ ECHO, kif ukoll ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Saħel, id-delegazzjonijiet tal-UE (EUDELs) għan-Niġer u l-Libja, għadd ta’ donaturi għall-EUTF għall-Afrika9 u l-awtoritajiet minn pajjiżi Afrikani. Aħna ħadna kont tax-xogħol tal-awditjar rilevanti preċedenti tagħna u dak tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni.

12

Il-pajjiżi li saritilhom żjara ntgħażlu minn żewġ żoni, l-SLC u n-NoA, fejn saret il-maġġoranza l-kbira tal-infiq tal-EUTF għall-Afrika sa issa. Il-pajjiżi li għandhom l-akbar allokazzjoni mill-fond f’dawn iż-żoni huma n-Niġer u l-Libja. Aħna eżaminajna 20 proġett li kienu għaddejjin fiż-żewġ pajjiżi. Fin-Niġer, aħna żorna sebgħa minn disa’ proġetti li kienu għaddejjin, iżda dan ma kienx possibbli għall-proġetti fil-Libja minħabba s-sitwazzjoni tas-sigurtà fuq il-post. L-eżaminar tal-proġetti ntuża biex isostni l-valutazzjoni li wettaqna tat-tfassil u l-implimentazzjoni attwali tal-EUTF għall-Afrika. Aħna nużaw ir-referenzi numeriċi tal-proġetti (kif indikat fl-Anness III) matul dan ir-rapport kollu.

13

Billi dan huwa, bil-bosta, l-akbar fond fiduċjarju tal-UE, aħna wettaqna dan il-kompitu fl-2018 sabiex nikkontribwixxu għall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tat-TF, li l-Kummissjoni se twettaq dalwaqt.

Osservazzjonijiet

L-EUTF għall-Afrika huwa għodda flessibbli, iżda meta jitqiesu l-isfidi mingħajr preċedent li huwa qed jiffaċċja, it-tfassil tiegħu kellu jkun aktar iffukat

14

F’din il-parti, aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE fasslu l-EUTF għall-Afrika. Aħna vvalutajna l-objettivi strateġiċi u operazzjonali għat-TF u l-analiżi tal-ħtiġijiet li fuqha huma bbażati l-interventi tiegħu. Aħna qisna wkoll l-approċċ tal-Kummissjoni lejn l-aggregazzjoni tal-kapaċitajiet10 tad-donaturi attivi fir-reġjuni, u jekk kienx hemm għodda għat-tagħlimiet meħuda u qafas ta' ġestjoni tar-riskju.

L-EUTF għall-Afrika huwa għodda flessibbli, iżda l-objettivi tiegħu huma ġenerali wisq biex tiġi orjentata l-azzjoni u jitkejjel l-impatt b’mod effiċjenti

15

Il-Kummissjoni stabbiliet it-TF malajr, wara li sar is-Summit tal-Belt Valletta f’Novembru 2015, u dan sar b’żewġ skopijiet. L-ewwel nett, bħala għodda ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-kriżijiet fir-reġjuni tas-Saħel u tal-Lag Chad, tal-Qarn tal-Afrika u tal-Afrika ta’ Fuq. It-tieni nett, l-objettiv prinċipali tiegħu huwa li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża d-destabilizzazzjoni, l-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari, b’mod partikolari billi jippromwovi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi u indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp u jindirizza l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem11.

16

Bħala TF ta’ emerġenza, l-EUTF għall-Afrika għandu l-għan li jipprovdi reazzjoni rapida, flessibbli u effettiva12 għal emerġenzi li jirriżultaw mill-kriżijiet fi tliet reġjuni. Madankollu, il-kriżijiet li huwa biħsiebu jindirizza ma ġewx iddefiniti b’mod ċar għal kull reġjun (eż. Il-kawżi ta’ kull kriżi, l-impatt tagħha fuq l-istabbiltà, ir-rabtiet ma’ kriżijiet oħra, id-durata stmata, il-ħtiġijiet l-aktar urġenti, u r-riżorsi stmati meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati).

17

L-imperattiv politiku li tingħata reazzjoni rapida għas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni wassal lill-EUTF għall-Afrika biex iniedi proġetti malajr. L-objettivi tiegħu nżammu ġenerali kemm jista’ jkun, sabiex il-biċċa l-kbira mill-azzjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu eliġibbli. It-tipi kollha ta’ proġetti ta’ żvilupp (eż. fl-oqsma tal-ikel u n-nutrizzjoni, is-sigurtà, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sostenibbiltà ambjentali, eċċ.) u metodi ta’ implimentazzjoni (il-ġestjoni indiretta, l-appoġġ baġitarju, eċċ.) jistgħu jintużaw, u effettivament intużaw taħt l-EUTF għall-Afrika. Filwaqt li din il-karatteristika għamlitu għodda flessibbli, hija għad-detriment ta’ strateġija li hija ffukata biżżejjed biex jiġi żgurat l-impatt. L-objettivi tat-TF, minn dawk strateġiċi13 sa dawk l-aktar speċifiċi fil-livell reġjonali, tal-pajjiż jew dak tematiku, u anke dawk għal azzjonijiet ta’ prijorità speċifiċi, ma għandhomx miri ċari u ma jistgħux jitkejlu.

18

Il-Bord tal-Fond Fiduċjarju huwa maħsub biex jipprovdi prijoritajiet strateġiċi u linji gwida lill-maniġers tat-TF. Sa issa, dawn ukoll kienu ġenerali ħafna u mhux speċifiċi (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Eżempji ta’ gwida ġenerali pprovduta mill-Bord tal-Fond Fiduċjarju

Fit-tieni laqgħa tal-Bord tal-Fond Fiduċjarju li saret fit-13 ta’ Diċembru 2016, il-President osserva, f’waħda mill-konklużjonijiet, li l-qafas strateġiku tal-EUTF għall-Afrika huwa ġenerali u ċar biżżejjed biex jibqa’ validu, u jkollu l-migrazzjoni, l-istabbiltà u l-iżvilupp bħala ċ-ċentru tal-gravità. Madankollu, b’kont meħud tar-riżorsi disponibbli għall-2017 u l-livell ta’ għarfien u evidenza, il-Kummissjoni Ewropea se tkun aktar selettiva għall-azzjonijiet li għandhom jiġu proposti lill-Kumitat Operazzjonali, sabiex tiżgura sinerġija u komplementarjetà totali ma’ strumenti oħra tal-UE, inkluż il-pjan ta' investiment estern Ewropew.

Fit-tielet laqgħa tal-Bord tal-Fond Fiduċjarju li saret fit-30 ta’ Ġunju 2017, il-President ikkonkluda li:

- ikompli jkun hemm fokus fuq l-implimentazzjoni billi kollettivament jiżdiedu l-operazzjonijiet mal-atturi implimentattivi;

- ikompli jiġi applikat approċċ ibbilanċjat fl-allokazzjoni tar-riżorsi fost l-objettivi strateġiċi differenti tal-EUTF għall-Afrika u l-pilastri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta;

- jiġi segwit approċċ integrat u kkoordinat.

19

Minkejja realtà li qed tinbidel kontinwament fuq il-post, id-Dokument ta’ Orjentazzjoni Strateġika14, li jiddefinixxi l-istrateġija kumplessiva tat-TF, ilu ma jiġi aġġornat mit-12 ta’ Novembru 2015, u l-oqfsa operazzjonali għat-tliet żoni ilhom ma jiġu aġġornati mill-approvazzjoni tagħhom fl-201615. Bħala eżempju, iż-żona tal-NoA, għall-bidu, iddeċidiet li tiffoka biss fuq l-Objettiv Strateġiku 3 (“Ġestjoni tal-migrazzjoni mtejba fil-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni”), iżda s-sitwazzjoni fir-reġjun ħolqot il-ħtieġa li jiġu inklużi proġetti relatati mal-objettivi strateġiċi l-oħra wkoll. Filwaqt li ż-żona tal-NoA adattat l-approċċ tagħha fil-prattika, id-dokumenti strateġiċi ma ġewx aġġornati. Dan kellu wkoll impatt fuq iċ-ċarezza u l-koerenza tar-rappurtar (ara l-paragrafu 53).

Il-Kummissjoni ma analizzatx b’mod komprensiv il-ħtiġijiet u l-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizzahom

Il-kwantifikazzjoni tal-ħtiġijiet
20

Id-Dokument ta’ Orjentazzjoni Strateġika jiddikjara li l-interventi tal-fond se jkunu bbażati fuq approċċ integrat u bbażat fuq l-evidenza. Fid-dokumentazzjoni li eżaminajna, aħna sibna prinċipalment deskrizzjonijiet narrattivi tal-kuntest u ta’ xi ħtiġijiet korrispondenti. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma hemmx analiżi kkwantifikata tal-ħtiġijiet u għalhekk ma hemmx linji bażi16 għat-TF fl-intier tiegħu. Aħna sibna wkoll li l-analiżijiet tal-ħtiġijiet imwettqa mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni taħt il-proġetti individwali spiss ma ġewx ikkwantifikati kif suppost. Dan jillimita l-abbiltà tal-Kummissjoni li turi li ġew identfikati l-prijoritajiet it-tajbin u, fl-aħħar mill-aħħar, li l-azzjonijiet approvati huma l-aktar rilevanti biex tindirizzahom. B’kont meħud tal-isfidi u tal-baġit inkwistjoni (EUR 3.3 biljun fi tmiem l-2017), il-kapaċità tal-kejl tal-prestazzjoni hija aspett importanti tal-obbligu ta’ rendikont.

21

Il-Kummissjoni ma stmatx l-ammont kumplessiv ta’ flus meħtieġ biex tissodisfa l-objettivi stabbiliti. Għaldaqstant, hija ma ddefinietx il-“massa kritika” meħtieġa biex jiġi ffinanzjat it-TF. Fl-14 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ddikjarat, fir-rigward tal-EUTF għall-Afrika, li dak iż-żmien kien għad jonqos aktar minn EUR 1 biljun għax-xogħol importanti li kien se jsir fil-futur. Din iċ-ċifra tirrappreżenta stima tal-ammont meħtieġ biex jiġu ffinanzjati proġetti pendenti aktar milli l-ammont meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-TF.

Aggregazzjoni tal-kapaċitajiet tad-donaturi u tagħlimiet meħuda
22

Id-Dokument ta’ Orjentazzjoni Strateġika jiddikjara li wieħed mill-prinċipji tal-intervent tat-TF huwa r-riċerka u l-analiżi b’saħħithom, li huma essenzjali għall-fehim tal-kuntest u għall-iżgurar li l-interventi jkollhom impatt pożittiv. Biex jikseb dan, l-EUTF għall-Afrika għandu jserraħ fuq il-faċilitajiet ta’ riċerka, filwaqt li jimmobilizza l-aħjar sħab disponibbli fir-riċerka, biex isaħħaħ l-għarfien u l-fehim tal-għeruq kumplessi ta’ dak li jikkawża l-instabbiltà, in-nuqqas ta’ sigurtà, il-migrazzjoni irregolari u l-ispostament sfurzat, il-motivaturi u l-fatturi ta’ bażi tagħhom. Fiż-żmien meta sar l-awditu, iż-żona tal-HoA biss kienet żviluppat Faċilità ta' Riċerka u Evidenza (REF) li tiffunzjona, li ġiet stabbilita f’Mejju 2016. Għaż-żoni tal-SLC u tal-NoA, il-Kummissjoni bdiet negozjati biex tiffinanzja kuntratti ta’ riċerka transreġjonali fi Frar 2018, li sa dan iż-żmien il-biċċa l-kbira mill-fondi kienu ġew approvati.

23

Billi l-ebda donatur uniku ma jkun jista’, waħdu, jindirizza l-isfidi ffaċċjati f’26 pajjiż kopert mill-EUTF għall-Afrika, il-premessi tal-Ftehim Kostituttiv jenfasizzaw li t-TF se jilħaq l-objettivi tiegħu billi jaggrega r-riżorsi u l-kapaċitajiet, partikolarment dawk tad-diversi donaturi attivi fir-reġjun17. Approċċ effiċjenti lejn l-aggregazzjoni jirrikjedi inventarju komprensiv tal-esperjenza u l-kapaċitajiet ta’ kull donatur sabiex dawn jintużaw bl-aħjar mod u b’mod sistematiku. Madankollu, aħna sibna li ż-żona tal-HoA biss kellha dan l-inventarju18.

24

Aħna sibna wkoll li ma hemmx mekkaniżmu ta’ tagħlimiet meħuda19 għall-EUTF għall-Afrika fl-intier tiegħu. In-nuqqas ta’ dan il-mekkaniżmu jipprevieni l-ġbir konsistenti tal-aħjar prattiki u t-tfassil tal-miżuri ta’ mitigazzjoni għal azzjonijiet futuri. Filwaqt li l-Iskeda Informattiva ta’ Azzjoni, li tiddokumenta kull proposta għal proġett, fiha taqsima dwar it-tagħlimiet meħuda, din ġeneralment tkun limitata għal lista ta’ proġetti preċedenti jew għal deskrizzjoni tal-esperjenza tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni. Dan jista’ jkun rilevanti bħala kriterju tal-għażla biex jintgħażlu s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, iżda mhuwiex repożitorju adatt għall-ħżin tat-tagħlimiet meħuda. F’każijiet rari biss rajna eżempji ta’ kif it-tagħlimiet meħuda jistgħu jintużaw fi proġetti ġodda.

Qafas ta' ġestjoni tar-riskju
25

Element importanti ieħor huwa li jkun hemm qafas xieraq ta' ġestjoni tar-riskju20. Madankollu, il-Ftehim Kostituttiv ma jagħmilx referenza għal din l-għodda ta’ ġestjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri parteċipanti fit-TF huma esposti wkoll għar-riskji (finanzjarji, reputazzjonali, eċċ.) bħalma hija l-Kummissjoni. Żewġ Stati Membri espliċitament talbu qafas speċifiku ta’ valutazzjoni tar-riskju matul l-ewwel laqgħa tal-Bord tal-Fond Fiduċjarju21. Madankollu, sa issa, il-Kummissjoni ppreferiet isserraħ fuq is-sistemi ta’ kontroll intern tad-DĠ DEVCO u tad-DĠ NEAR, aktar milli tistabbilixxi qafas speċifiku ta’ valutazzjoni tar-riskju għall-EUTF għall-Afrika. B’kuntrast ma’ dan, għall-fondi fiduċjarji mmaniġġjati min-NU u mill-Bank Dinji, l-istabbiliment ta’ qafas speċifiku ta’ valutazzjoni tar-riskju jitqies bħala prattika tajba.

L-EUTF għall-Afrika huwa għodda rapida, iżda għad hemm xi dgħufijiet fl-implimentazzjoni

26

F’din il-parti, aħna eżaminajna aspetti tal-implimentazzjoni tal-EUTF għall-Afrika. Aħna vvalutajna l-proċeduri tal-għażla tal-proġetti, l-informazzjoni pprovduta lill-OpComs, il-koordinazzjoni bejn id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni u fiż-żoni kollha, il-komplementarjetà ma’ strumenti oħra tal-UE u l-ħeffa tal-proċeduri. Barra minn hekk, aħna eżaminajna l-monitoraġġ u l-outputs ta’ proġetti li kienu għaddejjin u li kienu appoġġati mill-EUTF għall-Afrika.

L-għażla tal-proġetti hija rapida iżda mhix kompletament konsistenti u ċara

Għażla tal-proġetti għat-tliet żoni
27

Fir-rigward tal-għażla tal-proġetti, iż-żoni tal-NoA u l-SLC jagħżlu proposti għall-proġetti minn dawk ippreżentati mis-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni, wara konsultazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati differenti. Jekk proposta tikkorrispondi għall-prijoritajiet taż-żona, il-maniġer tat-TF iħejji Skeda Informattiva ta’ Azzjoni (f’konsultazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE). L-Iskeda Informattiva ta’ Azzjoni tiġi ppreżentata lill-OpCom għal approvazzjoni. Taħt dan l-approċċ, il-maniġers tat-TF iserrħu fil-biċċa l-kbira fuq l-analiżi tal-ħtiġijiet identifkata mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, biex issostni l-proposti għall-proġetti tagħhom.

28

Iż-żona tal-HoA tapplika approċċ minn fuq għal isfel, li permezz tiegħu, il-maniġer tat-TF f’konsultazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE, janalizza l-ħtiġijiet speċifiċi, filwaqt li jibbaża fuq l-analiżi kwalitattiva tal-REF (ara l-paragrafu 22) u fuq il-konsultazzjonijiet fil-livell governattiv fil-pajjiżi Afrikani. Fuq il-bażi tal-analiżi tal-ħtiġijiet u l-konsultazzjonijiet, titħejja Skeda Informattiva ta’ Azzjoni, li tinkludi wkoll sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni, u tiġi ppreżentata lill-OpCom għal approvazzjoni. Dan l-approċċ jippermetti li l-fokus ikun aktar fuq il-prijoritajiet stabbiliti mit-TF u fuq il-ħtiġijiet iddeterminati.

29

Iż-żoni tal-NoA u tal-HoA ma għandhomx kriterji ddokumentati għall-għażla tal-proposti għall-proġetti. Minflok, skont il-Kummissjoni, huma jqisu r-rilevanza ta’ kull proposta għall-istrateġiji reġjonali jew nazzjonali, kif ukoll l-għarfien espert speċifiku tas-sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni u l-preżenza tagħhom fuq il-post. Il-qafas operazzjonali taż-żona tal-SLC biss jinkludi kriterji għall-għażla tal-azzjonijiet22. Madankollu, aħna ma sibna l-ebda valutazzjoni ddokumentata tal-proposti għall-proġetti abbażi ta’ dawn il-kriterji. Għalhekk, aħna ma stajniex neżaminaw jekk il-proġetti magħżula x’aktarx li kienu dawk l-aktar rilevanti. Xi wħud mill-Istati Membri kienu diżappuntati dwar in-nuqqas ta’ kriterji tal-għażla ċari tal-proġetti23.

Informazzjoni pprovduta lill-OpComs
30

Id-differenza bejn il-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tradizzjonali tal-UE u l-EUTF għall-Afrika tinsab fl-eżistenza u fir-rwol tal-OpComs. L-Artikolu 4.1(b) tal-Ftehim Kostituttiv jiddikjara li l-OpCom huwa responsabbli b’mod partikolari għall-għażla tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati mill-EUTF għall-Afrika. Madankollu, l-OpComs jaraw biss dawk il-proposti li jkunu ġew żviluppati fi Skedi Informattivi ta’ Azzjoni. Huma ma jiġux infurmati dwar dawn il-proposti, li ma jiġux żviluppati fi Skedi Informattivi ta’ Azzjoni, bl-istess mod bħall-aġenziji ta’ implimentazzjoni, li l-proġetti tagħhom ma jintgħażlux, ma jiġux infurmati b’mod sistematiku dwar ir-raġunijiet għar-rifjut. Dan jillimita l-abbiltà tagħhom li jtejbu l-kwalità tal-proposti futuri.

31

Minkejja li l-OpComs ma jiġux ipprovduti informazzjoni dwar il-proposti kollha riċevuti, huma xorta ffaċċjaw l-isfida tal-ammont ta’ xogħol varjat li huwa relatat mal-approvazzjoni tal-proġetti. Pereżempju, 28 Skeda Informattiva ta’ Azzjoni (674 paġna) tqassmu għal-laqgħa tal-OpCom tal-SLC fl-14 ta’ Diċembru 2016, filwaqt li l-OpCom tal-NoA kellu japprova biss 3 Skedi Informattivi ta’ Azzjoni (62 paġna) fil-laqgħa tiegħu li saret fis-16 ta’ Diċembru 2016. Id-dokumenti relatati mal-proġetti tqassmu tard24 (ġimgħa kalendarja biss qabel ma dawn kellhom jiġu approvati), u dan ħalla żmien limitat biex ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-pajjiżi Afrikani jiskrutinizzawhom b’mod xieraq.

32

Il-Ftehim Kostituttiv jiddikjara25 li jekk bidla sostanzjali fin-natura jew fl-objettivi ta’ azzjoni tkun meħtieġa wara l-approvazzjoni tiegħu, il-maniġer tat-TF irid jippreżenta l-Iskeda Informattiva ta’ Azzjoni emendata lill-OpCom għal approvazzjoni qabel l-implimentazzjoni. Għalkemm l-OpCom tal-HoA ġie nnotifikat dwar il-bidliet li saru fil-proġetti, dan ma kienx il-każ għall-OpCom tal-SLC26. Aħna ma identifikajniex każijiet simili fir-rigward taż-żona tal-NoA.

Koordinazzjoni u komplementarjetà
33

Fil-fażi tal-għażla, il-koordinazzjoni bejn id-diversi direttorati ġenerali tal-Kummissjoni hija essenzjali. Biex tiżgura dan, il-Kummissjoni ħolqot mekkaniżmi interni u arranġamenti dettaljati ta’ ħidma bejn id-DĠ DEVCO, id-DĠ NEAR, is-SEAE, id-DĠ HOME u d-DĠ ECHO. Dawn is-servizzi jipparteċipaw b’mod regolari f’laqgħat interni dwar l-analiżi tal-kwalità (bħala parti mill-Grupp ta' Appoġġ għall-Kwalità) biex jivvalutaw il-proġetti qabel ma dawn jiġu ppreżentati għal approvazzjoni. Minkejja dawn l-isforzi, hemm aktar lok għal titjib fil-koordinazzjoni.

34

Il-ħtiġijiet identifikati fl-Afrika għandhom natura li spiss tirrikjedi reazzjoni trasversali, pereżempju bejn is-Saħel u l-Afrika ta’ Fuq. L-Artikolu 3.1 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OpCom jiddikjara li l-OpCom għandu jiltaqa’ f’sessjonijiet konġunti biex jeżamina kwistjonijiet ta’ interess komuni kif meħtieġ. Fil-prattika, il-laqgħat tal-OpCom ikunu normalment separati għal kull żona, u sa issa kien hemm biss żewġ sessjonijiet konġunti tal-OpCom27. Fit-tielet laqgħa tiegħu li saret f’Ġunju 2017, il-Bord tal-Fond Fiduċjarju ddeċieda li jżid il-fokus fuq l-għażla ta’ programmi trasversali. Madankollu, minkejja din l-enfasi li saret fuq il-kooperazzjoni trasversali, 4 programmi bħal dawn biss (minn 143) ġew approvati28.

35

Meta jkunu qed jagħżlu l-proġetti, l-OpComs jeħtieġu wkoll informazzjoni suffiċjent biex jivvalutaw il-komplementarjetà tal-azzjonijiet tat-TF, jiġifieri biex jivverifikaw li dawn jkunx hemm trikkib fuq strumenti oħra tal-UE, jew duplikazzjoni tagħhom, u biex jidentifikaw sinerġiji potenzjali. Id-Dokument ta’ Orjentazzjoni Strateġika jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali biex jiżgura li l-EUTF għall-Afrika jkun komplementari għal strumenti oħra tal-UE. Wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa li jiġu ffinanzjati biss attivitajiet li mhumiex diġà inklużi fi Programm Indikattiv Nazzjonali jew Reġjonali. Madankollu, aħna identifikajna żewġ proġetti fiż-żona tal-HoA (li ma kinux parti mill-kampjun tagħna), li kienu inizjalment jagħmlu parti minn Programm Indikattiv Reġjonali u, wara trasferiment tal-fondi, kienu ttieħdu mit-TF.

36

Minkejja l-isforzi ta’ koordinazzjoni li saru mill-Kummissjoni, aħna sibna wkoll eżempji ta’ proġetti magħżula mill-EUTF għall-Afrika li jindirizzaw ħtiġijiet simili għal dawk ta’ attivitajiet oħra ffinanzjati mill-UE, u għaldaqstant jirriskjaw id-duplikazzjoni ta’ forom oħra ta’ appoġġ mill-UE29. Il-Kummissjoni ma ġġustifikatx ir-raġuni għalfejn dawn il-proġetti huma ffinanzjati mill-EUTF għall-Afrika aktar milli minn strumenti oħra30. Il-Kaxxa 2 tipprovdi eżempji ta’ proġetti li jindirizzaw ħtiġijiet simili, minkejja l-isforzi ta’ koordinazzjoni.

Kaxxa 2

Eżempji ta’ proġetti li jindirizzaw ħtiġijiet simili

Assistenza ta’ emerġenza

L-arranġamenti ta’ ħidma jiġu stabbiliti biex jiżguraw koordinazzjoni bejn l-EUTF għall-Afrika u d-DĠ ECHO. Matul laqgħa tal-Grupp ta' Appoġġ għall-Kwalità dwar Strengthening protection and resilience of displaced populations in Libya (It-tisħiħ tal-protezzjoni u r-reżiljenza tal-popolazzjonijiet spostati fil-Libja) (il-Proġett Nru 17), id-DĠ ECHO wissa li l-proposta hija dwar intervent tradizzjonali ta’ dan id-DĠ li, jekk tiġi ffinanzjata, ikollha trikkib serju ma’ inizjattivi eżistenti. Minkejja dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ma kkjarifikatx, fl-Iskeda Informattiva ta’ Azzjoni li ġiet ippreżentata lill-OpCom għal approvazzjoni, għalfejn dan il-proġett għandu jiġi ffinanzjat mill-EUTF għall-Afrika.

Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi

Aħna sibna żewġ proġetti (wieħed iffinanzjat mill-IcSP u wieħed mill-EUTF għall-Afrika) li t-tnejn kienu jiffukaw fuq ir-ripatrijazzjoni umanitarja tal-migranti mil-Libja għall-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. It-tnejn li huma jappoġġaw attivitajiet fil-qasam tal-istabbilizzazzjoni tal-komunitajiet, ingħataw lill-istess sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni u joperaw parzjalment matul l-istess perjodu. Barra minn hekk, huma t-tnejn jinkludu ċerti attivitajiet, bħal xogħol ta’ riabilitazzjoni u appoġġ għall-koeżjoni soċjali, u jitwettqu fl-istess bliet – Sabha u Qatroun.

37

Barra minn hekk, reċentement il-Kummissjoni stabbiliet il-Pjan ta' Investiment Estern (PIE), li għandu l-għan li jindirizza “l-kawżi soċjoekonomiċi speċifiċi tal-migrazzjoni u jrawwem riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, filwaqt li jsaħħaħ il-komunitajiet ta’ tranżitu u dawk ospitanti”31. Il-Bord tal-Fond Fiduċjarju enfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-komplementarjetà ma’ strumenti oħra bħall-PIE futur, il-mekkaniżmi ta’ finanzjament ikkombinat, eċċ. Madankollu, aħna ma sibna l-ebda dokumentazzjoni dwar kif għandha titwettaq il-koordinazzjoni bejn l-EUTF għall-Afrika u l-PIE, jew dwar miżuri meħuda biex tiġi massimizzata l-komplementarjetà bejn l-azzjonijiet magħżula taħt iż-żewġ strumenti.

38

L-eżempji ta’ hawn fuq juru li l-EUTF għall-Afrika ma applikax diviżjoni tax-xogħol ċara biżżejjed bejn il-fond u strumenti oħra, jew bejn l-intervent tad-DĠ DEVCO, id-DĠ NEAR u d-DĠ ECHO. Għal-Libja, il-Kummissjoni qed tħejji matriċi ta’ interventi għas-settur tas-saħħa, iżda din mhix prattika standard għal pajjiżi u setturi oħra. Dan id-dokument, jekk jiġi estiż fis-setturi kollha, jiffaċilita l-proċess ta’ analiżi tal-kwalità għall-għażla tal-proġetti, u jimmassimizza l-komplementarjetà tal-azzjonijiet fuq il-post.

Ħeffa tal-proċeduri
39

L-għażla rapida tal-proġetti32 kienet waħda mill-modi ta’ kif l-EUTF għall-Afrika kien mistenni jipprovdi valur miżjud. Dan għamel pressjoni fuq il-Kummissjoni biex tħaffef il-proċeduri u tagħżel malajr il-proġetti għall-finanzjament. L-analiżi tagħna turi li l-għażla tal-proġetti taħt l-EUTF għall-Afrika kienet effettivament aktar rapida meta mqabbla ma’ strumenti tradizzjonali tal-UE33. It-TF ippermetta li jitħaffu l-fażijiet differenti, u li jitnaqqas iż-żmien meħud għall-identifikazzjoni u l-formulazzjoni, kif ukoll għall-ikkuntrattar u biex isir l-ewwel pagament (ara l-Figura 3). Il-partijiet kollha li ġew intervistati matul dan l-awditu laqgħu l-ħeffa li biha t-TF kien irnexxielu jfassal il-proġetti u faħħru r-reazzjoni rapida tiegħu għal varjetà ta’ ħtiġijiet urġenti.

Figura 3

Tqabbil indikattiv tal-ħeffa tal-proċeduri

Fażi Definizzjoni EUTF għall-Afrika, iż-żoni kollha (f’jiem) Baġit tal-UE u FEŻ (f’jiem) Żmien iffrankat bħala medja (f’jiem)
1. Identifikazzjoni/formulazzjoni Għadd medju ta’ jiem bejn il-Grupp ta' Appoġġ għall-Kwalità u l-approvazzjoni mill-OpComs jew il-Kumitat tal-FEŻ/tad-DCI 33 133 100
2. Ikkuntrattar Għadd medju ta’ jiem bejn l-approvazzjoni mill-OpComs jew il-Kumitat tal-FEŻ/tal-ENI/tad-DCI, u l-iffirmar tal-kuntratt 270 423 153
3. L-ewwel pagament Għadd medju ta’ jiem bejn l-iffirmar tal-kuntratt u l-awtorizzazzjoni tal-ewwel pagament 30 42 12
40

Madankollu, għandu jiġi osservat li bosta proġetti tal-EUTF għall-Afrika ġew inizjalment identifikati taħt strumenti oħra tal-UE u aktar tard ittieħdu mit-TF. F’xi każijiet, il-ħeffa żejda kienet għad-detriment li l-OpComs ikollhom żmien biżżejjed biex jivvalutaw bir-reqqa l-proposti qabel ma japprovaw il-proġetti tat-TF (ara l-paragrafu 31).

41

F’termini ta’ kuntratti, f’nofs il-ħajja tiegħu, l-EUTF għall-Afrika ffirma kuntratti b’valur ta’ 45 % tal-fondi kollha disponibbli (ara l-Figura 4). Għalkemm, b’mod kumplessiv, l-EUTF għall-Afrika rnexxielu jħaffef l-iffirmar tal-kuntratti34, strumenti ta’ emerġenza eżistenti oħra għadhom aktar rapidi f’dan ir-rigward. Pereżempju, l-IcSP, li jintuża f’oqsma simili bħall-EUTF għall-Afrika, għandu l-possibbiltà li juża “miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali”35. Għal dawn il-miżuri, 86 % tal-kuntratti kollha jiġu ffirmati fi żmien erba’ xhur36 (meta mqabbel ma’ 270 jum għall-EUTF għall-Afrika), ladarba l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ta' finanzjament. L-EUTF għall-Afrika huwa għodda ta’ emerġenza u għalhekk setgħet tkun mistennija ħeffa akbar għall-iffirmar tal-kuntratti.

Figura 4

Eżekuzzjoni tal-baġit fi tmiem Awwissu 2018

Sors: Ibbażat fuq data tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat ta’ implimentazzjoni fil-31 ta’ Awwissu 2018, li ġiet ippubblikata fuq is-sit web tal-EUTF għall-Afrika. Iċ-ċifri kollha ġew arrotondati.

42

F’termini ta’ implimentazzjoni tal-proġetti, l-EUTF għall-Afrika kellu biss impatt limitat fit-tħaffif tal-proċess meta mqabbel mal-għajnuna tradizzjonali għall-iżvilupp. It-TF iffaċċja sfidi simili bħal dawk tal-istrumenti tradizzjonali. Dan, min-naħa tiegħu, jiġi rifless mil-livell baxx ta’ pagamenti (ara l-Figura 4), li għall-parti l-kbira (kważi 90 %) jirrappreżenta pagamenti bil-quddiem jew jirrigwarda l-appoġġ baġitarju37. Skont il-Kummissjoni, l-ambjent kumplessiv u diffiċli li fih jopera l-EUTF għall-Afrika huwa l-kawża l-aktar komuni tad-dewmien billi s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni spiss ma jkunux jistgħu jintervjenu f’żoni milquta minn kunflitti.

43

Minkejja dan, minħabba l-kuntest eċċezzjonali li fih jopera l-EUTF għall-Afrika, ikun raġonevoli li wieħed jistenna li l-Kummissjoni tivvaluta b’mod sistematiku l-possibbiltà li jiġu applikati miżuri aċċellerati u tiddiskuti dan ma’ sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni. Mod wieħed biex jiġi aċċellerat il-bidu tal-implimentazzjoni huwa li l-ispejjeż għat-tħejjija tal-proġetti jsiru eliġibbli, sa mid-data tal-approvazzjoni tal-proġett (jiġifieri ladarba l-kundizzjonijiet essenzjali għall-proġett ikunu ġew deċiżi u fejn ikun xieraq). Fil-fatt, il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jippermettu dan l-approċċ.

Kaxxa 3

Eżempju min-Niġer, fejn il-proġetti setgħu ġew implimentati aktar malajr li kieku l-finanzjament ġie awtorizzat minnufih

Proġett Nru 10: “Support for training and labour market integration for young people in the Agadez and Zinder regions” (Appoġġ għat-taħriġ u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ fir-reġjuni ta’ Agadez u ta’ Zinder)

L-OpCom approva l-proġett fit-18 ta’ April 2016. Madankollu, il-proċess ta’ reklutaġġ għall-Kap ta’ dan il-proġett seta’ jibda biss wara l-iffirmar tal-kuntratt f’Novembru 2016. Li kieku l-ispejjeż għat-tħejjija tal-proġetti kienu saru eliġibbli hekk kif il-proġett ġie approvat, il-konsegwenzi tal-proċess twil ta’ reklutaġġ kienu jiġu mmitigati u, għaldaqstant, jitnaqqas iż-żmien meħud biex tinbeda l-implimentazzjoni tal-proġetti.

44

Aħna sibna li, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, l-Iskedi Informattivi ta’ Azzjoni li ġew ippreżentati lill-OpComs għal approvazzjoni, ma speċifikawx id-data mistennija tal-bidu tal-attivitajiet tal-proġetti, iżda minflok irreferew għad-durata kumplessiva tal-proġetti (li tvarja minn 12 sa 60 xahar għall-proġetti eżaminati). Għalhekk, l-OpComs ma jistgħux jieħdu dan l-aspett inkunsiderazzjoni meta jkunu qed japprovaw il-proġetti, jew iqisu alternattivi biex jiżguraw bidu aktar rapidu tal-implimentazzjoni.

Il-proġetti bdew jagħtu l-outputs, iżda għad ma hemmx sistema operazzjonali għall-monitoraġġ tar-riżultati fiż-żoni kollha

Monitoraġġ
45

Fl-2017, it-tliet żoni tal-EUTF għall-Afrika adottaw pjattaforma ta’ monitoraġġ komuni għall-proġetti kollha, li kien fiha l-logframes38 , il-miri u l-valuri reali korrispondenti tagħhom għal kull indikatur speċifiku. Il-Kummissjoni rreġistrat il-biċċa l-kbira mill-miri għall-proġetti tat-TF f’din is-sistema ta’ monitoraġġ, iżda l-valuri tar-riżultati għadhom mhumiex disponibbli. Mhux is-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni huma lesti li jdaħħlu informazzjoni dwar il-pjattaforma komuni u l-maġġoranza mhumiex marbuta b’kuntratt biex jagħmlu dan. Dan huwa dovut għall-fatt li s-sistema kienet għadha ma ġietx żviluppata jew prevista fiż-żmien meta l-kuntratti ġew iffirmati, u l-Kummissjoni ma għamlitx dispożizzjonijiet bħal dawn fil-ftehimiet ta’ finanzjament.

46

Fiż-żmien meta sar l-awditu, il-Kummissjoni kienet żviluppat sett ta’ 19-il indikatur aggregat għal din il-pjattaforma ta’ monitoraġġ, li huma komuni għat-tliet żoni kollha. Madankollu, xi wħud minn dawn l-indikaturi għandhom trikkib, u r-rabta bejn dawn l-indikaturi u dawk ta’ livell ogħla li nstabu fil-qafas kumplessiv tar-riżultati tat-TF mhux dejjem hija ċara (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Dgħufijiet relatati mad-19-il indikatur aggregat

  • Hemm trikkib potenzjali bejn l-Indikaturi 2.3 (Għadd ta’ persuni li jirċievu assistenza ta’ nutrizzjoni) u 2.4 (Għadd ta’ persuni li jirċievu assistenza relatata mas-sigurtà alimentari). Fiż-żewġ każijiet, l-assistenza tinkludi taħriġ dwar il-prattiki agrikoli;
  • l-indikaturi ma jkoprux il-firxa sħiħa ta’ proġetti tal-EUTF għall-Afrika (pereżempju, il-Proġett Nru 6);
  • huwa kompitu diffiċli ħafna li dawn l-indikaturi komuni tal-outputs jiġu marbuta/immappjati mal-eluf ta’ indikaturi fil-livell tal-proġetti u mbagħad mal-Qafas kumplessiv tar-Riżultati tat-TF, kif ukoll mal-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta. Iż-żona tal-HoA ddeċidiet li, fuq l-inizjattiva proprja tagħha, testernalizza dan il-kompitu lil esperti tekniċi.
47

Sa issa, iż-żona tal-SLC iddeċidiet li tuża s-sistema CAD (Collect, Analyse and Disseminate (Iġbor, Analizza u Xerred)), filwaqt li l-HoA qed tuża s-sistema MLS (Monitoring and Learning System (Sistema ta’ Monitoraġġ u Tagħlim)). L-NoA ħadet passi biex tistabbilixxi s-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni proprja tagħha. Il-pletora ta’ informazzjoni u ta’ sistemi ta’ monitoraġġ ma tippermettix li tinkiseb stampa ġenerali unika u komprensiva unika tar-riżultati miksuba mill-EUTF għall-Afrika fl-intier tiegħu.

48

Barra minn hekk, ma hemmx demarkazzjoni ċara bejn ir-responsabbiltajiet ta’ monitoraġġ tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u dawk tal-Kummissjoni jew l-EUDELs. Pereżempju, fi proġett wieħed fin-Niġer (il-Proġett Nru 7), il-baġit għall-proġett kollu kemm hu ntnefaq fi 12-il xahar, minflok fis-36 xahar previst, u prinċipalment indirizza objettiv wieħed kondiviż ma’ donaturi oħra (assistenza diretta għall-migranti). Iż-żewġ objettivi l-oħra, governanza u azzjonijiet marbuta mal-iżvilupp, baqgħu fil-biċċa l-kbira ma ġewx indirizzati. Aħna osservajna wkoll xejra ta’ dewmien39 fi proġetti relatati mas-sigurtà, mal-ġestjoni tal-fruntieri u ma’ oqsma simili.

49

Fi żmien l-awditu, ma kien inħareġ l-ebda rapport tal-MOR40 għal xi wieħed mill-proġetti inklużi fl-awditu. Il-Kummissjoni kienet żaret il-proġetti kollha li ġew implimentati fin-Niġer għal mill-inqas darba, u dan ippermetta lill-persunal tal-Kummissjoni li jwettaq segwitu tal-proġetti. Fil-Libja, minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tas-sigurtà, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżur il-proġetti kollha li kienu għaddejjin. Madankollu, il-Kummissjoni kienet qed teżamina l-possibbiltà li tintroduċi l-monitoraġġ minn partijiet terzi (jiġifieri il-monitoraġġ tal-ikkuntrattar lil partijiet lokali). Parti essenzjali tal-monitoraġġ hija l-verifikazzjoni perjodika tal-proġetti bi tqabbil mal-logframe tagħhom. Il-maġġoranza tal-proġetti awditjati kien fihom biss logframes proviżorji, li kellhom jiġu kkompletati wara l-fażi tal-bidu tagħhom, jiġifieri mhux qabel ma jkun ġie ffirmat il-kuntratt rilevanti. Fil-fażi tal-bidu, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni jikkonsultaw lill-benefiċjarji finali u jidentifikaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-popolazzjoni jew tal-amministrazzjoni. Bi qbil mal-EUDEL, huma jiżviluppaw jew jaġġornaw l-indikaturi jew il-miri. Skont il-Kummissjoni, dan l-approċċ jipprovdi xi ftit flessibbiltà f’kuntest diffiċli u jippermetti l-ġbir ta’ data li ma tkunx disponibbli mill-bidu nett. Madankollu, anke wara li l-oqfsa loġiċi ġew aġġornati, il-proġetti awditjati kellhom nuqqas ta’ miri li jistgħu jitkejlu, u għalhekk, l-objettivi speċifiċi kienu għadhom mhumiex SMART41 (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Eżempji ta’ objettivi mhux speċifiċi fiż-żona tal-SLC

Proġett Nru 8: appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ miżuri strutturali u fuq terminu qasir

Proġett Nru 9: appoġġ għall-ġestjoni ddelegata tal-proġetti

Proġett Nru 10: l-orjentazzjoni ta’ azzjonijiet edukattivi tjiebet

Proġett Nru 10: “the employability of the young is improved” (l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ tjiebet)

50

L-utilità ta’ xi indikaturi kienet limitata. Fi proġett wieħed (il-Proġett Nru 10), indikatur kien ibbażat fuq deċiżjoni politika sussegwenti li kellha tittieħed mill-awtoritajiet lokali. Dan it-tip ta’ indikatur huwa dgħajjef, billi s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ma għandhom l-ebda influwenza fuq dawn id-deċiżjonijiet u ma jistgħux jinżammu responsabbli. Aħna sibna wkoll indikaturi bbażati fuq l-opinjonijiet tal-benefiċjarji (eż. eżiti ta’ stħarriġiet), li huma suġġettivi u diffiċli biex jiġu vverifikati. Indikaturi oħra ġew inklużi fil-qafas minħabba li s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni użawhom għar-rappurtar intern tagħhom. Dan iżid il-piż amministrattiv fuq l-EUTF għall-Afrika.

51

Linja bażi xierqa tippermetti li jiġi vvalutat il-progress li jkun sar fir-rigward tal-ħtiġijiet kumplessivi, kemm f’termini relattivi kif ukoll dawk assoluti. Il-linji bażi kienu jikkostitwixxu punt dgħajjef fil-logframes kollha li analizzajna, anke dawk li kienu ġew riveduti. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-valur tal-linji bażi marbut ma’ indikaturi speċifiċi kien ta’ żero jew immarkat bħala “mhux applikabbli”42, li jagħmilha impossibbli li jiġi ppreżentat il-progress li jkun sar f’termini relattivi. F’każ wieħed, l-indikaturi ma kellhom l-ebda linja bażi iżda tkejlu xorta43. Dan il-kejl ma jipprovdix informazzjoni utli dwar il-progress.

Outputs ta’ proġetti li kienu għaddejjin
52

Fiż-żmien meta sar l-awditu, il-proġetti ffinanzjati mill-EUTF għall-Afrika kienu ġeneralment f’fażi bikrija tal-implimentazzjoni, iżda l-proġetti awditjati fil-Libja u fin-Niġer kienu bdew jipproduċu l-ewwel outputs tagħhom (ara l-eżempji fil-Kaxxa 6). Fin-Niġer, it-tim tal-awditjar żar, fost proġetti oħra, iċ-ċentru ta’ tranżitu tal-migranti u wieħed mill-15-il osservatorju stabbilit tal-migrazzjoni f’Agadez u kellu intervisti ma’ investigaturi tal-pulizija involuti fiż-żarmar ta’ netwerks tat-traffikar. Fil-Libja, minħabba s-sitwazzjoni tas-sigurtà ma kienx possibbli li jsiru żjarat lill-ebda wieħed mill-proġetti li kienu għaddejjin.

Kaxxa 6

Eżempji ta’ outputs fi proġetti awditjati li kienu għaddejjin

Skont ir-rapporti ta’ progress imwettqa mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni (u vvalidati mill-Kummissjoni), aħna osservajna l-eżempji li ġejjin ta’ outputs tal-proġetti:

In-Niġer

Proġett Nru 7: ipprovda kundizzjonijiet tal-għajxien aċċettabbli lill-migranti fiċ-Ċentru ta’ Tranżitu tal-Migranti f’Agadez (wieħed minn erbgħa fin-Niġer). Aktar minn 9 000 migrant għaddew minn dawn iċ-ċentri fl-2017;

Proġett Nru 8: ħoloq 15-il osservatorju biex jimmonitorjaw il-konsegwenzi lokali tal-migrazzjoni u jidentifikaw azzjonijiet mitiganti potenzjali;

Proġett Nru 11: fl-2017, żarma 7 netwerks nazzjonali u 12-il netwerk internazzjonali tat-traffikar bis-saħħa ta’ timijiet komuni ta’ investigazzjoni mill-pulizija.

Il-Libja

Proġett Nru 19, taħt wieħed mill-objettivi tiegħu:

  • ta appoġġ lil 4 709 migranti permezz ta’ assistenza għar-ritorn volontarju,
  • ipprovda assistenza umanitarja lil 19 605 migranti fil-forma ta’ oġġetti mhux tal-ikel u settijiet tal-iġjene f’ċentri ta’ detenzjoni differenti,
  • wettaq valutazzjonijiet rapidi tal-ħtiġijiet għall-migranti u pprovda assistenza medika lil aktar minn 6 000 migrant,
  • l-unità tal-protezzjoni pprovdiet appoġġ għall-akkomodazzjoni lil 929 persuna (inklużi nisa tqal u tfal mhux akkumpanjati). L-unità ta’ kooperazzjoni teknika ħarrġet 21 uffiċjal tal-gvern dwar il-valutazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-vulnerabbiltà.
53

Skont iċ-ċifri tal-Frontex, l-għadd globali ta’ każijiet ta’ qsim illegali tal-fruntieri l-UE mill-migranti lejn laħaq il-livell massimu kumplessiv fl-2016, qabel ma naqas fl-2017 (ara l-Figura 5). L-EUTF għall-Afrika huwa wieħed minn ħafna strumenti - kemm tal-UE kif ukoll mhux tal-UE - li jikkontribwixxi għat-titjib fiċ-ċifri, li mhumiex uniformi fit-tliet żoni.

Figura 5

Każijiet ta’ qsim illegali tal-fruntieri lejn l-UE mill-migranti, li joriġinaw mir-reġjuni koperti mill-EUTF għall-Afrika

2014 2015 2016 2017
Is-Saħel u l-Lag Chad 42 601 65 297 114 814 76 889
L-Afrika ta’ Fuq 10 773 21 603 19 393 27 912
Il-Qarn tal-Afrika 46 536 70 875 42 850 17 984
Total tal-EUTF għall-Afrika 99 910 157 775 177 057 122 785

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Frontex mill-2014 sal-2017.

54

Ir-Rapport Annwali 2017 dwar l-EUTF għall-Afrika ma jirrappurtax b’mod komprensiv dwar ir-riżultati li nkisbu sa issa, iżda minflok jirrapporta dwar l-għadd ta’ proġetti approvati, fondi minfuqa u eżempji ta’ outputs mogħtija. Għalkemm ir-rapport annwali huwa dokument uniku u kkonsolidat, ir-rappurtar mhuwiex konsistenti bejn it-tliet żoni. Pereżempju, taħt il-Kapitolu 3 (“Strategic orientations, implementations and results” (Orjentazzjonijiet, implimentazzjonijiet u riżultati strateġiċi), ir-rapport annwali jippreżenta tabelli, għal kull żona, li fihom l-allokazzjoni tal-fondi bejn il-prijoritajiet appoġġati taħt iż-żona rilevanti. Madankollu, l-objettivi ġenerali tal-EUTF għall-Afrika jħallu livell għoli ta’ diskrezzjoni għall-maniġers tat-TF meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-klassifikazzjoni tal-proġetti. Dan ifisser li l-fondi allokati bejn il-prijoritajiet u ż-żoni ma jistgħux jitqabblu faċilment.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

55

Minħabba sfidi sinifikanti, l-EUTF għall-Afrika nħoloq bħala fond fiduċjarju ta’ emerġenza sabiex jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-kriżijiet fi tliet reġjuni fl-Afrika. Huwa jistinka wkoll biex jilħaq l-għanijiet ta' stabbiltà u żvilupp fuq terminu twil.

56

Aħna nikkonkludu li l-EUTF għall-Afrika huwa għodda flessibbli, iżda meta nqisu l-isfidi mingħajr preċedent li huwa qed jiffaċċja, jidhrilna li t-tfassil tiegħu kellu jkun aktar iffukat. Huwa ma ddefiniex liema kriżijiet partikolari (eż. għal kull reġjun, għal kull pajjiż, il-kawżi u l-impatt fuq l-istabbiltà) it-TF huwa maħsub biex jindirizza. Filwaqt li l-objettivi ġenerali tat-TF jippermettu li jkun hemm flessibbiltà, dan kien għad-detriment li strateġija tkun iffukata biżżejjed biex l-azzjoni tiġi orjentata fit-tliet żoni u li tappoġġa l-kejl u r-rappurtar dwar ir-riżultati. Barra minn hekk, il-gwida strateġika pprovduta lill-maniġers tat-TF, sa issa, ma kinitx speċifika ħafna (ara l-paragrafi 15 sa 19).

57

Il-Kummissjoni ma analizzatx b’mod komprensiv il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati mit-TF, jew il-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Meta ġew identifikati l-ħtiġijiet, aħna sibna li dawn ma kinux ikkwantifikati, bħalma massa kritika ta’ finanzjament ma kinitx ġiet iddefinita. Barra minn hekk, aħna sibna li l-aggregazzjoni tar-riżorsi u l-kapaċitajiet ma twettqitx bl-aħjar mod u b’mod sistematiku. Apparti dan, mekkaniżmu xieraq ta’ tagħlimiet meħuda kien għadu ma ġiex żviluppat (il-paragrafi 20 sa 24).

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-kwalità tal-objettivi tal-EUTF għall-Afrika

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi lill-Bord tal-Fond Fiduċjarju biex jirrevedi l-analiżi tal-objettivi u l-prijoritajiet eżistenti tal-EUTF għall-Afrika sabiex dawn isiru aktar speċifiċi u jkunu jistgħu jinkisbu. Jenħtieġ li hija tieħu kont tal-isfidi partikolari tat-tliet żoni, u sa fejn huwa possibbli, tinkludi miri u linji bażi. Jenħtieġ li f'dan l-eżerċizzju l-Kummissjoni, b’mod partikolari, tuża:

  1. l-outputs tal-Faċilitajiet ta' Riċerka u Evidenza;
  2. il-kapaċitajiet tad-donaturi kollha; u
  3. mekkaniżmu ta’ tagħlimiet meħuda għat-TF fl-intier tiegħu.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2019.

58

Il-proċeduri għall-għażla tal-proġetti jvarjaw bejn iż-żoni. Aħna ma sibniex valutazzjoni ddokumentata tal-proposti għall-proġetti abbażi ta’ kriterji predefiniti. L-OpComs, fil-biċċa l-kbira, kienu forums għall-approvazzjoni tal-proġetti, iżda aħna sibna li l-informazzjoni li ngħatatilhom mhux dejjem kienet kompleta u ma twasslitx fi żmien suffiċjenti minn qabel biex id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jitħejjew aħjar (ara l-paragrafi 27 sa 32).

59

Il-vantaġġ kumparattiv tal-finanzjament tal-proġetti permezz tal-EUTF għall-Afrika mhux dejjem ġie spjegat tajjeb, u aħna sibna eżempji ta’ proġetti li kienu jindirizzaw ħtiġijiet simili għal dawk ta’ strumenti oħra tal-UE (ara l-paragrafi 33 sa 38).

Rakkomandazzjoni 2 – Reviżjoni tal-proċedura tal-għażla għall-proġetti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tistabbilixxi kriterji komuni u ċari applikati fiż-żoni kollha, u tiddokumenta l-valutazzjoni tal-proposti għall-proġetti abbażi ta’ dawn il-kriterji;
  2. tipprovdi lill-OpComs lista ta’ proposti riċevuti li ma ġewx żviluppati fi Skeda Informattiva ta’ Azzjoni, inklużi r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom mill-Maniġer tat-TF;
  3. tinforma lill-OpComs dwar kwalunkwe bidla sostanzjali li tkun saret għal proġetti li jkunu diġà ġew approvati (jiġifieri bidliet fl-objettivi, fil-baġit u fid-durata);
  4. toħloq taqsima ddedikata fl-Iskeda Informattiva ta’ Azzjoni li turi l-vantaġġ kumparattiv tal-finanzjament ta’ proġett permezz tal-EUTF għall-Afrika, aktar milli permezz ta’ forom oħra ta’ appoġġ mill-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: nofs l-2019.

60

Meta mqabbel mal-istrumenti tradizzjonali, l-EUTF għall-Afrika kien aktar rapidu fit-tnedija tal-proġetti. B’mod kumplessiv, huwa rnexxielu jħaffef l-iffirmar tal-kuntratti u l-ħlas ta’ pagamenti bil-quddiem. Madankollu, il-proġetti jiffaċċjaw sfidi simili bħal dawk tal-istrumenti tradizzjonali li jdewmu l-implimentazzjoni tagħhom. Filwaqt li l-EUTF għall-Afrika jopera f’sitwazzjoni eċċezzjonali, il-Kummissjoni għadha ma għamlitx użu sħiħ minn miżuri aċċellerati. Dawn il-miżuri jistgħu jiffaċilitaw ix-xogħol tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u jippermettu l-attivitajiet tal-proġetti jibdew aktar malajr (ara l-paragrafi 39 sa 44).

Rakkomandazzjoni 3 – Teħid ta’ miżuri biex titħaffef l-implimentazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika l-proċeduri kollha aċċellerati li jistgħu jiġu applikati għall-EUTF għall-Afrika, u fejn ikun rilevanti, issaħħaħ l-użu tagħhom f’konsultazzjoni ma’ sħab potenzjali inkarigati mill-implimentazzjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2019.

61

L-EUTF għall-Afrika adotta sistema komuni ta’ monitoraġġ. Madankollu, hija għadha mhix operazzjonali u t-tliet żoni, sa issa, użaw sistemi differenti għall-ġbir ta’ informazzjoni baġitarja, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Aħna sibna li l-objettivi tal-proġetti spiss ma kinux SMART, u li l-indikaturi użati għall-kejl tal-prestazzjoni tal-proġetti kellhom nuqqas ta’ linji bażi. L-EUTF għall-Afrika kkontribwixxa għall-isforz li sar biex jitnaqqas l-għadd ta’ migranti irregolari li jaqsmu mill-Afrika għall-Ewropa, iżda dan il-kontribut ma jistax jitkejjel b’mod preċiż. Il-proġetti awditjati kienu f’fażi bikrija tal-implimentazzjoni, iżda kienu bdew jipproduċu l-outputs (ara l-paragrafi 45 sa 53).

Rakkomandazzjoni 4 – Titjib fil-monitoraġġ tal-EUTF għall-Afrika

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tagħmel is-sistema komuni ta’ monitoraġġ kompletament operazzjonali;
  2. tinkludi l-objettivi SMART fil-logframes tal-proġetti, u ttejjeb il-kwalità tal-indikaturi billi tistabbilixxi linji bażi u miri kkwantifikati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: nofs l-2019.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina JAKOBSEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u minn donaturi oħra (wegħdiet u kontribuzzjonijiet riċevuti) fil-31 ta’ Awwissu 2018

Il-pajjiżi li wiegħdu kontribuzzjonijiet ta’ mill-inqas EUR 3 miljun, u b’hekk jiżguraw id-drittijiet tal-vot fil-Bord tal-Fond Fiduċjarju u l-OpComs, huma aċċennati bil-griż.

Pajjiż Kontribuzzjonijiet imwiegħda (EUR) Kontribuzzjonijiet riċevuti (EUR)
L-Awstrija 6 000 000 6 000 000
Il-Belġju 10 000 000 9 000 000
Il-Bulgarija 550 000 550 000
Il-Kroazja 600 000 600 000
Ċipru 100 000 100 000
Ir-Repubblika Ċeka* 10 411 624 10 411 124
Id-Danimarka 20 045 876 20 045 876
L-Estonja 1 450 000 1 450 000
Il-Finlandja 5 000 000 5 000 000
Franza 9 000 000 9 000 000
Il-Ġermanja 157 500 000 139 500 000
L-Ungerija* 9 450 000 9 450 000
L-Irlanda 15 000 000 2 600 000
L-Italja 110 000 000 108 000 000
Il-Latvja 300 000 300 000
Il-Litwanja 200 000 200 000
Il-Lussemburgu 3 100 000 3 100 000
Malta 325 000 175 000
In-Netherlands 26 362 000 23 362 000
In-Norveġja 8 865 381 8 865 381
Il-Polonja* 10 550 748 10 550 748
Il-Portugall 1 800 000 1 800 000
Ir-Rumanija 100 000 100 000
Is-Slovakkja* 10 350 000 10 350 000
Is-Slovenja 100 000 100 000
Spanja 9 000 000 9 000 000
L-Iżvezja 3 000 000 3 000 000
L-Iżvizzera 4 100 000 4 100 000
Ir-Renju Unit 6 000 000 2 800 000
Grupp ta’ Visegrád (CZ, HU, PL, SK)* 35 000 000 35 000 000
Total tal-Kontribuzzjonijiet Esterni 439 260 629 409 510 629

*Il-kontribuzzjonijiet individwali għall-wegħda ta’ EUR 35 miljun li saret mill-Grupp ta’ Visegrád huma riflessi fiċ-ċifri ta’ kull pajjiż rispettiv.

Sors: Is-sit web tal-EUTF għall-Afrika fil-Kummisjsoni Ewropea, it-taqsima “Financial resources” (“Riżorsi finanzjarji”).

Anness II

Korpi ta’ governanza tal-EUTF għall-Afrika u r-responsabbiltajiet prinċipali tagħhom

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

Anness III

Proġetti awditjati tal-EUTF għall-Afrika

Lista' ta' proġetti
Temi koperti mill-EUTF
1 Opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg akbar
2 Tisħiħ tar-reżiljenza
3 Ġestjoni tal-migrazzjoni mtejba
4 Titjib fil-governanza u l-prevenzjoni ta' kunflitti
# ID Titlu Tema Sieħeb inkarigati mill-implimentazzjoni Baġit (EUR miljun) Durata tal-Azzjoni (xhur) Data tal-approvazzjoni tal-Iskeda Informattiva ta’ Azzjoni Data ttal-Iffirmar tal-EUTF Jiem bejn l-Approvazzjoni u l-Iffirmar
1 2 3 4 EUTF Kofinanzjament Total
Trasversali
1 REG-REG-01 Research and Evidence Facility for the Sahel and Lake Chad Region and the North of Africa X X X X Ħafna sħab 8.0 8.0 60 30.10.2016 Permezz ta’ proċedura bil-miktub 25.9.2017 330
2 SAH-REG-02 Technical Cooperation Facility X X X X Ħafna sħab 5.0 5.0 60 14.1.2016 4.11.2016 295
Żona tas-Saħel u l-Lag Chad
Proġett Reġjonali
3 SAH-REG-01 Appui à la coopération régionale des pays du G5 Sahel et au Collège Sahélien de Sécurité X MSA 7.0 7.0 24 14.1.2016 10.7.2016 178
4 SAH-REG-03 Support to the strengthening of police information systems in the broader West Africa region (WAPIS) X Organizzazzjoni Internazzjonali 5.0 5.0 24 18.4.2016 18.5.2016 30
5 SAH-REG-04 GAR-SI SAHEL (Groupes d'Action Rapides - Surveillance et Intervention au Sahel) X X MSA 41.6 41.6 46 13.6.2016 23.12.2016 193
6 SAH-REG-09 La voix des jeunes du Sahel X X X NGO 2.2 0.3 2.5 12 28.3.2017 permezz ta’ proċedura bil-miktub 15.5.2017 48
Proġett Nazzjonali: In-Niġer
7 SAH-NE-01 Migrant Resource and Response Mechanism (MRRM) Phase II X Organizzazzjoni Internazzjonali 7.0 7.00 36 14.1.2016 1.8.2016 200
8 SAH-NE-02 Renforcement de la gestion durable des conséquences des flux migratoires (ProGem) X MSA 25.0 25.0 36 14.1.2016 30.9.2016 260
9 SAH-NE-03 Projet d’appui aux filières agricoles dans les régions de Tahoua et Agadez X X MSA 30.0 37.0 67.0 52 18.4.2016 20.9.2016 155
10 SAH-NE-04 Appuyer la formation et l’insertion professionnelle des jeunes filles et garçons des régions d’Agadez et Zinder en vue de contribuer au développement socioéconomique de ses deux régions X MSA 6.9 18.4 25.3 36 18.4.2016 7.11.2016 203
11 SAH-NE-05 Création d’une Equipe Conjointe d’Investigation (ECI) pour la lutte contre les réseaux criminels liés à l’immigration irrégulière, la traite des êtres humains et le trafic des migrants X X MSA 6.0 6.0 36 18.4.2016 22.12.2016 248
12 SAH-NE-06 Contrat relatif à la Reconstruction de l'Etat au Niger en complément du SBC II en préparation / Appui à la Justice, Sécurité et à la Gestion des Frontières au Niger (AJUSEN) X X MSA 6.0 80.0 60 13.6.2016 30.8.2016 78
MSA 4.0 19.12.2016 189
Appoġġ Baġitarju 70.0 19.12.2016 189
13 SAH-NE-07 Renforcement de la gestion et de la gouvernance des migrations et le retour durable au Niger (Sustainable Return from Niger - SURENI) X Organizzazzjoni Internazzjonali 15.0 15.0 36 14.12.2016 11.4.2017 118
14 SAH-NE-08 Plan d'Actions à Impact Economique Rapide à Agadez (PAIERA) X X NGO 1.1 8.0 18 14.12.2016 14.1.2017 31
NGO 3.5 7.4.2017 114
NGO 2.7 20.2.2017 68
Assistenza Teknika 0.6 7.3.2017 83
15 SAH-NE-09 Soutien à la résilience institutionnelle et communautaire dans la région de Diffa X Organizzazzjoni Internazzjonali 12.0 1.0 13.0 36 14.12.2016 7.6.2017 175
Żona tal-Afrika ta’ Fuq
Proġett Reġjonali
16 NOA-REG-03 Technical Cooperation Facility (TCF): Formulation of programmes, Implementation of the Monitoring and Evaluation Framework, and Communication activities X Organizzazzjoni Internazzjonali 2.2 5.2 36 23.5.2017 15.11.2017 176
Tbd 2.0 mhux applikabbli mhux applikabbli
Tbd 1.0 mhux applikabbli mhux applikabbli
Proġett Nazzjonali: Il-Libja
17 NOA-LY-01 Strengthening protection and resilience of displaced populations in Libya X MSA 5.9 1.0 6.0 30 16.6.2016 6.1.2017 204
18 NOA-LY-02 Supporting protection and humanitarian repatriation and reintegration of vulnerable migrants in Libya X Tbd 3.0 36 16.12.2016 mhux applikabbli mhux applikabbli
Organizzazzjoni Internazzjonali (*) 16.8 2.6.2017 168
19 NOA-LY-03 Managing mixed migration flows in Libya through expanding protection space and supporting local socio-economic development X Organizzazzjoni Internazzjonali (*) 38.0 5.0 95.0 36 12.4.2017 permezz ta’ proċedura bil-miktub 2.6.2017 51
X Organizzazzjoni Internazzjonali 22.5.2017 40
X Organizzazzjoni Internazzjonali 31.5.2017 49
X Organizzazzjoni Internazzjonali 13.0 12 9.6.2017 58
X MSA 12.6.2017 61
20 NOA-LY-04 Support to Integrated border and migration management in Libya - First phase X SM 42.2 4.1 (**) 46.3 36 28.7.2017 8.12.2017 133

(*) L-attivitajiet implimentati minn din l-Organizzazzjoni Internazzjonali fil-Libja ngħaqdu f’kuntratt uniku (NOA-LY-03-01), intitolat Nipproteġu l-migranti vulnerabbli u nistabbilizzaw il-komunitajiet fil-Libja.

(**) Dan l-ammont jinkludi l-finanzjament parallel ta’ EUR 1.84 miljun mill-Fond għas-Sigurtà Interna tal-UE.

MSA tfisser Aġenzija tal-Istat Membru.

Tbd tfisser “għad irid jiġi deċiż”.

Sors: L-EUTF għall-Afrika.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

III

L-EUTF ġie mfassal bħala għodda ta’ implimentazzjoni b’għanijiet flessibbli, immirat li jirrispondi għal bżonnijiet u sfidi emerġenti li joriġinaw minn kriżijiet kumplessi li kollha huma ta’ natura differenti u li jaffettwaw lit-tliet reġjuni.

IV

Il-Kummissjoni kellha informazzjoni rilevanti u ħadet kont tagħha meta fformulat l-objettivi strateġiċi tal-EUTF għall-Afrika. Għal kull objettiv u qasam ta’ politika ta’ prijorità, id-Dokument ta’ Orjentazzjoni Strateġika, l-Oqfsa Operazzjonali Reġjonali, l-Oqfsa Operazzjonali speċifiċi għall-pajjiż u, sa ċertu punt, il-minuti tal-laqgħat tal-Bord, jinkludu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet.

Il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet huma kkomplementati minn analiżi bbażati fuq il-pajjiż li d-Delegazzjonijiet tal-UE jwettqu fuq bażi regolari fi sħubija ma’ pajjiżi sħab u b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.

V

Il-Kummissjoni ma tqisx neċessarju li tiġi stabbilita lista ta’ kriterji ġenerali u komuni li għandha tintuża waqt il-valutazzjoni ta’ dokumenti ta’ azzjoni, iżda se tieħu miżuri sabiex tiżgura li dawn jispjegaw b’mod ċar ir-rabta bejn l-azzjoni proposta u l-objettivi strateġiċi ddefiniti.

Dokumenti ta’ azzjoni huma identifikati u żviluppati permezz ta’ proċess inklużiv u konsultattiv li jinvolvi ħafna atturi kemm fil-Kwartieri Ġenerali kif ukoll fil-livell ta’ pajjiż.

VI

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-bżonn li jkomplu jissaħħu xi karatteristiċi tas-sistema komuni ta’ monitoraġġ tal-EUTF għall-Afrika. Il-Kummissjoni qed tieħu miżuri biex sa fejn possibbli tinkludi objettivi SMART fl-oqfsa loġiċi tal-proġetti, u biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-indikaturi.

VII

Il-Kummissjoni tqis li l-EUTF jista’ jkollu impatt indirett fuq il-qsim illegali tal-fruntieri lejn l-Ewropa, flimkien ma’ strumenti oħra tal-UE. Madankollu, il-motivaturi ewlenin tiegħu huma li jsaħħaħ l-istabbiltà, isalva u jipproteġi persuni, joħloq opportunitajiet ekonomiċi u rotot legali. Fi kważi tliet snin, l-EUTF għall-Afrika pproduċa riżultati u wera li huwa għodda ta’ implimentazzjoni rapida u effettiva li ffaċilitat id-djalogu mal-pajjiżi sħab, applikat approċċi innovattivi u li pproduċiet riżultati konkreti billi ġabret flimkien il-finanzjament u l-għarfien espert minn għadd ta’ partijiet interessati.

VIII

L-ewwel inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni parzjalment.

It-tielet inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Ir-raba’ inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Osservazzjonijiet

16

Il-preambolu tal-Ftehim Kostituttiv tal-EUTF għall-Afrika jsemmi b’mod ċar l-isfidi interni u l-kriżijiet interkonnessi parzjalment li affettwaw lill-pajjiżi tat-tliet żoni tal-Fond Fiduċjarju. L-ewwel nett, dawn jinkludu kriżijiet politiċi fil-Libja u fil-Jemen, kunflitti interni fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel, il-Mali u n-Niġerja (it-theddida ta’ Boko Haram) u għadd ta’ attakki terroristiċi li biddlu r-reġjun kollu f’sitwazzjoni ta’ kriżi. L-identifikazzjoni u r-rappurtar dwar aspetti speċifiċi ta’ kull kriżi li għaddejja fir-reġjuni kienu jwasslu għal dewmien kunsiderevoli fl-istabbiliment tal-EUTF f’kuntest ta’ emerġenza.

17

L-objettivi tal-EUTF għall-Afrika tħallew pjuttost wiesgħa fir-rigward tal-iskop ta’ rispons għal bżonnijiet u sfidi emerġenti li joriġinaw mill-kriżijiet kumplessi li kollha huma ta’ natura differenti u li jaffettwaw lit-tliet reġjuni.

Huwa ppjanat li l-Qafas tar-Riżultati tal-EUTF jiġi aġġornat sabiex jirrifletti n-natura li qed tevolvi tal-EUTF u jiddefinixxi aħjar l-objettiv ġenerali tiegħu.

It-tliet żoni operazzjonali qed jaħdmu biex jidentifikaw aħjar objettivi, miri u linji bażi speċifiċi. Il-ħidma tas-Sistema ta’ Monitoraġġ u Tagħlim (MLS) għall-Qarn tal-Afrika kif ukoll għas-Saħel, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għaż-żona tal-Afrika ta’ Fuq, għandha l-għan li ttejjeb is-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni globali sabiex tirrapporta aħjar dwar il-prijoritajiet stabbiliti.

Kaxxa 1 – Eżempji ta’ gwida wiesgħa pprovduta mill-Bord tal-Fond Fiduċjarju

Wara l-konklużjonijiet tal-President fi tmiem it-tieni u t-tielet laqgħa tal-Bord (li saru f’Diċembru 2016 u Ġunju 2017 rispettivament), il-Kummissjoni ppreżentat għadd ta’ prijoritajiet strateġiċi għat-tliet żoni, li ġew diskussi b’mod estensiv ma’ membri tal-Bord u mal-pajjiżi msieħba b’kont meħud tal-isfidi/ħtiġijiet prevalenti f’dak iż-żmien. Barra minn hekk, ir-raba’ laqgħa tal-Bord li saret f’April 2018 qablet li tiffoka fuq sett ta’ sitt kriterji ta’ prijorità fl-iżvilupp ta’ attivitajiet futuri għall-Qarn tal-Afrika u s-Saħel / il-Lag Chad, filwaqt li jitqies ukoll il-livell ta’ riżorsi disponibbli għal programmi ġodda:

  • Ritorn u riintegrazzjoni (IOM / UNHCR);
  • Immaniġġjar tar-refuġjati (Qafas ta’ Rispons Komprensiv għar-Refuġjati);
  • Jitlesta l-progress fit-totalizzazzjoni ta’ dokumenti u tar-reġistru ċivili;
  • Miżuri kontra t-traffikar;
  • Sforzi essenzjali ta’ stabbilizzazzjoni fis-Somalja, is-Sudan u s-Sudan t’Isfel u fis-Saħel;
  • Djalogi dwar il-migrazzjoni (mal-Gambja, l-Etjopja eċċ.).

Fir-rigward taż-żona tal-Afrika ta’ Fuq, il-Bord ikkonferma li ż-żona se tkompli tiffoka fuq:

  • Il-protezzjoni ta’ migranti vulnerabbli, ir-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni sostenibbli kif ukoll l-istabbilizzazzjoni tal-komunità (inkluż permezz ta’ assistenza lill-muniċipalitajiet tul ir-rotot tal-migrazzjoni);
  • Assistenza għal ġestjoni integrata tal-fruntieri;
  • Assistenza għal migrazzjoni u mobbiltà tal-ħaddiema;
  • Assistenza għal governanza aħjar tal-migrazzjoni.
19

Ma kienx neċessarju li tiġi emendata l-istrateġija ġenerali tal-EUTF għall-Afrika adottata mill-Bord f’Novembru 2015. Il-Kumitati Operazzjonali jiddiskutu regolarment il-prijoritajiet għall-perjodu li jmiss, kif rifless fil-minuti tal-OpCom u sussegwentement użat mill-Maniġers tal-Fond Fiduċjarju għall-finijiet ta’ gwida dwar l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni ta’ azzjonijiet ġodda.

Iż-żona tal-Afrika ta’ Fuq tirrapporta dwar l-azzjonijiet kollha tagħha taħt l-Objettiv Strateġiku 3 bħala riżultat ta’ għażla deliberata li jiġu indirizzati sfidi speċifiċi fir-reġjun li huma marbuta mal-ġestjoni u l-governanza tal-migrazzjoni. L-attivitajiet kollha, inklużi l-azzjonijiet individwali li jidhru li jaqgħu taħt Objettivi Strateġiċi oħra huma meqjusa li jolqtu u jibbenefikaw minnhom il-migranti fir-reġjuni, u fl-aħħar mill-aħħar jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Iż-żona tal-Afrika ta’ Fuq qed tikkunsidra taġġorna l-qafas operazzjonali żviluppat speċifikament għal-Libja.

20

Il-Kummissjoni kellha informazzjoni rilevanti u ħadet kont tagħha meta fformulat l-objettivi strateġiċi tal-EUTF għall-Afrika. Għal kull għan u qasam ta’ politika ta’ prijorità, id-Dokument ta’ Orjentazzjoni Strateġika, l-Oqfsa Operazzjonali Reġjonali, u, sa ċertu punt, il-minuti tal-laqgħat tal-Bord, jinkludu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet.

Il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet huma kkomplementati minn analiżi bbażati fuq il-pajjiż li d-Delegazzjonijiet tal-UE jwettqu fuq bażi regolari fi sħubija ma’ pajjiżi sħab u b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.

L-estent, il-varjetà u n-natura li dejjem tevolvi ta’ attivitajiet imwettqa permezz tal-EUTF ma jippermettux li jiġi kkalkolat il-proporzjon ta’ ħtiġijiet ewlenin indirizzati minn kull proġett tal-EUTF.

21

Sa mill-bidu tiegħu, l-EUTF kien kapaċi jattira riżorsi minn bosta sorsi ta’ finanzjament tal-UE kif ukoll mill-Istati Membri u donaturi oħra.

Il-Kummissjoni tassew tikkalkola d-diskrepanza li qiegħda tevolvi fil-finanzjament tal-EUTF għall-Afrika abbażi tal-programmi pendenti, li huma riveduti skont il-ħtiġijiet u l-isfidi li qed jevolvu u d-disponibbiltà tar-riżorsi fit-tliet żoni tal-Fond Fiduċjarju. Il-Kummissjoni ma tkunx kapaċi tkopri b’mod sħiħ il-ħtiġijiet f’pajjiżi sħab b’riżorsi finanzjarji eżistenti jew futuri.

22

Abbażi tal-esperjenza miksuba sa issa mill-Faċilità ta’ Riċerka u Evidenza, minn Awwissu 2018 ġew iffirmati erba’ kuntratti REF għaż-żona tas-Saħel u l-Lag Chad, b’somma totali li taqbeż il-EUR 5 miljun. Huwa previst li studji addizzjonali jiġu ffinanzjati taħt il-pjan indikattiv attwali.

Iż-żona tal-Afrika ta’ Fuq, flimkien maż-żona tas-Saħel u l-Lag Chad, iffirmaw kuntratt transreġjonali f’April 2018 ma’ konsorzju mmexxi mill-Inizjattiva Globali kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, b’attenzjoni speċjali mogħtija lill-monitoraġġ tax-xejriet tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u tat-traffikar ta’ bnedmin fir-reġjuni tas-Saħara l-Kbira u l-Magreb. Is-sieħeb ta’ implimentazzjoni pproduċa l-ewwel riżultat f’Lulju 2018.

23

Il-premessa 18 tal-Ftehim Kostituttiv (FK) tassew tindika li l-EUTF għall-Afrika se jimmobilizza r-riżorsi u l-għarfien ta’ donaturi, inkluż ta’ Stati Membri tal-UE, attivi fit-tliet reġjuni sabiex jiżviluppaw rispons Ewropew solidu għall-kriżijiet u l-isfidi relatati. Bħala riżultat, il-Kummissjoni għamlet użu wiesa’ minn kooperazzjoni ddelegata ma’ Stati Membri tal-UE. Madankollu, il-FK tal-Fond Fiduċjarju ma jeħtieġx analiżi tal-kapaċitajiet u l-għarfien espert ta’ kull donatur li jopera fit-tliet reġjuni. Il-Maniġers tal-Fond Fiduċjarju, filwaqt li jibbażaw fuq ix-xogħol magħmul mid-Delegazzjonijiet, jevalwaw bir-reqqa l-kapaċità operazzjonali, il-preżenza fil-post u l-grad ta’ għarfien espert tas-sħab fl-implimentazzjoni, inklużi l-Istati Membri, fuq livell ta’ kull proġett individwali.

24

Peress li l-implimentazzjoni tal-programmi tal-EUTF bdiet bejn tmiem l-2016 u tmiem l-2017, fl-2017 bdew jidhru riżultati konkreti. Minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmu speċifiku għall-Fond Fiduċjarju kollu, waqt laqgħat ad hoc b’mod regolari jsir skambju tat-“tagħlimiet meħuda” mas-sħab fl-implimentazzjoni. Jeżistu mekkaniżmi għat-tagħlim mill-implimentazzjoni ta’ proġetti u huma ffinanzjati permezz tal-Faċilità ta’ Riċerka u Evidenza, il-Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika (FKT) u l-MLS. It-timijiet tal-EUTF se jkomplu jiġbru l-aħjar prattiki li jirriżultaw minn proġetti individwali, inkluż permezz ta’ evalwazzjonijiet interim u finali, studji ad hoc u Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati (rapporti MOR), li mbagħad se jinqasmu.

25

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ġestjoni tar-riskju hija element essenzjali tal-Fond Fiduċjarju, kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għad-donaturi. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll it-talba magħmula minn żewġ delegazzjonijiet fl-aħħar laqgħa tal-Bord, li jkun hemm qafas ta’ ġestjoni tar-riskju għal Fond Fiduċjarju kollu. Abbażi tal-ħidma mwettqa sa issa f’dan il-qasam, it-tliet żoni operazzjonali se jippreżentaw qafas konġunt ta’ ġestjoni tar-riskju fil-ħarifa tal-2018.

Tweġiba komuni għall-paragrafi minn 27 sa 28:

Il-proposti huma identifikati permezz ta’ proċess konsultattiv. Dawn il-konsultazzjonijiet jinkludu wkoll lill-gvernijiet nazzjonali u firxa ta’ partijiet interessati differenti, inklużi s-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali kif ukoll is-sħab fl-EUTF, donaturi oħra, u organizzazzjonijiet internazzjonali u multilaterali preżenti fil-pajjiż jew reġjun.

Għaż-żona tas-Saħel u l-Lag taċ-Ċad u tal-Afrika ta’ Fuq il-proċess ta’ għażla huwa bbażat fuq l-oqfsa operazzjonali żviluppati mad-Delegazzjonijiet tal-UE f’konsultazzjoni mal-pajjiżi sħab u adottati mill-Kumitat Operazzjonali rispettiv, kif ukoll fuq ir-rilevanza tal-proposti dwar dawn l-istrateġiji.

Fil-fażi inizjali tiegħu, l-EUTF għall-Afrika kien mistenni li jiżgura mekkaniżmi ta’ għażla rapidi għal rispons malajr u b’ħeffa għall-isfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, li kienu jirrikjedu għarfien espert speċifiku dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u f’kuntest ta’ emerġenza.

29

Il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li huwa neċessarju li tiġi stabbilita lista ta’ kriterji komuni u ġenerali li għandha tintuża peress li l-EUTF mhuwiex jaħdem fuq il-bażi ta’ tressiq ta’ proposti. Il-Kummissjoni se tieħu miżuri sabiex tiżgura li d-dokumenti ta’ azzjoni jispjegaw b’mod ċar ir-rabta bejn l-azzjoni proposta u l-objettivi strateġiċi ddefiniti.

Għalkemm fiż-żona SLC il-valutazzjoni tal-kriterji tal-għażla inklużi fil-Qafas Operazzjonali ma ġietx iddokumentata, il-proċess ta’ konsultazzjoni mas-servizzi kkonċernati tal-Kummissjoni, l-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE jiżgura li l-azzjonijiet magħżulin huma konformi ma’ dawn il-kriterji.

30

L-Artikolu 6.3(a) tal-FK jindika li l-Kumitat Operazzjonali huwa responsabbli għall-approvazzjoni ta’ “azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Fiduċjarju”. Il-FK ma jispeċifikax jekk il-Kumitat Operazzjonali huwiex mitlub jeżamina jew jirrevedi l-proposti kollha li l-Maniġers tal-Fond Fiduċjarju jew id-Delegazzjonijiet tal-UE jirċievu.

L-EUTF japplika proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li, għajr xi ftit eċċezzjonijiet, ma jużax il-modalità tas-sejħiet għal proposti għall-għażla ta’ proġetti, kif huwa l-każ taħt mekkaniżmi aktar tradizzjonali. L-ideat għal proġetti li jaslu permezz ta’ rotot differenti jiġu riveduti u diskussi f’livelli differenti, f’kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet ikkonċernati, mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u partijiet interessati oħrajn kif xieraq.

Huma biss dawk li jinżammu li jiġu żviluppati fi Skedi Informattivi ta’ Azzjoni li għandhom jiġu vvalutati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ rieżami intern u li jintbagħtu lill-Kumitat Operazzjonali għall-eżami u l-approvazzjoni min-naħa tiegħu. Għaldaqstant, ir-raġunijiet għal ċaħda ta’ ideat għal proġetti huma diskussi b’mod informali mal-aġenziji ta’ implimentazzjoni kkonċernati.

31

Il-Kummissjoni hija kompletament konxja tad-dewmien li kultant ikun hemm fis-sottomissjoni ta’ proposti lill-membri tal-Kumitat Operazzjonali. Fil-laqgħat ikkonċernati, il-Kummissjoni skużat ruħha għal dan id-dewmien u impenjat ruħha li tipprovdi dokumenti, inklużi Skedi Informattivi ta’ Azzjoni, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-Kumitat Operazzjonali.

32

Kif isir għall-Qarn tal-Afrika, is-Saħel u l-Lag Chad se jinformaw u jiksbu l-approvazzjoni tal-OpComs li jmiss meta ssir bidla sostanzjali fi Skeda Informattiva ta’ Azzjoni approvata.

Fil-każ taż-żona tal-Afrika ta’ Fuq ma sarux bidliet sostanzjali. Il-membri tal-Kumitat Operazzjonali ġew debitament notifikati dwar bidliet mhux sostanzjali waqt il-laqgħa tal-Kumitat Operazzjonali.

33

Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-koordinazzjoni bejn is-servizzi permezz ta’ konsultazzjonijiet formali u informali kienet u tibqa’ parti importanti tal-fażi ta’ għażla u formulazzjoni għal proġetti tal-EUTF.

Il-koordinazzjoni ma’ servizzi oħra tjiebet b’mod sinifikanti, partikolarment peress li l-EUTF għall-Afrika sar għodda ewlenija għall-implimentazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi u għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet f’kuntest ta’ emerġenza tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali. Il-Kummissjoni u s-SEAE mbagħad impenjaw ruħhom fi djalogu regolari u sostanzjali, inkluż permezz ta’ laqgħat ta’ kull ġimgħa.

35

Fl-istadji bikrin tal-EUTF kien hemm għadd ta’ azzjonijiet sottomessi u approvati mill-OpCom li kienu jindirizzaw ħtiġijiet simili għal strumenti oħra tal-UE (eż. PIN / PIR għall-Etjopja). Kien ikkunsidrat li dawn l-azzjonijiet kienu konsistenti fis-sħiħ mal-objettivi tal-EUTF, u li l-finanzjament tagħhom permezz tal-EUTF kien se jħaffef il-proċess preparatorju u l-implimentazzjoni tagħhom, bil-konsegwenza li jinħoloq vantaġġ komparattiv qawwi. Għaldaqstant, l-OpCom approva dawn l-azzjonijiet.

Sa minn Lulju 2017, il-Kummissjoni qiegħda tuża mudell standard meta tipproponi, lill-Kumitat tal-FEŻ, trasferiment ta’ fondi tal-FEŻ lejn l-EUTF. Dan il-mudell jistabbilixxi l-ġustifikazzjoni għall-użu tal-EUTF bħala mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni.

Kaxxa 2 - Eżempji ta’ proġetti li jindirizzaw ħtiġijiet simili

Fir-rigward tal-assistenza ta’ emerġenza, id-DĠ NEAR ħa nota sew tal-kummenti tad-DĠ ECHO matul il-Grupp ta’ Appoġġ għall-Kwalità u wara. Il-kummenti dwar it-tip u l-modalitajiet ta’ intervent ġew ikkunsidrati waqt il-fażi kontraenti biex jiġu rispettati l-mandati tal-istrumenti differenti. Madankollu, fir-rigward tal-għan u l-benefiċjarji fil-mira tal-proġett, fil-fehma tad-DĠ NEAR ma hemmx trikkib. Id-DĠ ECHO jirrispondi għall-bżonnijiet umanitarji ta’ popolazzjonijiet milquta mill-kunflitt fil-Libja, skont il-vulnerabbiltà tagħhom, filwaqt li l-EUTF jirrispondi għal ħtiġijiet bażiċi u ta’ emerġenza ta’ migranti u refuġjati vulnerabbli maqbuda fil-Libja u l-komunitajiet ospitanti tagħhom. L-EUTF jirrispondi għal diskrepanza identifikata fir-rigward tal-protezzjoni u l-kura tas-saħħa għal migranti u refuġjati, partikolarment dawk li ma jinsabux f’ċentri ta’ detenzjoni (dak iż-żmien ma kien jeżisti l-ebda programm immirat lejn dawn il-popolazzjonijiet).

Fir-rigward tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, iż-żewġ proġetti msemmija jkopru l-istess tip ta’ attivitajiet fl-istess postijiet. Il-proġett tal-EUTF kien maħsub biex jespandi l-proġett tal-IcSP, li kien inħoloq bħala proġett pilota. Abbażi tat-tagħlimiet meħuda minn dan il-proġett pilota, id-DĠ NEAR inkorpora u espanda l-attivitajiet fi programm usa’ li beda fl-1 ta’ Mejju 2017. Il-komponent ta’ stabbilizzazzjoni tal-Komunità ġie estiż u l-firxa tiegħu kibret b’postijiet ġodda. Inizjalment kien previst li l-komponent ta’ stabbilizzazzjoni tal-Komunità tal-proġett tal-IcSP fin-Nofsinhar tal-Libja jispiċċa fil-31 ta’ Ottubru 2017, u finalment ġie estiż sat-30 ta’ April 2018. F’dak li għandu x’jaqsam mar-ritorni volontarji assistiti, il-fondi taħt il-proġett IcSP kienu diġà ġew eżawriti meta beda l-proġett tal-EUTF.

37

Taħt il-presidenza tad-Direttur Ġenerali, id-DEVCO stabbilixxa għadd ta’ Kumitati ta’ Tmexxija Strateġiċi, b’mod rispettiv għall-EIP, għall-Fondi Fiduċjarji u għal programmi implimentati permezz ta’ PINs u PIRs. Wieħed mir-rwoli ta’ dawn il-kumitati huwa li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-istrumenti differenti.

38

L-EUTF jikkomplementa u jaħdem f’sinerġija ma’ strumenti politiċi, ta’ politika u strumenti relatati mal-iżvilupp oħra.

Id-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni u l-formulazzjoni ta’ azzjonijiet tal-EUTF u huma kompletament informati dwar azzjonijiet iffinanzjati mill-UE li huma għaddejjin jew ippjanati, kif ukoll dwar attivitajiet iffinanzjati minn donaturi oħrajn fil-livell ta’ pajjiż.

Barra minn hekk, il-proċessi ta’ koordinazzjoni permezz ta’ konsultazzjonijiet formali u informali stabbiliti sew bejn is-servizzi tal-Kummissjoni jiżguraw il-komplementarjetà ta’ interventi ffinanzjati mill-EUTF.

39

Il-Kummissjoni tapprezza l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li permezz tal-EUTF għall-Afrika sar possibbli li jitħaffu l-proċeduri f’fażijiet differenti (l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni, kif ukoll għall-ikkuntrattar u biex isir l-ewwel pagament).

40

Il-Kummissjoni tagħraf li f’numru limitat ta’ każijiet li seħħew fil-perjodu inizjali tal-Fond Fiduċjarju, il-proposti adottati mill-Kumitat Operazzjonali kienu ġew identifikati u/jew parzjalment ifformulati preċedentement taħt strumenti oħra tal-UE. Dan kien dovut għan-neċessità li ssir reazzjoni malajr u li jiġi pprovdut rispons immedjat għall-kriżi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà eżistenti u għall-isfidi kritiċi li kienu qed jaffettwaw pajjiżi sħab. Dawn il-proġetti identifikati preċedentement taħt strumenti oħrajn kienu konformi mal-prijoritajiet tal-EUTF. Il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi dokumenti, inklużi Skedi Informattivi ta’ Azzjoni, lill-Kumitat Operazzjonali fil-ħin.

41

It-tnaqqis fid-dewmien u t-tħaffif tal-implimentazzjoni ta’ programmi tal-EUTF ilhom sfida konsistenti u prijorità sa mill-bidu tal-Fond Fiduċjarju. Il-Kummissjoni ripetutament ġibdet l-attenzjoni tal-aġenziji tal-Istati Membri dwar in-neċessità li jonqos id-dewmien, jadattaw il-proċeduri interni tagħhom u jħaffu l-pass tal-implimentazzjoni. Addizzjonalment, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-operazzjonijiet tal-EUTF jitwettqu f’ambjenti kumplessi u fraġli, li sikwit jaffettwaw implimentazzjoni normali tal-attivitajiet u jwasslu għal diskussjonijiet itwal mas-sħab fl-implimentazzjoni.

Il-mira ta’ 4 xhur għall-iffirmar tal-kuntratti ma tapplikax għall-operazzjonijiet kollha tal-IcSP (jiġifieri l-perjodu tal-ikkuntrattar medju tal-operazzjonijiet kollha tal-IcSP huwa itwal u iktar viċin tal-EUTF għall-Afrika), iżda għal dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3. Dawn l-operazzjonijiet mhumiex komparabbli mal-EUTF għall-Afrika peress li jiffokaw fuq il-provvista ta’ rispons għal kriżi fi żmien qasir, b’tul ta’ żmien standard ta’ sena u nofs. L-EUTF għall-Afrika għandu ambitu iktar divers u objettivi usa’ mis-sempliċi rispons għal kriżi, b’operazzjonijiet li jdumu bejn 3 u 4 snin. Għaldaqstant, il-kuntratti tal-EUTF għall-Afrika huma iktar kumplessi u jirrikjedu l-investiment ta’ iktar sforz u ħin.

Madankollu, huwa rikonoxxut li huwa possibbli titjib fir-ritmu ta’ implimentazzjoni.

42

It-tul ta’ żmien għall-pagamenti, ta’ 30 jum taħt l-EUTF meta mqabbel ma’ 44 jum taħt strumenti tradizzjonali, jenħtieġ li ma jitqiesx bħala “żbors tardiv”. Infatti, l-iżborżi huma b’mod awtomatiku progressivi. Fl-2016 u l-2017, l-EUTF għall-Afrika kien għadu ma rrankax f’dak li jirrigwarda l-iżborsi, iżda pjuttost kien fil-fażi tal-bidu. Iċ-ċifri dwar l-iżborsi huma mistennija jiżdiedu matul it-tielet u r-raba’ sena ta’ ħajjet il-Fond Fiduċjarju.

Għalissa huwa kmieni wisq biex isiru konklużjonijiet dwar il-livell ta’ pagamenti fl-EUTF. Filwaqt li fl-analiżi tagħha l-Qorti tal-Awdituri tuża ċifri mill-2017, l-EUTF effettivament beda japprova programmi fl-2016.

Barra minn hekk, il-livell ta’ pagamenti għandu jiġi vvalutat skont l-ammont ta’ kuntratti ffirmati iktar milli skont il-programmi approvati. B’din il-perspettiva, ir-rata ta’ pagament teċċedi t-43 % fil-perjodu qasir analizzat.

43

L-EUTF għall-Afrika jagħmel użu estensiv mill-miżuri mgħaġġla kollha meta u fejn huwa meqjus li dan ikun rilevanti u ġustifikat.

L-argument tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż mid-data tal-approvazzjoni tal-proġett ma jistax jiġi applikat mingħajr distinzjoni fil-każijiet kollha, peress li dan faċilment jista’ jkun f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. L-użu ta’ finanzjament retroattiv u eċċezzjonijiet oħra, għalkemm isibu applikazzjoni wiesgħa fl-EUTF għall-Afrika, ma jistgħux jiġu applikati mingħajr distinzjoni iżda bil-kawtela, fuq bażi ad hoc / skont il-każ.

Kaxxa 3 - Eżempju min-Niġer, fejn il-proġetti setgħu ġew implimentati iktar malajr li kieku l-finanzjament ġie awtorizzat minnufih

Għandu jiġi nnotat li l-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fin-Niġer iddewmet minħabba l-proċess ta’ dekonċentrazzjoni mwettaq fis-sajf tal-2016, meta l-ġestjoni tal-proġett ġiet ittrasferita mill-Kwartieri Ġenerali lejn id-Delegazzjoni tal-UE fin-Niġer.

44

Il-proċess tal-ikkuntrattar jiddependi ħafna mill-ħeffa li biha s-sħab fl-implimentazzjoni jistgħu jipprovdu abbozzi tal-kuntratti wara l-adozzjoni ta’ programm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata tiżgura l-kontroll tal-kwalità ta’ kuntratti ffirmati. Bħala riżultat, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tinforma lill-Kumitat Operazzjonali dwar id-data tal-bidu mistennija fil-mument tal-adozzjoni tal-programm.

45

Il-Kummissjoni tagħraf il-bżonn li tkompli ssaħħaħ xi karatteristiċi tas-sistema ta’ monitoraġġ sabiex proċessi eżistenti jsiru eħfef u iktar faċli għall-utent. Ġiet implimentata assistenza teknika sabiex takkumpanja lis-sħab fl-implimentazzjoni fit-titjib ta’ oqfsa loġiċi, il-ġbir ta’ data u l-immappjar ta’ indikaturi lejn l-indikaturi komuni tal-output u l-ikkowdjar fil-pjattaforma ta’ rapportar tal-EUTF.

46

Fit-tieni kwart tal-2018 intlaħaq qbil dwar sett ta’ 41 indikatur komuni tal-output. Fil-pjattaforma ta’ rapportar tal-EUTF diġà hemm, fil-livell tad-deċiżjonijiet, valuri reali ta’ dawn l-indikaturi li qablu dwarhom iż-żoni kollha, kif ġie rrappurtat fl-ewwel rapport ta’ kull tliet xhur tal-MLS tal-HoA. Irid jiġi kkunsidrat l-ammont ta’ żmien bejn l-approvazzjoni ta’ programmi sakemm jibdew jidhru l-ewwel riżultati. Maż-żmien se jkun hemm iktar data disponibbli għar-rappurtar, peress li l-biċċa l-kbira tal-proġetti jidħlu fil-fażi ta’ implimentazzjoni. Kif ġie deskritt, l-aggregazzjoni ta’ valuri kkowdjati fost iż-żoni, speċjalment għall-indikaturi komuni, tiffaċilita rappurtar kollettiv fir-rigward tal-EUTF għall-Afrika kollu kemm hu.

Kaxxa 4 - Dgħufijiet relatati mad-19-il indikatur aggregat

Skont il-lista riveduta ta’ 41 indikatur komuni tal-output tal-EUTF, l-indikatur 2.3 (nutrizzjoni) jieħu kont tan-numru ta’ persuni li jibbenefikaw mit-trattament relatat man-nutrizzjoni u / jew mis-sensitizzazzjoni għal prattiki nutrizzjonali mtejba, inklużi wirjiet ta’ tisjir, filwaqt li l-indikatur 2.4 (sigurtà tal-ikel) jieħu kont tan-numru ta’ persuni li l-għajxien u s-sigurtà tal-ikel tagħhom ikunu rċevew appoġġ minn skemi tal-protezzjoni soċjali, taħriġ tekniku fi prattiki agrikoli, appoġġ fil-produzzjoni agrikola u l-iżvilupp tal-art.

  • Iż-żieda tal-indikaturi komuni tal-output tal-EUTF minn 19 għal 41 kienet maħsuba li tkopri kemm jista’ jkun l-attivitajiet imwettqa permezz tal-EUTF. Minkejja l-isforzi tagħna, u meta wieħed jikkunsidra l-ambitu ta’ programmi tal-EUTF, xi attivitajiet individwali jibqgħu koperti biss parzjalment.
  • L-eżerċizzju tal-immappjar ta’ indikaturi komuni tal-output fl-isfond tal-qafas loġiku huwa magħmul minn maniġers tal-programmi fi djalogu mas-sħab fl-implimentazzjoni u bl-għajnuna tal-assistenza teknika pprovduta mill-Kummissjoni.
47

L-armonizzazzjoni tal-oqfsa M&E hija prijorità għolja għall-Kummissjoni u bħalissa qiegħda tiġi indirizzata. Għal din ir-raġuni, l-EUTF għall-Afrika żviluppa lista komuni waħda ta’ indikaturi komuni tal-output għall-aggregazzjoni ta’ riżultati. Is-sistema M&E globali tipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati miksuba sa issa.

Barra minn hekk, iż-żoni SLC u HoA se jużaw l-istess kuntrattur għall-MLS tagħhom u, filwaqt li ż-żona NoA tuża wieħed differenti, iż-żewġ entitajiet se jkunu f’konsultazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib sabiex jiżguraw sistema ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar koerenti u armonizzata, li wkoll tista’ tipprovdi tagħlimiet meħuda kollettivi, għall-finijiet tal-programmazzjoni futura u d-direzzjoni strateġika.

48

Il-kuntratti tal-proġetti kollha msemmija mill-Qorti saru taħt il-qafas PAGODA (ftehimiet ta’ delegazzjoni suġġetti għal valutazzjoni tal-pilastri fil-ġestjoni indiretta). Il-kuntest sensittiv partikolari tas-sigurtà, ġestjoni tal-fruntieri u oqsma simili jirrikjedi djalogi intensivi mal-partijiet ikkonċernati involuti u huwa r-raġuni għad-dewmien.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżempju tan-Niġer, il-kisbiet li saru malajr taħt il-komponent ta’ migrazzjoni huma dovuti għal ħtiġijiet kbar u urġenti f’din iż-żona, minħabba l-instabbiltà fil-Libja u l-adozzjoni ta’ regolamenti fin-Niġer. Il-fondi mbagħad ġew riallokati sabiex jipprovdu dan l-appoġġ. Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet l-oħra ġew iffinanzjati minn donaturi oħra jew minn inizjattiva reġjonali tal-EUTF relatata (“SURENI”), implimentata mill-IOM.

49

Il-Kummissjoni tagħraf li aktar titjib huwa meħtieġ għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ objettivi SMART. Tassew, it-tliet żoni operazzjonali qed jaħdmu biex jidentifikaw aħjar objettivi u linji bażi speċifiċi. Il-ħidma tal-faċilitajiet ta’ riċerka se tintuża sabiex timla l-vojt fil-linji bażi għall-kejl ta’ objettivi speċifiċi.

Barra minn hekk, wieħed mill-kompiti tal-MLS huwa li tirrevedi l-oqfsa loġiċi tal-azzjonijiet u li tiċċekkja l-bżonn li jiġu rriveduti l-indikaturi proposti, il-miri jew ir-riżultati miftiehma sabiex tagħmilhom aktar SMART.

Peress li l-ewwel programmi ġew approvati fl-2016 (bl-eċċezzjoni ta’ programm wieħed), kien hemm biss 36 analiżi ta’ MOR fl-2017 u 38 ippjanati fl-2018.

Fl-istess waqt, id-DĠ NEAR qed jaħdem fuq l-istabbiliment ta’ monitoraġġ minn parti terza għal-Libja, bħala rispons għar-riskji li ġġib magħha l-ġestjoni remota tal-proġetti implimentati f’dan il-pajjiż. L-EUDEL ikkummissjonat studju u ġew imressqa numru ta’ rakkomandazzjonijiet li fuqhom il-Fond Fiduċjarju bħalissa qed jibni sabiex jistabbilixxi l-qafas tiegħu stess għall-monitoraġġ minn parti terza. Bħalissa l-Fond Fiduċjarju qed jidentifika l-partijiet interessati li huma l-iktar adattati biex iwettqu dan il-monitoraġġ u li jistgħu jibagħtu persunal kompetenti fuq il-post fuq bażi temporanja.

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li s-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għaż-żona tal-Afrika ta’ Fuq, implimentata mill-ICMPD, qiegħda tirrevedi wkoll l-oqfsa loġiċi tal-proġetti sabiex tiżgura indikaturi SMART.

50

Il-Kummissjoni qed issaħħaħ l-isforzi tagħha biex iżżid il-kwalità tal-oqfsa loġiċi tal-EUTF. L-inklużjoni potenzjali ta’ indikaturi użati mis-sħab fl-implimentazzjoni għar-rappurtar intern tagħhom hija vvalutata waqt il-formulazzjoni ta’ azzjoni u dawn jiġu inklużi biss meta jkunu rilevanti u jikkontribwixxu lejn żieda fil-kwalità tal-monitoraġġ.

51

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, in-nuqqas ta’ linji bażi jista’ jiġi ġġustifikat bl-urġenza li jiġu fformulati u approvati azzjonijiet tal-EUTF sabiex jiġu indirizzati bżonnijiet partikolari, kif ukoll bil-kundizzjonijiet fuq il-post li ħafna drabi huma kkaratterizzati minn nuqqas ta’ informazzjoni li hija affidabbli. Minkejja dan, fil-fażijiet tal-bidu s-sħab fl-implimentazzjoni huma mistennija jkomplu jiġbru data fuq linji bażi u janalizzaw is-sitwazzjoni fuq il-post.

53

L-EUTF jista’ jkollu impatt indirett fuq il-qsim illegali tal-fruntieri lejn l-Ewropa, flimkien ma’ strumenti oħra tal-UE. Madankollu, il-motivaturi ewlenin tiegħu huma li jsaħħaħ l-istabbiltà, isalva u jipproteġi persuni, joħloq opportunitajiet ekonomiċi u rotot legali.

54

Ir-Rapport Annwali (RA) tal-2017 tal-EUTF għall-Afrika kien jipprovdi, għal kull żona reġjonali, indikazzjoni tal-progress miksub fl-2017 kif ukoll numru ta’ riżultati preliminari miksuba. Il-ħarġa tar-RA ma kinitx intiża li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-riżultati miksuba mill-EUTF għall-Afrika fl-intier tiegħu, minħabba l-fatt li fl-aħħar tal-2017 għadd kbir ta’ proġetti kienu għadhom fi stadju bikri tal-implimentazzjoni. It-tabelli inklużi fir-RA juru, għal kull reġjun, programmi approvati skont il-prijoritajiet tal-Oqfsa Operazzjonali Reġjonali iktar milli skont l-objettiv strateġiku tal-Fond Fiduċjarju, li jfisser li kull żona reġjonali rrappurtat skont il-prijoritajiet tagħha. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tirrevedi t-tqassim tal-ħarġa li jmiss tar-RA, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

56

Il-preambolu tal-Ftehim Kostituttiv tal-EUTF għall-Afrika jsemmi b’mod ċar l-isfidi interni u l-kriżijiet li affettwaw lill-pajjiżi tat-tliet żoni tal-Fond Fiduċjarju. Dawn jinkludu l-kriżijiet politiċi fil-Libja u fil-Jemen, kunflitti interni fis-Sudan u s-Sudan t’Isfel, il-Mali u n-Niġerja (Boko Haram) u għadd ta’ attakki terroristiċi. Dawn il-kunflitti li huma parzjalment interkonnessi biddlu r-reġjun kollu fi kriżi. Il-Kummissjoni tagħraf li l-objettivi tal-EUTF għall-Afrika nżammu pjuttost flessibbli apposta, sabiex ikun possibbli r-rispons għall-bżonnijiet u l-isfidi emerġenti fit-tliet reġjuni skont il-bżonn.

57

Il-Kummissjoni kellha informazzjoni rilevanti u ħadet kont tagħha meta fformulat l-objettivi strateġiċi tal-EUTF għall-Afrika. Għal kull objettiv u qasam ta’ politika ta’ prijorità, id-Dokument ta’ Orjentazzjoni Strateġika, l-Oqfsa Operazzjonali Reġjonali, u, sa ċertu punt, il-minuti tal-laqgħat tal-Bord, jinkludu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet kwalitattivi. Dawn huma kkomplementati minn analiżi bbażati fuq il-pajjiż li d-Delegazzjonijiet tal-UE jwettqu fuq bażi regolari fi sħubija ma’ pajjiżi sħab u b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.

Id-diskrepanzi fil-finanzjament huma kkalkolati abbażi tal-programmi pendenti, li huma riveduti skont il-ħtiġijiet u l-isfidi li qed jevolvu u d-disponibbiltà tar-riżorsi fit-tliet żoni tal-Fond Fiduċjarju. Il-Kummissjoni ma tkunx kapaċi tkopri b’mod sħiħ il-ħtiġijiet f’pajjiżi sħab b’riżorsi finanzjarji eżistenti jew futuri.

Sa mill-bidu tiegħu, l-EUTF kien kapaċi jattira riżorsi kunsiderevoli minn bosta sorsi ta’ finanzjament tal-UE kif ukoll mill-Istati Membri u donaturi oħra.

Rakkomandazzjoni 1 – Isir titjib fil-kwalità tal-objettivi tal-EUTF għall-Afrika

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Bord Strateġiku tal-EUTF għall-Afrika rriveda, f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu, il-prijoritajiet strateġiċi sabiex jiġu riflessi l-ħtiġijiet li qed jevolvu, l-isfidi emerġenti u l-input mingħand il-partijiet interessati differenti, filwaqt li titqies ukoll id-disponibbiltà ta’ riżorsi finanzjarji. Infatti, f’April 2018 il-Bord Strateġiku qabel li jiffoka fuq sitt kriterji ta’ prijorità għall-HoA u s-SLC, kif indikat fil-minuti tal-laqgħa:

  • Ritorn u riintegrazzjoni (IOM / UNHCR);
  • Immaniġġjar tar-refuġjati (Qafas ta’ Rispons Komprensiv għar-Refuġjati);
  • Progress fit-titolizzazzjoni ta’ dokumenti u reġistru ċivili;
  • Miżuri kontra t-traffikar;
  • Sforzi essenzjali ta’ stabbilizzazzjoni fis-Somalja, is-Sudan u s-Sudan t’Isfel u fis-Saħel;
  • Djalogi dwar il-migrazzjoni (mal-Gambja, l-Etjopja eċċ.).

Fir-rigward taż-żona tal-Afrika ta’ Fuq, il-Bord ikkonferma li ż-żona se tkompli tiffoka fuq:

  • Il-protezzjoni ta’ migranti vulnerabbli, ir-ritorn volontarju assistit u r-riintegrazzjoni sostenibbli kif ukoll l-istabbilizzazzjoni tal-komunità (inkluż permezz ta’ assistenza lill-muniċipalitajiet tul ir-rotot tal-migrazzjoni);
  • Assistenza għal ġestjoni integrata tal-fruntieri;
  • Assistenza għal migrazzjoni u mobbiltà tal-ħaddiema;
  • Assistenza għal governanza aħjar tal-migrazzjoni.

Il-proġetti pendenti u d-diskrepanzi fil-finanzjament ippreżentati fil-laqgħa tal-Bord tal-21 ta’ Settembru 2018 kienu jsegwu l-erba’ prijoritajiet ta’ hawn fuq.

58

L-EUTF għall-Afrika ma joperax fuq il-bażi ta’ proposti ta’ proġetti sottomessi minn sħab esterni. Il-maniġers tal-Fond Fiduċjarju jikkoordinaw l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni ta’ azzjonijiet, filwaqt li jqisu l-orjentazzjonijiet strateġiċi miftiehma. L-ideat għal proġetti li jaslu permezz ta’ rotot differenti jiġu riveduti u diskussi f’livelli differenti, f’kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE kkonċernati, mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u partijiet interessati lokali kif xieraq.

Ideat li jinżammu biss jiġu żviluppati fi Skedi Informattivi ta’ Azzjoni li għandhom jiġu vvalutati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ rieżami intern u li jintbagħtu lill-Kumitat Operazzjonali għall-eżami u l-approvazzjoni min-naħa tiegħu.

Il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha li tipprovdi lill-membri tal-Kumitat Operazzjonali dokumentazzjoni f’waqtha u sħiħa sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet imħejjija tajjeb.

59

Fl-istadji bikrin tal-EUTF kien hemm għadd ta’ azzjonijiet sottomessi u approvati mill-OpCom li kienu jindirizzaw ħtiġijiet simili għal strumenti oħra tal-UE (eż. PIN / PIR għall-Etjopja). Kien ikkunsidrat li dawn l-azzjonijiet kienu konsistenti fis-sħiħ mal-objettivi tal-EUTF, u li l-finanzjament tagħhom permezz tal-EUTF kien se jħaffef il-proċess preparatorju u l-implimentazzjoni tagħhom, bil-konsegwenza li jinħoloq vantaġġ komparattiv qawwi. Għaldaqstant, l-OpCom approva dawn l-azzjonijiet.

Fil-każ partikolari tal-Libja, l-EUTF żgura li ma jkun hemm l-ebda kunflitt mal-mandat umanitarju ta’ ECHO u mal-azzjonijiet li għaddejjin fl-IcSP, filwaqt li jimtlew il-lakuni identifikati f’termini ta’ protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli.

Sa minn Lulju 2017, il-Kummissjoni qiegħda tuża mudell standard meta tipproponi, lill-Kumitat tal-FEŻ, trasferiment ta’ fondi lejn l-EUTF. Dan il-mudell jistabbilixxi l-ġustifikazzjoni għall-użu tal-EUTF bħala l-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi riveduta l-proċedura tal-għażla għall-proġetti

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjonijiet 2(a) u 2(b), iżda taċċetta r-rakkomandazzjonijiet 2(c) u 2(d).

Il-Kummissjoni ma tqisx li huwa neċessarju li tiġi stabbilita lista ta’ kriterji ġenerali u komuni li għandha tintuża peress li l-EUTF mhuwiex jaħdem fuq il-bażi tas-sottomissjoni ta’ proposti, u l-Kummissjoni se tieħu miżuri sabiex tiżgura li d-dokumenti ta’ azzjoni jispjegaw b’mod ċar ir-rabta bejn l-azzjoni proposta u l-objettivi strateġiċi ddefiniti.

Kif ġie indikat, l-azzjonijiet huma identifikati u żviluppati mill-Kummissjoni (maniġer tal-EUTF) f’dokumenti ta’ proġetti permezz ta’ proċess konsultattiv li jinvolvi ħafna atturi fil-Kwartieri Ġenerali u f’livell tal-pajjiż, b’mod konformi mal-prattiki komuni tal-Kummissjoni (eż. kumitati tad-DCI u tal-FEŻ).

Fil-futur l-OpComs se jiġu informati dwar il-bidliet sostanzjali kollha tal-proġetti.

Il-Kummissjoni se tirrevedi l-mudell tal-Iskeda Informattiva ta’ Azzjoni sabiex tkun tinkludi sezzjoni għad-dimostrazzjoni tal-vantaġġ komparattiv jekk il-proġett jiġi ffinanzjat permezz tal-EUTF meta mqabbel ma’ għodod oħra ta’ implimentazzjoni.

60

Fl-EUTF għall-Afrika jsir użu estensiv minn miżuri mgħaġġla u l-Kummissjoni se teżamina kif tista’ testendi l-użu tagħhom.

Rakkomandazzjoni 3 – Jittieħdu miżuri biex titħaffef l-implimentazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

61

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li tkompli ssaħħaħ is-sistema komuni ta’ monitoraġġ. Fit-tieni kwart tal-2018 intlaħaq ftehim dwar sett ta’ 41 indikatur komuni tal-output u ġiet stabbilita assistenza teknika sabiex takkumpanja lis-sħab fl-implimentazzjoni fit-titjib ta’ oqfsa loġiċi, il-ġbir ta’ data u l-immappjar ta’ indikaturi lejn l-indikaturi komuni tal-output.

It-tliet żoni operazzjonali qed jaħdmu sabiex jidentifikaw aħjar objettivi u linji bażi speċifiċi f’livell tal-proġetti, inkluż permezz tax-xogħol tal-faċilitajiet ta’ riċerka.

Rakkomandazzjoni 4 – Isir titjib fil-monitoraġġ tal-EUTF għall-Afrika

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi sistema komuni ta’ monitoraġġ li hija kompletament operazzjonali għall-EUTF għall-Afrika. Filwaqt li żżomm il-flessibbiltà neċessarja, il-Kummissjoni qed tieħu miżuri biex sa fejn possibbli tinkludi objettivi SMART fl-oqfsa loġiċi tal-proġetti, u biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-indikaturi. Barra minn hekk, fil-qafas tal-QFS futur, il-programm il-ġdid propost “Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali” (COM(2018) 460), jipprevedi dispożizzjoni speċjali, l-Artikolu 31, dwar l-evalwazzjoni, ir-rappurtar u l-monitoraġġ.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AF: Skeda Informattiva ta’ Azzjoni: Dokument li fih l-informazzjoni kollha rilevanti dwar proġett jew programm

CA: Ftehim Kostituttiv: Id-dokument li jistabbilixxi l-EUTF għall-Afrika

DĠ NEAR: Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir

DĠ DEVCO: Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp

EUDEL: Delegazzjoni tal-UE

EUTF għall-Afrika: Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika

FEŻ: Fond Ewropew għall-Iżvilupp

HoA: Żona/reġjun tal-Qarn tal-Afrika

IcSP: L-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi

Kummissjoni: Kummissjoni Ewropea

NoA: Żona/reġjun tal-Afrika ta’ Fuq

OpCom: Kumitat Operazzjonali

PIE: Pjan ta' Investiment Estern

REF: Faċilità ta' Riċerka u Evidenza

SEAE: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

SLC: Żona/reġjun tas-Saħel u l-Lag Chad

SM: Stati Membri tal-UE

TF: Fond Fiduċjarju

UNDP: Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti

Noti finali

1 L-Artikolu 187 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1)) jipprovdi l-qafas legali għall-istabbiliment ta’ fondi fiduċjarji tal-UE għal azzjonijiet esterni. Fir-Regolament Finanzjarju 2018 (ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1)), li daħal fis-seħħ fit-2.8.2018, dan huwa previst fl-Artikolu 234.

2 L-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju tal-2012, issa l-Artikolu 62 (1)(c) tar-Regolament Finanzjarju 2018.

3 Il-Ftehim Kostituttiv huwa dokument imfassal mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri tal-UE u minn donaturi oħra.

4 Il-fondi l-oħra huma: (a) it-TF Bêkou għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li ġie stabbilit f’Lulju 2014 biex jappoġġa l-ħruġ tal-pajjiż mill-kriżi u r-rikostruzzjoni tiegħu; (b) it-TF Madad, li ġie stabbilit f’Diċembru 2014 b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana; u (c) it-TF għall-Kolombja, li ġie stabbilit fl-2016 biex jappoġġa l-proċess ta’ wara l-kunflitti.

5 Għall-bidu, l-EUTF għall-Afrika kien ikopri 23 pajjiż. Il-Bord tat-TF iddeċieda li jinkludi l-Ghana, il-Guinea u l-Kosta tal-Avorju fit-tieni laqgħa tiegħu li saret fit-13.12.2016.

6 L-Istati Membri tal-UE li ma kkontribwewx għall-EUTF għall-Afrika jistgħu wkoll jipparteċipaw bħala osservaturi.

7 Persunal mid-DĠ DEVCO (li jippresiedi l-OpComs tal-SLC u l-HoA), mid-DĠ NEAR (li jippresiedi l-OpCom tal-NoA), mid-DĠ ECHO, mid-DĠ HOME, u persunal mis-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija.

8 Id-Delegazzjoni tal-UE għal-Libja ġiet rilokata f’Tuneż minħabba t-tifqigħa ta’ ostilitajiet armati li seħħet fi tmiem l-2014.

9 Intbagħat kwestjonarju lill-pajjiżi parteċipanti kollha fl-EUTF għall-Afrika (21 minn 28 irrispondew). Saru intervisti separati ma’ rappreżentanti mill-Istati Membri li jikkontribwixxu l-aktar għat-TF (il-Ġermanja u l-Italja), ma’ dawk li għandhom proġetti fin-Niġer u fil-Libja (Franza u l-Lussemburgu) u ma’ Stati Membri magħżula oħra (bħall-Belġju, il-Portugall u l-Iżvezja).

10 Il-Premessa 18 tal-Ftehim Kostituttiv: Il-Fond Fiduċjarju se jilħaq l-objettivi tiegħu permezz tal-aggregazzjoni tar-riżorsi u tal-kapaċità li janalizza, jidentifika u jimplimenta l-azzjonijiet, u b’mod partikolari dawk tad-donaturi attivi fir-reġjuni. L-għan huwa li jiġu sfruttati l-istrumenti u l-għarfien espert tal-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE biex b’hekk tiġi żviluppata reazzjoni Ewropea solida.

11 L-Artikolu 2 (Objettivi tal-fond fiduċjarju) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-EUTF għall-Afrika (il-Ftehim Kostituttiv). Il-Ftehim Kostituttiv huwa dokument imfassal mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri parteċipanti tal-UE.

12 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7293 tal-20.10.2015 dwar l-istabbiliment tal-EUTF għall-Afrika.

13 Dawn jinkludu: (a) Opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg akbar, (b) tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunitajiet, (c) ġestjoni tal-migrazzjoni mtejba fil-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, (d) Titjib fil-governanza u l-prevenzjoni ta' kunflitti.

14 https://ec.europa.eu/europeaid/eu-emergency-trust-fund-strategic-orientation-document_en

15 Il-qafas operazzjonali għat-tliet żoni ġie approvat fid-dati li ġejjin: l-SLC (15.2.2016), l-HoA (31.5.2016), l-NoA (16.12.2016).

16 Fihom infushom, il-linji bażi huma punti tat-tluq iddefiniti b’mod ċar, li permezz tagħhom tibda l-implimentazzjoni u jiġi vvalutat it-titjib.

17 Il-Premessa 18 tal-Ftehim Kostituttiv.

18 L-REF għal din iż-żona kienet wettqet analiżi tad-dokumentazzjoni li vvalutat l-istat tar-riċerka dwar il-migrazzjoni, l-ispostament u l-kunflitti fil-Qarn tal-Afrika, li tqis ukoll il-firxa ta’ atturi li attwalment qed jaħdmu fuq il-migrazzjoni u l-kunflitti fil-Qarn.

19 Il-lezzjonijiet meħuda huma komunement mifhuma bħala ġeneralizzazzjonijiet ibbażati fuq esperjenzi ta’ evalwazzjoni tal-punti pożittivi jew tad-dgħufijiet fit-tħejjija, it-tfassil, u l-implimentazzjoni li jaffettwaw il-prestazzjoni, l-eżitu, u l-impatt. Glossary of Key Terms in Evaluation and Results Based Management (Glossarju ta’ Termini Ewlenin fl-Evalwazzjoni u l-Ġestjoni Bbażata fuq ir-Riżultati), l-OECD 2002.

20 Ir-Regolament Finanzjarju jiddikjara li “l-fondi fiduċjarji tal-Unjoni għandhom iġibu […] kontroll aħjar tal-Unjoni ta’ riskji” (l-Artikolu 187 3.b).

21 Fir-raba’ laqgħa tal-Bord tal-Fond Fiduċjarju li saret f’April 2018, żewġ pajjiżi addizzjonali semmew il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-monitoraġġ tar-riskji fil-proġetti kollha u li jkompli jsir titjib fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

22 Dawn il-kriterji huma: (a) tingħata reazzjoni għal-loġika doppja: tiġi pprevenuta l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament sfurzat, kif ukoll tiġi ffaċilitata ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, jew jinbena approċċ komprensiv għall-istabbiltà, is-sigurtà u r-reżiljenza; (b) jiġi rrispettat l-ambitu tematiku u ġeografiku ta’ kull strument finanzjarju kontribwenti u r-regolament rispettiv tagħhom, speċjalment rigward ir-regoli tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA); (c) jiġu rrispettati l-oqsma speċifiċi ta’ azzjoni identifikati fil-qafas operazzjonali; (d) ikun hemm komplementarjetà ma’ azzjonijiet oħra tal-UE u tal-Istati Membri fir-reġjun; (e) ikun hemm qbil mal-awtoritajiet benefiċjarji.

23 Il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Operazzjonali tal-SLC tal-14.1.2016 u tat-18.4.2016.

24 L-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OpCom jiddikjara li d-dokumenti tal-laqgħa jridu jiġu ppreżentati, kemm jista’ jkun, mill-inqas 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa. Pereżempju, il-minuti tal-ħames laqgħa tal-OpCom tal-HoA li saret f’Diċembru 2017 jiddikjaraw li: Il-Kumitat Operazzjonali rreġistra t-tħassib serju tiegħu dwar id-distribuzzjoni tardiva tad-dokumentazzjoni għal-laqgħa… Fil-futur, id-dokumentazzjoni għandha titqassam ferm minn qabel (tliet ġimgħat).

25 L-Artikolu 6.6.5.

26 L-ewwel laqgħa tal-OpCom li saret f’Jannar 2016 adottat il-Proġett Nru 8 fin-Niġer. Matul il-fażi tat-tħejjija/tan-negozjar, l-aġenziji tal-Istati Membri pproponew li jbiddlu l-objettivi tal-azzjoni. B’riżultat ta’ dan, id-Deskrizzjoni tal-Azzjoni li ġiet iffirmata f’Settembru 2016 kienet tvarja b’mod sostanzjali mill-Iskeda Informattiva ta’ Azzjoni li ġiet adottata mill-OpCom. L-OpCom tal-SLC ma kienx ġie nnotifikat dwar din il-modifika.

27 Dawn il-laqgħat seħħew fis-16.12.2015 u fis-26.2.2018.

28 Tnejn minnhom jirrigwardaw il-Faċilità ta' Riċerka u Evidenza u l-Faċilità ta’ Kooperazzjoni Teknika.

29 L-Artikolu 187(3)(b) tar-Regolament Finanzjarju jiddikjara li l-fondi fiduċjarji tal-UE “ma għandhomx jinħolqu jekk jidduplikaw biss kanali oħrajn ġa eżistenti ta’ finanzjament jew strumenti simili mingħajr ma jipprovdu addizzjonalità”.

30 Dan ir-rekwiżit huwa stipulat fit-Taqsima 2 tad-Dokument ta’ Orjentazzjoni Strateġika, dwar il-komplementarjetà (p. 11): Il-Fond Fiduċjarju se jkopri l-lakuni, kemm f’termini ġeografiċi kif ukoll dawk tematiċi, li mhumiex koperti minn mezzi oħra jew minn sħab oħra fil-qasam tal-iżvilupp (inklużi l-Istati Membri tal-UE). Dan se jkun jeħtieġ li jiġi indikat għal kull proġett approvat.

31 Ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, l-Artikolu 3 – Għan.

32 Il-Premessa 10 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7293 tal-20 ta’ Ottubru 2015 tiddikjara li l-Fond Fiduċjarju se jipprovdi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha strument rapidu u flessibbli biex jagħtu riżultati immedjati u konkreti f’sitwazzjonijiet fraġli sensittivi u li jinbidlu malajr.

33 Bi “strumenti tradizzjonali tal-iżvilupp”, aħna nifhmu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-istrumenti taħt il-baġit tal-UE li jistgħu jiffinanzjaw attivitajiet fis-26 pajjiż Afrikan li huma koperti mill-EUTF għall-Afrika, jiġifieri l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

34 L-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tħaffef l-ikkuntrattar jinkludu: ittri mibgħuta lill-Istati Membri u diskussjonijiet mal-aġenziji ta’ implimentazzjoni tagħhom fil-Practitioners’ Network for European Development Cooperation (Netwerk tal-Professjonisti għall-Kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp), pjattaforma ta’ koordinazzjoni magħmula minn 15-il aġenzija ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri.

35 L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi.

36 Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2017 - Service for Foreign Policy Instruments (is-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija) – l-Anness 12 “Performance tables” (“Tabelli tal-prestazzjoni”), p. 139.

37 L-appoġġ baġitarju għan-Niġer (il-Proġett Nru 12) jirrappreżenta 7 % tal-fondi żborżati totali.

38 Deskrizzjoni fil-qosor ta’ proġett li fiha l-objettivi, il-miri u l-indikaturi.

39 Il-Proġett Nru 11 iddewwem bi 3.5 xhur; il-Proġett Nru 5 ddewwem b’7 xhur, u l-Proġett Nru 4, proġett ta’ sentejn, li issa jeħtieġ li jiġi estiż sabiex jagħti r-riżultati prinċipali tiegħu.

40 Monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati. Is-sistema MOR ġiet stabbilita mill-EuropeAid fl-2000 biex issaħħaħ il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-trasparenza tal-għajnuna għall-iżvilupp. Hija bbażata fuq valutazzjonijiet qosra, ffukati u fuq il-post li jitwettqu minn esperti esterni. Hija tuża metodoloġija strutturata u konsistenti bi tqabbil ma’ ħames kriterji: rilevanza, effiċjenza, effettività, impatt potenzjali u sostenibbiltà probabbli.

41 Speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, rilevanti u marbuta mal-ħin.

42 Dan japplika għall-proġetti li ġejjin: il-Proġetti Nri 4, 5, 7, 11, 13, 17, 18, 19 u 20.

43 Fil-Proġett Nru 7, l-indikaturi pprovdew ċifri li juru l-ilħuq tal-miri dwar l-assistenza fiċ-ċentri ta’ tranżitu u r-ritorni volontarji assistiti (eż. 380 %, 415 %, 225 %, eċċ.) iżda mingħajr l-ebda stima tal-linji bażi għat-tqabbil.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 28.11.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 30.7.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 16.10.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 19.11.2018

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna/Sigurtà u ġustizzja, immexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA, li kienet ukoll il-Membru Relatur għal dan ir-rapport. Is-Sinjura Jakobsen ingħatat appoġġ minn Katja Mattfolk, Kap tal-Kabinett u Kim Storup, Attaché tal-Kabinett; Beatrix Lesiewicz, Maniġer Prinċipali; Emmanuel-Douglas Hellinakis, Kap tal-Kompitu; Laura Gores, Attaché, Jiri Lang u Piotr Zych, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Katja Mattfolk, Kim Storup, Emmanuel-Douglas Hellinakis, Jiri Lang, Bettina Jakobsen, Piotr Zych.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-847-1349-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/631354 QJ-AB-18-029-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1304-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/44118 QJ-AB-18-029-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.